KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fl‑24 ta’ Frar 2022 ( 1 )

Kawża C-588/20

Landkreis Northeim

vs

Daimler AG,

intervenjenti fil-kawża:

Iveco Magirus AG,

TRATON SE, qabel MAN SE,

MAN Truck & Bus AG,

MAN Truck & Bus Deutschland GmbH,

Schönmackers Umweltdienste GmbH & Co.KG

(talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Talba għal kumpens għal dannu kkawżat minn prattika misjuba li hija kuntrarja għall-Artikolu 101 TFUE – Akkordji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li sabet ksur – Proċedura għar-riżolviment – Prodotti kkonċernati mill-ksur – Trakkijiet – Vetturi speċjalizzati – Trakkijiet għall-ġbir tal-iskart”

1.

Dan ir-rinviju mil-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja) jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016, C(2016) 4673 finali, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39824 – Trakkijiet) (iktar ’il quddiem “id-Deċiżjoni”) ( 2 ). F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet l-iktar multa għolja ta’ kartell f’każ s’issa: jiġifieri, EUR 2.93 biljun (u, globalment, EUR 3.81 biljun ( 3 )) fuq produtturi ta’ trakkijiet talli ħadmu flimkien sabiex iżidu prezzijiet fuq trakkijiet artifiċjalment u r-riperkussjoni tal-ispejjeż ta’ konformità ma’ regoli ta’ emissjonijiet iktar stretti matul perijodu ta’ 14‑il sena. Ir-rinviju qam fil-kuntest ta’ dik imsejħa “azzjoni ta’ segwiment” bejn il-Landkreis Northeim (id-Distrett Amministrattiv ta’ Northeim, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem “id-Distrett ta’ Northeim”) u Daimler AG (iktar ’il quddiem “Daimler”). Id-Distrett ta’ Northeim qiegħed ifittex kumpens minn Daimler ta’ ħsara kkawżata minn prattika pprojbita skont l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il- “Ftehim ŻEE”) rigward trakkijiet għall-ġbir tal-iskart li xtara mingħand Daimler.

2.

Il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni għandhiex tiġi interpretata bħala li tfisser li vetturi speċjalizzati, b’mod partikolari trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, jaqgħu fis-sens tat-tifsira ta’ “prodotti kkonċernati mill-ksur” għall-finijiet ta’ dik id-deċiżjoni.

I. Il-fatti li jagħtu lok għall-kwistjoni fil-proċeduri prinċipali u d-domanda preliminari

3.

Fl‑2006 u fl‑2007, id-Distrett ta’ Northeim (korp irregolat mid-dritt pubbliku) xtara żewġ trakkijiet għall-ġbir tal-iskart domestiku mingħand Daimler għall-prezz ta’ EUR 146 740.00 u EUR 146 586.58 rispettivament, wara sejħa għall-offerti għal kull xirja.

4.

Fid‑19 ta’ Lulju 2016, fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni.

5.

Permezz ta’ dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li diversi manifatturi ta’ trakkijiet internazzjonali, inklużi Daimler, MAN u Iveco Magirus, kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Il-ksur kien jikkonsisti f’arranġamenti kollużivi dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezz gross fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-ŻEE) għat-trakkijiet li jiżnu bejn 6 u 16‑il tunnellata (iktar ’il quddiem it-“trakkijiet medji”) jew jiżnu iktar minn 16‑il tunnellata (iktar ’il quddiem it-“trakkijiet tqal”) u r-riperkussjoni tal-ispejjeż għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-emissjoni għal tali trakkijiet meħtieġa għall-istandards EURO 3 sa 6. Il-ksur kopra ż-ŻEE sħiħa u dan mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011 (iktar ’il quddiem il-“kartell”).

6.

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni, id-Distrett ta’ Northeim ressaq rikors għad-danni kontra Daimler quddiem il-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover). Dak ir-rikors ifittex kumpens għall-ħsara pekunjarja mġarrba minn dak id-distrett bħala riżultat tal-prattiki antikompetittivi li kienet involuta fihom Daimler. Dik l-azzjoni tikkostitwixxi, rigward dik l-impriża, “azzjoni ta’ segwiment” (azzjoni għad-danni miġjuba f’qorti nazzjonali wara deċiżjoni finali tal-Kummissjoni ssib ksur tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE).

7.

Id-Distrett ta’ Northeim jadotta l-fehma li t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, li akkwista mingħand Daimler, huma koperti mid-definizzjoni ta’ ‘trakkijiet’ fid-Deċiżjoni. Dik il-fehma hija bbażata fuq il-formulazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, li ma teskludix espressament vetturi speċjalizzati ( 4 ).

8.

B’kuntrast, Daimler targumenta quddiem il-qorti tar-rinviju li dawk it-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart ma humiex koperti mid-Deċiżjoni għax huma vetturi speċjalizzati. Hija tiġġustifika dan fuq ir-raġuni li, qabel id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni speċifikat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjonijiet tagħha f’talba għall-informazzjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem “it-talba għall-informazzjoni tal‑2015”) mibgħuta lil Daimler, tgħid illi t-terminu “trakk” ma jkoprix trakkijiet użati, vetturi speċjalizzati (pereżempju vetturi militari, vetturi tat-tifi tan-nar), “żidiet” mibjugħa mill-ġdid, servizzi ta’ wara l-bejgħ u servizzi oħra u garanziji.

9.

F’dak il-kuntest u fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 ( 5 ), li jgħid li, fejn qrati nazzjonali jiddeċiedu fuq ftehim, deċiżjonijiet jew prattiki li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 jew l-Artikolu 102 TFUE li huma diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, huma ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra d-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar liem prodotti huma koperti mill-kartell inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali. B’mod iktar speċifiku, fid-dawl tal-fatt li, fuq livell nazzjonali, il-ġurisprudenza dwar jekk vetturi speċjalizzati huma koperti mit-terminu “trakkijiet” kif mfissra fid-Deċiżjoni ma hijiex uniformi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk trakkijiet għall-ġbir tal-iskart humiex esklużi mill-prodotti koperti minn dak il-kartell.

10.

F’dak ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota, l-ewwel, li, fil-premessa 5 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet, li “il-prodotti kkonċernati mill-ksur huma trakkijiet li jiżnu bejn 6 u 16-il tunnellata (‘trakkijiet medji’) u trakkijiet li jiżnu ’l fuq minn 16-il tunnellata (‘trakkijiet tqal’), kemm bħala trakkijiet riġidi, kif ukoll trakkijiet tratturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]; u, t-tieni, li “trakkijiet għall-użu militari” huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni.

11.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, minn naħa, li l-formulazzjoni użata mill-Kummissjoni biex jiġu deskritti l-prodotti kkonċernati mill-ksur tista’ tinftiehem bħala li tkopri, bħala prinċipju, trakkijiet “normali” biss, bl-eċċezzjoni ta’ dawk intiżi għall-użu militari, u li, fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni espressa, vetturi speċjalizzati, inklużi trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, huma esklużi mill-kunċett ta’ “trakkijiet” użat mill-Kummissjoni, peress illi jaqgħu fi ħdan il-kunċett ta’ “oġġetti oħra” ( 6 ).

12.

Min-naħa l-oħra, skont dik il-qorti, l-istess formulazzjoni tista’ wkoll tinftiehem bħala li tfisser li l-kunċett ta’ “trakkijiet” ikopri t-tipi kollha ta’ trakkijiet, jiġifieri, li jinkludi t-tipi kollha ta’ vetturi speċjalizzati, bl-eċċezzjoni ta’ trakkijiet għall-użu militari.

13.

Imbagħad, il-qorti tar-rinviju hija inċerta dwar l-effett tat-talba għall-informazzjoni tal‑2015 dwar id-determinazzjoni tal-prodotti kkonċernati mill-ksur. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju hija inċerta jekk il-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat li, għall-finijiet ta’ dik it-talba, il-kunċett ta’ trakkijiet ma jkoprix trakkijiet użati jew vetturi speċjalizzati (b’mod partikolari vetturi militari, vetturi għat-tifi tan-nar) jimplika li din ta’ hawn fuq hija sempliċiment lista ta’ eżempji u ma hijiex lista eżawrjenti ta’ vetturi speċjalizzati.

14.

Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tinnota li d-Deċiżjoni hija adottata wara proċedura għar-riżolviment li ġiet mibdija mill-Kummissjoni wara talbiet magħmula lil dik l-istituzzjoni mill-partijiet involuti f’dik il-proċedura. F’dak il-kuntest, dik il-qorti hija inċerta rigward l-effett tal-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kondotta antikompetittiva huwa determinat fil-kuntest ta’ tali proċedura.

15.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel d-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-deċiżjoni tal-[Kummissjoni] tad-19 ta’ Lulju 2016 adottata fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) għandha tiġi interpretata fis-sens li vetturi apposta jew [speċjalizzati], b’mod partikolari trakkijiet taż-żibel, huma wkoll koperti mill-konstatazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni?”

16.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew issottomessi mid-Distrett ta’ Northeim, Schönmackers Umweltdienste GmbH & Co.KG (iktar ’il quddiem “Schönmackers”), Daimler, TRATON SE (qabel “MAN”), Iveco Magirus, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni. Dawk il-partijiet kollha (ħlief għall-Gvern Awstrijak) ħadu wkoll l-opportunità li jippreżentaw sottomissjonijiet orali waqt seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

II. Analiżi

A. Sommarju qasir tal-argumenti tal-partijiet

17.

Id-Distrett ta’ Northeim issottometta, l-ewwel, li t-talba għal-deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li Daimler ma għamlitx użu tad-dritt tagħha li tressaq rikors jikkontesta d-Deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali fit-terminu impost u għalhekk hija ma setgħetx tiddubita l-legalità ta’ dik id-deċiżjoni billi tressaq proċeduri fil-qrati nazzjonali kontra l-miżuri domestiċi li jimplimentaw dik id-deċiżjoni. Qrati nazzjonali huma marbuta mill-validità ta’ miżura tal-Unjoni, sabiex ma jkunx iktar possibbli li ssir talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità tad-Deċiżjoni.

18.

Schönmackers, li intervjeniet insostenn tal-forma ta’ ordni mfittxa mid-Distrett ta’ Northeim, issottomettiet li ma jidhirx li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li r-risposta għad-domanda preliminari hija meħtieġa sabiex tirrisolvi l-kwistjoni fil-proċeduri prinċipali.

19.

Sussidjarjament, id-Distrett ta’ Northeim u Schönmackers jargumentaw, essenzjalment, li t-talba għall-informazzjoni tal-Kummissjoni ma għandha l-ebda effett fuq l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni.

20.

It-tieni, id-Distrett ta’ Northeim u Schönmackers jikkunsidraw li ma hemm xejn fid-Deċiżjoni li ssostni l-konklużjoni li t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

21.

Barra minn hekk, skont id-Distrett ta’ Northeim, kemm trakkijiet kif ukoll vetturi speċjalizzati jaqgħu fi ħdan il-kategorija ta’ vettura N fis-sens tat-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 2018/858 ( 7 ). Dik il-konstatazzjoni hija sostnuta wkoll permezz tal-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2019/631 ( 8 ) u dak tar-Regolament Nru 2018/956 ( 9 ) ikopri, b’mod ġenerali, vetturi kummerċjali fil-kategorija N.

22.

Imbagħad, id-Distrett ta’ Northeim jissottometti li, kif jidher mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/126/KE ( 10 ), id-distinzjoni skont il-kategoriji ta’ vetturi hija magħmula esklużivament fuq il-bażi tal-piż tal-vetturi, in-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportati f’dik il-vettura u l-età minima minn meta’ persuna tista’ tiġi awtorizzata li ssuq il-vettura.

23.

Barra minn hekk, skont id-Distrett ta’ Northeim, il-fatt li trakkijiet għall-ġbir tal-iskart jaqgħu fi ħdan il-kategorija ta’ “trakkijiet” tidher, b’mod partikolari, mil-lista ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom imfassla mill-Kraftfahrt-Bundesamt (l-Awtorità Federali tat-Trasport bil-Mutur, il-Ġermanja). Vettura għall-ġbir tal-iskart hija kklassifikata hemm bħala “trakk għall-ġbir tal-iskart domestiku”.

24.

Daimler, sostnuta minn MAN u Iveco Magirus, tisħaq li vetturi speċjalizzati ma humiex trakkijiet għall-finijiet tad-Deċiżjoni.

25.

Dawk l-impriżi essenzjalment jargumentaw, l-ewwel, li fil-lingwaġġ ta’ kuljum issir distinzjoni bejn trakkijiet u vetturi speċjalizzati, “trakkijiet” bħala vetturi ddisinjati u mibnija prinċipalment għat-trasport ta’ oġġetti, filwaqt li “vetturi speċjalizzati” huma vetturi mibnija u mgħammra għal skop partikolari. It-tieni, Daimler, MAN u Iveco Magirus josservaw li t-terminu “trakk” huwa mfisser u użat f’atti leġiżlattivi varji tad-dritt sekondarju tal-Unjoni. Skont dawk l-impriżi, id-definizzjoni mogħtija fid-dritt tal-Unjoni tifforma l-bażi tal-konstatazzjonijiet fid-Deċiżjoni. It-tielet, Daimler, MAN u Iveco Magirus essenzjalment jikkunsidraw li, mittieħda globalment, il-formulazzjoni tad-Deċiżjoni ma ssostnix il-konklużjoni li vetturi speċjalizzati huma koperti minnha. Ir-raba’, skont Daimler, MAN u Iveco Magirus, permezz tar-raġuni għall-iskop intiż tagħhom, tagħmir u karatteristiċi speċjali tagħhom, it-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali ma humiex intiżi għat-trasport ta’ oġġetti iżda huma ddisinjati speċjalment għall-użu fis-settur tal-ġbir tal-iskart u għalhekk ma humiex koperti mid-Deċiżjoni. Il-ħames, Iveco Magirus tisħaq li ma huwiex ċar, wisq inqas ovvju, għad-destinatarji tad-Deċiżjoni li, f’rikors għad-danni, qorti nazzjonali tista’ tikkunsidra li dik id-deċiżjoni tikkonċerna wkoll vetturi speċjalizzati. Is-sitt, Iveco Magirus tisħaq, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jeżiġi, fil-każ li dubji jippersistu rigward l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Deċiżjoni, li hija tiġi interpretata b’mod ristrett u li vetturi speċjalizzati għaldaqstant ma jistgħux jiġu meqjusa bħala trakkijiet għall-finijiet ta’ dik id-deċiżjoni.

26.

Il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni essenzjalment issottomettew li t-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart huma fost il-prodotti koperti mill-kartell u mid-Deċiżjoni.

B. Evalwazzjoni

1.   Ammissibbiltà

27.

Id-Distrett ta’ Northeim, ir-rikorrent fil-proċeduri prinċipali, u Schönmackers essenzjalment jissottomettu li kemm ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari u d-domanda preliminari huma inammissibbli.

28.

Jien nikkunsidra li dawk l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

29.

Hija ġurisprudenza stabbilita li fejn id-domandi preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, kif inhu l-każ hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju meħtieġa li tagħti deċiżjoni ( 11 ).

30.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju hija invokata għal azzjoni ta’ segwiment għad-danni, miġjuba fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. F’dik id-deċiżjoni, il-Kummissjoni sabet li diversi impriżi, inkluż Daimler, MAN u Iveco Magirus, kienu pparteċipaw f’kartell ta’ trakkijiet u kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE ( 12 ).

31.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tispjega li r-rikorrent fil-proċeduri prinċipali (id-Distrett ta’ Northeim), li akkwista żewġ trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, jikkunsidra li dawk it-trakkijiet huma fost il-prodotti kkonċernati mill-ksur. Għall-kuntrarju, Daimler tissottometti quddiem il-qorti tar-rinviju li dawk it-trakkijiet huma vetturi speċjalizzati u għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Deċiżjoni.

32.

Huwa ċar li l-qorti tar-rinviju hija inċerta dwar il-kamp ta’ applikazzjoni materjali korrett tad-Deċiżjoni u ma tistax tiddeċiedi fil-proċeduri prinċipali jekk dawk iż-żewġ trakkijiet għall-ġbir tal-iskart humiex koperti mid-Deċiżjoni jew le.

33.

Isegwi li l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni mfittxa mill-qorti tar-rinviju hija meħtieġa għal dik il-qorti sabiex tistabbilixxi jekk ir-rikors għad-danni huwiex fondat jew le.

34.

Rigward l-argument tad-Distrett ta’ Northeim fil-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi nnotat li jsegwi mid-deċiżjoni għar-rinviju li Daimler hija waħda mill-konvenuti fil-proċeduri prinċipali f’rikors għad-danni introdott mid-Distrett ta’ Northeim bħala azzjoni ta’ segwiment fuq il-bażi tad-Deċiżjoni u Daimler ma tikkontestax il-validità ta’ dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

35.

Barra minn hekk, kuntrarjament għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, deċiżjoni tal-Kummissjoni li ssib l-eżistenza ta’ kartell, bħal dik inkwistjoni hawnhekk, ma tinvolvix il-ħtieġa ta’ kwalunkwe miżura nazzjonali biex tiġi implementata dik id-deċiżjoni.

36.

Isegwi li hija biss l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni li hija inkwistjoni hawnhekk.

37.

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet imsejħa sabiex tinterpreta deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, peress li huma atti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 267 TFUE ( 13 ).

2.   Sustanza

a)   Introduzzjoni

38.

L-ewwel nett, kif il-ġudikatura tal-Unjoni diġà ddeċidiet, “fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE, definizzjoni preliminari tas-suq rilevanti ma hijiex meħtieġa meta l-ftehim inkwistjoni minnu nnifsu jkollu għan antikompetittiv, jiġifieri meta l-Kummissjoni setgħet korrettament tikkonkludi, mingħajr definizzjoni preliminari tas-suq, li l-ftehim inkwistjoni kien iwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u li kien jista’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ [tal-ftehimiet] l-iktar gravi, espliċitament ipprojbiti bl‑Artikolu 101(1)(a) sa (e) TFUE” ( 14 ). Jien nikkunsidra li dan ta’ hawn fuq huwa, fi kwalunkwe każ, korrett rigward kartell bħal dak inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali.

39.

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-kartell ippreżenta l-karatteristiċi kollha ta’ ftehim u/jew prattika miftiehma, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, li kellu bħala l-għan tiegħu l-prevenzjoni, restrizzjoni u/jew distorsjoni ta’ kompetizzjoni fir-rigward ta’ trakkijiet fi ħdan iż-ŻEE ( 15 ).

40.

Barra minn hekk, il-ġudikatura tal-Unjoni għamlitha wkoll ċara li “s-suq intiż minn deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE huwa ddeterminat mill-ftehimiet u mill-attivitajiet tal-akkordju” ( 16 ).

41.

Fil-fatt, isegwi mill-ġudikatura tal-Unjoni li “ma hijiex il-Kummissjoni li arbitrarjament [tagħżel] is-suq rilevanti iżda l-membri tal-kartell […] li deliberatament ikkonċentraw il-kondotta antikompetittiva tagħhom fuq [il-prodotti kkonċernati]” ( 17 ).

42.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u minħabba n-natura tal-proċedura tar-rinviju preliminari, ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddefinixxi s-suq rilevanti tal-prodott f’dan il-każ, lanqas ma għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni ddefinietx is-suq rilevanti tal-prodott.

43.

Dak li l-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa li tagħmel f’dan il-każ huwa li tevalwa l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni, jiġifieri, biex tistabbilixxi liema prodotti huma “kkonċernati mill-ksur” misjuba mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni. B’mod partikolari, għandha tiddetermina jekk isegwix mid-Deċiżjoni li vetturi speċjalizzati, b’mod partikolari trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, humiex inklużi fost il-prodotti kkonċernati mill-ksur.

44.

Għandu jiġi nnotat mill-bidu li d-definizzjoni varji tal-kunċetti ta’ “trakk” u “vettura speċjalizzata”, li jidhru f’diversi atti leġiżlattivi sekondarji tal-Unjoni (bħad-Direttiva 97/27/KE ( 18 )), li għalihom għamlu referenza l-partijiet huma irrilevanti, peress li l-Kummissjoni ma striħatx fuq tali atti/definizzjonijiet fid-Deċiżjoni u tinkludi d-definizzjoni tagħha stess tal-prodotti kkonċernati mill-ksur, li huwa rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ dan il-każ. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża r-raġunament tagħha biss fuq id-definizzjonijiet speċifiċi u l-formulazzjoni tad-Deċiżjoni nnifisha.

b)   Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni

45.

Hija ġurisprudenza stabbilita li “[g]ħall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt [tal-Unjoni], għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjonali li minnha hija tagħmel parti trid tilħaq” ( 19 ).

46.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinterpreta dik id-dispożizzjoni kontra l-formulazzjoni ċara u preċiża tagħha ( 20 ).

1) Il-formulazzjoni tad-Deċiżjoni

47.

L-ewwel, huwa stabbilit li d-definizzjoni ta’ “trakkijiet” fid-Deċiżjoni tikkorrispondi ma’ dik fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, l-unika differenza hija li fid-Deċiżjoni l-Kummissjoni espressament eskludiet trakkijiet għall-użu militari (kieku dan ma kienx il-każ, l-impriżi kienu preżumibbilment jappellaw id-Deċiżjoni fuq dik il-bażi).

48.

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni jipprovdi: “[b]illi kkolludew dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezz gross fiż-ŻEE għat-trakkijiet medji u tqal; u ż-żmien u r-riperkussjoni tal-ispejjeż għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal meħtieġa għall-istandards EURO 3 sa 6, is-segwenti impriżi kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE waqt il-perijodi indikati: […] c) Daimler AG, mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (iktar ’il quddiem “il-ksur”).

49.

L-Artikolu 1 għandu jinqara flimkien mal-premessa 5 ta’ dik id-deċiżjoni.

50.

Il-premessa 5 tgħid: “[i]l-prodotti kkonċernati mill-ksur huma trakkijiet li jiżnu bejn 6 u 16‑il tunnellata (‘trakkijiet medji’) u trakkijiet li jiżnu ’l fuq minn 16‑il tunnellata (‘trakkijiet tqal’), kemm bħala trakkijiet riġidi, kif ukoll trakkijiet tratturi (minn hawn ’il-quddiem, trakkijiet medji u tqal se jissejħu ‘trakkijiet’ b’mod kollettiv). [In-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 hawnhekk taqra: ‘[i]t-trakkijiet għall-użu militari huma esklużi.’] Dan il-każ ma jirrigwardax servizzi ta’ wara l-bejgħ, servizzi oħra u garanziji għat-trakkijiet, il-bejgħ ta’ trakkijiet użati u oġġetti jew servizzi oħra mibjugħa mid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

51.

Il-formulazzjoni tad-Deċiżjoni turi biċ-ċar li hija tkopri l-bejgħ ta’ kull trakk medju u tqil, kemm jekk trakkijiet riġidi jew trakkijiet tratturi ( 21 ).

52.

Skont il-formulazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, trakkijiet għall-użu militari biss huma espressament esklużi. Flimkien ma’ trakkijiet għall-użu militari, id-Deċiżjoni ma tkoprix servizzi ta’ wara l-bejgħ, servizzi oħra u garanziji għat-trakkijiet, il-bejgħ ta’ trakkijiet użati u oġġetti jew servizzi oħra ( 22 ) mibjugħa mid-destinatarji ta’ dik id-deċiżjoni.

53.

Sa fejn huma kkonċernati l-vetturi speċjalizzati, peress li d-Deċiżjoni teskludi biss mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha trakkijiet għall-użu militari, għandha tiġi kkunsidrata li tkopri t-trakkijiet kollha li jiżnu bejn 6 u 16‑il tunnellata u ’l fuq minn 16‑il tunnellata, inkluż vetturi speċjalizzati (bl-unika eċċezzjoni tat-trakkijiet għall-użu militari).

54.

Jekk il-Kummissjoni xtaqet li teżenta xi tipi oħra ta’ trakkijiet, bħal trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni, kienet issemmihom espliċitament.

55.

Fil-fehma tiegħi, dan huwa l-uniku qari tad-Deċiżjoni li jirrispetta l-prinċipji ta’ ċarezza legali u ta’ ċertezza legali. Dawk iż-żewġ prinċipji jimxu id f’id.

56.

L-ewwel, il-prinċipju ta’ ċarezza legali jeżiġi li atti adottati minn istituzzjonijiet tal-Unjoni, bħal deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f’każijiet ta’ kompetizzjoni, ikunu ċari u inekwivoki.

57.

It-tieni, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li “liġi tkun ċara u preċiża, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jagħrfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif” ( 23 ).

58.

F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà sostniet li r-rekwiżit taċ-ċertezza legali għandu jiġi osservat b’mod iktar strett fil-każ ta’ regoli tal-Unjoni li jistgħu jwasslu għal konsegwenzi finanzjarji, sabiex dawk ikkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu preċiżament il-limitu tal-obbligi li dawk ir-regoli jimponu fuqhom ( 24 ).

59.

Barra minn hekk, dan il-qari tad-Deċiżjoni huwa xieraq peress li esklużjonijiet, bħal ma hija dik fid-Deċiżjoni li teskludi biss trakkijiet għall-użu militari, għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

60.

Nikkunsidra, kif jagħmel id-Distrett ta’ Northeim, li d-deċiżjoni sabiex tiġi inkluża n-nota ta’ qiegħ il-paġna rigward it-trakkijiet għall-użu militari immedjatament wara d-deskrizzjoni tat-trakkijiet koperti mid-Deċiżjoni fil-premessa 5 tagħha turi biċ-ċar li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat li vetturi speċjalizzati kienu fost il-prodotti koperti mid-Deċiżjoni u ma setgħux jiġu kklassifikati, pereżempju, bħala “oġġetti oħra mibjugħa mill-membri tal-kartell”.

61.

Barra minn hekk, isegwi wkoll minn paragun sistematiku ma’ partijiet oħra tad-Deċiżjoni li dik id-deċiżjoni tkopri wkoll vetturi speċjalizzati (minbarra trakkijiet għall-użu militari).

62.

Naqbel mal-Kummissjoni li huwa rilevanti li jiġi nnotat li l-kartell li fih Daimler ipparteċipat inkluda arranġamenti antikompetittivi relatati ma’ listi tal-prezz gross li jindikaw il-prezzijiet tal-komponenti varji, kif ukoll konfiguraturi ta’ trakkijiet, li jifformaw il-bażi proprja ta’ numru kbir ta’ konfigurazzjonijiet ta’ vetturi individwali. Dan kien ukoll innotat fis-sentenza KZR 35/19 tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) ( 25 ). Peress li kull trakk kien jixraq il-ħtiġijiet tal-konsumatur, il-kondotta antikompetittiva għaldaqstant kienet tirrigwarda wkoll preċiżament l-elementi varji u l-komponenti tat-trakkijiet.

63.

Ma hemm xejn fid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, fid-Deċiżjoni, li jissuġġerixxi li, b’differenza għal trakkijiet oħra, trakkijiet għall-ġbir tal-iskart ma kinux ikkonċernati mill-kartell.

64.

Il-fatt li trakk għall-ġbir tal-iskart jista’ jkun fih komponenti differenti minn dawk ta’ trakkijiet intiżi għal użu differenti ma jfissirx li ma baqax iktar trakk u, wisq inqas, li ma huwiex trakk kopert mid-Deċiżjoni. B’kuntrast, l-argumenti tal-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni fis-sens li l-maġġoranza tal-karatteristiċi u komponenti ta’ trakkijiet għall-ġbir tal-iskart huma, bħala prinċipju, identiċi għal dawk ta’ tipi oħra ta’ trakkijiet huma iktar konvinċenti.

65.

F’dak ir-rigward, il-mekkaniżmu tal-kartell inkwistjoni deskritt mill-Kummissjoni fil-premessi 27 u 28 tad-Deċiżjoni (“Mekkaniżmi ta’ ffissar tal-prezzijiet u listi tal-prezz gross”) u l-premessi 46 sa 60 tagħha (“Deskrizzjoni tal-kondotta”) ma jippermettix il-konklużjoni li vetturi speċjalizzati huma esklużi mill-prodotti kkonċernati mill-ksur.

66.

Jidher mill-premessa 28 tad-Deċiżjoni li l-listi tal-prezz gross użati mill-impriżi kkonċernati inkludew il-prezzijiet tal-mudelli kollha tat-trakkijiet medji u tqal u l-għażliet kollha inkorporati fil-fabbrikazzjoni (għal tagħmir speċjalizzat) li l-manifattur rispettiv offra. Barra minn hekk, kif jidher mill-premessa 46 ta’ dik id-deċiżjoni, l-impriżi kkonċernati skambjaw listi tal-prezz gross u konfiguraturi kompjuterizzati ta’ trakkijiet li fihom l-mudelli u l-għażliet kollha, li kienu jagħmluha possibbli sabiex jiġu kkalkolati l-prezzijiet gross għal kwalunkwe xejra ta’ trakk. Imbagħad, il-premessa 48 tad-Deċiżjoni tindika espliċitament li l-iskambju ta’ konfiguraturi ta’ trakk għenu għall-paragun ta’ offerti tagħhom ma’ dawk ta’ kompetituri u għalhekk seta’ jinftiehem minn dawk il-konfiguraturi liema extras kienu jkunu kompatibbli ma’ liema trakkijiet, u liema għażliet ikunu parti mit-tagħmir standard jew extra. Fl-aħħar, jidher mill-premessa 56 ta’ dik id-deċiżjoni li l-informazzjoni skambjata bejn l-impriżi li kisru l-Artikolu 101 TFUE kienet tirrigwarda jew il-mudelli ta’ trakkijiet bażiċi jew it-trakkijiet u l-għażliet disponibbli (ta’ spiss dan kien jiġi indikat separatament fit-tabelli skambjati bejn l-impriżi) ( 26 ).

67.

Isegwi mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari d-Deċiżjoni, li l-listi tal-prezz gross u l-konfiguraturi kienu jikkonċernaw partijiet u komponenti, li jintużaw ukoll fuq vetturi speċjalizzati (bħal trakkijiet għall-ġbir tal-iskart).

68.

Bħala konsegwenza, extras fakultattivi u għażliet ta’ konfigurazzjoni kienu wkoll parti mill-kartell u għalhekk kienu koperti mid-Deċiżjoni.

69.

Għalhekk, naqbel mal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi fuq l-istess domanda inkwistjoni f’dan il-każ u li ddeċidiet ( 27 ) li d-Deċiżjoni ma fiha xejn li jsostni l-konklużjoni li “vetturi speċjalizzati” ma humiex fost il-prodotti kkonċernati mill-ksur. Għall-kuntrarju, jidher mill-premessi 28 u 46 sa 48 ta’ dik id-deċiżjoni li l-ksur inkwistjoni kien jikkonċerna t-tagħmir u mudelli speċjali u standard kollha u l-għażliet inkorporati fil-fabbrikazzjoni offruti mill-manifattur rispettiv.

70.

Fil-punt 34 ta’ dik is-sentenza, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) essenzjalment iddeċidiet li l-qorti tal-appell ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kien hemm kawżalità li tagħti lok għal responsabbiltà għad-danni wkoll għax-xirjiet ta’ trakk tal-konkos, żewġ trakkijiet tar-rimi u trakk ċatt. Hija sostniet ukoll li l-qorti tal-appell ġustament ma kkonkludietx mid-Deċiżjoni li dawk it-trakkijiet ma kinux koperti mill-ftehim tal-kartell. Skont id-Deċiżjoni, li hija vinkolanti fuq qrati nazzjonali, trakkijiet bejn 6 u 16‑il tunnellata u dawk ’il fuq minn 16‑il tunnellata, kemm trakkijiet tratturi u riġidi, huma koperti mid-Deċiżjoni. Hija ddeċidiet li it-trakkijiet għall-użu militari biss, servizzi ta’ wara l-bejgħ, servizzi oħra u garanziji għat-trakkijiet, il-bejgħ ta’ trakkijiet użati u oġġetti jew servizzi oħra mibjugħa mill-impriżi kkonċernati kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni.

71.

Fil-punt 35 ta’ dik is-sentenza, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) ukoll iddeċidiet li l-appell ma kixifx xi sottomissjonijiet jew istanzi fattwali li kienu jsostnu l-argument li t-tliet tipi ta’ trakkijiet ta’ hawn fuq, mingħajr il-karatteristika tas-superstruttura ta’ trakk tar-rimi jew ta’ trakk tal-konkos, huma differenti mill-mudelli bażiċi jew “tipi ta’ referenza” li għalihom għamlu referenza l-impriża intimata u l-intervenjenti u li fi kwalunkwe każ kienu s-suġġett tal-ftehim tal-lista ta’ prezzijiet u preċiżament ifformaw il-bażi għal numru kbir ta’ konfigurazzjonijiet ta’ vetturi individwali. Bħala riżultat, iddeċidiet ukoll li l-argumenti tal-impriżi bbażati fuq it-talba għall-informazzjoni tal‑2015 kienu irrilevanti.

72.

Barra minn hekk, diversi qrati Ġermaniżi oħra diġà waslu għall-istess konklużjoni. Huma ddeċidew li vetturi speċjalizzati, b’mod partikolari trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, huma koperti mid-Deċiżjoni. Dawk il-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza, meta ddeterminaw il-fatti, qajmu argumenti analogi għal dawk li jien qiegħda nagħmel f’dawn il-konklużjonijiet u bbażaw dik il-konklużjoni inter alia fuq is-segwenti kunsiderazzjonijiet: (i) il-fatt li fil-fehma tagħhom il-formulazzjoni tad-Deċiżjoni kienet ċara u ma kinitx teskludi kwalunkwe vettura speċjalizzata ħlief trakkijiet għall-użu militari; (ii) il-kriterju stabbilit fid-Deċiżjoni biex jiġi ddeterminat jekk trakk partikolari jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni huwa mill-piż tiegħu; (iii) l-argumenti tal-impriżi li vetturi speċjalizzati, bħal trakkijiet tat-tifi tan-nar, trakkijiet tar-rimi, Custom Tailored Trucks (CTTs) jew trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, ma humiex koperti mid-Deċiżjoni ma jsibu l-ebda sostenn mill-formulazzjoni tad-Deċiżjoni; (iv) sal-punt li t-talba għall-informazzjoni tal‑2015 semmiet li vetturi speċjalizzati ma kinux koperti minn dik it-talba, dak l-approċċ ma kienx fi kwalunkwe każ riprodott fid-Deċiżjoni nnifisha; (v) indipendentement mill-argumenti tal-impriżi, f’ħafna każijiet ir-rikorrenti f’azzjoni ta’ segwiment fil-fatt ma kinux xtraw, pereżempju, trakkijiet tat-tifi tan-nar jew trakkijiet tar-rimi mill-impriża intimata, iżda pjuttost xażi ta’ trakk ma’ liem, fejn xieraq, il-partijiet tas-superstruttura tat-tifi tan-nar kienu mbagħad imwaħħla minn impriżi terzi ( 28 ).

73.

Jien nikkunsidra li dawk l-argumenti tal-qrati Ġermaniżi huma konvinċenti u applikabbli wkoll mutatis mutandis għal trakkijiet għall-ġbir tal-iskart. Fil-fatt, peress li x-xażi huwa ġeneralment identiku għal tali użi, bid-differenza prinċipali tirrigwarda l-karozzerija (superstruttura) ta’ trakk, isegwi li ma huwiex possibbli li tiġi ddefinita fid-deċiżjoni b’mod utli u preċiż subkategorija ta’ “vetturi speċjalizzati”.

74.

Għalhekk, peress li d-Deċiżjoni ma ssemmi l-ebda eċċezzjoni jew restrizzjoni oħra dwar it-trakkijiet koperti mill-ksur, il-formulazzjoni ċara u espliċita ta’ dik id-deċiżjoni, bid-Deċiżjoni espliċitament ibbażata biss fuq il-kriterju tal-piż ta’ trakk, tkopri kull trakk medju u tqil, bl-esklużjoni ta’ dawk għall-użu militari. Bħala riżultat, tkopri vetturi speċjalizzati u, b’mod partikolari, it-trakkijiet għall-ġbir tal-iskart inkwistjoni fil-proċeduri prinċipali.

2) Il-kuntest u l-għanijiet tar-regoli li minnhom tifforma parti d-dispożizzjoni inkwistjoni

75.

Kif imsemmi fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fl-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni huwa wkoll meħtieġ li jiġi meqjus il-kuntest li fih isseħħ u l-għanijiet tar-regoli li minnhom tifforma parti.

76.

Naqbel mal-Gvern Awstrijak li sabiex jiġu esklużi vetturi speċjalizzati mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni minħabba li x-xażi użat għall-għamla ta’ tali trakkijiet għandha tagħmir addizzjonali biss ma huwiex konsistenti la mal-iskema ġenerali jew l-ispirtu jew għan tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, it-trakkijiet kollha, kemm jekk huma trakkijiet bażiċi jew trakkijiet b’karozzerija speċjali, huma bħala prinċipju mibnija fuq l-istess xażi. Vetturi speċjalizzati użati għal skopijiet bħal tifi tan-nar, ġbir ta’ skart, tneħħija ta’ borra jew tindif ta’ toroq għandhom bħala tagħmir standard ix-xażi tat-trakk immanifatturat mill-impriżi kkonċernati.

3) Ir-raġunijiet għalfejn trakkijiet għall-użu militari huma esklużi mill-“prodotti kkonċernati”

77.

Fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u tad-diskussjonijiet li jfittxu li jintlaħaq kompromess, l-impriżi ppreżentaw argumenti lill-Kummissjoni fis-sens li trakkijiet għall-użu militari għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni inkludiet dawk l-argumenti.

78.

Huwa importanti li jiġi indikat li trakkijiet għall-użu militari huma speċjalment mgħammra fid-dawl tal-użu tagħhom u, kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, ma setgħetx tistabbilixxi b’ċertezza li l-prezzijiet ta’ trakkijiet għall-użu militari kienu bbażati fuq il-prezzijiet gross, li kienu skambjati bejn l-impriżi, jew li l-konfiguraturi, li kienu wkoll skambjati, inkludew tali trakkijiet għall-użu militari.

79.

Isegwi li huwa ċar għalfejn kien xieraq li jiġu esklużi trakkijiet għall-użu militari (u tali trakkijiet biss) mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni.

80.

Barra minn hekk, nikkunsidrah rilevanti li nistqarr li waqt il-proċedura amministrattiva sħiħa fl-ebda punt waħda mill-impriżi ssottomettiet li trakkijiet għall-ġbir tal-iskart għandhom jiġu kkunsidrati biex jiġu esklużi mill-kartell.

c)   It-talba għall-informazzjoni tal‑2015 ma hijiex rilevanti għad-determinazzjoni tal-“prodotti kkonċernati mill-ksur” f’deċiżjoni tal-Kummissjoni

81.

Isegwi mill-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, intitolat “Talba għall-informazzjoni”, inter alia li “Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża […] tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja […] Meta tintbagħat talba sempliċi għall-informazzjoni li xi impriża […] il-Kummissjoni ħa ssemmi il-bażi legali u ir-raġuni għat-talba […]”.

82.

Nikkunsidra, kif jagħmlu l-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni, li l-kontenut ta’ talba għall-informazzjoni mibgħuta fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ma jistax ikollu l-effett li jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni finali sussegwenti tal-Kummissjoni jew jintuża biex jiddetermina l-“prodotti kkonċernati mill-ksur” f’deċiżjoni tal-Kummissjoni.

83.

Kif innotat il-Qorti tal-Ġustizzja, “talba għall-informazzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ investigazzjoni li hija ġeneralment użata fil-kuntest tal-fażi ta’ istruzzjoni li tippreċedi l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għandha biss bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt stabbilit” ( 29 ). Huwa ċar mill-punti ta’ hawn fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet li l-għan ta’ tali talbiet ma huwiex biex jiddefinixxu jew jispeċifikaw il-prodotti koperti mill-kondotta antikompetittiva, li hija rriżervata għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Kif iddikjarat biċ-ċar it-talba għall-informazzjoni tal‑2015, kienet biss intiża sabiex tiddetermina l-bejgħ rilevanti għall-finijiet tal-ikkalkolar tal-multa fid-dawl tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni f’dak ir-rigward ( 30 ).

84.

Hemm distinzjoni ċara bejn li tfittex fatti għall-finijiet ta’ kalkolazzjoni ta’ multa, minn naħa, u d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni min-naħa l-oħra. Peress li Daimler, Iveco Magirus, TRATON u MAN ifittxu li jċajpru dik il-linja, dawk l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

85.

Tali talbiet għall-informazzjoni jfittxu li jiksbu informazzjoni addizzjonali u ma jistgħux b’mod ċar jimpedixxu l-Kummissjoni milli tiddefinixxi jew b’mod iktar dejjaq jew iktar wiesgħa s-suq rilevanti jew, fi kliem ieħor, it-tipi ta’ “prodotti kkonċernati mill-ksur”. Fil-fatt, dan jista’ jirriżulta li jkun meħtieġ preċiżament fid-dawl tar-risposti tal-impriżi għat-talba għall-informazzjoni tal-2015.

86.

F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi nnotat li, l-ewwel, talba għall-informazzjoni ma tifformax parti mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni u, it-tieni, ma hijiex att legali tal-Kummissjoni (bħala istituzzjoni tal-Unjoni), iżda pjuttost hija dokument proċedurali abbozzat mit-tim li kien qiegħed jieħu ħsieb il-każ (tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni). F’dan il-każ, huwa għalhekk irrilevanti għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-punt u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur.

87.

B’kuntrast, id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-fatti kollha stabbiliti fil-proċedura amministrattiva, hija tikkostitwixxi konklużjoni formali ta’ dik il-proċedura u hija adottata mill-Kummissjoni bħala istituzzjoni tal-Unjoni (mill-Kulleġġ tal-Kummissarji).

88.

Id-Deċiżjoni ddefiniet biċ-ċar, fl-Artikolu 1 u l-premessa 5 tagħha, il-prodotti li kienu s-suġġett tal-kondotta antikompetittiva. Il-Kummissjoni ddefiniet il-prodotti kkonċernati mill-ksur fuq il-bażi tal-evidenza fil-pussess tagħha.

89.

Isegwi li għall-finijiet biex jiġu stabbiliti liema prodotti huma kkonċernati mill-ksur huwa biss il-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni li huwa rilevanti.

d)   In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-bejgħ tal-vetturi speċjalizzati fl-ikkalkolar tal-multa ma għandu l-ebda impatt fuq l-interpretazzjoni ta’ hawn fuq

90.

Bil-kontra tal-argumenti ta’ Daimler, MAN u Iveco Magirus, il-fatt li, fil-kalkolazzjoni tal-multa, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-bejgħ tal-vetturi speċjalizzati ma għandha l-ebda impatt fuq l-interpretazzjoni tiegħi tad-Deċiżjoni.

91.

Il-Kummissjoni ħadet il-bejgħ li l-impriżi ddikjaraw fir-risposti tagħhom għat-talba għall-informazzjoni tal‑2015 bħala bażi għall-kalkolazzjoni tagħha. Vetturi speċjalizzati kienu esklużi minn dak il-kalkolu, minkejja li mhux kompletament ( 31 ).

92.

Kif indikat fil-premessa 112 tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni applikat il-punt 37 tal-Linji Gwida dwar il-Metodu ta’ Kif Jiġu Stabbiliti l-Multi ( 32 ), li tippermettilha li ma timxix mal-metodoloġija tal-Linji Gwida, biex taġġusta b’mod uniformi l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ kull impriża għall-finijiet tal-kalkolazzjoni tal-ammonti varjabbli u addizzjonali tal-multi. Il-Kummissjoni spjegat li hija għamlet dan fil-kuntest tad-diskrezzjoni tagħha, inter alia għal raġunijiet ta’ proporzjonalità. Bħala riżultat il-valuri tal-bejgħ li użat il-Kummissjoni kienu kunsiderevolment iktar baxxi, fi kwalunkwe każ, mill-valuri tal-bejgħ attwali direttament jew indirettament affettwati mill-kartell.

93.

Bħala prinċipju, il-valur tal-bejgħ huwa wieħed mill-fatturi li l-Kummissjoni tuża biex tikkalkola l-multi (ara l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ dak il-prinċipju fil-premessi 108 u 109 tad-Deċiżjoni), l-oħra hija t-tul ta’ żmien tal-ksur ( 33 ).

94.

Nikkunsidra li l-Kummissjoni aġixxiet fi ħdan id-diskrezzjoni tagħha f’dan ir-rigward ( 34 ), meta eskludiet vetturi speċjalizzati biex tistabbilixxi l-valur tal-bejgħ. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod uniformi għall-impriżi kollha kkonċernati, u favur dawk l-impriżi, valur ta’ bejgħ iktar baxx mill-massimu li d-diskrezzjoni tagħha ppermettietha li tinvoka.

95.

Bħala regola ġenerali, il-kalkolazzjoni ta’ multi mill-Kummissjoni mhux dejjem hija kompletament ibbażata fuq il-bejgħ affettwat mill-kartell ( 35 ).

e)   Il-proċedura għar-riżolviment ma timplikax interpretazzjoni differenti

96.

Bil-kontra tal-argumenti ta’ Daimler, MAN u Iveco Magirus, il-fatt li d-Deċiżjoni kienet adottata fil-kuntest ta’ proċedura għar-riżolviment ma taffettwax id-determinazzjoni tal-iskop tal-kondotta antikompetittiva.

97.

Kif jidher mill-Avviż dwar proċeduri ta’ riżolviment ( 36 ), il-Kummissjoni ma tinnegozjax il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt ta’ kompetizzjoni mal-impriżi kkonċernati mill-proċedura għar-riżolviment. Pjuttost l-impriżi jammettu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE u r-responsabbiltà tagħhom f’dak ir-rigward. Meta deċiżjoni hija adottata bħala riżultat ta’ proċedura għar-riżolviment, il-Kummissjoni tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq id-destinatarji tad-deċiżjoni b’10%.

f)   Konklużjoni preliminari

98.

Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li r-regoli proċedurali invokati mill-partijiet huma hemm sabiex jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Kummissjoni u mill-partijiet ikkonċernati. Dawk ir-regoli ma jistgħux ġeneralment, jew fil-każ speċifiku fil-proċeduri prinċipali f’dak il-każ, jaffettwaw il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-ksur misjub mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni.

g)   Xiri tat-trakkijiet inkwistjoni “wara sejħa għall-offerti” ma timplikax interpretazzjoni differenti

99.

Il-ksur misjub mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni jkopri wkoll xiri mwettaq fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi (sejħa għal offerti), għall-inqas sal-punt li x-xerrejja tat-trakkijiet kienu korpi rregolati mid-dritt pubbliku. Il-kondotta antikompetittiva seħħet inter alia fil-kuntest tal-preparazzjoni ta’ sejħiet għal offerti.

100.

Kif innotat mill-Gvern Awstrijak, minbarra kumpanniji privati kbar ta’ trasport, awtoritajiet kontraenti pubbliċi huma l-klijenti prinċipali għax-xiri tat-trakkijiet ikkonċernati mill-ksur (inter alia għall-finijiet ta’ tindif tat-toroq, tneħħija ta’ borra, ġbir ta’ ilma tad-drenaġġ, kostruzzjoni pubblika u servizzi ta’ manutenzjoni komunali oħra).

101.

Ma hemm l-ebda distinzjoni magħmula bejn bejgħ dirett u bejgħ magħmul wara sejħa għall-offerti fid-Deċiżjoni. Id-Deċiżjoni hija prinċipalment ibbażata fuq listi tal-prezz gross u konfiguraturi u dik il-bażi tikkonċerna l-bejgħ kollu, irrispettivament minn jekk kienx bejgħ dirett jew ir-riżultat ta’ sejħa għall-offerti.

102.

Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li l-formulazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur u l-“prodotti kkonċernati mill-ksur” hija ċara, li tkopri wkoll vetturi speċjalizzati (ħlief trakkijiet għall-użu militari) u, b’mod partikolari, trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, u l-ebda mill-argumenti mressqa mill-partijiet jaffettwaw dik il-konklużjoni.

III. Konklużjoni

103.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda preliminari magħmula mil-Landgericht Hannover (il-Qorti Reġjonali ta’ Hannover, il-Ġermanja) kif ġej:

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Lulju 2016, C(2016) 4673 finali, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39824 – Trakkijiet) għandha tiġi interpretata fis-sens li vetturi speċjalizzati, bl-eċċezzjoni ta’ trakkijiet għall-użu militari, u b’mod partikolari trakkijiet għall-ġbir tal-iskart, huma koperti mill-konstatazzjonijiet ta’ dik id-deċiżjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU 2017, C 108, p. 6. Sommarju tad-Deċiżjoni hija disponibbli pubblikament fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52017XC0406%2801%29.

( 3 ) Il-Kummissjoni imponiet l-ammont ta’ qabel fuq dawk l-impriżi li ddeċidew li jirrisolvu. Hija mbagħad imponiet ukoll multa ta’ EUR 880523000 fuq Scania, li kienet iddeċidiet li ma tirrisolvix dan il-każ ta’ kartell. MAN irċeviet immunità sħiħa ta’ li kixfet l-eżistenza tal-kartell, b’hekk evitat multa ta’ madwar EUR 1.2 biljun.

( 4 ) Trakkijiet għall-użu militari biss huma espressament esklużi.

( 5 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 6 ) Il-premessa 5 tad-Deċiżjoni tipprovdi: “il-każ ma jirrigwardax servizzi ta’ wara l-bejgħ, servizzi oħra u garanziji għat-trakkijiet, il-bejgħ ta’ trakkijiet użati u oġġetti jew servizzi oħra mibjugħa mid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda).

( 7 ) Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU 2018, L 151, p. 1).

( 8 ) Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU 2019, L 111, p. 13).

( 9 ) Regolament (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet ta’ CO2 u tal-konsum ta’ fjuwil minn vetturi heavy-duty ġodda (ĠU 2018, L 173, p. 1).

( 10 ) Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (ĠU 2006, L 403, p. 18).

( 11 ) Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara l-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C. (C‑138/09, EU:C:2010:291), u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Copebi (C‑505/18, EU:C:2019:500).

( 14 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2016, Portugal Telecom vs Il‑Kummissjoni (T‑208/13, EU:T:2016:368, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata; mhux appellata).

( 15 ) Ara d-Deċiżjoni, premessa 69. Id-Deċiżjoni ma ġietx appellata u għandha s-saħħa ta’ res judicata.

( 16 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, InnoLux vs Il‑Kummissjoni (T‑91/11, EU:T:2014:92, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata; l-appell għall-Qorti tal-Ġustizzja ġie miċħud).

( 17 ) Sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il‑Kummissjoni (T‑71/03, T‑87/03 u T‑91/03, mhux ippubblikata, EU:T:2005:220, punt 90; l-appell għall-Qorti tal-Ġustizzja ġie miċħud).

( 18 ) Direttiva 97/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Lulju 1997 dwar il-masses u d-dimensjonijiet ta’ ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom u li temenda d-Direttiva 70/156/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 19, p. 200).

( 19 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara f’dak is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑582/08, EU:C:2010:429, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Ara wkoll, b’konnessjoni mal-istess deċiżjoni tal-Kummissjoni, is-sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Tibor-Trans (C‑451/18, EU:C:2019:635, punt 8), u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal (C‑882/19, EU:C:2021:800). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos fil-kawża pendenti Volvo u DAF Trucks (C‑267/20, ECLI:EU:C:2021:884).

( 22 ) Kif spjegat il-Kummissjoni waqt is-seduta, bl-espressjoni “oġġetti jew servizzi oħra” hija sempliċiment fittxet li tkopri kull ħaġa li ma hijiex trakk. Fil-fatt, uħud mill-impriżi kkonċernati, bħal Renault, jipproduċu numru kbir ta’ vetturi tal-passiġġieri u dawk il-vetturi kellhom ovvjament jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni.

( 23 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et (C‑308/06, EU:C:2008:312, punt 69).

( 24 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service (C‑14/16, EU:C:2017:177, punt 38).

( 25 ) Ser nindirizza dik is-sentenza fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Il-premessa 56 taqra kif ġej: “il-laqgħat li involvew il-Livell Ġermaniż saru iktar formalizzati u l-informazzjoni dwar iż-żieda fil-prezz gross li ma kienx disponibbli fil-qasam pubbliku kien normalment inkluż fi spread sheet maqsuma skont il-mudell standard tat-trakk għal kull produttur […] Dawn l-iskambji seħħew diversi darbiet fis-sena […] L-informazzjoni dwar iż-żieda futura tal-prezz gross skambjata kienet tirreferi jew għall-mudelli bażiċi tat-trakk biss jew għat-trakkijiet u l-għażliet disponibbli (ta’ spiss din kienet tiġi indikata separatament fit-tabelli skambjati), u normalment l-ebda prezzijiet netti jew żidiet fil-prezz nett ma kienu skambjati. Informazzjoni dwar żidiet intiżi futuri fil-prezz gross skambjata fuq il-livell tas-Sussidjarji Ġermaniżi kienet, fuq livelli differenti, tintbagħat lill-Kwartieri Ġenerali rispettivi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 27 ) Fil-punti 34 u 35 tas-sentenza tagħha tat‑23 ta’ Settembru 2020, KZR 35/19, ECLI:DE:BGH:2020:230920UKZR35.19.0.

( 28 ) Ara inter alia s-sentenzi tal-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) tas‑6 ta’ Ġunju 2019, 30 O 88/18 (punti 59 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata; http://lrbw.juris.de/cgi-bin/laender_rechtsprechung/document.py?Gericht=bw&nr=28244), 30 O 124/18 (punti 58 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata; http://lrbw.juris.de/cgi-bin/laender_rechtsprechung/document.py?Gericht=bw&nr=28238), u 30O 38/17 (punti 77 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata; http://lrbw.juris.de/cgi-bin/laender_rechtsprechung/document.py?Gericht=bw&nr=28241); sentenza tal-istess qorti nazzjonali tat‑23 ta’ Diċembru 2019, 30 O 132/18 (punti 31 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll is-sentenza tal-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) tal‑4 ta’ April 2019, 2 U 101/18 (punti 112 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 37).

( 30 ) Ara sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2009, Papierfabrik Koehler vs Il‑Kummissjoni (C‑322/07 P, C‑327/07 P u C‑338/07 P, EU:C:2009:500, punt 112), u tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni (C‑452/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:829, punt 92).

( 31 ) Kif il-Kummissjoni spjegat waqt is-seduta, fi kwalunkwe każ, xi vetturi speċjalizzati ġew inklużi fil-valur ta’ bejgħ, peress illi l-partijiet ma setgħux jeskludu kompletament bejgħ ta’ vetturi speċjalizzati minn dawk il-valuri. L-impriżi konċernati kkonfermaw li dan kien hekk f’ċertu każijiet, peress li kien jiddependi mill-approċċ ta’ kull impriża għall-kisba tad-data rilevanti u kien marbut ma’ kemm huwa faċli jew diffiċli li tiġi estratta d-data tal-bejgħ rilevanti.

( 32 ) Il-Linji Gwida dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti l-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).

( 33 ) Il-Kummissjoni tieħu wkoll inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi bħal pereżempju n-natura tal-ksur, is-sehem mis-suq globali tal-impriżi kkonċernati kollha, l-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tal-ksur u jekk il-ksur ġiex implimentat jew le. Ara l-punti 19 sa 26 tal-Linji Gwida dwar il-metodu ta’ kif jiġu stabbiliti l-multi.

( 34 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P, EU:C:2005:408, punt 172).

( 35 ) L-ewwel, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ effettivament affettwat mill-kartell (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni (C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punti 7677)). It-tieni, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu kkonċernat (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni (T‑588/08, EU:T:2013:130, punt 620 et seq.); ikkonfermata fl-appell permezz tas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punti 150 et seq.)) u s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2014, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑72/09, mhux ippubblikata EU:T:2014:1094, punti 209 et seq.; l-appell għall-Qorti tal-Ġustizzja ġie miċħud).

( 36 ) Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008 C 167, p. 1).