KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fid‑9 ta’ Settembru 2021 ( 1 )

Kawża C‑213/19

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 4(3) TUE – Artikolu 310(6) u l‑Artikolu 325 TFUE – Ġlieda kontra l-frodi – Rekwiżit ta’ effettività – Obbligu li r-riżorsi proprji jkunu disponibbli għall-baġit tal-Unjoni – Responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri – Unjoni doganali – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Regolament (UE) Nru 952/2013 – Kodiċi Doganali tal-Unjoni – Dazji doganali – Importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina – Frodi vasta u sistematika – Kriminalità organizzata – Importaturi inadempjenti – Valur doganali – Sottovalutazzjoni – Kontrolli doganali bbażati fuq analiżi tar-riskju – Kontrolli ta’ qabel ir-rilaxx – Kostituzzjoni ta’ garanziji – Assenza ta’ kontrolli – Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjonijiet 2007/436/KE u 2014/335/UE – Regolamenti (KE, Euratom) Nri 1150/2000 u 609/2014 – Konstatazzjoni ta’ dejn doganali – Obbligu ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea – Stima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali – Metodoloġija statistika bbażata fuq il-prezz medju kkorreġut u l-prezz minimu aċċettabbli – Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Ammont taxxabbli tal-VAT – Riżorsi proprji ġejjin mill‑VAT”

Werrej

 

I. Introduzzjoni

 

II. Il-kuntest ġuridiku

 

A. Id-dritt dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali

 

1. Id-deċiżjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji

 

2. Ir-regolamenti dwar il-modalitajiet u l-proċedura sabiex ir-riżorsi proprji jkunu disponibbli

 

3. Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014

 

4. Ir-Regolament Nru 1553/89

 

B. Id-dazji doganali

 

1. Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

 

2. Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

 

3. Ir-Regolament ta’ Applikazzjoni

 

4. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

 

C. Id-dritt dwar il-VAT

 

III. Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

 

A. Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

B. Il-proċedura prekontenzjuża

 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V. Talbiet tal-partijiet

 

VI. Fuq ir-rikors

 

A. Fuq l-ammissibbiltà

 

1. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża tar-Renju Unit matul il-proċedura prekontenzjuża u dik ta’ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

a) Fuq il-komunikazzjoni ta’ data relatata mal-kalkoli dwar il-prezz medju kkorreġut, il-prezz minimu aċċettabbli u t-telf stmat tar-riżorsi proprji

 

b) Fuq l-informazzjoni relatata mal-kalkoli magħmula għas-snin 2011 sa 2014 fuq il-bażi tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake

 

c) Fuq l-għarfien tal-prattiki ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-użu tal-metodoloġija tal-OLAF

 

d) Fuq it-talba għal provi dwar in-natura tal-merkanzija ssottovalutata u dwar l-Istat Membru tad-destinazzjoni tagħha

 

2. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża u tar-rikors fir-rigward b’mod partikolari tal-proċedura doganali 42

 

3. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ estoppel u ta’ kooperazzjoni leali

 

4. Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-impossibbiltà li tiġi ordnata d-disponibbiltà ta’ ammonti skont l-Artikolu 258 TFUE

 

B. Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, kif ukoll tal-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni

 

1. Fuq l-obbligi tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-attivitajiet illegali ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni

 

2. Fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu skont il-leġiżlazzjoni doganali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fis-sitwazzjoni ta’ frodi inkwistjoni

 

a) Fuq il-karatteristiċi tal-frodi mwettqa mill-importaturi inkwistjoni u l-għarfien mill-awtoritajiet tar-Renju Unit ta’ din il-frodi

 

b) Fuq l-obbligu li ssir analiżi tar-riskju, li jitwettqu kontrolli minn qabel ir-rilaxx, u dwar il-ħtieġa li jiġu kkostitwiti garanziji

 

1) Osservazzjonijiet preliminari

 

2) Fuq l-obbligu tal-użu tal-analiżi tar-riskju

 

3) Fuq l-obbligu li jsiru kontrolli minn qabel ir-rilaxx

 

4) Fuq l-obbligu ta’ kostituzzjoni ta’ garanziji

 

3. Sommarju tal-provi kontra r-Renju Unit

 

4. Fuq l-obbligu għall-Istati Membri li jiddeterminaw l-ammonti ta’ dazji doganali u li jdaħħlu fil-kontijiet l-ammonti korrispondenti

 

C. Fuq il-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mar-riżorsi proprji u l‑istima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali kkostitwiti mid-dazji doganali

 

1. Fuq is-sistema legali sabiex jiddaħħlu fil-kontijiet l-ammonti dovuti u sabiex ir-riżorsi proprji tradizzjonali jsiru disponibbli

 

2. Fuq il-ksur tal-obbligu tar-Renju Unit li jagħmel disponibbli għall‑Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu mad-dazji doganali kkonstatati fil‑kuntest tal-Operazzjoni Snake

 

3. Fuq l-evalwazzjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali

 

a) Osservazzjonijiet preliminari

 

1) Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tevalwa t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni

 

2) Fuq l-allegat obbligu li jintwera d-dannu u r-rabta kawżali, kif ukoll ix-xenarju kontrofattwali

 

b) Fuq il-mertu

 

1) Fuq ħarsa ġenerali lejn il-metodoloġija tal-OLAF u l-applikazzjoni tagħha bħala għodda għall-kalkolu tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali

 

2) Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall

 

3) Fuq l-aċċettazzjoni bħala prinċipju tal-approċċ propost mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali

 

4) Fuq l-użu tal-metodoloġija bbażata fuq data statistika f’dan il-każ

 

i) Fuq id-determinazzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet issottovalutati

 

– Fuq il-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014

 

– Fuq il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-11 ta’ Ottubru 2017

 

ii) Fuq il-valur referenzjarju sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti tat-telf tar-riżorsi proprji

 

5) Sommarju dwar l-evalwazzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali

 

4. Fuq l-interessi moratorji

 

D. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE

 

E. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT u r-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT

 

1. Fuq ir-regoli legali sabiex ir-riżorsi ġejjin mill-VAT isiru disponibbli għall-baġit tal-Unjoni

 

2. Fuq l-ilment dwar it-telf ta’ riżorsi proprji ġejjin mill-VAT taħt il-proċedura doganali 40

 

3. Fuq l-ilment dwar it-telf ta’ riżorsi proprji ġejjin mill-VAT taħt il-proċedura doganali 42

 

VII. Fuq l-ispejjeż

 

VIII. Konklużjoni

I. Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE kontra r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għar-raġuni li, matul il-perijodu mix-xahar ta’ Novembru 2011 sal‑11 ta’ Ottubru 2017 inklużi (iktar ’il quddiem “il-perijodu ta’ ksur”), minn naħa, dan ma qiesx l-ammonti korretti ta’ dazji doganali u ma għamilx disponibbli l-ammonti korretti tar-riżorsi proprji tradizzjonali u dawk ibbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatati ma’ ċerti importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben li joriġinaw miċ-Ċina u, min-naħa l-oħra, ma kkomunikax l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Kummissjoni għall-iskop li jiġi ddeterminat l-ammont ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali ( 2 ).

2.

Skont il-Kummissjoni, dan l-Istat għalhekk naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE, li jipprovdi għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, tal-Artikolu 310(6) u l-Artikolu 325 TFUE, kif ukoll taħt sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju relatat mal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, kif ukoll mar-riżorsi proprji tradizzjonali u l-VAT.

3.

B’hekk, din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-portata tal-obbligi fil-ġlieda kontra l-frodi u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni imposti mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, f’kuntest fejn il-Kummissjoni tallega li l-Istat Membru inkwistjoni ma ddeterminax b’mod korrett il-valur doganali tal-merkanzija importata, b’din tal-aħħar tinbiegħ taħt il-valur mal-importazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ miżuri ta’ kontroll effettivi. Din il-kawża tqajjem mistoqsijiet fundamentali, bħall-possibbiltà għall-Kummissjoni li tevalwa l-ammont tat-talba tagħha għal telf ta’ riżorsi proprji, f’sitwazzjoni fejn, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni korretta tal-valur tal-merkanzija mill-Istat Membru inkwistjoni, il-Kummissjoni toqgħod fuq metodu statistiku, jiġifieri l-prezzijiet medji kkorreġuti għal merkanzija importata fil-livell tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa sabiex tiddeċiedi jekk l-Istat Membru ta’ importazzjoni tal-merkanzija huwiex responsabbli għal telf ta’ riżorsi proprji ġejjin mill-VAT fil-kuntest ta’ sistema doganali fejn id-dazji doganali jitħallsu mal-importazzjoni imma fejn il-VAT għandha titħallas sussegwentement fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali

1.   Id-deċiżjonijiet relatati mas-sistema tar-riżorsi proprji

4.

Skont l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom ( 3 ), applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2014, li l-kliem tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom, tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej ( 4 ), jikkostitwixxi riżors proprju mdaħħal fil-baġit tal-Unjoni, id-dħul li joriġina, rispettivament, minn “riżorsi proprji tradizzjonali li jikkonsistu minn […] Tariffa Doganali Komuni u dazji oħrajn stabbiliti jew li għandhom jiġu stabbiliti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi”, u “l-applikazzjoni ta’ rata uniformi valida għall-Istati Membri kollha għall-bażijiet ta’ valutazzjoni tal-VAT armonizzati ddeterminati skont ir-regoli tal-Unjoni.”

5.

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija deċiżjonijiet jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li d-dazji tat-tariffa doganali komuni, bħala riżorsi proprji tal-Unjoni, għandhom jinġabru mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi nazzjonali, li huma, fejn applikabbli, adattati għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2007/436 u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni 2014/335 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi previsti fl-Artikolu 2(1)(a) sa (c) ta’ dawn l-istess deċiżjonijiet disponibbli għall-Kummissjoni.

2.   Ir-regolamenti dwar il-modalitajiet u l-proċedura sabiex ir-riżorsi proprji jkunu disponibbli

6.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tat‑22 ta’ Mejju 2000 li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728 ( 5 ), applikabbli għall-ewwel parti tal-perijodu ta’ ksur, kien ġie ssostitwit fl‑1 ta’ Jannar 2014 bir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas‑26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti [ ( 6 )] u miżuri biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-likwidità ( 7 ). L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 609/2014, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, jipprovdi:

“Għall-iskop li jkun applikat dan ir-Regolament, l-intitolament tal-Unjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335 […] għandu jkun stabbilit hekk kif jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet previsti fir-regolamenti doganali fir-rigward tad-dħul tal-intitolament fil-kontijiet u n-notifika tad-debitur.”

7.

L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 6(1) u (3) tar-Regolament Nru 609/2014, li, essenzjalment, jirriproduċu l-Artikolu 6(1) u (3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000, huma fformulati kif ġej:

“1.   Il-kontijiet għar-riżorsi proprji għandhom jinżammu mit-Teżor ta’ kull Stat Membru jew minn korp maħtur minn kull Stat Membru u maqsum skont it-tipi ta’ riżorsi.

[…]

3.   L-intitolamenti stabbiliti konformement mal-Artikolu 2 għandhom, soġġetti għat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, jiddaħħlu fil-kontijiet [bħalissa indikati bħala l-“kontabbiltà A”] sa mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-dsatax-il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament.

L-intitolamenti stabbiliti li ma jkunux imdaħħla fil-kontijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, għax ikunu għadhom ma ġewx irkuprati u għax ma tkun ġiet ipprovduta l-ebda garanzija, għandhom jintwerew f’kontijiet separati [bħalissa indikati bħala l-“kontabbiltà B”] matul il-perjodu preskritt fl-ewwel subparagrafu. L-Istati Membri jistgħu jadottaw din il-proċedura meta l-intitolamenti stabbiliti, li dwarhom tkun ġiet ipprovduta garanzija, ikunu ġew kkontestati u, hekk kif tinstab soluzzjoni għall-kwistjonijiet li jkunu qamu, jistgħu jkunu soġġetti għal tibdil.

[…]”

8.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 609/2014, li l-kliem tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1150/2000:

“F’konformità mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ f’isem il-Kummissjoni mat-Teżor tiegħu jew mal-korp li jkun ħatar.”

9.

Mill‑1 ta’ Ottubru 2016, din id-dispożizzjoni ġiet emendata bl-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2016/804 ( 8 ), li huwa redatt kif ġej:

“F’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10, 10a u 10b, kull Stat Membru għandu jikkredita r-riżorsi proprji fil-kont li nfetaħ f’isem il-Kummissjoni mat-teżor tiegħu jew mal-bank ċentrali nazzjonali. Soġġett għall-applikazzjoni ta’ mgħax negattiv kif imsemmi fit-tielet subparagrafu, dak il-kont jista’ jiġi ddebitat biss fuq struzzjoni mill-Kummissjoni.”

10.

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 609/2014, li l-kontenut tiegħu jikkorrispondi, essenzjalment, għal dak tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, huwa fformulat kif ġej:

“Wara t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir f’konformità mal-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni 2014/335 […], id-dħul tar-riżorsi proprji tradizzjonali msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ dik id-Deċiżjoni għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-dsatax‑il jum tat-tieni xahar ta’ wara x-xahar li matulu jkun ġie stabbilit l-intitolament f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.

Madankollu, għal intitolamenti murija f’kontijiet separati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-Regolament, id-dħul għandu jsir mhux aktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol ta’ wara d-dsatax‑il jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu jkunu rkuprati l-intitolamenti.”

11.

Fil-formulazzjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 12(1) u (3) tar-Regolament Nru 609/2014, li l-kontenut tiegħu kien, essenzjalment, identiku ma’ dak tal-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament Nru 1150/2000, kien jgħid kif ġej:

“1.   Kwalunkwe dewmien fid-dħul fil-kont imsemmi fl-Artikolu 9(1) għandu jagħti lok għall-ħlas tal-imgħax mill-Istat Membru kkonċernat.

[…]

3.   Fil-każ ta’ Stati Membri li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata għandha tkun daqs ir-rata applikata fl-ewwel jum tax-xahar in kwistjoni mill-Banek Ċentrali għall-operazzjonijiet prinċipali tagħhom ta’ finanzjament mill-ġdid, miżjuda b’żewġ punti ta’ persentaġġ, jew, għall-Istati Membri li għalihom ir-rata tal-Bank Ċentrali mhix disponibbli, l-iktar rata ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar in kwistjoni fis-suq tal-flus ta’ l-Istat Membru, miżjud b’żewġ punti ta’ persentaġġ.

Din ir-rata għandha tiġi miżjuda b’0.25 ta’ punt ta’ persentaġġ għal kull xahar ta’ dewmien. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu ta’ dewmien.”

12.

Mill‑1 ta’ Ottubru 2016, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/804, l-Artikolu 12(3) tar-Regolament 609/2014 kien ġie ssostitwit bl-Artikolu 12(5), li huwa redatt kif ġej:

“Fil-każ ta’ Stati Membri li ma jagħmlux parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ugwali għar-rata applikata mill-banek ċentrali fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni għall-operazzjonijiet ewlenin tagħhom ta’ finanzjament mill-ġdid, jew 0 fil-mija, skont liema jkun l-aktar, miżjuda bi 2,5 punti perċentwali. Għall-Istati Membri li ma jkollhomx disponibbli r-rata tal-bank ċentrali, ir-rata tal-imgħax għandha tkun ugwali għar-rata l-aktar ekwivalenti applikata fl-ewwel jum tax-xahar inkwistjoni fis-suq monetarju tal-Istat Membru, jew 0 fil-mija, skont liema jkun l-aktar, miżjuda bi 2,5 punti perċentwali.

Din ir-rata għandha tiżdied b’0,25 ta’ punt perċentwali għal kull xahar ta’ dewmien.

Iż-żieda totali skont l-ewwel u t-tieni subparagrafi ma għandhiex taqbeż is-16‑il punt perċentwali. Ir-rata miżjuda għandha tiġi applikata għall-perijodu kollu tad-dewmien.”

13.

L-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 609/2014, li essenzjalment jirriproduċi l-Artikolu 17(1) u (2) tar-Regolament Nru 1150/2000, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw li l-ammonti korrispondenti għall-intitolamenti stabbiliti taħt l-Artikolu 2 isiru disponibbli għall-Kummissjoni kif speċifikat f’dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jinħelsu mill-obbligu li jpoġġu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti stabbiliti skont l-Artikolu 2 li jirriżultaw bħala irrekuperabbli minħabba xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

raġunijiet ta’ force majeure;

(b)

raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu ddikjarati irrekuperabbli b’deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti li ssib li ma jistgħux jiġu rkuprati.

L-ammonti ta’ drittijiet stabbiliti għandhom jiġu kkunsidrati bħala irrekuperabbli, sa mhux aktar tard, wara perijodu ta’ ħames snin mid-data li fiha l-ammont ikun ġie stabbilit skont l-Artikolu 2 jew, fil-każ ta’ appell amministrattiv jew ġudizzjarju, id-deċiżjoni finali tkun ġiet mogħtija, notifikata jew pubblikata.

[…]”

3.   Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 608/2014

14.

Fir-rigward tal-perijodu wara l‑1 ta’ Jannar 2014, l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 608/2014 tas‑26 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea ( 9 ) intitolat “Il-miżuri ta’ kontroll u superviżjoni” jipprovdi:

“1.   Ir-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/335[…] għandhom jiġu ispezzjonati kif speċifikat f’dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-Regolament [Nru 1553/89 ( 10 )] […].

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha li huma meħtieġa biex jassiguraw li r-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2014/335[…] isiru disponibbli lill-Kummissjoni.

3.   Fejn miżuri ta’ kontroll u superviżjoni jikkonċernaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335[…]:

(a)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-verifiki u kontrolli li jirrigwardaw l-istabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dawk ir-riżorsi proprji;

[…]

(c)

L-Istati Membri għandhom, jekk il-Kummissjoni hekk titlob, jinvolvuha fl-ispezzjonijiet, li huma jagħmlu. Meta l-Kummissjoni tiġi involuta f’ispezzjoni, il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hekk tkun teħtieġ, għad-dokumenti ta’ sostenn dwar l-istabbiliment u t-tqegħid għad-dispożizzjoni jew il-ħlas tar-riżorsi proprji, u għal kwalunkwe dokument ieħor xieraq marbut ma’ dawk id-dokumenti ta’ sostenn;

(d)

Il-Kummissjoni tista’ tagħmel ispezzjonijiet fuq il-post hija nnifisha. L-aġenti awtorizzati mill-Kummissjoni għal dawn l-ispezzjonijiet għandhom ikollhom aċċess għal dokumenti kif stabbilit għall-ispezzjonijiet imsemmijin fil-punt (c). L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw dawk l-ispezzjonijiet.

[…]”

15.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 608/2014, intitolat “Ir-rappurtar ta’ frodi u irregolaritajiet li jaffettwaw intitolamenti għal riżorsi proprji tradizzjonali” jistabbilixxi fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Fi żmien ix-xahrejn wara t-tmiem ta’ kull kwart tas-sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni deskrizzjoni tal-każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet misjuba li jinvolvu intitolamenti ta’ ‘l fuq minn 10000 [euros] li jikkonċernaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335[…]

Fi żmien il-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, kull Stat Membru għandu jagħti dettalji tal-pożizzjoni li jirrigwardaw każijiet ta’ frodi u irregolaritajiet diġà rrapurtati lill-Kummissjoni li l-irkupru, il-kanċellament jew in-nuqqas ta’ rkupru tagħhom ma kinux ġew indikati qabel.”

4.   Ir-Regolament Nru 1553/89

16.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1553/89 jistabbilixxi:

“Il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandhom ikunu iddeterminati mit-tranżazzjonijiet taxxabli msemmijin fl-Artikolu 2 tas-[Sitt Direttiva tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) […]”

17.

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament:

“Għal sena kalendarja partikolari, u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 5 u 6, il-bażi tar-riżorsi tal-VAT għandha tkun ikkalkolata billi jkun diviż l-dħul nett totali tal-VAT miġbur minn Stat Membru matul dik is-sena bir-rata li biha l-VAT tkun applikata matul l-istess sena.”

B. Id-dazji doganali

1.   Il-Kodiċi Doganali tal-Komunità

18.

L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat‑12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 11 ), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ April 2005 ( 12 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Komunità”) kien jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, iwettqu l-kontrolli kollha li huma jqisu neċessarji sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-regoli doganali u l-liġijiet oħrajn li jirregolaw id-dħul, il-ħruġ, it-transitu, it-trasferiment u l-użu finali ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Komunità u pajjiżi terzi u l-preżenza ta’ merkanzija li ma għandhiex status Komunitarju. Jistgħu jitwettqu f’pajjiż terz, fejn dan ikun previst minn xi ftehim internazzjonali, kontrolli doganali għall-fini ta’ l-applikazzjoni korretta tal-liġi Komunitarja.

2.   Il-kontrolli doganali, barra mill-kontrolli fuq il-post, għandhom ikunu bbażati fuq analiżi ta’ riskju bl-użu ta’ tekniki awtomatizzati ta’ proċessar ta’ data, sabiex jiġu identifikati u kwantifikati r-riskji u jiġu żviluppati l-miżuri neċessarji għall-istima tar-riskji, fuq il-bażi ta’ kriterji żviluppati f’livelli nazzjonali, Komunitarji u, fejn ikunu disponibbli, internazzjonali.

Il-proċedura tal-kumitat għandha tintuża sabiex jiġi determinat qafas ta’ ġestjoni komuni ta’ riskju, u sabiex jiġu stabbiliti kriterji komuni u żoni ta’ kontroll prijoritarji.

L-Istati Membri, f’koperazzjoni mal-Kummissjoni, għandhom jistabbilixxu sistema elettronika għall-implimentazzjoni tal- ġestjoni tar-riskju.

3.   Fejn il-kontrolli jiġu mwettqa minn awtoritajiet li ma jkunux l-awtoritajiet doganali, dawn il-kontrolli għandhom isiru b’kordinazzjoni mill-qrib ma’ l-awtoritajiet doganali, fejn possibbli fl-istess ħin u post.

[…]”

19.

It-Titolu II tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità inkluda l-Kapitolu 3 intitolat “Valur ta’ merkanzija għall-iskopijiet doganali”, kompost mill-Artikoli 28 sa 36.

20.

L-Artikolu 29 ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi:

“1.   Il-valur doganali ta’ merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-transazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33 […]:

[…]

2.   

(a)

Waqt li jkun qed jiġi stabbilit jekk valur ta’ transazzjoni huwiex aċċettabbli għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-fatt li x-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin m’għandux fih innifsu jkun raġuni suffiċjenti biex il-valur tat-transazzjoni jitqies bħala mhux aċċettabbli. Fejn ikun meħtieġ, iċ-ċirkostanzi wara l-bejgħ għandhom jiġu eżaminati u l-valur tat-transazzjoni għandu jiġi aċċettat sakemm ir-relazzjoni ma tkunx influwenzat il-prezz. […]

[…]

3.   

(a)

Il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas huwa l-ħlas totali li jkun sar jew li ser isir mix-xerrej lil jew għall-benefiċċju tal-bejjiegħ għall-merkanzija impurtata u jinkludi l-ħlasijiet kollha li jkunu saru jew li jkunu dovuti bħala kondizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija impurtati mix-xerrej lill-bejjiegħ jew mix-xerrej lil terza persuna biex jissodisfa obbligazzjoni tal-bejjiegħ. […]

[…]”

21.

Skont l-Artikolu 30 tal-imsemmi kodiċi:

“1.   Fejn il-valur doganali ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikolu 29, għandu jiġi stabbilit billi timxi sekwenzjalment minn subparagrafi (a), (b), (ċ) u (d) tal-paragrafu 2 għall-ewwel subparagrafu li taħtu jista’ jiġi stabbilit […]

2.   Il-valur doganali kif stabbilit taħt dan l-Artikolu għandu jkun:

(a)

il-valur tat-transazzjoni ta’ merkanzija identika mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(b)

il-valur tat-transazzjoni tal-merkanzija simili mibjugħa għall-esportazzjoni lejn il-Komunità u esportata fi jew kważi fl-istess żmien bħall-merkanzija li qed tkun valutata;

(c)

il-valur ibbażat fuq il-prezz ta’ l-unità li bih il-merkanzija importata għal oġġetti identiċi jew simili jinbiegħu fil-Komunità fl-akbar kwantità totali lil persuni li ma jiġux mill-bejjiegħa;

(d)

il-valur maħdum […]

[…]”

22.

L-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien jipprovdi kif ġej:

“1.   Fejn il-valur doganali ta’ merkanzija importata ma jistax jiġi stabbilit taħt l-Artikoli 29 jew 30, għandu jiġi stabbilit, skond il-bażi ta’ data disponibbli fil-Komunità, bl-użu ta’ mezzi raġonevoli konsistenti mal-prinċipji u dispożizzjonijiet ġenerali ta’:

il-ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ,

l-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, [u]

id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.

2.   Ebda valur doganali m’għandu jiġi stabbilit taħt il-paragrafu 1 skond il-bażi ta’:

(a)

il-prezz tal-bejgħ fil-Komunità tal-merkanzija prodotta fil-Komunità;

(b)

sistema li tipprovdi għall-aċċettazzjoni għall-iskopijiet ta’ dwana tal-ogħla minn żewġ valuri alternattivi;

(c)

il-prezz tal-merkanzija fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ esportazzjoni;

(d)

il-prezz ta’ produzzjoni, minbarra valuri maħduma li ġew stabbiliti għal merkanzija identiċi jew simili skond l-Artikolu 30(2)(d);

(e)

prezzijiet għall-esportazzjoni lejn pajjiż li ma jifformax parti mit-territorju doganali tal-Komunità;

(f)

valuri doganali minimi[;] jew

(g)

valuri arbitrarji jew fittizji.”

23.

L-Artikolu 68 ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi:

“Għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet li jkunu aċċettaw, l-awtoritajiet doganali jistgħu:

(a)

jeżaminaw id-dokumenti li jkopru d-dikjarazzjoni u d-dokumenti li jakkompanjawha. L-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lil min jagħmel id-dikjarazzjoni biex jippreżenta dokumenti oħra bl-iskop li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni;

(b)

jeżaminaw il-merkanzija u jieħdu kampjuni għall-analiżi jew għal eżami akkurat.”

24.

L-Artikolu 71 tal-imsemmi kodiċi kien redatt kif ġej:

“1.   Ir-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija.

2.   Fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix verifikata, id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skond il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.”

25.

L-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità kien jipprevedi:

“1.   Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali […] għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri prattiċi għad-dħul fil-kotba tal-kontijiet ta’ l-ammonti tad-dazju. Dawk il-proċeduri jistgħu jvarjaw skond jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom ikun ġie inkors id-dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jkunu sodisfatti li l-imsemmija ammonti jkunu ser jitħallsu.”

26.

Skont l-Artikolu 218(1) ta’ dan il-kodiċi:

“Fejn dejn doganali jiġi inkors bħala riżultat ta’ l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-merkanziji għal proċedura doganali oħra barra importazzjoni temporanja b’eżenzjoni parzjali mid-dazji fuq l-importazzjoni jew kull att ieħor li jkollu l-istess effett legali bħal dik l-aċċettazzjoni l-ammont li jikkorrispondi għal dak id-dejn doganali għandu jiddaħħal fil-kotba tal-kontijiet malli jkun ġie kkalkulat u, l-aktar tard, fit-tieni jum wara dak li fih il-merkanziji jkunu nħelsu.”

27.

L-Artikolu 220(1) ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi:

“Fejn l-ammont ta’ dazju li jirrizulta minn dejn doganali ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skond l-Artikoli 218 u 219 jew iddaħħal fil-kontijiet f’livell anqas mill-ammont legalment dovut, l-ammont ta’ dazju li għandu jiġi rkuprat jew li jibqa’ biex jiġi rkuprat għandu jiddaħħal fil-kontijiet fi żmien jumejn mid-data li fiha l-awtoritajiet doganali jsiru jafu bis-sitwazzjoni u jkunu f’pożizzjoni li jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jistabbilixxu d-debitur (daħla sussegwenti fil-kontijiet). Dak it-terminu ta’ żmien jista’ jiġi estiż skond l-Artikolu 219”.

28.

L-Artikolu 221 tal-istess kodiċi kien jipprovdi:

“1.   Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

[…]

3.   Ma għandhiex issir komunikazzjoni mad-debitur wara t-temma ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha ntefaq id-dejn mad-dwana. Dan il-perijodu ta’ żmien għandu jiġi sospiż mal-waqt tad-depożitu ta’ appell fit-tifsira ta’ l-Artikolu 243, għal matul il-proċedimenti ta’ l-appell.

4.   Fejn id-dejn mad-dwana huwa riżultat ta’ att li, fiż-żmien li kien kommess, kien jista’ jwassal għal proċedimenti kriminali tal-qorti, l-ammont jista’, skond il-kondizzjonijiet preskritti fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ, jiġi komunikat lid-debitur wara li jgħaddi l-perijodu ta’ tliet snin riferit fil-paragrafu 3.”

2.   Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni

29.

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 13 ) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali tal-Unjoni”) jipprevedi:

“L-awtoritajiet doganali għandhom ikunu responsabbli primarjament għas-superviżjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-Unjoni, biex b’hekk jikkontribwixxu għal kummerċ ġust u miftuħ, għall-implimentazzjoni tal-aspetti esterni tas-suq intern, tal-politika komuni tal-kummerċ u tal-linji politiċi komuni l-oħrajn tal-Unjoni li jaffettwaw il-kummerċ, kif ukoll għas-sigurtà fil-katina kollha ta’ forniment. L-awtoritajiet doganali għandhom jistabbilixxu miżuri mmirati, b’mod partikolari, għal li ġej:

(a)

iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha;

(b)

iħarsu lill-Unjoni minn kummerċ inġust u illegali waqt li jappoġġaw attivitajiet ta’ negozju leġittimu;

(c)

jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà tal-Unjoni u r-residenti tagħha, u l-ħarsien tal-ambjent, fejn xieraq f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ awtoritajiet oħrajn; u

(d)

iżommu bilanċ xieraq bejn il-kontrolli doganali u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu.”

30.

Skont l-Artikolu 46 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Il-ġestjoni tar-riskji u l-kontrolli doganali”:

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħmlu kwalunkwe kontrolli doganali li jqisu meħtieġa.

Il-kontrolli doganali jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari f’eżami tal-merkanzija, teħid ta’ kampjuni, verifika tal-preċiżjoni u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija f’dikjarazzjoni jew notifika u l-eżistenza, l-awtentiċità, il-preċiżjoni u l-validità ta’ dokumenti, eżami tal-kontabbiltà tal-operaturi ekonomiċi u kotba oħra, ispezzjonar ta’ mezzi tat-trasport, ispezzjonar ta’ bagalji u merkanzija oħra li jinġarru minn jew fuqhom persuni u twettiq ta’ stħarriġ uffiċjali u atti simili oħrajn.

2.   Il-kontrolli doganali, barra kontrolli każwali, għandhom primarjament ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju billi jintużaw tekniċi elettroniċi ta’ proċessar tad-data, bil-għan li jkunu identifikati u evalwati r-riskji u żviluppati il-kontromiżuri meħtieġa, abbażi tal-kriterji żviluppati fuq livell nazzjonali, tal-Unjoni u, fejn disponibbli, fuq livell internazzjonali.

3.   Il-kontrolli doganali għandhom isiru f’qafas komuni ta’ ġestjoni tar-riskju, ibbażat fuq l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskji u r-riżultati tal-analiżi tar-riskji bejn amministrazzjonijiet doganali u li jistabbilixxi kriterji u standards komuni ta’ riskju, miżuri ta’ kontroll u oqsma prijoritarji ta’ kontroll.

Kontrolli bbażati fuq tali informazzjoni u kriterji għandhom jitwettqu mingħajr ħsara għal kontrolli oħrajn li jitwettqu skont il-paragrafu 1 jew provvedimenti oħrajn fis-seħħ.

4.   L-awtoritajiet doganali għandhom jagħmlu ġestjoni tar-riskju biex jiddifferenzjaw bejn il-livelli ta’ riskju assoċjati ma’ merkanzija soġġetta għall-kontroll jew superviżjoni doganali u biex jiddeterminaw jekk il-merkanzija hijiex se tkun soġġetta għall-kontrolli doganali speċifiċi jew le, u jekk iva, fejn.

Il-ġestjoni tar-riskju għandu jinkludi attivitajiet bħalma huma l-ġbir ta’ data u ta’ informazzjoni, l-analiżi u l-evalwazzjoni tar-riskju, il-preskrizzjoni u t-teħid ta’ azzjoni u s-sorveljanza u reviżjoni regolari ta’ dak il-proċess u tar-riżultati tiegħu, abbażi ta’ għejjun u strateġiji internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali.

5.   L-awtoritajiet doganali għandhom jiskambjaw l-informazzjoni dwar ir-riskju u u r-riżultati tal-analiżi tar-riskji fejn:

(a)

ir-riskji jiġu stmati minn awtorità doganali bħala li jkunu sinifikanti u li jeħtieġu kontroll doganali u r-riżultati tal-kontroll jistabbilixxu li jkun seħħ l-avveniment li jkun wassal għar-riskji;

(b)

ir-riżultati tal-kontroll ma jistabbilixxux li l-avveniment li jkun iwassal għar-riskji jkun seħħ, iżda l-awtorità doganali kkonċernata tqis li t-theddida tippreżenta riskju għoli x’imkien ieħor fl-Unjoni.

6.   Sabiex jkunu stabbiliti l-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju, il-miżuri ta’ kontroll u l-oqsma prijoritarji ta’ kontroll msemmija fil-paragrafu 3, għandhom jitqiesu l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

il-proporzjonalità meta mqabbla mar-riskju;

(b)

l-urġenza tal-applikazzjoni meħtieġa tal-kontrolli;

(c)

l-impatt probabbli fuq il-fluss tal-kummerċ, fuq Stati Membri individwali u fuq ir-riżorsi għall-kontroll.

7.   Il-kriterji u l-istandards komuni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu dawn kollha li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tar-riskji;

(b)

il-fatturi jew l-indikaturi tar-riskju li għandhom jintużaw biex jintgħażlu merkanzija jew operaturi ekonomiċi għall-kontroll doganali;

(c)

in-natura ta’ kontrolli doganali li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet doganali;

(d)

it-tul tal-applikazzjoni tal-kontrolli doganali msemmija fil-punt (c).

8.   L-oqsma prijoritarji ta’ kontroll għandhom ikopru proċeduri doganali partikolari, tipi ta’ merkanzija, rotot tat-traffiku, mezzi ta’ trasport jew operaturi ekonomiċi li huma soġġetti għal livelli ogħla ta’ analiżi tar-riskju u ta’ kontrolli doganali matul ċertu perijodu ta’ żmien, mingħajr ħsara għal kontrolli oħrajn li użwalment jitwettqu mill-awtoritajiet doganali.”

31.

L-Artikolu 53 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Il-konverżjoni monetarja”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw u/jew jagħmlu disponibbli fuq l-Internet ir-rata tal-kambju applikabbli fejn il-konverżjoni monetarja hija meħtieġa għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a)

minħabba li fatturi użati għad-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija huma espressi f’munitai oħra barra dik tal-Istat Membru fejn hu ddeterminat il-valur doganali;

(b)

minħabba li l-valur tal-euro hu meħtieġ f’muniti nazzjonali għal-għan ta’ determinazzjoni tal-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija u l-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni, inklużi l-limiti ta’ valur fit-Tariffa Doganali Komuni.”

32.

L-Artikoli 70 u 74 ta’ dan il-kodiċi fihom regoli dwar il-valur doganali ta’ merkanzija li tikkorrispondi, essenzjalment, għal dawk li jinsabu fl-Artikoli 29 sa 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

33.

Skont l-Artikolu 101(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-ammont ta’ dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni pagabbli huwa ddeterminat mill-awtoritajiet doganali kompetenti għall-post fejn jinħoloq id-dejn doganali, jew huwa meqjus li nħoloq bis-saħħa tal-Artikolu 87 ta’ dan il-kodiċi, hekk kif ikollhom l-informazzjoni meħtieġa.

34.

L-Artikolu 103 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Limitazzjoni tad-dejn doganali”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-ebda dejn doganali m’għandu jkun notifikat lid-debitur wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ tliet snin mid-data li fiha nħoloq id-dejn doganali.

2.   Fejn id-dejn doganali nħoloq bħala riżultat ta’ att li, fiż-żmien li sar, seta’ jwassal għal proċedimenti kriminali fil-qorti, il-perijodu ta’ tliet snin stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għal perijodu minimu ta’ ħames snin u massimu ta’ 10 snin f’konformità mal-liġi nazzjonali.”

35.

L-Artikolu 105 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, intitolat “Il-ħin tad-dħul fil-kontijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Fejn jinħoloq dejn doganali b’riżultat tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali ta’ merkanzija għal proċedura doganali, barra minn dħul temporanju b’eżenzjoni parzjali mid-dazju tal-importazzjoni, jew xi att ieħor li għandu l-istess effett legali bħal tali aċċettazzjoni, l-awtoritajiet doganali għandhom idaħħlu l-ammont ta’ dazju tal-importazzjoni jew esportazzjoni li jrid jitħallas fil-kontijiet fi żmien 14‑il jum mir-rilaxx tal-merkanzija.”

36.

Skont l-Artikolu 188 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Il-verifika ta’ dikjarazzjoni doganali”:

“L-awtoritajiet doganali jistgħu, għall-għanijiet tal-verifika tal-preċiżjoni tad-dettalji li hemm f’dikjarazzjoni doganali li kienet aċċettata:

(a)

jeżaminaw id-dikjarazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn;

(b)

jesiġu li d-dikjarant jippreżenta dokumenti oħrajn;

(c)

jeżaminaw il-merkanzija;

(d)

jieħdu kampjuni għall-analiżi jew biex jeżaminaw il-merkanzija bir-reqqa.”

37.

L-Artikolu 191 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Rizultati tal-verifika”, jipprovdi:

“1.   Ir-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni doganali għandhom jintużaw għall-applikazzjoni tal-provvedimenti li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha titqiegħed il-merkanzija.

2.   Fejn ma tkunx verifikata d-dikjarazzjoni doganali, il-paragrafu 1 għandu japplika abbażi tad-dettalji li hemm f’dik id-dikjarazzjoni.

3.   Ir-riżultati tal-verifika magħmula mill-awtoritajiet doganali għandu jkollhom l-istess forza konklussiva f’kull parti tat-territorju doganali tal-Unjoni.”

3.   Ir-Regolament ta’ Applikazzjoni

38.

Skont l-Artikolu 181a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 ( 14 ), kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1335/2003 tal‑25 ta’ Lulju 2003 ( 15 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Applikazzjoni”):

“1.   L-awtoritajiet doganali m’għandhomx għalfejn jistabbilixxu l-valutazzjoni doganali tal-merkanzija importata fuq il-bażi tal-metodu tal-valur tat-transazzjoni jekk, skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, dawn ma jkunux sodisfatti, fuq il-bażi ta’ dubji raġonevoli, li l-valur dikjarat jirrappreżenta l-ammont totali mħallas jew dovut kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Kodiċi.

2.   Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom id-dubji kif deskritt fil-paragrafu 1 dawn jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali skond l-Artikolu 178(4). Jekk dawn id-dubji jippersistu, l-awtoritajiet doganali għandhom, qabel jieħdu deċiżjoni finali, jinnotifikaw lill-persuna interessata, bil-miktub jekk mitlub, dwar ir-raġunijiet għal dawk id-dubbji u jipprovduh bl-opportunità raġonevoli biex jirrispondi. Deċiżjoni finali u l-motivi għaliha għandhom ikunu kkomunikati bil-miktub lill-persuna interessata.”

39.

L-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jipprovdi:

“L-għoti tar-rilaxx għandu jikkawża l-iskrizzjoni fil-kontijiet tad-dazji ta’ l-importazzjoni determinati skond id-dettalji fid-dikjarazzjoni. Meta l-awtoritajiet doganali jikkonsidraw li mill-kontrolli li huma jkunu wettqu jirriżulta li jista’ jiġi stmat ammont ta’ dazju ta’ importazzjoni ogħla minn dak li jirriżulta mid-dettalji mogħtija fid-dikjarazzjoni, għandhom jeħtieġu wkoll id-depożitu ta’ garanzija suffiċjenti biex tkopri d-differenza bejn l-ammont skond id-dettalji fid-dikjarazzjoni u l-ammont li jista’ finalment jitħallas fuq il-merkanzija. Madankollu, id-dikjarant jista’ jitlob l-iskrizzjoni immedjata fil-kontijiet ta’ l-ammont ta’ dazji li għalihom il-merkanzija tista’ finalment tkun soġġetta flok ma jiddepożita l-garanzija.”

4.   Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

40.

L‑Artikolu 48 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 16 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), intitolat “Dispożizzjonijiet dwar ir-rata tal-kambju tat-tariffi”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-valur tal-euro, meta dan ikun meħtieġ skont l-Artikolu 53(1)(b) tal-Kodiċi, għandu jiġi stabbilit darba f’xahar.

Ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għandha tkun l-iktar rata riċenti stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-jum ta’ qabel tal-aħħar tax-xahar u għandha tapplika matul ix-xahar ta’ wara.

Madankollu, meta r-rata applikabbli fil-bidu tax-xahar tvarja b’aktar minn 5 % mir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel il-15‑il jum ta’ dak l-istess xahar, ir-rata tal-aħħar għandha tapplika mill-15 sal-aħħar tax-xahar in kwistjoni.”

41.

L-Artikolu 140 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Nuqqas ta’ aċċettazzjoni tal-valuri tat-tranżazzjoni ddikjarati”, li għandu l-għan li jimplimenta l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jipprovdi:

“1.   Meta l-awtoritajiet doganali jkollhom dubji raġonevoli dwar jekk il-valur tat-tranżazzjoni ddikjarat jirrappreżentax l-ammont totali mħallas jew pagabbli kif imsemmi fl-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi, [dawn jistgħu jitolbu lid-dikjarant jipprovdi informazzjoni addizzjonali].

2.   Jekk id-dubji tagħhom ma jiġux eliminati, l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeċiedu li l-valur tal-prodotti ma jistax jiġi stabbilit skont l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi u, għaldaqstant, ma jiddeterminawx il-valur doganali bl-użu ta’ dak il-metodu.”

42.

Skont l-Artikolu 144 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Metodu ‘fall-back’”, li għandu l-għan li jimplimenta l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni:

“1.   Meta jiġi stabbilit il-valur doganali skont l-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi, tista’ tintuża flessibbiltà raġonevoli fl-applikazzjoni tal-metodi previsti fl-Artikoli 70 u 74(2) tal-Kodiċi. Il-valur b’hekk stabbilit għandu, kemm jista’ jkun possibbli, ikun ibbażat fuq il-valuri doganali stabbiliti qabel.

2.   Meta ma jkun jista’ jiġi stabbilit ebda valur doganali skont il-paragrafu 1, għandhom jintużaw metodi xierqa oħrajn. F’dan il-każ, il-valur doganali ma għandux jiġi stabbilit abbażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-prezz tal-bejgħ fit-territorju doganali tal-Unjoni tal-merkanzija prodotta fit-territorju doganali tal-Unjoni;

(b)

sistema li permezz tagħha jintuża l-ogħla miż-żewġ valuri alternattivi għall-valutazzjoni doganali;

(c)

il-prezz tal-merkanzija fuq is-suq domestiku tal-pajjiż tal-esportazzjoni;

(d)

l-ispiża tal-produzzjoni, minbarra l-valuri komputati li ġew stabbiliti għal merkanzija identika jew simili skont l-Artikolu 74(2)(d) tal-Kodiċi;

(e)

il-prezzijiet għall-esportazzjoni lejn pajjiż terz;

(f)

il-valuri doganali minimi;

(g)

il-valuri arbitrarji jew fittizji.”

43.

L-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, intitolat “Għoti ta’ garanzija”, dispożizzjoni li timplimenta l-Artikolu 191 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jipprovdi:

“Meta l-awtoritajiet doganali jikkunsidraw li l-verifika tad-dikjarazzjoni doganali tista’ tirriżulta f’ammont aktar ta’ dazju tal-importazzjoni jew l-esportazzjoni jew tariffi oħrajn li jridu jitħallsu minn dak li jirriżulta mid-dettalji tad-dikjarazzjoni doganali, ir-rilaxx tal-merkanzija għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ garanzija li tkun suffiċjenti biex tkopri d-differenza bejn l-ammont skont id-dettalji tad-dikjarazzjoni doganali u l-ammont li finalment ikun irid jitħallas.

Madankollu, id-dikjarant jista’ jitlob notifika immedjata tad-dejn doganali li finalment tkun trid titħallas fuq il-merkanzija minflok jippreżenta din il-garanzija.”

C. Id-dritt dwar il-VAT

44.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( 17 ), kif emendata mid-Direttiva 2009/69/KE tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2009 ( 18 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”):

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

[…]

(b)

l-akkwist intra‑Komunitarju ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn:

(i)

persuna taxxabbli li tkun qed taġixxi b’dan il-mod, jew minn persuna legali mhux taxxabbli, fejn il-bejjiegħ huwa persuna taxxabbli […]

[…]

(d)

l-importazzjoni ta’ merkanzija.”

45.

Skont l-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, “l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista”.

46.

Skont l-Artikolu 83 tal-imsemmija direttiva:

“Rigward l-akkwist intra-Komunitarju ta’ merkanzija, l-ammont taxxabbli għandu jkun stabbilit abbażi ta’ l-istess fatturi bħal dawk użati skond il-Kapitolu 1 biex jiġi stabbilit l-ammont taxxabbli għall-provvista ta’ l-istess merkanzija fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ tat-transazzjonijiet, li għandhom jiġu ttrattati bħala akkwisti intra‑Komunitarji ta’ merkanzija, imsemmija fl-Artikoli 21 u 22, l-ammont taxxabbli għandu jkun il-prezz tax-xiri ta’ l-merkanzija jew ta’ merkanzija simili jew, fin-nuqqas ta’ prezz tax-xiri, il-prezz kemm sewa, stabbilit fil-ħin tal-provvista.”

47.

L-Artikolu 85 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi dan li ġej:

“Rigward l-importazzjoni ta’ merkanzija, l-ammont taxxabbli għandu jkun il-valur għal finijiet doganali, stabbilit skond id-disposizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ.”

48.

L-Artikolu 86(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi dan li ġej:

“L-ammont taxxabbli għandu jinkludi l-fatturi li ġejjin, sakemm mhux diġà inklużi:

(a)

taxxi, dazji, imposti u piżijiet oħrajn dovuti barra mill-Istat Membru ta’ l-importazzjoni, u dawk dovuti minħabba fl-importazzjoni, minbarra l-VAT li għandha tkun imposta;

(b)

spejjeż inċidentali, bħal kummissjoni, ippakkjar, trasport u spejjeż ta’ assigurazzjoni, li jkunu tħallsu sa l-ewwel post ta’ destinazzjoni fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni kif ukoll dawk li jirriżultaw mit-trasport lejn post ieħor ta’ destinazzjoni fil-Komunità, jekk dak il-post l-ieħor hu magħruf meta jseħħ l-avveniment li jagħti lok għal ħlas.”

49.

L-Artikolu 87 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“L-ammont taxxabbli m’għandux jinkludi l-fatturi li ġejjin:

(a)

tnaqqis fil-prezzijiet bħala skont għal pagament kmieni;

(b)

roħs fil-prezzijiet u tnaqqis mogħti lill-konsumatur u akkiwstat minnu fiż-żmien ta’ l-importazzjoni.”

50.

Skont l-Artikolu 138 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni ’l barra mit-territroju tagħhom iżda fil-Komunità, jew mill-bejjiegħ jew f’ismu jew il-persuna li tkun qed takkwista l-merkanzija, għal persuna taxxabbli oħra, jew għal persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi bħala tali fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn bdiet tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.

2.   Flimkien mal-provvista ta’ merkanzija msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(c)

il-provvista ta’ merkanzija, li tikkonsisti fit-trasferiment lejn Stat Membru ieħor, li kien ikun intitolat għal eżenzjoni skond il-paragrafu 1 u l-punti (a) u (b) kieku din kienet saret f’isem persuna taxxabbli oħra.”

51.

L-Artikolu 143 ta’ din id-direttiva msemmija jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(d)

l-importazzjoni ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minn territorju terz jew pajjiż terz u importata fi Stat Membru li ma jkunx dak li fih tkun waslet il-merkanzija mibgħuta jew ittrasportata, fejn il-provvista ta’ merkanzija ta’ dan it-tip mill-importatur innominat jew rikonoxxut skond l-Artikolu 201 bħala obbligat li jħallas il-VAT hu eżenti skond l-Artikolu 138;

[…]

2.   L-eżenzjoni prevista f’punt (d) tal-paragrafu 1 għandha tapplika f’każijiet meta l-importazzjoni ta’ merkanzija tkun segwita mill-provvista ta’ merkanzija eżentata skont l-Artikolu 138(1) u (2)(c) biss jekk fil-mument tal-importazzjoni l-importatur ikun ipprovda lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-importazzjoni għall-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu maħruġ fl-Istat Membru tal-importazzjoni jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tar-rappreżentant tat-taxxa tiegħu, responsabbli għall-ħlas tal-VAT, maħruġ fl-Istat Membru tal-importazzjoni;

(b)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent, li għalih il-merkanzija tiġi pprovduta skont l-Artikolu 138(1), maħruġ fi Stat Membru ieħor, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tiegħu stess maħruġ fl-Istat Membru fejn jispiċċa d-dispaċċ jew it-trasport tal-merkanzija meta l-merkanzija tkun soġġetta għal trasferiment skont l-Artikolu 138(2)(c);

(c)

ix-xhieda li l-merkanzija importata hi intenzjonata li tinġarr jew tintbagħat mill-Istat Membru tal-importazzjoni lejn Stat Membru ieħor.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-prova msemmija fil-punt (c) għandha tingħata biss fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti.”

III. Il-fatti u l-proċedura prekontenzjuża

A. Il-fatti li wasslu għall-kawża

52.

Mill‑1 ta’ Jannar 2005, l-Unjoni Ewropea neħħiet il-kwoti kollha applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u tal-ħwejjeġ li joriġinaw f’pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, inkluża ċ-Ċina.

53.

Fl‑20 ta’ April 2007 l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) bagħat lill-Istati Membri messaġġ ta’ assistenza reċiproka 2007/015 sabiex jinformahom bir-riskju ta’ sottovalutazzjoni ta’ prodotti tessili u ta’ żraben importati miċ-Ċina.

54.

Permezz ta’ dan il-messaġġ, l-OLAF stieden lill-Istati Membri kollha, minn naħa, biex janalizzaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben, b’mod partikolari miċ-Ċina sabiex jidentifikaw kwalunkwe sinjal ta’ importazzjonijiet issottovalutati u, min-naħa l-oħra, sabiex iwettqu kontrolli xierqa matul l-isdoganament għal importazzjonijiet bħal dawn.

55.

Sussegwentement, sabiex jgħin lill-Istati Membri jikxfu kunsinni ssottovalutati ta’ prodotti tessili u ta’ żraben, l-OLAF, f’kooperazzjoni maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“JRC”), żviluppa għodda ta’ evalwazzjoni tar-riskju bbażata fuq data fil-livell tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija tal-OLAF”). Din l-għodda tikkonsisti, l-ewwel nett, fil-kalkolu ta’ prezz medju kkorreġut għal kwalunkwe prodott tessili u żraben importat miċ-Ċina u li jaqa’ taħt il-Kapitoli 61 sa 64 tan-Nomenklatura Magħquda tat-tariffa doganali ( 19 ). Il-prezzijiet medji kkorreġuti huma kkalkolati fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodotti kkonċernati ġejjin miċ-Ċina meħuda mid-database statistika Comext, database ta’ riferiment għall-kummerċ internazzjonali ġestita mill-Eurostat, għal perijodu ta’ 48 xahar. Dawn il-prezzijiet jesprimu valur għal kull kilogramma għal kull 495 kodiċi ta’ prodotti bi tmien ċifri tan-Nomenklatura Magħquda kkonċernata, filwaqt li jispeċifikaw il-pajjiż tal-oriġini u l-pajjiż tad-destinazzjoni fl-Unjoni. Imbagħad tiġi kkalkolata medja għall-Unjoni kollha (il-prezzijiet medji kkorreġuti għall-Unjoni‑28) fuq il-bażi tal-medja aritmetika (medja mhux ponderata) tal-prezzijiet medji kkorreġuti tat-28 Stat Membru ( 20 ). Għall-kalkolu ta’ dawn il-medji, il-valuri estremi, jiġifieri valuri għoljin jew baxxi b’mod anormali, huma esklużi, u huwa għalhekk li l-prezz medju jingħad li huwa “kkorreġut”. Fl-aħħar nett, valur li jikkorrispondi għal 50 % tal-prezz medju kkorreġut huwa kkalkolat u jikkostitwixxi l-“prezz minimu aċċettabbli”, espress ukoll fi prezz għal kull kilogramma, li jintuża bħala limitu li jippermetti lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jikxfu valuri partikolarment baxxi ddikjarati mal-importazzjonijiet u għalhekk l-importazzjonijiet b’riskju għoli.

56.

Il-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM/2009/001, mibgħut mill-OLAF fit‑23 ta’ Jannar 2009, relatat mal-Operazzjoni “Argus”, operazzjoni li damet sitt xhur li fiha l-OLAF kien intrabat li jissorvelja t-traffiku ta’ prodotti tessili u ta’ żraben li joriġinaw minn pajjiżi terzi differenti iżda prinċipalment mill-Asja, u li jittrażmetti kull xahar lill-Istati Membri lista ta’ importazzjonijiet mix-xahar ta’ qabel identifikati bħala li jinsabu f’riskju f’termini ta’ valur doganali. Permezz ta’ dan il-messaġġ, l-OLAF talab lill-Istati Membri biex jinnotifikawh, f’terminu ta’ erba’ xhur, bl-implimentazzjoni ta’ filtri ta’ riskju, biex jidentifikaw kunsinni ta’ riskju għoli u biex iwettqu kontrolli wara l-isdoganament fuq il-bażi tal-komunikazzjonijiet tiegħu.

57.

Fl-2011, matul l-hekk imsejħa azzjoni ta’ kontroll ta’ prijorità “Discount” (iktar ’il quddiem l-“ACP Discount”), ikkoordinata mid-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali tal-Kummissjoni u li fiha pparteċipaw l-Istati Membri kollha, fosthom ir-Renju Unit, kienu ġew applikati l-prezzijiet minimi aċċettabbli, sabiex jiġu skoperti u kkontrollati l-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina b’valur doganali baxx b’mod li jagħmluhom suspettużi.

58.

Fl-2014, l-OLAF ikkoordina l-operazzjoni doganali konġunta msejħa “Snake” li l-fażi operattiva tagħha seħħet bejn is‑17 ta’ Frar u s‑17 ta’ Marzu 2014 u li fiha pparteċipaw l-Istati Membri kollha kif ukoll l-awtoritajiet doganali Ċiniżi. L-involviment ta’ dawn tal-aħħar kien immirat sabiex jinkisbu dikjarazzjonijiet ta’ esportazzjoni sabiex tkun tista’ ssir il-verifika tal-valur ta’ importazzjoni ddikjarat mal-importazzjoni fl-Unjoni tal-prodotti kkonċernati. Fir-rapport finali tal-Operazzjoni Snake, l-Istati Membri kienu ġew mistiedna jkomplu jużaw profili tar-riskju bbażati fuq il-prezzijiet minimi aċċettabbli kif applikati matul din l-operazzjoni.

59.

Wara l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fil-kuntest ta’ din l-operazzjoni fuq il-bażi tal-profili ta’ riskju msemmija, huma kkonstataw dazji doganali addizzjonali għal 24 operatur fir-rigward tal-importazzjonijiet tagħhom matul perijodu ta’ tliet snin bejn Novembru 2011 u Novembru 2014.

60.

Matul il-missjoni ta’ spezzjoni 14‑11‑1, imwettqa fir-Renju Unit bejn is-27 u l‑31 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni eżaminat formoli ta’ informazzjoni fuq ir-riskju, notifiki ta’ assistenza reċiproka u 24 operazzjoni ta’ importazzjoni magħżula b’mod każwali, li 23 minnhom kienu ddaħħlu fil-kontabbiltà B.

61.

Bejn Novembru 2014 u Frar 2015, l-awtoritajiet tar-Renju Unit kkomunikaw l-avviżi ta’ ħlas tal-ammonti msemmija lill-operaturi inkwistjoni billi ħarġu 24 ordni ta’ rkupru a posteriori, imsejħa “avviżi ta’ ħlas C18” (iktar ’il quddiem “avviżi ta’ ħlas C18 Snake”), li sussegwentement ġew annullati.

62.

Fis‑16 ta’ Jannar 2015, l-OLAF fetaħ investigazzjoni speċifikament immirata lejn ċerti Stati Membri, inkluż ir-Renju Unit, u li tkopri perijodu li jibda fl-2013.

63.

Bejn l-2013 u l-2016, l-Operazzjoni “Badminton” kienet tmexxiet minn Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“HMRC”) u l-Pulizija tal-Fruntiera tar-Renju Unit. Din l-operazzjoni, li prinċipalment kienet tikkonċerna frodi tal-VAT, kienet il-qafas ta’ investigazzjoni kriminali inizjali mmirata lejn erba’ operaturi kbar li jimportaw il-prodotti kkonċernati li joriġinaw miċ-Ċina taħt il-“proċedura doganali 42”, jiġifieri l-proċedura li fil-qafas tagħha jitħallsu dazji doganali fuq l-importazzjoni iżda fejn il-VAT trid titħallas sussegwentement fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem “il-proċedura doganali 42”) ( 21 ).

64.

Bejn Frar 2015 u Lulju 2016, ir-Renju Unit ipparteċipa f’għaxar laqgħat organizzati mill-OLAF, iddedikati għas-sottovalutazzjoni ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina.

65.

Fid‑19 u l‑20 ta’ Frar 2015, l-OLAF organizza l-ewwel laqgħa bilaterali ma’ HMRC sabiex jiddiskuti s-segwitu tal-Operazzjoni Snake u l-użu tal-prezzijiet medji kkorreġuti bħala indikaturi ta’ riskju ta’ sottovalutazzjoni doganali. Matul din il-laqgħa, l-OLAF innota li l-volum ta’ importazzjonijiet li jistgħu jiġu ssottovalutati b’mod frawdolenti ma kienx naqas u li l-istatistika wriet li r-Renju Unit kien qiegħed jattira iktar traffiku frawdolenti bħala riżultat tal-miżuri meħuda minn Stati Membri oħra. Min-naħa tagħhom, HMRC indikaw li kienu qegħdin jikkunsidraw li jibagħtu ordnijiet ta’ rkupru tal-VAT u tad-dazji doganali elużi lil impriżi li kienu ġew identifikati matul l-Operazzjoni Snake u wara l-analiżijiet tagħhom stess u dan għal ammont totali ta’ iktar minn 800 miljun lira sterlina (GBP).

66.

Ir-Renju Unit tenna l-intenzjoni tiegħu li jwettaq dan l-irkupru waqt il-laqgħa ad hoc tal-25 u s-26 ta’ Frar 2015 dwar il-“frodi ta’ sottovalutazzjoni”, laqgħa organizzata mill-OLAF u li għaliha attendew l-awtoritajiet tal-Istati Membri. Matul din il-laqgħa, l-OLAF “irrakkomanda bil-qawwa”, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jużaw filtri ta’ riskju xierqa sabiex jidentifikaw kunsinni potenzjalment issottovalutati, li jeħtieġu garanziji għal kunsinni identifikati bħala ssuspettati u li jwettqu investigazzjonijiet sabiex jistabbilixxu l-valur doganali. L-OLAF iddeskriva wkoll it-telf potenzjali tar-riżorsi proprji tradizzjonali fil-livell tal-Unjoni minħabba importazzjonijiet li x’aktarx ikunu ssottovalutati, b’mod partikolari fir-rigward tal-importazzjonijiet fir-Renju Unit ( 22 ).

67.

Fis-16 ta’ Ġunju 2015, l-OLAF bagħat messaġġ ta’ assistenza reċiproka 2015/013 fejn talab lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni kollha meħtieġa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni quddiem ir-riskju ta’ importazzjonijiet issottovalutati ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina.

68.

F’Mejju 2015, ir-Renju Unit nieda l-operazzjoni msejħa “Breach” sabiex tiġġieled il-frodi ta’ sottovalutazzjoni. Wieħed mill-iskopijiet ta’ din l-operazzjoni kien, skont ir-Renju Unit, li jiġi ddeterminat, wara l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas ta’ 24 avviż ta’ ħlas C18 Snake, il-valur doganali tal-merkanzija ssottovalutata mikxufa waqt l-Operazzjoni Snake u li jintalbu l-ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali evażi. Din l-operazzjoni tinvolvi, b’mod partikolari, kontrolli minn qabel u żjarat a posteriori b’konnessjoni ma’ kunsinni suspettużi, analiżijiet dokumentali, verifiki u spezzjonijiet, l-eżami tan-natura kummerċjali tal-bejgħ ikkonċernat u l-eżami tar-rabtiet bejn l-importatur, l-ispedituri u negozji oħra, kif ukoll attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-importaturi sabiex tiġi identifikata attività frawdolenti. Saru wkoll madwar 30 spezzjoni minn qabel u ttieħdu kampjuni. Inħarġu diversi avviżi ta’ ħlas C18. Fis-seduta, ir-Renju Unit qal li l-miżuri adottati fl-ambitu ta’ din l-operazzjoni kienu għadhom għaddejjin.

69.

Fit‑28 ta’ Lulju 2015, l-OLAF organizza t-tieni laqgħa bilaterali ma’ HMRC. B’mod partikolari, dawn tal-aħħar indikaw li kienu qegħdin ikomplu jsegwu l-proċedura ta’ rkupru ta’ iktar minn GBP 800 miljun, fejn applikabbli permezz ta’ proċeduri legali, u li kienu fformaw grupp ta’ azzjoni multidixxiplinari fil-qafas tal-operazzjoni Breach intiż sabiex jeżamina s-sitwazzjoni tal-importaturi involuti fi traffiku frawdolenti. Madankollu, skont HMRC, l-użu ta’ indikaturi ta’ riskju bbażati fuq prezzijiet medji jkun kontroproduttiv u sproporzjonat meta wieħed iqis il-volum ta’ importazzjonijiet lejn ir-Renju Unit.

70.

Fit‑3 ta’ Frar 2016, l-OLAF organizza t-tielet laqgħa bilaterali ma’ HMRC, li fiha dawn tal-aħħar qalu li r-Renju Unit kien ikkontrolla s-sittax‑il impriża kkonċernati fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake. L-OLAF reġa’ rrakkomanda li HMRC jużaw indikaturi ta’ riskju fil-livell tal-Unjoni kollha bbażati fuq il-prezz minimu aċċettabbli. Huwa enfasizza l-perċentwali għoli ta’ importazzjonijiet lejn ir-Renju Unit meqjusa bħala li huma ssottovalutati u li kkawżaw telf sinjifikattiv fir-rigward tad-dazji doganali.

71.

Fit-22 u t-23 ta’ Marzu 2016, l-OLAF organizza r-raba’ laqgħa bilaterali ma’ HMRC. Huwa afferma mill-ġdid l-utilità li jiġu implimentati l-indikaturi ta’ riskju fil-livell tal-Unjoni bħala miżura preventiva għall-importazzjoni u ppropona mezzi prattiċi għall-implimentazzjoni gradwali tagħhom mill-awtoritajiet tar-Renju Unit. L-OLAF reġa’ evalwa s-sitwazzjoni ta’ dak iż-żmien, u wera li t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali fir-Renju Unit kien qiegħed jintensifika, l-iktar minħabba l-abbuż fl-użu tal-proċedura doganali 42.

72.

F’Lulju 2016, f’laqgħa bilaterali, l-OLAF ippreżenta rapport li juri li t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali kien qiegħed jiżdied fir-Renju Unit.

73.

Fit‑18 u d‑19 ta’ Settembru 2016, f’laqgħa multilaterali, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw ir-riżultati tal-hekk imsejħa operazzjoni “Octopus”, operazzjoni mmexxija minn dawn l-awtoritajiet bil-parteċipazzjoni ta’ għaxar Stati Membri (fosthom ir-Renju Unit) u bl-appoġġ tal-OLAF. Mir-rapport finali dwar din l-operazzjoni jirriżulta li networks kriminali organizzati kienu wara l-frodi tas-sottovalutazzjoni. Id-destinatarju elenkat fid-dikjarazzjonijiet doganali ta’ importazzjoni kien kważi dejjem operatur inadempjenti jew impriża “phoenix”. Huma kkonkludew ukoll li l-maġġoranza l-kbira tal-merkanzija ttrasportata, ikkontrollata fi Franza fuq il-bażi ta’ kriterji ddefiniti minn qabel, kellha valuri ssottovalutati, iddikjarati b’mod frawdolenti fir-Renju Unit taħt il-proċedura doganali 42.

74.

F’Ottubru 2016, l-awtoritajiet tar-Renju Unit wettqu operazzjoni sperimentali, imsejħa “Samurai”, li kienet immirata lejn importazzjonijiet minn żewġ operaturi, li waqfu mill-operazzjonijiet immedjatament wara li HMRC ikkontestaw d-dikjarazzjonijiet doganali tagħhom.

75.

Fl‑1 ta’ Marzu 2017, l-OLAF għalaq l-investigazzjoni tiegħu dwar is-sottovalutazzjoni tal-importazzjonijiet fir-Renju Unit u ħareġ ir-rapport tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport OLAF”) li qal li importaturi fir-Renju Unit kienu evadew ammonti għoljin ta’ dazji doganali billi ppreżentaw mal-importazzjoni fatturi foloz, fatturi fittizji u dikjarazzjonijiet tal-valur doganali mhux korretti. L-OLAF żvela żieda serja fl-iskala tal-mekkaniżmu ta’ frodi ta’ sottovalutazzjoni li għaddiet mir-Renju Unit bejn l-2013 u l-2016. Dan il-perijodu kkoinċida mal-implimentazzjoni minn Stati Membri oħra ta’ profili ta’ riskju li straħu fuq l-għodda ta’ evalwazzjoni tar-riskji bbażata fuq prezzijiet medji kkorreġuti, kif irrakkomandat mill-OLAF.

76.

Skont dan ir-rapport, matul il-perijodu msemmi, l-importazzjonijiet frawdolenti li għaddew mir-Renju Unit żdiedu b’mod sinjifikattiv, minħabba kontrolli inadegwati. Fl-2016, iktar minn 50 % tal-prodotti tessili u ta’ żraben miċ-Ċina importati fir-Renju Unit kienu ġew iddikjarati taħt il-prezzijiet minimi aċċettabbli, filwaqt li madwar 80 % tat-telf totali tar-riżorsi proprji tradizzjonali kienu attribwibbli għal sottovalutazzjoni ta’ prodotti tessili u ta’ żraben importati fir-Renju Unit.

77.

Ir-rapport OLAF jippreċiża wkoll li gruppi kriminali organizzati li joperaw madwar l-Unjoni kienu wara din il-frodi. Il-biċċa l-kbira mill-importazzjonijiet lejn ir-Renju Unit kienu provvisti intiżi għas-suq iswed tat-tessuti u ta’ żraben fi Stati Membri oħra. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-importazzjonijiet kienu saru billi ġiet abbużata l-proċedura doganali 42 ( 23 ). Għalhekk, l-OLAF ikkunsidra li l-evażjoni tal-VAT dovuta fl-Istati Membri tad-destinazzjoni finali tal-merkanzija, b’mod partikolari l-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja, kienet ukoll sostanzjali. L-OLAF enfasizza li r-Renju Unit ma kienx applika profili ta’ riskju bbażati fuq prezzijiet minimi aċċettabbli, kif kien irrakkomandalu, u ma kienx wettaq kontrolli doganali xierqa mal-importazzjoni, ħlief għal xahar matul l-Operazzjoni Snake ( 24 ).

78.

Bħala riżultat, skont dan ir-rapport, ir-Renju Unit ħareġ għal ċirkulazzjoni libera, mingħajr kontrolli doganali, prodotti tessili u ta’ żraben issottovalutati ġejjin miċ-Ċina, b’mod li parti sostanzjali tad-dazji doganali ma nġabrux u lanqas tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, l-OLAF ikkalkola, fir-rapport tiegħu, it-telf li jirriżulta minn riżorsi proprji tradizzjonali għall-perijodu li għadda bejn l-2013 u l-2016 ( 25 ). B’mod iktar speċifiku, huwa ddetermina, għall-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda ta’ kull prodott ikkonċernat, il-kwantità (f’kg) tal-merkanzija ssottovalutata (meqjusa bħala l-merkanzija ddikjarata b’valur taħt il-prezz minimu aċċettabbli kkonċernat), u d-differenza bejn il-valur iddikjarat u l-prezz medju kkorreġut ikkonċernat (prezz medju kkorreġut għall-Unjoni‑28) tal-prodott ikkonċernat, imbagħad applika r-rata ta’ dazju doganali fis-seħħ għal din id-differenza. F’dan il-kuntest, l-OLAF irrakkomanda lil HMRC jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jirkupraw l-ammont imsemmi u sabiex japplikaw indikaturi ta’ riskju.

79.

Bejn Novembru 2016 u Ottubru 2018, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 608/2014 relatati mal-kontroll u s-superviżjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali, l-uffiċjali awtorizzati tal-Kummissjoni wettqu ħames spezzjonijiet relatati, b’mod partikolari, mas-sottovalutazzjoni.

80.

Matul il-missjoni ta’ spezzjoni 16‑11‑1, li saret bejn l‑14 u t‑18 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni, wara li kkonstatat li l-ammonti ta’ dazji doganali li kienu ġew annullati fil-kontabbiltà B kienu jikkorrispondu mad-djun addizzjonali inizjalment mitluba permezz tal-ħruġ tal‑24 avviż ta’ ħlas C18 Snake relatati mal-importazzjonijiet issottovalutati misjuba fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake iżda sussegwentement irtirati, stiednet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jiddeterminaw il-valur doganali tad-dikjarazzjonijiet kollha tal-importazzjoni kkonċernati, jerġgħu jikkalkolaw id-dazji addizzjonali dovuti fuq dawn il-valuri, idaħħlu d-djun korrispondenti fil-kontabbiltà B u jirkupraw l-ammonti kkonċernati malajr kemm jista’ jkun.

81.

Hija staqsiet wkoll lil dawn l-awtoritajiet jekk applikawx l-għodda tal-prezzijiet medji kkorreġuti żviluppata mill-OLAF sabiex jiġu identifikati importazzjonijiet issottovalutati, jekk wettqux verifiki fiżiċi waqt l-isdoganament u jekk talbux sistematikament il-ħlas ta’ garanzija li tkopri d-dazji li jistgħu jkunu eliġibbli skont l-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

82.

Matul il-missjoni ta’ spezzjoni 17‑11‑1, imwettqa mit‑8 sat‑12 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni għażlet tnax‑il dikjarazzjoni ta’ importazzjoni ppreżentati matul l-ewwel trimestru tal-2017 u li kellhom valuri partikolarment baxxi, sabiex issir verifika fuq il-post. L-eżami kkonferma li t-tnax‑il kunsinna koperti minn dawn id-dikjarazzjonijiet ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni mingħajr kontroll u mingħajr il-kostituzzjoni ta’ garanzija. L-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkonfermaw li ma kinux daħħlu fis-seħħ il-miżuri mitluba mill-OLAF wara l-Operazzjoni Snake fl-2014, u għal darba oħra fir-rapport ta’ spezzjoni 16-11-1. Huma spjegaw li dan kien prinċipalment minħabba l-evalwazzjoni tal-konsulenti legali tagħhom li l-ebda metodu ta’ evalwazzjoni aċċettabbli ma kien disponibbli. Madankollu, l-importazzjonijiet inkwistjoni huma eżaminati mill-grupp ta’ azzjoni stabbilit fil-qafas tal-Operazzjoni Breach.

83.

Matul il-missjoni ta’ spezzjoni 17‑11‑2, li saret bejn it‑13 u s‑17 ta’ Novembru 2017, ħames dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni b’valuri partikolarment baxxi u li jikkonċernaw importaturi diġà identifikati bħala parti mill-Operazzjoni Snake bħala frodisti potenzjali kienu ġew eżaminati minn uffiċjali tal-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ wieħed mill-24 avviż ta’ ħlas C18 Snake li jirriżultaw minn din l-operazzjoni għal ammont totali ta’ GBP 62003 024.23. Madankollu, irriżulta li kien impossibbli li jinstabu d-djun li jikkorrispondu mad-dikjarazzjonijiet differenti ta’ importazzjoni, li, skont HMRC, iġġustifikaw l-annullament ta’ dawn id-djun.

84.

Matul din il-missjoni, l-awtoritajiet tar-Renju Unit informaw lill-uffiċjali tal-Kummissjoni bit-tnedija minn HMRC, mit‑12 ta’ Ottubru 2017, tal-operazzjoni magħrufa bħala “Swift Arrow”. Ir-Renju Unit spjega li l-profili tar-riskju użati f’din l-operazzjoni kienu bbażati mhux fuq il-limiti stabbiliti mill-OLAF iżda fuq il-limiti jew profili ta’ riskju nazzjonali stabbiliti minn HMRC fuq il-bażi biss ta’ importazzjonijiet fir-Renju Unit. Madankollu, dawn il-profili ġew applikati biss għal ċerti operaturi li qabel kienu identifikati bħala attivi f’kummerċ frawdolenti. Il-containers misjuba minn dawn il-profili ta’ riskju huma suġġetti għal kontrolli fiżiċi min-naħa tal-awtoritajiet tar-Renju Unit matul l-isdoganament. Jekk dawn jikkunsidraw li l-valur iddikjarat ma huwiex ġustifikat, huma għandhom jeżiġu ħlas bħala garanzija qabel ma l-merkanzija tiġi rrilaxxata.

85.

Matul il-missjoni ta’ spezzjoni 18‑11‑1, imwettqa bejn is-16 u l‑20 ta’ April 2018, 25 dikjarazzjoni ta’ importazzjoni marbuta mal-perijodu bejn it‑12 ta’ Ottubru 2017, il-bidu tal-operazzjoni msejħa “Swift Arrow”, u l‑31 ta’ Diċembru 2017 kienu ġew spezzjonati mill-uffiċjali tal-Kummissjoni. Kien ġie kkonstatat li sebgħa biss minn 25 dokument b’valur estremament baxx kienu ġew skoperti mill-profil tar-riskju żviluppat minn HMRC u li t-18‑il container l-ieħor kienu ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera mingħajr ma ġie kkontestat il-valur doganali. L-awtoritajiet tar-Renju Unit indikaw li, mit-tnedija tal-Operazzjoni Swift Arrow, il-profil tar-riskju kien ġie aġġustat sabiex jinkludi iktar operaturi, kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) u punti tad-dħul, b’mod li kieku l-importazzjonijiet inkwistjoni saru f’April 2018, il-profil kien isib ħdax‑il dikjarazzjoni addizzjonali.

86.

Barra minn hekk, skont dawn l-awtoritajiet, bosta mill-operaturi magħżula interrompew l-importazzjonijiet tagħhom hekk kif dawn ġew inklużi fil-profili tar-riskju, ġew suġġetti għal kontrolli qabel ir-rilaxx u ntalbu jħallsu garanziji qabel ir-rilaxx tal-merkanzija.

87.

Dawn l-awtoritajiet, madankollu, irrifjutaw li jiżvelaw id-dettalji tal-metodu ta’ kalkolu użat minn HMRC sabiex jiddeterminaw il-garanziji meħtieġa fil-kuntest tal-Operazzjoni Swift Arrow u sabiex jistabbilixxu l-ordnijiet ta’ rkupru a posteriori, jiġifieri l-avviżi ta’ ħlas C18 Snake.

88.

Fix-xahar ta’ Mejju 2018, fil-kuntest tal-Operazzjoni Breach, ir-Renju Unit ħareġ avviżi ta’ ħlas C18 (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ ħlas C18 Breach”), għal ammont totali ta’ GBP 25 miljun għal perijodu li jmur lura għall-2015.

89.

Matul il-missjoni ta’ spezzjoni 18‑11‑2, li saret bejn it‑8 u t‑12 ta’ Ottubru 2018, l-awtoritajiet tar-Renju Unit komplew b’dan ir-rifjut. Min-naħa l-oħra, huma kkonfermaw li kienu kkonstataw, f’April 2018, dazji addizzjonali għal seba’ operaturi, li bosta minnhom kienu diġà fil-mira matul l-Operazzjoni Snake, għal ammont totali ta’ GBP 19434 197.73.

B. Il-proċedura prekontenzjuża

90.

Permezz ta’ ittri tal‑24 ta’ Marzu 2017 u tat‑28 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni staqsiet lir-Renju Unit dwar is-segwitu għar-rapport OLAF. Hija indikat li ma rċeviet l-ebda informazzjoni konkreta addizzjonali mir-Renju Unit u li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li r-Renju Unit kien ħa l-miżuri xierqa sabiex jipprekludi l-frodi ta’ sottovalutazzjoni kkonstatata f’dan ir-rapport. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni kuntrarja, il-Kummissjoni indikat li kienet obbligata titlob lir-Renju Unit jagħmel disponibbli ammont ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jikkorrispondu għat-telf iddeterminat mill-OLAF (wara tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir).

91.

F’waħda mit-tliet ittri tat‑28 ta’ Lulju 2017, hija talbet ukoll li tkun informata bl-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar ir-rapport tal-missjoni ta’ spezzjoni 16‑11‑1, u sostniet it-talba tagħha f’dan ir-rigward li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-evalwazzjoni legali li wasslet għall-annullament tal-24 avviż ta’ ħlas C18 Snake kif ukoll il-lista ta’ dikjarazzjonijiet relatati ma’ kull wieħed mill-24 fajl, inklużi l-kalkoli magħmula sabiex jiġu kkonstatati d-djun doganali.

92.

B’ittri tat-8 ta’ Awwissu 2017 u tat-12 ta’ Ottubru 2017, ir-Renju Unit wieġeb għal dawn il-mistoqsijiet. Rigward, l-ewwel nett, ir-rapport OLAF, ir-Renju Unit irrileva li kienu ttieħdu miżuri sabiex tiġi miġġielda l-problema ta’ sottovalutazzjoni bħat-tnedija tal-Operazzjoni Breach. Id-dritt tal-Unjoni lanqas ma jimponi xi mudell partikolari ta’ kontroll, għalhekk huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi kif l-aħjar japplika l-liġi. Miżuri ta’ kontroll ta’ qabel ir-rilaxx, inkluż it-teħid ta’ garanziji, ma humiex, barra minn hekk, min-natura tagħhom iktar effettivi minn miżuri a posteriori bħal dawk żviluppati mir-Renju Unit. Il-metodoloġija tal-OLAF, peress li hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ data fil-livell tal-Unjoni, la hija robusta u lanqas xierqa għar-Renju Unit. Dan il-mudell huwa suġġett għal kritika, u huwa għalhekk li r-Renju Unit żviluppa l-approċċ tiegħu stess li ma fihx id-difetti fil-metodoloġija tal-OLAF. Imbagħad, fir-rigward tas-segwitu għar-rapport tal-missjoni ta’ spezzjoni 16‑11‑1, ir-Renju Unit indika li r-raġuni għall-annullament tal-24 avviż ta’ ħlas C18 Snake u l-irtirar tal-ammonti mill-kontabbiltà B korrispondenti kienet l-inkapaċità tiegħu li jipprova l-ammont tal-valuri reali tal-merkanzija importata, iżda li grupp ta’ esperti kellu jirrimedja din il-problema bħala parti mill-Operazzjoni Breach. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit tenna li ma setax jikkonforma mat-talba sabiex issir disponibbli l-evalwazzjoni legali ta’ HMRC li wasslet għall-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, filwaqt li semma f’dan ir-rigward raġunijiet ta’ kunfidenzjalità u protezzjoni tas-segretezza professjonali bejn avukat u l-klijent tiegħu.

93.

Fid‑9 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Renju Unit.

94.

Ir-Renju Unit wieġeb għal din l-ittra fit-22 ta’ Ġunju 2018. F’anness għal din l-aħħar ittra, dan l-Istat talab li tintbagħatlu verżjoni sħiħa tar-rapport OLAF, peress li kellu biss verżjoni ta’ dan ir-rapport mhux kompleta, u li l-Kummissjoni tipprovdih bi tweġibiet għal mistoqsijiet iddettaljati dwar il-metodu użat sabiex tikkalkola l-ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali mitluba.

95.

Fl‑24 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju Unit li fiha wieġbet b’mod partikolari għat-talbiet mressqa minn dan l-Istat fl-anness għall-ittra tiegħu tat‑22 ta’ Ġunju 2018 u stabbilixxiet terminu għal risposta ta’ xahrejn.

96.

Fid‑19 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni, billi ma rċevietx risposta mir-Renju Unit għall-opinjoni motivata fit-terminu li kien ingħatalu, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li informat lir-Renju Unit, fit-18 ta’ Diċembru 2018, li kienet ser tieħu din id-deċiżjoni l-għada.

97.

Fid‑9 ta’ Jannar 2019, saret laqgħa teknika bejn l-awtoritajiet tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, li matulha kumpannija ta’ konsulenza ppreżentat il-konklużjonijiet tagħha, li kienu inklużi f’rapport ikkummissjonat mir-Renju Unit.

98.

Fil‑11 ta’ Frar 2019, ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni t-tweġiba tiegħu għall-opinjoni motivata, li tikkonsisti f’nota ta’ kopertura u anness li fih rapport minn kumpannija ta’ konsulenza.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

99.

Fis‑7 ta’ Marzu 2019, billi kkunsidrat li l-argumenti mressqa mir-Renju Unit ma ppermettewx li l-ilmenti magħmula fl-opinjoni motivata jiġu kkonfutati, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

100.

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“intervenjenti”), issottomettew noti ta’ intervent favur ir-Renju Unit f’din il-kawża.

101.

Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2020, ir-Renju Unit ressaq talba għal miżuri istruttorji jew ta’ organizzazzjoni tal-proċedura sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tordna lill-Kummissjoni twieġeb sensiela ta’ mistoqsijiet, li wħud minnhom kienu diġà saru fit-talbiet għall-informazzjoni li r-Renju Unit ressaq lill-Kummissjoni fit‑22 ta’ Ġunju 2018 u fit‑22 ta’ Marzu 2019. Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ April 2019, ir-Renju Unit talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lill-Kummissjoni twieġeb il-mistoqsijiet magħmula fit-talba tat‑22 ta’ Marzu 2019 (iktar ’il quddiem it-“talba għal informazzjoni ddefinita mill-ġdid”) ( 26 ).

102.

Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat mistoqsijiet lill-Kummissjoni u lir-Renju Unit b’talba għal tweġiba bil-miktub. B’atti bil-miktub tas-16 ta’ Novembru 2020, dawn il-partijiet weġbuha.

103.

Saret seduta fit-8 ta’ Diċembru 2020 li matulha ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali, minn naħa, mir-Renju Unit, li insostenn tiegħu intervjenew ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika Portugiża, kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet intalbu jiffokaw is-sottomissjonijiet tagħhom fuq il-kontenut tat-tweġibiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

V. Talbiet tal-partijiet

104.

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li,

billi ma qiesx l-ammonti korretti ta’ dazji doganali u billi ma għamilx disponibbli l-ammont korrett ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u riżorsi proprji [ibbażati fuq il-VAT] relatati ma’ ċerti importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben miċ-Ċina, ir-Renju Unit naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 2014/335, l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni 2007/436, l-Artikoli 2, 6, 9, 10, 12 u 13 tar-Regolament Nru 609/2014, l-Artikoli 2, 6, 9, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1553/89, kif ukoll l-Artikolu 105(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità;

bħala konsegwenza ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 325 u l-Artikolu 310(6) TFUE, tal-Artikoli 3 u 46 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-Artikolu 13 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, tal-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, l-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u l-Artikolu 2(1)(b) u (d), tal-Artikoli 83, 85, 86 u 87, u tal-Artikolu 143(1)(d) u l-paragrafu 2 tad-Direttiva 2006/112;

[It-telf korrispondenti tar-riżorsi proprji tradizzjonali, [li għandhom ikunu] disponibbli għall-baġit tal-Unjoni (bit-tnaqqis tal-ispejjeż tal-ġbir) jammonta għal:

EUR 496025 324.30 EUR fl-2017 (sal-11 ta’ Ottubru 2017 inkluż);

EUR 646809 443.80 EUR fl-2016;

EUR 535290 329.16 fl-2015;

EUR 480098 912.45 fl-2014;

EUR 325230 822.55 fl-2013;

EUR 173404 943.81 fl-2012;

EUR 22777 312.79 fl-2011.] ( 27 )

billi naqas milli jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u billi naqas milli jipprovdi, kif mitlub, il-kontenut tal-evalwazzjoni legali tas-servizz legali ta’ HMRC jew ir-raġunijiet għad-deċiżjoni li wasslu għall-annullament tad-djun doganali stabbiliti, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 2(2) u (3)(d) tar-Regolament Nru 608/2014; u

tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.

105.

Ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara r-rikors totalment jew parzjalment inammissibbli;

sussidjarjament, tikkonstata li

ir-Renju Unit ma naqasx fl-obbligu tiegħu li jiġġieled kontra l-frodi, kemm fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali kif ukoll fir-rigward tal-kooperazzjoni leali;

il-miżuri meħudin mir-Renju Unit ma kellhom l-ebda konsegwenzi għall-baġit tal-Unjoni, u huwa għalhekk li ma jistax jinżamm responsabbli sabiex jikkumpensa lill-Unjoni għall-inqas ammont;

sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata nuqqas partikolari li jirriżulta f’telf għall-Unjoni, tippermetti lir-Renju Unit jevalwa u jiddikjara r-riżorsi proprji tradizzjonali addizzjonali li jirriżultaw mill-konstatazzjoni ta’ responsabbiltà, mingħajr ma tiddetermina hija stess l-ammont ta’ telf ta ’ dawn ir-riżorsi;

iktar sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li taqta’ t-talba dwar telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, teżamina l-evalwazzjoni ta’ dak it-telf magħmula mir-Renju Unit;

iktar sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tapprovax l-għażliet metodoloġiċi tar-Renju Unit, “tagħraf li l-Kummissjoni għandha, fl-evalwazzjoni tagħha tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, tissodisfa l-istandard ta’ prova applikabbli f’azzjonijiet għal danni kontra Stat Membru, ħaġa li ma għamlitx”;

tiċħad l-ilment marbut mar-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT, minħabba nuqqas ta’ bażi legali u ta’ kwantifikazzjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

106.

L-Istati Membri intervenjenti kollha essenzjalment jitolbu li r-rikors jiġi miċħud. Ir-Repubblika Slovakka u r-Repubblika Portugiża jitolbu wkoll li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż kollha.

VI. Fuq ir-rikors

107.

Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, huwa xieraq li jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit fir-risposta tiegħu (Taqsima A). Fil-mertu, dan ir-rimedju huwa artikolat, essenzjalment, fuq erba’ motivi. Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li, matul il-perijodu ta’ ksur, ir-Renju Unit ma ħax miżuri sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u dan in-nuqqas jikkostitwixxi ksur kemm tal-obbligi ġenerali fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-ġlieda kontra frodi kif ukoll tal-obbligu għall-awtoritajiet doganali li jieħdu miżuri sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jwettqu kontrolli fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju u li jeħtieġu l-ħlas ta’ garanziji (Taqsima B). Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju Unit kiser id-dispożizzjonijiet tar-regoli dwar ir-riżorsi proprji, peress li d-dazji doganali fuq merkanzija importata ma ġewx ikkalkolati b’mod korrett u l-ammonti korrispondenti ta’ riżorsi proprji relatati ma’ dawn id-dazji ma kinux ġew stabbiliti jew mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni meta kellhom ikunu disponibbli (Taqsima Ċ). Fit-tielet lok, huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-argument li jallega ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali kif sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE (Taqsima D). Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li, peress li naqas milli jiddetermina b’mod korrett il-valur doganali tal-merkanzija ssottovalutata mal-importazzjoni minħabba n-nuqqas ta’ miżuri ta’ kontroll effettivi, ir-Renju Unit kiser il-leġiżlazzjoni tal-VAT u naqas milli jagħmel ir-riżorsi proprji kollha ġejjin mill-VAT disponibbli għall-baġit tal-Unjoni (Taqsima E).

A. Fuq l-ammissibbiltà

108.

Fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit iqajjem ħames kategoriji ta’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà bbażati, fl-ewwel lok, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u ta’ dik quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tieni lok, tal-irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża u tar-rikors rigward l-inklużjoni tal-VAT taħt il-proċedura doganali 42 ( 28 ), fit-tielet lok, ta’ ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ estoppel u ta’ kooperazzjoni leali, fir-raba’ lok, l-impossibbiltà li jiġi ordnat li jinżammu ammonti abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, u, fil-ħames lok, in-natura prematura tar-rikors fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017.

109.

Il-ħames oġġezzjoni ta’ inammissibbiltà hija intrinsikament marbuta mal-eżami tal-argumenti fil-mertu tat-tieni motiv dwar in-nuqqas li jiġu kkonstatati u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit riżorsi proprji li jikkorrispondu mad-dazji doganali. Għalhekk, l-argument tar-Renju Unit relatat man-natura prematura tal-appell prekoċi fir-rigward tal-perijodu mill‑1 ta’ Mejju 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017 ippreżentat fil-kuntest ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà huwa intiż, fir-realtà, li jqiegħed f’dubju n-nuqqas ilmentat fil-kuntest tat-tieni motiv u li jnaqqas il-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li l-Kummissjoni qiegħda titlob il-konstatazzjoni tagħhom. Għalhekk, nipproponi li l-ħames kategorija ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tiġi analizzata fil-kuntest tal-eżami fil-mertu ta’ dan il-motiv.

110.

Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati, qabelxejn, l-ewwel erba’ kategoriji ta’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikors preżenti ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni huwiex ammissibbli.

1.   Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża tar-Renju Unit matul il-proċedura prekontenzjuża u dik ta’ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

111.

Ir-Renju Unit isostni, essenzjalment, li dan ir-rikors huwa inammissibbli għar-raġuni li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ma ġewx irrispettati la fil-proċedura prekontenzjuża u lanqas fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

112.

B’mod preliminari, minn naħa, għandu jiġi mfakkar li, fir-rigward tal-proċedura prekontenzjuża, jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-iskop ta’ din tal-aħħar huwa li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità kemm sabiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll sabiex jasserixxi b’mod utli l-mezzi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni ( 29 ). Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat FEU mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex tiżgura li l-proċedura kontenzjuża eventwali jkollha bħala l-oġġett tagħha tilwima ddefinita b’mod ċar ( 30 ).

113.

Barra minn hekk, għalkemm l-opinjoni motivata għandu jkun fiha dikjarazzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tkun suġġetta għal rekwiżiti ta’ preċiżjoni stretti bħal dawk li għandha tissodisfa l-opinjoni motivata, billi din tista’ tikkonsisti biss fl-ewwel sommarju qasir tal-ilmenti. Għalhekk xejn ma jimpedixxi lill-Kummissjoni milli tispjega fid-dettall, fl-opinjoni motivata, l-ilmenti li hija diġà tkun resqet b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni ( 31 ).

114.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-proċedura kontenzjuża, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 258 TFUE, dan tal-aħħar għandu jippreżenta l-ilmenti b’mod koerenti u preċiż, sabiex jippermettu lill-Istat Membru u lill-Qorti tal-Ġustizzja jifhmu eżattament il-portata tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni lmentat, li hija kundizzjoni meħtieġa sabiex dan l-Istat ikun jista’ jressaq l-argumenti ta’ difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat ( 32 ). B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkollu dikjarazzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattat ( 33 ).

115.

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni żguratx ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-Renju Unit matul il-proċedura prekontenzjuża u fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

116.

Fl-ewwel lok, ir-Renju Unit isostni ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu peress li l-Kummissjoni ma segwietx biżżejjed la l-ewwel talba tiegħu għal informazzjoni ( 34 ), u lanqas għat-talba ta’ informazzjoni ddefinita mill-ġdid, speċjalment fir-rigward ta’ informazzjoni li hija meħtieġa sabiex dan l-Istat ikun jista’ jirrikostitwixxi l-ammont ta’ riżorsi proprji tradizzjonali mitluba mill-Kummissjoni fit-talba tagħha.

117.

Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju Unit isostni li l-informazzjoni teknika ddettaljata mogħtija mill-Kummissjoni fir-risposta tagħha xorta ma tippermettilux jirrikostitwixxi dan l-ammont. Jibqgħu inċertezzi sinjifikattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkorreġi d-data jew fir-rigward ta’ jekk id-data mhux aggregata disponibbli għar-Renju Unit tikkorrispondix għad-data aggregata ta’ kuljum użata mill-Kummissjoni fil-kalkoli tagħha ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, jiġifieri d-data Sorveljanza 2.

118.

Ir-Renju Unit iqis li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali meta kkomunikatlu tard, jiġifieri fl-istadju tar-replika, parti mill-informazzjoni mitluba. Huwa jikkontesta wkoll ir-rifjut tal-Kummissjoni li tipprovdilu informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri l-oħra sabiex tiġi miġġielda l-frodi ta’ sottovalutazzjoni inkwistjoni. Issa, din l-informazzjoni kienet meħtieġa sabiex jiddefendi lilu nnifsu kontra l-allegazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni li kienu ttieħdu miżuri xierqa fi Stati Membri oħra, li kienu pproduċew riżultati fil-ġlieda kontra l-importazzjonijiet issottovalutati. Din tkun rilevanti wkoll sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri meħuda mir-Renju Unit jaqgħux fil-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu u jikkostitwixxux approċċ raġonevoli għall-ġlieda kontra l-frodi kkonċernata u sabiex jitressqu argumenti dwar ir-rabta kawżali bejn l-imġiba żbaljata tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali.

119.

Fit-tieni lok, ir-Renju Unit jilmenta li l-Kummissjoni kkompromettiet il-kapaċità tiegħu li jkollu aċċess għad-data kollha meħtieġa għad-difiża tiegħu, peress li naqset milli tipprovdi lil dan l-Istat bl-informazzjoni meħtieġa dwar il-kalkoli tagħha relatati mar-riżorsi proprji tradizzjonali għall-perijodu bejn l-2011 u l-2014.

120.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

121.

F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ tweġiba għat-talba għal informazzjoni, li kienet mehmuża mar-risposta għall-ittra ta’ intimazzjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2018, għandu jiġi nnotat li, fl-opinjoni motivata tagħha tat‑23 ta’ Settembru 2018 ( 35 ), il-Kummissjoni wieġbet espressament għal din it-talba.

122.

B’mod iktar partikolari, fit-tweġiba tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni, dan l-Istat Membru lmenta mal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-Anness 2 tar-rapport OLAF tal‑1 ta’ Marzu 2017 ma kienx komplet u li bosta paġni kienu neqsin. F’dan ir-rigward, f’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni spjegat li dan l-anness kien ġie ssostitwit bl-Anness 7 tar-rapport OLAF tal‑1 ta’ Marzu 2017, li kien fih l-informazzjoni kollha dwar il-metodoloġija użata mill-OLAF. Hija żiedet tgħid li l-Anness 2 kien ibbażat fuq id-dokumenti mqassma lil dan l-Istat waqt il-laqgħa tat-28 ta’ Lulju 2015 bejn l-OLAF u r-Renju Unit. Għalhekk, il-metodoloġija tal-OLAF kienet ġiet spjegata mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha fil-forma ta’ żewġ dokumenti mehmuża bħala l-Anness 7 mar-rapport OLAF ( 36 ) billi dawn id-dokumenti kienu ġew mehmuża wkoll mar-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

123.

Minn dan isegwi li l-opinjoni motivata fiha spjegazzjonijiet sħaħ dwar din is-sostituzzjoni, li fil-fehma tiegħi ma hijiex ta’ natura li tirrendi inkomprensibbli l-allegazzjonijiet magħmula kontra r-Renju Unit fl-opinjoni motivata. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-eżerċizzju minn dan l-Istat tad-drittijiet tad-difiża tiegħu ġie mfixkel.

124.

Barra minn hekk, ir-Renju Unit isostni li d-drittijiet tad-difiża tiegħu nkisru peress li l-Kummissjoni ma rrispondietx għat-talba għal informazzjoni ddefinita mill-ġdid tagħha, indirizzata lill-Kummissjoni wara t-tressiq ta’ dan ir-rikors, jiġifieri s-7 ta’ Marzu 2019. Din l-allegazzjoni hija artikolata, essenzjalment, f’erba’ lmenti.

a)   Fuq il-komunikazzjoni ta’ data relatata mal-kalkoli dwar il-prezz medju kkorreġut, il-prezz minimu aċċettabbli u t-telf stmat tar-riżorsi proprji

125.

Permezz ta’ dan l-ewwel ilment, ir-Renju Unit jilmenta li l-Kummissjoni ma pprovditlux id-data użata għall-kalkoli dwar il-prezz medju kkorreġut, il-prezz minimu aċċettabbli u t-telf stmat tar-riżorsi proprji, u lanqas il-mezzi sabiex jifhem kif hija użat din id-data.

126.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tipprovdi tweġiba għall-mistoqsijiet li jidhru fit-talba għal informazzjoni ddefinita mill-ġdid relatata mal-kalkolu tal-prezz medju kkorreġut u l-prezzijiet minimi aċċettabbli kif ukoll stimi ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. B’mod partikolari, hija tispjega li r-Renju Unit dejjem kellu aċċess sħiħ għad-data użata, partikolarment it-tniżżil “DL 53”, sabiex jikkostitwixxi l-prezz medju kkorreġut għall-Unjoni‑28 u l-istimi tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali permezz tas-sit Theseus tal-JRC ( 37 ), billi dan l-Istat Membru għandu aċċess sħiħ għal dan is-sit sa mill-2010, sa fejn wettaq simulazzjonijiet fuq il-bażi tagħhom ( 38 ). B’mod iktar speċifiku, ir-rapporti li jidhru fl-Anness 7 tar-rapport OLAF ( 39 ), fl-ewwel lok, jispjegaw il-metodoloġija għall-kalkolu tal-prezz medju kkorreġut u tal-prezz minimu aċċettabbli, u, b’mod partikolari, it-“tindif” tad-data, kif ukoll l-istima tat-telf (jiġifieri d-differenza fil-prezz bejn il-prezz iddikjarat u l-prezz medju kkorreġut), fit-tieni lok, jipprovdu l-lista tal-prezzijiet medji kkorreġuti użati għal kull kategorija ta’ prodotti, fit-tielet lok, jagħtu ħarsa ġenerali lejn il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-aċċess għall-prezz medju kkorreġut għall-Unjoni-28 fuq is-sit Theseus taċ-JRC, u, fir-raba’ lok, juru r-raġunijiet wara l-għażla li jiġi stabbilit il-prezz minimu aċċettabbli fil-livell ta’ 50 % fir-rigward tal-prezz medju kkorreġut. L-Anness 7 tar-rapport OLAF kien ukoll mehmuż mal-Anness 35 tar-rikors ( 40 ), u l-Kummissjoni rreferiet għalih fl-opinjoni motivata. Għaldaqstant, jidher li din id-data u dawn id-dokumenti kienu magħrufa mir-Renju Unit u setgħu jippermettulu, jekk meħtieġ, li jirriproduċi l-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, fir-rigward tal-volumi ta’ merkanzija sabiex jiġi stmat it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, ir-Renju Unit talab kopja tad-database Sorveljanza 2 kollha użata sabiex ikun jista’ jikkalkola dan it-telf hu stess. F’dan ir-rigward, kif ġie spjegat mill-Kummissjoni, din hija database li żviluppat din l-istituzzjoni, li tiġbor flimkien data li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-volum ipprovdut mill-Istati Membri nnifishom. Għalhekk, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni spjegat li din id-data kienet ibbażata esklużivament fuq data tal-importazzjoni trażmessa mir-Renju Unit lis-servizzi tal-Kummissjoni u sempliċement irreġistrata f’din id-database ( 41 ).

127.

Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju Unit jammetti li l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni fir-replika għamlitha possibbli li jiġu ssodisfatti ż-żewġ talbiet għal informazzjoni. Madankollu, huwa jikkritika l-komunikazzjoni tardiva tagħha. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet esposti fil-punt preċedenti, għandu jiġi nnotat li l-mod li bih il-Kummissjoni kkalkolat il-prezz medju kkorreġut u l-prezz minimu aċċettabbli u dak użat sabiex tistma t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali ġew trażmessi lir-Renju Unit (u, għalhekk, huwa magħruf minnu), kif jidher mill-ispjegazzjonijiet fl-Anness 7 tar-rapport OLAF. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni dwar ir-risposta tikkostitwixxi informazzjoni ġdida.

128.

Għaldaqstant, peress li d-data użata mill-Kummissjoni kienet ta’ dokumenti aċċessibbli għar-Renju Unit, sa fejn hija spjegat, qabel u matul il-kawża preżenti, il-mod li bih dan l-Istat Membru seta’ jkollu aċċess għal din id-data u jirrikostitwixxi l-kalkoli li għamlet, għandu jiġi kkunsidrat li l-informazzjoni kollha mitluba mir-Renju Unit fit-talba għal informazzjoni ddefinita mill-ġdid tiegħu dwar il-prezzijiet medji kkorreġuti għall-Unjoni-28, tal-prezzijiet minimi aċċettabbli u tat-telf ta’ riżorsi proprji kienu diġà aċċessibbli għalih.

b)   Fuq l-informazzjoni relatata mal-kalkoli magħmula għas-snin 2011 sa 2014 fuq il-bażi tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake

129.

Permezz tat-tieni lment, ir-Renju Unit jilmenta fil-konfront tal-Kummissjoni, fir-risposta tiegħu, li ma setax jaċċedi għad-data kollha meħtieġa għad-difiża tiegħu billi d-dikjarazzjonijiet doganali ta’ qabel l-2014 kienu nqerdu, sa fejn dawn jinżammu biss għal erba’ snin. Barra minn hekk, bit-talba għal informazzjoni ddefinita mill-ġdid tiegħu, ir-Renju Unit talab informazzjoni relatata mal-kalkoli mwettqa għas-snin 2011 sa 2014 mill-Kummissjoni.

130.

Issa, għandu jiġi rrilevat li, bħala anness mal-kontroreplika tiegħu ( 42 ), ir-Renju Unit ipprovda lill-Qorti tal-Ġustizzja b’tabella bit-23 avviż ta’ ħlas C18 Snake li ħareġ, kopji ta’ dawn l-avviżi u spreadsheets li fihom il-kalkoli li uża. Għalhekk, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma dwar l-informazzjoni relatata mal-kalkoli magħmula għas-snin 2011 sa 2014 fuq il-bażi tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake ma tistax tirnexxi. Barra minn hekk, sa fejn ir-Renju Unit jipprova jikkontesta l-validità tal-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ dawn l-avviżi ta’ ħlas, huwa jfittex, fir-realtà, li jpoġġi fid-dubju l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali relatati ma’ dan il-perijodu. Madankollu, kontestazzjoni bħal din sejra tiġi eżaminata fil-kuntest tat-tieni motiv f’dan ir-rikors dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dispożizzjonijiet relatati mar-riżorsi proprji tradizzjonali u mal-istima tagħhom.

c)   Fuq l-għarfien tal-prattiki ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-użu tal-metodoloġija tal-OLAF

131.

Permezz ta’ dan it-tielet ilment, ir-Renju Unit jixtieq ikun jaf il-prattiki tal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-użu tal-metodoloġija tal-OLAF bħala għodda ta’ analiżi tar-riskju, bil-ħsieb li jitwettqu (jew le) kontrolli qabel l-isdoganament.

132.

F’dan ir-rigward, għalkemm analiżi komparattiva tal-imġiba ta’ Stati Membri oħra tista’ tkun ta’ interess sabiex tiġi stabbilita l-allegata raġonevolezza tal-għażliet li għamel ir-Renju Unit, analiżi tal-prattiki ta’ Stati Membri oħra f’dan il-qasam ma jista’ jkollha l-ebda impatt fuq l-eżerċizzju mir-Renju Unit tad-drittijiet tad-difiża tiegħu u lanqas fuq l-eżitu ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li Stat Membru ma jistax jiġġustifika n-nuqqas li jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt it-Trattat FEU bil-fatt li Stati Membri oħra naqsu u qegħdin jonqsu wkoll milli jwettqu l-obbligi tagħhom ( 43 ). L-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors kontra r-Renju Unit ma tistax tiġi kkontestata anki jekk il-prattiki tal-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-użu tal-metodoloġija tal-OLAF, bħala għodda ta’ analiżi tar-riskju, bil-ħsieb tat-twettiq [jew le] ta’ kontrolli qabel l-isdoganament, jirriżultaw li huma differenti.

d)   Fuq it-talba għal provi dwar in-natura tal-merkanzija ssottovalutata u dwar l-Istat Membru tad-destinazzjoni tagħha

133.

Permezz tar-raba’ lment, ir-Renju Unit jitlob provi dwar in-natura tal-merkanzija ssottovalutata u dwar l-Istat Membru tad-destinazzjoni tagħha.

134.

F’dan ir-rigward, jidher li, b’dan l-ilment, ir-Renju Unit jipprova, fil-fatt, jikkontesta l-fondatezza tat-tieni u t-tielet motivi relatati, rispettivament, mal-istima tar-riżorsi proprji u mal-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT. Fil-fatt, dan l-ilment jikkonsisti, fir-realtà, f’li titqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura tal-merkanzija kkunsidrata għal dawn l-istimi u d-destinazzjoni eventwali tagħha. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, huwa xieraq li jiġu approvati l-argumentazzjoni tal-Kummissjoni li, sabiex tiċħad l-ilment intitolat ta’ nuqqas ta’ data dwar in-natura u l-volum tal-merkanzija meqjusa għall-finijiet ta’ din il-proċedura, issostni li r-Renju Unit innifsu daħħal l-informazzjoni fid-database Sorveljanza 2, li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha fl-opinjoni motivata tagħha u fir-rikors tagħha ( 44 ). Għalhekk, ma tista’ tiġi kkonstatata l-ebda ksur tad-drittijiet tad-difiża relatat man-nuqqas ta’ informazzjoni fuq in-natura tal-merkanzija u fuq l-Istat Membru tad-destinazzjoni tagħha.

135.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit, ibbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża matul il-proċedura prekontenzjuża kif ukoll matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tiġi miċħuda.

2.   Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża u tar-rikors fir-rigward b’mod partikolari tal-proċedura doganali 42

136.

Ir-Renju Unit isostni li meta naqset milli tikkomunikalu, matul il-fażi prekontenzjuża u mbagħad fir-rikors, informazzjoni ddettaljata dwar il-bażi fattwali tal-ksur allegat, b’mod partikolari taħt il-proċedura doganali 42, il-Kummissjoni ma ppermettitlux jifhem dawn l-ilmenti u b’hekk ma ħallitux kemm li jikkonforma mal-obbligi tiegħu kif ukoll illi jipprepara d-difiża tiegħu. Huwa jisħaq li ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar l-ammont ta’ telf ta’ riżorsi proprji li jirriżultaw ġejjin mill-VAT, dwar l-identità tal-operaturi kkonċernati u tal-Istati Membri ta’ destinazzjoni kif ukoll dwar il-miżuri meħuda minn dawn tal-aħħar sabiex jirkupraw il-VAT dovuta minn dawn l-operaturi. Huwa jiddeduċi minn dan li l-ilment magħmul taħt dan il-kap huwa inammissibbli.

137.

Madankollu, nosserva, l-ewwel nett, li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tirrigwarda l-konsistenza u s-suffiċjenza tal-fatti u tal-provi pprovduti mill-Kummissjoni insostenn tat-talba tagħha. Issa, jidhirli li elementi bħal dawn għandhom x’jaqsmu iktar mal-eżami tal-fondatezza tan-nuqqas allegat milli mar-regolarità tal-proċedura prekontenzjuża u tar-rikors sussegwenti ( 45 ). Minbarra dan, jidhirli li l-argument ibbażat fuq l-insuffiċjenza tal-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni għandu jiġi eżaminat matul l-analiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-provi ppreżentati mill-Kummissjoni.

138.

Sussegwentement, jekk wieħed jassumi li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta l-klassifikazzjoni bħala eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-informazzjoni kkomunikata waqt id-diskussjonijiet prekontenzjużi u inkluża fir-rikors kienet biżżejjed sabiex ir-Renju Unit jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jiddefendu lilu nnifsu. Fil-fatt, jirriżulta mir-rapport OLAF, li fuqu l-Kummissjoni bbażat ruħha, li d-destinazzjoni finali tal-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet issottovalutati, sa fejn dawn kienu suġġetti għall-proċedura doganali 42 u d-destinazzjoni tagħhom setgħet tiġi ddeterminata, ma kinitx ir-Renju Unit iżda Stati Membri oħrajn, b’riżultat ta’ telf sostanzjali relatat mal-VAT fl-Istati Membri ta’ destinazzjoni tal-oġġetti ( 46 ). L-OLAF rrileva wkoll li, fl-iskema ta’ frodi inkwistjoni, parti kbira mill-oġġetti ġew iddevjati lejn is-suq iswed, b’mod li l-VAT ma tħallset xejn. Dawn l-allegazzjonijiet imbagħad ġew esposti fl-opinjoni motivata u repetuti fir-rikors. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, inqis, kif targumenta l-Kummissjoni fir-replika tagħha, li l-elementi kkomunikati matul il-fażi prekontenzjuża u mbagħad żviluppati fir-rikors ma pprekludewx lir-Renju Unit milli jiddefendi lilu nnifsu kontra l-allegazzjonijiet relatati ma’ dan it-telf.

139.

Għalhekk, nipproponi li t-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit tiġi miċħuda.

3.   Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ estoppel u ta’ kooperazzjoni leali

140.

Ir-Renju Unit iqis li dan ir-rikors, sa fejn ikopri l-perijodu sal-aħħar tax-xahar ta’ Frar 2015, għandu jiġi miċħud għar-raġuni li jikser il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ċertezza legali, ta’ estoppel u ta’ kooperazzjoni leali. Huwa jargumenta li d-dikjarazzjonijiet numerużi magħmula mill-OLAF fl-2014 u l-2015 u fir-rapport tiegħu ta’ Marzu 2017 taw lok għal aspettattivi leġittimi min-naħa tiegħu ( 47 ). Jidher b’mod partikolari mir-rapport OLAF li, fl-ebda ħin qabel it-tmiem tal-fażi operattiva tal-Operazzjoni Snake f’Marzu 2014 ( 48 ), dan l-uffiċċju ma identifika xi nuqqas mir-Renju Unit tal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni. B’mod iktar partikolari, ir-Renju Unit jirreferi għal tliet assigurazzjonijiet speċifiċi allegatament mogħtija mill-Kummissjoni u mill-OLAF matul il-perijodu ta’ ksur, li minnu jirriżulta li huma kkunsidraw, minn naħa, li dan l-Istat ma kienx qiegħed jikser l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, u, min-naħa l-oħra, li l-Istat imsemmi ma kellux jiġi suġġett għal proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għalhekk, il-Kummissjoni ma għandhiex titħalla treġġa’ lura l-pożizzjoni tagħha bbażata fuq dawn it-tliet assigurazzjonijiet.

141.

L-ewwel nett, jidher minn rapport mir-rappreżentanti ta’ dan l-Istat li, waqt laqgħa li saret mal-OLAF fit‑13 ta’ Ġunju 2014, dan tal-aħħar kien “issodisfatt bil-progress li sar mir-Renju Unit, kif ukoll bil-miżuri li kienu diġà ttieħdu sa dik id-data u dawk li kienu previsti”. Dan ipprovda assigurazzjoni inekwivoka li l-OLAF ma kkunsidrax li r-Renju Unit kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jiġġieled il-frodi ( 49 ).

142.

Imbagħad, it-tieni dikjarazzjoni magħmula f’Ottubru 2014 minn uffiċjal tal-Kummissjoni, li informa lir-Renju Unit li l-parteċipazzjoni tiegħu fl-ACP Discount kienet “sodisfaċenti” u li l-azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni “[kienu] ġew implimentati f’waqthom u b’mod effettiv”, tikkostitwixxi assigurazzjoni ċara u inekwivoka li r-Renju Unit ma naqasx fl-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tiegħu f’din l-operazzjoni ( 50 ). Fir-rigward tal-argument kuntrarju tal-Kummissjoni li jgħid li din l-assigurazzjoni kienet relatata ma’ każ wieħed biss li jirriżulta mill-ACP Discount, ir-Renju Unit isostni li l-Kummissjoni ma tistax tqiegħed f’dubju din l-assigurazzjoni għar-raġuni li issa hija tqis li l-kontroll ta’ każ wieħed ma huwiex biżżejjed sabiex din l-assigurazzjoni tiġi sostnuta, filwaqt li tbiddel l-għażla inizjali tagħha li toqgħod fuq każ wieħed biss sabiex isserraħ moħħ ir-Renju Unit.

143.

Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit jirreferi għall-ewwel laqgħa bilaterali tal-OLAF ma’ HMRC, li saret fid-19 u l-20 ta’ Frar 2015, li matulha uffiċjal tal-OLAF iddikjara, skont il-minuti ta’ din il-laqgħa abbozzati mill-uffiċjali Brittaniċi, li, “sa dakinhar” dan l-Istat Membru kien “għamel dak li kellu jagħmel”. Skont ir-Renju Unit, din l-assigurazzjoni tal-aħħar kienet tikkonċerna l-miżuri kollha meħuda minnu sa dakinhar u mhux biss il-kwistjoni tal-ħruġ ta’ avviżi ta’ ħlas C18 Snake.

144.

Il-fatt li l-Kummissjoni issa qiegħda treġġa’ lura dawn it-tliet assigurazzjonijiet imur kontra mhux biss il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi iżda wkoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jista’ jiġi invokat mill-Istati Membri ( 51 ), il-prinċipju ta’ venire contra factum proprium nemini licet kif ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE ( 52 ). Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali jippermettu ċerta flessibbiltà fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tiġi miġġielda l-frodi bħal dik fil-każ preżenti u ma jirrikjedux espressament sistema ta’ kontrolli bbażata fuq filtri ta’ skrinjar u ta’ kontrolli minn qabel, b’tali mod li kien possibbli li l-Kummissjoni u l-OLAF iserrħu moħħ ir-Renju Unit li, sa Frar 2015, is-sistema ta’ kontroll doganali tiegħu kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni.

145.

F’dan ir-rigward, sabiex jiġu eżaminati l-argumenti tar-Renju Unit għandu jiġi mfakkar, qabelxejn, li d-dritt li wieħed jistrieħ fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull parti f’kawża li fir-rigward tagħha l-istituzzjoni tal-Unjoni tat lok għal tamiet fondati minħabba l-assigurazzjonijiet preċiżi li pprovditilha ( 53 ). Għalkemm dan id-dritt huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jagħti drittijiet lill-individwi ( 54 ), il-Qorti tal-Ġustizzja estendiet ukoll l-applikazzjoni tiegħu fir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri ( 55 ).

146.

Madankollu, id-dritt li wieħed joqgħod fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippreżupponi li assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joħorġu minn sorsi awtorizzati u affidabbli, kienu ġew ipprovduti lill-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni. Fil-fatt, dan id-dritt jappartjeni lill-parti fil-kawża li fil-konfront tagħha istituzzjoni, organu jew korp tal-Unjoni, li jagħti lill-parti assigurazzjonijiet preċiżi, joħloq fir-rigward tal-parti tamiet fondati ( 56 ), iktar u iktar peress li, fil-kuntest tal-eżami tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq ksur tal-aspettattivi leġittimi tagħha, imqajma minn Stat Membru, bis-saħħa tal-massima reus in exceptione fit actor, dan tal-aħħar għandu jipprovdi prova ta’ tali ksur ( 57 ).

147.

F’dan il-każ, fil-fehma tiegħi, jirriżulta mill-proċess li r-Renju Unit ma rċieva min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-OLAF l-ebda assigurazzjoni li minnha seta’ jislet aspettattiva leġittima.

148.

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tat-tliet affermazzjonijiet li jirreferi għalihom ir-Renju Unit, jidhirli li l-ebda waħda minnhom ma tikkostitwixxi affermazzjoni preċiża u mingħajr kundizzjonijiet li l-azzjonijiet u n-nuqqas ta’ azzjoni tar-Renju Unit kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni jew li dan l-Istat ma kisirx id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, minn naħa, id-dikjarazzjoni allegata mill-uffiċjal tal-OLAF, waqt laqgħa li saret fit‑13 ta’ Ġunju 2014 ( 58 ), hija ġenerali wisq sabiex tkun tista’ tistabbilixxi aspettattiva leġittima dwar l-assenza ta’ possibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, din id-dikjarazzjoni għandha tiġi analizzata fil-kuntest tagħha, minn fejn jirriżulta li kienet saret fl-ambitu ta’ laqgħa bejn l-OLAF u r-Renju Unit dwar l-Operazzjoni Snake u, b’mod partikolari, ta’ diskussjoni dwar il-ħruġ eventwali minn dan l-Istat tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake. Madankollu, huwa stabbilit li r-Renju Unit kien irtirahom wara l-laqgħa, b’mod li din id-dikjarazzjoni, li tieħu nota tal-progress allegatament magħmul minn dan l-Istat, tilfet ħafna mill-valur tagħha. L-istess jgħodd għall-osservazzjonijiet magħmula mill-OLAF fil-laqgħa tad‑19 u l‑20 ta’ Frar 2015, li bdew mill-premessa li r-Renju Unit kien ħareġ dawn l-avviżi ta’ ħlas ( 59 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-osservazzjoni, magħmula f’Ottubru 2014, skont liema l-OLAF ikkunsidra li l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-ACP Discount kienet sodisfaċenti u li l-azzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din l-operazzjoni “ġew implimentati b’mod opportun u effiċjenti” ( 60 ), għandu jiġi nnotat li din ma tikkostitwixxix evalwazzjoni fir-rigward tal-konformità mad-dritt tal-Unjoni minn dan l-Istat f’termini tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, billi kienet tikkonċerna biss każ wieħed maħruġ mill-ACP Discount u mhux neċessarjament tirrifletti l-kontenut tal-iskambji kollha li l-Istat imsemmi kellu mal-Kummissjoni u mal-OLAF dak iż-żmien.

149.

Minn dan isegwi li t-tliet dikjarazzjonijiet jew affermazzjonijiet li fuqhom jistrieħ ir-Renju Unit ma jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala assigurazzjonijiet “preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti”, speċjalment peress li saru f’kuntest ikkaratterizzat minn djalogu intens u kontinwu fuq perijodu relattivament twil bejn is-servizzi tal-OLAF u tal-Kummissjoni, minn naħa, u dawk tar-Renju Unit, min-naħa l-oħra. Għalhekk, kif issostni l-Kummissjoni, dawn jidħlu fil-kuntest tal-azzjoni meħuda mill-OLAF ( 61 ) immirata sabiex tikkonvinċi lill-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ kontroll doganali qabel l-isdoganament u bbażati fuq analiżi tar-riskju, bħalma huwa l-limitu bbażat fuq prezzijiet minimi aċċettabbli. Minn dan il-kuntest jirriżulta ċar li la l-OLAF u lanqas il-Kummissjoni ma taw assigurazzjonijiet bħal dawn.

150.

Fi kwalunkwe każ, tali dikjarazzjonijiet jew affermazzjonijiet ma jistgħux, barra minn hekk, jipprekludu konstatazzjoni oġġettiva ta’ nuqqas ta’ osservazzjoni tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-proċedura hija bbażata fuq konstatazzjoni oġġettiva ta’ nuqqas ta’ konformità minn Stat Membru mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni, u l-prinċipji ta’ osservanza tal-aspettattivi leġittimi u ta’ kooperazzjoni leali ma jistgħux jiġu invokati minn Stat Membru sabiex jipprekludi tali konstatazzjoni oġġettiva, peress li l-ammissjoni ta’ din il-ġustifikazzjoni tmur kontra l-għan segwit minn din il-proċedura ( 62 ). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-reazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni u l-impatt possibbli tagħha fuq il-mertu tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat kontra r-Renju Unit, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni ma għandhiex is-setgħa li tagħti garanziji rigward il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ aġir partikolari u li fl-ebda każ ma għandha s-setgħa tawtorizza aġir kuntrarju għal dan id-dritt ( 63 ). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-Istati Membri ma jistgħux, f’sistema li fiha huma responsabbli għall-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni fit-territorju nazzjonali tagħhom, jirrifjutaw ir-responsabbiltà għal ksur tal-dritt tal-Unjoni li setgħu wettqu, billi jsostnu li l-Kummissjoni qatt ma lmentat magħhom dwar dan f’xi mument partikolari.

151.

Fl-aħħar nett, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet ibbażati fuq iċ-ċertezza legali, fuq il-prinċipju ta’ estoppel u fuq in-nuqqas ta’ kooperazzjoni leali mill-Kummissjoni mar-Renju Unit huma nieqsa minn, kif jidher ċar mir-risposta ta’ dan l-Istat, kontenut awtonomu. Fil-fatt, fin-nota tiegħu, ir-Renju Unit ma jistabbilixxix, essenzjalment, ir-raġunijiet għaliex dawn il-prinċipji huma miksura ( 64 ), b’mod li dawn l-allegazzjonijiet jiddependu fuq argumenti bbażati fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi analizzati iktar ’il fuq u għandhom jiġu esklużi għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fl-ambitu ta’ din l-analiżi.

152.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

4.   Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq l-impossibbiltà li tiġi ordnata d-disponibbiltà ta’ ammonti skont l-Artikolu 258 TFUE

153.

Ir-Renju Unit jeċċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors sa fejn l-għan ewlieni tiegħu huwa li dan l-Istat iħallas ammonti speċifiċi u eċċezzjonalment għoljin lill-baġit tal-Unjoni.

154.

B’mod iktar partikolari, billi bbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 65 ), ir-Renju Unit iqajjem l-inammissibbiltà tal-parti tat-talbiet tar-rikors dwar it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni ta’ ammont determinat ta’ riżorsi proprji tradizzjonali ta’ madwar EUR 2.7 biljun, għar-raġuni li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tordna lil Stat Membru sabiex idaħħal fil-baġit tal-Unjoni ammonti determinati ta’ riżorsi proprji li ma jkunux tħallsu bħala riżultat ta’ ksur allegat imwettaq minn dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, it-tielet paragrafu tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors ifformulat fil-punt 370 tiegħu huwa inammissibbli, iktar u iktar peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ssib biss ksur minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni u ma tistax tordna lil dan l-Istat Membru jieħu miżuri speċifiċi.

155.

Ir-Renju Unit jirrifjuta wkoll l-argument tal-Kummissjoni li hija “strutturat” bir-reqqa t-talbiet tar-rikors tagħha f’din il-kawża b’tali mod li tevita l-iżball li sar fiż-żewġ kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja msemmija iktar ’il fuq. Dan huwa artifizju maħsub sabiex jevadi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li l-Kummissjoni trid tikseb l-istess riżultat bħal dak mitlub f’dawn iż-żewġ kawżi billi tuża formulazzjoni differenti.

156.

Barra minn hekk, l-approċċ tal-Kummissjoni jċaħħad lir-Renju Unit mill-possibbiltà li joffrilu l-Artikolu 260 TFUE li jirrimedja kwalunkwe ksur misjub taħt l-Artikolu 258 TFUE, u għalhekk ma josservax is-setgħat rispettivi tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Istati Membri skont it-Trattati tal-Unjoni.

157.

Din il-kawża hija distinta minn dik inkwistjoni fis-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka ( 66 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament kienet tilqa’ rikors li jfittex li jiġi kkonstatat li l-Istat Membru kkonċernat kien naqas fl-obbligu tiegħu li jagħmel riżorsi proprji ta’ ammont speċifiku disponibbli għall-Unjoni, iżda, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ dik is-sentenza, la l-eżistenza ta’ dejn doganali u lanqas l-ammont tat-telf tar-riżorsi proprji ma ġew ikkontestati f’dik il-kawża.

158.

Nikkunsidra li dan l-argument ma jistax jirnexxi. F’dan ir-rigward, mit-tielet paragrafu tal-ewwel kap tat-talbiet jirriżulta li, meta jelenka l-ammonti tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-perijodu mill-2011 sal-2017, ir-rikors tal-Kummissjoni jintendi jiddeskrivi l-estent tan-nuqqas billi jikkwantifika dan it-telf. Għalkemm dan it-tielet paragrafu jinkludi l-espressjoni “telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li għandhom ikunu disponibbli għall-baġit tal-Unjoni” ( 67 ) ikkritikata mir-Renju Unit, jidhirli li din il-parti tas-sentenza ma għandhiex tinftiehem bħala ordni sabiex dan l-Istat iħallas l-ammonti inkwistjoni fl-ambitu tal-azzjoni preżenti, iżda l-għan tagħha huwa d-deskrizzjoni kwantitattiva tal-ksur, u b’hekk timmira li turi l-ammonti speċifiċi li l-Istat imsemmi ma poġġiex għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

159.

Rigward l-argumenti bbażati fuq iż-żewġ kawżi li wasslu għas-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 68 ), huwa biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li jiġi kkonstatat li l-kliem tat-talbiet tal-Kummissjoni ppreżentati f’dawn il-kawżi u li kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni kritika mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn is-sentenzi huwa differenti mill-kliem tat-talbiet inkwistjoni f’din il-proċedura. Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lill-Istat Membru konvenut iħallas l-ammonti jekk jiġi stabbilit li dak l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni ( 69 ). Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dak li l-Kummissjoni kienet qiegħda titlob ma kienx li tiddikjara li l-Istat Membru kkonċernat kien naqas mill-obbligi tiegħu, iżda li tordna lil dak l-Istat Membru jieħu ċerti miżuri speċifiċi ( 70 ). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni lmentat kontra Stat Membru, mingħajr ma tkun tista’ tordna lill-Istat Membru kkonċernat jieħu passi sabiex jelimina dan in-nuqqas. Tali konklużjoni tirriżulta, barra minn hekk, mill-formulazzjoni li tipprovdi li l-“konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jorbot […] l-Istat Membru kkonċernat sabiex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimxi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja” ( 71 ), li issa hija inkluża fl-Artikolu 260 TFUE. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 258 TFUE, hija għalhekk proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u mhux proċedura għal ordni.

160.

Peress li l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE hija bbażata fuq konstatazzjoni oġġettiva li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni, is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja skont din id-dispożizzjoni huma, min-natura tagħhom stess, ta’ natura dikjaratorja ( 72 ), b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddikjara, f’rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, fir-rigward tal-ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, li Stat Membru ma poġġiex dawn l-ammonti għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni ( 73 ). Din il-konklużjoni tirriżulta wkoll, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju Unit, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka ( 74 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet ammissibbli talba sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, peress li ma għamlitx disponibbli għall-Kummissjoni ċertu ammont ta’ riżorsi proprji u bl-interessi moratorji korrispondenti, l-awtoritajiet Daniżi kienu naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Barra minn hekk, f’sentenza reċenti ( 75 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li billi “rrifjutat li tqiegħed għad-dispożizzjoni riżorsi proprji tradizzjonali li jammontaw għal EUR 2120 309.50, […] ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha” skont id-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkunsidra ammissibbli talba li tinsab fit-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni sabiex tippreżenta ammont speċifiku ta’ telf ta’ riżorsi proprji li hija tqis dovut.

161.

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed f’dubju bl-argument tar-Renju Unit li l-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq għandha tinqara fid-dawl tal-kwistjoni jekk l-Istat Membru kkonċernat mir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE jikkontestax jew le l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali marbuta man-nuqqas. Fl-opinjoni tiegħi, kontestazzjoni bħal din hija irrilevanti minħabba n-natura stess tal-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jinvolvu d-dritt, għal dan l-Istat Membru, li jqiegħed f’dubju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kemm l-elementi fattwali ppreżentati insostenn tar-rikors mill-Kummissjoni kif ukoll il-bażi legali tiegħu, li loġikament jinkludi l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. Dan jirriżulta mill-possibbiltà, għall-Kummissjoni, li tissottometti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tilwima bejnha u Stat Membru dwar l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jqiegħed ċertu ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni, inerenti fis-sistema ta’ dawn ir-riżorsi proprji, kif inhu maħsub bħalissa fid-dritt tal-Unjoni ( 76 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha dwar il-kwistjoni, laqgħet talba mill-Kummissjoni għal konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni għar-raġuni li ammont speċifiku ta’ riżorsi proprji ma kienx sar disponibbli minkejja li l-Istat Membru kkonċernat kien ikkontesta l-eżistenza tad-dritt tal-Unjoni dwar dan l-ammont ( 77 ).

162.

Barra minn hekk, għandha tiġi miċħuda l-oġġezzjoni mqajma mir-Renju Unit li dan ir-rikors huwa inammissibbli minħabba li jikkostitwixxi forma “moħbija” ta’ azzjoni għad-danni u minħabba li huwa intiż għall-kundanna tal-Istat Membru għar-raġuni li dan ma għamilx ammonti speċifiċi disponibbli għall-baġit tal-Unjoni. Fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat mar-riżorsi proprji, huwa ovvju li hemm obbligi pekunjarji, u l-ebda regola tad-dritt tal-Unjoni ma timpedixxi lill-Kummissjoni milli tinvokahom fil-kuntest tal-allegat ksur. F’dan il-qasam speċifiku, huwa preċiżament minħabba li l-Istati Membri qegħdin jikkontestaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu l-ammonti mitluba mill-Kummissjoni disponibbli għall-baġit tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija adita b’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

163.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li t-tielet paragrafu tal-ewwel kap tat-talbiet għandu jinftiehem bħala talba għal ċerti ammonti speċifiċi li r-Renju Unit ma għamilx disponibbli għall-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni stess tammetti li “dan ir-rikors ma huwiex azzjoni għad-danni”, iżda jrid jistabbilixxi li r-Renju Unit naqas fl-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari billi ma għamilx ċerti ammonti speċifiċi disponibbli għall-baġit tal-Unjoni, b’tali kliem ikun, kif spjegat iktar ’il fuq, konformi mal-ġurisprudenza relatata ma’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi skont l-Artikolu 258 TFUE.

164.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u l-kjarifiki pprovduti mill-Kummissjoni, inqis li t-tielet paragrafu tal-ewwel kap tat-talbiet għandu jinftiehem li qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Renju Unit ma għamilx ċerti ammonti speċifiċi disponibbli għall-baġit tal-Unjoni, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni u, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, talba bħal din hija ammissibbli.

165.

Sussidjarjament, ir-Renju Unit isostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tiffissa ammont li għandu jkun disponibbli għall-Unjoni, għandu jagħti prijorità lill-istima tar-Renju Unit minħabba li huwa l-Istat Membru li għandu jevalwa l-ammont dovut. Skont ir-Renju Unit, l-approċċ korrett bħala prinċipju sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tat-telf tar-riżorsi proprji huwa artikolat fi tliet stadji li r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni jgħaqqad flimkien (in-nuqqas tat-twettiq ta’ obbligi minn dak l-Istat, ir-rabta kawżali u l-prova tal-ammont li fuqu huwa bbażat dan in-nuqqas).

166.

F’dan ir-rigward, l-argumenti mressqa mir-Renju Unit huma bbażati fuq il-premessa li l-Kummissjoni hija meħtieġa turi li kwalunkwe miżura meħuda mill-Istat Membru kienet manifestament mhux xierqa. Issa, l-eżami ta’ dawn l-argumenti juri l-fondatezza tal-ewwel u t-tieni motiv.

167.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel sar-raba’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit.

B. Nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi relatati mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u l-ġlieda kontra l-frodi, kif ukoll tal-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni

168.

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, matul il-perijodu ta’ ksur, minkejja t-twissijiet u t-talbiet repetuti mill-Kummissjoni u mill-OLAF dwar ir-riskju ta’ frodi, ir-Renju Unit ma ħax miżuri sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din l-ommissjoni tikkostitwixxi, minn naħa, ksur kemm tal-obbligi ġenerali f’termini tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif ukoll ta’ dawk tal-ġlieda kontra l-frodi previsti fl-Artikolu 310(6) TFUE u fl-Artikolu 325 TFUE. Min-naħa l-oħra, din tikser l-obbligu, għall-awtoritajiet doganali, l-ewwel nett, li jieħdu miżuri mmirati sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 3 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, imbagħad, li jwettqu kontrolli fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, skont l-Artikolu 13 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 46 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u, fl-aħħar nett, li jeżiġu l-ħlas ta’ garanziji taħt l-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u l-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

169.

Qabel ma neżamina l-ilmenti speċifiċi mressqa mill-Kummissjoni, ser inħares, l-ewwel nett, lejn l-obbligi li għandhom l-Istati Membri taħt l-Artikolu 310(6) TFUE u l-Artikolu 325 TFUE, invokati mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha u, b’mod partikolari, lejn l-għanijiet tagħhom u l-ġurisprudenza fil-qasam. Imbagħad, ikun meħtieġ li tiġi evalwata l-fondatezza tal-allegazzjonijiet speċifiċi mressqa taħt dawn id-dispożizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju msemmi fil-punt preċedenti.

1.   Fuq l-obbligi tal-Istati Membri li jiġġieldu kontra l-attivitajiet illegali ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni

170.

Sa fejn l-Artikolu 310(6) TFUE, li jistabbilixxi li “[l]-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 325, jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji ta’ l-Unjoni”, jikkostitwixxi biss dispożizzjoni sempliċi li tirreferi għall-Artikolu 325 TFUE, għandu jiġi kkunsidrat li l-motiv imressaq mill-Kummissjoni, sa fejn tallega ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, huwa fir-realtà maħsub sabiex tilmenta kontra r-Renju Unit li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 325 TFUE. Dan l-artikolu huwa dispożizzjoni ċentrali fil-ġlieda kontra l-frodi fil-livell tad-dritt primarju ( 78 ), fis-sens li jiddefinixxi l-obbligi tal-Unjoni u tal-Istati Membri, kif ukoll il-portata tagħhom f’dan il-qasam, li huma stess huma kkonkretizzati, fil-livell tad-dritt sekondarju, mill-Kodiċi Doganali Tal-Unjoni, il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ir-Regolament ta’ Applikazzjoni u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

171.

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji hija prijorità li ġibdet l-attenzjoni tal-Istati Membri u dik tal-Unjoni għal bosta snin ( 79 ) peress li r-riżorsi proprji tradizzjonali (magħmula minn dazji doganali u imposti fuq iz-“zokkor”) jinġabru mill-Istati Membri f’isem l-Unjoni ( 80 ). Fl-2017, l-Istati Membri żammew 20 % tar-riżorsi proprji tradizzjonali bħala spejjeż tal-ġbir ( 81 ). Il-frodi doganali hija fenomenu dejjem jikber, li jagħmel ħsara lil dan il-ġbir u għalhekk lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. It-telf marbut ma’ din il-frodi kien stmat, fl-2013, f’EUR 185 miljun fis-sena ( 82 ). Il-konsegwenzi dannużi tal-frodi doganali jmorru lil hinn mill-qasam tal-interessi finanzjarji relatati mal-baġit tal-Unjoni, b’mod li jestendu għall-oqsma politiċi, ekonomiċi u finanzjarji, u għandhom riperkussjonijiet diretti fuq il-funzjonament tas-suq intern ( 83 ).

172.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE ma huwiex limitat sabiex jiddikjara obbligu astratt għall-Istati Membri li jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività illegali oħra ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni ( 84 ), iżda jippreskrivi rekwiżiti minimi fir-rigward tal-miżuri li dawn l-Istati huma meħtieġa jimplimentaw sabiex jikkombattu l-frodi u jipprekludu attivitajiet bħal dawn. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-miżuri adottati mill-Istati Membri sabiex jikkombattu attivitajiet illeċiti li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni jkunu, minn naħa, abbażi tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, dissważivi u effettivi, u ma jkunux, min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, differenti minn dawk li huma jadottaw sabiex jikkombattu l-frodi ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tagħhom stess.

173.

Dawn ir-rekwiżiti kienu ġew imfakkra wkoll mill-ġurisprudenza, li minnha jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat preċiż, li ma huwa suġġett għal ebda kundizzjonijiet addizzjonali ( 85 ). Sa fejn il-ġlieda kontra l-attivitajiet illeċiti ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’miżuri dissważivi u effettivi timplika l-ġbir ta’ dazji doganali u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tal-ammonti korrispondenti bħala riżorsi karatteristiċi tradizzjonali tal-Unjoni, kwalunkwe lakuna fil-ġbir ta’ dawn id-drittijiet twassal potenzjalment għal tnaqqis ta’ dawn ir-riżorsi. Għalhekk, l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex id-dazji doganali jkunu jistgħu jinġabru b’mod effettiv u sħiħ, u dan jippreżupponi li l-kontroll doganali jitwettaq b’mod korrett ( 86 ). Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri tal-Unjoni huma meħtieġa jieħdu l-miżuri ġenerali jew speċifiċi kollha sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 87 ). F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tar-regolamenti agrikoli, li r-rekwiżit impost fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jikkostitwixxi espressjoni speċifika tal-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni leali li jinkombi fuq l-Istati Membri bis-saħħa ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 4(3) TFUE ( 88 ). Bl-istess mod, jidhirli li fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi doganali, l-Artikolu 325 TFUE jikkostitwixxi l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE ( 89 ), billi l-Artikolu 325 TFUE huwa hu stess ikkonkretizzat fil-qasam tad-dritt doganali tal-Unjoni bid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali. Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE ma jistax, fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi doganali, jiġi invokat fuq bażi awtonoma ( 90 ).

174.

Żewġ sensiliet ta’ insenjamenti jistgħu jittieħdu mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Minn naħa waħda, minbarra l-obbligu għall-Istati Membri li jipprovdu, taħt l-Artikolu 325(1) TFUE, sanzjonijiet adegwati għall-ġlieda kontra l-frodi u attivitajiet oħra li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq japplikaw ukoll għall-attivitajiet amministrattivi tal-Istati Membri, billi l-impenji li huma assumew skont it-Trattati huma kompletament vinkolanti fuqhom ( 91 ).

175.

Min-naħa l-oħra, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligi vinkolanti ta’ riżultat fir-rigward, b’mod partikolari, tal-għanijiet previsti f’din id-dispożizzjoni u, b’mod iktar partikolari, tal-obbligu tagħhom li jiġġieldu kontra l-frodi u l-attivitajiet ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod li jimminimizzaw kwalunkwe telf possibbli għall-finanzi pubbliċi tal-Unjoni fl-intier tagħhom. Dan jimplika li, billi din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tmexxi din il-ġlieda permezz ta’ miżuri effettivi, l-effettività ta’ miżura konkreta jew sett ta’ miżuri tista’ tiġi ddeterminata biss fil-kuntest ta’ sitwazzjoni ddefinita sew, u mhux b’mod astratt. Fil-fatt, il-kriminalità, inkluż il-komponent partikolarment perikoluż tagħha, jiġifieri l-kriminalità organizzata fil-qasam tal-frodi u attivitajiet oħra li huma ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, hija, fiha nnifisha, fenomenu ta’ natura li jevolvi u li jadatta ruħu għall-kuntest ta’ madwaru. Għaldaqstant, il-miżuri adottati mill-Istati Membri maħsuba sabiex jiġġieldu kontra dan il-fenomenu għandhom ikunu kapaċi jikkombattuh b’mod kontinwu. Għalkemm il-miżuri meħuda reċentement mill-Istati Membri kontra attivitajiet ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni jistgħu jitqiesu bħala li kienu effettivi, jista’ jkun il-każ li dawn ma għadhomx iktar effettivi fil-kuntest attwali. Għaldaqstant, l-Artikolu 325(1) u (2) TFUE, bħala dispożizzjoni li fiha obbligu ta’ riżultat, jirrikjedi li l-Istati Membri, mhux biss jadottaw miżuri uniċi li kapaċi jipprekludu attivitajiet ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, iżda wkoll evalwazzjoni u adattament kontinwi matul iż-żmien sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dawn il-miżuri.

176.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-argument fid-difiża tar-Renju Unit, li l-Istati Membri għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni dwar il-mezzi implimentati sabiex jipprekludu attivitajiet illegali li jmorru kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni fil-qasam tad-dwana u r-riżorsi proprji, ma jista’ bl-ebda mod jirnexxi. Fil-fatt, ir-Renju Unit jidher li jissuġġerixxi li, sal-punt li l-implimentazzjoni tal-proċeduri doganali u l-ġbir tad-dazji doganali huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri permezz tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom, dawn tal-aħħar għandhom ukoll marġni wiesa’ fl-implimentazzjoni ta’ miżuri preventivi fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi doganali.

177.

Jidhirli li tali approċċ huwa kritikabbli għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, fid-dritt tal-Unjoni hemm rabta diretta bejn, minn naħa, il-ġbir tad-dazji doganali implimentat direttament permezz tal-intermedjarju tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, ir-riżorsi proprji tal-Unjoni, rabta li r-Renju Unit ma jidhirx li jiċħad ( 92 ). Fit-tieni lok, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċerta latitudni fl-għażla tal-miżuri preventivi kontra l-frodi u l-ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jibqa’ l-fatt li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 93 ), dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma huwiex illimitat u huwa subordinat għall-prinċipju ta’ effettività, li jeħtieġ li l-miżuri meħuda jkunu effettivi u dissważivi u, b’mod iktar speċifiku, li jiżguraw ġbir effettiv tar-riżorsi proprji tal-Unjoni kkostitwiti, b’mod partikolari, mid-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni, mingħajr ħsara, madankollu, għar-rispett meħtieġ tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 94 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta Stat Membru jaċċetta miżuri billi jirrinunzja b’mod ġenerali u indiskriminatament għall-ġbir tal-VAT, meta huwa obbligat li jiggarantixxi l-ġbir ta’ din it-taxxa kollha dovuta fit-territorju tiegħu kif ukoll il-ġbir effiċjenti tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, huwa jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni ( 95 ).

178.

Ir-Renju Unit isostni wkoll il-fatt li l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru jikser il-prinċipju tal-effettività biss jekk hemm “riskju evidenti u kbir ta’ impunità” jew jekk twassal għal nuqqas ta’ sanzjoni ( 96 ). Issa, jiena tal-fehma li interpretazzjoni bħal din hija invalidata mill-ġurisprudenza li minnha jirriżulta li l-effettività tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni tipprevali fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri ( 97 ).

179.

Għandhom jiġi miċħuda wkoll l-argumenti li r-Renju Unit iressaq, minn naħa, li l-obbligu li jiġi ggarantit ġbir effettiv tar-riżorsi proprji jeħtieġ sempliċement sforzi raġonevoli sabiex jiġu kkontrollati u rkuprati d-dazji u t-taxxi li jikkontribwixxu għar-riżorsi, u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri huma meħtieġa juru “diliġenza” fil-ġbir tar-riżorsi proprji ( 98 ). Fil-fatt, minn dawn il-konklużjonijiet ( 99 ) jirriżulta li l-effettività ta’ miżura adottata sabiex tiddefendi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni tista’ tiġi evalwata biss fil-kuntest ta’ ċirkustanzi speċifiċi, li fil-kuntest tagħhom huwa meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-isforzi sabiex jinkiseb dan l-għan kinux raġonevoli u diliġenti. Ma għandniex xi ngħidu li frodi doganali kbira u organizzata teħtieġ li l-Istat Membru jinvesti iktar riżorsi milli f’ċirkustanzi tas-soltu sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt it-Trattati fundaturi ( 100 ).

180.

Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument imressaq mir-Renju Unit li l-Kummissjoni għandha tipprova, minbarra l-ineffettività tal-miżuri nazzjonali maħsuba għall-ġlieda kontra l-frodi, li l-Istat Membru huwa ħati ta’ mġiba negliġenti jew arbitrarja. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jinterpreta ħażin il-ġurisprudenza li jinvoka ( 101 ), li minnha ma jirriżultax li l-Kummissjoni kellha turi negliġenza jew imġiba arbitrarja min-naħa ta’ Stat Membru sabiex turi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għall-kuntrarju, inqis li din il-ġurisprudenza għandha tinqara fis-sens li Stat Membru ma jistax, b’mod arbitrarju, jonqos unilateralment milli jikkonstata dazju fuq l-ammont tad-dejn doganali u li jinkludih fil-kont tal-Kummissjoni bħala riżorsi proprji ( 102 ).

181.

Ċertament, għandu jiġi aċċettat, bħalma jagħmel ir-Renju Unit, li l-imsemmija dispożizzjonijiet tat-Trattati ma jimponux espressament riżultat assolut u lanqas ma jeħtieġu miżuri ta’ kontroll doganali sabiex jeliminaw il-frodi fil-każijiet kollha fir-rigward tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. Madankollu, mill-Artikolu 325 TFUE jirriżulta, bħall-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, li l-miżuri adottati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jew tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom ikunu effettivi. Il-prinċipju ta’ effettività previst fil-livell tad-dritt primarju ma jistax jiġi interpretat fil-kuntest tal-Kodiċi Doganali bħala li jirrikjedi l-eliminazzjoni totali tal-frodi doganali kollha sa fejn tali rekwiżit ma jkunx realistiku peress li mġiba ħażina, inkluż f’materja doganali, dejjem tkun parti mill-ħajja fis-soċjetà. Madankollu, dan il-prinċipju jistabbilixxi l-obbligu li tiġi kkontrollata l-ħsara fuq l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jkun hemm risposta adegwata għar-riskji ta’ frodi prevedibbli u li attwalment seħħew.

182.

Sa fejn, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, jirriżulta mill-obbligi li l-Istati Membri assumew, bis-saħħa tat-Trattati fundaturi, li l-miżuri li dawn jadottaw għandhom ikunu effettivi fir-rigward ta’ għanijiet li huma għandhom l-ħsieb li jiksbu, u li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li jadottaw, dan il-marġni huwa limitat mill-prinċipju ta’ effettività msemmi qabel, li jimplika li l-effettività ta’ dawn il-miżuri ma tistax tiġi evalwata b’mod astratt, iżda li tkun evalwata fil-kuntest ta’ sitwazzjoni partikolari. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat kemm huma fondati l-ilmenti magħmula kontra r-Renju Unit matul il-perijodu ta’ ksur.

2.   Fuq il-miżuri li għandhom jittieħdu skont il-leġiżlazzjoni doganali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni fis-sitwazzjoni ta’ frodi inkwistjoni

183.

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tilmenta li r-Renju Unit ma eliminax ir-riskji ta’ frodi doganali u ma adottax miżuri effettivi sabiex jiġġieled dawn ir-riskji. Sabiex tittieħed deċiżjoni fuq il-fondatezza ta’ dan ir-rikors, għandu jitfakkar, bħala punt preliminari, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi meħtieġa sabiex tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni jew oħra ( 103 ). Fil-każ preżenti, tqum il-mistoqsija jekk il-Kummissjoni pprovatx biżżejjed li l-miżuri adottati mir-Renju Unit għall-ġlieda kontra l-frodi li tinvolvi s-sottovalutazzjoni ta’ prodott ta’ importazzjoni matul il-perijodu ta’ ksur kinux ineffettivi fid-dawl tal-ġbir tar-riżorsi proprji tad-dazji doganali kollha tal-Unjoni, minkejja l-fatt li l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu jafu bil-karatteristiċi kostituttivi u l-portata tal-frodi mwettqa fil-fruntieri tagħha ( 104 ).

a)   Fuq il-karatteristiċi tal-frodi mwettqa mill-importaturi inkwistjoni u l-għarfien mill-awtoritajiet tar-Renju Unit ta’ din il-frodi

184.

Il-Kummissjoni u r-Renju Unit jidhru li jaqblu li dan l-Istat kien is-suġġett ta’ frodi estensiva u organizzata qabel u matul il-perijodu ta’ ksur. Huwa wkoll stabbilit li l-frodi inkwistjoni kienet tikkonsisti fil-fatt li l-valuri tal-importazzjonijiet jiġu ddikjarati f’livelli estremament baxxi mill-importaturi, gruppi kriminali Ċiniżi, li joperaw f’network billi jużaw l-hekk imsejħa kumpanniji “phoenix”, jiġifieri kumpanniji kkostitwiti bl-iskop uniku li titwettaq frodi, mogħnija b’riżorsi estremament limitati, u li tqiegħdu f’likwidazzjoni jew li għebu hekk kif l-eżattezza tal-valuri ddikjarati ġiet ikkontestata mill-awtoritajiet doganali, u b’hekk l-irkupru ta’ dazji doganali a posteriori kien improbabbli, jekk mhux prattikament impossibbli ( 105 ). Kienet frodi kemm mobbli kif ukoll reattiva ħafna, fis-sens li l-importazzjonijiet frawdolenti kienu mċaqalqa malajr minn Stat Membru għal ieħor, u, fi ħdan Stat Membru, minn port għal ieħor, mal-iċken tħabbira ta’ kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali. Għalhekk, l-attivitajiet frawdolenti kienu jinvolvu volumi kbar ħafna ta’ prodotti li jistgħu jiġu mċaqalqa lejn Stati Membri b’kontrolli relattivament dgħajfa.

185.

F’dan ir-rigward, huwa sinjifikattiv il-fatt li, għalkemm jiċħad li naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-Renju Unit jirrikonoxxi, fir-rapport anness mar-risposta tiegħu tal‑11 ta’ Frar 2019 għall-opinjoni motivata, li “kienet teżisti bla dubju frodi [fir-Renju Unit] ibbażata fuq is-sottovalutazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina matul il-perijodu kopert mir-rikors tal-Kummissjoni” ( 106 ). Dan ir-rapport għaraf ukoll li “[m]a kien hemm l-ebda dubju dwar il-frodi u li kellhom jittieħdu kontromiżuri sabiex tintemm il-frodi u jitrawwem kummerċ ġust favur negozjanti leġittimi” ( 107 ). Fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit iqis li huwa vittma ta’ frodi u li ma għandu l-ebda interess li jħalli din l-attività kriminali tkompli jew tinfirex.

186.

Għaldaqstant, mill-proċess jirriżulta li, matul il-proċeduri prekontenzjużi u kontenzjużi, ir-Renju Unit madankollu ammetta l-eżistenza tal-frodi, billi sostna f’diversi okkażjonijiet fid-difiża tiegħu li sar jaf b’din il-frodi gradwalment biss ( 108 ). Għalhekk, skont ir-Renju Unit, matul l-ACP Discount f’Novembru u Diċembru 2011, il-Kummissjoni u l-Istati Membri manifestament ma kellhomx idea ċara tal-prevalenza ta’ frodi permezz tas-sottovalutazzjoni tal-importazzjonijiet, billi l-għan ta’ din l-operazzjoni kien li “jiġi vverifikat r-riskju ta’ sottovalutazzjoni” tal-prodotti kkonċernati. Ir-Renju Unit isostni li kien biss fi tmiem l-2014 u fil-kors tal-Operazzjoni Snake li l-OLAF u ċerti Stati Membri kkonċernati bdew jifhmu bis-sħiħ l-atti frawdolenti li kienu qegħdin jaffaċċjaw. F’dan ir-rigward, ir-rapport OLAF isemmi biss li r-Renju Unit kien jaf biżżejjed dwar il-frodi mill-2014. Wara din l-operazzjoni, l-għarfien tal-frodi mill-Istati Membri, b’mod partikolari l-portata reali tagħha u d-dimensjoni Ewropea tagħha, żviluppat ukoll, b’mod partikolari, fil-bidu tal‑2015 ( 109 ) u matul l-2017 ( 110 ).

187.

Ir-Repubblika Portugiża tappoġġja dan l-argument ta’ difiża tar-Renju Unit billi tikkunsidra, essenzjalment, li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma kinux konxji ta’ prattika ġeneralizzata ta’ dikjarazzjonijiet doganali foloz meta rċevew messaġġ formali ta’ assistenza reċiproka mill-OLAF fl-2015 ( 111 ). Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru kien jaf, sa mix-xahar ta’ Marzu 2012, bl-eżistenza ta’ frodi ta’ sottovalutazzjoni li kienet timplika lil operaturi inadempjenti, ma kienx jagħtih indikazzjonijiet konkreti dwar l-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet doganali mhux preċiżi li kienu ħtieġu verifika sistematika min-naħa tiegħu.

188.

Issa, f’dan il-każ, mill-proċess jidher li r-Renju Unit kien ġie informat b’mod sħiħ bil-frodi ta’ sottovalutazzjoni u bil-karatteristiċi msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll bil-ħtieġa li jiġu adottati miżuri effettivi sabiex tiġi miġġielda din il-frodi matul il-perijodu ta’ ksur. Fil-fatt, sa mix-xahar ta’ April 2007, f’messaġġ ta’ assistenza reċiproka, l-OLAF indika r-riskju maħluq mill-prodotti tessili u ż-żraben ġejjin miċ-Ċina u ddeskriva l-modalitajiet tagħhom ( 112 ). Permezz ta’ dan il-messaġġ, l-OLAF stieden lill-Istati Membri kollha, minn naħa, sabiex janalizzaw l-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben, b’mod partikolari miċ-Ċina sabiex jidentifikaw kwalunkwe sinjal ta’ importazzjonijiet li huma ssottovalutati u, min-naħa l-oħra, sabiex iwettqu kontrolli xierqa matul l-isdoganament għal importazzjonijiet bħal dawn ( 113 ). Fid-dawl tal-karatteristiċi msemmija iktar ’il fuq tal-frodi fuq l-importazzjoni, l-OLAF kien diġà speċifika li l-Istati Membri kollha x’aktarx jiġu affettwati, u enfasizza li kien hemm ir-riskju li l-frodi tiġi ddevjata lejn portijiet oħra tal-Unjoni ( 114 ). Bħala riżultat, fl-2007, l-OLAF kien diġà stabbilixxa l-elementi essenzjali tal-kummerċ frawdolenti u ġabhom immedjatament għall-attenzjoni tal-Istati Membri.

189.

Barra minn hekk, fid-difiża tiegħu, ir-Renju Unit isostni li, fl-2009, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq irregolaritajiet ikkonstatati fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda mhux fir-Renju Unit. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-messaġġ ta’ assistenza reċiproka msemmi mibgħut mill-Kummissjoni lill-Istati Membri iddikjara espressament li “[l]-Istati Membri kollha [kienu] kkonċernati”, u stedinhom sabiex “jieħdu miżuri xierqa sabiex jiġġieldu l-fenomenu endemiku tas-sottovalutazzjoni” ( 115 ). Għandu jitfakkar li, ċertament, dawn il-messaġġi ta’ assistenza reċiproka għandhom l-għan li jikkomunikaw informazzjoni ( 116 ) u ma jistgħux jipprovdu għall-obbligu li jitwettqu kontrolli doganali, billi dawn tal-aħħar huma r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali ( 117 ). Madankollu, dawn il-messaġġi jikkostitwixxu elementi li jistgħu jitolbu lir-Renju Unit jimplimenta miżuri partikolari sabiex jiġġieled kontra l-frodi u jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ( 118 ).

190.

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, mill-proċess ma jirriżultax li kien fil-mument meta tlestiet l-Operazzjoni Snake li l-OLAF u l-Istati Membri verament bdew jifhmu l-mekkaniżmu frawdolenti inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa waħda, operazzjoni doganali konġunta, bħall-Operazzjoni Snake, hija tweġiba għal problema li qabel kienet identifikata b’mod ċar fil-livell tal-Unjoni ( 119 ). Skont ir-rapport finali dwar din l-operazzjoni, it-tħejjija tagħha kienet ibbażata fuq “evalwazzjoni fil-fond tat-theddid mill-frodi doganali tas-sottovalutazzjoni li taffettwa l-[Unjoni] [, li] kkonfermat li s-settur tat-tessuti kien affettwat b’mod sinjifikattiv [mis‑]sottovalutazzjoni [u] l-kapitoli l-iktar affettwati [kienu] il-Kapitoli 61 sa 64 tan-NM”, magħmulin qabel mill-OLAF [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Min-naħa l-oħra, jirriżulta minn rapport tal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet “linji gwida ċari lill-Istati Membri dwar kif għandha tiġi indirizzata s-sottovalwazzjoni matul l-implimentazzjoni tal-[ACP Discount] fuq is-sottovalwazzjoni tat-tessuti u żraben minn pajjiżi Asjatiċi” ( 120 ). Isegwi li, meta wettqu l-ACP Discount, fl-2011, l-Istati Membri kienu diġà konxji bis-sħiħ tal-frodi u l-mezzi tal-ġlieda kontriha ( 121 ).

191.

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża tinvoka r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri tal-2015 ( 122 ) sabiex turi li l-operazzjoni doganali konġunta kienet l-ewwel waħda li żvelat l-eżistenza ta’ frodi. Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont dan ir-rapport, operazzjoni doganali konġunta tal-OLAF għamlitha possibbli li jiġi kkonstatat li “40 % tat-[tessuti u ż-żraben li joriġinaw fiċ-Ċina] [irrilaxxati] għal ċirkulazzjoni libera taħt il-proċedura doganali 42 kienu ssottovalutati” u kellha l-għan li tikxef il-problema preeżistenti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati. Dikjarazzjoni bħal din ma tikkostitwixxix konstatazzjoni li l-ġlieda kontra l-frodi ta’ sottovalutazzjoni doganali hija problema ġdida, iżda konferma li din hija kawża importanti ta’ sottovalutazzjoni.

192.

Mill-premess jirriżulta li, matul il-perijodu kollu tal-ksur u, b’mod partikolari, mill-bidu ta’ dan il-perijodu, ir-Renju Unit kien kompletament konxju mill-karatteristiċi essenzjali kemm tal-frodi kif ukoll tal-miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jikkombattiha. Dan l-għarfien seta’ jqajjem dubji fi ħdan l-awtoritajiet doganali nazzjonali. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, tqum il-mistoqsija dwar liema kienu l-kontromiżuri li dawn l-awtoritajiet kienu meħtieġa jieħdu taħt id-dritt tal-Unjoni.

b)   Fuq l-obbligu li ssir analiżi tar-riskju, li jitwettqu kontrolli minn qabel ir-rilaxx, u dwar il-ħtieġa li jiġu kkostitwiti garanziji

193.

Il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju Unit ma ħax numru ta’ miżuri ta’ kontroll kmieni kemm jista’ jkun, anki jekk ir-riskju ta’ frodi kien ġie nnotat u ġie stabbilit li kien mifrux. Il-Kummissjoni ssostni li repetutament talbet lill-Istati Membri sabiex japplikaw il-limiti tal-valur bħala indikaturi ta’ riskju ta’ sottovalutazzjoni, sabiex jiċċekkjaw fiżikament il-kunsinni ddikjarati f’valuri taħt il-limiti minimi tal-prezz aċċettabbli, sabiex jikkontestaw il-valur doganali ddikjarat, fejn applikabbli, u sabiex jeżiġu garanziji sabiex ikunu koperti d-dazji addizzjonali eventwalment eżiġibbli qabel ma l-merkanzija tiġi rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera. B’mod iktar partikolari, f’ċirkustanzi bħal dawn tal-każ preżenti, il-kontrolli minn qabel ir-rilaxx kienu jkunu essenzjali peress li l-kumpanniji involuti fil-frodi kienu kumpanniji li jisparixxu hekk kif kienu jiġu kkontestati d-dikjarazzjonijiet, li kien jagħmel l-irkupru tad-dazji impossibbli wara ċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija importata. Barra minn hekk, il-kontroll fiżiku tal-merkanzija li tkun għadha taħt is-superviżjoni doganali jagħmilha possibbli li tiġi evalwata l-kwalità tal-merkanzija bil-għan li jiġi ddeterminat il-valur doganali tagħha. Issa, ħlief fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake, ir-Renju Unit ma ħax tali miżuri.

194.

Billi stiednet lill-Istati Membri japplikaw l-għodod preventivi sabiex jidentifikaw importazzjonijiet frawdolenti possibbli, il-Kummissjoni pproponiet lill-Istati Membri, fost l-għodod potenzjali, il-metodoloġija tal-OLAF, li tikkonsisti, essenzjalment, fil-kalkolu ta’ limiti ta’ riskju ta’ sottovalutazzjoni, jiġifieri l-prezz minimu aċċettabbli, għal kull kodiċi tal-prodott tan-Nomenklatura Magħquda kkonċernata (fil-livell ta’ tmien ċifri) mill-prezz medju kkorreġut, jiġifieri medja aritmetika (mhux ponderata) tal-valuri medji ddikjarati mal-importazzjoni fit-28 Stat Membru għal kull wieħed minn dawn il-kodiċijiet fuq perijodu ta’ erba’ snin ( 123 ). Il-prezz jiġi kkorreġut fis-sens li l-valuri estremament baxxi jew għoljin li jidhru li huma żbaljati jiġu eliminati. Il-prezz minimu aċċettabbli mbagħad jiġi kkalkolat bħala ugwali għal 50 % tal-prezz medju kkorreġut għall-kodiċijiet differenti tal-prodotti. Il-Kummissjoni tibbaża din il-metodoloġija fuq is-sentenza EURO 2004. Hungary ( 124 ), li minnha jirriżulta li, meta “il-prezz iddikjarat kien inferjuri b’iktar minn 50% tal-prezz medju statistiku” u għalhekk taħt il-prezzijiet minimi aċċettabbli, ikunu aċċettabbli dubji serji dwar il-validità tad-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, b’mod li din il-merkanzija ma tistax tiġi rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera mingħajr kontroll minn qabel. Il-Kummissjoni tinvoka wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 125 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dikjarazzjoni doganali għandha tiġi vverifikata, b’mod partikolari meta l-awtoritajiet doganali jkollhom indikazzjonijiet konkreti dwar l-ineżattezza ta’ din id-dikjarazzjoni.

195.

Il-Kummissjoni tilmenta wkoll li r-Renju Unit ma jeħtieġx il-kostituzzjoni ta’ garanziji għad-dikjarazzjonijiet doganali kollha li l-valur iddikjarat tagħhom jista’ jitqies bħala baxx b’mod mhux normali u li, għalhekk, għandhom jiġu vverifikati. Skont l-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni u l-Artikolu 248 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali, id-dazji applikabbli għandhom jew jitħallsu jew ikunu koperti b’garanzija qabel ir-rilaxx tal-merkanzija. Ir-Renju Unit allegatament naqas milli jitlob il-ħlas ta’ garanziji bbażati fuq l-ammont totali ta’ dazji fuq l-importazzjoni li jistgħu jintalbu bi ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

196.

Ir-Renju Unit jirrispondi, essenzjalment, li hija l-Kummissjoni li għandha turi li l-għażliet tiegħu rigward il-miżuri kontra l-frodi kienu manifestament mhux xierqa jew irraġonevoli. Huwa jqis li ma kienx meħtieġ iwettaq kontrolli jew jikseb garanziji fuq id-dikjarazzjonijiet kollha li kienu taħt il‑50 % tal-prezz medju stabbilit mill-OLAF ( 126 ). Fis-sentenza EURO 2004. Hungary ( 127 ), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-awtoritajiet doganali nazzjonali kienu awtorizzati, iżda mhux meħtieġa, li jibbażaw ruħhom fuq id-differenza fil-prezz sabiex jirrifjutaw il-valur iddikjarat. Fir-rigward tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 128 ), ir-Renju Unit isostni li l-Kummissjoni ċċajpar id-distinzjoni bejn, minn naħa, ir-raġunijiet li għalihom investigazzjoni tista’ tkun iġġustifikata taħt ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni u r-Regolament ta’ Applikazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-mument meta l-verifika ssir meħtieġa fis-sens tas-sentenza msemmija iktar ’il fuq.

197.

Ir-Renju Unit jikkunsidra li huwa stess kien vittma ta’ frodi, u għalhekk ma kellu l-ebda interess li jħalli din il-kriminalità tkompli. Fil-fehma tiegħu, peress li din il-frodi kienet diffiċli ħafna sabiex tiġi kkontrollata, kellu jgħaddi ż-żmien sabiex jifhem l-portata tagħha u jiddefinixxi l-aħjar mezzi sabiex jikkombattiha. Huwa jqis li wettaq l-obbligu tiegħu li jiġġieled il-frodi inkwistjoni billi pparteċipa attivament fl-operazzjonijiet kontra l-frodi organizzati mill-OLAF, jiġifieri l-ACP Discount fl-2011 u l-Operazzjoni Snake fl-2014. Barra minn hekk, mill-2015, ir-Renju Unit impenja ruħu sabiex jissielet kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni permezz tal-Operazzjoni Breach li fil-qafas tagħha l-awtoritajiet tiegħu ħarġu bosta avviżi ta’ ħlas C18, li jirrappreżentaw valur ta’ kważi GBP 35 miljun f’dazji doganali. Barra minn hekk, fl-2016, tnediet l-Operazzjoni Samurai, li involviet prinċipalment u fuq kollox kontrolli minn qabel u attivitajiet ta’ tagħlim dwar il-proċedura doganali 42. Filwaqt li straħ fuq l-informazzjoni ta’ dawn l-aħħar operazzjonijiet, ir-Renju Unit nieda l-Operazzjoni Swift Arrow mix-xahar Ottubru 2017.

198.

Fir-rigward tal-kostituzzjoni tal-garanziji, ir-Renju Unit iqis li, minn naħa, il-fatt li jiġi adottat kunċett daqstant ġenerali bħal dak propost mill-Kummissjoni fir-rigward tal-garanziji li għandhom ikunu meħtieġa huwa ta’ detriment inaċċettabbli għad-drittijiet ekonomiċi tal-importaturi, kemm skont l-Artikoli 16 u 17 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali Nru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1952 (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Protokoll addizzjonali”), u li, min-naħa l-oħra, sabiex talba għal garanzija tkun valida, għandu jkollha bażi xierqa sabiex jiġi ddeterminat il-valur reali tal-merkanzija. L-użu tal-prezz medju għal kull kodiċi ta’ prodott fil-metodoloġija tal-OLAF jesponi bil-qawwa lill-Istati Membri għal ilmenti mill-operaturi.

1) Osservazzjonijiet preliminari

199.

Minn eżami tad-dokumenti tal-partijiet jidher li l-Kummissjoni ma tiċħadx li r-Renju Unit implimenta, matul il-perijodu ta’ ksur, ċerti miżuri għall-ġlieda kontra s-sottovalutazzjoni frawdolenti, iżda ssostni li xi miżuri użati kienu ineffettivi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li oħrajn ma ġew applikati xejn. Għalhekk, sabiex jiġu eżaminati l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv tar-rikors, jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-għanijiet u l-portata tal-obbligi tal-Istati Membri skont id-dritt doganali tal-Unjoni sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-effettività (jew in-nuqqas tagħha) tal-miżuri implimentati mir-Renju Unit ( 129 ).

200.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn, sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’mod effettiv, jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri differenti ħafna, il-paragun bejniethom f’termini ta’ effettività jista’ jirriżulta inqas faċli li jsir f’każ bħal dan ineżami, billi d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri ċertu latitudni fl-għażla tal-miżuri ( 130 ). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ineffettivi l-miżuri adottati li, fid-dawl tal-partikolaritajiet ta’ sitwazzjoni speċifika, ma jippermettux manifestament li jintlaħqu l-għanijiet segwiti mid-dritt primarju u mid-dritt sekondarju tal-Unjoni. Għal dan il-għan, għandu jintlaqa’ wieħed mill-argumenti ta’ difiża mressaq mir-Renju Unit fil-kuntest ta’ din il-proċedura, jiġifieri li l-Kummissjoni għandha turi, b’mod partikolari, li l-miżuri li dak l-Istat jallega li implimenta matul il-perijodu ta’ ksur bil-għan tal-prevenzjoni tal-frodi inkwistjoni kienu manifestament ineffettivi fid-dawl tal-ġbir effikaċi tar-riżorsi kollha tal-Unjoni stess skont id-dazji doganali ( 131 ). Fir-rigward tat-tul tal-ksur ilmentat fil-konfront tar-Renju Unit, inqis li huwa meħtieġ li jitqies il-fatt li l-grad tal-effikaċja ta’ miżura ta’ implimentazzjoni implimentata minn Stat Membru jista’ jidher biss fil-kuntest tal-analiżi ddettaljata tiegħu. Sabiex b’hekk ikun evitat li Stat Membru jiġi żvantaġġat retroattivament fid-dawl tal-għarfien miksub sussegwentement, l-ineffettività tal-miżuri attwalment applikati tista’ tkun kkritikata biss ex ante, jiġifieri fid-dawl tal-għarfien li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-mument tal-implimentazzjoni tagħhom. Is-sitwazzjoni tkun differenti, madankollu, f’każijiet fejn id-dritt tal-Unjoni jobbliga tassattivament lill-Istati Membri jadottaw ċerti miżuri speċifiċi. F’tali każ, l-effettività tal-miżura kkonċernata tkun diġà ġiet ibbilanċjata mil-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu, b’mod li s-sempliċi assenza ta’ implimentazzjoni tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

2) Fuq l-obbligu tal-użu tal-analiżi tar-riskju

201.

L-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 46(2) u (4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, applikabbli qabel u wara l-1 ta’ Ġunju 2016, rispettivament, it-tnejn jobbligaw lill-awtoritajiet nazzjonali jwettqu kontrolli doganali bbażati fuq “analiżi tar-riskju” u japplikaw “ġestjoni tar-riskju”. Ir-Regolament (KE) Nru 648/2005 ( 132 ) u d-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu ( 133 ) jistabbilixxu sistema komuni ta’ ġestjoni tar-riskju fl-Unjoni, li skont din il-kontrolli doganali huma bbażati, b’mod partikolari, fuq analiżi tar-riskju bl-użu ta’ proċeduri informatiċi ( 134 ). Bħalissa, ir-regoli tal-ġestjoni tar-riskju huma previsti fl-Artikolu 46 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li l-paragrafu 2 tiegħu jirrepeti, essenzjalment, l-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità. Dan tal-aħħar, b’mod partikolari, applikabbli fil-bidu tal-perijodu ta’ ksur (jiġifieri minn Novembru 2011 sa Ġunju 2016), kien jipprevedi li l-kontrolli doganali għajr kontrolli għall-għarrieda “għandhom ikunu bbażati fuq analiżi ta’ riskju bl-użu ta’ tekniki awtomatizzati ta’ proċessar ta’ data, sabiex jiġu identifikati u kwantifikati r-riskji u jiġu żviluppati l-miżuri neċessarji għall-istima tar-riskji” ( 135 ). Għalhekk, dawn id-dispożizzjonijiet essenzjalment jirrikjedu li l-Istati Membri jintroduċu sistema ta’ ġestjoni tar-riskju sabiex iwettqu kontrolli doganali ordinarji ( 136 ).

202.

Il-ġestjoni tar-riskji saret mad-dinja kollha għodda importanti fil-kontroll doganali ( 137 ) u kienet is-suġġett ta’ bosta studji ( 138 ). Fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-kwistjoni, il-Kummissjoni żiedet definizzjoni tal-kunċett ta’ “ġestjoni tar-riskju”, fil-proposta tagħha għar-Regolament (KE) 648/2005 ( 139 ), li tinkludi l-“identifikazzjoni sistematika ta’ riskju u l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiġi limitata l-esposizzjoni għar-riskju”, b’dan it-terminu jkopri “attivitajiet bħall-ġbir ta’ data u ta’ informazzjoni, l-analiżi u l-istima tar-riskju, il-preskrizzjoni u t-teħid ta’ azzjoni u l-monitoraġġ regolari u r-reviżjoni tal-proċess u r-riżultati tiegħu, fuq il-bażi ta’ sorsi u strateġiji internazzjonali, Komunitarji u nazzjonali” ( 140 ). Il-kunċett ta’ “analiżi tar-riskju” ddaħħal fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità bir-Regolament (KE) Nru 648/2005, li emenda l-Artikolu 13. Il-Kummissjoni spjegat din iż-żieda bħala ħtieġa sabiex “tintroduċi l-obbligu għall-Istati Membri li jużaw tekniki ta’ analiżi tar-riskju”, filwaqt li speċifikat li “fin-nuqqas ta’ kriterji Komunitarji jew internazzjonali, kriterji nazzjonali [kienu ġew] applikati (kif kien il-każ fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din il-proposta)” ( 141 ). B’din id-dispożizzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni kellha l-għan, b’mod partikolari, li tiżviluppa “qafas komuni għall-ġestjoni tar-riskji”, filwaqt li tippermetti li s-sistemi nazzjonali ta’ analiżi tar-riskji u l-kriterji nazzjonali jkomplu jintużaw ( 142 ).

203.

Għalhekk, l-analiżi kuntestwali tad-dritt doganali tal-Unjoni tikkorrobora l-konklużjoni li tirriżulta minn interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u tal-Artikolu 46(2) u (4) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, skont liema l-implimentazzjoni ta’ analiżi u evalwazzjoni tar-riskji bbażati fuq analiżi sistematika ta’ data mill-Istati Membri, skont id-drittijiet doganali tal-Komunità u tal-Unjoni, hija obbligu u mhux fakultà. Il-miżuri ta’ kontroll doganali implimentati għandhom, min-naħa tagħhom, ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskji, li jimplika li għandhom jintgħażlu fuq il-bażi tar-riskji identifikati waqt l-evalwazzjoni tagħhom u jkunu tali li jinnewtralizzawhom. Għalhekk, kif ġie spjegat diġà ( 143 ), l-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, interpretati fid-dawl tal-Artikolu 325 TFUE, għandhom jinftiehmu li jimplikaw, b’mod partikolari, l-obbligu għall-Istati Membri li jadattaw, fuq bażi permanenti, l-għodod tal-analiżi tar-riskju, sabiex ikopru f’kull ħin ir-riskji misjuba mill-kontrolli doganali u jqisu kontinwament l-iżviluppi tagħhom. Dan ifisser li l-analiżi tar-riskju mwettqa mill-Istati Membri għandha, inter alia, tiddetermina liema merkanzija għandha tkun suġġetta għal kontrolli u b’liema mezzi.

204.

Mill-premess jirriżulta li, fil-kuntest tal-kawża preżenti, mill-mument meta kien magħruf riskju sinjifikattiv ta’ frodi doganali fit-territorju doganali kollu tal-Unjoni dwar prodotti importati miċ-Ċina fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri kienu meħtieġa, b’mod partikolari, bis-saħħa tal-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (u sussegwentement, tal-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni), jadattaw il-metodi nazzjonali tagħhom ta’ ġestjoni tar-riskji fil-qasam doganali. Fil-fatt, kif dan ġie nnotat diġà ( 144 ), l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit kienu konxji bis-sħiħ tar-riskju inkwistjoni, li jfisser li huma kellhom ukoll jadattaw, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, il-metodi tagħhom ta’ analiżi tar-riskju filwaqt li jqisu l-informazzjoni disponibbli u jwettqu l-kontrolli doganali meħtieġa ( 145 ). Peress li mill-proċess jirriżulta li r-Renju Unit kien konxju mill-fatti relatati mal-iskema ta’ frodi doganali, fl-2007, u li, wara dan, kien inżamm informat regolarment bl-iżviluppi tagħha prinċipalment permezz tal-Kummissjoni, insibha diffiċli naċċetta l-argument tal-konvenut li l-assenza ta’ adozzjoni u ta’ implimentazzjoni ta’ għodda ta’ analiżi tar-riskji għall-bidu tal-perijodu ta’ ksur f’Novembru 2011, jiġifieri erba’ snin wara li rċieva l-informazzjoni rilevanti mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat, hija konformi mal-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

205.

Mid-dokumenti tiegħu jirriżulta li r-Renju Unit ma jikkontestax, essenzjalment, il-fatt li huwa ma rrikorriex, matul il-perijodu ta’ ksur, għal metodu ta’ analiżi tar-riskju sabiex jikxef frodi doganali marbuta mas-sottovalutazzjoni. Madankollu, bi tweġiba għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit jispjega li l-iżvilupp ta’ metodu ta’ analiżi tar-riskju adegwat ħa ftit taż-żmien, b’mod partikolari minħabba n-natura kumplessa tal-frodi inkwistjoni ( 146 ), filwaqt li l-metodoloġija tal-OLAF ma kinitx xierqa minħabba s-sitwazzjoni speċifika tar-Renju Unit. Ċertament, huwa veru li, kif isostni l-Istat konvenut, l-Artikoli 3 u 46 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (dan tal-aħħar jikkorrispondi mal-Artikolu 13 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità) ma jeżiġux lill-Istati Membri li jdaħħlu fis-seħħ ċertu tip ta’ metodi ta’ evalwazzjoni tar-riskji u għalhekk bl-ebda mod ma jipprekludu li Stat Membru, bil-ħsieb li jiskopri frodi doganali marbuta mas-sottovalutazzjoni, ma jiddependix fuq prezzijiet medji statistiċi, iżda juża metodu li jiffoka, b’mod immirat u speċifiku, fuq operaturi li jispeċjalizzaw f’dan it-tip ta’ frodi, kif finalment għamlu l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit fil-kuntest tal-Operazzjoni Swift Arrow. Fil-fatt, meta għamel dan, ir-Renju Unit jirrikonoxxi impliċitament li ma kellux, matul il-perijodu ta’ ksur, metodu xieraq sabiex iwettaq l-analiżijiet tar-riskju. Issa, jidhirli li ġustifikazzjoni bħal din hija irrilevanti fir-rigward tal-obbligu previst fl-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

206.

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-analiżi tal-provi fil-proċess relatata mal-operazzjonijiet ta’ kontroll doganali mwettqa mir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ ksur, li minnu jidher, b’mod partikolari, li l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru użaw għodod għall-analiżi tar-riskju biss fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake, li l-fażi operattiva tagħha seħħet bejn is‑17 ta’ Frar u s‑17 ta’ Marzu 2014, li fiha l-Kummissjoni rrakkomandat lill-Istati Membri japplikaw, fost miżuri oħra, il-limiti tal-valur bħala indikaturi ta’ riskju ( 147 ). Huwa stabbilit li r-Renju Unit ipparteċipa f’din l-operazzjoni, billi uża l-profili tar-riskju rrakkomandati mill-OLAF, jiġifieri l-metodoloġija tal-OLAF bħala limitu tar-riskju, u wettaq kontrolli xierqa matul dik l-operazzjoni. Madankollu, kif sostniet il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mir-Renju Unit, dawn il-miżuri damu biss xahar, jiġifieri matul il-fażi operattiva tal-proċess imsemmi. Fi kliem ieħor, minbarra din il-fażi operattiva, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma wettqux kontroll ibbażat fuq analiżi tar-riskju, u dak iż-żmien ikkontrollaw l-importaturi wara l-isdoganament sabiex iressqulhom talbiet iktar tard ( 148 ).

207.

Barra minn hekk, fil-kuntest tad-difiża tiegħu, b’mod partikolari b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ analiżi tar-riskji, ir-Renju Unit isostni li din l-assenza kienet dovuta, b’mod partikolari, għall-fatt li l-metodoloġija tal-OLAF ma tqisx il-partikolaritajiet tas-suq Brittaniku u twassal għall-identifikazzjoni ta’ numru kbir ta’ importazzjonijiet leġittimi bħala merkanzija ssottovalutata ( 149 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li din il-kritika hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li l-ksur, skont id-dritt tal-Unjoni, joriġina mill-fatt li r-Renju Unit ma adottax forma partikolari ta’ kontroll doganali rrakkomandat mill-Kummissjoni jew mill-OLAF ( 150 ). Issa, mid-deskrizzjoni tal-ksur li huwa s-suġġett tal-ewwel motiv tar-rikors, kif ukoll minn dokumenti oħra tal-Kummissjoni, jirriżulta li din tal-aħħar tilmenta li r-Renju Unit ma rrikorra għall-ebda metodu ta’ analiżi tar-riskji. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, kif ukoll l-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jeħtieġu li l-Istati Membri jadottaw, fil-kuntest tal-kontrolli doganali, l-analiżi tar-riskju, b’mod li, anki jekk, għal raġunijiet magħrufa minnu nnifsu biss, ir-Renju Unit ma qiesx li huwa xieraq li japplika l-metodu tal-Kummissjoni, dan ma pprekludiehx milli jelabora huwa nnifsu u li jimplimenta l-kontrolli doganali ( 151 ). Għaldaqstant, inqis li l-kritika tar-Renju Unit dwar il-metodoloġija tal-OLAF bħala għodda ta’ riskju hija irrilevanti.

208.

Fid-dawl ta’ dan, għall-finijiet ta’ kompletezza ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jitfakkar li, skont it-termini tal-Artikolu 28(1) TFUE, l-Unjoni “tinkludi unjoni doganali li tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u tikkomprendi kemm l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b’effett ekwivalenti, kif ukoll l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi”, u li l-Artikolu 3(1)(a) tat-TFUE jistabbilixxi kompetenza esklużiva fil-qasam tal-unjoni doganali ( 152 ). F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(1) TFUE meta tiġi eżerċitata din il-kompetenza, ir-regoli doganali tal-Unjoni huma kkodifikati fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (u fir-Regolament ta’ Applikazzjoni u fir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni) u applikabbli direttament fl-Istati Membri ( 153 ). Dawn tal-aħħar huma, skont l-Artikolu 291 TFUE, kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ dawn ir-regolamenti ( 154 ). Għalkemm il-ġbir ta’ dazji doganali jibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri ( 155 ), it-twettiq ta’ dan il-kompitu jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib bejn dawn tal-aħħar u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ( 156 ). Għalhekk, minn naħa waħda, fil-qasam tal-ġlieda kontra l-frodi, fuq il-bażi tal-Artikolu 325 TFUE ( 157 ), il-Kummissjoni u, b’mod partikolari l-OLAF, ingħataw ċertu numru ta’ setgħat ta’ kontroll u ta’ investigazzjoni ( 158 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ġestjoni tar-riskji, l-Unjoni adottat strateġija sabiex tiżgura konformità ma’ regoli minimi f’termini ta’ ġestjoni u kontroll tar-riskji fil-qasam doganali ( 159 ), billi tipprevedi li l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali jieħdu passi sabiex jirriformaw il-proċeduri, it-tekniki u r-riżorsi għal kontrolli mwettqa fuq il-merkanzija ( 160 ). Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-missjoni ta’ interess ġenerali mogħtija lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 17(1) TUE ( 161 ), inqis li l-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li telabora kriterji mhux vinkolanti, bħall-metodoloġija tal-OLAF, bil-ħsieb li l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu analiżi tar-riskju fil-kuntest tal-kontrolli doganali tagħhom, speċjalment peress li, fil-każ preżenti, il-frodi doganali inkwistjoni kienet tikkonċerna l-Unjoni kollha kemm hi u l-firxa ta’ strumenti għall-kooperazzjoni bejn L-Istati Membri u l-Kummissjoni ma hijiex limitata ( 162 ). Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Kummissjoni speċifikat fil-komunikazzjonijiet tagħha l-għanijiet tal-ġestjoni tar-riskji ( 163 ), fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati relatati mal-metodi tal-analiżi tar-riskju ( 164 ), l-Istati Membri kienu u huma liberi li jagħżlu l-għodod speċifiċi tal-ġestjoni tar-riskju matul il-perijodu ta’ ksur ( 165 ), kif fuq kollox ammettiet il-Kummissjoni fid-dokumenti tagħha u waqt is-seduta.

209.

Fir-rigward tal-kriterji materjali tal-metodoloġija tal-OLAF, bħala għodda għall-analiżi tar-riskju fil-każ preżenti, għandu jiġi nnotat li, kif jidher mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħala strument għall-identifikazzjoni tal-frodi doganali, din il-metodoloġija kienet is-suġġett ta’ dibattitu fil-fond bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-introduzzjoni tiegħu, bħala għodda għall-analiżi tar-riskju, saret fuq il-bażi ta’ deċiżjoni kunsenswali bejniethom ( 166 ). L-ispjegazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, skont liema l-limiti ta’ riskju ta’ sottovalutazzjoni (prezz minimu aċċettabbli) għal kull kodiċi tal-prodott tan-Nomenklatura Magħquda kkonċernata (fil-livell ta’ tmien ċifri) ġew ikkalkolati fuq il-bażi tal-prezz medju kkorreġut, jiġifieri l-medja aritmetika (mhux ponderata) tal-valuri medji ddikjarati fuq l-importazzjoni fit-28 Stat Membru għal kull wieħed mill-kodiċijiet imsemmija fuq perijodu ta’ erba’ snin, juru li din il-metodoloġija ma hijiex arbitrarja. Dan huwa partikolarment il-każ minħabba li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-użu ta’ data statistika, sabiex tiġi kkontestata l-eżattezza tal-valur doganali ddikjarat, jiġifieri l-eżistenza ta’ valur doganali ddikjarat inqas minn 50 % tal-prezz medju kkorreġut, jiċċertifika l-preżenza ta’ frodi ta’ sottovalutazzjoni li tista’ tqajjem dubji ( 167 ). Għalhekk jidhirli li l-metodoloġija tal-OLAF, bħala għodda għall-analiżi tar-riskju, hija bbażata fuq kriterji oġġettivi u newtrali.

210.

Fl-aħħar nett, inqis li l-argument tar-Renju Unit li l-metodoloġija tal-OLAF twassal għall-identifikazzjoni ta’ numru kbir ta’ importazzjonijiet leġittimi li tista’ tikkostitwixxi, għall-operaturi kkonċernati, ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta dwar il-libertà tal-intrapriża u d-dritt għall-proprjetà, rispettivament, għandu jiġi miċħud. F’dan ir-rigward, billi l-analiżi tar-riskju prevista fl-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fl-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni tikkostitwixxi ġestjoni tar-riskju astratta, fl-eżami tar-riskji doganali u fl-ippjanar tal-kontromiżuri meħtieġa, jiġifieri pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll doganali, ma narax għaliex tali ġestjoni tista’ tikser id-drittijiet fundamentali msemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet tal-Karta.

3) Fuq l-obbligu li jsiru kontrolli minn qabel ir-rilaxx

211.

L-Artikolu 13(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, applikabbli fil-bidu tal-perijodu ta’ ksur, kien jipprovdi li l-“awtoritajiet doganali jistgħu, skont il-kondizzjonijiet stipulati mid-dispożizzjonijiet li jkunu fis-seħħ, iwettqu l-kontrolli kollha li jidhrilhom meħtieġa” ( 168 ). Is-suċċessur tiegħu, l-Artikolu 46(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jinkludi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, dispożizzjoni simili u t-tieni paragrafu jżid lista mhux eżawrjenti ta’ kontrolli doganali differenti li l-Istati Membri jistgħu jirrikorru għalihom. Jirriżulta, jidhirli, mill-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod iktar preċiż, mill-użu tal-verb “jistgħu”, li dawn ma humiex maħsuba sabiex jistabbilixxu ordni ta’ prijorità bejn it-tipi differenti ta’ kontroll doganali ( 169 ). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill-awtoritajiet doganali nazzjonali, meta jwettqu kontrolli doganali, ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-għażla u fl-applikazzjoni tal-modalitajiet għall-kontroll doganali ( 170 ). Dan il-qari huwa wkoll ikkorroborat mid-dispożizzjonijiet dwar ir-rilaxx tal-merkanzija ( 171 ).

212.

Madankollu, kif ġie spjegat diġà iktar ’il fuq ( 172 ), fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-portata tal-obbligi previsti fl-Artikolu 325 TFUE, il-marġni ta’ diskrezzjoni disponibbli għall-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-miżuri ta’ kontroll doganali, hija limitata mir-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif diġà ġie rrilevat ukoll, huma l-awtoritajiet doganali nazzjonali, skont l-Artikolu 3(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li għandhom jintroduċu miżuri mmirati sabiex “iħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha”. L-importanza ta’ dan l-għan fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni hija enfasizzata mill-post li din id-dispożizzjoni tokkupa fil-bidu nett ta’ dan il-kodiċi, sabiex b’hekk l-Istati Membri jkollhom jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ din il-missjoni ( 173 ). Fil-qosor, għalkemm l-Artikolu 13(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 46(1) u (2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jħallu l-implimentazzjoni u l-għażla tal-metodi tal-kontrolli doganali f’idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jgawdu ċertu marġni f’dan ir-rigward, il-miżuri magħżula ma għandhomx ikunu ineffettivi.

213.

Għaldaqstant, inqis li huma konformi mal-għan tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni l-metodi ta’ kontrolli doganali, bħal dawk inkwistjoni, li, sabiex jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jagħmluha possibbli li r-riskji gravi u identifikati jiġu ġestiti b’mod effikaċi f’mument partikolari u fi spazju partikolari, fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskji deskritta fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, kif ġie rrilevat f’diversi okkażjonijiet matul il-perijodu ta’ ksur, ir-riskju ewlieni identifikat kontra l-interessi finanzjarji tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ ksur kien jikkonsisti, b’mod partikolari, f’importazzjonijiet massivi ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina, liema importazzjonijiet kienu ssottovalutati u kienu kkaratterizzati, minn naħa, minn dikjarazzjoni sistematika u intenzjonata ta’ merkanzija taħt il-valur reali tagħha u, min-naħa l-oħra, min-nuqqas ta’ affidabbiltà tal-kumpanniji operattivi involuti, li kienu, bħala regola ġenerali, stabbiliti bl-iskop uniku li jibqgħu għaddejjin b’din il-frodi u li ġew illikwidati hekk kif id-dikjarazzjoni doganali li kienu ppreżentaw ġiet ikkontestata mill-awtoritajiet doganali nazzjonali. Għalhekk, din l-iskema ta’ frodi doganali tirriżulta fi tnaqqis sinjifikattiv fid-dazji doganali li jistgħu jinġabru fuq il-merkanzija rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera. Huwa fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni fattwali li għandha tiġi evalwata l-effettività tal-miżuri ta’ kontroll doganali adottati mir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ ksur, billi jitqabblu ma’ dawk li l-Kummissjoni tilmenta li dan l-Istat Membru ma kienx implimenta.

214.

F’dan ir-rigward, jidher li huwa stabbilit li, sal-bidu tal-Operazzjoni Swift Arrow f’Ottubru 2017, ir-Renju Unit ma adottax, bħala regola ġenerali, miżuri ta’ kontroll doganali qabel ir-rilaxx, bħal kontrolli qabel l-isdoganament jew teħid ta’ kampjuni, bl-eċċezzjoni ta’ dawk implimentati waqt l-Operazzjonijiet Snake, fil-bidu tas-sena 2014, u Samurai f’Settembru 2016. Mingħajr ma dan il-fatt jitqiegħed fid-dubju, meta jitqies li l-metodu ta’ evalwazzjoni tar-riskju propost mill-OLAF ma kienx adattat sabiex jiżvela l-importazzjonijiet ikkonċernati mill-frodi tas-sottovalutazzjoni, ir-Renju Unit jafferma li għażel strateġija li tikkostitwixxi t-twettiq ta’ kontrolli doganali a posteriori, li tagħhom l-Operazzjoni Breach, li bdiet fl-2015, hija l-eżempju ewlieni ( 174 ). Fost il-kontrolli doganali a posteriori, ir-Renju Unit jelenka żjarat b’rabta ma’ kunsinni suspettużi, analiżijiet dokumentali, verifiki u spezzjonijiet, l-eżami tan-natura kummerċjali tal-bejgħ ikkonċernat u l-eżami tar-rabtiet bejn l-importatur, l-ispedituri u impriżi oħrajn, kif ukoll attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni għall-attenzjoni tal-importaturi maħsuba sabiex jidentifikaw l-attivitajiet frawdolenti.

215.

Fir-rigward tal-argument tad-difiża li r-Renju Unit inissel mill-impossibbiltà li jiġu applikati kontrolli minn qabel ir-rilaxx minħabba l-inadegwatezza tal-metodoloġija tal-OLAF, għandu jiġi nnotat li, kif ġie diġà spjegat f’dawn il-konklużjonijiet ( 175 ), għalkemm l-Istati Membri ma humiex meħtieġa li jsegwu l-metodu ta’ analiżi tar-riskji proposti mill-Kummissjoni, huma madankollu xorta waħda suġġetti għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni li jadottaw kontrolli bbażati fuq analiżi tar-riskji. Għalhekk, billi jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ kontrolli minn qabel ir-rilaxx bl-assenza ta’ metodu adegwat ta’ analiżi tar-riskji, ir-Renju Unit essenzjalment jirrikonoxxi n-nuqqas tiegħu li josserva l-obbligu li jipprovdi dawn il-kontrolli. Barra minn hekk, inqis li għandu jiġi approvat l-argument tal-Kummissjoni li l-miżuri a posteriori enumerati mir-Renju Unit ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu kkunsidrati bħala li huma effettivi. Inqis li huwa diffiċli li wieħed jifhem kif l-istrateġija a posteriori magħżula minn dan l-Istat tista’ titqies effettiva, wara li jiġi kkunsidrat l-għan tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, f’sitwazzjoni fejn il-frodi doganali kienet tikkonsisti fis-sottovalutazzjoni ta’ prodotti tessili u ta’ żraben importati, jiġifieri ddikjarati, b’mod konxju, taħt il-valur reali tagħhom. Jidher inkonċepibbli li l-miżuri deskritti mir-Renju Unit jagħmluha possibbli li jiġi żgurat l-irkupru tad-dazji doganali attwalment dovuti, jekk ir-Renju Unit qabel ma wettaqx id-determinazzjoni effettiva tal-merkanzija importata, li neċessarjament tippreżupponi kontrolli fiżiċi qabel l-isdoganament u t-teħid ta’ kampjuni qabel ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija inkwistjoni ( 176 ). L-eżerċizzju tal-kontrolli doganali qabel ir-rilaxx jidher essenzjali meta l-awtoritajiet doganali jkollhom dubji dwar l-eżattezza tad-dikjarazzjoni doganali, iżda huwa iktar u iktar meħtieġ f’każijiet fejn l-operaturi jkollhom biss l-għan li jwettqu frodi. F’dan ir-rigward, kif ntwera diġà, l-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit kienu konxji bis-sħiħ tal-frodi relatata mas-sottovalutazzjoni doganali, u, billi pparteċipaw fl-Operazzjoni Snake, huma barra minn hekk ikkonfermaw b’mod empiriku l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri effettivi għall-ġlieda (inklużi miżuri preliminari) kontriha. Minn dak li ntqal jirriżulta li l-awtoritajiet tar-Renju Unit kienu, mill-bidu tal-perijodu ta’ ksur, konxji tan-natura tal-frodi doganali inkwistjoni, fid-dawl ta’ liema huma kellu jkollhom dubji serji dwar l-effettività tal-miżuri a posteriori msemmija iktar ’il fuq.

216.

Ir-Renju Unit isostni wkoll li, skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 177 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-awtoritajiet doganali ma humiex meħtieġa jwettqu kontrolli addizzjonali ħlief jekk għandhom “indikazzjonijiet konkreti” dwar l-ineżattezza tad-dikjarazzjoni doganali. Dan l-argument tad-difiża jistrieħ, fl-opinjoni tiegħi, fuq qari żbaljat ta’ dik is-sentenza. Meta rrilevat li “sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tar-regolamenti doganali, dikjarazzjoni doganali għandha tiġi vverifikata lil hinn mil-limitu [ikkonċernat], b’mod partikolari, meta l-awtoritajiet doganali jkollhom indikazzjonijiet konkreti dwar l-ineżattezza ta’ tali dikjarazzjoni”, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma stabbilixxiet l-ebda limitu dwar is-sors tal-informazzjoni li minnha toħroġ l-ineżattezza ta’ dikjarazzjoni doganali. Meta jitqiesu, b’mod partikolari, il-kompiti tal-awtoritajiet doganali nazzjonali, skont l-Artikolu 3(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, huma għandhom l-obbligu li jirreaġixxu għal frodi doganali, anki jekk l-informazzjoni dwar ineżattezzi fid-dikjarazzjonijiet doganali jirċivuha permezz tal-Kummissjoni jew Stati Membri oħra. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri prevista fl-Artikolu 46(3) ta’ dan il-kodiċi, bħala espressjoni tal-unjoni doganali tal-Unjoni ( 178 ). Fid-dawl tal-għarfien mill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit ta’ riskju għoli ta’ frodi doganali, esposta f’dawn il-konklużjonijiet, naqbel mal-Kummissjoni li r-Renju Unit ma jistax jafferma li, fir-rigward tal-valuri ddikjarati f’dan il-każ, l-awtoritajiet doganali tiegħu ma kellhomx indikazzjonijiet konkreti dwar l-ineżattezza ta’ dikjarazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 179 ).

4) Fuq l-obbligu ta’ kostituzzjoni ta’ garanziji

217.

Skont l-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni u l-Artikolu 244(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ( 180 ), meta ssir dikjarazzjoni doganali, id-dazji applikabbli għandhom jitħallsu jew jiġu koperti b’garanzija qabel ir-rilaxx tal-merkanzija. Għalhekk, jekk l-awtoritajiet doganali jikkunsidraw li l-verifika tad-dikjarazzjoni doganali tista’ twassal għal ammont dovut ta’ dazji fuq l-importazzjoni (jew eventwalment imposti oħra) ogħla minn dak li jirriżulta mid-dettalji tad-dikjarazzjoni doganali, ir-rilaxx tagħhom ikun awtorizzat wara l-kostituzzjoni ta’ garanzija suffiċjenti sabiex tkopri d-differenza f’dawn l-ammonti.

218.

F’dan ir-rigward, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni ( 181 )jirrikjedix il-kostituzzjoni ta’ garanzija, għandu jiġi nnotat li t-termini tal-verżjonijiet lingwistiċi li jien eżaminajt jidhru li jindikaw li r-rilaxx huwa obbligatorjament suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija ( 182 ). Issa, il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 244(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dispożizzjoni li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, ivarjaw. Fil-fatt, il-verżjonijiet fil-lingwa Ġermaniża u dik Estonjana jagħtu x’jifhmu li kostituzzjoni bħal din hija fakultà, filwaqt li l-verżjonijiet l-oħra msemmija iktar ’il fuq jidhru li jindikaw li dan huwa obbligu ( 183 ). Fid-dawl tad-diverġenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 244(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-kliem tiegħu ma jippermettix, fil-fehma tiegħi, li tintlaħaq konklużjoni mhux ambigwa dwar jekk din id-dispożizzjoni teħtieġx il-kostituzzjoni ta’ garanzija bħala kundizzjoni għar-rilaxx tal-merkanzija jew jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri għandhomx marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ individwali ( 184 ). Fil-każ ta’ disparità bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u l-iskop tar-regolamenti li tagħhom tikkostitwixxi element. Dwar dan, fir-rigward tal-kuntest li fih jidħlu d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, inqis li għandu jitqies, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni u tal-Artikolu 74(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, li “oġġetti li huma s-suġġett ta’ [dikjarazzjoni doganali] jistgħu jiġu rilaxxati biss jekk l-ammont tad-dejn doganali jkun tħallas jew ikun garantit” ( 185 ). Fir-rigward tal-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-Artikolu 89 u d-dispożizzjonijiet segwenti ta’ dan il-kodiċi jippreċiżaw is-sitwazzjonijiet varji li fihom huwa meħtieġ li jsir rikors għall-kostituzzjoni ta’ garanziji, u jispeċifikaw ukoll l-ipoteżijiet li fihom din il-kostituzzjoni ma għandhiex issir ( 186 ). Minn dan isegwi, għall-finijiet ta’ dan il-motiv, li għalkemm l-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedu li jeħtieġu l-kostituzzjoni ta’ garanziji, din, fil-fehma tiegħi, hija limitata mir-rekwiżit ta’ protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 325 TFUE, li diġà ġie enfasizzat fl-ambitu ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 187 ). Il-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri toħroġ, barra minn hekk, mill-premessa 27 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, li tgħid, b’mod partikolari, li meta wieħed iqis “il-ħtieġa li tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri u kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi ekonomiċi, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli proċedurali fir-rigward tal-provvediment ta’ garanzija”, u mill-premessi 36 u 37 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 188 ). Għalhekk, inqis li għandu jiġi approvat l-approċċ tal-Kummissjoni, li l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll doganali u r-rekwiżit tal-kostituzzjoni ta’ garanziji għandhom jiġu ttrattati b’mod differenti skont jekk tkunx kwistjoni ta’ impriżi rrikonoxxuti li għandhom assi ( 189 ) jew humiex, bħal f’dan każ, l-hekk imsejħa kumpanniji “phoenix” li l-uniku għan tagħhom huwa li jwettqu frodi u li huma suġġetti għal likwidazzjoni hekk kif il-prodotti li jkunu ddikjaraw jiġu rrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera.

219.

Rigward, f’dan il-każ, il-provi relatati man-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ garanziji mir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ ksur, dawn diġà ġew eżaminati f’dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari, fil-parti relatata mal-obbligu li jirrikorru għal analiżi tar-riskji u kontrolli minn qabel, b’mod li ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu rrepetuti f’din il-parti ( 190 ).

220.

Barra minn hekk, ir-Renju Unit isostni li, minn naħa, il-fatt li jiġi adottat kunċett ġenerali daqstant ġenerali minn dak propost mill-Kummissjoni fir-rigward tal-garanziji li għandhom ikunu meħtieġa huwa ta’ detriment inaċċettabbli għad-drittijiet patrimonjali tal-importaturi, skont l-Artikolu 17 tal-Karta u l‑Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali, u li, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma kellhom l-ebda evidenza li tippermetti li jiġi ddeterminat valur ta’ sostituzzjoni, b’mod li ma kinux f’pożizzjoni li jeħtieġu l-għoti ta’ garanziji fuq il-bażi ta’ dan il-valur ta’ sostituzzjoni.

221.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

222.

Fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li d-dritt għall-proprjetà, kif sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta, ma jippermettix lill-awtoritajiet doganali li b’mod ġenerali jitolbu garanziji mingħand l-importaturi, nosserva li dan l-Istat ma jispjegax ir-raġunijiet eżatti li għalihom it-talba għall-kostituzzjoni ta’ garanzija tikkostitwixxi ksur dan id-dritt. Issa, skont il-massima actor incumbit probatio, reus in excipiendo fit actor, huwa dan l-Istat Membru li għandu jipprova l-pretensjoni tiegħu intiża sabiex tqajjem dubju dwar l-obbligu li jiġu kkostitwiti garanziji li fuqu tistrieħ il-Kummissjoni ( 191 ).

223.

Fi kwalunkwe każ, jidhirli, mal-ewwel daqqa ta’ għajn, li r-Renju Unit mhux qiegħed jallega li l-Artikolu 248 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jew l-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kienu huma stess kuntrarji għad-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikolu 17 tal-Karta. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġu rriveduti fil-qosor il-kriterji relatati mal-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali, kif ikkaratterizzati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), li għandha titqies għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 17, skont il-klawżola ta’ omoġeneità prevista fl-Artikolu 52(3) tal-Karta ( 192 ). Bis-saħħa ta’ din il-ġurisprudenza, l-impożizzjoni fiskali tikkostitwixxi, bħala prinċipju, interferenza fid-dritt għall-proprjetà ( 193 ), iżda din l-interferenza hija ġġustifikata skont it-tieni paragrafu tal-artikolu msemmi li jipprovdi espressament għal eċċezzjoni fir-rigward tal-ħlas tat-taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra ( 194 ). F’dan il-kuntest, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, meta l-Istati jifformulaw u jimplimentaw politika fiskali, huma jgawdu minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni ( 195 ). Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-kostituzzjoni ta’ garanzija doganali hija biss ta’ natura temporanja u titneħħa hekk kif jitħallsu d-dazji doganali korretti jew hekk kif l-importatur ikun wera l-assenza ta’ sottovalutazzjoni. Jidhirli li, meta jsostni li l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jadottaw kunċett ġenerali bħal dak previst mill-Kummissjoni fir-rigward tal-garanziji meħtieġa, ir-Renju Unit iqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà possibbli tal-prattika amministrattiva rrakkomandata minn din l-istituzzjoni mad-dritt fundamentali għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta. Huwa veru li, bis-saħħa tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huma maħsuba sabiex jiġu applikati fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni, iżda mhux barra minn tali sitwazzjonijiet, billi l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ tinkludi prattiki amministrattivi ( 196 ), bħal dawn inkwistjoni f’dan il-każ ( 197 ). Madankollu, l-oġġezzjoni msemmija iktar ’il fuq imressqa mir-Renju Unit tidher li hija ipotetika fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, peress li l-kompatibbiltà tad-deċiżjonijiet u l-imġiba tal-awtoritajiet nazzjonali mal-Karta ma jistgħux jiġu evalwati b’mod astratt, iżda biss fil-kuntest ta’ att amministrattiv partikolari. Peress li r-Renju Unit ma ppreżenta l-ebda każ speċifiku li fih kostituzzjoni ta’ garanzija, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, wasslet għal ksur ta’ dritt fundamentali sanċit fil-Karta minn operatur ikkonċernat, ma hemm l-ebda raġuni, fil-fehma tiegħi, għal xiex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina dan l-argument ta’ difiża.

224.

Fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li l-awtoritajiet tiegħu ma kinux f’pożizzjoni li jitolbu garanziji għar-raġuni li ma kellhom l-ebda bażi sabiex jiddeterminaw valur ta’ sostituzzjoni għall-merkanzija importata, jidhirli li r-Renju Unit jiġġustifika l-assenza ta’ implimentazzjoni ta’ miżura doganali permezz tal-assenza ta’ adozzjoni ta’ miżura oħra, jiġifieri n-nuqqas ta’ kontrolli minn qabel ir-rilaxx u t-teħid ta’ kampjuni. B’mod iktar speċifiku, din l-ommissjoni kellha l-effett li dak l-Istat ma kienx f’pożizzjoni li jiddetermina, skont l-Artikoli 70 u 74 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, il-valur tal-prodotti kkonċernati, li madankollu huwa meħtieġ għall-kostituzzjoni tal-garanziji. Fl-aħħar nett, għandha tinġibed l-attenzjoni għal inkonsistenza fl-argumenti ta’ difiża tar-Renju Unit li jsostni, essenzjalment, li, f’sitwazzjoni fejn l-awtoritajiet doganali tiegħu ma applikawx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni, huwa xorta waħda possibbli, kif jenfasizza r-Renju Unit bl-Operazzjoni Breach ( 198 ), li tiġi ddeterminata d-differenza bejn il-valur tal-merkanzija li fuq il-bażi tagħha jkunu nġabru d-dazji doganali u l-valur reali tagħhom.

3.   Sommarju tal-provi kontra r-Renju Unit

225.

Bħala sommarju, għandu jiġi sostnut li l-miżuri meħuda mir-Renju Unit għall-perijodu ta’ ksur ma jistgħux jitqiesu effettivi fis-sens tal-Artikolu 325 TFUE u d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju fil-qasam doganali. Fil-fatt, inqis li, fir-rigward tal-prodotti kkonċernati, dak l-Istat naqas, matul il-perijodu ta’ ksur, li jwettaq verifiki doganali bbażati fuq analiżi tar-riskju u kontrolli minn qabel ir-rilaxx tal-merkanzija, kif ukoll li jeħtieġ garanziji qabel ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tagħha. Il-miżuri ta’ kontroll wara l-isdoganament tal-merkanzija la kienu suffiċjenti u lanqas effettivi taħt dawn id-dispożizzjonijiet. B’hekk, il-miżuri adottati mir-Renju Unit kienu manifestament ineffettivi, billi qiesu l-karatteristiċi tal-frodi inkwistjoni u l-għarfien li l-awtoritajiet tar-Renju Unit jista’ jkollhom dwarha matul il-perijodu ta’ ksur.

226.

Konklużjoni bħal din tirriżulta wkoll mid-data statistika pprovduta mill-Kummissjoni, li minnha jirriżulta li, fuq il-bażi tal-metodoloġija tal-OLAF, filwaqt li 32.44 % tal-importazzjonijiet kienu ġew iddikjarati f’livell taħt il-prezz minimu aċċettabbli fl-2013, dan il-proporzjon tela’ għal 50.50 % fl-2016 ( 199 ). Ir-Renju Unit jirrikonoxxi li, abbażi tal-approċċ żviluppat minn HMRC, 35.2 % tal-importazzjonijiet kollha tal-Kapitoli 61 sa 64 miċ-Ċina kienu, matul il-perijodu ta’ ksur, issottovalutati, filwaqt li, bl-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-OLAF, din iċ-ċifra tilħaq 44.8 % ( 200 ). Issa, huwa ċar li ż-żewġ partijiet jaqblu dwar il-fatt li l-Operazzjoni Swift Arrow kellha l-effett li tnaqqas il-volum ta’ prodotti ssottovalutati; iċ-ċifra għall-ewwel trimestru tas-snin 2017 u 2018 turi volumi ta’ importazzjonijiet taħt il-prezz minimu aċċettabbli dgħajfa ħafna ( 201 ). Iż-żewġ partijiet jirrikonoxxu wkoll li l-kontrolli doganali ta’ din l-operazzjoni kienu jikkonsistu f’kontrolli qabel ir-rilaxx tal-merkanzija fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskju, kontrolli li kienu akkumpanjati bit-teħid ta’ kampjuni. Din id-data tippermetti, fl-opinjoni tiegħi, li wieħed jikkonkludi li hemm rabta diretta bejn il-preżenza tal-frodi ta’ sottovalutazzjoni u l-metodi ta’ kontroll doganali implimentati mill-Istat Membru, li jimplika li l-frodi massiva ta’ sottovalutazzjoni inkwistjoni mwettqa matul il-perijodu ta’ ksur ma kinitx inevitabbli. Għalhekk, inqis li l-argument, li jokkupa post ċentrali fid-difiża tar-Renju Unit, li jsostni li mis-suċċess tal-Operazzjoni Swift Arrow ma jistax jiġi dedott li l-miżuri meħuda qabel kienu manifestament mhux xierqa għandu jiġi miċħud peress li d-data empirika eżaminata iktar ’il fuq tikkonferma preċiżament il-kuntrarju.

227.

Il-konklużjoni preċedenti fir-rigward tan-natura insuffiċjenti tal-miżuri meħuda, matul il-perijodu ta’ ksur, mir-Renju Unit għall-ġlieda kontra l-frodi ta’ sottovalutazzjoni ma hijiex invalidata mill-argument li huwa jiddeduċi mill-fatt li ħa sehem fl-operazzjonijiet kollha mwettqa mill-Kummissjoni u li huwa bdiehom huwa stess, b’din l-istituzzjoni tikkonferma wkoll li huwa ħa l-passi kollha meħtieġa f’dan ir-rigward ( 202 ). Fil-fatt, kif afferma r-Renju Unit innifsu, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tad-dritt doganali tal-Unjoni, li jimplika li huma responsabbli għat-twettiq ta’ kontrolli doganali xierqa u ta’ protezzjoni, b’mod effikaċi, tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. It-twettiq ta’ din il-missjoni jeħtieġ, min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet, ħidma kontinwa, koerenti u sistematika għall-protezzjoni tal-fruntiera doganali tal-Unjoni, li ma tistax tkun limitata għall-parteċipazzjoni okkażjonali f’operazzjonijiet doganali, li l-effetti tagħha jistgħu jkunu biss temporanji.

4.   Fuq l-obbligu għall-Istati Membri li jiddeterminaw l-ammonti ta’ dazji doganali u li jdaħħlu fil-kontijiet l-ammonti korrispondenti

228.

Il-Kummissjoni ssostni li, matul il-perijodu ta’ ksur, ir-Renju Unit kompla jikser l-Artikolu 105(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, sa fejn ma daħħalx fil-kontijiet id-djun doganali li kien għad iridu jinġabru fir-rigward tal-importazzjonijiet issottovalutati b’mod frawdolenti inkwistjoni, hekk kif l-awtoritajiet doganali saru jafu bis-sitwazzjoni li wasslet għall-konstatazzjoni ta’ dawn id-djun.

229.

Ir-Renju Unit, min-naħa l-oħra, isostni, essenzjalment, li, peress li ma huwiex meħtieġ li jivverifika d-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni jew li jikkalkola d-dazji addizzjonali, ma huwa taħt l-ebda obbligu li jdaħħal fil-kontabbiltà d-djun doganali inkwistjoni.

230.

L-ewwel nett, skont it-termini tal-Artikolu 104(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 218(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, l-awtoritajiet doganali għandhom idaħħlu fil-kontijiet, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-ammont tad-dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni eżiġibbli. Minn naħa waħda, għalkemm id-dħul fil-kontijiet previst f’dawn id-dispożizzjonijiet huwa l-korollarju tal-obbligi li jiġu stabbiliti u magħmula disponibbli għall-Unjoni riżorsi proprji tradizzjonali, li huma ġejjin, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1150/2000 u r-Regolament Nru 609/2014 eżaminati fil-kuntest tat-tieni motiv ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 203 ), dan iseħħ indipendentement minn dawk l-obbligi ( 204 ) u għalhekk għandu jkun distint minnhom ( 205 ). Min-naħa l-oħra, l-obbligu li jiddaħħlu fil-kontijiet l-ammonti ta’ dazji taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huwa, fil-kuntest tal-kawża preżenti, konsegwenza diretta u inevitabbli tal-adozzjoni ta’ miżuri doganali, bħalma huma l-użu tal-analiżi tar-riskju u l-kontrolli doganali minn qabel ir-rilaxx diġà eżaminati, b’mod li l-ommissjoni tagħhom neċessarjament timplika li l-imsemmija ammonti ma ddaħħlux fil-kontijiet. Għalhekk, inqis li l-ilment relatat mal-ksur tal-obbligu li l-ammonti kkonċernati jiddaħħlu fil-kontijiet għandu jiġi analizzat flimkien mal-ilmenti relatati mal-obbligu li jiġu adottati l-miżuri doganali meħtieġa, li diġà ġew diskussi fl-ambitu ta’ dan motiv.

231.

Fil-mertu, skont il-ġurisprudenza, il-kunsiderazzjoni tal-ammonti ta’ dazji doganali tikkonsisti, b’mod partikolari, fid-dħul, mill-awtoritajiet doganali, fir-reġistri tal-kontabbiltà jew fuq kwalunkwe mezz ieħor li jissostitwixxihom, meta dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkalkolaw l-ammont legalment dovut u jiddeterminaw id-debitur ( 206 ), tal-ammont li għandu jiġi rkuprat. Dan jimplika li, meta awtorità doganali ssib li kien hemm nuqqas totali jew parzjali ta’ ħlas ta’ djun doganali u li hija f’pożizzjoni li tikkalkola l-ammont ta’ dazji li jirriżultaw minn tali dejn u li tiddetermina d-debitur, hija meħtieġa li ddaħħal fil-kontijiet dan l-ammont skont id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq. Fil-każ preżenti, kif ġie nnotat diġà, ir-Renju Unit kien konxju mill-frodi ta’ sottovalutazzjoni tal-merkanzija, li jimplika li l-awtoritajiet tiegħu ma kinux obbligati biss li jiddeterminaw il-valuri doganali korretti u li jwettqu kontrolli fuq id-dikjarazzjonijiet doganali, iżda wkoll li jiddeterminaw l-ammonti relatati mal-importazzjonijiet inkwistjoni u li jikkunsidrawhom, skont l-Artikolu 105(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ( 207 ). Sa fejn ir-Renju Unit ma għamilx dawn id-determinazzjonijiet u dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ilment ibbażat fuq dawn id-dispożizzjonijiet, li fir-realtà ma għandux kontenut awtonomu, għandu wkoll jiġi kkunsidrat bħala fondat bħala konsegwenza diretta tal-ksur eżaminat fil-punti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri meħtieġa msemmija iktar ’il fuq skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività sanċit fl-Artikolu 325 TFUE, ir-Renju Unit naqas neċessarjament milli jiddetermina l-ammonti għall-importazzjonijiet inkwistjoni u naqas milli jdaħħalhom fil-kontijiet, skont l-Artikolu 105(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tad-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

232.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv għandu jiġi kkunsidrat bħala fondat sa fejn jikkonċerna l-obbligi taħt l-Artikolu 325 TFUE, l-Artikoli 13 u l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, l-Artikoli 3, 46 u l-Artikolu 105(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-Artikolu 248(1) tar-Regolament ta’ Applikazzjoni, u l-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

C. Fuq il-ksur tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata mar-riżorsi proprji u l‑istima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali kkostitwiti mid-dazji doganali

233.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju Unit kiser il-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali u, b’mod partikolari, l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjonijiet 2007/436 u 2014/335, kif ukoll l-Artikoli 2, 6, 9, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1150/2000, li miegħu jikkorrispondu, rispettivament, l-Artikoli 2, 6, 9, 10, 12 u 13 tar-Regolament Nru 609/2014. Skont il-Kummissjoni, dan l-Istat naqas, matul il-perijodu ta’ ksur, milli jwettaq il-kontrolli doganali xierqa, b’mod li l-merkanzija ssottovalutata b’mod frawdolenti ma ġietx iddikjarata b’mod korrett lid-dwana. Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni inkorretta, id-dazji doganali dovuti għal din il-merkanzija ma kinux ġew ikkalkolati b’mod korrett u l-ammonti ta’ riżorsi proprji li jikkorrispondu mad-dazji li kellhom ikunu kkonstatati ma kinux ġew stabbiliti u għalhekk ma kinux tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-mument meta suppost kienu tqiegħdu. Il-Kummissjoni tilmenta wkoll fil-konfront tar-Renju Unit li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkonstataw, imbagħad annullaw, djun doganali relatati ma’ ċerti importazzjonijiet ta’ merkanzija ssottovalutata, u b’hekk wettqu żball amministrattiv. Fil-qosor, il-Kummissjoni tqis li r-Renju Unit huwa responsabbli għat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li rriżulta.

234.

Qabel ma tiġi analizzata l-fondatezza ta’ dan il-motiv, huwa meħtieġ li tiġi ċċarata s-sistema legali relatata mat-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali sabiex jiġu ddeterminati l-obbligi tal-Istati Membri f’dan il-qasam (Taqsima 1). Fir-rigward tal-mertu ta’ dan il-motiv, l-ewwel nett, huwa neċessarju li jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li, billi ma ħadux il-miżuri xierqa wara li stabbilixxew dejn doganali addizzjonali għal ċerta merkanzija ssottovalutata għal perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014, u meta annullaw dawn id-djun addizzjonali kkonstatati, l-awtoritajiet tar-Renju Unit wettqu żball amministrattiv li r-Renju Unit huwa finanzjarjament responsabbli għalih (Taqsima 2). Sussegwentement, huwa neċessarju li tiġi analizzata l-kwistjoni kkumplikata dwar id-determinazzjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżulta mill-fatt tal-allegat ksur (Taqsima 3) u, fl-aħħar nett, sussidjarjament, l-argumenti ta’ difiża tar-Renju Unit dwar l-interessi moratorji (Taqsima 4).

1.   Fuq is-sistema legali sabiex jiddaħħlu fil-kontijiet l-ammonti dovuti u sabiex ir-riżorsi proprji tradizzjonali jsiru disponibbli

235.

Id-dħul mid-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 2(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2007/436 u l-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335, riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni ( 208 ). Dawn tal-aħħar huma ddefiniti bħala “dħul imħallas darba għal dejjem lill-[Unjoni] sabiex tiffinanzja l-baġit tagħha u li jsir tagħha bi dritt mingħajr ma tkun meħtieġa deċiżjoni sussegwenti mill-awtoritajiet nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 209 ). Għalkemm l-Istati Membri huma responsabbli għall-ġbir, skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija deċiżjonijiet, tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, huma madankollu obbligati li jagħmluhom disponibbli għall-Unjoni, mingħajr ma jkunu jistgħu jopponu dan ( 210 ).

236.

In-natura imperattiva li r-riżorsi proprji tradizzjonali jsiru disponibbli għall-Unjoni ġejja mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 609/2014 ( 211 ), dwar il-modalitajiet u l-proċedura sabiex, b’mod partikolari, ir-riżorsi proprji tradizzjonali jsiru disponibbli ( 212 ). F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 609/2014 ( 213 ), intitolament tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali huwa kkonstatat malli l-kundizzjonijiet stabbiliti mir-regoli doganali fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-ammont tad-dazju u l-komunikazzjoni tiegħu lill-persuna taxxabbli ( 214 ), u, skont it-termini tal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament ( 215 ), l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammonti li jikkorrispondu mal-intitolamenti kkonstatati jsiru disponibbli għall-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi espressjoni speċifika tar-rekwiżiti ta’ kooperazzjoni leali li jirriżultaw mill-Artikolu 4(3) TUE, skont liema l-Istati Membri, b’mod partikolari, għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-problemi li jiltaqgħu magħhom fl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 216 ).

237.

Billi d-dħul b’telf minn riżorsa proprja għandu jiġi kkumpensat jew b’riżorsa proprja oħra jew b’aġġustament tan-nefqiet, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonstataw id-drittijiet tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali, u fin-nuqqas ta’ dan ikunu qegħdin jippermettu li l-ekwilibriju finanzjarju tal-Unjoni jiġi ppreġudikat bl-imġiba ta’ Stat Membru ( 217 ). Għall-finijiet li r-riżorsi proprji jsiru disponibbli, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 609/2014 jeħtieġ li kull Stat Membru jikkredita r-riżorsi proprji fil-kont miftuħ għal dan il-għan f’isem il-Kummissjoni, skont il-modalitajiet iddefiniti fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolamenti ( 218 ). F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 609/2014 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iżommu kontijiet tar-riżorsi proprji mat-Teżor Pubbliku jew il-korp maħtur minnhom. Meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment tad-dejn doganali jiġu ssodisfatti, l-Istati Membri huma meħtieġa li jdaħħluh fil-kontijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament (il-“kontabbiltà A”) jew, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet ad hoc, debitament jinkluduh fil-kontabbiltà prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(3) ta’ dan ir-regolament (il-“kontabbiltà B”) ( 219 ).

238.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-protezzjoni ġenerali tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni tikkostitwixxi għan indipendenti li huwa sanċit fis-Sitt Parti, Titolu II (Dispożizzjonijiet Finanzjarji) tat-Trattat FUE, distint mill-unjoni doganali prevista fit-Tielet Parti, Titolu II, Kapitolu 1 TFUE dwar il-politiki tal-Unjoni ( 220 ). Madankollu, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali Trstenjak ( 221 ), hemm rabta bejn id-dispożizzjonijiet doganali u d-dispożizzjonijiet relatati mar-riżorsi proprji tal-Unjoni, fis-sens li l-awtoritajiet doganali nazzjonali kompetenti għandhom, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet doganali, jevalwaw, jimponu u jiġbru d-dazji doganali bħala riżorsi proprji ( 222 ). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm rabta inseparabbli bejn l-obbligu li jiġu kkonstatati r-riżorsi proprji tal-Unjoni, dak li jiddaħħlu fil-kont tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti u dak tal-ħlas ta’ interessi moratorji ( 223 ). Dawn tal-aħħar huma dovuti wkoll irrispettivament mir-raġuni għad-dewmien li bih dawn ir-riżorsi ġew ikkreditati lill-Kummissjoni ( 224 ).

239.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher partikolarment attenta fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, filwaqt li tfakkar, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet finanzjarji tad-dritt tal-Unjoni huma fost ir-regoli fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li l-osservanza stretta tagħhom hija essenzjali sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tagħha ( 225 ). Minħabba li l-Unjoni għandu jkollha r-riżorsi tagħha stess “bl-aħjar kundizzjonijiet possibbli” ( 226 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li diversi regoli relatati mal-irkupru ta’ dazji doganali huma maħsuba sabiex jiżguraw applikazzjoni uniformi u diliġenti tad-dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet doganali, fl-interess ta’ disponibbiltà malajr u effikaċi tar-riżorsi proprji tal-Unjoni ( 227 ). Għalhekk, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, jekk żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jkollu l-effett li r-riżorsi proprji tal-Unjoni ma jkunux ġew irkuprati, żball bħal dan ma jistax iqiegħed fid-dubju l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jħallas d-dazji li kienu ġew stabbiliti kif ukoll l-interessi moratorji ( 228 ). Bħala eżempju, kienu ġew miċħuda l-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Istati Membri, ibbażati fuq żball fil-kontabbiltà mill-awtoritajiet nazzjonali ( 229 ), tad-distinzjoni bejn żball materjali u żball legali mressqa mill-Istat Membru inkwistjoni, jew saħansitra n-natura mhux intenzjonali tad-dewmien meta ddaħħlu ammonti fil-kont tal-Kummissjoni ( 230 ). Minn dan isegwi li Stat Membru li jastjeni milli jikkonstata d-dritt tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji u milli jagħmel l-ammont korrispondenti disponibbli għall-Kummissjoni, mingħajr ma tkun issodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 609/2014, jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni ( 231 ).

240.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, ma nistax ma nikkondividix il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-ksur tal-obbligu tal-Istat Membru, skont id-dritt tal-Unjoni, li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li jiġġieled kontra l-frodi, kif ukoll li jwettaq kontrolli doganali fuq il-bażi ta’ analiżi tar-riskji u li jirrikjedi l-kostituzzjoni ta’ garanziji, ikkonstatata f’dawn il-konklużjonijiet, huwa neċessarjament akkumpanjat minn kalkolu żbaljat ta’ ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li għandhom isiru disponibbli għall-baġit tal-Unjoni u mill-assenza ta’ konstatazzjoni u ta’ disponibbiltà ta’ dawn ir-riżorsi fil-mument li fih dawn kellhom ikunu disponibbli.

2.   Fuq il-ksur tal-obbligu tar-Renju Unit li jagħmel disponibbli għall‑Kummissjoni l-ammonti li jikkorrispondu mad-dazji doganali kkonstatati fil‑kuntest tal-Operazzjoni Snake

241.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-Renju Unit kien obbligat, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, li għalih jikkorrispondi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 609/2014, li jikkonstata l-eżistenza tar-riżorsi proprji tal-Unjoni u jagħmilhom, skont l-Artikoli 6, 9 u 10 ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, għad-dispożizzjoni tagħha. Fir-rikors tagħha, bl-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tilmenta li l-awtoritajiet tar-Renju Unit annullaw fil-kontabbiltà B ammonti kbar ta’ djun doganali. Dawn l-ammonti jikkorrispondu mad-djun addizzjonali kkonstatati wara l-Operazzjoni Snake mwettqa fl-2014 u nnotifikati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit permezz tal-ħruġ tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, iżda li kienu ġew irtirati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit bejn ix-xhur ta’ Ġunju u Novembru 2015 ( 232 ). Skont il-Kummissjoni, billi naqsu milli jieħdu l-azzjoni doganali xierqa wara li sabu u annullaw id-djun doganali addizzjonali, dawn l-awtoritajiet wettqu żball amministrattiv li r-Renju Unit għandu jinżamm finanzjarjament responsabbli għalih.

242.

Dan l-Istat jikkritika dan l-ilment, essenzjalment, għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, huwa jargumenta li, fil-ħin tal-ħruġ tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, ma kien hemm l-ebda metodoloġija sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali a posteriori, wara r-rilaxx tal-merkanzija ssottovalutata. Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit isostni li l-ammonti inkwistjoni wrew li huma “irrekuperabbli”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għal raġunijiet li ma humiex attribwibbli lill-awtoritajiet tar-Renju Unit, għaliex l-importaturi kkonċernati bit-23 avviż ta’ ħlas C18 Snake kienu kumpanniji “phoenix”, jiġifieri kumpanniji li jisparixxu hekk kif il-merkanzija tiġi rrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera. Għalhekk, kien ikun definittivament impossibbli li jiġu rkuprati d-dazji kkonċernati, għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lilu, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 u l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament Nru 609/2014. Minn dan isegwi li r-Renju Unit kien eżentat milli jagħmel l-ammonti li jikkorrispondu mad-dazji kkonstatati disponibbli għall-baġit tal-Unjoni.

243.

Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan l-ilment, il-kwistjoni hija jekk, meta ma rkuprax id-dazji doganali kkonstatati mill-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, ir-Renju Unit aġixxiex b’mod inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 1150/2000 u tar-Regolament Nru 609/2014.

244.

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 609/2014 u d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-ammonti li jikkorrispondu mal-intitolamenti jkunu disponibbli għall-baġit tal-Unjoni. F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-awtoritajiet Brittaniċi qiesu li ċerti importazzjonijiet ikkontrollati fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake kienu ssottovalutati, li kienu qiesu l-ammonti inkwistjoni, innotifikaw lill-operaturi bit-23 avviż ta’ ħlas C18 Snake u kkonstataw djun doganali li jikkorrispondu għal dawn. L-ammonti li jikkorrispondu għal dawn id-djun kienu inizjalment imdaħħla fil-kontabbiltà B, skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 1150/2000 u tar-Regolament Nru 609/2014, bħala intitolamenti kkonstatati, mhux irkuprati u li għalihom ma kienet ingħatat l-ebda garanzija. Imbagħad ir-Renju Unit annullahom.

245.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, taħt l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 609/2014 u l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri ma humiex eżentati milli jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni ammonti li jikkorrispondu ma’ intitolamenti kkonstatati ħlief jekk l-irkupru ma setax jitwettaq għal raġunijiet ta’ forza maġġuri jew meta jirriżulta li dan l-irkupru huwa definittivament impossibbli għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom. Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċetti ta’ “raġunijiet ta’ force majeure” u “raġunijiet oħra li ma jistgħux jiġu attribwiti lilhom [lill-Istati Membri]” b’mod strett. Pereżempju, hija rrifjutat li tikkunsidra li strajk prevedibbli jista’ jikkostitwixxi fatt ġustifikattiv ta’ dewmien fid-dħul tar-riżorsi ( 233 ) jew li Stat Membru jista’ jevalwa l-opportunità li tiġi eżegwita talba għal reġistrazzjoni antiċipata ta’ riżorsi ( 234 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ukoll ġustifikazzjoni minn Stat Membru dwar imġiba frawdolenti minn uffiċjali tad-dwana ( 235 ).

246.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jidhirli li, f’dan il-każ, l-argumenti tad-difiża tar-Renju Unit ma jistgħux jirnexxu. Fl-ewwel lok, huwa stabbilit li dan l-Istat ma jinvokax il-forza maġġuri sabiex jiġġustifika l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, iżda pjuttost jillimita ruħu li jsostni li ma jistax jinżamm responsabbli għat-telf tad-dazji doganali addizzjonali mitluba f’dawn l-avviżi ta’ ħlas. Għalkemm l-insolvenza tad-debitur tad-dejn doganali tikkostitwixxi, prima facie, fattur li ma jiddependix mir-rieda ta’ Stat Membru, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju Unit ma ħax il-miżuri kollha neċessarji sabiex l-ammonti li jikkorrispondu mal-intitolamenti tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali jsiru disponibbli għall-baġit tal-Unjoni. Mid-dokumenti tal-partijiet jidher li dawn ma jikkontestawx li d-dazji doganali addizzjonali kienu ġew ikkonstatati, minħabba li l-awtoritajiet Brittaniċi kienu identifikaw il-merkanzija li r-rilaxx tagħha kien diġà ġie awtorizzat, u lanqas li l-garanziji sabiex jiżguraw l-irkupru sħiħ tal-ammonti mitluba ma ġew mitluba mingħand l-importaturi konċernati ( 236 ). Huwa importanti li jiġi enfasizzat li, matul dan iż-żmien, dawn l-awtoritajiet Brittaniċi kienu kompletament konxji mill-iskema ta’ frodi inkwistjoni, li kienet tikkonsisti, b’mod partikolari, fil-waqfien tal-attività kollha tal-kumpanniji inkwistjoni, sa mill-ewwel kontestazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali ppreżentata għall-iskop tal-importazzjoni tal-merkanzija. Għalhekk inqis li l-argument tar-Renju Unit li l-ġbir tad-djun doganali addizzjonali koperti mill-avviżi ta’ ħlas C18 Snake kien ikun impossibbli għar-raġuni li dawn id-djun ma setgħux jiġu inforzati ma kienx fondat. Fil-fatt, wara l-konstatazzjoni tad-dazji doganali addizzjonali, dan l-Istat kellu jitlob, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni fis-seħħ, kif interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni sanċit fl-Artikolu 325 TFUE, il-kostituzzjoni ta’ garanziji suffiċjenti sabiex ikopru l-ammont eżiġibbli ( 237 ). Għalhekk, jidhirli li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-insolvenza tad-debituri tad-djun doganali, kif imressqa mir-Renju Unit, ma tikkostitwixxix, bħala tali, raġuni li tista’ teżenta lill-Istat Membru milli jirkupra dan id-dejn skont id-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

247.

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Renju Unit li l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake kien inevitabbli, peress li ma kienet teżisti l-ebda metodoloġija sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija. B’mod iktar speċifiku, dan l-Istat isostni li l-awtoritajiet tiegħu rtiraw l-avviżi ta’ ħlas C18 Snake wara l-kontestazzjoni tagħhom minn ċerti operaturi, fuq il-bażi li l-metodoloġija tal-OLAF li kienu użaw sabiex jiddeterminaw il-valur doganali korrett tal-importazzjonijiet issottovalutati u li kienu s-suġġett tat-tilwima matul l-Operazzjoni Snake ma kinitx xierqa għall-“evalwazzjoni mill-ġdid” ta’ dawn l-importazzjonijiet. Skont ir-Renju Unit, l-awtoritajiet tiegħu kellhom jirtiraw l-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, peress li dawn kienu bbażati biss fuq il-metodoloġija tal-OLAF.

248.

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-determinazzjoni tal-valur doganali għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ekwa, uniformi u newtrali li teskludi l-użu ta’ valuri doganali arbitrarji jew fittizji ( 238 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li jirriżulta mill-Artikoli 29 sa 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (issa l-Artikoli 70 sa 74 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni) li l-metodi ta’ determinazzjoni tal-valur doganali previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma stabbiliti f’ordni ġerarkika u jippreżentaw rabta ta’ sussidjarjetà, b’mod li, meta tali valur ma jistax jiġi ddeterminat bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari, huwa meħtieġ li jsir riferiment għad-dispożizzjoni li tiġi immedjatament wara din fl-ordni stabbilita ( 239 ). F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li, skont il-proċess, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv ( 240 ), il-metodoloġija tal-OLAF kienet oriġinarjament maħsuba sabiex tintuża biss bħala għodda ta’ analiżi tar-riskju f’attivitajiet doganali tas-soltu. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, ma kienx fil-laqgħa tal‑20 ta’ Frar 2015 li l-OLAF indika, għall-ewwel darba, li l-prezz medju kkorreġut ma kellux jintuża għal skopijiet ta’ “evalwazzjoni mill-ġdid”, iżda kien mill-bidu tal-ACP Discount li l-Istati Membri kienu ġew informati li l-għan tal-metodoloġija tal-OLAF kien il-kxif tal-frodi. Għalhekk, meta l-awtoritajiet Brittaniċi rrikorrew għall-prezzijiet medji kkorreġuti bbażati fuq il-metodoloġija tal-OLAF sabiex jikkalkolaw id-dazji doganali addizzjonali mitluba fl-avviżi ta’ ħlas C18 Snake ( 241 ), huma ma użawx din il-metodoloġija skont l-għanijiet li għalihom kienet maħsuba. Għalhekk nikkondividi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ( 242 ) li l-awtoritajiet tar-Renju Unit kellhom, wara li jidentifikaw l-merkanzija ssottovalutata b’mod frawdolenti, jiddeterminaw il-valur doganali korrett tagħhom, skont il-metodi sekwenzjali speċifikati fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità u fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-metodi ta’ determinazzjoni imsemmija iktar ’il fuq, filwaqt li jiġi kkunsidrat li din kienet merkanzija importata suġġetta għal kontrolli doganali ( 243 ). Għaldaqstant, jidher li, billi ma segwiex il-passi relatati mad-determinazzjoni tal-valur doganali, taħt id-dispożizzjonijiet doganali applikabbli u ċċitati fil-punt preċedenti, fir-rigward tal-merkanzija identifikata bħala ssottovalutata fil-qafas tal-operazzjoni Snake, u bl-applikazzjoni tal-metodoloġija tal-OLAF minflok dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Renju Unit ma osservax il-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni, b’mod li l-ammonti ddeterminati fl-avviżi ta’ ħlas C18 Snake ma jirriflettux l-ammonti li fil-fatt kienu dovuti mill-operaturi.

249.

Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet Brittaniċi indunaw huma stess bl-iżbalji li għamlu meta ddeterminaw l-ammonti addizzjonali ( 244 ), iżda minflok ma kkorreġew l-iżbalji u ħarġu mill-ġdid ordnijiet ta’ ħlas, għażlu li definittivament jannullaw l-avviżi ta’ ħlas C18 Snake. Ir-Renju Unit isostni li, fin-nuqqas ta’ metodoloġija aċċettabbli, kien aħjar li jiġu annullati d-djun ( 245 ). Għalhekk kif targumenta l-Kummissjoni, kien possibbli għar-Renju Unit li jerġa’ joħroġ avviżi ta’ ħlas, ħaġa li għażel li ma jagħmilx.

250.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li r-Renju Unit, wara li kkonstata, qies u nnotifika lid-debituri dwar id-dazji doganali mitluba mit-23 avviż ta’ ħlas C18 Snake, ma osservax l-obbligi taħt l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 609/2014 u d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, skont liema l-Istati Membri huma obbligati sabiex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-ammonti li jikkorrispondu mal-intitolamenti kkonstatati jsiru disponibbli għall-baġit tal-Unjoni. L-annullament ta’ dawn l-avviżi ta’ ħlas, kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti relatati magħhom, għandhom jitqiesu bħala żbalji amministrattivi min-naħa tal-awtoritajiet Brittaniċi, li l-konsegwenza tagħhom hija n-nuqqas ta’ rkupru tar-riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni. Barra minn hekk, nikkondividi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li r-Renju Unit ipprefera jannulla l-ammonti mitluba mill-avviżi ta’ ħlas C18 Snake u mdaħħla fil-kontabbiltà B milli jsegwi l-proċedura prevista fl-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 609/2014 u d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1150/2000, li jippermettu lill-Istati Membri jkunu eżentati mill-obbligu li jagħmlu disponibbli għall-baġit tal-Unjoni l-ammonti li jikkorrispondu għal intitolamenti li jirriżultaw irrekuperabbli. Minn dan isegwi li r-Renju Unit ma setax, f’dawn iċ-ċirkustanzi, juża l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 609/2014 u fid-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000, sa fejn l-iżbalji amministrattivi deskritti huma attribwibbli għal dak l-Istat. Minn dan isegwi li, bis-saħħa ta’ ġurisprudenza stabbilita sew ( 246 ), Stat Membru li, wara li jkun stabbilixxa intitolament tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji, jastjeni milli jagħmel l-ammont korrispondenti disponibbli għall-Kummissjoni, mingħajr ma waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tkun issodisfatta, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, minħabba l-annullament tat-23 avviż ta’ ħlas C18 Snake u l-assenza tad-disponibbiltà tal-ammonti relatati, ir-riżorsi proprji tradizzjonali huma dovuti għall-baġit tal-Unjoni għall-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014.

3.   Fuq l-evalwazzjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali

251.

Sabiex tevalwa l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni li jirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni allegat kontra r-Renju Unit fl-ambitu ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq, f’dan il-każ, il-metodoloġija tal-OLAF u fuq id-data disponibbli għaliha. Fuq din il-bażi, hija tikkunsidra, għall-perijodu bejn Novembru 2011 u l-11 ta’ Ottubru 2017, li l-ammont ta’ EUR 2679637 088.86 (ammont gross, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġbir) kellu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni bħala riżorsi proprji tradizzjonali.

252.

Ir-Renju Unit, min-naħa l-oħra, jikkontesta fir-risposta tad-difiża tiegħu kemm il-metodoloġija użata kif ukoll l-ammont ikkalkolat mill-Kummissjoni. Fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tiegħu stess, huwa stabbilixxa l-ammont ta’ riżorsi proprji addizzjonali relatati mal-importazzjonijiet issottovalutati miċ-Ċina għall-perijodu ta’ ksur bħala GBP 217646623 ( 247 ), ċifra li baxxa fil-kontroreplika tiegħu u li stabbilixxa bħala GBP 123819268. Meta għamel dan, għalkemm dan l-Istat jippersisti li jikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li qiegħed jinżamm responsabbli għalih, jidhirli li, fir-realtà, huwa rrikonoxxa impliċitament, sa ċertu punt, li n-nuqqas tiegħu li jimplimenta miżuri effettivi sabiex jiġġieled kontra frodi doganali tas-sottovalutazzjoni wassal għal telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni ( 248 ). Għaldaqstant, il-kwistjoni ċentrali f’dan il-motiv hija kif tiġi ddeterminata l-portata tat-telf involut.

253.

Qabel ma neżamina din il-kwistjoni fil-mertu, inqis li huwa xieraq li nagħmel osservazzjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet preliminari mressqa mir-Renju Unit rigward, minn naħa, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex titwettaq l-evalwazzjoni u l-konstatazzjoni ta’ riżorsi proprji tradizzjonali billi din il-kompetenza taqa’ f’idejn l-Istati Membri (Taqsima 1), u, min-naħa l-oħra, in-natura tar-rikors preżenti li, fir-realtà, jikkostitwixxi rikors għal kumpens għad-danni, b’mod li hija l-Kummissjoni li għandha tipprova r-rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas speċifiku tal-Istat u l-ħsara li dan ikkawża (Taqsima 2).

a)   Osservazzjonijiet preliminari

1) Fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tevalwa t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni

254.

Ir-Renju Unit isostni li billi l-metodi l-oħra applikati fi stadju iktar kmieni fis-sekwenza tal-proċeduri previsti fl-Artikoli 70 sa 74 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 249 ) sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali ma jistgħux jiġu applikati ( 250 ), jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru li jimplimenta, minflok il-metodu ordinarju li huwa bbażat fuq il-valur tat-tranżazzjoni ta’ merkanzija, metodu sussidjarju ( 251 ), previst fl-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u fl-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u b’hekk li jiddetermina l-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata fuq il-bażi tad-data disponibbli u b’“mezzi raġonevoli” ( 252 ). Din id-determinazzjoni tinvolvi numru ta’ deċiżjonijiet kumplessi u għażliet metodoloġiċi diffiċli min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, li għandhom diskrezzjoni wiesgħa f’dan ir-rigward.

255.

Ma naqbilx ma’ dan l-argument ta’ difiża bbażat fuq l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet doganali, peress li, bħall-Kummissjoni, inqis li l-użu tal-metodoloġija tal-OLAF, bħala mezz għall-istima ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, ma għandux l-għan li jiddetermina valur doganali ta’ merkanzija importata fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri ( 253 ). Fil-fatt, skont l-Artikoli 69 sa 74 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-Istat Membru għandu jiddetermina l-valur doganali tal-merkanzija u, jekk meħtieġ, juża metodi sekondarji sabiex jagħmel dan ( 254 ). F’dan il-każ, kien ir-Renju Unit li kellu jiddetermina l-valur doganali tal-prodotti tessili u ta’ żraben miċ-Ċina, wara li kkunsidra indikaturi konkreti li wrew is-sottovalutazzjoni tagħhom. Issa, f’dan il-każ, tali determinazzjonijiet ma seħħewx, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv f’dan ir-rikors. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma tistax tieħu l-post tal-Istati Membri fit-twettiq ta’ tali evalwazzjoni meta l-Istat Membru inkwistjoni naqas milli jagħmel dan skont il-metodi msemmija iktar ’il fuq. Fi kwalunkwe każ, determinazzjoni bħal din ma għadhiex possibbli. Din iċ-ċirkustanza hija inerenti għan-natura statistika tal-metodoloġija tal-OLAF bħala għodda ta’ kalkolu tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, li għandha l-għan li tiddetermina, fuq il-bażi ta’ data statistika, il-portata tat-telf li seħħ minħabba l-ksur mir-Renju Unit tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali, sa fejn l-awtoritajiet tiegħu ma wettqux il-kontrolli doganali xierqa fuq il-merkanzija inkwistjoni ( 255 ), b’mod li d-dazji doganali dovuti għal din tal-aħħar ma kinux ġew ikkalkolati sew.

256.

Mill-ġurisprudenza stabbilita msemmija iktar ’il fuq ( 256 ) jirriżulta li hemm, bħala regola ġenerali, rabta diretta bejn il-ksur tad-dritt doganali tal-Unjoni allegat kontra l-Istat Membru u t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżultaw minnu għall-baġit tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni ( 257 ), li hija inerenti għas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, bħal dik li bħalissa hija kkonċepita fid-dritt tal-Unjoni, li l-Kummissjoni għandha l-għażla li tissottometti għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, tilwima bejnha u Stat Membru dwar l-obbligu ta’ dan tal-aħħar li jqiegħed ċertu ammont tar-riżorsi proprji tal-Unjoni għad-dispożizzjoni ta’ din l-istituzzjoni ( 258 ).

257.

Fil-każ preżenti, sa fejn ir-Renju Unit iddeċieda li ma jagħmilx disponibbli għall-Kummissjoni, fit-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata, l-ammont ta’ riżorsi proprji tradizzjonali inkwistjoni, iżda kkontesta biss il-pożizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-obbligu tiegħu li jimplimenta dan l-ammont, inqis li din l-istituzzjoni kellha raġun tikkunsidra li dan l-Istat kien naqas fl-obbligi tiegħu taħt il-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji tradizzjonali u ddeċidiet li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għal dan il-għan. F’dan il-kuntest, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat u tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-elementi meħtieġa sabiex hija tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni ( 259 ). Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-Kummissjoni pprovatx biżżejjed skont kif meħtieġ fid-dritt l-ammont tat-telf tar-riżorsi proprji li qiegħda titlob għall-perijodu ta’ ksur. Minn dan isegwi li għandu jiġi miċħud l-argument tar-Renju Unit relatat mal-ordni ta’ eżami tal-metodoloġiji u li skontu l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ewwel tikkunsidra l-istima proposta minn dan l-Istat.

258.

Ir-Renju Unit isostni wkoll li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni pprovat skont kif meħtieġ fid-dritt nuqqas minnu tal-obbligu li jiġġieled il-frodi ( 260 ), il-Kummissjoni, fit-tieni lok, kellha tipprova li l-metodoloġija proposta mir-Renju Unit għad-determinazzjoni tar-riżorsi proprji addizzjonali li jkunu dovuti hija bbażata fuq għażliet u evalwazzjoni tal-provi li huma manifestament irraġonevoli. B’mod iktar partikolari, skont ir-Renju Unit, mill-artikolazzjoni tal-Artikoli 258 u 260 TFUE jirriżulta li, meta tinkludi fis-suġġett tar-rikors tagħha l-kwistjoni relatata mal-istimi tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, il-Kummissjoni tmur lil hinn minn rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, li huwa limitat għall-kwistjoni ta’ jekk l-Istat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. F’tali każ, il-Kummissjoni tkun meħtieġa ġġib il-prova ta’ tip ieħor ta’ illegalità, jiġifieri n-natura manifestament mhux raġonevoli tal-evalwazzjoni tad-dazji mhux imħallsa li r-Renju Unit għamel.

259.

F’dan ir-rigward, nosserva li dan l-argument ma jqisx il-fatt li dan ir-rikors huwa intiż sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, b’mod partikolari, li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ riżorsi proprji skont id-dritt tal-Unjoni, li neċessarjament jimplika li l-Kummissjoni turi l-portata tat-telf ta’ dawn ir-riżorsi u tan-nuqqas. Stima bħal din ma tippreġudikax il-possibbiltà tal-użu tal-proċedura taħt l-Artikolu 260 TFUE, fil-każ li l-Istat Membru ma jkunx ħallas l-ammont prinċipali jew l-interessi wara sentenza li tkun ikkundannatu għal ksur tal-obbligi li jirriżultaw mis-sistema tar-riżorsi proprji. Fi kwalunkwe każ, il-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru aġixxiex b’mod raġonevoli meta “evalwa mill-ġdid” il-merkanzija ma tqumx f’dan il-każ. Fil-fatt, il-ġurisprudenza invokata mir-Renju Unit sabiex isostni t-teżi tiegħu dwar l-“evalwazzjoni mill-ġdid” ta’ merkanzija tirrigwarda l-obbligi tal-Istat Membru, meta dan tal-aħħar jipproċedi, fil-każ ta’ dubji li jidhru fil-kuntest tal-kontrolli doganali, għal determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata ( 261 ). Madankollu, kif diġà ġie enfasizzat, il-Kummissjoni trid, fil-kuntest ta’ dan it-tieni motiv, mhux li tiddetermina l-valur doganali ta’ merkanzija speċifika, iżda li tistma t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali fuq il-bażi tad-data statistika.

260.

Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu għal informazzjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2018 u tat‑22 ta’ Marzu 2019, ir-Renju Unit talab b’mod partikolari lill-Kummissjoni sabiex tipprovdilu informazzjoni dwar il-kalkolu tat-telf tar-riżorsi proprji mitluba fl-ammont ta’ EUR 2679637 088.86 sabiex ikun jista’ jerġa’ jiġi kkalkolat dan l-ammont. F’dan ir-rigward, ninnota li, fir-replika tagħha, il-Kummissjoni spjegat li l-metodoloġija segwita u d-data użata għall-kalkolu ta’ dan l-ammont minn dejjem kienu magħrufa mir-Renju Unit peress li, b’mod partikolari, kienet kwistjoni ta’ informazzjoni ġejja minn dan l-Istat stess permezz tad-database tas-Sorveljanza 2.

2) Fuq l-allegat obbligu li jintwera d-dannu u r-rabta kawżali, kif ukoll ix-xenarju kontrofattwali

261.

Ir-Renju Unit isostni li hija l-Kummissjoni li għandha tibbaża t-talba tagħha fuq l-istandards ta’ proċedura ta’ responsabbiltà, sa fejn hija qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lil dak l-Istat iħallas id-danni. Issa f’dan il-każ, il-Kummissjoni tonqos milli tipprova, minn naħa, l-eżistenza ta’ dannu konkret u kwantifikabbli, u, min-naħa l-oħra, il-preżenza ta’ rabta kawżali diretta bejn in-nuqqas imwettaq mir-Renju Unit u dan id-dannu.

262.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 258 TFUE, hija proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u mhux proċedura għad-danni jew kumpens. Għaldaqstant, fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha turi li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni ( 262 ). Peress li dan ir-rikors ma huwiex intiż sabiex jikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja kundanna tal-Istat konvenut sabiex iħallas id-danni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina l-elementi mressqa mir-Renju Unit fir-rigward tal-eżistenza tad-dannu u tar-rabta kawżali bejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fi kwistjonijiet doganali u d-dannu allegat. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument tar-Renju Unit għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li r-rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ natura oġġettiva ( 263 ). Fil-fatt, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligu impost minn regola tad-dritt tal-Unjoni fih innifsu jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li għandu l-effett li l-kunsiderazzjoni li dan in-nuqqas ma ġġenerax konsegwenzi negattivi hija irrilevanti ( 264 ). Għalhekk, jiena tal-fehma li dan ir-rikors ma huwiex intiż, minħabba l-karatteristiċi tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja kundanna li tordna lill-Istat Membru konvenut iħallas id-danni.

263.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni fl-ebda każ ma talbet kumpens għad-danni. Fil-fatt, il-pożizzjoni tar-Renju Unit li hija l-Kummissjoni li għandha turi l-eżistenza ta’ “dannu”, li l-kwantifikazzjoni tiegħu hija possibbli biss wara li tkun stabbilixxiet qabel l-eżistenza ta’ rabta kawżali li tirriżulta mill-imġiba ħażina tal-Istat Membru, fil-fehma tiegħi hija bbażata fuq qari żbaljat tar-rikors u dokumenti oħra tal-proċedura inkwistjoni. B’mod iktar partikolari, jidher ċar mit-tielet paragrafu tal-ewwel kap tat-talba li l-Kummissjoni tilmenta li r-Renju Unit ma għamilx l-ammonti korretti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali disponibbli għall-baġit tal-Unjoni u dan wassal għal ksur tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ dawn ir-riżorsi. Kif diġà ġie spjegat, huma l-Istati Membri li għandhom, fuq il-bażi tal-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 1150/2000, li jikkorrispondu magħhom, rispettivament, l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 609/2014, moqrija flimkien mal-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjonijiet 2007/436 u 2014/335, jikkonstataw id-dritt tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali hekk kif il-kundizzjonijiet previsti mir-regolamenti doganali jiġu ssodisfatti fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-ammont tad-dazju u n-notifika tiegħu lill-persuna taxxabbli.

264.

Għaldaqstant, joħroġ b’mod ċar mir-rikors u, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni ċċitati hemmhekk, li l-ilment tal-Kummissjoni huwa dwar il-fatt li r-Renju Unit ma għamilx għad-dispożizzjoni tal-Unjoni l-ammonti kkalkolati korrettament ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u mhux id-dannu kkawżat lil din tal-aħħar. In-nuqqas deskritt fil-petitum tar-rikors (u, b’mod partikolari, is-silta “billi ma qiesx l-ammonti korretti ta’ dazji doganali u billi ma għamilx disponibbli l-ammont korrett ta’ riżorsi proprji tradizzjonali”) għalhekk jikkostitwixxi, min-natura tiegħu, talba sabiex jiġi stabbilit in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jaġixxi impost fuq l-Istat, jiġifieri n-nuqqas tiegħu li jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni, u mhux dannu kkawżat minn dan l-Istat.

265.

Imbagħad, dwar l-argument tar-Renju Unit, ibbażat fuq il-ħtieġa li tintwera rabta kawżali bejn in-nuqqas speċifiku tal-Istat Membru u t-telf tar-riżorsi proprji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li teżisti “rabta diretta” bejn il-ġbir tad-dħul mid-dazji doganali u l-fatt li r-riżorsi korrispondenti jkunu disponibbli għall-baġit tal-Unjoni ( 265 ). Issa, jiena tal-fehma li minn din il-ġurisprudenza joħroġ li, jekk, minħabba żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru, id-dazji doganali ma jinġabrux, dan ma jqegħidx f’dubju l-obbligu ta’ Stat Membru li jagħmel disponibbli l-ammonti li kellhom jiġu kkonstatati u li jħallas l-interessi moratorji. Għalkemm teżisti korrelazzjoni sine qua non bejn, minn naħa, in-nuqqas ta’ Stat Membru fil-qasam tal-leġiżlazzjoni doganali u, min-naħa l-oħra, l-ammont ta’ riżorsi proprji li ma kinux tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni b’tal-ewwel inevitabbilment ikollu effett fuq it-tieni, dan ma jfissirx li dawn iż-żewġ elementi għandhom jiġu analizzati f’termini ta’ dannu kkawżat mill-imġiba ħażina tal-Istat Membru. Stat Membru li joqgħod lura milli jikkonstata d-dritt tal-Unjoni dwar ir-riżorsi proprji u li jagħmel l-ammont korrispondenti disponibbli għall-Kummissjoni, mingħajr ma waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1150/2000 jew l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 609/2014 tkun issodisfatta, jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mill-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjonijiet 2000/597 u 2007/436 ( 266 ). Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza invokata mir-Renju Unit fir-risposta tiegħu, li minnha jirriżulta li l-imġiba ħażina tal-awtoritajiet doganali rigward il-kalkolu tad-dazji doganali dovuti inevitabbilment twassal għal telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri ( 267 ). F’dan il-kuntest, l-Artikolu 340 TFUE u l-ġurisprudenza relatata invokata mir-Renju Unit huma irrilevanti.

266.

Barra minn hekk, jidhirli li ma tistax tinġibed konklużjoni differenti mill-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit ( 268 ), invokata mir-Renju Unit u l-partijiet intervenjenti, peress li dik il-kawża kienet tikkonċerna sitwazzjoni differenti minn dik fl-oriġini tal-proċeduri preżenti. F’dik il-kawża, kienet tabilħaqq kwistjoni li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tar-Renju Unit minħabba l-ħruġ possibbli ta’ ċertifikati EXP mill-awtoritajiet ta’ Anguilla, pajjiż u territorju ekstra‑Ewropew (PTEE), bi ksur tad-deċiżjoni msejħa “PTEE”. Il-Kummissjoni sostniet, b’mod partikolari, li r-Renju Unit, bħala Stat Membru, kellu jassumi r-responsabbiltà għall-atti adottati u għan-negliġenza mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Anguilla u kuntrarji għal dik id-deċiżjoni, fid-dawl tar-relazzjonijiet speċjali li huwa kellu mal-PTEE tiegħu, li ma huwiex stat indipendenti. Ir-Renju Unit ikkunsidra li l-ebda att tad-dritt tal-Unjoni ma għamilha possibbli li Anguilla tinżamm responsabbli, vis-à-vis l-Unjoni, għal żbalji magħmula mill-awtoritajiet tiegħu stess fl-applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni u għat-telf tar-riżorsi proprji li jirriżultaw, b’mod li r-Renju Unit ma setax jinżamm responsabbli għal żbalji bħal dawn għar-raġuni biss li huwa l-Istat Membru li miegħu Anguilla hija marbuta ( 269 ). Għalhekk, il-problema ċentrali f’dik il-kawża kienet tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ Stat Membru tal-Unjoni fil-konfront tal-imġiba tal-awtoritajiet ta’ PTEE li miegħu għandu rabtiet speċjali, imġiba li kisret id-dritt tal-Unjoni, li rriżultat fit-telf ta’riżorsi proprji. Għaldaqstant, sa fejn il-kawża preżenti tirrigwarda r-responsabbiltà proprja tar-Renju Unit u mhux dik ta’ entità oħra, il-konklużjonijiet ta’ dik is-sentenza ma jistgħux jiġu trasposti għall-kawża preżenti, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat.

267.

Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit iqajjem, fil-forma ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-argument li l-Kummissjoni ma wrietx li l-miżuri li dan l-Istat kien għażel sabiex jiġġieled il-frodi tas-sottovalutazzjoni effettivament irriżultaw f’telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni ( 270 ). Fil-fehma tiegħu, it-teżi tal-Kummissjoni li l-frodi ta’ sottovalutazzjoni kompliet fin-nuqqas ta’ analiżijiet tar-riskju u ta’ kontrolli effettivi qabel l-isdoganament bilfors tippreżupponi, fil-preżenza ta’ miżuri bħal dawn, l-għajbien ta’ skambji kummerċjali u t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali assoċjati magħhom. Fi kliem ieħor, kieku daħħal fis-seħħ il-miżuri kontra l-frodi li l-Kummissjoni tikkunsidra xierqa, l-importazzjoni ta’ merkanzija ddikjarata inqas mill-valur tagħha kienet tinqered, li minn dan wieħed jiddeduċi li l-ebda dazju doganali addizzjonali sinjifikattiv ma kien ikun dovut lill-baġit tal-Unjoni. Ir-Renju Unit jiddikjara li għandu jinżamm responsabbli biss għal telf fil-baġit tal-Unjoni li jikkorrispondi mad-differenza bejn ir-riżorsi proprji tradizzjonali li kienu jitħallsu fix-xenarju kontrofattwali tiegħu u r-riżorsi proprji tradizzjonali li attwalment għamel disponibbli.

268.

F’dan ir-rigward, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li ma huwiex rilevanti l-fatt jekk, fis-sitwazzjoni fejn ir-riżorsi proprji tradizzjonali kienu s-suġġett ta’ telf minħabba avvenimenti preċedenti kkawżati minn żball amministrattiv tal-awtoritajiet tal-Istat Membru, kienx ikun possibbli li dawn l-avvenimenti jseħħu mingħajr dan l-iżball u għalhekk mingħajr telf ta’ riżorsi proprji ( 271 ). Għal raġunijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li, apparti minn kontrolli għall-għarrieda ( 272 ), ir-Renju Unit ma wettaq prattikament l-ebda kontroll matul il-perijodu ta’ ksur. B’hekk, ħoloq sitwazzjoni irriversibbli li kellha l-effett ta’ telf kunsiderevoli ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li kellu, fil-fehma tiegħi, jiġi kkonstatat. Nemmen li, f’kuntest bħal dan, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tispekula dwar dak li kien jiġri kieku r-Renju Unit kien ikkonforma mal-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, analiżi kontrofattwali, kif irrakkomandata mir-Renju Unit, ma tpoġġix f’dubju r-realtà ta’ dan it-telf jew il-fatt li seta’ ġie evitat li kieku twettqu kontrolli adegwati mill-awtoritajiet doganali Brittaniċi qabel ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija inkwistjoni. Fil-fatt, argument bħal dan ma huwiex fondat, peress li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fattwali, kif dehret minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-Unjoni, u mhux tal-volum ta’ merkanzija ssottovalutata li setgħet ġiet importata kieku l-Istat Membru, ipotetikament, wettaq l-obbligi tiegħu skont id-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, nemmen li xenarju kontrofattwali bħal dan ma jistax jirnexxi f’termini ta’ telf ta’ riżorsi proprji.

b)   Fuq il-mertu

1) Fuq ħarsa ġenerali lejn il-metodoloġija tal-OLAF u l-applikazzjoni tagħha bħala għodda għall-kalkolu tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali

269.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni bbażata fuq l-informazzjoni kollha disponibbli, sabiex jiġi stabbilit it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, peress li ma għadux possibbli li jiġi stabbilit il-valur korrett tal-merkanzija ssottovalutata bl-applikazzjoni ta’ metodu wieħed jew l-ieħor previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mir-Renju Unit, l-ebda prova diretta ma tippermetti l-awtentikazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata. Il-Kummissjoni għalhekk waslet għal stima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali fuq il-bażi tal-metodoloġija tal-OLAF, ibbażata fuq data statistika u fuq il-medja kkorreġuta tal-prezzijiet tal-merkanzija inkwistjoni importata fl-Unjoni.

270.

B’mod partikolari, l-użu tal-metodoloġija tal-OLAF, bħala metodoloġija għad-determinazzjoni tal-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, isegwi l-iskema li ġejja. Bħala l-ewwel pass, l-importazzjonijiet li jaqgħu taħt il-limitu tal-inqas prezz aċċettabbli (lowest acceptable price) huma kkunsidrati bħala ssottovalutati, li, bħala tfakkira, huwa kkalkolat bħala ugwali għal 50 % tal-prezz medju kkorreġut fil-livell tal-Unjoni (cleaned average price). Inklużi bħala importazzjonijiet li huma ssottovalutati hemm l-importazzjonijiet ta’ kategorija ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 61 sa 64 tan-Nomenklatura Magħquda (għal kull kodiċi tal-prodotti tan-Nomenklatura Magħquda ta’ tmien ċifri) ( 273 ) li l-valur aggregat ta’ kuljum tagħhom (medja ponderata ta’ kuljum) huwa inqas mill-prezz minimu aċċettabbli tal-kodiċi tal-prodotti kkonċernat, fuq il-bażi ta’ data meħuda mid-database ta’ Sorveljanza 2 u użata fid-database Comext ( 274 ). Bħala t-tieni pass, il-portata tat-telf tar-riżorsi proprji għall-kwantitajiet meqjusa bħala ssottovalutati hija kkalkolata f’termini ta’ dazji doganali addizzjonali dovuti fuq il-bażi tad-differenza bejn il-valur iddikjarat u l-prezz medju kkorreġut.

271.

Għalhekk, fl-assenza ta’ kull informazzjoni diretta dwar il-volum u n-natura ta’ importazzjonijiet issottovalutati fir-Renju Unit matul il-perijodu rilevanti, l-istima tal-volum ta’ merkanzija ssottovalutata li fuqha jserraħ ir-rikors hija fondata, bħala prinċipju, fuq il-prezz minimu aċċettabbli għall-kodiċijiet differenti tal-prodott (50 % tal-prezz medju kkorreġut) ( 275 ), filwaqt li l-istima tal-valur tal-kwantitajiet issottovalutati hija kkalkolata fuq il-bażi tal-prezz medju kkorreġut. Għalkemm il-metodoloġija hekk deskritta hija bbażata fuq id-data rilevanti pprovduta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri, permezz tad-databases imsemmija iktar ’il fuq, l-ammonti hekk ikkalkolati fuq il-bażi tal-metodoloġija tal-OLAF jikkostitwixxu għaldaqstant stima tal-baġit retrospettiva tat-telf għall-Unjoni u mhux prova diretta tal-ammonti li jikkorrispondu mal-intitolamenti kkonstatati li dan l-Istat kien ikun meħtieġ jagħmel disponibbli għall-baġit tal-Unjoni matul il-perijodu ta’ ksur ( 276 ) kieku l-kontrolli xierqa matul l-isdoganament kienu twettqu b’mod korrett.

272.

Ir-Renju Unit, sostnut fuq dan il-punt mill-partijiet intervenjenti, isostni li l-Kummissjoni ma tistax tuża l-metodoloġija tal-OLAF sabiex tikkalkola t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, u saħqet li din hija biss għodda għall-analiżi tar-riskju. F’dan il-kuntest, ir-Renju Unit u l-partijiet intervenjenti jaffermaw li l-Kummissjoni użat il-metodoloġija tal-OLAF fir-rikors tagħha sabiex tiddetermina l-valur doganali korrett tal-merkanzija importata ssottovalutata.

273.

Fil-fehma tiegħi, argument bħal dan ma jistax jintlaqa’.

274.

L-ewwel nett, minn naħa, fid-dawl tan-natura tal-importazzjonijiet u n-nuqqas tal-awtoritajiet doganali Brittaniċi li jwettqu l-kontrolli doganali inkwistjoni, ma hemm l-ebda dubju li ladarba kien awtorizzat ir-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni mill-awtoritajiet doganali nazzjonali, oġġettivament ma jkunx possibbli li din il-merkanzija tiġi rritornata għal skopijiet ta’ kontroll doganali, anki jekk sussegwentement jirriżulta li l-kontrolli doganali ma kinux twettqu jew li kienu żbaljati. Din il-konklużjoni ma tidhirx li hija kkontestata lanqas mir-Renju Unit ( 277 ). Konsegwentement, nikkondividi għalkollox il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ma hemm l-ebda prova diretta li ssostni l-volum u lanqas il-valur doganali tal-merkanzija kkonċernata. Min-naħa l-oħra, filwaqt li huwa veru li l-metodoloġija tal-OLAF kienet inizjalment iddisinjata u approvata mill-Istati Membri b’mod kunsenswali bħala għodda ta’ analiżi tar-riskju sabiex tgħin lill-awtoritajiet doganali nazzjonali jidentifikaw il-merkanzija potenzjalment iddikjarata taħt il-valur, huwa veru wkoll li tagħmilha possibbli, minn naħa waħda, li jiġu ddeterminati, fuq il-bażi ta’ data statistika doganali pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, il-volumi ta’ importazzjonijiet iddikjarati b’valur taħt il-limitu tar-riskju u, min-naħa l-oħra, billi jintuża l-kriterju tal-prezz medju kkorreġut għall-merkanzija kkonċernata fil-livell tal-Unjoni, żviluppat bl-applikazzjoni tal-istess metodoloġija, sabiex jiġi stmat l-ammont ta’ riżorsi proprji li l-Istat Membru kien jiġbor u jagħmel disponibbli għall-baġit tal-Unjoni kieku kien jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt ir-regoli dwar riżorsi proprji tradizzjonali. Għalhekk, jiena tal-fehma li ma hemm l-ebda kontradizzjoni li l-metodoloġija tal-OLAF, għalkemm inizjalment maħsuba bħala għodda ta’ analiżi tar-riskju doganali, tista’ sservi wkoll bħala bażi għall-istima tal-portata tat-telf tar-riżorsi tradizzjonali meta l-importazzjonijiet kienu tpoġġew f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr ma saru kontrolli xierqa fuq ir-rilaxx, li jirrifletti telf għall-baġit tal-Unjoni.

2) Fuq l-applikazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall

275.

Skont il-Kummissjoni, approċċ ibbażat fuq data statistika u żviluppat fil-qafas tal-metodu għall-kalkolu tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali huwa kkonfermat mis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 278 ).

276.

Jiena naqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-istima tat-telf tar-riżorsi proprji fuq il-bażi ta’ data statistika, bħala prinċipju, ma tirrappreżentax terra incognita għall-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 279 ), li fuqha tistrieħ il-Kummissjoni, kienet tirrigwarda t-trattament tad-dħul fiċ-ċirkulazzjoni libera tal-banana minn ċerti uffiċċji doganali Portugiżi. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, minħabba l-aċċettazzjoni sistematika, matul is-snin 1998 sa 2002, ta’ dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera ta’ banana friska mill-awtoritajiet doganali tagħha, meta dawn kienu jafu jew kellhom raġonevolment ikunu jafu li l-piż iddikjarat tal-banana ma kienx jikkorrispondi mal-piż attwali tagħhom, u minħabba r-rifjut tal-awtoritajiet Portugiżi li jagħmlu disponibbli r-riżorsi proprji li jikkorrispondu mat-telf ta’ dħul u l-interessi moratorji dovuti, ir-Repubblika Portugiża kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li l-ammonti attwalment dovuti fir-rigward ta’ intitolamenti fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet setgħu ġew stabbiliti b’mod korrett mill-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u l-isdoganament sussegwenti tagħhom kieku l-awtoritajiet nazzjonali wettqu l-verifiki meħtieġa, ir-Repubblika Portugiża kellha titqiegħed, għall-perijodu inkwistjoni, f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik li fiha kienet ikkonstatat l-intitolamenti b’mod korrett u daħħlithom fil-kontabbiltà ( 280 ).

277.

Għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet b’mod inekwivoku l-argument tad-difiża tar-Repubblika Portugiża li kien impossibbli li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ riżorsi proprji li ma kinux ġew ikkonstatati kif jixraq matul is-snin inkwistjoni filwaqt li nnotat li l-impossibbiltà li jsiru kontrolli fin-nuqqas tal-merkanzija kkonċernata kienet il-konsegwenza inevitabbli tal-ommissjoni tal-awtoritajiet Portugiżi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minħabba din l-impossibbiltà, ma kienx xieraq, f’dik il-kawża, li jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ riżorsi proprji li ma kinux ġew ikkonstatati kif jixraq matul is-snin inkwistjoni, jiġifieri mis-sena 1998 sal-2002, fuq il-bażi tar-riżultati tal-kontrolli mwettqa wara dawn bejn l‑1 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Ottubru 2003 ( 281 ). Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar irrifjutat it-talba tal-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ammont ta’ riżorsi proprji li jirriżultaw mill-prattika ta’ kontroll doganali illegali, sa fejn il-metodu statistiku propost inkluda qafas ta’ riferiment żbaljat sabiex issir din id-determinazzjoni ( 282 ).

278.

Għalhekk, is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 283 ), tikkonferma, minn naħa, li ma huwiex eskluż li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha, fir-rigward tan-nuqqasijiet tad-dritt doganali tal-Unjoni mill-Istat Membru li fih il-merkanzija importata kienet diġà ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni, fuq ċerta data statistika li tikkaratterizza n-nuqqas ilmentat sabiex, b’mod partikolari, tiġi ddeterminata a posteriori l-portata tat-telf li jirriżulta tar-riżorsi proprji għall-baġit tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża li wasslet għal dik is-sentenza kienet tikkonċerna ksur doganali ddefinit sew, jiġifieri l-aċċettazzjoni tad-differenza bejn il-piż iddikjarat tal-banana u l-piż reali ta’ kaxxa, li għaliha, fuq il-bażi tad-data eżatta miġbura waqt kontrolli sussegwenti relatati mal-istess nuqqas, kien relattivament faċli li wieħed jasal għal konklużjonijiet statistiċi dwar id-differenza fil-piż eventwalment iddikjarata u reali bejn il-merkanzija importata matul il-perijodu ta’ ksur. Min-naħa l-oħra, il-metodoloġija adottata, f’dan il-każ, sabiex tiġi kkalkolata l-firxa tar-riżorsi proprji tradizzjonali hija kkaratterizzata mill-multipliċità ta’ indikaturi rilevanti, bħall-volum ta’ importazzjonijiet issottovalutati b’mod frawdolenti fuq l-importazzjonijiet kollha magħmula matul il-perijodu ta’ ksur u l-“valur ġust” doganali li għandu jiġi attribwit lil dawn l-importazzjonijiet. Dawn l-indikaturi b’hekk jikkaratterizzaw l-impatt tal-frodi tas-sottovalutazzjoni tal-merkanzija fuq il-baġit tal-Unjoni u, b’mod iktar ġenerali, il-firxa tan-nuqqas ilmentata fil-konfront tar-Renju Unit, filwaqt li jipprovdu informazzjoni relatata mat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali b’mod iktar indirett milli d-data statistika inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall ( 284 ).

3) Fuq l-aċċettazzjoni bħala prinċipju tal-approċċ propost mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali

279.

Il-metodoloġija tal-OLAF proposta mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiddetermina l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni tidher, kif jirriżulta mill-analiżi preċedenti, li tmur lil hinn mill-problemi legali dwar il-kwantifikazzjoni tar-riżorsi proprji solvuti sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, sabiex niddetermina jekk u sa liema punt l-approċċ metodoloġiku propost mill-Kummissjoni jikkonforma mal-kriterji relatati ma’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 258 TFUE, jiena nqis li huwa xieraq li jiġu kkunsidrati, minn naħa, kriterji li jikkonċernaw l-oneru tal-prova stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, il-karatteristiċi essenzjali ta’ dan l-approċċ metodoloġiku.

280.

L-għan tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu previst fl-Artikolu 258 TFUE huwa, skont il-ġurisprudenza klassika, li jwassal għall-eliminazzjoni effettiva tan-nuqqasijiet ta’ twettiq mill-Istati Membri u l-konsegwenzi tagħhom ( 285 ). Kif diġà tfakkar fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 286 ), skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura taħt din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni oġġettiva ta’ nuqqas ta’ osservanza minn Stat Membru tal-obbligi imposti fuqu mit-Trattat FUE jew kwalunkwe att ieħor tad-dritt sekondarju ( 287 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li n-nuqqas li jittieħdu miżuri fil-qasam tar-riżorsi proprji jikkostitwixxi wkoll nuqqas fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 288 ). Barra minn hekk, kif diġà tfakkar, hija l-Kummissjoni, li hija responsabbli sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, il-provi meħtieġa għall-verifika minnha tal-eżistenza tan-nuqqas imsemmi, mingħajr ma tkun tista’ sserraħ fuq kwalunkwe preżunzjoni ( 289 ). Huwa biss meta l-Kummissjoni tkun ipprovdiet “biżżejjed provi li juru li seħħu ċerti fatti” relatati man-nuqqas mill-Istat Membru konvenut li jkun id-dmir ta’ dan tal-aħħar li “jikkontesta fis-sustanza u fid-dettall l-informazzjoni hekk imressqa u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha” ( 290 ).

281.

Jirriżulta, fil-fehma tiegħi, minn dak li ntqal iktar ’il fuq li, fil-kuntest ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li fihom il-Kummissjoni tilmenta li Stat Membru, b’mod partikolari, kiser ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġbir tar-riżorsi proprji tradizzjonali u l-obbligu tiegħu li jagħmel ċerti ammonti disponibbli għall-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja l-provi meħtieġa sabiex din tal-aħħar tivverifika l-eżistenza tal-ilment magħmul fil-konfront tar-Renju Unit li naqas mill-obbligu tiegħu li jqiegħed ċertu ammont ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni għad-dispożizzjoni tagħha, mingħajr ma l-Kummissjoni toqgħod tibbaża ruħha fuq suppożizzjonijiet spekulattivi. Dan ifisser ukoll li, sabiex tiddetermina l-portata tat-telf ta’ dawn ir-riżorsi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tagħmel għażla bejn l-approċċi metodoloġiċi differenti proposti mill-partijiet, kif jidher li jissuġġerixxi r-Renju Unit fir-risposta tiegħu, iżda biss tevalwa l-metodoloġija tal-OLAF proposta mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha.

282.

B’dan stabbilit, fid-dawl tan-natura tal-ksur tad-dritt doganali tal-Unjoni imputat lir-Renju Unit, li huwa s-suġġett tal-ewwel motiv f’din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tinjora l-kuntest fattwali tal-kawża, kif espost fil-kuntest tal-eżami ta’ dan il-motiv ( 291 ) li minnu jirriżulta li, filwaqt li kien konxju bis-sħiħ tal-eżistenza u tan-natura tal-frodi fil-sottovalutazzjoni massiva ta’ prodotti tessili u ta’ żraben miċ-Ċina fil-fruntieri doganali tal-Unjoni, ir-Renju Unit ma ħax miżuri effettivi sabiex jiġġieled kontra frodi doganali bħal din matul il-perijodu ta’ ksur, b’mod partikolari billi ma wettaqx analiżijiet tar-riskju, billi ma għamilx kontrolli doganali fiżiċi u billi ma kkostitwixxiex garanziji mingħand l-importaturi. Meta għamel dan, ir-Renju Unit naqas milli jieħu kampjuni sabiex jiddetermina l-valur doganali korrett tal-importazzjonijiet issuspettati li ġew issottovalutati skont il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Għalhekk, id-determinazzjoni tal-proporzjon tal-merkanzija kkonċernata mill-frodi ta’ sottovalutazzjoni matul il-perijodu ta’ ksur, kif ukoll id-determinazzjoni tal-valur doganali “korrett” tagħha, hija, sostanzjalment, kompromessa min-nuqqas deskritt iktar ’il fuq.

283.

Huwa għalhekk li l-Kummissjoni ġustament, fl-atti tal-proċedura tagħha, tisħaq li n-nuqqas ta’ applikazzjoni tas-sekwenza tal-proċeduri doganali, bħal dik prevista mill-Kodiċi Doganali tal-Komunità u mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, jikkostitwixxi fattur determinanti, li jiddetta l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni, fuq il-bażi ta’ analiżi statistika ex post tad-data li tikkaratterizzaha indirettament. Għaldaqstant, huwa b’hekk impossibbli li terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni kompatibbli mad-dritt doganali tal-Unjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet speċifiċi frawdolenti, b’mod li la l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u lanqas dawk tal-Kummissjoni ma għandhom, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jistabbilixxu l-valur doganali korrett fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ evalwazzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni doganali tal-Unjoni. Sa fejn din is-sitwazzjoni tirriżulta, b’mod oġġettiv, min-nuqqas tal-Istat Membru nnifsu li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet doganali, huwa għandu, fil-każ li jiġi kkonstatat dan in-nuqqas, jassumi t-telf għall-baġit tal-Unjoni ddeterminat biss fuq il-bażi ta’ analiżi “indiretta” tad-data u bl-użu tal-ikbar probabbiltà li hija neċessarjament assoċjata ma’ din id-determinazzjoni. Konsegwentement, inqis li ma huwiex eskluż, bħala prinċipju, li l-Kummissjoni turi, fil-qafas ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, il-firxa ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għad-dritt tar-riżorsi proprji tal-Unjoni permezz ta’ metodoloġija bbażata fuq data statistika, meta l-impossibbiltà li jsiru verifiki hija l-konsegwenza inevitabbli tal-ommissjoni tal-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-obbligu tal-Istati Membri li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li joħroġ, b’mod partikolari, mill-Artikolu 325 TFUE.

284.

Madankollu, minħabba n-natura tal-metodoloġija tal-OLAF ibbażata fuq data statistika, il-problemi dwar il-valur tal-prova assoċjati magħha ma jistgħux jiġu ssottovalutati ( 292 ). Fil-fatt, ma għandux jiġi injorat li, sabiex jitkejjel l-ammont ta’ telf possibbli mill-baġit, soluzzjonijiet metodoloġiċi differenti jistgħu jintużaw u jipproduċu riżultati differenti f’termini ta’ ammonti. Din il-kawża turi din il-problema b’mod partikolarment tajjeb, billi r-rikorrenti u l-konvenuta kull waħda ppreżentat approċċ radikalment differenti sabiex tikkwantifika t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. Il-Kummissjoni nnifisha ma tiċħadx il-multipliċità ta’ metodi possibbli ta’ evalwazzjoni ta’ dan it-telf, u tindika, fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, bħala prinċipju, ir-riżultat tal-ksur inkwistjoni jista’ jkun ibbażat ukoll fuq metodi oħra ta’ evalwazzjoni ta’ dan it-telf. Għalkemm għandi dubji serji dwar il-vantaġġi allegati tal-metodoloġija tal-OLAF, jiġifieri r-“robustezza” li l-Kummissjoni saħqet fuqha f’diversi okkażjonijiet fl-atti proċedurali tagħha ( 293 ), hija tikkostitwixxi l-kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-metodi statistiċi u wieħed għandu jirrikonoxxi li l-portata tat-telf tal-baġit hekk evalwat tibqa’ dipendenti ħafna fuq il-każwalità tal-metodu speċifiku magħżul.

285.

Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu l-fatt li, sa fejn l-istima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali hija kkalkolata fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fid-databases ta’ Sorveljanza 2 (data dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 61 sa 64 tan-Nomenklatura Magħquda ġejjin miċ-Ċina) u Comext (kalkolu tal-prezzijiet medji kkorreġuti), li huma min-natura tagħhom elementi fattwali, l-ammont definittiv jiddependi wkoll fuq għażliet metodoloġiċi, bħall-kriterji dwar id-determinazzjoni tal-volum ta’ merkanzija ssottovalutata u d-definizzjoni tal-valur referenzjarju għall-“evalwazzjoni mill-ġdid” ta’ din il-merkanzija. Dawn l-għażliet metodoloġiċi huma min-natura tagħhom pjuttost kriterji normattivi, fis-sens li jiddependu fuq l-għażliet magħmula mill-istituzzjoni li żviluppat il-metodu inkwistjoni. Għalhekk, ċertament naqbel mal-argument tar-Renju Unit li r-rapport tekniku li fuqu huwa bbażat il-kalkolu tal-OLAF huwa ġġustifikat biss fil-kuntest ta’ “prezz ġust” (fair price) iddeterminat minn qabel fil-livell tal-Unjoni‑28 ( 294 ). Il-problema relatata mal-varjazzjoni tal-kriterji ta’ evalwazzjoni u l-impatt tagħhom fuq ir-riżultat tal-ammont ta’ telf hija enfasizzata, b’mod partikolari, bit-tweġiba bil-miktub tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha jirriżulta li r-riżultat tal-kalkolu finali jvarja, inter alia, skont il-prezz minimu aċċettabbli (bejn 10 % u 50 % tal-livell tal-prezzijiet medji) ( 295 ) u l-Kummissjoni “ikkunsidrat dan l-approċċ”. Għalkemm il-Kummissjoni tqis li, bħala riżultat tan-nuqqas ilmentat fil-konfront tal-awtoritajiet Brittaniċi, it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni jitla’ għal total ta’ EUR 2092703 277.93, fil-każ li l-prezz minimu aċċettabbli jkun stabbilit għal-livell ta’ 10 % tal-prezz medju kkorreġut, jibqa’ l-fatt li dan l-ammont jikkorrispondi għal 78.1 % ta’ dak mitlub mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kawża preżenti, fuq il-bażi tal-prezz minimu aċċettabbli ffissat fil-livell ta’ 50 % tal-prezz medju kkorreġut, li, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex insinjifikattiv. Għalhekk, għandu jiġi rrikonoxxut li l-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq data statistika huwa akkumpanjat mill-possibbiltà li jiġu stabbiliti punti ta’ riferiment differenti, iżda ugwalment validi, li jagħmlu r-riżultat miksub dipendenti fuq din il-metodoloġija.

286.

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, inqis, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, li ma jistax jiġi eskluż li, għall-finijiet tal-istima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni dovut għan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi doganali mill-Istat Membru inkwistjoni, fin-nuqqas ta’ provi diretti kkawżati mill-ommissjoni ta’ dan l-Istat Membru, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun ibbażat fuq metodoloġija stabbilita fuq data statistika. Madankollu, sabiex ma jitwarrbux l-għanijiet u l-finalità tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, l-applikazzjoni ta’ metodoloġija bħal din, sabiex jiġi stmat it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, tista’ tiġi aċċettata biss sakemm l-għażla ta’ metodu speċifiku tkun iġġustifikata fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-każ inkwistjoni, ir-riferimenti bażi la jkunu arbitrarji u lanqas ippreġudikati, u sakemm l-użu ta’ din il-metodoloġija jikkostitwixxi analiżi kwantitattiva koerenti bbażata fuq id-data rilevanti kollha disponibbli. Barra minn hekk, iktar ma l-provi diretti li jikkorroboraw id-data bażi li tirrigwarda l-metodoloġija inkwistjoni jkunu limitati, iktar għandha tkun prudenti l-għażla ta’ kriterji normattivi użati minn din il-metodoloġija. Dan l-aspett huwa iktar u iktar importanti peress li l-istima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skont l-Artikolu 258 TFUE, għandha l-għan li tqiegħed lill-Istat Membru, għall-perijodu kkontestat, f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik fejn ikun kkonstata b’mod korrett l-intitolamenti u jkun daħħalhom fil-kontabbiltà ( 296 ). Fl-aħħar nett, l-affidabbiltà tal-metodoloġija magħżula sabiex jiġi ddeterminat it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali minħabba n-nuqqas ilmentat tkun msaħħa jekk l-għażla metodoloġika adottata tkun akkumpanjata bi preċiżazzjonijiet dwar il-metodi alternattivi possibbli, ir-riżultati miksuba mill-fatt tal-użu tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għażlet il-metodoloġija inkwistjoni.

4) Fuq l-użu tal-metodoloġija bbażata fuq data statistika f’dan il-każ

287.

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mid-dokumenti tal-partijiet u mill-proċess kollu kemm hu jirriżulta li, minħabba n-natura tal-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt doganali, ftit li xejn inġabru provi diretti sabiex tiġi evalwata l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali fir-rigward ta’ importazzjonijiet fir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ ksur. B’mod partikolari, dawn il-provi huma limitati, essenzjalment, għal tnax‑il artikolu analizzati fil-laboratorju mill-awtoritajiet doganali Brittaniċi fl-2017 ( 297 ) u għar-riżultati tal-kontrolli mid-dwana Ċiniża ( 298 ). Issa, dawn il-provi ma humiex rappreżentattivi għall-evalwazzjoni tal-valur doganali korrett tal-importazzjonijiet inkwistjoni u l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali mġarrba mill-baġit tal-Unjoni bħala riżultat tas-sottovalutazzjoni frawdolenti tal-importazzjonijiet inkwistjoni ( 299 ). Kif ntqal diġà f’diversi okkażjonijiet fl-ambitu ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-impossibbiltà li jiġi kkwantifikat dan it-telf jirriżulta, f’dan il-każ, minn elementi oġġettivi, jiġifieri n-nuqqas ta’ azzjoni tar-Renju Unit quddiem ir-riskju magħruf ta’ dikjarazzjonijiet issottovalutati. Għalhekk, naqbel mat-teżi tal-Kummissjoni li, peress li l-merkanzija ssottovalutata diġà ġiet irrilaxxata għal ċirkulazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni, il-valur reali tagħha ma jistax jiġi ddeterminat iktar, b’mod li l-ammont tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat biss permezz ta’ stima retrospettiva stricto sensu. Jidhirli li dan il-punt tat-tluq ma huwiex, fir-realtà, ikkontestat mir-Renju Unit, peress li jippreżenta, fil-każ li n-nuqqas li huwa akkużat bih fil-kuntest tal-ewwel motiv jintlaqa’, il-metodu statistiku tiegħu sabiex jiddetermina kwalunkwe telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali.

288.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, fuq il-bażi tad-data għad-dispożizzjoni tagħhom, il-partijiet jaqblu fuq il-fatt li kien hemm frodi doganali fit-territorju tar-Renju Unit matul il-perijodu ta’ ksur, minħabba sottovalutazzjoni ta’ merkanzija importata miċ-Ċina, u fuq il-fatt li ż-żieda fil-volum ta’ importazzjonijiet sottovalutati kibret b’mod kunsiderevoli bejn l‑2012 u l‑2016 ( 300 ). Bl-istess mod, huwa stabbilit bejn il-partijiet li l-operazzjoni Swift Arrow ( 301 ) kellha l-effett, jekk inqabblu d-data tal-ewwel semestru tal-2017 u tal-ewwel semestru tal-2018, ta’ tnaqqis kunsiderevoli fil-volum tal-prodotti kkonċernati importati fir-Renju Unit li l-valur doganali tiegħu kien issottovalutat b’mod frawdolenti, filwaqt li l-volum ta’ importazzjonijiet leġittimi baqa’ f’livell paragunabbli. Anki jekk il-partijiet ma jaqblux dwar l-interpretazzjoni xierqa ta’ dawn il-fatti, huma jaċċettaw dan il-fatt bħala tali. Il-partijiet lanqas ma jikkontradiċu lil xulxin fir-rigward tar-rilevanza tal-użu, bħala prinċipju, ta’ metodoloġija bbażata fuq data statistika sabiex jiġi evalwat it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali minħabba frodi doganali, li jinvolvi, fl-ewwel lok, id-determinazzjoni tal-volum ta’ importazzjonijiet issottovalutati bi frodi matul il-perijodu ta’ ksur, u mbagħad id-determinazzjoni tal-valur doganali “korrett” ta’ din il-merkanzija. Fit-tieni lok, l-ammont ta’ dazji doganali addizzjonali huwa kkalkolat fuq il-bażi tad-differenza bejn il-valur iddikjarat u dan il-valur “korrett”.

289.

Min-naħa l-oħra, il-partijiet ma jaqblux bil-qawwa bejniethom dwar is-suġġett tal-elementi ta’ bażi tal-metodoloġiji użati sabiex jiġi kkalkolat it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. Fl-ewwel lok, fid-determinazzjoni tal-volum ta’ merkanzija ssottovalutata, skont il-Kummissjoni, għandu jitqies il-volum ta’ importazzjonijiet taħt il-prezz minimu aċċettabbli, stabbilit fuq il-bażi ta’ valur medju fil-livell tal-Union-28 u data aggregata ta’ kuljum li tidher fid-database Sorveljanza 2, filwaqt li, skont ir-Renju Unit, sabiex jiġi ddeterminat dan il-volum, għandu jintuża “limitu ta’ konformità”, stabbilit fuq il-bażi tal-valuri ddikjarati mal-importazzjoni fir-Renju Unit biss, li taħtu l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati jistgħu jiġu ssottovalutati ( 302 ). Fit-tieni lok, fir-rigward tal-valur referenzjarju għall-“evalwazzjoni mill-ġdid” tal-merkanzija ssottovalutata, il-Kummissjoni tqis li għandha tintuża d-differenza bejn il-valur iddikjarat u l-prezz medju kkorreġut għall-Unjoni-28, filwaqt li r-Renju Unit iqis li l-oġġetti li huma taħt il-“limitu ta’ konformità” jistgħu jiġu “evalwati mill-ġdid” billi tiġi kkalkolata d-differenza bejn il-valur iddikjarat (għal kull oġġett) u l-valur tal-istess limitu. Id-differenza fl-approċċi metodoloġiċi tirriżulta f’differenza kbira fir-riżultat tal-istima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. Abbażi tal-metodoloġija tal-OLAF, il-Kummissjoni tikkunsidra li ammont ta’ EUR 2679637 088.86 (ammont gross, bit-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ ġbir) kellu jkun disponibbli għall-Kummissjoni bħala riżorsi proprji tradizzjonali. Issa, ir-Renju Unit jistma dan l-ammont, inizjalment, bħala GBP 217646623 ( 303 ), qabel tnaqqis abbażi tal-avviżi ta’ ħlas C18 Breach ( 304 ). Sussegwentement, huwa rreveda din iċ-ċifra ’l isfel għal GBP 143115553, li minnhom GBP 44296285 għandhom jitnaqqsu għall-avviżi ta’ ħlas C18 Breach. Fil-qosor, waħda mill-iktar differenzi importanti bejn il-metodi mressqa mill-partijiet hija li, filwaqt li l-approċċ tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq il-prezzijiet medji fil-livell tal-Unjoni kollha kemm hi, il-metodu tar-Renju Unit huwa bbażat fuq l-użu tad-data tar-Renju Unit biss.

290.

B’dan premess, huwa xieraq li jiġu eżaminati suċċessivament iż-żewġ stadji tal-metodoloġija li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni fl-istima tat-telf tar-riżorsi tradizzjonali, jiġifieri dak tad-determinazzjoni tal-volum ta’ importazzjonijiet issottovalutati u dak tal-valur referenzjarju għall-“evalwazzjoni mill-ġdid” ta’ dawn l-importazzjonijiet.

i) Fuq id-determinazzjoni tal-volum tal-importazzjonijiet issottovalutati

291.

Ir-Renju Unit isostni, minn naħa, li ma teżisti l-ebda ġustifikazzjoni konvinċenti għall-użu tal-prezz minimu aċċettabbli mnaqqas mill-prezzijiet medji għall-Unjoni-28 sabiex jiġi ddeterminat il-volum ta’ merkanzija ssottovalutata matul il-perijodu ta’ ksur. Min-naħa l-oħra, dan l-Istat isostni li jirriżulta mill-applikazzjoni u mis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni maħruġa matul il-fażi prekontenzjuża li t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali rreġistrat matul il-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014 huwa limitat għal dazji doganali addizzjonali li ntalbu mill-awtoritajiet Brittaniċi fl-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, u li ġew annullati.

292.

Fid-dawl tal-argumenti tad-difiża msemmija iktar ’il fuq imressqa mir-Renju Unit, huwa neċessarju, sabiex tiġi studjata l-problema tad-determinazzjoni tal-volum ta’ importazzjonijiet issottovalutati matul il-perijodu ta’ ksur, li din tiġi eżaminata f’żewġ stadji, billi tittieħed pożizzjoni, l-ewwel nett, fuq il-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014, imbagħad fuq l-istimi magħmula mill-Kummissjoni għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017.

– Fuq il-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014

293.

Fir-rigward tas-suġġett tat-talba għall-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014, il-Kummissjoni ċċarat, b’mod partikolari, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li hija tikkritika lir-Renju Unit li naqas mill-obbligi tiegħu relatati mas-sistema ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u li għalhekk hija qiegħda titlob ammonti relatati ma’ importazzjonijiet issottovalutati stabbiliti fuq il-bażi tal-metodoloġija tal-OLAF.

294.

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 120 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-ġurisprudenza relatata magħhom, li kull rikors li jibda proċedura għandu jindika s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi li fuqhom huwa bbażat, u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan isegwi li l-elementi essenzjali tal-fatt u tad-dritt li fuqhom hija bbażata azzjoni għandhom joħorġu b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu u li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar għandhom jiġu fformulati b’mod inekwivoku sabiex jiġi evitat li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi ultra petita jew ma tiddeċidix ilment ( 305 ). B’mod partikolari, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jkun fih dikjarazzjoni koerenti u ddettaljata tar-raġunijiet li wassluha għall-konvinzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu taħt it-Trattati. Għalhekk, kontradizzjoni fl-espożizzjoni tal-motiv imqajjem mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti ( 306 ).

295.

F’dan il-każ, nosserva li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali ppreżentati fir-rikors, il-Kummissjoni ddikjarat b’mod espliċitu li l-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014 “kien kopert minħabba djun li r-Renju Unit innifsu kkonstata u sussegwentement annulla”. Barra minn hekk, fil-parti tar-rikors relatata mad-deskrizzjoni tan-nuqqas, il-Kummissjoni tressaq argumenti fit-tul sabiex tikkaratterizza n-nuqqas minħabba l-iżball amministrattiv li sar waqt l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake ( 307 ). Hija tgħid li b’dan l-iżball amministrattiv, li għalih l-awtoritajiet Brittaniċi huma responsabbli finanzjarjament, ir-Renju Unit ikkawża telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali fil-baġit tal-Unjoni. Jidhirli li, meta tagħmel dan, ir-rikors jirnexxilu juri rabta bejn l-iżball amministrattiv attribwibbli lir-Renju Unit, minn naħa, u t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li dan l-Istat ikun meħtieġ li jagħmel disponibbli lill-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni żiedet tgħid li “dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna djun doganali kkonstatati mir-Renju Unit b’konnessjoni mal-[Operazzjoni] Snake”.

296.

Għalhekk jidhirli li, b’dawn l-indikazzjonijiet, fir-rigward ta’ dak il-perijodu, il-Kummissjoni stess illimitat is-suġġett tat-tieni motiv għat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li għalihom ir-Renju Unit huwa allegatament responsabbli minħabba djun li dak l-Istat huwa stess ikkonstata fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake, li jinkludi, b’mod partikolari, it-23 avviż ta’ ħlas C18 Snake, li kienu ntbagħtu lill-operaturi u sussegwentement ġew annullati. Qari bħal dan huwa, fl-opinjoni tiegħi, ikkorroborat mill-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata. Għalhekk, mill-ittra ta’ intimazzjoni formali joħroġ li, “fuq il-bażi tal-24 dejn stabbiliti u sussegwentement annullati, l-ammonti bħala riżorsi proprji għall-perijodu kkonċernat (Novembru 2011 sa 2014) huma dovuti” ( 308 ). Huwa importanti wkoll li jiġi enfasizzat li l-opinjoni motivata fiha, l-ewwel nett, l-istess kliem bħal dak li jidher fir-rikors, u t-tieni nett tispeċifika, mingħajr ekwivoku, li “sa fejn dan l-argument tar-Renju Unit għandu l-għan li jillimita l-portata temporali tal-ksur, ta’ min jinnota li l-ilment tal-Kummissjoni għall-perijodu mill-2011 sat-tmiem tal-[Operazzjoni] Snake fl-2014 jirrigwarda l-ammonti kkonċernati mill-ordnijiet ta’ rkupru a posteriori li d-dwana Brittanika kienet ħarġet wara din l-operazzjoni, qabel ma sussegwentement annullathom” ( 309 ).

297.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fir-rigward tal-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014, is-suġġett tat-tieni motiv huwa limitat għall-konstatazzjoni tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li għalihom huwa responsabbli r-Renju Unit minħabba djun doganali addizzjonali rreġistrati fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake u, b’mod partikolari, it-23 avviż ta’ ħlas C18 Snake li kienu ġew annullati wara żbalji amministrattivi attribwibbli lil dan l-Istat Membru ( 310 ).

– Fuq il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-11 ta’ Ottubru 2017

298.

Fir-rigward tal-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017, sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u, b’mod partikolari, il-volumi ta’ importazzjonijiet issottovalutati, il-Kummissjoni tuża, fir-rikors tagħha, il-metodoloġija tal-OLAF. L-approċċ tal-Kummissjoni huwa li l-volum ta’ importazzjonijiet iddikjarati b’valur taħt il-limitu ta’ riskju ta’ 50 % tal-prezz medju kkorreġut iservi bħala l-bażi sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ dan it-telf, li b’hekk jikkorrispondi għall-ammont ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li r-Renju Unit kien jirċievi u jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Unjoni li kieku ssodisfa l-obbligi tiegħu. Skont ir-Renju Unit, din l-għażla magħmula mill-Kummissjoni hija arbitrarja. Għalhekk jikkontesta l-approċċ li kull dikjarazzjoni ta’ merkanzija taħt dan il-limitu tikkostitwixxi, awtomatikament, dikjarazzjoni ssottovalutata, u jikkunsidra li ċirkustanza bħal din hija sempliċement tali li tiġġustifika l-eżistenza ta’ dubji li jistgħu jwasslu għal kontrolli addizzjonali.

299.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni tikkondividi, bħala prinċipju, l-approċċ li kwalunkwe merkanzija importata li l-valur iddikjarat tagħha huwa inqas mill-prezz medju ta’ prodotti tal-istess kategorija ma jistax, bħala prinċipju, jitqies issottovalutat fih innifsu, bl-argument li l-metodoloġija tal-OLAF ma ġietx applikata għall-merkanzija kollha importata fir-Renju Unit u ddikjarata b’valur taħt il-limitu ta’ 50 % tal-prezz medju kkorreġut, iżda li tuża aggregati ta’ kuljum. Dan l-użu tal-aggregati ta’ kuljum ikollu l-effett li, jekk ċerti lottijiet ta’ merkanzija jkollhom valur taħt il-limitu ta’ 50 % tal-prezz medju kkorreġut u lottijiet oħra jagħmluha possibbli li jkun hemm medja ogħla mill-prezz minimu aċċettabbli ta’ kuljum fil-livell tal-Unjoni‑28, il-medja tal-aggregat ta’ kuljum tkun ’il fuq mill-prezz minimu aċċettabbli, b’mod li l-aggregat ta’ kuljum li jinkludi dawn il-lottijiet issottovalutati ma jiġix inkluż fit-telf tar-riżorsi kkalkolati ( 311 ). Din l-istituzzjoni tafferma li, għalkemm l-użu ta’ data aggregata ta’ kuljum jirriskja l-inklużjoni ta’ ċerti importazzjonijiet leġittimi fil-volum ta’ importazzjonijiet iddikjarati taħt il-prezz minimu aċċettabbli, il-metodoloġija tal-OLAF teskludi, b’mod partikolari, ċertu proporzjon ta’ merkanzija ssottovalutata. Jidhirli li, fit-tweġibiet bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit jirrinunzja għall-pożizzjoni preċedenti tiegħu u fil-fatt jaqbel ma’ dan l-argument tal-Kummissjoni, peress li jindika li l-unika raġuni li għaliha s-somma kkalkolata mill-Kummissjoni għar-riżorsi proprji tradizzjonali hija ħafna ikbar minn dik ikkalkolata skont il-metodu tar-Renju Unit hija li l-metodoloġija tal-OLAF tuża prezzijiet ta’ “evalwazzjoni mill-ġdid” ħafna ogħla ( 312 ).

300.

Bħala konklużjoni, fir-rigward tad-differenza fl-approċċ tal-partijiet għall-volum tal-merkanzija ssottovalutata importata matul il-perijodu ta’ ksur, meqjus għall-kalkolu tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, hija tista’ tiġi spjegata, ovvjament, mil-limiti differenti magħżula minn dawn il-partijiet. Fil-fatt, filwaqt li l-metodoloġija tal-OLAF hija bbażata fuq il-prezz minimu aċċettabbli li jikkostitwixxi 50 % tal-prezz medju kkorreġut għall-Unjoni‑28, ir-Renju Unit jirrakkomanda kalkolu bbażat fuq dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni individwali miġbura mill-awtoritajiet doganali Brittaniċi għad-definizzjoni tal-limitu ta’ sottovalutazzjoni ( 313 ). Fid-dawl tad-differenzi bejn dawn il-kriterji u l-fatt li kemm il-metodoloġija tal-OLAF kif ukoll dik proposta mir-Renju Unit għandhom l-għan li jevalwaw it-tnejn l-istess telf, iżda f’livell differenti, jiġifieri, rispettivament, mill-punt ta’ mill-perspettiva tal-Unjoni kollha kemm hi u mill-perspettiva tal-Istat ikkonċernat, jiena tal-opinjoni li l-metodoloġija proposta minn dan tal-aħħar tista’ tifforma punt ta’ riferiment rilevanti sabiex jiġu evalwati b’mod kritiku l-volumi ta’ importazzjonijiet issottovalutati matul il-perijodu ta’ ksur kkalkolat fuq il-bażi tal-metodoloġija tal-OLAF. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar x’jista’ jkun l-impatt possibbli fuq l-ammont tat-telf tar-riżorsi proprji jekk jintuża l-limitu ta’ sottovalutazzjoni mill-Kummissjoni, ir-Renju Unit osserva li, għalkemm ma setax jirriproduċi eżattament il-kalkoli ta’ din l-istituzzjoni, il-perċentwali ta’ tnaqqis fit-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali hu stmat f’4.4 jew 4.7 %. Għalhekk, kif indika bir-raġun ir-Renju Unit, inqis li d-differenza enormi bejn l-istima tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali proposta mill-Kummissjoni u dik irrakkomandata mir-Renju Unit fil-kuntest ta’ din il-kawża huwa spjegat prinċipalment mill-valur referenzjarju għall-“evalwazzjoni mill-ġdid” tal-merkanzija ddikjarata taħt il-valur pjuttost milli bil-volum ( 314 ).

301.

Mill-premess jirriżulta li l-metodoloġija tal-Kummissjoni ma tiddefinixxix b’mod ċar il-volum tal-merkanzija ssottovalutata matul il-perijodu ta’ ksur. Meta wieħed iqis it-tul tal-perijodu msemmi, kif ukoll in-natura tal-frodi inkwistjoni, jidhirli li l-pożizzjonijiet tal-partijiet li jikkonċernaw dan l-element ma jvarjawx b’mod sinjifikattiv sa fejn id-differenza ta’ inqas minn 5 % bejn l-istimi magħmula, mill-Kummissjoni u r-Renju Unit rispettivament, tibqa’ f’limiti raġonevoli. Għaldaqstant, l-istimi tal-volumi ta’ importazzjonijiet issottovalutati għandhom jiġu aċċettati bħala bażi sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti ta’ telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, kif imressqa mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha.

ii) Fuq il-valur referenzjarju sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti tat-telf tar-riżorsi proprji

302.

Kif ġie nnotat diġà fl-ambitu ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-pożizzjonijiet tal-partijiet ivarjaw l-iktar fuq il-punt f’liema livell ta’ prezz għandha ssir l-“evalwazzjoni mill-ġdid” tal-merkanzija meqjusa ssottovalutata sabiex jiġu kkalkolati d-dazji doganali addizzjonali u sabiex tiġi ddeterminata l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni. Skont il-Kummissjoni, korrezzjoni bħal din għandha ssir fil-livell tal-prezzijiet medji kkorreġuti, sa fejn, minn naħa, il-prezz tat-tessuti u taż-żraben ma jvarjax b’mod sinjifikattiv maż-żmien u sa fejn, min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ kontrolli fiżiċi u kampjuni meħuda mill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit f’livell statistikament rappreżentattiv, hemm raġuni sabiex wieħed jassumi li l-prezzijiet u l-kwalità tal-merkanzija ssottovalutata jikkorrispondu mad-distribuzzjoni tal-prezz mhux affettwata mis-sottovalutazzjoni. Ir-Renju Unit, min-naħa l-oħra, jikkunsidra li din l-għażla metodoloġika ma hijiex iġġustifikata, peress li ma hemm l-ebda prova li ssostni l-ipoteżi li l-merkanzija ddikjarata taħt il-valur għandha l-istess prezz u karatteristiċi ta’ kwalità bħal merkanzija oħra importata miċ-Ċina. Għall-kuntrarju, l-evidenza miġbura tidher li tindika li l-importazzjonijiet li huma ssottovalutati kienu mmirati lejn il-faxxa ta’ isfel tas-suq Brittaniku.

303.

F’dan ir-rigward, kif diġà enfasizzajt, il-valur referenzjarju, bħala kriterju normattiv, ma jistax ikun arbitrarju u għandu l-għan li jpoġġi lill-Istat Membru, għall-perijodu inkwistjoni, f’sitwazzjoni ekwivalenti għal dik li fiha kien jikkonstata korrettament l-intitolamenti u kien idaħħalhom fil-kontabbiltà tiegħu. Fil-fatt, inqis li l-valur referenzjarju għandu jkun konformi maċ-ċirkustanzi fattwali u legali kollha tan-nuqqas inkwistjoni, peress li huwa wieħed mill-kriterji bażiċi fid-determinazzjoni tal-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali ( 315 ).

304.

L-ewwel nett, mill-analiżi tal-Kummissjoni jirriżulta li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat, essenzjalment, mir-Renju Unit, li l-importazzjonijiet li huma ssottovalutati ta’ tessuti u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina kienu saru, fil-biċċa l-kbira, f’termini ta’ volum, taħt il-proċedura doganali 42, jiġifieri kienu maħsuba għal Stati Membri oħra tat-territorju doganali tal-Unjoni. Pereżempju, ir-rapport OLAF juri li fl-2016, 87 % tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ta’ valur baxx imdaħħla mir-Renju Unit saru taħt proċedura doganali 42, filwaqt li fl-istess perijodu, il-proċedura doganali 40 intużat għal 13 % biss ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina. Din id-disparità tikkonferma, jidhirli, iċ-ċaqliq lejn ir-Renju Unit ta’ tranżazzjonijiet frawdolenti diretti lejn Stati Membri oħra ( 316 ). Fl-opinjoni tiegħi, il-Kummissjoni ġustament issostni li, fir-rigward tal-ġbir ta’ dazji doganali, ma hemmx bżonn li ssir distinzjoni bejn merkanzija li taqa’ taħt dawn iż-żewġ proċeduri doganali hekk kif it‑13 % li jifdal ta’ importazzjonijiet iddikjarati taħt il-proċedura doganali 40 seta’ ġew ittrasportati lejn Stati Membri oħra ladarba l-isdoganament ikun sar fir-Renju Unit. Minn dan isegwi li l-maġġoranza l-kbira tal-importazzjonijiet li huma ssottovalutati kienu ġew indirizzati direttament jew indirettament lejn is-suq tal-prodotti tessili u ż-żraben tal-Unjoni b’mod ġenerali u mhux speċifikament lejn is-suq Brittaniku, b’mod li ma hemm l-ebda motiv raġonevoli sabiex jiġu “evalwati mill-ġdid” fuq il-bażi ta’ valur referenzjarju differenti minn dak li jikkaratterizza l-livell tal-prezzijiet tal-prodotti kkonċernati tal-Unjoni kollha kemm huma.

305.

Sussegwentement, jirriżulta mid-dokumenti li r-Renju Unit jikkritika l-użu tal-valur referenzjarju bbażat fuq il-prezzijiet medji kkorreġuti bbażati fuq il-prezzijiet medji fil-livell tal-Unjoni, għar-raġuni li hija ma tqisx il-kwalità tal-merkanzija konċernata u l-Istat Membru tad-dħul tagħha, speċjalment peress li l-Kummissjoni ma pprovdietx prova tal-valur tal-merkanzija inkwistjoni. Għalhekk, data li hija speċifika għar-Renju Unit għandha tkun ippreferuta fuq il-prezz medju kkorreġut tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, kif diġà ġie stabbilit fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 317 ), huwa diffiċli li jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ġabitx provi diretti relatati mal-valur tal-importazzjonijiet issottovalutati, sa fejn din l-ommissjoni hija l-konsegwenza tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet doganali Brittaniċi. Jiena tal-opinjoni li, fin-nuqqas ta’ provi diretti dwar il-valur tal-merkanzija inkwistjoni, prova bbażata fuq data statistika, bħal dik inkwistjoni, tista’ tiġi ammessa fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ nuqqas skont l-Artikolu 258 TFUE sabiex jiġi ddeterminat it-telf tar-riżorsi proprji għall-baġit tal-Unjoni.

306.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn il-kritiki, għandu jiġi mfakkar li d-determinazzjoni tal-portata tat-telf tar-riżorsi proprji fil-każ preżenti għandha timmira li tiddetermina liema kellha tkun il-kontribuzzjoni tal-Istat Membru kkonċernat lill-baġit tal-Unjoni wara d-dħul tad-drittijiet doganali matul il-perijodu ta’ ksur fin-nuqqas tal-irregolaritajiet deskritti fil-kuntest tal-ewwel motiv ta’ dan ir-rikors. Id-dħul minn dazji doganali jikkostitwixxi, kif dan ġie rrilevat diġà ( 318 ), ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni, li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni mill-Istati Membri, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ikkombinati tar-Regolament Nru 1150/2000 u r-Regolament Nru 609/2014 ( 319 ). Il-ġbir tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet huwa ppreċedut mid-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija u mill-kalkolu tad-dazji doganali relatati magħhom, b’dawn iż-żewġ elementi jikkostitwixxu l-istadji ta’ qabel ir-rilaxx tal-merkanzija għal ċirkulazzjoni libera, fit-territorju doganali tal-Unjoni u għall-konsum finali. Għalhekk, fir-rigward b’mod partikolari ta’ dazji doganali, l-istima tat-telf għall-baġit tal-Unjoni li jirriżulta min-nuqqas ta’ kontrolli doganali ma tistax tkun ibbażata fuq id-destinazzjoni eventwali tal-merkanzija kkonċernata fis-suq individwali ta’ Stat Membru u, b’mod partikolari, fuq il-faxex baxxi jew għolja ta’ dan is-suq f’termini ta’ kwalità ta’ prodotti, li, fin-nuqqas ta’ prova diretta, hija spekulattiva, minħabba li l-valur doganali ta’ merkanzija importata fl-Unjoni huwa ddeterminat mill-awtoritajiet doganali kompetenti. Għaldaqstant, naqbel għalkollox mal-argument tar-Renju Unit li l-valur doganali tal-merkanzija jikkorrispondi mal-ispiża tax-xiri tagħha mill-esportatur, b’dan il-valur jiġi ddeterminat min-natura u l-kwalità tal-merkanzija, u mhux mid-destinazzjoni tagħha ( 320 ). Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-merkanzija mad-dħul fit-territorju tal-Unjoni, l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tad-destinazzjoni hija irrilevanti, u għalhekk huwa ġust li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali minħabba frodi doganali kkawżata mis-sottovalutazzjoni tal-merkanzija, il-Kummissjoni ma għamlet l-ebda distinzjoni skont id-destinazzjoni tal-prodotti kkonċernati fi ħdan l-Unjoni ( 321 ).

307.

Għall-kompletezza, fir-rigward tal-għażla tal-prezz medju kkorreġut għall-Unjoni-28, bħala valur referenzjarju għall-evalwazzjoni tal-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni, kif dan ġie rrilevat diġà f’dawn il-konklużjonijiet ( 322 ), minn naħa, l-Unjoni tifforma unjoni doganali unika, b’mod li l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni doganali taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-ġbir ta’ dazji doganali, ikkalkolati fuq importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, jiddetermina d-daqs tal-baġit tal-Unjoni. Minn dan niddeduċi li, f’każ bħal dan inkwistjoni, fejn huwa minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li ma hemm l-ebda prova diretta li tippermetti li tiġi ddeterminata l-portata tat-telf tar-riżorsi proprji, għandu jiġi kkonfermat l-approċċ metodoloġiku tal-Kummissjoni fondat fuq riferiment komuni, mingħajr ma jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull Stat Membru, bħal-livell ta’ għajxien u l-poter ta’ akkwist tal-popolazzjoni tiegħu, li jistgħu jiddettaw il-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti kkonċernati f’kull Stat Membru, meħud individwalment. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-opinjoni li għandu jiġi kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni li tadotta, bħala valur referenzjarju, il-prezzijiet medji kkorreġuti fil-livell tal-Unjoni, b’dawn tal-aħħar innifishom ibbażati fuq il-valuri ddikjarati mill-Istati Membri fid-database komuni tas-Sorveljanza 2 ( 323 ). Dan il-valur referenzjarju huwa għalhekk dak li kellu jiġi applikat sabiex jiġu kkalkolati r-riżorsi proprji tradizzjonali magħmula disponibbli għall-baġit tal-Unjoni kieku kien hemm applikazzjoni korretta tad-dritt doganali tal-Unjoni. Peress li din il-metodoloġija hija bbażata fuq il-prezzijiet iddikjarati medji, dan il-valur jirrifletti n-natura u l-kwalità tal-prodotti kollha importati matul il-perijodu ta’ ksur, mingħajr ma jattribwixxi xi preferenza lil faxex tas-suq li għalihom tappartjeni l-merkanzija inkwistjoni. Peress li l-partijiet ma jikkontestawx il-premessa li l-prodotti tessili u ż-żraben ġejjin miċ-Ċina inkwistjoni huma prodotti bi prezz pjuttost stabbli ( 324 ), fil-fehma tiegħi, il-prezzijiet medji kkorreġuti fil-livell tal-Unjoni għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu valur referenzjarju xieraq u mhux arbitrarju għall-evalwazzjoni tat-telf għar-riżorsi proprji għall-baġit tal-Unjoni ( 325 ).

5) Sommarju dwar l-evalwazzjoni tar-riżorsi proprji tradizzjonali

308.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti, inqis li l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha ma jpoġġux lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tista’ tiddeċiedi b’ċertezza dwar il-portata eżatta tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali msemmija f’dan ir-rikors.

309.

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014, is-suġġett tar-rikors huwa, kif spjegat iktar ’il fuq f’dawn il-konklużjonijiet ( 326 ), limitat għad-djun li jikkorrispondu mal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake. Għalhekk, it-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jista’ jintalab mill-Kummissjoni għandu loġikament ikun dak li jirriżulta mill-annullament ta’ dawn l-avviżi ta’ ħlas, u ma jistax ikun ogħla minn dawn. Madankollu, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ressqet talba li tikkorrispondi ma’ telf tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, għall-perijodu msemmi iktar ’il fuq, fl-ammont ta’ EUR 1001511 991.60 ( 327 ). F’dan ir-rigward, kif josserva, fil-fehma tiegħi, ġustament ir-Renju Unit, dan l-ammont ma jirriflettix l-argument tal-Kummissjoni li minnu jirriżulta li, għall-perijodu msemmi iktar fuq, it-talba tagħha tirrigwarda l-ammonti kkonċernati mill-avviżi ta’ ħlas C18 Snake maħruġa mid-dwana Brittanika, li sussegwentement kienu ġew annullati. Għandu jiġi enfasizzat li għalkemm dawn l-awtoritajiet stabbilixxew il-valur doganali tal-merkanzija identifikata bħala li kienet issottovalutata fl-Operazzjoni Snake billi applikaw il-prezzijiet medji kkorreġuti fil-livell tal-Unjoni, li kien żball amministrattiv attribwibbli lir-Renju Unit ( 328 ), l-istima tat-telf ta’ riżorsi proprji marbuta mal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake fl-ebda każ ma tkun tista’ taqbeż GBP 357 miljun ( 329 ). Barra minn hekk, skont ir-Renju Unit, l-ammont li jirriżulta mill-avviżi ta’ ħlas C18 Snake nnotifikati lill-operaturi jitla’ għal GBP 192568 694.30 ( 330 ). Din il-kontradizzjoni bejn, minn naħa, l-ammonti mitluba fit-talbiet tar-rikors u, min-naħa l-oħra, il-motivi għar-rikors, bħala l-bażi tat-talba tal-konstatazzjoni tat-telf tar-riżorsi proprji għall-perijodu ta’ ksur, tista’ tiġi spjegata biss, fil-fehma tiegħi, bl-għażla żbaljata tal-bażi ta’ riferiment magħmula mill-Kummissjoni, li tikkonsisti fl-inklużjoni fil-kalkolu tagħha, flimkien mal-ammonti marbuta mal-irkupru ta’ avviżi ta’ ħlas C18 Snake, tal-importazzjonijiet kollha ssottovalutati għall-perijodu msemmi fuq il-bażi ta’ data statistika. Fil-każ preżenti, billi jibqgħu inċertezzi sinjifikattivi dwar l-eżattezza tal-ammont mitlub mill-Kummissjoni għall-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014 għal telf ta’ riżorsi proprji għall-baġit tal-Unjoni, nikkunsidra li hija ma wrietx fi grad suffiċjenti fid-dritt it-totalità tiegħu.

310.

Fit-tieni lok, mill-premess jirriżulta li l-metodoloġija tal-OLAF li l-Kummissjoni applikat sabiex tistma t-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017 hija xierqa u mhux arbitrarja, b’mod li tista’ tintuża sabiex tiddetermina l-volum tal-merkanzija ssottovalutata matul il-perijodu ta’ ksur u sabiex tiddetermina l-valur referenzjarju għall-finijiet tal-“evalwazzjoni mill-ġdid” tagħha.

311.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, bħala prinċipju, tilqa’ t-talba tal-Kummissjoni sabiex tikkwantifika l-ammont ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017, madankollu tqum il-kwistjoni jekk, fir-rigward tal-perijodu mill‑1 ta’ Mejju 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017, li jikkorrispondi mad-dazji doganali addizzjonali koperti mill-avviżi ta’ ħlas tas-C18 Breach maħruġa, mix-xahar ta’ Mejju 2018, fi ħdan il-qafas tal-Operazzjoni Breach, l-ammonti koperti minn dawn l-avviżi ta’ ħlas għandhomx ikunu “inklużi fil-kontijiet” għall-istima tal-ammont mitlub mill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, ir-Renju Unit jiddikjara li talab total ta’ GBP 25 miljun f’dazji doganali mingħand 27 operatur u daħħal l-ammonti korrispondenti ( 331 ) fil-kontabbiltà B ( 332 ). B’mod iktar speċifiku, ir-Renju Unit isostni li l-Kummissjoni, għalkemm kienet taf bi tmienja minn dawn l-avviżi ta’ ħlas mix-xahar ta’ Mejju 2018 ( 333 ), hija ma naqqsitx l-ammonti li jikkorrispondu ma’ dawk l-avviżi ta’ ħlas imsemmija mill-istima tagħha tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali. Id-deċiżjoni li tipproċedi b’din l-entrata ma kinitx ġietx ikkontestata la fl-opinjoni motivata u lanqas fir-rikors, filwaqt li, għal tmienja minn dawn l-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, entrati fil-kontabbiltà B saru f’Mejju 2018, b’mod li l-Kummissjoni kienet taf bihom matul il-perijodu prekontenzjuż. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tirreplika li r-Renju Unit irrifjuta, matul il-perijodu prekontenzjuż u kontenzjuż, li jikkomunika d-dettalji tal-kalkoli tiegħu (u b’mod partikolari li jindika d-dikjarazzjonijiet, il-volumi u l-valuri tal-“evalwazzjoni mill-ġdid” użati), b’tali mod li ma setgħetx tissepara dawn l-importazzjonijiet mill-volum totali ta’ importazzjonijiet koperti mill-approċċ ibbażat fuq id-data aggregata ta’ kuljum tas-Sorveljanza 2.

312.

Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE jista’ jitressaq biss meta l-Istat Membru inkwistjoni ma jkunx ikkonforma mal-opinjoni motivata fit-terminu mogħti f’din tal-aħħar ( 334 ). Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif kienet fl-aħħar ta’ dak it-terminu ( 335 ). Fil-każ preżenti, jirriżulta mir-risposta, mingħajr ma dan il-fatt ġie kkontestat mill-Kummissjoni, li r-Renju Unit ħareġ, matul ix-xahar ta’ Mejju 2018, u, għalhekk, qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal‑24 ta’ Settembru 2018, tmien avviżi ta’ ħlas C18 Snake, li koprew il-perijodu dekorribbli mill‑1 ta’ Mejju 2015. Għalhekk, minħabba li l-Kummissjoni kienet taf b’dan qabel il-komunikazzjoni tal-opinjoni motivata, hija kellha tinkludi l-ammonti f’dan ir-rigward fl-opinjoni motivata maħruġa fl‑24 ta’ Settembru 2018. Għalhekk, bil-ħsieb li jiġi kkalkolat l-ammont finali dovut għall-perijodu mill‑1 ta’ Mejju sal‑11 ta’ Ottubru 2017, ir-Renju Unit jista’ jitlob biss it-tnaqqis ta’ dawn it-tmien avviżi ta’ ħlas tas-C18 Breach. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-ammonti li jikkorrispondu mat-tmien avviżi ta’ ħlas imsemmija għandhomx jiġu kkunsidrati, għall-finijiet tal-kawża preżenti, kif ġie nnotat f’diversi okkażjonijiet fl-ambitu ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandhom jitqiesu l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 609/2014 u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, li jirrikjedu li l-Istati Membri jagħmlu disponibbli għall-Kummissjoni l-ammonti kollha li jikkorrispondu għall-intitolamenti stabbiliti ( 336 ). Issa, ma jidhirx mill-proċess, u barra minn hekk ma huwiex sostnut mill-partijiet, li t-tmien avviżi ta’ ħlas tas-C18 Breach inkwistjoni saru irrekuperabbli, bis-saħħa tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 609/2014, u lanqas li dawn huma krediti stabbiliti fis-sens tal-Artikolu 103 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 337 ). Minn dan isegwi li, sal-lum, l-ammonti li jikkorrispondu ma’ dawn it-tmien avviżi ta’ ħlas għandhom, bħala prinċipju, jitnaqqsu mill-ammont tal-istima tar-riżorsi proprji tradizzjonali għall-perijodu 2015 sal‑2017, speċjalment peress li, fit-tweġiba bil-miktub tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit ipproduċa provi sabiex jipproċedi għal dan it-tnaqqis ( 338 ). Madankollu, jiena tal-fehma li, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tissostitwixxi l-Kummissjoni, billi hija stess tikkalkola l-ammont preċiż korrispondenti mat-tmien avviżi ta’ ħlas Breach C18, u lanqas billi “tnaqqashom” mill-ammont mitlub mill-Kummissjoni bħala telf ta’ riżorsi proprji għall-baġit tal-Unjoni.

313.

Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nasal għall-konklużjoni li t-tieni motiv għandu jintlaqa’ sa fejn jipprova jistabbilixxi li r-Renju Unit naqas milli jikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżorsi proprji msemmija iktar ’il fuq, iżda li t-talba tal-Kummissjoni sabiex jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għandha tiġi rrifjutata.

314.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fir-rigward tal-perijodu minn Novembru 2011 sa Novembru 2014, ir-Renju Unit ma għamilx disponibbli l-ammont korrett ta’ riżorsi proprji tradizzjonali relatati ma’ importazzjonijiet frawdolenti li huwa kkonstata fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake u l-avviżi ta’ ħlas C18 Snake sussegwentement annullati, u li, meta għamel dan, kiser l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjonijiet 2007/436 u 2014/335, kif ukoll l‑Artikoli 2, 6, 9, 10, 11 u 17 tar-Regolament Nru 1150/2000, li miegħu jikkorrispondu l-Artikoli 2, 6, 9, 10, 12 u 13 tar-Regolament Nru 609/2014, rispettivament. Madankollu, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad għalkollox it-talba li tidher fit-tielet paragrafu tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikors, sa fejn tirrigwarda dan il-perijodu, billi l-Kummissjoni ma pprovatx l-eżattezza tal-ammonti li jidhru fiha.

315.

Fir-rigward tal-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017, nikkonkludi li r-Renju Unit kiser id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq billi ma għamilx disponibbli l-ammonti dovuti. Madankollu, sa fejn l-ammont li jikkorrispondi għal tmien avviżi ta’ ħlas C18 Breach għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ riżorsi proprji tradizzjonali u sa fejn ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi l-Kummissjoni għal din id-determinazzjoni, l-ammont ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2015 sal-11 ta’ Ottubru 2017 ma jistax jiġi ddeterminat fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

316.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposta tiegħi għal konklużjoni dwar it-tieni motiv, il-kwistjoni dwar ir-rata tal-kambju li għandha tintuża sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tat-telf tar-riżorsi proprji ssir mingħajr suġġett. Huwa għalhekk b’mod sussidjarju, u biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tikkwantifika l-ammont mitlub mill-Kummissjoni għal telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li neżamina fil-qosor l-fondatezza ta’ dan l-argument.

4.   Fuq l-interessi moratorji

317.

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit li t-talba tal-Kummissjoni għal interessi moratorji, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 609/2014 hija inammissibbli, peress li, fl-opinjoni motivata tiegħu, il-Kummissjoni ma semmiet l-ebda nuqqas fir-rigward tal-ħlas ta’ interessi moratorji, nosserva li din l-opinjoni ssemmi b’mod espliċitu, b’mod partikolari, l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament ( 339 ), li jikkorrispondi mal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1150/2000. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jargumenta dan l-Istat, ir-rikors ma jwessax il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tilwima stabbilita fl-opinjoni motivata, b’mod li din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

318.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li, minħabba l-eżistenza ta’ rabta inseparabbli bejn, minn naħa, l-obbligi li jiġu stabbiliti r-riżorsi proprji tal-Unjoni u li jiddaħħlu fil-kont tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti, u, min-naħa l-oħra, dak tal-ħlas ta’ interessi moratorji ( 340 ), ir-Renju Unit kien meħtieġ iħallas tali interessi skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 609/2014. Filwaqt li tirreferi għall-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, hija tikkunsidra li l-ammont ta’ interessi jiġi kkalkolat biss ladarba r-Renju Unit ikun għamel l-ammont prinċipali disponibbli, u b’hekk itemm id-dewmien tiegħu li jdaħħal l-ammonti ta’ riżorsi proprji tradizzjonali f’dan il-kont. Bi tweġiba, ir-Renju Unit isostni li t-talba relatata mal-interessi moratorji hija inammissibbli, peress li huwa prematur li ssir talba bħal din, billi dan l-obbligu li jitħallsu l-interessi moratorji jinħoloq biss iktar tard. F’dan ir-rigward, kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq ( 341 ), il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta inseparabbli bejn, minn naħa, l-obbligi li jiġu kkonstatati r-riżorsi proprji tal-Unjoni u li jiddaħħlu fil-kont tal-Kummissjoni fit-termini stabbiliti u, min-naħa l-oħra, dak li jitħallsu l-interessi moratorji. L-obbligu li jiddaħħlu fil-kont tar-riżorsi proprji u l-obbligu li jitħallsu l-interessi għad-dħul tardiv fil-kont huma, wieħed vis-à-vis l-ieħor, obbligu prinċipali u obbligu aċċessorju ( 342 ). Minn dan isegwi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta t-tieni motiv u tikkunsidra li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-konstatazzjoni u d-dħul tar-riżorsi proprji, allura jirriżulta li dan l-Istat huwa obbligat iħallas interessi moratorji. Għall-kompletezza, ninnota li l-partijiet jidhru li jaqblu li, meta r-Renju Unit iħallas l-ammonti inkwistjoni, għandu jkun applikat il-limitu ta’ 16 % previst fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament 2016/804 ( 343 ).

D. Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE

319.

L-ilment minħabba ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali kif sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, jidhirli li jrid jiġi eżaminat b’mod awtonomu sa fejn jikkonċerna l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati man-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni ( 344 ). Fil-fatt, permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni tilmenta li dan l-Istat rrifjuta li jipprovdilha, minn naħa, kopja tal-evalwazzjoni legali jew ta’ kwalunkwe indikazzjoni oħra dwar il-kontenut ta’ din l-evalwazzjoni li wasslet għall-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake u, min‑naħa l-oħra, l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat it-telf li jirriżulta ta’ riżorsi proprji tradizzjonali li jirriżulta minn dan. Issa, dawn l-allegazzjonijiet huma indipendenti mill-argument imressaq mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, li n-nuqqas li jittieħdu miżuri ta’ kontroll doganali jikkostitwixxi ksur tal-obbligu għall-awtoritajiet doganali li jieħdu miżuri mmirati sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

320.

Qabelxejn, għandu jiġi mfakkar li mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, jirriżulta li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiggarantixxu l-portata u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ( 345 ). Għandu jiġi enfasizzat li huma l-Istati Membri, bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) TUE, li jiffaċilitaw lill-Kummissjoni twettaq il-kompitu tagħha, li jikkonsisti, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 17(1) TUE, f’li jiżguraw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati kif ukoll tad-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet abbażi tagħhom ( 346 ).

321.

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel ilment tal-Kummissjoni ( 347 ), mill-proċess jirriżulta li din l-istituzzjoni kienet talbet lir-Renju Unit jipprovdi kopja tal-evalwazzjoni legali inkwistjoni, li ġġustifikat l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake ( 348 ). Fit-tweġiba tiegħu tat-22 ta’ Ġunju 2018 għall-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Renju Unit indika li l-annullament tad-djun kien ġie deċiż kompletament b’mod indipendenti mill-aġent reviżur ( 349 ) u mingħajr ma dan tal-aħħar ibbaża ruħu fuq xi evalwazzjoni legali, filwaqt li barra minn hekk dan l-Istat ikkontesta l-eżistenza stess ta’ din tal-aħħar. Minflok, l-awtoritajiet nazzjonali llimitaw ruħhom li jipprovdu kopji ta’ diversi ittri ta’ annullament maħruġa. Ir-Renju Unit jirrimarka li l-evalwazzjoni legali inkwistjoni kkonċernat il-proċeduri ta’ likwidazzjoni mibdija kontra ċerti operaturi, iżda li ma wasslitx għall-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake.

322.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest partikolari tal-iżvelar ta’ dokumenti doganali, sabiex jgħinu lill-Kummissjoni fil-missjoni tagħha li tiżgura konformità mat-Trattati, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdulha l-informazzjoni utli sabiex tivverifika r-regolarità tal-ħlasijiet tar-riżorsi proprji ( 350 ). Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħi, li, anki jekk l-evalwazzjoni legali inkwistjoni ma kinitx rilevanti sabiex teżamina l-bażi legali tad-deċiżjoni ta’ annullament adottata mill-aġent reviżur, il-Kummissjoni kienet intitolata li titlob lill-Istat Membru jipprovdiha dan id-dokument, peress li mill-proċess jidher li dan l-Istat kien irrikonoxxa repetutament l-eżistenza tiegħu ( 351 ). Għandu jiġi enfasizzat ukoll li, għalkemm kien minħabba l-ispjegazzjonijiet imressqa mir-Renju Unit li l-Kummissjoni sawret l-approċċ tagħha għall-evalwazzjoni legali bħala l-bażi għall-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, huwa minħabba n-nuqqas ta’ rkupru tal-ammonti dovuti bis-saħħa ta’ dawn l-avviżi li ressqet it-talba tagħha għall-produzzjoni tad-dokument inkwistjoni, sa fejn kienu jikkonċernaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni u, għalhekk, il-baġit ta’ din tal-aħħar. Il-fatt li sussegwentement deher li l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake kien ikkawżat minn raġunijiet oħra ma jbiddilx, fl-opinjoni tiegħi, il-fondatezza ta’ din it-talba tal-Kummissjoni, li taqa’ taħt il-missjoni tagħha msemmija iktar ’il fuq.

323.

Nosserva li l-partijiet ma jopponux, bħala prinċipju, li r-Renju Unit ma jipproduċix l-evalwazzjoni legali inkwistjoni. Dan tal-aħħar, mingħajr ma jiċħad l-assenza ta’ din il-produzzjoni, isostni, madankollu, li, anki jekk l-avviżi ta’ ħlas C18 Snake ġew ikkanċellati fuq il-bażi tal-evalwazzjoni legali inkwistjoni, iktar milli fuq deċiżjoni indipendenti tal-aġent reviżur, din l-evalwazzjoni fi kwalunkwe każ hija protetta bis-segretezza professjonali u ma huwiex possibbli li ssir deroga mill-protezzjoni fundamentali tal-kunfidenzjalità tagħha. Isostni li l-obbligu li jagħmel id-dokumenti rilevanti disponibbli għall-Kummissjoni huwa suġġett għal “kundizzjonijiet raġonevoli” ( 352 ), b’mod li ma kienx obbligat jikkomunika dan id-dokument lill-Kummissjoni.

324.

Dan l-argument ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jiġi aċċettat. F’dan ir-rigward, nemmen, kif ġustament irrimarkat il-Kummissjoni, li dan l-obbligu jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja ( 353 ) invokata mir-Renju Unit. Fil-fatt, jidher li, f’dik il-kawża, il-Kummissjoni kienet talbet lir-Repubblika Taljana dikjarazzjoni li tiġġustifika l-ammonti kollha inkwistjoni, inklużi r-riferimenti għad-dokumenti doganali sottostanti kollha. Huwa meta rrispondiet għall-argument imressaq minn dan l-Istat Membru, li t-talba mressqa mill-Kummissjoni kienet teħtieġ “xogħol ta’ preparazzjoni kunsiderevoli neċessarju” li minħabba f’hekk ma setax jagħtiha eżitu favorevoli “fit-terminu impost” ( 354 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, meta l-Kummissjoni titlob dokumenti, għandha tagħmel dan taħt kundizzjonijiet raġonevoli. Għaldaqstant, dik is-sentenza ma jidhirlix li hija rilevanti għall-kawża preżenti u nosserva li ma tirrigwardax il-kwistjoni li tikkonċerna l-iżvelar ta’ dokumenti koperti mis-segretezza professjonali.

325.

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-argument tad-difiża mressaq mir-Renju Unit li l-evalwazzjoni legali inkwistjoni kienet protetta bis-“segretezza professjonali”, li tagħtiha karattru kunfidenzjali, inqis li dan ma weriex, fil-każ preżenti, għal liema raġuni dokument abbozzat mis-servizzi ta’ HMRC, permezz ta’ aġent reviżur, li jidher ukoll li jaqa’ taħt din l-awtorità ( 355 ) anki jekk kien kopert mis-segretezza professjonali, ma setax jiġi żvelat lill-Kummissjoni. Fil-fatt, sa fejn l-evalwazzjoni legali inkwistjoni kienet intbagħtet lil servizz li jappartjeni lill-istess awtorità, jidher li din taqa’ taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-pariri in‑house ( 356 ). Huwa importanti li wieħed ifakkar, barra minn hekk, li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni ( 357 ). Minn dan isegwi li r-Renju Unit ma jistax, sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tiegħu ta’ kooperazzjoni msemmi qabel, jistrieħ fuq dan it-tip ta’ diffikultajiet sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li ma jiżvelax lill-Kummissjoni dokumenti relatati mal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake.

326.

Fir-rigward tat-tieni lment relatat mal-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fformulat mill-Kummissjoni ( 358 ) fejn ir-Renju Unit ma pprovdiex l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiddetermina l-ammonti tat-telf tar-riżorsi proprji li jirriżultaw mill-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, minkejja talbiet repetuti mill-Kummissjoni, jidhirli li dan l-Istat fil-fatt ma jpoġġix f’dubju dawn l-allegazzjonijiet. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li kien biss fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża li r-Renju Unit wieġeb għal dawn l-allegazzjonijiet. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

327.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li, billi ma kkomunikax lill-Kummissjoni l-evalwazzjoni legali inkwistjoni u l-elementi kollha meħtieġa sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti tat-telf tar-riżorsi proprji li jirriżultaw mill-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE.

E. Fuq in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi skont il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT u r-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT

328.

Bit-tielet motiv tagħha, il-Kummissjoni tqis li r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE, l-Artikolu 310(6) u l-Artikolu 325 TFUE, u l-Artikolu 2(1)(b) u (d), l-Artikoli 83, 85 sa 87 u l-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva 2006/112. Insostenn ta’ dan il-motiv, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-determinazzjoni skorreta tal-valur doganali tal-merkanzija importata li taqa’ kemm taħt il-proċedura doganali 40 kif ukoll taħt il-proċedura doganali 42 kellha l-konsegwenza li tnaqqas l-ammont taxxabbli tal-VAT, b’mod li l-Unjoni ġiet imċaħħda minn parti tar-riżorsi tagħha stess.

329.

Fir-rigward tal-proċedura doganali 40, il-Kummissjoni tenfasizza li, skont l-Artikolu 2(1)(d) u l-Artikoli 85 sa 87 tad-Direttiva 2006/112, il-VAT għandha tinġabar mill-Istat Membru ta’ importazzjoni u l-ammont taxxabbli ta’ din it-taxxa jinkludi l-valur doganali kif ukoll id-dazji doganali u l-ispejjeż anċillari. Hija tqis li, peress li l-VAT ma nġabretx flimkien ma’ teħid inkunsiderazzjoni tal-valur doganali korrett tal-merkanzija importata, l-ammonti korrispondenti ma ġewx ikkunsidrati fid-determinazzjoni tal-bażi tar-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT.

330.

Skont il-proċedura doganali 42, il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel nett, li, skont ir-rapport OLAF, fl-2016, 87 % tal-merkanzija kienet ġiet importata permezz tar-Renju Unit lejn Stati Membri oħra. Imbagħad tiddikjara li għal oġġetti li jaqgħu taħt il-proċedura doganali 42, l-ammont taxxabbli għall-VAT huwa kkostitwit, skont l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2006/112, mill-prezz ta’ xiri tal-oġġetti jew oġġetti simili jew, fin-nuqqas tal-prezz tax-xiri, mill-prezz tal-bejgħ, iddeterminati fil-ħin tal-kunsinna. Hija ssostni, fl-aħħar nett, li jekk il-valur doganali tal-merkanzija importata jkun żbaljat, il-kalkolu tal-VAT li għandu jiġi impost fuqha mill-Istat Membru tad-destinazzjoni jew tat-trasport ikun, konsegwentement, żbaljat.

331.

Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dawn l-elementi kollha li, billi qagħad lura milli jieħu miżuri sabiex jirrimedja s-sottovalutazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll l-Artikolu 310(6) u l-Artikolu 325 TFUE, u, fin-nuqqas ta’ garanzija tal-ġbir sħiħ tad-dħul mill-VAT, ċaħħad lill-Unjoni minn parti tar-riżorsi proprji ġejjin minn din it-taxxa. B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni żżid tgħid li l-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet applikabbli għall-importazzjonijiet li jaqgħu taħt il-proċedura doganali 42, jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw l-irkupru tal-VAT. Konsegwentement, billi naqas milli jieħu miżuri bħal dawn, ir-Renju Unit ikkomprometta l-abbiltà ta’ Stati Membri oħra li jiġbru l-VAT u għandu jinżamm responsabbli għal din is-sitwazzjoni.

332.

Ir-Renju Unit isostni, min-naħa l-oħra, li l-ilment tal-Kummissjoni ma għandux bażi legali. F’dan ir-rigward, huwa jiddikjara li la d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 u lanqas dawk tal-Artikolu 4(3) TUE ma jimplikaw responsabbiltà ta’ Stat Membru għal telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali jew ta’ riżorsi proprji li joriġinaw mill-VAT imġarrba fi Stati Membri oħra. Huwa jżid jgħid li l-Kummissjoni, li tillimita ruħha li tinvoka l-obbligi ġenerali ta’ kooperazzjoni leali u l-ġlieda kontra l-frodi, ma hijiex f’pożizzjoni li tispeċifika l-bażi legali li fuqha Stat Membru jkun marbut, lil hinn mill-fruntieri tiegħu, li jwieġeb għall-ġbir tal-VAT fi Stat ieħor tal-Unjoni. Huwa josserva wkoll li, kieku t-teżi tal-Kummissjoni kellha tiġi aċċettata, ikun impossibbli li jitkejjel il-grad ta’ responsabbiltà ta’ Stat Membru għat-telf tar-riżorsi proprji mġarrba fi Stat Membru ieħor minħabba nuqqas ta’ dan l-ewwel Stat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu.

333.

Ir-Renju Unit jenfasizza wkoll li, skont l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2006/112, l-ammont taxxabbli tal-VAT stabbilit fuq merkanzija importata li taqa’ taħt il-proċedura doganali 42 hija bbażata fuq il-prezz tax-xiri ffatturat lix-xerrej finali li jinsab fl-Istat Membru tad-destinazzjoni. Huwa jinnota li huwa dan it-tieni Stat li jivverifika u jiggarantixxi li l-VAT fuq dawn l-akkwisti tiġi ddikjarata kif suppost. Minn dan jirriżulta li l-allegata rabta kawżali invokata mill-Kummissjoni ma ġietx stabbilita. Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit isostni li l-ebda wieħed mill-fatti ppreżentati mill-Kummissjoni ma juri li huwa, bl-imġiba tiegħu, ipprekluda lil Stati Membri oħra milli jiġbru l-VAT.

334.

Fir-rigward ta’ dawn l-argumenti, huwa meħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġu pprovduti xi kjarifiki dwar il-proċedura legali tar-riżorsi proprji li ġejjin mill-VAT (Taqsima 1), imbagħad, fit-tieni lok, li jiġu analizzati suċċessivament l-ilmenti speċifiċi għall-proċeduri doganali 40 (Taqsima 2) u 42 (Taqsima 3).

1.   Fuq ir-regoli legali sabiex ir-riżorsi ġejjin mill-VAT isiru disponibbli għall-baġit tal-Unjoni

335.

Sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment ta’ suq intern li fi ħdanu l-kompetizzjoni ma tiġix imfixkla u l-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi jkun iggarantit, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel ħiltu sabiex jarmonizza r-regoli dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ permezz ta’ sistema tal-VAT, li hija taxxa fuq il-konsum li tinkludi l-parti l-kbira tal-aspetti tal-ekonomija. Minn din il-perspettiva, id-Direttiva 2006/112 tipprovdi għal regola komuni ta’ ammont taxxabbli. B’mod iktar speċifiku, skont it-termini tal-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva, l-ammont taxxabbli li għalih hija applikata r-rata tal-VAT jinkludi “dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista” ( 359 ). Lil hinn minn dan il-prinċipju, l-ammont taxxabbli huwa rregolat minn regoli partikolari tiegħu stess, b’mod partikolari fil-każ ta’ akkwisti intra‑Komunitarji ( 360 ) ta’ oġġetti jew f’dak tal-importazzjonijiet ta’ oġġetti ( 361 ).

336.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2007/436 u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni 2014/335, ir-riżorsi proprji tal-Unjoni jinkludu, minbarra r-riżorsi proprji tradizzjonali, dħul mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi ( 362 ) għall-bażi armonizzata tal-VAT iddeterminata skont ir-regoli tal-Unjoni. Din ir-rata uniformi tikkostitwixxi “rata ta’ sejħa” ta’ din ir-riżorsa u mhux rata ta’ taxxa peress li ma toħloqx obbligi fiskali għal persuni li huma taxxabbli iżda teħtieġ biss li l-Istati jnaqqsu l-ammont li huma responsabbli għalih fir-rigward tal-Unjoni fuq kwalunkwe sors tal-baġit tagħhom ( 363 ).

337.

Fir-rigward tal-bażi għal din ir-riżorsa proprja, li hija separata mill-ammont taxxabbli previst mid-Direttiva 2006/112, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1553/89 jiddikjara, essenzjalment, li l-bażi tar-riżorsi ġejjin mill-VAT tinkiseb billi jiġi diviż id-dħul nett totali tal-VAT miġbur mill-Istat Membru matul is-sena kemm bir-rata li biha din it-taxxa hija mdaħħla matul din l-istess sena, jew inkella bir-rata medja ponderata tal-VAT, meta tiġi applikata iktar minn rata waħda fi Stat Membru ( 364 ).

338.

Din is-sistema ta’ riżorsi proprji għalhekk għandha l-għan, fir-rigward ta’ riżorsi ġejjin mill-VAT, li toħloq għall-Istati Membri obbligu li jagħmlu disponibbli għall-Unjoni, bħala riżorsi proprji, porzjon mill-ammonti li jirċievu bħala VAT ( 365 ).

339.

Minn dan isegwi li teżisti rabta diretta bejn il-ġbir ta’ dħul ġej mill-VAT f’konformità mad-dritt applikabbli tal-Unjoni u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi ġejjin mill-VAT korrispondenti, billi kwalunkwe nuqqas fil-ġbir ta’ dawn tal-ewwel ikun potenzjalment l-oriġini ta’ tnaqqis tat-tieni ( 366 ). Konsegwentement, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw ġbir effiċjenti tar-riżorsi proprji tal-Unjoni billi jirkupraw is-somom li jikkorrispondu ma’ dawk ir-riżorsi li, minħabba frodi, kienu tneħħew mill-baġit tal-Unjoni ( 367 ).

340.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fi kwistjonijiet ta’ VAT, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE li l-Istati Membri għandhom mhux biss l-obbligu ġenerali li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha sabiex jiggarantixxu l-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorji rispettivi tagħhom, iżda għandhom ukoll jiġġieldu kontra l-frodi ( 368 ). Barra minn hekk, kif diġà ġie indikat ( 369 ), l-Artikolu 325 TFUE jobbliga lill-Istati Membri sabiex jikkombattu attivitajiet illegali li huma ta’ detriment l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b’miżuri dissważivi u effettivi u, b’mod partikolari, jobbligahom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkombattu l-frodi ( 370 ) li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li jieħdu sabiex jikkombattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess ( 371 ).

341.

Fid-dawl tal-argumenti premessi, ftit għandi dubju li, f’dan il-każ, in-nuqqas ta’ miżuri xierqa għall-ġlieda kontra r-riskju ta’ frodi u sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni korretta tal-merkanzija importata ( 372 ) huwa ta’ tali natura li jikkostitwixxi, mill-perspettiva tar-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT, nuqqas tal-Artikolu 325 TFUE, li jikkonkretizza l‑Artikolu 4(3) TUE ( 373 ), li seta’ affettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li r-rabta bejn il-ġbir tad-dħul mill-VAT minn Stat Membru u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni tar-riżorsi ġejjin mill-VAT hija biss potenzjali. Konsegwentement, inqis li għandha ssir verifika, fid-dawl tar-regoli speċifiċi għal kull waħda mill-proċeduri doganali applikabbli f’dan il-każ, dwar jekk in-nuqqas mill-awtoritajiet tar-Renju Unit li jwettqu kontrolli doganali, kif ippreżentat fil-qafas tal-ewwel motiv, effettivament ċaħħadx lill-baġit tal-Unjoni minn parti mir-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT.

2.   Fuq l-ilment dwar it-telf ta’ riżorsi proprji ġejjin mill-VAT taħt il-proċedura doganali 40

342.

Il-proċedura doganali 40 tikkorrispondi mal-każ fejn merkanzija importata minn pajjiż terz tkun irrilaxxata direttament għal ċirkulazzjoni libera ( 374 ). Skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 2006/112, l-importazzjonijiet ta’ oġġetti huma inklużi fost tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT. Skont l-Artikolu 85 ta’ din id-direttiva, għall-“importazzjoni ta’ merkanzija, l-ammont taxxabbli għandu jkun il-valur għal finijiet doganali, stabbilit skond id-disposizzjonijiet Komunitarji fis-seħħ”. Dan l-ammont taxxabbli huwa aġġustat skont ir-regoli previsti fl-Artikoli 86 u 87 tad-Direttiva 2006/112 ( 375 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( 376 ) jippreċiża d-definizzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija, li huwa l-“valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri l-prezz li effettivament tħallas jew għandu jitħallas meta l-merkanzija tinbiegħ għall-esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Unjoni”. Minn dan isegwi li l-għan imfittex mill-Artikolu 85 tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, huwa li jinkludi fl-ammont taxxabbli dak kollu li jikkostitwixxi l-valur tal-oġġett għax-xerrej finali tiegħu ( 377 ).

343.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa ċert li n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ miżuri adegwati maħsuba sabiex jiġġieldu kontra l-frodi doganali ma ppermettewx lir-Renju Unit li japplika r-regoli għad-determinazzjoni tal-ammont taxxabbli tal-VAT fuq importazzjonijiet ta’ merkanzija li taqa’ taħt il-proċedura doganali 40. Madankollu, għad irid jiġi ddeterminat jekk ir-riżorsi proprji li jirriżultaw minn din it-taxxa kinux attwalment affettwati minn din iċ-ċirkustanza. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni, li hija fid-dmir li tipprova l-eżistenza tan-nuqqasijiet li hija tallega ( 378 ), issostni b’mod ġenerali li t-tnaqqis fir-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT jirriżulta ipso facto mis-sottovalutazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata.

344.

Madankollu, ma naħsibx li dan l-argument jippermetti li tiġi stabbilita b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-ommissjoni tar-Renju Unit u tnaqqis eventwali tar-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT. Fil-fatt, kif diġà indikajt ( 379 ), jirriżulta mill-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1553/89 li l-bażi tar-riżorsi tal-VAT tiġi kkalkolata fuq abbażi tat-total tad-dħul nett mill-VAT li jkun daħħal l-Istat Membru diviż bir-rata tal-VAT. Issa, fir-rigward tal-merkanzija importata, id-dħul nett totali miġbur ma jiddependix biss fuq il-valur doganali tal-oġġetti iżda anki fuq il-prezz tal-bejgħ iffatturat lix-xerrej finali. Għalhekk, l-ammont ta’ dħul mill-VAT jibqa’ l-istess meta x-xerrej finali jkun ħallas prezz tax-xiri ekwivalenti għall-valur doganali reali tal-oġġett. Minn dan isegwi li s-sempliċi konstatazzjoni tas-sottovalutazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija importata ma twassalx awtomatikament għal tnaqqis fil-bażi li fuqha huma kkalkolati r-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT.

345.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li r-raġunament ġenerali, li fuqu tistrieħ il-Kummissjoni sabiex issostni li, fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ oġġetti li jaqgħu taħt il-proċedura doganali 40, l-Unjoni kienet ġiet imċaħħda minn parti mir-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT, ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, prova suffiċjenti tar-realtà ta’ dan l-ilment. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-talba mressqa f’dan il-kap mill-Kummissjoni.

3.   Fuq l-ilment dwar it-telf ta’ riżorsi proprji ġejjin mill-VAT taħt il-proċedura doganali 42

346.

L-ewwel nett, huwa xieraq li wieħed ifakkar li, skont ir-rapport OLAF, 87 % tal-volum totali tal-merkanzija importata fl-2016 jaqa’ taħt il-proċedura doganali 42 ( 380 ).

347.

Kif diġà ġie spjegat fil-qafas ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-proċedura doganali 42 tikkorrispondi għall-każ fejn, fil-mument tal-importazzjoni, ikun ċert li l-merkanzija importata tkun iddestinata għal Stat Membru ieħor ( 381 ). F’tali każ, il-VAT hija dovuta fl-Istat Membru tad-destinazzjoni finali tal-merkanzija u mhux f’dak tal-importatur. B’mod iktar speċifiku, din l-eżenzjoni tirriżulta mill-Artikolu 143(1)(d) tad-Direttiva 2006/112 fejn l-Istati Membri jeżentaw l-importazzjonijiet ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati minn territorju terz jew minn pajjiż terz fi Stat Membru għajr dak tal-wasla tal-kunsinna jew tat-trasport, fil-każ li l-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti, magħmula mill-importatur indikat jew irrikonoxxut bħala responsabbli għat-taxxa taħt l-Artikolu 201 tal-imsemmija direttiva, hija eżentata skont l-Artikolu 138 tal-istess direttiva. Fi kliem ieħor, l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 143 tad-Direttiva 2006/112 hija bbażata fuq il-fatt li l-importazzjoni hija segwita minn provvista intra‑Komunitarja, li hija nnifisha eżentata taħt l-Artikolu 138 tal-imsemmija direttiva.

348.

Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 68 tad-Direttiva 2006/112 li l-fatt taxxabbli tal-VAT iseħħ fiż-żmien meta jsir l-akkwist intra-Komunitarju, jiġifieri, skont it-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, “meta l-provvista [ġewwa l-pajjiż] ta’ merkanzija simili titqies li saret”. Bħala tali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti” ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jinkludi kwalunkwe tranżazzjoni li tinvolvi t-trasferiment ta’ oġġett fiżiku minn parti li tawtorizza parti oħra li tiddisponi minnu fil-fatt daqs li kieku kienet is-sid ta’ dan l-oġġett ( 382 ).

349.

Fl-aħħar nett, għall-akkwisti intra‑Komunitarji ta’ oġġetti, jirriżulta mill-Artikoli 76 u 83 tad-Direttiva 2006/112 li l-ammont taxxabbli tal-VAT huwa kkostitwit mill-prezz tax-xiri tal-merkanzija jew oġġetti simili jew, fin-nuqqas ta’ prezz tax-xiri, il-prezz ta’ bejgħ, iddeterminati fil-ħin meta ssir il-kunsinna.

350.

Fil-każ preżenti, jidhirli diffiċli li naqbel mal-postulat tal-Kummissjoni li d-determinazzjoni żbaljata mir-Renju Unit tal-valur doganali tal-merkanzija importata kellha impatt fuq l-ammont ta’ riżorsi proprji ġejjin mill-VAT magħmula disponibbli għall-Unjoni. Fir-rigward tar-regoli msemmija iktar ’il fuq applikabbli għal operazzjonijiet taħt il-proċedura doganali 42, din ir-rabta diretta, li, barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tappoġġjax fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ma jidhirlix li ġiet stabbilita għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-ammont taxxabbli tal-VAT applikabbli għal merkanzija li taqa’ taħt il-proċedura msemmija ma hijiex ikkorrelatata mal-valur doganali tal-oġġetti importati iżda mal-prezz tax-xiri ta’ dawn l-oġġetti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni finali. Min‑naħa l-oħra, taħt il-proċedura doganali 42, il-VAT kollha għandha tinġabar u titħallas fl-Istat Membru fejn il-merkanzija hija finalment ikkunsinnata.

351.

Inżid ngħid li d-dgħufija sistemika tas-sistema doganali 42 tipprojbixxi li Stat Membru wieħed ikun responsabbli għat-telf tar-riżorsi proprji ġejjin mill-VAT. F’dan ir-rigward, nosserva li, fir-rapport speċjali tagħha Nru 13/2011 dwar verifika relatata mal-proċedura doganali 42, il-Qorti tal-Awdituri kkonstatat li l-applikazzjoni tal-proċedura doganali rriżultat f’telf sinjifikattiv li hija stmat fl-ammont ta’ madwar EUR 2200 miljun ( 383 ) u ddeplorat l-inadegwatezza tal-kontrolli mwettqa mis-seba’ Stati Membri magħżula fl-istudju tagħha ( 384 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Awdituri rrakkomandat li tittejjeb il-komunikazzjoni ta’ data ewlenija fi u bejn l-Istati Membri, li tiġi inkoraġġita l-verifika awtomatika tan-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT u li jinħoloq profil ta’ riskju komuni fil-livell tal-Unjoni għall-importazzjonijiet imwettqa taħt il-proċedura doganali 42 ( 385 ). Fir-rapport speċjali tagħha Nru 24/2015 dwar il-ġlieda kontra l-frodi intra‑Komunitarja tal-VAT, il-Qorti tal-Awdituri enfasizzat il-persistenza ta’ dawn id-diffikultajiet, u nnotat li t-“titjib leġiżlattiv li sar mill-Kummissjoni fir-rigward tal-proċedura doganali 42 u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħna fir-Rapport Speċjali Nru 13/2011 huma pożittivi iżda l-ġlieda kontra l-frodi hija ostakolata minn implimentazzjoni fqira u minn każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li nqabdu fl-Istati Membri matul l-awditu attwali” ( 386 ). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Awdituri enfasizzat ukoll, minn naħa, li l-maġġoranza tal-Istati Membri li saritilhom żjara ma jwettqux kontroverifiki effettivi bejn id-data doganali u fiskali, u min-naħa l-oħra, li l-eżattezza, il-kompletezza u l-attwalità tal-informazzjoni dwar il-VAT skambjata bejn l-Istati Membri hija problematika ( 387 ). Tali konstatazzjonijiet iwassluni wkoll sabiex inwarrab l-argument tal-Kummissjoni li r-Renju Unit, bl-ommissjonijiet tiegħu, impedixxa lill-Istati Membri l-oħra milli jiġbru l-VAT b’mod sħiħ.

352.

F’dawn iċ-ċirkustanzi u minkejja l-ommissjonijiet tar-Renju Unit fid-determinazzjoni tal-valur doganali tal-merkanzija inkwistjoni, ma huwiex possibbli, minħabba nuqqas ta’ rabta diretta, li jiġi attribwit lil dan l-Istat tnaqqis fir-riżorsi proprji mill-VAT fir-rigward ta’ operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-proċedura doganali 42. Għaldaqstant, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad fuq dan il-punt it-talba mressqa mill-Kummissjoni.

353.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tielet motiv, kemm dwar l-ilment fuq it-telf tar-riżorsi proprji tal-VAT taħt il-proċedura doganali 40 kif ukoll dwar dak fuq it-telf ta’ riżorsi proprji mill-VAT taħt il-proċedura doganali 42.

VII. Fuq l-ispejjeż

354.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 138(3) ta’ dawn ir-regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra. Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Renju Unit jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż u dan tal-aħħar tilef il-parti l-kbira tal-motivi tiegħu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ hemm lok li r-Renju Unit jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, minbarra dawk tiegħu, għal erba’ minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni. Din tal-aħħar għandha tbati kwint tal-ispejjeż tagħha.

355.

Fid-dawl tal-Artikolu 140(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, skont liema l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

VIII. Konklużjoni

356.

Għar-raġunijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet, nipproponi li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Billi ma ħax, matul il-perijodu ta’ ksur, miżuri mmirati sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u billi ma daħħalx fil-kontijiet l-ammonti korretti ta’ dazji doganali relatati ma’ ċerti importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben miċ-Ċina, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 325 TFUE, l‑Artikolu 13 u l‑Artikolu 220(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tal-Kunsill tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 648/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑1 ta’ April 2005, l-Artikoli 3, 46 u l-Artikolu 105(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, l-Artikolu 248(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat‑2 ta’ Lulju 1993 li li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1335/2003 tal‑25 ta’ Lulju 2003, u l-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 tal-Kummissjoni tal‑24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

2)

Billi ma għamilx disponibbli għall-Unjoni l-ammont korrett ta’ riżorsi proprji tradizzjonali relatati ma’ dawn l-importazzjonijiet, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2 u 8 tad-Deċiżjoni UE, Euratom, 2014/335 tal-Kunsill tas‑26 ta’ Mejju 2014 dwar sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas‑7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej, l‑Artikoli 2, 6, 9, 10, 12 u 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas‑26 ta’ Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti, u l-Artikoli 2, 6, 9, 10, 11 u 17 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2000, li jimplimenta d-Deċiżjoni 94/728.

3)

Billi ma kkomunikax lill-Kummissjoni Ewropea l-evalwazzjoni legali tas-servizz legali ta’ Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni Fiskali u Doganali tar-Renju Unit) u l-elementi kollha meħtieġa sabiex jiġu ddeterminati l-ammonti ta’ telf ta’ riżorsi proprji li jirriżultaw minn avviżi ta’ ħlas a posteriori maħruġa fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake, ir-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, kif sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE.

4)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)

Ir-Renju Unit għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, erba’ minn ħamsa tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

6)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati kwint tal-ispejjeż tagħha.

7)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika Portugiża u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Nixtieq nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni taħt l-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7), approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat 30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1), biex tisma’ kwalunkwe azzjoni ppreżentata minn jew kontra dak l-Istat qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, fl‑1 ta Jannar 2021.

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 168, p. 105).

( 4 ) ĠU 2007, L 163, p. 17.

( 5 ) ĠU 2000, L 130, p. 1.

( 6 ) Dħul Gross Nazzjonali.

( 7 ) ĠU 2014, L 168, p. 39.

( 8 ) Regolament tas-17 ta’ Mejju 2016 li jemenda r-Regolament Nru 609/2014 (ĠU 2016, L 132, p. 85).

( 9 ) ĠU 2014, L 168, p. 29.

( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 197)

( 11 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.

( 12 ) ĠU 2005, L 117, p. 13.

( 13 ) ĠU 2013, L 269, p. 1.

( 14 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3.

( 15 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 13, p. 463

( 16 ) ĠU 2015, L 343, p. 558.

( 17 ) ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

( 18 ) ĠU 2009, L 175, p. 12.

( 19 ) Iktar ’il quddiem il-“prodotti kkonċernati” jew “prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina”.

( 20 ) Għandu jiġi ppreċiżat li l-perijodu ta’ ksur huwa qabel id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Ħruġ imsemmi iktar ’il fuq (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet), b’mod li l-Unjoni kienet magħmula minn 28 Stat Membru. Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalhekk, qiegħed isir riferiment għall-“Unjoni‑28”.

( 21 ) Jirriżulta mill-Anness B tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, Titolu II, intitolat “Il-kodiċijiet b’rabta mar-rekwiżiti komuni tad-data tad-dikjarazzjonijiet u tan-notifiki”, fil-punt 1/10, intitolat “Proċedura”, li, meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni doganali, l-importatur huwa meħtieġ jindika kodiċi b’erba’ ċifri, fejn l-ewwel żewġ ċifri jirrappreżentaw il-proċedura mitluba. Il-“kodiċi 40” jikkorrispondi għal rilaxx għall-konsum b’rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija simultanju (iktar ’il quddiem il-“proċedura doganali 40”), filwaqt li l-kodiċi 42 jirrigwarda ir-rilaxx għall-konsum b’rilaxx għal ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija simultanju b’eżenzjoni mill-VAT għal kunsinna lejn Stat Membru ieħor.

( 22 ) Dan huwa “telf potenzjali” għall-perijodu bejn Mejju 2013 u Marzu 2015 ta’ EUR 589676121 fuq kwantità ta’ kważi biljun u nofs kilogrammi ta’ prodotti kkonċernati.

( 23 ) Minn dan ir-rapport jirriżulta li, fl-2016, 87 % tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ta’ valur baxx fir-Renju Unit kienu saru taħt il-proċedura doganali 42, filwaqt li matul l-istess perijodu, din il-proċedura intużat biss għal 15 % tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben ġejjin miċ-Ċina rreġistrati fl-Unjoni‑28 kollha. Skont l-OLAF, din id-disparità tikkonferma l-ispostament lejn ir-Renju Unit ta’ tranżazzjonijiet frawdolenti minn Stati Membri oħrajn.

( 24 ) Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) L-OLAF stabbilixxa għal EUR 1987429 507.96 l-ammont totali ta’ dan it-telf u qasam dan l-ammont kif ġej: EUR 325230 822.55 fl-2013; EUR 480098 912.45 fl-2014; EUR 535290 329.16 fl-2015; u EUR 646809 443.80 fl-2016.

( 26 ) Ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma weġbitx f’dan ir-rigward.

( 27 ) Fir-rigward tal-kliem tat-talbiet imressqa sabiex isostnu dan ir-rikors, għandu jiġi osservat li huma riprodotti darbtejn fir-rikors, fil-bidu u fl-aħħar tiegħu. Madankollu, il-kapijiet tat-talbiet ma humiex ifformulati bl-istess mod. Għalhekk, il-parti fil-parentesi (iktar ’il quddiem it-“tielet paragrafu tal-ewwel kap tat-talbiet”), għalkemm ma tidhirx fil-petitum ippreżentat fil-bidu tar-rikors, iddaħħlet fit-talbiet li jidhru fl-aħħar tar-rikors (punt 370) u hija repetuta fir-replika tal-Kummissjoni (punt 285).

( 28 ) Taħt il-proċedura doganali 42, l-importatur tal-merkanzija għandu jindika, fid-dokument amministrattiv uniku, kodiċi li jibda biċ-ċifri 42 sabiex jikseb eżenzjoni mill-VAT. Dan japplika meta oġġetti importati minn barra l-Unjoni fi Stat Membru wieħed ikunu maħsuba għat-trasport lejn Stat Membru ieħor. Bis-saħħa tal-Artikolu 143 tad-Direttiva 2006/112, meta tintuża din il-proċedura doganali, l-importazzjonijiet huma eżentati mill-VAT fl-Istat Membru tal-wasla iżda għandha tiġi imposta fl-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-merkanzija.

( 29 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑33/04, EU:C:2005:750, punt 70); tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 49); u tat-18 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija (C‑301/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:846, punt 32).

( 30 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni) (C‑552/15, EU:C:2017:698, punti 2829 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑337/05, EU:C:2008:203, punt 23), u tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 40).

( 32 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑356/15, EU:C:2018, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Talba annessa mar-risposta tiegħu għall-ittra ta’ intimazzjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2018.

( 35 ) Ara l-punti 301 sa 326 tal-opinjoni motivata.

( 36 ) Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, minn naħa, ir-rapport tekniku tal-JRC, intitolat “The estimation of fair prices of traded goods from outlier-free trade data (L-istima tal-prezz ġust ta’ merkanzija kkummerċjalizzata minn data tal-kummerċ esklużi valuri estremi)”, u, min-naħa l-oħra, id-dokument tal-OLAF, intitolat “La sous-évaluation des importations de produits textiles et de chaussures: méthode de calcul des pertes estimées en matière de droits de douane” (Is-sottovalutazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u żraben: metodu ta’ kalkolu tat-telf stmat f’termini ta’ dazji doganali).

( 37 ) Fir-rigward ta’ dan it-telf stmat ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-Unjoni, it-tniżżil (imsejjaħ “DL 53”) użat mill-OLAF sabiex jikkalkola dan it-telf kien ikun diġà disponibbli fuq is-sit Theseus fiż-żmien meta l-OLAF ippubblika r-rapport finali tiegħu fl‑1 ta’ Marzu 2017, kif ukoll sussegwentement. Ġie inkluż ukoll fl-Anness 7 tar-rapport OLAF. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tar-Renju Unit, il-Kummissjoni rreferiet għal dan fil-punti 307 u 308 tal-opinjoni motivata.

( 38 ) Ara l-Anness A.32 tar-rikors, inklużi t-tabelli fl-Anness D tar-rapport mehmuż mar-risposta tal‑11 ta’ Frar 2019.

( 39 ) Rapporti intitolati “Is-sottovalutazzjoni tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben: metodu għall-kalkolu tat-telf stmat fid-dazji doganali” u “Stima tal-prezz ġust ta’ merkanzija kkummerċjalizzati minn data kummerċjali ħlief għal valuri estremi” (Anness A.35).

( 40 ) Minn dan l-Anness jidher li l-prezzijiet medji kkorreġuti huma kkalkolati fuq il-bażi ta’ data relatata ma’ importazzjonijiet estratti mid-database statistika Comext għal perijodu ta’ 48 xahar. Hija database ta’ riferiment għall-kummerċ internazzjonali ta’ oġġetti, ġestita mill-Eurostat. L-opinjoni motivata tagħmel riferiment espress għaliha fil-punt 309.

( 41 ) Skont il-Kummissjoni, ir-Renju Unit jista’ jaċċedi għad-data mhux aggregata permezz tal-applikazzjoni SurvRecapp. Huwa jista’ għalhekk jikkonsulta, idaħħal, jaġġorna jew iħassar id-data varja li għandu.

( 42 ) Ara l-Anness D.5, paġni 149 sa 1332.

( 43 ) Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑48/10, EU:C:2010:704, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara l-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑372/05, EU:C:2009:780, punt 33.

( 46 ) Ara l-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara, l-punti 116 et seq. tar-risposta.

( 48 ) Ara l-punt 28 ta’ dan ir-rapport.

( 49 ) Din l-ewwel assigurazzjoni tapprova sew l-isforzi u l-miżuri meħuda mir-Renju Unit sabiex iwettaq dan il-progress sa Ġunju 2014 u mhux biss, kif targumenta ħażin il-Kummissjoni, il-proġetti futuri previsti minn dan l-Istat.

( 50 ) Issa, skont ir-Renju Unit, il-Kummissjoni kienet informata sew dak iż-żmien dwar il-fatt li, fil-qafas tal-APC Discount, l-awtoritajiet Brittaniċi kienu wettqu kontrolli dokumentarji bi żjarat ta’ segwitu wara r-rilaxx tal-merkanzija iżda ma kinux għamlu kontrolli minn qabel, u lanqas ħadu kampjuni jew talbu garanziji.

( 51 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 1982, Il-Ġermanja u l-Bundesanstalt für Arbeit vs Il-Kummissjoni (44/81, EU:C:1982:197, punti 16 sa 18).

( 52 ) Din l-affermazzjoni ma tistax titqiegħed f’dubju mill-prinċipju, sanċit fil-ġurisprudenza, li aspettattiva leġittima ma tistax tkun ibbażata fuq prattika illegali (sentenza tal‑11 ta’ April 2018, SEB bankas, C‑532/16, EU:C:2018:228 punt 50) u li aspettattiva leġittima ma tistax tiġi invokata kontra dispożizzjoni inekwivokabbli ta’ test tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑7 ta’ April 2011, Sony Supply Chain Solutions (Ewropa), C‑153/10, EU:C:2011:224, punt 47).

( 53 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE (265/85, EU:C:1987:121, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-7 ta’ April 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑321/09 P, EU:C:2011:218, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 1992, Mülder et vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑104/89 u C‑37/90, EU:C:1992:217, punt 15).

( 55 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2001, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑373/99, EU:C:2001:662, punt 56); tal-24 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑523/04, EU:C:2007:244, punt 28); tal‑1 ta’ Ġunju 2016, L-Ungerija vs Il-Kummissjoni (T‑662/14, EU:T:2016:328, punt 57); kif ukoll id-digriet tat‑23 ta’ Marzu 2011, L-Estonja vs Il-Kummissjoni (C‑535/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:171, punti 7273).

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2011, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (C‑321/09 P, EU:C:2011:218, punt 25), u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 62).

( 57 ) Ara, b’analoġija, fir-rigward tat-tmiem fit-terminu ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑536/07, EU:C:2009:340, punt 39).

( 58 ) Ara l-ewwel assigurazzjoni invokata mir-Renju Unit, esposta fil-punt 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara l-ewwel assigurazzjoni invokata mir-Renju Unit, esposta fil-punt 140 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara t-tieni assigurazzjoni invokata mir-Renju Unit, esposta fil-punt 142 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara, b’mod partikolari, il-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM 2007/015 tal-20 ta’ April 2007 u l-linji gwida tal-ACP Discount tal-2011.

( 62 ) Ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑24 ta’ April 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑523/04, EU:C:2007:244, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑562/07, EU:C:2009:614, punt 18).

( 63 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑348/97, EU:C:2000:317, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 114, 115 u 131 tar-risposta.

( 65 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑104/02, EU:C:2005:219, punti 48 sa 51), u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑105/02, EU:C:2006:637, punti 43 sa 45).

( 66 ) C‑392/02, EU:C:2005:683.

( 67 ) Użu tal-futur fil-verżjoni tal-lingwa Ingliża.

( 68 ) Punt 237 tar-risposta, li tiċċita s-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑104/02, EU:C:2005:219, punti 48 sa 51), u s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑105/02, EU:C:2006:637, punti 43 sa 45).

( 69 ) B’mod aktar partikolari, f’dawn il-kawżi, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, rispettivament, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja “hija obbligata tħallas lill-baġit Komunitarju interessi dovuti fil-każ ta’ dewmien fir-reġistrazzjoni fil-kotba tal-kontijiet” (sentenza tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja,C‑104/02, EU:C:2005:219, punt 1) u “li tikkredita immedjatament il-kont tal-Kummissjoni bir-riżorsi proprji mhux miġbura mill-fatt ta’ nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu” (sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja,C‑105/02, EU:C:2006:637, punt 1).

( 70 ) Sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑104/02, EU:C:2005:219, punti 4950), u tal‑5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑105/02, EU:C:2006:637, punti 4445).

( 71 ) Sentenzi tal‑14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑104/02, EU:C:2005:219, punt 49), u tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑105/02, EU:C:2006:637, punt 44).

( 72 ) Ara von Bardeleben, E., Donnat, F. u Siritzky, D., La Cour de justice de l’Union européenne et le droit du contentieux européen, La Documentation française, Pariġi, 2012, p. 196, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑719/17, EU:C:2019:917, punt 100).

( 73 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, EU:C:1989:339); tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683); tat‑3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑60/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:219); u, iktar reċentement, tal‑11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali) (C‑304/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:601).

( 74 ) Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2005 (C‑392/02, EU:C:2005:683, punti 31 sa 34).

( 75 ) Sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali) (C‑304/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:601, punt 76 u d-dispożittiv).

( 76 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni (C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 68).

( 77 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali) (C‑304/18, mhux ippubblikata EU:C:2019:601).

( 78 ) Huwa utli li niftakru li dan l-Artikolu 325 TFUE huwa s-suċċessur tal-Artikolu 280 KE, li daħal fis-seħħ bit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1999, li kien huwa stess jikkostitwixxi evoluzzjoni tal-Artikolu 209A preċedenti tat-Trattat ta’ Maastricht tal-1992.

( 79 ) L-Istati Membri għandhom jikkonstataw ir-riżorsi proprji tradizzjonali u jikkomunikaw l-ammonti tad-drittijiet stabbiliti lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kienet ġiet introdotta bl-Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1995 (Att tal-Kunsill tas-26 ta’ Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 9).

( 80 ) Dawn l-ammonti huma kkomunikati lill-Kummissjoni permezz tar-rendikonti ta’ kull xahar tal-kontabbiltà A. L-intitolamenti stabbiliti li ma kinux iddaħħlu fil-kontabbiltà A minħabba li ma kinux ġewx irkuprati mill-Istati Membri u li ma kienet ġiet ikkostitwita l-ebda garanzija (jew anki jekk ġiet ipprovduta garanzija, meta l-intitolamenti kienu s-suġġett ta’ tilwima) jidhru f’kontabbiltà separata. Dawn l-intitolamenti huma suġġetti għal deprezzament ibbażat fuq l-informazzjoni trażmessa kull sena mill-Istati Membri.

( 81 ) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri – il-Kontijiet Annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea 2017 (ĠU 2018, C 348, p. 1).

( 82 ) SWD (2013) 483 finali.

( 83 ) Ara Djurdjevic, Z., “Fraud adversely affecting the budget of the European Union: the forms, methods and causes”, Financial Theory and Practice, 2006, Vol. 30, p. 254 u 255.

( 84 ) Dwar id-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “frodi” u ta’ “attivitajiet illegali oħra” kollha, fis-sens tal-Artikolu 325 TFUE, u d-distinzjoni tagħhom, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punti 65 et seq.). Dwar l-evoluzzjoni storika ta’ din id-dispożizzjoni, qabel it-Trattat ta’ Lisbona (l-Artikolu 209a tat-Trattat KE), ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-BĊE (C‑11/00, EU:C:2002:556).

( 85 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 5051), u tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 38). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, filwaqt li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu miżuri effettivi sabiex jirkupraw somom imħallsa indebitament lill-benefiċjarju ta’ sussidju parzjalment iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni, l-Artikolu 325 TFUE madankollu ma jimponi l-ebda obbligu fuqhom ħlief għal dak dwar l-effettività tal-miżuri, dwar il-proċedura li għandha tagħmilha possibbli li jinkiseb tali riżultat (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Úrad špeciálnej prokuratúry,C‑603/19, EU:C:2020:774, punt 55).

( 86 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 51); tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 38); u tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 51 sa 53).

( 87 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑391/17, EU:C:2019:919, punt 70).

( 88 ) Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 1990, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑34/89, EU:C:1990:353, punt 12); tal‑21 ta’ Frar 1991, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑28/89, EU:C:1991:67, punt 31); u tal‑21 ta’ Jannar 1999, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑54/95, EU:C:1999:11, punt 66).

( 89 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punt 75 et seq.). Is-sovrappożizzjoni sostantiva bejn l-obbligi imposti mill-Artikolu 325(2) TFUE u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE għandhom l-oriġini tagħhom fil-ġenesi tal-ewwel dispożizzjoni. B’ċertu mod, l-Artikolu 325(2) TFUE jirrappreżenta kodifikazzjoni, speċifika għal qasam partikolari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, jekk regolament tad-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix għal sanzjoni għal każijiet ta’ ksur tiegħu, jew jekk jirreferi għal dispożizzjonijiet legali u amministrattivi nazzjonali, l-Istati Membri huma marbuta skont l-Artikolu 4(3) TUE li jadottaw il-miżuri xierqa kollha sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja,68/88, EU:C:1989:339, punt 23, u tal‑15 ta’ Jannar 2004, Penycoed,C‑230/01, EU:C:2004:20, punt 36).

( 90 ) Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-ilmenti tal-Kummissjoni dwar il-komunikazzjoni tad-dokumenti u informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddetermina l-ammonti inkwistjoni. Dawn l-ilmenti ser jiġu eżaminati fit-Taqsima D ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 91 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 39).

( 92 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ir-“rabta diretta” bejn id-dħul ġej mill-applikazzjoni ta’ rata uniformi għall-bażi armonizzata tal-VAT u r-riżorsi proprji, bil-konsegwenza li kwalunkwe lakuna fil-ġbir tal-ewwel hija twassal potenzjalment għal ta’ tnaqqis tat-tieni.

( 93 ) Skont il-ġurisprudenza, għalkemm l-Istati Membri huma meħtieġa li jiżguraw konformità mal-obbligi li huma suġġetti għalihom persuni suġġetti għall-VAT u li jgawdu, f’dan ir-rigward, ċerta latitudni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-mod ta’ kif jużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom, din il-latitudni hija madankollu limitata, b’mod partikolari, mill-obbligu li jiġi ggarantit ġbir effettiv tar-riżorsi proprji tal-Komunità (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja,C‑132/06, EU:C:2008:412, punti 2137 sa 39). Ara, barra minn hekk, l-Artikolu 3(a) sa (d) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

( 94 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti (C‑546/14, EU:C:2016:206, punti 2021); tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 33 sa 36); u tas-17 ta’ Jannar 2019, Dzivev et (C‑310/16, EU:C:2019:30, punti 27, 3034, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 95 ) Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Lulju, 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑132/06, EU:C:2016:206, punti 2021), u tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑174/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:704), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva 77/388, kif ukoll l-Artikolu 10 KE (li sar l-Artikolu 4(3) TUE)). Jekk, fil-fatt, ir-regoli tal-Unjoni ma jipprovdux għal pieni għal każijiet ta’ ksur tagħhom, jew jekk jirreferu għal dispożizzjonijiet legali u amministrattivi nazzjonali, l-Istati Membri huma meħtieġa bis-saħħa tal-Artikolu 4(3) TUE li jadottaw il-miżuri xierqa kollha biex jiggarantixxu l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (ġurisprudenza stabbilita mis-sentenza tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja,68/88, EU:C:1989:339, punt 23).

( 96 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:564, punt 83).

( 97 ) Fil-fatt, skont il-punti 34 u 35 tas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u MB (C‑42/17, EU:C:2017:936), irrispettivament mill-marġni ta’ diskrezzjoni disponibbli għall-Istati Membri fl-għażla tal-mekkaniżmi ripressivi tagħhom, huma għandhom jikkriminalizzaw każijiet ta’ frodi serja, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, fil-konklużjonijiet imsemmija mir-Renju Unit, l-Avukat Ġenerali Bot ikkunsidra li dritt huwa effettiv biss jekk il-ksur tiegħu jiġi ssanzjonat, bil-qafas legali nazzjonali għas-sanzjonar tal-frodi tal-VAT ikun adegwat kontra r-riskju ta’ impunità (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża MAS u MB, C‑42/17, EU:C:2017:564, punti 82 sa 87). Dwar ir-rekwiżit ta’ effettività, ara wkoll l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Scialdone (C‑574/15, EU:C:2017:553, punt 77).

( 98 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 49).

( 99 ) Ara l-punt 175 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 100 ) Għal din ir-raġuni, skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 2014/335, l-Istati Membri jżommu 20 % tad-dazji doganali bħala spejjeż tal-ġbir. Din il-perċentwali kienet ta’ 25 % skont l-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni 2007/436.

( 101 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑96/89, EU:C:1991:213, punt 37); tal-15 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑348/97, EU:C:2000:317, punt 64); u tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑19/05, EU:C:2007:606, punt 18).

( 102 ) Mill-ġurisprudenza jirriżulta li teżisti rabta li ma tinħallx bejn l-obbligu li jiġi stabbilit dazju fuq l-ammont tad-dejn doganali u dak li jiddaħħal fil-kont tal-Kummissjoni fit-terminu stabbilit, possibbilment jiżdiedu miegħu interessi moratorji, b’din ir-rabta tkun tiddependi fuq id-determinazzjoni tar-riżorsi proprji u ma tistax tiddependi fuq l-arbitrarjetà jew l-attitudni negliġenti ta’ Stat Membru, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:142, punt 57). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jikkonstataw id-djun, anki jekk jikkontestawhom. Fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni bħal din, l-Istat Membru kkonċernat jirriskja li jippreġudika l-ekwilibriju finanzjarju tal-Unjoni, anki jekk temporanjament biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑19/05, EU:C:2007:606; tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑96/89, EU:C:1991:213, punt 38; u tal‑15 ta’ Ġunju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑348/97, EU:C:2000:317, punt 11). Minn dan isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li Stat Membru ma jistax b’mod unilaterali jevita li jikkonstata d-djun.

( 103 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑287/03, EU:C:2005:282, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tat‑19 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑376/09, EU:C:2011:320, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 104 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 54), li minnha jirriżulta, mutatis mutandis, li n-nuqqas li jiġu eliminati r-riskji ta’ frodi doganali u li ma jiġux adottati miżuri relatati ma’ dawn ir-riskji ma jistax jiġi imputat lill-Istati Membri biss ħlief jekk l-awtoritajiet tagħhom kienu konxji ta’ dawn ir-riskji matul il-perijodu ta’ ksur.

( 105 ) Rapport OLAF, sommarju u punt 6.

( 106 ) Ara l-punt 2.6 tar-rapport ta’ kumpannija ta’ konsulenza anness mar-risposta tar-Renju Unit tal-11 ta’ Frar 2019.

( 107 ) Punt 2.4 tar-rapport ta’ kumpannija ta’ konsulenza anness mar-risposta tar-Renju Unit tal-11 ta’ Frar 2019.

( 108 ) Ir-Renju Unit isostni wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad kwalunkwe allegazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għall-perijodu ta’ qabel Ġunju 2015, minħabba li kien biss f’dak il-mument, meta l-OLAF bagħat messaġġ formali ta’ assistenza reċiproka lill-Istati (AM/2015/013 tas-16 ta’ Ġunju 2015), li bih irrakkomanda li jittieħdu ċerti miżuri ta’ kontroll sabiex tiġi miġġielda din il-frodi, li r-Renju Unit kellu għarfien suffiċjenti tal-frodi msemmija.

( 109 ) B’mod partikolari waqt il-laqgħa ad hoc tal-25 u s-26 ta’ Frar 2015 organizzata mill-Kummissjoni. Matul din il-laqgħa, l-OLAF “irrakkomanda bil-qawwa”, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jużaw filtri tar-riskju xierqa sabiex jidentifikaw kunsinni potenzjalment issottovalutati, li jeħtieġu garanziji għal kunsinni identifikati bħala ssuspettati u li jwettqu investigazzjonijiet sabiex jistabbilixxu l-valur doganali.

( 110 ) Jiġifieri matul l-Operazzjoni Octopus.

( 111 ) Skont dan l-Istat Membru, jirriżulta mill-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM/2015/013 tas‑16 ta’ Ġunju 2015, li huwa messaġġ formali ta’ assistenza reċiproka mibgħut mill-OLAF lill-Istati Membri, u mill-punt 83 tar-Rapport Speċjali Nru 24/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, intitolat “L-indirizzar tal-frodi intra-Komunitarja tal-VAT: Tinħtieġ aktar azzjoni”, li l-awtoritajiet Brittaniċi ma kinux konxji ta’ prattika mifruxa ta’ dikjarazzjonijiet doganali foloz.

( 112 ) Ara l-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM 2007/015 tal-20 ta’ April 2007. Barra minn hekk, dan il-messaġġ ta’ assistenza reċiproka diġà indika, wara investigazzjoni inizjali, l-eżistenza ta’ din il-problema misjuba fil-Ġermanja fl-2005.

( 113 ) Dan il-messaġġ ta’ assistenza reċiproka diġà talab lill-“Istati Membri kollha” sabiex ifittxu “sinjali possibbli ta’ żamma ta’ fatturi [għal prodotti tessili u żraben miċ-Ċina] f’livelli artifiċjalment baxxi”; għad-“determinazzjoni tal-valur reali […] tal-merkanzija [fil-preżenza ta’ evidenza ta’ sottovalutazzjoni bħal dik]”; li “jwettqu kontrolli xierqa matul l-isdoganamenti futuri fuq [tali importazzjonijiet]”, u “jieħdu miżuri ta’ salvagwardja xierqa”.

( 114 ) Ara l-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM 2007/015 tal-20 ta’ April 2007, b’mod partikolari l-punt 12.

( 115 ) Ara l-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM 2009/001 tat‑23 ta’ Jannar 2009, b’mod partikolari l-punti 10 sa 12. Dan ġibed ukoll l-attenzjoni tal-Istati Membri, f’dan ir-rigward, għall-pariri li l-OLAF kien diġà ta fil-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM 2007/015 tal‑20 ta’ April 2007. B’mod aktar speċifiku, dan talab lill-Istati Membri kollha sabiex “jidentifikaw kunsinni ta’ riskju għoli” u “jivverifikaw l-eżistenza ta’ importaturi”. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM 2015/013, invokat b’mod partikolari mir-Repubblika Portugiża fin-nota ta’ intervent tagħha, ifakkar fit-twissijiet mibgħuta mill-OLAF lill-Istati Membri fil-messaġġi AM 2007/015 u AM 2009/001.

( 116 ) Dawn huma l-istrumenti previsti fl-Artikoli 17(2) u 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat‑13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 8, p. 217). Skont l-Artikolu 17(2): “[i]l-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru, malli kull informazzjoni li tkun tista’ tgħinhom biex jinforzaw il-leġislazzjoni doganali jew agrikola ssir disponibbli.” L-Artikolu 18(1) jipprovdi li “l-Kummissjoni għandha twassal din l-informazzjoni [trażmessa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li kkonstataw operazzjonijiet kuntrarji jew li jidhru li jmorru kontra regolamenti doganali u agrikoli u ta’ interess partikolari fuq livell Komunitarju] lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra”.

( 117 ) Dwar il-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-unjoni doganali u l-eżerċizzju ta’ rwoli ta’ kontroll mill-awtoritajiet nazzjonali, ara Albert, J.‑L., “Section 1 – Un pluralisme national préservé”, Le droit douanier de l’Union européenne, Brussell, Bruylant, 2019, p. 466 sa 473, u Natarel, V. E., “Le phénomène douanier dans le marché intérieur: à propos de l’exemple français”, Revue des affaires européennes, 2005, Nru 4, p. 637.

( 118 ) Ir-Renju Unit jinvoka wkoll is-sommarju tal-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tad-9 ta’ Marzu 2012 sabiex jargumenta li la l-OLAF u lanqas l-Istati Membri ma fehmu għal kollox il-portata tal-frodi f’Marzu 2012. Minn dan id-dokument jirriżulta li l-informazzjoni li tinsab fih kienet ġiet sempliċiment repetuta. Ara s-sommarju tal-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tad‑9 ta’ Marzu 2012, punt 5(b).

( 119 ) L-operazzjonijiet doganali konġunti, bħall-Operazzjoni Snake, jikkostitwixxu “għassa speċjali” fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 515/97, b’mod iktar speċifiku, skond il-punt (ċ) ta’ dan l-artikolu, għassa speċjali tal-moviment ta’ merkanzija identifikata bħala suġġetta għal ksur potenzjali tal-leġiżlazzjoni doganali. L-għan tal-operazzjoni huwa, b’mod partikolari, il-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni sabiex frodi speċifika tkun miġġielda aħjar.

( 120 ) Ara r-Rapport Speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti tal-Awdituri, intitolat “Proċeduri ta’ importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE”, punt 94.

( 121 ) Għalhekk, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq mir-Renju Unit li kien fis‑16 ta’ Ġunju 2015 li l-OLAF, meta bagħat lill-Istati Membri l-messaġġ ta’ assistenza reċiproka AM 2015/013, talab, għall-ewwel darba, sabiex huma jieħdu miżuri partikolari sabiex jiġġieldu kontra l-frodi tas-sottovalutazzjoni.

( 122 ) Rapport Speċjali Nru 24/2015, imsemmi iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jiċċita l-punt 83 ta’ dan ir-rapport li fih il-Qorti tal-Awdituri ddikjarat li operazzjoni doganali konġunta mal-OLAF għamlitha possibbli li jiġi kkonstatat li “40 % tat-[tessuti u żraben ġejjin miċ-Ċina] irrilaxxati għal ċirkulazzjoni libera taħt il-proċedura doganali 42 kienu ssottovalutati”.

( 123 ) Il-metodoloġija tal-OLAF tuża medja tal-prezzijiet tal-Istati Membri kkalkolati fuq perijodu ta’ 48 xahar.

( 124 ) Sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, C‑291/15, EU:C:2016:455, punti 3839.

( 125 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punti 5054.

( 126 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 127 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, C‑291/15, EU:C:2016:455.

( 128 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punti 5054.

( 129 ) Nosserva li, fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tabilħaqq tirreferi għall-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ kooperazzjoni leali sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE bħala l-bażi legali għall-ewwel motiv. Madankollu, kif diġà ġie spjegat fil-punt 174 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 325 TFUE u d-dispożizzjonijiet doganali inkwistjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala l-espressjoni speċifika ta’ dan il-prinċipju ġenerali, b’mod li ma hemmx lok li jiġi eżaminat il-ksur tal-obbligu ġenerali ta’ kooperazzjoni leali fil-kuntest ta’ dan il-motiv.

( 130 ) Ara l-punti 175 sa 177 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 131 ) Jidhirli li, minn naħa, il-Kummissjoni, meta tammetti li għandha turi fir-rikors tagħha li l-miżuri meħuda mir-Renju Unit ma kinux effettivi, taċċetta dan l-argument ta’ difiża ta’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Renju Unit li hija għandha l-oneru li turi li miżuri eventwali meħuda minn dan l-Istat kienu manifestament inadegwati. Issa, minħabba l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi sanċit fl-Artikolu 325 TFUE, dawn l-argumenti jerġgħu, fir-realtà, itennu l-istess ħaġa fi kliem ieħor.

( 132 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 li jemenda r-Regolament Nru 2913/92 (ĠU 2005, L 117, p. 13).

( 133 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1875/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament Nru 2454/93 (ĠU 2006, L 360, p. 64).

( 134 ) Din hija s-sistema ta’ kontroll tal-importazzjoni msejħa “Import Control System” (ICS) li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2011. Din il-leġiżlazzjoni kienet ikkonkretizzat il-programm internazzjonali mniedi oriġinarjament mill-Istati Uniti (“Customs Trade Partnership Against Terrorism”), imbagħad, fl-2005, mill-Organizzazzjoni Doganali Dinjija (WCO), li tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-qafas tal-hekk imsejħa standards “SAFE” immirati sabiex jiżguraw il-kummerċ ta’ merkanzija mingħajr ħsara għall-fluwidità tagħha billi jantiċipaw id-data li tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti.

( 135 ) Enfasi tiegħi. Barra minn dan, l-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jistabbilixxi li l-“kontrolli doganali, barra kontrolli każwali, għandhom primarjament ikunu bbażati fuq analiżi tar-riskju billi jintużaw tekniċi elettroniċi ta’ proċessar tad-data, bil-għan li jkunu identifikati u evalwati r-riskji u żviluppati il-kontromiżuri meħtieġa, (enfasi tiegħi).

( 136 ) Dwar id-distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “ġestjoni tar-riskju” u dak ta’ “analiżi tar-riskju”, ara Drobot, E. u Klevleeva, A., “Risk management in customs control”, Munich Personal RePEc Archive, 2016. Madankollu, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u x-xogħol preparatorju għall-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, l-espressjoni “ġestjoni tar-riskju” tidher li tirreferi għall-ġestjoni tar-riskji nazzjonali jew komuni (fil-livell tal-Unjoni). Jidhirli li l-kunċett ta’ “analiżi tar-riskji” jirreferi speċifikament għall-analiżi mwettqa mill-Istati, fil-qafas tal-kontroll doganali, sabiex ikunu “identifikati u evalwati r-riskji u żviluppati il-kontromiżuri meħtieġa”.

( 137 ) Ara Widdowson, D., “Managing risk in the customs context”, f’De Wolf, L. u Sokol, J. B. (edituri), Customs Modernization Handbook, World Bank, Washington D.C., p. 91 sa 99.

( 138 ) Ara Widdowson, D., op. cit. Ara, ukoll, Dunne, M., “À propos de la gestion des risques”, OMD Actualité, Ġunju 2010, kif ukoll Jacob, C. u Zaharia, S., “Risk management – a new priority system customs and its consequences”, Munich Personal RePEc Archive Paper 39352, disponibbli fis-17 ta’ Ġunju 2012.

( 139 ) Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (COM/2003/0452 finali), ara l-emenda tal-Artikolu 4.

( 140 ) Għaldaqstant, sa fejn naf jien, fid-dritt tal-Unjoni ma hemm l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “analiżi tar-riskju”. L-OMD ifissirha bħala “użu sistematiku ta’ informazzjoni sabiex tiddetermina kemm-il darba jseħħu riskji identifikati u l-kobor tal-konsegwenzi probabbli tagħhom”. Ara Berr, C., Répertoire de droit commercial, Douanes, Dalloz, Jannar 2013 (aġġornament: Marzu 2019), punt 68. Ara, ukoll, le recueil de l’OMD sur la gestion des risques en matière douanière, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/taxation_customs/general-information-customs/customs-risk-management/international-cooperation_fr#heading_2.

( 141 ) Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 2913/92 (COM/2003/0452 final), il-memorandum ta’ spjegazzjoni, punt 3. Ara, ukoll, il-Komunikat IP/03/1100. Dawn il-proposti kienu ġew approvati mill-Parlament Ewropew, b’mod li r-Regolament Nru 648/2005 kien ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl‑4 ta’ Mejju 2005 (ĠU 2005, L 117, p. 13) u daħal fis-seħħ fil‑11 ta’ Mejju 2005.

( 142 ) Ara l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 2913/92.

( 143 ) Ara l-punti 175 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 144 ) Ara l-punti 188 sa 190 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 145 ) Il-Kummissjoni tinvoka wkoll il-ksur mir-Renju Unit tal-obbligu tiegħu li jadotta għodod għall-analiżi tar-riskju f’terminu raġonevoli, u saħqet li dan l-Istat kien messu daħħal dawn l-għodod qabel.

( 146 ) Ir-Renju Unit jinsisti fuq il-fatt li kellu “jaħseb għal faċilitajiet adegwati sabiex jiżviluppa u jwettaq kontrolli minn qabel barra l-port”, “jiddedika ħin u riżorsi kunsiderevoli għax-xogħol preparatorju, għall-elaborazzjoni u l-esperimentazzjoni tal-proċessi applikabbli għal kontrolli minn qabel minħabba l-portata ta’ frodi, iżda wkoll għall-istabbiliment tal-linji gwida operattivi korrispondenti, għall-elaborazzjoni fil-livell nazzjonali ta’ politiki u proċessi f’termini ta’ garanziji meħuda fuq kunsinni partikolari ssuspettati bi frodi ta’ sottovalutazzjoni, l-iżvilupp ta’ programm ta’ sorveljanza ta’ operaturi ssuspettati u l-ktajjen tal-provvista tagħhom, u l-istabbiliment ta’ programm ta’ taħriġ għall-operaturi”.

( 147 ) Huwa stabbilit li, fil-kuntest tal-ACP Discount, li seħħ f’Novembru u Diċembru 2011, ir-Renju Unit ma rrikorriex għall-analiżi tar-riskju, għalkemm il-linji gwida għal din l-operazzjoni pprovdew, fost affarijiet oħra, id-determinazzjoni ta’ limitu tar-riskju li għandu jiġi applikat għall-prezzijiet tal-merkanzija. Barra minn hekk, l-Operazzjoni Samurai, li seħħet f’Settembru 2016 u li fiha r-Renju Unit wettaq azzjonijiet ta’ kontroll u tagħlim ta’ qabel l-isdoganament, kellha portata limitata, li testendi biss għal żewġ importaturi partikolari. L-Operazzjoni Breach, imwettqa minn Mejju 2015 u li għadha għaddejja, skont l-affermazzjonijiet tar-Renju Unit waqt is-seduta, kienet tinkludi miżuri mmirati biss sabiex jikkontestaw valuri a posteriori meqjusa baxxi wisq sabiex ikunu kredibbli (ara r-rapport OLAF, punt 2, b’mod partikolari 2.1.6 u 2.3, u, ukoll, “Guidelines for preventing and Detecting Irregularities (under‑invoicing) in imports of textiles and footwear”, punti 5 sa 9).

( 148 ) Għalhekk, mill-minuti tal-laqgħa bejn HMRC u l-OLAF tat‑13 ta’ Ġunju 2014 jirriżulta li r-Renju Unit kien se jwettaq investigazzjonijiet dwar importaturi li aktarx issottovalutaw il-merkanzija. Kien ġie rrilevat li ladarba l-awtoritajiet Brittaniċi kienu ħadu azzjoni wara r-rilaxx, kien “improbabbli […] li jinġabar xi dejn”.

( 149 ) Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, huwa xieraq li jiġu eżaminati l-kritiki tal-metodoloġija tal-OLAF bħala għodda ta’ identifikazzjoni tar-riskji filwaqt li l-analiżi ta’ din il-metodoloġija bħala bażi għall-kalkolu tat-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali għandha tagħmel parti mill-eżami tat-tieni motiv ta’ dan ir-rikors.

( 150 ) Il-kritika tar-Renju Unit dwar l-użu tal-istess metodu għall-kalkolu tad-defiċit tar-riżorsi proprji tradizzjonali ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv tar-rikors.

( 151 ) Wara li rrevedew ir-riżultati tal-Operazzjoni Snake, ċertu numru ta’ Stati Membri, jiġifieri r-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja, iddeċidew li jiżviluppaw is-sistema tal-limitu tagħhom tal-prezzijiet aċċettabbli, b’mod partikolari għar-raġuni tal-oġġezzjoni mqajma mir-Repubblika Ċeka skont liema dak l-Istat Membru kellu livell kunsiderevolment iktar baxx ta’ prezzijiet medji tal-merkanzija. Il-Kummissjoni żżid li r-Repubblika tal-Polonja qajmet mistoqsijiet dwar il-metodoloġija tal-OLAF, u talbet lill-JRC għal dokumenti addizzjonali f’dan is-sens. Dan il-fatt jikkonferma, fl-opinjoni tiegħi, li din il-metodoloġija qatt ma ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni bħala metodu ta’ evalwazzjoni obbligatorju għall-Istati Membri.

( 152 ) L-aspett estern ta’ din il-kompetenza hija l-politika kummerċjali komuni li għaliha l-Unjoni għandha wkoll kompetenza esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 3(1)(e) TFUE, billi d-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju għandhom bħala bażi legali, fost oħrajn, l-Artikolu 207 TFUE li jistabbilixxi din il-politika. Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-determinazzjoni tal-valur doganali, li huwa fl-oriġini tal-frodi doganali inkwistjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jimmiraw sabiex jimplimentaw il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi Doganali u l-Kummerċ tal-1994, li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, b’dawn ir-regoli jkunu wkoll qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim tal-WTO), tal‑15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384, punt 34), u Fabio, M., Customs Law of the European Union, ir-Raba’ Edizzjoni, Wolters Kluwer, 2012, punt 4.01).

( 153 ) Il-bażi legali tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni huwa kkostitwit mill-Artikoli 33, 114 u 207 TFUE.

( 154 ) Dwar id-distribuzzjoni tas-setgħat mit-Trattat ta’ Lisbona, ara Grave J.‑M., “The Impact of the Lisbon Treaty on Customs Matters: A Legal Assessment”, Global Trade and Customs Journal, Vol. 5, Nru 3, 2010, p. 110. Fuq il-“federaliżmu eżekuttiv”, ara Limbach, K., Uniformity of Customs Administration in the European Union, Bloomsbury Publishing, Londra, Novembru 2015, p. 132.

( 155 ) Fi kwistjonijiet ta’ kontroll doganali, l-Istati Membri ngħataw ċerti setgħat, tant li d-duttrina ssemmi l-“kompetenza residwa” tal-Istati Membri fil-qasam doganali (ara, b’mod partikolari, Albert, J.‑L, “L’Union douanière, les apparences d’une solidarité européenne historique”, Gestion & finances publiques, Vol. 4, Nru 4, 2017, p. 59 sa 69, u Natarel, E., “Le phénomène douanier dans le marché intérieur: à propos de l’exemple français”, Revue des affaires européennes, Nru 4, 2005, p. 637). Fuq l-“abbandun” tas-setgħat doganali tradizzjonali tal-Istati għall-benefiċċju tal-awtoritajiet tal-Unjoni, ara, b’mod partikolari, Soulard, C., “Union douanière – Taxation des marchandises”, JurisClasseur Europe, faxxikolu 500, 2016, punt 35 u 58.

( 156 ) Għal din ir-raġuni, l-Artikolu 33 tat-TFUE jipprovdi bażi legali għall-kooperazzjoni doganali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ frodi, għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 325(3) TFUE jiddikjara li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi, billi jorganizzaw, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, kollaborazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti.

( 157 ) Li qabel kien l-Artikolu 280 KE.

( 158 ) Ara, per eżempju, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340); ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-Kunsill tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 303); u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 91).

( 159 ) Ara, b’mod partikolari, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Ġestjoni tar-Riskju Doganali u s-Sigurtà tal-Katina tal-Provvista, COM/2012/0793 finali.

( 160 ) Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-leġiżlazzjoni doganali, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa obbligu li juża analiżi tar-riskju bbażata fuq “kriterji żviluppati f’livelli nazzjonali, Komunitarji u, fejn ikunu disponibbli, internazzjonali”. Ara l-kliem tal-Artikolu 13(2) tal-Kodiċi Doganali Komunitarju u tal-Artikolu 46(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

( 161 ) Mill-Artikolu 17(1) TUE jirriżulta li l-Kummissjoni, b’mod partikolari, “tippromwovi l-interess ġenerali ta’ l-Unjoni”, “tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni” u “teżerċita funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, eżekuzzjoni u amministrazzjoni, skond il-kondizzjonijiet previsti fit-Trattati”. Dwar l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fi kwistjonijiet doganali, ara Lyons, T., EC Customs Law, Oxford University Press, Oxford, 2018, p. 138.

( 162 ) Ara Lyons, T., op. cit., p. 147.

( 163 ) Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali: L-indirizzar ta’ riskji, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-iffaċilitar tal-kummerċ” (COM/2014/527), il-Kummissjoni enfasizzat li l-“ġestjoni tar-riskji assoċjati mal-moviment tal-merkanzija […] [teħtieġ] kapaċità biex tidentifika, tevalwa u tanalizza l-firxa sħiħa ta’ theddid u riskji assoċjati mal-merkanzija u l-prodotti tagħhom”, b’tali ġestjoni għandha “tqis id-diversità tar-riskji, […] l-impatt tagħhom u l-konsegwenzi tagħhom fil-każ li dawn ir-riskji għandhom jimmaterjalizzaw, sabiex itaffu dawn ir-riskji u jieħdu miżuri ta’ kontroll meta u fejn jaqbel l-aħjar fil-katina tal-provvista.” (ara l-Anness għall-komunikazzjoni, punt I).

( 164 ) Ara Charroux, G. u Woerth, E., “Rapport sur l’évaluation de l’action de la douane dans la lutte contre les fraudes et trafics”, tat-3 ta’ Ġunju 2015, għall-Assemblée nationale, Comité d’évaluation et de contrôle des politiques publiques.

( 165 ) Filwaqt li l-analiżi tar-riskju ġiet introdotta fil-Kodiċi Doganali tal-Komunità fl-2005, kellhom jgħaddu disa’ snin sabiex il-Kummissjoni tadotta l-komunikazzjoni ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 163, li pprovdiet għal analiżi tal-implimentazzjoni tal-politika tal-ġestjoni tar-riskju doganali u pproponiet strateġija f’dan il-qasam. Ara, b’mod partikolari, l-“Istrateġija tal-UE dwar il-Ġestjoni tar-Riskji fi Kwistjonijiet Doganali”, annessa ma’ dan id-dokument u disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=COM% 3A2014 %3A0527 % 3AFIN.

( 166 ) Il-Kummissjoni żiedet tgħid li matul ir-reviżjoni tal-ACP Discount (Novembru u Diċembru 2011) imwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni wara li tlestiet l-azzjoni, ħareġ kunsens wiesa’ fost l-Istati Membri kollha li għandhom jinżammu limiti tal-prezz ġust. Għal din ir-raġuni, l-Operazzjoni Snake fl-2014 kienet tapplika, għal darba oħra, il-prezz minimu aċċettabbli stabbilit għal 50 % tal-prezz medju kkorreġut. L-Istati Membri ma qajmux il-kwistjoni li jibdlu dan il-limitu meta janalizzaw ir-riżultati tal-Operazzjoni Snake. Madankollu, il-Kummissjoni tikkonferma li l-ebda Stat Membru ma talab tnaqqis tal-prezz minimu aċċettabbli.

( 167 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455). Fil-punt 38 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb tirrimarka li “l-awtorità doganali inkwistjoni [kienet] qieset li l-valur ta’ tranżazzjoni ddikjarat tal-merkanzija importata kien eċċezzjonalment baxx meta mqabbel mal-valur statistiku medju fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija komparabbli”, b’konferma, għalhekk li l-“valur statistiku medju” tal-merkanzija jista’ jintuża sabiex jikkontesta l-eżattezza tal-valur doganali ddikjarat.

( 168 ) Dan il-paragrafu kien ġie fformulat f’dawn it-termini mill-adozzjoni tiegħu (ara l-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (KEE) li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (COM/90/71 finali, ĠU 1990, C 128, p. 1)) u bħalissa jidher b’mod simili fl-Artikolu 46(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Dwar l-evoluzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, ara l-punt 202 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 169 ) Barra minn hekk, nosserva li l-Artikolu 5(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kontrolli doganali”, jinkludi l-“atti speċifiċi magħmula mill-awtoritajiet doganali sabiex jiżguraw il-konformità mal-leġislazzjoni doganali u leġislazzjoni oħra li tirregola d-dħul, ħruġ, tranżitu, moviment, ħażna u użu aħħari ta’ merkanzija trasportata bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u pajjiżi jew territorji barra minn dak it-territorju, u l-preżenza u l-moviment fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ merkanzija mhux tal-Unjoni u merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari”.

( 170 ) Ara, b’mod partikolari, Albert, J.‑L., Le droit douanier de l’Union européenne, Brussell, Bruylant, 2019, p. 525.

( 171 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikolu 73 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Codirex Expeditie (C‑542/11, EU:C:2013:123, punti 51 et seq.).

( 172 ) Ara l-punti 175 sa 177 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 173 ) Dwar ir-rwol tal-awtoritajiet doganali taħt din id-dispożizzjoni, ara Lyons, T., op. cit., p. 72 et seq.

( 174 ) Ir-Renju Unit isostni li l-Operazzjoni Breach kienet tinvolvi wkoll kontrolli minn qabel. Madankollu, ta’ min jinnota li, minn naħa, ir-Renju Unit ma speċifikax fiex jikkonsistu dawn il-kontrolli u li, min-naħa l-oħra, il-fażi ta’ intervent ta’ din l-operazzjoni saret biss fuq jumejn. Ara l-minuti tal-laqgħa tat‑3 ta’ Frar 2016.

( 175 ) Ara l-punti 175 sa 177 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 176 ) L-ineffettività tal-miżuri meħuda u n-nuqqas tagħhom huma kkorroborati minn rapporti ta’ missjonijiet ta’ spezzjoni mwettqa matul dan il-perijodu. Il-Kummissjoni tinnota li identifikat diversi kunsinni speċifiċi b’valuri ddikjarati baxxi ħafna matul il-perijodu kkonċernat. Pereżempju, ir-rapport ta’ spezzjoni 17‑11‑1 juri li l-awtoritajiet Brittaniċi kkonfermaw li ma kinux daħħlu fis-seħħ il-miżuri mitluba mill-OLAF wara l-Operazzjoni Snake fl-2014 u li dan tal-aħħar kien sostna mill-ġdid fir-rapport ta’ spezzjoni 16‑11‑1. Barra minn hekk, jirriżulta mir-rapport ta’ spezzjoni 17‑11‑2 li ħames kunsinni importati fid‑29 ta’ Settembru 2017 u magħżula minn uffiċjali tal-Kummissjoni wrew bħala medja valur iddikjarat li huwa biss madwar 3.3 % tal-prezz medju kkorreġut. HMRC ikkonfermaw li kunsinni sussegwenti rrapportati minn dawn l-operaturi kienu ġew interċettati u li nħarġu ordnijiet addizzjonali ta’ rkupru ta’ dazju fil-qafas tal-Operazzjoni Swift Arrow.

( 177 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, C‑23/10, mhux ippubblikata EU:C:2011:160, punt 50.

( 178 ) Kif jirriżulta mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, id-dritt doganali tal-Unjoni jinkoraġġixxi l-iskambju ta’ tali informazzjoni. B’mod iktar speċifiku, jirriżulta mill-Artikolu 46(3) ta’ dan il-kodiċi li l-kontrolli doganali jitwettqu fi ħdan qafas komuni tal-ġestjoni tar-riskju, ibbażat fuq l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ir-riskju u r-riżultati ta’ analiżi bejn l-amministrazzjonijiet doganali u l-istabbiliment ta’ kriterji u standards komuni fir-rigward tar-riskju, kif ukoll miżuri ta’ kontroll u ta’ oqsma ta’ kontroll ta’ prijorità. Ninnota li l-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-artikolu jipprovdu għal obbligi simili.

( 179 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, mhux ippubblikata, C‑23/10, EU:C:2011:160.

( 180 ) L-Artikolu 248 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jirriproduċi, fil-biċċa l-kbira tiegħu, it-termini tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 82/57/KEE tas‑17 ta’ Diċembru 1981 li tistabbilixxi ċerti disposizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-Direttiva 79/695/KEE tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-proċeduri għar-rilaxx ta’ merkanzija għal ċirkulazzjoni libera (ĠU 1982, L 28, p. 38), filwaqt li l-Artikolu 244 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu l-għan li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-Titolu V, Kapitolu 3, tat-Taqsima 1, intitolata “Verifika”, tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

( 181 ) Dispożizzjoni li kienet fis-seħħ fil-bidu tal-perijodu ta’ ksur sal‑1 ta’ Mejju 2016.

( 182 ) Fil-fatt, il-verżjonijiet bil-lingwi tal-Ispanjol, il-Ġermaniż, l-Estonjan, l-Ingliż, il-Franċiż u t-Taljan tal-Artikolu 248 tar-Regolament ta’ Applikazzjoni jidhru li jindikaw li r-rilaxx huwa obbligatorjament suġġett għall-kostituzzjoni ta’ garanzija.

( 183 ) Verżjoni bil-lingwa Ġermaniża: “Sind die Zollbehörden der Auffassung, dass aufgrund einer Überprüfung der Zollanmeldung höhere Einfuhr- oder Ausfuhrabgaben oder andere Abgaben zu entrichten sein könnten als aufgrund der Angaben in der Zollanmeldung, so kann die Überlassung der Waren von einer Sicherheitsleistung abhängig gemacht werden, die die Differenz zwischen dem aufgrund der Angaben in der Zollanmeldung ermittelten Betrag und dem Betrag abdeckt, der letztlich zu entrichten sein könnte.” Verżjoni bil-lingwa Estonjana: “Kui toll leiab, et tollideklaratsiooni õigsuse kontrollimisest tulenev impordi- või eksporditollimaksu või muude tasutavate maksude summa võib olla suurem kui tollideklaratsiooni andmetest tulenev summa, võib kauba vabastamine sõltuda tagatise esitamisest, mis on piisav deklaratsiooni andmete põhjal kindlaksmääratud summa ja hiljem tasumisele kuuluda võiva lõppsumma vahe tasumiseks.” (L-enfasi hija tiegħi.)

( 184 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Profisa (C‑63/06, EU:C:2007:233, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 185 ) Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2001, D. Wandel (C‑66/99, EU:C:2001:69, punt 36), u d-digriet tas‑16 ta’ Settembru 2014, Kyocera Mita Europe vs Il-Kummissjoni (T‑35/11, mhux ippubblikat, EU:T:2014:795, punti 4142). Ninnota li l-Artikolu 194 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni jipprovdi għal obbligi simili.

( 186 ) Ara, Lyons, T., op. cit., p. 462 u 463.

( 187 ) Ara l-punt 177 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 188 ) Dawn il-premessi 36 u 37, dwar il-kostituzzjoni ta’ garanziji, jenfasizzaw, b’mod partikolari, l-għan li “jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u tal-Istati Membri u biex titrażżan il-frodi”, u jispeċifikaw li għandu jitqies il-grad tar-riskju u tas-sitwazzjoni partikolari tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

( 189 ) Din it-teżi relatata ma’ trattament differenti ta’ operaturi skont il-“leġittimità” tagħhom hija kkorroborata, fl-opinjoni tiegħi, bl-eżistenza ta’ status speċjali, jiġifieri l-istatus ta’ operatur ekonomiku awtorizzat mill-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (l-Artikolu 38 et seq.).

( 190 ) Ara l-punti 201 sa 216 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 191 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑372/05, EU:C:2009:780, punti 72 sa 77).

( 192 ) Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, dan l-Artikolu 17 jikkorrispondu għall-Ewwel Protokoll addizzjonali (ĠU 2007, C 303, p. 17).

( 193 ) Il-Qorti EDB fakkret repetutament li l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali, li jiggarantixxi essenzjalment id-dritt għall-proprjetà, fih tliet regoli distinti: l-ewwel waħda, li hija espressa fl-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu u hija ta’ natura ġenerali, tiddikjara l-prinċipju tar-rispett għall-proprjetà; it-tieni waħda, li tidher fit-tieni sentenza tal-istess paragrafu, tikkonċerna ċ-ċaħda tal-proprjetà u tagħmilha suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet; fir-rigward tat-tielet waħda, li qiegħda fit-tieni paragrafu, tirrikonoxxi s-setgħa tal-Istati Kontraenti, fost affarijiet oħra, li jirregolaw l-użu tal-proprjetà skont l-interess ġenerali, billi jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet li huma jqisu meħtieġa għal dan il-għan. Għaldaqstant ma humiex regoli mhux relatati ma’ xulxin. It-tieni u t-tielet regoli għandhom x’jaqsmu ma’ eżempji speċifiċi ta’ ksur tad-dritt għall-proprjetà; għalhekk, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju sanċit fl-ewwel waħda (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tal-21 ta’ Frar 1986, James et vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1986:0221JUD000879379, punt 37, u l-Qorti EDB, tas-16 ta’ Ġunju 2015, Sargsyan vs L-Ażerbajġan, CE:ECHR:2015:0616JUD004016706, punt 217).

( 194 ) Ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, tad-29 ta’ April 2008, Burden vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2008:0429JUD001337805, punt 59).

( 195 ) Ara l-Qorti EDB, tat-23 ta’ Ottubru 1997, National & Provincial building society, Leeds permanent building society u Yorkshire building society vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1997:1023JUD002131993, punt 80).

( 196 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Okrazhna prokuratura – Haskovo u Apelativna prokuratura – Plovdiv (C‑393/19, EU:C:2021:8, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 197 ) Fuq l-eżempju astratt meta l-obbligu finanzjarju li jirriżulta mill-ġbir tat-taxxi jew minn kontribuzzjoni jista’ jikser id-dritt għall-proprjetà, ara l-Qorti EDB, tat‑3 ta’ Lulju 2003, Buffalo s.r.l. f’likwidazzjoni vs L-Italja (CE:ECHR:2003:0703JUD003874697, b’mod partikolari l-punti 36 u 37).

( 198 ) Ir-Renju Unit jenfasizza li, fil-qafas ta’ din l-operazzjoni, ġew identifikati 239 operatur ta’ riskju għoli u li ordnijiet ta’ rkupru a posteriori (avviż C18) ġew innotifikati lil bosta minn dawn l-operaturi. Dan l-Istat jargumenta li, matul l-imsemmija operazzjoni “[s]aru madwar tletin spezzjoni minn qabel u [li] ittieħdu kampjuni”, mingħajr madankollu ma jispeċifika meta u sa liema punt ittieħdu l-kampjuni u għal liema raġunijiet kien ippreferut li jkun hemm rinunzja għar-rekwiżit ta’ garanziji qabel ma jingħata r-rilaxx ta’ merkanzija, meta l-irkupru tagħhom a posteriori huwa, għal raġunijiet prattiċi, miżura inqas effettiva.

( 199 ) Rapport OLAF, punt 2.1.4.

( 200 ) Skont id-dokumenti tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tikkonferma ċ-ċifra msemmija iktar ’il fuq ippreżentata mir-Renju Unit.

( 201 ) Skont il-Kummissjoni, din id-data turi mhux biss li r-Renju Unit kien responsabbli għal 74.60 % tat-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali minħabba s-sottovalutazzjoni tal-prodotti tessili u ta’ żraben miċ-Ċina fl-2015, għal 79.15 % ta’ dan it-telf fl-2016 u 66.90 % ta’ dan l-istess telf fl‑2017, iżda wkoll li, mit-tnedija tal-Operazzjoni Swift Arrow u l-estensjoni gradwali tagħha, din iċ-ċifra naqset b’mod kunsiderevoli, peress li kienet, pereżempju, 33.86 % f’Novembru 2017 u 4.73 % f’Ġunju 2018 (database tas-Sorveljanza 2 għall-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben miċ-Ċina). Il-Kummissjoni tispjega wkoll li għalkemm ir-Renju Unit ħa azzjoni relattivament limitata (billi ċċekkja biss ftit operaturi, ibbażati fuq limiti ta’ valur baxx, fi ftit portijiet biss), l-importazzjonijiet issottovalutati naqsu b’mod drammatiku u kważi immedjat (inqas minn 90 % fi tliet xhur u inqas minn 96 % f’sena waħda).

( 202 ) Ir-Renju Unit jirriferi, b’mod partikolari, għall-Operazzjonijiet ACP Discount, Snake, Breach u Samurai.

( 203 ) Ara l-punti 235 sa 240 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 204 ) Fil-fatt, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jidher li l-Istati Membri huma meħtieġa jikkonstataw dritt tal-Unjoni fuq ir-riżorsi proprji hekk kif l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jikkalkolaw l-ammont ta’ dazji li jirriżultaw minn dejn doganali u jiddeterminaw min hu responsabbli li jħallsu (sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑546/03, mhux ippubblikata, EU:C:2006:132, punt 29; tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, EU:C:2005:683, punti 5961; tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑423/08, EU:C:2010:347, punt 40; u tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 59), mhux meħtieġ li t-teħid inkunsiderazzjoni effettivament iseħħ (ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C‑392/02, EU:C:2005:683, Ġabra I‑9811, punt 58), li jimplika li dawn huma żewġ sistemi legali distinti.

( 205 ) Digriet tad-9 ta’ Lulju 2008, Gerlach & Co. (C‑477/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:390, punt 22).

( 206 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Distillerie Smeets Hasselt et (C‑126/08, EU:C:2009:470, punt 22); tat-8 ta’ Novembru 2012, KGH Belgium (C‑351/11, EU:C:2012:699, punt 21); kif ukoll id-digriet tad-9 ta’ Lulju 2008, Gerlach & Co. (C‑477/07, mhux ippubblikat, EU:C:2008:390, punt 17) dwar l-Artikolu 217(1) u l-Artikolu 220(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

( 207 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑423/08, EU:C:2010:347, punti 37 et seq.).

( 208 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑60/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:219, punt 40). Għal ħarsa ġenerali lejn is-sistema tar-riżorsi proprji, ara Albert, J.‑L., Le droit douanier de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2019, p. 132 sa 144; Berlin, D., Politiques de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2016, p. 53 sa 64; u Aubert, M.‑H., “Rapport: Système des ressources propres des Communautés européennes ”, Assemblea Nazzjonali (dokumenti ta’ informazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali, il-ħdax‑il leġiżlatura, Nru 3436), Pariġi, 2001.

( 209 ) Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Finanzi Pubbliċi tal-Unjoni Ewropea, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Lussemburgu, 2007, p. 143.

( 210 ) Potteau, A., “Budget de l’Union européenne – Contenu du budget”, JurisClasseur Europe Traité, faxxikolu 198, 4 ta’ Novembru 2016, punt 33.

( 211 ) Din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000.

( 212 ) Ara Berlin, D., op. cit., punt 34.

( 213 ) Din id-dispożizzjoni ħadet post l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000.

( 214 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “intitolament jiġi kkonstatat hekk kif it-talba korrispondenti tkun ġiet stabbilita kif dovut” (sentenza tat‑22 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 54/87, EU:C:1989:76). Għal eżempju iktar riċenti, ara s-sentenza tat‑3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑60/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:219, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Avukat Ġenerali Sharpston sostniet ukoll li l-Istati Membri ma jgawdu l-ebda marġni f’dan ir-rigward (konklużjonijiet fil-kawża Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:205, punt 43).

( 215 ) Din id-dispożizzjoni ħadet post l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1150/2000.

( 216 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑105/02, EU:C:2006:637, punt 87.

( 217 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjoni preċedenti, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1150/2000, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jeżentaw ruħhom milli jikkonstataw id-djun, anki jekk jikkontestawhom, għaliex inkella jippermettu li l-ekwilibriju finanzjarju tal-Unjoni jiġi ppreġudikat, anki jekk temporanjament, bl-imġiba ta’ Stat Membru, (sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-PortugallC‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 58). Ara wkoll sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punti 5460), u tas-7 ta’ April 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑405/09, EU:C:2011:220, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 218 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 67).

( 219 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, skont l-Artikolu 6(3)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1150/2000, l-Istati Membri huma meħtieġa li jdaħħlu fil-kontabbiltà A d-dazji stabbiliti skont l-Artikolu 2 tal-istess regolament mhux iktar tard mill-ewwel jum tax-xogħol wara d-19 tat-tieni xahar wara dak li fih ġie stabbilit id-dazju, mingħajr preġudizzju għall-għażla li jiddaħħlu fil-kontabbiltà B, fl-istess terminu, id-dazji kkonstatati li “ikunu għadhom ma ġewx irkuprati” u li għalihom “l-ebda garanzija ma tkun ġiet ipprovduta”, kif ukoll id-drittijiet kkonstatati u “li dwarhom garanzija tkun ġiet ipprovduta[, li] jkunu ġew sfidatati [ikkontestati] u [li] jistgħu, mat-twettieq tal-kwistjonijiet li jkunu qamu, jkunu suġġetti għal tibdil minn varjazzjonijiet bħala riżultat tat-tilwimiet li nqalgħu” (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 220 ) Ara, f’dan ir-rigward, Lyons, T., op. cit., p. 52 u 53.

( 221 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑275/07, EU:C:2008:334, punt 82 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 39).

( 222 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑68/88, (EU:C:1989:339, punt 17); tas-16 ta’ Mejju 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑96/89, EU:C:1991:213, punt 38); u tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑363/00, EU:C:2003:335, punt 43).

( 223 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali) (C‑304/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:601, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 224 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 222 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 225 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (70/86, EU:C:1987:250).

( 226 ) Premessa 3 tar-Regolament Nru 609/2014 u s-sentenza tat 22 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja (54/87, EU:C:1989:76).

( 227 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑275/04, EU:C:2006:641, punt 68); tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑312/04, EU:C:2006:643, punt 54); tal-5 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑377/03, EU:C:2006:638, punt 69); u tad-19 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑275/07, EU:C:2009:169, punt 84).

( 228 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal-11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali) (C‑304/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:601, punt 61).

( 229 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja (54/87, EU:C:1989:76).

( 230 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑363/00, EU:C:2003:335, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 231 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑60/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:219, punt 50); tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali) (C‑304/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:601, punt 61).

( 232 ) Fir-rigward tan-numru ta’ avviżi ta’ ħlas C18 maħruġa fil-kuntest tal-Operazzjoni Snake, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tar-Renju Unit relatati mal-Anness D.5 tal-kontroreplika u t-tweġibiet tar-Renju Unit għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet tiegħu ħarġu 23 avviż ta’ ħlas C18 ta’ madwar GBP 201828 809.62, b’din iċ-ċifra tkun irriveduta ’l isfel, fil-kontroreplika, għal GBP 192568 694.30, billi l-merkanzija kollha kkonċernata ma taqax taħt in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni.

( 233 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (70/86, EU:C:1987:374).

( 234 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (93/85, EU:C:1986:499).

( 235 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414). Għal kummentarju, ara Potteau, A., “Les finances publiques de l’Union européenne en 2008‑2009”, Revue trimestrielle de droit européen, Nru 2, 2010, p. 380.

( 236 ) Ara l-punti 201 sa 216 u 219 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 237 ) Ara l-punti 217 sa 224 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 238 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2010, Gaston Schul (C‑354/09, EU:C:2010:439, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 239 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 240 ) Ara l-punti 193 sa 210 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 241 ) Anness D.5 tal-kontroreplika.

( 242 ) Din il-pożizzjoni ġiet espressa mill-Kummissjoni immedjatament wara l-Operazzjoni Snake (ara r-rapport ta’ spezzjoni 16‑11‑1 li jidher fl-Anness A.16 tar-rikors, punt 3.1.1).

( 243 ) Fir-rigward tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake, kien meħtieġ li jiġi ddeterminat il-valur doganali tal-importazzjonijiet speċifiċi u mhux l-istima tat-telf għar-riżorsi proprji tradizzjonali. Ara wkoll il-punt 206 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 244 ) Ara l-minuti tal-laqgħa tal-20 ta’ Frar 2015, Anness B.2 tar-risposta.

( 245 ) Risposta tar-Renju Unit tat-22 ta’ Ġunju 2018, punt 147.

( 246 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Riżorsi proprji – Irkupru ta’ dejn doganali) (C‑304/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:601).

( 247 ) Dan l-ammont jista’ jitnaqqas b’madwar GBP 25 miljun, jiġifieri l-ammont imdaħħal fil-kontabbiltà B li jikkorrispondi għas-somom mitluba fl-avviżi C18 li jirriżultaw mill-Operazzjoni Breach u li jirrigwardaw il-perijodu minn Mejju 2015 sa Ottubru 2017.

( 248 ) Ir-Renju Unit jaċċetta dan biss alternattivament, sa fejn id-difiża tiegħu tistrieħ fuq iċ-ċaħda tal-eżistenza tal-ksur deskritt fil-kuntest tal-ewwel motiv, filwaqt li jipproponi, fil-kuntest tat-tieni motiv, il-metodoloġija tiegħu stess sabiex jitkejjel it-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali.

( 249 ) Li qabel kienu l-Artikoli 29 jew 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

( 250 ) L-espressjoni “mezzi raġonevoli” timplika, skont ir-Renju Unit, li dawn huma deċiżjonijiet li huwa f’idejn l-Istat Membru li jieħu fil-kuntest tal-kompetenza esklużiva tiegħu u li għandu jingħata marġni wiesa’ ħafna ta’ diskrezzjoni fl-għażla tiegħu ta’ metodi u evalwazzjonijiet. Ir-Renju Unit jeħtieġlu jipprova mhux jekk l-istima tiegħu kinitx korretta jew le, iżda biss ir-raġonevolezza tagħha. L-oneru tal-prova li ma hijiex raġonevoli jaqa’ kompletament fuq il-Kummissjoni.

( 251 ) Nosserva li l-Artikolu 74 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (li qabel kien l-Artikolu 31 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità) jipprovdi li, meta l-valur doganali ma jistax jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 70 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, huwa meħtieġ li wieħed jgħaddi suċċessivament għall-metodi previsti sussegwentement, b’kull wieħed minnhom jista’ jintuża biss jekk dak ta’ qabel, fl-ordni li fih huma ppreżentati, jirriżulta li ma jistax jintuża, u b’hekk jinduċi ġerarkija metodoloġika. Il-metodu previst fl-Artikolu 74(3), magħruf bħala l-metodu tal-“aħħar għażla”, li jiddependi fuq “mezzi raġonevoli”, japplika meta l-metodi stabbiliti fil-paragrafi preċedenti ma jkunux jistgħu jiġu applikati. Ara, b’mod partikolari, Albert, J.‑L., “Section 3 – La valeur en douane”, Le droit douanier de l’Union européenne, Brussell, Bruylant, 2019, p. 255 sa 280.

( 252 ) Ir-Renju Unit josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali għal ammont speċifiku f’ċerti każijiet, iżda jidher li l-konklużjonijiet tar-rikors ma qajmu l-ebda oġġezzjoni u/jew li s-somom inkwistjoni ma kinux ikkontestati: ara, pereżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑68/88, EU:C:1989:339). Is-sitwazzjoni hija differenti ħafna f’dan il-każ.

( 253 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455).

( 254 ) Huwa wkoll għal din ir-raġuni li, fil-fehma tiegħi, l-argumenti bbażati fuq il-metodu sussidjarju previst fl-Artikolu 74(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni għandhom jiġu miċħuda.

( 255 ) Ara l-punti 193 sa 216 u 225 sa 227 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 256 ) Ara l-punt 177 u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 92 u 265 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 257 ) C‑575/18 P, EU:C:2020:530.

( 258 ) Ara l-punt 68 ta’ din is-sentenza.

( 259 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑441/02, EU:C:2006:253, punt 48), u tat-2 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Kroazja (Rimi ta’ Skart f’Biljane Donje) (C‑250/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:343, punt 33).

( 260 ) Ir-Renju Unit huwa wkoll tal-opinjoni li, minbarra l-frodi, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni, fl-ewwel lok, li tipprova wkoll rabta kawżali bejn dan in-nuqqas u dannu kif ukoll l-ammissibbiltà tat-talba tagħha għall-ħlas ta’ ammont determinat lill-Unjoni.

( 261 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455, punti 2336).

( 262 ) Ara l-punti 159 sa 162 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 263 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑73/92, EU:C:1993:891, punt 19).

( 264 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punti 6061); tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑233/00, EU:C:2003:371, punt 62); u tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑36/05, EU:C:2006:672, punt 38).

( 265 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punti 5152).

( 266 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑392/02, EU:C:2005:683, punt 68); tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑19/05, EU:C:2007:606, punt 32); kif ukoll tat- 3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑60/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:219, punt 50). Ara, fir-rigward tad-duttrina, Meisse, E., “Application du système des ressources propres des Communautés”, Europe, Nru 346/2006, p. 9.

( 267 ) L-ewwel nett, fir-rigward tas-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160), ir-Renju Unit isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-Istat konvenut kien responsabbli għal “telf konsegwenti ta’ dħul” u li r-responsabbiltà tiegħu kienet tgħodd “jekk żball imwettaq mill-awtoritajiet doganali […] ikollu l-effett li d-dazji doganali ma jkunux ġew irkuprati” (punti 57 u 61). Imbagħad, fir-rigward tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑334/08, EU:C:2010:414), skont ir-Renju Unit, l-Istat konvenut inżamm responsabbli għal telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali dovut għall-imġiba żbaljata tal-awtoritajiet tagħha, li taw lil kumpannija awtorizzazzjonijiet illegali sabiex ipoġġu ċerti prodotti taħt il-proċedura ta’ eżenzjoni mid-dazji doganali meta normalment kienu suġġetti għal tali dazji (punt 40). Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sentenza tat 18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑19/05 EU:C:2007:606), ir-Renju Unit jargumenta li ma kien hemm xejn li jindika li, jekk l-awtoritajiet Daniżi ma għamlux l-iżball tal-eżenzjoni tal-merkanzija inkwistjoni mid-dazji doganali, jiġifieri li kieku interpretaw b’mod korrett il-portata tas-sistema tal-użu partikolari, l-ammont ta’ dazji doganali miġbura u kkunsidrati kien ikun l-istess.

( 268 ) Sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑391/17, EU:C:2019:919), kawża deċiża fl-istess ħin bħall-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑395/17, EU:C:2019:918).

( 269 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑391/17, EU:C:2019:919, punti 92 sa 102). Kien għalhekk li sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tar-responsabbiltà ta’ Stat Membru għall-azzjonijiet ta’ PTEE li jwasslu għal telf ta’ riżorsi proprji għall-baġit tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien xieraq li teżamina jekk dan l-Istat Membru kienx responsabbli fir-rigward tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-obbligi tiegħu bħala Stat Membru skont l-Artikolu 4(3) TUE, u jekk kienx meħtieġ, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, li jagħmel tajjeb għall-ammont inkwistjoni.

( 270 ) Dan jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma, sussidjarjament, fil-kuntest tar-raba’ motiv.

( 271 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑19/05, EU:C:2007:606, punt 34).

( 272 ) Imsemmija b’mod partikolari fil-punt 197 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 273 ) Ara, b’mod partikolari, data ta’ Sorveljanza 2 li turi kwantitajiet ’il fuq u taħt il-prezz minimu aċċettabbli tal-importazzjonijiet li jaqgħu taħt il-Kapitoli 61 sa 64 tan-Nomenklatura Magħquda ġejjin miċ-Ċina minn Jannar 2015 sa Awwissu 2018, murija fit-tabella intitolata “UK [Lowest Acceptable Price] Quantities of imports” fl-Anness A.34 tar-rikors.

( 274 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 275 ) Rapport OLAF, p. 8 u 9.

( 276 ) Din il-konklużjoni toħroġ direttament mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni nnifisha, kif ifformulati fir-rikors tagħha, fir-replika tagħha u mit-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 277 ) Ir-Renju Unit jippreżenta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, metodoloġija bbażata wkoll fuq data statistika.

( 278 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160).

( 279 ) Sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160).

( 280 ) Sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 63).

( 281 ) B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li, sabiex jiġi kkwantifikat l-ammont ta’ riżorsi proprji li ma kinux ġew ikkonstatati kif jixraq matul is-snin inkwistjoni fuq il-bażi tar-riżultati tal-kontrolli mwettqa wara l-perijodu ta’ ksur bejn l‑1 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni kellha tqabbel il-piż medju kkonstatat għal kull kaxxa ta’ banana matul dawn il-kontrolli mal-piż medju ddikjarat matul dan l-istess perijodu.

( 282 ) Il-metodu ta’ kalkolu tal-ammont li għandu jkun disponibbli għall-baġit tal-Komunità kien jikkonsisti fil-kontroll tal-importazzjonijiet kollha ta’ banana friska bejn l‑1 ta’ Awwissu u l‑31 ta’ Ottubru 2003, imbagħad ikkalkolat, ibbażat fuq ir-riżultati ta’ dan il-kontroll, il-piż medju tal-banana importata matul is-snin 1998 sal‑2002 (punt 30 ta’ dik is-sentenza). Skont il-Kummissjoni, l-ammont li għandu jkun disponibbli għall-baġit tal-Komunità għas-snin 1998 sa 2002 kien tela’ għal EUR 16087 604.41 (punt 29 ta’ dik is-sentenza).

( 283 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160).

( 284 ) Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160).

( 285 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1973, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (70/72, EU:C:1973:87, punt 13), u tas-16 ta’ Ottubru 2012, L-Ungerija vs Is-Slovakkja (C‑364/10, EU:C:2012:630, punt 68).

( 286 ) Ara l-punt 160 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 287 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Italja (Valeurs limites – PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 288 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li, meta Stat Membru jkun astjena milli jissuġġetta tip ta’ tranżazzjoni għall-VAT bi ksur tar-rekwiżiti li joħorġu mis-Sitt Direttiva 77/388, ksur bħal dan x’aktarx iwassal ukoll għal nuqqas ta’ dak l-Istat Membru li jissodisfa l-obbligu tiegħu li jagħmel disponibbli lill-Kummissjoni, bħala riżorsi tal-VAT, l-ammonti li jikkorrispondu mat-taxxa li kellha tkun imposta fuq t-tranżazzjonijiet imsemmija (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑276/97, EU:C:2000:424, punti 49, 56, 6170; Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑358/97, EU:C:2000:425, punti 58, 65, 6978; kif ukoll Il-Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit, C‑359/97, EU:C:2000:426, punti 70, 7787).

( 289 ) Ara l-punti 183 u 257 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 290 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 44), u tat-28 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Sistema ta’ ġbir u trattament ta’ ilma urban mormi) (C‑427/17, mhux ippubblikata, EU:C:2019:269, punt 39).

( 291 ) Ara l-punti 184 sa 227 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 292 ) Il-kwistjoni dwar il-valur probatorju tad-data statistika ma hijiex estranja għad-dibattiti ġuridiċi. Għalhekk, fi kwistjonijiet antidumping, sabiex jiġi stabbilit il-pajjiż analogu għad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodotti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza GLS (C‑338/10, EU:C:2012:158, punt 30), li huma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jeżaminaw bid-diliġenza dovuta kollha l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, inkluż b’mod partikolari l-istatistika tal-Eurostat, sabiex jiġi ddeterminat jekk pajjiż analogu jistax jintgħażel. Fil-kawża li waslet għas-sentenza Bricmate (C‑569/13, EU:C:2015:572, punti 6568), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma eżaminawx bid-diliġenza meħtieġa d-data li tinsab fl-istatistika ta’ Eurostat”. Din il-kwistjoni tqum ukoll fil-qasam tad-diskriminazzjoni indiretta fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, billi tirreferi għad-direttivi fundaturi inkwistjoni, tfakkar li “d-diskriminazzjoni indiretta tista’ tiġi stabbilita b’kull mezz, inkluż abbażi ta’ data statistika” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-24 ta’ Settembru 2020, YS, Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali, C‑223/19, EU:C:2020:753, punt 50, kif ukoll tat-3 ta’ Ottubru 2019, Schuch-Ghannadan,C‑274/18, EU:C:2019:828, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 293 ) Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll in-natura xjentifika tal-metodoloġija magħżula, mingħajr madankollu ma tispeċifika x’inhi.

( 294 ) Rapport minn kumpanija ta’ konsulenza fl-Anness A.32 tar-rikors u l-Anness B.5 tar-risposta, punt 2.12).

( 295 ) Ara l-Anness E.4 tar-risposti tal-Kummissjoni.

( 296 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑23/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:160, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 297 ) Ara l-Anness B.32 tar-risposta.

( 298 ) L-Anness 6 tar-rapport OLAF huwa mehmuż fl-Anness A.36 tar-rikors.

( 299 ) F’dan ir-rigward, għandha tkun approvata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-kampjuni ta’ merkanzija meħuda mill-awtoritajiet doganali tar-Renju Unit għall-perijodu wara l-2017 ma huma ta’ ebda rilevanza għall-finijiet ta’ din il-kawża, peress li jaqgħu barra mill-perijodu ta’ ksur imsemmi fir-rikors.

( 300 ) Ara, b’mod partikolari, it-tweġibiet bil-miktub tar-Renju Unit għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 301 ) Ara l-punt 226 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 302 ) Dan il-metodu jikkonsisti fl-istudju tad-“distribuzzjoni” ta’ “popolazzjonijiet” differenti, fil-livell tal-valur tat-“tarf tal-ponta” tal-grupp ewlieni (f’termini ta’ volum) tal-prezzijiet baxxi.

( 303 ) Għal spjegazzjoni iktar iddettaljata ta’ din iċ-ċifra, ara l-punt 252 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 304 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 247 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 305 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑343/08, EU:C:2010:14, punt 26); tal-15 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑211/08, EU:C:2010:340, punt 32); u tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑34/11, EU:C:2012:712, punt 44).

( 306 ) Ara s-sentenzi tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑233/14, EU:C:2016:396, punt 35), u tat‑2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 116).

( 307 ) Il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, li jekk l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkunsidraw li l-ammonti li jikkorrispondu mad-djun kkonstatati ma kinux adegwati, huma kellhom jagħmlu l-korrezzjonijiet ad hoc u joħorġu mill-ġdid l-avviżi ta’ ħlas.

( 308 ) Ara l-punt 178 tal-ittra ta’ intimazzjoni.

( 309 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 243 u 338 tal-opinjoni motivata li tidher fl-Anness A.31.

( 310 ) Ara l-punti 241 sa 243 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 311 ) Kif tispjega l-Kummissjoni, jekk wieħed jassumi, għal kodiċi ta’ nomenklatura magħquda partikolari bi tmien numri, li l-prezz medju kkorreġut għall-Unjoni‑28 huwa GBP 15/kg, allura l-valur tal-prezz minimu aċċettabbli huwa GBP 7.50/kg. Hija tkompli taċċetta li, f’ġurnata partikolari, kienu saru disa’ importazzjonijiet regolari b’valur baxx ta’ GBP 10/kg u importazzjoni waħda ssottovalutata b’valur ta’ GBP 1/kg, u b’hekk l-aggregazzjoni tad-data ta’ kuljum tagħti prezz medju ta’ GBP 9.1/kg. Billi dan il-prezz huwa ogħla mill-prezz minimu aċċettabbli ta’ GBP 7.50/kg, l-aggregat ta’ kuljum inkluż il-kunsinna ssottovalutata mbagħad ma jkunx inkluż fit-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali kkalkolat.

( 312 ) Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li jirriżulta mill-punt 1.12 tar-rapport ta’ kumpannija ta’ konsulenza (Anness A.32 tar-rikors u l-Anness B.5 tar-risposta) li r-Renju Unit jammetti li l-importazzjonijiet issottovalutati jirrappreżentaw mill-inqas 35 % tal-importazzjonijiet kollha mir-Renju Unit matul il-perijodu ta’ ksur.

( 313 ) Ara, b’mod partikolari, ir-rapport ta’ kumpannija ta’ konsulenza fl-Anness A.32 tar-rikors u l-Anness B.5 tar-risposta, punt 3.5.

( 314 ) Fit-tweġiba tiegħu għal mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit irrefera wkoll għall-“volum komuni”, jiġifieri l-volum tal-importazzjonijiet li jkun ikkunsidrat bħala ssottovalutat fuq il-bażi taż-żewġ metodi. L-istima tiegħu tal-“volum komuni” għas-snin 2015 sal‑2017 hija ta’ 992326582 kg.

( 315 ) Kif jirriżulta minn rapport ta’ kumpannija ta’ konsulenza, 80 % tad-differenza fit-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali hija attribwibbli għall-valur referenzjarju (skont il-metodoloġija tal-OLAF, dan huwa minn GBP 2.26 sa 141.95, filwaqt li, bl-applikazzjoni tal-“limitu ta’ konformità” żviluppat mir-Renju Unit, dan ikun minn GBP 0.10 sa 8.90; Anness B.5 tar-risposta, punt 3.3).

( 316 ) Rapport OLAF, punt 2.1.5.

( 317 ) Ara l-punt 274 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 318 ) Ara l-punt 235 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jirriferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 2(1)(a)(b) tad-Deċiżjoni 2007/436 u għall-Artikolu 2(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/335.

( 319 ) Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 2, 9 u 10 ta’ dawn r-regolamenti, kif ukoll il-punti 236 sa 240 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 320 ) Ara r-rapport addizzjonali minn kumpannija ta’ konsulenza fl-Anness B.6 tar-risposta, punti 2.25 sa 2.26.

( 321 ) Rilevanti wkoll hija l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li fl‑2016, 87 % tal-importazzjonijiet ta’ prodotti tessili u ta’ żraben tar-Renju Unit saru taħt il-proċedura doganali 42, li timplika li din il-merkanzija kienet maħsuba għal Stati Membri oħra, filwaqt li matul l-istess perijodu, il-proċedura doganali 40 intużat biss għal 13 % tal-importazzjonijiet ta’ prodotti bħal dawn, li jistgħu jibqgħu fis-suq tar-Renju Unit jew ikunu diretti lejn Stati Membri oħra.

( 322 ) Ara l-punt 208 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 323 ) Ara l-punt 126 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 324 ) Rapport OLAF, punt 2.1.2.

( 325 ) Ara, mutatis mutandis, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2016, EURO 2004. Hungary (C‑291/15, EU:C:2016:455, punt 23). Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-Kummissjoni li din is-sentenza tawtorizza l-użu tal-prezzijiet medji tal-prodotti inkwistjoni fil-livell tal-Unjoni biex iservu bħala bażi għall-“evalwazzjoni mill-ġdid” tal-prodotti sottovalutati u sabiex imbagħad jiġi kkalkolat it-telf tar-riżorsi proprji tradizzjonali għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddeċidiet li, meta l-valur tat-tranżazzjoni ddikjarat huwa kkunsidrat bħala baxx b’mod anormali meta mqabbel mal-prezzijiet medji tax-xiri bbażati fuq medji statistiċi u applikati fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija simili, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali differenza fil-prezz tidher biżżejjed sabiex tiġġustifika d-dubji li jkollha l-awtorità doganali u r-rifjut minn din tal-aħħar tal-valur doganali ddikjarat tal-merkanzija inkwistjoni. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar liema livell tal-prezz tal-prodotti kkonċernati għandu jikkostitwixxi l-valur referenzjarju sabiex jiġi ddeterminat il-valur doganali xieraq.

( 326 ) Ara l-punti 295 sa 297 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 327 ) Dan l-ammont jinqasam kif ġej: EUR 480098 912.45 fl-2014, EUR 325230 822.55 fl-2013, EUR 173404 943.81 fl-2012 u EUR 22777 312.79 fl-2011.

( 328 ) Ara l-punti 241 sa 250 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake.

( 329 ) Wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li dan l-ammont huwa kkalkolat mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fuq bażi żbaljata kif diġà rrilevat (ara l-punti 247 sa 249 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 330 ) Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju Unit jispjega li r-raġuni għaliex l-avviżi ta’ ħlas C18 Snake jitolbu ammont ta’ GBP 201828 809.62, filwaqt li r-Renju Unit jirreferi, fil-kontroreplika tiegħu, għal ċifra ta’ ftit iktar minn GBP 192568 694.30, hija dovuta għall-fatt li l-aħħar ċifra teskludi l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra għajr għaċ-Ċina u l-importazzjonijiet ta’ kodiċijiet ta’ prodotti għajr għat-tessuti u ż-żraben, li ma humiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors. Barra minn hekk, ir-Renju Unit jargumenta li dan l-ammont ta’ GBP 192568 694.30 għandu sussegwentement jitnaqqas għal ammont ta’ madwar GBP 25 miljun. Fil-fatt, ikun xieraq li jiġu applikati l-valuri tal-limitu tal-metodoloġija Brittanika minflok il-prezzijiet medji kkorreġuti fil-livell tal-Unjoni u li jsir aġġustament, fuq il-bażi ta’ dawn l-istess limiti, tal-volum ta’ merkanzija ssottovalutata u li trid tiġi “evalwata mill-ġdid”, billi dan il-volum huwa inqas mill-volum ikkalkolat skont il-metodoloġija tal-OLAF (ara, l-Annessi D.5 u D.10 tal-kontroreplika).

( 331 ) Fir-risposta tiegħu, ir-Renju Unit isostni li ħareġ 27 avviż ta’ ħlas C18 Breach fid-data tal-preżentazzjoni ta’ dawk in-noti u li l-ammonti korrispondenti ddaħħlu fil-kontabbiltà B, u li, għal tmienja minn dawn l-avviżi, din l-entrata seħħet f’Mejju 2018. Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju Unit jindika li l-ammont totali ta’ dazji mitluba permezz ta’ dawn l-avviżi ta’ rkupru sadanittant żdied u li din iċ-ċifra kienet imbagħad ta’ GBP 45882 997.46 (ċifra rriveduta, wara analiżi addizzjonali, għal GBP 44296 285.04).

( 332 ) Dan ifisser li d-dazji doganali ġew ikkonstatati, iżda ma ddaħħlux fil-kontabbiltà A, minħabba li kienu għadhom ma ġewx irkuprati u ma ngħatat l-ebda garanzija (ara l-Artikolu 6(1) u (3), punti (a) u (b), tar-Regolament Nru 1150/2000.

( 333 ) Data matul il-proċedura prekontenzjuża wara l-intimazzjoni tad‑9 ta’ Marzu 2018 u qabel id-data li tikkorrispondi mat-terminu ta’ xahrejn indikata fl-opinjoni motivata tal‑24 ta’ Settembru 2018.

( 334 ) L-opinjoni motivata nħarġet fl-24 ta’ Settembru 2018, dan it-terminu skada xahrejn wara din id-data.

( 335 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑274/15, EU:C:2017:333, punt 47); tas‑27 ta’ Marzu 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑620/16, EU:C:2019:256, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 54).

( 336 ) Ara l-punt 236 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 337 ) Ara l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-analiżi tal-avviż ta’ ħlas C18 Snake.

( 338 ) Madankollu, nirrileva li, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jwassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors għall-perijodu mill‑1 ta’ Mejju 2015 sal‑11 ta’ Ottubru 2017, peress li dan jikkonċerna biss id-determinazzjoni tal-portata tat-telf ta’ riżorsi proprji tradizzjonali.

( 339 ) Ara, l-opinjoni motivata, il-kuntest ġuridiku, punt 272 u d-dispożittiv.

( 340 ) Ara l-punt 338 tar-rikors.

( 341 ) Ara l-punt 238 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 342 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑275/07, EU:C:2008:334, punt 89).

( 343 ) Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/804: “Il-punt (6) tal-Artikolu 1 għandu japplika għall-kalkolu tal-interessi għal ħlas tard tar-riżorsi proprji li jkunu dovuti wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Madanakollu, il-limitazzjoni taż-żieda totali tar-rata tal-imgħax għal 16-il punt perċentwali […] għandhom japplikaw ukoll għall-kalkolu tal-imgħax għal ħlas tardiv ta’ riżorsi proprji li kienu dovuti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, fejn dawk ir-riżorsi proprji ma kinux saru magħrufa għall-Kummissjoni jew għall-Istat Membru kkonċernat qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament” (enfasi tiegħi).

( 344 ) Nosserva li t-tieni paragrafu tal-ewwel kap tat-talba li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet doganali jinkludi riferiment għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali minqux fl-Artikolu 4(3) TUE u li l-ewwel motiv fih parti relatata mal-ksur ta’ dan il-prinċipju (ara punt 173 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Ninnota wkoll li t-tieni kap tat-talba jirreferi għall-Artikolu 2(2) u (3)(d) tar-Regolament Nru 608/2014, mingħajr ma l-Kummissjoni tispjega fil-motivi tar-rikors tagħha kif dan l-Istat kiser din id-dispożizzjoni, b’tali mod li hemm lok li jiġi miċħud n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni.

( 345 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (68/88, EU:C:1989:339, punt 23), u tal-31 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑391/17, EU:C:2019:919, punt 93).

( 346 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (96/81, EU:C:1982:192, punt 7), u tat‑12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑408/97, EU:C:2000:427, punt 16). F’din il-perspettiva, għandu jitqies il-fatt li, f’ċerti oqsma, bħall-proċedura fiskali inkwistjoni, il-Kummissjoni tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑408/97, EU:C:2000:427, punt 17).

( 347 ) Ara l-punt 319 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 348 ) L-evalwazzjoni legali inkwistjoni kienet intalbet waqt l-ispezzjonijiet 16‑11‑1, 17‑11‑1 u 17‑11‑2 imwettqa mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, jirriżulta mir-rapport ta’ spezzjoni 17‑11‑2 li, matul din l-ispezzjoni, ma kienx possibbli li jinstabu d-djun li jikkorrispondu mad-dikjarazzjonijiet varji ta’ importazzjoni, li kienu jiġġustifikaw l-annullament ta’ dawn l-avviżi ta’ ħlas. Skont dan ir-rapport, il-Kummissjoni talbet kopja tal-evalwazzjoni legali ta’ HMRC li rriżultat fil-annullament tal-avviżi ta’ ħlas C18 Snake u l-awtoritajiet tar-Renju Unit irrifjutaw li jipprovdu dan id-dokument billi sostnew li kien kunfidenzjali u suġġett għall-protezzjoni tal-komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu.

( 349 ) Li aġixxa skont l-Artikolu 33E(5) tal-Finance Act 2003 (il-Liġi tal-Finanzi tal-2003).

( 350 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑10/00, EU:C:2002:146), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz‑Jarabo Colomer fil-kawżi Il-Kummissjoni vs il-Finlandja (C‑284/05, C‑294/05, C‑372/05, C‑387/05, C‑409/05, C‑461/05 u C‑239/06, EU:C:2009:67, punt 168).

( 351 ) Ara r-rapport tal-ispezzjoni 16‑11‑1, punt 3.1.2., u r-rapport tal-ispezzjoni 17‑11‑1, punt 3.1.2., li jidhru rispettivament fl-Annessi A.16 u A.15 tar-rikors.

( 352 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑10/00, EU:C:2002:146, punt 91).

( 353 ) Sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002 (C‑10/00, EU:C:2002:146, punt 91).

( 354 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑10/00, EU:C:2002:146, punt 44).

( 355 ) Ara l-punt 144 tar-risposta.

( 356 ) Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bil-miktub bejn l-avukati u l-klijenti hija protetta taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm tkun korrispondenza skambjata fil-qafas u għall-għanijiet tad-dritt tad-difiża tal-klijent u li toriġina minn avukati indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il-Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punti 2127, u tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et,C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 70).

( 357 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien) (C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata)).

( 358 ) Ara l-punt 319 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 359 ) Għal informazzjoni iktar dettaljata dwar l-ammont taxxabbli, ara Berlin, D., “Taxe sur le chiffre d’affaires – Fonctionnement de la taxe – Régimes spéciaux”, JurisClasseur Europe Traité, faxxikolu 1640, Frar 2021, punti 16 et seq.

( 360 ) Artikoli 83 u 84 tad-Direttiva 2006/112.

( 361 ) Artikoli 85 sa 87 tad-Direttiva 2006/112.

( 362 ) Din ir-rata uniformi hija stabbilita għal 0.30 % mid-Deċiżjonijiet 2007/436 u 2014/335.

( 363 ) Ara Potteau, A., “Budget de l’Union européenne – Contenu du budget”, JurisClasseur Europe Traité, faxxikolu 198, 4 ta’ Novembru 2016, punt 21.

( 364 ) Skont Potteau, A., ir-Regolament Nru 1553/89 eskluda kull rabta diretta bejn ir-riżorsa ġejja mill-VAT u min iħallas it-taxxa billi impona bħala l-uniku metodu l-metodu tad-dħul, li jikkonsisti f’kalkolu statistiku sempliċi (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 210 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 365 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑539/09, EU:C:2011:733, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 366 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 31); tas-7 ta’ April 2016, Degano Trasporti (C‑546/14, EU:C:2016:206, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 367 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 32).

( 368 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 172 sa 175 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 369 ) Ara l-punti 172 u 173 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 370 ) Dwar l-impatt tal-frodi, ara Boerselli F., “Pragmatic Policies to tackle VAT fraud in the European Union”, International VAT monitor, Vol. 19, Nru 5, 2008, p. 333.

( 371 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 30); tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat-2 ta’ Mejju 2018, Scialdone (C‑574/15, EU:C:2018:295, punt 27).

( 372 ) Ara l-punt 225 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 373 ) Ara l-punt 173 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 374 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 375 ) Skont l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2006/112, l-ammont taxxabbli jinkludi t-taxxi, dazji, imposti u piżijiet oħrajn dovuti barra l-Istat Membru tal-importazzjoni u dawk dovuti minħabba l-importazzjoni. Jinkludi wkoll spejjeż aċċessorji, bħal dawk tal-imballaġġ, it-trasport u l-assigurazzjoni, sal-ewwel post tad-destinazzjoni tal-oġġetti fit-territorju tal-Istat Membru ta’ importazzjoni, kif ukoll dawk li jirriżultaw mit-trasport lejn post ieħor ta’ destinazzjoni li jinsab fi ħdan il-Komunità, jekk dan l-aħħar post huwa magħruf fil-ħin meta jseħħ il-fatt taxxabbli.

( 376 ) Dispożizzjoni li tikkorrispondi mal-Artikolu 29(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.

( 377 ) Għal preżentazzjoni ddettaljata tal-valutazzjoni ta’ oġġetti jew servizzi importati, ara Bieber, T., “Customs Valuation and Import VAT”, Global Trade and Customs Journal, Vol. 14, Nru 2, p. 73.

( 378 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 379 ) Ara l-punt 337 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 380 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 381 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 382 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Evita‑K (C‑78/12, EU:C:2013:486, punt 33), u tal-21 ta’ Novembru 2013, Dixons Retail, (C‑494/12, EU:C:2013:758, punt 20).

( 383 ) Ara l-punt VI tas-sintesi tar-rapport 13/2011.

( 384 ) Ara l-punti 26 et seq. tar-rapport 13/2011.

( 385 ) Ara r-rapport 13/2011, punt 55.

( 386 ) Ara r-rapport speċjali Nru 24/2015, punt 85, p. 34, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il‑paġna 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 387 ) Ara s-sintesi ta’ dan ir-rapport, punt IV, p. 9.