KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil-5 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

Kawża C‑730/18 P

SC

vs

Eulex Kosovo

“Appell — Klawżola ta’ arbitraġġ — Membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni — Politika estera u ta’ sigurtà komuni — Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni — Tilwima ta’ natura kuntrattwali — Ammissibbiltà — Kunċett ta’ att separabbli mill-kuntest kuntrattwali tiegħu — Klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali tar-rikors — Rikors għal annullament — Responsabbiltà kuntrattwali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Artikoli 263, 268, 272 u 340 TFUE”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tirriżulta minn tilwima bejn SC, ex membru tal-persunal bil-kuntratt, u l-Missjoni tal-Unjoni Ewropeja għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (iktar ’il quddiem “Eulex Kosovo”) li hija missjoni internazzjonali tal-Unjoni fi ħdan il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (iktar ’il quddiem il-“PESK”).

2.

Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-klawżola li tagħti ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni inkluża fil-kuntratt ta’ xogħol bejn SC u Eulex Kosovo, SC ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, fejn ikkontestat il-legalità tad-deċiżjonijiet meħuda minn din il-missjoni dwar il-fatt li SC ma kinitx għaddiet minn kompetizzjoni interna u l-kuntratt ta’ xogħol tagħha ma ġġeddidx, u talbet il-ħlas ta’ danni abbażi tar-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali tal-Unjoni skont l-Artikolu 340 TFUE.

3.

Dan l-appell ġie ppreżentat minn SC kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Settembru 2018fil-kawża SC vs Eulex Kosovo (T‑242/17, EU:T:2018:586, iktar ’il quddiem “id-digriet appellat”) li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ SC. Id-digriet iqajjem tliet kwistjonijiet ewlenin li jikkonċernaw, l-ewwel nett, il-ġurisdizzjoni tal-qorti skont l-Artikolu 272 TFUE fil-kuntest tal-PESK, it-tieni nett, id-distinzjoni bejn l-Artikoli 263 u 272 TFUE, u, it-tielet nett, il-possibbiltà li rikors kuntrattwali jiġi kklassifikat mill-ġdid abbażi tal-Artikolu 272 TFUE bħala rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE.

4.

Dan l-appell qiegħed jiġi ppreżentat flimkien ma’ kawżi oħra li bħalissa jinsabu quddiem il-qorti li jqajmu kwistjonijiet simili iżda mhux identiċi li jirrigwardaw id-distinzjoni bejn l-Artikoli 263 u 272 TFUE, u li jikkonċernaw ukoll il-kwistjoni li tingħata protezzjoni ġudizzjarja effettiva lil rikorrenti f’tilwimiet ma’ istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni u li tiġi pprovduta ċarezza dwar ir-rotot proċedurali xierqa li għandhom jiġu segwiti f’dan ir-rigward ( 2 ).

5.

Bażikament, il-kawża preżenti tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 272 TFUE u r-relazzjoni ta’ dan l-artikolu mal-Artikolu 263 TFUE fis-sistema ta’ rimedji tal-Unjoni stabbilita fit-Trattati. Din il-kawża għandha importanza prattika kunsiderevoli għall-azzjoni esterna tal-Unjoni u għall-funzjonament tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni madwar id-dinja.

II. Il-kuntest tal-proċedura

6.

Il-kuntest tal-proċedura, kif elenkat fil-paragrafi 1 sa 15 tad-digriet appellat, jista’ jiġi deskritt fil-qosor kif ġej għall-finijiet tal-kawża preżenti. Huwa meħtieġ li jsiru ċerti osservazzjonijiet preliminari dwar il-missjonijiet PESK u Eulex Kosovo (Taqsima A) u r-relazzjoni kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo (Taqsima B), qabel ma jiġu indirizzati l-fatti li wasslu għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali (Taqsima C).

A.   Il-missjonijiet PSDK u Eulex Kosovo

7.

Fil-qasam tal-PESK taħt it-Titolu V tat-TUE, il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (iktar ’il quddiem il-“PSDK”) ( 3 ) tipprovdi lill-Unjoni kapaċità operazzjonali billi tagħmel użu minn riżorsi ċivili u militari f’missjonijiet barra mill-Unjoni sabiex twettaq sensiela ta’ kompiti, inklużi l-prevenzjoni ta’ kunflitti u ż-żamma tal-paċi ( 4 ). Il-missjonijiet tal-PSDK “huma mmirati sabiex jirrispondu għal kunflitti esterni u kriżijiet meta dawn iseħħu, itejbu l-kapaċitajiet ta’ msieħba u fl-aħħar mill-aħħar li jipproteġu l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha permezz ta’ azzjoni esterna” ( 5 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont dokumentazzjoni reċenti, bħalissa hemm 16‑il missjoni tal-PSDK pendenti, 10 missjonijiet ċivili u 6 missjonijiet militari – b’persunal ta’ 5000 ruħ mad-dinja kollha ( 6 ).

8.

In-natura ġuridika tal-missjonijiet tal-PSDK u tal-persunal tagħhom tvarja minn dik ta’ entitajiet oħra fi ħdan il-qafas tal-azzjoni esterna tal-Unjoni ( 7 ). B’mod partikolari, il-missjonijiet tal-PSDK huma marbuta mas-Servizz Ewropew għal Azzjoni Esterna (iktar ’il quddiem is-“SEAE”) ( 8 ), li huwa s-servizz diplomatiku tal-Unjoni u jgħin lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (iktar ’il quddiem ir-“Rappreżentant Għoli”) iwettaq il-PESK. Minkejja dan, il-persunal tal-missjonijiet tal-PSDK ma huwiex kollu parti mis-SEAE, li l-persunal tiegħu jaqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) ( 9 ). Barra minn hekk, il-missjonijiet tal-PSDK ma humiex delegazzjonijiet tal-Unjoni stabbiliti taħt l-Artikolu 221 TFUE sabiex jirrappreżentaw lill-Unjoni u l-azzjonijiet tagħhom huma r-responsabbiltà tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tiddelega ( 10 ). Il-missjonijiet tal-PSDK lanqas ma huma formalment meqjusa bħala aġenziji tal-Unjoni fi ħdan il-PSDK, bħalma huma l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea li għandhom ir-regolamenti tal-persunal tagħhom stess u li l-persunal tagħhom huwa rregolat mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg ( 11 ).

9.

Eulex Kosovo hija missjoni tal-PSDK stabbilita mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo ( 12 ), kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/856 tat-8 ta’ Ġunju 2018 ( 13 ). L-Azzjoni Konġunta 2008/124 ġiet estiża diversi drabi, u l-mandat kurrenti ta’ Eulex Kosovo jestendi sal-14 ta’ Ġunju 2020. Eulex Kosovo hija l-ikbar missjoni ċivili mnedija taħt il-PSDK sa issa ( 14 ).

10.

Skont l-Artikolu 2 tal‑Azzjoni Konġunta 2008/124, il-missjoni ġenerali ta’ Eulex Kosovo hija li “tappoġġa istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt magħżula tal-Kosovo fi triqthom lejn aktar effikaċja, sostenibbiltà, multietniċità u responsabbilizzazzjoni, ħielsa mill-interferenza politika u f’konformità sħiħa mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-aħjar prattiki Ewropej […] bil-għan li l-kompiti li fadal jgħaddu għand strumenti oħra li jaġixxu fit-tul tal-UE u li l-funzjonijiet eżekuttivi residwi jiġu eliminati gradwalment”.

11.

Skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta’ Eulex Kosovo fil-livell strateġiku, filwaqt li l-Kap tal-Missjoni jeżerċita l-kmand u l-kontroll ta’ Eulex Kosovo fil-post tal-operazzjoni, bil-koordinazzjoni u l-ġestjoni ta’ kuljum tagħha ( 15 ).

12.

L-Artikolu 9(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jipprovdi li Eulex Kosovo għandha tkun magħmula prinċipalment minn persunal ikkollokat mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe membru tal-persunal ikkollokat minnhom, inklużi ċerti spejjeż tal-ivvjaġġar, benefiċċji, salarji u kopertura medika ( 16 ).

13.

Skont l-Artikolu 9(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata ( 17 ), persunal ċivili internazzjonali u persunal lokali jista’ wkoll jiġi rreklutat minn Eulex Kosovo, kif meħtieġ, fuq bażi kuntrattwali, jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux ipprovduti mill-persunal ikkollokat mill-Istati Membri ( 18 ).

14.

L-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif emendata ( 19 ), jipprovdi li l-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn Eulex Kosovo u l-membru tal-persunal ikkonċernat.

15.

L-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, li ġie inkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349 tat-12 ta’ Ġunju 2014 ( 20 ), jiddikjara li Eulex Kosovo għandha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, timpjega persunal, ikollha kontijiet bankarji, takkwista u tiddisponi mill-assi u tħallas l-obbligi tagħha, u tkun parti fi proċeduri legali, kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din l-azzjoni konġunta.

B.   Ir-relazzjoni kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo

16.

SC hija ex membru tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt ta’ Eulex Kosovo.

17.

SC ġiet impjegata minn Eulex Kosovo bħala prosekutur abbażi ta’ ħames kuntratti ta’ xogħol konsekuttivi għal perijodu ddeterminat: (1) mill-4 ta’ Jannar 2014 sal-14 ta’ Ġunju 2014; (2) mill-15 ta’ Ġunju 2014 sal-14 ta’ Ottubru 2014; (3) mill-15 ta’ Ottubru 2014 sal-14 ta’ Ġunju 2015; (4) mill-15 ta’ Ġunju 2015 sal-14 ta’ Ġunju 2016; u (5) mill-15 ta’ Ġunju 2016 sal-14 ta’ Novembru 2016.

18.

L-ewwel u t-tieni kuntratt ta’ xogħol jipprovdu, fl-Artikolu 21, li tilwimiet li jirriżultaw minn, jew li huma relatati ma’, dawn il-kuntratti għandhom jiġu rreferuti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati fi Brussell, il-Belġju. It-tielet, ir-raba’ u l-ħames kuntratt ta’ xogħol jipprovdu, fl-Artikolu 21, li tilwimiet li jirriżultaw minn, jew li huma relatati ma’, dawn il-kuntratti għandhom jiġu rreferuti għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 272 TFUE.

19.

Il-kuntratti ta’ xogħol fihom klawżoli li jipprovdu li l-pjan ta’ operazzjoni ta’ Eulex Kosovo (iktar ’il quddiem l-“OPLAN”), il-kunċett tal-operazzjonijiet (iktar ’il quddiem iċ-“CONOPS”), il-kodiċi tal-kondotta (iktar ’il quddiem il-“KK”) u l-proċeduri ta’ operazzjoni standard (iktar ’il quddiem il-“POS”) huma parti integrali minn dawn il-kuntratti ( 21 ). Dawn huma dokumenti ewlenin ta’ ppjanar u organizzazzjoni sabiex iwettqu l-mandat ta’ Eulex Kosovo. B’mod ġenerali, ma humiex disponibbli għall-pubbliku ( 22 ).

20.

Il-kuntratti ta’ xogħol fihom ukoll dispożizzjonijiet li jipprovdu li, bl-iffirmar tal-kuntratt, l-impjegat jikkonferma aċċettazzjoni u konformità mad-dispożizzjonijiet u prinċipji kompriżi fil-kuntratt u l-annessi tiegħu, u li fil-każ ta’ kunflitt, il-kuntratt ta’ xogħol jipprevalixxi, inter alia, fuq l-OPLAN, iċ-CONOPS, il-KK u l-POS ( 23 ).

21.

Il-kuntratti ta’ xogħol jipprovdu wkoll, fl-Artikolu 20, li kull tilwima li tirriżulta bejn il-partijiet “fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-twettiq” ta’ dawn il-kuntratti għandha tiġi rreferuta lil bord ta’ arbitraġġ, u dan bla ħsara għar-riferiment tat-tilwima lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

C.   Il-fatti li wasslu għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali

22.

Fit-28 ta’ April 2014, SC ippreżentat appell quddiem Eulex Kosovo kontra l-ewwel rapport ta’ evalwazzjoni tagħha tal-14 ta’ April 2014. F’dan l-appell, SC ikkontestat l-evalwazzjonijiet f’dan ir-rapport magħmula mis-superviżuri tagħha, inkluż is-superjur dirett tagħha, il-Prosekutur Ewlieni ta’ Eulex Kosovo, is-Sinjura Novotna, flimkien mal-irregolaritajiet fil-proċess ta’ evalwazzjoni b’mod ġenerali. Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Awwissu 2014, il-Kap tal-Missjoni laqa’ l-appell u annulla r-rapport ta’ evalwazzjoni.

23.

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Ġunju 2014, il-Kap tal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani ta’ Eulex Kosovo (iktar ’il quddiem il-“KURU”) innotifika lil SC li kienet qiegħda tiġi organizzata kompetizzjoni interna għall-kariga ta’ prosekutur (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni interna tal-2014”). Din l-ittra indikat, inter alia, li wara r-reviżjoni tal-bżonnijiet operattivi ta’ Eulex Kosovo u l-approvazzjoni tal-OPLAN mill-Istati Membri fl-24 ta’ Ġunju 2014, kienet saret ristrutturazzjoni ta’ Eulex Kosovo, li rriżultat fit-tnaqqis ta’ karigi disponibbli. SC ipparteċipat f’din il-kompetizzjoni bla suċċess.

24.

Fil-25 ta’ Awwissu 2014, SC ressqet appell quddiem Eulex Kosovo kontra r-riżultati tal-kompetizzjoni interna tal-2014. F’dan l-appell, SC ikkontestat, inter alia, il-kompożizzjoni tal-bord ta’ intervista u l-preżenza tas-Sinjura Novotna fuq dan il-bord minħabba l-involviment tagħha fl-appell ta’ SC kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni u l-allegat preġudizzju tagħha kontra SC. Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Settembru 2014, il-Kap tal-Missjoni laqa’ l-appell u annulla l-kompetizzjoni interna tal-2014, minħabba li żewġ membri tal-bord kellhom l-istess nazzjonalità u dan bi ksur tal-POS dwar l-għażla tal-persunal.

25.

Fl-2014, Eulex Kosovo staqsiet lil SC tagħmel eżami tas-sewqan. SC ma għaddietx minn dan l-eżami tliet darbiet matul dan il-perijodu. F’Ottubru 2014, SC ipprovdiet lill-KURU b’dokumentazzjoni li kienet turi diżabbiltà f’idha li ma kinitx tippermettilha ssuq. F’Novembru 2015 u Frar 2016, Eulex Kosovo reġgħet staqsiet lil SC biex tagħmel eżami tas-sewqan.

26.

Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2016, il-KURU nnotifika lil SC li kienet qiegħda tiġi organizzata kompetizzjoni interna ġdida għall-kariga ta’ prosekutur (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni interna tal-2016”). Dik l-ittra kienet tindika, inter alia, li wara r-reviżjoni tal-bżonnijiet operattivi ta’ Eulex Kosovo u l-approvazzjoni tal-OPLAN mill-Istati Membri fis-17 ta’ Ġunju 2016 u l-pjan ta’ stazzjonament mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili fl-20 ta’ Ġunju 2016, kienet saret ristrutturazzjoni ta’ Eulex Kosovo, li rriżultat fit-tnaqqis tal-karigi disponibbli.

27.

Fid-19 ta’ Lulju 2016, SC kienet intervistata mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna tal-2016 li kien ippresedut mis-Sinjura Novotna. Qabel u waqt l-intervista, SC ikkontestat il-kompożizzjoni tal-bord minħabba l-involviment tas-Sinjura Novotna f’żewġ appelli preċedenti mressqa minn SC kontra r-rapport ta’ evalwazzjoni u l-kompetizzjoni interna tal-2014.

28.

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2016, il-KURU informa lil SC li ma kinitx għaddiet mill-kompetizzjoni interna tal-2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni interna tal-2016”) u, għalhekk, il-kuntratt ta’ xogħol tagħha kien ser jiskadi fl-14 ta’ Novembru 2016 u ma setax jiġġedded (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol”) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”).

29.

Fl-10 ta’ Ottubru 2016, SC ressqet appell quddiem Eulex Kosovo kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati. SC essenzjalment sostniet li l-preżenza tas-Sinjura Novotna fuq il-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna tal-2016 irrendiet il-proċess inġust u irregolari, u b’hekk kisret id-dispożizzjonijiet tal-POS dwar l-għażla tal-persunal, flimkien mal-POS dwar il-prinċipji u l-proċess ta’ konfigurazzjoni mill-ġdid (iktar ’il quddiem il-“POS dwar il-konfigurazzjoni mill-ġdid”).

30.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2016, il-Kap tal-Missjoni ċaħad l-appell, billi ddeċieda li l-prinċipji dwar l-għażla tal-persunal ma kinux ġew miksura. F’din id-deċiżjoni, il-Kap tal-Missjoni indika, inter alia, li ma ntwera l-ebda preġudizzju jew kunflitt ta’ interess. Il-Kap tal-Missjoni ddikjara wkoll li l-Anness 13 tal-OPLAN jeżiġi li l-Kap tad-Diviżjoni Eżekuttiva u l-Kap Prosekutur ta’ Eulex Kosovo jkunu fuq il-Bord tal-Għażla, u li l-Bord kellu jkun l-istess għall-kandidati kollha.

31.

Bi tweġiba għal din id-deċiżjoni, fl-1 ta’ Novembru 2016, SC issottomettiet talba għal arbitraġġ, skont l-Artikolu 20 tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, lill-Kap tal-Missjoni. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Novembru 2016, il-Kap tal-Missjoni ċaħad din it-talba.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

32.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-25 ta’ April 2017, SC ressqet azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, fejn talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li Eulex Kosovo kisret l-obbligi kuntrattwali tagħha fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt u fl-applikazzjoni tal-OPLAN, iċ-CONOPS, il-POS dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid u l-għażla tal-persunal, u l-prinċipji kuntrattwali ta’ ekwità u bona fide;

tikkonstata li Eulex Kosovo kisret l-obbligi mhux kuntrattwali tagħha fir-rigward ta’ SC, inkluż id-dritt tagħha għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa taħt l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u d-dritt tagħha għal amministrazzjoni tajba inkluż il-prinċipju ta’ imparzjalità skont l-Artikolu 41 tal-Karta;

tiddikjara illegali d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tordna lil Eulex Kosovo tħallas kumpens lil SC għad-danni materjali u għad-danni morali mġarrba; u

tordna lil Eulex Kosovo tħallas l-ispejjeż, inklużi interessi ta’ 8 %.

33.

SC strutturat ir-rikors tagħha f’żewġ partijiet. L-ewwel parti kienet tikkonċerna talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE, li tikkonsisti f’ħames motivi ( 24 ). It-tieni parti kienet tikkonċerna talba għal kumpens ibbażata fuq l-Artikolu 340 TFUE, li titlob ħlas ta’ danni li jirriżultaw mill-ksur minn Eulex Kosovo tal-obbligi kuntrattwali u mhux kuntrattwali tagħha.

34.

Permezz ta’ dokument separat tal-24 ta’ Awwissu 2017, Eulex Kosovo qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, fejn essenzjalment sostniet li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex ġurisdizzjoni fuq l-azzjoni peress li din kienet parzjalment relatata ma’ kuntratti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Brussell. Fl-20 ta’ Ottubru 2017, SC ippreżentat osservazzjonijiet fuq din l-eċċezzjoni.

35.

Permezz tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ SC fl-intier tiegħu. Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, mingħajr ma kien hemm il-ħtieġa li teżamina l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Eulex Kosovo, ir-rikors kien, parzjalment, manifestament inammissibbli u, parzjalment, manifestament infondat fid-dritt (punti 22, 23 u 77 tad-digriet appellat).

36.

Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li r-rikors kien strutturat taħt erba’ kapijiet ta’ talbiet (punti 24 sa 30 tad-digriet appellat). L-ewwel nett, hija ċaħdet it-tielet kap tat-talbiet dwar l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati bħala manifestament inammissibbli (punti 31 sa 52 tad-digriet appellat), fejn essenzjalment ikkonstatat li dawn id-deċiżjonijiet ma setgħux jiġu kkontestati skont l-Artikolu 272 TFUE, u anki li kieku din it-talba tiġi klassifikata mill-ġdid bħala rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, kienet tardiva.

37.

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel u t-tieni kap tat-talbiet dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali (punt 53 sa 69 tad-digriet appellat) u r-raba’ kap tat-talbiet dwar il-kumpens għad-danni (punti 70 sa 76 tad-digriet appellat) bħala, parzjalment, manifestament inammissibbli, u parzjalment, manifesament infondati fid-dritt. Hija ordnat ukoll lil SC tħallas l-ispejjeż.

38.

Ir-raġunijiet għad-digriet appellat għandhom jiġu rriprodotti, kif meħtieġ, fl-eżami tal-aggravji invokati fl-appell.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39.

Permezz ta’ appell ippreżentat fit-23 ta’ Novembru 2018, SC titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat, tilqa’ r-rikors minbarra l-ħames motiv ( 25 ), u, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu. SC titlob ukoll li Eulex Kosovo tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

40.

Fir-risposta tagħha ppreżentata fis-7 ta’ Mejju 2019, Eulex Kosovo titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell, jew sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad id-digriet appellat, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu. Hija talbet ukoll li SC tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

41.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2019, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad ir-rikors ta’ SC sabiex tippreżenta risposta.

42.

SC u Eulex Kosovo pparteċipaw f’seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li nżammet fis-6 ta’ Novembru 2019.

V. Analiżi

43.

SC tqajjem ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq il-klassifikazzjoni mill-ġdid tat-tielet kap tat-talbiet bħala rikors għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas tal-Qorti Ġenerali li tirrikonoxxi l-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 272 TFUE. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq in-nuqqas li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi relatati mal-ksur tal-POS fir-rigward tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-talbiet għad-danni li rriżultaw mid-deċiżjonijiet ikkontestati, iddikjarati bħala inammissibbli peress li r-rikors għal annullament kontra dawk id-deċiżjonijiet kien inammissibbli. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tat-talbiet għad-danni li rriżultaw mit-talbiet repetuti li jsir eżami tas-sewqan.

44.

Iktar ’il quddiem niffoka (f’ordni inversa) fuq l-eżami tal-ewwel u tat-tieni aggravju li fil-fehma tiegħi għandhom jintlaqgħu. L-eżitu tat-tielet u tar-raba’ aggravju, fl-aħħar mill-aħħar, jiddependi essenzjalment fuq jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqax jew le l-ewwel u t-tieni aggravju. Speċifikament, rigward it-tielet aggravju, SC tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti tagħha dwar il-ksur tal-POS; fid-dawl tal-fatt li dawn l-argumenti ġew sottomessi insostenn ta’ talba li ġiet iddikjarata bħala inammissibbli mill-Qorti Ġenerali, dan l-aggravju jista’ jintlaqa’ biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni aggravju. Rigward ir-raba’ aggravju, SC tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeduċiet li ċerti talbiet kienu inammissibbli għaliex kienu marbuta mill-qrib mat-talba għal annullament li ġiet iddikjarata bħala inammissibbli, filwaqt li l-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ikklassifikat mill-ġdid ir-rikors ammissibbli bbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE bħala rikors inammissibbli bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE; għaldaqstant, dan l-aggravju jista’ jintlaqa’ jekk il-Qorti tilqa’ l-ewwel u t-tieni aggravju. Għaldaqstant, jiena tal-fehma li ma huwiex meħtieġ li jiġu indirizzati t-tielet u r-raba’ aggravju separatament f’dawn il-konklużjonijiet. Il-ħames aggravju jidhirli li huwa infondat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li d-digriet appellat għandu jiġi parzjalment miċħud, u li l-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

45.

Qabel ma ngħaddu għall-evalwazzjoni tal-aggravji (Taqsimiet B, Ċ u D), huwa meħtieġ li nivverifikaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar din l-azzjoni (Taqsima A).

A.   Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

46.

Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tisma’ l-kawża preżenti ma hijiex ikkontestata mill-partijiet ( 26 ). Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, kwistjoni relatata mal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni għandha titqajjem mill-Qorti tal-Ġustizzja ex officio anki jekk l-ebda waħda mill-partijiet ma tkun talbet dan ( 27 ).

47.

Peress li Eulex Kosovo hija missjoni tal-PSDK li topera fil-qasam tal-PESK, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 272 TFUE tistax potenzjalment taffettwa r-regoli li jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u taħt l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE. Sussegwentement, ser nindirizza l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 272 TFUE b’konnessjoni mal-kuntratti ta’ impjieg bejn SC u Eulex Kosovo, flimkien mal-kapaċità legali ta’ Eulex Kosovo li tkun parti f’din il-proċedura.

48.

Għandu jiġi nnotat qabelxejn li jidher li għad ma hemmx ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tindirizza speċifikament il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fuq rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 272 TFUE fir-rigward ta’ restrizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tagħhom fil-qasam tal-PESK.

49.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 275 TFUE, il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx, bħala regola ġenerali, ġurisdizzjoni fuq id-dispożizzjonijiet relatati mal-PESK u l-atti adottati abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 28 ). Madankollu, peress li dawn l-artikoli jintroduċu deroga mir-regola tal-ġurisdizzjoni ġenerali taħt l-Artikolu 19 TUE, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 29 ).

50.

Hemm ukoll korp ta’ ġurisprudenza fuq punti ta’ ġurisdizzjoni relatati mal-PESK li jindika li l-fatt li kien involut il-PESK fiċ-ċirkustanzi ta’ kawża partikolari ma jfissirx awtomatikament li r-restrizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE huma applikabbli ( 30 ). Peress li din il-ġurisprudenza tikkonċerna parzjalment missjonijiet tal-PSDK, huwa utli li jitfakkru punti importanti ta’ ċerti sentenzi għall-kawża preżenti.

51.

Pereżempju, fis-sentenza Elitaliana vs Eulex Kosovo ( 31 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni li jiddeċiedu fuq rikors għal annullament u għal danni ppreżentat mir-rikorrent wara l-għoti minn Eulex Kosovo ta’ kuntratt pubbliku ta’ servizzi ta’ elikotteru lil offerent ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri inkwistjoni, li kien qiegħed jintalab l-annullament tagħhom abbażi ta’ ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku, kienu relatati mal-għoti ta’ kuntratt pubbliku li ta lok għal spiża taħt il-baġit tal-Unjoni u għaldaqstant il-kuntratt inkwistjoni kien suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni ( 32 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE ma kinux jeskludu l-ġurisdizzjoni tagħha li tinterpreta u tapplika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-Unjoni fir-rigward tal-akkwist pubbliku.

52.

Barra minn hekk, fis-sentenza H vs Il-Kunsill et ( 33 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni li jiddeċiedu dwar rikors għal annullament u għal danni ppreżentat minn membru tal-persunal ikkollokat ta’ missjoni ċivili tal-PSDK, il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja‑Ħerzegovina, inkonnessjoni ma’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kap tal-Missjoni li jassenjah għal kariga f’uffiċċju reġjonali. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li d-deċiżjonijiet ikkontestati ttieħdu fil-kuntest tal-PESK u kienu relatati mal-azzjoni operattiva taħt il-PESK, dawn kienu jikkostitwixxu wkoll atti ta’ ġestjoni tal-persunal bħad-deċiżjonijiet kollha simili adottati minn istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom. F’dawk iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-PESK ma kinux jipprekludu reviżjoni ta’ atti ta’ ġestjoni tal-persunal relatati ma’ membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri, fejn il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 270 TFUE, li jirrevedu tali atti fejn jikkonċernaw membri tal-persunal ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Inkella, meta att wieħed ta’ ġestjoni tal-persunal relatat ma’ operazzjonijiet “fuq il-post” jikkonċerna kemm membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri kif ukoll dawk ikkollokati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-deċiżjoni fir-rigward ta’ dawk tal-ewwel tista’ tkun irrikonċiljabbli mad-deċiżjoni fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

53.

Fuq din il-bażi, nosserva li l-kawżi preċedenti kienu jikkonċernaw kawżi ta’ rikorsi għal annullament u għal danni mressqa skont l-Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u ma qajmux l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 272 TFUE, peress li ma kienx hemm relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni bejn il-partijiet f’dawk il-proċeduri. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanzi li qamu fil-kawża H vs Il-Kunsill et kienu jikkonċernaw membru tal-persunal ikkollokat għall-kuntrarju ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ missjoni ċivili tal-PSDK, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet parzjalment intiża sabiex tevita trattament irrikonċiljabbli fl-aġġudikazzjoni ta’ tilwimiet li jikkonċernaw membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Minn dik is-sentenza jista’ jiġi dedott ukoll li l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE ma jipprekludux il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni li jiddeċiedu dwar azzjonijiet relatati mal-ġestjoni ġenerali tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK tal-membri tal-persunal tagħhom, anki fejn tali ġestjoni tkun tikkonċerna operazzjonijiet ‘fuq il-post’ ( 34 ). Ser nerġa’ nindirizza dan is-suġġett iktar tard fl-analiżi tiegħi (ara l-punt 138 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

54.

Għaldaqstant din il-ġurisprudenza tappoġġja l-fehma li r-restrizzjonijiet imqiegħda fuq il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni fil-PESK taħt l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE ma jipprekludux il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont klawżola ta’ arbitraġġ fis-sens tal-Artikolu 272 TFUE fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti ( 35 ).

55.

Ċertament, il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol minn Eulex Kosovo bħal dawk fil-kawża preżenti hija prevista mill-Azzjoni Konġunta 2008/124 li tistabbilixxi dik il-missjoni li l-bażi legali tagħha taqa’ taħt il-PESK (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, mill-Artikolu 272 TFUE, li abbażi tiegħu l-qrati tal-Unjoni ngħataw ġurisdizzjoni “li [j]iddeċied[u] bis-saħħa ta’ klawżola ta’ l-arbitraġġ li jkun hemm f’kuntratt li jkun sar, skond id-dritt pubbliku jew privat, mill-Unjoni jew f’isimha”, isegwi li din id-dispożizzjoni ma taqax fil-qasam tal-PESK u, b’mod ġenerali, tapplika għal diversi tipi ta’ kuntratti li jinvolvu lill-persunal ( 36 ). Barra minn hekk, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni taħt l-Artikolu 272 TFUE hija bbażata fuq il-kuntratt konkluż bejn il-partijiet, għall-kuntrarju ta’ att adottat abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-PESK.

56.

Barra minn hekk, filwaqt li l-kuntratti ta’ xogħol f’din il-kawża jistgħu jkunu konklużi fil-kuntest tal-PESK, dawn essenzjalment jikkostitwixxu atti tipiċi ta’ ġestjoni ta’ persunal fl-organizzazzjoni tar-riżorsi umani minn Eulex Kosovo. Konstatazzjoni li l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 272 TFUE hija prekluża sempliċement għaliex il-kuntratt ta’ xogħol huwa stabbilit fil-kuntest tal-PESK tidher li tmur kontra l-intenzjoni espressa tal-partijiet li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ inkluża fil-kuntratt, u tkun tista’ xxejjen l-Artikolu 272 TFUE fis-sustanza tiegħu.

57.

Konsegwentement, għandu jitqies li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont klawżola ta’ arbitraġġ taħt l-Artikolu 272 TFUE fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti ma hijiex prekluża mir-restrizzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tagħha, b’deroga, fil-PESK skont l-Artikolu 24(1) TUE u l-Artikolu 275 TFUE.

58.

Lanqas ma huwa kkontestat li Eulex Kosovo tista’ tkun parti f’dawn il-proċeduri jew li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 272 TFUE tista’ testendi għall-kuntratti kollha ta’ xogħol f’din il-kawża.

59.

L-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, kif inkluż bid-Deċiżjoni 2014/349 li hija applikabbli b’effett mit-12 ta’ Ġunju 2014 (ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jagħti lil Eulex Kosovo l-kapaċità li tikkonkludi kuntratti u tkun parti fi proċeduri legali, u b’hekk jikkonferixxilha kapaċità legali. Mill-Artikolu 9(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, flimkien mal-Artikolu 10(3) tal-istess azzjoni konġunta, li huwa wkoll applikabbli b’effett mit-12 ta’ Ġunju 2014 (ara l-punti 13 sa 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet), jidher ukoll li Eulex Kosovo tista’ tirrekluta persunal fuq bażi kuntrattwali u li l-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi ta’ tali persunal huma stabbiliti fil-kuntratti konklużi bejnha u l-membru tal-persunal ikkonċernat. Għaldaqstant, skont l-emendi inklużi permezz tad-Deciżjoni 2014/349, Eulex Kosovo għandha kapaċità legali u tista’ tkun konvenuta f’dawn il-proċeduri ( 37 ).

60.

Barra minn hekk, kif indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-partijiet ( 38 ), mis-sentenza Jenkinson vs Il-Kunsill et tal-5 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Jenkinson”) ( 39 ) jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tisma’ tilwimiet li jirriżultaw mir-relazzjoni kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo, anki jekk din ir-relazzjoni tista’ tkun parzjalment relatata ma’ fatti li seħħew matul il-perijodi koperti mill-ewwel u mit-tieni kuntratt ta’ xogħol li jattribwixxu l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell (ara l-punt 18 dawn il-konklużjonijiet).

61.

Is-sentenza Jenkinson ( 40 ) kienet tinvolvi azzjoni bbażata prinċipalment fuq l-Artikolu 272 TFUE mressqa minn ex membru tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt ta’ ċerti missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni inkluż Eulex Kosovo. B’mod partikolari, ir-rikorrent talab ħlas ta’ danni għal użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat konsekuttivi u għal tkeċċija inġusta bbażata fuq deċiżjoni li l-kuntratt tiegħu ma jiġġeddidx. Kien biss l-aħħar kuntratt bejn ir-rikorrent u Eulex Kosovo li kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ taħt l-Artikolu 272 TFUE, filwaqt li l-kuntratti ta’ xogħol kollha preċedenti kienu jattribwixxu l-ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell.

62.

Fis-sentenza tagħha ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li fil-prinċipju l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni li jiddeċiedu biss talbiet li jirriżultaw minn kuntratt li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ jew talbiet li huma direttament konnessi mal-obbligi li jirriżultaw minn dak il-kuntratt. Madankollu, meta jkun hemm kuntratt ta’ xogħol li jkopri sensiela ta’ kuntratti konsekuttivi, il-fatt li kuntratti preċedenti ma kinux jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tqis il-kuntratti kollha fl-evalwazzjoni tagħha tar-relazzjoni bejn il-partijiet. Għaldaqstant, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 272 TFUE tista’ testendi għal kuntratti preċedenti li jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati nazzjonali, bil-kundizzjoni li r-rikors ikun fih talbiet li jirriżultaw mill-kuntratt li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ jew li huma direttament marbuta mal-obbligi li jirriżultaw minn dak il-kuntratt, kif kien il-każ f’dawk il-proċeduri.

63.

Fil-kawża preżenti, abbażi tas-sentenza Jenkinson, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 272 TFUE tista’ testendi għall-kuntratti kollha bejn SC u Eulex Kosovo, peress li t-talbiet ta’ SC huma marbuta mal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg waħda u kontinwa li tinvolvi ħames kuntratti suċċessivi, u huma bbażati fuq kuntratti li jinkludu l-klawżola ta’ arbitraġġ. Ser nindirizza mill-ġdid dik is-sentenza iktar tard fl-analiżi tiegħi (ara l-punti 105 sa 107 u 138 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

64.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tisma’ l-kawża preżenti.

B.   It-tieni aggravju (relatat mad-distinzjoni bejn l-Artikoli 263 u 272 TFUE)

1. Sommarju qasir tal-argumenti tal-partijiet

65.

Permezz tat-tieni aggravju, li jallega ksur tal-Artikolu 272 TFUE, tad-dritt għal rimedju effettiv skont l-Artikolu 47 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, SC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 31, 37, 40, 42, 43, 45, 46 u 64 tad-digriet appellat, billi naqset milli taċċetta ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 272 TFUE fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet dwar l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u milli tieħu inkunsiderazzjoni l-mertu ta’ dik il-kawża. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

66.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, SC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma ddeċidietx il-kwistjoni dwar jekk kinitx intitolata li tevalwa l-fatti li seħħew matul il-perijodu kopert mill-klawżola fl-ewwel u fit-tieni kuntratt ta’ impjieg li kienu jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell, filwaqt li mis-sentenza Jenkinson isegwi li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 272 TFUE.

67.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, SC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-talba ta’ SC, intiża għal dikjarazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu illegali, kienet tikkostitwixxi rikors għal annullament, filwaqt li dikjarazzjonijiet relatati ma’ ksur kuntrattwali huma rimedji legali xierqa skont l-Artikolu 272 TFUE ( 42 ).

68.

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, SC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-deċiżjonijiet ikkontestati kienu miżuri amministrattivi separabbli mill-kuntratt. Id-deċiżjoni relatata mal-kompetizzjoni interna tal-2016 ittieħdet abbażi tal-POS li huma parti integrali mill-kuntratt ta’ impjieg, skont l-Artikolu 1.2 tagħhom, u jikkostitwixxu l-liġi applikabbli fir-rigward ta’ dak il-kuntratt ( 43 ). Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li SC ma invokatx motivi bbażati fuq dispożizzjonijiet kuntrattwali, peress li SC invokat diversi motivi li kienu jallegaw ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inklużi l-POS. Barra minn hekk, is-sempliċi assenza fil-kuntratt ta’ klawżola li tipprovdi għat-tiġdid tiegħu ma għandha l-ebda effett fuq il-fatt li d-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol hija kuntrattwali. SC enfasizzat ukoll matul is-seduta li l-POS huma kuntrattwali fir-rigward tar-relazzjoni ta’ impjieg ma’ Eulex Kosovo, u l-klawżola ta’ arbitraġġ tkun bla skop li kieku kienet limitata biss għall-kuntratt innifsu.

69.

SC iżżid li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa inkonsistenti ma’ ġurisprudenza oħra ( 44 ), u jwassal sabiex persunal bil-kuntratt ta’ missjonijiet tal-PSDK ma jitħalliex jikkontesta l-maġġoranza tat-tilwimiet relatati max-xogħol quddiem il-qrati tal-Unjoni. Peress li eskludiet l-unika possibbiltà apparenti disponibbli għal tali persunal sabiex jikkontesta deċiżjonijiet meħuda kontrih skont l-Artikolu 272 TFUE, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jikser id-dritt ta’ SC għal rimedju effettiv iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn id-dritt li jiġi ppreżentat rikors għal annullament ingħata lil persunal ikkollokat tal-missjonijiet tal-PSDK ( 45 ).

70.

Eulex Kosovo ssostni li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa konsistenti ma’ ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 272 TFUE għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv ( 46 ). Id-deċiżjoni rigward il-kompetizzjoni interna tal-2016 kienet ir-riżultat ta’ deċiżjoni ta’ ristrutturazzjoni meħuda mill-Kunsill u fformalizzata fl-OPLAN u għaldaqstant hija separabbli mill-kuntratt. Il-Qorti Ġenerali ġustament ibbażat il-konstatazzjonijiet tagħha rigward id-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol fuq l-assenza ta’ klawżola fil-kuntratt dwar it-tiġdid tiegħu. Eulex Kosovo ma tikkontestax li l-OPLAN, iċ-CONOPS, il-KK u l-POS huma parti integrali mill-kuntratt ta’ xogħol, madankollu tiċħad il-kontestazzjoni ta’ SC li dawn id-dokumenti huma kuntrattwali, peress li, kif enfasizzat fis-seduta, huma dokumenti ġenerali operattivi u mhux innegozjati mill-partijiet.

71.

Eulex Kosovo ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali ma kisritx id-dritt ta’ SC għal rimedju effettiv u għal ugwaljanza fit-trattament, peress li SC kienet intitolata tippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, il-kawżi li rreferiet għalihom SC huma kkaratterizzati minn ċirkustanzi differenti, u għadhom pendenti quddiem il-qrati rilevanti.

2. Evalwazzjoni tat-tieni aggravju

72.

Hemm lok li nikkonstata minnufih li filwaqt li t-tielet parti tat-tieni aggravju timmerita kunsiderazzjoni serja, l-ewwel u t-tieni parti ta’ dan l-aggravju jistgħu jiġu miċħuda malajr.

73.

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, SC tallega li l-Qorti Ġenerali ma speċifikatx, fid-dawl tas-sentenza Jenkinson, jekk setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni fatti li seħħew matul il-perijodu li fih il-kuntratti ta’ xogħol ma kinux jinkludu klawżoli ta’ arbitraġġ li jipprovdu għall-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni. Fil-fehma tiegħi, ma kienx meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq din il-kwistjoni sabiex tkun tista’ tevalwa jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati kinux miżuri separabbli mill-kuntratt, peress li ma ġiex allegat li l-konnessjoni tagħhom mal-kuntratt tirriżulta minn dak il-perijodu. Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

74.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, SC tidher li tilmenta li l-Qorti Ġenerali eskludiet il-possibbiltà li rikors skont l-Artikolu 272 TFUE jista’ jkun ta’ natura dikjaratorja. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx pożizzjoni dwar din il-kwistjoni, u bbażat ruħha fuq in-natura tad-deċiżjonijiet ikkontestati, minflok fuq in-natura tat-talbiet magħmula kontrihom. Għaldaqstant, nipproponi li t-tieni parti tat-tieni aggravju tiġi miċħuda bħala infondata.

75.

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, SC tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-deċiżjonijiet ikkontestati bħala miżuri separabbli mill-kuntratt li ma jistgħux jiġu kkontestati skont l-Artikolu 272 TFUE.

76.

Hemm lok li nfakkar li dan l-aggravju jqajjem kwistjonijiet kumplessi li għadhom ma ġewx ittrattati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mad-distinzjoni bejn l-atti li jistgħu jiġu kkontestati f’azzjonijiet ibbażati fuq l-Artikoli 263 u 272 TFUE, fil-kuntest ta’ tilwima dwar l-impjieg li tinvolvi ex membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ missjoni ċivili tal-PSDK. Il-kumplessità tal-kawża preżenti tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-atti inkwistjoni kienu jagħmlu parti minn kuntest amministrattiv u ma kienu bbażati fuq ebda dispożizzjoni speċifika tal-kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn il-partijiet.

77.

Inqis li t-tielet parti tat-tieni aggravju hija fondata u d-digriet appellat għandu jiġi miċħud fuq din il-bażi. Ir-raġunijiet li hija bbażata fuqhom din il-konklużjoni huma s-segwenti.

78.

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 272 TFUE huwa dispożizzjoni speċifika li tippermetti lill-qrati tal-Unjoni jiġu aditi b’hekk imsejħa klawżola ta’ arbitraġġ miftiehma bejn il-partijiet għal kuntratti rregolati minn dritt pubbliku jew dritt privat ( 47 ). Peress li tilwimiet bħal dawn jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali skont l-Artikolu 274 TFUE sakemm ma jkunx hemm klawżola ta’ arbitraġġ, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 272 TFUE tidderoga mir-regoli ordinarji tal-liġi u għaldaqstant hija interpretata b’mod restrittiv ( 48 ). Barra minn hekk, din il-ġurisdizzjoni tiġi ddeterminata biss fir-rigward tal-Artikolu 272 TFUE u tat-termini tal-klawżola ta’ arbitraġġ, u ma tistax tiġi affettwata minn dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li allegatament jeskludu l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni ( 49 ). Minn dan isegwi li l-qrati tal-Unjoni jistgħu jisimgħu u jiddeċiedu biss talbiet li jirriżultaw mill-kuntratt konkluż mal-Unjoni li jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ, jew talbiet li huma direttament konnessi mal-obbligi li jirriżultaw minn dak il-kuntratt ( 50 ).

79.

Kuntrarjament, l-Artikolu 263 TFUE jippermetti lill-qrati tal-Unjoni jistħarrġu l-legalità ta’ miżuri vinkolanti adottati mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni permezz ta’ rikors għal annullament li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tagħhom ( 51 ). Skont il-ġurisprudenza, rikors għal annullament huwa disponibbli fil-każ tal-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, indipendentement min-natura u mill-għamla tagħhom, li huma intiżi li jkollhom effetti legali li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent billi jagħtu lok għal bidla distinta fil-pożizzjoni legali tiegħu ( 52 ).

80.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet kriterji sabiex tiddistingwi t-tipi ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikoli 263 u 272 TFUE. B’mod partikolari, f’ġurisprudenza li l-qofol tagħha hija s-sentenza Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Lito”) ( 53 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ kuntratt bejn rikorrent u waħda mill-istituzzjonijiet, jista’ jiġi ppreżentat rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE “biss jekk l-att ikkontestat huwa intiż sabiex jipproduċi effetti legali vinkolanti li jinsabu barra mir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva”.

81.

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, li kieku l-qrati tal-Unjoni kellhom jiddeċiedu li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu fuq l-annullament ta’ atti li jaqgħu purament taħt relazzjonijiet kuntrattwali, mhux biss jirriskjaw li jrendu l-Artikolu 272 TFUE bla skop, iżda jirriskjaw ukoll, fejn il-kuntratt ma jkunx jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ, li jestendu l-ġurisdizzjoni tal-Unjoni lil hinn mil-limiti tal-Artikolu 274 TFUE li jagħti lill-qrati nazzjonali ġurisdizzjoni ordinarja fir-rigward ta’ tali tilwimiet ( 54 ).

82.

Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li azzjoni li tikkontesta nota ta’ debitu ma tistax tkun ibbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE. Din in-nota taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt, peress li l-iskop tan-nota huwa l-irkupru tad-debitu li huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-kuntratt. Din in-nota lanqas ma tista’ titqabbel ma’ digriet ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 299 TFUE li tista’ tintuża minn istituzzjoni fejn parti tonqos milli twettaq obbligu sad-data tal-kunsinna stabbilita. Għalhekk, din in-nota ma’ tipproduċix effetti legali li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, iżda għandha titqies li hija inseparabbli mir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet ( 55 ).

83.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal konklużjonijiet simili f’ċirkustanzi li kienu jinvolvu relazzjonijiet kuntrattwali triangolari li fihom ir-rikorrent ma jkunx ikkonkluda kuntratt direttament mal-istituzzjoni iżda ma’ kokontraenti fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż bejn dik il-parti u l-Unjoni. Hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li atti adottati mill-istituzzjoni relatati mal-prestazzjoni mhux sodisfaċenti tar-rikorrent, tnaqqis tas-salarju u t-terminazzjoni tax-xogħol ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati skont l-Artikolu 263 TFUE, peress li l-effetti kollha ta’ atti bħal dawn huma prodotti u eżawriti fil-qafas tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-istituzzjoni u l-parti kontraenti l-oħra, li fir-rigward tagħha r-rikorrent huwa terz ( 56 ).

84.

Għandu jiġi nnotat li l-ġurisprudenza rigward id-distinzjoni bejn l-Artikolu 272 TFUE u l-Artikolu 263 TFUE tingħaqad mal-ġurisprudenza rigward id-distinzjoni bejn l-Artikolu 272 TFUE u l-Artikolu 268 TFUE ( 57 ) li jikkonferixxi ġurisdizzjoni esklużiva lill-qrati tal-Unjoni sabiex jiddeċiedu azzjonijiet rigward ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ( 58 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi ddeterminata n-natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tat-tilwima bl-iskop li tiġi evalwata l-ġurisdizzjoni tagħhom, il-qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw, b’riferiment għal diversi elementi fil-fajl, id-dispożizzjonijiet legali allegatament miksura, in-natura tad-danni mitluba, il-kondotta li qiegħda tiġi allegata u r-relazzjonijiet legali bejn il-partijiet, jekk hemmx bejniethom “kuntest kuntrattwali ġenwin, marbut mas-suġġett tat-tilwima, li l-eżami fil-fond tiegħu huwa indispensabbli għar-riżoluzzjoni tal-istess azzjoni”. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux sempliċement jibbażaw ruħhom fuq ir-regoli allegati mill-partijiet, peress li n-natura tat-tilwima u, għaldaqstant, il-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni, jistgħu jinbidlu skont dak li jipprovdu r-regoli invokati mill-partijiet.

85.

Huwa fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq li għandha tiġi eżaminata t-tielet parti tat-tieni aggravju.

86.

Fil-kawża preżenti, nosserva li fil-punti 35, 36 u 42 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari fis-sentenza Lito sabiex tiżgura jekk id-deċiżjonijiet ikkontestati kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet.

87.

Madankollu, inqis li l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 37 sa 45 tad-digriet appellat, li tgħid li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jitqiesu bħala miżuri separabbli minn dik ir-relazzjoni, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

88.

Għandu jitfakkar li d-deċiżjonijiet ikkontestati jirrigwardaw in-nuqqas ta’ SC li tgħaddi mill-kompetizzjoni interna tal-2016 u n-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ impjieg tagħha. Bħala tali, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma atti magħmula minn Eulex Kosovo li jirrigwardaw ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ SC ma’ Eulex Kosovo. Ir-rikors ta’ SC ippreżentat quddiem il-qrati tal-Unjoni huwa intiż għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni li tikkonferma d-deċiżjonijiet ikkontestati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-OPLAN u tal-POS (ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

89.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza Lito, hemm indikazzjonijiet qawwija li d-deċiżjonijiet ikkontestati jaqgħu fi ħdan il-qafas kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo. Kif ser nargumenta iktar ’il quddiem, dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol bejn SC u Eulex Kosovo, u essenzjalment jirrigwardaw il-prestazzjoni ta’ dan il-kuntratt. Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jipproduċux effetti legali li jirriżultaw mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika minn Eulex Kosovo, iżda għandhom pjuttost jitqiesu bħala inseparabbli mir-relazzjoni kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo. Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet ta’ Eulex Kosovo, filwaqt li l-Artikolu 272 TFUE huwa interpretat b’mod restrittiv, kif imsemmi fil-punt 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 272 TFUE jestendi kjarament għal tilwimiet li jirriżultaw mill-kuntratt jew li huma direttament konnessi mal-obbligi li jirriżultaw minnu, bħalma huwa l-każ hawnhekk.

a) Id-deċiżjoni rigward il-kompetizzjoni interna tal-2016

90.

Fil-punti 38 sa 42 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-deċiżjoni rigward il-kompetizzjoni interna tal-2016 ma kinitx ibbażata fuq it-termini tal-kuntratt ta’ xogħol bejn SC u Eulex Kosovo, iżda kienet adottata mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni interna tal-2016 fil-kuntest tal-iskema ta’ tnaqqis ta’ persunal taħt l-OPLAN u l-pjan ta’ stazzjonament li rriżultaw minn deċiżjoni amministrattiva li tinżamm din il-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni rigward il-kompetizzjoni interna tal-2016 kienet separabbli mill-kuntratt.

91.

Fil-punt 43 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-motivi ta’ SC insostenn tat-tielet kap tat-talbiet tagħha ma kinux ibbażati fuq it-termini tal-kuntratt ta’ xogħol bejn SC u Eulex Kosovo, iżda qajmu allegati difetti speċifiċi għal atti amministrattivi.

92.

Jiena naqbel ma’ SC li din l-analiżi hija skorretta.

93.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali fil-biċċa l-kbira bbażat ruħha fuq il-kuntest amministrattiv li kienet tagħmel parti minnu d-deċiżjoni rigward il-kompetizzjoni interna tal-2016, jiġifieri l-fatt li dik id-deċiżjoni rriżultat minn deċiżjonijiet tal-Kunsill u tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili rigward it-tnaqqis tal-persunal, minn fejn iddeduċiet li dik id-deċiżjoni ttieħdet f’dak il-kuntest, pjuttost milli fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa r-rabta preċiża bejn id-deċiżjoni u r-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet. Evalwazzjoni bħal din tidher li tkun ta’ importanza partikolari fil-kuntest tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK, peress li l-atti relatati mar-relazzjoni ta’ impjieg ma’ persunal bil-kuntratt kemm‑il darba jkunu l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill jew awtoritajiet oħra rigward l-organizzazzjoni u d-direzzjoni strateġika ta’ dawk il-missjonijiet.

94.

Fil-kawża preżenti, filwaqt li d-deċiżjonijiet amministrattivi inkwistjoni kienu relatati mat-tnaqqis tal-persunal ta’ Eulex Kosovo, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li dawn kienu jikkonċernaw it-trattament speċifiku ta’ membri tal-persunal fil-kuntest tal-proċedura ta’ kompetizzjoni jew l-istatus ta’ impjieg ta’ tali membri li jirriżultaw minn din il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, l-inferenza tal-Qorti Ġenerali li d-deċiżjoni rigward il-kompetizzjoni interna tal-2016 kienet sempliċement amministrattiva minħabba l-fatt li rriżultat minn deċiżjoni amministrattiva rigward l-organizzazzjoni ta’ Eulex Kosovo tapplika ħażin il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li tista’ twassal għall-annullament possibbli tal-atti li jaqgħu taħt ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet u għalhekk ixxejjen l-Artikolu 272 TFUE mis-sustanza tiegħu.

95.

Barra minn hekk, huwa ċar li l-kompetizzjoni interna tal-2016 kienet irregolata b’mod partikolari minn dispożizzjonijiet tal-OPLAN u tal-POS. Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza jekk l-OPLAN, iċ-CONOPS, il-KK u l-POS, li SC tallega li ġew miksura minn Eulex Kosovo, humiex dokumenti kuntrattwali u għalhekk jagħmlux parti mir-relazzjoni kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo.

96.

Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet ta’ Eulex Kosovo, u kif indikat minn SC, il-fatt li dawn id-dokumenti għandhom natura ġenerali operattiva u ma humiex innegozjati mill-partijiet għall-kuntratt ma huwiex deċiżiv. Dawn id-dokumenti jistgħu jitqiesu li huma kuntrattwali fir-relazzjoni bejn SC u Eulex Kosovo, peress li jsir riferiment għalihom fil-kuntratt ta’ xogħol bħala parti integrali minn dak il-kuntratt, u jikkostitwixxu l-bażi tad-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fl-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt (ara l-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 59 ).

97.

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi indikat li, fil-verżjoni applikabbli tal-POS dwar ir-riorganizzazzjoni, annessa mal-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Eulex Kosovo ( 60 ), l-Artikolu 5, intitolat “Reviżjoni”, jipprovdi li: “Bla ħsara għar-rimedji legali previsti mill-kuntratti ta’ impjieg, kwalunkwe membru tal-persunal affettwat mir-riorganizzazzjoni jista’ jitlob reviżjoni tal-proċess mill-Kap tal-Missjoni fil-każ ta’ tħassib sostanzjat mill-membru tal-persunal affettwat dwar l-ekwità u l-preċiżjoni tal-proċess”. Dan ikopri rikors għal rimedji minn membru tal-persunal fi ħdan il-qafas kuntrattwali, jiġifieri, rikors ippreżentat skont l-Artikolu 272 TFUE abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt ta’ xogħol, sabiex tiġi kkontestata n-natura ekwa ta’ proċedura ta’ kompetizzjoni interna li taffettwa lil dak il-membru, bħal fil-kawża preżenti.

98.

Għandu wkoll jiġi nnotat li, kif indikat minn SC, konstatazzjoni li dawk id-dokumenti ma humiex kuntrattwali tidher li tikkontradixxi l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li ma tissemmiex fid-digriet appellat, li tipprovdi li dokumenti bħal dawn jitqiesu li jifformaw il-bażi tal-obbligi kuntrattwali bejn il-partijiet. B’mod partikolari, is-sentenza PY vs EUCAP Sahel Niger ( 61 ) kienet tinvolvi rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE ppreżentat minn ex membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ missjoni ċivili tal-PSDK, fejn allega ksur tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu bbażat fuq il-kodiċi ta’ kondotta ta’ dik il-missjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors kellu jiġi eżaminat abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-kondotta li kienu jifformaw parti integrali mill-kuntratt ta’ xogħol u li kienu jikkostitwixxu d-dritt applikabbli sabiex jiġu evalwati dawk it-talbiet.

99.

Għal raġunijiet simili, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-motivi ta’ SC kienu relatati ma’ difetti speċifiċi għal atti amministrattivi u ma kinux ibbażati fuq it-termini tal-kuntratt sabiex issostni l-konklużjoni tagħha li d-deċiżjoni rigward il-kompetizzjoni interna tal-2016 kienet ta’ natura amministrattiva hija problematika. Il-Qorti Ġenerali skartat il-motivi ta’ SC li kienu jallegaw ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet, inkluż l-OPLAN u l-POS. Għaldaqstant, billi naqset milli tindirizza l-punt dwar jekk dawn id-dokumenti kinux kuntrattwali, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat iddeċidiet li SC ma invokatx motivi bbażati fuq it-termini tal-kuntratt ta’ xogħol.

100.

Hemm lok li jiġi indikat ukoll li din id-deċiżjoni tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward id-distinzjoni bejn l-Artikoli 268 u 272 TFUE (ara l-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li tistabbilixxi li l-qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw l-eżistenza ta’ kuntest kuntrattwali ġenwin bejn il-partijiet, u ma jistgħux jibbażaw ruħhom biss fuq motivi allegati mill-partijiet sabiex tiġi stabbilita n-natura kuntrattwali tat-tilwima, sa fejn hija kkonċernata l-ammissibbiltà tar-rikors ( 62 ). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali għamlet proprju dan billi evalwat in-natura kuntrattwali tat-tilwima għall-finijiet tal-Artikolu 272 TFUE abbażi ta’ motivi invokati minn SC.

101.

Fl-aħħar nett, ma hemm xejn iktar fil-fajl tal-kawża li jappoġġja l-konklużjoni li, billi adottat id-deċiżjoni rigward il-kompetizzjoni interna tal-2016, Eulex Kosovo ma aġixxietx fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega/parti kokontraenti, iżda bħala awtorità pubblika li tmur lil hinn mill-qafas kuntrattwali bejn il-partijiet. Iċ-ċirkustanzi li jqumu fil-kawża preżenti huma differenti b’mod partikolari minn kuntest li fih ir-relazzjoni ta’ impjieg tmur lil hinn mill-kuntest kuntrattwali u għandha elementi ta’ regolamenti tal-persunal li jattribwixxu lil istituzzjoni jew korp tal-Unjoni responsabbiltajiet ta’ interess pubbliku ( 63 ).

b) Id-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol

102.

Fil-punti 44 u 45 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, filwaqt li l-aħħar kuntratt ta’ xogħol kien jipprovdi, fl-Artikolu 16.1, li t-tul tiegħu kien ikopri l-perijodu bejn il-15 ta’ Ġunju u l-14 ta’ Novembru 2016, dak il-kuntratt ma kienx fih klawżola li tipprovdi għat-tiġdid tiegħu. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx ma rriżultatx mit-termini kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo, iżda kienet ibbażata fuq deċiżjoni amministrattiva tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani li silet il-konsegwenzi tal-kompetizzjoni interna tal-2016 u n-nuqqas ta’ SC li tgħaddi minn dik il-kompetizzjoni.

103.

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-fatt li l-kuntratt ma kienx fih klawżola li tipprovdi għat-tiġdid tiegħu sabiex tikkonstata li dik id-deċiżjoni ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo. Madankollu, kif indikat minn SC, il-fatt li l-kuntratt ta’ xogħol bejn SC u Eulex Kosovo ma kienx jinkludi klawżola li tipprovdi għat-tiġdid tiegħu ma huwiex determinanti fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar jekk dik id-deċiżjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari s-sentenza Lito.

104.

Fil-fatt, għall-kuntrarju, id-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta’ xogħol tidher li taqa’ b’mod ċar fi ħdan ir-relazzjoni kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo. Dan huwa appoġġjat mill-fatt li l-aħħar kuntratt ta’ xogħol jipprevedi wkoll, fl-Artikolu 16.2, it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol mill-impjegat jew mill-persuna li timpjega. Bit-teħid tad-deċiżjoni li l-kuntratt ta’ SC ma jiġġeddidx, Eulex Kosovo kienet qiegħda taġixxi bħala persuna li timpjega meta tterminat l-impjieg ta’ Eulex Kosovo fi ħdan il-qafas kuntrattwali bejn il-partijiet. Konsegwentement, ma hemm xejn li jappoġġja l-konklużjoni li, fit-teħid ta’ dik id-deċiżjoni, Eulex Kosovo kienet qiegħda taġixxi lil hinn minn dak il-qafas fl-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

105.

Barra minn hekk, inqis li s-sentenza Jenkinson ( 64 ) tipprovdi indikazzjonijiet li d-deċiżjoni li l-kuntratt ta’ xogħol ma jiġġeddidx taqa’ fi ħdan ir-relazzjoni kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo. Kif imsemmi fil-punti 61 u 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iċ-ċirkustanzi li taw lok għal dik il-kawża kienu jikkonċernaw rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE ppreżentat minn ex membru tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt ta’ Eulex Kosovo, fejn ġiet b’mod partikolari invokata tkeċċija inġusta li kienet tirriżulta min-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

106.

Ċertament, il-Qorti ma ħaditx pożizzjoni diretta dwar in-natura tad-deċiżjonijiet inkwistjoni, peress li indirizzat kwistjoni differenti relatata mal-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 272 TFUE fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg ibbażata fuq diversi kuntratti, li l-aħħar wieħed biss kien jinkludi klawżola ta’ arbitraġġ. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-talbiet tar-rikorrent, inklużi dawk li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu, kienu jaqgħu fil-portata tal-ġurisdizzjoni tagħha skont il-klawżola ta’ arbitraġġ fl-aħħar kuntratt kif tirriżulta minn dak il-kuntratt jew direttament konnessa mal-obbligi li jirriżultaw minn dak il-kuntratt. Dik is-sentenza tassumi għalhekk li talba bbażata fuq nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt ta’ impjieg f’dawk iċ-ċirkustanzi hija waħda kuntrattwali.

107.

Dan huwa evidenti wkoll fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Jenkinson ( 65 ). B’mod partikolari, l-Avukat Ġenerali qies ir-relazzjoni bejn ir-rikorrent u Eulex Kosovo bħala “relazzjoni ta’ xogħol ta’ natura kuntrattwali” u peress li kienet id-deċiżjoni li l-kuntratt ta’ xogħol ma jiġġeddidx li tterminat dik ir-relazzjoni ta’ impjieg, dik id-deċiżjoni u l-kuntratt finali li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ kienu konnessi għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 272 TFUE.

108.

Għandu jiġi nnotat ukoll f’dan ir-rigward li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali jidher li jmur kontra ġurisprudenza oħra tal-Qorti Ġenerali li tinvolvi tilwimiet ta’ xogħol imressqa minn ex membri tal-persunal bil-kuntratt ta’ Eulex Kosovo, li tipprovdi li deċiżjonijiet li kuntratt ta’ xogħol ma jiġġeddidx kienu meqjusa bħala miżuri li jaqgħu fi ħdan ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet. Filwaqt li dawk id-deċiżjonijiet ma humiex vinkolanti fuq il-Qorti tal-Ġustizzja, ma nara l-ebda raġuni, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet ta’ Eulex Kosovo, għalfejn dik il-ġurisprudenza ma hijiex rilevanti għall-kawża preżenti, speċjalment fid-dawl tas-similitudni fir-rigward tal-atti inkwistjoni.

109.

B’mod partikolari, fid-digriet Bitiqi et vs Il-Kummissjoni et ( 66 ), il-Qorti Ġenerali ntalbet tiddeċiedi fuq il-legalità ta’ deċiżjonijiet meħuda minn Eulex Kosovo li ma jiġġeddux kuntratti ta’ xogħol ta’ diversi membri tal-persunal bil-kuntratt. F’dawk id-deċiżjonijiet, il-Kap tal-Missjoni informa lil dawk il-membri tal-persunal li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom kienu ser jiskadu f’dati speċifiċi u ma kinux ser jiġu estiżi iktar. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-tilwima kienet taqa’ fi ħdan il-qafas kuntrattwali bejn il-partijiet, u kienet tirriżulta direttament mir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ bejniethom. Għaldaqstant, din kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżoli ta’ arbitraġġ inklużi fil-kuntratti ta’ xogħol li jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell fil-każ ta’ tilwimiet li jirriżultaw minn, jew li huma relatati ma’, dawk il-kuntratti.

110.

Barra minn hekk, id-digriet Sógor vs Il-Kunsill et ( 67 ) kien jikkonċerna azzjoni mressqa minn konsulent legali impjegat minn Eulex Kosovo u iktar tard mir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo, fejn talab b’mod partikolari l-annullament tal-proċedura li wasslet għan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li t-tilwima kienet taqa’ fi ħdan il-klawżola inkluża fil-kuntratt ta’ xogħol li, dak iż-żmien, kienet tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell għat-tilwimiet kollha li jirriżultaw minn jew li kienu konnessi mal-kuntratt. Il-Qorti Ġenerali nnotat li l-aħħar kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrent kien konkluż għal perijodu determinat, u li huwa kien qiegħed jikkontesta n-nuqqas ta’ tiġdid tiegħu, u għaldaqstant iddeċidiet li t-talbiet tar-rikorrent irriżultaw minn dak il-kuntratt jew, minn tal-inqas, kienu direttament relatati mal-obbligi li jirriżultaw minnu.

111.

Abbażi ta’ dik il-ġurisprudenza, għandu jiġi osservat b’mod partikolari li l-fatt li l-kuntratti ta’ xogħol bejn il-membri tal-persunal bil-kuntratt u Eulex Kosovo kienu għal perijodu determinat u ma kinux jinkludu klawżoli li jipprovdu għat-tiġdid tagħhom ma tqiesx bħala element li jipprekludi l-evalwazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda minn Eulex Kosovo li ma jiġġeddux dawk il-kuntratti ta’ xogħol tal-membri tal-persunal bħala atti li jaqgħu fi ħdan ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet.

112.

Fuq nota finali, nixtieq nindika li, minn perspettiva iktar wiesgħa, il-konstatazzjoni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jaqgħu fi ħdan qafas kuntrattwali bejn SC u Eulex Kosovo tista’ titqies li qiegħda takkomoda l-kuntest speċifiku tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK, b’mod partikolari billi tikkonferma l-flessibbiltà ta’ arranġamenti kuntrattwali għall-ingaġġ ta’ persunal bil-kuntratt għal missjonijiet bħal dawn, filwaqt li jiġi żgurat li dawn il-membri tal-persunal jingħataw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward ta’ talbiet li jirriżultaw minn dawk l-arranġamenti kuntrattwali li huma bbażati fuq il-klawżola ta’ arbitraġġ miftiehma bejn il-partijiet fil-kuntratti ta’ xogħol tagħhom ( 68 ). Konstatazzjoni bħal din ċertament ma tnaqqasx id-diskrezzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jimmodifikaw il-qafas rigward l-impjieg ta’ persunal bil-kuntratt ta’ missjonijiet ċivili tal-PSDK. Fil-fatt, għandu jiġi nnotat li l-Pjan għal Azzjoni Konġunta li Jimplimenta l-Kumpatt Ċivili tal-PSDK, maħruġ mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli fl-2019, jipprevedi reviżjoni tal-istatus ta’ impjieg ta’ membri tal-persunal internazzjonali bil-kuntratt u l-għażliet possibbli għat-titjib tiegħu ( 69 ).

113.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tielet parti tat-tieni aggravju u li d-digriet appellat jiġi miċħud fuq din il-bażi.

C.   L-ewwel aggravju (relatat mal-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE bħala rikors ibbażat fuq l‑Artikolu 263 TFUE)

1. Sommarju qasir tal-argumenti tal-partijiet

114.

Permezz tal-ewwel aggravju, li jallega ksur tal-Artikolu 272 TFUE, SC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 48 sa 52 tad-digriet appellat, billi kklassifikat mill-ġdid it-tielet kap tat-talbiet, fejn talbet dikjarazzjoni abbażi tal-Artikolu 272 TFUE li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma illegali, bħala rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

115.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, SC issostni li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex ġurisdizzjoni għal tali klassifikazzjoni mill-ġdid. SC hija tal-fehma li peress li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, lanqas ma kellha ġurisdizzjoni li tikklassifika mill-ġdid ir-rikors.

116.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, SC targumenta li l-klassifikazzjoni mill-ġdid kienet tmur kontra l-intenzjoni espressa ta’ SC. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tagħha dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ rikorsi abbażi tal-Artikolu 263 TFUE bħala rikorsi abbażi tal-Artikolu 272 TFUE ( 70 ), il-Qorti Ġenerali ma tistax tikklassifika rikors mill-ġdid validament fejn, b’mod partikolari, dan imur kontra l-intenzjoni espressa tar-rikorrent. Fil-każ ineżami, SC iddeċidiet espressament li ma tippreżentax rikors għal annullament, peress li l-Qorti Ġenerali kienet tikkonstata li ma kellhiex ġurisdizzjoni skont il-ġurisprudenza tagħha u r-rikors kien ikun tardiv. SC iddikjarat ukoll fis-seduta li tali klassifikazzjoni mill-ġdid ma hijiex possibbli, peress li rikorsi skont l-Artikolu 272 TFUE diġà għandhom limitu għoli billi jeżiġu li l-partijiet jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ fil-kuntratt tagħhom, iżda sussidjarjament, hija qieset li l-kundizzjonijiet fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jistgħu jiġu applikati b’analoġija.

117.

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, SC tilmenta li l-Qorti Ġenerali ċaħħdet lil SC mid-dritt tagħha għal smigħ xieraq fir-rigward tal-klassifikazzjoni mill-ġdid, minkejja li din il-klassifikazzjoni mill-ġdid kienet timplika konsegwenzi serji għal SC, inkluż ir-rifjut ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ikkontestati u r-rikors relatat tagħha għad-danni.

118.

Eulex Kosovo ssostni li l-Qorti Ġenerali fil-fatt ma kklassifikatx mill-ġdid ir-rikors fid-digriet appellat, iżda sempliċement iddikjarat sa liema punt, u fuq bażi kundizzjonali, dak ir-rikors seta’ kien ammissibbli li kieku ġie ppreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE. Fis-seduta, Eulex Kosovo ddikjarat ukoll li jeżistu preċedenti għall-approċċ tal-Qorti Ġenerali fil-kawża preżenti ( 71 ) u klassifikazzjoni mill-ġdid bħal din hija possibbli, ibbażata fuq l-applikazzjoni, b’analoġija, tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali rigward il-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ rikorsi skont l-Artikolu 263 TFUE bħala rikorsi skont l-Artikolu 272 TFUE.

119.

Eulex Kosovo tikkontesta wkoll l-ilment ta’ SC li ġiet imċaħħda minn stħarriġ ġudizzjarju u kellha tingħata d-dritt għal smigħ xieraq fuq il-klassifikazzjoni mill-ġdid proposta. L-istħarriġ ġudizzjarju seta’ biss iseħħ li kieku r-rikors kien ammissibbli, u ma kienx meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tisma’ lil SC skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

2. Evalwazzjoni tal-ewwel aggravju

120.

Permezz tal-ewwel aggravju, SC tikkontesta l-legalità tal-klassifikazzjoni mill-ġdid mill-Qorti Ġenerali tat-tielet kap tat-talbiet. B’mod iktar speċifiku, SC essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali ma kkonformatx mal-kundizzjonijiet li jirregolaw tali klassifikazzjoni mill-ġdid, jiġifieri li: il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq ir-rikors ikklassifikat mill-ġdid (l-ewwel parti); l-intenzjoni espressa tar-rikorrent ma tipprekludix dan (it-tieni parti); u r-rikorrent għandu jingħata smigħ xieraq (it-tielet parti). Barra minn hekk, b’riferiment għall-osservazzjonijiet ta’ SC fis-seduta kif ġie nnotat fil-punt 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet, SC tidher li targumenta li tali klassifikazzjoni mill-ġdid fil-prinċipju ma għandhiex tiġi permessa, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-Artikolu 272 TFUE.

121.

Għaldaqstant, għandu jiġi osservat li l-ewwel aggravju jqajjem kwistjonijiet importanti li għadhom ma ġewx indirizzati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ rikors skont l-Artikolu 272 TFUE bħala rikors skont l-Artikolu 263 TFUE hijiex possibbli u, fl-affermattiv, liema huma l-kundizzjonijiet li taħthom għandha ssir din il-klassifikazzjoni mill-ġdid.

122.

Fid-dawl tal-proposta tiegħi li t-tieni aggravju huwa fondat, ma huwiex meħtieġ li l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq l-ewwel aggravju. Madankollu, ser neżamina l-ewwel aggravju, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-fehma tiegħi, b’mod li għandu jiġi preżunt li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma miżuri separabbli mill-kuntratt li ma setgħux jiġu kkontestati skont l-Artikolu 272 TFUE.

123.

Nixtieq nippreċiza qabelxejn li l-ewwel aggravju jidher li huwa fondat, u li l-klassifikazzjoni mill-ġdid parzjali tar-rikors mill-Qorti Ġenerali hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.

124.

Qabel ma nelenka r-raġunijiet li wassluni għal din il-konklużjoni, nixtieq nindika li l-argument ta’ Eulex Kosovo li fil-fatt il-Qorti Ġenerali ma kklassifikatx mill-ġdid it-talba ta’ SC ma jistax jintlaqa’.

125.

Fil-punt 46 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, għalkemm SC espressament ibbażat ruħha fuq l-Artikolu 272 TFUE, it-tielet kap tat-talbiet għandu jitqies bħala rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

126.

Dan wassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi, fil-punti 51 u 52 tad-digriet appellat, li t-tielet kap tat-talbiet kien inammissibbli peress li ġie ppreżentat tardivament.

127.

Huwa minnu li, fil-punt 48 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ppreċediet id-diskussjoni tagħha dwar it-terminu stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE bil-kliem, “anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali tista’ twettaq klassifikazzjoni mill-ġdid tal-bażi tat-tielet kap tat-talbiet tar-rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE”. Madankollu, il-Qorti Ġenerali diġà kklassifikat mill-ġdid it-talba formalment fil-punt 46 tad-digriet appellat. Barra minn hekk, mill-punti 51 u 52 tad-digriet appellat, moqrija flimkien mal-punti 49 u 50 tal-istess digriet, isegwi li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha esklużivament fuq il-fatt li r-rikors kien tardiv sabiex tistabbilixxi l-inammissibbiltà tiegħu. Konstatazzjoni bħal din tista’ ssir biss jekk rikors ġie kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE.

128.

Fir-rigward tal-qofol tal-kwistjoni, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, skont ġurisprudenza stabbilita, li kienet imsemmija fil-punt 27 tad-digriet appellat, huwa r-rikorrent li għandu jagħżel il-bażi legali tar-rikors tiegħu u mhux il-qrati tal-Unjoni nnifishom li għandhom jagħżlu l-iktar bażi legali xierqa ( 72 ).

129.

Madankollu, f’korp ta’ ġurisprudenza estensiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li fejn rikors għal annullament jew rikors għad-danni jiġu ppreżentati quddiemha, għalkemm it-tilwima tkun fil-fatt ta’ natura kuntrattwali, hija tista’, fl-interessi tal-ekonomija tal-proċedura, tikklassifika r-rikors mill-ġdid jekk ikunu jeżistu l-kundizzjonijiet għal klassifikazzjoni mill-ġdid ( 73 ).

130.

Għaldaqstant, klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE hija possibbli, mingħajr ma taffettwa d-drittijiet ta’ difiża tal-istituzzjoni jew tal-korp konvenut, fejn: l-ewwel nett, l-intenzjoni espressa tar-rikorrent ma tipprekludix dan u, it-tieni nett, minn tal-inqas motiv wieħed li jallega ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni jiġi invokat fir-rikors ( 74 ). Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi ( 75 ), jiġifieri għandhom jiġu ssodisfatti t-tnejn ( 76 ). Jekk l-intenzjoni espressa tar-rikorrent ma tkunx li jibbaża r-rikors fuq l-Artikolu 272 TFUE ( 77 ), jew ma jkun ġie invokat ebda motiv li jallega ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali ( 78 ), il-klassifikazzjoni mill-ġdid ma tkunx possibbli ( 79 ).

131.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE biss jekk ikun hemm klawżola ta’ arbitraġġ li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qrati tal-Unjoni li jiddeċiedu dwar rikors ippreżentat fuq din il-bażi ( 80 ). Għaldaqstant, jidher li din ma hijiex kundizzjoni għal klassifikazzjoni mill-ġdid fiha nnifisha, iżda tinkorpora rekwiżit indipendenti għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 272 TFUE li tiddeċiedi dwar ir-rikors kif ikklassifikat mill-ġdid ( 81 ).

132.

Għandi wkoll nindika li l-Qorti Ġenerali semmiet il-possibbiltà li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, għalkemm b’mod iktar limitat. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali għadha ma stabbilixxietx jekk il-kundizzjonijiet fil-ġurisprudenza li għadha kif issemmiet japplikawx f’sitwazzjoni opposta. Pereżempju, f’ċerti kawżi ( 82 ), il-Qorti Ġenerali ħadet approċċ simili għad-digriet appellat, fejn ikkonstatat li anki jekk klassifikazzjoni mill-ġdid bħal din tista’ ssir, ir-rikors kien ġie ppreżentat tardivament u għaldaqstant kien inammissibbli. F’kawża oħra ( 83 ), il-Qorti Ġenerali nnotat sempliċement li r-rikorrent kien żamm il-pożizzjoni tiegħu mingħajr ma talab klassifikazzjoni mill-ġdid, u għalhekk ir-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli.

133.

Fil-kawża preżenti, fid-dawl tal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali, jidhirli li ma hemm ebda raġuni, abbażi tal-informazzjoni li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tiġi prekluża l-possibbiltà fil-prinċipju li rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, sakemm ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti. Fil-fehma tiegħi, tali klassifikazzjoni mill-ġdid ġeneralment tindika sitwazzjoni li fiha r-rikorrent ikun ippreżenta rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni abbażi ta’ bażi legali waħda, iżda fid-dawl tan-natura tiegħu, kellha tkun bażi legali oħra. Għaldaqstant, fl-interessi tal-ekonomija tal-proċedura, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jikklassifikaw ir-rikors mill-ġdid abbażi tal-bażi legali xierqa, sabiex jiġi evitat li r-rikorrent jintalab jippreżenta rikors ġdid abbażi ta’ dik il-bażi legali. B’mod partikolari, il-fatt li l-qrati tal-Unjoni jistgħu biss jiddeċiedu dwar rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE jekk ikun hemm klawżola ta’ arbitraġġ ma jidhirlix li fil-prinċipju għandha tipprekludi tali klassifikazzjoni mill-ġdid, peress li dik il-klassifikazzjoni mill-ġdid tippreżumi li n-natura tar-rikors ma hijiex kuntrattwali u, fi kwalunkwe każ, ir-rikors, bl-eċċezzjoni tal-bażi legali, jibqa’ l-istess.

134.

Hemm ukoll raġunijiet sabiex jitqies, kif indikat minn SC u Eulex Kosovo, li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE jistgħu jiġu applikati b’analoġija. Dawn ir-raġunijiet huma bbażati b’mod partikolari fuq l-interessi li jippromwovu approċċ koerenti fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, u li jiġi żgurat li l-prinċipji fundamentali tal-liġi proċedurali tal-Unjoni u b’mod partikolari tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fit-tilwima jiġu rrispettati.

135.

Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jikklassifikaw mill-ġdid rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma jiġu affettwati d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet, fejn iż-żewġ kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti: l-ewwel nett, l-intenzjoni espressa tar-rikorrent ma tipprekludix dan u, it-tieni nett, minn tal-inqas motiv wieħed fir-rikors jinvoka nuqqas ta’ kompetenza, ksur ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattati jew ta’ dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tagħhom, jew użu ħażin ta’ poter, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, filwaqt li ma hijiex kundizzjoni għal klassifikazzjoni mill-ġdid, il-qrati tal-Unjoni għandhom jivverifikaw il-ġurisdizzjoni tagħhom li jiddeċiedu dwar rikors għal annullament, kif ikklassifikat mill-ġdid, skont l-Artikolu 263 TFUE.

136.

F’dan ir-rigward, l-intenzjoni espressa tar-rikorrent tidher li hija element importanti. Dan huwa partikolarment minnu b’kunsiderazzjoni għar-rekwiżiti imposti fuq l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal annullament, u b’mod partikolari t-termini stabbiliti fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li b’mod ġenerali jobbligaw lir-rikorrent jaġixxi malajr sabiex jippreżenta rikors għal annullament, meta mqabbel ma’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE li ma jistabbilixxix terminu speċifiku f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, klassifikazzjoni mill-ġdid ma għandhiex tkun possibbli fejn ir-rikorrent jesprimi l-intenzjoni li r-rikors ma għandux ikun ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ( 84 ), din l-intenzjoni tista’ tiġi żgurata skont ir-regoli proċedurali rilevanti li jirregolaw il-qrati tal-Unjoni, pereżempju, abbażi tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent jew bi tweġiba għal mistoqsijiet orali jew bil-miktub magħmula lir-rikorrent matul il-proċeduri.

137.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju ta’ SC.

138.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda. Huwa minnu li, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ma vverifikatx il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi rikors kif ikklassifikat mill-ġdid skont l-Artikolu 263 TFUE. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 131 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali ma kinitx meħtieġa tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha qabel ma tikkunsidra l-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikors. Barra minn hekk, ma hemm ebda dubju li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni li tiddeċiedi dwar ir-rikors abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, fid-dawl tas-sentenza Jenkinson (ara l-punti 60 sa 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u kif ikklassifikat mill-ġdid abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, fid-dawl tas-sentenza H vs Il-Kunsill et (ara l-punti 52 u 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għaldaqstant, nipproponi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell tiġi miċħuda bħala infondata.

139.

Inqis li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’. Fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali pproċediet bil-klassifikazzjoni mill-ġdid tat-tielet kap tat-talbiet mingħajr ma vverifikat jekk il-kundizzjonijiet relatati ma’ klassifikazzjoni mill-ġdid bħal din kinux issodisfatti, u b’mod partikolari jekk l-intenzjoni espressa tar-rikorrent kinitx tipprekludi dan. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat mill-ġdid it-tielet kap tat-talbiet kontra l-intenzjoni espressa ta’ SC li ma tibbażax it-tielet kap tat-talbiet fuq l-Artikolu 263 TFUE.

140.

Għal raġunijiet simili, fil-fehma tiegħi, it-tielet parti tal-ewwel aggravju, li fil-biċċa kbira tagħha hija konnessa mat-tieni parti ta’ dak l-aggravju, għandha tintlaqa’ wkoll. Filwaqt li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tiċħad kawża mingħajr ma tisma’ l-partijiet skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha ( 85 ), madankollu hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-intenzjoni espressa tar-rikorrent bħala waħda mill-kundizzjonijiet sabiex rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE kif imsemmi hawn fuq. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat mill-ġdid it-tielet kap tat-talbiet mingħajr ma kisbet il-fehma ta’ SC fuq il-klassifikazzjoni mill-ġdid proposta.

141.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ t-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju u li d-digriet appellat jiġi miċħud fuq din il-bażi.

D.   Il-ħames aggravju (relatat mat-talbiet għad-danni inkonnessjoni mat-talbiet repetuti li jitwettaq test tas-sewqan)

1. Sommarju qasir tal-argumenti tal-partijiet

142.

Permezz tal-ħames aggravju, li jallega ksur tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tad-dritt għal kundizzjonijiet ta’ xogħol ġusti u xierqa u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, flimkien ma’ ksur tal-Artikolu 272 TFUE u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u tar-rekwiżiti stabbiliti fis-sejħa għal kontribuzzjonijiet tal-2014, SC issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 57 u 64 moqrija flimkien mal-punt 74 tad-digriet appellat, meta ddeċidiet li l-konstatazzjonijiet tagħha bbażati fuq ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali ta’ Eulex Kosovo relatati mat-talbiet repetuti li jitwettqu testijiet tas-sewqan kienu manifestament infondati fid-dritt.

143.

SC issostni li l-Qorti Ġenerali skartat l-argumenti ta’ SC rigward ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ Eulex Kosovo, peress li r-rekwiżit tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet relatat mal-kapaċità ta’ sewqan ta’ vettura bi trazzjoni fuq erba’ roti u mat-twettiq ta’ eżami tas-sewqan ma jistax jiġi impost meta membru tal-persunal, bħal SC, ikollu diżabbiltà.

144.

Barra minn hekk, fir-rigward tat-talba dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, SC tasserixxi li l-Qorti Ġenerali skartat l-argumenti ta’ SC li dawk it-talbiet kienu illegali u kisru d-dritt ta’ SC għal kundizzjonijiet tax-xogħol li josservaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tagħha, flimkien mad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll meta ddeċidiet li r-rikors ma kienx fih evidenza li tistabbilixxi r-rabta kawżali u r-rekwiżiti tad-danni, peress li SC tqis, abbażi tal-ġurisprudenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ( 86 ), li rikorrent li jitlob danni morali ma huwiex marbut jipproduċi prova ta’ dawn ir-rekwiżiti.

145.

Eulex Kosovo ssostni li l-kapaċità ta’ SC li ssuq vettura bi trazzjoni fuq erba’ roti kienet element essenzjali għall-impjieg tagħha ma’ Eulex Kosovo. SC tonqos ukoll milli tiġġustifika t-talbiet għad-danni, u n-nuqqas tagħha li tgħaddi mill-eżamijiet tas-sewqan ma huwiex konness kawżalment mal-appell imressaq kontra d-deċiżjonijiet ikkontestati, u lanqas kontra d-dannu allegat.

2. Evalwazzjoni tal-ħames aggravju

146.

Fil-fehma tiegħi, il-ħames aggravju ma jistax jintlaqa’.

147.

Fil-punt 64 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha rigward ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ Eulex Kosovo fuq il-fatt li l-kuntratt ta’ xogħol kien jeżiġi li SC tkun tista’ ssuq vettura bi trazzjoni fuq erba’ roti. Madankollu, għandi nindika li SC ma tikkontestax din il-konstatazzjoni li hija suffiċjenti sabiex tiġi ġġustifikata l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali.

148.

Fil-punti 57 sa 63 tad-digriet appellat, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tiċħad it-talba ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ SC kienet ibbażata fuq il-fatt li r-rikors ma kien jinkludi ebda informazzjoni li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali setgħet tidentifika r-realtà tad-dannu jew ir-rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat. Il-Qorti Ġenerali waslet għal dik id-deċiżjoni fid-dawl ta’ ġurisprudenza stabbilita li sar riferiment għaliha fil-punti 58, 59 u 61 tad-digriet appellat, li tipprovdi li l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni huma kumulattivi ( 87 ) u li r-rikorrent għandu jipproduċi prova konklużiva tar-realtà tad-dannu allegat u tar-rabta kawżali diretta ( 88 ).

149.

Hemm lok li nenfasizza li SC ma tippruvax turi li l-evidenza ppreżentata kienet suffiċjenti jew li l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali kienet ibbażata fuq distorsjoni ta’ dik l-evidenza, iżda sempliċement tallega żball ta’ liġi li ma jistax jiġi stabbilit fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita. Hemm lok li jingħad ukoll li l-konstatazzjonijiet rilevanti tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li invokat SC ġew miċħuda fl-appell ( 89 ).

150.

Għaldaqstant, nipproponi li l-ħames aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

VI. Konsegwenzi tal-annullament parzjali tad-digriet appellat

151.

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija tista’ tagħti sentenza definittiva fuq il-kwistjoni hija stess, meta l-kawża tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata sentenza.

152.

Ma nqisx li l-kawża hija fi stat li tiġi deċiża. Fil-fatt, talbiet fattwali relatati mal-mertu tal-kawża ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, peress li ddeċidiet li ċerti talbiet kienu inammissibbli. Kif mitlub minn SC u Eulex Kosovo, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata sentenza.

VII. Konklużjoni

153.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla parzjalment id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Settembru 2018, SC vs Eulex Kosovo (T‑242/17, EU:T:2018:586), sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ SC abbażi tal-fatt li t-tielet kap tat-talbiet kien inammissibbli, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu, filwaqt li jiġu rriżervati l-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża ADR Center vs Il-Kummissjoni (C‑584/17 P, EU:C:2019:941) (dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikoli 263 u 272 TFUE fir-rigward tal-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni eżekuttiva taħt l-Artikolu 299 TFUE), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża European Union Satellite Centre vs KF (C‑14/19 P) (dwar rikors għal annullament u għal danni mressaq minn ex membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ aġenzija tal-Unjoni fil-PESK fil-kuntest tar-Regolamenti tal-Persunal tagħha stess).

( 3 ) Ara t-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE (Artikoli 42 sa 46).

( 4 ) Ara l-Artikoli 42(1) u 43(1) TUE.

( 5 ) Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, EU Missions and Operations Factsheet, 5 ta’ Marzu 2018, p. 2.

( 6 ) Ara, pereżempju, id-Direttorat Ġenerali tal-Parlament Ewropew għall-Politika Estera, Civilian and military personnel in CSDP missions and operations, 2017, p. 14.

( 7 ) Għal diskussjoni ġenerali, ara, pereżempju, Blockmans, S. u Koutrakos, P. (edituri), Research Handbook on the EU’s Common Foreign and Security Policy, Edward Elgar, 2018.

( 8 ) Ara, f’dan ir-rigward, EEAS Factsheet, li hemm riferiment għaliha fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 2.

( 9 ) Regolament Nru 31 (KEE), 11 (KEFA) tat-18 ta’ Diċembru 1961 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg tal-Impjegati oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (ĠU 1962, 45, p. 1385), kif emendat l-aħħar (ĠU 2019, C 420, p. 22). Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE tas-26 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ĠU 2010, L 201, p. 30), Artikolu 6.

( 10 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 65); il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2014:2416, punti 5863); u d-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2012, Elti vs Id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Montenegro (T‑395/11, EU:T:2012:274).

( 11 ) Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta’ Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropa għad-Difiża (ĠU 2015, L 266, p. 55), Artikolu 11(3), kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/401/PESK tas-26 ta’ Ġunju 2014 dwar iċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea u li tħassar l-Azzjoni Konġunta 2001/55/PESK dwar it-twaqqif ta’ Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 188, p. 73), Artikolu 8.

( 12 ) ĠU 2008, L 42, p. 92.

( 13 ) ĠU 2018, L 146, p. 5.

( 14 ) Ara, pereżempju, Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċali Nru 18/2012, “L-Assistenza tal-Unjoni Ewropea lill-Kosovo relatata mal-istat tad-dritt”, 2012, punt 14. Għal diskussjoni fid-dettall ta’ Eulex Kosovo, ara wkoll, pereżempju, Spernbauer, M., EU Peacebuilding in Kosovo and Afghanistan: Legality and Accountability, Martinus Nijhoff, 2014.

( 15 ) Ara wkoll l-Azzjoni Konġunta 2008/124, Artikoli 11 u 12.

( 16 ) Ara wkoll, pereżempju, l-Azzjoni Konġunta 2008/124, Artikolu 10(2).

( 17 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/322/PESK tat-8 ta’ Ġunju 2010 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2010, L 145, p. 13), Artikolu 1(2).

( 18 ) Artikolu 9(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 jgħid ukoll li b’mod eċċezzjonali, f’każijiet debitament iġġustifikati, meta ma jkunux disponibbli applikazzjonijiet ikkwalifikati mill-Istati Membri, ċittadini minn Stati terzi parteċipanti jistgħu jiġu rreklutati fuq bażi kuntrattwali, skont il-każ.

( 19 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat-12 ta’ Ġunju 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2014, L 174, p. 42), Artikolu 1(3).

( 20 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349, Artikolu 1(5). Din id-deċiżjoni tispeċifika, fl-Artikolu 2 tagħha, li hija daħlet fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (12 ta’ Ġunju 2014).

( 21 ) Dan huwa fformulat kemxejn differenti fl-Artikoli 22 u 23.2 tal-ewwel u tat-tieni kuntratt ta’ xogħol (li jirreferu għall-POS u għall-partijiet amministrattivi tal-OPLAN inkluż il-KK), meta mqabbel mal-Artikolu 1.2 tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames kuntratt ta’ xogħol (li jirreferu għaċ-CONOPS/għall-OPLAN, inkluż il-KK u l-POS applikabbli).

( 22 ) Ara, f’dan ir-rigward, Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 18/2012, li hemm riferiment għalih fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 68, nota ta’ qiegħ il-paġna 52. Fir-rigward tal-OPLAN, ara wkoll l-Azzjoni Konġunta 2008/124, Artikoli 4 u 5.

( 23 ) Din hija fformulata b’mod differenti fl-Artikoli 1.1, 1.2 u 23.3 tal-ewwel u tat-tieni kuntratt ta’ xogħol (li ma kinux jirreferu għaċ-CONOPS), meta mqabbla mal-Artikoli 1.1 u 2.2 tat-tielet, tar-raba’ u tal-ħames kuntratt ta’ xogħol.

( 24 ) L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-punti 4 u 6 tal-POS dwar l-organizzazzjoni mill-ġdid, u tal-punti 5 u 7 tal-POS dwar l-għażla tal-persunal. It-tieni motiv kien jikkonċerna ksur tal-punti 7.2(f) u tal-punt 7.3(c) tal-POS dwar l-għażla tal-persunal, tal-Artikolu 3.2 tal-KK, tal-prinċipji kuntrattwali tal-ekwità u tal-bona fide u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq ksur tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, tan-nota tad-deċiżjoni tal-Kap tal-Missjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 dwar “proposta għall-introduzzjoni tal-evalwazzjoni ta’ kapaċitajiet tas-sewqan”, tas-sejħa għal kontribuzzjonijiet tal‑2014 u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba. Il-ħames motiv kien ibbażat fuq ksur tad-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa.

( 25 ) Ara n-nota ta’ qiegħ tal-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 35 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-punt 33 tar-risposta tagħha, Eulex Kosovo tikkonferma l-pożizzjoni tagħha dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha, inter alia, li SC ma kinitx stabbilixxiet li kienet eżawrixxiet ir-rimedji kollha disponibbli fi ħdan Eulex Kosovo. Peress li ebda informazzjoni ma ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li turi li SC hija prekluża milli tippreżenta t-tilwima preżenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mhux ser neżamina dan l-argument f’iktar dettall.

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punt 37).

( 28 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 60). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 60 sa 81 tal-imsemmija sentenza, it-Trattati jipprevedu ċerti eċċezzjonijiet li ma humiex pertinenti għall-kawża preżenti.

( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punti 7475).

( 30 ) Għal diskussjoni fid-dettall, ara, pereżempju, Butler, G., Constitutional Law of the EU’s Common Foreign and Security Policy: Competence and Institutions in External Relations, Hart, 2019, pp. 145‑222; Koutrakos, P., “Judicial review in the EU’s common foreign and security policy”, International and Comparative Law Quarterly, vol. 67 (2018), issue 1.

( 31 ) Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015 (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, punti 41 sa 50).

( 32 ) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2002, L 248, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1081/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 (ĠU 2010, L 311, p. 9), fis-seħħ meta seħħew il-fatti.

( 33 ) Sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punti 39 sa 61). Wara t-tieni appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li rnexxa (C‑413/18 P), il-kawża hija bħalissa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali (T‑271/10 RENV II).

( 34 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, PY vs EUCAP Sahel Niger (T‑763/16, EU:T:2018:181, punt 53), li tinvolvi rikors ibbażat fuq l-Artikolu 272 TFUE ppreżentat minn membru tal-persunal bil-kuntratt ta’ missjoni ċivili tal-PSDK. Ara wkoll il-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Bħala tweġiba għal mistoqsija waqt is-seduta, Eulex Kosovo ddikjarat li, konformement mas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569), il-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ ġestjoni tal-persunal bħal dawk inkwistjoni fil-kawża preżenti.

( 36 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1989, Mulfinger et vs Il-Kummissjoni (C‑249/87, EU:C:1989:614, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Rigward is-sitwazzjoni qabel daħlet fis-seħħ l-imsemmija deċiżjoni, ara, pereżempju, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo (C‑439/13 P, EU:C:2015:753, b’mod partikolari l-punti 58 u 59).

( 38 ) B’mod partikolari, fil-punti 9 u 11 tar-risposta tagħha, Eulex Kosovo tiddikjara li, abbażi tas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531), hija ma tinvokax l-argumenti rigward l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha relatati mal-klawżoli fil-kuntratti ta’ xogħol li jattribwixxu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ Brussell.

( 39 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018 (C‑43/17 P, EU:C:2018:531, iktar ’il quddiem is-“sentenza Jenkinson”).

( 40 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531, b’mod partikolari l-punti 1 sa 3). Bħalissa l-kawża hija pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali (T‑602/15 RENV).

( 41 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531, b’mod partikolari l-punti 40 sa 48).

( 42 ) SC tirreferi, b’mod partikolari, għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Planet vs Il-Kummissjoni (C‑564/13 P, EU:C:2014:2352).

( 43 ) SC tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tat-12 ta’ April 2018, PY vs EUCAP Sahel Niger (T‑763/16, EU:T:2018:181).

( 44 ) SC tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531), kif ukoll għad-digriet tat-30 ta’ Settembru 2014, Bitiqi et vs Il-Kummissjoni et (T‑410/13, mhux ippubblikat,EU:T:2014:871).

( 45 ) SC tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et (C‑455/14 P, EU:C:2016:569).

( 46 ) Eulex Kosovo tirreferi, inter alia, għas-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek (426/85, EU:C:1986:501), kif ukoll tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245).

( 47 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Rose Vision vs Il-Kummissjoni (C‑346/18 P, mhux ippubblikata,EU:C:2019:939, punt 99).

( 48 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245, punt 58).

( 49 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2015, Planet vs Il-Kummissjoni (C‑564/13 P, EU:C:2015:124, punt 21).

( 50 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531, punt 40).

( 51 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca (C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 37).

( 52 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il-Kummissjoni u Il-BĊE (C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punt 51).

( 53 ) Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015 (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lito”). Ara wkoll, pereżempju, id-digriet tad-29 ta’ Settembru 2016, Investigación y Desarrollo en Soluciones y Servicios IT vs Il-Kummissjoni (C‑102/14 P, EU:C:2016:737, punt 55), u s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il-Kummissjoni (C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 50). Għal diskussjoni ġenerali, ara, pereżempju, Neframi, E., “Le contentieux des clauses compromissoires”, f’Contentieux en droit de l’Union européenne, Larcier, 2014, pp. 561 sa 581.

( 54 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 19).

( 55 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punti 22 sa 25), u tat-28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il-Kummissjoni (C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punti 52 sa 57).

( 56 ) Ara d-digrieti tal-31 ta’ Marzu 2011, Mauerhofer vs Il-Kummissjoni (C‑433/10 P, EU:C:2011:204, b’mod partikolari l-punti 37, 38 u 61), u tal-21 ta’ April 2016, Borde u Carbonium vs Il-Kummissjoni (C‑279/15 P, EU:C:2016:297, b’mod partikolari l-punti 30, 31 u 42).

( 57 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245, b’mod partikolari l-punti 64 sa 66), u tal-10 ta’ Lulju 2019, VG vs Il-Kummissjoni (C‑19/18 P, EU:C:2019:578, b’mod partikolari l-punti 29, 30 u 42).

( 58 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 52).

( 59 ) Pereżempju, fl-aħħar kuntratt ta’ xogħol, l-OPLAN, il-KK u l-POS jissemmew f’diversi dispożizzjonijiet, inter alia, fl-Artikoli 17.1 u 17.2, li jipprovdu li nuqqas ta’ konformità mal-“kuntratt u/jew il-POS […] jista’ jissuġġetta [lill-impjegat] għal sanzjoni dixxiplinari kif iddikjarat fil-POS”, u li l-miżuri dixxiplinari għandu jkollhom il-forom previsti fil-KK.

( 60 ) L-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani ta’ Eulex Kosovo, Standard Operating Procedure (SOP) on the Principles and Process of Reconfiguration, 26 ta’ Mejju 2016, p. 5 (enfasi miżjuda).

( 61 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2018 (T‑763/16, EU:T:2018:181, b’mod partikolari l-punti 5, 6 u 66). Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li kien hemm ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kodiċi tal-kondotta u ordnat li jingħataw danni lir-rikorrent.

( 62 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-18 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Systran u Systran Luxembourg (C‑103/11 P, EU:C:2013:245, b’mod partikolari l-punti 64 sa 67 u 76).

( 63 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2004, Pflugradt vs Il-BĊE (C‑409/02 P, EU:C:2004:625, b’mod partikolari l-punti 31 sa 38).

( 64 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:531, b’mod partikolari l-punti 1 sa 3, 34 u 40 sa 48).

( 65 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, EU:C:2018:231, b’mod partikolari l-punti 39, 47 u 48).

( 66 ) Digriet tat-30 ta’ Settembru 2014 (T‑410/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:871, b’mod partikolari l-punti 2 sa 11, 25, 27 u 28).

( 67 ) Digriet tas-27 ta’ Settembru 2018 (T‑302/18, mhux ippubblikat, EU:T:2018:621, b’mod partikolari l-punti 1, 2, 12, 13 u 21).

( 68 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-dokument tal-Parlament Ewropew li sar riferiment għalih fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 17.

( 69 ) Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, Joint Action Plan Implementing the Civilian CSDP Compact, SWD (2019) 173 final, Engagement 10, p. 7. Kif indikat fit-Taqsima 1 tal-imsemmi pjan ta’ azzjoni komuni, il-Kumpatt Ċivili tal-PSDK huwa dokument strateġiku ewlieni bil-għan li jsaħħaħ id-dimensjoni ċivili tal-PSDK.

( 70 ) SC tirreferi, b’mod partikolari, għad-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2011, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (T‑353/10, EU:T:2011:589), kif ukoll għas-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2014, Technische Universität Dresden vs Il-Kummissjoni (T‑29/11, EU:T:2014:912).

( 71 ) Eulex Kosovo tiċċita s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Helkon Media vs Il-Kummissjoni (T‑122/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:418).

( 72 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust (C‑160/03, EU:C:2005:168, punt 35).

( 73 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (T‑188/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:772, punt 28).

( 74 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Technion u Technion Research & Development Foundation vs Il-Kummissjoni (T‑216/12, EU:T:2015:746, punt 60).

( 75 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2018, KV vs EACEA (T‑306/15 u T‑484/15, EU:T:2018:359, punt 49).

( 76 ) Għal rikors fejn ġew issodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet, ara s-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2018, KV vs EACEA (T‑306/15 u T‑484/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:359, punti 50 sa 53).

( 77 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2019, Ayuntamiento de Enguera vs Il-Kummissjoni (T‑602/18, EU:T:2019:332, punti 23, 3031). Il-pożizzjoni tar-rikorrent dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid tista’ tiġi stabbilita abbażi ta’ aġir espliċitu jew impliċitu: ara, pereżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2014, Federación Española de Hostelería vs EACEA (T‑340/13, EU:T:2014:889, punt 36).

( 78 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-15 ta’ Frar 2016, InAccess Networks Integrated Systems vs Il-Kummissjoni (T‑82/15, EU:T:2016:90, punti 55 sa 62). Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il-Kummissjoni (T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punti 57 sa 64).

( 79 ) Għal rikors fejn ma ġiet issodisfatta ebda waħda mill-kundizzjonijiet, ara d-digriet tal-10 ta’ Mejju 2004, Musée Grevin vs Il-Kummissjoni (T‑314/03 u T‑378/03, EU:T:2004:139, punt 88).

( 80 ) Ara, pereżempju, id-digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni (T‑188/19, mhux ippubblikat, EU:T:2019:772, punt 34).

( 81 ) Ara, pereżempju, id-digriet tat-12 ta’ Ottubru 2011, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni (T‑353/10, EU:T:2011:589, punt 33), kif ukoll is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2014, Technische Universität Dresden vs Il-Kummissjoni (T‑29/11, EU:T:2014:912, punti 42 sa 51).

( 82 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ottubru 2008, Helkon Media vs Il-Kummissjoni (T‑122/06, mhux ippubblikata, EU:T:2008:418, b’mod partikolari l-punti 53 sa 55), u d-digriet tat-13 ta’ Mejju 2016, CEVA vs Il-Kummissjoni (T‑601/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:316, b’mod partikolari l-punti 27 u 28).

( 83 ) Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 2019, Aristoteleio Panepistimio Thessalonikis vs ERCEA (T‑348/16 OP, EU:T:2019:14 punti 167 sa 175) (appell pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑280/19 P).

( 84 ) Ara, f’dan ir-rigward, in-nota ta’ qiegħ tal-paġna 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 85 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2019, Pebagua vs Il-Kummissjoni (C‑204/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:425, punt 31).

( 86 ) SC tirreferi għas-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, CC vs Il-Parlament (F‑9/12, EU:F:2013:116, punt 128), kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs Il-BEI (F‑115/11, EU:F:2014:187, punt 132).

( 87 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑419/08 P, EU:C:2010:147, punt 41).

( 88 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2018, Equipolymers et vs Il-Kunsill (C‑363/17, EU:C:2018:402, punt 37).

( 89 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2015, CC vs Il-Parlament (T‑457/13 P, EU:T:2015:240, b’mod partikolari l-punti 48, 49 u 52); din annullat is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, CC vs Il-Parlament (F‑9/12, EU:F:2013:116, b’mod partikolari l-punt 128), li wkoll sar riferiment għaliha fis-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs Il-BEI (F‑115/11, EU:F:2014:187, punt 132).