SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

16 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tniġġis atmosferiku – Sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra – Direttiva 2003/87/KE – Impjanti tal-kombustjoni tal-karburanti – Anness I – Input termiku totali ta’ kombustjoni – Modalitajiet ta’ kalkolu – Regola ta’ aggregazzjoni”

Fil-Kawża C‑575/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

Apollo Tyres (Hungary) Kft.

vs

Innovációért és Technológiáért Felelġs Miniszter,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, M.I. Jarukaitis u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev ( 1 ),

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Apollo Tyres (Hungary) Kft., minn T. Biczi, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u B. De Meester kif ukoll minn K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 (ĠU 2018, L 76, p. 3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/87”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Apollo Tyres (Hungary) Kft. (iktar ’il quddiem “Apollo Tyres”) u l-Innovációért és Technológiáért Felelġs Miniszter (il-Ministru għall-Innovazzjoni u għat-Teknoloġija, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem il-“Ministru għall-Innovazzjoni”) dwar il-multa imposta minn dan tal-aħħar fuq din il-kumpannija minħabba li hija kienet ħarġet gassijiet serra mingħajr ma kellha permess ta’ emissjonijiet.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-emissjonijiet mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I u għall-gassijiet serra elenkati fl-Annes II.”

4

L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

‘emissjonijet’ tfisser ir-rilaxx ta’ gassijiet serra fl-atmosfera minn sorsi ta’ emissjonijiet f’installazzjoni jew ir-rilaxx mill-inġenju tal-ajru waqt li jkun qed iwettaq attività marbuta mal-avjazzjoni elenkata fl-Anness I tal-gassijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività;

[…]

e)

‘stallazzjoni’ tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż;

[…]”.

5

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2005, l-ebda istallazzjoni ma twettaq xi attività mniżżla fl-Anness I li tirriżulta f’emissjonijiet speċifikati fir-rigward ta’ dik l-attività sakemm l-operaturi tagħha ma jkollhomx permess maħruġ minn awtorità kompetenti konformement mal-Artikoli 5 u 6, jew l-istallazzjoni ma tiġix eskluża [mis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (SSKE)] tal-[Unjoni] taħt l-Artikolu 27. Din għandha tapplika wkoll għal istallazzjonijiet magħżula taħt l-Artikolu 24.”

6

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-operatur għandu jinforma lill-awtorità kompetenti dwar kwalunkwe bidliet ippjanti fin-natura jew fl-operazzjoni, jew dwar estensjoni, jew tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità, tal-istallazzjoni li tista’ tkun teħtieġ aġġornament tal-permess tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’serra. Fejn xieraq, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess. Fejn hemm bidla fl-identità tal-operatur tal-istallazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha taġġorna l-permess biex tinkludi l-isem u l-indirizz tal-operatur il-ġdid.”

7

Skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2003/87:

“Għall-perijodu sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat‑30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jirrestitwixxi għadd ta’ kwoti, barra minn dawk il-kwoti maħruġa taħt il-Kapitolu II, li jkun ekwivalenti għat-total tal-emissjonijiet ta’ dik l-installazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skont l-Artikolu 15, u li dawk il-kwoti jiġu kkanċellati sussegwentement. Għall-perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sat‑30 ta’ April ta’ kull sena, l-operatur ta’ kull installazzjoni jirrestitwixxi għadd ta’ kwoti, li jkun ekwivalenti għat-total tal-emissjonijiet ta’ dik l-installazzjoni fis-sena kalendarja preċedenti, kif ivverifikati skont l-Artikolu 15, u li dawk il-kwoti jiġu kkanċellati sussegwentement, soġġett għar-reviżjoni msemmija fl-Artikolu 28b.”

8

L-Artikolu 14(3) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull operatur ta’ istallazzjoni jew ta’ ajruplan jimmonitorja u jirrapporta l-emissjonijiet minn din l-istallazzjoni matul kull sena kalendarja jew, mill-1 ta’ Jannar 2010, l-ajruplan li hu jopera, lill-awtorità kompetenti wara t-tmiem ta’ din is-sena konformement mal-atti msemmija fil-paragrafu 1.”

9

L-Artikolu 27a(3) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu wkoll jeskludu mill-[Unjoni] dawk l-unitajiet ta’ riżerva jew ta’ emerġenza li ma operawx iktar minn 300 siegħa fis-sena f’kull sena mit-tliet snin qabel in-notifika taħt il-punt (a) tal-paragrafu 1, taħt l-istess kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafi1 u 2.”

10

Fost l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Kategoriji ta’ attivitajiet li għalihom tapplika din id-direttiva” tinsab “Kombustjoni ta’ karburanti f’istallazzjonijiet b’kapaċità termika totali kkalkolata li taqbeż l-20 MW (minbarra istallazzjonijiet għat-trattament ta’ skart perikoluż jew muniċipali).”

11

Il-punt 3 ta’ dan l-anness jipprevedi:

“Meta l-input termiku nominali totali ta’ istallazzjoni jiġi kkalkulat sabiex jiġi deċiż jekk tiddaħħalx fl-[…] [SSKE tal-Unjoni], l-inputs termiċi nominali tal-junits tekniċi kollha li jagħmlu parti minnha u li fihom jinħarqu karburanti fi ħdan l-istallazzjoni, jingħaddu flimkien. Dawn il-junits jistgħu jinkludu kull tip ta’ bojlers, berners, turbini, ħiters, fran tal-funderiji, inċineraturi, kalkari tal-ġir, kalkari, fran, impjanti nixxiefa (dryers), magni, ċelluli tal-karburanti, junits tal-kombustjoni ‘chemical looping’, torċi (flares), u impjanti termiċi jew katalitiċi tal-post-kombustjoni. Junits b’input termiku nominali taħt it-3 MW u junits li jużaw biss il-bijomassa ma jitqisux għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu. ‘Junits li jużaw biss il-bijomassa’ jinkludu impjanti li jużaw il-karburanti fossili meta jitqabbdu jew meta jintfew biss.”

Id-dritt Ungeriż

12

Il-punt 24 tal-Artikolu 2 tal-az üvegházhatásEstagázok közösségi kereskedelmi rendszerében és az erġfeszítés-megosztási határozat végrehajtásában törnġ részvételrġl szóló 2012. évi CCXVII. törvény (il-Liġi Nru 217 tal-2012 dwar il-Parteċipazzjoni fis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra fil-Komunità u l-Implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Tqassim tal-Isforzi) (Magyar Közlöny 2012/180. (XII.27.)), jipprevedi:

“Installazzjoni” tfisser unità teknika fissa li fiha tiżvolġi attività waħda jew iktar elenkati fil-punti I sa XXI tal-Anness I jew kull attività teknoloġika oħra relatata ma’ dawn l-attivitajiet, kif ukoll kull attività marbuta teknikament mal-attività eżerċitata fuq sit partikolari, u li tinvolvi jew għandha effett dirett fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif iddefiniti fl-Anness 1.”

13

Il-punt 3.1. tal-Anness I ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-attività bħala l-“[k]ombustjoni ta’ karburanti f’installazzjonijiet b’input termiku totali ta’ iktar minn 20 MWth (bl-eċċezzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż u skart muniċipali)”.

14

L-Artikolu 1(5) tal-az üvegházhatásgázok közösségi kereskedelmi rendszerében és az erġfeszítés-megosztási határozat végrehajtásában való reszvételrġl szóló 2012. évi CCXVII. törvény végrehajtásának egyes szabályairól szóló 410/2012. (XII. 28.) Korm. rendelet (id-Digriet tal-Gvern Nru 410 tad‑29 ta’ Diċembru 2012 li Jistabbilixxi Ċerti Regoli ta’ Implimentazzjoni tal-Liġi Nru 217 tal‑2012 dwar il-Parteċipazzjoni fis-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra ġewwa l-Komunità u l-Implementazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Tqassim tal-Isforzi) (Magyar Közlöny 2012/182. (XII.28.)) jipprevedi:

“L-awtorità toħroġ il-permess ta’ emissjoni abbażi ta’ deċiżjoni uffiċjali li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-użu tal-ambjent, jekk hija tistabbilixxi li l-operatur josserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi dwar is-sistema tal-iskambju. Ir-rekwiżiti dettaljati dwar il-kontenut tal-liċenzja ta’ emissjoni huma stabbiliti fl-Anness 3.”

15

Skont l-Artikolu 2.7 tal-Anness 2 ta’ dan id-digriet:

“Sabiex jiġi kkalkulat l-input termiku totali ta’ installazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni tagħha fis-sistema komuni jew jiżdied l-input termiku tal-unitajiet tekniċi kollha li fihom il-karburanti jinħarqu fl-installazzjoni, inkluż it-tagħmir eskluż skont l-Artikolu 15/B tal-Liġi dwar is-Sistema għall-Iskambju (jiġifieri l-unitajiet ta’ riżerva u ta’ salvataġġ). Fost dawn il-unitajiet, inklużi t-tagħmir eskluż skont l-Artikolu 15/B tal-Liġi dwar is-Sistema għall-Iskambju, jistgħu b’mod partikolari jinkludu kull tip ta’ bojlers, berners, turbini, ħiters, fran tal-funderiji, inċineraturi, kalkari tal-ġir, kalkari, fran, impjanti nixxiefa (dryers), magni, ċelluli tal-karburanti, junits tal-kombustjoni ‘chemical looping’, torċi (flares), u impjanti termiċi jew katalitiċi tal-post-kombustjoni. L-unitajiet b’input termiku inqas minn 3 MW u l-unitajiet li jużaw biss il-bijomassa ma jitqisux inkonsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu. L-“unitajiet li jużaw esklużivament” jinkludu wkoll l-unitajiet li jużaw karburanti fossili fil-fażijiet meta jitqabbdu jew meta jintfew biss.”

16

Il-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-a 140 kWth és annál nagyobb, ta’ 50 MWth-nál kisebb teljes névleges bemenő hőteljesítményű tüzelőberendezések működési feltételeiről és légszennyező anyagainak kibocsátási határértékeiről szóló 53/2017. 53/2017.(X. 18.) FM rendelet (ir-Regolament tal-Ministru għall-Agrikoltura Nru 53 tat‑18 ta’ Ottubru 2018 dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Funzjonament u dwar il-Valuri Limitu ta’ Emissjoni tal-Installazzjonijiet tal-Kombustjoni b’Input Terrmiku totali ta’ 140 kWth jew ta’ Iktar Minn 50 MWth) (Magyar Közlöny, 2017/169. (X.18.)) jipprevedi:

“L-input termiku huwa l-valur termiku, espress f’kilowatts (kWth) jew f’megawatts (MWth), tal-karburant injettat fl-installazzjoni ta’ kombustjoni għal kull unità tal-ħin meħtieġa sabiex l-installazzjoni ta’ kombustjoni kkonċernata tiffunzjona bl-input nominali stabbilit fid-deċiżjoni tal-awtorità.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

Fil-kuntest tal-produzzjoni tagħha ta’ tajers, Apollo Tyres topera tliet bojlers bil-fwar.

18

Ir-rappreżentant esklużiv tal-produtturi ta’ dawn il-bojlers ikkonferma li l-input ta’ kombustjoni massimu tal-imsemmija bojlers kienet ġiet aġġustata, permezz ta’ softwer, għal valuri ta’ 8.991 MW, 8.791 MW u 8.962 MW. Barra minn hekk, sabiex l-input termiku tal-istess bojlers tibqa’ taħt 20 MW, wieħed minnhom għadu magħluq,b’tali mod li l-input massimu li jista’ jintlaħaq mill-installazzjoni hija ta’ 17.953 MW (8.991 MW + 8.962 MW). Din il-konstatazzjoni hija sostnuta mis-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-konsum tal-gass, mir-reġistri ta’ kuljum tal-bojlers u mid-dokumenti li jistabbilixxu l-konsum tal-gass. Il-permess għall-użu aġġornat għall-protezzjoni tal-kwalità tal-arja, mogħti lil Apollo Tyres, jindika wkoll li massimu ta’ żewġ bojlers jistgħu joperaw fl-istess ħin, b’input termiku totali massimu ta’ 17.953 MW.

19

Fl‑20 ta’ Marzu 2020, il-Ministru għall-Innovazzjoni impona multa ta’ 29000000 florint Ungeriżi (HUF) (madwar EUR 81200) fuq Apollo Tyres għall-emissjoni ta’ gassijiet serra mingħajr awtorizzazzjoni, għar-raġuni li, kuntrarjament għal dak li ssostni din il-kumpannija, fid-dawl tal-input termiku nominali tat-tliet bojlers li jifformaw l-installazzjoni tagħha, din tal-aħħar għandha input termiku totali ta’ kombustjoni ta’ iktar minn 20 MW, mingħajr ma huwa rikjest li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet magħmula fuq l-input termiku nominali ta’ dawn il-bojlers.

20

Apollo Tyres tikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija).

21

Din il-qorti tistaqsi jekk huwiex importanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk installazzjoni għandhiex tiġi inkluża fl-SSKE tal-Unjoni, li unità teknika li tifforma din l-installazzjoni jkollha effett dirett fuq l-emissjonijiet. Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija jekk, f’din l-unità teknika, għandhiex tiżvolġi attività li timplika l-kombustjoni ta’ karburant jew attività marbuta direttament jew teknikament b’rabta diretta ma’ tali attività.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Fővárosi Törvsi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-Direttiva 2003/87/KE, b’mod partikolari l-punt 3 tal-Anness I tagħha, tista’ tiġi interpretata fis-sens li, sabiex jiġi deċiż dwar l-inklużjoni [fis-sistema] għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni (SSKE tal-UE) tal-kombustjoni ta’ [karburanti] li sseħħ fl-installazzjoni inkwistjoni, il-kalkolu tal-input termiku nominali totali tal-installazzjoni huwa affettwat mill-fatt li tagħmir li jifforma parti mill-imsemmija installazzjoni jaħdem b’limitazzjoni (fatt li ġie vverifikat)?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-input termiku totali ta’ kombustjoni ta’ installazzjoni għandu jiġi kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet imposti, mill-operatur tagħha, għall-input termiku massimu ta’ kombustjoni ta’ din l-installazzjoni.

24

Preliminarjament għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/87 għandha l-għan li tistabbilixxi sistema għal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra intiża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera għal livell li jipprekludi kull interferenza antropoġenika perikoluża tal-klima u li l-għan finali tagħha huwa l-protezzjoni tal-ambjent (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Energieversorgungscenter Dresden-Wilschdorf, C‑938/19, EU:C:2021:908, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva japplika għall-emissjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tagħha u għall-gassijiet serra elenkati fl-Anness II tagħha, li jinkludi, b’mod partikolari, id-diossidu tal-karbonju (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Vattenfall Europe Generation, C‑457/15, EU:C:2016:613, punt 28).

26

Konformement mal-Artikolu 3(e) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “installazzjoni” bħala unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew diversi attivitajiet elenkati fl-Anness I u kwalunkwe attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika mal-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġis.

27

Fost l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva, hemm il-kombustjoni ta’ karburanti f’installazzjonijiet b’input termiku totali ta’ kombustjoni li jaqbeż l-20 MW minbarra installazzjonijiet għall-inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż jew muniċipali (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Vattenfall Europe Generation, C‑457/15, EU:C:2016:613, punt 35).

28

Il-punt 3 ta’ dan l-Anness I jistabbilixxi regola ta’ aggregazzjoni li tispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom għandu jiġi evalwat jekk l-input termiku totali tal-kombustjoni fi ħdan installazzjoni hijiex ta’ iktar minn 20 MW (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Granarolo, C‑617/19, EU:C:2021:338, punt 59).

29

Skont din ir-regola ta’ aggregazzjoni, l-input termiku totali ta’ kombustjoni ta’ installazzjoni huwa kkalkolat billi jiżdied l-input termiku ta’ kombustjoni tal-unitajiet tekniċi kollha li jifformawha, li fihom il-karburanti jinħarqu, minbarra l-unitajiet li l-input termiku ta’ kombustjoni tagħhom huwa inqas minn 3 MW u l-unitajiet li jużaw esklużivament il-bijomassa.

30

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-installazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-attività tagħha tikkonsisti fil-kombustjoni ta’ karburanti li jipproduċu gassijiet serra, huwa kompost minn tliet bojlers. Għalkemm l-input termiku massimu ta’ kull waħda minnhom huwa ta’ iktar minn 12 MW, proċess informatiku jippermetti li jiġi limitat l-input termiku rispettiv tagħhom għal 8.991 MW, 8.791 MW u 8.962 MW. Barra minn hekk, mekkaniżmu installat mill-operatur ta’ dawn il-bojlers għandu l-effett li tnejn biss minn dawn it-tliet bojlers jistgħu jaħdmu fl-istess ħin.

31

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li r-regola ta’ aggregazzjoni, stabbilita fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirrikjedi, bħala prinċipju, li jiżdied l-input termiku massimu ta’ kombustjoni tal-unitajiet tekniċi kollha li jifformaw l-installazzjoni kkunsidrata, anki meta dawn ma jiffunzjonawx b’input sħiħ.

32

Fil-fatt, l-ewwel, tali interpretazzjoni hija konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2003/87 li jikkonsisti, skont l-Artikolu 1 tagħha, fil-promozzjoni tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra f’kundizzjonijiet ekonomikament effikaċi u effiċjenti (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, ExxonMobil Production Deutschland, C‑682/17, EU:C:2019:518, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

B’hekk, minn naħa, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-imput termiku massimu ta’ kombustjoni tal-unitajiet tekniċi tal-installazzjoni kkunsidrata, fil-kalkolu tal-input termiku totali ta’ kombustjoni ta’ din l-installazzjoni, jippermetti li jiġu ssuġġettati iktar installazzjonijiet li joħorġu gassijiet serra għall-obbligi li huma imposti minn din id-direttiva sabiex jiġi ppreżervat l-ambjent.

34

Min-naħa l-oħra, tali teħid inkunsiderazzjoni jippermetti, kemm lill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-allokazzjoni tal-kwoti (iktar ’il quddiem l-“awtorità nazzjonali kompetenti”) kif ukoll lill-operaturi li jidentifikaw b’mod stabbli l-installazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35

Issa, l-obbligi li, skont id-Direttiva 2003/87, jaqgħu fuq l-operaturi ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-SSKE tal-Unjoni u, b’mod partikolari, l-obbligu, previst fl-Artikolu 4 tagħha, li jiksbu permess għall-emissjoni tal-gassijiet serra, l-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 14(3) tagħha, li jissorveljaw u jiddikjaraw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kkawżati mill-attivitajiet tagħhom u l-obbligu, stabbilit bl-Artikolu 12(3) tagħha, li jirrestitwixxu, bħala prinċipju, numru ta’ kwoti li jikkorrispondu għall-emissjonijiet totali ta’ karburanti, ikunu diffiċli li jiġu osservati mill-awtorità nazzjonali kompetenti jekk installazzjoni setgħet tiġi inkluża jew eskluża regolarment mill-SSKE abbażi ta’ bidliet temporanji sempliċi tal-firxa tal-attività tagħha ta’ kombustjoni tal-karburanti.

36

Barra minn hekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-input termiku massimu ta’ kombustjoni tal-unitajiet tekniċi li jifformaw installazzjoni jippermetti li tiġi ggarantita l-prevedibbiltà tar-restrizzjonijiet imposti fuq l-operaturi ta’ installazzjonijiet suġġetti għall-SSKE tal-Unjoni u huwa, b’hekk, ukoll tali li jikkontribwixxi għall-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu mingħajr ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jieħdu passi konsegwentement (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, Aurubis, C‑271/20, EU:C:2021:959, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

It-tieni, tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 27a(3) tad-Direttiva 2003/87. Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-SSKE tal-Unjoni l-unitajiet ta’ riżerva jew ta’ back-up minn installazzjoni sa fejn, b’mod partikolari, dawn ma ħadmux iktar minn 300 siegħa fis-sena matul it-tliet snin qabel in-notifika, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ dawn l-unitajiet lill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li unità teknika ta’ installazzjoni ma tiffunzjonax, matul ċertu perijodu, ma jfissirx awtomatikament li ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-installazzjoni li hija tagħmel parti minnha hijiex suġġetta għall-SSKE tal-Unjoni.

38

Barra minn hekk, id-dokument ta’ gwida tat‑18 ta’ Marzu 2010 tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 (“Guidance on Interpretation of Annex I of the EU ETS Directive”), li, filwaqt li ma huwiex vinkolanti, jista’ jservi sabiex jiċċara l-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2018, INEOS, C‑58/17, EU:C:2018:19, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata), tippreċiża, fil-punt 3.3.1 tagħha, li l-input termiku totali huwa normalment speċifikat mill-manifattur u jintwera fuq l-apparat tekniku bil-kunsens ta’ awtorità ta’ kontroll.

39

It-tielet, il-ħtieġa li jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-input termiku totali ta’ installazzjoni, l-input termiku massimu ta’ kombustjoni tal-unitajiet tekniċi li jikkomponuh hija kkonfermata wkoll mill-fatt li diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, b’mod partikolari dawk bil-lingwa Spanjola, u dik Griega, Taljana, Ungeriża, Olandiża jew Portugiża, jirreferu espressament għall-input termiku “nominali” totali tal-installazzjoni, ikkalkolata billi jingħad l-input termiku “nominali” totali tal-installazzjoni tal-unitajiet tekniċi li jikkomponuha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penali), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 79).

40

Issa, meta jintuża, bħal f’dan il-każ, f’kuntest tekniku u enerġetiku, l-aġġettiv “nominali” jirreferi, fis-sens abitwali tiegħu, għal karatteristika jew għal prestazzjoni mħabbra mill-manifattur ta’ apparat jew ta’ installazzjoni jew ukoll għall-input permanenti massima milħuq fil-kundizzjonijiet normali ta’ funzjonament fil-mument tar-riċezzjoni ta’ dan l-apparat jew ta’ din l-installazzjoni, indipendentement mill-fatt li l-imsemmi apparat jew l-imsemmija installazzjoni jistgħu, jekk ikun il-każ, jiffunzjonaw, f’ċerti mumenti, taħt tali input massimu.

41

Madankollu, fit-tieni lok, ma jistax jiġi eskluż li l-limitazzjoni tal-input jew l-aġġornament ta’ installazzjoni jew ta’ unità teknika li tikkomponiha tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-input termiku totali ta’ kombustjoni tal-installazzjoni jibqa’ iktar minn 20 MW.

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tiġi żgurata l-eżattezza tad-data u taċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-SSKE tal-Unjoni, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/87 jirrikjedu li l-operaturi jinformaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar kull estensjoni jew tnaqqis sinjifikattiv tal-kapaċità tal-installazzjonijiet tagħhom, li jistgħu jirrikjedu aġġornament tal-permess tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, ArcelorMittal Rodange u Schifflange, C‑321/15, EU:C:2017:179, punti 25 u 26). Minn dan jirriżulta li, meta l-kapaċità stess ta’ kombustjoni ta’ installazzjoni titnaqqas taħt 20 MW, dan l-operatur għandu jkun jista’ jsostni quddiem l-awtorità nazzjonali kompetenti li l-installazzjoni tiegħu ma tibqax suġġetta għall-obbligu li jkollha permess ta’ emissjoni.

43

Barra minn hekk, meta restrizzjonijiet permanenti u verifikabbli jiġu imposti fuq l-input termiku massimu ta’ kombustjoni ta’ installazzjoni jew ta’ waħda mill-unitajiet tagħha, ikun kuntrarju għall-għan imfittex mid-Direttiva 2003/87, kif stabbilit fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li tali restrizzjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din l-installazzjoni għadhiex koperta mill-SSKE tal-Unjoni.

44

Id-dokument ta’ gwida msemmi fil-punt 38 ta’ din is-sentenza jippreċiża barra minn hekk, fil-punt 4.3 tiegħu, li r-restrizzjonijiet legali jew fiżiċi li jipprekludu effettivament l-użu sħiħ tal-input massimu tal-kombustjoni jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sakemm, minn naħa, dawn ir-restrizzjonijiet ikunu identifikati b’mod ċar mill-awtorità nazzjonali kompetenti f’att eżekuttiv u, min-naħa l-oħra, li jkunu suġġetti għal kontroll regolari min-naħa ta’ din l-awtorità.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-linji gwida mhux vinkolanti pprovduti mill-imsemmi dokument ta’ gwida, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, għall-finijiet tar-regola ta’ aggregazzjoni prevista fil-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87, l-input termiku massimu ta’ kombustjoni ta’ unità teknika li tikkomponi installazzjoni ma għandhiex tittieħed inkonsiderazzjoni, fl-intier tagħha, fejn, minn naħa, din il-kapaċità ta’ rendiment tnaqqset mill-operatur tagħha b’mod permanenti, jiġifieri b’mod tali li dan it-tnaqqis ma setax jitreġġa’ lura mingħajr intervent tekniku kbir jew mingħajr il-qbil tal-awtorità nazzjonali kompetenti, u min-naħa l-oħra, kemm dan it-tnaqqis kif ukoll in-natura permanenti tiegħu jistgħu jiġu vverifikati b’mod effettiv minn din l-awtorità. Huwa dan l-operatur li għandu jipproduċi lill-imsemmija awtorità l-provi neċessarji f’dan ir-rigward.

46

Sakemm il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jiġu osservati, l-għeluq ta’ unità teknika li tifforma installazzjoni jwassal, min-naħa tagħha, sabiex l-input termiku massimu ta’ kombustjoni ta’ din l-unità ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ din ir-regola ta’ aggregazzjoni.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2003/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-input termiku totali ta’ kombustjoni ta’ installazzjoni għandu jiġi kkalkolat billi jiżdied l-input termiku massimu ta’ kombustjoni tal-unitajiet tekniċi li jikkomponuha, ħlief meta l-limitazzjonijiet imposti mill-operatur fuq dan l-input termiku massimu huma permanenti, u li l-eżistenza ta’ dawn il-limitazzjonijiet kif ukoll in-natura permanenti tagħhom huma effettivament verifikabbli mill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-allokazzjoni tal-kwoti.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 3 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, kif emendata fl-aħħar lok bid-Direttiva (UE) 2018/410 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Marzu 2018 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-input termiku totali ta’ kombustjoni ta’ installazzjoni għandu jiġi kkalkolat billi jiżdied l-input termiku massimu ta’ kombustjoni tal-unitajiet tekniċi li jikkomponuha, ħlief meta l-limitazzjonijiet imposti mill-operatur fuq dan l-input termiku massimu huma permanenti, u li l-eżistenza ta’ dawn il-limitazzjonijiet kif ukoll in-natura permanenti tagħhom huma effettivament verifikabbli mill-awtorità nazzjonali kompetenti għall-allokazzjoni tal-kwoti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.

( 1 ) Avukat Ġenerali fil-kariga waqt il-preżentazzjoni tal-kawża fil-laqgħa ġenerali tat‑28 ta’ Settembru 2021.