KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-12 ta’ Diċembru 2019 ( 1 )

Kawża C‑588/18

Federación de Trabajadores Independientes de Comercio (Fetico),

Federación Estatal de Servicios, Movilidad y Consumo de la Unión General de Trabajadores (FESMC-UGT),

Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO)

vs

Grupo de Empresas DIA S.A.,

Twins Alimentación S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikoli 5 u 7 – Mistrieħ fil-ġimgħa – Leave annwali – Awtorizzazzjoni ta’ assenza – Leave speċjali mħallas – Għan tal-leave speċjali distint minn dak tal-mistrieħ fil-ġimgħa u tal-leave annwali – Koinċidenza tal-leave speċjali mal-mistrieħ fil-ġimgħa jew mal-leave annwali”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ( 2 ).

2.

Din it-talba kienet tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fil-qasam ta’ ftehimiet kollettivi bejn, rispettivament, organizzazzjonijiet sindakali ta’ ħaddiema, jiġifieri l-Federación de Trabajadores Independientes de Comercio (Fetico), il-Federación Estatal de Servicios, Movilidad y Consumo de la Unión General de Trabajadores (FESMC-UGT) kif ukoll il-Federación de Servicios de Comisiones Obreras (CCOO) (iktar ’il quddiem l-“organizzazzjonijiet sindakali”), u l-grupp ta’ impriżi DIA SA u Twins Alimentación SA (iktar ’il quddiem il-“grupp ta’ impriżi”), u intiżi sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni ta’ leave speċjali mħallas, previsti fl-Artikolu 46 tal-ftehim kollettiv applikabbli fil-kawża prinċipali tal-Convenio Colectivo del grupo de empresas Dia SA y Twins Alimentación SA (ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi Dia SA u Twins Alimentación SA, iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi”) ( 3 ) sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi personali jew tal-familja, meta l-fatt ġeneratur ta’ dan il-leave jikkoinċidi mal-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew mal-leave annwali mħallas iggarantit mid-dritt tal-Unjoni.

3.

Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tfakkar, fuq il-bażi tal-konstatazzjoni li l-leave speċjali mħallas ma huwiex intiż sabiex jipproteġi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, iżda sempliċement li joffri lil dawn il-possibbiltà li jitolbu awtorizzazzjoni minn żmien għal żmien sabiex ikunu assenti matul il-ħin tax-xogħol tagħhom, fejn id-Direttiva 2003/88 tillimita ruħha li tistabbilixxi regoli minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, u tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jadottaw regoli iktar favorevoli għall-ħaddiema fl-oqsma li d-dritt tal-Unjoni ma jkoprix.

4.

Wara l-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, primarjament, li tiddeduċi minn dan li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma jistgħux jippreġudikaw ir-regoli minimi tad-Direttiva 2003/88, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

5.

Sussidjarjament, ser insostni l-opinjoni li l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali u ftehimiet kollettivi li ma jipprevedux l-għoti ta’ leave speċjali mħallas meta ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-benefiċċju tagħhom iseħħu matul il-jiem mhux maħduma.

6.

Għal dan il-għan, ser nispjega, fl-ewwel lok, għal liema raġunijiet, fil-fehma tiegħi, il-portata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-koinċidenza ta’ leave, li hija bbażata fuq id-differenza fl-għan tagħhom, sabiex jiġu stabbiliti regoli li jipproteġu d-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva 2003/88, ma għandhiex tiġi estiża għall-każijiet li fihom il-ħaddiem ma jitpoġġiex fl-inkapaċità kemm li jaħdem kif ukoll li jistrieħ. Fit-tieni lok, ser nenfasizza l-flessibbiltà tas-sistema tal-mistrieħ fil-ġimgħa li hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ għoti ta’ leave speċjali mħallas matul dan il-perijodu.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2003/88

7.

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88 tipprevedi:

“Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-[Unjoni] għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li f’dan il-kuntest jitqiegħed limitu massimu fuq sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.”

8.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għan u skop”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-direttiva għandha tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi ta’ serħan ta’ kull jum, serħan ta’ kull ġimgħa u leave annwali, għal waqfien u ħin tax-xogħol massimu ta’ kull ġimgħa; u

b)

ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, ix-xogħol bix-shift u t-tendenzi tax-xogħol.”

9.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi;

2.

‘perjodu ta’ serħan’: ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]

9.

‘serħan adekwat’: ifisser li l-ħaddiema jkollhom perjodi regolari ta’ serħan, li t-tul tagħhom huwa espress f’unitajiet ta’ ħin u li huma suffiċjentement twal u kontinwi li jassiguraw li, bħala riżultat ta’ għajja jew tendenzi oħrajn irregolari tax-xogħol, li ma joħolqux xi korriment għalihom, għal ħaddiema sħabhom jew għal oħrajn u li ma jkunux ta’ ħsara għal saħħithom, la f’terminu qasir u l-anqas f’terminu fit-tul.”

10.

L-Artikolu 5 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Perjodu ta’ serħan ta’ kull ġimgħa”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li, f’kull perjodu ta’ sebat ijiem kull ħaddiem ikun intitolat għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta’ serħan kull perjodu ta’ 24 il-siegħa flimkien ma 11-il siegħa serħan ta’ kull jum kif li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3.

Jekk objettivi, l-organizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tekniċi jew tax-xogħol hekk jiġġustifikaw, perjodu minimu ta’ serħan ta’ 24 siegħa jista’ jkun applikat.”

11.

Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

12.

L-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa d-dritt ta’ l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ ħaddiema jew li jiffaċilitaw jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehim kollettiv jew ta’ ftehim oħrajn konklużi bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija li huma aktar favorevoli għal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.”

13.

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Derogi”, jgħid, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   F’dak li jirrigwardja l-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema, l-Istati Membri jistgħu jagħtu deroga mill-Artikoli 3 sa 6, 8 u 16 meta, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-attività kkonċernata, it-tul tal-ħin tax-xogħol ma jkunx imkejjel u/jew predeterminat jew jista’ jkun determinat mill-ħaddiema nfushom, u partikolarment fil-każ ta’:

a)

eżekuttivi amministraturi jew persuni oħrajn b’poteri awtonomi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet;

b)

ħaddiema parti mill-familja; jew

c)

ħaddiema li juffiċċjaw f’ċerimonji reliġjużi fi knejjes u f’komunitajiet reliġjużi.

2.   Id-derogi li hemm provvediment dwarhom fil-paragrafi 3, 4 u 5 jistgħu jkunu adottati permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim bejn iż-żewġ naħat ta’ l-industrija, basta li l-ħaddiema kkonċernati jkunu mogħtija perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ obbligatorju jew li, f’każi eċċezzjonali li fihom dan ma jkunx possibbli, għal raġunijiet objettivi, li jagħtu perjodi bħal dawn ta’ serħan obbligatorju, il-ħaddiema kkonċernati għandhom igawdu minn protezzjoni xierqa.”

B.   Id-dritt Spanjol

14.

L-Estatuto de los Trabajadores (l-Istatut tal-Ħaddiema), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Real Decreto Legislativo 2/2015, por el que se AEBA el texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 2/2015, li approva t-test irriformulat tal-Istatut tal-Ħaddiema) ( 4 ) tat-23 ta’ Ottubru 2015 (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi, fl-Artikolu 37 tiegħu, intitolat “Mistrieħ fil-ġimgħa, vaganzi pubbliċi u leave”:

“1.   Il-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt għall-mistrieħ fil-ġimgħa minimu, kumulabbli għal perijodi li ma jaqbżux l-erbatax-il jum, ta’ jum u nofs mingħajr interruzzjoni li, bħala regola, jinkludi wara nofsinhar tas-Sibt jew, fejn applikabbli, filgħodu tat-Tnejn u l-ġurnata sħiħa tal-Ħadd. Il-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għal minuri taħt it-18-il sena huwa ta’ mill-inqas jumejn mingħajr interruzzjoni.

[…]

3.   Il-ħaddiem, wara li jkun avża l-assenza tiegħu u wara li jkun ta r-raġunijiet, jista’ jkun assenti mix-xogħol filwaqt li jżomm id-dritt tiegħu għal remunerazzjoni, għar-raġunijiet li ġejjin u għat-tul indikat:

a)

Ħmistax-il jum skont il-kalendarju fil-każ ta’ żwieġ.

b)

Jumejn għat-twelid ta’ wild u għall-mewt, inċident jew mard gravi, il-kura fl-isptar jew l-intervent kirurġiku outpatient li jeħtieġ il-mistrieħ id-dar ta’ membri tal-familja sat-tieni grad ta’ qrubija b’konsangwinità jew żwieġ. Meta, għal din ir-raġuni, il-ħaddiem ikun jeħtieġ imur f’post ieħor għal dan il-għan, it-tul ta’ żmien huwa ta’ erbat ijiem.

c)

Jum sabiex jibdel il-post tar-residenza abitwali tiegħu.

d)

Iż-żmien meħtieġ biex jaqdi dmir obbligatorju ta’ natura pubblika u personali, inkluż l-eżerċizzju tad-dritt ta’ vot attiv. Meta dispożizzjoni leġiżlattiva jew konvenzjonali tipprovdi perijodu determinat, id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu osservati fil-qasam tat-tul tal-assenza u ta’ kumpens finanzjarju.

[…]

e)

Sabiex jaqdi funzjonijiet sindakali jew ta’ rappreżentanza tal-persunal fit-termini stabbiliti mil-liġi jew bi ftehim.

f)

Għaż-żmien meħtieġ sabiex isiru eżamijiet ta’ qabel it-twelid u biex jiġu segwiti korsijiet ta’ preparazzjoni għall-ħlas u, fil-każ ta’ adozzjoni, ta’ kustodja jew ta’ fostering, sabiex ikun hemm attendenza ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ preparazzjoni obbligatorji u li wieħed jissottometti ruħu għall-evalwazzjonijiet psikosoċjali obbligatorji qabel id-dikjarazzjoni ta’ kapaċità taħt riżerva, fil-każijiet kollha, li dawn għandhom iseħħu matul il-ħin tax-xogħol.

[…]”

15.

L-Artikolu 38 tal-Istatut tal-ħaddiema, intitolat “Leave annwali mħallas”, jipprevedi:

“1.   Il-perijodu ta’ leave annwali mħallas, li ma jistax jiġi ssostitwit b’kumpens finanzjarju, huwa dak li jkun ġie miftiehem permezz ta’ ftehim kollettiv jew kuntratt individwali. Dan il-perijodu f’ebda każ ma jista’ jkun iqsar minn tletin jum skont il-kalendarju.

2.   Il-perijodu jew il-perijodi meta jista’ jittieħed il-leave għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn l-impriża u l-ħaddiem, skont kif ipprovdut, jekk ikun il-każ, fil-ftehim kollettivi dwar l-ippjanar annwali tal-leave.

F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-qorti tax-xogħol għandha tistabbilixxi d-data li fiha għandu jittieħed il-leave, u d-deċiżjoni tagħha ma tistax tiġi appellata. Il-proċedura għandha tkun imħaffa u tingħata prijorità.

3.   Il-kalendarju tal-leave għandu jiġi stabbilit f’kull impriża. Il-ħaddiem għandu jsir jaf bid-dati li jikkonċernawh għall-inqas xahrejn qabel il-bidu tal-leave.

Meta l-perijodu tal-leave stabbilit fil-kalendarju tal-leave tal-impriża msemmi fis-subparagrafu preċedenti jaħbat fl-istess żmien ma’ perijodu ta’ inkapaċità temporanja minħabba tqala, ħlas jew irdigħ, jew mal-perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt ta’ impjieg previst fl-Artikolu 48(4), (5) u (7) ta’ din il-liġi, il-persuna kkonċernata għandha d-dritt tieħu l-leave tagħha fi żmien differenti mill-perijodu tal-inkapaċità temporanja jew minn perijodu ieħor ta’ leave, li tkun intitolata għalih skont din id-dispożizzjoni, wara li jkun għadda l-perijodu ta’ sospensjoni, anki jekk is-sena kalendarja korrispondenti tkun diġà għaddiet.

Fil-każ li l-perijodu tal-leave jikkoinċidi ma’ inkapaċità temporanja minħabba ċirkustanzi differenti minn dawk indikati fil-paragrafu preċedenti, u li jimpedixxi lill-ħaddiem milli jieħdu kompletament jew parzjalment matul is-sena kalendarja li jikkorrispondi magħha, huwa jista’ jagħmel hekk wara li l-inkapaċità tiegħu tkun intemmet, iżda ma għandhomx ikunu għaddew iktar minn tmintax-il xahar mit-tmiem tas-sena li fiha kien ġie ġġenerat.”

16.

L-Artikolu 46 tal-ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi jgħid dan li ġej:

“I.   Il-ħaddiem raġel jew mara, wara li jkunu avżaw l-assenza tagħhom u jkunu taw ir-raġunijiet, jistgħu jkunu assenti mix-xogħol filwaqt li jżommu d-dritt tagħhom għal remunerazzjoni, għar-raġunijiet li ġejjin u t-tul indikat:

A.

Ħmistax-il jum tal-kalendarju fil-każ ta’ żwieġ, li għandhom jittieħdu fid-data tal-avveniment jew fil-jum immedjatament preċedenti, skont l-għażla tal-ħaddiem raġel jew mara.

B.

Tlett ijiem għat-twelid ta’ wild jew għall-mewt, inċident jew mard gravi, il-kura fl-isptar ta’ membri tal-familja sat-tieni grad ta’ qrubija b’konsangwinità jew żwieġ. Fil-każ ta’ mewt tal-konjuġi jew ta’ wild, dan il-perijodu għandu jiġi estiż għal 5 ijiem. Meta, għal din ir-raġuni, il-ħaddiem raġel jew il-ħaddiem mara jkollhom bżonn imorru f’post ieħor, dan il-perijodu jiżdied b’jum.

C.

Jumejn għal intervent kirurġiku outpatient li jeħtieġ mistrieħ fid-dar ta’ membri tal-familja sat-tieni grad ta’ qrubija b’konsangwinità jew żwieġ. Meta, għal din ir-raġuni, il-ħaddiem jew il-ħaddiem mara jkollhom bżonn imorru f’post ieħor, dan il-perijodu jiżdied b’erbat ijiem.

D.

Jum sabiex jibdel il-post tar-residenza abitwali tiegħu.

E.

Iż-żmien meħtieġ biex jaqdi dmir obbligatorju ta’ natura pubblika u personali, inkluż l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot attiv.

F.

Sabiex jaqdi funzjonijiet sindakali jew ta’ rappreżentanza tal-persunal fit-termini stabbiliti mil-liġi jew minn dan il-ftehim kollettiv.

G.

Għaż-żmien meħtieġ u wara l-ġustifikazzjoni għal dan permezz ta’ ċertifikat mediku meta, minħabba marda, il-ħaddiem raġel mara jkollhom bżonn imorru fi klinika waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom.

H.

Is-sigħat meħtieġa biex il-ħaddiema rġiel u nisa jmorru għal eżamijiet fi tmiem l-istudji jew it-taħriġ, meta jkunu qed jistudjaw uffiċjalment jew akkademikament. F’dawn il-każijiet, għandhom jipprovdu l-ġustifikazzjoni amministrattiva li tappoġġja t-talba tagħhom.

I.

Kull sena, il-ħaddiema rġiel u nisa jistgħu jieħdu, sa tlett ijiem addizzjonali tal-leave kumulabbli wieħed wieħed minn kwalunkwe wieħed mil-leave previst fil-punti A), B) u D) preċedenti, jew sa jumejn fil-każ ta’ mewt ta’ konjuġi jew ta’ sieħeb ċivili jew ta’ wild jew, ukoll wieħed wieħed, minbarra l-leave previst fil-paragrafu 1), fil-każijiet li ġejjin:

1)

Jum, jew tmien sigħat kull sena, billi jiġi ġġustifikat iż-żmien użat permezz tal-viża tat-tabib, sabiex jakkumpanja wild ta’ inqas minn 16-il sena għal vista medika fil-klinika matul il-ħin tax-xogħol tal-ħaddiem raġel jew mara.

2)

fil-każ ta’ żwieġ ta’ membri tal-familja sat-tieni grad ta’ qrubija b’konsangwinità jew żwieġ.

3)

Fil-każ ta’ eżami tal-liċenzja tas-sewqan u ffirmar ta’ atti notarili meħtieġa għax-xiri jew il-bejgħ mill-ħaddiem ta’ residenza, li l-ħaddiem għandu jwettaq personalment u matul il-ħin tax-xogħol tiegħu.

II   Għall-finijiet tal-leave, ħlief għal-leave previst fil-punt A) ta’ dan l-artikolu, il-koppji fi sħubija ċivili għandhom l-istess drittijiet, sakemm dawn ikunu debitament irreġistrati fir-reġistru uffiċjali rilevanti u li l-ħaddiem raġel jew mara jkollhom ċertifikazzjoni ta’ dan, skont ir-rekwiżiti fformulati fil-leġiżlazzjonijiet applikabbli tal-komunitajiet awtonomi.

III.   Il-ħaddiem raġel jew mara għandhom javżaw kemm jista’ jkun malajr lis-superjur immedjat tagħhom sabiex jadotta l-miżuri neċessarji, jagħtihom il-leave rilevanti u jippreżentaw ġustifikazzjoni dwar ir-raġuni allegata sabiex jittieħed il-leave mogħti jew li għandu jingħata.

IV.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, għandu jinftiehem li jkun hemm spostament meta l-ħaddiem raġel jew mara jkollhom jivvjaġġaw iktar minn 150 km bejn il-post ta’ residenza abitwali tagħhom u l-post ta’ destinazzjoni.”

17.

Il-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) jistabbilixxi, minn naħa, fl-Artikolu 4(3) tiegħu li “[i]d-dispożizzjonijiet [ta’ dan] il-[k]odiċi japplikaw b’mod supplimentari fl-oqsma rregolati minn liġijiet oħra” u, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 5(2) tiegħu li “[i]l-vaganzi pubbliċi ma humiex esklużi mill-kalkolu skont il-kalendarju tat-termini”.

III. Il-fatti tal-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18.

Permezz ta’ tliet rikorsi separati li kienu ngħaqdu wara deċiżjoni tal-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), tliet organizzazzjonijiet sindakali qegħdin jitolbu lill-qorti tar-rinviju sabiex taqta’ li l-leave speċjali mħallas previst fl-Artikolu 46 tal-ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi, bl-eċċezzjoni tal-leave għaż-żwieġ, għandu jittieħed għal perijodu li matulu l-ħaddiem ikkonċernat għandu jaħdem għall-impriża ( 5 ), kemm f’dak li jirrigwarda l-ewwel jum kif ukoll il-jiem kollha tal-leave. Fir-rigward tal-leave għaż-żwieġ, l-organizzazzjonijiet sindakali qegħdin jitolbu li dan il-leave jibda jum li matulu l-ħaddiem għandu jaħdem għall-impriża.

19.

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-mistrieħ fil-ġimgħa tal-ħaddiema u l-leave annwali mħallas huwa rregolat mill-Artikolu 37(1) kif ukoll mill-Artikolu 38 tal-Istatut tal-Ħaddiema li jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, f’kundizzjonijiet li, fil-fehma tagħha, jaqbżu l-perijodi minimi mitluba mid-dritt tal-Unjoni ( 6 ).

20.

Hija tippreċiża li l-Artikolu 46 tal-ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi jimplementa, taħt kundizzjonijiet iktar ġenerużi, l-Artikolu 37(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema li jirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema li jibbenefikaw minn leave speċjali mħallas. Dan il-leave huwa intiż sabiex jissodisfa bżonnijiet speċifiċi ta’ ħaddiema, bħal, b’mod partikolari, it-twelid ta’ tarbija, il-kura fl-isptar, l-operazzjoni kirurġika jew il-mewt ta’ qarib, kif ukoll it-twettiq ta’ funzjonijiet ta’ rappreżentanza sindakali, li jseħħu matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol u jiġġustifikaw li jiġi rrikonoxxut id-dritt tal-ħaddiema li jassentu ruħhom mix-xogħol filwaqt li jżommu d-dritt tagħhom għal remunerazzjoni.

21.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, f’dan l-Artikolu 46, bħal fl-Artikolu 37 tal-Istatut tal-Ħaddiema, hemm indikat, għal-leave taż-żwieġ, li t-tul tiegħu huwa kkalkolat f’jiem kalendarji. Ma hemm l-ebda preċiżazzjoni li tikkonċerna l-leave speċjali l-ieħor imħallas jew minn fejn jibda l-leave taż-żwieġ.

22.

Il-qorti tar-rinviju żżid li, madankollu, l-Artikolu 5(2) tal-Kodiċi Ċivili, li huwa applikabbli fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċjali, jipprovdi li l-kalkolu ċivili tat-termini ma jeskludix il-vaganzi pubbliċi.

23.

Hija tikkonstata li, fil-prattika normali tal-grupp ta’ impriżi, il-jiem ta’ leave speċjali mħallsa jibdew fid-data tal-fatt ġeneratur, indipendentement mill-fatt jekk dan ikunx jew le jum tax-xogħol ( 7 ), u jiġu kkalkolati f’jiem kalendarji.

24.

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-organizzazzjonijiet sindakali jibbażaw ir-rikors tagħhom fuq sentenza tat-13 ta’ Frar 2018, Nru 145/2018, tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), li ma tikkostitwixxix ġurisprudenza. Din iddeċidiet, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar il-leave speċjali mħallas fi ftehim settorjali ( 8 ) li, meta l-fatt ġeneratur tal-leave speċjali mħallas jiġi prodott f’jum mhux ta’ xogħol ( 9 ), li miegħu hi assimilata vaganza pubblika, il-bidu tal-leave għandu jiġi pospost għall-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss.

25.

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li ċ-ċaħda tar-rikors tal-organizzazzjonijiet sindakali jkollha l-effett li timponi fuq il-ħaddiema li jissodisfaw il-bżonnijiet li għalihom il-leave speċjali mħallas huwa previst matul il-perijodi ta’ mistrieħ iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

26.

Għaldaqstant, din il-qorti tistaqsi dwar il-portata tal-interpretazzjoni tad-dritt għall-mistrieħ fil-ġimgħa u għal-leave annwali, stabbilit fl-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88, li l-għan tiegħu ġie ppreċiżat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri li jipproteġi b’mod effikaċi s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema.

27.

Il-qorti tar-rinviju tfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leave ggarantit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax jaffettwa d-dritt li jittieħed leave ieħor iggarantit b’dan id-dritt u li kull deroga għas-sistema tal-Unjoni fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol prevista mid-Direttiva 2003/88 għandha tingħata interpretazzjoni li tillimita l-portata tagħha għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi li din id-deroga tippermetti li jiġu protetti.

28.

Din il-qorti tirrileva, barra minn hekk, li l-għan tal-leave speċjali mħallas, irregolat mill-Artikolu 37(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema, huwa li jissodisfa l-bżonnijiet tal-ħaddiema ta’ natura personali jew ċivika, li wħud minnhom huma marbuta mal-libertà sindakali jew mar-responsabbiltajiet tal-familja.

29.

Għaldaqstant, hija tqis li, jekk waħda mill-ħtiġijiet elenkati fl-Artikolu 37(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema sseħħ matul il-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali, hemm żewġ għanijiet li jidħlu f’xulxin. Jekk jiġi aċċettat li, f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li jiġi pospost it-teħid tal-leave speċjali mħallas f’mument ieħor ħlief matul il-perijodu ta’ mistrieħ, dan jinġieb fix-xejn, peress li l-ħaddiema jkollhom jiddedikaw il-perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew il-vaganzi tagħhom sabiex isolvu l-problemi kkawżati mill-okkorrenza tal-ħtieġa li għalih hemm il-leave speċjali mħallas.

30.

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tiddubita li r-rifjut li jingħata lill-ħaddiema d-dritt li jieħdu l-leave rregolat mill-Artikolu 37(3) tal-Istatut tal-Ħaddiema u previst fl-Artikolu 46 tal-ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi, meta l-ħtieġa li huma jridu jissodisfaw tinqala’ fl-istess ħin bħall-perijodi minimi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u l-jiem ta’ leave annwali mħallas previsti mid-Direttiva 2003/88, tikkonformax mal-Artikoli 5 u 7 ta’ din id-direttiva. Hija tistaqsi wkoll dwar jekk, f’każ ta’ simultanjetà, għandhomx jiġu previsti miżuri sabiex jiġi ggarantit li l-perijodi ta’ mistrieħ minimi previsti mill-imsemmija direttiva jkunu effettivament meħuda.

31.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-koinċidenza tal-mistrieħ fil-ġimgħa mat-teħid tal-leave [speċjali] imħallas sabiex jintlaħqu għanijiet li huma distinti mill-mistrieħ?

2)

L-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-koinċidenza tal-leave annwali mat-teħid tal-leave [speċjali] imħallas sabiex jintlaħqu għanijiet li huma distinti mill-mistrieħ, mir-rilassament u mir-rikreazzjoni?”

32.

L-organizzazzjonijiet sindakali, il-grupp ta’ impriżi, il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Huma għamlu wkoll sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-24 ta’ Settembru 2019.

IV. Analiżi

33.

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi li ma jipprevedux l-għoti ta’ leave speċjali mħallas meta waħda mill-ħtiġijiet li huma jissodisfaw isseħħ matul perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew ta’ leave annwali.

34.

L-elementi li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi jimmeritaw, fil-fehma tiegħi, li jiġu enfasizzati. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, dwar il-koinċidenza bejn il-perijodi ta’ mistrieħ previsti mid-Direttiva 2003/88 u tal-avvenimenti tal-ħajja personali tal-ħaddiem li kienu jiġġustifikaw, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, it-teħid ta’ leave speċjali mħallas, jekk dawn seħħew matul il-ħin tax-xogħol tiegħu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-perijodi ta’ mistrieħ previsti mid-Direttiva 2003/88 ( 10 ).

35.

Għaldaqstant, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi kkjarifikat is-suġġett tad-domandi preliminari qabel ma jiġu spjegati r-risposti li jistgħu jingħataw.

A.   Fuq is-suġġett tad-domandi preliminari

36.

Il-qorti tar-rinviju timmotiva t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari bir-riskju ta’ preġudizzju fuq il-perijodi minimi ( 11 ) ta’ mistrieħ iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni sa fejn l-għanijiet tal-leave speċjali mħallas huma differenti minn dawk tal-leave annwali u tal-mistrieħ fil-ġimgħa ( 12 ). Insostenn tat-talba tagħha, hija tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-sovrappożizzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali ma’, b’mod partikolari, dawk mogħtija fil-każ ta’ mard ( 13 ).

37.

Madankollu, din l-artikolazzjoni mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipproteġi d-dritt għal-leave annwali għal kunsiderazzjonijiet relatati mas-saħħa tal-ħaddiem u mal-kapaċità tiegħu li jaħdem, li tirriżulta mis-sempliċi konstatazzjoni mill-qorti tar-rinviju ta’ differenza fl-għan tal-leave, għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi diskussa.

38.

Barra minn hekk, inqis li elementi ġodda ta’ riflessjoni jistgħu jinsiltu mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT ( 14 ) li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 fil-preżenza ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ta’ ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ jiem ta’ leave annwali mħallas li jeċċedi l-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat, filwaqt li jiġi eskluż id-dritt ta’ trasferiment kollu jew parti mill-jiem ta’ leave addizzjonali fil-każ ta’ mard tal-ħaddiem ( 15 ).

39.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li huwa neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-leave speċjali mħallas jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tislet il-konsegwenzi tad-differenzi fl-għan tad-drittijiet għal-leave, tistax tiġi trasposta għall-każ ta’ drittijiet għal-leave speċjali mħallas.

B.   Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88

40.

Jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kliem tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 li din għandha l-għan li tistabbilixxi regoli minimi għall-ħaddiema kollha fl-Istati Membri b’approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-limiti tal-ħin tax-xogħol ( 16 ), il-perijodi ta’ mistrieħ minimi ta’ kuljum u fil-ġimgħa, il-leave annwali u protezzjoni supplimentari għall-ħaddiema ta’ billejl.

41.

Din id-direttiva ma tipprovdix dispożizzjonijiet partikolari dwar awtorizzazzjonijiet ta’ assenza li jistgħu jingħataw matul il-ħin tax-xogħol, mingħajr telf ta’ remunerazzjoni, għal raġunijiet oħra li ma humiex dawk relatati mas-sigurtà u mas-saħħa tal-ħaddiem ( 17 ) li huma konnessi mal-akkumulazzjoni ta’ perijodi ta’ xogħol fis-servizz ta’ persuna li timpjega ( 18 ).

42.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jintroduċu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-ħaddiema li jistgħu jiġu pparagunati ma’ dawk previsti minn din id-direttiva sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema ( 19 ). F’din il-kawża, dan huwa l-każ tad-dritt Spanjol għall-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa u l-leave annwali li jaqbeż, skont il-qorti tar-rinviju, il-minimi previsti mid-dritt tal-Unjoni, u mhux għal-leave speċjali mħallas ( 20 ).

43.

Jekk dawn tal-aħħar jiżdiedu mal-leave annwali previst mid-Direttiva 2003/88, dawn huma ta’ natura oħra u jsegwu għanijiet differenti. Fil-fatt, infakkar li dawn huma awtorizzazzjonijiet li jinterrompu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol, ta’ tul minn ftit sigħat għal diversi jiem, u li dawn huma intiżi sabiex jiġu kkonċiljati aħjar ir-responsabbiltajiet professjonali tal-ħaddiem ma’ dawk tal-ħajja privata jew familjari tiegħu, matul il-jiem li fihom għandu jaħdem għall-impriża.

44.

B’hekk, il-ħaddiem jista’ jippretendi dan il-leave speċjali mħallas, fuq talba tiegħu, għal raġunijiet li ma għandhom ebda relazzjoni mal-attività professjonali ( 21 ). Il-paragun tiegħu mar-regoli tad-Direttiva 2003/88 juri b’mod ċar li ma huwiex intiż sabiex jipproteġi s-sigurtà jew l-istat ta’ saħħa tal-ħaddiem fir-rigward tat-twettiq tax-xogħol.

45.

Għaldaqstant, nosserva, fl-ewwel lok, li, bl-għoti ta’ leave speċjali mħallas, il-leġiżlatur Spanjol ma eżerċitax is-setgħa rrikonoxxuta lill-Istati Membri mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88. ( 22 ).

46.

B’hekk, meta stabbilixxa, fuq inizjattiva tiegħu stess, favur il-ħaddiema drittijiet li jsegwu għan differenti minn dak previst minn din id-direttiva, il-leġiżlatur Spanjol eżerċita l-kompetenza tiegħu lil hinn mill-qasam irregolat minnha ( 23 ).

47.

F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tas-sentenza tat-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT ( 24 ), dwar id-drittijiet għal-leave annwali mħallas li jeċċedu t-tul minimu ta’ erba’ ġimgħat previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-drittijiet, mogħtija mill-Istati Membri jew mill-imsieħba soċjali, bis-saħħa tal-fakultà prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2003/88 ( 25 ), jew, ukoll, il-kundizzjonijiet ta’ trasferiment eventwali tagħhom fil-każ ta’ mard li jseħħ matul il-leave jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Istati Membri, mingħajr ma jiġu rregolati minn din id-direttiva u mingħajr ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar ( 26 ).

48.

Nirrileva li huwa mfakkar b’mod ċar minn din is-sentenza li, meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ikkonċernat ma jirregolawx aspett u ma jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri fir-rigward ta’ sitwazzjoni partikolari, dawn jibqgħu liberi li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom.

49.

Għaldaqstant, jiena tal-fehma li s-soluzzjoni mogħtija mill-imsemmija sentenza dwar id-dritt għal-leave annwali, preskritt mid-Direttiva 2003/88, tista’ tiġi trasposta, permezz ta’ raġunament a fortiori, peress li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni kienu ttieħdu mill-Istati Membri jew mill-imsieħba soċjali f’qasam ieħor differenti minn dak kopert mid-dritt tal-Unjoni.

50.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-limitu għall-eżerċizzju mill-Istati Membri tal-kompetenza tagħhom imfakkra mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT ( 27 ), jiġifieri preġudizzju eventwali għall-protezzjoni minima żgurata mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ( 28 ), jiena inqis li d-dritt għal-leave speċjali mogħti lill-ħaddiem sabiex tiġi ffaċilitata l-artikolazzjoni bejn il-ħajja privata tiegħu u r-restrizzjonijiet professjonali tiegħu fuq il-ħin tax-xogħol tiegħu ma jistax, bħala tali, jippreġudika l-possibbiltà li jeżerċita d-dritt tiegħu għal perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew annwali, li huwa l-uniku għan tad-Direttiva 2003/88 ( 29 ). Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ sitwazzjonijiet konkreti mressqa għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif, fil-prattika, id-drittijiet għal-leave addizzjonali, previsti mil-leġiżlatur nazzjonali, li huma għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem lil hinn mill-kundizzjonijiet minimi previsti mid-Direttiva 2003/88 ( 30 ), jistgħu jippreġudikaw id-drittijiet għall-mistrieħ previsti minnha ( 31 ).

51.

Dejjem fuq il-binarju tas-sentenza tat-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT ( 32 ), nirrileva wkoll, l-assenza ta’ preġudizzju għall-koerenza tad-Direttiva 2003/88 jew għall-għanijiet tagħha ( 33 ). F’dan ir-rigward, kieku l-leġiżlatur nazzjonali ma kienx stabbilixxa drittijiet għal-leave speċjali mħallas sabiex il-ħaddiem ikun jista’ jiġi awtorizzat li jassenta ruħu, fuq talba tiegħu, meta jiġri avveniment fil-ħajja personali tiegħu matul il-ħin tax-xogħol tiegħu, il-kwistjoni tal-effettività tal-leave annwali jew tal-mistrieħ fil-ġimgħa, meta dan l-avveniment iseħħ, ma tqumx fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

52.

Din il-konstatazzjoni turi, fil-fehma tiegħi, il-fatt li, f’dan il-każ, il-preġudizzju fuq l-effettività tal-leave annwali jew tal-mistrieħ fil-ġimgħa huwa possibbli biss jekk wieħed jikkunsidra li kull avveniment li jista’ jipprekludi lill-ħaddiem milli jgawdi b’mod sħiħ minn perijodu ta’ mistrieħ jew ta’ rilassament jiġġustifika li l-leave addizzjonali jingħatalu sabiex l-għan tal-leave annwali jkun protett ( 34 ).

53.

Issa, dan ma huwiex l-għan segwit mid-Direttiva 2003/88. Ir-regoli tagħha jirriżultaw mit-tiftix ta’ bilanċ ġust bejn il-ħin tax-xogħol u t-tul minimu ta’ mistrieħ ( 35 ), fil-perspettiva tat-twettiq tal-attività professjonali tal-ħaddiem ( 36 ). Huma għandhom il-konsegwenza li jikkonferixxu biss id-dritt lill-ħaddiem li jitlob lill-persuna li timpjegah li timplementa l-perijodi ta’ mistrieħ iggarantiti minn din id-direttiva.

54.

Barra minn hekk, il-protezzjoni minima ggarantita lill-ħaddiem skont l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88 ma tistax tippreżenta livelli differenti skont l-inizjattivi tal-Istati Membri li jadottaw jew le dispożizzjonijiet speċjali analogi għal dawk applikabbli fi Spanja.

55.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha niddeduċi li d-domandi preliminari ma għandhomx iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistħarreġ il-kundizzjonijiet għas-sussistenza ta’ dritt għal-leave speċjali mħallas li huwa rregolat mil-leġiżlatur nazzjonali, peress li dan id-dritt huwa mingħajr relazzjoni mal-kapaċità tal-ħaddiem li jwettaq ix-xogħol tiegħu, u li, bħala tali, dan id-dritt ma jistax jippreġudika l-effettività tad-dritt għal perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew tal-leave annwali, iggarantit mid-Direttiva 2003/88, jew l-għan segwit minnha.

56.

Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, prinċipalment, li leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ leave speċjali mħallas sabiex il-ħaddiem ikun jista’ jassenta ruħu matul il-jiem tax-xogħol sabiex jissodisfa l-obbligi personali jew tal-familja tiegħu ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88.

57.

Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix din l-opinjoni billi tikkunsidra li huwa biżżejjed li jkun allegat riskju ta’ preġudizzju għall-għan tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ previsti mid-Direttiva 2003/88 mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ( 37 ) u li dan ir-riskju jista’ jiġi eskluż minħabba l-posponiment tal-leave iggarantit minn din id-direttiva ( 38 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, tiddeċiedi dwar il-punt jekk il-ġurisprudenza tagħha fuq id-differenza fil-għan tal-leave, fil-każ ta’ sovrappożizzjoni bejniethom, hijiex trasponibbli għal-leave speċjali mħallas.

58.

Għalhekk, issa ser nippreżenta l-elementi li għandi l-intenzjoni li nissottometti għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fin-nuqqas ta’ ġurisprudenza dwar każ ta’ koinċidenza bejn drittijiet għal-leave u drittijiet għal mistrieħ fil-ġimgħa, ser neżamina dan il-każ wara dak tal-koinċidenza bejn dritt għal-leave speċjali mħallas u leave annwali.

C.   Fuq l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ koinċidenza bejn żewġ drittijiet għal-leave

59.

Il-kwistjoni ta’ prinċipju li għandha tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-fehma tiegħi, dik dwar jekk it-tfittxija tal-għan tal-leave, fil-każ ta’ koinċidenza mad-dritt għal-leave annwali, għandhiex tiġi estiża għal-leave speċjali mħallas kif kkunsidratu wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-leave ta’ konvalexxenza ( 39 ), bħala leave intiż sabiex itejjeb “is-saħħa tal-ħaddiema” ( 40 ) li jipprekludihom milli jaħdmu. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat dak li jiġġustifika r-rikors, b’mod ġenerali, għall-kriterju tal-għan tad-drittijiet għal-leave fil-każ ta’ sovrappożizzjoni tagħhom fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol ( 41 ).

60.

Għalhekk ser infakkar din il-ġurisprudenza fil-linji ġenerali tagħha sabiex jiġi stabbilit il-kriterju prinċipali li jirriżulta minn dan, qabel ma nivverifika jekk din tistax tiġi estiża għad-dritt għal-leave speċjali mħallas.

1. Fuq il-kriterju li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-differenza fl-iskop tad-drittijiet għal-leave

61.

Peress li l-leġiżlatur nazzjonali stabbilixxa l-leave speċjali mħallas addizzjonali f’qasam mhux irregolat mid-dritt tal-Unjoni ( 42 ), għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar każ simili, jiġifieri s-sovrapożizzjoni bejn il-leave annwali u l-leave tal-mard ( 43 ) jew il-leave ta’ konvalexxenza ( 44 ), irregolati mid-dritt nazzjonali. Din il-ġurisprudenza twassal sabiex jitfittex l-għan tad-diversi tipi ta’ leave li jikkoeżistu.

62.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod ċar fis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn ( 45 ), ir-raġunament li għandu jiġi segwit li jibda bit-tfakkira li “l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas, li huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji, huwa differenti minn dak tad-dritt għal-leave tal-mard, li huwa intiż li jippermetti lill-ħaddiem ifiq minn marda” ( 46 ).

63.

Dan ir-raġunament isegwi bid-deduzzjoni stabbilita li “[f]id-dawl ta’ dawn l-għanijiet differenti taż-żewġ tipi ta’ leave, […] ħaddiem li jkun bil-leave tal-mard matul perijodu ta’ leave annwali stabbilit bil-quddiem għandu d-dritt, fuq talba tiegħu u sabiex ikun jista’ jibbenefika effettivament mil-leave annwali tiegħu, li jieħu dan il-leave fi żmien differenti minn dak li jikkoinċidi mal-perijodu ta’ leave tal-mard” ( 47 ).

64.

Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-għan eventwalment differenti ta’ żewġ tipi ta’ leave, is-sovrappożizzjoni ta’ leave inkwistjoni tistax tipprekludi l-benefiċċju, f’mument ieħor, tal-leave annwali miksub mill-ħaddiem ( 48 ).

65.

Madankollu, huwa biżżejjed li tiġi kkonstatata d-differenza fl-għan tat-tipi ta’ leave sabiex jiġi kkunsidrat li, f’kull każ, jistgħu jiġu affettwati d-drittijiet għal-leave annwali miksuba mill-ħaddiem?

66.

Ma jidhirlix li dan huwa l-każ, peress li, lil hinn mill-konstatazzjoni tal-finalità speċifika għal kull wieħed minn dawn id-drittijiet għal leave, l-istat ta’ saħħa tal-ħaddiem, li jiġġustifika l-interruzzjoni tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol ( 49 ), jikkostitwixxi l-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipproteġi l-effettività tal-leave annwali ( 50 ) previst mid-Direttiva 2003/88. Dan huwa bbażat fuq diversi prinċipji kostanti.

67.

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-għan komuni li tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiem permezz ta’ żewġ tipi ta’ leave, wieħed annwali u l-ieħor minħabba mard, li huwa impost fuq min iħaddem fir-rigward kemm tad-Direttiva 2003/88 kif ukoll tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tal-24 ta’ Ġunju 1970 dwar il-leave annwali mħallas (riveduta) ( 51 ).

68.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-karatteristiċi tal-leave tal-mard, li għandhom bħala konsegwenza li jipprekludu l-effett pożittiv tad-dritt għal-leave annwali mħallas għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem milli jattwa ruħu b’mod sħiħ ( 52 ). Dan jirrigwarda l-inkapaċità għax-xogħol immedjata minħabba l-istat ta’ saħħa tal-ħaddiem, tal-eżistenza ta’ restrizzjonijiet fiżiċi jew psikiċi marbuta mal-marda ( 53 ), tal-imprevedibbiltà tal-okkorrenza ta’ din l-inkapaċità għax-xogħol, tan-natura indipendenti tar-rieda tal-ħaddiem ( 54 ) u tan-nuqqas ta’ sospensjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol ( 55 ).

69.

B’mod konkret, ma hemmx dubju li, f’tali ċirkustanzi, il-ħaddiem marid mhux biss ma huwiex kapaċi jaħdem, imma wkoll li “jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti imposti fuqu skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu […] u li jkollu perijodu ta’ mistrieħ u ta’ rikreazzjoni” ( 56 ), fid-dawl tat-tkomplija futura tal-attività professjonali tiegħu ( 57 ).

70.

B’hekk, il-koeżistenza ta’ żewġ drittijiet għal leave li huma intiżi, esklużivament, li jipproteġu s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem permezz ta’ obbligu li ma jaħdimx, iġġustifika, fil-fehma tiegħi, li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li dawn jiġu eżerċitati indipendentement minn xulxin.

71.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-leave annwali kellu jiġi pospost sabiex il-ħaddiem ikun jista’ “jibbenefika effettivament” ( 58 ) mil-leave annwali. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa opportun li jiġi ppreċiżat is-sens ta’ din l-espressjoni minħabba l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju ( 59 ). Fil-fatt, dawn jagħtu lok għall-idea li, matul il-perijodu ta’ mistrieħ, il-ħaddiem għandu jistrieħ b’mod obbligatorju ( 60 ).

72.

Madankollu, tali interpretazzjoni ma tistax tiġi dedotta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, minn naħa, minħabba d-definizzjonijiet ta’ “perjodu ta’ serħan” u ta’ “serħan adekwat” li jinsabu fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perjodu ta’ serħan” jeskludu lil xulxin ( 61 ).

73.

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/88 huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effettiva tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu billi jipprovdi li l-perijodu minimu ta’ leave annwali ma jistax jiġi ssostitwit b’kumpens finanzjarju, ħlief f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol.

74.

Għaldaqstant, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għal-leave previst minn din id-direttiva, huwa biżżejjed li l-miżuri adottati mill-Istati Membri ( 62 ) jiġu implementati mill-persuna li timpjega ( 63 ). Konkretament, hija biss il-possibbiltà offruta lill-ħaddiem li jassenta ruħu mix-xogħol għal perijodu ta’ leave annwali li hija protetta meta, minħabba raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, huwa ma jkunx jista’ jeżerċitaha ( 64 ).

75.

F’dan ir-rigward, jista’ jinsilet ukoll argument mill-fatt li d-dritt miksub minn ħaddiem għal leave annwali għandu bħala konsegwenza li, f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol, ikun dovut kumpens finanzjarju sabiex ma tiġix ippreġudikata s-sustanza stess ta’ dan id-dritt ( 65 ). Għalhekk, il-ħlas ta’ kumpens finanzjarju meta l-ħaddiem ma setax jibbenefika minn din il-possibbiltà ( 66 ) jikkonferma li ma huwiex meħtieġ li jiġi mistħarreġ jekk il-mistrieħ kienx effettiv fis-sens li huwa pproduċa realment effetti benefiċi, jew, fi kliem ieħor, jekk il-ħaddiem verament straħx jew irrilassax matul il-perijodu ta’ leave annwali.

76.

Huwa biżżejjed li l-ħaddiem ma jkunx ġie suġġett, fir-rigward tal-persuna li timpjegah, għal ebda obbligu li jista’ jipprekludih milli jiddedika ruħu, b’mod liberu u mingħajr interruzzjoni, għall-interessi tiegħu ( 67 ).

77.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandi l-intenzjoni li neżamina l-kwistjoni tal-estensjoni ta’ din il-ġurisprudenza għad-dritt għal-leave speċjali mħallas fil-każ ta’ sovrappożizzjoni mal-leave annwali.

2. Fuq l-estensjoni tal-ġurisprudenza relatata mad-differenza fl-għan tat-tipi ta’ leave f’każ ta’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-għoti ta’ leave speċjali mħallas

78.

Għandu, mill-ġdid, jitfakkar, qabel kollox, li l-għan ġenerali tal-leave speċjali mħallas huwa dak li jiffavorixxi l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali u ċ-ċirkustanzi tal-ħajja privata jew pubblika, li jseħħu matul il-ħin tax-xogħol.

79.

Dan il-leave ma jistax jiġi assimilat ma’ dak mogħti minħabba mard minħabba f’ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-għoti tiegħu. Fil-fatt, bl-eċċezzjoni tal-konsultazzjonijiet mediċi ( 68 ), l-avvenimenti li jippermettu lill-ħaddiem li jibbenefika minnhom ma għandhomx relazzjoni diretta mal-istat ta’ saħħa tiegħu.

80.

Sussegwentement, il-kapaċità li jaħdem tal-ħaddiem, evidentement, ma hijiex affettwata, peress li l-leave speċjali mħallas kien ġie preċiżament stabbilit sabiex dan ikun jista’ jinterrompi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu.

81.

Fl-aħħar nett, il-ħaddiem “jista’ jkun assenti” ( 69 ) għal diversi ċirkustanzi skont livell ta’ urġenza jew ta’ prevedibbiltà varjabbli ( 70 ) għal raġunijiet li huwa jevalwa l-importanza tagħhom u l-effetti fil-ħajja privata tiegħu, b’differenza mil-leave tal-mard ( 71 ).

82.

Għaldaqstant, peress li ebda waħda mir-raġunijiet għall-għoti ta’ leave speċjali mħallas ma għandha relazzjoni mal-kapaċità ta’ ħaddiem li jaħdem ikkonċernat, ma jidhirlix li huwa fondat li tiġi estiża l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi tal-għan doppju tal-leave, fid-dawl tad-Direttiva 2003/88.

83.

Hija biss idea estiża tal-għan tal-leave, permezz tar-riċerka tan-nuqqas ta’ ostakolu għal perijodu għall-mistrieħ u ta’ perijodu ta’ rilassament u rikreazzjoni ( 72 ), li tista’ tiġġustifika soluzzjoni opposta. Din twassal sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, pereżempju, l-avvenimenti serji tal-ħajja personali, bħall-mewt jew il-kura fl-isptar ta’ qarib, li huma wkoll imprevedibbli daqs kemm huwa l-mard li jsofri ħaddiem, kif ukoll il-konsegwenzi tagħhom fir-rigward tal-għan tad-dritt għal-leave annwali.

84.

Fil-fatt, f’każ bħal dan, kif ġie invokat mill-organizzazzjonijiet sindakali fil-kawża prinċipali, il-ħaddiem huwa suġġett għal restrizzjonijiet psikoloġiċi, jew fiżiċi, analogi għal dawk li jistgħu jiġu kkawżati minn marda li jiġġustifikaw li, għas-sigurtà jew is-saħħa tal-ħaddiem, it-twettiq tax-xogħol tiegħu jiġi interrott għal diversi jiem permezz tal-għoti ta’ leave speċjali mħallas. Bl-istess mod, peress li l-għan aħħari ta’ ċertu leave minn dan huwa li jippermetti lill-ħaddiem li jwettaq passi materjali ġġustifikati mill-avveniment li seħħ, l-għan tal-perijodu ta’ leave annwali, li huwa li jistrieħ u li jkollu perijodu ta’ rilassament, ma jkunx protett, jekk il-leave speċjali mħallas jingħata biss matul il-ħin tax-xogħol.

85.

Madankollu, kif diġà esponejt, fir-rigward tad-Direttiva 2003/88, tali interpretazzjoni ma jidhirlix li hija fondata ( 73 ). Barra minn hekk, din ikollha l-effett, fil-prattika, li tevalwa każ b’każ jekk, skont iċ-ċirkustanzi, il-ħaddiem kienx fil-pożizzjoni realment li jistrieħ jew li jirrilassa ruħu, filwaqt li l-uniku rekwiżit ibbażat fuq din id-direttiva huwa li l-ħaddiem ma jkun suġġett matul il-perijodu ta’ leave annwali għal ebda obbligu fir-rigward tal-persuna li timpjegah.

86.

Minn issa, huwa possibbli li jintlemħu l-inkonvenjenzi ta’ tali arumentazzjoni, li barra minn hekk tiddependi fuq l-evalwazzjoni personali ta’ kull ħaddiem. Pereżempju, jekk dan jieħu ħsieb il-ġenitur jew il-wild morda tiegħu matul il-leave annwali tiegħu, b’din l-għażla, li tiġi eżerċitata b’mod liberu, hija neċessarjament ta’ natura li tippreġudika l-benefiċċju ta’ dan tal-aħħar? U, b’mod iktar ġenerali, jekk il-ħaddiem jagħżel li ma jistrieħx għal diversi raġunijiet, liema konsegwenzi għandhom jinsiltu minn din l-għażla?

87.

B’hekk, li wieħed jikkunsidra li tiġi estiża l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq il-bażi biss tal-konstatazzjoni tad-differenza tal-għan tal-leave, għal ċirkustanzi li ma għandhomx relazzjoni mal-kapaċità ta’ xogħol tal-persuna kkonċernata, ippreġudikata direttament minn marda, ma jidhirlix li huwa ġġustifikat la fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas fuq l-evalwazzjoni ta’ opportunità fl-applikazzjoni tagħha.

88.

Barra minn hekk, għandu jiġi kkalkolat ukoll l-effett dissważiv li jista’ jkollha d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-għażla tal-Istati Membri kif ukoll, jekk ikun il-każ, tal-imsieħba soċjali li jagħtu drittijiet iktar favorevoli għall-ħaddiem ( 74 ).

89.

Jiena tal-opinjoni li dawn l-inizjattivi setgħu ttieħdu inkunsiderazzjoni fi tliet fatturi, jiġifieri, fl-ewwel lok, l-għan, ċertament, segwit fil-qasam tal-politika soċjali, imma li ma jaqax fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiem irregolat mid-Direttiva 2003/88, fit-tieni lok, il-kundizzjonijiet tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, meħuda flimkien, bħat-tul tal-ħin tax-xogħol u l-qbiż tal-perijodi minimi ta’ mistrieħ previsti minn din id-direttiva ( 75 ) u, fit-tielet lok, is-sehem tan-negozjati kollettivi.

90.

F’dan ir-rigward, għal dak li jolqot lill-imsieħba soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dawn huma attenti sabiex jiġi ddefinit bilanċ bejn l-interessi rispettivi tagħhom meta huma jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għan-negozjati kollettivi rrikonoxxut fl-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Karta”) ( 76 ).

91.

Għaldaqstant, inqis li d-determinazzjoni tal-modalitajiet konkreti tal-implimentazzjoni ta’ leave speċjali mħallas mingħajr relazzjoni mal-istat ta’ saħħa tal-ħaddiem tgħaddi minn interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali biss mill-awtoritajiet kompetenti sabiex id-drittijiet għal leave speċjali mħallas ma jkunux nieqsa mis-sustanza tagħhom ( 77 ).

92.

Għaldaqstant, sussidjarjament, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali u ftehimiet kollettivi li ma jipprevedux l-għoti ta’ leave speċjali mħallas meta ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-benefiċċju tagħhom iseħħu matul il-jiem mhux maħduma.

D.   Fuq il-każ ta’ sovrappożizzjoni tad-dritt għall-mistrieħ fil-ġimgħa bil-leave speċjali mħallas

93.

Fir-rigward tad-dritt għall-mistrieħ fil-ġimgħa, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-każ tal-koinċidenza ta’ dan id-dritt ma’ drittijiet għal-leave.

94.

Għaldaqstant, ser nesponi, minn naħa, il-prinċipji applikabbli għall-implimentazzjoni tal-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa. Min-naħa l-oħra, ser nenfasizza l-ispeċifiċitajiet tas-sistema ta’ dan il-mistrieħ li, fil-fehma tiegħi, jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fil-każ ta’ koinċidenza bejn dan il-mistrieħ u avveniment li kien jiġġustifika l-għoti ta’ leave speċjali mħallas, jekk ikun seħħ waqt il-ħin tax-xogħol, il-ħaddiem ma jistax jinvoka l-benefiċċju tiegħu.

1. Fuq il-prinċipji applikabbli għall-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa

95.

Fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/88, il-“perijodu ta’ serħan” huwa ddefinit mingħajr distinzjoni skont jekk dan il-mistrieħ huwiex ta’ kuljum, fil-ġimgħa jew annwali.

96.

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prinċipji applikabbli fil-qasam ta’ mistrieħ fil-ġimgħa huma, essenzjalment, analogi ma’ dawk dwar il-leave annwali.

97.

Fil-fatt, l-ewwel nett, id-dritt ta’ kull ħaddiem għal limitazzjoni tat-tul massimu tax-xogħol u għal perijodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa “jikkostitwixxi mhux biss regola tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stipulat fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li huwa rrikonoxxut mill-Artikolu 6(1) TUE bħala li għandu l-istess saħħa legali bħat-Trattati” ( 78 ).

98.

It-tieni nett, l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol “hija intiża sabiex tiggarantixxi protezzjoni aħjar tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem, billi tiżgura li dawn jibbenefikaw minn perijodi minimi ta’ mistrieħ – partikolarment fil-ġurnata u fil-ġimgħa – kif ukoll minn perijodi ta’ pawża xierqa u billi tipprovdi limitu massimu għat-tul ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa” ( 79 ).

99.

It-tielet nett, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-Direttiva 2003/88, huwa importanti għalhekk li l-Istati Membri jiggarantixxu l-osservanza ta’ dawn il-perijodi minimi ta’ mistrieħ u jipprekludu kull qbiż tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa ( 80 ).

100.

Fir-raba’ lok, fid-dawl tal-għan essenzjali ta’ din id-direttiva, li hija li tiggarantixxi protezzjoni effettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni aħjar ta’ sigurtà u tas-saħħa, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-effett utli ta’ dawn id-drittijiet jiġi żgurat b’mod sħiħ, billi jkunu jistgħu jibbenefikaw effettivament mill-perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u fil-ġimgħa u bil-limitu massimu tal-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa previsti mill-imsemmija direttiva ( 81 ).

101.

Il-ħames nett, il-modalitajiet iddefiniti mill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma għandhomx ikunu jistgħu jċaħħdu mis-sustanza tagħhom id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u fl-Artikoli 3 u 5 kif ukoll fl-Artikolu 6(b) ta’ din id-direttiva ( 82 ).

2. Fuq l-ispeċifiċità tas-sistema tal-mistrieħ fil-ġimgħa

102.

Jiena tal-fehma li, fil-każ ta’ sovrappożizzjoni bejn leave u perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, l-ispeċifiċità tas-sistema ta’ dan il-mistrieħ u l-paragun ma’ dak tal-leave annwali għandhom iwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti preferenza lil metodu ta’ raġunament differenti minn dak li hija adottat għal leave annwali u li hu bbażat fuq il-konstatazzjoni ta’ differenza tal-għan tal-leave inkwistjoni.

103.

L-ewwel nett, mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li l-perijodu minimu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa mingħajr interruzzjoni ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, marbut ma’ perijodu ta’ xogħol ta’ tul massimu ta’ tmienja u erbgħin siegħa, għandu jingħata f’kull perijodu ta’ sebat ijiem, mingħajr ma jkun meħtieġ li dan il-perijodu minimu jingħata mhux iktar tard mill-jum ta’ wara perijodu ta’ sitt ijiem ta’ xogħol konsekuttivi ( 83 ). It-tul tal-ħin ta’ mistrieħ huwa għalhekk ikkorrelat strettament mal-ħin tax-xogħol fuq perijodi ta’ riferiment stabbiliti liberament mill-Istati Membri skont il-metodu tal-għażla tagħhom, sakemm l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva jiġu osservati ( 84 ). Huwa għandu jibbenefika f’kull ċirkustanza mill-protezzjoni prevista fid-Direttiva 2003/88 dwar il-mistrieħ ta’ kuljum u t-tul massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa ( 85 ).

104.

It-tieni nett, l-għan ta’ dan il-perijodu ta’ mistrieħ huwa, b’mod partikolari, dak li titneħħa l-għajja akkumulata permezz tat-twettiq tax-xogħol b’limitu massimu relatat ġeneralment mal-ġimgħa ( 86 ). Din hija r-raġuni għalfejn, il-perijodi ta’ mistrieħ għandhom, fil-prinċipju, jiġu wara immedjatament il-ħin ta’ xogħol li huma suppost jikkumpensaw ( 87 ) u “għandu, bħala regola ġenerali, ikun previst li perijodu ta’ xogħol jalterna b’mod regolari ma’ perijodu ta’ mistrieħ” ( 88 ). F’dan ir-rigward, in-natura repetittiva fuq perijodu qasir ta’ mistrieħ fil-ġimgħa għandha tiġi enfasizzata.

105.

It-tielet nett, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jawtorizza derogi għall-mistrieħ fil-ġimgħa u mhux għal-leave annwali ( 89 ).

106.

B’paragun, id-dritt għal-leave annwali għandu tul obbligatorju, mingħajr relazzjoni ma’ numru preċiż ta’ sigħat ta’ xogħol effettiv. Huwa jaqa’ taħt loġika proprja li hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ akkumulazzjoni tad-drittijiet bil-għan li wieħed jibbenefika minn perijodu ta’ mistrieħ itwal li jiġi ddeterminat bi ftehim mal-persuna li timpjega ( 90 ).

107.

Il-possibbiltà ta’ posponiment tal-leave annwali, għalkemm irregolata f’ċerti limiti ( 91 ), u l-prinċipju ta’ kumpens finanzjarju f’każ ta’ tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol tikkonferma, fil-fehma tiegħi, dan il-mekkaniżmu ta’ kapitalizzazzjoni tad-dritt għal leave annwali li jiddistingwih fundamentalment mid-dritt għall-mistrieħ fil-ġimgħa.

108.

Dawn l-elementi kollha jwassluni sabiex nikkunsidra li, fil-każ ta’ koinċidenza bejn fatt ġeneratur ta’ leave speċjali mħallas u perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa ( 92 ), il-flessibbiltà li biha l-Istati Membri jistgħu jimplementaw ir-regoli tad-Direttiva 2003/88 ( 93 ), b’mod konformi mal-għanijiet imfittxija minnha, tirrendi ineffettiv kull raġunament b’analoġija ma’ dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja għal-leave annwali u leave intiż sabiex jistabbilixxi mill-ġdid l-istat ta’ saħħa tal-ħaddiem, sa fejn huwa bbażat fuq il-konstatazzjoni tal-għanijiet differenti ta’ dan il-leave.

109.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, minħabba l-ispeċifiċità tas-sistema tal-mistrieħ fil-ġimgħa, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fl-istess sens bħall-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.

V. Konklużjoni

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) tkun kif ġej:

Primarjament:

leġiżlazzjonijiet nazzjonali u ftehimiet kollettivi li jipprevedu l-għoti ta’ leave speċjali mħallas sabiex il-ħaddiem ikun jista’ jassenta ruħu matul il-jiem tax-xogħol sabiex jissodisfa l-obbligi personali jew tal-familja tiegħu ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol

Sussidjarjament:

l-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali u ftehim kollettivi li ma jipprevedux l-għoti ta’ leave speċjali mħallas meta ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-benefiċċju tagħhom iseħħu matul il-jiem mhux maħduma.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381.

( 3 ) Dan il-ftehim kollettiv kien ġie adottat mir-Resolución de la Dirección General de Empleo, por la que se de rey publica el Convenio Colectivo del grupo de empresas Dia SA y Twins Alimentación, SA (deċiżjoni mogħtija mid-direzzjoni ġenerali tal-impjieg u b’reġistrazzjoni u pubblikazzjoni tal-ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi Dia SA, u Twins Alimentación, SA) tas-22 ta’ Awwissu 2016 (BOE Nru 212, tat-2 ta’ Settembru 2016, p. 63357).

( 4 ) BOE no 255, tal-24 ta’ Ottubru 2015, p. 100224.

( 5 ) Nippreferi, għall-fini ta’ ċarezza f’dawn il-konklużjonijiet, l-espressjonijiet “jiem li l-ħaddiem għandu jaħdem għall-impriża” jew “jiem maħdumin”, li jikkorrispondu mad-definizzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju tal-espressjoni “jiem utli” li hija tuża.

( 6 ) Il-qorti tar-rinviju tindika li “[d]awn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma iktar ġenerużi mid-dispożizzjoni tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 37(1) jistabbilixxi l-perijodi ta’ mistrieħ fil-ġimgħa b’mod ġenerali, għal perijodu minimu kontinwu ta’ jum u nofs, u li l-Artikolu 38 jipprovdi li l-leave annwali għandu jkun ta’ mill-inqas 30 jum skont il-kalendarju”.

( 7 ) Mill-osservazzjonijiet tal-grupp ta’ impriżi jirriżulta li, meta l-fatt ġeneratur iseħħ matul perijodu ta’ mistrieħ fil-ġimgħa, il-ħaddiem ma jistax jibbenefika minn leave speċjali mħallas peress li ma jaħdimx.

( 8 ) Matul is-seduta ġie ppreċiżat li dan il-ftehim hu differenti minn dak li huwa applikabbli fil-kawża prinċipali.

( 9 ) Din hija ġurnata li fiha l-impjegat ma għandux jaħdem.

( 10 ) Ara l-punti 29 u 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Nirrileva li jekk it-talba għal interpretazzjoni tal-organizzazzjonijiet sindakali hija bbażata fuq deċiżjoni tat- Tribunal supremo (il-Qorti suprema) (ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet) favur il-posponiment tal-bidu ta’ dan il-leave fl-ewwel jum ta’ xogħol li jmiss meta l-fatt ġeneratur li jiġġustifika l-għoti jseħħ vaganza pubblika jew mhux tax-xogħol, dawn l-organizzazzjonijiet sostnew, b’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-leave annwali kellu jiġi pospost fil-każ ta’ koinċidenza ma’ ċirkustanzi li jiġġustifikaw l-għoti ta’ leave speċjali mħallas, b’analoġija, b’mod partikolari, mas-soluzzjoni adottata fis-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED (C-78/11, EU:C:2012:372).

( 11 ) Ara, ukoll, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punti 35 sa 37).

( 12 ) F’dan ir-rigward, jista’ jitfakkar li l-leġiżlatur Spanjol stabbilixxa leave speċjali mħallas sabiex jippermetti lill-ħaddiem jissodisfa obbligi personali fl-aħjar kundizzjonijiet. Għalhekk, dan jista’ jiġi awtorizzat jinterrompi t-twettiq tax-xogħol tiegħu fil-każ ta’ avvenimenti tal-ħajja privata jew familjari tiegħu, bħal, b’mod partikolari, iż-żwieġ, it-twelid ta’ wild, il-mewt ta’ membru tal-familja, l-assistenza medika lil qarib, tibdil tar-residenza u l-eżerċizzju ta’ drittijiet u obbligi ta’ natura pubblika, bħall-vot jew ir-rappreżentanza tal-ħaddiema. Il-ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi, innegozjat fuq din il-bażi legali, speċifika id-dies a quo tal-leave taż-żwieġ, wessa’ l-portata ta’ ċerti drittijiet u ppreveda l-għoti tagħhom f’ċirkustanzi oħra, bħal li wieħed imur għal eżamijiet akkademiċi jew ta’ sewqan tal-karozzi jew, ukoll, l-iffirmar ta’ atti notarili ta’ bejgħ jew ta’ xiri ta’ residenza.

( 13 ) Ara l-punt 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981.

( 15 ) Ara l-punti 39 u 40 ta’ din is-sentenza.

( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 39).

( 17 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punti 34, 4748).

( 18 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Union syndicale Solidaires Isère (C‑428/09, EU:C:2010:612, point 37), u tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 28).

( 19 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punti 41 sa 43), kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 70 u l-punti 103 sa 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punti 39, 41, 4445). Sa fejn naf jien, leġiżlazzjonijiet nazzjonali analogi, f’diversi livelli, jeżistu fil-Belġju, fil-Bulgarija, fil-Ġermanja, fi Franza, fil-Kroazja, fil-Lussemburgu, f’Malta, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fil-Portugall, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fis-Slovakkja u fil-Finlandja. Nosserva, fir-rigward tas-sistema tad-drittijiet mogħtija, li dan jista’ jiddependi mit-tul tal-ħin tax-xogħol u mill-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-leave.

( 23 ) Barra minn hekk, nosserva li ma huwiex sostnut li l-leġiżlazzjoni Spanjola tikkostitwixxi, parzjalment, traspożizzjoni tal-klawżola 7 tal-ftehim qafas irrevedut fuq il-leave parentali, konkluż fit-18 ta’ Ġunju 2009, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13), fis-seħħ sal-1 ta’ Awwissu 2022, intitolat “Ħin frank mix-xogħol abbażi ta’ forza maġġuri”. Din id-direttiva ser titħassar mit-2 ta’ Awwissu 2022 permezz tad-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE (ĠU 2019, L 188, p. 79). Il-klawżola 7 ta’ dan il-ftehim qafas ser tiġi ssostitwita bl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva li essenzjalment tirriproduċi l-istess dispożizzjonijiet.

( 24 ) C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981. Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara l-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza.

( 26 ) Ara l-punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata f’din is-sentenza.

( 27 ) C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981.

( 28 ) Ara l-punti 35 u 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’din is-sentenza.

( 29 ) Fil-fehma tiegħi, ikun mod ieħor kieku kien impost fuq il-ħaddiem li jieħu leave annwali bħala risposta għal talba għal-leave speċjali mħallas jew jekk it-tul ta’ dan il-leave kienx imputabbli fuq dak tal-leave annwali. Ara, ukoll, b’analoġija, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 tas-sentenza tat-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981), li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-limiti imposti fuq l-Istati Membri sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-perijodu minimu ta’ mistrieħ ta’ erba’ ġimgħat.

( 30 ) Ara l-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara l-punt 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981.

( 33 ) Ara l-punt 51 ta’ din is-sentenza.

( 34 ) Ara l-punti 29 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara, fuq dan il-punt, espożizzjoni iktar iddettaljata li tidher fil-punti 72 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 47).

( 37 ) Għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika dan.

( 38 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 39).

( 39 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 27).

( 40 ) Din l-espressjoni hija bbażata fuq is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 30).

( 41 ) Għandha, fil-fatt, tiġi enfasizzata l-importanza ta’ din il-kundizzjoni dwar l-eżekuzzjoni tax-xogħol li tippermetti li ssir distinzjoni mil-leave parentali. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 35).

( 42 ) Bħala tfakkira, għall-kuntrarju, meta żewġ drittijiet huma ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni, leave iggarantit mid-dritt tal-Unjoni ma jistax, skont ġurisprudenza stabbilita, jaffettwa dritt ieħor li jittieħed leave ieħor b’għan distint minn tal-ewwel. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju, stabbilit fil-każ ta’ koinċidenza bejn leave annwali u leave tal-maternità (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punti 3341) ġie estiż fil-każ ta’ koinċidenza bejn leave parentali u leave ta’ maternità [ara s-sentenzi tal-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 33), u tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punti 5657)). Ma huwiex applikabbli sabiex jiġi deċiż jekk perijodu ta’ leave parentali għandux, jew le, jiġi assimilat ma’ perijodu ta’ xogħol effettiv għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punti 2637)).

( 43 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “għall-kuntrarju tad-drittijiet għal-leave ta’ maternità jew għal-leave parentali […] id-dritt għal-leave tal-mard u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tal-imsemmi dritt mhumiex, fl-istat attwali tad-dritt [tal-Unjoni], irregolati minn dan tal-aħħar” (sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 27)).

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet preċedenti relatati ma’ każijiet ta’ sovrappożizzjoni bejn perjodi ta’ leave annwali u leave tal-mard, ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda (C‑277/08, EU:C:2009:542). F’dan il-każ il-ħaddiem kien fuq leave tal-mard matul il-perjodu ta’ leave annwali stabbilit fil-kalendarju tal-vaganzi tal-kumpannija.

Ara wkoll, għal paragun maċ-ċirkustanzi li fuqhom hija bbażata t-tieni domanda preliminari, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED (C‑78/11, EU:C:2012:372), dwar każ ta’ inkapaċità għax-xogħol matul il-perijodu ta’ leave annwali (punt 24 ta’ dik is-sentenza). F’dik l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “li l-mument li fih isseħħ l-imsemmija inkapaċità ma hijiex rilevanti” (punt 21).

Ara, ukoll, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981), dwar ir-rifjut li jiġi pospost il-perijodu ta’ leave annwali mħallas li matulu l-ħaddiem kien marid meta n-nuqqas ta’ posponiment ma jkollux l-effett li jnaqqas il-perijodu attwali ta’ leave annwali mħallas taħt erba’ ġimgħat.

( 44 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 29).

( 45 ) C‑178/15, EU:C:2016:502.

( 46 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja tirriferi f’dan il-punt għas-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED (C‑78/11, EU:C:2012:372, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet, għall-ewwel darba, din il-konstatazzjoni fis-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 25), wara li ddikjaratha f’każ ta’ leave tal-maternità, li għandu l-għan, b’mod partikolari, li jipproteġi l-istat tas-saħħa tal-ħaddiem mara [ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino GómezC‑342/01, EU:C:2004:160 punt 32), u tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 30)]. Ara, wkoll, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 25). Korsiv miżjud minni. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda (C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 22), u tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED (C‑78/11, EU:C:2012:372, punt 20).

( 48 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 27).

( 49 ) Dan il-kriterju jippermetti, b’mod partikolari, li ssir distinzjoni bejn il-leave intiż sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid l-istat ta’ saħħa tal-ħaddiem tal-leave parentali, previst mid-dritt tal-Unjoni, li għandu għan speċifiku. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018 (C‑12/17, EU:C:2018:799 punt 35).

( 50 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 26).

( 51 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punti 3738). L-Artikolu 5(4) ta’ din il-Konvenzjoni jgħid li “[…] l-assenzi mix-xogħol għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tal-impjegat ikkonċernat, bħal assenzi minħabba mard, inċident jew leave tal-maternità, għandhom jingħaddu fil-perjodu ta’ servizz”. Minbarra l-fatt li din ir-riferenza għal din id-dispożizzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja kienet meħtieġa sabiex tittratta l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tad-dritt għal-leave annwali (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 41)), huwa interessanti li wieħed jinnota li hija llimitata għall-avvenimenti li jikkonċernaw il-ħaddiem, li huwa jgħaddi minnhom, speċjalment f’każ ta’ riskji għal saħħtu li jiġġustifikaw, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, li l-assenza tiegħu ma titnaqqasx mill-perijodi ta’ xogħol effettiv. Ara, ukoll, is-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 42); tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 32), kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 81).

( 52 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS (C‑214/10, EU:C:2011:761, punt 32).

( 53 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 33, a contrario).

( 54 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 55 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Dicu (C‑12/17, EU:C:2018:799, punt 35, a contrario).

( 56 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 47). Ara, ukoll, il-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara l-punti 29 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara, ukoll, il-punt 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kostituzzjoni stess tad-drittijiet għal-leave tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 28)) u li l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implimentazzjoni ta’ dawn id-drittijiet jitħallew għall-evalwazzjoni tal-Istati Membri, fil-limiti tal-protezzjoni minima żgurata mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 35))

( 63 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 63).

( 64 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 49).

( 65 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 49).

( 66 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 52).

( 67 ) Ara s-sentenza tal-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 94).

( 68 ) Dan jirrigwarda l-leave stipulat fl-Artikolu 46(I)(G) tal-ftehim kollettiv tal-grupp ta’ impriżi. Dan jippermetti lill-ħaddiem li jiddisponi minn “ħin indispensabbli” sabiex “[imur] fi klinika waqt il-ħin tax-xogħol [tiegħu]”. Nirrileva li din il-kundizzjoni marbuta mal-ħin tax-xogħol għandha titfakkar mill-ġdid f’din id-dispożizzjoni, u dan iwassalni sabiex neskludiha mill-analiżi tiegħi.

( 69 ) Din l-espressjoni hija dik li tinsab fid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni.

( 70 ) Fil-prattika, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-perijodu minimu ta’ leave annwali għandu jkun limitat ħafna, fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni jew tat-tul tal-awtorizzazzjoni li wieħed jassenti ruħu jew ukoll tal-organizzazzjoni tax-xogħol, pereżempju, f’perijodi fissi jew varjabbli, li jiġu evalwati każ b’każ mill-qorti nazzjonali.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu distinti ċ-ċirkustanzi imprevedibbli u dawk li huma, fil-prinċipju, prevedibbli, bħaż-żwieġ, il-bidla ta’ residenza ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punti 4142), l-elezzjonijiet, l-eżerċizzju ta’ assoċjazzjoni sindakali, il-parteċipazzjoni f’attività ġudizzjarja, li fir-rigward tagħhom il-ħaddiem għandu jkun jista’ jorganizza ruħu, jew billi jagħżel il-perijodu tal-leave annwali, jew billi jitlob il-posponiment tiegħu jekk id-dritt applikabbli u l-organizzazzjoni tax-xogħol jippermettu dan (ara, fuq dan l-aħħar punt, bħala eżempju, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda (C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 11)).

( 71 ) Il-leave tal-mard huwa impost fuq il-persuna li timpjega (ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 61)), għar-raġuni li huwa marbut mal-inkapaċità għax-xogħol tal-ħaddiem, ikkonstatat minn terz ikkwalifikat sabiex jordna din l-interruzzjoni tax-xogħol (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 41)).

( 72 ) Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 ) Ara l-punti 50 kif ukoll 71 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’diversi Stati Membri, ġew adottati dispożizzjonijiet analogi għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Bedi (C‑312/17, EU:C:2018:734, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 77 ) Il-qorti nazzjonali tista’, fil-fatt, tieħu inkunsiderazzjoni d-diversità tal-għanijiet ta’ leave speċjali, ta’ sitwazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ organizzazzjoni tax-xogħol fuq firxa ta’ ħinijiet fissi jew varjabbli, tiffissa l-punt ta’ tluq xieraq ta’ dan il-leave jew il-posponiment tagħhom, meta, b’mod partikolari, il-fatt ġeneratur iseħħ waqt perijodu li matulu l-ħaddiem ma għandux jaħdem u ma tippermettilux jaffaċċja l-obbligi marbuta ma’ avveniment imprevedibbli tal-ħajja personali tiegħu, bħal, pereżempju, it-twettiq ta’ formalitajiet b’mod obbligatorju matul ġurnata ta’ ftuħ ta’ servizzi, fil-każ ta’ mewt. Ara, f’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna deċiżjonijiet nazzjonali, is-sentenza tat-16 ta’ Diċembru 1998, Awla Soċjali tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), Nru 96–43.323 (skont il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), il-jum ta’ assenza awtorizzata ma għandux neċessarjament jittieħed fil-jum tal-avveniment li jiġġustifikah, iżda għandu jittieħed matul “perijodu raġonevoli” li matulu jingħata l-jum: leave għaż-żwieġ ta’ wild meħud lejliet l-avveniment. Din is-soluzzjoni tapplika għal kull leave għal avvenimenti familjari). Ara wkoll, esklużivament f’każ ta’ mewt, b’analoġija mas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2001, tal-Corte suprema di cassazione, Sezioni Unite (Il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awli magħquda, l-Italja), Nru 14020/2001, dwar każ ta’ sovrapożizzjoni bejn leave tal-mard u leave annwali, deċiżjoni tat-23 ta’ April 2003, tat-Tribunale di Milano, Sezione lavoro (Il-Qorti ta’ Milano, Sezzjoni Industrijali, l-Italja), Nru 1167/2003, skont liema luttu matul il-leave annwali tal-ħaddiem jiġġustifika s-sospensjoni ta’ dan. Fl-istess sens, it-Tribunale amministrativo regionale per l’Abruzzo, Sezione staccata di Pescara (Il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għall-Abruzzo, Awla Separata ta’ Pescara, l-Italja), fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Mejju 2007, Nru 532/2007, ordnat il-konverżjoni tal-ġranet ta’ leave annwali fi ġranet ta’ assenza għal luttu. Għall-kuntrarju, aras-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2016, Awla Soċjali tal-Cour de cassation (Franza), Nru 13–27.913 (bulletin 2016, V Nru 243), fejn ikkritikat sentenza li kienet ippermettiet lil għalliem, li kellu mandat ta’ rappreżentant tal-persunal, irkupru ta’ krediti ta’ sigħat matul il-vaganzi skolastiċi. Lanqas ma jista’ jikseb posponiment tad-drittijiet tiegħu għal leave mħallas. Bl-istess mod, sa fejn naf jien, fil-Ġermanja jew anki fil-Polonja, ebda deċiżjoni ma ngħatat li tistabbilixxi l-prinċipju li l-ħaddiem jista’ jibbenefika mill-awtorizzazzjoni legali li jkun assenti unikament jekk ikollu jaħdem għall-impriża.

( 78 ) Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 79 ) Sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 80 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 81 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 82 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2019, CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:402, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 83 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 51).

( 84 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punt 31).

( 85 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 48).

( 86 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2019, Syndicat des cadres de la sécurité intérieure (C‑254/18, EU:C:2019:318, punti 32 sa 34).

( 87 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 94).

( 88 ) Ara s-sentenza 9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 95).

( 89 ) Ara s-sentenzi tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 24), u tal-20 ta’ Novembru 2018, Sindicatul Familia Constanţa et (C‑147/17, EU:C:2018:926, punt 75).

( 90 ) Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez (C‑342/01, EU:C:2004:160, punti 3941); tal-10 ta’ Settembru 2009, Vicente Pereda (C‑277/08, EU:C:2009:542, punt 23), u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Sobczyszyn (C‑178/15, EU:C:2016:502, punt 32).

F’dan ir-rigward, is-sistema tagħha hija differenti minn dik tal-mistrieħ fil-ġimgħa, sa fejn ma hijiex ta’ natura regolari u repetittiva.

( 91 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2017, King (C‑214/16, EU:C:2017:914, punti 5455 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 92 ) Barra minn hekk, niddubita li, f’każ ta’ ċirkustanzi prevedibbli (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet), tali koinċidenza tkun probabbli.

( 93 ) Ara s-senenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punti 46 sa 48).