SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-immigrazzjoni – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/86/KE – Esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva – Artikolu 3(2)(c) – Esklużjoni ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja – Estensjoni mid-dritt nazzjonali tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja lil dawn il-persuni – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 11(2) – Assenza ta’ dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw rabtiet tal-familja – Spjegazzjonijiet ikkunsidrati bħala mhux suffiċjentement plawżibbli – Obbligi tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li jwettqu l-passi ulterjuri kollha – Limiti”

Fil-Kawża C‑635/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Novembru 2017 li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

E.

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz, M. Berger, C. Vajda u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E., minn M. L. van Riel u C. J. Ullersma, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u C. Cattabriga, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2)(c) u tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E., minuri ta’ nazzjonalità Eritrea residenti fis-Sudan, u l-Staatssecretaris van Veilligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tat-talba ta’ riunifikazzjoni tal-familja, għall-benefiċċju ta’ E., minn A., ċittadina tal-Eritrea benefiċjarja ta’ protezzjoni sussidjarja fil-Pajjiżi l-Baxxi, u li ssostni li hija z-zija u l-kuratriċi ta’ E.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/86

3

Skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86:

“Attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimpeduhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kondizzjonijiet iktar favorevoli għandhom għalhekk ikunu preskritti għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja.”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/86, li jinsab fil-Kapitolu I tagħha, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser kull persuna li mhux ċittadin ta’ l-Unjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

(b)

‘refuġjat’ tfisser kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat li jgawdi status ta’ refuġjat fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta’ Ginevra dwar l-istatus ta’ refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967;

(ċ)

‘sponsor’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha;

(d)

‘riunifikazzjoni tal-familja’ tfisser id-dħul ġewwa u residenza fi Stat Membru minn membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li joqogħdu legalment f’dak l-Istat Membru biex tkun ippreżervata l-għaqda tal-familja, kemm jekk ir-relazzjoni mal-familja kien ikkawżat qabel kemm wara d-dħul tar-resident;

(e)

‘permess ta’ residenza’ tfisser kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li tippermetti ċittadin ta’ pajjiż terz joqgħod legalment fit-territorju [tal-imsemmi Stat Membru] […];

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, li jinsab ukoll fil-Kapitolu I tagħha, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika fejn l-isponsor għandu permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru għal perjodu ta’ validita ta’ sena jew iktar li għandu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta’ residenza permanenti, jekk il-membri tal-familja tiegħu jew tagħha huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ status ikun xi jkun.

2.   Din id-Direttiva ma tapplikax fejn l-isponsor ikun:

[…]

(ċ)

awtorizzat li joqgħod fi Stat Membru fuq il-bażi ta’ forma sussidjarja ta’ protezzjoni skond obbligi internazzjonali, leġislazzjoni nazzjonali jew prattika ta’ l-Istati Membri jew qiegħed japplika għal awtorizzazzjoni biex joqgħod fuq dik il-bażi u qiegħed jistenna deċiżjoni dwar l-istatus tiegħu.

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-possibilità għall-Istati Membri li jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet iktar favorevoli.”

6

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86, li jinsab taħt il-Kapitolu II tagħha, intitolat “Membri tal-familja”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skont din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

[…]

(ċ)

it-tfal minorenni inklużu tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. […];

[…]

It-tfal minorenni li jirreferi għalihom dan l-Artikolu għandhom ikunu taħt l-età maġġoritarja stabbilita bil-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat u ma jridux ikunu miżżewġin.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Sottomissjoni u eżami ta’ l-applikazzjoni”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

2.   L-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata b’evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta’ konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 4 u 6 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 7 u 8, kif ukoll kopji ċċertifikati tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tal-membru(i) tal-familja.

Jekk xieraq, biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali, Stati Membri jistgħu jeżegwixxu intervisti ma’ l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha u jmexxu investigazzjonijiet oħra li instabu li jkunu meħtieġa.

[…]

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jagħtu lill-persuna, li ssottomettiet l-applikazzjoni, notifika bil-miktub tad-deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessita ta’ l-eżami ta’ l-applikazzjoni, il-limitu ta’ żmien li jirreferi għalih l-ewwel paragrafu jista’ jkun estiż.

Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni. Kull konsegwenzi [tal-assenza ta’ deċiżjoni] sa tmiem il-perjodu li jipprovdi għalih l-ewwel paragrafu għandhom ikunu ddeterminati mil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru relevanti.

5.   Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

8

L-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, li jinsab fil-Kapitolu V ta’ din, intitolat “Riunifikazzjoni tal-familja ta’ refuġjati”, jindika:

“L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri oħra tal-familja li ma jirreferix għalihom l-Artikolu 4, jekk huma dipendenti fuq ir-refuġjat.”

9

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/86, li jinsab fl-istess Kapitolu V jippreċiża li:

“1.   L-Artikolu 5 għandu japplika għas-sottomissjoni u eżami ta’ l-applikazzjoni, suġġett għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn refuġjat ma jistax jipprovdi xiehda dokumentarja uffiċjali tar-relazzjoni familjali, l-Istati Membri għandhom iqisu xiehda oħra, li għandha tkun stmata skont il-liġi nazzjonali, ta’ l-eżistenza ta’ din ir-relazzjoni. Deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni tista’ ma tkunx ibbażata biss fuq il-fatt li provi dokumentati jkunu nieqsa.”

10

Il-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, dwar il-“[p]ieni u rimedju”, jinkludi l-Artikoli 16 sa 18 tagħha.

11

L-Artikolu 16(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Stati Membri jistgħu wkoll jiċħdu applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan ta’ riunifikazzjoni tal-familja, jew jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fejn jintwera li:

(a)

informazzjoni falza u qarrieqa (li tiżgwida), dokumenti falzi jew iffalsifikati kienu ntużaw, frodi kienet b’xi mod ieħor kommessa jew mezzi illegali oħra kienu ntużati;

[…]”

12

L-Artikolu 17 tal-istess direttiva jiddikjara:

“L-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li huma jiċħdu applikazzjoni, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza jew jiddeċiedu li jordnaw it-tneħħija ta’ l-isponsor jew membri tal-familja tiegħu.”

Il-linji gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86

13

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE [COM (2014) 210 final, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”], tinkludi s-segwenti:

“[…]

3.

Sottomissjoni u eżami ta’ l-applikazzjoni

[…]

3.2.

Dokumenti ta’ Sostenn

Skont l-Artikolu 5(2), talba għar-riunifikazzjoni tal-familja għandha tkun akkumpanjata minn:

(a)

dokumenti ta’ evidenza li jagħtu prova tar-relazzjoni familjali;

[…]

L-Istati Membri għandhom ċertu marġini ta’ diskrezzjoni biex jiddeċiedu jekk hux xieraq u neċessarju li tiġi vverifikata evidenza tar-relazzjoni familjali permezz ta’ intervisti jew investigazzjonijiet oħra, inklużi testijiet tad-DNA. Il-kriterji tal-idoneità u tan-neċessità jimplikaw li tali investigazzjonijiet mhumiex awtorizzati jekk hemm mezzi oħra iktar xierqa u inqas restrittivi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ relazzjoni familjali. Kull applikazzjoni, id-dokumenti ġustifikattivi li jakkumpanjawha, l-idoneità u n-neċessità tal-intervisti u investigazzjonijiet oħra jeħtieġ li jiġu evalwati abbażi ta’ każ b’każ.

[…]

6.

Riunifikazzjoni tal-familja ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali

6.1.

Refuġjati

[…]

Il-Kummissjoni tenfasizza li d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu V għandhom jinqraw fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 17. Għalhekk, meta jiġu eżaminati applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja mir-refuġjati, l-Istati Membri għandhom jagħmlu valutazzjoni bilanċjata u raġunata f’kull każ individwali tal-interessi kollha fil-kwistjoni, filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa lill-aħjar interessi tat-tfal minorenni […] Ebda fattur ikkunsidrat separatament ma jista’ awtomatikament iwassal għal deċiżjoni; kull fattur għandu jiddaħħal fil-formula bħala wieħed biss mill-fatturi rilevanti […]

[…]

6.1.2.

Nuqqas ta’ evidenza dokumentarja

L-Artikolu 11 jgħid li l-Artikolu 5 japplika għas-sottomissjoni u l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni suġġett għad-deroga fir-rigward ta’ evidenza dokumentarja uffiċjali fl-Artikolu 11(2). Għaldaqstant, b’konformità mal-Artikolu 5(2), L-Istati Membri jistgħu jqisu evidenza dokumentarja biex jistabbilixxu r-relazzjoni familjali, u fejn xieraq u neċessarju, jistgħu jsiru intervisti u investigazzjonijiet oħra.

Madankollu, is-sitwazzjoni partikolari tar-refuġjati li kienu sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom timplika li ħafna drabi huwa impossibbli jew perikoluż għar-refuġjati jew il-membri tal-familja tagħhom biex jipproduċu dokumenti uffiċjali, jew biex jagħmlu kuntatt ma’ awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

L-Artikolu 11(2) huwa espliċitu, mingħajr ma jħalli ebda marġini ta’ diskrezzjoni, meta jgħid li l-fatt li ma jkunx hemm evidenza dokumentarja ma tistax tkun l-unika raġuni sabiex applikazzjoni tiġi rrifjutata u billi jobbliga lill-Istati Membri, f’dawn il-każijiet biex ‘iqisu xhieda oħra’ tal-eżistenza ta’ relazzjoni familjali. Peress li tali ‘xhieda oħra’ għandha tiġi vvalutata b’konformità mad-dritt nazzjonali, l-Istati Membri għandhom ċerta marġini ta’ diskrezzjoni, madankollu, xorta għandhom jadottaw regoli ċari li jirregolaw dawn ir-rekwiżiti evidenzjarji. Eżempji ta’ ‘xhieda oħra’ sabiex jiġu stabbiliti rabtiet familjali jistgħu jkunu dikjarazzjonijiet bil-miktub u/jew orali mill-applikanti, intervisti mal-membri tal-familja, jew investigazzjonijiet mwettqa dwar is-sitwazzjoni barra mill-pajjiż. Dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu mbagħad jiġu kkorroborati minn evidenza ġustifikattiva bħal dokumenti, materjal awdjoviżiv, kwalunkwe dokument jew eżibit fiżiku (pereż. diplomi, provi ta’ trasferimenti ta’ flus…) jew għarfien ta’ fatti speċifiċi.

Il-valutazzjoni individwali tal-Artikolu 17 tirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw il-fatturi rilevanti kollha meta jeżaminaw evidenza pprovduta mill-applikant, inklużi l-età, is-sess, l-edukazzjoni, l-isfond u l-istatus soċjali kif ukoll aspetti kulturali speċifiċi. Il-Kummissjoni tqis li fejn ikun għad hemm dubji serji wara li jkunu ġew eżaminati tipi ta’ provi oħra, jew fejn ikun hemm indikazzjonijiet qawwija ta’ intenzjoni frodulenti, jistgħu jintużaw testijiet tad-DNA meta l-alternattivi kollha jkunu ġew eżawriti […] F’dawk il-każijiet, il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji tal-[Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR)] dwar it-testijiet tad-DNA […]

[…]”

Id-dritt Olandiż

14

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Direttiva 2003/86 ġiet trasposta fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi permezz tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi tas-sena 2000 dwar il-Barranin), il-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar il-Barranin) u l-Werkinstructie 2014/9 (l-Istruzzjonijiet tas-Servizz).

15

Il-qorti tar-rinviju, ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali, Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) tippreċiża li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ttraspona d-dispożizzjonijiet l-iktar favorevoli tal-Kapitolu V ta’ din id-direttiva, għar-riunifikazzjoni tal-familja tar-refuġjati, inklużi d-dispożizzjonijiet mhux obbligatorji li jinsabu fih. B’mod partikolari, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li japplika dik id-direttiva għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, meta, skont l-Artikolu 3(2)(ċ) tal-istess direttiva, ma hijiex applikabbli għalihom. Il-leġiżlatur Olandiż hekk għamel dan il-Kapitolu V applikabbli b’mod dirett u inkundizzjonat għas-sitwazzjoni tagħhom.

16

Iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar il-Barranin u l-Istruzzjonijiet tas-Servizz 2014/9 għandhom jinkludu l-evalwazzjoni tal-prova tal-eżistenza ta’ rabtiet familjari bejn l-isponsor u ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li lilu tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. Minn dan jirriżulta li s-Segretarju tal-Istat jilqa’ din it-talba, meta jiġi stabbilit li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun verament parti mill-familja tal-isponsor.

17

F’dan ir-rigward, l-isponsor għandu juri, skont il-qorti tar-rinviju, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ikun fil-fatt parti mill-familja tiegħu qabel il-wasla tal-isponsor fil-Pajjiżi l-Baxxi u li din ir-rabta familjari effettiva ma ġietx miksura. Jekk l-isponsor għandu, bħala prinċipju, jipproduċi din il-prova permezz ta’ dokumenti, huwa madankollu possibbli li, fin-nuqqas ta’ tali dokumenti, jipprovdi informazzjoni jew spjegazzjonijiet plawżibbli, kredibbli u konsistenti dwar affiljazzjoni reali tal-familja taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat. B’mod partikolari, fl-evalwazzjoni ta’ jekk minuri huwiex tabilħaqq parti mill-familja tal-isponsor, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, ir-raġuni għalfejn il-minuri ġie milqugħ f’din il-familja.

18

Fl-aħħar nett, fil-każ ta’ impossibbiltà li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta familjari effettiva permezz ta’ dokumenti uffiċjali jew ta’ analiżi tad-DNA, huwa possibbli li wieħed jirrikorri għal intervista li jinvolvu kwistjonijiet ta’ identifikazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tindika li dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward ta’ minuri fil-kuntest tal-proċedura tar-riunifikazzjoni tal-familja.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

A. u t-tifla tagħha jirrisjedu sa mill-11 ta’ Marzu 2015 legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86. Fis-16 ta’ April 2015, A ressqet, għall-benefiċċju ta’ E., talba għar-riunifikazzjoni tal-familja quddiem l-awtoritajiet kompetenti Olandiżi.

20

Insostenn ta’ din it-talba, hija pprovdiet dikjarazzjoni tal-Front għal-Liberazzjoni l-Eritrea tas-6 ta’ April 2015 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ FLE”), minn fejn jirriżulta li hija z-zija ta’ E. u il-kuratriċi tiegħu wara l-mewt tal-ġenituri bijoloġiċi tiegħu, li seħħ meta kellu ħames snin. Hija allegat ukoll li, mill-ħarba tagħhom mill-Eritrea ’l hawn, li seħħet matul is-sena 2013, meta E. kellu għaxar snin, dan kien għex magħha fis-Sudan, sakemm hija telqet lejn il-Pajjiżi l-Baxxi. Attwalment, E. rrisjeda dejjem fis-Sudan u tqiegħed f’foster family.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Mejju 2016, is-segretarju tal-Istat ċaħad l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja.

22

Is-Segretarju tal-Istat kien, qabelxejn, ibbaża ruħu fuq il-fatt li l-ebda dokument formali ma ġiet ipprovduta dwar ir-realtà tar-rabtiet familjari bejn E. għal A., l-uniku dokument prodott għal dan il-għan, jiġifieri d-dikjarazzjoni tal-FLE, li nħarġu b’mod mhux awtorizzat. Sussegwentement, is-Segretarju tal-Istat, ikkonstata li ebda spjegazzjoni plawżibbli fir-rigward tal-impossibbiltà li jiġu prodotti provi uffiċjali ma ġiet imressqa, meta wieħed jikkunsidra li l-Eritrea toħroġ dokumenti ta’ dan it-tip, bħalma huma atti ta’ mewt u ta’ tutela, karti tal-identità, jew ċertifikati tal-iskola jew tal-istudenti. Is-Segretarju tal-Istat żied, fl-aħħar nett, li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tista’ tiġi miċħuda mingħajr il-ħtieġa li tiġi organizzata laqgħa ma’ E. jew ma’ A. sabiex tiġi stabbilita r-realtà r-rabta familjari tagħhom.

23

L-ilment mressaq kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni konfermatorja tas-27 ta’ Ottubru 2016.

24

Fit-18 ta’ Mejju 2017 inżammet seduta, peress li ġie ppreżentat rikors għal annullament quddiem il-qorti tar-rinviju kontra ċ-ċaħda tat-talba ta’ riunifikazzjoni tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Sussegwentement, il-kawża ġiet assenjata lil kulleġġ ġudikanti u it-tieni seduta nżammet fit-13 ta’ Settembru 2017.

25

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, matul din is-seduta, is-Segretarju tal-Istat waqqa’ l-oġġezzjonijiet tiegħu dwar l-identità ta’ E. u A., kif ukoll fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta bijoloġika bejn dawn iż-żewġ persuni. Bl-istess mod, is-Segretarju tal-Istat rrinunzja li jinvoka l-assenza ta’ dokumenti uffiċjali rigward it-tutela A. fuq E., peress li, skont il-liġi tal-Eritrea, tali tutela hija mogħtija ipso iure. Minn dan isegwi, skont din il-qorti, li l-uniċi elementi li għadhom ikkontestati fil-kawża prinċipali huma dawk dwar in-nuqqas ta’ atti ta’ mewt tal-ġenituri bijoloġiċi ta’ E. u dwar il-plawżibbiltà tal-ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward minn A.

26

Il-Qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 u, b’mod partikolari, tistaqsi jekk l-Istat Membru kkonċernat huwiex obbligat li “[għandux] iqis[…] xiehda oħra, li għandha tkun stmata […] ta’ l-eżistenza [tar-rabtiet tal-familja]” fil-każ fejn ir-refuġjat ma jipprovdi ebda spjegazzjoni plawżibbli tal-inkapaċità tiegħu li jipprovdi dokumenti uffiċjali.

27

Din il-qorti tistaqsi, madankollu, fid-dawl tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C-583/10, EU:C:2012:638, punti 53 sa 56), fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twieġeb għal din id-domanda fil-kawża prinċipali, filwaqt li tosserva li, jekk is-sitwazzjoni ta’ A., peress li huwa biss benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, dawn tal-aħħar saru applikabbli għal tali sitwazzjonijiet permezz tad-dritt Olandiż b’mod dirett u inkundizzjonat.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, b’sede f’Haarlem) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fid-dawl tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva [2003/86] u tas-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C-583/10, EU:C:2012:638), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari tal-qrati Olandiżi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva f’kawża li tikkonċerna d-dritt ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ benefiċjarju tal-protezzjoni sussidjarja jekk, fid-dritt Olandiż, din id-direttiva ġiet iddikjarata direttament u inkundizzjonalment applikabbli għall-benefiċjarji tal-protezzjoni sussidjarja?

2)

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2003/86/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn refuġjat, unikament minħabba li ma jipprovdix, fil-kuntest tal-applikazzjoni tiegħu, dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw rabtiet tal-familja,

jew

l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva [2003/86/KE] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix iċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn refuġjat immotivata unikament minħabba l-assenza ta’ dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw rabtiet tal-familja ħlief jekk ir-refuġjat ikun ta spjegazzjoni plawsibbli għall-fatt li ma pprovdiex dawn id-dokumenti ta’ sostenn u għall-affermazzjoni tiegħu li għadu ma jistax jipproduċihom?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

Fit-23 ta’ Novembru 2017, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba.

31

Madankollu, permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ trattament prijoritarju lil din il-kawża skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha din il-qorti hija mitluba tiddeċiedi dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjoni, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali.

33

L-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 jispeċifika, b’mod partikolari, li din id-direttiva ma tapplikax meta l-isponsor ikun ċittadin ta’ pajjiż terz awtorizzat li jirrisjedi fi Stat Membru bis-saħħa ta’ forom sussidjarji ta’ protezzjoni, b’mod konformi mal-obbligi internazzjonali, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jew il-prattiki tal-Istati Membri.

34

Minn dan jirriżulta li d-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta’ benefiċjarju ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, bħal A. (is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C-380/17, EU:C:2018:877, punt 33).

35

Madankollu jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn, minkejja li l-fatti fil-kawża prinċipali ma jaqgħux direttament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi dritt kienu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali minħabba riferiment magħmul minn dan tal-aħħar għall-kontenut tagħhom (is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C‑380/17, EU:C:2018:877, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Fil-fatt f’tali sitwazzjoni, jeżisti interess ċert tal-Unjoni Ewropea li, sabiex jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri, id-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni jiġu interpretati b’mod uniformi (s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C-380/17, EU:C:2018:877, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għalhekk, interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn tkun ġustifikata meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu ġew reżi applikabbli għal tali sitwazzjonijiet mid-dritt nazzjonali b’mod dirett u inkundizzjonat, sabiex jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C-380/17, EU:C:2018:877, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali fis-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C-380/17, EU:C:2018:877, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), ippreċiżat li l-leġiżlatur tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li jiggarantixxi lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja, trattament iktar favorevoli minn dak previst mid-Direttiva 2003/86 meta jiġu applikati r-regoli dwar refuġjati previsti minn din id-direttiva. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li hija kienet marbuta, taħt id-dritt Olandiż, li tapplika l-Artikolu 11(2) tal-imsemmija direttiva fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-dispożizzjoni saret applikabbli b’mod dirett u mingħajr kundizzjonijiet, skont id-dritt Olandiż, f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li għalhekk jeżisti interess ċert tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq id-domanda preliminari (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C-380/17, EU:C:2018:877, punt 38).

40

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, meta l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 37 ta’ din is-sentenza hija ssodisfatta, il-ġurisdizzjoni tagħha tista’ tiġi stabbilita wkoll f’sitwazzjonijiet koperti minn każ ta’ esklużjoni espliċita mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att tal-Unjoni (s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C-257/17, EU:C:2018:876, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-kuntest, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax raġonevolment tvarja skont jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti ġiex iddelimitat permezz ta’ definizzjoni pożittiva jew permezz tal-istabbiliment ta’ ċerti każijiet ta’ esklużjoni, peress li kemm waħda u kemm l-oħra minn dawn iż-żewġ tekniki leġiżlattivi jistgħu jintużaw b’mod interkambjabbli (s-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C-257/17, EU:C:2018:876, punt 39).

42

Minbarra dan, minkejja li l-qorti tar-rinviju tesponi li d-dubji tagħha rigward il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżultaw mis-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, Nolan (C-583/10, EU:C:2012:638), għandu jiġi osservat li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet ikkaratterizzata minn aspetti speċifiċi li ma jinstabux fil-kawżi prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2018, K u A, C-257/17, EU:C:2018:876, punti 41 sa 43).

43

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjoni, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali.

Fuq it-tieni domanda

44

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja minn benefiċjarju li tgawdi minn status ta’ protezzjoni sussidjarja favur minuri li tiegħu hija z-zija u allegatament il-kuratriċi tiegħu, u li jirrisjedi bħala refuġjat u ma għandux rabtiet familjari f’pajjiż terz, sabiex din l-applikazzjoni tiġi miċħuda għar-raġuni biss li l-isponsor ma pprovdiex id-dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw il-mewt tal-ġenituri bijoloġiċi tal-minuri u, għalhekk, in-natura attwali tar-rabtiet familjari tiegħu miegħu, u li l-ispjegazzjoni li l-isponsor ippreżentat biex tiġġustifika l-inkapaċità tagħha li tipproduċi tali dokumenti tqieset li mhix plawżibbli mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-mertu biss tal-informazzjoni ġenerali disponibbli dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini, mingħajr ma titqies is-sitwazzjoni konkreta tal-isponsor u tal-minuri kif ukoll id-diffikultajiet partikolari li kellhom jaffaċċjaw, skonthom, qabel u wara li ħarbu mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Fuq l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86

45

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-għan imfittex mid-Direttiva 2003/86 huwa li tiġi ffavorita r-riunifikazzjoni tal-familja u li din id-Direttiva tfittex li tingħata protezzjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari lil minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C-356/11 u C-357/11, EU:C:2012:776, punt 69).

46

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri obbligi pożittivi preċiżi, flimkien ma’ drittijiet individwali korrispettivi ddefiniti b’mod ċar. Dan jobbligahom, fil-każijiet stabbiliti f’din l-istess direttiva, li jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ ċerti membri tal-familja tal-isponsor mingħajr ma jistgħu jeżerċitaw il-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom (is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, EU:C:2006:429, punt 60, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C-356/11 u C-357/11, EU:C:2012:776, punt 70).

47

In-numru tal-membri tal-familja tal-isponsor li l-Istat Membru kkonċernat għandu jawtorizza d-dħul u residenza jinsabu, skont l-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, “it-tfal minorenni inklużi tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha”.

48

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw riunifikazzjoni tal-familja ta’ membri oħra tal-familja li ma jirreferix għalihom l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, jekk huma dipendenti fuq ir-refuġjat.

49

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li d-dritt Olandiż jippermetti r-riunifikazzjoni ta’ familja tal-minuri li magħhom l-isponsor għandu relazzjonijiet familjari effettivi u li l-awtoritajiet Olandiżi huma obbligati jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja jekk l-eżistenza ta’ rabta familjari effettiva bejn l-isponsor u l-minuri jiġu stabbiliti.

50

F’dan il-każ, peress A. qed tallega li hija l-kuratriċi ta’ E, jidher li l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt, minn tal-inqas, is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2003/86 u li, jekk din l-ipoteżi kellha sseħħ, il-liġi Olandiża tobbliga lill-awtoritajiet Olandiżi li jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja mitluba.

51

Għaldaqstant, għal raġunijiet simili għal dawk imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva kienet reża applikabbli, skont id-dritt Olandiż, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

Fuq l-eżami li għandu jitwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, ta’ talba għar-riunifikazzjoni tal-familja

52

Fir-rigward tal-eżami li għandhom iwettqu l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jirriżulta kemm mill-Artikolu 5(2) kif ukoll mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li dawn l-awtoritajiet għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari, fl-eżami tal-eżistenza jew le ta’ rabtiet familjari, evalwazzjoni li għandha ssir skont id-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, EU:C:2006:429, punt 59, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C-356/11 u C-357/11, EU:C:2012:776, punt 74).

53

Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri ma għandux jintuża minnhom b’mod li jippreġudika l-għan tad-Direttiva 2003/86 u l-effettività tagħha. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ din id-direttiva, din tal-aħħar tirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C-356/11 u C-357/11, EU:C:2012:776, punti 7475).

54

Għaldaqstant, l-Istati Membri mhux biss għandhom jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni, iżda għandhom ukoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ test tad-dritt sekondarju li tkun f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, EU:C:2006:429, punt 105; tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček,C-403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 34, kif ukoll tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C-356/11 u C-357/11, EU:C:2012:776, punt 78).

55

Issa, l-Artikolu 7 tal-Karta, li jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja, għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-minuri, irrikonoxxut fl-Artikolu 24(2) tal-Karta, u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa għal minuri li jkollu, regolarment, relazzjoni personali maż-żewġ ġenituri tiegħu, espressa fl-Artikolu 24(3) tal-Karta (s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, EU:C:2006:429, punt 58).

56

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta, kif barra minn hekk jirriżulta mill-kliem tal-premessa 2 u mill-kliem tal-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jeżaminaw l-applikazzjonijiet ta’ riunifikazzjoni inkwistjoni fl-interess tal-ulied ikkonċernati u bil-għan li jiffavorixxu l-ħajja tal-familja (s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C-356/11 u C-357/11, EU:C:2012:776, punt 80).

57

F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jagħmlu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha inkwistjoni, billi jieħdu b’mod partikolari inkunsiderazzjoni dawk il-minuri kkonċernati (s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C-356/11 u C-357/11, EU:C:2012:776, punt 81).

58

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, li jimponi eżami individwali tat-talbiet għal riunifikazzjoni (s-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 2015, K u A, C-153/14, EU:C:2015:453, punt 60, kif ukoll tal-21 ta’ April 2016, Khachab, C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 43), li għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjari tal-persuna u t-tul tar-residenza tagħha fl-Istat Membru kif ukoll l-eżistenza ta’ rbit familjari, kulturali u soċjali mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha (s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-540/03, EU:C:2006:429, punt 64).

59

Għalhekk, huwa f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jimplimentaw id-Direttiva 2003/86 u meta jeżaminaw l-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja, sabiex iwettqu, b’mod partikolari, evalwazzjoni individwali li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-każ u li, fejn hu xieraq, tagħti attenzjoni partikolari lill-interessi tal-minuri kkonċernati u għall-perspettiva li tiffavorixxi l-ħajja tal-familja. B’mod partikolari, ċirkustanzi bħalma huma l-età tat-tfal ikkonċernati, is-sitwazzjoni tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u l-livell ta’ dipendenza tagħhom fuq il-ġenituri jistgħu jkollhom effett fuq il-portata u l-intensità tal-eżami meħtieġ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 56). Fi kwalunkwe każ, kif jippreċiża l-punt 6.1 tal-Linji Gwida, l-ebda komponent kkunsidrat separatament ma jista’ awtomatikament iwassal għal deċiżjoni.

Fuq l-obbligi imposti fuq l-isponsor u l-membru tal-familja kkonċernat mill-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja

60

Fir-rigward tal-obbligi fuq l-isponsor u l-membru tal-familja kkonċernat minn applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/86, tali talba għandu jkollha magħha, b’mod partikolari, “evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali”. L-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva jispeċifika li dawn id-dokumenti għandhom ikunu ta’ natura “uffiċjali” u li, fin-nuqqas tagħhom, “l-Istati Membri għandhom iqisu xiehda oħra, li għandha tkun stmata (...) ta’ l-eżistenza ta’ din ir-relazzjoni”. Fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva, dan jipprovdi li, “(j)ekk xieraq, biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali, Stati Membri jistgħu jeżegwixxu intervisti ma’ l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha u jmexxu investigazzjonijiet oħra li instabu li jkunu meħtieġa”.

61

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 57 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-isponsor u l-membru tal-familja tiegħu kkonċernat minn applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom l-obbligu li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari sabiex jiġu stabbiliti l-identità, l-eżistenza ta’ rabtiet familjari tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba tagħhom, li jimplika li jiġu pprovduti, sa fejn ikun possibbli, il-provi mitluba u, jekk ikun il-każ, l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni mitluba (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, K., C-18/16, EU:C:2017:680, punt 38).

62

Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni jimplika għalhekk li l-isponsor jew il-membru tal-familja tiegħu kkonċernat mill-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom jipprovdu l-evidenza kollha rilevanti għall-evalwazzjoni tar-realtà tar-rabtiet familjari li huma jallegaw, iżda wkoll li dawn iwieġbu għad-domandi u għat-talbiet indirizzati lilhom f’dan ir-rigward mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huma għandhom iżommu ruħhom għad-dispożizzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet għal intervisti jew investigazzjonijiet oħra u li, meta dawn ma jkunux jistgħu jipprovdu xhieda dokumentarja uffiċjali tar-relazzjoni familjari, għaliex huma ma jkunux jistgħu jipprovdu dawn id-dokumenti.

Fuq l-eżami tal-provi pprovduti u tad-dikjarazzjonijiet magħmula

63

Fir-rigward tal-eżami mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar in-natura probatorja jew plawżibbli tal-provi, tad-dikjarazzjonijiet jew tal-ispjegazzjonijiet pprovduti mill-isponsor jew mill-membru tal-familja kkonċernat minn applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, l-evalwazzjoni individwali meħtieġa tirrikjedi li dawn l-awtoritajiet jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha, inkluż is-sess, l-età, l-edukazzjoni, l-oriġini u l-istatus soċjali tal-isponsor jew tal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat u l-karatteristiċi kulturali speċifiċi, kif jispeċifika wkoll il-punt 6.1.2 tal-Linji Gwida.

64

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 65, 66, 77, 79 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li dawn il-provi, dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn l-ispjegazzjonijiet ipprovduti, minn naħa, għandhom jiġu evalwati b’mod oġġettiv fir-rigward tal-informazzjoni kemm ġenerali kif ukoll speċifika rilevanti, oġġettiva, affidabbli, preċiża u aġġornata dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini, inkluż, b’mod partikolari, l-istat tal-leġiżlazzjoni kif ukoll il-mod li bih tiġi applikata, l-funzjonament tas-servizzi amministrattivi u, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw ċerti lokalitajiet jew ċerti gruppi ta’ persuni fl-imsemmi pajjiż.

65

Min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-personalità tal-isponsor jew tal-membru tal-familja tiegħu kkonċernat mill-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, is-sitwazzjoni speċifika tagħhom u d-diffikultajiet partikolari li jaffaċċjaw, b’tali mod li r-rekwiżiti li jistgħu jiġu imposti għal dak li jikkonċerna n-natura probatorja jew plawżibbli tal-elementi pprovduti mill-isponsor jew il-membru tal-familja tiegħu, b’mod partikolari sabiex jiġi stabbilit li ma jistgħux jipprovdu dokumenti ta’ sostenn uffiċjali ta’ rabtiet familjari, għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jiddependu fuq in-natura kif ukoll il-livell tad-diffikultajiet li huma esposti għalih.

66

Fil-fatt, skont il-premessa 8 tad-Direttiva 2003/86, attenzjoni speċjali għandha tingħata lis-sitwazzjoni ta’ refuġjati minħabba r-raġunijiet li jobbligawhom jaħarbu pajjiżhom u jimponuhom milli jgħixu ħajja tal-familja normali hemm. Kif spjegat ukoll fil-punt 6.1.2 tal-Linji Gwida, is-sitwazzjoni partikolari tar-refuġjati li kienu sfurzati jaħarbu minn pajjiżhom timplika li ħafna drabi huwa impossibbli jew perikoluż għar-refuġjati jew il-membri tal-familja tagħhom biex jipproduċu dokumenti uffiċjali, jew biex jagħmlu kuntatt ma’ awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

67

Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, jekk l-isponsor jonqos b’mod flagranti mid-dmir ta’ kooperazzjoni impost fuqu jew jekk ikun ċar, abbażi ta’ elementi oġġettivi li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, li l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja turi natura frawdolenti, dawn l-awtoritajiet nazzjonali huma intitolati li jiċħdu din tal-aħħar.

68

Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi bħal dawn, in-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn uffiċjali tar-relazzjoni familjari kif ukoll in-nuqqas eventwali tal-plawżibbiltà tal-ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward għandhom jitqiesu bħala sempliċi elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni individwalizzata tal-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u ma jeżentawx lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali mill-obbligu previst fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 li jieħdu inkunsiderazzjoni provi oħra.

69

Fil-fatt, kif ifakkar il-punt 6.1.2 tal-Linji gwida, l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva jipprovdi espliċitament, mingħajr ma jħalli ebda marġini ta’ diskrezzjoni, li l-assenza ta’ dokumenti ta’ sostenn ma tistax tkun l-unika raġuni għala applikazzjoni tiġi miċħuda u jobbliga lill-Istati Membri, f’dawn il-każijiet sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni provi oħra tal-eżistenza ta’ relazzjoni familjari.

Fuq il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/86 tal-eżami mwettaq mis-Segretarju tal-Istat tal-applikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali

70

F’dan il-każ, fid-deċiżjonijiet tagħha tat-12 ta’ Mejju 2016 u tas-27 ta’ Ottubru 2016, is-Segretarju tal-Istat qies, b’mod partikolari, li A. ma kienet ipprovdiet l-ebda prova uffiċjali dwar il-mewt tal-ġenituri ta’ E. u l-eżistenza ta’ tutela eżerċitata minnha fuq il-wild minuri lanqas ma ippreżentat spjegazzjoni plawżibbli fir-rigward tal-inkapaċità tagħha li tipprovdi tali dokumenti ta’ sostenn, filwaqt li, skont is-Segretarju tal-Istat, kien possibbli, fl-Eritrea, li tikseb dokumenti ta’ dan it-tip.

71

Madankollu, huwa paċifiku li, waqt is-seduta tat-13 ta’ Settembru 2017 quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Segretarju tal-Istat rtira l-oġġezzjoni tiegħu dwar l-assenza ta’ dokumenti ta’ sostenn uffiċjali fir-rigward tal-eżistenza tat-tutela eżerċitata minn A. fuq E., wara li kkonstatat li, skont il-liġi tal-Eritrea, tali tutela kienet mogħtija ipso iure.

72

Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba ta’ riunifikazzjoni tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali issa hija bbażata biss fuq in-nuqqas ta’ atti ta’ mewt tal-ġenituri bijoloġiċi ta’ E. u fuq il-plawżibbiltà tal-ispjegazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward minn A.

73

Matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Olandiż sostna li huwa neċessarju li tiġi stabbilita l-mewt tal-ġenituri bijoloġiċi ta’ E. sabiex jiġu esklużi l-każijiet ta’ ħtif ta’ minuri jew ta’ traffikar tal-bnedmin.

74

Madankollu, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkunsidrat, fl-ewwel lok, li ma jirriżultax mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ebda ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni li huwa impost fuq A. Fil-fatt, huwa stabbilit li din tal-aħħar wieġbet għall-mistoqsijiet kollha u għat-talbiet kollha li ntbagħtulha matul il-proċedura amministrattiva mis-Segretarju tal-Istat u li, b’mod partikolari, hija esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija u E. ma setgħux, fil-fehma tagħha, jipprovdi dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw ir-relazzjoni familjari mitluba mill-imsemmija awtoritajiet.

75

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, A. sostniet, l-ewwel nett, li l-ħruġ taċ-ċertifikati tal-mewt fl-Eritrea ma jaqax taħt il-kompetenza tas-servizzi tal-istat ċivili ta’ Asmara (l-Eritrea), iżda taħt dik tal-gvern lokali, fejn il-proċedura għall-ħruġ tvarja ħafna wkoll skont il-lokalitajiet. Sussegwentement, A. enfasizzat li hija qatt ma kellha tali atti, peress li hija ġejja minn villaġġ ta’ daqs żgħir u li hija kienet toħroġ mid-dar tagħha biss jekk ikun meħtieġ u li l-pussess ta’ atti tal-mewt kien inabitwali. Fl-aħħar nett, ikun impossibbli li jinkisbu tali atti llum il-ġurnata, peress li hija u E. kienu telqu mill-Eritrea b’mod illegali, b’tali mod li t-talba ta’ tali atti permezz ta’ konoxxenzi lokali jistgħu jesponuhom għal “aġir li jintegra d-dijaspora” u b’hekk jesponu lill-familjari tagħhom li baqgħu fl-Eritrea għal perikoli u għal riskju li jħallsu “taxxa tad-dijaspora”.

76

Fit-tieni lok, jirriżulta minn dan il-fajl li, jekk is-Segretarju tal-Istat ħa inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-eżami tan-natura plawżibbli tal-ispjegazzjonijiet mogħtija minn A., informazzjoni ġenerali disponibbli dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea, ma jidhirx b’mod ċar li huwa ħa inkunsiderazzjoni tal-mod kif il-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikata u lanqas tal-fatt li l-funzjonament tas-servizzi tal-istat ċivili ta’ dan il-pajjiż jiddependu, jekk ikun il-każ, mill-kuntesti lokali. Barra minn hekk, il-proċess lanqas ma jippermetti li jiġi vverifikat jekk u, skont il-każ, sa fejn huwa ħa inkunsiderazzjoni l-personalità u s-sitwazzjoni konkreta ta’ A. u E. kif ukoll id-diffikultajiet partikolari li kellhom jaffaċċjaw, skont id-dikjarazzjonijiet tagħhom, qabel u wara l-ħarba mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.

77

Fit-tielet lok, ebda element tal-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li s-Segretarju tal-Istat kien ħa inkunsiderazzjoni l-età ta’ E., is-sitwazzjoni ta’ refuġjat fis-Sudan, fejn, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti minn A., dan qiegħed f’foster family mingħajr ebda rbit familjari, jew x’kien ikun l-aħjar interess tal-minuri, f’ċirkustanzi bħal dawn. Issa, jekk il-pretensjonijiet ta’ A. kellhom jkunu jiġu vverifikati bħala korretti, l-aċċettazzjoni tal-applikazzjoni ta’ riunifikazzjoni tal-familja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tkun l-uniku mod sabiex tiġi ggarantita lil E. l-opportunità li jikber f’ambjent ta’ familja. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, ċirkustanzi bħal dawn jistgħu jkollhom effett fuq il-portata u l-intensità tal-eżami meħtieġ.

78

Jekk huwa tassew permess li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu passi sabiex jinkixfu applikazzjonijiet frawdolenti ta’ riunifikazzjoni tal-familja, li jseħħu f’kuntest ta’ ħtif ta’ minuri, jew ta’ traffikar tal-bniedem, kif isostni ġustament il-Gvern Olandiż, din iċ-ċirkustanza ma teħlisx lil dawn l-awtoritajiet mill-obbligu li jieħdu inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-minuri li potenzjalment jinsabu f’kundizzjonijiet bħal dawk deskritti minn A.

79

Barra minn hekk, l-assenza ta’ att tal-mewt tal-ġenituri bijoloġiċi u n-natura mhux suffiċjentement plawżibbli tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti sabiex jiġi ġġustifikat dan in-nuqqas ma jistgħux, waħedhom, jikkonkludu li l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja kkonċernata ssir neċessarjament f’kuntest ta’ ħtif tat-tfal jew traffikar tal-bnedmin. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat jieħu inkunsiderazzjoni provi oħra tal-eżistenza ta’ rabtiet familjari u ma jistax jibbaża ruħu biss fuq in-nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) u (3) tal-Karta li l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, ikunu obbligati jagħmlu verifiki addizzjonali meħtieġa, bħalma hija intervista mal-isponsor, sabiex teskludi l-eżistenza ta’ tali fenomeni.

80

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha konoxxenza diretta tal-kawża li tressqet quddiemha, li għandha tivverifika, fid-dawl tal-provi esposti fil-punti preċedenti, jekk l-eżami mwettaq mis-Segretarju tal-Istat tal-applikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/86.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja minn sponsor li tgawdi minn status ta’ protezzjoni sussidjarja favur minuri li tiegħu hija z-zija u allegatament il-kuratriċi tiegħu, u li jirrisjedi bħala refuġjat u ma għandux rabtiet familjari f’pajjiż terz, sabiex din l-applikazzjoni tiġi miċħuda għar-raġuni biss li l-isponsor ma pprovdietx id-dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw il-mewt tal-ġenituri bijoloġiċi tal-minuri u, għalhekk, in-natura attwali tar-rabtiet familjari tagħha miegħu, u li l-ispjegazzjoni li l-isponsor ippreżentat biex tiġġustifika l-inkapaċità tagħha li tipproduċi tali dokumenti tqieset li mhix plawżibbli mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-mertu biss tal-informazzjoni ġenerali disponibbli dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini, mingħajr ma titqies is-sitwazzjoni konkreta tal-isponsor u tal-minuri kif ukoll id-diffikultajiet partikolari li kellhom jaffaċċjaw, hekk kif irrapportaw huma, qabel u wara li ħarbu mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

82

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni, skont l-Artikolu 267 TFUE, sabiex tinterpreta l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi fuq applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja mressqa minn benefiċjarju tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja, meta din id-dispożizzjoni tkun ġiet reża applikabbli għal tali sitwazzjoni, b’mod dirett u inkundizzjonat, mid-dritt nazzjonali.

 

2)

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġiet ippreżentata applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja minn sponsor li tgawdi minn status ta’ protezzjoni sussidjarja favur minuri li tiegħu hija z-zija u allegatament il-kuratriċi, u li jirrisjedi bħala refuġjat u ma għandux rabtiet familjari f’pajjiż terz, sabiex din l-applikazzjoni tiġi miċħuda għar-raġuni biss li l-isponsor ma pprovdietx id-dokumenti ta’ sostenn uffiċjali li jattestaw il-mewt tal-ġenituri bijoloġiċi tal-minuri u, għalhekk, in-natura attwali tar-rabtiet familjari tagħha miegħu, u li l-ispjegazzjoni li l-isponsor ippreżentat biex tiġġustifika l-inkapaċità tagħha li tipproduċi tali dokumenti tqieset li mhix plawżibbli mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-mertu biss tal-informazzjoni ġenerali disponibbli dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż tal-oriġini, mingħajr ma titqies is-sitwazzjoni konkreta tal-isponsor u tal-minuri kif ukoll id-diffikultajiet partikolari li kellhom jaffaċċjaw, skonthom, qabel u wara li ħarbu mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.