SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-operatur pubbliku li jikseb il-provvisti tiegħu mingħand produtturi ta’ enerġiji rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq – Assenza ta’ ħlas ta’ parti mill-għajnuna kkonċernata – Talba għal kumpens imressqa minn dawn il-produtturi quddiem awtorità pubblika distinta minn dik li, bħala prinċipju, hija marbuta, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tħallas din l-għajnuna u li l-baġit tagħha huwa intiż biss li jiżgura l-funzjonament tagħha stess – Għajnuna ġdida – Obbligu ta’ komunikazzjoni – Għajnuna de minimis – Regolament (UE) Nru 1407/2013 – Artikolu 5(2) – Akkumulazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ammonti ta’ għajnuna diġà mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza abbażi tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda C‑702/20 u C‑17/21,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Diċembru 2020 u tas‑7 ta’ Jannar 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Diċembru 2020 u fil‑11 ta’ Jannar 2021, rispettivament, fil-proċeduri

“DOBELES HES” SIA (C‑702/20)

Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (C‑17/21)

fil-preżenza ta’:

Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija,

Ekonomikas ministrija,

Finanšu ministrija,

“GM” SIA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, L. S. Rossi, L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot (Relatur), N. Piçarra, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, M. Gavalec u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑29 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “DOBELES HES” SIA u għal “GM” SIA minn J. Vaits,

għas-Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija, minn E. Bergmane, I. Birziņš, J. Miķelsons u A. Ozola,

għall-Gvern Latvjan, minn E. Bārdiņš, J. Davidoviča, I. Hūna u K. Pommere, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, A. Hoesch u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u M. A. M. de Ree, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, G. Braga da Cruz, I. Naglis u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, tal-Artikolu 108(3) TFUE, tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis (ĠU 2013, L 352, p. 1, rettifika fil-ĠU 2021, L 410, p. 204) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, minn naħa, “DOBELES HES” SIA u “GM” SIA (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti fil-kawżi prinċipali”), u, min-naħa l-oħra, is-Sabiedrisko pakalpojumu regulēšanas komisija (il-Kummissjoni Regolatorja tas-Servizzi Pubbliċi, il-Latvja) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Regolatorja”) dwar l-iffissar tal-prezz tax-xiri tal-elettriku mill-impriża ta’ distribuzzjoni awtorizzata b’tariffa baxxa wisq għall-perijodu mill‑1 ta’ Marzu 2006 sat‑30 ta’ Novembru 2007 fir-rigward ta’ DOBELES HES u għall-perijodu mill‑1 ta’ Marzu 2006 sat‑30 ta’ Settembru 2008 fir-rigward ta’ GM.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

It-Trattat ta’ Adeżjoni u l-Att ta’ Adeżjoni

3

It-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju ta’ l-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka ma’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 17), ġie ffirmat mir-Repubblika tal-Latvja fis‑16 ta’ April 2003 u daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Mejju 2004 (iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni”).

4

Skont l-Artikolu 1(2) tat-Trattat ta’ Adeżjoni, il-kundizzjonijiet tad-dħul u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea jinsabu fl-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”).

5

L-Artikolu 22 tal-Att ta’ Adeżjoni li, bl-istess mod bħad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan tal-aħħar, jifforma parti integrali mit-Trattat ta’ Adeżjoni, jistabbilixxi li l-miżuri elenkati fil-lista li tinsab fl-Anness IV tiegħu għandhom jiġu applikati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-imsemmi anness.

6

Il-punt 3(1) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi:

“L-iskemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li ġejjin li kienu fis-seħħ fi Stat Membru ġdid qabel id-data ta’ l-adeżjoni u li jkunu għadhom japplikaw wara dik id-data, għandhom jitqiesu ma’ l-adeżjoni bħala għajnuna eżistenti fis-sens ta’ l-Artikolu [108(1) TFUE]:

(a)

miżuri ta’ għajnuna li daħlu fis-seħħ qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994;

(b)

miżuri ta’ għajnuna elenkati fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness;

(c)

miżuri ta’ għajnuna li qabel id-data ta’ l-adeżjoni kienu valutati mill-awtorità li tissorvelja l-għajnuna mogħtija mill-Istat ta’ l-Istat Membru l-ġdid u meqjusa bħala kompatibbli ma’ l-acquis, u li dwarhom il-Kummissjoni [Ewropea] ma ressqet l-ebda oġġezzjoni abbażi ta’ dubji serji dwar jekk il-miżura tkunx kompatibbli mas-suq komuni, skond il-proċedura stipulata fil-paragrafu 2.

Kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data ta’ l-adeżjoni li hija miżura ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u li ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati hawn qabel, għandha ma’ l-adeżjoni tiġi meqjusa bħala għajnuna ġdida għall-iskopjiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu[108(3) TFUE].”

7

Il-punt 3(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jistabbilixxi l-proċedura applikabbli meta Stat Membru ġdid ikun jixtieq li l-Kummissjoni teżamina għajnuna fil-kuntest tal-proċedura msemmija fil-paragrafu 1(ċ) ta’ dan il-punt, billi jipprevedi li huwa għandu jikkomunika, f’dan il-każ, regolarment ma’ din l-istituzzjoni. Skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi punt, kull deċiżjoni tal-Kummissjoni li tqajjem oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura, fis-sens tal-paragrafu 1(ċ) tal-istess punt, hija kkunsidrata bħala ekwivalenti għal deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 339).

Ir‑Regolament Nru 1407/2013

8

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1407/2013, intitolat “Għajnuna de minimis”, jipprovdi:

“1.   Il-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) [TFUE] u għaldaqstant ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) [TFUE], jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil xi impriża waħda m’għandhiex tkun iktar minn EUR 200000 fuq kwalunkwe perijodu ta’ tliet snin fiskali.

[…]”

9

L-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew mal-għajnuna mill-Istat għall-istess miżura ta’ finanzjament tar-riskju, jekk akkumulazzjoni bħal dik teċċedi l-ogħla intensità ta’ għajnuna rilevanti jew ammont ta’ għajnuna ffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’ regolament għal eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal spejjeż eliġibbli speċifiċi jew li ma tkunx attribwibbli għal spejjeż ta’ dak it-tip, tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.”

10

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżitorji” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe għanjnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.”

Ir‑Regolament 2015/1589

11

L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1589 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘għajnuna’ tfisser kull miżura li tissodisfa l-kriterja kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat- TFUE;

(b)

‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

(i)

mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 144 u 172 tal-[Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1)], għall-punt 3 u l-Appendiċi tal-Anness IV tal-[Att ta’ Adeżjoni], għall-punti 2 u 3(b) u l-Appendiċi tal-Anness V tal-[Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203)], kif ukoll għall-punti 2 u 3(b) u l-Appendiċi tal-Anness IV tal-[Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21)], l-għajnuna kollha li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat-[Trattat FUE] fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-[Trattat FUE] fl-Istat Membri rispettiv;

(ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea];

(iii)

għajnuna meqjusa awtorizzata skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jew l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-Regolament, jew awtorizzata qabel ir-Regolament (KE) Nru 659/1999 iżda f’konformità ma’ din il-proċedura;

(iv)

għajnuna meqjusa għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament;

(v)

għajnuna meqjusa għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ ma kinitx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq intern u mingħajr ma l-Istat Membru jkun għamel tibdil fiha. Fejn ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mil-liġi tal- Unjoni, dawk il-miżuri m’għandhomx jitqiesu li jkunu għajnuna eżistenti wara d-data stabbilita għall-liberalizzazzjoni;

(c)

‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

[…]”

12

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Notifika ta’ għajnuna ġdida”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ħlief fejn imsemmi mod ieħor fir-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 109 [TFUE] jew skont kull disposizzjoni oħra rilevanti tagħhom, kull pjan għall-għoti ta’ għajnuna ġdida għandu jkun mgħarraf lill-Kummissjoni f’biżżejjed żmien mill-Istat Membru konċernat. Il-Kummisjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri mingħajr dewmien meta tirċievi in-notifika.

2.   F’notifika, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni skont l-Artikoli 4 u 9 […]”

13

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Klawsola ta’ salvagwardja”, jipprevedi:

“Għajnuna notifikabbli skont l-Artikolu 2(1) m’għandhiex tidħol fis-seħħ qabel ma l-Kummissjoni tkun ħadet, jew jitqies li tkun ħadet, deċiżjoni li tawtorizza dik l-għajnuna.”

14

L-Artikolu 17 tal-istess regolament, intitolat “Perjodu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-għajnuna”, jipprovdi:

“1.   Il-setgħat tal-Kummissjoni biex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.

2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna kontra l-liġi tingħata lill-benefiċarju bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna kontra l-liġi għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni. Ma’ kull interuzzjoni l-perjodu ta’ preskrizzjoni jerġa’ jibda jiddekorri mill-bidu. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Kull għajnuna li fir-rigward tagħha jkun skada l-perjodu ta’ preskrizzjoni, għandha titqies li hi għajnuna eżistenti.”

Id‑dritt Latvjan

15

L-Artikolu 40(1) tal-enerģētikas likums (il-Liġi dwar l-Enerġija), tat‑3 ta’ Settembru 1998 (Latvijas Vēstnesis, 1998, Nru 273), fil-verżjoni fis-seħħ matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Ġunju 2001 u s‑7 ta’ Ġunju 2005 (Latvijas Vēstnesis, 2001, Nru 83), jipprovdi:

“L-impriża tad-distribuzzjoni tal-elettriku awtorizzata tixtri mingħand l-impjanti żgħar tal-enerġija idroelettrika li jinsabu fiż-żona ta’ awtorizzazzjoni tagħha u li l-kapaċità tagħhom ma taqbiżx iż-żewġ megawatts, bil-kundizzjoni li l-operat ta’ dawn l-impjanti u tat-tagħmir tagħhom beda qabel l‑1 ta’ Jannar 2003, l-elettriku żejjed li l-imsemmija impjanti jipproduċu, wara li jkunu ssodisfatti l-bżonnijiet tagħhom stess u konformement mal-parametri nazzjonali ta’ kwalità tal-elettriku, għal perijodu ta’ tmien snin b’effett mill-bidu tal-operat tal-impjant tal-elettriku kkonċernat, bi prezz li jikkorrispondi għal darbtejn it-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku. Il-prezz ta’ tali akkwist jiġi mbagħad stabbilit mill-awtorità regolatorja”.

16

L-Artikolu 30(1) tal-elektroenerģijas tirgus likums (il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku), tal‑5 ta’ Mejju 2005 (Latvijas Vēstnesis, 2005, Nru 82), fil-verżjoni fis-seħħ matul il-perijodu bejn it‑8 ta’ Ġunju 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2014, jipprovdi:

“Il-produtturi li, għall-produzzjoni tal-elettriku, jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jkunu bdew l-attività tagħhom qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom ibiegħu l-elettriku lill-operatur pubbliku skont il-kundizzjonijiet dwar il-metodu ta’ funzjonament, it-termini ta’ provvista u l-prezzijiet li jkunu ġew applikati lilhom fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.”

17

L-Artikolu 30(3) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni fis-seħħ matul il-perijodu bejn it‑8 ta’ Ġunju 2005 u l‑14 ta’ Mejju 2008, jipprevedi:

“L-operatur pubbliku għandu jżomm reġistri separati tal-volum u tal-ispiża tal-elettriku mixtri konformement mal-modalitajiet iddefiniti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni. Il-prezz ta’ dan l-akkwist japplika għall-klijenti finali kollha tal-elettriku fil-Latvja pro rata għall-konsum tal-elettriku tagħhom, meta parti mill-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tinxtara mingħand l-operatur pubbliku jew meta l-ispiża li jġarrab dan tal-aħħar tkun is-suġġett ta’ kumpens.”

18

L-Artikolu 29(1) tal-likums “Par sabiedrisko pakalpojumu regulatoriem” (il-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorji tas-Servizzi Pubbliċi), tad‑19 ta’ Ottubru 2000 (Latvijas Vēstnesis, 2000, Nru 394), jipprovdi:

“Il-funzjonament tal-awtorità regolatorja huwa ffinanzjat mid-dħul mill-ġbir tat-tariffa tal-Istat biex jirregola s-servizzi pubbliċi (iktar ’il quddiem it-‘tariffa tal-Istat’) u mill-ħlasijiet għas-servizzi pprovduti mill-awtorità regolatorja, li huma previsti f’dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji oħra”.

19

L-Artikolu 30 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Sabiex jiżguraw ir-regolamentazzjoni tas-servizzi pubbliċi, il-fornituri kollha ta’ servizzi pubbliċi fis-setturi rregolati għandhom iħallsu t-tariffa tal-Istat.

2.   It-tariffa tal-Istat fis-setturi rregolati għandha titħallas lill-baġit tal-Istat u għandha tiġi kkreditata fil-kont tal-awtorità regolatorja lit-Teżor pubbliku. It-tariffa tal-Istat imħallsa fis-setturi rregolati hija intiża biss li tiżgura l-funzjonament ta’ din l-awtorità.”

It‑tilwima fil‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

20

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali joperaw impjanti idroelettriċi u jipproduċu għalhekk l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

21

Sas‑7 ta’ Ġunju 2005, l-Artikolu 40(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija kien jipprovdi li l-produtturi tal-elettriku kellhom, taħt ċerti kundizzjonijiet, id-dritt li jbigħu l-eċċess ta’ produzzjoni elettrika tagħhom lill-impriża ta’ distribuzzjoni tal-elettriku awtorizzata bi prezz li jikkorrispondi għal darbtejn it-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku.

22

Din id-dispożizzjoni kienet tapplika għar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali.

23

It-tariffa medja tal-elettriku kienet iddeterminata mill-Awtorità Regolatorja, organu indipendenti rregolat mid-dritt pubbliku maħluq mil-Liġi dwar l-Awtoritajiet Regolatorja tas-Servizzi Pubbliċi. Din l-awtorità regolatorja għandha personalità ġuridika tagħha, taġixxi b’mod awtonomu u tamministra l-baġit tagħha stess, li huwa approvat permezz ta’ liġi.

24

Il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mit‑8 ta’ Ġunju 2005, emendat il-proċedura applikabbli għall-bejgħ mill-produtturi tal-elettriku tal-eċċess ta’ produzzjoni b’tariffa miżjuda. Madankollu, l-Artikolu 30(1) ta’ din il-liġi kien jipprevedi li l-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li kienu diġà bdew l-attività tagħhom f’din id-data kienu ser iżommu l-benefiċċju tal-kundizzjonijiet preċedenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-prezzijiet.

25

L-Awtorità Regolatorja interpretat din id-dispożizzjoni bħala li għandha l-effett li tiffriża, għal dawn il-produtturi, it-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku fil-valur tagħha fis-seħħ fis‑7 ta’ Ġunju 2005 u, għalhekk, ma baqgħetx taġġorna din it-tariffa. B’hekk, mit‑8 ta’ Ġunju 2005, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali biegħu l-eċċess tal-produzzjoni tagħhom bi prezz li jikkorrispondi għad-doppju tat-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku li kienet fis-seħħ dak iż-żmien peress li b’effett minn dik id-data l-Awtorità Regolatorja ma aġġornatx din it-tariffa.

26

Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2010, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Latvja) ikkunsidrat li t-terminu “prezz” użat fl-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku kellu jinftiehem bħala mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet, u mhux bħala prezz fiss, u li l-interpretazzjoni fis-sens li, wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku, l-Awtorità Regolatorja ma kinitx għadha kompetenti sabiex tiffissa t-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku, kienet żbaljata.

27

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali talbu lill-Awtorità Regolatorja tħallas “danni” bħala kumpens għat-telf imġarrab minħabba l-assenza ta’ ffissar tat-tariffa kkonċernata b’effett mit‑8 ta’ Ġunju 2005. Id-dannu allegat jikkorrispondi għad-differenza bejn il-prezz imħallas lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali mill-operatur pubbliku u l-prezz li bih dan tal-aħħar kien ikollu jixtri l-elettriku mingħandhom li kieku t-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku kienet ġiet iffissata b’mod korrett għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Marzu 2006 u t‑30 ta’ Novembru 2007 fir-rigward ta’ DOBELES HES, u għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Marzu 2006 u t‑30 ta’ Settembru 2008 fir-rigward ta’ GM.

28

Wara r-rifjut tal-Awtorità Regolatorja li tħallashom is-somom korrispondenti, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, fl‑2011, fetħu kawżi quddiem il-qorti amministrattiva. Permezz ta’ sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2019 u tal‑10 ta’ Lulju 2019, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ DOBELES HES u ta’ GM u ordnat lill-Awtorità Regolatorja tħallashom is-somma ta’ EUR 3 406.63 u dik ta’ EUR 662.26 rispettivament. Madankollu, peress li qieset li dan kien jikkostitwixxi ħlas ta’ għajnuna mill-Istat, l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) issuġġettat il-ħlas ta’ dawn is-somom għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun ħadet, jew titqies li ħadet, deċiżjoni li tawtorizza tali għajnuna. Fil-mori tal-kawżi, hija kienet fil-fatt talbet opinjoni mingħand il-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, li kienet ingħatat f’dan is-sens fit‑12 ta’ Diċembru 2018.

29

L-Awtorità Regolatorja ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Augstākā tiesa (Senāts) (il-Qorti Suprema, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha fiż-żewġ kawżi prinċipali u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, ifformulati b’mod identiku f’dawn iż-żewġ kawżi:

“(1)

L-obbligu skont liema l-operatur pubbliku għandu jixtri l-elettriku minn produtturi li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla mill-prezz tas-suq, billi japprofittaw mill-obbligu skont liema l-konsumatur finali għandu jħallas prezz proporzjonali għall-konsum, għandu jitqies bħala intervent tal-Istat jew bħala għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

(2)

Il-kunċett ta’ ‘liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku’ għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed jista’ jqis li l-liberalizzazzjoni tkun diġà seħħet fid-dawl ta’ ċerti elementi ta’ kummerċ ħieles, bħal kuntratti konklużi mill-operatur pubbliku ma’ fornituri ta’ Stati Membri oħrajn? Jista’ wieħed iqis li l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku tibda minn meta l-liġi tagħti lil parti mill-utenti tal-elettriku (bħall-utenti tal-elettriku konnessi man-network tat-trasport jew l-utenti tal-elettriku mhux residenzjali konnessi man-network ta’ distribuzzjoni) id-dritt li jibdlu l-fornitur tal-elettriku? L-evoluzzjoni tar-regolamentazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Latvja, b’mod partikolari s-sitwazzjoni qabel is-sena 2007, għandha effett fuq l-evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku, fid-dawl tal-Artikolu 107(1) TFUE (risposta għall-ewwel domanda)?

(3)

Jekk ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-fatt li r-rikorrenti attwalment topera f’suq tal-elettriku lliberalizzat u li l-ħlas tad-danni jagħtiha, preżentement, vantaġġ meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn fis-suq inkwistjoni jwassal sabiex id-danni jiġu assimilati mal-għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE?

(4)

Jekk ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun fis-sens li l-għajnuna mogħtija lill-produtturi tal-elettriku tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-talba tar-rikorrenti intiża li tikseb kumpens għad-danni għat-telf subit minħabba l-eżerċizzju inkomplet tad-dritt legali għal ħlas ogħla għall-elettriku prodott għandha, fil-kuntest tal-eżami tal-għajnuna mill-Istat previst fl-Artikolu 107 TFUE, tiġi assimilata għal talba ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida jew għal talba għal ħlas ta’ parti tal-għajnuna mill-Istat mhux miġbura qabel?

(5)

Jekk ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun fis-sens li t-talba tar-rikorrenti għandha titqies fil-kuntest taċ-ċirkustanzi preċedenti bħala talba ta’ ħlas ta’ parti mill-għajnuna mill-Istat mhux miġbura qabel, mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li, biex issir deċiżjoni preżentement dwar il-ħlas ta’ tali għajnuna mill-Istat, huwa neċessarju li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni attwali tas-suq u li tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni fis-seħħ (inklużi restrizzjonijiet attwali fil-qasam ta’ kumpens żejjed)?

(6)

Il-fatt li, kuntrarjament għall-impjanti tal-enerġija idroelettrika, l-impjanti tal-enerġija eolika ikunu bbenefikaw, fil-passat, minn għajnuna kompleta huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

(7)

Il-fatt li hija biss parti mill-impjanti tal-enerġija idroelettrika li bbenefikaw minn għajnuna inkompleta li hija fil-preżent ikkumpensata huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

(8)

L-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament [Nru 1407/2013] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kriterji previsti għall-għajnuna de minimis huma applikabbli għall-għajnuna inkwistjoni f’din il-kawża sa fejn l-ammont tal-għajnuna ma jaqbiżx il-limitu de minimis? L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1407/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’din il-kawża, il-fatt li t-telf inkwistjoni jiġi kklassifikat bħala għajnuna de minimis jista’ jagħti lok għal kumulu pprojbit, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.43140 [tal‑24 ta’ April 2017 – Sostenn għall-enerġiji rinnovabbli u għall-koġenerazzjoni fil-Latvja (NN/2015) (ĠU 2017, C 176, p. 2)] sabiex jiġi evitat kumpens żejjed?

(9)

Jekk l-għoti/il-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat huwa stabbilit f’din il-kawża, l-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament [2015/1589], għandu jiġi interpretat fis-sens li ċirkustanzi bħal dawk ikkonstatati f’din il-kawża jikkorrispondu mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat ġdida, u mhux mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat eżistenti?

(10)

Jekk ir-risposta għad-disa’ domanda hija fl-affermattiv, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrenti hijiex assimilata għall-għoti ta’ għajnuna eżistenti tat-tip imsemmi fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 jimplika li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data tal-ħlas effettiv tal-għajnuna bħala l-bidu tad-dekorrenza ta’ preskrizzjoni fis-sens tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589?

(11)

Jekk l-għoti/il-pagament ta’ għajnuna mill-Istat huwa stabbilit, l-Artikolu 108(3) TFUE u l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589 għandhom jiġu interpretati fis-sens li modalitajiet ta’ notifika tal-għajnuna mill-Istat bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża huma ġġustifikati meta l-qorti nazzjonali tilqa’ talba għad-danni bil-kundizzjoni li tkun ġiet irċevuta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tkun awtorizzat l-għajnuna, u li hija tordna lill-Ministeru għall-Ekonomija li jinnotifika lill-Kummissjoni l-għajnuna għall-attivitajiet kummerċjali f’terminu ta’ xahrejn sa mid-data tal-għoti tas-sentenza?

(12)

Il-fatt li jintalbu danni minn awtorità pubblika ([l-Awtorità Regolatorja]) li qatt ma kellha tkun responsabbli għall-ħlas ta’ tali spejjeż u li l-baġit tagħha jinkludi t-tariffi tal-Istat imħallsa mill-fornituri ta’ servizzi pubbliċi tas-setturi rregolati, li huma intiżi biss li jiġi żgurat il-funzjonament tal-awtorità regolatorja, huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE?

(13)

Modalitajiet ta’ kumpens bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża huma kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw is-setturi rregolati li huma stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, inklużi l-Artikolu 12 u l-premessa 30 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi [(id-Direttiva dwar l-awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337)], kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 [(ĠU 2009, L 337, p. 37, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8)]?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-impriża ta’ distribuzzjoni tal-elettriku awtorizzata tixtri l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq u li tipprevedi li l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dan għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ imposta obbligatorja sostnuta mill-konsumaturi finali tikkostitwixxi intervent “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

31

Għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li jkunu ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri, li jkun hemm intervent mill-Istat jew “permezz ta’ riżorsi tal-Istati”, li dan l-intervent ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li l-imsemmi intervent jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu u li l-istess intervent joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

L-ewwel domanda preliminari tirrigwarda biss l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, miżura tista’ tiġi kklassifikata bħala intervent mill-Istat jew bħala għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi tal-Istat” jekk, minn naħa, il-miżura tingħata direttament jew indirettament permezz ta’ dawn ir-riżorsi u, min-naħa l-oħra, il-miżura tkun imputabbli lil Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni marbuta mal-imputabbiltà lil Stat Membru, għandu jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmu ta’ kumpens inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ġie stabbilit permezz ta’ liġi u li għalhekk huwa imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Vent de colère!, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 18, u tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 50).

34

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni li l-vantaġġ jingħata “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, li dwarha tistaqsi preċiżament il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ammonti li jirriżultaw mis-suppliment fil-prezz impost mill-Istat fuq ix-xerrejja ta’ elettriku huma simili għal taxxa imposta fuq l-elettriku u joriġinaw minn “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punti 4766).

35

B’hekk, fondi għandhom jitqiesu li huma “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta joriġinaw minn kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u meta jkunu amministrati u mqassma konformement ma’ din il-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Vent de Colère!, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25). Għaldaqstant, huwa irrilevanti li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament ma jaqax, fis-sens strett, taħt il-kategorija ta’ imposti ta’ natura fiskali fid-dritt nazzjonali (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, FVE Holýšov I et, C‑850/19 P, EU:C:2021:740, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li l-piż finanzjarju tal-imposta jkun sostnut fil-fatt minn kategorija ddefinita ta’ persuni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-fondi li jirriżultaw minn din l-imposta għandhom in-natura ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Huwa meħtieġ ukoll li l-imsemmija imposta tkun obbligatorja skont id-dritt nazzjonali.

37

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma huwiex biżżejjed li l-operaturi ta’ networks jgħaddu, fuq il-prezz ta’ bejgħ tal-elettriku lill-klijenti finali tagħhom, l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-obbligu tagħhom li jixtru l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bit-tariffi stabbiliti fil-liġi kemm-il darba dan il-kumpens jirriżulta biss minn prattika u mhux minn obbligu legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punti 7071).

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fondi pprovduti minn taxxa jew minn imposti obbligatorji oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u amministrati u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxu “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

39

Madankollu, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju msemmi fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza ma huwiex l-uniku wieħed li jippermetti li jiġu identifikati “riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-fatt li somom jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 37, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:220:844, punt 36).

40

F’dan il-każ, mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-ispiża addizzjonali li jirrappreżenta għall-impriża ta’ distribuzzjoni approvata x-xiri tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz li jikkorrispondi għal darbtejn it-tariffa medja tal-bejgħ tal-elettriku hija ffinanzjata, skont il-leġiżlazzjoni Latvjana kkonċernata, minn imposta obbligatorju sostnuta mill-utenti finali kollha b’mod proporzjonali għall-konsum tagħhom.

41

Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-Gvern Latvjan waqt is-seduta, il-fondi li jirriżultaw minn din l-imposta jinġabru, jiġu amministrati u jitqassmu minn kumpannija miżmuma kompletament mill-Istat Membru kkonċernat u ma jistgħux jintefqu għal finijiet oħra għajr dawk previsti fil-liġi, jiġifieri għall-kumpens tal-ispiża addizzjonali msemmija fil-punt preċedenti. Dawn il-fondi b’hekk jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku.

42

Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-fondi li permezz tagħhom jingħata vantaġġ tariffarju, skont il-leġiżlazzjoni Latvjana kkonċernata, lill-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli huma “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, fid-dawl taż-żewġ kriterji alternattivi ta’ dan il-kunċett imfakkra fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari hija li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-impriża ta’ distribuzzjoni tal-elettriku awtorizzata tixtri l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq u li tipprevedi li l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dan għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ imposta obbligatorja sostnuta mill-konsumaturi finali jew li tipprevedi li l-fondi użati sabiex jiġu ffinanzjati dawn l-ispejjeż addizzjonali jibqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku tikkostitwixxi intervent “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tieni domanda

44

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-klassifikazzjoni ta’ vantaġġ bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, hija suġġetta għall-kundizzjoni li s-suq ikkonċernat ikun qabel ġie kompletament illiberalizzat u, f’dan il-każ, liema huma l-elementi li jippermettu li tiġi ddatata l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku fil-Latvja.

45

Skont il-Gvern Latvjan, din id-domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli peress li ma jistax ikollha effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, is-somom mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jissodisfaw il-kriterji ta’ għajnuna mill-Istat indipendentement mid-data tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku kkonċernat.

46

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it-tilwima u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu dwar l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24, kif ukoll tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 31).

47

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25, kif ukoll tas‑7 ta’ Frar 2018, American Express, C‑304/16, EU:C:2018:66, punt 32).

48

F’dan il-każ, it-tieni domanda preliminari tirrigwarda l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, u tibbenefika għaldaqstant mill-preżunzjoni ta’ rilevanza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

49

Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkonfutata f’dan il-każ. Fil-fatt, huwa paċifiku li t-tilwima fil-kawżi prinċipali tirrigwarda l-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-vantaġġ tariffarju mogħti lill-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli skont il-leġiżlazzjoni Latvjana kkonċernata. Issa, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-assenza ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku jista’ jkollha effett fuq il-kundizzjonijiet ta’ din il-klassifikazzjoni li jirrigwardaw il-fatt li l-intervent ikkonċernat jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li dan l-intervent joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

50

Minn dan isegwi li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Latvjan għandha tiġi miċħuda.

51

F’dak li jirrigwarda l-influwenza tal-liberalizzazzjoni tas-suq ikkonċernat fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna, għandu jitfakkar li għajnuna mill-Istat tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tista’ toħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni anki meta s-suq ikkonċernat ikun biss parzjalment miftuħ għall-kompetizzjoni. Huwa biżżejjed li, fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ miżura ta’ għajnuna, ikun hemm sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat sabiex intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u jkun jista’ joħloq distorsjoni jew jista’ jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑387/17, EU:C:2019:51, punti 3940).

52

Minn dan isegwi li vantaġġ mogħti lil ċerti impriżi jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni sa minn qabel il-liberalizzazzjoni sħiħa ta’ dan is-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA, C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 49).

53

Għaldaqstant, id-data tal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tal-elettriku fil-Latvja hija irrilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-għajnuna pprovduta mill-operatur pubbliku f’dan l-Istat Membru permezz tax-xiri tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda preliminari hija li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klassifikazzjoni ta’ vantaġġ bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li s-suq ikkonċernat ikun qabel ġie kompletament illiberalizzat.

Fuq it‑tielet domanda

55

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-vantaġġ mogħti lill-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli skont il-leġiżlazzjoni Latvjana rilevanti ma jikkostitwixxix “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-ħlas tas-somom mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jista’ jikkostitwixxi, għall-kuntrarju, il-ħlas ta’ “għajnuna” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

56

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawżi prinċipali jew sabiex tapplika r-regoli tal-Unjoni li hija tkun interpretat għal miżuri jew għal sitwazzjonijiet nazzjonali, peress li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA, C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

57

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, b’mod partikolari, ġurisdizzjoni sabiex tiddetermina jekk is-somom inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

58

Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni u li jistgħu jippermettulha tevalwa l-konformità ta’ miżura nazzjonali ma’ dan id-dritt sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod partikolari, tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-punti ta’ interpretazzjoni li jippermettulha tiddetermina jekk miżura nazzjonali tistax tiġi kklassifikata bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo SpA, C‑140/09, EU:C:2010:335, punt 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għajnuna pubblika, li tikkostitwixxi miżuri tal-awtorità pubblika li jiffavorixxu ċerti impriżi jew ċerti prodotti, hija ta’ natura legali fundamentalment differenti mid-danni li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu, eventwalment, ikkundannati jħallsu lil individwi, bħala kumpens għad-dannu li jkunu kkawżawlhom. Barra minn hekk, id-danni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 1988, Asteris et, 106/87 sa 120/87, EU:C:1988:457, punti 2324).

60

Għall-kuntrarju, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa irrilevanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk somom jikkorrispondux għal “għajnuna mill-Istat”, li r-rikorsi intiżi sabiex jinkiseb il-ħlas tagħhom jiġu kklassifikati bħala “talbiet għal kumpens” jew bħala “talbiet għad-danni” skont id-dritt nazzjonali.

61

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kontra l-Awtorità Regolatorja quddiem il-qorti amministrattiva Latvjana huma intiżi li jiksbu l-ħlas ta’ somom li huma jqisu li huma dovuti lilhom skont l-Artikolu 40(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija, li huma jqisu li kienu baqgħu jibbenefikaw minnu wara s-sena 2005, skont l-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku. Fil-fatt, permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Jannar 2010, il-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali) ikkunsidrat li, minħabba żball ta’ interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 30(1), l-Awtorità Regolatorja kienet naqset b’mod żbaljat milli taġġorna l-prezz tax-xiri tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’effett mit‑8 ta’ Ġunju 2005.

62

Għall-kuntrarju, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju ma jirriżultax li s-somom inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom in-natura ta’ “danni”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma jitolbux kumpens għal dannu distint minn dak li jikkonsisti fin-nuqqas ta’ ħlas sħiħ tal-vantaġġ li huma jqisu li kellhom dritt għalih skont il-leġiżlazzjoni Latvjana kkonċernata bejn is-sena 2006 u s-sena 2008. Mill-banda l-oħra, kien ikun differenti li kieku r-rikorsi fil-kawżi prinċipali kellhom bħala għan il-kumpens għad-dannu sussegwenti għal dan in-nuqqas ta’ ħlas.

63

Minn dan isegwi li s-somom inkwistjoni fil-kawżi prinċipali huma tal-istess natura bħal dawk diġà miksuba bejn is-sena 2006 u s-sena 2008 mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, b’applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni, u li dawn tal-aħħar qegħdin jitolbu biss ir-rettifika tal-ammont tagħhom.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” ta’ somom bħal dawk mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, abbażi tal-leġiżlazzjoni Latvjana rilevanti, tiddependi minn jekk il-vantaġġ mogħti lill-produtturi tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli skont din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxix fih innifsu għajnuna mill-Istat.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun stabbilixxiet “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-ħlas ta’ somma mitluba quddiem qorti skont din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxi wkoll tali għajnuna.

Fuq ir‑raba’ domanda

66

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-vantaġġ tariffarju mogħti lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali għandhom jitqiesu bħala talbiet għall-ħlas tal-parti minn din l-għajnuna mill-Istat mhux imħallsa jew bħala talbiet intiżi għall-għoti mill-qorti adita ta’għajnuna mill-Istat distinta.

67

F’dan ir-rigward, mill-punti 61 sa 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma intiżi li jiksbu l-ħlas ta’ parti mill-vantaġġ tariffarju mogħti lill-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li huma jqisu li huwa dovut lilhom skont il-leġiżlazzjoni Latvjana fis-seħħ bejn is-sena 2006 u s-sena 2008.

68

Għaldaqstant, jekk dan il-vantaġġ tariffarju jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jikkorrispondu għal talba għall-ħlas ta’ parti minn din l-għajnuna mill-Istat.

69

Madankollu, skont il-Kummissjoni, is-somom mogħtija mill-qorti nazzjonali lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat distinta mill-vantaġġ tariffarju stabbilit mil-leġiżlazzjoni Latvjana kkonċernata.

70

Insostenn tal-argument tagħha, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li l-bażi legali tal-“għajnuna mill-Istat” mogħtija lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fis-sentenzi tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ma hijiex il-Liġi dwar l-Enerġija, iżda s-sentenzi ta’ dik il-qorti stess.

71

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, f’dawn is-sentenzi, l-imsemmija qorti tat is-somom mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali billi applikat b’mod espliċitu l-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku kif interpretata mil-Latvijas Republikas Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali).

72

Sussegwentement, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-punt 17 tas-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑81/10 P, EU:C:2011:811), il-Kummissjoni tqis, b’mod ġenerali, li, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, huwa irrilevanti jekk għajnuna mill-Istat tingħatax minn qorti jew minn awtorità oħra, b’mod partikolari minn awtorità amministrattiva. Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat huma ddefiniti oġġettivament mill-effetti tagħhom u mhux mill-kawżi jew mill-għanijiet tagħhom. Issa, li kieku għajnuna mill-Istat ma tkunx tista’ tingħata minn qorti nazzjonali, il-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” ma jkunx iddefinit “oġġettivament”, skont l-effetti tal-miżura kkonċernata, iżda “suġġettivament”, skont l-awtorità pubblika li adottatha.

73

Madankollu, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li tistabbilixxi li l-“għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, hija kkaratterizzata mill-effetti tagħha u mhux mill-għanijiet tagħha, ma tfissirx madankollu li għajnuna mill-Istat hija ddefinita b’mod eżawrjenti mill-effetti tagħha, bl-esklużjoni ta’ kull kriterju ieħor. Fil-fatt, għajnuna mill-Istat hija ddefinita wkoll min-natura tagħha, jekk xejn għaliex tingħata “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, kif jipprevedi espressament l-Artikolu 107(1) TFUE. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni ma għandhiex il-portata li tagħtiha din l-istituzzjoni. B’mod partikolari, minn din il-ġurisprudenza ma tista’ tinstilet ebda konklużjoni dwar il-possibbiltà li qorti nazzjonali tagħti għajnuna mill-Istat.

74

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinvoka s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il-Kummissjoni (C‑586/18 P, EU:C:2020:152), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, skont il-Kummissjoni, li r-Repubblika Taljana kienet, permezz ta’ sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), tat lil fornitur ta’ servizzi ta’ trasport bix-xarabank għajnuna mill-Istat li tikkonsisti f’kumpens għall-obbligi ta’ servizz pubbliku tiegħu.

75

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat biss, kif jirriżulta mill-punt 97 tagħha, li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni “kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat)”. Issa, għalkemm il-qorti nazzjonali tista’, jekk ikun il-każ, tagħti sentenza li minnha jirriżulta li waħda mill-partijiet għandha, skont id-dritt nazzjonali, tirċievi somma li tikkorrispondi għal għajnuna mill-Istat, dan bl-ebda mod ma jfisser li, f’dan il-każ, hija l-qorti nazzjonali stess li tagħti din l-għajnuna. Tali sentenza għandha biss l-effett, bis-saħħa tal-awtorità ta’ res judicata, li tobbliga lill-parti l-oħra, ġeneralment l-awtorità amministrattiva kompetenti, tipproċedi għall-ħlas tal-imsemmija għajnuna. B’hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Buonotourist vs Il‑Kummissjoni (C‑586/18 P, EU:C:2020:152), il-kumpens għal obbligi ta’ servizz pubbliku kien previst f’deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani, kif jirriżulta mill-punt 17 ta’ dik is-sentenza.

76

Fi kwalunkwe każ, l-istabbiliment, bħala tali, ta’ għajnuna mill-Istat ma jistax joħroġ minn deċiżjoni ġudizzjarja. Fil-fatt, dan l-istabbiliment ta’ għajnuna mill-Istat jaqa’ taħt evalwazzjoni ta’ opportunità li ma taqax taħt il-kompetenza tal-qorti.

77

Għandu jingħad ukoll li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija bbażata fuq obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn, minn naħa, il-qrati nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni u l-qrati tal-Unjoni, kooperazzjoni li fil-kuntest tagħha kull waħda minnhom taġixxi skont ir-rwol mogħti lilha mit-Trattat FUE. Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u għandhom joqogħdu lura milli jieħdu dawk li jistgħu jqiegħdu f’perikolu l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat, kif jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE (sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 41).

78

Għaldaqstant, għalkemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tistabbilixxi vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat favur produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, is-somom allokati lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) ma jistgħux fi kwalunkwe każ jitqiesu li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat distinti minn dan il-vantaġġ.

79

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dritt legali għal ħlas miżjud għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, talbiet ġudizzjarji intiżi li jinkiseb il-benefiċċju sħiħ ta’ dan id-dritt għandhom jitqiesu li huma talbiet għall-ħlas tal-parti minn din l-għajnuna mill-Istat mhux imħallsa, u mhux bħala talbiet intiżi għall-għoti mill-qorti adita ta’ għajnuna mill-Istat distinta.

Fuq il‑ħames domanda

80

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li t-talbiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom jitqiesu bħala talbiet għall-ħlas tal-parti tal-għajnuna mill-Istat mhux imħallsa, dan il-ħlas għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tas-suq tal-elettriku u l-istat tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-data li fiha jseħħ, inklużi r-restrizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-kumpens żejjed.

81

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrigwarda interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tissodisfa bżonn oġġettiv tad-deċiżjoni li l-qorti nazzjonali għandha tieħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Settembru 2016, Velikova, C‑228/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:641, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanzi msemmija fil-ħames domanda preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali mas-suq intern, fl-eventwalità li dawn il-miżuri jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna jew ta’ skema ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni (sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C‑237/04, EU:C:2006:197, punt 23, u tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea, C‑179/20, EU:C:2022:58, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, din id-domanda hija manifestament nieqsa minn kull utilità għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawżi prinċipali.

83

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames domanda hija ammissibbli.

Fuq is‑sitt u s‑seba’ domanda

84

Permezz tas-sitt u tas-seba’ domanda preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, minn naħa, il-fatt li l-impjanti tal-enerġija eolika, kuntrarjament għall-impjanti tal-enerġija idroelettrika, ibbenefikaw minn għajnuna sħiħa fil-passat u, min-naħa l-oħra, il-fatt li hija biss parti mill-produtturi tal-enerġija idroelettrika li ġew ikkumpensati, humiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

85

Għandu jitfakkar li n-neċessità li wieħed jasal għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teħtieġ li din tal-aħħar tiddefinixxi l-kuntest fattwali u regolamentari tad-domandi li hija tagħmel jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss is-setgħa li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni japplika b’mod iktar partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

Għandu jiġi enfasizzat li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda sservi wkoll sabiex tagħti lill-Gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessi l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw b’mod utli osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari huma previsti b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tiegħu u li għandha tosserva bir-reqqa (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Balgarska energiyna borsa, C‑347/16, EU:C:2017:816, punti 5859 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju, li kull ma tagħmel huwa, essenzjalment, li tinvoka ċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, ma tinkludix spjegazzjonijiet fir-rigward tar-raġunijiet għaliex il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE.

89

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sitt u s-seba’ domanda għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fuq it‑tmien domanda

90

Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk ir-Regolament Nru 1407/2013, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kriterji previsti għall-għajnuna de minimis huma applikabbli għall-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali sa fejn l-ammont ta’ din tal-aħħar ma jaqbiżx il-limitu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament.

91

Għalkemm, kif tfakkar fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, il-qrati nazzjonali ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, huma għall-kuntrarju jistgħu jiġu aditi b’tilwimiet li jobbligawhom jinterpretaw u japplikaw il-kunċett ta’ “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura statali stabbilita mingħajr ma tittieħdet inkunsiderazzjoni l-proċedura ta’ kontroll minn qabel prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE kellhiex jew le tiġi suġġetta għaliha (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Lucchini, C‑119/05, EU:C:2007:434, punt 50, u tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 98). B’hekk, qorti nazzjonali jaf ikollha tevalwa jekk għajnuna mill-Istat taqax taħt ir-regoli derogatorji tal-għajnuna de minimis, li ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni previst f’dan l-Artikolu 108(3).

92

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1407/2013 għat-tilwima fil-kawżi prinċipali minħabba l-ammont modest tas-somom allokati lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali mill-qorti li tiddeċiedi fuq il-mertu, jiġifieri s-somma ta’ EUR 3 406.63 u dik ta’ EUR 662.26 rispettivament. Madankollu, skont l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, il-limitu massimu tal-għajnuna de minimis għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-għajnuna diġà mogħtija “fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli” jew fir-rigward tal-“istess miżura ta’ finanzjament tar-riskju”. Issa, kif ġie espost fil-punti 63 u 67 ta’ din is-sentenza, is-somom allokati lir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jikkorrispondu għal rettifika tal-ammont totali tas-somom diġà mħallsa u li għadhom mitluba minn dawn tal-aħħar bejn is-sena 2006 u s-sena 2008 skont l-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku. Għaldaqstant, huwa fir-rigward tal-ammont totali tas-somom diġà mħallsa u tas-somom li għadhom mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fuq din il-bażi matul il-perijodu ta’ referenza li, jekk jitqies li din hija għajnuna mill-Istat, għandha tiġi evalwata n-natura de minimis tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

93

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tmien domanda preliminari hija li r-Regolament Nru 1407/2013, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-osservanza tal-limitu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ammont tal-għajnuna mitluba skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti flimkien ma’ dak tal-ħlasijiet diġà mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza taħt din il-leġiżlazzjoni.

Fuq id-disa’ u l-għaxar domanda

94

Permezz tad-disa’ u tal-għaxar domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament 2015/1589 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li s-somom mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jikkorrispondu għal għajnuna mill-Istat, din l-għajnuna għandha tiġi kklassifikata bħala “ġdida” jew bħala “eżistenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, b’mod partikolari, jekk dawn is-somom jistgħux jitqiesu bħala “għajnuna eżistenti”, skont l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589.

95

Kif ġie indikat fil-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, is-somom mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jirrappreżentaw parti mill-vantaġġ tariffarju li huma jqisu li huwa dovut lilhom fil-kwalità tagħhom ta’ produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, skont il-leġiżlazzjoni Latvjana fis-seħħ bejn is-sena 2006 u s-sena 2008. Dawn is-somom huma, għaldaqstant, tal-istess natura bħal dan il-vantaġġ tariffarju.

96

Huwa għalhekk li l-kwistjoni ta’ jekk is-somom inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati bħala “għajnuna ġdida” jew bħala “għajnuna eżistenti” tiddependi mill-kwistjoni ta’ liema waħda minn dawn iż-żewġ klassifikazzjonijiet għandha tingħata lill-imsemmi vantaġġ tariffarju, li miegħu huma marbuta dawn is-somom, fl-ipoteżi li l-istess vantaġġ jiġi kklassifikat bħala “għajnuna mill-Istat”.

97

Fir-rigward ta’ kwistjoni ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti tat-tilwima fil-kawżi prinċipali li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa biss li tagħti lil dik il-qorti l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu applikati minn din tal-aħħar.

98

L-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi li għandha titqies bħala “għajnuna ġdida”“kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”. Għalhekk, sabiex għajnuna mill-Istat titqies li hija “għajnuna ġdida”, għandu jiġi stabbilit li din ma hijiex “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589, li jiddistingwi bejn diversi kategoriji ta’ għajnuna eżistenti.

99

Fl-ewwel lok, l-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589 jidentifika bħala “għajnuna eżistenti”“skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat-[Trattat FUE] fl-Istat Membri rispettiv”.

100

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-vantaġġ tariffarju favur produtturi tal-idroelettriku stabbilit fl-Artikolu 40(1) tal-Liġi dwar l-Enerġija qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Latvja mal-Unjoni ġie estiż bl-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku.

101

Madankollu, kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, din id-dispożizzjoni tapplika “mingħajr preġudizzju għall-[…]Appendiċi tal-Anness IV tal-[Att ta’ Adeżjoni]”. Issa, mit-tieni subparagrafu tal-punt 3(1) ta’ dan l-Anness IV jirriżulta li kull miżura li tibqa’ tapplika wara d-data tal-adeżjoni li hija għajnuna pubblika għandha titqies li hija għajnuna ġdida, sakemm ma tkunx ġiet implimentata qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994, ma tkunx miżura ta’ għajnuna elenkata fl-Appendiċi tal-imsemmi Anness IV jew sakemm ma tkunx ġiet ikkomunikata mill-Kummissjoni mingħajr ma din tkun qajmet oġġezzjoni minħabba dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern.

102

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti ma hijiex imsemmija fl-Appendiċi tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni u mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li l-imsemmija leġiżlazzjoni kienet ġiet implimentata qabel l‑10 ta’ Diċembru 1994 u lanqas li kienet ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni bħala skema ta’ għajnuna.

103

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-vantaġġ tariffarju stabbilit permezz tal-Liġi dwar l-Enerġija u estiż permezz tal-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku ma jistax, jekk jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, jiġi kklassifikat bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament 2015/1589, punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

104

Fit-tieni lok, l-Artikolu 1(b)(ii) u (iii) tar-Regolament 2015/1589 jidentifika bħala “għajnuna eżistenti”“għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill” jew li hija “meqjusa awtorizzata” mill-Kummissjoni. Issa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-vantaġġ tariffarju inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma ġiex awtorizzat, la mill-Kunsill u lanqas mill-Kummissjoni, u lanqas ma jista’ jitqies li ġie awtorizzat minn din tal-aħħar peress li ma ġiex ikkomunikat lilha. Għaldaqstant, dan il-vantaġġ, li kieku kellu jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, lanqas ma jista’ jitqies bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) u (iii) tar-Regolament 2015/1589, punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

105

Fit-tielet lok, tikkostitwixxi wkoll “għajnuna eżistenti”, skont l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589, “għajnuna meqjusa għajnuna eżistenti skont l-Artikolu 17 [tar-Regolament 2015/1589]”.

106

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi li s-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data li fiha l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju, bħala għajnuna individwali jew fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, u kull miżura meħuda mill-Kummissjoni, jew minn Stat Membru li jaġixxi fuq talba mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna illegali tinterrompi dan it-terminu. Barra minn hekk, skont il-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu, kull għajnuna li fir-rigward tagħha jkun skada l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni għandha titqies li hija għajnuna eżistenti (sentenza tas‑26 ta’ April 2018, ANGED, C‑233/16, EU:C:2018:280, punt 79).

107

Sabiex jiġi evalwat jekk is-somom mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jistgħux jiġu kklassifikati bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-għaxar domanda preliminari tagħha, jekk il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 għandux jiġi stabbilit fid-data tal-istabbiliment tal-vantaġġ tariffarju li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jitolbu l-benefiċċju tiegħu jew fid-data tal-ħlas effettiv li sar favurihom f’dan ir-rigward.

108

F’dan id-dawl, mill-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, għall-finijiet tal-iffissar tad-data li minnha jibda jiddekorri t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għad-data tal-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarju u mhux għad-data tal-adozzjoni ta’ skema ta’ għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il‑Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 81).

109

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan it-terminu ta’ preskrizzjoni, l-għajnuna kkonċernata għandha titqies li ngħatat lill-benefiċjarju biss fid-data li fiha hija effettivament ingħatat lil dan tal-aħħar (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punt 82).

110

Fil-fatt, l-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 għandu l-għan li jiddetermina t-terminu li fih il-Kummissjoni tista’ tirkupra għajnuna mħallsa illegalment. Għaldaqstant, il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu ma jistax jiġi ffissat f’data qabel dik li fiha tħallset l-għajnuna illegali.

111

F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, is-somom li qed jitolbu r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jikkorrispondu għall-parti tal-vantaġġ tariffarju li huma jqisu li hija dovuta lilhom skont il-leġiżlazzjoni Latvjana fis-seħħ bejn is-sena 2006 u s-sena 2008 u li ma kinitx tħallset lilhom fl-istess ħin mal-bqija ta’ dan il-vantaġġ. Issa, sakemm dawn is-somom ma jkunux effettivament tħallsu, mill-punt preċedenti jirriżulta li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 ma bediex jiddekorri fir-rigward tagħhom. Huwa minnu li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali) laqgħet it-talbiet tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali fl-ammont ta’ EUR 3 406.63 u ta’ EUR 662.26 rispettivament. Madankollu, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sentenzi ta’ dik il-qorti pprevedew is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom fl-istennija tal-komunikazzjoni tal-għajnuna kkonċernata u tad-deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ din l-għajnuna. Għaldaqstant, l-għoti effettiv ta’ din l-għajnuna, jiġifieri l-ħlas tas-somom mogħtija, għadu ma seħħx u għalhekk it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589 għadu ma bediex jiddekorri u lanqas, a fortiori, ma skada.

112

Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589 ma humiex issodisfatti, b’tali mod li s-somom inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, fl-eventwalità li jiġu kklassifikati bħala miżuri ta’ għajnuna, ma jistgħux jitqiesu bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

113

Fir-raba’ lok, tikkostitwixxi wkoll “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589, kull għajnuna meqjusa bħala tali “minħabba li jista’ jiġi stabbilit li meta daħlet fis-seħħ ma kinitx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq intern u mingħajr ma l-Istat Membru jkun għamel tibdil fiha”. Din id-dispożizzjoni tispeċifika li, “[f]ejn ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mil-liġi tal- Unjoni, dawk il-miżuri m’għandhomx jitqiesu li jkunu għajnuna eżistenti wara d-data stabbilita għall-liberalizzazzjoni”.

114

Għandu jiġi rrilevat li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma ssemmix l-ipoteżi fejn il-mekkaniżmu stabbilit favur l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jkun sar għajnuna li tiffavorixxi żvilupp tas-suq intern. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” ma teħtieġx li s-suq tal-elettriku jkun ġie kompletament illiberalizzat minn qabel.

115

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li s-somom mitluba mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, fil-każ li jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat, lanqas ma jikkostitwixxu “għajnuna eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament 2015/1589.

116

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-disa’ u għall-għaxar domanda preliminari hija li l-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn għajnuna mill-Istat ma tikkorrispondi għal ebda waħda mill-kategoriji ta’ għajnuna eżistenti previsti fl-Artikolu 1(b) ta’ dan ir-regolament, din l-għajnuna, inkluża l-parti tagħha li l-ħlas tagħha jkun qiegħed jintalab sussegwentement, għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tal-imsemmi regolament.

Fuq il‑ħdax‑il domanda

117

Permezz tal-ħdax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 108(3) TFUE, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tilqa’ talba li jkollha bħala suġġett il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għal għajnuna ġdida mhux ikkomunikata lill-Kummissjoni bil-kundizzjoni li qabel din l-għajnuna tiġi debitament ikkomunikata mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati lill-Kummissjoni u li din tal-aħħar tagħti, jew titqies li tat, il-kunsens tagħha f’dan ir-rigward.

118

Din id-domanda hija intiża li tippermetti lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kompatibbiltà tas-sentenzi tal-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali), attwalment taħt appell, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, permezz ta’ dawn is-sentenzi, din l-aħħar qorti laqgħet parzjalment it-talbiet ta’ DOBELES HES u ta’ GM u kkundannat lill-Awtorità Regolatorja tħallas lil dawn tal-aħħar, rispettivament, is-somma ta’ EUR 3 406.63 u dik ta’ EUR 662.26, bil-kundizzjoni li l-Kummissjoni tieħu, jew titqies li ħadet, deċiżjoni li tawtorizza din l-għajnuna.

119

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-missjoni li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-qrati nazzjonali fl-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat tinkludi, b’mod partikolari, l-obbligu, meta dawn il-qrati jikkonstataw li l-miżura kkonċernata kellha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni, li jivverifikaw jekk l-Istat Membru kkonċernat ikkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jiddikjaraw din il-miżura illegali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 68).

120

Il-qrati nazzjonali għandhom jisiltu l-konsegwenzi kollha tal-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, OTP Bank, C‑672/13, EU:C:2015:185, punt 69).

121

Fil-każ li l-qorti nazzjonali tkun adita b’talba intiża li jinkiseb il-ħlas ta’ għajnuna illegali, minħabba li din tal-aħħar ma tkunx ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni, il-kompitu ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat li d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-imsemmija qorti għandu għalhekk iwassal, bħala prinċipju, lil din tal-aħħar sabiex tiċħad din it-talba.

122

Madankollu, deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tal-għajnuna inkwistjoni, iżda bil-kundizzjoni li din tkun qabel ikkomunikata lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati u li din l-istituzzjoni tagħti l-kunsens tagħha, jew titqies li tkun tat dan il-kunsens, hija wkoll ta’ natura li tevita li għajnuna ġdida titħallas bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589.

123

L-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/1589 għandhom għalhekk jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tilqa’ talba li jkollha bħala suġġett il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għal għajnuna ġdida mhux ikkomunikata lill-Kummissjoni, bil-kundizzjoni li din l-għajnuna tkun qabel debitament ikkomunikata mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati lil din l-istituzzjoni u li din tal-aħħar tagħti, jew titqies li tkun tat, il-kunsens tagħha f’dan ir-rigward.

Fuq it‑tnax‑il domanda

124

Permezz tat-tnax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 107(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa rilevanti, sabiex jiġi evalwat jekk somom għandhomx in-natura ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn jintalbu mingħand awtorità pubblika distinta minn dik li, bħala prinċipju, hija marbuta tħallashom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u li l-baġit tagħha huwa intiż biss li jiżgura l-funzjonament tagħha stess.

125

Mill-Artikolu 107(1) TFUE jirriżulta li l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat ma tiddependix mill-organu responsabbli għall-ħlas tagħha skont id-dritt nazzjonali, iżda mill-oriġini statali tal-fondi li minnhom titħallas l-għajnuna kkonċernata. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward huwa irrilevanti jekk il-persuna responsabbli sabiex tagħti l-vantaġġ inkwistjoni għandhiex status pubbliku jew privat jew jekk tgawdix minn awtonomija statutorja taħt id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs TV2/Danmark, C‑656/15 P, EU:C:2017:836, punti 4445).

126

Għalhekk, il-fatt li parti minn vantaġġ, li ma tkunx tħallset mill-organu li bħala prinċipju huwa responsabbli sabiex iħallsu skont id-dritt nazzjonali, tintalab mingħand awtorità pubblika distinta fil-kuntest ta’ kawża ġudizzjarja ma jista’ jkollu ebda impatt fuq il-klassifikazzjoni ta’ dan il-vantaġġ bħala għajnuna mill-Istat.

127

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tnax-il domanda hija li l-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa irrilevanti, sabiex jiġi evalwat jekk somom għandhomx in-natura ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-somom jintalbu mingħand awtorità pubblika distinta minn dik li, bħala prinċipju, hija marbuta tħallashom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u li l-baġit tagħha huwa intiż biss li jiżgura l-funzjonament tagħha stess.

Fuq it‑tlettax‑il domanda

128

Permezz tat-tlettax-il domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2002/20 tistax tkun ta’ ostakolu għall-“eventwali kumpens” tar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali mill-Awtorità Regolatorja.

129

Għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, li din id-direttiva, li tikkonċerna s-suq tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, ma hijiex applikabbli għas-settur tal-elettriku.

130

Minn dan isegwi li t-tlettax-il domanda hija manifestament nieqsa minn kull utilità għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawżi prinċipali u, għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, hija inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

131

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-impriża ta’ distribuzzjoni tal-elettriku awtorizzata tixtri l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq u li tipprevedi li l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dan għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta’ imposta obbligatorja sostnuta mill-konsumaturi finali jew li tipprevedi li l-fondi użati sabiex jiġu ffinanzjati dawn l-ispejjeż addizzjonali jibqgħu b’mod kostanti taħt kontroll pubbliku tikkostitwixxi intervent “permezz ta’ riżorsi tal-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

2)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klassifikazzjoni ta’ vantaġġ bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li s-suq ikkonċernat ikun qabel ġie kompletament illiberalizzat.

 

3)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun stabbilixxiet “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-ħlas ta’ somma mitluba quddiem qorti skont din il-leġiżlazzjoni jikkostitwixxi wkoll tali għajnuna.

 

4)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi dritt legali għal ħlas miżjud għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, talbiet ġudizzjarji intiżi li jinkiseb il-benefiċċju sħiħ ta’ dan id-dritt għandhom jitqiesu li huma talbiet għall-ħlas tal-parti minn din l-għajnuna mill-Istat mhux imħallsa, u mhux bħala talbiet intiżi għall-għoti mill-qorti adita ta’ għajnuna mill-Istat distinta.

 

5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 [TFUE] għall-għajnuna de minimis, b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-osservanza tal-limitu de minimis stabbilit fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-ammont tal-għajnuna mitluba skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti flimkien ma’ dak tal-ħlasijiet diġà mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza taħt din il-leġiżlazzjoni.

 

6)

L-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn għajnuna mill-Istat ma tikkorrispondi għal ebda waħda mill-kategoriji ta’ għajnuna eżistenti previsti fl-Artikolu 1(b) ta’ dan ir-regolament, din l-għajnuna, inkluża l-parti tagħha li l-ħlas tagħha jkun qiegħed jintalab sussegwentement, għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tal-imsemmi regolament

 

7)

L-Artikolu 108(3) TFUE kif ukoll l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tilqa’ talba li jkollha bħala suġġett il-ħlas ta’ somma li tikkorrispondi għal għajnuna ġdida mhux ikkomunikata lill-Kummissjoni Ewropea, bil-kundizzjoni li din l-għajnuna tkun qabel debitament ikkomunikata mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati lil din l-istituzzjoni u li din tal-aħħar tagħti, jew titqies li tkun tat, il-kunsens tagħha f’dan ir-rigward.

 

8)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa irrilevanti, sabiex jiġi evalwat jekk somom għandhomx in-natura ta’ “għajnuna mill-Istat”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li dawn is-somom jintalbu mingħand awtorità pubblika distinta minn dik li, bħala prinċipju, hija marbuta tħallashom skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata u li l-baġit tagħha huwa intiż biss li jiżgura l-funzjonament tagħha stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.