KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fil‑15 ta’ Lulju 2021 ( 1 )

Kawża C‑261/20

Thelen Technopark Berlin GmbH

vs

MN

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/123/KE – Artikolu 15 – Onorarji tal-periti u tal-inġiniera għas-servizzi ta’ ppjanar – Tariffi minimi u massimi – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Inkompatibbiltà ma’ direttiva – Invokabbiltà fil-kuntest ta’ tilwima bejn individwi – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 49 TFUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 16 – Libertà kuntrattwali

I. Introduzzjoni

1.

Fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, ir-rikorrent jitlob lill-konvenuta l-ħlas tal-onorarji tiegħu għas-servizz ipprovdut u jitlob somma ikbar minn dik miftiehma mill-partijiet fil-kuntratt. L-azzjoni tiegħu tirriżulta minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprovdi li, għal servizz partikolari, il-fornitur ta’ servizzi għandu dritt għal remunerazzjoni ugwali għal, mill-inqas, ir-rata minima stabbilita mid-dritt nazzjonali. L-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hija madankollu kuntrarja għad-Direttiva. L-azzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni?

2.

F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju qiegħda taffaċċja din il-mistoqsija. Id-deċiżjoni tagħha tiddependi fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, fl-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ azzjoni ta’ individwu kontra individwu ieħor, qorti nazzjonali tistax ma tapplikax dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-direttiva, f’dan il-każ id-Direttiva 2006/123/KE ( 2 ), liema dispożizzjoni sservi ta’ bażi għall-azzjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

3.

Skont il-premessi 5, 6 u 64 tad-Direttiva 2006/123:

“5.

Huwa […] meħtieġ li jitneħħew l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment għal fornituri fl-Istati Membri u ostakoli għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri u biex ir-riċevituri u l-fornituri jkollhom garanzija taċ-ċertezza legali meħtieġa għall-eżerċizzju fil-prattika ta’ dawk iż-żewġ libertajiet fundamentali tat-Trattat. […].

6.

Dawk il-ostakoli ma jistgħux jitneħħew biss billi jserrħu fuq l-applikazzjoni diretta ta’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat [(attwalment l-Artikoli 49 u 56 TFUE)], peress, li minn naħa, jekk jiġu indirizzati fuq bażi individwali permezz ta’ proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kkonċernati, speċjalment wara t-tkabbir, ikunu tassew kumplikat għall-istituzzjonijiet nazzjonali u Komunitarji, u minn naħa l-oħra, it-tneħħija ta’ bosta ostakoli titlob koordinazzjoni minn qabel ta’ l-iskemi legali nazzjonali, inkluż l-ħolqien ta’ kooperazzjoni amministrattiva. Kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill stess irrikonoxxew, strument Komunitarju leġiżlattiv jagħmilha possibbli li jintlaħaq suq ġenwin intern għas-servizzi.

[…]

64.

Sabiex jiġi stabbilit suq intern ġenwin għas-servizzi, huwa meħtieġ li jitneħħew kwalunkwe restrizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi li għadhom stabbiliti fil-liġijiet ta’ ċerti Stati Membri u li huma inkompatibbli ma’ l-Artikoli 43 u 49 tat-Trattat [attwalment l-Artikoli 49 u 56 TFUE] rispettivament. Ir-restrizzjonijiet li għandhom jiġu pprojbiti jaffettwaw partikolarment is-suq intern għas-servizzi u għandhom jiġu sistematikament żarmati malajr kemm jista’ jkun”.

4.

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.”

5.

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jistipula li:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[…]

g)

tariffi fissi minimi u/jew massimi li magħhom għandu jikkonforma l-fornitur;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità [iċ-ċittadinanza] jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

(b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

(ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

[…]

5.   Fir-rapport ta’ evalwazzjoni reċiproka prevista fl-Artikolu 39(1), l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti li bi ħsiebhom iżommu u r-raġunijiet għaliex jikkonsidraw li dawk ir-rekwiżiti jikkonformaw mal-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 3;

(b)

ir-rekwiżiti li tneħħew jew ġew magħmula inqas stretti.

6.   Mit-28 ta’ Diċembru 2006, l-Istati Membri m’għandhom jintroduċu l-ebda rekwiżit ġdid tat-tip elenkat fil-paragrafu 2, sakemm dan ir-rekwiżit ma jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3.

[…]”.

B. Id-dritt Ġermaniż

6.

Fiż-żmien rilevanti mill-perspettiva tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Verordnung über die Honorare für Architekten- und Ingenieurleistungen (ir-Regolament dwar l-Onorarji tal-Periti u tal-Inġiniera), fil-verżjoni tiegħu tal‑10 ta’ Lulju 2013 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“HOAI”) kien jirregola l-onorarji tal-periti u tal-inġiniera.

7.

L-Artikolu 1 tal-HOAI huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-regolament jirregola l-metodu ta’ kalkolu tal-onorarji għas-servizzi bażiċi tal-periti u tal-inġiniera (mandatarji) li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fil-Ġermanja, sa fejn l-imsemmija servizzi bażiċi jaqgħu taħt dan ir-regolament u huma pprovduti fit-territorju Ġermaniż.”

8.

Skont l-Artikolu 7 tal-HOAI:

“1.   L-onorarji għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ ftehim bil-miktub, konkluż bejn il-partijiet kontraenti hekk kif jingħata l-mandat u għandhom jaqgħu bejn l-ammonti minimi u massimi stabbiliti minn dan ir-regolament.

2.   […]

3.   L-ammonti minimi stabbiliti f’dan ir-regolament jistgħu jiġu mnaqqsa f’każijiet eċċezzjonali, bil-kundizzjoni li dan jitwettaq permezz ta’ konklużjoni ta’ ftehim bil-miktub.

4.   […]

5.   Fin-nuqqas ta’ kuntratt bil-miktub ieħor konkluż hekk kif jingħata l-mandat, għandhom jitqiesu li ġew stabbiliti rati minimi skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1.”

9.

L-Artikolu 7 tal-HOAI ġie emendat permezz tal-Erste Verordnung zur Änderung der Honorarordnung für Architekten und Ingenieure (l-Ewwel Regolament li Jemenda r-Regoli dwar l-Onorarji tal-Periti u tal-Inġiniera) tat‑2 ta’ Diċembru 2020 ( 4 ),. L-emenda daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2021. Minn dik id-data, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 7 tal-HOAI jipprovdi kif ġej:

“L-onorarji għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ ftehim bil-miktub konkluż bejn il-partijiet kontraenti. Fin-nuqqas ta’ ftehim bil-miktub fuq l-ammont tal-onorarji, is-servizzi bażiċi jibbenefikaw mit-tariffi bażiċi stabbiliti skont l-Artikolu 6.”

III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.

Fit‑2 ta’ Ġunju 2016, MN (ir-rikorrent), li jopera uffiċċju ta’ inġinerija, u Thelen Technopark Berlin GmbH (il-konvenuta) ikkonkludew kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ inġinerija li permezz tiegħu r-rikorrent impenja ruħu, fir-rigward tal-konvenuta, li jipprovdi servizzi għall-iskopijiet ta’ kostruzzjoni f’Berlin. Il-partijiet ftehmu li, għas-servizzi pprovduti, ir-rikorrent jirċievi onorarji fil-forma ta’ somma f’daqqa fl-ammont ta’ EUR 55025. Abbażi tal-fatturazzjoni intermedja maħruġa mir-rikorrent, il-konvenuta ħallsitu s-somma gross totali ta’ EUR 55 395.92.

11.

Fix-xahar ta’ Lulju 2017, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ inġinerija b’ittra tat‑2 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent ħareġ, għas-servizzi li huwa kien wettaq, fattura finali abbażi tat-tariffi minimi li jirriżultaw mill-HOAI. Fid-dawl tat-trasferimenti li diġà kienu twettqu u tal-ammont miżmum bħala garanzija, huwa sussegwentement ħarrek lill-konvenuta għall-ħlas tal-bilanċ tal-onorarji dovuti, fl-ammont ta’ EUR 102 934.59 gross, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż ta’ servizzi ta’ assistenza legali prekontenzjuża.

12.

L-azzjoni ntlaqgħet fil-parti l-kbira mill-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanza. Permezz tar-rikors għal reviżjoni tagħha quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-konvenuta talbet li l-azzjoni tiġi miċħuda.

13.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżitu tar-rikors għal reviżjoni jiddependi mir-risposta għad-domanda dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 japplikawx f’tilwima bejn individwi b’tali mod li d-dispożizzjoni tal-HOAI li fuqha hija bbażata l-azzjoni ma għandhiex tiġi applikata. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, ir-rikors għal reviżjoni għandu jintlaqa’. Hija l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tat lok għal dubji.

14.

Permezz tas-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li billi żammet fis-seħħ tariffi obbligatorji għas-servizzi ta’ ppjanar ipprovduti minn periti u inġiniera previsti mill-HOAI, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123.

15.

Sussegwentement, permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Frar 2020, hapeg dresden ( 6 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li huwa pprojbit li, fil-kuntratti konklużi mal-periti jew mal-inġiniera, jiġu previsti onorarji li jkunu inqas mit-tariffi minimi ffissati fil-HOAI.

16.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Artikolu 4(3) TUE, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u mill-Artikolu 260(1) TFUE, li l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 […] għandu effett dirett fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fis-seħħ bejn persuni privati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għal din id-direttiva, li jinsabu fl-Artikolu 7 tal-[HOAI], li jagħmlu obbligatorji l-ammonti minimi ffissati f’din l-iskala għas-servizzi ta’ pjanifikazzjoni u ta’ sorveljanza ta’ periti u ta’ inġiniera, minbarra f’ċerti każijiet eċċezzjonali, u li jrendu null ftehim ta’ onorarji inferjuri għall-ammonti minimi mogħtija f’kuntratti ma’ periti jew inġiniera, ma għandhomx jiġu applikati iktar?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

a)

Is-sistema ta’ ammonti minimi obbligatorji dovuti għas-servizzi ta’ pjanifikazzjoni u ta’ sorveljanza tal-periti u tal-inġiniera li tinsab fl-Artikolu 7 tal-HOAI, stabbilita mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, twassal għal ksur tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikolu 49 TFUE jew għal ksur tal-prinċipji ġenerali oħra tad-dritt tal-Unjoni?

b)

Jekk il-punt (a) tat-tieni domanda jingħata risposta fl-affermattiv: jirriżulta minn dan il-ksur li, fi proċedura ġudizzjarja fis-seħħ bejn persuni privati, is-sistemi nazzjonali ta’ ammonti minimi obbligatorji (f’dan il-każ l-Artikolu 7 tal-HOAI) ma għandhomx jiġu applikati iktar?”

17.

Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Bl-eċċezzjoni tal-konvenuta fil-kawża prinċipali, dawn il-partijiet attendew, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, is-seduta li nżammet fit‑3 ta’ Mejju 2021.

IV. Analiżi

18.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar jekk mid-dritt tal-Unjoni jirriżultax obbligu għal qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwi li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li fuqha r-rikorrent jibbaża t-talbiet tiegħu, f’dan il-każ dik tal-Artikolu 7 tal-HOAI (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontenzjuża”), meta din id-dispożizzjoni tkun tmur kontra d-Direttiva 2006/123. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju joriġinaw minn problema klassika tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-applikazzjoni, mill-qrati nazzjonali, ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi orizzontali ta’ direttiva mhux trasposta jew trasposta b’mod inkorrett wara l-iskadenza tat-terminu previst għat-traspożizzjoni tagħha.

19.

Fl-analiżi tiegħi ser infakkar fil-qosor il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effettività tad-direttivi fir-relazzjonijiet bejn individwi (Taqsima A). Sussegwentement, ser nindika l-elementi tal-kawża prinċipali li nqis li huma rilevanti fil-kawża (Taqsima B). Imbagħad ser neżamina l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi (Taqsima Ċ). Fl-aħħar nett, ser neżamina r-raġunijiet eventwali ta’ rinunzja tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-direttiva (Taqsima D).

A. Effettività ta’ direttiva fir-relazzjonijiet orizzontali

20.

Mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li direttiva, kuntrarjament għal regolament, torbot lil kull Stat Membru li huwa destinatarju tagħha. Għaldaqstant, hija ma tistax, minnha nnifisha, toħloq obbligi fil-konfront tal-individwi, u għalhekk, bħala prinċipju, ma tistax tiġi invokata fil-konfront tagħhom ( 7 ).

21.

Dan huwa magħruf bħala n-nuqqas ta’ effett dirett orizzontali tad-direttiva. Dan l-aħħar kunċett jintuża kemm sabiex jiddeskrivi n-nuqqas ta’ effett ta’ ħolqien ta’ drittijiet u ta’ obbligi fuq l-individwi kif ukoll sabiex jiddeskrivi l-esklużjoni stess tal-possibbiltà ta’ applikabbiltà tad-direttiva f’kawża bejn individwi.

22.

F’dan il-kuntest infakkar li għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tal-effett orizzontali tad-direttivi u dik tal-effett dirett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u tar-regolamenti. F’dan l-aħħar każ nitkellmu dwar effett orizzontali tad-dispożizzjonijiet f’sitwazzjoni fejn il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikopri l-aġir tal-individwi (entitajiet privati). Fi kliem ieħor, il-kwistjoni hija dwar jekk l-individwi humiex id-destinatarji diretti tal-obbligi jew tal-projbizzjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan il-kuntest, ta’ min wieħed jenfasizza li anki jekk l-individwi ma humiex destinatarji ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huma jistgħu jinvokawhom f’tilwima kontra individwi oħra. Dan japplika qabel kollox għall-invokazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal kawża speċifika hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (l-hekk imsejjaħ stħarriġ tal-legalità).

23.

Fil-każ ta’ esklużjoni tal-effett dirett orizzontali tad-direttivi, tqum problema oħra. Fil-fatt, f’tilwima kontra individwu, dispożizzjoni ta’ direttiva ma tistax tiġi invokata u dan irrispettivament minn jekk din l-invokazzjoni jkollhiex l-għan li tiddetermina direttament drittijiet jew obbligi li jirriżultaw minn direttiva speċifika jew ukoll jekk tintervjenix għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni (l-hekk imsejjaħ stħarriġ tal-legalità). F’dan is-sens, il-kwistjoni dwar id-determinazzjoni ta’ jekk l-individwi humiex destinatarji ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ direttiva hija ta’ natura sekondarja.

24.

Madankollu, l-esklużjoni tal-effett dirett orizzontali ta’ direttiva ma tfissirx li, f’tilwima bejn individwi, direttiva ma tkunx tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni b’tali mod li din tiġi riflessa fis-sitwazzjoni legali ta’ individwu ieħor. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat diversi ipoteżi li fihom tali teħid inkunsiderazzjoni jista’ jseħħ. Fid-dawl tal-għan tal-proċedura u tal-pożizzjonijiet imressqa mill-partijiet, ser infakkar biss erbgħa minnhom.

25.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-qrati nazzjonali għandhom obbligu li jagħtu interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-direttivi (iktar ’il quddiem l-“interpretazzjoni konformi”). Meta jagħmlu dan, huma marbuta jinterpretaw, bl-iktar mod wiesa’ possibbli, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fid-dawl tat-test u tal-għanijiet tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq l-effett previst minnha ( 8 ). L-invokazzjoni ta’ direttiva quddiem qorti bil-għan li tingħata interpretazzjoni konformi tista’ għalhekk twassal għat-teħid inkunsiderazzjoni tagħha fil-proċess ta’ applikazzjoni tad-dritt.

26.

Fit-tieni lok, l-invokazzjoni ta’ direttiva li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi ( 9 ) fil-każ ta’ adozzjoni ta’ regolamenti tekniċi nazzjonali bi ksur tal-obbligi tal-Istati Membri previsti fid-direttiva jista’ jkollha l-effett li ma jiġux applikati dawn ir-regolamenti tekniċi nazzjonali. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ Stat Membru għandu bħala konsegwenza l-inapplikabbiltà, f’tilwima bejn individwi, ta’ regolamenti tekniċi nazzjonali adottati bi ksur tal-imsemmija obbligi, inkwantu dan jikkostitwixxi “difett proċedurali sostanzjali” ( 10 ).

27.

Fit-tielet lok, fil-każ ta’ impossibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi, il-qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwi għandha obbligu twarrab l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-direttiva meta jkun meħtieġ li jiġi osservat prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż meta jkun ikkonkretizzat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 11 ). Madankollu, il-ġustifikazzjoni għad-deroga mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ma hijiex, f’każijiet bħal dawn, dispożizzjoni ta’ direttiva, iżda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kkonkretizzat minn din id-dispożizzjoni tad-direttiva ( 12 ).

28.

Fir-raba’ lok, ma huwiex eskluż li direttiva tista’ tiġi invokata f’sitwazzjoni msejħa “trijangolari”, jiġifieri dik li fiha l-konsegwenzi ta’ tilwima dwar direttiva u mressqa fil-livell vertikali bejn individwu u Stat jissarfu fis-sitwazzjoni ġuridika ta’ terza persuna ( 13 ).

B. Karatteristiċi speċifiċi tal-kawża prinċipali

29.

Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, il-fatti tal-kawża prinċipali li huma rilevanti huma s-segwenti:

Il-kawża prinċipali hija tilwima bejn individwi (persuni privati) u r-relazzjoni ġuridika inkwistjoni toriġina minn kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi. Ir-relazzjoni bejn il-partijiet hija għalhekk ta’ natura orizzontali.

L-elementi kollha tat-tilwima fil-kawża prinċipali jimmanifestaw ruħhom fit-territorju ta’ pajjiż wieħed.

L-azzjoni hija bbażata fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li għandha bħala effett li, minflok klawżola kuntrattwali li tiffissa r-remunerazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi, għal servizz, ta’ ammont inqas mir-rata minima, għandha tapplika r-rata minima.

Din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tmur kontra l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 ( 14 ).

Din il-kontradizzjoni ġiet ikkonstatata permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fil-kuntest tal-proċedura rregolata mill-Artikolu 258 TFUE.

Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex possibbli li d-dispożizzjoni kontenzjuża tiġi interpretata b’mod li tiġi żgurata l-konformità tagħha mal-Artikolu 15(1), (2)(g), u (3) tad-Direttiva 2006/123.

Il-kuntratt bejn il-partijiet ġie konkluż wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, iżda qabel ma nbdiet l-proċedura ġudizzjarja fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ( 15 ).

C. Possibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi

30.

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwistjoni ta’ rinunzja eventwali għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali f’relazzjoni orizzontali, minħabba n-nuqqas ta’ konformità tagħha mad-direttiva, tqum biss fil-każ ta’ impossibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi ( 16 ).

31.

Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex possibbli li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jiġu interpretati b’mod li tiġi żgurata l-konformità tagħhom mad-Direttiva 2006/123, peress li din tkun interpretazzjoni contra legem. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkontestat il-pożizzjoni tal-qorti tar-rinviju.

32.

Għalkemm, fil-passat, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi l-obbligu li l-qrati nazzjonali jinterpretaw atti ġuridiċi bħal direttiva jew deċiżjoni qafas b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, fl-istess waqt hija qieset b’mod konsistenti li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali ( 17 ). Issa, peress li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja stess enfasizzat, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru ( 18 ), hija finalment il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk interpretazzjoni konformi ma’ direttiva tkunx contra legem ( 19 ).

33.

F’dan il-kuntest, minn naħa, nista’ naqbel mal-Kummissjoni li l-limiti għall-interpretazzjoni li jirriżultaw mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari fid-dritt Ġermaniż, kif ġew esposti mill-qorti tar-rinviju, jidhru eżaġeratament stretti, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi esposta fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li minnu jirriżulta li r-riferiment għall-prinċipju ta’ bona fide espress mill-Kodiċi Ċivili Ġermaniż ippermetta li d-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt Ġermaniż ma tittiħidx inkunsiderazzjoni f’sensiela ta’ kawżi simili fil-passat. Min-naħa l-oħra, meta titqies il-pożizzjoni kategorika tal-qorti tar-rinviju li din il-ġurisprudenza ma tistax tapplika f’dan il-każ, ma narax raġuni għalfejn il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tissostitwixxi ruħha għall-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tal-limiti ta’ kemm hija permessa interpretazzjoni konformi mad-dritt Ġermaniż.

D. Raġunijiet eventwali sabiex il-qorti tar-rinviju ma tapplikax id-dispożizzjoni kontenzjuża

1.   Karatteristiċi speċifiċi tad-Direttiva 2006/123 bħala strument li jikkonkretizza l-libertà fundamentali tas-suq intern

34.

Fil-fehma tiegħi, l-analiżi ta’ din il-kawża għandha tibda bl-eżami iktar mill-qrib tal-karatteristiċi speċifiċi tad-Direttiva 2006/123 bħala strument li jikkonkretizza b’mod partikolari l-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE. Ċertament, din il-kwistjoni ma tqajmitx espressament mill-partijiet fis-sottomissjonijiet rispettivi tagħhom. Madankollu, jidher mixtieq li f’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina iktar mill-qrib ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 49 TFUE u d-Direttiva 2006/123.

35.

B’riferiment għall-ewwel parti tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni eskludiet il-possibbiltà li mill-istess Artikolu 49 TFUE tiġi dedotta ordni sabiex il-qorti nazzjonali ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontrih. Fil-fehma tagħha, il-fatt li l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni Ġermaniża kontenzjuża hija limitata għar-relazzjonijiet interni jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE f’dan il-każ. Tali argument huwa bbażat fuq il-premessa li, li kieku f’dan il-każ kien jeżisti element ta’ natura transkonfinali u d-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt Ġermaniż tkun applikabbli, l-invokazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE tkun possibbli. Dan ikun ifisser ukoll li sitwazzjoni ta’ fatt li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 tkun tista’ wkoll tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE. F’dan ir-rigward għandi dubji serji li hawnhekk nixtieq naqsam mal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fehma tiegħi, dawn id-dubji jistgħu jiġġustifikaw l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni diretta tad-Direttiva 2006/123 f’din il-proċedura.

36.

Għalhekk ta’ min wieħed iħares iktar mill-qrib lejn il-karatteristiċi speċifiċi tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, li jikkonkretizza l-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE fir-rigward tal-kważi totalità tat-tipi ta’ attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2006/123 tiddistingwi ruħha minn testi oħra ta’ dritt sekondarju li jarmonizzaw aspetti speċifiċi, u normalment limitati, tal-libertà ta’ stabbiliment f’settur partikolari ( 20 ). Dan ifisser li r-regoli mfassla mill-ġurisprudenza li jistabbilixxu r-relazzjoni bejn il-libertajiet tat-Trattat u l-miżuri li jarmonizzaw l-aspetti speċifiċi ta’ dawn il-libertajiet ma jistgħux awtomatikament jiġu trasposti għad-Direttiva 2006/123.

37.

Fl-ewwel lok, nixtieq infakkar żewġ deċiżjonijiet importanti ħafna tal-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, fis-sentenza Rina Services, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, ma hemmx bżonn li din tiġi eżaminata wkoll fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ( 21 ). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza X u Visser, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri, għandhom japplikaw ukoll għal sitwazzjoni fejn l-elementi rilevanti kollha tagħha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed biss ( 22 ).

38.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġu osservati dawn l-elementi li jindikaw mingħajr ekwivoku li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta d-Direttiva 2006/123, kellu l-intenzjoni li jimplimenta, jew saħansitra li jikkonkretizza, żewġ libertajiet fundamentali tas-suq intern, fosthom il-libertà ta’ stabbiliment ( 23 ). Id-Direttiva 2006/123 ma hijiex intiża li tarmonizza ċerti aspetti tal-attività ta’ provvista ta’ servizzi, iżda tippreċiża t-Trattat innifsu. Għal dan il-għan, din id-direttiva tieħu inkunsiderazzjoni b’mod wiesa’ l-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari billi tippreċiża l-projbizzjoni ta’ ċerti restrizzjonijiet jew billi tippreċiża l-eċċezzjonijiet. Jekk imbagħad isir riferiment għall-Artikolu 15 tad-Direttiva, jidher ċar li dan għandu l-għan li jirrikonċilja l-kompetenzi regolatorji tal-Istati Membri fil-qasam tar-rekwiżiti tal-eżerċizzju ta’ attività ekonomika u l-eżerċizzju effettiv, iggarantit mit-Trattat, tal-libertà ta’ stabbiliment.

39.

Mill-analiżi preċedenti jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Fl-ewwel lok, jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżaminata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 u hija inkompatibbli magħha, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mat-Trattat. Jidhirli li din hija konklużjoni evidenti u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex dubju f’dan ir-rigward ( 24 ). Madankollu, fit-tieni lok, u dan huwa, fil-fehma tiegħi, il-konsegwenza naturali tas-sentenza Rina Services ( 25 ), jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżaminata taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 u hija kompatibbli magħha, hija ma tistax titqiegħed inkwistjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment ( 26 ).

40.

Fil-fehma tiegħi, il-loġika ta’ hawn fuq tqiegħed f’dubju l-fondatezza tal-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, jekk fil-kawża jkun jeżisti xi element ta’ natura transkonfinali u d-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt Ġermaniż tkun applikabbli, l-invokazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE tkun possibbli. Dan ifisser, fil-fatt, li l-istess sitwazzjoni fattwali tkun tista’ tiġi evalwata mill-perspettiva tal-kompatibbiltà kemm mad-Direttiva 2006/123 kif ukoll mal-Artikolu 49 TFUE. Fil-fehma tiegħi, dan imur kontra l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li, permezz tal-adozzjoni ta’ din id-direttiva, ried jirregola b’mod eżawrjenti l-libertà ta’ stabbiliment f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet ta’ provvista ta’ servizzi. Fi kliem ieħor, dawn it-tipi u l-aspetti kollha tal-libertà ta’ stabbiliment, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, ma jistgħux jibqgħu jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE.

41.

Fl-istess waqt, kif jirriżulta mis-sentenza X u Visser ( 27 ), id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 japplikaw ukoll f’sitwazzjoni fejn l-elementi rilevanti kollha huma limitati fi ħdan Stat Membru wieħed. Din is-sentenza tikkonferma, fil-fehma tiegħi, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li, sa fejn id-Direttiva 2006/123 tkun applikabbli, jestendi l-portata tal-libertà ta’ stabbiliment sabiex tkopri wkoll ir-relazzjonijiet purament interni ( 28 ).

42.

Fil-fehma tiegħi, l-aċċettazzjoni tal-ipoteżi li l-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 jikkonkretizza l-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE timplika li hemm bżonn li jiġi adottat approċċ speċifiku fil-konfront tal-problema tal-applikazzjoni orizzontali ta’ din id-direttiva.

43.

Jiena konvint li, meta sitwazzjoni fattwali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123, il-possibbiltà li tiġi invokata l-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE għandha tiġi eskluża, u dan sabiex titqiegħed inkwistjoni l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru f’tilwima kontra individwu ieħor. Din il-possibbiltà ma tkunx biss kontra l-idea ta’ konkretizzazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva 2006/123. Dan iwassal ukoll għal analiżijiet kumplessi fir-rigward tal-portata ratione materiae tal-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għal direttiva hijiex ukoll kuntrarja għall-Artikolu 49 TFUE, fl-ipoteżi li tali direttiva ma tiġix adottata. Ma għandix dubju li tali soluzzjoni tkun tippreġudika l-effettività (effet utile) tad-Direttiva 2006/123.

44.

Ipotetikament huwa possibbli li wieħed jibbaża ruħu fuq esklużjoni tradizzjonali tal-effett dirett orizzontali u li jikkunsidra li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jeżistix jew le element transkonfinali, l-invokazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva kontra individwu hija eskluża. Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni tkun manifestament inaċċettabbli minħabba l-fatt li l-att tad-dritt sekondarju, bħalma hija d-Direttiva 2006/123, f’ebda każ ma jista’ jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà tat-Trattat, inkluż fir-rigward tal-invokazzjoni tiegħu f’kawża kontra individwu.

45.

Għalhekk, tibqa’ soluzzjoni waħda biss u, fil-fehma tiegħi, dik ġusta, li hija l-konsegwenza tar-rikonoxximent li l-Kapitolu III tad-Direttiva 2006/123 mhux biss jikkonkretizza l-libertà ta’ stabbiliment tat-Trattat, iżda wkoll jestendi l-limiti tal-applikazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet purament interni. L-invokazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kapitolu f’tilwima kontra individwu ieħor għandha tiġi ammessa bħalma għandu jiġi permess li tiġi invokata direttament, f’sitwazzjonijiet simili, il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fit-Trattat.

46.

In-nuqqas ta’ konformità tad-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt nazzjonali mal-Artikolu 15(2)(g) tad-Direttiva 2006/123 għaldaqstant għandu jiġi deċiż speċifikament mill-qorti nazzjonali b’mod partikolari mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li teskludi l-effett dirett orizzontali tad-direttivi.

47.

Konsegwentement, inqis li, fil-każ ta’ impossibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwi bi pretensjoni bbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tariffi minimi fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi b’mod kuntrarju għall-Artikolu 15(1), 2(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123, ma għandhiex tapplika tali dispożizzjoni nazzjonali. Skont l-Artikolu 15(2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123, bħala d-dispożizzjonijiet li jikkonkretizzaw il-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mill-Artikolu 49 TFUE, dan l-obbligu jaqa’ fuq il-qorti tar-rinviju.

2.   Applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza fil-każ ta’ regolamenti tekniċi

48.

Il-Gvern Olandiż ippropona b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika, f’din il-kawża, b’analoġija, il-ġurisprudenza tagħha dwar ir-regolamenti tekniċi mhux innotifikati.

49.

Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja stess, il-ġurisprudenza tagħha dwar ir-regolamenti tekniċi hija eċċezzjoni u ma hemmx lok li din tiġi estiża għal sitwazzjonijiet oħra. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja adottat tali ġurisprudenza ( 29 ) ġiet espressa fil-fatt li d-direttiva invokata, li la toħloq drittijiet u lanqas obbligi fir-rigward tal-individwi, ma kinitx tiddetermina l-kontenut sostantiv tad-dispożizzjoni ġuridika li abbażi tagħha l-qorti nazzjonali kellha tiddeċiedi l-kawża li kellha quddiemha. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza dwar l-impossibbiltà li, f’kawża bejn individwi, tiġi invokata direttiva li ma ġietx trasposta, ma kinitx rilevanti f’dawn il-kawżi ( 30 ).

50.

Din il-kawża ma tixbahx kawżi dwar regolamenti tekniċi mhux innotifikati. L-Artikolu 15(1), 2(g) u (3) tad-Direttiva ma humiex dispożizzjonijiet li jipprevedu obbligu ta’ notifika. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi applikata, b’analoġija, il-ġurisprudenza dwar ir-regoli tekniċi mhux innotifikati.

3.   Użu tad-Direttiva bħala “tarka” u mhux bħala “xabla”

51.

Skont il-Gvern Olandiż, mill-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 31 ) jirriżulta li dispożizzjoni ta’ direttiva ma tistax tiġi invokata minn individwu sabiex jiġi impost obbligu li jirriżulta minnha fil-konfront ta’ individwu ieħor f’sitwazzjoni fejn tali obbligu ma jirriżultax mid-dritt nazzjonali (ma tistax tintuża bħala “xabla”). Madankollu, minn dan ma jsegwix li individwu ma jistax jinvoka dispożizzjoni ta’ direttiva meta parti avversarja tfittex li timponi fuqu obbligu previst minn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jmorru kontra d-direttiva. Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li, f’din it-tieni sitwazzjoni (li fiha d-direttiva hija użata bħala “tarka”), hija l-qorti nazzjonali li għandha tħalli mhux applikata dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali.

52.

Il-Kummissjoni tara n-neċessità li twettaq tali distinzjoni. Hija tenfasizza li fil-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa indikat li direttiva ma tistax minnha nnifisha toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu, b’tali mod li ma tistax tiġi invokata bħala tali kontra individwu. Fl-istess waqt, f’dan il-każ, l-obbligu tar-rikorrent li jimxi mar-remunerazzjoni miftiehma jirriżulta mill-kuntratt. B’hekk, id-difiża tal-konvenut fil-konfront tal-pretensjoni usa’ tar-rikorrent ma ssirx abbażi tad-direttiva nnifisha biss iżda abbażi tad-direttiva flimkien mal-kuntratt. Għalhekk din ma hijiex sitwazzjoni li fiha, minnha stess jew bħala tali, jirriżultaw ċerti drittijiet għall-individwi.

53.

Madankollu, il-Kummissjoni tiddubita jekk dan huwiex determinanti f’dan il-każ: fl-ewwel lok, dan huwa minħabba l-konstatazzjonijiet kategoriċi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha li direttiva ma tistax tiġi invokata f’kawża bejn individwi bil-għan li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tmur kontra din id-direttiva ( 32 ); fit-tieni lok, dan huwa minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-kuntratti fil-kummerċ privat, li huma kkaratterizzati mill-fatt li l-partijiet, billi jiddefinixxu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, iwettqu huma stess ibbilanċjar tal-interessi tagħhom. Għandu jiġi kkonstatat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ direttiva jimplika neċessarjament deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ parti, b’mod li l-kwistjoni dwar jekk minnha jirriżultax dritt jew obbligu ma hijiex determinanti. Fil-fatt, dawn huma, essenzjalment, żewġ naħat tal-istess munita.

54.

Jiena naqbel ma’ din l-aħħar konklużjoni tal-Kummissjoni.

55.

L-ewwel nett, l-idea li direttiva tipproduċi, bħala tali, effetti oħra f’relazzjonijiet orizzontali skont jekk tintużax bħala “xabla” jew bħala “tarka” ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, sostnuta mill-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE. Minn dan ma tirriżultax is-setgħa li l-effettività tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għad-direttiva f’relazzjonijiet orizzontali tiġi eskluża jew imċaħħda.

56.

Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, essenzjalment, li huwa pprojbit li mid-direttivi jiġu misluta konsegwenzi ġuridiċi, kemm jekk fil-forma ta’ drittijiet jew ta’ obbligi, għall-individwi f’relazzjonijiet orizzontali. Fil-fatt, id-determinazzjoni ta’ jekk minn direttiva jirriżultax obbligu li parti tixtieq timponi fuq il-parti opposta jew jekk tirriżultax biss il-projbizzjoni li jiġi impost obbligu li jirriżulta mid-dritt nazzjonali tiddependi mill-istruttura proċedurali inkwistjoni u mill-perspettiva adottata, b’mod li din id-distinzjoni ma hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv.

57.

Tabilħaqq, jekk mid-Direttiva tirriżulta projbizzjoni li jiġu adottati dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, fuq il-partijiet, obbligi ta’ remunerazzjoni minima għal servizz partikolari, jista’, evidentement, jitqies li din hija sitwazzjoni fejn mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jirriżulta obbligu ta’ ħlas ta’ ammont ogħla minn dak stabbilit mill-partijiet li kontrih id-Direttiva tilqa’ bħallikieku kienet “tarka”. Madankollu, jista’ jiġi sostnut ukoll li mid-Direttiva jirriżulta dritt indirett u obbligu konkret għall-individwu: id-dritt tad-destinatarju ta’ servizzi li jinħeles mill-obbligu tiegħu permezz tal-ħlas tal-prezz miftiehem fil-kuntratt u l-obbligu għall-fornitur ta’ servizzi li jikkunsidra l-ħlas tal-prezz miftiehem fil-kuntratt bħala li għandu l-effett li jeħles lid-destinatarju ta’ servizz mill-obbligu kuntrattwali tiegħu. Meta jiddefendi ruħu f’azzjoni ġudizzjarja, id-destinatarju ta’ servizz, b’id waħda jgħolli t-tarka, iżda fl-istess waqt jinfilza x-xabla bl-id l-oħra, billi jkun jixtieq jimponi fuq il-fornitur ta’ servizzi l-obbligu li jirrikonoxxi li l-estinzjoni tal-obbligu jiġi ssodisfatt bil-ħlas ta’ somma inferjuri għar-rata minima.

58.

Ejjew nimmaġinaw li destinatarju ta’ servizz bi żball ħallas remunerazzjoni ogħla minn dik miftiehma fil-kuntratt u, sussegwentement, jitlob ir-rimbors tiegħu lill-fornitur tas-servizz. Dan għalhekk jipprova jimponi fuq dan tal-aħħar obbligu li jrodd lura l-ammont imħallas indebitament. Għal dan il-għan, id-destinatarju tas-servizz jinvoka d-Direttiva bħala “xabla”. L-istess japplika jekk il-partijiet ikunu ftiehmu dwar remunerazzjoni ogħla mit-tariffi massimi applikabbli u l-fornitur tas-servizzi, wara li jirċievi l-ħlas tar-rata massima biss, jitlob id-differenza bejnha u l-ammont stabbilit permezz tal-kuntratt. Essenzjalment, dan ikollu l-intenzjoni li jimponi fuq id-destinatarju tas-servizz il-ħlas tal-prezz kuntrattwali li jirriżulta mid-Direttiva. Tabilħaqq, f’din il-kawża ma għandniex quddiemna tali sitwazzjoni, iżda huwa loġiku li s-soluzzjoni għandha tkun identika għall-każijiet kollha: jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma għandhiex tapplika, din ma għandha tapplika f’ebda sitwazzjoni. L-argument ibbażat fuq l-impożizzjoni ta’ obbligu fuq individwu ma jiggarantixxix dan l-effett fi kwalunkwe sistema proċedurali u huwa bbażat fuq kriterju impreċiż u vag.

59.

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-proposta tal-Gvern Olandiż f’perspettiva kemxejn differenti, ikun possibbli li wieħed jiffoka fuq il-possibbiltà fiha nnifisha li direttiva tiġi invokata fil-konfront ta’ individwu. Il-fatt li d-Direttiva taġixxi bħala “tarka” għalhekk iwassal għall-esklużjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-direttiva mill-bażi tad-deċiżjoni. F’dan is-sens, il-fatt li d-Direttiva taġixxi bħala “tarka” jwieġeb għall-hekk imsejħa invokabbiltà ta’ direttiva bil-għan li tiġi eskluża dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali (bil-Franċiż invocabilité d’exclusion) u huwa l-kuntrarju ta’ invokabbiltà ta’ direttiva bil-għan li d-dispożizzjoni ta’ direttiva tissostitwixxi l-bażi tad-deċiżjoni (bil-Franċiż invocabilité de substitution) ( 33 ).

60.

Dan huwa kriterju sabiex titwettaq distinzjoni bejn il-mod ta’ azzjoni tad-Direttiva bħala “tarka” u bħala “xabla” (jekk jiġi aċċettat li jikkorrispondi għal distinzjoni bejn “esklużjoni” u “sostituzzjoni”) jista’ jkun iktar preċiż, iżda huwa possibbli li jiġu kkunsidrati sitwazzjonijiet li fihom tali distinzjoni tirriżulta diffiċli li titwettaq.

61.

Issa, minkejja l-inkoraġġiment tal-Avukati Ġenerali Saggio ( 34 ), Alber ( 35 ) u Ruiz-Jarabo-Colomer ( 36 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tiċħad dan il-kunċett b’mod definittiv fis-sentenza Pfeiffer ( 37 ).

62.

Fil-fatt, f’din l-aħħar kawża, obbligu dwar il-ħin tax-xogħol li jmur kontra d-Direttiva kien jirriżulta minn ftehim kollettiv li għalih kien jirreferi l-kuntratt konkluż mill-ħaddiem, u mhux mil-liġi. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ kawżi tinsab fil-fatt li, f’waħda minnhom, l-obbligu li jmur kontra d-Direttiva huwa fl-istess waqt espressament kuntrarju għal klawżola li tinsab fil-kuntratt tal-partijiet fir-rigward tal-prezz (din il-kawża) u, fl-oħra, tali kontradizzjoni manifesta ma kinitx teżisti, peress li l-kuntratt innifsu ma kienx jinkludi klawżola dwar il-ħin tax-xogħol iżda kien jirreferi għal ftehim kollettiv li minnu kien jirriżulta dan l-obbligu (kawża li ġiet fi tmiemha bis-sentenza Pfeiffer ( 38 )). Madankollu jista’ jiġi sostnut li l-assenza ta’ klawżola kuntrattwali rilevanti kienet timplika li l-obbligu f’dan ir-rigward kien iddeterminat minn dispożizzjoni leġiżlattiva li tiddefinixxi l-ħin massimu ta’ xogħol tal-ħaddiema. Il-fatt li, f’din il-kawża, il-kontradizzjoni tirriżulta direttament mill-kontenut tal-ftehim ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi kkunsidrat bħala li jimponi, f’dan il-każ, konklużjoni differenti fir-rigward tal-effett dirett orizzontali ta’ direttiva.

63.

Sabiex niġbor fil-qosor din il-parti tal-kunsiderazzjonijiet: inqis li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġġustifikawx li jiġi kkunsidrat li d-drittijiet u l-obbligi tal-individwi jistgħu jiġu mfassla, b’mod ġenerali, bis-saħħa tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva “bħala tali” fil-proċess ta’ determinazzjoni tal-bażi legali ta’ deċiżjoni dwar tilwima bejn individwi. F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-proċess ta’ determinazzjoni tal-bażi legali ta’ din id-deċiżjoni, ma huwiex importanti jekk hemmx lok, matul din id-deċiżjoni, li tiġi eskluża dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jew li tiġi ssostitwita b’dispożizzjoni ta’ direttiva jew li tiġi kkompletata l-bażi tad-deċiżjoni b’dispożizzjoni ta’ direttiva. Fl-aħħar mill-aħħar, il-kunċetti ta’ “sostituzzjoni” jew ta’ “esklużjoni” ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali f’relazzjonijiet orizzontali jistgħu biss jiddeterminaw l-effett ta’ teħid inkunsiderazzjoni eventwali ta’ direttiva fil-proċess ta’ applikazzjoni tad-dritt. Madankollu, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li direttiva għandha effett dirett orizzontali fir-relazzjonijiet orizzontali jekk l-uniku effett tat-teħid inkunsiderazzjoni tagħha huwa li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali.

4.   Invokabbiltà tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluża l-libertà kuntrattwali

64.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni pproponiet, alternattivament, li ma tapplikax id-dispożizzjoni kontenzjuża minħabba li tmur kontra l-libertà kuntrattwali ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta. Din il-libertà tinkludi l-libertà tal-partijiet li jistabbilixxu l-prezz għas-servizz. Hija limitata minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi tariffi minimi obbligatorji għal ċerti servizzi. Fid-dawl tan-natura sproporzjonata tal-limitazzjoni stabbilita għal din il-libertà, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjoni kontenzjuża tad-dritt Ġermaniż, sa fejn tmur kontra l-Artikolu 16 tal-Karta, għandha tiġi miċħuda mill-qorti nazzjonali.

65.

L-ewwel nett, ser niddiskuti dwar liema huma r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza attwali fir-rigward tal-possibbiltà ta’ invokabbiltà tal-Karta sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-direttiva (a). Sussegwentement ser neżamina jekk humiex issodisfatti f’dak li jirrigwarda l-libertà kuntrattwali u s-setgħa li jiġi stabbilit il-prezz (b). Fl-aħħar nett, ser nevalwa l-possibbiltà ta’ applikabbiltà tad-dispożizzjoni li tiggarantixxi din il-libertà għall-kawża inkwistjoni (ċ).

a)   Il-kundizzjonijiet għall-invokabbiltà tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ikkonkretizzati fil-Karta

66.

Fil-ġurisprudenza tagħha li ngħatat bidu bis-sentenza Mangold ( 39 ), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-possibbiltà li, f’relazzjonijiet orizzontali, ma jiġux applikati dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kuntrarji għal direttiva meta l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jeżiġu dan, inklużi dawk ikkonkretizzati fil-Karta ( 40 ).

67.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li teżisti raġuni għal rifjut ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE ( 41 ) sa fejn dan ikun neċessarju sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba l-età ( 42 ), il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba r-reliġjon jew it-twemmin ( 43 ) u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 44 ). Fil-kawżi li jirrigwardaw id-Direttiva 2003/88/KE ( 45 ), hija rrikonoxxiet li kien hemm raġuni għar-rifjut tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jippreġudikaw id-dritt tal-ħaddiem għal leave annwali mħallas iggarantit mill-Artikolu 31(2) tal-Karta ( 46 ).

68.

Madankollu, hija opponiet l-applikazzjoni ta’ tali approċċ għall-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 1 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE ( 47 ), għar-raġuni li din id-dispożizzjoni ma tistax titqies li tikkonkretizza prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 48 ). Hija għamlet l-istess fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14/KE ( 49 ), billi qieset li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1) tagħha ma tistax tiġi dedotta, bħala prinċipju ġuridiku direttament applikabbli, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Karta u lanqas mill-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu ( 50 ).

69.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija suġġetta għal kritika fid-duttrina fis-sens li din twassal għal applikazzjoni restrittiva wisq tal-Karta fir-relazzjonijiet bejn individwi ( 51 ) u li tissuġġettaha għal kriterji vagi ( 52 ). Fil-passat kien hemm Avukati Ġenerali li argumentaw ukoll favur applikazzjoni usa’ tal-Karta fir-relazzjonijiet orizzontali. ( 53 ) Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’, bħala prinċipju, leali għall-approċċ kawt u każuistiku tagħha ( 54 ).

70.

Il-paradoss tas-sitwazzjoni kollha jinsab fil-fatt li, minħabba l-impossibbiltà li d-direttivi jiġu applikati fir-relazzjonijiet orizzontali, l-effettività tal-Karta, li hija att tad-dritt primarju ta’ saħħa ekwivalenti għat-Trattati, fir-relazzjonijiet orizzontali, qiegħda tiġi skoperta matul is-snin “ftit ftit” meta jsiru rinviji għal deċiżjoni preliminari suċċessivi dwar il-possibbiltà li ma tiġix applikata dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-direttiva li ma ġietx trasposta jew ġiet trasposta b’mod inkorrett. Fil-fatt, f’dan il-qasam, il-Karta kienet eċċezzjonalment mogħnija b’importanza prattika mhux tas-soltu billi de facto, biex nużaw lingwa tal-alkimisti, ikkostitiwixxiet ġebla filosofali tad-dritt tal-Unjoni li twassal għal trasmutazzjoni ta’ standards bażiċi (li ma jipproduċux effett orizzontali tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi) fi standards nobbli (li jipproduċu tali effett). Huwa f’din l-okkażjoni li l-prinċipji ta’ invokazzjoni tal-Karta f’relazzjonijiet bejn individwi ġew żviluppati.

71.

Fid-dawl tal-istat attwali tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni essenzjali sabiex dispożizzjoni tal-Karta tkun tista’ sservi bħala bażi awtonoma għal deċiżjoni f’kawżi quddiem qrati nazzjonali hija l-“awtosuffiċjenza” ( 55 ). B’mod partikolari, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tkun suffiċjenti sabiex b’mod spontanju tagħti lill-individwi dritt li fl-istess waqt ikun jista’ jiġi invokat f’kawżi ma’ individwi oħra. Sabiex dan ikun possibbli jeħtieġ li minnha jirriżulta dritt li fl-istess waqt ikun mandatorju u inkundizzjonat. Din l-aħħar kundizzjoni ma hijiex issodisfatta meta, sabiex jiġi ddeterminat il-kontenut ta’ dan id-dritt, ikun meħtieġ li jiġu adottati dispożizzjonijiet supplimentari, kemm jekk fid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dritt nazzjonali ( 56 ).

72.

Il-kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Karta bl-għan li tipproduċi effett orizzontali ta’ dispożizzjoni tad-direttiva hija, barra minn hekk, suġġetta għall-eżistenza ta’ rabta bejn dispożizzjoni speċifika tal-Karta u dispożizzjoni ta’ direttiva. Din ir-rabta għandha, fir-rigward ta’ ċerti drittijiet, tikkonsisti f’konkretizzazzjoni tad-dispożizzjoni tal-Karta permezz tad-dispożizzjoni tad-direttiva ( 57 ).

73.

Dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti fir-rigward tal-Artikolu 16 tal-Karta sa fejn dan jiggarantixxi l-libertà kuntrattwali?

74.

Qabel ma nagħti risposta għal din id-domanda, nenfasizza li din il-kawża ma tirrigwardax, essenzjalment, l-effett dirett orizzontali ta’ dispożizzjoni tal-Karta fis-sens klassiku. Fil-fatt, wieħed ma għandux jistaqsi jekk dispożizzjoni tal-Karta timponix direttament obbligi fuq waħda mill-partijiet fil-kuntratt, iżda jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tistax tiġi eskluża f’tilwima bejn individwi minħabba l-inkompatibbiltà tagħha ma’ dispożizzjoni tal-Karta, f’dan il-każ l-Artikolu 16 tagħha. F’dan il-każ ukoll, dawn il-kundizzjonijiet għandhom madankollu jiġu ssodisfatti peress li dawn huma deċiżivi sabiex dispożizzjoni tal-Karta jkollha effett dirett, jiġifieri l-possibbiltà ta’ applikabbiltà diretta tagħha f’tilwima pendenti.

b)   Libertà kuntrattwali

1) Osservazzjonijiet preliminari

75.

Il-libertà kuntrattwali ( 58 ) tikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji essenzjali tad-dritt privat, flimkien ma’ prinċipji oħra bħall-prinċipju ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratti jew il-prinċipju ta’ bona fide. Għalkemm huwa minnu li s-sorsi tiegħu jistgħu jmorru lura għall-antikwità, huwa tradizzjonalment aċċettat li l-espressjoni sħiħa tiegħu tidher għall-ewwel darba fil-Kodiċi ta’ Napuljun ( 59 ).

76.

Xi drabi tista’ tingħata l-impressjoni li l-libertà kuntrattwali hija, u hawnhekk ser nuża t-terminoloġija Ingliża, bħal “the elephant in the room” (xi ħaġa li tistona li ħadd ma jazzarda jitkellem dwarha). Fil-fehma tiegħi, hija għadha ma sabitx postha fis-sistema tad-dritt tal-Unjoni. Fl-istess waqt, din tikkostitwixxi l-pedament tagħha, speċjalment fil-kuntest tal-funzjonament tal-libertajiet fundamentali ( 60 ). Mingħajrha wieħed la jista’ jimmaġina l-eżistenza ta’ suq intern u ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna msemmija fl-Artikolu 3(3) TUE u lanqas it-tmexxija ta’ politika ekonomika fl-osservanza tal-prinċipju ta’ ekonomija tas-suq miftuħ b’kompetizzjoni libera msemmi fl-Artikolu 119 TFUE. Fl-istess ħin, hija tibqa’ moħbija wara s-sistema kollha ta’ prinċipji u drittijiet oħra tal-Unjoni.

77.

Il-kawża preżenti tista’ tkun l-okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja biex din teżamina iktar mill-qrib il-libertà kuntrattwali u tippreċiża l-pożizzjoni tagħha fis-sistema tad-dritt tal-Unjoni.

2) Ir-rikonoxximent tal-libertà kuntrattwali fid-dritt u fil-ġurisprudenza

78.

Fl-istat attwali tad-dritt, il-libertà kuntrattwali hija ggarantita mill-Artikolu 16 tal-Karta. Huwa minnu li din ma tissemmiex espressament fil-formulazzjoni tiegħu, madankollu, mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 61 ) jirriżulta li din tikkostitwixxi komponent tal-libertà ta’ intrapriża, li għaliha dan l-artikolu huwa ddedikat.

79.

Dispożizzjoni tal-Karta tista’ tiggarantixxi drittijiet u libertajiet differenti u tistabbilixxi prinċipji differenti ( 62 ) li wħud minnhom jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet biex fuqhom jiġu bbażati d-deċiżjonijiet inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali filwaqt li oħrajn le ( 63 ). Il-fatt li l-Artikolu 16 tal-Karta jikkonċerna b’mod partikolari l-libertà kuntrattwali ma jfissirx li l-modalitajiet tal-invokabbiltà tiegħu quddiem il-qrati nazzjonali japplikaw ukoll fir-rigward ta’ drittijiet jew libertajiet oħra ggarantiti minn dan l-artikolu. Fid-dawl tas-suġġett ta’ din il-kawża, l-eżami tiegħi ser ikun limitat għal-libertà kuntrattwali u, f’parti sussegwenti, għad-dritt speċifiku li jirriżulta minnha.

80.

Mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jirriżulta espressament li l-Artikolu 16 tagħha jikkodifika biss il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fiha din diġà rrikonoxxiet li l-libertà kuntrattwali tapplika fid-dritt tal-Unjoni ( 64 ). L-istatus tal-libertà kuntrattwali bħala wieħed mill-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ġie sussegwentement ikkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija wara l-adozzjoni tal-Karta ( 65 ). Għalhekk jista’ jiġi aċċettat li din tikkostitwixxi libertà stabbilita sew iggarantita mid-dritt tal-Unjoni. Huwa paċifiku li din hija dritt u mhux prinċipju fis-sens tal-Artikolu 52(5) tal-Karta ( 66 ).

3) Il-kontenut tal-libertà kuntrattwali

81.

Il-libertà kuntrattwali tikkostitwixxi sottotip tal-libertà b’mod ġenerali. Din hija l-libertà fil-qasam tal-obbligi tad-dritt privat. Din il-libertà hija ta’ spiss assimilata mal-awtonomija tar-rieda ta’ individwu, iżda għandha portata iktar stretta minnha, sa fejn din ma tirrigwardax kull att ġuridiku, iżda biss il-kuntratti ( 67 ).

82.

Tradizzjonalment huwa paċifiku li l-libertà kuntrattwali tinkludi mill-inqas il-libertajiet dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti, dwar l-għażla tal-parti kontraenti, dwar id-determinazzjoni tal-kontenut tal-kuntratt u, għaldaqstant, dwar ir-relazzjoni ta’ obbligu kif ukoll dwar il-forma tal-kuntratt ( 68 ). Issa, id-dritt għall-istabbiliment liberu tal-kontenut tar-relazzjoni ġuridika bejn il-partijiet jinkludi d-dritt li jiġi ddeterminat l-ammont tas-servizzi reċiproċi, fosthom, b’mod partikolari, il-prezz jew ir-remunerazzjoni għas-servizz tal-parti l-oħra.

83.

Din l-idea ta’ libertà hija riflessa fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din indikat espressament li l-impożizzjoni, minn Stat Membru, ta’ obbligu kuntrattwali fuq l-individwu jikkostitwixxi interferenza sinjifikattiva fil-libertà kuntrattwali ( 69 ), u li l-libertà kuntrattwali tinkludi b’mod partikolari l-libertà tal-għażla tas-sieħeb kummerċjali ( 70 ), id-dritt għall-partijiet li jistabbilixxu liberament l-obbligi reċiproċi tagħhom ( 71 ) inkluż l-istabbiliment tal-prezz tas-servizz ( 72 ), u, fl-aħħar nett, id-dritt li l-kuntratt konkluż jiġi emendat ( 73 ).

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-libertà kuntrattwali hija dritt irrikonoxxut kemm mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri kif ukoll mid-dritt tal-Unjoni. Minn dan, għall-individwi jirriżultaw ċerti drittijiet li għandhom korrelazzjoni ma’ obbligi ta’ astinenza minn interferenza mal-awtonomija tar-rieda tal-partijiet, b’mod partikolari billi jimponu l-konklużjoni jew it-terminazzjoni ta’ kuntratti jew billi jimponu ċertu kontenut.

4) Tifsira tar-riferiment magħmul fl-Artikolu 16 tal-Karta

85.

Fid-dawl tal-kontenut tal-Artikolu 16 tal-Karta jista’ jkun hemm dubju dwar in-natura kategorika tal-konklużjoni misluta. Fil-fatt, minn dan jirriżulta li l-libertà ta’ intrapriża hija rrikonoxxuta “skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”. Fl-istess waqt, fis-sentenza Association de médiation sociale ( 74 ) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li b’formulazzjoni li tinkludi riferiment simili fl-Artikolu 27 ( 75 ) tal-Karta “jirriżulta b’mod ċar li, sabiex dan l-artikolu jħalli l-effetti sħaħ tiegħu, għandu jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali” ( 76 ). Konsegwentement, il-projbizzjoni deċiżiva li għad-deċiżjoni f’din il-kawża ma setgħetx tiġi dedotta bħala regola tad-dritt applikabbli direttament, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Karta u lanqas mill-ispjegazzjonijiet dwar dan l-artikolu ( 77 ).

86.

Madankollu, kuntrarjament għad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 27 tal-Karta, il-libertà kuntrattwali, għalkemm mhux espressament imsemmija mill-formulazzjoni tal-Artikolu 16, tissemma fl-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta bħala li hija protetta minn din id-dispożizzjoni. Din ġiet ikkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk ma hemmx bażi sabiex titwettaq applikazzjoni diretta tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 27 tal-Karta għaliha.

87.

Nikkunsidra wkoll li r-riferiment, fl-Artikolu 16 tal-Karta, għad-dritt tal-Unjoni u għad-dritt nazzjonali, huwa ta’ natura differenti minn dak fl-Artikolu 27 tal-Karta. F’dan l-aħħar każ, dan huwa riferiment għal dispożizzjonijiet li permezz tagħhom id-dritt inkwistjoni huwa biss maħluq, filwaqt li, fl-ewwel wieħed, hemm riferiment għal dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dritt diġà eżistenti u ggarantit mill-Karta.

88.

Kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, id-dritt iggarantit fl-Artikolu 16, “għandu jiġi eżerċitat b’rispett għall-liġi ta’ l-Unjoni u tal-leġislazzjoni nazzjonali. Dan id-dritt jista’ jkun soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.” Issa, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ intrapriża ma hijiex prerogattiva assoluta, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħha fis-soċjetà ( 78 ). Hija tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interferenzi mill-amministrazzjoni pubblika li jistgħu jistabbilixxu, fl-interess ġenerali, limiti għall-eżerċizzju ta’ din il-libertà ( 79 ). L-istess japplika fir-rigward tal-libertà kuntrattwali.

89.

F’dan il-kuntest, naqbel mal-opinjoni espressa fid-duttrina li r-riferiment magħmul fl-Artikolu 16 tal-Karta jservi biss biex jenfasizza li, fir-rigward ta’ dritt iggarantit minn dan l-artikolu, huwa ammissibbli livell ta’ interferenza mill-Istat ogħla milli għal drittijiet oħra. Issa, dan ir-riferiment ma jurix limitazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni ggarantit minn dan id-dritt, la fid-dawl tal-fatt li għandu status ta’ prinċipju, u lanqas fid-dawl tal-kwalità tiegħu ta’ dritt tat-“tieni kategorija” ( 80 ).

90.

Dan ma jneħħi xejn mill-fatt li, fil-prattika, huwa rari li d-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq l-Artikolu 16 tal-Karta ( 81 ). Meta mqabbla ma’ drittijiet fundamentali oħra, il-libertà tal-intrapriża u, għaldaqstant anki l-libertà kuntrattwali, ta’ spiss ikollhom iċedu l-prijorità lil valuri oħra protetti mid-dritt tal-Unjoni ( 82 ). In-neċessità ta’ interferenza sinjifikattiva fil-libertà kuntrattwali hija partikolarment viżibbli f’dak li jikkonċerna s-swieq irregolati u l-kummerċ mal-konsumaturi.

5) L-awtosuffiċjenza tal-Artikolu 16 tal-Karta, sa fejn minnu tirriżulta l-possibbiltà għall-partijiet li jistabbilixxu l-prezz għal servizz

91.

Fost dawn id-drittijiet li jikkostitwixxu l-kontenut tal-libertà u kkonfermati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’din il-kawża hija rilevanti l-possibbiltà għall-partijiet fil-kuntratt li jistabbilixxu l-kontenut tar-relazzjoni ġuridika billi jistabbilixxu l-prezz għas-servizz. Ser nillimita s-segwitu tal-kunsiderazzjonijiet tiegħi għal din il-possibbiltà.

92.

Inqis li l-possibbiltà għall-partijiet li jistabbilixxu l-prezz għas-servizz li huwa s-suġġett tal-kuntratt huwa tant ovvju, ċar u inekwivoku, li ma humiex meħtieġa preċiżazzjonijiet, fid-dritt tal-Unjoni jew fid-dritt nazzjonali, sabiex jiġi stabbilit il-kontenut tiegħu.

93.

Sa fejn jiggarantixxi l-libertà tal-partijiet li jistabbilixxu l-prezz għal servizz minnhom, l-Artikolu 16 tal-Karta huwa għalhekk dispożizzjoni “awtosuffiċjenti”. Għaldaqstant huwa jissodisfa l-kundizzjoni essenzjali sabiex jipproduċi effett dirett.

6) Ammissibbiltà tar-restrizzjonijiet għal-libertà kuntrattwali f’dak li jikkonċerna d-dritt li jiġi stabbilit il-prezz

94.

Mill-osservazzjonijiet magħmula fil-punt 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà kuntrattwali hija inerenti għal din il-libertà stess. Il-kontenut tagħha huwa fil-fatt iddeterminat b’mod negattiv mir-restrizzjonijiet tagħha stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni u mid-drittijiet tal-Istati Membri. L-ammissibbiltà ta’ dawn ir-restrizzjonijiet għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

95.

Restrizzjoni għal-libertà tista’ tirriżulta mid-dritt nazzjonali jew mid-dritt tal-Unjoni, u possibbilment kemm minn wieħed kif ukoll mill-ieħor ( 83 ).

7) Mudell ta’ invokabbiltà tal-Artikolu 16 tal-Karta f’relazzjoni orizzontali

96.

Il-kwistjoni li tqum hija dik dwar kif id-dritt tal-partijiet li jistabbilixxu l-prezz għas-servizz għandu jiġi invokat f’kawża bejn individwi. Iqumu dubji dwar jekk l-invokabbiltà tad-dritt inkwistjoni taqax kompletament f’mudell magħruf mill-ġurisprudenza attwali.

97.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li taċċetta l-invokazzjoni diretta tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ikkonkretizzati mill-Karta, kienet tikkonċerna drittijiet suġġettivi tal-individwi li minnhom kienu jirriżultaw drittijiet konkreti li magħhom kienu kkorrelati l-obbligi ta’ individwi li jikkostitwixxu l-parti l-oħra tat-tilwima. Mad-dritt għal-leave jew għan-nondiskriminazzjoni kien ikkorrelat l-obbligu tal-parti l-oħra fit-tilwima: jew sabiex jingħata l-leave, inkella possibbilment l-ekwivalenti għal leave mhux meħud, jew li jingħataw drittijiet li minnhom jibbenefikaw persuni oħra li jinsabu f’sitwazzjoni simili ( 84 ).

98.

Fil-każ tad-dritt li jiġi stabbilit il-prezz għal servizz, dan ir-raġunament ma jistax jiġi applikat. Minn naħa, mil-libertà kuntrattwali jirriżulta d-dritt għal individwu li jkun liberu minn kull interferenza fuq l-awtonomija tar-rieda tal-partijiet f’relazzjoni ġuridika, kemm jekk tkun potenzjali jew eżistenti. Dan ma huwiex dritt tanġibbli daqs dritt għal-leave jew għal impjieg. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex dritt li għalih huwa intitolat individwu involut f’tilwima. Fil-fatt, il-ksur tal-libertà kuntrattwali jirriżulta mill-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħha minn entità esterna meta mqabbla ma’ relazzjoni ġuridika eżistenti jew potenzjali. Mingħajr dubju huma joriġinaw mill-Istat, jew possibbilment minn kull entità li tista’ tadotta dispożizzjonijiet vinkolanti li jiddefinixxu r-regoli ta’ konklużjoni tal-kuntratti fil-qasam ikkonċernat. Issa, il-persuna li fuqha jaqgħu l-obbligi li jirriżultaw mil-libertà kuntrattwali ma hijiex individwu ieħor, b’mod partikolari l-parti kontraenti ( 85 ).

99.

Fil-fatt, id-dritt li jintalab il-ħlas tal-prezz miftiehem b’ebda mod ma jista’ jiġi assimilat mad-dritt li jiġi ddeterminat il-kontenut tar-relazzjoni ġuridika, inkluż il-prezz. Fil-fatt, dan ma jirriżultax mil-libertà kuntrattwali, iżda mill-kuntratt partikolari konkluż diġà. In-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew l-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratt minn waħda mill-partijiet ma hijiex il-manifestazzjoni ta’ ksur tal-libertà kuntrattwali, iżda manifestazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ osservanza tal-obbligi ( 86 ).

100.

Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-libertà kuntrattwali tipproteġi ż-żewġ partijiet kontra interferenzi esterni u mhux waħda minnhom kontra l-oħra. Id-dritt ewlieni għall-iffissar tal-prezz huwa d-dritt komuni taż-żewġ partijiet u mhux ta’ waħda minnhom fil-konfront tal-oħra.

101.

Minn dan isegwi li l-ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mil-libertà kuntrattwali jseħħ qabel kollox fuq il-livell vertikali. Dan ma huwiex inabitwali sa fejn, bħala prinċipju, fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-effett dirett orizzontali tal-Karta, il-ksur ta’ dritt fundamentali seħħ qabel kollox f’relazzjoni vertikali, għaliex l-Istat ma żgurax protezzjoni adegwata tad-drittijiet fundamentali tal-individwi. Huwa biss sussegwentement li tqum il-kwistjoni dwar jekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni li tiżgura din il-protezzjoni, individwu ieħor kienx obbligat jadotta aġir konkret xieraq ( 87 ).

102.

Il-partikolarità fil-każ ta’ ksur tal-libertà kuntrattwali hija li, minn perspettiva formali, dan iseħħ fir-rigward taż-żewġ partijiet fil-kuntratt. Madankollu, huwa jista’ jiġi tradott b’modi differenti fir-rigward tal-interess ta’ kull waħda minnhom. Għal waħda, dan jista’ jimplika dritt addizzjonali – għall-oħra, obbligu.

103.

Peress li l-mod prinċipali ta’ interferenza fil-libertà kuntrattwali huwa li jiġu imposti fuqha restrizzjonijiet mill-Istat, id-difiża kontra tali interferenza f’tilwima ma’ parti kontraenti li tislet id-dritt tagħha minn tali restrizzjoni tista’ ssir biss billi tiġi invokata l-illegalità ta’ restrizzjoni għal-libertà. Issa, il-legalità tagħha tiddependi minn jekk hija tissodisfax il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw ir-restrizzjonijiet għad-drittijiet u għal-libertajiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. Il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ restrizzjoni timplika ksur ta’ dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 16 tal-Karta.

104.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jidher li kawża bħal dik odjerna ma tikkonċernax l-effett dirett orizzontali fit-tifsira klassika tiegħu, jiġifieri dik fejn individwu jkun id-destinatarju ta’ dispożizzjoni legali u huwa, konsegwentement, obbligat li jaġixxi b’mod speċifiku. Din hija l-invokazzjoni, f’kawża, tal-Karta bħala standard ta’ kontroll intiż li juri l-illegalità tad-dispożizzjoni li tikkostitwixxi l-bażi tal-azzjoni ( 88 ).

105.

Ma narax għalfejn l-Artikolu 16 tal-Karta ma jistax jikkostitwixxi tali standard ta’ stħarriġ tal-legalità. Dan huwa suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat sa fejn huwa rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża, jiġifieri sa fejn dan jirriżulta mil-libertà tal-individwi fir-rigward tal-iffissar tal-prezz. Fil-każ ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni mid-dritt nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, għandhom japplikaw l-istess prinċipji li japplikaw fil-każ ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali u d-dispożizzjonijiet tat-Trattati, li jipprevedu deroga minn dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ( 89 ).

106.

Din il-konklużjoni b’ebda mod ma hija prekluża mill-Artikolu 51(1) tal-Karta. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju japplikaw primarjament għall-Istati Membri ma jeskludix li dawn jistgħu japplikaw fir-relazzjonijiet bejn individwi ( 90 ).

c)   L-invokazzjoni tal-libertà kuntrattwali fil-kawża prinċipali

107.

Din il-kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta. Fil-fatt, id-dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tistabbilixxi restrizzjoni għal-libertà kuntrattwali ggarantita minn dan l-artikolu u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123.

108.

Id-dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża tmur kontra d-dispożizzjonijiet iċċitati tad-Direttiva 2006/123, kif jirriżulta espressament mis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ( 91 ) u mid-digriet fil-kawża hapeg dresden ( 92 ). Il-qrati nazzjonali huma marbuta minn sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE.

109.

L-Artikolu 15(2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għall-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-adozzjoni, fid-dritt nazzjonali, ta’ dispożizzjonijiet li jipprevedu regolamentazzjoni dwar il-prezzijiet għas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva ( 93 ).

110.

Bl-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà bbilanċja d-diversi drittijiet fundamentali involuti u evalwa l-proporzjonalità tas-soluzzjoni.

111.

Fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 15(2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123, ir-restrizzjonijiet għal-libertà kuntrattwali li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali għandhom josservaw il-limiti imposti mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

112.

Għaldaqstant, il-kontradizzjoni, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja ( 94 ), ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali inkwistjoni li tistabbilixxi restrizzjoni għad-dritt li jiġi ffissat liberament il-prezz ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tiddetermina l-limiti għall-adozzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet, timplika neċessarjament li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali. Fil-fatt, fil-każ ta’ tali kontradizzjoni, ma hemmx dubju li r-restrizzjoni tad-dritt li jiġi ffissat liberament il-prezz previst mid-dritt nazzjonali ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 52(1) tal-Karta. Sa fejn dan huwa l-każ, hija tikser l-Artikolu 16 tal-Karta.

113.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti nazzjonali fil-kawża prinċipali hija obbligata ma tapplikax id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kontenzjuża li tmur kontra d-Direttiva 2006/123, u dan minħabba n-neċessità li jiġi rrispettat id-dritt fundamentali tal-libertà kuntrattwali tal-partijiet li jistabbilixxu l-prezz.

114.

Għalhekk, irrispettivament mill-proposta ppreżentata fil-parti 1 tat-Taqsima D tal-analiżi tiegħi, inqis li, fil-każ ta’ impossibbiltà ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni, qorti nazzjonali adita b’tilwima bejn individwi dwar pretensjoni bbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tariffi minimi fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi b’mod kuntrarju għall-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 ma għandhiex tapplika tali dispożizzjoni nazzjonali. Bis-saħħa tal-Artikolu 16 tal-Karta dan l-obbligu jaqa’ fuq il-qorti nazzjonali.

5.   Obbligu ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu

115.

F’din il-kawża, għandu jiġi mistoqsi jekk qorti nazzjonali għandhiex obbligu li ma tapplikax id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni minħabba l-għoti ta’ sentenza skont l-Artikolu 258 TFUE li fiha ġiet ikkonstatata l-inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni mad-direttiva.

116.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjoni, f’sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE, ta’ nuqqas minn Stat Membru li jwettaq l-obbligi tat-Trattat, hija ta’ natura dikjaratorja ( 95 ). Madankollu, tali sentenza toħloq obbligi għall-awtoritajiet tal-Istat li huma obbligati jeżegwixxuha. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-qrati inkarigati li jiżguraw l-osservanza tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom ( 96 ), inkluż li ma japplikawx dispożizzjonijiet li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni ( 97 ).

117.

Dan l-obbligu tal-aħħar jikkostitwixxi raġuni awtonoma sabiex ma tiġix applikata dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra d-direttiva f’relazzjoni orizzontali?

118.

Fil-fehma tiegħi le.

119.

L-ewwel, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fi proċedura rregolata mill-Artikolu 258 TFUE, din ma għandhiex kompetenza tħassar l-atti ġuridiċi tal-Istati Membri ( 98 ). Issa, li jiġi aċċettat li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li n-nuqqas ta’ konformità tagħha ma’ direttiva jirriżulta minn sentenza mogħtija abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, ma tistax, minħabba din is-sentenza, tiġi applikata mill-qrati, iwassal għal konsegwenzi ekwivalenti għall-annullament tagħha.

120.

It-tieni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja stess enfasizzat fis-sentenza Waterkeyn et ( 99 ), meta tingħata sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tat-Trattat minn Stat Membru, il-qrati ta’ dan l-Istat huma obbligati, skont l-Artikolu 260(1) TFUE (attwali), jisiltu l-konsegwenzi xierqa minn din is-sentenza. Madankollu, għandu jinftiehem li drittijiet konkreti għall-individwi ma jirriżultawx minn din is-sentenza iżda minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

121.

Hija wkoll koerenti ma’ dan l-argument il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru għad-danni fil-każ ta’ assenza ta’ traspożizzjoni jew ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva, mibdija bis-sentenza Francovich ( 100 ), minn fejn jirriżulta li l-bażi ta’ azzjonijiet għad-danni f’tali sitwazzjoni hija kkostitwita mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u mhux minn sentenza li tikkonstata l-ksur tal-obbligi tal-Istat Membru bħala tali ( 101 ).

122.

Għalhekk, inqis li sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE, minkejja li timponi obbligi konkreti fuq il-qrati ta’ Stat Membru, ma toħloqx għalihom kompetenzi addizzjonali għal dawk diġà mogħtija. Għalhekk, jekk, skont id-dritt tal-Unjoni, fil-każ ta’ kontradizzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, kulma tagħmel sentenza mogħtija abbażi tal-Artikolu 258 TFUE huwa li sempliċement taġġorna dan l-obbligu.

123.

L-Artikolu 260(1) TFUE ma jistax jiġi interpretat fis-sens li sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE twassal sabiex timponi fuq l-individwi obbligi ġodda, liema obbligi, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ma jistgħux jiġu imposti fuq l-individwi minn direttiva stess. F’dan il-każ, sentenza mogħtija skont l-Artikolu 258 TFUE jkollha l-effett li tibdel l-effett vinkolanti tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, bħala sors tad-dritt tal-Unjoni.

124.

Bħalma l-interpretazzjoni vinkolanti ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva f’sentenza preliminari torbot lill-qorti tar-rinviju iżda ma għandhiex l-effett li temenda r-regoli ta’ applikazzjoni tad-direttiva f’relazzjonijiet orizzontali, bl-istess mod, fil-fehma tiegħi, ma hemmx raġunijiet li jwasslu sabiex tali effett jiġi prodott minn sentenza mogħtija skont tal-Artikolu 258 TFUE.

125.

Minn tali sentenza tirriżulta bla dubju ċerta interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Hija torbot lill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt. Il-qorti nazzjonali hija obbligata tieħu din l-interpretazzjoni inkunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, ftit huwa rilevanti l-fatt li dan l-obbligu jikkoinċidi mal-obbligu li wieħed jikkonforma ruħu mas-sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

126.

Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li l-għoti ta’ sentenza skont l-Artikolu 258 TFUE ma jippermettix, waħdu, li, f’relazzjoni orizzontali, dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra d-direttiva kkonċernata minn din is-sentenza ma tiġix applikata.

V. Konklużjoni

127.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Bundesgerichtshof (il‑Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

Qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn individwi, dwar pretensjoni bbażata fuq dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi tariffi minimi fir-rigward tal-fornitur ta’ servizzi b’mod kuntrarju għall-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, ma għandhiex tapplika tali dispożizzjoni nazzjonali. Dan l-obbligu jaqa’ fuq il-qorti nazzjonali bis-saħħa:

tal-Artikolu 15(2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123, bħala dispożizzjonijiet li jikkonkretizzaw il-libertà ta’ stabbiliment li tirriżulta mill-Artikolu 49 TFUE; u

tal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Pollakk.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 3 ) BGB1. I, p. 2276.

( 4 ) BGBl. I, p. 2636.

( 5 ) C‑377/17, EU:C:2005:562.

( 6 ) C‑137/18, mhux ippubblikat, EU:C:2020:84.

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, EU:C:1986:84, punt 48); tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 20); tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (minnC‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 108); u tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 42).

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑10 ta’ April 1984, von Colson u Kamann (14/83, EU:C:1984:153, punt 26); tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8); u tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (minnC‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punti 113–114).

( 9 ) Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat‑28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU 1983, L 109, p. 8); sussegwentement, id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU 1998, L 204, p. 37); u fl-aħħar nett, id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (kodifikazzjoni) (ĠU 2015, L 241, p. 1). Din il-ġurisprudenza hija applikabbli anki fir-rigward tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399). Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 100).

( 10 ) Ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 48); u tas‑26 ta’ Settembru 2000, Unilever (C‑443/98, EU:C:2000:496, punti 44, 5051).

( 11 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 12 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 1996Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404); u tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12).

( 14 ) Għal paragun, ara l-punti 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562).

( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 71–75, u l-punt 3 tad-dispożittiv); u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 25 u l-punt 2 tad-dispożittiv).

( 17 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100); u tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Agro Foreign Trade & Agency (C‑507/15, EU:C:2017:129, punt 23).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 39); u tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 73 sa 75).

( 20 ) Pereżempju d-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tat‑22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (77/249/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52).

( 21 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 23 et seq.).

( 22 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C-31/16, EU:C:2018:44, punti 99 sa 110, u l-punt 3 tad-dispożittiv).

( 23 ) Ara l-premessi 5, 6 u 64 tad-Direttiva 2006/123. Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Rina Services et (C‑593/13, EU:C:2015:399, punt 40), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja espressament ikkonstatat li d-Direttiva 2006/123 hija att tad-dritt sekondarju li jimplimenta libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat FUE.

( 24 ) Ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 118); u tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C-31/16, EU:C:2018:44, punt 137).

( 25 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015 (C‑593/13, EU:C:2015:399).

( 26 ) It-tqegħid inkwistjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali tkun possibbli biss jekk id-dispożizzjonijiet konkreti tad-Direttiva “Servizzi” jirriżultaw li huma inkompatibbli mat-Trattat.

( 27 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, il-punt 3 tad-dispożittiv).

( 28 ) Wieħed faċilment jista’ josserva li tali soluzzjoni għandha ħafna vantaġġi. Fil-fatt, ma huwiex neċessarju li, fi kwalunkwe ċirkustanza fattwali jinstab element transkonfinali li l-eżistenza tiegħu ta’ spiss hija diffiċli li tiġi identifikata sabiex il-libertà tat-Trattat tkun tista’ tiġi applikata direttament.

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 48); tas‑26 ta’ Ġunju 2000, Unilever (C‑443/98, EU:C:2000:496, punti 44, 50, 51); u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112, punt 100).

( 30 ) Bħas-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 53).

( 31 ) Il-Gvern Olandiż isemmi s-sentenzi tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631) u tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33).

( 32 ) Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 44).

( 33 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Léger fil-kawża Linster (C‑287/98, EU:C:2000:3, punt 57 et seq.) u l-artikolu ċċitat hemmhekk ta’ Y. Galmot u J-C. Bonichot, La Cour de justice des Communautés européennes et la transposition des directives en droit national, Revue française de droit administratif, 4(1), janvier-février 1988, p. 16.

( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saggio fil-kawżi magħquda Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C‑240/98 sa C‑244/98, EU:C:1999:620, punt 38).

( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Collino u Chiappero (C‑343/98, EU:C:2000:23, punt 30).

( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawżi magħquda Pfeiffer et (minnC‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2003:245, punt 58).

( 37 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004(minnC‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584).

( 38 ) Sentenza tal5 ta’ Ottubru 2004 (minn C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584).

( 39 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2005 (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 76).

( 40 ) Ir-relazzjoni bejn il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u d-drittijiet fundamentali ggarantiti fil-Karta ma tirriżultax b’mod inekwivoku mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:321), qies li, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jikkostitwixxi l-projbizzjoni ta’ nondiskriminazzjoni kien ġie ttrasformat fid-dritt stabbilit fil-“Karta ta’ Lisbona” (punt 26 tal-konklużjonijiet). Għall-konvenjenza, fil-konklużjonijiet tiegħi ser nuża l-kunċett ta’ “prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk ikkonkretizzati fil-Karta”.

( 41 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 42 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 76); tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 46), u tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 35 sa 37).

( 43 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punti 76 sa 77, 79); tal‑11 ta’ Settembru 2018, IR (C‑68/17, EU:C:2018:696, punti 69 sa 71); u tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation (C‑193/17, EU:C:2019:43, punti 7680).

( 44 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78).

( 45 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 74, 8081, u l-punt 2 tad-dispożittiv); u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punti 80, 8491).

( 47 ) It-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE tal‑14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249).

( 48 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith (C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 48).

( 49 ) Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219).

( 50 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 46).

( 51 ) Ara, pereżempju, D. Leczykiewicz, Horizontal application of the Charter of Fundamental Rights, European Law Review, 2013, 38(4), p. 479–497.

( 52 ) Ara, pereżempju, E. Frantziou, The horizontal effect of fundamental rights in the European Union: a constitutional analysis, Oxford, Oxford University Press, 2019, li skontha “[t]he judgments remain rooted in largely unpredictable, case-by-case assessments, which predominantly concern direct effect, but marginalise the overall significance of horizontality in the field of fundamental rights (as well as the risk of its over-extension)” (“[i]s-sentenzi jibqgħu bbażati fuq evalwazzjonijiet mhux prevedibbli, imwettqa skont il-każ, li b’mod predominanti jikkonċernaw l-effett dirett iżda jimmarġinalizzaw it-tifsira globali ta’ orizzontalità fil-qasam tad-drittijiet fundamentali (kif ukoll ir-riskju tal-estensjoni żejda tagħha”) (p. 114).

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2013:491, punti 34 sa 38).

( 54 ) Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza l-iktar reċenti, tista’ titqajjem il-mistosqija dwar jekk l-Avukat Ġenerali Bot illum il-ġurnata jżommx l-evalwazzjoni tiegħu mogħtija fil-konklużjonijiet tiegħu għall-kawżi magħquda Bauer u Broßonn (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:337, punt 95), fejn dak iż-żmien huwa ddeskriva l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala “restrittiv b’mod eżaġerat”.

( 55 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda Bauer u Broßonn (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:337, punti 8082 u s-sorsi ċċitati).

( 56 ) K. Lenaerts, The Role of the EU Charter in the Member States, fi: The EU Charter of Fundamental Rights in the Member States, Oxford, Hart, 2020, p. 32-33; S. Prechal, Horizontal direct effect of the Charter of Fundamental Rights of the EU, Revista de Derecho Comunitario Europeo, Vol. 66/(2020), p. 420.

( 57 ) Din il-kundizzjoni ma hijiex assoluta. F’ġurisprudenza iktar antika din kienet ta’ importanza prinċipali (ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 21; tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 22, 27, 35, 38; tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Smith, C‑122/17, EU:C:2018:631, punt 48). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punti 7879), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal-leave annwali mħallas ma jeżiġix konkretizzazzjoni fid-dritt sekondarju. Hija ddeċidiet l-istess fis-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 78) fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

( 58 ) Fix-xjenza ġuridika Pollakka, ta’ spiss jintuża l-kunċett ta’ “prinċipju ta’ libertà kuntrattwali”. Sabiex tiġi evitata l-impressjoni li qiegħed nippreġudika l-klassifikazzjoni ta’ libertà bħala “prinċipju”, u mhux bħala “dritt” fis-sens tal-Artikolu 52 tal-Karta, f’dawn il-konklużjonijiet ser nuża l-kunċett ta’ “libertà kuntrattwali”.

( 59 ) R. Trzaskowski, Granice swobody kształtowania treści i celu umów obligacyjnych. Art. 353(1) k.c., Kraków, Zakamycze, 2005, p. 41; madankollu dan jindika, bħalma jagħmel J. Ghestin, Traité de droit civil. La formation du contrat, Pariġi, 1993, p. 41, li, l-Artikolu 1134 ta’ dan il-kodiċi, li tradizzjonalment ġie ittrattat bħala emanazzjoni tal-prinċipju, assolutament ma jesprimihx essenzjalment.

( 60 ) Bħalma osserva reċentement J. Basedow, “[w]hile the freedom of contract was a necessary element in the overall scheme of the internal market from the very beginning, it has only much more recently been acknowledged as a principle of EU law.”“[filwaqt li l-libertà kuntrattwali kienet element neċessarju għall-iskema ġenerali tas-suq intern sa mill-bidu net, huwa biss ħafna iktar reċentement li ġiet irrikonoxxuta bħala prinċipju tad-dritt tal-Unjoni]” (J. Basedow, EU Private Law. Anatomy of a Growing Legal Order, Intersentia, Cambridge – Antwerpen – Chicago, 2021, p. 426, Nb 68.).

( 61 ) Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”).

( 62 ) Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta dwar l-Artikolu 52(1) tagħha.

( 63 ) K. Lenaerts, op. cit., p. 33, li jindika li fil-każ tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, huwa għandu effett dirett orizzontali biss fil-kontenut essenzjali tiegħu (“the essence”).

( 64 ) Hawnhekk, l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jsemmu s-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 1979, Sukkerfabriken Nykøbing (151/78, EU:C:1979:4, punt 19); u tal‑5 ta’ Ottubru 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑240/97, EU:C:1999:479, punt 99).

( 65 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 4243); tat‑18 ta’ Lulju 2013, Alemo-Herron et (C‑426/11, EU:C:2013:521, punti 32 sa 35), u tal‑24 ta’ Settembru 2020, NK (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 86).

( 66 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punti 43 sa 48). Ara wkoll P. Oliver, What purpose does Article 16 of the Charter serve?, fi: General Principles of EU law and European Private Law, The Netherlands, Wolters Kluwer, 2013, § 12.06, p. 295‑296; H. D. Jarass, Art.16 Unternehmerische Freiheit, Charta der Grundrechte des Europäischen Union. Kommentar, 4. Auflage, 2021, München, C.H. Beck, 2021, Rn. 2.

( 67 ) P. Machnikowski, Swoboda umów według art. 353(1) k.c. Konstrukcja prawna., Varsavja, C.H. Beck, 2005, p. 2 u 3.

( 68 ) Ibidem, p. 3 u 4. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 1102 tal-Kodiċi Ċivili Franċiż hija koerenti ma’ din id-definizzjoni. Tali artikolu jistipula: “Chacun est libre de contracter ou de ne pas contracter, de choisir son cocontractant et de déterminer le contenu et la forme du contrat dans les limites fixées par la loi.” (“Kulħadd huwa liberu jidħol f’kuntratt jew li ma jidħolx f’kuntratt, li jagħżel lill-kokontraenti tiegħu u li jiddetermina l-kontenut u l-forma tal-kuntratt fil-limiti stabbiliti mil-liġi”). Ara wkoll C. von Bar, E. Clive and Hans Schulte-Nölke (eds.), Principles, Definitions and Model Rules of European Private Law. Draft Common Frame of Reference (DCFR), Outline Edition, München, Sellier, 2009, Book II – I:102: Party Autonomy (1) “Parties are free to make a contract or other juridical act and to determine its contents, subject to any applicable mandatory rules” (“Il-Partijiet huma liberi jidħlu f’kuntratt jew xi att ġuridiku ieħor u li jiddeterminaw il-kontenut tiegħu, bla ħsara għal regoli mandatorji applikabbli”); kif ukoll UNIDROIT Principles 2016, Artikolu 1.1, intitolat “Freedom of contract” bil-kontenut “The parties are free to enter into a contract and to determine its content” (“Il-Partijiet huma liberi jidħlu f’kuntratt u li jiddeterminaw il-kontenut tiegħu”).

( 69 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270, punti 66 sa 71).

( 70 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 43); u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Polkomtel (C‑277/16, EU:C:2017:989, punt 50).

( 71 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Harms (C‑434/08, EU:C:2010:285, punt 36).

( 72 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 43); tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Polkomtel (C‑277/16, EU:C:2017:989, punt 50); u tal‑24 ta’ Settembru 2020, NK (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 86).

( 73 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑240/97, EU:C:1999:479, punt 99).

( 74 ) Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014 (C‑176/12, EU:C:2014:2).

( 75 ) L-Artikolu 27 tal-Karta jipprovdi: “Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.”

( 76 ) Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 45).

( 77 ) Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 46).

( 78 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2004, Spanja u Il‑Finlandja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑184/02 u C‑223/02, EU:C:2004:497, punti 5152); tas‑6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54); tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 45); u tal‑24 ta’ Settembru 2020, NK (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 88).

( 79 ) Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46).

( 80 ) Pereżempju, T. Leonard, J. Salteur, Article 16. Liberté d’entreprise, fi: F. Picod, C. Rizcallah, S. Van Drooghenbroeck, (edituri) Charte des droits fondamentaux de l’Union européenne: commentaire article par article. 2e éd., Brussell, Bruylant, 2020. p. 407, § 15, p. 415, § 24; H.D. Jarass, op. cit., Rn. 20.

( 81 ) P. Oliver, op. cit., § 12.08, p. 299. L-awtur isostni li d-dispożizzjoni hija rriżervata għal każijiet estremi (“extreme cases”).

( 82 ) Pereżempju fir-rigward ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 50), jew id-dritt tal-pubbliku għall-informazzjoni, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2013, Spy Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 66).

( 83 ) Fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija, ir-restrizzjonijiet imposti mid-dritt nazzjonali ma jistgħux imorru kontra r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

( 84 ) Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja stess ma tirrikonoxxix dan espressament, il-konsegwenza naturali tar-rikonoxximent ta’ dritt, pereżempju, ekwivalenti għal-leave mhux meħud hija l-obbligu, tal-persuna li timpjega, li twettaq il-ħlas tiegħu.

( 85 ) H.D. Jarass, op. cit., Rn. 2.

( 86 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-distinzjoni ċara bejn il-prinċipji li jirriżultaw mill-UNIDROIT Principles 2016, b’mod partikolari mill-kummentarju tal-Artikolu 1.3 tagħha, intitolat “Binding Character of contract” (“In-natura vinkolanti ta’ kuntratt”): “1. The principle pacta sunt servanda. This Article lays down another basic principle of contract law […]” (“1. Il-prinċipju ta’ pacta sund servanda. Dan l-artikolu jistabbilixxi prinċipju bażiku ieħor tal-liġi kuntrattwali […]).

( 87 ) Ara, f’dan is-sens, E. Frantziou, op. cit., p. 39, li tgħid: “Indeed, it is not necessary to view vertical and horizontal obligations to protect fundamental rights as emphatically separate issues. Responsibility for violations of fundamental rights operates on a spectrum, which ranges from state obligations to the duties we owe to one another.” (“Tabilħaqq, ma huwiex neċessarju li l-obbligi vertikali u orizzontali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jitqiesu bħala kwistjonijiet manifestament separati. Ir-responsabbiltà għall-ksur tad-drittijiet fundamentali topera fuq spettru, li jvarja minn obbligi tal-Istat għal dmirijiet li kull wieħed minna għandu lejn l-oħrajn”.

( 88 ) Id-duttrina xxebbah ta’ din is-sitwazzjoni ma’ sitwazzonijiet trijangolari, kif semmejt fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet. D. Leczykiewicz, Horizontal Effect of Fundamental Rights: In Search of Social Justice or Private Autonomy in EU Law, fi: General Principles of EU law and European Private Law, The Netherlands, Wolters Kluwer, 2013, § 6.06, p. 185.

( 89 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 25).

( 90 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 88).

( 91 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019 (C‑377/17, EU:C:2019:562).

( 92 ) Digriet tas‑6 ta’ Frar 2020 (C‑137/18, mhux ippubblikat, EU:C:2020:84).

( 93 ) Nosserva, f’dan ir-rigward, li mill-Artikolu 15(2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 ma tirriżultax projbizzjoni assoluta ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet, iżda jirriżulta biss obbligu li jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet li jipprevedu tariffi minimi u massimi għas-servizzi jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(3), jiġifieri l-kundizzjonijiet ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità.

( 94 ) Sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019 (C‑377/17, EU:C:2019:562).

( 95 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs Il‑Belġju (6/60-IMM, EU:C:1960:48).

( 96 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1982, Waterkeyn et, (minn 314/81 sa 316/81 u 83/82, EU:C:1982:430, punt 14).

( 97 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 1972, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (48/71, EU:C:1972:65, punt 7); u tad-19 ta’ Jannar 1993, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑101/91, EU:C:1993:16, punt 24).

( 98 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1960, Humblet vs Il‑Belġju (6/60-IMM, EU:C:1960:48, p. 1145).

( 99 ) Sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1982 (minn 314/81 sa 316/81 u 83/82, EU:C:1982:430, punt 16).

( 100 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991 (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428)

( 101 ) Ara l-punti 40, 41 u 44 ta’ dik is-sentenza.