SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

21 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Artikolu 4(1) – Irtirar volontarju u antiċipat – Pensjoni tal-irtirar antiċipata – Eliġibbiltà – Ammont tal-pensjoni li għandu jitħallas li għandu jkun tal-inqas daqs l-ammont minimu legali – Proporzjoni tal-ħaddiema ta’ kull sess eskluż mill-benefiċċju tal-irtirar antiċipat – Ġustifikazzjoni ta’ żvantaġġ partikolari eventwali għall-ħaddiema nisa – Għanijiet tal-politika soċjali tal-Istat Membru kkonċernat”

Fil-Kawża C‑843/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti tal-Ġustizzja Superjuri ta’ Cataluña, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS)

vs

BT,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn A. Álvarez Moreno u G. Guadaño Segovia, bħala aġenti,

għal BT, minn I. de Gispert Català, abogado,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn A. Pimenta, M. Carneiro, J. Marques u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 5, Vol. 1, p. 215).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja, iktar ’il quddiem l-“INSS”) u BT dwar ir-rifjut tal-INSS li jagħti lil din tal-aħħar pensjoni ta’ rtirar antiċipata.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/7:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-implimentazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta’ protezzjoni soċjali pprovduti fl-Artikolu 3, tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn issa ’il quddiem imsejjaħ ‘il-prinċipju tat-trattament ugwali’.”

4

L-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li din tapplika għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra, b’mod partikolari, ir-riskji tal-“anzjanità”.

5

L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

6

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b)

‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[…]”

Id-dritt Spanjol

7

L-Artikolu 59 tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali) li t-test ikkonsolidat tagħha ġie approvat bir-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 8/2015) tat-30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal-31 ta’ Ottubru 2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LGSS”), huwa intitolat, “Supplimenti għall-pensjonijiet inferjuri għall-minimu”. Dan l-artikolu jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-persuni li jibbenefikaw minn pensjonijiet permezz ta’ kontribuzzjonijiet għas-sistema tas-sigurtà soċjali, li ma jirċievu ebda dħul mix-xogħol, mill-kapital, jew minn attivitajiet kummerċjali u minn qligħ kapitali, konformement ma’ dak li huwa previst għal dan id-dħul fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi, jew dawk li jirċievu tali dħul mingħajr ma jaqbżu l-ammont iffissat kull sena mil-Ley de Presupuestos Generales del Estado (il-Liġi dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat) korrispondenti, għandhom id-dritt li jirċievu s-supplimenti neċessarji bil-għan li jilħqu l-ammont minimu tal-pensjonijiet, bil-kundizzjoni li jirrisjedu fit-territorju Spanjol, fit-termini stabbiliti mil-liġi jew mir-regolamenti.”

8

L-Artikolu 208 tal-LGSS, intitolat “Irtirar antiċipat volontarju tal-persuna interessata”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-eliġibbiltà għall-irtirar antiċipat fuq talba tal-persuna interessata teħtieġ li jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

Għandha tkun laħqet età li ma tkunx iktar minn sentejn taħt l-età applikabbli f’kull każ skont l-Artikolu 205(1)(a), filwaqt li l-koeffiċjenti ta’ tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 206 ma għandhomx ikunu applikabbli għal dawn il-finijiet.

b)

Għandha turi perijodu minimu ta’ kontribuzzjoni effettiv ta’ 35 sena, indipendentement minn kull teħid inkunsiderazzjoni tal-parti proporzjonali relatata mal-primjums […]

c)

Meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi applikabbli għal dan it-tip ta’ rtirar, l-ammont tal-pensjoni li l-persuna għandha tirċievi għandu jkun ogħla mill-ammont tal-pensjoni minima li tkun dovuta lill-persuna kkonċernata, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha malli tilħaq l-età ta’ 65 sena. Fil-każ kuntrarju, il-persuna interessata ma tistax tibbenefika mill-irtirar antiċipat.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Bħala impjegata tad-dar, BT kienet taqa’ taħt skema speċjali ta’ sigurtà soċjali Spanjola, irriżervata għal din il-kategorija ta’ ħaddiema (iktar ’il quddiem l-“iskema speċjali”). BT ħallset kontribuzzjonijiet lil din l-iskema għal matul 14054 jum, ħlief għal matul 166 jum minnhom.

10

Fit-12 ta’ Diċembru 2016, hija talbet lill-INSS sabiex tingħatalha pensjoni ta’ rtirar antiċipata, skont l-Artikolu 208 tal-LGSS, mill-4 ta’ Jannar 2017, f’liema data hija laħqet l-età ta’ 63 sena.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2016, ikkonfermata bid-deċiżjoni meħuda fuq l-ilment ta’ BT, l-INSS ċaħad l-imsemmija talba għar-raġuni li BT ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà għall-pensjoni ta’ rtirar antiċipata prevista fl-Artikolu 208(1)(c) ta’ din il-liġi, peress li l-ammont tal-pensjoni li hija kienet tirċievi kien ikun inqas mill-ammont tal-pensjoni minima li hija setgħet tippretendi, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-familja tagħha, fl-età ta’ 65 sena.

12

Il-Juzgado de lo Social Nru 10 de Barcelona (il-Qorti tax-Xogħol Nru 10 ta’ Barcelona, Spanja) laqgħet ir-rikors ippreżentat minn BT kontra dawn id-deċiżjonijiet. Din il-qorti ddeċidiet li l-imsemmija dispożizzjoni tal-LGSS kienet tinkludi fiha diskriminazzjoni indiretta kontra n-nisa li tmur kontra d-Direttiva 79/7, peress li dawn huma maġġoritarji fis-settur tal-impjegati tad-dar u peress li ħaddiem li jaqa’ taħt dan is-settur, anki jekk ikun ikkontribwixxa għall-iskema speċjali għal perijodu ta’ 44 sena u nofs, ma jkollux dritt għal pensjoni ta’ ammont li jippermettilu jitlob u jikseb pensjoni tal-irtirar antiċipata fl-età ta’ 63 sena.

13

L-INSS appella minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja). Din tindika li l-bażi tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema speċjali kienet inizjalment inferjuri għal dik tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali Spanjola. Konsegwentement, il-pensjonijiet tal-affiljati fl-iskema speċjali kienu wkoll inferjuri għal dawk tal-affiljati fl-iskema ġenerali. Il-bażi tal-kontribuzzjonijiet għall-iskema speċjali kienet madankollu progressivament allinjata ma’ dik tal-kontribuzzjonijiet fl-iskema ġenerali, b’effett mill-integrazzjoni tal-ewwel skema fit-tieni skema matul is-sena 2012.

14

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS japplika għall-ħaddiema kollha li jaqgħu taħt l-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali. Billi teskludi mill-eliġibbiltà għal pensjoni tal-irtirar antiċipata lill-affiljati li jiddeċiedu volontarjament li jirtiraw b’mod antiċipat, iżda li għalihom l-ammont ta’ tali pensjoni ma jkunx jilħaq l-ammont legali minimu ta’ pensjoni li jkollhom dritt għalih fl-età ta’ 65 sena, din id-dispożizzjoni tevita li jitħallas lilhom suppliment għall-pensjoni, liema ħaġa tkun timplika spejjeż għall-baġit nazzjonali. Barra minn hekk, din hija konformi mal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-pensjonijiet, li jikkonsistu f’li jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn iż-żmien ta’ attività u ż-żmien ta’ rtirar. F’dan ir-rigward, ikun inkompatibbli mat-tendenza li tikkonsisti fiż-żieda tal-età tal-irtirar u fit-tisħiħ tal-inċentivi għal estensjoni tal-ħajja attiva, imħeġġa mill-Unjoni, li ħaddiem ikun jista’ javvanza volontarjament l-età tal-irtirar tiegħu mingħajr ebda tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni tiegħu, permezz tal-ħlas ta’ suppliment għall-pensjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li kundizzjoni bħal dik prevista mill-imsemmija dispożizzjoni ma tkunx meħtieġa meta l-irtirar antiċipat ikun marbut ma’ raġuni li ma tkunx imputabbli lill-ħaddiem, bħal ristrutturazzjoni tal-impriża, u din tkun taqa’, konsegwentement, taħt l-Artikolu 207 tal-LGSS.

15

Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-istatistika uffiċjali, 89 % tal-impjegati tad-dar affiljati mas-sistema speċjali huma nisa. Madankollu, sabiex jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 208(1)(c) ta’ din il-liġi jwassalx għal diskriminazzjoni indiretta għad-detriment tal-ħaddiema nisa, din il-qorti tqis li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-persuni affiljati kollha mal-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali, li kollha kemm huma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. B’hekk għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, minbarra l-affiljati tas-sistema speċjali, nisa li, għal raġunijiet oħra, bħaż-żwieġ, il-preżenza ta’ tfal jew ix-xogħol part-time, ikkontribwixxew għal ammont inqas u għal perijodu iqsar.

16

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-istatistika ppreżentata mill-Ministerio de Inclusión, Seguridad Social y Migraciones (Ministeru għall-Integrazzjoni, għas-Sigurtà Soċjali u għall-Migrazzjonijiet, Spanja) jirriżulta li perċentwali ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel irtirati jirċievu suppliment għall-pensjoni sabiex jilħqu l-pensjoni minima legali, ħaġa li tindika li iktar nisa milli rġiel huma żvantaġġati mid-dispożizzjoni tal-Artikolu 208(1)(c) tal-imsemmija liġi, li tissuġġetta l-kisba, mill-ħaddiem li jiddeċiedi volontarjament li jirtira b’mod antiċipat, ta’ pensjoni tal-irtirar antiċipata għall-kundizzjoni li dan ikun jista’ jippretendi l-pensjoni minima legali abbażi tal-kontribuzzjonijiet tiegħu stess, mingħajr il-ħlas ta’ tali suppliment għall-pensjoni. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza l-fatt li, matul l-2018, 422112 raġel kienu jirċievu suppliment għall-pensjoni, li jirrappreżenta 15.23 % tal-pensjonijiet tal-irġiel, kontra 468822 nisa, jiġifieri 31.45 % tal-pensjonijiet tan-nisa.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“[Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess għall-aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u l-kalkolu tagħhom, li hija stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi regola tad-dritt nazzjonali] bħall-Artikolu 208[(1)](c) tal-[LGSS], li teżiġi fir-rigward tal-affiljati kollha tal-iskema ġenerali li sabiex ikunu jistgħu jirtiraw antiċipament b’mod volontarju, il-pensjoni dovuta, ikkalkolata skont is-sistema normali mingħajr suppliment differenzjali, għandha tkun mill-inqas ugwali għall-pensjoni minima, […] inkwantu din tiddiskrimina indirettament kontra n-nisa affiljati mal-iskema ġenerali, peress li din tapplika għal numru ħafna ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ rtirar volontarju u antiċipat ta’ ħaddiem affiljat mal-iskema ġenerali ta’ sigurtà soċjali, tissuġġetta d-dritt tiegħu għal pensjoni tal-irtirar antiċipata għall-kundizzjoni li l-ammont ta’ din tal-aħħar ikun tal-inqas ugwali għall-ammont minimu ta’ pensjoni li dan il-ħaddiem ikollu dritt għalih fl-età ta’ 65 sena, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tiżvantaġġa b’mod partikolari lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel.

19

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS jeżiġi, għall-finijiet tal-eliġibbiltà għall-irtirar antiċipat fuq talba tal-persuna kkonċernata, li l-ammont tal-pensjoni li għandu jitħallas ikun ogħla mill-ammont minimu ta’ pensjoni applikabbli għal din il-persuna kkonċernata meta tilħaq l-età ta’ 65 sena. Dan ir-rekwiżit jiżdied mal-kundizzjonijiet l-oħra ta’ eliġibbiltà għal tali pensjoni ta’ rtirar antiċipata, imsemmija fil-punti (a) u (b) ta’ dan l-Artikolu 208(1), u li jikkonsistu, rispettivament, fil-fatt li l-persuna tkun laħqet età li ma tkunx inqas minn sentejn minn dik stabbilita minn din il-liġi għall-aċċess għall-pensjoni tal-irtirar u li tkun ivvalidat tul minimu ta’ kontribuzzjoni effettiva ta’ 35 sena.

20

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li d-dritt tal-Unjoni, b’mod iktar partikolari r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), ma jipprekludix, bħala prinċipju, dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS, li skontha pensjoni tal-irtirar antiċipata tiġi rrifjutata meta l-ammont li l-applikant ikollu dritt għalih bħala pensjoni ma jilħaqx l-ammont minimu ta’ pensjoni li dan jirċievi fl-età legali tal-irtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2019, Bocero Torrico u Bode, C‑398/18 u C‑428/18, EU:C:2019:1050, punti 25 sa 27).

21

Xorta jibqa’ l-fatt li għandu jiġi vverifikat jekk, fil-kawża prinċipali, tali għażla tal-leġiżlatur nazzjonali hijiex konformi mad-Direttiva 79/7 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Cachaldora Fernández, C‑527/13, EU:C:2015:215, punt 26).

22

F’dan ir-rigward, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1), moqri flimkien mat-tielet inċiż tal-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva, jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji tal-anzjanità [sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar), C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 32]. Huwa stabbilit li l-iskema ta’ pensjoni tal-irtirar antiċipat inkwistjoni fil-kawża prinċipali tifforma parti minn dawn l-iskemi.

23

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinvolvix diskriminazzjoni direttament ibbażata fuq is-sess, peress li hija tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa.

24

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni tinkludix diskriminazzjoni indiretta, għandu jitfakkar li dan il-kunċett għandu, fil-kuntest tad-Direttiva 79/7, jinftiehem bl-istess mod bħal fil-kuntest tad-Direttiva 2006/54 (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz, C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, mill-Artikolu 2(1)(b) ta’ din l-aħħar direttiva jirriżulta li tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, is-sitwazzjoni li fiha dispożizzjoni, kriterju jew prattika li tkun tidher newtrali tpoġġi fi żvantaġġ b’mod partikolari lil persuni ta’ sess meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk din id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament iġġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa.

25

L-eżistenza ta’ tali żvantaġġ partikolari tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, jekk jiġi pprovat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taffettwa b’mod negattiv proporzjon sinjifikattivament iktar importanti ta’ persuni ta’ sess meta mqabbla mal-persuni tas-sess l-ieħor. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz, C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fil-każ li, bħal f’dan il-każ, il-qorti nazzjonali jkollha statistika, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li hija din li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li minnha toriġina d-differenza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, li l-aħjar metodu ta’ paragun jikkonsisti fil-paragun bejn il-proporzjonijiet rispettivi tal-ħaddiema li huma u li ma humiex affettwati mill-allegata differenza fit-trattament fi ħdan il-ħaddiema nisa li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni u l-istess proporzjonijiet fi ħdan il-ħaddiema rġiel li jaqgħu fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet tal-kumpannija ta’ persunal b’anzjanità), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa sa fejn id-data statistika ppreżentata quddiemha hija affidabbli u jekk din tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, jiġifieri jekk, b’mod partikolari, hijiex l-espressjoni ta’ fenomeni purament fortuwiti jew okkażjonali u jekk hijiex suffiċjentement sinjifikattiva (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet tal-kumpannija ta’ persunal b’anzjanità), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-persuni affiljati mal-iskema speċjali, iżda wkoll il-ħaddiema kollha suġġetti għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali Spanjola, li fi ħdanha huma integrati l-imsemmija affiljati mal-iskema speċjali. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika għall-affiljati kollha tal-imsemmija skema ġenerali.

29

Fit-tieni lok, kif tirrileva wkoll il-qorti tar-rinviju, il-proporzjon tal-affiljati mal-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali żvantaġġata mill-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS jista’ jiġi identifikat b’mod affidabbli bit-teħid inkunsiderazzjoni tan-numru ta’ persuni rtirati li jirċievu suppliment għall-pensjoni sabiex jintlaħaq l-ammont tal-pensjoni minima legali meta mqabbel man-numru totali ta’ pensjonanti suġġetti għal din l-iskema. Fil-fatt, huma preċiżament il-persuni li jirċievu suppliment għall-pensjoni li ġiet miċħuda lilhom talba għal pensjoni ta’ rtirar antiċipata skont l-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-ammont tal-pensjoni li tiġi rċevuta fil-mument tal-preżentazzjoni ta’ tali talba kien ikun inqas mill-imsemmija pensjoni minima legali. Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni biss tal-persuni li effettivament ġew miċħuda talba għal pensjoni tal-irtirar antiċipata skont l-Artikolu 208(1)(c) ta’ din il-liġi, kif jissuġġerixxu l-INSS u l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, ma huwiex neċessarjament indikattiv tan-numru ta’ persuni affettwati minn din id-dispożizzjoni, sa fejn ma huwiex eskluż li numru kbir minnhom ma jkunux ressqu talba simili.

30

Madankollu, fit-tielet lok, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS jinvolvix, waħdu, diskriminazzjoni indiretta kuntrarja għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-persuni li ġew irrifjutati pensjoni tal-irtirar antiċipata biss abbażi ta’ dan l-Artikolu 208(1)(c), mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni dawk li ma jissodisfawx, minbarra l-kundizzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal tali pensjoni li jirrigwardaw l-età jew it-tul ta’ żmien ta’ ħlas ta’ kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 208(1). B’hekk, kif isemmu l-INSS u l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-eżistenza jew le ta’ tali diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi żvelata permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni, matul l-istess sena, tan-numru ta’ pensjonanti ġodda li jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 208(1)(b) tal-LGSS, jiġifieri li jkunu kkontribwixxew għal iktar minn 35 sena, u li jirċievu suppliment għall-pensjoni, meta mqabbla man-numru totali ta’ pensjonanti ġodda matul din l-istess sena.

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-kawża prinċipali, jekk l-istatistika ppreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju turi l-fatt li, fost il-pensjonanti nisa l-ġodda suġġetti għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali, il-parti minnhom li kkontribwixxew għal iktar minn 35 sena u li rċevew suppliment għall-pensjoni huwa kunsiderevolment ogħla minn dak ikkonstatat fost il-pensjonanti rġiel il-ġodda suġġetti għal din l-istess skema, ikun hemm lok li jitqies li l-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS jinkludi fih diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, sakemm din ma tkunx iġġustifikata minn fatturi oġġettivi u indipendenti minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Villar Láiz, C‑161/18, EU:C:2019:382, punt 47).

32

B’hekk, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun iġġustifikata b’mod partikolari jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li din tissodisfa għan leġittimu ta’ politika soċjali, hija xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan u hija neċessarja għal dan il-għan, peress li din tista’ titqies li hija xierqa sabiex tiggarantixxi l-għan invokat biss jekk tissodisfa verament l-intenzjoni li dan jintlaħaq u jekk tiġi implimentata b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet tal-kumpannija ta’ persunal b’anzjanità), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, huma u jagħżlu l-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali u tal-impjieg tagħhom, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet tal-kumpannija ta’ persunal b’anzjanità), C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tindika li l-leġiżlatur Spanjol adotta l-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS fid-dawl tad-dritt Spanjol li jipprovdi li ħadd ma għandu jirċievi pensjoni inqas mill-pensjoni minima stabbilita kull sena, meqjusa bħala minimu vitali, li jwassal, f’ċerti każijiet, għall-ħlas ta’ suppliment għall-pensjoni skont l-Artikolu 59 tal-imsemmija liġi. Issa, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha bħala effett li ċertu numru ta’ ħaddiema li jixtiequ jantiċipaw volontarjament l-irtirar tagħhom u jibbenefikaw, abbażi ta’ dan, minn pensjoni tal-irtirar antiċipata jiġu rrifjutati din tal-aħħar minħabba li l-ammont tagħha jkun inqas minn dak tal-pensjoni minima u li, minħabba f’hekk, dan jiftaħ, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, id-dritt tal-ħaddiem ikkonċernat għal suppliment għall-pensjoni.

35

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li l-għoti ta’ dħul ugwali għall-minimu soċjali jifforma parti integrali mill-politika soċjali tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li l-ħlas ta’ suppliment kumpensatorju intiż sabiex jiżgura minimu vitali lill-benefiċjarju tiegħu fil-każ ta’ pensjoni insuffiċjenti jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika soċjali li ma jwassal għal ebda diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Brachner, C‑123/10, EU:C:2011:675, punti 89 sa 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-INSS u l-Gvern Spanjol isostnu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li, billi jeskludi mill-aċċess għal pensjoni tal-irtirar antiċipata lill-persuni li jiddeċiedu li jantiċipaw l-irtirar tagħhom iżda li, fid-dawl tal-ammont ta’ din il-pensjoni, ikollhom dritt għal suppliment għall-pensjoni li jkollu jitħallas mill-Istat, l-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS għandu l-għan li jħares il-vijabbiltà tal-iskema tas-sigurtà soċjali Spanjola u li jilħaq bilanċ fit-tul bejn il-perijodu ta’ attività professjonali u dak tal-irtirar, peress li l-aċċess mingħajr restrizzjonijiet għal pensjoni tal-irtirar antiċipata jkollu konsegwenzi serji fuq il-finanzjament ta’ din l-iskema.

37

F’dan il-kuntest, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-INSS u tal-Gvern Spanjol jirriżulta li l-imsemmija għanijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konformi ma’ dawk tal-Unjoni, invokati fil-Green Paper tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Lulju 2010, intitolata “Lejn sistemi ta’ rtirar adegwati, vijabbli u siguri fl-Ewropa” [COM(2010) 365 finali] kif ukoll fil-White Paper ta’ din l-istituzzjoni, tas-16 ta’ Frar 2012, intitolata “Strateġija għal pensjonijiet adegwati, siguri u sostenibbli” [COM(2012) 55 finali], li tikkonsisti fis-sejba ta’ bilanċ sostenibbli bejn it-tul tal-ħajja professjonali u t-tul tal-irtirar fid-dawl, b’mod partikolari, tal-iżvilupp fl-aspettattivi tat-tul tal-ħajja, sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-iskemi tal-irtirar.

38

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li, għalkemm kunsiderazzjonijiet baġitarji ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni għad-detriment ta’ wieħed mis-sessi, l-għanijiet li jikkonsistu f’li jiġi żgurat il-finanzjament sostenibbli tal-pensjonijiet tal-irtirar jistgħu, min-naħa l-oħra, jitqiesu, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri, bħala li jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li ma humiex relatati ma’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet tal-kumpannija ta’ persunal b’anzjanità), C‑223/19, EU:C:2020:753, punti 6061).

39

Minn dan isegwi li l-għanijiet invokati mill-INSS u mill-Gvern Spanjol jistgħu, bħala prinċipju, jiġġustifikaw differenza fit-trattament eventwali għad-detriment tal-ħaddiema nisa li tirriżulta indirettament mill-applikazzjoni tal-Artikolu 208(1)(c) tal-LGSS.

40

Tali leġiżlazzjoni nazzjonali tidher li hija xierqa sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet. Fil-fatt, l-esklużjoni tal-aċċess għal pensjoni tal-irtirar antiċipata għall-persuni li, fuq bażi volontarja, ikollhom l-intenzjoni li jirtiraw kmieni, iżda li l-ammont ta’ tali pensjoni jagħti dritt għal suppliment għall-pensjoni huwa intiż sabiex jippreżerva l-finanzi tal-iskema tas-sigurtà soċjali Spanjola u sabiex ittawwal il-ħajja attiva ta’ dawn il-persuni. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fin-nuqqas ta’ tali esklużjoni, id-dritt tal-persuni kkonċernati li jirċievu pensjoni tal-irtirar antiċipata flimkien ma’suppliment għall-pensjoni jkollu effetti dannużi fuq l-implimentazzjoni ta’ dawn l-għanijiet, sa fejn dan jippermetti, b’mod partikolari, lill-imsemmija persuni li jaħdmu għal żmien iqsar, billi jirtiraw kmieni, mingħajr madankollu ma dawn tal-aħħar ikollhom jassumu tnaqqis fl-ammont tal-pensjoni futura tagħhom.

41

Barra minn hekk, għandu jitqies li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija implimentata b’mod koerenti u sistematiku, peress li tapplika għal kull ħaddiem affiljat mal-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali Spanjola.

42

Jidher ukoll li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma twassalx għal miżuri li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija. Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni tipprojbixxi l-aċċess għal pensjoni tal-irtirar biss għall-persuni li, fuq bażi volontarja, għandhom l-intenzjoni li jirtiraw b’mod antiċipat, iżda li l-ammont tal-pensjoni tagħhom ikun jimplika piż għall-iskema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali sa fejn dan jagħti lok għall-ħlas ta’suppliment għall-pensjoni favurihom. Barra minn hekk, mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li esklużjoni bħal din tista’ tapplika biss fl-ipoteżi fejn l-irtirar kmieni tal-ħaddiem iseħħ wara deċiżjoni deliberata tiegħu, u mhux għal kawża li ma tistax tiġi attribwita lilu, pereżempju fl-okkażjoni ta’ ristrutturazzjoni ta’ impriża. Barra minn hekk, kif indikat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-leġiżlatur nazzjonali ma setax jadotta għażla leġiżlattiva differenti, li tikkonsisti f’deroga mill-garanzija li jinkiseb ammont minimu ta’ pensjoni fil-każ ta’ rtirar antiċipat volontarju, mingħajr ma jippreġudika l-għan ta’ politika soċjali mfittex minn din il-garanzija, kif imsemmi fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ rtirar volontarju u antiċipat ta’ ħaddiem affiljat mas-sistema ġenerali ta’ sigurtà soċjali, tissuġġetta d-dritt tiegħu għal pensjoni tal-irtirar antiċipata għall-kundizzjoni li l-ammont ta’ din tal-aħħar ikun tal-inqas ugwali għall-ammont minimu ta’ pensjoni li dan il-ħaddiem ikollu dritt għalih fl-età ta’ 65 sena, anki meta l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun partikolarment tiżvantaġġa lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, madankollu sakemm din il-konsegwenza tkun iġġustifikata minn għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li jkunu ħielsa minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ rtirar volontarju u antiċipat ta’ ħaddiem affiljat mas-sistema ġenerali ta’ sigurtà soċjali, tissuġġetta d-dritt tiegħu għal pensjoni tal-irtirar antiċipata għall-kundizzjoni li l-ammont ta’ din tal-aħħar ikun tal-inqas ugwali għall-ammont minimu ta’ pensjoni li dan il-ħaddiem ikollu dritt għalih fl-età ta’ 65 sena, anki meta l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun partikolarment tiżvantaġġa lill-ħaddiema nisa meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel, liema ħaġa għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, madankollu sakemm din il-konsegwenza tkun iġġustifikata minn għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali li jkunu ħielsa minn kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.