KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fil‑25 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C‑437/17

Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH

vs

EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Moviment liberu tal-ħaddiema – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet minħabba n-nazzjonalità – Drittijiet għal-leave annwali mħallas – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għall-għoti ta’ ġimgħa ta’ leave annwali mħallas supplimentari għall-ħaddiema li jkollhom 25 sena servizz mal-istess persuna li timpjega”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Urlaubsgesetz ( 2 ) (il-Liġi Awstrijaka dwar il-Leave, iktar ’il quddiem l-“UrlG”) mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet minħabba n-nazzjonalità tal-ħaddiema, prevista fl-Artikolu 45(2) TFUE u fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 ( 3 ) kif ukoll mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit fl-Artikolu 45(1) TFUE.

2.

Essenzjalment, id-dispożizzjonijiet tal-UrlG inkwistjoni jissuġġettaw l-għoti ta’ sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas għall-kundizzjoni li wieħed ikollu mill-inqas 25 sena servizz mal-istess persuna li timpjega – il-persuna attwali li timpjega. Għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan il-perijodu ta’ servizz, il-perijodi ta’ attività mwettqa ma’ persuni preċedenti li jimpjegaw huma madankollu meħuda inkunsiderazzjoni, b’mod komplementari u limitat.

3.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal “Reviżjoni” bejn Gemeinsamer Betriebsrat EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH (iktar ’il quddiem il-“kumitat ta’ impriża”) u EurothermenResort Bad Schallerbach GmbH dwar il-modalitajiet ta’ għoti ta’ din is-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas. Skont il-kumitat ta’ impriża, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-perijodi ta’ attività mwettqa mill-ħaddiema mal-persuni preċedenti li jimpjegawhom, fi Stati Membri oħra għajr fir-Repubblika tal-Awstrija, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bl-istess mod bħal dawk imwettqa mal-persuna attwali li timpjega.

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nindika r-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħi, leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija l-UrlG li, għall-finijiet tal-għoti ta’ drittijiet għal-leave annwali mħallas, tittratta l-perijodi ta’ attività mwettqa minn ħaddiem mal-persuni preċedenti li jimpjegawh b’mod inqas favorevoli minn dawk li huwa wettaq mal-persuna attwali li timpjegah, ma tikkostitwixxi la diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, u lanqas ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din il-leġiżlazzjoni timplika tali diskriminazzjoni jew tali ostakolu, jiena ser nindika, b’mod sussidjarju, ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħi, din tista’ tkun iġġustifikata.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 492/2011

5.

L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprovdi:

“Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid”.

B.   Id-dritt Awstrijak

6.

L-Artikolu 2(1) tal-UrlG jipprovdi:

“Il-ħaddiem għandu dritt, għal kull sena ta’ xogħol, għal leave imħallas mhux interrott. It-tul tal-leave għandu jkun ta’ 30 jum tax-xogħol jekk il-perijodu ta’ servizz tiegħu jkun inqas minn 25 sena u ta’ 36 jum tax-xogħol meta tkun ikkompletata l-ħamsa u għoxrin sena”.

7.

Skont l-Artikolu 3 tal-UrlG:

“(1)   Għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave, il-perijodi ta’ attività mwettqa mal-istess persuna li timpjega li ma ġewx interrotti b’perijodi ta’ iktar minn 3 xhur għandhom jiġu ttotalizzati.

[…]

(2)   Għad-determinazzjoni tat-tul tal-leave għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni:

1.

kull perijodu ta’ attività mwettqa fit-territorju nazzjonali […] fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol oħra jekk din tkun damet, f’kull każ, minn tal-anqas 6 xhur;

[…]

(3)   il-perijodi msemmija fil-punt 1 tal-paragrafu (2) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala total, biss sa ħames snin […]

[…]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.

EurothermenResort Bad Schallerbach hija kumpannija Awstrijaka attiva fis-settur tat-turiżmu. Din il-kumpannija timpjega b’mod partikolari ċerta numru ta’ ħaddiema li jkollhom perijodi ta’ attività mwettqa preċedentement ma’ persuni preċedenti li jimpjegaw, fit-territorju ta’ Stati Membri għajr fir-Repubblika tal-Awstrija.

9.

Il-kumitat ta’ impriża ppreżenta rikors kontra EurothermenResort Bad Schallerbach quddiem il-Landesgericht Wels (il-Qorti Reġjonali ta’ Wels, l-Awstrija) dwar id-drittijiet għal-leave annwali mħallas tal-ħaddiema inkwistjoni. F’dan il-kuntest, l-imsemmi kumitat ta’ impriża sostna li, billi jillimitaw il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-iskopijiet tal-perijodu ta’ servizz meħtieġ fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG għall-għoti ta’ sitt ġimgħa ta’ leave, il-perijodi preċedenti ta’ attività mwettqa fi Stati Membri oħra għajr fl-Awstrija, fejn dawn jgħoddu biss sa massimu ta’ ħames snin, il-punt 1 tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tal-UrlG jiżvantaġġaw b’mod partikolari lill-ħaddiema migranti u jirrendu inqas attraenti l-eżerċizzju, mill-ħaddiema Awstrijaki, tal-libertà tagħhom ta’ moviment. Il-kumitat ta’ impriża sostna li, skont id-dritt tal-Unjoni, dawn il-perijodi preċedenti ta’ attività kellhom jiġu kkalkolati fl-intier tagħhom, b’mod li kull ħaddiem li jkollu esperjenza professjonali ta’ 25 sena jkollu dritt għal sitt ġimgħa ta’ leave skont l-Artikolu 2(1) tal-UrlG.

10.

Permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2017, il-Landesgericht Wels (il-Qorti Reġjonali ta’ Wels) ċaħdet dan ir-rikors. Din il-qorti qieset b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-UrlG ma jistabbilixxux diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, inkwantu l-perijodi kollha preċedenti ta’ attività mwettqa ma’ persuni preċedenti li jimpjegaw huma ttrattati b’mod identiku. F’dan ir-rigward, għalkemm il-punt 1 tal-Artikolu 3(2) tal-UrlG jirreferi għall-perijodi ta’ attività mwettqa biss fit-territorju nazzjonali, il-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) teżiġi t-teħid inkunsiderazzjoni ugwali ta’ dawk imwettqa fit-territorju ta’ Stati Membri oħra. Mill-bqija, l-Istati Membri jibqgħu permessi jipprovdu vantaġġi favur ħaddiema li jkollhom ċertu perijodu ta’ servizz fi ħdan l-istess impriża.

11.

Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2017, l-Oberlandesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Linz, l-Awstrija) ikkonfermat is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. F’dan ir-rigward, il-qorti tal-appell qieset li, għalkemm ma jistax ikun eskluż li t-telf tas-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas jiskoraġġixxi lil ħaddiem Awstrijak milli jeżerċita l-libertà tiegħu ta’ moviment, l-ostakolu li jirriżulta minn dan huwa ġġustifikat bil-għan li tiġi ppremjata l-fedeltà tal-ħaddiema fir-rigward tal-persuna li timpjegahom.

12.

Il-kumitat ta’ impriża għaldaqstant ippreżenta rikors għal “Reviżjoni” kontra din is-sentenza quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema). F’dawn iċ-ċirkustanzi, din l-aħħar qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 45 TFEU u l-Artikolu 7(1) tar-[Regolament Nru 492/2011] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali [dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-punt 1 tal-Artikolu 3(2), tal-Artikolu 3(3) u tal-Artikolu 2(1) tal-Urlaubsgesetz (liġi dwar il-leave)], li skontha ħaddiem li jkollu total ta’ 25 sena servizz, iżda li ma jkunx wettaqhom mal-istess persuna li timpjega Awstrijaka, jibbenefika biss minn leave annwali [mħallas] ta’ ħames ġimgħat, filwaqt li ħaddiem li jkun wettaq 25 sena servizz mal-istess persuna li timpjega Awstrijaka għandu dritt għal sitt ġimgħat leave fis-sena?”

13.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Lulju 2017. Il-kumitat ta’ impriża, EurothermenResort Bad Schallerbach, il-Gvern Awstrijak kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. L-istess persuni kkonċernati dehru waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑3 ta’ Mejju 2018.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

14.

Inkwantu benefiċċju soċjali primordjali, id-dritt għal-leave annwali mħallas irrikonoxxut lill-ħaddiema huwa rregolat mid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE msejħa “Direttiva tal-Ħin tax-Xogħol” ( 4 ) jiggarantixxi lill-ħaddiema kollha tal-Unjoni Ewropea leave annwali mħallas ta’ erba’ ġimgħat. Peress li din id-direttiva tistabbilixxi biss rekwiżiti minimi, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħtu lill-ħaddiema li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tagħhom drittijiet iktar estiżi. Madankollu, l-eventwali kundizzjonijiet li għalihom dawn l-istess Stati Membri jissuġġettaw dawn id-drittijiet addizzjonali għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inkluż mar-regoli li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-ħaddiema previsti fl-Artikolu 45 TFUE u fir-Regolament Nru 492/2011.

15.

Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka fil-qasam tal-leave, l-UrlG, tmur preċiżament lil hinn mill-erba’ ġimgħat iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi jagħti lill-ħaddiema, għall-kull sena ta’ impjieg, ħames ġimgħat jew sitt ġimgħat ta’ leave annwali mħallas, skont jekk ikollhomx jew le 25 sena servizz.

16.

Il-perijodu ta’ servizz hekk mitlub huwa kkalkolat skont ir-regoli previsti fl-Artikolu 3 tal-UrlG. Skont l-Artikolu 3(1), il-perijodi ta’ attività mwettqa mal-istess persuna li timpjega – il-persuna attwali li timpjega – għandhom jiġu ttotalizzati, sakemm dawn ma jkunux ġew interrotti għal iktar minn tliet xhur ( 5 ). Il-punt 1 tal-Artikolu 3(2) jipprovdi li l-perijodi ta’ attività mwettqa ma’ persuna preċedenti li timpjega waħda jew iktar jidħlu wkoll fil-kalkolu, sakemm kull relazzjoni ta’ xogħol preċedenti tkun damet tal-anqas sitt xhur ( 6 ). Madankollu, skont l-Artikolu 3(3), dawn il-perijodi preċedenti ta’ attività mwettqa għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala totali, biss sa ħames snin.

17.

Sabiex tinftiehem il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ejja nimmaġinaw il-każ ta’ ħaddiem, is-Sur Mahler, li qatta’ 5 snin mal-impriża X, sussegwentement 8 snin mal-impriża Y, qabel ma finalment daħal mal-impriża Z, fejn ħadem għal 15-il sena mingħajr interruzzjoni. Skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) sa (3) tal-UrlG, il-portata tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas tas-sur Mahler għandu jiġi kkalkolat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod prinċipali, il-perijodu ta’ servizz tiegħu fl-impriża Z, jiġifieri 15-il sena, li miegħu tiżdied, b’mod sussidjarju, l-esperjenza professjonali tiegħu maż-żewġ persuni preċedenti li kienu jimpjegawh, jiġifieri 13-il sena, li jgħoddu biss, madankollu, 5 snin – jiġifieri total ta’ 20 sena. Konsegwentement, għalkemm il-karriera professjonali tas-Sur Mahler tinfirex fuq 28 sena, huwa ma għandux il-25 sena servizz meħtieġa sabiex jibbenefika minn sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas skont l-Artikolu 2(1) tal-UrlG.

18.

Ir-rikors għal “Reviżjoni” ppreżentat mill-kumitat ta’ impriża quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) huwa bbażat fuq il-premessa li r-regoli kontenzjużi tal-UrlG huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Dawn ir-regoli jiksru l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 u jirrestrinġu l-moviment liberu tal-ħaddiema, b’mod partikolari dawk Awstrijaki. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ aspetti għandhom jiġu ttrattati wieħed wieħed, billi jiġu eżaminati l-ewwelnett ir-raġunijiet li għalihom, fil-fehma tiegħi, leġiżlazzjoni bħalma hija l-UrlG ma timplika ebda diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (B) u sussegwentement dawk li għalihom jeħtieġ li tinstilet l-istess konklużjoni, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema (C).

B.   Fuq l-assenza ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità tal-ħaddiema

19.

L-Artikolu 45(2) TFUE jipprojbixxi kull diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol. L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi, min-naħa tiegħu, espressjoni partikolari ta’ din il-projbizzjoni fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bl-istess mod ( 7 ).

20.

Regoli bħalma huma dawk previsti mill-UrlG jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, inkwantu d-drittijiet għal-leave annwali mħallas rikonoxxuti lill-ħaddiema jiffurmaw inkontestabbilment parti mill-qasam tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol.

21.

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali diskriminazzjoni pprojbita, l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) sa (3) tal-UrlG jagħmlu, għall-iskopijiet tal-portata tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema, distinzjoni bbażata fuq il-perijodu ta’ servizz tagħhom. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema kollha, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom. Għaldaqstant, dawn ma jimplikawx diskriminazzjoni bbażata direttament fuq dan il-kriterju.

22.

Dan premess, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 45(2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjonijiet ibbażati direttament fuq in-nazzjonalità tal-ħaddiema, imma wkoll dawk ibbażati indirettament fuq dan il-kriterju, jiġifieri “kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament twassal għall-istess riżultat” ( 8 ).

23.

It-“test” applikabbli f’dan il-qasam ġie stabbilit għall-ewwel darba fis-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn ( 9 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “sakemm ma hijiex oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata mal-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti miċ-ċittadini nazzjonali u konsegwentement tista’ tisfavorixxi iktar partikolarment lil dawk tal-ewwel” ( 10 ).

24.

Minn dan jirriżulta li titqies bħala indirettament diskriminatorja minħabba n-nazzjonalità, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata, kull miżura li x’aktarx, fid-dawl tal-fatti ġeneralment aċċettati ( 11 ) jew ta’ informazzjoni oħra, ikollha potenzjalment, effetti differenti fuq iċ-ċittadini nazzjonali u fuq iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari sfavorevoli għat-tieni. Dan għandu jirriżulta min-natura stess tal-miżura, jiġifieri mill-kriterju ta’ distinzjoni magħżul, li għandu jkollu, minkejja n-newtralità apparenti tiegħu, effetti tal-istess tip bħal dawk prodotti mill-kriterju tan-nazzjonalità. Il-potenzjal diskriminatorju tal-kriterju inkwistjoni jiġi vverifikat billi jiġu mifruda – ipotetikament – iċ-ċittadini nazzjonali u dawk li ma humiex f’żewġ gruppi separati, u sussegwentement billi jittieħed, fi ħdan kull grupp, il-proporzjon ta’ persuni li jistgħu jkunu affettwati b’mod negattiv mill-kriterju inkwistjoni u, fl-aħħarnett, billi jitqabblu dawn iż-żewġ proporzjonijiet ( 12 ).

25.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi ħafna eżempji ta’ kriterji li jistgħu jisfavorixxu b’mod partikolari, fil-prattika, il-grupp taċ-ċittadini li ma humiex nazzjonali: ir-residenza ( 13 ), il-post ta’ oriġini ( 14 ), il-lingwa ( 15 ) jew il-post tal-ksib tal-għarfien lingwistiku ( 16 ), il-post tal-ksib tad-diploma ( 17 ), jew ukoll is-sistema ta’ edukazzjoni nazzjonali li minnha jifforma parti stagiaire ( 18 ).

26.

Tali kriterji jaħbu rabta ma’ Stat Membru partikolari, billi jintrabtu ma’ attributi ta’ dan l-Istat, bħalma huwa t-territorju tiegħu jew il-lingwa tiegħu u, għaldaqstant, iqarbu għall-kriterju tan-nazzjonalità. Il-lega ta’ newtralità titlaq faċilment ( 19 ). Ċertament, jiġri li kriterji totalment estranji għal kull kunsiderazzjoni marbuta man-nazzjonalità jirriżultaw xorta waħda indirettament diskriminatorji fuq din il-bażi. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fiha xi eżempji storiċi ( 20 ). Madankollu, hemm bżonn ta’ informazzjoni addizzjonali sabiex tiġi żvelata l-eżistenza ta’ inugwaljanza fit-trattament ibbażata indirettament fuq in-nazzjonalità ( 21 ).

27.

F’dan il-każ, il-kumitat ta’ impriża u l-Kummissjoni jsostnu li l-kriterju tal-perijodu ta’ servizz, li fuqu huma bbażati l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) sa (3) tal-UrlG huwa, fil-prattika, iktar favorevoli għall-ħaddiema Awstrijaċi milli għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Fil-fatt, dawk tal-ewwel jirrisjedu fil-parti l-kbira tagħhom fl-Awstrija, jibdew hemmhekk il-karriera professjonali tagħhom u jistgħu jibqgħu fis-servizz tal-istess persuna waħda li timpjega b’mod mhux interrott matul il-25 sena meħtieġa, skont l-Artikolu 2(1) tal-UrlG, sabiex jibbenefikaw minn sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas. Min-naħa l-oħra, dawk tat-tieni jibdew ġeneralment il-karriera professjonali tagħhom fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom u jidħlu jaħdmu ma’ persuna li timpjega Awstrijaka biss iktar tard fil-karriera tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun iktar diffiċli għall-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra li jiksbu l-perijodu ta’ servizz hekk meħtieġ, peress li l-esperjenza professjonali passata tagħhom tittieħed inkunsiderazzjoni biss sa massimu ta’ ħames snin kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tal-UrlG ( 22 ).

28.

EurothermenResort Bad Schallerbach u l-Gvern Awstrijak huma tal-fehma opposta. Skonthom, wieħed ma jistax jikkonkludi, f’dan il-każ, li teżisti diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità sa fejn ir-regoli tal-UrlG jittrattaw bl-istess mod lill-ħaddiema Awstrijaċi u lill-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra. Filwaqt li tadotta l-istess approċċ, il-qorti tar-rinviju tindika li ma huwiex magħruf li l-ħaddiema Awstrijaki għandhom tendenza jibqgħu fis-servizz tal-istess persuna li timpjega għal 25 sena u li, għaldaqstant, dawn jistgħu jibbenefikaw mis-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi b’mod ħafna ikbar mill-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra. Għall-kuntrarju, il-ħaddiema Awstrijaki jibdlu ta’ spiss il-persuna li timpjegahom.

29.

Kif indikajt qabel, jien naqbel mal-fehma tat-tieni.

30.

Fil-fatt, il-kriterju ta’ 25 sena servizz użat fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG, jiffavorixxi lill-ħaddiema li ma jibdlux il-persuna li timpjegahom matul il-perijodu meħtieġ f’dan l-artikolu. Bl-istess mod, dan il-kriterji jisfavorixxi lill-ħaddiema kollha li bidlu l-persuna li timpjegahom matul il-karriera tagħhom u li jaraw l-esperjenza professjonali tagħhom miksuba mal-persuni preċedenti li jimpjegawhom kkalkolata sal-limitu ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 3(3) tal-UrlG. F’dan ir-rigward, in-nazzjonalità tal-persuna li timpjega jew tal-persuni preċedenti li jimpjegaw u l-post ta’ eżekuzzjoni tar-relazzjoni jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol inkwistjoni jikkostitwixxu ċirkustanzi irrilevanti. Ir-regoli ta’ din il-liġi ma jagħmlu ebda distinzjoni bejn il-mobbiltà interna – fit-territorju Awstrijak – u l-mobbiltà esterna – lejn jew minn Stat Membru ieħor – ta’ ħaddiem. Il-perijodi ta’ attività mwettqa minnu ma’ persuna li timpjega jew ma diversi persuni preċedenti li jimpjegaw huma meħuda inkunsiderazzjoni bl-istess mod, kemm jekk dawn twettqu fit-territorju nazzjonali jew fi Stat Membru ieħor ( 23 ).

31.

Konsegwentement, il-ħaddiema kollha ċittadini ta’ Stati Membri oħra għajr tar-Repubblika tal-Awstrija li jkollhom esperjenza professjonali ta’ iktar minn ħames snin ma’ persuna waħda jew iktar li timpjega għajr mal-persuna attwali li timpjegahom huma, ċertament, affettwati b’mod negattiv mir-regoli tal-UrlG. Madankollu, l-istess japplika għall-ħaddiema Awstrijaki kollha li jkunu bidlu l-persuna li timpjegahom matul il-karriera tagħhom. Għaldaqstant, il-kriterju tal-perijodu ta’ servizz jaffettwa bl-istess mod lill-grupp tal-ħaddiema nazzjonali u lill-grupp tal-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra ( 24 ). Ikun differenti jekk informazzjoni addizzjonali turi jew, tal-anqas, tippermetti li wieħed jippreżumi li dawk tal-ewwel jibdlu ħafna inqas ta’ spiss l-impjieg minn dawk tat-tieni. Issa, kif tirrimarka l-qorti tar-rinviju, xejn ma jtendi li juri dan ( 25 ).

32.

Il-Kummissjoni ssostni madankollu li l-fatt li parti sinjifikattiva mill-ħaddiema Awstrijaki huma affettwati b’mod negattiv mir-regoli tal-UrlG ma jipprekludix li jiġi konkluż li teżisti diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-maġġoranza tal-ħaddiema li jissodisfaw il-kundizzjoni tal-25 sena servizz prevista fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG huma Awstrijaki u/jew li l-maġġoranza ta’ dawk affettwati mit-teħid inkunsiderazzjoni limitat tal-perijodi ta’ attività mwettqa ma persuni preċedenti li jimpjegaw, previst fl-Artikolu 3(3) tal-UrlG, huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

33.

F’dan ir-rigward, infakkar li, sabiex jiġi stabbilit li leġiżlazzjoni nazzjonali twassal, fil-fatti, għal inugwaljanza fit-trattament minħabba n-nazzjonalità, la huwa neċessarju u lanqas suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-maġġoranza tal-persuni vantaġġati minnha huma ċittadini nazzjonali jew li l-maġġoranza ta’ dawk sfavoriti ma humiex ċittadini nazzjonali. Din il-loġika fiha nuqqasijiet serji ( 26 ). Kif ġie spjegat fil-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandha tkun ta’ interess l-eventwali eżistenza ta’ differenza bejn il-proporzjon taċ-ċittadini mhux nazzjonali li jistgħu jkunu affettwati b’mod negattiv mill-UrlG, meta mqabbel ma’ dak taċ-ċittadini nazzjonali li jistgħu jkunu hekk affettwati. Issa, din id-differenza, fil-fehma tiegħi, ma tantx hija verosimili f’dan il-każ ( 27 ).

34.

B’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, konklużjoni differenti ma toħroġx mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, sabiex miżura tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala indirettament diskriminatorja ma huwiex neċessarju li jkollha l-effett li tiffavorixxi liċ-ċittadini nazzjonali kollha jew li tisfavorixxi biss liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra dawk nazzjonali ( 28 ).

35.

Fil-fatt, din il-ġurisprudenza ma hija ta’ ebda għajnuna f’kawża bħalma hija dik prinċipali. L-imsemmija ġurisprudenza ma tindika xejn iktar u xejn inqas milli, inkwantu leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ taffettwa iktar lill-grupp taċ-ċittadini mhux nazzjonali mill-grupp taċ-ċittadini nazzjonali, il-fatt li ċerta parti minn dawn tal-aħħar hija affettwata wkoll ma jipprekludix li jiġi konkluż li teżisti diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità. Min-naħa l-oħra, din l-istess ġurisprudenza ma tistax tippermetti li jiġi konkluż li teżisti tali diskriminazzjoni fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni li għandha, bħal f’dan il-każ, l-istess effetti fuq iċ-ċittadini nazzjonali u dawk mhux nazzjonali ( 29 ).

36.

Ċertament, teżisti ġurisprudenza pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kalkolu tal-perijodu ta’ servizz fis-settur pubbliku tal-Istati Membri, għall-iskopijiet tal-avvanz u l-benefiċċji f’termini ta’ remunerazzjoni li ġeneralment huma assoċjati miegħu. Skont din il-ġurisprudenza, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jeskludu totalment, f’dan il-qasam, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa minn ħaddiem fl-amministrazzjoni pubblika ta’ Stat Membru ieħor, jew li jissuġġettaw il-kalkolu ta’ dawn il-perijodi għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk applikabbli għall-perijodi ta’ servizz imwettqa fl-amministrazzjoni pubblika nazzjonali, huma indirettament diskriminatorji minħabba n-nazzjonalità ( 30 ).

37.

Madankollu, għalkemm il-leġiżlazzjonijiet inkwistjoni f’dawn il-kawżi preċedenti kienu bbażati fuq kriterju ta’ distinzjoni – il-perijodu ta’ servizz fis-settur pubbliku nazzjonali – li fl-apparenza huwa simili għal dak li fuqu hija bbażata, f’dan il-każ, l-UrlG, fir-realtà dawn il-leġiżlazzjonijiet huma distinti minn din il-liġi fl-applikazzjoni tagħhom.

38.

Is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler ( 31 ), tagħti f’dan ir-rigward eżempju tajjeb. Dik il-kawża kienet tirrigwarda allowance għal perijodu ta’ servizz mogħtija mill-Istat Awstrijak, fil-kwalità ta’ persuna li timpjega, lill-professuri tal-università li kienu, b’mod partikolari, eżerċitaw din il-professjoni għal tal-anqas ħmistax-il sena ma’ kwalunkwe università pubblika Awstrijaka. Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-allowance kellha bħala konsegwenza li tikkumpensa lill-professuri ta’ universitajiet Awstrijaċi li jkomplu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fit-territorju Awstrijak għad-detriment ta’ dawk li jeżerċitaw tali professjoni fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.

39.

Tali leġiżlazzjoni kienet tippermetti għaldaqstant mobbiltà kbira fi ħdan grupp ta’ persuni nazzjonali differenti li jimpjegaw ( 32 ). Għall-kuntrarju, l-UrlG tikkunsidra b’mod favorevoli biss il-perijodu ta’ servizz miksub mal-istess persuna waħda li timpjega – il-persuna attwali li timpjega. Kif ġie spjegat fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-liġi tittratta l-mobbiltà interna fit-territorju nazzjonali b’mod daqstant strett bħall-mobbiltà esterna: kull tibdil fir-rigward tal-persuna li timpjega jirriżulta fl-applikazzjoni tat-trattament sfavorevoli.

40.

Barra minn hekk, kif sostniet EurothermenResort Bad Schallerbach waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata fuq dan il-punt, il-persuna attwali li timpjega ma għandhiex neċessarjament tkun persuna Awstrijaka li timpjega. L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tal-UrlG lanqas ma jeżiġu li l-perijodi ta’ attività mwettqa mal-persuna attwali li timpjega jkunu saru fit-territorju nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ssostni, hawnhekk ukoll mingħajr ma ġiet ikkontestata, li l-perijodi ta’ attività kollha mwettqa minn ħaddiem mal-istess persuna li timpjega huma ttrattati bl-istess mod, indipendentement mill-post fejn dawn ikunu twettqu ( 33 ). L-unika kundizzjoni li tiżdied, impliċitament imma evidentement, ma’ dik tar-rimanenza mal-istess persuna waħda li timpjega hija li wieħed ikun jaqa’ taħt id-dritt Awstrijak fil-mument tal-għoti tas-sitt ġimgħa.

41.

Ejja nieħdu għaldaqstant bħala eżempju, il-każ ta’ ħaddiem Ġermaniż li jidħol jaħdem ma’ stabbiliment ta’ impriża partikolari, li tinsab fil-Ġermanja, u li jingħaqad, wara diversi snin ta’ attività, ma’ stabbiliment ta’ din l-istess impriża li jinsab fl-Awstrija u minħabba dan jiġi jaqa’, bħala prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Awstrijak ( 34 ). Għall-iskopijiet tal-għoti ta’ sitt ġimgħa ta’ leave skont ir-regoli kontenzjużi tal-UrlG, il-perijodi ta’ attività tiegħu mwettqa fit-territorju Ġermaniż jiġu ttrattati daqstant b’mod favorevoli bħal dawk imwettqa fit-territorju Awstrijak, sakemm il-kundizzjoni dwar l-identiċità tal-persuna li timpjega tkun issodisfatta ( 35 ).

42.

Il-kumitat ta’ impriża u l-Kummissjoni bbażaw ruħhom madankollu fuq is-sentenza SALK ( 36 ), li, fil-fehma tagħhom, għandha tiġi applikata b’analoġija f’din il-kawża. Infakkar li dik is-sentenza kienet tirrigwarda liġi tal-Land ta’ Salzbourg – jiġifieri, essenzjalment, leġiżlazzjoni reġjonali – li, sabiex tiddetermina d-data ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-avvanz tal-impjegati ta’ kumpannija holding ta’ tliet sptarijiet u ta’ diversi stabbilimenti oħra li jinsabu f’dan il-Land, kienet tagħmel distinzjoni skont jekk l-impjegati kinux dejjem ħadmu għal servizzi li jaqgħu taħt dan il-Land jew għal persuni oħra nazzjonali jew barranin li jimpjegaw. Għal dawk tal-ewwel, il-perijodi ta’ attività kienu meħudin inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom mentri, għal dawk tat-tieni, il-perijodi ta’ attività mwettqa qabel ir-reklutaġġ tagħhom ma’ dan l-istess Land kienu meħudin inkunsiderazzjoni biss fi proporzjon iżgħar.

43.

Issa, f’dik il-kawża, seta’ jiġi raġonevolment sostnut li, bħal f’din il-kawża, il-mobbiltà interna u l-mobbiltà esterna kienu ttrattati bl-istess mod. Dan ma pprekludiex lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonkludi li kienet teżisti diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità, billi ttrasponiet il-preċedenti tagħha relattivi għall-perijodu ta’ servizz fis-settur pubbliku tal-Istati Membri u billi fakkret il-ġurisprudenza li tinsab fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 37 ).

44.

Jien għandi ċerti riżervi fir-rigward tas-sentenza SALK ( 38 ). Fil-kawża inkwistjoni, l-istess bħall-ħaddiema ta’ Stati Membri oħra, il-ħaddiema Awstrijaki kollha li kellhom persuna li timpjegahom, pubblika jew privata, li ma kienx il-Land ta’ Salzbourg kienu żvantaġġati. Niddubita kemm kien hemm, f’dik il-kawża, fir-realtà, diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità. Fil-fehma tiegħi, it-traspożizzjoni ta’ ġurisprudenza li tirrigwarda leġiżlazzjonijiet applikabbli fuq skala nazzjonali – bħalma huma dawk li jirrigwardaw il-perijodu ta’ servizz fis-settur pubbliku nazzjonali – għal-leġiżlazzjonijiet simili adottati minn awtoritajiet lokali jew reġjonali tista’ ssir biss b’ċertu kawtela. Bħala eżempju, għalkemm huwa verosimili li kundizzjoni ta’ residenza, imposta fuq livell nazzjonali, tiżvantaġġa b’mod partikolari liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, xejn ma huwa inqas ċert meta tali kundizzjoni tiġi imposta minn awtorità lokali ( 39 ).

45.

Dan premess, jekk wieħed jippreżumi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tixtieqx tikkontesta dik is-sentenza, dejjem huwa possibbli li ssir distinzjoni ma’ din il-kawża. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fl-imsemmija sentenza kienet tiffavorixxi wkoll ċerta grad ta’ mobbiltà interna peress li ħaddiem ta’ dak il-Land seta’ jibdel l-impjieg u jkompli jibbenefika mir-regoli favorevoli dwar il-kalkolu tal-perijodu ta’ servizz, sakemm jagħżel li jidħol ma’ impriża pubblika oħra li taqa’ taħt dak il-Land. Ir-regoli tal-UrlG jistgħu għaldaqstant jiġu distinti b’mod ċar mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’dik l-istess kawża.

46.

Meħud kont tas-suespost, jiena tal-fehma li leġiżlazzjoni bħalma hija l-UrlG ma timplika ebda inugwaljanza fit-trattament diretta jew indiretta minħabba n-nazzjonalità tal-ħaddiema. Din is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk kien verosimili li l-ħaddiema Awstrijaki jibdlu l-persuna li timpjegahom ħafna inqas ta’ spiss mill-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Ma hemm xejn fil-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jiġi preżunt dan.

C.   Fuq l-assenza ta’ ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jmur kontra l-Artikolu 45 TFUE

47.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 45 TFUE mhux biss jipprojbixxi kull forma ta’ diskriminazzjoni, diretta jew indiretta minħabba n-nazzjonalità, iżda wkoll il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li, minkejja li japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati, jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tagħhom ( 40 ).

48.

L-Artikolu 45 TFUE jipproteġi lill-ħaddiema ta’ Stat Membru li jixtiequ jidħlu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru ieħor, kemm fil-konfront tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom kif ukoll tal-Istat Membru ospitanti. Għaldaqstant, f’din il-kawża, għandu jiġi stabbilit jekk dispożizzjonijiet bħalma huma dawk tal-UrlG humiex tali li jikkostitwixxu ostakolu “għad-dħul” tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra fis-suq Awstrijak (1) jew ostakolu “għall-ħruġ” tal-ħaddiema Awstrijaċi mis-suq nazzjonali lejn is-suq ta’ Stati Membri oħra (2).

1. Fuq l-assenza ta’ ostakolu “għad-dħul”

49.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 45 TFUE jipprekludi kull miżura nazzjonali li, anki jekk tapplika mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, tista’ tfixkel jew tirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju, min-naħa taċ-ċittadini tal-Unjoni, tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat FUE ( 41 ).

50.

Peress li d-Direttiva 2003/88 tipprevedi biss rekwiżiti minimi fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas irrikonoxxut lill-ħaddiema, jibqgħu jeżistu ċerta differenzi bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam. F’dan il-każ, ir-regoli tal-UrlG jistgħu, assolutament, jirrendu inqas attraenti, f’għajnejn il-ħaddiem, l-idea li jkompli l-karriera tiegħu fl-Awstrija fil-każ li d-dritt tax-xogħol tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu jagħtih iktar leave mill-imsemmija regoli.

51.

Dan premess, l-Artikolu 45 TFUE ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li ċaqliq lejn Stat Membru għajr l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu ikun newtrali fil-qasam soċjali, billi dan iċ-ċaqliq, fid-dawl tad-differenzi msemmija fil-punt preċedenti, jista’, skont il-każ, ikun iktar jew inqas vantaġġuż għall-persuna kkonċernata f’dan il-qasam. Dan l-artikolu ma jagħtix, għaldaqstant, lill-imsemmi ħaddiem id-dritt li jipprevalixxi ruħu, fl-Istat Membru ospitanti, mill-kundizzjonijiet ta’ xogħol li minnhom kien jibbenefika fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat ( 42 ). Bħala prinċipju, huwa jista’ biss jibbenefika mill-kundizzjonijiet ta’ xogħol applikabbli għall-ħaddiema nazzjonali, skont il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ( 43 ). Fin-nuqqas ta’ dan, kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti ta’ ħaddiem li tkun inqas favorevoli minn dik tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu tkun tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu ta’ dan il-ħaddiem. Tali raġunament ikollu riperkussjonijiet kbar fuq il-leġiżlazzjonijiet soċjali tal-Istati Membri.

52.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li dispożizzjonijiet bħalma huma dawk tal-UrlG ma jistgħux jikkostitwixxu ostakolu għad-dħul tal-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra fis-suq tax-xogħol Awstrijak.

2. Fuq l-assenza ta’ ostakolu “għall-ħruġ”

53.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni għandhom l-għan li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kull natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jisfavorixxu lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. F’dan il-kuntest iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom b’mod partikolari d-dritt, li huma jisiltu direttament mit-Trattat FUE, li jitilqu mill-Istat ta’ oriġini tagħhom sabiex imorru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jirrisjedu fih sabiex jeżerċitaw attività ekonomika hemmhekk ( 44 ).

54.

Konsegwentement, jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-ħaddiema d-dispożizzjonijiet li jfixklu jew jiddiswadu ċittadin ta’ Stat Membru milli jitlaq mill-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu ( 45 ).

55.

F’dan il-każ, huwa inkontestabbli li r-regoli tal-UrlG ma għandhomx bħala effett li jfixklu lill-ħaddiema Awstrijaċi milli jwettqu attività bħala persuna impjegata fi Stati Membri oħra. Għaldaqstant, jekk xejn għandu jiġi stabbilit jekk dawn ir-regoli jistgħux jiddiswaduhom milli jagħmlu dan.

56.

Sa fejn ir-regoli tal-UrlG jissuġġettaw l-għoti ta’ sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas għall-fatt li l-ħaddiem jibqa’ fis-servizz tal-istess persuna li timpjega għal ċertu numru ta’ snin, dawn iħeġġu inevitabbilment lill-ħaddiema sabiex ma jitilqux minn mal-persuna attwali li timpjegahom. Ma nqisx minn daqshekk li dawn ir-regoli huma ta’ natura li jiddiswadu lill-ħaddiema Awstrijaċi milli jeżerċitaw il-moviment liberu tagħhom.

57.

F’dan ir-rigward, il-fatt li ħaddiem jibdel il-persuna li timpjegah ma jwassalx għat-telf ta’ dritt kweżit ( 46 ). Bil-fatt li jitlaq minn mal-persuna li timpjegah sabiex jingħaqad ma’ oħra, inkluż fi Stat Membru ieħor, ħaddiem sempliċement jinterrompi l-kontinwità tal-perijodu ta’ servizz meħtieġ sabiex jikseb din is-sitt ġimgħa u, għaldaqstant, inaqqas iċ-ċansijiet tiegħu li jikseb dan il-vantaġġ.

58.

Anki jekk wieħed jippreżumi li ħaddiem jippreferi jibqa’ mal-persuna attwali li timpjegah sabiex jikseb il-perijodu ta’ servizz meħtieġ, skont l-UrlG, sabiex jibbenefika minn sitt ġimgħa ta’ leave addizzjonali ( 47 ), iktar milli jmur jeżerċita attività bħala persuna impjegata ma’ persuna li timpjega fi Stat Membru ieħor, fejn il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-leave hija inqas ġeneruża, dan ma jikkostitwixxix restrizzjoni li tmur kontra l-Artikolu 45 TFUE, għar-raġunijiet invokati fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet: dan l-artikolu ma jistax jiggarantixxi lil ħaddiem li ċaqliq lejn Stat Membru għajr l-Istat ta’ oriġini tiegħu jkun newtrali fil-qasam soċjali. Ma hemmx ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema kull darba li persuna tagħmel l-għażla li tkompli taħdem fi Stat Membru partikolari, sabiex tibbenefika hemmhekk minn benefiċċju soċjali, iktar milli tmur teżerċita l-attività tagħha fi Stat Membru fejn il-leġiżlazzjoni tkun inqas favorevoli għaliha. Ir-raġunament kuntrarju jkollu, hawnhekk ukoll, riperkussjonijiet kbar fuq il-leġiżlazzjonijiet soċjali tal-Istati Membri.

59.

Il-kumitat ta’ impriża u l-Kummissjoni jsostnu madankollu li r-regoli tal-UrlG huma tali li jiddiswadu lill-ħaddiema Awstrijaki li jikkontemplaw li jitilqu minn mal-persuna attwali li timpjegahom sabiex jingħaqdu ma’ persuna li timpjega fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jkunu jixtiequ jirritornaw sussegwentement fis-servizz tal-persuna inizjali li timpjegahom. milli jeżerċitaw il-moviment liberu tagħhom F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tal-UrlG, il-perijodi ta’ attività mwettqa minn ħaddiem mal-istess persuna li timpjega jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-intier tagħhom biss meta dawn ma jkunux mifruda b’interruzzjoni ta’ iktar minn tliet xhur. Għaldaqstant, fil-każ fejn ħaddiem jirriżenja mill-impjieg tiegħu, imur joffri s-servizzi tiegħu lil persuna oħra li timpjega – barranija jew nazzjonali – u jirritorna sussegwentement għall-impjieg inizjali tiegħu, il-perijodi ta’ attività mwettqa qabel ir-riżenja tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, l-istess bħal dawk imwettqa mat-tieni persuna li timpjegah, biss sal-limitu ta’ ħames snin previsti fl-Artikolu 3(3) tal-UrlG.

60.

Dan premess, kif tirrimarka ġustament il-qorti tar-rinviju, tali argument huwa bbażat fuq sensiela ta’ ċirkustanzi li huma inċerti u indiretti wisq sabiex l-UrlG tkun tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema li jmur kontra l-Artikolu 45 TFUE ( 48 ).

61.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, fis-sentenza Köbler ( 49 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix għat-teħid inkunsiderazzjoni, għall-iskopijiet tal-għoti ta’ allowance għal perijodu ta’ servizz fis-settur pubbliku, tal-perijodi ta’ attività mwettqa fi Stat Membru ieħor hija tali li tiddiswadi lill-ħaddiema tal-Istat Membru inkwistjoni milli jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom peress li, mar-ritorn tagħhom fis-settur pubbliku tal-imsemmi Stat, l-esperjenza professjonali rilevanti tagħhom miksuba fi Stat Membru ieħor ma tkunx ivvalorizzata. Il-Qorti talk-Ġustizzja adottat interpretazzjoni simili fis-sentenza SALK, fir-rigward ta’ ħaddiema impjegati mis-servizzi pubbliċi tal-Land ta’ Salzbourg li kienu jixtiequ jirritornaw ma’ dawn is-servizzi wara li jkunu eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom.

62.

Madankollu, m’iniex ċert, hawnhekk ukoll, li l-loġika ta’ din il-ġurisprudenza dwar is-settur pubbliku hija trasponibbli għal din il-kawża. F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak isostni li r-reintegrazzjoni ta’ ħaddiem tas-settur pubbliku fl-impjieg ta’ oriġini tiegħu, wara perijodu ta’ kollokament ma’ amministrazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ tluq intiż sabiex tinkiseb esperjenza professjonali ma’ persuna pubblika jew privata oħra li timpjega, hija prattika kurrenti. Min-naħa l-oħra, ikun ħafna inqas komuni li ħaddiem tas-settur privat li jkun bidel il-persuna li timpjegah jirritorna mal-impriża inizjali tiegħu sabiex ikompli l-karriera tiegħu magħha. Tali reintegrazzjoni tkun tikkostitwixxi, għal ħaddiem li jeżita bejn li jibqa’ fis-servizz tal-persuna li timpjegah jew li jirriżenja, avveniment inċert u indirett. Fil-fatt, din ir-reintegrazzjoni ipotetika tkun suġġetta għal li jiġu ssodisfatti ċertu numru ta’ kundizzjonijiet indipendenti mir-rieda tal-ħaddiem ikkonċernat, bħalma hija d-disponibbiltà ta’ impjieg mar-ritorn tiegħu u l-għażla tal-persuna li timpjega li terġa timpjega lilu milli lil ħaddieħor. Dan l-argument huwa, fil-fehma tiegħi, għal kollox raġonevoli.

63.

Barra minn hekk, il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda, infakkar, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ servizz għall-iskopijiet tal-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema tas-settur pubbliku. F’dan il-qasam, l-effetti tal-perijodu ta’ servizz jinħassu immedjatament jew fi żmien qasir. Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, jekk wieħed jippreżumi li ħaddiem jasal jirritorna fis-servizz tal-persuna inizjali li timpjegah wara li jkun eżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, il-kisba tad-dritt għas-sitt ġimgħa ta’ leave tkun tikkostitwixxi fi kwalunkwe każ avveniment medjat, li jseħħ f’futur ġeneralment ’il bogħod, fid-dawl tal-25 sena servizz meħtieġa għal dan il-għan. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-ħaddiem ikkonċernat jibqa’ mal-persuna li timpjegah għaż-żmien neċessarju, ħaġa li tkun tiddependi hawnhekk ukoll miċ-ċirkustanzi relattivament inċerti, marbutin kemm mal-ħajja personali tal-imsemmi ħaddiem – li jista’, għal raġuni differenti, jiddeċiedi li jitlaq mill-ġdid – kif ukoll mal-persuna li timpjegah – li jista jkollu jinterrompi r-relazzjoni ta’ xogħol għal diversi raġunijiet.

64.

Meħud kont tas-suespost, inqis li r-regoli previsti mill-UrlG ma jikkostitwixxux ostakolu “għall-ħruġ” tal-ħaddiema Awstrijaki lejn is-suq tax-xogħol ta’ Stati Membri oħra.

D.   Sussidjarjament, fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

65.

Għal skop ta’ eżawriment u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) sa (3) tal-UrlG jimplikaw inugwaljanza fit-trattament indiretta minħabba n-nazzjonalità jew li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, ser nindika, fil-punti segwenti, ir-raġunijiet li għalihom dawn id-dispożizzjonijiet jidhirli li huma fi kwalunkwe każ iġġustifikati.

66.

F’dan ir-rigward, infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, inugwaljanza fit-trattament ibbażata indirettament fuq in-nazzjonalità ma tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita sakemm tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan imfittex. Miżura nazzjonali li tostakola il-moviment liberu tal-ħaddiema hija wkoll kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni meta hija tkun tissodisfa l-istess kundizzjonijiet.

67.

Fir-rigward tal-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, il-Gvern Awstrijak isostni li d-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-UrlG huma intiżi li jikkumpensaw il-fedeltà tal-ħaddiema lejn il-persuni li jimpjegawhom.

68.

Il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma aċċettat formalment li l-għan ta’ fedeltà jiġġustifika inugwaljanza fit-trattament ibbażata indirettament fuq in-nazzjonalità jew ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema. Hija llimitat ruħha tiddeċiedi, f’diversi okkażjonijiet iżda dejjem b’pass lura, li “ma jistax jiġi eskluż” ( 50 ) li l-fedeltà tista’ tikkostitwixxi tali ġustifikazzjoni, filwaqt li ċaħdet li dan l-għan jista’ jiġi invokat fil-każ konkret ( 51 ).

69.

Fil-fehma tiegħi, l-għan ta’ fedeltà jista’ effettivament jiġġustifika inugwaljanza fit-trattament indiretta minħabba n-nazzjonalità jew ostakolu li jmorru kontra l-Artikolu 45 TFUE. Fil-fatt, l-għanijiet leġittimi ta’ politika soċjali u tal-impjieg li l-Istati Membri jridu jilħqu għandhom, fil-fehma tiegħi, jitqiesu bħala ġustifikazzjonijiet ammissibbli f’dan il-qasam. Issa, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn l-istess Stat Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, b’mod partikolari, fl-għażla tal-għanijiet li huma jixtiequ jilħqu fil-kuntest ta’ din il-politika ( 52 ). Għaldaqstant, jien ma nara ebda ostakolu sabiex il-fedeltà titqies bħala tali għan leġittimu. Kif issostni EurothermenResort Bad Schallerbach, il-perennità tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħha toffri lil ħaddiem ċerta ċertezza. Il-Kummissjoni sostniet ukoll, bir-raġun, li l-fedeltà tal-ħaddiema hija ħaġa tajba għall-persuna li timpjega, li tista’ tippjana iktar faċilment l-attività tagħha billi tkun żgurat mill-istabbiltà tal-impjegati tagħha.

70.

Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, it-test tal-proporzjonalità, għandu jitfakkar li dan jeżiġi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan imfittex u ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq ( 53 ).

71.

Issa, inqis, min-naħa, li r-regoli tal-UrlG huma adatti sabiex jintlaħaq l-għan ta’ fedeltà inkwistjoni. F’dan ir-rigward, nosserva li, fil-kawżi li jirrigwardaw il-perijodu ta’ servizz tal-ħaddiema fis-settur pubbliku li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita bihom, il-leġiżlazzjonijiet kontenzjużi kienu jivvalorizzaw u jikkumpensaw l-esperjenza professjonali miksuba mhux biss ma’ persuna waħda li timpjega iżda ma’ diversi persuni li jimpjegaw ( 54 ). Quddiem din il-konstatazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-leġiżlazzjonijiet ma kinux adattati sabiex jilħqu dan l-għan ( 55 ). Dawn kienu, fi ftit kliem, premji “foloz” ta’ fedeltà. Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat matul dawn il-konklużjonijiet, ir-regoli tal-UrlG essenzjalment jikkumpensaw biss il-perijodu ta’ servizz miksub mal-istess persuna waħda li timpjega. Is-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG tikkostitwixxi għaldaqstant premju “veru” ta’ fedeltà ( 56 ).

72.

Il-kumitat ta’ impriża jsostni madankollu li r-regoli tal-UrlG ma jilħqux b’mod effikaċi dan l-għan ta’ fedeltà, peress li l-ħaddiema li għandhom il-perijodu ta’ servizz meħtieġ sabiex jibbenefikaw mis-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas prevista fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG huma fil-fatt ftit ħafna. Barra minn hekk, ir-regoli tal-UrlG ma jipproteġux lill-ħaddiema mill-eventwali tkeċċija qabel il-ksib tal-anzjanità meħtieġa biex jibbenefikaw minnha. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm miżuri aħjar ta’ fedelizzazzjoni.

73.

Dan premess, il-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li minnha jibbenefikaw l-Istati Membri, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet, testendi wkoll għad-definizzjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu l-għanijiet ta’ politika soċjali u tal-impjieg li huma jridu jilħqu. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-analiżi tan-natura adatta ta’ leġiżlazzjoni bħalma hija l-UrlG, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tivverifika jekk din tikkostitwixxix l-aħjar mezz sabiex tiġi żgurata l-fedeltà tal-ħaddiema. Huwa suffiċjenti li hija tkun kapaċi tikkontribwixxi għal din il-fedeltà. Issa, fil-fehma tiegħi, dan huwa l-każ.

74.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-neċessità tar-regoli tal-UrlG fid-dawl tal-għan imfittex ta’ fedeltà, jidhirli li l-marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri għandu japplika wkoll f’dan l-istadju. B’mod partikolari, ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina dak li jikkostitwixxi perijodu ta’ servizz meritevoli,, ħlief bħala sostituta għal-leġiżlatur nazzjonali. Bl-istess mod, hawn ukoll, is-sempliċi fatt li jeżistu metodi oħra sabiex tiġi kkumpensata l-fedeltà, li mingħajr dubju huma implimentati fi Stati Membri oħra, ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li r-regoli tal-UrlG huma sproporzjonati ( 57 ).

75.

Jidhirli li wieħed għandu wkoll iżomm f’moħħu, sabiex jevalwa n-neċessità tar-regoli tal-UrlG, li dawn jagħtu vantaġġ lill-ħaddiema, li jmur lil hinn minn dak impost mid-Direttiva 2003/88. Dawk li ma jibbenefikawx mis-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas prevista fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG jistgħu dejjem jibbenefikaw minn ġimgħa ta’ leave iktar mill-istandard minimu ta’ erba’ ġimgħat ggarantit minn din id-direttiva.

76.

Barra minn hekk, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi bl-ebda mod ma jimpedixxu lil persuna li timpjega milli jikkumpensa l-fedeltà tal-ħaddiema tiegħu b’xi mod ieħor. EurothermenResort Bad Schallerbach indikat, mingħajr ma ġiet ikkontradixxuta f’dan ir-rigward, li fid-dritt Awstrijak jeżistu għal dan il-għan miżuri oħra. Barra minn hekk, din il-kumpannija u l-Gvern Awstrijak sostnew, li l-imsieħba soċjali u l-persuni li jimpjegaw jistgħu, individwalment, fuq il-livell tal-impriża tagħhom, imorru lil hinn mid-dispożizzjonijiet tal-UrlG, billi jissuġġettaw, pereżempju, l-għoti ta’ sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas għal perijodu iqsar ta’ servizz, fatt li l-Kummissjoni stess ammettiet waqt is-seduta.

77.

Fl-aħħar nett, l-imsemmija miżura ma għandhiex l-effett ta’ kompartimentalizzazzjoni tas-suq tal-impjieg nazzjonali deskritt fis-sentenza Köbler ( 58 ). F’dan ir-rigward, infakkar li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi tikkumpensa l-esperjenza professjonali miksuba mal-universitajiet pubbliċi Awstrijaki biss, l-allowance għal perijodu ta’ servizz inkwistjoni setgħat ikollha konsegwenzi fuq l-għażla magħmula minn professur tal-università bejn impjieg f’università Awstrijaka u impjieg f’università ta’ Stat Membru ieħor, u b’hekk twassal għal kompartimentalizzazzjoni tas-suq tal-impjieg nazzjonali li tmur kontra l-prinċipju stess ta’ moviment liberu tal-ħaddiema – fatt li kien ikkontribwixxa għan-natura inġustifikata ta’ dik il-leġiżlazzjoni ( 59 ). Min-naħa l-oħra, f’dan il-każ, peress li ħaddiem jinterrompi l-kontinwità tal-perijodu ta’ servizz tiegħu, għall-iskopijiet tal-għoti ta’ sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas, kemm jekk jingħaqad ma’ persuna nazzjonali li timpjega jew ma’ persuna ta’ Stat Membru ieħor li timpjega, ir-regoli tal-UrlG ma għandhomx bħala effett li jiggwidawh fl-għażla tiegħu bejn impjieg f’impriża Awstrijaka jew impjieg f’impriża ta’ Stat Membru ieħor ( 60 ).

78.

Meħud kont tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li dispożizzjonijiet bħalma huma l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tal-UrlG huma ġġustifikati u proporzjonati.

V. Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej:

L-Artikolu 45(1) u (2) TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skontha ħaddiem li jkollu total ta’ 25 sena servizz, iżda li ma jkunx wettaqhom mal-istess persuna li timpjega, jibbenefika biss minn leave annwali mħallas ta’ ħames ġimgħat, filwaqt li ħaddiem li jkun wettaq 25 sena servizz mal-istess persuna li timpjega għandu dritt għal sitt ġimgħat ta’ leave fis-sena.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Liġi tas‑7 ta’ Lulju 1976 (BGB1. 1976/390), kif ippubblikata fil-BGB1 2013/3.

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1).

( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 381).

( 5 ) EurothermenResort Bad Schallerbach u l-Gvern Awstrijak jindikaw li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-UrlG mhux imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-perijodu ta’ servizz jintilef ukoll fil-każ ta’ interruzzjoni li tirriżulta mir-riżenja tal-ħaddiem, mit-tluq tiegħu qabel l-iskadenza tal-kuntratt mingħajr raġuni serja jew minħabba tkeċċija dovuta għal nuqqas.

( 6 ) Kif indikat fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għalkemm il-formulazzjoni tal-tal-punt 1 tal-Artikolu 3(2) tal-UrlG tirreferi biss għall-perijodi ta’ attività mwettqa fit-territorju Awstrijak, il-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti suprema) “ikkoreġiet” din id-dispożizzjoni billi imponiet t-teħid inkunsiderazzjoni b’mod ugwali tal-perijodi ta’ attività mwettqa fit-territorju ta’ Stati Membri oħra.

( 7 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑371/04, EU:C:2006:668, punt 17), u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken (C‑514/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza SALK, EU:C:2013:799, punt 23). Għaldaqstant fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi b’mod interkambjabbli għal waħda jew għall-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet jew anki għat-tnejn flimkien.

( 8 ) Din il-ġurisprudenza toriġina mis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 1974, Sotgiu (152/73, EU:C:1974:13, punt 11). Ara, għal sentenzi reċenti, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑269/07, EU:C:2009:527, punt 53); tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 39), kif ukoll tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 41).

( 9 ) C‑237/94, EU:C:1996:206.

( 10 ) Sentenza tat‑23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn (C‑237/94, EU:C:1996:206, punt 20) (enfasi tiegħi). Din is-sentenza għaqqdet id-diversi formulazzjonijiet użati qabel mill-Qorti tal-Ġustizzja, li min-naħa tagħha ddeċidiet li kellhom jitqiesu bħala indirettament diskriminatorji l-kundizzjonijiet li, għalkemm japplikaw irrispettivament min-nazzjonalità, “jaffettwaw essenzjalment […] jew fil-parti l-kbira tagħhom lill-ħaddiema migranti” jew li “jistgħu jkunu ssodisfatti iktar faċilment mill-ħaddiema nazzjonali milli mill-ħaddiema migranti” jew ukoll li “hemm riskju li japplikaw, b’mod partikolari, għad-detriment tal-ħaddiema migranti” (ara l-punt 18 tal-imsemmija sentenza, enfasi miżjud minni). Il-formulazzjoni li tinsab f’din l-istess sentenza baqgħet tintuża b’mod kostanti minn dakinhar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1997, Meints (C‑57/96, EU:C:1997:564, punt 45), tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑269/07, EU:C:2009:527, punt 54), u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 26)).

( 11 ) Fis-sentenza tat‑23 ta’ Mejju 1996, O’Flynn (C‑237/94, EU:C:1996:206, punt 22), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għaldaqstant li leġiżlazzjoni, li tissuġġetta l-għoti ta’ kumpens intiż li jkopri l-ispejjeż sostnuti minn ħaddiem għad-dfin jew għall-kremazzjoni ta’ membru mejjet tal-familja tiegħu għall-kundizzjoni li dawn ikunu seħħew fit-territorju nazzjonali, tista’ tkun indirettament diskriminatorja minħabba n-nazzjonalità, fid-dawl tal-fatt li “huwa speċjalment il-ħaddiem migrant li, mal-mewt ta’ wieħed mill-membri tal-familja tiegħu, ikollu t-tendenza jipproċedi għal dfin fi Stat Membru ieħor, meħud kont tar-rabtiet li jżommu ġeneralment il-membri ta’ tali familja mal-Istat ta’ oriġini tagħhom” (enfasi miżjud minni).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 73), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2017:410, punti 79 u 80). Il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-effetti ta’ miżura fuq gruppi differenti ta’ persuni hija s-suġġett ta’ ġurisprudenza ħafna iktar preċiża fil-qasam ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn ħaddiema maskili u ħaddiema femminili (għal sunt ta’ din il-ġurisprudenza u spjegazzjoni tad-diversi diffikultajiet imqajma minn din il-kwistjoni, ara Barnard, C., EU Employment Law, Oxford University Press, Oxford, 2012, Ir-Raba’ Edizzjoni, p. 282 sa 286). Għall-iskopijiet tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, ma huwiex madankollu neċessarju li nidħlu f’dan il-livell ta’ preċiżjoni, b’kunsiderazzjoni għall-ġeneralità tat-test applikat fil-qasam.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 28), u tas‑7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice (C‑350/96, EU:C:1998:205, punt 29).

( 14 ) Sentenza tat‑12 ta’ Frar 1974, Sotgiu (152/73, EU:C:1974:13, punt 11).

( 15 ) Sentenza tat‑28 ta’ Novembru 1989, Groener (C‑379/87, EU:C:1989:599, punt 12).

( 16 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Novembru 1989, Groener (C‑379/87, EU:C:1989:599, punt 23), u tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C‑281/98, EU:C:2000:296, punti 39 sa 42).

( 17 ) Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑147/03, EU:C:2005:427, punti 434647).

( 18 ) Sentenza tal‑21 ta’ Novembru 1991, Le Manoir (C‑27/91, EU:C:1991:441, punt 11).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża O’Flynn (C‑237/94, EU:C:1996:123, punt 27). Il-kundizzjonijiet ġeografiċi jew lingwistiċi huma, fil-qasam ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, l-ekwivalenti tal-kundizzjonijiet għal aċċess għall-impjieg bħalma huwa r-rekwiżit ta’ daqs minimu (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2017, Kalliri, C‑409/16, EU:C:2017:767) jew ta’ ċerta saħħa fiżika (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 1986, Rummler, 237/85, EU:C:1986:277) fil-qasam ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess.

( 20 ) B’mod partikolari, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 1978, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (61/77, EU:C:1978:29), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet affaċċjata b’leġiżlazzjoni Irlandiża li teskludi minn żona ta’ sajd id-dgħajjes li jaqbżu ċerta daqs jew ċerta saħħa. Issa, għalkemm kienu verament newtrali għal dak li jirrigwarda n-nazzjonalità, dawn il-kundizzjonijiet ta’ daqs u ta’ saħħa kienu jwasslu fil-prattika għall-esklużjoni mill-ibħra inkwistjoni ta’ parti kbira mill-flotot tas-sajd Franċiżi u Olandiżi, filwaqt li l-flotot Irlandiżi u Britanniċi, komposti minn dgħajjes iżgħar, kienu fil-parti l-kbira tagħhom eżenti.

( 21 ) Bħalma hija, fil-kawża msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, l-informazzjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-flotot tas-sajd tal-Istati Membri.

( 22 ) Il-kumitat ta’ impriża jsostni li l-ħaddiema ċittadini ta’ Stati Membri oħra għajr ir-Repubblika tal-Awstrija huma dejjem żvantaġġati bir-regoli tal-UrlG. Il-Kummissjoni kienet adottat l-istess approċċ fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha qabel ma rrevediet il-pożizzjoni tagħha waqt is-seduta u sostniet li dawn huma żvantaġġati fil-parti l-kbira tal-każijiet.

( 23 ) Infakkar li l-formulazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 3(2) tal-UrlG, li tirreferi biss għal perijodi ta’ xogħol imwettqa fit-territorju Awstrijak – kundizzjoni li tinvolvi inkontestabbilment inugwaljanza indiretta fit-trattament minħabba n-nazzjonalità – kienet “ikkoreġuta” mill-ġurisprudenza tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), li timponi t-teħid inkunsiderazzjoni ugwali tal-perijodi ta’ attività mwettqa fit-territorju ta’ Stati Membri oħra (ara l-punt 10 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Din il-“korrezzjoni” ġurisprudenzjali ma teżentax lil-leġiżlatur Awstrijak milli jemenda l-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma intatta ta’ test nazzjonali li jikser id-dritt tal-Unjoni twassal għal “sitwazzjoni fattwali ambigwa billi tpoġġi lill-persuni suġġetti għad-dritt fi stat ta’ inċertezza fir-rigward tal-possibbiltajiet li huma għandhom sabiex jinvokaw id-dritt [tal-Unjoni]” (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Marzu 1988, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (104/86, EU:C:1988:171, punt 12), u tat‑13 ta’ Lulju 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑160/99, EU:C:2000:410, punt 22)).

( 24 ) Il-kumitat ta’ impriża isostni barra minn hekk li, skont stħarriġ, biss 13 % tal-ħaddiema fil-medja tal-Istati Membri tal-Unjoni qatt ma bidlu impjieg, mentri 60 sa 66 % minnhom bidlu impjieg minn darba sa ħames darbiet, ħaġa li taffettwa b’mod partikolari lill-ħaddiema staġjonali – bħalma huma dawk impjegati, f’dan il-każ, fis-settur tat-turiżmu – u tikkonferma l-impatt negattiv, għall-ħaddiema, tad-dispożizzjonijiet kontenzjużi tal-UrlG. Issa, jiena nifhem dan l-argument fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet jisfavorixxu fil-fatt lill-parti l-kbira tal-ħaddiema, b’mod partikolari staġjonali, indipendentement min-nazzjonalità.

( 25 ) F’dan ir-rigward, inugwaljanza fit-trattament bbażata fuq in-nazzjonalità kkaġunata mir-regoli tal-UrlG tista’ eventwalment tintwera permezz ta’ statistiċi nazzjonali, li jirrigwardaw numru suffiċjenti ta’ individwi, ma humiex l-espressjoni ta’ fenomeni purament fortuwiti jew konġetturali u, b’mod ġenerali, jidhru sinjifikattivi (ara, b’analoġija fil-qasam ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess, is-sentenza tas-6 ta’ April 2000, Jørgensen (C‑226/98, EU:C:2000:191, punt 33)). Issa, l-istatistiċi ppreżentati mill-Gvern Awstrijak, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, itendu, għall-kuntrarju, juru d-dinamiżmu tas-suq tax-xogħol Awstrijak.

( 26 ) Tali raġunament huwa fundamentalment ivvizzjat bil-proporzjon mhux ugwali bejn ċittadini nazzjonali u dawk li ma humiex li jaqgħu, f’dan il-każ, taħt il-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Meħud kont tal-fatt li, fundamentalment, hemm iktar ħaddiema Awstrijaki li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni soċjali Awstrijaka – inkwantu, ovvjament, is-suq tax-xogħol ta’ dan l-Istat Membru jinkludi l-iktar Awstrijaki –, naturalment hemm iktar Awstrijaki milli barranin li jibbenefikaw mis-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas prevista fl-UrlG. Ara, b’analoġija, fil-qasam ta’ diskriminazzjoni minħabba s-sess, is-sentenza tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 59), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-effetti diskriminatorji ta’ miżura jistgħu jiġu evalwati billi jiġu pparagunati “min-naħa, il-proporzjonijiet rispettivi ta’ ħaddiema li jissodisfaw u li ma jissodisfawx il-kundizzjoni ta’ sentejn impjieg meħtieġa mir-regola kontenzjuża fi ħdan il-ħaddiema maskili, u, min-naħa l-oħra, l-istess proporzjonijiet fi ħdan il-ħaddiema femminili. Ma huwiex suffiċjenti li jiġi kkunsidrat in-numru ta’ persuni affettwati, peress li dan in-numru jiddependi min-numru ta’ ħaddiema attivi fl-Istat Membru kollu kif ukoll mit-tqassim ta’ ħaddiema maskili u ta’ ħaddiema femminili fl-imsemmi Stat Membru” (enfasi miżjud minni).

( 27 ) Fi kwalunkwe każ, għalkemm nista’ naċċetta li, f’termini assoluti, il-maġġoranza tal-ħaddiema li jibbenefikaw mis-sitt ġimgħa ta’ leave annwali mħallas prevista fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG huma Awstrijaki, għandi dubji kbar kemm il-maġġoranza ta’ dawk affettwati negattivament minn din il-liġi huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra, għar-raġunijiet invokati fil-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Erny (C‑172/11, EU:C:2012:399, punt 41), tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Giersch et (C‑20/12, EU:C:2013:411, punt 45), u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 27).

( 29 ) F’dan il-kuntest, wieħed lanqas ma jista’ jsostni, kif jagħmel il-kumitat ta’ impriża, li l-ħaddiema mhux nazzjonali kollha huma żvantaġġati mentri huma biss ċerti ħaddiema nazzjonali li huma żvantaġġati, ikun hemm kemm ikun hemm. In-natura eċċessiva ta’ din l-allegazzjoni tidher ċara mill-ewwel. Huwa verosimili li ċertu numru ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra, pereżempju Ġermaniżi, jibdew il-karriera professjonali tagħhom fl-Awstrija. Barra minn hekk, il-ħaddiema li bdew il-karriera tagħhom fi Stat Membru ieħor u li rritornaw mal-persuna attwali li timpjegahom b’inqas minn ħames snin ta’ esperjenza ma jkunux sfavoriti bil-limitu previst fl-Artikolu 3(3) tal-UrlG.

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1998, Schöning‑Kougebetopoulou (C‑15/96, EU:C:1998:3, punt 22), tat‑12 ta’ Marzu 1998, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑187/96, EU:C:1998:101, punti 2021), tat‑30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, EU:C:2000:655, punti 41 sa 44), tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 707173), tat‑12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C-278/03, EU:C:2005:281, punt 18), tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑371/04, EU:C:2006:668, punt 18), kif ukoll tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 28).

( 31 ) C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 7385.

( 32 ) Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 84). Ara wkoll fuq dan il-punt, is-sentenzi tat‑30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-195/98, EU:C:2000:655, punt 49), u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 40). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-diversi stabbilimenti pubbliċi u amministrazzjonijiet ta’ Stat Membru jikkostitwixxu persuni li jimpjegaw distinti.

( 33 ) Ara, a contrario, il-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Casteels (C‑379/09, EU:C:2011:131). Din il-kawża kienet tirrigwarda ftehim kollettiv li kien jikkalkola b’mod differenti, għall-iskopijiet tal-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar komplementari, il-perijodi ta’ attività mwettqa minn ħaddiem mal-istess persuna li timpjega, skont jekk dawn il-perijodi twettqux fi stabbiliment li jinsab barra mill-pajjiż jew fi stabbiliment li jinsab fl-Istat Membru inkwistjoni.

( 34 ) F’dan ir-rigward, infakkar li fin-nuqqas ta’ għażla magħmula mill-partijiet, il-kuntratt individwali ta’ xogħol huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-ħaddiem, b’eżekuzzjoni tal-kuntratt, abitwalment jeżerċita xogħolu. Ara l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87).

( 35 ) Hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tinterpreta r-regoli tal-UrlG u li tivverifika l-allegazzjonijiet ta’ EurothermenResort Bad Schallerbach f’dan ir-rigward. Dan premess, anki jekk wieħed jippreżumi li dawn ma ġewx stabbiliti, is-sempliċi fatt li l-UrlG tittratta bl-istess mod rigoruż kull tibdil fir-rigward tal-persuna li timpjega huwa suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi konkluża l-assenza ta’ diskriminazzjoni indiretta.

( 36 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013 (C‑514/12, EU:C:2013:799).

( 37 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 31).

( 38 ) Sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799).

( 39 ) Ara, fuq dan il-punt, il-konklużjonijiet tal-Avukat ġenerali Jacobs fil-kawża Bickel u Franz (C-274/96, EU:C:1998:115, punt 38): “Ejja nippreżumu, pereżempju, li, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni applikabbli, il-fdalijiet ta’ Pompei jinfetħu mingħajr ħlas, barra mill-istaġun, għall-persuni residenti f’Napoli u fir-reġjun tal-madwar. Wieħed jista’ diffiċilment jippretendi li tali regola tapplika għad-detriment, b’mod partikolari, taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra peress li l-parti l-kbira tar-residenti Taljani ikunu ugwalment affettwati” (enfasi miżjuda minni). Għaldaqstant, ħasra li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat interpretazzjoni opposta fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Jannar 2003, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑388/01, EU:C:2003:30), meta ddeċidiet li diversi leġiżlazzjonijiet, li kienu ġew adottati minn awtoritajiet territorjali, li jipprovdu sabiex il-mużewijiet lokali jkunu mingħajr ħlas għall-persuni li jirrisjedu fit-territorju tagħhom, kienu indirettament diskriminatorji minħabba n-nazzjonalità. Fil-punt 14 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li l-maġġoranza kbira ħafna tat-Taljani kienet qed tirriskja li tkun żvantaġġata bl-istess mod bħaċ-ċittadini mhux nazzjonali billi llimitat ruħha tfakkar, hawnhekk ukoll, il-ġurisprudenza indikata fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 96), u tas‑27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punt 18).

( 41 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ April 2008, Il‑Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Wallonie (C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 45), tal‑10 ta’ Marzu 2011, Casteels (C‑379/09, EU:C:2011:131, punt 22), u tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 33).

( 42 ) Sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punti 3435).

( 43 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Graf (C‑190/98, EU:C:1999:423, punt 32): “Normalment, il-ħaddiem migrant ikollu jaċċetta s-suq tal-impjieg nazzjonali kif inhu”. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:347, punti 74 sa 78).

( 44 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 9495), kif ukoll tal‑1 ta’ April 2008, Il‑Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Wallonie (C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 44).

( 45 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 96); tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 34), u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 30).

( 46 ) Din il-kawża hija għaldaqstant differenti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tas-sigurtà soċjali, b’mod partikolari mis-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Ċipru (C‑515/14, EU:C:2016:30) u tat‑13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C‑187/15, EU:C:2016:550). Fil-kawżi li wasslu għal dawk is-sentenzi, uffiċjal li rriżenja mis-settur pubbliku nazzjonali u li ngħaqad ma’ persuna oħra li timpjega, inkluż persuna li timpjega fi Stat Membru ieħor, tilef il-benefiċċju ta’ vantaġġ li għalih kien diġà kkontribwixxa u li seta’, għaldaqstant, jitqies bħala kweżit. Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, filwaqt li d-drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali huma potenzjalment esportabbli, mhux l-istess jista’ jingħad fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas.

( 47 ) Huwa probabbli li l-importanza li ħaddiem jagħti lil din il-kunsiderazzjoni, billi jiżen l-aspetti favur u dawk kontra ta’ riżenja u ta’ tluq lejn pajjiż ieħor, hija, b’mod ġenerali, partikolarment żgħira. Ċertament, dan ikun jiddependi mill-età tal-ħaddiem ikkonċernat u mis-snin ta’ attività diġà mwettqa fis-servizz tal-persuna attwali li timpjegah, skont jekk dan il-ħaddiem ikunx bejn wieħed u ieħor qrib il-25 sena servizz meħtieġa fl-Artikolu 2(1) tal-UrlG. Madankollu, ir-riskju li jitlef tali vantaġġ jidher xorta waħda bħala xi ħaġa insinjifikattiva meta mqabbel mad-dubji eżistenzjali li ħaddiem jista’ jkollu meta jikkontempla jitlaq mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu sabiex jittanta xortih barra mill-pajjiż.

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2000, Graf (C‑190/98, EU:C:2000:49, punt 25). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ottubru 1991, Society for the Protection of Unborn Children Ireland (C‑159/90, EU:C:1991:378, punt 24), tal‑15 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑211/08, EU:C:2010:340, punt 72), u tat‑12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România (C‑602/10, EU:C:2012:443, punt 81). Il-kwistjoni tan-natura inċerta u indiretta wisq ta’ avveniment futur sabiex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma tistax tkun konfuża ma’ dik tal-importanza ta’ dan l-ostakolu, li fir-rigward tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki ostakolu żgħir huwa pprojbit mill-Artikolu 45 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 1989, Corsica Ferries (France) (C‑49/89, EU:C:1989:649, punt 8), kif ukoll tal‑1 ta’ April 2008, Il-Gvern tal-Komunità Franċiża u l-Gvern tal-Wallonie (C‑212/06, EU:C:2008:178, punt 52)). Fil-fatt, l-ewwel kwistjoni tirrigwarda l-effett – verosimili jew, min-naħa l-oħra, purament ipotetiku u għaldaqstant ineżistenti – li din il-leġiżlazzjoni tista’ jkollha fuq l-għażla ta’ ħaddiem li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu, mentri t-tieni kwistjoni tirrigwarda l-konsegwenzi tal-imsemmija leġiżlazzjoni fuq il-ħaddiema li jeżerċitaw l-imsemmija libertà.

( 49 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003 (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 74).

( 50 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 83), u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 38). Ara wkoll id-digriet tal‑10 ta’ Marzu 2005, Marhold (C‑178/04, mhux ippubblikat, EU:C:2005:164, punt 34).

( 51 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou (C‑15/96, EU:C:1998:3, punti 2627), tat‑30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, EU:C:2000:655, punt 49), tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 8384), u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 38).

( 52 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Caves Krier Frères (C‑379/11, EU:C:2012:798, punt 51). Ara wkoll, fir-rigward tal-oqsma l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 63), tal‑11 ta’ Jannar 2007, ITC (C‑208/05, EU:C:2007:16, punt 39), u tas‑16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 68).

( 53 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 54 ) Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-diversi stabbilimenti pubbliċi u amministrazzjonijiet ta’ Stat Membru jikkostitwixxu persuni distinti li jimpjegaw. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 55 ) Sentenzi tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 84), u tal‑5 ta’ Diċembru 2013, SALK (C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 38). F’ċerti kawżi iktar antiki, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-miżuri inkwistjoni ma kinux intiżi realment li jilħqu l-għan tal-fedeltà invokat (ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1998, Schöning-Kougebetopoulou (C‑15/96, EU:C:1998:3, punt 26), u tat‑30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, EU:C:2000:655, punt 49)).

( 56 ) Għaldaqstant, huwa għal kollox loġiku li, fis-sistema tal-UrlG, il-perijodi ta’ attività mwettqa ma’ persuni preċedenti li jimpjegaw jittieħdu inkunsiderazzjoni biss b’mod marġinali, peress li dawn il-perijodi sempliċiment ma humiex paragunabbli ma’ dawk imwettqa mal-persuna attwali li timpjega fid-dawl tal-għan ta’ fedeltà mfittex. B’mod assolut, il-perijodi ta’ attività ma’ persuni preċedenti li jimpjegaw ma għandhomx fil-fatt jittieħdu inkunsiderazzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-kalkolu ta’ dawn il-perijodi sal-limitu ta’ ħames snin, kif previst fl-Artikolu 3(2) u (3) tal-UrlG, huwa sempliċement intiż li jtaffi l-istrettezza tar-regola tal-25 sena servizz u jikkontribwixxi, għaldaqstant, għall-proporzjonalità tagħha.

( 57 ) Ara, b’analoġija, fil-qasam tal-moviment liberu tas-servizzi, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 1995, Alpine Investments (C‑384/93, EU:C:1995:126, punt 51), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Alpine Investments (C‑384/93, EU:C:1995:15, punt 88).

( 58 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, C‑224/01, EU:C:2003:513.

( 59 ) Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 8586).

( 60 ) Ċertament, il-fedeltà tkun dejjem, sa ċertu punt, kontra l-loġika tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE. Premju ta’ fedeltà jikkumpensa n-nuqqas ta’ ċaqliq, fejn dawn il-libertajiet jiffavorixxu ċ-ċaqliq. Dan ma huwiex madankollu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dan id-dritt ma jipprekludix ir-relazzjonijiet stabbli u perenni, kemm jekk ikunu professjonali kif ukoll jekk ikunu personali.