KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )

Kawża C‑682/20 P

Les Mousquetaires,

ITM Entreprises SAS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna spezzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-rigward tal-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Allegata assenza ta’ rimedju effettiv kontra l-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ spezzjoni – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li taqbad u tikkopja d-data li tinsab fuq għodda ta’ komunikazzjoni u ta’ ħażna li jkun fihom data relatata mal-ħajja privata tal-utenti – Ċaħda tat-talba tal-partijiet rikorrenti biex tiġi rritornata d-data kkonċernata – Rikors għal annullament”

1.

Permezz tal-appell tagħhom, Les Mousquetaires SAS (iktar ’il quddiem “LM”) u ITM Entreprises SAS (iktar ’il quddiem “ITM” jew “Intermarché” u, flimkien ma’ LM, “l-appellanti”) jitolbu l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Les Mousquetaires u ITM Entreprises vs Il‑Kummissjoni (T‑255/17, iktar ’il quddiem “is-sentenza appellata”, EU:T:2020:460), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet parzjalment it-talba tagħhom ibbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, fl-ewwel lok, b’mod prinċipali, ta’ żewġ deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni Ewropea fil‑21 ta’ Frar 2017 ( 2 ), li jordnaw lil LM u lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha biex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 3 ) u, sussidjarjament, ta’ żewġ deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fid‑9 ta’ Frar 2017 li jordnaw lil ITM kif ukoll lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha biex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 4 ), u, fit-tieni lok, tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni, minn naħa, qabdet u kkopjat id-data li kienet tinsab fl-għodda ta’ komunikazzjoni u ta’ ħażna li kellhom data dwar il-ħajja privata tal-utenti ta’ din l-għodda u, min-naħa l-oħra, ċaħdet it-talba sabiex tiġi rritornata din id-data ppreżentata mill-appellanti.

I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

2.

Il-fatti li wasslu għall-kawża, li jidhru fil-punti 2 sa 11 tas-sentenza appellata, jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-kawża, jinġabru fil-qosor kif ġej.

3.

LM hija l-kumpannija holding tal-grupp Les Mousquetaires, li teżerċita l-attivitajiet tagħha fis-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel fi Franza u fil-Belġju. ITM hija s-sussidjarja tagħha.

4.

Wara li rċeviet informazzjoni dwar skambji ta’ informazzjoni bejn ITM u b’mod partikolari Casino, li teżerċita l-attivitajiet tagħha wkoll fis-settur tad-distribuzzjoni tal-ikel u mhux tal-ikel, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-deċiżjoni Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017.

5.

Id-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni huwa kif ġej:

“L-Ewwel Artikolu

[…] Intermarché […] kif ukoll il-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha, huma obbligati jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li tikkonċerna l-parteċipazzjoni possibbli tagħhom fi prattiki miftiehma kuntrarji għall-Artikolu 101 [TFUE] fis-swieq għall-provvista ta’ oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum, fis-suq għall-bejgħ ta’ servizzi lil manifatturi ta’ prodotti tad-ditta u fis-swieq għall-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum. Dawn il-prattiki miftiehma jikkonsistu fi:

a)

skambji ta’ informazzjoni, mill-2015, bejn impriżi u/jew assoċjazzjonijiet tan-negozju, b’mod partikolari AgeCore u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Intermarché, u ICDC […] u/jew il-membri tagħha, b’mod partikolari Casino, dwar l-iskontijiet miksuba minnhom fis-swieq għall-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tat-tindif u l-prezzijiet fis-suq għall-bejgħ ta’ servizzi lill-manifatturi tal-prodotti tad-ditta fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, tal-prodotti tal-iġjene u tal-prodotti tat-tindif, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari Franza, u

b)

skambji ta’ informazzjoni, mill-inqas mill-2016, bejn Casino u Intermarché dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, b’mod partikolari f’termini ta’ assortiment, ta’ żvilupp ta’ ħwienet, ta’ kummerċ elettroniku u ta’ politika promozzjonali fis-swieq tal-provvista tal-oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, fi Franza.

Din l-ispezzjoni tista’ ssir fi kwalunkwe post tal-impriża […].

Intermarché tawtorizza lill-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni u l-uffiċjali u persuni oħra mqabbda mill-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat biex jassistuhom jew maħtura minn din tal-aħħar għal dan il-għan, biex jaċċedu għall-bini u l-mezzi kollha ta’ trasport tagħha matul il-ħinijiet normali tax-xogħol. Hija għandha tissottometti għal spezzjoni l-kotba kif ukoll kull dokument professjonali ieħor, ikun xi jkun il-mezz, jekk l-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati hekk jitolbu u tippermettilhom li jeżaminawhom fuq il-post u li jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma jew kopja jew estratt minn dawn il-kotba jew dokumenti. Hija tawtorizza t-twaħħil ta’ siġilli mal-bini tan-negozju u l-kotba jew id-dokumenti kollha għat-tul tal-ispezzjoni u sakemm dan ikun meħtieġ għall-iskop tal-ispezzjoni. Hija għandha tagħti minnufih spjegazzjonijiet orali fuq il-post dwar l-għan u l-iskop tal-ispezzjoni jekk dawn l-uffiċjali jew persuni hekk jitolbu u tawtorizza lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal biex jagħti tali spjegazzjonijiet. Hija tawtorizza r-reġistrazzjoni ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet fi kwalunkwe forma tkun xi tkun.

Artikolu 2

L-ispezzjoni tista’ tibda fl‑20 ta’ Frar 2017 jew ftit żmien wara.

Artikolu 3

Intermarché […] kif ukoll il-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha huma destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

Din id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata, eżatt qabel l-ispezzjoni, lill-impriża li lilha hija indirizzata, bis-saħħa tal-Artikolu 297(2) [TFUE].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.

Wara li rċeviet ukoll informazzjoni dwar skambji ta’ informazzjoni bejn b’mod partikolari Intermarché u impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi oħra, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni Tute‑2 tad‑9 ta’ Frar 2017. L-ewwel artikolu ta’ din id-deċiżjoni kien isemmi l-parteċipazzjoni possibbli ta’ Intermarché fi prattiki miftiehma li jikkonsistu “fl-iskambju ta’ informazzjoni, mill-2015, bejn impriżi u/jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, b’mod partikolari AgeCore u/jew il-membri tagħha, Coopernic u/jew il-membri tagħha u Eurelec u/jew il-membri tagħha, dwar l-iskontijiet miksuba minnhom fis-swieq għall-provvista ta’ oġġetti ta’ konsum ta’ kuljum fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, ta’ prodotti tal-iġjene u ta’ prodotti tat-tindif u l-prezzijiet fis-suq tal-bejgħ tas-servizzi lill-manifatturi ta’ prodotti tad-ditta fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, il-prodotti tal-iġjene u l-prodotti tat-tindif, f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari Franza u l-Ġermanja” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni kellhom l-istess kontenut bħall-Artikoli 2 u 3 tad-deċiżjoni Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017.

7.

Wara li ġiet informata b’din l-ispezzjoni mill-Kummissjoni, l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża adixxiet lill-juge des libertés et de la détention tat-tribunal de grande instance (l-Imħallef tal-Libertà u d-Detenzjoni tal-Qorti tal-Ewwel Istanza) ta’ Evry (Franza), sabiex titolbu l-awtorizzazzjoni biex twettaq operazzjonijiet ta’ tfittxija u qbid fil-bini tal-appellanti. B’digriet tas‑17 ta’ Frar 2017, l-Imħallef tal-Libertà u d-Detenzjoni awtorizza t-tfittxijiet u l-qbid mitluba għal skopijiet ta’ prevenzjoni. Peress li l-ebda waħda mill-miżuri meħuda matul l-ispezzjoni ma kienet teħtieġ l-użu tas-“setgħat ta’ infurzar” fis-sens tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003, dan id-digriet ma ġiex innotifikat lill-appellanti.

8.

L-ispezzjoni bdiet fl‑20 ta’ Frar 2017, data li fiha l-ispetturi tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża, marru fil-bini ta’ Intermarché.

9.

Wara dubji dwar l-istatus ta’ impjegat ta’ ITM jew ta’ LM ta’ waħda mill-persuni suġġetti għall-ispezzjoni, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjonijiet Tute‑1 u Tute‑2 tal‑21 ta’ Frar 2017, abbażi tal-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fid-deċiżjonijiet Tute‑1 u Tute‑2 tad‑9 ta’ Frar 2017, u nbidlet biss id-deżinjazzjoni tad-destinatarju prinċipali tal-ispezzjoni (ITM minflok LM) ( 5 ).

10.

Bħala parti mill-ispezzjoni, il-Kummissjoni b’mod partikolari żaret l-uffiċċji, ġabret tagħmir, b’mod partikolari tagħmir informatiku (laptops, mowbajls, tablets, apparat għall-ħażna), intervistat diversi persuni u kkopjat il-kontenut tat-tagħmir miġbur.

11.

L-appellanti bagħtu lill-Kummissjoni diversi ittri bid-data tal‑24 ta’ Frar 2017, li fihom esprimew riżervi fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni u tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni mwettqa fuq il-bażi tagħhom, u kkontestaw b’mod partikolari l-ikkopjar ta’ dokumenti relatati mal-ħajja privata tal-membri tal-persunal tagħhom. Dawn ir-riżervi ġew issupplimentati b’ittra mibgħuta lill-Kummissjoni fit‑13 ta’ April 2017, fejn intalab b’mod partikolari r-ritorn ta’ wħud mid-dokumenti kkopjati.

II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

12.

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ April 2017, l-appellanti kkontestaw id-deċiżjonijiet Tute‑1 u Tute‑2 tal‑21 ta’ Frar 2017 u, sa fejn huwa meħtieġ, id-deċiżjonijiet Tute‑1 u Tute‑2 tad‑9 ta’ Frar 2017. Insostenn tar-rikors tagħhom l-appellanti essenzjalment invokaw ħames motivi. L-ewwel wieħed kien ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 u kien jikkontesta l-insuffiċjenza tar-rimedji disponibbli kontra l-kundizzjonijiet tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet, it-tieni wieħed kien ibbażat fuq l-assenza ta’ notifika regolari tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-tielet wieħed fuq iċ-ċaħda tad-dritt tagħhom li jiddefendu ruħhom kontra l-ispezzjoni, ir-raba’ wieħed fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ motivazzjoni, u l-ħames wieħed kien ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-dar.

13.

B’deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2017 tal-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tħalla jintervjeni fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tal-Kummissjoni.

14.

Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar talbet lill-Kummissjoni tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali tal-indizji ta’ ksur allegat li kellha f’idejha fid-data tad-deċiżjonijiet ikkontestati u talbet lill-appellanti biex jieħdu pożizzjoni fuq l-indizji prodotti. Bi tweġiba għal din l-istedina, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ipproduċiet minuti ta’ intervisti li saru matul is-snin 2016 u 2017 ma’ tlettax-il fornitur ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum ikkonċernati mill-ispezzjoni li kienu jikkonkludu regolarment ftehimiet ma’ Casino u ITM (iktar ’il quddiem il-“minuti ta’ intervisti”).

15.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kellhiex indizji suffiċjentement serji biex tissuspetta l-eżistenza ta’ ksur li jikkonsisti fi skambju ta’ informazzjoni bejn Casino u ITM dwar l-istrateġiji kummerċjali futuri tagħhom, annullat l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017 u l-Artikolu 1(b) tad-deċiżjoni Tute‑1 tal‑21 ta’ Frar 2017 ( 6 ). Min-naħa l-oħra, filwaqt li ddeċidiet li r-rikorsi ppreżentati kemm kontra l-legalità kif ukoll kontra l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet kienu effettivi u billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet tat motivazzjoni suffiċjenti fid-dritt u setgħet validament tordna spezzjonijiet fir-rigward tal-parteċipazzjoni possibbli tal-appellanti fil-prattiki miftiehma elenkati fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjonijiet Tute‑2 tad‑9 u tal‑21 ta’ Frar 2017, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors ( 7 ).

III. Talbiet tal‑partijiet

16.

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, tilqa’ t-talbiet tagħhom ippreżentati fl-ewwel istanza billi tannulla d-deċiżjonijiet Tute‑1 tad‑9 u tal‑21 ta’ Frar 2017 (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”) u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-proċedura sħiħa, inkluża l-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

17.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

18.

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

IV. Fuq l‑appell

19.

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jqajmu ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-effettività tar-rimedji li jikkonċernaw l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 8 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), tal‑Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ limitazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u ksur tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Qorti Ġenerali kklassifikat fażi proċedurali “qabel l-adozzjoni ta’ miżuri li jinvolvu l-kritika ta’ twettiq ta’ ksur” bħala mhux suġġetta għal dan ir-regolament. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikoli 6 u 8 tal-KEDB u tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Qorti Ġenerali kklassifikat bħala “indizji suffiċjentement serji” elementi affettwati minn irregolaritajiet formali u sostantivi. Fl-aħħar nett, il-ħames aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-assenza ta’ stħarriġ tal-valur probatorju ta’ dawn l-indizji u żball fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala “indizju”.

A.   Fuq l‑ewwel aggravju

20.

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw, essenzjalment, il-punti 83 sa 112 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali eżaminat u ċaħdet l-eċċezzjoni tagħhom ta’ illegalità tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni ta’ illegalità, l-appellanti kkontestaw l-assenza, fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtu lill-miżuri relatati mal-iżvolġiment ta’ spezzjoni n-natura ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati skont it-Trattat, u li jimponu li jissemma dan ir-rimedju possibbli fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, kif għandu jissemma, bis-saħħa tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rimedju disponibbli quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni stess ( 8 ).

1. Is‑sentenza appellata

21.

Wara li ċaħdet, fil-punti 58 sa 75 tas-sentenza appellata, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u mill-Kunsill kontra l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali bdiet teżamina l-fondatezza ta’ din l-eċċezzjoni. Fil-punt 82 tas-sentenza appellata, l-ewwel fakkret is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) li ddeċidew dwar il-konformità mal-Artikoli 6 u 13 KEDB fir-rigward ta’ tfittixijiet fid-djar u semmiet l-erba’ kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tiġi ammessa l-eżistenza ta’ dritt għal rimedju effettiv li joħorġu minn dawn is-sentenzi, jiġifieri, il-“kundizzjoni ta’ effettività”, il-“kundizzjoni ta’ effikaċja”, il-“kundizzjoni ta’ ċertezza” u l-“kundizzjoni ta’ terminu raġonevoli”. Fil-punt 83 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-affermazzjoni li tinsab f’dawn is-sentenzi, fis-sens li l-iżvolġiment ta’ operazzjoni ta’ spezzjoni għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, jimplika t-teħid tal-kunsiderazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli għal impriża suġġetta għal spezzjoni u għalhekk analiżi ġenerali ta’ dawn ir-rimedji ġudizzjari. Qabel ma għamlet tali analiżi, il-Qorti Ġenerali saħqet li “huwa irrilevanti li, meħuda individwalment, kull wieħed mir-rimedji ġudizzjarji eżaminati ma jissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB” ( 9 ).

22.

Imbagħad, il-Qorti Ġenerali identifikat sitt rimedji ġudizzjarji li jippermettu li l-kontestazzjonijiet rigward operazzjoni ta’ spezzjoni jitressqu quddiem qorti, jiġifieri r-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ir-rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissanzjona xkiel għall-ispezzjoni abbażi tal-Artikolu 23(1)(c) sa (e) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikors kontra “kull att li jissodisfa l-kundizzjonijiet ġurisprudenzjali tal-att li jista’ jiġi kkontestat adottat mill-Kummissjoni wara d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u fil-kuntest tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, bħal deċiżjoni li tiċħad talba għal protezzjoni ta’ dokumenti skont il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti”, ibbażata fuq is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni ( 10 ) (iktar ’il quddiem is-sentenza “Akzo”), ir-rikors kontra d-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura mibdija taħt l-Artikolu 101 TFUE, ir-rikors għal miżuri provviżorji u, finalment, ir-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

23.

Fil-punti 90 sa 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali analizzat sa liema punt kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġudizzjarji kien jippermetti li jiġu kkritikati l-kundizzjonijiet li fihom saret spezzjoni u li jiġi pprovdut rimedju l-eventwali irregolaritajiet imwettqa matulha mill-Kummissjoni.

24.

Fl-aħħar ta’ din l-analiżi, fil-punti 99 sa 110 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija kkunsidrat li s-sistema ta’ stħarriġ tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni li tikkonsisti f’dawn il-mezzi kollha ta’ dritt kienet tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan il-kuntest, hija speċifikat b’mod partikolari, fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ effettività, li għalkemm kull wieħed mill-imsemmija rimedji ġudizzjarji, meħuda individwalment, ma kienx jippermetti li jsir stħarriġ tal-fondatezza tal-miżuri kollha meħuda matul l-ispezzjoni, l-eżerċizzju kkombinat tagħhom kien jippermetti tali stħarriġ.

25.

Fil-punt 111 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għalhekk ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, ibbażata fuq ksur tad-dritt għal rimedju effettiv, bħala infondata.

2. Sinteżi tal‑argumenti tal‑partijiet

26.

Wara li rrilevaw li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jagħti lill-Kummissjoni setgħat wesgħin ta’ investigazzjoni li jaffettwaw serjament id-drittijiet tal-impriżi u tal-individwi stabbiliti fl-Artikolu 8 KEDB u fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Union (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-appellanti jfakkru li, fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Ottubru 2014, Delta Perkarny vs Ir‑Repubblika Ċeka ( 11 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Delta Pekarny”), il-Qorti EDB iddeċidiet li l-konformità mal-KEDB ta’ tali ndħil teħtieġ, fost affarijiet oħra, rimedju effettiv li jagħmilha possibbli li tiġi kkontestata, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, mhux biss il-legalità tal-awtorizzazzjoni, imma wkoll il-kundizzjonijiet tal-iżvolġiment ta’ spezzjoni li l-impriża hija obbligata tissottometti ruħha għaliha.

27.

L-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 83 u 87 tas-sentenza appellata, mis-sentenzi tal-Qorti EDB ma jidhirx li jirriżulta li huwa meħtieġ li l-effettività ta’ rimedji ġudizzjarji kontra l-legalità u l-iżvolġiment ta’ spezzjoni għandha tiġi evalwata fuq il-bażi ta’ “analiżi globali” tar-rimedji ġudizzjarji potenzjali, u jerġa’ inqas fuq il-bażi ta’ analiżi kumpensatorja. Billi eżaminat flimkien l-azzjonijiet possibbli għall-kontestazzjoni tal-legalità u tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet u billi assumiet li jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi ta’ rimedju wieħed bil-vantaġġi ta’ ieħor, il-Qorti Ġenerali waslet fil-punti 83 u 99 sa 111 tas-sentenza appellata, għal konklużjoni żbaljata.

28.

Skont l-appellanti, eżami separat, magħmul b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni, kien iwassal lill-Qorti Ġenerali biex tiċħad mal-ewwel tlieta mir-rimedji ġudizzjarji li hija rrikonoxxiet bħala effettivi, jiġifieri, ir-rikors kontra d-deċiżjoni fuq il-mertu, li ma huwiex ċert, ma jseħħx f’terminu raġonevoli u ma jagħmilhiex possibbli li jingħata rimedju xieraq, ir-rikors biex tiġi kkontestata l-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li ma jistax jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni, kif tixhed iċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tal-motivi mressqa f’dan ir-rigward mill-appellanti bħala inammissibbli jew ineffettivi, u r-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, sa fejn għandu biss għan kumpensatorju.

29.

Ir-rimedji ġudizzjarji l-oħra kollha, jiġifieri r-rikors li jikkonċerna t-talbiet għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-iskambji bejn avukat u klijent, il-miżuri provviżorji msemmija mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali fi kwistjonijiet ta’ protezzjoni ta’ data privata, jew ukoll ir-rikors kontra deċiżjoni ta’ xkiel, huma biss parzjali u ma jippermettux li jiġi vverifikat, fid-dritt u fil-fatt, li l-kundizzjonijiet kollha tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni ssodisfaw l-Artikolu 8 tal-KEDB. Fil-fatt, l-akkumulazzjoni ta’ rimedji parzjali li ma jippermettux li tiġi kkonstatata, in concreto, l-eżistenza ta’ rimedju li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ effettività, effiċjenza, ċertezza u terminu raġonevoli għall-kwistjonijiet kollha tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni li jistgħu jinqalgħu lanqas ma tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tal-KEDB iktar milli assenza ta’ rimedju.

30.

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li, fir-rigward tar-rimedji ġudizzjarji elenkati fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali qiegħdet l-oneru fuq il-parti fil-kawża biex toħloq il-kundizzjonijiet li fihom hija tista’ tistitwixxihom. B’hekk, kemm il-miżuri provviżorji kif ukoll l-azzjoni ex post f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tad-data u r-rikors abbażi tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Akzo dwar il-protezzjoni tal-korrispondenza bejn klijent u avukat, jippreżupponu li l-impriża, meta tneħħi l-attenzjoni tagħha mill-ispezzjoni pendenti, jirnexxilha tipprovoka deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ rifjut min-naħa tal-Kummissjoni. Dawn ir-rimedji ġudizzjarji huma bbażati wkoll fuq il-qbil tal-Kummissjoni li tqiegħed id-data f’envelopp issiġillat sakemm tittieħed id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Fir-rigward tar-rikors minħabba xkiel, dan jassumi li l-impriża hija ħatja ta’ xkiel sal-punt li tiġi imposta sanzjoni.

31.

Il-Kummissjoni u l-Kunsill jopponu dawn l-argumenti kollha.

3. Analiżi

32.

Qabel ma nipproċedi għall-eżami suċċessiv taż-żewġ ilmenti li jikkostitwixxu l-ewwel aggravju, għandu jingħad li, fit-titolu tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jirreferu wkoll għal nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzja l-analiżi tal-Qorti Ġenerali dwar l-effettività tar-rimedji ġudizzjarji li jikkonċernaw l-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet. Madankollu, huma jiżviluppaw dan l-ilment biss fir-replika tagħhom, u essenzjalment sempliċement jirreferu għall-argumenti esposti fil-punti 27 sa 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

33.

Mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment, li hija kkontestata mill-Kunsill, jew dik dwar jekk dan l-ilment jistax jitqajjem ex officio ( 12 ), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-argumenti tal-appellanti li stednuha tikkonstata li ma kienx hemm rimedju effettiv fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-iżvolġiment tal-ispezzjonijiet kellhom jiġu miċħuda jirriżultaw b’mod ċar u inekwivoku mill-punti 78 sa 112 tas-sentenza appellata, b’mod li, fuq dan il-punt, din is-sentenza tissodisfa bla dubju, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni kif ġew ippreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 13 ).

a) Fuq l‑ewwel aggravju

34.

Permezz tal-ewwel ilment fl-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment jikkontestaw l-approċċ tal-Qorti Ġenerali li jikkonsisti fl-analiżi tar-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli għall-impriżi sabiex jikkontestaw il-legalità tal-operazzjonijiet tal-iżvolġiment ta’ spezzjoni, sabiex tivverifika jekk, meħuda globalment, jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta.

35.

Fl-ewwel lok, skont l-appellanti, dan l-approċċ ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

36.

F’dan ir-rigward, infakkar, preliminarjament, li mill-Artikolu 52(3) tal-Karta jirriżulta li, sa fejn din tal-aħħar fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-portata tagħhom huma l-istess bħal dawk li tagħtihom il-KEDB. L-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta ( 14 ) jippreċiżaw, fir-rigward ta’ dan l-artikolu, li t-tifsira u l-portata tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB huma ddeterminati mhux biss mit-test tal-KEDB u l-protokolli tagħha, iżda wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Minn dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżulta wkoll li l-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 13 tal-KEDB.

37.

L-Artikolu 6(1) tal-KEDB jistabbilixxi, inter alia, id-dritt ta’ aċċess għal qorti. Dan id-dritt ta’ aċċess għandu jkun “konkret u effettiv” ( 15 ), jiġifieri jippermetti lil kull individwu jkollu “possibbiltà ċara u konkreta li jikkontesta att li jikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet tiegħu” ( 16 ) jew possibbiltà ċara u konkreta li jitlob kumpens ( 17 ). L-Artikolu 13 tal-KEDB ( 18 ), min-naħa tiegħu, jobbliga lill-Istati partijiet f’din il-konvenzjoni biex jipprovdu rimedju effettiv li permezz tiegħu l-partijiet fil-kawża jkunu jistgħu jipprevjenu l-okkorrenza jew il-kontinwazzjoni ta’ allegat ksur tad-drittijiet tagħhom iggarantiti mill-KEDB jew jiksbu rimedju xieraq għal kwalunkwe ksur li jkun diġà seħħ ( 19 ).

38.

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, il-Qorti EDB speċifikat li, meta applikabbli, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB “jikkostitwixxi lex specialis fir-rigward tal-Artikolu 13” u “r-rekwiżiti tiegħu, li jinvolvu l-firxa sħiħa ta’ garanziji speċifiċi għall-proċeduri ġudizzjarji, huma iktar stretti minn dawk tal-Artikolu 13, li huma assorbiti minnhom” ( 20 ).

39.

Fir-rigward ta’ tfittxijiet fid-djar imwettqa minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ rimedju effettiv ġiet eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja mill-perspettiva tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 8 tal-KEDB. Meta r-rikors kien ukoll ibbażat fuq l-Artikolu 13 tal-KEDB, din il-qorti jew iddikjarat li kien applikabbli biss l-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 21 ), jew ma eżaminatx l-ilment billi kkunsidrat tali eżami bħala superfluwu ( 22 ).

40.

Wara li ġie ppreċiżat dan, nirrileva li l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 83 u 87 tas-sentenza appellata, li jikkonsisti f’analiżi globali tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli għall-impriżi kkonċernati minn ispezzjonijiet tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex tiġi kkontestata r-regolarità tal-operazzjonijiet tal-iżvolġiment ta’ dawn l-ispezzjonijiet, effettivament issemmi l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 13 tal-KEDB. Din tal-aħħar, fil-fatt, tispeċifika li l-protezzjoni offruta minn dan l-artikolu ma tasalx sal-punt li teħtieġ forma partikolari ta’ rimedju ( 23 ) u li “r-rimedji kollha flimkien offruti mid-dritt domestiku jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 [tal-KEDB], anki jekk l-ebda wieħed minnhom waħdu ma jissodisfahom” ( 24 ).

41.

Issa, tali approċċ, għalkemm mhux espressament approvat mill-Qorti EDB fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) jew tal-Artikolu 8 tal-KEDB, ma jidhirx, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, inkompatibbli mal-ġurisprudenza dwar it-tfittxijiet fid-djar imsemmija minn dawn tal-aħħar.

42.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, mis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2008, Ravon et vs Franza ( 25 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Ravon”), il-Qorti EDB iddeċidiet li l-impriżi li jsirulhom tfittxijiet fid-djar għandhom ikunu jistgħu jiksbu stħarriġ ġudizzjarju, fil-fatt kif ukoll fid-dritt, tar-regolarità tad-deċiżjoni li tordna t-tfittxija kif ukoll, fejn xieraq, tal-miżuri meħuda fuq il-bażi tagħha ( 26 ).

43.

Issa, kif tfakkar ġustament il-Kummissjoni, f’din is-sentenza, bħal fl-oħrajn imsemmija mill-appellanti, il-Qorti EDB, wara li fakkret li n-nuqqas ta’ stħarriġ a priori tal-miżura ta’ spezzjoni jista’ jiġi kkontrobilanċjat minn stħarriġ ġudizzju ex post facto ta’ din il-miżura u l-iżvolġiment tagħha, li jkun effettiv fil-fatt kif ukoll fid-dritt, ippreċiżat li “meta operazzjoni meqjusa irregolari tkun diġà seħħet, ir-rikors(i) disponibbli għandu(hom) jippermetti(u) li l-persuna kkonċernata tingħata rimedju xieraq” ( 27 ), u b’hekk ċaħdet l-idea li l-uniċità tar-rimedju hija kundizzjoni neċessarja għall-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja kontra tali miżuri.

44.

Barra minn hekk, f’din l-istess sentenza, billi segwiet approċċ każistiku u mingħajr ma waqfet mal-assenza evidenti, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali eżaminat, ta’ rimedju awtonomu kontra l-miżura kkontestata li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB jew mill‑Artikolu 8 tal-KEDB, il-Qorti EDB analizzat jekk id-diversi rimedji ġudizzjarji disponibbli għall-partijiet interessati kinux jagħtuhom id-dritt, fid-dawl tal-ilmenti li ressqu, għal rimedju effettiv u xieraq ( 28 ).

45.

Fil-fehma tiegħi, l-argumenti mressqa mill-appellanti ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

46.

Fl-ewwel lok, filwaqt li l-appellanti ġustament enfasizzaw li mis-sentenza Canal Plus jirriżulta li l-kundizzjoni ta’ effettività hija evalwata fil-livell ta’ kull wieħed miż-żewġ tipi ta’ stħarriġ meħtieġa mis-sentenza Ravon imsemmija fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet u li l-assenza ta’ wieħed minnhom ma tistax tiġi mtaffija bil-garanzija tal-ieħor ( 29 ), madankollu, kuntrarjament għal dak li l-appellanti jidhru li jimplikaw, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-eżistenza ta’ rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni setgħet fiha nnifisha tikkumpensa għall-allegata assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq l-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni.

47.

Fil-fatt, mill-punti 90 sa 98 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali eżaminat sa liema punt id-diversi rimedji ġudizzjarji disponibbli għall-appellanti, inkluż r-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, kienu jippermettu li jitressqu quddiem qorti lmenti dwar ir-regolarità tal-iżvolġiment ta’ dawn l-operazzjonijiet u għalhekk sa liema punt, minkejja l-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju wieħed u uniku, is-sistema xorta kienet toffri l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tal-imsemmija operazzjonijiet, li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. F’dan is-sens, l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huwa b’mod ċar differenti mit-teżi difensiva sostnuta mill-Gvern Franċiż u miċħuda mill-Qorti EDB fis-sentenza Canal Plus ( 30 ).

48.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt 87 tas-sentenza Delta Pekarny, li għalih jirreferu ukoll l-appellanti, ma jistax jiġi dedott mill-affermazzjoni, li tinsab f’dan il-punt, li l-effettività ta’ stħarriġ ġudizzjarju – kemm jekk tal-istħarriġ a posteriori tal-legalità u tan-neċessità ta’ miżura ta’ tfittxija, bħal fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, jew tal-istħarriġ tal-atti ta’ eżekuzzjoni ta’ tali miżura – għandha tiġi evalwata “fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni”, li din l-evalwazzjoni ma tistax titwettaq b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli għall-impriżi kkonċernati.

49.

Dikjarazzjoni bħal din hija intiża biss sabiex tippreċiża li l-effettività ta’ rimedju għandha tiġi evalwata in concreto ( 31 ), peress li l-Qorti EDB ripetutament iddeċidiet li ma huwiex kompitu tagħha li tistħarreġ b’mod astratt il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali rilevanti, iżda għandha tillimita ruħha biex tittratta l-kwistjonijiet imqajma mill-każ konkret li bih hija adita ( 32 ) u, b’mod iktar partikolari, li tieħu inkunsiderazzjoni biss dawk l-azzjonijiet li jistgħu jkunu denji ta’ interess għar-rikorrent ( 33 ). B’hekk, il-punt 87 tas-sentenza Delta Pekarny jindika pjuttost favur approċċ simili għal dak adottat mill-Qorti Ġenerali, li għandu l-għan li jikkunsidra r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli, kif barra minn hekk irrilevat il-Qorti Ġenerali stess fil-punt 83 tas-sentenza appellata. Kif diġà rrilevajt fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali approċċ ġie, fil-fatt, segwit mill-Qorti EDB fil-kawżi kollha msemmija mill-appellanti ( 34 ).

50.

Fit-tielet lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali għamlet eżami separat tas-sitt rimedji ġudizzjarji li hija identifikat, billi ppreċiżat kemm l-ilmenti relatati mar-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni li jistgħu jitressqu mill-impriżi kkonċernati kif ukoll ir-rimedju kontra eventwali irregolaritajiet li jivvizzjaw dawn l-operazzjonijiet li huma jistgħu jipprovaw jiksbu billi jeżerċitaw kull wieħed minn dawn ir-rimedji ġudizzjarji.

51.

Ċertament, l-eżami tal-Qorti Ġenerali jintemm b’evalwazzjoni globali tas-sistema ta’ stħarriġ tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni ikkostitwit mir-rimedji ġudizzjarji kollha kkunsidrati, li mhux bilfors tikseb l-istess natura konkreta bħal dik li wieħed isib fis-sentenzi tal-Qorti EDB. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġiet mitluba tiddeċiedi fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, imqajma taħt l-Artikolu 277 TFUE, li teħtieġ evalwazzjoni ġenerali ta’ din is-sistema, li tmur lil hinn miċ-“ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni”.

52.

Fil-kuntest tal-ewwel ilment tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu, fit-tieni lok, li, sabiex tikkonforma mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-Qorti Ġenerali kellha teskludi mill-bidu mill-analiżi tagħha t-tliet rimedji ġudizzjarji kkostitwiti mir-rikors kontra d-deċiżjoni fuq il-mertu li tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni u r-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali.

53.

F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jiġi osservat li, fid-dawl tal-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja – li nikkunsidra li huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB – l-ebda rimedju ġudizzjarju disponibbli għall-impriżi suġġetti għal miżura ta’ spezzjoni ma kellu loġikament jiġi miċħud, sa fejn jippermettilhom li jressqu quddiem il-qorti tal-Unjoni lment wieħed jew iktar rigward l-irregolarità tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni. Minħabba f’hekk, ser nosserva dan li ġej dwar it-tliet rimedji ġudizzjarji li r-rilevanza tagħhom hija kkontestata mill-appellanti.

54.

Fir-rigward, l-ewwel nett, tar-rikors kontra d-deċiżjoni fuq il-mertu li tiddeċiedi fuq l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, huwa ċertament minnu, kif jirrilevaw l-appellanti, li fis-sentenza Canal Plus, il-Qorti EDB ikkunsidrat, minn naħa, li l-aċċessibbiltà ta’ dan ir-rimedju hija inċerta, minħabba r-rekwiżit minn qabel kemm ta’ deċiżjoni fuq il-mertu kif ukoll ta’ rikors kontriha, u, min-naħa l-oħra, li huwa ma jipprovdix rimedju xieraq fl-assenza ta’ ċertezza ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jsir f’terminu raġonevoli ( 35 ).

55.

Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet ma humiex, fil-fehma tiegħi, biżżejjed biex jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali kellha teskludi tali rimedju ġudizzjarju mill-analiżi tagħha.

56.

Fil-fatt, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Canal Plus, il-Qorti EDB eżaminat sa liema punt rikors kontra d-deċiżjoni fuq il-mertu adottata mill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jista’ jikkostitwixxi rimedju effettiv ex post facto tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni u mhux, bħal fil-każ inkwistjoni hawnhekk, tar-regolarità ta’ miżura waħda jew iktar adottati b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Issa, id-disponibbiltà ta’ rimedju ġudizzjarju immedjat kontra l-miżura li tiddeċiedi fuq l-ispezzjoni, flimkien mal-possibbiltà li tintalab is-sospensjoni tagħha, hija ta’ importanza kbira sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ ndħil illegali fid-dritt għall-invjolabbiltà tad-dar stabbilit fl-Artikolu 8 tal-KEDB jew, fejn xieraq, sabiex jiġi evitat l-indħil innifsu.

57.

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti EDB, fil-kuntest iktar protett ta’ tfittxijiet fid-djar privati ta’ persuni fiżiċi ( 36 ), ammettiet li, f’ċerti ċirkustanzi, l-istħarriġ tal-miżura kuntrarja għall-Artikolu 8 tal-KEDB imwettaq ex post facto mill-qrati kriminali – u għalhekk f’kundizzjonijiet ta’ inċertezza u nuqqas ta’ immedjatezza komparabbli ma’ dawk li jikkaratterizzaw investigazzjoni dwar ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni – jipprovdi rimedju xieraq għall-persuna kkonċernata, sakemm il-qorti twettaq stħarriġ effettiv tal-legalità u l-ħtieġa tal-miżura kkontestata u, jekk meħtieġ, teskludi mill-proċess kriminali l-provi miġbura ( 37 ).

58.

Wara li ntqal dan, nirrileva, fi kwalunkwe każ, li, fil-kuntest tal-analiżi globali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, ir-rimedju ġudizzjarju kkostitwit mir-rikors kontra d-deċiżjoni finali – li fil-kuntest tiegħu, kif ġustament intqal fil-punt 90 tas-sentenza appellata, l-impriżi kkonċernati jistgħu jiksbu l-istħarriġ tal-konformità mill-Kummissjoni mal-limiti kollha imposti fuqha matul l-iżvolġiment ta’ spezzjoni – jippermetti b’mod partikolari lil dawn l-impriżi li jevitaw id-dannu li kieku jsofru minħabba ksur tad-dritt fundamentali tagħhom għall-invjolabbiltà tad-dar tagħhom jekk il-Kummissjoni titħalla tuża kontrihom dokumenti akkwistati b’mod irregolari waqt spezzjoni.

59.

Issa, dannu bħal dan jista’ jimmaterjalizza biss jekk u fil-mument li tiġi adottata deċiżjoni finali li tikkonstata ksur. Barra minn hekk, peress li dan id-dannu jiġi eliminat meta l-provi miġbura b’mod irregolari jiġu esklużi mill-proċedura, il-fatt li l-ilmenti kontra l-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni li jistgħu jitqajmu fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni finali jistgħu ma jwasslux, jekk jintlaqgħu, għal annullament ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll il-fatt li dan ir-rikors ma jippermettix li tinkiseb ir-restituzzjoni tal-provi miksuba b’mod irregolari, invokati mill-appellanti, huma irrilevanti.

60.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ninnota li l-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni dan ir-rimedju ġudizzjarju biss sa fejn tippermetti, fil-każ ta’ konstatazzjoni ta’ illegalità, li jiġu invalidati l-miżuri kollha meħuda b’eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Filwaqt li huwa minnu li ma huwiex permess, fil-kuntest ta’ tali rikors, li jitressqu ilmenti indirizzati direttament kontra l-operazzjonijiet ta’ żvolġiment tal-ispezzjoni, jibqa’ l-fatt li dan jippermetti indirettament il-verifika tal-legalità ta’ dawn l-operazzjonijiet permezz ta’ stħarriġ tal-legalità tal-att li fuq il-bażi tiegħu huma adottati. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, fil-kuntest tal-analiżi globali tagħha tar-rimedji ġudizzjarji disponibbli għall-impriżi sabiex jikkontestaw ir-regolarità tal-iżvolġiment tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni, ir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni nnifisha.

61.

Fir-rigward, fit-tielet lok, tar-rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali, insostenn tal-argumenti tagħhom kontra t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju, l-appellanti jirreferu għall-punt 33 tas-sentenza Ravon, li fiha l-Qorti EDB eskludiet li “stħarriġ ġudizzjarju effettiv” kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tagħha jista’ jkun ikkostitwit minn rikors “li jippermetti l-ksib ta’ kumpens fil-każ ta’ ħsara kkawżata waqt tfittxija fid-dar iktar milli stħarriġ tar-regolarità tad-deċiżjoni li tippreskrivi din it-tfittxija u l-miżuri meħuda fuq il-bażi tagħha”. F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li, għalkemm minn dan il-paragrafu jirriżulta ċertament li, fil-qasam tat-tfittxijiet fid-djar, azzjoni li għandha għan purament ta’ kumpens ma tistax, waħedha, tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB ( 38 ) jew tal-Artikolu 8 ta’ din il-konvenzjoni, min-naħa l-oħra, dan ma jimplikax li azzjoni bħal din ma tistax tkun parti mir-rimedji disponibbli għall-impriżi kkonċernati u toffri lil dawn tal-aħħar rimedju xieraq, b’mod partikolari fil-każ li operazzjoni ta’ spezzjoni meqjusa bħala irregolari tkun diġà seħħet. Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ħadet inkunsiderazzjoni wkoll, fil-kuntest tal-analiżi globali tagħha, il-possibbiltà li għandhom l-impriżi li jqisu li illegalitajiet imwettqa mill-Kummissjoni waqt spezzjoni kkawżawlhom dannu tali li jagħmel lill-Unjoni responsabbli u li b’hekk iressqu rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali kontriha.

62.

Fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħhom, l-appellanti jsostnu, fit-tielet lok, li r-rimedji ġudizzjarji l-oħra kollha msemmija mill-Qorti Ġenerali huma biss “parzjali” u ma jippermettux li jiġi vverifikat, fid-dritt u fil-fatt, li l-kundizzjonijiet kollha tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni ssodisfaw l-Artikolu 8 tal-KEDB. L-appellanti jenfasizzaw b’mod partikolari l-assenza ta’ rimedju konformi mal-KEDB li jippermettilhom jikkontestaw it-tul mhux raġonevoli ta’ spezzjoni.

63.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li wieħed jirrileva li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB imfakkra iktar ’il fuq, sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) KEDB, huwa importanti li l-impriżi kkonċernati minn tfittxija fid-dar ikollhom il-possibbiltà li jiksbu eżami tal-kontenut tal-kontestazzjonijiet tagħhom u l-għoti ta’ rimedju xieraq. Min-naħa l-oħra, ma huwiex meħtieġ li l-ilmenti kollha li jistgħu jitressqu kontra l-miżuri meħuda mill-awtorità pubblika fuq il-bażi tad-deċiżjoni li tippreskrivi t-tfittxija, li allegatament jiksru d-dritt iggarantit minn dan l-artikolu, jitqajmu fil-kuntest tal-istess rimedju ġudizzjarju wieħed.

64.

Fir-rigward tal-allegata assenza ta’ rimedju effettiv u ċert, li tippermetti li jitqajjem l-ilment ibbażat fuq it-tul mhux raġonevoli ta’ spezzjoni u li jinkiseb rimedju xieraq, nirrileva li tali lment jista’ jitqajjem kemm fil-kuntest tar-rikors kontra d-deċiżjoni finali kif ukoll fil-kuntest ta’ rikors għal responsabbiltà mhux kuntrattwali. Fl-ewwel każ, jekk jintlaqa’, dan l-ilment jista’ jwassal biex il-provi maqbuda mill-Kummissjoni wara l-iskadenza ta’ perijodu meqjus bħala raġonevoli ma jkunux jistgħu jintużaw ( 39 ); fit-tieni każ jista’ jagħti lok għall-għoti ta’ kumpens. Fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, nenfasizza li, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li, bħala prinċipju, hija miftuħa għażla bejn rimedju “preventiv jew ta’ aċċelerazzjoni”, li jista’ jqassar it-tul tal-proċedura sabiex jiġi evitat li jsir eċċessiv, u rimedju “għal kumpens, kumpensatorju, indennizz jew pekunjarju”, li jagħmilha possibbli li jinkiseb kumpens a posteriori għal dewmien diġà akkumulat, indipendentement minn jekk il-proċedura tkun għadha pendenti jew tkunx intemmet ( 40 ).

65.

Fir-rigward tal-ewwel ilment fl-ewwel aggravju tagħhom, intiż sabiex jikkontesta l-evalwazzjoni globali mwettqa mill-Qorti Ġenerali, l-appellanti jsostnu, fir-raba’ lok, li ż-żewġ rimedji ġudizzjarji msemmija fil-punti 94 u 96 tas-sentenza kkontestata, jiġifieri l-miżuri provviżorji sospiżi matul l-ispezzjoni u r-rikors ex post dwar il-protezzjoni tad-data privata tal-maniġers u l-impjegati tal-impriża suġġetti għall-ispezzjoni għadhom ma humiex ippubblikati sal-lum u d-disponibbiltà tagħhom għad trid tintwera. F’dawn il-kundizzjonijiet, dawn ir-rimedji ġudizzjarji ma jistgħux jissodisfaw il-kundizzjoni tal-effettività.

66.

F’dan ir-rigward, għalkemm l-appellanti għandhom raġun jenfasizzaw li jirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza Mac Farlane vs L‑Irlanda ( 41 ) li rikors li d-disponibbiltà tiegħu għad trid tintwera u li r-realtà tiegħu hija s-suġġett ta’ inċertezza sinjifikattiva ma jistax jiġi kklassifikat bħala “effettiv”, fis-sens tal-Artikolu 13 tal-KEDB, nirrileva, madankollu, li l-Qorti EDB ma baqgħetx lura milli tiddikjara effettiv taħt din id-dispożizzjoni rikors anki qabel ma tkun tista’ tiġi stabbilita prattika tal-qrati domestiċi ( 42 ), b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li jidhru li jsostnu l-appellanti, l-assenza ta’ prattika ġudizzjarja stabbilita tista’ ma tkunx deċiżiva ( 43 ).

67.

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Akzo, li tirrikonoxxi l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad espliċitament jew impliċitament talba għall-protezzjoni ta’ dokumenti abbażi tal-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti ppreżentati waqt spezzjoni, tikkostitwixxi biss l-applikazzjoni għal każ konkret ta’ ġurisprudenza stabbilita, imfakkra fil-punti 33 sa 35 tas-sentenza appellata, fis-sens li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE l-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jimmodifikaw b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika ta’ dan tal-aħħar ( 44 ).

68.

Issa, kull att tal-Kummissjoni li jseħħ waqt spezzjoni u li jissodisfa din id-definizzjoni jikkostitwixxi, bħala prinċipju, att li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti fis-sentenza Akzo, dritt għal rikors kontra deċiżjoni li biha l-Kummissjoni tiċħad espliċitament jew impliċitament l-oppożizzjoni mressqa mill-impriża spezzjonata kontra l-qbid ta’ ċerti dokumenti, għandu jiġi rrikonoxxut mhux biss meta din l-oppożizzjoni tkun ibbażata fuq ir-raġuni li d-dokumenti inkwistjoni huma protetti mis-sigriet tal-korrispondenza bejn l-avukat u l-klijent, kif kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Akzo, jew li dawn huma dokumenti protetti abbażi tal-ħajja privata tal-membri tal-persunal ta’ din il-impriża ( 45 ), ipoteżi aċċettata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata, iżda wkoll meta jiġi sostnut li dawn id-dokumenti jmorru lil hinn mill-iskop tal-ispezzjoni, jew, ukoll, li t-tul tal-ispezzjoni jkun qabeż perijodu meqjus bħala raġonevoli.

69.

Għalhekk il-Qorti Ġenerali kellha raġun tikkunsidra, fil-punt 94 tas-sentenza appellata, li l-impriżi suġġetti għal spezzjoni ċertament għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk indikati fis-sentenza Akzo, kontra deċiżjoni li tiċħad talba għall-protezzjoni bbażata fuq il-ħajja privata tal-membri tal-persunal tagħhom.

70.

Bl-istess mod, nirrileva li, b’applikazzjoni tal-Artikoli 278 u 279 TFUE, wara l-proċedura sommarja prevista fl-Artikolu 39 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif speċifikat fid-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-President tal-Qorti Ġenerali jistgħu jew jordnaw is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat, jekk iqisu li ċ-ċirkustanzi hekk jitolbu, kif ukoll, fil-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti Ġenerali jiġu aditi, jippreskrivu l-miżuri provviżorji meħtieġa. Għalhekk, kien mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-possibbiltà, imsemmija fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li tinkiseb, b’applikazzjoni tal-Artikolu 157(2) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal, miżura proviżorja li tordna s-sospensjoni tal-ispezzjoni kienet effettivament reali.

71.

Għar-raġunijiet kollha esposti, l-ewwel ilment fl-ewwel aggravju huwa, fil-fehma tiegħi, infondat.

b) Fuq it‑tieni lment

72.

Permezz tat-tieni ilment tagħhom, l-appellanti essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli qiegħdet fuq il-partijiet fil-kawża l-oneru li joħolqu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-diversi rimedji ġudizzjarji elenkati.

73.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ aċċess għal qorti, stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB u fl-Artikolu 47 tal-Karta, ma huwiex assolut u għandu limitazzjonijiet impliċitament aċċettati, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors. Dawn il-limitazzjonijiet ma jistgħux, madankollu, jirrestrinġu l-aċċess miftuħ għal parti fil-kawża b’tali mod jew sa tali punt li d-dritt tiegħu għal aċċess għal qorti jiġi ppreġudikat fis-sustanza tiegħu stess. Huma għandhom isegwu għan leġittimu u għandu jkun hemm relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn il-mezzi użati u l-għan imfittex ( 46 ). Għandu jiġi rrilevat ukoll li hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex intiż li jimmodifika s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju prevista mit-Trattati, b’mod partikolari r-regoli dwar l-ammissibbiltà tal-azzjonijiet ppreżentati direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni ( 47 ).

74.

Fir-rigward, qabelxejn, tal-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda meħuda mill-Kummissjoni waqt l-operazzjonijiet ta’ żvolġiment tal-ispezzjoni fil-każ ta’ kontestazzjoni dwar id-dritt tal-ispetturi li jaqbdu ċerti dokumenti, nirrileva li s-sentenza Akzo timponi biss fuq l-impriżi spezzjonati l-obbligu li jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom għall-akkwist tad-dokumenti inkwistjoni, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet għal dan ( 48 ). Peress li tali oppożizzjoni tikkostitwixxi l-unika opportunità li dawn l-impriżi għandhom sabiex jipproteġu fl-immedjat l-interessi tagħhom u sabiex jevitaw id-dannu li jirriżulta minn aċċess irregolari mill-Kummissjoni għad-dokumenti li huma s-suġġett tal-kontestazzjoni, ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi argumentat b’mod validu li l-eżerċizzju tagħha jikkostitwixxi, għall-impriżi msemmija, oneru eċċessiv li de facto jostakola d-dritt tagħhom għal rimedju effettiv.

75.

Barra minn hekk, mill-punt 49 tas-sentenza Akzo jirriżulta b’mod ċar li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet l-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat mhux biss meta l-Kummissjoni taċċetta li tqiegħed id-dokumenti li huma s-suġġett ta’ kontestazzjoni f’envelopp issiġillat, u sussegwentement tiċħad il-kontestazzjoni mressqa mill-impriża spezzjonata, iżda wkoll meta tiddeċiedi li taqbadhom. L-appellanti għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma għandhomx raġun isostnu li r-rikorsi bbażati fuq il-ġurisprudenza Akzo jippreżupponu “ċertu numru ta’ prerekwiżiti li huma biss fil-kontroll tal-Kummissjoni”.

76.

Bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, ma jistax jintlaqa’ l-argument imressaq mill-appellanti fis-sens li r-rimedju ġudizzjarju ta’ miżuri provviżorji msemmi fil-punt 96 tas-sentenza appellata jkun diffiċilment aċċessibbli għall-impriżi kkonċernati, għar-raġuni li, meta jeżerċitawh, huma jiġu ddevjati mill-ispezzjoni li tkun għaddejja. Fil-fatt, insibha diffiċli li nikkunsidra li s-sempliċi pass li titressaq talba għal miżuri provviżorji quddiem il-Qorti Ġenerali, li tippermetti li r-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni li tkun għaddejja tiġi kkontestata immedjatament, jista’ jikkostitwixxi oneru eċċessiv għall-impriża spezzjonata, speċjalment fid-dawl tal-perspettiva li tali rimedju jiftaħ it-triq għall-ksib ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet ikkontestati.

77.

Fl-aħħar nett, lanqas ma nista’ naqbel mal-argument imressaq mill-appellanti li r-rimedju kkostitwit minn rikors minħabba xkiel ma jistax jikkostitwixxi rimedju effettiv peress li jkun jeħtieġ li l-impriża spezzjonata tirrendi ruħha ħatja ta’ ksur tad-dmir tagħha li tikkoopera mal-Kummissjoni sal-punt li tiġi imposta fuqha sanzjoni.

78.

Insostenn ta’ dan l-argument, l-appellanti jinvokaw il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermata reċentement fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt ta’ rikors legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali) ( 49 ), skont liema l-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jinkludi d-dritt ta’ aċċess għal qorti, jipprekludi li sabiex ikun hemm l-aċċess għal tali qorti, il-persuna li jkollha dan id-dritt ikollha tikser regola jew obbligu ġuridiku u tesponi lilha nnifisha għas-sanzjoni marbuta ma’ dan il-ksur.

79.

F’dan ir-rigward, nirrileva, fl-ewwel lok, li r-rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda taħt l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każ ta’ xkiel għall-ispezzjoni ma jikkostitwixxix l-uniku rimedju li għandhom l-impriżi spezzjonati biex jikkontestaw ir-regolarità tal-operazzjonijiet tal-iżvolġiment tal-ispezzjoni. Minn dan l-aspett, is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impriżi ma hijiex paragunabbli ma’ dik tal-kumpanniji appellanti fil-kawżi prinċipali li taw lok għat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-oriġini tas-sentenza État luxembourgeois, peress li l-imsemmija impriżi ma ġewx imċaħħda mid-dritt tagħhom għal aċċess għal qorti ħlief bi ksur ta’ regola jew obbligu ġuridiku u b’hekk jesponu ruħhom għal sanzjoni għal dan il-ksur. B’mod partikolari, f’dawn il-kawżi, id-deċiżjoni li tordna lil dawn il-kumpanniji jipprovdu l-informazzjoni mitluba kienet tispeċifika li din ma kinitx suġġetta għal rikors ( 50 ). Min-naħa l-oħra, l-impriżi affettwati minn deċiżjoni ta’ spezzjoni jistgħu jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali kemm il-legalità kif ukoll in-neċessità ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma jkunu bl-ebda mod obbligati, sabiex jagħmlu dan, li jesponu ruħhom għal kwalunkwe sanzjoni. Jistgħu wkoll jużaw id-diversi rimedji elenkati mill-Qorti Ġenerali sabiex jitolbu stħarriġ tar-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni jew biex jitolbu kumpens għall-ħsara eventwalment imġarrba b’rabta mal-iżvolġiment ta’ dawn l-operazzjonijiet.

80.

Fit-tieni lok, u kif diġà kelli l-okkażjoni ninnota fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jekk insegwu l-approċċ, fil-fehma tiegħi korrett, meħud mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, li jikkonsisti f’analiżi globali tar-rimedji kollha offruti mis-sistema stabbilita fi ħdan l-Unjoni, l-ebda rimedju ma għandu jiġi eskluż a priori, anki meta jista’ jiġi eżerċitat biss f’sitwazzjonijiet speċifiċi u fil-preżenza ta’ ċerti ċirkustanzi. Barra minn hekk nirrileva, f’dan ir-rigward, li, fis-sentenza Delta Pekarny, il-Qorti EDB stess – li, kif diġà nnotajt ukoll, segwiet approċċ simili għal dak tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata – ma eskludietx a priori mill-analiżi tagħha r-rilevanza tar-rikors kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità tal-kompetizzjoni kienet ssanzjonat lill-impriża appellanti għal xkiel matul l-ispezzjoni, iżda evalwat jekk, fil-kuntest ta’ tali rikors, din l-impriża kellhiex l-opportunità li tikkontesta l-legalità u l-ħtieġa tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ( 51 ).

81.

Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ xkiel hija biss wieħed mir-riżultati possibbli tal-eżerċizzju tad-dritt ta’ oppożizzjoni rrikonoxxut lill-impriżi spezzjonati skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament Nru 1/2003 ( 52 ). Hija tirrappreżenta s-seħħ ta’ fażi “patoloġika”, biex ngħidu hekk, fl-iżvolġiment tal-ispezzjoni. Huwa biss, effettivament, fil-każ ta’ xkiel ovvju jew ta’ użu abbużiv tad-dritt ta’ oppożizzjoni li l-Kummissjoni tista’ tuża l-mekkaniżmu ta’ sanzjoni previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u mhux bħala theddida biex tikseb mingħand impriżi konċessjonijiet li jaqbżu l-limiti stretti tad-dmir tagħhom li jikkoperaw ( 53 ).

82.

Lil hinn minn dawn il-każijiet speċjali, tul il-proċedura ta’ spezzjoni, l-impriżi kkonċernati għandhom, sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom, id-dritt li jopponu operazzjonijiet ta’ spezzjoni li huma jqisu li jiksru l-limiti imposti fuq il-Kummissjoni ( 54 ). Kif diġà spjegajt, bl-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, dawn l-impriżi jistgħu jitolbu u jiksbu teħid ta’ pożizzjoni impliċita jew espliċita mill-Kummissjoni dwar il-fondatezza tar-raġunijiet għal tali oppożizzjoni, li huma jkunu jistgħu jikkontestaw quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 263 TFUE, filwaqt li jirrispettaw id-dmir tagħhom li jikkooperaw.

83.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li t-tieni lment fl-ewwel aggravju huwa infondat ukoll.

c) Konklużjonijiet fuq l‑ewwel aggravju

84.

Għar-raġunijiet kollha li għadni kemm esponejt, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel aggravju.

B.   Fuq it‑tieni aggravju

85.

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikoli 6 u 8 tal-KEDB, l-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li ma wettqitx l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni meta din tadotta deċiżjoni ta’ spezzjoni, kif ukoll id-dmir ta’ dik l-istituzzjoni li tillimita kemm jista’ jkun il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontrolli li għandhom jitwettqu. Dan l-aggravju jirrigwarda b’mod partikolari l-punti 121 sa 147 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, kif ukoll il-punti 158 sa 165 ta’ dik is-sentenza.

1. Sinteżi tal‑argumenti tal‑partijiet

86.

L-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali rrinunzjat għal kwalunkwe stħarriġ tal-eżattezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi peress li hija kienet issodisfatta bl-identifikazzjoni tas-swieq tal-provvista u bit-tismija ta’ prattika possibbli ta’ skambji ta’ informazzjoni bejn distributuri u/jew alleanzi tagħhom, li potenzjalment ikopru l-aspetti tariffarji kollha tan-negozjati mal-fornituri, minkejja li, wara r-risposta tal-Kummissjoni għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li l-Qorti Ġenerali adottat, il-preżunzjonijiet imsemmija kienu tnaqqsu b’mod sinjifikattiv.

87.

Fit-tieni lok, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li d-deċiżjonijiet kontenzjużi fetħu kamp ta’ applikazzjoni ta’ kontroll illimitat lill-Kummissjoni, li awtorizzaha twettaq “fishing expedition” (“spedizzjoni esploratorja”) ta’ vera, u dan ippermettielha tieħu kull dokument relatat mal-provvista minnhom fl-Ewropa u l-bejgħ tagħhom fi Franza.

88.

Fit-tielet lok, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma stħarrġitx b’mod effettiv l-adegwatezza tal-kamp ta’ applikazzjoni iddefinit mill-Artikolu 1(a) tad-deċiżjonijiet kontenzjużi mal-indizji inkwistjoni.

89.

Fl-aħħar nett, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma kellhiex tipprevedi t-tmiem tal-ispezzjoni, kemm jekk dan huwa abbażi tal-obbligu ta’ motivazzjoni jew abbażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

90.

Il-Kummissjoni topponi l-ilmenti kollha mressqa mill-appellanti fit-tieni aggravju tagħhom.

2. Analiżi

91.

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jobbliga lill-Kummissjoni timmotiva d-deċiżjoni li tordna spezzjoni billi tindika s-suġġett u l-iskop ta’ din tal-aħħar.

92.

Kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali mhux biss sabiex tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fi ħdan l-impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex dawn ikunu jistgħu jifhmu l-portata tad-dmir tagħhom li jikkooperaw, filwaqt li fl-istess ħin iħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom ( 55 ). Minn dan isegwi li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ verifika ma tistax tiġi ristretta fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet relatati mal-effettività tal-investigazzjoni ( 56 ). Barra minn hekk, peress li tfittxija tista’ ssir biss fuq id-dokumenti li jaqgħu taħt is-suġġett tal-ispezzjoni, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha wkoll l-effett li tillimita l-kamp tas-setgħat mogħtija lill-aġenti tal-Kummissjoni ( 57 ).

93.

Sabiex twettaq dan l-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni għandha tindika b’mod ċar il-fatti preżunti li beħsiebha tivverifika ( 58 ), jiġifieri dak li huwa mfittex u l-elementi li għandhom ikunu s-suġġett tal-ispezzjoni ( 59 ).

94.

Min-naħa l-oħra, hija ma hijiex obbligata li tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ verifika l-informazzjoni kollha li għandha fid-dispożizzjoni tagħha dwar ksur preżunt u lanqas li twettaq klassifikazzjoni ġuridika rigoruża ta’ dan il-ksur ( 60 ). Lanqas ma huwa indispensabbli li f’deċiżjoni ta’ spezzjoni tintwera delimitazzjoni preċiża tas-suq inkwistjoni u lanqas il-klassifikazzjoni ġuridika eżatta tal-ksur preżunt jew l-indikazzjoni tal-perjodu li matulu dan il-ksur allegatament twettaq, sakemm din id-deċiżjoni ta’ spezzjoni jkun fiha l-elementi essenzjali esposti fil-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 61 ).

95.

Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-ispezzjonijiet iseħħu fil-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni jkun għad ma jkollhiex informazzjoni preċiża biex toħroġ opinjoni legali speċifika u għandha l-ewwel tivverifika l-fondatezza tas-suspetti tagħha kif ukoll il-portata tal- avvenimenti li seħħew, peress li l-għan tal-ispezzjoni huwa preċiżament li jinġabru provi relatati ma’ ksur issuspettat ( 62 ).

96.

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel ilment imqajjem mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, ibbażat fuq stħarriġ insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, nirrileva li l-Artikolu 1(a) ta’ dawn id-deċiżjonijiet kien jinkludi kemm indikazzjoni ċara tal-ksur preżunt li huwa s-suġġett tal-ispezzjoni, jiġifieri “skambju ta’ informazzjoni” fir-rigward ta’ “prezzijiet” u “skontijiet”, kif ukoll delimitazzjoni tas-swieq li fuqhom suppost kellu jseħħ dan il-ksur. Fir-rigward, minn naħa, tas-swieq ta’ prodotti, din id-dispożizzjoni kienet tindika s-suq tal-“provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti tat-tindif”, f’dak li jirrigwarda l-iskontijiet, u s-suq tal-“bejgħ ta’ servizzi lill-produtturi ta’ prodotti tal-marka fis-setturi tal-prodotti tal-ikel, prodotti tal-iġjene u prodotti ta’ tindif”, f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, dan kien indikat bħala li jkopri t-territorju ta’ “diversi Stati Membri u, b’mod partikolari, [dak ta’] Franza”. Fl-aħħar nett, din id-dispożizzjoni kienet tinkludi dettalji dwar l-impriżi l-oħra li pparteċipaw fil-ksur allegat.

97.

Fid-dawl tal-elementi li jidhru fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjonijiet kontenzjużi esposti fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet u fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 130 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet wettqet l-obbligu tagħha li tiddikjara preċiżament il-fatti preżunti li hija kellha l-intenzjoni li tivverifika.

98.

Fir-rigward tal-argumenti tal-appellanti bbażati fuq il-kjarifiki li l-Kummissjoni allegatament ipprovdiet dwar in-natura tar-restrizzjonijiet inkwistjoni billi qagħdet għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ordnati mill-Qorti Ġenerali ( 63 ), għandu jiġi ppreċiżat li l-informazzjoni li l-appellanti jirreferu għaliha tinsab f’estratti tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-indizji li kienu ppermettew lill-Kummissjoni tissuspetta prattiki kollużivi relatati mal-iskontijiet u prezzijiet, li l-Qorti Ġenerali talbet li jiġu prodotti sabiex tivverifika jekk dawn l-indizji kinux suffiċjentement serji biex jiġġustifikaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi fir-rigward tal-prattiki msemmija iktar ’il fuq ( 64 ).

99.

Issa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex twettaq l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ verifika l-informazzjoni kollha fid-dispożizzjoni tagħha dwar ksur preżunt u lanqas li twettaq klassifikazzjoni ġuridika rigoruża ta’ dan il-ksur.

100.

Minn dan isegwi li l-appellanti ma jistgħux jiddeduċu mill-fatt li l-ksur preżunt fir-rigward ta’ skontijiet u prezzijiet huwa deskritt f’iktar dettall fl-estratti mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni u prodotti minn din tal-aħħar quddiem il-Qorti Ġenerali li din tal-aħħar kienet “irrinunzjat għal kwalunkwe stħarriġ tal-preċiżjoni tal-motivazzjoni għad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni” ( 65 ).

101.

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat is-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq sa fejn iddeċidiet, fil-punti 250 u 254 tas-sentenza appellata, li l-portata ġeografika tal-prattiki u r-rwol tal-appellanti fl-allegat ksur setgħu jiġu dedotti validament mis-sempliċi riferiment, fil-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, għall-alleanza li Intermarché kienet membru tagħha, biżżejjed jingħad li dawn il-punti jidhru fil-parti tal-motivi tas-sentenza kkontestata li fiha l-Qorti Ġenerali teżamina n-natura suffiċjentement serja tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni.

102.

Għalhekk, kif din l-istituzzjoni osservat ġustament fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din l-allegazzjoni tirriżulta minn konfużjoni bejn stħarriġ tal-osservanza tal-formalità essenzjali kkostitwita mill-obbligu ta’ motivazzjoni tal-att ikkontestat u stħarriġ tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni, li jinvolvi l-eżami fuq il-mertu tal-legalità ta’ dan l-att ( 66 ).

103.

L-istess konfużjoni tagħti lok ukoll kemm għat-tielet ilment – li barra minn hekk l-appellanti sempliċement jesponu mingħajr ma jispjegawh – ibbażat fuq l-assenza ta’ sħarriġ effettiv tan-natura adegwata tal-kamp iddefinit mill-Artikolu 1(a) tad-deċiżjonijiet kontenzjużi għall-indizji miżmuma mill-Kummissjoni, kif ukoll għat-tieni ilment fl-istess aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx li d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni kellhom kamp illimitat, li b’hekk awtorizzaw “spedizzjoni esploratorja” ta’ vera.

104.

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ dan l-aħħar ilment, minn naħa, ninnota li, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet diġà osservat, korrettament, li l-kwistjoni mqajma mill-appellanti dwar jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet tali “spedizzjoni” – li ma tistax tiġi awtorizzata mir-Regolament Nru 1/2003 ( 67 ) – kienet tiddependi min-natura suffiċjenti tal-indizji li l-Kummissjoni kellha fid-dispożizzjoni tagħha meta adottat id-deċiżjonijiet kontenzjużi u li, għalhekk, din id-domanda kellha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-motiv tar-rikors ibbażat fuq il-ksur dritt għall-invjolabbiltà tad-dar tal-impriżi spezzjonati u mhux fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq in-natura mhux suffiċjentement immotivata ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

105.

Min-naħa l-oħra, ninnota li, insostenn ta’ dan l-istess ilment, l-appellanti jirreferu għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kif jirriżulta mhux biss mill-Artikolu 1(a) tagħhom, iżda wkoll mill-Artikolu 1(b) tagħhom, li kienu jsemmu preżunzjoni ta’ ksur li għandha bħala għan skambji dwar “l-istrateġiji kummerċjali futuri”, b’mod partikolari fil-qasam ta’ assortiment, ta’ żvilupp ta’ ħwienet, ta’ kummerċ elettroniku u ta’ politika promozzjonali “fis-swieq tal-provvista ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum u fis-swieq tal-bejgħ lill-konsumaturi ta’ oġġetti tal-konsum ta’ kuljum, fi Franza”. Issa, peress li l-Artikolu 1(b) ta’ dawn id-deċiżjonijiet ġie annullat b’mod definittiv mill-Qorti Ġenerali fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, l-appellanti fi kwalunkwe każ ma għadhomx jistgħu jinvokaw il-kontenut tiegħu sabiex isostnu l-argument tagħhom ibbażat fuq kamp eċċessivament wiesa’ tas-suġġett tal-ispezzjoni.

106.

Sa fejn l-allegazzjoni msemmija fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll l-ilmenti indikati fil-punt 103 tagħhom għandhom jiġu interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li jqiegħdu f’dubju l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-indizji li l-Kummissjoni kellha fid-dispożizzjoni tagħha, ta’ min jinnota, minn naħa, li din l-allegazzjoni u dawn l-ilmenti bl-ebda mod ma huma ssostanzjati u, min-naħa l-oħra, li, peress li l-ebda żnaturament ta’ dawn l-indizji ma huwa invokat, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma hija kompetenti biex teżaminahom fil-kuntest ta’ appell ( 68 ).

107.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-raba’ lment imqajjem mill-appellanti fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħhom, ninnota li dan l-ilment huwa dirett kontra l-punti 158 sa 165 tas-sentenza appellata, li jagħmlu parti mill-eżami tal-motiv tar-rikors ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-invjolabbiltà tad-dar u, b’mod partikolari, tal-parti ta’ din l-analiżi ddedikata għall-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza preċedenti tagħha, qieset li l-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx iffissat data ta’ skadenza għat-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ spezzjoni ma kienx jikkostitwixxi ndħil sproporzjonat fl-isfera tal-attività privata tal-appellanti.

108.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kien jistabbilixxi d-data minn meta l-ispezzjoni setgħet issir, iżda ma kinitx tispeċifika d-data li fiha kellha tintemm. Tali indikazzjoni kienet konformi mal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, li jeħtieġ li l-Kummissjoni tiffissa d-data tal-bidu tal-ispezzjoni iżda jibqa’ sieket fir-rigward ta’ obbligu eventwali li tiġi ffissata d-data tat-tmiem tagħha.

109.

Kif enfasizzat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 161 tas-sentenza appellata, l-assenza ta’ data ta’ tmiem tal-ispezzjoni ma jfissirx li din tista’ testendi fiż-żmien b’mod illimitat, għaliex il-Kummissjoni hija, f’dan ir-rigward, obbligata tosserva terminu raġonevoli, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta ( 69 ).

110.

Minn dan isegwi li għalkemm il-portata ratione temporis ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni ma għandhiex għalfejn tiġi ddefinita minn qabel fl-elementi kollha tagħha, hija madankollu strutturata b’tali mod li l-operazzjonijiet għall-iżvolġiment tal-ispezzjoni ma jaqbżux terminu raġonevoli, evalwat fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi u tal-elementi rilevanti kollha tal-każ.

111.

Minn naħa, dan il-qafas ta’ żmien jikkostitwixxi – għall-inqas meta l-ispezzjoni ssir mingħajr ma l-Kummissjoni tirrikorri għall-mezzi nazzjonali ta’ infurzar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(6) sa (8) tar-Regolament Nru 1/2003 – garanzija adegwata u suffiċjenti kontra l-arbitrarjetà, b’mod partikolari meta, fl-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-tul ta’ operazzjonijiet ta’ spezzjoni, jittieħed inkunsiderazzjoni r-rekwiżit li jiġi llimitat fiż-żmien l-indħil li jikser id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-verifiki meħtieġa fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni.

112.

Min-naħa l-oħra, tali qafas ta’ żmien jiggarantixxi, kif irrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 163 u 164 tas-sentenza appellata, l-effettività tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, li teħtieġ li t-tul ta’ żmien tal-ispezzjoni jiġi adattat mhux biss skont elementi magħrufa minn qabel, iżda wkoll skont elementi li jidhru biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni – bħall-volum ta’ informazzjoni misjuba fil-post, it-teknoloġiji ta’ investigazzjoni użati ( 70 ) u l-imġiba tal-impriżi spezzjonati – filwaqt li jiġi evitat li t-teħid inkunsiderazzjoni minn qabel ta’ dawn l-elementi inċerti jwassal lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, fid-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni, tul ta’ żmien ta’ din tal-aħħar li jeċċedi dak li huwa strettament meħtieġ.

113.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkunsidra li t-tieni aggravju huwa infondat fl-intier tiegħu.

C.   Fuq it‑tielet aggravju

114.

Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi u ksur tar-Regolament Nru 1/2003 meta kklassifikat fażi proċedurali li seħħet qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżuri li jinvolvu l-allegazzjoni ta’ ksur bħala mhux suġġetta għal dan ir-regolament. Dan l-aggravju huwa dirett kontra l-punti 189 sa 196 tas-sentenza appellata li jidhru fil-parti ta’ dik is-sentenza li fiha l-Qorti Ġenerali eżaminat in-natura suffiċjentement serja tal-indizji fil-pussess tal-Kummissjoni.

1. Is‑sentenza appellata

115.

Fil-punt 189 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, preliminarjament, li l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja tal-indizji disponibbli għall-Kummissjoni għandha ssir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni “tagħmel parti mill-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, li hija intiża li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-elementi rilevanti kollha li jikkonfermaw jew le l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li tieħu pożizzjoni inizjali fuq l-approċċ li għandu jittieħed kif ukoll fuq il-proċedura sussegwenti li għandha tiġi segwita”. Fil-punt 190, hija speċifikat li, għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax “f’dan l-istadju” tkun meħtieġa, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, li jkollha fil-pussess tagħha provi li juru l-eżistenza ta’ ksur u li għandha ssir distinzjoni “bejn, minn naħa, il-provi ta’ ksur u, min-naħa l-oħra, l-indizji tali li jagħtu lok għal suspett raġonevoli dwar l-okkorrenza ta’ preżunzjonijiet ta’ reat”.

116.

Fil-punti 192 u 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li din id-distinzjoni “għandha konsegwenzi [b’mod partikolari] fuq ir-rekwiżiti dwar il-forma […] tal-indizji li jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni” u “li dawn tal-aħħar ma jistgħux jiġu suġġetti għall-istess livell ta’ formaliżmu bħal dak marbut b’mod partikolari mal-osservanza tar-regoli imposti mir-Regolament Nru 1/2003 u mill-ġurisprudenza mogħtija abbażi tiegħu fir-rigward tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni”. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, jekk “l-istess formaliżmu kien meħtieġ għall-ġbir ta’ indizji qabel ispezzjoni u l-ġbir tal-provi ta’ ksur, dan jimplika fil-fatt li l-Kummissjoni għandha tosserva regoli li jirregolaw is-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha filwaqt li ebda investigazzjoni fis-sens tal-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1/2003 ma għadha ġiet formalment miftuħa u li l-Kummissjoni għadha ma għamlitx użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni mogħtija lilha b’mod partikolari mill-Artikoli 18 sa 20 tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri ma adottatx miżura li timplika l-kritika li wettqet ksur, b’mod partikolari deċiżjoni ta’ spezzjoni” (punt 193 tas-sentenza appellata). Skont il-Qorti Ġenerali “[d]in id-definizzjoni tal-punt ta’ tluq ta’ investigazzjoni u tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari tirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita” (punt 194 tas-sentenza appellata).

117.

Fil-punt 196 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li fost id-dispożizzjonijiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tosserva, kien hemm ir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 ( 71 ) kif interpretati mis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni ( 72 ).

118.

Fil-punt 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tirreġistra l-minuti tal-intervisti li saru matul is-snin 2016 u 2017 mat-tlettax-il fornitur ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum ikkonċernati mill-ispezzjoni li daħlu regolarment fi ftehimiet ma’ Casino u ITM (iktar ’il quddiem l-“intervisti mal-fornituri”) u li l-indizji li jirriżultaw minn dawn l-intervisti ma jistgħux jiġu esklużi bħala vvizzjati minn irregolarità formali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

2. Sinteżi tal‑argumenti tal‑partijiet

119.

L-appellanti jsostnu, fl-ewwel lok, li d-definizzjoni tal-punt tat-tluq ta’ investigazzjoni u tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari li tinsab fis-sentenza appellata tirriżulta minn żnaturament tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-unika distinzjoni magħmula fil-qasam ta’ drittijiet applikabbli fis-sentenzi kollha ċċitati fil-punt 194 ta’ din is-sentenza, li barra minn hekk jikkonċernaw biss l-evalwazzjoni tal-punt ta’ tluq tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat it-tul raġonevoli tal-proċedura, hija d-“distinzjoni bejn iż-żewġ fażijiet tal-proċedura amministrattiva, jiġifieri l-fażi struttorja ta’ qabel d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u dik li tikkorrispondi għall-bqija tal-proċedura amministrattiva”, kif effettivament joħroġ mir-Regolament Nru 773/2004 nnifsu.

120.

Fit-tieni lok, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li ddeċidiet contra legem li r-Regolament Nru 1/2003 ma kienx japplika qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni, filwaqt li, skont huma, jirriżulta kemm mill-premessa 25 ta’ dan ir-regolament kif ukoll mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 773/2004 li huwa “japplika b’mod sħiħ għall-atti kollha tal-Kummissjoni meħuda għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE et seq, mill-istadju tas-sejbien ta’ prattiki”. Is-sottomissjoni għar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1/2003 kemm tal-investigazzjonijiet settorjali, previsti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll tad-dikjarazzjoni ta’ klemenza ( 73 ), li ma jinvolvux l-adozzjoni ta’ miżuri li jimplikaw il-kritika li jkun twettaq ksur, tikkonferma din l-interpretazzjoni.

121.

Fit-tielet lok, l-appellanti jikkontestaw il-konsegwenzi li l-Qorti Ġenerali tislet mid-distinzjoni bejn il-provi ta’ ksur u l-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni, u, b’mod partikolari, l-affermazzjoni, li tinsab fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li dawn tal-aħħar ma jistgħux ikunu suġġetti għall-istess grad ta’ formaliżmu. Huma jsostnu li l-provi kollha miġbura mill-Kummissjoni u użati fil-proċeduri mibdija fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1/2003, kemm jekk bħala indizji jew bħala provi, għandhom jissodisfaw l-istess rekwiżiti u jkunu suġġetti għall-istess formaliżmu u għall-istess regoli proċedurali maħsuba biex jiggarantixxu l-awtentiċità, il-lealtà u l-kredibbiltà tal-prova. Issa, il-konformità ma’ dawn ir-regoli tiggarantixxi l-awtentiċità kemm tal-prova kif ukoll tal-indizju, li hija “prerekwiżit meħtieġ qabel l-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tagħha”.

122.

Il-Kummissjoni ssostni li l-valur probatorju meħtieġ sabiex element materjali jkun jista’ jikkostitwixxi indizju li jippermetti l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni huwa neċessarjament inqas mill-valur probatorju meħtieġ biex element materjali jikkostitwixxi mezz ta’ prova sabiex jiġi stabbilit ksur u li minn din id-distinzjoni jirriżulta li l-indizji huma neċessarjament suġġetti għal grad inqas ta’ formaliżmu mill-provi.

123.

B’mod partikolari, ma huwiex meħtieġ li dawn l-indizji jiġu rreġistrati skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, sakemm ma jiġix ikkunsidrat li l-formaliżmu previst minn dawn id-dispożizzjonijiet japplika jerġa’ qabel ma tkun infetħet investigazzjoni.

124.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li l-ftuħ ta’ investigazzjoni – li tikkorrispondi mad-data li fiha, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni tagħha u tieħu miżuri li jinvolvu l-kritika li wettqet ksur u li jwasslu għal riperkussjonijiet sinjifikattivi għas-sitwazzjoni tal-entitajiet issuspettati – iseħħ f’mument differenti u għandu konsegwenzi ġuridiċi distinti mill-ftuħ ta’ fajl u mill-ftuħ tal-proċedura fis-sens tal-Artikolu 2 tar-Regolament 773/2004. Filwaqt li l-ftuħ ta’ fajl huwa att intern meħud mir-Reġistru tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni meta jassenja numru ta’ każ li l-iskop uniku tiegħu huwa li jippermetti lid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jissalvagwardja dokumenti, il-ftuħ tal-proċedura jikkorrispondi mad-data li fiha l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 773/2004 bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni skont il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1/2003.

125.

Il-Kummissjoni tosserva li mill-kliem tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li “intervista” fis-sens ta’ dan l-artikolu għandha l-“għan li [t]inġabar informazzjoni [relatata] mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni”, li mid-definizzjoni tagħha stess għandha tkun infetħet minn qabel. Hija tikkontesta wkoll ir-rilevanza tar-riferimenti magħmula mill-appellanti għall-premessa 25 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll għall-investigazzjonijiet settorjali u għad-dikjarazzjoni ta’ klemenza.

126.

F’dan il-każ, il-laqgħat u l-konferenzi telefoniċi mat-tlettax-il fornitur ikkonċernat saru qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni taħt ir-Regolament Nru 1/2003 u għalhekk qabel kwalunkwe “proċedura”. Il-Kummissjoni għalhekk ma kinitx obbligata tosserva l-formaliżmu preskritt minn din id-dispożizzjoni.

127.

Li kieku kien mod ieħor, dan ikun jippreġudika f’diversi aspetti l-implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni mill-Kummissjoni. Fl-ewwel lok, dan ikun jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiġbor u milli tuża indizji meta dawn ikunu biss f’forma orali, pereżempju żvelar li jinstema’ minn rappreżentant tal-Kummissjoni waqt laqgħa, żjara informali f’bini jew f’post pubbliku. Fit-tieni lok, dan ikun jammonta għal kunsiderazzjoni li l-indizji qatt ma jistgħu jkunu f’forma orali, li jkun jikkomprometti l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tiġi mdewma d-data tal-ispezzjoni.

128.

Skont il-Kummissjoni, barra minn hekk, il-fatt li l-indizji jiġu suġġetti għal grad inqas ta’ formaliżmu mill-provi jiżgura l-imperattiv ta’ ħeffa li jiggwida l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni u l-effettività tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

129.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żżid li, fi kwalunkwe każ, l-affermazzjonijiet tal-appellanti dwar l-awtentiċità tal-provi huma bbażati fuq qari żbaljat tal-ġurisprudenza. Fil-fatt, l-awtentiċità tal-provi ma hijiex “prerekwiżit meħtieġ” għall-kredibbiltà tagħhom. Il-prinċipju prevalenti fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-evalwazzjoni libera tal-provi, li minnu jirriżulta li l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi debitament prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom u li l-valur probatorju tal-provi għandu jiġi evalwat globalment, b’mod li t-tqajjim ta’ sempliċi dubji mhux issostanzjati fir-rigward tal-awtentiċità tal-provi ma huwiex biżżejjed biex jikkomprometti l-kredibbiltà tagħhom. Dawn il-prinċipji japplikaw iktar u iktar għall-indizji peress li l-valur probatorju meħtieġ biex element materjali jikkostitwixxi indizju huwa, minnu nnifsu, inqas.

3. Analiżi

130.

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tagħmel mistoqsijiet lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taċċetta li tiġi interrogata bil-għan li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. L-intervisti bbażati fuq din id-dispożizzjoni huma suġġetti għall-osservanza tal-formalitajiet preskritti mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. B’dan il-mod, skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni għandha tindika, fil-bidu tal-intervista, liema hija bażi legali ta’ din l-intervista kif ukoll l-għan tagħha, hija għandha tfakkar in-natura volontarja tagħha u għandha tinforma wkoll lill-persuna intervistata bl-intenzjoni tagħha li tirreġistra l-intervista. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni tista’ tirreġistra fi kwalunkwe forma d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuni intervistati. Kopja ta’ kwalunkwe reġistrazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna intervistata għall-approvazzjoni. Il-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, tistabbilixxi terminu li fih il-persuna intervistata tista’ tikkomunika kwalunkwe korrezzjoni li għandha ssir fid-dikjarazzjoni.

131.

Fis-sentenza Intel, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tal-portata tar-rekwiżiti formali li għalihom huma suġġetti l-intervisti mwettqa skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, li jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi, bil-kunsens tal-persuna intervistata, li tagħmel intervista fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, hija għandha tirreġistra din l-intervista kollha kemm hi, mingħajr preġudizzju għall-għażla li titħalla lill-Kummissjoni dwar il-forma ta’ din reġistrazzjoni ( 74 ).

132.

Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tirreġistra, f’forma magħżula minnha, kull intervista mwettqa minnha taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, għall-finijiet tal-ġbir ta’ informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni ( 75 ).

133.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonkludiet li dan l-obbligu ma kienx japplika għall-intervisti mal-fornituri, peress li, minn naħa, dawn l-intervisti kienu saru qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni taħt ir-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri qabel ma l-Kummissjoni kienet adottat miżura li tinvolvi l-kritika li wettqet ksur u, min-naħa l-oħra, li, sabiex tadotta deċiżjoni ta’ spezzjoni, bħala parti mill-fażi ta’ investigazzjoni preliminari li tippreċedi n-notifika ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni hija meħtieġa biss li jkollha indizji materjali serji li jistgħu joħolqu suspett ta’ ksur, li ma jistgħux jiġu suġġetti għall-istess grad ta’ formaliżmu bħal dak meħtieġ għall-ġbir ta’ provi ta’ ksur. L-appellanti jikkontestaw din il-konklużjoni b’diversi argumenti, filwaqt li l-Kummissjoni tqis li din il-konklużjoni ma hija vvizzjata b’ebda żball ta’ liġi.

134.

Għalhekk, sabiex tiddeċiedi fuq it-tielet aggravju, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tispeċifika jekk il-Kummissjoni hijiex obbligata li tirreġistra, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 l-intervisti li minnhom ħarġet l-informazzjoni użata bħala indizji li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003.

135.

Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, inqis li għandha tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda.

136.

L-ilmenti mqajma mill-appellanti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindirizza, minn naħa, il-kwistjoni ta’ minn liema punt tal-investigazzjoni ta’ fajl mill-Kummissjoni, l-intervisti mwettqa minn din tal-aħħar għandhomx jiġu kkunsidrati li saru “għall-għan li [t]inġabar informazzjoni relata[ta] mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni” u, min-naħa l-oħra, fuq il-kwistjoni dwar jekk il-valur probatorju iktar baxx meħtieġ għall-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward tal-provi ta’ ksur jiġġustifikax li dawn ikunu suġġetti għal inqas formaliżmu, li ma jinkludix il-konformità mar-rekwiżiti formali stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 għall-intervisti mwettqa taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

137.

Ser nibda billi nanalizza t-tieni waħda minn dawn il-kwistjonijiet.

138.

F’dan ir-rigward, jien tal-fehma li la l-valur probatorju inqas baxx meħtieġ mill-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni u lanqas il-fatt li tali deċiżjoni tagħmel parti mill-fażi ta’ investigazzjoni preliminari li tippreċedi n-notifika ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ma għandhom, fil-fehma tiegħi, kuntrarjament għal dak li jingħad fil-punti 189 sa 192 tas-sentenza appellata, effett fuq ir-rekwiżiti rigward il-forma li għandha tikkonforma magħhom il-Kummissjoni, abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli, meta tiġbor provi biex jintużaw għall-finijiet tal-investigazzjonijiet tagħha.

139.

Naturalment, dak li għadu kemm intqal ma jfissirx li qiegħed jiġi affermat li l-forma ta’ element materjali ma għandhiex effett fuq il-valur probatorju tiegħu. Pereżempju, att notarili ġeneralment għandu valur probatorju ogħla minn skrittura privata. Madankollu, din ir-relazzjoni bejn il-forma u l-valur probatorju ma timplikax neċessarjament gradazzjoni fil-formaliżmu li għalih huma suġġetti ċerti kategoriji ta’ elementi probatorji skont il-valur probatorju meħtieġ għall-użu li għandu jsir minn dawn l-elementi.

140.

Fir-rigward b’mod partikolari tal-informazzjoni li l-Kummissjoni tislet mill-intervisti li hija twettaq ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-assenza ta’ kwalunkwe rabta bejn il-valur probatorju u l-osservanza tar-rekwiżiti formali stabbiliti mill-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 huwa dedott, fil-fehma tiegħi, mis-sentenza Intel.

141.

Fil-fatt, minn din is-sentenza, u b’mod partikolari mill-punt 87 tagħha, jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-ebda element mill-kliem tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jew mill-għan tiegħu ma jippermetti li wieħed jiddeduċi li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jintroduċi distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ intervisti taħt din id-dispożizzjoni jew li jeskludi wħud minn dawn l-intervisti mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni li jirriżulta minnha jkopri kwalunkwe intervista mwettqa mill-Kummissjoni sa fejn hija “marbuta mas-suġġett ta’ investigazzjoni”. L-eżistenza ta’ tali obbligu għalhekk ma tistax tiddependi la mill-valur probatorju li jista’ jiġi attribwit lid-dikjarazzjonijiet miġbura matul dawn l-intervisti, li barra minn hekk jista’ jiġi evalwat biss ladarba jkunu saru l-intervisti, u lanqas mill-użu li l-Kummissjoni tipproponi li tagħmel minn din l-informazzjoni matul id-diversi stadji tal-proċedura. F’dan ir-rigward, ir-riferiment li l-Kummissjoni tagħmel għax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1/2003 ma jidhirlix li jista’ jqiegħed f’dubju, waħdu, din il-konklużjoni ( 76 ).

142.

Nirrileva, barra minn hekk, li l-affermazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta bejn il-valur probatorju tal-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni u l-osservanza tar-rekwiżiti formali, li jinsabu fil-punti 189 sa 192 tas-sentenza appellata, hija kkontradetta, fir-rigward tal-indizji meħuda minn intervisti mwettqa mill-Kummissjoni, mill-qari li-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel, fil-punti 195, 200 sa 203 u 205 ta’ din is-sentenza, tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u s-sentenza Intel. Effettivament minn dawn il-punti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ladarba tkun infetħet investigazzjoni fis-sens speċifikat fil-punt 194 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni hija, bħala prinċipju, marbuta li tosserva l-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti li jirrigwardaw is-suġġett ta’ din l-investigazzjoni u li tali obbligu jeżisti ikun xi jkun il-valur probatorju tal-informazzjoni li l-Kummissjoni tista’ tikseb minn dawn l-intervisti u indipendentement mill-użu ta’ din l-informazzjoni, kemm jekk bħala indizji, fil-kuntest tal-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, inkluż għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni ( 77 ), jew inkella bħala provi fl-istadju tan-notifika ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet.

143.

B’mod iktar ġenerali, id-differenza bejn l-indizji u l-provi tinsab fil-fatt li tal-ewwel jippermettu biss li tiġi preżunta l-eżistenza tal-fatt li għandu jiġi stabbilit, filwaqt li tal-aħħar jipprovawh. Meta l-kostituzzjoni ta’ element probatorju tirrikjedi ċertu formaliżmu, ta’ spiss sabiex tiġi żgurata l-awtentiċità u l-kredibbiltà tiegħu, in-nuqqas ta’ konformità ma’ dan il-formaliżmu jimplika li dan l-element, ikun xi jkun il-valur tiegħu, ma tistax jaqdi l-funzjoni probatorja tiegħu.

144.

Fir-rigward tal-ewwel waħda mill-kwistjonijiet msemmija fil-punt 136 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din tinvolvi, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “intervista” intiża għall-“għan li [t]inġabar informazzjoni relata[ta] mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

145.

Infakkar li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-intervisti kkonċernati huma dawk intiżi sabiex “[t]inġabar informazzjoni relata[ta] mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni”, li minnha nnifisha għandha tkun infetħet u li s-suġġett tagħha għandu jkun ġie ddeterminat qabel ma jsiru dawn l-intervisti. Minn dan iddeduċiet li l-obbligu li jiġu rreġistrati l-imsemmija intervisti, previst fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, ma kienx meħtieġ “f’dak li għandu x’jaqsam ma’ intervisti li saru qabel il-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni […]” ( 78 ). Fil-punt 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li investigazzjoni tinfetaħ formalment biss meta l-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat ta’ investigazzjoni mogħtija lilha b’mod partikolari permezz tal-Artikoli 18, 19 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003, meta tadotta miżura li tinvolvi l-kritika li jkun twettaq ksur, b’mod partikolari deċiżjoni ta’ spezzjoni u, fil-punt 194 ta’ din is-sentenza, ippreċiżat li din id-definizzjoni tal-punt tal-bidu ta’ investigazzjoni kienet ħarġet minn ġurisprudenza stabbilita.

146.

Minn din il-ġurisprudenza – li toħroġ mis-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni ( 79 ) – jirriżulta li l-proċedura amministrattiva mmexxija mill-Kummissjoni tista’ tagħti lok għall-eżami ta’ żewġ perijodi suċċessivi, li kull wieħed minnhom għandu l-loġika interna tiegħu stess. L-ewwel perijodu, li jestendi sad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jibda mid-data li fiha l-Kummissjoni, billi tagħmel użu mis-setgħat li ngħatawlha mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tieħu miżuri li jinvolvu l-kritika li twettaq ksur u għandu jippermetti lil din tal-aħħar li tieħu pożizzjoni dwar l-orjentament tal-proċedura. It-tieni perijodu, imbagħad, jestendi mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-ksur ikkritikat.

147.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif jagħmlu l-appellanti, li l-prinċipji ddikjarati fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet ġew żviluppati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Fis-sentenza LMV, ispirata mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 80 ), il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tidentifika l-mument li fih l-attività tal-Kummissjoni ta’ investigazzjoni u ta’ sejbien ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tieħu forma konkreta f’att li jinvolvi, jekk mhux akkuża formali, tal-inqas kritika “li twassal għal riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-kumpanniji suspettati” ( 81 ).

148.

Issa, bħall-appellanti, ma ninsabx konvint li l-loġika li fuqha huwa bbażat l-iffissar tal-punt tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-perijodu raġonevoli tal-proċedura amministrattiva, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-mument li fih l-impriża kkonċernata ssir konxja mill-kritika li saret fil-konfront tagħha u li fih is-sitwazzjoni tagħha tiġi affettwata mill-miżuri adottati mill-Kummissjoni, hija rilevanti meta jiġi interpretat il-kliem tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003.

149.

F’dan ir-rigward, infakkar li dan l-artikolu qiegħed fil-Kapitolu V ta’ dan ir-regolament, intitolat “Poteri ta’ l-Investigazzjoni”. Meta tagħmel intervista fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għalhekk teżerċita “poteri ta’ l-investigazzjoni”, hekk kif teżerċita tali setgħa meta tibgħat talbiet għal informazzjoni taħt l-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament jew meta tadotta deċiżjoni ta’ spezzjoni fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ dan l-istess regolament. Madankollu, għalkemm huwa stabbilit li l-adozzjoni ta’ att taħt l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkawża l-ftuħ ta’ “investigazzjoni”, min-naħa l-oħra, skont l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 magħmula mill-Qorti Ġenerali u sostnuta mill-Kummissjoni, l-użu tas-setgħa stabbilita f’dan l-artikolu ma jimmarkax fih innifsu l-bidu ta’ tali investigazzjoni, iżda jeħtieġ, sabiex jiġi eżerċitat, li tkun diġà nfetħet investigazzjoni.

150.

Fil-fehma tiegħi, dan huwa element ta’ inkonsistenza li ma jistax jiġi rrimedjat permezz tar-rikonoxximent impliċitu, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-possibbiltà li t-twettiq ta’ intervista fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 jimmarka – bħal talba għal informazzjoni jew spezzjoni – il-ftuħ ta’ investigazzjoni fil-każ li tali intervista tkun tinvolvi l-kritika li jkun twettaq ksur minn waħda mill-impriżi intervistati jew minn impriża koperta mid-dikjarazzjonijiet magħmula lill-Kummissjoni ( 82 ). Fil-fatt, tali rikonoxximent, minn naħa, iqiegħed f’dubju l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li mill-kliem tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li investigazzjoni għandha tkun infetħet u l-għan tagħha għandu jkun ġie ddeterminat qabel ma jitmexxew l-intervisti taħt dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, hija konsistenti biss parzjalment mal-loġika li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 194 tas-sentenza appellata, peress li t-tqegħid f’dubju ta’ impriża terza waqt intervista ma jimplikax hija ssir taf b’eventwali kritiki mqajma fir-rigward tagħha.

151.

L-inkonsistenza rrilevata fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet hija iktar u iktar evidenti jekk wieħed iqis li, kif sostnew ġustament l-appellanti, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ investigazzjoni settorjali billi tagħmel użu mis-setgħa stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1/2003 mingħajr ma jkun hemm ilment ta’ twettiq ta’ ksur fil-konfront ta’ impriża partikolari ( 83 ).

152.

Fil-fehma tiegħi, il-kliem tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, u b’mod partikolari l-espressjoni “għall-għan li [t]inġabar informazzjoni relata[ta] mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni”, titlob interpretazzjoni differenti, li mhux neċessarjament teħtieġ li l-intervisti inkwistjoni jseħħu f’fażi partikolari tal-proċedura amministrattiva, u lanqas li jiġi ddeterminat minn liema att formali min-naħa tal-Kummissjoni din tal-aħħar hija marbuta li tosserva l-formaliżmu impost mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

153.

Fil-fatt, inqis li d-definizzjoni tal-portata ta’ dan l-obbligu u għalhekk id-determinazzjoni tal-każijiet li fihom ikun hemm eżerċizzju tas-setgħa stabbilita fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 jiddependu essenzjalment mis-suġġett u mill-kontenut tal-intervisti li jsiru mill-Kummissjoni.

154.

F’dan il-każ, mis-sentenza appellata u mill-proċess tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-intervisti inkwistjoni saru ma’ fornituri ta’ prodotti ta’ konsum ta’ kuljum ikkonċernati mill-preżunzjoni ta’ ksur stabbilita fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, li dawn il-fornituri regolarment ikkonkludew ftehimiet ma’ Intermarché u li, għall-finijiet tat-tħejjija għal dawn l-intervisti, il-Kummissjoni kienet bagħtet lill-fornituri intervistati kwestjonarju rigward, b’mod partikolari, l-imġiba tal-alleanzi ta’ distributuri waqt in-negozjati mal-fornituri, l-evoluzzjoni matul iż-żmien tas-setgħa ta’ negozjar tagħhom u l-effetti ta’ din is-setgħa fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq tad-distribuzzjoni. F’dan il-kwestjonarju, il-Kummissjoni staqsiet ukoll b’mod miftuħ jekk il-fornitur kienx jaf bi skambji ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn distributuri fi ħdan alleanza u, jekk iva, hija talbitu jispeċifika x’kienet din l-informazzjoni. Mis-sentenza appellata jirriżulta wkoll li l-intervisti inkwistjoni saru ftit żmien wara li kien sar ftehim fis‑16 ta’ Settembru 2016 fis-sede ta’ Intermarché fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-alleanzi, li għalih kienu ġew mistiedna jipparteċipaw il-fornituri tal-marka, u li damu sa lejliet l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi.

155.

Issa, meta tagħmel intervisti b’dan it-tip ta’ kontenut, li s-suġġett tagħhom huwa ddefinit minn qabel u li l-iskop tagħhom huwa espliċitament li tinkiseb informazzjoni dwar il-funzjonament ta’ suq speċifiku u dwar l-imġiba tal-atturi f’dan is-suq għall-finijiet tas-sejbien ta’ aġir ta’ ksur possibbli jew tal-konsolidazzjoni tas-suspetti tagħha dwar l-eżistenza ta’ tali aġir, il-Kummissjoni teżerċita, fil-fehma tiegħi, is-setgħa tagħha taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003, indipendentement mill-fażi tal-proċedura li fiha ssir l-intervista.

156.

F’tali ċirkustanzi, huwa biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li jkun infetaħ fajl fir-Reġistru tal-Kummissjoni sabiex jiġi kkunsidrat li tali intervisti jirrigwardaw il-“[ġbir ta’] informazzjoni relata[ta] mas-suġġett ta’ l-investigazzjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 84 ). Fi kliem ieħor, kif sostna l-Avukat Ġenerali Wahl fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni ( 85 ), “kull laqgħa ma’ terz li tkun speċifikament ippjanata għall-ġbir ta’ informazzjoni sostanzjali sabiex tintuża fl-analiżi ta’ każ għandha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003” ( 86 ).

157.

L-adozzjoni ta’ interpretazzjoni differenti twassal għar-riżultat, fil-fehma tiegħi inaċċettabbli, li intervisti bil-kontenut deskritt hawn fuq isiru barra mill-qafas legali kkostitwit mir-Regolament Nru 1/2003. Issa, meta l-Kummissjoni teżerċita de facto s-setgħat investigattivi tagħha, tali qafas legali neċessarjament japplika, anki meta investigazzjoni ma tkunx “infetħet formalment”, kuntrarjament għal dak li jidher li jirriżulta mill-punt 193 tas-sentenza ( 87 ).

158.

Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, bħal f’dan il-każ, l-informazzjoni miksuba permezz tat-twettiq ta’ tali intervisti tintuża bħala indizji serji li fuqhom tiġi bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni, jiġifieri miżura li tinvolvi ndħil fl-isfera ta’ attività privata ta’ impriża u restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħha stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB.

159.

Fl-aħħar nett, nippreċiża li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 li nipproponi li tiġi adottata ma timplikax, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li din tal-aħħar ma tkunx tista’ tibqa’ tiġbor u tuża indizji meta dawn ikunu jistgħu jeżistu biss f’forma orali.

160.

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li x-xenarju deskritt fil-punt 154 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa ferm ’il bogħod minn dak imsemmi mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha (rappreżentant tal-Kummissjoni li jisma’ żvelar waqt laqgħa, żjara informali f’bini jew f’post pubbliku). Min-naħa l-oħra, għandu jiġi speċifikat li l-Kummissjoni ma tagħmilx intervista taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u għalhekk ma għandha l-ebda obbligu li tirreġistra l-kummenti li hija tiskambja ma’ terzi meta dawn il-kummenti ma jkunux jirrigwardaw is-suġġett ta’ investigazzjoni partikolari ( 88 ).

161.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-indizji li joħorġu mill-intervisti mal-fornituri ma jistgħux jiġu esklużi bħala vvizzjati minn irregolarità formali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

162.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tikkonferma l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 adottata mill-Qorti Ġenerali u li tikkunsidra li l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ intervisti mwettqa taħt din id-dispożizzjoni japplika biss meta dawn isiru wara l-ftuħ ta’ investigazzjoni fis-sens ippreċiżat fil-punti 193 u 194 tas-sentenza appellata, inqis madankollu li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta b’dan l-obbligu f’dan il-każ.

163.

Fil-fatt, jiena tal-fehma li meta l-Kummissjoni tikkunsidra l-possibbiltà li tuża l-informazzjoni li toħroġ mill-iskambji tagħha ma’ terzi sabiex tadotta deċiżjoni ta’ spezzjoni – kif jirriżulta b’mod evidenti f’dan il-każ fid-dawl tas-suġġett, tal-kontenut u tal-kronoloġija tal-intervisti li hija għamlet mal-fornituri – hija, fi kwalunkwe każ, obbligata li tipproċedi bir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-iskambji skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004. Din hija, fil-fehma tiegħi, garanzija neċessarja meta wieħed iqis l-indħil li spezzjoni timplika fid-drittijiet fundamentali tal-impriża spezzjonata, b’mod partikolari bil-għan li l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jivverifikaw in-natura serja tal-indizji miżmuma mill-Kummissjoni u li jiġġustifikaw tali ndħil.

164.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tielet aggravju.

D.   Fuq ir‑raba’ aggravju

165.

Ir-raba’ aggravju huwa maqsum f’erba’ partijiet. L-ewwel tliet partijiet, ibbażati rispettivament fuq żnaturament tal-fatti, żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet, fl-ewwel lok, li investigazzjoni ma kinitx infetħet qabel l-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni ta’ spezzjoni (id-deċiżjoni Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017), fit-tieni lok, li l-minuti tal-intervisti jistgħu jintużaw bħala indizji mingħajr ma jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, u, fit-tielet lok, li l-osservanza tal-livell ta’ formalità stabbilit f’dawn id-dispożizzjonijiet tippreġudika s-sejbien ta’ prattiki antikompetittivi, essenzjalment jitħalltu mal-argumenti mqajma mill-appellanti fit-tielet aggravju tagħhom. Għalhekk nirreferi għall-kunsiderazzjonijiet li jiena esponejt fil-kuntest tal-eżami ta’ dak l-aggravju.

166.

Għaldaqstant għadha trid jiġi analizzata r-raba’ parti tar-raba’ aggravju.

Fuq ir‑raba’ parti tar‑raba’ aggravju

167.

Bir-raba’ parti tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 219 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, indizji suffiċjentement serji, mingħajr ma kien meħtieġ li jiġu ddeterminati b’mod preċiż id-dati tal-ħolqien u tal-finalizzazzjoni tal-minuti tal-intervisti.

168.

Minn naħa, huma jsostnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni għandhom jidhru fil-fajl tal-Kummissjoni qabel id-data ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, b’mod partikolari sabiex jippermettu lid-diversi partijiet involuti fil-proċess tat-tħejjija tagħha biex jivverifikaw in-natura suffiċjentement serja ta’ dawn l-indizji u d-delimitazzjoni korretta tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjoni. Għalhekk, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, li “d-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-pussess ta’ indizji fid-data tad-deċiżjonijiet [kontenzjużi] [kienet] dik tal-intervisti mal-fornituri li kienu s-suġġett tal-minuti”.

169.

Min-naħa l-oħra, l-appellanti jsostnu li, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ttrasferiet għal fuqhom l-oneru li jipprovaw li l-Kummissjoni kienet abbozzat il-minuti kollha wara d-data tal-adozzjoni tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża (id-deċiżjoni Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017).

170.

Il-Kummissjoni ssostni li d-data rilevanti għall-evalwazzjoni tal-pussess mill-Kummissjoni ta’ indizji fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet orali tikkorrispondi mad-data ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet u mhux mad-data li fiha hija fformalizzat l-imsemmija dikjarazzjonijiet bil-miktub. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni ( 89 ), adottata fil-kuntest tal-proċeduri ta’ klemenza u msemmija fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li minnha jirriżulta li l-pussess mill-Kummissjoni ta’ element materjali huwa ekwivalenti għal għarfien tal-kontenut tiegħu. Issa, f’dan il-każ, l-intervisti mal-fornituri kollha saru qabel id-data tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża (id-deċiżjoni Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017). Barra minn hekk, peress li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Kummissjoni diġà kellha l-indizji li ħarġu mil-laqgħat jew konferenzi telefoniċi suċċessivi mat-tlettax-il fornitur, is-sentenza appellata ma tatx lill-Kummissjoni setgħa ta’ regolarizzazzjoni a posteriori.

171.

Preliminarjament ninnota li mill-punti 207 u 210 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-motivi ta’ din is-sentenza kkontestati mill-appellanti fir-raba’ parti tar-raba’ aggravju tagħhom huma bbażati fuq il-premessa li l-Kummissjoni ma kellhiex, f’dan il-każ, obbligu ta’ reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 u, għalhekk, li ma kellhiex tipprova d-data li fiha l-minuti tal-intervisti kienu ġew stabbiliti, peress li n-natura preċedenti tal-indizji li rriżultaw minn dawn l-intervisti għandha tiġi evalwata fir-rigward tad-data li fiha saru d-dikjarazzjonijiet, jiġifieri d-data li fiha saru l-intervisti. Il-Qorti Ġenerali fil-fatt qieset li, fl-assenza ta’ tali obbligu ta’ reġistrazzjoni, l-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni li jirriżultaw minn intervisti mwettqa mill-Kummissjoni ma’ terzi setgħu jieħdu biss forma orali u li, f’dan il-każ, l-intervisti mal-fornituri kienu jimplikaw l-għarfien tal-informazzjoni kkomunikata matul dawn l-intervisti u l-pussess tal-informazzjoni inkwistjoni fid-data tal-imsemmija intervisti.

172.

Minn dan isegwi li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li tilqa’, kif nipproponi li hija tagħmel, it-tielet motiv tar-rikors – indipendentement mill-konsegwenzi ta’ deċiżjoni bħal din fir-rigward tal-annullament jew taż-żamma tas-sentenza appellata, li ser jiġu diskussi iktar ’il quddiem – il-punti tal-motivi tas-sentenza appellata li għalihom tirreferi l-parti li qiegħda tiġi eżaminata jiġu wkoll, neċessarjament, invalidati. Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin għalhekk qegħdin isiru fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta tiegħi.

173.

Dejjem b’mod preliminari, jidhirli li jista’ jiġu espressi ċerti riżervi dwar l-effettività ta’ din il-parti, sa fejn hija diretta biss kontra wieħed miż-żewġ motivi li fuqhom hija bbażata ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ natura preċedenti tal-indizji li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet kontenzjużi minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi d-data tal-minuti tal-intervisti.

174.

Fil-fatt, sabiex tiċħad dan l-argument, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, b’mod prinċipali, ikkunsidrat, kif semmejt fil-punt 171 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li d-data rilevanti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kellhiex indizji mill-intervisti mal-fornituri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi kienet id-data li fiha saru dawn l-intervisti. Min-naħa l-oħra, għal finijet ta’ kompletezza, hija kkunsidrat, fil-punt 215 tas-sentenza appellata, li, anki fil-każ li kienet id-data li fiha l-minuti tal-imsemmija intervisti kienu ġew stabbiliti li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni u għalkemm il-Kummissjoni ma pprovdietx prova ta’ din id-data, seta’ raġonevolment jiġi kkunsidrat, abbażi tal-provi prodotti minn din l-istituzzjoni u fid-dawl tal-fatt li din tal-aħħar kienet sostniet li abbozzat dawn il-minuti bil-ħsieb li tissodisfa dak li qieset bħala obbligu ta’ reġistrazzjoni fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, li l-imsemmija minuti kienu ġew abbozzati hekk kif l-iskambji seħħew, jiġifieri mill-bidu ta’ dawn l-iskambji, li l-biċċa l-kbira tagħhom għandha bħala data l-aħħar tas-sena 2016 ( 90 ).

175.

Issa, filwaqt li huwa minnu li l-appellanti ressqu wkoll ilment kontra dan il-punt 215 tas-sentenza appellata, dan l-ilment jirrigwarda biss allegata inverżjoni tal-oneru tal-prova, li bl-ebda mod ma jirriżulta mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li, min-naħa l-oħra, qieset il-provi prodotti mill-Kummissjoni bħala suffiċjenti biex turi li l-biċċa l-kbira tal-minuti tal-intervisti kienu ġew stabbiliti qabel id-data tal-ewwel deċiżjoni kontenzjuża (id-deċiżjoni Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017). Min-naħa l-oħra, l-appellanti ma kkontestawx il-livell ta’ prova applikat mill-Qorti Ġenerali, u lanqas ma invokaw żnaturament tal-provi min-naħa ta’ din tal-aħħar, l-uniku ilment li kien jippermettilhom jinvokaw żball fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi.

176.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li teżamina l-parti analizzata fuq il-mertu, jiena nqis li hija fondata.

177.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni għandhom bħala għan il-ġbir tad-dokumentazzjoni meħtieġa biex jiġu vverifikati r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni fattwali u legali speċifika li dwarha hija diġà għandha informazzjoni ( 91 ). Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni għandu jkollha, qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, provi u indizji materjali serji li jwassluha biex tissuspetta l-ksur li l-impriża li hija s-suġġett tal-ispezzjoni tagħha hija suspettata bih ( 92 ). Il-pussess ta’ tali provi u indizji għandu, barra minn hekk, jidher fid-dettall fid-deċiżjoni li tordna spezzjoni ( 93 ).

178.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, sabiex jintwera li l-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni kienu jeżistu qabel id-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha mhux biss tipprova li, f’dik id-data, hija kienet materjalment fil-pussess tas-sors tal-informazzjoni li fuqha bbażat ruħha biex tiġġustifika l-ispezzjoni, iżda wkoll li setgħet tevalwa b’mod konkret, minn naħa, jekk u sa liema punt din l-informazzjoni kienet tippermetti li jsiru preżunzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ ksur u li jiġu ddefiniti l-elementi essenzjali tiegħu sabiex jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ispezzjoni u l-elementi mfittxija waqt il-kontrolli, u, min-naħa l-oħra, jekk dawn l-indizji kinux ta’ natura serja.

179.

Fi kliem ieħor, in-natura preċedenti tal-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward tad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma timplikax biss il-“pussess” ta’ informazzjoni mill-Kummissjoni. Huwa għalhekk li l-preżunzjoni li tirriżulta mill-ġurisprudenza dwar id-deċiżjonijiet ta’ klemenza msemmija fil-punt 209 tas-sentenza appellata, jiġifieri li s-sempliċi pussess tal-informazzjoni mill-Kummissjoni huwa ekwivalenti għall-għarfien tagħha, ma hijiex, fil-fehma tiegħi, applikabbli għad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta f’dan il-qasam.

180.

Barra minn hekk, sabiex tippermetti stħarriġ ġudizzjarju fuq in-natura mhux arbitrarja tal-indħil fl-isfera ta’ attività privata tal-impriża kkonċernata li tinvolvi spezzjoni, il-Kummissjoni għandha tipprova li d-deċiżjoni li tordna l-ispezzjoni hija bbażata fuq indizji suffiċjentement serji li hija setgħet tevalwa konkretament u li l-ambitu tal-kontrolli ddefinit minn din id-deċiżjoni huwa limitat għall-ksur li l-Kummissjoni tista’ tissuspetta fuq il-bażi ta’ dawn l-indizji.

181.

Issa, fil-fehma tiegħi tali prova ma tistax tiġi prodotta, fil-każ ta’ informazzjoni miksuba minn dikjarazzjonijiet orali ta’ terzi li ma ġietx irreġistrata taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, sakemm ma jiġux prodotti traskrizzjoni jew minuti ddettaljati tal-kontenut tagħhom. Jien għalhekk inklinat li nikkunsidra li d-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata n-natura preċedenti tal-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward tad-data ta’ din id-deċiżjoni hija, fir-rigward ta’ indizji li jirriżultaw minn tali dikjarazzjonijiet, dik meta jiġu stabbiliti traskrizzjoni jew minuti tal-iskambji bejn il-Kummissjoni u l-persuna(i) kkonċernata(i), li matulhom nġabru dawn id-dikjarazzjonijiet.

182.

Inżid ngħid li r-rekwiżit li jiġu adottati malajr deċiżjonijiet ta’ spezzjoni wara l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar ksur potenzjali sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ żvelar u ta’ ħabi ta’ provi, enfasizzat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 210 tas-sentenza appellata ma jistax, fil-fehma tiegħi, iwassal għall-istabbiliment ta’ regola ġenerali, applikabbli fil-każijiet kollha, fis-sens li dak li huwa rilevanti sabiex tiġi stabbilita n-natura preċedenti tal-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni huwa biss id-data li fiha d-dikjarazzjonijiet orali jiġu rċevuti mill-Kummissjoni u li minnhom joħorġu dawn l-indizji. Fil-fatt, għalkemm jien ovvjament nifhem tali rekwiżit, ma nemminx li jista’ jiġġustifika l-assenza ta’ kwalunkwe traċċa bil-miktub tal-intervisti li jsiru ma’ terzi mill-Kummissjoni, fin-nuqqas ta’ miżuri għar-reġistrazzjoni formali ta’ dawn l-intervisti, b’mod partikolari f’każijiet bħal dak preżenti, fejn l-intervisti inkwistjoni saru matul diversi ġimgħat, jew saħansitra matul diversi xhur, u b’hekk il-Kummissjoni kellha ż-żmien biex tħejji l-minuti hija u tiġbor id-dikjarazzjonijiet tal-fornituri.

183.

Min-naħa l-oħra, għalkemm jiena tal-fehma li tal-inqas minuti tal-intervisti li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni biex tiġġustifika deċiżjoni ta’ spezzjoni għandhom, sa fejn hu possibbli, jitqiegħdu fil-fajl qabel id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ( 94 ), inqis li rekwiżiti ta’ ħeffa jistgħu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni titbiegħed minn din ir-regola f’każ konkret.

184.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkunsidra li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq il-mertu tar-raba’ parti tar-raba’ aggravju, din għandha tiġi kkunsidrata fondata.

E.   Fuq il-ħames aggravju

185.

Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-assenza ta’ stħarriġ tal-valur probatorju tal-indizji u fuq żball fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ “indizju”, l-appellanti jikkontestaw il-punti 220 sa 232, 253 u 254 tas-sentenza appellata.

186.

Huma jikkritikaw, fl-ewwel lok, lill-Qorti Ġenerali talli ma wettqitx, kif kienu talbu u kif jeħtieġu l-Artikoli 6 u 8 tal-KEDB, stħarriġ in concreto tal-punt sa fejn il-bosta irregolaritajiet li huma kienu rrapportaw u li allegatament jivvizzjaw l-provi prodotti mill-Kummissjoni jaffettwaw il-kredibbiltà u għalhekk il-valur probatorju ta’ dawn l-elementi.

187.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 224 sa 232 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet tali stħarriġ billi evalwat suċċessivament il-kredibbiltà u l-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri riprodotti fil-minuti tal-intervisti (punt 225), ta’ posta elettronika tat‑22 ta’ Novembru 2016 mingħand id-direttur ġenerali ta’ assoċjazzjoni ta’ fornituri, li tesponi l-movimenti u r-relazzjonijiet bejn id-ditti tal-bejgħ bl-imnut, partikolarment fi ħdan assoċjazzjonijiet ta’ distributuri ewlenin (iktar ’il quddiem l-“ittra tad-direttur tal-assoċjazzjoni N”, punt 226) u tal-minuti tal-laqgħat stabbiliti mill-Kummissjoni (punt 229). Fl-istess punti tal-motivi tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk eżaminat u ċaħdet l-argumenti kollha mressqa mill-appellanti intiżi sabiex iqiegħdu f’dubju l-kredibbiltà jew il-valur probatorju ta’ dawn id-diversi elementi kif ukoll il-klassifikazzjoni tagħhom bħala “indizji”.

188.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-ewwel ilment fil-ħames aggravju ma jistax, fil-fehma tiegħi, jintlaqa’.

189.

Fit-tieni lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 253 u 254 tas-sentenza appellata, ikklassifikat bħala “indizji materjali serji” dikjarazzjonijiet “vagi u spekulattivi” li minnhom allegatament siltet biss l-eżistenza ta’ paralleliżmu u l-fatt li “l-ebda fornitur ma indika li jqis bħala ftit probabbli” l-eżistenza ta’ skambju ta’ informazzjoni. Issa, l-assenza ta’ dikjarazzjonijiet li jiċħdu l-probabbiltà ta’ akkordju ma tistax tikkostitwixxi indizju materjali serju tal-eżistenza ta’ tali akkordju.

190.

Bħall-Kummissjoni, nikkunsidra li, permezz ta’ dawn l-argumenti – li, barra minn hekk, sempliċement jikkontestaw siltiet iżolati tas-sentenza appellata msemmija barra mill-kuntest tagħhom – l-appellanti fil-verità qegħdin ifittxu li jqiegħdu f’dubju l-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali tal-provi prodotti quddiemha, mingħajr ma jistabbilixxu, u lanqas isostnu, żnaturament ta’ dawn il-provi.

191.

Dan it-tieni lment fil-ħames aggravju għandu għalhekk, fil-fehma tiegħi, jiġi ddikjarat inammissibbli. Fir-replika tagħhom, l-appellanti jsostnu li, permezz ta’ dan l-ilment, huma jipprovaw jikkontestaw il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti adottata mill-Qorti Ġenerali u mhux l-evalwazzjoni tagħhom.

192.

F’dan ir-rigward, nillimita ruħi li ninnota li, fil-punti 253 u 254 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żviluppat raġunament alternattiv, kif juri l-użu tal-espressjoni “[b]arra minn hekk” fil-bidu tal-punt 252 ta’ din is-sentenza.

193.

Fil-fatt, fil-punti 248 sa 251 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, wara li analizzat l-informazzjoni li toħroġ mill-intervisti mal-fornituri, kif irrapportati fil-minuti stabbiliti mill-Kummissjoni, ikkonkludiet li din l-informazzjoni kienet tikkostitwixxi indizji suffiċjentment serji tal-eżistenza ta’ paralleliżmu ta’ aġir bejn żewġ alleanzi internazzjonali ta’ distributuri, jiġifieri ICDC u AgeCore (li Intermarché kienet membru tagħhom), ikkaratterizzat mill-konkomitanza u l-konverġenza tat-talbiet tagħhom lill-fornituri għal skontijiet.

194.

Fil-punt 252 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni “mhux sempliċement ikkomunikat indizji dwar dan l-ewwel element kostituttiv ta’ prattika miftiehma li huwa l-paralleliżmu tal-aġir fis-suq, li jista’, barra minn hekk, f’ċerti kundizzjonijiet, jippermetti li tiġi preżunta l-preżenza tat-tieni element li jikkostitwixxi prattika miftiehma li huwa l-ftehim” iżda kienet ipproduċiet ukoll “indizji dwar l-eżistenza ta’ tali ftehim, li f’dan il-każ jikkonsistu fi skambji ta’ informazzjoni, li jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati, meħuda flimkien, li huma suffiċjentement serji”. Issa, il-punti 253 u 254 tas-sentenza appellata, li l-appellanti jikkritikaw, jirrigwardaw preċiżament, ad abundantiam, l-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement serja ta’ tali indizji.

195.

Barra minn hekk, fil-punti 256 sa 258 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li d-dikjarazzjonijiet tal-fornituri dwar l-iskambji bejn distributuri fuq l-iskontijiet kienu kkorroborati minn “informazzjoni li ssemmi l-kanali li permezz tagħhom dawn l-iskambji jistgħu jgħaddu”, li toħroġ mid-dikjarazzjonijiet ta’ diversi fornituri u l-ittra tad-direttur tal-assoċjazzjoni N.

196.

Minn dan isegwi li, jekk jingħad li, permezz tat-tieni lment tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali bi żball ta’ klassifikazzjoni legali, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat ineffettiv.

197.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, inqis li l-ħames aggravju huwa parzjalment infondat u parzjalment inammissibbli jew ineffettiv.

F.   Fuq il‑konsegwenzi tal‑iżball imwettaq mill‑Qorti Ġenerali

198.

Mill-analiżi tat-tielet aggravju jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-indizji li joħorġu mill-intervisti mal-fornituri ma kellhomx jiġu esklużi bħala vvizzjati minn irregolarità formali minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

199.

Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn tali żball, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ir-raġunijiet ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda d-dispożittiv ta’ din tal-aħħar jidher iġġustifikat għal raġunijiet oħra ta’ dritt, tali ksur ma huwiex tali li jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u hemm lok li wieħed jipproċedi għal sostituzzjoni tar-raġunijiet ( 95 ).

200.

Issa, nirrileva li, kif jirriżulta mill-punt 206 tas-sentenza appellata, peress li hija kienet ċaħdet l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-intervisti mal-fornituri, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tiddeċiedi fuq l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-minuti ta’ dawn l-intervisti kienu jikkostitwixxu reġistrazzjonijiet konformi mal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004.

201.

Għalhekk hemm lok li tiġi eżaminata din l-allegazzjoni. Fil-fatt, jekk tirriżulta li hija fondata, il-parti kkontestata tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tista’ tinżamm fuq il-bażi ta’ raġunijiet differenti minn dawk ivvizzjati bi żbalji ( 96 ).

202.

Il-Kummissjoni sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li kienet wettqet l-obbligu tagħha li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet tat-tlettax-il fornitur intervistat billi stabbilixxiet u qiegħdet fil-fajl minuti twal u ddettaljati li jirriflettu fedelment il-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Hija tgħid li minuti ddettaljati u mqiegħda fil-fajl jikkostitwixxu waħda mill-“forom” ta’ reġistrazzjoni, u l-għażla ta’ tali forma, skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, titħalla lill-Kummissjoni, bl-istess mod bħal reġistrazzjoni awdjo jew awdjoviżiva jew traskrizzjoni mill-ġdid verbatim. Hija sostniet ukoll li, anki jekk jingħad li hija ma wettqitx l-obbligu tagħha ta’ reġistrazzjoni, id-dikjarazzjonijiet tat-tlettax-il fornitur intervistat jikkostitwixxu, fi kwalunkwe każ, indizji.

203.

F’dan ir-rigward, jiena tal-fehma li, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li minuti ddettaljati stabbiliti mill-Kummissjoni wara intervista mwettqa taħt l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u mqiegħda fil-fajl jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti formali tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, dan ma jistax, fi kwalunkwe każ, ikun il-każ meta l-persuna li tkun għamlet id-dikjarazzjonijiet ma tkunx irċeviet kopja ta’ dawn il-minuti u għalhekk ma tkunx ingħatat il-possibbiltà li tivvalida l-kontenut tagħhom jew li tikkorreġi, jekk meħtieġ, id-dikjarazzjonijiet tagħha. Interpretazzjoni differenti tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, li jipprovdi li “[k]opja ta’ reġistrazzjoni/rekord għandha tintgħamel disponibbli lill-persuna intervistata għal approvazzjoni” u li, jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi “skeda ta’ żmien li fiha l-persuna intervistata tista’ tikkomunikalha kull korrezzjoni li għandha ssir lid-dikjarazzjoni”.

204.

Fil-fehma tiegħi, ma tistax tiġi dedotta indirettament interpretazzjoni differenti mill-punt 92 tas-sentenza Intel, li fih il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk il-komunikazzjoni lill-impriża akkużata ta’ nota interna tal-Kummissjoni li tiġbor fil-qosor il-kontenut tas-suġġetti diskussi matul l-intervista kontenzjuża tistax titqies li kkumpensat għall-assenza ta’ reġistrazzjoni formali ta’ tali skambji. Fil-fatt, f’dan il-punt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk din in-nota setgħetx tikkostitwixxi reġistrazzjoni formali skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 773/2004, iżda biss jekk l-imsemmija nota setgħetx tirrimedja l-ksur tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien ta’ dan l-artikolu u tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003. Min-naħa l-oħra, hija sempliċement osservat li n-nota inkwistjoni ma kien fiha ebda indikazzjoni dwar il-kontenut tad-diskussjonijiet li kienu saru matul din l-intervista u dwar in-natura tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna intervistata u għalhekk ma setgħetx, indipendentement minn kull fattur ieħor, tipprovdi lill-impriża inkwistjoni l-elementi meħtieġa għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Barra minn hekk, mill-punti 95 u 96 tas-sentenza Intel jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx ibbażat ruħha fuq in-nota inkwistjoni sabiex tipprova l-ksur u li kienet tqum biss il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet li saru matul l-intervista kontenzjuża kinux jinkludu elementi li jiskaġunaw.

205.

Fl-aħħar nett, inqis, f’konformità ma’ dak li diġà indikajt fil-punt 143 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-ksur tad-dispożizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni jimplika n-nuqqas tal-possibbiltà ta’ użu tal-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni waqt intervisti mhux irreġistrati kif dovut għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni.

G.   Konklużjonijiet fuq l‑appell

206.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell u tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

V. Fuq ir‑rikors

207.

Għar-raġunijiet esposti b’mod partikolari fil-punti 144 sa 163 u 202 sa 205 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-ilment imqajjem mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ reġistrazzjoni previst mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004 huwa fondat u li l-indizji li joħorġu minn intervisti mal-fornituri għandhom, għal din ir-raġuni, jiġu miċħuda bħala vvizzjati b’irregolarità formali.

208.

Issa, mill-fajl jirriżulta li l-informazzjoni li toħroġ minn dawn l-intervisti kienet tikkostitwixxi l-biċċa l-kbira tal-indizji li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet kontenzjużi, u l-ittra tad-direttur tal-assoċjazzjoni N – li l-valur probatorju tagħha huwa barra minn hekk limitat mill-fatt li fiha biss kummenti rrapportati li ma jirriflettux għarfien personali u dirett tar-relazzjonijiet kummerċjali kkonċernati – kif ukoll l-annessi tagħha sempliċement jissupplimentaw din l-informazzjoni.

209.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tiegħi, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kellhiex, fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, indizji suffiċjentement serji li jiġġustifikaw il-preżunzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(a) tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu annullati fl-intier tagħhom.

VI. Konklużjoni

210.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1057 final tad‑9 ta’ Frar 2017 li tordna lil Intermarché u lill-kumpanniji kollha direttament jew indirettament ikkontrollati minnha jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (Każ AT.40466 – Tute‑1), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1361 final tal‑21 ta’ Frar 2017 li tordna lill-Mousquetaires kif ukoll lill-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnhom biex jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(1) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 (Każ AT.40466 – Tute‑1);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tiddikjara li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Din hija d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1361 final (Każ AT.40466 – Tute‑1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Tute‑1 tal‑21 ta’ Frar 2017”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1360 final (Każ AT.40467 – Tute‑2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Tute 2 tal‑21 ta’ Frar 2017”).

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 4 ) Din hija d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1057 final (Każ AT.40466 – Tute‑1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017”) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1061 final (Każ AT.40467 – Tute‑2, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni Tute‑2 tad‑9 ta’ Frar 2017”).

( 5 ) Bejn id-deċiżjonijiet Tute‑1 tad‑9 ta’ Frar 2017 u l‑21 ta’ Frar 2017, minn naħa, u d-deċiżjonijiet tat-Tute‑2 tad‑9 ta’ Frar 2017 u tal‑21 ta’ Frar 2017, min-naħa l-oħra, ġiet emendata biss id-deżinjazzjoni tad-destinatarju prinċipali tal-ispezzjoni, LM f’każ wieħed u ITM fl-ieħor.

( 6 ) L-ewwel punt tad-dispożittiv.

( 7 ) It-tieni punt tad-dispożittiv.

( 8 ) Ara l-punt 74 tas-sentenza appellata.

( 9 ) Ara l-punt 87 tas-sentenza appellata.

( 10 ) T‑125/03 u T‑253/03, EU:T:2007:287, punti 46, 4849 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 11 ) ECLI:CE:ECHR:2014:1002JUD000009711.

( 12 ) Ara, fir-rigward tal-fatt li n-nuqqas ta’ motivazzjoni jista’ jitqajjem ex officio, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Quimitecnica.com u de Mello vs Il‑Kummissjoni (C‑415/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:58, punt 57).

( 13 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni (C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.

( 15 ) Ara l-Qorti EDB, 5 ta’ April 2018, Zubac vs Il‑Kroazja, CE:ECHR:2018:0405JUD004016012, punti 76 sa 79.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 4 ta’ Diċembru 1995, Bellet vs Franza (CE:ECHR:1995:1204JUD002380594, punt 38), u tal‑20 ta’ Ottubru 2020, Camelia Bogdan vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2020:1020JUD003688918, punti 75 sa 77).

( 17 ) Il-Qorti EDB, 26 ta’ Ottubru 2011, Georgel u Georgeta Stoicescu vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2011:0726JUD000971803, punti 72 sa 76).

( 18 ) Fis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑14 ta’ Jannar 2020, X et vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2020:0114JUD007804216, punt 50).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 30 ta’ Ottubru 1991 Vilvarajah et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1991:1030JUD001316387, punt 122); 15 ta’ Novembru 1996, Chahal vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1996:1115JUD002241493, punt 145); 27 ta’ Settembru 1999, Smith u Grady vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1999:0927JUD003398596, punt 135), u 25 ta’ Ġunju 2019, Nicolae Virgiliu Tănase vs Ir‑Rumanija (CE:ECHR:2019:0625JUD004172013, punt 217).

( 20 ) Ara, f’dan is-sens il-Qorti EDB, 20 ta’ Novembru 2008, société IFB vs Franza (CE:ECHR:2008:1120JUD000205804, punt 22); 21 ta’ Frar 2008, Ravon et vs Franza (CE:ECHR:2008:0221JUD001849703, punt 27), u 21 ta’ Diċembru 2010, Primagaz vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002961308, punt 23).

( 21 ) Il-Qorti EDB, 21 ta’ Diċembru 2010, Primagaz vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002961308, punt 23).

( 22 ) Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 21 ta’ Diċembru 2010, Canal Plus et vs Franza (CE:ECHR:2010:1221JUD002940808, iktar ’il quddiem is-“sentenza Canal Plus”), u s-sentenza Delta Pekarny, punt 103. Fir-rigward ta’ tfittxijiet fid-djar f’oqsma oħra għajr id-dritt tal-kompetizzjoni, il-Qorti EDB madankollu eżaminat il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ rimedju effettiv ukoll mill-aspett tal-Artikolu 13 tal-KEDB, ara, pereżempju, is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑19 ta’ Jannar 2017, Posevini vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2017:0119JUD006363814, punt 84, iktar ’il quddiem is-“sentenza Posevini”), fejn il-Qorti EDB eżaminat flimkien l-ilment ta’ ksur tal-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB u qieset li ma kienx meħtieġ li tiġi eżaminata t-talba fuq it-tielet bażi invokata, jiġifieri l-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

( 23 ) Il-Qorti EDB, 20 ta’ Marzu 2008, Boudaïeva et vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2008:0320JUD001533902, punt 190).

( 24 ) Ara l-Qorti EDB, 24 ta’ Ottubru 1983, Silver et vs Ir‑Renju Unit, (CE:ECHR:1983:1024JUD000594772, punt 113), mogħtija fil-kuntest ta’ applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 8 u 13 tal-KEDB; 26 ta’ Marzu 1987, Leander vs L‑Isvezja (CE:ECHR:1987:0326JUD000924881, punti 77 u 84); 15 ta’ Novembru 1996, Chahal vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1996:1115JUD002241493, punt 145); 26 ta’ Ottubru 2000, Kudła vs Il‑Polonja, (CE:ECHR:2000:1026JUD003021096, punt 157); 13 ta’ Diċembru 2012, De Souza Ribeiro vs Franza (CE:ECHR:2012:1213JUD002268907, punti 79 u 80), kif ukoll 10 ta’ Lulju 2020, Mugemangango vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2020:0710JUD000031015, punt 131).

( 25 ) CE:ECHR:2008:0221JUD001849703.

( 26 ) Ara s-sentenza Ravon, punti 28 sa 35, kif ukoll il-Qorti EDB, 18 ta’ Settembru 2008, Kandler et vs Franza (CE:ECHR:2008:0918JUD001865905 punt 26); 20 ta’ Novembru 2008, société IFB vs Franza (CE:ECHR:2008:1120JUD000205804, punt 26), u 16 ta’ Ottubru 2008, Maschino vs Franza (CE:ECHR:2008:1016JUD001044703, punt 22)..

( 27 ) Ara s-sentenza Ravon, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata (korsiv miżjud minni).

( 28 ) Ara, pereżempju, fil-kuntest tal-analiżi tal-Artikolu 8 tal-KEDB, is-sentenzi Delta Pekarny punti 89 sa 91, u Canal Plus, punti 37 sa 43. Ara, għall-istess approċċ, anki jekk f’kuntest differenti (tfittxijiet fid-dar privata u professjonali ta’ persuna fiżika), is-sentenza Posevini, punti 84 sa 86.

( 29 ) Ara s-sentenza Canal Plus, punt 42.

( 30 ) Ara s-sentenza Canal Plus, punt 34.

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ravon, punt 29

( 32 ) Ara, dwar l-Artikolu 13 tal-KEDB, il-Qorti EDB, 16 ta’ Frar 2000, Amann vs L‑Isvizzera, (CE:ECHR:2000:0216JUD002779895, punt 88), u 28 ta’ Jannar 2003, Peck vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2003:0128JUD004464798, punt 102).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza Delta Pekarny, punt 89 u Posevini, punt 84.

( 34 ) Ara s-sentenza Ravon, punti 30 sa 33, Delta Perkarny, punti 89 sa 91 u Canal Plus punti 38 sa 43.

( 35 ) Ara s-sentenza Canal Plus, punt 40.

( 36 ) Ara l-Qorti EDB, 14 ta’ Marzu 2013, Bernh Larsen Holding As et vs In‑Norveġja, (CE:ECHR:2013:0314JUD002411708, punt 104). Ara wkoll is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Bahn tal-Qorti tal-Ġustizzja,C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 20).

( 37 ) Ara l-Qorti EDB, 10 ta’ April 2007, Panarisi vs L‑Italja (CE:ECHR:2007:0410JUD004679499, punti 76 u 77); 2 ta’ Diċembru 2010, Uzun vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2010:0902JUD003562305, punti 71 u 72), kif ukoll tat‑30 ta’ Mejju 2017, Trabajo Rueda vs Spanja (CE:ECHR:2017:0530JUD003260012 punt 37).

( 38 ) Infakkar li, fis-sentenza Ravon, il-Qorti EDB analizzat l-ilment imqajjem mill-appellanti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza biss fir-rigward tal-Artikolu 6(1) KEDB biss.

( 39 ) Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-imsemmi lment jista’ jwassal biss b’mod eċċezzjonali għall-annullament tad-deċiżjoni finali, nirreferi għall-kummenti tiegħi fil-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Ara b’mod partikolari l-Qorti EDB, 8 ta’ Ġunju 2006, Sürmeli vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2006:0608JUD007552901, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Ara l-Qorti EDB, 10 ta’ Settembru 2010, Mac Farlane vs L‑Irlanda (CE:ECHR:2010:0910JUD003133306, punti 115 sa 122).

( 42 ) Ara, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba abbażi tal-Artikolu 35(1) tal-KEDB, il-Qorti EDB 4 ta’ Lulju 2002, Slaviček vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2002:0704DEC002086202) u 5 ta’ Settembru 2002, Nogolica vs Il‑Kroazja (CE:ECHR:2002:0905DEC007778401).

( 43 ) Ara l-Qorti EDB, 1 ta’ Marzu 2005, Charzyński vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2005:0301DEC001521203, punt 41). Ara, ukoll, il-Qorti EDB, Gwida dwar l-Artikolu 13 tal-KEDB, disponibbli fl-indirizz tal-Internet li ġej https://www.echr.coe.int/Documents/Guide_Art_13_ENG.pdf.

( 44 ) Ara s-sentenza Akzo, punti 45 sa 53 u 56.

( 45 ) Dwar l-esklużjoni mill-kamp ta’ investigazzjoni miftuħ għall-Kummissjoni ta’ dokumenti li ma humiex ta’ natura professjonali, jiġifieri dawk li ma jirrigwardawx l-attività tal-impriża fis-suq, ara s-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 16, u tat‑22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza Roquette Frères”, EU:C:2002:603, punt 45).

( 46 ) Ara f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert vs Il‑Kummissjoni (C‑73/10 P, EU:C:2010:684, punt 53); ara wkoll il-Qorti EDB, 28 ta’ Ottubru 1998, Pérez de Rada Cavanilles vs Spanja (CE:ECHR:1998:1028JUD002809095, punt 44).

( 47 ) Sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Izba Gospodarcza Producentów i Operatorów Urządzeń Rozrywkowych vs Il‑Kummissjoni (C‑560/18 P, EU:C:2020:330, punt 62).

( 48 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Akzo, punti 80 u 82, kif ukoll is-sentenza AM & S. Dan huwa dak li, fil-punti 44 u 45 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkritikat fil-konfront tal-appellanti talli ma għamlux dan fil-kundizzjonijiet previsti fis-sentenza Akzo. Dawn il-punti, fi kwalunkwe każ, ma humiex is-suġġett ta’ dan l-appell.

( 49 ) C‑245/19 u C‑246/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza État luxembourgeois”, EU:C:2020:795, punt 66.

( 50 ) Ara s-sentenza État luxembourgeois, punti 27 u 37.

( 51 ) L-appellanti għalhekk ma humiex iġġustifikati li jinvokaw is-sentenza tal-Qorti EDB tad‑29 ta’ Lulju 1998, Guérin vs Franza (CE:ECHR:1998:0729JUD002520194, punt 43).

( 52 ) Ara, għall-affermazzjoni ta’ tali dritt ta’ oppożizzjoni, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Deutsche Bahn et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/11, T‑290/11 u T‑521/11, iktar ’il quddiem is-sentenza Deutsche Bahn tal-Qorti Ġenerali, EU:T:2013:404, punt 87).

( 53 ) Ara s-sentenza Deutsche Bahn tal-Qorti Ġenerali, punt 90.

( 54 ) Tali dritt ta’ oppożizzjoni huwa ta’ importanza partikolari fil-kuntest tas-sistema ta’ salvagwardji li tippermetti li l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni jinżamm f’limiti kompatibbli mar-rispett tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fl-Artikolu 7 tal-Karta u fl-Artikolu 8 tal-KEDB.

( 55 ) Ara s-sentenza Deutsche Bahn tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 56 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 8 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara s-sentenza Deutsche Bahn tal-Qorti tal-Ġustizzja, punt 60.

( 58 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 1989, Dow Benelux vs Il‑Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 9).

( 59 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 60 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, point 37 u l-jurisprudence citée).

( 62 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il‑Kummissjoni (C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Dawn huma l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ Diċembru 2018 kif ukoll fit‑13 ta’ Mejju u fil‑25 ta’ Settembru 2019, imsemmija fil-punt 176 tas-sentenza appellata..

( 64 ) Ara l-punt 176 tas-sentenza appellata. Min-naħa l-oħra, mill-punt 130 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma qisitx li kien meħtieġ li tordna l-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mill-appellanti sabiex il-Kummissjoni tispeċifika l-fatti preżunti fl-oriġini tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, billi kkunsidrat li dawn il-fatti preżunti kienu ddettaljati biżżejjed biex jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni.

( 65 ) Nirrileva wkoll li mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal‑5 ta’ Ġunju 2019 jirriżulta li, fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, din l-istituzzjoni kienet eżitanti dwar il-klassifikazzjoni korretta tas-suġġett tal-allegati skambji ta’ informazzjoni bħala “skontijiet fuq swieq tal-provvista” jew “prezz tal-bejgħ ta’ servizzi lill-manifatturi”, li jista’ jiġġustifika l-adozzjoni, f’dawn id-deċiżjonijiet, ta’ formulazzjoni usa’ fid-dikjarazzjoni tal-fatti preżunti li għandhom jiġu vverifikati.

( 66 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, EPSU vs Il‑Kummissjoni (C‑928/19 P, EU:C:2021:656, punt 108).

( 67 ) F’dan ir-rigward, naqbel mal-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fis-sentenza Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:207, punt 55).

( 68 ) Ara, l-iktar reċentement, id-digriet tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Arnautu vs Il‑Parlament (C‑573/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:448, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 69 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2018, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (T‑449/14, EU:T:2018:456, punt 69).

( 70 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:207, punt 65), kif ukoll is-sentenza mogħtija f’din il-kawża, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il‑Kummissjoni (C‑606/18 P, EU:C:2020:571 punti 88 u 89).

( 71 ) Regolament tal-Kummissjoni Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 sa 102 TFUE] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti 2004, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81).

( 72 ) C‑413/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Intel”, EU:C:2017:632.

( 73 ) Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità u t-tnaqqis tal-multi f’kawżi dwar akkordji, 2006/C 298/11, tat‑8 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, C 298, punt 17).

( 74 ) Ara s-sentenza Intel, punt 90.

( 75 ) Ara s-sentenza Intel, punt 91.

( 76 ) Ara l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 1017/68, (KEE) Nru 2988/74, (KEE) Nru 4056/86 u (KEE) Nru 3975/87 [COM (2000) 582 finali, ĠU 2000, C 365E, p. 284. Fil-kummentarju dwar l-Artikolu 19 ta’ din il-proposta, li tipprovdi għas-setgħa tal-Kummissjoni li tisma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, sew jekk ikunu s-suġġett tal-proċedura u kemm jekk le, u li tirreġistra t-tweġibiet tagħhom, il-Kummissjoni tispeċifika li “[din] id-dispożizzjoni timla vojt fis-setgħat tal-Kummissjoni billi tippermetti r-reġistrazzjoni tat-tweġibiet orali u l-preżentazzjoni tagħhom bħala mezz ta’ prova fil-proċeduri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Issa, l-espressjoni “mezz ta’ prova” għandha, fil-fehma tiegħi, tinftiehem fis-sens wiesa’ ta’ “element probatorju”, ikun xi jkun il-valur probatorju tagħha fir-rigward tal-fatt li għandu jiġi stabbilit.

( 77 ) Ma jistax jiġi eskluż li, wara li tkun użat waħda mis-setgħat investigattivi previsti fil-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1/2003, pereżempju billi tindirizza talba għal informazzjoni lil impriża partikolari jew billi twettaq spezzjonijiet fil-bini tagħha, il-Kummissjoni tirċievi, waqt intervista ma’ persuna fiżika jew ġuridika relatata mas-suġġett tal-investigazzjoni li tkun infetħet bl-adozzjoni ta’ dawn l-atti, informazzjoni li tippermettilha tippreżumi li impriża li sa dak iż-żmien ma kinitx issuspettata hija involuta fl-allegat ksur li wassal għall-ftuħ tal-investigazzjoni. Issa, f’każ bħal dan, skont il-loġika tal-punti 195, 200 sa 203 u 205 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tkun obbligata tapplika l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u tipproċedi għar-reġistrazzjoni skont bl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 773/2004, anki meta jkollha l-intenzjoni li tuża l-informazzjoni li tirċievi biss bħala indizji li fuqhom tibbaża deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward ta’ din l-impriża.

( 78 ) Ara s-sentenza appellata, punti 200 u 201.

( 79 ) C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza LMV”, EU:C:2002:582, punt 182.

( 80 ) Skont il-Qorti EDB, id-dritt ta’ kull persuna li l-kawża tagħha tinstema’ f’terminu raġonevoli, stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB, għandu bħala għan, f’materji kriminali, li jiġi żgurat li l-persuni akkużati ma jibqgħux wisq fit-tul taħt il-piż ta’ akkuża u li tittieħed deċiżjoni dwar il-fondatezza tagħha. Ara l-Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 1968, Wemhoff vs Il‑Ġermanja, (CE:ECHR:1968:0627JUD000212264, punt 18), u 3 ta’ Diċembru 2009, Kart vs It‑Turkija (CE:ECHR:2008:0708JUD000891705, punt 68). Skont dan l-għan, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat it-terminu raġonevoli tal-proċedura jibda, skont il-Qorti EDB, fil-jum li fih persuna tiġi akkużata (ara l-Qorti EDB 27 ta’ Ġunju 1968, Neumeister vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1968:0627JUD000193663, punt 18)), jew f’data preċedenti, pereżempju fid-data tal-ftuħ tal-investigazzjonijiet preliminari (ara l-Qorti EDB, 16 ta’ Lulju 1971, Ringeisen vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1971:0716JUD000261465, punt 110, li minnha sabet l-ispirazzjoni l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza LMV)), billi huwa mifhum li l-mument rilevanti huwa dak li minnu r-rikorrent isir jaf bl-akkuża jew dak li minnu s-sitwazzjoni tiegħu hija affettwata b’mod sostanzjali mill-miżuri meħuda fil-kuntest ta’ investigazzjoni jew proċedura kriminali (ara l-Qorti EDB, 27 ta’ Lulju 2006, Mamič vs Is‑Slovenja (Nru 2) (CE:ECHR:2006:0727JUD007577801, punti 23 u 24) u 28 ta’ Mejju 2019, Liblik et vs L‑Estonja (CE:ECHR:2019:0528JUD000017315, punt 94)).

( 81 ) Ara s-sentenza LVM, punt 182.

( 82 ) Ara l-punt 205 tas-sentenza appellata.

( 83 ) Ir-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il-Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245) ma jidhirlix li jista’ jqiegħed f’dubju l-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ kritika fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 194 tas-sentenza appellata meta tinfetaħ investigazzjoni settorjali. Fil-punti 153 u 154 tas-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Xellia Pharmaceuticals u Alpharma vs Il‑Kummissjoni (C‑611/16 P, EU:C:2021:245), li għalihom tirreferi l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tispeċifika li “l-investigazzjonijiet tas-settur jikkostitwixxu strument intiż li jikkonferma preżunzjonijiet ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur ikkonċernat minn dawn l-investigazzjonijiet” u li “meta l-Kummissjoni tipproċedi bil-ftuħ ta’ tali investigazzjonijiet, l-impriżi li jappartjenu għas-settur ikkonċernat u b’mod partikolari dawk li kkonkludew ftehimiet espressament imsemmija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-investigazzjoni inkwistjoni […] għandhom jistennew li eventwalment ikunu jistgħu jinfetħu proċeduri individwali kontrihom fil-futur”. Fil-punt 139 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat b’mod ċar ukoll li l-ewwel miżuri li jinvolvu kritika min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza kienu ġew adottati f’dati wara l-ftuħ tal-investigazzjoni settorjali inkwistjoni (din hija d-data tal-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżistenza tal-investigazzjoni settorjali).

( 84 ) Ninnota wkoll li l-manwal intern tal-proċedura tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE tat‑12 ta’ Marzu 2012 (https://ec.europa.eu/competition/antitrust/antitrust_manproc_11_2019_en.pdf, Kapitolu 8, punt 2.5, iktar ’il quddiem il-“Manwal ta’ Proċedura tal-Kummissjoni”) jidher li jsostni din il-pożizzjoni meta jgħid li “fir-rigward taċ-ċertezza dwar is-suġġett tal-investigazzjoni fil-ħin tal-intervista, mill-inqas każ wieħed għandu jiġi rreġistrat b’numru speċifiku tal-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Nenfasizza li l-ftuħ ta’ fajl qabel ma ssir l-intervista jippermetti li jiġu pprovduti l-punti ta’ riferiment meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1/2003.

( 85 ) C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punt 232.

( 86 ) Ninnota wkoll li, fil-punt 233 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Avukat Ġenerali Wahl lanqas ma jeskludi l-possibbiltà li intervista, fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ ssir qabel ma investigazzjoni tkun “għaddejja”.

( 87 ) Huwa barra minn hekk f’dan is-sens li, fil-fehma tiegħi, għandu jinqara l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 773/2004. Il-Kummissjoni tista’ teżerċita s-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament Nru 1/2003 Kapitolu – inkluż dak previst fl-Artikolu 19 tiegħu – anki “qabel tibda l-proċeduri”.

( 88 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Intel Corporation vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2016:788, punt 233). Ara wkoll il-Manwal ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, Kapitolu 8, punt 2.4.

( 89 ) C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punti 66 sa 74.

( 90 ) Filwaqt li din il-konklużjoni toħroġ b’mod iktar ċar mill-punt 216 tas-sentenza appellata, li madankollu hija bbażata fuq prova prodotta tard mill-Kummissjoni u ddikjarata inammissibbli mill-Qorti Ġenerali, fil-fehma tiegħi din diġà tirriżulta suffiċjentement mill-punt 215 ta’ din is-sentenza.

( 91 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il‑Kummissjoni (136/79, EU:C:1980:169, punti 1321).

( 92 ) Ara s-sentenzi Roquette Frères, punt 99; Deutsche Bahn tal-Qorti Ġenerali, punt 172 u tas‑27 ta’ Novembru 2014, Alstom Grid vs Il‑Kummissjoni (T‑521/09, EU:T:2014:1000, punt 53).

( 93 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2018, České dráhy vs Il‑Kummissjoni (T‑621/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:367, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 94 ) Għalkemm huwa minnu li s-sentenza Roquette Frères ma indirizzatx il-kwistjoni dwar liema huwa l-mument li fih jista’ jiġi kkunsidrat li l-indizji li fuqhom hija bbażata deċiżjoni ta’ spezzjoni, miġbura mill-Kummissjoni, huma fid-dispożizzjoni tagħha, jibqa’ l-fatt li mill-punt 61 tagħha jirriżulta li r-regola hija li tali indizji għandhom ikunu preżenti fil-fajl tagħha qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

( 95 ) Ara s-sentenza Intel, punt 94.

( 96 ) Inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, tipproċedi, jekk ikun il-każ, b’sostituzzjoni tar-raġunijiet, anki jekk dan jinvolvi eżami ta’ argument li fuqu l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx.