KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
HOGAN
ippreżentati fil‑25 ta’ Ġunju 2020 ( 1 )
Kawża C‑763/18 P
Wallapop, SL
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO),
Unipreus, SL
“Appell — Trade mark tal-UE — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Trade mark figurattiva li tinkludi l-element verbali “wallapop” — Trade mark figurattiva nazzjonali preċedenti li fiha l-element verbali “wala w” — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 — Xebh bejn is-servizzi — Klassi 35 — Servizzi ta’ bejgħ bl-imnut — Post tas-suq online”
I. Introduzzjoni
|
1. |
L-appellant f’din il-kawża, Wallapop SL (iktar ’il quddiem “Wallapop”) hija kumpannija Spanjola, li topera post tas-suq online. L-applikazzjoni tagħha għall-ismartphones u tablets kif ukoll il-paġna internet tagħha jippermettu lill-utenti jbigħu u jixtru oġġetti online. Wallapop ressqet quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark figurattiva li tinkludi l-kelma “wallapop”. Il-protezzjoni ntalbet għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u s-Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trademarks tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, inter alia, għal ċerti servizzi ta’ kummerċ online dwar il-funzjonament ta’ post tas-suq online u servizzi relatati. |
|
2. |
Unipreus, SL (iktar ’il quddiem “Unipreus”), bejjiegħ bl-imnut Spanjol taż-żraben, ressaq proċedimenti ta’ oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni ta’ Wallapop ibbażata fuq trade mark figurattiva Spanjola preċedenti li tinkludi l-element verbali “wala w”, irreġistrata għal servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 għall-“bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti tal-isport”. |
|
3. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell ta’ Unipreus kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO li ċaħdet l-oppożizzjoni. Fid-deċiżjoni kkontestata, ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO sab li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni peress li s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark Spanjola preċedenti kienu differenti ( 2 ). |
|
4. |
Fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Ottubru 2018, Unipreus vs EUIPO – Wallapop (wallapop) (T‑186/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:640; iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ta’ Unipreus kontra d-deċiżjoni kkontestata. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li s-servizzi inkwistjoni kienu, bħala minimu, simili f’livell baxx. |
|
5. |
Dawn huma l-kwistjonijiet, li issa joħorġu mis-sentenza appellata: is-servizzi tal-kummerċ online relatati mal-operazzjoni ta’ post tas-suq online huma differenti jew simili għas-servizzi tal-bejgħ bl-imnut? Alternattivament, tali servizzi ta’ kummerċ online li jirrigwardaw l-operat ta’ post tas-suq online għandhom jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “servizzi ta’ bejgħ bl-imnut”, wara s-sentenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Tulliallan Burlington vs EUIPO? ( 3 ) |
|
6. |
Madankollu, qabel ma ngħaddi għal dawn il-mistoqsijiet, l-ewwel nett jeħtieġ li nistabbilixxi l-kuntest ġuridiku u l-istorja ta’ dawn il-proċedimenti, u niddeskrivi l-fatti tal-każ f’iktar dettall. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Ir-Regolament Nru 207/2009
|
7. |
L-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea, ( 4 ) kif emendata, jipprovdi kif ġej: “1. Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trademark m’għandhiex tiġi milqugħa: …
|
B. Id-Direttiva 2011/83
|
8. |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ) huwa intitolat “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u lil hinn mill-post tan-negozju”. Il-paragrafu 1(b) u (c) tiegħu jipprovdi: “1. Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli: …
|
C. Ir-Regolament Nru 524/2013
|
9. |
L-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi) ( 6 ) jipprovdi: “1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
|
D. Id-Direttiva 2016/1148
|
10. |
L-Artikolu 4(17) tad-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni ( 7 ) jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […] ‘suq online’ tfisser servizz diġitali li permezz tiegħu l-konsumaturi u/jew in-negozjanti kif definiti rispettivament fil-punt (a) u fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal- 21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63)] ikunu jistgħu jikkonkludu kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ servizz online ma’ negozjanti fis-sit internet tas-suq online jew fis-sit internet tan-negozjant li juża servizzi tal-informatika pprovduti mis-suq online”. |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
11. |
Fit‑18 ta’ Settembru 2014, Wallapop ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO, skont ir-Regolament Nru 207/2009. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv li ġej (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”): |
|
12. |
Is-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 35 u jikkorrispondu, b’mod partikolari, għad-deskrizzjoni li ġejja: “Kummerċ online, jiġifieri operazzjoni ta’ swieq online għal xerrejja u bejjiegħa ta’ prodotti u servizzi; Servizzi ta’ kummerċ online li fihom bejjiegħa jippubblikaw prodotti jew servizzi li għandhom jiġu offruti għall-bejgħ u x-xiri jew l-offerta isir permezz tal-internet, sabiex jiffaċilitaw il-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi ta’ oħrajn permezz ta’ netwerk tal-kompjuter; il-provvista ta’ feedback evalwattiv u l-klassifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tal-bejjiegħa, il-valur u l-prezzijiet tal-prodotti u tas-servizzi tal-bejjiegħa, il-prestazzjoni tax-xerrejja u tal-bejjiegħa, il-kunsinna, u l-esperjenza globali tal-kummerċ relatata; il-provvista ta’ database ta’ evalwazzjoni online li tfittex għax-xerrejja u l-bejjiegħa; il-provvista ta’ informazzjoni kummerċjali dwar il-prodotti u/jew servizzi, u l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-imsemmija prodotti u servizzi kif ukoll ix-xerrejja u l-bejjiegħa tal-imsemmija prodotti u/jew servizzi; it-tfittxija, il-kumpilazzjoni, is-sistematizzazzjoni, l-ipproċessar u l-għoti ta’ informazzjoni kummerċjali għal ħaddieħor; […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
13. |
Fis‑7 ta’ Jannar 2015, Unipreus S.L. ressqet nota ta’ oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tas-servizzi msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq. |
|
14. |
L-oppożizzjoni kienet ibbażata, inter alia, fuq it-trade mark nazzjonali Spanjola Nru 2874101, riprodotta iktar ’il quddiem, li għaliha saret l-applikazzjoni fit‑30 ta’ April 2009 u rreġistrata fl‑10 ta’ Novembru 2009, għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “Bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti tal-isport”. |
|
15. |
Il-motivi invokati insostenn tal-oppożizzjoni kienu dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
16. |
Fid‑19 ta’ Ottubru 2015, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni għas-servizzi msemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq. |
|
17. |
Fl‑24 ta’ Novembru 2015, Unipreus ippreżentat avviż tal-appell quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fejn talbet l-annullament tagħha sa fejn l-oppożizzjoni ġiet miċħuda għas-servizzi msemmija fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
18. |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell fir-rigward ta’ dawn is-servizzi. Il-Bord tal-Appell ikkonstata li s-sinjali pparagunati, ikkunsidrati flimkien, kienu jixxiebhu fuq livell baxx, iżda li s-servizzi msemmija fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet kienu differenti mis-servizzi tat-trade mark Spanjola preċedenti u li, għalhekk, ma kienx hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali fir-rigward ta’ dawn is-servizzi. |
IV. Il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
19. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Marzu 2017, Unipreus ippreżentat kawża intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tar-rikors tagħha, Unipreus invokat motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
20. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat minn Unipreus u, għaldaqstant, l-uniku motiv tagħha. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li s-servizzi msemmija fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-servizzi tat-trade mark Spanjola preċedenti kienu, bħala minimu, simili f’livell baxx. Għaldaqstant, dik il-qorti annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet ikkonstatat li dawn is-servizzi ma kinux simili għas-servizzi li għalihom it-trade mark Spanjola preċedenti kienet irreġistrata. |
|
21. |
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “bejgħ bl-imnut” jinkludi kemm il-bejgħ f’postijiet fiżiċi kif ukoll il-bejgħ online u li, għaldaqstant, kuntrarjament għall-konklużjoni li wasal għaliha l-Bord tal-Appell, it-trade mark Spanjola preċedenti kienet tkopri wkoll il-bejgħ online ta’ oġġetti tal-isport. Fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, peress li s-servizzi tat-trade mark ikkontestata jirreferu għal “kummerċ online”, il-prospett li Wallapop tuża sit internet “klassiku” sabiex tbigħ direttament prodotti jew servizzi lill-utenti ma setax jiġi eskluż. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li l-kanali ta’ distribuzzjoni tas-servizzi inkwistjoni kienu, bħala minimu, simili f’livell baxx u mhux differenti kif ikkunsidrati mill-Bord tal-Appell. |
|
22. |
It-tieni nett, fir-rigward tan-natura, l-użu intenzjonat u l-metodu tal-użu tas-servizzi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali fakkret li, skont il-ġurisprudenza ( 8 ), l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta’ prodotti lill-konsumaturi ( 9 ). Il-Qorti Ġenerali kkonstatat li fil-każ preżenti kien hemm koinċidenza parzjali bejn is-servizzi tat-trade mark ikkontestata, li tirreferi għal “kummerċ online”, u s-servizzi tat-trade mark Spanjola preċedenti, li tkopri l-bejgħ bl-imnut, inkluż online, ta’ oġġetti tal-isport ( 10 ). Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata bl-argument li t-trade mark ikkontestata ma kinitx tirrigwarda servizzi ta’ bejgħ bl-imnut attwali, iżda servizzi ta’ intermedjazzjoni jew servizzi relatati mal-ġestjoni ta’ postijiet tas-suq online, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni kummerċjali. Skont din il-qorti, l-għoti ta’ tali informazzjoni hija intiża sabiex tiffaċilita l-bejgħ bl-imnut, inklużi l-oġġetti tal-isport. Għaldaqstant, permezz tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata, il-pubbliku inġenerali jkun jista’ jixtri prodotti li huma identiċi jew simili għal dawk mibjugħa minn Unipreus. Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkunsidrat li s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata jirrispondu indirettament għal bżonn, għall-pubbliku ġenerali, simili għal dak tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut koperti mit-trade mark Spanjola preċedenti. Konsegwentement, skont il-Qorti Ġenerali, l-użu intenzjonat u l-metodu tal-użu tas-servizzi inkwistjoni kienu bħala minimu, simili f’livell baxx u mhux differenti, kif ikkunsidrati mill-Bord tal-Appell ( 11 ). |
|
23. |
It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ Wallapop kienet tirreferi biss għax-“xerrejja” u l-“bejjiegħa”, mingħajr ma ppreċiżat jekk is-servizzi ta’ intermedjazzjoni koperti mit-trade mark ikkontestata kinux immirati lejn individwi privati jew professjonali. Din il-qorti ddeċidiet li, għalhekk, ma kienx eskluż li t-trade mark ikkontestata tintuża sabiex jiġu konnessi bejjiegħa professjonali u konsumaturi u li tiġi ġestita pjattaforma, li tippermetti l-bejgħ ta’ prodotti ġodda u mhux biss ta’ prodotti użati. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li s-servizzi inkwistjoni ma kinux immirati lejn l-istess konsumaturi ( 12 ). |
|
24. |
Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li konsumatur seta’ janalizza l-offerti tal-istess prodott kemm fuq is-sit internet ta’ “Unipreus”“www.walashop.com” kif ukoll fuq is-sit internet “www.walapop.com” jew fuq l-applikazzjoni mobbli korrispondenti. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell ma spjegax għaliex l-użu ta’ applikazzjoni mobbli li tippermetti li l-konsumatur ikun f’kuntatt mal-bejjiegħa ta’ ċerti prodotti u li dawn il-prodotti jiġu kkunsinnati ma huwiex, sa ċertu punt, sostitwibbli għax-xiri ta’ dawn il-prodotti f’maħżen fiżiku jew online. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx possibbli li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ xi relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn is-servizzi inkwistjoni u li, għaldaqstant, il-Bord tal-Appell qies b’mod żbaljat li dawn ma kinux jikkompetu ma’ xulxin ( 13 ). |
V. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
25. |
Permezz tal-appell tagħha, Wallapop titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
26. |
Unipreus titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
27. |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
28. |
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew sottomessi minn Wallapop, Unipreus u l-EUIPO. Wallapop, Unipreus u l-EUIPO dehru għas-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Marzu 2020. |
VI. L-appell
|
29. |
Insostenn tal-appell tagħha, Wallapop tinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. |
A. L-argumenti tal-partijiet
|
30. |
Permezz tal-aggravju uniku tagħha, Wallapop issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija kkonkludiet li s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata huma simili f’livell baxx għas-servizzi koperti mit-trade mark Spanjola preċedenti. |
|
31. |
Dan l-aggravju jinqasam essenzjalment f’żewġ partijiet. |
|
32. |
Fl-ewwel parti tagħha, Wallapop issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni fil-kunċett ta’ “post tas-suq online”, kif jirriżulta mid-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
33. |
Wallapop issostni li l-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 524/2013 u l-Artikolu 4(17) tad-Direttiva 2016/1148 jiddeskrivu l-elementi fundamentali tal-kunċett ta’ “post tas-suq online” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li “post tas-suq online” huwa servizz diġitali jew servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, li jippermetti lil terzi, jiġifieri professjonisti u/jew konsumaturi, li jikkonkludu tranżazzjonijiet kummerċjali jew kuntratti ta’ servizzi indipendentement mill-fornitur ta’ servizzi tal-post tas-suq online. |
|
34. |
Skont Wallapop, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra karatteristika fundamentali tas-servizzi offruti minn postijiet tas-suq online li tirriżulta minn din id-definizzjoni, jiġifieri li l-postijiet tas-suq online ma jagħmlux bejgħ online, iżda pjuttost joffru servizzi ta’ intermedjazzjoni lil terzi li jużaw tali servizzi sabiex iwettqu l-kummerċ online fuq il-pjattaforma. Il-Qorti Ġenerali għalhekk tat interpretazzjoni, ibbażata fuq id-dritt tat-trade marks tas-servizzi pprovduti minn post tas-suq online, li hija inkompatibbli mal-kunċett uniformi ta’ “post tas-suq online” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. |
|
35. |
Wallapop issostni li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali huwa inkompatibbli mal-kunċett ta’ fornitur tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni mogħti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni b’mezzi elettroniċi, bħal Uber, ma jistax jitqies li huwa sempliċi fornitur ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kull meta joffri servizzi li jmorru lil hinn mill-konnessjoni ta’ terzi fuq il-pjattaforma u jiddetermina ċerti elementi determinanti tat-tranżazzjonijiet li jseħħu fuq il-pjattaforma. Madankollu, f’dan il-każ, Wallapop issostni li, kuntrarjament għal Uber, hija sempliċement tipprovdi servizzi ta’ intermedjazzjoni u servizzi relatati u li hija ma teżerċita ebda attivitajiet distinti oħra. |
|
36. |
Fit-tieni parti tal-aggravju tagħha, Wallapop, sostnuta minn EUIPO, issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni fil-fatturi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-servizzi kkonċernati. |
|
37. |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali dwar il-kanali ta’ distribuzzjoni mwettqa, Wallapop u l-EUIPO jsostnu li l-fatt li Unipreus tbigħ il-prodotti tagħha online fuq is-sit internet “klassiku” tagħha ma jwassalx għall-konklużjoni li s-servizzi inkwistjoni huma simili. Fil-fehma tagħhom, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jwassal għal twessigħ sproporzjonat tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-trade mark preċedenti. L-internet ma huwiex kanal ta’ distribuzzjoni; dan huwa sempliċement forma ta’ media jew sostenn għal kanali ta’ distribuzzjoni differenti. Huwa simplistiku li x-xebh bejn is-servizzi inkwistjoni jkun ibbażat fuq il-fatt li għandhom l-internet bħala karatteristika komuni. Wallapop ma tbigħx il-prodotti b’mod dirett fuq il-pjattaforma tagħha. Fi kwalunkwe każ, kull meta l-operaturi ta’ pjattaforma jbigħu prodotti fuq il-pjattaformi tagħhom, huma jipprovdu servizzi differenti minn servizzi ta’ post tas-suq online. Barra minn hekk, il-kummerċjant (Wallapop) huwa obbligat, skont l-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2011/83, jipprovdi lill-konsumatur bl-identità tiegħu ( 14 ). |
|
38. |
It-tieni nett, fir-rigward tan-natura tas-servizzi inkwistjoni, Wallapop u l-EUIPO jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tressaq kwalunkwe element li jsostni l-konklużjoni li s-servizzi tat-trade mark ikkontestata jinkludu attivitajiet li jikkostitwixxu servizzi ta’ bejgħ bl-imnut. |
|
39. |
Wallapop u l-EUIPO jżidu li l-Qorti Ġenerali bbażat l-analiżi tagħha tax-xebh tas-servizzi inkwistjoni fuq qari parzjali jew żbaljat tal-formulazzjoni tal-lista tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata. Konsegwentement, dik il-qorti kkonkludiet b’mod żbaljat, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li dawn is-servizzi kienu jikkostitwixxu servizzi ta’ bejgħ bl-imnut u mhux servizzi diġitali li jippermettu lil terzi jwettqu bejgħ online. Fir-rigward tal-ewwel żewġ servizzi msemmija fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet, qari komplet ta’ din il-formulazzjoni kellu jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li ma huwiex il-fornitur ta’ servizzi ta’ intermedjazzjoni, iżda t-terzi li jużaw dawn is-servizzi li jwettqu bejgħ fuq il-pjattaforma. Fir-rigward tal-erba’ servizzi l-oħra, Wallapop u l-EUIPO jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li naqset milli tidentifikahom u li ġabrithom ilkoll fi grupp wieħed imsejjaħ bħala “provvista ta’ informazzjoni kummerċjali utli għall-bejgħ”. ( 15 ) Kieku l-Qorti Ġenerali analizzat korrettament tali servizzi, hija kienet tikkonkludi li dawn huma servizzi diġitali neċessarji għall-funzjonament ta’ post tas-suq online. Barra minn hekk, Wallapop issostni li hija ma tipprovdi ebda informazzjoni li tinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ, iżda li l-bejjiegħa innifishom jipprovdu tali informazzjoni. |
|
40. |
It-tielet nett, Wallapop u l-EUIPO jsostnu li l-użu intenzjonat tas-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata huwa totalment differenti mill-użu intenzjonat tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut koperti mit-trade mark Spanjola preċedenti. L-użu intenzjonat tal-ewwel żewġ servizzi ta’ intermedjazzjoni msemmija fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet huwa li joffru u jżommu spazju diġitali għall-iskambju ta’ prodotti jew ta’ servizzi bejn terzi, bejjiegħa u xerrejja, mingħajr ebda rabta mal-operatur tas-servizz. Bħall-proprjetarju ta’ bini użat bħala ċentru kummerċjali li jikri postijiet lil terzi sabiex jippermettilhom li jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom, il-proprjetarju ta’ post tas-suq virtwali jipprovdi servizzi diġitali intiżi sabiex jipprovdu spazju diġitali u għodod sabiex jgħin il-kummerċjalizzazzjoni mwettqa minn terzi. L-użu intenzjonat tat-tieni grupp ta’ servizzi anċillari msemmi iktar ’il fuq huwa li jippermetti lill-bejjiegħa u lix-xerrejja jiġu informati faċilment dwar il-possibbiltajiet offruti minn pjattaforma virtwali sabiex, rispettivament, ibigħu jew jixtru prodotti. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-użu intenzjonat ta’ dawn is-servizzi kienu simili f’livell baxx. |
|
41. |
Wallapop targumenta wkoll li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jikkontradixxi l-ġurisprudenza tagħha stess dwar id-determinazzjoni ta’ użu intenzjonat primarju u dak sekondarju. Skont din il-ġurisprudenza ( 16 ), fil-kuntest tal-paragun ta’ prodotti ta’ servizzi, jeħtieġ li jiġi identifikat l-użu intenzjonat dominanti tagħhom sabiex jiġi evalwat ix-xebh tagħhom. Għalhekk, anki jekk is-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata jista’ jkollhom indirettament l-istess użu intenzjonat tas-servizzi tat-trade mark preċedenti, jiġifieri li jippermettu lill-konsumaturi jixtru oġġetti tal-isport, skont Wallapop, dan ma jibdel xejn il-fatt li l-iskopijiet prinċipali intiżi tas-servizzi inkwistjoni huma differenti. Il-fatt li ċerti servizzi jistgħu jissodisfaw indirettament l-istess bżonn ma jipprekludix lill-konsumatur rilevanti milli jipperċepixxihom bħala distinti. |
|
42. |
Ir-raba’ nett, Wallapop issostni li s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ma jikkompetux ma’ dawk tal-kummerċ preċedenti, peress li ma jikkonċernawx il-kummerċ bl-imnut. Huma pjuttost jikkompetu ma’ servizzi oħra tas-soċjetà tal-informazzjoni. |
|
43. |
Unipreus issostni li l-paragun tas-servizzi inkwistjoni jeħtieġ li jieħu inkunsiderazzjoni r-realtà tas-suq u l-perċezzjoni tal-konsumatur medju. Fid-dawl ta’ dan, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija korretta u l-argumenti ta’ Wallapop huma bbażati fuq approċċ artifiċjali. |
|
44. |
Unipreus issostni, essenzjalment, li s-servizzi inkwistjoni ma humiex differenti, iżda simili. Dawn is-servizzi huma indirizzati għall-istess pubbliku, jiġifieri l-pubbliku ġenerali li jixtieq jixtri l-istess prodotti jew simili, b’mod partikolari, ħwejjeġ, żraben u oġġetti tal-isport. Dawn għandhom l-istess għan, jiġifieri li jippermettu lill-pubbliku ġenerali jissodisfa l-bżonnijiet ta’ xiri ta’ dawn il-prodotti. Dawn huma komplimentari, peress li l-konsumatur jista’ juża ż-żewġ servizzi sabiex jixtri dawn il-prodotti. Fl-aħħar nett, huma qiegħdin ukoll f’kompetizzjoni kontra xulxin, peress li, f’għajnejn il-konsumatur, dawn is-servizzi huma interkambjabbli sa fejn il-konsumatur jista’ janalizza l-offerta għall-istess prodott kemm fuq il-paġna internet ta’ Unipreus kif ukoll fuq l-applikazzjoni mobbli jew fuq is-sit internet ta’ Wallapop. |
B. Analiżi
1. Osservazzjonijiet preliminari
|
45. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn qari tal-Artikolu 256 TFUE, flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni eskużiva, l-ewwel nett, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, it-tieni nett, li tevalwa dawn il-fatti, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom. Ladarba l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ dwar il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti mill-Qorti Ġenerali u l-konklużjonijiet ġuridiċi li l-Qorti Ġenerali tkun siltet minnhom ( 17 ). |
|
46. |
Barra minn hekk, jirriżulta li, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola, sabiex teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali tkun aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Sakemm dawn il-provi kienu nkisbu b’mod xieraq u li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli proċedurali fir-rigward tal-oneru tal-prova u tal-amministrazzjoni tal-prova kienu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi mressqa quddiemha. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi li hija suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jkun hemm żnaturament tat-tifsira ċara tal-provi meta, mingħajr ma jinstemgħu provi ġodda, l-evalwazzjoni tal-provi eżistenti tidher li tkun b’mod ċar mhux korretta ( 18 ). |
|
47. |
Evalwazzjonijiet fattwali li ma humiex suġġetti għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell jinkludu l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-karatteristiċi tal-pubbliku rilevanti u l-attenzjoni, il-perċezzjoni jew l-attitudni tal-konsumaturi, u l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, tax-xebh bejn is-sinjali inkwistjoni. L-istess għandu japplika għall-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-eżami ta’ din il-probabbiltà ta’ konfużjoni, tax-xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks inkwistjoni ( 19 ). |
|
48. |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet partikolari huma partikolarment rilevanti sa fejn l-aggravju uniku huwa kkonċernat. |
2. L-ewwel parti tal-uniku aggravju: jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ interpretazzjoni jew applikatx b’mod żbaljat id-definizzjoni ta’ post tas-suq online skont id-dritt tal-Unjoni u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
49. |
Jista’ jkun opportun li tiġi l-ewwel ittrattata l-ewwel parti tal-aggravju uniku tal-appell, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni jew, tal-inqas, applikat b’mod żbaljat id-definizzjoni ta’ “post tas-suq online” kif iddefinit inter alia mill-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 524/2013 u l-Artikolu 4(17) tad-Direttiva 2016/1148 kif ukoll mir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Professional Elite Taxi (C‑434/15 EU:C:2017:981). |
|
50. |
Min-naħa tiegħi, ma naħsibx li dan huwa korrett. |
|
51. |
L-ewwel nett, jista’ jiġi rrilevat li d-definizzjonijiet fl-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 524/2013 u fl-Artikolu 4(17) tad-Direttiva 2016/1148 japplikaw sempliċement għall-finijiet ta’ dan ir-regolament partikolari u ta’ din id-direttiva partikolari. Dan huwa ċar, b’mod partikolari, mill-formulazzjoni stess tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jipprevedu: “għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament” u “għall-finijiet ta’ din id-Direttiva”. Id-definizzjonijiet inkwistjoni għalhekk ma humiex intiżi li japplikaw b’mod iktar ġenerali għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks inġenerali jew għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks fir-rigward ta’ servizzi ta’ bejgħ bl-imnut li jaqgħu fil-klassi 35 b’mod partikolari, għalkemm jiena naċċetta li d-definizzjonijiet ta’ “postijiet tas-suq online” li jinsabu fiha huma utli u jistgħu jiġu applikati tal-inqas b’analoġija fil-kuntest ta’ din il-kawża ( 20 ). Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta jiġi evalwat jekk is-servizzi inkwistjoni humiex f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni u (jekk ikun il-każ) sa fejn dawn jikkoinċidu kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 40 tas-sentenza appellata ( 21 ). |
|
52. |
It-tieni nett, fi kwalunkwe każ, ma naċċettax li l-Qorti Ġenerali fehmet ħażin jew applikat b’mod żbaljat id-definizzjonijiet ta’ “post tas-suq online” li jinsabu fl-Artikolu 4(1)(f) tar-Regolament Nru 524/2013 u fl-Artikolu 4(17) tad-Direttiva 2016/1148 jew ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑434/15. |
|
53. |
Huwa perfettament ċar mill-eżami tal-punti 37 u 41 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali fehmet sew li Wallapop, konformement mal-applikazzjoni tagħha għal trade mark, għandha l-intenzjoni li toffri, inter alia jew b’mod partikolari, pjattaforma jew servizzi ta’ intermedjazzjoni jew ta’ ġestjoni online pjuttost milli servizzi ta’ bejgħ bħala tali. |
|
54. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni għal trade mark tirreferi, b’mod partikolari, għal “servizzi ta’ bejgħ online, jiġifieri l-operat ta’ swieq online għall-bejjiegħa u għax-xerrejja ta’ oġġetti u servizzi; servizzi ta’ kummerċ elettroniku fejn il-bejjiegħa jippreżentaw oġġetti jew servizzi għall-bejgħ li xiri jew offerti għalihom isir permezz tal-internet, sabiex jiġi ffaċilitat il-bejgħ ta’ prodotti jew servizzi minn terzi f’netwerk tal-informatika globali”. ( 22 ) |
|
55. |
Fil-fehma tiegħi, il-Qorti Ġenerali ma għamlitx konfużjoni fid-distinzjoni bejn l-iffaċilitar tal-bejgħ ta’ oġġetti minn terz ( 23 ) u l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-kundizzjonijiet tal-bejgħ tal-oġġetti offruti ( 24 ) jew, fil-fatt, il-bejgħ tal-oġġetti bħala tali f’kuntest online. |
|
56. |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll bħala fatt fil-punt 37 tas-sentenza appellata, minkejja l-argumenti ta’ Wallapop u tal-EUIPO għall-kuntrarju, imsemmija fil-punti 37 u 41 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni ta’ Wallapop għal trade mark tinkludi wkoll l-użu ta’ sit internet konvenzjonali sabiex tagħmel il-bejgħ online. Din il-konstatazzjoni fil-punt 37 tas-sentenza appellata, iktar milli turi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni fil-kunċett ta’ “post tas-suq online” turi, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti Ġenerali kienet perfettament konxja min-natura differenti tas-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti fuq l-internet li hija kkunsidrat li Wallapop xtaqet tirreġistra u l-mod ta’ operazzjoni differenti tagħhom. |
|
57. |
F’dan ir-rigward nirrileva li Wallapop tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonstatat, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi eskluż li l-applikazzjoni ta’ Wallapop tapplika għall-użu ta’ sit internet konvenzjonali sabiex tagħmel il-bejgħ online ( 25 ). |
|
58. |
Fil-fehma tiegħi, għalkemm Wallapop tikkontesta din il-konstatazzjoni fattwali tal-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata ( 26 ), hija ma allegatx żnaturament tal-fatti mill-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward. |
|
59. |
Għalhekk inqis li dan l-argument huwa inammissibbli. |
|
60. |
Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata li l-kanali ta’ distribuzzjoni ta’ servizzi huma kemxejn simili ma tistax tiġi kkritikata fir-rigward tal-użu, minn kemm Wallapop kif ukoll Unipreus, ta’ sit internet konvenzjonali għall-finijiet ta’ bejgħ online. |
|
61. |
Nenfasizza wkoll il-fatt li, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat b’mod speċifiku fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni fil-punt 37 ta’ din is-sentenza li, “anki jekk dan huwa biss wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kanali ta’ distribuzzjoni tas-servizzi inkwistjoni huma tal-inqas kemxejn simili”. |
|
62. |
Wallapop ma kkritikatx l-adegwatezza ta’ dan ir-raġunament. Għalhekk inqis li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-kanali ta’ distribuzzjoni tas-servizzi għandha tiġi aċċettata. |
|
63. |
Nikkunsidra li s-sottomissjoni ta’ Wallapop li l-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li l-kanali ta’ distribuzzjoni tas-servizzi inkwistjoni huma tal-inqas kemxejn simili, ma hijiex fondata. |
|
64. |
Minkejja din il-konstatazzjoni, jista’ jkun madankollu meħtieġ, għall-finijiet ta’ kompletezza u ta’ ċarezza legali f’dan il-qasam, li tiġi eżaminata l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 38 tas-sentenza appellata li l-kanali (l-oħra) ta’ distribuzzjoni tas-servizzi inkwistjoni, jiġifieri l-pjattaforma ta’ Wallapop li tiffaċilita l-bejgħ ta’ prodotti u servizzi minn terzi u s-sit internet iktar konvenzjonali ta’ Unipreus, jikkostitwixxu kanali ta’ distribuzzjoni simili. |
|
65. |
Nipproponi li dan isir fil-punti 72 et seq iktar ’il quddiem. |
|
66. |
L-ewwel parti tal-uniku aggravju tal-appell għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiġi miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala infondata. |
3. It-tieni parti tal-aggravju uniku: jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod żbaljat il-fatturi rilevanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’kull evalwazzjoni tax-xebh bejn is-servizzi kkonċernati
|
67. |
Hawnhekk wieħed jista’ josserva li l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li, fuq oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma għandhiex tiġi rreġistrata jekk, minħabba identiċità jew xebh mat-trade mark preċedenti u l-identiċità jew xebh tal-oġġetti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. |
|
68. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm li t-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni kif ukoll it-trade mark preċedenti jkunu identiċi jew simili, u li l-prodotti jew is-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkunu identiċi jew simili għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trade mark preċedenti, u dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi ( 27 ). |
|
69. |
Il-ġurisprudenza stabbilita tistabbilixxi wkoll li, fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti relatati ma’ dawn l-oġġetti u s-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-użu intenzjonat tagħhom, il-metodu ta’ użu tagħhom u jekk humiex f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni jew komplimentari ( 28 ). |
|
70. |
Il-Bord tal-Appell iddeċieda fid-deċiżjoni kkontestata li s-sinjali inkwistjoni kienu jixxiebhu, anki jekk, ċertament, f’livell baxx. Din il-konstatazzjoni ma ġietx ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas, fil-fatt, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
71. |
Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li ma ġiex issuġġerit li t-trade mark preċedenti (“wala w”) tgawdi minn reputazzjoni fi Spanja b’tali mod li l-użu ta’ trade mark simili “jieħu vantaġġ inġust, jew [huwa] ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti” fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament 207/2009 ( 29 ). |
|
72. |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, bl-ebda mod, bħala tali, ma ddeċidiet dwar il-kwistjoni tal-konfużjoni. L-appell kontra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell kien minflok milqugħ għar-raġuni pjuttost stretta li — kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata — il-Bord tal-Appell kien ikkonkluda b’mod żbaljat li s-servizzi koperti mit-trade marks kienu differenti, meta fil-fatt, kienu simili, minkejja li f’livell baxx. |
|
73. |
Għaldaqstant, minn dan isegwi li, l-unika raġuni ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti Wallapop li għandna quddiemna hija, għalhekk, fi kliem l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2019, l-identiċità jew ix-xebh tas-servizzi koperti mill-applikazzjoni ta’ Wallapop ma’ dawk tat-trade mark preċedenti. |
|
74. |
Issa nipproponi li neżamina jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta fl-evalwazzjoni tagħha li s-servizzi koperti mill-applikazzjoni ta’ Wallapop u mit-trade mark ta’ Unipreus kienu tal-inqas kemxejn simili. |
|
75. |
Din il-parti tal-uniku aggravju tal-appell hija maqsuma f’erba’ sottopartijiet. Wallapop tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-konstatazzjoni tagħha kif ġej:
|
|
76. |
Nipproponi li dawn l-argumenti jiġu eżaminati wieħed wieħed, iżda minħabba li kollha jikkoinċidu u fil-fatt jidħlu f’xulxin, ċerta repetizzjoni hija bilfors neċessarja. |
a) L-ewwel sottoparti: jekk il-kanali ta’ distribuzzjoni tat-trade marks inkwistjoni humiex simili
|
77. |
Kif indikajt fil-punt 63 hawn fuq, jiena nqis li din is-sottomissjoni hija infondata fir-rigward tal-kwistjoni tal-operat ta’ sit internet konvenzjonali sabiex isir bejgħ online minn Wallapop u Unipreus. |
|
78. |
Madankollu ser nindirizza l-pożizzjoni ta’ Wallapop li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat li l-internet huwa kanal ta’ distribuzzjoni u mhux sempliċi medium għal kanali ta’ distribuzzjoni differenti, għall-finijiet ta’ kompletezza u ċarezza legali. |
|
79. |
F’dan l-istadju, jidher li huwa opportun li tingħata spjegazzjoni fil-qosor dwar id-dibattitu dwar x’jikkostitwixxi servizz ta’ bejgħ bl-imnut għall-finijiet tas-servizzi taħt il-klassi 35. |
|
80. |
Din il-problema ġiet indirizzata għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Praktiker. F’din il-kawża, Praktiker applikat quddiem id-Deutsches Patent‑ und Markenamt (l-Uffiċċju tal-Privattivi u tat-Trade marks Ġermaniż) għar-reġistrazzjoni t-trade mark “Praktiker”, inter alia, għas-servizz deskritt bħala “kummerċ bl-imnut ta’ oġġetti ta’ kostruzzjoni, ta’ do-it-yourself u ta’ ġardinaġġ u oġġetti oħra tal-konsum għas-settur ta’ do-it-yourself”. Id-Deutsches Patent- und Markenamt ċaħad din l-applikazzjoni. Huwa deherlu li l-kunċett pretiż ta’ “kummerċ bl-imnut” ma jirrigwardax servizzi indipendenti li għandhom sinjifikat ekonomiku awtonomu. Dan il-kunċett jirrigwarda biss id-distribuzzjoni ta’ merkanzija bħala tali. |
|
81. |
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta’ oġġetti lill-konsumaturi. Dan il-kummerċ jinkludi, barra l-att ġuridiku tal-bejgħ, kull attività magħmula min-negozjant bl-iskop li jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ tali att. Din l-attività tikkonsisti, inter alia, fl-għażla ta’ taħlita ta’ oġġetti mqiegħda għall-bejgħ u fl-offerta ta’ diversi servizzi intiżi sabiex iwasslu lill-konsumatur sabiex jikkonkludi l-imsemmi att man-negozjant inkwistjoni iktar milli ma’ kompetitur. |
|
82. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li ma kien hemm ebda raġuni imperattiva li kienet tipprekludi dawn is-servizzi milli jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi” u għalhekk iddeċidiet li l-kunċett ta’ “servizzi” jkopri s-servizzi pprovduti fil-kuntest tal-kummerċ bl-imnut ta’ oġġetti ( 30 ). |
|
83. |
Is-sentenza fil-kawża Praktiker assumiet naturalment rilevanza kbira fl-iktar kawża reċenti li kkunsidrat din il-kwistjoni, jiġifieri, is-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington ( 31 ). F’dik il-kawża, il-mistoqsija kienet jekk l-operatur ta’ ċentru kummerċjali li kien jispeċjalizza fil-bejgħ ta’ oġġetti ta’ lussu jaqax taħt il-kategorija ta’ servizzi bl-imnut protetti mill-klassi 35. Il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha, filwaqt li bbażat ruħha fuq is-sentenza fil-kawża Praktiker, ikkonkludiet li l-operatur ta’ ċentru kummerċjali kien jaqa’ f’din il-kategorija. ( 32 ) |
|
84. |
Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kienet imbagħad ġiet appellata quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Tulliallan Burlington vs EUIPO, ( 33 ) jiena esponejt ċerti riżervi fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-konstatazzjoni. Dawn ir-riżervi ġew miġbura fil-qosor fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħi: “Huwa ċar mill-interpretazzjoni uniformi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ “servizzi ta’ kummerċ bl-imnut” tal-klassi 35 li dawk is-servizzi ma jistgħux, madankollu, japplikaw għal servizzi ta’ ċentru kummerċjali minħabba li l-entità li tipprovdi dawk is-servizzi fil-fatt ma tagħmilx negozju mill-prodotti inkwistjoni. Minflok, l-entità inkwistjoni tipprovdi servizzi lill-kummerċjant tal-prodotti li, fil-fehma tiegħi, huma tassew distinti minn dawk ta’ servizzi ta’ kummerċ bl-imnut tal-klassi 35 u jiġu, fil-fatt, ipprovduti banda oħra fi klassi oħra. Għalhekk, pereżempju, is-servizzi ta’ ċentru kummerċjali jistgħu jinkludu l-kiri ta’ ħwienet tal-Klassi 36 u l-provvista ta’ servizzi tar-reklamar u tal-promozzjoni tal-klassi 35 ( 34 )”. |
|
85. |
Din l-analiżi tas-sentenza fil-kawża Praktiker ma kinitx, madankollu, segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet il-kuntrarju, u qalet, pereżempju (fil-punti 127 sa 128): “127. Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ ‘servizzi ta’ bejgħ bl-imnut’ ikopri servizzi li [huma] immirati għall-konsumatur u li, għan-nom tan-negozji li jokkupaw il-ħwienet ta’ ċentru kummerċjali, jiġbru flimkien prodotti differenti f’firxa ta’ ħwienet li jippermettu lill-konsumatur jarahom u jixtrihom b’mod faċli kif ukoll li joffru diversi servizzi distinti mill-att ta’ bejgħ, intiżi sabiex iwasslu lil dan il-konsumatur jixtri l-prodotti mibjugħa f’dawn il-ħwienet. 128. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kif il-Qorti Ġenerali stess iddeċidiet ġustament fil-punt 32 tas-sentenzi appellati, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Praktiker ma tippermettix li jiġi affermat li s-servizzi pprovduti miċ-ċentri kummerċjali huma, mid-definizzjoni tagħhom, esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ ‘servizzi ta’ bejgħ bl-imnut’ iddefinit fil-klassi 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice”. |
|
86. |
Għalkemm, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma hija marbuta minn duttrina ġurisprudenzjali, is-sentenza Tulliallan Burlington xorta għandha titqies li temmet il-kwistjoni. Għalhekk, minn din is-sentenza nafu li s-servizzi ta’ ċentri kummerċjali konvenzjonali — maħsuba “għall-konsumatur sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jara u jixtri dawn l-oġġetti b’mod faċli u għall-benefiċċju tan-negozji li jokkupaw iċ-ċentru kkonċernat” ( 35 ) — jaqgħu, bħala prinċipju, taħt id-definizzjoni tal-klassi 35 tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut. |
|
87. |
Għaldaqstant, minn dan isegwi li l-fatt li Wallapop issostni li hija ma teżerċitax fiha nnifisha l-bejgħ bl-imnut, iżda pjuttost toffri servizzi ta’ intermedjazzjoni online, anki jekk jitqies li dan huwa minnu fil-fatt, ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex jiddisponi mill-kwistjoni. |
|
88. |
Il-kwistjoni vera hija jekk u sa fejn il-prinċipju stabbilit fis-sentenza Tulliallan Burlington, fir-rigward tas-servizzi pprovduti minn ċentru kummerċjali, japplikax għas-servizzi ta’ intermedjazzjoni bl-imnut li huma offruti online. |
|
89. |
Fis-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset (fil-punt 130) li l-kunċett ta’ servizzi ta’ bejgħ bl-imnut kien jinkludi s-servizzi ta’ ċentru kummerċjali “għall-konsumatur sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jara u jixtri dawn l-oġġetti b’mod faċli u għall-benefiċċju tan-negozji li jokkupaw iċ-ċentru kkonċernat”. L-istess jista’ jingħad b’analoġija fir-rigward tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni offruti minn pjattaforma kummerċjali online ta’ bejgħ bl-imnut. Filwaqt li ċ-ċentru kummerċjali tradizzjonali jservi l-iskop li jipprovdi firxa differenti ta’ offerti bl-imnut f’bini fiżiku wieħed konvenjenti, pjattaforma online bl-imnut bħal dik ipprovduta minn Wallapop hija, fil-fatt, forma ta’ ċentru kummerċjali “virtwali” li jista’ jiġi aċċessat permezz tal-internet ( 36 ). |
|
90. |
Id-distinzjoni tradizzjonali bejn il-punti ta’ bejgħ li jbigħu lil klijenti f’postijiet fiżiċi, minn naħa, u dawn l-entitajiet li jwettqu bejgħ dirett online, min-naħa l-oħra, ġiet kompromessa f’dawn l-aħħar snin — kważi sal-punt ta’ kollass — kemm mill-iżviluppi teknoloġiċi kif ukoll mill-evoluzzjoni tal-modi ta’ aġir tal-konsumaturi. Dan kollu huwa wkoll indikat mill-fatt li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 51 tas-sentenza appellata, konsumatur li jfittex prodotti taż-żraben tal-isport (ġodda) partikolari jista’ jsib l-istess prodotti proposti fis-siti internet individwali kemm ta’ Unipreus (“www.walashop.com”) kif ukoll ta’ Wallapop (“www.wallapop.com”), anki jekk, f’dan l-aħħar każ, il-bejjiegħ bl-imnut kien terz li inzerta qiegħed juża l-pjattaforma tal-internet ta’ Wallapop. |
|
91. |
Għaldaqstant, ma huwiex ikkontestat li, kif għadni kif enfasizzajt, iż-żraben mibjugħa online minn Unipreus huma offruti wkoll għall-bejgħ fuq il-pjattaforma ta’ Wallapop, anki jekk dan isir minn bejjiegħa bl-imnut terzi u mhux minn Wallapop stess. Għaldaqstant inqis li, mill-perspettiva tal-konsumatur li jipprova jixtri l-prodotti inkwistjoni, il-pjattaforma ta’ Wallapop u s-sit internet ta’ Unipreus jikkostitwixxu kanali ta’ distribuzzjoni simili. Huwa f’dan l-istadju li l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks li jixxiebhu ftit tista’ tidħol inkwistjoni bl-iktar mod intensiv. |
|
92. |
Jidhirli li huwa sinjifikattiv li, fis-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li “l-assenza ta’ kwalunkwe indikazzjoni preċiża dwar il-prodotti li jistgħu jinbiegħu fid-diversi ħwienet li jifformaw ċentru kummerċjali […] kienet tipprekludi kull assoċjazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-prodotti koperti mit-trade marks li għalihom saret l-applikazzjoni” u, fil-fatt, ikkonfermat it-talba tal-proprjetarji taċ-ċentru kummerċjali għal din ir-raġuni ( 37 ). L-istess japplika b’mod ġenerali għal dak li jikkonċerna dan l-appell. |
|
93. |
Il-pretensjoni ta’ Unipreus f’din il-kawża hija, jekk xejn, iktar b’saħħitha. B’mod kuntrarju għas-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington — fejn il-kwistjoni dwar jekk il-prodotti tal-moda prodotti mill-konvenuta ( 38 ) kinux fil-fatt f’kompetizzjoni mal-prodotti ta’ lussu mibjugħa minn bejjiegħa bl-imnut terzi fiċ-ċentru tar-rikorrenti — hawnhekk, Unipreus irreġistrat trade mark għas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Bejgħ bl-imnut ta’ oġġetti tal-isport”. Għalhekk Unipreus speċifikat kemm is-servizzi kif ukoll l-oġġetti li għalihom tirreferi t-trade mark tagħha u l-validità ta’ din it-trade mark ma ġietx ikkontestata. Dan huwa perfettament konformi mal-ġurisprudenza kemm fis-sentenza fil-kawża Praktiker kif ukoll fis-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington. Fil-fehma tiegħi, ikun inaċċettabbli li Unipreus ma tkunx tista’ tinvoka t-trade mark tagħha sabiex topponi r-reġistrazzjoni ta’ sinjal simili li jaqa’ fil-klassi 35 li ma jispeċifikax l-oġġetti ( 39 ) għas-sempliċi raġuni li hija tispeċifika f’iktar dettall is-servizzi li għalihom tirreferi. |
|
94. |
Huwa għal dawn ir-raġunijiet li jiena nqis li din is-sottoparti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
b) It-tieni sottoparti: in-natura tas-servizzi inkwistjoni
|
95. |
Wallapop tissottometti li l-Qorti Ġenerali naqset milli tindika, fil-punti 39 et seq tas-sentenza appellata, għaliex is-servizzi inklużi fl-applikazzjoni għal trade mark tagħha jikkostitwixxu servizzi ta’ bejgħ bl-imnut skont il-punt 34 tas-sentenza fil-kawża Praktiker. |
|
96. |
L-argument essenzjali ta’ Wallapop huwa li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali f’dan il-punt huwa inadegwat u li għalhekk wettqet żball ta’ liġi. |
|
97. |
Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li n-natura tas-servizzi inkwistjoni hija, tal-inqas kemxejn simili. L-adegwatezza tar-raġunament għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni. |
|
98. |
Min-naħa tiegħi, inqis madankollu li l-Qorti Ġenerali segwiet ir-raġunament li jinsab fil-punt 34 tas-sentenza fil-kawża Praktiker bl-istess mod li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet għamlet fil-punt 130 tas-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington. |
|
99. |
Fil-punt 39 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Praktiker, li l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta’ oġġetti lill-konsumaturi. Dan il-kummerċ jinkludi, barra l-att ġuridiku tal-bejgħ, kull attività magħmula min-negozjant bl-iskop li jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ tali att. Din l-attività tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għażla ta’ taħlita ta’ oġġetti mqiegħda għall-bejgħ u fl-offerta ta’ diversi servizzi intiżi sabiex iwasslu lill-konsumatur sabiex jikkonkludi l-imsemmi att man-negozjant inkwistjoni iktar milli ma’ kompetitur. |
|
100. |
B’applikazzjoni tar-ratio legis tas-sentenza fil-kawża Praktiker, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li s-servizzi kollha inklużi fl-applikazzjoni ta’ Wallapop — għalhekk, mhux biss is-servizzi ta’ bejgħ online u s-servizzi ta’ kummerċ elettroniku, iżda wkoll is-servizzi ta’ intermedjazzjoni jew ta’ ġestjoni ta’ swieq online għall-bejjiegħa u x-xerrejja, inkluża l-provvista ta’ informazzjoni kummerċjali utli għall-bejgħ — kienu jaqgħu fid-definizzjoni ta’ servizzi ta’ bejgħ bl-imnut, peress li dawn is-servizzi kollha kellhom, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan li jwasslu l-bejgħ ta’ oġġetti lill-konsumaturi ( 40 ). |
|
101. |
Fil-fehma tiegħi, din ir-raġunament huwa, b’mod ċar, adegwat u juri l-linja ta’ raġunament ġuridiku li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjonijiet tagħha dwar din il-kwistjoni. |
|
102. |
Għalhekk inqis li dan is-sottoparti għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
c) It-tielet sottoparti: jekk l-użi intenzjonati u l-perċezzjoni tal-pubbliku dwar is-servizzi inkwistjoni humiex simili
|
103. |
Parti ewlenija tas-sottomissjoni ta’ Wallapop hija li n-natura online tas-servizzi tagħha ta’ intermedjazzjoni teħodha barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut. Hija tqis li l-għan prinċipali u dominanti tas-servizzi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni (operazzjoni ta’ swieq online u servizzi ta’ informazzjoni relatati) huwa b’mod ċar differenti minn dak tas-servizzi tat-trade mark tal-kumpannija li ressqet l-oppożizzjoni (bejgħ bl-imnut ta’ tagħmir tal-isport). |
|
104. |
F’dan il-kuntest, Wallapop tqis, fil-fatt, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punt 43 tas-sentenza appellata meta kkunsidrat li “s-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jissodisfaw indirettament ħtieġa simili, mill-perspettiva tal-pubbliku ġenerali, għas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut ta’ tagħmir sportiv koperti mit-trade mark preċedenti, u jippermettulhom jixtru l-oġġetti inkwistjoni, wara li jkunu kisbu informazzjoni dwar il-prodotti koperti”. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali b’hekk interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “użu intenzjonat”. Barra minn hekk, Wallapop tirrileva li l-lista ta’ servizzi fl-applikazzjoni tagħha hija differenti u li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex tqabbilhom en bloc mas-servizzi tat-trade mark Spanjola preċedenti. |
|
105. |
Fil-fehma tiegħi, is-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington hija essenzjalment determinanti għal din il-kwistjoni. Kif diġà indikajt, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik il-kawża li proprjetarju ta’ ċentru kummerċjali huwa involut f’servizzi ta’ bejgħ bl-imnut għall-finijiet tal-klassi 35, l-istess jista’ jingħad għall-operatur ta’ ċentru kummerċjali virtwali bħall-pjattaforma tal-internet ospitata minn Wallapop. Din il-konklużjoni lanqas ma hija affettwata mill-identifikazzjoni ta’ allegat użu intenzjonat dominanti tas-servizzi inkwistjoni. |
|
106. |
Fir-rigward tal-erba’ servizzi l-oħra msemmija fl-applikazzjoni ta’ Wallapop għal trade mark — bħall-għoti ta’ feedback u klassifikazzjonijiet evalwattivi tal-oġġetti u tas-servizzi tal-bejjiegħa, flimkien mal-valur ġenerali u l-prestazzjoni tagħhom li jipprovdu database ta’ tfittxija ta’ evalwazzjoni online għax-xerrejja u l-bejjiegħa u l-provvista ta’ informazzjoni kummerċjali dwar prodotti u/jew servizzi — huwa minnu li dawn is-servizzi ġew ittrattati en bloc mill-Qorti Ġenerali fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata. Madankollu, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, ikkunsidrati mill-perspettiva tal-pubbliku ġenerali, dawn is-servizzi ma kinux iktar minn provvista ta’ informazzjoni kummerċjali utli marbuta mal-bejgħ tal-prodotti nnifishom. |
|
107. |
Min-naħa tiegħi, jiena naqbel mal-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward. Jekk wieħed japplika r-raġunament tas-sentenza fil-kawża Praktiker, kif interpretat fis-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington, huwa neċessarju li jingħad li dawn is-servizzi għandhom ukoll jiġu kkunsidrati bħala karatteristiċi ta’ servizzi ta’ bejgħ bl-imnut għar-raġuni, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe raġuni oħra, li dawn “joffru diversi servizzi distinti mill-att ta’ bejgħ, intiżi sabiex iwasslu lil dan il-konsumatur jixtri l-prodotti mibjugħa f’dawn il-ħwienet” ( 41 ). |
|
108. |
Jiena ma niddubitax li, bil-wasla tax-xiri online, servizzi ta’ evalwazzjoni, paragunabbiltà u feedback ta’ din in-natura jistgħu jiġu offruti iktar faċilment u b’mod effikaċi lil dawk li jixtiequ jużaw il-pjattaforma tax-xiri online. Madankollu, dan it-tip ta’ servizz ta’ informazzjoni ma huwiex differenti, fil-fehma tiegħi, fil-prinċipju mit-tip ta’ servizz ta’ informazzjoni li seta’ — u wisq probabbli għadu — jiġi pprovdut minn proprjetarji tradizzjonali ta’ ċentri kummerċjali. Dan għaliex anki fil-ġranet ta’ qabel il-wasla tal-internet, tali proprjetarji ta’ ċentri kummerċjali pprovdew, mingħajr dubju, b’mod regolari dan it-tip ta’ informazzjoni lill-kerrejja tagħhom dwar fatturi bħall-preferenzi tal-konsumaturi, l-ammont ta’ nies li jidħlu, ir-riżultati ta’ stħarriġ fost il-konsumaturi, u fatturi oħra simili. |
|
109. |
Għalhekk, għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li l-użu intenzjonat u l-perċezzjonijiet pubbliċi ta’ dawn is-servizzi ma jneħħux mill-kwalità tagħhom ta’ servizzi ta’ bejgħ bl-imnut fis-sens tal-klassi 35 bil-mod kif dan il-terminu ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawża Praktiker u, b’mod iktar partikolari, fis-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington. |
|
110. |
Din it-talba għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
d) Ir-raba’ sottoparti: jekk is-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ta’ Wallapop humiex f’kompetizzjoni ma’ dawk tat-trade mark preċedenti ta’ Unipreus
|
111. |
Wallapop tinsisti li s-servizzi li huma joffru huma sempliċement servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni u li ma humiex relatati mal-kummerċ bl-imnut. |
|
112. |
Wallapop tenfasizza l-fatt li s-servizzi indikati mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma humiex f’kompetizzjoni mas-servizzi ta’ bejgħ ta’ oġġetti tal-isport tat-trade mark tal-kumpannija li ressqet l-oppożizzjoni, iżda pjuttost ma’ servizzi diġitali oħra jew ma’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. |
|
113. |
Kif jirriżulta mill-punti 45 u 46, kif ukoll mill-punti 51 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li ma jistax jiġi eskluż li l-applikazzjoni ta’ Wallapop tapplika għall-użu ta’ sit internet konvenzjonali sabiex isir bejgħ online, hija konstatazzjoni ta’ fatt li ma tistax tiġi kkontestata f’appell fin-nuqqas ta’ allegazzjoni ta’ żnaturament tal-fatti. Għaldaqstant, minn dan isegwi li s-servizzi inkwistjoni ( 42 ) huma manifestament f’kompetizzjoni. |
|
114. |
Barra minn hekk, kif diġà rrilevajt, dan l-argument huwa bbażat fuq distinzjoni stretta bejn is-servizzi online intermedjati, il-kummerċ online u l-kummerċ bl-imnut f’bini fiżiku. Madankollu, kif Unipreus għamlet sforz sabiex tenfasizza matul is-seduta, dan il-paragun ma jiħux inkunsiderazzjoni r-realtà tas-suq, il-bidla tad-drawwiet tal-konsumaturi f’dak li jirrigwarda x-xiri online u, fuq kollox, il-perċezzjonijiet tal-konsumatur medju. Il-fatt stess li, biex għal darba oħra nirrepeti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li żraben tal-isport li Unipreus biegħet online huma offruti wkoll għall-bejgħ fuq il-pjattaforma ta’ Wallapop, fih innifsu, jipprova dan il-punt, anki jekk il-bejgħ bl-imnut online jsir minn bejjiegħa bl-imnut terzi li jkunu għamlu użu minn dawn is-servizzi ta’ intermedjazzjoni u ma jsirx minn Wallapop stess. |
|
115. |
Din it-talba għalhekk għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
|
116. |
Għar-raġunijiet kollha esposti f’dawn il-konklużjonijiet, inqis li l-Qorti Ġenerali kienet kompletament iġġustifikata tasal għall-konklużjonijiet tagħha fir-rigward tax-xebh tas-servizzi inkwistjoni u li għalhekk ma rriżulta ebda żball ta’ liġi. |
VII. Spejjeż
|
117. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, meta l-appell ikun infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti li tirbaħ il-kawża. |
|
118. |
Peress li Unipreus talbet għall-ispejjeż u Wallapop tilfet l-appell tagħha, Wallapop għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha stess u kif ukoll dawk sostnuti minn Unipreus. |
|
119. |
Peress li l-EUIPO tilef, iżda Unipreus ma talbitx li dan jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn Unipreus fil-kuntest tal-proċedura tal-appell, hemm lok li EUIPO jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu relatati ma’ din il-proċedura. |
VIII. Konklużjoni
|
120. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 3 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Tulliallan Burlington vs EUIPO (C‑155/18 P sa C‑158/18 P, EU:C:2020:151, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington”).
( 4 ) ĠU 2009, L 78, p. 1. Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).
( 5 ) ĠU 2011, L 304, p. 64.
( 6 ) ĠU 2013, L 165, p. 1.
( 7 ) ĠU 2016, L 194, p. 1.
( 8 ) Il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-punt 34 tas-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2005, Praktiker Bau- und Heimwerkermärkte (C‑418/02, EU:C:2005:425, iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Praktiker”).
( 9 ) Ara l-punt 39 tas-sentenza appellata.
( 10 ) Ara l-punti 41 sa 44 tas-sentenza appellata.
( 11 ) Ara l-punti 41 sa 44 tas-sentenza appellata.
( 12 ) Ara l-punti 46 sa 49 tas-sentenza appellata.
( 13 ) Ara l-punti 50 sa 53 tas-sentenza appellata.
( 14 ) F’dan l-istadju, jista’ jkun opportun li jiġi osservat li l-fatt li l-isem tal-operatur ekonomiku huwa pprovdut jista’ jkun element rilevanti għall-evalwazzjoni tar-riskju ta’ konfużjoni, iżda, sa fejn jikkonċerna l-kwistjoni tal-konfużjoni fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal trade mark, dan ma jistax ikun determinanti.
( 15 ) Fil-punt 41 tas-sentenza appellata.
( 16 ) Wallapop tirreferi għas-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, BH Stores vs UASI — Alex Toys (ALEX), (T‑657/13, EU:T:2015:449, punti 64 sa 66).
( 17 ) Digriet tat‑3 ta’ Ġunju 2015, The Sunrider Corporation vs UASI (C‑142/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:371, punt 47).
( 18 ) Digriet tal‑3 ta’ Ġunju 2015, The Sunrider Corporation vs UASI (C‑142/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:371, punti 48 u 49).
( 19 ) Ara d-digriet tat‑3 ta’ Ġunju 2015, The Sunrider Corporation vs UASI (C‑142/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:371, punti 51 u 52). Ara wkoll is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2009, Waterford Wedgwood vs Assembled Investments (Proprietary) u UASI (C‑398/07 P, mhux ippubblikata, EU:C:2009:288, punt 42).
( 20 ) Ara, b’analoġija, id-digriet tat‑3 ta’ Ġunju 2015, The Sunrider Corporation vs UASI (C‑142/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:371, punti 55 sa 56). F’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-ġurisdizzjoni tagħha, skont l-Artikolu 256 TFUE, sabiex teżerċita stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali tirrigwarda, bħala regola ġenerali, il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li għandhom jitwettqu mill-Qorti Ġenerali fid-dawl tar-regoli u tal-prinċipji li jirregolaw id-dritt tal-Unjoni dwar it-trade marks tal-Unjoni.
( 21 ) Fil-punt 23 tas-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, fl-evalwazzjoni tax-xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha relatati mal-prodotti jew mas-servizzi nnifishom. Dawn il-fatturi jinkludu, inter alia, in-natura tagħhom, l-utenti finali tagħhom u l-metodu ta’ użu tagħhom, u jekk humiex f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni jew komplimentari.
( 22 ) Enfasi miżjuda. Ara wkoll il-punt 40 tas-sentenza appellata.
( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Airbnb Ireland (C‑390/18, EU:C:2019:1112).
( 24 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, GROFA et (C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232). Kuntrarjament għal din is-sentenza msemmija iktar ’il fuq, ma hemm l-ebda indikazzjoni fis-sentenza appellata li l-kwistjoni tal-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq il-kundizzjonijiet ta’ bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi kienet ta’ xi rilevanza.
( 25 ) Ara l-punti 67 et seq tal-appell ta’ Wallapop.
( 26 ) Ara l-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Settembru 1998, Canon (C‑39/97, EU:C:1998:442, punt 23), u tal‑20 ta’ Settembru 2017, The Tea Board vs EUIPO (C‑673/15 P sa C‑676/15 P, EU:C:2017:702, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Fir-rigward ara, pereżempju, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C‑252/07, EU:C:2008:655).
( 30 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat fil-punt 36 tas-sentenza fil-kawża Praktiker li din il-kunsiderazzjoni hija mfissra fin-Nota ta’ Spjega għall-klassi 35 tal-Klassifikazzjoni ta’ Nice, li skontha din il-klassi tinkludi “il-ġbir flimkien, għall-benefiċċju ta’ terzi, ta’ prodotti diversi […], li jippermetti lill-konsumatur li jarahom u li jixtrihom bil-kumdità”.
( 31 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020 (C‑155/18 P sa C‑158/18 P, EU:C:2020:151).
( 32 ) Sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2017, Tulliallan Burlington vs EUIPO – Burlington Fashion (Burlington) (T‑120/16, EU:T:2017:873), punt 34.
( 33 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Tulliallan Burlington v EUIPO (C‑155/18 P sa C‑158/18 P, EU:C:2019:538).
( 34 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fil-kawżi magħquda Tulliallan Burlington vs EUIPO (C‑155/18 P sa C‑158/18 P, EU:C:2019:538). Fil-punt 95 ta’ dawk il-konklużjonijiet, innotajt li fil-punt 34 tas-sentenza fil-kawża Praktiker il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-għan tal-kummerċ bl-imnut huwa l-bejgħ ta’ merkanzija lill-konsumaturi. Dan il-kummerċ jinkludi, barra l-att ġuridiku tal-bejgħ, kull attività magħmula min-negozjant bl-iskop li jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta’ tali att. Din l-attività tikkonsisti, b’mod partikolari, fl-għażla ta’ taħlita ta’ merkanzija mqiegħda għall-bejgħ u fl-offerta ta’ diversi servizzi intiżi sabiex iwasslu lill-konsumatur sabiex jikkonkludi l-imsemmija att man-negozjant in kwistjoni iktar milli ma’ kompetitur”. Enfasi miżjuda.
( 35 ) Sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington, punt 130.
( 36 ) Fil-fehma tiegħi, il-mod ta’ bejgħ bl-imnut użat (online jew le) sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ bejgħ bl-imnut taħt il-klassi 35 ma huwiex rilevanti sabiex huma jaqgħu taħt din il-klassi. L-importanti huwa pjuttost in-natura tas-servizzi inkwistjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li “bejgħ bl-imnut” jinkludi bejgħ minn ħanut u bejgħ online permezz tal-internet. Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata minn Wallapop. Nirrileva li fil-punt 125 tas-sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li n-Nota ta’ Spjega għall-klassi 35 tipprovdi li din tinkludi, b’mod partikolari, il-ġbir flimkien, għan-nom ta’ terzi, ta’ diversi prodotti, bl-eċċezzjoni tat-trasport tagħhom, li jippermetti lill-klijenti li jarawhom u jixtruhom b’mod faċli. Dawn is-servizzi jistgħu jiġu pprovduti minn ħwienet bl-imnut, minn ħwienet bl-ingrossa, permezz ta’ magni awtomatiċi tal-bejgħ, ta’ katalgi għall-ordnijiet bil-posta jew permezz ta’ midja elettronika, pereżempju permezz ta’ siti internet jew programmi tax-xiri fuq it-televiżjoni.
( 37 ) Sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Tulliallan Burlington vs EUIPO (C‑155/18 P sa C‑158/18 P, EU:C:2020:151, punt 137).
( 38 ) Burlington Fashion GmbH.
( 39 ) Rekwiżit impost mis-sentenza fil-kawża Praktiker u rrilassat biss fis-sentenza Tulliallan Burlington fir-rigward tat-trade mark preċedenti li l-validità tagħha ma ġietx ikkontestata.
( 40 ) Fil-punt 40 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-servizzi ta’ bejgħ online u s-servizzi ta’ kummerċ elettroniku jikkoinċidu parzjalment mas-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut. Fil-punti 41 u 42 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali barra minn hekk iġġustifikat il-pożizzjoni tagħha billi affermat li l-fatt li Wallapop u l-EUIPO jsostnu li t-trade mark ikkontestata ma tikkonċernax is-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut bħala tali iżda s-servizzi ta’ intermedjazzjoni huwa irrilevanti, anki jekk huwa korrett, ladarba dawn jiffaċilitaw il-bejgħ.
( 41 ) Sentenza fil-kawża Tulliallan Burlington, punt 127.
( 42 ) L-użu ta’ sit internet konvenzjonali sabiex isir il-bejgħ online.