SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għajnuna mill-Istat – Appoġġ għall-enerġija rinnovabbli – Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija għall-perijodu 2014-2020 – Effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna mitluba wara l-bidu tax-xogħlijiet marbutin mal-proġett ikkonċernat – Artikolu 108(3) TFUE – Obbligu ta’ komunikazzjoni – Konsegwenzi tal-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni”

Fil-Kawża C‑470/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

AS Veejaam,

OÜ Espo

vs

AS Elering

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal OÜ Espo, minn H. Jürimäe u T. Laasik, vandeadvokaadid,

għal AS Elering, minn K. Laidvee u A. Sigal, vandeadvokaadid,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg u M. Kriisa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Bouchagiar, G. Braga da Cruz u E. Randvere, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE, tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9), kif ukoll tal-punt 50 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU 2014, C 200, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2014”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, l-ewwel waħda, AS Veejaam u AS Elering, l-Awtorità Estonjana Responsabbli mill-Għoti tal-Għajnuna għall-Enerġija Rinnovabbli, u t-tieni waħda, OÜ Espo u Elering, dwar il-kisba, mill-imsemmija kumpanniji, ta’ din l-għajnuna.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament 2015/1589

3

Skont l‑Artikolu 1(b) u (c) tar‑Regolament 2015/1589:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘għajnuna eżistenti’ tfisser:

i)

mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 144 u 172 tal-Att [dwar il-kundizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u dwar l-adattament tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1),], għall-punt 3 u l-Appendiċi tal-Anness IV tal-Att [li jirrigwarda l-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ceka, tar-Repubblika ta’ l-Estonja, tar-Repubblika ta’ Cipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika ta’ l-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta,
tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka
u l-aggustamenti ghat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33)] għall-punti 2 u 3(b) u l-Appendiċi tal-Anness V tal-Att [dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203)], kif ukoll għall-punti 2 u 3(b) u l-Appendiċi tal-Anness IV tal-Att [dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2012, L 112, p. 21)], l-għajnuna kollha li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tat- [Trattat FUE] fl-Istati Membri rispettivi, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li daħlu fis-seħħ qabel, u għadhom jgħoddu wara, id-dħul fis-seħħ tat- [Trattat FUE] fl-Istat Membri rispettiv;

(ii)

għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni [Ewropea] jew mill-Kunsill;

iii)

għajnuna meqjusa awtorizzata skont l-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 [tal-Kunsill tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)] jew l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-Regolament, jew awtorizzata qabel ir-Regolament Nru 659/1999 iżda f’konformità ma’ din il-proċedura;

[…]

c)

‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti;

[…]”

Il‑Linji Gwida tal‑2014

4

Il-punti 49 sa 52 tal-Linji Gwida tal‑2014 jipprovdu:

“(49) L-għajnuna ambjentali u tal-enerġija tista’ biss titqies kompatibbli mas-suq intern, jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Effett ta’ inċentiv iseħħ meta l-għajnuna ġġiegħel lill-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu sabiex iżid il-livell ta’ ħarsien ambjentali jew li jtejjeb il-funzjonament ta’ suq tal-enerġija sikur, għal but ta’ kulħadd u sostenibbli, tibdil fl-imġiba li kieku ma kienx isir mingħajr l-għajnuna. L-għajnuna m’għandhiex tissussidja l-kostijiet [l-ispejjeż] ta’ attività li impriża xorta waħda kienet ser taffaċċja u m’għandhiex tikkumpensa għar-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika

(50) Il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma tippreżentax effett tal-inċentiv għall-benefiċjarju fil-każijiet kollha fejn ix-xogħol fuq il-proġett kien diġà beda qabel ma l-benefiċjarju jkun applika għall-għajnuna mal-awtoritajiet nazzjonali. F’tali każijiet fejn il-benefiċjarju jibda jimplimenta proġett qabel ma japplika għall-għajnuna, kwalunkwe għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dak il-proġett ma tiġix ikkunsidrata kompatibbli mas-suq intern.

(51) L-Istati Membri għandhom jintroduċu u jużaw formola ta’ applikazzjoni għal għajnuna. Il-formola tal-applikazzjoni tinkludi tal-anqas l-isem tal-applikant u d-daqs tal-impriża, deskrizzjoni tal-proġett, inkluż fejn jinsab u d-dati tal-bidu u tat-tmiem, l-ammont ta’ għajnuna meħtieġa biex jitwettaq, u lista tal-kostijiet eliġibbli. Fil-formola tal-applikazzjoni, il-benefiċjarji jridu jiddeskrivi s-sitwazzjoni mingħajr għajnuna, jiġifieri sitwazzjoni hija msemmija bħala x-xenarju kontrofattwali, jew ix-xenarju jew il-proġett alternattiv. […]

(52) Meta tirċievi l-formola tal-applikazzjoni, l-awtorità li tagħti l-għajnuna għandha twettaq kontroll ta’ kredibilità tax-xenarju kontrafattwali u tikkonferma li l-għajnuna għandha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. Xenarju kontrofattwali jitqies kredibbli jekk ikun ġenwin u jekk ikun jirrigwarda l-fatturi prevalenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fiż-żmien li fih il-benefiċjarju jieħu d-deċiżjoni dwar l-investiment. […]”

Id‑Deċiżjonijiet tal‑2014 u tal‑2017

5

Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑28 ta’ Ottubru 2014, li tikkonċerna skema ta’ għajnuna għall-elettriku prodott b’sorsi rinnovabbli u għall-koġenerazzjoni effiċjenti (għajnuna mill-Istat SA.36023) (ĠU 2015, C 44, p. 2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2014”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li l-iskema ta’ għajnuna Estonjana, għalkemm tikser l-obbligu previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mil-Linji gwidi tal-Komunità dwar l-għajnuna ta’ l-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 76), mil-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta’ l-ambjent (ĠU 2008, C 82, p. 1) kif ukoll mil-Linji Gwida tal‑2014, b’tali mod li l-imsemmija skema kienet kompatibbli mal-Artikolu 108(3)(c) TFUE.

6

Permezz tad-deċiżjoni tagħha tas‑6 ta’ Diċembru 2017 dwar tibdil għall-iskema ta’ għajnuna Estonjana għal sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-koġenerazzjoni (għajnuna mill-Istat SA.47354) (ĠU 2018, C 121, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑2017”), il-Kummissjoni, filwaqt li kkonstatat li r-Repubblika tal-Estonja kienet implimentat it-tibdil għall-iskema ta’ għajnuna li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni tal‑2014 bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, iddeċidiet li l-iskema ta’ għajnuna li tirriżulta mill-imsemmija tibdil kienet kompatibbli mas-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(3) TFUE.

Id‑dritt Estonjan

7

L-Artikoli 59, 591 u 108 tal-elektrituruseadus (il-Liġi dwar is-Suq tal-Elettriku) (RT I 2015, 43,iktar ’il quddiem l-“ELTS”) jipprevedu:

“Artikolu 59. L-għajnuna

(1)   Il-produttur għandu d-dritt jikseb mill-ġestjonarju tan-network ta’ trasport għajnuna:

1)

għall-produzzjoni tal-elettriku li joriġina minn sors ta’ enerġija rinnovabbli, bl-użu ta’ tagħmir ta’ produzzjoni, li s-saħħa netta ma taqbiżx il-100 [megawatts (MW)];

2)

għall-produzzjoni tal-elettriku, mill‑1 ta’ Lulju 2010, peress li uża għal dan il-għan il-bijomassa b’koġenerazzjoni, ħlief jekk l-elettriku jkun ġie prodott mill-bijomassa fil-kuntest tal-proċess ta’ kondensazzjoni, f’liema każ l-għajnuna ma tingħatax. Fuq proposta tal-Ministru kompetenti, il-Gvern tar-Repubblika tal-Estonja jistabbilixxi, permezz ta’ regolament, ir-regoli ddettaljati dwar il-koġenerazzjoni. Il-Ministru kompetenti għandu jindirizza lill-Gvern tar-Repubblika tal-Estonja l-proposta tiegħu dwar ir-regoli ddettaljati dwar il-koġenerazzjoni billi jibbaża ruħu fuq il-proposta magħmula mill-Awtorità tal-Estonja dwar il-Kompetizzjoni;

[…]

4)

għall-produzzjoni tal-elettriku, meta jkun uża għal dan, fil-kuntest ta’ proċess effikaċi ta’ koġenerazzjoni, tagħmir ta’ produzzjoni, li l-enerġija elettrika tiegħu ma taqbiżx l-10 MW;

[…]

Artikolu 591. Ir-rekwiżiti għall-għajnuna

(1)   Il-ksib tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 59 ta’ din il-liġi huwa suġġett għar-rekwiżiti li ġejjin:

1)

l-elettriku jiġi prodott b’tagħmir ta’ produzzjoni konformi mar-rekwiżiti ta’ din il-liġi u mal-kodiċi tan-network;

2)

il-produttur jissodisfa l-obbligi previsti fil-Kapitolu 4 u fl-Artikolu 58 ta’ din il-liġi.

(2)   Il-produttur ma jibbenefikax mill-għajnuna:

1)

fiċ-ċirkustanzi msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 59(1) ta’ din il-liġi, jekk il-prezz tal-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra jkun inqas minn [10] Euro għal kull tunnellata ta’ [diossidu tal-karbonju (CO];

2)

skont il-punt 1 tal-Artikolu 59(2) ta’ din il-liġi, għall-elettriku prodott minn tagħmir ta’ produzzjoni li l-qawwa mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu tagħti lill-produttur il-possibbiltà li jibbenefika mill-għajnuna skont il-punt [4, 5 jew 6] tal-Artikolu 59(2);

3)

jekk l-Istat ikun ħallas lill-produtturi ta’ enerġija mir-riħ l-għajnuna għall-investiment għall-istess tagħmir ta’ produzzjoni;

4)

jekk il-produttur ma jkollux l-awtorizzazzjonijiet ambjentali neċessarji għall-produzzjoni tal-elettriku jew ma josservax ir-rekwiżiti marbutin ma’ dawn l-awtorizzazzjonijiet;

5)

għall-elettriku prodott għall-finijiet tal-provvista proprja tal-impjant tal-enerġija.

(3)   It-talba msemmija fl-Artikolu 59(2) ta’ din il-liġi tinkludi d-data tat-tagħmir ta’ produzzjoni, l-informazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni għall-kisba tal-għajnuna u l-informazzjoni imposta mill-operatur tan-network ta’ trażmissjoni sabiex tiġi ttraċjata l-oriġini tal-elettriku fil-każ fejn ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata mingħajr ambigwità din l-oriġini u l-kwantità ta’ elettriku.

[…]

Artikolu 108 Il-perijodu għall-eliġibbiltà għall-għajnuna

(1)   L-għajnuna msemmija fil-punti (1) sa (4) tal-Artikolu 59(1) ta’ din il-liġi tista’ tingħata f’terminu ta’ 12-il sena mit-tnedija tal-produzzjoni u dik imsemmija fil-punt (5) tista’ tingħata f’terminu ta’ 20 sena. L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 59, għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli permezz ta’ tagħmir ta’ produzzjoni mqiegħed fis-servizz qabel l‑1 ta’ Jannar 2002 tista’ tingħata sal‑31 ta’ Diċembru 2012.

[…]

Id-data li tikkorrispondi għat-tnedija tal-produzzjoni msemmija iktar ’il fuq hija d-data li fiha t-tagħmir tal-produzzjoni adegwat jipprovdi għall-ewwel darba l-elettriku fin-network jew f’linja diretta.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Mis-sena 2001 sas-sena 2015, Veejaam ipproduċiet enerġija elettrika fl-impjant idroelettriku ta’ Joaveski (l-Estonja), billi użat żewġ tagħmir ta’ produzzjoni b’qawwa ta’ 100 kilowatt (kW) u 200 kW rispettivament. Bejn is-snin 2001 u 2012, Veejaam ibbenefikat mill-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli prevista mill-iskema ta’ għajnuna Estonjana inkwistjoni. Fl‑2015, din il-kumpannija ssostitwixxiet l-imsemmi tagħmir ta’ produzzjoni b’turbina-ġeneratur ġdid b’qawwa ta’ 200 kW, installata fuq id-diga l-antika tal-impjant, b’tali mod li, fuq it-tagħmir li kien jeżisti qabel, kien hemm biss punt ta’ kejl. Fil‑21 ta’ Jannar 2016, Veejaam bagħtet id-data tat-tagħmir il-ġdid lil Elering, bil-għan li tikseb l-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli. Din l-applikazzjoni ġiet miċħuda minħabba li l-għajnuna inkwistjoni setgħet titħallas biss, minn naħa, għall-elettriku prodott b’tagħmir ta’ produzzjoni kompletament ġdid u, min-naħa l-oħra, sabiex jinċentivaw id-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda u mhux biex tgħin lill-produtturi tal-elettriku b’mod permanenti.

9

Mis-sena 2004 sas-sena 2009, Espo pproduċiet enerġija elettrika, fl-impjant idroelettriku ta’ Pikru (l-Estonja), permezz ta’ turbina b’qawwa ta’ 15 kW. Mis-sena 2009, bdiet topera turbina ġdida b’qawwa ta’ 45 kW. Espo bbenefikat mill-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli matul il-perijodu bejn is-snin 2004 u 2015. L-applikazzjoni għal għajnuna ppreżentata minn Espo lil Elering fl‑2016, dwar l-enerġija prodotta bit-turbina l-ġdida ġiet miċħuda, essenzjalment, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti minn din l-awtorità fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ Veejaam.

10

Veejaam u Espo, it-tnejn li huma ppreżentaw rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ Elering li rrifjutawlhom l-għoti tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli quddiem it-Tallinna Halduskohus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Tallin, l-Estonja). Wara d-deċiżjonijiet tal‑10 ta’ Ottubru 2017 u tas‑27 ta’ Ottubru 2017 li permezz tagħhom din il-qorti ċaħdet l-imsemmija rikorsi, dawn il-kumpanniji appellaw minn dawn id-deċiżjonijiet quddiem it-Tallina Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tallin, l-Estonja). Wara ċ-ċaħda tal-imsemmija appelli, Veejaam u Espo ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), li hija l-qorti tar-rinviju.

11

Din tal-aħħar tqis li r-riżoluzzjoni tal-kawżi prinċipali tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk jeħtieġx, għall-għoti tal-għajnuna għall-enerġija rinovabbli, li jittieħed inkunsiderazzjoni, bħala “data tat-tnedija tal-produzzjoni” fis-sens tal-Artikolu 108(3) tal-ELTS, unikament dik tat-tnedija inizjali tal-produzzjoni fl-impjant ikkonċernat jew jekk is-sempliċi sostituzzjoni ta’ “tagħmir ta’ produzzjoni” minflok tagħmir ieħor eżistenti jippermettix li jiġi kkunsidrat li twettqet “tnedija tal-produzzjoni” ġdida.

12

Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

13

F’dan ir-rigward, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) tirrileva, fl-ewwel lok, li l-Artikoli 59 u 591 tal-ELTS huma bbażati fuq il-prinċipju li l-applikazzjoni għal għajnuna għandha tiġi ppreżentata wara l-installazzjoni tat-tagħmir ta’ produzzjoni li huwa s-suġġett tal-għajnuna u li l-operaturi għandhom id-dritt li jibbenefikaw mill-għajnuna meta jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni Estonjana, peress li l-awtoritajiet nazzjonali ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Il-qorti tar-rinviju tindika li tali leġiżlazzjoni ġiet ikkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni, li, permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑2014 u d-deċiżjoni tagħha tal-2017, ivvalidat id-diversi skemi Estonjani ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli implimentati mill‑2003.

14

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, konformement mal-punt 50 tal-Linji gwida tal‑2014, għajnuna ma għandhiex effett ta’ inċentiv — peress li dan l-effett huwa wieħed mill-kundizzjonijiet sabiex jitqies li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern — fil-każijiet kollha fejn il-benefiċjarju jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna lill-awtoritajiet nazzjonali wara l-bidu tax-xogħlijiet marbuta mal-proġett ikkonċernat. Għalhekk tqum il-kwistjoni ta’ kunflitt possibbli bejn id-Deċiżjoni tal‑2014 u d-Deċiżjoni tal‑2017, minn naħa, u l-Linji gwida tal‑2014, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli prevista mill-iskema ta’ għajnuna Estonjana. Fil-fatt, f’dawn id-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni, fil-fatt, aċċettat il-possibbiltà li l-applikazzjoni għal għajnuna tiġi ppreżentata anki wara l-installazzjoni tat-tagħmir ġdid ta’ produzzjoni inkwistjoni.

15

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tfakkar li, matul il-proċedura fil-kawża prinċipali, hija talbet lill-Kummissjoni opinjoni, fis-sens tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament 2015/1589, li ngħatat minn din l-istituzzjoni fl‑2020, dwar b’mod partikolari l-kwistjoni ta’ jekk għajnuna li l-applikazzjoni għaliha ġiet ippreżentata fl‑2016 setgħetx titqies li għandha effett ta’ inċentiv anki fil-każ fejn it-tagħmir ta’ produzzjoni marbut mal-applikazzjoni ta’ għajnuna jkun ġie installat u mqiegħed fis-servizz qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għajnuna. Issa, f’din l-opinjoni, il-Kummissjoni kkonfermat li Veejaam u Espo ma setgħux jibbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni fid-dawl tal-Linji Gwida tal‑2014, sa fejn dawn il-kumpanniji kienu ppreżentaw l-applikazzjoni għal għajnuna wara l-installazzjoni tat-tagħmir ġdid ta’ produzzjoni, li juri li huma kienu lesti li jwettqu l-proġett ikkonċernat anki fl-assenza tal-għajnuna inkwistjoni.

16

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fl-imsemmija opinjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li kumpannija li tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ Veejaam, li kienet bdiet ix-xogħlijiet ta’ installazzjoni tat-tagħmir ġdid ta’ produzzjoni sabiex tikkonforma ruħha mat-tibdil tal-kundizzjonijiet għall-kisba tal-awtorizzazzjoni ambjentali neċessarja għall-produzzjoni tal-elettriku, ma hijiex intitolata għall-ħlas tal-għajnuna għall-enerġija rinovabbli. Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, dawn ix-xogħlijiet kellhom jitwettqu peress li kienu imposti minn leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li l-għajnuna ma għandha ebda effett ta’ inċentiv.

17

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li, mingħajr il-prospett tal-kisba tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli, Veejaam kien ikollha twaqqaf il-produzzjoni tal-elettriku minħabba l-imsemmija bidliet fil-kundizzjonijiet għall-kisba tal-awtorizzazzjoni ambjentali neċessarja għall-produzzjoni tal-elettriku u li, konsegwentement, din l-għajnuna, li ppermettiet lil din il-kumpannija li tissostitwixxi t-tagħmir ta’ produzzjoni tagħha, effettivament kellha effett ta’ inċentiv. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li, sa fejn l-ELTS tipprevedi li kull applikant li jissodisfa l-kundizzjonijiet legali jista’ jippretendi l-għajnuna, ir-raġuni li wasslet lill-produttur sabiex jinstalla tagħmir ġdid ta’ produzzjoni ma tistax tkun rilevanti għall-finijiet tal-għoti tal-għajnuna.

18

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal‑2014, li r-Repubblika tal-Estonja kienet ipprevediet żewġ skemi ta’ għajnuna għall-enerġiji rinnovabbli. Skont l-ewwel skema (iktar ’il quddiem l-“iskema l-qadima”), kienu eliġibbli għall-għajnuna biss il-produtturi eżistenti li kienu niedu l-produzzjoni tal-elettriku sal‑1 ta’ Marzu 2013, li kienet tingħata b’mod awtomatiku meta l-kundizzjonijiet previsti mil-liġi kienu ssodisfatti. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din l-iskema kellha tiġi applikata sal‑31 ta’ Diċembru 2014. It-tieni skema (iktar ’il quddiem l-“iskema l-ġdida”), kienet tipprevedi li, mill‑1 ta’ Jannar 2015, il-produtturi li jkunu niedu l-produzzjoni tagħhom wara l‑1 ta’ Marzu 2013 setgħu jiksbu għajnuna biss fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti.

19

Issa, ir-Repubblika tal-Estonja ma adottatx il-miżuri leġiżlattivi li kienu jippermettu li tiġi implimentata l-iskema l-ġdida u kompliet tapplika l-iskema l-qadima sas-sena 2017, li ppermettiet għaldaqstant ukoll lill-produtturi li kienu niedew il-produzzjoni tagħhom wara l‑1 ta’ Marzu 2013 biex jibbenefikaw mill-għajnuna. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni tagħha tal‑2017, li r-Repubblika tal-Estonja kienet kisret il-projbizzjoni tal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE.

20

F’dan il-każ, tqum għalhekk il-kwistjoni li jiġi ddeterminat, fid-dawl tad-distinzjoni bejn “għajnuna eżistenti” u “għajnuna ġdida”, stabbilita mir-Regolament 2015/1589, jekk, fil-każ fejn il-Kummissjoni ddikjarat kompatibbli mas-suq intern kemm skema ta’ għajnuna eżistenti — jiġifieri l-iskema l-qadima— kif ukoll il-modifiki ppjanati tagħha — jiġifieri l-iskema l-ġdida — u fejn l-Istat Membru kompla japplika l-iskema l-qadima wara d-data indikata minn dan l-Istat Membru lill-Kummissjoni, l-għajnuna inkwistjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti” jew “għajnuna ġdida”.

21

Fir-raba’ lok, fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li l-iskema l-qadima setgħet tiġi kkunsidrata bħala legali, wara l‑31 ta’ Diċembru 2014, biss bis-saħħa tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2017, tqum il-kwistjoni dwar jekk Veejaam u Espo jistgħux jibbenefikaw mill-għajnuna mill‑2016, jiġifieri mill-mument li fih dawn il-kumpanniji talbu l-għoti tagħha. B’mod konkret, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi a posteriori li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-kumpanniji li jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna għall-operat għandhomx id-dritt li jitolbu l-ħlas tal-għajnuna għall-perijodu preċedenti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jekk ir-regoli nazzjonali jkunu jippermettu dan.

22

Fl-aħħar nett, fil-ħames lok, fir-rigward b’mod partikolari tas-sitwazzjoni ta’ Espo, il-qorti tar-rinviju tfakkar li din il-kumpannija installat, fl‑2009, tagħmir ġdid ta’ produzzjoni u li, fl‑2016, hija talbet l-għajnuna inkwistjoni għall-elettriku prodott minn dan it-tagħmir. Fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari tkun tali li għandu jitqies li, bejn is-sena 2015 u s-sena 2017, l-iskema l-qadima kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna illegali minħabba l-ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, il-qorti tar-rinviju tqis li ma hemmx lok li tiġi miċħuda l-applikazzjoni għal għajnuna ta’ Espo, sa fejn it-tagħmir ta’ produzzjoni tagħha ġie installat fl‑2009, jiġifieri f’mument meta l-iskema l-qadima kienet ġiet ivvalidata permezz tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern inkluża fid-deċiżjoni tal‑2014. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk Espo, li, minn naħa, kienet nediet it-twettiq ta’ proġett li kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ikkunsidrati bħala kompatibbli mas-suq intern fil-mument meta skema ta’ għajnuna kienet legalment implimentata iżda li, min-naħa l-oħra, kienet ippreżentat l-applikazzjoni tagħha għal għajnuna biss fl‑2016, hijiex ikkonċernata mill-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE.

23

Huma f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiema u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, inkluż ir-rekwiżit tal-effett ta’ inċentiv stabbilit fil-punt 50 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni [tal-Linji Gwida tal‑2014], għandhom jiġu interpretati fis-sens li hija kompatibbli ma’ dawn ir-regoli skema ta’ għajnuna li tippermetti lil produttur ta’ enerġija rinnovabbli japplika għall-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat wara li jkun inbeda x-xogħol fuq il-proġett, jekk dispożizzjoni nazzjonali tagħti dritt għall-għajnuna lil kull produttur li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi, u ma tagħti l-ebda diskrezzjoni lill-awtorità kompetenti f’dan ir-rigward?

2)

L-effett ta’ inċentiv ta’ għajnuna huwa f’kull każ eskluż jekk l-investiment li għalih tintalab l-għajnuna jkun sar minħabba bidla fir-rekwiżiti għal permess ambjentali – anki meta l-applikant għall-għajnuna, bħal fil-każ preżenti, kien x’aktarx iwaqqaf l-attività tiegħu kieku ma rċeviex l-għajnuna mill-Istat minħabba r-rekwiżiti għall-permess iktar stretti?

3)

Fid-dawl, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha [li tat lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados (C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punti 4950)] fejn, bħal fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tkun iddikjarat, permezz ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat, kemm skema ta’ għajnuna eżistenti kif ukoll il-bdil propost fiha bħala kompatibbli mas-suq intern, u fejn l-Istat ikun indika, fost l-oħrajn, li ser japplika l-iskema ta’ għajnuna eżistenti biss sa data speċifika, hija din għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament [2015/1589], jekk l-iskema ta’ għajnuna eżistenti abbażi tal-liġi fis-seħħ tibqa’ tapplika lil hinn mid-data finali mill-Istat?

4)

Fil-każ li l-Kummissjoni tkun iddeċidiet sussegwentement li ma tqajjem ebda oġġezzjoni fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna applikata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, persuni li huma intitolati għall-għajnuna għall-funzjonament huma intitolati li jitolbu l-ħlas tal-għajnuna għall-perijodu qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kemm-il darba r-regoli proċedurali nazzjonali jippermettu dan?

5)

Applikant li jkun applika għal għajnuna għall-funzjonament taħt skema ta’ għajnuna u li beda x-xogħol fuq proġett li jissodisfa r-rekwiżiti meqjusa bħala kompatibbli mas-suq intern fi żmien meta l-iskema ta’ għajnuna ġiet applikata legalment, iżda li jkun talab għajnuna fi żmien meta l-iskema ta’ għajnuna kienet estiża mingħajr ma l-Kummissjoni tkun ġiet innotifikata b’dan, għandu dritt għal għajnuna mill-Istat, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE,?”

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

24

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, Veejaam u Espo jistgħux jitolbu l-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiddependi, b’mod partikolari, mill-interpretazzjonijiet tal-kunċetti ta’ “tagħmir ta’ produzzjoni” u ta’ “tnedija ta’ produzzjoni”, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 591 u fl-Artikolu 108(3) tal-ELTS. B’mod partikolari, skont din il-qorti, hija għandha tiddetermina jekk hija biss id-data tat-tnedija inizjali tal-produzzjoni f’impjant idroelettriku li għandha titqies bħala d-“data tat-tnedija tal-produzzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jew jekk id-data li fiha ssir sempliċi sostituzzjoni ta’ “tagħmir ta’ produzzjoni” għal tagħmir eżistenti tistax ukoll titqies bħala d-“data tat-tnedija tal-produzzjoni”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet applikabbli.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2022, Ametic, C‑263/21, EU:C:2022:644, punt 64). Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li d-data tat-“tnedija tal-produzzjoni” imsemmija fl-Artikolu 108(3) tal-ELTS, ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal‑2014 u fid-deċiżjoni tal‑2017, adottati abbażi tal-iskemi ta’ għajnuna kkomunikati mir-Repubblika tal-Estonja, sabiex jiġi stabbilit il-punt ta’ tluq tal-perijodu li matulu operatur ekonomiku jista’ jibbenefika minn għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema l-qadima. B’mod partikolari, dawn id-deċiżjonijiet iffissaw kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, fosthom dik li tipprevedi li l-għajnuna ma tistax titħallas wara li jkun għadda perijodu ta’ tnax-il sena kkalkolat mit-tnedija tal-produzzjoni.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tosserva d-deċiżjoni tal‑2014 u d-deċiżjoni tal‑2017. Barra minn hekk, din il-qorti għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-portata ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ skema ta’ għajnuna kkomunikata minn Stat Membru għandha tiġi ddeterminata mhux biss b’riferiment għat-test stess tal-imsemmija deċiżjoni, iżda wkoll billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-iskema ta’ għajnuna kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il-Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 44).

Fuq l‑ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti 49 u 50 tal-Linji Gwida tal‑2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli li tippermetti lill-applikant għall-għajnuna jikseb il-ħlas tagħha anki jekk l-applikazzjoni tkun tressqet wara t-tnedija tax-xogħlijiet ta’ twettiq tal-proġett ikkonċernat.

28

Mill-punt 49 tal-Linji Gwida tal‑2014 jirriżulta li l-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli tista’ titqies bħala kompatibbli mas-suq intern biss jekk ikollha effett ta’ inċentiv. Dan l-effett jeżisti meta l-għajnuna ġġiegħel lill-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu u meta din il-bidla ma kinitx isseħħ fl-assenza tal-għajnuna. Għalhekk, skont il-punt 50 tal-imsemmija Linji Gwida, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna ma għandiex effett ta’ inċentiv għall-benefiċjarju fil-każijiet kollha fejn dan tal-aħħar ikun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna mal-awtoritajiet nazzjonali wara l-bidu tax-xogħlijiet marbuta mal-proġett ikkonċernat.

29

Fir-rigward tal-portata ta’ att bħal-Linji Gwida tal‑2014, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li taġixxi taħt l-istħarriġ tal-qrati tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali. Fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida sabiex tistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom hija għandha l-intenzjoni tevalwa l-kompatibbiltà, mas-suq intern, ta’ miżuri ta’ għajnuna previsti mill-Istati Membri (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 37 sa 39).

30

Fl-adozzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ kondotta u meta bil-pubblikazzjoni tagħhom ħabbret li ser tapplikahom għall-każijiet ikkonċernati minnhom, il-Kummissjoni tillimita lilha nnifisha fl-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax, bħala prinċipju, titbiegħed minn dawn ir-regoli taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun il-każ, minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tirrinunzja, permezz tal-adozzjoni ta’ regoli ta’ kondotta, għall-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jagħtiha. L-adozzjoni ta’ dokument bħal-Linji Gwida tal‑2014 ma teżentax għalhekk lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali li Stat Membru jinvoka, f’każ partikolari, sabiex jitlob l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u li tagħti raġunijiet għar-rifjut tagħha li tilqa’ applikazzjoni għal għajnuna (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 4041).

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, minn naħa, li l-effett tal-adozzjoni tar-regoli ta’ kondotta inklużi fil-Linji Gwida tal‑2014 huwa limitat għal dak ta’ awtolimitazzjoni tal-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, fis-sens li, jekk Stat Membru jkun ikkomunika lill-Kummissjoni proġett ta’ għajnuna mill-Istat li jkun konformi ma’ dawn ir-regoli, din tal-aħħar ikollha, bħala prinċipju, tawtorizza dan il-proġett. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri jżommu d-dritt li jikkomunikaw lill-Kummissjoni proġetti ta’ għajnuna mill-Istat li ma jissodisfawx il-kriterji previsti mil-Linji Gwida u l-Kummissjoni tista’ tawtorizza tali proġetti f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 43).

32

Minn dan isegwi li l-Linji Gwida tal‑2014 ma jistgħux joħolqu obbligi awtonomi għall-Istati Membri iżda sempliċement jipprovdu kundizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 29 sa 31 ta’ din is-sentenza, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li hija għandha skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għaldaqstant, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni taġixxi fil-kuntest ta’ din is-setgħa diskrezzjonali meta tiddikjara kompatibbli mas-suq intern skema ta’ għajnuna li għaliha l-osservanza tal-kundizzjoni tal-effett ta’ inċentiv tiġi żgurata b’mod differenti milli bil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni qabel it-tnedija tax-xogħlijiet.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punti 49 u 50 tal-Linji Gwida tal‑2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli li tippermetti lill-applikant għall-għajnuna jikseb il-ħlas tagħha anki jekk l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata wara t-tnedija tax-xogħlijiet ta’ twettiq tal-proġett ikkonċernat.

Fuq it‑tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Linji Gwida tal‑2014 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li għajnuna mill-Istat jista’ jkollha effett ta’ inċentiv meta l-investiment li operatur ekonomiku jkun għamel sabiex jikkonforma ruħu ma’ bidla fil-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ambjentali, peress li din tal-aħħar hija neċessarja għall-attività ta’ dan l-operatur, probabbilment ma kienx iseħħ fl-assenza tal-ħlas tal-għajnuna kkonċernata.

35

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-punti 51 u 52 tal-Linji Gwida tal‑2014, fil-mument tal-applikazzjoni għall-għajnuna, l-applikanti għandhom jiddeskrivu, fil-formola adottata mill-awtoritajiet kompetenti, x’kienet tkun is-sitwazzjoni tagħhom fl-assenza tal-għajnuna, fejn din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi x-xenarju kontrofattwali. Barra minn hekk, meta l-awtorità kompetenti tirċievi l-applikazzjoni, hija għandha tevalwa l-kredibbiltà tal-imsemmi xenarju u tikkonferma li l-għajnuna għandha l-effett ta’ inċentiv meħtieġ. Xenarju kontrofattwali jitqies kredibbli meta jkun ġenwin u meta jkun jinkludi l-fatturi prevalenti għat-teħid tad-deċiżjonijiet fiż-żmien li fih il-benefiċjarju jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar l-investiment.

36

Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-imsemmija punti ma jirriżultax li l-għajnuna mitluba, għat-twettiq tal-investiment neċessarju sabiex operatur ekonomiku jissodisfa l-kundizzjonijiet, iktar stretti, previsti għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ambjentali, ma għandhiex, fil-każijiet kollha, effett ta’ inċentiv. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-tibdil fil-kundizzjonijiet previsti għall-kisba ta’ tali awtorizzazzjoni, fil-każ li l-għajnuna ma tingħatax, huwa wieħed mill-elementi li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali.

37

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Veejaam, li hija l-unika rikorrenti fil-kawża prinċipali kkonċernata mit-tieni domanda preliminari, minn naħa, wettqet investiment li jikkonsisti f’sostituzzjoni ta’ tagħmir eżistenti b’tagħmir ta’ produzzjoni sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet il-ġodda imposti mil-leġiżlazzjoni Estonjana għall-kisba tal-awtorizzazzjoni ambjentali neċessarja għall-produzzjoni tal-elettriku u, min-naħa l-oħra, hija tallega li dan l-investiment kien sar possibbli unikament minħabba l-prospett tal-ħlas tal-għajnuna għall-enerġija rinnovabbli.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-kredibbiltà tax-xenarju kontrofattwali ppreżentat minn Veejaam u, b’mod partikolari, li tivverifika l-probabbiltà li din il-kumpannija kienet tkun waqqfet l-attività tagħha f’każ tan-nuqqas ta’ kisba tal-għajnuna inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju hija obbligata, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal‑2014 u d-deċiżjoni tal‑2017. Hija din il-qorti, fil-kuntest tal-eżami tal-kredibbiltà tal-imsemmi xenarju, li għandha tanalizza sensiela ta’ elementi rilevanti, kif ukoll data bħad-dħul u l-infiq li Veejaam kienet tkun wettqet, fl-assenza tal-għajnuna, sabiex tipproduċi l-elettriku b’mod konformi mal-kundizzjonijiet il-ġodda li għalihom hija suġġetta l-kisba tal-awtorizzazzjoni ambjentali inkwistjoni.

39

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Linji Gwida tal‑2014 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għajnuna mill-Istat jista’ jkollha effett ta’ inċentiv meta l-investiment li operatur ekonomiku jkun għamel sabiex jikkonforma ruħu ma’ bidla fil-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ambjentali, peress li din tal-aħħar hija neċessarja għall-attività ta’ dan l-operatur, probabbilment ma kienx iseħħ fl-assenza tal-ħlas tal-għajnuna kkonċernata.

Fuq it‑tielet domanda

40

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament 2015/1589 għandux jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ għajnuna eżistenti, li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandhiex tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament, meta din l-iskema tiġi applikata lil hinn mid-data li l-Istat Membru kkonċernat kien indika lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna li ngħalqet bl-imsemmija deċiżjoni, bħala d-data tat-tmiem ta’ applikazzjoni tal-imsemmija skema.

41

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589 jelenka s-sitwazzjonijiet li fihom għajnuna mill-Istat għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”. B’mod partikolari, mill-Artikolu 1(b)(ii) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li kull għajnuna awtorizzata, jiġifieri l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill, tikkostitwixxi għajnuna eżistenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(c) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi għajnuna ġdida bħala “skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”.

42

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tas-sistema ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat, stabbilita permezz tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, il-proċedura tvarja skont jekk l-għajnuna tkunx eżistenti jew ġdida. Filwaqt li l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, l-Artikolu 108(3) TFUE jipprovdi li l-proġetti intiżi sabiex tiġi stabbilita għajnuna ġdida jew sabiex tiġi mmodifikata għajnuna eżistenti għandhom jiġu kkomunikati, fi żmien xieraq, lill-Kummissjoni u ma tistax tiġi implimentata qabel ma l-proċedura tkun waslet għal deċiżjoni finali (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Eco Fox et, C‑915/19 sa C‑917/19, EU:C:2021:887, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern hija bbażata fuq l-evalwazzjoni tad-data ekonomika u taċ-ċirkustanzi li jirriżultaw fis-suq inkwistjoni fid-data meta l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha u tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, it-tul ta’ żmien li fir-rigward tiegħu huwa previst l-għoti tal-għajnuna. Konsegwentement, it-tul tal-validità ta’ għajnuna eżistenti jikkostitwixxi element ta’ natura li jinfluwenza l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 49).

44

Għalhekk, l-estensjoni tat-tul tal-validità ta’ għajnuna għandha titqies li hija modifika għal għajnuna eżistenti u tikkostitwixxi, għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, għajnuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2016, DEI u Il-Kummissjoni vs Alouminion tis Ellados, C‑590/14 P, EU:C:2016:797, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan il-każ, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, l-ewwel, li r-Repubblika tal-Estonja indikat, fil-kuntest tal-proċedura dwar l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema l-qadima mas-suq intern, li din l-iskema kellha tiġi implimentata biss sal‑31 ta’ Diċembru 2014, it-tieni, li huwa fid-dawl ta’ din id-data li l-Kummissjoni wettqet l-evalwazzjoni tagħha fid-deċiżjoni tal‑2014 u, it-tielet, li r-Repubblika tal-Estonja żammet fis-seħħ din l-iskema matul is-snin 2015 u 2016, jiġifieri wara l‑31 ta’ Diċembru 2014.

46

Għalhekk, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna eżistenti, imfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punti 43 u 44 tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-iskema l-qadima setgħet tiġi kklassifikata, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2014 u sal‑31 ta’ Diċembru 2014, bħala għajnuna eżistenti, sa fejn il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern kienet ġiet ikkonstatata permezz tal-imsemmija deċiżjoni.

47

Għall-kuntrarju, matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2017, li kkonstatat il-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern ukoll wara l-estensjoni tat-tul tal-validità tagħha, din għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna ġdida, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589 u kellha għalhekk tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

48

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament 2015/1589 għandu jiġi interpretat fis-sens li skema ta’ għajnuna eżistenti, li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ġiet ikkonstatata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament, meta din l-iskema tiġi applikata lil hinn mid-data li l-Istat Membru kkonċernat kien indika lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna li ngħalqet permezz tal-imsemmija deċiżjoni, bħala d-data tat-tmiem ta’ applikazzjoni tal-imsemmija skema.

Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domanda

49

Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 108(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li tintlaqa’ l-applikazzjoni ta’ operatur ekonomiku intiża għall-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat, minkejja l-ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, għall-perijodu qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern u, min-naħa l-oħra, meta l-imsemmi operatur kien applika għall-imsemmija għajnuna f’mument meta din kienet illegali, peress li ma kinitx ġiet ikkomunikata lil din l-istituzzjoni, għalkemm l-investiment li fir-rigward tiegħu kienet marbuta l-għajnuna kien seħħ f’mument fejn l-imsemmija skema kienet legali, peress li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern kienet ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Fuq l‑ammissibbiltà

50

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ u l-ħames domanda huma ipotetiċi u li, konsegwentement, huma inammissibbli, peress li Veejaam u Espo ma huma intitolati għal ebda għajnuna fil-kuntest tal-iskema l-qadima u l-iskema l-ġdida. Fil-fatt, dawn il-kumpanniji diġà bbenefikaw mill-għajnuna inkwistjoni fuq perijodu li jaqbeż tnax-il sena mit-tnedija tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika fl-impjanti rispettivi tagħhom, peress li dan il-perijodu jikkostitwixxi, skont il-leġiżlazzjoni Estonjana, it-tul massimu li matulu l-produtturi tal-enerġija jistgħu jirċievu l-għajnuna inkwistjoni.

51

Għandu jitfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-qafas regolatorju u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tiegħu ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, SR (Spejjeż ta’ traduzzjoni fi proċedura ċivili), C‑196/21, EU:C:2022:427, punt 25).

52

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-risposta għad-domanda dwar jekk Veejaam u Espo humiex eliġibbli għall-benefiċċju ta’ għajnuna mill-Istat, abbażi tal-evalwazzjoni tal-kuntest fattwali u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom isiru mill-qorti nazzjonali, teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 108(3) TFUE. Madankollu, ma jirriżultax b’mod ċar li din id-domanda ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

53

Minn dan isegwi li r-raba’ u l-ħames domanda huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

54

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, kif jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda, li l-iskema l-qadima tista’ tiġi kklassifikata, bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2017, bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament 2015/1589, u li din l-għajnuna, li ġiet implimentata bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, tista’ titqies li hija illegali matul dan il-perijodu. Huwa biss wara l-konstatazzjoni, permezz tad-deċiżjoni tal‑2017, tal-kompatibbiltà ta’ din l-iskema mas-suq intern li l-imsemmija skema tista’ tiġi kklassifikata bħala “għajnuna eżistenti”, fis-sens tal-Artikolu 1(b) tal-imsemmi regolament.

55

Sussegwentement, il-projbizzjoni prevista mill-paragrafu 3 tal-Artikolu 108 TFUE hija intiża li tiżgura li l-effetti ta’ għajnuna ma jseħħux qabel ma l-Kummissjoni jkollha terminu raġonevoli sabiex teżamina l-proġett fid-dettall u, jekk ikun il-każ, tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE. L-Artikolu 108(3) TFUE b’hekk jistabbilixxi kontroll preventiv fuq il-proġetti ta’ għajnuna ġodda (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication, C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 3637).

56

F’sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni, fir-rigward ta’ għajnuna implimentata bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, adottat deċiżjoni finali li tikkonkludi li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ma għandhiex il-konsegwenza li tirregolarizza, a posteriori, l-atti ta’ implimentazzjoni li kienu invalidi minħabba li kienu ttieħdu bi ksur tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni stabbilita f’din l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex tiffavorixxi n-nuqqas ta’ osservanza, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ din id-dispożizzjoni u ċċaħħadha mill-effett utli tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK, C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’każ bħal dan, id-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qrati nazzjonali li jordnaw il-miżuri xierqa sabiex jiġu rrimedjati effettivament l-effetti tal-illegalità. Fil-fatt, għalkemm, fil-kuntest ta’ proġett ta’ għajnuna, kompatibbli jew le mas-suq intern, il-fatt li ma jiġix osservat l-Artikolu 108(3) TFUE ma jġib miegħu ebda riskju jew piena ikbar milli l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni, l-inkoraġġiment tal-Istati Membri li jikkomunikaw u li jistennew deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà jitnaqqas b’mod kunsiderevoli, u dan japplika wkoll għall-portata tal-kontroll tal-Kummissjoni bħala konsegwenza (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK, C‑445/19, EU:C:2020:952, punti 2223 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Madankollu, għandha ssir distinzjoni, fir-rigward tal-effetti tal-implimentazzjoni ta’ għajnuna bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, bejn l-irkupru tal-għajnuna illegali u l-ħlas ta’ interessi għall-perijodu tal-illegalità ta’ din l-għajnuna (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK, C‑445/19, EU:C:2020:952, punti 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

Minn naħa, fir-rigward tal-irkupru tal-għajnuna illegali, l-għan li jiġi ggarantit li għajnuna inkompatibbli qatt ma tiġi implimentata, li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 108(3) TFUE, ma huwiex kontradett mill-ħlas prematur tal-għajnuna illegali li ma tkunx ġiet ikkomunikata, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali li tikkonkludi li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata li tordna l-irkupru tal-imsemmija għajnuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK, C‑445/19, EU:C:2020:952, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60

Min-naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali hija marbuta, b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna jħallas interessi għall-perijodu ta’ illegalità ta’ din l-għajnuna. Dan l-obbligu li jaqa’ fuq il-qorti nazzjonali jirriżulta mill-fatt li l-implimentazzjoni ta’ għajnuna bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE jagħti lill-benefiċjarju tal-għajnuna vantaġġ indebitu li jikkonsisti, l-ewwel, fin-nuqqas ta’ ħlas tal-interessi li huwa kien ikollu jħallas fuq l-ammont inkwistjoni tal-għajnuna kompatibbli, li kieku huwa kellu jissellef dan l-ammont fis-suq matul il-perijodu ta’ stennija tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, u t-tieni, fit-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fil-konfront tal-operaturi l-oħra fis-suq matul il-perijodu ta’ illegalità tal-għajnuna kkonċernata. Fil-fatt, l-illegalità ta’ din l-għajnuna kellha l-effett, minn naħa, li tesponi lil dawn l-operaturi għar-riskju, li fl-aħħar mill-aħħar ma seħħx, ta’ implimentazzjoni ta’ għajnuna inkompatibbli u, min-naħa l-oħra, li ġġegħelhom iġarrbu iktar kmieni milli kellhom, f’termini ta’ kompetizzjoni, l-effetti tagħha (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Viasat Broadcasting UK, C‑445/19, EU:C:2020:952, punti 2627, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, ma huwiex eskluż li operatur ekonomiku jista’ jibbenefika mill-ħlas prematur tal-għajnuna implimentata bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni finali li tikkonkludi li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern, din id-dispożizzjoni lanqas ma tipprekludi li l-imsemmi operatur jikseb din l-għajnuna fir-rigward tal-perijodu preċedenti għal tali deċiżjoni tal-Kummissjoni, ikkalkolat mill-mument meta dan l-operatur ikun applika għall-ħlas tal-għajnuna.

62

Bl-istess mod, meta, minn naħa, il-Kummissjoni tkun ikkonstatat a posteriori l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern u, min-naħa l-oħra, ebda għajnuna ma tkun tħallset lil operatur ekonomiku matul il-perijodu li matulu l-imsemmija għajnuna għandha titqies li hija illegali minħabba l-ksur tal-obbligu previst fl-Artikolu 108(3) TFUE, dan l-operatur ma jistax ikun obbligat iħallas interessi għall-perijodu tal-illegalità ta’ din l-istess għajnuna, kif imsemmi fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, ma hemmx lok li jiġu rrimedjati l-effetti tal-illegalità, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 ta’ din is-sentenza.

63

F’dan il-każ, l-ewwel, fir-rigward tas-sitwazzjoni li fuqha hija bbażata r-raba’ domanda preliminari, li tikkonċerna biss lil Veejaam, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-ebda għajnuna ma ngħatat lil din il-kumpannija matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Jannar 2015 u d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2017.

64

Għaldaqstant, fir-rigward ta’ Veejaam, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-possibbiltà għal din il-kumpannija li tikseb l-għajnuna kkonċernata fil-kuntest tal-iskema l-qadima, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Diċembru 2015 u d-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑2017, sa mill-preżentata tal-applikazzjoni għal għajnuna.

65

It-tieni, fir-rigward tal-ħames domanda preliminari, li tikkonċerna s-sitwazzjoni ta’ Espo, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, b’mod partikolari, jekk din il-kumpannija rċevietx għajnuna fid-dawl tal-installazzjoni, fl‑2009, tat-tagħmir ta’ produzzjoni kkonċernat, matul perijodu li matulu l-iskema l-qadima ma kinitx ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq intern bid-deċiżjoni tal‑2014, għall-finijiet tal-irkupru eventwali tal-interessi fuq is-somom irċevuti minn din il-kumpannija taħt l-imsemmija skema.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 108(3) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li tintlaqa’ t-talba ta’ operatur ekonomiku intiża għall-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat, implimentata bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, għall-perijodu qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern, u, min-naħa l-oħra, meta l-imsemmi operatur kien applika għall-imsemmija għajnuna f’mument meta din kienet illegali, peress li ma kinitx ġiet ikkomunikata lil din l-istituzzjoni, għalkemm l-investiment li fir-rigward tiegħu kienet marbuta l-għajnuna kien seħħ f’mument fejn l-imsemmija skema kienet legali, peress li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern kienet ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, sa fejn, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, il-benefiċjarju tal-għajnuna jħallas l-interess fuq l-ammonti possibbilment irċevuti, għall-perijodu li matulu l-għajnuna titqies li hija illegali.

Fuq l‑ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punti 49 u 50 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

huma ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi skema ta’ għajnuna għall-enerġija rinnovabbli li tippermetti lill-applikant għall-għajnuna jikseb il-ħlas tagħha anki meta l-applikazzjoni tkun ġiet ippreżentata wara t-tnedija tax-xogħlijiet tat-twettiq tal-proġett ikkonċernat.

 

2)

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014‑2020,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

għajnuna mill-Istat jista’ jkollha effett ta’ inċentiv meta l-investiment li operatur ekonomiku jkun għamel sabiex jikkonforma ruħu ma’ bidla fil-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ awtorizzazzjoni ambjentali, peress li din tal-aħħar hija neċessarja għall-attività ta’ dan l-operatur, probabbilment ma kienx iseħħ fl-assenza tal-ħlas tal-għajnuna kkonċernata.

 

3)

L-Artikolu 1(b) u (c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

skema ta’ għajnuna eżistenti, li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ġiet ikkonstatata minn deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, għandha tiġi kklassifikata bħala “għajnuna ġdida”, fis-sens tal-Artikolu 1(c) ta’ dan ir-regolament, meta din l-iskema tiġi applikata lil hinn mid-data li l-Istat Membru kkonċernat kien indika lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-għajnuna li ngħalqet permezz tal-imsemmija deċiżjoni, bħala d-data tat-tmiem ta’ applikazzjoni tal-imsemmija skema.

 

4)

L-Artikolu 108(3) TFUE

għandu jiġu interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix li tintlaqa’ t-talba ta’ operatur ekonomiku intiża għall-ħlas ta’ għajnuna mill-Istat, implimentata bi ksur tal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, minn naħa, għall-perijodu qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern, u, min-naħa l-oħra, meta l-imsemmi operatur kien applika għall-imsemmija għajuna f’mument meta din kienet illegali, peress li ma kinitx ġiet ikkomunikata lil din l-istituzzjoni, għalkemm l-investiment li fir-rigward tiegħu kienet marbuta l-għajnuna kien seħħ f’mument fejn l-imsemmija skema kienet legali, peress li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern kienet ġiet ikkonstatata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, sa fejn, f’dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet, il-benefiċjarju tal-għajnuna jħallas l-interess fuq l-ammonti possibbilment irċevuti, għall-perijodu li matulu l-għajnuna titqies li hija illegali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.