SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

4 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Appell – Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Ristrutturazzjoni u riżoluzzjoni tal-istabbilimenti ta’ kreditu u tal-impriżi tal-investiment – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni ta’ stabbilimenti ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni – Adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español SA – Regolament (UE) Nru 806/2014 – Artikolu 24 – Għodda tal-bejgħ tal-operat – Artikolu 21 – Żvalutazzjoni u konverżjoni ta’ strumenti finanzjarji – Strumenti finanzjarji tal-kategorija 2 – Rikors għal annullament – Annullament parzjali – Natura mhux diviżibbli – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑947/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑23 ta’ Diċembru 2019,

Carmen Liaño Reig, residenti fi Alcobendas (Spanja), irrappreżentata minn F. López Antón, abogado,

appellant

Parti oħra fil-proċedura:

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn A. Valavanidou, S. Branca u J. King, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring u T. Klupsch, Rechtsanwälte, kif ukoll minn F. B. Fernández de Trocóniz Robles, abogado,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl (Relatur), President tal-Awla, F. Biltgen u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Carmen Liaño Reig titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Liaño Reig vs SRB (T‑557/17, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2019:771), li permezz tiegħu hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż, minn naħa, għall-annullament tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) SRB/EES/2017/08 tas‑7 ta’ Ġunju 2017, dwar skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español SA (iktar ’il quddiem il-“Banco Popular”), sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi l-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 identifikati bl-International Securities Identification Number (in-Numru Internazzjonali ta’ Identifikazzjoni tat-Titoli, ISIN) XS 0550098569 f’azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni”), kif ukoll tal-valutazzjoni provviżorja mwettqa mill-espert indipendenti u tal-valutazzjoni provviżorja mwettqa mis-SRB u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens hekk mitlub, wara l-annullament, għat-telf allegatament imġarrab minħabba din il-konverżjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014

2

Skont il-punti 30, 40, 44, 47 u 51, tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1):

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

30.

‘għodda tal-bejgħ ta’ operat’ tfisser il-mekkaniżmu biex isir it-trasferiment minn awtorità ta’ riżoluzzjoni, ta’ strumenti ta’ sjieda maħruġa minn istituzzjoni taħt riżoluzzjoni, jew assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni lil xerrej li mhuwiex istituzzjoni tranżitorja, skont l-Artikolu 24;

[…]

40.

‘fondi proprji’ tfisser fondi proprji kif definit fil-punt (118) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2)];

[…]

44.

‘setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni’ tfisser is-setgħat imsemmija fl-Artikolu 21;

[…]

47.

‘Strumenti tal-Grad 2’ tfisser strumenti kapitali jew dejn subordinat li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 63 tar-Regolament (UE) [Nru 575/2013];

[…]

51.

‘strumenti kapitali rilevanti’ tfisser strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali u strumenti tal-Grad 2”.

3

L-Artikolu 15(1)(a)(b)(f) u (g) tar-Regolament 806/2014 jipprovdi:

“1.   Meta jaġixxu skont il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea], l-Kummissjoni [Ewropea] u, fejn rilevanti, l-awtortitajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont il-prinċipji li ġejjin:

1

l-azzjonisti tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu l-ewwel telf;

2.

il-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu t-telf wara l-azzjonisti skont l-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 17, ħlief fejn previst espressament mod ieħor f’dan ir-Regolament;

[…]

f)

ħlief fejn previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-kredituri tal-istess klassi jiġu ttrattati b’mod ekwu;

g)

l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf akbar milli kien iġarrab li kieku entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza skont is-salvagwardji previsti fl-Artikolu 29.”

4

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ordni tal-prijorità tal-pretensjonijiet”, jipprevedi:

“1.   Meta japplikaw l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna lil entità msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet esklużi mill-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna skont l-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-Regolament, il-Bord, il-Kummissjoni jew, fejn applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom jiddeċiedu dwar l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni, inkluża kwalunkwe applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 27(5) ta’ dan ir-Regolament, u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat skont l-Artikoli 47 u 48 tad-Direttiva 2014/59/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2014, L 173, p. 190)] u skont l-ordni kuntrarja ta’ prijorità tal-pretensjonijiet stipulati fill-liġi nazzjonali tagħhom, inklużi d-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 108 tad-Direttiva 2014/59/UE.

2.   L-Istati Membri parteċipanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord dwar il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet fil-konfront tal-entitajiet imsemmija fl-Artikoli 2 fi proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza fl-1 ta’ Lulju ta’ kull sena kalendarja jew immedjatament, fejn ikun hemm bidla fil-klassifikazzjoni.

Fejn tiġi applikata l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, l-iskema rilevanti ta’ garanzija tad-depożiti għandha tkun responsabbli skont it-termini previsti fl-Artikolu 79.”

5

Skont l-Artikolu 21(1), (7), (10) u (11) tal-imsemmi regolament:

“1.   Il-Bord għandu jeżerċita s-setgħa li jagħmel valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti billi jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18, fir-rigward tal-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(2), u lill-entitajiet u l-gruppi msemmija fl-Artikolu 7(4) (b) u (5), fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi, biss fejn jivvaluta, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu, hekk kif jirċievi komunikazzjoni skont it-tieni subparagrafu jew fuq inizjattiva proprja, li tkun ġiet sodisfatta kondizzjoni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

1.

fejn ikun ġie stabbilit li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni speċifikati fl-Artikoli 16 u 18 qabel ma tkun ittieħdet kwalunkwe azzjoni ta’ riżoluzzjoni;

2.

l-entità mhux se tibqa’ vijabbli sakemm l-istrumenti kapitali rilvanti ma ssirilhomx valwazzjoni negattiva jew jiġu konvertiti f’ekwità;

3.

f’każ ta’ strumenti kapitali rilevanti maħruġa minn sussidjarja u fejn dawk l-istrumenti kapitali rilvanti jiġu rikonoxxuti għall-finijiet li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ fondi proprji fuq bażi individwali u fuq bażi konsolidata, sakemm is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni ma tiġix eżerċitata fir-rigward ta’ dawk l-istrumenti, il-grupp ma jibqax aktar vijabbli;

4.

f’każ ta’ strumenti kapitali rilevanti maħruġa fil-livell ta’ impriża prinċipali u fejn dawk l-istrumenti kapitali rilevanti jiġu rikonoxxuti għall-finijiet li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta’ fondi proprji fuq bażi individwali fil-livell ta’ impriża prinċipali jew fuq bażi konsolidata, sakemm is-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ma tiġix eżerċitata fir-rigward ta’ dawk l-istrumenti, il-grupp ma jibqax aktar vijabbli;

5.

hija meħtieġa għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja għall-entità jew il-grupp, ħlief fi kwalunkwe ċirkostanza stipulata fil-punt (d)(iii) tal-Artikolu 18(4).

Il-valutazzjoni tal-kondizzjonijiet msemmija fil-punti (a), (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-[Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)] wara konsultazzjoni mal-Bord. Il-Bord, fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu jista’ jagħmel ukoll tali valutazzjoni.

[…]

7.   Jekk tiġi sodisfatta -kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1, il-Bord meta jaġixxi skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 18, għandu jiddetermina jekk is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva u konverżjoni tal-istrumenti kapitali rilevanti għandhomx jiġu eżerċitati indipendentement jew, skont il-proċedura fl-Artikolu 18, f’kumbinazzjoni ma’ azzjoni ta’ riżoluzzjoni.

[…]

10.   Il-Bord għandu jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni mingħajr dewmien, f’konformità mal-prijorità tat-talbiet skont l-Artikolu 17 u b’mod li jipproduċu r-riżultati li ġejjin:

a)

il-punti tal-Ekwità Komuni tal-Grad 1 jitnaqqsu l-ewwel, fi proporzjon mat-telf u sal-kapaċità tagħhom;

b)

l-ammont kapitali tal-Grad 1 Addizzjoniali istrumenti kapitali rilevanti jiġi valwat negattivament jew ikkonvertit fi strumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni, jew sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 jew sal-kapaċità tal-istrumenti kapitali rilevanti, skont liema huwa inqas.

c)

l-ammont prinċipali ta’ strumenti tal-Grad 2 isirlu valwazzjoni negattiva jew jiġi konvertit fi strument tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew it-tnejn li huma, sal-punt meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 14 jew sal-punt tal-kapaċità tal-istrumenti kapitali rilevanti, liema minnhom ikun l-aktar baxx.

11.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jimplimentaw l-istruzzjonijiet tal-Bord u jeżerċitaw is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 29.”

6

Skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 806/2014:

“Fejn il-Bord jiddeċiedi li japplika għodda ta’ riżoluzzjoni fuq entità jew grupp imsemmija fl-Artikolu 7(2) jew fuq entità jew grupp imsemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi huma sodisfatti u dik l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tirriżulta f’telf li jiġġarrab mill-kredituri jew il-pretensjonijiet tagħhom jiġu kkonvertiti, il-Bord għandu jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex jeżerċita s-setgħa biex jagħmel valwazzjoni negattiva u jikkonverti l-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21 immedjatament qabel jew flimkien mal-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni.”

7

L-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Fi ħdan l-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-għodda tal-bejgħ ta’ operat għandha tikkonsisti fit-trasferiment għand xerrej li mhuwiex istituzzjoni tranżitorja ta’ dan li ġej:

1.

strumenti ta’ sjieda maħruġa minn istituzzjoni taħt riżoluzzjoni; jew

2.

l-assi, id-drittijiet jew l-obbligazzjonijiet kollha ta’ istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jew kwalunkwe waħda minn dawn.

2.   Dwar l-għodda tal-bejgħ ta’ operat, l-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi:

a)

l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet li għandhom jiġu ttrasferiti minn awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-Artikolu 38(1) u (7) sa (11) tad-Direttiva [2014/59];

b)

it-termini kummerċjali, b’ kont meħud taċ-ċirkostanzi u l-ispejjeż u l-infiq imġarrba fil-proċess tar-riżoluzzjoni, skont liema l-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni għandha tagħmel trasferiment f’konformità mal-Artikolu 38(2), (3) u (4) tad-Direttiva [2014/59];

c)

jekk is-setgħat ta’ trasferiment jisgħux jiġu eżerċitati mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni aktar minn darba skont l-Artikolu 38(5) u (6) tad-Direttiva [2014/59];

d)

ll-arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ta’ dik l-entità jew dawk l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 39(1) u (2) tad-Direttiva [2014/59];

e)

jekk il-konformità mar-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni x’aktarx li thedded l-objettivi ta’ riżoluzzjoni skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-Bord għandu japplika l-għodda tal-bejgħ ta’ operat mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati fil-punt (e) tal-paragrafu 2 meta jiddetermina li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx timmina xi wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni u b’ mod partikolari jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

iqis li hemm theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tinħoloq jew tiġi aggravata mill-falliment u l-falliment possibbli tal-istituzzjoni taħt ir-riżoluzzjoni; u

b)

jqis li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx thedded l-effettività tal-għodda tal-bejgħ ta’ operat fl-indirizzar ta’ dik it-theddida jew biex jintlaħaq l-objettiv ta’ riżoluzzjoni speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 14(2).”

Ir-Regolament Nru 575/2013

8

Il-punt (118) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 575/2013, jiddefinixxi l-kunċett “fondi proprji” bħala “it-total ta’ kapital ta’ Grad 1 u kapital ta’ Grad 2.”

9

Skont l-Artikolu 63(n) ta’ dan ir-regolament, fil-verżjoni applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni:

“L-istrumenti ta’ kapital u self subordinat għandhom jikkwalifikaw bħala strumenti ta’ Grad 2 sakemm il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

[…]

n)

fejn l-istrumenti ma jinħarġux direttament minn istituzzjoni, jew fejn is-self subordinat ma jiġix riċevut direttament minn istituzzjoni, kif applikabbli, iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu sodisfatti:

i)

l-istrumenti jinħarġu jew is-self subordinat jiġi riċevut, kif applikabbli, permezz ta’ entità, li hija parti mill-konsolidazzjoni skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu II tal-Parti Wieħed;

ii)

ir-rikavati jkunu immedjatament disponibbli għall-istituzzjoni mingħajr limitazzjoni f’forma li tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma miġbura fil-qosor kif ġej fil-punti 1 sa 11 tad-digriet appellat:

“1.

Ir-rikorrenti […] Liaño Reig, kienet proprjetarja ta’ vawċer b’valur nominali ta’ EUR 50000 maħruġ minn BPE Financiaciones, SA identifikat mill-[ISIN] XS 0550098569, qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ […] riżoluzzjoni fir-rigward ta’ [Banco Popular].

2.

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-[SRB] adotta d-deciżjoni [ta’ riżoluzzjoni], abbażi tar-[Regolament Nru 806/2014].

3.

Qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, saret valutazzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. Din il-valutazzjoni tinkludi żewġ rapporti li huma annessi mad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. L-ewwel rapport ta’ valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-‘valutazzjoni 1’), tal‑5 ta’ Ġunju 2017, tfassal mis-SRB skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 u kellu bħala għan li jipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tal-iskattar ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, kinux issodisfatti. It-tieni rapport ta’ valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-‘valutazzjoni 2’), tas‑6 ta’ Ġunju 2017, tfassal minn espert indipendenti […] b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li tistma l-valur tal-attiv u tal-passiv ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li jipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB jiddetermina dak li jikkostitwixxu kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

4.

Fl-Artikolu 5(1) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda li:

‘l-għodda ta’ riżoluzzjoni applikat għal Banco Popular ser tikkonsisti fi bejgħ tal-operat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 permezz tat-trasferiment tal-azzjonijiet lil xerrej. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji għandhom jitwettqu immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ tan-negozju.’

5.

L-Artikolu 6 tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni jikkonċerna l-iżvalutazzjoni tal-istrumenti finanzjarji u l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, is-SRB indika liema miżuri kien iddeċieda b’applikazzjoni tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni tiegħu prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014.

6.

Għalhekk, fl-Artikolu 6(1) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda:

a)

l-ewwel nett, li jniżżel l-ammont nominali tal-kapital azzjonarju [tal-] Banco Popular bl-ammont ta’ EUR 2098429046, li jwassal għall-kanċellazzjoni ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular;

b)

it-tieni nett, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti finanzjarji addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-‘azzjonijiet ġodda I’;

c)

it-tielet nett, li jniżżel għal żero l-valur nominali tal- “azzjonijiet ġodda I” li jwassal għall-kanċellazzjoni ta’ 100 % ta’ dawn l-‘azzjonijiet ġodda I’,

d)

fl-aħħar nett, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-‘azzjonijiet ġodda II’. L-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 ikkonċernati huma kkonvertiti f’‘azzjonijiet ġodda II’.

7.

L-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni jipprevedi li dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni huma bbażati fuq l-valutazzjoni 2, ikkorroborata mir-riżultati ta’ proċess ta’ bejgħ trasparenti u bil-miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ Ristrutturazzjoni Ordnat tal-Istabbilimenti Bankarji).

8.

Fl-Artikolu 6(5) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li huwa kien qiegħed jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ bejgħ tal-operat u ordna li l-“azzjonijiet ġodda II” jiġu ttrasferiti lil Banco Santander, SA, liberi u mingħajr ebda dritt jew privileġġ favur terz, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1. Huwa ppreċiżat li x-xerrej diġà ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment.

9.

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni […] adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español [S.A.] (ĠU 2017, L 178, p. 15).

10.

Fl-istess jum, il-FROB adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 806/2014. F’dan il-kuntest, il-FROB ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular li rriżultaw mill-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 lil Banco Santander.

11.

Fit‑28 ta’ Settembru 2018, wara amalgamazzjoni, Banco Santander saret l-aventi kawża b’titolu universali ta’ Banco Popular.”

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

11

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Awwissu 2017, l-appellanti ppreżentat rikors intiż, minn naħa, għall-annullament tal-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi l-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 identifikati mill-ISIN XS 0550098569 f’azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular, kif ukoll tal-valutazzjoni provviżorja mwettqa mill-espert indipendenti u tal-valutazzjoni provviżorja mwettqa mis-SRB u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens, wara l-annullament hekk mitlub, għat-telf allegatament imġarrab minħabba din il-konverżjoni.

12

Fl‑14 ta’ Frar 2018, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB jipproduċi ċerti dokumenti. Is-SRB wieġeb għal din it-talba fit-terminu stabbilit.

13

Fis‑6 ta’ Lulju 2018, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet dwar, b’mod partikolari, l-interess ġuridiku u l-locus standi tal-appellanti. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

14

Fis‑17 ta’ Mejju 2019, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Dawn il-mistoqsijiet kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u n-natura diviżibbli ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu stabbilit.

15

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 129 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, iddeċidiet li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat fir-rigward tal-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku u ċaħdet ir-rikors bħala manifestament inammissibbli mingħajr ma ddeċidiet fuq il-motivi invokati mill-appellanti.

16

Għal dan il-għan, fir-rigward, l-ewwel nett, tat-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni Ewropea huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li l-annullament tagħhom huwa mitlub huma diviżibbli mill-kumplament ta’ dan l-att. Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li dan ir-rekwiżit ta’ diviżibbiltà ma huwiex issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jbiddel is-sustanza tiegħu. Fir-rigward tal-verifika tan-natura diviżibbli tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, din tippreżupponi l-eżami tal-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk l-annullament tagħhom ibiddilx l-ispirtu u s-sustanza tad-deċiżjoni li l-annullament tagħha huwa mitlub. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali indikat li, sa fejn kienet adita b’talba għall-annullament parzjali ta’ deċiżjoni, għandu jiġi vverifikat jekk tali annullament parzjali kienx possibbli. Fil-fatt, jekk dan ma kienx il-każ, ir-rikors ikollu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiddikjara n-nullità ta’ att fl-intier tiegħu, jekk tkun ġiet adita biss b’talba għal dikjarazzjoni ta’ nullità parzjali, ħlief jekk tiddeċiedi ultra petita.

17

Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni li l-annullament tagħha kien mitlub, jiġifieri, id-dispożizzjoni li tipprevedi l-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 miżmuma mill-appellanti, hijiex diviżibbli mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular fl-intier tagħha, il-Qorti Ġenerali fakkret li t-titoli maħruġa minn BPE Financiaciones u miżmuma mill-appellanti kienu strumenti finanzjarji tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular, identifikati fl-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni fost l-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular li kellhom jiġu żvalutati u kkonvertiti f’ “azzjonijiet ġodda II”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żiedet li, skont l-Artikolu 6 tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, l-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata, jiġifieri l-bejgħ tal-operat, kienet tippreżupponi, fil-każ ta’ Banco Popular, il-konverżjoni minn qabel tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 identifikati fid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni għal “azzjonijiet ġodda II”. Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li, skont l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni kienu bbażati fuq il-valutazzjoni 2, ikkorroborata mir-riżultati ta’ proċess ta’ bejgħ trasparenti u bil-miftuħ imwettaq mill-FROB. Issa, peress li Banco Santander ipproponiet li tixtri l-azzjonijiet ta’ Banco Popular għall-prezz ta’ EUR 1, li kien jinvolvi b’mod partikolari l-konverżjoni ta’ 100 % tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular, il-konverżjoni ta’ dawn l-istrumenti kollha kienet prerekwiżit neċessarju għat-twettiq tal-bejgħ lil Banco Santander li ma setax iseħħ taħt l-istess kundizzjonijiet li kieku wħud mill-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma kinux ġew ikkonvertiti. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti l-oħra mressqa mill-appellanti dwar in-natura diviżibbli tad-deċiżjoni ta’ konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 mid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni fl-intier tagħha.

18

Fir-rigward, it-tieni nett, tat-talba għall-annullament tal-valutazzjonijiet 1 u 2, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li peress li t-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ġiet miċħuda bħala inammissibbli, din it-talba kellha wkoll tiġi ddikjarata inammissibbli.

19

It-tielet nett, fir-rigward tat-talba għal kumpens, il-Qorti Ġenerali qieset li peress li t-talba għal annullament ġiet miċħuda bħala inammissibbli, din it-talba kellha wkoll tiġi miċħuda, bla ħsara għall-possibbiltà għall-appellanti li tippreżenta sussegwentement rikors għad-danni eventwali.

It-talbiet tal-partijiet

20

Permezz tal-appell tagħha, Liaño Reig titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tilqa’ l-appell u tannulla d-digriet appellat fir-rigward taċ-ċaħda tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali bħala inammissibbli u tal-kundanna tagħha għall-ispejjeż, li jinsabu rispettivament fil-punti 1 u 3 tad-dispożittiv ta’ dan id-digriet, u

tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, billi tilqa’ t-talbiet kollha tagħha indikati fir-rikors quddiem l-ewwel istanza jekk hija tqis li din il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża jew, fin-nuqqas, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni, filwaqt li tirriżerva l-ispejjeż.

21

Is-SRB jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-appell

22

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, maqsum fi tmien partijiet, l-appellanti tikkontesta d-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li d-dispożizzjoni li l-annullament tagħha kien mitlub ma kinitx diviżibbli mill-elementi l-oħra tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mingħajr ma tibdel is-sustanza ta’ din id-deċiżjoni. Permezz tat-tieni aggravju, maqsum fi tliet partijiet, l-appellanti tikkontesta d-digriet appellat sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni kien jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kredituri li jappartjenu għall-istess kategorija. Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti tikkontesta l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-valutazzjonijiet 1 u 2. Fl-aħħar nett, permezz tar-raba’ aggravju, l-appellanti tikkontesta l-inammissibbiltà tat-talba għal kumpens.

Fuq l-ewwel, it-tielet, ir-raba’ u s-sitt sat-tmien parti tal-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

23

Permezz tal-ewwel, tat-tielet, tar-raba’ u tas-sitt sat-tmien parti tal-ewwel aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li d-digriet appellat, u, b’mod partikolari, il-punti 30 u 35, 31 u 32, 40 u 42 tiegħu, huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni u li l-Qorti Ġenerali ma indirizzatx uħud mill-argumenti tagħha.

24

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tidentifika s-sustanza tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ma mmotivatx id-dikjarazzjoni li l-konverżjoni tal-vawċers BPE Financiaciones f’azzjonijiet ta’ Banco Popular kienet importanti għat-trasferiment tal-kapital azzjonarju kollu tagħha lil Banco Santander, u lanqas ma spjegat ir-raġunijiet li għalihom l-argument tal-appellanti kien “illoġiku”. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tispjega l-kriterju oġġettiv li fuqu hija bbażat l-inammissibbiltà tar-rikors. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx l-evalwazzjoni tagħha li abbażi tagħha kien neċessarju, għall-finijiet tat-trasferiment lil Banco Santander tal-kapital azzjonarju kollu ta’ Banco Popular, li l-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 jiġu kkonvertiti bħala prerekwiżit għall-eżekuzzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fil-bejgħ tal-operat. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx iċ-ċaħda ta’ diversi allegazzjonijiet tal-appellanti dwar in-nuqqas ta’ validità tal-valutazzjoni 2, l-assenza ta’ natura sinjifikattiva tal-ammont tat-titoli li hija kellha fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji kollha ta’ Banco Popular li ġew żvalutati u kkonvertiti kif ukoll dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

25

Is-SRB jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali jobbligaha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li tkun segwiet, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni, C‑378/16 P, EU:C:2020:575, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Sussegwentement, skont ġurisprudenza stabbilita ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-appelli, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ tkun impliċita, sakemm hija tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-motivi li l-Qorti Ġenerali tibbaża ruħha fuqhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-informazzjoni suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni, C‑606/18 P, EU:C:2020:571, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti Ġenerali l-obbligu li tipprovdi espożizzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, SATCEN vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fl-aħħar nett, l-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi li fuqhom huwa bbażat id-digriet appellat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37, u tat‑30 ta’ April 2019, L-Italja vs Il-Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17,EU:C:2019:332, punt 48), b’tali mod li l-fatt li l-Qorti Ġenerali tkun, fil-mertu, waslet għal konklużjoni differenti minn dik tar-rikorrent ma jistax fih innifsu jivvizzja dan id-digriet b’nuqqas ta’ motivazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, EU:C:2010:287, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fir-rigward tal-ewwel u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma identifikatx, fil-punt 40 tad-digriet appellat, is-sustanza tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u, għaldaqstant, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza li abbażi tagħha, sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà ta’ talba għall-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni, għandu jiġi ddeterminat, fid-dawl ta’ kriterju oġġettiv, jekk tali annullament ibiddilx is-sustanza tal-att inkwistjoni.

30

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 27 sa 36 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali evalwat in-natura diviżibbli tal-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni li l-annullament tagħha kien mitlub mill-appellanti.

31

Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali analizzat id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u minn dan iddeduċiet li, minn naħa, l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji addizzjonali kollha tal-kategorija 1 u l-konverżjoni tal-istrumenti finazjarji kollha tal-kategorija 2 kienu jikkostitwixxu prerekwiżit għall-implimentazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat u, min-naħa l-oħra, il-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular kienet prerekwiżit neċessarju għat-twettiq tal-bejgħ lil Banco Santander.

32

Issa, għalkemm il-Qorti Ġenerali ma indikatx dan espressament, tali elementi juru l-kontenut u s-sustanza tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, din l-analiżi tal-Qorti Ġenerali turi li, b’dan il-mod, hija, konformement mal-ġurisprudenza (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 38), evalwat abbażi ta’ kriterju oġġettiv, jiġifieri l-kontenut tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, jekk l-element ta’ din id-deċiżjoni li l-annullament tagħha kien mitlub kienx diviżibbli mill-kumplament tal-imsemmija deċiżjoni, u jekk l-annullament parzjali tal-istess deċiżjoni jkollux l-effett li jibdel is-sustanza.

33

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-punt 40 tad-digriet appellat huwa intiż sabiex jindirizza l-argument tal-appellanti mfakkar fil-punt 39 ta’ dan id-digriet, u mhux sabiex tiġi evalwata, stricto sensu, in-natura diviżibbli tal-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali tesponi, fil-punt 40 tal-imsemmi digriet, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġuni li għaliha hija tikklassifika l-argument tagħha bħala “illoġiku”. Għalhekk, mit-tieni sentenza ta’ dan il-punt, introdotta, effettivament, bil-frażi “fil-fatt”, jirriżulta li dan l-argument huwa “illoġiku”, għaliex li kieku t-titoli li r-rikorrenti kellha ma kinux ġew ikkonvertiti f’ “azzjonijiet ġodda II”, kien ikun impossibbli li jitqies li l-kapital azzjonarju kollu ta’ Banco Popular kien ġie ttrasferit lil Banco Santander.

34

Minn dan isegwi li l-ewwel u t-tielet parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda.

35

Fir-rigward tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-punti 30 u 35 tad-digriet appellat huma vvizzjati b’nuqqas ta’ motivazzjoni dwar in-neċessità ta’ konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 bħala prerekwiżit għall-eżekuzzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fil-bejgħ tal-operat.

36

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jiġi enfasizzat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 30 tad-digriet appellat, sempliċement identifikat is-sustanza tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni billi fakkret il-kontenut tal-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni mingħajr ma wettqet ebda evalwazzjoni tan-neċessità li jiġu kkonvertiti l-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 bħala prerekwiżit indispensabbli għall-eżekuzzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni.

37

Fir-rigward tal-punt 35 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali tindika fih li, għar-raġunijiet li għadha kemm elenkat, il-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular kienet prerekwiżit neċessarju għat-twettiq tal-bejgħ lil Banco Santander, li dan il-bejgħ ma setax iseħħ taħt l-istess kundizzjonijiet li kieku wħud mill-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma kinux ġew ikkonvertiti u li l-annullament tal-konverżjoni ta’ wħud minn dawn l-istrumenti kien ikun ta’ natura li jbiddel is-sustanza tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

38

Konsegwentement, dan il-punt ma jistax jinqara’ separatament mill-punti 28 sa 34 tad-digriet appellat preċedenti għalih li fihom il-Qorti Ġenerali, konformement mar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, esponiet il-motivi li wassluha sabiex tqis li l-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 kienet prerekwiżit neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni.

39

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 35 tad-digriet appellat hija suffiċjentement motivata.

40

L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 35 tad-digriet appellat, wettqet żball ta’ liġi sa fejn, fid-dawl tad-diversi argumenti li hija ressqet, kien ikun iġġustifikat li jiġi konkluż li kieku l-vawċers BPE Financiaciones ma kinux ġew ikkonvertiti f’azzjonijiet ta’ Banco Popular, Banco Santander la kienet tkun irrinunzjat milli tippreżenta l-offerta tagħha għall-akkwist tal-operat ta’ Banco Popular u lanqas ma kienet tkun naqset il-prezz ta’ xiri offrut, b’tali mod li l-konverżjoni tal-vawċers BPE Financiaciones f’azzjonijiet ta’ Banco Popular ma kinitx timplika l-modifika tal-kundizzjonijiet tal-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular lil Banco Santander u li l-annullament mitlub ma jaffettwa bl-ebda mod is-sustanza tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti tinvoka argumenti mressqa fir-rigward tal-legalità tad-dispożizzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Issa, il-kwistjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni għandha tiġi distinta minn dik tal-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament parzjali tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata tevalwa u tindirizza l-argumenti invokati kontra l-legalità tagħha.

42

Għaldaqstant, l-appellanti ma tistax tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi u ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni billi naqset milli tevalwa argumenti dwar il-legalità tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

43

Konsegwentement, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

44

Fir-rigward tas-sitt u t-tmien parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat, l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-valutazzjoni 2 u li hija injorat ukoll l-allegazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 dwar l-osservanza tal-kundizzjoni tan-natura diviżibbli.

45

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, fil-punti 31 u 32 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali sempliċement esponiet id-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u, b’mod partikolari, l-Artikolu 6(4) tagħha.

46

Jekk, b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali semmiet il-valutazzjoni 2, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti tikkritikaha li, waqt l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tat-talba tagħha għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti argumenti mressqa fir-replika kontra l-legalità ta’ din id-deċiżjoni.

47

Issa, kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament kontra att tal-Unjoni, il-kwistjoni tal-legalità ta’ dan l-att għandha tiġi distinta minn dik tal-ammissibbiltà tat-talba għal annullament parzjali tal-imsemmija deċiżjoni.

48

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, b’risposta għad-domanda 2 magħmula abbażi tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tas‑17 ta’ Mejju 2019, l-appellanti indikat li, kif hija kienet sostniet fil-punt 37 tar-replika, minkejja li l-vawċers maħruġa minn BPE Financiaciones kienu kkunsidrati bħala strument finanzjarju rilevanti u minkejja li miżura ta’ riżoluzzjoni setgħet tiġi applikata għal strumenti finanzjarji maħruġa minn sussidjarja li ma jaqgħux taħt ir-Regolament Nru 806/2014, dan jeżiġi, fl-Artikolu 21(1)(c) tiegħu, għall-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-vawċers, li l-grupp ma jibqax profittabbli sakemm ma tintużax is-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji maħruġa mis-sussidjarja.

49

Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali, fid-digriet appellat, ma ħaditx pożizzjoni b’mod espliċitu fuq dan l-argument tal-appellanti.

50

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tad-digriet appellat, esponiet b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet li għalihom kellu jiġi miċħud l-argument li l-assenza ta’ konverżjoni tat-titoli miżmuma mill-appellanti ma kinitx tkun tipprekludi t-trasferiment tal-azzjonijiet kollha lil Banco Santander taħt l-istess kundizzjonijiet.

51

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 43 sa 51 tad-digriet appellat, esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-raġunijiet għalfejn l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-kredituri kollha tal-istess kategorija u l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 ma kinitx tipprekludi li d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tirrigwarda strumenti finanzjarji bħal dawk miżmuma mill-appellanti, jiġifieri strumenti finanzjarji tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular maħruġa minn sussidjarja miżmuma kompletament minnha.

52

Minn dan jirriżulta li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali impliċitament ikkunsidrat li l-allegazzjoni tal-appellanti dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 ma setgħetx tippermetti li jintwera li l-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, li l-annullament tiegħu kien mitlub mir-rikorrenti, kien diviżibbli minn din id-deċiżjoni.

53

Barra minn hekk, għandu jiġi indikat ukoll li din l-allegazzjoni tal-appellanti li l-kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament għall-iżvalutazzjoni u għall-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji inkwistjoni ma kinux issodisfatti kienet tirrigwarda l-legalità tal-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u mhux il-kwistjoni tan-natura diviżibbli ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma weġbitx b’mod espliċitu.

54

Għalhekk, is-sitt u t-tmien parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda.

55

Fir-rigward tas-seba’ parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-punt 42 tad-digriet appellat huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx iċ-ċaħda tal-argument tal-appellanti msemmi fil-punt 41 tad-digriet appellat u lanqas in-neċessità tal-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji kollha qabel ma wettqet l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat permezz tat-trasferiment lil Banco Santander tal-kapital azzjonarju kollu ta’ Banco Popular.

56

F’dan ir-rigward, minn naħa, sa fejn l-appellanti ssostni li l-punt 42 tad-digriet appellat huwa vvizzjat bl-istess nuqqas ta’ motivazzjoni bħall-punt 30 ta’ dan id-digriet, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, fil-punt 30 tal-imsemmi digriet, li tidentifika s-sustanza tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni billi fakkret il-kontenut tal-Artikolu 6 tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

57

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 42 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-appellanti billi indikat li l-fatt li t-titoli li hija kellha kienu jirrappreżentaw biss ammont żgħir kien irrilevanti sa fejn l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni qabel it-trasferiment kellu jirrigwarda l-istrumenti finanzjarji kollha ta’ Banco Popular.

58

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ġġustifikat iċ-ċaħda tal-argument tal-appellanti. Barra minn hekk, hija ma tistax issostni li l-Qorti Ġenerali ma mmotivatx in-neċessità li tikkonverti l-istrumenti finanzjarji kollha qabel ma wettqet l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat permezz tat-trasferiment lil Banco Santander tal-kapital azzjonarju kollu ta’ Banco Popular peress li tali motivazzjoni tinsab espliċitament fil-punti 28 sa 35 tad-digriet appellat.

59

Għaldaqstant, is-seba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel, it-tielet, ir-raba’ u s-sitt sat-tmien parti tal-ewwel aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

61

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma kienx diviżibbli minn din id-deċiżjoni.

62

Il-punt 40 tad-digriet appellat huwa żbaljat u infondat peress li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data dwar l-ammonti tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 imsemmija fl-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u kkonvertiti f’azzjonijiet ta’ Banco Popular. Barra minn hekk, l-appellanti ma llimitatx ruħha li tindika biss li BPE Financiaciones ma setgħetx tiġi suġġetta għal riżoluzzjoni u qatt ma sostniet li din l-entità kienet is-suġġett tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda allegat li r-Regolament Nru 806/2014, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 21 tiegħu, dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ konverżjoni u ta’ żvalutazzjoni ta’ strumenti finanzjarji, ma huwiex applikabbli għaliha. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi, fil-punti 45 u 46 tad-digriet appellat, billi applikat indebitament għall-vawċers maħruġa minn BPE Financiaciones il-prinċipju ġenerali ta’ riżoluzzjoni previst fl-Artikolu 15(1)(f) tar-Regolament Nru 806/2014 filwaqt li din l-entità ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli għaliha. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 44 sa 46 u 51 tad-digriet appellat, bl-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-vawċers maħruġa minn BPE Financiaciones.

63

Is-SRB jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni tinkludi żewġ partijiet. Minn naħa, is-SRB indika, fl-Artikoli 1 sa 4 ta’ din id-deċiżjoni, li jikkostitwixxu t-“Titolu I”, ir-raġunijiet għalfejn il-Banco Popular kellu jkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni. Min-naħa l-oħra, is-SRB indika, fl-Artikoli 5 sa 7 tal-imsemmija deċiżjoni, li jikkostitwixxu t-“Titolu II”, l-għodda ta’ din ir-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni jindika l-għodda ta’ riżoluzzjoni implimentata, f’dan il-każ l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, u l-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni jispeċifika li, qabel it-trasferiment, is-SRB jagħmel użu mis-setgħa tiegħu ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji ta’ Banco Popular.

65

Fir-rigward tal-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni li l-annullament tiegħu kien mitlub mill-appellanti, is-SRB indika fih li l-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular kellhom jiġu żvalutati u kkonvertiti f’ “azzjonijiet ġodda II” u ħejja lista ta’ dawn l-istrumenti li tinkludi l-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 maħruġa minn BPE Financiaciones, identifikati mill-ISIN XS 0550098569.

66

Minn dan isegwi li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kien intiż għall-annullament ta’ element individwali tal-lista ta’ strumenti finanzjarji rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

67

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss sa fejn l-elementi li l-annullament tagħhom huwa mitlub ikunu diviżibbli mill-kumplament ta’ dan l-att. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li dan ir-rekwiżit ma jkunx issodisfatt meta l-annullament parzjali ta’ att ikollu l-effett li jibdel is-sustanza tiegħu (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il-Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Minn dan isegwi li l-verifika tan-natura diviżibbli tal-elementi ta’ att tal-Unjoni tippreżupponi l-eżami tal-portata tagħhom, sabiex jiġi evalwat jekk annullament ta’ dawn l-elementi jibdilx l-ispirtu u s-sustanza ta’ dan l-att (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, SolarWorld vs Il-Kunsill, C‑204/16 P, EU:C:2017:838, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan il-każ, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti.

70

Fil-fatt, l-elementi tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni dwar l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji ma jistgħux jiġu diviżi mill-elementi l-oħra ta’ din id-deċiżjoni, u, b’mod partikolari, mill-għażla li tintuża l-għodda ta’ riżoluzzjoni li tikkonsisti fil-bejgħ tal-operat.

71

Is-sustanza ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ tinkludi mhux biss l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni, iżda wkoll l-għażla li din tingħaqad mal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji kif ukoll mal-modalitajiet tal-implimentazzjoni tagħhom.

72

Għaldaqstant, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni kien intrinsikament marbut mas-sustanza stess tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u li l-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni jippreġudika s-sustanza tal-imsemmija deċiżjoni li tippreżupponi li l-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular ġew żvalutati, u sussegwentement ikkonvertiti f’“azzjonijiet ġodda II”.

73

Għalhekk, l-ewwel nett, mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 15(1)(b), tal-Artikolu 17, tal-Artikolu 21(10)(c) u tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, meta entità tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, l-iżvalutazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tiddependi mil-livell ta’ telf ta’ din l-entità. Għaldaqstant, l-iżvalutazzjoni sħiħa tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 hija meħtieġa jekk it-telf jilħaq dan il-livell ta’ prijorità tad-djun.

74

It-tieni nett, l-għodda ta’ riżoluzzjoni magħżula f’dan il-każ, jiġifieri l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, tippreżupponi t-tagħqid flimkien ta’ provvista u domanda, b’tali mod li t-tqegħid inkwistjoni tal-iżvalutazzjoni u tal-konverżjoni ta’ strument finanzjarju tal-kategorija 2, bħal dak imsemmi fit-talba għal annullament tal-appellanti, neċessarjament tippreġudika l-prezz propost minn Banco Santander u, għaldaqstant, il-bejgħ tal-operat lil din l-entità u l-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni.

75

Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 40 tad-digriet appellat, wettqet żball meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni d-data dwar l-ammonti tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 imsemmija fl-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni u kkonvertiti f’azzjonijiet ta’ Banco Popular.

76

Fil-fatt, minn naħa, id-delimitazzjoni tal-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 li għandhom ikunu s-suġġett ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni qabel l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni hija, skont l-Artikolu 15(1)(b), l-Artikolu 17 u l-Artikolu 21(10)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, iddeterminata mil-livell ta’ telf tal-entità kif ukoll mir-regoli dwar il-prijorità tad-djun.

77

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, irrispettivament mill-ammonti ta’ kull wieħed minn dawn l-istrumenti finanzjarji, ma setax jiġi kkunsidrat li l-istrumenti kollha identifikati fl-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ġew ikkonvertiti jekk wieħed minn dawn l-istrumenti li jirrappreżenta parti anki mhux sinjifikattiva tal-imsemmija strumenti ma jkunx ġie żvalutat. Fil-fatt, kif ġustament enfasizzat il-Qorti Ġenerali, f’tali każ, ikun impossibbli li jitqies li l-kapital azzjonarju kollu ta’ Banco Popular ġie ttrasferit lil Banco Santander.

78

Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 48 u 51 tad-digriet appellat, żball ta’ evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet tagħha sa fejn hija ma llimitatx ruħha li ssostni li BPE Financiaciones ma setgħetx tiġi suġġetta għal riżoluzzjoni u qatt ma sostniet li din l-entità kienet is-suġġett tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, iżda allegat li l-imsemmija entità, minħabba l-attività tagħha, ma kinitx tinsab fost l-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 806/2014 li għalihom dawn l-atti, b’mod partikolari, għall-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, huma applikabbli.

79

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, b’risposta għall-ewwel domanda (b) tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Mejju 2019, l-appellanti sostniet li kienet teżisti differenza oġġettiva essenzjali bejn il-vawċers maħruġa minn BPE Financiaciones u l-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-kategorija 2 ikkonvertiti f’azzjonijiet ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikolari, l-appellanti indikat li dawn il-vawċers kienu jikkostitwixxu l-uniku strument finanzjarju tal-kategorija 2 ikkonvertit f’azzjonijiet ta’ Banco Popular li nħareġ minn entità, jiġifieri BPE Financiaciones, li ma setax jiġi riżolt.

80

Issa, meta indikat, fil-punt 48 tad-digriet appellat, li l-appellanti kienet sostniet li l-assenza ta’ konverżjoni tat-titoli maħruġa minn BPE Financiaciones li hija kellha kienet kompatibbli mal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kredituri li jaqgħu taħt l-istess kategorija u li hija kienet qiegħda tinvoka differenza oġġettiva bejn it-titoli li hija kellha u l-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-kategorija 2 li ġew ikkonvertiti minħabba l-fatt li t-titoli li hija kellha ma kinux inħarġu minn Banco Popular, iżda minn BPE Financiaciones, u li din l-entità li ħarġithom ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet tal-appellanti.

81

Fir-rigward tal-punt 51 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali indikat fih li l-argument tal-appellanti li l-assenza ta’ konverżjoni tat-titoli maħruġa minn BPE Financiaciones li hija kellha kienet kompatibbli mal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-kredituri li jappartjenu għall-istess kategorija, kien ibbażat fuq konfużjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, sa fejn is-setgħa ta’ konverżjoni u ta’ żvalutazzjoni, prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, hija eżerċitata fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji tal-entità li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, Banco Popular, il-fatt li dawn l-istrumenti nħarġu minn sussidjarja miżmuma kompletament minn Banco Popular ma kienx ifisser li l-entità li ħarġet l-istrumenti kienet is-suġġett tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma huwiex ta’ natura li tiġi stabbilita differenza fis-sitwazzjoni fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet tal-appellanti.

82

L-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 45 u 46 tad-digriet appellat, meta indebitament applikat għall-vawċers maħruġa minn BPE Financiaciones, entità li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014, il-prinċipju ġenerali ta’ riżoluzzjoni previst fl-Artikolu 15(1)(f) ta’ dan ir-regolament, għandu wkoll jiġi miċħud.

83

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punti 45 u 46 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li l-prinċipju ġenerali li jirregola r-riżoluzzjoni stabbilit fl-Artikolu 15(1)(f) tar-Regolament Nru 806/2014 li l-kredituri tal-istess kategorija għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali, jiġi kkontestat jekk ikun possibbli li tiġi annullata biss id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni sa fejn tipprevedi l-konverżjoni biss ta’ ċerti strumenti finanzjarji tal-kategorija 2. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li dan il-prinċipju kien jipprekludi wkoll l-annullament tal-konverżjoni ta’ ċerti strumenti finanzjarji tal-kategorija 2.

84

Tali evalwazzjoni ma tikkostitwixxix żball ta’ liġi.

85

Fil-fatt, il-punt 47 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-kunċett ta’ “strumenti finanzjarji tal-kategorija 2” ifisser strumenti kapitali jew dejn subordinat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 575/2013. Skont din id-dispożizzjoni, strumenti li ma humiex direttament maħruġa minn stabbiliment jew meta d-dejn subordinat ma jitneħħiex direttament mill-istabbiliment jistgħu, sakemm ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, madankollu jitqiesu bħala strumenti finanzjarji tal-kategorija 2.

86

Minn dan jirriżulta li s-setgħa ta’ konverżjoni u ta’ żvalutazzjoni prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 ma tiddependix mill-entità li ħarġet il-vawċers, iżda mill-karatteristiċi ta’ dawn il-vawċers.

87

Peress li l-appellanti ma kkontestatx, la quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li t-titoli maħruġa minn BPE Financiaciones jikkostitwixxu strumenti finanzjarji tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular, u peress li ma għamlet ebda lment kontra l-punt 28 tad-digriet appellat, hija ma tikkontestax li dawn it-titoli jikkostitwixxu strument finanzjarju ta’ stabbiliment li huwa s-suġġett ta’ riżoluzzjoni.

88

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali indikat, ġustament, li, minn naħa, il-kuntest ġuridiku applikabbli kien jippermetti li t-titoli maħruġa minn BPE Financiaciones jiġu kkunsidrati bħala strumenti finanzjarji tal-kategorija 2 u, min-naħa l-oħra, li tali strumenti setgħu jiġu suġġetti għas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 u għall-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-kredituri kollha tal-istess kategorija stabbilit fl-Artikolu 15(1)(f) tar-Regolament Nru 806/2014.

89

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żball ta’ motivazzjoni, fil-punti 44 sa 46 u 51 tad-digriet appellat, billi applikat b’mod żbaljat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għall-vawċers maħruġa minn BPE Financiaciones.

90

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fil-punti 44 sa 46 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li d-detenturi ta’ strumenti finanzjarji tal-kategorija 2 ta’ stabbiliment huma kategorija ta’ kredituri li għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod fil-kuntest tal-eżerċizzju mis-SRB tas-setgħa tiegħu ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti finanzjarji. Minn dan hija ddeduċiet li dan il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fil-qasam tar-riżoluzzjoni jiġi kkontestat li kieku kien possibbli li tiġi annullata biss id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni sa fejn din tipprevedi l-konverżjoni ta’ ċerti strumenti finanzjarji tal-kategorija 2 u li, konsegwentement, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-kredituri kollha tal-istess kategorija tipprekludi wkoll l-annullament tal-konverżjoni biss ta’ ċerti strumenti finanzjarji tal-kategorija 2.

91

Fil-punt 51 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet l-evalwazzjoni tagħha ta’ dan l-argument tal-appellanti billi indikat li dan kien ibbażat fuq konfużjoni. Hija enfasizzat li s-setgħat ta’ konverżjoni u ta’ żvalutazzjoni, previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, kienu eżerċitati fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji tal-entità li hija s-suġġett tar-riżoluzzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Banco Popular. Hija żiedet li l-fatt li dawn l-istrumenti nħarġu minn sussidjarja miżmuma kompletament minn Banco Popular ma kienx ifisser li l-entità li ħarġet l-istrumenti hija s-suġġett tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u ma kienx ta’ natura li tiġi stabbilita differenza fis-sitwazzjoni fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji l-oħra tal-kategorija 2 ta’ Banco Popular.

92

Sa fejn l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma indirizzatx uħud mill-allegazzjonijiet tagħha, għandu jitfakkar li, skont il-punti 26 sa 28 u 41 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li tindirizza l-argumenti kollha mressqa quddiemha u, b’mod partikolari, għal dawk li jirrigwardaw il-legalità tad-dispożizzjoni li l-annullament tagħha huwa mitlub. Fil-fatt, sa fejn l-analiżi tan-natura diviżibbli ta’ dispożizzjoni ssir fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors, li tevalwa u, jekk ikun il-każ, tindirizza l-argumenti mressqa dwar il-legalità tal-att inkwistjoni tkun prematura.

93

Barra minn hekk, l-appellanti sempliċement tinvoka tali argumenti u ssostni li peress li l-Artikolu 6(1)(d) tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni huwa illegali, din id-dispożizzjoni hija diviżibbli mill-bqija ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma turi konkretament id-differenzi bejn id-detenturi tal-vawċers maħruġa minn BPE Financiaciones u d-detenturi ta’ strumenti finanzjarji oħra tal-kategorija 2 imsemmija f’din id-dispożizzjoni, li jiġġustifikaw trattament distint tagħhom u annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

94

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Fuq il-ħames parti tal-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

95

Permezz tal-ħames parti tal-ewwel aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi tibbaża ruħha, fil-punti 33 u 34 tad-digriet appellat, fuq l-offerta vinkolanti ppreżentata minn Banco Santander fis‑7 ta’ Ġunju 2017 meta dan id-dokument ma ġiex inkluż fl-atti tal-proċess, wettqet żball ta’ liġi u kisret id-drittijiet tad-difiża. Hija tikkritika wkoll lill-Qorti Ġenerali li ma adottatx miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex tagħmel tajjeb għal din l-insuffiċjenza fl-atti tal-proċess. Fl-aħħar nett, hija ssostni li, f’dan il-kuntest u fid-dawl tal-importanza attribwit lilha mill-Qorti Ġenerali, għarfien ta’ din l-offerta kien ippermettilha turi, kif jirriżulta min-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 tal-kontroreplika ppreżentata mis-SRB quddiem il-Qorti Ġenerali, li fl-imsemmija offerta, Banco Santander ma kienet ifformulat ebda kundizzjoni jew rekwiżit dwar l-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 li għandhom jiġu kkonvertiti.

96

Is-SRB jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97

L-ewwel nett, sa fejn l-appellanti ssostni li Banco Santander ma kienet ifformulat ebda kundizzjoni jew rekwiżit dwar l-istrumenti finanzjarji tal-kategorija 2 li għandhom jiġu kkonvertiti u li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-offerta mressqa minn Banco Santander fis‑7 ta’ Ġunju 2017, tali argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, kif tenfasizza l-appellanti stess, hija ma kellhiex aċċess għal dan id-dokument.

98

It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika li tista’ tiddeċiedi dwar in-neċessità eventwali li tiġi kkompletata l-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar il-kawżi li jkollha quddiemha (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il-Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 319 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, l-appellanti ma tistax tikkritika lill-Qorti Ġenerali li ma talbitx lis-SRB il-produzzjoni ta’ din l-offerta.

99

It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, il-Qorti Ġenerali indirettament ibbażat ruħha fuq l-offerta vinkolanti ta’ Banco Santander u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjonijiet tagħha huma bbażati fuq dokumenti oħra inklużi fl-atti tal-proċess.

100

Fil-fatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali effettivament semmiet, fil-punti 33 u 34 tad-digriet appellat, l-offerta vinkolanti ta’ Banco Santander, madankollu hija ma għamlitx riferiment għall-kontenut ta’ din l-offerta, iżda rreferiet għall-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni dwar l-imsemmija offerta kif ukoll għall-elementi prodotti mis-SRB.

101

Barra minn hekk, mill-ittra proċedurali tal-FROB tas‑6 ta’ Ġunju 2017, imsemmija fid-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni kif ukoll fil-punti 33 u 34 tad-digriet appellat, liema ittra proċedurali ddaħħlet fl-atti tal-proċess mill-appellanti u li tinsab fuq is-sit internet tas-SRB, jirriżulta li l-offerta ta’ Banco Santander kellha neċessarjament tosserva l-indikazzjonijiet mogħtija f’din l-ittra proċedurali. Issa, l-imsemmija ittra proċedurali kienet tindika li l-istrumenti finanzjarji kollha tal-kategorija 2 elenkati fl-Anness 2 tagħha tal-imsemmija ittra proċedurali, fosthom dawk miżmuma mill-appellanti, kellhom jiġu kkonvertiti f’azzjonijiet, u sussegwentement ittrasferiti lil Banco Santander.

102

Għaldaqstant, il-fatt li l-offerta ta’ Banco Santander ma ġietx inkluża fl-atti tal-proċess ma jikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti.

103

Minn dan isegwi li l-ħames parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

104

Permezz tat-tielet u r-raba’ aggravju, l-appellanti tikkontesta, rispettivament, l-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament tal-valutazzjonijiet 1 u 2 kif ukoll dik tat-talba għal kumpens. Hija ssostni li l-inammissibbiltà tagħhom hija ġġustifikata, fil-punti 55 u 66 tad-digriet appellat, sempliċement abbażi tal-inammissibbiltà tat-talba għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Konsegwentement, jekk iċ-ċaħda ta’ din l-aħħar talba tiġi annullata, it-talba għall-annullament tal-valutazzjonijiet 1 u 2 kif ukoll it-talba għal kumpens għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

105

Is-SRB jikkontesta l-argumenti tal-appellanti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

106

Għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma invokat ebda argument awtonomu insostenn tat-tielet u r-raba’ aggravju, iżda sempliċement sostniet li jekk l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell kellhom jintlaqgħu u ċ-ċaħda, mill-Qorti Ġenerali, tat-talba għall-annullament parzjali tiġi annullata, it-talba għall-annullament tal-valutazzjonijiet 1 u 2 kif ukoll it-talba għal kumpens ikollhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

107

Peress li l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell ġew miċħuda bħala infondati, it-tielet u r-raba’ aggravju tiegħu għandhom ukoll jiġu miċħuda u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ispejjeż

108

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

109

Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk imġarrba mis-SRB kif mitlub minn dan tal-aħħar.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Carmen Liaño Reig hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.