KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑497/20

Randstad Italia SpA

vs

Umana SpA,

Azienda USL Valle d’Aosta,

IN. VA SpA,

Synergie Italia agenzia per il lavoro SpA

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1 – Dritt għal rimedju effettiv – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu proċedura ta’ reviżjoni – Aċċess għal proċeduri ta’ reviżjoni – Rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku – Kontrotalba mressqa mill-offerent rebbieħ – Ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali li tillimita l-każijiet fejn jista’ jsir appell ta’ kassazzjoni – Artikolu 267 TFUE)

I. Introduzzjoni

1.

It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari tqajjem kwistjonijiet importanti u, sa ċertu punt, ġodda rigward il-kwistjoni jekk Stat Membru huwiex obbligat li jipprovdi dritt ta’ appell ulterjuri meta qorti tal-appell tkun hija stess interpretat jew applikat id-dritt tal-Unjoni b’mod żbaljat. Hija tqajjem ukoll il-kwistjoni dwar liema rimedji oħrajn (jekk jeżistu) huma disponibbli għall-parti li ssofri danni fil-każ li ma hemm ebda dritt ta’ appell bħal dan.

2.

Din it-talba tikkonċerna b’mod iktar speċifiku l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(3) u 19(1) TUE u tal-Artikoli 2(1) u (2) u 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Hija tqajjem ukoll kwistjonijiet rigward l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 1(1) u (3) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi ( 2 ), kif emendata, inter alia, bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007 ( 3 ).

3.

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ proċeduri bejn Randstad Italia SpA (iktar ’il quddiem “Randstad”) u Umana SpA, Azienda USL (Unità Sanitaria Locale) Valle d’Aosta (l-Aġenzija tas-Saħħa Lokali tar-Reġjun ta’ Valle d’Aosta, l-Italja; iktar ’il quddiem “USL”), IN. VA SpA u Synergie Italia agenzia per il lavoro SpA (iktar ’il quddiem “Synergi”). Dawn il-proċeduri jikkonċernaw, minn naħa, l-esklużjoni ta’ Randstad minn proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku u, min-naħa l-oħra, ir-regolarità ta’ din il-proċedura.

4.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant għal darba oħra msejħa sabiex tiddeċiedi, fuq talba ta’ qorti Taljana, dwar il-portata tal-obbligu ta’ Stat Membru, stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, li jiżgura reviżjoni effettiva ta’ kuntratti pubbliċi fejn, fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, l-offerent rebbieħ iressaq kontrotalba kontra l-offerent mhux magħżul.

5.

Madankollu, din it-talba qiegħda ssir f’kuntest speċifiku u sensittiv fejn, minn naħa, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jidher li għandu – tal-inqas fiż-żmien meta ntalab jiddeċiedi dwar it-tilwima inkwistjoni – xi diffikultà fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dik il-kwistjoni u fejn, min-naħa l-oħra, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) għandha dubji dwar il-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha fejn jidħlu appelli minn sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), kif reċentement speċifikat mill-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja). Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda għaldaqstant tintalab b’mod impliċitu sabiex tarbitra kunflitt bejn it-tliet qrati supremi Taljani.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

6.

Il-premessi 17, 34 u 36 tad-Direttiva 2007/66 jipprovdu li:

“(17)

Proċedura ta’ reviżjoni għandha tkun disponibbli ta’ l-inqas għal kull persuna li jkollha jew li kellha interess li tikseb kuntratt partikolari u li kienet jew li tinsab fir-riskju li tkun milquta minn ksur allegat.

[…]

(34)

[…] Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat fl-[Artikolu 5 TUE], din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri.

[…]

(36)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u għal tribunal imparzjali, bi qbil ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta.”

7.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, fil-verżjoni attwali tiegħu, intitolat “Skop u disponibbiltà ta’ proċeduri ta’ reviżjoni”, jistipula li:

“1.   Din id-Direttiva tapplika għal kuntratti msemmija fid-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65),] sakemm tali kuntratti ma jkunx esklużi skont l-Artikoli 7, 8, 9, 10, 11, 12, 15, 16, 17 u 37 ta’ dik id-Direttiva.

[…]

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2014/24] jew id-Direttiva 2014/23/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1)], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu riveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 2f ta’ din id-Direttiva, għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru l-liġi tal-Unjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dik il-liġi.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

8.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/665 huwa intitolat “Ħtiġijiet għall-proċeduri ta’ reviżjoni”. Skont l-ewwel żewġ paragrafi ta’ din id-dispożizzjoni:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda fir-rigward tal-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 ikunu jinkludu dispożizzjoni għas-setgħat li:

(a)

jittieħdu, ma’ l-ewwel opportunità possibbli u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri intermedji bil-għan li jiġi korrett il-ksur allegat jew li ma jsirx dannu ulterjuri lill-interessi kkonċernati, inklużi miżuri għas-sospensjoni jew sabiex tiġi żgurata s-sospensjoni tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-awtorità kontraenti;

(b)

jitwarrbu jew jiġi żgurat it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluż it-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet diskriminatorji tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji fis-sejħa għall-offerti, fid-dokumenti tal-kuntratt jew fi kwalunkwe dokument ieħor relatat mal-proċedura ta’ l-għoti ta’ kuntratt;

(ċ)

jingħataw danni lil persuni li jġarrbu ħsara minn xi ksur.

2.   Is-setgħat speċifikati fil-paragrafu 1 u l-Artikoli 2d u 2e jistgħu jingħataw lil korpi separati responsabbli minn aspetti differenti tal-proċedura ta’ reviżjoni.”

B.   Id‑dritt Taljan

9.

It-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana jipprovdi li:

“Appelli ta’ kassazzjoni minn deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Istat u tal-Corte dei conti (il-Qorti tal-Awdituri) jistgħu jiġu ppreżentati biss abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni.”

10.

Il-punt 1 tal-Artikolu 360(1) tal-Codice di procedura civile (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) jistipula li:

“Sentenzi mogħtija fl-appell jew f’istanza unika jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell ta’ kassazzjoni:

(1)

abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni […]”;

11.

L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 362 tal-istess kodiċi jipprovdi li:

“1.   Jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni […] minn deċiżjoni mogħtija minn qorti speċjali fl-appell jew f’istanza unika, abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni ta’ dik il-qorti […]

2.   Dawn li ġejjin jistgħu jiġu appellati fil-kassazzjoni fi kwalunkwe ħin:

1)

kunflitti ta’ ġurisdizzjoni pożittivi jew negattivi bejn imħallfin speċjali, jew bejnhom u mħallfin ordinarji;

2)

kunflitti negattivi ta’ attribuzzjoni bejn l-amministrazzjoni pubblika u l-imħallef ordinarju.”

12.

L-Artikolu 91 tal-Codice del processo amministrativo (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva) jistipula li:

“Sentenzi [tal-qrati amministrattivi] jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell, revoka, kontestazzjoni minn terz jew appell ta’ kassazzjoni abbażi ta’ aggravji marbuta biss mal-ġurisdizzjoni.”

13.

L-Artikolu 110 tal-istess kodiċi jipprovdi li:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell ta’ kassazzjoni minn sentenza tal-Consiglio di Stat [il-Kunsill tal-Istat] abbażi ta’ aggravji marbuta biss mal-ġurisdizzjoni.”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali

14.

USL varat proċedura ta’ sejħa għal offerti b’valur ta’ iżjed minn EUR 12000000 bl-għan li tagħti kuntratt, abbażi tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, lil aġenzija tal-impjieg għall-provvista temporanja ta’ persunal. L-awtorità kontraenti stipulat fid-dokumenti tas-sejħa għal offerti li offerti tekniċi għandhom jaqbżu “livell minimu” – stabbilit bħala 48 punt – u li offerenti li jingħataw inqas punti minn dan il-limitu jiġu esklużi.

15.

Tmien impriżi kompetituri pparteċipaw fil-proċedura tas-sejħa għal offerti, inkluż Randstad, assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi ffurmata minn Synergie u Umana (iktar ’il quddiem “TAU”), u Gi Group Spa. Wara li evalwa l-offerti tekniċi, il-kumitat għall-għoti tal-kuntratti għamel evalwazzjoni ekonomika tal-offerti ta’ TAU u ta’ Gi Group biss u eskluda lil Randstad peress li ma qabżitx il-livell minimu. Il-kuntratt eventwalment ingħata lil TAU fis‑6 ta’ Novembru 2018.

16.

Randstad ippreżentat rikors quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Valle d’Aosta, l-Italja) fejn ikkontestat l-esklużjoni tagħha talli naqset milli taqbeż il-livell minimu u kkontestat l-għoti tal-kuntratt lil TAU. Bl-intiża li terġa’ tiddaħħal fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, Randstad argumentat li l-punti li ngħatat kienu irraġonevoli, li l-kriterji ta’ evalwazzjoni ma kinux preċiżi, li kien hemm nuqqas ta’ motivazzjoni tal-marki, li l-ħatra u l-kompożizzjoni tal-kumitat għall-għoti tal-kuntratti kienu illegali, u li s-sejħa għal offerti ma kinitx tqassmet f’lottijiet.

17.

USL u TAU ddefendew din l-azzjoni, argumentaw li l-motivi ta’ Randstad kienu inammissibbli: huma sostnew li Randstad ma kellhiex locus standi biex tippreżenta r-rikors peress li, fi kwalunkwe każ, kienet ġiet eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

18.

Permezz ta’ sentenza ppubblikata fil‑15 ta’ Marzu 2019, it-Tribunale Amministrativo Regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Valle d’Aosta) ċaħdet l-eċċezzjoni dwar ammissibbiltà, u kkunsidrat li Randstad kienet ipparteċipat fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti b’mod leġittimu, sal-punt li kienet issodisfat ir-rekwiżiti, u kienet ġiet eskluża minn din il-proċedura wara evalwazzjoni negattiva tal-offerta tagħha, u għaldaqstant kellha locus standi biex tikkontesta l-eżitu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Din il-qorti mbagħad eżaminat it-talbiet kollha mressqa fir-rikors u ċaħdithom abbażi tal-mertu tagħhom.

19.

Randstad ippreżentat appell mis-sentenza tat-Tribunale Amministrativo Regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Valle d’Aosta) quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), fejn tenniet l-argumenti li kienet ressqet fl-ewwel istanza. Synergie u Umana ppreżentaw appell inċidentali, fejn ikkontestaw is-sentenza tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali sa fejn din il-qorti qieset li t-talbiet ta’ Randstad kienu ammissibbli u eżaminathom fis-sustanza tagħhom, meta skonthom dawn tressqu minn persuna li ma kellhiex locus standi, peress li kienet ġiet eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti.

20.

Permezz ta’ sentenza ppubblikata fis‑7 ta’ Awwissu 2019, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) ċaħad l-aggravju prinċipali li permezz tiegħu Randstad ikkontestat l-għoti ta’ punti insuffiċjenti u laqa’ l-appell inċidentali. B’mod partikolari, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) biddel parzjalment is-sentenza appellata u ddeċieda li Randstad ma kellhiex locus standi peress li kienet ġiet eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Minn dan irriżulta li l-Qorti Amministrattiva Reġjonali għalhekk ma kellhiex teżamina s-sustanza tat-talbiet l-oħra li tressqu fir-rikors prinċipali.

21.

Skont il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), ladarba kienet ġiet eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti Randstad ma kellhiex locus standi, peress li kellha interess purament fattwali, bħal kull operatur ieħor fis-settur li ma kienx ipparteċipa fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) segwa l-ġurisprudenza preċedenti tiegħu li skontha kompetitur li kien ġie eskluż minn proċedura ta’ sejħa għal offerti ma għandu ebda locus standi biex jikkontesta d-dokumenti tas-sejħa għal offerti, sakemm ma jiksibx deċiżjoni li l-esklużjoni tiegħu kienet illegali.

22.

Randstad ippreżentat appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) quddiem il-qorti tar-rinviju. Synergie, Umana u l-awtorità kontraenti qegħdin jiddefendu dan l-appell.

23.

Randstad issostni li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) kiser l-Artikolu 362(1) tal-Kodiċi Taljan tal-Proċedura Ċivili kif ukoll l-Artikolu 110 tal-Kodiċi Taljan tal-Proċedura Amministrattiva, meta ddeċieda li persuna eskluża mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti – permezz ta’ deċiżjoni li l-legalità tagħha għadha ma ġietx stabbilita b’mod definittiv, sal-punt li hija kkontestata fi proċeduri legali – ma għandha ebda locus standi u ma għandha ebda interess li tressaq ilment rigward il-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Hija sostniet li dan jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huwa minqux fid-Direttiva 89/665, u ċaħda ta’ aċċess għal tali protezzjoni li tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ appell ta’ kassazzjoni abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni, skont it-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana.

24.

Randstad tistrieħ fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha anki s-sempliċi probabbiltà li jinkiseb vantaġġ billi jiġi ppreżentat rikors, li jikkonsisti fl-eżitu tiegħu, ikun xi jkun, bħal repetizzjoni tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, hija kapaċi tistabbilixxi interess sabiex jinbdew proċeduri u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja. L-appellanti tiċċita għal dan il-għan is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675).

25.

L-appellati jargumentaw li l-appell huwa inammissibbli. Huma jsostnu li l-aggravju inkwistjoni jikkonċerna allegat ksur tal-liġi. Ma huwiex aggravju “marbut mal-ġurisdizzjoni” u għalhekk ma jistax jiġi invokat quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) sabiex tiġi kkontestata sentenza tal-Cosiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat).

26.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-appell ta’ kassazzjoni msemmi fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana għandu, f’tali każ, ikun disponibbli. L-effettività tal-Artikolu 267 TFUE tiġi ppreġudikata jekk il-qorti nazzjonali ma titħallhiex tapplika immedjatament id-dritt tal-Unjoni skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’każ bħal dan preżenti, appell ta’ kassazzjoni jkun il-mezz finali biex sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) li (skont ma ngħad) tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma titħallhiex tikseb l-awtorità ta’ res judicata.

27.

Madankollu, huwa evidenti mis-Sentenza Nru 6 tat‑18 ta’ Jannar 2018 tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) ( 4 ) dwar it-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana (iktar ’il quddiem is-“Sentenza Nru 6/2018”) li ma huwiex permissibbli, fl-istat attwali tad-dritt kostituzzjonali Taljan kif interpretat f’din is-sentenza, li ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġi meqjus ekwivalenti għal aggravju marbut mal-ġurisdizzjoni. Skont din is-sentenza, “Il-qbiż tal-limiti tal-awtorità ġudizzjarja”, li jista’ jiġi kkontestat permezz ta’ appell fil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni [fit-tifsira tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana], kif dejjem ġie interpretat […] jirreferi esklużivament għal żewġ tipi ta’ xenarji: dawk ikkaratterizzati minn nuqqas totali ta’ setgħa ġudizzjarja, senjatament, meta l-Kunsill tal-Istat jew il-Qorti tal-Awdituri jaffermaw il-ġurisdizzjoni tagħhom stess fuq iż-żona rriżervata għal-leġiżlatur jew għall-amministrazzjoni (l-hekk imsejħa invażjoni jew indħil), jew fejn, għall-kuntrarju, jiċħdu l-ġurisdizzjoni fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-materja ma tistax, b’mod assolut, tkun is-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħhom (l-hekk imsejħa astensjoni), kif ukoll dawk ix-xenarji [ikkaratterizzati minn assenza relattiva ta’] ġurisdizzjoni, meta mħallef amministrattiv jew tal-Qorti tal-Awdituri jasserixxi ġurisdizzjoni fuq materja attribwita lil ġurisdizzjoni differenti jew, għall-kuntrarju, jiċħadha fuq is-suppożizzjoni żbaljata li tappartjeni lil qrati oħrajn.” ( 5 )

28.

Il-qorti tar-rinviju tikkonkludi li sabiex tkun konformi ma’ dik is-sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali), trid tiddikjara l-appell ta’ kassazzjoni ta’ Randstad bħala inammissibbli. Dan premess, hija tistaqsi jekk is-Sentenza Nru 6/2018, li tillimita, fi kwistjonijiet amministrattivi, il-ġurisdizzjoni tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) imsemmija fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana għal każijiet li fihom jiġi allegat li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) injora l-“limiti esterni” tal-ġurisdizzjonijiet tiegħu, tiksirx id-dritt tal-Unjoni.

29.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li, fejn il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) japplika jew jinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali b’mod żbaljat u inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa jkun qiegħed jeżerċita setgħa ġurisdizzjonali li ma għandux. Fil-verità jkun qiegħed jeżerċita setgħa li joħloq liġi li lanqas ma hija mogħtija lil-leġiżlatura nazzjonali. Dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ ġurisdizzjoni li għandha tkun suġġetta għal appell quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni). F’dan ir-rigward huwa irrilevanti jekk is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha tirriżulta l-inkompatibbiltà bejn l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni mill-qorti nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni tkunx irriżultat qabel jew wara dik l-applikazzjoni jew interpretazzjoni.

30.

Il-qorti tar-rinviju tirrimarka li, qabel is-Sentenza Nru 6/2018, il-ġurisprudenza konsistenti tal-awli magħquda tagħha kienet li, f’każ ta’ appell minn sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), l-istħarriġ tal-limiti esterni ta’ “ġurisdizzjoni”, fit-tifsira tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, ma kienx jestendi għall-istħarriġ tal-għażliet interpretattivi magħmula mill-qorti amministrattiva li jistgħu jinvolvu żbalji sempliċi in iudicando (fuq il-mertu) jew in procedendo (fuq il-proċedura), sakemm ma kienx hemm żnaturament fundamentali tar-regoli applikabbli li jista’ jikkostitwixxi ċaħda ta’ ġustizzja, bħal żball in procedendo li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regola proċedurali nazzjonali li kellha l-effett li ċċaħħad lill-parti kkonċernata aċċess għall-protezzjoni ġudizzjarja mogħtija direttament minn dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt tal-Unjoni.

31.

Tali approċċ ikun kompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkundizzjonaw l-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Is-Sentenza Nru 6/2018 u l-ġurisprudenza li żviluppat warajha huma, għall-kuntrarju, inkompatibbli ma’ dawn il-prinċipji.

32.

Huwa importanti wkoll għall-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) li tkun taf, wara dak ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk l-approċċ segwit mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fis-sentenza kkontestata huwiex kompatibbli mas-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675). Dan l-aspett tat-tilwima jqajjem żewġ kwistjonijiet separati.

33.

L-ewwel, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza diġà stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-dritt ta’ reviżjoni ta’ offerenti esklużi minn proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi hijiex trasponibbli għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. It-tieni, peress li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) astjena, mingħajr motivazzjoni, milli jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk it-tagħlim li jirriżulta mis-sentenzi ċċitati fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet huwiex trasponibbli għal każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa importanti, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, li issa tkun tista’ tirreferi hija stess din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV. It‑talba għal deċiżjoni preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

34.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Lulju 2020, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2020, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 2(1) u (2), u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija anki fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu interpretazzjoni, bħal dik li tirrigwarda t-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, l-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 360, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u l-Artikolu 110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva – sa fejn tali dispożizzjonijiet jikkontemplaw l-appell ta’ kassazzjoni minn sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) abbażi ta’ ‘aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni’ – kif jirriżulta mis-sentenza tal-Corte costituzionale (il-Qorti Konstituzzjonali) Nru 6 tal‑2018 u mill-ġurisprudenza nazzjonali suċċessiva li, filwaqt li varjat id-direzzjoni preċedenti, iddeċidiet li r-rimedju tal-appell ta’ kassazzjoni, taħt il-kap tal-hekk imsejjaħ ‘nuqqas ta’ setgħa ġudizzjarja’, ma jistax jintuża sabiex jiġu annullati sentenzi tal-Consiglio di Stato li japplikaw prassi interpretattivi żviluppati fl-ambitu nazzjonali li huma f’kunflitt mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’setturi irregolati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ, marbuta mal-għoti ta’ kuntratt għal xogħolijiet pubbliċi) li fihom l-Istati Membri rrinunzjaw milli jeżerċitaw is-setgħat sovrani tagħhom b’mod inkompatibbli ma’ tali dritt, bil-konsegwenza li ġie kkonsolidat il-ksur tad-dritt Komunitarju liema ksur jista’ jiġi kkorreġut permezz tal-imsemmi rimedju u li ġiet ippreġudikata l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tas-sitwazzjonijiet legali suġġettivi ta’ rilevanza Komunitarja, bi ksur tar-rekwiżit li tali dritt jiġi attwat b’mod sħiħ u diliġenti minn kull qorti, b’mod li jkun obbligatorjament konformi mal-interpretazzjoni korretta tiegħu mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, b’osservanza tal-limiti għall-‘awtonomija proċedurali’ tal-Istati Membri fid-determinazzjoni tar-regoli proċedurali?

(2)

L-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija anki fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jipprekludu l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni, tal-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 360, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 362 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, u tal-Artikolu 110 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, li tirriżula mill-ġurisprudenza nazzjonali, li skontha appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Awli Magħquda [tal-Qorti tal-Kassazzjoni] bbażat fuq ‘aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni’, taħt il-kap ta’ ‘nuqqas ta’ setgħa ġudizzjarja’, ma jistax jiġi ppreżentat bħala rimedju kontra s-sentenzi li fihom il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), filwaqt li jiddeċiedi kawżi li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jastjeni mingħajr motivazzjoni milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, fl-assenza ta’ kundizzjonijiet, li għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, elenkati b’mod tassattiv minn din tal-aħħar (mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335), li fihom il-qorti nazzjonali hija eżentata mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod kuntrarju għall-prinċipju li skontu huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni r-regoli jew il-prassi proċedurali nazzjonali, kemm jekk ta’ natura leġiżlattiva kif ukoll kostituzzjonali, li jċaħħdu, anki temporanjament, lil qorti nazzjonali (irrispettivament mill-fatt jekk din tkunx qorti tal-aħħar grad jew le) mil-libertà li twettaq rinviju għal deċiżjoni preliminari, fatt li għandu l-effett li jaħtaf il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tipprovdi l-interpretazzjoni korretta u vinkolanti tad-dritt Komunitarju, li jirrendi irrimedjabbli (u li jiffavorixxi l-konsolidazzjoni ta’) kuntrarjetà possibbli ta’ interpretazzjoni bejn id-dritt applikat mill-qorti nazzjonali u d-dritt tal-Unjoni u li jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja tal-kwistjonijet ġuridiċi suġġettivi mogħtija mid-dritt tal-Unjoni?

(3)

Il-prinċipji tal-Qorti tal-Ġustizzja sanċiti fis-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), u tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), b’rabta mal-Artikolu 1(1) u (3), u l-Artikolu 2(1) tad-[Direttiva 89/665/KEE], kif emendata bid-[Direttiva 2007/66/KE], huma applikabbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih, meta jiġi adit b’tilwima li fiha impriża kienet qiegħda tikkontesta l-esklużjoni tagħha minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku u l-għoti ta’ dan il-kuntratt lil impriża oħra, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jeżamina fil-mertu biss il-motiv li bih l-impriża eskluża tikkontesta l-marka inferjuri għall-‘limitu obbligatorju’ mogħtija lill-offerta teknika tagħha u, billi jeżamina bi prijorità l-appelli incidentali tal-awtorità kontraenti u tal-impriża rebbieħa, jilqa’ dawn l-appelli billi jiddikjara inammissibbli (u mingħajr ma jeżaminahom fil-mertu) il-motivi l-oħra tal-appell prinċipali li permezz tagħhom ir-riżultat tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt jiġi kkontestat għal raġunijiet oħra (natura mhux iddeterminata tal-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-offerti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, nuqqas ta’ motivazzjoni tal-marki mogħtija, ħatra u kompożizzjoni illegali tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni), billi applika ġurisprudenza nazzjonali li skontha l-impriża eskluża minn proċedura ta’ sejħa għal offerti għal kuntratt ma għandhiex il-locus standi sabiex tinvoka ilmenti li jikkontestaw l-għoti tal-kuntratt lill-impriża kompetitriċi, anki dawk li jkunu jirrendu nulla l-proċedura ta’ sejħa għal offerti, meta huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni l-fatt li l-impriża tiġi mċaħħda mid-dritt li tissottometti għall-eżami tal-qorti kull motiv ta’ kontestazzjoni tar-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, f’sitwazzjoni li fiha l-esklużjoni tagħha ma ġietx ikkonstatata definittivament u li fiha kull wieħed mill-offerenti jista’ jinvoka interess leġittimu analogu għall-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn, fatt li jista’ jwassal lill-awtorità kontraenti sabiex tikkonstata l-impossibbiltà li tagħżel offerta regolari oħra u għall-ftuħ ta’ proċedura ġdida ta’ sejħa għal offerti, li fiha kull wieħed mill-offerenti ikun jista’ jipparteċipa?”

35.

Fid-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jiġi ttrattat taħt proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36.

Insostenn tat-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju sostniet, essenzjalment, li hemm raġunijiet validi għalfejn qiegħda tipprova tiċċara malajr kwistjonijiet ta’ importanza kostituzzjonali. In-numru ta’ appelli minn sentenzi tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) f’kawżi li jikkonċernaw id-dritt tal-Unjoni li huma pendenti quddiem il-Corte di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) juri li hemm inċertezza sejra dwar l-ambitu tal-protezzjoni ġudizzjarja ta’ drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni. Din jeħtieġ li titneħħa, b’mod partikolari f’settur prinċipali bħalma huwa dak tal-kuntratti pubbliċi, sabiex, inter alia, tiġi evitata l-konsolidazzjoni ta’ ġurisprudenza nazzjonali ta’ qrati tal-aħħar istanza li tista’ tiġi segwita f’ħafna iżjed deċiżjonijiet.

37.

Fil‑21 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li sema’ lill-Imħallef Relatur u lill-Avukat Ġenerali, li jirrifjuta t-talba tal-qorti tar-rinviju rigward il-proċedura mħaffa. Fl-istess ġurnata, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda wkoll li jagħti trattament prijoritarju lill-kawża preżenti skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

38.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn Randstad, Umana, il-USL, Synergie, il-Gvern Taljan, u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, Randstad, Umana, il-Gvern Taljan, u l-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali fis-seduta tas‑6 ta’ Lulju 2021.

V. Osservazzjonijiet preliminari dwar il‑kuntest

39.

Kif ġie indikat fl-introduzzjoni għal dawn il-konklużjonijiet, il-kawża preżenti tikkonċerna, mill-bidu, il-portata tal-obbligu tal-Istati Membri, stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/665, li jiżguraw reviżjoni effettiva ta’ kuntratti pubbliċi fis-sitwazzjoni partikolari fejn titressaq kontrotalba minn offerent rebbieħ. Id-domandi magħmula huma, barra minn hekk, parti minn dibattitu usà bejn it-tliet qrati supremi Taljani. F’dan il-kuntest, qabel ma jiġu eżaminati b’mod iżjed speċifiku d-domandi magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), jidher utli li l-analiżi tibda billi jitfakkru, mhux biss il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett, iżda anki l-kuntest proċedurali Taljan.

A.   Sinteżi tal‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja dwar id‑Direttiva 89/665 meta titressaq kontrotalba minn offerent rebbieħ

40.

Il-kwistjoni dwar kif għandha tiġi ttrattata taħt id-Direttiva 89/665 sitwazzjoni fejn titressaq talba kontra offerent għall-esklużjoni tiegħu u titressaq kontrotalba ma hijiex waħda ġdida. Wieħed jista’, fil-fehma tiegħi, raġonevolment jgħid li l-effett ta’ sensiela ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari kien li l-kwistjoni ta’ locus standi fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ġiet kjarament solvuta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

41.

L-ewwel nett, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) u mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 isegwi li sabiex ir-reviżjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti titqies effettiva, dawn għandhom ikunu disponibbli tal-inqas lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat ( 6 ).

42.

Għaldaqstant, fejn, wara proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, żewġ offerenti jippreżentaw rikorsi, fejn kull wieħed jitlob l-esklużjoni tal-ieħor, kull wieħed minn dawk l-offerenti jkollu interess li jikseb kuntratt partikolari fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti. Minn naħa, l-esklużjoni ta’ offerent wieħed tista’ twassal sabiex l-ieħor jikseb il-kuntratt direttament fil-kuntest tal-istess proċedura. Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi ta’ esklużjoni tal-offerenti kollha u tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku ġdida, kull wieħed mill-offerenti jkun jista’ jipparteċipa fil-proċedura l-ġdida u, għaldaqstant, jikseb il-kuntratt indirettament ( 7 ).

43.

Minn dan isegwi li l-kontrotalba mressqa mill-offerent rebbieħ ma tistax twassal għaċ-ċaħda tar-rikors għal reviżjoni ppreżentat minn offerent mhux rebbieħ fiċ-ċirkustanza fejn ir-regolarità tal-offerta ta’ kull wieħed mill-operaturi tiġi kkontestata fil‑kuntest tal-istess proċedura peress li, f’tali sitwazzjoni, kull wieħed mill-kompetituri jista’ jinvoka interess leġittimu fl-esklużjoni tal-offerta tal-oħrajn, li jista’ jwassal għal konstatazzjoni li l-awtorità kontraenti ma tkunx tista’ tagħżel offerta regolari ( 8 ).

44.

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat ukoll li n-numru ta’ parteċipanti fil-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, kif ukoll in-numru ta’ parteċipanti li jkunu instigaw proċeduri ta’ reviżjoni u d-diverġenza tal-motivi mqajma minnhom, ma humiex rilevanti għall-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-prinċipju li skontu l-interessi segwiti fil-kuntest ta’ rikorsi ta’ “esklużjoni” reċiproċi, għandhom jitqiesu bħala li huma, bħala prinċipju, ekwivalenti ( 9 ).

45.

Dan ifisser li dan il-prinċipju japplika wkoll meta offerenti oħrajn jkunu ppreżentaw offerti fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u meta r-rikorsi għal “esklużjoni” reċiproċi ma humiex relatati ma’ offerti kklassifikati inqas mill-offerti li huma s-suġġett tal-imsemmija rikorsi għal “esklużjoni” ( 10 ). Tabilħaqq, jekk ir-rikors tal-offerent mhux rebbieħ kien meqjus bħala fondat, l-awtorità kontraenti tista’ tieħu d-deċiżjoni li tannulla l-proċedura u li tiftaħ proċedura ġdida ta’ għoti ta’ kuntratt minħabba li l-offerti regolari li jifdal ma jikkorrispondux suffiċjentement mal-aspettattivi tal-awtorità kontraenti ( 11 ).

46.

It-tielet, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissibbiltà tar-rikors prinċipali ma tistax, mingħajr ma tkun ta’ preġudizzju għall-effett utli tad-Direttiva 89/665, tkun suġġetta għall-konstatazzjoni minn qabel li l-offerti kollha kklassifikati iktar baxxi minn dik tal-offerent huma irregolari ( 12 ).

47.

L-importanza ta’ dan hija li kull wieħed mill-partijiet fil-kawża għandu interess leġittimu fl-esklużjoni tal-offerti ppreżentati mill-kompetituri l-oħrajn. Ir-raġunament hawnhekk huwa li waħda mill-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni kemm tal-offerta tal-offerent rebbieħ kif ukoll dik tal-offerent li jikkontesta d-deċiżjoni ta’ għoti tal-awtorità kontraenti, tista’ tivvizzja anki l-offerti l-oħra ppreżentati fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li jista’ jwassal sabiex dik l-awtorità jkollha tniedi proċedura ġdida ( 13 ).

48.

Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-ammissibbiltà tar-rikors prinċipali ma tistax tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-offerent irid jipproduċi l-prova li l-awtorità kontraenti hija obbligata tirrepeti l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. Is-sempliċi eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti f’dan ir-rigward ( 14 ).

49.

Fi kliem ieħor, offerent eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku għandu jkollu d-dritt li jitlob reviżjoni tad-deċiżjoni li permezz tagħha ġie eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt kif ukoll li jkollu aċċess għal reviżjoni ta’ deċiżjonijiet oħrajn tal-awtorità kontraenti bil-kundizzjoni li kwalunkwe reviżjoni bħal din tista’ tal-inqas teoretikament tirriżulta jew fl-għoti tal-kuntratt lil-lanjant jew fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ġdida ( 15 ).

50.

Jekk nista’ issa nantiċipa kwistjonijiet koperti fit-tielet domanda, jiena għalhekk tal-fehma li sa fejn il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda mod ieħor fil-kawża inkwistjoni, dan ammonta – oġġettivament ( 16 ) – għal nuqqas li tiġi applikata b’mod tajjeb il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward locus standi fi kwistjonijiet ta’ kuntratti pubbliċi. Dawn ir-regoli dwar locus standi – li, neċessarjament, huma wiesgħa u liberali – iservu l-għan importanti ta’ ordni pubbliku li jiġi żgurat li impriżi li jsostnu li ġew esklużi mill-proċess ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi b’mod mhux xieraq jew inġust ikunu jistgħu jikkontestaw dik id-deċiżjoni. Ir-regoli tal-kuntratti pubbliċi jfittxu li jiżguraw li l-flejjes pubbliċi huma mqassma b’mod ġust u li kuntratti pubbliċi jingħataw abbażi ta’ kriterji oġġettivament iġġustifikati. L-applikazzjoni ħażina ta’ dawn ir-regoli dwar locus standi ma hijiex, għalhekk, sempliċement nuqqas tekniku jew żball min-naħa ta’ qorti nazzjonali iżda pjuttost waħda li għandha l-potenzjal li taffettwa – xi kultant b’mod estensiv – l-effiċjenza u anki l-integrità tal-proċess kollu ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

51.

Huwa minnu li s-sentenza mogħtija fil-kawża Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675) (li hija rinviju mill-Consiglio di Stato) ingħatat f’Settembru 2019 madwar xahar wara s-sentenza tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) inkwistjoni fil-kawża preżenti. Madankollu fir-realtà l-ġurisprudenza eżistenti ta’ din il-qorti f’kawżi bħal FastWeb (C‑100/12) u PFE (C-689/13) diġà kienet ipprovdiet gwida ċara ħafna dwar din il-kwistjoni ġenerali ta’ locus standi fi kwistjonijiet ta’ kuntratti pubbliċi. F’kull każ, anki jekk kien hemm dubju reali fid-diversi awli tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) rigward l-applikazzjoni xierqa ta’ din il-ġurisprudenza preċedenti – kif tindika s-sentenza Lombardi ( 17 ) – dik il-qorti bħala qorti tal-aħħar istanza kienet hija stess obbligata li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

B.   Proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi u ta’ reviżjoni ġewwa l‑Italja

52.

B’mod tassew skematiku, il-proċeduri ta’ reviżjoni ġewwa l-Italja fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati amministrattivi. Jeżistu żewġ livelli ta’ ġurisdizzjoni: it-Tribunali Amministrativi Regionali (il-Qrati Amministrattivi Reġjonali) jittrattaw tilwim fl-ewwel istanza u jista’ mbagħad jiġi ppreżentat appell quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat).

53.

Barra din l-organizzazzjoni “klassika”, it-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana jipprovdi li appelli ta’ kassazzjoni minn deċiżjonijiet tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) huma permessi, iżda abbażi ta’ motivi marbuta mal-ġurisdizzjoni biss.

54.

Il-Corte costituzionali (il-Qorti Kostituzzjonali) reċentement inkwadrat l-għan ta’ dan l-appell speċifiku quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) fis-Sentenza Nru 6/2018. Kif diġà ġie spjegat, skont dik is-sentenza, “il-qbiż tal-limiti tal-awtorità ġudizzjarja” jirreferi esklużivament għal żewġ tipi ta’ xenarji: dawk ikkaratterizzati minn nuqqas totali ta’ ġurisdizzjoni, senjatament, meta l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jafferma l-ġurisdizzjoni tiegħu stess fuq żona riżervata għal-leġiżlatura jew għall-amministrazzjoni (l-hekk imsejħa invażjoni jew indħil), jew fejn, għall-kuntrarju, jiċħad il-ġurisdizzjoni fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-materja ma tistax, b’mod assolut, tkun is-suġġett tal-istħarriġ ġudizzjarju tiegħu (l-hekk imsejħa astensjoni), kif ukoll dawk ix-xenarji ikkaratterizzati minn assenza relattiva ta’ ġurisdizzjoni, meta imħallef amministrattiv jasserixxi ġurisdizzjoni fuq materja attribwita lil ġurisdizzjoni differenti jew, għall-kuntrarju, jiċħadha fuq is-suppożizzjoni żbaljata li tappartjeni lil qrati oħrajn ( 18 ).

55.

Fl-istess sentenza, il-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali) għamlet żewġ kjarifiki addizzjonali. Minn naħa, l-intervent tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), fil-kuntest tar-reviżjoni tal-ġurisdizzjoni tagħha, “ma jistax jiġi ġġustifikat anki mill-ksur tad-[dritt] tal-Unjoni” ( 19 ). Min-naħa l-oħra, “mhux permissibbli li jiġu kkontestati sentenzi [permezz ta’ dan ir-rimedju proċedurali] fejn qorti amministrattiva […] tkun adottat interpretazzjoni ta’ regola proċedurali jew sostantiva b’mod li l-mertu sħiħ tal-kawża ma jkunx suġġett għal aġġudikazzjoni” ( 20 ).

VI. Analiżi

A.   L‑ewwel domanda

56.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 2(1) u (2) TFUE, u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludux regola bħalma huwa t-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, kif interpretat fis-Sentenza Nru 6/2018, li skontha appell ta’ kassazzjoni bbażat fuq aggravji marbut mal-ġurisdizzjoni ma jistax jiġi ppreżentat sabiex jikkontesta sentenzi li fihom il-qorti tat-tieni istanza tkun applikat prassi interpretattivi żviluppati fl-ambitu nazzjonali li madankollu huma f’kunflitt mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’setturi rregolati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

1. Dwar id‑dispożizzjonijiet rilevanti għar‑risposta tal‑ewwel domanda

57.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE li tipprovdi għal kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li titressaq quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-missjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu dwar it-tilwim imressaq quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espliċitament fid-domandi li dawn il-qrati jkunu għamlulha ( 21 ).

58.

Konsegwentement, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat l-ewwel domanda tagħha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 2(1) u 2(2) TFUE, u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk dik il-qorti tar-rinviju tkun għamlet riferiment għalihom fil-formulazzjoni tad-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li, mill-kumpless tal-elementi pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, għandha tislet l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima ( 22 ).

59.

F’dan ir-rigward, jidher li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2) TFUE u tal-Artikolu 267 TFUE ma tidhirx, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fit-talba għal deċiżjoni preliminari, meħtieġa sabiex tingħata risposta utli għall-ewwel domanda preliminari, peress li dawn l-artikoli jirrelataw, rispettivament, mar-regoli rigward il-kompetenza esklużiva u kondiviża tal-Unjoni, u l-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari. Għall-kuntrarju, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 36 tagħha, id-Direttiva 2007/66, u għalhekk id-Direttivi 89/665 li hija emendat u kkompletat, għandhom l-għan li jiżguraw ir-rispett sħiħ tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal proċess imparzjali, konformement mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 23 ).

60.

Bl-istess mod, sa fejn japplika għall-Istati Membri, l-Artikolu 47 tal-Karta jtenni t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u jippreċiża l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE ( 24 ). Għaldaqstant, huwa ċar, skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel, li “huma l-qrati tal-Istati Membri li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni [u, it-tieni, li] l-Artikolu 19(1) TUE jobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu r-rimedji legali neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” ( 25 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li l-obbligu tal-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 19(1) TUE “jikkorrispondi mad-dritt stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta” ( 26 ).

61.

F’dan il-kuntest, peress li huwa paċifiku li fl-Italja teżisti proċedura ta’ reviżjoni quddiem qrati indipendenti u d-dibattitu ma huwiex dwar l-istabbiliment ta’ rimedju iżda dwar il-mod kif dan ir-rimedju huwa implimentat mill-qrati kompetenti, l-Artikoli 4(3) u 19(1) TUE lanqas jidher li huma utli.

62.

Għaldaqstant, kif ġie ssuġġerit mill-Kummissjoni ( 27 ), inqis li l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala li tistaqsi jekk l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta għandux jiġi interpretat bħala li jipprekludi regola bħalma huwa t-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, kif interpretat fis-Sentenza Nru 6/2018, li skontha appell ta’ kassazzjoni bbażat fuq aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni ma jistax jiġi ppreżentat sabiex jikkontesta sentenzi li fihom il-qorti tat-tieni istanza tkun applikat prassi interpretattivi żviluppati fl-ambitu nazzjonali li madankollu huma f’kunflitt mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’setturi irregolati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

2. Il‑kuntest tal‑analiżi: l‑awtonomija proċedurali taħt l‑Artikolu 47 tal‑Karta

63.

L-obbligu għall-Istati Membri li jorganizzaw proċedura ta’ reviżjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665. Skont it-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, rigward kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 jew tad-Direttiva 2014/23, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jiġu rriveduti b’mod effettiv u, b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun għar-raġuni li dawn id-deċiżjonijiet ikunu kisru d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dak id-dritt.

64.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665 jispeċifika biss li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, taħt regoli ddettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, tal-inqas lil kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.

65.

Fi kliem ieħor, id-Direttiva 89/665 ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tirregola speċifikament il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jintużaw dawn il-proċeduri ta’ reviżjoni. Din id-direttiva tistipula biss il-kundizzjonijiet minimi li l-proċeduri ta’ reviżjoni stabbiliti fid-dritt nazzjonali għandhom jissodisfaw, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ( 28 ). F’kull każ, għandu jiġi ammess li d-Direttiva 89/665 ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika rigward appelli li jistgħu jew għandhom jiġu organizzati,

66.

Madankollu, f’kuntest fejn ma hemm ebda regola tal-Unjoni li tirregola l-kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li huwa kull wieħed mill-Istati Membri li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet tal-proċedura amministrattiva u dawk tal-proċedura ġudizzjarja intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ( 29 ). Din l-osservanza tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri tissemma espressament fil-premessa 34 tad-Direttiva 2007/66 u hija riflessa fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 89/665.

67.

Konsegwentement, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat preċedentement, meta jiddefinixxu l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mid-Direttiva 89/665 lill-kandidati u lill-offerenti ppreġudikati mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kontraenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv u ta’ aċċess għal proċess imparzjali, minqux fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 30 ).

68.

Fi kliem ieħor, fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 89/665, l-Istati Membri jżommu, konformement mal-awtonomija proċedurali tagħhom, il-possibbiltà li jadottaw regoli li jistgħu jirriżultaw differenti minn Stat Membru għal ieħor. Madankollu, dawn għandhom jiżguraw li l-imsemmija regoli ma jxejnux ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-direttiva, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-protezzjoni ġudizzjarja, iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta, li fuqu din hija msejsa ( 31 ). Dan ifisser li l-karatteristiċi ta’ rimedju bħalma huwa dak taħt l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 għandhom jiġu ddeterminati konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, pjuttost milli b’riferiment għall-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li “jesprimu [biss] l-obbligu ġenerali li l-Istati Membri għandhom li jassiguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tal-liġi [tal-Unjoni]” ( 32 ), illum minqux fl-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta ( 33 ).

69.

Limitazzjoni għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta tista’ għaldaqstant tkun iġġustifikata biss, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jekk din tkun prevista mil-liġi, jekk din tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u jekk, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, din tkun neċessarja u twieġeb b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew għall-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor ( 34 ).

3. Applikazzjoni tal‑prinċipji għall‑kawża preżenti

70.

Fil-kawża preżenti, ir-regola inkwistjoni tikkonċerna l-limitazzjoni tad-dritt ta’ appell ta’ kassazzjoni bbażat fuq aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni. Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-Artikolu 47 tal-Karta ma jimponix l-eżistenza ta’ livell doppju ta’ ġurisdizzjoni ( 35 ). Tabilħaqq, skont din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkopri d-dritt ta’ aċċess mhux għat-tieni livell ta’ ġurisdizzjoni, iżda sempliċement għal qorti jew tribunal ( 36 ).

71.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-appell ta’ kassazzjoni disponibbli għall-offerent mhux rebbieħ huwa, bħala t-tielet livell ta’ ġurisdizzjoni, limitat għal kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni ċertament ma jistax, fih innifsu, jitqies li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni anki jekk jipprekludi kontestazzjoni ta’ sentenza li fiha l-qorti tat-tieni istanza tkun applikat interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li, oġġettivament, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

72.

Tabilħaqq, id-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jipprekludix li l-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, jirrestrinġu jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-aggravji li jistgħu jiġu invokati fil-proċeduri ta’ appell ta’ kassazzjoni, bla ħsara għall-osservanza tal-garanziji stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 37 ). Madankollu, jekk ir-regoli proċedurali nazzjonali jiżguraw l-osservanza tad-dritt għal eżami fuq il-mertu tal-ilment tal-offerent mill-qorti tal-prim istanza u, fejn xieraq, fl-appell ( 38 ), ir-regola proċedurali inkwistjoni x’aktarx ma tippreġudikax l-effettività tad-Direttiva 89/665 jew ir-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta.

73.

Inżid ukoll, għall-finijiet ta’ kompletezza, li, f’kull każ, jekk regola proċedurali bħal-limitazzjoni fuq id-dritt ta’ appell ta’ kassazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha titqies bħala limitazzjoni fuq id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, ikollu jiġi ammess li hija miżura, minn naħa, stabbilita “mil-liġi” u, min-naħa l-oħra, ta’ natura li tiddisswadi l-kontestazzjonijiet abbużivi u tiżgura lill-individwi kollha, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, it-trattament tar-rikorsi tagħhom kemm jista’ jkun malajr, konformement mal-ewwel u mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 39 ). Fl-aħħar, ir-regola inkwistjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan.

74.

L-Artikolu 47 tal-Karta naturalment jeħtieġ l-istabbiliment ta’ rimedju li huwa effettiv kemm fid-dritt u kemm fil-prattika ( 40 ). Madankollu, jekk jidher, minn naħa, li aċċess għal “qorti” fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta huwa ggarantit mingħajr diffikultajiet, u li, min-naħa l-oħra, id-dritt nazzjonali jagħti lil din il-“qorti” l-kompetenza li teżamina l-mertu tat-tilwima – kif muri fis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale della Valle d’Aosta (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Valle d’Aosta) fil-kawża preżenti – la d-Direttiva 89/665 u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistgħu jiġu interpretati b’mod li jeħtieġu livell ulterjuri ta’ appell sabiex tiġi rrimedjata applikazzjoni żbaljata ta’ dawn ir-regoli mill-qorti tal-appell.

75.

Tabilħaqq, kif irrimarkaw diversi partijiet, wieħed għandu jistaqsi x’jiġri li kieku l-qorti tat-tielet istanza min-naħa tagħha tikkonferma l-interpretazzjoni tal-qorti tat-tieni istanza. F’dak il-każ, l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jeħtieġ l-organizzazzjoni tar-raba’ livell ta’ ġurisdizzjoni? Din il-mistoqsija essenzjalment twieġeb lilha nnifisha. Fil-fehma tiegħi, is-soluzzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni minn qorti tal-aħħar istanza trid tinstab f’forom proċedurali oħra, bħal rikors għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE ( 41 ) jew, pereżempju, rikors bi stil Francovich ( 42 ) li joffri l-possibbiltà li tiġi invokata r-responsabbiltà tal-Istat sabiex b’dan il-mezz tinkiseb protezzjoni legali tad-drittijiet tal-individwi rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni ( 43 ).

4. Rimarki addizzjonali dwar il‑ġurisprudenza Francovich u l‑ħtieġa għall‑iżvilupp tagħha

76.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ammess li, waqt is-seduta, kien hemm ħafna diskussjoni dwar liema rimedji jistgħu jkunu disponibbli għal Randstad fiċ-ċirkustanzi preżenti, peress li jidher ġust li jingħad li d-deċiżjoni proprja tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) innifsu – li ċaħdet l-appell għal raġunijiet dwar locus standi – jidher li ftit kellha difensuri.

77.

Kien hemm suġġeriment waqt is-seduta li Randstad jaf tkun tista’ tinvoka l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 89/665 li jipprovdi għall-għoti ta’ danni fir-rigward ta’ ksur tal-proċess ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Filwaqt li ma huwiex strettament meħtieġ li jiġi deċiż dan il-punt, fil-fehma tiegħi din id-dispożizzjoni tirrelata sempliċement mal-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali li jagħtu danni abbażi ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija fir-rigward ta’ ksur tar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn awtorità kontraenti, b’differenza mill-applikazzjoni żbaljata minn qorti tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Ġie wkoll osservat li l-Istat Taljan potenzjalment għandu responsabbiltà fir-rigward ta’ talba għal danni skont is-sentenza Francovich, li tirriżulta minn nuqqas tas-sistema ġudizzjarja ta’ dak l-Istat li tapplika d-dritt tal-Unjoni b’mod xieraq.

78.

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi preċiżi dwar għalfejn il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda kontra Randstad fuq dan il-punt ma humiex għal kollox ċari. F’każ li sussegwentement kellhom jittieħdu azzjonijiet oħra minn Randstad, din tkun kwistjoni għall-qorti nazzjonali kompetenti sabiex tiddetermina u tevalwa r-raġunijiet għalfejn il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jidher li ma applikax il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward locus standi fi kwistjonijiet ta’ kuntratti pubbliċi jew, sa fejn dik il-qorti għandha dubji, għan-nuqqas tagħha (bħala qorti tal-aħħar istanza) li tagħmel ir-referenza xierqa skont l-Artikolu 267 TFUE. Jista’ forsi jkun hemm spjegazzjoni għad-deċiżjoni tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) f’din il-kwistjoni.

79.

Madankollu ser nieħu din l-opportunità biex nosserva li fil-fehma tiegħi l-ġurisprudenza Francovich għandha issa tinqara mill-ġdid fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta u, jekk meħtieġ, tiġi żviluppata iżjed f’dan id-dawl. Huwa ċar mis-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame”) li l-Istati Membri huma responsabbli għall-ħlas ta’ kumpens fir-rigward ta’ ksur suffiċjentement gravi tad-dritt tal-Unjoni fejn hemm “nuqqas ċar u gravi [tagħhom] milli [jagħtu] kas il-limiti imposti fuq id-diskrezzjoni tagħh[om]” ( 44 ).

80.

Id-diffikultà, madankollu, fl-applikazzjoni prattika ta’ dan it-test, hija li nuqqasijiet ċari minn Stati Membri (inkluż nuqqasijiet ġudizzjarji) jistgħu spiss wisq u forsi faċilment wisq jiġu skużati għar-raġuni li tali żbalji kienu ġenwini jew kienu mod ieħor skużabbli fiċ-ċirkustanzi jew, f’kull każ, li ma humiex “manifesti u gravi”. Kunsiderazzjonijiet ta’ korteżija ġudizzjarja jew ta’ rispett lejn-istituzzjonijiet ġudizzjarji nazzjonali venerabbli ma għandhomx, madankollu, iwasslu sabiex wieħed joqgħod lura milli jiddeskrivi tali żbalji bħala “manifesti u gravi” fis-sens mogħti lil din il-frażi mis-sentenza Brasserie du pêcheur fejn dan ikun iġġustifikat. Rieda jew inklinazzjoni li jiġu skużati nuqqasijiet manifesti u gravi minn Stat Membru fl-applikazzjoni tiegħu tad-dritt tal-Unjoni billi titnaqqas il-gravità ta’ tali nuqqasijiet fiha nnifisha tirrappreżenta ċaħda ċara ta’ rimedju effettiv għall-partijiet taħt l-Artikolu 47 tal-Karta, speċjalment fejn, meqjus oġġettivament, in-nuqqas li jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni kjarament stabbilit ma jistax realistikament jiġi ġġustifikat jew skużat mod ieħor. Filwaqt li l-ambitu tas-sentenza Francovich ma huwa qatt ’il bogħod mill-ħsieb fil-kawża preżenti, il-kwistjoni madankollu trid tistenna riżoluzzjoni fi stadju ulterjuri peress li ma tqajmitx direttament f’din il-proċedura.

81.

Fl-istess ħin, kwalunkwe rieda li jiġu skużati n-nuqqasijiet tal-Istati Membri ftit li xejn tkun ta’ konsolazzjoni għal parti li kieku d-disponibbiltà ta’ “azzjoni Francovich” kellha ssir diffiċli wisq fil-prattika. Dan kollu jista’ jiġi mqassar billi jingħad li jekk in-nuqqas minn qorti tal-appell li minnha ma hemm ebda dritt ta’ appell ulterjuri li tapplika l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja b’mod xieraq ma jwassalx minnu nnifsu għal azzjoni għad-danni abbażi tal-kriterji ta’ “nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi”, allura jkun jeħtieġ li dawn il-kriterji – li, wara kollox, ippreċedew id-dħul fis-seħħ tal-Karta – jiġu rfinati iżjed. Biex il-wegħda tal-Artikolu 47 tal-Karta ma tkunx waħda vojta, fil-fehma tiegħi n-nuqqas f’dan il-każ minn qorti tal-appell finali li tapplika ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiskatta r-responsabbiltà min-naħa tal-Istat Membru inkwistjoni skont is-sentenza Francovich. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull każ, iddeċidiet li fejn qorti nazzjonali tkun kisret id-dritt tal-Unjoni “bi ksur manifest tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”, dan fih innifsu jindika li twettaq ksur suffiċjentement serju ( 45 ).

82.

Dan kollu jfakkarni fil-każ tal-istorja ta’ Sherlock Holmes rigward il-kelb li ma nebaħx ( 46 ). F’din il-linja, hija l-assenza ġenerali ta’ ġurisprudenza fuq dan is-suġġett li hija indikattiva ( 47 ). Din fiha nnifisha tista’ titqies bħala indikazzjoni li fil-prattika dawn l-iżbalji u nuqqasijiet jiġu wisq faċilment skużati u li għal ħafna li d-drittijiet tagħhom tal-Unjoni ma ġewx żgurati, rimedju Francovich jibqa’ illużjoni pjuttost milli realtà. Din hija raġuni oħra għalfejn il-kriterji “manifesti u gravi” fis-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame jaf jeħtieġ li jerġgħu jiġu evalwati sabiex id-dritt tal-Unjoni jiġi infurzat bil-livell ta’ enerġija xieraq mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri, anki jekk għandhom jitqiesu wkoll il-fatturi partikolari identifikati minn din il-qorti fis-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513) rigward responsabbiltà għal żbalji ġudizzjarji, senjatament, “in-natura speċifika tal-funzjoni ġudizzjarja”, flimkien mar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali ( 48 ). Madankollu s-sentenza Francovich hija, biex ngħidu hekk, kelb li għandu jitħalla jinbaħ peress li huwa dan l-inbiħ stess li għandu jservi sabiex iwissina li d-drittijiet li d-dritt tal-Unjoni kien maħsub li jiżgura u jipproteġi qegħdin jiġu kompromessi – xi kultant fis-skiet – minn żball ġudizzjarju nazzjonali.

83.

Barra minn hekk jista’ jingħad ukoll li fil-kuntest speċjali ta’ ksur tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jkun kemxejn mhux adattat li d-Direttiva 89/665 tipprovdi għal forma ta’ responsabbiltà mingħajr ħtija għal żball min-naħa ta’ awtorità kontraenti filwaqt li fl-istess ħin responsabbiltà għal żball ġudizzjarju nazzjonali fir-rigward ta’ stħarriġ tal-proċess ta’ għoti ta’ kuntratti tibqa’ f’livell daqstant elevat.

84.

Min-naħa tiegħi, madankollu, nemmen li l-liġi sa ċertu punt żviluppat mis-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003fil-kawża Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513). Fid-dawl tad-dħul fis-seħħ sussegwenti tal-Artikolu 47 tal-Karta, nikkunsidra li, għar-raġunijiet li diġà ġew iddikjarati, huwa wkoll meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-iżball ġudizzjarju inkwistjoni kienx oġġettivament skużabbli. Mingħajr tali eżami, hemm riskju reali li l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame fil-prattika tirrendi l-irkupru tad-danni skont is-sentenza Francovich fir-rigward ta’ żball ġudizzjarju eċċessivament diffiċli b’mod li jkun biss f’ċirkustanzi pjuttost speċjali li dawn il-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà x’aktarx jiġu ssodisfatti.

5. Konklużjoni dwar l‑ewwel domanda

85.

Għalhekk, fil-qosor, jiena tal-fehma li l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat bħala li ma jipprekludix regola bħalma huwa t-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, kif interpretat fis-Sentenza Nru 6/2018, li skontha appell ta’ kassazzjoni bbażat fuq aggravji “marbuta man-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni” ma jistax jiġi ppreżentat sabiex jikkontesta sentenzi li fihom il-qorti tat-tieni istanza tkun applikat prassi interpretattivi żviluppati fl-ambitu nazzjonali iżda li huma oġġettivament f’kunflitt mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’setturi rregolati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

86.

Is-soluzzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni minn qorti tal-aħħar istanza trid tinstab f’forom proċedurali oħra, bħal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE jew, il-possibbiltà li l-Istat jinżamm responsabbli sabiex tinkiseb protezzjoni legali tad-drittijiet rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

B.   It‑tieni domanda

87.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jipprekludux ir-regoli relatati ma’ appelli ta’ kassazzjoni bbażati fuq “aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni” milli jiġu interpretati u applikati b’mod li appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Awli magħquda tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni ma jkunx jista’ jiġi ppreżentat sabiex tiġi kkontestata sentenza li fiha l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jastjeni, mingħajr motivazzjoni, milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari, meta l-kundizzjonijiet li jeħilsu lill-qorti nazzjonali minn dak l-obbligu, kif elenkati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335), ikunu assenti.

88.

L-idea wara din id-domanda hija li qorti nazzjonali ma tistax tiġi prekluża, lanqas temporanjament, milli twettaq rinviju għal deċiżjoni preliminari, peress li dan ikollu l-effett li jaħtaf il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tipprovdi interpretazzjoni korretta u vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk jippreġudika l-applikazzjoni uniformi u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni.

89.

Mill-bidu jista’ jiġi osservat li l-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tqajjem domanda oħra fil-parti introduttiva tat-talba għal deċiżjoni preliminari relatata mat-tieni domanda, li ma tidhirx fil-formulazzjoni finali tad-domanda magħmula. Fil-fatt, jidher ċar mill-punt 50 tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li l-Corte suprema di Cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), apparti d-domanda li saret formalment, tikkontesta wkoll l-approċċ li permezz tiegħu hija ma setgħetx twettaq rinviju għal deċiżjoni preliminari direttament.

90.

Peress li din il-kwistjoni ma hijiex inkluża fid-domanda finalment magħmula, sejjer nikkummenta fil-qosor. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi ma hemmx dubju dwar ir-risposta għal din id-domanda. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kwistjonijiet lilha jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem mistoqsijiet li jeħtieġu interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew kunsiderazzjoni tal-validità tagħhom, li huma neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima ( 49 ). Konsegwentement, jekk il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) hija adita regolarment, ir-regoli proċedurali nazzjonali ma jistgħux jostakolaw il-kompetenzi u l-obbligi mogħtija lil dik il-qorti bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE ( 50 ).

91.

Dan premess, u issa niġi għat-tieni domanda magħmula espressament, ma naħsibx li r-regoli proċedurali nazzjonali bħar-regola inkwistjoni li tillimita l-appell ta’ kassazzjoni għal kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni għandhom neċessarjament, sabiex ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jiġu interpretati bħala li jippermettu appell ta’ kassazzjoni fejn qorti tal-ewwel istanza jew qorti li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali, ma tirreferix domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja.

92.

Tabilħaqq, peress li huma l-qrati nazzjonali li għandhom japplikaw id-dritt tal-Unjoni, l-ewwel kompitu ta’ interpretazzjoni neċessarjament jaqa’ fuqhom. Kif diġà ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, qrati nazzjonali, b’kollaborazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, jissodisfaw kompitu mogħti lilhom it-tnejn, bil-għan li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati ( 51 ). Mis-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati – u b’mod partikolari mill-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 267 TFUE li tagħmel riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju –isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex monopolju fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni iżda pjuttost għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tipprovdi l-interpretazzjoni definittiva ta’ dan id-dritt ( 52 ).

93.

L-obbligu li qrati nazzjonali li ma tistax titressaq azzjoni ġudizzjarja kontra d-deċiżjonijiet tagħhom jagħmlu domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni, stabbilita biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba u l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha, bejn il-qrati nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom ta’ qrati responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u l-Qorti tal-Ġustizzja ( 53 ).

94.

Dak li jippermetti l-Artikolu 267 TFUE huwa għalhekk il-ftuħ ta’ djalogu bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri ( 54 ). Kif diġà ssemma f’dawn il-konklużjonijiet, skont ġurisprudenza stabbilita, din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jinvolvu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew kunsiderazzjoni tal-validità tagħhom li huma neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom ( 55 ). Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali kontra deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru, dik il-qorti hija, bħala prinċipju, f’obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja meta titqajjem kwistjoni relatata mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 56 ).

95.

F’dan il-kuntest speċifiku ta’ kooperazzjoni stabbilit mill-Artikolu 267 TFUE, dak li huwa pprojbit huwa, għaldaqstant, li regola tad-dritt nazzjonali tipprekludi qorti nazzjonali milli tagħmel użu mill-imsemmija possibbiltà jew milli tikkonforma ruħha mal-imsemmi obbligu ( 57 ). Fi kliem ieħor, ir-rekwiżit minimu huwa li l-qorti magħżula mis-sistema proċedurali nazzjonali sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-Unjoni – bħal, f’dan il-każ, it-Tribunali amministrativi regionali (il-Qrati Amministrattivi Reġjonali) u l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi – ikollha l-possibbiltà, jekk mhux l-obbligu, li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari. Jekk dan ikun il-każ, hija biss il-qorti nazzjonali li tkun qiegħda tisma’ l-kawża u li għandha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 58 ). Fil-qosor, kif ġie spjegat reċentement mill-Avukat Ġenerali Bobek, il-loġika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam hija intiża biss li tiżgura li regoli tal-proċedura nazzjonali ma jżommux milli jitqajmu punti tad-dritt tal-Unjoni, b’talba għal deċiżjoni preliminari li potenzjalment issir mingħajr ma jitqies l-istadju tal-proċeduri ( 59 ).

96.

Madankollu, kif ser jirriżulta mill-analiżi tiegħi tat-tielet domanda magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni), jekk jidher ċar li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) imissu rrefera domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kellu xi dubju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 kif preċedentement interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi nnutat li madankollu ma kien hemm ebda regola proċedurali nazzjonali li tipprekludih milli jibda dan id-djalogu mal-Qorti tal-Ġustizzja.

97.

Fil-fehma tiegħi, in-nuqqas li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant aktarx tirriżulta f’illegalità sostantiva (minħabba l-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni li jkun ġie interpretat b’mod żbaljat mill-qorti nazzjonali) u/jew f’illegalità proċedurali (minħabba n-nuqqas li jsir rinviju ta’ domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari meta l-qorti inkwistjoni kienet f’obbligu li tagħmel dan), iżda ma għandux jitqies bħala kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni fis-sens mifhum mit-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana. Kif indikajt lejn l-aħħar tal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari, anki jekk dawn is-soluzzjonijiet ma humiex ottimali, it-tweġiba għal applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni minn qorti tal-aħħar istanza – u hawn inżid inkluż l-obbligi taħt l-Artikolu 267 TFUE – trid tinstab f’forom proċedurali oħra, bħal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew il-possibbiltà li l-Istat jinżamm responsabbli għad-danni sabiex tinkiseb protezzjoni legali tad-drittijiet tal-individwi.

98.

Tabilħaqq, fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-awtorità ġudizzjarja fil-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni, kif diġà indikajt, l-effikaċja sħiħa tagħhom tiġi kkontestata u l-protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet tiġi mdgħajfa jekk individwi jiġu preklużi milli jkunu jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiksbu kumpens meta d-drittijiet tagħhom ikunu ppreġudikati bi ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lil deċiżjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru li tiddeċiedi bħala qorti tal-aħħar istanza ( 60 ).

99.

Konsegwentement, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludux ir-regoli relatati ma’ appelli ta’ kassazzjoni abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni milli jiġu interpretati u applikati b’mod li jipprekludi appelli ta’ kassazzjoni quddiem l-Awli magħquda tal-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) milli jiġu ppreżentati bħala rimedju kontra sentenza li fiha l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jastjeni mingħajr motivazzjoni, milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

C.   It‑tielet domanda

100.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (3) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675), tapplikax għall-kawża prinċipali.

101.

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġustifikazzjoni sabiex titressaq talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima li tirrigwarda d-dritt tal-Unjoni ( 61 ).

102.

Madankollu, peress li wasalt għall-konklużjoni, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, li l-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Corte di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) kif stabbilita fit-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, kif interpretat fis-Sentenza Nru 6/2018, ma tmurx kontra l-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju ma għandux ikollha l-ġurisdizzjoni li teżamina, fil-kawża prinċipali, il-portata tad-Direttiva 89/665. Madankollu qiegħed nipproponi li nikkunsidra din id-domanda fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi diversament.

103.

Infakkar li, fil-kawża prinċipali, Randstad kienet ikkontestat l-esklużjoni tagħha minn proċedura ta’ sejħa għal offerti u l-għoti tal-kuntratt lil impriża oħra. Madankollu, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) eżamina biss is-sustanza tal-aggravju li permezz tiegħu Randstad ikkontestat il-punti mogħtija lill-offerta teknika tagħha – li kienu taħt il-“livell minimu” – u eżamina bħala kwistjoni ta’ prijorità l-appelli inċidentali ppreżentati mill-awtorità kontraenti u mill-offerent rebbieħ. Huwa laqa’ dawn l-appelli inċidentali filwaqt li astjena milli jeżamina s-sustanza tal-aggravji l-oħra tal-appell prinċipali fejn ġie kkontestat l-eżitu tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti għal raġunijiet differenti minn dawk relatati mal-punti mogħtija lill-offerta teknika tagħha.

104.

Fir-rimarki preliminari ta’ dawn il-konklużjonijiet diġà ddettaljajt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-obbligu li tiġi pprovduta proċedura ta’ reviżjoni stabbilita fl-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva 89/665, fil-kuntest speċifiku fejn titressaq kontrotalba mill-offerent rebbieħ. F’dan l-istadju, jista’ għalhekk jingħad li l-kriterju li jiddetermina l-obbligu ta’ qorti li teżamina l-appell tar-rikorrent huwa li kull waħda mill-partijiet fil-kawża għandha interess leġittimu fl-esklużjoni tal-offerti magħmula mill-kompetituri l-oħrajn. Dan ifisser li wieħed ma jistax jeskludi l-possibbiltà li waħda mill-irregolaritajiet li jiġġustifikaw l-esklużjoni, kemm tal-offerta tal-offerent rebbieħ kif ukoll dik tal-offerent li jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, tista’ tivvizzja anki l-offerti l-oħra magħmula fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li jista’ jwassal sabiex dik l-awtorità jkollha tniedi proċedura ġdida ( 62 ).

105.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet partikolarment ċara fuq dan il-punt: “l-ammissibbiltà tar-rikors prinċipali ma tistax, mingħajr ma tkun ta’ preġudizzju għall-effett utli tad-Direttiva 89/665, tkun suġġetta għall-konstatazzjoni minn qabel li l-offerti kollha inqas ikklassifikati minn dik tal-offerent li ppreżenta l-imsemmi rikors huma wkoll irregolari [jew] tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li l-imsemmi offerent jipproduċi l-prova li l-awtorità kontraenti hija obbligata tirrepeti l-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku. L-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha tiġi kkunsidrata bħala suffiċjenti f’dan ir-rigward” ( 63 ). L-offerent li l-offerta tiegħu kienet ġiet eskluża mill-awtorità kontraenti minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jista’ jiġi rrifjutat l-aċċess għal reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku biss jekk id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-imsemmi offerent tkun ġiet ikkonfermata minn deċiżjoni li tkun kisbet awtorità ta’ res judicata qabel ma l-qorti adita bir-rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt tkun tat id-deċiżjoni tagħha, b’tali mod li dan l-offerent għandu jitqies li kien definittivament eskluż mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni ( 64 ).

106.

Fil-kawża prinċipali, l-ewwel, huwa paċifiku li Randstad kienet għadha ma ġietx eskluża b’mod definittiv mill-proċess ta’ għoti ta’ kuntratti meta ppreżentat l-appell tagħha quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat). It-tieni, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jsegwi li Randstad ressqet, bħala wieħed mill-aggravji sabiex terġa’ tiddaħħal fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-illegalità tal-ħatra u tal-kompożizzjoni tal-kumitat għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi li kien responsabbli mit-twettiq ta’ evalwazzjoni ekonomika. Madankollu, kieku kellhom jiġu kkonstatati dawn l-irregolaritajiet, dawn jiġġustifikaw l-esklużjoni kemm tal-offerta tal-offerent rebbieħ u kemm dik tal-offerent li qiegħed jikkontesta d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, u jivvizzjaw anki l-offerti l-oħra magħmula fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li jista’ jwassal sabiex dik l-awtorità kontraenti jkollha tniedi proċedura ġdida.

107.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena ċert li l-prinċipju stabbilit u kkonfermat mill-ġurisprudenza ċċitata mill-qorti tar-rinviju kien applikabbli għall-kawża prinċipali. Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) kien għalhekk f’obbligu li jirrikonoxxi l-interess ta’ Randstad li tikkontesta, kemm fl-ewwel istanza u kemm fl-appell, ir-regolarità tal-proċedura u għaldaqstant tad-deċiżjoni li tingħata l-kuntratt jew, alternattivament, li tagħmel talba lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kwistjoni f’każ ta’ dubju.

VII. Konklużjoni

108.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja):

(1)

L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata, inter alia, bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2007, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li ma jipprekludix regola bħalma huwa t-tmien paragrafu tal-Artikolu 111 tal-Kostituzzjoni Taljana, kif interpretat fis-Sentenza Nru 6/2018, li skontha appell ta’ kassazzjoni bbażat fuq aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni ma jistax jiġi ppreżentat bħala li jikkontesta sentenzi li fihom il-qorti tat-tieni istanza tkun applikat prassi interpretattivi żviluppati fl-ambitu nazzjonali li madankollu huma f’kunflitt mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’setturi rregolati mid-dritt tal-Unjoni Ewropea.

Is-soluzzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni minn qorti tal-aħħar istanza trid tinstab f’forom proċedurali oħra, bħal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE jew, il-possibbiltà li l-Istat jinżamm responsabbli sabiex tinkiseb protezzjoni legali tad-drittijiet tal-individwi rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 267 TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludux ir-regoli relatati ma’ appelli ta’ kassazzjoni abbażi ta’ aggravji marbuta mal-ġurisdizzjoni milli jiġu interpretati u applikati b’mod li jipprekludi appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Awli magħquda tal-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) milli jiġi ppreżentat bħala li jikkontesta sentenza li fiha l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) jastjeni mingħajr motivazzjoni, milli jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari.

Fl-alternattiv,

(3)

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) u (3) u tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 89/665, kif emendata bid-Direttiva 2007/66, li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448), tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675), hija applikabbli għall-każ inkwistjoni fejn id-deċiżjoni li jiġi eskluż l-offerent mhux rebbieħ ma kinitx ikkonfermata minn deċiżjoni li kienet kisbet l-awtorità ta’ res judicata meta l-qorti li semgħet ir-reviżjoni tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt tkun tat id-deċiżjoni tagħha u fejn l-offerent kien ressaq aggravju li seta’ jwassal sabiex l-awtorità kontraenti jkollha tniedi proċedura ġdida.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44.

( 3 ) ĠU 2007, L 335, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 176, p. 23.

( 4 ) Sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2018, Nru 6/2018 (ECLI:IT:COST:2018:6).

( 5 ) Sentenza Nru 6/2018, punt 15 (it-traduzzjoni fil-lingwa Ingliża hija disponibbli fuq is-sit tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali):. https://www.cortecostituzionale.it/documenti/download/doc/recent_judgments/Sentenza%20n.%206%20del%202018%20red.%20Coraggio%20EN.pdf.

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 25); tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 23), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 22).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 27), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 23).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 2013, Fastweb (C‑100/12, EU:C:2013:448, punt 33); tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 24); u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 24).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 29), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 30).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 26).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 28).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 29).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 28), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 27).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 29).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, Ginter, C., Väljaots, T., “Excluded Tenderer’s Access to a Review in a Public Procurement Procedure”, European Procurement & Public Private Partnership Law Review, 2018/4, p. 301 sa 306, speċjalment p. 303.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, il-kundizzjoni stabbilita fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punti 13 sa 19).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-Sentenza Nru 6/2018, punt 15 (il-verżjoni Ingliża). Ara l-indirizz tas-sit internet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Sentenza Nru 6/2018, punt 14.1 (il-verżjoni Ingliża). Ara l-indirizz tas-sit internet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Sentenza Nru 6/2018, punt 17 (il-verżjoni Ingliża). Ara l-indirizz tas-sit internet fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 43).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2020, 5th AVENUE Products Trading (C‑775/19, EU:C:2020:948, punt 34), u tat‑22 ta’ April 2021, PROFI CREDIT Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 50).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 45).

( 24 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:307, nota ta’ qiegħ il-paġna 32).

( 25 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 54, enfasi miżjuda). Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema – Azzjonijiet) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 143).

( 26 ) Sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 58). Enfasi miżjuda minni. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 44).

( 27 ) Osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni, punti 35 u 39.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 52).

( 29 ) Ara, pereżempju, fir-rigward tad-Direttiva 89/665, is-sentenza tat‑12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 39).

( 30 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 46).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, rigward id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendat bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24), is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, PI (C‑648/20 PPU, EU:C:2021:187, punt 58).

( 32 ) Sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 47). Ara wkoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 49), u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López (C‑184/15 u C‑197/15, EU:C:2016:680, punt 59).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Hochtief (C‑300/17, EU:C:2018:405, punti 32 sa 35).

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 49).

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 57), u tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 34). Jista’ wkoll jingħad li sal-preżent il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), ma toħloqx u ma teħtieġx l-eżistenza ta’ dritt għal livell doppju ta’ ġurisdizzjoni, almenu fi kwistjonijiet ċivili.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2014, Sánchez Morcillo u Abril García (C‑169/14, EU:C:2014:2099, punt 36); tal‑11 ta’ Marzu 2015, Oberto u O’Leary (C‑464/13 u C‑465/13, EU:C:2015:163, punt 73); tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 57); tas‑26 ta’ Settembru 2018, Belastingdienst/Toeslagen (Effett sospensiv tal-appell) (C‑175/17, EU:C:2018:776, punt 34), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni (C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 51).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens (b’riferiment għall-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza pjuttost milli l-Artikolu 47 tal-Karta), is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 27).

( 38 ) Dwar dan ir-rekwiżit, ara s-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 33).

( 39 ) Ara, f’dan is-sens (rigward garanzija ta’ kondotta tajba), is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et (C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 54). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 92/13 bħala li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu ta’ adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fl-ambitu tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jkunu jistgħu jiġu effettivament riveduti u, b’mod partikolari, l-iktar espedjenti possibbli, minħabba li dawn ikunu kisru id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jittrasponu dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2015, eVigilo, C‑538/13, EU:C:2015:166, punt 50; tal‑15 ta’ Settembru 2016, Star Storage et, C‑439/14 u C‑488/14, EU:C:2016:688, punt 39, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 50).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens (dwar l-Artikolu 6 u l-Artikolu 13 KEDB), Varga, Z., “National Remedies in the Case of Violation of EU Law by Member State Courts”, CML Rev., 2017, Vol. 54, p. 52 sa 80, speċjalment p. 75.

( 41 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Ħlas bil-quddiem) (C‑416/17, EU:C:2018:811).

( 42 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428).

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 2020, Telecom Italia (C‑34/19, EU:C:2020:148, punti 67 sa 69), u s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe (C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 64).

( 44 ) Sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 55).

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 56), u tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 52).

( 46 ) “The Adventure of the Silver Blaze” f’Conan Doyle, A., The Memoirs of Sherlock Holmes (Londra, 1892).

( 47 ) Ara, b’mod ġenerali, Beutler, B., “State Liability for Breaches of Community Law by National Courts: Is the Requirement of a Manifest Infringement of the Applicable Law an Insurmountable Obstacle?”, CML Rev, 46, 2009, p. 773 sa 787.

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 53).

( 49 ) Ara, f’dan is-sens u fost l-oħrajn, is-sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Cartesio (C‑210/06, EU:C:2008:723, punt 88); tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 64), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi (C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 32). Il-fatt li kemm il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) u kemm il-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) jistgħu jitqiesu li huma obbligati li jwettqu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE fl-istess kontenzjuż ma joħloqx problemi. Għall-kuntrarju, f’dik is-sitwazzjoni, jekk ma saret ebda rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti bħall-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat), allura qorti bħall-Awli magħquda tal-Corte di Cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) għandha hija stess tagħmel id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, f’kuntest fejn żewġ qrati aktarx huma obbligati jwettqu rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sentenza tal‑4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 30).

( 51 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar il-ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi) tat‑8 ta’ Marzu 2011 (EU:C:2011:123, punt 69), u s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 33).

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/17 tat‑30 ta’ April 2019 (EU:C:2019:341, punt 111).

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punt 7), u tad‑9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 54).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fill-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 90).

( 55 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49.

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 43). Ara wkoll, taħt formulazzjoni differenti, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 32), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fill-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 92).

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 3233), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fill-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 93).

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 57).

( 59 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑561/19, EU:C:2021:291, punt 27).

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 33), u tad‑9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et (C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 47).

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, A et (C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 73).

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punt 28), u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 27).

( 63 ) Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 29). Enfasi miżjuda minni.

( 64 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Lombardi (C‑333/18, EU:C:2019:675, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).