KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑179/20

Fondul Proprietatea SA

vs

Guvernul României,

SC Complexul Energetic Hunedoara SA, fi stralċ,

Compania Naţională de Transport a Energiei Electrice Transelectrica SA,

SC Complexul Energetic Oltenia SA,

fil-preżenza ta’

Ministerul Economiei, Energiei şi Mediului de Afaceri

[talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku – Aċċess liberu tat-terzi għan-networks – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Sigurtà fil-provvista – Direttiva 2009/72/KE – Aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku – Direttiva 2009/28/KE”

1.

Stat Membru jista’ jagħti aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni lil ċerti installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli?

2.

Hija din id-domanda li, fost dawk li huma s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), ser tkun is-suġġett, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ dawn il-konklużjonijiet.

3.

Fis-sentenza tagħha li għandha tingħata, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha, partikolarment, l-opportunità li tiddeċiedi fuq il-portata tal-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli aċċess iggarantit għan-networks kif ukoll fuq l-impatt tal-għoti ta’ aċċess iggarantit lil ċerti installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli fuq l-aċċess għan-networks tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li ma jibbenefikawx minnu.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal‑Unjoni

1. Id-Direttiva 2009/28/KE

4.

Il-premessa 60 tad-Direttiva 2009/28 ( 2 ) tiddikjara:

“L-aċċess ta’ prijorità u l-aċċess garantit għall-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli huma importanti biex sorsi ta’ enerġija rinovabbli jkunu integrati fis-suq intern tal-elettriku, f’konformità mal-Artikolu 11(2) u l-iżvilupp ulterjuri tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/54/KE [ ( 3 )]. Ir-rekwiżiti relatati maż-żamma tal-affidabilità u s-sikurezza tal-grilja [tan-network] u mad-distribuzzjoni jistgħu jvarjaw skont il-karatteristiċi tal-grilja nazzjonali u l-operat sikur tagħha. L-aċċess ta’ prijorità għall-grilja jipprovdi assigurazzjoni mogħtija lill-ġeneraturi tal-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli konnessi li jkunu kapaċi jbiegħu u jittrasmettu l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli skont ir-regoli ta’ konnessjoni f’kull ħin, kull meta s-sors ikun disponibbli. Fil-każ li l-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli jkun integrat fis-suq tal-komoditajiet, l-aċċess ta’ garanzija għandu jiżgura li l-elettriku kollu mibjugħ u appoġġat ikollu aċċess għall-grilja, filwaqt li jippermetti l-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli minn impjanti konnessi mall-grilja. Madankollu, dan ma jimplika l-ebda obbligu tal-Istati Membri li jappoġġaw jew li jintroduċu obbligi ta’ xiri għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. F’sistemi oħra, għall-elettriku minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli jiġi definit prezz fiss, ħafna drabi flimkien ma’ obbligu ta’ xiri għall-operatur tas-sistema. F’dan il-każ, diġà ngħata aċċess ta’ prijorità.”

5.

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Aċċess għall-grilji [għan-networks] u t-tħaddim tagħhom”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Soġġett għar-rekwiżiti marbuta maż-żamma tal-affidabbiltà u s-sigurtà tal-grilja, fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji ddefiniti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti:

[…]

(b)

L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll jew għal aċċess prijoritarju jew għal aċċess garantit għas-sistema ta’ grilja tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;

(c)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fit-trasmissjoni ta’ impjanti li jiġġeneraw l-elettriku, l-operaturi ta’ sistemi ta’ trasmissjoni għandhom jagħtu prijorità lill-impjanti ta’ ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sa fejn tippermetti l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-elettriku nazzjonali u fuq il-bażi ta’ kriterji trasparenti u mhux diskriminatorji. […]”

2. Id-Direttiva 2009/72/KE

6.

L-Artikolu 3, intitolat “Obbligi tas-servizz pubbliku u l-protezzjoni tal-klijenti”, tad-Direttiva 2009/72 ( 4 ) jipprovdi fil-paragrafi 2 u 14 tiegħu:

“2.   B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà fil-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà fil-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perjodu fit-tul, meta titqies il-possibilità li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema [għan-network].

[…]

14.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 8, 32 u/jew 34 kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ xxekkel il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-verità, tal-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tas-sengħa ma jkunx affettwat b’tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-Komunità. L-interessi tal-Komunità jinkludu, inter alia, il-kompetizzjoni fir-rigward tal-klijenti eliġibbli konformement ma’ din id-Direttiva u l-Artikolu 86 tat-Trattat.”

7.

L-Artikolu 15, intitolat “Dispaċċ u bilanċjar”, tad-Direttiva 2009/72 jistabbilixxi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-provvista tal-elettriku fuq il-bażi tal-obbligi kuntrattwali, inklużi dawk li jkunu ġejjin mill-ispeċifikazzjonijiet tat-tfiegħ tal-offerti, l-operatur tas-sistema [tan-network] ta’ trasmissjoni għandu, fejn ikollu din il-funzjoni, jkun responsabbli mid-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni fiż-żona tiegħu u biex jiddetermina l-użu ta’ interkonnetturi ma’ sistemi oħra.

2.   Id-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni u l-użu ta’ interkonnetturi għandhom jiġu determinati fuq il-bażi ta’ kriterji li għandhom jiġu approvati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fejn dawn huma kompetenti u li għandhom ikunu oġġettivi, pubblikati u applikati b’mod nondiskriminatorju li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fil-qasam tal-elettriku. Il-kriterji għandhom jieħdu kont tal-preċedenza ekonomika tal-elettriku minn istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni disponibbli jew trasferimenti ta’ interkonnetturi kif ukoll ir-restrizzjonijiet tekniċi fuq is-sistema.

3.   Stat Membru għandu jeħtieġ li l-operaturi tas-sistema jaġixxu bi qbil mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/28/KE meta jsir id-dispaċċ tal-istallazzjonijiet li jużaw l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu. Jista’ wkoll jirrikjedi lill-operatur tas-sistema li jagħti prijorità meta jiddispaċċja l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jipproduċu s-sħana u l-enerġija flimkien.

4.   Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà fil-provvista, jagħti istruzzjoni li tingħata prijorità għad-dispaċċ ta’ istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jkunu jużaw sorsi ta’ karburant ta’ enerġija primarja indiġena, sa livell, fi kwalunkwe sena kalendarja, ta’ 15 % tal-enerġija primarja totali meħtieġa għall-produzzjoni tal-elettriku kkunsmat fl-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

8.

L-Artikolu 32, intitolat “Aċċess minn parti terza”, tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi parti għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni bbażat fuq tariffi ppubblikati, applikabbli għall-klijenti eliġibbli kollha u applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk it-tariffi, jew il-metodoloġiji li jkunu sottostanti l-kalkoli tagħhom, ikunu approvati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom konformement mal-Artikolu 37 u li dawk it-tariffi, u l-metodoloġiji — fejn il-metodoloġiji jkunu approvati — jiġu ppubblikati qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

2.   L-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess fil-każ li ma jkollux il-kapaċità neċessarja. Għal rifjut bħal dan għandhom jingħataw raġunijiet sostanzjati, partikolarment meta jitqies l-Artikolu 3, u bbażati fuq kriterji oġġettivi u ġustifikabbli teknikament u ekonomikament. […]”

B.   Id-dritt Rumen

9.

Ir-Rumanija, sabiex tittrasponi d-Direttiva 2009/72, adottat serje ta’ liġijiet, fosthom il-Legea energiei electrice și a gazelor naturale nr. 123/2012 (il-Liġi Nru 123 dwar l-Elettriku u l-Gass Naturali), tal‑10 ta’ Lulju 2012 (Monitorul Oficial al României, Nru 485 tas‑16 ta’ Lulju 2012), (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 123/2012”) u, b’applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-Hotărârea Guvernului Nru 138/2013 privind adoptarea unor măsuri pentru siguranța alimentării cu energie electrică (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 li Tadotta Miżuri għas-Sigurtà fil-Provvista tal-Elettriku), tat‑3 ta’ April 2013 (Monitorul Oficial al României, Nru 196 tat‑8 ta’ April 2013) (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013”).

10.

Qabel kollox, il-Liġi Nru 123/2012, iddisponiet, fl-Artikolu 5(3) tagħha, intitolat “Programm tal-enerġija”:

“Permezz ta’ deċiżjoni tal-Gvern, għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku, aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku jista’ jingħata għall-elettriku prodott minn impjanti tal-elettriku li jużaw karburant nazzjonali, fil-limitu ta’ kwantita annwali ta’ enerġija primarja ta’ 15 % tal-kwantità totali ta’ karburant ekwivalenti neċessarju għall-produzzjoni tal-elettriku neċessarju għall-konsum gross finali tal-pajjiż.”

11.

Id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 kienet tipprevedi, sussegwentement, fl-Artikolu 1 tagħha:

“Jingħata aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku, l-elettriku prodott mill-impjant tal-enerġija termoelettrika ta’ Mintia, proprjetà tas-Societatea Comercială Complexul Energetic Hunedoara SA, li jiżguralha funzjonament kontinwu b’potenza elettrika medja ta’ mill-inqas 200 MW.”

12.

Fl-istess sens, l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kien jipprovdi:

“Jingħata aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku prodotti mis-Societatea Comercială Complexul Energetic Oltenia SA, li jiżguralha funzjonament kontinwu b’potenza elettrika medja ta’ mill-inqas 500 MW.”

13.

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 kien jistabbilixxi:

“Il-Compania Națională de Transport al Energiei Electrice ‘Transelectrica’ SA, bħala operatur tan-networks ta’ trażmissjoni, hija marbuta li tiggarantixxi l-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching tal-elettriku prodott mill-impjanti ta’ enerġija termoelettrika previsti fl-Artikoli 1 u 2 taħt il-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni adottata mill-Autoritatea Națională de Reglementare în Domeniul Energiei [(ANRE), l-Awtorità Nazzjonali tal-Kontroll tal-Qasam tal-Enerġija].”

14.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 kien jipprevedi:

“Sabiex jinżamm il-livell ta’ sigurtà tas-sistema ta’ elettriku nazzjonali, Societatea Comercială Complexul Energetic Hunedoara SA għandha l-obbligu li tipprovdi servizzi anċillari lill-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni ta’ potenza elettrika ta’ mill-inqas 400 MW, konformement mal-leġiżlazzjoni adottata mill-[ANRE].”

15.

Fl-istess sens, l-Artikolu 5 tal-imsemmija deċiżjoni kien jipprovdi:

“Sabiex jinżamm il-livell tas-sigurtà tas-sistema ta’ elettriku nazzjonali, [Societatea Comercială] Complexul Energetic Oltenia SA għandha l-obbligu li tipprovdi servizzi anċillari lill-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni ta’ potenza elettrika ta’ mill-inqas 600 MW, konformement mal-leġiżlazzjoni adottata mill-[ANRE].”

16.

Id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 kienet tipprevedi, fl-Artikolu 6 tagħha, li l-“miżuri previsti f’din id-deċiżjoni, japplikaw mill‑15 ta’ April 2013 sal‑1 ta’ Lulju 2015”.

17.

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 941/2014, it-terminu mogħti sabiex jiġu applikati l-miżuri previsti fl-Artikoli 1, 3 u 4 tad-Deċiżjoni Nru 138/2013 għall-kumpannija Complexul Energetic Hunedoara SA kien ġie estiż sal‑31 ta’ Diċembru 2017.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari

18.

SC Complexul Energetic Hunedoara u SC Complexul Energetic Oltenia SA huma żewġ kumpanniji li jipproduċu l-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli. Id-dritt Rumen, hekk kif esponejt jistabbilixxi tliet miżuri fil-konfront tagħhom li jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching minn Transelectrica ( 5 ) tal-elettriku prodott mill-impjant ta’ enerġija termoelettrika ta’ Mintia li hija proprjetà ta’ SC Complexul Energetic Hunedoara SA u tal-elettriku prodott minn SC Complexul Energetic Oltenia SA (Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013) ( 6 );

aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni tal-elettriku prodott mill-impjanti ta’ enerġija termoelettrika previsti hawn fuq li jiżguralhom rispettivament funzjonament kontinwu b’potenza elettrika medja ta’ mill-inqas 200 MW u 500 MW (Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 u Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013; iktar ’il quddiem, il-“miżura inkwistjoni”);

l-obbligu għal SC Complexul Energetic Hunedoara u SC Complexul Energetic Oltenia li jipprovdu lil Transelectrica servizzi anċillari rispettivament ta’ potenza elettrika medja ta’ mill-inqas 400 MW u 600 MW (Artikoli 4 u 5 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013).

19.

Fondul Proprietatea SA, azzjonista ta’ kumpannija li tipproduċi l-elettriku billi tuża sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, Hidroelectrica SA, qieset ruħha leża mill-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri mir-Rumanija sa fejn dawn, fl-opinjoni tagħha, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li jibbenefikaw minnha SC Complexul Energetic Hunedoara u SC Complexul Energetic Oltenia, li hija tikkunsidra bħala tnejn mill-kompetituri tagħha.

20.

Għaldaqstant, sabiex tipproteġi l-interessi tagħha, Fondul Proprietatea ppreżentat rikors għal annullament kontra d-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest). Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2015, din ċaħdet ir-rikors tagħha.

21.

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Înalta Curte de Casație și Justiție - Secția de Contencios Administrativ și Fiscal (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja – Awla tal-Kwistjonijiet Amministrattivi u Fiskali). Permezz ta’ sentenza tat-‑22 ta’ Mejju 2018, din tal-aħħar annullat parzjalment lis-sentenza kkontestata minħabba l-fatt li l-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest ma eżaminatx ir-raġunijiet ta’ illegalità kollha mqajma mir-rikorrenti. Bħala konsegwenza, il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja rrinvijat lill-partijiet quddiem il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest sabiex din teżamina r-raġunijiet imsemmija kollha.

22.

Fl-okkażjoni tal-eżami tar-rinviju tar-rikors għal annullament, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest), mistiedna f’dan is-sens mir-rikorrenti, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Artikolu 107 u Artikolu 108(3) TFUE: L-adozzjoni mill-istat Rumen ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi favur żewġ kumpanniji li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom huwa miżmum mill-Istat:

a)

l-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching u l-obbligu għall-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li jixtri servizzi anċillari mingħand dawn il-kumpanniji u

b)

l-għoti ta’ aċċess iggarantit għan-networks tal-elettriku għall-enerġija prodotta minn dawn iż-żewġ kumpanniji sabiex jiġi żgurat it-tħaddim kontinwu tagħhom tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, jiġifieri hija miżura ffinanzjata mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, hija ta’ natura selettiva u tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri[?] Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din l-għajnuna mill-Istat kienet suġġetta għan-notifika prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE?

2)

L-għoti mill-Istat Rumen ta’ dritt iggarantit ta’ aċċess għan-network tal-elettriku lil żewġ kumpanniji li l-maġġoranza tal-kapital tagħhom huwa miżmum mill-Istat, li għandu jiżgura t-tħaddim kontinwu tagħhom, huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(4) [ta’ din id-direttiva]?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Dawn id-domandi kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa ta’ Fondul Proprietatea, ta’ SC Complexul Energetic Oltenia SA u tal-Kummissjoni Ewropea.

24.

It-trattazzjonijiet ta’ Fondul Proprietatea u l-Kummissjoni Commission instemgħu waqt is-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2021.

IV. Analiżi

25.

Kif ġie indikat hawn fuq, dawn il-konklużjonijiet ser jirrigwardaw it-tieni domanda biss konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja.

A.   Osservazzjonijiet preliminari fuq il-kunċetti ta’ “aċċess prijoritarju għad-dispatching” u ta’ “aċċess iggarantit”

26.

Fid-dawl tal-assenza ta’ definizzjoni tal-kunċetti ta’ “aċċess prijoritarju għad-dispatching” u ta’ “aċċess iggarantit” mid-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2009/28 u 2009/72, jidhirli li huwa neċessarju li dawn jiġu spjegati.

1. Fuq il-kunċett ta’ “aċċess prijoritarju għad-dispatching”

27.

Kif jipprovdi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2009/72, huwa l-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni li għandu jipproċedi għad-dispatching tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni. F’dan ir-rigward, id-dispatching jista’ jiġi ddefinit, hekk kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza ENEL, bħala “l-operazzjoni li permezz tagħha l-operatur tan-netwerk ‘jwettaq dispaċċ’ tal-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni li jkollhom riżerva ta’ kapaċità adegwata u li jinsabu fiż-żona tiegħu, skont il-bżonnijiet tat-talba, bil-għan li jiġi żgurat, f’kull mument, il-bilanċ bejn l-offerta u t-talba ta’ elettriku fuq in-netwerk, kif ukoll li tiġi żgurata l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku” ( 7 ).

28.

Skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2009/72, id-determinazzjoni tad-dispatching tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni f’din l-okkażjoni, għandha sseħħ fuq il-bażi ta’ kriterji li għandhom ikunu oġġettivi, ippubblikati u applikati b’mod nondiskriminatorju u li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari dak tal-ordni tal-preċedenza ekonomika. F’dan ir-rigward, dan il-kriterju huwa ddefinit bħala “il-gradazzjoni tas-sorsi tal-provvista tal-elettriku konformement ma’ kriterji ekonomiċi” ( 8 ). B’mod konkret, jingħata d-dispatching lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni, bħala prinċipju, billi jibdew mill-offerta l-iktar baxxa u jipproċedu b’ordni li jikber sakemm tiġi ssodisfatta d-domanda kollha ( 9 ).

29.

Madankollu, il-leġiżlatur adatta lid-dispatching kif għadni kif esponejt permezz tal-introduzzjoni tal-kunċett ta’ “aċċess prijoritarju għad-dispatching”. L-aċċess prijoritarju għad-dispatching jikkonsisti fl-operatur tan-networks ta’ trażmissjoni jagħti dispatching lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji oħra minbarra dak tal-ordni ta’ preċedenza ekonomika. Fil-fatt, sussegwentement għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/72, il-leġiżlatur iddefinixxa l-aċċess prijoritarju għad-dispatching bħala, “fir-rigward tal-mudell tal-awtodispaċċ, id-dispaċċ tal-impjanti tal-elettriku abbażi ta’ kriterji differenti mill-ordni ekonomika tal-offerti u b’rigward, il-mudell ta’ dispaċċ ċentralizzat, id-dispaċċ ta’ impjanti tal-enerġija abbażi ta’ kriterji li huma differenti mill-ordni ekonomika tal-offerti u mil-limitazzjonijiet tan-netwerk li jagħtu prijorità lid-dispaċċ ta’ ġenerazzjoni partikolari tat-teknoloġiji” ( 10 ). F’dan il-każ, id-Direttiva 2009/72 tipprevedi aċċess prijoritarju għad-dispatching għal żewġ kategoriji ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni.

30.

Fl-ewwel lok, l-Istati Membri huma marbuta li jagħtu aċċess prijoritarju għad-dispatching lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(c) tad-Direttiva 2009/28 li għalih jirreferi l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2009/72 ( 11 ). Dan l-aċċess prijoritarju għad-dispatching, li huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent ( 12 ), huwa maħsub li jkun mekkaniżmu ta’ appoġġ għal dawn l-installazzjonijiet ( 13 ).

31.

Fit-tieni lok, l-Istati Membri jistgħu jagħtu aċċess prijoritarju għad-dispatching lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ karburant indiġeni ta’ enerġija primarja, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72 ( 14 ). Dan l-aċċess prijoritarju għad-dispatching, li huwa bbażat fuq raġunijiet ta’ sigurtà ta’ provvista, huwa madankollu limitat “sa livell, fi kwalunkwe sena kalendarja, ta’ 15 % tal-enerġija primarja totali meħtieġa għall-produzzjoni tal-elettriku kkunsmat fl-Istat Membru kkonċernat”.

2. Fuq il-kunċett ta’ “aċċess iggarantit”

32.

Il-paragrafu 2(b) tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2009/28 intitolat “Aċċess għall-grilji [networks] u t-tħaddim tagħhom”, jimponi fuq l-Istati Membri biex jipprovdu “jew […] aċċess prijoritarju jew […] aċċess garantit għas-sistema ta’ grilja [network] tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli” ( 15 ).

33.

Madankollu, din id-definizzjoni ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “aċċess iggarantit”, u ma fiha ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw is-sens u l-portata tiegħu. Bħala konsegwenza, dan il-kunċett għandu jingħata, abbażi ta’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tidħol din id-dispożizzjoni u l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 16 ).

34.

F’dan ir-rigward, il-premessa 60 tad-Direttiva 2009/28 tesponi l-funzjoni tal-aċċess iggarantit, l-effetti li għalihom twassal l-implimentazzjoni tiegħu u l-għan li għandu jintlaħaq. Skont din il-premessa, l-aċċess iggarantit għandu bħala funzjoni li jiżgura “li l-elettriku kollu mibjugħ u appoġġat ikollu aċċess għall-grilja [network]”. Fid-dawl tal-funzjoni tiegħu, l-implimentazzjoni tal-aċċess iggarantit għandha neċessarjament bħala effett “l-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli minn impjanti konnessi mall-grilja”. Fl-aħħar, l-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni jikkonsisti f’li “sorsi ta’ enerġija rinovabbli jkunu integrati fis-suq intern tal-elettriku” u f’żieda fl-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

35.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-iskarsezza ta’ materjal li jippermetti l-padronanza tal-kunċett ta’ “aċċess iggarantit”, bla dubju ma jgħinx sabiex dan jinftiehem. Madankollu, mingħajr ma jkun neċessarju li l-eżami tad-domanda preliminari jiddefinixxi ulterjorment lil dan il-kunċett, nikkunsidra li l-aċċess iggarantit, hekk kif espost fil-premessa 60 tad-Direttiva 2009/28, huwa mekkaniżmu li jiżgura għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, l-aċċess għan-networks bil-għan li jitwassal l-elettriku mibjugħ.

B.   Formulazzjoni mill-ġdid tat-tieni domanda preliminari

36.

Huwa paċifiku li billi adottat l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 u l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013, ir-Rumanija tat aċċess iggarantit għan-networks lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw is-sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli.

37.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 tista’ madankollu twassal għal tip ta’ malintiż bejn aċċess iggarantit u għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching peress li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-għoti ta’ aċċess iggarantit għall-osservanza tal-kundizzjonijiet li jaqgħu taħt l-aċċess prijoritarju għad-dispatching kif previst fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72. Fil-fatt, skont il-kliem tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012, l-aċċess iggarantit għan-networks jista’ jingħata biss lil “impjanti tal-elettriku li jużaw karburant nazzjonali, fil-limitu ta’ kwantita annwali ta’ enerġija primarja ta’ 15 % tal-kwantità totali ta’ karburant ekwivalenti neċessarju għall-produzzjoni tal-elettriku neċessarju għall-konsum gross finali tal-pajjiż” ( 17 ).

38.

Barra minn hekk, il-Gvern Rumen sostna quddiem il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) li l-għan tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 kien li jittrasponi l-aċċess prijoritarju għad-dispatching hekk kif previst fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72. Jidhirli li dan il-fatt wassal lill-qorti tar-rinviju biex tirreferi għall-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva meta hija fformulat it-tieni domanda tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-aċċess iggarantit hekk kif previst fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012.

39.

Issa sabiex tingħata risposta għad-domanda li tirrigwarda essenzjalment il-possibbiltà għal Stat Membru li jagħti aċċess iggarantit għan-networks lil xi impjanti ta’ produzzjoni ta’ elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli, ma jidhirlix li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72 huwa ta’ importanza ċentrali. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva tittratta biss l-aċċess prijoritarju għad-dispatching, taħt xi kundizzjonijiet, ta’ ċerti installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ karburant indiġenu ta’ enerġija primarja.

40.

Min-naħa l-oħra, nosserva li l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 huwa l-unika dispożizzjoni li tittratta l-aċċess iggarantit. Madankollu, kif ġie nnotat mill-qorti tar-rinviju, l-obbligu għall-Istati Membri li jagħtu aċċess iggarantit għan-networks jipprevedi biss l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli (iktar ’il quddiem, l-“elettriku aħdar”). Għaldaqstant, jidhirli neċessarju li jiġi ddeterminat jekk tali artikolu jirriżervax dan l-aċċess għall-elettriku aħdar biss.

41.

Barra minn hekk, jidhirli li l-aċċess iggarantit għan-networks, kif previst fl-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28, jadatta, parzjalment u għall-elettriku aħdar biss, ir-regoli ta’ aċċess tat-terzi għan-networks li hemm fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72.

42.

Fil-fatt, l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72, u, b’mod iktar partikolari l-paragrafu (1) tiegħu, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ aċċess liberu tat-terzi għan-networks, prinċipju li għandu bħala korollarju l-projbizzjoni tal-Istati Membri li jipprevedu regoli ta’ aċċess għan-networks diskriminatorji bejn l-utenti. Issa, peress li l-aċċess iggarantit huwa mekkaniżmu li jiżgura l-aċċess għan-networks lill-installazzjonijiet ta’produzzjoni li jibbenefikaw minnu, sabiex jiġi ttrasportat l-elettriku mibjugħ, dan għandu effett ċert fuq l-aċċess għal dawn l-istess networks għall-installazzjonijiet li ma jibbenefikawx minnu. Minħabba dan l-impatt, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-aċċess iggarantit hekk kif previst mid-dritt Rumen fid-dawl tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72.

43.

Fl-estensjoni ta’ dan l-eżami, jidhirli neċessarju wkoll li jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 3(2) u (14) tad-Direttiva 2009/72 jipprekludix l-aċċess iggarantit hekk kif previst mid-dritt Rumen. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-għoti ta’ aċċess iggarantit ġie ġġustifikat quddiem il-qorti tar-rinviju bil-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku. Tali ġustifikazzjoni, meta ġiet sostnuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ġiet eżaminata konsistentement minnha b’rigward tal-Artikolu 3(2) u (14) tad-Direttiva 2009/72 li jippermettu lill-Istati Membri jirrestrinġu, taħt xi kundizzjonijiet, l-aċċess liberu tat-terzi għan-networks previst fl-Artikolu 32(1) ta’ din l-istess direttiva meta l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirriskja li tostakola it-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku mill-impriżi fil-qasam tal-elettriku.

44.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli neċessarju, sabiex tingħata risposta utli għas-soluzzjoni tal-kawża lill-qorti tar-rinviju, li nipproċedu għal riformulazzjoni tat-tieni domanda, hekk kif ġiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ).

45.

Għaldaqstant, nissuġġerixxi r-riformulazzjoni tat-tieni domanda fil-kliem li ġej:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 u tal-Artikolu 3(2) u (14), kif ukoll tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti li tagħti aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni lil xi installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku?”

C.   L-eżami tad-domanda preliminari fformulata mill-ġdid.

46.

Kif esponejt hawn fuq, ser nipprova niddetermina, inizjalment, jekk l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28, jirriżervax l-aċċess iggarantit għan-networks għall-elettriku aħdar biss. Sussegwentement, ser neżamina l-limitazzjoni li għaliha jwassal l-aċċess iggarantit hekk kif previst mid-dritt Rumen fuq il-prinċipju ta’ aċċess liberu tat-terzi għan-networks previst fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll tal-ġustifikazzjoni eventwali tagħha fir-rigward tal-Artikolu 3(2) u (14) ta’ din l-istess direttiva.

1. Fuq il-kompatibbiltà ta’ aċċess iggarantit għan-networks għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli mal-aċċess iggarantit stabbilit mid-Direttiva 2009/28

47.

Skont l-Artikolu 16(2)(b), tad-Direttiva 2009/28, “l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll jew għal aċċess prijoritarju jew għal aċċess garantit għas-sistema ta’ grilja [network] tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli”. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi żamm il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, kellux l-intenzjoni jirriżerva l-aċċess iggarantit għan-networks għall-elettriku aħdar biss, ser nipproċedi għall-interpretazzjoni litterali u teleoloġika tagħha ( 19 ). Jidhirli li din l-analiżi għandha twassal għall-kompatibbiltà, taħt kundizzjonijiet, tal-għoti ta’ aċċess iggarantit lil xi installazzjonijiet ta’produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli mad-Direttiva 2009/28.

a) Fuq l-interpretazzjoni litterali

48.

L-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 ma tippermettilix li jiġi konkluż li hemm projbizzjoni għall-Istati Membri milli jagħtu aċċess iggarantit għan-networks lil xi installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli.

49.

Fil-fatt, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża, l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 tindika li “les États membres prévoient, en outre, soit un accès prioritaire, soit un accès garanti au réseau pour l’électricité produite à partir de sources d’énergie renouvelables”. Fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, din l-istess dispożizzjoni tipprevedi li “Member States shall also provide for either priority access or guaranteed access to the grid-system of electricity produced from renewable energy sources”. Fl-aħħar, il-verżjoni bil-lingwa Estonjana, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi li l-Istat Membri “sätestavad ka taastuvatest energiaallikatest toodetud elektrienergia kas eelistatud või tagatud juurdepääsu võrgusüsteemile”.

50.

B’hekk, filwaqt li f’kull waħda minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi huwa ddikjarat obbligu, dan huwa kkostitwit fl-għoti mill-Istati Membri, ta’ aċċess prijoritarju jew iggarantit għan-networks lill-elettriku aħdar mingħajr ma tali aċċessi jiġu rriżervati għal dan l-elettriku biss. Fi kliem ieħor, l-ebda minn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi eżaminati tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 ma jippermettuli nikkonkludi li l-leġiżlatur tal-Unjoni pprojbixxa lill-Istati Membri milli jagħtu aċċess iggarantit għan-networks lil impjanti oħra ta’ produzzjoni għajr dawk li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

b) Fuq l-interpretazzjoni teleoloġika

51.

Għall-ħtiġiet tal-interpretazzjoni teleoloġika tad-dispożizzjoni inkwistjoni, jidhirli neċessarju li jiġi nnotat li n-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni għandhom kapaċità ta’ trażmissjoni limitata ħafna. B’hekk, dawn in-networks ma jistgħux bilfors jittrasportaw l-elettriku kollu prodott jew dak li jista’ jiġi prodott mill-installazzjonijiet li jaqgħu taħtu ( 20 ).

52.

Issa, fir-rigward tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28, mill-premessa 60 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-aċċess iggarantit għan-networks jipprevedi partikolarment sabiex jiġu integrati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku permezz tal-użu ta’ kwantità massima ta’ elettriku aħdar. Għaldaqstant, minn dan niddeduċi li l-operaturi tan-networks jallokaw lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jibbenefikaw minn aċċess iggarantit kapaċità ta’ trasport li tikkorrispondi għall-kwantità ta’ elettriku aħdar li tista’ tintuża.

53.

B’hekk, mill-kapaċità limitata ħafna tan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, minn naħa, u l-allokazzjoni ta’ kapaċità li jwassal għaliha l-aċċess iggarantit, min-naħa l-oħra, inqis li l-għoti ta’ aċċess iggarantit għan-networks lill-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli jista’, f’xi sitwazzjonijiet biss, iwassal biex l-aċċess mogħti lill-elettriku aħdar ma jiġix dejjem żgurat ( 21 ).

54.

Madankollu, jidhirli li dawn il-fatti ma għandhomx iwasslu għal interpretazzjoni li twassal biex jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 jipprekludi, fil-każijiet kollha, l-għoti ta’ aċċess iggarantit għan-networks lil xi installazzjonijiet ta’ produzzjoni li ma jużawx sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

55.

Fil-fatt, għall-kisba tal-għan din id-dispożizzjoni għandha l-intenzjoni li tilħaq, li tikkonsisti fl-integrazzjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fis-suq intern tal-elettriku permezz tal-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku aħdar, ma huwiex meħtieġ li jitqies li l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 jipprekludi l-għoti ta’ aċċess iggarantit għan-networks għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li ma jużawx sorsi ta’ enerġija rinnovabbli.

56.

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni fiha tip ta’ radikalità li ma tidhirlix li hija kompatibbli mal-marġni ta’ manuvra li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-Istati Membri f’dan il-qasam. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-okkażjoni tal-adozzjoni tad-Direttiva 2009/28, ma kellux l-intenzjoni jwettaq armonizzazzjoni eżawrjenti tal-iskemi nazzjonali ta’ sostenn għall-produzzjoni tal-enerġija ħadra ( 22 ). Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija koerenti mad-dikjarazzjoni iktar ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha “l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fil-qasam tal-ambjent, ma tipprevedix armonizzazzjoni kompleta” ( 23 ). Għaldaqstant, nikkunsidra li l-Istati Membri jżommu marġni ta’ manuvra sinjifikattiva meta jimplimentaw dan l-istrument ( 24 ).

57.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis, bħall-Kummissjoni, li l-għoti minn Stat Membru ta’ aċċess iggarantit għan-networks, lil installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli, jidhirli li huwa kompatibbli mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2009/28 sakemm l-aċċess iggarantit mogħti lill-elettriku aħdar ikun żgurat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-elettriku aħdar effettivament kellu aċċess iggarantit għan-networks, kif previst mill-Artikolu 16(2) ta’ din id-direttiva ( 25 ).

2. Fuq il-kompatibbiltà ta’ aċċess iggarantit għan-networks għal xi installazzjonijiet ta’ produzzjoni mar-regoli ta’ aċċess stabbiliti mid-Direttiva 2009/72

58.

Fl-okkażjoni tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ miżuri nazzjonali mar-regoli ta’ aċċess tat-terzi għan-networks previsti mid-direttivi li jikkonċernaw regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku ( 26 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fasslet qafas ta’ analiżi singolari li jirriżulta mill-artikulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw dan l-aċċess, qafas li nesponi u sussegwentement ser nipproponi li nsegwi.

59.

Previst fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, il-prinċipju ta’ aċċess liberu tat-terzi għan-networks ġie kklassifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala “miżura essenzjali” sabiex jiġi kkompletat is-suq intern tal-elettriku ( 27 ). B’hekk l-importanza ta’ dan il-prinċipju wassalha biex tikkunsidra li kull limitazzjoni imposta minn Stat Membru hija awtorizzata biss fil-każijiet fejn id-Direttiva 2009/72 tipprevedi eċċezzjonijiet jew derogi ( 28 ).

60.

Fir-rigward ta’ tali eċċezzjonijiet jew derogi, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-Artikolu 3(2) u (14) tad-Direttiva 2009/72 sa fejn dan jippermetti lill-Istati Membri jirrestrinġu, taħt xi kundizzjonijiet, l-aċċess liberu tat-terzi għan-networks previst fl-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva jekk l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tfixkel it-twettiq minn impriżi tal-elettriku, li minnhom jagħmlu parti l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni, tal-obbligi tagħhom ta’ servizz pubbliku, li jistgħu jkunu jirrigwardaw is-sigurtà fil-provvista ( 29 ).

61.

Fl-istess ħin, peress li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mal-Artikolu 32(1) u l-Artikolu 3(2) u (14) tad-Direttiva 2009/72 jeħtieġ għal kull wieħed minnhom kontroll ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tipproċedi għal tali kontroll fit-tmiem tal-eżami sabiex, kif naraha jien, tevita kull duplikazzjoni inutli ( 30 ).

a) Fuq l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72

62.

Il-prinċipju ta’ aċċess liberu tat-terzi għan-network ġie fformulat, minkejja li b’mod embrijoniku, sa mill-adozzjoni tad-Direttiva 96/92 ( 31 ). Sussegwentement, dan il-prinċipju, sistematikament irrepetut, ġie żviluppat mid-direttivi sussegwenti li jikkonċernaw ir-regoli komuni għas-suq intern ( 32 ).

63.

L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi b’mod partikolari li tiġi żgurata “l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess għal terzi parti għas-sistemi ta’ trasmissjoni u ta’ distribuzzjoni”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’mod kostanti, li dan id-dritt jikkostitwixxi “waħda mill-miżuri essenzjali li l-Istati Membri huma obbligati jimplimentaw sabiex jikkompletaw is-suq intern tal-elettriku” ( 33 ).

64.

Barra minn hekk, dan il-prinċipju jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jorganizzaw l-aċċess tat-terzi għan-networks b’mod diskriminatorju. Fil-fatt, l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi li s-sistemi ta’ aċċess inkwistjoni għandhom jiġu “applikati b’mod oġġettiv u mingħajr diskriminazzjoni bejn l-utenti tas-sistema” ( 34 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja approssimat il-projbizzjoni magħmula lill-Istati Membri milli jiddiskriminaw lit-terzi ma’ dik stabbilita, b’mod iktar ġenerali, fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva ( 35 ), dispożizzjoni li tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jastjenu minn kull diskriminazzjoni f’dak li jirrigwarda d-drittijiet u l-obbligi tal-impriżi tal-elettriku.

65.

Minn dan hija tqis li dawn id-dispożizzjonijiet “huma espressjonijiet partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza” ( 36 ), prinċipju li jimponi li “sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat” ( 37 ).

66.

Għaldaqstant, huwa xieraq li wieħed jistaqsi dwar l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament fil-kawża li tinsab quddiemna.

67.

F’dan il-każ, l-aċċess għan-networks huwa żgurat sa mill-inqas 700 MW, abbażi tal-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 u tal-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013, għal SC Complexul Energetic Hunedoara u għal SC Complexul Energetic Oltenia. Din is-sempliċi konstatazzjoni tippermetti li jiġi konkluż li hemm differenza fit-trattament għad-dannu tal-produtturi tal-elettriku li kellhom aċċess għan-networks inkwistjoni u li użaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli.

68.

Bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ma naħsibx li jkun neċessarju li jiġu rfinati iktar il-kategoriji tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni affettwati mid-differenza fit-trattament li għadni kemm identifikajt. Qabel kollox, kieku l-miżura inkwistjoni pprevediet l-installazzjonijiet kollha ta’ produzzjoni ta’ elettriku li jużaw karburanti indiġeni, xorta waħda kont nikkonstata differenza fit-trattament peress li l-kombustibbiltà tas-sors ta’ enerġija u l-oriġini ġeografika tiegħu ma humiex kriterji ta’ differenzjazzjoni rrikonoxxuti mill-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72, fejn din id-dispożizzjoni, barra minn hekk, ma tirrikonoxxi ebda waħda. Sussegwentement, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ installazzjonijiet ta’ produzzjoni f’pożizzjoni li jipprovdu l-istess servizzi bħal dawk imwettqa mill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni previsti mill-miżura inkwistjoni għandha ssir, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 3(2) u (14) tad-Direttiva 2009/72.

69.

Fi kwalunkwe każ, is-sempliċi identifikazzjoni ta’ din id-differenza fit-trattament ma hijiex suffiċjenti sabiex il-miżura inkwistjoni tiġi kklassifikata bħala diskriminatorja peress li hija għandha intenzjoni li tilħaq għan leġittimu ( 38 ).

70.

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni eventwali ta’ tali differenza fit-trattament, hemm lok li jiġi nnotat li l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 jiġġustifika l-għoti ta’ aċċess iggarantit għall-elettriku prodott mill-impjanti tal-elettriku li jużaw karburant intern minħabba raġunijiet marbuta mas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku. Barra minn hekk, mill-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din il-ġustifikazzjoni ġiet imressqa mill-partijiet li jsostnu l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-aċċess iggarantit hekk kif previst mid-dritt Rumen.

71.

Issa, inqis li ma hemm ebda dubju dwar il-leġittimità tal-għan li għandu jintlaħaq mill-miżura inkwistjoni, jiġifieri s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku fir-Rumanija.

72.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jippermetti li l-Istati Membri jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw is-sigurtà fil-provvista lill-installazzjonijiet li jipproduċu l-elettriku ( 39 ). Barra minn hekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u iktar partikolarment tal-Artikolu 36 tiegħu, ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat li s-sigurtà fil-provvista tal-enerġija tista’ tirriżulta minn raġunijiet ta’ sigurtà pubblika ( 40 ).

73.

Madankollu, is-sempliċi invokazzjoni ta’ għan leġittimu ma hijiex suffiċjenti sabiex titwarrab il-klassifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament bħala “diskriminatorja”. Fil-fatt, huwa meħtieġ ukoll li l-għan inkwistjoni jkun jista’ jiġġustifika d-differenza fit-trattament imsemmija hawn fuq, “jiġifieri, essenzjalment, jekk din hijiex ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli u fi proporzjon mal-għan segwit” ( 41 ).

74.

Madankollu, fir-rigward tal-kuntest tal-analiżi mfakkar preċedentement, ser nirriżerva l-iżviluppi tiegħi fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għal fażi sussegwenti tal-konklużjonijiet tiegħi.

b) Fuq l-Artikolu 3(2) u (14) tad-Direttiva 2009/72

75.

Kif imfakkar preċedentement, il-marġni ta’ manuvra li għandhom l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu miżuri neċessarji biex tiġi implimentata sistema ta’ aċċess tat-terzi ma tawtorizzahomx iwarrbu l-prinċipju ta’ aċċess liberu għan-networks imsemmi fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 minbarra l-każijiet li fihom din id-direttiva tipprevedi eċċezzjonijiet jew derogi ( 42 ).

76.

B’hekk, l-Artikolu 3(14) tad-Direttiva 2009/72 jippermetti lill-Istati Membri biex ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 ta’ din id-direttiva, “kemm-il darba l-applikazzjoni tagħhom tkun tista’ xxekkel il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-verità, tal-obbligi imposti fuq l-impriżi tal-elettriku fl-interess ekonomiku ġenerali, u kemm-il darba l-iżvilupp tas-sengħa [kummerċ] ma jkunx affettwat b’tali mod li jkun imur kontra l-interessi tal-Komunità”.

77.

B’żieda ma’ din id-dispożizzjoni, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi li, billi l-Artikolu 86 KE (li sar l-Artikolu 106 TFUE) jittieħed kompletament inkunsiderazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jirrigwardaw is-sigurtà fil-provvista ( 43 ).

78.

Għaldaqstant, dawn l-obbligi għandhom jinftehmu bħala “miżuri ta’ intervent pubbliku fil-funzjonament ta’ dan is-suq, li jimponu fuq impriżi tas-settur tal-elettriku, għall-finijiet tat-tfittxija ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jaġixxi fuq l-imsemmi suq fuq il-bażi ta’ kriterji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi” ( 44 ).

79.

Madankollu, l-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jiġu imposti minn Stat Membru fuq l-impriżi tal-elettriku huma stabbiliti. Fil-fatt, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprevedi li dawn l-istess obbligi għandhom jiġu “definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali”.

80.

Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 106 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jippermetti li jiġu imposti fuq l-impriżi għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 45 ).

81.

Minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha niddeduċi li l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq l-installazzjonijiet ta’produzzjoni obbligi ta’ servizz pubbliku li jirrigwardaw is-sigurtà fil-provvista minkejja l-fatt li t-twettiq ta’ dawn l-obbligi jostakola l-aċċess liberu tat-terzi għan-networks.

82.

Madankollu din il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri ma hijiex mingħajr limitu, peress li l-miżuri nazzjonali, li għandhom jiġu adottati fl-interess ekonomiku ġenerali, ma jistgħu b’ebda mod jaffettwaw l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni. L-obbligi li għandhom dawn il-miżuri għandhom barra minn hekk jiġu ddefiniti b’mod ċar, u għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji u verifikabbli. Fuq kollox, l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiżguraw li l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-Unjoni jkollhom aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali. Fl-aħħar, dawn l-istess obbligi huma marbuta josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

83.

Minkejja li hija l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) li għandha tivverifika, fil-każ preżenti, jekk il-miżura inkwistjoni timponix effettivament xi obbligi ta’ servizz pubbliku, minn naħa, u jekk tosservax ir-rekwiżiti msemmija preċedentement, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħtiha l-preċiżazzjonijiet kollha neċessarji għall-verifika tagħha.

84.

Barra minn hekk, ninnota b’ċertu stagħġib li l-partijiet li jsostnu l-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-miżura inkwistjoni jirreferu għas-sigurtà fil-provvista mingħajr ma ħadd minn fosthom ma jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/72 u, bħala konsegwenza, ma jesponi r-raġunijiet li wassluhom jikkunsidraw li l-aċċess iggarantit hekk kif previst mid-dritt Rumen jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni.

85.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni inkwistjoni, ma nemminx li l-aċċess iggarantit, hekk kif previst mid-dritt Rumen, jaqa’ taħt tali obbligi. Fil-fatt, l-aċċess iggarantit għan-networks ma jillimitax il-libertà ta’ azzjoni tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jibbenefikaw minnu fis-suq tal-elettriku. Bil-kontra, dawk li jingħataw aċċess bħal dan igawdu minn vantaġġ ekonomiku ċert billi għandhom l-assigurazzjoni li jittrasportaw l-elettriku mibjugħ.

86.

Barra minn hekk, il-proċedura segwita mill-Gvern Rumen kif ukoll ir-raġunijiet li wassluh jidentifika l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni inkwistjoni ma humiex ċari. Pereżempju, f’dak li jirrigwarda n-natura diskriminatorja tal-miżura inkwistjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk jeżistux installazzjonijiet ta’ produzzjoni oħra li jistgħu jwettqu l-istess obbligi ta’ servizz pubbliku minbarra dawk identifikati mid-Deċiżjoni Nru 138/2013 ( 46 ).

87.

Fir-rigward tar-rekwiżit li jipprovdi li l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiżguraw għall-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali, l-aċċess iggarantit huwa, hekk kif preċedentement espost, mekkaniżmu li jiżgura lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jibbenefikaw minnu l-aċċess għan-networks sabiex jittrasportaw l-elettriku mibjugħ.

88.

Mill-kapaċità limitata ħafna tan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni, minn naħa, u mill-allokazzjoni tal-kapaċità li jwassal għaliha l-aċċess iggarantit, min-naħa l-oħra, niddeduċi li l-kapaċità hekk allokata tonqos daqs dik li tista’ tiġi assenjata għat-trażmissjoni tal-elettriku prodott minn installazzjonijiet li ma jibbenefikawx minn tali aċċess. Għaldaqstant, dawn l-installazzjonijiet jinsabu fl-impossibbiltà, li jonoraw, totalment jew parzjalment, it-tranżazzjonijiet imwettqa. Fi kliem ieħor, jekk il-kapaċità mhux suffiċjenti tan-networks ma għandhiex bħala kawża l-aċċess iggarantit mogħti, tali aċċess ikabbar l-importanza tiegħu għall-installazzjonijiet li ma jibbenefikawx minnu.

89.

F’dan ir-rigward, ninnota li f’dan il-każ l-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 u l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 żguraw l-aċċess għan-networks tal-elettriku għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni ta’ mill-inqas 700 MW.

90.

Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni pprekludiet, għall-inqas potenzjalment u parzjalment, lill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li ma jibbenefikawx minnha milli jonoraw it-tranżazzjonijiet imwettqa u, minħabba dan, kienet ta’ natura li taffettwa l-aċċess ugwali tal-produtturi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali.

91.

Dawn l-osservazzjonijiet, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tasal biex taqbel magħhom, għandhom iwasslu għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mal-Artikolu 3(2) u (14) u l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72. Madankollu, jekk dan ma jkunx il-każ, l-iżviluppi li ġejjin ser ikomplu l-eżami tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet rilevanti.

92.

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 106 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżura nazzjonali li timponi obbligi ta’ servizz pubbliku għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, minħabba dan, “tkun tista’ tiżgura li jintlaħaq l-objettiv tagħha, u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak il-għan, sabiex jiġi sodisfatt il-kriterju ta’ proporzonalità” ( 47 ).

c) Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

93.

Skont il-kliem tal-Ministerul Economiei, Energiei și Mediului de Afaceri (il-Ministru Rumen għall-Ekonomija, għall-Enerġija u għall-Qasam tan-Negozju) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-miżura inkwistjoni ġiet adottata, bl-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching u l-obbligu li jiġu pprovduti servizzi anċillari, sabiex tinbena l-kapaċità ta’ produzzjoni, liema kostituzzjoni saret neċessarja minħabba diversi raġunijiet iżda li kollha jipperikolaw is-sigurtà ta’ provvista tal-elettriku tar-Rumanija.

94.

Fil-fatt, din kienet kwistjoni ta’ bini tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli sabiex, fl-ewwel lok, ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw id-domanda waqt l-ogħla bżonn ta’ konsum, fit-tieni lok, li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom installazzjonijiet li jistgħu jissostitwixxu lil dawk li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-każ tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tas-sors u, fit-tielet u l-aħħar lok, li jissodisfaw iż-żieda mistennija fil-kummerċ transkonfinali fil-kuntest tat-twettiq tal-proġett 4M MC ( 48 ).

95.

Fir-rigward tal-eżami tal-proporzjonalità, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-miżura hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan intiż li jiġu kkostitwiti kapaċitajiet ta’ produzzjoni. F’dan ir-rigward, ħsibt dwar ir-raġuni għalfejn, kemm id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 kif ukoll id-deċiżjoni tar-rinviju jindikaw li l-aċċess iggarantit hekk kif previst mid-dritt Rumen jiżgura “funzjonament kontinwu” għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li bbenefikaw minnu. Fl-opinjoni tiegħi, l-aċċess iggarantit huwa fil-fatt inkapaċi li jiżgura fih innifsu l-funzjonament kontinwu ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni peress li jikkostitwixxi biss garanzija ta’ aċċess għan-networks. Jidhirli iktar preċiż li jiġi kkunsidrat, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, li l-funzjonament kontinwu tal-installazzjonijiet ta’ SC Complexul Energetic Hunedoara u ta’ SC Complexul Energetic Oltenia rriżulta mill-kumbinazzjoni tal-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching u tal-aċċess iggarantit, hekk kif previsti mid-dritt Rumen ( 49 ).

96.

Qabel kollox, l-aċċess prijoritarju għad-dispatching ippermetta d-dispatching tal-installazzjonijiet ta’ SC Complexul Energetic Hunedoara u SC Complexul Energetic Oltenia minn Transelectrica mingħajr kunsiderazzjoni bħala definizzjoni għall-ordni tal-preċedenza ekonomika. Sussegwentement, l-aċċess iggarantit żgura għal dawn l-istess installazzjonijiet li l-elettriku prodott u suġġett għal dispatching bi prijorità jkollu aċċess għan-networks anki jekk il-kapaċitajiet tagħhom probabbilment ma kinux jippermettuh.

97.

F’dan ir-rigward, ninnota li l-valur tal-aċċess iggarantit huwa funzjoni tal-kapaċità tan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni. B’hekk, l-assigurazzjoni pprovduta mill-aċċess iggarantit għandha wisq iktar valur għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jibbenefikaw minnha milli għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni li jsofru strutturalment minn kapaċitajiet insuffiċjenti. Bil-kontra, aċċess iggarantit għan-networks jitlef is-sens tiegħu meta l-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar tkun ogħla mill-kwantità ta’ elettriku injettat.

98.

Billi jiżgura parzjalment il-funzjonament kontinwu tal-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jibbenefikaw minnu, ma niddubitax li l-kapaċità tal-aċċess iggarantit huwa parti mill-kostituzzjoni ta’ kapaċitajiet ta’ produzzjoni li jippermettu li tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvista tal-elettriku ta’ Stat Membru bħar-Rumanija ( 50 ).

99.

Fit-tieni lok, jeħtieġ li ssir diskussjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tistax tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan intiż sabiex jiġu kkostitwiti kapaċitajiet ta’produzzjoni. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għanda tivverifika jekk l-assenza ta’ aċċess iggarantit jistax ifixkel it-twettiq, mill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jibbenefikaw minnu, tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom, minn naħa, u d-determinazzjoni dwar jekk it-twettiq ta’ dawn l-obbligi jistax iseħħ permezz ta’ mezzi oħra li ma kinux ippreġudikaw id-dritt ta’ aċċess għan-networks, min-naħa l-oħra ( 51 ).

100.

Fir-rigward tar-riskju għall-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jiġu mfixkla waqt it-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħhom jekk dawn jiġu miċħuda mill-miżura inkwistjoni, jidhirli li l-qorti tar-rinviju tista’ tistaqsi fuq il-kapaċità tan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni u b’mod iktar speċifiku fuq in-natura strutturalment suffiċjenti jew insuffiċjenti tagħhom.

101.

F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ mezzi oħra li ma jippreġudikawx l-aċċess għan-networks u li jippermettu t-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tfakkar b’mod utli l-ġurisprudenza tagħha li skontha “għalkemm huwa minnu li Stat Membru li jinvoka l-Artikolu 90(2) għandu jagħti prova li l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni huma ssodisfatti, dan l-oneru tal-prova ma jistax jeżiġi minn dan l-Istat Membru, meta jesponi b’mod iddettaljat ir-raġunijiet għalfejn, fil-każ ta’ tneħħija tal-miżuri inkriminati, il-kisba tal-missjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli hija, fl-opinjoni tiegħu, imqiegħda inkwistjoni, li jieħu miżuri ulterjuri biex juri, b’mod pożittiv, li ebda miżura oħra immaġinabbli, li bħala definizzjoni tkun ipotetika, ma tista’ tippermetti li tiġi żgurata l-kisba tal-imsemmija funzjonijiet taħt l-istess kundizzjonijiet [traduzzjoni mhux uffiċjali]” ( 52 ).

102.

Bħala konklużjoni, inqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li Stat Membru jista’ jagħti aċċess iggarantit għan-networks lil ċerti installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli sabiex jiżguraw is-sigurtà fil-provvista tagħhom, bil-kundizzjoni li, minn naħa, l-aċċess għan-networks għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, mogħti b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 ġie żgurat, u li, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72 u, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tidentifika obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq dawn l-istess installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, fl-Artikolu 3(2) u (14) ta’ din id-direttiva ġew osservati u sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnha.

V. Konklużjoni

103.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tirrispondi kif ġej għat-tieni domanda preliminari magħmula mill-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) hekk kif ifformulata mill-ġdid:

L-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, l-Artikolu 3(2) u (14) u l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ li tagħti aċċess iggarantit għan-networks ta’ trażmissjoni u ta’ distribuzzjoni lil ċerti installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku li jużaw sorsi ta’ enerġija mhux rinnovabbli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fil-provvistà tal-elettriku bil-kundizzjoni li l-aċċess għan-networks għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli mogħti b’applikazzjoni tal-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 ikun ġie żgurat, li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 32(1), tad-Direttiva 2009/71 u, fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tidentifika obbligi ta’ servizz pubbliku imposti fuq dawn l-istess installazzjonijiet ta’ produzzjoni tal-elettriku, fl-Artikolu 3(2) u (14) ta’ din id-direttiva jkunu ġew osservati u sakemm din il-leġiżlazzjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnha. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fil-kawża prinċipali, din il-kundizzjoni ġietx issodisfatta.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).

( 3 ) Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

( 5 ) Transelectrica hija l-operatur tan-networks tat-trażmissjoni tal-elettriku fir-Rumanija.

( 6 ) Jidhirli li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 ma jistabbilixxi ebda limitu għall-kwantità ta’ elettriku mogħti b’aċċess prijoritarju minn Transelectrica sa fejn il-limitu ta’ 15 % stabbilit fl-Artikolu 5(3) tal-Liġi Nru 123/2012 jipprevedi biss il-mekkaniżmu ta’ aċċess garantit. Madankollu huwa possibbli li l-kwantità ta’ elettriku prodotta mill-installazzjonijiet ta’ produzzjoni msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 u li bbenefikaw minn aċċess prijoritarju ma qabżitx il-limitu ta’ 15 % previst fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2009/72.

( 7 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 11).

( 8 ) Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72.

( 9 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 87).

( 10 ) Il-punt 20 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54).

( 11 ) L-aċċess prijoritarju għad-dispatching favur l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kien diġà ġie previst mid-direttivi li ppreċedew id-Direttiva 2009/72 (l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 3), li sar l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/54/KE. Barra minn hekk, dan id-dispatching huwa wkoll għall-benefiċċju tal-installazzjonijiet li jipproduċu s-sħana u l-enerġija flimkien (Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2009/72).

( 12 ) Ara l-premessa 28 tad-Direttiva 96/92.

( 13 ) Kommunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, Tlestija tas-suq intern tal-enerġija (COM(2001) 125 final, p. 25).

( 14 ) L-aċċess prijoritarju għad-dispatching favur installazzjonijiet ta’ produzzjoni li jużaw sorsi ta’ karburant indiġeni ta’ enerġija primarja kien diġà previst mid-direttivi preċedenti għad-Direttiva 2009/72 (Artikolu 8(4) tad-Direttiva 96/92, li sar l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/54).

( 15 ) Id-Direttiva 2009/28 issuċċediet id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Settembru 2001 fuq il-promozzjoni ta’ elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 121). Il-paragrafu 1 ta-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/77 intitolat “Kwistjonijiet fuq is-sistema tad-distribuzzjoni”, jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri sabiex jipprevedu aċċess prijoritarju għan-networks għall-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli.

( 16 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Abcur (C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 138/2013 twettaq distinzjoni ċara bejn l-aċċess iggarantit (Artikoli 1 u 2) u l-aċċess prijoritarju għad-dispatching (Artikolu 3).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, T‑Systems Magyarország (C‑263/19, EU:C:2020:373, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Ben Alaya (C‑491/13, EU:C:2014:2187 punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni hija prevista fl-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2009/72 li jipprevedi li “[l]-operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni jew ta’ distribuzzjoni jista’ jirrifjuta l-aċċess fil-każ li ma jkollux il-kapaċità neċessarja”.

( 21 ) Pereżempju, jekk Stat Membru jagħti aċċess iggarantit għall-installazzjonijiet kollha ta’ produzzjoni konnessi miegħu, ebda waħda minnhom ma tkun tista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tinvoka tali aċċess. F’dan il-każ, għaldaqstant, l-Istat Membru li ta tali aċċess jonqos milli josserva l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28.

( 22 ) Sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2014, Ålands Vindkraft (C‑573/12, EU:C:2014:2037, punt 59) u tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O. (C‑242/17, EU:C:2018:804, punti 53 et seq.).

( 23 ) Sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, L.E.G.O. (C‑242/17, EU:C:2018:804, punt 54).

( 25 ) Jidhirli li l-Artikolu 16(2)(b) tad-Direttiva 2009/28 ġie traspost fl-Artikolu 70(a) tal-Liġi Nru 123/2012.

( 26 ) Id-Direttiva 2009/72 issuċċediet lid-Direttiva 2003/54 li hija stess issuċċediet lid-Direttiva 96/92.

( 27 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 44); tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 76), u tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug (C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 41).

( 28 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 55).

( 29 ) Sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 58).

( 30 ) Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punti 86 u 94).

( 31 ) Ara l-Artikolu 16 tad-Direttiva 96/92 u l-ġurisprudenza relattiva (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punti 37 u 46).

( 32 ) Ara l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2003/54 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125).

( 33 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 44), tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 76) u tas‑17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug (C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 41).

( 34 ) Hidroelectrica tibbenefika mid-dritt li ma tiġix iddiskriminata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/72 (dwar dan is-suġġett ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium, C‑492/14, EU:C:2016:732, punti 71 sa 75).

( 35 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 46). Minkejja li d-Direttiva 96/92 kienet tinsab inkwistjoni, l-Artikolu 3(1) tagħha huwa fuq dan il-punt identiku għall-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72.

( 36 ) Sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 47) u tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 79).

( 37 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et (C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punt 66).

( 38 ) Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 81).

( 39 ) Ara wkoll il-premessa 46 tad-Direttiva 2009/72.

( 40 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Hidroelectrica (C‑648/18, EU:C:2020:723, punt 36)

( 41 ) Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 85).

( 42 ) Sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 55).

( 43 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 38) u tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 87).

( 44 ) Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Engie Cartagena (C‑523/18, EU:C:2019:1129, punt 45).

( 45 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 42).

( 46 ) Ara, s-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 86) u tad‑29 ta’ Settembru 2016, Essent Belgium (C‑492/14, EU:C:2016:732, punt 89).

( 47 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861, punt 55).

( 48 ) “The 4M Market coupling is the day ahead electricity trading platform of the CEE region” (Sterpu, V., The analysis of 4M MC electricity market, Erasmus University Rotterdam, 2018, p. 8, https://thesis.eur.nl/pub/44746/Sterpu-V.-447658-.pdf).

( 49 ) Barra minn hekk, ma’ dan l-ewwel dispożittiv ikkostitwit mill-għoti ta’ aċċess prijoritarju għad-dispatching u mill-aċċess iggarantit, dispożittiv ieħor, li jidhirli li għandu l-istess skop bħall-ewwel wieħed, ikkonsista f’obbligu għal SC Complexul Energetic Hunedoara u SC Complexul Energetic Oltenia li jipprovdu servizzi anċillari ta’ potenza elettrika ta’ mill-inqas 1,000 MW lil Transelectrica.

( 50 ) Kif ġie evokat f’dawn il-konklużjonijiet, il-premessa 60 tad-Direttiva 2009/28 tindika li l-aċċess iggarantit “jippermetti l-użu ta’ ammont massimu ta’ elettriku minn sorsi tal-enerġija rinovabbli minn impjanti konnessi mall-grilja [network]”.

( 51 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑22 ta’ Mejju 2008, citiworks (C‑439/06, EU:C:2008:298, punt 60).

( 52 ) Sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 1997, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑159/94, EU:C:1997:501, punt 101).