KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑3 ta’ Frar 2022 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑65/21 P u C‑73/21 P sa C‑75/21 P

SGL Carbon SE (C‑65/21 P)

Química del Nalón SA, li kienet Industrial Química del Nalón SA (C‑73/21 P)

Deza a.s. (C‑74/21 P)

Bilbaína de Alquitranes SA (C‑75/21 P)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Rikors għad-danni – Ambjent – Klassifikazzjoni, ittikkettjar u l-ippakkjar ta’ sustanzi u taħlitiet – Klassifikazzjoni taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dmir ta’ diliġenza”

I. Introduzzjoni

1.

Id-dmir ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea, mifhum bħala l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, jikkostitwixxi dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni? Din hija l-kwistjoni ta’ prinċipju li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina fil-kuntest tal-eżami tal-aggravju invokat mill-appellanti insostenn tal-appelli tagħhom ippreżentati kontra erba’ sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ( 2 ).

2.

Fis-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi għad-danni ta’ diversi manifatturi taż-żift tal-qatran tal-faħam b’temperatura għolja (iktar ’il quddiem iż-“ŻQFTGĦ ”) ( 3 ) li allegatament sofrew dannu li jirriżulta mill-klassifikazzjoni żbaljata ta’ din is-sustanza bħala perikoluża għall-ambjent akwatiku. Peress li din il-klassifikazzjoni kienet il-konsegwenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ikkonstatat fis-sentenzi preċedenti tal-Qorti Ġenerali ( 4 ) u tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ), l-illegalità tal-att li kkawża d-dannu invokat ma hijiex ikkontestata. Madankollu, l-illegalità ta’ att ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Fost il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex dan ikun il-każ, wieħed isib, b’mod partikolari, dik li tirrikjedi li d-dannu jkun ir-riżultat tal-ksur ta’ dispożizzjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. F’dan il-każ tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk l-obbligu tal-amministrazzjoni tal-Unjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha jikkostitwixxix tali dispożizzjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

3.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 ( 6 ) jipprevedi:

“Sustanza jew taħlita li tissodisfa l-kriterji relatati ma’ perikli fiżiċi, perikli tas-saħħa jew perikli ambjentali, imniżżla fil-partijiet 2 sa 5 ta’ l-Anness I hija perikoluża u għandha tiġi kklassifikata f’relazzjoni mal-klassijiet ta’ periklu rispettivi previsti f’dak l-Anness.”

4.

L-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 jippreżenta l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi u tat-taħlitiet fi klassijiet ta’ perikolu. Il-punt 4.1.3.5.5 tiegħu jinkludi d-dispożizzjonijiet li jiddeskrivu metodu ta’ klassifikazzjoni, il-“Metodu ta’ għadd totali”.

III. Il‑fatti li seħħew qabel ir‑rikors għad‑danni

5.

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fid-dettall fis-sentenzi kkontestati, li nirreferi għalihom għal iktar dettalji ( 7 ). Għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri ser nillimita ruħi sabiex infakkar dan li ġej.

6.

Permezz tas-sentenza Bilbaína de Alquitranes et vs Il‑Kummissjoni ( 8 ), il-Qorti Ġenerali annullat ir-Regolament (UE) Nru 944/2013 ( 9 ) sa fejn dan kien jikklassifika ż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

7.

Fil-punti 30 sa 34 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat dan li ġej:

“30.

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, billi kklassifikat iż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) abbażi tal-kostitwenti tagħha, hija naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha sabiex tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rata ta’ preżenza tas-sittax-il kostitwent (idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (iktar ’il quddiem ‘IAP’) fiż-ŻQFTGĦ u l-effetti kimiċi tagħhom.

31.

Fil-fatt, skont il-punt 7.6 tad-dokument ta’ informazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ abbażi tal-kostitwenti tiegħu, ġie preżunt li l-IAP kollha preżenti fiż-ŻQFTGĦ kienu jinħallu fil-fażi tal-ilma u li, għalhekk, kienu disponibbli għal organiżmi akwatiċi. Jissemma wkoll li probabbilment dan iwassal għal sopravalutazzjoni tat-tossiċità taż-ŻQFTGĦ u li, sa fejn il-kompożizzjoni tal-(Water-Accommodated Fraction (frazzjoni adattata għall-ilma)) kienet inċerta, din l-istima tat-tossiċità setgħet titqies bħala l-iktar xenarju sfavorevoli.

32.

Madankollu, la l-Kummissjoni u lanqas l-(Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)) ma kienu f’pożizzjoni li jistabbilixxu quddiem il-Qorti Ġenerali li, billi bbażat il-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410) fuq il-preżunzjoni li l-IAP kollha preżenti f’din is-sustanza kienu jinħallu fil-fażi tal-ilma u kienu disponibbli għall-organiżmi akwatiċi, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li skont il-punt 1.3, intitolat “Proprjetajiet fiżikokimiċi”, tad-dokument ta’ informazzjoni, il-kostitwenti taż-ŻQFTGĦ setgħu jiġu estratti biss minn ŻQFTGĦ sa ċertu limitu u li din is-sustanza wriet stabbiltà għolja.

33.

Fil-fatt, l-ewwel, la l-opinjoni tal-(Kumitat għall-Istima tar-Riskji (iktar ’il quddiem il-‘KIR’)) dwar iż-ŻQFTGĦ u lanqas id-dokument ta’ informazzjoni ma jinkludu raġunament li juri li, bil-preżunzjoni li l-IAP kollha preżenti f’din is-sustanza jinħallu fil-fażi tal-ilma u huma disponibbli għall-organiżmi akwatiċi, ittieħdet inkunsiderazzjoni s-solubbiltà dgħajfa taż-ŻQFTGĦ fl-ilma. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni u l-ECHA setgħu juru biss li s-solubbiltà fl-ilma tas-sittax-il kostitwent IAP meħuda waħedha kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ. Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, il-Kummissjoni u l-ECHA sempliċement indikaw li kien ġie preżunt li l-IAP kollha taż-ŻQFTGĦ kienu jinħallu fl-ilma sa fejn l-eżami tat-tossiċità akwatika ta’ din is-sustanza kien twettaq fuq il-bażi tal-kostitwenti tagħha. Issa, tali raġunament ma jippermettix li jiġi stabbilit li s-solubbiltà dgħajfa ta’ din is-sustanza ttieħdet inkunsiderazzjoni.

34.

It-tieni, għandu jiġi nnotat li, skont il-punt 1.3 tad-dokument ta’ informazzjoni, l-ogħla rata ta’ solubbiltà fl-ilma taż-ŻQFTGĦ fir-rigward ta’ load kienet ta’ massimu 0.0014 %. Fid-dawl ta’ solubbiltà dgħajfa fl-ilma taż-ŻQFTGĦ, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma uriet li tista’ tibbaża l-klassifikazzjoni inkwistjoni ta’ dik is-sustanza fuq l-assunzjoni li abbażi tagħha l-IAP kollu preżenti fiż-ŻQFTGĦ jinħall fil-fażi tal-ilma u li hu disponibbli għal organiżmi akwatiċi. Fil-fatt, mit-tabella 7.6.2 tad-dokument ta’ informazzjoni huwa evidenti li s-sittax-il kostitwent IAP taż-ŻQFTGĦ jikkostitwixxu 9.2 % ta’ dik is-sustanza. Għalhekk, meta telqet mill-ipoteżi li l-IAP kollu jinħall fl-ilma, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat il-klassifikazzjoni inkwistjoni fuq l-ipoteżi li 9.2 % taż-ŻQFTGĦ seta’ jinħall fl-ilma. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 1.3 tad-dokument ta’ informazzjoni, dan il-valur ma huwiex realistiku, peress illi r-rata massima hija ta’ 0.0014 %.”

8.

Il-Kummissjoni appellat minn din is-sentenza.

9.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell tal-Kummissjoni permezz tas-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et ( 10 ).

10.

Fil-punti 39 u 46 sa 55 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod partikolari, dan li ġej:

“39. Huwa minnu li l-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jipprevedix l-użu ta’ kriterji oħrajn minbarra dawk espressament imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni ma tipprekludi espressament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra li jistgħu jkunu rilevanti għall-klassifikazzjoni ta’ sustanza UVCB.

[…]

46. L-applikazzjoni stretta u awtomatika tal-metodu tal-addizzjoni fiċ-ċirkustanzi kollha tista’ twassal biex tiġi sottovalutata t-tossiċità fil-qasam akwatiku ta’ sustanza UVCB li ftit mill-kostitwenti tagħha jkunu magħrufa. Tali riżultat ma jistax jitqies bħala kompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem imfittex mir-Regolament Nru 1272/2008.

47. B’hekk għandu jitqies li, meta tapplika l-metodu tal-addizzjoni biex tiddetermina jekk sustanza UVCB tifformax parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta u ta’ tossiċità kronika fil-qasam akwatiku, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tillimita l-evalwazzjoni tagħha biss għall-elementi espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, bl-esklużjoni ta’ kull element ieħor. Konformement mal-obbligu ta’ diliġenza tagħha, il-Kummissjoni hija marbuta li teżamina b’kura u b’imparzjalità elementi oħra li, għalkemm mhux espressament ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet imsemmija, huma madankollu rilevanti.

[…]

50. Il-motiv tas-sentenza appellata li jinsab fil-punt 28 tagħha, li jgħid li, ‘sabiex jitqies li sustanza tidħol fil-kategoriji ta’ tossiċità akuta jew kronika, hija din is-sustanza, u mhux biss il-kostitwenti tagħha, li għandha tissodisfa l-kriterji ta’ klassifikazzjoni’, ma huwiex ikkontestat.

51. Il-metodu ta’ klassifikazzjoni msemmi fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 huwa bbażat fuq l-ipoteżi li tgħid li l-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni huma 100 % solubbli. Abbażi ta’ din l-ipoteżi, dan il-metodu tal-addizzjoni jimplika li jeżisti livell ta’ konċentrazzjoni tal-kostitwenti taħt liema l-limitu minimu ta’ 25 % ma jistax jintlaħaq u b’hekk jikkonsisti fil-kalkolu tas-somma tal-konċentrazzjonijiet tal-kostitwenti li jifformaw parti mill-kategoriji ta’ tossiċità akuta jew kronika, meqjusa, kull waħda, mal-fattur M li jikkorrispondi għall-profil ta’ tossiċità tagħhom.

52. Huwa madankollu inerenti għal dan il-metodu li dan jitlef l-affidabbiltà f’sitwazzjonijiet fejn is-somma meqjusa tal-kostitwenti teċċedi l-livell ta’ konċentrazzjoni li jikkorrispondi għal-limitu minimu ta’ 25 % fi proporzjon inferjuri għar-rapport bejn ir-rata ta’ solubbiltà osservata fil-livell tas-sustanza kkunsidrata fl-intier tagħha u r-rata ta’ solubbiltà ipotetika ta’ 100 %. Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, isir b’hekk possibbli li l-metodu tal-addizzjoni jwassal, f’każijiet partikolari, għal riżultat superjuri jew inferjuri għal-livell li jikkorrispondi għal-limitu minimu legali ta’ 25 %, skont jekk titteħidx inkunsiderazzjoni r-rata ta’ solubbiltà ipotetika tal-kostitwenti jew dik tas-sustanza kkunsidrata b’mod sħiħ.

53. Huwa stabbilit li mit-tabella 7.6.2 tal-Anness I tar-rapport mehmuż mal-opinjoni tal-KIR jirriżulta li, minn naħa, il-metodu tal-addizzjoni jwassal għar-riżultat ta’ 14521 % u li, min-naħa l-oħra, dan ir-riżultat huwa 581 darba superjuri għal-livell minimu meħtieġ biex jintlaħaq il-limitu minimu ta’ 25 %, wara li jitqies il-fattur M. Lanqas ma huwa kkontestat li mill-punt 1.3 ta’ dan id-dokument, intitolat ‘Proprjetajiet fiżikokimiċi’, jirriżulta barra minn hekk li r-rata massima ta’ solubbiltà fl-ilma taż-ŻQFTGĦ kienet ta’ 0.0014 %, jiġifieri rata ta’ madwar 71000 darba inferjuri għar-rata ta’ solubbiltà ipotetika ta’ 100 % użata għall-kostitwenti meħuda inkunsiderazzjoni.

54. Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żnaturament jew żball ta’ kwalifika legali tal-fatti li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li ‘mill-ipoteżi li dawn il-[kostitwenti] kollha jinħallu fl-ilma, il-Kummissjoni essenzjalment ibbażat il-klassifikazzjoni inkwistjoni fuq l-ipoteżi li 9.2 % taż-ŻQFTGĦ seta’ jiddissolvi fl-ilma. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 1.3 tad-dokument ta’ informazzjoni [anness mal-opinjoni tal-KIR], tali valur ma huwiex realistiku, peress li r-rata massima hija ta’ 0.0014 %’.

55. Wara li kkonstatat, fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li ‘la l-Kummissjoni u lanqas l-ECHA ma [kienu] f’pożizzjoni li jistabbilixxu […] li […] il-Kummissjoni [kienet] ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-punt 1.3., intitolat ‘Proprjetajiet fiżikokimiċi’, tad-dokument ta’ informazzjoni (anness mal-opinjoni tal-KIR), il-kostitwenti taż-ŻQFTGĦ setgħu biss jiġu estratti miż-ŻQFTGĦ b’mod limitat u li din is-sustanza kienet tippreżenta stabbiltà kbira’, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, iddeċidiet fil-punt 30 tas-sentenza msemmija li ‘l-Kummissjoni [kienet] wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn, meta kklassifikat iż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija1 (H410) abbażi tal-kostitwenti tiegħu, din [kienet] naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti sabiex tieħu debitament inkunsiderazzjoni r-rata ta’ preżenza tas-sittax-il kostitwent […] fiż-ŻQFTGĦ u l-effetti kimiċi tagħhom’.”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenzi appellati

11.

Permezz ta’ sitt rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Ottubru 2018, ir-rikorrenti u żewġ kumpanniji oħra ppreżentaw rikorsi għad-danni intiżi sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu allegatament subit minħabba l-klassifikazzjoni illegali taż-ŻQFTGĦ fost is-sustanzi ta’ tossiċità akwatika akuta tal-kategorija 1 (H400) u ta’ tossiċità akwatika kronika tal-kategorija 1 (H410).

12.

Permezz ta’ sitt sentenzi mogħtija fis‑16 ta’ Diċembru 2020, li fosthom hemm is-sentenzi kkontestati ( 11 ), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn ir-rikorsi.

13.

Fil-punti 70, 71, 96, 98 u 114 tal-ewwel sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat dan li ġej:

“70. Fi kwalunkwe każ, ir-risposta għall-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, il-ksur tar-regola tal-metodu tal-addizzjoni li fuqu hija bbażata l-klassifikazzjoni illegali taż-ŻQFTGĦ tistax jew le tiġi invokata insostenn ta’ din it-talba għad-danni, mill-perspettiva taż-żieda jew tal-aggravament ta’ obbligi li jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, tkun deċiżiva għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża biss fil-każ fejn dan il-ksur ikun suffiċjentement serju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, liema ħaġa għandha tiġi eżaminata iktar ’il quddiem[ ( 12 )].

71. Fir-rigward tal-ksur tad-dmir ta’ diliġenza inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kif allegat mir-rikorrenti fir-replika tagħha, għandu jiġi kkonstatat li, formalment, fir-rikors, ir-rikorrenti ma kinitx allegat b’mod speċifiku u awtonomu l-ksur tal-imsemmi dmir ta’ diliġenza insostenn tat-talba tagħha għad-danni. Lanqas ma jidher li din l-allegazzjoni tista’ titqies bħala amplifikazzjoni ta’ argument li diġà jinsab fir-rikors. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn hija bbażata fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza, it-talba għad-danni għandha, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-risposti għal domanda bil-miktub mibgħuta lir-rikorrenti f’dan ir-rigward, tiġi ddikjarata inammissibbli [ ( 13 )].

[…]

96. Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kriterju dwar il-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tar-regola miksura, jiġifieri l-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008, għandu jiġi rrilevat li, skont il-formulazzjoni ta’ dan il-punt, il-metodu tal-addizzjoni jippreżenta ruħu bħala kalkolu kważi mekkaniku, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tivverifika jekk is-somma tal-konċentrazzjonijiet (f’perċentwali) tal-kostitwenti tossiċi ħafna tat-taħlita mmultiplikati bil-fatturi M korrispondenti tagħhom hijiex ugwali jew ogħla minn 25 %. Jekk dan huwa l-każ, it-taħlita, f’dan il-każ iż-ŻQFTGĦ, ‘hija kklassifikata’ fil-kategoriji ta’ tossiċità akigerata [akuta] […] jew kronika 1 […] Il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tal-imsemmi regolament ma jipprevedix b’mod espliċitu l-użu ta’ kriterji oħra minbarra dawk espressament imsemmija f’din id-dispożizzjoni [ ( 14 )].

[…]

98. Għaldaqstant, il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jistax jitqies li kkostitwixxa, fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 944/2013, regola ċara ħafna fir-rigward tal-eżistenza tal-marġni ta’ diskrezzjoni li kellha l-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni. Il-formulazzjoni tiegħu ma tissuġġerixxix l-eżistenza ta’ tali setgħa diskrezzjonali u fuq kollox ma ssemmix li s-solubbiltà ta’ taħlita hija fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali u b’mod iktar partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxew l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni, li kellu jwassal lill-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra minbarra dawk espressament imsemmija fil-punt 4.1.3.5.5, billi bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet li ma jirriżultawx direttament, u lanqas b’mod espliċitu, mill-formulazzjoni tal-imsemmi punt stess. B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kuntest regolatorju iktar ġenerali, jiġifieri b’mod partikolari l-fatt li l-metodu tas-somma ma jinjorax il-limitazzjonijiet metodoloġiċi […] Dawn id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni li jikkomplikaw l-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni u li l-imsemmija sentenza qiegħda tiżvela barra minn hekk jipprekludu li l-aġir tal-Kummissjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala manifestament u serjament kuntrarju għad-dispożizzjoni legali miksura […] [ ( 15 )].

[…]

114. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni huwa għaldaqstant skużabbli. Minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza u d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu fl-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra minbarra dawk espressament previsti fl-applikazzjoni tal-metodu tal-addizzjoni, l-aġir tal-Kummissjoni ma huwiex imbiegħed minn dak li jista’ raġonevolment jiġi mistenni minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti f’sitwazzjoni analoga, jiġifieri sitwazzjoni kkaratterizzata minn kumplessità xjentifika marbuta mal-klassifikazzjoni ta’ sustanza ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa bħaż-ŻQFTGĦ bl-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Tali aġir ma huwiex ekwivalenti għal ksur manifest u serju tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, l-iżball imwettaq ma jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali b’tali mod li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fi kwalunkwe każ, ma hijiex stabbilita f’dan il-każ. Din il-konstatazzjoni tapplika kemm għall-ksur tal-metodu tal-addizzjoni kif ukoll, għall-kompletezza u għal raġunijiet esposti iktar ’il fuq, għall-ksur allegat tad-dmir ta’ diliġenza [ ( 16 )].”

V. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

14.

Permezz tal-appelli tagħhom, ippreżentati f’termini identiċi u rreġistrati bin-Numri C‑65/21 P, C‑73/21 P, C‑74/21 P u C‑75/21 P, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenzi appellati;

tibgħat lura l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid;

tirriżerva l-kwistjoni tal-ispejjeż ta’ din il-proċedura, li l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar dan il-punt meta hija tkun ipproċediet għall-eżami mill-ġdid tal-kawża.

15.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16.

Ir-Renju ta’ Spanja, li intervjena insostenn tal-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17.

Il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tas-sentenza. Ma nżammitx seduta.

VI. Analiżi

A.   Fuq il‑portata tal‑appelli u ta’ dawn il‑konklużjonijiet

18.

L-appellanti ppreżentaw l-appelli kontra s-sentenzi appellati li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tagħhom għad-danni. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali aċċettat, abbażi tas-sentenzi Bilbaína de Alquitranes et vs Il‑Kummissjoni u ( 17 ) Il‑Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et ( 18 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi ta’ annullament”), li l-att li allegatament ikkawża d-dannu lir-rikorrenti kien illegali minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni. Madankollu, hija ddeċidiet li dan l-iżball kien skużabbli u, għaldaqstant, ma kienx jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali, b’tali mod li f’dan il-każ ma kienx hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 19 ).

19.

L-appelli tal-appellanti huma bbażati fuq sitt aggravji bbażati, l-ewwel, fuq l-iżball imwettaq mill-Qorti Ġenerali li ċaħdet l-argument tagħhom ibbażat fuq id-dmir ta’ diliġenza, it-tieni, fuq żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali li kkonkludiet li ma kienx jeżisti preċedent ċar, it-tielet, fuq il-konklużjoni żbaljata li l-kuntest ġuridiku kien kumpless, ir-raba’, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ prudenza u ta’ diliġenza, il-ħames, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenzi appellati u, fl-aħħar, is-sitta, fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali meta kkunsidrat li l-approċċ tal-Kummissjoni seta’ jiġi skużat abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni.

20.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati għall-analiżi tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-appelli. Issa, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tidher li tikkoinċidi mal-ewwel aggravju tal-appell sa fejn it-tnejn jirrigwardaw il-kwistjoni tad-diliġenza tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, qabel kollox, għandha tiġi analizzata r-relazzjoni bejnha u l-ewwel aggravju tal-appelli sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti kollha tal-problematika komuni għaż-żewġ aggravji tal-appelli.

B.   L‑argumenti tal‑partijiet

1. L‑ewwel aggravju tal‑appelli

21.

Permezz tal-ewwel aggravju tal-appelli, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet ( 20 ) bħala inammissibbli l-argument tagħhom ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li dan l-argument, imqajjem fir-repliki, kellu jiġi distint minn dak, ippreżentat fir-rikorsi, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni sa fejn naqset milli teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha għall-finijiet tal-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ. L-appellanti jirreferu, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Bilbao de Alquitranes et ( 21 ),li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta istituzzjoni tonqos milli teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha, hija neċessarjament tikser l-obbligu ta’ diliġenza tagħha. Konsegwentement, fil-fehma tagħhom, l-argument ibbażat fuq l-eżistenza ta’ ksur tad-dmir ta’ diliġenza ma kellux jiġi invokat separatament u b’mod indipendenti, daqslikieku kien argument awtonomu ( 22 ).

22.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tqis li l-argument ibbażat fuq il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza huwa ineffettiv peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi billi kkonstatat li l-iżball imwettaq ma jikkostitwixxix ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali.

23.

Il-Gvern Spanjol jirrileva li l-ksur tad-dmir ta’ diliġenza kellu jiġi allegat mill-appellanti b’mod speċifiku u awtonomu fir-rikorsi. Inkella, il-kundizzjoni li timponi li tiġi speċifikata d-dispożizzjoni legali miksura tkun issodisfatta b’mod impliċitu f’kull talba għal kumpens, peress li d-dmir ta’ diliġenza huwa inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u japplika b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-istituzzjonijiet.

2. L‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju tal‑appelli

24.

Fil-kuntest tar-raba’ aggravju tal-appelli, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni aġixxiet bħala amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti u li l-iżball tagħha fil-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ kien b’hekk skużabbli. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, huma jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma wettqitx l-analiżi tagħha fir-rigward tat-talbiet li huma kienu fformulaw. Minflok ma vverifikat jekk is-solubbiltà kinitx espressament imsemmija bħala waħda mill-elementi rilevanti fir-Regolament Nru 1272/2008, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk il-Kummissjoni kinitx osservat il-prinċipju ta’ dritt kostanti li jirrikjedi li l-elementi rilevanti kollha jittieħdu inkunsiderazzjoni.

25.

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-ECHA, tqis li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u infondat. Madankollu, fir-risposta tagħha, hija tippreżenta argumenti dwar it-tieni parti ta’ dan l-aggravju, li ma huwiex is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.

26.

Il-Gvern Spanjol huwa tal-opinjoni li l-iżball allegat fir-raba’ aggravju tal-appell ma jistax jintlaqa’. Huwa jirrileva li l-prinċipju ta’ diliġenza jirrikjedi li jiġi evalwat jekk, fil-kuntest tal-azzjoni amministrattiva inkwistjoni, ġiex applikat livell minimu ta’ diliġenza aċċettabbli, jekk dan il-livell kienx raġonevoli meta mqabbel maċ-ċirkustanzi tal-każ, proporzjonat fir-rigward tal-importanza tal-kawża, kif ukoll konformi ma’ dak normalment applikat mill-korp amministrattiv f’każijiet simili.

3. Relazzjoni bejn l‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju u l‑ewwel aggravju tal‑appelli

27.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li d-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni huwa mqajjem f’dawn iż-żewġ motivi f’kuntesti differenti. Filwaqt li, fl-ewwel aggravju, dan id-dmir huwa espressament ikkwalifikat bħala dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi, fil-kuntest tar-raba’ aggravju huwa pjuttost ittrattat bħala kriterju ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ta’ dispożizzjoni legali.

28.

Madankollu, irrispettivament mill-formulazzjonijiet eżatti u mill-kuntesti, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat li, fiż-żewġ każijiet, hemm il-ksur mill-Kummissjoni tal-istess obbligu ta’ diliġenza, mifhum bħala l-obbligu li jiġu eżaminati l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni li fuqhom hija bbażata l-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, l-appellanti jispjegaw, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appelli tagħhom, li d-dmir ta’ diliġenza invokat fir-repliki tagħhom kellu jinftiehem bħala l-ekwivalenti tal-obbligu tal-amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Il-ksur ta’ dan l-obbligu wassal għall-ilment li huwa s-suġġett tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-appelli.

29.

Dan l-obbligu jikkostitwixxi dispożizzjoni li tagħti drittijiet lill-individwi li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni?

C.   Fuq il‑klassifikazzjoni tad‑dmir ta’ diliġenza

1. Il‑kundizzjoni tar‑responsabbiltà mhux kuntrattwali tal‑Unjoni dwar il‑ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill‑individwi

a) Il‑komponent doppju ta’ din il‑kundizzjoni

30.

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huwa suġġett għall-eżistenza ta’ tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel, l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (iktar ’il quddiem l-“ewwel kundizzjoni”), it-tieni, ir-realtà tad-dannu u, it-tielet, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ksur tal-obbligu li għandu l-awtur tal-att u d-dannu subit mill-persuni leżi ( 23 ).

31.

In-natura kumulattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet tfisser li, meta waħda minnhom ma tkunx issodisfatta, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma tistax tiġi stabbilita ( 24 ). Din hija r-raġuni għalfejn, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, peress li kkonstatat li l-iżball tal-Kummissjoni fil-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ ma kienx jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali, ikkonkludiet li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma kinitx stabbilita u, għaldaqstant, ma wettqitx l-analiżi tal-kundizzjonijiet l-oħra dwar din ir-responsabbiltà.

32.

Kemm l-appelli kif ukoll dawn il-konklużjonijiet jikkonċernaw l-ewwel kundizzjoni.

33.

Din il-kundizzjoni tinkludi żewġ partijiet distinti relatati, l-ewwel, man-natura tad-dispożizzjoni li l-ksur tagħha jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (“dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi”) u, it-tieni, mal-gravità tal-ksur tad-dispożizzjoni miksura (“ksur suffiċjentement serju”). Dawn iż-żewġ partijiet jikkostitwixxu żewġ sottokundizzjonijiet kumulattivi tal-ewwel kundizzjoni, b’tali mod li l-ewwel kundizzjoni ma hijiex issodisfatta jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta.

b) Il‑kunċett ta’ “dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi”

34.

Komponent ewlieni tal-ewwel kundizzjoni, il-kunċett ta’ “dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi” ttieħed mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisprudenza tagħha dwar ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għal ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 25 ). Wara li ssostitwietha għall-kunċett użat qabel, jiġifieri dak ta’ “dispożizzjoni superjuri legali li tipproteġi lill-individwi”, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju ta’ paralleliżmu bejn, minn naħa, ir-responsabbiltà tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi bħala riżultat tal-ksur tal-liġi tal-Unjoni ( 26 ).

35.

B’mod iktar partikolari, fis-sentenza tagħha Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni ( 27 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rreferiet għas-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame ( 28 ), iddeċidiet li l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt Komunitarju ma għandhomx, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni partikolari, ikunu differenti minn dawk li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Unjoni f’ċirkustanzi paragunabbli ( 29 ).

36.

B’hekk, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni tista’ tiġi stabbilita mhux minħabba kull ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, iżda biss minħabba l-ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi ( 30 ).

37.

Kif tispjegaha l-Qorti tal-Ġustizzja, din ir-restrizzjoni għandha l-għan, bla ħsara għar-regoli applikabbli f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ att tal-Unjoni, li tillimita l-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà biss għas-sitwazzjonijiet li fihom l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni kkawża dannu lil individwu billi jippreġudika l-interessi tiegħu speċifikament protetti mid-dritt tal-Unjoni ( 31 ).

38.

Fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-kunċett ta’ “dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi” huwa madankollu interpretat b’mod wiesa’ ( 32 ). Il-prinċipji li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem li b’hekk ġew ikklassifikati, bħall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-intrapriżi, in-nuqqas ta’ retroattività tad-deċiżjonijiet, il-proporzjonalità, l-osservanza tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ( 33 ). Huma biss id-dispożizzjonijiet ta’ proċedura pura jew ta’ distribuzzjoni tas-setgħat li ma humiex ikkunsidrati li huma mmirati lejn il-protezzjoni tal-individwi ( 34 ).

c) Il‑kunċett ta’ “ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali”

39.

Fil-ġurisprudenza dwar it-tieni parti tal-ewwel kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lil individwi hija stabbilita meta din timplika ksur manifest u gravi mill-istituzzjoni kkonċernata tal-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha ( 35 ). F’dan ir-rigward, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, il-livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tad-dispożizzjoni miksura kif ukoll il-portata tal-marġni ta’ diskrezzjoni li din id-dispożizzjoni tħalli f’idejn l-istituzzjoni tal-Unjoni ( 36 ). Fir-rigward ta’ dan l-aħħar element, meta istituzzjoni jew korp tal-Unjoni jingħata setgħa diskrezzjonali, huwa biss ksur manifest u gravi, mill-korp kkonċernat, tal-limiti li huma imposti għal din is-setgħa li jista’ jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ).

40.

Fi kwalunkwe każ, b’mod ġenerali, hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma wettqitx, f’ċirkustanzi analogi, amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 38 ).

2. Fuq in‑natura tar‑regoli li jirriżultaw mill‑prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

41.

Ir-rikorsi għad-danni tal-appellanti u l-appelli tagħhom jikkonċernaw l-obbligu tal-amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, peress li dan l-obbligu huwa “awtomatikament” marbut, skont l-appellanti, mal-obbligu ta’ diliġenza, inerenti għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

42.

Dan il-prinċipju (jew dritt) huwa stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Kieku kellu jkun determinanti, sabiex dispożizzjoni titqies li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li din isservi għall-protezzjoni tal-interessi tal-individwi speċifikament protetti mid-dritt tal-Unjoni, l-istabbiliment ta’ din id-dispożizzjoni bħala dritt fundamentali għall-Karta ttemm id-dibattitu dwar in-natura tagħha. Issa, dan ma huwiex il-każ ( 39 ).

43.

Minbarra l-kwistjoni klassika tal-klassifikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Karta bħala li “tistabbilixxi dritt jew prinċipju”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta b’mod ċar li l-ksur ta’ ċerti drittijiet, bħal dak li jirriżulta mill-obbligu tal-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, imsemmija espressament fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, mhux dejjem jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 40 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja stess ma tidhirx li tikkunsidra dan l-istabbiliment tal-Karta bħala determinanti sabiex tikklassifika d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dispożizzjoni li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi. Fil-fatt, kull obbligu tal-amministrazzjoni ma jistax awtomatikament jagħti lok għal dritt suġġettiv tal-individwi.

44.

F’dan ir-rigward, skont il-Qorti Ġenerali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba ma jagħtix, fih innifsu, drittijiet lill-individwi, ħlief meta jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ drittijiet speċifiċi bħad-dritt li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli, id-dritt għal smigħ, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl, u d-dritt għal motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ( 41 ).

45.

Fost tali drittijiet speċifiċi jista’ jkun hemm id-dritt li jikkorrispondi mad-dmir ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni, mifhum bħala l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, fis-sentenza Technische Universität München ( 42 ). Madankollu, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.

46.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha Masdar(UK) vs Il‑Kummissjoni ( 43 ), li l-amministrazzjoni tal-Unjoni tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali għal aġir illegali meta hija ma taġixxix bid-diliġenza kollha meħtieġa u għalhekk tikkawża dannu ( 44 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan l-obbligu ta’ diliġenza huwa inerenti fil-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, japplika b’mod ġenerali għall-azzjoni tal-amministrazzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku ( 45 ) u jimplika li l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha taġixxi b’attenzjoni u kawtela ( 46 ).

47.

Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza kienu jikkonċernaw azzjonijiet li l-Kummissjoni kienet ħadet f’kuntest speċifiku. It-talba għal kumpens tar-rikorrenti kienet ifformulata fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u l-kontraenti tagħha u, min-naħa l-oħra, din il-parti kontraenti u r-rikorrenti bħala s-subappaltatur tal-imsemmija kontraenti. Din it-talba kienet ibbażata, b’mod partikolari, fuq l-allegazzjonijiet li skonthom il-Kummissjoni, li teżerċita s-setgħa tagħha li tissospendi l-ħlas ta’ kuntratt fil-każijiet ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-kontraenti, kellha turi prova ta’ diliġenza sabiex tiżgura ruħha li hija ma kinitx tikkawża żball lis-subappaltatur. Minbarra l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx mal-opinjoni tal-appellanti dwar il-kontenut tal-obbligu ta’ diliġenza f’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkwalifikatx l-obbligu ta’ diliġenza bħala “dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi”.

48.

Tali klassifikazzjoni tidher li hija iktar ta’ spiss aċċettata fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 47 ). Filwaqt li, f’ċerti sentenzi, huwa diffiċli li jiġi deċiż jekk id-dmir ta’ diliġenza huwiex ipperċepit bħala d-dispożizzjoni legali miksura jew bħala l-kriterju ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur ta’ dispożizzjoni oħra ( 48 ), xorta jibqa’ l-fatt li, f’sentenzi oħra, din il-qorti kkonstatat espressament li d-dmir ta’ diliġenza, jew anki l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kellu jiġi kklassifikat bħala “dispożizzjoni legali intiża sabiex tagħti drittijiet lill-individwi” ( 49 ).

49.

Madankollu huwa diffiċli li wieħed jitkellem dwar klassifikazzjoni ċara u inekwivoka ta’ dan l-obbligu. Il-Qorti Ġenerali stess tammetti li d-dmir ta’ diliġenza jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mhux bħala dispożizzjoni li tagħti drittijiet lill-individwi iżda bħala wieħed mill-kriterji sabiex jiġi kkunsidrat li l-irregolarità jew l-iżball imwettaq minn istituzzjoni jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk iservi sabiex “jikkaratterizza” l-ksur ta’ prinċipju ieħor jew ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 50 ).

50.

Fi kwalunkwe każ, il-klassifikazzjoni tad-dmir ta’ diliġenza bħala “dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi” bl-ebda mod ma hija evidenti. L-approċċ wisq flessibbli ta’ din il-klassifikazzjoni ġie kkritikat espliċitament mill-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L‑Ombudsman vs Staelen ( 51 ). Dan indika li kellu dubji dwar ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda dwar jekk il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba jagħtix lok għal kumpens ( 52 ) u kkunsidra li “kwistjoni ta’ ċirkustanzi jekk, f’każ partikolari, jiġi injorat dak il-prinċipju (ta’ diliġenza), dan jinvolvix il-ksur ta’ dritt mogħti lil individwu” ( 53 ).

51.

Jiena naqbel ma’ din il-konklużjoni.

52.

Minn naħa, infakkar ( 54 ) li l-ewwel parti tal-ewwel kundizzjoni hija intiża sabiex tillimita l-istabbiliment ta’ din ir-responsabbiltà biss għas-sitwazzjonijiet li fihom l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni kkawża dannu lil individwu billi ppreġudika l-interessi tiegħu speċifikament protetti mid-dritt tal-Unjoni. Ma narax għalfejn ma jistax ikun hemm fost dawn l-interessi speċifiċi dak tal-individwi li l-kawżi tagħhom jiġu ttrattati minn amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Dan huwa d-dritt tal-individwi li ma jarawx is-sitwazzjoni tagħhom stabbilita mill-amministrazzjoni b’mod arbitrarju u astratt.

53.

Min-naħa l-oħra, fil-fehma tiegħi, huwa impossibbli li jiġi analizzat id-dmir ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni b’mod astratt, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta. L-azzjonijiet tal-amministrazzjoni tal-Unjoni huma ta’ natura differenti. Fir-rigward tal-obbligu tal-amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, dan huwa differenti skont jekk ikunx każ ta’ investigazzjoni ( 55 ), l-eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali ( 56 ), l-adozzjoni ta’ atti ddelegati u atti ta’ eżekuzzjoni ( 57 ), jew proċedura amministrattiva oħra li twassal għad-determinazzjoni tas-sitwazzjoni legali ta’ individwu. Għalkemm, f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, huwa possibbli li jiġi sostnut li l-amministrazzjoni għandha obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, dan l-obbligu għandu madankollu kontenut speċifiku f’kull waħda minnhom, iddeterminat mid-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ.

54.

B’hekk, id-dmir ta’ diliġenza, li huwa obbligu ġenerali tal-amministrazzjoni tal-Unjoni, huwa obbligu ta’ ġeometrija varjabbli. Fil-prattika, f’kull tip ta’ intervent tal-amministrazzjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha għandu jkun ippreċedut mill-analiżi tal-portata tal-kompetenzi tal-amministrazzjoni u tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, iddeterminati mid-dispożizzjonijiet applikabbli f’dan il-każ.

55.

Dan huwa minnu, b’mod partikolari, fir-rigward tal-adozzjoni mill-amministrazzjoni ta’ atti ddelegati jew ta’ eżekuzzjoni ta’ portata ġenerali jew ta’ atti individwali. F’din is-sitwazzjoni, il-portata tal-obbligu ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet applikati f’dan il-każ, peress li dawn jiddeterminaw il-portata tal-kompetenzi tal-amministrazzjoni u tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha. Abbażi tagħhom, l-amministrazzjoni tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Huwa impossibbli li ssir l-analiżi tad-dmir ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta rregolata minn dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa biss flimkien magħhom li d-dmir ta’ diliġenza jista’ jikkostitwixxi dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi li l-ksur tagħhom jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 58 ).

3. Fuq id‑dmir ta’ diliġenza f’dan il‑każ

56.

Ir-rikorrenti jinvokaw, insostenn tat-talbiet tagħhom għal kumpens, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ta’ annullament. Għaldaqstant, għandu jinftiehem li dawn huma bbażati fuq il-ksur tal-obbligu tal-Kummissjoni, kif ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi ta’ annullament. Din hija b’mod partikolari l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali ( 59 ) li skontha “[l-Kummissjoni] naqset mill-obbligu tagħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha” ( 60 ).

57.

F’dan il-kuntest, mis-siltiet tas-sentenzi ta’ annullament iċċitati fil-punti 7 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni twettaq fl-applikazzjoni tar-regoli speċifiċi ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi, li jinsabu fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008. Dan l-iżball, imwettaq fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni legali konkreta, kien jikkonsisti fl-assenza tat-teħid inkunsiderazzjoni dovut, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ, tar-rata ta’ preżenza ġo fih tas-sittax-il kostitwent IAP u tal-effetti kimiċi tagħhom.

58.

Minn dan il-fatt, għandu jiġi kkunsidrat li, kif isostnu ġustament ir-rikorrenti fir-repliki tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, id-dispożizzjoni legali li tagħtihom drittijiet kienet id-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni flimkien mad-dispożizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni tas-sustanzi li jinsabu fil-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008. Il-portata tad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni kienet għalhekk irregolata mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008.

D.   Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju

59.

L-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma analizzatx il-gravità tal-ksur mill-Kummissjoni tad-dmir ta’ diliġenza tagħha, mifhum bħala l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha.

60.

F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenzi appellati, ma analizzatx espressament dan il-punt. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiċħad l-argument ibbażat fuq il-ksur ta’ dan id-dmir.

61.

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa impossibbli li ssir analiżi tal-gravità tal-ksur tad-dmir ta’ diliġenza b’mod astratt, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet legali applikati. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, ma huwiex eskluż li l-analiżi tal-gravità tal-ksur tad-dispożizzjonijiet legali applikati tikkostitwixxi fl-istess ħin l-analiżi tal-gravità tal-ksur tad-dmir ta’ diliġenza fl-applikazzjoni tagħhom. Dan ikun il-każ jekk tali analiżi tkun tirrigwarda ċirkustanzi tal-istess rilevanza għal kull ksur.

62.

Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ f’din il-kawża. Il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenzi ta’ annullament li l-illegalità tal-att ikkontestat kienet dovuta għall-iżball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni li jikkonsisti fl-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha fil-klassifikazzjoni taż-ŻQFTGĦ. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 jirrigwarda r-raġunijiet li għalihom twettaq dan l-iżball, jiġifieri għaliex elementi rilevanti oħra, minbarra dawk espressament imsemmija fl-imsemmi punt, ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni. L-analiżi li tirrigwarda direttament il-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 testendi, fil-fehma tiegħi, awtomatikament għad-dmir ta’ diliġenza tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ċarezza u d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ fatturi oħra minbarra dawk espressament previsti fl-applikazzjoni tal-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 huma żewġ ċirkustanzi rilevanti kemm fir-rigward tal-ksur ta’ dan il-punt kif ukoll fir-rigward tad-dmir ta’ diliġenza fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu. Dawn iċ-ċirkustanzi jikkostitwixxu l-istess difett fl-oriġini ta’ kull wieħed mill-ksur tagħha.

63.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ġustament, minkejja d-deċiżjoni preċedenti tagħha li tiċħad l-argument ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ diliġenza, iddeċidiet ( 61 ), “għall-finijiet ta’ kompletezza”, li l-konstatazzjoni tagħha dwar l-assenza tal-ksur suffiċjentement serju tal-metodu tal-addizzjoni tapplika wkoll, u għall-istess motivi, għall-ksur tad-dmir ta’ diliġenza ( 62 ).

64.

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar in-natura skużabbli tal-iżball imwettaq fl-applikazzjoni tal-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 hijiex korretta. Din il-kwistjoni hija msemmija fit-tieni parti tar-raba’ aggravju, li ma hijiex is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

VII. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-ewwel parti tar-raba’ aggravju tal-appelli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2020, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (T‑639/18, iktar ’il quddiem l-“ewwel sentenza appellata”, mhux ippubblikata, EU:T:2020:628); Industrial Química del Nalón vs Il‑Kummissjoni (T‑635/18, iktar ’il quddiem it-“tieni sentenza appellata, EU:T:2020:624); Deza vs Il‑Kummissjoni (T‑638/18, iktar ’il quddiem it-“tielet sentenza appellata, mhux ippubblikata, EU:T:2020:627), u Bilbaína de Alquitranes vs Il‑Kummissjoni (T‑645/18, iktar ’il quddiem ir-“raba’ sentenza appellata, mhux ippubblikata, EU:T:2020:629) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li huma s-suġġett tal-appelli, rispettivament, fil-Kawżi C‑65/21 P, C‑73/21 P, C‑74/21 P u C‑75/21 P.

( 3 ) Din hija sustanza ta’ kompożizzjoni mhux magħrufa jew varjabbli, tipproduċi reazzjonijiet kumplessi jew materjali bijoloġiċi (iktar ’il quddiem “UVCB”), li ma tistax tiġi kompletament identifikata mill-kompożizzjoni kimika tagħha.

( 4 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il‑Kummissjoni, (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767).

( 5 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Bilbaína de Alquitranes et (C‑691/15 P, EU:C:2017:882).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008, L 353, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1, u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8).

( 7 ) Punti 15 sa 22 tas-sentenzi appellati. Għalkemm is-siltiet essenzjali ta’ dawn is-sentenzi huma fformulati f’termini identiċi, madankollu l-enumerazzjoni tagħhom tvarja. Għall-finijiet ta’ ċarezza, ser nirreferi għalhekk, fil-kuntest tal-analiżi tiegħi, għall-punti tal-ewwel sentenza appellata u ser nindika, fin-noti ta’ qiegħ il-paġna, il-punti korrispondenti tas-sentenzi kkontestati l-oħra.

( 8 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015 (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767).

( 9 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2013 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet (ĠU 2013, L 261, p. 5).

( 10 ) C‑691/15 P, EU:C:2017:882.

( 11 ) Kif ukoll is-sentenzi Tokai erftcarbon vs Il‑Kummissjoni (T‑636/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:625), u Bawtry Carbon International vs Il‑Kummissjoni (T‑637/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:626).

( 12 ) Punti 71, 68 u 71, rispettivament, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ sentenza appellata.

( 13 ) Punti 72, 69 u 72, rispettivament, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ sentenza appellata.

( 14 ) Punti 97, 94 u 97, rispettivament, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ sentenza appellata.

( 15 ) Punti 99, 96 u 99, rispettivament, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ sentenza appellata.

( 16 ) Punti 115, 112 u 115, rispettivament, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ sentenza appellata.

( 17 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015 (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767).

( 18 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017 (C‑691/15 P, EU:C:2017:882).

( 19 ) Punti 114, 115, 112 u 115, rispettivament, tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ sentenza kkontestata.

( 20 ) Fil-punti 71, 72, 69 u 72, rispettivament, tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ sentenza appellata.

( 21 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017 (C‑691/15 P, EU:C:2017:882, punt 35).

( 22 ) Punt 20 tal-appelli.

( 23 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-digriet tat‑12 ta’ Marzu 2020, EMB Consulting et vs BĊE (C‑571/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2020:208, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Molinier, J., u Lotarski, J., Droit du contentieux de l’Union européenne, ir‑raba’ edizzjoni, LGDJ Lextenso, Pariġi, 2012, p. 229.

( 26 ) Molinier, J., u Lotarski, J., op. cit., p. 229.

( 27 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000 (C‑352/98 P, EU:C:2000:361).

( 28 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79.

( 29 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il‑Kummissjoni (C‑352/98 P, EU:C:2000:361, punt 41).

( 30 ) Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il‑Kunsill (C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Sentenza tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni (C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punt 128).

( 32 ) Molinier, J., u Lotarski, J., op.cit., p. 229.

( 33 ) Blumann, C., u Dubouis, L., Droit institutionnel de l’Union européenne, is-sitt edizzjoni, LexisNexis, Pariġi, 2016, p. 748 u 750. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 15); tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il‑Kunsill (T‑43/98, EU:T:2001:279, punt 64), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Pérez Gutiérrez vs Il‑Kummissjoni (T‑168/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:607, punt 31).

( 34 ) Blumann, C., u Dubouis, L., op. cit., p. 748. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il‑Kummissjoni (C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 81); tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 103); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 62), u tal‑25 ta’ Frar 2021, Dalli vs Il‑Kummissjoni (C‑615/19 P, EU:C:2021:133, punti 56 sa 63).

( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2004, L‑Ombudsman vs Lamberts (C‑234/02 P, EU:C:2004:174, punt 49).

( 36 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 37).

( 38 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 43).

( 39 ) F’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi tar-reġistrazzjoni tad-dritt għal amministrazzjoni tajba fil-Karta, ara Jacqué, J‑P., “Le droit à une bonne administration dans la charte des droits fondamentaux de l’Union européenne”, Revue française d’administration publique, Vol. 137 –138, Nri 1–2, 2011, p. 79 sa 83.

( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill (C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 103), u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill (C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punti 6162).

( 41 ) Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2016, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (T‑279/11, mhux ippubblikata, EU:T:2016:683, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991 (C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14).

( 43 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008 (C‑47/07 P, EU:C:2008:726).

( 44 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 91).

( 45 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 92).

( 46 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 93).

( 47 ) Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑167/94, EU:T:1995:169, punti 7576); tad‑29 ta’ April 2015, Staelen vs L‑Ombudsman (T‑217/11, EU:T:2015:238, punt 88), u tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punt 59).

( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1995, Nölle vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑167/94, EU:T:1995:169, punti 7576), kif ukoll tal‑15 ta’ Jannar 2015, Ziegler u Ziegler Relocation vs Il‑Kummissjoni (T‑539/12 u T‑150/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:15), li fihom il-Qorti Ġenerali madankollu kkonstatat li d-dmir ta’ diliġenza (ippreżentat, f’dawn is-sentenzi, rispettivament, bħala “prinċipju ta’ premura” u “obbligu ta’ diliġenza”) għandu natura protettiva, li jidher li huwa riferiment ċar għall-idea ta’ dispożizzjoni li tagħti dritt lill-individwi.

( 49 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il‑Kummissjoni (T‑333/10, EU:T:2013:451, punt 93); tad‑29 ta’ Novembru 2016, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (T‑103/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:682, punti 6768); tat‑28 ta’ Frar 2018, Vakakis kai Synergates vs Il‑Kummissjoni (T‑292/15, EU:T:2018:103, punt 85), u tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punt 59).

( 50 ) Sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015: Schroeder vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑205/14, EU:T:2015:673, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2016:823, punt 47).

( 52 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2016:823, punti 12).

( 53 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2016:823, punt 46). Peress li l-klassifikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ diliġenza bħala “dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi” ma ġietx ikkontestata fl-appell f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar din il-kwistjoni fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256).

( 54 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ April 2017, L‑Ombudsman vs Staelen (C‑337/15 P, EU:C:2017:256, punt 37).

( 56 ) Bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il‑Kummissjoni (C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 93).

( 57 ) Fosthom dawk dwar il-miżuri li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ att, dwar il-miżuri ta’ ġestjoni jew dwar il-miżuri ta’ difiża kummerċjali, skont il-klassifikazzjoni proposta minn Durand, C.-F., “Chapitre V. Typologie des interventions”, f’Auby, J.B., u Dutheil de la Rochère, J., (dir.), Traité de droit administratif européen, it-tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2014, p. 163.

( 58 ) Madankollu, huwa neċessarju wkoll li teżisti rabta kawżali bejn il-ksur tad-dmir ta’ diliġenza u l-applikazzjoni żbaljata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li pprovokaw id-dannu.

( 59 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ottubru 2015, Bilbaína de Alquitranes et vs Il‑Kummissjoni (T‑689/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:767, punt 30).

( 60 ) Ara l-punti 51, 55, 58 u 59 tar-rikors għad-danni fil-Kawża T‑639/18; punti 42, 46, 49 u 50 tar-rikorsi għad-danni fil-Kawżi T‑635/18 u T‑638/18, kif ukoll il-punti 42, 46, 47 u 48 tar-rikors għad-danni fil-Kawża T‑645/18.

( 61 ) Punti 114, 115, 112 u 115, rispettivament, tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ sentenza appellata.

( 62 ) F’dan il-kuntest, jiena tal-opinjoni li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tal-appellanti bbażat fuq id-dmir ta’ diliġenza, dan l-argument finalment ittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha, peress li l-analiżi mwettqa fir-rigward tal-punt 4.1.3.5.5 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1272/2008 tapplika wkoll għad-dmir ta’ diliġenza.