DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

5 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rikors għal annullament – Enerġija – Infrastrutturi tal-enerġija trans-Ewropej – Regolament (UE) Nru 347/2013 – Delega ta’ setgħa lill-Kummissjoni – Artikolu 290 TFUE – Att iddelegat li jemenda l-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni – Natura tal-att matul it-terminu li matulu l-Parlament u l-Kunsill jistgħu jesprimu oġġezzjonijiet – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Inammissibbiltà manifesta”

Fil-Kawża T‑885/19,

Aquind Ltd, stabbilita f’Wallsend (ir-Renju Unit),

Aquind Energy Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

Aquind SAS, stabbilita f’Rouen (Franza),

irrappreżentati minn S. Goldberg, C. Davis, J. Bille, solicitors, u E. White, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet, Y. Marinova u B. De Meester, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller, D. Klebs, S. Heimerl u S. Costanzo, bħala aġenti,

minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

u minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères, C. Mosser u A. Daniel, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/389 tal‑31 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU 2020, L 74, p. 1),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn V. Tomljenović, Presidenta, P. Škvařilová-Pelzl u I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Aquind Ltd, Aquind Energy Sàrl u Aquind SAS, huma l-promoturi ta’ proġett ta’ interkonnessjoni tal-elettriku bejn in-netwerks ta’ trażmissjoni tal-elettriku tar-Renju Unit u ta’ Franza (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ interkonnessjoni Aquind”).

2

Il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ġie inkluż fil-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni Ewropea mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/540 tat‑23 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU 2018, L 90, p. 38), u b’hekk ġie meqjus bħala proġett fundamentali fl-infrastrutturi neċessarji għall-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija.

3

Peress li din il-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni għandha titfassal kull sentejn, il-lista stabbilita mir-Regolament Delegat 2018/540 ġiet issostitwita minn dik stabbilita mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/389 tal‑31 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU 2020, L 74, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Il-lista l-ġdida li tinsab fl-anness tar-regolament ikkontestat inkludiet il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista ta’ proġetti li ma humiex iktar meqjusa bħala proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

4

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑25 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tannulla r-regolament ikkontestat.

5

Fis‑26 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

6

Permezz ta’ ittri ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fl‑1, fit‑8 u fis‑17 ta’ April 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża talbu sabiex jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni.

7

Fit‑12 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

8

Permezz ta’ digrieti tat‑3 ta’ Awwissu 2020, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza l-intervent, rispettivament, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Franċiża.

9

Fil‑31 ta’ Awwissu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

10

Fil‑11, fis‑16 u fis‑17 ta’ Settembru 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża ppreżentaw, rispettivament, in-nota ta’ intervent tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

11

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn dan jirtira l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind mil-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni;

sussidjarjament, tannulla r-regolament ikkontestat fl-intier tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12

Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

13

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

Id-dritt

14

Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, meta rikors ikun manifestament inammissibbli, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

15

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, billi tqis li għandha biżżejjed informazzjoni fuq il-bażi tal-atti fil-proċess, tiddeċiedi li għandha taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

16

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sostnuta f’dan is-sens mir-Repubblika Franċiża, il-Kummissjoni, mingħajr ma qajmet formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, esprimiet riżervi fir-risposta fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors kontra r-regolament ikkontestat. Fil-fatt, hija osservat li r-rikors ippreżentat mir-rikorrenti kien prematur, peress li, fil-mument meta dawn ippreżentaw ir-rikors tagħhom, ir-regolament ikkontestat kien għadu ma daħalx fis-seħħ, kien suġġett għall-proċedura ta’ oġġezzjonijiet prevista mir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39), u għalhekk ma jikkostitwixxix att definittiv li jista’ jiġi kkontestat.

17

Fir-replika, ir-rikorrenti jsostnu li r-rikors tagħhom huwa ammissibbli u jiċħdu l-argumenti tal-Kummissjoni fuq din il-kwistjoni. Qabelxejn, huma jenfasizzaw li din adottat ir-regolament ikkontestat fil‑31 ta’ Ottubru 2019 u li, anki jekk ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali biss fil‑11 ta’ Marzu 2020, dan kien diġà jidher fuq is-sit internet tal-Kummissjoni. Sussegwentement, huma jsostnu li l-ġurisprudenza ma tqisx id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ att bħala rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri jikkostitwixxux att preparatorju jew pożizzjoni definittiva tal-istituzzjoni. Huma jżidu f’dan ir-rigward li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi l-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni u li ebda att legali ieħor li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament ma ġie adottat. Barra minn hekk, huma jsostnu li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ oġġezzjonijiet, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma kellhomx il-possibbiltà li jadottaw att emendat, iżda setgħu biss jimpedixxu d-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat. Huma jispeċifikaw li, li kieku l-Kunsill jew il-Parlament kienu opponew għad-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kienet tkun tista’ tħassar l-att tagħha u tadotta att ġdid. Fl-aħħar nett, in-natura definittiva tar-regolament ikkontestat hija kkonfermata wkoll mill-fatt li ebda att legali ieħor ma ġie adottat mill-Kummissjoni wara l-iskadenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni u li d-data tar-regolament ikkontestat tibqa’ dik tal‑31 ta’ Ottubru 2019.

18

Skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas‑16 ta’ Lulju 1998, Regione Toscana vs Il‑Kummissjoni, T‑81/97, EU:T:1998:180, punt 21).

19

Fil-każ ta’ atti jew ta’ deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari meta tintemm proċedura interna, bħala prinċipju huma biss il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom ikun li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali (sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10, u tal‑10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑64/89, EU:T:1990:42, punt 42).

20

Għandu jitfakkar ukoll li hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, l-ammissibbiltà tar-rikors għandha tiġi evalwata billi jsir riferiment għas-sitwazzjoni eżistenti fil-mument tal-preżentata tar-rikors (sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, C‑77/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:695, punt 65; tad‑9 ta’ Settembru 2014, Hansestadt Lübeck vs Il‑Kummissjoni, T‑461/12, EU:T:2014:758, punt 22 (mhux ippubblikata), u tal‑25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SATCEN,T‑286/15, EU:T:2018:718, punt 164).

21

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tas-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jispeċifikaw il-formalitajiet – notifika jew pubblikazzjoni – li minnhom jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament, ma jipprekludux li rikorrent jippreżenta r-rikors tiegħu quddiem il-qorti tal-Unjoni malli l-att ikkontestat ikun seħħ, mingħajr ma jistenna n-notifika jew il-pubblikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, ma huwiex speċifikat f’dan l-artikolu li l-preżentata ta’ tali rikors hija suġġetta għall-pubblikazzjoni jew għan-notifika ta’ dan l-att. Huwa sabiex il-persuni kkonċernati jingħataw biżżejjed żmien sabiex jikkontestaw att tal-Unjoni ppubblikat b’għarfien sħiħ tal-fatti li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra tali att jibda jiddekorri, skont is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, imsemmi iktar ’il fuq, biss mill-pubblikazzjoni tiegħu. Il-preżentata ta’ rikors kontra att tal-Unjoni qabel il-pubblikazzjoni tiegħu u ladarba dan l-att ġie adottat ma tippreġudika barra minn hekk bl-ebda mod il-finalità ta’ terminu għall-preżentata ta’ rikors, li hija li tiżgura li tiġi mħarsa ċ-ċertezza legali billi jiġi evitat li l-atti tal-Unjoni li jkollhom effetti legali jkunu jistgħu jiġu kkontestati għal żmien indeterminat. Konsegwentement, għalkemm il-pubblikazzjoni ta’ att tagħti bidu għad-dekorrenza tat-termini għall-preżentata ta’ rikors sabiex l-imsemmi att isir definittiv, din ma hijiex kundizzjoni għall-għoti ta’ dritt li titressaq kawża kontra l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, PPG u SNF vs ECHA, C‑626/11 P, EU:C:2013:595, punti 35 sa 39). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors qabel il-pubblikazzjoni tal-att ikkontestat tista’ tiġi kkunsidrata biss bil-kundizzjoni li, kif tfakkar fil-punt 18 iktar ’il fuq, l-att inkwistjoni jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent.

22

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat u, għaldaqstant, jekk ir-rikors huwiex ammissibbli.

23

L-ewwel, għandu jitfakkar li r-regolament ikkontestat ġie adottat mill-Kummissjoni b’applikazzjoni ta’ delega ta’ setgħa li l-leġiżlatur taha skont l-Artikolu 290 TFUE. L-Artikolu 290(1) TFUE jipprevedi fil-fatt li att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali li jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv. Din l-istess dispożizzjoni żżid li l-atti leġiżlattivi għandhom jiddefinixxu espliċitament l-għanijiet, il-kontenut, il-portata u t-tul tad-delega ta’ setgħa. L-Artikolu 290(2) TFUE jippreċiża li l-atti leġiżlattivi jistabbilixxu espliċitament il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta d-delega, peress li dawn il-kundizzjonijiet huma, minn naħa, li l-Parlament jew il-Kunsill jistgħu jiddeċiedu li jirrevokaw id-delega u, min-naħa l-oħra, li l-att iddelegat jista’ jidħol fis-seħħ biss jekk, fit-terminu stabbilit mill-att leġiżlattiv, il-Parlament jew il-Kunsill ma jesprimux oġġezzjonijiet.

24

It-tieni, għandu jitfakkar li, permezz tar-Regolament Nru 347/2013, il-leġiżlatur iddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta u li tirrevedi l-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-infrastrutturi tal-enerġija trans-Ewropej strateġiċi.

25

Skont l-Artikolu 3(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 347/2013, din il-lista hija mfassla mill-Kummissjoni abbażi tal-listi reġjonali adottati mill-korpi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-gruppi reġjonali, komposti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, skont il-kontribuzzjoni ta’ kull proġett għall-implimentazzjoni tal-kurituri u tal-oqsma prijoritarji fil-qasam tal-infrastruttura tal-enerġija u tal-konformità tagħhom mal-kriterji applikabbli għall-proġetti ta’ interess komuni.

26

Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 347/2013, malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan lill-Parlament u lill-Kunsill simultanjament. Skont l-Artikolu 16(5) tal-istess regolament, att iddelegat adottat jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament jew mill-Kunsill f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dan l-att lill-Parlament u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dan it-terminu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li ma humiex ser joġġezzjonaw. Dan it-terminu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament jew tal-Kunsill.

27

It-tielet, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-fażi li matulha l-Parlament u l-Kunsill setgħu jressqu oġġezzjonijiet eventwali kontra r-regolament ikkontestat kienet inizjalment tiskadi fil‑31 ta’ Diċembru 2019. Din il-fażi ġiet estiża b’xahrejn, jiġifieri sad‑29 ta’ Frar 2020. Matul dawn l-erba’ xhur, il-Parlament u l-Kunsill ma qajmu ebda oġġezzjoni. Ir-regolament ikkontestat ġie għaldaqstant ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fil‑11 ta’ Marzu 2020 u daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu.

28

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament, jiġifieri fil‑25 ta’ Diċembru 2019, il-fażi tal-oġġezzjonijiet li matulha l-Parlament jew il-Kunsill setgħu jopponu għad-dħul fis-seħħ tar-regolament ikkontestat ma kinitx intemmet.

29

Issa, għandu jiġi enfasizzat li l-mekkaniżmu tad-delega ta’ setgħa stabbilit fl-Artikolu 290 TFUE għandu jiġi kkunsidrat fl-intier tiegħu. L-Artikolu 290(2) TFUE jipprevedi l-possibbiltà li d-delega tas-setgħa li jiġu adottati atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali tiġi suġġetta għal kundizzjoni, jiġifieri dik li l-eżami tal-“fażi tal-oġġezzjonijiet” isir fit-terminu stabbilit mill-att leġiżlattiv. Għalhekk, it-twettiq ta’ dan l-eżami ma jistax jiġi sseparat mill-implimentazzjoni tajba tad-delega ta’ setgħa.

30

Fir-Regolament Nru 347/2013, il-leġiżlatur irrikorra għall-possibbiltà prevista fl-Artikolu 290(2) TFUE li jissuġġetta d-delega ta’ setgħa tal-Kummissjoni għall-kundizzjoni tat-tlestija tal-fażi tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta, b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament, att iddelegat li jipproduċi effetti legali vinkolanti teħtieġ it-tlestija tal-proċedura kollha li tiggarantixxi l-implimentazzjoni tajba tad-delega ta’ setgħa u, għaldaqstant, li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni prevista mill-imsemmi regolament.

31

Fi kliem ieħor, dan ifisser li l-Kummissjoni tista’ toħloq att iddelegat li jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku u li b’hekk jipproduċi effetti legali vinkolanti biss billi tissodisfa l-kundizzjoni prevista mir-Regolament Nru 347/2013 u billi tissuġġetta l-att adottat għall-eżami tal-“fażi tal-oġġezzjonijiet” ta’ tul massimu ta’ erba’ xhur.

32

Kif ġie enfasizzat fil-punti 27 u 28 iktar ’il fuq, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 347/2013 ma kinitx issodisfatta fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament. Minn dan isegwi li l-att adottat mill-Kummissjoni fil‑31 ta’ Ottubru 2019 ma setax jitqies bħala definittiv fil‑25 ta’ Diċembru 2019 u ma setax jitqies bħala att li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti f’din l-istess data.

33

Minn dan isegwi li r-regolament ikkontestat ma kienx jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fil‑25 ta’ Diċembru 2019.

34

F’dan il-kuntest, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li eżami tal-mertu tar-rikors għal annullament kontra r-regolament ikkontestat jimplika li l-Qorti Ġenerali tagħmel evalwazzjoni fuq il-kwistjonijiet li dwarhom il-Parlament u l-Kunsill kien għad ma kellhomx l-okkażjoni li jesprimu ruħhom u b’hekk ikollu bħala konsegwenza antiċipazzjoni tad-dibattiti fuq il-mertu u konfużjoni tal-fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. L-ammissjoni ta’ tali rikors tkun għalhekk inkompatibbli mas-sistemi ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħall-Parlament u l-Kunsill, minn naħa, u l-qorti tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ żvolġiment regolari tal-proċedura amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 20, u tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 51).

35

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-regolament ikkontestat finalment ma ġiex emendat matul il-fażi tal-oġġezzjonijiet quddiem il-Parlament u l-Kunsill. Fil-fatt, il-fatt li l-att inizjali – jiġifieri r-regolament ikkontestat – ma ġiex emendat ma jbiddilx in-natura tiegħu. L-assenza ta’ emenda għalhekk ma tippermettix lill-Qorti Ġenerali tqis li r-regolament ikkontestat – att li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 20 iktar ’il fuq, huwa l-uniku wieħed li jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest tar-rikors għal annullament – jikkorrispondi mal-att definittiv adottat u li daħal fis-seħħ fi tmiem il-proċess leġiżlattiv stabbilit, skont l-Artikolu 290 TFUE, fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 347/2013.

36

Għal dawn ir-raġunijiet, ikun ukoll artifiċjali u żbaljat fid-dritt li jitqies li r-regolament ikkontestat kien jipproduċi effetti legali vinkolanti sa mill-adozzjoni tiegħu, jiġifieri fil‑31 ta’ Ottubru 2019, u li dawn kienu biss sospiżi għal eventwali oġġezzjoni tal-Parlament jew tal-Kunsill.

37

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jitqies li r-regolament ikkontestat ma huwiex att definittiv li jipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

38

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji, konformement mat-talbiet ta’ din tal-aħħar.

39

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Minn dan isegwi li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli.

 

2)

Aquind Ltd, Aquind Energy Sàrl u Aquind SAS huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

 

3)

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fil‑5 ta’ Marzu 2021.

Ir-Reġistratur

E. Coulon

Il-Presidenta

V. Tomljenović


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.