SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
2 ta’ Frar 2023 ( *1 )
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Skema fiskali applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti (skema Spanjola ta’ leasing fiskali) – Kundizzjoni dwar is-selettività – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Irkupru tal-għajnuna”
Fil-Kawżi magħquda C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P,
li għandhom bħala suġġett tliet appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fl-1 ta’ Diċembru 2020 u fit-3 ta’ Diċembru 2020,
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn S. Centeno Huerta, A. Gavela Llopis, I. Herranz Elizalde u S. Jiménez García, bħala aġenti,
appellant fil-Kawża C‑649/20 P,
Lico Leasing SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),
Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión SA, stabbilita f’Madrid,
irrappreżentati minn J. M. Rodríguez Cárcamo u A. Sánchez, abogados,
appellanti fil-Kawża C‑658/20 P,
Caixabank SA, stabbilita f’Barcelona (Spanja),
Asociación Española de Banca, stabbilita f’Madrid,
Unicaja Banco SA, stabbilita f’Málaga (Spanja),
Liberbank SA, stabbilita f’Madrid,
Banco de Sabadell SA, stabbilita f’Sabadell (Spanja),
Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, stabbilita f’Bilbao (Spanja),
Banco Santander SA, stabbilita f’Santander (Spanja),
Santander Investment SA, stabbilita f’Boadilla del Monte (Spanja),
Naviera Séneca AIE, stabbilita f’Las Palmas de Gran Canaria (Spanja),
Industria de Diseño Textil SA (Inditex), stabbilita f’Arteixo (Spanja),
Naviera Nebulosa de Omega AIE, stabbilita f’Las Palmas de Gran Canaria,
Abanca Corporación Bancaria SA, stabbilita f’Betanzos (Spanja),
Ibercaja Banco SA, stabbilita Zaragoza (Spanja),
Naviera Bósforo AIE, stabbilita f’Las Palmas de Gran Canaria,
Joyería Tous SA, stabbilita f’Lleida (Spanja),
Corporación Alimentaria Guissona SA, stabbilita f’Guissona (Spanja),
Naviera Muriola AIE, stabbilita f’Madrid,
Poal Investments XXI SL, stabbilita f’San Sebastián de los Reyes (Spanja),
Poal Investments XXII SL, stabbilita f’San Sebastián de los Reyes,
Naviera Cabo Vilaboa C‑1658 AIE, stabbilita f’Madrid,
Naviera Cabo Domaio C‑1659 AIE, stabbilita f’Madrid,
Caamaño Sistemas Metálicos SL, stabbilita f’Culleredo (Spanja),
Blumaq SA, stabbilita f’La Vall de Uixó (Spanja),
Grupo Ibérica ta’ Congelados SA, stabbilita f’Vigo (Spanja),
RNB SL, stabbilita f’La Pobla de Vallbona (Spanja),
Inversiones Antaviana SL, stabbilita f’Paterna (Spanja),
Banco de Albacete SA, stabbilita f’Boadilla del Monte,
Bodegas Muga SL, stabbilita f’Haro (Spanja), u
Aluminios Cortizo SAU, stabbilita f’Padrón (Spanja),
irrappreżentati minn E. Abad Valdenebro, J. L. Buendía Sierra, R. Calvo Salinero u A. Lamadrid de Pablo, abogados,
appellanti fil-Kawża C‑662/20 P,
sostnuti minn:
Decal España SA, stabbilita f’Barcelona, irrappreżentata minn M.‑J. Silva Sánchez, abogado,
intervenjenti fil-Kawża C‑662/20 P,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Carpi Badía, V. Di Bucci, É. Gippini Fournier u P. Němečková, bħala aġenti,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis (Relatur) u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Ġunju 2022,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tad‑29 ta’ Settembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appelli tagħhom, ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing SA u Pequeños y Medianos Astilleros Sociedad de Reconversión SA (iktar ’il quddiem “PYMAR”) kif ukoll Caixabank SA, Asociación Española de Banca, Unicaja Banco SA, Liberbank SA, Banco de Sabadell SA, Banco Bilbao Vizcaya Argentaria SA, Banco Santander SA, Santander Investment SA, Naviera Séneca AIE, Industria de Diseño Textil SA (Inditex), Naviera Nebulosa de Omega AIE, Abanca Corporación Bancaria SA, Ibercaja Banco SA, Naviera Bósforo AIE, Joyería Tous SA, Corporación Alimentaria Guissona SA, Naviera Muriola AIE, Poal Investments XXI SL, Poal Investments XXII SL, Naviera Cabo Vilaboa C‑1658 AIE, Naviera Cabo Domaio C‑1659 AIE, Caamaño Sistemas Metálicos SL, Blumaq SA, Grupo Ibérica de Congelados SA, RNB SL, Inversiones Antaviana SL, Banco de Albacete SA, Bodegas Muga SL u Aluminios Cortizo SAU (iktar ’il quddiem, flimkien, “Caixabank et”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja et vs Il-Kummissjoni (T 515/13 RENV u T‑719/13 RENV, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, ECLI:EU:T:2020:434), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi għal annullament ippreżentati mir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/200/UE tas‑17 ta’ Lulju 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.21233 C/11 (ex NN/11, ex CP 137/06) mogħtija minn Spanja Reġim tat-taxxa applikabbli għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni finanzjarja magħruf ukoll bħala s-Sistema Spanjola tat-Taxxa tal-Lokazzjoni (ĠU 2014, L 114, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kontenzjuża”). |
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Wara li tressqu lmenti kontra l-fatt li l-iskema Spanjola ta’ leasing fiskali kif applikata għal ċerti ftehimiet ta’ lokazzjoni-finanzjament għall-akkwist ta’ bastimenti (iktar ’il quddiem l-“ISLF”) kienet tippermetti lill-kumpanniji marittimi jakkwistaw bastimenti mibnija f’tarzni Spanjoli filwaqt li jibbenefikaw minn tnaqqis fil-prezz ta’ bejn 20 u 30 %, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE permezz tad-Deċiżjoni C(2011) 4494 finali tad‑29 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, C 276, p. 5). |
|
3 |
Matul din il-proċedura, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ISLF kienet użata, sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, għal tranżazzjonijiet li jinvolvu l-bini ta’ bastimenti minn tarzni u l-akkwist tagħhom minn kumpanniji marittimi kif ukoll fil-finanzjament ta’ dawn it-tranżazzjonijiet permezz ta’ struttura legali u finanzjarja ad hoc organizzata minn bank. L-ISLF kienet tinvolvi, għal kull ordni ta’ bastiment, kumpannija marittima, tarzna, bank, kumpannija ta’ lokazzjoni-bejgħ u grupp ta’ interess ekonomiku (GIE) ikkostitwit minn dan il-bank u mill-investituri li jakkwistaw ishma f’dan il-GIE. Dan tal-aħħar kien jieħu l-bastiment b’lokazzjoni mingħand kumpannija ta’ lokazzjoni-bejgħ sa mill-bidu tal-bini ta’ dan il-bastiment u sussegwentement kien jikri dan il-bastiment lill-kumpannija marittima permezz ta’ kuntratt ta’ nolleġġ mingħajr ekwipaġġ. L-imsemmi GIE kien jimpenja ruħu li jixtri l-imsemmi bastiment fit-tmiem tal-kuntratt ta’ lokazzjoni-bejgħ filwaqt li l-kumpannija marittima kienet timpenja ruħha li tixtri l-bastiment fit-tmiem tal-kuntratt ta’ nolleġġ mingħajr ekwipaġġ. Skont id-Deċiżjoni kontenzjuża, din kienet skema ta’ ppjanar tat-taxxa maħsuba sabiex tiġġenera vantaġġi fiskali għal investituri miġbura fi ħdan GIE “fiskalment trasparenti” u sabiex tittrasferixxi parti minn dawn il-vantaġġi lil kumpannija marittima fil-forma ta’ tnaqqis tal-prezz tal-istess bastiment. |
|
4 |
Il-Kummissjoni kkonstatat li l-operazzjonijiet imwettqa abbażi tal-ISLF kienu jiġbru flimkien ħames miżuri previsti f’diversi dispożizzjonijiet tar-Real Decreto Legislativo 4/2004, por el que se aprueba el texto refundido de la Ley del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 4/2004 li Japprova t-Test Rivedut tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tal‑5 ta’ Marzu 2004 (BOE Nru 61 tal‑11 ta’ Marzu 2004, p. 10951, iktar ’il quddiem it-“TRLIS”), u tar-Real Decreto 1777/2004, por el que se aprueba el Reglamento del Impuesto sobre Sociedades (id-Digriet Irjali 1777/2004 li Japprova r-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BOE Nru 189 tas‑6 ta’ Awwissu 2004, p. 37072, iktar ’il quddiem ir-“RIS”). Dawn il-ħames miżuri kienu jikkonsistu fid-deprezzament aċċellerat tal-attiv mikri previst fl-Artikolu 115(6) tat-TRLIS (iktar ’il quddiem id-“deprezzament antiċipat”), fl-applikazzjoni diskrezzjonali tad-deprezzament antiċipat li tirriżulta mill-Artikolu 48(4) u mill-Artikolu 115(11) tat-TRLIS kif ukoll mill-Artikolu 49 tar-RIS, fid-dispożizzjonijiet dwar il-GIE, fl-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ prevista fl-Artikoli 124 sa 128 tat-TRLIS u fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50(3) tar-RIS. |
|
5 |
Skont l-Artikolu 115(6) tat-TRLIS, id-deprezzament antiċipat kien jibda fid-data li fiha l-attiv mikri kien fi stat operattiv, jiġifieri, mhux qabel ma l-attiv ikun ġie kkonsenjat lill-kerrej u dan ikun beda jużah. Madankollu, l-Artikolu 115(11) tat-TRLIS kien jipprovdi li l-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi seta’, fuq talba formali tal-kerrej, jiffissa data preċedenti għall-bidu tad-deprezzament ikkonċernat. L‑Artikolu 115(11) tat-TRLIS kien jimponi żewġ kundizzjonijiet ġenerali għal dan id-deprezzament antiċipat. Il-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-GIE kienu jinsabu fl-Artikolu 48(4) tat-TRLIS. Il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 115(11) tat-TRLIS kienet spjegata fid-dettall fl-Artikolu 49 tar-RIS. |
|
6 |
L-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ ġiet awtorizzata matul is-sena 2002 bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern skont il-linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu tal‑5 ta’ Lulju 1997 (ĠU 1997, C 205, p. 5), kif emendati bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2004) 43 (ĠU 2004, C 13, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“linji gwida marittimi”), bid-Deċiżjoni finali tal-Kummissjoni C(2002) 582 tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar l-għajnuna mill-Istat N 736/2001 mogħtija minn Spanja – Sistema għall-intaxxar tal-kumpanniji tat-trasport marittimu fuq it-tunnellaġġ (ĠU 2004, C 38, p. 4, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Frar 2002 dwar it-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ”). Fl-ambitu ta’ din l-iskema, l-impriżi rreġistrati f’wieħed mir-reġistri tal-kumpanniji marittimi u li kisbu awtorizzazzjoni mill-amministrazzjoni fiskali għal dan il-għan ma humiex intaxxati skont il-qligħ u t-telf tagħhom, iżda abbażi tat-tunnellaġġ tagħhom. Il-leġiżlazzjoni Spanjola tippermetti lill-GIE jirreġistraw ruħhom f’wieħed minn dawn ir-reġistri, minkejja li ma humiex kumpanniji marittimi. |
|
7 |
L-Artikolu 125(2) tat-TRLIS jipprovdi proċedura speċjali għall-bastimenti li jkunu diġà mixtrija fil-mument li huma jgħaddu għall-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u għall-bastimenti użati akkwistati meta l-impriża kienet diġà tibbenefika minn din l-iskema. Bl-applikazzjoni normali tal-imsemmija skema, l-eventwali qligħ kapitali kien intaxxat taħt l-istess skema u kien jiġi preżunt li t-tassazzjoni tal-qligħ kapitali, għalkemm iktar tard, kienet isseħħ meta l-bastiment kien jinbiegħ jew jiġi skrappjat. Madankollu, b’deroga minn din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 50(3) tar-RIS kien jipprovdi li, meta l-bastimenti kienu jinxtraw permezz tal-għażla ta’ xiri fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni-bejgħ approvat minn qabel mill-awtoritajiet fiskali, dawn kienu jitqiesu bħala bastimenti ġodda u mhux użati, fis-sens tal-Artikolu 125(2) tat-TRLIS, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huma kienu diġà ġew iddeprezzati, b’mod li l-qligħ kapitali eventwali ma kienx intaxxat. Din id-deroga, li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni, kienet applikata biss għall-kuntratti ta’ lokazzjoni-bejgħ speċifiċi approvati mill-awtoritajiet fiskali fil-kuntest ta’ talbiet għall-applikazzjoni tad-deprezzament antiċipat skont l-Artikolu 115(11) tat-TRLIS, jiġifieri għal bastimenti reċentement mibnija u mikrija, mixtrija permezz ta’ tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt l‑ISLF u, b’eċċezzjoni waħda, li joħorġu mit-tarzni Spanjoli. |
|
8 |
Permezz tal-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, il-GIE kien jirċievi l-vantaġġi fiskali f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, deprezzament antiċipat u aċċellerat tal-ispiża tal-bastiment akkwistat b’lokazzjoni-bejgħ kien applikat taħt il-qafas normali tat-taxxa fuq il-kumpanniji, li kien iwassal għal telf kbir għal dan il-GIE, li, minħabba t-trasparenza fiskali tal-GIE, seta’ jitnaqqas mid-dħul proprju tal-investituri pro rata skont il-parteċipazzjoni tagħhom fil-GIE. Filwaqt li dan id-deprezzament antiċipat u aċċellerat huwa normalment ikkumpensat sussegwentement permezz taż-żieda fit-taxxi li jitħallsu meta l-bastiment jiġi ddeprezzat għal kollox jew meta l-bastiment jinbiegħ b’mod li jsir qligħ kapitali mill-bejgħ, l-iffrankar fiskali li jirriżulta mit-trasferiment tat-telf inizjali lill-investituri kien jinżamm, fit-tieni stadju, billi l-istess GIE kien jaqleb għall-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ, li kienet tippermetti l-eżenzjoni sħiħa tal-qligħ li jirriżulta mill-bejgħ tal-imsemmi bastiment lill-kumpannija marittima. |
|
9 |
Filwaqt li qieset li l-ISLF kellha tiġi deskritta bħala “sistema”, il-Kummissjoni analizzat ukoll individwalment kull waħda mill-miżuri inkwistjoni. Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija ddeċidiet li, fost dawn il-miżuri, dawk, li jirriżultaw mill-Artikolu 115(11) tat-TRLIS dwar id-deprezzament antiċipat, mill-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ għal impriżi, għal bastimenti jew għal attivitajiet mhux eliġibbli u mill-Artikolu 50(3) tar-RIS (iktar ’il quddiem il-“miżuri fiskali inkwistjoni”) kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lill-GIE u lill-investituri tagħhom implimentata illegalment mir-Renju ta’ Spanja mill‑1 ta’ Jannar 2002, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. Hija ddikjarat li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu inkompatibbli mas-suq intern, ħlief sa fejn l-għajnuna kienet tikkorrispondi għal remunerazzjoni konformi mas-suq għall-intervent ta’ investituri finanzjarji u sa fejn hija kienet ġiet allokata għal impriżi tat-trasport marittimu li setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-linji gwida marittimi. Hija ddeċidiet li r-Renju ta’ Spanja kellu jwaqqaf din l-iskema ta’ għajnuna inkwantu din kienet inkompatibbli mas-suq intern u kellu jirkupra l-għajnuna inkompatibbli mingħand l-investituri tal-GIE li bbenefikaw minnha, mingħajr ma dawn il-benefiċjarji jistgħu jittrasferixxu l-obbligu tal-irkupru ta’ din l-għajnuna lil persuni oħra. |
|
10 |
Madankollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma għandux isir l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament li għalihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ntrabtu li jikkonċedu l-benefiċċju tal-miżuri b’att legalment vinkolanti adottat qabel it‑30 ta’ April 2007, id-data tal-pubblikazzjoni f’Il‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-Deċiżjoni 2007/256/KE tagħha tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-iskema ta’ għajnuna pprovduta minn Franza abbażi tal-Artikolu 39 CA tal-kodiċi ġenerali tat-taxxi – Għajnuna mill-Istat C 46/04 (ex NN 65/04) (ĠU 2007, L 112, p. 41, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi”). |
II. Il‑proċedura qabel l‑appelli u s‑sentenza appellata
|
11 |
Permezz tar-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Settembru u fit‑30 ta’ Diċembru 2013, ir-Renju ta’ Spanja, minn naħa, kif ukoll Lico Leasing u PYMAR, min-naħa l-oħra, ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża. Iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tas-sentenza. |
|
12 |
Permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Spanja et vs Il‑Kummissjoni (T‑515/13 u T‑719/13, EU:T:2015:1004), il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
13 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni appellat minn din is-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fil-kuntest ta’ dan l-appell, Bankia SA, li fil-frattemp ġiet amalgamata ma’ Caixabank, u 33 entità oħra ġew, permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:1007), ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet ta’ Lico Leasing u ta’ PYMAR. |
|
14 |
Permezz tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat l-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali, bagħtet il-kawżi lura quddiem din tal-aħħar, irriżervat l-ispejjeż u ddeċidiet li l-intervenjenti fl-appell kellhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. |
|
15 |
Wara dan ir-rinviju, il-Qorti Ġenerali, permezz tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikorsi. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motiv tal-appellanti bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u dwar is-selettività tal-ISLF, billi qieset, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali estiża tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat kienet suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-ISLF kienet selettiva fl-intier tagħha. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll il-motivi bbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni kontenjuża, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali kif ukoll tal-prinċipji applikabbli għall-irkupru tal-għajnuna. Fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, hija qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha inkwistjoni mingħand l-investituri, minkejja li parti mill-vantaġġ ikkonċernat kienet ġiet ittrasferita lil terzi. |
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet
|
16 |
Permezz tad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Awwissu 2021, Decal España SA ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet ta’ Caixabank et fil-Kawża C‑662/20 P. |
|
17 |
Wara li nstemgħu l-partijiet u l-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet tgħaqqad il-Kawżi C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza, skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
18 |
Permezz tal-appelli tagħhom, ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR, kif ukoll Caixabank et, sostnuti minn Decal España, jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tannulla d-Deċiżjoni kontenzjuża u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
|
19 |
Il-Kummissjoni titlob li l-appell fil-Kawża C‑662/20 P jiġi miċħud bħala inammissibbli u, sussidjarjament, bħala infondat kif ukoll li l-appelli fil-Kawżi C‑649/20 P u C‑658/20 P jiġu miċħuda. Hija titlob, barra minn hekk, il-kundanna tar-Renju ta’ Spanja, ta’ Lico Leasing, ta’ PYMAR, ta’ Caixabank et u kif ukoll ta’ Decal España għall-ispejjeż. |
IV. Fuq l‑appelli
A. Fuq l‑ammissibbiltà tal‑appell fil‑Kawża C‑662/20 P
|
20 |
Filwaqt li Caixabank et isostnu li l-Qorti Ġenerali, ġustament, ippermettiet li huma jintervjenu fil-proċedura ta’ rinviju u li l-appell tagħhom huwa għalhekk ammissibbli, il-Kummissjoni tqis li, minbarra li huma ma wrewx kif is-sentenza appellata taffettwahom direttament, huma ma humiex “intervenjenti”, fis-sens tat-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u ma humiex awtorizzati jippreżentaw appell, peress li huma ma għandhomx il-kwalità ta’ intervenjenti fil-Kawża T‑719/13 RENV. |
|
21 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, sa fejn kisret l-Artikolu 217 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, wettqet żball ta’ liġi meta rrikonoxxitilhom il-kwalità ta’ intervenjenti meta huma qatt ma kienu talbu li jintervjenu quddiem dik il-qorti u dan l-artikolu jillimita b’mod inekwivoku lill-partijiet awtorizzati jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura sussegwenti għar-rinviju ta’ kawża mill-Qorti tal-Ġustizzja għal dawk li għandhom il-kwalità ta’ “partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”. |
|
22 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 65 tas-sentenza appellata, qieset li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawżi quddiemha sabiex teżamina ċerti motivi li jqajmu kwistjonijiet legali li għandhom interess għal Bankia u 32 entità oħra u kif ukoll għal Aluminios Cortizo, kien fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li l-intervenjenti jiġu ammessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala intervenjenti fil-proċedura ta’ rinviju sabiex jiġi żgurat it-trattament xieraq tal-kontenzjuż li kien pendenti quddiemha u tiġi promossa l-kontinwità tad-dibattitu kontenzjuż. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, billi qieset li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma kinitx neċessarjament tipprekludi dan, peress li ma tiddefinixxix il‑“partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali” u ma teskludix li l-intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jistgħu jiksbu minħabba dan il-fatt tali kwalità fil-kuntest ta’ rinviju. |
|
23 |
Billi ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja qieset fil-punt 124 tad-digriet tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Soudal u Esko-Graphics vs Magnetrol u Il-Kummissjoni (C‑74/22 P(I) EU:C:2022:632), hemm lok li jitqies li l-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ir-rispett tad-drittijiet proċedurali ggarantiti lill-intervenjenti mir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jimponu, fil-kuntest ta’ artikulazzjoni konsistenti tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, li intervenjent f’appell igawdi ipso jure mill-kwalità ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali, meta kawża tintbagħat lura lil din il-qorti tal-aħħar wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. |
|
24 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, Caixabank et kellhom il-kwalità ta’ intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali u huma, skont it-tieni sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, awtorizzati jippreżentaw appell mis-sentenza appellata, jekk din taffettwahom direttament. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appellant li jista’ jkollu jirrimborsa ammont b’eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali għandu jitqies li huwa direttament affettwat minn din is-sentenza (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Issa, huwa paċifiku li, fl-eżekuzzjoni tas-sentenza appellata, li ċaħdet ir-rikorsi tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni kontenzjuża, Caixabank et jistgħu jkunu meħtieġa jirrimborsaw l-għajnuna li huma rċevew, imsemmija minn din id-deċiżjoni. Konsegwentement, Caixabank et għandhom jitqiesu li huma direttament affettwati minn din is-sentenza. L-appell tagħhom huwa, għaldaqstant, ammissibbli. |
B. Fuq l‑aggravji dwar is‑selettività tal‑ISLF
|
27 |
Permezz tat-tieni aggravju fil-Kawża C 649/20 P u l-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑658/20 P u C‑662/20 P, ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR kif ukoll Caixabank et, sostnuti minn Decal España, jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tas-selettività tal-ISLF. |
1. Fuq l‑ammissibbiltà
|
28 |
Il-Kummissjoni ssostni li dawn l-aggravji huma inammissibbli sa fejn jestendu l-portata tat-tilwima. Fil-fatt, ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR ma invokaw, fl-appelli tagħhom, ebda aggravju relatat mas-selettività tal-ISLF u, b’mod partikolari, ma sostnewx quddiem il-Qorti Ġenerali li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet affettwata minn żball ta’ liġi minħabba li l-Kummissjoni naqset milli teżamina s-selettività tagħha permezz tal-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji diskuss fil-punti 83 u 97 tas-sentenza appellata, li jinkludi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk miżura fiskali nazzjonali hijiex ta’ natura selettiva, l-identifikazzjoni tal-iskema fiskali komuni, l-evalwazzjoni ta’ jekk il-miżura kkonċernata hijiex ta’ natura selettiva billi jiġi vverifikat jekk tidderogax minn din l-iskema fiskali komuni sa fejn tintroduċi differenzjazzjonijiet bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u l-eżami ta’ jekk l-Istat Membru stabbilixxix li din il-miżura kienet iġġustifikata min-natura jew l-istruttura tas-sistema li fiha hija kienet taqa’ (iktar ’il quddiem il-“metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ għajnuna”). |
|
29 |
Skont ġurisprudenza stabbilita sewwa, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni fid-dritt tas-soluzzjoni li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti ttrattati fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja argument li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam ta’ appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tkun ħadet konjizzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni,C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
30 |
Madankollu, appellant jista’ jippreżenta appell billi jinvoka, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji u argumenti li jirriżultaw mis-sentenza appellata nnifisha u li huma intiżi li jikkritikaw, fid-dritt, il-fondatezza tagħha (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs Il-Kummissjoni, C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
31 |
F’dan il-każ, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u li jirrigwarda s-selettività tal-ISLF, billi eskludiet l-applikazzjoni tal-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ għajnuna. Għalhekk, sa fejn it-tieni aggravju fil-Kawża C‑649/20 P u l-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑658/20 P u C‑662/20 P jqiegħdu f’dubju l-konsegwenzi ta’ dritt dedotti mill-Qorti Ġenerali mis-soluzzjoni li din stess tat għal motiv diskuss quddiemha, dawn it-tieni u l-ewwel aggravju ma jistgħux jitqiesu li jbiddlu s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. |
|
32 |
L-imsemmija tieni u l-ewwel aggravju huma, konsegwentement, ammissibbli. |
2. Fuq il‑mertu
|
33 |
Permezz tal-aggravji tagħhom, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ għajnuna, li kkunsidrat, billi wettqet żbalji ta’ liġi, li l-ISLF kienet selettiva minħabba li l-amministrazzjoni fiskali kellha setgħa diskrezzjonali sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat, li wettqet żball ta’ liġi billi ma wettqitx paragun tas-sitwazzjonijiet tal-impriżi li ngħatawlhom il-benefiċċju tal-ISLF u ta’ dawk li huma esklużi minnu u li eżaminat is-selettività tal-ISLF fid-dawl ta’ miżura waħda mill-miżuri li jikkostitwixxuha u mhux fid-dawl tal-intier tagħha. |
a) Fuq l‑ilment dwar in‑nuqqas ta’ applikazzjoni tal‑metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas‑selettività ta’ għajnuna
1) L-argumenti tal-partijiet
|
34 |
L-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji li huwa meħtieġ mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ għajnuna, billi astjeniet milli tidentifika l-iskema fiskali komuni, milli tevalwa jekk l-ISLF kinitx ta’ natura selettiva billi tivverifika jekk kinitx tidderoga minn din l-iskema fiskali komuni sa fejn din tintroduċi differenzjazzjonijiet bejn operaturi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u milli teżamina jekk l-Istat Membru kienx stabbilixxa li din kienet iġġustifikata min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li kienet tagħmel parti minnha. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jqis li l-Qorti Ġenerali kisret dak li ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 71 tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591). |
|
36 |
CaixaBank et isostnu li, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx applikat il-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ għajnuna fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali evitat li tiddeduċi l-konsegwenzi ta’ dritt li jirriżultaw minnha billi żnaturat il-premessa 156 ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, hija rrilevat, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ibbażat l-eżistenza tas-selettività tal-ISLF fuq żewġ raġunamenti alternattivi, jiġifieri l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali u n-natura settorjali tal-ISLF, filwaqt li, fir-realtà, il-Kummissjoni ma kinitx ippreżentat dawn iż-żewġ elementi bħala żewġ raġunamenti alternattivi, iżda bħala l-partijiet inseparabbli tal-istess raġunament uniku. Għaldaqstant, billi ssostitwixxiet il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni b’dik tagħha stess, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
37 |
Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ilment ma huwiex fondat. |
2) L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
38 |
Għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, fil-punt 46 tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma qisitx li l‑GIE kellhom il-kwalità ta’ benefiċjarji tal-miżuri fiskali inkwistjoni, minħabba li dawn l-entitajiet kienu “fiskalment trasparenti”, il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi. |
|
39 |
Fil-punt 58 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tiċċensura l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-investituri biss, u mhux il-GIE, setgħu jitqiesu bħala l-benefiċjarji tal-vantaġġi li jirriżultaw mill-miżuri fiskali inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, għalhekk, billi ma eżaminatx jekk is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat kinitx tagħti lill-amministrazzjoni fiskali setgħa diskrezzjonali ta’ natura li tiffavorixxi l-attivitajiet eżerċitati mill-GIE li jipparteċipaw fl-ISLF jew li għandha bħala effett li tiffavorixxi tali attivitajiet, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi. |
|
40 |
Barra minn hekk, fil-punt 67 tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, bi tweġiba għal motiv imqajjem mill-Kummissjoni, li kienet ibbażata fuq l-istess premessa żbaljata l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-vantaġġi rċevuti mill-investituri li kienu pparteċipaw fl-operazzjonijiet imwettqa abbażi tal-ISLF ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala selettiva peress li dawn l-operazzjonijiet kienu miftuħa, taħt l-istess kundizzjonijiet, għal kull impriża mingħajr distinzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fil-punti 68 sa 71 ta’ dik is-sentenza, li, barra minn hekk, din l-evalwazzjoni kienet tikkostitwixxi, fid-dawl tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et (C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981), żball ta’ liġi, peress li l-Qorti Ġenerali ma kinitx fittxet jekk il-Kummissjoni kinitx stabbilixxiet li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu jintroduċu, għall-effetti konkreti tagħhom, trattament iddifferenzjat bejn operaturi, meta l-operaturi li kienu jibbenefikaw minn vantaġġi fiskali u dawk li kienu esklużi minnhom kienu jaqgħu, fid-dawl tal-għan imfittex mill-iskema fiskali, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli. |
|
41 |
Minn dawn il-punti tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, ma pprovdietx li f’dan il-każ għandha ssir analiżi fi tliet stadji tas-selettività tal-ISLF u li hija, għall-kuntrarju, stiednet lill-Qorti Ġenerali teżamina jekk il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat kinitx tagħti lill-amministrazzjoni fiskali setgħa diskrezzjonali ta’ natura li tiffavorixxi l-attivitajiet eżerċitati mill-GIE li jipparteċipaw fl-ISLF jew li għandha l-effett li tiffavorixxi tali attivitajiet. |
|
42 |
L-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, marret kontra dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591), ma huwiex, konsegwentement, fondat. |
|
43 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx ipproċediet, tal-inqas b’mod espliċitu, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, b’analiżi fi tliet stadji tas-selettività tal-ISLF, iżda li, fil-premessa 156 ta’ din id-deċiżjoni, hija kienet indikat li l-ISLF, ikkunsidrata fl-intier tagħha, kienet selettiva, minn naħa, minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat abbażi ta’ kundizzjonijiet li kienu impreċiżi u, min-naħa l-oħra, minħabba li l-amministrazzjoni fiskali kienet tawtorizza biss l-operazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt l-ISLF intiżi li jiffinanzjaw il-bastimenti marittimi. F’dan il-punt ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li l-Kummissjoni kienet sostniet, waqt is-seduta, li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha kienet biżżejjed fiha nnifisha sabiex tirrendi l-ISLF selettiva fl-intier tagħha. |
|
44 |
Għalkemm, fl-imsemmi punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma rriproduċietx fedelment il-kliem tal-premessa 156 tad-Deċiżjoni kontenzjuża li fiha ma jirriżultawx il-kliem “minn naħa” u “min-naħa l-oħra”, li jistgħu jissuġġerixxu li l-evalwazzjoni tas-selettività tal-ISLF li saret mill-Kummissjoni kienet ibbażata fuq żewġ raġunamenti differenti, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, f’din il-premessa, il-Kummissjoni ddikjarat li “il-vantaġġ [kien] selettiv minħabba li kien soġġett għas-setgħat diskrezzjonali mogħtija lill-awtorità tat-taxxa mill-proċedura obbligatorja ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u l-ambigwità tat-test tal-kundizzjonijiet applikabbli għad-deprezzament antiċipat” u li, “[m]inħabba li miżuri oħra applikabbli biss għall-attivitajiet ta’ trasport marittimu eliġibbli skont il-Linji Gwida Marittimi […] [kienu] jiddependu minn din l-awtorizzazzjoni minn qabel, [l-ISLF] kollha [kienet] selettiva”. Il-Kummissjoni żiedet li, “[k]onsegwentement, l-awtorità tat-taxxa [kienet] tawtorizza biss operazzjonijiet [tal-ISLF] maħsuba biex jiffinanzjaw bastimenti ta’ tbaħħir- (selettività settorjali)”. |
|
45 |
Minn dan jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni, ċertament, semmiet l-eżistenza ta’ selettività settorjali, il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, fuq l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tikkunsidra li l-ISLF kienet selettiva fl-intier tagħha. Konsegwentement, b’mod kuntrarju għal dak li Caixabank et isostnu, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx din id-deċiżjoni u lanqas ma ssostitwixxiet il-motivazzjoni li tinsab fiha b’dik tagħha stess. |
|
46 |
Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjoni dwar is-selettività tal-vantaġġ, li tikkostitwixxi l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li jipprojbixxi l-għajnuna li “tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi”, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni timponi li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura nazzjonali tkunx ta’ natura li tiffavorixxi “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn, li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-imsemmija sistema, ikunu jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Meta l-miżura inkwistjoni tkun maħsuba bħala skema ta’ għajnuna u mhux bħala għajnuna individwali, tkun il-Kummissjoni li jkollha tistabbilixxi jekk din il-miżura, minkejja li tipprevedi vantaġġ ta’ portata ġenerali, tagħtix il-benefiċċju esklużiv lil ċerti impriżi jew lil ċerti setturi ta’ attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 55). |
|
48 |
Il-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ għajnuna, invokat mill-appellanti, ġie kkonċepit, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex tiġi żvelata s-selettività moħbija tal-miżuri fiskali vantaġġużi li minnhom kull impriża tista’ tibbenefika. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex rilevanti sabiex tiġi eżaminata s-selettività ta’ miżura fiskali vantaġġuża li l-għoti tagħha jiddependi mis-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali u li, għaldaqstant, ma tistax titqies li hija ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1999, DM Transport, C‑256/97, EU:C:1999:332, punt 27). |
|
49 |
Minn dan isegwi li l-argument ta’ Caixabank et li l-Qorti Ġenerali ma ddeduċietx il-konsegwenzi ta’ dritt mill-konstatazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma applikatx, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, il-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ għajnuna ma huwiex fondat u li l-ilment dwar tali ommissjoni għandu jiġi miċħud. |
b) Fuq l‑ilmenti dwar is‑setgħa diskrezzjonali tal‑amministrazzjoni fiskali, l‑ommissjoni ta’ eżami tal‑komparabbiltà tas‑sitwazzjonijiet u l‑ommissjoni ta’ eżami tas‑selettività tal‑ISLF kollha kemm hi
1) L-argumenti tal-partijiet
|
50 |
Permezz ta’ dawn l-ilmenti, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, l-appellanti jikkritikaw, fl-ewwel lok, lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 88 sa 100 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li l-amministrazzjoni fiskali kellha setgħa diskrezzjonali sabiex tagħti d-deprezzament antiċipat. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa, f’dan ir-rigward, żbaljat u jmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
51 |
L-appellanti jsostnu, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta għamlet distinzjoni bejn is-“selettività de jure” u s-“selettività de facto” u, għalhekk, li ma eżaminatx jekk, fil-fatt, l-eżerċizzju tas-setgħa tal-amministrazzjoni kienx effettivament wassal għal trattament favorevoli inġustifikat ta’ ċerti operaturi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma semmietx dispożizzjoni regolamentari jew prassi amministrattiva li tindika li l-miżura kkonċernata bbenefikat speċifikament lill-GIE. Fl-aħħar mill-aħħar, id-distinzjoni bejn “selettività de jure” u “selettività de facto” twassal għal inverżjoni tal-oneru tal-prova, peress li tali distinzjoni twassal sabiex teħles lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li turi li l-iskema fiskali hija selettiva minħabba l-effetti tagħha. |
|
52 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kklassifikat bħala “selettiva” l-ISLF għar-raġuni li l-amministrazzjoni fiskali kienet awtorizzata twettaq evalwazzjoni tat-talbiet intiżi sabiex jittieħed vantaġġ mid-deprezzament antiċipat. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali b’hekk injorat il-fatt li l-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali ma tippermettix li jiġi preżunt li l-miżura kkonċernata hija ta’ natura selettiva u ħolqot konfużjoni bejn in-natura diskrezzjonali ta’ deċiżjoni ta’ din l-amministrazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dokumenti pprovduti mill-operaturi ekonomiċi li għandha ssir minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħa amministrattiva tagħha. |
|
53 |
L-iskema ta’ awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat kienet ibbażata fuq kriterji oġġettivi li ma jippermettux lill-amministrazzjoni fiskali li tagħżel il-benefiċjarji u ppermettiet li jiġu evitati frodi jew abbużi, li huwa għan proprju u inerenti għas-sistema fiskali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 49(6) tar-RIS ma kienx jippermetti li jiġi żgurat li l-applikazzjoni tiegħu kienet limitata għal sitwazzjonijiet ta’ ġlieda kontra l-frodi. |
|
54 |
Fit-tieni lok, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li l-ISLF kienet selettiva kollha kemm hi, minkejja li eżaminat biss waħda mill-miżuri li jikkostitwixxuha u ma wettqitx, konsegwentement, analiżi tal-miżuri l-oħra kif ukoll tal-effetti li huma pproduċew b’mod konġunt. |
|
55 |
Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja kif ukoll Caixabank et iqisu li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, żball ta’ liġi meta ma wettqitx paragun bejn is-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi tal-impriżi li lilhom kien ingħata l-benefiċċju tal-ISLF u dawk tal-impriżi li kienu esklużi minnha. |
|
56 |
Il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija lmenti ma humiex fondati. |
2) L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
57 |
Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ sistema ta’ awtorizzazzjoni ma timplikax fiha nnifisha l-eżistenza ta’ miżura selettiva u li dan ikun il-każ meta s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kompetenti tkun limitata għall-verifika tal-kundizzjonijiet li jkunu stabbiliti sabiex iservu għan fiskali identifikabbli u li l-kriterji li għandhom jiġu applikati minn din l-awtorità huma inerenti għan-natura tal-iskema fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punti 23 u 24). Hija ġustament fakkret ukoll li, mill-banda l-oħra, meta l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħa diskrezzjonali estiża sabiex jiddeterminaw il-benefiċjarji u l-kundizzjonijiet tal-miżura mogħtija, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa għandu għalhekk jitqies li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ oħrajn, li jkunu, fid-dawl tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punt 27). |
|
58 |
Fil-punti 89 sa 93 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fid-dawl tal-Artikolu 115 tat-TRLIS u tal-Artikolu 49 tar-RIS, li, kif kienet irrilevat il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, is-sistema ta’ awtorizzazzjoni inkwistjoni kienet ibbażata fuq il-kisba ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, pjuttost milli fuq sempliċi notifika, abbażi ta’ kriterji vagi li jeħtieġu interpretazzjoni mill-amministrazzjoni fiskali, peress li din l-amministrazzjoni ma kinitx ippubblikat linji gwida u li dawn il-kriterji ma setgħux, għaldaqstant, jitqiesu li huma oġġettivi. Hija kkonstatat, b’mod partikolari, li mill-Artikolu 115(11) tat-TRLIS kien jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali setgħet tiffissa d-data tal-bidu tad-deprezzament fid-dawl tal-“karatteristiċi partikolari tat-tul tal-kuntratt” jew tal-“karatteristiċi speċifiċi tal-użu ekonomiku tal-oġġett”, li kienu jikkostitwixxu kriterji vagi min-natura tagħhom u li l-interpretazzjoni tagħhom kienet tagħti marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv lill-amministrazzjoni fiskali, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 133 tad-Deċiżjoni kontenzjuża. |
|
59 |
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 49 tar-RIS kien jagħti wkoll marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv lill-amministrazzjoni fiskali, li jippermettilha, minn naħa, li titlob l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li hija kienet tqis opportuni, inkluża informazzjoni dwar l-effetti pożittivi għall-ekonomija u għall-impjiegi fi Spanja li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ bini ta’ bastimenti, mingħajr rabta evidenti mal-osservanza tal-kriterji previsti fl-Artikolu 115(11) tat-TRLIS u, min-naħa l-oħra, li tagħti jew tiċħad l-awtorizzazzjoni, iżda wkoll li tiffissa l-bidu tad-deprezzament f’data differenti minn dik proposta mill-persuna taxxabbli, mingħajr preċiżazzjoni oħra. |
|
60 |
Fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, f’dan ir-rigward, il-kliem tal-Artikolu 49 tar-RIS ma kienx jippermetti li jiġi żgurat li l-użu tiegħu kien limitat għal sitwazzjonijiet ta’ ġlieda kontra l-frodi. |
|
61 |
Fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-eżistenza ta’ aspetti diskrezzjonali kienet ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li, b’mod partikolari, minn dawn l-aspetti diskrezzjonali kien jirriżulta li GIE oħra setgħu ma jibbenefikawx mid-deprezzament antiċipat taħt l-istess kundizzjonijiet, bl-istess mod bħal, minħabba l-imsemmija aspetti diskrezzjonali, impriżi oħra attivi f’setturi oħra jew li għandhom forma oħra, iżda li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, ma setgħux neċessarjament jibbenefikaw taħt l-istess kundizzjonijiet. Il-Qorti Ġenerali qieset li, fid-dawl tan-natura diskrezzjonali de jure tad-dispożizzjonijiet eżaminati, ftit kien jimporta jekk l-applikazzjoni tagħhom kinitx de facto diskrezzjonali jew le. |
|
62 |
Fl-aħħar nett, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, peress li waħda mill-miżuri, jiġifieri l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat, li tippermetti li jittieħed vantaġġ mill-ISLF kollha kemm hi, kienet selettiva, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li s-sistema fiskali inkwistjoni kienet selettiva kollha kemm hi. |
|
63 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex, sabiex tevalwa jekk is-setgħa tal-amministrazzjoni fiskali li tawtorizza d-deprezzament antiċipat kinitx ta’ natura diskrezzjonali, tistħarreġ jekk, fil-fatt, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa kienx effettivament wassal għal trattament favorevoli mhux iġġustifikat ta’ ċerti operaturi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. Fil-fatt, fil-każ ta’ skema ta’ għajnuna, il-Kummissjoni hija obbligata, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, li twettaq l-eżami ta’ din l-iskema billi tqiegħed lilha nnifisha fil-mument tal-adozzjoni tal-iskema inkwistjoni u billi twettaq analiżi ex ante. Il-Kummissjoni għandha biss tipprova li l-iskema fiskali inkwistjoni hija ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji tagħha, billi tivverifika li din, meħuda globalment, tista’, fid-dawl tal-karatteristiċi tagħha stess, twassal, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, għal tassazzjoni inqas minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punti 86 u 87). |
|
64 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl tan-natura diskrezzjonali de jure tad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżaminati, ftit li xejn kien jimporta jekk l-applikazzjoni tagħhom kinitx diskrezzjonali de facto jew le. |
|
65 |
Għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tal-analiżi, fil-kuntest tal-eżami ta’ appell, tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-dritt nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tivverifika jekk kienx hemm żnaturament ta’ dan id-dritt, li għandu jirriżulta b’mod manifest mid-dokumenti tal-proċess, mingħajr ħtieġa li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 53; tad-9 ta’ Novembru 2017, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, C‑649/15 P, EU:C:2017:835, punti 49 u 50, u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma de Galicia u Retegal vs Il-Kummissjoni, C‑70/16 P, EU:C:2017:1002, punt 72). |
|
66 |
Issa, l-appellanti ma jinvokawx tali żnaturament tad-dritt nazzjonali. B’mod partikolari, huma la sostnew u lanqas ma stabbilixxew li l-Qorti Ġenerali għamlet kunsiderazzjonijiet li manifestament imorru kontra l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jew saħansitra attribwixxiet lil waħda minnhom portata li manifestament ma tkunx tapplika għaliha fid-dawl tal-elementi l-oħra tal-proċess (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Hansestadt Lübeck, C‑524/14 P, EU:C:2016:971, punt 21). |
|
67 |
Minn dan isegwi li għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-argumenti tal-appellanti intiżi sabiex juru li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, l-iskema ta’ awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat kienet ibbażata fuq kriterji oġġettivi li ma jippermettux lill-amministrazzjoni fiskali li tagħżel il-benefiċjarji, kif ukoll l-affermazzjoni li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Artikolu 49 tar-RIS ma kienx jippermetti li jiġi żgurat li l-applikazzjoni tagħha kienet limitata għal sitwazzjonijiet ta’ ġlieda kontra l-frodi. |
|
68 |
Barra minn hekk, mill-punti 57 u 63 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex, sabiex tevalwa n-natura selettiva tal-ISLF, tistħarreġ jekk is-sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt tal-impriżi li ngħataw il-benefiċċju ta’ din il-miżura u dik tal-impriżi li kienu esklużi minnha kinux komparabbli, iżda kellha tevalwa jekk l-imsemmija miżura kinitx ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, li jkun il-każ meta l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħa diskrezzjonali estiża sabiex jiddeterminaw il-benefiċjarji tagħha u l-kundizzjonijiet tagħha. |
|
69 |
Għaldaqstant, peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tad-dritt nazzjonali, li dan id-dritt jagħti, għar-raġunijiet miġbura fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, lill-amministrazzjoni fiskali marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li hija kkunsidrat, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ aspetti diskrezzjonali ta’ din l-iskema kienet ta’ natura li tiffavorixxi lill-benefiċjarji meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli oħra li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli u li hija għalhekk iddeċidiet li din il-miżura kienet ta’ natura selettiva. |
|
70 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-ISLF setgħetx titqies li hija selettiva kollha kemm hi, għandu jitfakkar li, fid-Deċiżjoni kontenzjuża, wara li eżaminat is-selettività ta’ kull waħda mill-miżuri li jikkostitwixxu l-ISLF, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 156 ta’ din id-deċiżjoni, li l-vantaġġ mogħti mill-ISLF kien selettiv sa fejn din kienet suġġetta għas-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tad-deprezzament antiċipat u sa fejn miżuri oħra li jikkostitwixxu l-ISLF, jiġifieri l-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u n-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ qligħ kapitali, kienu jiddependu mill-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ din l-amministrazzjoni. |
|
71 |
Issa, minn naħa, ma jidhirx li l-appellanti kkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali li l-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u n-nuqqas ta’ tassazzjoni ta’ qligħ kapitali kienu jiddependu mill-awtorizzazzjoni minn qabel tal-amministrazzjoni fiskali għall-finijiet tad-deprezzament antiċipat. Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma jallegawx li l-Qorti Ġenerali żnaturat id-dritt nazzjonali meta kkunsidrat li l-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat kienet tippermetti li wieħed jibbenefika mill-ISLF kollha kemm hi. |
|
72 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball meta kkunsidrat li d-deprezzament antiċipat irrenda l-ISLF selettiva kollha kemm hi. |
|
73 |
Minn dan isegwi li l-ilmenti dwar is-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali, dwar l-ommissjoni ta’ eżami tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet u dwar l-ommissjoni ta’ eżami tas-selettività tal-ISLF kollha kemm hi għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
|
74 |
Konsegwentement, it-tieni aggravju fil-Kawża C‑649/20 P u l-ewwel aggravju fil-Kawżi C‑658/20 P u C‑662/20 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
C. L‑aggravji marbuta mal‑prinċipji ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali
|
75 |
Permezz tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑649/20 P, it-tieni u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑658/20 P kif ukoll it-tieni aggravju fil-Kawża C‑662/20 P, imqajma sussidjarjament u li għandhom jiġu eżaminati fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing, PYMAR kif ukoll Caixabank et isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali. |
1. L‑argumenti tal‑partijiet
|
76 |
Ir-Renju ta’ Spanja jilmenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argument tiegħu li l-aġir tal-Kummissjoni kien ikkontribwixxa sabiex jirrendi instabbli l-qafas regolatorju sa fejn kien ħalla lill-operaturi jaħsbu li l-ISLF kienet kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, billi wettqet analiżi separata ta’ dawn iż-żewġ prinċipji li huwa kien madankollu invoka fil-kuntest ta’ motiv wieħed. B’hekk, il-Qorti Ġenerali eżaminat ċerti elementi invokati fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ elementi oħra fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minflok ma eżaminat dawn l-elementi kollha fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji, li wassal għal inkonsistenzi fir-raġunament segwit fil-punti 163, 164, 168, 199 u 201 tas-sentenza appellata, fir-rigward b’mod partikolari tad-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, tal-perijodu li ddekorra sal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni, tal-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u ta’ ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009. Barra minn hekk, fuq kull wieħed minn dawn il-punti, l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali huma żbaljati. |
|
77 |
Lico Leasing u PYMAR jilmentaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, l-ittra tad‑9 ta’ Marzu 2009 tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ “Kompetizzjoni”. Huma jikkritikaw, b’mod partikolari, lill-Qorti Ġenerali talli naqset milli ssemmi żewġ paragrafi ta’ din l-ittra, li, fil-fehma tagħhom, huma essenzjali sabiex tinftiehem il-portata tagħha. |
|
78 |
Lico Leasing u PYMAR jilmentaw ukoll li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat, fil-punti 199 u 201 tas-sentenza appellata, ċerti fatti fil-kuntest tal-eżami tal-motiv dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi u l-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009. |
|
79 |
CaixaBank et, sostnuti minn Decal España, isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-irkupru tal-għajnuna ordnata fid-Deċiżjoni kontenzjuża kien jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar it-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ. Fil-fatt, ir-raġuni invokata mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri n-natura allegatament finanzjarja tal-attivitajiet tal-GIE, tmur kontra l-klassifikazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet imwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591). Barra minn hekk, ir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali huwa żbaljat u, fi kwalunkwe każ, insuffiċjenti, peress li l-GIE huma impriżi li jeżerċitaw attività ekonomika fis-settur tat-trasport marittimu, u l-Kummissjoni rrikonoxxiet diversi drabi li n-nolleġġ ta’ bastimenti mingħajr ekwipaġġ kienet attività marittima u aċċettat l-inklużjoni tagħha f’diversi skemi ta’ tunnellaġġ awtorizzati minnha. |
|
80 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argumenti invokati mill-appellanti huma, fir-rigward ta’ wħud minnhom, inammissibbli u, fir-rigward tal-oħrajn, infondati. |
2. L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
81 |
Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 158 tas-sentenza appellata, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jappartjeni lil kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, billi tagħtih assigurazzjonijiet preċiżi, tkun ħolqot fih aspettattivi fondati. Informazzjoni preċiża, inkundizzjonata u konkordanti tikkostitwixxi assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li fiha tiġi kkomunikata (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63). Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, dan huwa intiż li jiggarantixxi l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u jeżiġi li kull att tal-amministrazzjoni li jipproduċi effetti legali jkun ċar u preċiż sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jieħdu l-passi tagħhom fir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
82 |
Kif il-Qorti Ġenerali fakkret ukoll, essenzjalment, fil-punti 155, 156 u 193 tas-sentenza appellata, huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, għal finijiet ta’ kontestazzjoni tal-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat li ma tkunx ngħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE, aspettattivi leġittimi fir-rigward tar-regolarità ta’ tali għajnuna mill-Istat jew ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jistgħu jiġu invokati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C 408/04 P, EU:C:2008:236, punt 107, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2013, HGA et vs Il-Kummissjoni, C‑630/11 P sa C‑633/11 P, EU:C:2013:387, punt 134). |
|
83 |
Peress li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali huma żewġ prinċipji distinti, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali setgħet teżamina separatament l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja dwar dawn, minkejja li r-Renju ta’ Spanja ppreżentahom flimkien. Tali eżami separat tal-argumenti invokati ma jikkostitwixxix fih innifsu żnaturament tagħhom u ma jiġġustifikax li jiġi kkritikat fil-każ li dan ma jwassalx għal nuqqas ta’ tweġiba għalihom. Issa, ir-Renju ta’ Spanja, li jikkunsidra li dan l-eżami separat wassal għal inkonsistenzi fir-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali sabiex tiċħad il-motiv tiegħu, ma jsostnix li l-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb għall-argumenti tiegħu. |
|
84 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-inkonsistenzi fir-raġunament tal-Qorti Ġenerali invokati mir-Renju ta’ Spanja, għandu jitfakkar li, fil-premessa 261 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tal-kumplessità tal-miżuri fiskali inkwistjoni, hija ma setgħetx teskludi li seta’ kien hemm nuqqas ta’ ċertezza legali maħluqa mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/15/KE tat‑8 ta’ Mejju 2001 dwar l-għajnuna mill-Istat implimentata minn Franza favur il-kumpannija “Bretagne Angleterre Irlande” (“BAI” jew “Brittany Ferries”) (ĠU 2002, L 12, p. 33, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Brittany Ferries”), fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala għajnuna tal-ISLF, iżda biss sal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fit‑30 ta’ April 2007, tad-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi. |
|
85 |
Sabiex tiċħad l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, ta’ Lico Leasing u ta’ PYMAR intiżi sabiex jinkiseb l-annullament tal-ordni ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni għall-perijodu sal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, fil-21 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali, fil-punti tas-sentenza appellata msemmija fl-appelli u, sabiex tibda, fil-punt 163 ta’ din is-sentenza, irrilevat li d-Deċiżjoni Brittany Ferries u d-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi ma setgħux jitqiesu li jipprovdu f’dan il-każ assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, peress li dawn ma kinux isemmu la direttament u lanqas indirettament l-ISLF. |
|
86 |
Fil-punt 164 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument ibbażat fuq talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-awtoritajiet Spanjoli, datata l‑21 ta’ Diċembru 2001, minħabba li din it-talba u l-eventwali nuqqas ta’ azzjoni sussegwenti tal-Kummissjoni matul ċertu perijodu ma kinux jikkostitwixxu assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward tal-legalità tal-ISLF. Hija qieset li, minn naħa, il-Kummissjoni sempliċement talbet, f’din it-talba għal informazzjoni, informazzjoni addizzjonali dwar l-eżistenza eventwali ta’ skema ta’ leasing fiskali applikabbli għall-bastimenti fi Spanja sabiex tkun tista’ teżaminaha fid-dawl tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ azzjoni sussegwenti tal-Kummissjoni ma setax jikkostitwixxi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, fid-dawl tal-kontenut tat-tweġiba tal-awtoritajiet Spanjoli. |
|
87 |
Fil-punt 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar it-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ, li kienet iddikjarat din l-iskema kompatibbli mas-suq intern, ma setgħetx tagħti lok għal aspettattivi leġittimi, peress li din kienet tirrigwarda l-operat ta’ bastimenti proprji jew mikrija, u mhux l-attivitajiet finanzjarji relatati man-nolleġġ ta’ bastimenti mingħajr ekwipaġġ. |
|
88 |
Fil-punt 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/122/KE tat‑30 ta’ Ġunju 2004 dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Pajjiżi l-Baxxi jippjana li jimplimenta favur erba’ tarzni fil-kuntest ta’ sitt kuntratti ta’ kostruzzjoni ta’ bastimenti (ĠU 2005, L 39, p. 48), ma kinitx tipprovdi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward tal-legalità tal-ISLF, peress li, essenzjalment, minn naħa, il-Kummissjoni ma kinitx affermat, f’dik id-deċiżjoni, b’mod preċiż, inkundizzjonat u konkordanti li, wara li għamlet analiżi kompleta u fil-fond, hija waslet għall-konklużjoni li l-ISLF ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-imsemmija deċiżjoni ma kienx l-ISLF, iżda skema Olandiża. |
|
89 |
Fil-punt 169 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009, il-Qorti Ġenerali rrilevat li din kienet intbagħtet bħala tweġiba lill-Ministru tal-Kummerċ u tal-Industrija tar-Renju tan-Norveġja, li, wara li ssuġġerixxiet li l-ISLF kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna favur it-tarzni Spanjoli, kienet talbet informazzjoni dwar l-azzjonijiet li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tieħu f’dan ir-rigward. Huwa osserva li, fit-tweġiba tiegħu, dan il-membru tal-Kummissjoni kien indika li din tal-aħħar kienet eżaminat il-kwistjoni u li, peress li l-iskema kienet miftuħa għall-akkwist ta’ bastimenti mibnija minn tarzni ta’ Stati Membri oħra mingħajr diskriminazzjoni, hija ma kellhiex l-intenzjoni tadotta miżuri addizzjonali “f’dan l-istadju”. Fil-punt 174 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali madankollu kkunsidrat li din l-ittra ma kinitx tipprovdi assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, peress li din ma kinitx tafferma b’dan il-mod li, wara li wettqet analiżi kompleta u fil-fond, il-Kummissjoni kienet waslet għall-konklużjoni li l-ISLF ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. |
|
90 |
Fil-punt 199 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fir-rigward tal-effetti tal-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi fix-xahar ta’ April 2007, li kien mingħajr twettiq ta’ żball li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li din id-deċiżjoni kienet waqqfet kull inċertezza legali sa fejn kellha twassal lil operatur ekonomiku prudenti u informat sabiex jikkunsidra li skema simili għall-ISLF setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, hija rrilevat li mid-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi kien jirriżulta li sistema għall-bini ta’ bastimenti marittimi u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni ta’ kumpanniji marittimi, permezz ta’ GIE u bl-użu ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni-finanzjament, li kienet toħloq ċerti vantaġġi fiskali, setgħet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat. Hija żiedet li, għalkemm kien minnu li l-iskema inkwistjoni fid-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi u l-ISLF ma kinux identiċi, ebda element ma kien jippermetti li jiġi stabbilit li d-differenzi tagħhom kienu iktar evidenti minn dawk eżistenti bejn l-ISLF u l-iskema inkwistjoni fid-Deċiżjoni Brittany Ferries, invokata mir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR. |
|
91 |
Fil-punti 200, 201 u 203 sa 205 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li ċ-ċirkustanzi sussegwenti għall-pubblikazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi invokati mir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing u PYMAR ma kinux imorru kontra l-fatt li din il-pubblikazzjoni kienet temmet is-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali. Hija qieset li l-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009 ma setgħetx ikkontribwixxiet sabiex toħloq jew iżżomm sitwazzjoni ta’ ċertezza legali u li, għalkemm id-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali kienet, ċertament, ingħatat kważi erba’ snin u nofs wara d-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, mid-Deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta madankollu li l-Kummissjoni kienet bagħtet lill-awtoritajiet Spanjoli tmien talbiet għal informazzjoni matul dan il-perijodu u li l-miżuri fiskali inkwistjoni kienu kumplessi, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tiġi kkritikata li baqgħet inattiva u din is-sitwazzjoni kienet differenti minn dik li wasslet għas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 1987, RSV vs Il-Kummissjoni (223/85, EU:C:1987:502). |
|
92 |
Għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx inkonsistenzi bejn dawn id-diversi evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn il-konstatazzjoni li d-Deċiżjoni Brittany Ferries u d-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi ma setgħux jitqiesu li jipprovdu assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-ISLF mad-dritt tal-Unjoni u r-rikonoxximent tal-fatt li kienet teżisti inċertezza legali qabel l-adozzjoni ta’ din it-tieni deċiżjoni. L-argumenti tar-Renju ta’ Spanja dwar dawn l-allegati inkonsistenzi huma, konsegwentement, infondati. |
|
93 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-iżbalji li l-Qorti Ġenerali wettqet, skont ir-Renju ta’ Spanja, fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, il-perijodu li ddekorra sal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni, l‑iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ u l-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009, għandu, l-ewwel, jiġi miċħud l-argument li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi kienet ħolqot sitwazzjoni ta’ ċertezza jew ta’ ċertezza legali, meta l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi l-eżistenza ta’ qafas regolatorju oġġettivament ċar u stabbli. |
|
94 |
Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li d-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi kienet ħolqot ċertezza dwar il-fatt li l-ISLF kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda li kien mingħajr twettiq ta’ żball ta’ liġi li l-Kummissjoni setgħet tqis li din id-deċiżjoni kienet waqqfet kull inċertezza legali sa fejn kellha twassal lil operatur ekonomiku prudenti u informat sabiex jikkunsidra li skema simili għall-ISLF setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Issa, billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi. |
|
95 |
It-tieni, peress li r-Renju ta’ Spanja jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma evalwatx korrettament il-perijodu twil li għadda sal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjonijiet ta’ fatti li ma jaqgħux taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami ta’ appell, b’tali mod li l-argumenti li jsostnu dan l-ilment huma inammissibbli. |
|
96 |
It-tielet, fir-rigward tal-argument tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq l-allegata ommissjoni tal-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala element li jikkostitwixxi aspettattivi leġittimi, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar it-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ, għandu jitfakkar li din l-istituzzjoni kkunsidrat, fil-premessa 245 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li d-Deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar it-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ ma setgħetx toħloq aspettattivi leġittimi fil-fatt li l-entitajiet li l-attivitajiet tagħhom jikkonsistu esklużivament fin-nolleġġ ta’ bastiment wieħed biss taħt kuntratt ta’ nolleġġ mingħajr ekwipaġġ jistgħu jkunu koperti mill-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ, peress li minnha kien joħroġ ċar li l-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ kellha tapplika biss għall-bastimenti eliġibbli u għall-attivitajiet marittimi eliġibbli. Din l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ ġiet ikkonfermata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 166 tas-sentenza appellata. Ir-Renju ta’ Spanja sempliċement jafferma li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar it-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ ma kinitx eskludiet l-użu tal-bastimenti taħt il-qafas tan-nolleġġ mingħajr ekwipaġġ, mingħajr madankollu ma jinvoka argumenti sabiex juri dan. Konsegwentement, dan l-argument tar-Renju ta’ Spanja għandu jiġi miċħud. |
|
97 |
Barra minn hekk, peress li r-Renju ta’ Spanja jsostni li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kellha raġun u li dan il-każ kien jirrigwarda applikazzjoni abbużiva tal-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li kull operatur seta’ jqis li din l-applikazzjoni abbużiva ta’ skema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni ma wasslitx għall-obbligu ta’ rkupru, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma ġiex invokat quddiem il-Qorti Ġenerali u li, konsegwentement, din tal-aħħar ma tistax tiġi kkritikata li naqset milli tibbaża l-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-operaturi kkonċernati fuq l-allegata applikazzjoni abbużiva tal-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ. |
|
98 |
Ir-raba’, peress li r-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009 sa fejn hija sempliċement analizzat l-aspetti formali tagħha, għandu jitfakkar li, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell għandu jkun limitat għall-punti ta’ liġi. Hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. Għalhekk, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ li dawn jiġu żnaturati, punt ta’ liġi li huwa, bħala tali, suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami ta’ appell (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, ACTC vs EUIPO, C‑714/18 P, Buonotourist vs Il-Kummissjoni, EU:C:2020:573, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata). Peress li r-Renju ta’ Spanja la sostna u lanqas wera li l-Qorti Ġenerali żnaturat din l-ittra, l-argumenti tiegħu relatati magħha huma inammissibbli. |
|
99 |
Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argument ta’ Lico Leasing u ta’ PYMAR ibbażat fuq l-iżnaturament tal-imsemmija ittra, għandu jitfakkar li aggravju bbażat fuq żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali jista’ jintlaqa’ biss jekk l-iżnaturament allegat jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il-Kummissjoni vs L-Italja et, C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 52 u l-l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
100 |
Issa, għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma rriproduċietx testwalment, fil-punt 174 tas-sentenza appellata, iż-żewġ paragrafi tal-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009, imsemmija minn Lico Leasing u PYMAR, ma jidhirx b’mod manifest, wara l-qari sħiħ ta’ din l-ittra, li l-Qorti Ġenerali żnaturatha b’xi kwalunkwe mod meta affermat, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, li din sempliċement indikat li ma kienx jidher li l-ISLF kienet qiegħda toħloq diskriminazzjoni fil-konfront ta’ tarzni ta’ Stati Membri oħra u żiedet li ma kinux previsti miżuri addizzjonali “f’dan l-istadju”. Dan l-argument ta’ Lico Leasing u ta’ PYMAR ma huwiex għalhekk fondat. |
|
101 |
Fir-rigward tal-argumenti ta’ Lico Leasing u ta’ PYMAR, ibbażati fuq żball fil-klassifikazzjoni ta’ ċerti fatti fil-kuntest tal-eżami tal-motiv dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali f’dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi u l-ittra tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli mid-DĠ “Kompetizzjoni” tad‑9 ta’ Marzu 2009, jidher li dawn l-argumenti fir-realtà huma intiżi għal evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, u dan ma jaqax taħt l-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-eżami ta’ appell. Għaldaqstant, dawn l-argumenti huma inammissibbli. |
|
102 |
F’dak li jirrigwarda, fil-ħames lok, l-argumenti ta’ Caixabank et, sostnuti minn Decal España, ibbażati fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet l-argument tar-Renju ta’ Spanja li l-irkupru tal-għajnuna ordnat permezz tad-Deċiżjoni kontenzjuża kien jikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, fid-dawl tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar it-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali wettqet, ċertament, żball fil-punt 166 tas-sentenza appellata meta rrilevat li din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet tirrigwarda “l-użu ta’ bastimenti miżmuma b’titolu ta’ proprjetà jew ta’ nolleġġ, u mhux l-attivitajiet finanzjarji marbuta man-nolleġġ ta’ bastimenti taħt kuntratt ta’ nolleġġ bare boat, bħal fil-każ odjern”. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 42 tas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Spanja et (C‑128/16 P, EU:C:2018:591), mid-deskrizzjoni tal-ISLF jirriżulta li l-GIE kienu jeżerċitaw l-attività ta’ akkwist ta’ bastimenti permezz ta’ kuntratti ta’ lokazzjoni-bejgħ, b’mod partikolari bil-ħsieb tan-nolleġġ tagħhom mingħajr ekwipaġġ u tal-bejgħ mill-ġdid tagħhom sussegwentement, u minn dan jirriżulta li ma kinux jeżerċitaw biss attivitajiet finanzjarji. |
|
103 |
Madankollu, dan l-iżball ma għandux effett fuq l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Frar 2002 dwar it-tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ ma kinitx ħolqot aspettattivi leġittimi, peress li, sabiex tibbaża din l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-premessa 245 tad-Deċiżjoni kontenzjuża li skontha minn dik id-deċiżjoni kien jirriżulta b’mod ċar li l-iskema ta’ tassazzjoni fuq it-tunnellaġġ kellha tapplika esklużivament għall-bastimenti eliġibbli u għal attivitajiet ta’ trasport marittimu eliġibbli, jiġifieri għall-kumpanniji marittimi rreġistrati f’wieħed mir-reġistri tal-kumpanniji marittimi previsti fil-leġiżlazzjoni Spanjola, li l-attività tagħhom tinkludi l-użu ta’ bastimenti miżmuma b’titolu ta’ proprjetà jew lokazzjoni, b’mod li l-GIE ġew esklużi, peress li l-attivitajiet tagħhom jikkonsistu esklużivament fin-nolleġġ ta’ bastiment wieħed taħt il-qafas ta’ nolleġġ mingħajr ekwipaġġ. |
|
104 |
Din l-evalwazzjoni lanqas ma hija mqiegħda f’dubju mill-argument li l‑GIE eżerċitaw attività ta’ trasport marittimu, li ma ġiex sostnut quddiem il-Qorti Ġenerali u, fi kwalunkwe każ, bl-ebda mod ma ġie żviluppat, b’tali mod li jidher manifestament infondat. Lanqas ma hija mqiegħda f’dubju mill-fatt li l-Kummissjoni f’diversi okkażjonijiet irrikonoxxiet, f’deċiżjonijiet oħra, li n-nolleġġ ta’ bastiment mingħajr ekwipaġġ kien jikkostitwixxi tali attività, peress li, fi kwalunkwe każ, huwa fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE li għandu jiġi evalwat jekk għajnuna tissodisfax jew le l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni li din id-dispożizzjoni tipprevedi, u mhux fid-dawl tal-prattika preċedenti jew ta’ deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C., C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 21, u tat‑22 ta’ Settembru 2020, L-Awstrija vs Il-Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
105 |
Minn dan isegwi li l-argumenti ta’ Caixabank et għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. |
|
106 |
Konsegwentement, it-tielet aggravju fil-Kawża C‑649/20 P kif ukoll it-tieni u t-tielet aggravju fil-Kawża C‑658/20 P għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati u t-tieni aggravju fil-Kawża C‑662/20 P għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
D. Fuq l_aggravju tar_Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas‑sentenza appellata fir‑rigward tas‑selettività tal‑ISLF u tal‑irkupru tal‑għajnuna inkwistjoni
1. L-argumenti tal‑partijiet
|
107 |
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, li għandu jiġi eżaminat fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jilmenta li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza appellata f’dak li jirrigwarda l-analiżi tas-selettività tal-ISLF u tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, fatt li ppreġudika d-drittijiet tad-difiża stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
108 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-selettività tal-ISLF, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx, l-ewwel nett, ir-raġuni għaliex ma kienx neċessarju li jiġi applikat il-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ għajnuna u sempliċement ikkonfermat l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li s-sistema kollha kemm hi kienet ta’ natura selettiva minħabba s-setgħat diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat u minħabba l-fatt li din l-amministrazzjoni kienet tawtorizza biss operazzjonijiet intiżi sabiex jiffinanzjaw bastimenti. |
|
109 |
Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta affermat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet motivata suffiċjentement skont il-liġi, minkejja li din id-deċiżjoni kienet tinkludi akkumulazzjoni ta’ kontradizzjonijiet u ta’ ommissjonijiet. |
|
110 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri kollha li jikkostitwixxu l-ISLF kellhomx jiġu kkunsidrati bħala sistema unitarja u analizzati fit-totalità tagħhom jew separatament mir-rekwiżit li huma kienu kollha selettivi, meta affermat, fil-punt 101 tas-sentenza appellata, li, peress li waħda mill-miżuri li jippermettu li wieħed jibbenefika mill-ISLF kienet selettiva, is-sistema kienet kollha kemm hi selettiva. |
|
111 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni sa fejn hija sempliċement irriproduċiet il-kontenut tad-Deċiżjoni kontenzjuża mingħajr ebda ġustifikazzjoni. Barra minn hekk, hija kkontradixxiet ruħha meta abbandunat il-viżjoni tagħha tal-ISLF kollha kemm hi bħala ħaġa waħda sabiex tiffoka fuq parti waħda mill-parteċipanti tagħha, jiġifieri l-investituri, sabiex teżiġi l-irkupru mingħandhom u mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-benefiċjarji l-oħra tal-miżuri li jikkostitwixxu l-ISLF. |
|
112 |
Sa fejn tqis li s-sentenza appellata hija suffiċjentement motivata, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-aggravju huwa infondat. |
2. L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
113 |
Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jimponilha li turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit minnha, b’mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, Il-Kummissjoni vs Missir Mamachi di Lusignano, C‑54/20 P, EU:C:2022:349, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan l-obbligu ma jeżiġix li l-Qorti Ġenerali tipprovdi espożizzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fit-tilwima. Il-motivazzjoni tista’ għalhekk tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li fuqhom tibbaża ruħha l-Qorti Ġenerali u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fil-kuntest tal-eżami ta’ appell (is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Trafilerie Meridionali vs Il-Kummissjoni, C‑519/15 P, EU:C:2016:682, punt 41). |
|
114 |
F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura selettiva tal‑ISLF, mill-punti 87 sa 101 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tagħhom huwa espost fil-punti 43 u 57 sa 62 ta’ din is-sentenza, jidher li l-Qorti Ġenerali wriet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija kkunsidrat, minn naħa, li l-ISLF kienet ta’ natura selettiva minħabba s-setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni fiskali li tawtorizza d-deprezzament antiċipat, fatt li minnu jirriżulta li hija kienet impliċitament, iżda ċertament, aċċettat li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ analiżi fi tliet stadji tas-selettività ta’ għajnuna ma kinitx neċessarja, u, min-naħa l-oħra, li n-natura selettiva tad-deprezzament antiċipat irrendiet l-ISLF selettiva kollha kemm hi. |
|
115 |
Fir-rigward tal-argument li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni meta affermat li d-Deċiżjoni kontenzjuża kienet motivata suffiċjentement skont il-liġi, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) u mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li tagħha qed jintalab l-annullament kif ukoll l-argumenti legali li speċifikament isostnu din it-talba. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ, fl-Artikolu 169(2) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, li l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi mqajma u invokati jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punti 33 u 34). Issa, ir-Renju ta’ Spanja ma jindikax il-punti tas-sentenza appellata previsti f’dan l-argument, b’tali mod li dan huwa wisq impreċiż sabiex jirċievi risposta u li, għaldaqstant, huwa inammissibbli. |
|
116 |
Minn dan isegwi li l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, ibbażati fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tan-natura selettiva tal-ISLF, huma parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati. |
|
117 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, sabiex tirrispondi għall-motiv imqajjem minn Lico Leasing u PYMAR, li permezz tiegħu huma kkontestaw, essenzjalment, kif ġie rrilevat fil-punt 218 tas-sentenza appellata, id-Deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tordna l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri, meta 85 sa 90 % tal-vantaġġ ġie sistematikament ittrasferit lill-kumpanniji marittimi, ipprovdiet, fil-punt 219 ta’ din is-sentenza, dan li ġej: “Fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet f’dan il-każ li l-kumpanniji tat-tbaħħir ma kinux il-benefiċjarji tal-għajnuna, konklużjoni li ma hijiex is-suġġett ta’ din il-kawża, huwa konsegwentement li l-ordni ta’ rkupru kien jirrigwarda biss u kompletament lill-investituri, l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna kollha skont id-[Deċiżjoni kontenzjuża] minħabba t-trasparenza tal-GIE. Skont il-loġika tagħha stess, id-[Deċiżjoni kontenzjuża] ma wettqitx żball meta ordnat l-irkupru tal-għajnuna kollha mingħand l-investituri, minkejja li ttrasferixxew parti mill-vantaġġ lejn operaturi oħra peress li dawn ma kinux ikkunsidrati bħala benefiċjarji tal-għajnuna. Fil-fatt, skont id-[Deċiżjoni kontenzjuża], huma l-investituri li effettivament gawdew l-għajnuna peress li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma kinitx timponi fuqhom it-trasferiment ta’ parti mill-għajnuna lil terzi.” |
|
118 |
Issa, billi sempliċement, minn naħa, ikkonstatat li Lico Leasing u PYMAR ma kinux ikkontestaw l-indikazzjoni tal-benefiċjarji li saret fid-Deċiżjoni kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, irreferiet għal-loġika kif ukoll għall-kontenut ta’ din id-deċiżjoni, meta mill-motiv imressaq minn dawn l-impriżi ġie dedott li dawn l-impriżi – anki jekk dawn ma kinux ikkontestaw l-identità tal-benefiċjarji – sostnew, impliċitament, iżda neċessarjament, li huma ma kinux l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, peress li parti kbira minn din tal-aħħar ġiet ittrasferita lill-kumpanniji marittimi, il-Qorti Ġenerali ma weġbitx għal dan il-motiv. Konsegwentement, hija naqset milli tiddeċiedi dwaru, u dan jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2005, Acerinox vs Il-Kummissjoni, C‑57/02 P, EU:C:2005:453, punt 36, u d-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Awwissu 2022, SJM Coordination Center vs Magnetrol International u Il-Kummissjoni, C‑4/22 P(I), EU:C:2022:626, punt 19). |
|
119 |
Konsegwentement, hemm lok li jintlaqa’ l-aggravju tar-Renju ta’ Spanja bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji tagħha, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji u l-argumenti l-oħra tal-partijiet li jirrigwardaw l-istess parti tas-sentenza appellata. |
|
120 |
Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn, permezz tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi sa fejn dawn kienu intiżi għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn jindika lill-GIE u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni, u l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija deċiżjoni, sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna msemmija f’din l-istess deċiżjoni mingħand l-investituri tal-GIE li bbenefikaw minnha. |
|
121 |
Il-kumplament tal-appelli huwa miċħud. |
V. Fuq ir‑rikorsi quddiem il‑Qorti Ġenerali
|
122 |
Konformement mat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. |
|
123 |
F’dan il-każ, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li r-rikorsi għal annullament ippreżentati mill-appellanti li kienu s-suġġett tal-Kawżi T‑515/13, T‑515/13 RENV, T‑719/13 u T‑719/13 RENV huma bbażati fuq motivi li kienu s-suġġett ta’ dibattitu kontradittorju quddiem il-Qorti Ġenerali u li l-eżami tagħhom ma jeħtieġ li tiġi adottata ebda miżura addizzjonali ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew ta’ istruzzjoni tal-proċess, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-parti ta’ dawn ir-rikorsi li għad trid tiġi eżaminata wara l-annullament parzjali tas-sentenza appellata, relatata mal-fondatezza tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni mingħand il-benefiċjarji tagħha, tinsab fi stat li tiġi deċiża u hemm lok li din tiġi deċiża b’mod definittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, NeXovation vs Il-Kummissjoni, C‑665/19 P, EU:C:2021:667, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
A. L‑argumenti tal‑partijiet
|
124 |
Ir-Renju ta’ Spanja, permezz tat-tieni sar-raba’ motiv tiegħu, kif ukoll Lico Leasing u PYMAR, permezz tat-tieni motiv tagħhom, sussidjarjament, isostnu li, billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
125 |
Permezz tat-tielet motiv tagħhom, invokat ukoll sussidjarjament, Lico Leasing u PYMAR jikkontestaw il-metodu ta’ kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata ddefinit mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kontenzjuża, billi jsostnu, essenzjalment, li dan iwassal sabiex l-investituri jew il-GIE jkunu meħtieġa jirrimborsaw il-vantaġġ fiskali kollu mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-parti l-kbira ta’ dan il-vantaġġ kien ġie ttrasferit lill-kumpanniji marittimi. |
|
126 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn il-motivi u ta’ dawn l-argumenti kollha. Fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, hija ssostni, essenzjalment, li l-investituri membri tal-GIE huma l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni u, fil-kwalità tagħhom ta’ persuni taxxabbli, l-uniċi interlokuturi possibbli fir-rigward tar-Renju ta’ Spanja għall-irkupru tagħha. Fil-fehma tagħha, il-fatt li din l-għajnuna seta’ kellha effetti ekonomiċi għal impriżi oħra ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna rċevuta u li għandha tiġi rkuprata. |
B. L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
127 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-motivi u tal-argumenti mqajma mir-Renju ta’ Spanja, minn Lico Leasing u minn PYMAR, ibbażati fuq ksur tal-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala infondati għar-raġunijiet li jinsabu fil-punti 81 u 82 ta’ din is-sentenza kif ukoll għal dawk ipprovduti fil‑punti 163 sa 169, 174, 199 sa 205 tas-sentenza appellata u mfakkra essenzjalment fil-punti 85 sa 91 ta’ din is-sentenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet tagħha ħlief għall-iżball irrilevat fil-punt 102 ta’ din tal-aħħar. |
|
128 |
Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda l-motiv u l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għar-raġunijiet esposti fil-punti 139 sa 145 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet tagħha, li skonthom, essenzjalment, minn naħa, ir-Renju ta’ Spanja ma spjegax b’mod iddettaljat ir-raġunijiet li għalihom is-sitwazzjoni eżaminata fid-Deċiżjoni Brittany Ferries u dik li kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni kontenzjuża kienu komparabbli u dan l-Istat Membru ma jistax jipprevalixxi ruħu minn prattika preċedenti tal-Kummissjoni u, min-naħa oħra, id-differenza fit-trattament allegata fir-rigward tad-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi, li ordnat l-irkupru tal-għajnuna b’effett mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, kienet oġġettivament iġġustifikata minħabba l-fatt li l-inċertezza maħluqa mid-Deċiżjoni Brittany Ferries ma kinitx għadha teżisti wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-GIE fiskali Franċiżi. |
|
129 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat mingħand l-investituri, kif ġie rrilevat fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, jista’ jiġi dedott mit-tielet motiv imqajjem minn Lico Leasing u minn PYMAR li, permezz ta’ dan il-motiv, huma jsostnu, impliċitament, iżda neċessarjament, li huma ma kinux l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, peress li parti kbira minn din tal-aħħar ġiet ittrasferita lill-kumpanniji marittimi, u li b’hekk huma jikkontestaw l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna magħmula mill-Kummissjoni. |
|
130 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat li jneħħi, permezz tal-irkupru, għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq uniku huwa intiż, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni eżistenti qabel l-għoti tal-għajnuna. Dan il-għan jintlaħaq meta din l-għajnuna inkwistjoni, flimkien skont il-każ mal-interessi moratorji, tkun ġiet irrestitwita mill-benefiċjarju jew, fi kliem ieħor, mill-impriżi li effettivament ibbenefikaw minnha. Permezz ta’ din ir-restituzzjoni, il-benefiċjarju jitlef fil-fatt il-vantaġġ li minnu huwa jkun ibbenifika fis-suq fil-konfront tal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni eżistenti qabel il-ħlas tal-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid (is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity, C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990, punti 89 u 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
131 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li, fil-premessa 11 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni indikat li operazzjoni abbażi tal-ISLF kienet tippermetti lil kumpannija marittima li takkwista bastiment mibni ġdid bi tnaqqis ta’ bejn 20 u 30 % meta mqabbel mal-prezz li t-tarzna tirċievi. Fil-premessa 12 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ISLF kienet tikkostitwixxi skema ta’ ppjanar tat-taxxa, ġeneralment organizzata minn bank sabiex tiġġenera vantaġġi fiskali favur investituri miġbura f’GIE “fiskalment trasparenti” u sabiex titrasferixxi parti minn dawn il-vantaġġi fiskali lil din il-kumpannija marittima fil-forma ta’ tnaqqis fuq il-prezz tal-bastiment, filwaqt li l-investituri jżommu l-benefiċċji tal-vantaġġi l-oħra. |
|
132 |
Fil-premessa 162 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li, fil-livell ekonomiku, parti sostanzjali mill-vantaġġ fiskali miksub mill-GIE kienet ġiet ittrasferita lill-imsemmija kumpannija marittima fil-forma ta’ tnaqqis fil-prezz. Hija speċifikat li l-annessi mehmuża ma’ ċerti fajls tal-GIE fil-kuntest tat-talba għal awtorizzazzjoni minn qabel tad-deprezzament antiċipat kienu jikkonfermaw li l-operaturi li kienu jipparteċipaw fl-ISLF kienu jqisu li l-vantaġġi fiskali li jirriżultaw mill-operazzjoni kienu mqassma bejn il-GIE jew l-investituri tagħhom u l-kumpanniji marittimi. |
|
133 |
Sussegwentement, fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tad-deprezzament antiċipat mogħti mill-amministrazzjoni fiskali, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 135 u 136 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li mill-eżempji pprovduti mill-awtoritajiet Spanjoli jirriżulta li t-talbiet għal awtorizzazzjoni mressqa mill-GIE kienu jiddeskrivu fid-dettall l-organizzazzjoni kollha tal-ISLF, kienu jinkludu l-kuntratti rilevanti kollha, b’mod partikolari l-kuntratti ta’ bini ta’ bastimenti, ta’ lokazzjoni-bejgħ, ta’ nolleġġ mingħajr ekwipaġġ, il-kuntratti ta’ għażla, il-kuntratt ta’ xiri mill-ġdid u l-ħlas tad-dejn. Barra minn hekk, dawn it-talbiet kienu jinkludu, f’ċerti każijiet, annessi li ma kinux indispensabbli sabiex jintwera li kienu ġew osservati d-dispożizzjonijiet applikabbli tat-TRLIS jew tar-RIS, jiġifieri kalkolu ddettaljat tal-vantaġġi fiskali totali u tal-metodu ta’ tqassim bejn il-kumpannija marittima, minn naħa, u l-GIE jew l-investituri tagħhom, min-naħa l-oħra, kif ukoll dikjarazzjoni tat-tarzna li fiha kienu stabbiliti l-vantaġġi ekonomiċi u soċjali previsti mill-kuntratt ta’ bini ta’ bastimenti. |
|
134 |
Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll, fil-premessa 168 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, li t-talbiet mibgħuta lill-amministrazzjoni fiskali kienu ġeneralment jinkludu kalkolu tal-vantaġġ fiskali totali ġġenerat mill-ISLF u l-mod kif dan il-vantaġġ kien jitqassam bejn l-kumpannija marittima u l-investituri tal-GIE jew, tal-inqas, kienu jinkludu l-elementi meħtieġa sabiex isir dan il-kalkolu. |
|
135 |
Fil-premessi 133 sa 139 u 156 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat, ġustament, li l-amministrazzjoni fiskali kellha setgħa diskrezzjonali sabiex tawtorizza d-deprezzament antiċipat u li dan kien jirrendi lill-ISLF selettiva kollha kemm hi. |
|
136 |
Fl-aħħar nett, fil-premessa 169 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni qieset, madankollu, li l-konsegwenzi ekonomiċi kollha li jirriżultaw mill-għoti tal-vantaġġ fiskali lill-GIE kienu jirriżultaw minn kombinazzjoni ta’ tranżazzjonijiet legali bejn entitajiet privati, li r-regoli fis-seħħ ma kinux jobbligaw, fil-fatt, lill-GIE jittrasferixxu parti mill-vantaġġ fiskali lill-kumpanniji marittimi, u li l-fatt li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li kellha l-amministrazzjoni fiskali, din tal-aħħar kienet tevalwa l-impatt ekonomiku tat-tranżazzjoni kollha ma kienx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li kienu l-awtoritajiet Spanjoli li jiddeċiedu dwar it-trasferiment ta’ parti mill-vantaġġ lill-kumpanniji marittimi jew l-ammont ta’ dan it-trasferiment. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 170 ta’ din id-deċiżjoni, li l-vantaġġi li l-kumpanniji marittimi kienu jisiltu ma kinux imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat. |
|
137 |
Madankollu, mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni stess, imfakkra fil-punti 131 sa 135 ta’ din is-sentenza, irriżulta li l-ISLF kienet tikkostitwixxi, kollha kemm hi, skema ta’ għajnuna li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali Spanjola u mill-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-amministrazzjoni fiskali Spanjola, u li hija intiża, irrispettivament mill-proċeduri legali użati, sabiex tiġġenera vantaġġ mhux biss favur il-GIE, iżda wkoll il-kumpanniji marittimi. |
|
138 |
Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mfakkra fil-punt 133 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-tqassim tal-vantaġġ fiskali maħluq mill-ISLF bejn il-kumpannija marittima u l-investituri tal-GIE kien previst f’kuntratti legalment vinkolanti, sottomessi lill-amministrazzjoni fiskali u li din tal-aħħar kienet tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tawtorizza, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li hija kellha f’dan ir-rigward, id-deprezzament antiċipat. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni, essenzjalment, iddikjarat fil-premessa 169 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, il-GIE kienu obbligati, skont ir-regoli tad-dritt applikabbli għall-kuntratti konklużi mal-kumpanniji marittimi, jittrasferixxu lil dawn tal-aħħar parti mill-vantaġġ fiskali miksub. |
|
139 |
Minn dan isegwi li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi fir-rigward tal-indikazzjoni tal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni u, konsegwentement, fir-rigward tal-irkupru tagħha sa fejn ordnat lir-Renju ta’ Spanja, kuntrarjament għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 130 ta’ din is-sentenza, jirkupra l-ammont sħiħ ta’ din l-għajnuna biss mingħand l-investituri tal-GIE. |
|
140 |
Konsegwentement, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn jindika lill-GIE u l-investituri tagħhom bħala l-uniċi benefiċjarji tal-għajnuna msemmija f’din id-deċiżjoni, u l-Artikolu 4(1) tagħha, sa fejn jordna lir-Renju ta’ Spanja jirkupra l-ammont kollu tal-għajnuna inkwistjoni mingħand l-investituri tal-GIE li bbenefikaw minnha, għandhom jiġu annullati. |
Fuq l‑ispejjeż
|
141 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża b’mod definittiv hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
142 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. |
|
143 |
Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, ir-Renju ta’ Spanja, Lico Leasing, PYMAR u Caixabank et għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż kollha tagħhom, tliet kwarti mill-ispejjeż tal-Kummissjoni kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-okkażjoni tal-appelli li kienu s-suġġett tal-Kawża C‑128/16 P u tal-Kawżi magħquda C‑649/20 P, C‑658/20 P u C‑662/20 P. Din l-istituzzjoni għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha. |
|
144 |
Skont l-Artikolu 140(3) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, Decal España, intervenjenti fl-appell, għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.