SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Portata tal-obbligu tal‑qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza li jagħmlu rinviju – Eċċezzjonijiet minn dan l-obbligu – Kriterji – Domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni mqajma mill-partijiet fil-proċedura nazzjonali wara li l-Qorti tal‑Ġustizzja tkun tat sentenza preliminari f’dik il-proċedura – Assenza ta’ preċiżazzjonijiet tar-raġunijiet li jiġġustifikaw in-neċessità ta’ risposta għad‑domandi preliminari – Inammissibbiltà parzjali tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑561/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l‑Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

Consorzio Italian Management,

Catania Multiservizi SpA

vs

Rete Ferroviaria Italiana SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, A. Arabadjiev (Relatur), A. Prechal, M. Vilaras, M. Ilešič, L. Bay Larsen, N. Piçarra, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, L.S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi SpA, minn E. Giardino u A. Cariola, avvocati,

għal Rete Ferroviaria Italiana SpA, minn U. Cossu, avvocato,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 3 TUE, tal-Artikolu 4(2), tal-Artikoli 9, 26, 34, tal-Artikolu 101(1)(e) u tal‑Artikoli 106, 151 sa 153, 156 u 267 TFUE, tal-Artikoli 16 u 28 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal‑Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 u rriveduta fi Strasbourg fit-3 ta’ Mejju 1996 (iktar ’il quddiem il-“Karta Soċjali Ewropea”), u tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma fi Strasbourg fid-9 ta’ Diċembru 1989 (iktar ’il quddiem il-“Karta tad-Drittijiet Soċjali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi SpA, kontraenti ta’ kuntratt pubbliku li jirrigwarda servizzi ta’ tindif tal-infrastrutturi ferrovjarji nazzjonali, u Rete Ferroviaria Italiana SpA (iktar ’il quddiem “RFI”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tilqa’ t-talba tagħhom għal reviżjoni tal-prezz ta’ dan il-kuntratt.

Il-kuntest ġuridiku

3

Id-decreto legislativo n. 163 – Codice dei contratti pubblici relativi a lavori, servizi e forniture in attuazione delle direttive 2004/17/CE e 2004/18/CE (id‑Digriet Leġiżlattiv Nru 163 li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Kuntratti Pubbliċi għal Xogħlijiet, għal Servizzi u għal Provvisti li jittrasponi d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE), tat-12 ta’ April 2006 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 100, tat-2 ta’ Mejju 2006), iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006”, jipprovdi, fl-Artikolu 2(4) tiegħu:

“Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi f’dan il-kodiċi, l-attività kuntrattwali tas‑suġġetti msemmija fl-ewwel artikolu hija rregolata wkoll permezz tad‑dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kodiċi Ċivili.”

4

L-Artikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, intitolat “Aġġustament tal‑prezzijiet”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kuntratti kollha ta’ servizzi jew ta’ provvisti ta’ eżekuzzjoni suċċessiva għandhom jinkludu klawżola ta’ reviżjoni perjodika tal-prezz. Ir-reviżjoni sseħħ abbażi ta’ investigazzjoni mwettqa mill-maniġers responsabbli għall-akkwist tal‑oġġetti u servizzi fuq il-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 7(4)(c) u (5).”

5

L-Artikolu 206 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv jipprovdi li huma applikabbli għall‑kuntratti fis-setturi msemmija mid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19), jiġifieri s-setturi speċjali tal-gass, tal-enerġija termali, tal-elettriku, tal-ilma, tas‑servizzi tat‑trasport, tas-servizzi postali, tal-esplorazzjoni u tal-estrazzjoni taż‑żejt, tal-gass, tal-faħam u ta’ kombustibbli solidi u oħrajn kif ukoll tal-portijiet u tal-ajruporti, biss ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmi digriet leġiżlattiv, li ma jinkludux l‑Artikolu 115 tad-digriet.

6

Skont l-Artikolu 210 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, intitolat “Aġġustament tal-prezzijiet”:

“1.   Bla ħsara għall-esklużjonijiet msemmija fl-Artikolu 23, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-parti għandhom japplikaw għall-attivitajiet marbuta mat-tqegħid għad‑dispożizzjoni jew mal-operat ta’ networks li huma intiżi sabiex jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-trammijiet, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

2.   Rigward is-servizzi ta’ trasport, network għandha titqies li teżisti fejn is‑servizz jiġi pprovdut fil-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti, bħalma huma l-kundizzjonijiet fir-rigward tar-rotot li għandhom jiġu segwiti, il-kapaċità ta’ trasport disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz”.

7

L-Artikolu 217 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, intitolat “Kuntratti mogħtija għal għanijiet oħra għajr is-segwiment ta’ attività koperta fil-Kapitolu 1 jew għas‑segwiment ta’ waħda minn dawn l-attivitajiet f’pajjiż terz”, jipprevedi, fil‑paragrafu 1 tiegħu:

“Din il-parti ma għandhiex tapplika għall-kuntratti li l-entitajiet kontraenti jagħtu għal għanijiet oħra għajr is-segwiment tal-attivitajiet tagħhom imsemmija fl‑Artikoli 208 sa 213 jew għas-segwiment ta’ dawn l-attivitajiet f’pajjiż terz, f’kundizzjonijiet li ma jinvolvux l-użu fiżiku ta’ network jew żona ġeografika fl‑[Unjoni]”.

8

L-Artikolu 1664 tal-codice civile (il-Kodiċi Ċivili), intitolat “Natura oneruża jew diffikultajiet fl-eżekuzzjoni”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Meta, minħabba ċirkustanzi mhux prevedibbli, ikun hemm żidiet jew tnaqqis fl‑ispiża tal-materjali jew tax-xogħol li jwasslu għal żieda jew tnaqqis ogħla minn għaxra fil-mija tal-prezz globali miftiehem, il-kontraent jew l-iżviluppatur jista’ jitlob ir-reviżjoni ta’ dan il-prezz. Ir-reviżjoni tista’ tingħata biss fir-rigward tad‑differenza li tmur lil hinn mill-għaxra fil-mija.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

RFI tat lil Consorzio Italian Management u lil Catania Multiservizi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikkostitwiti taħt il-forma ta’ assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, kuntratt għal provvisti ta’ servizzi ta’ tindif, ta’ manutenzjoni tat-tiżjin tal-post u ta’ żoni oħra miftuħa għall-pubbliku, kif ukoll servizzi anċillari fi stazzjonijiet, faċilitajiet, uffiċċji u workshops f’diversi siti mat-territorju kollu li jaqa’ taħt id-Direzione Compartimentale Movimento di Cagliari (id-Direttorat Reġjonali taċ-Ċirkulazzjoni ta’ Cagliari, l-Italja). Il-kuntratt kien jinkludi klawżola speċifika li tistabbilixxi l-modalitajiet għar-reviżjoni tal-prezz miftiehem, li kienu jidderogaw mill-Artikolu 1664 tal-Kodiċi Ċivili.

10

Matul l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil RFI, abbażi b’mod partikolari tal-Artikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, ir-reviżjoni tal-prezz tal-kuntratt preċedentement miftiehem sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni żieda fl-ispejjeż kuntrattwali li tirriżulta miż-żieda fl‑ispejjeż tal-persunal. Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Frar 2012, RFI ċaħdet din it-talba.

11

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxew lit-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna, l-Italja) b’rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni ta’ ċaħda.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2014, it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna) ċaħdet ir‑rikors. Dik il-qorti qieset li l-Artikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 ma kienx applikabbli għall-kuntratti li jirrigwardaw setturi speċjali, bħall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. L-imsemmija qorti, fil-fatt, qieset li l-provvisti ta’ servizzi ta’ tindif tal-istazzjonijiet, tal-faċilitajiet, tal-uffiċċji u tal-workshops kienu ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-eżerċizzju tal-attivitajiet prinċipali intiżi għall-provvista jew għall-operat tan-network ta’ trasport ferrovjarju, li jaqgħu taħt is-setturi speċjali. Din l-istess qorti żiedet li ma kienx hemm lok li ssir reviżjoni tal-prezz b’applikazzjoni tal-Artikolu 1664 tal-Kodiċi Ċivili, peress li l‑partijiet fil-kawża prinċipali kienu għamlu użu mill-possibbiltà li huma kellhom, skont dan l-artikolu, li jidderogaw minnu billi jdaħħlu fil-kuntratt li jorbothom klawżola li tillimita r-reviżjoni tal-prezz.

13

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostnew, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni aggravji tagħhom, li l‑Artikolu 115 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 jew, b’mod alternattiv, l‑Artikolu 1664 tal-Kodiċi Ċivili kien, kuntrarjament għal dak li kienet iddeċidiet it-Tribunale amministrativo regionale per la Sardegna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal Sardegna), applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestaw il‑konformità mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikoli 115, 206, 210 u 217 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, billi sostnew li dawn id‑dispożizzjonijiet, sa fejn huma intiżi sabiex jeskludu r-reviżjoni tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport, b’mod iktar speċifiku r-reviżjoni tal-prezzijiet tal-kuntratti ta’ tindif f’dan is-settur, kienu jmorru kontra, b’mod partikolari, l‑Artikolu 3(3) TUE, l-Artikoli 26, 101 et seq. TFUE, kif ukoll id‑Direttiva 2004/17. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali allegatament tipprevedi rekwiżiti li ma humiex iġġustifikati u li huma eċċessivi meta mqabbla mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Hija wkoll allegatament tali li tqiegħed lill-impriża kontraenti ta’ kuntratt li jirrigwarda servizz ta’ tindif ta’ natura anċillari meta mqabbel ma’ servizz prinċipali fis-settur tat-trasport f’pożizzjoni ta’ subordinazzjoni u ta’ dgħufija meta mqabbla mal-impriża li tipprovdi s-servizz prinċipali, li jwassal għal żbilanċ kuntrattwali inġust u sproporzjonat u li finalment jibdel ir-regoli ta’ funzjonament tal-kuntratt. Fl-aħħar nett, huma sostnew li fil-każ li l-esklużjoni tar-reviżjoni tal‑prezzijiet tal-kuntratti fis-setturi speċjali tirriżulta direttament mid‑Direttiva 2004/17, din tal-aħħar tkun invalida.

14

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lill-qorti tar-rinviju sabiex tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt tal‑Unjoni jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tiġi vverifikata l-validità tad-Direttiva 2004/17.

15

Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2017, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi r-reviżjoni tal-prezzijiet fil‑kuntratti relatati […] [mas-]setturi speċjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk li s-suġġett tagħhom huwa differenti minn dawk imsemmija fl‑istess direttiva, iżda li huwa marbut ma’ dawn tal-aħħar permezz ta’ rabta funzjonali, hija konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea (b’mod partikolari l‑Artikoli 3(3) TUE, l-Artikoli 26, 56 sa 58 u 101 TFUE u l-Artikolu 16 tal‑[Karta]) u mad-Direttiva 2004/17?

2)

Id-Direttiva 2004/17 (jekk jitqies li l-esklużjoni tar-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti kollha konklużi u applikati fil-kuntest […] [tas-]setturi speċjali tirriżulta direttament minnha), hija konformi mal-prinċipji tal-Unjoni Ewropea (b’mod partikolari mal-Artikolu 3(1) TUE, mal-Artikoli 26, 56 sa 58 u 101 TFUE u mal-Artikolu 16 tal-[Karta]), ‘fid-dawl tan-natura inġusta u sproporzjonata, u tal-alterazzjoni tal-bilanċ kuntrattwali u, għaldaqstant tar-regoli ta’ suq effiċjenti’?”

16

Permezz tas-sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-ewwel domanda fis-sens li d-Direttiva 2004/17 u l-prinċipji ġenerali li fuqhom hija bbażata għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali li ma jipprevedux ir-reviżjoni perjodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija f’din id-direttiva.

17

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll li l-ewwel domanda kienet inammissibbli sa fejn din kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 3(3) TUE, tal-Artikoli 26, 57, 58 u 101 TFUE, kif ukoll tal-aspetti tal‑Artikolu 56 TFUE minbarra l-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni kif ukoll l-obbligu ta’ trasparenza, li dan tal-aħħar jistabbilixxi fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minħabba li d-deċiżjoni tar-rinviju tal-24 ta’ Novembru 2016 kienet nieqsa minn spjegazzjonijiet fir‑rigward tar-rilevanza tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għas‑soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali u għalhekk ma kinitx tosserva r‑rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja.

18

Barra minn hekk, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ma jipprevedux ir-reviżjoni perjodika tal‑prezzijiet tal-kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi msemmija mid‑Direttiva 2004/17, ma jistgħux jitqiesu li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

19

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, it-tieni domanda kienet ipotetika u, għaldaqstant, inammissibbli.

20

Wara l-għoti tas-sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264), il-qorti tar-rinviju żammet, fl‑14 ta’ Novembru 2018, seduta pubblika. Fin-nota tagħhom tat-28 ta’ Ottubru 2018, ippreżentata għal din is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lil dik il-qorti tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari ġodda, intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikoli 2 u 3 TUE, l-Artikolu 4(2), l‑Artikoli 9, 26, 34, l-Artikolu 101(1)(e), l-Artikoli 106, 151 sa 153 u 156 TFUE, l-Artikoli 16 u 28 tal-Karta, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Soċjali jipprekludux il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

21

Il-qorti tar-rinviju tosserva li wħud minn dawn id-domandi ngħataw risposta fis‑sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264), filwaqt li oħrajn tqajmu għall-ewwel darba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Dik il-qorti tqis li mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija għandha l-obbligu li terġa’ tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni tagħha u sa fejn tqajmet quddiemha domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

22

Madankollu, l-imsemmija qorti tqis li huwa neċessarju li tistaqsi, minn qabel, lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura obbligatorja tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-każ fejn parti fil-proċedura tqajjem quddiem il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza domanda dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dwar jekk tali qorti tistax tikkunsidra li hija meħlusa mill-obbligu tar-rinviju meta din id-domanda tkun diġà tqajmet minn parti mhux fl-att promotur tagħha iżda sussegwentement, b’mod partikolari wara li l-kawża tkun ġiet iddeliberata għall-ewwel darba jew wara li l-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tkun diġà għamlet l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża.

23

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-proposta magħmula minn rikorrent, fi stadju avvanzat tal-proċedura, intiża sabiex il-qorti kkonċernata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li din il-parti ma rreferietx għalihom fil‑mument tal-preżentata tar-rikors tmur kontra “sistema ta’ ostakoli inerenti f’din il-proċedura”, stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn tali proposta tbiddel is-suġġett tat-tilwima, iddelimitat mill-motivi tar-rikors u mill-eċċezzjonijiet mqajma mill-partijiet fil-proċedura.

24

Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, ir-rinviju suċċessiv jew kontinwu ta’ domandi preliminari jista’ jagħti lok għal eventwali abbużi proċedurali u għandu mnejn ineħħi l-effett tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja u jippreġudika l‑prinċipju ta’ soluzzjoni rapida u effettiva tal-kawża.

25

F’dan il-kuntest, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex rivedibbli permezz ta’ rikors ġudizzjarju, bħala prinċipju, hija obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk din il-kwistjoni tiġi proposta liha minn waħda mill-partijiet fil-kawża wara l-ewwel att promotur tagħha jew wara n-nota tagħha għal komparizzjoni fil-kawża, wara li l-kawża tkun instegħmet għall-ewwel darba, jew anki wara li jkun sar l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

2)

[…] [L]-Artikoli 115, 206 u 217 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, kif interpretati mill-ġurisprudenza amministrattiva fis-sens li dawn jeskludu r‑reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti marbuta mas-setturi […] speċjali huma konformi mad-dritt tal-Unjoni [b’mod partikolari, l-Artikolu 4(2), l‑Artikolu 9, l-Artikolu 101(1)(e), l-Artikolu 106, l-Artikolu 151 [TFUE] – kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea […] u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali […] li hija ċċitata minn dan l-aħħar imsemmi artikolu – l‑Artikolu 152, l-Artikolu 153 u l-Artikolu 156 TFUE; l-Artikoli 2 u 3 TUE u l-Artikolu 28 tal-Karta […], b’mod partikolari inkonnessjoni mal-kuntratti li għandhom għan [suġġett] differenti minn dawk previsti mid‑Direttiva 2004/17, iżda li għandhom rabta funzjonali ma’ dawn tal‑aħħar?

3)

[…] [L]-Artikoli 115, 206 u 217 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 kif interpretati mill-ġurisprudenza amminstrattiva fis-sens li dawn jeskludu r‑reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti marbuta mas-setturi […] speċjali huma konformi mad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari, l-Artikolu 28 tal-Karta […], il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikoli 26 u 34 TFUE, u l-prinċipju ta’ libertà ta’ intrapriża rikonoxxut ukoll mill‑Artikolu 16 tal-Karta […]), b’mod partikolari inkonnessjoni mal‑kuntratti li għandhom għan differenti minn dawk previsti mid‑Direttiva 2004/17, iżda li għandhom rabta funzjonali ma’ dawn tal‑aħħar?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 267 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d‑deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id‑dritt nazzjonali hija meħlusa mill-obbligu, previst fit-tielet paragrafu ta’ dan l‑artikolu, li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda dwar l-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni meta din id-domanda tkun tressqet quddiemha minn parti fi stadju avvanzat tal-iżvolġiment tal-proċedura, wara li l-kawża tkun ġiet iddeliberata għall-ewwel darba jew l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun diġà sar f’dik il-kawża.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, li tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġudizzjarja stabbilita permezz tat-Trattati, tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, b’mod speċifiku bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, bl-għan li tiġi żgurata l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u għalhekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza, l-effett sħiħ u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar mill‑aħħar, in-natura proprja tad-dritt stabbilit mit-Trattati (ara, f’dan is-sens, l‑Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 37).

28

Fil-fatt, il-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari stabbilit minn din id‑dispożizzjoni huwa intiż sabiex jiżgura li f’kull ċirkustanza d-dritt tal-Unjoni jkollu l-istess effett fl-Istati Membri kollha u b’hekk jipprevjeni diverġenzi fl‑interpretazzjoni tiegħu li l-qrati nazzjonali għandhom japplikaw u huwa intiż sabiex jiżgura din l-applikazzjoni, billi jagħti lill-qorti nazzjonali mezz sabiex jiġu eliminati d-diffikultajiet li jista’ jqajjem ir-rekwiżit li jingħata effett sħiħ lid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tas-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri. Għalhekk, il-qrati nazzjonali għandhom setgħa mill-iktar wiesgħa, jew saħansitra l-obbligu, li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem domandi dwar l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Is-sistema stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tistabbilixxi, għaldaqstant, kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li fl-ambitu tagħha dawn tal-aħħar jipparteċipaw mill-qrib fl-applikazzjoni tajba u l‑interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll fil-protezzjoni tad‑drittijiet mogħtija minn dan lill-individwi (ara, f’dan is-sens, l‑Opinjoni 1/09 (Ftehim dwar ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal-privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 84).

30

Fil-kuntest ta’ din il-kooperazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom ta’ qrati responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 7), l-elementi ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li huma għandhom bżonn għas-soluzzjoni tat-tilwima li huma mitluba jiddeċiedu dwarha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 37, kif ukoll tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B., C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 23).

31

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-funzjonijiet attribwiti, rispettivament, lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja huma essenzjali għaż‑żamma tan-natura stess tad-dritt stabbilit mit-Trattati (Opinjoni 1/09, Ftehim dwar ħolqien ta’ sistema unifikata ta’ soluzzjoni ta’ tilwim fil-qasam tal‑privattivi), tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 85).

32

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, sa fejn ma jeżisti ebda rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali kontra d-deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali, din tal-aħħar għandha, fil-prinċipju, l-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE meta domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni titqajjem quddiemha (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, qorti nazzjonali li d‑deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id‑dritt nazzjonali tista’ tinħeles minn dan l-obbligu biss meta tkun ikkonstatat li d-domanda mqajma ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 21; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 33, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Franza (Ħlas bil-quddiem tat-taxxa), C‑416/17, EU:C:2018:811, punt 110).

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li mir-relazzjoni bejn it-tieni u t‑tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-qrati msemmija mit-tielet paragrafu jgawdu mill-istess setgħa diskrezzjonali bħall-qrati nazzjonali kollha l‑oħra f’dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk hijiex neċessarja deċiżjoni fuq punt ta’ liġi tal-Unjoni biex dawn ikunu jistgħu jagħtu d-deċiżjoni tagħhom. Għalhekk, dawn il-qrati ma humiex marbuta li jirreferu domanda dwar l-interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni mqajma quddiemhom jekk id-domanda ma tkunx rilevanti, jiġifieri fil-każijiet fejn ir-risposta għal din id-domanda, tkun xi tkun, ma jkun jista’ jkollha ebda influwenza fuq is-soluzzjoni tat-tilwima (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 10; tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 26, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 43).

35

Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l‑fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll biex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali. Bl-istess mod, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq it‑tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja (sentenzi tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk, C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 57; kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2021, Altenrhein Luftfahrt, C‑70/20, EU:C:2021:379, punt 25).

36

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-awtorità tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 267 TFUE tista’ tneħħi l-iskop tal-obbligu previst fit‑tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE u b’hekk tneħħilu l-kontenut tiegħu, b’mod partikolari meta d-domanda mqajma tkun materjalment identika għal domanda li diġà kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni preliminari f’kawża analoga jew, a fortiori, fil-kuntest tal-istess kawża nazzjonali, jew meta ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, irrispettivament min-natura tal-proċeduri li taw lok għal din il-ġurisprudenza, anki jekk il‑kwistjonijiet fit-tilwima ma jkunux strettament identiċi (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et, 28/62 sa 30/62, EU:C:1963:6, p. 75 u 76; tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punti 13 kif ukoll 14; tal-4 ta’ Novembru 1997, Parfums Christian Dior, C‑337/95, EU:C:1997:517, punt 29; u tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C‑260/07, EU:C:2009:215, punt 36).

37

Madankollu għandu jitfakkar li, anki meta jkun hemm ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jżommu setgħa mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun xieraq, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li tkun qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprekludix lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Marzu 2020, Tesco‑Global Áruházak, C‑323/18, EU:C:2020:140, punt 46).

38

Bl-istess mod, l-awtorità li għandha sentenza mogħtija b’mod preliminari ma tipprekludix lill-qorti nazzjonali destinatarja ta’ dik is-sentenza milli tqis neċessarju li tadixxi mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma tiddeċiedi fil‑kawża prinċipali (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Kaba, C‑466/00, EU:C:2003:127, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali rinviju huwa obbligatorju għal qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza meta hija tiltaqa’ ma’ diffikultajiet sabiex tifhem il-portata tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

39

Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li, minbarra s-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali tista’ wkoll tastjeni milli tressaq quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ssolviha taħt ir-responsabbiltà tagħha meta l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal‑Unjoni tkun tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (ara, f’dan is‑sens, is‑sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punti 1621, kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 38).

40

Qabel ma tikkonkludi li teżisti tali sitwazzjoni, il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl‑aħħar istanza għandha tkun konvinta li dan ikun ugwalment ovvju għall-qrati l‑oħra tal-Istati Membri li jiddeċiedu fl-aħħar istanza u għall-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 16; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 39; tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 42; kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 48).

41

Barra minn hekk, l-eżistenza tal-possibbiltà msemmija fil-punt 39 ta’ din is‑sentenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-karatteristiċi proprji tad-dritt tal‑Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li tagħti lok għalihom l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar u r-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 17, u tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

L-ewwel nett għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni huma redatti f’diversi lingwi u li d-diversi verżjonijiet lingwistiċi huma kollha ugwalment awtentiċi (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 18).

43

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, waħda mill‑verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala l-bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, peress li d‑dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2021, A, C‑950/19, EU:C:2021:230, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għalkemm qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza ma tistax ċertament tkun obbligata twettaq, f’dan ir-rigward, eżami ta’ kull waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi tad-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni, jibqa’ l-fatt li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id‑dispożizzjoni li hija tkun taf bihom, b’mod partikolari meta dawn id-diverġenzi jiġu esposti mill-partijiet u jiġu vverifikati.

45

Sussegwentement, għandu jiġi nnotat li d-dritt tal-Unjoni juża terminoloġija li hija tagħha stess u kunċetti awtonomi li mhux neċessarjament għandhom l-istess kontenut bħall-kunċetti ekwivalenti li jistgħu jeżistu fid-drittijiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 19).

46

Fl-aħħar nett, kull dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha titqiegħed fil-kuntest tagħha u għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id‑dritt, tal-għanijiet tiegħu u tal-istat tal-iżvilupp tiegħu fid-data li fiha għandha ssir l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 20, kif ukoll tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement, C‑379/15, EU:C:2016:603, punt 49).

47

Għalhekk, huwa biss jekk, bl-għajnuna tal-kriterji interpretattivi msemmija fil‑punti 40 sa 46 ta’ din is-sentenza, qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tikkonkludi li ma hemmx elementi li jistgħu jqajmu dubju raġonevoli dwar l‑interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni li dik il-qorti nazzjonali tista’ tastjeni milli tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u ssolviha taħt ir-responsabbiltà tagħha stess.

48

Madankollu, is-sempliċi possibbiltà li jsir qari wieħed jew iktar ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn ebda waħda minn dawn ma tidher suffiċjentement plawżibbli għall-qorti nazzjonali kkonċernata, b’mod partikolari fir-rigward tal‑kuntest u tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, kif ukoll tas-sistema normattiva li hija tagħmel parti minnha, ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li jeżisti dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta ta’ din id‑dispożizzjoni.

49

Madankollu, meta l-eżistenza ta’ linji ta’ ġurisprudenza diverġenti – fi ħdan qrati tal-istess Stat Membru jew bejn qrati ta’ Stati Membri differenti – fir-rigward tal‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali tinġab għall-attenzjoni tal-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl‑aħħar istanza, din għandha tkun partikolarment attenta fl-evalwazzjoni tagħha dwar eventwali assenza ta’ dubju raġonevoli fir-rigward tal-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjoni tal-Unjoni inkwistjoni u għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-għan segwit mill-proċedura għal deċiżjoni preliminari li huwa li tiġi żgurata l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

50

Għandu jiġi osservat, fir-raba’ lok, li l-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali għandhom jevalwaw taħt ir-responsabbiltà proprja tagħhom, b’mod indipendenti u bl-attenzjoni kollha li hija meħtieġa, jekk huma jinsabux f’waħda mis‑sitwazzjonijiet li tippermettilhom li jastjenu ruħhom milli jissottomettu lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun tqajmet quddiemhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C‑495/03, EU:C:2005:552, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva e Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 40; kif ukoll tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk, C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punti 5859).

51

F’dan ir-rigward, mis-sistema stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li, meta qorti nazzjonali li d‑deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id‑dritt nazzjonali tqis, minħabba li tkun tinsab f’waħda mit-tliet sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, li hija meħlusa mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq bażi preliminari, previst fit-tielet paragrafu tal‑Artikolu 267 TFUE, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha għandhom juru jew li d-domanda dwar id-dritt tal-Unjoni li tqajmet ma hijiex rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima, jew li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni kkonċernata tad-dritt tal‑Unjoni hija bbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella, fl‑assenza ta’ tali ġurisprudenza, li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet tant ovvja għall-qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li ma kienet tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli.

52

Fl-aħħar nett, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl‑aħħar istanza hijiex meħlusa mill-obbligu li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, previst fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE meta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun ġie propost minn parti fil-proċedura fi stadju avvanzat tal-iżvolġiment ta’ din, b’mod partikolari wara l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari li jkun sar, barra minn hekk, fuq talba minn din il-parti.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sistema ta’ kooperazzjoni diretta bejn il‑Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz tal‑Artikolu 267 TFUE, hija kompletament indipendenti minn kwalunkwe inizjattiva tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 28 u l‑ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2021, Bankia, C‑910/19, EU:C:2021:433, punt 22). Dawn tal-aħħar ma jistgħux iċaħħdu lill-qrati nazzjonali mill-indipendenza tagħhom fl-eżerċizzju tas-setgħa msemmija fil‑punt 50 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari billi jobbligawhom jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1978, Mattheus, 93/78, EU:C:1978:206, punt 5).

54

Is-sistema stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE ma tikkostitwixxix għalhekk rimedju ġudizzjarju miftuħ għall-partijiet f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li parti ssostni li t-tilwima tqajjem domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex il-qorti kkonċernata tkun marbuta li tqis li tali domanda tqajmet fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, EU:C:1982:335, punt 9).

55

Għaldaqstant id-determinazzjoni u l-formulazzjoni tad-domandi li għandhom jitressqu lill-Qorti tal-Ġustizzja huma biss f’idejn il-qorti nazzjonali u l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Minbarra dan, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi f’liema stadju tal‑proċedura jkun xieraq li titressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C‑303/06, EU:C:2008:415, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li din tal-aħħar ma għandhiex, madankollu, ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari meta, fil-mument li fih isir, il-proċedura quddiem il-qorti tar‑rinviju tkun diġà ġiet konkluża (sentenza tas-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 19).

57

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, meta tkun fil-preżenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, qorti nazzjonali li d‑deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id‑dritt nazzjonali ma hijiex obbligata li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, anki meta d-domanda dwar l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni titqajjem minn parti fil-proċedura quddiemha.

58

Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 32 u 33 ta’ din is‑sentenza jirriżulta li, jekk dik il-qorti tikkonstata li ma hijiex fil-preżenza ta’ waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jobbligaha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kwalunkwe domanda marbuta mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma quddiemha.

59

Il-fatt li l-imsemmija qorti diġà ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-istess kawża nazzjonali ma jqigħedx f’dubju dan l-obbligu meta domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li r‑risposta għaliha tkun neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima tibqa’ teżisti wara d‑deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

60

Il-qorti tar-rinviju madankollu tirreferi għal dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali li jipprovdu li domanda ġdida dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni li tkun tqajmet minn parti fil-kuntest tal-kawża prinċipali wara l‑preżentata tar-rikors tkun, minħabba li tibdel is-suġġett tal-kawża, inammissibbli, b’mod partikolari meta ssir wara l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza tista’ tastjeni milli tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà speċifiċi għall-proċedura quddiem dik il-qorti, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 17, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 56).

62

Il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li r-regoli kollha applikabbli għall-azzjonijiet ikunu japplikaw mingħajr distinzjoni għall-azzjonijiet ibbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u għal dawk, simili, li huma bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 50 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

63

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, ir-regoli tal-proċedura nazzjonali ma għandhomx ikunu tali li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ dawn ir-regoli fil‑proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi qrati nazzjonali. F’din il-perspettiva, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun neċessarju, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s‑sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad‑difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment korrett tal-proċedura (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punti 5253 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

64

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li regoli proċedurali nazzjonali li bis‑saħħa tagħhom is-suġġett tat-tilwima huwa ddeterminat mill-motivi tar-rikors imqajma fil-mument tal-preżentata tiegħu huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività peress li jiżguraw l-iżvolġiment korrett tal-proċedura, b’mod partikolari, billi jħarsuha mid-dewmien inerenti fl-evalwazzjoni ta’ motivi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C‑430/93 u C‑431/93, EU:C:1995:441, punt 21).

65

Jekk, konformement mar-regoli proċedurali tal-Istat Membru kkonċernat li josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, il-motivi mqajma quddiem qorti koperta mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkunsidrata bħala neċessarja u rilevanti sabiex dik il-qorti tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Aquino, C‑3/16, EU:C:2017:209, punt 44).

66

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali għandha tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni mqajma quddiemha, sakemm din ma tikkonstatax li din id-domanda ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja jew li l‑interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli. L-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha tiġi evalwata fid‑dawl tal-karatteristiċi proprji tad-dritt tal-Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li tagħti lok għalihom l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar u r-riskju ta’ diverġenzi fil‑ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni. Tali qorti ma tistax tinħeles mill-imsemmi obbligu għas-sempliċi raġuni li hija diġà ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-istess kawża nazzjonali. Madankollu, hija tista’ tastjeni milli tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà speċifiċi għall-proċedura quddiem dik il-qorti, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

67

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 2 u 3 TUE, l‑Artikolu 4(2), l-Artikoli 9, 26, 34, l-Artikolu 101(1)(e) kif ukoll l-Artikoli 106, 151 sa 153 u 156 TFUE, l-Artikoli 16 u 28 tal-Karta, il-Karta Soċjali Ewropea u l‑Karta tad-Drittijiet Soċjali għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix ir-reviżjoni perjodika tal-prezzijiet wara l-għoti ta’ kuntratti li jaqgħu taħt is-setturi koperti mid-Direttiva 2004/17.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti nazzjonali tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l‑qorti tar-rinviju hija meqjusa li għandha għarfien tagħhom (sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dawn ir-rekwiżiti huma, barra minn hekk, imfakkra fir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-qrati nazzjonali, rigward il-bidu ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1).

69

Għalhekk, huwa indispensabbli, kif jgħid l-Artikolu 94 (c) tar-Regoli tal‑Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil‑kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju ma rrimedjatx il-lakuna rrilevata mill-Qorti tal‑Ġustizzja fil-punt 23 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264), sa fejn, bi ksur tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura, hija għadha ma tesponix bil‑preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa r-raġunijiet li għalihom hija tqis li l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 3 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 26 u tal‑Artikolu 101(1)(e) TFUE hija neċessarja jew utli għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u lanqas ir-rabta bejn id-dritt tal-Unjoni u l‑leġiżlazzjoni applikabbli għal din it-tilwima. Dik il-qorti lanqas ma tispeċifika r‑raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet u l-atti l-oħra msemmija fit-tieni u fit-tielet domanda magħmula, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-Karta Soċjali Ewropea, fir-rigward ta’ liema l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, ma għandhiex ġurisdizzjoni għal interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2015, Nisttahuz Poclava, C‑117/14, EU:C:2015:60, punt 43), iżda sempliċement, essenzjalment, tesponi d-domandi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’dan ir-rigward, kif joħroġ mill-punt 20 ta’ din is-sentenza, mingħajr ma tagħti l-evalwazzjoni tagħha stess.

71

Minn dan isegwi li t-tieni u t-tielet domanda huma inammissibbli.

Fuq l-ispejjeż

72

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li d‑deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali għandha tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mqajma quddiemha, sakemm din ma tikkonstatax li din id‑domanda ma hijiex rilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà kienet is-suġġett ta’ interpretazzjoni min-naħa tal-Qorti tal‑Ġustizzja jew li l-interpretazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli.

 

L-eżistenza ta’ tali possibbiltà għandha tiġi evalwata fid-dawl tal‑karatteristiċi proprji tad-dritt tal-Unjoni, id-diffikultajiet partikolari li tagħti lok għalihom l-interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar u r-riskju ta’ diverġenzi fil-ġurisprudenza fi ħdan l-Unjoni.

 

Tali qorti ma tistax tinħeles mill-imsemmi obbligu għas-sempliċi raġuni li hija diġà ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja fil-kuntest tal-istess kawża nazzjonali. Madankollu, hija tista’ tastjeni milli tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal raġunijiet ta’ inammissibbiltà speċifiċi għall-proċedura quddiem dik il-qorti, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.