SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
20 ta’ Jannar 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Konvenzjoni ta’Aarhus – Direttiva 2003/4/KE – Aċċess pubbliku għal informazzjoni ambjentali – Proġett ta’ bini ta’ infrastrutturi ‘Stuttgart 21’ – Ċaħda ta’ talba għal informazzjoni ambjentali – Artikolu 4(1) – Raġunijiet għal rifjut – Kunċett ta’ ‘komunikazzjonijiet interni’ – Portata – Limitazzjoni ratione temporis tal-protezzjoni ta’ tali komunikazzjonijiet”
Fil-Kawża C‑619/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura
Land Baden-Württemberg
vs
D.R.,
fil-preżenza ta’:
Deutsche Bahn AG,
Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Hogan,
Reġistratur: Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal-Land Baden-Württemberg, minn G. Torsten, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal D.R., minn F.-U. Mann, Rechtsanwalt, |
|
– |
għad-Deutsche Bahn AG, minn T. Krappel, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Irlanda, minn M. Browne, J. Quaney u minn A. Joyce, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn C. Knight, barrister, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn L.-M. Moen Jünge u K. Isaksen, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Lulju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għad-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Land Baden‑Württemberg (il-Land ta’ Bade-Wurtemberg, il-Ġermanja) u D. R., dwar talba għal informazzjoni ambjentali intiża sabiex jinkiseb l-aċċess għal ċerti dokumenti tal-iStaatsministerium Baden-Württemberg (il-Ministeru tal-Land ta’ Baden-Württemberg) dwar il-proġett ta’ bini ta’ infrastrutturi ta’ trasport u ta’ żvilupp urban, imsejjaħ “Stuttgart 21”, fl-iStuttgarter Schlossgarten (il-park tal-kastell ta’ Stuttgart, il-Ġermanja). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
|
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fl-Artikolu 4(3) tagħha: “Talba għal informazzjoni ambjentali tista’ tiġi rrifjutata jekk: […]
[…]” |
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001
|
4 |
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) jipprovdi, fl-Artikolu 4(3) tiegħu: “Aċċess għad-dokument, miktub minn instituzzjoni għall-użu intern jew irċevut minn instituzzjoni, dwar kwistjoni fejn id-deċiżjoni ma ttiħditx mill-istituzzjoni, għandu jiġi rifjutat jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu. Aċċess għad-dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjoni u konsultazzjonijiet preliminarji fl-istituzzjoni kkoncernat għandu jiġi rifjutat anke wara li tittieħed id-deċiżjoni jekk l-iżvelar tad-dokument serjament idgħajjef il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-istituzzjoni, jekk m’hemmx interess pubbliku akbar fl-iżvelar tiegħu.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006
|
5 |
L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), jipprevedi: “Ir-Regolament [Nru 1049/2001] għandu japplika għal kwalunkwe talba minn applikant għal aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent fil-pussess ta’ istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità minghajr diskriminazzjoni abbażi ta’ ċittadinanza, nazzjonalità jew domiċilju u, fil-każ ta’ persuna ġuridika, mingħajr diskriminazzjoni dwar fejn hija reġistrata jew fejn ikun iċ-ċentru effettiv ta’ l-attivitajiet tagħha. […]” |
|
6 |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1367/2006, intitolat “Applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet fir-rigward ta’ talbiet għall-aċċess għal informazzjoni dwar l-ambjent”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tielet inċiżi ta’ l-Arikolu 4(2) tar-Regolament [Nru 1049/2001], b’eċċezzjoni għal investigazzjonijiet […], għandu jitqies li jeżisti interess pubbliku prevalenti fl-iżvelar fejn l-informazzjoni mitluba tkun konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent. Fir-rigward ta’ l-eċċezzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament [Nru 1049/2001], ir-raġunijiet għal rifjut għandu jiġi interpretat b’ mod restrittiv, b’kont meħud ta’ l-interess pubbliku moqdi bil-kxif u jekk l-informazzjoni mitluba tkunx konnessa ma’ emissjonijiet fl-ambjent.” |
Id-Direttiva 2003/4
|
7 |
Il-premessi 1, 5 u 16 tad-Direttiva 2003/4 huma fformulati kif ġej:
[…]
[…]
|
|
8 |
Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva: “Il-miri ta’ din id-Direttiva huma:
|
|
9 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprevedi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
[…]
[…]” |
|
10 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-aċċess għat-tagħrif dwar l-ambjent fuq talba”, jistipula fil-paragrafu (1) tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet pubbliċi huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli t-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għandhom jew miżmum għalihom lil kull applikant fuq it-talba tiegħu u mingħajr ma jkollu għalfejn jiddikjara l-interess tiegħu.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Eċċezzjonijiet”: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk: […]
Meta tiġi rrifjutata talba fuq il-bażi li tirrigwarda materjal fil-korsa tat-tkomplija, l-awtorità pubblika għandha tiddikjara l-isem ta’ l-awtorità li tħejji l-materjal u ż-żmien stmat li jkun meħtieġ għat-tkomplija. 2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tiġi rrifjutata talba għal tagħrif dwar l-ambjent jekk l-iżvelar tat-tagħrif jaffettwa b’mod negattiv:
[…] Ir-raġunijiet għar-rifjut imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu interpretati f’manjiera restrittiva, filwaqt li jitqies għall-każ partikolari l-interess pubbliku moqdi b’dan l-iżvelar. F’kull każ partikolari, l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar għandu jiġi miżun kontra l-interess moqdi bir-rifjut. Bis-saħħa tal-paragrafu 2(a), (d), (f), (g) u (h), l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu li tiġi rrifjutata talba meta t-talba jkollha x’taqsam ma’ tagħrif dwar l-emissjonijiet fl-ambjent. […] 4. It-tagħrif dwar l-ambjent li jkun għand l-awtoritajiet pubbliċi jew miżmum għalihom li jkun ġie mitlub minn applikant għandu jintgħamel disponibbli b’mod parzjali meta jkun possibbli li jiġi mifrud tagħrif li jidħol fl-iskop tal-paragrafi 1(d) u (e) jew 2 mill-bqija tat-tagħrif mitlub. 5. Rifjut li jintgħamel disponibbli t-tagħrif mitlub fl-intier tiegħu jew f’parti minnu għandu jiġi nnotifikat lill-[…] In-notifika għandha tiddikjara r-raġunijiet għar-rifjut u tinkludi tagħrif dwar il-proċedura tar-rivista pprovvduta skond l-Artikolu 6.” |
Id-dritt Ġermaniż
|
12 |
Il-punt 2 tal-Artikolu 28(2) tal-Umweltverwaltungsgesetz Baden-Württemberg (il-Liġi tal-Land ta’ Baden‑Württemberg dwar il-Ġestjoni tal-Ambjent) tal-25 ta’ Novembru 2014 (GBl. 2014, 592), kif emendat bl-Artikolu 1 tal-Liġi tat-28 ta’ Novembru 2018 (GBl. 2018, 439), jipprevedi: “Meta talba jkollha x’taqsam ma’ komunikazzjonijiet interni ta’ awtoritajiet li jkun obbligati jagħtu informazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 23(1), hija għandha tkun miċħuda sakemm ma jkunx iktar importanti li tingħata fl-interess pubbliku.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
13 |
Il-kawża prinċipali tirrigwarda t-talba li persuna fiżika, jiġifieri D.R., bagħtet lill-Ministeru tal-Istat tal-Land ta’ Baden-Württemberg, intiża li tikseb dokumenti dwar il-qtugħ ta’ siġar fil-park tal-kastell ta’ Stuttgart, fix-xahar ta’ Ottubru 2010, li seħħ fil-kuntest tat-twettiq tal-proġett ta’ bini ta’ infrastrutturi u ta’ żvilupp urban “Stuttgart 21”. |
|
14 |
Dawn id-dokumenti jinkludu, minn naħa, informazzjoni trażmessa lill-korp tat-tmexxija tal-Ministeru tal-Istat tal-Land ta’ Baden-Württemberg, dwar l-iżvolġiment tax-xogħlijiet tal-kummissjoni ta’ investigazzjoni kkonċernata, dwar l-intervent tal-pulizija, fit-30 ta’ Settembru 2010, fil-park tal-kastell ta’ Stuttgart u, min-naħa l-oħra, noti ta’ dan il-Ministeru, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni, fl-10 u fit-23 ta’ Novembru 2010, fil-kuntest tal-proġett “Stuttgart 21”. |
|
15 |
Ir-rikors kontenzjuż, li D. R. kien ippreżenta kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess fil-konfront tiegħu, ġie miċħud fl-ewwel istanza, iżda ntlaqa’ mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja). Din tal-aħħar, wara li kkonstatat li t-talba li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali kienet tirrigwarda informazzjoni ambjentali, iddeċidiet li ma kienet tapplika ebda raġuni għal rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba minn D. R. Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-raġuni għal rifjut prevista għall-“komunikazzjonijiet interni” tal-awtoritajiet pubbliċi, din ma tistax tiġi invokata iktar wara li jitlesta l-proċess deċiżjonali tal-awtorità li lilha tkun intalbet il-komunikazzjoni. |
|
16 |
Din is-sentenza ġiet ikkontestata mil-Land Baden-Württemberg fil-kuntest ta’ rikors għal reviżjoni li huwa ppreżenta quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja). |
|
17 |
Din il-qorti titlaq mill-premessa li D. R. talab aċċess għal informazzjoni ambjentali, kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/4, li hija fil-pussess ta’ awtorità pubblika. Permezz tad-domandi tagħha, hija tfittex li tiddetermina jekk din l-informazzjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala “komunikazzjonijiet interni” li għaldaqstant jaqgħu taħt ir-raġuni għal rifjut prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 u, jekk ikun il-każ, jekk l-applikabbiltà ta’ din ir-raġuni għal rifjut hijiex limitata ratione temporis. |
|
18 |
Għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda magħmula, il-Bundesverwaltungsgericht tirrileva li d-Direttiva 2003/4 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni”, iżda teżiġi, skont l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha, li r-raġunijiet għal rifjut elenkati f’dan l-artikolu għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv. |
|
19 |
Fid-dawl ta’ din ir-regola ta’ interpretazzjoni, il-Bundesverwaltungsgericht tqis li t-terminu “intern” jista’ jkopri l-informazzjoni li ma tkunx ħarġet mill-isfera interna ta’ awtorità, bl-eċċezzjoni ta’ dik li tkun intiża li tiġi żvelata. Fir-rigward tal-kelma “komunikazzjoni”, tqum il-kwistjoni dwar jekk din tindikax informazzjoni ta’ ċerta kwalità u, b’mod partikolari, jekk huwiex meħtieġ li din tkun indirizzata lil destinatarju. |
|
20 |
Barra minn hekk, mid-dokument ippubblikat mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, Gwida għall-Implimentazzjoni” (It-tieni edizzjoni, 2014) (iktar ’il quddiem il-“Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus”), jirriżulta li, f’ċerti pajjiżi, id-deroga prevista għall-“komunikazzjonijiet interni” għandha l-għan li tipproteġi l-opinjonijiet personali tal-uffiċjali, iżda ma tirrigwardax dokumenti fattwali. |
|
21 |
Fir-rigward tat-tieni u t-tielet domanda magħmula, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, il-qorti tar-rinviju tqis li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tipprekludi limitazzjoni stretta tal-applikazzjoni ratione temporis tagħha. Xejn iktar ma jirriżulta mid-dispożizzjoni korrispondenti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll mill-Gwida għall-Implimentazzjoni tagħha. Is-sitwazzjoni hija differenti għar-raġuni għal rifjut ta’ aċċess previst fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva dwar id-dokumenti li jkunu qegħdin jiġu redatti kif ukoll id-dokumenti u d-data mhux ikkompletati, li l-formulazzjoni tiegħu stess tillimita l-applikazzjoni tagħha ratione temporis. |
|
22 |
Fir-rigward tad-dokumenti interni fil-pussess tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Kummissjoni Ewropea, l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jippermetti barra minn hekk il-protezzjoni tagħhom wara li jitlesta l-proċess deċiżjonali. Ir-Regolament Nru 1367/2006, adottat speċifikament sabiex tiġi applikata l-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma emendax din ir-regola. |
|
23 |
Ir-raġuni għal rifjut prevista għall-“komunikazzjonijiet interni” għandha barra minn hekk tiġi pparagunata ma’ dik stabbilita fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4 li hija intiża sabiex tipproteġi l-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, din l-aħħar raġuni tapplika wkoll wara li jintemmu l-proċessi deċiżjonali, u dan jirriżulta mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 57). Interpretazzjoni wiesgħa tar-raġuni għal rifjut prevista għall-“komunikazzjonijiet interni” tirriskja għaldaqstant li tneħħi s-sens ta’ dik relatat mal-kunfidenzjalità tad-deliberazzjonijiet. |
|
24 |
Barra minn hekk, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni restrittiva tar-raġuni għal rifjut, il-Bundesverwaltungsgericht tqis li l-ibbilanċjar tal-interessi moqdija bl-iżvelar u bir-rifjut ta’ żvelar, rikjest mill-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u mit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2003/4, jista’ jillimita l-invokabbiltà tar-raġuni għal rifjut prevista għall-“komunikazzjonijiet interni”, b’mod partikolari peress li, biż-żmien, l-interess għaż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jonqos. |
|
25 |
Fl-aħħar nett, kieku l-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 kellu jkun limitat ratione temporis, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tiegħu, it-tul tal-proċessi deċiżjonali mhux dejjem ikun kriterju xieraq. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċess amministrattiv, kull eżami ta’ informazzjoni ambjentali ma jwassalx għal teħid ta’ deċiżjoni. |
|
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
|
27 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni” jinkludi kull informazzjoni li ma toħroġx mill-isfera interna ta’ awtorità pubblika. |
|
28 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, billi adotta d-Direttiva 2003/4, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura l-kompatibbiltà tad-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi ppreveda sistema ġenerali intiża li tiggarantixxi li kull applikant, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, ikollu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi jew miżmuma f’isimhom mingħajr ma jkun obbligat li jinvoka interess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 31). |
|
29 |
Għandu wkoll jiġi enfasizzat li d-dritt ta’ aċċess ggarantit mid-Direttiva 2003/4 japplika biss sakemm l-informazzjoni mitluba tkun tissodisfa r-rekwiżiti dwar l-aċċess pubbliku previsti minn din id-direttiva, u dan jippreżumi b’mod partikolari, li dan l-informazzjoni tikkostitwixxi “tagħrif dwar l-ambjent” fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, iżda dan huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifikah għal dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 32). |
|
30 |
Fir-rigward tal-iskopijiet tad-Direttiva 2003/4 l-Artikolu 1 tagħha jippreċiża, b’mod partikolari, li hija tfittex li tiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi u li din l-informazzjoni ssir awtomatikament disponibbli u tixxerred għall-pubbliku b’mod progressiv (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 39). |
|
31 |
Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/4, li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu derogi għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali. Sa fejn tali derogi ġew effettivament trasposti fid-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jinvokawhom sabiex jopponu għat-talbiet għal informazzjoni li jsirulhom. |
|
32 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-punt 2 tal-Artikolu 28(2) tal-Liġi tal-Land ta’ Baden‑Württemberg dwar il-Ġestjoni tal-Ambjent ittraspona d-deroga prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, li permezz tagħha talba għal informazzjoni ambjentali tista’ tiġi miċħuda fil-każijiet fejn it-talba tkun tikkonċerna komunikazzjonijiet interni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interess li l-iżvelar tal-informazzjoni mitluba jippreżenta għall-pubbliku. |
|
33 |
Hekk kif jirriżulta mill-istruttura tad-Direttiva 2003/4 u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha, kif ukoll mill-premessa 16 tagħha, id-dritt għal informazzjoni jfisser li r-regola ġenerali hija li l-informazzjoni għandha tingħata u li awtoritajiet pubbliċi għandhom jitħallew jirrifjutaw talba għal informazzjoni ambjentali biss fi ftit każijiet speċifiċi u ddefiniti b’mod ċar. Id-derogi għad-dritt ta’ aċċess għandhom, konsegwentement, ikunu interpretati b’mod restrittiv, b’tali mod li l-interess pubbliku moqdi meta l-informazzjoni tingħata għandu jiġi bbilanċjat mal-interess moqdi meta ma hija tingħatax (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications, C‑71/10, EU:C:2011:525, punt 22). |
|
34 |
Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita billi jitqies il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan li jrid jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal-14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau, C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 37). |
|
35 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi interpretata d-deroga għad-dritt ta’ aċċess prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 għall-komunikazzjonijiet interni. |
|
36 |
Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni”, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2003/4 ma tiddefinixxihx u ma tinkludix riferiment għad-dritt tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, hemm lok li tingħata interpretazzjoni awtonoma, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza. |
|
37 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kelma “komunikazzjoni”, użata fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, għandu jitqies li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 20 u 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan it-terminu jirreferi għal informazzjoni indirizzata minn awtur lil destinatarju, fejn dan id-destinatarju jista’ jkun kemm entità astratta, bħall-“membri” ta’ amministrazzjoni jew il-“bord tad-diretturi” ta’ persuna ġuridika, kif ukoll persuna speċifika li tappartjeni lil tali entità bħal membru tal-persunal jew uffiċjal. |
|
38 |
Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni” hija kkorroborata mill-kuntest li minnu l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 jagħmel parti. |
|
39 |
Fil-fatt, l-Artikolu 4(3)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprevedi deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali fil-każ fejn talba tkun tirrigwarda dokumenti li jkunu qegħdin jiġu redatti jew li jkunu jikkonċernaw komunikazzjonijiet interni tal-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “dokument” u dak ta’ “komunikazzjoni”. |
|
40 |
Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 23 u 24 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-istess distinzjoni ġiet riprodotta mil-leġiżlatur tal-Unjoni li ttraspona l-Artikolu 4(3)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus permezz ta’ żewġ dispożizzjonijiet distinti. Minn naħa, il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 jinkludi deroga fir-rigward tad-dokumenti li jkunu qegħdin jiġu redatti jew tad-dokumenti u tad-data mhux ikkompletati u, min-naħa l-oħra, il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi d-deroga dwar il-komunikazzjonijiet interni. Minn dan isegwi li hemm lok li tingħata tifsira distinta lill-kunċetti ta’ “komunikazzjoni” u ta’ “dokument”. B’mod partikolari, kuntrarjament għall-ewwel kunċett, it-tieni wieħed ma jirrigwardax neċessarjament informazzjoni indirizzata lil xi ħadd. |
|
41 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kelma “interna”, mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2003/4 jirriżulta li l-informazzjoni ambjentali li għaliha din id-direttiva trid tagħti aċċess għandha tinżamm mill-awtoritajiet pubbliċi. Skont l-Artikolu 2(3) tal-imsemmija direttiva, dan huwa l-każ tal-informazzjoni fil-pussess ta’ awtorità u li tkun ġiet irċevuta jew miktuba minnha. Fi kliem ieħor, l-awtoritajiet pubbliċi li għandhom informazzjoni ambjentali jistgħu jiddisponu minnha, jipproċessawha u janalizzawha internament kif ukoll jiddeċiedu dwar l-iżvelar tagħha. |
|
42 |
Minn dan isegwi li kull informazzjoni ambjentali fil-pussess ta’ awtorità pubblika ma hijiex neċessarjament “interna”. Dan huwa biss il-każ ta’ informazzjoni li ma toħroġx mill-isfera interna ta’ awtorità pubblika, b’mod partikolari, meta din ma tkunx ġiet żvelata lil terz jew ma tkunx tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
|
43 |
Fil-każ fejn awtorità pubblika jkollha informazzjoni ambjentali li tkun irċeviet minn sors estern, din l-informazzjoni tista’ wkoll tkun “interna” jekk ma tkunx tqiegħdet jew ma kellhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku qabel ma tkun ġiet irċevuta mill-imsemmija awtorità u jekk hija ma toħroġx mill-isfera interna ta’ din l-awtorità wara li din tkun irċevietha. |
|
44 |
Din l-interpretazzjoni tat-terminu “intern” hija kkorroborata mill-għan li jrid jintlaħaq mid-deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali prevista għall-komunikazzjonijiet interni. F’dan ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 4 tal-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Aċċess Pubbliku għall-Informazzjoni Ambjentali ppreżentata mill-Kummissjoni fid‑29 ta’ Ġunju 2000 (COM (2000) 402 final – COD 2000/0169, ĠU 2000, C 337 E, p. 156) jirriżulta li, bħad-deroga dwar id-dokumenti li jkunu qegħdin jiġu redatti jew li ma jkunux ikkompletati, dik li tippermetti li l-aċċess għal komunikazzjonijiet interni jiġi rrifjutat hija intiża sabiex tissodisfa l-ħtieġa tal-awtoritajiet pubbliċi li jkollhom spazju protett sabiex iwettqu riflessjonijiet u dibattiti interni. |
|
45 |
Tali ħtieġa ġiet ukoll irrikonoxxuta fir-rigward tal-informazzjoni ambjentali fil-pussess tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni msemmija mir-Regolament Nru 1049/2001. |
|
46 |
Dan ir-regolament japplika għat-talbiet kollha għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali. Skont l-Artikolu 4(3) tiegħu, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom il-possibbiltà li jirrifjutaw l-aċċess għad-dokumenti għall-użu intern jew li jinkludu opinjonijiet intiżi għall-użu intern. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi li dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw minn spazju ta’ reflessjoni sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu dwar għażliet politiċi li għandhom jagħmlu u dwar proposti li potenzjalment jippreżentaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2018, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni, C‑57/16 P, EU:C:2018:660, punti 99 u 109). |
|
47 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 37 sa 46 ta’ din is-sentenza, id-deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali, prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 għall-komunikazzjonijiet interni, għandha tinftiehem bħala li tkopri l-informazzjoni li tiċċirkola fi ħdan awtorità pubblika u li, fid-data tat-talba għal aċċess, ma tkunx ħarġet mill-isfera interna tagħha, jekk ikun il-każ wara li din tkun ġiet irċevuta minn din l-awtorità, b’mod partikolari minħabba l-iżvelar tagħha lil terz jew it-tqegħid tagħha għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. |
|
48 |
Huwa minnu li, hekk kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, id-derogi mid-dritt ta’ aċċess għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, b’tali mod li l-interess pubbliku moqdi bl-iżvelar jiġi bbilanċjat mal-interess moqdi bir-rifjut li tingħata l-informazzjoni. Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni ma tistax tillimita l-portata tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 bi ksur tal-formulazzjoni tiegħu. |
|
49 |
Minn dan jirriżulta li l-fatt li informazzjoni ambjentali tista’ toħroġ mill-isfera interna ta’ awtorità pubblika f’mument partikolari, b’mod partikolari meta din tkun intiża li tiġi ppubblikata fil-futur, ma jistax itellef immedjatament lill-komunikazzjoni li tinkludi din l-informazzjoni n-natura interna tagħha. |
|
50 |
Barra minn hekk, il-kliem tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 bl-ebda mod ma jindika li l-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni” għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss l-opinjonijiet personali tal-membri tal-persunal ta’ awtorità pubblika u d-dokumenti essenzjali jew saħansitra li ma jinkludix informazzjoni ta’ natura fattwali. Tali limitazzjonijiet huma, barra minn hekk, inkompatibbli mal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-ħolqien, favur l-awtoritajiet pubbliċi, ta’ spazju protett sabiex iwettqu riflessjonijiet u dibattiti interni. |
|
51 |
It-teħid inkunsiderazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll tal-Gwida għall-Implimentazzjoni tagħha lanqas ma jista’ jwassal għal limitazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni” kif ġie invokat fil-punti 20, 49 u 50 ta’ din is-sentenza. Minn naħa, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4(3)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus stess ma jillimitax il-portata tal-“komunikazzjonijiet interni” skont il-kontenut jew l-importanza tagħhom. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Frar 2012, Solvay et (C‑182/10, EU:C:2012:82, punt 27), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm il-Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tista’ titqies li hija dokument ta’ spjega li jista’, jekk ikun il-każ, jittieħed inkunsiderazzjoni, fost elementi oħra rilevanti, għall-interpretazzjoni tagħha, l-analiżi inklużi fih ma għandhom ebda saħħa obbligatorja u ma għandhomx il-portata normattiva li għandhom id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. |
|
52 |
Fil-każ ineżami, skont l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dokumenti msemmija fit-talba għal aċċess inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu, minn naħa, informazzjoni trażmessa lill-korp tat-tmexxija tal-Ministeru tal-Istat tal-Land ta’ Baden-Württemberg u, min-naħa l-oħra, noti ta’ dan il-Ministeru, relatati mal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni. Mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li din kienet informazzjoni li għandha oriġini esterna għall-imsemmi ministeru. Bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher li dawn id-dokumenti ġew redatti sabiex tinkiseb informazzjoni fi ħdan il-Ministeru tal-Istat tal-Land ta’ Baden-Württemberg u li ma ħarġux mill-isfera interna ta’ din l-amministrazzjoni. Minn dan isegwi li dawn id-dokumenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala “komunikazzjonijiet interni”, fis-sens tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4. |
|
53 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjonijiet interni” jinkludi l-informazzjoni kollha li tiċċirkola fi ħdan awtorità pubblika u li, fid-data tat-talba għal aċċess, ma tkunx ħarġet mill-isfera interna ta’ din l-awtorità, jekk ikun il-każ wara li din tkun ġiet irċevuta mill-imsemmija awtorità u sakemm din ma tkunx tqiegħdet jew ma kellhiex titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku qabel mal-awtorità tkun irċevietha. |
Fuq it-tieni domanda
|
54 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk il-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-applikabbiltà tad-deroga għad-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali li huwa jipprevedi għall-komunikazzjonijiet interni ta’ awtorità pubblika hija limitata ratione temporis. |
|
55 |
Għandu jiġi rrilevat li, bħall-Artikolu 4(3)(ċ) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, traspost fid-dritt tal-Unjoni permezz tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, din l-aħħar dispożizzjoni ma tinkludi ebda element favur il-limitazzjoni tal-applikazzjoni tagħha ratione temporis. Il-Gwida għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus lanqas ma tipprovdi indikazzjonijiet f’dan ir-rigward. |
|
56 |
B’mod partikolari, kuntrarjament għad-deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali li tinsab fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 u li tikkonċerna d-dokumenti li jkunu qegħdin jiġu redatti kif ukoll id-dokumenti u d-data mhux ikkompletati, dik prevista għall-komunikazzjoni interna ma hijiex marbuta mal-preparazzjoni jew mal-abbozzar ta’ dokumenti. Lanqas ma tiddependi fuq il-grad ta’ progress ta’ kwalunkwe proċess amministrattiv. Tmiem tali proċess jew ta’ stadju tiegħu, ikkaratterizzat mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn awtorità pubblika jew mit-tmiem ta’ dokument, ma jistax, konsegwentement, ikun determinanti għall-applikabbiltà tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4. |
|
57 |
L-assenza ta’ limitazzjoni ratione temporis tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-għan tagħha, espost fil-punti 44 u 50 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-ħolqien, favur awtoritajiet pubbliċi, ta’ spazju protett sabiex iwettqu riflessjonijiet u dibattiti interni. Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva, essenzjalment, fil-punti 44 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-bżonn li tiġi protetta l-libertà tal-ħsieb tal-awtur tal-komunikazzjoni inkwistjoni u l-possibbiltà li jsiru liberament skambji ta’ opinjonijiet jippersisti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt u ta’ liġi tal-kawża fid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti jkunu mitluba jiddeċiedu dwar it-talba li jkunu aditi biha, peress li, kif jirriżulta mill-punt 34 tas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et (C‑266/09, EU:C:2010:779), id-dritt ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali isir konkret f’din id-data. |
|
58 |
Għalkemm huwa minnu li d-deroga prevista fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 ma hijiex limitata ratione temporis, minn din id-dispożizzjoni nnifisha kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva jirriżulta, madankollu, li r-rifjut ta’ aċċess għal informazzjoni ambjentali minħabba li tkun tinsab f’komunikazzjoni interna għandu dejjem ikun ibbażat fuq ibbilanċjar tal-interessi involuti. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ibbilanċjar għandu jsir minn eżami effettiv partikolari ta’ kull sitwazzjoni ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti fil-kuntest ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali mressqa abbażi tad-Direttiva 2003/4, mingħajr ma jkun eskluż li l-leġiżlatur nazzjonali jiddetermina permezz ta’ dispożizzjoni ġenerali l-kriterji li jippermettu li tiġi ffaċilitata din l-evalwazzjoni komparata tal-interessi involuti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et, C‑266/09, EU:C:2010:779, punt 58, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications, C‑71/10, EU:C:2011:525, punt 29). |
|
60 |
Għal dak li jirrigwarda l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4, dan l-eżami għandu importanza ikbar, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali prevista minn din id-dispożizzjoni għad-dokumenti interni huwa partikolarment wiesa’. Għalhekk, sabiex id-Direttiva 2003/4 ma tiġix imxejna mis-sustanza tagħha, l-ibbilanċjar tal-interessi involuti rikjest mill-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva għandu jkun irregolat strettament. |
|
61 |
Peress li, kif tfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2003/4 tfittex li tiggarantixxi li kull applikant, fis-sens tal-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, ikollu dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi jew miżmuma f’isimhom mingħajr ma jkollu għalfejn jinvoka interess, l-awtorità li ssirilha talba għal aċċess ma tistax teżiġi li dan l-applikant jesponilha interess partikolari li jiġġustifika l-iżvelar tal-informazzjoni ambjentali meħtieġa. |
|
62 |
Mill-premessa 1 tad-Direttiva 2003/4 jirriżulta li, fost ir-raġunijiet li jistgħu jargumentaw favur l-iżvelar u li awtorità għandha, fi kwalunkwe każ, tieħu inkunsiderazzjoni meta jiġu bbilanċjati l-interessi involuti hemm “konoxxenza ikbar dwar il-materji ambjentali, skambju ħieles tal-veduti, parteċipazzjoni iktar effettiva mill-pubbliku fit-tiswir tad-deċiżjonijie u […] ambjent aħjar” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Office of Communications, C‑71/10, EU:C:2011:525, punti 25 u 26). |
|
63 |
Peress li, kif tfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, l-eżami ta’ talba għal aċċess għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi speċifiċi involuti f’kull każ partikolari, l-awtorità pubblika hija wkoll obbligata teżamina l-indikazzjonijiet eventwalment ipprovduti mill-applikant fir-rigward tar-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-iżvelar tal-informazzjoni meħtieġa. |
|
64 |
Barra minn hekk, l-awtoritajiet pubbliċi aditi b’talba għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali li tinsab f’komunikazzjoni interna għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ż-żmien li jkun għadda minn meta tkun ġiet stabbilita din il-komunikazzjoni u l-informazzjoni li din tal-aħħar tkun tinkludi. Fil-fatt, id-deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 tista’ tapplika biss matul il-perijodu li matulu l-protezzjoni tkun iġġustifikata fid-dawl tal-kontenut ta’ tali komunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 56). |
|
65 |
B’mod partikolari, għalkemm fid-dawl tal-għan li jinħoloq, favur l-awtoritajiet pubbliċi, spazju protett sabiex iwettqu riflessjonijiet u dibattiti interni, informazzjoni li tkun tinsab f’komunikazzjoni interna tista’ validament ma tiġix żvelata fid-data tat-talba għal aċċess, awtorità pubblika tista’ tintalab, min-naħa l-oħra, tikkunsidra li, minħabba li tkun ilha li ġiet redatta, hija tkun saret storika u, konsegwentement, tkun tilfet in-natura sensittiva li kienet marbuta magħha, peress li jkun għadda ċertu żmien mir-redazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 54) |
|
66 |
Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal aċċess għal informazzjoni ambjentali, l-awtorità pubblika li tkun saritilha t-talba għandha tivverifika, konformement mal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2003/4, jekk ċerta informazzjoni meħtieġa tistax tiġi sseparata minn dik koperta mid-deroga għad-dritt ta’ aċċess applikabbli, b’tali mod li hija tkun tista’ tipproċedi għal żvelar parzjali. |
|
67 |
L-osservanza tal-obbligi kollha li, kif jirriżulta mill-punti 58 sa 66 ta’ din is-sentenza, jaqgħu fuq l-awtoritajiet pubbliċi matul l-eżami ta’ talba għal aċċess għall-informazzjoni ambjentali, fosthom, b’mod partikolari, l-ibbilanċjar tal-interessi involuti, għandha tkun verifikabbli għall-persuna kkonċernata u għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rimedji amministrattiv u ġudizzjarji previsti fil-livell nazzjonali, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/4. |
|
68 |
Sabiex jissodisfa dan ir-rekwiżit, l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2003/4 jipprovdi li deċiżjoni ta’ rifjut ta’ aċċess għandha tiġi nnotifikata lill-applikant u għandha tinkludi r-raġunijiet għar-rifjut li fuqhom hija bbażata. |
|
69 |
Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jkunx issodisfatt meta awtorità pubblika sempliċement tagħmel riferiment formali għal waħda mid-derogi previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4. Bil-kontra, l-awtorità pubblika li tadotta deċiżjoni li tirrifjuta aċċess għal informazzjoni ambjentali għandha tesponi r-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni setgħet tippreġudika b’mod konkret u effettiv l-interess protett mid-derogi invokati. Ir-riskju ta’ tali preġudizzju għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, L-Isvezja vs My Travel u Il-Kummissjoni, C‑506/08 P, EU:C:2011:496, punt 76). |
|
70 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/4 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-applikabbiltà tad-deroga mid-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni ambjentali li huwa jipprevedi għall-komunikazzjonijiet interni ta’ awtorità pubblika ma hijiex limitata ratione temporis. Madankollu, din id-deroga tista’ tapplika biss matul il-perijodu li fih il-protezzjoni tal-informazzjoni mitluba tkun iġġustifikata. |
Fuq it-tielet domanda
|
71 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx iktar lok li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula. |
Fuq l-ispejjeż
|
72 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwi tal-proċedura: il-Ġermaniż u l-Ingliż.