KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fis‑16 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑300/20

Bund Naturschutz in Bayern e.V.

vs

Landkreis Rosenheim,

bl-intervent ta’:

Landesanwaltschaft Bayern,

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Domanda preliminari – Ambjent – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Evalwazzjoni ambjentali strateġika – Kunċett ta’ pjanijiet u programmi – Digriet ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi li jipprevedi projbizzjonijiet u rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tip ġenerali mingħajr rabta speċifika ma’ proġetti konkreti – Konsegwenzi legali tal-assenza ta’ evalwazzjoni ambjentali strateġika – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza – Setgħa tal-qorti nazzjonali li żżomm provviżorjament l-effetti tal-atti nazzjonali”

1.

Dan ir-rinviju preliminari jqajjem problemi simili għal dawk li l-Qorti tal‑Ġustizzja kellha quddiemha fis-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, dwar it-turbini eoliċi f’Aalter u Nevele ( 2 ), dwar l-evalwazzjoni ambjentali tal-pjanijiet u tal-programmi (iktar ’il quddiem l-“EAS”).

2.

Fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati f’dak il-każ, irrilevajt li l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti “proġetti” jew ta’ ċerti “pjanijiet u programmi” fuq l-ambjent hija wieħed mill-istrumenti prinċipali tad-dritt tal-Unjoni sabiex jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tiegħu ( 3 ).

3.

L-evalwazzjoni ambjentali tal-proġetti hija rregolata permezz tad-Direttiva 2011/92/UE ( 4 ); u dik dwar il-pjanijiet u programmi, mid-Direttiva 2001/42/KE ( 5 ). Iż-żewġ direttivi jikkumplimentaw lil xulxin, peress li din tal-aħħar “tfittex li tantiċipa l-analiżi tal-impatt fuq l-ambjent lejn il-fażi tal-ippjanar strateġiku tal-azzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali. L-istudju tal-impatt fuq l-ambjent li timponi huwa, għaldaqstant, usa’ jew iktar globali minn dak li jikkorrispondi għal proġett partikolari” ( 6 ).

4.

Kif ġie espost sussegwentement, “minn din il-premessa huwa diffiċli li jiġi speċifikat sa fejn ir-rekwiżit ta[l-evalwazzjoni ambjentali strateġika tad-Direttiva EAS]. Huwa ċar li dan imur lil hinn mill-evalwazzjoni ta’ proġetti individwali, iżda wkoll li ma għandux jiġi estiż għall-bqija tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jaffettwaw l-ambjent” ( 7 ).

5.

Din il-kawża hija wirja tajba tad-diffikultà, li tidher li tippersisti minkejja l-kjarifiki tas-sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele. Għandu wkoll jiġi ddefinit iktar meta pjan jew programm jinkludi qafas ta’ referenza għall-preparazzjoni ta’ proġetti koperti mill-Annessi I u II tad-Direttiva SEA u jeħtieġ, konsegwentement, EAS minn qabel.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2001/42

6.

Skont l-Artikolu 1:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.”

7.

Skont l-Artikolu 2:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘pjanijiet u programmi’ tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-Komunità Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

(b)

‘stima ambjentali’ tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[…]”

8.

L-Artikolu 3 jipprevedi:

“1.   L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha,

(a)

li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337/KEE, jew

(b)

li, in vista ta’ l-effett fuq iż-żoni li x’aktarx, ġew stabbiliti biex jiksbu stima bis-saħħa ta’ l-Artikolu 6 jew 7 tad-Direttiva 92/43/KEE.

3.   Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentali biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

5.   L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet jew il-programmi msemmija fil-paragrafi 3 u 4 hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti jew billi kull każ jiġi eżaminat jew billi jkunu speċifikati t-tipi ta’ pjanijiet u programmi jew billi jkunu kombinati iż-żewġ metodi. Għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom fil-każijiet kollha jikkunsidraw il-kriterji rilevanti stabbiliti fl-Anness II, sabiex ikun assigurat li l-pjanijiet u l-programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent ikunu koperti b’din id-Direttiva.

[…]”.

B.   Id-dritt Ġermaniż

1. Il-Gesetz über die Umweltverträglichkeitsprüfung (UVPG) (il-Liġi dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt Ambjentali)

9.

L-Artikolu 2(7) ( 8 ) jistipula:

“(7)   Għall-finijiet ta’ din il-liġi, huma kkunsidrati bħala pjanijiet u programmi biss il-pjanijiet u l-programmi previsti mil-leġiżlazzjoni federali jew minn atti ġuridiċi tal-Unjoni Ewropea:

1)

li t-tfassil u l-adozzjoni tagħhom huma r-responsabbiltà ta’ awtorità pubblika,

2)

li huma ppreparati minn awtorità pubblika sabiex jiġu adottati minn gvern jew minn proċedura leġiżlattiva, jew

3)

li huma ppreparati minn terz sabiex jiġu adottati minn awtorità pubblika.

[…]”.

10.

L-Artikolu 35 jipprovdi:

“1.   Għandha ssir evalwazzjoni strateġika ambjentali fil-każ ta’ pjanijiet u programmi:

1)

elenkati fil-punt 1 tal-Anness 5, jew

2)

elenkati fil-punt 2 tal-Anness 5, li jistabbilixxu qafas għad-deċiżjonijiet dwar l-ammissibbiltà tal-proġetti elenkati fl-Anness 1 jew proġetti li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Land, jeħtieġu evalwazzjoni tal-impatt ambjentali jew evalwazzjoni preliminari tal-każ inkwistjoni.

2.   Il-pjanijiet u l-programmi mhux imsemmija fil-paragrafu 1 jeħtieġu evalwazzjoni strateġika ambjentali biss jekk jistabbilixxu qafas għad-deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà tal-proġetti elenkati fl-Anness 1 jew ta’ proġetti oħra u, wara evalwazzjoni preliminari tal-każ inkwistjoni fis-sens tal-paragrafu 4, huwa probabbli li dawn ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent […].

3.   Il-pjanijiet u l-programmi għandhom jistabbilixxu qafas għad-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-proġetti jekk ikunu jinkludu kriterji importanti għal deċiżjonijiet sussegwenti ta’ awtorizzazzjoni, b’mod partikolari dwar il-ħtieġa, il-portata, il-lokalizzazzjoni, in-natura jew il-kundizzjonijiet ta’ funzjonament tal-proġetti jew dwar l-użu ta’ riżorsi.

[…]”.

2. Il-Gesetz über Naturschutz und Landschaftspflege (Bundesnaturschutzgesetz – BNatSchG) (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura u tal-Preżervazzjoni tal-Pajsaġġi), tad‑29 ta’ Lulju 2009

11.

L-Artikolu 20 ( 9 ) jistipula li:

“[…]

2.   Partijiet tan-natura u tal-pajsaġġ jistgħu jiġu protetti

[…]

4)   skont l-Artikolu 26, bħala żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi,

[…]”.

12.

L-Artikolu 26 jipprevedi:

“1.   Iż-żoni ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi huma żoni stabbiliti b’mod legalment vinkolanti, li fihom protezzjoni speċjali tan-natura u tal-pajsaġġ hija meħtieġa:

1)

għall-konservazzjoni, l-iżvilupp jew l-irkupru tal-prestazzjoni u l-funzjonament tal-ekosistema jew il-kapaċità tar-riġenerazzjoni u l-użu sostenibbli ta’ proprjetà naturali, inkluża l-protezzjoni tal-bijotopi u l-habitats ta’ ċerti speċi ta’ fawna u flora selvaġġi,

2)

minħabba d-diversità, il-partikolarità u s-sbuħija jew ir-rilevanza storika u kulturali partikolari tal-pajsaġġ, jew

3)

minħabba l-importanza partikolari tagħha għall-attivitajiet ta’ divertiment.

2.   Huma pprojbiti fiż-żoni ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 5(1) u skont id-dispożizzjonijiet iktar iddettaljati, l-azzjonijiet kollha li jbiddlu n-natura ta’ dawn iż-żoni jew li jmorru kontra l-għan partikolari ta’ protezzjoni tagħhom” ( 10 ).

3. Il-Bayerisches Gesetz über den Schutz der Natur, die Pflege der Landschaft und die Erholung in der freien Natur (Bayerisches Naturschutzgesetz – (BayNatSchG) (il-Liġi ta’ Bayern dwar il-Protezzjoni tan‑Natura, Preżervazzjoni tal-Pajsaġġ u Attivitajiet ta’ Divertiment fin‑Natura), tat‑23 ta’ Frar 2011

13.

L-Artikolu 12(1) ( 11 ) jistipula:

“1.   Il-protezzjoni ta’ partijiet min-natura u tal-pajsaġġ skont il-punti 1, 2, 4, 6 u 7 tal-Artikolu 20(2) tal-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni tan-Natura u tal-Preżervazzjoni tal-Pajsaġġ għandha ssir permezz ta’ regoli ta’ livell regolamentari, sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’din il-liġi […]”.

14.

L-Artikolu 18 jistabbilixxi li:

“1.   Awtorizzazzjoni uffiċjali meħtieġa skont standard ta’ protezzjoni ta’ livell regolamentarju għandha tiġi ssostitwita b’awtorizzazzjoni uffiċjali meħtieġa skont dispożizzjonijiet oħra; din l-awtorizzazzjoni tista’ tingħata biss jekk il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni meħtieġa skont ir-regola ta’ protezzjoni ta’ livell regolamentarju u bi qbil tal-awtorità kompetenti skont id-dritt fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura jkunu ssodisfatti.

[…]”

15.

Skont l-Artikolu 51:

“1.   Huma kompetenti:

[…]

3)

id-distretti u l-muniċipji‑distretti għall-adozzjoni tar-regolamenti fuq iż-żoni ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi tal-Artikolu 26 tal-BNatSchG,

[…]”.

4. Il-Verordnung des Landkreises Rosenheim über das Landschaftsschutzgebiet “Inntal Süd” (ir-Regolament dwar id-Distrett Amministrattiv ta’ Rosenheim fuq iż-żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi “Indtal Süd”), tal‑10 ta’ April 2013

16.

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament ( 12 ) jistabbilixxi li “[…] Il-mixja tax-xmara Inn, inkluż il-baċir u l-pjanti alluvjali tagħha, għandhom ikunu protetti”.

17.

Fir-rigward tal-għan ta’ protezzjoni, l-Artikolu 3 jipprovdi:

“L-għan taż-żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi ‘Inntal Süd’ huwa:

1)   l-iżgurar tal-prestazzjoni tal-ekosistema; b’mod partikolari, il-konservazzjoni, il-promozzjoni u l-irkupru tal-boskijiet alluvjali u l-fergħat mejta kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-ispeċi tipiċi tal-fawna u tal-flora li huma adattati għalihom u tal-bijoċenożi tagħhom;

2)   il-preżervazzjoni tad-diversità, il-partikolarità u s-sbuħija tal-pajsaġġ naturali; b’mod partikolari, it-tisħiħ tan-natura tal-pajsaġġ tax-xmajjar u l-konservazzjoni tal-pajsaġġ kulturali agrikolu;

3)   il-preżervazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-funzjonament tas-sistema tal-ilma sabiex tiġi ffavorita wkoll il-kontinwità tal-mixja tax-xmara Inn u t-tributarji tagħha, kif ukoll iż-żamma tal-ilma tal-wiċċ;

4)   il-ħarsien u l-preżervazzjoni għall-kollettività tal-elementi tal-pajsaġġ sinjifikattivi għall-attivitajiet ta’ divertiment filwaqt li jiġu osservati kemm jista’ jkun in-natura u l-pajsaġġ u jdawru t-traffiku rikreattiv”.

18.

Skont l-Artikolu 4, dwar il-projbizzjonijiet, “Huma pprojbiti, fiż-żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi, azzjonijiet li jbiddlu n-natura tagħhom jew li jmorru kontra l-għan ta’ protezzjoni mfittex (Artikolu 3)”.

19.

Skont l-Artikolu 5:

“1.   Għandu jikseb l-awtorizzazzjoni tal-Landratsamt Rosenheim (l-Amministrazzjoni tad-Distrett ta’ Amministrattiv ta’ Rosenheim) bħala awtorità inferjuri inkarigata għall-protezzjoni tan-natura (Artikolu 43(2)(3) tal-BayNatSchG) min, fiż-żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi, jikkontempla:

1)

il-bini, il-konverżjoni jew it-tibdil fl-użu ta’ kwalunkwe installazzjoni [Artikolu 2(1) tal-Bayerische Bauordnung (il-Kodiċi ta’ Bayern dwar il-Bini)], anki jekk permess ma jkunx meħtieġ skont il-leġiżlazzjoni dwar il-kostruzzjoni; jaqgħu b’mod partikolari taħt din il-kategorija:

a)

bini, pereżempju, akkomodazzjoni, bini agrikolu jew forestali, djar ta’ tmiem il-ġimgħa, dwejriet għall-bastimenti, għall-għawwiema jew għat-tagħmir, gabbani […];

b)

ċnut u għeluq ieħor;

c)

mollijiet u kostruzzjonijiet fuq il-ġebel;

d)

modifiki tal-uċuħ tal-art li jirriżultaw mill-iskavi jew mir-radam, b’mod partikolari l-ikkundizzjonar u l-użu ta’ barrieri ġodda, ħofor tat-torba, ħofor tax-xaħx, ħofor tat-tajn jew trabijiet u tħaffir ieħor, kif ukoll il-miżbla. Dan ma japplikax għar-radam jew skavi tal-uċuħ tal-art li jitla’ sa 500 m2 u 0.3 m ta’ għoli jew fond bil-għan li titjieb l-art fuq l-uċuħ tal-art li diġà għandhom użu agrikolu;

2)

sa fejn dawn ma humiex impjanti diġà inklużi fil-punt 1,

a)

it-twaqqif ta’ pannelli u kartelluni, inklużi wkoll mezzi ta’ reklamar, b’uċuħ tal-art ogħla minn 0.5 m2, sakemm dawn ma jindikawx, fil-bini residenzjali u f’postijiet kummerċjali, id-denominazzjoni tad-djar u tal-ħwienet;

b)

l-installazzjoni ta’ wajers kondutturi, kejbils jew pajpijiet fuq jew taħt l-uċuħ tal-art u t-tqegħid ta’ arbli;

c)

il-bini jew it-tibdil sostanzjali ta’ toroq, mogħdijiet jew spazji, b’mod partikolari, ta’ kampeġġi, grounds tal-isport, iż-żoni tal-logħob u ż-żoni tal-għawm jew ta’ faċilitajiet simili;

d)

l-installazzjoni ta’ trakkijiet ta’ bejgħ jew ta’ mmontar, tqegħid u ġestjoni ta’ punti ta’ bejgħ u magni ta’ bejgħ;

3)

iċ-ċirkulazzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ vettura bil-mutur barra minn toroq, mogħdijiet u spazji miftuħa għaċ-ċirkulazzjoni pubblika jew li jistabbilixxuhom fuq tali żoni; […]

4)

il-ġbid tal-ilma tal-wiċċ lil hinn minn użu komuni awtorizzat jew ta’ taħt l-art, it-tibdil tal-korpi tal-ilma, ix-xtut tagħhom jew il-qigħan tagħhom, il-fluss tad-dħul jew tal-ħruġ tal-ilma jew il-livell pidemometriku, il-ħolqien ta’ korpi ġodda tal-ilma jew il-bini ta’ sistemi ta’ dranaġġ;

5)

dranaġġ, ixxottar jew qerda b’xi mod ieħor jew ikkawżar inkonvenjenti sinjifikattivi ta’ bijotopi b’valur ekoloġiku partikolari fis-sens tal-Artikolu 30 tal-BNatSchG u tal-Artikolu 23 tal-BayNatSchG, b’mod partikolari ta’ torbiera mistagħdra, bassasa, għelieqi tal-qasab, artijiet umdi rikki bil-ħabbgħażiż u qasab, mergħat mistagħdra, nixxigħat, foresti mistagħdra, boskijiet u artijiet mistagħdra u foresti alluvjali, kif ukoll spazji naturali jew seminaturali ta’ ilmijiet interni li jkunu għaddejjin jew staġnati, inklużi x-xtut tagħhom u l-veġetazzjoni tax-xatt naturali jew seminaturali, u żoni ta’ imblukkar naturali jew seminaturali, fergħat mejta u żoni mgħarrqa perjodikament; […]

6)

il-ħrit, l-iffertilizzar jew l-ifforestar tal-mergħat li jiffaċilitaw it-tħammiġ għall-bhejjem, jittrasformawhom f’mergħat ta’ diversi sievi fis-sena jew iddestinati għall-mergħat;

7)

il-persekuzzjoni, qbid jew qtil ta’ annimali selvaġġi jew it-tneħħija tas-siti ta’ riproduzzjoni tagħhom jew ta’ habitats jew bejtiet tagħhom;

8)

il-qtugħ, it-twaqqigħ jew l-eliminazzjoni b’kull mod ieħor, f’ambjenti miftuħa u barra minn foresti, ta’ siġar individwali, sisien tal-ħaxix, ċnut tal-ħaxix jew imsaġar jew arbuxxelli tal-għelieqi li jikkaratterizzaw il-pajsaġġ;

9)

it-tqaċċit totali jew parzjali forestali, it-twettiq tal-ewwel forestazzjoni jew il-qtugħ dritt f’dan il-kuntest ta’ iktar minn 0.5 ettaru, it-trasformazzjoni ta’ foresti li jwaqqgħu l-weraq, imħallta jew alluvjali f’foresti li għandhom kontenut predominanti ta’ koniferiji jew li jistabbilixxu pjanti speċjalizzati (pereżempju, mixtla);

10)

il-qerda jew bidla sostanzjali, fuq ix-xtut tal-korpi tal-ilma, il-veġetazzjoni tax-xatt, l-għelieqi tal-qasab jew is-saffi tal-qasab jew il-popolazzjonijiet ta’ pjanti akwatiċi, li jippenetraw ġol-għelieqi tal-qasab jew ġol-korpi ta’ pjanti akwatiċi, u l-użu ta’ mezzi kimiċi għar-rimi jew il-kontroll tal-qasab jew għat-tindif tal-fosos;

11)

id-depożitu ta’ skart, skart tal-kostruzzjoni u oġġetti oħra, sa fejn ma humiex iktar suġġetti għal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, f’postijiet oħra minbarra dawk awtorizzati, anki jekk ma huwiex previst li jsir radam fis-sens tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kostruzzjoni;

12)

il-kampeġġ jew l-istazzjonar tal-karavans (inklużi l-karrijiet li jingħalqu) jew vetturi residenzjali bil-mutur barra mill-postijiet awtorizzati jew li jippermettu tali aġir;

13)

it-titjir jew l-inżul ta’ inġenji tal-ajru, fis-sens tal-Luftverkehrgesetz (il-Liġi dwar l-Avjazzjoni), barra mill-ajruporti awtorizzati.

2.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata, mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi oħra, meta l-miżura prevista ma tikkawża ebda effett elenkat fil-paragrafu 4 jew meta dawn l-effetti jistgħu jiġu kkumpensati permezz ta’ modalitajiet aċċessorji.

[…]”.

20.

Fir-rigward tal-eżenzjonijiet, l-Artikolu 7 jipprovdi:

“1.   Taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 67 tal-BNatSchG, eżenzjoni mill‑projbizzjonijiet fl-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet tista’ tingħata f’każijiet speċifiċi […]”.

II. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21.

Il-Landkreis Rosenheim (id-Distrett Amministrattiv ta’ Rosenheim, il-Ġermanja) approva, b’effett mis‑27 ta’ April 2013, id-Digriet Inntal Süd mingħajr ma ssottomettieh għal EAS jew għal eżami preliminari għal tali evalwazzjoni.

22.

Id-Digriet jipproteġi żona ta’ wċuħ tal-art ta’ 4021 ettaru, ta’ madwar 650 ettaru inqas minn dik koperta mir-regoli preċedenti, mill‑1952 sal‑1977, li ġew totalment jew parzjalment imħassra.

23.

Bund Naturschutz in Bayern e.V. (iktar ’il quddiem “Bund Naturschutz”) hija assoċjazzjoni ambjentali li kienet ipparteċipat fil-proċedura ta’ preparazzjoni tad-Digriet Inntal Süd. Peress li ma kinitx qiegħda taqbel mal-kontenut tagħha, hija kkontestatha quddiem il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), li ċaħdet it-talba tagħha bħala inammissibbli.

24.

Il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) hija mitluba tiddeċiedi dwar l-appell għal reviżjoni ppreżentat kontra d-deċiżjoni tal-istanza.

25.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-appell huwa inammissibbli skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fir-rigward tat-talba għal stħarriġ tal-legalità, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka xi ksur tal-liġi, peress li ma għandhiex locus standi. Din it-talba hija inammissibbli peress li d-Digriet Inntal Süd ma huwiex deċiżjoni u ma huwiex suġġett, skont id-dritt nazzjonali, għall-obbligu li titwettaq EAS jew eżami minn qabel.

26.

Madankollu, hija żżid li, r-risposta għad-domandi preliminari tista’ twassal sabiex jintlaqgħu t-talbiet ta’ Bund Naturschutz.

27.

L-ewwel żewġ domandi huma intiżi sabiex jiġi kkjarifikat jekk, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, kienx obbligatorju li jsir EAS fir-rigward tad-Digriet. Jekk dan ikun il-każ, ir-rikors ikun ammissibbli u jirnexxi wkoll fil-mertu: il-qorti għandha żgur tikkonstata l-invalidità tad-Digriet Inntal Süd, minħabba l-assenza ta’ stadju neċessarju tal-proċedura għall-adozzjoni tiegħu.

28.

It-tielet domanda, dwar l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS, hija wkoll rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima. Jekk id-Digriet Inntal Süd jistabbilixxi qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, id-Distrett Amministrattiv ta’ Rosenheim, konformement mad-dritt nazzjonali, għandu jkun issuġġettah għal eżami preliminari u, għalhekk, għal eżami każ b’każ fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva EAS. F’dan il-każ, ir-rikors huwa ammissibbli u jkun fondat, li jwassal għall-annullament tad-Digriet.

29.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) qiegħda tagħmel dawn id-domandi preliminari:

“1)

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva [EAS] għandu jiġi interpretat fis-sens li qafas li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/93/UE […] tista’ tiġi awtorizzata fil-futur huwa stabbilit meta regolament għall-finijiet tal-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ jipprevedi projbizzjonijiet ġenerali bil-possibbiltà ta’ eżenzjoni kif ukoll obbligi ta’ awtorizzazzjoni li ma għandhomx rabta speċifika mal-proġetti msemmija fl-annessi tad-Direttiva SEA?

2.

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva [EAS] għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn il-pjanijiet u programmi ġew imfassla għas-setturi tal-agrikoltura, tas-silvikultura, tal-użu tal-art eċċ., meta huma intiżi sabiex jiddefinixxu qafas ta’ riferiment preċiżament għal dan is-settur jew diversi minnhom? Jew huwa biżżejjed li dawn jipprevedu, għall-finijiet tal-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ, projbizzjonijiet ġenerali u obbligi ta’ awtorizzazzjoni li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ awtorizzazzjoni li jirrigwardaw numru kbir ta’ proġetti u ta’ użijiet u li jistgħu jkollhom effett indirett (‘b’mod riflessiv’) fuq dan is-settur jew diversi minnhom?

3.

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva [EAS] għandu jiġi interpretat fis-sens li qafas għall-awtorizzazzjoni fil-futur ta’ proġetti huwa stabbilit, meta regolament adottat għall-finijiet tal-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ jistabbilixxi għal numru kbir ta’ proġetti u miżuri fiż-żona ta’ protezzjoni, deskritti b’mod astratt, projbizzjonijiet ġenerali u obbligi ta’ awtorizzazzjoni, iżda li proġetti konkreti ma huma la prevedibbli u lanqas maħsuba waqt l-adozzjoni tiegħu u b’hekk ma hemmx rabta speċifika ma’ proġetti konkreti?”

30.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Bund Naturschutz, id-Distrett Amministrattiv ta’ Rosenheim, il-Landesanwaltschaft Bayern, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Ċek u l-Gvern Irlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, dawn intervjenew kollha fis-seduta li nżammet fis‑7 ta’ Ġunju 2021.

III. Evalwazzjoni

A.   Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

31.

Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni bħad-Digriet kontenzjuż tikkostitwixxi pjan jew programm suġġett għall-obbligu ta’ EAS.

32.

Fis-sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet, b’mod partikolari, dawn id-dikjarazzjonijiet:

“–

L-għan ta’ din id-direttiva huwa fil-fatt, kif ifakkar l-Artikolu 1 tagħha, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, u li tikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ pjanijiet u ta’ programmi bil-għan li jiġi promoss żvilupp sostenibbli”.

“–

Għal dan il-għan, kif jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 1, l-għan essenzjali tad-Direttiva [EAS] huwa li l-pjanijiet u l-programmi li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali matul it-tfassil tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom”.

“–

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni estiża tal-kunċett ta’ ‘pjanijiet u programmi’ hija konformi mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, kif jirriżultaw b’mod partikolari mill-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo” ( 13 ).

33.

Ir-regoli li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EAS jinġabru, prinċipalment, f’żewġ artikoli relatati ma’ xulxin:

L-Artikolu 2(a) jiddefinixxi l-kundizzjonijiet akkumulattivi li għandu jkollhom il-pjanijiet u l-programmi sabiex tapplika għalihom id-Direttiva: a) li “huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern”; u b) li jkunu rikjesti permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi.

L-Artikolu 3(2)(a) jindika l-kundizzjonijiet sabiex jiġu identifikati, minn dawn il-pjanijiet u l-programmi, dawk li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, għaldaqstant, għandhom ikunu suġġetti għal EAS: a) it-tfassil tagħhom fir-rigward ta’ ċerti setturi u attivitajiet ekonomiċi (sensittivi); u b) il-ħtieġa li “jistabbilixxu” l-qafas għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti fil-futur.

34.

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS jestendi l-obbligu ta’ EAS għall-pjanijiet u programmi li jikkonċernaw attivitajiet mhux sensittivi, iżda li għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. It-tielet domanda preliminari tirrigwarda dawn il-pjanijiet u programmi.

35.

Fil-kombinazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet iqumu, fir-realtà, erba’ kundizzjonijiet li ser nipproċedi nanalizza sabiex niddetermina jekk leġiżlazzjoni lokali bħad-Digriet Inntal Süd huwiex pjan jew programm kopert mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS.

36.

Il-premessa li minnha titlaq il-qorti tar-rinviju hija li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan id-digriet “jikkostitwixxi pjan jew programm fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva [EME]” ( 14 ). Kif ser nesponi, din hija affermazzjoni li naqbel magħha.

1. Preparazzjoni jew adozzjoni tal-pjan jew programm minn awtorità tal‑Istat Membru

37.

L-ewwel kundizzjoni, li l-evalwazzjoni tagħha normalment ma tqajjimx problemi ermenewtiċi, hija li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ġiet adottata jew imfassla minn awtorità ta’ Stat Membru, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

38.

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li d-Digriet ġie adottat minn awtorità lokali Ġermaniża, jiġifieri, d-Distrett Amministrattiv ta’ Rosenheim.

2. Pjan jew programm previsti mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi

39.

Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS, il-pjanijiet jew il-programmi adottati mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, huma dawk “meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi”.

40.

Mis-sentenza Inter‑Environnement Bruxelles et, fis-sens u għall-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, għandhom jitqiesu bħala “meħtieġa” l-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom taqa’ f’qafas ta’ dispożizzjonijiet legali jew regolatorji nazzjonali li għandhom jiddeterminaw liema awtoritajiet huma kompetenti sabiex japprovawhom kif ukoll il-proċedura tat-tfassil tagħhom ( 15 ).

41.

Permezz ta’ din l-interpretazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet qari ġeneruż tad-Direttiva 2001/42, fejn ikkunsidrat li tapplika għall-pjanijiet u l-programmi previsti mid-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji nazzjonali, kemm jekk l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja kif ukoll fakultattiva ( 16 ).

42.

Din il-ġurisprudenza ġiet “ikkontestata” u l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistiedna espressament sabiex tibdilha fil-kawża Eoliċi f’Aalter u f’Nevele.

43.

Madankollu, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tibdel il-ġurisprudenza preċedenti tagħha. Tenniet mill-ġdid li l-“għanijiet [tad-Direttiva] jistgħu jiġu kompromessi jekk l-Artikolu 2(a) [tagħha] jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-pjanijiet jew il-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja li huma koperti mill-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali stabbilit minn din id-direttiva. Fil-fatt, minn naħa, […] l-adozzjoni tal-imsemmija pjanijiet jew programmi spiss ma hijiex imposta b’mod ġenerali. Min-naħa l-oħra, tali interpretazzjoni tippermetti li Stat Membru jevita faċilment dan l-obbligu ta’ evalwazzjoni ambjentali billi deliberatament jevita li jipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jadottaw tali pjanijiet jew programmi” ( 17 ).

44.

It-tieni inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva EAS l-istess għandu jiġi interpretat, għalhekk “fis-sens li għandhom jitqiesu bħala ‘meħtieġa’, fis-sens u għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija rregolata minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali, li jiddeterminaw l-awtoritajiet kompetenti sabiex jadottawhom u l-proċedura ta’ żvilupp tagħhom” ( 18 ).

45.

Il-Landesanwaltschaft Bayer tistieden għal darba oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja tibdel il-ġurisprudenza tagħha ( 19 ), iżda ma tressaqx, fil-fehma tiegħi, argumenti ġodda ta’ piż insostenn tat-teżi tagħha. Il-qorti tar-rinviju, min-naħa tagħha, ma tqajjem ebda kwistjoni dwar dan il-punt.

46.

Wara s-sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, inqis li l-kwistjoni hija deċiża b’mod definittiv mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ma hemmx lok li din il-ġurisprudenza tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

47.

Skont il-qorti tar-rinviju ( 20 ), id-Digriet Inntal Süd ġie adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet li jawtorizzaw lill-BNatSchgG. Għaldaqstant, dan huwa regolament previst mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, anki jekk il-preparazzjoni tagħhom ma kinitx obbligatorja. Għaldaqstant, huwa jissodisfa t-tieni kundizzjoni sabiex tkun pjan jew programm suġġett għall-obbligu ta’ EAS.

3. Pjan jew programm żviluppat għal settur ekonomiku (sensittiv) kopert mid-Direttiva EAS

48.

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS jipprevedi li, bla ħsara għall-paragrafu 3 tad-dispożizzjoni msemmija, “stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha […] li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art”.

49.

Fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/42 jissuġġetta l-obbligu li pjan jew programm partikolari jkun suġġett għal evalwazzjoni ambjentali għall-kundizzjoni li l-pjan jew il-programm, previst minn din id-dispożizzjoni, ikun jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent […]. B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, huma suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali sistematika dawk il-pjanijiet u programmi li, minn naħa, huma mfassla għal ċerti setturi u li, min-naħa l-oħra, jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implimentazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 tista’ tiġi awtorizzata fil-futur […]” ( 21 ).

50.

Dan jirrigwarda setturi sensittivi mill-perspettiva tal-ambjent, kif jirriżulta mill-Annessi I u II tad-Direttiva SEA u mid-Direttiva 92/43/KEE ( 22 ), li huma sistematikament suġġetti għal EAS ( 23 ).

51.

Skont il-qorti tar-rinviju, id-Digriet Inntal Süd ġie implimentat għal settur (dak tal-protezzjoni tan-natura u tal-preżervazzjoni tal-pajsaġġ), li ma huwiex adattat għar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva EAS u, għalhekk, ma jinsabx fost dawk imsemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tagħha ( 24 ).

52.

Barra minn hekk, hija żżid, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ftit drabi dwar il-kundizzjoni tal-“preparazzjoni” fir-rigward ta’ settur preċiż, b’tali mod li hija titlob li jkun solventi:

jekk il-“preparazzjoni” tissuponi orjentament speċifiku u mmirat lejn wieħed mis-setturi dettaljati fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS; jew

jekk huwa biżżejjed li l-pjanijiet u l-programmi jkollhom, fil-fatt, effetti fuq tali setturi (f’dan il-każ: l-agrikoltura, il-forestrija u l-użu tal-art), anki jekk dawn twettqu għal settur ieħor mhux imsemmi f’din id-dispożizzjoni (f’dan il-każ: il-protezzjoni tan-natura u l-preżervazzjoni tal-pajsaġġ) ( 25 ).

53.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx partikolarment eżiġenti fil-kuntest tal-analiżi ta’ din il-kundizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar jekk pjan jew programm jeħtieġx EAS qabel l-adozzjoni tiegħu. Huwa biżżejjed li l-pjan jew il-programm jikkonċerna, jaffettwa jirreferi jew iħalli impatt f’wieħed minn dawn is-setturi sabiex jiġi kkunsidrat ppreparat fir-rigward tiegħu, jekk jidher fost dawk inklużi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS ( 26 ).

54.

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll b’mod estensiv is-setturi sensittivi elenkati f’dan l-artikolu. B’mod partikolari:

Hija affermat li t-termini ta’ “ippjanar tat-territorju” u ta’ “użu tal-art” jindika li “s-settur inkwistjoni ma huwiex limitat għall-użu tal-art, fis-sens strett tal-kelma, jiġifieri d-diviżjoni tat-territorju f’żoni u d-definizzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jitwettqu f’dawn iż-żoni, iżda jkopri neċessarjament qasam usa’” ( 27 ).

Interpretat li digriet li permezz tiegħu jiġi stabbilit perimetru ta’ tqassim mill-ġdid urban, li jippermetti devjazzjoni mir-regoli urbanistiċi li jikkonċernaw l-kostruzzjonijiet u l-ippjanar tat-territorju, jaqa’ taħt is-settur “tal-ippjanar tat-territorju urban u rurali jew tal-użu tal-art”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS ( 28 ).

Hija ddikjarat li EAS kienet teħtieġ Digriet Presidenzjali li jipprevedi miżuri ta’ protezzjoni taż-żona ta’ għolja u ta’ ċerti parkijiet metropolitani ( 29 ), li l-Artikolu 1 tiegħu kien jindika, fost affarijiet oħra, li l-għan tiegħu kien il-“protezzjoni tal-pajsaġġi” ( 30 ).

55.

Fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi li miżuri nazzjonali intiżi sabiex jipproteġu n-natura u l-pajsaġġ jiġu żviluppati fir-rigward tas-setturi sensittivi identifikati mill-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, anki jekk dawn ma humiex intiżi direttament u speċifikament, iżda b’mod indirett, għall-preżervazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, ladarba r-rekwiżiti l-oħra jkunu ssodisfatti, il-pjanijiet u l-programmi korrispondenti jeħtieġu, b’mod ġenerali, EAS qabel l-adozzjoni tagħhom.

56.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS fih lista eżawrjenti ta’ setturi speċifiċi, li ma tistax tiġi amplifikata jew estiża għal setturi oħra mhux espressament imsemmija, għaliex din kienet ir-rieda tal-leġiżlatur ( 31 ).

57.

Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludux setturi sensittivi ġodda f’din il-lista eżawrjenti. Huma jillimitaw ruħhom li jinterpretaw b’mod mhux restrittiv is-setturi msemmija fil-lista u li ma jitolbux li l-pjan jew il-programm ikun ġie żviluppat b’orjentazzjoni diretta u espressa għal settur wieħed jew iktar imsemmija, sakemm ikunu jikkonċernawhom, jirreferi għalihom jew li jħalli impatt fuqhom.

58.

Jiena naqbel mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma narax għalfejn nipproponi bidla f’din l-orjentazzjoni tal-ġurisprudenza.

59.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS isostni dan il-qari tad-dispożizzjoni. Diversi verżjonijiet lingwistiċi jużaw terminoloġija li ssostni l-applikazzjoni tagħhom għal kull pjan jew programm żviluppat fir-rigward ta’ setturi sensittivi ( 32 ). Din il-frażi tippermetti li t-test jiġi interpretat b’tali mod li l-pjan jew il-programm ma għandux għalfejn ikun dirett espressament u biss għal wieħed minn dawn is-setturi: huwa biżżejjed li jaffettwah b’mod sinjifikattiv.

60.

Għall-kuntrarju ta’ dak li jirrilevaw il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Irlandiż u l-Gvern Ċek, tali interpretazzjoni ma timplikax estensjoni mhux iġġustifikata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva EAS, għad-detriment tal-punt 4 tagħha. Fil-fehma tiegħi, dan jimpedixxi li l-Istati Membri jevitaw in-natura obbligatorja ta’ EAS fi pjanijiet u programmi li jaffettwaw setturi sensittivi, billi jostruhom taħt terminoloġija differenti, billi jindikaw, pereżempju, li huma orjentati għall-protezzjoni tan-natura u l-pajsaġġ.

61.

Fir-realtà, l-oġġezzjonijiet fuq dan il-punt jitilqu minn ċerta ambigwità terminoloġika: il-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ ma hijiex, proprjament, settur li jista’ jitqiegħed f’pożizzjoni ugwali ma’ dawk speċifikament elenkati fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS. Jekk tali assimilazzjoni kienet possibbli, ir-regola ermenewtika inclusio unius, exclusio alterius tidħol fix-xena u, fil-fatt, l-assenza ta’ dan l-allegat settur fl-elenku tkun ekwivalenti għall-esklużjoni tagħha.

62.

Madankollu, jirriżulta li s-setturi elenkati fid-dispożizzjoni jkopru oqsma ta’ azzjoni preċiża ħafna (agrikoltura, sajd, trasport, enerġija, telekomunikazzjonijiet, eċċ.), filwaqt li l-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ hija għan trażversali, li jista’ jispira u jiġġustifika fih innifsu miżuri li jaffettwaw, ftit jew wisq direttament, kull wieħed minn dawn is-setturi sensittivi.

63.

Ma narax għalfejn ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva EAS jistgħu jiġu “adattati” ( 33 ) għall-pjanijiet u programmi tas-setturi elenkati u mhux, għall-kuntrarju, għal digriet li huwa intiż direttament għall-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ u jinfluwenza indirettament lil dawn tal-aħħar. Fil-fehma tiegħi, xejn ma jipprekludi t-tfassil ta’ rapport li jidentifika, jiddeskrivi u jevalwa l-effetti sinjifikattivi probabbli fuq l-ambjent li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ pjan jew ta’ programm intiż sabiex jipproteġi n-natura u l-pajsaġġ ( 34 ).

64.

Id-Digriet Inntal Süd, billi jipproteġi n-natura u l-pajsaġġ f’waħda miż-żoni previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ Bayern (li tkopri madwar 30 % tat-territorju ta’ dan il-Land), għandu impatt simultanju fuq ċerti setturi sensittivi msemmija iktar ’il fuq.

65.

Bund Naturschutz tesponi l-impatt tagħha fuq l-“użu ta’ l-art”, settur li jaqa’ espressament taħt l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS. Ir-regolament jistabbilixxi, fost l-oħrajn, regoli dwar it-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u dwar l-eżerċizzju ta’ attivitajiet agrikoli u forestali, b’tali mod li r-rabta mal-“użu ta’ l-art” (inkluż l-“iżvilupp tat-territorju rurali u urban”) tidher inkontestabbli ( 35 ).

66.

Id-Digriet jimponi l-kundizzjoni ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel għal diversi attivitajiet fiż-żona protetta ( 36 ). Dawn l-awtorizzazzjonijiet jiddefendu l-artijiet kontra ċerti tipi ta’ użi u jikkostitwixxu, fl-opinjoni tiegħi, miżuri relatati mal-użu ta’ dawn u l-ippjanar ta’ territorju rurali u urban: iż-żewġ setturi, nirrepeti, huma ċċitati fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva EAS.

67.

B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tad-Digriet jikkontempla l-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni għall-bini ta’ immobbli ( 37 ), il-ġestjoni tal-ilma ( 38 ), il-konservazzjoni tal-mergħat ( 39 ) jew l-isfruttament forestali ( 40 ), fost azzjonijiet oħra ( 41 ).

4. Pjan jew programm li jistabbilixxi qafas ta’ referenza għall‑awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti koperti mid-Direttiva SEA

68.

Minbarra l-preparazzjoni tiegħu għal ċerti setturi sensittivi, pjan jew programm huwa suġġett b’mod obbligatorju għal EAS, skont l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS, jekk jistabbilixxi l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA ( 42 ).

69.

Għaldaqstant, dan l-artikolu jeżiġi li jiġu suġġetti għall-EAS:

il-pjanijiet jew il-programmi li jistabbilixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni fil-futur tat-twettiq tal-proġetti; u

il-proġetti li huma elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA.

a) Pjan jew programm li jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-proġetti previsti fl‑Annessi I u II tad-Direttiva SEA

70.

Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva SEA, il-kelma “proġett” tinkludi:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u fil-pajsaġġ naturali inklużi dawk li jinvolvu l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali.

71.

It-terminu “proġett”, fid-definizzjoni fformulata (b’mod partikolari fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva SEA), jikkorrispondi għal xogħlijiet jew interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit ( 43 ).

72.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva SEA, il-proġetti li għandhom jiġu suġġetti għal evalwazzjoni huma dawk li jista’ jkollhom “effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom”, kif iddefiniti fl-Artikolu 4 tagħha, li jirreferi għal dawk elenkati fl-Annessi I u II tagħha ( 44 ).

73.

Qari flimkien tal-Artikoli 2(1) u 4(1) tad-Direttiva SEA juri li l-proġetti elenkati fl-Anness I tagħha jinkludu, min-natura tagħhom, riskju ta’ riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq l-ambjent u għandhom neċessarjament ikunu s-suġġett ta’ SEA ( 45 ).

74.

Fir-rigward tal-proġetti elenkati fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk humiex suġġetti għal SEA fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ jew abbażi ta’ limiti jew ta’ kriterji stabbiliti minn qabel.

75.

Id-Digriet Inntal Süd jittrasponi dispożizzjonijiet dwar attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ proġett tad-Direttiva SEA, espost iktar ’il fuq, flimkien ma’ oħrajn li jagħmlu dan.

76.

Fil-fatt, kif tindika l-Kummissjoni ( 46 ), id-Digriet jinkludi xi attivitajiet li, anki jekk suġġetti għall-ħtieġa li tinkiseb awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, huma estranji għall-kunċett ta’ proġett ( 47 ). L-ebda waħda minnhom ma tinvolvi t-twettiq ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjonijiet jew xogħlijiet oħra, u lanqas interventi fiżiċi fl-ambjent naturali jew fil-pajsaġġ. Konsegwentement, huma ma jikkorrispondux għall-kunċett ta’ proġett tad-Direttiva SEA u l-istandard li jilqgħu ma jirrikjedix, minħabba f’hekk, EAS minn qabel.

77.

Madankollu, id-Digriet Inntal Süd jipprevedi, fl-istess ħin, in-neċessità ta’ awtorizzazzjoni sabiex jiġu pprattikati fiż-żona ta’ protezzjoni attivitajiet oħra li jaqgħu taħt il-lista ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA. Dan huwa l-każ f’diversi minn dawk deskritti fl-Artikoli 4 u 5 tiegħu ( 48 ). Barra minn hekk, infakkar, li din hija wkoll l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju ( 49 ).

78.

Dawn l-aħħar attivitajiet (suġġetti għal awtorizzazzjoni mill-Artikolu 5 tar-Regolament) jintegraw ruħhom, nirrepeti, mingħajr diffikultà fost il-proġetti miġbura fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA ( 50 ).

79.

Barra minn hekk, il-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tad-Digriet jitkellem dwar il-ħtieġa tal-awtorizzazzjoni ta’ “bini, modifikazzjoni jew tibdil fl-użu ta’ xogħlijiet ta’ kull xorta [ ( 51 )], anki jekk ma jeħtiġux permess ta’ bini”. Dawn ix-xogħlijiet jirreferu għal diversi tipi ta’ proġetti ċċitati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA.

80.

Fil-qosor, id-Digriet Inntal Süd jista’, bħala prinċipju, jiġi identifikat bħala wieħed mill-pjanijiet jew programmi li jipprevedu l-awtorizzazzjoni tal-proġetti previsti fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA, li jkunu jeħtieġu EAS minn qabel.

81.

L-istadju segwenti huwa li jiġi vverifikat jekk id-digriet fihx, barra minn hekk, qafas ta’ referenza għat-tfassil futur ta’ proġetti koperti mid-Direttiva EA.

b) Pjan jew programm li jistabbilixxu qafas għall-awtorizzazzjoni tal‑proġetti

82.

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS jeżiġi li l-pjan jew il-programm jiddefinixxu l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA.

83.

Hija din il-kundizzjoni li tippreżenta l-iktar diffikultajiet fl-applikazzjoni tad-Direttiva EAS. Kif indikajt f’dak iż-żmien, “dawn il-pjanijiet u l-programmi għandhom jissodisfaw il-kundizzjoni li jintegraw qafas leġiżlattiv għall-awtorizzazzjoni ulterjuri ta’ proġetti b’effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent […] huwa l-element ewlieni sabiex il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [EAS] jasal sal-punt ġust tiegħu, mingħajr ma jkun hemm indħil eċċessiv fuq l-attività leġiżlattiva tal-Istati Membri” ( 52 ).

84.

Il-frażi “li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti” ma tagħmel l-ebda riferiment għal-liġijiet nazzjonali. Huwa għalhekk kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju tagħha ( 53 ).

85.

Pjan jew programm jistabbilixxu qafas għall-awtorizzazzjoni futura tal-proġetti koperti mid-Direttiva SEA meta jkun “att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implimentazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent” ( 54 ).

86.

B’dan il-mod, jiġi żgurat li l-evalwazzjoni ambjentali ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet li jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ( 55 ) ikunu bħala parti minn sekwenza regolatorja; a sensu contrario, tevita li l-kriterji jew il-kundizzjonijiet stabbiliti b’mod iżolat jimponu EAS.

87.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-“ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ kundizzjonijiet” għandha tinftiehem kwalitattivament u mhux kwantitattivament. Huwa biżżejjed li l-ġabra tkun sinjifikattiva, u mhux eżawrjenti, sabiex il-pjan jew programm li jistabbilixxiha jirrikjedi EAS. Dan ikopri wkoll strateġiji possibbli sabiex jiġu evitati l-obbligi stabbiliti mid-Direttiva EAS, pereżempju, bil-frammentazzjoni tal-miżuri, u b’dan il-mod jitnaqqas l-effett utli tal-imsemmija direttiva ( 56 ).

88.

Leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi qafas għat-tfassil ta’ proġetti previsti fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA biss jekk dan il-qafas ikun jista’ jikkundizzjona l-imsemmija proġetti ( 57 ).

89.

Ma huwiex neċessarju li l-pjan jew il-programm jipprevedu espressament u fid-dettall il-proġetti, iżda jidhirli li huwa indispensabbli li huma jkollhom numru suffiċjenti ta’ kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiffissaw il-kontenut, it-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom.

90.

Fi kliem ieħor, pjan jew programm jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u jeħtieġ EAS minn qabel jekk jintroduċi dispożizzjonijiet fuq il-lokalizzazzjoni, il-karatteristiċi, id-dimensjonijiet, il-kundizzjonijiet għall-funzjonament jew l-allokazzjoni ta’ riżorsi fi ħdan l-imsemmija proġetti.

91.

B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, huma kienu jistabbilixxu qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti, sabiex jinkorporaw ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u kundizzjonijiet għat-tfassil tagħhom, fost oħrajn:

Leġiżlazzjoni ta’ Wallonie li tirreferi, b’mod partikolari, għar-“regoli tekniċi, il-modalitajiet ta’ użu (b’mod partikolari d-dellijiet stroboskopiċi), il-prevenzjoni ta’ inċidenti u ta’ nirien (fost oħrajn il-waqfien tat-turbina), ir-regoli ta’ livell ta’ ħsejjes, it-tiswija kif ukoll il-kostituzzjoni ta’ garanziji finanzjarji għall-eoliċi” ( 58 ).

Leġiżlazzjoni tar-Reġjun Fjamming (digriet u ċirkulari) b’dispożizzjonijiet dwar l-installazzjoni u l-użu ta’ eoliċi, fosthom miżuri dwar il-protezzjoni ta’ dell stroboskopiku, is-sigurtà u l-istandards tal-ħoss ( 59 ).

Regolament dwar l-ippjanar urban (ta’ Brussell-Kapitali), li jiġbor ċerti rekwiżiti fir-rigward tat-twettiq ta’ proġetti ta’ bini u regoli applikabbli għall-kostruzzjonijiet kollha, jiġifieri, għall-bini, irrispettivament min-natura tagħhom, u għall-madwar kollu tagħhom, inklużi ż-“żoni ta’ spazju miftuħ” u ż-“żoni ta’ mogħdija”, kemm jekk privati u kemm jekk aċċessibbli għall-pubbliku ( 60 ).

92.

Għalhekk, il-pjanijiet u l-programmi eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi D’Oultremont et, Inter‑Environnement Bruxelles et, kif ukoll Eoliċi f’Aalter u f’Nevele kienu jistabbilixxu oqfsa għall-approvazzjoni ta’ proġetti u kienu jirrikjedu, minħabba f’hekk, it-twettiq ta’ EAS qabel l-adozzjoni tagħhom.

93.

L-istess jgħodd għad-Digriet Inntal Süd? Hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk dan huwiex il-każ u tali Digriet għandu numru sinjifikattiv ta’ kriterji applikabbli għall-iffissar tal-kontenut, l-proċedura ta’ tfassil u l-applikazzjoni tal-proġetti previsti fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2001/42. Fid-digriet tar-rinviju tagħha, jidher li qiegħda ssostni li dan ma huwiex il-każ u, kif sussegwentement espost, jiena naqbel, essenzjalment, mal-fehma tagħha.

94.

Il-qorti tar-rinviju tiddubita li d-Digriet Inntal Süd jistabbilixxi verament qafas ta’ referenza għat-tfassil ta’ proġetti. Fil-fehma tagħha, ir-regolament “ma jinkludix regoli speċifiċi dwar l-awtorizzazzjoni tal-proġetti [u lanqas] jirregola l-awtorizzazzjoni (f’settur speċifiku) tal-proġetti, iżda għandu l-għan prinċipali li jipprekludihom jew, fi kwalunkwe każ, li jiżgura li dawn josservaw il-protezzjoni tan-natura” ( 61 ).

95.

L-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża ssostni din l-evalwazzjoni.

96.

Fl-ewwel lok, id-Digriet Inntal Süd jistabbilixxi (Artikolu 4) projbizzjoni ġenerali, fiż-żona protetta, tal-atti kollha li jbiddlu n-natura taż-żona jew li jmorru kontra l-għan ta’ protezzjoni. Din il-projbizzjoni ġenerali tidher li tikkoinċidi ma’ dik stabbilita fuq livell federali mill-Artikolu 26(2) tal-BNatSchG u ma tinkludix żviluppi addizzjonali li jippermettu li r-regolament jiġi kkwalifikat bħala pjan jew programm li jistabbilixxi qafas għat-tfassil ta’ proġetti.

97.

Fit-tieni lok, huwa minnu li l-Artikolu 5 tad-Digriet Inntal Süd jippreskrivi awtorizzazzjonijiet ta’ attivitajiet fiż-żona ta’ protezzjoni u jiddikjara limiti preċiżi f’ċerti każijiet (il-punt 1(a) u (c) tal-Artikolu 5(1), l-Artikolu 5(2)(a) u l-punt 9 tal-Artikolu 5(1), pereżempju). Madankollu, il-parti l-kbira tal-projbizzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet għandhom natura ġenerali u azzjonijiet sussegwenti jintalbu sabiex ikunu jistgħu jikkundizzjonaw direttament it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti koperti mid-Direttiva SEA.

98.

Kif tindika l-Kummissjoni ( 62 ), in-nuqqas ta’ determinazzjoni tar-regoli tad-Digriet jimplika li dan ma jinkludix kriterji u modalitajiet speċifiċi għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti. Huwa neċessarju li jintużaw dispożizzjonijiet oħra għat-tfassil tal-imsemmija proġetti, b’tali mod li d-Digriet ma joffrix, waħdu, qafas ta’ riferiment għall-awtorizzazzjoni tal-proġetti koperti mid-Direttiva EAS.

99.

Is-sentenza CFE ma tikkontradixxix dak li għadni kemm spjegajt, iżda pjuttost il-kuntrarju. Il-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dik il-kawża kienet digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali li permezz tiegħu nħatar sit Natura 2000 ( 63 ). Huwa kien previst, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ konservazzjoni u protezzjoni li kienet tiddefinixxi, miżuri ta’ prevenzjoni u projbizzjonijiet ġenerali u speċifiċi. Għal dan il-għan, hija tispeċifika d-deċiżjonijiet u tagħmel parti minn ġerarkija ta’ miżuri intiżi għall-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludu l-pjanijiet ta’ ġestjoni futuri.

100.

Minkejja l-evalwazzjoni tal-korp ġudizzjarju tar-rinviju ( 64 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu minnha, “digriet, […] li permezz tiegħu Stat Membru jagħżel ŻSK [Żoni Speċjali ta’ Konservazzjoni] u jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni u ċerti miżuri ta’ prevenzjoni, huwa inkluż fil-‘pjanijiet u programmi’ li għalihom evalwazzjoni tal-effetti ambjentali hija obbligatorja” ( 65 ).

101.

Ix-xebh bejn l-Artikolu 5 tad-Digriet Inntal Süd u l-Artikolu 15 tad-Digriet Belġjan huma numerużi.

102.

Fl-aħħar nett, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva EAS fis-sens li Digriet intiż għall-protezzjoni tan-natura u l-pajsaġġ, li jistabbilixxi projbizzjonijiet ġenerali (b’eċċezzjonijiet) u obbligi ta’ awtorizzazzjoni, iżda li ma jistabbilixxix regoli ddettaljati biżżejjed dwar il-kontenut, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti msemmija fl-Annessi I u II tad-Direttiva SEA, filwaqt li jinkludi ċerti miżuri dwar l-attivitajiet imsemmija fl-imsemmija proġetti, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

B.   It-tielet domanda preliminari

103.

Il-qorti a quo tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS għandux jiġi interpretat fis-sens li Digriet bħal dak inkwistjoni hawnhekk jikkostitwixxi, tal-inqas, pjan jew programm li għandu effett sinjifikattiv fuq l-ambjent f’setturi oħra differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni.

104.

Infakkar li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Kuntrarjament għall-Artikolu 3(2), ma huwiex awtomatikament preżunt li ċerti pjanijiet u programmi għandhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, iżda teżiġi li l-Istati Membri jiddeterminawh. Il-pjanijiet u l-programmi li għalihom jestendi huma dawk li jiddefinixxu qafas għall-awtorizzazzjoni futura ta’ proġetti, iżda li ma humiex riprodotti fl-Artikolu 3(2).

105.

Dan l-obbligu, kif previst fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS (bħall-Artikolu 3(2)(a)) jiddependi minn jekk il-pjan jew il-programm inkwistjoni jiddefinixxi l-qafas għall-awtorizzazzjoni futura tat-twettiq tal-proġetti ( 66 ).

106.

Kif ipproponejt li tingħata risposta għall-ewwel żewġ domandi preliminari fis-sens li Digriet bħal dak tar-rinviju ma jiddefinixxix qafas għall-awtorizzazzjoni futura tat-twettiq ta’ proġetti, nikkonkludi li dan lanqas ma jaqa’ taħt il-kunċett ta’ pjanijiet u programmi f’setturi oħra, li għalihom l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS jeżiġi EAS minn qabel.

107.

Kemm il-pjanijiet u l-programmi fis-setturi sensittivi tal-Artikolu 3(2) kif ukoll il-pjanijiet u l-programmi f’setturi oħra mhux sensittivi, iżda b’effett fuq l-ambjent, tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva EAS għandhom jistabbilixxu qafas għall-approvazzjoni u t-twettiq ta’ proġetti konkreti. F’dan l-istadju, naħseb li hemm koinċidenza bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ pjanijiet u programmi.

108.

Għalhekk, ma jkunx koerenti li jiġi rrifjutat li d-Digriet Inntal Süd jinkorpora qafas għat-twettiq ta’ proġetti fis-setturi sensittivi u, fl-istess ħin, li jiġi aċċettat li dan jinkorporah fil-każ ta’ setturi mhux sensittivi.

C.   Il-limitazzjoni eventwali tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

109.

Il-Landesanwaltschaft Bayern u l-Gvern Ġermaniż jixtiequ li l-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti tas-sentenza tagħha, jekk tiddeċiedi li d-Digriet Inntal Süd kien jeħtieġ EAS minn qabel: huwa għandu jillimita l-effetti tiegħu ratione temporis jew jissospendi, ukoll temporanjament, l-effett ta’ esklużjoni tas-supremazija tad-Direttiva EAS.

110.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li t-tfassil ta’ EAS ma hijiex obbligatorja qabel ma tiġi adottata leġiżlazzjoni bħad-Digriet Inntal Süd. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tħassib ta’ lakuna ġuridika li juru l-Landesanwaltschaft Bayern u l-Gvern Ġermaniż jonqos.

111.

Għaldaqstant, ma huwiex indispensabbli li wieħed jistaqsi dwar il-limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza interpretattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja jew is-sospensjoni tal-effett ta’ esklużjoni tas-supremazija tad-Direttiva EAS fuq regola nazzjonali kuntrarja għaliha.

112.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-pożizzjoni tiegħi u tiddeċiedi li regola bħad-Digriet Inntal Süd titlob EAS minn qabel, ser nanalizza, sussidjarjament, il-possibbiltajiet li jiġu limitati l-konsegwenzi tas-sentenza tagħha.

113.

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa issa, ġie stmat li ż-żoni ta’ konservazzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ, inklużi ż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni fis-sens tad-Direttiva 92/43 ( 67 ), ma kellhomx ikunu suġġetti għal EAS minn qabel. Hija żżid li:

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tistabbilixxi l-obbligu, skont id-dritt tal-Unjoni, li twettaq EAS jew, fi kwalunkwe każ, eżami minn qabel skont id-dritt nazzjonali, huwa probabbli li diversi indikazzjonijiet ta’ żoni protetti wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva EAS, jiġifieri sal‑21 ta’ Lulju 2004, huma vvizzjati b’irregolaritajiet proċedurali.

Skont id-dritt nazzjonali, tali irregolarità timplika, bħala prinċipju, in-nuqqas ta’ effetti tad-dispożizzjoni leġiżlattiva korrispondenti ( 68 ). B’dan il-mod, l-obbligu li tiġi pprattikata EAS jew eżami preliminari jista’ “jnaqqas kunsiderevolment il-livell ta’ protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ milħuq fil-Ġermanja” ( 69 ).

114.

Madankollu, dawn il-konstatazzjonijiet ma jwasslux lill-qorti tar-rinviju sabiex titlob il-limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza (futura) tal-Qorti tal-Ġustizzja. Is-silenzju tagħhom fuq dan il-punt huwa, fil-fehma tiegħi, indizju sinjifikattiv li ma hemmx biżżejjed motivi sabiex jiġġustifikaw tali limitazzjoni ( 70 ).

115.

Il-Landesanwaltschaft Bayern u l-Gvern Ġermaniż, għall-kuntrarju, insistew, waqt is-seduta, fuq il-konsegwenzi negattivi għall-protezzjoni tal-ambjent li jwasslu għall-invalidazzjoni taż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ, billi tennew il-pretensjoni tagħhom, diġà espressa matul il-proċedura bil-miktub ( 71 ).

116.

Sabiex tirrimedja għal din is-sitwazzjoni, Bund Naturschutz ipproponiet, waqt is-seduta, li ma tiġix applikata d-Direttiva EAS għan-nomina inizjali ta’ żoni ta’ protezzjoni tan-natura, li jkollhom impatt pożittiv. Huma biss il-modifiki ulterjuri ta’ dawn iż-żoni, peress li jnaqqsu l-protezzjoni tal-ambjent, li huma suġġetti għad-Direttiva.

117.

Jiena ma naqbilx ma’ din is-soluzzjoni. Id-Direttiva EAS ma tagħmilx distinzjoni bejn l-approvazzjoni inizjali u l-emenda sussegwenti tal-pjanijiet u programmi, sabiex tinvoka EAS minn qabel. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-EAS japplika wkoll għall-pjanijiet u l-programmi li għandhom effetti pożittivi fuq l-ambjent ( 72 ).

118.

Infakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[f]l-assenza, f’din id-direttiva, ta’ dispożizzjonijiet dwar il-konsegwenzi li għandhom jitnisslu minn ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali li hija tistabbilixxi, huma l-Istati Membri li għandhom, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa, ġenerali jew partikolari sabiex il-‘pjanijiet’ jew ‘programmi’ kollha li jista’ jkollhom ‘effett sinifikanti fuq l-ambjent’ fis-sens [tad-Direttiva 2001/42] ikunu suġġetti għal evalwazzjoni ambjentali, konformement mal-modalitajiet proċedurali u mal-kriterji previsti minn din id-direttiva” ( 73 ).

119.

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (Artikolu 4(3) TUE), l-Istati Membri huma marbuta li jeliminaw il-konsegwenzi illegali ta’ tali ksur tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, inklużi l-qrati nazzjonali aditi b’rikors kontra att tad-dritt intern li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, huma obbligati li jadottaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, il-miżuri kollha neċessarji sabiex jirrimedjaw l-ommissjoni ta’ EAS ( 74 ).

120.

Konformement ma’ dan l-obbligu ġenerali, pjan jew programm adottat mingħajr EAS, bi ksur tad-Direttiva EAS, għandu jiġi sospiż, annullat jew jitħalla mhux applikat mill-qorti nazzjonali sabiex tibda tingħata effett utli lis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. A fortiori, l-awtorizzazzjonijiet ta’ proġetti bbażati fuqhom għandu jkollhom l-istess riżultat ( 75 ).

1. Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tad-deċiżjoni preliminari

121.

Is-sentenzi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jipproduċu effetti mill-mument tad-dħul fis-seħħ tar-regola tad-dritt tal-Unjoni li hija suġġett għal interpretazzjoni ( 76 ).

122.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tippermetti biss, b’mod restrittiv ħafna, eċċezzjoni għal din ir-regola, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika tal-Unjoni. Għalhekk, għandha tiġi rrispettata l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji, bl-oneru tal-prova jaqa’ fuq l-Istat li jinvokahom ( 77 ).

123.

L-argumenti mressqa mil-Landesanwaltschaft Bayern u mill-Gvern Ġermaniż dwar l-adozzjoni tad-Digriet ikkontestat ma jidhirlix li huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-pretensjoni tagħhom.

124.

Wara l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva EAS adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, kien, tal-inqas, prevedibbli li jiġi dedott li r-regoli Ġermaniżi li jirregolaw iż-żoni ta’ protezzjoni setgħu, skont il-kontenut tagħhom, jiġu kklassifikati bħala pjanijiet u programmi suġġetti għall-obbligu ta’ EAS minn qabel, anki jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jeħtiġux dan.

125.

Bl-istess mod, kien prevedibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li mhux biss il-pjanijiet u l-programmi li għandhom effett negattiv fuq l-ambjent, iżda wkoll dawk li għandhom impatt pożittiv (bħal dawk li jistabbilixxu ż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura), kellhom jiġu suġġetti għal EAS ( 78 ).

126.

In-nuqqas ta’ rikors għal inadempjenza ppreżentat mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (sa fejn ma pproċedietx b’EAS qabel l-adozzjoni ta’ pjanijiet jew ta’ programmi għaż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ) ma huwiex, fih innifsu, motiv sabiex tiġi invokata l-bona fide tal-awtoritajiet Ġermaniżi.

127.

Ir-raġunijiet imressqa minn dawn l-awtoritajiet sabiex isostnu li l-annullament tar-regoli dwar iż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ jipprovokaw, eo ipso, konsegwenzi “katastrofiċi” fil-Ġermanja lanqas ma jidhirli li huma definittivi, kif sostnew l-intervenjenti waqt is-seduta. Jimmilitaw kontra dawn ir-raġunijiet:

minn naħa, li l-assenza ta’ effetti tad-Digriet Inntal Süd jista’ wkoll ikollu effett pożittiv fuq l-ambjent jekk, kif issostni Bund Naturschutz, dan kien jippreżupponi l-applikazzjoni tad-Digriet preċedenti, li kien iżid iż-żona ta’ protezzjoni li sa dak iż-żmien kienet fis-seħħ, imnaqqsa minnu;

min-naħa l-oħra, li l-għajxien, għal din iż-żona u għal dawk kollha analogi, mill-bqija tal-leġiżlazzjoni settorjali jippermetti l-kontroll amministrattiv ta’ parti kbira tal-attivitajiet li jista’ jkollhom effetti ambjentali.

2. Sospensjoni temporanja tal-effett ta’ esklużjoni tas-supremazija tad‑Direttiva 2001/42 fuq id-dritt nazzjonali kuntrarju

128.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li tista’, b’mod ta’ eċċezzjoni u b’rigward għall-kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tissospendi provviżorjament l-effett ta’ esklużjoni li teżerċita regola tal-Unjoni fuq id-dritt nazzjonali li jmur kontriha ( 79 ).

129.

Din il-prerogattiva hija rriżervata esklużivament mill-Qorti tal-Ġustizzja stess, li mill-ġurisprudenza tagħha huwa dedott li:

li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lil regoli nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, anki fuq bażi provviżorja, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata ( 80 );

jekk id-dritt intern jawtorizzah, qorti nazzjonali tista’ tillimita, b’mod eċċezzjonali u wara eżami ta’ każ b’każ, l-effikaċja temporanja ta’ dikjarazzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali adottata bi ksur tal-obbligi tad-Direttiva EAS.

130.

Hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża dwar jekk id-dritt Ġermaniż jippermettix iż-żamma provviżorja tar-regoli dwar iż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura, ladarba annullati. Il-Landesanwaltschaft Bayern issostni li le ( 81 ), iżda, skont Bund Naturschutz, il-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju tittollera tali applikazzjoni provviżorja f’każijiet ta’ annullament għal raġunijiet formali ( 82 ).

131.

Hija l-qorti a quo li għandha tiddetermina jekk, minkejja l-invalidità tagħhom, hija għandhiex rimedji proċedurali li jippermettulha żżomm provviżorjament ir-regoli dwar iż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ ( 83 ). Kieku dan ma kienx il-każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-limitazzjoni ratione temporis tal-effett ta’ esklużjoni tas-supremazija ma tkunx tista’ tiġi applikata.

132.

Fl-ipoteżi fejn id-dritt intern Ġermaniż jawtorizzah, ikun għad irid jiġi vverifikat jekk l-esklużjoni temporanja tas-supremazija hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjoni imperattiva marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent u jekk il-bqija tal-kundizzjonijiet tas-sentenza Inter-Environnement Wallonie Terre wallonne humiex issodisfatti ( 84 ).

133.

Ir-rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali invokat mill-awtoritajiet Ġermaniżi huwa li l-protezzjoni tal-ambjent titnaqqas jekk dan id-Digriet u oħrajn simili jiġi annullat.

134.

Fil-fehma tiegħi, ma ntweriex b’mod komplet li l-eventwali invalidità jew telf ta’ effikaċja ( 85 ) tar-regolamenti dwar iż-żoni ta’ protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ (peress li ma kinux is-suġġett ta’ EAS minn qabel) ser iwassal, b’mod inevitabbli, għal lakuna ġuridika ta’ tali kalibru li jipperikola l-protezzjoni tal-ambjent. Diversi argumenti jistgħu jitressqu fis-sens kuntrarju:

iż-żoni protetti qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva EAS fl‑2004 ma humiex affettwati;

fiż-żoni li l-protezzjoni tagħhom ingħatat wara l‑2004, it-telf ta’ effikaċja (jew, jekk ikun il-każ, in-nullità) tad-digrieti approvati mingħajr EAS minn qabel jista’ jiġi “nnewtralizzat”, għall-inqas parzjalment, bl-applikazzjoni tar-regoli protettivi preċedenti, kif diġà esponejt;

jekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, id-digrieti adottati mingħajr EAS minn qabel, iżda li ma kinux is-suġġett ta’ rikors dirett f’dak iż-żmien, jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ mekkaniżmu indirett (eċċezzjoni ta’ illegalità jew azzjoni inċidentali), ma huwiex stabbilit li s-sentenza li ttemm dan ir-rikors għandha natura erga omnes ( 86 );

ir-regoli federali u tal-Lands li jinkludu l-kontenut tad-Direttiva EAS jibqgħu obbligatorji, bil-possibbiltà li jiġi pparalizzat it-twettiq ta’ proġetti negattivi għall-ambjent;

il-mekkaniżmi ta’ kontroll, skont il-leġiżlazzjoni settorjali, tal-attivitajiet potenzjalment ta’ ħsara għall-ambjent, jibqgħu wkoll permezz tal-implimentazzjoni ta’ regoli tal-ippjanar urban u relatati mal-kostruzzjoni, mal-ġestjoni tal-ilmijiet, mal-minjieri, mal-iskavi u mal-moviment tal-art, mal-agrikoltura, mal-forestrija, mat-turiżmu u ma’ attivitajiet oħra simili.

IV. Konklużjoni

135.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tagħti risposta lill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) kif ġej:

“1)

L-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li Digriet intiż għall-protezzjoni tan-natura u l-pajsaġġ, li jistabbilixxi projbizzjonijiet ġenerali (b’eċċezzjonijiet) u obbligi ta’ awtorizzazzjoni, iżda li ma jipprevedix regoli ddettaljati biżżejjed dwar il-kontenut, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ċċitati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, minkejja li jipprevedi ċerti miżuri dwar l-attivitajiet ikkontemplati fl-imsemmija proġetti, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu.

2)

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2001/42 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirriżultax applikabbli għal Digriet dwar il-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ, li ma jikkostitwixxix pjan jew programm li għandu impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent f’setturi oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, minħabba li ma jinkludix regoli ddettaljati biżżejjed dwar il-kontenut, it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza A et (Eoliċi f’Aalter u f’Nevele) (C‑24/19, EU:C:2020:503, iktar ’il quddiem is-“sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele”).

( 3 ) Konklużjonijiet tat‑3 ta’ Marzu 2020 (C‑24/19, EU:C:2020:143, iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet Eoliċi f’Aalter u f’Nevele”, punt 1).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44; iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”).

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157). Magħrufa wkoll bħala d-Direttiva dwar l-“evalwazzjoni ambjentali strateġika” (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EAS”).

( 6 ) Konklużjonijiet Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 36.

( 7 ) Ibidem, punt 37.

( 8 ) Verżjoni tal‑24 ta’ Frar 2010 (BGBl. I, p. 94), kif emendat mill-Artikolu 2 tal-liġi tat‑12 ta’ Diċembru 2019 (BGBl. I, p. 2513).

( 9 ) Verżjoni tad‑29 ta’ Lulju 2009 (BGBl. I, p. 2542), skont l-emenda introdotta mill-Artikolu 1 tal‑liġi tal‑15 ta’ Settembru 2017 (BGBl. I, p. 3434).

( 10 ) Wara s-seduta f’din il-kawża, l-Artikolu 22 tal-BNatSchG ġie kkompletat permezz tal-paragrafi 2a u 2b, sabiex l-atti legali li ddefinixxew żoni ta’ protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ bi ksur tad-Direttiva EAS jinżammu fis-seħħ, peress li ma kinux is-suġġett ta’ EAS minn qabel.

( 11 ) GVBl. p. 82, kif emendata bl-Artikolu 11(4) tal-liġi tal‑10 ta’ Diċembru 2019 (GVBl. p. 686).

( 12 ) ABl. des Landkreises Rosenheim Nru 5, tas‑26 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Inntal Süd” u d-“Digriet”).

( 13 ) Punti 45, 46 u 49, b’referenza għas-sentenzi tat‑22 ta’ Settembru 2011, Valčiukienė et (C‑295/10, EU:C:2011:608, punt 37), u tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Thybaut et (C‑160/17, EU:C:2018:401, iktar ’il quddiem is-“sentenza Thybaut et”, punt 61).

( 14 ) Digriet tar-rinviju, punt 19.

( 15 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2012, Inter‑Environnement Bruxelles et (C‑567/10, EU:C:2012:159, iktar ’il quddiem is-“sentenza Inter‑Environement Bruxelles et”, punt 31); Thybaut et, punt 43; u tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE (C‑43/18, EU:C:2019:483, iktar ’il quddiem is-“sentenza CFE”, punt 54).

( 16 ) Fis-sentenza Inter‑Environnement Bruxelles et l-Avukata Ġenerali Kokott offriet interpretazzjoni iktar restrittiva: EAS biss tispeċifika l-pjanijiet u l-programmi li l-adozzjoni tagħhom hija obbligatorja, imposta minn regola tad-dritt intern (konklużjonijiet tas‑17 ta’ Novembru 2011 tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Inter‑Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2011:755, punti 18 u 19). Fil-konklużjonijiet tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2018, fil-kawża Inter‑Environnement Bruxelles et (C‑671/16, EU:C:2018:39), punti 4142, l-Avukata Ġenerali Kokott tenniet it-teżi tagħha, billi żgurat li l-Qorti tal-Ġustizzja estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva EAS lil hinn minn dak li maħsub mill-leġiżlatur u dak li l-Istati Membri setgħu jipprevedu.

( 17 ) Sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 48.

( 18 ) Sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 52.

( 19 ) Punt 10 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Landesanwaltschaft Bayer.

( 20 ) Punt 19 tad-digriet tar-rinviju, li jiċċita bħala bażi legali tad-Digriet l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1), l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 26 tal-BNatSchgG (jirregolaw is-setgħa li jiġu adottati, mibdula jew imħassra r-regolamenti fuq iż-żoni ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi), flimkien rispettivament mal-punt 3 tal-Artikolu 51(1) u mal-Artikolu 52 tal-BayNatSchG (jipprevedu l-entità amministrattiva kompetenti – f’dan il-każ id-Distrett Amministrattiv ta’ Rosenheim – u l-proċedura, rispettivament).

( 21 ) Sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 65.

( 22 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

( 23 ) Madankollu, jekk il-pjanijiet u l-programmi f’dawn is-setturi sensittivi jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u l-introduzzjoni ta’ modifiki żgħar tal-imsemmija pjanijiet jew programmi, dawn għandhom jiġu evalwati biss meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (Artikolu 3(3) tad-Direttiva EAS). Ara l-premessa 10 ta’ din id-direttiva.

( 24 ) Digriet tar-rinviju, punt 27. Il-qorti a quo tiddeduċi mill-għaxar premessa tad-Direttiva EAS, mill-Artikolu 3(2)(a) tagħha u mill-Artikolu 5 tagħha li jeħtieġu l-EAS minn qabel il-pjanijiet u l-programmi maħluqa u ffokati espliċitament lejn wieħed mis-setturi msemmija fl-Artikolu 3(2)(a), li fosthom ma jidhirx dak ta’ din il-kawża.

( 25 ) Digriet tar-rinviju, punt 29.

( 26 ) Ara s-sentenzi Aerogeneros sa Aalter u Nevele, punt 66; tat‑8 ta’ Mejju 2019, “Verdi Ambiente e Società (VAS) – Aps Onlus” et (C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 48); tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Inter‑Environnement Bruxelles et, (C‑671/16, EU:C:2018:403, iktar ’il quddiem is-“sentenza Inter‑Environnement Bruxelles et”, punti 42 sa 45); Thybaut et, punti 47 sa 49; u tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D’Oultremont et (C‑290/15, EU:C:2016:816, iktar ’il quddiem is-“sentenza D’Oultremont et”, punt 44).

( 27 ) Sentenza Inter‑Environnement Bruxelles et, punt 43.

( 28 ) Sentenza Thybaut et, punti 48 u 49.

( 29 ) Kien jirrigwarda d-Digriet Presidenzjali Nru 187/2011, tal‑14 ta’ Ġunju 2011, li kien jistabbilixxi miżuri ta’ protezzjoni taż-żona tal-għolja Himeto (Ymittos) u tal-parkijiet metropolitani ta’ Goudi u ta’ Ilisia, fil-Greċja, sabiex jadattaw protezzjoni ta’ dan is-sit lill-pjan ewlieni tal-ippjanar urban tar-reġjun metropolitan ta’ Ateni. Skont l-Artikolu 1 tiegħu, “l-għan ta’ dan id-digriet huwa l-protezzjoni effikaċi taż-żona muntanjuża Himeto u tas-superfiċi periferali bis-saħħa tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni ekoloġika tal-habitats, tal-flora u tal-fawna, għat-titjib tax-xogħol ekoloġiku importanti tiegħu għall-baċir tal-Attika, tal-protezzjoni tal-pajsaġġi u tal-kontroll tal-bini” (enfasi miżjuda minni).

( 30 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis (C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 20).

( 31 ) Fil-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (COM/96/0511 final; ĠU 1997, C 129, p. 14), il-Kummissjoni rrakkomandat lista miftuħa u mhux eżawrjenti ta’ setturi sensittivi, li għalihom il-pjanijiet u l-programmi jippreċiżaw b’mod obbligatorju EAS minn qabel. Madankollu, il-Pożizzjoni Komuni adottata mill-Kunsill fit‑30 ta’ Marzu 2000 (ĠU 2000, C 137, p. 11) fid-dawl tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent iddeċidiet li tintroduċi lista eżawrjenti ta’ setturi sensittivi.

( 32 ) Il-pjanijiet u l-programmi “ippreparati għal” (verżjoni Spanjola); “élaborés pour” (verżjoni Franċiża); “which are prepared for” (verżjoni Ingliża); “che sono elaborati per” (verżjoni Taljana); “que tenham sido preparados para” (verżjoni Portugiża). Il-verżjoni Ġermaniża tidher iktar restrittiva, billi tirreferi għal pjanijiet u programmi li “in den Bereichen […] ausgearbeitet werden”.

( 33 ) Digriet tar-rinviju, punt 27.

( 34 ) Xejn ma jimpedixxi li jiġu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti ta’ regola, bħalma huwa d-Digriet, fuq l-ambjent, kemm pożittivi kif ukoll negattivi (pereżempju dawk li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tagħha fir-rigward ta’ dawk preċedenti, b’tali mod li jippermettu proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ djar fuq uċuħ protetti sa dak iż-żmien). Dan kollu jibqa’ l-fatt li, fin-nuqqas ta’ inkorporazzjoni ta’ qafas ġenwin ta’ referenza, dan ma għandux neċessarjament jiġi suġġett għal EAS, kif ser neżamina iktar ’il quddiem.

( 35 ) Il-qorti a quo tirrikonoxxi (punt 22 tad-digriet tar-rinviju) li d-“Digriet jipprovdi […] ċertu numru ta’ projbizzjonijiet ġenerali u ta’ obbligi ta’ awtorizzazzjoni għal numru kbir ta’ proġetti u ta’ użu”. Enfasi miżjuda minni.

( 36 ) L-Avukata Ġenerali Kokott, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi CFE u Terre wallonne (C‑43/18 u C‑321/18, EU:C:2019:56, punt 43), sempliċement qalet li “wieħed faċilment jifhem id-dubji espressi minn diversi partijiet dwar jekk l-għażla ta’ żona speċjali ta’ konservazzjoni jew l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti Natura 2000 ta’ reġjun jaqgħux taħt dawn l-oqsma [previsti fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2001/43]”.

( 37 ) Punt 1 tal-Artikolu 5(1).

( 38 ) Punti 4 u 5 tal-Artikolu 5(1).

( 39 ) Punt 6 tal-Artikolu 5(1)

( 40 ) Punti 8, 9 u 10 tal-Artikolu 5(1).

( 41 ) Skont Bund Naturschutz (p. 17 tal-verżjoni Franċiża tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha), dan l-istess artikolu jista’ jaffettwa l-użu tal-art, billi jaffettwa x-xogħlijiet futuri ta’ kostruzzjoni, peress li ma inkludiex “klawżola preventiva ta’ ftuħ”, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali. Ir-risposta għal dan l-argument tiddependi madankollu mill-interpretazzjoni tad-dritt intern.

( 42 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, “Verdi Ambiente e Società (VAS) – Aps Onlus” et (C‑305/18, EU:C:2019:384, punt 47), u s-sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 65.

( 43 ) Sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Pro‑Braine et (C‑121/11, EU:C:2012:225, punt 31); tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 62); u tad‑9 ta’ Settembru 2020, Friends of the Irish Environment (C‑254/19, EU:C:2020:680, punt 32).

( 44 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 25), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 74).

( 45 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 74); tal‑11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 20); u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 75).

( 46 ) Punt 22 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 47 ) Fosthom hemm: “installazzjoni ta’ trakkijiet ta’ bejgħ jew ta’ mmontar, tqegħid u ġestjoni ta’ punti ta’ bejgħ u magni ta’ bejgħ” (il-punt 2(d) tal-Artikolu 5(1)); “iċ-ċirkulazzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ vetturi bil-mutur barra minn toroq, mogħdijiet u spazji miftuħa għaċ-ċirkulazzjoni pubblika jew li jistabbilixxuhom fuq tali żoni” (il-punt 3 tal-Artikolu 5(1)); “kampeġġ jew stazzjonar tal-karavans (inklużi l-karrijiet li jingħalqu) jew vetturi residenzjali bil-mutur barra mill-postijiet awtorizzati jew li jippermettu tali aġir” (il-punt 12 tal-Artikolu 5(1)); “it-titjir jew l-inżul ta’ inġenji tal-ajru barra mill-ajruporti awtorizzati” (il-punt 13 tal-Artikolu 5(1)).

( 48 ) Skont l-Artikolu 4, huma pprojbiti “fiż-żona ta’ protezzjoni tal-pajsaġġi, azzjonijiet li jbiddlu n-natura tagħhom jew li jmorru kontra l-għan ta’ protezzjoni mfittex”. Fl-Artikolu 5, il-projbizzjoni testendi għall-“bini, il-konverżjoni jew it-tibdil fl-użu ta’ kwalunkwe installazzjoni” (punt 1 tal-paragrafu 1); “l-installazzjoni ta’ wajers kondutturi, kejbils jew pajpijiet fuq jew taħt l-uċuħ tal-art u t-tqegħid ta’ arbli” (punt 2(b) tal-paragrafu 1) “il-bini jew it-tibdil sostanzjali ta’ toroq, mogħdijiet jew spazji, b’mod partikolari, ta’ kampeġġi, grawnds tal-isport, ż-żoni tal-logħob u ż-żoni tal-għawm jew ta’ faċilitajiet simili” (punt 2(c) tal-paragrafu 1); “il-ġbid tal-ilma tal-wiċċ lil hinn minn użu komuni awtorizzat jew ta’ taħt l-art, it-tibdil tal-korpi tal-ilma, ix-xtut tagħhom jew il-qigħan tagħhom, il-fluss tad-dħul jew tal-ħruġ tal-ilma jew il-livell pidemometriku, il-ħolqien ta’ korpi ġodda tal-ilma jew il-bini ta’ sistemi ta’ dranaġġ” (punt 4 tal-paragrafu 1); “il-qtugħ, it-twaqqigħ jew l-eliminazzjoni b’kull mod ieħor, f’ambjenti miftuħa u barra minn foresti, siġar individwali, sisien tal-ħaxix, ċnut tal-ħaxix jew imsaġar jew arbuxxelli tal-għelieqi li jikkaratterizzaw il-pajsaġġ” (punt 8 tal-paragrafu 1); “tqaċċit totali jew parzjali forestali, twettiq tal-ewwel forestazzjoni jew qtugħ dritt f’dan il-kuntest ta’ iktar minn 0.5 ettaru, trasformazzjoni ta’ foresti li jwaqqgħu l-weraq, imħallta jew alluvjali f’foresti li għandhom kontenut predominanti ta’ koniferiji jew li jistabbilixxu pjanti speċjalizzati (pereżempju, mixtla)” (punt 9 tal-paragrafu 1).

( 49 ) Punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Proġetti ta’ “bini ta’ awtostradi u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa” (punt 7(b) tal-Anness I); ta’ “l-bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ korsiji jew iktar” (punt 7(c) tal-Anness I); “għall-immaniġġjar tal-ilma għall-biedja, inklużi t-tisqija u proġetti għat-tnixxif ta’ artijiet mgħaddra” (punt 1(c) tal-Anness II), jew tal-“afforestazzjoni u d-deforestazzjoni tal-bidu bil-għan ta’ qlib għal użu ieħor tal-art” (punt 1(d) tal-Anness II).

( 51 ) Enfasi miżjuda minni.

( 52 ) Konklużjonijiet Eoliċi f’Aalter u f’Nevelle, punt 74.

( 53 ) Sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 75.

( 54 ) Sentenzi D’Oultremont et, punt 49; Inter‑Environnement Bruxelles et, punt 53; CFE, punt 61; u Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 67.

( 55 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2012, Inter‑Environnement Wallonie u Terre wallonne (C‑41/11, EU:C:2012:103, iktar ’il quddiem is-“sentenza Inter‑Environnement Wallonie et”, punt 42); Inter‑Environnement Bruxelles et, punt 54; u Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 68.

( 56 ) Konklużjonijiet Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 90. Ara s-sentenzi Inter‑Environnement Bruxelles et, punt 64, u Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 70.

( 57 ) Din l-idea hija kondiviża fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż (punt 22 tal-osservazzjonijiet tagħhom), Ċek (punti 14, 19 u 23 tal-osservazzjonijiet tagħhom) u Irlandiż (punti 32 u 40 tal-osservazzjonijiet tagħhom).

( 58 ) Is-sentenza d’Oultremont et, punt 50, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li “tali regoli għandhom importanza u portata suffiċjentement sinjifikattivi għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli għas-settur ikkonċernat u l-għażliet b’mod partikolari ta’ natura ambjentali magħmula permezz ta’ dawn ir-regoli huma mitluba sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom il-proġetti konkreti ta’ kostruzzjoni u ta’ użu ta’ siti eoliċi jistgħu jiġu awtorizzati fil-futur”.

( 59 ) Sentenza Eoliċi f’Aalter u f’Nevele.

( 60 ) Sentenza Inter‑Environnement Bruxelles et, punti 48 sa 50.

( 61 ) Digriet tar-rinviju, punt 25.

( 62 ) Osservazzjonijiet bil-miktub, punt 33.

( 63 ) “Il-Foresta Soignes b’limiti u żoni bis-siġar viċini u l-Wied tal-Woluwe – Kumpless tal-Foresta ta’ Soignes – Wied tal-Woluwe”.

( 64 ) Il-qorti tar-rinviju qieset li n-nomina ta’ sit bħala ŻSK kienet tipproduċi effetti legali fuq l-adozzjoni ta’ pjanijiet u fuq l-eżami ta’ talbiet għal permess li jaffettwaw l-imsemmi sit, kemm fil-qasam tal-proċedura kif ukoll fir-rigward tal-kriterju deċiżjonali, u għalhekk tikkontribwixxi sabiex jiġi ddefinit il-kuntest għall-azzjonijiet li bħala prinċipju huma ammessi, imħeġġa jew ipprojbiti, b’tali mod li ma tirriżultax estranja għall-kunċett ta’ pjan jew ta’ programm (sentenza CFE, punt 63).

( 65 ) Sentenza CFE, punti 62 u 74.

( 66 ) Sentenza CFE, punt 60.

( 67 ) F’din id-deċiżjoni preliminari, ma ġiet magħmula ebda domanda dwar il-habitats naturali u l-ispeċi selvaġġi ta’ flora u fawna ta’ interess Komunitarju, li huma rregolati mid-Direttiva 92/43. Ir-rekwiżiti dwar il-pjanijiet u l-programmi tad-Direttiva EAS ma jistgħux jiġu applikati, madankollu, lill-istatus legali ta’ dawn il-habitats u speċi.

( 68 ) Skont il-qorti a quo (punt 16 tad-digriet tar-rinviju), l-assenza ta’ effetti tista’ tiġi invokata minn kull persuna li tixtieq twettaq proġett fiż-żona protetta. F’tali każ, l-qorti kompetenti tkun obbligata tanalizza, inċidentalment, il-validità tad-digriet, mingħajr ma d-dritt nazzjonali jistabbilixxi ebda terminu, peress li, hija tirrileva, ir-regolamenti – b’differenza mill-atti amministrattivi – ma jiksbux natura definittiva.

( 69 ) Punt 16 tad-digriet tar-rinviju, in fine.

( 70 ) Il-qorti tar-rinviju tenfasizza (punt 16 tad-digriet tar-rinviju) l-importanza tal-kwistjonijiet imqajma, iżda, nerġa’ nirrepeti, ma titlobx espressament lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ta’ eventwali sentenza li minnha tirriżulta l-inkompatibbiltà tad-Digriet mad-Direttiva EAS.

( 71 ) Huma avżaw ukoll dwar l-ispiża amministrattiva li tirriżulta mill-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri għan-nomina ta’ żoni u t-twettiq tal-EAS minn qabel, jekk dawn kienu neċessarji.

( 72 ) Sentenza CFE, punt 41.

( 73 ) Sentenzi Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 82, u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603; iktar ’il quddiem is-“sentenza Association France Nature Environnement”, punt 30).

( 74 ) Din ir-riflessjoni u dawk li se nesponi fil-punti li ġejjin jikkorrispondu għal dawk tal-konklużjonijiet Eoliċi f’Aalter u f’Nevele.

( 75 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Association France Nature Environnement (punti 31 u 32); tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 75); u Eoliċi f’Aalter u f’Nevele, punt 83.

( 76 ) Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tispeċifika t-tifsira u l-portata tal-imsemmija regola, kif għandha jew kif kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola li ġiet interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi li jinħolqu u li jiġu stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu ssodisfatti (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch‑Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 60, u tas‑16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capital, C‑339/19, EU:C:2020:709, punt 47)

( 77 ) Sentenzi tal‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828), punt 61, u tas‑16 ta’ Settembru 2020, Romenergo u Aris Capital (C‑339/19, EU:C:2020:709), punti 48 u 50. Fil-punt 49 ta’ din l-aħħar sentenza, jiġi spjegat li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi, meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti, b’mod partikolari, għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u li jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa jadottaw aġir li jmur kontra d-dritt tal-Unjoni, minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li eventwalment ikkontribwixxa għaliha l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni Ewropea (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch‑Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 78 ) Sentenza CFE, punt 41. Preċedentement, dan kien diġà l-każ tal-evalwazzjoni ambjentali tal-proġetti suġġetti għad-Direttiva SEA fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción‑CODA (C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 41).

( 79 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punti 66 u 67), u Association France Nature Environnement, punt 33.

( 80 ) Sentenzi tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter‑Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622, punt 177), u Eolici f’Aalter u f’Nevele, punt 84.

( 81 ) Punt 50 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.

( 82 ) Osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Bund Naturschutz, p. 25, li jirreferu għas-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) tal‑25 ta’ Ottubru 1979 – 2 N 1/78 – BVerwGE 59, 48 sa 56, punt 11. Waqt is-seduta, il-Gvern Ġermaniż u l-Landesanwaltschaft Bayern ikkontestaw li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għal dan il-każ.

( 83 ) Wara s-seduta, il-Qorti Ġenerali ġiet informata bl-introduzzjoni fl-Artikolu 22 tal-BNatschGH tal-paragrafi 2a u 2b, li jippermettu ż-żamma taż-żoni ta’ protezzjoni.

( 84 ) Punti 59 sa 63. Fuq l-istess linja, is-sentenza Association France Nature Environnement, punt 43.

( 85 ) Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk, fid-dritt intern, in-nuqqas ta’ EAS qabel id-Digriet jirriżultax fl-invalidità (nullità) ta’ dan tal-aħħar jew fin-nuqqas ta’ effett tiegħu biss.

( 86 ) Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi liema huma l-effetti – erga omnes jew limitati biss għar-rikors indirett inkwistjoni – ta’ sentenza mogħtija f’tilwima li tirrigwarda r-rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari, wara li tkun ikkonstatat id-difett formali li jaffettwa d-digriet korrispondenti. F’dan ir-rigward, nirreferi għall-punti 125 sa 130 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Eolici f’Aalter u f’Nevele.