SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 97/81/KE – Ftehim Qafas bejn CES, UNICE u CEEP dwar ix-xogħol part-time – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ħaddiema part-time – Pensjoni tal-irtirar – Kalkolu tal-ammont tal-pensjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tas-snin ta’ servizz imwettqa qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 97/81/KE – Applikazzjoni immedjata għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt il-liġi l-antika”

Fil-Kawża C‑432/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Dermod Patrick O’Brien

vs

Ministry of Justice, li kien Department for Constitutional Affairs,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. P O’Brien, minn C. Jones, solicitor, u T. Burton, barrister, kif ukoll minn R. Crasnow, QC, u R. Allen, QC,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn J. Cavanagh, QC, u R. Hill, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas‑7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/81”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Dermod Patrick O’Brien u l-Ministry of Justice (il-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Renju Unit), li kien id-Department for Constitutional Affairs (id-Dipartiment għall-Affarijiet Kostituzzjonali), dwar l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu dovuta għal funzjonijiet ġudizzjarji li huwa eżerċita part-time.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Konformement mad-Direttiva 98/23, li testendi d-Direttiva 97/81 għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva mogħti lil dan l-Istat Membru skada fis‑7 ta’ April 2000.

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/81 jippreċiża li din hija intiża li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar xogħol part-time konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997 bejn organizzazzjonijiet inġenerali fl-industrija (UKIIE, ĊEIP u KETU) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas”),

5

Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas, intitolata “Il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni”, tipprevedi:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat.

2.

Meta approprjat, il-prinċipju ta’ pro rata temporis għandu japplika.

3.

L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom ikunu definiti mill-Istati Membri u/jew is-sieħba soċjali, b’kont meħud tal-leġislazzjoni Ewropea, il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika.

[…]”

Id-dritt tar-Renju Unit

6

Il-ħlas tal-pensjonijiet tal-imħallfin huwa rregolat bil-Judicial Pensions Act 1981 (il-Liġi tal‑1981 dwar il-Pensjoni tal-Imħallfin, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1981 dwar il-Pensjoni tal-Professjonijiet Ġudizzjarji”) u bil-Judicial Pensions and Retirement Act 1993 (il-Liġi tal‑1993 dwar il-Pensjoni u l-Irtirar tal-Professjonijiet Ġudizzjarji, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑1993”).

7

Il-Liġi tal‑1981 hija applikabbli għall-persuni msemmija qabel il‑31 ta’ Marzu 1995, sakemm ma jagħżlux li jibbenefikaw mill-pensjoni tal-irtirar skont il-Liġi tal‑1993. Il-Liġi tal‑1993 hija applikabbli għall-persuni msemmija sa mill‑31 ta’ Marzu 1995.

8

Skont dawn iż-żewġ liġijiet, pensjoni tista’ titħallas lil kull min jirtira minn “kariga ġudizzjarja li tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti” (qualifying judicial office), sakemm dan ikun laħaq l-età ta’ 65 sena u, fir-rigward tal-persuni li jaqgħu taħt il-Liġi tal‑1993, li jkun eżerċita tali funzjonijiet għal mill-inqas ħames snin.

9

Fid-data meta D. P. O’Brien irtira, kienu biss l-imħallfin full-time u l-imħallfin impjegati part-time li kienu meqjusa bħala li jeżerċitaw “kariga ġudizzjarja li tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti”, li ma kienx il-każ fir-rigward tal-imħallfin part-time imħallsin abbażi ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, bħar-recorders.

10

Kemm is-sistema tal-Liġi tal‑1981 kif ukoll dik tal-Liġi tal‑1993 jipprevedu li l-ammont tal-irtirar ta’ imħallef li jkun ħadem full-time huwa bbażat fuq dak tar-remunerazzjonijiet tal-aħħar sena ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet u fuq in-numru ta’ snin ta’ eżerċizzju tal-kariga ġudizzjarja fid-data tat-tluq għall-irtirar.

11

Skont il-Liġi tal‑1981, circuit judge (Imħallef ta’ Qorti tat-Tieni Istanza) kellu jiġġustifika anzjanità professjonali ta’ ħmistax-il sena sabiex ikun jista’ jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar daqs nofs l-ammont tal-aħħar remunerazzjoni annwali. Il-perijodu korrispondenti skont il-Liġi tal‑1993 jammonta għal 20 sena.

12

Iż-żewġ sistemi jipprevedu li mħallef li kellu karriera iqsar jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar redotta proporzjonalment, li tikkorrispondi mat-tul tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. Kienet titħallas ukoll somma f’daqqa mat-tluq għall-irtirar, li l-ammont tagħha kien ibbażat fuq dak tal-pensjoni tal-irtirar annwali.

13

Ir-Renju Unit implimenta d-Direttiva 97/81 permezz tal-Part-time Workers (Prevention of Less Favourable Treatment) Regulations 2000 (SI 2000/1551) (ir-Regolament Nru 1551 tal‑2000 dwar il-Ħaddiema Part-Time (Prevenzjoni ta’ Trattament Sfavorevoli)), li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2000. Dan ir-regolament jipprevedi li l-ħaddiem part-time ma għandux ikun is-suġġett ta’ trattament sfavorevoli mill-persuna li timpjegah minn ħaddiem full-time f’sitwazzjoni paragunabbli u li, f’dan ir-rigward, il-prinċipju tal-prorata temporis għandu jiġi applikat, ħlief jekk l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma hijiex xierqa.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

D. P. O’Brien ġie ammess fl-avukatura fis-sena 1962 u nħatar bħala Queen’s Counsel fis-sena 1983. Huwa eżerċita l-funzjonijiet ta’ recorder mal-Crown Court mill‑1 ta’ Marzu 1978 sal‑31 ta’ Marzu 2005, data li fiha huwa irtira fl-età ta’ 65 sena. Bħala recorder, huwa ma kienx jirċievi salarju u kien imħallas abbażi ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol.

15

Fix-xahar ta’ Ġunju 2005, D. P. O’Brien talab lid-Dipartiment għall-Affarijiet Kostituzzjonali sabiex jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar fuq l-istess bażi, aġġustata prorata temporis, bħal dik imħallsa lill-imħallfin preċedenti li kienu jaħdmu full-time li eżerċitaw l-istess funzjonijiet bħalu jew funzjonijiet simili. Id-Dipartiment għall-Affarijiet Kostituzzjonali infurmah li huwa ma kienx jaqa’ taħt kategoriji ta’ mħallfin li jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar ta’ mħallef.

16

Fix-xahar ta’ Settembru 2005, D. P. O’Brien adixxa lill-Employment Tribunal (il-Qorti Industrijali, ir-Renju Unit), billi argumenta li huwa kellu dritt għal tali pensjoni skont id-Direttiva 97/81 u l-atti li jittrasponu din tal-aħħar fid-dritt nazzjonali. Dik il-qorti laqgħet it-talba tiegħu, iżda huwa tilef fl-appell quddiem l-Employment Appeal Tribunal (il-Qorti tal-Appell Industrijali, ir-Renju Unit), sussegwentement quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit). Wara rikors ippreżentat quddiemha, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari.

17

Permezz tas-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li kien il-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina jekk D. P. O’Brien kellux jitqies bħala ħaddiem part-time, fis-sens tal-punt 1 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas, iddeċidiet li d-dritt nazzjonali ma setax jistabbilixxi distinzjoni bejn l-imħallfin full-time u l-imħallfin part-time imħallsin abbażi ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw tali differenza fit-trattament.

18

Wara dik is-sentenza, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet, permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Frar 2013, li, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, D. P. O’Brien kellu jitqies li kien ħaddiem part-time, fis-sens tal-punt 1 tal-Klawżola 2 tal-Ftehim Qafas, u li ma kienet inġiebet ebda ġustifikazzjoni oġġettiva sabiex jitwarrab il-prinċipju tar-remunerazzjoni tal-imħallfin li jaħdmu part-time fuq l-istess bażi bħal dik tal-imħallfin li jaħdmu full-time, suġġett għal aġġustament prorata temporis. Is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) għaldaqstant irrikonoxxiet lil D. P. O’Brien id-dritt li jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk ta’ circuit judge (maġistrat ta’ qorti tat-tieni istanza).

19

Għaldaqstant il-kawża ntbagħtet lura quddiem l-Employment Tribunal (il-Qorti Industrijali) sabiex tiddetermina l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar li D. P. O’Brien kellu dritt għaliha. Quddiem dik il-qorti, qamet il-kwistjoni dwar jekk, fid-determinazzjoni ta’ dan l-ammont, kellux jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul kollu tal-funzjonijiet eżerċitati mill-persuna interessata sa mid-data tan-nomina tagħha fl‑1 ta’ Marzu 1978, jiġifieri 27 sena, jew sempliċement il-funzjonijiet biss eżerċitati sa mid-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 97/81, jiġifieri inqas minn 5 snin. L-Employment Tribunal (il-Qorti Industrijali) qieset li kellu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul kollu tal-funzjonijiet, iżda l-Employment Appeal Tribunal (il-Qorti tal-Appell Industrijali) iddeċidiet fis-sens kuntrarju. Il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)) ikkonfermat din id-deċiżjoni tal-aħħar. D. P. O’Brien appella quddiem il-qorti tar-rinviju.

20

Skont id-deċiżjoni ta’ rinviju, il-maġġoranza tal-membri tas-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) ixxaqleb fl-opinjoni tagħha lejn il-fatt li d-Direttiva 97/81 għandha l-effett li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-ħaddiema part-time meta ssir dovuta pensjoni tal-irtirar. Din id-direttiva hija applikabbli ratione temporis meta pensjoni tal-irtirar issir dovuta wara d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Fil-każ li parti mill-anzjanità ġiet akkwistata qabel din id-data, l-imsemmija direttiva tkun applikabbli għall-effetti futuri ta’ tali sitwazzjoni.

21

Madankollu, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni dwar l-argument li jipprovdi li pensjoni tal-irtirar professjonali għandha titqies, bħalma jista’ jiġi dedott mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1993, Ten Oever (C‑109/91, EU:C:1993:833), bħala remunerazzjoni differita li d-drittijiet għaliha huma akkwistati matul il-perijodu ta’ eżerċizzju tal-attività li hija s-suġġett tar-remunerazzjoni. Issa, jekk tali argument kellu jintlaqa’, id-Direttiva 97/81 ma tkunx tista’, konformement mal-prinċipju ġenerali ta’ nuqqas ta’ retroattività, taffettwa d-drittijiet kweżiti jew, bħal fil-każ ta’ D. P. O’Brien, id-drittijiet mhux kweżiti qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, fl-assenza ta’ dispożizzjoni fl-imsemmija direttiva li twarrab dan il-prinċipju. Minkejja li l-maġġoranza tal-membri tal-qorti tar-rinviju għandhom tendenza li jaħsbu li s-soluzzjoni li tirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 1993, Ten Oever (C‑109/91, EU:C:1993:833) ma hijiex trasponibbli għall-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma jqisu madankollu li s-soluzzjoni li għandha tingħata ma hijiex evidenti.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [97/81], u b’mod iktar partikolari il-klawżola 4 tal-[ftehim qafas], marbuta mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, tirrikjedi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz moqdija qabel id-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem part-time ġalaladarba tali perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem [paragunabbli] full-time?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 97/81 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-perijodi ta’ anzjanità qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem full-time, għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar ta’ ħaddiem part-time paragunabbli.

24

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li D. P. O’Brien eżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ mħallef part-time imħallas abbażi ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol bejn l‑1 ta’ Marzu 1978 u l‑31 ta’ Marzu 2005, jiġifieri, essenzjalment, għal perijodu qabel l-iskadenza, fis‑7 ta’ April 2000, tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 97/81 fir-Renju Unit. Issa, matul dan il-perijodu, ma kienx previst mis-sistema nazzjonali ta’ pensjoni tal-professjonijiet ġudizzjarji li l-imħallfin part-time imħallsa abbażi ta’ onorarji għal kull ġurnata xogħol igawdu minn pensjoni tal-irtirar abbażi ta’ dawn il-funzjonijiet.

25

Barra minn hekk mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Imħallfin jakkwistaw dritt għal pensjoni skont is-sistema ta’ pensjoni tal-professjonijiet ġudizzjarji applikabbli fl-Ingilterra u Wales skont perijodi ta’ anzjanetà li jagħtu dritt għal pensjoni. Is-sistemi ta’ pensjoni rilevanti huma sistemi msejħa “l-aħħar salarju”, skont liema l-pensjoni tal-imħallfin hija kkalkulata billi tiġi mmultiplikata parti ddeterminata tar-remunerazzjoni tal-aħħar sena ta’ servizz li tagħti dritt għal pensjoni bin-numru totali ta’ snin u ta’ ġranet ta’ anzjanetà fid-data tat-tluq għall-irtirar.

26

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli ta’ proċedura ġeneralment japplikaw fid-data li fiha jidħlu fis-seħħ (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 45), b’differenza għar-regoli sostantivi li ġeneralment huma interpretati fis-sens li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom, ħlief sa fejn jirriżulta ċarament mill-kliem tagħhom, mill-għan tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li għandu jingħatalhom tali effett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1981, Meridionale Industria Salumi et, 212/80 sa 217/80, EU:C:1981:270, punt 9, kif ukoll tat‑23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C‑201/04, EU:C:2006:136, punt 31).

27

Għandu jiżdied li regola ta’ dritt ġdida tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li, għalkemm ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi qabel dan id-dħul fis-seħħ, hija tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li bdiet taħt il-liġi l-antika kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Dan ikun differenti, u suġġett għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti legali, jekk ir-regola l-ġdida jkollha magħha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni vs Moravia Gas Storage, C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Hemm lok, qabel xejn, jitfakkar li la d-Direttiva 97/81 u lanqas il-Ftehim Qafas ma jidderogaw mill-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et, C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 54).

29

Għandu għaldaqstant jiġi eżaminat jekk l-akkwist progressiv ta’ drittijiet għal pensjoni matul il-perijodu preċedenti għad-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 97/81 fir-Renju Unit għandux l-effett li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha titqies bħala definittivament konkluża f’din id-data.

30

Il-Gvern tar-Renju Unit jargumenta f’dan ir-rigward li r-remunerazzjonijiet iddifferiti li jieħdu l-forma ta’ dritt għal pensjoni professjonali jiżdiedu bl-istess mod bħall-forom l-oħrajn ta’ remunerazzjoni. Fil-każ ta’ sistemi ta’ pensjoni tal-professjonijiet ġudizzjarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-pensjoni tkun kweżita abbażi ta’ perijodi suċċessivi ta’ anzjanetà li kull wieħed minnhom jagħti dritt għal pensjoni, u d-drittijiet għal pensjoni jiżdiedu kif u meta jiġi komplut kull perijodu ta’ anzjanetà. Għaldaqstant, sa fejn fl-aħħar ta’ kull perijodu ta’ anzjanetà, id-dritt għal pensjoni kweżit korrispondenti jeżawrixxi l-effetti tiegħu, ma jkunux jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni drittijiet għal pensjoni akkwistati preċedentement għad-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 97/81 fir-Renju Unit.

31

Billi jagħmel riferiment f’dan ir-rigward għas-sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209), u tas‑6 ta’ Ottubru 1993, Ten Oever (C‑109/91, EU:C:1993:833), il-Gvern tar-Renju Unit jenfasizza l-partikolarità ta’ din il-forma ta’ remunerazzjoni li tikkonsisti f’disassoċjazzjoni temporanja bejn l-istabbiliment tad-dritt għal pensjoni, li jseħħ progressivament matul il-karriera tal-ħaddiem, u l-ħlas effettiv tas-servizz, li huwa min-naħa l-oħra ddifferit sa età partikolari.

32

Madankollu, hemm lok jiġi rrilevat, minn naħa, li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma distinti minn dawk fl-oriġini tal-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, li fihom inkwistjoni kien hemm l-applikazzjoni tal-effetti ta’ sentenza ratione temporis.

33

Għandu f’dan ir-rigward jitfakkar li l-kwistjoni tal-effett retroattiv ta’ regola ta’ dritt ma tistax tiġi konfuża ma’ dik tal-effetti ratione temporis ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Bħalma hija fakkret fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209), il-kundizzjonijiet li l-limitazzjoni tal-effetti ta’ sentenza ratione temporis hija suġġetta għalihom huma dovuti għall-eżistenza ta’ problemi serji li din jista’ jkollha għall-passat.

34

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Gvern tar-Renju Unit fl-ebda mument ma talab lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2012, O’Brien (C‑393/10, EU:C:2012:110). Issa, limitazzjoni bħal din tista’ tkun ammessa biss fis-sentenza stess li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber, C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 41).

35

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument tal-Gvern tar-Renju Unit li jipprovdi li wieħed għandu jiddistingwi l-kalkolu tal-anzjanetà meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika minn pensjoni tal-irtirar mid-drittijiet għal pensjoni, hemm lok jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li dritt għal pensjoni huwa definittivament kweżit fl-aħħar tal-perijodu ta’ attività korrispondenti ma jippermettix li jiġi konkluż li s-sitwazzjoni legali tal-ħaddiem għandha titqies bħala definittivament konkluża. Għandu f’dan ir-rigward jiġi kkonstatat li huwa biss sussegwentement u billi jittieħdu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ attività rilevanti li l-imsemmi ħaddiem ikun jista’ jgawdi effettivament minn dan id-dritt għall-ħlas tal-pensjoni tal-irtirar tiegħu.

36

Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-istabbiliment tad-drittijiet għal pensjoni jestendi fuq perijodi kemm qabel kif ukoll wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 97/81, għandu jitqies li d-determinazzjoni ta’ dawn id-drittijiet hija rregolata bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, inklużi dawk fir-rigward ta’ perijodi ta’ anzjanetà preċedenti għad-data ta’ dħul fis-seħħ tagħha.

37

Tali sitwazzjoni għandha, f’dan ir-rigward, tiġi distinta minn dik, invokata mill-Gvern tar-Renju Unit insostenn tal-argumenti tiegħu, tal-kollegi tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li rtiraw qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 97/81.

38

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 97/81 għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-perijodi ta’ anzjanetà preċedenti għad-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas‑7 ta’ April 1998, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-perijodi ta’ anzjanetà preċedenti għad-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 97/81, kif emendata bid-Direttiva 98/23, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni tal-irtirar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.