KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MEDINA

ippreżentati fit‑3 ta’ Frar 2022 ( 1 )

Kawża C‑436/20

Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE)

vs

Consejería de Igualdad y Políticas Inclusivas

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Artikoli 49 u 56 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi – Attività ekonomika – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 1(2), l-Artikolu 2(1), u Artikolu 4(d) – Kundizzjonijiet għall-applikabbiltà – Artikolu 20(1) u Artikolu 77 – Kuntratti rriżervati – Artikoli 74 sa 76 u Anness XIV – Provvista ta’ servizzi soċjali – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-qasam tas-servizzi soċjali – Sistema ssemplifikata – Ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali biex jiġu pprovduti tali servizzi – Esklużjoni ta’ entitajiet bi skop ta’ lukru – Prinċipji ta’ trasparenza, ugwaljanza u proporzjonalità – Kundizzjoni tal-offerta Limitazzjoni ġeografika – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Artikolu 2(2)(j) – Esklużjoni ta’ servizzi soċjali”

Werrej

 

I. Il‑kuntest ġuridiku

 

A. Id‑dritt tal-Unjoni

 

1. Id‑Direttiva 2014/24

 

2. Id-Direttiva dwar is-Servizzi

 

B. Id-dritt Spanjol

 

II. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

 

III. Analiżi

 

A. Rimarki preliminari

 

B. L-ewwel u t-tieni domanda

 

1. In-natura tas-servizzi soċjali inkwistjoni

 

2. Il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24

 

a) Il-kunċett ta’ “għoti ta’ kuntratt”

 

b) Il-karatteristiċi ta’ kuntratt pubbliku

 

1) Kuntratt b’interess pekunjarju

 

2) Kuntratt konkluż bejn operatur ekonomiku u awtorità kontraenti waħda jew iktar

 

3) Kuntratt għall-provvista ta’ servizzi

 

c) Il-kriterju tal-limitu stabbilit

 

3. Kuntratti rriżervati u s-sistema ssemplifikata taħt id-Direttiva 2014/24

 

a) Kuntratti rriżervati

 

1) Kuntratti riżervati taħt l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/24

 

2) Kuntratti rriżervati taħt l-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24

 

b) Ir‑regoli taħt l‑Artikoli 75 u 76 tad‑Direttiva 2014/24

 

4. Il‑Libertà ta’ stabbiliment

 

C. It‑tielet domanda

 

1. Il‑kompatibbiltà tal‑kriterju ta’ għażla inkwistjoni mad‑Direttiva 2014/24

 

2. Il‑kompatibbiltà tal‑kriterju ta’ għażla mad‑Direttiva dwar is‑Servizzi

 

3. Il‑Kompatibbiltà tal-kriterju ta’ għażla mal-libertajiet fundamentali

 

IV. Konklużjoni

1.

L-Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (l-Assoċjazzjoni Statali ta’ Fornituri ta’ Kura fid-Dar, iktar ’il quddiem l-“ASADE”, Spanja) hija assoċjazzjoni professjonali għal impriżi privati. Din qiegħda titlob quddiem il-qorti tar-rinviju ‑ it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja) ‑ l-annullament tad-Digriet 181/2017 ( 2 ) adottat mill-Comunitat Valenciana (il-Komunità Awtonoma ta’ Valencia, Spanja) sa fejn dan id-digriet jipprevjeni entitajiet bi skop ta’ lukru milli jikkonkludu “ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali” ma’ awtoritajiet pubbliċi ( 3 ).

2.

Taħt dawn il-ftehimiet, l-awtoritajiet pubbliċi jafdaw il-ġestjoni ta’ ċerti servizzi soċjali lil entitajiet ta’ inizjattiva soċjali. Meta jagħmlu dan, dawn ma humiex obbligati josservaw il-proċeduri stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Madankollu, minħabba d-Digriet 181/2017, huma biss organizzazzjonijiet privati mingħajr skop ta’ lukru li jistgħu jikkonkludu dawn il-ftehimiet sabiex jipprovdu servizzi soċjali, li jistgħu jinkludu assistenza lil tfal, adoloxxenti, żgħażagħ, anzjani, persuni b’diżabbiltà, migranti, nisa’ f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, u membri tal-komunitajiet LGBTI ( 4 ) u Roma (iktar ’il quddiem is-“servizzi inkwistjoni”) ( 5 ).

3.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab, essenzjalment, tiċċara jekk id-dritt tal-Unjoni, u, b’mod partikolari, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 74, 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24/UE ( 6 ), u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123 ( 7 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar is-Servizzi”), jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi entitajiet bi skop ta’ lukru milli jidħlu fi ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali ma’ awtoritajiet pubbliċi sabiex jipprovdu servizzi soċjali, filwaqt li tippermetti lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru jikkonkludu tali ftehimiet.

4.

Il-kumplessità tas-suġġett u n-natura teknika tar-regoli applikabbli, li jirriżultaw minn diversi strumenti tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jaħbu l-importanza bla dubju ta’ din il-kwistjoni, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tistabbilixxi r-relazzjoni bejn attività ekonomika u kwistjonijiet soċjali, kif ukoll dik bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt nazzjonali.

5.

F’dan ir-rigward, ta’ min wieħed jikkwota lill-Avukat Ġenerali Tesauro, li iktar minn 20 sena ilu saħaq fuq il-fatt li s-settur tas-sigurtà soċjali ma jikkostitwixxix “gżira lil hinn mill-portata tad-dritt tal-[Unjoni]” ( 8 ). Dan kien minnu dak iż-żmien u iktar u iktar illum il-ġurnata. Filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu awtonomi fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, din l-awtonomija ma tipprevjenix l-applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattati ( 9 ), li r-regoli fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi jiffurmaw parti integrali minnhom ( 10 ).

I. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal-Unjoni

1.   Id‑Direttiva 2014/24

6.

Id-Direttiva 2014/24 tistabbilixxi regoli li jfittxu li jikkoordinaw proċeduri nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċerti ammonti tal-limitu stabbilit sabiex dawn ikunu konformi mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ prinċipji, bħall-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Din id-direttiva hija wkoll intiża sabiex tiżgura kompetizzjoni effettiva fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

7.

Il-premessi 1 u 6 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu li:

“(1)

L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Madankollu, għal kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist nazzjonali [proċeduri nazzjonali ta’ għoti ta’ kuntratti] sabiex jiġi żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.

[…]

(6)

Huwa wkoll xieraq li jiġi mfakkar li din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri.Lanqas m’għandha tittratta l-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riservat għall-entitajiet pubbliċi jew privati, u lanqas m’għandha tittratta l-privatizzazzjoni tal-entitajiet pubbliċi li jipprovdu s-servizzi.

Għandu jiġi mfakkar bl-istess mod li l-Istati Membri huma liberi li jorganizzaw il-forniment ta’ servizzi soċjali obbligatorji jew ta’ servizzi oħra bħal servizzi postali jew bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew bħala servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali jew taħlita tagħhom. Huwa adatt li jiġi ċċarat li servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali ma għandhomx jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.”

8.

Il-premessa 114 ta’ din id-direttiva tiċċara r-raġunijiet għal sistema ssemplifikata rigward ċerti servizzi lill-persuna, bħal ċerti servizzi soċjali ta’ saħħa u edukazzjoni u l-premessa 118 tagħha tispjega s-sistema rigward kuntratti rriżervati għas-servizzi elenkati fl-Artikolu 77(1) tal-istess direttiva.

9.

Taħt it-Titolu 1 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kamp ta’ Applikazzjoni, Definizzjonijiet u Prinċipji Ġenerali”, l-Artikolu 1(1), (2), (4) u (5) jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4. […]

2.   Fis-sens ta’ din id-Direttiva l-akkwist huwa akkwist permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’ […] servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, sew jekk […] is-servizzi huma maħsuba għal skop pubbliku u sew jekk le.

[…]

4.   Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawk is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom. Bl-istess mod, din id-Direttiva ma taffettwax id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi jekk, kif u sa liema punt jixtiequ jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi huma stess skont l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll Nru 26.

5.   Din id-Direttiva ma taffettwax il-mod kif l-Istati Membri jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom”.

10.

Il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24 jiddefinixxi “kuntratti pubbliċi” bħala “kuntratti b’b’interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi”.

11.

Il-punt 10 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi “operatur ekonomiku” bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li joffru l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-forniment ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq”.

12.

L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Ammonti tal-limitu stabbilit” jipprovdi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin:

[…]

(d)

EUR 750000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħra elenkati fl-Anness XIV.”

13.

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kuntratti riżervati”, jistipula li:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jirriżervaw id-dritt li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal workshops protetti jew operaturi ekonomiċi li l-għan tagħhom huwa l-integrazzjoni soċjali u professjonali ta’ persuni li għandhom diżabbiltà jew li huma żvantaġġati jew jistgħu jipprovdu sabiex dawn il-kuntratti jitwettqu fil-kuntest tal-programmi ta’ impjiegi protetti, sakemm mill-inqas 30 % tal-impjegati ta’dawk il-workshops, operaturi ekonomiċi jew programmi ekonomiċi huma persuni b’diżabilità jew ħaddiema żvantaġġati.

[…]”

14.

It-Titolu III tad-direttiva, intitolat “Reġimi Partikolari ta’ Akkwisti”, jinkludi l-Kapitolu I li jikkonsisti fl-Artikoli 74 sa 77. Dawn l-artikoli fihom dispożizzjonijiet dwar is-sistema ssemplifikata, li hija applikabbli għal “servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn”.

15.

L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Għoti ta’ kuntratti għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn”, jistipula li:

“Kuntratti għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn elenkati fl-Anness XIV għandhom jingħataw skont dan il-Kapitolu, fejn il-valur tal-kuntratti jkun daqs jew akbar mil-limitu indikat fil-punt (d) tal-Artikolu 4.”

16.

L-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva, intitolat “Pubblikazzjoni ta’ avviżi”, jipprevedi kundizzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni tal-avviżi għal għoti ta’ kuntratti msemmija fl-Artikolu 74.

17.

L-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji għall-għoti ta’ kuntratti”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw regoli nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti soġġetti għal dan il-Kapitolu biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi. L-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw ir-regoli proċedurali applikabbli sakemm it-tali regoli jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet tas-servizzi inkwistjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ħtieġa li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l- komprensività tas-servizzi, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, inklużi l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, l-involviment u s-setgħa tal-utenti u l-innovazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li l-għażla tal-fornitur tas-servizzi għandha ssir abbażi tal-offerta li toffri l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, b’teħid fil-kont tal-kwalità u l-kriterji tas-sostenibbiltà għas-servizzi soċjali.”

18.

L-Artikolu 77(1) tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kuntratti riżervati għal ċerti servizzi”, jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirriżervaw id-dritt li organizzazzjonijiet jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi esklużivament għal dawk is-servizzi ta’ saħħa, dawk soċjali u dawk kulturali kif imsemmijin fl-Artikolu 74, li huma koperti mill-kodiċijiet CPV elenkati f’dan l-artikolu ( 11 ). L-Artikolu 77(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jissodisfaw sabiex jipparteċipaw f’kuntratti rriżervati. Skont l-Artikolu 77(3) tad-Direttiva 2014/24, it-tul massimu tal-kuntratt ma għandux ikun iktar minn tliet snin.

19.

L-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24 fih lista ta’ servizzi msemmija fl-Artikolu 74.

2.   Id-Direttiva dwar is-Servizzi

20.

Il-premessa 27 tad-Direttiva dwar is-Servizzi hija fformulata b’dan il-mod:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tkopri dawk is-servizzi soċjali fil-qasam tad-djar, tal-kura tat-tfal u appoġġ għal familji u persuni fil-bżonn li huma pprovduti mill-Istat f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, minn fornituri b’mandat mill-Istat, jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat, bl-għan li jkun żgurat l-appoġġ għal dawk li huma fi stat partikolari ta’ bżonn permanenti jew temporanju minħabba d-dħul insuffiċjenti fil-familja, jew in-nuqqas totali jew parzjali ta’ indipendenza u għal dawk bir-riskju li jiġu emarġinati. Dawn is-servizzi huma essenzjali biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali lid-dinjità umana u lill-integrità u huma manifestazzjoni tal-prinċipji tal-koeżjoni soċjali u solidarjetà u m’għandhomx jiġu affettwati b’din id-Direttiva.”

21.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.   Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

[…]

(j)

servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat;

[…]”

B. Id-dritt Spanjol

22.

Bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilha fir-rigward ta’ servizzi soċjali mill-Kostituzzjoni Spanjola, il-Komunità ta’ Valencia adottat il-Liġi 5/1997. Għandhom jitqiesu l-Artikoli 44 bis, 53, 56, 62, 63, 64, 66, 67 u 68 tal-Liġi 5/1997.

23.

Id-Digriet 181/2017 jimplimenta l-Liġi 5/1997 u huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali. Għalkemm il-Liġi 5/1997 tħassret bil-Liġi 3/2019 ( 12 ), taħt din il-liġi tal-aħħar, id-Digriet 181/2017 għadu fis-seħħ. Għandhom jitqiesu l-Artikoli 3, 6, 11, 13, 15, 17, 19, u 21 sa 26 tad-Digriet 181/2017, li jimplimentaw ir-regoli stabbiliti fil-Liġi 5/1997.

II. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

24.

L-ASADE ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talbet kemm l-annullament tad-Digriet 181/2017 u kemm ir-revoka ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi 5/1997 ( 13 ). Fil-fehma tagħha, id-Digriet 181/2017 huwa illegali peress li jeskludi entitajiet bi skop ta’ lukru milli jipprovdu servizzi pubbliċi taħt ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali pubbliku‑privat, filwaqt li jippermetti lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru ‑ mhux biss assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat ( 14 ) ‑ jipprovdu tali servizzi bi ħlas mingħajr il-ħtieġa li dawn l-organizzazzjonijiet jgħaddu minn proċess kompetittiv trasparenti li jiżgura ugwaljanza fit-trattament.

25.

L-ASADE targumenta li d-Digriet 181/2017 u ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi 5/1997 jmorru kontra, l-ewwel, il-libertà ta’ stabbiliment sanċita fl-Artikolu 49 TFUE, it-tieni, id-Direttiva 2014/24, sa fejn dawn ir-regoli ma josservawx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn operaturi ekonomiċi, u t-tielet, l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex iġġustifikata minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku. L-ASADE tosserva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex limitata għall-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà soċjali, iżda tkopri kull tip ta’ servizzi soċjali u tapplika għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru u mhux biss għal assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat ( 15 ). Fis-sottomissjonijiet tagħha, dan ifisser li l-eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi li kienu stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 16 ) ma humiex applikabbli għal dan il-każ.

26.

Min-naħa tiegħu, il-konvenut, il-Consejería de Igualdad y Políticas Inclusivas de la Generalitat Valenciana (id-Dipartiment għall-Ugwaljanza u l-Politiki Inklużivi tal-Gvern Reġjonali ta’ Valencia, Spanja), iqis li kemm il-Liġi 5/1997 u kemm id-Digriet 181/2017 jikkonformaw mad-Direttivi 2014/24 u d-Direttiva dwar is-Servizzi.

27.

L-ewwel, il-konvenut isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppermettiet li jsiru eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa fil-każ ta’ kuntratti konklużi ma’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru fir-rigward tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, peress li s-servizzi soċjali u tas-saħħa fihom numru ta’ karatteristiċi li jeżiġu li jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tar-regoli fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi ( 17 ).

28.

It-tieni nett, il-konvenut jargumenta li, skont il-prinċipju ta’ effiċjenza baġitarja, ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali joffru alternattiva għall-ġestjoni diretta jew indiretta ta’ servizzi pubbliċi mhux ekonomiċi, li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li jirċievu ħlas permezz ta’ rimbors tal-ispejjeż, li ma jinvolvi ebda profitt kummerċjali. Il-konvenut iqis ukoll li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali ma jiksrux id-Direttiva dwar is-Servizzi, peress li din tal-aħħar ma tapplikax għal servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali jew għal servizzi soċjali relatati ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat.

29.

It-tielet, il-konvenut huwa tal-fehma li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija infondata, peress li l-Liġi 5/1997 tħassret bil-Liġi 3/2019.

30.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirriżultaw b’mod partikolari minn żewġ sentenzi, jiġifieri fil-kawża Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce u fil-kawża Piepenbrock ( 18 ). F’dawk iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet il-kunċett ta’ “kuntratt b’interess pekunjarju” bħala li jinkludi kuntratti li għalihom ir-remunerazzjoni miftehma hija limitata għar-rimbors tal-ispejjeż inkorsi sabiex jiġi pprovdut is-servizz miftiehem. Il-qorti tar-rinviju għalhekk tistaqsi jekk l-użu ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali, kif irregolat mil-Liġi 5/1997, kif emendata bil-Liġi 13/2016 ( 19 ), jikkonformax mal-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24, moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u l-Anness XIV tagħha u mal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja dawn id-domandi li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 49 TFUE u l-Artikoli 76 u 77 [tad-Direttiva 2014/24] (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u mal-Anness [XIV] tagħha) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jidħlu fi ftehim ma’ entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, mhux biss assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, għall-provvista ta’ kull tip [ta’] servizzi soċjali lill-persuni b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż, mingħajr ma japplikaw il-proċeduri previsti fid-Direttiva dwar il-kuntratti pubbliċi u irrispettivament mill-valur stmat, sempliċement billi jikklassifikaw minn qabel dawn l-ispejjeż [ftehimiet] bħala mhux kuntrattwali?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv u, konsegwentement, jekk ikun [tali ftehimiet ikunu] possibbli, l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikoli 76 u 77 (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u l-Anness 14) tad-Direttiva [2014/24] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermett[u] li l-awtoritajiet kontraenti jidħlu fi ftehim ma’ entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru (mhux biss organizzazzjonijiet ta’ volontarjat) għall-provvista ta’ kull tip ta’ servizzi soċjali lill-persuni b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż, mingħajr ma japplikaw il-proċeduri previsti fid-Direttiva u irrispettivament mill-valur stmat, sempliċement billi jikklassifikaw minn qabel dawn l-ispejjeż [il-ftehimiet] bħala mhux kuntrattwali, meta barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix espliċitament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 77 tad-Direttiva, iżda tirreferi għal żvilupp regolatorju ulterjuri mingħajr ma tinkludi espressament fost il-linji gwida li għandhom jiġu segwiti minn dan l-iżvilupp regolatorju li dan tal-aħħar għandu jelenka espliċitament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 77 tal-imsemmija direttiva?

(3)

Fil-każ li r-risposta tkun ukoll fin-negattiv u, konsegwentement, jekk ikun possibbli, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 76 u 77 [tad-Direttiva 2014/24] (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u mal-Anness XIV [tagħha]) u l-Artikolu 15(2) tad-[Direttiva dwar is-Servizzi] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li l-awtoritajiet kontraenti, għal skopijiet tal-għażla ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru (mhux biss lil assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat) li magħha jikkonkludu l-ftehim tal-provvista ta’ kull tip ta’ servizzi soċjali lill-persuni, lil hinn minn dawk iddikjarati fl-Artikolu 2(2)(j) tal-imsemmija direttiva, jinkludu fost il-kriterji ta’ għażla l-istabbiliment fil-lokalità fejn ikun ser jingħata s-servizz?”

32.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mir-rikorrenti, mill-konvenut, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Taljan u mill-Gvern Norveġiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Wara li ddeċidiet li tagħti s-sentenza mingħajr ma żżomm seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet numru ta’ mistoqsijiet, sabiex tingħata tweġiba għalihom bil-miktub, lill-partijiet u lill-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li għalihom wieġbu r-rikorrenti, il-konvenut, il-Gvern Spanjol, il-Gvern Daniż, kif ukoll il-Kummissjoni.

III. Analiżi

A. Rimarki preliminari

33.

Mill-bidu, jiena tal-fehma li d-domandi preliminari, sa fejn jirrigwardaw il-Liġi 5/1997, huma ammissibbli. Il-qorti tar-rinviju ddikjarat b’mod ċar li l-legalità tad-Digriet 181/2017 tista’ tiġi evalwata biss billi tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tal-bażi legali tiegħu, jiġifieri, il-Liġi 5/1997. Hija ntalbet tiddeċiedi dwar il-legalità tad-Digriet 181/2017 fiż-żmien meta ġie adottat. Il-qorti nazzjonali tgħid fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha li f’dak il-perijodu, il-Liġi 5/1997, kif emendata bil-Liġi 13/2016, kienet għadha fis-seħħ. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-konvenut għandha tiġi miċħuda.

34.

It-tieni nett, ser nittratta l-kritika tal-Gvern Taljan li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tispeċifikax it-tipi ta’ servizzi soċjali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35.

Skont ġurisprudenza stabbilita, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-interpetazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża mressqa quddiemha ( 20 ).

36.

Nirrikonoxxi li din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma telenkax is-servizzi soċjali speċifiċi inkwistjoni u li hija ħasra li din l-informazzjoni hija nieqsa. Madankollu, huwa ċar mill-qafas legali stabbilit fid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-kliem tad-domandi preliminari li, essenzjalment, tista’ tinvolvi “kull tip ta’ servizzi soċjali”. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju spjegat suffiċjentement il-kuntest leġiżlattiv tat-talba tagħha għal interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

37.

It-tielet nett, jiena tal-fehma li sa fejn id-domandi preliminari jirrigwardaw l-Artikoli 49 u 56 TFUE, dawn għandhom jitqiesu ammissibbli. Huwa minnu li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali għandhiex xi dimensjoni transkonfinali.

38.

Madankollu, jidhirli li r-rinviju inkwistjoni jinsab eżattament fl-istess sitwazzjoni bħal dak fil-kawża Libert et ( 21 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għaliha fil-punt 51 tas-sentenza fil-kawża Ullens de Schooten ( 22 ). F’dak il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi ddikjarat ammissibbli f’sitwazzjoni purament interna fejn “[i]l-qorti tar-rinviju [tadixxiha] fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament ta’ dispożizzjonijiet applikabbli mhux biss għaċ-ċittadini nazzjonali, iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn” ( 23 ). Dan jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, peress li l-ASADE ppreżentat rikors fejn talbet l-annullament tad-Digriet 181/2017, li japplika mhux biss għaċ-ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżha iżda wkoll għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn.

39.

Fil-fehma tiegħi, jirriżulta li, sa fejn dawn id-domandi jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat imsemmija hawn fuq, għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

B. L-ewwel u t-tieni domanda

40.

Permezz tal-ewwel żewġ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien peress li jikkonċernaw l-istess kwistjoni, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikoli 74, 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati bħala li jippermettu awtorità pubblika tikkonkludi, mingħajr ma tosserva r-rekwiżiti proċedurali imposti mid-dritt tal-Unjoni, ftehimiet unikament ma’ organizzazzjonijiet privati mingħajr skop ta’ lukru, li taħthom dik l-awtorità tafda lil dawn l-entitajiet b’ċerti servizzi soċjali b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż inkorsi minn dawn l-organizzazzjonijiet fir-rigward tal-provvista ta’ dawn is-servizzi.

41.

Li tingħata risposta għal dawn id-domandi huwa simili għal meta wieħed jidħol f’labirint ta’ problemi legali differenti. Sabiex nagħmilha iktar faċli, sejjer nqassamha f’erba’ kwistjonijiet separati. Preliminarjament, jeħtieġ li tiġi stabbilita n-natura tas-servizzi soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhomx jiġu kklassifikati bħala “attivitajiet ekonomiċi” taħt ir-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Sejjer imbagħad nanalizza l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24. Sussegwentement, sejjer neżamina s-“sistema ssemplifikata” stabbilita fl-Artikoli 74 sa 77 ta’ din id-direttiva u, fl-aħħar nett, ir-regoli tal-libertà ta’ stabbiliment sanċita fl-Artikolu 49 TFUE.

42.

Madankollu, qabel ma nibda neżamina dawn il-materji, nixtieq nagħmel żewġ osservazzjonijiet. L-ewwel, bir-riferiment tagħha għall-Artikolu 49 TFUE fid-domandi preliminari, il-qorti nazzjonali tikkunsidra li din il-kawża taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment pjuttost milli taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

43.

Fil-fehma tiegħi, din is-suppożizzjoni hija korretta, peress li hija ġurisprudenza stabbilita li l-provvista ta’ servizzi għandha tiġi distinta mill-istabbiliment fis-sens li dan tal-aħħar jinvolvi attività li hija stabbli u permanenti, filwaqt li tal-ewwel tinvolvi attività ta’ natura temporanja ( 24 ). Jidhirli li l-provvista ta’ servizzi soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teħtieġ tali stabbiltà u li tali attivitajiet jistgħu għalhekk jaqgħu taħt il-libertà ta’ stabbiliment.

44.

It-tieni nett, peress li l-qorti tar-rinviju tirreferi għad-Direttiva 2014/24, jidher li hemm suppożizzjoni li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma humiex kuntratti ta’ konċessjoni rregolati mid-Direttiva 2014/23/UE ( 25 ). Konċessjoni ta’ servizz hija kuntratt tal-istess tip bħal kuntratt pubbliku għal servizz ħlief għall-fatt li l-korrispettiv għall-provvista ta’ servizzi jikkonsisti fid-dritt tal-operat tas-servizz, jew waħdu, jew flimkien ma’ ħlas. Konċessjoni ta’ servizz timplika trasferiment mill-awtorità pubblika lill-konċessjonarju tar-riskju tal-operat marbut mal-provvista ta’ dawn is-servizzi ( 26 ). Filwaqt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tipprekludix utenti milli jkollhom iħallsu parzjalment għas-servizzi soċjali li huma s-suġġett ta’ dawn il-ftehimiet ( 27 ), ma jidhirx li tali transferiment seħħ taħt din il-leġiżlazzjoni ( 28 ). Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/23.

45.

Għaldaqstant, abbażi tad-domandi preliminari, ser nindirizza d-domandi b’referenza għad-Direttiva 2014/24 jew għad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment li jinsabu fit-Trattat FUE.

1.   In-natura tas-servizzi soċjali inkwistjoni

46.

L-ewwel nett, nixtieq nenfasizza li l-għanijiet prinċipali tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, u b’mod partikolari tad-Direttiva 2014/24, huma l-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ( 29 ). Peress li din id-direttiva hija intiża sabiex timplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relatati ma’ dawn il-libertajiet ( 30 ), is-servizzi soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu neċessarjament fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-istess libertajiet fundamentali.

47.

Minn dan isegwi li, li kieku s-servizzi soċjali li huma s-suġġett tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni kellhom jitqiesu bħala attivitajiet mhux ekonomiċi fit-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, dawn il-ftehimiet ikunu wkoll esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, peress li din tal-aħħar ma tistax testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali li tfittex li timplimenta ( 31 ).

48.

Barra minn hekk, huwa evidenti mill-kliem tal-Artikolu 1(4) u tal-premessa 6 tad-Direttiva 2014/24 li l-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu x’jikkunsidraw bħala “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” u li “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fl-istess waqt, għandu jiġi nnutat li d-Direttiva 2014/24 ma tiddefinixxix b’mod speċifiku it-termini “servizzi mhux ekonomiċi” u “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”.

49.

Jiena għalhekk tal-fehma li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-kunċetti ta’ “attività ekonomika” u “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” imsemmija hemmhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif previst mit-Trattat FUE ( 32 ).

50.

Filwaqt li l-ewwel żewġ domandi preliminari jsemmu biss l-Artikolu 49 TFUE ‑ u mhux l-Artikolu 56 TFUE ‑ il-kunċetti ta’ “servizzi” u “attività ekonomika” huma fil-biċċa l-kbira ddefiniti minn din l-aħħar dispożizzjoni tat-Trattat. Ma jeżisti ebda kriterju sempliċi sabiex issir distinzjoni bejn iż-żewġ libertajiet, għalkemm id-distinzjoni jidher li tinsab fin-natura temporanja tal-attivitajiet ( 33 ). Minħabba dan l-aspett ambigwu bejn dawn iż-żewġ libertajiet u peress li flimkien jiffurmaw il-bażi tad-Direttiva 2014/24, fl-analiżi tal-ewwel u t-tieni domanda f’dawn il-konklużjonijiet, isir riferiment mhux biss għal-libertà ta’ stabbiliment, iżda wkoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

51.

F’dan il-kuntest, il-kunċetti ta’ “attività ekonomika” u “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” it-tnejn jiddeterminaw jekk attività partikolari taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew le ( 34 ). Għandu jiġi nnotat ukoll li tali determinazzjoni ma hijiex xjenza eżatta. Madankollu, hemm punt tat-tluq komuni għad-definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti. Tabilħaqq, peress li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” jiddefinixxi l-portata tal-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat FUE, ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 35 ).

52.

Peress li r-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi taħt id-dritt tal-Unjoni ġew inizjalment żviluppati fil-kuntest tal-libertajiet fundamentali, u filwaqt li nirrikonoxxi li jeżisti xi sovrapożizzjoni bejn dawn il-libertajiet u oqsma oħra tal-liġi – jiġifieri d-dritt tal-kompetizzjoni jew l-għajnuna mill-Istat ( 36 ) ‑ il-kunċetti ta’ “servizzi ta’ interess ġenerali” u “attività ekonomika” użati fil-kuntest ta’ libertajiet fundamentali għandhom it-tendenza li jvarjaw minn dawk żviluppat fid-dritt tal-kompetizzjoni ( 37 ). Għalhekk, skont il-ġurisprudenza dwar id-dritt ta’ stabbiliment, hija l-provvista ta’ servizzi bi ħlas li għandha titqies bħala attività ekonomika ( 38 ).

53.

Barra minn hekk, il-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni hija li dan jikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni ( 39 ), jiġifieri li “l-attività ma għandhiex tiġi eżerċitata mingħajr ħlas” ( 40 ). Għaldaqstant nenfasizza li l-fattur determinanti, li jdaħħal attività fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat FUE rigward il-libertajiet fundamentali, huwa n-natura ekonomika tagħha, irrispettivament minn min iħallas għas-servizz - kemm jekk ikun l-utent u kemm jekk ikun l-Istat Membru ( 41 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, pereżempju, li l-fatt li l-Istat huwa involut fil-finanzjament ta’ benefiċċji mediċi ma jfissirx li attività medika ma għandhiex tiġi kklassifikata bħala servizz ( 42 ).

54.

Fid-dawl tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” taħt il-libertajiet fundamentali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma qagħditx lura, pereżempju, meta kklassifikat bħala servizzi, fit-tifsira tad-Direttiva 2004/18 KE ( 43 ), ftehimiet kuntrattwali relatati ma’ trasport mediku, anki fejn l-awtorità kontraenti kkonkludiet dawn il-ftehimiet ma’ assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, u dawk il-ftehimiet kienu bbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà ( 44 ). Barra minn hekk, il-fatt li l-attività hija mwettqa mingħajr skop ta’ lukru minn sieħeb privat bħal ma hija istituzzjoni ta’ solidarjetà soċjali ma jipprekludihiex milli tiġi kklassifikata bħala attività ekonomika ( 45 ).

55.

F’dan il-każ, l-Anness tad-Digriet 181/2017 jelenka s-servizzi li jistgħu jkunu s-suġġett tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni ( 46 ). Kif issemma iktar kmieni f’dawn il-konklużjonijiet, is-servizzi inkwistjoni jistgħu jinkludu servizzi lil tfal, adoloxxenti, żgħażagħ, anzjani, persuni b’diżabbiltà, migranti, nisa’ f’diffikultà u persuni li jaqgħu taħt il-kategorija “Ugwaljanza fid-diversità” (LGBTI u Roma) ( 47 ).

56.

F’dak li jirrigwarda l-kontenut tas-servizzi inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-attivitajiet ipprovduti taħt ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali jinkludu firxa wiesgħa ta’ attivitajiet differenti ( 48 ), li jikkonsistu, pereżempju, f’servizzi ta’ akkomodazzjoni, ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum, kura residenzjali u l-akkoljenza ta’ persuni, l-appoġġ ta’ persuni f’diffikultà, il-provvista ta’ appoġġ finanzjarju u anki programmi li jikkonsistu fl-eżekuzzjoni ta’ miżuri ġudizzjarji. Biex insemmu biss ftit eżempji, is-servizzi jinkludu l-provvista ta’ faċilitajiet għall-akkoljenza ta’ minuri li jkunu taħt il-kura jew it-tutela ta’ awtoritajiet reġjonali; ċentri għall-infurzar ta’ miżuri ġudizzjarji rigward minuri; appoġġ għall-emanċipazzjoni u l-awtonomija personali ta’ żgħażagħ li kienu taħt tutela u li jkunu saru maġġorenni; programmi ta’ miżuri ġudizzjarji għall-minorenni; postijiet għal laqgħat tal-familja; interventi fil-familji ospitanti għal minuri; miżuri intiżi għall-adozzjoni u għal familji adottivi, ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum għall-minorenni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli; akkomodazzjoni u servizzi relatati mal-għajxien; appoġġ rigward l-għoli tal-ħajja għaż-żgħażagħ; ċentri okkupazzjonali għaż-żgħażagħ; kura residenzjali u ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum għall-anzjani; akkomodazzjoni soċjali għall-anzjani; u ċentri għan-nisa esposti għar-riskju ta’ esklużjoni soċjali u ċentri ta’ akkoljenza għal nisa vittmi tal-vjolenza.

57.

Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk is-servizzi inkwistjoni humiex offruti bi ħlas, u għalhekk jikkostitwixxux “attività ekonomika” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

58.

F’dan ir-rigward, jidhirli li l-benefiċjarji tas-servizzi li huma s-suġġett tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali normalment ma jħallsux għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, ħlief f’każijiet eċċezzjonali li fihom jistgħu jkunu obbligati jħallsu tariffa li tkun ġiet approvata minn qabel mill-awtorità kontraenti ( 49 ). Madankollu, peress li n-natura ekonomika ta’ attività ma tiddependix minn jekk is-servizz huwiex imħallas mill-utenti jew mill-awtorità kontraenti ( 50 ), u peress li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tali ħlas iseħħ ( 51 ), dawn is-servizzi jistgħu jitqiesu bħala “attività ekonomika” skont l-Artikolu 49 TFUE. Minn dan jirriżulta wkoll li n-natura ġuridika u l-mekkaniżmu ta’ solidarjetà implimentati mill-entitajiet li jipprovdu s-servizzi inkwistjoni huma irrilevanti ( 52 ).

59.

Għalhekk ser nipproċedi fuq il-bażi li mill-inqas uħud mis-servizzi li huma s-suġġett tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu “attività ekonomika” li kieku dawn is-servizzi fil-fatt kellhom jiġu offruti bi ħlas, anki jekk dan il-ħlas ma jsirx direttament mill-utenti tas-servizz, iżda mill-awtoritajiet pubbliċi.

60.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, wieħed għandu jeżamina jekk is-servizzi inkwistjoni jaqgħux taħt il-kunċett tal-“eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens tal-Artikolu 51 TFUE, peress li dan jikkostitwixxi deroga mill-Artikolu 49 TFUE. Għalkemm, fid-domandi preliminari, il-qorti nazzjonali ma staqsietx speċifikament dwar l-eċċezzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 51 TFUE, ma jistax jiġi eskluż li wħud minn dawn l-attivitajiet jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. Pereżempju, jidher li l-Anness tad-Digriet 181/2017 fih ċerti attivitajiet, bħall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi tal-qrati mill-entitajiet ta’ inizjattiva soċjali taħt ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali.

61.

Il-kunċett ta’ “eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika” għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, peress li huwa eċċezzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ( 53 ). Din l-eċċezzjoni hija ristretta għall-attivitajiet li, fihom infushom, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika ( 54 ). Barra minn hekk, ma testendix għal ċerti attivitajiet li huma anċillari jew preparatorji għall-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika ( 55 ), jew għal ċerti attivitajiet li l-eżerċizzju tagħhom, għalkemm jinvolvi kuntatti, anki regolari u essenzjali, mal-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji, u saħansitra parteċipazzjoni, anki obbligatorja, fil-funzjonament tagħhom, iħalli s-setgħat diskrezzjonali u deċiżjonali tagħhom intatti ( 56 ). Lanqas ma tkopri ċerti attivitajiet li ma jinvolvux l-eżerċizzju ta’ setgħat deċiżjonali ( 57 ), setgħat ta’ eżekuzzjoni ( 58 ) jew setgħat ta’ infurzar ( 59 ).

62.

Fi kwalunkwe każ, hija l-qorti tar-rinviju, u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tidentifika n-natura speċifika tal-attivitajiet fdati lil dawn l-entitajiet permezz ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali, u tiddetermina jekk uħud minn dawn l-attivitajiet jistgħux jinvolvu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika. Jekk dan ikun il-każ, dawn l-attivitajiet ma humiex ta’ natura ekonomika.

63.

Ladarba jiġi stabbilit, wara li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-attivitajiet inkwistjoni, li attività speċifika tikkostitwixxi “attività ekonomika” fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE u tad-Direttiva 2014/24, il-pass li jmiss ikun li jiġi ddeterminat jekk il-lex specialis tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ‑ id-Direttiva 2014/24 ‑ hijiex applikabbli għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

2.   Il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24

64.

L-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 hija suġġetta għal numru ta’ kundizzjonijiet. L-ewwel, il-proċess stabbilit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jrid jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “akkwist [għoti ta’ kuntratt]” għall-finijiet tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/24. It-tieni, il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jridu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” ddefinit fil-punt 5 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva. It-tielet, dawn il-ftehimiet iridu jkunu ugwali jew jaqbżu l-ammont tal-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(d) ta’ din id-direttiva. Jien ser nindirizza kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet wara xulxin.

a)   Il-kunċett ta’ “għoti ta’ kuntratt”

65.

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/24, din id-direttiva tapplika għal “akkwist [għoti ta’ kuntratt]”, li huwa ddefinit bħala għoti permezz ta’ kuntratt pubbliku ta’, inter alia, servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew iktar mingħand operaturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti, sew jekk is-servizzi huma maħsuba għal skop pubbliku u sew jekk le.

66.

Minn din id-definizzjoni jsegwi li l-għoti ta’ kuntratt jinvolvi, inter alia, għażla ta’ operatur ekonomiku wieħed jew iktar minn awtorità kontraenti waħda jew iktar. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt ta’ finanzjament ta’ servizzi soċjali jew għoti ta’ liċenzji jew awtorizzazzjoni lill-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-awtorità kontraenti, mingħajr ma jiġu stabbiliti limiti jew kwoti, ma jikkostitwixxix għoti ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva ( 60 ).

67.

Il-kwistjoni tal-għażla ġiet indirizzata għall-ewwel darba fil-kawża Falk Pharma ( 61 ). F’dik il-kawża li tikkonċerna d-Direttiva 2004/18, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn l-awtorità kontraenti ma tispeċifikax operatur ekonomiku li għandha tingħatalu l-esklużività ta’ kuntratt, dan ifisser li ma tkunx teżisti l-ħtieġa li l-azzjoni ta’ din l-awtorità kontraenti tiġi kkontrollata sabiex tikkonforma mar-regoli dettaljati stabbiliti f’din id-direttiva ( 62 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant enfasizzat li l-għażla ta’ offerta u, għaldaqstant ta’ offerent magħżul, hija intrinsikament marbuta mar-regolamentazzjoni tal-kuntratti pubbliċi permezz ta’ din id-direttiva ( 63 ).

68.

Wara dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Tirkkonen ( 64 ) li, meta l-awtorità kontraenti ma ssemmi ebda kriterju ta’ għoti tal-kuntratt li jippermetti li jiġu pparagunati u kklassifikati l-offerti ammissibbli, ma jistax ikun hemm kuntratt pubbliku fis-sens ta’ din id-direttiva ( 65 ). Ġie deċiż li “sistema ta’ konsulenza agrikola […] li permezz tagħha entità pubblika taċċetta lill-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kapaċità elenkati mis-sejħa għal offerti u li għaddew mill-eżami msemmi f’din is-sejħa għal offerti ma tikkostitwixxix kuntratt pubbliku, fis-sens ta’ din id-direttiva, anki jekk operatur ġdid ma jkunx jista’ jiġi aċċettat matul il-validità limitata ta’ din is-sistema” ( 66 ).

69.

Dan premess, jidhirli li l-kriterju ta’ għażla definit fis-sentenzi fil-kawżi Falk Pharma u Tirkkonen msemmija iktar ’il fuq jista’ jwassal għal sitwazzjoni dubjuża fejn l-Istati Membri jistgħu jeskludu ċerti proċeduri mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 billi jeliminaw l-“għażla” kif iddefinita f’dawn is-sentenzi. Kif irrimarkaw xi kritiċi ‑ u għandi t-tendenza li naqbel magħhom ‑ l-approċċ restrittiv adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawk is-sentenzi jista’, inter alia, jiskoraġġixxi l-Istati Membri milli japplikaw id-Direttiva 2014/24 u jipperikola l-effettività ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi ( 67 ). Pereżempju, sabiex timmina l-effettività ta’ dawn ir-regoli, awtorità kontraenti teħtieġ biss li tinkludi fl-offerta klawżola mfassla apposta li tista’ tiġi ssodisfatta biss minn numru ta’ operaturi speċifiċi u li tipprovdi li jintgħażlu l-operaturi ekonomiċi kollha li jikkonformaw ma’ din il-klawżola.

70.

Irrid inżid ukoll li dawn is-sentenzi jċajpru l-linja bejn, minn naħa, il-kriterju ta’ għażla fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/24, u min-naħa l-oħra, il-kriterji dwar l-għażla u l-għoti previsti fl-istess direttiva ( 68 ). Prima facie, jidhirli li hu dubjuż li element wieħed huwa kemm kriterju ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 u kemm kundizzjoni li għandha tiġi sodisfatta mill-offerenti taħt din id-direttiva ( 69 ). Għaldaqstant il-parir tiegħi huwa li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex issegwi din il-linja ta’ ġurisprudenza. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti t-terminu “għoti ta’ kuntratt” definizzjoni usa’ li tkopri proċeduri li jinvolvu l-għoti ta’ kuntratti lil ċerti fornituri ta’ servizzi, filwaqt li teskludi oħrajn għal ċertu perjodu ta’ żmien.

71.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ssegwi din il-ġurisprudenza, ma huwiex ċar, fil-kawża preżenti, jekk, b’mod simili għas-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tipprovdix għal sistema li permezz tagħha l-awtoritajiet kontraenti jagħtu “awtorizzazzjoni” u l-utenti tas-servizzi rilevanti jagħżlu bejn l-entitajiet li jipprovdu tali servizzi, jew jekk l-għażla hijiex fl-aħħar mill-aħħar tal-awtoritajiet kontraenti ( 70 ).

72.

Id-Digriet 181/2017 jidher li jipprovdi għal sejħa għall-offerti li għandha tistabbilixxi punteġġ minimu u l-kriterji għall-għażla ta’ entitajiet għall-adozzjoni tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali ( 71 ); l-offerti għandhom jiġu eżaminati mill-kumitat tal-evalwazzjoni ( 72 ). Id-deċiżjoni rigward entitajiet soċjali magħżula ( 73 ), li jistgħu mbagħad jikkonkludu ftehimiet vinkolanti għall-provvista ta’ servizzi soċjali, tiġi ppubblikata fid-Diari Oficial de la Generalitat Valenciana ( 74 ). Madankollu, ma jidhirlix li huwa ċar jekk hemmx numru limitat ta’ entitajiet li jkunu ntgħażlu li jingħataw “awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-kawża Falk Pharma, jew jekk hemmx numru limitat ta’ entitajiet realment magħżula mill-awtoritajiet kontraenti. Barra minn hekk, il-kriterji għall-għażla previsti fl-Artikolu 64(2) u (3) tal-Liġi 5/1997 jidher li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ għażla, u għaldaqstant jikkostitwixxu “għoti ta’ kuntratt” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/24. Fi kwalukwe każ, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk l-għażla reali ġietx ittrasferita lill-utenti tas-servizzi inkwistjoni jew jekk issirx mill-awtoritajiet kontraenti nnifishom. Madankollu, għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet ( 75 ), nikkunsidra li l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 ma għandhiex tkun kontinġenti fuq il-mod li bih l-Istati Membri jagħżlu entitajiet rebbieħa, iżda pjuttost fuq is-suġġett tal-kuntratti.

73.

Madankollu, irrid nerġa’ nenfasizza li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni humiex suġġetti għal għażla per se fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/24.

b)   Il-karatteristiċi ta’ kuntratt pubbliku

74.

L-eżistenza ta’ kuntratt pubbliku hija kundizzjoni sostantiva għall-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24. Skont il-punt 5 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, “kuntratt pubbliku” huwa kuntratt b’interess pekunjarju konkluż bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew iktar u awtorità kontraenti waħda jew iktar u li għandu bħala s-suġġett tiegħu l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi.

75.

Abbażi ta’ din id-definizzjoni, minbarra r-rekwiżit ovvju li tali kuntratt għandu jkun bil-miktub, li kjarament ma hijiex kwistjoni fil-kawża preżenti ( 76 ), il-karatteristiċi prinċipali ta’ kuntratt pubbliku huma s-segwenti: l-eżistenza ta’ kuntratt b’interess pekunjarju, konkluż bejn operatur ekonomiku u awtorità kontraenti waħda jew iktar, li għandu bħala s-suġġett tiegħu l-provvista ta’ servizzi.

1) Kuntratt b’interess pekunjarju

76.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li d-definizzjoni ta’ kuntratt pubbliku hija kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni u li, għall-finijiet ta’ determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-fattur determinanti la huwa kif il-kuntratt inkwistjoni huwa kklassifikat taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, la l-intenzjonijiet tal-leġiżlatura nazzjonali, u lanqas tal-partijiet. Il-klassifikazzjoni tal-ftehimiet inkwistjoni hija rregolata mir-regoli stabbiliti f’din id-direttiva ( 77 ). Huwa għalhekk irrilevanti, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 62(1) tal-Liġi 5/1997 u l-Artikolu 3(c) tad-Digriet 181/2017 jikklassifikaw il-ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali bħala “mhux kuntrattwali” ( 78 ).

77.

Fir-rigward tat-tifsira tal-frażi “b’interess pekunjarju”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan ifisser kuntratt li permezz tiegħu kull waħda mill-partijiet tintrabat li tiżgura prestazzjoni bħala korrispettiv ( 79 ). Peress li l-provvista ta’ servizz tista’ tiġi kkumpensata permezz ta’ forom differenti ta’ korrispettiv, bħal rimbors tal-ispejjeż inkorsi sabiex jiġi pprovdut is-servizz pattwit ( 80 ), il-fatt jibqa’ li n-natura sinallagmatika ta’ kuntratt pubbliku tittraduċi ruħha b’mod obbligatorju fil-ħolqien ta’ obbligi legalment vinkolanti għal kull waħda mill-partijiet fil-kuntratt, li l-eżekuzzjoni tagħhom għandha tkun tista’ tintalab ġudizzjarjament. In-natura sinallagmatika tal-kuntratt għalhekk hija karatteristika essenzjali ta’ kuntratt pubbliku ( 81 ).

78.

Fil-kawża preżenti, l-ewwel, fir-rigward tan-natura sinallagmatika tal-kuntratt pubbliku, mid-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 u fl-Artikoli 21 sa 26 tad-Digriet 181/2017 jirriżulta li d-dokumenti li jistgħu jiġu adottati mill-partijiet jistgħu jikkostitwixxu ftehimiet formali. Barra minn hekk, mill-Artikolu 65(2) tal-Liġi 5/1997 jista’ jiġi dedott li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali jagħtu lok għal obbligi għall-entitajiet li jipprovdu s-servizzi inkwistjoni, li huma ddefiniti speċifikament fit-Titoli IV u V ta’ dan id-digriet. L-Artikolu 66(2) ta’ din il-liġi u l-Artikolu 22(1) tad-Digriet 181/2017 jistabbilixxu r-rati u l-mekkaniżmi ta’ rimbors għal dawn l-entitajiet. L-Artikolu 26 tad-Digriet 181/2017 jipprovdi għal sistema ta’ rimedji ġudizzjarji, u t-Titolu V tiegħu jinkludi lista ta’ obbligi dwar l-eżekuzzjoni tas-servizzi. Abbażi ta’ dawn l-elementi, jien inklinat li nikkunsidra li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali jistabbilixxu relazzjoni ta’ natura sinallagmatika ( 82 ).

79.

It-tieni, fir-rigward tal-kunċett ta’ b’interess pekunjarju, l-Artikolu 22(2) tad-Digriet 181/2017 jipprovdi li l-awtorità kontraenti għandha tħallas l-iktar l-ispejjeż varjabbli, fissi u permanenti tas-servizzi inkwistjoni, mingħajr ma tinkludi ebda profitt kummerċjali għal dik l-entità. Għalkemm l-utenti tas-servizzi inkwistjoni normalment ma jħallsux għall-provvista ta’ dawn is-servizzi, ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn jistgħu jkunu obbligati jħallsu tariffa awtorizzata preċedentement ( 83 ), l-entitajiet inkwistjoni huma rrimborsati għall-ispejjeż tas-servizzi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li kuntratt ma jistax jaqa’ barra minn dan il-kunċett sempliċement għaliex ir-remunerazzjoni tibqa’ limitata għal rimbors tal-ispejjeż inkorsi fil-provvista tas-servizz. Fi kliem ieħor, sempliċi remunerazzjoni li tkopri l-ispejjeż tissodisfa l-kriterju ta’ “b’interess pekunjarju” għall-finijiet tad-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 84 ). Minn dan isegwi li r-rwol tal-qorti nazzjonali huwa sempliċement li tiżgura li jiġi pprovdut benefiċċju, iżda mhux li tikkunsidra l-adegwatezza tal-korrispettiv. L-assenza ta’ profitt għall-entitajiet li jipprovdu s-servizzi hija għalhekk irrilevanti għall-finijiet li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interess pekunjarju.

80.

Minn dan isegwi li, fil-kawża preżenti, hemm quid pro quo fil-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni peress li, minn naħa, l-entitajiet jipprovdu servizzi soċjali lil individwi taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mill-awtorità pubblika u, min-naħa l-oħra, dawn l-entitajiet jirċievu remunerazzjoni għal dan fil-forma ta’ rimbors tal-ispejjeż mill-awtorità pubblika. Nikkonkludi li l-kriterju tal-eżistenza ta’ kuntratt b’interess pekunjarju ġie ssodisfatt fil-kawża preżenti.

2) Kuntratt konkluż bejn operatur ekonomiku u awtorità kontraenti waħda jew iktar

81.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-kunċetti ta’ “operatur eknomiku” u ta’ “awtoritajiet kontraenti” huma t-tnejn wesgħin ħafna taħt id-Direttiva 2014/24 u fil-ġurisprudenza dwar ir-regoli fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Fil-fehma tiegħi, fil-kawża preżenti ma hemm ebda kwistjoni dwar il-kunċett tal-aħħar, peress li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali huma konklużi mill-awtoritajiet tar-Reġjun ta’ Valencia ( 85 ).

82.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “operatur eknomiku”, skont il-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24, dan ikopri kwalunkwe entità, irrispettivament min-natura tagħha, li toffri, inter alia, il-provvista ta’ servizzi fis-suq. Din id-definizzjoni tirrifletti l-ġurisprudenza li fiha, għall-finijiet tar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, huwa irrilevanti x’inhi l-entità, bl-enfasi tkun minflok fuq dak li tagħmel ( 86 ).

83.

Fil-kawża preżenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tapplika għal “entitajiet ta’ inizjattiva soċjali”, li huma ddefiniti fl-Artikolu 3(e) tad-Digriet 181/2017 bħala fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet volontarji u entitajiet oħrajn mingħajr skop ta’ lukru li jwettqu attivitajiet ta’ servizzi soċjali. Din id-definizzjoni tkopri wkoll soċjetajiet kooperattivi ikklassifikati bħala organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru skont il-leġiżlazzjoni speċifika li tirregolahom ( 87 ). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li s-sieħeb kontraenti tal-awtorità kontraenti huwa assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, ma huwiex problematiku ( 88 ).

84.

Għaldaqstant, nikkonkludi li l-kundizzjoni relatata ma’ kuntratt bejn operatur ekonomiku u awtorità kontraenti waħda jew iktar ġiet issodisfatta.

3) Kuntratt għall-provvista ta’ servizzi

85.

Il-kundizzjoni dwar il-“kuntratt għall-provvista ta’ servizzi” tirrigwarda r-ratione materiae tal-kuntratt u teħtieġ l-identifikazzjoni tal-għan tiegħu.

86.

L-Artikolu 6(2) tad-Digriet 181/2017 jiddefinixxi s-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti taħt it-termini tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni, li huma elenkati fl-Anness ta’ dan id-digriet. Kif imsemmi fil-punt 57 iktar ’il fuq, il-qorti tar-rinviju għandha l-ewwel tivverifika jekk dawn is-servizzi jinvolvux “attività ekonomika” u għaldaqstant jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertajiet fundamentali u tad-Direttiva 2014/24 ( 89 ).

87.

Il-konvenut u l-Gvern Spanjol enfasizzaw b’mod konsiderevoli fuq il-fatt li l-Artikolu 1(54) tad-Direttiva 2014/24 jiddikjara espressament li din id-direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, u li l-premessa 6 tal-istess direttiva tippreċiża li “servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali ma għandhomx jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni” ta’ din id-direttiva. Madankollu, jiena tal-fehma li, fil-kawża preżenti, il-libertà tal-Istati Membri li jiddeċiedu kif għandhom jiġu allokati l-fondi pubbliċi mhux qiegħda tiġi kkontestata direttament. Meta awtorità pubblika tiddeċiedi li twettaq proċedura għall-għoti ta’ kuntratt fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2014/24, u tikkonkludi kuntratt pubbliku fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tagħha, dan tal-aħħar jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u għaldaqstant, ir-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi stabbiliti f’din id-direttiva għandhom jiġu applikati.

88.

Jekk dan huwa l-każ, id-Direttiva 2014/24 fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-servizzi soċjali jew servizzi oħra speċifiċi, li huma elenkati fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva. Din il-lista tinkludi diversi kodiċijiet CPV, li jaqgħu taħt is-sistema ssemplifikata stabbilita fl-Artikoli 74 sa 76 tad-Direttiva 2014/24. Dan l-anness jispeċifika f’nota ta’ qiegħ il-paġna li servizzi obbligatorji ta’ sigurtà soċjali, taħt CPV 75300000-9, “mhumiex koperti minn din id-Direttiva fejn dawn huma organizzati bħala servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali” ( 90 ).

89.

Mill-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex ċar jekk is-servizzi inkwistjoni humiex inklużi f’din il-lista jew fost is-servizzi soċjali obbligatorji li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. Il-mistoqsijiet bil-miktub magħmula lill-partijiet ma solvewx din l-enigma.

90.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq il-verifiki neċessarji u tqabbel il-lista annessa mad-Digriet 181/2017 mal-lista li tinsab fl-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24 ( 91 ). Jekk is-servizzi elenkati fl-Anness tad-Digriet 181/2017 huma kopert mill-kodiċijiet CPV li jinsabu fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, bl-eċċezzjoni għas-servizzi obbligatorji ta’ sigurtà soċjali msemmija hawn fuq, dawn is-servizzi elenkati jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-“sistema ssemplifikata” stabbilita fl-Artikoli 74 sa 76 tad-Direttiva 2014/24. Fl-analiżi li ġejja, ser nassumi li wħud mis-servizzi inkwistjoni huma koperti minn din is-sistema. Peress li l-proċeduri, il-partijiet u s-suġġett ġew iddefiniti, ser nirrikorri għal eżami dwar jekk il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jaqbżux l-ammont tal-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/24.

c)   Il-kriterju tal-limitu stabbilit

91.

Il-limitu stabbilit għal kuntratti għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn elenkati fl-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24 li huma suġġetti għas-“sistema ssemplifikata” prevista fl-Artikoli 74 sa 76 tal-istess direttiva huwa stabbilit fl-Artikolu 4(d) ta’ din id-direttiva. Dan jistipula li d-Direttiva 2014/24 tapplika għal kuntratti li l-valur stmat tagħhom huwa daqs jew iktar minn EUR 750000 ( 92 ).

92.

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, skont il-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24, ċerti kategoriji ta’ servizzi, inter alia, ċerti servizzi soċjali, għandhom dimensjoni transkonfinali limitata u għaldaqstant jaqgħu taħt reġim speċifiku b’limitu ogħla minn dak li japplika għal servizzi oħra ( 93 ).

93.

Għaldaqstant, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2014/24 ma japplikawx għal kuntratti b’valur inqas mil-limitu stabbilit bl-Artikolu 4(d) ta’ din id-direttiva ( 94 ). Tali kuntratti għandhom madankollu jikkonformaw mar-regoli dwar il-moviment liberu u mal-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament, ir-rikonoxximent reċiproku, in-nondiskriminazzjoni u l-proporzjonalità ( 95 ).

94.

Fil-kawża preżenti, jidher li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tipprovdi ebda informazzjoni dwar il-valur ekonomiku tas-servizzi li huma s-suġġett tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali. Peress li l-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 2014/24 huwa kunsiderevoli, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet, il-valur jeċċedi dan il-limitu stabbilit; filwaqt li, f’każijiet oħrajn, jibqa’ inqas minn dan il-limitu stabbilit. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni tad-Direttiva 2014/24 ġietx issodisfatta fil-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni.

95.

Jekk il-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 1(2), tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) u tal-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 2014/24, imsemmija iktar ’il fuq, huma ssodisfatti, allura l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. B’mod partikolari, b’risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li s-sempliċi fatt li dawn il-ftehimiet huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà ma jfissirx li dawn tal-aħħar għandhom jiġu esklużi mill-kunċett ta’ kuntratti pubbliċi fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, il-fatti li s-servizzi inkwistjoni huma rrimborsati minn awtoritajiet pubbliċi, li ma jinvolvux profitt għall-entitajiet li jipprovduhom jew li huma pprovduti lill-utenti mingħajr ħlas, huma immaterjali għall-finijiet ta’ determinazzjoni dwar jekk hemmx kuntratt pubbliku bħal dan. Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 4(d) dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u l-limitu stabbilit, rispettivament, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-proċedura u l-valur tal-kuntratti jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa.

96.

Dan premess, issa ser ngħaddi għall-qofol tad-domanda: entitajiet bi skop ta’ lukru jistgħu jiġu esklużi milli jikkonkludu kuntratti pubbliċi taħt id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2014/24?

3.   Kuntratti rriżervati u s-sistema ssemplifikata taħt id-Direttiva 2014/24

97.

Jekk wieħed jassumi li, tal-inqas, uħud mill-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li tiddetermina jekk is-“sistema ssemplifikata” li għaliha huma suġġetti dawn il-ftehimiet tippermettix lill-Istati Membri jeskludu lill-entitajiet bi skop ta’ lukru minn kwalunkwe possibbiltà li jikkonkludu tali ftehimiet.

98.

L-ewwel, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva 2014/24 ma jidentifikawx jekk kuntratti pubbliċi fil-qasam tas-servizzi soċjali għandhomx jiġu rriżervati għal entitajiet mingħajr skop ta’ lukru. Madankollu, l-Artikolu 20 u l-Artikolu 77(1) tad-Direttiva 2014/24 jippermettu espressament li l-Istati Membri jiddeterminaw it-tipi ta’ organizzazzjonijiet li jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fir-rigward ta’ ċerti servizzi soċjali ( 96 ). Kuntratti pubbliċi relatati ma’ servizzi soċjali inklużi fl-Artikolu 74 li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20 u tal-Artikolu 77(1) tad-Direttiva 2014/24 jaqgħu taħt is-sistema ssemplifikata tal-Artikoli 74 sa 76 ta’ din id-direttiva li, fil-fehma tiegħi, għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok.

a)   Kuntratti rriżervati

99.

Peress li l-Artikolu 20 u l-Artikolu 77(1) tad-Direttiva 2014/24 jikkostitwixxu deroga mir-regoli ġenerali stabbiliti f’dik id-direttiva, nemmen li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv. Dan ifisser, b’mod partikolari, li dawn id-dispożizzjonijiet fihom lista eżawrjenti ta’ każijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kuntratti rriżervati.

1) Kuntratti riżervati taħt l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/24

100.

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/24 jittratta żewġ sitwazzjonijiet alternattivi: (i) il-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jirriżervaw kuntratti jew għal workshops protetti jew għal operaturi ekonomiċi li l-għan tagħhom huwa l-integrazzjoni soċjali u professjonali ta’ persuni li għandhom diżabbiltà jew li huma żvantaġġati, jew (ii) il-possibbiltà li jiġi previst li dawn il-kuntratti jitwettqu fil-kuntest ta’ programmi protetti ( 97 ).

101.

Filwaqt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għas-servizzi inkwistjoni, jiena tal-fehma li, fil-kawża preżenti, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi eskluża. Tabilħaqq, it-Taqsima IV tal-Anness tad-Digriet 181/2017 tinkludi persuni b’“diversità funzjonali” u, b’mod partikolari, il-punt 2 ta’ dan l-anness jittratta l-integrazzjoni soċjali tagħhom. Għaldaqstant, sa fejn il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jikkonċernaw servizzi pprovduti lil destinatarji li huma dawn il-persuni, l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/24 jista’ jkun applikabbli.

102.

Dan l-artikolu jippermetti - iżda ma jġiegħelx - lill-awtoritajiet kontraenti jirriżervaw kuntratti għal workshops protetti jew għal operaturi ekonomiċi li jsegwu inizjattivi soċjali jew li jipprevedu li dawn il-kuntratti jitwettqu fil-kuntest tal-programmi protetti. Il-kwistjoni dwar jekk Stati Membri jistgħux, skont din id-dispożizzjoni, jimponu limitazzjonijiet addizzjonali li jnaqqsu ċ-ċirku ta’ parteċipanti awtorizzati u, għalhekk, jirriżervaw il-kuntratti pubbliċi, ġiet eżaminata reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Conacee ( 98 ).

103.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2014/24 u mill-għanijiet segwiti minn din tal-aħħar jirriżulta li ma tinkludix lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li taħthom awtorità kontraenti tista’ tillimita t-tip ta’ operatur ekonomiku li miegħu tista’ tikkonkludi kuntratt irriżervat. Minflok, din id-direttiva tħalli lill-Istati Membri l-possibbiltà li jadottaw kriterji supplimentari biex jiddefinixxu dawn il-kundizzjonijiet, kemm-il darba dawn il-kriterji supplimentari jikkontribwixxu sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet ta’ politika soċjali u ta’ impjieg segwiti mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/24. Bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev li r-rekwiżiti taħt din id-dispożizzjoni għandhom jitqiesu bħala rekwiżiti minimi ( 99 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri huma ħielsa li jċekknu ċ-ċirku ta’ parteċipanti awtorizzati fil-proċeduri tagħhom ta’ għoti ta’ kuntratti rriżervati skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/24 ( 100 ).

104.

Minn dan li ntqal iktar ’il fuq isegwi li l-Istati Membri jistgħu jżidu kriterji, bħall-kriterju li jeskludu entitajiet bi skop ta’ lukru stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kemm-il darba tali esklużjoni “[t]ikkontribwixx[i] sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet ta’ politika soċjali u ta’ impjieg imfittxija minnha” ( 101 ). Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatat ebda informazzjoni dwar ir-raġunijiet wara tali esklużjoni mil-leġiżlatura nazzjonali. Wieħed jista’ jargumenta li entitajiet mingħajr skop ta’ lukru għandhom dimensjoni iktar soċjali minn entitajiet bi skop ta’ lukru u, għalhekk, huma iktar adatti sabiex isegwu għanijiet bħal dawn. Għall-kuntrarju, jista’ jiġi sottomess li entitajiet bi skop ta’ lukru jistgħu jipprovdu servizzi ta’ kwalità għolja bi spejjeż baxxi u, għalhekk, ikunu jistgħu jsegwu dawn l-għanijiet. Dan premess, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-esklużjoni inkwistjoni tikkontribwixxix “sabiex jiġu ggarantiti l-għanijiet ta’ politika soċjali u ta’ impjieg”.

105.

F’dan l-istadju rrid nenfasizza li jeżistu żewġ limiti għall-għażla stabbilita fl-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2014/24.

106.

L-ewwel nett, l-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva jobbliga lill-Istati Membri, meta jagħmlu użu mill-għażla pprovduta mill-Artikolu 20, li jagħmlu riferiment espliċitu għal dan l-artikolu fis-sejħa għall-offerti, u fl-assenza ta’ dan tali kuntratti ma jistgħux ikunu rriżervati. Fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk dan ir-rekwiżit ġiex issodisfatt.

107.

It-tieni, meta l-Istati Membri jagħmlu użu minn din il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2014/24, għandhom josservaw, inter alia, il-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw minn din il-libertà bħalma huma l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 102 ). Fir-rigward tas-servizzi soċjali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-utenti tagħhom huma persuni b’diversità funzjonali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali humiex meħtieġa u xierqa sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni ta’ dawn il-persuni, kif jitlob l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li meta l-Istati Membri jillimitaw kuntratti rriżervati għal assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, il-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jiġix, essenzjalment, miksur ( 103 ).

2) Kuntratti rriżervati taħt l-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24

108.

L-Artikolu 77(1) tad-Direttiva 2014/24 japplika għal ċerti servizzi soċjali speċifiċi. Filwaqt li jidher li hu possibbli li wħud mis-servizzi msemmija fl-Anness tad-Digriet 181/2017 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 77, għalija huwa ċar li la l-entitajiet u lanqas il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 77(2) u (3) tad-Direttiva 2014/24.

109.

Il-formulazzjoni u l-istruttura ġenerali tal-Artikolu 77 ta’ din id-direttiva ma jipprovdux wisq gwida dwar kif għandu jiġi interpretat ( 104 ). Madankollu, il-premessa 118 tad-Direttiva 2014/24 tispjega l-iskop tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jistgħu jiġu rriżervati għal entitajiet speċifiċi taħt l-Artikolu 77 ta’ din id-direttiva. Din il-premessa tippreċiża li, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi pubbliċi, din id-direttiva għandha tippermetti li l-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal ċerti servizzi fil-qasam tas-servizzi soċjali tiġi rriżervata għal ċerti organizzazzjonijiet - bħal organizzazzjonijiet li huma bbażati fuq is-sjieda tal-ishma mill-impjegati jew il-parteċipazzjoni attiva tal-impjegati fit-tmexxija tagħhom, u kooperattivi. L-Istati Membri jistgħu għalhekk iċekknu ċ-ċirku ta’ parteċipanti għal tali organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil-provvista ta’ dawn is-servizzi lill-utenti finali. Minn dawn l-ispjegazzjonijiet jirriżulta li l-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi taħt l-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24 huma sempliċement subkategorija ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt is-sistema ssemplifikata, u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 105 ).

110.

L-ewwel, l-Artikolu 77(2) ta’ din id-direttiva fih lista ta’ erba’ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel tlieta jikkonċernaw it-tmexxija tal-entitajiet li jipprovdu s-servizzi, filwaqt li r-raba’ tittratta l-limitazzjoni imposta fuq kuntratti ripetuti suċċessivi. Fil-kawża preżenti, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, huma t-tielet u r-raba’ kundizzjoni li jippreżentaw sfida. Minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tidhirx li hija mmirata lejn entitajiet li t-tmexxija ekonomika tagħhom tinvolvi s-sjieda tal-ishma mill-impjegati jew prinċipji ta’ parteċipazzjoni ( 106 ). Għaldaqstant, huwa ferm improbabbli li l-entitajiet li huma partijiet għall-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 77(2)(c) tad-Direttiva 2014/24. Min-naħa l-oħra, fl-eżami tiegħi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ma ltqajtx ma’ klawżola ta’ “ebda ripetizzjoni” bħal ma hi dik inkluża fl-Artikolu 77(2)(d) tad-Direttiva 2014/24. Għall-kuntrarju, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 23 tad-Digriet 181/2017 tidher li tippermetti t-tiġdid ta’ kuntratt, anki wara l-estensjoni ta’ għaxar snin prevista f’dan l-artikolu. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tidhirx li tissodisfa l-kriterji tal-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2014/24.

111.

Il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni lanqas ma jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 77(3) tad-Direttiva 2014/24, li skontha t-tul massimu tal-kuntratt ma għandux ikun ta’ iktar minn tliet snin. Taħt l-Artikolu 23 tad-Digriet 181/2017, dawk il-ftehimiet jistgħu jiġu konklużi għal perijodu massimu ta’ 4 snin u, fejn xieraq, estiżi sa massimu ta’ 10 snin (bil-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim ieħor immedjatament wara).

112.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nikkonkludi li l-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24 ma huwiex applikabbli għall-kawża preżenti.

113.

Sejjer nipproċedi fuq il-bażi li, fir-rigward tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, ħlief għal dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tagħha, il-kumplament ta’ dawn il-ftehimiet għandhom jissodisfaw il-kriterji tas-sistema ssemplifikata stabbiliti fl-Artikoli 75 u 76 ta’ din id-direttiva.

b)   Ir‑regoli taħt l‑Artikoli 75 u 76 tad‑Direttiva 2014/24

114.

Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-awtoritajiet pubbliċi jistgħux jikkonkludu ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali unikament ma’ entitajiet mingħajr skop ta’ lukru privati, li abbażi tagħhom dawn l-awtoritajiet jafdaw lil dawn l-entitajiet b’ċerti servizzi soċjali msemmija fl-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/24. Sabiex inwieġeb din il-mistoqsija, irrid nirrikorri għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 75 u 76 ta’ din id-direttiva, li jittrattaw, inter alia, l-obbligu tal-pubblikazzjoni tal-avviżi u l-prinċipju tal-ugwaljanza, rispettivament.

115.

L-ewwel, l-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/24, dwar il-pubblikazzjoni ta’ avviżi, jeħtieġ li l-awtoritajiet kontraenti jħabbru l-intenzjoni tagħhom li jagħtu kuntratt lill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ( 107 ) permezz ta’ avviż ta’ kuntratt jew avviż ta’ informazzjoni minn qabel. L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/24 jintroduċi reġim speċjali ta’ għoti ta’ kuntratti ddedikat għal kuntratti pubbliċi għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn fejn il-valur tagħhom ikun daqs jew ikbar mil-limitu indikat fl-Artikolu 4(d) tagħha. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva jenfasizza l-fatt li awtoritajiet pubbliċi xorta għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ sejħa għal offerti li jikkonċernaw dawn il-kuntratti pubbliċi. F’dan is-sens, dan ir-rekwiżit huwa espressjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza, kif stabbilit fit-Taqsima 2 u fl-Artikolu 76(1) ta’ din id-direttiva.

116.

Fil-kawża preżenti, skont l-Artikolu 13(2) tad-Digriet 181/2017, l-avviżi rilevanti dwar kuntratti huma ppubblikati mid-Diari Oficial de la Generalitat Valenciana (il-Ġurnal Uffiċjali tal-Gvern Reġjonali ta’ Valencia). Madankollu, fir-rigward tal-avviż ta’ kuntratti, din il-forma ta’ pubbliċità, limitata għall-komunità ta’ Valencia, ma hijiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2014/24, li speċifikament jirreferi għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 51 meta l-awtoritajiet kontraenti jagħżlu li joħorġu avviż ta’ kuntratti. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tidhirx li hija konformi mar-regoli ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2014/24.

117.

It-tieni, skont l-Artikolu 76(1) ta’ din id-direttiva, anki taħt is-sistema ssemplifikata, l-Istati Membri għandhom josservaw, inter alia, il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-operaturi ekonomiċi. Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2014/24 tfittex li tiżgura l-libertà ta’ stabbiliment, kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw mil-libertajiet fundamentali, bħall-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza ( 108 ).

118.

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju ser ikollha teżamina jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti l-esklużjoni de facto ta’ entitajiet bi skop ta’ lukru mill-provvista ta’ ċerti servizzi soċjali skont il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali taħt id-Digriet 181/2017 ( 109 ), hijiex konsistenti ma’ dawn il-prinċipji.

119.

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 110 ). Il-paragunabbiltà tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni ( 111 ).

120.

Għaldaqstant, fil-kawża preżenti, il-qorti tar-rinviju ser ikollha tiddetermina jekk l-“entitajiet ta’ inizjattiva soċjali”, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(e) tad-Digriet 181/2017, jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħal entitajiet bi skop ta’ lukru f’dak li jikkonċerna l-għanijiet imfittxija mis-sistema ssemplifikata taħt l-Artikoli 74 sa 76 tad-Direttiva 2014/24 ( 112 ).

121.

Fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, il-premessa 114 ta’ din id-direttiva tispjega li s-sistema ssemplifikata li tikkonċerna, b’mod partikolari, ċerti servizzi soċjali għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest kulturali u s-sensittività ta’ dawn is-servizzi. Għalhekk, u fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati Membri għandhom jingħataw setgħa diskrezzjonali wiesgħa biex jorganizzaw l-għażla tal-fornituri tas-servizzi bil-mod li jqisu l-iktar xieraq. Din il-premessa żżid l-għanijiet ta’ simplifikazzjoni u ta’ tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi.

122.

Fil-fehma tiegħi, din il-premessa għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/24, li jirreferi għall-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività tas-servizzi, kif ukoll għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti. Jidher, għalhekk, li hija n-natura speċifika tas-servizzi soċjali inkwistjoni li tiġġustifika l-eżistenza tas-sistema ssemplifikata. Għaldaqstant, jidhirli li l-kriterju rilevanti għandu jkun in-natura tas-servizzi soċjali inkwistjoni pprovduti miż-żewġ kategoriji ta’ entitajiet ( 113 ).

123.

Fil-kawża preżenti, il-konvenut u l-Gvern Spanjol ma spjegawx għalfejn l-entitajiet bi skop ta’ lukru huma awtomatikament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Digriet 181/2017. Filwaqt li jista’ jiġi argumentat li l-“entitajiet ta’ inizjattiva soċjali”, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(e) tad-Digriet 181/2017, u l-entitajiet bi skop ta’ lukru għandhom natura legali differenti u jiffunzjonaw b’mod differenti, iż-żewġ kategoriji ta’ entitajiet jistgħu wkoll jintalbu biex iwettqu servizzi soċjali simili, u jipprovdu servizzi bl-istess livell ta’ kwalità bi spejjeż simili. Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ entitajiet jistgħu jkunu f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għan tas-sistema taħt l-Artikoli 74 sa 76 tad-Direttiva 2014/24.

124.

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva ( 114 ). F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi huwa ċar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tippermetti li ċerti entitajiet jiġu esklużi mill-applikazzjoni tas-sistema ssemplifikata sempliċement minħabba l-fatt li għandhom skop ta’ lukru ( 115 ).

125.

B’mod partikolari, ma narax kif l-esklużjoni awtomatika ta’ entitajiet bi skop ta’ lukru mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiżgura li s-servizzi inkwistjoni jiġu pprovduti b’mod xieraq, filwaqt li tissimplifika u ttaffi l-piż amministrattiv kif imsemmi fil-premessa 114 Direttiva 2014/24. Barra minn hekk, tali esklużjoni awtomatika ma tidhirx li tikkontribwixxi għall-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività ta’ dawn is-servizzi, kif mitlub mill-Artikolu 76(2) tad-Direttiva 2014/24. Fl-implimentazzjoni tas-s-sistema ssemplifikata, jidher li jkun iktar xieraq li wieħed jiffoka fuq il-kapaċità li jiġu pprovduti servizzi soċjali ta’ kwalità b’mod kosteffettiv, pjuttost milli fuq in-natura tal-entità li tkun qiegħda tipprovdi dawn is-servizzi ( 116 ).

126.

Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, huwa inkonċepibbli li tali esklużjoni tkun jew iġġustifikata jew proporzjonata; u għalhekk tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

4.   Il‑Libertà ta’ stabbiliment

127.

Jekk il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 ( 117 ), fattur li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan ma jfissirx, madankollu, li dawn il-ftehimiet huma neċessarjament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jistgħu madankollu jkunu suġġetti għal-libertajiet fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u kif ukoll għall-obbligu korollarju ta’ trasparenza, sakemm dawk il-ftehimiet ikollhom ċertu dimensjoni transkonfinali ( 118 ). Barra minn hekk, bla ħsara għal din id-dispożizzjoni, dawn il-libertajiet u l-prinċipji fundamentali japplikaw jekk ma jkunx hemm għażla bejn l-operaturi interessati. Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għall-kuntrarju tad-Direttiva 2014/24, il-libertà ta’ stabbiliment u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament japplikaw għal sistemi ta’ liċenzi differenti fejn ma jkunx hemm għażla ( 119 ).

128.

Fil-kawża preżenti, kif imsemmi iktar ’il fuq, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda informazzjoni quddiemha dwar il-valur tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni, nassumi li, f’ċerti każijiet, il-valur ta’ dawn il-ftehimiet huwa ogħla mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 2014/24, filwaqt li, f’każijiet oħrajn, dan jista’ jkun iktar baxx minn dan il-limitu ( 120 ), verifika li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju ( 121 ). Fil-każijiet tal-aħħar, nirrimarka li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li minħabba l-“interessi ekonomiċi pjuttost żgħar” inkwistjoni, jista’ raġonevolment jingħad li impriża li tinsab fi Stat Membru li ma huwiex dak fejn jingħata l-kuntratt ma jkollha l-ebda interess fil-kuntratt inkwistjoni, b’mod li l-applikazzjoni ta’ regoli stabbiliti fid-dritt primarju tal-Unjoni ma tkunx iġġustifikata ( 122 ).

129.

Għalhekk, sakemm is-servizzi soċjali li huma s-suġġett tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jikkonsistu f’attività ekonomika u għandhom dimensjoni transkonfinali, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk l-assenza ta’ pubblikazzjoni suffiċjenti tas-sejħa għall-offerti u l-esklużjoni de facto ta’ entitajiet bi skop ta’ lukru jikkostitwixxux ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE u ksur tal-prinċipji korollari tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-obbligu ta’ trasparenza ( 123 ).

130.

L-ewwel, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li rekwiżit li l-persuni li jixtiequ jwettqu attività ekonomika jadottaw forma legali speċifika huwa restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tagħhom fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. Tabilħaqq, tali rekwiżit jipprekludi operaturi ekonomiċi li jinsabu fl-Istat Membru ta’ oriġini u li għandhom forma legali differenti milli jistabbilixxu stabbiliment sekondarju fl-Istat Membru ospitanti ( 124 ).

131.

Madankollu, peress li din ir-restrizzjoni ma tagħtix lok għal diskriminazzjoni diretta minħabba n-nazzjonalità, hija tista’ ssegwi wkoll kwalunkwe għan irrikonoxxut bħala leġittimu mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, nemmen li r-raġunament espost fil-punti 122 sa 125 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar il-ġustifikazzjonijiet u l-proporzjonalità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali japplika mutatis mutandis. Fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni invokata mill-awtoritajiet Spanjoli dwar l-esklużjoni ta’ entitajiet bi skop ta’ lukru mill-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fi kwalunkwe każ, l-esklużjoni awtomatika ta’ entitajiet bi skop ta’ lukru mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tidhirx li hija xierqa, peress li ma hijiex iffukata fuq in-natura u l-kwalità tas-servizzi pprovduti, iżda pjuttost fuq il-forma legali tal-entità. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ssegwix għan leġittimu rikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni u, fl-affermattiv, li tevalwa jekk din il-leġiżlazzjoni tikkonformax mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

132.

It-tieni nett, fir-rigward tal-obbligu ta’ trasparenza taħt l-Artikolu 49 TFUE, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti speċifiċi li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/24, dan l-obbligu ma jeħtieġx li sejħa għal offerti tiġi ppubblikata f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Minflok, dan l-obbligu huwa limitat għall-ħtieġa ta’ livell ta’ pubbliċità xieraq sabiex jiżgura, l-ewwel, il-ftuħ għall-kompetizzjoni u, t-tieni, l-istħarriġ tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ( 125 ).

133.

Fil-kawża preżenti, peress li d-Diari Oficial de la Generalitat Valenciana huwa l-Ġurnal Uffiċjali tal-Gvern Reġjonali ta’ Valencia u għalhekk huwa l-mezz ordinarju ta’ pubblikazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jidhirli li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tissodisfa l-kriterji dwar il-pubbliċità msemmija hawn fuq.

134.

Jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 jiġu ssodisfatti, jiena tal-fehma li l-Artikoli 74 sa 76 ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lil awtorità pubblika tikkonkludi, mingħajr ma tosserva r-rekwiżiti proċedurali imposti mid-dritt tal-Unjoni, kuntratt pubbliku li abbażi tiegħu din l-awtorità tafda biss lil entitajiet mingħajr skop ta’ lukru bil-provvista ta’ ċerti servizzi soċjali b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż inkorsi minn dawn l-entitajiet, sakemm tali miżura leġiżlattiva tkun konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, verifika li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju. L-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tipprovdi li l-avviżi ta’ kuntratti għandhom jiġu ppubblikati biss fil-ġurnal uffiċjali reġjonali.

135.

Fir-rigward tas-servizzi li għalihom il-valur stmat huwa taħt il-limitu stabbilit fl-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 2014/24 u tal-proċeduri li ma jinvolvux għażla fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix tali leġiżlazzjoni nazzjonali, sakemm din il-miżura leġiżlattiva ssegwi għan leġittimu rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, u tikkonforma mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, verifika li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali.

C. It‑tielet domanda

136.

F’każ li r-risposta għall-ewwel żewġ domandi tkun fin-negattiv, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li jipprevedu kriterju ta’ għażla għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni, li skontu l-awtoritajiet kontraenti jagħtu importanza għall-fatt li l-offerenti potenzjali għall-provvista tas-servizzi soċjali inkwistjoni jkunu stabbiliti fil-lokalità fejn dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti.

137.

Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nanalizza l-kompatibbiltà tal-kriterju ta’ għażla inkwistjoni mad-Direttiva 2014/24, mad-Direttiva dwar is-Servizzi u mbagħad mal-libertajiet fundamentali.

1.   Il‑kompatibbiltà tal‑kriterju ta’ għażla inkwistjoni mad‑Direttiva 2014/24

138.

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kriterju ta’ għażla inkwistjoni mad-Direttiva 2014/24, il-kwistjoni ta’ kriterju ġeografiku diġà ġiet eżaminata fis-sentenza fil-kawża Grupo Hospitalario Quirón ( 126 ), li kienet tikkonċerna offerti fil-qasam tas-servizzi mediċi ( 127 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tevalwa l-kompatibbiltà mad-Direttiva 2004/18 ta’ rekwiżit ta’ sejħa għal offerti li skontu offerent kellu jkun jinsab fil-muniċipalità fejn kellhom jiġu pprovduti s-servizzi mediċi inkwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li tali rekwiżit kien jikkostitwixxi “restrizzjoni fuq l-eżekuzzjoni territorjali” ( 128 ). Dan ir-rekwiżit ma kienx jiżgura aċċess ugwali u nondiskriminatorju għall-kuntratti inkwistjoni mill-offerenti kollha, peress li rrenda dawn il-kuntratti aċċessibbli biss għal dawk l-offerenti li setgħu jipprovdu s-servizzi inkwistjoni fi stabbiliment li jinsab fil-muniċipalità indikata mill-awtoritajiet kontraenti ( 129 ).

139.

Fil-kawża preżenti, mill-Artikolu 15(1)(a) tad-Digriet 181/2017 jirriżulta li, sabiex jintgħażlu l-entitajiet ta’ inizjattiva soċjali li ser ikunu responsabbli għall-provvista tas-servizzi soċjali inkwistjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu, inter alia, jagħtu importana lill-fatt li dawn l-entitajiet jinsabu fiż-żona li fiha għandu jiġi pprovdut servizz partikolari ( 130 ). B’hekk, nemmen li l-kriterju ġeografiku inkwistjoni f’din il-kawża huwa simili għal dak li kien inkwistjoni fil-kawża Grupo Hospitalario Quirón. Dan il-kriterju jikkostitwixxi “restrizzjoni fuq l-eżekuzzjoni territorjali” ( 131 ).peress li għandu “bħala effett li jqiegħed fi żvantaġġ l-offerenti li ma jistgħux jipprovdu s-servizzi inkwistjoni fi stabbiliment li jinsab f’muniċipalità speċifika, minkejja l-fatt li huma eventwalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fir-rekwiżiti u fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratti kkunsidrati”

140.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li l-kriterju tal-għażla inkwistjoni fil-kawża prinċipali jagħti lok għal differenza fit-trattament bejn l-entitajiet li jissodisfaw dan ir-rekwiżit u dawk li ma jissodisfawhx. Sakemm dawn iż-żewġ kategoriji ta’ offerenti potenzjali ma jkunux f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli jew din id-differenza fit-trattament ma tkunx oġġettivament iġġustifikata, dan ir-rekwiżit imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li għalih huwa suġġett l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi taħt l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24.

141.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn iż-żewġ gruppi ta’ offerenti potenzjali humiex f’sitwazzjoni oġġettivament paragunabbli, jidhirli li dan huwa l-każ, sakemm il-kapaċità tagħhom li jipprovdu s-servizzi soċjali inkwistjoni tkun l-istess f’termini ta’ kwalità u ta’ prezz. Għalhekk, bla ħsara għal din il-kundizzjoni li għandha tivverifikaha l-qorti tar-rinviju, jiena tal-fehma li tali rekwiżit jittratta b’mod differenti sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

142.

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni, ma hemm xejn la fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u lanqas fil-fajl ipprovdut lill-Qorti tal-Ġustizzja li jindika xi ġustifikazzjoni għall-kriterju ta’ għażla inkwistjoni. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex fil-fatt il-każ.

2.   Il‑kompatibbiltà tal‑kriterju ta’ għażla mad‑Direttiva dwar is‑Servizzi

143.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tirrispondi għad-domanda jekk il-kriterju ta’ għażla għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni huwiex kompatibbli mad-Direttiva dwar is-Servizzi.

144.

L-ewwel nett, għandu jiġi ddeterminat jekk is-servizzi soċjali inkwistjoni jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

145.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, moqri flimkien mal-premessa 27 tagħha, jeskludi espressament mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva “servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat”.

146.

Il-premessa 27 tispjega li l-għan ta’ tali esklużjoni huwa li tiżgura “l-appoġġ għal dawk li huma fi stat partikolari ta’ bżonn permanenti jew temporanju minħabba d-dħul insuffiċjenti fil-familja, jew in-nuqqas totali jew parzjali ta’ indipendenza u għal dawk bir-riskju li jiġu emarġinati”. Din il-premessa żżid li dawn “is-servizzi huma essenzjali biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali lid-dinjità umana u lill-integrità u huma manifestazzjoni tal-prinċipji tal-koeżjoni soċjali u solidarjetà u m’għandhomx jiġu affettwati bid-[Direttiva dwar is-Servizzi]”.

147.

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tat definizzjoni doppja tal-kunċett ta’ “servizzi soċjali” fl-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva dwar is-Servizzi. Fis-sentenza tagħha fil-kawża Femarbel, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss is-servizzi li jissodisfaw żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-esklużjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni. L-ewwel waħda tirrigwarda n-natura tal-attivitajiet, filwaqt li t-tieni waħda tikkonċerna l-istatus tal-fornitur tas-servizz ( 132 ).

148.

Sabiex tiġi sodisfatta l-ewwel kundizzjoni, l-attivitajiet inkwistjoni għandhom ikunu “essenzjali sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali għad-dinjità umana u għall-integrità umana” u “manifestazzjoni tal-prinċipji ta’ koeżjoni soċjali u ta’ solidarjetà” ( 133 ). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti tar-rinviju kellha tivverifika jekk l-attivitajiet inkwistjoni humiex ta’ natura ġenwinament soċjali, peress li huma intiżi li jipprovdu lill-persuni kkonċernati b’“għajnuna xierqa għat-telf tagħhom ta’ awtonomija” flimkien ma’ programmazzjoni ta’ animazzjoni speċifika, jew l-għajnuna neċessarja “li ma jistgħux jiġu żgurati lilhom mill-qraba tagħhom b’mod kontinwu”.

149.

Fil-kawża preżenti, kif imsemmi qabel f’dawn il-konklużjonijiet, l-Anness tad-Digriet 181/2017 jelenka firxa wiesgħa ta’ servizzi soċjali, li jistgħu jvarjaw skont in-natura tagħhom u l-gruppi ta’ persuni li jużaw dawn is-servizzi ( 134 ). Madankollu, dawn is-servizzi kollha jidhru li għandhom l-għan komuni li jassistu lill-persuni fil-bżonn u jipprovdulhom il-kura. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dawn is-servizzi jidhru li jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni mressqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Femarbel ( 135 ).

150.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-kawża Femarbel li s-servizzi soċjali jistgħu jitwettqu mill-Istat innifsu, minn assoċjazzjoni ta’ karità rrikonoxxuta bħala tali mill-Istat jew inkella minn fornitur ta’ servizzi privat b’mandat minn mill-Istat ( 136 ). Fid-dawl ta’ tali definizzjoni ratione personae tant wiesgħa mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-entitajiet li jipprovdu s-servizzi taħt il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni, li huma assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, verifika li għandha titwettaq mill-qorti nazzjonali.

151.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li d-Direttiva dwar is-Servizzi ma hijiex applikabbli għas-servizzi soċjali previsti fid-Digriet 181/2017, peress li dawn is-servizzi huma, skont l-Artikolu 2(2)(j) ta’ din id-direttiva, espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

3.   Il‑Kompatibbiltà tal-kriterju ta’ għażla mal-libertajiet fundamentali

152.

Fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-kriterju ta’ għażla inkwistjoni mal-libertajiet fundamentali, kif diġà spjegajt f’dawn il-konklużjonijiet, minn naħa, il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni jidhru li jaqgħu taħt il-libertà ta’ stabbiliment sanċita fl-Artikolu 49 TFUE pjuttost milli taħt il-libertà li jiġu pprovduti servizzi sanċita fl-Artikolu 56 TFUE ( 137 ). Għalhekk, minkejja l-fatt li t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda dawn iż-żewġ libertajiet, inqis li r-risposta mogħtija għandha tkun limitata għall-ewwel waħda. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 49 TFUE jista’ japplika biss jekk dawn il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali għandhom dimensjoni transkonfinali ( 138 ).

153.

Fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, kriterju ta’ għażla, bħal dak stabbilit fl-Artikolu 15(1)(a) tad-Digriet 181/2017, jista’ jfixkel jew jagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ( 139 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprekludi lill-entitajiet milli jkunu jistgħu jeżerċitaw attività ekonomika indipendenti f’lokalità tal-għażla tagħhom tikkostitwixxi restrizzjoni ( 140 ). Fil-kawża preżenti, il-fatt li jistabbilixxu lilhom innifishom fil-Komunità ta’ Valencia jista’ jinvolvi konsegwenzi finanzjarji u piżijiet amministrattivi fuq l-entitajiet li jkunu eżerċitaw din il-libertà fundamentali ( 141 ). Dan ikun il-każ, pereżempju, għal entità, stabbilita fi Stat Membru ieħor għajr Spanja, li tkun waqqfet stabbiliment sekondarju f’dan l-Istat Membru iżda ’l barra mill-Komunità ta’ Valencia. Konsegwentement, jiena tal-fehma li r-rekwiżit inkwistjoni jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

154.

Madankollu, dan xorta jista’ jkun iġġustifikat jekk isegwi għanijiet irrikonoxxuti bħala leġittimi mid-dritt tal-Unjoni u jikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 142 ).

155.

Fil-kawża preżenti, jiena tal-fehma li l-konklużjonijiet tiegħi espressi fil-punt 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar il-ġustifikazzjonijiet tal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament taħt l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 japplikaw mutatis mutandis. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel evalwazzjoni dwar jekk il-kriterju inkwistjoni jsegwix għan leġittimu rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, huwiex xieraq sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq dan l-għan u jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq.

156.

Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza u għall-kuntrarju tas-sottomissjonijiet tal-konvenut u tal-Gvern Spanjol, għandi nenfasizza li l-kliem tat-tieni inċiż tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 tat‑TFUE ma għandu ebda effett fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kriterju ta’ għażla stabbilit fl-Artikolu 15(1)(a) tad-Digriet 181/2017 huwiex kompatibbli mal-libertà ta’ istabbiliment. Dan għaliex il-valuri li dan il-protokoll għandu l-għan li jipproteġi ma humiex riflessi fil-kriterju ta’ għażla inkwistjoni Tali kriterju, li huwa purament ġeografiku, ma jistax jiġi spjegat mill-ħtieġa li tiġi żgurata “d-diversità bejn is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u d-differenzi fil-ħtiġijiet u l-preferenzi ta’ l-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti”. Jien nikkunsidra, għalhekk, li t-tieni inċiż tal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 26 tat‑TFUE ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika restrizzjonijiet ġeografiċi għal-libertajiet fundamentali.

157.

Bħala konklużjoni, kieku kellha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kwalunkwe dimensjoni transkonfinali fir-rigward tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni, l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 49 TFUE jipprekludu kriterju ta’ għażla għall-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu importanza għall-fatt li l-offerenti potenzjali għall-provvista tas-servizzi soċjali inkwistjoni jkunu stabbiliti fil-lokalità fejn dawn is-servizzi għandhom jiġu pprovduti, sakemm dak il-kriterju ma jsegwix għan leġittimu rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex xieraq sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq dan l-għan u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, li hija kwistjoni li għandha tiddeterminaha l-qorti tar-rinviju.

IV. Konklużjoni

158.

Nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari tat-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja) kif ġej:

L-Artikoli 74 sa 76 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, u l-Artikolu 49 TFUE, għandhom jiġi interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, li tippermetti lil awtorità pubblika tikkonkludi, mingħajr ma tosserva r-rekwiżiti proċedurali imposti mid-dritt tal-Unjoni, kuntratt pubbliku li abbażi tiegħu din l-awtorità tafda biss entitajiet mingħajr skop ta’ lukru bil-provvista ta’ ċerti servizzi soċjali b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż inkorsi minn dawn l-entitajiet, sakemm tali leġiżlazzjoni tkun konformi mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, verifika li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju.

L-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teħtieġ li avviżi ta’ kuntratti jiġu ppubblikati biss fil-ġurnal uffiċjali reġjonali.

L-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 49 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi kriterju ta’ għażla għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu importanza lill-fatt li l-offerenti potenzjali għall-provvista tas-servizzi soċjali inkwistjoni jkunu stabbiliti fil-lokalità fejn tali servizzi għandhom jiġu pprovduti, sakemm tali kriterju ma jsegwix għan leġittimu rrikonoxxut mid-dritt tal-Unjoni, ma huwiex xieraq sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq dan l-għan u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, verifika li għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Decreto 181/2017, de 17 de noviembre, del Consell, por el que se desarrolla la acción concertada para la prestación de servicios sociales en el ámbito de la Comunitat Valenciana por entidades de iniciativa social (id-Digriet 181/2017 tas‑17 ta’ Novembru 2017 tal-Kunsill tal-Komunità ta’ Valencia li jistabbilixxi regolamenti li jirregolaw ftehimiet pubbliċi-privati għall-provvista ta’ servizzi soċjali minn impriżi soċjali fi ħdan il-Komunità ta’ Valencia (DOGV Nru 8197 tat‑23 ta’ Diċembru 2017, p. 48245) (iktar ’il quddiem id-“Digriet 181/2017”).

( 3 ) Id-dritt nazzjonali jirreferi għat-terminu “acuerdos de acción concertada”. Ara, f’dan is-sens, l-Artikoli 44a, 53 u 56 u t-Titolu VI tal-Ley 5/1997, de 25 de junio, por la que se regula el Sistema de Servicios Sociales en el ámbito de la Comunidad Valenciana (il-Liġi 5/1997 tal‑25 ta’ Ġunju 1997 li tirregola s-Sistema ta’ Servizzi Soċjali fi ħdan il-Komunità ta’ Valencia) (BOE Nru 192 tat‑12 ta’ Awwissu 1997, p. 24405), kif emendata bil-Ley 13/2016, de 29 de diciembre, de medidas fiscales, de gestión administrativa y financiera, y de organización de la Generalitat (il-Liġi 13/2016 tad‑29 ta’ Diċembru 2016 dwar miżuri fir-rigward ta’ ġestjoni fiskali, amministrattiva u finanzjarja u l-organizzazzjoni tal-Gvern tal-Komunità ta’ Valencia) (BOE Nru 34 tad‑9 ta’ Frar 2017, p. 8694), (iktar ’il quddiem il-“Liġi 5/1997”).

( 4 ) Individwi lesbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneri u intersesswali.

( 5 ) Din il-lista ma kinitx fir-rinviju għal domanda preliminari mressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bil-link għall-pubblikazzjoni tad-Digriet 181/2017 (ara https://www.dogv.gva.es/datos/2017/12/23/pdf/2017_11941.pdf). L-Artikolu 6(2) ta’ dan id-digriet jirreferi għall-anness tiegħu, li jinkludi l-lista ta’ servizzi inkwistjoni.

( 6 ) Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

( 7 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 8 ) Konklużjonijiet fil-kawża Decker (C‑120/95 u C‑158/96, EU:C:1997:399, punt 17).

( 9 ) Sentenzi tat‑28 ta’ April 1998, Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 21); tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 54); tat‑13 ta’ Mejju 2003, Müller-Fauré u van Riet (C‑385/99, EU:C:2003:270, punt 39); u tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Inizan (C‑56/01, EU:C:2003:578, punt 17).

( 10 ) Sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Lloyd’s of London (C‑144/17, EU:C:2018:78, punt 33).

( 11 ) Il-kodiċi CPV joħloq sistema waħda ta’ klassifikazzjoni għall-kuntratti pubbliċi u hu maħsub biex jistandardizza r-referenzi li jintużaw mill-awtoritajiet u l-entitajiet kontraenti biex jiddeskrivu s-suġġett tal-kuntratti. Ara https://simap.ted.europa.eu/cpv.

( 12 ) Ley 3/2019, de 18 de febrero, de servicios sociales inclusivos de la Comunitat Valenciana (il-Liġi 3/2019 tat‑18 ta’ Frar 2019 dwar servizzi soċjali inklużivi fil-Komunità ta’ Valencia) (BOE Nru 61 tat‑12 ta’ Marzu 2019, p. 23249).

( 13 ) B’mod partikolari, l-Artikolu 44bis(1)(c), l-Artikolu 53, l-Artikolu 56(2) u t-Titolu VI tal-Liġi 5/1997.

( 14 ) Ir-riferiment għal dan it-terminu jidher li jirriżulta mis-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440), u tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56), li t-tnejn jirrigwardaw assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi.

( 15 ) Ibid.

( 16 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Centro Hospitalar de Setúbal u SUCH (C‑574/12, EU:C:2014:2004), u tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56).

( 17 ) F’dan ir-rigward, jirreferi għall-premessi 6, 7 u 114 tad-Direttiva 2014/24, u anki għall-Artikolu 77 tagħha.

( 18 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817), u tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Piepenbrock (C‑386/11, EU:C:2013:385).

( 19 ) L-Artikolu 4bis(1)(c), l-Artikolu 53, l-Artikolu 56(2) u t-Titolu VI tal-Liġi 5/1997.

( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 115), u d-digriet tat‑12 ta’ Mejju 2016, Security Service et (C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 20).

( 21 ) Sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013 (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288).

( 22 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2013, Libert et (C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 35). Ara, iktar reċentement, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp, (C‑407/19 u C‑471/19, EU:C:2021:107, punt 53).

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 25 et seq.). Dwar id-distinzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:568, punti 15 sa 18).

( 25 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24 u fil-ĠU 2018, L 82, p. 7).

( 26 ) Id-Direttiva 2014/23 tiddefinixxi “konċessjoni ta’ servizzi” fl-Artikolu 5(1)(b) tagħha, essenzjalment, bħala kuntratt b’interess pekunjarju li permezz tiegħu awtorità kontraenti jew entità kontraenti tafda l-forniment u l-ġestjoni ta’ servizzi lil operatur ekonomiku. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-differenza bejn kuntratt pubbliku għal servizzi u konċessjoni għal servizzi tinsab, prinċipalment, fir-riskju meħud fl-operat tas-servizzi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Privater Rettungsdienst und Krankentransport Stadler, C‑274/09, EU:C:2011:130, punti 242637 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara l-Artikolu 65(3) u (4) tal-Liġi 5/1997 li jipprovdi li “minbarra t-tariffi stipulati, ebda tariffa ma tista’ tiġi imposta lill-utenti għall-provvista ta’ servizzi addizzjonali” u li “l-ġbir mingħand l-utenti ta’ kwalunkwe forma ta’ ħlas għall-provvista ta’ servizzi li huma suġġetti għal ftehimaddizzjonali u l-ammont tiegħu għandu jiġi awtorizzat bil-quddiem”.

( 28 ) Ara l-Artikolu 66(2) u l-Artikolu 65(3) tal-Liġi 5/1997. F’dan ir-rigward, l-ASADE, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, tissottometti li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprovdi li awtoritajiet pubbliċi jkopru t-telf kollu fir-rigward tal-ispejjeż tas-servizzi inkwistjoni. Il-konvenut jissottometti li l-Artikolu 11(1) tad-Digriet 181/2017 jipprevedi li l-benefiċjarji tas-servizzi koperti mill-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali jirċievu dawn is-servizzi b’xejn.

( 29 ) Il-bażi legali għall-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24 huma, b’mod partikolari, l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE, li jinsabu fit-Titolu IV dwar “Moviment Liberu tal-Persuni, Servizzi u Kapital” fil-Kapitolu 2 dwar “Id-Dritt ta’ Stabbiliment” (l-Artikolu 53) u l-Kapitolu 3 dwar “Is-Servizzi” (l-Artikolu 62).

( 30 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Stix-Hackl fil-kawża Sintesi (C‑247/02, EU:C:2004:399, punt 27).

( 31 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08 (EU:C:2010:230, punti 7374).

( 32 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2005, Coname (C‑231/03, EU:C:2005:487); tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440); u tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56).

( 33 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 25 et seq.). Dwar id-distinzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:568, punti 15 sa 18).

( 34 ) Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-sigurtà soċjali, id-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali tagħhom (ara, iktar reċentement, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa (C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punt 30) u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Sanchez-Graells, A., “State Aid and EU Public Procurement: More Interactions, Fuzzier Boundaries” (8 ta’ Ottubru 2019), Hancher, L. u Piernas López, J.J. (edituri), Research Handbook on European State Aid Law, it-tieni edizzjoni, Edward Elgar, 2020, disponibbli fuq SSRN: https://ssrn.com/abstract=3466288.

( 37 ) Dwar din id-distinzjoni, ara b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawża FENIN vs Il-Kummissjoni (C‑205/03 P, EU:C:2005:666, punt 51). Ara wkoll Wauters, K., Bleux, S., “A new generation of public procurement Directives: background, objectives and results”, fi Marique, Y., Wauters, K. (edituri), EU Directive 2014/24 on public procurement. A new turn for competition in public markets?, Larcier, Brussell 2016, p. 9).

( 38 ) Sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73, punt 100). Irrid inżid li, fir-rigward ta’ ħaddiema, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-provvista ta’ servizzi bi ħlas għandha titqies li hija attività ekonomika “sakemm l-attivitajiet eżerċitati jkunu reali u effettivi u mhux ta’ natura purament marġinali u aċċessorji” (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2001, Jany et, C‑268/99, EU:C:2001:616, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, il-kriterji tal-aħħar, li jirrelataw ma’ relazzjoni ta’ impjieg, ma jidhirx li huma rilevanti għal dan il-każ.

( 39 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 154).

( 41 ) Ibid., punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 42 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 58).

( 43 ) Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/06, mhux ippubblikata, EU:C:2007:729, punti 36 sa 41); tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punti 32 sa 43); u tat‑28 ta’ Jannar 2016, CASTA et (C‑50/14, EU:C:2016:56, punti 2633 sa 41).

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Centro Hospitalar de Setúbal u SUCH (C‑574/12, EU:C:2014:2004, punt 40).

( 46 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Għal-lista sħiħa, ara r-referenza fil-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara l-Artikolu 65(3) u (4) tal-Liġi 5/1997 u l-Artikolu 11(1)(ċ) tad-Digriet 181/2017.

( 50 ) Ara l-punt 53 iktar ’il fuq.

( 51 ) Ara l-Artikolu 22 tad-Digriet 181/2017.

( 52 ) Ibid.

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑157/09, mhux ippubblikata, EU:C:2011:794, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1993, Thijssen (C‑42/92, EU:C:1993:304, punt 22); tat‑30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C‑451/03, EU:C:2006:208, punt 47); u tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 36).

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (C‑2/74, EU:C:1974:68, punti 5153).

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1993, Thijssen (C‑42/92, EU:C:1993:304, punti 2122); tad‑29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑393/05, EU:C:2007:722, punti 3642); tad‑29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑404/05, EU:C:2007:723, punti 3844); u tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C‑438/08, EU:C:2009:651, punti 3641).

( 58 ) Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑114/97, EU:C:1998:519, punt 37).

( 59 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Anker et (C‑47/02, EU:C:2003:516, punt 61), u tat‑22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 44).

( 60 ) Ara l-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24.

( 61 ) Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016 (C‑410/14, EU:C:2016:399).

( 62 ) Ibid., punt 37.

( 63 ) Ibid., punt 38.

( 64 ) Sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Tirkkonen (C‑9/17, EU:C:2018:142).

( 65 ) Ibid., punt 35.

( 66 ) Ibid., punt 41.

( 67 ) Ara Turudić, M., “Article 76 Principles Of Awarding Contracts” fil-European Public Procurement: Commentary on Directive 2014/24/EU, Caranta, R., u Sanchez-Graells, A. (edituri), 2021, Edward Elgar Publishing Limited, p. 863. Ara wkoll, Sanchez-Graells, A., https://www.howtocrackanut.com/blog/2018/3/5/the-end-of-procurement-as-we-knew-it-cjeu-consolidates-falk-pharma-approach-to-definition-of-procurement-c-917.

( 68 ) Ara, b’mod partikoli, l-Artikoli 58 u 67 tad-Direttiva 2014/24.

( 69 ) Ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fil-Kawżi magħquda Hernández Vidal et (C‑127/96, C‑229/96 u C‑74/97, EU:C:1998:426, punt 80), fejn jikkaratterizza s-sitwazzjoni fejn ir-riżultat miksub bl-applikazzjoni ta’ direttiva jsir kundizzjoni li tiddetermina jekk għandhiex tapplika bħala konklużjoni assurda, jew ċirku vizzjuż.

( 70 ) Fis-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma (C‑410/14, EU:C:2016:399), l-għażla ingħatat lill-pazjent, u, fis-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, Tirkkonen (C‑9/17, EU:C:2018:142), lill-benefiċċjarju tal-għajnuna inkwistjoni.

( 71 ) Artikolu 9(1) u (2) tad-Digriet 181/2017.

( 72 ) Artikolu 17 tad-Digriet 181/2017.

( 73 ) Artikolu 19 tad-Digriet 181/2017.

( 74 ) Artikolu 19(1) tad-Digriet 181/2017.

( 75 ) Ara l-punti 69 u 70 iktar ’il fuq.

( 76 ) L-Artikolu 3(d) u l-Artikolu 21(1) tad-Digriet 181/2017 jipprovdu definizzjoni ta’ “ftehimiet soċjali”, li tirreferi għal “dokumenti” li jifformalizzaw il-ftehim bejn l-amministrazzjoni u l-entitajiet soċjali.

( 77 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 78 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑264/03, EU:C:2005:620, punt 36), u tat‑22 ta’ April 2021, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (Kiri ta’ bini li għadu ma nbeniex) (C‑537/19, EU:C:2021:319, punt 43).

( 79 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, IBA Molecular Italy (C‑606/17, EU:C:2018:843, punt 28).

( 80 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss kuntratt b’b’interess pekunjarju li jista’ jikkostitwixxi kuntratt pubbliku li jaqa’ taħt id-Direttiva 2004/18 (ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punt 47), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Remondis (C‑51/15, EU:C:2016:985, punt 43). Filwaqt li d-Direttiva 2014/24 ħassret id-Direttiva 2004/18, din il-kundizzjoni hija stabbilita f’termini simili fiż-żewġ direttivi. Dik il-ġurisprudenza tista’ għalhekk tiġi applikata għad-direttiva l-ġdida.

( 81 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex (C‑367/19, EU:C:2020:685, punti 2526 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 82 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2010, Helmut Müller (C‑451/08, EU:C:2010:168, punti 60 sa 62).

( 83 ) Ara l-Artikolu 11(1)(c) tad-Digriet 181/2017.

( 84 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et (C‑399/98, EU:C:2001:401, punt 77), u tat‑18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 45). Ta’ min jinnota li, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:303, punt 32), l-Avukata Ġenerali Trstenjak tgħid li “jista’ jiġi sostnut li hija biss interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ ‘natura pekunjarja’ li tista’ tissodisfa l-għan tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li huwa li tiftaħ is-swieq sabiex tiggarantixxi kompetizzjoni reali”.

( 85 ) Ara l-Artikolu2(1) u (2) tad-Digriet 181/2017.

( 86 ) Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑119/06, mhux ippubblikata, EU:C:2007:729, punti 37 sa 41); tat‑23 ta’ Diċembru 2009, CoNISMa (C‑305/08, EU:C:2009:807, punti 3045); u tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Ordine degli Ingegneri della Provincia di Lecce et (C‑159/11, EU:C:2012:817, punt 26). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Azienda sanitaria locale n. 5 ‘Spezzino' et (C‑113/13, EU:C:2014:291, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 87 ) Il-fatt li d-Digriet 181/2017 jeskludi entitajiet bi skop ta’ lukru mill-provvista tas-servizzi soċjali inkwistjoni sejjer jiġi ttrattat taħt is-sezzjoni III.B.3 tal-konklużjonijiet.

( 88 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 86.

( 89 ) Ara sezzjoni III.B.I. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 90 ) L-ASADE ssostni li s-servizzi inkwistjoni ma jaqgħux taħt is-servizzi esklużi mid-direttiva taħt il-premessa 6 u l-Anness XIV (kodiċi CPV 75300000-9) u, fit-tweġiba bil-miktub tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li tindika li s-servizzi inkwistjoni jaqgħu taħt il-kodiċijiet CPV li jvarjaw minn 85000000-9 sa 85321000-5. Din is-sottomissjoni trid tiġi eżaminata mill-qorti tar-rinviju, li hija unikament kompetenti biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

( 91 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste u Falck (C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 37).

( 92 ) Id-dispożizzjoni tispeċifika li dan il-valur huwa mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud.

( 93 ) Irrid nirrimarka, madankollu, li xi kuntratti jista’ jkollhom dimensjoni transkonfinali anki jekk il-valur tagħhom huwa inqas mil-limitu stabbilit msemmi iktar ’il fuq, pereżempju, jekk il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt isseħħ f’żoni viċin il-fruntieri ta’ Stati Membri tal-Unjoni oħrajn (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2008, SECAP u Santorso (C‑147/06 u C‑148/06, EU:C:2008:277, punt 31), u tas‑17 ta’ Novembru 2015, RegioPost, C‑115/14, EU:C:2015:760, punt 51). Din l-estensjoni ma jidhirx li tapplika fil-każ preżenti.

( 94 ) Ara, b’analoġija, id-digriet tas‑7 ta’ Lulju 2016, Sá Machado & Filhos (C‑214/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:548, punt 29).

( 95 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/24.

( 96 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-uniċi eċċezzjonijiet permessi għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 huma dawk li huma msemmija espressament fiha (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 97 ) Dwar l-istorja leġiżlattiva ta’ kuntratti rriżervati taħt l-Artikolu 20, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:349, punt 60).

( 98 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810).

( 99 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:349, punt 40).

( 100 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punti 24 sa 28).

( 101 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 28).

( 102 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 103 ) Fir-rigward tad-Direttiva 2004/18, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta kuntratti pubbliċi għal trasport mediku setgħu jiġu inklużi fost il-kuntratti ta’ servizzi koperti bl-Anness II B ta’ dik id-direttiva u, għalhekk, ma kinux suġġetti għad-dispożizzjonijiet kollha tagħha, dawn l-kuntratti setgħu jiġu rriżervati għal assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 59).

( 104 ) L-istorja tal-abbozzar leġiżlattiv tal-Artikolu 77 ma tipprovdix wisq gwida għall-interpretazzjoni tiegħu, peress li fil-bidu din id-dispożizzjoni ma kinitx inkluża fil-leġiżlazzjoni proposta mill-Kummissjoni (ara Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (COM (2011) 896 final) ‑ 2011/0438 (COD)), u ġiet miżjuda fi stadju iktar avvanzat tal-proċedura leġiżlattiva (ara l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil‑15 ta’ Jannar 2014 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (EP-PE_TC1-COD(2011)0438)).

( 105 ) Skont xi awturi, din id-dispożizzjoni ġiet introdotta sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tar-Renju Unit. Hija applikabbli biss għal ċerta subkategorija tas-servizzi tas-sistema ssemplifikata (ara Turudić, p. 867, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 iktar ’il fuq u l-litteratura ċċitata minn dan l-awtur). Dan l-approċċ huwa kkonfermat mill-aħħar żewġ sentenzi tal-premessa 118 tad-Direttiva 2014/24, li jimplikaw li ċerti servizzi koperti mis-sistema ssemplifikata jistgħu jkunu suġġetti għas-sistema stabbilita bl-Artikolu 77 ta’ din id-direttiva.

( 106 ) Kif spjegat mill-Gvern Norveġiż, l-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24 jittratta l-possibbiltà li jiġu rriżervati kuntratti lil ċerti kumpanniji li għadhom kif ġew stabbiliti minn persuni li qabel kienu impjegati fis-settur pubbliku. Ma huwiex ristrett għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, iżda jkopri wkoll entitajiet kummerċjali.

( 107 ) Ara l-Artikoli 48 sa 51 tad-Direttiva 2014/24.

( 108 ) Il-premessa 1 tad-Direttiva 2014/24. Ara wkoll is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, EU:C:2019:829, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 109 ) Ara l-punt 83 iktar ’il fuq.

( 110 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 111 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100, punt 29).

( 112 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 38).

( 113 ) Il-konvenut stess jagħti piż kunsiderevoli lil dan l-aspett meta jirrileva li d-Direttiva 2014/24 għandha l-għan li tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tas-servizzi lill-persuni (ara l-punt 17 tal-osservazzjonijiet tal-konvenut).

( 114 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punti 42 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2017, Di Maura (C‑246/16, EU:C:2017:887, punt 25), u tas‑26 ta’ April 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑508/10, EU:C:2012:243, punt 75).

( 115 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Conacee (C‑598/19, EU:C:2021:810, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 116 ) Ara l-punt 122 iktar ’il fuq.

( 117 ) Pereżempju, jekk il-valur tal-kuntratt pubbliku ma jilħaqx il-limitu stabbilit kif previst fl-Artikolu 4(d) tad-Direttiva 2014/24, dan ma jkunx suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

( 118 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2008, SECAP u Santorso (C‑147/06 u C‑148/06, EU:C:2008:277, punti 2021); tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punti 4546); tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Generali-Providencia Biztosító (C‑470/13, EU:C:2014:2469, punt 32); u tas‑16 ta’ April 2015, Enterprise Focused Solutions (C‑278/14, EU:C:2015:228, punt 16).

( 119 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone (C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punti 70 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 120 ) Ara l-punt 94 iktar ’il fuq.

( 121 ) Għall-kuntrarju tal-kawżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-każ kien inammissibbli, peress li l-qorti tar-rinviju ma pproduċiet ebda evidenza li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dimensjoni transkonfinali (ara, inter alia, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2016, Tecnoedi Costruzioni (C‑318/15, EU:C:2016:747), fil-kawża preżenti, il-kawża prinċipali tinvolvi talba għal annullament, li jfisser li japplika l-punt 51 tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874)(ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, tali dimensjoni hija preżunta.

( 122 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, (C‑231/03, EU:C:2005:487, punt 20.

( 123 ) Fis-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 Spezzinoet (C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 50), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipji ġenerali ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament “jirriżultaw” mill-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

( 124 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1984, Klopp (107/83, EU:C:1984:270, punt 19); tas‑7 ta’ Lulju 1988, Stanton u L’Étoile 1905 (143/87, EU:C:1988:378, punt 11); tad‑29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugal (C‑171/02, EU:C:2004:270, punt 42); u tad‑9 ta’ Settembru 2010, Engelmann (C‑64/08, EU:C:2010:506, punt 28).

( 125 ) Ara, inter alia, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant (C‑324/07, EU:C:2008:621, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 126 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015 (C‑552/13, EU:C:2015:713).

( 127 ) Il-kawża kienet tirrigwarda kuntratti pubbliċi fis-settur tas-saħħa li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness II B tad-Direttiva 2004/18.

( 128 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Grupo Hospitalario Quirón (C‑552/13, EU:C:2015:713, punt 28).

( 129 ) Ibid., punti 29 sa 33.

( 130 ) Kriterju simili huwa previst fl-Artikolu 64(3)(a) tal-Liġi 5/1997.

( 131 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015 (C‑552/13, EU:C:2015:713, punt 29).

( 132 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013 (C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 42).

( 133 ) Ibid., punt 43, li jirreferi għall-Manwal dwar l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar is-servizzi, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007.

( 134 ) Ara l-punt 56 iktar ’il fuq.

( 135 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013 (C‑57/12, EU:C:2013:517).

( 136 ) Ibid., punt 44. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qorti tar-rinviju kellha tivverifika jekk kienx hemm att ta’ awtorità pubblika li jagħti b’mod ċar u trasparenti lill-operaturi taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl l-obbligu veru u proprju li jiżguraw, b’osservanza ta’ ċerti rekwiżiti speċifiċi ta’ eżerċizzju, tali servizzi, u jekk approvazzjoni bħal din tistax għalhekk tkun ikkunsidrata bħala att ta’ mandat fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva dwar is-Servizzi (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Femarbel, C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 52).

( 137 ) Ara l-punti 42 u 43 iktar ’il fuq.

( 138 ) Ara l-punt 128 iktar ’il fuq.

( 139 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑317/14, EU:C:2015:63, punt 22), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Simma Federspiel (C‑419/16, EU:C:2017:997, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 140 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 141 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Kontabilisti) (C‑384/18, EU:C:2020:124, punt 76).

( 142 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑158/03, mhux ippubblikata, EU:C:2005:642, punt 70), u tas‑27 ta’ Ottubru 2005, Contse et (C‑234/03, EU:C:2005:644, punt 41). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-libertajiet fundamentali jipprekludu kriterju ta’ għażla li jippremja, bl-għoti ta’ punti supplimentari, il-prossimità tal-installazzjoni mal-lokalità fejn jiġu pprovduti s-servizzi, sa fejn dan il-kriterju jiġi applikat b’mod diskriminatorju, ma huwiex iġġustifikat minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali, ma huwiex xieraq sabiex jiggarantixxi li jintlaħaq l-għan tiegħu jew imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq, li hija kwistjoni li għandha tiddeterminaha l-qorti tar-rinviju (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et (C‑234/03, EU:C:2005:644 punt 79).