SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

5 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Kuntratti pubbliċi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Esklużjoni mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt – Offerta anormalment baxxa – Tentattivi sabiex il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjoni jiġi indebitament influwenzat – Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ komunikazzjoni – Proporzjonalità – Obbligu ta’ motivazzjoni – Użu ħażin ta’ poter – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑761/20,

European Dynamics Luxembourg SA, stabbilita fil-Lussemburgu, (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn M. Sfyri u M. Koutrouli, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn I. Koepfer u J. Krumrey, bħala aġenti, assistiti minn A. Rosenkötter, avukata,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg (Relatur) u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

fid-dawl tal-assenza ta’ talba għall-iffissar ta’ seduta mressqa mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u peress li ddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li tagħti deċiżjoni mingħajr fażi orali tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, European Dynamics Luxembourg SA, titlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament, l-ewwel, tad-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Kuntratti Pubbliċi tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal‑1 ta’ Ottubru 2020 li teskludi l-offerti tagħha sottomessi għat-tliet lottijiet fil-kuntest tas-sejħa għal offerti għall-provvista ta’ servizzi u għall-implimentazzjoni ta’ xogħlijiet għall-kunsinna ta’ applikazzjonijiet tal-informatika (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑1 ta’ Ottubru 2020”), it-tieni, tad-deċiżjoni tal-Awtorità ta’ Superviżjoni tal-BĊE tad-9 ta’ Diċembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad‑9 ta’ Diċembru 2020”) u, it-tielet, tad-deċiżjonijiet kollha konnessi sussegwenti tal-BĊE u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, kumpens għad-danni li hija allegatament sostniet minħabba din l-esklużjoni.

[omissis]

III. Fid‑dritt

A. It‑talba għal annullament

[omissis]

1.   Fuq il‑mertu

[omissis]

a)   Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-BĊE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta eskluda l-offerti tar-rikorrenti skont l-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2, moqri flimkien mal-Artikolu 26(1) tal-imsemmija deċiżjoni

[omissis]

1) Fuq l‑interpretazzjoni tal‑Artikolu 30(5)(g) tad‑Deċiżjoni BCE/2016/2

51

L-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2 jipprovdi dan li ġej:

“Il-BĊE jista’ jeskludi kandidati jew offerenti milli jipparteċipaw f’kull ħin jekk: […] (g) jikkuntattjaw lil kandidati jew offerenti oħrajn bl-iskop li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jew jippruvaw jinfluwenzaw b’mod indebitu il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċedura tal-akkwisti [proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt].”

52

Skont ir-rikorrenti, din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-komunikazzjonijiet bejn kandidati jew offerenti ma’ kandidati jew offerenti oħra, u mhux mal-BĊE. Għall-kuntrarju, skont dan tal-aħħar, l-imsemmija dispożizzjoni hija applikabbli għall-kuntatti kollha, inklużi dawk bejn il-kandidati jew l-offerenti u l-awtorità kontraenti, li huma marbuta mal-proċess deċiżjonali tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u huma intiżi sabiex jinfluwenzawh indebitament kif ukoll sabiex ifixklu l-iżvolġiment tajjeb tiegħu.

53

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2, għandu jitfakkar li t-testi tad-dritt tal-Unjoni huma redatti f’diversi lingwi u li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi huma ugwalment awtentiċi, b’tali mod li interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni timplika paragun tal-verżjonijiet lingwistiċi (sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 18, u tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, EU:T:2005:349, punt 42).

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi bħal fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Ċeka, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Portugiża, Slovakka u Slovena, is-sintassi tas-sentenza “jikkuntattjaw lil kandidati jew offerenti oħrajn bl-iskop ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jew jippruvaw jinfluwenzaw b’mod indebitu l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt”, hija strutturata f’żewġ partijiet separati bil-konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew”, kif ġej: “jikkuntattjaw lil kandidati jew offerenti oħrajn bl-iskop ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni” (l-ewwel ipoteżi) jew “jippruvaw jinfluwenzaw b’mod indebitu l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt” (it-tieni ipoteżi). Il-konjugazzjoni tal-verb “ipprova” fil-preżent indikattiv u fit-tielet persuna tal-plural tippermetti li tiġi eskluża r-rabta tiegħu mal-frażi prepożittiva “bl-iskop ta’” u tissuġġerixxi għalhekk li t-tieni parti tas-sentenza ma hijiex suġġetta għall-ewwel waħda. Hija tindika li dawn huma għalhekk żewġ ipoteżijiet distinti, l-ewwel waħda, imqiegħda qabel il-“jew”, dwar kuntatt ma’ kandidati jew offerenti oħra bil-għan ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u t-tieni waħda, imqiegħda wara l-“jew”, dwar it-tentattiv li t-teħid ta’ deċiżjoni jiġi indebitament influwenzat fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

56

Dawn l-eżempji jindikaw li l-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2 jista’ jinftiehem fis-sens li t-tieni ipoteżi prevista ma hijiex limitata għall-kuntatti tal-kandidati jew tal-offerenti mal-kompetituri tagħhom, iżda tikkonċerna b’mod iktar ġenerali kull mezz intiż sabiex jinfluwenza indebitament il-proċess deċiżjonali. Għalhekk, f’dawn il-verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni tirreferi għal żewġ ipoteżijiet ta’ esklużjoni ta’ kandidat jew offerent mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ sejħa għal offerti. L-ewwel waħda minn dawn l-ipoteżijiet hija dik ta’ kandidat jew offerent li jikkuntattja kandidati jew offerenti oħra sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni. It-tieni waħda hija dik ta’ kandidat jew offerent li jipprova jinfluwenza indebitament it-teħid ta’ deċiżjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt bi kwalunkwe mod.

57

Madankollu, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, l-istruttura sintattika tas-sentenza inkwistjoni tissuġġerixxi li l-ipoteżi ta’ esklużjoni tirreferi biss għall-kandidati jew għall-offerenti li jikkuntattjaw kandidati jew offerenti oħra sabiex jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni jew jippruvaw jinfluwenzaw indebitament it-teħid ta’ deċiżjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Fil-fatt, fil-verżjoni Franċiża pereżempju, il-verb “tenter” huwa użat fl-infinittiv, b’mod li jintrabat mal-frażi prepożittiva “aux fins de”, l-istess bħall-verb “restreindre”, li huwa wkoll fl-infinittiv (“[…] aux fins de restreindre la concurrence ou de tenter d’influencer la prise de décision dans la procédure de passation de marché”). Fil-każ kuntrarju, il-verb “tenter” kien jiġi kkonjugat, bħall-verb “contacter”, fil-preżent indikattiv u fit-tielet persuna tal-plural, kif ġej: “[…] ou tentent d’influencer indûment […]”. Il-verżjonijiet bil-lingwa Bulgara, Taljana, Olandiża u Pollakka huma wkoll fl-istess sens.

58

Sa fejn l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2 ma tidhirx li tipprovdi indikazzjoni kategorika minħabba l-eżistenza ta’ ċerti differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, għandu jitfakkar li, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, C‑72/95, Kraaijeveld et, EU:C:1996:404, punt 28; tal‑24 ta’ Frar 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, EU:C:2000:98, punt 22, u tas‑7 ta’ Diċembru 2000, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑482/98, EU:C:2000:672, punt 49).

59

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2, għandu jiġi rrilevat li r-raġuni ta’ esklużjoni stabbilita fl-imsemmi punt għandha l-għan li tiggarantixxi l-ugwaljanza tal-opportunitajiet bejn il-kandidati, konformement mal-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza fl-aċċess u fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ kompetizzjoni leali, li, minn naħa, jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli għall-BĊE matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija Deċiżjoni BCE/2016/2 u, min-naħa l-oħra, għandhom jiġu osservati tul il-proċedura kollha tas-sejħa għal offerti. Issa, il-prinċipji ġenerali msemmija iktar ’il fuq jistgħu jiġu ppreġudikati mhux biss minħabba l-kuntatti bejn kandidati jew offerenti għall-finijiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, iżda wkoll meta kandidat jew offerent jipprova, permezz ta’ mezzi oħra, jinfluwenza indebitament it-teħid ta’ deċiżjoni fil-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku. Interpretazzjoni tal-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2 bħala li ma tipprevedix din l-aħħar ipoteżi tmur kontra l-għan li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni.

60

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tat-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2 tixbah lil dik tal-Artikolu 57(4)(i) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), kif emendata, li jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist [ta’ għoti ta’ kuntratt] kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin: (i) fejn l-operatur ekonomiku ikun ħa azzjoni biex jinfluwenza b’mod mhux adegwat [b’mod indebitu] il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, biex jakkwista informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġi mhux adegwati [indebiti] fil-proċedura tal-akkwist jew biex jagħti informazzjoni qarrieqa b’negliġenza li jista’ jkollha influwenza materjali fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-esklużjoni, l-għażla jew l-għoti. […]”. Billi rrifera għall-fatt li l-operatur ekonomiku jkun impenja ruħu li jinfluwenza indebitament il-proċess deċiżjonali tal-awtorità kontraenti, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax din ir-raġuni ta’ esklużjoni biss għall-kuntatti bejn il-kandidati jew offerenti ma’ kandidati jew offerenti oħra.

61

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, anki jekk id-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi jirregolaw biss kuntratti mogħtija minn entitajiet jew awtoritajiet kontraenti tal-Istati Membri u ma humiex direttament applikabbli għall-kuntratti pubbliċi mogħtija mill-amministrazzjoni tal-Unjoni, ir-regoli jew il-prinċipji stipulati jew stabbiliti fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi jistgħu jiġu invokati kontra l-imsemmija amministrazzjoni meta dawn jidhru, fihom innifishom, bħala l-espressjoni speċifika tar-regoli fundamentali tat-Trattat u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt li huma imposti direttament fuq l-amministrazzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, f’komunità tad-dritt, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt hija rekwiżit fundamentali, u kull suġġett tad-dritt huwa suġġett għall-prinċipju ta’ osservanza tal-legalità. B’hekk, l-istituzzjonijiet huma obbligati josservaw ir-regoli tat-Trattat u l-prinċipji ġenerali tad-dritt applikabbli għalihom, bl-istess mod bħal kull suġġett ieħor tad-dritt (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Jema Energy vs Enterprise commune Fusion for Energy, T‑668/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:796, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Barra minn hekk, ir-regoli jew il-prinċipji stabbiliti jew żviluppati fil-kuntest ta’ dawn id-direttivi jistgħu jiġu invokati kontra l-amministrazzjoni tal-Unjoni meta, fl-eżerċizzju tal-awtonomija funzjonali u istituzzjonali tagħha u fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mit-Trattat FUE, din tkun adottat att li jirreferi espressament, sabiex tirregola l-kuntratti pubbliċi li hija tagħti f’isimha stess, għal ċerti regoli jew għal ċerti prinċipji stipulati fid-direttivi u li permezz tagħhom l-imsemmija regoli u l-imsemmija prinċipji japplikaw, konformement mal-prinċipju patere legem quam ipse fecisti. Meta l-att inkwistjoni jeżiġi interpretazzjoni, dan għandu jiġi interpretat, sa fejn possibbli, fis-sens tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u tal-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Jema Energy vs Enterprise commune Fusion for Energy, T‑668/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:796, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 għall-BĊE ġiet espliċitament eskluża fil-premessa 3 tad-Deċiżjoni BCE/2016/2. Madankollu, il-premessa 4 tal-imsemmija deċiżjoni tispeċifika li l-BĊE għandu josserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi li jinsabu fid-Direttiva 2014/24 u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), li wħud minnhom ġew indikati fil-punt 59 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fid-Deċiżjoni BCE/2016/2, saru diversi riferimenti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24.

64

Għalkemm l-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2 ċertament ma jirreferix espliċitament għall-Artikolu 57(4)(i) tad-Direttiva 2014/24, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tikkostitwixxi madankollu espressjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-kuntratti pubbliċi, fosthom b’mod partikolari dak ta’ ugwaljanza tal-opportunitajiet u fit-trattament bejn l-offerenti, sa fejn il-motiv ta’ esklużjoni li hija tipprevedi huwa intiż sabiex jipprekludi kull tentattiv sabiex it-teħid ta’ deċiżjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti jiġi bi kwalunkwe mod indebitament influwenzat, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali bejn il-kandidati jew l-offerenti u jiġu għalhekk iggarantiti opportunitajiet ugwali bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Jema Energy vs Entreprise commune Fusion for Energy, T‑668/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:796, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għalhekk mill-interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2 jirriżulta li l-imsemmi artikolu jinkludi żewġ ipoteżijiet ta’ esklużjoni distinti, fejn it-tieni waħda hija intiża li tapplika wkoll, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, għall-komunikazzjonijiet mibgħuta mill-kandidati jew mill-offerenti lill-awtorità kontraenti meta dawn ikunu intiżi sabiex jippruvaw jinfluwenzaw indebitament il-proċess deċiżjonali matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

66

Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2 għandu jinqara fis-sens li l-BĊE jista’ f’kull ħin jeskludi mill-parteċipazzjoni l-kandidati jew l-offerenti li jippruvaw jinfluwenzaw indebitament it-teħid ta’ deċiżjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt.

67

Issa għandu jiġi eżaminat f’iktar dettall il-kunċett ta’ tentattiv ta’ influwenza indebita, li huwa wkoll is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti mill-partijiet.

68

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li d-Deċiżjoni BCE/2016/2 ma tinkludix definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

69

Madankollu, l-użu tal-verb “jippruvaw” jissuġġerixxi portata ta’ dan il-kunċett, simili għal dik użata fl-Artikolu 57(4)(i) tad-Direttiva 2014/24 li, kif indikat fil-punt 60 iktar ’il fuq, tipprevedi kull operatur ekonomiku li jkun “ħa azzjoni” sabiex jinfluwenza l-proċess deċiżjonali tal-awtorità kontraenti. Fil-fatt, il-verb “ipprova”, bħall-verb “ħa azzjoni”, jirrifletti kundizzjoni ta’ mod u mhux ta’ riżultat. Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li kandidat jew offerent ipprova jinfluwenza, permezz ta’ diversi modi, il-proċess deċiżjonali, mingħajr madankollu ma jkun intlaħaq ir-riżultat mistenni, huwa suffiċjenti sabiex jaqa’ taħt il-portata tat-tieni parti tas-sentenza tal-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2.

70

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li d-dispożizzjoni inkwistjoni tippreċiża li t-tentattiv li jiġi influwenzat it-teħid ta’ deċiżjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt għandu jkun sar “indebitament”, jiġifieri b’mod kuntrarju għal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

71

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li t-tentattiv ta’ influwenza indebita għandu jirrigwarda, skont l-Artikolu 30(5)(g) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2, it-teħid ta’ deċiżjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Il-proċess deċiżjonali huwa mifhum bħala l-fażi kollha li matulha l-awtorità kontraenti twettaq l-eżami tal-offerti ppreżentati mid-diversi kandidati jew offerenti fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti għall-finijiet tat-tfassil tad-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni, ta’ selezzjoni jew ta’ għoti tagħha. Għaldaqstant, dan il-proċess jibda bis-sottomissjoni tal-offerti u jinkludi l-istadji suċċessivi kollha sal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet. B’mod partikolari, fil-kuntest ta’ dan il-proċess jaqgħu l-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtorità kontraenti dwar l-offerti ta’ prezzijiet li jidhru anormalment baxxi u li skonthom din tal-aħħar tista’, abbażi tal-Artikolu 33(2) tad-Deċiżjoni BCE/2016/2, wara eżami tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-offerent, tiċħad l-offerti tiegħu, b’mod partikolari meta l-informazzjoni pprovduta ma tkunx suffiċjenti sabiex tispjega l-livell baxx tal-prezz jew tal-ispejjeż, jew meta l-offerta u l-imsemmija informazzjoni ma jippermettux li tiġi ggarantita b’mod suffiċjenti l-eżekuzzjoni tajba tal-kuntratt. L-imsemmija investigazzjonijiet ma jikkostitwixxux proċeduri distinti, iżda stadju tal-evalwazzjoni tal-offerti.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

European Dynamics Luxembourg SA hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Kornezov

Buttigieg

Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Ottubru 2022.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti minn din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.