KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fl-4 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C-220/17

Planta Tabak-Manufaktur Dr. Manfred Obermann GmbH & Co. KG

vs

Land Berlin

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Direttiva 2014/40/UE – Artikolu 7(1) u (7) – Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti – Artikolu 7(14) – Perijodu tranżitorju li jikkonċerna l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti partikolari, li l-volum ta’ bejgħ fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea jirrappreżenta 3 % jew iktar f’kategorija ta’ prodotti speċifiċi – Evalwazzjoni tal-validità – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 13(1)(c) – Interpretazzjoni – Projbizzjoni ta’ elementi jew karatteristiċi li fihom togħma, riħa, kull aroma jew kwalunkwe addittivi, jew l-assenza tagħhom – Applikazzjoni fuq il-prodotti ta’ tabakk li fihom togħma karatterizzanti li għadhom awtorizzati għall-bejgħ wara l-20 ta’ Mejju 2016”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-interpretazzjoni u l-validità, fir-rigward tad-dritt primarju tal-Unjoni, ta’ ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/40/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE ( 2 ).

2.

Dawn id-domandi tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn Planta Tabak-Manufaktur Dr. Manfred Obermann GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Planta Tabak”), manifattur tat-tabakk, u l-Land Berlin (il-Land ta’ Berlin, il-Ġermanja), dwar l-applikazzjoni tal-prodotti li din l-impriża tikkummerċjalizza, tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża li tittrasponi lill-imsemmija direttiva.

3.

Id-diversi domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina mill-ġdid ċerti aspetti diġà diskussi fis-sentenzi tagħha tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u L-Kunsill ( 3 ) kif ukoll Philip Morris Brands et ( 4 ), b’mod partikolari l-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti u r-regoli ta’ preżentazzjoni tal-prodotti tat-tabakk li jipprojbixxu l-elementi jew karatteristiċi kollha li jistgħu jinkoraġġixxu l-konsum ta’ dawn il-prodotti, previsti rispettivament fl-Artikolu 7(1) u (7), kif ukoll fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40.

4.

Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser ikunu limitati madankollu għall-analiżi taż-żewġt aspetti li ġejjin. Qabel kollox, ser neżamina l-validità tal-ewwel projbizzjoni fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 7(14), tad-Direttiva 2014/40, perijodu ta’ tranżizzjoni applikabbli għall-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti partikolari, li l-volum ta’ bejgħ tagħhom fl-Unjoni huwa ta’ iktar minn 3 % f’kategorija ta’ prodotti speċifiċi. Wara, ser inħares lejn l-interpretazzjoni tat-tieni dispożizzjoni, sabiex niddetermina jekk din tipprojbixxi r-referenza għat-togħma li fihom, fuq il-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti li għadhom jistgħu jinbiegħu.

5.

Minn naħa, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi li l-Artikolu 7(1), (7) u (14), tad-Direttiva 2014/40 huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprojbixxi effettivament tali referenza għal togħma karatterizzanti fuq il-pakketti tal-prodotti li għadhom awtorizzati għall-bejgħ.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2014/40

6.

Il-premessi 16, 25 u 27 tad-Direttiva 2014/40 jistabbilixxu:

“(16)

Il-probabbiltà tar-regolamentazzjoni diverġenti qed tiżdied aktar minħabba t-tħassib dwar il-prodotti tat-tabakk li jkollhom togħma karatterizzanti għajr waħda tat-tabakk, li jistgħu jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk jew jaffettwaw ix-xejriet tal-konsum. Miżuri li jintroduċu differenzi ta’ trattament mhux ġustifikati bejn tipi differenti ta’ sigaretti aromatizzati għandhom jiġu evitati. Madankollu, prodotti b’ togħma karatterizzanti b’volum ogħla ta’ bejgħ għandhom jitneħħew fuq perijodu ta’ żmien estiż sabiex il-konsumaturi jingħataw żmien adegwat biex jaqilbu għal prodotti oħra.

[…]

(25)

Id-dispożizzjonijiet tat-tikkettar għandhom jiġu adattati wkoll għal evidenza xjentifika ġdida. Pereżempju, l-indikazzjoni tal-livelli ta’ emissjonijiet għall-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju fuq il-pakketti individwali tas-sigaretti rriżultat li hija qarrieqa billi twassal biex il-konsumaturi jemmnu li ċerti sigaretti huma anqas ta’ ħsara minn oħrajn. […]

[…]

(27)

Il-prodotti tat-tabakk jew il-pakkett tagħhom jistgħu jqarrqu lill-konsumaturi, b’mod partikolari liż-żgħażagħ, fejn jissuġġerixxu li dawn il-prodotti huma anqas ta’ ħsara. Pereżempju, dan huwa l-każ meta jintużaw ċerti kliem jew karatteristiċi, bħalma huma l-kliem ‘qatran baxx’, ‘ħfief’, ‘ħfief ħafna’, ‘mhux qawwija’, ‘naturali’, ‘organiċi’, ‘mingħajr addittivi’, ‘mingħajr aromi’, jew ‘irqaq’, jew ċerti ismijiet, stampi, u sinjali ta’ figuri jew oħrajn. L-elementi qarrieqa l-oħra jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati, għal kuluri, inserzjonijiet jew materjal addizzjonali ieħor bħalma huma tikketti li jeħlu, stickers, onserts, scratch-offs u sleeves jew jirreferu għall-forma tal-prodott tat-tabakk innifsu. Ċerti pakketti u prodotti tat-tabakk jistgħu jqarrqu wkoll bil-konsumatur billi jissuġġerixxu benefiċċji f’termini ta’ telf ta’ piż, sex appeal, status soċjali, ħajja soċjali jew kwalitajiet bħal femminilità, maskulinità jew eleganza. Bl-istess mod, id-daqs u d-dehra tas-sigaretti individwali jista’ jqarraq lill-konsumaturi billi joħloq l-impressjoni li huma ta’ anqas ħsara. […]”

7.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward:

a)

l-ingredjenti u l-emissjonijiet tal-prodotti tat-tabakk u l-obbligi tar-rappurtar relatati inkluż il-livelli massimi ta’ emissjonijiet għall-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju għas-sigaretti;

b)

ċerti aspetti tat-tikkettar u l-ippakkjar tal-prodotti tat-tabakk […];

[…]

sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas tal-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk (‘FCTC’).”

8.

L-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Regolamentazzjoni ta’ ingredjenti”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma karatterizzanti.

[…]

7.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità ta’ duħħan tagħhom. Il-filtri, il-karti u l-kapsuli ma għandux ikun fihom tabakk jew nikotina.

[…]

12.   Il-prodotti tat-tabakk għajr is-sigaretti u t-tabakk tal-brim għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 7. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27, sabiex tirtira dik l-eżenzjoni għal kategorija partikolari ta’ prodott jekk ikun hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi kif stabbilit f’rapport tal-Kummissjoni.

[…]

14.   Fil-każ ta’ prodotti tat-tabakk b’aroma karatterizzanti li l-volum tal-bejgħ tagħhom mal-Unjoni kollha jirrappreżenta 3 % jew aktar ta’ kategorija partikolari ta’ prodott, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu għandhom japplikaw mill-20 ta’ Mejju 2020.

[…]”

9.

Skont l-Artikolu 13 ta’ din l-istess direttiva, intitolat “Preżentazzjoni tal-prodott”:

“1.   It-tikkettar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu ma għandhom jinkludu ebda element jew karatteristika li:

a)

tippromwovi prodott tat-tabakk jew tħeġġeġ il-konsum tiegħu billi toħloq impressjoni żbaljata dwar il-karatteristiċi, l-effetti fuq is-saħħa, ir-riskji jew l-emissjonijiet tiegħu; it-tikketti ma għandhom jinkludu ebda tagħrif dwar il-kontenut tan-nikotina, il-qatran jew il-monossidu tal-karbonju tal-prodotti tat-tabakk;

b)

tissuġġerixxi li prodott partikolari tat-tabakk jagħmel anqas ħsara minn oħrajn jew li għandu l-għan li jnaqqas l-effett ta’ xi komponenti ta’ ħsara tad-duħħan jew li għandu karatteristiċi li jagħtu ħajja, enerġetiċi, li jfejqu, li jwasslu biex dak li jkun iħossu aktar żagħżugħ, naturali, organiċi jew li għandu benefiċċji oħrajn għas-saħħa jew l-istil ta’ ħajja;

c)

tirreferi għat-togħma, ir-riħa, kwalunkwe aromi jew addittivi oħra jew l-assenza tagħhom;

[…]

3.   L-elementi u l-karatteristiċi li huma pprojbiti skont il-paragrafi 1 u 2 jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, kliem, simboli, ismijiet, marki kummerċjali, sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

10.

Id-Direttiva 2014/40 ġiet trasposta fil-Ġermanja, partikolarment mill-Gesetz über Tabakerzeugnisse und verwandte Erzeugnisse (il-Liġi dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Prodotti Relatati), tal-4 ta’ April 2016 (BGBl. 2016 I, p. 569, iktar ’il quddiem it-“TabakerzG”), li daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2016.

11.

L-Artikolu 5 tat-TabakerzG, intitolat “Ingredjenti”, jipprovdi:

“(1)   Huwa pprojbit li jitqegħdu fis-suq:

1.

sigaretti u tabakk tal-brim li

a)

fihom togħma karatterizzanti jew

b)

fihom togħmiet fil-komponenti tagħhom, jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti li jiġu emendati r-riħa jew it-togħma jew l-intensità tad-duħħan; […]”

12.

L-Artikolu 18 tat-TabakerzG, intitolat “Projbizzjonijiet intiżi sabiex jipproteġu lill-konsumatur kontra l-frodi”, jipprevedi:

“[…]

(2)   Huwa pprojbit li jitqegħdu fuq is-suq il-prodotti ta’ tabakk billi titqiegħed fuq il-pakketti individwali, l-ippakkjar estern jew fuq il-prodott ta’ tabakk stess xi informazzjoni pubbliċitarja ta’ natura li tqarraq. Dan huwa partikolarment il-każ:

[…]

3.

meta l-informazzjoni pubbliċitarja tevoka togħma, riħa, aroma jew l-assenza tagħha.

[…]”

13.

L-Artikolu 47 tat-TabakerzG, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżitorji”, jipprevedi, fil-paragrafu (4) tiegħu:

“F’dak li jikkonċerna lis-sigaretti u t-tabakk tal-brim li l-volum ta’ bejgħ fuq l-iskala tal-Unjoni jirrappreżenta 3 % jew iktar f’kategorija ta’ prodotti determinati, il-punt 1(a) tal-Artikolu 5(1), għandu japplika mill-20 ta’ Mejju 2020. […]”

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14.

Planta Tabak hija impriża familjali li timmanifattura u tikkummerċjalizza tipi differenti ta’ prodotti tat-tabakk. Qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2014/40, waħda mill-ispeċjalitajiet ta’ din l-impriża kien it-tabakk tal-brim aromatizzat. Il-maġġoranza ta’ din il-manifattura kienet tikkonsisti fit-tabakk tal-menta. L-imsemmija impriża tikkummerċjalizza wkoll varjetà żgħira ta’ sigaretti, il-maġġoranza tagħhom aromatizzati, mit-tabakk tal-pipi tal-ilma, kif ukoll, fi skala nqas, sigarri żgħar, sigarri u oġġetti għal min ipejjep.

15.

Fl-4 ta’ April 2016, it-TabakerzG ġiet adottata mil-leġiżlatur Ġermaniż sabiex tiġi trasposta d-Direttiva 2014/40. Fl-25 ta’ April 2016, Planta Tabak ressqet rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin), fejn ikkontestat l-applikazzjoni, fuq il-prodotti ta’ tabakk li hija timmanifattura u tikkummerċjalizza, tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi dwar il-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti ta’ tabakk li fihom togħma karatterizzanti, għat-twissijiet ta’ saħħa u għall-preżentazzjoni tal-prodotti. Issa, din il-qorti għandha xi dubji dwar il-validità u l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-imsemmija direttiva.

16.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ April 2017, li wasslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2017, il-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin) issospendiet il-proċeduri u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

[…] [ ( 5 )]

b)

L-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40/UE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40/UE, huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li jagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-projbizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri, abbażi tal-volum tal-bejgħ, mingħajr ġustifikazzjoni għal dan?

[…]

3.

a)

L-Artikolu 13(1)(c), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2014/40/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tirreferi għat-togħma, għar-riħa, għall-aroma jew għal addittivi oħra anki meta din l-informazzjoni ma tkunx pubbliċitarja u l-użu tal-ingredjenti jkun għadu permess?

b)

L-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40/UE huwa invalidu minħabba ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea? [ ( 6 )]?”

17.

Planta Tabak, il-Gvern Spanjol, Franċiż, tar-Renju Unit u tan-Norveġja, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw xi osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

18.

Planta Tabak, il-Gvern Spanjol u tar-Renju Unit, il-Parlament, il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni, dehru fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fil-21 ta’ Marzu 2018.

IV. Analiżi

A.   Fuq il-validità tal-Artikolu 8(1), (7) u (14) tad-Direttiva 2014/40 fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (domanda 1(b))

1. Osservazzjonijiet preliminari

19.

Fost il-kontribuzzjonijiet differenti tad-Direttiva 2014/40 fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-tabakk, tidher f’post prominenti l-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti li fihom togħma karatterizzanti ( 7 ), li hemm fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu jipprojbixxi lill-prodotti ta’ tabakk li fihom aromi fi kwalunkwe wieħed mill-komponenti tagħhom bħal filtri, karti, pakketti, kapsuli jew kwalunkwe karatteristika teknika li tippermetti l-modifika tar-riħa jew tat-togħma tal-prodotti tat-tabakk ikkonċernati jew l-intensità ta’ duħħan tagħhom. Dawn il-projbizzjonijiet jikkonċernaw, għalissa, lis-sigaretti u t-tabakk tal-brim biss ( 8 ).

20.

Billi adotta lil dawn il-projbizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jirtira mis-suq lill-prodotti tat-tabakk tal-vanilla, taċ-ċikkulata u wkoll dawk tal-menta. Il-premess 16 tad-Direttiva 2014/40 tesponi r-raġunijiet għal dan. Essenzjalment, il-leġiżlatur ikkunsidra li dawn il-prodotti jistgħu jiffaċilitaw, partikolarment fost iż-żgħażagħ, il-bidu tal-konsum ta’ tabakk u li jkollhom impatt fuq ix-xejriet ta’ konsum. Hekk kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, tali togħmiet jaħbu jew inaqqsu l-ħruxija tad-duħħan tat-tabakk u jikkontribwixxu għall-promozzjoni u ż-żamma tat-tipjip ( 9 ).

21.

L-imsemmija projbizzjonijiet, bħala prinċipju, saru effettivi fl-20 ta’ Mejju 2016, id-data li fiha l-Istati Membri kienu marbuta sabiex jittrasponu lid-Direttiva 2014/40 ( 10 ). Madankollu, fl-Artikolu 7(14) ta’ din id-direttiva, ġie previst li l-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti partikolari li l-volum ta’ bejgħ tagħhom jirrappreżentaw 3 % jew iktar f’kategorija ta’ prodotti speċifiċi ( 11 ) jistgħu jibqgħu jitqegħdu fis-suq sal-20 ta’ Mejju 2020 ( 12 ).

22.

Skont Planta Tabak, flimkien mal-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 joħloq differenza fit-trattament mhux ġustifikata bejn prodotti tat-tabakk komparabbli, u, abbażi ta’ dan, huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. B’mod partikolari, filwaqt li huwa ġeneralment ammess li s-sigaretti tal-menta jibbenefikaw minn perijodu tranżitorju previst minn din id-dispożizzjoni ( 13 ), dan ma jidhirx li huwa applikabbli, skont l-informazzjoni li tiddisponi minnha Planta Tabak, għat-tabakk tal-brim tal-menta ( 14 ). Barra minn hekk, dan il-perijodu ma applikax għall-prodotti tat-tabakk li fihom togħmiet oħra bħall-vanilla jew l-ewkaliptus. Issa, dawn il-prodotti kollha jippreżentaw karatteristiċi oġġettivi identiċi u l-istess riskji għas-saħħa tal-bniedem.

23.

Ninnota li, fis-sentenzi Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill ( 15 ) kif ukoll Philip Morris Brands et ( 16 ), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fuq il-validità tal-projbizzjonijiet tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, previsti fl-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Bil-kontra, il-kwistjoni tal-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien mal-Artikolu 7(14) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hija mingħajr preċedent.

24.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 17 ).

25.

Fost id-dispożizzjonijiet previsti mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 jistabbilixxi tali differenza fit-trattament. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi distinzjoni bejn il-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, ibbażata fuq il-volum tal-bejgħ ta’ kull wieħed minnhom f’kategorija ta’ prodotti speċifika. Minn dan isegwi li, pereżempju, is-sigaretti tal-menta, minn naħa, li l-volum tal-bejgħ tagħhom fi skala tal-Unjoni huwa ogħla minn 3 %, fil-kategorija “sigarett”, u, min-naħa l-oħra, is-sigaretti li fihom togħma nqas komuni u li l-bejgħ tagħhom ma jilħaqx lil dan il-livell, jiġu ttrattati b’mod differenti. Tal-ewwel kellhom jiġu mqiegħda fis-suq fl-20 ta’ Mejju 2020, u t-tieni kellhom jiġu rtirati mis-suq fl-20 ta’ Mejju 2016.

26.

Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk il-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti li ma jilħqux il-livell ta’ 3% previst fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 u dawk li jilħqu lil dan il-livell, jinsabux f’sitwazzjonijiet komparabbli (2). Jekk jitqies li dan huwa il-każ, ikun neċessarju, fit-tieni lok, li jiġi evalwat jekk it-trattament differenti li huwa b’hekk irriżervat għalihom huwiex oġġettivament ġustifikabbli (3).

2. Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet

27.

Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “in-natura paragunabbli ta’ sitwazzjonijiet differenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom. Dawn l-elementi għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, għandhom ukoll jiġu kkunsidrati l-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni” ( 18 ).

28.

L-applikazzjoni ta’ dan l-“eżami” fil-kawża preżenti jqajjem, fid-dawl tal-pożizzjonijiet preżenti ( 19 ), mistoqsija preliminari: il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu evalwati fir-rigward tal-għanijiet ġenerali segwiti mid-Direttiva 2014/40, jew tal-għanijiet speċifiċi tal-Artikolu 7(14) tagħha, jew ukoll abbażi tat-tnejn li huma?

29.

Fir-rigward tal-analiżi f’żewġ stadji li wettqet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha – il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet u l-ġustifikazzjoni oġġettiva – il-loġika jidhirli li hija dik li ġejja. Fil-fażi tal-komparabbiltà, hemm lok li jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjonijiet inkwistjoni humiex, bħala prinċipju, komparabbli fir-rigward tal-għanijiet ġeneralment segwiti mill-istrument inkwistjoni. Jekk ikun il-każ, l-istadju tal-ġustifikazzjoni jippermetti li jiġi ddeterminat jekk, minkejja din il-komparabbiltà tal-prinċipju, jeżistux, fir-rigward ta’ dispożizzjoni partikolari ta’ dan l-istrument, xi kunsiderazzjonijiet speċifiċi, kompatibbli mal-għan u l-iskop tal-imsemmi strument, li jiġġustifikaw differenza fit-trattament ukoll.

30.

Fil-qosor, sabiex titqabbel is-sitwazzjoni tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti li taqbeż il-limitu ta’ 3 % tal-bejgħ f’kategorija ta’ prodotti speċifika u dik tal-prodotti li ma jilħqux dan il-limitu, għandna niffokaw, fl-opinjoni tiegħi, fuq l-għanijiet ġenerali segwiti mid-Direttiva 2014/40. L-għanijiet speċifiċi tal-Artikolu 7(14) ta’ din id-direttiva għandhom, fl-opinjoni tiegħi, jiġu analizzati, jekk ikun il-każ, fil-fażi tal-ġustifikazzjoni oġġettiva.

31.

Fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva 2014/40, għandu jiġi mfakkar li, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, din issegwi għan doppju, jekk mhux triplu. Dan jikkonsisti f’li jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u l-prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni taħt il-Konvenzjoni Qafas tal-WHO għall-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) ( 20 ).

32.

Fir-rigward ta’ dan l-għan triplu, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li t-totalità tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti għandhom, bħala prinċipju ( 21 ), jiġu suġġetti għall-istess sistema legali. Huwa qies li il-prodotti kollha jistgħu jiffaċilitaw il-bidu tal-konsum tat-tabakk u jkollhom impatt fuq ix-xejriet tal-konsum. Abbażi ta’ dan, l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ armonizzazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 114 TFUE huma previsti preċiżament sabiex jiġu evitati “[m]iżuri li jintroduċu differenzi ta’ trattament mhux ġustifikati bejn tipi differenti ta’ sigaretti aromatizzati” ( 22 ). Dawn il-miżuri huma previsti sabiex iħassru u jipprevjenu kull differenza fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar l-użu ta’ ingredjenti li jagħtu togħma karatterizzanti lit-tabakk, b’mod ġenerali.

33.

Mill-bqija, il-FCTC, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda sabiex jimplimenta, ma twettaqx distinzjoni bejn il-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti. Il-linji gwida parzjali għall-applikazzjoni tal-Artikoli 9 u 10 ta’ din il-konvenzjoni jsejħu għat-tneħħija tal-ingredjenti użati, b’mod partikolari, sabiex itejbu t-togħma tal-prodott, mingħajr ma jwettqu l-ebda distinzjoni bejn it-togħmiet differenti li jistgħu jiżdiedu fil-prodotti tat-tabakk ( 23 ).

34.

Il-Qorti tal-Ġustizzja żammet l-istess approċċ fis-sentenzi tagħha tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill u Philip Morris Brands et ( 24 ), billi ddeċidiet li d-diversi tipi ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti jippreżentaw, minn naħa, karatteristiċi oġġettivi analogi u, min-naħa l-oħra, effetti simili fuq il-bidu tal-konsum tat-tabakk u ż-żamma tat-tipjip.

35.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti wassluni għall-konklużjoni li t-totalità ta’ prodotti tat-tabakk b’togħma, li jikkonċernawhom il-projbizzjonijiet ta’ togħmiet karatterizzanti previsti fl-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40, jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, mingħajr ma jkollu l-ebda importanza, f’dan ir-rigward, il-volum ta’ bejgħ tagħhom fl-Unjoni.

3. Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva

36.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, differenza fit-trattament ta’ sitwazzjonijiet komparabbli hija ġġustifikata “meta din tkun marbuta ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun fi proporzjon mal-għan imfittex permezz tat-trattament ikkonċernat” ( 25 ).

37.

Peress li d-Direttiva 2014/40 hija att leġiżlattiv tal-Komunità, huwa l-leġiżlatur Komunitarju li għandu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ tali kriterju billi jippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi neċessarji f’dan ir-rigward ( 26 ).

38.

Minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi għal-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam bħal dak ineżami, li min-naħa tiegħu jimplika għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih huwa meħtieġ iwettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-intenzjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha stess b’dik tal-leġiżlatur. Hija tillimita ruħha li twettaq stħarriġ ġudizzjarju ristrett, marbut mad-detenzjoni ta’ natura manifestament inadattata possibbli, ta’ miżura li fil-konfront tal-għan li dan l-istess leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jsegwi ( 27 ). F’dak li jikkonċerna iktar partikolarment l-istħarriġ tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, huma ssanzjonati d-differenzi fit-trattament arbitrarji, jiġifieri dawk li ma humiex manifestament fondati fuq kriterji oġġettivi u adattati fil-konfront tal-għan segwit ( 28 ).

39.

F’dan il-każ, il-premessa 16 tad-Direttiva 2014/40 tagħti l-ewwel ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 7(14) tagħha. Din il-premessa tindika li t-tneħħija tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti li jippreżentaw volum ta’ bejgħ ogħla għandhom jitneħħew fuq perijodu ta’ żmien estiż “sabiex il-konsumaturi jingħataw żmien adegwat biex jaqilbu għal prodotti oħra” ( 29 ).

40.

F’dan ir-rigward, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jippreċiżaw fl-osservazzjonijiet tagħhom li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċerti togħmiet karatterizzanti huma partikolarment stabbiliti fost il-konsumaturi, u jgawdu, b’hekk, importanza kbira fix-xejriet ta’ konsum tagħhom. Issa, tali xejriet ma jkunux jistgħu jisparixxu ħlief progressivament.

41.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja approvat, fis-sentenzi tagħha, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, kif ukoll Philip Morris Brands et, ( 30 ) ġustifikazzjoni oħra bħala bażi għall-perijodu tranżitorju previst fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40. Fil-kuntest tal-analiżi tagħha, li tikkonċerna l-validità tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-perijodu tranżitorju, jipprevedi wkoll li jagħti żmien ta’ adattament lill-industrija tat-tabakk ( 31 ).

42.

Dawn iż-żewġ ġustifikazzjonijiet huma parti mill-istess loġika: li jiġu evitati ċerti konsegwenzi ekonomiċi u soċjali li jistgħu jirriżultaw minn waqfien ħesrem tal-prodotti mmanifatturati u kkonsmati sew fl-Unjoni.

43.

Mill-ħidma preparatorja tad-Direttiva 2014/40 jirriżulta wkoll li, fil-kors tal-proċess leġiżlattiv, kienet tressqet l-idea li ma jiġux ipprojbiti l-prodotti tat-tabakk tal-menta, peress li huma kkunsidrati bħala stabbiliti sew fost il-konsumaturi. Fil-fatt, jidher li l-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2014/40 jikkostitwixxi, mill-inqas parzjalment, fir-riżultat politiku bejn, minn naħa, dawk li xtaqu, jeżentaw kompletament lil dawn il-prodotti mill-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti u, min-naħa l-oħra, dawn li qablu li kellha tiġi applikata fuqhom ( 32 ).

44.

Il-qorti tar-rinviju tiddubita li tali motivi huma kompatibbli mal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, segwit mid-Direttiva 2014/40. Madankollu, jien nemmen li, f’qasam daqshekk kumpless, sensittiv u importanti fuq livell ekonomiku bħalma huwa dak tat-tabakk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma marx lil hinn mis-setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa li huwa għandu billi pproċeda għal projbizzjoni gradwali ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti.

45.

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppospona temporanjament biss id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni ta’ ċerti prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti huwa sinjifikattiv. Fl-opinjoni tiegħi, kien possibbli għal-leġiżlatur li jimplementa l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem gradwalment billi jipprevedi xi derogi ta’ portata limitata u xi perijodi ta’ tranżizzjoni adattati ( 33 ).

46.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod kostanti, li meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun mitlub jirristruttura jew joħloq sistema kumplessa, huwa jista’ jadotta approċċ maqsum fi stadji, sakemm l-għażla tiegħu tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u adattati fil-konfront tal-għan segwit ( 34 ).

47.

Issa, l-irtirar fl-ewwel lok tal-prodotti “niċċa” u wara tal-prodotti stabbiliti sew fost il-konsumaturi, fuq il-bażi, għal dan il-għan, tal-volum ta’ bejgħ f’kategorija ta’ prodotti speċifiċi, fl-opinjoni tiegħi, jissodisfa lil dawn il-kundizzjonijiet.

48.

Barra minn hekk, tali kriterju huwa oġġettiv fir-rigward tal-prodotti previsti. Kwalunkwe prodott, huma x’inhuma l-karatteristiċi tiegħu, jista’ jaqa taħt il-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40, sakemm il-volum tal-bejgħ tiegħu jilħaq il-limitu previst. Ċertament, hekk kif ġie mfakkar ( 35 ), l-emendi fl-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, proposti mill-Parlament, jiffokaw espliċitament fuq il-menta u l-prodotti li fihom din it-togħma. Mandankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur irreveda l-verżjoni tiegħu, u żamm, finalment, kriterju newtrali.

49.

Barra minn hekk, il-kriterju tal-volum ta’ bejgħ huwa newtrali f’dak li jikkonċerna lill-manifatturi. Il-leġiżlatur iffoka mhux fuq l-oqsma tas-swieq rispettivi, iżda fuq il-bejgħ globali ta’ kull prodott. Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Planta Tabak li tipprovdi li l-prodotti tat-tabakk li jaqbżu l-limitu ta’ 3% previst fl-imsemmi Artikolu 7(14), huma, fil-maġġoranza kkummerċjalizzati minn xi multinazzjonali kbar tat-tabakk, filwaqt li l-prodotti “niċċa” huma essenzjalment immanifatturati minn impriżi medji jew żgħir, il-fajl li tiddisponi minnu l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li tiġi vverifikata l-veraċità tagħha. Jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tipproduċi, hija stess, xi sigaretti bit-togħma, u l-Kunsill jsostni, mingħajr ma dan ġie kkontestat, li l-multinazzjonali jikkummerċjalizzaw ukoll xi prodotti “niċċa”. Fi kwalunkwe każ, anki jekk din l-allegazzjoni tiġi vverifikata, din ma hijiex, fl-opinjoni tiegħi, deċiżiva. Kull politika twassal għal effetti żvantaġġużi għal xi persuni. Hekk kif diġà ġie indikat fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dak li huwa importanti għall-qorti tal-Unjoni, huwa li d-distinzjoni bejn il-benefiċjarji u l-iżvantaġġati ma hijiex bbażata fuq kriterju arbitrarju. Issa, f’dan il-każ, l-għażla ta’ kriterju ta’ volum ta’ bejgħ ma ħaqqux tali kritika.

50.

Fil-fatt, min-naħa l-oħra, dan il-kriterju huwa adattat fil-konfront tal-għanijiet differenti ddikjarati, jiġifieri li jitħalla xi żmien għall-konsumaturi sabiex ibiddlu x-xejriet tagħhom li huma stabbiliti sew u għall-industrija sabiex tadatta ruħha ( 36 ). F’dan ir-rigward, il-volum ta’ bejgħ, billi tiġi indikata r-rabta bejn id-domanda u l-offerta, jirrifletti kemm ix-xejriet ta’ konsum stabbiliti sew u kemm l-importanza ekonomika tal-produzzjoni tal-Unjoni kkonċernata mill-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti.

51.

Mill-bqija, hekk kif issostni wkoll il-Kummissjoni, il-kriterju ta’ volum ta’ bejgħ fl-Unjoni jippreżenta wkoll sens fir-rigward tal-bażi legali li fuqha hija bbażata d-Direttiva 2014/40, jiġifieri l-Artikolu 114 TFUE u l-għan ta’ armonizzazzjoni segwit minn din id-direttiva. Fil-fatt, l-impatt tal-projbizzjoni ta’ ċerti prodotti fuq il-funzjonament tas-suq intern tiddependi, sa ċertu punt, fuq l-importanza ta’ skambji bejn l-Istati Membri. Issa, dan il-kriterju jagħti, hawn ukoll, ċerta indikazzjoni ta’ dawn l-iskambji.

52.

Jien naqbel ukoll li billi għażel limitu ta’ 3 % tal-volum ta’ bejgħ fuq l-iskala tal-Unjoni f’kategorija ta’ prodotti speċifiċi, il-leġiżlatur ma marx lil hinn mis-setgħa ta’ diskrezzjoni li jiddisponi minnha. Dan setgħa raġonevolment jikkunsidra li volum ta’ 3 % f’kategorija ta’ prodotti speċifiċi tittraduċi f’xejriet ta’ konsum u produzzjoni sinjifikattivi.

53.

B’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dak kollu li ntqal qabel, nikkunsidra li d-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 bejn prodotti tat-tabakk komparabbli hija oġġettivament iġġustifikata. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi valida fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

B.   Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 (domanda 3(a))

54.

Bid-dħul fis-seħħ, fl-20 ta’ Mejju 2016, tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40, il-maġġoranza tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti ma setgħux jibqgħu jinbiegħu fl-Unjoni.

55.

Madankollu, uħud minn dawn il-prodotti setgħu jibqgħu jiġu mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment wara din id-data. Minn naħa, hekk kif ġie evokat fid-domanda 1(b) ( 37 ), il-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti fejn il-volum ta’ bejgħ tagħhom fuq l-iskala tal-Unjoni jirrappreżenta 3 % jew iktar f’kategorija ta’ prodotti speċifiċi – jiġifieri, b’mod partikolari, is-sigaretti tal-menta – ser ikunu biss ipprojbiti mill-20 ta’ Mejju 2020. Min-naħa l-oħra, il-prodotti tat-tabakk li ma humiex sigaretti u tabakk tal-brim – jiġifieri, b’mod partikolari, it-tabakk tal-pipi, is-sigarri u s-sigarri żgħar – jistgħu jibqgħu jitqegħdu fiċ-ċirkulazzjoni, u dan għal perijodu mhux determinat ( 38 ).

56.

Għalhekk, konformement mal-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40, l-ittikkettjar tal-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk, l-ippakkjar estern kif ukoll il-prodotti tat-tabakk infushom ma jistgħux ikunu fihom “ebda element jew karatteristika” li “tirreferi għat-togħma, ir-riħa, kwalunkwe aromi jew addittivi oħra jew l-assenza tagħhom”. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li l-elementi jew il-karatteristiċi b’hekk ipprojbiti jinkludu b’mod partikolari “kliem, simboli, ismijiet, marki kummerċjali, sinjali figurattivi jew sinjali oħrajn” ( 39 ).

57.

Skont Planta Tabak, u l-qorti tar-rinviju taqbel magħha, minn dan tirriżulta sitwazzjoni paradossali, li fiha l-manifatturi tat-tabakk jistgħu, ċertament, jikkummerċjalizzaw legalment ċerti prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti, iżda madankollu ma jistgħux jindikaw it-togħma li fihom fuq it-tikkettjar ta’ pakketti individwali, l-ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu ( 40 ).

58.

Issa, mingħajr tali indikazzjoni, il-konsumaturi ma jkunux jistgħu jidentifikaw il-prodotti tat-tabakk bit-togħma jew, bil-kontra, dawk li ma fihom. Minbarra dawn il-kunsiderazzjonijiet prattiċi, l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 twassal għal problema ta’ ordni ekonomika. Sa fejn l-elementi u l-karatteristiċi b’hekk ipprojbiti jinkludu lit-trade marks kummerċjali ( 41 ), il-manifatturi tat-tabakk ser jkunu mġiegħla jabbandunaw it-trade marks tagħhom li jevokaw togħma, riħa, aroma jew addittiv ieħor.

59.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi biss l-elementi jew karatteristiċi li għandhom skop promozzjonali jew pubbliċitarju, li jmorru lil hinn minn sempliċi informazzjoni fir-rigward tal-preżenza ta’ togħma, riħa, aroma jew addittiv ieħor f’prodott tat-tabakk partikolari, jew jekk r-referenza stess għal tali informazzjoni hijiex ipprojbita ( 42 ).

60.

Fis-sentenza Philip Morris Brands et ( 43 ), il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li l-projbizzjoni ta’ kull element jew karatteristika fuq l-ittikkettjar tal-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk, l-ippakkjar estern kif ukoll il-prodotti tat-tabakk infushom, li jevokaw togħma, riħa, kull aroma jew kwalunkwe addittiv ieħor, li tidher fl-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40, tapplika indipendentement mill-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-informazzjoni inkwistjoni hijiex materjalment eżatta.

61.

Bl-istess mod, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li din id-dispożizzjoni tipprojbixxi wkoll ir-referenzi newtrali u mhux pubbliċitarji, peress li l-kliem tagħha ma jistgħux jingħataw interpretazzjoni differenti.

62.

Hekk kif issostni wkoll il-Kummissjoni, it-termini tal-imsemmi Artikolu 13(1)(c) ma jsemmux kwalunkwe limitazzjoni għall-informazzjoni promozzjonali jew pubbliċitarji. Huma previsti it-totalità (“ebda”) tal-elementi u karatteristiċi li “[j]irrefer[u]” għal togħma, riħa, aroma u kwalunkwe addittiv ieħor. Il-qari tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jindika li l-elementi u l-karatteristiċi pprojbiti jinkludu “iżda mhumiex limitati għal” kliem, simboli, ismijiet, marki kummerċjali, sinjali figurattivi “jew sinjali oħrajn”, isaħħaħ lil din l-impressjoni ta’ ġeneralizzazzjoni.

63.

Barra minn hekk, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni uża, fil-punti (a), (b) u (e) ta’ dan l-istess Artikolu 13(1), xi kliem li jistgħu eventwalment jirreferu għall-idea ta’ ċerta pubbliċità ta’ prodott partikolari (“tippromwovi prodott”; “tħeġġeġ”; “tissuġġerixxi”), il-kelma “tirreferi” li tintuża fil-punt (c) ma tirriflettix, bil-kontra, għajr il-punt sabiex isir magħruf jekk, oġġettivament, informazzjoni dwar it-togħma, ir-riħa, aroma jew addittiv ieħor tidhirx fuq il-pakketti individwali tal-prodotti tat-tabakk, l-ippakkjar estern kif ukoll il-prodotti tat-tabakk infushom ( 44 ).

64.

Mill-bqija, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2014/40. F’dan ir-rigward, minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jipprojbixxi l-elementi ta’ preżentazzjoni kollha tal-prodotti tat-tabakk li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi, u partikolarment biż-żgħażagħ fir-rigward tal-ħsara tagħhom. F’dan il-kuntest, huwa kkunsidra, fir-rigward tad-data xjentifika disponibbli, li ċerti kliem (“qatran baxx”, “ħfief”, “ħfief ħafna”, “mhux qawwija”, “naturali”, “organiċi”, “mingħajr addittivi”, “mingħajr aromi” eċċ.) jew ukoll ċerti ismijiet, stampi, u sinjali jistgħu jagħtu impressjoni żbaljata ( 45 ).

65.

Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux intenzjoni li jillimita ruħu sabiex jirregola l-elementi u l-karatteristiċi li jidhru fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk, billi ffoka fuq l-allegazzjonijiet promozzjonali, b’mod partikolari dawk foloz jew li jattribwixxu xi effetti lil ċerti ingredjenti. Huwa pprojbixxa kull referenza għal ċerta informazzjoni li għandha effett ta’ inċentiv reali fuq il-konsumaturi, anki meta din l-informazzjoni tkun vera u tkun ippreżentata b’mod newtrali u mhux pubbliċitarju ( 46 ).

66.

Ċertament, il-premessi 25 u 27 tad-Direttiva 2014/40 ma jirreferux espliċitament għal referenzi li jirrigwardaw il-preżenza ta’ togħma, riħa, aroma jew ta’ addittiv ieħor f’prodott ta’ tabakk partikolari - huma biss dawk relatati man-nuqqas ta’ dawn l-elementi li huma. Il-loġika tal-leġiżlatur hija madankollu ċara: is-sempliċi informazzjoni, fuq lit-tikkettjar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu tista’ fiha nnifisha, tnaqqas l-effetti dannużi tal-prodott fuq is-saħħa tal-bniedem u, billi tagħmel dan, tħeġġeġ il-konsum tiegħu hija, abbażi ta’ dan, ipprojbita ( 47 ).

67.

Xorta ma hemmx dubju, fl-opinjoni tiegħi, li, fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti li jistgħu jibqgħu jiġu mmanifatturati u kkummerċjalizzati legalment wara l-20 ta’ Mejju 2016 ( 48 ), l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 jipprojbixxi kull referenza għat-togħma li jkun hemm fuq il-pakketti individwali, kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu.

68.

Fil-fatt, għandu jitfakkar li, togħma karatterizzanti tikkorrispondi, skont id-definizzjoni li tagħtha din id-direttiva, għal “riħa jew togħma oħra għajr ta’ tabakk li tista’ tiġi nnotata b’mod ċar, […] li tirriżulta minn addittiv jew taħlita ta’ addittivi […]” ( 49 ). B’hekk, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi darbtejn li tissemma tali togħma karatterizzanti fuq il-pakketti tal-prodotti kkonċernati: minn naħa, sa fejn tevoka togħma jew riħa; min-naħa l-oħra, sa fejn tirreferi għall-addittiv jew għall-addittivi li jirriżultaw minnhom din it-togħma jew riħa.

69.

Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex, fid-Direttiva 2014/40, li jidderoga mill-Artikolu 13(1)(c), f’dak li jikkonċerna lill-prodotti li għadhom awtorizzati ( 50 ). Huwa iktar notevoli li tali deroga teżisti, bil-kontra, għas-sigaretti elettroniċi u għall-prodotti erbali għat-tipjip ( 51 ).

70.

L-inklużjoni, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40, tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti li għadhom awtorizzati għall-bejgħ, tirriżulta għaldaqstant mir-rieda intenzjonali tal-leġiżlatur. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-kuntest tas-setgħa ta’ interpretazzjoni tagħha, tissostitwixxi lil-leġiżlatur, billi tintroduċi, f’din id-direttiva, xi distinzjonijiet li ma humiex stabbiliti minnu ( 52 ).

71.

Konsegwentement, kull diskussjoni li tikkonċerna l-bżonn li jibqa’ jsir riferiment, fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk li fihom togħma karatterizzanti li għadhom awtorizzati, għat-togħmiet li fihom, tissemma fil-kuntest tat-tielet domanda ( 53 ), magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 fid-dawl tad-dritt għall-proprjetà iggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta. Peress li din id-domanda ma hijiex is-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nillimita ruħi, għall-finijiet u l-iskopijiet kollha, sabiex nenfasizza l-elementi li ġejjin.

72.

Jekk nikkunsidraw, bħall-Gvern tar-Renju Unit fl-osservazzjonijiet tiegħu, li d-drittijiet mogħtija mir-reġistrazzjoni ta’ trade mark huma biss negattivi – li jippermettu li partijiet terzi jitwaqqfu milli jaġixxu b’ċertu mod – jew jekk nikkunsidraw li trade mark tikkonferixxi wkoll fuq il-proprjetarju tagħha d-dritt pożittiv sabiex jużaha, inqis li, fi kwalunkwe każ, l-użu ta’ trade mark huwa suġġett għar-rispett tad-dritt, u b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet li jsegwu għan imperattiv bħall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem ( 54 ), fosthom l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40.

73.

Ċertament, il-ħtieġa ta’ din id-dispożizzjoni fir-rigward tal-imsemmi għan hija kkontestata minn Planta Tabak. Fl-opinjoni tagħha, sa fejn ċerti prodotti tat-tabakk huma eżentati mill-projbizzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq previsti fl-Artikolu 7(1) u (7) ta’ din id-direttiva, dan l-istess għan ma jimponix li jiġu rtirati mill-pakketti ta’ dawn il-prodotti t-togħmiet li fihom.

74.

Madankollu, il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari dik taż-żgħażagħ, timmilita wkoll favur lejn it-tneħħija ta’ kull referenza għal togħma karatterizzanti fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk li għadhom awtorizzati.

75.

F’dan ir-rigward, il-prodotti li jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40, li l-konsum tagħhom huwa prinċipalment mill-konsumaturi ta’ età akbar u gruppi żgħar tal-popolazzjoni ( 55 ), jibqgħu ssorveljati mill-qrib. F’dan il-kuntest, it-tneħħija tal-elementi ta’ preżentazzjoni li jistgħu jħeġġu l-konsum ta’ dawn il-prodotti hija ġġustifikata sabiex jiġi evitat li s-sigarri żgħar tal-vanilla ma jissostitwixxux lis-sigaretti tal-menta bħala l-bidu tat-tipjip taż-żgħażagħ ( 56 ). Fir-rigward tal-prodotti ta’ tabakk li jibbenefikaw mill-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fil-paragrafu 14 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamlu l-Parlament u l-Gvern Franċiż, li dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni ma huwiex intiż joffri lill-manifatturi tat-tabakk b’terminu addizzjonali sabiex jattiraw konsumaturi ġodda. L-attrazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandha tintemm immedjatament, li jimplika, b’mod partikolari, li tiġi rtirata kull referenza għal togħma karatterizzanti fuq il-pakketti ta’ prodotti kkonċernati.

76.

Il-proporzjonalità tal-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 lanqas ma tista’ tiddaħħal inkwistjoni fir-rigward ta’ obbligu allegat ta’ informazzjoni xierqa għall-konsumaturi. Huwa minnu li, f’ċerti oqsma, fosthom dak tal-ikel, huwa essenzjali li dawn jingħataw informazzjoni fir-rigward tal-ingredjenti tal-prodotti li ser jikkonsmaw, sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw l-ikel, li jagħmlu użu adattat tiegħu, u sabiex jagħżel dawk li jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom ( 57 ).

77.

Madankollu, il-prodotti tat-tabakk ma humiex prodott ordinarju. L-idea ma hijiex li ma jkunx permess għall-konsumaturi milli jkunu jistgħu jagħżlu iktar faċilment bejn prodotti differenti. F’dan ir-rigward, li jingħataw informazzjoni adattata jwassal essenzjalment li jiġu enfasizzati l-effetti partikolarment ta’ ħsara fuq saħħithom. Hekk kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, it-trasparenza tal-ingredjenti titlef kontra l-għan li tiġi evitata kull informazzjoni li tista’ tnessa lill-konsumaturi minn dawn l-effetti.

78.

Mill-bqija, ma għandhomx jiġu eżaġerati l-konsegwenzi prattiċi tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40. B’mod partikolari, il-manifatturi tat-tabakk jistgħu dejjem joħolqu distinzjoni bejn il-prodotti li fihom togħma karatterizzanti minn oħrajn, sakemm ma jużawx wieħed mill-elementi elenkati fl-Artikolu 13(1)(a) sa (e) ( 58 ).

V. Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda 1(b) u għad-domanda 3(a) tal-Verwaltungsgericht Berlin (il-Qorti Amministrattiva ta’ Berlin, il-Ġermanja):

1)

L-eżami tad-domanda 1(b) ma rrileva l-ebda element ta’ natura li jaffettwa lill-validità tal-Artikolu 7(1), (7) u (14), tad-Direttiva 2014/40, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati, li tħassar lid-Direttiva 2001/37/KE.

2)

L-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istati Membri li jipprojbixxu l-inkorporazzjoni fuq it-tikkettjar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu, ta’ elementi jew karatteristiċi li jirreferu għal togħma, riħa, aroma jew xi addittiv ieħor, u dan anki jekk jirrigwardaw informazzjoni mhux pubbliċitarja u jekk l-użu ta’ dawn l-ingredjenti inkwistjoni għadu awtorizzat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) (ĠU 2014, L 127, p. 1).

( 3 ) Sentenza C-358/14, EU:C:2016:323.

( 4 ) Sentenza C-547/14, EU:C:2016:325.

( 5 ) Peress li dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq ċerti aspetti partikolari tal-kawża preżenti, minħabba r-raġuni spjegata fil-punt 4 iktar ’il fuq, huma biss id-domandi relevanti li ser jiġu rripetuti hawnhekk. It-totalità tad-domandi preliminari jistgħu jiġu kkonsultati fuq l-internet u fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, C 239, p. 25).

( 6 ) Iktar ’il quddiem “il-Karta”.

( 7 ) Konformement mad-definizzjoni mogħtija lil dan il-kunċett fil-punt 25 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, dan huwa “riħa jew togħma oħra għajr ta’ tabakk li tista’ tiġi nnotata b’mod ċar, li tirriżulta minn addittiv jew taħlita ta’ addittivi, li tinkludi iżda mhijiex limitata għal frott, ħwawar, ħxejjex aromatiċi, alkoħol, ħelu, mentol jew vanilla, li tista’ tiġi osservata qabel jew matul il-konsum tal-prodott tat-tabakk”.

( 8 ) Il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, fl-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40, eżenzjoni għall-prodotti l-oħra tat-tabakk – bħat-tabakk tal-pipi, is-sigarri u s-sigarri żgħar – li ser tinżamm sakemm ma jkunx hemm bidla sostanzjali taċ-ċirkustanzi f’termini ta’ volumi ta’ bejgħ jew xejriet tal-konsum taż-żgħażagħ.

( 9 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-358/14, EU:C:2016:323, punti 44 u 54).

( 10 ) Konformement mal-Artikolu 29(1) tad-Direttiva 2014/40.

( 11 ) Il-kunċett ta’ “kategorija tal-prodotti” ma huwiex definit fid-Direttiva 2014/40. Huwa madankollu possibbli li tiġi dedotta t-tifsira tiegħu mill-punt 14 tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva li tirreferi għall-“kategoriji” li jikkonsistu f’sigaretti, tabakk tal-brim, tabakk tal-pipa, tabakk tal-pipa tal-ilma, sigarri, sigarri żgħar, tabakk tal-magħda, tabakk tal-imnieħer jew tabakk għall-użu orali. Għalkemm l-Artikolu 7(12) tal-imsemmija direttiva jillimita għalissa l-projbizzjoni ta’ togħmiet karatterizzanti għas-sigaretti u t-tabakk tal-brim, huma biss dawn iż-żewġ prodotti li jistgħu jaqaw taħt l-Artikolu 7(14) ta’ din l-istess direttiva.

( 12 ) Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2014/40 jipprevedi sistema ta’ likwidazzjoni ta’ ħażniet, l-Istati Membri setgħu jawtorizzaw sal-20 ta’ Mejju 2017 it-tqegħid fuq is-suq tal-prodotti ta’ tabakk immanifatturati jew irrilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera qabel id-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva.

( 13 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li s-sigaretti tal-menta jibbenefikaw minn dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-358/14, EU:C:2016:323, punt 100). F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha fuq l-affermazzjonijiet konkordanti tal-partijiet fil-kawża fl-oriġini ta’ din is-sentenza (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-358/14, EU:C:2015:848, nota f’qiegħ il-paġna 10).

( 14 ) Bil-kontra tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Kunsill isostni li t-tabakk tal-brim tal-menta jibbenefika, bħas-sigaretti tal-menta, mill-perijodu ta’ tranżizzjoni previst fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40. Minkejja dan, ma huwiex neċessarju li tiġi deċiżjoni din il-kwistjoni f’dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016 (C-358/14, EU:C:2016:323, punti 78 sa 104).

( 16 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016 (C-547/14, EU:C:2016:325, punti 168 sa 191).

( 17 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Arnold André (C-434/02, EU:C:2004:800, punt 68); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 23), kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C-477/14, EU:C:2016:324, punt 35).

( 18 ) Sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-176/09, EU:C:2011:290, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Skont Planta Tabak, il-prodotti tat-tabakk differenti li jistgħu jaqaw taħt l-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40 jinsabu f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-għan tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem segwit minn din id-direttiva. Bil-kontra, għall-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, dawn il-prodotti ma humiex f’sitwazzjonijiet komparabbli fir-rigward tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri dik li tagħti iktar żmien lill-konsumaturi (ara l-punti 39 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 20 ) Iffirmata f’Genève fil-21 ta’ Mejju 2003.

( 21 ) Ħlief l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40.

( 22 ) Premessa 16 tad-Direttiva 2014/40.

( 23 ) Taqsima 3.1.2.2 ta’ dawn il-linji gwida. Dokument disponibbli fl-indirizz segwenti: http://www.who.int/fctc/treaty_instruments/guidelines_articles_9_10_2017_french.pdf (ikkonsultat l-aħħar darba fil-25 ta’ Ġunju 2018).

( 24 ) Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016(C-358/14, EU:C:2016:323, punti 48 sa 54) kif ukoll (C-547/14, EU:C:2016:325, punt 114).

( 25 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 1973, Westzucker (57/72, EU:C:1973:30, punt 14); tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, EU:C:2002:741, punt 123), kif ukoll tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C-157/14, EU:C:2015:823, punt 76). Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Swedish Match (C-151/17, EU:C:2018:241, punt 41).

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Enfasi miżjud minni.

( 30 ) Sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2016(C-358/14, EU:C:2016:323, punti 99, 100 u 102) u (C-547/14, EU:C:2016:325, punti 187, 188 u 190).

( 31 ) Nippreċiża, f’parenteżi, li, fl-opinjoni tiegħi, dawn iż-żewġ sentenzi ma għandhomx jinftiehmu fis-sens li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu sistematikament jipprevedi perijodu tranżitorju meta jipprojbixxi l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti. Ċertament, dan il-perijodu jippermetti li jitnaqqsu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta’ projbizzjoni, u b’hekk, jipparteċipaw fil-proporzjonalità tagħha. Din ma hijiex kundizzjoni sine qua non, peress li projbizzjoni mingħajr perijodu ta’ tranżizzjoni tista’ tkun perfettament iġġustifikata u neċessarja fir-rigward ta’ kunsiderazzjonijiet imperattivi bħalma hija l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

( 32 ) Biex infakkar, l-ebda dispożizzjoni ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 7(14) ma tidher fil-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati [COM (2012) 788 final]. Il-ħolqien ta’ din id-dispożizzjoni tmur lura għall-ewwel qari ta’ din il-proposta mill-Parlament. Emendi differenti intiżi sabiex jeskludu kompletament lill-prodotti tat-tabakk tal-menta mill-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti ġew għaldaqstant proposti fil-kummissjonijiet parlamentari. Il-kummissjoni tas-suq intern u tal-protezzjoni tal-konsumatur kienet b’hekk ipproponiet emenda li abbażi tagħha, l-Istati Membri kienu jkunu jistgħu jkomplu jawtorizzaw “ċerti togħmiet tradizzjonali tat-tabakk li ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala togħmiet oħra tat-tabakk. Il-menta hija kkunsidrata bħala togħma tradizzjonali tat-tabakk”. Xi proposti f’dan is-sens tressqu wkoll mill-kummissjoni għall-kummerċ internazzjonali kif ukoll minn dik għall-agrikultura u għall-iżvilupp rurali [ara r-rapport tal-kummissjoni għall-ambjent, għas-saħħa pubblika u għas-sikurezza tal-ikel u l-opinjoni tal-kummissjoni għall-kummerċ internazzjonali, tal-kummissjoni għall-industrija, għar-riċerka u għall-enerġija, tal-kummissjoni għas-suq intern u għall-protezzjoni tal-konsumatur, tal-kummissjoni għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali u tal-kummissjoni għall-affarijiet legali (A7-0276/2013)]. Fost l-emendi adottati mill-Parlament, fit-8 ta’ Ottubru 2013 [P7_TA (2013) 398], dehret iż-żieda ta’ dispożizzjoni li tipprovdi li l-projbizzjoni tat-togħmiet karatterizzanti ma kellhiex tapplika “għall-użu tal-menta taħt il-forom kummerċjali kollha tagħha magħrufa fiż-żmien tal-pubblikazzjoni ta’ din id-direttiva għal perijodu ta’ ħames snin […]”. Fl-aħħar, fil-pożizzjoni adottata fl-ewwel qari tagħha fis-26 ta’ Frar 2014 [EP-PE_TC1-COD (2012) 366], din l-istituzzjoni pproponiet iż-żieda tal-aħħar sentenza tal-premessa 16 u tal-Artikolu 7(14) fil-verżjoni attwali tagħhom, u dawn id-dispożizzjonijiet inżammu fit-tmiem tal-proċedura leġiżlattiva.

( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2011, Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C-236/09, EU:C:2011:100, punti 21 sa 23).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1984, Rewe-Zentrale (37/83, EU:C:1984:89, punt 20); tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et (C-127/07, EU:C:2008:728, punt 63); tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible (C-101/12, EU:C:2013:661, punt 91), kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C-547/14, EU:C:2016:325, punti 63 u 134).

( 35 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Xi kunsiderazzjonijiet jistgħu wkoll jiġġustifikaw li jkun hemm differenza bejn il-prodotti stabbiliti sew u l-prodotti “niċċa”. Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni ssostni li l-irtirar miċ-ċirkulazzjoni, mingħajr perijodu tranżitorju, tal-prodotti tat-tabakk bit-togħma kkonsmati sew jirriskja li jkollu bħala effett sekondarju l-iżvilupp ta’ kummerċ illegali ta’ dawn il-prodotti. Tali riskju jkun bil-kontra limitat fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk bit-togħma li ma tantx jinbiegħu fl-Unjoni. Il-possibbiltajiet li jinġabar dħul mill-kummerċ illegali ta’ dawn il-prodotti tal-aħħar ikunu negliġibbli, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-domanda baxxa. Ninnota madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argument simili fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-358/14, EU:C:2016:323, punt 88).

( 37 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Ara l-Artikolu 7(12) tad-Direttiva 2014/40. Jistgħu jiġu evokati wkoll il-prodotti tat-tabakk li jibbenefikaw mis-sistema tal-likwidazzjoni tal-ħażniet prevista fl-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fid-dawl tan-natura marġinali tagħhom, dawn il-prodotti ma jistgħux jiġu diskussi fil-bqija ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Enfasi miżjuda minni.

( 40 ) Planta Tabak tikkummerċjalizza b’hekk il-prodotti tagħha taħt ismijiet u marki li jirreferu, loġikament, għat-togħma li għandhom, fosthom, “Rum and Maple” u “PL 88 Menthol” għat-tabakk tal-brim, “Danish Black Vanilla Mixture” u “McLintock Wild Cherry” għat-tabakk tal-pipi kif ukoll il-“Unitas Excellent Lemon Mint” u “Black Vanilla” għas-sigaretti. Issa, ċerti minn dawn il-prodotti għadhom awtorizzati wara l-20 ta’ Mejju 2016, b’mod partikolari t-tabakk tal-pipi.

( 41 ) Konformement mal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2014/40.

( 42 ) L-Avukat Ġenerali Kokott, fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawżi Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-358/14, EU:C:2015:848, punt 28) u Philip Morris Brands et (C-547/14, EU:C:2015:853, punt 224), qalet li tiffavorixxi interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40. Fl-opinjoni tagħha, din id-dispożizzjoni tippermetti li titqiegħed fuq il-pakkett, referenza newtrali u mhux pubbliċitarja tat-togħmiet li l-użu tagħhom għadu eċċezzjonalment awtorizzat, u dan sabiex ikun permess għall-konsumaturi sabiex jidentifikaw lil dawn il-prodotti.

( 43 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016(C-547/14, EU:C:2016:325, punt 141).

( 44 ) Fil-verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 2014/40, il-kliem li jintuża fl-Artikolu 13(1)(c) tagħha huwa tradott ukoll f’projbizzjoni ta’ referenzi sempliċi (ara, b’mod partikolari, “henviser” bid-Daniż; “beziehen” bil-Ġermaniż; “refers to” bl-Ingliż; “haga referencia” bl-Ispanjol; “richiami” bit-Taljan; “hänvisar” bl-Isvediż).

( 45 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C-547/14, EU:C:2016:325, punt 142).

( 46 ) Il-livelli tal-emissjonijiet tal-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju jikkostitwixxu, f’dan ir-rigward, eżempju tajjeb. Taħt id-Direttiva 2001/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk, l-istrumenti preċedenti għad-Direttiva 2014/40, dawn il-livelli kellhom bilfors jidhru fuq waħda mill-uċuħ laterali tal-pakketti tas-sigaretti. Madankollu, fir-rigward ta’ data xjentifika ġdida, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra stabbilit li indikazzjoni sempliċi tal-imsemmija livelli hija, fiha nnifisha, suxxettibbli li twassal għal żball, billi tħeġġeġ lill-konsumaturi sabiex jemmnu li ċerti sigaretti jagħmlu nqas ħsara minn oħrajn (ara l-premess 25 ta’ din id-direttiva tal-aħħar).

( 47 ) Il-qorti tar-rinviju tiddubita li r-referenza għal ingredjenti li hemm legalment f’prodott partikolari, taħt forma mhux pubbliċitarja tipproduċi tali effett ta’ inċentiv. Madankollu, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40, idaħħal inkwistjoni l-analiżi tal-leġiżlatur fuq dan il-punt.

( 48 ) Fosthom, infakkar, is-sigaretti tal-menta (sal-2020), kif ukoll it-tabakk tal-pipi, it-tabakk tal-pipi tal-ilma, is-sigarri u s-sigarri żgħar b’togħma.

( 49 ) Il-punt 25 tal-Artikolu 2, tad-Direttiva 2014/40, li l-kontenut tiegħu jidher fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet (enfasi miżjuda minni).

( 50 ) Xi regoli speċifiċi li jikkonċernaw l-ittikkettjar tal-prodotti tat-tabakk tat-tipjip barra s-sigaretti, it-tabakk tal-brim u t-tabakk tal-pipi tal-ilma – jiġifieri ċerti prodotti li jista’ jkun fihom togħma karatterizzanti – jidhru sew fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/40. Madankollu, dan l-artikolu jipprevedi biss il-possibbiltà li jiġu eżentati dawn il-prodotti tat-tabakk oħrajn mill-obbligu li jinkorporaw il-messaġġ ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva u t-twissijiet tas-saħħa kkombinati previsti fl-Artikolu 10 tagħha.

( 51 ) Konformement mal-Artikolu 20(4)(b) tad-Direttiva 2014/40, il-pakketti individwali u kwalunkwe ippakkjar estern tas-sigaretti elettroniċi u l-kontenituri ta’ rikarika: għandhom jinkludu lista tal-ingredjenti kollha li fih il-prodott u mingħajr preġudizzju għal dan l-ewwel obbligu, ma jinkludux elementi jew karatteristiċi msemmijin fl-Artikolu 13, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13(1)(a) u (c) li jirrigwarda l-informazzjoni dwar il-kontenut tan-nikotina u dwar aromi. L-Artikolu 21(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi lid-dispożizzjonijiet simili għall-prodotti erbali għat-tipjip.

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Cipriani (C-395/00, EU:C:2002:209, punti 62 u 63), li jirrepeti l-prinċipju tad-dritt Ruman “Ubi lex non distinguit nec nos distinguere debemus” (“fejn il-liġi ma tiddistingwixxix, ma hemmx lok li ssir distinzjoni”).

( 53 ) Din id-domanda tirrifletti l-argumenti ta’ Planta Tabak li jipprovdu li l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 jikser id-dritt fundamentali tagħha għall-proprjetà. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-proprjetarji tat-trade marks ikkonċernati milli jgawdu lill-proprjetà tagħhom billi jagħmlu użu raġonevoli jew relevanti tagħhom. Din il-projbizzjoni tkun, minħabba l-effetti ekonomiċi tagħha, simili għal esproprjazzjoni formali.

( 54 ) Jekk jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li trade mark tagħti lill-proprjetarju tagħha tali dritt pożittiv, u li l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 huwa restrizzjoni ta’ dan id-dritt, din id-dispożizzjoni għandha, fl-opinjoni tiegħi tiġi kkunsidrata bħala leġiżlazzjoni tal-użu tat-trade marks ikkonċernati (tielet sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta) u mhux bħala ċaħda tagħhom (it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tal-Karta), peress li l-imsemmija dispożizzjoni ma ddaħħalx inkwistjoni il-validità tagħhom u ma tostakolax l-użu tagħhom ħlief fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40 ma jippreġudikax lis-sustanza stess tad-dritt tat-trade marks. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tipprojbixxi l-inkorporazzjoni f’dawn it-trade marks tal-elementi elenkati. Il-manifatturi jistgħu jkomplu jindividwalizzaw lill-prodotti tagħhom permezz ta’ sinjali oħra. Il-funzjoni tal-oriġini tat-trade marks hija b’hekk irrispettata [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, EU:C:2002:741, punti 152 u 153].

( 55 ) Ara l-premessa 19 u 26 tad-Direttiva 2014/40.

( 56 ) F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 7(12) moqri fid-dawl tal-premessa 19 tad-Direttiva 2014/40, jirriżulta li l-eżenzjoni mill-projbizzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq applikabbli fuq xi prodotti partikolari ser tinżamm biss sakemm l-ebda bidla notevoli fis-sitwazzjoni ma tiġi kkonstatata minn perspettiva ta’ volum ta’ bejgħ jew xejriet ta’ konsum fiż-żgħażagħ.

( 57 ) Ara, pereżempju, il-premessi 3, 4, u 17, kif ukoll l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18).

( 58 ) Il-Gvern tar-Renju Unit evoka b’hekk il-possibbiltà li jiġu adattati l-pakketti tal-prodotti tat-tabakk billi jintuża, pereżempju, il-kulur aħdar għall-prodotti tat-tabakk tal-menta. Barra minn hekk, il-qari tal-indikazzjonijiet li jidhru fuq il-pakketti tal-prodotti tat-tabakk ma huwiex l-uniku mezz li l-konsumaturi jiddisponu minnu sabiex isiru jafu l-kontenut ta’ dawn il-prodotti. Dan jistgħu wkoll jinformaw ruħhom mingħand xi distributuri sabiex jidentifikaw l-prodotti bit-togħma. Mill-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet lil dawn it-tipi ta’ argumenti bbażati fuq il-bżonn ta’ informazzjoni ċara u preċiża għall-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et, C-547/14, EU:C:2016:325, punt 160).