KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOBEK
ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 ( 1 )
Kawża C-270/17 PPU
Openbaar Ministerie
vs
Tadas Tupikas
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Rinviju preliminari – Mandat ta’ arrest Ewropew – Raġunijiet fakultattivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Proċedura tal-appell”
I. Introduzzjoni
1. |
Tadas Tupikas, ċittadin Litwan, huwa s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) maħruġ mill-awtorità ġudizzjarja Litwana. Din l-awtorità talbet il-konsenja ta’ T. Tupikas, li fil-preżent jinsab arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex jiskonta l-piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u erba’ xhur. |
2. |
Din il-piena ġiet imposta minn qorti tal-ewwel istanza fil-Litwanja li quddiemha T. Tupikas deher personalment. T. Tupikas appella minn dik is-sentenza. L-informazzjoni pprovduta fil-MAE ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk deherx personalment waqt il-proċedura tat-tieni istanza. L-appell ġie miċħud. |
3. |
Il-MAE huwa bbażat fuq is-sentenza li ngħatat fl-ewwel istanza. Huwa jindika li l-persuna mitluba dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni. |
4. |
Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni qafas”) ( 2 ), l-awtorità Olandiża kompetenti għandha tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE jekk il-persuna mitluba ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni ( 3 ), ħlief jekk ikun hemm xi wieħed mill-każijiet elenkati fid-dispożizzjoni nazzjonali applikabbli. |
5. |
Filwaqt li ma kellha ebda informazzjoni dwar jekk T. Tupikas deherx waqt il-proċedura tal-appell, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett iċċitat iktar ’il fuq ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” jirreferix ukoll għal proċedura ta’ appell li wasslet għall-eżami tal-kawża fil-mertu u li tikkonferma l-kundanna mogħtija fl-ewwel istanza li l-MAE huwa intiż li jeżegwixxi. |
6. |
B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata għandux ikun evalwat fir-rigward taż-żewġ istanzi tal-proċedura kriminali jew jekk huwiex biżżejjed li din il-qorti tiżgura li dawn id-drittijiet ġew irrispettati fl-ewwel istanza. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
7. |
L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jipprovdi: “Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa ntitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi […]”. |
B. Id-dritt tal-Unjoni
Il-Karta
8. |
Skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”): “Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu. Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata. […]”. |
9. |
Skont l-Artikolu 48(2) tal-Karta “[g]ħandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat”. |
Id-deċiżjoni qafas
10. |
L-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni qafas jiddefinixxi l-MAE bħala “deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.”. |
11. |
L-Artikolu 1(2) jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [qafas]”. |
12. |
L-Artikolu 1(3) jipprovdi li l-imsemmija deċiżjoni qafas “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”. |
13. |
L-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas ġie introdott permezz tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 biex jippreċiża r-raġunijiet fakultattivi tar-rijfut għall-eżekuzzjoni ta’ MAE meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment għall-proċess: “1. L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:
2. F’każ li l-mandat ta’ arrest Ewropew jinħareġ […] taħt il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u l-persuna konċernata ma tkunx irċeviet minn qabel xi informazzjoni uffiċjali dwar l-eżistenza tal-proċedimenti kriminali kontriha, huwa jew hija tista’, meta tiġi infurmata bil-kontenut tal-mandat ta’ arrest Ewropew, titlob biex tirċievi kopja tas-sentenza qabel ma tiġi kkonsenjata. […]; la għandu jitqies bħala notifika formali tas-sentenza u lanqas ma jistabbilixxi xi limiti ta’ żmien applikabbli biex jintalab proċess ġdid jew appell. 3. F’każ li persuna tiġi kkonsenjata skond il-kondizzjonijiet tal-paragrafu (1)(d) u huwa jew hija tkun talbet għal proċess ġdid jew appell, id-detenzjoni ta’ dik il-persuna li tkun qed tistenna dan il-proċess ġdid jew l-appell għandha, sakemm jintemmu dawn il-proċedimenti, tiġi riveduta skond il-liġi tal-Istat Membru emittenti, fuq bażi regolari jew fuq talba tal-persuna konċernata. […]”. |
14. |
L-Artikolu 8(1) tad-deċiżjoni qafas jipprovdi li l-MAE għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja: “[…];
[…]
[…]” |
15. |
L-Artikolu 15 tad-deċiżjoni qafas, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, huwa fformulat kif ġej: “1. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru [qafas], jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.. 2. Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa […] […]”. |
16. |
Il-punt (d) tal-anness (“Mandat ta’ arrest Ewropew”) tad-deċiżjoni qafas, huwa fformulat (wara l-emenda bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299) kif ġej: |
C. Id-dritt Olandiż
17. |
L-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja), tad-29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”), tittrasponi d-deċiżjoni qafas fid-dritt Olandiż. L-Artikolu 12 jipprovdi li “il-konsenja ma tkunx awtorizzata meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun intiż għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza, meta l-akkużat ma jkunx deher personalment waqt is-seduta li wasslet għall-imsemmija sentenza, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jindika li, skont ir-rekwiżiti proċedurali tal-Istat Membru emittent”, teżisti waħda mill-erba’ sitwazzjonijiet deskritti f’din l-istess dispożizzjoni. Dawn is-sitwazzjonijiet huma deskritti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 12 tal-OLW u jikkorrispondu għall-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. |
18. |
Il-punt D tal-Anness 2 tal-OLW, intitolat “Mudell ta’ mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fl-Artikolu 2(2) tal-OLW” jikkorrispondi għall-punt (d) tal-anness tad-deċiżjoni qafas. |
III. Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali kif ukoll id-domandi preliminari
19. |
Fit-22 ta’ Frar 2017, il-qorti tar-rinviju ġiet adita mill-officier van justitie bij de rechtbank (uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ MAE maħruġ fl-14 ta’ Frar 2017 mill-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja). |
20. |
Dan il-MAE huwa intiż għall-arrest u l-konsenja ta’ T. Tupikas, ċittadin Litwan, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni fil-Litwanja ta’ piena ta’ priġunerija ta’ sena u erba’ xhur. |
21. |
Il-MAE jsemmi l-eżistenza ta’ sentenza eżekuttiva ta’ kundanna mogħtija fis-26 ta’ Awwissu 2016 mill-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) u li tirrigwarda żewġ reati. Huwa jippreċiża li T. Tupikas appella minn dik is-sentenza u li, b’deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2016, il-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda) ċaħdet l-appell. Il-proċedura ta’ appell ma wasslitx biex tinbidel il-kundanna deċiża fl-ewwel istanza. |
22. |
T. Tupikas deher personalment fil-proċess fl-ewwel istanza. |
23. |
Il-MAE ma fihx informazzjoni dwar il-proċedura tal-appell, b’mod partikolari fir-rigward tal-punt dwar jekk il-persuna kkonċernata deheritx f’dik l-istanza u, f’każ ta’ risposta fin-negattiv, jekk il-kundizzjonijiet elenkati f’wieħed mill-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas humiex sodisfatti. |
24. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’każ bħal dan, id-deċiżjoni qafas tapplikax biss għall-proċedura fl-ewwel istanza jew ukoll għall-proċedura tal-appell. |
25. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejjin: “Appell
|
IV. Fuq il-proċedura b’urġenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26. |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
27. |
Insostenn ta’ din it-talba, hija ssostni li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni qafas li taqa’ taħt it-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE. Hija osservat ukoll li l-persuna kkonċernata kienet tinsab f’detenzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi, tistenna biex tara x’ser jiġri wara l-konsenja tagħha. Ir-risposta urġenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha influwenza diretta u deċiżiva fuq id-dewmien tad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata. |
28. |
Il-ħames awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fit-8 ta’ Ġunju 2017 sabiex tilqa’ din it-talba. |
29. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Openbaar Ministerie (prosekutur pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), rikorrent fil-kawża prinċipali, T. Tupikas, konvenut fil-kawża prinċipali, il-Gvern Olandiż kif u mill-Kummissjoni Ewropea. Il-prosekutur pubbliku, T. Tupikas, il-Gvern Olandiż, dak Irlandiż u dak Litwan kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom fis-seduta li nżammet fil-11 ta’ Lulju 2017. |
V. Analiżi
30. |
Din l-analiżi ser issegwi l-istruttura li ġejja. B’mod preliminari, ser niċċara s-suġġett preċiż ta’ din il-kawża (A). Imbagħad ser nanalizza d-domanda preliminari kif ġiet espliċitament magħmula (B). Filwaqt li napplika r-riżultati ta’ din l-analizi għal din il-kawża, ser neżamina wkoll in-natura tar-raġuni fakultattiva ta’ rifjut, li tirriżulta mill-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni għamlet obbligatorja (C). |
A. Kummenti preliminari
31. |
Id-dritt għal rimedju effettiv kif ukoll id-drittijiet tad-difiża u għal smigħ xieraq huma stabbiliti, rispettivament, fl-Artikolu 47 u fl-Artikolu 48(2) tal-Karta. |
32. |
Skont l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-istess tifsira u l-istess portata bħall-Artikolu 6 tal-KEDB li jiggarantixxi d-dritt għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża. Dan ma jostakolax li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar wiesgħa skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta ( 5 ). |
33. |
Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm paralleliżmu minimu bejn l-istandards ta’ protezzjoni previsti mill-KEDB, minn naħa, u dawk li jeżistu fid-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. F’din il-kawża, din il-preokkupazzjoni toħroġ b’mod partikolari mill-preambolu ( 6 ) u mill-Artikolu 1(3) tad-deċiżjoni qafas ( 7 ) kif ukoll mill-preambolu ( 8 ) u Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. |
34. |
Kif tfakkar il-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, id-dritt għal smigħ xieraq jinkludi d-dritt tal-akkużat li jkun preżenti personalment ( 9 ). Dan id-dritt, madankollu, ma huwiex assolut u “taħt ċerti kondizzjonijiet l-akkużat jista’, bil-volontà tiegħu, espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, jirrinunzja dak id-dritt” ( 10 ). |
35. |
Fir-rigward tal-appell, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-QEDB tikkonferma li l-Artikolu 6 tal-KEDB ma jirrikjedix li jkun hemm it-tieni istanza fil-qasam kriminali ( 11 ). |
36. |
Madankollu, meta tkun prevista proċedura ta’ appell, hija għandha tosserva l-garanziji li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tal-KEDB ( 12 ), fejn il-modi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB fl-appell jiddependu mill-karatteristiċi tal-proċedura ta’ appell inkwistjoni ( 13 ). |
37. |
Għaldaqstant, meta jkunu previsti żewġ istanzi ta’ proċedura kriminali, il-fatt li l-persuna kkonċernata setgħat teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha fl-ewwel istanza ma jippermettix li jiġi konkluż li l-garanziji tal-Artikolu 6 tal-KEDB ġew kompletament osservati ( 14 ). |
38. |
Wara li tfakkru dawn l-elementi, għandu jiġi enfasizzat li din il-kawża preżenti ma tirrigwardax direttament l-eżistenza ta’ dritt ta’ appell. Huwa paċifiku li l-possibbiltà ta’ appell kienet offruta u li hija nbdiet fil-fatt minn T. Tupikas. Fiċ-ċentru tad-domanda preliminari magħmula f’dan il-każ hemm ir-rikonoxximent reċiproku, fil-kuntest tal-funzjonament tad-deċiżjoni qafas, meta tiġi implementata r-raġuni fakultattiva ta’ rifjut prevista fl-Artikolu 4a. Hija tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li tinsab fis-sentenza introduttiva ta’ din id-dispożizzjoni. |
39. |
Hija u tinterpreta l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata li żżomm f’moħħha u tosserva dawn il-garanziji li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali. Ninsisti madankollu fuq il-fatt li l-għan ta’ din l-analizi ma huwiex li jiġi stabbilit dritt għal appell bħala dritt li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. |
B. Fuq id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju
40. |
Il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk hija għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-proċedura tal-ewwel istanza jew il-proċedura tal-appell meta teżamina r-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li tikkundannaha u li huwa l-bażi tal-MAE. Skont din il-qorti, jekk jeħtieġ li tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-proċedura tal-ewwel istanza, il-MAE jrid jiġi eżegwit jekk T. Tupikas deher personalment fiha. Jekk, min-naħa l-oħra, trid tittieħed inkunsiderazzjoni l-proċedura tal-appell, il-qorti għandha teżamina ċ-ċirkustanzi ta’ dak l-appell quddiem l-awtorità Litwana kompetenti. Fil-fatt, ebda informazzjoni dwar dik il-proċedura tal-appell ma hija disponibbli, ħlief għall-fatt li kien T. Tupikas li ppreżentaha u li dan l-appell wassal għall-konferma tad-deċiżjoni fl-ewwel istanza. |
41. |
Abbażi tal-ġurisprudenza tal-QEDB u minn interpretazzjoni sistematika tad-deċiżjoni qafas [fid-dawl b’mod partikolari ta’ kif huma fformulati l-punti (ċ) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4a tagħha], il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jekk il-proċedura tal-appell twassal għal eżami fil-mertu tal-kawża (li jinvolvi l-kwistjoni tal-ħtija u tal-piena), hija taqa’ għaldaqstant taħt il-kunċett ta’ “process li wassal għad-deċiżjoni”. Min-naħa l-oħra, dan ma jkunx il-każ jekk il-qorti tal-appell tkun illimitat ruħha biex tiddeċiedi dwar punti ta’ liġi, bħal fil-każ ta’ appell fil-kassazzjoni. |
42. |
T. Tupikas jaqbel, essenzjalment, mar-risposta proposta mill-qorti tar-rinviju għad-domanda preliminari. Huwa jenfasizza madankollu l-importanza li għandha tingħata lir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż fl-appell meta tali proċedura tkun prevista. |
43. |
Min-naħa tiegħu, il-prosekutur pubbliku jinnota d-diversità fil-prattiċi fil-qasam tas-sentenzi eżekuttivi mitluba mill-awtoritajiet ġudizzjarji li joħorġu l-mandat bħala l-bażi tal-MAE: tista’ tkun sentenza mogħtija fl-ewwel istanza, sentenza mogħtija fl-appell, jew it-tnejn. Hija din l-għażla tal-awtorità li toħroġ il-mandat li tiddetermina għaldaqstant dak li jikkostitwixxi b’mod konkret il-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. Il-prosekutur pubbliku jikkunsidra li dan il-kunċett jista’ jinkludi l-proċedura tal-appell li matulha terġa’ tiġi eżaminata mill-ġdid il-kwistjoni tal-ħtija. Jekk il-proċedura tal-ewwel istanza ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas, iżda l-proċedura tal-appell tkun tissodisfahom, il-konsenja tista’ allura tkun awtorizzata. |
44. |
Il-Gvern Olandiż jikkunsidra, min-naħa tiegħu, li proċedura ta’ appell bħalma hija deskritta fid-domanda preliminari ma taqax taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. Fil-fehma tiegħu, l-eżami magħmul mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandu jsir fid-dawl tas-sentenza eżekuttiva ppreżentata mill-awtorità li toħroġ il-mandat. Ma huwiex l-obbligu tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tivverifika l-proċeduri kriminali ta’ qabel taħt piena li tippreġudika l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. F’dan il-każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tillimita ruħha li tivverifika s-sentenza li sservi ta’ bażi għall-MAE. Hija ma għandhiex teżamina l-proċedura ta’ appell. |
45. |
Waqt is-seduta, il-Gvern Irlandiż ippropona li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda preliminari u dan minħabba li hija biss is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza li hija rilevanti f’dan il-kuntest. Dan il-gvern ikkorrobora l-pożizzjoni tiegħu billi rrefera b’mod partikolari għat-test tal-punti (ċ) u (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas u tal-Artikolu 5(1) tad-deċiżjoni qafas fil-verżjoni ta’ qabel l-emenda magħmula mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299. |
46. |
Il-Gvern Litwan argumenta, waqt is-seduta, favur interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. Skont dan il-gvern, l-istħarriġ skont l-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas ma jistax ikun limitat għas-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza fil-każ fejn il-fatti tal-kawża jkun reġgħu ġew eżaminati mill-ġdid f’deċiżjoni sussegwenti mogħtija minn qorti superjuri. |
47. |
Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li l-appell inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. Dan jirriżulta min-neċessità li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet proċedurali meta tkun prevista proċedura ta’ appell. Il-Kummissjoni tirreferi, barra minn hekk, għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/343 ( 15 ) li jarmonizzaw il-garanziji fil-qasam tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess. Hija tikkonkludi li proċedura ta’ appell li fiha l-persuna kkonċernata tkun ġiet ikkundannata definittivament għal piena li ċċaħħad il-libertà għandha tkun suġġetta għall-eżami tar-raġuni tar-rifjut prevista fl-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. |
48. |
Issa li l-pożizzjonijiet tal-partijiet ġew hekk ippreżentati, ser neżamina iktar ’il quddiem dak li għandu jinftiehem bil-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. Għal dan il-għan, ser neżamina l-ewwel nett il-kunċett ta’ sentenza eżekuttiva (1) u mbagħad l-implikazzjonijiet ta’ proċedura ta’ appell meta dan jiġi ppreżentat (2). |
Il-kunċett ta’ sentenza eżekuttiva
49. |
Mill-Artikolu 8(1)(c) tad-deċiżjoni qafas kif ukoll mill-punt 2 tal-punt (b) tal-anness tagħha jirriżulta li l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat għandha tindika “sentenza esegwibbli” li tikkostitwixxi l-bażi tal-MAE. |
50. |
Fil-fehma tiegħi, din tirreferi għal sentenza li saret finali li s-saħħa eżekuttiva tagħha tippermetti, skont id-dritt nazzjonali, li jkun hemm l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà. |
51. |
Żewġ fatturi varjabbli jippermettu li jiġi stabbilit x’jikkostitwixxi in concreto tali sentenza. |
52. |
L-ewwel fattur varjabbli jirreferi, kif josservaw essenzjalment il-prosekutur pubbliku u l-Gvern Olandiż, għall-organizzazzjoni tal-proċedura kriminali fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-kuntest, għandha ssir id-domanda dwar jekk id-dritt proċedurali applikabbli joffrix il-possibbiltà ta’ appell li matulu l-mertu tal-kawża jiġi eżaminat kompletament, ħaġa li tinkludi l-eżami tal-ħtija jew tal-piena imposta ( 16 ). |
53. |
Iċ-ċirkustanzi tal-każ konkret jikkostitwixxu t-tieni fattur varjabbli. Jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-appell ġiex effettivament ippreżentat u x’kien l-effett tiegħu fuq is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza. Jekk ikun ġie ppreżentat appell, id-dritt nazzjonali applikabbli jiddetermina x’ikun it-titolu eżekuttiv bejn is-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza u dik mogħtija fl-appell. |
54. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li tkun tikkostitwixxi sentenza eżekuttiva għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-deċiżjoni qafas sentenza finali li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, li jiżguraw l-eżekuzzjoni tal-piena li ċċaħħad il-libertà li tkun ġiet imposta fuq il-persuna kkonċernata. Dak li jikkostitwixxi tali sentenza f’każ konkret jiddependi mill-qafas proċedurali tal-Istat Membru u mill-użu li jsir minnu minn (jew fil-konfront tal-) persuna kkonċernata. |
Appell ippreżentat kontra sentenza
55. |
Il-kunċett ta’ “sentenza eżekuttiva” fis-sens tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-deċiżjoni qafas għandu jkun distint minn dak ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tal-frażi introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. |
56. |
Kif il-Kummissjoni enfasizzat waqt is-seduta, dan l-aħħar kunċett jinkludi l-fażijiet kollha tal-proċedura kriminali li fiha l-qorti tkun eżaminat il-mertu tal-kawża, jiġifieri kemm il-kwistjoni tal-ħtija kif ukoll dik tal-piena. |
57. |
Madankollu, jidhirli li, fid-dawl tal-istruttura u tal-loġika tal-formola tal-MAE, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat għandha tipprovdi l-informazzjoni li tikkonċerna l-fażi proċedurali li tkun ippermettiet immedjatament li tingħata d-deċiżjoni ta’ kundanna eżekuttiva. Konsegwentement, hija l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni li għandha tiżgura l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas għal dak li jikkonċerna biss din l-aħħar fażi proċedurali li fiha l-mertu tal-kawża, mifhuma fis-sens iċċitat iktar ’il fuq, ġie ddibattut. |
58. |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, il-projbizzjoni ta’ kundanna in absentia għandha l-għan li tipproteġi l-effettività tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata. |
59. |
L-elementi ċentrali f’tali eżami huma: (i) l-għarfien mill-persuna kkonċernata tal-eżistenza tal-proċess u (ii) il-possibbiltà għall-persuna kkonċernata li tiddefendi ruħha b’mod effettiv u li tinvoka l-argumenti kollha favur tagħha għal dak li jikkonċerna l-mertu tal-kawża, jiġifieri l-kwistjoni tal-ħtija jew dik tal-piena. |
60. |
Fir-rigward ta’ din it-tieni parti, huwa imperattiv li l-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li tinvoka b’mod sħiħ id-drittijiet tagħha matul l-aħħar fażi tal-proċedura kriminali li twassal għas-sentenza eżekuttiva. Fil-prattika, din tista’ tkun (i) proċedura tal-ewwel istanza jekk is-sistema proċedurali partikolari ma tippermettix il-possibbiltà ta’ appell fuq il-kwistjonijiet fil-mertu kollha kemm huma jew jekk tali possibbiltà teżisti mingħajr ma jkun ġie ppreżentat appell; jew (ii) proċedura tat-tieni istanza meta jkun ġie ppreżentat appell u li d-dritt applikabbli jippermetti li jiġu eżaminati l-kwistjonijiet fil-mertu kollha ( 17 ). |
61. |
Huwa fir-rigward tal-parti tal-proċedura li tkun ippreċediet immedjatament is-sentenza eżekuttiva li l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandha tivverifika, skont il-modi msemmija fl-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas, iċ-ċirkustanzi tal-proċess li għalih ma tkunx dehret il-persuna kkonċernata. |
62. |
Jekk wieħed iqiegħed ruħu fil-kuntest ta’ appell li jeżamina l-kwistjonijiet ta’ mertu kollha, il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jkollhom l-effett li, meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fl-ewwel istanza imma fl-appell, wieħed ikollu jikkonkludi li huwa jkun deher personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. Fix-xenarju invers ta’ persuna kkonċernata li tkun dehret fl-ewwel istanza imma mhux fl-appell, l-eżekuzzjoni tal-MAE tista’ tiġi rrifjutata jekk l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tasal għall-konklużjoni li, fil-każ individwali partikolari, id-drittijiet proċedurali tal-persuna ma kinux irrispettati, sakemm wieħed ma jkunx jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet elenkati taħt il-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. |
63. |
F’tali s-sitwazzjoni, l-ipoteżi deskritta taħt il-punt (d) tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas hija rilevanti: il-persuna kkonċernata ma kinitx innotifikata personalment bid-deċiżjoni imma ser tkun informata espressament bid-dritt tagħha għal “ […] appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali” |
64. |
Għandha tiġi enfasizzata wkoll l-importanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka f’dan il-kuntest ( 18 ). Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilit bid-deċiżjoni qafas ma jkunx funzjonanti jekk l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni jkollha tagħmel eżami dettaljat biex tivverifika jekk ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata kienx iggarantit f’kull fażi preċedenti tal-proċedura. Il-ħtieġa li tinżamm is-sistema operattiva teżiġi, fil-fehma tiegħi, li l-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża jkun limitat għall-aħħar fażi li tkun ippreċediet immedjatament il-mument li fih il-piena li ċċaħħad il-libertà tkun tista’ tiġi eżegwita. Il-fażijiet preċedenti huma, min-naħa tagħhom, koperti mill-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka. Dan jimplika l-ħtieġa, għall-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni, li tafda fil-kapaċità tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat sabiex tirrimedja d-difetti proċedurali possibbli preċedenti. |
65. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-proċedura ta’ appell li matulha l-kwistjonijiet tal-ħtija jew tal-piena ġew eżaminati tikkostitwixxi “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. Hija din il-fażi proċedurali li tiddetermina n-natura eżekuttiva tad-deċiżjoni ta’ kundanna li fuqha jkun ibbażat il-MAE. Għaldaqstant huwa fir-rigward ta’ din il-fażi proċedurali li l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandha tiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata bil-għan li timplementa raġuni fakultattiva ta’ rifjut prevista fl-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. |
C. Il-kawża preżenti u n-natura fakultattiva tar-raġuni ta’ rifjut skont l-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas
66. |
Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li T. Tupikas ġie kkundannat fl-ewwel istanza b’sentenza mogħtija fis-26 ta’ Awwissu 2016 mill-Klaipėdos apylinkės teismas (qorti tad-distrett ta’ Klaipėda). Hemm indikat ukoll li T. Tupikas appella minn dik is-sentenza u li l-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda) ċaħdet dak l-appell b’deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2016. Il-MAE ma fihx iktar informazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi li fihom żvolġa l-proċess ta’ appell. Il-qorti tar-rinviju tindika li hija ma tafx jekk T. Tupikas deherx waqt dik l-istanza u, jekk dan ma kienx il-każ, jekk waħda mill-kundizzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas kinitx sodisfatta. |
67. |
Mill-informazzjoni kollha disponibbli jirriżulta (li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika) li T. Tupikas kien preżenti fl-ewwel istanza. Il-fatt li T. Tupikas appella juri li huwa kien debitament informat bl-eżistenza tad-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza. |
68. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li hija jonqosha informazzjoni dwar il-proċedura ta’ appell, b’mod partikolari fuq il-punt dwar jekk T. Tupikas deherx personalment għaliha jew le. |
69. |
Il-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju jidhru li jindikaw li T. Tupikas kien jaf bl-eżistenza tal-proċedura ta’ appell peress li kien hu stess kien li ppreżentah. Ċertament, tali għarfien ma jiggarantix minnu nnifsu li T. Tupikas kien debitament imsejjaħ għas-seduta jew għas-seduti organizzati f’dak il-kuntest. Għaldaqstant, id-deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk id-drittijiet proċedurali tiegħu kinux, f’dak il-kuntest fattwali, irrispettati taqa’ f’idejn l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni. Meta din tal-aħħar tapplika r-raġuni fakultattiva ta’ rifjut għall-eżekuzzjoni tal-MAE prevista fl-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas, hija għandha teżiġi għal dan il-għan informazzjoni addizzjonali utli skont l-Artikolu 15(2) tad-deċiżjoni qafas. |
70. |
Dan il-kuntest fattwali speċifiku jwassalni biex nittratta l-problema li hija fil-bażi ta’ din il-kawża preżenti, jiġifieri t-traspożizzjoni problematika tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. |
71. |
Fl-ewwel lok, ninnota li l-loġika tal-Artikolu 4a hija din li ġejja. |
72. |
Ir-regola ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni qafas hija l-obbligu, għall-Istati Membri, li jeżegwixxu l-MAE “abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru [qafas]”. |
73. |
L-Artikolu 4a(1) introduċa l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ MAE meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni. Din il-possibbiltà li ma jiġix eżegwit MAE għandha tkun ibbażata fuq eżami mill-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni taċ-ċirkustanzi proprji għall kull każ konkret. |
74. |
Il-possibbiltà li ma jiġix eżegwit tieqaf meta l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tistabbilixxi li każ inkwistjoni jkun jikkorrispondi ma’ waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. F’tali xenarju, ir-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-MAE huwa eskluż u l-obbligu tal-konsenja tal-persuna kkonċernata jerġa’ jsir ir-regola. |
75. |
Issa, jien ninnota, fit-tieni lok, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ġiet ippreżentata fid-deċiżjoni tar-rinviju (jiġifieri l-Artikolu 12 tal-OLW) taqleb il-loġika tad-deċiżjoni qafas billi tittrasforma l-“possibbiltà li ma jiġix eżegwit ħlief jekk (a) sa (d)” f’“obbligu li ma jiġix eżegwit sakemm (a) sa (d)”. |
76. |
Fit-tielet lok, dan il-mod ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas ittrasforma l-lista ta’ erba’ eċċezzjonijiet għall-possibbiltà li ma jiġix eżegwit il-MAE meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni f’lista eżawrjenti tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità tal-eżekuzzjoni tista’ biss teżegwixxi l-MAE meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess. |
77. |
Din it-traspożizzjoni tipprekludi, fil-fehma tiegħi, lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-eżekuzzjoni milli jevalwaw iċ-ċirkustanzi fattwali kollha f’kawża partikolari għall-finijiet li jivverifikaw ir-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati. Billi nittrasponi b’analoġija l-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja adottat fir-rigward tar-raġuni fakultattiva ta’ rifjut taħt l-Artikolu 4(6) tad-deċiżjoni qafas, nikkunsidra li l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni għandu jkollha, f’dan il-kuntest ukoll, marġni ta’ diskrezzjoni li tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm jew le lok li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-MAE ( 19 ). |
78. |
Nikkunsidra konsegwentement li l-Artikolu 12 tal-OLW jikkostitwixxi traspożizzjoni żbaljata tal-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. |
79. |
Id-diffikultajiet inerenti għal traspożizzjoni daqshekk riġida huma viżibbli ħafna f’dan il-każ. Il-qorti nazzjonali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi fattwali kollha proprji għas-sitwazzjoni individwali ta’ T. Tupikas. B’riżerva għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, din is-sitwazzjoni ma tidher li tista’ tiġi kklassifikata fl-ebda waħda mill-kategoriji previsti fl-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. Madankollu, il-persuna kkonċernata ħadet konjizzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza u appellat (għaldaqstant ħadet konjizzjoni ta’ din il-proċedura). Jekk, imbagħad, tali persuna kienet debitament irrappreżentata, huwa diffiċli li wieħed jara kif id-drittijiet tad-difiża tagħha ma kinux ġew irrispettati. |
80. |
Madankollu, tali ġabra ta’ fatti ma taqa’ taħt ebda waħda mill-ipoteżijiet previsti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas. Issa, il-fatt li ssir insistenza fuq in-natura eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li jwasslu għall-konklużjoni li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata (li ma dehritx personalment) kienu ġew irrispettati jista’ jwassal għas-sitwazzjoni li fiha l-persuna li appellat imma li qatt ma pparteċipat f’dik il-proċedura tat-tieni istanza (filwaqt li d-drittijiet tagħha kienu protetti minn konsulent inkarigat) jista’ xorta jikseb ir-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-MAE, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkwantu l-każ tiegħu ma jkun kopert minn ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas. |
81. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà fakkret fil-kawża Dworzecki fir-rigward tal-każ li jinsab fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-deċiżjoni qafas, is-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a tagħha jikkostitwixxu “eċċezzjonijiet obbligatorji għal raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent fakultattiv”. Fi kliem ieħor, mil-loġika ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet oħra differenti minn dawk espressament previsti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-deċiżjoni qafas li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiżgura li d-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata ġew irrispettati ( 20 ). |
82. |
Biex nikkonkludi, nenfasizza mill-ġdid li d-deċiżjoni qafas hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri ( 21 ). Madankollu, il-kunċetti ta’ rikonoxximent u ta’ fiduċja reċiproka ma jistgħux jaħbu l-importanza li d-dritt tal-Unjoni, b’mod ġenerali, u d-deċiżjoni qafas, b’mod partikolari, jagħtu lir-rispett tad-drittijiet fundamentali, f’dan il-każ proċedurali ( 22 ). |
83. |
L-Artikolu 4a tad-deċiżjoni qafas huwa xhieda tal-bilanċ li l-leġiżlatur tal-Unjoni laħaq bejn l-effikaċità tal-konsenja tal-persuni fiż-żona ġuridika Ewropea, minn naħa, u l-portata tal-istħarriġ li għandha tagħmel l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, min-naħa l-oħra. Meta dik l-awtorità tkun konvinta li d-drittijiet fundamentali ġew irrispettati fid-dawl, jekk ikun il-każ, tal-aġir tal-persuna kkonċernata, hija ma għandhiex tkun prekluża mil-leġiżlazzjoni nazzjonali milli timplementa l-obbligu li hija għandha li teżegwixxi MAE skont l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni qafas. |
VI. Konklużjoni
84. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod li ġej għad-domanda preliminari magħmula mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi): Il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi wkoll għall-aħħar istanza tal-proċedura kriminali li fil-kuntest tagħha, il-mertu tal-kawża, jiġifieri l-ħtija jew il-piena imposta jkun, f’każ partikolari, ġie eżaminat, u li abbażi tiegħu d-deċiżjoni ta’ kundanna saret eżekuttiva. F’dan il-kuntest, id-deċiżjoni li tiġi applikata r-raġuni fakultattiva ta’ rifjut għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq taqa’ f’idejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tkun tista’ tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali kollha li hija jkollha, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiza tal-persuna kkonċernata. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34). Din id-deċiżjoni qafas ġiet emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas- 26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).
( 3 ) Enfasi miżjuda.
( 4 ) Iffirmata Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.
( 5 ) Ara, dwar l-Artikolu 4a(1)(a)(i) tad-deċiżjoni qafas, il-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:333, punt 74).
( 6 ) Ara l-premessa 12 li skontha l-imsemmija deċiżjoni qafas “tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-[TUE], riflessi fil-Karta […]”.
( 7 ) Ara, wkoll is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 37).
( 8 ) Ara l-premessi 1, 4 u 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299.
( 9 ) Ara, ukol,l QEDB, 12 ta’ Frar 1985, Colozza vs L-Italja, CE:ECHR:1985:0212JUD 000902480, § 27; 23 ta’ Novembru 1993, Poitrimol vs Franza, CE:ECHR:1993:1123JUD001403288, § 35.
( 10 ) Ara l-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. Ara QEDB, 9 ta’ Ġunju 2009, Strzalkowski vs Il-Polonja, CE:ECHR:2009:0609JUD 003150902, § 40 sa 42, u l-1 ta’ Marzu 2006, Sejdovic vs L-Italja, CE:ECHR:2006:0301JUD 005658100, § 82. Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punt 49). Ara wkoll, f’kuntesti oħra, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C-327/10, EU:C:2011:745, punti 50 sa 53); tal-15 ta’ Marzu 2012, G (C-292/10, EU:C:2012:142, punti 48 et seq), kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Trade Agency (C-619/10, EU:C:2012:531, punt 55).
( 11 ) QEDB, 18 ta’ Frar 2009, Andrejewa vs Il-Latvja, CE:ECHR:2009:0218JUD005570700, § 97. Ir-rekwiżit ta’ żewġ gradi fil-proċedura kriminali huwa stabbilit fl-Artikolu 2 tal-Protokoll 7 tal-KEDB iffirmat fi Strasbourg fit-22 ta’ Novembru 1984. Madankollu, illum il-ġurnata, dan il-protokoll ma ġiex irratifikat mill-Istati Membri kollha. Ara, f’dan ir-rigward ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Åkerberg Fransson (C-617/10, EU:C:2012:340, punti 71 sa 74).
( 12 ) QEDB, 26 ta’ Ottubru 2000, Kudla vs Il-Polonja, CE:ECHR:2000:1026JUD 00302109, § 122; 14 ta’ Frar 2017, Hokkeling vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2017:0214JUD 003074912, § 56 u 58; 18 ta’ Frar 2009, Andrejewa vs Il-Latvja, CE:ECHR:2009:0218JUD005570700, § 97. Ara wkoll, fir-rigward tal-proċedura ta’ kassazzjoni, QEDB, 17 ta’ Jannar 1970, Delcourt vs Il-Belġju, CE:ECHR:1970:0117JUD 000268965, § 25.
( 13 ) Skont il-QEDB, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kwistjonijiet li hija kellha taqta’ u l-importanza tagħhom għall-parti konvenuta fl-appell, ir-rwol li kellha l-qorti tal-appell kif ukoll il-mod li bih id-drittijiet tad-difiża kienu protetti. QEDB, 18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L-Italja, ECLI:CE:ECHR:2006:1018JUD001811402, § 62; 21 ta’ Lulju 2009, Seliwiak vs Il-Polonja, ECLI:CE:ECHR:2009:0721JUD000381804, § 54 sa 64; 9 ta’ Ġunju 2009, Sobolewski vs Il-Polonja, ECLI:CE:ECHR:2009:0609JUD001984707, § 33 sa 44; 9 ta’ Ġunju 2009, Strzalkowski vs Il-Polonja, CE:ECHR:2009:0609JUD003150902, § 39 sa 55; 21 ta’ Settembru 1993, Kremzow vs L-Awstrija, ECLI:CE:ECHR:1993:0921JUD001235086, § 67; 26 ta’ Lulju 2002, Meftah vs Franza, ECLI:CE:ECHR:2002:0726JUD003291196, § 41; 25 ta’ April 2013, Zahirović vs Kroazja, ECLI:CE:ECHR:2013:0425JUD005859011, § 54 sa 57.
( 14 ) Ara, f’dan is-sens QEDB, 14 ta’ Frar 2017, Hokkeling vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2017:0214JUD 003074912, § 57 u 58.
( 15 ) Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).
( 16 ) Il-QEDB ppreċiżat li b’“‘ħatja’ fis-sens tal-Artikolu 5 § 1(a) tal-KEDB għandu jinftiehem […] kemm id-dikjarazzjoni ta’ ħtija, li tiġi wara l-konstatazzjoni legali tar-reat […] u l-impożizzjoni ta’ piena jew miżura oħra li ċċaħħad il-libertà […]”. QEDB, 21 ta’ Ottubru 2013, Del Rio Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, § 123). Fis-sentenza Kremzow vs L-Awstrija,, il-QEDB iddeċidiet li n-natura ġusta tal-proċedura kienet timplika d-dritt, għar-rikorrent, li jkun preżenti għad-dibattiti fl-appell minħabba l-konsegwenzi importanti li dan seta’ jkollu fuq il-kwantum tal-piena li kellha tiġi imposta. QEDB, 21 ta’ Settembru 1993, Kremzow vs L-Awstrija, CE:ECHR:1993:0921JUD001235086, § 67.
( 17 ) Inżid li l-proċeduri sussegwenti li jikkostitwixxu rikorsi tat-tip “straordinarju”, bħalma hu r-rikors fil-kassazzjoni jew rikors kostituzzjonali huma, fil-prinċipju, esklużi mid-definizzjoni tal-proċedura li tirriżulta fis-sentenza eżekuttiva. Dan minħabba l-fatt li l-preżentata eventwali tagħhom ma tippermettix fil-prinċipju li jiġi eżaminat il-mertu kollu kemm hu u lanqas li jiġi pospost il-mument tal-privazzjoni tal-libertà tal-persuna kkonċernata b’eżekuzzjoni tal-piena imposta. Dan premess, dawn il-fażijiet għandhom dejjem jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 KEDB. QEDB, 18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L-Italja, ECLI:CE:ECHR:2006:1018JUD001811402, § 60-61. Ara wkoll QEDB, 20 ta’ Marzu 2009, Gorou vs Il-Greċja, ECLI:CE:ECHR:2009:0320JUD001268603, § 41 u 2 ta’ Ġunju 2016, Papaioannou vs Il-Greċja, ECLI:CE:ECHR:2016:0602JUD001888015, § 45.
( 18 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107, punti 62 u 63).
( 19 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C-579/15, EU:C:2017:503 punti 21 sa 23). ara wkoll sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 50 sa 52).
( 20 ) “[L]-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, fi kwalunkwe każ, anki wara li jiġi kkonstatat li ma jkoprux is-sitwazzjoni inkwistjoni, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħrajn li jippermettulha tiżgura li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha”. (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 50).
( 21 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi (C-241/15, EU:C:2016:385, punti 31 sa 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Pereżempju sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C-237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).