KONKLUŻJONIJET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fl-10 ta’ Ġunju 2021 ( 1 )

Kawża C‑71/20

Anklagemyndigheden

v

VAS Shipping ApS (li kienet Sirius Shipping ApS)

(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 54 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Obbligu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali għal membri ta’ ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru sabiex jiksbu permess tax-xogħol – Eċċezzjoni għal bastimenti fi traffiku internazzjonali li ma jidħlux f’portijiet tal-Istat Membru iktar minn 25 darba f’sena – Bastiment li huwa proprjetà ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor – Nondiskriminatorja – Kunċett ta’ ‘restrizzjoni’ – Raġunijiet prevalenti fl-interess ġenerali – Stabbiltà tas-suq tax-xogħol – Proporzjonalità”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), tal-10 ta’ Frar 2020 u li ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Frar 2020, tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Hija tqajjem il-kwistjoni konċettwalment diffiċli dwar jekk leġiżlazzjoni li tirregola s-suq tax-xogħol, li tapplika b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, tistax titqies li hija restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

2.

Din it-talba saret fi proċedimenti kriminali miġjuba mill-Anklagemyndigheden (il-Prosekutur Pubbliku, id-Danimarka) kontra l-kumpannija Daniża b’responsabbiltà limitata VAS Shipping ApS (iktar ’il quddiem VAS Shipping) (li qabel kienet Sirius Shipping ApS), li hija kompletament proprjetà tal-kumpannija Svediża Sirius Rederi AB. Minħabba li l-leġiżlazzjoni Daniża teħtieġ li jintgħażel sid maniġerjali għal bastiment li huwa komproprjetarju, VAS Shipping hija s-sid maniġerjali ta’ erba’ kumpanniji tal-bastimenti parzjalment stabbiliti fl-Isvezja. L-erba’ kumpanniji tat-tbaħħir Svediżi li huma parti minnha rreġistraw erba’ bastimenti fir-Reġistru Internazzjonali Daniż tal-Bastimenti (ir-“RIDB”) għall-iskop tal-attivitajiet tagħhom fid-Danimarka.

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Daniż applikabbli għaż-żmien rilevanti, ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu permess tax-xogħol sabiex jiġi impjegat fid-Danimarka, inkluż impjieg fuq bastiment Daniż li, bħala parti mis-servizzi regolari tiegħu, jidħol regolarment fil-portijiet Daniżi. Kull persuna li timpjega tali ċittadini barranin mingħajr permess tax-xogħol tista’ tkun suġġetta għal multa jew għal żmien ta’ priġunerija. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu fuq bastimenti tal-merkanzija Daniżi fi traffiku internazzjonali li daħlu f’portijiet Daniżi f’mhux iktar minn 25 okkażjoni, ikkalkolati kontinwament matul is-sena ta’ qabel ( 2 ), kienu eżentati mir-rekwiżit li jkollhom permess tax-xogħol. Madankollu, kien meħtieġ permess tax-xogħol fejn bastimenti bħal dawn daħlu f’portijiet Daniżi f’iktar minn 25 okkażjoni matul is-sena ta’ qabel.

4.

VAS Shipping hija akkużata li kisret l-Artikolu 59(4), moqri flimkien mal-Artikoli 59(5) u 61, tal-Udlændingeloven (il-Liġi dwar Ċittadini Barranin) ( 3 ) fil-perijodu mit-22 ta’ Awwissu 2010 sat-22 ta’ Awwissu 2011, billi daħlet f’portijiet Daniżi f’iktar minn 25 okkażjoni b’erba’ bastimenti rreġistrati fir-RIDB, b’membri tal-ekwipaġġ minn pajjiżi terzi ( 4 ), li ma kellhomx permess tax-xogħol jew ma kinux eżentati mir-rekwiżit li jkollhom permess bħal dan taħt l-Artikolu 14 tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin. VAS Shipping instabet ħatja tar-reat inkwistjoni mill-qorti tal-ewwel istanza u ġiet mmultata DKK 1500000 kroni Daniżi.

5.

Il-qorti inkwistjoni kkunsidrat li r-rekwiżit tal-permess tax-xogħol kien jikkostitwixxi restrizzjoni nondiskriminatorja tal-libertà tal-istabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE, flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, iżda li r-restrizzjoni kienet iġġustifikata sabiex is-suq tax-xogħol Daniż ma jiġix ippreġudikat. VAS Shipping appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

6.

Bit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li teħtieġ li membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiż terz ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dan l-Istat Membru u li huwa proprjetà ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea jkollhom permess tax-xogħol, sakemm il-bastiment ma jidħolx f’portijiet tal-Istat Membru li tiegħu l-bastiment itajjar il-bandiera sa massimu ta’ 25 okkażjoni kkalkolati kontinwament matul is-sena ta’ qabel.

7.

Jidher li l-partijiet fil-kawża prinċipali inizjalment qablu li l-miżuri Daniżi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu restrizzjoni skont l-Artikolu 49 TFUE. Il-partijiet imbagħad jidhru li ffokaw fuq jekk il-miżura tistax tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku. Madankollu, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni sussegwentement qajmet dubju fir-rigward ta’ din il-pożizzjoni.

8.

Għalhekk, huwa neċessarju li jiġi eżaminat fid-dettall il-kunċett ta’ “restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment” skont l-Artikolu 49 TFUE u jiġi eżaminat kif dan il-kunċett jista’ jiġi applikat mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-kawża prinċipali quddiemha.

9.

Qabel ma tiġi eżaminata din il-kwistjoni, huwa l-ewwel neċessarju li jiġu stabbiliti t-testi leġiżlattivi rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali u l-fatti fil-kawża prinċipali kif ippreżentati mill-qorti tar-rinviju.

II. Il-qafas legali

A. Id-dritt internazzjonali

10.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata fil-Bajja ta’ Montego fl-10 ta’ Diċembru 1982 (iktar ’il quddiem l-“UNCLOS”), daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994. Hija ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 dwar il-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 dwar l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260).

11.

L-Artikolu 91(1) tal-UNCLOS jiddikjara kif ġej:

“Kull Stat għandu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-għoti tan-nazzjonalità tiegħu lill-vapuri, għar-reġistrazzjoni ta’ vapuri fit-territorju tiegħu, u tad-dritt li jtajjru il-bandiera tiegħu. Il-vapuri għandhom in-nazzjonalità ta’ l-Istat li l-bandiera tiegħu huma ntitolati li jtajjru. Għandu jkun hemm rabta ġenwina bejn l-Istat u l-vapur.”

12.

Taħt l-intestatura “L-istatus ta’ vapuri”, l-Artikolu 92 tal-UNCLOS fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprovdi kif ġej:

“Vapuri għandhom ibaħħru taħt il-bandiera ta’ Stat wieħed biss u, […], għandhom ikunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklussiva tiegħu fl-ibħra internazzjonali. […]”

13.

L-Artikolu 94 tal-UNCLOS, intitolat “Id-doveri ta’ l-Istat tal-bandiera”, jgħid kif ġej:

“1.   Kull Stat għandu effettivament jeżerċita l-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu f’materji amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq il-vapuri li jtajjru l-bandiera tiegħu.

2.   Partikolarment, kull Stat għandu:

[…]

(b)

jassumi ġurisdizzjoni permezz tal-liġi interna tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu u fuq il-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ fir-rigward ta’ materji amministrattivi, tekniċi u soċjali li jikkonċernaw il-vapur.”

B. Id-dritt Daniż

1.   Il-Liġi dwar Ċittadini Barranin

14.

L-Artikolu 13 tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin jipprovdi:

“1.   Ċittadin barrani għandu jkollu permess tax-xogħol sabiex jieħu impjieg imħallas jew mhux imħallas, sabiex ikun persuna li taħdem għal rasha jew sabiex jipprovdi servizzi bi ħlas jew mod ieħor fid-Danimarka. Permess tax-xogħol għandu jkun meħtieġ ukoll għall-impjieg fuq bastiment jew ajruplan Daniż li, bħala parti minn servizzi regolari jew mod ieħor, jieqaf regolarment f’portijiet jew ajruporti Daniżi. Madankollu, għandu jsir riferiment għall-eżenzjonijiet fl-Artikolu 14.

2.   Il-Ministru għar-Refuġjati, l-Immigrazzjoni u l-Affarijiet ta’ Integrazzjoni għandu jistabbilixxi dispożizzjonijiet iktar iddettaljati dwar kemm il-permessi tax-xogħol huma meħtieġa sabiex jaħdmu fl-ibħra territorjali jew fuq il-blata kontinentali.”

15.

L-Artikolu 14 tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin jipprovdi:

“Iċ-ċittadini barranin li ġejjin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol:

(1)

Ċittadini barranin li huma ċittadini ta’ pajjiż Nordiku ieħor fis-sens tal-Artikolu 1.

(2)

Ċittadini barranin koperti mir-regoli tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikoli 2 u 6.

(3)

Ċittadini barranin b’permess ta’ residenza permanenti.

[...]

2. Il-Ministru għar-Refuġjati, l-Immigrazzjoni u l-Affarijiet ta’ Integrazzjoni jista’ jiddetermina li ċittadini barranin oħra għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol.”

16.

L-Artikolu 59 tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin jipprovdi:

“[…]

4. Kull persuna li timpjega ċittadin barrani mingħajr il-permess tax-xogħol meħtieġ jew bi ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti għal permess tax-xogħol tista’ teħel multa jew terminu ta’ priġunerija sa sentejn.

5. Il-fatt li l-ksur twettaq apposta jew bħala riżultat ta’ negliġenza serja, li qligħ finanzjarju inkiseb jew ġie mfittex mill-ksur għall-persuna kkonċernata nnifisha jew għal oħrajn, jew li ċ-ċittadin barrani ma għandux id-dritt li jkun residenti fid-Danimarka għandu jitqies li huwa ċirkustanza aggravanti fid-determinazzjoni tal-piena taħt is-subparagrafu 4.”

17.

L-Artikolu 61 tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin jipprovdi:

“Ir-responsabbiltà kriminali tista’ tiġi attribwita lil kumpanniji eċċ. (persuni ġuridiċi) taħt ir-regoli stabbiliti fil-Kapitolu 5 tal-Kodiċi Kriminali.”

2.   Ir-Regolament dwar Ċittadini Barranin

18.

Fiż-żmien meta seħħew iċ-ċirkustanzi li taw lok għall-prosekuzzjoni, l-Artikolu 33 tal-bekendtgørelse nr. 270 af 22. marts 2010 om udlændinges adgang her til landet (ir-Regolament Nru 270 tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar l-Aċċess ta’ Ċittadini Barranin għad-Danimarka) kien jipprovdi kif ġej:

“Iċ-ċittadini barranin li ġejjin għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol:

[…]

(4)

Persunal fuq bastimenti tal-merkanzija Daniżi fi traffiku internazzjonali li jidħlu f’portijiet Daniżi f’mhux iktar minn 25 okkażjoni, ikkalkolati kontinwament matul is-sena ta’ qabel, irrispettivament mis-sena kalendarja, fejn permess tax-xogħol huwa meħtieġ għal dak il-għan, taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin.

[…]” ( 5 )

3.   Søloven (il-Kodiċi Marittimu)

19.

L-Artikolu 103 tas-Søloven (il-Kodiċi Marittimu; reċentement ħafna kkonsolidat bil-Liġi Nru 1505 tas-17 ta’ Diċembru 2018) jipprovdi:

“Sid maniġerjali għandu jintgħażel għal vapur miżmum f’komproprjetà.

2. Persuna, kumpannija b’responsabbiltà limitata jew kumpannija responsabbli tista’ tintgħażel bħala sid maniġerjali, sakemm din il-parti tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 3 rispettivament tal-Artikolu 1(2).”

20.

L-Artikolu 104 tal-Kodiċi Marittimu jipprovdi:

“Fir-rigward ta’ partijiet terzi, is-sid maniġerjali għandu, bis-saħħa tal-kapaċità tiegħu jew tagħha, ikun intitolat li jikkonkludi kwalunkwe tranżazzjoni legali normalment konkluża minn kumpannija tal-vapuri. Is-sid maniġerjali jista’ għalhekk jimpjega, ikeċċi u jagħti struzzjonijiet lill-kaptan, jagħmel assigurazzjoni ordinarja, u jirċievi flus imħallsa lill-kumpannija tat-tbaħħir. Is-sid maniġerjali ma għandux, mingħajr awtorizzazzjoni speċjali, ibigħ jew jipoteka l-bastiment jew jikri l-bastiment għal iktar minn sena.”

4.   Regoli li jirregolaw ir-Reġistru Internazzjonali Daniż tal-Bastimenti (RIDB)

21.

Ir-regoli li jirregolaw ir-RIDB, fiż-żmien meta seħħew iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-prosekuzzjoni, huma stabbiliti fil-Liġi Nru 273 tal-11 ta’ April 1997, kif emendata bil-Liġi Nru 460 tal-31 ta’ Mejju 2000, bil-Liġi Nru 526 tas-7 ta’ Ġunju 2006 u bil-Liġi Nru 214 tal-24 ta’ Marzu 2009. L-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 273, kif emendat, jipprovdi:

“Ftehimiet kollettivi dwar paga u kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ekwipaġġ fuq vapuri mdaħħla f’dan ir-reġistru għandhom jiddikjaraw espressament li japplikaw biss għal tali impjieg.

2. Ftehimiet kollettivi kif imsemmi fis-subparagrafu 1, iffirmat minn sindakat Daniż, jistgħu jkopru biss persuni li huma residenti fid-Danimarka jew li, taħt id-dritt tal-Unjoni jew obbligi internazzjonali oħra applikabbli, għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħal persuni meqjusa residenti fid-Danimarka.

[…]”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

22.

VAS Shipping hija akkużata li, fil-perjodu mit-22 ta’ Awwissu 2010 sat-22 ta’ Awwissu 2011, daħlet f’portijiet Daniżi f’iktar minn 25 okkażjoni b’erba’ bastimenti rreġistrati fir-RIDB, b’membri tal-ekwipaġġ minn pajjiżi terzi li ma kellhomx permess ta’ xogħol jew ma kinux eżentati mir-rekwiżit li jkollhom permess bħal dan taħt l-Artikolu 14 tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin.

23.

VAS Shipping hija s-sid maniġerjali fis-sens tal-Artikolu 103 tal-Kodiċi Marittimu ta’ erba’ kumpanniji tat-tbaħħir miżmuma f’komproprjetà. Il-kompropjetarji huma kumpanniji b’responsabbiltà limitata Svediżi.

24.

VAS Shipping, li hija rreġistrata fid-Danimarka, hija kollha proprjetà tal-kumpannija Svediża Sirius Rederi AB. VAS Shipping ġiet ikkostitwita fis-16 ta’ Marzu 2010 u hija ġestita minn direttur residenti fl-Isvezja u tliet membri tal-bord, li tnejn minnhom huma residenti fid-Danimarka. Skont l-informazzjoni pprovduta, il-laqgħat kollha tal-bord tal-kumpannija jsiru fid-Danimarka u l-laqgħat kollha tal-kumpanniji tat-tbaħħir miżmuma f’komproprjetà saru fid-Danimarka sa minn meta l-erba’ bastimenti inkwistjoni ġew irreġistrati fir-RIDB.

25.

L-erba’ kumpanniji tat-tbaħħir miżmuma f’komproprjetà għażlu li jkomplu n-negozju marittimu tagħhom fid-Danimarka billi rreġistraw l-erba’ bastimenti inkwistjoni fir-RIDB u nnominaw lil VAS Shipping bħala sid maniġerjali. Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 104 tal-Kodiċi Marittimu, VAS Shipping kellha awtorità mandatorja sabiex tikkonkludi kwalunkwe tranżazzjoni legali normalment konkluża minn kumpannija tat-trasport bil-baħar.

26.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kumpanniji tat-tbaħħir miżmuma f’komproprjetà jeżerċitaw attività ekonomika fid-Danimarka permezz tal-erba’ bastimenti inkwistjoni u għalhekk ir-reġistrazzjoni tagħhom fir-RIDB ma tistax tkun separata mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ( 6 ). VAS Shipping iddikjarat li ebda baħri, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, ma jitlaq mill-bastiment fi kwalunkwe ħin meta dan jidħol fil-portijiet Daniżi u li x-xogħol kollu fuq l-art jitwettaq minn persunal Daniż ibbażat fuq l-art impjegat mill-port tal-waqfa ( 7 ).

27.

Fl-4 ta’ Mejju 2018, ir-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense, id-Danimarka) sabet li VAS Shipping kienet kisret id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin. Hija ddeċidiet ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin kienu jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 54 tiegħu, iżda r-restrizzjoni kienet iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u ma kinitx tmur lil hinn minn dak li kien meħtieġ. Skont din il-qorti, ir-regoli tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin li jirregolaw ekwipaġġi ta’ pajjiżi terzi kienu ġġustifikati sabiex ma s-suq tax-xogħol Daniż ma jiġix ippreġudikat, peress li x-xogħol minn ħaddiem ta’ ċittadinanza ta’ pajjiż terz għandu vantaġġ kompetittiv fuq ix-xogħol minn ħaddiem Daniż minħabba l-livelli tal-pagi. Ir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol huwa mezz effettiv sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol u b’hekk jiġi evitat tfixkil fis-suq tax-xogħol nazzjonali. Konsegwentement, ir-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense) sabet li r-restrizzjonijiet kienu legali u ordnat lil VAS Shipping tħallas multa ta’ DKK 1500000 fuq il-bażi tal-Artikolu 59(4) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin, moqri flimkien mal-Artikoli 59(5) u 61 tiegħu. ( 8 )

28.

Il-qorti tar-rinviju tinnota li hemm qbil bejn il-partijiet li r-rekwiżit tal-permess tax-xogħol stabbilit fl-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin, moqri flimkien mal-Artikolu 33(4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin, jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. L-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol u b’hekk jiġi evitat tfixkil għalih jista’, fil-prinċipju, jiġġustifika restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment ( 9 ). Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li f’numru ta’ sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar il-fatturi li, skont it-Trattat FUE, għandhom jiġu inklużi f’evalwazzjoni tal-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ persuna li timpjega li tagħżel il-ħaddiema. Madankollu, din il-ġurisprudenza tikkonċerna prinċipalment ir-relazzjoni mar-regoli dwar is-servizzi. Konsegwentement, id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprovdux gwida affidabbli għall-evalwazzjoni tar-relazzjoni bejn ir-regoli Daniżi inkwistjoni u l-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li deċiżjoni dwar jekk l-Artikolu 49 TFUE jipprekludix regoli simili għar-regoli Daniżi li jimponu rekwiżit ta’ permess tax-xogħol fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka u li huma proprjetà ta’ ċittadini ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni hija meħtieġa sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni fil-każ preżenti.

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.:

“L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lil ħaddiema ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jagħmlu parti minn ekwipaġġ ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera tal-Istat Membru kkonċernat, proprjetà ta’ sid ta’ bastiment li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, ikollhom permess ta’ xogħol, ħlief jekk il-bastiment jidħol fil-port tal-Istat Membru kkonċernat għal massimu ta’ 25 darba kkalkolati kontinwament matul il-perijodu tas-sena preċedenti?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn VAS Shipping, il-Gvern Daniż, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea.

31.

Minkejja d-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju li hemm qbil bejn il-partijiet li r-rekwiżit tal-permess tax-xogħol jista’ jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE, fl-osservazzjonijiet tagħha l-Kummissjoni staqsiet jekk ir-rekwiżit skont il-leġiżlazzjoni Daniża li l-membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi fuq bastiment li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru u li jkun proprjetà ta’ sid ta’ bastiment li huwa ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni jkollhom permess tax-xogħol, sakemm il-bastiment ma jidħolx fil-portijiet tal-Istat Membru f’massimu ta’ 25 okkażjoni kkalkolati kontinwament matul is-sena ta’ qabel jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.

32.

Fil-15 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet abbażi tal-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li tistieden lill-partijiet jew lill-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, għajr lill-Kummissjoni, jadottaw pożizzjoni bil-miktub dwar l-argument ta’ din tal-aħħar, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkostitwixxix “restrizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

33.

VAS Shipping, il-Gvern Daniż u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew osservazzjonijiet oħra jew addizzjonali f’dan ir-rigward. Filwaqt li VAS Shipping iżżomm il-pożizzjoni tagħha li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tagħha, il-Gvern Daniż u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi issa jqisu li dawn il-miżuri ma jikkostitwixxux restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE ( 10 ). Huwa f’dan l-isfond li nistgħu nduru biex nikkunsidraw il-kwistjonijiet hekk imqajma.

V. Analiżi

A. L-eżistenza ta’ restrizzjoni skont l-Artikolu 49 TFUE

1.   Applikabbiltà tal-Artikolu 49 TFUE

34.

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE u tar-regoli dwar il-libertà ta’ stabbiliment. Din il-qorti ma talbitx interpretazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jew tabilħaqq kwalunkwe dispożizzjoni oħra tat-Trattat FUE. Barra minn hekk, pereżempju, il-qorti tar-rinviju ma talbitx interpretazzjoni tal-Artikolu 79(5) TFUE li jipprovdi li l-Artikolu 79 TFUE “m’għandux jolqot id-dritt ta’ l-Istati Membri li jistabbilixxu l-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ġejjin minn pajjiżi terzi, fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom”. Barra minn hekk, ma tressqu l-ebda osservazzjonijiet mill-partijiet u l-persuni interessati f’dan ir-rigward ħlief għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda domanda fir-rigward tad-drittijiet tal-baħħara, pereżempju, id-drittijiet tagħhom ta’ moviment fl-Unjoni u d-drittijiet u l-obbligi tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tagħha ( 11 ).

35.

L-Artikolu 49 TFUE jirrikjedi l-eliminazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, testendi l-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment għal kumpanniji jew ditti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew il-post ewlieni tan-negozju tagħhom fl-Unjoni ( 12 ).

36.

Minħabba li l-libertà ta’ stabbiliment hija maħsuba sabiex tippermetti liċ-ċittadin tal-Unjoni li jipparteċipa, fuq bażi stabbli u kontinwa, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ta’ oriġini tiegħu u li jagħmel profitt minnha, il-kunċett ta’ “stabbiliment” skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment għalhekk jinvolvi l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss f’dak l-Istat għal perijodu indefinit. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-libertà tippreżupponi l-istabbiliment effettiv tal-kumpannija kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika ġenwina hemmhekk ( 13 ).

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-reġistrazzjoni ta’ bastiment ma tinvolvix neċessarjament stabbiliment fit-tifsira tat-Trattat FUE, b’mod partikolari fejn il-bastiment ma jintużax sabiex isegwi attività ekonomika jew fejn l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ssir minn jew f’isem ta’ persuna li ma hijiex stabbilita, u m’għandha l-ebda intenzjoni li ssir stabbilita, fl-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, meta l-bastiment jikkostitwixxi strument sabiex issegwi attività ekonomika li tinvolvi stabbiliment fiss fl-Istat Membru kkonċernat, ir-reġistrazzjoni ta’ dan il-bastiment ma tistax tinżamm distinta mill-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment ( 14 ).

38.

Għaldaqstant, mill-fatti deskritti mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-Artikoli 49 u 54 TFUE huma applikabbli f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, l-erba’ kumpanniji Svediżi miżmuma f’komproprjetà rreġistraw erba’ bastimenti fir-RIDB u nnominaw lil VAS Shipping, kumpannija stabbilita fid-Danimarka u li hija kompletament proprjetà ta’ kumpannija Svediża, bħala s-sid maniġerjali tal-bastimenti. Barra minn hekk, l-erba’ bastimenti inkwistjoni jintużaw sabiex isegwu attività ekonomika mill-erba’ kumpanniji tat-tbaħħir miżmuma f’komproprjetà.

39.

Minkejja d-dikjarazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ( 15 ), huwa issa opportun li jiġi eżaminat jekk teżistix tali “restrizzjoni”. L-ewwel ser niddeskrivi l-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, segwiti mill-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ restrizzjoni. Imbagħad nipproponi li neżamina dan il-kunċett fil-kuntest tal-kawża preżenti.

2.   Kunċett ta’ “restrizzjoni”

a)   Argumenti

40.

Qed nipproponi li l-ewwel nippreżenta l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni fil-qosor. Wara kollox, kienu dawn l-osservazzjonijiet li wasslu għall-mistoqsija bil-miktub mill-Qorti tal-Ġustizzja u għalhekk l-osservazzjonijiet tal-partijiet l-oħra u tal-persuni kkonċernati dwar il-kwistjoni.

41.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-mistoqsija li trid issir sabiex jiġi evalwat jekk miżura nazzjonali tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment hija dwar jekk obbligu skont id-dritt nazzjonali impost fuq operaturi ġodda – f’dan il-każ permess tax-xogħol għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi – toħloqx ostakoli għall-aċċess għas-suq u jekk iċċaħħadhomx mill-opportunità li jikkompetu b’mod effettiv ma’ operaturi stabbiliti ( 16 ). Skont il-Kummissjoni, miżura ma tikkostitwixxix neċessarjament restrizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 49 TFUE sempliċement minħabba li l-vantaġġ ekonomiku u l-inċentiv biex wieħed jeżerċita attività ekonomika huma inqas milli kieku l-miżura ma kinitx tapplika. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri huma fil-prinċipju kompetenti sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ekonomiċi fit-territorju tagħhom u jekk miżura ma tiddiskriminax fid-dritt jew fil-fatt, għandha titqies bħala restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment biss jekk taffettwa l-aċċess għas-suq ( 17 ). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiċċita s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296, punt 34), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, Stat Membru jista’ jimponi, direttament jew indirettament, regoli tekniċi li huma speċifiċi għalih u li ma jinstabux neċessarjament fl-Istati Membri l-oħra. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja “id-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu għal dawn l-impriżi minn din is-sitwazzjoni ma jaffettwawx il-libertà ta’ stabbiliment […]. Fundamentalment, dawn id-diffikultajiet ma humiex ta’ natura differenti minn dawk li jistgħu joriġinaw minn differenzi bejn liġijiet nazzjonali li jirregolaw, pereżempju, l-ispejjeż tax-xogħol, l-ispejjeż tas-sigurtà soċjali jew is-sistema tat-taxxa”.

42.

Fl-osservazzjonijiet inizjali tagħha, VAS Shipping iddikjarat li minħabba li r-regoli Daniżi inkwistjoni jirrigwardaw biss vapuri li jtajru l-bandiera Daniża, dawn ir-regoli jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti għal ċittadini tal-Unjoni l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ libertà ta’ stabbiliment iggarantit mit-Trattat FUE. Hija ssostni li miżura nazzjonali li timponi, b’pieni kriminali, limitu massimu fuq in-numru ta’ daħliet li jistgħu jsiru kull sena f’port ta’ dak l-Istat Membru minn vapur irreġistrat hemm u li huwa proprjetà ta’ persuni stabbiliti fi Stat Membru ieħor u b’ekwipaġġ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma tistax tinżamm distinta mill-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ vapur f’dak l-Istat Membru. Dan jgħodd b’mod partikolari fejn ir-regola nazzjonali kienet tapplika biss għal vapuri rreġistrati fl-Istat Membru inkwistjoni, filwaqt li vapuri mhux irreġistrati hemmhekk jistgħu jidħlu fil-portijiet ta’ dan tal-aħħar b’mod ħieles u mingħajr restrizzjonijiet irrispettivament min-nazzjonalità tal-membri tal-ekwipaġġ.

43.

VAS Shipping tikkunsidra li r-restrizzjoni imposta mit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin flimkien mal-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin hija ekwivalenti għar-restrizzjoni li nstabet mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑299/02, EU:C:2004:620), peress li dawn id-dispożizzjonijiet jimplikaw li sidien ta’ vapuri stabbiliti fl-Isvezja li għandhom il-ħsieb li jirreġistraw il-vapur tagħhom fir-RIDB, u li jwettqu attività ta’ tbaħħir marittimu fid-Danimarka billi jidħlu fil-portijiet Daniżi iktar minn 25 darba fis-sena, ma għandhomx għażla oħra ħlief li jadattaw il-politika ta’ ingaġġ tagħhom b’tali mod li jeskludu mill-ekwipaġġ tal-vapur iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi li ma humiex fl-Unjoni Ewropea u ż-ŻEE. Dan jirriżulta f’bidla radikali u sostanzjali fil-politika ta’ ingaġġar tagħhom, li tinvolvi żvantaġġ sinjifikattiv u interferenza ekonomika.

44.

Fl-osservazzjonijiet inizjali tagħha u fir-risposta tagħha għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, VAS Shipping issostni li l-pagi netti mħallsa minnha lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw mar-regoli stabbiliti mil-liġi Daniża fir-rigward ta’ bastiment irreġistrat fir-RIDB u li dawn ma humiex inqas minn dawk stabbiliti bi ftehim kollettiv.

45.

Fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, VAS Shipping tinnota li s-sidien komproprjetarji Svediżi tal-bastimenti inkwistjoni joperaw f’bosta Stati Membri oħra inkluż fl-Isvezja. Barra minn hekk, VAS Shipping tikkunsidra li l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni u l-ġustifikazzjoni tagħha huma bbażati fuq interpretazzjoni fundamentalment żbaljat tal-Artikolu 33(1)(4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin. Għalhekk, VAS Shipping tenfasizza li r-reġistrazzjoni fir-RIDB jew tabilħaqq kwalunkwe reġistru marittimu Daniż ieħor ma hijiex rilevanti għall-iskop tar-regola ta’ 25 daħla skont l-Artikolu 33(1)(4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin. Skont din id-dispożizzjoni, bastimenti fit-traffiku internazzjonali biss jistgħu jibbenefikaw mir-regola ta’ 25 daħla, indipendentement mir-reġistrazzjoni tagħhom fir-RIDB. Bastiment ma huwiex ikklassifikat bħala li jinsab fi traffiku internazzjonali bis-saħħa tar-reġistrazzjoni tiegħu fir-RIDB.

46.

Skont VAS Shipping, bastiment fi traffiku internazzjonali huwa ddefinit, inter alia, mill-fatt li jaqsam il-fruntieri internazzjonali fuq bażi regolari u għalhekk ma jistax ikun hemm de facto“post tax-xogħol fid-Danimarka”, u lanqas ma jista’ jkun hemm kwalunkwe assimilazzjoni ma’ impjieg fuq l-art fid-Danimarka. Minħabba li l-bastiment huwa kklassifikat bħala li jinsab fi traffiku internazzjonali, ix-xejra tan-navigazzjoni ma hijiex, b’mod definittiv, esklużivament Daniża, b’mod li ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi kkunsidrat li hemm rabta stabbli jew dejjiema mad-Danimarka. Għalhekk, jekk wieħed jassumi li l-bastimenti jibqgħu kklassifikati bħala li joperaw fi traffiku internazzjonali, il-konnessjoni ta’ kull daħla tkun temporanja. Barra minn hekk, ir-regola ta’ 25 daħla ma tapplikax għal traffiku nazzjonali.

47.

VAS Shipping tikkunsidra li skont is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑299/02, EU:C:2004:620, punti 1932), il-kunċett ta’ “restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment” jestendi lil hinn mill-mument ta’ reġistrazzjoni ta’ bastiment, kif iddikjarat mill-Kummissjoni. Ostakoli li jaffettwaw il-ġestjoni kontinwa ta’ bastiment jistgħu wkoll jikkostitwixxu restrizzjoni.

48.

Fl-osservazzjonijiet inizjali tiegħu, il-Gvern Daniż jikkunsidra li l-kwistjoni f’din il-kawża testendi lil hinn mis-sempliċi applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE u tirrigwarda jekk l-Istati Membri jistgħux jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiksbu permess tax-xogħol meta jaħdmu fl-Istat ta’ oriġini fuq bażi dejjiema. Skont dan il-gvern, in-numru u l-frekwenza ta’ daħliet minn vapur stabbilit fid-Danimarka fil-portijiet Daniżi huma ta’ importanza kunsiderevoli fl-evalwazzjoni ta’ kemm il-membri tal-ekwipaġġ tal-vapur qed jaħdmu fid-Danimarka. Jekk dan rarament ikun il-każ, ma jistax jiġi preżunt li dan għandu impatt sinjifikattiv fuq is-suq tax-xogħol Daniż. Min-naħa l-oħra, meta l-membri tal-ekwipaġġ tal-vapur regolarment iwettqu ħidmiet bħal tagħbija u ħatt ta’ merkanzija waqt daħliet fil-portijiet Daniżi, il-fatt li l-membri tal-ekwipaġġ huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi x’aktarx jaffettwa l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol Daniż. Ir-rekwiżit ta’ permess tax-xogħol jirriżulta min-numru ta’ drabi li kull bastiment jidħol fil-portijiet Daniżi iktar milli min-numru ta’ drabi li kull membru tal-ekwipaġġ li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz ikun abbord bastiment li jidħol fil-portijiet Daniżi. Dan għaliex in-numru ta’ drabi li l-bastiment b’membri ta’ ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi jidħol fil-port għandu impatt fuq meta l-bastiment jakkwista konnessjoni stabbli u regolari biżżejjed mas-suq tax-xogħol Daniż bħala post tax-xogħol u b’hekk jitlob li l-impjegati fuq dak il-bastiment ikollhom permess tax-xogħol skont il-liġi Daniża. Barra minn hekk, il-verifika tan-numru ta’ daħliet fil-port tal-membri tal-ekwipaġġ li jistgħu jkunu ħadmu fuq bastimenti differenti matul is-sena tkun teħtieġ reġistrazzjoni estensiva u inutli. Dan il-gvern jikkunsidra li limitu minimu ta’ 25 daħla f’port f’perijodu ta’ sena jirrappreżenta delimitazzjoni bbilanċjata ta’ meta vapur jidħol f’portijiet Daniżi fuq bażi regolari tant li l-membri tal-ekwipaġġ tiegħu, li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, jistgħu jitqiesu li jkunu marbuta fuq bażi stabbli biżżejjed mas-suq tax-xogħol Daniż u għalhekk suġġetti għar-rekwiżit ta’ permess tax-xogħol.

49.

Il-Gvern Daniż, fit-tweġiba tiegħu għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, jaqbel mal-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni deskritta fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, huwa jikkunsidra li s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 12) tista’ tiġi interpretata bħala li teħtieġ ostakolu serju għat-twettiq ta’ attivitajiet li jaffettwaw l-aċċess għas-suq sabiex ikun hemm restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, skont dan il-gvern, minħabba li l-Istati Membri huma, fil-prinċipju, kompetenti sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika fit-territorju tagħhom, jekk miżura ma tkunx diskriminatorja fid-dritt jew fil-fatt, hija għandha titqies biss li hija ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment jekk taffettwa l-aċċess għas-suq. Il-Gvern Daniż jikkunsidra li s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑565/08, EU:C:2011:188) dwar tariffi massimi mitluba mill-avukati turi li r-regoli nazzjonali li ma jaffettwawx il-possibbiltà li jikkompetu ma jikkostitwixxux restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE. Skont dan il-gvern, jekk operatur kellu ( 18 ) aċċess għas-suq, huwa għandu jopera taħt l-istess kundizzjonijiet bħal operaturi oħra. Ladarba operatur ikollu aċċess għas-suq, huwa jista’ jkun protett biss kontra d-diskriminazzjoni diretta u indiretta ( 19 ). Għalhekk, il-Gvern Daniż iqis li l-miżura nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twaqqafx lil dawk li jidħlu ġodda milli jikkompetu b’mod effettiv ma’ kumpanniji tat-tbaħħir Daniżi u li hija ma tikkostitwixxix restrizzjoni skont l-Artikolu 49 TFUE.

50.

Fit-tweġiba tiegħu għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jaqbel ukoll mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni skont l-Artikolu 49 TFUE. Fl-osservazzjonijiet oriġinali tiegħu l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkunsidra li l-Artikolu 79(5) TFUE awtorizza lid-Danimarka titlob permessi tax-xogħol ladarba membri tal-ekwipaġġ jidħlu fis-suq tax-xogħol Daniż – jiġifieri li jaslu regolarment fil-portijiet Daniżi – u dan jikkontrolla n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom. Minħabba li r-rekwiżit ta’ permess tax-xogħol għall-attività inkwistjoni huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jistaqsi jekk huwiex xieraq isir eżami taħt l-Artikolu 49 TFUE.

b)   Rimarki preliminari

51.

Mill-bidu nixtieq nenfasizza li l-kawża preżenti ma tikkonċernax il-liġi tat-taxxa, li b’mod ċar issegwi regoli kemxejn differenti dwar il-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment” skont l-Artikolu 49 TFUE. Nirreferi għal din il-linja ta’ ġurisprudenza kif innotat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha ( 20 ) li xi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja ma tirreferix għat-test stabbilit fis-sentenzi tagħha tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32) u tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 11), iżda pjuttost tqabbel l-effetti tal-miżuri fuq operaturi nazzjonali u mhux nazzjonali. Madankollu, kif jiġri, il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ tassazzjoni jikkonsistu (mill-inqas f’sens wieħed) f’restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment peress li mid-definizzjoni tagħha l-eżistenza ta’ miżura ta’ tassazzjoni ġeneralment applikabbli għandha impatt fuq il-kapaċità ta’ impriża li tagħmel negozju f’dak l-Istat Membru. Għalhekk, sa dan l-estent, sa fejn hija kkonċernata l-libertà ta’ stabbiliment, il-każijiet ta’ tassazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati li huma sui generis.

52.

Filwaqt li bħalissa ma hemm l-ebda ekwivalenti fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment għall-approċċ tar-“regola tar-raġuni” adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905) ( 21 ) fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija – li tiddistingwi bejn ir-regoli li jaffettwaw l-oġġetti nnifishom u dawk li jaffettwaw l-arranġamenti tal-bejgħ tagħhom ( 22 ) madankollu, ċerti distinzjonijiet relatati mal-kunċett ta’ “restrizzjoni” jistgħu jinstabu fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà ta’ stabbiliment skont in-natura tar-regoli inkwistjoni.

53.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li fl-istat attwali ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali tal-Unjoni, l-Istati Membri jgawdu ċertu grad ta’ awtonomija. L-awtonomija fiskali tfisser li l-Istati Membri huma, pereżempju, liberi li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-livell ta’ tassazzjoni għal tipi differenti ta’ stabbilimenti magħżula minn kumpanniji nazzjonali jew soċjetajiet li joperaw barra mill-pajjiż, bil-kundizzjoni li dawn il-kumpanniji jew soċjetajiet ma jiġux ittrattati b’mod li huwa diskriminatorju meta mqabbel ma’ stabbilimenti nazzjonali komparabbli ( 23 ).

c)   Miżuri li jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment

54.

Hija ġurisprudenza stabbilita, f’oqsma oħra minbarra dak tat-tassazzjoni, li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi kwalunkwe miżura nazzjonali li, għalkemm applikabbli mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini tal-Unjoni ggarantit bit-Trattat FEU ( 24 ).

55.

Huma l-portata tat-termini miżuri li “jfixklu jew jagħmlu inqas attraenti” l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u l-applikazzjoni prattika tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri preżenti li qegħdin jiġu indagati mill-Kummissjoni u mill-Gvern Daniż b’mod partikolari.

56.

Mill-bidu nett għandu jiġi enfasizzat li r-regoli ta’ Stat Membru ma jikkostitwixxux restrizzjoni skont it-tifsira tat-Trattat FUE bis-saħħa tal-fatt biss li Stati Membri oħra japplikaw regoli inqas stretti, jew iktar favorevoli kummerċjalment, fir-regoli tat-territorju tagħhom ( 25 ). Barra minn hekk, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istati Membri jibqgħu, fil-prinċipju, kompetenti sabiex jiddefinixxu l-eżerċizzju ta’ dawn l-attivitajiet. Madankollu, meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom f’dan il-qasam, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-libertajiet bażiċi ggarantiti mit-Trattat FEU ( 26 ).

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kunċett ta’ “restrizzjoni” skont l-Artikolu 49 TFUE jkopri, b’mod partikolari, miżuri meħuda minn Stat Membru li, għalkemm applikabbli mingħajr distinzjoni ( 27 )jaffettwaw l-aċċess għas-suq ( 28 ). Il-mistoqsija li għandha ssir f’dan il-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Daniż u tal-Kummissjoni ( 29 ), hija jekk humiex biss miżuri li jfixklu jew jimpedixxu l-aċċess inizjali għal jew l-aċċess minn parteċipanti ġodda fis-suq jew li huma diskriminatorji li jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

58.

Intoppi ovvji għal-libertà ta’ stabbiliment – u saħansitra aċċess għal kwalunkwe suq – huma rekwiżiti previsti taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għal stabbiliment fi Stat Membru jew għal twettiq ta’ attività partikolari. F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li regola nazzjonali li tissuġġetta l-istabbiliment ta’ impriża minn Stat Membru ieħor għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE, peress li din tista’ tfixkel l-eżerċizzju minn din l-impriża tal-libertà ta’ stabbiliment billi twaqqafha milli ssegwi l-attivitajiet tagħha liberament permezz ta’ post fiss kummerċjali ( 30 ). Ninnota li rekwiżiti bħal dawn jistgħu jaffettwaw bl-istess mod liċ-ċittadini jew persuni ġuridiċi mill-Istat Membru ta’ stabbiliment. Madankollu, f’każijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikjedietx l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fi kwalunkwe forma sabiex tikkonstata restrizzjoni għal dan il-għan ( 31 ).

59.

Is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586), li ġiet iċċitata mill-Kummissjoni u l-Gvern Daniż, hija istruttiva dwar il-kunċett ta’ “restrizzjoni” fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment ( 32 ).

60.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni fuq ir-remunerazzjoni tal-kontijiet “a vista” ( 33 ), stabbilita mil-leġiżlazzjoni Franċiża għal kumpanniji minn Stati Membri oħra, tikkostitwixxi ostakolu serju għat-twettiq tal-attivitajiet tagħhom permezz ta’ sussidjarja fi Franza u b’hekk affettwat l-aċċess tagħhom għas-suq. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni żżomm stabbilimenti li huma sussidjarji ta’ kumpanniji barranin mill-ġbir tal-kapital mill-pubbliku, billi ċċaħħadhom mill-possibbiltà ta’ kompetizzjoni iktar effettiva, bil-ħlas ta’ remunerazzjoni fuq kontijiet “a vista”, mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tradizzjonalment ibbażati fl-Istat Membru ta’ stabbiliment, li għandhom network estensiv ta’ fergħat u għalhekk opportunitajiet ikbar minn dawk sussidjarji fir-rigward tal-ġbir tal-kapital mill-pubbliku. Għaldaqstant, il-projbizzjoni ikkostitwixxiet restrizzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 49 TFUE sa fejn ċaħħdet lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu minn Stat Membru ieħor li jfittxu li jidħlu fis-suq ta’ Stat Membru mill-possibbiltà li jikkompetu permezz tar-rata ta’ remunerazzjoni mħallsa fuq kontijiet “a vista” li kienu jikkostitwixxu wieħed mill-iktar metodi effettivi għal dak il-għan ( 34 ). Din il-miżura ġiet ikkundannata minħabba li, fil-prattika, hija fil-fatt operat b’mod li kien ta’ żvantaġġ għal dawk li daħlu ġodda fis-suq minn Stati Membri oħra.

61.

Inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tradizzjonali tagħha ( 35 ), eżaminat jekk ir-regoli nazzjonali inkwistjoni impedixxux jew xekklux l-istabbiliment fl-Istat Membru inkwistjoni. Impediment jew tfixkil bħal dan neċessarjament jinstab fejn impriża ma tistax tikkompeti b’mod effettiv ma’ operaturi stabbiliti minħabba miżuri li joħolqu ostakolu serju għall-aċċess għas-suq imposti mill-Istat Membru inkwistjoni ( 36 ).

62.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja joħroġ ċar li, anki fin-nuqqas ta’ diskriminazzjoni de facto jew de jure, il-kunċett ta’ “restrizzjoni” ma huwiex limitat għal miżuri li jfixklu l-aċċess għas-suq minn parteċipanti ġodda. Għalhekk, b’rispett, ma naqbilx mal-osservazzjonijiet, b’mod partikolari, tal-Gvern Daniż u tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586) hija applikazzjoni speċifika bbażata fuq iċ-ċirkustanzi f’dak il-każ ( 37 ) tat-test wiesa’ dwar il-kunċett ta’ “restrizzjoni” imsemmi fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet u stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja bl-iktar mod ċar fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32). Madankollu, ma nara l-ebda raġuni konvinċenti sabiex nitbiegħed minn dan it-test.

63.

Għalhekk, filwaqt li s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586) tirrigwarda speċifikament il-kwistjoni ta’ aċċess għas-suq ta’ Stat Membru minn parteċipant ġdid ( 38 ), il-kunċett ta’ “restrizzjoni” huwa kunċett dinamiku li jestendi lil hinn mill-kisba ta’ bażi inizjali fis-suq ta’ Stat Membru u jirrelata wkoll mat-twettiq effettiv ta’ attività ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32) stabbilixxiet test wieħed, wiesa’ u dinamiku għall-kunċett ta’ “restrizzjoni” li jestendi għall-aspetti kollha u fażijiet ( 40 ) ta’ stabbiliment fi Stat Membru ieħor ( 41 ).

64.

Nemmen li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk toqgħod attenta milli ssegwi l-istedina ( 42 ) li tapplika dak li essenzjalment huma żewġ testijiet differenti ( 43 ) fir-rigward tal-kunċett ta’ “restrizzjoni” skont il-fażi ta’ stabbiliment inkwistjoni. F’dan ir-rigward, inqis li l-linja bejn l-aċċess inizjali għal suq, it-twettiq ta’ attività fis-suq u l-espansjoni fis-suq hija kunċettwalment imċajpra u kull tentattiv sabiex dawn jiġu distinti jkun diffiċli fil-prattika – jistgħu kollha jaqgħu taħt it-terminu komprensiv “aċċess għas-suq” jew, aħjar, “stabbiliment” ( 44 ).

65.

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ impediment għal kompetizzjoni effettiva ma hijiex kriterju meħtieġ skont l-Artikolu 49 TFUE. Għalhekk fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Frar 2019, Associação Peço a Palavra et (C‑563/17, EU:C:2019:144, punti 55 sa 62), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit li jinżamm post prinċipali tan-negozju fl-Istat Membru kkonċernat ikkostitwixxa restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ta’ kumpannija inkorporata taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja – minflok ma kkonstatat limitazzjoni tal-possibbiltà li tikkompeti b’mod (iktar) effettiv – ikkunsidrat li l-libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt ta’ kumpannija li tittrasferixxi l-post prinċipali tan-negozju tagħha lejn Stat Membru ieħor, li jeħtieġ, jekk dan it-trasferiment jinvolvi l-konverżjoni tal-kumpannija f’kumpannija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-aħħar u t-telf tan-nazzjonalità tal-oriġini tagħha, konformità mal-kundizzjonijiet għall-inkorporazzjoni stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

66.

Barra minn hekk, minkejja r-riferiment fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 12) għall-fatt li l-miżura nazzjonali li tipprojbixxi r-remunerazzjoni tal-kontijiet “a vista” ikkostitwixxa “ostakolu serju” għat-twettiq ta’ attivitajiet ( 45 ), fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja tbiegħdet milli tadotta approċċ de minimis fil-qasam tal-moviment liberu fejn restrizzjoni tkun meħtieġa sabiex tipproduċi ċertu impatt speċifikat jew tikseb limitu partikolari sabiex tkun ta’ rilevanza.

67.

Madankollu, wieħed għandu jenfasizza l-fatt li miżura ma tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fejn l-effetti tagħha fuq dik il-libertà ( 46 ) huma, fin-natura tagħhom, inċerti wisq, indiretti, vagi, remoti jew ipotetiċi ( 47 ). Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-libertà ta’ stabbiliment ma tapplikax għal kwistjonijiet purament interni ( 48 ).

d)   Applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet għal din il-kawża

1) Rimarki preliminari

68.

Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li skont l-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin, moqri flimkien mal-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin, li jekk bastiment tal-merkanzija Daniż – u għalhekk bastiment tal-merkanzija rreġistrat fuq reġistru marittimu Daniż ( 49 ) – f’traffiku internazzjonali jidħol f’port fid-Danimarka għal iktar minn 25 darba kkalkolati kontinwament matul is-sena ta’ qabel, il-persunal ta’ pajjiż terz abbord ma għadux eżenti mir-rekwiżit li jkollu permess tax-xogħol. F’dan ir-rigward, il-fatt li membri tal-ekwipaġġ individwali minn pajjiżi terzi ma kinux fuq bastiment bħal dan matul il-25 daħla fil-port inkwistjoni jidher li huwa irrilevanti. Għalhekk, ir-regola tidher li hija ffokata fuq id-dħul fil-portijiet Daniżi f’numru partikolari ta’ okkażjonijiet ta’ bastimenti rreġistrati fid-Danimarka fi traffiku internazzjonali li għandhom membri tal-ekwipaġġ abbord ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx permessi tax-xogħol Daniżi u l-pieni kriminali huma applikabbli ma’ dan id-dħul ( 50 ). F’dan ir-rigward, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju nnotat li skont ir-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense), “kif inhuma amministrati r-regoli, huwa biss id-dħul tal-bastimenti li kien deċiżiv”.

69.

Barra minn hekk, filwaqt li VAS Shipping għamlet ħafna sforzi fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex turi li l-pagi netti mħallsa abbord l-erba’ bastimenti inkwistjoni ma humiex inferjuri għal dawk imħallsa skont il-ftehim kollettiv dwar il-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fir-rigward ta’ bastimenti rreġistrati fir-RIDB ( 51 ), fil-fehma tiegħi u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li ma hemm l-ebda konnessjoni diretta bejn il-livelli tal-pagi u r-rekwiżit għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permessi tax-xogħol f’ċerti ċirkustanzi skont l-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin, moqri flimkien mal-Artikolu 33(1)(4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin ( 52 ).

70.

Ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kumpanniji marittimi bħal VAS Shipping huma meħtieġa li jirrikorru għal kwalunkwe forza tax-xogħol partikolari ( 53 ). Madankollu, l-effett tal-miżuri inkwistjoni kien li f’ċerti ċirkustanzi kumpanniji bħal dawn kienu meħtieġa li jastjenu milli jikkuntrattaw jew jimpjegaw membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx permessi tax-xogħol. Fil-fehma tiegħi, rekwiżit bħal dan potenzjalment iżid l-ispejjeż operattivi, mhux l-inqas minħabba l-piż amministrattiv involut.

71.

Finalment, it-terminu “fi traffiku internazzjonali” jidher fl-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin. Madankollu, l-ebda spjegazzjoni dwar it-tifsira tiegħu ma hija pprovduta fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Nista’ biss naħseb, mingħajr ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li dan huwa relatat xi ftit mal-kunċett imsemmi fl-Artikolu 3(1)(e) tal-Konvenzjoni Mudell tal-OECD dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu u l-Kapital fir-rigward tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-kapital ( 54 ) li jiddikjara li “it-terminu ‘traffiku internazzjonali’ ifisser kull trasport minn vapur [...] ħlief meta l-vapur [...] jitħaddem biss bejn postijiet fi Stat Kontraenti u l-intrapriża li topera l-vapur [...] ma tkunx intrapriża ta’ dak l-Istat.” ( 55 )

2) Analiżi

72.

Għandu jiġi nnotat li VAS Shipping ma ddikjaratx li l-miżuri inkwistjoni huma b’xi mod direttament jew indirettament diskriminatorji. F’dan ir-rigward, pereżempju, dawn il-miżuri jidhru li japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità tas-sidien jew tas-sid maniġerjali tal-bastimenti. Pjuttost, VAS Shipping tikkunsidra li l-effett tal-miżuri inkwistjoni huwa li kumpanniji sidien tal-bastimenti bbażati fl-Isvezja li beħsiebhom jirreġistraw il-bastimenti tagħhom fir-RIDB u li jwettqu attivitajiet ta’ sidien tal-bastimenti fid-Danimarka inkluż li jżuru portijiet Daniżi iktar minn 25 darba matul sena ma għandhom l-ebda għażla oħra ħlief li jaġġustaw il-politika tal-impjiegi tagħhom.

73.

VAS Shipping ma tqegħidx f’dubju l-proċess ta’ reġistrazzjoni nnifsu fir-rigward tal-inklużjoni tal-erba’ bastimenti inkwistjoni fir-RIDB.

74.

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li meta jeżerċitaw is-setgħa tagħhom li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex bastiment jiddaħħal fir-reġistri tagħhom u jingħata d-dritt li jtajjar il-bandiera tagħhom, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni ( 56 ). F’dan ir-rigward, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 23), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-kundizzjonijiet stabbiliti għar-reġistrazzjoni tal-bastimenti ma għandhomx jifformaw ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kundizzjoni li tistipula li s-sidien jew il-kerrejja ta’ bastiment għandhom, fejn huma persuni fiżiċi, ikunu ta’ nazzjonalità partikolari jew, fejn huma kumpannija, l-azzjonisti u d-diretturi għandhom ikunu ta’ dik in-nazzjonalità, tmur kontra l-Artikolu 49 TFUE.

75.

Madankollu, VAS Shipping tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jinżammu distinti mill-kundizzjonijiet relatati mar-reġistrazzjoni ta’ bastiment f’reġistru marittimu ta’ Stat Membru u l-isfruttament kontinwu tal-bastiment f’dak l-Istat. Skont VAS Shipping, dan huwa partikolarment evidenti, peress li dawn il-miżuri jikkonċernaw biss bastimenti rreġistrati f’reġistru marittimu tal-Istat Membru inkwistjoni, filwaqt li bastimenti rreġistrati fi Stat Membru ieħor jistgħu jduru liberament f’portijiet Daniżi u l-kwistjoni ta’ jekk l-ekwipaġġ tagħhom jinkludix ċittadini ta’ pajjiż terzi hija irrilevanti. VAS Shipping għalhekk tqis li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

76.

Fil-fehma tiegħi, u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ir-reġistrazzjoni ta’ bastiment fir-RIDB tiżgura li dak il-bastiment jakkwista nazzjonalità Daniża u jtajjar il-bandiera Daniża biss. Il-bastiment u l-ekwipaġġ tiegħu huma għalhekk suġġetti għall-ġurisdizzjoni Daniża ( 57 ), b’mod partikolari, fil-qasam tal-liġi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali, inklużi r-regoli applikabbli għall-ikkuntrattar u l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

77.

Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Frar 2016, Stroumpoulis et (C‑292/14, EU:C:2016:116, punt 65) fakkret li skont l-Artikolu 94(1) u (2)( b) tal-UNCLOS, kull Stat għandu jeżerċita b’mod effettiv il-ġurisdizzjoni u l-kontroll tiegħu fi kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali fuq vapuri li jtajru l-bandiera tiegħu u li kull Stat għandu jassumi, b’mod partikolari, ġurisdizzjoni taħt il-leġiżlazzjoni interna tiegħu fuq kull vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu u l-kaptan, l-uffiċjali u l-ekwipaġġ tiegħu fir-rigward ta’ kwistjonijiet amministrattivi, tekniċi u soċjali li jikkonċernaw il-vapur.

78.

Naturalment, f’kuntesti oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet il-preċetti ordinarji tad-dritt internazzjonali pubbliku u kkunsidrat il-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-bandiera bħala deċiżiva. Għalhekk, pereżempju, fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline (C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn seħħ att abbużiv abbord bastiment Daniż li kien irreġistrat (bħall-bastimenti inkwistjoni fil-kawża preżenti) fir-RIDB, allura “l-Istat tal-bandiera għandu neċessarjament jitqies bħala l-post fejn l-avveniment ta’ ħsara kkawża ħsara” għall-finijiet tal-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell – li ppreċediet ir-Regolament ta’ Brussell ( 58 ). B’analoġija, hija ugwalment applikabbli l-istess linja ta’ raġunament safejn huma kkonċernati kuntratti ta’ impjieg u permessi ta’ xogħol safejn il-leġiżlazzjoni Daniża ssegwi l-bandiera.

79.

Barra minn hekk, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiż terz huma meqjusa li jidħlu fis-suq tax-xogħol Daniż u għalhekk jeħtieġu permess tax-xogħol bħala riżultat tal-impjieg tagħhom abbord l-erba’ bastimenti inkwistjoni, jekk dawn il-bastimenti jidħlu regolarment fil-portijiet Daniżi ( 59 ).

80.

Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni u skont l-Artikolu 79(5) TFUE, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddeterminaw il-volumi ta’ dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġejjin minn pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom sabiex ifittxu xogħol.

81.

Għalhekk inqis li, fil-prinċipju, skont l-Artikolu 79(5) TFUE, id-Danimarka hija intitolata li tirrikjedi li membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi impjegati fuq bastimenti li jtajru l-bandiera Daniża u taħt il-ġurisdizzjoni tagħha li jidħlu regolarment fil-portijiet Daniżi, bħala parti minn servizzi regolari jew mod ieħor, għandu jkollhom permessi tax-xogħol. Fil-fatt, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li f’dak il-punt dawn il-membri tal-ekwipaġġ jidħlu fis-suq tax-xogħol Daniż ( 60 ). Iżda s-sempliċi fatt li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi qed jaħdmu fuq vapur irreġistrat fid-Danimarka li jkun qed itajjar il-bandiera Daniża huwa fih innifsu biżżejjed sabiex jagħti bidu għad-dritt – fil-prinċipju u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju – ta’ dak l-Istat Membru li jitlob li d-dritt ġenerali Daniż dwar l-impjiegi, l-istandards tax-xogħol u r-rekwiżit li jkollhom permess tax-xogħol jiġu applikati għal dawn l-impjegati. Dan ikun hekk anki jekk dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi qatt ma jkunu nnavigaw fil-Kattegat jew raw l-Øresund matul l-impjieg tagħhom ma’ dak il-bastiment irreġistrat fid-Danimarka.

82.

Filwaqt li l-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin, li impona r-regola ta’ 25 daħla fuq bastimenti fi traffiku internazzjonali, huwa inkwadrat bħala eżenzjoni mir-rekwiżit stabbilit mill-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin li ċerti membri tal-ekwipaġġ għandhom permessi tax-xogħol, dan jista’ jinqara wkoll bħala li jiċċara l-iskop tad-dispożizzjoni ta’ qabel, inkluża b’mod partikolari l-frażi “dħul regolari f’portijiet Daniżi” li tidher fid-dispożizzjoni tal-aħħar. Fl-aħħar mill-aħħar din hija kwistjoni li għandha tiddetermina l-qorti tar-rinviju. Madankollu, ma hemm l-ebda suġġeriment fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-effett tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin jew tal-Artikolu 33(1) u (4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin huwa l-impożizzjoni ta’ kwalunkwe limitazzjoni oħra għajr il-ħtieġa tal-permess tax-xogħol innifsu li tfixkel il-libertà ta’ stabbiliment ( 61 ).

83.

F’dan ir-rigward, filwaqt li VAS Shipping tinnota li s-sidien Svediżi komproprjetarji tal-bastimenti inkwistjoni joperaw f’bosta Stati Membri oħra (inkluż fl-Isvezja), fl-osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija ma indikatx ir-rabta bejn dan il-fatt u r-rekwiżit li l-membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi abbord il-bastimenti inkwistjoni għandhom permessi tax-xogħol Daniżi. Tabilħaqq, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-membri tal-ekwipaġġ inkwistjoni waqt li jkunu qed jaħdmu fuq il-bastimenti inkwistjoni jkunu suġġetti għal ħtieġa ta’ permess tax-xogħol fi Stat Membru ieħor. Minħabba li, kif diġà indikajt, l-Artikolu 79(5) TFUE espressament jipprevedi li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jikkontrollaw l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ impjieg, is-sempliċi fatt li hemm rekwiżit, impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li ċittadin ta’ pajjiż terz għandu jkollu permess tax-xogħol sabiex jaħdem fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dak l-Istat Membru jew li huwa reat kriminali li timpjega tali persuna mingħajr il-permess tax-xogħol meħtieġ, fih innifsu ma jikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

84.

Fil-fehma tiegħi, filwaqt li t-test Kraus huwa ta’ portata wiesgħa ħafna, l-effett fuq il-libertà ta’ stabbiliment tar-rekwiżit taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom permess tax-xogħol huwa waħdu wisq indirett sabiex jikkostitwixxi restrizzjoni ta’ din il-libertà. Għalhekk ma nikkunsidrax li l-miżuri inkwistjoni, li jidhru, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li jtaffu jew jagħmlu iktar flessibbli dawn ir-regoli nazzjonali, jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova fil-proċess quddiem il-Qorti Ġustizzja ta’ kwalunkwe effett restrittiv addizzjonali fuq l-istabbiliment li jirriżulta b’mod partikolari mir-regola ta’ 25 daħla.

3) Ġustifikazzjoni

85.

Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk jistgħux ikunu ġġustifikati. Issa nipproponi li neżaminaw separatament jekk miżura bħal din tistax tkun iġġustifikata.

86.

Il-libertà ta’ stabbiliment tista’, fl-assenza ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni, tkun limitata minn regolamenti nazzjonali ġġustifikati mir-raġunijiet iddikjarati fl-Artikolu 52(1) TFUE jew minn raġunijiet urġenti fl-interess ġenerali. Għalhekk, skont l-Artikolu 52(1) TFUE, fejn restrizzjoni tirriżulta minn miżura li tiddiskrimina fuq bażi ta’ nazzjonalità, tista’ tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika. Fejn ma hemm l-ebda diskriminazzjoni bħal din, ir-restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata wkoll minn raġunijiet imperattivi fl-interess pubbliku. F’dan il-kuntest, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu dwar il-livell li fih għandhom il-ħsieb li jiżguraw il-protezzjoni tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 52(1) TFUE u tal-interess ġenerali u wkoll dwar il-mod li bih dak il-livell irid jintlaħaq. Madankollu, jistgħu jagħmlu dan biss fil-limiti stabbiliti mit-Trattat u, b’mod partikolari, għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jirrikjedi li l-miżuri adottati jkunu xierqa sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-għan li huma jfittxu u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan il-għan ( 62 ).

87.

Fil-kuntest tal-għan segwit mill-miżuri inkwistjoni, hemm kwistjoni fir-rigward ta’ dan is-suġġett. Skont VAS Shipping ma huwiex possibbli li wieħed jagħraf l-għan li jikkonċerna l-limitu ta’ 25 daħla. Hija tiddikjara li r-regola ġiet introdotta fuq talba tal-Federazzjoni tas-Sidien tal-Bastimenti Daniżi sabiex il-bastimenti Daniżi jsiru iktar kompetittivi. Filwaqt li r-regoli jidhru li jsegwu din il-pożizzjoni, ma huwiex oġġettivament possibbli li jiġi ddeterminat l-għan tar-regola inkwistjoni. Jekk l-għan huwa li l-bastimenti Daniżi jsiru kompetittivi, VAS Shipping tosserva li raġunijiet ekonomiċi ma humiex kunsiderazzjonijiet leġittimi (rilevanti). Madankollu, il-Gvern Daniż, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni jikkunsidraw li l-miżuri inkwistjoni huma motivati minn xewqa li jiġu evitati disturbi fis-suq tax-xogħol.

88.

Mis-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punt 48) u tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie, (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 51) jidher ċar li x-xewqa li jiġu evitati disturbi fis-suq tax-xogħol hija raġuni imperattiva fl-interess pubbliku.

89.

Filwaqt li l-qorti tar-rinviju għamlet riferiment għal din il-ġurisprudenza fil-punt 23 tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija stess ma tiddikjarax b’mod ċar ( 63 ) l-għanijiet tal-miżuri inkwistjoni. Għalhekk, din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata u evalwata mill-qorti tar-rinviju.

90.

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżuri sabiex jiġi żgurat l-allegat għan li jiġu evitati disturbi fis-suq tax-xogħol, VAS Shipping issostni li peress li l-limitu ta’ 25 daħla fil-port fis-sena japplika biss għal bastimenti rreġistrati fir-RIDB, filwaqt li bastimenti rreġistrati fi Stati oħra jistgħu jidħlu f’portijiet Daniżi regolarment mingħajr restrizzjoni, irrispettivament minn jekk l-ekwipaġġ tagħhom ikunx magħmul minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew le, huwa diffiċli ħafna li jiġi aċċertat jekk ir-regola hijiex xierqa sabiex tipproteġi s-suq tax-xogħol Daniż. Id-deroga fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fejn in-numru ta’ daħliet fil-port huwa inqas minn 25 jeżenta lil dawn iċ-ċittadini mir-rekwiżit li jkollhom permess tax-xogħol biss fir-rigward tax-xogħol fuq bastimenti. Ir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol ikompli japplika għall-impjegati kkonċernati li jistgħu jaħdmu fuq il-mollijiet, fiż-żona tal-port u ġeneralment fuq l-art, kif ukoll fuq vapuri Daniżi oħra.

91.

VAS Shipping issostni wkoll li r-regola tal-permess tax-xogħol meta n-numru ta’ daħliet fil-port jaqbeż il-25 hija għalhekk bla bżonn, peress li l-għan allegat li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol u jiġi evitat tfixkil huwa diġà milħuq bis-sħiħ mir-regoli ġenerali dwar il-viżi, il-permessi ta’ residenza u l-permessi tax-xogħol. L-impjegati kkonċernati ma jistgħux jitilqu mill-bastiment u ma jistgħux jibqgħu fid-Danimarka jew, b’mod partikolari, jieħdu impjieg hemmhekk. Għalhekk, hemm strumenti iktar xierqa għall-protezzjoni tas-suq tax-xogħol. VAS Shipping tikkunsidra li l-miżura nazzjonali hija sproporzjonata. Restrizzjonijiet immirati lejn is-salvagwardja tas-suq tax-xogħol nazzjonali kontra l-kompetizzjoni fil-pagi ġew iddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ fejn il-livell ta’ remunerazzjoni fl-Istat Membru intiż li jiġi ssalvagwardjat mir-restrizzjonijiet ma jkollu l-ebda relazzjoni mal-għoli tal-ħajja prevalenti fil-pajjiż li għalih japplikaw ir-restrizzjonijiet ( 64 ).

92.

Fil-fehma tiegħi, u fid-dawl tal-Artikolu 79(5) TFUE, ir-rekwiżit skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jidħlu fis-suq tax-xogħol tiegħu jkollhom permess tax-xogħol sabiex jiġu evitati disturbi f’dak is-suq hija miżura xierqa u proporzjonata. Nixtieq nerġa’ nenfasizza li billi jaħdmu fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru, ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu fil-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru u għalhekk huma suġġetti, fil-prinċipju, għar-regoli tiegħu dwar il-liġi tax-xogħol u l-permessi tax-xogħol kif previst minn Artikolu 79(5) TFUE. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat ieħor ma jkunux suġġetti għar-regola ta’ 25 daħla – dan sempliċement minħabba l-fatt li, f’dan ir-rigward, dawn ma humiex suġġetti għad-dritt Daniż.

93.

Barra minn hekk, membru tal-ekwipaġġ ta’ pajjiż terz ma għandux għalfejn jiżbarka mill-bastiment inkwistjoni jew jaħdem fuq terra firma fl-Istat Membru inkwistjoni sabiex ikun suġġett għar-regoli tal-Istat tal-bandiera. Barra minn hekk, filwaqt li r-regola ta’ 25 daħla fil-port hija kkawżata mid-dħul tal-bastiment (għall-kuntrarju tal-membri tal-ekwipaġġ individwali) fil-portijiet Daniżi u minkejja li ebda spjegazzjoni reali ma ngħatat mill-qorti tar-rinviju dwar l-iskop ta’ din ir-regola, jidher ( 65 ) li din sempliċement ittaffi r-regola ( 66 ) li ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu jkollhom permessi tax-xogħol li hija, fil-fehma tiegħi, fiha nnifisha regola xierqa u proporzjonata.

94.

Fi kliem ieħor, id-Danimarka kienet intitolata timponi rekwiżit ta’ permess tax-xogħol fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma impjegati fuq bastimenti li jtajru l-bandiera Daniża skont l-Artikolu 79(5) TFUE. Il-fatt li ħolqot eċċezzjoni għal din ir-regola bil-kundizzjoni ta’ 25 daħla fil-port ma jistax inaqqas mill-fatt li d-Danimarka hija intitolata – fuq il-bażi biss tal-fatt li l-bastimenti huma rreġistrati fid-Danimarka – li timponi rekwiżit ta’ din in-natura. Għar-raġunijiet diġà esposti, din il-miżura ma hijiex “restrizzjoni” għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għall-finijiet tal-Artikolu 49 TFUE u jekk (kuntrarjament għall-fehma tiegħi stess) din hija tali restrizzjoni, hija tista’ tiġi ġġustifikata b’mod indipendenti bħala mezz xieraq u proporzjonat għas-salvagwardja tas-suq tax-xogħol Daniż kif permess mill-Artikolu 79(5) TFUE.

VI. Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, inqis għaldaqstant li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda magħmula mill-Østre Landsret (il-Qorti tal-Appell tar-Reġjun tal-Lvant, id-Danimarka) kif ġej:

L-Artikolu 49 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 79(5) TFUE, ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teħtieġ li membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi fuq bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li huwa proprjetà ta’ sid ta’ bastiment li huwa ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni ieħor li jkollhom permess tax-xogħol, sakemm il-bastiment ma jidħolx fil-portijiet tal-Istat Membru f’massimu ta’ 25 okkażjoni kkalkolati kontinwament matul is-sena ta’ qabel.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Irrispettivament mis-sena kalendarja.

( 3 ) Kif ikkonsolidata bil-Liġi Nru 1061 tat-18 ta’ Awwissu 2010.

( 4 ) Pajjiżi li jinsabu barra mill-Unjoni Ewropea u miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

( 5 ) Il-qorti tar-rinviju pprovdiet ukoll, “kif jidher ċar, l-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin jelenka numru ta’ kategoriji ta’ ċittadini barranin li huma eżentati mir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol skont l-Artikolu 13(1) tagħha. Id-dispożizzjoni ġiet issupplimentata fiż-żmien materjali mill-Artikolu 33 tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin, li jirreferi wkoll għal diversi kategoriji ta’ ċittadini barranin li huma eżentati mir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol, inkluża l-kategorija msemmija fl-Artikolu 33(1)(4). L-Artikolu 33(1)(4) tar-Regolament dwar Ċittadini Barranin jispeċifika l-kriterju “regolarment” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tal-[Liġi dwar Ċittadini Barranin] sabiex permess tax-xogħol ikun meħtieġ biss jekk bastiment Daniż jidħol fil-portijiet Daniżi f’iktar minn 25 okkażjoni, ikkalkolati kontinwament matul is-sena ta’ qabel.”

( 6 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C‑221/89, EU:C:1991:320).

( 7 ) Il-qorti tar-rinviju nnotat li l-fatti tal-kawża, inkluż jekk ċittadini ta’ pajjiżi terzi kinux abbord l-erba’ bastimenti u kemm minnhom, il-perijodu li matulu kienu preżenti, u kemm-il darba l-bastimenti kkonċernati daħlu fil-portijiet Daniżi, kienu kkontestati.

( 8 ) Meta stabbilixxiet il-piena, ir-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense) sabet li kien hemm fatturi aggravanti peress li baħħara barranin jitħallsu inqas mill-baħħara Daniżi u jinkiseb qligħ finanzjarju. Hija kkonkludiet li l-ksur kien intenzjonat u mwettaq minn diversi bastimenti u li ċ-ċittadini barranin ikkonċernati ma kellhomx id-dritt li jkunu residenti fid-Danimarka. Madankollu hija nnotat li kien hemm xi inċertezza dwar in-numru ta’ baħħara li kienu abbord u l-punt sa fejn il-bastimenti daħlu fil-portijiet Daniżi. Hija osservat ukoll, inter alia, li t-tul tal-proċeduri kien estremament twil minħabba n-natura kkumplikata tal-każ u l-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni involuti fih, u l-fatt li kien hemm kuntatti bejn diversi dipartimenti u l-Prosekutur Pubbliku u l-avukat tal-parti suġġetta għall-proċeduri.

( 9 ) Sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904).

( 10 ) Fil-punt 11 tal-osservazzjonijiet inizjali tiegħu, il-Gvern Daniż iddikjara li, b’mod ġenerali, ir-rekwiżit li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom permess tax-xogħol fiċ-ċirkustanzi preżenti jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE. Filwaqt li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi inizjalment aċċetta, fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li l-miżuri Daniżi inkwistjoni kienu jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, madankollu, dan il-gvern, fl-osservazzjonijiet inizjali tiegħu, staqsa jekk l-Artikolu 49 TFUE huwiex tabilħaqq rilevanti minħabba li l-Artikolu 79(5) TFUE jawtorizza lir-Renju tad-Danimarka jirrikjedi permessi tax-xogħol ladarba l-membri tal-ekwipaġġ jidħlu fis-suq tax-xogħol Daniż u b’hekk jirregola n-numru ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jaħdmu fit-territorju tiegħu.

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2020, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Reġistrazzjoni ta’ baħħara fil-port ta’ Rotterdam) (C‑341/18, EU:C:2020:76).

( 12 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 32).

( 13 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006: 544, punti 53 u 54).

( 14 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C‑221/89, EU:C:1991:320, punti 21 u 22).

( 15 ) Fil-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE għall-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija din tal-aħħar li għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju risposta li tkun ta’ użu għaliha u li tippermettilha tiddetermina l-kawża quddiemha. Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tifformula mill-ġdid id-domanda li tkun intbagħtitilha jew, bħal f’dan il-każ, tipprovdi lill-qorti nazzjonali l-gwida kollha għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża quddiemha. Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis (C‑441/98 u C 442/98, EU:C:2000:479, punti 2021).

( 16 ) Ara l-punt 45 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-punt 49 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li l-mistoqsija hija jekk l-obbligu għal operatur ġdid li jirrispetta r-regoli lokali, f’dan il-każ permess tax-xogħol għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi, iċaħħadx lil operaturi ġodda mill-possibbiltà li jikkompetu b’mod effettiv ma’ operaturi stabbiliti.

( 17 ) Ara l-punti 49 u 50 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 18 ) Din l-enfasi ġiet miżjuda mill-Gvern Daniż.

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Airport Shuttle Express et (C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punt 47).

( 20 ) Ara l-punt 37.

( 21 ) Fil-punti 16 u 17 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-applikazzjoni għal prodotti minn Stati Membri oħra ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrestrinġu jew jipprojbixxu ċerti arranġamenti ta’ bejgħ ma jfixklux il-kummerċ bejn Stati Membri sakemm dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għan-negozjanti rilevanti kollha li joperaw fi ħdan territorju u sakemm jaffettwaw bl-istess mod, fid-dritt u fil-fatt, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti domestiċi u ta’ dawk minn Stati Membri oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-regoli dwar il-bejgħ ta’ prodotti minn Stat Membru ieħor huma meqjusa li ma jipprekludux l-aċċess tagħhom għas-suq u għalhekk jaqgħu barra mill-ambitu tal-Artikolu 34 TFUE. L-approċċ tar-regola tar-raġuni żviluppat fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija madankollu ma huwiex “tassattiv” u jeżistu xi eċċezzjonijiet rari fil-ġurisprudenza li jmorru kontra dan l-approċċ. Ara, per eżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, EU:C:1997:325). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li minkejja li l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti kienet diretta kontra metodu ta’ promozzjoni tal-bejgħ (u għalhekk arranġament ta’ bejgħ), madankollu hija affettwat il-kontenut attwali tal-prodotti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma adottatx approċċ simili għar-regola tar-raġuni fil-qasam tal-libertà fejn jiġu pprovduti servizzi skont liema tip partikolari jew kategorija ta’ miżuri nazzjonali hija meqjusa, fil-prinċipju, li ma timpedixxix l-aċċess għas-suq. B’hekk, iktar milli approċċ formalistiku, ġie adottat b’mod konsistenti approċċ ta’ eżami każ b’każ, li jidentifika jew jagħżel kategoriji partikolari ta’ miżuri. Ara, sentenza tal-10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 33 sa 38). F’din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-raġuni għaliex leġiżlazzjoni li timponi ċerti arranġamenti ta’ bejgħ fir-rigward ta’ oġġetti taqa’ barra mill-ambitu tal-Artikolu 34 TFUE hija li din ma tipprekludix l-aċċess ta’ prodotti importati għas-suq ta’ Stat Membru jew timpedixxihom iktar milli timpedixxi l-aċċess ta’ prodotti domestiċi. Madankollu, f’dik il-kawża, il-projbizzjoni ta’ cold calling ta’ klijenti potenzjali fi Stat Membru ieħor imposta fuq intermedjarji finanzjarji li offrew futuri ta’ komoditajiet off-market kienet meqjusa bħala restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minkejja l-fatt li nista’ naħseb li cold calling huwa metodu/arranġament ta’ bejgħ kwintessenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li ma setgħet issir l-ebda analoġija mas-sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993, Keck u Mithouard (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905) peress li l-projbizzjoni ta’ cold calling inkwistjoni affettwat direttament l-aċċess għas-suq tas-servizzi.

( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Alfa Vita Vassilopoulos u Carrefour-Marinopoulos (C‑158/04 u C‑159/04, EU:C:2006:562, punti 1718).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:754, punti 51 u 53) u tal-14 ta’ April 2016, Sparkasse Allgäu (C‑522/14, EU:C:2016:253, punt 29). Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Tesco-Global Áruházak (C 323/18, EU:C:2019:567, punti 43 u 44), l-Avukata Ġenerali Kokott innotat li hija ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment huma restrizzjonijiet fuq dik il-libertà u li fil-prinċipju din tkopri każijiet ta’ diskriminazzjoni, iżda wkoll restrizzjonijiet mhux diskriminatorji. Madankollu, taxxi u dazji jikkostitwixxu piż fihom innifishom u b’hekk inaqqsu l-attrazzjoni ta’ stabbiliment fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, skont l-Avukata Ġenerali Kokott, eżami bbażat fuq restrizzjonijiet nondiskriminatorji jagħmel l-avvenimenti nazzjonali taxxabbli suġġetti kollha għad-dritt tal-Unjoni u b’hekk iqajjem dubju serju fuq is-sovranità tal-Istati Membri fi kwistjonijiet tat-taxxa. Hija nnotat li għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’numru ta’ okkażjonijiet li r-regoli tal-Istati Membri dwar il-kundizzjonijiet u l-livell ta’ tassazzjoni huma suġġetti għal awtonomija fiskali, sakemm it-trattament tas-sitwazzjoni transkonfinali ma jkunx diskriminatorju meta mqabbla mas-sitwazzjoni domestika. Ara wkoll, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Société Générale (C‑565/18, EU:C:2019:1029, punti 34 sa 36) li tittratta l-moviment liberu tal-kapital.

( 24 ) Ara s-sentenzi tal-31 ta ’Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32) u tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37). Ara, iktar reċentement, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas-27 ta’ Frar 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Kontabilisti) (C‑384/18, EU:C:2020:124, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata)). Se nirreferi għal din il-linja ta’ ġurisprudenza bħala t-“test Kraus”.

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑518/06, EU:C:2009:270, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sparkasse Allgäu (C‑522/14, EU:C:2016:253, punti 3132). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-libertà ta’ stabbiliment ma tistax tinftiehem li tfisser li Stat Membru huwa meħtieġ li jbiddel il-leġiżlazzjoni tiegħu fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni fi Stat Membru ieħor sabiex jiġi żgurat, fiċ-ċirkustanzi kollha, li titneħħa kull disparità li tirriżulta mir-regoli nazzjonali.

( 26 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Għal miżura diskriminatorja bbażata fuq in-nazzjonalità, ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Latvja (C‑151/14, EU:C:2015:577), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li billi imponiet rekwiżit ta’ nazzjonalità għall-professjoni ta’ nutar, ir-Repubblika tal-Latvja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE.

( 28 ) Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 12).

( 29 ) Ninnota li jidher li hemm ċerta kontradizzjoni fil-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha f’din il-kawża u d-dikjarazzjonijiet tagħha fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Protezzjoni tal-investiment fi ħdan l-UE (COM(2018) 547 final). Fit-taqsima intitolata “Id-dritt tal-UE jipproteġi l-investimenti transkonfinali fl-UE kollha matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom”, il-Kummissjoni, wara s-subtaqsima intitolata “Aċċess għas-suq”, iddikjarat fis-subtaqsima “L-operat fis-suq” li “[l]adarba l-investituri tal-UE jibdew joperaw negozju fi Stat Membru ieħor jew iwettqu tip ieħor ta’ investiment, ikompli japplika d-dritt tal-UE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja [...]. Dan jipproteġihom, b’mod ġenerali, kontra miżuri pubbliċi li jċaħħdu lill-investituri mill-użu tal-propjetà tagħhom jew li jillimitaw l-attività kummerċjali li jkunu involuti fiha, anki fejn tali miżuri japplikaw bl-istess mod għall-operaturi nazzjonali.” Enfasi miżjuda.

( 30 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑89/09, EU:C:2010:772, punti 44 sa 49); tas-26 ta’ Settembru 2013, Ottica New Line (C‑539/11, EU:C:2013:591, punti 25 sa 32) u tal-5 ta’ Diċembru 2013, Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:791, punti 30 sa 36). Ara wkoll, Kapitolu III intitolat “Libertà għall-Istabbiliment ta’ Fornituri” tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

( 31 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172, punti 62 sa 71), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sabet restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprova li l-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni kienet diskriminatorja fid-dritt jew fil-fatt. Fis-sentenza tagħha tat-8 ta’ Mejju 2019, PI (C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 60), il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li “leġiżlazzjoni nazzjonali [...] li tipprevedi li awtorità amministrattiva tista’ tiddeċiedi li tagħlaq b’effett immedjat stabbiliment kummerċjali, għar-raġuni li tissuspetta l-eżerċizzju, fi ħdan dan l-istabbiliment, ta’ attività [professjonali] mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa minn din il-leġiżlazzjoni, jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq id-dħul mill-bejgħ u fuq it-tkomplija tal-attività professjonali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni mal-klijenti li jibbenefikaw mis-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tista’ tostakola jew tiddiswadi lill-persuni ġejjin minn Stati Membri oħra li jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom [fi Stat Membru ieħor]” u għaldaqstant tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, Politanò (C‑225/15, EU:C:2016:645, punt 38) dwar l-obbligu li tinkiseb konċessjoni sabiex titwettaq attività.

( 32 ) Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano f’CaxaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:187) li fiha l-ġurisprudenza eżistenti dwar il-kunċett ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment hija eżaminata b’mod estensiv. Fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Tizzano kkunsidra, inter alia, li “huwa meħtieġ li jiġi stabbilit jekk [il-miżura Franċiża] tqegħidx lil dawk is-sussidjarji f’pożizzjoni de facto inqas favorevoli meta mqabbla ma’ kompetituri tradizzjonalment stabbiliti u li joperaw fis-suq Franċiż; jew [...] jekk fi kwalunkwe każ tikkostitwixxix ostakolu dirett għall-aċċess għas-suq bankarju fid-dawl tal-effetti tagħha”.

( 33 ) Dan kien jikkonsisti, fil-prattika, fi projbizzjoni fuq il-ħlas ta’ interessi fuq ċerti kontijiet ta’ depożitu miżmuma f’banek.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punti 13 sa 16). Din is-sentenza hija pjuttost tfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-reklamar ta’ oġġetti. Ara, sentenza tad-9 ta’ Lulju 1997, De Agostini u TV-Shop (C‑34/95 sa C‑36/95, EU:C:1997:344, punti 42 sa 44). Filwaqt li r-regoli li jillimitaw ir-reklamar ta’ oġġetti huma arranġamenti ta’ bejgħ u b’hekk jaqgħu taħt l-approċċ tar-regola tar-raġuni fir-rigward ta’ oġġetti, dawn ħafna drabi jkollhom impatt differenti fuq l-importazzjonijiet billi jipprekludu jew ifixklu lil dawk l-oġġetti li jistabbilixxu bażi fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dawn huma de facto diskriminatorji.

( 35 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 11) li tipprovdi li “il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din [il-libertà ta’ stabbiliment] għandhom jitqiesu bħala […] restrizzjonijiet.”

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, SOA Nazionale Costruttori (C‑327/12, EU:C:2013:827, punti 5657) li kienet tikkonċerna regoli nazzjonali li pprojbixxew lill-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ ċertifikazzjoni milli jidderogaw mit-tariffi minimi previsti mil-liġi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li dawn ir-regoli setgħu jagħmluha inqas attraenti għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jeżerċitaw il-libertà ta’ stabbiliment fis-suq għal dawk is-servizzi. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni ċaħħdet lill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti mil-leġislazzjoni nazzjonali mill-possibbiltà, billi jitolbu tariffi iktar baxxi minn dawk stabbiliti mil-leġiżlatur nazzjonali, milli jikkompetu b’mod iktar effettiv ma’ impriżi stabbiliti fuq bażi stabbli fl-Istat Membru kkonċernat u li għalhekk għandhom opportunitajiet ikbar sabiex jirbħu klijenti minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Ara wkoll, l-Artikolu 15(2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123 u s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑377/17, EU:C:2019:562).

( 37 ) U forsi l-iktar applikazzjoni komuni u ovvja ta’ dan it-test lil hinn mill-kawżi li jittrattaw rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni minn qabel jew miżuri diskriminatorji.

( 38 ) Ara l-punt 14 ta’ dik is-sentenza. Ara wkoll, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 45), fejn huwa speċifikament inkwistjoni l-aċċess inizjali għas-suq minn parteċipant ġdid.

( 39 ) Fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑140/03, EU:C:2005:242, punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura ta’ projbizzjoni, fir-rigward ta’ opticians ikkwalifikati, li jmexxi iktar minn ħanut oftalmiku wieħed, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tal-persuni naturali fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. Ninnota li l-miżura nondiskriminatorja inkwistjoni ma kinitx tikkonċerna rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni peress li kienet projbizzjoni sempliċi. Barra minn hekk, fuq analiżi partikolari, il-miżura ma kinitx neċessarjament tikkonċerna aċċess inizjali għas-suq, iżda pjuttost il-grad ta’ espansjoni fis-suq.

( 40 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punti 5455) li kienet tikkonċerna l-possibbiltà li jsiru sensji kollettivi u li jitnaqqsu l-attivitajiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li llimitaw il-possibbiltà li jsiru sensji kollettivi kkostitwixxiet indħil sostanzjali f’ċerti libertajiet li l-operaturi ekonomiċi ġeneralment igawdu minnhom. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment jinvolvi l-libertà li tieħu ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti, il-libertà li tiddetermina n-natura u l-firxa tal-attività ekonomika li għandha titwettaq fl-Istat Membru ospitanti u b’hekk il-libertà li tnaqqas din l-attività jew tirrinunzja għall-attività u l-istabbiliment tagħha. Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972, punt 53). Fir-rigward tal-firxa tal-attività ekonomika, fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑514/03, EU:C:2006:63, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rekwiżit taħt il-liġi Spanjola fir-rigward tan-numru minimu ta’ persuni impjegati minn impriżi tas-sigurtà kkostitwixxa impediment għal-libertà ta’ stabbiliment billi għamel il-formazzjoni ta’ stabbilimenti sekondarji jew sussidjarji fi Spanja iktar oneruża.

( 41 ) Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 62), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha d-drittijiet ta’ użufrutt li qabel kienu nħolqu fuq art agrikola u li d-detenturi tagħhom ma għandhomx l-istatus ta’ parentela mill-qrib tas-sid ta’ dik l-art jispiċċaw ex lege u, konsegwentement, jitħassru mir-reġistri tal-proprjetà kienet restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital. Mill-punti 54 et seq ta’ din is-sentenza jirriżulta b’mod ċar li r-raġunament tagħha japplika wkoll għal-libertà ta’ stabbiliment. Barra minn hekk, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar sabet li l-miżura inkwistjoni kienet ukoll indirettament diskriminatorja, din serviet sempliċement sabiex tillimita l-ambitu tal-ġustifikazzjonijiet possibbli tal-miżura iktar milli tpoġġi fid-dubju l-fatt li kienet tikkostitwixxi restrizzjoni fin-nuqqas ta’ tali diskriminazzjoni.

( 42 ) Magħmula bl-iktar mod ċar mill-Gvern Daniż u, sa ċertu punt, mill-Kummissjoni.

( 43 ) Skont l-interpretazzjoni tiegħi tal-osservazzjonijiet ippreżentati, l-ewwel test japplika l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja kif stabbilita fis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32) għal aċċess inizjali għas-suq (ikun x’ikun) u t-tieni test ta’ nondiskriminazzjoni de jure u de facto japplika ladarba jinkiseb aċċess inizjali għas-suq.

( 44 ) Għalhekk, pereżempju, fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Marzu 2013, DKV Belgium (C‑577/11, EU:C:2013:146, punti 34 u 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li miżura li kienet teħtieġ li l-kumpanniji tal-assigurazzjoni jfittxu u jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jintroduċu żidiet fir-rata tal-primjum ikkostitwixxiet restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment billi obbligat impriżi li għandhom l-uffiċċju ewlieni tagħhom fi Stat Membru ieħor, li jfittxu li jikkonformaw mal-miżura, mhux biss “ikollhom jibdlu l-kundizzjonijiet u t-tariffi tagħhom sabiex iwieġbu għar-rekwiżiti mitluba minn din is-sistema, iżda wkoll jiddeterminaw il-pożizzjoni tariffarja tagħhom, u għalhekk l-istrateġija kummerċjali tagħhom, fil-mument tal-iffissar inizjali tal-primjums, bir-riskju li ż-żidiet tariffarji futuri jkunu insuffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż li jridu jlaħħqu magħhom”.

( 45 ) F’dan ir-rigward, kien hemm qbil li t-teħid ta’ depożiti mill-pubbliku u l-għoti ta’ krediti kienu jirrappreżentaw l-attivitajiet bażiċi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 16).

( 46 ) Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li sabiex miżura taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 49 TFUE, għandha taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Jiena nissottometti li l-limitu applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex issib effett bħal dan huwa baxx iżda mhux ineżistenti. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li minkejja l-fatt li f’ħafna kawżi ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun ovvju mill-fatti ta’ każ partikolari li ma jkun hemm l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri – peress li tkun kwistjoni purament interna fejn l-aspetti kollha tal-każ ikunu limitati għal Stat Membru wieħed – il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tassisti lill-qorti tar-rinviju, spiss twieġeb id-domanda li ssir fil-każ li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun affettwat. Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punti 39 u 40). F’din il-kawża, minkejja l-fatt li l-aspetti kollha tal-każijiet kienu limitati għal Spanja, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li “imkien ma huwa eskluż li ċittadini stabbiliti fl-Istati Membri barra r-Renju ta’ Spanja kienu interessati sabiex iħaddmu spiżeriji fil-Komunità Awtonoma ta’ Asturias”. B’kuntrast, ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Airport Shuttle Express et (C‑162/12 u C‑163/12, EU:C:2014:74, punti 43 sa 49) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tapplika l-Artikolu 49 TFUE għal attivitajiet li ma kellhom l-ebda fattur li jorbothom ma’ xi waħda mis-sitwazzjonijiet regolati mid-dritt tal-Unjoni u li kienu limitati fl-aspetti rilevanti kollha fi Stat Membru wieħed peress li ma kien hemm xejn li jindika kif id-deċiżjoni individwali partikolari li ġiet ikkontestata, iktar milli skema ġenerali, setgħet taffettwa operaturi ekonomiċi li ġejjin minn Stati Membri oħra.

( 47 ) Fl-oqsma tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà ta’ stabbiliment rispettivament, ara, pereżempju, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punt 25) u tal-20 ta’ Ġunju 1996, Semeraro Casa Uno et (C‑418/93 sa C‑421/93, C‑460/93 sa C‑462/93, C‑464/93, C‑9/94 sa C‑11/94, C‑14/94, C‑15/94, C‑23/94, C‑24/94 u C‑332/94, EU:C:1996:242, punt 32). Ara wkoll, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punti 79 sa 81) dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fid-dawl, pereżempju, ta’ dik il-kawża, jista’ jkun possibbli f’każ speċifiku wara eżami tal-kriterji proposti mill-Gvern Daniż u mill-Kummissjoni u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ċirkustanza oħra rilevanti li jiġi kkonstatat li l-effett ta’ miżura nazzjonali kkontestata huwa inċert u indirett wisq sabiex miżura bħal din titqies bħala li tista’ tfixkel il-kummerċ intra-Unjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, it-test għall-eżistenza ta’ restrizzjoni jibqa’ t-test stabbilit pereżempju fis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus (C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32). Fir-rigward tas-servizzi, huwa ċar mill-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123 li t-tariffi minimi u/jew massimi fissi li magħhom irid jikkonforma l-fornitur tas-servizzi huma kkunsidrati bħala restrizzjonijiet. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑565/08, EU:C:2011:188, punt 53) ikkonstatat li l-miżuri nazzjonali li jobbligaw lill-avukati jikkonformaw mat-tariffi massimi ma kinux jikkostitwixxu restrizzjoni peress li ma ġiex muri li l-miżuri inkwistjoni affettwaw ħażin l-aċċess għas-suq Taljan għas-servizzi inkwistjoni taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali u effettiva. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li s-sistema Taljana tal-miżati kienet ikkaratterizzata minn flessibbiltà li dehret li tippermetti remunerazzjoni xierqa għat-tipi kollha ta’ servizzi pprovduti mill-avukati.

( 48 ) Fil-fehma tiegħi, ma kien hemm l-ebda restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ikkonstatata fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C‑379/92, EU:C:1994:296) billi f’dik il-kawża l-kwistjoni kienet purament interna għal Stat Membru wieħed u l-allegata restrizzjoni kienet wisq indiretta jew remota.

( 49 ) Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li dan jinkludi, iżda mhux biss, ir-RIDB.

( 50 ) Barra minn hekk, ir-regoli ma għandhomx x’jaqsmu mal-imbark u l-iżbark ta’ membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi f’portijiet Daniżi u lanqas ma’ xogħol imwettaq minnhom f’portijiet Daniżi jew f’xi parti oħra tat-territorju Daniż. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari spjegat ukoll ir-regoli tal-viża stabbiliti fir-Regolament Nru 270 tat-22 ta’ Marzu 2010 dwar l-aċċess ta’ ċittadini barranin għad-Danimarka.

( 51 ) Dan jista’ jirriżulta mill-fatt li l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari nnotat li r-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense) ikkonstatat li “fil-kawża preżenti hemm fatturi aggravanti fil-preskrizzjoni tal-piena. Baħħara barranin jitħallsu inqas mill-baħħara Daniżi, jiġifieri jinkiseb qligħ finanzjarju. Jista’ jiġi konkluż li l-ksur kien deliberat u mwettaq minn diversi bastimenti u li ċ-ċittadini barranin ikkonċernati ma kellhomx id-dritt li jkunu residenti fid-Danimarka”.

( 52 ) Dan jidher li huwa l-każ minkejja l-fatt li fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari l-qorti tar-rinviju nnotat li r-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense), wara li kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu restrizzjoni skont l-Artikolu 49 TFUE, ikkunsidrat li “minħabba l-kuntest li fih ġew introdotti r-regoli tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin li jirregolaw ekwipaġġi ta’ pajjiżi terzi, huwa ġġustifikat li s-suq tax-xogħol Daniż ma jiġix imminat, billi x-xogħol [ta’ pajjiż terz] għandu vantaġġ kompetittiv fuq ix-xogħol Daniż minħabba l-livelli tal-pagi, u jista’ jitqies bħala [...] iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li ma jmurx ’l hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan. Ir-rekwiżit tal-permess tax-xogħol huwa mezz effettiv sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-suq tax-xogħol u b’hekk jiġi evitat tfixkil fis-suq tax-xogħol nazzjonali”.

( 53 ) F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tobbliga lill-impriżi minn Stati Membri oħra li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom f’dak l-Istat Membru sabiex iwettqu attivitajiet tal-port hemmhekk jirrikorru biss għal ħaddiema tal-baċir irrikonoxxuti bħala tali skont din il-leġiżlazzjoni, tipprekludi tali impriża milli tuża l-ħaddiema tagħha stess jew milli tirrekluta ħaddiema oħra mhux irrikonoxxuti u, għalhekk, tista’ tipprekludi jew tiddiżinċentiva l-istabbiliment ta’ dik l-impriża fl-Istat Membru kkonċernat. Sentenza tal-11 ta’ Frar 2021, Katoen Natie Bulk Terminals u General Services Antwerp (C‑407/19 u C‑471/19, EU:C:2021:107, punti 5960). Ara wkoll, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑576/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2430, punti 37 u 38).

( 54 ) Verżjoni tal-21 ta’ Novembru 2017. Din il-konvenzjoni tipprovdi mudell għal ftehim ta’ tassazzjoni doppja bejn l-Istati.

( 55 ) Skont l-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Mudell, “il-profitti ta’ intrapriża ta’ Stat Kontraenti mill-operazzjoni ta’ vapuri [...] fi traffiku internazzjonali għandhom ikunu taxxabbli biss f’dak l-Istat.” Barra minn hekk, l-Artikolu 15(3) tal-Konvenzjoni Mudell jipprovdi li “[...] remunerazzjoni miksuba minn residenti ta’ Stat Kontraenti fir-rigward ta’ impjieg, bħala membru tal-kumpliment regolari ta’ vapur [...], eżerċitat abbord vapur [...] operat fi traffiku internazzjonali, minbarra abbord vapur [...] operat biss fl-Istat Kontraenti l-ieħor, għandhom ikunu taxxabbli biss fl-ewwel Stat imsemmi”.

( 56 ) Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C‑221/89, EU:C:1991:320, punt 17) u sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑62/96, EU:C:1997:565, punt 22). Ara wkoll, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑334/94, EU:C:1996:90, punt 17). Fl-osservazzjonijiet tagħha, VAS Shipping ippruvat tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑299/02, EU:C:2004:620). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, inter alia, li r-regoli Olandiżi li kienu jeħtieġu, li qabel ma bastiment ikun jista’ jiġi rreġistrat, l-azzjonisti, id-diretturi u r-rappreżentanti lokali ta’ sid ta’ bastiment tal-Unjoni jkunu ċittadini tal-Unjoni jew taż-ŻEE kienu jmorru kontra l-Artikoli 49 u 52 TFUE. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “meta l-kumpanniji proprjetarji li jkollhom l-intenzjoni li jirreġistraw il-vapuri tagħhom fl-Olanda ma jirrispondux għall-kundizzjonijiet inkwistjoni, huma ma għandhomx alternattiva oħra, sabiex jipproċedu għal din ir-reġistrazzjoni, ħlief li jbiddlu konsegwentement l-istruttura tal-kapital azzjonarju tagħhom jew tal-korpi ta’ amministrazzjoni tagħhom; u dawn it-tibdiliet jistgħu jimplikaw taqlib kbir ġewwa kumpannija kif ukoll it-twettiq ta’ bosta formalitajiet li ma humiex mingħajr konsegwenzi finanzjarji. Bl-istess mod, il-proprjetarji tal-vapuri jkollhom jadattaw il-politika ta’ impjieg tagħhom sabiex jeskludu bħala rappreżentanti fuq il-post kull ċittadin minn Stat terz għall-Komunità jew għaż-ŻEE.” F’dan ir-rigward, minħabba li ma tqajmet l-ebda kwistjoni fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-erba’ bastimenti fir-RIDB, il-każ inkwistjoni ma għandux rilevanza partikolari għall-kawża preżenti. Madankollu, għandu jiġi nnotat, li l-portata ta’ dik is-sentenza estendiet lil hinn mir-reġistrazzjoni tal-bastimenti u kienet tikkonċerna kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-bastimenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ joperaw fil-forma ta’ kumpannija tat-tbaħħir ma’ direttur li kien ċittadin ta’ jew li kien residenti f’pajjiż mhux membru ma tħallewx jagħmlu dan u li l-miżuri b’hekk kienu jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment. Fil-fehma tiegħi, ma jista’ jsir l-ebda parallel bejn dik is-sentenza u l-kawża preżenti. Il-miżuri nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża ma jimponux rekwiżit ta’ nazzjonalità u għandhom biss l-effett li jirrikjedu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom permessi tax-xogħol f’ċerti ċirkustanzi u jimponu penali fuq min iħaddimhom jekk dawn ir-rekwiżiti ma jiġux issodisfatti.

( 57 ) Ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fl-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10) huwa applikabbli f’dan il-każ. Ara b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu li fih regoli dwar l-ekwipaġġ u l-ġurisdizzjoni.

( 58 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 59 ) B’kuntrast, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-kawża preżenti tikkonċerna, pereżempju, l-istazzjonar ta’ ħaddiema minn impriża stabbilita fi Stat Membru għal Stat Membru ieħor. Ara, pereżempju, id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431). Fi kwalunkwe każ, hija ġurisprudenza stabbilita, pereżempju, fir-rigward tal-istazzjonar ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi mhux membri minn fornitur ta’ servizz stabbilit fi Stat Membru tal-Unjoni, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħmlu l-provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor suġġetta għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva jew permess tax-xogħol jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont l-Artikolu 56 TFUE. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Essent Energie Productie (C‑91/13, EU:C:2014:2206, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Danieli & C. Officine Meccaniche et (C‑18/17, EU:C:2018:904, punti 42 sa 45). Barra minn hekk, restrizzjonijiet bħal dawn huma diffiċli li jiġu ġġustifikati sabiex jiġu evitati disturbi fis-suq tax-xogħol għaliex ħaddiema stazzjonati ma jiksbux aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li fih huma stazzjonati u hemm mezzi inqas restrittivi sabiex jiġi żgurat li dawn il-ħaddiema jintużaw għall-provvista tas-servizz inkwistjoni.

( 60 ) Din il-kwistjoni ta’ fatt hija kkontestata minn VAS Shipping u mill-Gvern Daniż u għalhekk għandha finalment tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

( 61 ) Fil-fehma tiegħi, ir-regola ta’ 25 daħla li hija marbuta ma’ bastimenti hija kemxejn arbitrarja u l-ebda spjegazzjoni ma ngħatat mill-qorti tar-rinviju dwar l-għan speċifiku tagħha fil-kuntest tar-regoli Daniżi dwar il-permessi tax-xogħol u t-traffiku internazzjonali. Jista’ jkun li sempliċement tiddefinixxi jew tikkjarifika l-kunċett ta’ meta bastiment Daniż “jidħol regolarment fil-portijiet Daniżi” skont l-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin. Madankollu nista’ nara, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li jista’ jkun iktar faċli għal Stat Membru li jissorvelja bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu fi traffiku internazzjonali li jidħlu fil-port f’diversi okkażjonijiet matul is-sena u li jimpjegaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi pjuttost milli jissorveljaw tali membri tal-ekwipaġġ individwalment f’kull ħin jew anki meta jidħlu fil-port sabiex jiġi żgurat li għandhom permess tax-xogħol. Inqis ukoll, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li regoli bħal dawn jistgħu jkunu inqas ta’ piż fuq is-sidien u l-amministraturi ta’ tali bastimenti mir-rekwiżit li dawn il-membri kollha tal-ekwipaġġ ikollhom permessi tax-xogħol. Wara kollox, ir-regola ta’ 25 daħla hija mfassla bħala eżenzjoni għall-Artikolu 13(1) tal-Liġi dwar Ċittadini Barranin (jew forsi hija għodda interpretattiva għall-frażi “jidħol regolarment fil-portijiet Daniżi”).

( 62 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiż il-Baxxi (C‑299/02, EU:C:2004:620, punti 1718 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Madankollu, il-qorti tar-rinviju nnotat li skont ir-Retten i Odense (il-Qorti Muniċipali ta’ Odense) il-miżuri inkwistjoni ġew introdotti sabiex is-suq tax-xogħol Daniż ma jiġix imminat.

( 64 ) VAS Shipping tiċċita f’dan is-sens sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Bundesdruckerei (C‑549/13, EU:C:2014:2235, punt 34).

( 65 ) Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.

( 66 ) Billi teżiġi konnessjoni ikbar jew imsaħħa tal-membri tal-ekwipaġġ ta’ pajjiżi terzi u l-bastimenti li fuqhom jaħdmu mas-suq tax-xogħol Daniż.