SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

13 ta’ Settembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tariffa doganali komuni – Intestaturi tariffarji – Klassifikazzjoni tal-merkanzija – Kamera li għandha memorja volatili, bil-konsegwenza li r-reġistrazzjoni ta’ immaġni fil-kamera jintilfu meta tittieħed immaġni oħra jew meta l-kamera tintefa – Nomenklatura Magħquda – Subintestaturi 85258019 u 85258030 – Noti ta’ spjega – Interpretazzjoni – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 113/2014 – Interpretazzjoni – Validità”

Fil-Kawża C‑372/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali tal-Provinċja ta’ Noord‑Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ġunju 2017, fil-proċedura

Vision Research Europe BV

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Douane kantoor Rotterdam Rijnmond,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ April 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vision Research Europe BV, minn N. Ooyevaar u D. van Vliet kif ukoll minn H. Ooyevaar, conseillers fiscaux,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u P. Huurnink kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u P. Vanden Heede, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 85258030 tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-[Tariffa Doganali Komuni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal‑4 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 290, p. 1), kif ukoll il-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 113/2014 tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU 2014, L 38, p. 20).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vision Research Europe BV (iktar ’il quddiem “Vision Research”) u l-Inspecteur van de Belastingdienst/douane kantoor Rotterdam Rijnmond (l-Ispettur tas-servizz tat-taxxa/dwana, uffiċċju ta’ Rotterdam Rijnmond) (iktar ’il quddiem l-“Ispettur”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-kamera bl-isem ta’ “Phantom V7.3”.

Il-kuntest ġuridiku

In-NM

3

Il-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni Ewropea hija rregolata min-NM. Il-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1001/2013.

4

In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u għall-kodifikazzjoni tal-oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni ġiet approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM tirriproduċi t-titoli u s-sottotitoli tas-SA għal sitt figuri, u s-seba’ u t-tmien figuri biss joħolqu subdiviżjonijiet ulterjuri li huma speċifiċi għaliha.

5

Konformement mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(1)(a), u mal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”), il-Kummissjoni Ewropea, assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali, tiddeċiedi l-miżuri relatati mal-applikazzjoni tan-NM, li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-oġġetti. Huwa fuq il-bażi tal-ewwel minn dawn id-dispożizzjonijiet li ġie adottat ir-Regolament Nru 113/2014.

6

L-ewwel parti tan-NM tinkludi d-dispożizzjonijiet preliminari, fosthom it-Taqsima 1, intitolat “Regoli ġenerali”, Sezzjoni A “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-nomenklatura magħquda”, li tipprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subtitli ta’ titlu għandha tkun deċiża skont it-termini ta’ dawk is-subtitli u kwalunkwe noti ta’ subtitli relatati u, mutatis mutandis skont ir-regoli ta’ hawn fuq, skont il-kondizzjoni li subtitli fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitlu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

7

It-tieni parti tan-NM intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi t-Taqsima XVI, li tinkludi l-Kapitolu 85, intitolata “Makkinarju u għodod mekkaniċi; apparat elettriku; partijiet tagħhom; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu l-ħoss; strumenti li jirrekordjaw u strumenti li jirriproduċu stampa u ħoss televiżivi u partijiet u aċċessorji ta’ dawn l-oġġetti”.

8

Il-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi l-intestaturi u subintestaturi li ġejjin:

“8525 Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw

[…]

852580 Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw

‐ ‐ Kameras tat-televiżjoni

[…]

85258019 – – – Oħrajn

85258030 ‐ ‐ Kameras diġitali

‐ ‐ Vidjowkameras li jirrekordjaw

85258091 – – – Jistgħu jirreġistraw biss ħoss u immaġni meħudin b’telekamera

85258099 – – – Oħrajn”.

In-noti ta’ spjega tas-SA u tan-NM

9

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 8525 jindikaw dan li ġej:

“B. Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw

Dan il-grupp jinkludi l-kameras għat-teħid tal-immaġni u għall-konverżjoni tagħhom f’sinjal elettroniku li huwa:

1.

trażmess bħala immaġni vidjo lejn pożizzjoni esterna għall-kamera sabiex dawn jidhru jew jiġu rreġistrati minn distanza (kameras tat-televiżjoni); jew

2.

irreġistrat fil-kamera bħala immaġni fissi jew immaġni animati (kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw, pereżempju).

Numru ta’ apparati f’din l-intestatura jistgħu jkollhom apparenza li effettivament tixxiebah dik tal-kameras fotografiċi tan-Nru 90.06 jew tal-kameras ċinematografiċi tan-Nru 90.07. L-apparati li jaqgħu taħt in-Nru 85/25 u dawk ikklassifikati fil-Kapitolu 90 jinkludu ġeneralment objettivi li jippermettu li l-immaġni tiġi ffukata fuq midja fotosensittiva kif ukoll ċerti dispożittivi ta’ manipulazzjoni biex tiġi mmodulata l-kwantità ta’ dawl li jidħol fl-apparat. Madankollu, il-kameras fotografiċi u ċinematografiċi tal-Kapitolu 90 juru immaġni fuq films fotografiċi tal-Kapitolu 37, filwaqt li l-apparati li jaqgħu taħt din l-intestatura jirrekordjaw immaġni taħt forma ta’ data analoġika jew diġitali.

Il-kameras ta’ din l-intestatura jaqbdu l-immaġni billi jiffukawhom fuq dispożittiv fotosensittiv, pereżempju semikonduttur ta’ ossidu tal-metall kumplimentari (CMOS) jew dispożittiv tat-tip charge-coupled (CCD). Id-dispożittiv fotosensittiv jibgħat rappreżentazzjoni elettrika tal-immaġni, li sussegwentement tiġi kkonvertita f’reġistrazzjoni analoġika jew diġitali ta’ dawn l-immaġni.

Il-kameras tat-televiżjoni jistgħu jinkludu dispożittiv inkorporat għall-kmand fuq distanza tal-objettiv u tad-dijaframma kif ukoll għaċ-ċaqliq orizzontali u vertikali ttelekomandat tal-kamera (pereżempju, il-kameras tat-televiżjoni għall-istudjos tat-televiżjoni jew il-kameras ta’ reportage, dawk użati għal finijiet industrijali jew xjentifiċi, għat-televiżjoni f’ċirkwit wieqaf (sorveljanza) jew għas-sorveljanza tat-traffiku). Dawn il-kameras ma jinkludux dispożittiv li jippermetti r-reġistrazzjoni tal-immaġni.

Uħud minn dawn il-kameras jistgħu wkoll jintużaw flimkien ma’ magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni (il-webcams, pereżempju).

[…]

L-apparati fotografiċi diġitali u l-vidjokameras jirrekordjaw l-immaġni fuq dispożittiv ta’ ħażna interna jew fuq midja esterni (tejps manjetiċi, midja ottika, midja b’semikonduttur jew midja oħra li taqa’ taħt in-Nru 85.23). Huma jistgħu jinkludu konvertitur analoġiku/diġitali kif ukoll output li l-permezz tiegħu l-immaġni jistgħu jiġu trażmessi lil unitajiet ta’ magni awtomatiċi ta’ pproċessar tal-informazzjoni, bħal stampaturi, televiżjonijiet jew magni oħra li jippermettu li jintwerew immaġni. Ċertu kameras fotografiċi diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw jinkludu inputs għal reġistrazzjoni interna ta’ fajl ta’ immaġni analoġiċi jew diġitali, minn magni esterni msemmija iktar ’il fuq.

Dawn l-apparati ġeneralment jinkludu viewfinder ottiku, skrin bi kristalli likwidi (LCD), jew saħansitra t-tnejn. Numru ta’ apparati li jinkludu skrin LCD jistgħu jużaw dan tal-aħħar sew bħala viewfinder għat-teħid tal-immaġni jew inkella bħala skrin li jippermetti li jintwerew l-immaġni rrekordjati. F’ċerti każijiet, l-apparat jista’ jtella’ fuq l-iskrin LCD immaġni provenjenti minn sorsi oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

In-Noti ta’ Spjega tan-NM (ĠU 2011, C 137, p. 1) jirrigwardaw in-NM fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 861/2010 tal‑5 ta’ Ottubru 2010 (ĠU 2010, L 284, p. 1). L-intestatura 8525 kif ukoll is-subintestaturi 85258019, 85258030, 85258091 u 85258099 tan-NM huma fformulati b’mod identiku fil-verżjonijiet li jirriżultaw mir-Regolament Nru 861/2010 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1001/2013. In-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar dawn l-intestaturi u subintestaturi jipprovdu kif ġej:

“8525

Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw

[…]

8525 80 11 sa 8525 80 99

Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjowkameras li jirrekordjaw

Ara n-Noti ta’ Spjega SA għal titlu 8525, (B).

Dawn is-subtitli ma jkoprux mezzi għal qari elettroniku għal nies viżivament diżabilitati (ara n-Noti ta’ Spjega għal subtitlu [subintestatura] 8543 70 90).

8525 80 30

Kameras diġitali

Kameras diġitali ta’ dan is-subtitlu [din is-subintestatura] huma dejjem kapaċi li jirrekordjaw immaġni fissa, kemm jekk fuq memorja interna kif ukoll fuq midja li tinqala’ u tinbidel.

Ħafna mill-kameras ta’ dan is-subtitlu għandhom ix-xeħta ta’ kamera fotografika tradizzjonali u m’għandhomx viewfinder li jintewa.

Dawn il-kameras jistgħu wkoll ikunu kapaċi jieħdu vidjow biex jirrekordjaw sekwenzi ta’ vidjow.

Kameras jibqgħu kklassifikati f’dan is-subtitlu għajr meta, meta tintuża l-kapaċità ta’ ħażna massima, huma kapaċi jirrekordjaw bi kwalità ta’ 800 × 600 pixels (jew ogħla) bi 23 frejm kull sekonda (jew ogħla), għallinqas 30 minuta f’sekwenza waħda ta’ vidjow.

Imqabbla mal-vidjowkameras li jirrekordjaw ta’ subtitli [subintestaturi] 8525 80 91 u 8525 80 99, ħafna kameras diġitali (meta jintużaw bħala vidjowkameras) m’għandhomx il-funzjoni ta’ żum ottiku waqt li jkunu qed jirrekordjaw il-vidjow. Il-kapaċità ta’ ħażna ma taffettwax hekk kif xi kameras, wara ċertu perijodu ta’ ħin, iwaqqfu l-irrekordjar tal-vidjow awtomatikament.

8525 80 91

u

8525 80 99

Vidjokameras li jirrekordjaw

Il-vidjowkameras li jirrekordjaw ta’ dawn is-subtitli [sunintestaturi] huma dejjem kapaċi li jirrekordjaw sekwenzi ta’ vidjow, kemm fuq memorja interna kif ukoll fuq midja li tinqala’ u tinbidel.

[…]

Dawn il-vidjowkameras diġitali jistgħu wkoll jirrekordjaw immaġni fissa.

Kameras diġitali huma esklużi minn dawn is-subtitli [subintestaturi] jekk mhumiex kapaċi, meta tintuża l-kapaċità ta’ ħażna massima, jirrekordjaw bi kwalità ta’ 800 × 600 pixels (jew ogħla) bi 23 frejm kull sekonda (jew ogħla), għallinqas 30 minuta f’sekwenza waħda ta’ vidjow.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 113/2014

11

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 jipproċedi għall-klassifikazzjoni fin-NM tal-oġġetti indikati fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tagħha. Fil-kolonna 2 ta’ din it-tabella huma indikati l-kodiċi NM korrispondenti, konformement mal-motivazzjonijiet indikati fil-kolonna 3 tal-imsemmija tabella. Fir-rigward tas-subintestatura 85258019 tan-NM, it-tabella li tinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament tipprevedi:

Apparat b’forma rettangolari (l-hekk imsejħa “kamera b’veloċità għolja”) li jinkludi lenti u ċirkwiterija elettronika bid-dimensjonijiet ta’ madwar 12 × 12 × 11 cm.

Jinkorpora memorja interna volatili ta’ 2 GB b’kapaċità li jaħżen b’mod temporanju immaġnijiet f’sekwenza b’tul massimu ta’ 1.54 sekonda b’1000 frejm kull sekonda (fps) b’riżoluzzjoni sħiħa. L-immaġnijiet li jittieħdu jintilfu meta l-kamera tintefa.

Hija meħtieġa konnessjoni b’kejbil ma’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-dejta (ADP) għat-tħaddim u r-reġistrazzjoni tal-immaġnijiet fil-magna ADP.

Din tkun mgħammra b’sensur CMOS b’xater għat-teħid ta’ ritratti elettroniku, magħrufa wkoll bħala “flaxx fuq terminu qasir” (short duration flash) jew “immaġnijiet stroboskopiċi”(stroboscopic imaging).

Il-kamera hi mfassla biex tiġbed sekwenza ta’ immaġnijiet b’rata ta’ għeluq tax-xater (shutter rate) minn 60 sa 1 000 fps b’riżoluzzjoni sħiħa ta’ 1 024 × 1 024 pixel jew 109 500 fps b’riżoluzzjoni iktar baxxa ta’ 128 × 16‑il pixel. L-immaġnijiet li jinġibdu jistgħu jitqiesu individwalment jew jinqraw mill-ġdid (played back) bħala vidjo, pereżempju, f’moviment bil-mod.

L-immaġnijiet jistgħu jkunu soġġetti għal analiżi f’laboratorju jew ambjent simili għall-istudju, pereżempju, ta’ fenomeni ta’ veloċità ultragħolja bħal testijiet ta’ ħabta tal-karozzi.

8525 80 19

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mit-test tal-kodiċi NM 8525, 8525 80 u 8525 80 19.

Ħażna temporanja fuq memorja volatili mhijiex meqjusa bħala reġistrazzjoni fil-kamera hekk kif l-immaġnijiet jintilfu wara li tintefa l-kamera. B’konsegwenza, il-klassifikazzjoni kemm bħala kameras diġitali skont is-subintestatura 8525 80 30 kif ukoll bħala vidjokameras li jirrekordjaw ħsejjes u jiġbdu immaġnijiet meħuda minn kamera ta’ televiżjoni skont is-subintestatura 8525 80 91 hi eskluża (ara wkoll n-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (HSEN) għall-intestatura 8525, l-ewwel u l-ħames paragrafi tal-grupp (B))

Għalhekk l-apparat għandu jiġi kklasifikat skont il-kodiċi NM 8525 80 19 bħala kameras oħrajn ta’ televiżjoni (ara wkoll HSEN għall-intestatura 8525, ir-raba’ paragrafu tal-grupp (B)).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fit‑12 ta’ Mejju 2009, Vision Research ressqet quddiem l-Ispettur talba għal informazzjoni tariffarja vinkolanti (iktar ’il quddiem l-“ITV”) għall-kamera bl-isem ta’ “Phantom V7.3”. Hija indikat fit-talba tagħha li din il-kamera kellha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 85258030 tan-NM, bħala kamera diġitali.

13

Permezz ta’ ITV mogħtija fis‑7 ta’ Novembru 2014, l-Ispettur madankollu kklassifika l-kamera inkwistjoni taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, bħala “kameras oħrajn ta’ televiżjoni”. F’dan ir-rigward, l-Ispettur ibbaża ruħu fuq ir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-NM, fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, li huwa qies applikabbli b’analoġija għal din il-kamera, kif ukoll fuq il-formulazzjoni tal-intestaturi 8525, 852580 u 85258019 tan-NM. Huwa qies li l-fatt li l-imsemmija kamera tista’ tiġi mqabbda ma’ memorja esterna b’mod fakultattiv kien mingħajr effett fuq il-klassifikazzjoni deċiża, ġaladarba l-ITV kienet intalbet għal apparat li ma kellux din il-memorja fakultattiva.

14

Vision Research ressqet ilment kontra din l-ITV quddiem l-Ispettur, li ċaħdu bħala infondat. Ir-rikorrenti għalhekk ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-Ispettur, fejn talbet li l-kamera inkwistjoni tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 85258030 tan-NM.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, il-kamera inkwistjoni hija “apparat li jiġbed b’veloċità”. Waqt l-użu tagħha, hija tiġi mqabbda ma’ magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjoni li permezz tagħha hija kkmandata. Din il-kamera tieħu numru kbir ta’ ritratti diġitali fis-sekonda. Wara li jkunu ttieħdu, dawn ir-ritratti jiġu rreġistrati fil-memorja, imsejħa “memorja volatili”, tal-imsemmija kamera. Dan ifisser li meta jittieħdu ritratti ġodda jew meta l-kamera tkun mitfija, ir-ritratti rreġistrati jitħassru minn din il-memorja interna. Il-memorja volatili hija ta’ mill-inqas 1496 MB u tista’ wkoll tkun ta’ 8, 16 jew 32 GB. Il-kamera inkwistjoni ma hijiex mogħnija b’dispożittiv, bħal skrin LCD, li jippermetti lil wieħed jara r-ritratti rreġistrati fil-memorja. Għall-importazzjoni ta’ din l-informazzjoni, din il-kamera għandha output li magħha huwa possibbli li titwaħħal, permezz ta’ kejbil, memorja esterna permanenti (non‑volatile flash memory), li fiha r-ritratti jistgħu jinżammu iktar fit-tul. L-imsemmija kamera tista’ tiġi mqabbda wkoll permezz ta’ kejbil ma’ magna awtomatika ta’ pproċessar tal-informazzjon sabiex fiha jiġu rreġistrati r-ritratti. Hija ma toffrix il-possibbiltà li tiddaħħal memory-card jew memory-module (permanenti).

16

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tqis li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 jindika, fl-anness tiegħu, taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, oġġett paragunabbli għall-kamera inkwistjoni u li għaldaqstant huwa applikabbli b’analoġija għal dan il-każ. Hija tfakkar li, fil-motivazzjoni tal-klassifikazzjoni meħuda inkunsiderazzjoni fl-imsemmi regolament, il-Kummissjoni ma tqisx il-ħażna temporanja f’memorja volatili bħala reġistrazzjoni fil-kamera, inkwantu l-immaġni jintilfu meta l-kamera tkun mitfija. Skont dan ir-regolament, il-kamera inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, bħala kamera oħra tat-televiżjoni.

17

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, skont in-Noti ta’ Spjega tas-SA u dawk tan-NM relatati mas—subintestatura 85258030 tan-NM, il-kamera inkwistjoni, li għandha b’mod partikolari l-karatteristika li taħżen l-immaġni, anki b’mod temporanju, fil-memorja volatili, għandha tiġi kklassifikata bħala kamera fotografika diġitali u mhux bħala kamera tat-televiżjoni. Skont din il-qorti, minn dawn in-noti ta’ spjega jirriżulta li l-kameras tat-televiżjoni jiddistingwu lilhom infushom mill-kameras fotografiċi diġitali mill-fatt li tal-ewwel ma jippermettux il-ħażna tal-immaġni, b’differenza mit-tieni. Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-imsemmija noti ma jistabbilixxux xi tip ta’ rekwiżit dwar it-tul taż-żamma tal-immaġni rreġistrata fil-kamera.

18

Finalment, fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tqis li ż-żewġ approċċi li hija esponiet ma jistgħux jiġu kkonċiljati. Hija tistaqsi, għalhekk, jekk billi ma tqisx, fil-motivazzjoni tal-anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, il-ħażna temporanja fil-memorja volatili bħala reġistrazzjoni fil-kamera, il-Kummissjoni llimitatx il-kamp ta’ applikazzjoni tas-subintestatura 85258030 tan-NM. Fl-affermattiv, il-Kummissjoni tkun marret ukoll lil hinn mill-kompetenza tagħha, mogħtija mill-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, li tikkonsisti f’li jiġi ppreċiżat il-kontenut ta’ intestatura tariffarja iżda mhux li din tiġi mibdula.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Noord-Holland (il-Qorti Distrettwali tal-Provinċja ta’ Noord Holland, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 113/2014], hekk kif hija tal-fehma ir-[rechtbank Noord-Holland (Qorti Distrettwali tal-Provinċja ta’ Noord Holland)] f’dan l-istadju, is-subintestatura 85258030 [tan-NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li tista’ tiġi kklassifikata fiha il-kamera li għandha memorja volatili, bil-konsegwenza li r-reġistrazzjoni ta’ immaġini fil-kamera jintilfu meta tittieħed immaġni oħra jew meta l-kamera tintefa?”

Fuq id-domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk is-subintestatura 85258030 tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li kamera, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-kapaċità li tieħu numru kbir ta’ immaġni fotografiċi kull sekonda u li taħżinhom fil-memorja volatili interna tagħha, li minnha dawn jitħassru ladarba l-kamera tkun mitfija, taqa’ taħt l-imsemmija subintestatura, u, fl-affermattiv, jekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, sa fejn dan huwa applikabbli b’analoġija għal tali kamera, huwiex validu.

21

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġu interpretati l-intestaturi u s-subintestaturi tan-NM rilevanti sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-kamera inwkwistjoni fin-NM.

22

F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jitfittex b’mod ġenerali fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Stryker EMEA Supply Chain Services, C‑51/16, EU:C:2017:298, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li n-Noti ta’ Spjega, elaborati mill-Kummissjoni, fir-rigward tan-NM, u dawk adottati mill-ODD, fir-rigward tas-SA, jikkontribwixxu b’mod importanti għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tarriffarji madankollu mingħajr ma dawn ikollhom saħħa legali vinkolanti. In-Noti ta’ Spjega tan-NM, li ma jissostitwixxux dawk tas-SA, għandhom jiġu kkunsidrati bħala kumplimentari għal dawn tal-aħħar u għandhom jiġu kkonsultati konġuntament magħhom (sentenza tad‑19 ta’ Frar 2009, Kamino International, C‑376/07, EU:C:2009:105, punti 4748 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi eżaminat, minn naħa, jekk il-karatteristiċi tal-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħal dawk deskritti fid-deċiżjoni ta’ rinviju, jikkorrispondux għall-karatteristiċi tas-subintestatura 85258019 tan-NM jew għal dawk tas-subintestatura 85258030 tan-NM.

25

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kapitolu 85 tan-NM jinkludi l-intestatura 8525, intitolata “Tagħmir ta’ trasmissjoni għax-xandir bir-radju jew bit-televiżjoni, kemm jekk fih u kemm jekk ma fihx tagħmir ta’ riċezzjoni jew tagħmir ta’ rrekordjar jew riproduzzjoni; kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw”. Is-subintestatura 852580 tan-NM hija intitolata “Kameras tat-televiżjoni, kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw”. Il-formulazzjoni tas-subintestatura 85258019 tan-NM fiha biss il-kliem “oħrajn”, filwaqt li l-formulazzjoni tas-subintestatura 85258030 tan-NM tinkludi biss il-kliem “Kameras diġitali”.

26

Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-konstatazzjonijiet fattwali mwettqa mill-qorti tar-rinviju, bħal dawk imfakkra fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li din il-kamera tieħu numru kbir ta’ ritratti diġitali fis-sekonda. Dawn ir-ritratti jiġu rreġistrati fil-memorja volatili tal-imsemmija kamera u jinżammu, sakemm il-kamera tibqa’ mixgħula jew jittieħdu ritratti ġodda.

27

Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, bil-kapaċità tagħha li tieħu immaġni fissi, il-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissodisfa l-karatteristika abitwali tal-apparati fotografiċi diġitali. Għalhekk, il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi ta’ din il-kamera jikkorrispondu għal dawk iddefiniti mill-formulazzjoni tas-subintestatura 85258030 tan-NM.

28

Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li min-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar din is-subintestatura jirriżulta li l-kameras diġitali dejjem jippermettu li jiġu rreġistrati immaġni fissi, jew fuq memorja interna jew fuq midja interkambjabbli, filwaqt li n-Noti ta’ Spjega tas-SA jindikaw li l-imsemmija apparati jirreġistraw l-immaġni fuq dispożittiv ta’ ħażna interna jew fuq midja esterni.

29

Fir-rigward tal-kameras tat-televiżjoni, in-Noti ta’ Spjega tan-NM jirreferu għal dawk tas-SA, it-Titolu B tan-Nru 8524, li jesponu li l-kameras li jaqgħu taħt dan il-grupp jistgħu jieħdu immaġni u jikkonvertuhom f’sinjal elettroniku li huwa jew trażmess bħala immaġni vidjo lejn midja esterna għall-kamera sabiex persuna tkun tista’ tarahom jew tirreġistrahom fuq distanza (kameras tat-televiżjoni), jew irreġistrat fil-kamera bħala immaġni fissi jew immaġni animati (kameras diġitali u vidjokameras li jirrekordjaw, pereżempju). Bl-istess mod, in-Noti ta’ Spjega tas-SA jippreċiżaw li l-kameras tat-televiżjoni ma għandhomx dispożittiv li jippermetti r-reġistrazzjoni tal-immaġni.

30

Għalhekk l-element determinati li jiddifferenzja l-kameras diġitali, li jaqgħu taħt is-subintestatura 85258030 tan-NM, mill-kameras tat-televiżjoni, li jaqgħu taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, jinsab fil-kapaċità li għandhom tal-ewwel li jirreġistraw immaġni fissi fuq memorja jew dispożittiv ta’ ħażna interna.

31

F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li l-kamera inkwistjoni għandha l-kapaċità li tirreġistra immaġni fuq memorja volatili interna.

32

Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li la n-Noti ta’ Spjega tan-NM u lanqas dawk tas-SA ma għandhom preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-forma, tan-natura jew ta’ karatteristiċi oħra tal-memorja interna jew tad-dispożittiv ta’ ħażna li għalihom huma jirreferu.

33

Fid-dawl tal-assenza ta’ spjegazzjoni dwar, b’mod partikolari, in-natura ta’ ħażna fit-tul jew le ta’ tali memorja interna jew ta’ tali dispożittiv ta’ ħażna, ir-reġistrazzjoni ta’ immaġni mwettqa mill-kamera inkwistjoni fuq memorja volatili għandha għalhekk titqies bħala reġistrazzjoni fis-sens ta’ dawn in-noti ta’ spjega, fejn il-fatt li l-immaġni rreġistrati jitħassru meta l-apparat ikun mitfi jew meta jittieħdu immaġni ġodda ma huwiex rilevanti.

34

Għalhekk mill-kameras, bħall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-kapaċità li tirreġistra immaġni fuq memorja volatili interna, ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, bħala “kameras oħrajn ta’ televiżjoni”, ġaladarba dawn tal-aħħar ma għandhomx dispożittiv li jippermetti r-reġistrazzjoni tal-immaġni.

35

Il-Kummissjoni sostniet li l-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kklassifikata bħala kamera tat-televiżjoni, minħabba li l-immaġni meħuda minnha jistgħu jintwerew bħala film vidjo.

36

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li, fid-dawl tal-analiżi preċedenti, tali klassifikazzjoni hija eskluża. Madankollu, peress li l-elementi li tqiegħdu għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, kemm permezz tal-fażi bil-miktub kif ukoll tal-fażi orali tal-proċedura, ma jippermettux li jiġi eskluż li l-immaġni rreġistrati mill-kamera kkonċernata jistgħu effettivament jintwerew bħala film vidjo, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-imsemmija kamera għandhiex tiġi kklassifikata fis-subintestaturi 85258091 jew85258099 tan-NM, bħala vidjokamera li tirrekordja. Fil-fatt, minkejja li dawn is-subintestaturi ma humiex imsemmija mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha d-dmir li tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju, dawk l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos, C‑531/15, EU:C:2017:789, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan ir-rigward, skont in-Noti ta’ Spjega tan-NM dwar is-subintestaturi 85258091 u 85258099 tan-NM, il-vidjokameras li jirrekordjaw għandhom memorja interna li tippermetti r-reġistrazzjoni, minbarra tas-sekwenzi vidjo, tal-immaġni fissi.

38

Madankollu, skont dawn l-istess noti, il-kameras diġitali huma esklużi minn dawn is-subintestaturi jekk ma jkunux f’pożizzjoni li jirreġistraw mill-inqas 30 minuta ta’ sekwenza vidjo sħiħa. Issa, mill-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex tali kapaċità. Fil-fatt, skont din l-informazzjoni, il-kamera kontenzjuża tista’ tirreġistra sensiela ta’ filmati fil-memorja interna tagħha ta’ tul massimu ta’ 6.12‑il sekonda b’veloċità ta’ 6688 immaġni fis-sekonda, li huwa għalkollox inferjuri għall-imsemmi limitu ta’ 30 minuta ta’ sekwenza vidjo. Għalhekk, hija ma tistax tiġi kklassifikata taħt is-subintestaturi 85258091 u 85258099 tan-NM.

39

Għaldaqstant din il-kamera għandha tiġi kklassifikata taħt is-subintestatura 85258030 tan-NM.

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżami tal-validità tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, jeħtieġ li jiġi osservat, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, regolament ta’ klassifikazzjoni għandu portata ġenerali inkwantu ma japplikax għal operatur partikolari, iżda għall-ġeneralità tal-prodotti identiċi għal dak li ġie eżaminat mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali. Sabiex, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, il-motivazzjoni tiegħu (sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 għandu bħala għan il-klassifikazzjoni, taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM, tal-oġġetti li għandhom numru ta’ karatteristiċi esposti fil-kolonna 1 tat-tabella li tinsab fl-anness tal-imsemmi regolament. L-oġġetti hekk indikati għandhom jinkludu memorja volatili interna ta’ 2 GB li tippermetti li taħżen temporanjament sekwenza ta’ immaġni ta’ tul massimu ta’ 1.54 sekonda b’veloċità ta’ 1000 immaġni fis-sekonda u jkollhom il-kapaċità li jiġbdu sekwenza ta’ immaġni b’rata ta’ għeluq tax-xater inkluża bejn 60 u 1000 immaġni fis-sekonda bir-riżoluzzjoni massima (1024 x 1024 pixel) jew ta’ 109500 immaġni fis-sekonda f’riżoluzzjoni inferjuri (128 x 16-il pixel) u l-miżura ta’ 12 x 12 x 11 cm.

42

Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, mit-talba tal-RTC imressqa minn Vision Research jirriżulta li l-kamera għandha memorja ta’ mill-inqas 1496 MB u li tista’ twettaq sensiela ta’ ritratti, li jammontaw sa 6688 ritratt fis-sekonda bir-riżoluzzjoni massima ta’ 800 x 600 pixel bi profondità ta’ kulur massima ta’ 14-il bit.

43

Mill-paragun tal-karatteristiċi tal-apparati indikati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 u dawk tal-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta li dawn l-apparati ma humiex identiċi u, għalhekk, li l-imsemmi regolament ma huwiex direttament applikabbli għall-kamera kontenzjuża.

44

Madankollu, jeħtieġ li jiġi osservat, min-naħa l-oħra, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk regolament ta’ klassifikazzjoni ma jkunx direttament applikabbli għal prodotti li ma humiex identiċi, iżda biss analogi għall-prodott li huwa s-suġġett ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa applikabbli b’analoġija għal tali prodotti. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li l-prodotti li għandhom jiġu kklassifikati u dawk imsemmija mir-regolament ta’ klassifikazzjoni jkunu suffiċjentement simili (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2017, GROFA et, C‑435/15 u C‑666/15, EU:C:2017:232, punti 3738 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni b’analoġija ta’ regolament ta’ klassifikazzjoni, bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, għall-prodotti analogi għal dawk koperti minn dan ir-regolament tiffavorixxi interpretazzjoni koerenti tan-NM kif ukoll l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C‑14/05, EU:C:2006:465, punt 32).

46

Issa, l-apparati indikati mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 huma simili fil-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tagħhom għall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dawn l-apparati, bħall-kamera kkonċernata, għandhom il-kapaċità li jieħdu numru kbir ta’ ritratti diġitali fis-sekonda, huma mgħammra b’sensur CMOS, għandhom memorja volatili interna fejn l-immaġni jintilfu hekk kif l-apparat jintefa u jistgħu jintużaw għall-istudju ta’ fenomeni b’veloċità ultrarapida.

47

Għaldaqstant ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 huwa applikabbli, b’analoġija, għall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, konsegwentement, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-validità tiegħu.

48

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi osservat li fir-rigward tal-applikazzjoni tan-NM, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta lill-Kummissjoni, li taġixxi b’kooperazzjoni mal-esperti doganali tal-Istati Membri, setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tispeċifika l-kontenut tal-intestaturi tariffarji li għandhom jiġu kkunsidrati għall-klassifikazzjoni ta’ oġġetti speċifiċi. Madankollu, is-setgħa tal-Kummissjoni li tiddeċiedi l-miżuri msemmija fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, bħall-klassifikazzjoni tal-oġġetti, ma tawtorizzahiex tbiddel il-kontenut tal-intestaturi tariffarji li ġew stabbiliti fuq il-bażi tas-SA, li ġiet fis-seħħ permezz tal-Konvenzjoni dwar is-SA, li fir-rigward tagħha l-Unjoni impenjat lilha nnifisha, bis-saħħa tal-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar, li ma tbiddilx il-portata tagħha (sentenza tat‑12 ta’ Frar 2015, Raytek u Fluke Europe, C‑134/13, EU:C:2015:82, punt 29).

49

F’dan il-każ, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 tikklassifika taħt is-subintestatura 85258019 tan-NM il-“kamera b’veloċità għolja”. Ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-imsemmija klassifikazzjoni huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li “[ħ]ażna temporanja fuq memorja volatili mhijiex meqjusa bħala reġistrazzjoni fil-kamera hekk kif l-immaġnijiet jintilfu wara li tintefa l-kamera”. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 30 u 33 ta’ din is-sentenza, il-kapaċità tal-kameras diġitali li jirreġistraw immaġni fissi fuq memorja interna tikkostitwixxi karatteristika essenzjali tal-merkanzija li taqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 85258030 tan-NM, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din il-kapaċità ta’ reġistrazzjoni hijiex temporanja jew permanenti.

50

Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 jeskludi, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mis-subintestatura 85258030 tan-NM, il-kameras li jirreġistraw b’mod temporanju immaġni fuq memorja volatili ta’ din is-subintestatura, u, għalhekk, jipproċedi għall-klassifikazzjoni tal-“kamera b’veloċità għolja” fis-subintestatura 85258019 tan-NM, dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni huwa inkompatibbli mas-subintestatura 85258030 tan-NM.

51

Mill-punti preċedenti jirriżulta li, billi adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, il-Kummissjoni biddlet, billi llimitatha, il-portata tas-subintestatura 85258030 tan-NM. Għalhekk, il-Kummissjoni marret lil hinn mill-kompetenzi li ngħatawlha mill-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87.

52

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014 huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi tal-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ir-regolament huwa invalidu.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li s-subintestatura 85258030 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li kamera, bħall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-kapaċità li tieħu numru kbir ta’ immaġni fotografiċi kull sekonda u li taħżinhom fil-memorja volatili interna tagħha, li minnha dawn jitħassru ladarba l-kamera tkun mitfija, taqa’ taħt l-imsemmija subintestatura, kif ukoll li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 113/2014, sa fejn dan huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi ta’ tali kamera, huwa invalidu.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Is-subintestatura 85258030 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-[Tariffa Doganali Komuni], fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013, tal‑4 ta’ Ottubru 2013, għandha tiġi interpretata fis-sens li kamera, bħall-kamera inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha l-kapaċità li tieħu numru kbir ta’ immaġni fotografiċi kull sekonda u li taħżinhom fil-memorja volatili interna tagħha, li minnha dawn jitħassru ladarba l-kamera tkun mitfija, taqa’ taħt l-imsemmija subintestatura, kif ukoll li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 113/2014 tal‑4 ta’ Frar 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda, sa fejn dan huwa applikabbli b’analoġija għal prodotti li għandhom il-karatteristiċi ta’ tali kamera, huwa invalidu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.