SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 5 – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 9 – Dritt tal-proprjetarju tad-trade mark li jopponi t-tneħħija minn terz tas-sinjali kollha identiċi għal din it-trade mark u t-twaħħil ta’ sinjali ġodda fuq prodotti identiċi għal dawk li għalihom l-imsemmija trade mark ġiet irreġistrata bl-għan li jiġu importati jew imqiegħda fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)”

Fil-Kawża C‑129/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Mitsubishi Shoji Kaisha Ltd,

Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe BV

vs

Duma Forklifts NV,

G.S. International BVBA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Mitsubishi Shoji Kaisha Ltd u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe BV, minn P. Maeyaert u J. Muyldermans, advocaten,

għal Duma Forklifts NV u G.S. International BVBA, minn K. Janssens u J. Keustermans, advocaten, kif ukoll minn M. R. Gherghinaru, avocate,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u J. Techert, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda kif ukoll minn E. Gippini Fournier u F. Wilman, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), u tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Mitsubishi Shoji Kaisha Ltd (iktar ’il quddiem “Mitsubishi”) u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe BV (iktar ’il quddiem “MCFE”) minn naħa u Duma Forklifts NV (iktar ’il quddiem “Duma” u G.S. International BVBA (iktar ’il quddiem “GSI”) min-naħa l-oħra, dwar talba intiża, b’mod partikolari, sabiex dawn tal-aħħar jieqfu milli jneħħu s-sinjali identiċi għat-trade marks li Mitsubishi hija l-proprjetarja tagħhom u jwaħħlu sinjali ġodda fuq trakkijiet ta’ forklift Mitsubishi mixtrija barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 1 u 2 tad-Direttiva 2008/95 jipprovdu li:

“(1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE ta’ l-21 ta’ Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92)] ġiet emendata fil-kontenut tagħha. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata.

(2)

Il-liġijiet dwar it-trade marks applikabbli fl-Istati Membri qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 89/104/KEE kellhom fihom disparitajiet li setgħu fixklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà tal-provvista ta’ servizzi u setgħu wasslu għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Kien għalhekk meħtieġ li jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern.”

4

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

(a)

kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

(b)

kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

[…]

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-[paragrafu 1]:

(a)

li jitwaħħal is-sinjal mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ [tagħha];

(b)

li l-merkanzija tiġi offerta, jew li titqiegħed fis-suq jew li tinħażen għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew li jiġu offerti jew provduti servizzi taħtu;

(c)

l-importazzjoni jew esportazzjoni tal-merkanzija taħt is-sinjal;

(d)

l-użu tas-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]”

5

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha relattivament għal merkanzija li tqiegħdet fis-suq fil-[Unjoni Ewropea] taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.”

6

Ir-Regolament Nru 207/2009 kkodifika r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146). L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”, kien jipprovdi:

“1.   It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] tagħti lill-proprjetarju d-drittijiet esklussivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jipprojbixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a)

kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] hija reġistrata;

(b)

kull sinjal fejn, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku; il-problabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

[…]

2.   Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

(a)

it-twaħħil ta’ sinjal mal-prodotti jew mal-imballaġġ tiegħu;

(b)

l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

(c)

l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti b’dak is-sinjal;

(d)

l-użu ta’ sinjal f’gazzetta kummerċjali u fir-riklamar.

[…]”

7

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-eżawriment tad-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark [tal-Unjoni Ewropea]” kien jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ma tintitolax lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq [fl-Unjoni Ewropea] taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.”

8

Ir-Regolament Nru 207/2009 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea], u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016 u li japplika għall-fatti fil-kawża prinċipali minn din id-data.

9

Ir-Regolament Nru 2015/2424 introduċa fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 il-paragrafu 4, li huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu wkoll id-dritt li jimpedixxi li, fil-proċess normali tan-negozju, kwalunkwe parti terza ddaħħal oġġetti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu rilaxxati għal ċirkolazzjoni libera hemmhekk, fejn dawn l-oġġetti, inkluż l-imballaġġ tagħhom, joriġinaw minn pajjiżi terzi u jkollhom trademark mingħajr awtorizzazzjoni li tkun identika għat-trademark tal-UE rreġistrata fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti, jew li ma tkunx tista tingħaraf fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik it-trademark.

Id-dritt tal-proprjetarju ta’ trademark tal-UE skont l-ewwel subparagrafu għandu jiskadi jekk, matul il-proċedimenti biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm ksur tat-trademark tal-UE, mibdija f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (ĠU 2013, L 181, p. 15)], tingħata evidenza mid-dikjarant jew id-detentur tal-oġġetti li l-proprjetarju tat-trademark tal-UE ma jkollux id-dritt li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-oġġetti fil-pajjiż destinatarju finali.”

10

Dispożizzjoni analoga hija prevista fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tas-16 ta’ Diċembru 2015 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1), li għamlet formulazzjoni mill-ġdid tad-Direttiva 2008/95 filwaqt li ħassritha b’effett mill-15 ta’ Jannar 2019, iżda li ma hijiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Mitsubishi, stabbilita fil-Ġappun, hija l-proprjetarja tat-trade marks li ġejjin (iktar ’il quddiem it-“trade marks Mitsubishi”):

it-trade mark tal-Unjoni Ewropea verbale MITSUBISHI, irreġistrata fl-24 ta’ Settembru 2001 taħt in-numru 118042, li tkopri b’mod partikolari prodotti li jaqgħu fil-klassi 12 tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, inklużi vetturi bil-mutur, vetturi tal-elettriku u trakkijiet ta’ forklift;

it-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva rrappreżentata hawn taħt, irreġistrata fit-3 ta’ Marzu 2000 taħt in-numru 117713, li tkopri b’mod partikolari prodotti li jaqgħu fil-klassi 12 ta’ dan il-ftehim, inklużi vetturi bil-mutur, vetturi tal-elettriku u trakkijiet ta’ forklift:

Image

it-trade mark tal-Benelux verbali MITSUBISHI, irreġistrata fl‑1 ta’ Ġunju 1974 taħt in-numru 93812, li tkopri b’mod partikolari prodotti li jaqgħu fil-klassi 12, inklużi vetturi u mezzi ta’ trasport tal-art, u fil-klassi 16, inklużi kotba u materjal stampat;

it-trade mark tal-Benelux figurattiva MITSUBISHI, irreġistrata fl‑1 ta’ Ġunju 1974 taħt in-numru 92755, li tkopri prodotti li jaqgħu fil-klassi 12, inklużi vetturi u mezzi ta’ trasport tal-art u fil-klassi 16, inklużi kotba u materjal stampat, identika għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea figurattiva.

12

MCFE, stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, għandha l-esklużività tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE tal-trakkijiet ta’ forklift li jġibu t-trade marks Mitsubishi.

13

Duma, stabbilta fil-Belġju, għandha bħala attività prinċipali l-bejgħ u x-xiri fil-livell dinji ta’ trakkijiet ta’ forklift, ġodda u użati. Hija toffri wkoll għall-bejgħ il-trakkijiet ta’ forklift tagħha stess bid-denominazzjoni “GSI”, “GS” jew “Duma”. Qabel hija kienet is-sottodistributur uffiċjali tal-trakkijiet ta’ forklift Mitsubishi fil-Belġju.

14

GSI, stabbilita wkoll fil-Belġju, għandha konnessjoni ma’ Duma li magħha taqsam l-amministrazzjoni u s-sede. Hija tibni u ssewwi trakkijiet ta’ forklift li hija timporta u tesporta bl-ingrossa, flimkien mal-ispare parts tagħhom fis-suq dinji. Hija tadattahom għall-istandards fis-seħħ fl-Ewropa, twaħħlilhom in-numri tas-serje tagħha stess u tikkunsinnhom lil Duma filwaqt li tipprovdi d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità tal-UE.

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u d-19 ta’ Novembru 2009, Duma u GSI importaw b’mod parallel fiż-ŻEE trakkijiet ta’ forklift bit-trade marks Mitsubishi, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tagħhom.

16

Mill-20 ta’ Novembru 2009, Duma u GSI jixtru mingħand kumpannija tal-grupp Mitsubishi, barra miż-ŻEE, trakkijiet ta’ forklift li huma jintroduċu fit-territorju taż-ŻEE fejn huma jqiegħduhom taħt il-proċedura tal-ħażna doganali. Imbagħad ineħħu minn fuq din il-merkanzija s-sinjali kollha identiċi għat-trade marks Mitsubishi, jagħmlulha t-tibdiliet neċessarji sabiex iġibuha konformi mal-istandards fis-seħħ fl-Unjoni, jissostitwixxu l-pjanċi ta’ identifikazzjoni u n-numri tas-serje u jwaħħlu fuqha s-sinjali tagħhom stess. Sussegwentement, huma jimpurtawha u jbiegħuha fiż-ŻEE u barra miż-ŻEE.

17

Mitsubishi u MCFE ressqu quddiem ir-rechtbank van koophandel te Brussel (il-Qorti Kummerċjali ta’ Brussell, il-Belġju) talbiet intiżi b’mod partikolari sabiex jiġi ordnat il-waqfien ta’ dawn l-azzjonijiet. Peress li t-talbiet tagħhom ġew miċħuda permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2010, huma appellaw minnha quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) fejn huma talbu l-projbizzjoni kemm tal-kummerċ parallel ta’ trakkijiet ta’ forklift bit-trade marks Mitsubishi kif ukoll l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ trakkijiet ta’ forklift li fuqhom ikunu tneħħew is-sinjali identiċi għal dawn it-trade marks u jkunu twaħħlu sinjali ġodda.

18

Quddiem din il-qorti, Mitsubishi sostniet li t-tneħħija tas-sinjali u t-twaħħil ta’ sinjali ġodda fuq it-trakkijiet ta’ forklift mixtrija minn barra miż-ŻEE, it-tneħħija tal-pjanċi ta’ identifikazzjoni u tan-numri tas-serje, u l-importazzjoni kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn it-trakkijiet ta’ forklift fiż-ŻEE jippreġudikaw id-drittijiet mogħtija lilha mit-trade marks Mitsubishi. Hija sostniet b’mod partikolari li t-tneħħija tas-sinjali identiċi għal dawn it-trade marks, mingħajr il-kunsens tagħha, kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE tal-prodott b’din it-trade mark u tippreġudika l-funzjonijiet ta’ indikazzjoni tal-oriġini u ta’ kwalità kif ukoll il-funzjonijiet ta’ investiment u ta’ reklamar tat-trade mark. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, minkejja din it-tneħħija, it-trakkijiet ta’ forklift Mitsubishi jibqgħu rikonoxxibbli mill-konsumatur.

19

Duma u GSI sostnew b’mod partikolari li għandhom jitqiesu li huma l-manifatturi tat-trakkijiet ta’ forklift li huma jixtru minn barra ż-ŻEE, peress li jagħmlu xi tibdil fuqhom sabiex iġibuhom konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, u li għaldaqstant huma għandhom id-dritt iwaħħlu s-sinjali tagħhom stess.

20

Għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni parallela fiż-ŻEE tat-trakkijiet ta’ forklift bit-trade marks Mitsubishi, il-qorti tar-rinviju qieset li din kienet tikkostitwixxi ksur tad-dritt tat-trade marks u laqgħet it-talbiet ta’ Mitsubishi u ta’ MCFE. Għal dak li jirrigwarda l-importazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni fiż-ŻEE, sa mill-20 ta’ Novembru 2009, tat-trakkijiet ta’ forklift Mitsubishi li ġejjin minn pajjiżi mhux membri taż-ŻEE, li minn fuqhom ikunu tneħħew is-sinjali identiċi għat-trade marks Mitsubishi u jkunu twaħħlu sinjali ġodda, hija rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx għadha tat deċiżjoni dwar id-domanda jekk azzjonijiet bħal dawk imwettqa minn Duma u GSI jikkostitwixxux użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi, filwaqt li indikat li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħti indikazzjonijiet li jħalluha tippreżumi li din id-domanda teħtieġ risposta pożittiva.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanza li l-hof van beroep te Brussel (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95[…] u l-Artikolu 9 tar-Regolament [Nru 207/2009] jinkludu d-dritt għall-proprjetarju tat-trade mark li jopponi t-tneħħija minn terzi, mingħajr il-kunsens tiegħu, tas-sinjali identiċi għal trade marks li huwa kien applika fuq il-prodotti (debranding), fil-każ ta’ prodotti kkummerċjalizzati li għadhom ma nbiegħux fiż-[ŻEE], bħall-merkanzija mqiegħda f’maħżen doganali, u meta din it-tneħħija sseħħ minn terzi sabiex jimporta jew iqiegħed fis-suq dawn il-prodotti fiż-[ŻEE]?

b)

Ir-risposta għad-domanda A tiddependi mill-kwistjoni jekk l-importazzjoni jew it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti fiż-[ŻEE] seħħewx taħt is-sinjal distintiv proprju applikat minn dan it-terz (rebranding)?

2)

Jagħmel differenza għar-risposta għall-ewwel domanda jekk il-prodotti hekk importati jew imqiegħda fis-suq jibqgħu identifikati mill-konsumatur medju rilevanti bħala li ġejjin mill-proprjetarju tat-trade mark, minħabba d-dehra esterna tagħhom jew il-mudell tagħhom?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2018, Mitsubishi talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn ta’ din it-talba, Mitsubishi essenzjalment issostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq kunsiderazzjoni żbaljata li l-użu fl-eżerċizzju tal-kummerċ, fis-sens tal‑Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jippreżumi att pożittiv u viżibbli. Hija tqis, barra minn hekk, li dawn il-konklużjonijiet ma jirrispondux għall-argumenti tagħha li t-tneħħija tas-sinjali tippreġudika d-diversi funzjonijiet tat-trade mark.

23

Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

24

Fil-każ ineżami, dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ fatt ġdid imkien ma hija allegata. Barra minn hekk, Mitsubishi, bħall-partijiet l-oħra kkonċernati li pparteċipaw għall-proċedura preżenti, setgħet tesponi, kemm matul il-fażi bil-miktub kif ukoll matul il-fażi orali tagħha, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li hija qieset rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari dwar il-kunċett ta’ “jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ”, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tiddeċiedi.

25

Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-kritiki fformulati minn Mitsubishi kontra l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà għall-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta bil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għall-imsemmija konklużjonijiet. Konsegwentement, id-diżakkord ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu xi jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu motiv li jiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

28

Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista’ jopponi li, mingħajr il-kunsens tiegħu, terz ineħħi s-sinjali kollha identiċi għal din it-trade mark u jwaħħal sinjali oħra fuq prodotti mqiegħda taħt il-proċedura tal-ħażna doganali bħal fil-kawża prinċipali bl-għan li jimportahom jew li jqiegħedhom fis-suq fiż-ŻEE fejn huma qatt ma ġew ikkummerċjalizzati.

29

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-kontenut tagħhom huwa identiku, għandhom jiġu interpretati bl-istess mod (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Frar 2009, UDV North America, C‑62/08, EU:C:2009:111, punt 42).

30

Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/95, li kkodifikat id-Direttiva 89/104, għandha, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tagħha, l-għan li telimina d-disparitajiet bejn l-Istati Membri fuq it-trade marks li jistgħu jostakolaw il-moviment liberu tal-prodotti u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif ukoll joħolqu distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Id-dritt ta’ trade mark jikkostitwixxi, għaldaqstant, element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li d-dritt tal-Unjoni huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ. F’tali sistema, l-impriżi għandhom ikunu f’pożizzjoni li jżommu lill-klijentela minħabba l-kwalità tal-prodotti jew tas-servizzi tagħhom, u dan ikun possibbli biss jekk ikun hemm sinjali distintivi li jippermettu l-identifikazzjoni tagħhom (sentenza tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punti 4647 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Għandu jitfakkar ukoll li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jillimitaw l-eżawriment tad-dritt mogħti lill-proprjetarju tat-trademark fil-każijiet biss fejn il-prodotti huma mqiegħda fis-suq fiż-ŻEE. Huma jippermettu lill-proprjetarju jikkummerċjalizza l-prodotti tiegħu barra miż-ŻEE mingħajr ma din il-kummerċjalizzazzjoni teżawrixxi d-drittijiet tiegħu ġewwa din tal-aħħar. Billi jippreċiża li t-tqegħid fis-suq barra miż-ŻEE ma jeżawrixxix id-dritt tal-proprjetarju li jopponi għall-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti mingħajr il-kunsens tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppermetta għaldaqstant lill-proprjetarju tat-trade mark jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE ta’ prodotti li jġibu t-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Silhouette International Schmied, C‑355/96, EU:C:1998:374, punt 26; tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punti 3233, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2005, Class International, C‑405/03, EU:C:2005:616, punt 33).

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat diversi drabi li, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mit-trade mark, huwa essenzjali li l-proprjetarju tat-trade mark, irreġistrata fi Stat Membru wieħed jew f’diversi, ikun jista’ jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti b’din it-trade mark fiż-ŻEE (sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2009, Makro Zelfbedieningsgroothandel et, C‑324/08, EU:C:2009:633, punt 32; tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 60, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et, C‑379/14, EU:C:2015:497, punt 31). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan id-dritt tal-proprjetarju jirrigwarda kull tip individwali ta’ dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1999, Sebago u Maison Dubois, C‑173/98, EU:C:1999:347, punti 1920, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2010, Coty Prestige Lancaster Group, C‑127/09, EU:C:2010:313, punt 31).

33

Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/95 u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jagħtu lill-proprjetarju tat-trade mark irreġistrata dritt esklużiv li, skont l-Artikolu 5(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 9(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament jintitola lill-proprjetarju jipprojbixxi lil terzi milli jużaw, fl-eżerċizzju tal-kummerċ u fl-assenza tal-kunsens tiegħu, sinjal identiku għat-trade mark għal prodotti jew għal servizzi identiċi għal dawk li għalihom din tkun ġiet irreġistrata jew sinjal li għalih, minħabba l-identiċità tiegħu jew ix-xebh tiegħu mat-trade mark u minħabba l-identiċità jew ix-xebh ta’ prodotti jew ta’ servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku li tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

34

Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha diversi drabi l-okkażjoni li tikkonstata li d-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark ingħata bil-għan li dan ikun jista’ jipproteġi l-interessi speċifiċi tiegħu bħala proprjetarju ta’ dik it-trade mark jiġifieri sabiex jiġi żgurat li din tal-aħħar tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet proprji tagħha u li, għaldaqstant, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun irriżervat għall-każijiet li fihom l-użu tas-sinjal minn terz jippreġudika jew jista’ jippreġudika l-funzjonijiet tat-trade mark. Fost dawn il-funzjonijiet hemm mhux biss il-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija dik li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodott jew tas-servizz, iżda wkoll il-funzjonijiet l-oħra tagħha, bħal b’mod partikolari, dik li tiggarantixxi l-kwalità ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz, jew dawk tal-komunikazzjoni, tal-investiment jew tar-reklamar (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 51; tat-18 ta’ Ġunju 2009, L’Oréal et, C‑487/07, EU:C:2009:378, punt 58; tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punti 7779, kif ukoll tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punti 3738).

35

Għal dak li jirrigwarda dawn il-funzjonijiet, huwa importanti li jitfakkar li t-trade mark għandha l-funzjoni essenzjali li tiggarantixxi lill-konsumatur u lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott jew tas-servizz immarkat, billi tagħmilha possibbli għalih li jiddistingwi dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra (sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Hija sservi b’mod partikolari sabiex tikkonferma li l-prodotti jew is-servizzi kollha li jġibu din it-trade mark ġew immanifatturati jew fornuti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom, u dan sabiex hija tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha ta’ element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 48, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et, C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 80).

36

Il-funzjoni ta’ investiment tat-trade mark testendi għall-possibbiltà għall-proprjetarju ta’ trade mark li jużaha sabiex jikseb jew iżomm reputazzjoni li tista’ tattira jew tikseb il-fideltà tal-konsumaturi permezz ta’ diversi tekniki kummerċjali. Għaldaqstant, meta l-użu minn terz, bħal kompetitur tal-proprjetarju tat-trade mark, ta’ sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din hija rreġistrata jinterferixxi b’mod sostanzjali mal-użu, minn dan il-proprjetarju, tat-trade mark sabiex jikseb jew iżomm reputazzjoni li tista’ tattira jew tikseb il-fideltà tal-konsumaturi, dan l-użu jippreġudika din il-funzjoni. L-imsemmi proprjetarju huwa, konsegwentement, intitolat jipprojbixxi tali użu skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2008/95 jew, fil-każ ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit, C‑323/09, EU:C:2011:604, punti 60 sa 62).

37

Il-funzjoni ta’ reklamar tat-trade mark, minn naħa tagħha, hija dik li tuża trade mark għall-skopijiet ta’ pubbliċità intiżi sabiex jinformaw jew jipperswadu lill-konsumatur. Għaldaqstant, il-proprjetarju ta’ trade mark huwa intitolat jipprojbixxi l-użu, mingħajr il-kunsens tiegħu, ta’ sinjal identiku għat-trade mark tiegħu għal prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom din it-trade mark hija rreġistrata, meta dan l-użu jippreġudika l-użu ta’ din it-trade mark, mill-proprjetarju tagħha, bħala element ta’ promozzjoni tal-bejgħ jew bħala strument ta’ strateġija kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punti 9192).

38

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l-lista tat-tipi ta’ użu li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi, li tinsab fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2008/95 u fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ma hijiex eżawrjenti (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, EU:C:2002:651, punt 38; tal-25 ta’ Jannar 2007, Adam Opel, C‑48/05, EU:C:2007:55, punt 16, kif ukoll tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google, C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punt 65), u li huwa jinkludi esklużivament imġiba attiva min-naħa ta’ terz (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2016, Daimler, C‑179/15, EU:C:2016:134, punt 40).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li l-użu, fl-eżerċizzju tal-kummerċ, ta’ sinjal identiku għat-trade mark jew li jixbah lil din it-trade mark jippreżumi li dan l-użu iseħħ fil-kuntest ta’ attività kummerċjali intiża sabiex jinkiseb vantaġġ ekonomiku u mhux fl-isfera privata (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et, C‑379/14, EU:C:2015:497, punt 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Hija ppreċiżat li l-kelmiet “użu” u “fl-eżerċizzju tal-kummerċ” ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li huma jirreferu biss għal relazzjonijiet immedjati bejn negozjant u konsumatur u, b’mod partikolari, li jkun hemm użu minn sinjal identiku għat-trade mark meta l-operatur ekonomiku kkonċernat juża dan is-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et, C‑379/14, EU:C:2015:497, punti 4041 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, mingħajr il-kunsens ta’ Mitsubishi, Duma u GSI jixtru minn barra ż-ŻEE, trakkijiet ta’ forklift Mitsubishi li huma jintroduċu fit-territorju taż-ŻEE fejn iqiegħduhom taħt il-proċedura tal-ħażna doganali. Filwaqt li din il-merkanzija tkun għadha taħt din il-proċedura, huma jneħħu kompletament minn fuqha s-sinjali identiċi għat-trade marks Mitsubishi, jagħmlu xi tibdil sabiex iġibuha konformi mal-istandards fis-seħħ fl-Unjoni, jissostitwixxu l-pjanċi ta’ identifikazzjoni u n-numri tas-serje, iwaħħlu fuqha s-sinjali tagħhom stess, imbagħad jimportawha u jikkummerċjalizzawha kemm fiż-ŻEE kif ukoll barra minnha.

41

B’differenzi mill-kawżi li wasslu għas-sentenzi ċċitati fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, il-prodotti kkonċernati fil-kawża prinċipali għaldaqstant ma jġibux it-trade marks inkwistjoni meta jiġu importati u kkummerċjalizzati fiż-ŻEE, wara li jkunu tqiegħdu taħt il-proċedura tal-ħażna doganali. B’differenza wkoll mis-sentenzi l-oħra ċċitati fil-punti 34 sa 39 tas-sentenza preżenti, it-terzi ma jidhru li jużaw bl-ebda mod f’dak il-waqt, sinjali identiċi għat-trade marks inkwistjoni jew sinjali li jixbhuhom, b’mod partikolari fil-komunikazzjoni kummerċjali tagħhom. Dan jiddistingwi wkoll il-kawża prinċipali miċ-ċirkustanzi previsti fil-punt 86 tas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Portakabin (C‑558/08, EU:C:2010:416), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, meta l-bejjiegħ mill-ġdid ineħħi, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, ir-referenza ta’ din it-trade mark minn fuq il-prodotti u jbiddel din ir-referenza b’tikketta b’isem il-bejjiegħ mill-ġdid, b’tali mod li t-trade mark tal-produttur tal‑prodotti kkonċernati tiġi totalment moħbija, il-proprjetarju tat-trade mark huwa intitolat jipprekludi lil dan il-bejjiegħ mill-ġdid milli juża l-imsemmija trade mark meta jirreklama dan il-bejgħ mill-ġdid, peress li dan jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

42

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li t-tneħħija ta’ sinjali identiċi għat-trade mark tipprevjeni li l-prodotti li għalihom din it-trade mark ġiet irreġistrata jġibu, għall-ewwel darba li jitqiegħdu fil-kummerċ fiż-ŻEE, l-imsemmija trade mark u, għaldaqstant, iċċaħħad lill-proprjetarju ta’ din tal-aħħar mill-benefiċċju tad-dritt essenzjali, li ġie rrikonoxxut lilu bil-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti li jġibu t-trade mark fiż-ŻEE.

43

It-tieni nett, it-tneħħija ta’ sinjali idenċiti għat-trade mark u t-twaħħil ta’ sinjali ġodda fuq il-prodotti bl-għan tal-ewwel tqegħid tagħhom fis-suq taż-ŻEE jippreġudikaw il-funzjonijiet tat-trade mark.

44

Għal dak li jirrigwarda l-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini, huwa biżżejjed li jitfakkar li, fil-punt 48 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et (C‑379/14, EU:C:2015:497), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li kull att ta’ terz li jipprevjeni lill-proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata fi Stat Membru wieħed jew diversi milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq ta’ prodotti li jġibu din it-trade mark fiż-ŻEE jippreġudika, min-natura tiegħu stess, din il-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

45

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-impatt li jista’ jkollu l-fatt li l-prodotti importati jew imqiegħda fis-suq jistgħu xotra jiġu identifikati mill-konsumatur medju rilevanti bħala li ġejjin mill-proprjetarju tat-trade mark, minħabba l-apparenza esterna tagħhom jew il-mudell tagħhom, Fil-fatt, hija tindika li minkejja t-tneħħija tas-sinjali identiċi għat-trade mark u t-twaħħil ta’ sinjali ġodda fuq it-trakkijiet ta’ forklift, il-konsumaturi rilevanti jibqgħu jipperċepixxuhom bħala trakkijiet ta’ forklift Mitsubishi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm il-funzjoni essenzjali tat-trade mark tista’ tkun ippreġudikata indipendentement minn dan il-fatt, dan jidher tali li jaċċentwa l-effetti ta’ tali preġudizzju.

46

Barra minn hekk, it-tneħħija tas-sinjali identiċi għat-trade mark u t-twaħħil ta’ sinjali ġodda fuq il-prodotti jxekklu l-possibbiltà għall-proprjetarju tat-trade mark li jżomm il-klijentela tiegħu permezz tal-kwalità tal-podotti tiegħu u jaffettwaw il-funzjonijiet ta’ investiment u ta’ reklamar tat-trade mark meta, bħal fil-każ ineżami, il-prodott inkwistjoni jkun għadu mhux ikkummerċjalizzat minnu taħt it-trade mark tal-proprejtarju fuq dan is-suq jew bil-kunsens tiegħu. Fil-fatt, il-fatt li l-prodotti tal-proprjetarju tat-trade mark jitqiegħdu fis-suq qabel ma dan il-proprjetarju jkun qiegħedhom fis-suq b’din it-trade mark, b’tali mod li l-konsumaturi jsiru jafu b’dawn il-prodotti qabel ma jkunu jistgħu jassoċjawhom ma’ dik it-trade mark, huwa tali li jinterferixxi b’mod sostanzjali mal-użu tal-imsemmija trade mark, min-naħa tal-imsemmi proprjetarju, sabiex tikseb reputazzjoni li tista’ tattira jew tikseb il-fedelità tal-konsumaturi u sabiex isservi ta’ element ta’ promozzjoni tal-bejgħ jew ta’ strument ta’ strateġija kummerċjali. Barra minn hekk, tali azzjonijiet iċaħħdu lill-proprjetarju mill-possibbiltà li jikseb, permezz tal-ewwel tqegħid fis-suq fiż-ŻEE, il-valur ekonomiku tal-prodott b’din it-trade mark u, għaldaqstant, l-investiment tiegħu.

47

It-tielet nett, billi jippreġudikaw id-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti b’din it-trade mark fiż-ŻEE kif ukoll il-funzjonijiet tat-trade mark, it-tneħħija tas-sinjali identiċi għat-trade mark u t-twaħħil ta’ sinjali ġodda fuq prodotti minn terz, mingħajr il-kunsens ta’ dan il-propretarju, bl-għan li jimporta jew li jqiegħed fis-suq dawn il-prodotti fiż-ŻEE u bl-għan li jevadi d-dritt tal-proprejtarju li jipprojbixxi l-importazzjoni ta’ dawn il-prodotti bit-trade mark tiegħu, imorru kontra l-għan li tiġi żgurata kompetizzjoni mhux distorta.

48

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 38 tas-sentenza preżenti dwar il-kunċett ta’ “jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ”, għandu jitfakkar li l-operazzjoni li tikkonsisti fit-tneħħija min-naħa ta’ terz tas-sinjali identiċi għat-trade mark sabiex iwaħħal is-sinjali tiegħu tinvolvi mġiba attiva min-naħa ta’ dan it-terz li, peress li din titwettaq bl-għan li l-prodotti jiġu importati u kkummerċjalizzati fiż-ŻEE, u għaldaqstant f’kuntest ta’ attività kummerċjali intiża għal vantaġġ ekonomiku, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 tas-sentenza preżenti, tista’ titqies li tikkostitwixxi użu fl-eżerċizzju tal-kummerċ.

49

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jitqies li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jopponi, bis-saħħa tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 u tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009, tali azzjonijiet.

50

Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata mill-fatt li t-tneħħija tas-sinjali identiċi għat-trade mark u t-twaħħil ta’ sinjali ġodda jseħħu filwaqt li l-merkanzija tkun għadha taħt il-proċedura tal-ħażna doganali, peress li dawn l-operazzjonijiet jitwettqu bl-għan tal-importazzjoni u tat-tqegħid fis-suq ta’ din il-merkanzija fiż-ŻEE, kif juru, fil-kawża prinċipali, il-fatt li Duma u GSI jagħmlu tibdil fuq it-trakkijiet ta’ forklift sabiex iġibuhom konformi mal-istandards fis-seħħ fl-Unjoni, kif ukoll, barra minn hekk, il-fatt li dawn huma sussegwentement, għall-inqas parzjalment, effettivament importati u mqiegħda fis-suq fiż-ŻEE.

51

F’dan il-kuntest, għandu jiftakkar ukoll li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament Nru 2015/2424, li huwa applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali sa mit-23 ta’ Marzu 2016, issa jagħti dritt lill-proprjetarju jimpedixxi lil kull terz milli jintroduċi, fl-eżerċizzju tal-kummerċ, prodotti fl-Unjoni mingħajr ma jkunu ġew irrilaxxati għal ċirkulazzjoni ħielsa, meta dawn il-prodotti, inkluż it-tibdil magħmul lilhom, ikunu joriġinaw minn pajjiżi terzi u jkunu jġibu, mingħajr awtorizzazzjoni, trade mark li hija identika għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata għal dawn il-prodotti jew li ma tistax tiġi distinta, fl-aspetti essenzjali tagħha, minn din it-trade mark. Dan id-dritt tal-proprjetarju jispiċċa biss jekk, matul il-proċedura intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk saritx ħsara lit-trade mark, il-persuna li tiddikjara jew li għandha pussess tal-prodotti tipproduċi prova li l-proprjetarju ma għandux id-dritt jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq tal-prodotti fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95 u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista jopponi li, mingħajr il-kunsens tiegħu, terz ineħħi s-sinjali kollha identiċi għal din it-trade mark u jwaħħal sinjali oħra fuq prodotti mqiegħda taħt il-proċedura tal-ħażna doganali bħal fil-kawża prinċipali bl-għan li jimportahom jew li jqiegħedhom fis-suq fiż-ŻEE fejn huma qatt ma ġew ikkummerċjalizzati.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks u l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta’ trade mark jista jopponi li, mingħajr il-kunsens tiegħu, terz ineħħi s-sinjali kollha identiċi għal din it-trade mark u jwaħħal sinjali oħra fuq prodotti mqiegħda taħt il-proċedura tal-ħażna doganali bħal fil-kawża prinċipali bl-għan li jimportahom jew li jqiegħedhom fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fejn huma qatt ma ġew ikkummerċjalizzati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.