KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit‑2 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑262/20

VB

vs

Glavna direktsia „Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto“ kam Ministerstvo na vatreshnite raboti

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Limitazzjoni tat-tul tax-xogħol ta’ billejl – Ħaddiema fis-settur pubbliku u dak privat – Ugwaljanza fit-trattament”

1.

Sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema, li huma l-għanijiet segwiti permezz tad-Direttiva 2003/88/KE ( 2 ), huwa neċessarju li l-Istati Membri jipprevedu li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għall-persunal tat-tifi tan-nar ikun iqsar mit-tul normali previst għax-xogħol matul il-ġurnata? Hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet inklużi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tul massimu tax-xogħol ta’ billejl ta’ seba’ sigħat esklużivament għall-ħaddiema fis-settur privat? Finalment, huwa neċessarju li l-Istati Membri jipprevedu espressament it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl, ukoll għall-membri tal-persunal fis-settur pubbliku?

2.

Dawn huma, essenzjalment, il-kwistjonijiet imqajma mit-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija), is-suġġett ta’ din il-proċedura, li joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tapprofondixxi, b’riferiment għad-Direttiva 2003/88 iżda anki għal ċerti dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 31), fuq il-kwistjoni tal-limiti għax-xogħol ta’ billejl, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli fis-seħħ fl-Istati Membri għas-settur privat u dak pubbliku.

3.

F’dawn il-konklużjonijiet ser nesponi r-raġunijiet għaliex nikkunsidra li d-Direttiva 2003/88 tiżgura lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-istabbiliment ta’ regoli fil-qasam tax-xogħol ta’ billejl, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti minimi imposti mid-Direttiva stess, li l-għan tagħha huwa li tiżgura l-effettività sħiħa tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali “għandha jkollha l-istess valur legali bħat-Trattati”.

5.

L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi:

“Kull persuna hija ugwali f’għajnejn il-liġi.”

6.

L-Artikolu 31, intitolat “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, jipprevedi:

“1.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”.

7.

Skont il-premessi 7, 8 u 10 tad-Direttiva 2003/88:

“(7)

Ir-riċerka uriet li l-ġisem uman huwa aktar sensittiv matul il-lejl għal disturbi ambjentali u wkoll għal ċerti tipi tqal ta’ organizzazzjoni u li perjodi twal ta’ xogħol matul il-lejl jistgħu ikunu ta’ detriment għas-saħħa ta’ ħaddiema u jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tagħhom fil-post tax-xogħol.

(8)

Hemm ħtieġa li tkun illimitata l-medda tal-perjodi tax-xogħol bil-lejl, inkluża s-sahra, u li jkun hemm provvediment għal dawk li jħaddmu li jutilizzaw il-ħaddiema matul il-lejn li jwaslu din l-informazzjoni għall-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti jekk dawn hekk jitolbu.

[…]

(10)

Is-siwazzjoni tal-ħaddiema tal-lejl u bix-shift teħtieġ li l-livell tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa għandu jkun adottat għan-natura tax-xogħol tagħhom u li l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-servizzi u r-riżorsi tal-protezzjoni u l-prevenzjoni għandhom ikunu effiċjenti”.

8.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “It-tul tax-xogħol bil-lejl” jipprevedi li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)

is-sigħat normali tax-xogħol għal ħaddiema ta’ bil-lejl ma jkunux jeċċedu l-medja ta’ tmien sigħat fi kwanulkwe perjodu ta’ 24 siegħa;

(b)

il-ħaddiema ta’ matul il-lejl li x-xogħol tagħhom jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali ma jaħdmux għal aktar minn tmien sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa li matulhom huma jwettqu x-xogħol ta’ matul il-lejl.

Għall-iskopijiet tal-punt (b), xogħol li jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali għandu jkun definit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, billi jittieħed akkont ta’ l-effetti speċifiċi u l-perikoli tax-xogħol matul il-lejl”.

9.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa”, jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassiguraw li:

(a)

ħaddiema tal-lejl u ħaddiema tax-shift ikollhom protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa xierqa għan-natura tax-xogħol tagħhom;

(b)

servizzi jew faċilitajiet ta’ protezzjoni u prevenzjoni xierqa fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa ta’ ħaddiema tal-lejl u ta’ ħaddiema tax-shift li huma ekwivalenti għal dawk applikabbli għal ħaddiema oħrajn u li jkunu disponibbli fi kwalunwe waqt”.

B.   Id-dritt nazzjonali

10.

Skont l-Artikolu 140 tal-Kodeks na truda (il-Kodiċi tax-Xogħol):

“(1)   It-tul normali ta’ kull ġimgħa ta’ xogħol ta’ billejl għal ġimgħa ta’ xogħol ta’ 5 ijiem tax-xogħol ma jistax ikun iktar minn 35 siegħa. It-tul normali tax-xogħol ta’ billejl f’ġimgħa ta’ 5 ijiem tax-xogħol ma jistax ikun iktar minn 7 sigħat.

(2)   Ix-xogħol ta’ billejl huwa x-xogħol imwettaq bejn l‑22.00 u s‑6.00, perijodu li huwa estiż, għall-ħaddiema li għandhom inqas minn 16‑il sena, mit‑20.00 sas‑6.00.

[…]”

11.

L-Artikolu 142 taz-Zakon za Ministerstvo na vatreshnite raboti (il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern, DV Nru 53 tas‑27 ta’ Ġunju 2014, iktar ’il quddiem iz-“ZMVR”) jistabbilixxi:

“(1)   Il-persunal tal-Ministeru għall-Intern huma:

1.

il-persunal fis-settur pubbliku - aġenti tal-pulizija u aġenti tas-servizz tat-tifi tan-nar u tal-protezzjoni ċivili;

2.

il-persunal fis-settur pubbliku;

3.

l-aġenti bil-kuntratt għal xogħol privat.

[…]

(5)   L-istatus tal-aġenti bil-kuntratt għal xogħol privat huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol u minn din il-liġi.

[…]”

12.

Skont l-Artikolu 187 taz-ZMVR:

“(1)   Il-ħin tax-xogħol normali għall-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern huwa ta’ 8 sigħat kuljum u ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa għal ġimgħa tax-xogħol ta’ 5 ijiem.

[…]

(3)   It-tul tax-xogħol tal-persunal fis-settur pubbliku huwa kkalkolat f’jiem tax-xogħol fuq bażi ta’ kuljum, filwaqt li huwa kkalkolat fuq perijodu ta’ tliet xhur għal dawk li jagħmlu shifts ta’ 8, 12 jew 24 siegħa. […] Fil-każ ta’ xogħol bix-shift, ix-xogħol ta’ billejl jista’ jsir mill‑22.00 sas‑6.00, iżda t-tul medju tax-xogħol ma jistax jaqbeż it‑8 sigħat għal perijodu ta’ 24 siegħa.

[…]

(9)   Il-proċeduri għall-organizzazzjoni u għat-tqassim tal-ħin tax-xogħol tal-persunal fis-settur pubbliku u l-kontabbiltà tiegħu, il-kumpens għax-xogħol imwettaq mill-persunal fis-settur pubbliku lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol, is-sistema ta’ servizz, il-mistrieħ u l-waqfiet għall-persunal tas-settur pubbliku huma ddeterminati b’digriet tal-Ministru tal-Intern.”

13.

L-Artikolu 188(2) taz-ZMVR jipprevedi kif ġej:

“Il-persunal fis-settur pubbliku li jaħdem bejn l‑22.00 u s‑6.00 jgawdi mill-protezzjoni speċjali prevista mill-Kodiċi tax-Xogħol”.

14.

Id-digrieti maħruġa mill-Ministru għall-Intern fuq il-bażi tal-Artikolu 187(9) taz-ZMVR jistabbilixxu d-dettalji tal-organizzazzjoni u tat-tqassim tal-ħin tax-xogħol, il-kumpens għax-xogħol imwettaq lil hinn mill-ħin tax-xogħol normali u l-modalitajiet ta’ mistrieħ u ta’ waqfien tal-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern.

15.

B’dan il-mod, id-Digriet Nru 8121z‑407 tal‑11 ta’ Awwissu 2014 (DV Nru 69 tad‑19 ta’ Awwissu 2014, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑2014”), ippreveda fl-Artikolu 31(2) il-konverżjoni tas-sigħat tax-xogħol ta’ billejl f’sigħat tax-xogħol matul il-ġurnata permezz tal-applikazzjoni ta’ multiplikatur; għalhekk is-sigħat maħduma bejn l-22.00 u s-6.00 kellhom jiġu mmultiplikati b’koeffiċjent ta’ 0.143 u r-riżultat kellu jiġi miżjud man-numru totali ta’ sigħat maħduma f’dan il-perijodu.

16.

Dan id-digriet tħassar mid-Digriet Nru 8121h‑592 tal‑25 ta’ Mejju 2015 (DV Nru 40 tat‑2 ta’ Ġunju 2015) u sussegwentement mid-Digriet Nru 8121h‑776 tad‑29 ta’ Lulju 2016 (DV Nru 60 tat‑2 ta’ Awwissu 2016), li ma għadux jipprevedi s-sistema ta’ valutazzjoni tas-sigħat ta’ xogħol ta’ billejl prevista mill-Artikolu 31(2) tad-Digriet tal‑2014.

17.

Fir-rigward tal-ħaddiema li ma jaħdmux fil-Ministeru għall-Intern, l-Artikolu 9(2) tad-Digriet dwar l-Istruttura u l-Organizzazzjoni tar-Remunerazzjonijiet (DV Nru 9 tas‑26 ta’ Jannar 2007) jipprevedi li ġej:

“Skont il-metodi tal-kalkolu għall-aggregazzjoni tal-ħin tax-xogħol, is-sigħat tax-xogħol ta’ billejl jiġu kkonvertiti f’sigħat tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata permezz ta’ koeffiċjent li jirrifletti r-rabta bejn it-tul normali tal-ħin tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata u dak tal-ħin tax-xogħol ta’ billejl, stabbilit fid-dawl tal-kontabbiltà ta’ kuljum tal-ħin tax-xogħol għal pożizzjoni speċifika”.

II. Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

18.

VB huwa impjegat tal-uffiċċju distrettwali tal-Belt ta’ Lukovit (il-Bulgarija) fid-Direttorat Ġenerali “Protezzjoni kontra n-Nar u Protezzjoni tal-Popolazzjoni” tal-Ministeru għall-Intern (iktar ’il quddiem id-“Direttorat”) u għandu l-kariga ta’ “superjur tax-shift”.

19.

Matul il-perijodu kontenzjuż, mit‑3 ta’ Ottubru 2016 sat‑3 ta’ Ottubru 2019, VB wettaq erbgħa u għoxrin siegħa ta’ xogħol bħala gwardjan permanenti, ikkalkolati komplessivament fuq perijodu ta’ tliet xhur. Għal kull trimestru ġew ikkalkolati u rremunerati lil VB is-sigħat kollha tas-sahra mwettqa lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol għal kull perijodu.

20.

Sal‑25 ta’ Mejju 2015, minħabba d-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien (digriet tal-Ministru għall-Intern tal‑2014), is-servizz ta’ billejl imwettaq minn VB kien qiegħed jiġi mmultiplikat b’0.143 u r-riżultat miżjud man-numru totali ta’ sigħat maħduma fil-perijodu kontabbli; u b’dan il-mod, seba’ sigħat ta’ xogħol ta’ billejl kienu qegħdin jiġu kkalkolati bħala tmien sigħat ta’ xogħol imwettaq.

21.

Id-digriet sussegwenti tal‑2015 ma għadux jinkludi dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip. Konsegwentement, mill‑25 ta’ Mejju 2015 u, għalhekk, matul il-perijodu inkwistjoni, id-Direttorat iddeċieda li ma jibqax japplika l-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tas-sigħat tax-xogħol ta’ billejl f’sigħat tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata fil-komputazzjoni tax-xogħol imwettaq.

22.

VB ippreżenta rikors quddiem ir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit), qorti tal-prim’istanza fis-sistema nazzjonali u l-qorti tar-rinviju, fejn talab li l-imsemmi direttorat jiġi kkundannat sabiex jagħtih, bħala remunerazzjoni tas-sigħat tas-sahra mwettqa u mhux imħallsa, 1 683.74 lev Bulgaru (BGN) bl-interessi moratorji legali.

23.

Huwa jsostni li, matul il-perijodu bejn it‑3 ta’ Ottubru 2016 u t‑3 ta’ Ottubru 2019, wettaq xogħol ta’ billejl għal tul totali ta’ 1784 siegħa li d-Direttorat kellu jikkonverti f’sigħat ta’ servizz ta’ matul il-ġurnata bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjent ta’ 1.143.

24.

Fil-fehma tiegħu, id-Direttorat kellu, għal dan l-għan, japplika l-Artikolu 9(2) tad-Digriet dwar l-Istruttura u dwar l-Organizzazzjoni tar-Remunerazzjonijiet ( 3 ), li bis-saħħa tiegħu, fil-każ ta’ kalkolu komplessiv tas-sigħat tax-xogħol, is-sigħat tax-xogħol ta’ billejl jiġu kkonvertiti f’sigħat tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata permezz ta’ koeffiċjent li jikkorrispondi għar-rapport bejn it-tul normali tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata u t-tul tax-xogħol ta’ billejl għall-pożizzjoni rispettiva.

25.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ssospendiet il-proċedura prinċipali u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-protezzjoni effettiva taħt l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88/KE tirrikjedi li t-tul normali tax-xogħol ta’ bil-lejl għall-pulizija u għall-persunal tat-tifi tan-nar ikun iqsar mit-tul normali tax-xogħol matul il-ġurnata?

2)

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza, irrikonoxxut fl-Artikoli 20 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedi li t-tul normali tax-xogħol ta’ bil-lejl ta’ seba’ sigħat ta’ xogħol għall-ħaddiema fis-settur privat, kif iffissat fid-dritt nazzjonali, għandu japplika wkoll għall-ħaddiema fis-settur pubbliku, inkluż għall-pulizija u għall-persunal tat-tifi tan-nar?

3)

Sabiex jintlaħaq b’mod effettiv l-għan iddikjarat fil-premessa 8 tal-preambolu tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri li jiġi llimitat it-tul tax-xogħol ta’ bil-lejl, huwa meħtieġ li d-dispożizzjoni nazzjonali legali tispeċifika t-tul normali tax-xogħol ta’ bil-lejl, inkluż għall-membri tal-persunal fis-settur pubbliku?”

III. Analiżi legali

A.   Applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

26.

L-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari ntalbet mill-qorti tar-rinviju minħabba n-numru kbir ta’ kawżi pendenti quddiem il-qrati Bulgari simili għal dik eżaminata llum u s-soluzzjonijiet diverġenti adottati minn dawn il-qrati.

27.

Madankollu, peress li din il-kawża ma tirrigwardax wieħed mis-setturi kkunsidrati mit-Titolu V tat-tielet parti tat-TFUE, rigward l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma jistax jiġi applikat f’din il-kawża.

B.   L-ammissibbiltà tad-domandi

28.

Id-Direttiva 2003/88, ibbażata fuq l-Artikolu 153(2) TFUE, tillimita ruħha li tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema u ma tapplikax, skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, għal kwistjonijiet relatati mar-remunerazzjoni tal-ħaddiema, b’eċċezzjoni fil-każ tal-ipoteżi speċifika fir-rigward tal-leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva; għaldaqstant, bħala prinċipju, din ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema ( 4 ).

29.

Fil-proċedura fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni tirrigwarda d-determinazzjoni tan-numru ta’ sigħat tax-xogħol ta’ sahra mwettqa mir-rikorrent billejl, sabiex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tiegħu u sabiex jinkiseb il-ħlas tas-sigħat mhux imħallsa.

30.

Is-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, skont il-qorti tar-rinviju, tiddependi fuq l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “tul tax-xogħol bil-lejl” skont l-Artikoli 8 u 12 tad-Direttiva 2003/88, fil-kuntest tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

31.

Kif il-Kummissjoni Ewropea osservat korrettement, l-għan prinċipali tad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja huwa li jiġi stabbilit jekk ir-regola applikabbli għall-persunal tal-Ministeru għall-Intern rigward it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għandhiex tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol previsti għall-ħaddiema tas-settur privat u li jistabbilixxu t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għal sebgħa sigħat (dan ikun jimplika l-konverżjoni tax-xogħol ta’ billejl f’xogħol ta’ matul il-ġurnata, li jkollu impatt fuq ir-remunerazzjoni tar-rikorrent). Għalhekk teżisti rabta bejn id-domandi preliminari u s-suġġett tat-tilwima.

32.

Il-fatt li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda, għalhekk, kwistjoni ta’ remunerazzjoni huwa irrilevanti, peress li hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dik il-kwistjoni fil-kuntest tal-proċedura prinċipali ( 5 ).

33.

Meħuda inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni ta’ rilevanza tad-domandi preliminari, nikkunsidra, għalhekk, li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari jeżiġu risposta fuq il-mertu.

C.   Għanijiet tad-Direttiva u diskrezzjoni tal-Istati Membri

34.

Id-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex tittejjeb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, għan li jintlaħaq, fost l-oħrajn, permezz tal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħin tax-xogħol ( 6 ).

35.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxu: perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa, limitu ta’ tmienja u erbgħin siegħa għat-tul medju tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa (inklużi s-sigħat ta’ xogħol tas-sahra), kif ukoll it-tul massimu tal-ħin tax-xogħol ta’ billejl.

36.

L-imsemmija dispożizzjonijiet jimplimentaw l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, wara li jirrikonoxxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.”, jipprevedi, fil-paragrafu 2, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”. Tali dritt huwa marbut direttament mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem li hija protetta b’mod iktar wiesa’ fit-Titolu I tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 7 ).

37.

Huwa f’dan il-kuntest sistematiku li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li huma ta’ importanza partikolari li għandu jibbenefika minnhom kull ħaddiem inkwantu rekwiżiti minimi meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tiegħu ( 8 ).

38.

Fost dawn il-protezzjonijiet, il-previżjoni ta’ limitu massimu għat-tul tax-xogħol ta’ billejl ( 9 ) ma hijiex biss fl-interess individwali tal-ħaddiem, iżda wkoll ta’ dak tal-persuna li timpjegah kif ukoll fl-interess ġenerali ( 10 ). B’mod partikolari, is-seba’ u l-għaxar premessa tad-Direttiva 2003/88 jenfasizzaw il-konsegwenzi potenzjalment dannużi tax-xogħol ta’ billejl u l-ħtieġa li t-tul tiegħu jiġi llimitat, sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni ikbar fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

39.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-effettività tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema permezz tad-Direttiva 2003/88 għandha tiġi żgurata b’mod sħiħ, u dan jimplika neċessarjament l-obbligu tal-Istati Membri li jiggarantixxu l-osservanza tar-rekwiżiti minimi individwali imposti minn din id-direttiva. Din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li hija konformi mal-għan tad-Direttiva 2003/88 li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, li tippermettilhom jibbenefikaw b’mod effettiv mid-drittijiet li din tagħtihom ( 11 ).

40.

Ir-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2003/88, kif għadhom kif ġew deskritti, jimponu fuq l-Istati Membri obbligi ta’ riżultat sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-drittijiet mogħtija minnha lill-ħaddiema.

41.

Madankollu, mill-istess direttiva, partikolarment mill-premessa 15 tagħha, jirriżulta li din tagħti ċerta flessibbiltà lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha ( 12 ).

42.

Isegwi għalhekk li l-Istati Membri jgawdu minn ċertu marġni ta’ diskrezzjoni rigward il-modalitajiet kif jimplimentaw l-imsemmija rekwiżiti minimi, filwaqt li huma, madankollu, fl-istess waqt obbligati, kif jirriżulta espliċitament mill-istess premessa tad-Direttiva 2003/88, li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema ( 13 ).

D.   Id-domandi preliminari

1. Osservazzjonijiet ġenerali

43.

Mill-qari tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li fl-Istat Membru li minnha toriġina l-imsemmija talba jinsab għaddej dibattitu li jinvolvi diversi livelli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tar-regoli applikabbli għax-xogħol ta’ billejl tal-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern u, b’mod partikolari tal-persunal tat-tifi tan-nar, kategorija li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jappartjeni għaliha.

44.

L-elementi ta’ fatt utli għall-finijiet tal-analiżi legali li jidhirli li jistgħu jiġu dedotti mill-proċess huma s-segwenti.

45.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa membru tal-korp tal-persunal tat-tifi tan-nar, kategorija li jidhirli li hija inkluża fost il-persunal fis-settur pubbliku – aġenti tal-pulizija u aġenti tas-servizz tat-tifi tan-nar u tal-protezzjoni ċivili tal-Ministeru għall-Intern skont l-Artikolu 142 taz-ZMVR.

46.

Fil-Bulgarija teżisti regola ġenerali għax-xogħol ta’ billejl stabbilita mill-Kodiċi tax-Xogħol u waħda speċjali għall-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern (ZMVR).

47.

Iz-ZMVR jirregola r-relazzjoni ta’ xogħol tal-persunal tal-Ministeru għall-Intern li huma: aġenti tal-pulizija u uffiċjali tat-tifi tan-nar u tal-protezzjoni ċivili, persunal fis-settur pubbliku, aġenti bil-kuntratt. L-istatus tal-persunal bil-kuntratt huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol u taz-ZMVR (l-Artikolu 142).

48.

Il-leġiżlazzjoni tal-ħin tax-xogħol (anki ta’ billejl) tal-persunal fis-settur pubbliku (li għalih nikkunsidra li hija applikabbli anki l-kategorija tal-persunal tat-tifi tan-nar li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jappartjeni għaliha) hija prevista espressament mill-Artikolu 187 taz-ZMBR, li jagħmel riferiment għal regoli ddettaljati għal digrieti speċifiċi tal-Ministeru għall-Intern.

49.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont l-Artikolu 187(1) taz-ZMVR, it-tul normali tal-ħin tax-xogħol tal-persunal tal-Ministeru huwa ta’ tmien sigħat kuljum. Din il-liġi speċjali, li tapplika għall-persunal tas-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern, ma tinkludi ebda dispożizzjoni espliċita li tistabbilixxi t-tul normali tas-servizz ta’ billejl, iżda tirregola biss liema perijodu ta’ żmien jitqies bħala billejl, jiġifieri mill‑22.00 sas‑6.00, b’mod analogu għal dak li huwa stabbilit mill-Kodiċi tax-Xogħol.

50.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva għal darba oħra, li l-Artikolu 188(2) taz-ZMVR jirreferi espressament għall-protezzjoni prevista mill-Kodiċi tax-Xogħol, li tinkludi ħin tax-xogħol ta’ billejl iqsar, jiġifieri sa seba’ sigħat.

51.

Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li d-dispożittiv tal-Artikolu 187(3) taz-ZMVR ma jipprevedix tul normali tax-xogħol ta’ billejl ta’ tmien sigħat, iżda jillimita ruħu sabiex jippreċiża li, fil-każ ta’ xogħol bix-shifts, bħal f’din il-kawża, huwa legali wkoll ix-xogħol ta’ billejl bejn l‑22.00 u s‑6.00, iżda madankollu, bħala medja, is-sigħat tax-xogħol ma jistgħux ikunu iktar minn tmienja f’perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa.

52.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għall-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern għandu jkun ta’ seba’ sigħat, sabiex dawn ma jkunux suġġetti għal trattament inqas favorevoli meta mqabbla mal-persunal tas-settur privat.

53.

L-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li għadha kif ġiet deskritta, skont dak indikat mill-qorti tar-rinviju, ġiet miċħuda mill-qorti tal-appell (l-Okrazhen sad Lovech – il-Qorti Reġjonali ta’ Lovech, il-Bulgarija) li, skont ma jinftiehem, f’każ bħal dik fil-kawża prinċipali tirrappreżenta l-aħħar istanza ta’ qorti fis-sistema nazzjonali.

54.

Il-pożizzjoni bażika tal-qorti tal-appell, espressa fis-sentenzi mogħtija minnha fir-rigward ta’ domandi identiċi tal-persunal tal-pulizija u tat-tifi tan-nar, hija bbażata fuq żewġ argumenti prinċipali.

55.

L-ewwel kunsiderazzjoni hija li l-assenza, fir-regoli ġuridiċi ta’ livell inferjuri adottati wara t-tħassir tad-Digriet tal‑2014, ta’ regola li tipprevedi t-trasformazzjoni tas-sigħat tax-xogħol ta’ billejl f’sigħat tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata b’relazzjoni ta’ 7 għal 8, tirrappreżenta deċiżjoni tal-leġiżlatur u mhux lakuna leġiżlattiva. Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li n-natura dubjuża ta’ tali soluzzjoni ġuridika tista’ twassal lil-leġiżlatur fil-futur sabiex jitbiegħed minnha jew jemendaha, iżda li din in-natura ma tistax tikkostitwixxi argument favur l-applikazzjoni tar-regola b’analoġija.

56.

It-tieni argument huwa li l-Artikolu 188(2) taz-ZMVR ma huwiex applikabbli direttament, peress li jagħmel riferiment għall-protezzjoni speċjali prevista mill-Kodiċi tax-Xogħol.

57.

Il-ġurisprudenza Bulgara f’dan il-qasam hija, għalhekk, bħalma tindika l-qorti tar-rinviju, kontradittorja b’tali li, fuq talba tal-Ministru għall-Ġustizzja, inbdiet proċedura interpretattiva quddiem il-Varhoven kasatsionen sad (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, il-Bulgarija) li, madankollu, għadha ma tatx deċiżjoni.

58.

It-talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja li tgħaddi mill-eżami tal-ammissibbiltà, ma tippermettix għarfien komplet tal-istat tad-dibattitu msemmi sabiex tiġi vverifikata l-kompatibbiltà sħiħa tad-dritt intern applikabbli, hekk kif interpretat mill-qrati nazzjonali, mad-dritt tal-Unjoni.

59.

Inżid, ukoll, li l-analiżi tal-proċess twassalni sabiex nikkunsidra li f’dan il-każ hemm prinċipalment involuta kwistjoni ġuridika relatata mad-dritt intern peress li, fil-limiti li sejjer nippreċiża, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix b’mod ċar soluzzjoni waħda jew oħra minn dawk differenti previsti mid-diversi qrati tal-Istat Membru.

60.

Fil-kunsiderazzjonijiet segwenti sejjer nillimita ruħi li nipproponi risposta għad-domandi preliminari fuq il-bażi ta’ dak li nista’ niddeduċi mill-proċess, meħud inkunsiderazzjoni l-fatt li l-espożizzjoni tal-qorti tar-rinviju għandha nuqqasijiet f’diversi punti.

2. Fuq l-ewwel domanda preliminari

61.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88 jimponix li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl tal-aġenti tal-pulizija u tat-tifi tan-nar ikun iqsar mit-tul normali tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata.

62.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 huwa ddefinit, kif intqal, mill-Artikolu 1(1) li jistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

63.

Fir-rigward tax-xogħol ta’ billejl b’mod partikolari, fil-premessa 7 tad-direttiva jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji inerenti għal dan il-perijodu ta’ attività, li skontu “Ir-riċerka uriet li l-ġisem uman huwa aktar sensittiv matul il-lejl għal disturbi ambjentali u wkoll għal ċerti tipi tqal ta’ organizzazzjoni u li perjodi twal ta’ xogħol matul il-lejl jistgħu ikunu ta’ detriment għas-saħħa ta’ ħaddiema u jistgħu jipperikolaw is-sigurtà tagħhom fil-post tax-xogħol.”

64.

Għalhekk, l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva jimponi lill-Istati Membri sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw lill-ħaddiema ta’ billejl u lill-ħaddiema bix-shift livell ta’ protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa adegwat għan-natura tax-xogħol tagħhom.

65.

Ir-rekwiżiti minimi għat-tul tax-xogħol ta’ billejl huma stabbiliti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88, li jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-ħin tax-xogħol normali tal-ħaddiema ta’ billejl ma jaqbiżx medja ta’ tmien sigħat f’perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa.

66.

Madankollu d-Direttiva 2003/88 ma tinkludi ebda indikazzjoni dwar ir-rabta bejn it-tul tax-xogħol ta’ billejl u x-xogħol ta’ matul il-ġurnata. Għalhekk, l-Artikolu 8 tad-Direttiva ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-istess tul tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata u ta’ billejl, sakemm ma jinqabiżx il-limitu ta’ tmien sigħat f’perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa (ittra a).

67.

Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-aġenti tal-pulizija u tat-tifi tan-nar, fil-każ li dawn il-kategoriji ta’ ħaddiema jistgħu jiġu kkunsidrati, kif huwa raġonevoli li jiġi preżunt ( 14 ), bħala “ħaddiema ta’ matul il-lejl li x-xogħol tagħhom jinvolvi perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali”, l-Artikolu 8(b) tad-Direttiva 2003/88, bi speċifikazzjoni ta’ dak inkluż fl-ittra a, jippreċiża li dawn “ma jaħdmux għal aktar minn tmien sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa li matulhom huma jwettqu x-xogħol ta’ matul il-lejl”. Anki għal dawn il-ħaddiema partikolari, għalhekk, id-Direttiva ma tistabbilixxi ebda rabta bejn it-tul massimu tax-xogħol ta’ billejl u dak ta’ matul il-ġurnata.

68.

Għal dak li jirrigwarda, imbagħad, l-obbligu skont l-Artikolu 12(a) tad-Direttiva, peress li d-dispożizzjoni ma tispeċifika ebda dettall, għandu jiġi kkunsidrat li d-Direttiva tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri fir-rigward tal-miżuri xierqa li għandhom jiġu implimentati ( 15 ).

69.

Din id-diskrezzjoni għandha, ovvjament, tiġi eżerċitata b’mod li tiżgura l-effett utli tad-Direttiva 2003/88 u l-kisba tal-għanijiet ta’ protezzjoni stabbiliti mid-Direttiva nnifisha. Minħabba t-tbatija ikbar tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbel ma’ dak ta’ matul il-ġurnata, it-tnaqqis tat-tul medju jew massimu tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbel ma’ dak ta’ matul il-ġurnata jista’ bla dubju jirrappreżenta soluzzjoni korretta min-naħa tal-Istati Membri sabiex jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

70.

Inqis, madankollu, b’mod konformi mal-argument tal-Kummissjoni, li t-tnaqqis tat-tul tax-xogħol ta’ billejl meta mqabbel mat-tul tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata jikkostitwixxi biss waħda mis-soluzzjonijiet possibbli sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2003/88. Anki l-għoti tal-perijodi ta’ mistrieħ supplimentari jew ta’ ħin liberu, pereżempju, jista’ jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema.

71.

Jiena għalhekk tal-fehma li, fl-assenza ta’ obbligu speċifiku stabbilit mid-Direttiva 2003/88 u minħabba n-natura ta’ armonizzazzjoni minima tagħha, tal-għanijiet tagħha u tal-marġni ta’ diskrezzjoni li tħalla lill-Istati Membri, ma jistax jiġi dedott mill-obbligu ġenerali impost mill-Artikolu 12(a) tad-Direttiva, rekwiżit speċifiku għall-Istati Membri sabiex jistabbilixxi limitu għat-tul normali tax-xogħol ta’ billejl li huwa inqas minn dak tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata.

3. Fuq it-tieni domanda preliminari

72.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza, stabbilit mill-Artikoli 20 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jeżiġix li t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl ta’ seba’ sigħat stabbilit mid-dritt nazzjonali għall-ħaddiema tas-settur privat ikun applikabbli bl-istess mod għall-persunal tas-settur pubbliku, inkluż il-persunal tal-pulizija u tat-tifi tan-nar.

73.

Kif indikat korrettement mill-Kummissjoni, l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jirrigwardax il-prinċipju ta’ ugwaljanza, iżda jistabbilixxi “d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”.

74.

Għalhekk, naqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi fformulata mill-ġdid it-tieni domanda preliminari kif ġej: “L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza, u l-Artikolu 31 tagħha, jeżiġu li l-ħin normali tax-xogħol ta’ billejl ta’ seba’ sigħat japplika wkoll għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, inklużi l-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar?”

75.

Il-kwistjoni li għandha tiġi solvuta tirrigwarda għalhekk il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, hekk kif interpretata mill-qrati nazzjonali, tirregola b’mod iddifferenzjat it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għas-settur privat u għal kategorija partikolari ta’ ħaddiema tas-settur pubbliku (il-persunal tas-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern, f’din il-kawża l-persunal tat-tifi tan-nar).

76.

Jeħtieġ qabelxejn li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali żgurati mill-ordinament ġuridiku huma maħsuba li jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni ( 16 ).

77.

Huwa neċessarju, għalhekk, li jiġi evalwat b’mod preliminari jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fl-Istat Membru jirrappreżentawx l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali).

78.

Id-Direttiva 2003/88 ma tipprevedix miżuri għall-armonizzazzjoni tat-tul tax-xogħol ta’ matul il-ġurnata, u tillimita ruħha li tindika, fl-Artikolu 8, ir-rekwiżiti minimi li jillimitaw it-tul ta’ tali xogħol: il-ħin tax-xogħol normali tal-ħaddiema ta’ billejl ma għandux jaqbeż medja ta’ tmien sigħat f’perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa. Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk jistabbilixxi limitu “medju” għall-ħin tax-xogħol “normali” tal-ħaddiema ta’ billejl.

79.

Huwa biss fil-każ fejn ix-xogħol jinvolvi “perikolu speċjali jew dak fiżiku iebes jew ta’ strapazz mentali” li l-limitu previst mill-Artikolu 8(b), isir limitu “massimu”: il-ħaddiema “ma jaħdmux għal aktar minn tmien sigħat fi kwalunkwe perjodu ta’ 24 siegħa”.

80.

L-Artikolu 140(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol Bulgaru, minflok, isostni li “t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl f’ġimgħa ta’ 5 ijiem tax-xogħol ma jistax ikun iktar minn 7 sigħat”. Din id-dispożizzjoni, kif imfakkar mill-qorti tar-rinviju, hija applikabbli għall-ħaddiema tas-settur privat.

81.

Jista’ jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ din id-dispożizzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tintroduċi sistema iktar favorevoli minn dik prevista mid-Direttiva?

82.

Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza TSN ( 17 ), ir-rekwiżiti minimi previsti mid-Direttiva ma jistgħux jipprekludu lil Stat Membru milli jadotta regoli ta’ protezzjoni iktar rigorużi minn dawk li huma s-suġġett tal-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni, sakemm dawn ma jikkompromettux il-koerenza tal-imsemmi intervent.

83.

Billi jistabbilixxi t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl għal seba’ sigħat, il-Kodiċi tax-Xogħol jimplimenta l-obbligu previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva, meħud inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti fuq il-bażi tar-rekwiżiti minimi previsti minn din id-dispożizzjoni. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija għalhekk applikata f’konformità mal-Artikolu 51 ( 18 ) tagħha.

84.

Bħalma, fil-fehma tiegħi, ġie sostnut korrettement mill-Kummissjoni, din il-kawża hija differenti minn dik tas-sentenza TSN tad-19 ta’ Novembru 2019 ( 19 ) peress li, fil-kawża TSN, kien possibbli li ssir distinzjoni bejn id-drittijiet għal-leave annwali riżultanti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva (kif trasport mil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti) u d-drittijiet supplimentari mogħtija mill-kuntratt kollettiv tal-impriża, b’mod li jista’ jiġi stabbilit b’mod ċar liema regola tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u liema waħda taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Dan ma huwiex possibbli f’din il-kawża peress li, minkejja li jistabbilixxi sistema iktar favorevoli fir-rigward tat-tul massimu previst mill-Artikolu 8 tad-Direttiva, l-Artikolu 140(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol jintroduċi r-rekwiżit minimu previst mid-Direttiva, mingħajr ma huwa possibbli li jiġi ddeterminat preċiżament x’jirriżulta mir-rekwiżiti minimi tad-Direttiva u xi jmur lil hinn minnha.

85.

Dan ma jeskludix, madankollu, kif ser naraw, li l-implimentazzjoni tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88 għax-xogħol privat tiġi dderogata għal kategoriji oħra speċifiċi ta’ ħaddiema. Fi kliem ieħor, il-fatt li l-Artikolu 140 tal-Kodiċi tax-Xogħol jittrasponi r-rekwiżit minimu previst mid-Direttiva ma jfissirx li l-Istat Membru jitlef is-setgħa li jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu sabiex jistabbilixxi għal ħaddiema oħra, minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tal-funzjoni mwettqa, limitu differenti għat-tul tax-xogħol ta’ billejl, sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti minimi stabbiliti mid-Direttiva 2003/88.

86.

Il-prinċipji espressi fl-Artikoli 20 u 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jinqraw b’mod konġunt, u jservu ta’ parametri għall-verifika dwar jekk l-intervent leġiżlattiv nazzjonali jiżgurax kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa għall-ħaddiema kollha.

87.

Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali huwa espressjoni partikolari tiegħu. Dan il-prinċipju jeżiġi mil-leġiżlatur tal-Unjoni li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali ( 20 ).

88.

Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan segwit mit-trattament inkwistjoni ( 21 ).

89.

In-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata mhux b’mod ġenerali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni kif ukoll, fejn xieraq, fid-dawl tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li fih taqa’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ( 22 ).

90.

F’din il-kawża, huwa diffiċli li tiġi analizzata n-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet peress li l-qorti tar-rinviju tipproponi tqabbil bejn kategoriji astratti, bħall-persunal tas-settur pubbliku u l-ħaddiema tas-settur privat, mingħajr ma tagħti ebda informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiema ta’ billejl fil-kuntest taż-żewġ sistemi li jkunu jippermettu analiżi preċiża.

91.

Il-qari tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, kif jista’ jinftiehem mill-proċess, ma jippermettix l-esklużjoni ta’ interpretazzjonijiet differenti iżda kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

92.

Fil-fatt, dak li huwa inkwistjoni, sa fejn nista’ nifhem, huma regoli ta’ livell primarju (il-Kodiċi tax-Xogħol u l-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern) li jirregolaw b’mod parzjalment differenti l-organizzazzjoni tax-xogħol fis-settur privat u f’dak pubbliku. Il-Liġi dwar il-Ministeru għall-Intern tiddelega mbagħad l-aspetti ddettaljati tar-regola lil leġiżlazzjoni ta’ livell sekondarju (digrieti).

93.

Ir-riferiment ta’ dispożizzjoni għall-oħra, li skont il-qorti tar-rinviju jidher li għandu valur deċiżiv, huwa wiesa’ ħafna u ma jippermettix interpretazzjoni univoka: l-Artikolu 188(2) taz-ZMVR isostni li l-persunal tas-settur pubbliku li jwettaq xogħol ta’ billejl “jgawdi mill-protezzjoni speċjali prevista mill-Kodiċi tax-Xogħol”. Din id-dispożizzjoni madankollu, fil-fehma tiegħi, waħedha ma tippermettix li jitqies li dak huwa previst mill-Kodiċi tax-Xogħol għall-ħaddiema privati huwa applikabbli għall-ħaddiema pubbliċi kollha, tkun xi tkun il-funzjoni okkupata, għal raġunijiet differenti.

94.

Qabelxejn minħabba n-natura ġenerali tar-riferiment, fit-tieni lok minħabba l-inklużjoni tiegħu f’dispożizzjoni li tinkludi dispożizzjonijiet li jistgħu jwasslu għal interpretazzjonijiet differenti: l-Artikolu 187(1) iċċitat li jistabbilixxi l-ħin tax-xogħol normali għall-persunal tas-settur pubbliku tal-Ministeru għal tmien sigħat kuljum, mingħajr ma jagħmel ebda distinzjoni bejn ix-xogħol ta’ matul il-ġurnata u ta’ billejl, billi jippreċiża fil-paragrafu 3 li, fil-każ tax-xogħol ta’ billejl, “it-tul medju tax-xogħol ma jistax jaqbeż it‑8 sigħat f’perijodu ta’ 24 siegħa”.

95.

Milli jidher, imbagħad, l-Artikolu 187(9) jagħmel riferiment għad-digrieti tal-Ministru għall-Intern, sabiex jiġu stabbiliti d-dettalji tal-organizzazzjoni u tat-tqassim tal-ħin tax-xogħol, il-kumpens għax-xogħol imwettaq lil hinn mill-ħin normali tax-xogħol u l-modalitajiet ta’ mistrieħ u ta’ waqfien tal-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern.

96.

L-aħħar dispożizjoni ċċitata jidher li tikkonferma r-rieda tal-leġiżlatur tal-Istat Membru li jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu, fil-limiti permessi mid-Direttiva 2003/88, fil-qasam tal-ħin tax-xogħol ta’ dik il-kategorija partikolari ta’ ħaddiema li huma l-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern, fosthom anki l-persunal tat-tifi tan-nar, billi tirreferi għad-dritt sekondarju għar-regoli ddettaljati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet partikolari mwettqa u l-modalitajiet speċifiċi tal-eżekuzzjoni tax-xogħol.

97.

L-istampa li tirriżulta, ifframmentata u mhux univoka, tidher għalhekk li tagħmel riferiment għal kwistjonijiet ta’ dritt intern li għandhom jiġu solvuti b’mod esklużiv mill-qorti nazzjonali.

98.

Ma jidhirlix li nista’ neskludi, fil-fatt, li waħda mill-fehmiet interpretattivi proposti tista’ bħala prinċipju tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni: jekk il-kwistjoni tirrigwarda unikament l-aspett tar-remunerazzjoni (il-konverżjoni tas‑seba’ sigħat ta’ billejl f’numru ikbar ta’ sigħat ta’ matul il-ġurnata permezz ta’ multiplikatur) hija toħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 u, b’mod ġenerali, mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-qasam tal-ħin tax-xogħol fid-dritt tal-Unjoni.

99.

Jekk il-kwistjoni hija, min-naħa l-oħra, relatata mal-protezzjoni tal-ħaddiem sabiex jiġi evitat li eċċess ta’ sigħat tax-xogħol ta’ billejl jista’ jippreġudika s-saħħa tiegħu, l-interpretazzjonijiet kollha huma kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni li, kif intwera, jillimita ruħu li jistabbilixxi massimu ta’ tmien sigħat tax-xogħol f’erbgħa u għoxrin siegħa jekk dan isir bejn l‑22.00 u s‑6.00.

100.

Jekk il-kwistjoni hija relatata, minflok, mal-ugwaljanza fit-trattament u mal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-ħaddiema, kif intqal, it-tqabbil għandu jseħħ b’mod speċifiku u preċiż b’teħid inkunsiderazzjoni mhux ta’ status ġeneriku (ħaddiem pubbliku u privat) iżda tal-modalitajiet konkreti ta’ kif is-servizz huwa pprovdut, l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu trattamenti differenti, meħuda inkunsiderazzjoni l-interessi pubbliċi involuti li għandhom jiġu rrikonċiljati mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ħaddiem.

101.

Dan it-tqabbil, kif muri fir-risposta għall-ewwel domanda preliminari, għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni kollha tal-organizzazzjoni tax-xogħol, peress li t-tul tax-xogħol ta’ billejl huwa biss wieħed mill-komponenti li jippermettu li tiġi evalwata l-protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-ħaddiema ( 23 ). Mingħajr preġudizzju, fil-fatt, għal-limitu estern stabbilit mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88, anki l-għoti ta’ perijodi ta’ mistrieħ supplimentari jew ta’ temp liberu, pereżempju, jista’ jikkontribwixxi għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema.

102.

Min-naħa l-oħra, il-bażi legali tad-Direttiva hija l-Artikolu 153 TFUE u l-għan tiegħu, kif indikat fil-premessa 2, huwa li tiġi sostnuta u integrata l-azzjoni tal-Istati Membri sabiex jittejjeb l-ambjent tax-xogħol bl-għan li jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Konsegwentement, anki parametri oħra, bħat-tul tal-mistrieħ jew in-numru ta’ ġranet ta’ leave annwali, jistgħu jikkontribwixxu għall-iżgurar ta’ livell iddeterminat ta’ protezzjoni, li juri li t-tqabbil tal-ħin tax-xogħol ma jistax jirrappreżenta l-uniku element rilevanti sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan segwit mid-Direttiva.

103.

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali, fuq il-livell tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, ma tindikax jekk, fost il-persunal li jaħdem bħala aġent tas-servizz tat-tifi tan-nar jew aġent tal-pulizija fil-Bulgarija, hemmx persunal bil-kuntratt irreklutat fuq il-bażi tal-Kodiċi tax-Xogħol li jwettaq l-istess kompiti bħall-persunal fis-settur pubbliku tal-Ministeru għall-Intern.

104.

Mill-bqija, din il-flessibbiltà mogħtija mid-Direttiva lill-Istati Membri tippermettilhom jieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, rekwiżiti relatati mal-protezzjoni ta’ interessi ta’ natura ġenerali, bħall-protezzjoni tal-ordni pubbliku, jew il-karatteristiċi speċifiċi ta’ attivitajiet partikolari, li jeħtieġu ċertu grad ta’ flessibbiltà fl-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 24 ).

105.

Għandu jkun hemm ibbilanċjar, minn naħa, bejn il-kontinwità tal-funzjoni ta’ ċerti professjonijiet, bħall-aġenti tal-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar, u, min-naħa l-oħra, l-effiċjenza tax-xogħol tagħhom matul il-lejl, proprju minħabba r-riskju ogħla li jikkaratterizza dawn il-professjonijiet.

106.

Dan l-ibbilanċjar ta’ interessi huwa espress fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 89/391 ( 25 ), li jeskludi ċerti attivitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-istess direttiva u, indirettament, minn dak tad-Direttiva 2003/88. Il-kriterju użat ma huwiex ibbażat fuq l-appartenenza tal-ħaddiema għal wieħed mis-setturi tas-servizz pubbliku previsti minn din id-dispożizzjoni, iżda esklużivament fuq in-natura speċifika ta’ ċerti kompiti partikolari mwettqa mill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, tas-sigurtà u tal-ordni pubbliku. Din in-natura tiġġustifika deroga mir-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, minħabba l-ħtieġa assoluta li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-kollettività ( 26 ).

107.

Fil-każ fejn jidher li jkun possibbli tqabbil ta’ tali sitwazzjonijiet, hija madankollu l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda kompetenti sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk l-għan inkwistjoni jistax jiġġustifika d-differenza fit-trattament u jekk il-miżura li tagħti lok għad-differenza fit-trattament tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkiseb dan l-għan ( 27 ). Differenza fit-trattament, kif intqal, tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan leġittimu segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan segwit mit-trattament inkwistjoni ( 28 ).

108.

L-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għall-għażla tal-leġiżlatur li jagħmel differenza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol ta’ billejl bejn diversi kategoriji ta’ ħaddiema komparabbli tista’ twassal għal kuntrast mad-dritt tal-Unjoni u, eventwalment, għall-obbligu tal-qorti nazzjonali sabiex ma tapplikax id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li fuqha hija bbażata d-differenza fit-trattament.

109.

Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jippermetti lill-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu kemm hu u tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan segwit minn dan tal-aħħar ( 29 ).

110.

Għalhekk, jiena tal-fehma li l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza, u l-Artikolu 31 tagħha, li jistabbilixxi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, ma jeżiġux li l-ħin normali tax-xogħol ta’ billejl ta’ seba’ sigħat, previst fi Stat Membru għall-ħaddiema tas-settur privat, japplika mingħajr distinzjoni anki għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, inklużi l-aġenti tal-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar. Huwa fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru li jistabbilixxi tul differenti, dejjem fil-limiti massimi previsti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88, bil-kundizzjoni li jkun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għall-għażla tal-leġiżlatur li jagħmel differenza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol ta’ billejl bejn kategoriji differenti ta’ ħaddiema li huma komparabbli b’mod speċifiku u konkret.

4. Fuq it-tielet domanda preliminari

111.

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kisba tal-għan imsemmi fit-tmien premessa tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri l-limitazzjoni tat-tul tax-xogħol ta’ billejl, teħtieġx li leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi espressament it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl, anki għall-persunal tas-settur pubbliku.

112.

Għandu jiġi enfasizzat, kif indikat il-Kummissjoni, li l-premessi ma humiex fihom innifishom vinkolanti. F’dan il-każ, din il-premessa hija maħsuba sabiex tiċċara l-kontenut tal-Artikolu 8 tad-Direttiva, li tistabbilixxi t-tul massimu tax-xogħol ta’ billejl għal tmien sigħat f’perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa.

113.

Għalhekk, naqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li t-tielet domanda preliminari tiġi fformulata mill-ġdid kif ġej: “[l]-Artikolu 8 tad-Direttiva, moqri flimkien mal-premessa 8, jeżiġi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi espressament it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl, anki għall-persunal tas-settur pubbliku?”

114.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva jeżiġi li l-Istati Membri ma jaqbżux tul fiss tax-xogħol ta’ billejl, jiġifieri tmien sigħat f’perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa. Madankollu, huwa ma jeżiġix li l-Istati Membri jistabbilixxu t-tul normali tax-xogħol ta’ billejl. F’dan ir-rigward, il-kliem “[h]emm ħtieġa li tkun illimitata l-medda tal-perjodi tax-xogħol bil-lejl” fil-premessa 8 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li d-Direttiva għandha tindika t-tul massimu tax-xogħol ta’ billejl.

115.

Għalhekk, id-Direttiva tħalli lill-Istati Membri l-fakultà li jiddeċiedu jekk jistabbilixxux tul normali tax-xogħol ta’ billejl, u jekk japplikawhx għal ħaddiema ddeterminati jew għall-ħaddiema kollha, skont in-natura tal-attività inkwistjoni. L-Istati Membri għandhom il-fakultà li jiddeċiedu dan it-tul fuq il-bażi ta’ studju preliminari tal-impatt tiegħu fuq is-saħħa u fuq is-sigurtà konformement mar-rekwiżiti minimi tad-dritt tal-Unjoni. Minn din il-perspettiva, id-Direttiva 2003/88 teżiġi biss li r-rekwiżiti minimi stabbiliti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva għat-tul tax-xogħol ta’ billejl jiġu ssodisfatti.

116.

Mill-bqija, kif diġà ġie indikat preċedentement, id-Direttiva tħalli marġni ta’ manuvra wiesa’ lill-Istati Membri proprju sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet speċifiċi tas-setturi differenti. Jeżistu fil-fatt differenzi importanti bejn is-setturi li jeħtieġu funzjonament ta’ erbgħa u għoxrin siegħa fuq erbgħa u għoxrin siegħa, jiġifieri mingħajr interruzzjonijiet, jew almenu waqt il-lejl jew parti minnu, u s-setturi li minflok ma jeħtiġux din il-kontinwità ta’ funzjoni.

117.

Minn din il-perspettiva, għalhekk, l-Artikolu 187 taz-ZMVR jidher li huwa konformi mar-rekwiżiti minimi tad-Direttiva 2003/88.

118.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 8 tad-Direttiva, moqri flimkien mal-premessa 8, ma jeżiġix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi espressament it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl anki għall-persunal tas-settur pubbliku.

IV. Konklużjonijiet

119.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija) kif ġej:

1)

Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tillimita ruħha li tindika t-tul massimu tas-sigħat tax-xogħol ta’ billejl, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12(a) ma jeżiġix li l-Istati Membri jiffissaw ħin tax-xogħol ta’ billejl iqsar minn dak ta’ matul il-ġurnata. L-Istati Membri huma liberi li jadottaw il-miżuri li huma jqisu l-iktar xierqa sabiex jinkiseb l-effett utli tad-Direttiva.

2)

L-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza, u l-Artikolu 31 tagħha, li jistabbilixxi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, ma jeżiġux li l-ħin normali tax-xogħol ta’ billejl ta’ seba’ sigħat, previst fi Stat Membru għall-ħaddiema tas-settur privat, japplika mingħajr distinzjoni anki għall-ħaddiema tas-settur pubbliku, inklużi l-aġenti tal-pulizija u l-persunal tat-tifi tan-nar. Huwa fid-diskrezzjoni tal-Istat Membru li jistabbilixxi tul differenti, dejjem fil-limiti massimi previsti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/88, bil-kundizzjoni li jkun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva għall-għażla tal-leġiżlatur li jagħmel differenza fit-trattament fil-qasam tax-xogħol ta’ billejl bejn kategoriji differenti ta’ ħaddiema li huma komparabbli b’mod speċifiku u konkret.

3)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva, moqri flimkien mal-premessa 8, ma jeżiġix li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tistabbilixxi espressament it-tul normali tax-xogħol ta’ billejl anki għall-persunal tas-settur pubbliku. L-Istati Membri huma liberi li jipprevedu l-miżuri l-iktar xierqa li jiżguraw li jinkiseb l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

( 3 ) Li ma jinkludix fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-persunal tal-Ministeru għall-Intern.

( 4 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség (C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 23).

( 5 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punti 2526).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 45) u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 23).

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, anki l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża King (C‑214/16, EU:C:2017:439, punt 36).

( 8 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 24) u tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata); digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 41).

( 9 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu on-call taħt sistema ta’ stand-by ta’ pompier) (C‑580/19, EU:C:2021:183, punti 2425).

( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:338, punt 52).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑484/04, EU:C:2006:526, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 46).

( 13 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti (C‑585/19, EU:C:2021:210, punt 49), tad‑9 ta’ Marzu 2021, Stadt Offenbach am Main (Perijodu on-call taħt sistema ta’ stand-by ta’ pompier) (C‑580/19, EU:C:2021:183, punt 26), tad‑9 ta’ Marzu 2021, Radiotelevizija Slovenija (Perijodu on-call f’post iżolat) (C‑344/19, EU:C:2021:182, punt 25), u tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punti 3637 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Bħala konferma tad-diskrezzjoni wiesgħa tal-Istati Membri fl-assenza ta’ indikazzjonijiet riżultanti mit-termini u mill-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, sakemm jiġu rrispettati l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punt 31). Dik il-kawża kienet tirrigwarda perijodu ta’ riferiment għall-kalkolu tat-tul tal-ġimgħa tax-xogħol.

( 14 ) Anki jekk, għandu jitfakkar, l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/88 jistabbilixxi li dawn il-ħaddiema huma ddefiniti “bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika jew bi ftehim kollettiv jew ftehim konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, billi jittieħed akkont ta’ l-effetti speċifiċi u l-perikoli tax-xogħol matul il-lejl”.

( 15 ) Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja wriet li d-Direttiva tħalli lill-Istati Membri diskrezzjoni wiesgħa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 35), tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punti 3948), is-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punti 2335).

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, kawżi magħquda Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punti 5253).

( 17 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punti 4849).

( 18 ) Osservazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, punt 50.

( 19 ) Il-kawża, kif magħruf, tirrigwarda kuntratt kollettiv li jmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti mid-Direttiva fil-qasam tal-leave irremunerat (4 ġimgħat) billi jipprojbixxi r-riport tal-leave meta l-persuna kkonċernata tkun ingħatat leave għall-mard. F’dik l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “meta l-Istati Membri jagħtu, jew jippermettu lill-imsieħba soċjali li jagħtu, drittijiet għal leave annwali mħallas li jeċċedi t-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, tali drittijiet, jew il-kundizzjonijiet tat-trasferiment possibbli tagħhom fil-każ ta’ mard li jseħħ matul il-leave, jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istati Membri, mingħajr ma jkunu rregolati mill-imsemmija direttiva jew jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha”.

( 20 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punti 5455).

( 21 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija (C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 37) u s-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 77).

( 22 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar) (C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan is-sens, ara wkoll is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny im. dra J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie (C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 43).

( 23 ) Dwar il-ħtieġa li tiġi kkunsidrata t-totalità taċ-ċirkustanzi rilevanti, bħan-natura tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tiegħu għall-evalwazzjoni tal-effett ta’ dispożizzjoni speċifika tad-Direttiva 2003/88 fuq is-sigurtà u fuq is-saħħa tal-ħaddiema, ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punt 39). Din il-kawża kienet tinvolvi l-perijodu ta’ riferiment għall-kalkolu tat-tul tal-ġimgħa tax-xogħol.

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punt 39).

( 25 ) Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349).

( 26 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑132/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:18, punt 24).

( 27 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos (C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 52).

( 28 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2020, Veselības ministrija (C‑243/19, EU:C:2020:872, punt 37), u s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova (C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 55).

( 29 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (minnC‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 117), u tat‑8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC (C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).