KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fil-5 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )
Kawża C‑234/17
XC,
YB,
ZA
fil-preżenza ta’
Generalprokuratur
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza– Rimedju ġudizzjarju li jippermetti li jinkiseb il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata fil-każ ta’ ksur tal-KEDB – Obbligu li dan ir-rimedju ġudizzjarju jiġi estiż għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni – Assenza – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni – Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Prinċipju ta’ ne bis in idem”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2017, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) ressqet talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinkiseb deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. |
|
2. |
XC, YB u ZA (iktar ’il quddiem il-“persuni kkonċernati”) huma ssuspettati li wettqu evażjoni fiskali u reati kriminali oħra fit-territorju Svizzeru. B’applikazzjoni tal-Artikolu 50(1) tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“KTFS”), il-Prosekutur tal-Kanton ta’ St. Gallen (l-Isvizzera) ressaq diversi talbiet għal assistenza ġudizzjarja lill-Prosekutur ta’ Feldkirch (l-Awstrija) intiżi għas-smigħ tal-persuni kkonċernati bħala imputati. |
|
3. |
Kien fi tmiem il-proċeduri kriminali li ttieħdu fl-Awstrija li l-persuni kkonċernati ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li jinkiseb il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata fil-każ ta’ ksur tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, jew ta’ wieħed mill-Protokolli Addizzjonali għaliha (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“KEDB”). Dan ir-rimedju ġudizzjarju ġie introdott fid-dritt Awstrijak sabiex jippermetti l-implimentazzjoni tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) li jikkonstataw ksur tal-KEDB. |
|
4. |
Fil-kuntest tar-rikors tagħhom, il-persuni kkonċernati invokaw, b’mod partikolari, ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mill-Artikolu 54 tal-KTFS. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali tevalwa, fil-kuntest ta’ tali rikors, l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni – b’mod partikolari ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KTFS – minkejja li d-dritt nazzjonali jipprevedi tali stħarriġ biss għall-ksur tal-KEDB. |
|
5. |
Ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta negattiva għal din id-domanda minħabba l-eżistenza ta’ “qafas kostituzzjonali” ( 3 ) żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja u li jiggarantixxi l-effettività tad-dritt tal-Unjoni saħansitra qabel ma d-deċiżjonijiet nazzjonali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata, liema qafas ma għandux ekwivalenti f’dak li jirrigwarda l-KEDB. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
|
6. |
Il-KTFS ġiet konkluża bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat f’Schengen fl-14 ta’ Ġunju 1985 ( 4 ). |
|
7. |
L-Artikolu 50(1) tal-KTFS, li jinsab taħt il-Kapitolu 2 tat-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni, liema kapitolu huwa intitolat “Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali”, jipprovdi: “Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jagħtu lil xulxin, skond il-Konvenzjoni u skond it-Trattat imsemmi fl-Artikolu 48, assistenza reċiproka fir-rigward ta’ ksur tal-liġijiet tagħhom u ta’ regolamenti dwar taxxa tas-sisa, taxxa fuq valur miżjud (VAT) u dazju. […]” |
|
8. |
L-Artikolu 54 tal-KTFS, li jinsab taħt il-Kapitolu 3 tat-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni, liema kapitolu huwa intitolat “Applikazzjoni tal-Prinċipju ta’ ne bis in idem”, jipprovdi: “Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.” |
B. Id-dritt Awstrijak
|
9. |
Fl-1 ta’ Marzu 1997, ġie introdott l-Artikolu 363a fl-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali Awstrijak, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”). Din id-dispożizzjoni tipprovdi:
|
III. Il-kawża prinċipali
|
10. |
Il-Prosekutur tal-Kanton ta’ St. Gallen (l-Isvizzera) mexxa investigazzjoni kriminali kontra XC, YB u oħrajn, li huma ssuspettati li wettqu evażjoni fiskali fis-sens tal-Artikolu 96(1)(b) tal-Mehrwertsteuergesetz (il-Liġi Svizzera li Tirregola l-VAT u reati kriminali oħra. Dawn il-persuni allegatament kisbu, permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz lill-amministrazzjoni fiskali Svizzera, rimborsi mhux dovuti ta’ VAT li jammontaw għal 835 374.17 franki Svizzeri (CHF) (madwar EUR 698 327.41). |
|
11. |
Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-Prosekutur tal-Kanton ta’ St. Gallen ressaq talba għal assistenza ġudizzjarja lill-Prosekutur ta’ Feldkirch (l-Awstrija). |
|
12. |
B’digriet tal-15 ta’ Marzu 2013, mogħti wara oġġezzjonijiet u appell, l-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck, l-Awstrija), bħala qorti tat-tieni istanza, iddikjarat ammissibbli t-talba għal assistenza ġudizzjarja favur il-Kantonales Untersuchungsamt (l-Uffiċċju Kantonali tal-Investigazzjonijiet, l-Isvizzera) sabiex YB jinstema’ bħala imputat. B’dan il-mod, hija ċaħdet l-oġġezzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 54 tal-KTFS u fuq il-fatt li fl-2011 u fl-2012 kienu ngħalqu proċeduri mill-Prosekutur ta’ Heilbronn (il-Ġermanja) u mill-Fürstliches Landgericht tal-Liechtenstein (il-Qorti tal-Ewwel Istanza tal-Prinċipat, il-Liechtenstein). F’dan il-kuntest, ġie espressament enfasizzat il-kap ta’ akkuża dwar esportazzjonijiet ta’ oġġetti u rimborsi ta’ VAT li jammontaw għal CHF 835 374.17 (madwar EUR 698 327.41). |
|
13. |
Kontra din id-deċiżjoni, XC u YB ressqu talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. B’digriet tas-17 ta’ Settembru 2013, dik il-qorti annullat digrieti tal-31 ta’ Diċembru 2012 tal-Landesgericht Feldkirch (il-Qorti Reġjonali ta’ Feldkirch, l-Awstrija) u tal-15 ta’ Marzu 2013 tal-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck) fir-rigward tal-parti li ma kinitx tikkonċerna t-talba għal assistenza ġudizzjarja dwar is-suspett li twettqu reati kriminali għad-detriment tal-amministrazzjoni fiskali Svizzera. Fir-rigward tal-parti annullata, it-talba għal assistenza ġudizzjarja ġiet annullata. Fir-rigward tal-parti li ma ġietx annullata, l-imsemmija qorti speċifikat fil-motivi tagħha li “il-Prosekutur għandu jeżegwixxi l-ittri rogatorji għal smigħ li ma humiex ikkontestati permezz tat-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri u li jirrigwardaw is-suspett li twettqu reati kriminali għad-detriment tal-amministrazzjoni fiskali Svizzera”. |
|
14. |
Il-Prosekutur ta’ Feldkirch ipproċeda bil-proċeduri fir-rigward tal-parti dwar is-suspett li twettqu reati kriminali għad-detriment tal-amministrazzjoni fiskali Svizzera. F’dan il-kuntest, il-Prosekutur tal-Kanton ta’ St. Gallen talbu jwettaq smigħ addizzjonali, filwaqt li l-aħħar waħda minn dawn it-talbiet kienet tikkonċerna lil ZA bħala imputat. XC u YB sussegwentement qajmu oġġezzjonijiet li l-Landesgericht Feldkirch (il-Qorti Reġjonali ta’ Feldkirch) ċaħdet billi bbażat ruħha fuq l-awtorità ta’ res judicata. Appelli ppreżentati minn deċiżjonijiet oħra tal-qorti ġew miċħuda wkoll. |
|
15. |
B’digriet tad-9 ta’ Ottubru 2015, l-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck) ċaħdet l-appelli ppreżentati mill-persuni kkonċernati mid-digriet tal-Landesgericht Feldkirch (il-Qorti Reġjonali ta’ Feldkirch) tat-13 ta’ Awwissu 2015. Dik il-qorti indikat fil-motivi tagħha li t-talba għal assistenza ġudizzjarja tat-23 ta’ April 2015 hija wkoll limitata għas-suspetti li twettqu reati kriminali għad-detriment tal-amministrazzjoni fiskali Svizzera. L-imsemmija qorti ma sabet ebda element li jindika li smigħ ta’ ZA jista’ jikser l-Artikolu 54 tal-KTFS. |
|
16. |
Skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck) iddeċidiet bħala qorti tat-tieni u tal-aħħar istanza permezz tad-digriet tagħha tad-9 ta’ Ottubru 2015. Għalhekk din id-deċiżjoni kisbet l-awtorità ta’ res judicata. |
|
17. |
Kien kontra dan id-digriet li, fit-18 ta’ April 2016, il-persuni kkonċernati ppreżentaw talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-persuni kkonċernati jallegaw li l-għoti tal-assistenza ġudizzjarja lill-Prosekutur ta’ St. Gallen wassal għal ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, tal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 għall-KEDB, tal-Artikolu 50 tal-Karta u tal-Artikolu 54 tal-KTFS. Huma jitolbu, prinċipalment, li l-qorti tar-rinviju tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali u tiddikjara l-assistenza ġudizzjarja inammissibbli. |
IV. Id-domanda preliminari
|
18. |
Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-KEDB għandha status kostituzzjonali fl-Awstrija. Dik il-qorti tfakkar li l-Qorti EDB tista’ tiġi adita bl-allegazzjoni ta’ ksur tal-KEDB biss wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji interni. Konsegwentement, sabiex jimplimenta s-sentenzi tal-Qorti EDB li jikkonstataw li deċiżjoni kriminali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata tikser il-KEDB, l-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jippermetti li titressaq talba għall-“ftuħ mill-ġdid” tal-proċeduri kriminali. |
|
19. |
Barra minn hekk, f’sentenza fundamentali tal-1 ta’ Awwissu 2007, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex suġġett għall-konstatazzjoni minn qabel ta’ ksur tal-KEDH min-naħa tal-Qorti EDB. Għaldaqstant, dik il-qorti tista’ tilqa’ talba għall-ftuħ mill-ġdid wara li hija stess tkun ikkonstatat li sentenza jew deċiżjoni ta’ qorti kriminali inferjuri tikser il-KEDB. |
|
20. |
Konsegwentement, huwa possibbli, waqt li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali u abbażi ta’ dispożizzjonijiet legali Awstrijaċi li jikkodifikaw drittijiet fundamentali, li jiġi invokat ksur tal-KEDB direttament quddiem il-qorti tar-rinviju permezz ta’ talba skont l-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, saħansitra fl-assenza ta’ sentenza tal-Qorti EDB. Minn mindu ngħatat is-sentenza msemmija iktar ’il fuq, sar użu iktar u iktar frekwenti minn dan ir-rimedju ġudizzjarju. |
|
21. |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju staqsiet dwar l-eventwali eżistenza ta’ obbligu li jirriżulta mill-prinċipju ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u li jimponilha li testendi l-proċeduri ta’ ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali għall-allegat ksur tal-Karta jew ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni. |
|
22. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li jinsiltu minnu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-[qorti nazzjonali] tistħarreġ, fuq talba tal-persuna kkonċernata, deċiżjoni ta’ qorti kriminali li saret res judicata rigward allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni (f’dan il-każ: l-Artikolu 50 tal-[Karta] u l-Artikolu 54 tal-[KTFS]), fejn id-dritt nazzjonali […] jipprevedi tali stħarriġ biss fil-każ ta’ allegat ksur tal-[KEDB]?” |
V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
23. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2017. |
|
24. |
Il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. |
|
25. |
Il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Ungeriż kif ukoll il-Kummissjoni dehru fis-seduta tal-20 ta’ Marzu 2018 sabiex jinstemgħu l-osservazzjonijiet tagħhom. |
VI. Analiżi
|
26. |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali testendi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KTFS, rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ ta’ ksur tal-KEDB, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. |
|
27. |
Preliminarjament, infakkar li l-Artikolu 50 tal-Karta u l-Artikolu 54 tal-KTFS jirrigwardaw id-dritt fundamentali li wieħed ma jiġix iġġudikat jew punit darbtejn għall-istess reat, jew il-prinċipju ta’ “ne bis in idem”. |
|
28. |
Il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jqisu li għandha tingħata risposta negattiva għal din id-domanda. Din hija wkoll il-fehma tiegħi għar-raġunijiet spjegati iktar ’il quddiem. |
|
29. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi li huma intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jisiltu md-dritt tal-Unjoni, inklużi hemm dawk li jimplimentaw il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, huma ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u lanqas ma għandhom ikunu strutturati b’mod li jirrendu impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) ( 5 ). |
|
30. |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li ma teżistix leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola rimedju ġudizzjarju bħal dik li wasslet għall-kawża prinċipali, jiġifieri rimedju ġudizzjarju li jippermetti lill-persuni kkonċernati jallegaw li deċiżjoni kriminali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata tikser dritt fundamentali – f’dan il-każ, dritt fundamentali ggarantit mill-KEDB – u, jekk ikun il-każ, jiksbu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali kontenzjużi. |
|
31. |
Konsegwentement, u b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk il-fatt li jiġi previst tali rimedju ġudizzjarju għall-ksur tal-KEDB, mingħajr ma jiġi estiż għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, jiksirx il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ser neżamina dawn iż-żewġ aspetti separatament fit-Taqsimiet B u C iktar ’il quddiem. |
|
32. |
Preliminarjament, ser nispjega r-raġunijiet għalfejn inqis li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Awstrijak għandha tiġi miċħuda (Taqsima A). |
A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
|
33. |
Il-Gvern Awstrijak qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Skont dan il-gvern, huwa dubjuż jekk is-sitwazzjonijiet legali li wasslu għall-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprevedi rimedju ġudizzjarju mhux fil-każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iżda fil-każ ta’ ksur tal-KEDB. |
|
34. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 6 ). |
|
35. |
F’dak li jirrigwarda l-ewwel argument invokat mill-Gvern Awstrijak, infakkar li l-KTFS kienet oriġinalment ftehim bejn Stati konkluż barra mill-qafas tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, it-Trattat ta’ Amsterdam integra l-acquis ta’ Schengen f’dan il-qafas ( 7 ). Għaldaqstant, u kif irrilevat ġustament l-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża E ( 8 ), il-KTFS saret parti integrali mid-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi applikat mill-Istati Membri li jagħmlu parti miż-żona Schengen. |
|
36. |
Konsegwentement, meta l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jilqgħu talba għal assistenza ġudizzjarja bbażata fuq il-KTFS, bħal fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għandu jitqies li huma jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mis-sentenza M, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-Artikolu 54 tal-KTFS għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta ( 9 ), u mis-sentenza Spasic, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-validità tal-Artikolu 54 tal-KTFS fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta ( 10 ). |
|
37. |
Barra minn hekk, il-Gvern Awstrijak sostna li l-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-raġunijiet preċiżi li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis li kien neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dak li jirrigwarda dan it-tieni argument, inqis li l-qorti tar-rinviju esponiet b’mod ċar id-dubji li hija għandha fir-rigward tal-eżistenza ta’ eventwali obbligu li r-rimedju ġudizzjarju stabbilit fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jiġi estiż għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari għall-ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta jew mill-KTFS. |
|
38. |
Inżid li din id-domanda jista’ jkollha interess għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, peress li l-Karta tista’ tagħti, bis-saħħa tal-Artikolu 53 tagħha, protezzjoni iktar estiża minn dik prevista mill-KEDB. Issa, dan huwa effettivament il-każ f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ne bis in idem, li ġie invokat fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, u kif jirrilevaw l-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta ( 11 ), għalkemm il-portata tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 4(1) tal-Protokoll Nru 7 għall-KEDB hija limitata għat-territorju ta’ kull Stat ikkunsidrat separatament ( 12 ), l-Artikolu 50 tal-Karta jestendi din il-portata għat-territorju tal-Unjoni kkunsidrata bħala unità ( 13 ). Bħall-Artikolu 50 tal-Karta, il-portata territorjali tal-Artikolu 54 tal-KTFS hija fformata mit-territorju tal-Istati kollha li jagħmlu parti miż-żona Schengen, ikkunsidrata bħala unità. |
|
39. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jidhirlix li jista’ jiġi kkontestat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija tabilħaqq ammissibbli. |
B. Fuq l-assenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni
|
40. |
Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi ddeterminat jekk l-impossibbiltà li titqiegħed inkwistjoni deċiżjoni kriminali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata billi jiġi invokat ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KTFS, tirrendix impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
41. |
Fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix it-tqegħid inkwistjoni, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ rimedju ġudizzjarju speċifiku, tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet nazzjonali li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Din il-ġurisprudenza hija spjegata mill-eżistenza ta’ qafas kostituzzjonali żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja u li jiggarantixxi l-effettività tad-dritt tal-Unjoni saħansitra qabel ma d-deċiżjonijiet nazzjonali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata (Taqsima 1). |
|
42. |
Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet mitigazzjoni tal-prinċipju ta’ osservanza tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-każ fejn il-parti f’kawża ma kellhiex il-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet li jagħtiha d-dritt tal-Unjoni. Madankollu, din il-mitigazzjoni ma hijiex rilevanti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali (Taqsima 2). |
1. Il-prinċipju: l-osservanza tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet nazzjonali
|
43. |
F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li kull każ fejn tqum il-kwistjoni dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tirrendix impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura kollha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem il-varji istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, il-prinċipji li fuqhom hija bbażata s-sistema ġudizzjarja nazzjonali, bħalma huma l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura ( 14 ). |
|
44. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll diversi drabi l-importanza li għandu, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata. Fil-fatt, sabiex jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u tar-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li ma jkunx possibbli li jitqiegħdu iktar inkwistjoni deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji ġudizzjarji disponibbli jew wara li jkunu skadew it-termini previsti minn dawn tal-aħħar ( 15 ). |
|
45. |
Issa, ma jistax jiġi miċħud li teżisti ċerta tensjoni bejn dawn iż-żewġ prinċipji. Fil-fatt, l-impossibbiltà li titqiegħed inkwistjoni deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, li dwarha, barra minn hekk, ikun paċifiku li din tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, għandha neċessarjament l-effett, fil-prattika, li tnaqqas l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. |
|
46. |
Madankollu, tali effett ma jimplikax, fih innifsu, ksur tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rrimedjat ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 16 ). |
|
47. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari eskludiet kwalunkwe ksur tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata kien jimpedixxi lill-qorti nazzjonali milli teżamina l-validità ta’ deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE ( 17 ) jew tar-regoli tal-Unjoni dwar klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ( 18 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata jimpedixxi lill-qorti nazzjonali milli teżamina l-validità ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fid-dawl tar-regoli tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati nazzjonali ( 19 ), ta’ dawk dwar il-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet ( 20 ) jew tal-Artikolu 110 TFUE ( 21 ). |
|
48. |
Għaldaqstant, bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri jqiegħdu inkwistjoni l-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet nazzjonali, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ rimedju ġudizzjarju speċifiku bħal dak previst fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali għall-ksur tal-KEDB. |
|
49. |
Fil-fehma tiegħi, din il-ġurisprudenza hija spjegata mill-eżistenza tal-qafas kostituzzjonali li jagħti lid-dritt tal-Unjoni parti kbira min-natura speċifika tiegħu ( 22 ) u li jiggarantixxi l-effettività tad-dritt tal-Unjoni saħansitra qabel ma d-deċiżjonijiet nazzjonali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata. |
|
50. |
Fl-ewwel lok, id-dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu joħolqu direttament drittijiet għall-partijiet f’kawża ( 23 ). Dan il-prinċipju ta’ effett dirett jimplika li d-dritt tal-Unjoni ma jirrigwardax biss ir-relazzjonijiet bejn Stati, iżda jagħti lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw quddiem kull awtorità statali, u b’mod partikolari quddiem kull qorti nazzjonali. |
|
51. |
F’dak li jirrigwarda d-dritt fundamentali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement enfasizzat, fis-sentenza Garlsson Real Estate et ( 24 ), li l-prinċipju ta’ ne bis in idem iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta jagħti lill-individwi dritt direttament applikabbli. |
|
52. |
Fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq kull qorti nazzjonali l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tad-dispożizzjonijiet direttament applikabbli ta’ dan id-dritt billi fejn ikun hemm bżonn ma tapplikax, minn rajha, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra ( 25 ). |
|
53. |
Mill-effett akkumulat tal-effett dirett u tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li kull qorti Awstrijaka adita bil-kawża prinċipali kellha l-obbligu li tirrimedja kull ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem kif iggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KTFS. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju kkonstatat espressament li l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali joffri diversi rimedji ġuridiċi lill-persuni kkonċernati sabiex jinvokaw, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, id-drittijiet li jagħtihom l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inkluż hemm dak li jirriżulta mill-Artikolu 50 tal-Karta. Barra minn hekk, mid-deskrizzjoni tal-fatti pprovduta minn dik il-qort jirriżulta li l-persuni kkonċernati effettivament kellhom l-opportunità li jippreżentaw diversi rikorsi matul il-proċeduri kriminali li tressqu kontrihom, billi jinvokaw b’mod partikolari l-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħall-Artikolu 54 tal-KTFS ( 26 ). |
|
54. |
Fit-tielet lok, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-qrati nazzjonali għandhom l-iktar possibbiltà wiesgħa li jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jinvolvu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu deċiżjoni min-naħa tagħhom ( 27 ). Għaldaqstant, qabel ma tadotta deċiżjoni li taqta’ l-kawża pendenti quddiemha, kull qorti interna għandha dritt tindirizza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikseb interpretazzjoni vinkolanti tad-dritt tal-Unjoni. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, din il-possibbiltà saħansitra ssir obbligu – ħlief fil-każ ta’ “acte clair” ( 28 ) – meta tali kwistjoni titqajjem f’kawża pendenti quddiem qorti nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt intern ( 29 ). |
|
55. |
Fil-fehma tiegħi, dan il-qafas kostituzzjonali jiggarantixxi, bħala prinċipju, li kull persuna li tkun normalment diliġenti jkollha l-possibbiltà li teżerċita d-drittijiet li jagħtiha l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni saħansitra qabel ma tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni li jkollha l-awtorità ta’ res judicata. Għaldaqstant, dan il-qafas jiggarantixxi l-effettività tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi previst rimedju ġudizzjarju li jippermetti li jitqiegħdu inkwistjoni d-deċiżjonijiet nazzjonali li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata. |
|
56. |
Inżid li dan il-qafas kostituzzjonali huwa ssupplimentat mill-obbligu li jaqa’ fuq l-Istati Membri li jipprevedu rikors li jippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Istat għal ksur tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata ( 30 ). Kuntrarjament għat-tliet prinċipji kostituzzjonali deskritti iktar ’il fuq, dan l-obbligu jseħħ wara li d-deċiżjoni nazzjonali tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza ( 31 ). |
|
57. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, l-impossibbiltà, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, li titqiegħed inkwistjoni deċiżjoni kriminali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata billi jiġi invokat ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KTFS, ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni. |
2. L-eċċezzjoni: it-tqegħid inkwistjoni tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet nazzjonali meta l-parti f’kawża ma kellhiex il-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni
|
58. |
Għandi madankollu nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet eċċezzjoni fir-rigward tal-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet nazzjonali, fil-każ fejn l-osservanza ta’ dan il-prinċipju twassal sabiex tingħata immunità lil proċedura nazzjonali li ċerti karatteristiċi strutturali tagħha jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. |
|
59. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li regola nazzjonali li skontha, fit-tilwimiet fil-qasam fiskali, l-awtorità ta’ res judicata f’kawża partikolari, meta tirrigwarda punt fundamentali komuni għal kawżi oħra, għandha, fuq dan il-punt, portata vinkolanti, ma hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività. Fil-fatt, tali regola kien ikollha l-konsegwenza li timponi erga omnes l-interpretazzjoni adottata fl-ewwel deċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva fil-qasam tal-VAT, mingħajr possibbiltà ta’ korrezzjoni fil-każ ta’ interpretazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni ( 32 ). |
|
60. |
F’kawża oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni jipprekludi wkoll l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li timpedixxi lil qorti nazzjonali milli tislet il-konsegwenzi kollha ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna mill-Istat prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, minħabba l-eżistenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali li kisbet l-awtorità ta’ res judicata u li kkonstatat li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibqgħu fis-seħħ mingħajr madankollu ma eżaminat il-kwistjoni jekk dawn tal-aħħar jistabbilixxux għajnuna mill-Istat. F’dak il-każ, din ir-regola kien ikollha l-konsegwenza li timpedixxi kwalunkwe stħarriġ tal-osservanza tal-projbizzjoni msemmija iktar ’il fuq ( 33 ). |
|
61. |
Madankollu nispeċifika li sempliċi nuqqas ta’ diliġenza fl-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex suffiċjenti sabiex titqiegħed inkwistjoni l-awtorità ta’ res judicata tad-deċiżjonijiet nazzjonali ( 34 ). Fi kliem ieħor, it-tqegħid inkwistjoni ta’ dan il-prinċipju, bil-għan li tiġi ppreżervata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, jirrigwarda biss proċeduri li ċerti karatteristiċi strutturali tagħhom jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. |
|
62. |
F’dan il-każ, ebda element fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi preżunt li dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali ( 35 ). |
|
63. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-qorti nazzjonali testendi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KTFS, rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ ta’ ksur tal-KEDB, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, meta l-parti f’kawża kellha l-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet li jagħtiha d-dritt tal-Unjoni matul dawn il-proċeduri. |
C. Fuq l-assenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza
|
64. |
Bil-għan li tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddeterminat ukoll jekk jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza l-fatt li jiġi stabbilit rimedju ġudizzjarju li jippermetti li jinkiseb, fil-każ ta’ ksur tal-KEDB, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, mingħajr ma dan ir-rimedju ġudizzjarju jiġi estiż għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KTFS. |
|
65. |
Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jeżiġi li l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi li huma intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-persuni taxxabbli jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw rikorsi simili previsti mid-dritt intern. |
|
66. |
Għall-motivi li ġejjin, inqis li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jobbligax lill-Istati Membri jestendu għad-dritt tal-Unjoni rimedju ġudizzjarju bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali. |
|
67. |
Fl-ewwel lok, rikors ibbażat fuq il-KEDB ma jikkostitwixxix “rikors simili previst mid-dritt intern” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq peress li ma jirrigwardax il-ksur ta’ regoli tad-dritt intern. Indipendentement mill-istatus mogħti lill-KEDB fil-ġerarkija tar-regoli mill-ordinament ġuridiku nazzjonali ( 36 ), l-espressjoni “dritt intern”, fil-fehma tiegħi, tirrigwarda biss ir-regoli li jistgħu jiġu emendati jew imħassra mill-istituzzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat. Fi kliem ieħor, l-espressjoni “dritt intern” tirrigwarda esklużivament regoli li s-sors tagħhom jinsab fl-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat. Evidentement, il-KEDB ma tinkludix tali regoli, bl-istess mod bħal kull strument tad-dritt internazzjonali. |
|
68. |
Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan li jfittex li jilħaq il-prinċipju ta’ ekwivalenza, li huwa dak li jiġu impediti prattiki ta’ protezzjoniżmu proċedurali min-naħa ta’ Stat Membru li jikkonsistu fl-għoti ta’ status privileġġat lir-regoli interni meta mqabbel mal-istatus mogħti lid-dritt tal-Unjoni. Fis-sentenza Târşia, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, f’dan ir-rigward, li l-prinċipju ta’ ekwivalenza jimplika trattament ugwali tar-rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u ta’ dawk simili bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ). |
|
69. |
Issa, il-fatt li jingħata status privileġġat lill-KEDB, jiġifieri lil sensiela ta’ regoli internazzjonali, ma jistax jikkostitwixxi trattament diskriminatorju fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza. Fi kliem ieħor, l-istatus mogħti lill-KEDB ma jirrappreżentax punt ta’ paragun rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan l-istatus iwassal sabiex il-prinċipju ta’ ekwivalenza jiġi ttrasformat fi klawżola ta’ “l-iktar regola ffavorita”, li skontha l-iktar trattament proċedurali favorevoli previst minn Stat Membru, kemm jekk dan ikun favur regoli tad-dritt intern kif ukoll jekk dan ikun favur regoli tad-dritt internazzjonali, għandu awtomatikament jiġi estiż għad-dritt tal-Unjoni. |
|
70. |
Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li rikors ibbażat fuq il-KEDB għandu jiġi assimilat ma’ rikors previst mid-dritt intern, għandu xorta waħda jitqies li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma nkisirx fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali peress li rikors ibbażat fuq il-KEDB ma huwiex “simili” għal rikors ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni. |
|
71. |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jimponi obbligu ta’ trattament ugwali bejn ir-rikorsi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni u r-rikorsi “simili” previsti mid-dritt intern ( 38 ). Konsegwentement, dan il-prinċipju ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil Stat Membru jestendi l-iktar sistema interna favorevoli tiegħu għall-azzjonijiet kollha mressqa f’ċertu qasam tad-dritt ( 39 ) jew għar-rikorsi kollha bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 40 ). |
|
72. |
Skont din il-ġurisprudenza, ix-xebh bejn ir-rikorsi kkonċernati għandu jiġi vverifikat mill-aspett tas-suġġett, tal-kawżali u tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom, filwaqt li, jekk ikun il-każ, ix-xebh bejn ir-regoli inkwistjoni jittieħed inkunsiderazzjoni mill-aspett tar-rwol tagħhom fil-proċedura kollha, tal-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura u tal-karatteristiċi partikolari tar-regoli ( 41 ). |
|
73. |
Issa, ir-rikorsi bbażati fuq il-KEDB u fuq id-dritt tal-Unjoni, rispettivament, ma jistgħux jitqiesu li huma simili, b’mod partikolari mill-aspett tar-rwol li għandhom dawn ir-regoli fil-proċedura nazzjonali fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita msemmija iktar ’il fuq. |
|
74. |
Kif enfasizzajt iktar ’il fuq, id-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat mill-eżistenza ta’ qafas kostituzzjonali li jobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu l-effettività tad-dritt tal-Unjoni saħansitra qabel ma d-deċiżjonijiet nazzjonali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata ( 42 ). |
|
75. |
Min-naħa l-oħra, l-ammissibbiltà ta’ rikors quddiem il-Qorti EDB hija suġġetta għall-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji interni skont l-Artikolu 35(1) tal-KEDB. Dan ir-rekwiżit jimplika neċessarjament li sentenza tal-Qorti EDB li tikkonstata ksur tal-KEDB tista’ sseħħ biss wara li tkun ingħatat deċiżjoni mill-qorti interna tal-aħħar istanza, liema deċiżjoni ipotetikament ikollha l-awtorità ta’ res judicata. Kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, huwa preċiżament sabiex tkun tista’ titwettaq din l-implimentazzjoni li ġie introdott ir-rimedju ġudizzjarju previst fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. |
|
76. |
Fil-fehma tiegħi, din id-differenza oġġettiva bejn id-dritt tal-Unjoni u l-KEDB timplika li rikorsi previsti mid-dritt intern li jkunu bbażati rispettivament fuq dawn iż-żewġ korpi ta’ regoli, u li jirrigwardaw il-validità ta’ deċiżjonijiet nazzjonali li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata, ma jistgħux jitqiesu li huma simili. |
|
77. |
Fil-fatt, l-effettività tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti EDB li jikkonstataw ksur tal-KEDB hija suġġetta, ipotetikament, għal azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li sseħħ wara l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji interni, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment ta’ rikors li jippermetti l-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata bħal dak previst fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. |
|
78. |
Min-naħa l-oħra, l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeħtiġux l-istabbiliment ta’ tali rikors peress li l-qafas kostituzzjonali kompost mill-effett dirett, mis-supremazija u mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiggarantixxi l-effettività tiegħu saħansitra qabel ma d-deċiżjonijiet nazzjonali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata. |
|
79. |
F’dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13, l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni huwa l-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, preċiżament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, hija intiża li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza ta’ dan id-dritt, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar nett, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati ( 43 ). |
|
80. |
Nenfasizza li d-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Nru 16 għall-KEDB (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 16”), fl-1 ta’ Awwissu 2018, wara r-ratifikazzjoni tiegħu mir-Repubblika Franċiża fit-12 ta’ April 2018 ( 44 ), ma jistax iqiegħed fid-dubju din il-konstatazzjoni ta’ assenza ta’ xebh. Fil-fatt, u minn naħa, ir-Repubblika tal-Awstrija ma tifformax parti mill-Istati firmatarji ta’ dan il-protokoll ( 45 ). |
|
81. |
Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, jidhirli li, anki f’dak li jirrigwarda l-Istati firmatarji, il-Protokoll 16 ma jistax iżid l-effettività tal-KEDB qabel ma d-deċiżjonijiet nazzjonali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata sa livell paragunabbli ma’ dak tad-dritt tal-Unjoni. |
|
82. |
Huwa minnu li l-Protokoll Nru 16 jipprevedi l-possibbiltà li jitressqu lill-Qorti EDB talbiet għal opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ta’ prinċipju li jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet iddefiniti mill-KEDB jew mill-protokolli tagħha. Madankollu, jeżistu tliet differenzi maġġuri bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit fl-Artikolu 267 TFUE. L-ewwel nett, din il-possibbiltà hija rriżervata għall-“ogħla qrati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tal-Partijiet Għolja Kontraenti skont l-Artikolu 1 ta’ dan il-protokoll. It-tieni nett, il-Qorti EDB ser tiffiltra dawn it-talbiet skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi protokoll. It-tielet nett, l-Artikolu 5 tal- Protokoll Nru 16 jispeċifika li l-opinjonijiet konsultattivi mogħtija f’dan il-kuntest ma humiex vinkolanti. |
|
83. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li rikorsi previsti mid-dritt intern li jkunu bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u fuq il-KEDB, rispettivament, u li jirrigwardaw il-validità ta’ deċiżjonijiet nazzjonali li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata, ma jistgħux jitqiesu li huma simili. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jistax jiġġustifika obbligu li rimedju ġudizzjarju li jipprevedi l-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata fid-dawl tal-KEDB, bħal dak stabbilit fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jiġi estiż għad-dritt tal-Unjoni. |
|
84. |
Din l-assenza ta’ xebh ma titqiegħedx inkwistjoni bil-fatt li l-qorti tar-rinviju tista’ hija stess tikkonstata ksur tal-KEDB fil-kuntest ta’ rikors skont l-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, mingħajr ma tistenna sentenza tal-Qorti EDB ( 46 ). Huwa minnu li din il-possibbiltà żżid il-livell ta’ effettività tal-KEDB billi tippermetti lill-parti f’kawża jikseb, mingħajr ma jkollu għalfejn jadixxi l-Qorti EDB, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa permezz ta’ deċiżjoni li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. Jibqa’ l-fatt li l-effettività tal-KEDB u tas-sentenzi tal-Qorti EDB ma hijiex iggarantita qabel ma d-deċiżjonijiet nazzjonali jiksbu l-awtorità ta’ res judicata, kuntrarjament għall-effettività tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
85. |
Madankollu, l-assenza ta’ obbligu li tali rikors jiġi estiż għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, fil-fehma tiegħi, ma timplika ebda projbizzjoni milli ssir tali estensjoni. Fil-fatt, kull Stat Membru jista’ jipprevedi, fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tiegħu ( 47 ), rikors li jippermetti li jitqiegħdu inkwistjoni d-deċiżjonijiet nazzjonali li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni. |
|
86. |
Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għaldaqstant tista’ tapplika d-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tar-rimedju ġudizzjarju stabbilit fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali. F’dan ir-rigward, mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-Gvern Awstrijak jirriżulta li l-qorti tar-rinviju kkonstatat ksur tal-Artikolu 54 tal-KTFS f’sentenza mogħtija fil-kuntest ta’ din il-proċedura. |
|
87. |
Madankollu, nispeċifika li l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà ma twassalx għall-ħolqien ta’ obbligu li jkompli jiġi applikat id-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju, tal-inqas fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Fil-fatt, dan il-fatt ma jistax ibiddel ir-raġunament spjegat iktar ’il fuq, li skontu rikorsi li jkunu bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u fuq il-KEDB, rispettivament, ma jistgħux jitqiesu li huma simili. |
|
88. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-prinċipju ta’ ekwivalenza għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-qorti nazzjonali testendi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KTFS, rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ ta’ ksur tal-KEDB, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata. |
VII. Konklużjoni
|
89. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) kif ġej: Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-qorti nazzjonali testendi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ ta’ ksur tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jew ta’ wieħed mill-Protokolli Addizzjonali għaliha, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata, meta l-parti f’kawża kellha l-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet li jagħtiha d-dritt tal-Unjoni matul dawn il-proċeduri. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.
( 3 ) Din l-espressjoni ntużat mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punti 158 u 177).
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-MT, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 3.
( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punti 21 u 22); tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punt 24); tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 24); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 27), u tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 40).
( 6 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2017, López Pastuzano (C‑636/16, EU:C:2017:949, punt 19), u tat-23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et (C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 45).
( 7 ) Ara l-Protokoll Nru 19 dwar l-Acquis ta’ Schengen Integrat fil-Qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.
( 8 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża E (C‑240/17, EU:C:2017:963, punt 82).
( 9 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014 (C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 35). Ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 31).
( 10 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014 (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 51 sa 74).
( 11 ) ĠU 2007, C 303, p. 17.
( 12 ) “Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat”. Ara, reċentement, Qorti EDB, 20 ta’ Frar 2018, Krombach vs Franza,:(CE:ECHR:2018:0220DEC006752114, punti 34 sa 41).
( 13 ) “L-ebda persuna ma tista’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi”.
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 27); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 39); tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 49); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 36); tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 41), u tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punt 43).
( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 38); tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 20); tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 22); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 35 u 36); tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 58); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 28), u tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 38).
( 16 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 47); tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 21); tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punt 23); tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37); tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 59); tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 29), u tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punt 39).
( 17 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punti 43 sa 48).
( 18 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 39 sa 48).
( 19 ) Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer (C‑234/04, EU:C:2006:178, punti 19 sa 24).
( 20 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti (C‑213/13, EU:C:2014:2067, punti 58 sa 61).
( 21 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 36 sa 41).
( 22 ) Ara, b’mod partikolari, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 166): “[…] kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat diversi drabi, id-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li huwa mislut minn sors awtonomu, li huwa kkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri […] kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tal-Istati Membri u għall-Istati Membri stess […]”. Ara wkoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C-284/16, EU:C:2018:158, punt 33).
( 23 ) Ir-regolament, minħabba n-natura nfisha tiegħu u minħabba l-funzjoni tiegħu fis-sistema tas-sorsi tad-dritt tal-Unjoni, huwa idoneu sabiex jagħti lill-individwi drittijiet li l-qrati nazzjonali għandhom l-obbligu li jipproteġu [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1971, Politi (43/71, EU:C:1971:122, punt 9, u tas-17 ta’ Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola, (C‑253/00, EU:C:2002:497, punt 27)]. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jimponu obbligi speċifiċi u inkundizzjonati, li ma jeħtieġu, għall-applikazzjoni tagħhom, ebda intervent ulterjuri mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew nazzjonali, joħolqu direttament drittijiet għall-partijiet f’kawża [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, (26/62, EU:C:1963:1, p. 24 u 25), u tal-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, (C-537/16, EU:C:2018:193, punt 65)]. Fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, jew meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-termini d-direttiva fid-dritt nazzjonali, jew meta jkun ittrasponieha b’mod żbaljat [ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Diċembru 1974, van Duyn, (41/74, EU:C:1974:133, punti 11 sa 15), u tal-15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 31)].
( 24 ) Sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018 (C‑537/16, EU:C:2018:193, punti 64 sa 68).
( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, EU:C:1964:66, p. 1158 sa 1160); tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punti 21 u 24); tat-22 ta’ Ottubru 1998, IN. CO. GE.’90 et (C‑10/97 sa C‑22/97, EU:C:1998:498, punti 20 u 21); tal-11 ta’ Settembru 2014, A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punti 36 u 37), u tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 46).
( 26 ) Ara l-punti 12 sa 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, nenfasizza li ebda element fil-proċess ma jippermetti li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mill-Artikolu 47 tal-Karta [ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 34 sa 36)]. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma għamlitx domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Għal kull fini rilevanti, nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fid-diversi sentenzi ċċitati f’din it-taqsima, qatt ma interpretat il-portata ta’ dan id-dritt fundamentali fis-sens li timplika l-possibbiltà li titqiegħed inkwistjoni l-awtorità ta’ res judicata ta’ deċiżjoni nazzjonali minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni.
( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2014, A (C‑112/13, EU:C:2014:2195, punt 35) u tal-5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 31 sa 36).
( 28 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et (283/81, EU:C:1982:335, punti 16 sa 21) u tat-28 ta’ Lulju 2016, Association France Nature Environnement (C‑379/15, EU:C:2016:603, punti 47 sa 53).
( 29 ) Jekk ikun il-każ, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu: f’dan ir-rigward, ara r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑416/17).
( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punti 34 sa 36), u tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 40).
( 31 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 40).
( 32 ) Sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, Fallimento Olimpiclub (C‑2/08, EU:C:2009:506, punti 26 sa 32).
( 33 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C‑505/14, EU:C:2015:742, punti 42 sa 46).
( 34 ) Fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones (C‑40/08, EU:C:2009:615, punti 47 u 48), li kienet tirrigwarda talba għall-eżekuzzjoni forzata ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li kisbet l-awtorità ta’ res judicata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ effettività ma jeżiġix li l-qorti adita tirrileva ex officio n-natura abbużiva ta’ klawżola ta’ arbitraġġ meta l-konsumatur ma jkunx ressaq azzjoni għal annullament kontra din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, qorti adita b’rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija obbligata tannulla ftehim ta’ arbitraġġ li jinkludi klawżola inġusta, u dan minkejja li l-konsumatur ma jkunx invoka din in-nullità fil-kuntest tal-proċedura ta’ arbitraġġ, iżda biss fil-kuntest tar-rikors għal annullament [sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punti 30 sa 39)]. Bl-istess mod, il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li l-qorti adita bl-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas tkun tista’ tevalwa ex officio l-eżistenza ta’ klawżola inġusta fil-kuntratt li fuqu jkun ibbażat id-dejn kontenzjuż, meta l-awtorità li quddiemha titressaq it-talba għal ordni ta’ ħlas ma tkunx kompetenti sabiex twettaq tali evalwazzjoni [sentenza tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C‑49/14, EU:C:2016:98, punti 50 sa 55)].
( 35 ) Ara l-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-KEDB għandha status kostituzzjonali fl-Awstrija. Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015 (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 34).
( 38 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punti 27 u 32).
( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punt 45); tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 34); tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke (C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 27), u tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et (C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 31).
( 40 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis (C‑231/96, EU:C:1998:401, punti 36 u 37); tal-15 ta’ Settembru 1998, Spac (C‑260/96, EU:C:1998:402, punti 20 u 21); tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile (C‑228/96, EU:C:1998:544, punti 20 u 21), u tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport (C‑343/96, EU:C:1999:59, punti 27 u 28).
( 41 ) Sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, Pontin (C‑63/08, EU:C:2009:666, punti 45 u 46), u tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et (C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 31).
( 42 ) Ara l-punti 49 sa 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 43 ) Ara l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni mal-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 176) kif ukoll is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 37).
( 44 ) Ara l-Istqarrija għall-istampa CEDH 143 (2018) tat-12 ta’ April 2018, “La France ratifie le [protocole no 16] et déclenche son entrée en vigueur [Franza tirratifika l-Protokoll Nru 16 u tiskatta d-dħul fis-seħħ tiegħu”, li hija disponibbli fl-indirizz http://hudoc.echr.coe.int/fre-press?i=003-6057606-7791962.
( 45 ) L-istat tal-firem u tar-ratifikazzjonijiet tal-Protokoll Nru 16 huwa disponibbli fl-indirizz https://www.coe.int/fr/web/conventions/full-list/-/conventions/treaty/214/signatures?p_auth=JHVZ7Jke
( 46 ) Ara l-punti 19 u 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 47 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.