SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ April 2021]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’ – Artikolu 3 – Perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum – Ħaddiema li kkonkludew diversi kuntratti ta’ xogħol ma’ persuna li timpjega unika – Applikazzjoni għall-ħaddiem”

Fil-Kawża C‑585/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

Academia de Studii Economice din Bucureşti

vs

Organismul Intermediar pentru Programul Operaţional Capital Uman – Ministerul Educaţiei Naţionale,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Academia de Studii Economice din Bucureşti, minn N. Istudor, D. Dumitrescu u E. Găman,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, A. Rotăreanu u S.-A. Purza, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u S. Baeyens, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, inizjalment minn J. Nymann-Lindegren, P. Ngo u M. S. Wolff, sussegwentement minn J. Nymann-Lindegren u M. S. Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn V. Soņeca u L. Juškeviča, sussegwentement minn V. Soņeca, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u C.S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, inizjalment minn A. Laine, sussegwentement minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Norveġiż, minn I. Thue u J.T. Kaasin, bħala aġenti

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn C. Gheorghiu u M. van Beek, sussegwentement minn C. Gheorghiu, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6)(b) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Academia de Studii Economice din Bucureşti (l-Akkademja tal-Istudji Ekonomiċi ta’ Bukarest, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“ASE”) u, min-naħa l-oħra, l-Organismul Intermediar pentru Programul Operaţional Capital Uman – Ministerul Educaţiei Naţionale (l-Organu Intermedju għall-Programm Operattiv tal-“Kapital Uman” – Ministeru għall-Edukazzjoni Nazzjonali, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“OI POCU MEN”) dwar korrezzjoni finanzjarja stabbilita minn dan tal-aħħar, fil-kuntest ta’ programm ta’ finanzjament, minħabba nuqqas ta’ osservanza mill-ASE tan-numru massimu ta’ sigħat li persuna tista’ taħdem ta’ kuljum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Diretiva tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.

3.   Din id-Direttiva għandha tapplika għas-setturi kollha ta’ l-attività, kemm pubblika u wkoll privata, fil-qofol tat-tifsira ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/391/KEE [tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)], mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 17, 18 u 19 ta’ din id-Direttiva.

[…]”

4

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perjodu ta’ serħan’ ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]”

5

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Serħan ta’ kull jum”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11-il siegħa konsekuttivi f’perjodu ta’ 24-siegħa.”

6

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ħin massimu ta’ xogħol matul ġimgħa”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, skond il-ħtieġa tal-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema:

a)

il-perjodu tal-ħin tax-xogħol ta’ kull ġimgħa jkun limitat permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew bi ftehim kollettiv jew bi ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija;

b)

il-medja tal-ħin tax-xogħol għal kull perjodu ta’ sebat ijiem, inkluża s-sahra, ma tkunx teċċedi it-48 siegħa.”

7

Skont l-Artikolu 17 tal-istess direttiva:

“1.   F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’:

(a)

eżekuttivi amministraturi jew persuni oħrajn b’poteri awtonomi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

(b)

ħaddiema parti mill-familja; jew

(ċ)

ħaddiema li juffiċċjaw f’ċerimonji reliġjużi fi knejjes u f’komunitajiet reliġjużi

[…]”

8

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ Stat Membru li jiżviluppa, fid-dawl ta’ ċirkostanzi li jinbidlu, leġislattiva differenti, disposizzjonijiet regolatorji jew kuntrattwali fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, sakemm il-ħtiġiet minimi li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva jkun hemm konformità magħhom, l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhiex tikkostitwixxi bażi valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema.”

Id-dritt Rumen

9

L-Artikolu 111 tal-Legea nr. 53/2003 privind Codul muncii (il-Liġi Nru 53/2003 dwar il-Kodiċi tax-Xogħol), tal‑24 ta’ Jannar 2003, kif emendata (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 345 tat‑18 ta’ Mejju 2011) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”), jipprovdi:

“Ħin tax-xogħol ifisser kwalunkwe perijodu li waqtu l-ħaddiem ikun ix-xogħol, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u fit-twettiq tal-attività jew tal-funzjonijiet tagħha, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, tal-kuntratt kollettiv applikabbli u/jew tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.”

10

L-Artikolu 112(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprevedi:

“Il-ħin tax-xogħol normali għall-ħaddiema full-time huwa ta’ 8 sigħat kuljum u ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa.”

11

L-Artikolu 114(1) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“Il-ħin massimu legali tax-xogħol ma jistax jaqbeż it-48 siegħa fil-ġimgħa, inkluża s-sahra.”

12

Skont l-Artikolu 119 tal-imsemmi kodiċi:

“Il-persuna li timpjega għandha l-obbligu li żżomm reġistru tas-sigħat ta’ xogħol maħduma minn kull impjegat u li tissottometti dan ir-reġistru għall-kontroll tal-ispettorat tax-xogħol kull darba li tintalab tagħmel dan.”

13

L-Artikolu 120 tal-istess kodiċi jipprevedi:

“1.   Ix-xogħol imwettaq barra l-ħin normali tax-xogħol fil-ġimgħa, previst fl-Artikolu 112, huwa kkunsidrat bħala xogħol supplimentari.

2.   Ix-xogħol supplimentari ma jistax jitwettaq mingħajr il-kunsens tal-impjegat, ħlief fil-każijiet ta’ forza maġġuri jew għal kompiti urġenti intiżi sabiex jiġu evitati inċidenti jew sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi tagħhom.”

14

L-Artikolu 135(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol jipprovdi:

“Bejn jumejn tax-xogħol, il-ħaddiema għandhom dritt għal perijodu ta’ mistrieħ ta’ almenu 12‑il siegħa konsekuttiva”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

L-ASE tipparteċipa fil-proġett POSDRU/89/1.5/S/59184, il-Programm Operattiv Settorjali għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani, intitolat “Prestazzjoni u Eċċellenza fir-Riċerka Post-Dottorali fil-Kuntest tax-Xjenzi Ekonomiċi fir-Rumanija” (iktar ’il quddiem il-“proġett”).

16

Permezz ta’ proċess verbal dwar il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet finanzjarji tal‑4 ta’ Ġunju 2018, (iktar ’il quddiem il-“proċess verbal dwar il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet”), l-OI POCU MEN talab mingħand l-ASE l-ħlas ta’ dejn tal-baġit ta’ RON 13808 (madwar EUR 2800) li jirrigwarda spejjeż tas-salarji għall-impjegati tat-tim tal-implimentazzjoni tal-proġett. Is-somom li jikkorrispondu għal dawn l-ispejjeż ġew iddikjarati li huma mhux eliġibbli minħabba li nqabeż il-limitu massimu tan-numru ta’ sigħat li dawn l-impjegati setgħu jaħdmu kuljum.

17

Rikors amministrattiv ippreżentat mill-ASE kontra l-proċess verbal dwar il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet ġie miċħud mill-OI POCU MEN, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, li jipprevedi limitu ta’ tlettax-il siegħa li impjegat jista’ jaħdem kuljum, peress li dan il-limitu ma japplikax, skont din l-awtorità, għal kull kuntratt ta’ xogħol ta’ dan l-impjegat meħud waħdu.

18

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, l-ASE tikkontesta din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

19

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li s-somom iddikjarati li huma mhux eliġibbli jikkorrispondu għall-ispejjeż relatati mas-salarji ta’ ċerti esperti, li, matul il-perijodu bejn Ottubru 2012 u Jannar 2013, kienu, akkumulaw, fi ġranet speċifiċi, is-sigħat maħduma fil-kuntest tal-ħinijiet bażi, jiġifieri tmien sigħat kuljum, bis-sigħat maħduma fil-kuntest tal-proġett u fil-kuntest ta’ proġetti jew attivitajiet oħra. In-numru totali ta’ sigħat maħduma kuljum għal dawn l-esperti qabeż il-limitu ta’ tlettax-il siegħa kuljum, previst mill-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-proġett, liema limitu jirriżulta, skont l-OI POCU MEN, mill-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2003/88.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-Kunċett ta’ ‘ħin tax-xogħol’, li huwa ddefinit [fil-punt 1 tal-]Artikolu 2 […] tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser ‘kwalunkwe perjodu li matulu l-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu’ abbażi ta’ kuntratt wieħed (full-time) jew inkella abbażi tal-kuntratti kollha (ta’ xogħol) konklużi minn dan il-ħaddiem?

2)

Ir-rekwiżiti imposti fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88/KE (obbligu li jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal perijodu minimu ta’ serħan kull jum ta’ 11 il siegħa konsekuttiva f’perijodu ta’ 24‑siegħa) u mill-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE (iffissar tat-tul medju ta’ xogħol fil-ġimgħa għal-limitu massimu ta’ [tmienja u erbgħin] siegħa, inklużi s-sigħat ta’ sahra) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jistabbilixxu limiti fir-rigward ta’ kuntratt wieħed jew inkella fir-rigward tal-kuntratti kollha konklużi mal-istess persuna li timpjega jew ma’ diversi persuni li jimpjegaw?

3)

Fil-każ li r-risposti għall-ewwel u għat-tieni domandi jinvolvu interpretazzjoni li teskludi l-possibbiltà li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirregolaw, fuq livell nazzjonali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE għal kull kuntratt, fl-assenza ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirregola l-fatt li l-mistrieħ ta’ kuljum minimu u l-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa għandhom ikunu fil-konfront tal-ħaddiem (irrispettivament minn kemm il-kuntratt ta’ xogħol huwa jikkonkludi mal-istess persuna li timpjega jew ma’ diversi persuni li jimpjegaw), istituzzjoni pubblika ta’ Stat Membru, li taġixxi f’isem l-Istat, hija f’pożizzjoni li tinvoka l-applikazzjoni diretta tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 6(b) tad-Direttiva 2003/88/KE u li tissanzjona lill-persuna li timpjega għan-nuqqas ta’ osservanza tal-limiti previsti fid-direttiva fir-rigward tal-mistrieħ ta’ kuljum u/jew tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

21

[Kif rettifikat permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ April 2021] Il-Kummissjoni Ewropea ssostni li s-sitwazzjoni fattwali u legali esposta mill-qorti tar-rinviju ma tinkludix biżżejjed preċiżazzjonijiet u spjegazzjonijiet li jiġġustifikaw id-domandi magħmula kif ukoll il-ħtieġa li tingħata risposta għalihom. Barra minn hekk, hija tindika, bħall-Gvern Rumen, li t-tieni u t-tielet domanda magħmula huma inammissabbli sa fejn jirrigwardaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88. Il-Gvern Rumen iżid li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-każ fejn ħaddiem ikun ikkonkluda kuntratti ma’ diversi persuni li jimpjegaw differenti hija inutli għall-qorti tar-rinviju, peress li l-analiżi pprovduta f’deċiżjoni preliminari għandha tkun relatata għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri, f’dan il-każ, sitwazzjoni li fiha l-ħaddiem ikkonkluda diversi kuntratti ma’ persuna li timpjega unika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2003/88 għat-tilwima fil-kawża prinċipali, minħabba li din tal-aħħar tqajjem il-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema filwaqt li, skont il-ġurisprudenza, din id-direttiva ma tirregolax din il-kwistjoni.

22

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Darie, C‑592/18, EU:C:2019:1140, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Minn dan isegwi li d-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni fir-rigward ta’ domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Union des industries de la protection des plantes, C‑514/19, EU:C:2020:803, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tad-domandi magħmula sa fejn dawn jirrigwardaw il-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tar-rinviju tipprovdi l-informazzjoni neċessarja relatata mal-fatti tal-kawża prinċipali u ssemmi d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li jippermettu li wieħed jifhem b’mod suffiċjenti s-suġġett ta’ din it-tilwima kif ukoll id-domandi magħmula.

25

B’mod partikolari, minbarra r-riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol dwar il-ħin tax-xogħol u ta’ mistrieħ ta’ kuljum, jiġifieri l-Artikoli 111, 112 u 135 tal-Kodiċi tax-Xogħol, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li l-OI POCU MEN ħareġ it-titolu ta’ dejn minħabba li l-ASE ma kinitx osservat il-leġiżlazzjoni dwar in-numru massimu ta’ sigħat li persuna tista’ taħdem kuljum u tagħti dettalji dwar il-kalkolu tas-sigħat ta’ xogħol ta’ kuljum imwettqa mill-esperti impjegati mill-ASE.

26

Konsegwentement, id-domandi magħmula huma ammissibbli f’dan ir-rigward.

27

Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tieni u tat-tielet domanda magħmula sa fejn dawn jirrigwardaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, l-OI POCU MEN invoka, sabiex jiġġustifika l-proċess verbal dwar il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet, kemm l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll l-Artikolu 6(b) tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tagħti, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda indikazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn din l-aħħar dispożizzjoni hija rilevanti, peress li hemm dettalji biss dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum ikkritikat lill-ASE.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni u t-tielet domanda magħmula, sa fejn dawn jirrigwardaw l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/88, huma inammissibbli.

29

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-domandi magħmula sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi minn ħaddiem ma’ diversi persuni li jimpjegaw, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni tar-rinviju bl-ebda mod ma jirriżulta li r-remunerazzjonijiet li l-OI POCU MEN qies li huma spejjeż mhux eliġibbli, fil-proċess verbal dwar il-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet, huma marbuta ma’ kuntratti ta’ xogħol li l-esperti kkonkludew ma’, minn naħa, l-ASE u, min-naħa l-oħra, persuni oħra li jimpjegaw. Fil-fatt, jissemmew biss l-ispejjeż marbuta mal-kuntratti ta’ xogħol li dawn l-esperti kkonkludew mal-ASE.

30

Id-domandi magħmula huma, konsegwentement, inammissibbli wkoll sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 fil-każ ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi minn ħaddiem ma’ diversi persuni li jimpjegaw.

31

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-pożizzjoni espressa mill-Kummissjoni, li abbażi tagħha, peress li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda r-remunerazzjoni tal-ħaddiema, id-Direttiva 2003/88 ma hijiex applikabbli, għandu jitfakkar li, bl-eċċezzjoni tal-każ partikolari dwar il-leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tirregola biss ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, bil-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, b’tali mod li, bħala prinċipju, ma hijiex applikabbli għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Készenléti Rendőrség, C‑211/19, EU:C:2020:344, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Madankollu, din il-konstatazzjoni ma timplikax li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula f’din il-kawża.

33

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kwistjoni tal-legalità tad-dejn tal-baġit invokat mill-OI POCU MEN. B’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ASE rremuneratx korrettament is-sigħat ta’ xogħol maħduma mill-esperti tagħha, hija tixtieq tkun taf jekk din osservatx il-leġiżlazzjoni dwar in-numru massimu ta’ sigħat li persuna tista’ taħdem kuljum.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-domandi magħmula, sa fejn dawn jirrigwardaw in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 dwar in-numru massimu ta’ sigħat li persuna tista’ taħdem kuljum, huma rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju u li, għaldaqstant, dawn id-domandi huma ammissibbli.

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

35

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li meta ħaddiem ikun ikkonkluda ma’ persuna li timpjega unika diversi kuntratti ta’ xogħol, il-perijodu minimu ta’ mistrieħ, li huwa previst f’dan l-Artikolu 3, għandux japplika għal dawn il-kuntratti kollha meħuda flimkien jew għal kull wieħed minn dawn il-kuntratti meħud separatament.

36

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tal-ħin massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa jikkostitwixxi mhux biss regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li huwa rrikonoxxut mill-Artikolu 6(1) TUE bħala li għandu l-istess saħħa legali bħat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, jispeċifika dan id-dritt fundamentali u għalhekk għandhom jiġu interpretati fid-dawl tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħin tax-xogħol” bħala kull perijodu li matulu l-ħaddiem ikun ix-xogħol, għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u fl-eżerċizzju tal-attività jew tal-funzjonijiet tiegħu, konformement mal-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali.

40

Fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, dan jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jadottaw l-miżuri neċessarji sabiex “kull ħaddiem” jibbenefika minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva matul kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 38).

41

L-użu tal-kliem “kull ħaddiem” jimmilita favur interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 3 fis-sens ta’ applikazzjoni għal kull ħaddiem, fil-każ fejn diversi kuntratti ta’ xogħol ikunu ġew konklużi bejn ħaddiem u l-istess persuna li timpjega. Fil-fatt, permezz tal-użu tal-aġġettiv indefinit “kull”, l-imsemmi Artikolu 3 jiffoka fuq il-ħaddiem, sabiex dan ikun jista’ jibbenefika, matul kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, minn perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva, irrispettivament minn jekk ikunx ikkonkluda jew le diversi kuntratti mal-persuna li timpjegah.

42

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 2 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-“perjodu ta’ mistrieħ” huwa ddefinit bħala kull perijodu li ma huwiex il-ħin tax-xogħol.

43

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li dan il-kunċett u dak ta’ “ħin tax-xogħol” jeskludu lil xulxin u li d-Direttiva 2003/88 ma tipprevedix kategorija intermedja bejn il-perijodi ta’ xogħol u dawk ta’ mistrieħ (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punti 2526 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet tagħha li huwa permess li ssir deroga għalihom (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras, C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, jiġifieri li kull ħaddiem jibbenefika kuljum minn tal-inqas ħdax-il siegħa ta’ mistrieħ konsekuttiva, jekk dawn il-perijodi ta’ mistrieħ jiġu eżaminati separatament għal kull kuntratt li jorbot lil dan il-ħaddiem mal-persuna li timpjegah. Fil-fatt, f’każ bħal dan, is-sigħat ikkunsidrati bħala perijodi ta’ mistrieħ fil-kuntest ta’ kuntratt jistgħu, kif turi l-kawża prinċipali, jikkostitwixxu ħin tax-xogħol fil-kuntest ta’ kuntratt ieħor. Issa, l-istess perijodu ma jistax, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, jiġi kklassifikat fl-istess ħin kemm bħala ħin tax-xogħol kif ukoll bħala perijodu ta’ mistrieħ.

46

Minn dan isegwi li l-kuntratti ta’ xogħol konklużi minn ħaddiem mal-persuna li timpjegah għandhom jiġu eżaminati flimkien sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li l-perijodu kklassifikat bħala ta’ mistrieħ ta’ kuljum jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-perijodu ta’ mistrieħ li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, jiġifieri li dan huwa perijodu li ma jikkostitwixxix ħin tax-xogħol.

47

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li tirriżulta mill-formulazzjoni u mill-kuntest tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 hija kkonfermata wkoll mill-għan ta’ din id-direttiva.

48

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema permezz ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar, b’mod partikolari, it-tul tal-ħin tax-xogħol (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Din l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hija intiża sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ, b’mod partikolari ta’ kuljum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Jekk ir-rekwiżiti minimi previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 kellhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw, b’mod distint, għal kull kuntratt konkluż mill-ħaddiem mal-persuna li timpjegah, il-garanzija ta’ protezzjoni aħjar ta’ dan il-ħaddiem tiddgħajjef, peress li, permezz tal-kumulu tal-ħinijiet ta’ xogħol previsti separatament abbażi ta’ kull wieħed mill-kuntratti konklużi mal-persuna li timpjega, jista’ jsir impossibbli li jiġi żgurat il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva matul kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, għalkemm dan il-perijodu kien ġie kkunsidrat mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li jikkostitwixxi l-minimu neċessarju sabiex il-ħaddiem ikun jista’ jirkupra mill-għeja tax-xogħol ta’ kuljum.

51

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fir-relazzjoni ta’ xogħol, b’tali mod li huwa neċessarju li jiġi evitat li l-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni ta’ dgħufija, ħaddiem jista’ jiġi skoraġġut milli jinvoka espliċitament id-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-persuna li timpjegah, b’mod partikolari meta l-invokazzjoni tagħhom tista’ tesponih għal miżuri meħuda minn din tal-aħħar ta’ natura li jaffettwaw ir-relazzjoni ta’ xogħol għad-detriment ta’ dan il-ħaddiem (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, CCOO, C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Issa, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 dwar il-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum kellhom jiġu interpretati bħala li japplikaw, b’mod distint, għal kull kuntratt ta’ xogħol konkluż minn ħaddiem mal-istess persuna li timpjega, dan jesponi lil dan il-ħaddiem għall-possibbiltà ta’ pressjonijiet min-naħa tal-persuna li timpjegah intiżi sabiex jaqsmu l-ħin tax-xogħol tiegħu f’diversi kuntratti, li jista’ jċaħħad lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-effett utli tagħhom.

54

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-marġni ta’ manuvra, invokat mill-ASE u mill-Gvern Pollakk u dak Rumen, li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, huwa irrilevanti għar-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonċernax il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, iżda l-portata tagħhom. Issa, skont l-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li jiżviluppaw dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u kuntrattwali differenti fil-qasam tal-ħin tax-xogħol, ir-rekwiżiti minimi previsti mid-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu osservati.

55

Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li, f’dan il-każ, peress li ċerti esperti użati għall-implimentazzjoni tal-proġett huma marbuta mal-ASE permezz ta’ diversi kuntratti ta’ xogħol, huwa neċessarju, sabiex jiġi vverifikat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 ġew osservati, li dawn il-kuntratti jiġu eżaminati flimkien.

56

Għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-esperti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tosserva, essenzjalment, li d-Direttiva 2003/88 tapplika biss għall-“ħaddiema”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

57

Skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-karatteristika essenzjali tar-relazzjoni ta’ xogħol hija l-fatt li persuna twettaq, matul ċertu żmien, favur persuna oħra u taħt it-tmexxija tagħha, prestazzjonijiet li bħala korrispettiv għalihom tirċievi remunerazzjoni (sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et, C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 41).

58

Minn dan isegwi li relazzjoni ta’ xogħol tippreżupponi l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah. L-eżistenza ta’ tali rabta għandha tiġi evalwata f’kull każ partikolari fid-dawl tal-elementi kollha u taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet (sentenza tal‑11 ta’ April 2019, Bosworth u Hurley, C‑47/17, EU:C:2015:310, punt 26).

59

Konsegwentement, il-ħin tal-esperti inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jipprovdu servizzi fil-kuntest tal-proġett huwa rilevanti sabiex jiġi vverifikat li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum, previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, ġie osservat biss sakemm, fil-kuntest ta’ dan il-proġett, kienet teżisti relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn l-ASE u dawn l-esperti. Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li dan kien il-każ, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

60

Barra minn hekk, l-ASE u l-Gvern Daniż invokaw id-dispożizzjonijiet derogatorji tad-Direttiva 2003/88, b’mod iktar partikolari l-Artikolu 17(1) tagħha, sabiex jiġġustifikaw l-assenza ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva għal ċerti ħaddiema.

61

Issa, għandu jitfakkar li, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-possibbiltajiet ta’ deroga previsti mid-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tagħha, bħala eċċezzjonijiet għas-sistema tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol prevista minn din id-direttiva, dawn id-derogi għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi limitata l-portata tagħhom għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi li l-imsemmija derogi jistgħu jipproteġu (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak, C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Barra minn hekk, ġie deċiż li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 japplika għall-ħaddiema li l-ħin tax-xogħol tagħhom, fl-intier tiegħu, ma jkunx imkejjel jew predeterminat, jew jista’ jiġi ddeterminat mill-ħaddiema nfushom minħabba karatteristiċi partikolari tal-attività eżerċitata (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et, C‑175/16, EU:C:2017:617, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-esperti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom kuntratti ta’ xogħol full-time, li jipprevedu erbgħin siegħa ta’ xogħol fil-ġimgħa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li mill-inqas parti mill-ħin tax-xogħol ta’ dawn l-esperti, anki fil-każ tal-għalliema universitarji, kienet iddeterminata mill-persuna li timpjegahom, u dan jeskludi li d-deroga tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2003/88 tista’ tkun applikabbli għalihom. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta ħaddiem ikun ikkonkluda diversi kuntratti ta’ xogħol ma’ persuna li timpjega unika, il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum, li huwa previst f’dan l-Artikolu 3, għandu japplika għal dawn il-kuntratti meħuda flimkien u mhux għal kull wieħed mill-imsemmija kuntratti meħud separatament.

Fuq it-tielet domanda

65

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum, li huwa previst f’din id-dispożizzjoni, huwa relatat mal-kuntratti ta’ xogħol kollha konklużi minn ħaddiem mal-istess persuna li timpjega, istituzzjoni pubblika li taġixxi f’isem l-Istat tistax tinvoka l-effett dirett tal-imsemmija dispożizzjoni fil-konfront ta’ persuna li timpjega li ma tosservax din id-dispożizzjoni.

66

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, huma jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront tal-Istat jew meta dan tal-aħħar ma jkunx ittraspona d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini indikati, jew meta dan ikun ittrasponiha b’mod żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften, C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Madankollu, qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda regola nazzjonali ma ġiet ikkontestata, f’dan il-każ, minħabba li hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88.

68

Għandu jingħad ukoll li l-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni nazzjonali, sa fejn din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, għandhiex titħalla mhux applikata tqum biss jekk jirriżulta li l-ebda interpretazzjoni konformi ta’ din id-dispożizzjoni ma’ dan id-dritt ma hija possibbli (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 65).

69

Il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, li abbażi tiegħu l-qorti nazzjonali hija obbligata tagħti lid-dritt nazzjonali tagħha, sa fejn huwa possibbli, interpretazzjoni konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati, sa fejn jippermetti lil din il-qorti tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta tiddeċiedi l-kawża li tkun adita biha (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Staatsanwaltschaft Offenburg, C‑615/18, EU:C:2020:376, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Issa, f’dan il-każ, il-Gvern Rumen jenfasizza, fl-osservazzjonijiet bil-miktub, li, fir-Rumanija, f’każ ta’ konklużjoni minn impjegat ta’ diversi kuntratti mal-istess persuna li timpjega, għandu jiġi applikat l-Artikolu 135(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, moqri flimkien mal-Artikoli 119 u 120 ta’ dan il-kodiċi.

71

Dan l-Artikolu 135(1) jipprevedi li l-impjegati għandhom id-dritt, bejn jumejn ta’ xogħol, għal mistrieħ li ma jistax ikun inqas minn tnax-il siegħa konsekuttiva.

72

Għalhekk, id-drittijiet irrikonoxxuti fl-imsemmi Artikolu 135(1) jidhru iktar protettivi minn dawk previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, li abbażi tagħhom it-tul previst għall-perijodu minimu ta’ mistrieħ, matul kull perijodu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, huwa ta’ ħdax-il siegħa konsekuttiva.

73

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, ebda element ma jissuġġerixxi li l-OI POCU MEN ma setax jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Rumen, interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2003/88.

74

Fl-assenza ta’ kwalunkwe kontestazzjoni tal-konformità tad-dritt Rumen mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 u, fi kwalunkwe każ, sa fejn jidher ċar li huwa possibbli li dan id-dritt jiġi interpretat b’mod konformi ma’ dan l-artikolu, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda magħmula.

Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

75

Il-Gvern Rumen u l-ASE jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza.

76

Fir-rigward, qabelxejn, tat-talba mressqa mill-Gvern Rumen fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta applikazzjoni għal kull ħaddiem tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, għandu jiġi rrilevat li din it-talba hija mmotivata mill-fatt li tali applikazzjoni jkollha impatt sistematiku fuq is-suq tax-xogħol fir-Rumanija fejn, skont dan il-gvern, diversi ħaddiema għandhom kuntratti ma’ diversi persuni li jimpjegaw. Konsegwentement, it-talba tirrigwarda l-każ fejn din is-sentenza tirrigwarda l-każijiet ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi ma’ diversi persuni li jimpjegaw. Issa, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 għal tali każijiet, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-talba għal-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza, f’dan ir-rigward.

77

Fir-rigward, sussegwentement, tat-talba mressqa mill-Gvern Rumen fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tadotta applikazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88 għal kull kuntratt individwali, meħud separatament, konkluż mill-ħaddiem mal-persuna li timpjegah, lanqas ma hemm lok li tingħata risposta għaliha, peress li mill-punt 64 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ kuljum, kif previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, huwa relatat mal-kuntratti kollha konklużi mill-ħaddiem mal-istess persuna li timpjega.

78

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-talba mressqa mill-ASE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tiċċara u tispeċifika t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan isegwi li r-regola interpretata b’dan il-mod tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi li jinħolqu u li jiġu stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni jekk, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni ta’ din ir-regola quddiem il-qrati kompetenti jiġu ssodisfatti (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed inkwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti f’bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi ferm speċifiċi, partikolarment meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti, b’mod partikolari, għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide abbażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u li jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li eventwalment ikkontribwixxa għaliha l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni Ewropea (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan, C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-ASE sempliċement tafferma, mingħajr ebda element ieħor, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kemm il-bona fide tal-persuni kkonċernati kif ukoll ir-riskju ta’ disturb serju tal-ekonomija fir-Rumanija. B’dan il-mod, hija ma tinvokax elementi suffiċjenti li jippermettu li jintwera li l-kriterju dwar il-bona fide tal-persuni kkonċernati huwa stabbilit, u lanqas ma tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’elementi preċiżi dwar in-numru ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkonċernati jew in-natura u l-portata tal-effetti ekonomiċi eventwali ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, iż-żewġ kriterji msemmija fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, li jistgħu jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza, ma jistgħux jitqiesu li huma ssodisfatti.

82

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta ħaddiem ikun ikkonkluda diversi kuntratti ta’ xogħol ma’ persuna li timpjega unika, il-perijodu ta’ mistrieħ ta’ kuljum, li huwa previst f’dan l-Artikolu 3, għandu japplika għal dawn il-kuntratti meħuda flimkien u mhux għal kull wieħed mill-imsemmija kuntratti meħud separatament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.