KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fid‑19 ta’ Novembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑480/19

E

fil-preżenza ta’:

Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Profitti mqassma lil individwu li jirrisjedi fi Stat Membru minn impriża mhux residenti għal investiment kollettiv fil-forma ta’ kumpannija bi statut ta’ assoċjazzjoni — Differenza fit-trattament ta’ ta’ sehem mill-profitti mqassma minn impriżi għal investiment kollettiv (UCITS) ikkostitwiti skont id-dritt kuntrattwali u dividendi mqassma minn impriżi għal investiment kollettiv ikkostitwiti skont l-istatut — Impossibbiltà għal impriżi residenti għal investiment kollettiv li jkunu kkostitwiti skont l-istatut”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 u 65 TFUE. B’mod iktar preċiż, hija tistaqsi mill-ġdid dwar dak li jikkostitwixxi tassazzjoni diskriminatorja għall-finijiet tar-regoli li jirregolaw il-moviment liberu tal-kapital.

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn E u l-Keskusverolautakunta (il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali, il-Finlandja), dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar tal‑10 ta’ Novembru 2017, li fiha din il-kummissjoni kkunsidrat li kull profitt imqassam minn kumpannija ta’ investiment b’kapital varjabbli fil-Lussemburgu (SICAV: Société d’investissement à Capital Variable) lil E għandu jiġi ntaxxat fil-Finlandja bħala dħul minn salarju.

3.

Din il-kawża turi l-ħtieġa li tiġi identifikata bi preċiżjoni l-miżura jew il-miżuri li jistgħu jkunu diskriminatorji għal dan il-għan — u b’hekk jikkostitwixxu restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital — sabiex l-Istati Membri jkunu jafu liema miżuri għandhom jiġu adottati sabiex jirrettifikaw dan.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Id-dritt tal-Unjoni bħalissa jiddistingwi bejn żewġ tipi ta’ strumenti ta’ investiment kollettiv: impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u istituzzjonijiet ta’ investiment kollettiv li ma humiex ikklassifikati bħala UCITS (fondi ta’ investiment alternattivi jew AIF).

5.

Skont il-premessa 4 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva UCITS”), l-għan ta’ din id-direttiva huwa li “jkunu previsti regoli bażiċi komuni għall-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni, l-istruttura u l-attivitajiet tal-UCITS stabbiliti fl-Istati Membri u l-informazzjoni li huma obbligati li jippubblikaw”. Il-premessa 83 tipprovdi li d-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar it-tassazzjoni.

6.

L-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“[UCITS] jistgħu jiġu kkostitwiti f’konformita’ mal-liġi tal-kuntratti (bħala fondi komuni mmaniġġjati minn kumpaniji tal-maniġment), il-liġi dwar it-“trusts” (bħala unitajiet ta’ trust), jew statut (bħala kumpaniji ta’ investiment)”.

B.   Id-dritt Finlandiż

1. Id-dritt finanzjarju

7.

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Finlandiż, id-dritt Finlandiż jippermetti biss il-ħolqien ta’ fondi ta’ investiment li jaqgħu taħt is-Sijoitusrahastolaki (48/1999) (Il-Liġi dwar il-Fond ta’ Investimenti Nru 48/1999) li timplimenta d-Direttiva UCITS li huma kkostitwiti f’forma kuntrattwali, jiġifieri dik ta’ “fondi komuni” fis-sens ta’ din id-direttiva. L-għan ta’ tali restrizzjoni huwa l-protezzjoni tal-investituri. Fil-fatt, meta l-fondi ma humiex ikkostitwiti skont l-istatut u, għaldaqstant, ma’ għandhomx personalità ġuridika, l-assi amministrati minn dawn il-fondi komuni għandhom jitqiesu li huma miżmuma direttament mill-investituri, b’tali mod li, fil-każ ta’ insolvenza tal-kumpanniji ta’ ġestjoni, dawn l-assi ma jistgħux jintużaw sabiex jitħallsu l-kredituri ( 2 ).

2. Id-dritt fiskali

8.

Id-dritt fiskali Finlandiż jiddistingwi d-dħul mill-kapital (li sejjer insejjaħ għall-konvenjenza “dħul mill-kapital”) u dħul minn salarju. Ir-rata ta’ taxxa applikabbli fuq id-dħul mill-kapital tammonta għal 30 % għall-parti ta’ tali dħul ta’ inqas minn EUR 30000 jew għal 34 % għall-parti ta’ tali dħul ta’ iktar minn EUR 30000. Ir-rata ta’ taxxa fuq kull dħul minn salarju hija progressiva, bi skala finali ta’ iktar minn 50 %.

9.

Skont l-Artikolu 32 tat-Tuloverolaki (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), intitolat “Dħul mill-kapital”, dħul minn assi, profitt mit-trasferiment ta’ assi u dħul ieħor bħal dan li jista’ jitqies li ġie ġġenerat mill-assi huwa kollu kkunsidrat bħala dħul mill-kapital. Dħul mill-kapital jinkludi b’mod partikolari dħul mid-dividendi, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 33a sa 33d ta’ din il-liġi.

a) It-trattament fiskali tal-profitti mqassma minn entità li għandha personalità ġuridika

10.

Il-kumpanniji inkorporati skont id-dritt Finlandiż huma suġġetti għat-taxxa fuq il-profitti tagħhom bir-rata ta’ 20 %. Il-profitti li huma jqassmu jikkostitwixxu dividendi u huma, għaldaqstant, ikkunsidrati bħala dħul mill-kapital ( 3 ). Skont jekk il-kumpannija distributriċi hijiex ikkwotata jew le f’suq regolat, parti ftit jew wisq sinjifikattiva minn dak id-dħul hija eżentata mit-taxxa. L-għan ta’ din l-eżenzjoni, li hija dejjem parzjali, huwa li jitnaqqsu l-effetti ta’ taxxa doppja, l-ewwel fil-livell tal-kumpannija, u t-tieni, waqt id-distribuzzjoni tad-dividendi lill-investituri ( 4 ).

11.

B’mod iktar preċiż, l-Artikolu 33a tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, intitolat “Dividendi mqassma minn kumpannija kkwotata”, jipprovdi li:

“Tmienja u ħamsin fil-mija ta’ dividend imqassam minn kumpannija kkwotata huwa dħul mill-kapital u 15 % huwa dħul mhux taxxabbli.

[…]”

12.

L-Artikolu 33b ta’ din il-liġi, intitolat “Dividendi mqassma minn kumpannija mhux ikkwotata”, jipprovdi:

“Ħamsa u għoxrin fil-mija tad-dividendi mqassma minn kumpannija mhux ikkwotata jikkostitwixxu dħul mill-kapital taxxabbli u 75 % jikkostitwixxu dħul mill-kapital mhux taxxabbli, sal-ammont ta’ dħul annwali ta’ 8 % ikkalkolat abbażi tal-valur matematiku tal-azzjoni fis-sena fiskali, liema valur huwa stabbilit fil-laki varojen arvostamisesta verotuksessa annettu (1142/2005) [l-Att dwar l-Evalwazzjoni tal-Assi għat-Tassazzjoni Nru 1142/2005]. Sa fejn l-ammont tad-dividendi rċevuti mill-persuna taxxabbli jaqbeż EUR 150000, 85 % tad-dividendi jikkostitwixxu dħul minn kapital u 15 % jikkostitwixxu dħul mhux taxxabbli.

Għall-parti li taqbeż id-dħul annwali msemmi fis-subparagrafu 1 hawn fuq, 75 % tad-dividendi jikkostitwixxu dħul minn salarju u 25 % jikkostitwixxu dħul mhux taxxabbli.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra dwar it-tassazzjoni tad-dividendi previsti minn din il-liġi, id-dividendi jikkostitwixxu dħul minn salarju jekk, skont klawżola fl-istatut ta’ assoċjazzjoni, deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali, ftehim bejn l-azzjonisti jew kull ftehim ieħor, id-distribuzzjoni tagħhom hija l-korrispettiv ta’ kontribuzzjoni fix-xogħol magħmulha mill-benefiċjarju tad-dividend jew persuna li tappartjeni għall-komunità ta’ interessi tiegħu. Id-dividend jikkostitwixxi d-dħul tal-persuna li pprovdiet il-kontribuzzjoni ta’ xogħol inkwistjoni.

[…]”

b) It-trattament fiskali tal-profitti mqassma minn fondi ta’ investiment konvenzjonali nazzjonali

13.

Għalkemm ma għandhomx personalità ġuridika, il-fondi Finlandiżi suġġetti għad-Direttiva UCITS huma madankollu kkunsidrati li għandhom status ta’ taxxa għall-finijiet tal-liġi fiskali Finlandiża ( 5 ). Għaldaqstant jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa Finlandiża fuq it-taxxa korporattiva, iżda taħt id-dritt Finlandiż huma eżenti minnha. Għalhekk, investimenti magħmula permezz ta’ dawn il-fondi huma ttrattati bl-istess mod għal finijiet ta’ taxxa daqs li kieku saru direttament minn investituri, sabiex ikunu ntaxxati biss fil-livell tal-investituri.

14.

Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-profitti mqassma minn dawn il-fondi, tali dħul huwa kkunsidrat bħala sehem mill-profitti u mhux bħala dividendi għall-finijiet tal-investituri individwali, peress li dawn il-fondi ma għandhomx personalità ġuridika. Investituri individwali huma għalhekk intaxxati fis-sħiħ fuq dan id-dħul b’rata ta’ 30 % (jew 34 % meta d-dħul mill-kapital jaqbeż EUR 30000).

c) It-trattament fiskali tal-profitti mħallsa minn kumpanniji barranin

15.

L-Artikolu 33c(1) sa (3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, intitolat “Dividendi mħallsa minn entità barranija”, jipprovdi:

“Id-dividendi rċevuti minn kumpannija barranija jikkostitwixxu dħul taxxabbli skont l-Artikoli 33a u 33b ta’ din il-liġi, jekk din hija kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE [tat‑30 ta’ Novembru 2011] dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal- kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti [ ( 6 )], kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/13/UE [tat‑13 ta’ Mejju 2013 ( 7 )] u d-Direttiva tal-Kunsill 2014/86/UE [tat‑8 ta’ Lulju 2014 ( 8 )].

Id-dividendi rċevuti minn kumpanniji barranin minbarra dawk imsemmija fis-subparagrafu 1 jikkostitwixxu dħul taxxabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 33a u 33b, jekk il-kumpannija hija obbligata, mingħajr għażla jew eżenzjoni, tħallas taxxa ta’ mill-inqas 10 % fuq id-dħul tagħha li minnu tqassmu d-dividendi u:

1)

skont id-dritt fiskali ta’ Stat li jappartjeni liż-Żona Ekonomika Ewropea [ŻEE], il-kumpannija għandha s-sede tagħha f’dan l-Istat u, skont konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, il-kumpannija ma għandhiex is-sede tagħha fi Stat li jinsab barra miż-[ŻEE]; jew

2)

konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja, applikabbli għad-dividendi mqassma mill-kumpannija, hija fis-seħħ bejn l-Istat ta’ residenza tal-kumpannija u l-Finlandja matul is-sena fiskali

Id-dividendi rċevuti minn kumpanniji barranin differenti minn dawk imsemmija fis-subparagrafi 1 u 2 jikkostitwixxu dħul mix-xogħol taxxabbli fl-intier tagħhom.

[…]”

16.

Skont il-Gvern Finlandiż, l-għan tal-Artikolu 33c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul huwa li japplika l-istess trattament għall-kumpanniji barranin kif japplika għall-kumpanniji inkorporati skont id-dritt Finlandiż. Peress li t-tnaqqis tal-bażi taxxabbli previst fl-Artikoli 33a u 33b huwa intiż sabiex inaqqas l-effetti ta’ taxxa doppja tal-profitti fil-livell tal-kumpanniji u fil-livell tal-investituri, huma biss id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji li ħallsu t-taxxa fuq id-dħul fl-Istat ta’ residenza tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għall-kuntrarju, meta kumpannija barranija ma tkun ħallset ebda taxxa fuq id-dħul, hija ssib ruħha f’sitwazzjoni differenti, b’tali mod li ma jkun hemm ebda raġuni sabiex hija tibbenefika minn dan il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis tat-taxxa doppja tal-profitti. Kif sejrin naraw issa, din il-loġika hija essenzjali sabiex tinftiehem il-problema potenzjali ta’ tassazzjoni diskriminatorja f’din il-kawża.

C.   Id-dritt Lussemburgiż

17.

Għall-finijiet ta’ din il-kawża, jidher li huwa meħtieġ biss li jiġi rrilevat li taħt id-dritt Lussemburgiż it-terminu SICAV jindika, fondi ta’ investiment fil-forma ta’ kumpannija b’kapital varjabbli u azzjonijiet ( 9 ). Kumpanniji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex ikunu hekk ikkwalifikati huma eżentati mit-taxxa fuq it-taxxa korporattiva normalment imposta fuq il-profitti ta’ kull kumpannija ( 10 ). SICAV irregolata mid-dritt Lussemburgiż ma hijiex neċessarjament UCITS fis-sens tad-Direttiva UCITS, iżda tista’ tkun suġġetta għad-Direttiva 2011/61 ( 11 ).

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18.

E huwa persuna fiżika residenti fil-Finlandja li kien investa f’subfond ta’ fond ta’ investiment tal-UCITS irregolat mid-dritt Lussemburgiż, li minnu d-dħul akkumulat huwa mqassam kull sena lill-investituri.

19.

Fl‑20 ta’ Ġunju 2017, E talab lill-Kummissjoni Fiskali Ċentrali għal deċiżjoni preliminari sabiex ikun jaf jekk, essenzjalment, għall-finijiet tat-taxxa fil-Finlandja, id-dħul imqassam minn SICAV Lussemburgiża kellux jiġi ntaxxat bħala dħul mill-kapital jew bħala dħul minn salarju.

20.

Fid-deċiżjoni preliminari tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali qieset li d-dħul imqassam minn SICAV irregolata mid-dritt Lussemburgiż għandu jitqies bħala l-ħlas ta’ dividendi fil-Finlandja u li, fir-rigward tat-taxxa ta’ E fil-Finlandja, dan id-dħul għandu jiġi ntaxxat, skont l-Artikolu 33c(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, bħala dħul minn salarju.

21.

Mill-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment jidher, li l-Kummissjoni Fiskali Ċentrali qieset li l-fatt li s-SICAV inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija fond ta’ UCITS ma kienx rilevanti għad-determinazzjoni tal-iskema ta’ taxxa applikabbli. Pjuttost, hija kkunsidrat li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fiskali applikabbli, il-kriterju rilevanti huwa dak tan-natura ġuridika fid-dritt Finlandiż tad-dħul imqassam, li min-naħa tiegħu jiddependi mill-forma ġuridika tal-fond. Peress li, skont il-liġi applikabbli għall-inkorporazzjoni tagħha, is-SICAV irregolati mid-dritt Lussemburgiż għandhom personalità ġuridika u, għaldaqstant, id-dħul li huma jqassmu jikkostitwixxu dividendi u mhux sehem mill-profitti, dan id-dħul għandu jiġi kkunsidrat daqslikieku kien imqassam minn kull impriża oħra għal investiment kollettiv ikkostitwita skont l-istatut, irrispettivament minn jekk humiex fondi ta’ investiment. B’hekk, il-kummissjoni kienet tal-fehma li l-profitti mqassma minn tali fondi ma għandhomx ikunu ttrattati b’mod differenti mill-fondi nazzjonali, peress li kienu sejrin jiġu ntaxxati bl-istess mod bħallikieku kienu kkostitwiti skont id-dritt Finlandiż.

22.

Abbażi ta’ din il-konklużjoni, jidher, minkejja li t-talba għal deċiżjoni preliminari forsi ma hijiex ċara ħafna f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni Fiskali Ċentrali kkunsidrat li SICAV irregolata mid-dritt Lussemburgiż ma tissodisfax il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 33c tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, sa fejn dan it-tip ta’ kumpanniji ma humiex suġġetti għat-taxxa korporattiva fil-Lussemburgu u lanqas ma jissodisfaw il-kundizzjoni stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33c ta’ din il-liġi. Għalhekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 33c, il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali kkonkludiet li d-dividendi mħallsa minn fond Lussemburgiż kellhom jiġu ntaxxati bħala dħul minn salarju.

23.

E appella mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Fiskali Ċentrali quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja).

24.

Fl-appell tiegħu, E sostna li l-prattika amministrattiva li tikkonsisti fil-kunsiderazzjoni tal-profitti mqassma minn SICAV jitqiesu bħala dħul minn salarju, taxxabbli skont sistema ta’ tassazzjoni progressiva abbażi tal-Artikolu 33c(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, twassal għal impożizzjoni ta’ tassazzjoni ogħla minn dik applikabbli għall-profitti mqassma minn fond ta’ investiment Finlandiż, peress li dan l-aħħar profitt jitqies bħala dħul mill-kapital. E sostna li dan kien imur kontra l-moviment liberu tal-kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE.

25.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Fiskali Ċentrali, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikoli 63 u 65 TFUE jipprekludux jew le l-intaxxar tad-dħul imħallas minn SICAV irregolata mid-dritt Lussemburgiż bħala dħul minn salarju u mhux bħala dħul mill-kapital minħabba l-forma ġuridika ta’ din l-impriża ta’ investiment kollettiv. B’mod partikolari, din il-qorti tqis li din il-kawża għandha tiġi ċċarata dwar jekk, minħabba s-sempliċi fatt li SICAV irregolata mid-dritt Lussemburgiż tikkostitwixxi impriża ta’ investiment kollettiv fis-sens tad-Direttiva UCITS, huwiex rilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk il-profitt imqassam minn tali entità għandux jiġi kkunsidrat, għall-finijiet fiskali, bħala profitti mqassma minn fond ta’ investiment Finlandiż, ikkostitwit skont id-dritt kuntrattwali, li huwa l-uniku tip ta’ impriża ta’ investiment kollettiv li tista’ tinħoloq fil-Finlandja.

26.

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin:

“L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni nazzjonali fis-sens li d-dħul li persuna fiżika residenti fil-Finlandja tirċievi mingħand impriża ta’ investiment kollettiv li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni u li hija kkostitwita fil-forma statutorja fis-sens tad-Direttiva 2009/65/KE (UCITIS ikkostitwita fil-forma statutorja) ma huwiex, għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, assimilat ma’ dħul imħallas minn fond ta’ investiment Finlandiż ikkostitwit fil-forma kuntrattwali fis-sens ta’ din id-direttiva (UCITIS ikkostitwita fil-forma kuntrattwali), minħabba li l-forma legali tal-impriża ta’ investiment kollettiv li għandha s-sede tagħha fl-Istat Membru l-ieħor ma tikkorrispondix mal-istruttura legali tal-fond ta’ investiment nazzjonali?”

IV. Analiżi

27.

L-ewwel nett, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti nazzjonali, jidhirli li d-deċiżjoni kkontestata tirriżulta sempliċement mill-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fuq id-dħul inkwistjoni. Għaldaqstant, hija l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni deskritta mill-qorti tar-rinviju mad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi eżaminata f’dan il-każ ( 12 ).

28.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnotat li t-tassazzjoni diretta għadha prinċipalment kwistjoni li taqa’ fuq l-Istati Membri. Għaldaqstant, minħabba l-istat attwali ta’ armonizzazzjoni tal-liġi fiskali tal-Unjoni, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu s-sistema ta’ tassazzjoni li jqisu l-iktar xierqa, u konsegwentement l-applikazzjoni ta’ tassazzjoni progressiva taqa’ fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru ( 13 ). B’mod partikolari, il-libertajiet fundamentali ma jistgħux jinftiehmu bħala li jfissru li Stat Membru huwa meħtieġ li jallinja r-regoli dwar it-taxxa tiegħu ma’ dawk ta’ kull Stat Membru ieħor sabiex jiżgura, f’kull sitwazzjoni, it-tneħħija tad-differenzi bejn skemi nazzjonali tat-taxxa differenti, minħabba li d-deċiżjonijiet magħmula minn kumpannija għall-istabbiliment ta’ strutturi kummerċjali barra mill-pajjiż jistgħu jew le, skont iċ-ċirkustanzi, jkunu ta’ vantaġġ għal dik il-kumpannija ( 14 ).

29.

Madankollu, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll il-prinċipji bażiċi tas-sistemi fiskali tagħhom, huma xorta għandhom jeżerċitaw il-kompetenza fiskali tagħhom fl-osservanza tal-libertà ta’ moviment, jiġifieri li huma għandhom jastjenu milli jadottaw miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE ( 15 ). Fi kliem ieħor, il-libertajiet fundamentali ma humiex intiżi sabiex isolvu kull problema ta’ interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali differenti ta’ tassazzjoni. Dawn huma pjuttost intiżi sabiex jiżguraw li l-Istati Membri jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod mhux diskriminatorju ( 16 ).

30.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddiswadu lill-persuni li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddiswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jagħmlu dan fi Stati Membri oħra” ( 17 ). Billi s-sempliċi fatt li attività jew tranżazzjoni tkun suġġetta għal taxxa partikolari neċessarjament tagħmilha inqas attraenti, huwa għalhekk probabbli li tiddiswadi ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli jinvestu f’dak l-Istat. Madankollu, sabiex ma tiġix ippreġudikata indebitament l-abbiltà li għandhom l-Istati Membri li jiġbru t-taxxi, il-fatt li miżura jkollha tali effett dissważiv ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni f’dan is-sens: tali miżura għandha wkoll istabbilixxi diskriminazzjoni, kemm jekk direttament jew indirettament, għad-detriment tal-investitur transkonfinali ( 18 ).

31.

B’mod ġenerali, miżura għandha titqies bħala diskriminatorja meta l-għan jew l-effett tagħha huwa li tittratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti jew, bil-kontra, li tittratta sitwazzjonijiet differenti b’mod identiku ( 19 ). Fil-kuntest tal-libertajiet tal-moviment, minħabba li l-għan tagħhom huwa t-tlestija tas-suq intern, il-Qorti tal-Ġustizzja ġeneralment tuża definizzjoni iktar speċifika. Fil-fatt, meta l-liġi tipprojbixxi l-użu ta’ kriterju speċifiku, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi espressament ittrattata b’mod inqas favorevoli abbażi ta’ dan il-kriterju, u diskriminazzjoni indiretta sseħħ meta l-kriterju użat, f’mod li jidher newtrali, iżda li fil-prattika jiżvantaġġa lill-persuni li jissodisfaw il-kriterju pprojbit meta mqabbla ma’ oħrajn ( 20 ).

32.

Abbażi ta’ dan l-approċċ iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja tikklassifika miżura, minn perspettiva tad-drittijiet fundamentali, bħala li tistabbilixxi “diskriminazzjoni diretta” meta tittratta sitwazzjonijiet b’mod differenti minħabba n-nazzjonalità tal-partijiet ikkonċernati ( 21 ), u bħala “diskriminazzjoni indiretta” meta, minkejja li jkunu bbażati fuq kriterju ieħor bħalma hija r-residenza, twassal fir-realtà għall-istess riżultat ( 22 ).

33.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’okkażjonijiet partikolari li l-eżistenza ta’ żvantaġġ tista’ tiġi dedotta mill-fatt li persuni mhux residenti jew x’aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjoni jew il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw minn skema ta’ taxxa jew jistgħu jagħmlu dan biss b’diffikultà ( 23 ). Madankollu, billi skont ġurisprudenza stabbilita, “l-iżvantaġġi li jistgħu jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel ta’ kompetenzi fiskali ta’ Stati Membri differenti, sakemm dan l-eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju, mhumiex restrizzjonijiet ipprojbiti [mid-dritt tal-Unjoni]” ( 24 ), tali ċirkustanza ma hijiex biżżejjed fiha nnifisha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ restrizzjoni ( 25 ). Sabiex miżura tikkostitwixxi diskriminazzjoni u, għalhekk, restrizzjoni, kif jidher mis-sentenza Köln-Aktienfonds Deka, huwa meħtieġ li, fid-dawl tal-għan imfittex minn dik il-miżura ( 26 ), ċittadini u mhux ċittadini – jew residenti u mhux residenti – għandhom jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ( 27 ). Madankollu, meta l-għan imfittex minn miżura fiskali ma huwiex relatat direttament ma’ wieħed mill-elementi li jikkaratterizzaw fond UCITS meta mqabbel ma’ fond ieħor, tali distinzjoni hija irrilevanti. Fil-fatt, il-fatt li miżura, sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni, għandha tkun diskriminatorja ma jimplikax li “kull” distinzjoni hija rilevanti. Fir-rigward tal-libertajiet fundamentali, dak li huwa importanti ma hijiex in-newtralità ekonomika ġenerali jew il-koerenza tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, li hija kwistjoni tad-dritt nazzjonali, iżda pjuttost dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tiżvantaġġax speċifikament it-tranżazzjonijiet transkonfinali.

34.

Fl-aħħar nett, nixtieq infakkar li restrizzjoni fuq il-libertà tal-moviment tista’ tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi relatati mal-interess pubbliku u, konsegwentement, ma tistax titqies bħala kuntrarja għad-dritt tal-UE, jekk tiġi applikata mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ nazzjonalità, xierqa sabiex tiżgura l-kisba tal-għan li tfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex tinkiseb ( 28 ).

35.

F’dan ir-rigward nosserva li filwaqt li f’numru dejjem jikber ta’ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-komparabbiltà tas-sitwazzjoni fl-istadju tal-ġustifikazzjoni, nemmen li, jekk, kuntrarjament għal dak li nissuġġerixxi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma żżommx il-kunċett ta’ diskriminazzjoni applikabbli fil-preżenza ta’ kriterju pprojbit, iżda kellha pjuttost tikkunsidra d-definizzjoni iktar wiesgħa ta’ diskriminazzjoni bħala li tkopri kull miżura li għandha bħala għan jew effett it-trattament ta’ sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti jew, għall-kuntrarju, li tittratta b’mod identiku sitwazzjonijiet differenti, tali paragun għandu jitwettaq, b’mod espliċitu jew impliċitu, qabel ma miżura tkun tista’ titqies b’mod korrett bħala diskriminatorja u, għaldaqstant, ikkwalifikata bħala restrizzjoni ( 29 ). Fil-fatt, f’dan il-każ, minn din id-definizzjoni iktar wiesa’ ta’ diskriminazzjoni li l-paragun jikkostitwixxi element kwalitattiv ta’ din tal-aħħar.

36.

Ir-raġuni li għaliha numru kbir ta’ sentenzi madankollu evalwaw il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fl-istadju tal-ġustifikazzjoni flok fl-istadju fejn tiġi evalwata l-eżistenza ta’ restrizzjoni ( 30 ) tidher li hija marbuta mal-approċċ adottat f’ċerti sentenzi, jiġifieri li jippreżenta l-Artikolu 65(1)(a) TFUE bħala li jistabbilixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-kapital u għalhekk għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 31 ).

37.

Minbarra l-fatt li ċerti sentenzi li fihom l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjoni twettqet fl-istadju tal-ġustifikazzjonijiet kienu jittrattaw il-libertajiet fundamentali minbarra l-moviment liberu tal-kapital ( 32 ), nirrileva li l-formulazzjoni tal-Artikolu 65(1)(a) TFUE ma tiġġustifikax li dan il-paragun isir biss fi stadju ulterjuri. Fil-fatt, dan l-artikolu sempliċiment jiddikjara li “[d]-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit”. F’dan il-kuntest l-espressjoni “m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri”et seq., sempliċement tfisser li l-Istati Membri huma fil-fatt permessi li jikkunsidraw l-istatus ta’ residenza tal-persuni taxxabbli meta jfasslu l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar it-tassazzjoni tal-kapital. Dan ma jimplikax l-eżistenza ta’ eċċezzjoni, iżda pjuttost li l-Istati Membri jistgħu, jekk ikun il-każ, jipprovdu regoli differenti għall-persuni mhux residenti f’ċerti ċirkustanzi.

38.

Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 65(1)(a) TFUE kellu jitqies bħala li jifforma, strettament, “deroga”, dan ikun ifisser li l-kriterju li għandu jiġi applikat fi kwistjonijiet fiskali sabiex tiġi identifikata l-eżistenza ta’ restrizzjoni jkun differenti skont il-libertà ta’ moviment inkwistjoni, peress li, pereżempju, f’dak li jirrigwarda l-libertà ta’ stabbiliment, huwa stabbilit li s-sitwazzjonijiet għandhom jiġu pparagunati qabel ma miżura tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni f’dan is-sens ( 33 ).

39.

Fil-fehma tiegħi, ma teżisti ebda raġuni reali għalfejn, fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital, in-nuqqas ta’ komparabbiltà ta’ żewġ sitwazzjonijiet fiskali għandha tiġi kkunsidrata fi stadju differenti. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-kawża kinitx tikkonċerna l-moviment liberu tal-kapital jew libertà fundamentali oħra, id-definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi restrizzjoni għandha tibqa’ identika.

40.

F’dan il-każ, sabiex jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jistabbilixxix restrizzjoni, il-partijiet prinċipalment iddiskutew ir-rilevanza tal-fatt li SICAV teżerċita l-istess attivitajiet bħal fond mutwu.

41.

Madankollu, kif diġà spjegajt, il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet ma tistax tiġi evalwata b’mod astratt. Minflok, dan il-paragun għandu jsir fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni, sakemm dan l-għan ma jkunx fih innifsu diskriminatorju ( 34 ). Għaldaqstant, fatturi bħall-oġġetti ta’ inkorporazzjoni, il-forma korporattiva ( 35 ), it-tip ta’ mġiba kummerċjali jew ir-regoli applikabbli għall-kumpanniji inkwistjoni, ma humiex, fihom infushom, deċiżivi: huwa l-għan imfittex mill-miżura tat-taxxa inkwistjoni li sejjer jiddetermina l-kriterji rilevanti.

42.

Minn dan isegwi li ebda konklużjoni partikolari ma tista’ tinsilet għal din il-kawża mill-fatt li, fil-punt 50 tas-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377), li għaliha jirreferu ċerti partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għandu jiġi osservat li l-fatt li ma teżistix, taħt id-dritt Finlandiż, tip ta’ kumpannija b’għamla ġuridika identika għal dik ta’ SICAV taħt id-dritt Lussemburgiż mhuwiex, fih innifsu, ġustifikazzjoni għal trattament differenti, sa fejn, peress illi d-dritt tal-kumpanniji fl-Istati Membri mhuwiex totalment armonizzat fuq livell Komunitarju, dan jippriva l-libertà ta’ stabbiliment minn kull effett utli” ( 36 ).

43.

Kif juri b’mod ċar it-terminu “fih innifsu”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-possibbiltà li din iċ-ċirkustanza tista’ tkun rilevanti f’kuntesti oħra ( 37 ). F’Aberdeen Property Fininvest Alpha ( 38 ), din iċ-ċirkustanza partikolari kienet mingħajr konsegwenza, peress li, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni kien li teħles lill-kumpanniji omm residenti minn sensiela ta’ imposti ta’ taxxi fuq profitti mqassma minn sussidjarja residenti. Minn din il-perspettiva, sakemm il-kumpannija omm tkun inkorporata, il-forma korporattiva preċiża ta’ dawk l-entitajiet taxxabbli ma tidhirx li hija rilevanti fl-evalwazzjoni ta’ jekk jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli.

44.

L-istess japplika għas-sitwazzjoni li fiha kumpannija hija suġġetta għad-Direttiva UCITS. Ċertament, din id-direttiva tipprovdi li UCITS tista’ tiġi kkostitwita skont id-dritt kuntrattwali jew l-istatut, iżda dan il-fatt jista’ jkun rilevanti biss għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ restrizzjoni jekk il-miżura fiskali inkwistjoni ssegwi għan, u t-twettiq ta’ dak l-għan jiddependi fuq il-fatt li l-fond huwa UCITS ( 39 ). Pereżempju, li kieku l-Finlandja kellha l-intenzjoni li tintaxxa d-dħul imqassam mill-fondi tal-UCITS b’mod speċifiku, b’hekk kienet tkun obbligata li titratta SICAV irregolati mid-dritt Lussemburgiż koperti mill-kunċett ta’ UCITS u fondi mutwi regolati mil-liġi Finlandiża li kienu wkoll koperti permezz ta’ dan il-kunċett b’mod identiku.

45.

Għalhekk huwa importanti li jiġi rrilevat li, f’ħafna Stati Membri, id-dritt fiskali huwa, b’mod ġenerali, ikkunsidrat bħala distint minn fergħat oħra tad-dritt u li, bħala tali, il-karatteristiċi legali mogħtija lil ċerti sitwazzjonijiet għall-finijiet tad-dritt kummerċjali jew tad-dritt ċivili mhux neċessarjament jagħtu għall-finijiet fiskali. Wieħed mill-aħjar eżempji ta’ dan huwa mingħajr dubju l-fatt li, fi kwistjonijiet fiskali, il-kunċett ta’ residenza jista’ jkun differenti minn dak użat, pereżempju, fil-kuntest tad-dritt tal-familja.

46.

Kif nipproponi li nispjega iktar ’il quddiem, il-kriterju adottat mill-Finlandja fl-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul f’din il-kawża la huwa speċifiku u lanqas marbut mal-kwistjoni dwar jekk l-entità inkwistjoni hijiex UCITS, iżda pjuttost dwar jekk tikkostitwixxix kumpannija. Dan ma jfissirx, fih innifsu, li l-leġiżlazzjoni Finlandiża ma hijiex diskriminatorja. Il-fattur determinanti f’din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq il-kwistjoni jekk, minħabba l-klassifikazzjoni tad-dħul inkwistjoni bħala dividendi, il-leġiżlazzjoni tissuġġettax tranżazzjonijiet simili għal riżultati fiskali differenti.

47.

Fl-aħħar nett, jista’ jitfakkar li restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital hija permissibbli biss jekk tkun iġġustifikata, fil-każijiet ta’ diskriminazzjoni diretta, minn motivi espressament previsti mit-Trattat ( 40 ) jew, fil-każ ta’ diskriminazzjoni indiretta, ukoll għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku u, jekk dan ikun il-każ, biss jekk tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 41 ).

48.

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju u l-partijiet ikkonċentraw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-prattika tal-amministrazzjoni fiskali Finlandiża fit-trattament ta’ SICAV irregolati skont id-dritt Lussemburgiż bħala kumpanniji taħt id-dritt Finlandiż għall-finijiet ta’ tassazzjoni tad-dħul imqassam. Madankollu, nirrileva li d-deċiżjoni kkontestata hija r-riżultat tal-applikazzjoni konsekuttiva ta’ tliet dispożizzjonijiet, li kull waħda minnhom kellha l-effett li teskludi l-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ taxxa oħra, jiġifieri:

L-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, billi jiddistingwi bejn dividendi u sehem mill-profitti;

L-Artikolu 33c(1) u (2) ta’ din il-liġi, sa fejn din id-dispożizzjoni teskludi mill-applikazzjoni tal-Artikoli 33a u 33b il-kumpanniji li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu u lanqas tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33c.

L-Artikolu 33c(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, fis-sens li din id-dispożizzjoni tikkwalifika l-profitti mqassma minn ċerti kumpanniji barranin bħala dħul minn salarju.

49.

F’dan il-kuntest, inqis li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati separatament wara xulxin ( 42 ).

A.   Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba d-distinzjoni magħmula mill-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul bejn il-profitti mqassma li jikkostitwixxu dividendi u dawk li jikkostitwixxu azzjonijiet

50.

E jallega li d-deċiżjoni kkontestata ttrattat dħul imqassam minn UCITS barranin ikkostitwiti fil-forma ta’ SICAV Lussemburgiża bl-istess mod bħal dħul imqassam minn kumpanniji nazzjonali pubbliċi b’responsabbiltà limitata, li rriżulta f’tassazzjoni ogħla għalihom u għall-azzjonisti tagħhom milli għall-fondi ta’ investiment Finlandiżi u l-investituri tagħhom.

51.

Madankollu, huwa stabbilit li din id-distinzjoni ma hijiex ibbażata fuq il-liġi nazzjonali sostantiva applikabbli għall-fondi. Fil-fatt, il-fondi ta’ investiment barranin mingħajr personalità ġuridika huma ttrattati eżattament bl-istess mod bħall-fondi nazzjonali mingħajr personalità ġuridika. Għaldaqstant, l-ebda diskriminazzjoni diretta ma tista’ tiġi stabbilita.

52.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni indiretta, huwa minnu li d-dritt Finlandiż jippermetti biss l-istabbiliment ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv li għandhom forma kuntrattwali. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex fih innifsu biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta. Kif diġà spjegajt, sabiex dan tal-aħħar iseħħ, il-kriterju użat għandu jkollu l-effett li jiżvantaġġa lil dawk li ma humiex ċittadini jew lil dawk mhux residenti, anki jekk il-lingwa ta’ din id-dispożizzjoni tapplika madankollu mingħajr distinzjoni.

53.

F’dan il-każ, id-differenza fit-trattament bejn is-SICAV irregolati skont id-dritt Lussemburgiż imqabbla mal-fondi mutwi rregolati mid-dritt Finlandiż hija l-konsegwenza tad-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni Finlandiża bejn sehem mill-profitti u dividendi. Minbarra l-fatt li din hija distinzjoni ta’ spiss magħmula mil-leġiżlaturi nazzjonali, ma jistax, fil-fehma tiegħi, faċilment jiġi dedott mis-sempliċi fatt li d-dritt Finlandiż ma jippermettix il-ħolqien ta’ fondi ta’ investiment fil-forma ta’ kumpannija li l-leġiżlatur Finlandiż b’hekk ried jiffavorixxi fuq il-fondi ta’ investiment nazzjonali.

54.

Fi kwalunkwe każ, nirrileva li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-komparabbiltà għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni, hija ddeċidiet ukoll — ċertament fil-kuntest tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, iżda ma nara l-ebda raġuni għalfejn il-kriterju ta’ nondiskriminazzjoni għandu realment ikun differenti f’dan il-kuntest — li, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ differenza fit-trattament, il-persuni kollha suġġetti għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li fihom tinsab id-differenza fit-trattament għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minħabba li, bħala prinċipju, huwa l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni li jiddetermina ċ-ċirku ta’ persuni responsabbli li jkunu inklużi fil-paragun ( 43 ).

55.

Għaldaqstant, minħabba li f’din il-kawża d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlatur Finlandiż bejn azzjonijiet u profitt minn dividendi ma tapplikax biss għall-profitti mqassma mill-fondi ta’ investiment, iżda b’mod iktar ġenerali għal profitti mqassma minn kwalunkwe entità taxxabbli, jista’ jiġi preżunt li l-għan imfittex minn din id-distinzjoni u, konsegwentement, il-qafas ta’ referenza li jippermetti l-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet jinsab f’dan il-livell.

56.

Għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika preċiżament x’inhu verament il-fini ta’ din id-distinzjoni, jista’ ġustament jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni li l-Artikolu 33c(1) u (2) huwa intiż, tal-inqas parzjalment, li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 33a u 33b dħul li, tal-inqas prima facie, jista’ jiġi kkunsidrat li ma kienx suġġett għal taxxa doppja ( 44 ).

57.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan l-għan, il-profitti mħallsa mis-SICAV irregolati skont id-dritt Lussemburgiż jistgħu jitqiesu differenti minn dawk il-profitti mqassma minn fond mutwu rregolat mid-dritt Finlandiż, peress li dan tal-aħħar ma huwiex intaxxat f’ras il-għajn.

58.

Fi kwalunkwe każ, wieħed jista’ jinnota li bil-klassifikazzjoni tal-profitti mħallsa mis-SICAV Lussemburgiżi bħala dividendi — kwalifika li teżisti wkoll skont id-dritt Lussemburgiż — il-leġiżlazzjoni Finlandiża inkwistjoni tista’ tirriżulta li hija iktar vantaġġuża għall-investituri, peress li, b’dan il-mod, l-investituri jistgħu jkunu intitolati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 33a u 33b tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, li għandha l-għan tnaqqas it-taxxa doppja tal-profitti. Fil-fatt, huwa biss taħt din il-kundizzjoni li dawn il-profitti jistgħu jkunu suġġetti għall-mekkaniżmi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet ( 45 ).

59.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li dispożizzjoni bħall-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ma toħloqx, bħala tali, restrizzjoni għall-moviment liberu. Jekk ikun hemm diskriminazzjoni għad-detriment tas-SICAV Lussemburgiżi, tali diskriminazzjoni ma hijiex dovuta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32, iżda tirriżulta pjuttost mid-dispożizzjonijiet li joħolqu eċċezzjoni għall-applikazzjoni ta’ din is-sistema għal ċerti kumpanniji. Kif sejjer nispjega issa, tali diskriminazzjoni sseħħ fi stadju sussegwenti tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti.

B.   Fuq il-miżura li tikkonsisti fl-esklużjoni tal-kumpanniji mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 33a u 33b tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, li la jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu u lanqas tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 33c.

60.

Skont l-Artikolu 33c(1) u (2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-dividendi rċevuti minn kumpannija barranija huma esklużi mill-applikazzjoni tal-Artikoli 33a u 33b, ħlief jekk din il-kumpannija tkun kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/96/UE jew ma kinitx obbligata tħallas tal-inqas 10 % tat-taxxa fuq id-dħul li minnhom tqassmu d-dividendi ( 46 ) u jekk, b’mod kumulattiv, din il-kumpannija ma għandhiex is-sede tagħha fl-Istat li jappartjeni maż-ŻEE jew jekk ma teżisti ebda konvenzjoni għall-ħelsien mit-taxxa doppja fuq id-dividendi mqassma.

61.

Sa fejn l-Artikolu 33c(1) u (2) jipprovdi li dawn il-kundizzjonijiet japplikaw biss għal kumpanniji barranin, dik id-dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament ibbażata fuq in-nazzjonalità ( 47 ). Barra minn hekk, peress li kumpanniji rregolati mid-dritt Finlandiż u dawk irregolati mil-liġi barranija jistgħu t-tnejn ikunu suġġetti għal taxxa doppja, is-sitwazzjonijiet hekk differenzjati għandhom jiġu kkunsidrati, fid-dawl tal-għan ta’ dik il-miżura, bħala komparabbli ( 48 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjoni li l-Artikolu 33c(1) u (2) jistabbilixxi diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta’ nazzjonalità u, konsegwentement, restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, hija inevitabbli.

62.

Peress li d-diskriminazzjoni hija diretta, din tista’ tiġi ġġustifikata biss fuq raġuni stabbilita fit-Trattati, sakemm din il-miżura tkun proporzjonata mat-twettiq ta’ din ir-raġuni.

63.

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-Artikolu 65(1)(b) TFUE jsemmi li “[d]-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 63 [TFUE] m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri […] li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji”.

64.

F’dan il-każ, jista’ jiġi preżunt li l-għan imfittex mill-Artikolu 33c(1) u (2) huwa li jiġi żgurat li d-dħul imqassam minn entitajiet fiskali barranin li diġà kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn biss jistgħu jibbenefikaw mill-mekkaniżmi li jillimitaw l-effetti ta’ taxxa doppja. Tali għan jista’ jitqies li huwa kopert mill-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 65(1)(b) TFUE dwar ir-repressjoni ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni fiskali, li jinkludi evidentement il-kisba ta’ vantaġġi indebiti ( 49 ).

65.

Barra minn hekk, din id-distinzjoni tidher li hija xierqa sabiex tiżgura l-kisba ta’ dak l-għan u ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex dan jinkiseb ( 50 ). Wasalt għal din il-konklużjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

66.

L-ewwel, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 33c(1) u (2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul ma jeskludux kumpannija barranija mill-benefiċċju tal-mekkaniżmi previsti fl-Artikolu 33a u l-Artikolu 33b tal-istess liġi, iżda l-għan tagħhom huwa pjuttost li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-profitti li diġà ġew intaxxati biss ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu.

67.

It-tieni, dawn id-dispożizzjonijiet iżommu rata ta’ tassazzjoni ta’ 10 % għal kumpannija mhux imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/96, li r-rata tagħha hija inqas mir-rata Finlandiża tat-taxxa fuq il-kumpanniji.

68.

Għalhekk, il-miżura li tikkonsisti fl-esklużjoni ta’ ċerti kumpanniji barranin mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 33a u 33b, minkejja li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, tidher iġġustifikata fid-dawl ta’ raġuni stabbilita fit-TFUE stess u proporzjonata għaliha. F’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari l-miżura għandha titqies li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni sakemm, madankollu, dak il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis huwa intiż biss sabiex jikkoreġi din id-differenza fid-diversi stadji ta’ tassazzjoni ta’ dawk il-profitti, li hija kwistjoni li għandha tivverifika l-qorti tar-rinviju.

C.   Fuq il-miżura li tikkonsisti fil-klassifikazzjoni tad-dividendi mqassma minn ċerti kumpanniji barranin bħala dħul minn salarju

69.

Skont l-Artikolu 33c(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, il-profitti mqassma minn kumpannija barranija li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 33c(1) u (2) ta’ dik il-liġi ma humiex intaxxati bħala dħul mill-kapital, iżda bħala dħul minn salarju. Kif irrilevat il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni tintroduċi forma ta’ diskriminazzjoni diretta fir-rigward tal-kumpanniji barranin, peress li tapplika biss għal tali entitajiet.

70.

Ebda spjegazzjoni ma ngħatat mill-Gvern Finlandiż fir-rigward ta’ spjegazzjoni eventwali ta’ din il-klassifikazzjoni u ma huwiex evidenti x’tip ta’ spjegazzjoni, mislut mit-Trattati, jista’ jiġġustifika t-trattament sostanzjalment differenti.

71.

Ċertament, huwa komprensibbli li huwa neċessarju għal Stat Membru li jiżgura li l-benefiċċju tal-mekkaniżmi intiżi sabiex itaffu l-effett tat-taxxa doppja japplika biss għad-dħul ikkonċernat minn din il-kwistjoni. Madankollu, sabiex ikun proporzjonat, in-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmi intiżi sabiex jillimitaw l-effetti ta’ taxxa doppja tal-profitti għandu loġikament jiġi ssanzjonat bit-telf tal-benefiċċju tal-imsemmija mekkaniżmi u, għaldaqstant, it-taxxa fuq id-dħul għandha tkun sħiħa.

72.

Dan ma seħħx f’dan il-każ, peress li l-attivazzjoni tal-klassifikazzjoni fiskali differenti tal-profitt għal finijiet ta’ taxxa — id-dħul minn salarju bħala distint mid-dħul mill-kapital — tiddependi biss fuq l-identità u l-istatus ta’ residenza tal-entità barranija u mhux fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn il-profitti għandhomx ir-riskju ta’ taxxa doppja. Ma jistax jingħad, b’mod realistiku, li d-dħul li ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet għandu awtomatikament jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala dħul minn salarju. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, skont l-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-dividendi mħallsa mill-kumpanniji jikkostitwixxu, bħala prinċipju, dħul mill-kapital.

73.

Anki jekk l-Artikolu 33c(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tikkonċerna d-dħul iddistribwit minn entitajiet fiskali li ma kinux suġġetti għal taxxa fis-sors, b’tali mod li, fid-dawl tal-għan imfittex minn din il-miżura, il-fondi mutwi rregolati mid-dritt Finlandiż u s-SICAV irregolati mid-dritt Lussemburgiż għandhom jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni identika, il-profitti li huma jqassmu huma madankollu ttrattati b’mod differenti. Il-profitti tal-entitajiet Finlandiżi jitqiesu bħala dħul mill-kapital, filwaqt li d-dividendi mħallsa minn SICAV huma kkunsidrati bħala dħul minn salarju u, kif rajna, huma suġġetti għal tassazzjoni progressiva fuq livell ogħla.

74.

Għalhekk jidher evidenti li, permezz tal-intaxxar tad-dividendi mħallsa minn SICAV irregolati skont id-dritt Lussemburgiż bħala dħul minn salarju għall-unika raġuni li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 33a fil-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-dritt fiskali Finlandiż stabbilixxa restrizzjoni skont l-Artikolu 65 TFUE, li ma tista’ tkun proporzjonata ma’ ebda raġuni imperattiva relatata mal-interess ġenerali.

75.

F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni ma tistax taffettwa l-validità tal-miżura li tikkonsisti f’differenza fit-trattament ta’ dividendi u sehem mill-profitti. Ċertament, id-diskriminazzjoni tista’ tirriżulta mill-effetti ta’ dispożizzjoni. Madankollu, f’dan il-każ, il-fatt li d-dħul imqassam ġie ttrattat, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, bħala dividendi ma jwassalx neċessarjament sabiex jiġi konkluż li l-leġiżlazzjoni Finlandiża kollha hija diskriminatorja. Huwa biss minħabba li l-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tipprevedi li, meta kumpannija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 33c(1) u (2), id-dħul imqassam għandu jitqies bħala dħul minn salarju (distinta mid-dħul mill-kapital) li tali diskriminazzjoni sseħħ. Għalhekk huwa biss l-Artikolu 33c(3) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul li għandu jiġi kkunsidrat bħala inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

V. Konklużjoni

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda magħmula kif ġej:

L-Artikoli 63 u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha d-dħul imħallas lil persuna fiżika residenti fil-Finlandja minn impriża ta’ investiment kollettiv li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u li hija miktuba fil-liġi fis-sens tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) huwa intaxxat bħala dividend u mhux bħala sehem mill-profitti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ukoll jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi l-applikazzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ tnaqqis tal-effetti tat-taxxa doppja meta tali profitti jitqassmu minn kumpanniji li kienu intaxxati fi Stat Membru ieħor b’rata iktar baxxa mir-rata prevista minn din il-leġiżlazzjoni, sa fejn dan il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis huwa intiż biss sabiex jikkoreġi din id-differenza fit-tassazzjoni f’diversi stadji ta’ dawn il-profitti, kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ukoll jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li din l-istess leġiżlazzjoni tikklassifika mill-ġdid id-dividendi mħallsa minn tali kumpanniji bħala dħul mix-xogħol, filwaqt li din l-istess leġiżlazzjoni tispeċifika li d-dividendi jikkostitwixxu, bħala prinċipju, dħul mill-kapital.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Minbarra l-fondi mutwi li jaqgħu taħt id-Direttiva UCITS, id-dritt Finlandiż jippermetti l-ħolqien ta’ fondi ta’ investiment alternattivi, jiġifieri fondi li huma suġġetti mhux għad-Direttiva UCITS, iżda għad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU 2011, L 174, p. 1). Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt Finlandiż jippermetti biss il-ħolqien ta’ AIFM f’forma kuntrattwali. Madankollu, fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Finlandiż jimplika li jistgħu jinħolqu fondi tal-AIFM miktuba fil-liġi. B’mod partikolari, fil-punt 33 tar-risposta tiegħu għat-talba għal kjarifiki tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Finlandiż indika: “Pereżempju, jekk fond nazzjonali spekulattiv jieħu l-forma ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, ir-regoli dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji applikabbli għall-kumpanniji b’responsabbiltà limitata normali tkun applikabbli għalih […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 3 ) Wara riforma li saret fl‑2014, ir-rata tat-taxxa fuq il-kumpanniji tnaqqset u l-piż fiskali tal-kumpanniji ġie ttrasferit fuq l-azzjonisti.

( 4 ) Il-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippreċiżax ir-raġuni li għaliha d-dividendi mħallsa minn kumpannija kkwotata u dawk imħallsa minn kumpannija mhux ikkwotata huma ntaxxati b’mod differenti.

( 5 ) Nirrileva li l-kunsiderazzjoni tal-fondi ta’ investiment nazzjonali bħala entitajiet fiskali filwaqt li teżentahom mit-taxxa fuq id-dħul, għandha l-effett li tibdel in-natura tad-dħul imqassam sabiex jiġi ssemplifikat it-trattament fiskali tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, kieku tali fondi kienu ġew ikkunsidrati bħala entitajiet fiskali trasparenti, sabiex tiġi applikata għalihom is-sistema korrispondenti, kien ikun meħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-dħul imqassam minn tali fondi li joriġina minn azzjonijiet ta’ kumpanniji kkwotati u dak minn azzjonijiet ta’ kumpanniji mhux ikkwotati. Peress li dawn il-fondi ma humiex trasparenti, id-dħul kollu imqassam minnhom għandu jiġi ntaxxat skont jekk humiex ikkwotati jew le.

( 6 ) ĠU 2011 L 345, p. 8.

( 7 ) ĠU 2013, L 141, p. 30.

( 8 ) ĠU 2014, L 219, p. 40.

( 9 ) Dan it-terminu ma jirreferix għal forma ta’ kumpannija partikolari. Pereżempju, SICAV tista’ tkun “société anonyme” jew “commandite par action”.

( 10 ) Il-kumpanniji li għandhom status ta’ SICAV huma madankollu obbligati, bħala prinċipju, li jħallsu taxxa annwali fuq il-kontribuzzjonijiet. Madankollu, din it-taxxa ma hijiex ibbażata fuq il-profitti, iżda fuq il-valur tal-assi tal-fondi.

( 11 ) Ara s-sit internet tal-Assoċjazzjoni Lussemburgiża tal-Fondi ta’ Investiment (ALFI) https://www.alfi.lu/en-GB/Pages/Setting-up-in-Luxembourg/Alternative-investment-funds-legal-vehicles/RAIF-(Luxembourg-Reserved-Alternative-Investment-F.

( 12 ) B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata ma tidhirx li hija direttament relatata mal-Convention entre le Luxembourg et la Finlande tendant à éviter les doubles impositions en matière d’impôts sur le revenu et sur la fortune et du Protocole, signés à Luxembourg, le 1er mars 1982 (il-Konvenzjoni bejn il-Lussemburgu u l-Finlandja għall-Ħelsien mit-Taxxa Doppja fir-rigward ta’ Taxxi fuq id-Dħul u fuq il-Patrimonju u l-Protokoll tagħha, iffirmata fil-Lussemburgu fl‑1 ta’ Marzu 1982) (Mémorial A 1982, p. 1966).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Vodafone Magyarország (C‑75/18, EU:C:2020:139, punt 49).

( 14 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2008, Deutsche Shell (C‑293/06, EU:C:2008:129, punt 43); tal‑10 ta’ Ġunju 2015, X (C‑686/13, EU:C:2015:375, punt 33); u tas‑27 ta’ Frar 2020, AURES Holdings (C‑405/18, EU:C:2020:127, punt 32). Fid-dawl tad-differenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri, ir-riżultat tal-eżerċizzju ta’ dawn il-libertajiet jista’ għalhekk ikun ftit jew wisq vantaġġuż, jew anki żvantaġġuż, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jiggarantixxix liċ-ċittadini tal-Unjoni li l-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment ikun newtrali fir-rigward tat-tassazzjoni. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2004, Lindfors (C‑365/02, EU:C:2004:449, punt 34); tat‑12 ta’ Lulju 2005, Schempp (C‑403/03, EU:C:2005:446, punt 45); u tal‑20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund (C‑194/06, EU:C:2008:289, punti 3762).

( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 40).

( 16 ) Għalhekk, il-fatt li ma hemm l-ebda status ġuridiku fil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, ekwivalenti għall-istatus ġuridiku ta’ entità rreġistrata fi Stat Membru ieħor ma tobbligax lil dan l-ewwel Stat Membru li jassimila dik l-entità bl-istess mod bħall-entità li tibbenefika, skont din il-leġiżlazzjoni, mill-iktar vantaġġi importanti, anki jekk hija ma turix il-karatteristiċi li ġġustifikaw l-għoti ta’ dawn il-vantaġġi, iżda biss li tapplika r-regoli eżistenti b’mod nondiskriminatorju għall-imsemmija entità rreġistrata fl-Istat Membru l-ieħor.

( 17 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et (C‑338/11 sa C‑347/11, EU:C:2012:286, punt 15). Enfasi miżjuda.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services (C‑298/05, EU:C:2007:754, punt 53), u tas‑26 ta’ Mejju 2016, NN (L) International (C‑48/15, EU:C:2016:356, punt 47).

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, Bouanich (C‑375/12, EU:C:2014:138, punt 45), kif ukoll tat‑30 ta’ April 2020, Société Générale (C‑565/18, EU:C:2020:318, punti 2425).

( 20 ) Għal spjegazzjoni ulterjuri dwar dan il-kriterju, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Autoridade Tributária e Aduaneira (C‑388/19).

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C‑170/05, EU:C:2006:783, punt 19).

( 22 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 26); tal‑20 ta’ Jannar 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑155/09, EU:C:2011:22, punt 45); tad‑19 ta’ Novembru 2015, Hirvonen (C‑632/13, EU:C:2015:765, punt 29); u tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 62).

( 23 ) Sa fejn naf jien, dan l-approċċ partikolari ntuża biss f’okkażjonijiet rari fi kwistjonijiet fiskali. Ara s-sentenzi tat‑3 ta’ Frar 2000, Dounias (C‑228/98, EU:C:2000:65, punt 61); tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka (C‑156/17, EU:C:2020:51, punt 62); u fir-rigward tal-oneru tal-prova, tat‑28 ta’ Jannar 2010, Direct Parcel Distribution Belgium (C‑264/08, EU:C:2010:43, punt 35).

( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2009, Damseaux (C‑128/08, EU:C:2009:471, punt 27).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C‑341/05, EU:C:2007:809, punti 54110).

( 26 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-komparabbiltà tas-sitwazzjoni inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżura inkwistjoni. Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, UE:C:2019:136, paragrafu 64). Il-Qorti tal-Ġustizzja xi drabi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll “is-suġġett u l-kontenut” (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Q (C‑133/13, EU:C:2014:2460, punt 22), jew “l-għan u l-kontenut” ta’ dik il-miżura (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia, C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 65).

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Köln-Aktienfonds Deka (C‑156/17, EU:C:2020:51, punti 7475).

( 28 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2019, College Pension Plan of British Columbia (C‑641/17, EU:C:2019:960, punt 83).

( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, Bouanich (C‑375/12, EU:C:2014:138, punti 45 sa 56), jew is-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse (C‑234/01, EU:C:2003:340, punt 47). Ara wkoll dwar dan K. Lanaerts, u L. Bernardeau, “L’encadrement communautaire de la fiscalité directe”, Cahiers de droit européen, Vol. 1, Bruylant, 2007, p. 19 sa 105, p. 55.

( 30 ) F’ċerti sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ladarba miżura kienet ikkwalifikata bħala restrizzjoni, in-nuqqas ta’ komparabbiltà tista’ sservi bħala ġustifikazzjoni għall-effett diskriminatorju tagħha. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 42). F’sentenzi oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu eżaminat il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet bħala kundizzjoni sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni. Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, Bouanich (C‑375/12, EU:C:2014:138, punti 45 sa 56), jew tal‑4 ta’ Lulju 2018, NN (C‑28/17, EU:C:2018:526, punti 31 sa 38). Finalment, f’ċerti każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja wettqet dan l-eżami darbtejn: l-ewwel darba, sabiex tikkwalifika miżura bħala restrizzjoni, it-tieni darba fl-istadju ta’ ġustifikazzjoni. Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2015, Miljoen et (C‑10/14, C‑14/14 u C‑17/14, EU:C:2015:608, punti 5765) jew, fir-rigward tal-libertà ta’ stabbiliment, tas‑17 ta’ Mejju 2017, X (C‑68/15, EU:C:2017:379, punti 4250). F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-ewwel eżami tal-komparabbiltà ikkonċentra, essenzjalment, dwar jekk il-persuni kkonċernati kinux ġew suġġetti għall-istess trattament ta’ tassazzjoni (li fil-fatt jirriżulta fl-eżami u mhux fil-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet, iżda l-kamp tal-miżura inkwistjoni) u t-tieni dwar il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fid-dawl tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali inkwistjoni.

( 31 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Sofina et (C‑575/17, EU:C:2018:943, punt 45).

( 32 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark (C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 23).

( 33 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Bevola u Jens W. Trock (C‑650/16, EU:C:2018:424 punt 32), tad‑9 ta’ Frar 2017, X (C‑283/15, EU:C:2017:102, punt 29). Ara, fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Anton van Zantbeek (C‑725/18, EU:C:2020:54, punt 26).

( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑253/09, EU:C:2011:795, punt 61). F’ċerti sentenzi jingħad li s-sitwazzjonijiet għandhom ikunu “oġġettivament paragunabbli”, li jistgħu jkunu ta’ natura li jiżgwidaw minħabba li jistgħu jissuġġerixxu li dak li huwa rilevanti huma d-differenzi fattwali bejn żewġ sitwazzjonijiet, filwaqt li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-komparabbiltà ta’ sitwazzjoni transkonfinali ma’ sitwazzjoni interna tal-Istat Membru kkonċernat għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-għan imfittex mill-miżuri inkwistjoni. Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 64).

( 35 ) Sabiex tintuża l-espressjoni użata minn ċerti partijiet.

( 36 ) Enfasi miżjuda.

( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Fidelity Funds et (C‑480/16, EU:C:2018:480, punt 51). Għalhekk, miżura fiskali tista’ tittratta lill-impriżi ta’ investiment kollettiv b’mod differenti skont jekk dawn ġewx ikkostitwiti skont id-dritt kuntrattwali jew il-liġi jekk tali ċirkustanza tkun rilevanti fid-dawl tal-għan imfittex minn din il-miżura u li din id-differenza fit-trattament tkun kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

( 38 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C‑303/07, EU:C:2009:377).

( 39 ) Dan jgħodd iktar u iktar peress li l-premessa 83 tad-Direttiva UCITS tippreċiża li din id-direttiva ma għandhiex taffettwa l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ tassazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-libertajiet fundamentali japplikaw biss sa fejn il-kwistjoni ma tkunx kompletament armonizzata. Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑216/11, EU:C:2013:162, punt 27).

( 40 ) Ara, fir-rigward ta’ miżuri fiskali, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża SEVIC Systems (C‑411/03, EU:C:2005:437, punt 55) jew, b’mod iktar ġenerali, is-sentenzi tas‑7 ta’ Mejju 1997, Pistre et (C‑321/94 sa C‑324/94, EU:C:1997:229, punt 52), u tal‑1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 25),

( 41 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2019, X (Kumpanniji intermedjarji stabbiliti f’pajjiżi terzi) (C‑135/17, EU:C:2019:136, punt 70).

( 42 ) Jista’ jkun ta’ tentazzjoni li ssir evalwazzjoni globali tal-effett ikkombinat ta’ dawn it-tliet dispożizzjonijiet, iżda tali approċċ joħloq riskju jekk jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni, li d-dispożizzjonijiet li wasslu għar-restrizzjoni ma jiġux identifikati bi preċiżjoni, b’tali mod li l-Istat Membru jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu lil hinn minn dak li huwa neċessarju.

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2007, Voß (C‑300/06, EU:C:2007:757, punti 4041), kif ukoll tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan (C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 47). B’mod simili, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv fid-dawl tal-qafas ta’ referenza. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda UNESA et (C‑105/18 sa C‑113/18, EU:C:2019:395, punt 80).

( 44 ) Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ personalità ġuridika, entità ma tistax, bħala prinċipju, tkun suġġetta għal obbligi. Madankollu, dan ma huwiex neċessarjament minnu. Fil-fatt, peress li d-dritt fiskali huwa ġeneralment ikkunsidrat bħala fergħa tad-dritt awtonomu fil-parti l-kbira tal-Istati Membri, ma jistax jiġi eskluż li, f’uħud minn dawn l-Istati, entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika jistgħu jkunu suġġetti għal taxxa fuq id-dħul, bħal fil-Finlandja, iżda kuntrarjament għal dan l-Istat Membru, huma ma humiex eżentati. Konsegwentement, sehem mill-profitt li huma jqassmu jista’ jkun suġġett għal taxxa doppja u, għalhekk, mill-perspettiva tal-għan imfittex mill-mekkaniżmi intiżi sabiex jillimitaw l-effetti tat-taxxa doppja, dawn l-entitajiet għandhom jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-kumpanniji. Għaldaqstant, minn din il-perspettiva, l-Artikolu 32 tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jista’ jqajjem tħassib dwar jekk din l-ekwivalenza hijiex diskriminatorja, iżda dan it-tħassib huwa pjuttost il-konsegwenza tal-użu, bħala kriterju, tan-nuqqas ta’ personalità ġuridika tal-entità kkonċernata milli l-fatt li dawn ma humiex entità taxxabbli. Madankollu, peress li, f’dan il-każ, i) din il-kwistjoni ma tqajmitx mill-qorti tar-rinviju, ii) ma huwiex ċert jekk hemmx Stati Membri li jipproċedu b’dan il-mod u, iii) li d-dħul inkwistjoni kienx ikkunsidrat bħala li ġie ddistribwit minn entità li għandha personalità ġuridika, jien mhux sejjer neżamina din il-kwistjoni.

( 45 ) Għall-kuntrarju, kieku l-awtoritajiet tat-taxxa kienu applikaw is-sistema ta’ taxxa applikabbli għad-dividendi għall-profitti mqassma minn entità barranija mingħajr personalità ġuridika, dan it-trattament seta’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni u għalhekk restrizzjoni għal libertà fundamentali, minħabba li b’hekk l-investituri kienu jitilfu kull possibbiltà li jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 33a u 33b tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.

( 46 ) Għalkemm id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jispeċifikawhiex, mill-proċess jidher li l-kelma “taxxa” hawnhekk tirreferi biss għat-taxxi bbażati fuq il-profitti magħmula minn entità fiskali.

( 47 ) Peress li, formalment, l-Artikolu 33c(1) u (2) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul jirrigwarda l-kumpanniji barranin, jidhirli li huwa eskluż li d-distinzjoni magħmula minn din id-dispożizzjoni hija bejn il-kumpanniji li ħallsu taxxa u dawk li ma ħallsux.

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, SECIL (C‑464/14, EU:C:2016:896, punt 55).

( 49 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ Ottubru 2007, ELISA (C‑451/05, EU:C:2007:594, punt 81).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Piringer (C‑342/15, EU:C:2017:196, punt 53).