SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
13 ta’ Frar 2019 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tal-VAT – Determinazzjoni tal-persuna suġġetta għall-ħlas tal-VAT – Applikazzjoni retroattiva ta’ miżura derogatorja – Prinċipju ta’ ċertezza legali”
Fil-Kawża C‑434/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa miz-Zalaegerszegi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Ammnistrattiva u Industrijali ta’ Zalaegerszeg, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura
Human Operator Zrt.
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, F. Biltgen u E. Levits (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka u A. Sipos kif ukoll minn L. Lozano Palacios, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2349 tal-10 ta’ Diċembru 2015 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2015, L 330, p. 53, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni”), moqrija flimkien mal-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/43/UE tat-22 ta’ Lulju 2013 (ĠU 2013, L 201, p. 4) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Human Operator Zrt. u Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Diviżjoni tal-Appelli tal-Awtorità Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija, iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Appelli”) dwar il-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) minn persuna taxxabbli li hija d-destinatarja ta’ servizzi suġġetti għall-VAT. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva tal-VAT
|
3 |
L-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi: “Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199a u fl-Artikolu 202.” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 199 ta’ din id-Direttiva: “1. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-fornimenti li ġejjin:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 395(1) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.” |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni
|
6 |
B’ittri rreġistrati fid-dipartimenti tal-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Diċembru 2014 u fit-8 ta’ Mejju 2015, l-Ungerija talbet l-awtorizzazzjoni sabiex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-persuna suġġetta għall-ħlas tal-VAT, bil-għan li tiġġieled kontra ċerti prattiki frawdolenti fil-qasam tal-impriżi ta’ xogħol temporanju. Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, il-Kunsill laqa’ din it-talba. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni: “B’deroga mill-Artikolu 193 tad-[Direttiva tal-VAT], l-Ungerija hija awtorizzata tistipula li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li tibbenefika mis-servizzi ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fil-kuntest tal-attivitajiet għajr dawk koperti mill-Artikolu 199(1)(a) tad-[Direttiva tal-VAT].” |
|
8 |
Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, din tal-aħħar tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2017. |
Id-dritt Ungeriż
|
9 |
L-Artikolu 60 tal-az általános forgalmi adóról szóló 2007. évi CXXVII. Törvény (il-Liġi Nru CXXVII tal-2007 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 (iktar ’il quddiem il-“il-Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi: “1. Fil-każ ta’ kunsinna ta’ beni jew ta’ provvista ta’ servizzi li għalihom hija dovuta t-taxxa mill-persuna taxxabbli li tirċievi l-beni jew is-servizzi, l-ammont tat-taxxa li għandu jitħallas huwa ddeterminat
2. Minn fost l-avvenimenti li ġew elenkati fil-paragrafu 1, għandu jintgħażel dak li seħħ l-ewwel.” |
|
10 |
L-Artikolu 142 ta’ din il-liġi jipprovdi: “1. It-taxxa għandha titħallas mill-persuna li tirċievi l-beni jew is-servizzi: […]
[…] 3. L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 għandha tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet li, fost il-partijiet involuti fit-tranżazzjoni,
[…]” |
|
11 |
L-Artikolu 294(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi: “1. L-Artikolu 142(1)(c) ta’ din il-liġi […] għandu japplika għall-ewwel darba, bla ħsara għal dak li huwa previst fil-paragrafi 2 u 3, għat-tranżazzjonijiet li għandhom jitwettqu fl-1 ta’ Jannar 2015 jew sussegwentement.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
12 |
Human Operator hija kumpannija kummerċjali li għandha s-sede tagħha fl-Ungerija, li l-attività tagħha tikkonsisti fir-reklutaġġ ta’ persunal, fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema temporanji, u f’tipi oħra ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ riżorsi umani. |
|
13 |
Sabiex tipprovdi dawn is-servizzi lill-klijenti tagħha, Human Operator irrikorriet, permezz ta’ kuntratti ta’ provvista ta’ servizzi, għal kumpanniji kummerċjali oħra, li qiegħdu lill-ħaddiema tagħhom għad-dispożizzjoni tal-klijenti ta’ Human Operator. |
|
14 |
Human Operator aċċettat il-fatturi rċevuti minn dawn il-kumpanniji, stabbiliti skont ir-regoli fiskali normali, li kienu jindikaw, bħala suġġett tas-servizzi kkonċernati, “tqegħid għad-dispożizzjoni ieħor ta’ riżorsi umani”, u li kienu jindikaw il-VAT, li kienet tnaqqset minn Human Operator. |
|
15 |
In-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Vas Megyei Adóigazgatósága (id-Diviżjoni tat-Taxxa u tad-Dwana għad-distrett ta’ Vas, parti mill-Awtorità tat-Taxxa u tad-Dwana, l-Ungerija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza”) wettqet spezzjoni fir-rigward ta’ Human Operator sabiex tivverifika d-dikjarazzjonijiet tagħha tal-VAT għax-xahar ta’ Jannar 2015. |
|
16 |
Wara din l-ispezzjoni, l-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza adottat deċiżjoni fit-22 ta’ Awwissu 2016 li permezz tagħha kkonstatat differenza tal-VAT ta’ ammont ta’ 46065000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 150000), u ordnat lil Human Operator tħallas dan l-ammont. |
|
17 |
L-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza qieset li, skont l-Artikolu 60 tal-Liġi dwar il-VAT, Human Operator kienet responsabbli għall-ħlas tal-VAT għat-tranżazzjonijiet kollha relatati mad-dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw ix-xahar ta’ Jannar 2015 u stabbilixxiet l-ammont tal-VAT dovut billi ħadet bħala bażi ta’ kalkolu l-ammonti indikati fuq il-fatturi aċċettati minn Human Operator relatati mal-provvista tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
18 |
L-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni li tawtorizza lill-Gvern Ungeriż, b’deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, jimponi tassazzjoni b’awtolikwidazzjoni, li hija prevista fl-Artikolu 142(1)(c) tal-Liġi dwar il-VAT. L-imsemmija awtorità fiskali ddeduċiet minn din id-dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015, li din it-tassazzjoni b’awtolikwidazzjoni kienet applikabbli b’effett minn din id-data, u dan peress li l-Gvern Ungeriż, fit-talba tiegħu msemmija fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, kien espressament talab li d-deroga mitluba tapplika b’effett mill-imsemmija data. |
|
19 |
B’deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2017, id-Diviżjoni tal-Appelli, adita minn Human Operator, ikkonfermat id-deċiżjoni msemmija fil-punt 16 ta’ din is-sentenza. |
|
20 |
L-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza wettqet spezzjonijiet oħra fir-rigward ta’ Human Operator, li kienu jikkonċernaw perijodi oħra, u adottat sitt deċiżjonijiet oħra li jkopru l-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2015 u l-31 ta’ Lulju 2015. Permezz ta’ dawn id-deċiżjonijiet, hija ordnat lil Human Operator tħallas ammont totali ta’ HUF 387714000 (madwar EUR 1.27 miljuni) bħala VAT fir-rigward ta’ dan il-perijodu. |
|
21 |
Fit-13 u fil-25 ta’ Jannar 2017, id-Diviżjoni tal-Appelli, adita mill-ġdid minn Human Operator, ikkonfermat id-deċiżjonijiet tal-Awtorità Fiskali tal-Ewwel Istanza msemmija fil-punt preċedenti. |
|
22 |
Billi qieset li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet espressi dwar l-applikazzjoni retroattiva tagħha, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ma setgħetx tiġi applikata mill-Gvern Ungeriż qabel in-notifika mill-Ungerija ta’ din id-deċiżjoni, li saret fil-11 ta’ Diċembru 2015, Human Operator ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti 19 u 21 ta’ din is-sentenza. |
|
23 |
Skont din il-qorti, is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali teħtieġ li tiġi ddeterminata d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u, għaldaqstant, id-data li fiha saret applikabbli l-awtorizzazzjoni prevista f’din id-deċiżjoni. |
|
24 |
F’dawk iċ-ċirkustanzi, iz-Zalaegerszegi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Ammnistrattiva u Industrijali ta’ Zalaegerszeg, l-Ungerija) iddeċidiet li tisspospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-[Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni] għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi prattika fl-Ungerija li skontha d-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li, skont l-awtorizzazzjoni mogħtija mill-imsemmija deċiżjoni ta’ implementazzjoni, tipprevedi deroga mill-Artikolu 193 tad-[Direttiva tal-VAT] u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 hija applikabbli minn din id-data, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni ma għandha ebda dispożizzjoni dwar l-effett retroattiv jew l-applikabbiltà tagħha, minkejja li l-Ungerija għażlet din id-data bħala d-data tal-bidu għall-applikazzjoni tat-talba tagħha għall-awtorizzazzjoni tal-miżura ta’ deroga?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
25 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT qabel ma l-att tal-Unjoni li jawtorizza tali deroga jkun ġie innotifikat lill-Istat Membru li jkun talabha, minkejja li, minn naħa, l-imsemmi att tal-Unjoni ma jipprovdi xejn dwar id-dħul fis-seħħ tiegħu jew id-data li fiha għandu jibda japplika u li, min-naħa l-oħra, l-imsemmi Stat Membru esprima x-xewqa li l-imsemmija deroga tapplika b’effett retroattiv. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni jippermetti lill-Ungerija tidderoga mir-regola ġenerali ta’ tassazzjoni prevista fl-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, li jindika bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT il-persuna taxxabbli li tibbenefika mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal fil-kuntest tal-attivitajiet li ma humiex koperti mill-Artikolu 199(1)(a) ta’ din id-Direttiva. |
|
27 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 142(1)(c) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi li l-benefiċjarju tas-servizz huwa responsabbli għall-ħlas tal-VAT fil-każ ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ħaddiema temporanji, ta’ kollokament ta’ ħaddiema, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal u ta’ rikors għal servizzi ta’ reklutaġġ ta’ studenti għal kunsinna ta’ beni jew provvista ta’ servizzi. Din id-dispożizzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015 u, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, ġiet applikata mill-awtoritajiet fiskali Ungeriżi b’effett minn din id-data. |
|
28 |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, li tippermetti tali deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, ġiet innotifikata lill-Gvern Ungeriż biss fil-11 ta’ Diċembru 2015. |
|
29 |
Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma tagħmel ebda riferiment għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jew għad-data li fiha tibda tapplika d-deroga li tipprevedi. Hija lanqas ma tispeċifika l-perijodu li matul tiegħu jestendu l-effetti tagħha, u sempliċement tirreferi għad-data tal-iskadenza, li hija l-31 ta’ Diċembru 2017. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, fir-rigward tal-Artikolu 199 tad-Direttiva tal-VAT, li jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri jirrikorru, fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) sa (g) tiegħu, għall-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni li permezz tiegħu l-persuna suġġetta għall-VAT hija l-persuna li hija d-destinatarja tat-tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju li jinsab fl-Artikolu 193 ta’ din id-direttiva u għandha, għalhekk, tiġi interpretata b’mod strett, li madankollu ma jistax iwassal sabiex din tiċċaħħad mill-effetti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2013, Promociones y Construcciones BJ 200, C-125/12, EU:C:2013:392, punti 23 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ April 2017, Farkas, C-564/15, EU:C:2017:302, punt 25). |
|
31 |
Sussegwentement, fin-nuqqas, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, ta’ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha jew id-data ta’ meta għandha tibda tapplika d-deroga li tipprevedi, għandu jsir rikors, sabiex jiġu ddeterminati l-effetti ratione temporis tagħha, għall-prinċipji ta’ interpretazzjoni li huma rrikonoxxuti ġeneralment, għat-termini tagħha kif ukoll għall-finalità u għall-iskema ġenerali tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 8). |
|
32 |
Għalhekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE, li jikkostitwixxi regola ġenerali dwar id-dħul fis-seħħ tad-deċiżjonijiet li jindikaw destinatarju, tali deċiżjonijiet jieħdu effett permezz tan-notifika lid-destinatarji tagħhom. F’dan il-każ, peress li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni ġiet innotifikata lill-Gvern Ungeriż fil-11 ta’ Diċembru 2015, hemm lok li jitqies li din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ f’din id-data. |
|
33 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi invalidata mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż. Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet ta’ dan il-Gvern, is-segwenti ma humiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita d-data li fiha beda jkollha effett id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, l-ewwel nett, il-fatt li l-Kummissjoni, fil-proposta tagħha għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112 [COM (2015) 557 finali], iddikjarat espressament li kienet ġiet infurmata li l-Ungerija diġà bdiet tapplika d-deroga mitluba mingħajr ma stenniet l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, it-tieni nett, il-fatt li l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni stabbilixxa d-data tal-iskadenza għall-31 ta’ Diċembru 2017 u, it-tielet nett, il-fatt li, f’ittra indirizzata lill-Ungerija mill-Kummissjoni, din tal-aħħar indikat l-intenzjoni tagħha li tissodisfa t-talba ta’ dan l-Istat Membru dwar il-perijodu ta’ applikazzjoni tad-deroga mitluba u talbet li dan il-perijodu jiġi stabbilit għal tliet snin. |
|
34 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2008, Förster, C-158/07, EU:C:2008:630, punt 67). |
|
35 |
Dan ir-rekwiżit essenzjali ta’ ċertezza legali japplika b’mod partikolarment strett fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ timplika piżijiet finanzjarji, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkollhom għarfien preċiż tal-portata tal-obbligi imposti fuqhom minn din il-leġiżlazzjoni (sentenza tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C‑17/01, EU:C:2004:242, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
36 |
Ġie wkoll deċiż li, bil-għan li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, ir-regoli bażiċi tad-dritt tal-Unjoni għandhom, fil-prinċipju, jiġu interpretati fis-sens li jkopru biss sitwazzjonijiet li kienu jeżistu wara d-dħul fis-seħħ tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 119). Għaldaqstant, b’mod ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi att tal-Unjoni milli jieħu effett qabel il-pubblikazzjoni jew in-notifika tiegħu, skont il-każ, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jista’ jkun il-każ kuntrarju eċċezzjonalment meta l-għan ta’ interess ġenerali jeżiġi li l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jiġu osservati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1982, Amylum vs Il-Kunsill, 108/81, EU:C:1982:322, punt 4, tas-26 ta’ April 2005, Goed Wonen, C-376/02, EU:C:2005:251, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Novembru 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-413/04, EU:C:2006:741, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Konsegwentement, fid-dawl tar-regola prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE u fin-nuqqas ta’ kull indikazzjoni, fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, dwar l-applikazzjoni retroattiva tagħha, ma jistax jiġi konkluż li din id-deċiżjoni tista’ tapplika retroattivament. Minn dan isegwi li l-Gvern Ungeriż ma kienx f’pożizzjoni li jintroduċi tassazzjoni b’awtolikwidazzjoni għal servizzi mhux previsti fl-Artikolu 199(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT qabel in-notifika mill-Ungerija tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni li tawtorizza din it-tassazzjoni b’awtolikwidazzjoni. |
|
38 |
Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tad-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, huwa possibbli li dawn jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru kkonċernat, kemm meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-terminu previst kemm meta jkun wettqet traspożizzjoni żbaljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Frar 2014, E.ON Global Commodities, C-323/12, EU:C:2014:53, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi, C-337/13, EU:C:2014:328, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma huwa marbut ma’ ebda kundizzjoni u lanqas ma huwa suġġett, fl-implimentazzjoni jew fl-effetti tiegħu, għall-adozzjoni ta’ att mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mill-Istati Membri (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi, C-337/13, EU:C:2014:328, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
Fil-każ ineżami, l-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li l-VAT hija dovuta minn kwalunkwe persuna taxxabbli li twettaq kunsinna ta’ beni jew provvista ta’ servizzi, ħlief meta l-VAT tkun dovuta minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199b u fl-Artikolu 202 ta’ din id-direttiva. |
|
40 |
Konsegwentement, l-Istat Membru ma għandu ebda marġni ta’ diskrezzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-regola ġenerali stabbilita mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT. |
|
41 |
Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 199(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT ma humiex issodisfatti, il-persuni taxxabbli jistgħu għalhekk jinvokaw l-Artikolu 193 ta’ din id-Direttiva quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru kkonċernat. Għalhekk, f’dan il-każ, ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 193 tal-imsemmija Direttiva tapplika u huma l-persuni taxxabbli li wettqu l-provvisti tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li huma għalhekk responsabbli għall-ħlas tal-VAT għall-perijodu li jippreċedi d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
42 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT qabel ma l-att tal-Unjoni li jawtorizza l-imsemmija deroga jkun ġie innotifikat lill-Istat Membru li jkun talabha, minkejja li l-imsemmi att tal-Unjoni ma jipprovdi xejn dwar id-dħul fis-seħħ tiegħu jew id-data li fiha għandu jibda japplika, u dan anki meta l-imsemmi Stat Membru jkun esprima x-xewqa li din id-deroga tapplika b’effett retroattiv. |
Fuq l-ispejjeż
|
43 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-applikazzjoni ta’ miżura li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tal-VAT, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/43/UE tat-22 ta’ Lulju 2013, qabel ma l-att tal-Unjoni li jawtorizza l-imsemmija deroga jkun ġie innotifikat lill-Istat Membru li jkun talabha, minkejja li l-imsemmi att tal-Unjoni ma jipprovdi xejn dwar id-dħul fis-seħħ tiegħu jew id-data li fiha għandu jibda japplika, u dan anki meta l-imsemmi Stat Membru jkun esprima x-xewqa li din id-deroga tapplika b’effett retroattiv. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.