SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Konċessjoni ta’ awtostrada b’tariffa tat-triq – Liġi li tipprevedi eżenzjoni mit-tariffi tat-triq għal ċerti vetturi – Kumpens mogħti lill‑konċessjonarju mill-Istat Membru abbażi tat-telf ta’ dħul – Tariffa tat-triq virtwali – Kumpens ikkunsidrat mill-Kummissjoni Ewropea bħala eċċessiv u bħala li jinkludi għajnuna – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Drittijiet proċedurali tal-benefiċjarju tal-għajnuna – Obbligu tal-Kummissjoni li teżerċita viġilanza partikolari – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Vantaġġ – Titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja mistennija tal-konċessjonarju – Kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Żnaturament tal-provi – Nuqqas ta’ motivazzjoni – Żnaturament tad‑deċiżjoni kontenzjuża – Sostituzzjoni tal-motivi – Inverżjoni tal‑oneru tal‑prova – Ksur tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali – Obbligi u limiti”

Fil-Kawża C‑933/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑20 ta’ Diċembru 2019,

Autostrada Wielkopolska S.A., stabbilita f’Poznań (il-Polonja), irrappreżentata minn O. Geiss, Rechtsanwalt, u T. Siakka, dikigoros,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, K. Herrmann u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Autostrada Wielkopolska S.A. (iktar ’il quddiem “AW”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Ottubru 2019, Autostrada Wielkopolska vs Il‑Kummissjoni (T‑778/17, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2019:756), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/556 tal‑25 ta’ Awwissu 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35356 (2013/C) (ex 2013/NN, ex 2012/N) mogħtija mill-Polonja lil Autostrada Wielkopolska (ĠU 2018, L 92, p. 19, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 37 tas‑sentenza appellata u, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

3

Fl‑10 ta’ Marzu 1997, wara sejħa għal offerti, ir-Repubblika tal-Polonja tat konċessjoni lil AW sabiex tibni u topera l-parti tal-awtostrada A 2 li tinsab bejn Nowy Tomyśl (il-Polonja) u Konin (il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“parti kkonċernata tal-awtostrada A 2”) għal perijodu ta’ erbgħin sena.

4

Bis-saħħa tal-kuntratt ta’ konċessjoni ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1997 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ konċessjoni”), AW impenjat ruħha li tikseb, bi spejjeż u b’riskji għaliha, finanzjamenti esterni sabiex tibni u topera l-parti kkonċernata tal-awtostrada A 2 u li tibbenifika, bħala korrispettiv, mid-dritt li tirċievi t-tariffi tat-triq imħallsa mill-utenti tal-awtostrada. Dan il-kuntratt kien jippermettilha wkoll li żżid ir-rati tat-tariffa tat-triq sabiex timmassimizza d-dħul tagħha fil-limitu massimu tar-rati massimi ddefiniti skont il-kategorija ta’ vetturi.

5

Wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fl‑2004, ir-Repubblika tal-Polonja ttrasponiet fid-dritt Pollakk id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372). L-Artikolu7(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li t-tariffi tat-triq u l-ħlasijiet għall-użu tat-triq ma jistgħux jiġu imposti fl-istess ħin għall-użu tal-istess sezzjoni ta’ triq.

6

Konsegwentement, il-Parlament Pollakk adotta l-ustawa o zmianie ustawy o autostradach płatnych oraz o Krajowym Funduszu Drogowym oraz ustawy o transporcie drogowym (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Awtostradi bi Ħlas u l-Fond Nazzjonali tat-Toroq u l-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq) tat‑28 ta’ Lulju 2005 (Dz. U. Nru 155, pożizzjoni 1297) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005”). Din il-liġi eliminat l-intaxxar doppju ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu tal-istess sezzjoni ta’ triq. B’hekk, mill‑1 ta’ Settembru 2005, il-vetturi ta’ merkanzija tqila li għandhom vinjetta (tariffa għall-użu tat-toroq) għall-użu tat-toroq nazzjonali fil-Polonja ġew eżentati mit-tariffi tat-triq fuq l-awtostradi koperti minn kuntratti ta’ konċessjoni.

7

Skont il-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, il-konċessjonarji kellhom jiġu kkumpensati mill-Fond Nazzjonali tat-Toroq għat-telf ta’ dħul ikkawżat mill-eżenzjoni ta’ tariffi tat-triq. Din il-liġi kienet tipprevedi li l-konċessjonarji kellhom dritt għal rimbors ta’ ammont ekwivalenti għal 70 % tal-prodott miksub billi jiġi mmultiplikat in-numru reali ta’ vjaġġi ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila mgħammra b’vinjetta bir-rata tat-tariffa tat-triq virtwali nnegozjata mal-konċessjonarji għal kull kategorija ta’ vettura ta’ merkanzija tqila. It-tnaqqis ta’ 70 % stabbilit mill-imsemmija liġi kien intiż sabiex jikkumpensa għaż-żieda prevista tat-traffiku ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila fuq dawn l-awtostradi wara l-eżenzjoni tat-tariffi tat-triq. Din l-istess liġi kienet tipprevedi wkoll li r-rati tat-tariffi tat-triq virtwali ma setgħux jaqbżu r-rati reali applikati għall-kategorija ta’ vetturi korrispondenti. Fl-aħħar nett hija ppreċiżat li l-metodu ta’ kumpens kellu jiġi ddeterminat f’kull wieħed mill-kuntratti ta’ konċessjoni.

8

Fir-rigward ta’ AW, il-metodu ta’ kumpens u r-rati tat-tariffi tat-triq virtwali ġew stabbiliti, wara negozjati mal-awtoritajiet Pollakki, fl-Anness 6 tal-kuntratt ta’ konċessjoni (iktar ’il quddiem l-“Anness 6”), adottat fl‑14 ta’ Ottubru 2005.

9

Ir-Repubblika tal-Polonja spjegat li l-metodu ta’ kumpens deskritt fl-Anness 6 kien ibbażat fuq il-prinċipju li l-qagħda finanzjarja mistennija tal-konċessjonarju ma għandhiex tinbidel wara t‑28 ta’ Lulju 2005. Hija speċifikat li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, ir-Rata Interna ta’ Redditu (iktar ’il quddiem l-“IRR”) għall-investiment ta’ AW fis-sezzjoni rilevanti tal-awtostrada A 2 kellha tibqa’ fl-istess livell li kieku kienet fl-assenza ta’ emenda fil-liġi, jiġifieri mingħajr it-telf ta’ dħul li jirriżulta mil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005.

10

Il-partijiet firmatarji tal-Anness 6 (iktar ’il quddiem il-“partijiet kontraenti”) qablu li l-kalkolu tal-kumpens kellu jsir skont proċedura f’żewġ stadji, ibbażata fuq mudelli finanzjarji li juru l-flussi finanzjarji reali u mistennija u li jippermettu l-kalkolu tal-IRR. Matul l-ewwel stadju, kien neċessarju li jiġu ffissati r-rati tat-tariffa tat-triq virtwali li r-Repubblika tal-Polonja kellha tħallas lil AW. Matul it-tieni stadju, l-imsemmija rati kellhom jiġu vverifikati mhux iktar tard mit‑30 ta’ Novembru 2007 u, jekk ikun il-każ, jiġu rreveduti.

11

B’hekk, fl-ewwel stadju, ir-rati tat-tariffa tat-triq virtwali ġew stabbiliti abbażi tat‑tliet mudelli finanzjarji li ġejjin, ippreżentati minn AW:

il-mudell bażiku kien juri s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ AW fil-mument tal-għeluq tal-kontijiet tagħha fl‑2000 u kien jippreżupponi li t-tariffa tat-triq kellha effettivament tinġabar matul il-perijodu kollu tal-konċessjoni. L-IRR kien ta’ 10.6 %;

il-mudell tal-ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq iddeskriva l-qagħda finanzjarja ta’ AW kif kellha tkun minn Diċembru 2004 jekk il-vetturi b’merkanzija tqila ma kinux eżentati mit-tariffa tat-triq. L-IRR kien ta’ 10.77 %; u

il-mudell bil-vinjetta kien jiddeskrivi l-qagħda finanzjarja ta’ AW kif kienet minn Ġunju 2005 kieku l-vetturi ta’ merkanzija tqila kienu eżenti mit-tariffi tat-triq. F’dan il-mudell, id-dħul kien ikkostitwit mill-kumpens fil-forma ta’ tariffa tat-triq virtwali mħallsa għall-vetturi ta’ merkanzija tqila u mill-ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq għall-vetturi l-oħra. Ir-rati tat-tariffa tat-triq virtwali kienu stabbiliti fil-livelli massimi permessi mill-kuntratt ta’ konċessjoni. L-IRR kien ta’ 8.20 %.

12

Abbażi ta’ dawn il-mudelli finanzjarji, AW uriet li, anki jekk jiġu applikati r-rati massimi tat-tariffa tat-triq virtwali, l-IRR ta’ 10.77 % tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq ma jintlaħaqx. Għal din ir-raġuni, hija ffissat ir-rati tat-tariffa tat‑triq virtwali fil-livelli massimi awtorizzati mill-kuntratt ta’ konċessjoni.

13

Mill-1 ta’ Settembru 2005, il-vetturi li jġorru merkanzija tqila li kellhom vinjetta kienu saru eżenti minn tariffi tat-triq u AW rċeviet kumpens fix-xahar ikkalkolat abbażi tal-għadd ta’ vetturi li jġorru merkanzija tqila kkonċernati li jidħlu fl-awtostrada u r-rati tat-tariffa tat-triq virtwali miftiehma.

14

Waqt dan it-tieni stadju, il-partijiet kontraenti kellhom jivverifikaw l-iżvilupp tat-traffiku ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila wara l-eżenzjoni tat-tariffi tat-triq u jadattaw ir-rati tat-tariffa tat-triq virtwali konsegwentement sabiex jevitaw il-pagament ta’ kumpens eċċessiv jew insuffiċjenti. AW kellha tippreżenta mudell finanzjarju aġġornat (iktar ’il quddiem il-“mudell ta’ verifika”) li juri l-impatt tal-imsemmija rati fuq l-indikaturi finanzjarji bażiċi tal-kuntratt ta’ konċessjoni, fosthom l-IRR. F’każ li l-IRR tal-mudell ta’ verifika jkun ogħla mill-IRR fil-mudell tal-ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq, ir-rati tat-tariffa tat-triq virtwali għandhom jitnaqqsu sabiex jitneħħa r-redditu żejjed. Għall-kuntrarju, jekk l-IRR fil-mudell ta’ verifika jkun inqas mill-IRR tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq, ir-rati inkwistjoni kellhom jiġu rreveduti billi jogħlew.

15

Fl-2007 AW pprovdiet il-mudell ta’ verifika. F’dan il-mudell, l-IRR kien ta’ 9.20 % f’Ġunju tal‑2006. Ir-rapport ta’ verifika mehmuż ma’ dan il-mudell u ppreżentat minn AW jissuġġerixxi li r-rati tat-tariffa tat-triq virtwali kellhom jiżdiedu.

16

Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Novembru 2007, il-Generalna Dyrekcja dróg krajowych i autostrad (id-Direttorat Ġenerali tat-Toroq Nazzjonali u tal‑Awtostradi, il-Polonja) għarraf lil AW li, minħabba dubji dwar l-eżattezza tal‑ipoteżijiet adottati għall-ħtiġijiet tal-Anness 6, huwa ma aċċettax il-proposta għar-reviżjoni tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali. Minkejja din l-ittra, AW kompliet tirċievi pagamenti kull xahar abbażi tat-tariffa tat-triq virtwali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness. Sussegwentement, fit-13 ta’ Novembru 2008, il-Ministru għall-Infrastruttura Pollakk iddikjara li kien ser jevita l-effett ta’ dan l-anness, fejn afferma b’mod partikolari li kien ikkonkludieh bi żball.

17

Skont ir-Repubblika tal-Polonja, ir-rikorrenti ssopraevalwat l-IRR tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq billi użat previżjonijiet skaduti dwar it-traffiku u d-dħul. AW kienet użat studju dwar it-traffiku u d-dħul imwettaq mill-kumpannija ta’ konsulenza Wilbur Smith Associates (WSA) fl‑1999 (iktar ’il quddiem l-“istudju WSA tal‑1999”) filwaqt li kien disponibbli studju iktar reċenti, ta’ Ġunju 2004 (iktar ’il quddiem l-“istudju WSA tal-2004”). Skont ir-rapport tal‑24 ta’ Settembru 2010 ordnat mill-Ministeru għall-Infrastruttura Pollakk u mwettaq mill-kumpannija PricewaterhouseCoopers (PwC) (iktar ’il quddiem ir-“rapport PwC”), l-applikazzjoni tal-ipoteżijiet ta’ traffiku u ta’ dħul li jinsabu fl-istudju WSA tal‑2004 minflok dawk li jinsabu fl-istudju WSA tal-1999 kellha l-effett li tnaqqas l-IRR fil-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq minn 10.77 % għal 7.42 %.

18

B’hekk, fl-opinjoni tal-Ministru għall-Infrastruttura Pollakk, AW irċeviet ammont ta’ kumpens eċċessiv abbażi tat-tariffa tat-triq virtwali. Peress li AW rrifjutat li tirrimborsa l-pagament żejjed mitlub mir-Repubblika tal-Polonja, l-imsemmi ministru talab il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja intiża għall-irkupru ta’ dan il-pagament żejjed.

19

Fl-istess ħin, AW ikkontestat ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-Anness 6 billi ressqet il-kawża quddiem tribunal ta’ arbitraġġ. Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2013 (iktar ’il quddiem is-“sentenza ta’ arbitraġġ”), dan it-tribunal iddeċieda favur AW billi kkonstata li l-imsemmi anness kien validu u li r-Repubblika tal-Polonja kellha tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness. Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2018, is-Sąd Okręgowy w Warszawie, I Wydział Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja) ċaħdet ir-rikors tal-Ministru għall-Infrastruttura Pollakk kontra s-sentenza tat-tribunal ta’ arbitraġġ. Dik is-sentenza kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ appell quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja).

20

L-applikazzjoni tas-sistema tal-kumpens fil-forma ta’ tariffa tat-triq virtwali skadiet fit‑30 ta’ Ġunju 2011, meta r-Repubblika tal-Polonja introduċiet sistema elettronika għall-ġbir tat-tariffa tat-triq li ssostitwixxiet il-vinjetti.

21

Fil‑31 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea b’miżura li kienet tikkonsisti fl-għoti lil AW ta’ kumpens finanzjarju, fil-forma ta’ tariffa tat-triq virtwali, minħabba t-telf ta’ dħul ikkawżat mil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005.

22

Fl‑20 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżura nnotifikata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑20 ta’ Settembru 2014 (ĠU 2014, C 328, p. 12).

23

Fil‑25 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża.

24

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kkunsidrat li AW kellha d-dritt li tiġi kkumpensata minħabba l-emendi li saru bil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 li ċaħħditha mill-possibbiltà li tiġbor tariffa tat-triq mill-vetturi ta’ merkanzija tqila, iżda li, jekk tali kumpens itejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja mistennija tagħha sa fejn din taqbeż il-kumpens marbut mal-konsegwenzi diretti tal-emendi magħmula bl-imsemmija liġi, AW tirċievi vantaġġ indebitu li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

25

Il-Kummissjoni, fir-rigward tal-ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq, kkunsidrat li AW kellha tuża l-previżjonijiet tat-traffiku u d-dħul kontemporanji disponibbli, li jinsabu fl-istudju WSA tal‑2004. Hija kkonstatat li, b’paragun mal-istudju WSA tal‑1999, l-istudju WSA tal-2004 kien jinkludi data sinjifikattivament iktar baxxa dwar it-traffiku tal-vetturi li jaqgħu fil-kategoriji 2 u 3 kif ukoll rati ottimali tat-tariffa tat-triq effettiva ħafna iktar baxxi għall-vetturi li jaqgħu fil-kategoriji 2 sa 4. Hija qieset li l-użu tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq ibbażat fuq l-istudju WSA tal‑1999 kien wassal għal IRR ogħla minn dak li kien leġittimament mistenni fil-mument tal-emendi magħmula bil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, li kien wassal għal kumpens eċċessiv fil-forma ta’ pagamenti ogħla għat-tariffa tat-triq virtwali.

26

Fir-rigward tal-verifika tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali, il-Kummissjoni qieset li r-Repubblika tal-Polonja kienet ħadet fuqha r-riskji marbuta mal-iżvilupp tat-traffiku matul il-perijodu mill-implimentazzjoni tas-sistema ta’ tariffi tat-triq virtwali sal-verifika tal-2007. Madankollu, hija aċċettat dan il-mekkaniżmu ta’ verifika, minħabba li kien ippermetta li r-rati tat-tariffa tat-triq virtwali jiġu ffissati fuq livell li jippermetti li jiġi evitat il-pagament ta’ kumpens eċċessiv. Il-Kummissjoni rrilevat ukoll li l-verifika kienet twettqet fi tmiem perijodu limitat meta mqabbel mat-tul kollu tal-kuntratt ta’ konċessjoni, iżda suffiċjenti sabiex il-partijiet kontraenti jkunu jistgħu jiġbru d-data reali tat-traffiku indispensabbli u jiżviluppaw fuq din il-bażi previżjonijiet ta’ traffiku affidabbli.

27

Fir-rigward tal-kalkolu tal-pagament żejjed, il-Kummissjoni qieset li l-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq imwettaq minn PwC u użat minn din tal-aħħar fir-rapport tagħha (iktar ’il quddiem il-“mudell PwC tal-ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq”) kien jintegra l-previżjonijiet ta’ traffiku u ta’ dħul tal-istudju WSA tal-2004 u kien jirrifletti b’mod korrett il-previżjonijiet aġġornati fid-data tal-adozzjoni tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005. Hija qablet li l-IRR ta’ 7.42 % tal-mudell PwC għall-ġbir effettiv tal-ħlas seta’ jiġi kkunsidrat bħala l-IRR li AW setgħet tistenna eżatt qabel l-emendi magħmula b’din il-liġi. Hija qieset li, b’paragun mal-IRR ta’ 7.42 % tal-mudell PwC għall-ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq, l-IRR ta’ 10.77 % użat minn AW fil-kuntest tan-negozjati kien eċċessiv. Bl-istess mod, hija rrilevat li l-IRR ta’ 8.20 % tal-mudell b’vinjetta kien ta’ iktar minn 7.42 %.

28

Il-Kummissjoni kkonstatat li, sabiex jiġi ddeterminat il-ħlas żejjed għall-perijodu minn Settembru 2005 sa Ottubru 2007 u qabel il-verifika, PwC kienet użat il‑mudell b’vinjetta sabiex tikkalkola mill-ġdid ir-rati tat-tariffa tat-triq virtwali li kellhom jiġu applikati sa minn Settembru 2005 sabiex jilħqu IRR ta’ 7.42 %. Hija nnotat li l-ammont tal-kumpens iddeterminat abbażi tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali kkalkolati mill-ġdid kien ġie pparagunat mal-pagamenti effettivament imwettqa favur AW. Hija qieset li, fuq dan il-perijodu, il-ħlas żejjed kien jammonta għal madwar EUR 64.7 miljun.

29

Il-Kummissjoni kkonstatat li, sabiex jiġi ddeterminat il-ħlas żejjed fuq il-perijodu ta’ wara l-verifika, minn Novembru 2007 sa Ġunju 2011, PwC kienet applikat il‑mudell ta’ verifika sabiex tikkalkola mill-ġdid ir-rata tat-tariffa tat-triq virtwali sabiex tilħaq IRR ta’ 7.42 %. Hija nnotat li l-ammont tal-kumpens stabbilit abbażi tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali kkalkolati mill-ġdid kien ġie pparagunat mal‑pagamenti effettivament imwettqa favur AW. Hija kkunsidrat li, fuq dan il‑perijodu, il-ħlas żejjed kien jitla’ għal madwar EUR 159 miljun.

30

Fir-rigward tal-argumenti ta’ AW li l-kriterju ta’ investitur privat f’ekonomija tas-suq kien issodisfatt, il-Kummissjoni wieġbet fin-negattiv.

31

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li peress li l-kumpens tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ AW qabel in-notifika ta’ din il-miżura lill-Kummissjoni, il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 108(3) TFUE ma kinitx ġiet osservata mir-Repubblika tal-Polonja u li, konsegwentement, l-għajnuna mogħtija kienet illegali. Barra minn hekk, hija kkonkludiet li din l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, b’tali mod li kellha tiġi rkuprata sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tagħha.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

32

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Novembru 2017, AW ippreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

33

Insostenn ta’ dan ir-rikors, AW qajmet, essenzjalment, sitt motivi bbażati, l-ewwel, fuq ksur tad-dritt li tkun assoċjat mal-proċedura amministrattiva, it-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba l-użu ta’ kriterju żbaljat sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku u applikazzjoni manifestament żbaljata ta’ dan il-kriterju, it-tielet, fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE minħabba applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ investitur privat u ta’ motivazzjoni inadegwata, ir-raba’, ibbażat fuq ksur ta’ dak li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha dwar l-inkompatibbiltà tal-għajnuna fuq kunsiderazzjonijiet żbaljati, il-ħames, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna mill-Istat u, is-sitt, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

34

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35

AW titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża jew tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

36

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil AW għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

37

Insostenn tal-appell tagħha, AW tinvoka erba’ aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

38

L-ewwel aggravju, dwar id-drittijiet proċedurali ta’ AW, huwa bbażat fuq żball ta’ liġi, żnaturament tal-provi u nuqqas ta’ motivazzjoni. Filwaqt li tikkontesta l-argument ta’ AW, il-Kummissjoni tipproponi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan l-aggravju billi tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi.

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq l-argumenti ta’ AW fl-appell

39

AW tqis li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament, fil-punt 60 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx assoċjata mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat, li jikkostitwixxi ksur ta’ formalità sostanzjali li kellha twassal, waħedha, għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Min-naħa l-oħra, hija ddikjarat b’mod żbaljat, fil-punt 61 ta’ dik is-sentenza, li kien neċessarju li jiġi stabbilit, għall-finijiet tal-annullament ta’ din id-deċiżjoni, li, fl-assenza ta’ tali ommissjoni, l-analiżi ġuridika adottata mill-Kummissjoni setgħet kienet differenti. B’hekk, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat u, għaldaqstant, wettqet żball ta’ liġi. Barra minn hekk, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 63, 64, 67 u 68 tal-imsemmija sentenza huwa inadegwat u kontradittorju u ġie minn żnaturament tal-provi.

40

F’dan ir-rigward, qabel kollox, AW tirrileva li l-premessi 76 sa 78 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jistabbilixxu li t-tariffa tat-triq virtwali għandha tiġi kkalkolata skont il-previżjonijiet l-iktar reċenti tat-traffiku u li l-Kummissjoni kienet identifikat l-istudju WSA tal‑2004 bħala l-istudju l-iktar reċenti. Issa, fl-osservazzjonijiet dwar id-deċiżjoni ta’ ftuħ, AW identifikat l-istudju mwettaq fl‑2005 mill-kumpannija Faber Maunsell (iktar ’il quddiem l-“istudju FM tal‑2005”) bħala l-iktar wieħed reċenti. Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja allegatament iddiskutew ir-rilevanza ta’ dan l-istudju matul il-perijodu li fih il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li AW kellha mill-ġdid tkun f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Li kieku AW setgħet tipproduċi provi li juru li, kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni kienet qieset wara dawn l-iskambji, l-imsemmi studju seta’ jintuża, il-Kummissjoni kellha tieħdu inkunsiderazzjoni bħala l-iktar studju reċenti u l-livell tal-IRR eżatt qabel l-emendi magħmula bil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 (iktar ’il quddiem l-“IRR tat-tariffa tat-triq reali”) seta’ għaldaqstant jiġi ffissat għal 8.2 % jew ikun ogħla minn din ir-rata, b’tali mod li la kien ikun hemm vantaġġ u lanqas għajnuna mill-Istat u li l-eżitu tal-proċedura kien ikun differenti.

41

Sussegwentement, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti ta’ AW, li fir-realtà kienu jirrigwardaw l-assenza ta’ possibbiltà għal din tal-aħħar li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, jekk dan il-punt kellu jinqara fis-sens li l-istudju FM tal-2005 ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni fir-raġunament tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża u kkontradixxiet ruħha fid-dawl tal-affermazzjoni tagħha li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tuża d-data l-iktar reċenti. Jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmi punt kellu jinqara fis-sens li għandha ssir distinzjoni ġenerali fil-kuntest tad-drittijiet proċedurali ta’ AW bejn “dikjarazzjonijiet pożittivi” (l-istudju WSA tal-2004 huwa l-istudju “l-iktar reċenti”) u tad-“dikjarazzjonijiet negattivi” (l-istudju FM tal‑2005 għandu jiġi mwarrab) tal-Kummissjoni, ikun hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

42

Fl-aħħar, l-eżitu tal-proċedura seta’ wkoll ikun differenti li kieku AW kellha l-opportunità tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-natura allegatament għal żmien qasir tas-sistema ta’ tariffi tat-triq virtwali prevista fl-Anness 6, billi tinvoka b’mod partikolari n-natura kontradittorja ta’ din il-kunsiderazzjoni mal-Artikolu 4 ta’ dan l-anness. Fil-fatt, għalkemm id-deċiżjoni kontenzjuża ma ssemmix l-imsemmija kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni xorta waħda kienet invokatha fl-ewwel istanza billi enfasizzat li, minħabba n-natura allegatament għal żmien qasir tas-sistema ta’ tariffa tat-triq virtwali prevista fl-Anness 6, kull riskju ta’ inflazzjoni jew riskju tal-kambju għandu importanza limitata. Issa, peress li ma ressqet ebda kunsiderazzjoni oħra f’dan ir-rigward waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet diġà ressqet din l-istess kunsiderazzjoni matul il-fażi amministrattiva.

43

Qabel kollox, il-Kummissjoni tirribatti li huwa minn qari żbaljat tas-sentenza appellata l-kunsiderazzjoni ta’ AW li tgħid li l-fatt li kienet assoċjata mal-proċedura amministrattiva għandha n-natura ta’ formalità sostanzjali. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-formalità sostanzjali li tikkonsisti f’li l-persuni interessati jiġu mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet permezz tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, id-dritt tal-partijiet interessati li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat ma jikkostitwixxix tali formalità sostanzjali iżda dritt suġġettiv li l-portata tiegħu tista’ tiddependi mis-sitwazzjoni tal-persuna interessata kkonċernata stess u miċ-ċirkustanzi tal-każ. Konsegwentement, jekk il-fatt li l-benefiċjarju ma jitpoġġiex mill-ġdid f’pożizzjoni li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi difett proċedurali, li ma huwiex il-każ, skont il-Kummissjoni, il-kriterju applikat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 61 et seq. tas-sentenza appellata jkun korrett.

44

Fir-rigward tal-argumenti ta’ AW miġbura fil-qosor fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tirrileva li AW ma tipproponix raġunament ġuridiku differenti, iżda sempliċement riżultat differenti, minħabba data ta’ ċifri differenti użata sabiex isiru l-istess kalkoli, li ma hijiex tali li turi li l-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat il-provi. AW b’hekk issostni li, kieku hija kienet assoċjata mal-iskambji li seħħew mar-Repubblika tal-Polonja, ir-riżultat tal-analiżi tal-Kummissjoni kien ikun differenti. Skont il-Kummissjoni, dan l-argument huwa intiż, fir-realtà, sabiex jikkontesta evalwazzjoni fattwali, li ma taqax fl-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell.

45

Fir-rigward tal-argumenti ta’ AW miġbura fil-qosor fil-punti 41 u 42 ta’ din is‑sentenza, il-Kummissjoni tfakkar li ma huwiex neċessarju li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata tindirizza wieħed wieħed kull argument imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-kritika li ma semmietx element mhux invokat mir-rikorrenti ma tikkostitwixxix motiv validu u li, konsegwentement, l-affermazzjonijiet miġbura fil-punti 41 u 42 ta’ din is-sentenza huma irrilevanti. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, AW tammetti li d-deċiżjoni kontenzjuża ma ssemmix in-natura allegatament fi żmien qasir tas-sistema ta’ tariffa tat-triq virtwali prevista fl-Anness 6. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonkludiet li l-argument proċedurali ta’ AW kien ineffettiv minħabba li l-punt li abbażi tiegħu hija invokat id-dritt għal smigħ ma kienx jagħmel parti mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

46

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, kuntrarjament għal dak li tallega AW, hija setgħet tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub u orali wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, fil-kuntest ta’ ittra ppreżentata lill-Kummissjoni fis‑27 ta’ Jannar 2015 u ta’ laqgħat li nżammu ma’ din l-istituzzjoni fl‑24 ta’ Novembru 2015 u fil‑21 ta’ Marzu 2017. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, fid-dawl tal-fatt li l-benefiċjarji tal-għajnuna huma biss partijiet interessati fil-proċedura u ma jistgħux jikkontestaw b’mod awtonomu l-azzjoni tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ma hijiex ivvizzjata bi żbalji li jeħtieġu rettifika u li r-Repubblika tal-Polonja ma pproduċietx provi ġodda matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni tat lil AW l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-obbligi imposti fuqha. B’mod partikolari, AW setgħet tikkummenta dwar ir-rilevanza u l-impatt tal-istudju FM tal‑2005 fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-IRR meta hija ppreżentatu lill-Kummissjoni, iżda ppreferiet, kemm quddiem il-Kummissjoni kif ukoll quddiem il-Qorti Ġenerali, li tirreferi għall-istudju WSA tal‑1999.

– Fuq it-talba għal sostituzzjoni tal-motivi tal-Kummissjoni

47

Il-Kummissjoni tqis li r-raġunament li jinsab fil-punti 58 sa 60 tas-sentenza appellata huwa żbaljat fid-dritt, peress li, bħala benefiċjarja tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, AW hija parti “interessata”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, li, skont il-ġurisprudenza, ma tistax tinvoka d-drittijiet tad-difiża, ma tistax tippretendi, bħal Stat Membru, dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni u għandha biss id-dritt li tiġi assoċjata mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Issa, il-Qorti Ġenerali injorat din il-ġurisprudenza meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha tqiegħed mill-ġdid lil AW f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

48

Fil-fatt, wara li kkonstatat, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ippermettiet lil AW teżerċita d-dritt tagħha li tippreżenta osservazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kellha tirrikonoxxi li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma kinux jimponu fuq il-Kummissjoni li tmur lil hinn. B’mod partikolari, l-interessi diverġenti ta’ AW u tar-Repubblika tal-Polonja ma jistgħux jiġġustifikaw li AW tingħata drittijiet simili għal dawk ta’ dan l-Istat Membru. Bl-istess mod, la t-tul u lanqas l-intensità tal-iskambji mar-Repubblika tal-Polonja ma kienu inabitwali u ma jiġġustifikawx, fi kwalunkwe każ, l-għoti ta’ drittijiet addizzjonali lil AW. Issa, billi qieset li l-Kummissjoni kellha tagħti lil AW id-dritt li tikkummenta dwar l-osservazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membru, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, tatha dritt għal dibattitu kontradittorju u żnaturat il-proċedura li tipprevedi li l-Istat Membru biss jingħata l-possibbiltà li jikkummenta dwar l-informazzjoni kkomunikata mill-persuni interessati l-oħra.

49

AW issostni li l-Kummissjoni ma tinvokax żball ta’ liġi, iżda sempliċement tikkontesta, mingħajr ma tinvoka żnaturament, l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li ċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-każ kienu jirrikjedu li AW tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet addizzjonali. Issa, peress li l-istħarriġ ta’ din l-evalwazzjoni ma jaqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u peress li l-konvenuti ma talbux li l-kawża tintbagħat quddiem il-Qorti Ġenerali, it-talba tal-Kummissjoni hija inammissibbli u twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi ultra petita. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tindirizza individwalment id-diversi fatturi, filwaqt li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, ittrattat flimkien iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx li AW kellha tingħata l-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet fuq l-informazzjoni kollha kkomunikata u s-sempliċi preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet addizzjonali, fid-dawl b’mod partikolari tal-assenza ta’ għarfien sħiħ tal-proċess, ma hijiex ekwivalenti għal dibattitu kontradittorju u lanqas ma tikkorrispondi għad-drittijiet mogħtija lill-Istati Membri f’dan il-qasam.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argumenti miġbura fil-qosor fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza, ibbażati fuq żnaturament tal-provi u nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu bħala għan, b’mod partikolari, li jivverifika jekk il-Qorti Ġenerali weġbitx b’mod suffiċjenti fid-dritt għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrent (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2014, British Telecommunications vs Il‑Kummissjoni, C‑620/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2309, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Fil-punt 60 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kif irrilevati fil-punt 58 ta’ dik is-sentenza, il-Kummissjoni kellha tqiegħed mill-ġdid lil AW f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet.

52

Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tinkludi lil AW fl-iskambji li saru mar-Repubblika tal-Polonja wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, minkejja li huwa ta’ dispjaċir, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża peress li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fl-assenza ta’ tali ommissjoni, l-analiżi ġuridika adottata mill-Kummissjoni f’din l-aħħar deċiżjoni ma setgħetx tkun differenti.

53

Fil-punt 67 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li “l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni ta’ ftuħ, kuntrarjament għad-deċiżjoni [kontenzjuża], ma kinitx issemmi l-istudju [FM tal‑2005], ma [setax] jintlaqa’ [ġaladarba], jekk il-Kummissjoni għamlet riferiment għal dan l-istudju, fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, dan huwa biss sabiex jiġi kkunsidrat li l-imsemmi studju ma setax iservi sabiex jiġi kkalkolat l-IRR tal-proġett”. Hija żiedet li l-Kummissjoni b’hekk “illimitat ruħha li tiċħad, bħala irrilevanti, studju invokat mir-rikorrenti stess fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħha [u li] f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli ma semmietx l-istudju [FM tal-2005] fid-deċiżjoni ta’ ftuħ.”

54

Dan il-punt 67 kien b’hekk intiż sabiex iwieġeb għall-argumenti li jinsabu fil-punt 39 tar-rikors fl-ewwel istanza, redatt kif ġej:

“[…] Kieku r-rikorrenti kienet ġiet informata bl-opinjoni tal-Kummissjoni li l-istudju [FM] tal‑2005 ma kienx affidabbli […], peress li hija kellha tibbaża ruħha esklużivament fuq il-previżjonijiet tat-traffiku u mhux fuq il-previżjonijiet tad-dħul, ir-rikorrenti setgħet turi li din l-affermazzjoni kienet b’mod ċar żbaljata. Wieħed ma jistax jeskludi li l-Kummissjoni għalhekk kellha perspettiva oħra dwar is-sinjifikat tal-istudju [FM] tal‑2005 li affettwa l-evalwazzjoni kollha tagħha. Bl-istess mod, li kieku r-rikorrenti kienet taf li l-Kummissjoni kienet taqbel mal-modifiki tal-mudelli finanzjarji magħmula minn PwC (il-mudelli li l-Kummissjoni ma setgħetx tiftaħ qabel id-deċiżjoni ta’ ftuħ), hija kienet tirrifjuta din is-sentenza. Peress li l-Kummissjoni tat ħafna importanza lir-rapport ta’ PwC, l-argumenti li jimminaw il-kredibbiltà ta’ dan ir-rapport huma f’pożizzjoni li jaffettwaw l-eżitu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.”

55

Issa, mill-qari flimkien tal-punt 67 tas-sentenza appellata u tal-punt 39 tar-rikors fl-ewwel istanza, kif imsemmija fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza. preċedenti, jirriżulta li AW issostni ġustament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali żnaturat l-argumenti tagħha dwar l-assenza ta’ possibbiltà għaliha li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja. B’mod partikolari, AW sostniet li, kieku kellha din il-possibbiltà, hija kienet tkun tista’ turi li l-istudju FM tal‑2005 kien seta’ jintuża u rilevanti.

56

Issa, peress li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 60 u 61 tas-sentenza appellata, minn naħa, li l-Kummissjoni kellha tqiegħed lil AW f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-analiżi ġuridika adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tkun differenti, hija ma setgħetx tastjeni milli tieħu pożizzjoni speċifikament fuq l-argument imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza tagħha b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

57

Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata jirriżultax minn żnaturament tal-provi, għandu jiġi kkonstatat li dan il-punt huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi.

58

Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għandha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 48).

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tiġi eżaminata t-talba għas-sostituzzjoni tal-motivi magħmula mill-Kummissjoni, li permezz tagħha din l-istituzzjoni ssostni, kuntrarjament għal dak li tallega AW, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li AW kellha tinstema’ għat-tieni darba matul il-proċedura amministrattiva.

60

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill‑Istati hija, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil‑konfront tal-Istat Membru responsabbli, fid-dawl tal-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-Unjoni, għall-għoti tal-għajnuna. Huwa għalhekk li, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, sa fejn dan l-Istat Membru ma ġiex awtorizzat jikkummenta dwar ċerta informazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax teħodha inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat Membru (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 73).

61

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-impriżi potenzjalment benefiċjarji tal‑għajnuna mill-Istat huma kkunsidrati bħala partijiet interessati li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, matul il-fażi ta’ investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, li tistieden sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 70).

62

Għalkemm dawn il-partijiet interessati ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża, huma għandhom, min-naħa l-oħra, id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva segwita mill-Kummissjoni b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kumissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 71).

63

Fil-fatt, b’mod partikolari mill-Artikolu 88(2) TFUE jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar proġett ta’ għajnuna, hija għandha tagħti l-possibbiltà, lill-partijiet interessati, fosthom l-impriża jew l-impriżi kkonċernati, li jissottomettu l-kummenti tagħhom. Din ir-regola għandha n-natura ta’ formalità essenzjali (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07, EU:C:2008:709, punt 55).

64

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal‑Artikolu 108(2) TFUE, li l-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jsiru jafu bil-ftuħ ta’ proċedura. Din il-komunikazzjoni hija intiża sabiex tinkiseb, min-naħa ta’ dawn tal-aħħar, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il‑Kummissjoni jkollha għarfien ċar fl-azzjoni futura tagħha. Tali proċedura tagħti wkoll lill-Istati Membri l-oħra u lill-oqsma kkonċernati l-garanzija li jkunu jistgħu jinstemgħu (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 72).

65

Fil-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati minbarra l‑Istat Membru kkonċernat għandhom biss ir-rwol imfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u, f’dan ir-rigward, huma ma jistgħux jippretendu huma stess dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak miftuħ favur l-imsemmi Stat Membru (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 74).

66

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li meta s-sistema legali li taħtha l-Istat Membru wettaq notifika ta’ proġett ta’ għajnuna tinbidel qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, din tal-aħħar għandha, sabiex tiddeċiedi, kif għandha l-obbligu li tagħmel, abbażi tar-regoli ġodda, titlob lill-partijiet interessati li jieħdu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna ma’ dawn tal-aħħar. Dan japplika mod ieħor meta s-sistema legali ġdida ma jkollhiex emenda sostanzjali meta mqabbla ma’ dik li kienet fis-seħħ qabel (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 56).

67

Madankollu, irregolarità proċedurali twassal għall-annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din id-deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 80).

68

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati, meta jkun hemm bidla fis-sistema legali wara li l-Kummissjoni tkun poġġiet lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar proġett ta’ għajnuna u meta l-Kummissjoni tibbaża din id-deċiżjoni fuq is-sistema legali l-ġdida mingħajr ma tistieden lil dawn il-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha, is-sempliċi eżistenza ta’ differenzi bejn is-sistema legali li fuqha l-imsemmija partijiet tqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u dik li fuqha hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni ma tistax twassal, bħala tali, għall-annullament tal-istess deċiżjoni. Fil-fatt, minkejja li s-sistemi legali inkwistjoni nbidlu, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn is-sistemi li huma rilevanti għall-każ ineżami, l-imsemmija bidla setgħetx tbiddel is-sens tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 81).

69

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta b’mod partikolari li l-ommissjoni mill-Kummissjoni li tistieden lill-partijiet interessati jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar bidla fis-sistema legali, bħad-dħul fis-seħħ matul proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat tal-linji gwida li din l-istituzzjoni għandha l-intenzjoni li tapplika f’deċiżjoni li tagħlaq din il-proċedura, ma tikkostitwixxix ksur ta’ formalità sostanzjali.

70

Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dan ir-raġunament japplika a fortiori f’dan il-każ, fid-dawl tal-ommissjoni li l-benefiċjarju tal-miżura eżaminata jkun jista’ jieħu pożizzjoni dwar l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat dwar l-informazzjoni pprovduta minn dan il-benefiċjarju.

71

Barra minn hekk, jekk jista’ jkun hemm, kif tammetti l-Kummissjoni, ċirkustanzi li fihom il-konstatazzjoni ta’ fatti ġodda jew differenti meta mqabbla ma’ dawk imsemmija fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura jew ukoll l-intervent ta’ modifiki sostanzjali tal-kuntest ġuridiku rilevanti jistgħu jeħtieġu li l-partijiet interessati jiġu assoċjati iktar, jew saħansitra jiġi rikjest li tiġi ppubblikata deċiżjoni ta’ ftuħ addizzjonali jew irrettifikata, din il-kawża ma turi ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

72

B’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata ma humiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit obbligu għall-Kummissjoni li tagħti lil AW il-fakultà li tikkummenta fuq l-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, li huwa simili għal dibattitu kontradittorju ma’ dan l-Istat Membru quddiem il-Kummissjoni.

73

Fit-tieni lok, mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, li ċ-ċirkustanzi tal-każ ma humiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu obbligu għall-Kummissjoni li tagħti lil AW il-fakultà li tikkummenta fuq l-osservazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, jirriżulta li l-argumenti ta’ AW miġbura fil-qosor fil-punti 39 u 42 ta’ din is-sentenza, ibbażati fuq żball ta’ liġi, għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettiv.

74

Fil-fatt, meta tali obbligu ma huwiex stabbilit, bħal f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma tqumx il-kwistjoni dwar jekk l-analiżi legali adottata mill-Kummissjoni setgħetx tkun differenti li kieku kienet ingħatat il-fakultà li tikkummenta dwar l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

75

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 ta’ din is-sentenza li, kuntrarjament għal dak li tallega AW, dan il-kriterju ġuridiku adottat mill-Qorti Ġenerali ma huwiex, fih innifsu, żbaljat.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tintlaqa’ t-talba għas‑sostituzzjoni tal-motivi tal-Kummissjoni u jiġi miċħud l-ewwel aggravju.

Fuq it-tieni u t-tielet aggravju

77

It-tieni aggravju, dwar il-kriterju ta’ investitur privat, huwa maqsum f’erba’ partijiet.

78

It-tielet aggravju, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni u t-tielet aggravju

79

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, dwar ir-riskji ta’ inflazzjoni u ta’ kambju, AW issostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-kriterju ta’ investitur privat, li ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha stess għal dik tad-deċiżjoni kontenzjuża, u li qalbet l-oneru tal-prova.

80

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, dwar ir-rilevanza ta’ trasferiment ta’ dawn ir-riskji, AW tinvoka applikazzjoni żbaljata ta’ dan il-kriterju sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, sostituzzjoni tal-motivi għal dawk tad-deċiżjoni kontenzjuża, inverżjoni tal-oneru tal-prova u nuqqas ta’ motivazzjoni.

– L-argumenti tal-partijiet

81

Fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, AW tfakkar li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 110 sa 112 u 170 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat ġustament li investitur privat ipotetiku ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni t-trasferiment tar-riskji tal-kambju u tal-inflazzjoni invokati minn AW matul il-proċedura amministrattiva, minħabba li dawn ma ġewx diskussi mill-partijiet kontraenti u li l-inkonvenjenzi li jirriżultaw għal AW, jew saħansitra l-vantaġġi li jirriżultaw minnhom għar-Repubblika tal-Polonja, ma kinux stabbiliti.

82

Madankollu, billi llimitat l-eżami biss għall-għażliet ikkunsidrati mill-partijiet kontraenti fl-Anness 6, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-eżami tal-kriterju ta’ investitur privat għandu neċessarjament ikopri l-possibbiltajiet kollha li operatur privat kien raġonevolment jikkunsidra f’tali sitwazzjoni. Barra minn hekk, għalkemm kuntratt jistabbilixxi ċertament il-pożizzjoni finali tal-partijiet tiegħu, huwa ma jistabbilixxix, bħala prinċipju, il-kunsiderazzjonijiet kollha li wassluhom sabiex jikkonkludu dan il-kuntratt. F’dan il-każ, il-provi li jinsabu fil-proċess juru li l-partijiet kontraenti kienu ġew avżati, megħjuna minn esperti u kapaċi li jifhmu l-impatt tal-limitu massimu tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali kif ukoll id-differenzi bejn sistema ta’ tariffi virtwali u sistema ta’ tariffa reali. Mill-proċess jirriżulta wkoll li dan il-limitu massimu kien previst fl-Anness 6, fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 4 tal-Anness 1 tiegħu. B’hekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali żnaturat dawn il-provi, peress li klawżola kuntrattwali hija, bħala prinċipju, diskussa bejn il-partijiet fil-kuntratt inkwistjoni.

83

Billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta teżamina t-trasferiment tar-riskji, minħabba li dawn ir-riskji ma kinux stabbiliti, il-Qorti Ġenerali allegatament qalbet l-oneru tal-prova, peress li hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-benefiċjarju manifestament ma kienx jikseb faċilitajiet paragunabbli min-naħa ta’ investitur privat ipotetiku u li, f’dan ir-rigward, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet obbligata tistabbilixxi li investitur privat ma kienx a priori jikkunsidra l-informazzjoni inkwistjoni bħala rilevanti.

84

Skont AW, hija għalhekk il-Qorti Ġenerali li għandha tistabbilixxi jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli u jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kinitx tinkludi eżami tat-trasferiment tar-riskji tal-kambju u ta’ inflazzjoni. Issa, minflok tinkludi tali verifika, is-sentenza appellata timla, permezz ta’ sostituzzjoni tal-motivi, lakuna f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, ir-raġunament li jinsab fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata ma għandu l-ebda rabta mal-ebda waħda mill-evalwazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni.

85

Barra minn hekk, peress li r-riskji tal-kambju u tal-inflazzjoni jinfluwenzaw direttament l-ammont tas-somom dovuti u l-kapaċità li jiġu ffinanzjati tali somom matul il-konċessjoni, dan huwa evidentement fattur li jista’ jkollu influwenza sinjifikattiva fuq il-proċess deċiżjonali ta’ operatur privat, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ investitur privat billi rreferiet għal investitur li ma jinteressax ruħu mill-profitti u mir-riskji tiegħu stess.

86

Fl-aħħar nett, AW tqis li, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, il-motivazzjoni hija inadegwata, peress li minn dan il-punt ma jirriżultax b’mod ċar jekk il-Qorti Ġenerali kkunsidratx li kien hemm trasferiment tar-riskji tal-kambju u tal-inflazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja mhux biss meta l-varjazzjonijiet jinsabu taħt il-limitu massimu assolut fuq ir-rata tat-tariffa tat-triq virtwali previst iżda wkoll ogħla minnu, li ma huwiex il-każ, f’liema każ il-Qorti Ġenerali tkun żnaturat il-provi tal-proċess sa fejn l-eżistenza ta’ dan il-limitu massimu tirriżulta b’mod ċar minnu. Issa, ebda element ieħor imsemmi fl-imsemmi punt ma jista’ jsostni l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali.

87

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, AW issostni li l-iżbalji li jivvizzjaw l‑evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-kriterju ta’ investitur privat, applikabbli f’dan il-każ, jikkonċernaw ukoll, b’mod iktar wiesa’, dik dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fir-rigward tal-iżbalji li l-Qorti Ġenerali wettqet fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata, AW tirreferi għall-argumenti tagħha miġbur fil-qosor fil-punti 81 sa 86 ta’ din is-sentenza, li juru applikazzjoni żbaljata tal-imsemmi kriterju, nuqqas ta’ motivazzjoni, sostituzzjoni tal-motivi u inverżjoni tal-oneru tal-prova.

88

Barra minn hekk, fl-aħħar żewġ sentenzi tal-punt 112 tas-sentenza appellata, il‑Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ekonomika kumplessa li tmur lil hinn mis-setgħat tagħha ta’ stħarriġ u li wasslitha sabiex tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni li ma tinteressax ruħha, fid-deċiżjoni kontenzjuża, dwar il-kontenut ta’ dawn l-aħħar żewġ sentenzi. Ir-raġunament magħmul f’dan il-punt ma jistax, barra minn hekk, isostni l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali u jiżnatura l-provi, ġaladarba l-vetturi ta’ merkanzija tqila jirrappreżentaw 81 % tad-dħul ta’ AW u li l-Qorti Ġenerali ma tispjegax kif iżvantaġġ tas-sistema ta’ tariffa tat-triq virtwali li għandha effett fuq dan id-dħul jista’ jiġi kkumpensat mill-fatt li 19 % tad-dħul ta’ AW ma huwiex ikkonċernat minn dan l-iżvantaġġ.

89

Peress li l-argumenti ppreżentati minn AW fl-ewwel istanza dwar l-iżvantaġġi tas-sistema ta’ tariffa tat-triq virtwali li ma humiex integrati fil-kalkolu tal-IRR, iżda li madankollu għandhom effett fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fuq l-iżvantaġġi ta’ din is-sistema li ġew integrati f’dan il-kalkolu għalhekk ma humiex rilevanti. Skont AW, il-kwistjoni rilevanti hija jekk, mill-perspettiva ta’ AW, IRR previst ogħla iżda li għandu riskji ta’ inflazzjoni u ta’ kambju ogħla huwiex ekonomikament iktar vantaġġuż minn IRR previst iktar baxx iżda li għandu riskji ta’ inflazzjoni u ta’ kambju iktar baxxi. Issa, ma huwiex possibbli li tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija mingħajr ma ssir evalwazzjoni tal-limitu massimu tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali.

90

Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw l-argumenti ta’ AW. Il-Kummissjoni tikkunsidra, b’mod partikolari, li mill-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Anness 6 ma jinkludi ebda kunsiderazzjoni dwar iż-żieda fir-riskji ta’ inflazzjoni u tal-kambju, li għalhekk ma ġietx prodotta l-prova li l-partijiet kontraenti kellhom l-intenzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni tali żieda u li l-IRR tal-mudell b’vinjetta kkomunikata minn AW fl-ewwel istanza ma ġiex ippreżentat bħala li jinkludi element ta’ kumpens li jikkorrispondi għar-riskji ta’ inflazzjoni u ta’ kambju. Barra minn hekk, l-allegazzjoni li l-oneru tal-prova kien inqaleb tkun inammissibbli ġaladarba ma hijiex akkumpanjata minn ebda argument legali li jiġġustifikaha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu li l-ewwel partijiet tat-tieni u tat-tielet aggravju ma humiex fondati.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

91

Fil-kuntest tal-ewwel partijiet tat-tieni u tat-tielet aggravju, AW tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli żnaturat il-provi u wettqet diversi żbalji ta’ liġi li jirriżultaw minn applikazzjonijiet żbaljati tal-kriterju ta’ investitur privat, ta’ tqassim żbaljat tal-oneru tal-prova, ta’ sostituzzjoni tal-motivi u ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata.

92

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegati żnaturamenti tal-provi, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta minn annessi tal-proċess li tressqu quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex dawn il-fatt jiġu evalwati (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 97 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

93

Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 98 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94

Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-annessi tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2016, Il‑Kummissjoni vs Franza u Orange, C‑486/15 P, EU:C:2016:912, punt 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95

F’dan il-każ, l-ewwel żnaturament invokat minn AW jirrigwarda l-punt 110 tas-sentenza appellata, li jgħid li “ma jirriżultax mill-Anness 6 li l-partijiet kontraenti kellhom l-intenzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni l-inkonvenjenzi allegati tas-sistema ta’ tariffa tat-triq virtwali li [AW] issa tinvoka, u lanqas a fortiori li huma kkonkludew ftehim f’dan ir-rigward. Dan l-anness ma jinkludi, b’mod partikolari, l-ebda kunsiderazzjoni dwar iż-żieda fir-riskji allegati minn [AW]”.

96

Issa, meta AW tikkritika lill-Qorti Ġenerali li injorat il-fatt li l-limitu massimu tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali huwa previst fl-Anness 6, fil-paragrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-punt 4 tal-Anness 1 tiegħu, u li din il-klawżola kuntrattwali ġiet diskussa bejn il-partijiet kontraenti, hija ma ssostnix żnaturament, iżda tikkontesta, fir-realtà, l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li s-sempliċi preżenza ta’ dan il-limitu massimu ma hijiex ekwivalenti, waħedha u fl-assenza ta’ provi oħra li jikkorroboraw, għal teħid inkunsiderazzjoni minn dawn il-partijiet tar-riskji ta’ kambju u ta’ inflazzjoni msemmija minn AW.

97

Għaldaqstant, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-allegazzjonijiet ta’ AW f’dan ir-rigward huma inammissibbli fl-istadju tal-appell.

98

It-tieni żnaturament invokat minn AW jirrigwarda l-punt 112 tas-sentenza appellata, li huwa fformulat b’mod partikolari kif ġej:

“[…] skont l-Anness 6, ir-rati tat-tariffa tat-triq virtwali kienu indiċjati skont il-varjazzjonijiet fir-rata ta’ inflazzjoni u r-rata tal-kambju, u miżjuda fuq kollox, kull sitt xhur mill‑1 ta’ Settembru 2007, b’fattur addizzjonali msejjaħ “WWR”. Permezz tal-mekkaniżmu ta’ verifika, ir-Repubblika tal-Polonja ħadet ukoll fuqha r-riskji marbuta mal-iżvilupp tat-traffiku u tad-dħul u żgurat li l-IRR ser jibqa’ fl-istess livell bħal dak mistenni qabel l-emenda tal-Liġi matul il-perijodu bejn l‑1 ta’ Settembru 2005 u l‑31 ta’ Diċembru 2006. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi eżistenza ta’ limitu massimu tariffarju tat-tariffa tat-triq virtwali, mhux indiċjat skont il-varjazzjonijiet fir-rata ta’ inflazzjoni u tar-rata tal-kambju, ma tistax titqies li ttrasferiet lir-rikorrenti r-riskju tal-inflazzjoni u r-riskju tal-kambju u bħala li tiġġustifika l-ħlas ta’ “primjum” lir-rikorrenti.

99

Sa fejn AW tikkritika lill-Qorti Ġenerali li b’hekk ikkunsidrat li kien hemm trasferiment tar-riskji tal-kambju u tal-inflazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja mhux biss meta l-varjazzjonijiet jinsabu taħt il-limitu massimu assolut fuq ir-rata tat-tariffa tat-triq virtwali prevista iżda wkoll ikbar minnha, għandu jiġi kkonstatat li, fl-ewwel sentenza ċċitata fil-punt preċedenti, il-Qorti Ġenerali sempliċement iddeskriviet il-mekkaniżmu previst fl-Anness 6, li t-tieni sentenza ssemmi mhux ir-riskji tal-kambju u tal-inflazzjoni, iżda r-riskji marbuta mal-iżvilupp tat-traffiku u d-dħul u li t-tielet sentenza tinkludi evalwazzjoni fattwali meħuda mill-provi msemmija fiż-żewġ sentenzi preċedenti.

100

Din is-silta tas-sentenza appellata b’hekk ma turi ebda żnaturament tal-provi u AW tillimita ruħha mill-ġdid sabiex tikkontesta evalwazzjoni fattwali sovrana tal-Qorti Ġenerali, li hija inammissibbli fl-istadju tal-appell.

101

It-tielet żnaturament invokat minn AW jirrigwarda wkoll il-punt 112 tas-sentenza appellata, sa fejn huwa fformulat b’hekk b’mod partikolari:

“[…] Fir-rigward tal-impossibbiltà li jiġu ffissati t-tariffi tat-triq fuq livell ottimu u tal-impossibbiltà li wieħed jibbenefika minn redditu ogħla minn dak previst inizjalment, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, [li AW] baqgħet libera li tiffissa r-rati tat-tariffa tat-triq applikabbli għall-vetturi li ma humiex it-trakkijiet li għandhom vinjetta, b’tali mod li hija setgħet tadatta l-istrateġija kummerċjali tagħha għall-iżviluppi tas-suq, u, min-naħa l-oħra, li hija kienet użat, fl‑1 ta’ Settembru 2005, il-possibbiltajiet kollha li żżid ir-rati reali tagħha għall-vetturi ta’ merkanzija tqila billi tistabbilixxi dawn tal-aħħar għal-livelli massimi awtorizzati mill[-kuntratt ta’ konċessjoni]. L-iżvantaġġi allegati mir-rikorrenti ma setgħux għalhekk jaffettwaw b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni finanzjarja mistennija tagħha”.

102

Meta AW tirrileva li t-vetturi li jġorru merkanzija tqila jirrappreżentaw 81 % tad-dħul tagħha u li hija tallega li l-Qorti Ġenerali ma tispjegax kif żvantaġġ tas-sistema ta’ tariffa tat-triq virtwali li għandha effett fuq dan id-dħul jista’ jiġi kkumpensat mill-fatt li 19 % tad-dħul tagħha ma huwiex ikkonċernat minn dan l-iżvantaġġ, hija ttendi mhux sabiex tistabbilixxi żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-klawżoli kuntrattwali fil-kuntest tal-ewwel sentenza msemmija fil-punt preċedenti, iżda sabiex turi li l-evalwazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-iżvantaġġi allegati tas-sistema ta’ tariffa tat-triq virtwali ma setgħux ibiddlu b’mod sinjifikattiv s-sitwazzjoni finanzjarja mistennija hija żbaljata. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom ukoll jiġi kkunsidrati bħala inammissibbli.

103

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-iżbalji ta’ liġi allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jiġu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun tali li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, dan għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Sa fejn l-argumentazzjoni ppreżentata minn AW fil-kuntest tal-ewwel partijiet tat-tieni u tat-tielet aggravju tikkonċerna esklużivament it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza wkoll stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, jitqiesu li huma għajnuna mill-Istat (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs FIH Holding u FIH Erhvervsbank, C‑579/16 P, EU:C:2018:159, punt 44).

105

B’hekk, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 107(1) TFUE li jiżgura kompetizzjoni mhux distorta, inkluż fiha bejn l-impriżi pubbliċi u l-impriżi privati, il-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni ma jistax jinkludi miżura mogħtija favur impriża permezz ta’ riżorsi tal-Istat fejn din setgħet tikseb l-istess vantaġġ f’ċirkustanzi li jikkorrispondu mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. L-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom tali vantaġġ ingħata jitwettaq għalhekk, fil-prinċipju, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

F’dan ir-rigward, meta jkun hemm dubji dwar l-applikabbiltà tal-imsemmi prinċipju, b’mod partikolari minħabba l-użu mill-Istat Membru kkonċernat, fil-mument tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni, tal-prerogattivi tiegħu ta’ awtorità pubblika, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implimentata tirriżulta mill-kwalità tiegħu ta’ operatur privat (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Min-naħa l-oħra, meta l-prinċipju ta’ operatur privat ikun applikabbli, dan ikun fost l-elementi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ għajnuna, u għalhekk ma jikkostitwixxix eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta jkun ġie kkonstatat li l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat”, li jinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE, huma ssodisfatti (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

F’dan il-każ, b’hekk hija l-Kummissjoni li għandha l-oneru li tipprova, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat ma humiex issodisfatti, b’mod li l-intervent statali inkwistjoni jinkludi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 110).

109

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-istess miżura kinitx tiġi adottata fil-kundizzjonijiet normali tas-suq minn operatur privat, għandu jsir riferiment għal tali operatur li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-Istat ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull prova rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja manifestament ma kinitx tikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand tali operatur privat (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Minn dan jirriżulta li l-eżami li, jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha twettaq, ma jistax jillimita lilu nnifsu biss għall-possibbiltajiet effettivament meħuda inkunsiderazzjoni mill-awtorità pubblika kompetenti, iżda għandu neċessarjament jinkludi l-possibbiltajiet kollha li operatur privat kien raġonevolment jieħu inkunsiderazzjoni f’sitwazzjoni bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 29).

112

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandha titqies bħala rilevanti kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-operatur pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 60).

113

Min-naħa l-oħra, huma rilevanti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, il-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli meta ttieħdet din d-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 61).

114

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija marbuta, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat, twettaq il-proċedura ta’ eżami tal-miżuri kkontestati b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex hija jkollha, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, il-provi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli għal dan il-għan (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

Sa fejn AW tikkritika lill-Qorti Ġenerali li eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi għal nuqqas ta’ kompetenza, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, ksur tat-Trattat FUE jew ta’ kull dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jew użu ħażin ta’ poter. L-Artikolu 264 TFUE jipprevedi li, jekk ir-rikors ikun fondat, l-att ikkontestat għandu jiġi ddikjarat null. Il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tal-awtur tal-att ikkontestat b’dik tagħhom stess (sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-eżami li għandu jsir mill-Kummissjoni, fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat, jeħtieġ li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa u li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dik tagħha (sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 100).

117

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li fuqhom huma bbażati (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punt 64).

118

F’dan ir-rigward, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata mill-qorti tal-Unjoni skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fil-mument meta adottatha, li jinkludu dawk li jidhru rilevanti għall-evalwazzjoni li għandha ssir skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 110 sa 113 ta’ din is-sentenza u li hija setgħet, fuq talba tagħha, tikseb il-produzzjoni matul il-proċedura amministrattiva (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice, C‑300/16 P, EU:C:2017:706, punti 7071).

119

Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 103 sa 118 ta’ din is-sentenza li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti ta’ AW.

120

Fir-rigward, l-ewwel, tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali llimitat l-eżami tagħha biss għall-għażliet previsti mill-partijiet kontraenti u injorat l-influwenza sinjifikattiva tar-riskji allegati fuq il-proċess deċiżjonali ta’ investitur privat, jirriżulta, ċertament, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 110 u 111 ta’ din is-sentenza, li l-eżami li l-Kummissjoni għandha twettaq, jekk ikun il-każ, ma jistax ikun limitat biss għall-għażliet li l-awtorità pubblika kompetenti effettivament ħadet inkunsiderazzjoni, iżda għandu neċessarjament ikopri l-possibbiltajiet kollha li operatur privat kien raġonevolment jikkunsidra f’tali sitwazzjoni.

121

Madankollu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li dan ir-rekwiżit ma jimplikax li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, barra minn hekk, għażliet li operatur privat ma kienx raġonevolment jikkunsidra f’tali sitwazzjoni.

122

Barra minn hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Frucona Košice (C‑300/16 P, EU:C:2017:706), kienet inkwistjoni l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat lil kreditur sabiex jimmassimizza l-irkupru tas-somom dovuti lilu minn debitur fallut. Huwa fil-kuntest ta’ tali sitwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-Kummissjoni li għandha teżamina, lil hinn mill-għażliet ta’ rkupru previsti mill-awtorità pubblika kompetenti, kull għażla oħra li kreditur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni b’mod raġonevoli.

123

Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ turi li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx, fir-rigward ta’ AW, fis-sitwazzjoni ta’ kreditur privat, u lanqas f’dik ta’ investitur privat. Fil-fatt, peress li dan l-Istat Membru kellu l-obbligu li jikkumpensa lil AW għal dannu li kien ġie kkawżat lil din tal-aħħar fil-kuntest tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom, il-kriterju li għandu jintuża kien dak ta’ debitur privat li huwa responsabbli, fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali, għal somma flus lill-parti kontraenti tiegħu minħabba dannu li kkawżatlu.

124

Issa, għandu jiġi kkonstatat li ma huwiex fl-interess ta’ debitur privat li jikkumpensa lill-kreditur tiegħu għal riskji tal-kambju u tal-inflazzjoni li dan il-kreditur ma invokax fil-konfront tiegħu. Fil-fatt, peress li kumpens ikbar ikun imur, bħala prinċipju, kontra l-interessi ta’ debitur privat, għandu jiġi kkunsidrat li tali debitur ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni tali riskji ħlief jekk, fuq talba tal-parti kontraenti tiegħu, huwa kien obbligat li jagħmel dan jew li dan kien ikun fl-interess miftiehem b’mod usa’ tiegħu, fid-dawl tar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni.

125

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 152 sa 154 u 165 sa 171 tas-sentenza appellata, li operatur privat fis-sitwazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja ma kienx, bħala prinċipju, jaċċetta li jħallas ammont ogħla minn dak li kellu jingħata lil AW wara l-avveniment dannuż inkwistjoni u, b’mod iktar speċifiku, fil-punti 110 sa 112 ta’ din is-sentenza, li ma kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji li allegatament kien suġġetti għalihom AW li ma jidhirx li kienu s-suġġett ta’ talba minn AW f’negozjati ma’ dak l-Istat Membru jew li kieku mod ieħor kienu jkunu s-suġġett tal-iskambji tagħhom.

126

Minn dan jirriżulta, it-tieni, li huwa b’mod żbaljat li AWE tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qalbet l-oneru tal-prova, peress li r-riskji allegati minn AW għandhom jiġu kkunsidrati, konsegwentement, bħala li ma humiex informazzjoni rilevanti li tista’ tinfluwenza b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ operatur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-operatur pubbliku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li tallega AW, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet marbuta tippreċiża, fid-deċiżjoni kontenzjuża, ir-raġunijiet li għalihom hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riskji allegati minn AW.

127

It-tielet, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, AW ma tistax validament tallega li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivi jew li marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ tagħha meta kkonstatat, fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza appellata, li r-riskji imsemmija minn AW la kienu rilevanti għall-evalwazzjoni li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq u lanqas stabbiliti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement evalwat l-argumenti mressqa quddiemha u vverifikat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx illegali jew le fir-rigward tat-talbiet ta’ AW.

128

Fl-aħħar nett, sa fejn AW issostni li r-raġunament li jinsab fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata ma jistax isostni l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 113 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tikkritikax nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmija sentenza, iżda tikkritika l-kontenut tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jistiednu, għaldaqstant, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, ħaġa li ma taqax fil-kompetenza tagħha u għalhekk għandha titqies li hija inammissibbli fl-istadju tal-appell.

129

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel partijiet tat-tieni u tat-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

130

It-tieni parti tat-tieni aggravju, dwar l-għażliet li investitur privat ipotetiku kien jikkunsidra, hija bbażata fuq il-ksur tal-kriterju ta’ investitur privat, tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tar-regoli fil-qasam tal-provi u tal-limiti tal-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali.

– L-argumenti tal-partijiet

131

AW issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li investitur privat kien ikun limitat, waqt in-negozjati tal-ammont tat-tariffa tat-triq virtwali, mid-dispożizzjonijiet u mill-għanijiet tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, ġaladarba kkonfermat l-approċċ żbaljat tal-Kummissjoni li jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-għażliet maħsuba mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, il-livell adegwat ta’ kumpens għal AW ma huwiex kunsiderazzjoni determinanti għal investitur privat, peress li la huwa marbut direttament mal-profittabbiltà tiegħu u lanqas mar-riskju tiegħu.

132

Barra minn hekk, jekk miżura li tmur kontra liġi nazzjonali tikkostitwixxi vantaġġ, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sempliċement minħabba l-fatt li investitur privat lanqas ma jħallas dak li huwa rikjest minn din il-liġi, din tal-aħħar tillimita l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ta’ livell superjuri, li toħloq ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

133

Barra minn hekk, billi qieset li l-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 timponi fuq il-partijiet kontraenti limiti dwar id-determinazzjoni tat-tariffa tat-triq virtwali, il-Qorti Ġenerali mmotivat is-sentenza appellata b’mod inadegwat, kisret ir-regoli dwar il-prova u ssostitwixxiet motivazzjoni differenti minn dik tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, għalkemm din il-liġi pprojbixxiet it-tariffa tat-triq reali, hija kienet tirreferi wkoll għal negozjati dwar il-metodu ta’ kumpens u għat-termini ta’ rimbors. Peress li din il-liġi la tispeċifika t-TRI, u lanqas li għandha tikkumpensa biss it-telf ta’ dħul, la l-kunsiderazzjonijiet li l-Istat jista’ jieħu inkunsiderazzjoni, u lanqas il-pożizzjoni kummerċjali tal-Istat, hija tħalli setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tistruttura l-ftehim dwar it-tariffi tat-triq virtwali.

134

Barra minn hekk, AW ipprovdiet lill-Qorti Ġenerali, bħala prova tal-portata u tal-kontenut tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tispjega l-interpretazzjoni korretta tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 u li l-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod żbaljat u permezz ta’ motivazzjoni inadegwata bħala irrilevanti. Fil-fatt, il-fatt li din id-deċiżjoni ma kinitx imposta fuq il-Kummissjoni u li hija ma tiddikjarax iktar rilevanti l-istudju WSA tal‑1999 meta mqabbel mal-istudju WSA tal-2004 huwa ineffettiv fir-rigward tal-valur probatorju tal-imsemmija sentenza. B’hekk, il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjonijiet tagħha abbażi ta’ provi inkompleti u mingħajr ebda bażi, peress li ebda prova mill-proċess ma jsostni dawn il-konklużjonijiet. Il-Qorti Ġenerali injorat ukoll li l-eżami tal-portata u tal-kontenut tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 kien jippreżupponi għarfien tekniku u li l-Kummissjoni ma kisbitx il-perizja meħtieġa, li huwa aggravat mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ u l-formulazzjoni tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 kienu jindikaw li t-tariffa tat-triq virtwali kellha tiġi nnegozjata bejn il-partijiet kontraenti. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni tal-arbitraġġ ġiet annullata mis-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja) au għas-sempliċi raġuni li hija tmur kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, u dan ma jikkonfutax il-valur probatorju tagħha fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmija liġi.

135

Barra minn hekk, billi kkonfermat, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, l-affermazzjoni nieqsa minn provi preċiżi, affidabbli u koerenti li tinsab fil-punt 152 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tgħid li l-Anness 6 jagħti kumpens ikbar milli kienet tirrikjedi l-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 u li teżisti kontradizzjoni bejn il-kuntratt ta’ konċessjoni u dan l-anness, il-Qorti Ġenerali naqset milli tivverifika jekk ir-rekwiżiti ta’ prova kinux issodisfatti. B’hekk, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni li ma tippermettix lil AW tkun taf ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħti l-interpretazzjoni li hija għamlet tal-imsemmija liġi u lanqas li tkun taf ir-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-argumenti tagħha li l-allegata kontradizzjoni ma teżistix.

136

Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw l-argumenti ta’ AW. Il-Kummissjoni tqis, b’mod partikolari, li l-ilment ibbażat fuq il-fatt li investitur privat ma huwiex limitat mid-dispożizzjonijiet u mill-għanijiet tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 huwa inammissibbli, ġaladarba n-natura tal-iżball ta’ liġi ma hijiex ippreċiżata u l-ebda argument legali ma tressaq insostenn ta’ tali lment. Barra minn hekk, peress li l-portata u l-kontenut ta’ din il-liġi jikkostitwixxu punti ta’ fatt, l-evalwazzjoni sovrana tal-Qorti Ġenerali dwar dawn il-provi tista’ tiġi kkontestata biss jekk jiġi invokat l-iżnaturament tal-imsemmija provi, li la jkun tqajjem u lanqas a fortiori pprovat. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu li t-tieni parti tat-tieni aggravju huwa infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

137

Qabel kollox għandha tiġi miċħuda l-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni dwar l-argumenti ppreżentat minn AW fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, peress li din hija suffiċjentement ċara u intiża għall-konstatazzjoni ta’ żball ta’ liġi li jirriżulta mil-limitazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni skont il-prinċipju ta’ operatur privat, ta’ ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ta’ ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova, ta’ sostituzzjoni tal-motivi u ta’ motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata.

138

Dawn l-ilmenti fformulati minn AW jirrigwardaw il-punti 152 sa 154 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari li l-Kummissjoni kienet qieset ġustament li l-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 u l-kuntratt ta’ konċessjoni kienu jimponu fuq ir-Repubblika tal-Polonja li tikkumpensa lil AW unikament għat-telf ta’ dħul ikkawżat mill-emendi magħmula b’din il-liġi u li ebda operatur privat razzjonali ma kien jaċċetta li jħallas ammont ogħla minn dak impost fuqu mill-imsemmija liġi u dan il-kuntratt.

139

Fil-punti 121 sa 125 ta’ din is-sentenza diġà ġie rrilevat li l-Qorti Ġenerali ġustament qieset li debitur privat fis-sitwazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja ma kellux l-intenzjoni li jikkumpensa lil AW lil hinn mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-impatt tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 fuq ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom. Peress li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija b’hekk konformi mal-prinċipju ta’ operatur privat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi u lanqas ma tikser il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

140

Minn dan jirriżulta wkoll li AW ma tistax tallega b’mod utli li l-Qorti Ġenerali wettqet sostituzzjoni tal-motivi jew li marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ tagħha meta hija wettqet, fil-punti 152 sa 154 tas-sentenza appellata, il-konstatazzjonijiet imfakkra fil-punt 138 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali sempliċement evalwat l-argumenti mressqa quddiemha u vverifikat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx illegali jew le fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta’ AW.

141

Fir-rigward tal-allegata motivazzjoni difettuża tas-sentenza appellata, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li AW tikkontesta biss in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tas-sentenza appellata sabiex issostni l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali.

142

Sussegwentement, dawn l-argumenti jirriżultaw, parzjalment, minn qari żbaljat tal-punti 152 u 153 tas-sentenza appellata, peress li dawn la jinkludu konstatazzjoni li l-Anness 6 jagħti lil AW kumpens ikbar minn dak rikjest mil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 u lanqas li teżisti kontradizzjoni bejn il-kuntratt ta’ konċessjoni u dan l-anness, iżda li l-ammont tal-kumpens li AW kienet intitolata għalih kien jirriżulta minn evalwazzjoni globali tal-fatt dannuż ikkawżat mill-imsemmija liġi u tal-obbligi imposti fuq ir-Repubblika tal-Polonja bis-saħħa tal-imsemmi kuntratt.

143

Konsegwentement, peress li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx, f’dawn il-punti tas-sentenza appellata, tali konstatazzjonijiet, huma infondata għalkollox l-argumenti ta’ AW li l-Qorti Ġenerali, meta għamlithom, kisret ir-regoli dwar il-produzzjoni tal-prova.

144

Fl-aħħar nett, AW tixtieq tikseb, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni, evalwazzjoni ġdida tal-fatti, u b’mod partikolari tal-kontenut tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, li ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

145

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

Fuq it-tielet parti tat-tieni aggravju

146

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, dwar ir-riskju ta’ falliment tan-negozjati u tar-riskju ta’ kawżi, AW tinvoka żnaturament tal-provi kif ukoll il-ksur tal-kriterju ta’ investitur privat, tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tar-regoli fil-qasam tal-provi u tal-limiti tal-istħarriġ li għandu jsir mill-Qorti Ġenerali.

– L-argumenti tal-partijiet

147

AW issostni li, bħall-konsulenti tar-Repubblika tal-Polonja, li qiesu l-Anness 6 bħala aċċettabbli, investitur privat ipotetiku kien jieħu inkunsiderazzjoni r-riskju li AW tispiċċa billi jitlob ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ konċessjoni jew billi jippreżenta rikors kif ukoll l-avviż professjonali tal-konsulenti tiegħu f’dan ir-rigward, u li l-Kummissjoni kienet għalhekk marbuta kemm li tevalwa dan ir-riskju kif ukoll li tieħu inkunsiderazzjoni dan il-parir, ħaġa li hija naqset milli tagħmel u li l-Qorti Ġenerali ma ċċensuratx.

148

Fil-fatt, fil-punt 165 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kienet limitat l-applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat għall-għażliet previsti mil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 biss u b’hekk ivvizzjat is-sentenza appellata bl-istess żbalji bħal dawk diġà rrilevati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju. Ir-raġunament magħmul fil-punt 166 ta’ dik is-sentenza huwa ċirkulari, inadegwat u jinkludi sostituzzjoni tal-motivi fir-rigward tar-riskji ta’ xoljiment u ta’ kontenzjuż fl-imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

149

Sa fejn, fil-punt 167 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali qieset li AW kellha wkoll interess li tevita kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali tissostitwixxi mill-ġdid ir-raġunament tagħha għal dak tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ma tweġibx għall-argument dwar il-punt fejn AW ma kinitx segwiet ir-relazzjoni kummerċjali, li hija kkaratterizzata mill-prospett ta’ telf għal AW u jiżnatura l-analiżi tal-konsulenti tar-Repubblika tal-Polonja. Barra minn hekk, l-aħħar sentenza ta’ dan il-punt fiha żball ta’ loġika u, għaldaqstant, motivazzjoni inadegwata, sa fejn tillimita t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji ta’ xoljiment u ta’ kontenzjuż għall-perijodu preċedenti għall-adozzjoni tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, minkejja li dawn ir-riskji jeżistu wkoll għall-perijodu sussegwenti.

150

Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw l-argumenti ta’ AW.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

151

Permezz tal-argumenti tagħha ppreżentati fil-kuntest tat-tielet parti tat-tieni aggravju, li jirrigwarda l-punti 165 sa 167 tas-sentenza appellata, AW tinvoka applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ operatur privat, motivazzjoni inadegwata, sostituzzjoni tal-motivi kif ukoll żnaturament tal-provi.

152

Fil-punt 165 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fir-rigward tal-allegati riskji sostnuti minn operatur privat fil-każ ta’ falliment tan-negozjati, li tali operatur kien jikkonkludi ftehim addizzjonali għall-kuntratt ta’ konċessjoni biss sabiex jikkumpensa lil AW, konformement mal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, tat-telf biss ta’ dħul ikkawżat minn din il-liġi u li, konsegwentement, huwa la ħa inkunsiderazzjoni dawn l-allegati riskji u lanqas aċċetta li jħallas, f’dan ir-rigward, kumpens ogħla. Huwa żied li l-imsemmija riskji ma ġewx diskussi mill-partijiet kontraenti matul in-negozjati tal-Anness 6 u ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-kumpens imħallas lil AW.

153

Fil-punt 166 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Kummissjoni essenzjalment illimitat ruħha, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li tikkontesta d-data użata fil-mudelli finanzjarji previsti fl-Anness 6. Issa, peress li r-riskji allegatament sostnuti minn operatur privat fl-assenza ta’ tranżazzjoni ma għandhom ebda relazzjoni mar-rilevanza tad-data użata fil-mudelli finanzjarji, il-Qorti Ġenerali qieset li kien hemm xejn li kien jippermetti li wieħed jaħseb li operatur privat kien jaċċetta li juża d-data mhux rilevanti tal-istudju WSA tal‑1999 minflok dik tal-istudju WSA tal‑2004 sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-imsemmija riskji.

154

Fil-punt 167 tas-sentenza appellata, qabel kollox, il-Qorti Ġenerali żiedet li r-riskju ta’ falliment tan-negozjati u r-riskju kontenzjuż ma ttiħdux inkunsiderazzjoni minn operatur privat fil-kuntest tan-negozjati sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-kumpens dovut lil AW, peress li dawn ir-riskji ma għandhom ebda relazzjoni mat-telf ta’ dħul ikkawżat mill-emenda leġiżlattiva. Sussegwentement, hija qieset li AW kellha wkoll interess li n-negozjati jirnexxu u li jiġi evitat rikors kontenzjuż intiż għall-ksib tad-danni. Fl-aħħar nett, hija rrilevat li AW ma kinitx stabbilixxiet u lanqas allegat li l-konsulenti tar-Repubblika tal-Polonja qiesu li r-riskju ta’ falliment tan-negozjati kif ukoll ir-riskju kontenzjuż kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-IRR eżatt qabel l-emendi magħmula bil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005.

155

Fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-provi, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 94 din is-sentenza, AW ma tispeċifikax liema prova hija żnaturata mill-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fl-aħħar sentenza tal-punt 167 tas-sentenza appellata.

156

Fir-rigward tal-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ operatur privat invokat minn AW, qabel kollox, għandu jitfakkar li l-kriterju ta’ evalwazzjoni li għandu jiġi applikat f’dan il-każ kien dak ta’ debitur privat li kien responsabbli, fil-kuntest ta’ relazzjoni kuntrattwali, għal somma flus lill-parti kontraenti tiegħu minħabba dannu li kien ikkawżalu. B’hekk, kif diġà ġie kkonstatat diversi drabi f’din is-sentenza, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li tali debitur ma kienx, bħala prinċipju, ikkumpensa lil AW lil hinn mill-ammont dovut minħabba l-fatt dannuż, ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

157

Sussegwentement, anki jekk jiġi aċċettat li dan l-obbligu ta’ pagament kien jirriżulta minn relazzjoni kuntrattwali usa’ bejn ir-Repubblika tal-Polonja u AW u li debitur privat fis-sitwazzjoni ta’ dan l-Istat Membru seta’ b’hekk jieħu inkunsiderazzjoni r-riskji ta’ falliment tan-negozjati u tal-kontenzjuż, xorta jkun meħtieġ li dawn kienu reali u kienu setgħu jikkawżaw għalih spejjeż ogħla minn dawk marbuta mal-kumpens ta’ AW minħabba konsegwenzi fuqha tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005.

158

Fl-aħħar nett, mill-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 165 u 167 tas-sentenza appellata, jirriżulta li r-realtà ta’ tali riskji ma kinitx madankollu stabbilita. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali irrilevat, f’dan ir-rigward, li dan il-punt ma ġiex diskuss bejn il-partijiet kontraenti u jirriżulta, barra minn hekk, mis-sentenza appellata li l-mekkaniżmu ta’ kumpens tat-telf miftiehem kellu, minn naħa, jiżgura s-sostituzzjoni sħiħa tad-dħul mitluf u, min-naħa l-oħra, jiżgura li AW kienet f’pożizzjoni li tirrimborsa s-self meħud għall-kostruzzjoni tas-sezzjoni tal-awtostrada inkwistjoni.

159

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ operatur privat għandu jiġi miċħud bħala infondat.

160

F’dak li jirrigwarda l-allegati sostituzzjonijiet tal-motivi, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 165 sa 167 tas-sentenza appellata, l-argumenti ta’ AW li l-Kummissjoni kienet naqset b’mod żbaljat milli tieħu inkunsiderazzjoni r-riskji ta’ falliment tan-negozjati u r-riskji ta’ litigazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-riskji allegati minn AW ma kinux stabbiliti. Issa, il-Kummissjoni ma hijiex, bħala prinċipju, marbuta li tippreċiża fid-deċiżjonijiet tagħha r-raġunijiet għalfejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni provi mhux stabbiliti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma pprovdietx, fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, motivazzjoni li kellha tkun inkluża fid-deċiżjoni kontenzjuża, iżda esponiet raġunament li jiċħad l-argumenti ppreżentati quddiemha u intiżi sabiex jistabbilixxi allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża.

161

Fl-aħħar nett, bl-iskuża ta’ allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, AW tfittex, fir-realtà, li tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja evalwazzjoni ġdida tal-fatti, ħaġa li ma taqax fil-kompetenza tagħha.

162

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

Fuq ir-raba’ parti tat-tieni aggravju

163

Ir-raba’ parti tat-tieni aggravju, dwar l-istudju tat-traffiku u tad-dħul li għandu jintuża, hija bbażata fuq żnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża, is-sostituzzjoni mill-Qorti Ġenerali b’motivazzjoni differenti għal dik tal-imsemmija deċiżjoni, l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ investitur privat, ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, ksur tar-regoli fil-qasam tal-provi u nuqqas ta’ motivazzjoni.

– L-argumenti tal-partijiet

164

AW tirrileva li l-punt 152 tad-deċiżjoni kontenzjuża jipprevedi li “huwa dubjuż ħafna” li investitur privat jaċċetta li jikkalkola l-kumpens ta’ AW abbażi tal-istudju WSA tal‑1999 minflok fuq dak tal-istudju WSA tal‑2004 u jenfasizza li, b’dan il-mod, il-Kummissjoni ma kellhiex provi li huwa hekk. Issa, peress li l-oneru tal-prova jinsab fuq il-Kummissjoni, dan ir-raġunament ma jistax isostni l-konklużjoni tagħha li l-kriterju ta’ investitur privat ma kienx issodisfatt. Għaldaqstant, billi affermat, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet suffiċjentement motivata f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali applikat kriterju ġuridiku żbaljat, żnaturat is-sens evidenti tad-deċiżjoni kontenzjuża u ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik ta’ din id-deċiżjoni.

165

AW tqis li l-kliem użat mill-Kummissjoni juri, l-istess bħall-istruttura tad-deċiżjoni kontenzjuża, li l-Kummissjoni ttrattat il-kriterju ta’ investitur privat bħala eċċezzjoni li hija kellha teżamina biss fuq talba ta’ AW, b’tali mod li l-punt 142 tas-sentenza appellata, li jikkonstata l-kuntrarju, ma huwiex konvinċenti.

166

AW tirrileva li fil-punt 154 is-sentenza appellata tippronunzja ruħha biss fuq il-merti tal-istudju WSA tal‑2004 meta mqabbel mal-istudju WSA tal‑1999 sabiex tiġi analizzata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ AW preċedenti għall-emenda leġiżlattiva inkwistjoni. Madankollu, investitur privat ma jillimitax ruħu li jikkunsidra li ċerti elementi ta’ formola setgħu jintgħażlu b’mod differenti, iżda jagħżel bejn l-għażla ta’ din il-formula u għażliet oħra disponibbli skont ir-riżultat finali tagħhom. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali ma jispjegax ir-raġuni għalfejn l-Anness 6 ma kienx inkluż fost dawn l-għażliet l-oħra, jekk ikun il-każ meħuda inkunsiderazzjoni minn tali investitur, b’tali mod li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq dan il-punt hija inadegwata.

167

Barra minn hekk, billi integrat fl-analiżi tagħha l-għan tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, il-Qorti Ġenerali vvizzjat dan l-istess raġunament bl-iżbalji esposti fil-punt 82 ta’ din is-sentenza. Peress li l-motivazzjoni tal-imsemmi punt 154 ma turix l-għażla li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala dik li investitur privat kien jikkunsidra, din hija inadegwata. B’mod partikolari, ma huwiex ċar jekk il-Qorti Ġenerali pprevedietx il-ftehim milħuq bejn il-partijiet bil-bidla unika tal-aġġornament tal-mudell finanzjarju bażiku permezz tad-data tal-istudju tat-traffiku WSA tal‑2004, jiġifieri b’limitu massimu tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali, jew ftehim ibbażat fuq il-mudell finanzjarju bażiku aġġornat iżda mingħajr ma jiġi ffissat limitu massimu. Issa, fl-ewwel każ, il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kontradittorja, għaliex, skont il-Qorti Ġenerali, sabiex “jiġi ggarantit il-kumpens”, tali limitu massimu ma huwiex neċessarju peress li l-IRR kien ta’ 7.42 %, u, fit-tieni każ, huwa evidenti li l-limitu massimu tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali kellu jiġi eżaminat.

168

Dejjem f’dan ir-rigward, AW tirrileva li għażla oħra miftuħa għall-investitur privat setgħet tikkonsisti fi ftehim mingħajr aġġornament tal-preżunzjoni tat-traffiku tal-mudell finanzjarju bażiku, iżda b’limitu massimu tar-rati tat-triq virtwali iktar baxxi li seta’ jwassal għal IRR inqas minn 7.42 %. Issa, investitur privat evidentement ma jħallsux iktar, bl-uniku għan li juża l-istudju “tajjeb”. Għaldaqstant, l-istudju “tajjeb” huwa, fih innifsu, irrilevanti. Il-kriterju ta’ investitur privat jippreżupponi, fil-fatt, analiżi tal-“pakkett sħiħ”, b’tali mod li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi applikazzjoni ħażina ta’ dan il-kriterju. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali injorat l-argument ta’ AW li investitur privat kien iqis li ebda wieħed mill-istudji disponibbli ma kien adattat għall-għan imfittex, li jikkorrispondi għall-konklużjonijiet tal-konsulent finanzjarju tar-Repubblika tal-Polonja, fatt li ebda investitur ma seta’ jinjora.

169

Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ta’ AW.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

170

Permezz tar-raba’ parti tat-tieni aggravju, AW tallega li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 142, 153 u 154 tas-sentenza appellata, użat kriterji legali żbaljati, żnaturat is-sens tad-deċiżjoni kontenzjuża, issostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik ta’ din id-deċiżjoni, ma mmotivatx suffiċjentement is-sentenza appellata u naqset milli twieġeb għal wieħed mill-argumenti tagħha.

171

Qabel kollox, fir-rigward tal-argumenti ta’ AW li l-Qorti Ġenerali warrbet b’mod żbaljat, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, l-argumenti tagħha li jgħidu li l-Kummissjoni kienet ittrattat il-kriterju ta’ investitur privat bħala eċċezzjoni, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, f’dan il-punt, li AW ma kinitx fondata ssostni dan l-istess argument quddiemha, peress li, “għalkemm il-Kummissjoni effettivament eżaminat l-ammont tal-pagament eċċessiv kif jirriżulta mir-rapport PwC […] qabel ma ttrattat il-kriterju privat, hija ma ddeċidietx b’mod definittiv dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku u dwar l-ammont tal-pagament eċċessiv qabel ma eżaminat dan il-kriterju […]”.

172

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta b’mod inekwivoku li, mill-punti 125 u 126 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni wettqet l-analiżi kollha tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku bil-perspettiva li, skont il-kuntratt ta’ konċessjoni, kienet ir-Repubblika tal-Polonja li għandha tikkumpensa lil AW għad-danni kkawżati mil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 u li kumpens li jeċċedi dawn id-danni kien jagħti vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Minn dan isegwi li din l-analiżi tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik li din l-istituzzjoni kienet obbligata twettaq b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ operatur privat.

173

Peress li din il-konkordanza tal-imsemmija analiżi ma’ dan il-prinċipju ġiet, barra minn hekk, irrilevata mill-Kummissjoni fil-punt 152 tad-deċiżjoni kontenzjuża u speċifikata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 152 sa 154 u 165 sa 171 tas-sentenza appellata, l-argumenti ta’ AW għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

174

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kritika ta’ AW indirizzata kontra l-aħħar sentenza tal-punt 153 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, permezz ta’ dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, billi “kkunsidrat li kien ‘dubjuż ħafna’ li entità ekonomika privata razzjonali taċċetta li tikkalkola l-kumpens abbażi tal-istudju WSA tal‑1999 minflok fuq il-bażi tal-istudju [WSA tal‑2004, iktar reċenti], [il-Kummissjoni] esponiet b’mod suffiċjentement ċar li mid-dokumenti fil-fajl ma kienx jirriżulta li tali entità kienet użat l-istudju WSA tal‑1999 u mmotivat l-evalwazzjoni tagħha billi enfasizzat in-natura iktar reċenti tal-istudju WSA tal‑2004”.

175

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat adottata mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha hija evalwazzjoni ġuridika li għandha ssir mill-Qorti Ġenerali u mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punti 102105).

176

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni ta’ punt speċifiku ta’ tali deċiżjoni għandha ssir fil-kuntest tad-deċiżjoni kkonċernata kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni, C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 111).

177

F’dan il-każ, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni, fil-punt 152 tad-deċiżjoni kkontestata, li kien “dubjuż ħafna” li operatur privat kien juża l-istudju WSA tal‑1999 għandha għalhekk tinqara fil-kuntest tas-sitwazzjoni f’dan il-każ, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 135 tad-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha l-Kummissjoni ppreċiżat li kien neċessarju li tibbaża ruħha fuq previżjoni kontemporanja għal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 tat-traffiku u d-dħul.

178

Minn dan isegwi li, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, kuntrarjament għal dak li tallega AW, il-Qorti Ġenerali la użat kriterju ġuridiku żbaljat u lanqas ma biddlet is-sens tad-deċiżjoni kontenzjuża. Hija lanqas ma ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda, billi ċaħdet l-argumenti ppreżentati minn AW quddiemha, ikkonfermat il-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

179

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti ta’ AW kontra l-punt 154 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li dawn l-argumenti huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju applikabbli. Fil-fatt, kif fakkret, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, debitur privat fis-sitwazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li kien responsabbli għall-pagament ta’ somma lil AW, fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu magħha, minħabba d-dannu li huwa kien ikkawżalha bl-adozzjoni tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 kellu l-għan li jiżgura l-kumpens ta’ AW biss għall-konsegwenzi sfavorevoli li jirriżultaw minn din il-liġi.

180

Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali li, fid-dawl ta’ dan l-għan, xejn ma jippermetti li wieħed jaħseb li operatur privat kien jaċċetta li jibbaża ruħu fuq id-data tal-istudju WSA tal‑1999 minflok fuq dik tal-istudju WSA tal‑2004, kien jirrikjedi l-ħatra addizzjonali ta’ espert jew kien jippreferi juża d-data tal-istudju FM tal‑2005, jippermetti b’mod ċar li, kuntrarjament għal dak li tallega AW, jinftiehem li tali operatur privat kien jieħu inkunsiderazzjoni, fost l-għażliet ta’ evalwazzjoni imperfetti kollha disponibbli, dik li tippermetti l-aħjar possibbli sabiex tiddetermina l-konsegwenzi sfavorevoli tal-imsemmija liġi, bil-għan li jiggarantixxi li l-kumpens mogħti jikkonforma mal-obbligi kuntrattwali tiegħu mingħajr ma jaqbiżhom.

181

Minn dan isegwi li dan ir-raġunament japplika l-kriterju adegwat u jipprovdi risposta ċara u koerenti għall-argumenti kollha ta’ AW miġbura fil-qosor fil-punti 134, 136 u 147 sa 150 tas-sentenza appellata.

182

Sa fejn AW issostni li l-imsemmi raġunament ma huwiex adegwat peress li għażliet differenti minn dik użata mill-Kummissjoni u kkonfermata mill-Qorti Ġenerali kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, billi għamlet hekk, AW fir-realtà qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti, fatt li ma jaqax taħt il-kompetenza tagħha.

183

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondata.

Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju

184

It-tieni parti tat-tielet aggravju, dwar il-livell tal-IRR tat-tariffa tat-triq reali, hija bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ osservanza mill-Qorti Ġenerali tal-obbligi ta’ stħarriġ imposti fuqha u ksur tar-regoli fil-qasam tal-provi.

– L-argumenti tal-partijiet

185

AW issostni li l-motivazzjoni li tinsab fil-punti 120 sa 127 tas-sentenza appellata ma hijiex suffiċjenti sabiex issostni ċ-ċaħda tal-argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punt 115 ta’ din is-sentenza. Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali kkuntentat ruħha li ssemmi l-konklużjoni tagħha mingħajr ma wettqet evalwazzjoni ekonomika kumplessa, u għalhekk naqset mill-obbligu tagħha li tivverifika jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx ibbażata fuq provi preċiżi, affidabbli, koerenti u kompluti, kif ukoll għall-obbligu tagħha li tosserva r-regoli fil-qasam tal-provi.

186

Fil-fatt, il-punt 120 tas-sentenza appellata huwa esklużivament iddedikat għall-merti rispettivi tal-istudji WSA tal‑1999 u tal‑2004 u ma jweġibx għall-argument miġbur fil-qosor fil-punt 115 ta’ din is-sentenza. Il-fatt li l-istudju WSA tal-1999 kien inqas rilevanti mill-istudju WSA tal-2004 ma jfissirx li dan tal-aħħar kien affidabbli. Ir-raġunament espost fil-punt 121 tal-imsemmija sentenza ma għandux rabta mal-kwistjoni rilevanti dwar jekk it-TRI ta’ 7.42 % kienx ġie identifikat b’mod adegwat. Il-punt 122 tas-sentenza appellata jevoka l-imsemmi argument mingħajr ma jispjega bl-ebda mod ir-raġunijiet li għalihom aġġornament ta’ ċerta data dwar it-traffiku u d-dħul fil-kuntest ta’ studju dwar sezzjoni oħra tal-awtostrada huwa irrilevanti. Permezz tal-punt 123 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tindirizza mill-ġdid il-paragun tal-merti rispettivi tal-istudji WSA tal‑1999 u tal‑2004 u tafferma li l-ħatra ta’ espert ma kinitx neċessarja, fatt li bl-ebda mod ma huwa mmotivat u jwassal sabiex jinqaleb indebitament l-oneru tal-prova. Il-motivazzjoni tal-punt 124 tal-imsemmija sentenza wkoll ma hijiex relatata mal-imsemmija kwistjoni. Il-punt 125 tas-sentenza appellata jikkonċerna esklużivament it-tieni argument marbut mal-istudju FM tal‑2005 u l-punt 126 tiegħu jwieġeb biss għat-tielet argument dwar il-mudell PwC tal-ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq.

187

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha li tivverifika jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx ibbażata fuq provi preċiżi, affidabbli, koerenti u komprensivi u ma osservatx ir-regoli dwar il-provi, billi ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tfittex informazzjoni addizzjonali dwar in-natura utilizzabbli tal-istudju FM tal‑2005. F’dan ir-rigward, minkejja li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tevalwa l-provi b’mod imparzjali u approfondit, mill-punt 138 tad-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament fuq l-informazzjoni rċevuta mir-Repubblika tal-Polonja sabiex tiċħad dan l-istudju bħala inutilizzabbli. Issa, fid-dawl tan-natura kunflittwali tar-relazzjoni bejn dan l-Istat Membru u AW u tal-fatt li l-imsemmi Stat Membru kien naqas milli jsemmi l-istudju FM tal‑2005, il-Kummissjoni kellha tkun iktar attenta u titlob lir-Repubblika tal-Polonja jew lil terzi informazzjoni addizzjonali.

188

Il-Kummissjoni tqis li AW tikkritika l-valur probatorju tal-provi, billi ssostni li dawn ma kinux affidabbli, billi tikkontesta l-kompletezza tagħhom u billi ssostni li kellu għalhekk jiġi ordnat rapport addizzjonali. Issa, permezz ta’ dawn l-argumenti, AW tfittex, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tiġi eżaminata mill-ġdid, li din ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw l-argumenti ta’ AW fuq il-mertu.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

189

Permezz tal-argumenti tagħha ppreżentati fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju, li tirrigwarda l-punti 120 sa 127 tas-sentenza appellata, AW issostni li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata hija insuffiċjenti, li l-Qorti Ġenerali eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju insuffiċjenti, li hija kisret ir-regoli fil-qasam tal-provi, li hija naqset milli twieġeb għall-argumenti ta’ AW miġbura fil-qosor fil-punt 115 tas-sentenza appellata u li qalbet l-oneru tal-prova.

190

Qabel kollox, fir-rigward tal-allegata ommissjoni tal-Qorti Ġenerali li twieġeb għall-argumenti ta’ AW miġbura fil-qosor fil-punt 115 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, permezz ta’ dawn l-argumenti, AW sostniet li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istudju WSA tal‑2004 kienu manifestament żbaljati, peress li l-valur probatorju tal-istudji tat-traffiku kien limitat u li, fl-assenza ta’ studju tat-traffiku affidabbli, il-partijiet kontraenti qablu fuq metodoloġija li tgħid li l-aspettattivi inizjali ta’ AW f’termini ta’ redditu kienu intużaw bħala bażi għall-kalkolu, iżda kienu tnaqqsu, bl-applikazzjoni tal-limitu massimu tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali, għal livell li r-Repubblika tal-Polonja qieset aċċettabbli.

191

Permezz ta’ dawn l-argumenti, AW allegat għalhekk li l-istudju WSA tal‑2004 kellu valur probatorju insuffiċjenti meta mqabbel mal-istudju WSA tal‑1999 li għalih AW kienet tattribwixxi, essenzjalment, valur probatorju suffiċjenti billi bbażat ruħha fuq il-metodoloġija miftiehma bejn il-partijiet kontraenti.

192

Issa, kuntrarjament għal dak li tallega AW, il-Qorti Ġenerali espressament ċaħdet, fil-punti 122 sa 124 tas-sentenza appellata, dan l-istess argument.

193

Fil-fatt, minn naħa, hija rrilevat f’dawn il-punti, l-ewwel, li WSA pproduċiet serje ta’ studji, imħejjija mill-istess konsulent, billi użat l-istess metodoloġija, bil-għan li telabora previżjonijiet ta’ traffiku u ta’ dħul relatat mal-awtostrada A 2, it-tieni, li l-istudju WSA tal‑2004, imħejji għal AW stess, kien intiż li jaġġorna l-previżjonijiet tat-traffiku u tad-dħul imwettaq qabel, it-tielet, li dan l-istudju ppermetta għalhekk li jiġu aġġornati t-tbassir tat-traffiku u tad-dħul ippreżentati fl-istudju tal-WSA tal‑1999, filwaqt li jittieħed kont tal-iżvilupp reali tat-traffiku u d-dħul fis-sezzjoni rilevanti tal-awtostrada A 2 u l-iżvilupp ekonomiku tal-Polonja, ir-raba’, li l-istudju tal-WSA tal‑2004 għalhekk fih tbassir tat-traffiku u tad-dħul iktar rilevanti minn dawk li jinsabu fl-istudju tal-WSA tal‑1999 u jirrifletti b’mod iktar preċiż ir-realtà tas-suq fiż-żmien tal-emenda tal-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005 u, il-ħames, li l-Anness 6 isemmi l-mudell finanzjarju li l-partijiet kontraenti kienu qablu li jużaw għall-finijiet tal-kalkolu tal-IRR eżatt qabel l-emendi magħmula bl-imsemmija liġi, fejn jirriferi għall-“fajl tal-azzjonisti tal-[WSA], li huwa l-aġġornament tal‑31 ta’ Diċembru 2004”.

194

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 124 tas-sentenza appellata, li “l-iktar previżjonijiet reċenti ppreparati minn WSA kienu jikkostitwixxu, f’dan il-kuntest, data iktar rilevanti minn dik tal-istudju WSA tal‑1999”.

195

Sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-provi fil-proċess jistabbilixxux jew le li l-ħatra addizzjonali ta’ espert kienet neċessarja jew le hija evalwazzjoni fattwali tal-valur probatorju ta’ dawn il-provi u bl-ebda mod ma taqleb, kuntrarjament għal dak li tallega AW, l-oneru tal-prova.

196

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-punti 120 sa 127 tas-sentenza appellata jinkludu analiżi ddettaljata tal-provi tal-proċess fir-rigward tal-argumenti mressqa minn AW quddiem il-Qorti Ġenerali u jipprovdu raġunament preċiż fir-rigward tar-rilevanza u tal-valur probatorju ta’ kull waħda mill-provi msemmija f’dawn il-punti. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali eżaminat fl-imsemmija punti l-valur probatorju tal-istudji WSA tal‑1999 u tal‑2004, tad-data reali tat-traffiku pprovduta minn AW lid-Direttorat Ġenerali tat-Toroq Nazzjonali u tal-Awtostradi, tal-istudju mwettaq fl‑2005 mill-konsulent tal-banek fil-qasam tat-traffiku dwar ix-xenarju ta’ tariffa tat-triq virtwali, imsemmi fil-punt 125 tas-sentenza appellata, kif ukoll tal-istudju FM tal‑2005. Barra minn hekk, hija analizzat in-natura xierqa tal-mudell PwC ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq użata mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni.

197

B’hekk, l-argumenti ta’ AW ibbażati fuq motivazzjoni insuffiċjenti tal-punti 120 sa 127 tas-sentenza appellata, stħarriġ ġudizzjarju insuffiċjenti u ksur tar-regoli fil-qasam tal-provi, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

198

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

199

Konsegwentement, it-tieni u t-tielet aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondati.

Fuq ir-raba’ aggravju

200

Permezz tar-raba’ aggravju, dwar il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, AW issostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens evidenti tal-provi u vvizzjat is-sentenza appellata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

L-argumenti tal-partijiet

201

AW tirrileva li, fil-punt 192 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li t-tariffa tat-triq virtwali kienet ibbażata, qabel il-verifika tal-2007, fuq IRR għoli wisq ta’ 10.77 %. Issa, qabelxejn, mill-Anness 6, b’mod partikolari mill-punt 3 tal-Anness 1 tiegħu, jirriżulta li t-tariffa tat-triq virtwali kienet iffissata f’ammont speċifiku espress fi zlotys Pollakki (PLN), mingħajr ebda riferiment għal IRR, sussegwentement, mill-Anness 6, b’mod partikolari mill-punt 4 tal-Anness 1 tiegħu, li din ir-rata kienet suġġetta għal indiċjar skont formula, mingħajr ebda riferiment għal IRR, u, fl-aħħar nett, mill-Anness 6, b’mod partikolari mill-klawżola 4(d) tiegħu, li l-IRR kien sar applikabbli biss wara verifika tat-tariffi tat-triq virtwali, jiġifieri wara l‑1 ta’ Novembru 2007. Għaldaqstant, li jiġi affermat li r-rati tat-tariffa tat-triq virtwali qabel Ottubru 2007 kienu ddeterminati mill-użu ta’ IRR jiżnatura l-provi tal-proċess.

202

Il-punt 193 tas-sentenza appellata ikun ukoll ivvizzjat minn żnaturament tal-provi, peress li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-mudell ta’ verifika ma kellux l-għan li jikkalkola l-kumpens żejjed, sa fejn il-Kummissjoni kienet ikkontestat il-livell tal-IRR tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq, minkejja li qabel il-verifika tal‑2007 dan l-IRR ma kellu l-ebda sehem fil-kalkolu tat-tariffa tat-triq virtwali. Barra minn hekk, AW issostni li ma jistax jiġi dedott mill-konstatazzjoni li l-mudell ta’ verifika ma kellux l-għan li jikkalkola l-kumpens żejjed il-fatt li kien hemm kumpens żejjed qabel il-verifika.

203

Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja jikkontestaw l-argumenti ta’ AW.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

204

Fil-punti 192 u 193 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel, li l-ammont tal-kumpens żejjed evalwat mill-Kummissjoni kien jikkorrispondi għad-differenza bejn il-pagamenti effettivament imwettqa favur AW u s-somom li hija kellha tirċievi abbażi tal-IRR stabbilit skont il-mudell PwC ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq, it-tieni, li għall-perijodu ta’ bejn Settembru 2005 u Ottubru 2007, il-ħlas żejjed kien jikkorrispondi b’hekk għad-differenza bejn il-pagamenti li AW kienet effettivament ibbenefikat minnhom u l-kumpens ikkalkolat fuq il-bażi tal-IRR li setgħet tistenna eżatt qabel l-emendi magħmula mil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, it-tielet, li, għalhekk, l-IRR ta’ 10.77 % tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq użat minn AW sabiex tistabbilixxi r-rati tat-tariffa tat-triq virtwali matul il-perijodu ta’ qabel Ottubru 2007 kien diġà għoli wisq meta mqabbel mal-IRR li setgħet tistenna, ir-raba’, li l-mekkaniżmu ta’ verifika previst fl-Anness 6 kien ikkonferma biss l-iżball li jivvizzja lill-imsemmi IRR, il-ħames, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-mekkaniżmu ma setgħax jikkontesta l-fatt li AW ma setgħatx tibbenefika inizjalment mill-pagament ta’ dawn is-somom kbar matul il-perijodu minn Settembru 2005 sa Ottubru 2007 u, is-sitt, li l-mekkaniżmu ta’ verifika previst fl-Anness 6 kien ibbażat fuq paragun bejn l-IRR tal-mudell ta’ verifika u l-IRR tal-mudell attwali tal-ġbir tat-tariffa tat-triq u għamilha possibbli li jiġu aġġustati r-rati tat-tariffa tat-triq virtwali b’kont meħud tad-data tat-traffiku reali wara l-implimentazzjoni tas-sistema tat-tariffa tat-triq virtwali.

205

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, li “tali mekkaniżmu ma għandux l-istess għan bħar-raġunament segwit mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-kumpens żejjed, peress li l-Kummissjoni, f’dan ir-raġunament, ikkontestat il-livell tal-IRR tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq”.

206

Issa, minn dan ir-raġunament u minn din il-konklużjoni jirriżulta mingħajr ekwivoku li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’taħseb AW, l-imsemmi raġunament ma huwiex intiż sabiex jiddeskrivi l-mekkaniżmu previst fl-Anness 6, iżda jirrigwarda l-kalkolu mwettaq mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, permezz ta’ dawn il-punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali riedet twieġeb għall-argumenti ta’ AW miġbura fil-qosor fil-punt 191 ta’ dik is-sentenza, li kien itendi li jistabbilixxi l-assenza ta’ kumpens żejjed għall-perijodu minn Settembru 2005 sa Ottubru 2007.

207

Minn dan isegwi li r-raba’ aggravju huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata u għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud bħala infondat.

208

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

209

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

210

B’mod konformi mal-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

211

Peress li AW tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni, kif mitlub mill-Kummissjoni.

212

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli mutatis mutandis għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-Regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jkunu għamlu intervent fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Konsegwentement, ir-Repubblika tal-Polonja, li pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Autostrada Wielkopolska S.A. hija kkundannata tbati, minbarra l‑ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.