KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fit-2 ta’ Lulju 2020 ( 1 )
Kawża C‑826/18
LB,
Stichting Varkens in Nood,
Stichting Dierenrecht,
Stichting Leefbaar Buitengebied
vs
College van burgemeester en wethouders van de gemeente Echt-Susteren,
Partijiet magħquda:
Sebava BV
(Talba għal deċiżjoni preliminari mir-Rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali, Limburg, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus — Artikolu 6 — Drittijiet ta’ Parteċipazzjoni — Proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika — Artikolu 2(4) u (5) — Il-pubbliku u l-pubbliku kkonċernat — Ambitu personali tal-applikazzjoni — Artikolu 9(2) u (3) — Aċċess għall-ġustizzja — Locus standi — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 47 u 52(1) — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Direttiva 2011/92/UE — Artikoli 6 u 11 — Direttiva 2010/75/UE — Artikoli 24 u 25 — Kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti — Awtonomija proċedurali”
I. Introduzzjoni
1. |
Skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, kulħadd għandu d-dritt ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika li twassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrigwarda attività ambjentali. Madankollu, l-aċċess għal qorti sabiex wieħed jikkontesta kwalunkwe deċiżjoni amministrattiva finali maħruġa fi ħdan dik il-proċedura hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel nett, il-persuna għandha tkun parti interessata, bl-interessi tagħha direttament affettwati mid-deċiżjoni inkwistjoni. It-tieni nett, dik il-persuna għandha tkun ipparteċipat matul il-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika billi tkun issottomettiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz tad-deċiżjoni, sakemm dik il-persuna ma tkunx tista’ raġonevolment tiġi kkritikata talli ma tkunx għamlet hekk. |
2. |
Ir-riżultat ta’ regoli nazzjonali li jiġu abbozzati b’dan il-mod jidher li jkun dissonanza kunsiderevoli fl-ambitu personali taż-żewġ oqsfa proċedurali: stadju amministrattiv miftuħ ħafna u stadju ġudizzjarju ħafna idjaq. Dan naturalment iqajjem il-kwistjoni: X’jiġri minn dawk li jibqgħu barra? X’jiġri minn dawk il-membri tal-pubbliku li jew ma humiex direttament affettwati jew ma ssottomettew ebda osservazzjoni fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika? L-aċċess għal qorti li huwa ggarantit skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 2 ), jew skont kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huwa kompletament eskluż għal dawk il-membri tal-pubbliku? |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus
3. |
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus kienet iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 minn dik li kienet il-Komunità Ewropea u sussegwentement ġiet approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE ( 3 ). |
4. |
Skont l-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, id-deċiżjoni li jiġu permessi attivitajiet ambjentali elenkati fl-Anness I hija suġġetta għall-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika stabbilita fl-Artikolu 6(2) sa (11). L-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni jirregola d-dritt għal aċċess għal ġustizzja sabiex jiġu kkontestati deċiżjonijiet li kienu suġġetti għall-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika stabbilita fl-Artikolu 6. Bil-għan li jiġi ddefinit l-ambitu personali tagħhom, l-Artikoli 6 u l-Artikolu 9(2) jużaw it-termini “il-pubbliku” u “il-pubbliku kkonċernat”. Dawn it-termini huma ddefiniti fl-Artikolu 2(4) u (5) tal-Konvenzjoni rispettivament. |
B. Id-dritt tal-Unjoni
5. |
Qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370, dik li kienet il-Komunità Ewropea adottat id-Direttiva 2003/35/KE ( 4 ). Din tal-aħħar emendat żewġ direttivi eżistenti sabiex tarmonizza kif xieraq ir-regoli tal-Komunità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’mod partikolari mal-Artikolu 6 u mal-Artikolu 9(2) u (4) tagħha ( 5 ). Dawn id-direttivi ġew issostitwiti bid-Direttiva 2010/75/UE ( 6 ) u bid-Direttiva 2011/92/UE ( 7 ), kif emendati bid-Direttiva 2014/52/UE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/92”) ( 8 ). |
6. |
L-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huma trasposti mill-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 2011/92, u l-Artikolu 24 flimkien mal-Anness IV u mal-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, rispettivament. It-termini “il-pubbliku” u “il-pubbliku kkonċernat”, li jidhru wkoll f’dawk id-dispożizzjonijiet, huma ddefiniti fl-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-Direttiva 2011/92 u fl-Artikolu 3(16) u (17) tad-Direttiva 2010/75, rispettivament. |
C. Il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi
7. |
Mid-digriet tar-rinviju, kif iċċarat ulterjorment mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fis-seduta orali, jiena nifhem id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi bil-mod segwenti. |
8. |
L-attività kkontestata fil-kawża prinċipali kienet suġġetta għall-proċedura pubblika preparatorja skont l-Artikolu 3.4 tal-Algemene wet bestuursrecht (l-Att dwar il-Liġi Amministrattiva Ġenerali, iktar ’il quddiem l-“Awb”). Din tal-aħħar tikkostitwixxi proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
9. |
Il-proċedura pubblika preparatorja fi ħdan it-tifsira tal-Awb tinvolvi li, fil-każ ta’ applikazzjoni għal permess, l-awtorità kompetenti għandha l-ewwel tieħu abbozz ta’ deċiżjoni rigward il-pożizzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni inkwistjoni. L-abbozz tad-deċiżjoni għandu jkun disponibbli għal kulħadd b’mezzi xierqa, u skont l-Artikolu 3.12(5) tal-Wet algemene bepalingen omgevingsrecht (l-Att dwar id-Dispożizzjonijiet Ġenerali tal-Liġi Ambjentali, iktar ’il quddiem il-“Wabo”), kulħadd jista’ jissottometti osservazzjonijiet dwar l-abbozz tad-deċiżjoni. |
10. |
Nixtieq nenfasizza li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonferma espressament waqt is-seduta li, skont il-Wabo, kulħadd letteralment tfisser kulħadd, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, mingħajr l-ebda limitazzjonijiet, spazjali jew xorta oħra. Għalhekk, fil-prinċipju, resident Ċek fir-Repubblika Ċeka, resident Daniż fid-Danimarka, jew resident Ċiniż fiċ-Ċina kollha għandhom id-dritt li jipparteċipaw skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi matul il-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika għall-attività rikjesta fil-kawża prinċipali. |
11. |
Il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega wkoll li, bil-ftuħ tal-proċedura pubblika preparatorja għal kulħadd, dan ried isaħħaħ kemm jista’ jkun id-dibattiti bejn l-awtorità kompetenti u l-pubbliku. Dak il-Gvern xtaq ukoll inaqqas l-oneru minn fuq l-awtoritajiet amministrattivi (lokali) milli jkollhom jaċċertaw, f’kull każ individwali, lil dawk mill-pubbliku li jistgħu jkunu kkonċernati mill-attività proposta inkwistjoni u lil dawk li jistgħu ma jkunux. |
12. |
Barra minn hekk, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra wkoll li mill-Artikolu 6(7) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus effettivament isegwi li kulħadd għandu d-dritt li jipparteċipa matul proċeduri ta’ parteċipazzjoni pubblika skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
13. |
Sussegwentement, wara l-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, l-awtorità amministrattiva toħroġ id-deċiżjoni finali rigward l-attività mitluba. Il-possibbiltà li tiġi kkontestata l-legalità proċedurali u sostantiva ta’ tali deċiżjoni quddiem qorti hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi. Dawk il-kundizzjonijiet inaqqsu b’mod kunsiderevoli n-numru ta’ applikanti meta mqabbel mal-fażi amministrattiva li twassal għall-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni. |
14. |
L-ewwel nett, skont l-Artikolu 8:1 tal-Awb, l-applikant għandu jkun “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1:2 tiegħu, li jfisser persuna li l-interessi tagħha huma direttament affettwati bid-deċiżjoni. Assoċjazzjonijiet li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent huma dejjem ikkunsidrati bħala “partijiet interessati” skont l-Artikolu 1:2(3) tal-Awb. |
15. |
Ninnota li t-terminu “parti interessata” ma jidhirx fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, li, minflok, tuża t-terminu “membri tal-pubbliku kkonċernati li għandhom interess suffiċjenti jew […] li jinvokaw il-ksur ta’ dritt”. Nifhem mid-digriet tar-rinviju li t-terminu “parti interessata” fis-sens tal-Awb jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-espressjoni fl-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għaldaqstant, persuna li ma hijiex “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1:2 tal-Awb, ma hijiex ikkunsidrata bħala membru tal-“pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
16. |
It-tieni nett, il-“parti interessata” għandha wkoll tkun ipparteċipat fi proċedura preparatorja pubblika skont l-Artikolu 6:13 tal-Awb billi tissottometti l-fehmiet tagħha fir-rigward tal-attività inkwistjoni, sakemm dik il-parti ma tistax tkun ikkritikata b’mod raġonevoli talli ma għamlitx hekk. |
17. |
Skont il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-iskop ta’ dan it-tieni rekwiżit huwa li jsaħħaħ l-effiċjenza ta’ proċeduri amministrattivi, u b’hekk l-effiċjenza tal-proċeduri legali. Parteċipazzjoni fil-proċedura preparatorja pubblika tippermetti li wieħed jidentifika l-kwistjonijiet kontenzjużi fi stadju bikri fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u b’hekk itejjeb il-kwalità ta’ dak il-proċess. Dan jagħmilha possibbli li jiġu evitati proċeduri legali, jew, jekk iseħħu, għandhom jgħinu biex dawn isiru iktar effiċjenti. |
18. |
Fir-rigward tal-eċċezzjoni għal din ir-regola (fejn il-parti ma tistax tkun raġonevolment ikkritikata talli ma pparteċipatx), il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega matul is-seduta li din tapplika jekk in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni jkun iġġustifikat. Skont il-ġurisprudenza nazzjonali, dan huwa l-każ, pereżempju, jekk in-notifika tal-abbozz tad-deċiżjoni tkun difettuża; jekk id-deċiżjoni maħruġa tkun differenti mill-abbozz tad-deċiżjoni nnotifikata u dik id-differenza jkollha konsegwenzi negattivi fuq il-“parti interessata”; jew jekk persuna, minħabba rilokazzjoni, issir “parti interessata” biss wara li jiskadi t-terminu ta’ skadenza sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet għall-abbozz tad-deċiżjoni. |
19. |
Finalment, fir-rigward tal-konnessjoni bejn iż-żewġ kundizzjonijiet dwar locus standi, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi ċċara waqt is-seduta li parti li pparteċipat fil-proċedura preparatorja pubblika skont il-Wabo, iżda li ma hijiex parti interessata fis-sens tal-Awb, ma jkollhiex id-dritt li tikkontesta d-deċiżjoni sussegwenti fil-qorti, anki jekk dik il-parti tkun ipparteċipat billi ssottomettiet kummenti fil-fażi preparatorja. |
III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari
20. |
Fl-2016, Sebava BV issottomettiet applikazzjoni lill-College van burgemeester en wethouders van de gemeente Echt-Susteren (il-Kunsill Muniċipali ta’ Echt-Susteren, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“konvenut”), għall-kostruzzjoni ta’ maqjel ġdid għal 855 ħanżira, għall-iskambju ta’ ħnieżer femminili għat-tgħammir bi ħnieżer femminili li jwelldu f’maqjel eżistenti u għall-kostruzzjoni ta’ pista koperta għall-ħnieżer femminili. |
21. |
Ir-rikors ġie sottomess mill-konvenut għall-proċedura preparatorja pubblika uniformi fis-sens tal-Artikolu 3.4 tal-Awb. Il-qorti tar-rinviju tikkonferma li dik il-proċedura hija proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
22. |
Il-konvenut għamel disponibbli kopja tal-memorandum tal-applikazzjoni u dokumentazzjoni oħra relatata għall-ispezzjoni. Avviż dwar dan ingħata fl-iStaatscourant (il-Gazzetta tal-Gvern). L-applikazzjoni ġiet ukoll ippubblikata fil-Gemeenteblad (il-Gazzetta Muniċipali) tal-muniċipalità tal-konvenut. |
23. |
Fit-28 ta’ Settembru 2017, il-konvenut ħareġ il-permess mitlub u ħareġ avviż dwar dan fl-iStaatscourant. |
24. |
Id-deċiżjoni dwar il-permess ġiet ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali, Limburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) minn erba’ rikorrenti. L-ewwel rikorrenti hija persuna fiżika u għandha l-professjoni ta’ veterinarju (iktar ’il quddiem l-“ewwel rikorrenti”). Hija wkoll membru ta’ bord, segretarja u chairperson ta’ diversi gruppi ta’ interess li jippromwovu l-benesseri tal-annimali. It-tliet rikorrenti l-oħra huma assoċjazzjonijiet ambjentali (iktar ’il quddiem it-“tliet assoċjazzjonijiet rikorrenti”) (iktar ’il quddiem flimkien l-“erba’ rikorrenti”). |
25. |
Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-erba’ rikorrenti jammettu li ma ssottomettewx oġġezzjonijiet għall-abbozz tad-deċiżjoni tal-konvenut. Madankollu, huma jargumentaw li ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkritikati talli ma għamlux hekk, peress li l-konvenut għamel notifika ħażina tal-abbozz tad-deċiżjoni. Fuq din il-bażi, l-erba’ rikorrenti qegħdin jitolbu lill-qorti tar-rinviju li tannulla d-deċiżjoni kkontestata sabiex tippermettilhom li jkunu għadhom jistgħu jissottomettu l-oġġezzjonijiet tagħhom għall-abbozz tad-deċiżjoni. |
26. |
Fir-rigward tar-rikors imressaq mill-ewwel rikorrenti, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dan għandu jiġi ddikjarat inammissibbli abbażi tal-Artikoli 8:1 u tal-Artikolu 1:2 tal-Awb. Din tqis li l-ewwel rikorrenti ma hijiex “parti interessata” fis-sens ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li l-ewwel rikorrenti ressqet ir-rikors fil-kapaċità personali tagħha, peress li għamlet magħrufa l-kapaċità tagħha bħala membru ta’ bord, segretarja u chairperson ta’ diversi gruppi ta’ interess biss żmien kunsiderevoli wara li skada l-perijodu tal-appell. Barra minn hekk, hija tgħix xi distanza ’l bogħod mill-maqjel tal-ħnieżer propost u għalhekk ma tesperjenzax konsegwenzi spazjali jew ambjentali bħala riżultat ta’ dan. |
27. |
Fir-rigward tar-rikors imressaq mit-tliet assoċjazzjonijiet rikorrenti, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, bħala assoċjazzjonijiet ambjentali, huma fil-fatt partijiet interessati skont l-Artikolu 1:2(1) tal-Awb. Madankollu, huma ma ressqux oġġezzjonijiet għall-abbozz tad-deċiżjoni. Mill-Artikolu 6:13 tal-Awb isegwi li parti interessata li tista’ raġonevolment tiġi kkritikata talli ma esprimietx fehma matul il-proċedura preparatorja ma tistax tressaq rikors quddiem il-qorti amministrattiva. |
28. |
Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li r-Rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali, Limburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
29. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Gvern tad-Danimarka, mill-Irlanda u mill-Gvernijiet tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Isvezja kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-konvenut ipprovda osservazzjonijiet li approvaw l-osservazzjonijiet imressqa mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi. L-erba’ rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-konvenut, l-Irlanda, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta orali li saret fit-30 ta’ Jannar 2020. |
IV. Evalwazzjoni
30. |
Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda billi nidentifika d-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tad-Direttivi 2010/75 u 2011/92 (A). Wara ser indur fuq il-kompatibbiltà taż-żewġ kundizzjonijiet dwar kapaċità fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri l-kundizzjoni li għandha tkun “parti interessata” (B), u l-kundizzjoni li jitressqu fehmiet fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika (C), b’dawk l-istrumenti. |
A. Id-dritt applikabbli: il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, id-Direttivi 2010/75 u 2011/92
31. |
Il-qorti tar-rinviju tqis lid-dispożizzjonijiet dwar parteċipazzjoni pubblika fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll fl-Artikolu 24 tad-Direttiva 2010/75 bħala applikabbli għall-kawża prinċipali. |
32. |
Dan jidher li fil-fatt huwa l-każ kemm għall-Konvenzjoni ta’ Aarhus kif ukoll għad-Direttiva 2010/75. Skont l-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikolu 6 japplika fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar jekk jiġux permessi attivitajiet elenkati fl-Anness I. L-Anness I, punt 15(c) isemmi installazzjonijiet għat-trobbija intensiva tal-ħnieżer b’iktar minn 750 post għal ħnieżer femminili. Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/75, id-dispożizzjonijiet dwar parteċipazzjoni pubblika fl-Artikolu 24 ta’ dik id-direttiva japplikaw għall-attivitajiet stabbiliti fl-Anness I. Il-punt 6(6)(c) ta’ dak l-anness isemmi t-trobbija intensiva tal-ħnieżer b’750 post għal ħnieżer femminili. |
33. |
B’kuntrast, ma huwiex immedjatament evidenti li l-attivitajiet fil-kawża prinċipali jaqgħu fl-iskop tal-attivitajiet koperti bid-Direttiva 2011/92. L-Anness I, punt 17(c) u l-Anness II, punt 1(c) tad-Direttiva 2011/92 jagħmel dik id-direttiva applikabbli għal installazzjonijiet għat-trobbija intensiva tal-ħnieżer b’iktar minn 900 post għal ħnieżer femminili u proġetti għall-imaniġġjar tal-ilma għall-biedja. Madankollu, id-deċiżjoni dwar jekk “il-kostruzzjoni ta’ maqjel ġdid għal 855 ħanżira, għall-iskambju ta’ ħnieżer femminili għat-tgħammir bi ħnieżer femminili li jwelldu f’maqjel eżistenti u għall-kostruzzjoni ta’ pista koperta għall-ħnieżer femminili”, taqax ukoll taħt dik id-dispożizzjoni jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2011/92, hija naturalment waħda li għandha tieħu l-qorti nazzjonali, wara li tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjoni teknika dettaljata ta’ dik l-attività. |
34. |
Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha l-fatti neċessarji biex twettaq evalwazzjoni definittiva dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2011/92, ser nieħu bħala punt tat-tluq, kif iddikjarat mill-qorti tar-rinviju, li dik id-direttiva hija applikabbli wkoll għall-kawża prinċipali. |
35. |
Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tinvoka espressament biss l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fis-sitt domandi rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, fid-dawl tad-digriet tar-rinviju, ir-referenza għad-“dritt tal-Unjoni” fil-formulazzjoni tad-domandi għandha tinftiehem bħala li tinkludi referenza għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u għall-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75. Essenzjalment, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jikkorrispondu għall-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
36. |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dawk l-istrumenti tad-dritt sekondarju, l-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2010/75 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikolu 6 u tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiżgura l-konsistenza tad-dritt tal-Unjoni mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-kliem u l-għan ta’ dik il-konvenzjoni għanhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-għan li jiġu interpretati dawk id-direttivi. ( 9 ) |
37. |
Għaldaqstant, b’xi mod jew ieħor, id-dritt sekondarju tal-Unjoni f’dan il-kamp huwa marbut mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għalhekk insibha utli ħafna li nevalwa d-domandi rrinvijati mill-qorti nazzjonali fid-dawl tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, b’mod partikolari l-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(2) tagħha, u li nieħu nota biss tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikoli 6 u 11 tad-Direttiva 2011/92 u tal-Artikoli 24 u 25 tad-Direttiva 2010/75 biss meta dawk id-dispożizzjonijiet jiddevjaw mit-test tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-prinċipju, dan jista’ jkun il-każ f’żewġ sitwazzjonijiet. |
38. |
L-ewwel nett, l-Artikolu 3(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jippermetti lill-partijiet għaliha li jintroduċu miżuri li jipprovdu drittijiet iktar estensivi minn dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni. It-tieni nett, jista’ fil-fatt ikun hemm inkonsistenza bejn il-Konvenzjoni ta’ Aarhus u r-regoli sekondarji tal-Unjoni fir-rigward ta’ dispożizzjoni speċifika. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis li hemm inkonsistenza jew kontradizzjoni bejn l-ambitu tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni mogħtija lill-“pubbliku” fiż-żewġ direttivi, minn naħa, u fil-Konvenzjoni ta’ Aarhus, min-naħa l-oħra. |
B. L-aċċess għall-ġustizzja għall-“pubbliku”
39. |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif ukoll l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 jew l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, jipprekludux esklużjoni totali tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja għall-“pubbliku”, sa fejn dan tal-aħħar ma jkunx “il-pubbliku kkonċernat” fis-sens ta’ dawk l-istrumenti. |
40. |
Dawn id-domandi jirrelataw mas-sitwazzjoni tal-ewwel rikorrenti, il-persuna fiżika, li l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li hija parti mill-“pubbliku” iżda mhux mill-“pubbliku kkonċernat”. B’kuntrast, it-tliet assoċjazzjonijiet rikorrenti huma meqjusa bħala “partijiet interessati” skont l-Artikolu 1:2(3) tal-Awb ( 10 ). Bħala tali, għandhom “interess suffiċjenti” skont l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u ma humiex ikkonċernati mill-ewwel u mit-tieni domandi. |
41. |
L-ewwel u t-tieni domandi tal-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-preżunzjoni li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tagħti drittijiet ta’ parteċipazzjoni lill-“pubbliku” inġenerali, irrispettivament minn jekk jifformawx parti wkoll mill-“pubbliku kkonċernat”. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jidher li japplika għall-“pubbliku kkonċernat”, li jissuġġerixxi li l-ewwel rikorrenti ma għandhiex locus standi taħt din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk interpretazzjoni bħal din tistax tinżamm fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jagħti diversi drittijiet proċedurali, mhux biss lill-“pubbliku kkonċernat”, iżda lill-“pubbliku” inġenerali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-Artikolu 6(3)(7) u (9) tal-Konvenzjoni. |
42. |
Sabiex jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprekludix esklużjoni totali tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja għall-“pubbliku” inġenerali, huwa neċessarju li l-ewwel jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni personali ta’ dik id-dispożizzjoni (1). Peress li l-Artikolu 9(2) jikkostitwixxi l-mekkaniżmu ta’ infurzar ġudizzjarju tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni mogħtija fl-Artikolu 6, huwa mbagħad neċessarju li nħares lejn il-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni fl-Artikolu 6. |
1. L-ambitu personali tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus
43. |
Il-kliem tal-Artikolu 9(2) huwa pjuttost ċar: dik id-dispożizzjoni tagħti dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja biss għall-membri tal-“pubbliku kkonċernat”, mhux għall-“pubbliku” (inġenerali). |
44. |
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tiddefinixxi speċifikament iż-żewġ kunċetti. Skont l-Artikolu 2(4), “il-pubbliku” essenzjalment ifisser kulħadd. Skont l-Artikolu 2(5), “il-pubbliku kkonċernat” huwa sottokategorija tal-pubbliku. Dan ikopri biss “il-pubbliku affettwat jew li x’aktarx li jiġi affettwat minn, jew li għandu interess, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali”. |
45. |
Ċertament, fir-rigward tal-għan tiegħu, l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ifittex li jiżgura aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fl-ambitu tal-Konvenzjoni ( 11 ). Madankollu, dak l-għan ma tantx jista’ jitneħħa mill-kuntest sabiex jinkitbu mill-ġdid il-kliem ċari tal-Artikolu 9(2). Is-sistema u l-loġika tal-Artikolu 9(2), meqjusa fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, isostnu dik il-proposta. |
46. |
L-ewwel nett, kienet l-għażla tal-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus li ma jintrodoċux actio popularis dwar kwistjonijiet ambjentali. Kif diġà indikat l-Avukata Ġenerali Sharpston ( 12 ), peress li l-approċċ tal-actio popularis ġie miċħud matul in-negozjati tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus iddeċidew li jsaħħu r-rwol tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li jippromwovu l-protezzjoni tal-ambjent li, skont l-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 9(2), huma dejjem ikkunsidrati bħala parti mill-“pubbliku kkonċernat” u jitqiesu li għandhom interess suffiċjenti ( 13 ). Jekk l-Artikolu 9(2) kellu issa jiġi interpretat fis-sens li f’daqqa waħda jagħti locus standi lill-“pubbliku” inġenerali, dik il-loġika u l-kompromess jiġu mfixkla. |
47. |
It-tieni nett, hemm differenza bejn l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 9(3): jidher li meta l-persuni li abbozzaw il-Konvenzjoni ta’ Aarhus xtaqu li jagħtu aċċess għal qorti lill-“pubbliku” inġenerali, u mhux biss lill-“pubbliku kkonċernat”, setgħu jiddikjaraw dan espressament. Dak huwa l-eżempju tal-kliem tal-Artikolu 9(3), li jagħti drittijiet lill-membri tal-“pubbliku” mingħajr kwalifiki ulterjuri. |
48. |
It-tielet nett, madankollu, l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 9(3) huma żewġ dispożizzjonijiet distinti tal-Konvenzjoni. L-Artikolu 9(2) jagħmel referenza għall-Artikolu 6. Barra minn hekk, mill-istruttura ġenerali tal-Artikolu 9 b’mod sħiħ, huwa ċar li d-dispożizzjoni tal-infurzar ġudizzjarju tal-Artikolu 6 huwa l-Artikolu 9(2), daqs kemm l-Artikolu 9(1) huwa d-dispożizzjoni tal-infurzar ġudizzjarju tal-Artikolu 4. |
49. |
Barra minn hekk, l-Artikolu 9(3) jiftaħ bid-dikjarazzjoni li “Barra minn dan u bla ħsara għall-proċeduri ta’ stħarriġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha […]”. Dak il-kliem u l-istruttura loġika tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jindika li l-Artikolu 9(3) mhux suppost jirregola l-infurzar tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 6, iżda drittijiet oħrajn mogħtija minn dispożizzjonijiet oħra tal-Konvenzjoni (jew taħt id-dritt nazzjonali). Għaldaqstant, kuntrarjament għall-Gvern Daniż u għall-Kummissjoni, ma nqisx li l-Artikolu 9(3) jirregola d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja fir-rigward tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni mogħtija mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, u lanqas tad-deċiżjonijiet li jirriżultaw mill-proċedura fl-Artikolu 6. |
50. |
Kieku dan kien effettivament il-każ, xi skop ikollu effettivament l-Artikolu 9(2) u kwalunkwe kundizzjonijiet jew regoli ddikjarati hemmhekk (jew fl-Artikolu 9(1), fi kwalunkwe każ), jekk kwalunkwe ħaġa jew kull ħaġa koperta f’dawk id-dispożizzjonijiet tkun immedjatament mibdula mill-Artikolu 9(3) li potenzjalment ikopri kollox? |
51. |
Fil-qosor, fih innifsu, l-Artikolu 9(2) ma jagħtix dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja lill-“pubbliku”, iżda biss lill-“pubbliku kkonċernat”. L-istess konklużjoni tapplika wkoll għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u għall-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 li t-tnejn li huma, fuq din il-kwistjoni, għandhom kliem kważi identiku għal dak tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
52. |
Madankollu, hemm il-kwistjoni tal-konnessjoni bejn l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 6. Fit-test tiegħu, l-Artikolu 6 fil-fatt xi kull tant jirreferi għall-“pubbliku” u mhux biss għall-“pubbliku kkonċernat”. Din hija l-kwistjoni li ser nittratta issa. |
2. L-ambitu personali tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus
53. |
Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, inkluża d-dispożizzjoni ewlenija tiegħu fl-Artikolu 6(2), jagħtu drittijiet ta’ parteċipazzjoni biss lill-“pubbliku kkonċernat”. Huwa l-“pubbliku kkonċernat” li għandu jiġi nnotifikat fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali dwar l-attività proposta skont l-Artikolu 6(2) u li sussegwentement għandu jkollu aċċess sabiex jeżamina l-informazzjoni kollha rilevanti għall-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikolu 6(6). Barra minn hekk, l-Artikolu 6(5) jiddikjara li għal darba oħra huwa l-“pubbliku kkonċernat” li għandu jkun identifikat mill-applikanti prospettivi, qabel ma japplikaw għal permess, sabiex jidħlu f’diskussjonijiet magħhom u jipprovdulhom informazzjoni dwar l-għanijiet tal-applikazzjoni tagħhom. |
54. |
Madankollu, kif tinnota l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 6(3)(7) u (9) juża t-terminu “il-pubbliku”, u mhux biss “il-pubbliku kkonċernat” ( 14 ). Dan fil-fatt iqajjem il-kwistjoni jekk l-Artikolu 6 jagħtix drittijiet ta’ parteċipazzjoni lill-“pubbliku” inġenerali, irrispettivament minn jekk jifformawx parti mill-“pubbliku kkonċernat”, u jekk fl-affermattiv, jekk l-Artikolu 9(2), minkejja l-konklużjoni preliminari iktar ’il fuq, madankollu jeħtieġ li l-partijiet jiżguraw (tal-inqas xi ftit) locus standi għall-“pubbliku” sabiex jinforza tali drittijiet. |
a) L-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 6(9)
55. |
L-Artikolu 6(3) jimponi obbligu fuq l-awtoritajiet pubbliċi li jinkludu skadenzi raġonevoli għall-fażijiet differenti fil-parteċipazzjoni pubblika sabiex il-“pubbliku” l-ewwel jiġi informat u sussegwentement jipprepara u jipparteċipa effetivament. |
56. |
Fil-fehma tiegħi, ir-referenza għall-“pubbliku” f’dik id-dispożizzjoni hija spjegata faċilment min-natura ta’ dik id-dispożizzjoni. Hija tikkonċerna fażi li fiha hija meħtieġa l-komunikazzjoni mad-dinja esterna, fejn la jista’ jkun possibbli, u lanqas raġonevoli, li wieħed jinsisti li jiġi identifikat il-“pubbliku kkonċernat”. Għaldaqstant l-informazzjoni għandha sempliċement issir pubblika. Dan il-qari huwa sostnut ukoll bir-referenza fl-Artikolu 6(3) għall-Artikolu 6(2), li jikkonċerna biss lill-“pubbliku kkonċernat”. |
57. |
Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għall-Artikolu 6(9). Dik id-dispożizzjoni tobbliga lill-awtoritajiet li jinformaw lill-“pubbliku” immedjatament, ladarba tittieħed deċiżjoni, u li jagħmlu d-deċiżjoni aċċessibbli għall-“pubbliku”. B’xi mod, dik id-dispożizzjoni tirrifletti d-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(3), iżda fl-istadju ta’ ħruġ: filwaqt li l-Artikolu 6(3) jeħtieġ disseminazzjoni raġonevolment wiesa’ tal-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika qabel ma tkun bdiet, l-Artikolu 6(9) jeħtieġ l-istess dwar ir-riżultati tagħha ladarba tkun intemmet. |
58. |
Ma hemm l-ebda raġuni li permessi tal-ippjanar jinżammu sigrieti. Dan mhux biss minħabba r-rekwiżit ġenerali ta’ trasparenza u ta’ ftuħ tal-amministrazzjoni pubblika. Jista’ jkun hemm ukoll, minbarra l-“pubbliku kkonċernat” li jkun ipparteċipa fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet u huwa magħruf mill-awtoritajiet pubbliċi meta jadottaw id-deċiżjoni finali, membri tal-“pubbliku kkonċernat” li ma pparteċipawx f’din il-proċedura, iżda li xorta jkunu jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni li tirriżulta minn dik il-proċedura. |
59. |
Għaldaqstant, kemm il-ftuħ tad-dħul u tal-ħruġ, kif ukoll il-prattikabbiltà tal-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika skont l-Artikolu 6, loġikament jispjegaw għalfejn l-Artikolu 6(3) u 6(9) juża l-kunċett tal-“pubbliku”. |
b) Il-każ kurjuż tal-Artikolu 6(7)
60. |
L-Artikolu 6(7) jipprovdi li l-proċeduri għall-parteċipazzjoni pubblika għandhom jippermettu lill-“pubbliku” li jissottometti, bil-miktub jew, kif xieraq, waqt seduta jew inkjesta pubblika mar-rikorrent, kwalunkwe kummenti, informazzjoni, analiżi jew opinjonijiet li hija tikkunsidra rilevanti għall-attività proposta. |
61. |
Jidher li, abbażi tal-kliem tal-Artikolu 6(7) il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis, bħall-qorti tar-rinviju, li l-“pubbliku” inġenerali jingħata drittijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika. Fil-fatt, skont il-kliem tiegħu, u b’kuntrast mal-Artikolu 6(3) u (9), l-Artikolu 6(7) jikkonċerna l-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika nnifisha. Ma jirrigwarda la l-istadju preparatorju, u lanqas l-istadju tal-pubblikazzjoni. Fil-fatt, jikkonċerna l-iskambju stess bejn il-parteċipanti fil-proċedura pubblika u l-awtorità pubblika fuq l-attività proposta. |
62. |
Jidher li hemm żewġ modi opposti ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 6(7) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
63. |
L-ewwel interpretazzjoni tal-Artikolu 6(7) tista’ tkun dik issuġġerita mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-inqas fir-rigward tal-ewwel pass tagħha: “il-pubbliku” fl-Artikolu 6(7) għandu jfisser kulħadd. Għaldaqstant, kull persuna fiżika jew ġuridika, mingħajr ebda limitazzjoni dwar l-interess tagħha jew jekk hijiex affettwata individwalment, tingħata dritt li tipparteċipa fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
64. |
Madankollu, għar-raġunijiet stabbiliti fid-dettal iktar ’il quddiem ( 15 ), il-konsegwenza loġika ta’ dik il-proposta tista’ diffiċilment tkun dik kif sostnuta wkoll mil-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, fejn kulħadd għandu d-dritt li jipparteċipa, iżda huma biss il-partijiet interessati li jistgħu jikkontestaw l-eżitu ta’ dik il-parteċipazzjoni quddiem qorti. Minflok, il-konsegwenza loġika ta’ dik l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(7) tkun dik proposta mill-Kummissjoni, li tissemma wkoll fil-Gwida ta’ Implimentazzjoni: ( 16 ) għaliex l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni huwa l-mezz sabiex jiġu inforzati d-drittijiet kollha fl-Artikolu 6, u għaliex l-Artikolu 9(2) japplika biss għall-“pubbliku kkonċernat”, dan imbagħad ifisser li kull membru tal-“pubbliku” li attwalment jipparteċipa fi proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika billi jissottometti kummenti jikseb l-istatus ta’ membru tal-“pubbliku kkonċernat”. Fi kliem ieħor, skont din l-interpretazzjoni, l-Artikolu 6(7) jiftaħ il-bieb għal “tħassib permezz ta’ parteċipazzjoni” għall-finijiet tal-Artikolu 9(2). |
65. |
It-tieni interpretazzjoni tkun li l-Artikolu 6(7) tal-Konvenzjoni jinftiehem fis-sens li, filwaqt li kulħadd (“il-pubbliku”) għandu l-possibbiltà li jindirizza ruħu quddiem l-awtorità pubblika sabiex jagħmlu lilhom innifishom u l-interess tagħhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet magħruf, jekk interpretat fil-kuntest ġenerali tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikolu 6(7) jikkonferixxi biss drittijiet ta’ parteċipazzjoni – li huma drittijiet li joħolqu obbligi korrispondenti għall-awtoritajiet rilevanti sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni dawk l-osservazzjonijiet skont l-Artikolu 6(8), u jistgħu jkunu infurzati ġudizzjarjament skont l-Artikolu 9(2) – biss sa fejn jifformaw parti mill-“pubbliku kkonċernat”. |
66. |
Għal numru ta’ raġunijiet li ser niżviluppa fit-tliet subtaqsimiet li ġejjin, ma nistax nimmaġina l-ewwel interpretazzjoni, fi kwalunkwe forma possibbli tagħha, bħala waħda sensibbli. |
c) Dritt “globali” ta’ parteċipazzjoni?
67. |
L-ewwel nett, hemm il-loġika interna tal-Artikolu 6. Jekk l-Artikolu 6(7) kellu jiġi interpretat fis-sens li jagħti dritt ta’ parteċipazzjoni lil kulħadd, mhux biss lill-“pubbliku kkonċernat”, xi jkun ifisser dan għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dak l-Artikolu, li huma fihom innifishom limitati għall-“pubbliku kkonċernat”? Kif ser topera l-interazzjoni bejniethom? Kif, pereżempju, il-“pubbliku” jkun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jissottometti kummenti jew osservazzjonijiet dwar abbozz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 6(7), jekk fl-ewwel lok ma jkollux id-dritt li jiġi informat bl-abbozz tad-deċiżjoni, għaliex dan id-dritt huwa limitat għall-“pubbliku kkonċernat” skont l-Artikolu 6(2)? Bl-istess mod, fuq liema bażi l-“pubbliku” għandu jissottometti kummenti dwar l-attività proposta, meta wieħed jikkunsidra l-fatt li ma għandux id-dritt għal aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti għall-abbozz tad-deċiżjoni, peress li l-Artikolu 6(6) jagħti dawk id-drittijiet biss lill-“pubbliku kkonċernat”? |
68. |
Għaldaqstant, f’termini prattiċi, l-Artikolu 6 għandu jifforma sistema koerenti. Dan ifisser li jew jitwessa’ l-ambitu tal-“pubbliku kkonċernat” fid-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-Artikolu 6, li jmur kontra l-kliem ċar tagħhom, sabiex effettivament jinqara bħala “l-pubbliku”, jew li jitnaqqas interpretattivament l-Artikolu 6(7) sabiex ifisser li l-“pubbliku kkonċernat” biss ikollu drittijiet ta’ parteċipazzjoni fis-sens imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 65, sabiex jaqbel mal-bqija ta’ dak l-artikolu. |
69. |
Fil-fehma tiegħi, is-sistema koerenti li għandu jkollu l-Artikolu 6 jagħti drittijiet ta’ parteċipazzjoni biss lill-“pubbliku kkonċernat”, u mhux lill-“pubbliku”, kemm għal raġunijiet operazzjonali kif ukoll ta’ prinċipju. |
70. |
Fuq in-naħa operazzjonali, għandi ftit diffikultà nimmaġina kif proċeduri u drittijiet, maħsuba u ddisinjati għal ċerta komunità li hija raġonevolment probabbli li tiġi affettwata bl-attività proposta, għandhom jaħdmu fir-rigward ta’ kulħadd. |
71. |
Nibdew bil-komunikazzjoni effettiva dwar l-attività proposta skont l-Artikolu 6(3) u (2): jekk dik il-komunikazzjoni ma hijiex intiża li tasal għand il-pubbliku li jista’ jkun raġonevolment ikkonċernat, iżda pjuttost – kontra l-kliem tiegħu – għall-pubbliku inġenerali, mingħajr limiti spazjali, ambjentali, jew ibbażati fuq l-interessi, mela ma għandhiex kull attività proposta tiġi nnotifikata lid-dinja kollha? L-avviż ta’ kull maqjel tal-ħnieżer pjuttost kbir (fil-Pajjiżi l-Baxxi) għandu jiġi ppubblikat fil-Financial Times, The Economist, jew fi kwalunkwe mezz ieħor b’firxa tassew globali? |
72. |
Għaldaqstant, huwa pjuttost ċar li t-terminu “il-pubbliku” użat f’diversi dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 għandu jinqara fil-limiti raġonevoli ta’ dak li hija intiża li tikseb l-operazzjoni kollha: li l-pubbliku li x’aktarx li jkun ikkonċernat jingħata opportunità raġonevoli, fi stadju bikri u bil-quddiem, sabiex ikun jaf dwar teħid ta’ deċiżjonijiet dwar attivitajiet proposti u kif jistgħu jipparteċipaw ( 17 ). |
73. |
Ma’ dik l-operabbiltà tingħaqad il-kwistjoni tal-prinċipju: liema interessi, biex ma ngħidux drittijiet, għandhom persuna Ċeka, Daniża, jew Ċiniża, ( 18 ) kull waħda minnhom residenti mijiet jew saħansitra eluf ta’ kilometri ’l bogħod mill-attività proposta, fil-kostruzzjoni ta’ maqjel ġdid għal 855 ħanżira f’Echt-Susteren, fix-Xlokk tal-Pajjiżi l-Baxxi? |
74. |
Ċertament, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tfakkar, fil-preambolu tagħha, id-dritt ta’ kull persuna li tgħix f’ambjent adegwat għal saħħtu. Ma hemm ukoll, mingħajr dubju, l-ebda nuqqas ta’ teoriji għalfejn id-drittijiet ambjentali huma drittijiet speċjali, kollettivi, li għandhom jiġu permessi li jiġu eżerċitati b’mod speċjali. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus innifisha timbotta, f’numru ta’ dispożizzjonijiet ġenerali fl-Artikolu 3 tagħha, kif ukoll f’dispożizzjonijiet speċifiċi oħrajn, għal parteċipazzjoni pubblika kemm jista’ jkun wiesgħa kif ukoll għal aċċess għall-ġustizzja dwar kwistjonijiet ambjentali. |
75. |
Madankollu, b’dawn l-eċċezzjonijiet kollha magħmula, fil-fehma forsi tradizzjonali u pożittiva tiegħi, xorta ma narax x’interessi jkollhom tali Ċeki, Daniżi jew Ċiniżi f’każ bħal dak preżenti fir-rigward tal-attività attwali proposta fil-kawża prinċipali. Fuq kollox, madankollu, ma nistax niddeduċi tali drittijiet infurzabbli mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Mil-loġika ġenerali, kif ukoll mill-kuntest, il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tistax titqies li tagħti dritt għal parteċipazzjoni pubblika fil-proċedura tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali skont l-Artikolu 6 lil kulħadd. |
76. |
Għaldaqstant, l-interpretazzjoni l-iktar sensibbli tal-Artikolu 6(7), ikkunsidrat waħdu, hija li dik id-dispożizzjoni suppost issegwi l-istess loġika tal-bqija ta’ dak l-artikolu. Sabiex jidentifikaw “il-pubbliku kkonċernat” fi proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika partikolari, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jippermettu lill-“pubbliku” inġenerali li jindirizzaw ruħhom lill-awtoritajiet u li jispjegaw l-interess u l-pożizzjoni tagħhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. F’dan id-dawl, l-Artikolu 6(7) jippermetti lill-“pubbliku” inġenerali li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet pubbliċi. Dan ma jfissirx, madankollu, li l-pubbliku inġenerali jkollu xi drittijiet fir-rigward ta’ parteċipazzjoni effettiva f’dik il-proċedura, jew l-awtoritajiet pubbliċi kwalunkwe obbligi li jikkorrelataw. Sabiex “il-pubbliku” jkollu dak id-dritt, dan għandu jkun jifforma parti mill-pubbliku kkonċernat. |
77. |
Għall-kompletezza, ma jidhirx li r-rapporti tal-Kumitat tal-Konformità, invokati mill-qorti tar-rinviju, jissuġġerixxu interpretazzjoni differenti. Huwa minnu li l-kumitat sab li Parti għall-Konvenzjoni naqset milli tiggarantixxi l-ambitu sħiħ tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 6(7) billi llimitat id-dritt li jiġu sottomessi kummenti għall-“pubbliku kkonċernat”. Madankollu, dan kien ukoll minħabba li dawk il-kummenti kienu meħtieġa li jkunu “proposti motivati”, li jfisser li għandu jkollhom argumentazzjoni raġunata, liema obbligu huwa forsi effettivament oneruż għall-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika (amministrattiva) ( 19 ). Bl-istess mod, l-Artikolu 6(8) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi li “jikkunsidraw serjament il-kummenti kollha riċevuti” għall-finijiet tad-deċiżjoni tagħha ( 20 ). Dawn is-sejbiet, madankollu, ma jittrattawx verament l-ambitu tal-Artikolu 6(7) fir-rigward tal-“pubbliku” u d-definizzjoni ta’ dak il-pubbliku fil-kuntest ġenerali tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
78. |
Finalment, u fuq nota tassew sussidjarja, l-interpretazzjoni proposta hawnhekk tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus tiżgura wkoll interpretazzjoni li hija konformi u konsistenti mad-Direttivi 2011/92 u 2010/75. Ninnota li d-Direttivi 2011/92 u 2010/75 jagħtu biss drittijiet ta’ parteċipazzjoni lill-“pubbliku”, biss sa fejn jifforma parti mill-“pubbliku kkonċernat”. Għaldaqstant, filwaqt li d-dritt li wieħed jiġi informat bl-abbozz tad-deċiżjoni jingħata lill-“pubbliku” inġenerali fid-direttivi ( 21 ), id-dritt li wieħed jissottometti osservazzjonijiet, flimkien mad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni l-oħrajn kollha, jingħataw biss lill-“pubbliku kkonċernat” ( 22 ). |
79. |
L-approċċ u d-distinzjonijiet loġiċi magħmula fid-direttivi, li essenzjalment jirriflettu l-interpretazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni tal-Artikolu 6(7) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jidhru konsistenti. Filwaqt li kulħadd (“il-pubbliku”) għandu d-dritt li jiġi informat dwar abbozz ta’ deċiżjoni, huwa biss “il-pubbliku kkonċernat”, jiġifieri, il-pubbliku effettivament affettwat jew li x’aktarx li jiġi affettwat jew li għandu interess, li għandu d-dritt li jipparteċipa b’mod attiv fil-proċedura. |
80. |
Finalment anki jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni inġenerali, u xi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni b’mod partikolari, xi drabi jiġu individwati bħala li ma jaqblux ma’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 23 ), kjarament dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Bil-kontra, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod pjuttost raġunat evalwa u ttraspona obbligi tad-dritt internazzjonali, mingħajr ma niżel taħt il-limitu meħtieġ mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għaldaqstant, kuntrarjament għall-qorti tar-rinviju, ma naħsibx li hemm inkonsistenza jew kontradizzjoni bejn l-ambitu tad-direttivi u l-Konvenzjoni ta’ Aarhus fuq dan il-punt. |
d) Drittijiet ta’ parteċipazzjoni taħt l-Artikolu 6 bħala leges imperfectae?
81. |
Għandu jiġi nnotat li r-regoli inkwistjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi huma madankollu xi ftit iktar iddifferenzjati. Minn naħa, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jiddikjara li “l-pubbliku” skont dik id-dispożizzjoni għandu jfisser kulħadd. Għaldaqstant, kif muri fit-traspożizzjoni nazzjonali ta’ dak l-obbligu, kulħadd għandu d-dritt li jissottometti osservazzjonijiet u li jipparteċipa fi proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika skont l-Artikolu 6. Madankollu, “partijiet interessati” biss, li jfisser “il-pubbliku kkonċernat”, għandhom aċċess għal qorti. |
82. |
L-użu ta’ dak l-approċċ għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus imbagħad ikun ifisser li l-Artikolu 6(7), jew saħansitra l-Artikolu 6 kollu, jista’ jagħti lil kulħadd id-dritt li jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali. Iżda huma biss dawk il-persuni koperti mill-Artikolu 9(2) bħala “l-pubbliku kkonċernat” li jkollhom aċċess għall-ġustizzja. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni effettiva skont l-Artikolu 6 ma tkunx ta’ importanza għall-iskop tal-Artikolu 9(2): “il-pubbliku” skont l-Artikolu 6(7) qatt ma jista’ jikseb l-istatus ta’ “il-pubbliku kkonċernat” skont l-Artikolu 9(2), anki jekk dak il-pubbliku jkun ipparteċipa b’mod sħiħ fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali. |
83. |
Infakkar li l-Artikolu 9(2) jirregola espressament il-legalità sostantiva u proċedurali ta’ deċiżjonijiet suġġetti għall-proċedura ta’ parteċipazzjoni fl-Artikolu 6, li l-Artikolu 9(2) japplika biss għall-“pubbliku kkonċernat”, u li l-Artikolu 9(3) ma jirregolax il-legalità ta’ deċiżjonijiet suġġetti għall-proċedura fl-Artikolu 6 ( 24 ). Fi kliem ieħor, li wieħed jikkunsidra li l-Artikolu 6 jagħti drittijiet ta’ parteċipazzjoni lill-“pubbliku” inġenerali jirriżulta f’sitwazzjoni fejn il-Konvenzjoni toħloq drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-“pubbliku”, mingħajr mekkaniżmu ta’ infurzar korrispondenti fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni għal drittijiet bħal dawn. |
84. |
Bħala konsegwenza, ikun hemm żewġ klassijiet ta’ parteċipanti fi proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali quddiem awtorità amministrattiva taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dawk bi drittijiet infurzabbli u dawk mingħajr. Din l-aħħar kategorija jkollha d-dritt li tissottometti u li tieħu sehem. Madankollu, f’termini prattiċi, ma jkunx hemm mekkaniżmu ta’ infurzar għal dawk id-drittijiet. Ċertament, wieħed ma jistax ħlief jibda mis-suppożizzjoni li l-awtoritajiet amministrattivi kollha fl-Istati Membri kollha jġibu ruħhom b’mod impekkabbli. Madankollu, jekk wieħed jassumi li wieħed jew iktar minnhom xi kultant jonqsu milli jirrispettaw dak l-idejal, ma jkun hemm assolutament xejn li jipprevjeni lil tali awtorità amministrattiva inqas anġelika milli titfa’ kull ma tirċievi mill-“pubbliku” li ma huwiex “il-pubbliku kkonċernat” fil-landa taż-żibel. |
85. |
Insib li dan il-kunċett ma huwiex sostenibbli u, sa dak il-punt, nissottoskrivi l-fehmiet tal-Kummissjoni ( 25 ). Skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, u fuq kollox skont id-dritt tal-Unjoni inġenerali ( 26 ), jew kwalunkwe sistema legali li hija denja ta’ isimha, sabiex ikun hemm dritt, għandu jkun hemm rimedju. Jekk ma hemm l-ebda mod kif jiġi infurzat l-obbligu korrelattiv minn parti oħra, hawnhekk l-awtorità pubblika, jirriżulta li ma hemm l-ebda dritt. Jista’ jitqies bħala rigal, favur, jew saħansitra karità, iżda mhux dritt. Għaldaqstant, jekk id-dritt tal-Unjoni, jew, saħansitra, konvenzjoni internazzjonali li għaliha l-Unjoni hija parti u li tħaddan u tinforza internament mal-ordni ġuridiku tal-Unjoni, jipprovdi dritt, għandu jkun hemm ukoll aċċess għal qorti li tinforza dak id-dritt, jew permezz tal-istrument inkwistjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, skont l-Artikolu 47 tal-Karta ta’ Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 27 ). |
e) Legalità “proċedurali” biss jew “interess permezz ta’ parteċipazzjoni”?
86. |
Probabbilment, tal-inqas fit-teorija, jista’ jkun hemm xi pożizzjonijiet intermedjarji dwar l-ambitu tal-aċċess għall-qorti inkwistjoni. |
87. |
L-ewwel nett, x’jiġri jekk “il-pubbliku” inġenerali taħt l-Artikolu 6(7) jitqies li għandu aċċess għal qorti biss sa fejn ipparteċipa fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali? Persuni bħal dawn għalhekk jistgħu jissalvagwardjaw biss l-osservanza tad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni tagħhom sal-punt li jkunu għamlu użu minnhom, mingħajr ma jkunu jistgħu jikkontestaw id-deċiżjoni li tirriżulta fl-intier tagħha? Alternattivament, x’jiġri jekk jitħallew jikkontestaw biss il-legalità proċedurali, iżda mhux dik sostantiva ta’ deċiżjonijiet li jirriżultaw mill-proċedura fl-Artikolu 6? |
88. |
Tali suġġerimenti għandhom saħansitra inqas bażi fit-test u fl-istruttura tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Dawn effettivament jammontaw għall-inklużjoni, ħdejn il-kategoriji tal-“pubbliku” u tal-“pubbliku kkonċernat”, it-tielet kategorija tal-“pubbliku semi-kkonċernat” (jew il-“pubbliku kkonċernat proċeduralment”). |
89. |
Barra minn hekk, ma naħsibx li tali pożizzjonijiet intermedjarji huma fil-fatt possibbli. Fl-ewwel xenarju, l-ambitu tal-istħarriġ ġudizzjarju “à la carte” ikun jiddependi kompletament mill-għażla personali magħmula mir-rikorrent fl-istadju amministrattiv ( 28 ). It-tieni xenarju jibni fuq distinzjoni immaġinarja (u fil-prattika ftit li xejn fattibbli) bejn il-legalità proċedurali u dik sostantiva tad-deċiżjonijiet suġġetti għall-proċedura fl-Artikolu 6 ( 29 ). Fuq kollox, madankollu, għal darba oħra ma hemmx tali distinzjoni preżenti fl-Artikolu 9(2) innifsu. Fil-fatt, l-Artikolu 9(2) lanqas biss jeħtieġ il-locus standi għal parti li tinvoka biss difett proċedurali, kemm‑il darba jiġi stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tkun differenti mingħajr dak id-difett ( 30 ). |
90. |
It-tieni nett, jekk l-Artikolu 6(7) kellu jiġi interpretat fis-sens li kull min jipparteċipa effettivament fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika jsir “il-pubbliku kkonċernat”, tali rekwiżit ikollu jiġi applikat mill-Istati Partijiet kollha meta jiddefinixxu x’jikkostitwixxi interess suffiċjenti jew il-ksur ta’ dritt taħt l-Artikolu 9(2) għall-“pubbliku kkonċernat” minbarra l-NGOs. Fi kliem ieħor, l-Istati Partijiet ikunu meħtieġa li joperaw bi kriterju ta’ “konċernat bil-parteċipazzjoni” jew “interess bil-parteċipazzjoni” taħt l-Artikolu 9(2). |
91. |
Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ. L-Artikolu 9(2) iħalli diskrezzjoni sinjifikattiva lill-partijiet sabiex jiddefinixxu x’jikkostitwixxi interess suffiċjenti jew il-ksur ta’ dritt għall-“pubbliku kkonċernat” minbarra l-NGOs ( 31 ). Barra minn hekk, il-kunċett ta’ interess permezz tal-parteċipazzjoni jdgħajjef ir-raġuni stess għall-kundizzjonijiet dwar locus standi fl-Artikolu 9(2). Jekk kulħadd ikollu l-permess li jipparteċipa taħt l-Artikolu 6(7), u, billi jagħmel hekk, kulħadd kellu jikseb il-locus standi taħt l-Artikolu 9(2) talli sempliċement ipparteċipa, l-Artikolu 9(2) ikun essenzjalment japplika għal kulħadd, liema ħaġa tkun tammonta għal actio popularis. Iżda għal darba oħra, dak kien eżitu li l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus kienu ċaħdu espressament ( 32 ). |
f) Konklużjoni interim
92. |
Filwaqt li nfittex li nirrispetta bis-sħiħ l-ispirtu u l-isforzi magħmula mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus li tiftaħ il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, sempliċement ma nistax nissottoskrivi l-idea li, abbażi tal-kliem tal-Artikolu 6(7) meħuda barra mill-kuntest tal-Artikolu 6 kollu, għandhom jingħataw drittijiet ta’ parteċipazzjoni pubblika mnaqqxa fl-Artikolu 6 kollu lil kulħadd. Din il-konklużjoni ma hijiex biss ibbażata fuq id-dispożizzjoni nnifisha, iżda wkoll, kif muri fis-subtaqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, fuq il-konsegwenzi pjuttost dubjużi li tali espansjoni jkollha fuq id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus – b’mod partikolari, il-kwistjoni sussegwenti ta’ aċċess għal qorti. L-għan ta’ min ifaħħar li jingħata iktar aċċess fi kwistjonijiet ambjentali ma għandux ikun maqtugħ mil-loġika ġenerali tal-istrument u l-limiti tiegħu. |
93. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nislet il-konklużjoni li l-Artikolu 6(7) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu jiġi interpretat fis-sens li fih drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-“pubbliku”, biss sa fejn jifformaw parti mill-“pubbliku kkonċernat”, u li l-Artikolu 9(2) bl-istess mod japplika biss għall-“pubbliku kkonċernat”. Din id-dispożizzjoni għalhekk ma tipprekludix esklużjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja għall-“pubbliku” inġenerali li ma jitqiesx li huwa, fl-istess ħin, “il-pubbliku kkonċernat”. |
3. Drittijiet iktar estensivi mogħtija taħt id-dritt nazzjonali
94. |
Xi tkun tfisser dik il-konklużjoni għas-sitwazzjoni tal-ewwel rikorrenti, jekk titqies biss fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tad-Direttiva 2010/75 u tad-Direttiva 2011/92? L-ewwel rikorrenti hija persuna fiżika, bil-professjoni ta’ veterinarju. Hija tiddikjara li minħabba l-professjoni tagħha u l-ġurament li ħadet meta kienet ammessa f’dik il-professjoni, hija tinsab personalment ikkonċernata mill-benesseri tal-annimali. Dak ma jammontax, madankollu, għal xi tip ta’ preġudizzju ta’ interess taħt id-dritt nazzjonali, li jagħtiha l-istatus ta’ parti affettwata. |
95. |
Skont l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus imfissra iktar ’il fuq, l-ewwel rikorrenti hija membru tal-“pubbliku”, iżda mhux tal-“pubbliku kkonċernat”. Ma għandhiex dritt li tipparteċipa fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Barra minn hekk, apparentement hija ma tifformax parti mill-“pubbliku kkonċernat” taħt id-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-Artikolu 9(2). Peress li ma għandhiex drittijiet ta’ parteċipazzjoni skont l-Artikolu 6, l-Istat Parti ma huwa obbligat li jagħtiha ebda drittijiet ta’ aċċess għal qorti skont l-Artikolu 9(2). L-Artikolu 9(3) ma huwiex intiż li jkopri atti jew ommissjonijiet li huma diġà suġġetti għall-Artikolu 9(2). Għaldaqstant, lanqas ma hemm obbligu addizzjonali taħt l-Artikolu 9(3). Id-Direttivi 2010/75 u 2011/92 ma jbiddlu xejn minn dawk il-konklużjonijiet. |
a) Dritt ta’ aċċess għall-“pubbliku” mogħti mid-dritt nazzjonali
96. |
Madankollu, il-kawża preżenti verament ma tieqafx hawnhekk. Infakkar li, skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-dritt tal-“pubbliku” li jipparteċipa fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet mogħti skont id-dritt nazzjonali jmur lil hinn mill-ambitu tal-Artikolu 6(7) tal-Konvenzjoni kif interpretat iktar ’il fuq. Permezz tal-Artikolu 3.12(5) tal-Wabo, id-dritt li wieħed jipparteċipa fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet japplika għal kulħadd mingħajr ma ssir distinzjoni bejn il-“pubbliku kkonċernat” u l-“pubbliku”. Għaldaqstant, nifhem li d-dritt nazzjonali jagħti lil kull persuna fiżika u ġuridika d-dritt li tipparteċipa b’mod sħiħ fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika ( 33 ). |
97. |
Dan iqajjem saff ieħor ta’ kumplessità. L-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, jew fil-fatt dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jopponu l-esklużjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja għall-“pubbliku” fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjonijiet suġġetti għall-proċedura fl-Artikolu 6, f’każijiet fejn drittijiet iktar estensivi ta’ parteċipazzjoni pubblika jkunu ngħataw espressament lil dan il-grupp skont id-dritt nazzjonali? |
98. |
Skont l-Artikolu 3(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-partijiet jistgħu jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli fid-dritt nazzjonali minn dawk meħtieġa mill-Konvenzjoni, bħal parteċipazzjoni pubblika iktar estensiva fil-proċedura tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont l-Artikolu 6. Il-possibbiltà li jiġu pprovduti iktar drittijiet skont id-dritt nazzjonali hija wkoll riflessa f’numru ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Konvenzjoni. |
99. |
Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, issuġġerita fit-taqsima preċedenti, skont liema l-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu parteċipazzjoni pubblika sħiħa biss lill-“pubbliku kkonċernat”, iżda mhux lill-“pubbliku” inġenerali, jidher li l-Pajjiżi l-Baxxi pprovdew għal drittijiet iktar estensivi ta’ parteċipazzjoni pubblika minn dawk meħtieġa skont il-Konvenzjoni. Madankollu, dak l-Istat Membru għamel dan biss fir-rigward tal-parteċipazzjoni pubblika skont l-Artikolu 6, iżda mhux fir-rigward ta’ kwalunkwe drittijiet sussegwenti ta’ aċċess għall-ġustizzja skont l-Artikolu 9(2). |
b) Drittijiet iktar estensivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta
100. |
Kif għandha tiġi evalwata sitwazzjoni bħal din skont id-dritt tal-Unjoni? B’mod partikolari, dispożizzjonijiet domestiċi “iktar favorevoli” bħal dawn jaqgħu “fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni” għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-Karta? Imbagħad huwa imperattiv li aċċess għal qorti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jingħata lill-membri tal-“pubbliku” inġenerali, sabiex jipprovdulhom rimedju ġudizzjarju għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni iktar estensivi mogħtija mid-dritt nazzjonali, iżda fl-ambitu tal-istrument leġiżlattiv tad-dritt tal-Unjoni? |
101. |
Evalwazzjoni f’żewġ stadji hija meħtieġa sabiex tingħata tweġiba lil dawn il-mistoqsijiet. L-ewwel nett, Stat Membru li qiegħed imur, fuq punt speċifiku, lil hinn minn dak li huwa neċessarju u qiegħed jieħu azzjoni li ma hijiex espressament preskritta mid-dritt tal-Unjoni, qiegħed jaġixxi fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant qiegħed “jimplimenta d-dritt tal-Unjoni” fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta? It-tieni nett, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli, peress li huma mhedda “id-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni”? |
102. |
L-ewwel nett, li tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet nazzjonali “iktar favorevoli” inkwistjoni jaqgħu fl-ambitu tal-Karta skont l-Artikolu 51(1) tagħha jkun konformi mal-approċċ, effettivament pjuttost dominanti, għal dik il-kwistjoni. Għalkemm ir-regoli nazzjonali speċifiċi ma humiex (strettament) mitluba mid-dritt tal-Unjoni, huma jkunu fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni jekk qegħdin jimplimentaw dispożizzjonijiet iktar wiesa’ u astratti tad-dritt tal-Unjoni ( 34 ). |
103. |
L-istess konklużjonijiet għandhom raġonevolment jintlaħqu, a fortiori, fir-rigward ta’ strument li jipprovdi b’mod ċar għall-possibbiltà li l-Istati Membri jmorru lil hinn mill-minimu strett neċessarju, u fil-fatt jintegra d-drittijiet u l-parteċipazzjoni iktar estensivi pprovduti fil-qafas ġenerali, bħalma huma l-Artikolu 3(5) u l-Artikolu 9(2) jew 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
104. |
Jekk dan fil-fatt ikun il-każ, mela l-loġika deskritta iktar ’il fuq ( 35 ) fir-rigward tad-drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus ikunu applikabbli wkoll: fejn hemm dritt mogħti, anki jekk mhux mid-dritt tal-Unjoni, iżda mill-Istat Membru fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni u b’konformità ma’ mandat espress li jagħmel dan, għandu jkun hemm rimedju għall-ksur tiegħu. |
105. |
Dan għandu jkun il-każ, a fortiori, fir-rigward ta’ garanzija bażika bħal din bħal ma huwa d-dritt għal rimedju effettiv u aċċess għal qorti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, dak il-paragrafu jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali ( 36 ). Kif tikkjarifika l-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jirrappreżentax biss xi tirqim u dekorazzjonijiet fuq il-kwistjoni, iżda l-qalba stess u l-kwintessenza ta’ kwalunkwe sistema rregolata mill-istat tad-dritt ( 37 ). |
106. |
Madankollu fis-sentenza reċenti (Awla Manja) f’TSN u AKT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru ma jkunx qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta meta jadotta dispożizzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fi ħdan il-poteri miżmuma mill-Istati Membri skont dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni li tgħid li direttiva ma għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li japplikaw dispożizzjonijiet iktar favorevoli ( 38 ). |
107. |
Minn dik is-sentenza, jidher li hija l-mikroanaliżi ta’ kull dispożizzjoni individwali li għandha importanza: “Meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma jirregolawx aspett ta’ sitwazzjoni partikolari u ma jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali stabbilita minn Stat Membru fir-rigward ta’ dan l-aspett ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u s-sitwazzjoni kkonċernata ma tistax tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar […]” ( 39 ). |
108. |
Ma nistax naċċetta kompletament il-kliem tal-Kawża TSN u AKT fejn għandi ngħid li, b’kuntrast mal-ġurisprudenza effettivament stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kawżi f’daqqa waħda u pjuttost ħesrem ikunu jaqgħu ġewwa jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant tal-Karta evalwata fuq il-livell ta’ kull dispożizzjoni individwali tad-dritt sekondarju ( 40 ). Bl-istess loġika, numru ta’ kawżi fil-passat, li fihom ma kienx hemm dispożizzjoni konkreta tad-dritt tal-Unjoni li tirregola l-kwistjoni speċifika inkwistjoni, iżda li xorta nstabu li kienu jidħlu fi ħdan l-ambitu tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant fi ħdan l-applikabbiltà tal-Karta, f’daqqa waħda jkunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta ( 41 ). Dak l-approċċ ivarja wkoll minn flussi oħrajn iktar reċenti ta’ ġurisprudenza, fejn il-Karta u l-garanziji tagħha baqgħu applikabbli, filwaqt li ġie rikonoxxut li l-ebda dispożizzjoni konkreta ta’ dritt sekondarju ma ggarantixxiet tali dritt speċifiku li kien jopponi s-soluzzjoni leġiżlattiva adottata fid-dritt nazzjonali ( 42 ). |
109. |
Madankollu nista’ nħaddan il-loġika funzjonali ta’ TSN u AKT. Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għad-dikjarazzjoni mfakkra fil-punt 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet biss wara li kkunsidrat il-livell ta’ armonizzazzjoni f’ċertu kamp, in-natura tal-kompetenza tal-Unjoni, u l-iktar importanti, wara li ddikjarat il-kundizzjoni li l-“miżuri iktar favorevoli” stabbiliti fil-liġi nazzjonali ma għandhomx idgħajfu l-koerenza tal-azzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kamp inkwistjoni ( 43 ). |
110. |
Fil-fehma tiegħi, il-mistoqsija aħħarija f’kuntest bħal dan ma hijiex il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Karta (u l-ambitu tad-dritt tal-Unjoni), iżda pjuttost l-identifikazzjoni ta’ dritt speċifiku li jkun ipprovdut mid-dritt tal-Unjoni li mbagħad jiskatta l-protezzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. |
111. |
Huwa għalhekk li, it-tieni nett, anki jekk forsi ma tinsistix strettament fuq il-fatt li kwalunkwe u kull element ta’ parteċipazzjoni għall-“pubbliku” jinsab kompletament barra mill-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, jibqa’ l-fatt li ma hemmx dritt ta’ parteċipazzjoni ggarantit skont id-dritt tal-Unjoni għall-“pubbliku” li jista’ jiġi ggarantit skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni huwa fil-fatt mhux oppost għal esklużjoni tad-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja għall-membri tal-“pubbliku” li ma jidħlux fi ħdan “il-pubbliku kkonċernat”. Madankollu, din ma hijiex ir-raġuni għalfejn il-Karta jew id-dritt tal-Unjoni ma jkunux applikabbli għall-każ inkwistjoni, iżda pjuttost għaliex id-dritt tal-Unjoni effettivament ma jipprovdix tali dritt ta’ parteċipazzjoni għall-“pubbliku”. Jekk ma hemmx dritt mogħti jew libertà mogħtija mid-dritt tal-Unjoni, ma hemmx dritt korrispondenti ta’ aċċess għal qorti skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 sabiex jinforza dritt noneżistenti. |
112. |
Fil-fatt, diġà ssuġġerejt li l-analiżi ewlenija f’kawżi bħal dawn ma hijiex neċessarjament il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, iżda pjuttost l-identifikazzjoni ta’ dritt li jirriżulta minn dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-Unjoni ( 44 ). Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dritt speċifiku tali, anki għal kawża li ssib tinsab, fuq il-qari iktar tradizzjonali u ġeneruż tal-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, fi ħdan l-ambitu tiegħu, id-dritt tal-Unjoni jkollu ftit jew xejn xi jgħid dwar dik il-kwistjoni, peress li l-ispazju regolatorju jitħalla, f’qasam ta’ kompetenza kondiviża, lill-Istati Membri. F’tali każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma titlifx f’daqqa waħda l-ġurisdizzjoni, iżda pjuttost tikkonkludi li d-dritt tal-Unjoni ma huwiex oppost għad-dritt nazzjonali inkwistjoni. |
113. |
Fil-qosor, għal dawn ir-raġunijiet kollha, ir-risposta ssuġġerita tiegħi dwar il-kompatibbiltà tal-esklużjoni tal-membri tal-“pubbliku” li ma jidħlux fi ħdan “il-pubbliku kkonċernat” mill-aċċess għall-ġustizzja f’sitwazzjoni li fiha dawk il-membri tal-pubbliku ngħataw drittijiet ta’ parteċipazzjoni taħt id-dritt nazzjonali tkun is-segwenti. |
114. |
L-ewwel nett, id-drittijiet ta’ parteċipazzjoni sħaħ skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huma ggarantiti biss għall-“pubbliku kkonċernat”. Ma hemmx tali dritt iggarantit għall-“pubbliku” skont dik id-dispożizzjoni, lanqas, a fortiori, taħt xi dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi 2011/92 u 2010/75. |
115. |
It-tieni nett, anki jekk sitwazzjoni bħal din ma tkunx taqa’ barra mill-ambitu tad-dritt tal-Unjoni u għaldaqstant tal-applikabbiltà tal-Karta, jibqa’ l-fatt li f’sitwazzjoni bħal din, ma hemmx dritt ipprovdut u ggarantit mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-infurzar ta’ drittijiet ipprovdut taħt id-dritt nazzjonali hija kwistjoni ta’ garanziji (ta’ drittijiet fundamentali) nazzjonali. Id-dritt tal-Unjoni ma huwiex oppost għal tali esklużjoni għaliex ma teħtieġx l-estensjoni effettiva lill-“pubbliku” inġenerali. Huwa d-dritt nazzjonali li għandu jipproteġi drittijiet mogħtija fuq livell nazzjonali f’tali sitwazzjonijiet. |
116. |
Hija meħtieġa rimarka finali. Eżitu bħal dan ma huwiex biss kompatibbli mal-loġika ta’ ordni ġuridiku kompost u sistema b’ħafna saffi ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali bħal ma hija l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll mal-għanijiet ġenerali tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. L-inkoraġġiment u l-promozzjoni ta’ parteċipazzjoni pubblika fi kwistjonijiet ambjentali tista’ sseħħ b’modi differenti. Wieħed minn dawk il-modi forsi jista’ jkun ukoll ċerta sistema ta’ parteċipazzjoni “multi-speed”: sabiex tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni, jingħata iktar milli huwa meħtieġ mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus fi stadju wieħed, iżda mhux neċessarjament fl-istadji sussegwenti. |
117. |
Li tinsisti, f’sitwazzjoni bħal din, fuq l-approċċ pjuttost assolutist ta’ “kollox jew xejn”, li jfisser li jekk tingħata xi ħaġa żejda fi stadju wieħed ( 45 ), kull ħaġa oħra trid tingħata wkoll, fl-aħħar tkun kontro-produttiva mill-perspettiva tal-għanijiet imfittxija mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-fatt, l-ebda att tajjeb ma jispiċċa mingħajr kastig. Dikjarazzjonijiet sardoniċi apparti, x’aktarx li, jekk tali għażla ta’ “kollox jew xejn” fir-rigward taż-żejjed fakultattiv tkun proposta, ir-reazzjoni naturali ta’ numru ta’ Stati Partijiet x’aktarx tkun li jagħżlu “xejn żejjed”. Madankollu, dan ma huwiex l-eżitu li interpretazzjoni sensibbli tal-ambitu tal-obbligi (infurzabbli legalment) taħt strument li suppost jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali għandha tkun qiegħda tħabrek li tikseb. |
c) Konklużjoni
118. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, kif ukoll l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2010/75, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu drittijiet ta’ parteċipazzjoni sħaħ biss lill-“pubbliku kkonċernat” fis-sens ta’ dawk l-istrumenti, iżda mhux lill-“pubbliku” inġenerali. |
119. |
La l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, la l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 jew l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta, ma huma opposti għall-esklużjoni ta’ membri tal-“pubbliku” li ma jinsabx fi ħdan il-“pubbliku kkonċernat”, mill-aċċess għal qorti. |
C. Il-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti
120. |
Permezz tat-tielet sas-sitt domandi tagħha, li huwa xieraq li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, jew l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, jipprekludux kundizzjoni fid-dritt nazzjonali, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 6:3 tal-Awb, li tagħmel l-aċċess għall-ġustizzja għall-“pubbliku kkonċernat” dipendenti fuq sottomissjoni tal-osservazzjonijiet minn qabel fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, sakemm dan in-nuqqas ma jkunx iġġustifikat. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi tweġiba negattiva għal dik il-mistoqsija, il-qorti tar-rinviju tistaqsi ulterjorment jekk l-istess dispożizzjonijiet jipprekludux regola tad-dritt nazzjonali li tgħid li qorti nazzjonali tista’ tiddikjara rikors minn membri tal-“pubbliku kkonċernat” ammissibbli biss għal dawk il-partijiet tad-deċiżjoni li kontriha kienu diġà saru oġġezzjonijiet fil-fażi preparatorja. Finalment, permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn id-domandi jimmeritawx risposta differenti fir-rigward tal-“pubbliku”. |
121. |
Għar-raġunijiet li ser nistabbilixxi f’din it-taqsima, jidhirli li l-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti fil-proċedura amministrattiva hija fil-fatt inkompatibbli mal-aċċess għall-ġustizzja mogħti direttament mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus lill-“pubbliku kkonċernat”. Madankollu, skont il-loġika u l-approċċ issuġġeriti fit-taqsima preċedenti, dak ma huwiex il-każ għall-“pubbliku” inġenerali. |
1. Kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti għall-“pubbliku kkonċernat”
122. |
Il-kliem tal-Artikolu 9(2) huwa, b’mod mhux sorprendenti, pjuttost sieket dwar kwalunkwe kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti. Bħall-qorti tar-rinviju u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, insib li d-domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi distinta mis-sitwazzjoni rregolata mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni. Dik id-dispożizzjoni tirrigwarda l-eżawriment ta’ proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv qabel ma wieħed jirrikorri għal proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, fejn rekwiżit bħal dan jeżisti taħt id-dritt nazzjonali. Iżda dik id-dispożizzjoni tirrigwarda b’mod ċar stħarriġ amministrattiv, tipikament deċiżjoni amministrattiva tat-tieni istanza. Ma tirrigwardax aċċess għal qorti ( 46 ). |
123. |
Sussegwentement, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jindika l-fatt li l-Artikolu 9(2) jeħtieġ li l-partijiet għall-Konvenzjoni jiżguraw li membri tal-pubbliku kkonċernat ikollhom aċċess għall-ġustizzja “fi ħdan il-qafas tad-dritt nazzjonali tiegħu”. Minn din ir-referenza għall-qafas tad-dritt nazzjonali, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jargumenta li jitħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet dwar locus standi bħal dik fil-kawża prinċipali. |
124. |
Naqbel ma’ dik il-proposta b’mod ġenerali, b’eċċezzjoni waħda pjuttost maġġuri: huma naturalment l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet dettaljati dwar locus standi mingħajr, madankollu, ma jneħħu dak li kien diġà pprovdut mill-Artikolu 9(2) innifsu. |
125. |
Fin nuqqas ta’ regoli tal-Unjoni li jirregolaw din il-kwistjoni, l-Istati Membri għandhom l-awtonomija proċedurali li jistipulaw regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw ir-rikorsi msemmija fl-Artikolu 9(2) ( 47 ). Madankollu, meta jeżerċitaw l-awtonomija proċedurali tagħhom, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri ma hijiex biss suġġetta għall-osservanza (tradizzjonali) tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Fil-kuntest speċifiku tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, din hija ulterjorment limitata mill-għan tal-Artikolu 9(2) li l-“pubbliku kkonċernat” jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fl-ambitu tal-Konvenzjoni ( 48 ). |
126. |
Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 9(2) jipprekludi kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti. Hija tibbaża din l-interpretazzjoni fuq l-għan tal-Artikolu 9(2), kif interpretat fil-kawżi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 49 ) u Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (“Djurgården”) ( 50 ). B’kuntrast, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tal-Irlanda jisiltu l-konklużjoni opposta mill-ġurisprudenza u jinvokaw, għal dan il-għan, is-sentenza fil-kawża Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation(“Protect Natur”) ( 51 ). Għalhekk huwa neċessarju li nibdew id-diskussjoni fuq dik il-kwistjoni b’analiżi dettaljata ta’ dik il-ġurisprudenza. |
a) Il-kawżi Djurgården, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, u Protect Natur
127. |
Fil-kawża Djurgården, intalab kunsens għall-iżvilupp għal proġett li jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Skont id-dritt Svediż, il-proċeduri fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika twettqu minn qorti ambjentali speċjalizzata. Fid-dawl ta’ dan, il-Högsta domstolen (Qorti Suprema, l-Isvezja) staqsiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, id-dritt għal proċedura ta’ stħarriġ jistax jitqies bħala eżawrit diġà fil-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni, peress li dawn il-proċeduri kienu mmexxija minn qorti, jew jekk “il-pubbliku kkonċernat” xorta kellux id-dritt li jikkontesta dik id-deċiżjoni quddiem qorti. |
128. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet li l-pubbliku kkonċernat għandu jkollu aċċess għal-proċedura ta’ stħarriġ, minkejja r-rwol li seta’ kellu fl-eżami ta’ dik it-talba billi ħadu sehem fil-proċedura quddiem dak il-korp u billi esprimew fil-fehmiet tagħhom ( 52 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ressqet żewġ raġunijiet għal dik il-konklużjoni: L-ewwel nett, id-dritt għal aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 ma jiddependix fuq jekk l-awtorità li adottat id-deċiżjoni jew l-att inkwistjoni hijiex korp amministrattiv jew qorti. It-tieni nett, il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ambjentali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2011/92 “hija separata u għandha għan differenti minn rikors ġudizzjarju, fejn dan tal-aħħar, jekk ikun il-każ, jiġi ppreżentat kontra deċiżjoni meħuda fi tmiem dan il-proċess. Għaldaqstant, din il-parteċipazzjoni ma taffettwax il-kundizzjonijiet għall-preżentata tar-rikors” ( 53 ). |
129. |
Il-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja kienet tikkonċerna, inter alia, regola proċedurali fid-dritt Ġermaniż li tirrestrinġi l-motivi mqajma b’appoġġ għal proċeduri legali kontra deċiżjoni amministrattiva li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 għal oġġezzjonijiet li kienu diġà mqajma matul il-proċedura amministrattiva ( 54 ). |
130. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din ir-regola kienet tmur kontra l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li dawk id-dispożizzjonijiet ma kienu jistabbilixxu l-ebda restrizzjoni fuq motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ stħarriġ skont dawk id-dispożizzjonijiet u fakkret l-għan tagħhom li jiżguraw aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fil-kamp tal-protezzjoni tal-ambjent ( 55 ). Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li dawn jistabbilixxu kundizzjonijiet speċifiċi li jirrestrinġu l-istħarriġ mill-qrati, li ma kienu previsti la mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u lanqas mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 ( 56 ). |
131. |
Bi tweġiba għal argument imressaq mill-Gvern tal-Ġermanja u minn dak Awstrijakk, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ulterjorment li tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata b’referenza għall-effiċjenza ta’ proċeduri amministrattivi. Essenzjalment, il-Gvern tal-Ġermanja u dak Awstrijakk kienu argumentaw li, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, jinsab fi ħdan l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri l-istabbiliment tar-regoli proċedurali dettaljati li jirregolaw ir-rikorsi msemmija f’dawk id-dispożizzjonijiet ( 57 ). |
132. |
Madankollu il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dawn l-argumenti, billi ddikjarat li “għalkemm huwa minnu li l-fatt li jitqajjem motiv għall-ewwel darba bħala parti minn azzjoni ġudizzjarja, jista’ jostakola, f’xi każijiet, l-iżvolġiment tajjeb [tal-proċedura amministrattiva] huwa biżżejjed li jitfakkar li l-għan segwit mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 u mill-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75 jikkonsisti mhux biss f’li jiġi żgurat lill-parti fil-kawża l-ikbar aċċess possibbli għall-istħarriġ ġudizzjarju, iżda wkoll sabiex jippermetti li dan l-istħarriġ jikkonċerna l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, dwar il-mertu jew dwar il-proċedura fl-intier tagħha” ( 58 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ madankollu jistabbilixxi regoli proċedurali speċifiċi, bħall-inammissibbiltà ta’ argument ippreżentat b’mod mhux xieraq jew b’mala fede, li jikkostitwixxu mekkaniżmi xierqa sabiex jiżguraw l-effettività tal-proċeduri legali ( 59 ). |
133. |
Finalment, il-kawża Protect Natur ( 60 ) kienet tirrigwarda regola fid-dritt Awstrijakk li kienet timplika kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti. B’mod iktar speċifiku, ir-regola proċedurali inkwistjoni kienet timponi limitu ta’ żmien fuq organizzazzjonijiet ambjentali, skont liema tali organizzazzjonijiet kienu jitilfu l-istatus tagħhom bħala parti fil-proċedura amministrattiva u għalhekk ma setgħux iressqu rikorsi kontra deċiżjoni li tirriżulta minn dik il-proċedura, jekk kienu naqsu milli jissottomettu oġġezzjonijiet fil-limiti taż-żmien stabbiliti fil-proċedura amministrattiva. Madankollu, għandu jiġi nnotat li din il-kawża kienet tirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ dik ir-regola mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward ta’ proċeduri pubbliċi suġġetti għad-Direttiva 2000/60/KE ( 61 ), u mhux mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u proċeduri pubbliċi suġġetti għall-Artikolu 6 ta’ dik il-konvenzjoni. |
134. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-istabbiliment tar-regola nazzjonali inkwistjoni jinsab fi ħdan l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din id-deċiżjoni fuq il-kliem tal-Artikolu 9(3), li jipprovdi espressament li l-proċeduri ta’ stħarriġ li jifformaw is-suġġett ta’ dik id-dispożizzjoni jistgħu jkunu suġġetti għal “kriterji” fid-dritt nazzjonali. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan isegwi li, fil-prinċipju, l-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest tad-diskrezzjoni li għandhom f’dan ir-rigward, jistipulaw regoli proċedurali li jistabbilixxu kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex ikunu jistgħu jsegwu tali proċeduri ta’ stħarriġ ( 62 ). Għaldaqstant, il-kompatibbiltà ta’ tali regola tiddependi fuq jekk din tikkonformax mad-dritt għal rimedju effettiv fl-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-prinċipju ta’ effettività, u mal-kundizzjonijiet għar-restrizzjonijiet għal dan id-dritt stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 63 ). |
135. |
Bħall-Kummissjoni u l-qorti tar-rinviju, ma nikkunsidrax li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Protect Natur hija applikabbli fil-kuntest tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. L-Artikolu 9(3) huwa differenti mill-Artikolu 9(2) f’diversi aspetti. L-Artikolu 9(3) għandu kamp ta’ applikazzjoni personali usa’ u jkopri ambitu ta’ atti u deċiżjonijiet usa’ mill-Artikolu 9(2). L-iktar importanti, l-Artikolu 9(3) jagħti iktar flessibbiltà lill-partijiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet għal-locus standi, peress li jippermetti espressament lill-partijiet li jistabbilixxu “kriterji” fid-dritt nazzjonali. Dan l-aħħar punt kien fil-fatt il-bażi tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
136. |
Fir-rigward taż-żewġ sentenzi l-oħra, Djurgården u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, ma naħsibx li din il-ġurisprudenza lanqas ma tipprovdi tweġiba konkreta għall-kwistjoni mqajma fil-kawża preżenti. Madankollu, għandi nirrikonoxxi li d-direzzjoni ġenerali ta’ dik il-ġurisprudenza hija pjuttost ċara. Nislet tliet konklużjonijiet minn dik il-ġurisprudenza li huma fil-fatt rilevanti għall-kawża preżenti. |
137. |
L-ewwel nett, f’għajnejn il-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi dwar kwistjonijiet ambjentali u l-istħarriġ ġudizzjarju (potenzjali) sussegwenti tagħhom huma żewġ proċeduri distinti. Naturalment, iż-żewġ proċeduri għandhom l-istess suġġett, iżda għandhom jinżammu separati. It-tieni nett, l-Artikolu 9(2) jagħti dritt ta’ aċċess indipendenti u sui generis għal qorti dwar kwistjonijiet ambjentali lill-pubbliku kkonċernat. Il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta ċertu grad ta’ konnettività mal-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, iżda mhux kundizzjonalità. It-tielet nett, il-kundizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jiġu stabbiliti raġonevolment fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 9(2), u għalhekk jistabbilixxu l-kriterji għal aċċess għal qorti, ma jistax huma nnifishom iċaħħdu l-aċċess għall-kontenut tagħhom. |
b) Il-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti u nonparteċipazzjoni ġġustifikata: x’inhi r-regola u x’inhi l-eċċezzjoni
138. |
Fil-fehma tiegħi, il-kundizzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi li l-locus standi quddiem qorti skont l-Artikolu 9(2) teħtieġ li “l-pubbliku kkonċernat” ikun ipparteċipa wkoll fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika skont l-Artikolu 6 ma hijiex kompatibbli mad-dispożizzjoni preċedenti. Fi kliem sempliċi, tali regola nazzjonali tinkludi kundizzjoni ulterjuri dwar kapaċità li la hija preżenti fit-test, u lanqas ma hija kompatibbli mal-ispirtu tal-Artikolu 9(2). |
139. |
Filwaqt li nirrikonoxxi b’mod sħiħ il-poter tal-Istati Membri li jistabbilixxu regoli li jlaħħmu kriterji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2), hemm kriterji u hemm kriterji. Il-kriterju ta’ parteċipazzjoni preċedenti jmur fil-qalba ta’ dak li suppost huwa ggarantit indipendentement u direttament skont l-Artikolu 9(2): jekk persuna hija membru tal-“pubbliku kkonċernat” u għandha “interess suffiċjenti jew, alternattivament, issostni ksur ta’ dritt”, l-aċċess għal qorti għandu jingħata. B’kuntrast, il-ħtieġa li dik il-persuna tkun ipparteċipat fi proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika preċedenti hija, min-natura tagħha stess, mhux kundizzjoni li tista’ tiġi raġonevolment inkluża taħt il-punt (a) jew il-punt (b) tal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Għall-finijiet prattiċi kollha, dik hija pjuttost l-inklużjoni ta’ punt ġdid (c) f’dik id-dispożizzjoni. |
140. |
Kundizzjoni bħal din tmur fil-fatt kontra l-konklużjonijiet misluta mill-ġurisprudenza ppreżentata fit-taqsima preċedenti. Bl-introduzzjoni ta’ tali regola, l-istadju amministrattiv u ġudizzjarju effettivament isiru pakkett wieħed: l-aċċess għat tieni huwa kundizzjonali fuq il-parteċipazzjoni fl-ewwel wieħed. Barra minn hekk, in-natura u l-impatt tal-kriterji ma huwiex sempliċement tlaħħim proċedurali tal-Artikolu 9(2), iżda pjuttost effettivament jibda jnaqqar minn dak li huwa indipendentement iggarantit bl-Artikolu 9(2). |
141. |
Din il-konklużjoni hija enfasizzata ulterjorment fid-dawl tal-implikazzjonijiet prattiċi li l-operazzjoni ta’ tali regola x’aktarx li jkollha fuq żewġ tipi ta’ “pubbliku kkonċernat”: NGOs, minn naħa, u persuni oħrajn, b’mod partikolari persuni fiżiċi, min-naħa l-oħra. |
142. |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-NGOs, mill-Artikolu 9(2) isegwi li kwalunkwe NGO li tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 2(5), jiġifieri, li tiġi rikonoxxuta taħt il-liġi nazzjonali bħala NGO li tippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent u li għalhekk tifforma parti mill-“pubbliku kkonċernat”, għandha titqies li tissodisfa l-kundizzjoni ta’ interess suffiċjenti jew li jsostni l-ksur ta’ dritt. Għaldaqstant, l-NGOs jingħataw locus standi awtomatiku taħt l-Artikolu 9(2) ladarba jissodisfaw il-kundizzjoni li jkunu jifformaw parti mill-“pubbliku kkonċernat” ( 64 ). Din il-kunsiderazzjoni hija wkoll sostnuta mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-dispożizzjoni ekwivalenti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2011/92 għandha effett dirett fir-rigward ta’ NGOs li jifformaw parti mill-“pubbliku kkonċernat”, li jfisser li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi regola li hija preċiża u li ma hijiex suġġetta għal kundizzjonijiet oħrajn ( 65 ). |
143. |
Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u tal-għan li jiġi żgurat aċċess wiesa’ għall-istħarriġ, kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti fil-fażi preparatorja ddgħajjef il-locus standi awtomatiku li l-Artikolu 9(2) tagħti lill-NGOs li jifformaw parti mill-“pubbliku kkonċernat”. Tali kundizzjoni teħtieġ, fil-prattika, li tali NGOs jipparteċipaw fil-proċeduri pubbliċi kollha fis-sens tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex jiżguraw id-dritt tagħhom li sussegwentement jikkontestaw deċiżjonijiet li jirriżultaw minn dawn il-proċeduri fi qrati. Il-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti għalhekk tmur kontra l-għan stess li l-NGOs li jifformaw parti mill-“pubbliku kkonċernat” jingħataw drittijiet privileġġati ta’ locus standi ( 66 ). |
144. |
Min-naħa l-oħra, kwistjonijiet simili jqumu wkoll fir-rigward ta’ membri oħra tal-“pubbliku kkonċernat”, għalkemm għal raġuni kemxejn differenti. Għal dan il-grupp, l-Artikolu 9(2) fil-fatt iħalli diskrezzjoni sinjifikattiva lill-partijiet sabiex jiddefinixxu x’jikkostitwixxi interess suffiċjenti jew il-ksur ta’ dritt ( 67 ). Madankollu, anki għal dik il-kategorija ta’ persuni, il-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti tmur, fir-rigward tal-impatt tagħha, ferm lil hinn minn dak li jista’ raġonevolment jiġi inkluż taħt l-implimentazzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ dawk il-kunċetti. |
145. |
Wieħed jista’ jieħu l-eżempju ta’ persuna fiżika li għandha dar biswit is-sit tal-maqjel tal-ħnieżer propost. Huwa raġonevoli li wieħed jassumi li, fuq kwalunkwe implimentazzjoni nazzjonali ta’ “interess suffiċjenti” jew “ksur ta’ dritt”, persuna bħal din tkun ikkonċernata minn tali attività ambjentali proposta u għandu jkollha aċċess għal qorti jekk tkun tixtieq tikkontesta l-permess skont l-Artikolu 9(2). Madankollu, sabiex tagħmel hekk, tali persuna għandha wkoll dejjem tipparteċipa fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika anki fejn din il-persuna ma kellha ebda problema b’dik l-attività kif inizjalment proposta u għalhekk ma rat ebda raġuni għalfejn tagħmel dan? Jew x’jiġri jekk hija ma ssottomettietx osservazzjonijiet, għaliex il-fehmiet tagħha kienu diġà ġew ippreżentati minn oħrajn li pparteċipaw fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet? X’jiġri jekk partijiet mill-“pubbliku kkonċernat” saru jafu bl-abbozz tad-deċiżjoni biss wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet? |
146. |
B’mod simili għal NGO, il-membri l-oħra kollha tal-“pubbliku kkonċernat” għandhom jiġu obbligati jirreġistraw formalment jew anki jipparteċipaw fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, anki jekk f’dak l-istadju, ma jaħsbux li għandhom xi ħaġa utli xi jgħidu? Għandhom jiġu sempliċement mġiegħla jagħmlu hekk bħala prekawzjoni, sabiex ma jitilfux id-dritt ta’ aċċess tagħhom għal qorti, li effettivament jingħata b’mod indipendenti mill-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 68 )? |
147. |
F’dan ir-rigward, fis-seduta, il-qorti tar-rinviju semmiet, u l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi spjega wkoll, l-eċċezzjonijiet għad-dmir ta’ parteċipazzjoni pubblika, previsti fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi: il-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti ma tapplikax jekk in-nuqqas min-naħa tal-pubbliku kkonċernat li jippreżenta osservazzjonijiet ikun iġġustifikat ( 69 ). |
148. |
L-eżistenza ta’ dawk l-eċċezzjonijiet żgur li tnaqqas il-problema. Madankollu, ma ssolvix verament il-kwistjoni strutturali ta’ aċċess għal qorti fi kwistjonijiet ambjentali, mogħtija bħala dritt skont l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, peress li tiġi suġġetta għal kundizzjoni li, min-natura tagħha stess, tmur ferm lil hinn mis-sempliċi implimentazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, iżżid saff ta’ diskrezzjoni u (nuqqas ta’) prevedibbiltà: liema huma l-kawżi li fihom x’aktarx tingħata l-eċċezzjoni? Fis-seduta, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kkonferma li d-determinazzjoni ta’ x’jikkostitwixxu istanzi ta’ “non-parteċipazzjoni ġġustifikata” fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika hija bbażata b’mod sħiħ fuq il-ġurisprudenza (min-natura tagħha każwali), u li dak il-Gvern stess jista’ jipprovdi biss ftit eżempji illustrattivi ta’ meta l-eċċezzjoni x’aktarx tapplika. |
149. |
Dan kollu jenfasizza n-natura vera tal-qagħda ġenerali u l-konsegwenzi tar-regola ta’ parteċipazzjoni preċedenti: hija sempliċement treġġa’ lura l-loġika li fuqha hu mibni l-Artikolu 9(2). Kif diġà rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, għal dawk li jissodisfaw il-kriterji taħt dik id-dispożizzjoni, l-aċċess huwa r-regola, li għaliha jistgħu raġonevolment jiġu abbozzati eċċezzjonijiet ( 70 ). Skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, għal dawk li ma pparteċipawx fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, l-assenza ta’ aċċess hija r-regola, anki jekk jissodisfaw il-kriterji kollha skont l-Artikolu 9(2), fejn eċċezzjonijiet għalih jistgħu jiġu permessi. Għaldaqstant, sakemm l-eċċezzjonijiet ma jitfasslux b’mod daqshekk wiesa’ fil-prattika, li fil-fatt ireġġgħu lura r-regola, ( 71 ) l-istruttura tkun inkompatibbli mal-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. |
150. |
Għaldaqstant nikkonkludi li l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75, jipprekludu kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika għall-“pubbliku kkonċernat” sabiex dan tal-aħħar ikollu aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti fis-sens ta’ dawk l-istrumenti. |
151. |
Fid-dawl ta’ dik il-konklużjoni, ma hemmx il-ħtieġa li tiġi evalwata separatament ir-raba’ domanda rrinvijata mill-qorti nazzjonali. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, peress li l-ebda wieħed mill-erba’ rikorrenti ma ssottometta fehmiet fil-proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika, huwa pjuttost mhux ċar kif jistgħu jiġu affettwati minn regola nazzjonali li tiddikjara li qorti nazzjonali tista’ tiddikjara rikors ammissibbli biss fir-rigward ta’ dawk il-partijiet tad-deċiżjoni li saru oġġezzjonijiet għalihom matul il-fażi preparatorja. Dik id-dimensjoni tar-raba’ domanda għalhekk tidher kompletament ipotetika fil-kuntest tal-kawża preżenti. |
152. |
Finalment, fid-dawl tar-risposta ssuġġerita preċedentement għat-tieni domanda tal-qorti nazzjonali, l-istess loġika, kif deskritta hemmhekk, hija applikabbli għas-sitt domanda. Id-drittijiet tal-“pubbliku” inġenerali li ma jinsabux fi ħdan il-“pubbliku kkonċernat” fis-sens tal-Artikolu 9(2) huma kwistjoni ta’ dritt nazzjonali. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma huwiex oppost għall-kundizzjoni ta’ parteċipazzjoni preċedenti magħmula applikabbli biss skont id-dritt nazzjonali għall-“pubbliku”. |
V. Konklużjoni
153. |
Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi rrinvijati għal deċiżjoni preliminari mir-Rechtbank Limburg (il-Qorti Distrettwali, Limburg, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2005, L 124, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”).
( 3 ) Ara, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).
( 5 ) Premessi 5 u 11 tad-Direttiva 2003/35.
( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).
( 7 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44).
( 8 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li temenda d-Direttiva 2011/92 (ĠU 2014, L 124, p. 1).
( 9 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 34).
( 10 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 14 u 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 11 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 58).
( 12 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawżi Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C‑263/08, EU:C:2009:421, punt 63), u Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:760, punt 81).
( 13 ) Ara, għal dan il-għan, il-Gwida tal-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, it-Tieni Edizzjoni, 2014, (iktar ’il quddiem il-“Gwida tal-Implimentazzjoni”), p. 194, u l-Kumitat ta’ Konformità tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Konformità”), Sejbiet u rakkomandazzjonijiet tas-16 ta’ Ġunju 2006, il-Belġju (ACCC/C/2005/11, punt 35).
( 14 ) Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll l-Artikolu 6(8). Dik id-dispożizzjoni, madankollu, sempliċiment teħtieġ li l-partijiet jiżguraw li tingħata l-kunsiderazzjoni dovuta lill-eżitu tal-parteċipazzjoni pubblika meta tingħata d-deċiżjoni. Għaldaqstant ma nistax nara kif dik id-dispożizzjoni tista’ tinkludi drittijiet potenzjali għall-“pubbliku”.
( 15 ) Punti 81 sa 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Il-Gwida ta’ Implimentazzjoni, pp. 153 u 195. Għalkemm il-Gwida ta’ Implimentazzjoni ma hijiex vinkolanti, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet li tiġi interpretata l-Konvenzjoni – ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Fish Legal and Shirley (C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 38).
( 17 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Flausch et (C‑280/18, EU:C:2019:928, punt 32 et seq.), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li l-effettività tal-komunikazzjoni għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-“pubbliku kkonċernat” u mhux tal-“pubbliku” inġenerali. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fi Flausch et (C‑280/18, EU:C:2019:449, punt 62).
( 18 ) Sabiex inkomplu bl-eżempji magħmula iktar ’il fuq, fil-punt 10, ta’ persuni li wara l-konferma mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jkollhom id-dritt li jipparteċipaw fi proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika taħt id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi.
( 19 ) Il-Kumitat ta’ Konformità, Sejbiet u rakkomandazzjonijiet tal-4 ta’ April 2008, il-Litwanja (ACCC/C/2006/16, paragrafu 80).
( 20 ) Il-Kumitat ta’ Konformità, Sejbiet u rakkomandazzjonijiet tat-8 ta’ Frar 2011, Spanja (ACCC/C/2008/24, paragrafi 99 sa 100).
( 21 ) L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2010/75 flimkien mal-Anness IV(1).
( 22 ) Fir-rigward tad-dritt li jiġu sottomessi osservazzjonijiet, ara l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2010/75 flimkien mal-Anness IV(3) u IV(5). Għad-drittijiet ta’ parteċipazzjoni l-oħra kollha, ara l-Artikolu 6(3) u (5) sa (7) tad-Direttiva 2011/92 u l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2010/75 flimkien mal-Anness IV(3).
( 23 ) Ara, pereżempju, il-Kumitat ta’ Konformità, Sejbiet u rakkomandazzjonijiet tas-17 ta’ Marzu 2017, ACCC/C/2008/32 (parti II) dwar konformità mill-Unjoni Ewropea, fejn il-Kumitat ta’ Konformità sab li d-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju adegwat ta’ atti ambjentali mhux leġiżlattivi skont l-Artikolu 263(4) TFUE.
( 24 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 48 sa 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C‑50/00 P, EU:C:2002:462, punti 38 u 39); tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 335); u tat-18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, (C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 61).
( 27 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 45 sa 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) L-ambitu ġudizzjarju tal-istħarriġ jista’ wkoll imur kontra l-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjoni fis-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punti 75 sa 82), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-limitazzjoni tal-ambitu tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-motivi li diġà ġew imqajma fl-istadju amministrattiv kienet inkompatibbli mal-iktar aċċess wiesa’ possibbli għall-istħarriġ mill-qrati dwar kwistjonijiet ambjentali.
( 29 ) Dwar id-diffikultà ġenerali li jinqasmu u ssir distinzjoni bejn motivi f’rikors wieħed dwar kwistjonijiet ambjentali, ara, b’analoġija, il-konklużjonijiet tiegħi f’North East Pylon Pressure Campaign u Sheehy (C‑470/16, EU:C:2017:781, punti 74 sa 91).
( 30 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punti 49 sa 51).
( 31 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 38).
( 32 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Kif imsemmi iktar ’il fuq fil-punti 9 u 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Għaldaqstant, pereżempju, diġà fis-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), ir-regoli nazzjonali dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fiskali fil-perijodu fiskali sussegwenti, bħala penali għal dikjarazzjonijiet tat-taxxa foloz magħmula fil-perijodi fiskali preċedenti, kienu ddikjarati li huma l-“implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni”, speċifikament l-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu “għall-ġbir tajjeb ta’ taxxa u biex ma ssirx evażjoni”. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 64 sa 69), jew tat-13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punt 48).
( 35 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza reċenti tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla tad-Dixxiplina tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 120 u 167 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 38 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, b’mod partikolari, punti 49 sa 51).
( 39 ) Ibid., punt 53.
( 40 ) Peress li dak kollu jseħħ b’mod pjuttost kontrointuwittiv: iktar ma diskussjoni ssir konkreta u speċifika dwar is-sustanza, iktar ikun probabbli li f’daqqa waħda l-kawża tispiċċa għal kollox “barra mill-kamp ta’ applikazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li, preżumibbilment, il-kwistjonijiet astratti kollha assoċjati u strutturali jibqgħu f’dak il-kamp? F’termini prattiċi, dan x’aktarx iwassal biex id-diskussjoni kollha fuq il-mertu tiġi diżlokata fl-istadju tal-ġurisdizzjoni, b’evalwazzjoni twila u dettaljata fuq il-mertu u f’daqqa waħda ssir kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni/ammissibbiltà fl-aħħar nett tar-raġunament?
( 41 ) Li fiha, termini astratti, bħal “ġbir xieraq tal-VAT” jew “riżorsi finanzjarji tal-Unjoni” ippermettew li kwalunkwe kwistjoni dwar l-infurzar tal-VAT jew kwistjonijiet ta’ frodi fir-rigward ta’ riżorsi finanzjarji tal-Unjoni tiddaħħal fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, jekk din fil-fatt kienet il-loġika xierqa (u l-livell ta’ astrazzjoni), mela TSN u AKT kienet ukoll tinsab sewwa fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, għaliex “leave annwali imħallas” huwa, f’dak il-livell ta’ astrazzjoni, ċertament previst kemm mid-dritt primarju kif ukoll mid-dritt sekondarju tal-Unjoni. Għal iktar dwar il-portata ta’ tali “loġika ta’ implimentazzjoni” għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:650, punti 26 sa 56).
( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punti 66 sa 74).
( 43 ) Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punti 47 sa 51).
( 44 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża El Hassani (C‑403/16, EU:C:2017:659, punti 74 sa 83) u, sa fejn huwa kkonċernat il-livell ta’ analiżi tad-dritt inkwistjoni, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Dzivev (C‑310/16, EU:C:2018:623, punti 70 sa 80).
( 45 ) Filwaqt li r-raġunijiet li għalihom dak iż-żejjed jingħata f’dak l-istadju speċifiku, kif deskritt iktar ’il fuq fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jagħmlu sens regolatorju tajjeb.
( 46 ) F’xi każijiet, b’mod partikolari fejn ikunu kkonċernati tribunali ibridi, tista’ ssir diskussjoni dwar jekk dik l-istanza ta’ stħarriġ għadhiex “amministrattiva” jew jekk hijiex diġà “ġudizzjarja”. Madankollu, din b’mod ċar ma hijiex il-kwistjoni fil-kawża preżenti.
( 47 ) Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04 (C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 35), u tat-18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et (C‑128/09 sa C‑131/09, C‑134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 52).
( 48 ) Sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 58), u tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 39).
( 49 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015 (C‑137/14, EU:C:2015:683).
( 50 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009 (C‑263/08, EU:C:2009:631).
( 51 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 (C‑664/15, EU:C:2017:987).
( 52 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009 (C‑263/08, EU:C:2009:631, punt 39).
( 53 ) Ibid., punt 38.
( 54 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015 (C‑137/14, EU:C:2015:683).
( 55 ) Ibid., punti 76 u 77.
( 56 ) Ibid., punt 78.
( 57 ) Ibid., punti 71 sa 74.
( 58 ) Ibid., punt 80.
( 59 ) Ibid., punt 81.
( 60 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 (C-664/15, EU:C:2017:987).
( 61 ) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).
( 62 ) Sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017 (C-664/15, EU:C:2017:987, punt 86).
( 63 ) Ibid., punti 87 u 90.
( 64 ) Ara, għal dan il-għan, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C‑263/08, EU:C:2009:421, punti 42 sa 44 u 57), u l-Gwida ta’ Implimentazzjoni, p. 195.
( 65 ) Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, Landesverband Nordrhein-Westfalen (C‑115/09, EU:C:2011:289, punti 55 sa 57).
( 66 ) Ara, għal dan il-għan, il-Kumitat ta’ Konformità, Sejbiet u rakkomandazzjonijiet tad-29 ta’ Ġunju 2012, Repubblika Ċeka (ACCC/C/2010/50, punt 78).
( 67 ) Sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C‑570/13, EU:C:2015:231, punt 38).
( 68 ) Ara wkoll il-Gwida ta’ Implimentazzjoni, p. 195, li tiddikjara li dwar membri tal-“pubbliku kkonċernat” barra l-NGOs, “jista’ jkun wisq restrittiv li tirrikjedi li biss persuni li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet jingħataw aċċess skont l-[Artikolu 9(2)]”.
( 69 ) Deskritta iktar ’il fuq fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 70 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑137/14, EU:C:2015:683, punti 80 sa 81), diskussa iktar ’il fuq fil-punti 129 sa 132.
( 71 ) Ċertament nirrikonoxxi li xi wħud mill-eċċezzjonijiet imsemmija mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi matul is-seduta jmorru pjuttost ’il bogħod. Iżda jekk dan ikun fil-fatt il-każ fil-prattika ġudizzjarja, u jekk inħallu fil-ġenb il-kwistjoni ta’ prevedibbiltà, x’sens jagħmel li jkollok ir-regola?