SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

17 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manufattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabbakk – Direttiva 2014/40/UE – Projbizzjoni fuq it-tqegħid fuq is-suq tat-tabakk għall-użu orali – Kunċetti ta’ ‘tabakk tal-mastikazzjoni’ u ta’ ‘tabakk għall-użu orali’ – Pejst magħmul minn tabakk mitħun fin (Thunder Chewing Tobacco) u qratas individwali porużi taċ-ċelluloża mimlija b’tabakk maqtugħ fin (Thunder Frosted Chewing Bags)”

Fil-Kawża C‑425/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

Günter Hartmann Tabakvertrieb GmbH & Co. KG

vs

Stadt Kempten,

fil-preżenza ta’:

Landesanwaltschaft Bayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Ħames Awla, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, C. G. Fernlund u S. Rodin (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Günter Hartmann Tabakvertrieb GmbH & Co. KG, minn A. Mayer, Rechtsanwalt,

għall-Stadt Kempten, minn C. Hage, bħala aġent,

għal-Landesanwaltschaft Bayern, minn P. Hahn, Landesanwalt,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. Wolff u P. Ngo, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos, A. Vasilopoulou u E. Chroni, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 6 u 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1 u rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Günter Hartmann Tabakvertrieb GmbH & Co. KG u l-iStadt Kempten (il-belt ta’ Kempten, il-Ġermanja) dwar il-projbizzjoni imposta fuq din il-kumpannija milli tikkummerċjalizza prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux fuq is-suq Ġermaniż.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 32, 34 u 35 tad-Direttiva 2014/40 jistabbilixxu:

“(32)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/622/KEE [tat‑13 ta’ Novembru 1989 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward it-tikkettar tal-prodotti tat-tabakk kif ukoll il-projbizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ tabakk għall-użu orali (ĠU 1989, L 359, p. 1)] pprojbixxiet il-bejgħ fl-Istati Membri ta’ ċerti tipi ta’ tabakk għall-użu orali. Id-Direttiva 2001/37/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk (ĠU 2001, L 194, p. 26)] affermat mill-ġdid dik il-projbizzjoni. L-Artikolu 151 tal-[Att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1)] jagħti [lir-Renju tal-]Isvezja deroga mill-projbizzjoni. Il-projbizzjoni tal-bejgħ ta’ tabakk għall-użu orali għandha tinżamm sabiex tipprevjeni l-introduzzjoni fl-Unjoni (minbarra [fir-Renju tal-]Isvezja) ta’ prodott li jikkawża dipendenza u li għandu effetti negattivi fuq is-saħħa. Għal prodotti oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux u li mhumiex prodotti għas-suq tal-massa, id-dispożizzjonijiet stretti dwar it-tikkettar u ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-ingredjenti tagħhom huma meqjusa suffiċjenti għall-kontroll tal-espansjoni tagħhom fuq is-suq lil hinn mill-użu tradizzjonali tagħhom.

[…]

(34)

Il-prodotti kollha tat-tabakk għandhom il-potenzjal li jikkawżaw mortalità, morbożità u diżabilità. Għalhekk il-manifattura, id-distribuzzjoni u l-konsum tagħhom għandhom jiġu rregolati. Għalhekk, huwa importanti li jiġu mmonitorjati l-iżviluppi rigward prodotti tat-tabakk ġodda. Il-manifatturi u l-importaturi għandhom ikunu obbligati li jippreżentaw notifika dwar il-prodotti tat-tabakk ġodda, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Istati Membri li jipprojbixxu jew jawtorizzaw tali prodotti ġodda.

(35)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet indaqs, il-prodotti tat-tabakk ġodda, li huma prodotti tat-tabakk kif definit f’din id-Direttiva, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(4)

‘prodotti tat-tabakk’ tfisser prodotti li jistgħu jiġu kkunsmatiu li jikkonsistu, anki parzjalment, mit-tabakk, kemm jekk ġenetikament modifikati kemm jekk le;

(5)

‘prodott tat-tabakk li ma jdaħħanx’ tfisser prodott tat-tabakk li ma jinvolvix il-proċess ta’ kombustjoni, inkluż it-tabakk tal-magħda, it-tabakk tal-imnieħer u t-tabakk għall-użu orali;

(6)

‘tabakk tal-magħda’ tfisser prodott tat-tabakk mingħajr duħħan maħsub esklużivament għall-magħda;

[…]

(8)

‘tabakk għall-użu orali’ tfisser il-prodotti tat-tabakk kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba għall-inalazzjoni jew għall-magħda, magħmula kompletament jew parzjalment minn tabakk, fi trab jew f’forma ta’ partikuli jew fi kwalunkwe taħlita ta’ dawk il-forom, partikolarment dawk ippreżentati f’porzjonijiet fi qratas jew qratas porużi;

[…]

(14)

‘prodott tat-tabakk ġdid’ tfisser prodott tat-tabakk li:

(a)

ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-kategoriji li ġejjin: sigaretti, tabakk tal-brim, tabakk tal-pipa, tabakk tal-pipa tal-ilma, sigarri, sigarri żgħar, tabakk tal-magħda, tabakk tal-imnieħer jew tabakk għall-użu orali; u

(b)

jitqiegħed fis-suq wara d‑19 ta’ Mejju 2014;

[…]”

5

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tabakk għall-użu orali” jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali, mingħajr ħsara għall-Artikolu 151 tal-Att tal-Adeżjoni [tar-Repubblika] tal-Awstrija, [tar-Repubblika tal]-Finlandja u [tar-Renju tal]-Isvezja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

Günter Hartmann Tabakvertrieb hija kumpannija Ġermaniża li timporta fil-Ġermanja diversi prodotti tat-tabakk li hija tiddistribwixxi fuq is-suq Ġermaniż, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-prodotti bl-isem “Thunder Chewing Tobacco” u “Thunder Frosted Chewing Bags”, immanifatturati minn V2 Tobacco A/S, kumpannija rregolata mid-dritt Daniż.

7

F’opinjoni tat‑18 ta’ Settembru 2014, il-Bayerisches Landesamt für Gesundheit und Lebensmittelsicherheit (id-Dipartiment tal-Land ta’ Bayern responsabbli għas-saħħa u għas-sigurtà tal-ikel, il-Ġermanja) analizza l-prodott “Thunder Frosted Chewing Bags”, imqassma fuq is-suq Ġermaniż minn Günter Hartmann Tabakvertrieb, u wasal għall-konklużjoni li, minħabba l-istruttura tiegħu, il-konsistenza tiegħu u t-tip ta’ użu tiegħu, dan huwa prodott tat-tabakk ipprojbit, peress li kien intiż għal użu ieħor orali u mhux għat-tipjip jew għall-mastikazzjoni.

8

Permezz ta’ opinjonijiet, rispettivament, tad‑19 ta’ Novembru 2014 u tas‑26 ta’ Novembru 2014, l-imsemmi dipartiment ikkunsidra li dan kien jgħodd ukoll għall-prodotti “Thunder Wintergreen Chewing Tobacco” u “Thunder Original Chewing Tobacco”.

9

Sussegwentement, permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑13 ta’ Ottubru 2014 u tal‑15 ta’ Jannar 2015, adottati skont il-liġi Ġermaniża li ttrasponiet id-Direttiva 2014/40, il-belt ta’ Kempten ipprojbiet lil Günter Hartmann Tabakvertrieb li jqiegħed fuq is-suq il-prodotti “Thunder Chewing Tobacco” u “Thunder Frosted Chewing Bags”.

10

Din il-kumpannija ikkontestat dawn id-deċiżjonijiet permezz ta’ rikors quddiem il-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Augsburg (Bayern), il-Ġermanja). Fit‑28 ta’ Lulju 2015 din il-qorti żammet seduta dwar iż-żewġ rikorsi li fihom hija stess eżaminat l-imsemmija prodotti tat-tabakk kif ukoll tat-tabakk tal-mastikazzjoni klassiku u tal-prodott tat-tip “snus”.

11

Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2015, il-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Augsburg (Bayern)) annullat id-deċiżjoni tal-belt ta’ Kempten dwar il-prodott “Thunder Chewing Tobacco”, billi qieset li, peress li huwa prodott intiż għall-mastikazzjoni, jista’ jitqiegħed fuq is-suq.

12

F’dan ir-rigward, din il-qorti osservat, b’mod partikolari, li s-sempliċi fatt li l-prodott “Thunder Chewing Tobacco” huwa prodott ġdid u huwa differenti mit-tabakk għall-mastikazzjoni tradizzjonali ma kienx jiġġustifika projbizzjoni tat-tqegħid fuq is-suq. Fil-fatt, sabiex ikun magħruf jekk prodott huwiex intiż għall-mastikazzjoni, wieħed għandu jibbaża fuq evalwazzjoni oġġettiva tal-prodott u mhux fuq l-indikazzjonijiet tal-manifattur jew fuq l-opinjoni tal-konsumaturi. Issa, mill-eżami mwettaq minn din l-istess qorti, jirriżulta li l-prodott tat-tabakk inkwistjoni huwa prodott li jista’ jintmagħad. Skont l-imsemmija qorti, anki wara li wieħed qiegħed il-prodott f’tazza ilma, sa tmiem is-seduta, dan baqa’ sħiħ, massa solida li tirreżisti pressjoni, mingħajr ma jinqasam. Min-naħa l-oħra, is-“snus” bl-użin malajr jinħall fl-ilma u jibqa’ f’qiegħ it-tazza. Għalhekk, il-prodott “Thunder Chewing Tobacco” jirreżisti għal azzjoni mekkanika tas-snien u, sa ċertu punt, jirrikjedi tali azzjoni sabiex joħorġu l-komponenti tat-tabakk.

13

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-prodott “Thunder Frosted Chewing Bags”, il-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Augsburg (Bayern)), permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2015, ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Günter Hartmann Tabakvertrieb, peress li, b’mod partikolari, dan kien każ ta’ tabakk maqtugħ fin ħafna, b’konsistenza simili għal żrieragħ, ippakkjat fi qratas taċ-ċelluloża, li ma tirreżistix għal azzjoni mekkanika tas-snien u li ma kellhiex bżonn ta’ tali azzjoni sabiex joħorġu l-komponenti tiegħu. Fil-fatt, skont din il-qorti, prodott tat-tabakk ma huwiex intiż għall-mastikazzjoni minħabba li s-sempliċi forma ta’ preżentazzjoni indipendenti mill-prodott tat-tabakk innifsu jikkonferixxi l-kapaċità tiegħu li jintmagħad.

14

Günter Hartmann Tabakvertrieb u l-belt ta’ Kempten ippreżentaw appell kontra dawn is-sentenzi tal-Bayerisches Verwaltungsgericht Augsburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Augsburg (Bayern)) quddiem il-qorti tar-rinviju.

15

Din il-qorti tosserva li d-Direttiva 2014/40 ma tindikax taħt liema ċirkustanzi prodott tat-tabakk huwa intiż għall-mastikazzjoni fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva u diversi interpretazzjonijiet tressqu matul il-proċedura fil-kawża prinċipali mingħajr ma waħda minnhom tipprevali b’mod ċar.

16

Huwa f’dan il-kuntest li l-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Bayern, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2014/40] għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss prodotti tat-tabakk għall-mastikazzjoni fis-sens klassiku li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ‘prodotti intiżi li jintmagħdu’?

2)

Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ ‘prodotti intiżi li jintmagħdu’ huwa sinonimu mal-kunċett ta’ ‘tabakk tal-mastikazzjoni’ imsemmi fil-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva?

3)

Il-kwistjoni dwar jekk prodott tat-tabakk huwa ‘intiż li jintmagħad’ fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE, għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ evalwazzjoni oġġettiva tal-prodott u mhux abbażi tal-indikazzjonijiet tal-manifattur jew tal-użu effettiv mill-konsumaturi?

4)

Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex ikun intiż li jintmagħad, huwa neċessarju li l-prodott tat-tabakk ikun, mill-konsistenza u mill-fermezza tiegħu, oġġettivament adatt sabiex jintmagħad u li l-mastikazzjoni twassal għar-rilaxx tas-sustanzi inklużi fil-prodott?

5)

Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex prodott tat-tabakk ikun intiż ‘għall-mastikazzjoni’, huwa barra minn hekk neċessarju, iżda wkoll suffiċjenti, li bl-azzjoni repetuta ta’ pressjoni leġġera bis-snien jew bl-ilsien fuq il-prodott tat-tabakk, ikun hemm rilaxx ikbar tal-ingredjenti tal-prodott milli jekk tali prodott jinżamm sempliċement fil-ħalq?

6)

Jew, sabiex prodott tat-tabakk ‘ikun intiż li jintmagħad’, huwa neċessarju li s-sempliċi fatt li l-prodott jinżamm fil-ħalq jew li jiġi ssoffjat ma jirriżultax fir-rilaxx tal-ingredjenti tiegħu?

7)

Il-kapaċità ta’ prodott ‘li jintmagħad’ fis-sens tal-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 2014/40/UE, tista’ tingħata wkoll bl-għamla tal-preżentazzjoni barra mit-tabakk ipproċessat, bħal pereżempju qartas taċ-ċelluloża?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “prodotti tat-tabakk intiżi għall-mastikazzjoni” fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, sabiex jiġi evalwat jekk prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt il-projbizzjoni tat-tqegħid fuq is-suq tat-tabakk għall-użu orali stabbilit fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.

18

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Thomas Philipps, C‑419/15, EU:C:2016:468, punt 18, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40, l-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151 tal-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja, jipprojbixxu t-tqegħid fuq is-suq tat-tabakk għall-użu orali.

20

Dawn huma ddefiniti fil-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva bħala, “il-prodotti tat-tabakk kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba għall-inalazzjoni jew għall-magħda, magħmula kompletament jew parzjalment minn tabakk, fi trab jew f’forma ta’ partikuli jew fi kwalunkwe taħlita ta’ dawk il-forom, partikolarment dawk ippreżentati f’porzjonijiet fi qratas jew qratas porużi”.

21

Dwar it-tabakk tal-mastikazzjoni, li konsegwentement, skont din id-dispożizzjoni, jevita l-projbizzjoni tat-tabakk għall-użu orali prevista fl-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva, dan huwa ddefinit fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tal-istess direttiva bħala “prodott tat-tabakk mingħajr duħħan maħsub esklużivament għall-magħda”.

22

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għat-teżi sottostanti għat-tieni domanda preliminari, il-kunċett ta’ “tabakk intiż għall-mastikazzjoni”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, ma jistax jitqies distint minn dak tat-“tabakk tal-mastikazzjoni” imsemmi fil-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, fir-rigward ta’ dan il-prodott li kien speċifikament is-suġġett ta’ definizzjoni f’din l-aħħar dispożizzjoni, xejn ma jindika li din id-definizzjoni ma tapplikax peress li din hija preċiżament kwistjoni, fil-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, ta’ “prodotti tat-tabakk […] intiżi għall-mastikazzjoni”.

23

Fir-rigward, sussegwentement, tal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li d-Direttiva 2014/40 tfittex, skont l-Artikolu 1, għan doppju li jikkonsisti fil-fatt li tiffaċilita l-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 171, kif ukoll tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 80).

24

Għal dak li jirrigwarda, iktar speċifikament, l-għan tal-projbizzjoni tat-tabakk għall-użu orali, previst fl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi osservat li din il-projbizzjoni ġiet introdotta bid-Direttiva tal-Kunsill 92/41/KEE tal‑15 ta’ Mejju 1992, li temenda d-Direttiva 89/622/KEE (ĠU 1992, L 158, p. 30).

25

Issa, mill-premessi tad-Direttiva 92/41 jirriżulta li l-imsemmija projbizzjoni, li sussegwentement, ġiet ikkonfermata u repetuta fl-atti sussegwenti għal din id-direttiva f’dan il-qasam, bl-aħħar waħda tkun id-Direttiva 2014/40, kienet immotivata, b’mod partikolari, mir-riskju reali li jippreżentaw prodotti tat-tabakk għall-użu orali ġodda fuq is-suq tal-Istati Membri, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, minħabba l-attrazzjoni partikolari li dawn jeżerċitaw fuq dan il-grupp ta’ konsumaturi, bil-konsegwenza li jġibu magħhom dipendenza fuq in-nikotina.

26

Fl-istess ħin, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien xieraq li tirriżerva trattament differenti għal prodotti oħra tat-tabakk li ma jdaħħnux, li jistgħu jiġu kklassifikati bħala prodotti tat-tabakk “tradizzjonali”, bħat-tabakk tal-mastikazzjoni, minħabba, b’mod partikolari, l-assenza ta’ natura ġdida u attraenti għaż-żgħażagħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match, C‑210/03, EU:C:2004:802, punt 66).

27

Issa, jekk il-projbizzjoni tat-tabakk għall-użu orali ġiet introdotta minħabba d-dħul fuq is-suq ta’ prodotti tat-tabakk ġodda intiżi għal tali użu, b’mod partikolari dawk tat-tip “snus”, minn dan ma jistax jiġi dedott li n-natura ġdida jew, inkella, “klassika” jew “tradizzjonali” ta’ prodott, li għalih il-qorti tar-rinviju tirreferi fid-deċiżjoni tar-rinviju hija, bħala tali, determinanti biex prodott jiġi kklassifikat bħala prodott tat-tabakk intiż għall-użu orali, fis-sens tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 8 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.

28

Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:487), id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jagħmlux distinzjoni bejn prodotti skont il-karattru tradizzjonali jew le, iżda skont l-użu li għalih huma intiżi.

29

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat, minn naħa, li huwa stabbilit li l-projbizzjoni tat-tqegħid fuq is-suq tat-tabakk għall-użu orali previst fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/40 huwa intiż, b’mod partikolari, għat-tabakk għall-irdigħ tat-tip “snus” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il‑Kummissjoni vs Id‑Danimarka, C‑468/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:504, punti 2425), b’dan il-prodott jista’ jiġi deskritt bħala “tabakk mitħun jew imqatta’ fin, mibjugħ bl-użin jew f’pakketti żgħar u intiż sabiex ikun ikkunsmat billi jitpoġġa bejn il-ħanek u x-xoffa” (sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André, C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 19).

30

Min-naħa l-oħra, jirriżulta kemm mill-kuntest kif ukoll mill-iskop tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, kif jirriżultaw mill-punti 19 sa 26 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari min-natura derogatorja tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li l-kunċett ta’ “prodotti tat-tabakk intiżi għall-mastikazzjoni” għandha tiġi interpretata strettament, b’tali mod li hija ma tistax tinkludi tabakk għall-irdigħ, bħal dawk tat-tip “snus”.

31

Fil-fatt, kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2014/40 jirriżulta li, billi jiżdied l-avverbju “esklużivament” mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tabakk tal-mastikazzjoni” li jinsab fil-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jiċċara dan il-kunċett sabiex jitnaqqsu l-opportunitajiet fejn tista’ tiġi evitata l-projbizzjoni tat-tabakk għall-użu orali minħabba tentattivi repetuti ta’ kummerċjalizzazzjoni tat-tabakk tat-tip “snus” taħt it-titolu ta’ “tabakk tal-mastikazzjoni”.

32

Minn dan isegwi li jistgħu biss jiġu kklassifikati bħala “prodotti tat-tabakk intiżi għall-mastikazzjoni”, fis-sens tal-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, prodotti li jistgħu biss jiġu kkunsmati meta jintmagħdu, jiġifieri li huwa biss meta jintmagħdu li joħorġu fil-ħalq is-sustanzi essenzjali tagħhom.

33

Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi kkwalifikat bħala tali, prodott tat-tabakk li filwaqt li jista’ wkoll jintmagħad, huwa prinċipalment intiż għall-irdigħ, jiġifieri prodott li huwa biżżejjed li jitqiegħed fil-ħalq sabiex is-sustanzi essenzjali tiegħu joħorġu.

34

Fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tapplika r-regoli tal-Unjoni għal każ speċifiku, iżda sempliċement li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti meħuda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenzi tal‑10 ta’ Mejju 2001, Veedfald, C‑203/99, EU:C:2001:258, punt 31, kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2005, MyTravel, C‑291/03, EU:C:2005:591, punt 43).

35

Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi kollha rilevanti tal-prodotti kkonċernati fil-kawża prinċipali, bħall-kompożizzjoni tagħhom, il-konsistenza tagħhom, il-forma ta’ preżentazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, l-użu effettiv tagħhom mill-konsumaturi, jekk huma jistgħu jiġu biss ikkunsmati billi jintmagħdu.

36

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-prodotti tat-tabakk li jistgħu biss jiġu kkunsmati billi jintmagħdu li jikkostitwixxu prodotti tat-tabakk intiżi għall-mastikazzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwarhom fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi kollha rilevanti tal-prodotti kkonċernati, bħall-kompożizzjoni tagħhom, il-konsistenza tagħhom, il-forma ta’ preżentazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, l-użu effettiv tagħhom mill-konsumaturi.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 8 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, moqri flimkien mal-punt 6 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-prodotti tat-tabakk li jistgħu biss jiġu kkunsmati billi jintmagħdu li jikkostitwixxu prodotti tat-tabakk intiżi għall-mastikazzjoni fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi dwarhom fuq il-bażi tal-karatteristiċi oġġettivi kollha rilevanti tal-prodotti kkonċernati, bħall-kompożizzjoni tagħhom, il-konsistenza tagħhom, il-forma ta’ preżentazzjoni tagħhom u, fejn xieraq, l-użu effettiv tagħhom mill-konsumaturi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.