KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil‑25 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C‑163/17

Abubacarr Jawo

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bade-Wurtemberg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Trasferiment tal-applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli – Artikolu 29(1) – Modalitajiet ta’ estensjoni tat-terminu – Artikolu 29(2) – Kunċett ta’ ħarba – Ammissibbiltà ta’ rifjut tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata minħabba riskju reali u kkonfermat ta’ trattament inuman jew degradanti fi tmiem il-proċedura ta’ ażil – Artikolu 3(2) – Kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru responsabbli – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ April 2017 mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bade-Wurtemberg, il-Ġermanja), tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 2 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), kif ukoll tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn applikant għall-ażil, Abubacarr Jawo, u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali tal-Immigrazzjoni u tar-Refuġjati, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) tal‑25 ta’ Frar 2015, li tiċħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ A. Jawo bħala inammissibbli u tordna t-tneħħija tiegħu lejn l-Italja.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

1.   Il-Konvenzjoni ta’ Genève

3.

L-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 ( 3 ), li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 kif ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), intitolat “Akkomodazzjoni”, jipprovdi li:

“Għal dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni, l-Istati Kontraenti għandhom jagħtu, sa fejn din il-kwistjoni hija rregolata minn liġijiet u minn regolamenti jew hija suġġetta għall-kontroll tal-awtoritajiet pubbliċi, lir-refuġjati li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħhom, l-iktar trattament favorevoli possibbli; fi kwalunkwe każ, dan it-trattament ma jistax ikun inqas favorevoli minn dak mogħti, fl-istess ċirkustanzi, lill-barranin b’mod ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.   Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali

4.

Taħt it-Titolu “Projbizzjoni ta’ tortura”, l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jipprovdi:

“Ħadd ma għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti”.

B. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Il-Karta

5.

Skont l-Artikolu 1 tal-Karta, intitolat “I[d]-dinjità tal-bniedem”:

“Id-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli. Hija għandha tkun irrispettata u protetta”.

6.

L-Artikolu 4 tal-Karta, intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura jew tal-pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”, jistabbilixxi li:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”.

7.

Fil-paragrafu 2 tiegħu, l-Artikolu 19 tal-Karta, intitolat “Il-protezzjoni f’każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni”, jipprovdi li:

“Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”.

8.

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. Huma għandhom għaldaqstant jirrispettaw id-drittijiet, josservaw il-prinċipji u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom, skond il-kompetenzi rispettivi tagħhom u fir-rispett tal-limiti tal-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif mogħtija lilha fit-Trattati”.

9.

Fil-paragrafu 3 tiegħu, l-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jistabbilixxi li:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.

2.   Ir-Regolament Dublin III

10.

Ir-Regolament Nru 604/2013 jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida ( 4 ). Il-premessi u l-artikoli rilevanti ta’ dan ir-regolament huma dawn li ġejjin:

11.

Premessa 32

“Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri huma marbuta bl-obbligi tagħhom taħt strumenti tad-dritt internazzjonali, inkluża l-każistika rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”.

12.

Premessa 39

“Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil-[Karta]. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt tal-asil iggarantit bl-Artikolu 18 tal-[Karta] kif ukoll tad-drittijiet rikonoxxuti taħt l-Artikoli 1. 4. 7, 24 u 47 tiegħu. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun implimentat kif meħtieġ”.

13.

Artikolu 3

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   […]

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

14.

Artikolu 29

“1.   It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

Jekk trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli jsiru permezz ta’ tluq sorveljat jew taħt skorta, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn isiru b’mod uman u b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u d-dinjità umana.

[…]

2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

[…]”

3.   Ir-Regolament (KE) Nru 1560/2003

15.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 ( 5 ), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat‑30 ta’ Jannar 2014 ( 6 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”), jinkludi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III.

16.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1560/2003, intitolat “Koperazzjoni fi trasferimenti”, jipprevedi:

“1.   Hija l-obbligazzjoni ta’ l-Istat Membru responsabbli li jħalli t-trasferiment tal-persuna li qed tfittex asil isseħħ malajr kemm jista’ jkun u li jiżguraw li l-ebda ostakli jitqiegħdu fi triqtu. Dak l-Istat Membru għandu jistabbilixxi, meta approprjat, il-lok fuq it-territorju tiegħu li lejh il-persuna li qed tfittex asil se tkun trasferita jew mgħoddija lill-awtoritajiet kompetenti, b’konsiderazzjoni għal restrizzjonijiet ġeografiċi u mezzi ta’ trasport disponibbli lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment. Fl-ebda każ ma tista’ tiġi imposta kondizzjoni li l-iskorta takkumpanja lill-persuna li qed tfittex asil lil hinn mill-post tal-wasla ta’ mezzi ta’ transport internazzjonali użati jew li l-Istat Membru li qed jagħmel it-trasferiment jissodisfa l-ispejjeż tat-trasport lil hinn minn dak il-post.

2.   L-Istat Membru li jkun qed jorganizza t-trasferiment għandu jieħu ħsieb it-trasport għall-persuna li qed tfittex asil u għall-iskorta tiegħu u jiddeċiedi, b’konsultazzjoni ma’ l-Istat Membru responsabbli, fuq il-ħin tal-wasla u, fejn neċessarju, fuq id-dettalji tal-konsenja lill-awtoritajiet kompetenti. L-Istat Membru responsabbli jista’ jeħtieġ li notifika ta’ tlett ijiem utli tkun mogħtija.

3.   Il-formola standard stipulata fl-Anness VI tintuża għall-iskop ta’ trasmissjoni lill-Istat Membru responsabbli tad-dejta essenzjali sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet u l-bżonnijiet immedjati tal-persuna li għandha tiġi trasferita. Din il-formola standard titqies bħala avviż fit-tifsira tal-paragrafu 2”.

17.

Skont l-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Trasferimenti posposti u mdewmin”:

“1.   L-Istat Membru responsabbli għandu jiġi infurmat mingħajr dewmien b’kull postponiment dovut jew għal proċedura t’appell jew ta’ reviżjoni b’effett suspensiv, jew għal raġunijiet fisiċi bħal nuqqas ta’ saħħa tal-persuna li qed tfittex asil, in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ trasport jew il-fatt li l-persuna li qed tfittex asil irtirat mill-proċedura ta’ trasferiment.

1a.   Fejn trasferiment ikun ittardjat wara talba mingħand l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-trasferiment, it-trasferiment u l-Istati Membri responsabbli għandhom ikomplu l-komunikazzjoni sabiex jippermettu li jiġi organizzat trasferiment ġdid malajr kemm jista’ jkun, skont l-Artikolu 8 u mhux iktar tard minn ġimagħtejn mill-mument meta l-awtoritajiet isiru jafu bit-twaqqif taċ-ċirkostanzi li kkawżaw id-dewmien jew il-posponiment. F’każ bħal dan, għandha tintbagħat formola standard aġġornata għat-trasferiment tad-dejta qabel ma jitwettaq it-trasferiment kif stipulat fl-Anness VI.

2.   Stat Membru li, għal waħda mir-raġunijiet stipulati fl-Artikolu 29(2) tar-[Regolament Dublin III], ma jistax iwettaq it-trasferiment matul il-limitu taż-żmien normali ta’ sitt xhur mid-data ta’ aċċettazzjoni tat-talba biex jittieħed inkarigu ta’ persuna jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali dwar appell jew rieżami fejn ikun hemm effett sospensiv, jinforma lill-Istat Membru responsabbli qabel it-tmiem ta’ dak il-limitu. Inkella, ir-responsabbiltà għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u l-obbligi l-oħra taħt ir-[Regolament Dublin III] jaqgħu fuq l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dak ir-Regolament.

[…]”

18.

L-Annessi VI u IX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jinkludu l-formoli standard intiżi, rispettivament, għat-trasferiment ta’ data u għall-iskambju ta’ data dwar is-saħħa qabel l-eżekuzzjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III.

4.   Id-Direttiva 2011/95/UE

19.

Skont l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 7 )“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” tfisser “talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista’ tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, […]”.

20.

Il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 intitolat “Kontenut ta’ Protezzjoni Internazzjonali” jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:

21.

Artikolu 20(1)

“Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”.

22.

Artikolu 26(1)

“L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonalisabiex jieħu parti f’attivitajiet ta’ xogħol bħala impjegati jew xogħol għal rashom soġġett għar-regoli ġeneralment applikabbli għall-professjoni u għas-settur pubbliku, immedjatament wara li tkun ingħatat protezzjoni”.

23.

Artikolu 27(1)

“L-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess sħiħ għas-sistema ta’ edukazzjoni lill-minuri kollha li ngħataw protezzjoni internazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadini nazzjonali”.

24.

Artikolu 29(1) “Għajnuna soċjali”

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru”.

25.

Artikolu 30(1) “Kura tas-saħħa”

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa taħt l-istess kondizzjonijiet ta’ eliġibilità bħal ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ta’ din il-protezzjoni”.

26.

Artikolu 32(1) “Aċċess għal akkomodazzjoni”

“Stati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal ċittadini nazzjonali oħra ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom”.

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

27.

A. Jawo, li ma huwiex miżżewweġ u f’saħħtu, huwa, kif jindika huwa stess, ċittadin Gambjan imwieled fit‑23 ta’ Ottubru 1992. Huwa telaq mill-Gambja fil‑5 ta’ Ottubru 2012 u wasal l-Italja b’mezzi marittimi fejn huwa ppreżenta applikazzjoni għall-ażil fit‑23 ta’ Diċembru 2014.

28.

Mill-Italja, huwa kompla l-vjaġġ tiegħu lejn il-Ġermanja. Peress li fuq l-Eurodac ( 8 ) sab riżultat pożittiv li jindika li A. Jawo kien ippreżenta applikazzjoni għall-ażil fl-Italja, fis‑26 ta’ Jannar 2015 l-Uffiċċju talab lir-Repubblika Taljana tieħdu lura ( 9 ). Skont il-qorti tar-rinviju, “[l]-Italja ma rreaġġixxietx għal din it-talba […]”.

29.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2015, l-Uffiċċju ċaħad l-applikazzjoni għall-ażil ta’ A. Jawo bħala inammissibbli u ordna t-tneħħija tiegħu lejn l-Italja, trasferiment għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ ażil li A. Jawo kkontesta.

30.

Fl‑4 ta’ Marzu 2015, A. Jawo ppreżenta rikors, flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji mressqa fit‑12 ta’ Marzu 2015, li l-Verwaltungsgericht Karlsruhe (il-Qorti Amministrativa ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), ċaħad bħala inammissibbli, permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ April 2015, għar-raġuni li dan kien ġie ppreżentat wara t-terminu previst. Adita b’talba għal miżuri provviżorji ġdida, l-imsemmija qorti ordnat sussegwentement l-effett sospensiv tar-rikors, permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ Frar 2016.

31.

Fit‑8 ta’ Ġunju 2015, A. Jawo kellu jiġi ttrasferit lejn l-Italja, iżda din l-operazzjoni ma rnexxietx għaliex ma kienx jinsab fl-istruttura ta’ akkomodazzjoni kollettiva f’Heidelberg, fejn suppost kien joqgħod. Mistoqsi dwar dan il-punt mir-Regierungspräsidium Karlsruhe (il-Prefettura ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), is-servizz speċjalizzat fl-akkomodazzjoni ta’ urġenza fil-belt ta’ Heidelberg indika, fis‑16 ta’ Ġunju 2015, li A. Jawo ma kienx għadu jinsab f’din l-istruttura ta’ akkomodazzjoni kollettiva sa minn ċertu żmien, kif ikkonferma l-purtier responsabbli mill-postijiet. Waqt is-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju, A. Jawo – għall-ewwel darba fil-proċedura ġudizzjarja – iddikjara f’dan ir-rigward li huwa kien telaq fil-bidu tax-xahar ta’ Ġunju 2015 sabiex iżur ħabib fid-dar tiegħu ġewwa Freiberg/Neckar.

32.

Huwa żied li wara ġimgħa jew tnejn kien irċieva telefonata mingħand il-persuna li kienet taqsam il-kamra miegħu f’Heidelberg u informatu li l-pulizija kienet qed tfittxu, u għalhekk kien iddeċieda li jirritorna lejn Heidelberg iżda ma kellux flus sabiex iħallas il-vjaġġ lura u kellu qabelxejn jissellef l-ammont neċessarju. Dejjem skont din l-istess dikjarazzjoni, huwa rritorna Heidelberg ġimgħatejn wara biss, mar fis-Sozialamt (l-Uffiċċju tal-Affarijiet Soċjali) u staqsa jekk il-kamra kinitx għadha tiegħu u ngħata risposta affermattiva. Min-naħa l-oħra, hadd ma kien indikalu li huwa kellu javża dwar l-assenza twila tiegħu.

33.

Permezz ta’ formola datata 16 ta’ Ġunju 2015, l-Uffiċċju informa lill-Ministeru tal-Intern Taljan li f’dak il-mument it-trasferiment kien impossibbli għaliex A. Jawo kien ħarab, fatt li huwa kien sar jaf bih dakinhar stess. Fil-formola, huwa indika wkoll li t-trasferiment kien ser isir sa mhux iktar tard mill‑10 ta’ Awwissu 2016“skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013”.

34.

It-tieni trasferiment kien ippjanat għat‑3 ta’ Frar 2016. Dan it-trasferiment reġa’ ma rnexxiex għaliex ir-rikorrent irrifjuta li jirkeb l-ajruplan.

35.

Permezz ta’ sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2016, il-Verwaltungsgericht Karlsruhe (il-Qorti Amministrattiva) ċaħdet ir-rikors ta’ A. Jawo.

36.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, A. Jawo argumenta li fix-xahar ta’ Ġunju 2015 huwa ma kienx ħarab u li l-Uffiċċju lanqas ma seta’ jestendi t-terminu skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III. “Fil-fehma tiegħu, l-ordni ta’ tneħħija [kellha tiġi annullata wkoll] għaliex ebda deċiżjoni dwar il-preżenza ta’ projbizzjoni nazzjonali ta’ tneħħija, li saret neċessarja mis‑6 ta’ Awwissu 2016, ma [kienet] ittieħdet” u “minħabba t-taħriġ li huwa [kien] ħa bi ftehim mal-awtorità Ġermaniża kompetenti fil-qasam tal-barranin” ( 10 ). Dejjem fil-fehma tiegħu, trasferiment lejn l-Italja jkun ukoll illegali għaliex, f’dak l-Istat Membru, jeżistu difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

37.

Matul il-proċedura ta’ appell, l-Uffiċċju sar jaf li A. Jawo kien ingħata permess nazzjonali ta’ residenza fl-Italja, għal raġunijiet umanitarji, li kien validu għal sena u li kien skada fid‑9 ta’ Mejju 2015.

38.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Applikant għall-ażil ikun qiegħed jaħrab, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament [Dublin III], jekk xjentement u deliberatament jevadi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli għat-twettiq tat-trasferiment tiegħu, sabiex jipprevjeni jew jimpedixxi t-trasferiment, jew huwa suffiċjenti jekk, għal perijodu relattivament estiż, huwa ma jirrisjedix fil-post allokat lilu u l-awtoritajiet ma jkunux jafu fejn jinsab u għaldaqstant trasferiment skedat ma jistax jitwettaq?

Il-persuna kkonċernata tista’ tinvoka l-applikazzjoni korretta tal-imsemmija dispożizzjoni u, fil-kuntest ta’ proċedura kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, tista’ toġġezzjona li t-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur skada, peress li hija ma ħarbitx?

2)

Il-fatt li l-Istat Membru tat-trasferiment, qabel l-iskadenza tat-terminu, jinforma lill-Istat Membru responsabbli li l-persuna kkonċernata ħarbet u, fl-istess ħin, jindika terminu konkret ta’ mhux iktar minn 18‑il xahar, li matul tiegħu għandu jitwettaq it-trasferiment, huwa suffiċjenti sabiex jagħti lok għat-trasferiment previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament [Dublin III], jew it-terminu jista’ biss jiġi estiż jekk l-Istati Membri kkonċernati jiddeċiedu dan bi ftehim komuni?

3)

Trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli huwa illegali meta l-imsemmi applikant, fil-każ ta’ għoti ta’ status ta’ protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat, jiġi espost f’dan l-Istat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-għajxien prevedibbli, għal riskju serju ta’ trattament kif previst fl-Artikolu 4 tal-[Karta]?

Din id-domanda taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni?

Liema huma l-kriterji tad-dritt tal-Unjoni li permezz tagħhom għandhom jiġu evalwati l-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ persuna li d-dritt tagħha għal protezzjoni internazzjonali ġie rrikonoxxut?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39.

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-implikazzjonijiet estensivi tat-tielet domanda preliminari. Skont il-qorti tar-rinviju, din il-kwistjoni hija rilevanti għall-proċeduri ta’ trasferiment kollha lejn l-Italja u għalhekk l-eżitu ta’ numru inkalkolabbli ta’ proċeduri jiddependi minnha. Il-qorti tar-rinviju sostniet ukoll li, jekk il-kwistjoni tibqa’ inċerta għal żmien twil, ikun hemm ir-riskju li dan jostakola l-funzjonament tas-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III, u konsegwentement idgħajjef is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil.

40.

Fl‑24 ta’ April 2017, il-Ħames Awla ddeċidiet li ma kienx hemm lok li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju li tissuġġetta l-imsemmija kawża għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

41.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn A. Jawo, mill-Gvern Ġermaniż, Taljan, Ungeriż, Olandiż, tar-Renju Unit u tal-Konfederazzjoni Svizzera, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

42.

Waqt is-seduta komuni li nżammet fit‑8 ta’ Mejju 2018 fil-Kawża C‑163/17 u fil-Kawżi magħquda C‑297/17, C‑318/17, C‑319/17 u C‑438/17, ir-rikorrent fil-kawżi prinċipali, l-Uffiċċju, il-Gvern Ġermaniż, Belġjan, Taljan, Olandiż, tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni għamlu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V. Analiżi

A. Fuq l-ewwel domanda preliminari

1.   Il-possibbiltà li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif stabbilit fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III u l-fatt li huwa ma ħarabx sabiex jikkontesta t-trasferiment tiegħu

a)   It-terminu ta’ sitt xhur

43.

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandhiex tiġi interpretata fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif stabbilit mill-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament “għaliex [huwa] ma kienx ħarab”.

44.

Skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jsir malli jkun prattikament possibbli, u mhux iktar tard minn sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor sabiex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura lill-persuna kkonċernata jew mid-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv. Fil-punt 41 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “it-termini stipulati fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III għandhom l-għan li jipprovdu qafas mhux biss għall-adozzjoni iżda wkoll għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment”. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament, fejn it-trasferiment ma jsirx f’dan it-temrinu ta’ sitt xhur, ir-responsabbiltà taqa’ fuq l-Istat Membru rikjedenti. Madankollu, skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, it-terminu ta’ sitt xhur jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

45.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, ta’ din id-deċiżjoni quddiem qorti. Fil-punt 48 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tiżgura lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tiggarantixxilu, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jippreżenta rikors kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, li jista’ jirrigwarda l-eżami tal-applikazzjoni [tar-Regolament Dublin III], inkluż l-osservanza tal-garanziji proċedurali previsti minn dan ir-regolament”.

46.

Fil-punti 39 u 40 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu jew ta’ teħid lura stabbiliti mir-Regolament Dublin III għandhom, b’mod partikolari, jitmexxew b’osservanza ta’ numru ta’ termini imperattivi, li fosthom hemm it-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Minkejja li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi sabiex jipprovdu qafas għal dawn il-proċeduri, huma jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Fil-fatt, l-iskadenza ta’ dan it-terminu, mingħajr ma jkun sar it-trasferiment tal-applikant mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, twassal għat-trasferiment ipso jure tar-responsabbiltà mit-tieni Stat Membru għal dak tal-ewwel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tiżgura li d-deċiżjoni ta’ trasferiment ikkontestata tkun ġiet adottata wara applikazzjoni korretta tal-imsemmija proċeduri, il-qorti adita minn appell kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, għandha tkun tista’ teżamina l-allegazzjonijiet ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali li din id-deċiżjoni kienet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, peress li l-Istat Membru rikjedenti jkun diġà sar l-Istat Membru responsabbli fil-ġurnata tal-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni minħabba l-iskadenza minn qabel tat-terminu ta’ sitt xhur kif stabbilit fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament.

47.

Barra minn hekk, fil-punt 46 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 ta’ dan ir-regolament ( 11 ), kif ukoll l-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif iddefinit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament li seħħet sussegwentement għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment”.

48.

Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, il-konstatazzjoni li l-persuna kkonċernata ħarbet tista’ twassal għall-estensjoni tat-terminu ta’ sitt xhur sa massimu ta’ tmintax-il xahar. Fid-dawl tal-konsegwenzi ta’ tali konstatazzjoni fuq is-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati – it-terminu b’hekk jiġi ttriplikat – huwa imperattiv li fl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III u tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-persuna kkonċernata jkollha rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilha tinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur billi tinvoka, jekk ikun il-każ, il-fatt li hija ma ħarbitx u li konsegwentement dan it-terminu ma setax jiġi estiż.

49.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur kif stabbilit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament li tkun seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment billi jinvoka, jekk ikun il-każ, il-fatt li huwa ma ħarabx u li konsegwentement dan it-terminu ma setax jiġi estiż.

b)   Il-kunċett ta’ “ħarba” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III

50.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kunċett ta’ “ħarba” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III u l-kundizzjonijiet li fihom applikant għal protezzjoni internazzjonali jitqies li ħarab, f’liema każ it-terminu ta’ trasferiment ta’ sitt xhur jista’ jiġi estiż għal tmintax-il xahar. B’mod iktar partikolari, hija tistaqsi dwar jekk il-kunċett ta’ “ħarba” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jeħtieġx il-prova li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali “xjentement u deliberatament jevadi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli għat-twettiq tat-trasferiment tiegħu, sabiex jipprevjeni jew jimpedixxi t-trasferiment” jew jekk huwiex “suffiċjenti [li], għal perijodu relattivament estiż, huwa ma jirrisjedix fil-post allokat lilu u l-awtoritajiet ma jkunux jafu fejn jinsab u għaldaqstant trasferiment skedat ma jistax jitwettaq” ( 12 ).

51.

Ir-Regolament Dublin III ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħarba” fis-sens tat-tieni sentenza ( 13 ) tal-Artikolu 29(2) ta’ dan l-istess regolament.

52.

Barra minn hekk, anki jekk jinvokaw il-volontà li jaħrab minn xi ħaġa, it-termini “fuite” (fil-verżjoni fil-lingwa Franċiża), “flucht” ( 14 ) (fil-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża), “absconds” (fil-verżjoni fil-lingwa Ingliża”, “fuga” (fil-verżjonijiet fil-lingwa Spanjola, Taljana u Portugiża) użati mit-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ma jagħmlux riferiment għar-rekwiżit ta’ prova tal-intenzjonijiet tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari li jevadi xjentement u deliberatament it-twettiq tat-trasferiment.

53.

Barra minn hekk, il-formulazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III lanqas ma tippermetti li jiġi konkluż li huwa suffiċjenti li l-“ħarba” tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali tiġi pprovata permezz ta’ ċirkustanza oġġettiva waħda jew iktar, b’mod partikolari l-assenza mhux spjegata u estiża tiegħu mill-indirizz abitwali tiegħu.

54.

Fid-dawl ta’ din l-assenza ta’ preċiżjoni fit-test tar-Regolament Dublin III, il-kunċett ta’ “ħarba” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ( 15 ) għandu jiġi interpretat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti ( 16 ).

55.

Barra minn hekk, ladarba l-persuna kkonċernata hija applikant għal protezzjoni internazzjonali, id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali ( 17 ) u d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, jagħmlu parti mill-kuntest rilevanti ( 18 ).

1) Fuq l-għanijiet tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III

56.

Mill-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III jirriżulta b’mod partikolari li dan huwa intiż sabiex jistabbilixxi metodu ċar u li jiffunzjona, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, sabiex jiżgura aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali.

57.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, it-trasferiment tal-persuna kkonċernata għandu jiġi eżegwit malli jkun prattikament possibbli, u f’terminu massimu ta’ sitt xhur. Fil-punt 40 tas-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2009, Petrosian (C‑19/08, EU:C:2009:41), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu ta’ sitt xhur għandu bħala għan, fid-dawl tal-kumplessità prattika u tad-diffikultajiet ta’ organizzazzjoni li huma marbuta mal-implimentazzjoni tat-trasferiment, li jagħti l-possibbiltà liż-żewġ Stati Membri kkonċernati li jikkonsultaw lil xulxin bil-għan li jitwettaq dan it-trasferiment, u b’mod partikolari, li l-Istat Membru rikjedenti jistabbilixxi l-modalitajiet għat-twettiq tat-trasferiment, li għandu jseħħ skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-aħħar Stat ( 19 ).

58.

L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III jippreċiża li, fejn it-trasferiment ma jsirx fit-terminu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tiġi ttrasferita lill-Istat Membru rikjedenti.

59.

Inqis li fid-dawl tal-għan tar-rapidità fl-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, il-possibbiltà li t-terminu ta’ sitt xhur jiġi estiż għal tmintax-il xahar tapplika biss meta jkun hemm provi konvinċenti li l-persuna kkonċernata ħarbet. Fil-fatt, bħal A. Jawo, inqis li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandha natura derogatorja li timplika konsegwenzi importanti għall-persuna kkonċernata u għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli ( 20 ). Għalhekk din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

60.

Madankollu, minkejja n-natura derogatorja tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, obbligu li jiġi pprovat li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali xjentement u deliberatament ikun evada l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huma responsabbli għat-twettiq tat-trasferiment tiegħu, sabiex jipprevjeni jew jimpedixxi t-trasferiment, huwa fil-fehma tiegħi eċċessiv u jirriskja li jiddisturba b’mod kunsiderevoli s-sistema diġà kumplessa u diffiċli tat-trasferimenti, implimentata mir-Regolament Dublin III ( 21 ).

61.

B’konformità mal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, inqis li jekk il-kriterju ta’ “ħarba” ikun jeħtieġ il-prova ta’ intenzjoni suġġettiva partikolari min-naħa tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, “ħafna drabi […] din l-intenzjoni tista’ tiġi stabbilita biss b’diffikultajiet kbar, matul seduti impenjattivi, li t-tul tagħhom jaqbeż sew it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(2)” tar-Regolament Dublin III. Fi kliem ieħor, minflok derogatorja jew ta’ interpretazzjoni stretta, it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III tkun prattikament impossibbli li tiġi implimentata ( 22 ).

2) Fuq il-kuntest: l-effett tad-Direttivi 2013/32 u 2013/33

62.

Fil-fehma tiegħi, il-kwistjoni dwar jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali ħarabx għandha tkun deċiża abbażi ta’ provi konkreti u oġġettivi ta’ din il-“ħarba”, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha kif ukoll il-kuntest tal-każ fil-kawża prinċipali, indipendentement minn kull prova ta’ intenzjonijiet ikunu x’ikunu tal-persuna kkonċernata li ħarbet. Peress li l-proċedura stabbilita mir-Regolament Dublin III ma hijiex ta’ natura kriminali, l-istandard ta’ prova għandu jkun dak applikabbli fil-qasam ċivili (l-ibbilanċjar tal-probabbiltajiet – “on the balance of probabilities”). L-oneru tal-prova huwa neċessarjament fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jallegaw il-ħarba tal-persuna kkonċernata, peress li dawn huma dawk li ser jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III.

63.

Fir-rigward tal-kuntest partikolari inkwistjoni, għalkemm l-applikanti ta’ protezzjoni internazzjonali jistgħu, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2013/33, “jiċċaqilqu b’mod liberu fit-territorju tal-Istat Membru li jilqagħhom jew f’żona assenjata lilhom minn dak l-Istat Membru”, dan id-dritt ma huwiex assolut u jista’ jiġi ssuġġettat għal kundizzjonijiet u obbligi.

64.

Fil-fatt, l-Istati Membri jistgħu, minn naħa, jiddeċiedu “dwar ir-residenza lill-applikant minħabba raġunijiet ta’ interess pubbliku, l-ordni pubblika jew, meta meħtieġ, għall-ipproċessar rapidu u l-monitoraġġ effettiv tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali” ( 23 ), u, min-naħa l-oħra, jipprovdu “l-kondizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza suġġetti għal residenza reali mill-applikanti f’post speċifiku, li għandu jkun determinat [minnhom]” ( 24 ). Barra minn hekk, l-“Istati Membri għandhom jirrikjedu li applikanti jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti bl-indirizz attwali tagħhom u jinnotifikaw kull tibdil fl-indirizz lil tali awtoritajiet mill-aktar fis possibbli” ( 25 ). Fil-fehma tiegħi, dawn il-limitazzjonijiet u l-obbligi huma neċessarji sabiex jiżguraw, b’mod partikolari, li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun jista’ jinstab malajr sabiex jiffiċilita l-eżami tal-applikazzjoni tiegħu kif ukoll, jekk ikun il-każ, it-trasferiment tiegħu lejn Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III.

65.

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 7(2) sa (4) tad-Direttiva 2013/33 ġie traspost mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja permezz tal-Artikoli 56 sa 58 tal-Asylgesetz (il-Liġi dwar id-Dritt għall-Ażil). Hija rrilevat li skont dawn id-dispożizzjonijiet, A. Jawo “ma kellux jitlaq – lanqas temporanjament – mingħajr awtorizzazzjoni amministrattiva mid-distrett li jaqa’ taħt is-servizz għall-barranin tal-belt ta’ Heidelberg, kif madankollu huwa għamel fil-bidu tax-xahar ta’ Ġunju 2015”.

66.

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, bil-miktub u f’lingwa li huma jifhmu jew huma raġonevolment maħsuba li jifhmu, bl-obbligi li huma għandhom josservaw fid-dawl tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza ( 26 ). Għalhekk, jekk dawn ir-regoli ma jiġux osservati, in-nuqqas ta’ osservanza tal-limitazzjonijiet tal-moviment liberu ma jistax jiġi invokat kontra l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

67.

Barra minn hekk, l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi l-possibbiltà li l-Istati Membri jimponu fuq l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali obbligu li “jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti jew jidhru personalment quddiemhom mill-iktar fis possibbli jew fi żmien partikolari” ( 27 ). Inqis li dan l-obbligu jista’ jkun rilevanti f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk l-applikazzjoni għall-ażil ta’ A. Jawo ġiet miċħuda mill-Uffiċċju bħala inammissibbli u ġiet ordnata t-tneħħija tiegħu lejn l-Italja. Fil-fatt, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tagħmel kuntatt ma’ applikant għal protezzjoni internazzjonali sabiex tipproċedi bit-trasferiment tiegħu sabiex l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu tkun eżaminata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin III.

68.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sa fejn applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun ġie informat ( 28 ) bil-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ moviment liberu tiegħu u bl-obbligi tiegħu li jippreżenta ruħu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/33 u l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva 2013/32, il-fatt li huwa ma baqax jirrisjedi, għal perijodu relattivament twil, fl-akkomodazzjoni mogħtija lilu b’tali mod li dawn l-awtoritajiet ma kinux informati dwar fejn jinsab u li konsegwentement trasferiment ippjanat ma ġiex eżegwit, huwa suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex it-terminu ta’ trasferiment jiġi estiż għal tmintax-il xahar skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III.

B. Fuq it-tieni domanda preliminari

69.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru rikjedenti informa lill-Istat Membru responsabbli li l-persuna kkonċernata ħarbet, u fl-istess ħin, indika terminu konkret, li ma jistax jaqbeż it-tmintax-il xahar, li matulu huwa kien ser iwettaq it-trasferiment, huwiex suffiċjenti sabiex jagħti lok għall-estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment, jew jekk it-terminu ta’ sitt xhur jistax jiġi estiż biss bi ftehim komuni bejn l-Istati Membri kkonċernati.

70.

Għandu jiġi nnotat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ma tipprevedi ebda konsultazzjoni bejn l-Istat Membru rikjedenti u l-Istat Membru responsabbli ( 29 ) dwar l-estensjoni tat-terminu li hija tippermetti.

71.

Barra minn hekk, is-setgħa li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet uniformi għall-konsultazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fil-każ ta’ trasferimenti posposti jew imdewmin, kienet iddelegata lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 29(4) tar-Regolament Dublin III. Dawn il-kundizzjonijiet uniformi huma b’mod partikolari stabbiliti mill-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

72.

Fil-fehma tiegħi, minn qari konġunt tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III u tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1560/2003 jirriżulta li meta jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata ħarbet, it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament jista’ ( 30 ) jiġi estiż unilateralment mill-Istat Membru rikjedenti sa massimu ta’ tmintax-il xahar bil-kundizzjoni li huwa jinforma immedjatament lill-Istat Membru l-ieħor bil-posponiment tat-trasferiment billi jikkonforma ruħu mal-modalitajiet previsti fl-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1560/2003, dan għandu jsir qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur stabbilit mill-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III.

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III u l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li l-Istat Membru rikjedenti, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur, jinforma lill-Istat Membru responsabbli li l-persuna kkonċernata ħarbet u, fl-istess ħin, jindika terminu konkret, li ma jistax jaqbeż it-tmintax-il xahar, li qabel l-iskadenza tiegħu huwa ser iwettaq it-trasferiment, huwa suffiċjenti sabiex jagħti lok għall-estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment.

C. Fuq it-tielet domanda preliminari

74.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli huwiex illegali meta l-imsemmi applikant, fil-każ tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru, ikollu riskju serju li jiġi ssuġġettat għal trattament inuman u degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli tiegħu. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk tali kwistjoni taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fit-tielet lok, hija tistaqsi dwar il-kriterji li permezz tagħhom għandhom jiġu evalwati l-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ persuna li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

75.

Ser neżamina suċċessivament it-tieni, l-ewwel u t-tielet partijiet ta’ din id-domanda preliminari.

1.   Osservazzjonijiet preliminari

76.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, għandhom jiġu interpretati u applikati f’osservanza tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. Il-projbizzjoni tal-pieni jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti, prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta, hija, f’dan ir-rigward, ta’ importanza fundamentali, sa fejn għandha natura assoluta peress li hija strettament marbuta mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem previst fl-Artikolu 1 tagħha ( 31 ).

77.

Is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil saret f’kuntest li jippermetti li jiġi preżunt li l-Istati kollha li jipparteċipaw fiha, kemm jekk huma Stati Membri kif ukoll Stati terzi, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet li għandhom il-bażi tagħhom fil-Konvenzjoni ta’ Genéve kif ukoll fil-KEDB, u li l-Istati Membri jistgħu jafdaw lil xulxin f’dan ir-rigward. Minħabba dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-leġiżlatur tal-Unjoni adotta b’mod partikolari r-Regolament Dublin III. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jiġi preżunt li t-trattament irriżervat għall-applikanti għall-ażil f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Genéve kif ukoll tal-KEDB ( 32 ).

78.

Minkejja din il-preżunzjoni ta’ konformità, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li s-sistema Ewropea komuni ta’ ażil tiltaqa’, fil-prattika, ma’ diffikultajiet serji fir-rigward tal-funzjonament fi Stat Membru partikolari, b’tali mod li jkun hemm riskju serju li l-applikanti għall-ażil ikunu ttrattati, fil-każ li jiġu trasferiti lejn dan l-Istat Membru, b’mod li jkun inkompatibbli mad-drittijiet fundamentali tagħhom ( 33 ).

79.

Fil-punt 99 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod ċar li “applikazzjoni tar-Regolament [Dublin III] fuq il-bażi ta’ preżunzjoni inkonfutabbli li d-drittijiet fundamentali tal-persuna li tkun qiegħda titlob ażil ser ikunu rrispettati fl-Istat Membru normalment responsabbli sabiex jipproċessa l-applikazzjoni tagħha hija inkompatibbli mal-obbligu tal-Istati Membri li jinterpretaw u japplikaw ir-Regolament [Dublin III] b’mod konformi mad-drittijiet fundamentali”.

80.

Għalhekk din hija preżunzjoni ta’ konformità konfutabbli.

81.

Fis-sentenza tagħha tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 86 sa 94106), il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li t-trasferiment tal-applikanti għall-ażil, fil-kuntest tas-sistema ta’ Dublin jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikun inkompatibbli mal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta. Hija għalhekk iddeċidiet li applikant għall-ażil ikun f’riskju reali li jkun suġġett għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu, fil-każ ta’ trasferiment lejn Stat Membru li fih ikun hemm lok għal tħassib serju li jeżistu difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti. Konsegwentement, b’konformità mal-projbizzjoni prevista mill-imsemmi artikolu, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li ma jwettqux trasferimenti lejn Stat Membru meta huma ma jkunux jistgħu jinjoraw l-eżistenza, f’dan l-Istat Membru, ta’ tali difetti ( 34 ).

82.

Is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) ingħatat f’sitwazzjoni analoga għal dik prevista mis-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M. S. S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja ( 35 ) u tirrigwarda l-Artikolu 3 tal-KEDB, jiġifieri t-trasferiment mill-awtoritajiet Belġjani ta’ applikant għall-ażil lejn il-Greċja li kien l-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu ( 36 ). Fil-punt 88 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Qorti EDB kienet iddeċidiet, b’mod partikolari, li r-Renju tal-Belġju kien kiser l-Artikolu 3 tal-KEDB, minn naħa, meta espona lir-rikorrent għar-riskji li kienu jirriżultaw min-nuqqasijiet fil-proċedura tal-ażil fil-Greċja, sa fejn l-awtoritajiet Belġjani kienu jafu jew kien imisshom kienu jafu li ma kien hemm ebda garanzija li l-applikazzjoni għal ażil tiġi eżaminata serjament mill-awtoritajiet Griegi u, min-naħa l-oħra, meta espona lir-rikorrent, b’għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni, għal kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u ta’ għajxien li kienu jikkostitwixxu trattamenti degradanti ( 37 ).

83.

Għalkemm il-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) dwar l-eżistenza fl-Istat Membru rikjedenti ta’ difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, kienet ikkodifikata fl-2013 fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet li ma jistax jiġi konkluż li kull ksur tad-dritt fundamentali mill-Istat Membru responsabbli jaffettwa l-obbligi tal-Istati Membri l-oħra li josservaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III ( 38 ). Fil-fatt, ma jkunx kompatibbli mal-għanijiet u mas-sistema tar-Regolament Dublin III jekk l-iċken ksur tar-regoli li jirregolaw is-sistema komuni ta’ ażil ikun biżżejjed sabiex jipprekludi kull trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru li normalment ikun kompetenti ( 39 ).

84.

Fir-rigward tar-riskji assoċjati mat-trasferiment innifsu ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 65 tas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), li dan jista’ jseħħ biss f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali li l-persuna kkonċernata ssofri trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-istat ta’ saħħa partikolarment gravi tal-persuna kkonċernata ( 40 ) li seta’ jwassal sabiex ma tiġix ittrasferita lejn Stat Membru ieħor u dan anki fl-assenza ta’ difetti sistemiċi tal-proċedura ta’ ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikant għall-ażil fl-Istat Membru rikjedenti.

85.

Fil-fatt, fil-punt 91 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet b’mod espliċitu l-argument tal-Kummissjoni li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolamet Dublin III jirriżulta li hija biss l-eżistenza ta’ difetti sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli li tista’ taffettwa l-obbligu ta’ trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli ( 41 ).

86.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat in-natura ġenerali tal-Artikolu 4 tal-Karta, li jipprojbixxi t-trattamenti inumani jew degradanti fil-forom kollha tagħhom u l-fatt li jkun manifestament inkompatibbli man-natura assoluta ta’ din il-projbizzjoni li l-Istati Membri jistgħu ma jqisux riskju reali u kkonfermat ta’ trattamenti inumani jew degradanti li jaffettwaw applikant għall-ażil bil-pretest li dan ma jirriżultax minn difett sistemiku fl-Istat Membru responsabbli ( 42 ).

87.

Il-punt 95 tas-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127), jippreċiża li l-impossibbiltà li jipproċedu bit-trasferiment fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni f’din il-kawża “tosserva għalkollox il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka peress li, mhux talli ma taffettwax l-eżistenza ta’ preżunzjoni ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali f’kull Stat Membru, din tiżgura li s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali maħsuba f’din is-sentenza huma debitament meħuda inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri. Barra minn hekk, jekk Stat Membru kellu jipproċedi għat-trasferiment ta’ applikant għall-ażil f’tali sitwazzjonijiet, it-trattament inuman jew degradanti li jirriżulta minn dan ma jkunx imputabbli, direttament jew indirettament, lill-awtoritajiet tal-Istat Membru responsabbli, iżda unikament lill-ewwel Stat Membru” ( 43 ).

88.

Dan l-approċċ prudenti, li jenfasizza l-protezzjoni tal-prinċipji fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem, jirrifletti wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. Fil-fatt, fil-punt 126 tas-sentenza tal‑4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L-Isvizzera, (CE:ECHR:2014:1104JUD002921712), hija tfakkar li “l-ilment ta’ persuna li t-trasferiment tagħha lejn Stat terz ser jesponiha għal trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 3 tal-[KEDB] għandu bilfors ikun is-suġġett ta’ stħarriġ iddettaljat minn qorti nazzjonali”.

89.

Għall-kuntrarju taċ-ċirkustanzi fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) u tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127) li jirrigwardaw, fl-ewwel każ, id-difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, u fit-tieni każ, it-trasferiment innifsu ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-kawża prinċipali tirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni li tista’ tirriżulta wara l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru responsabbli.

90.

Din iċ-ċirkustanza mingħajr preċedent għadha ma ġietx indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

2.   Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda preliminari ( 44 )

a)   Osservazzjonijiet tal-partijiet

91.

Il-Gvern Taljan għamel osservazzjonijiet fuq it-tielet domanda preliminari biss. Huwa jqis li l-allegati difetti sistemiċi attribwiti lill-Istat Membru responsabbli, bħal dawk esposti mill-qorti tar-rinviju, fir-realtà jirrigwardaw is-sistema ta’ protezzjoni soċjali fis-seħħ f’dan l-Istat u għalhekk ma jikkostitwixxux ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta, iżda jekk ikun il-każ, tal-Artikoli 34 u 35 tal-Karta u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95.

92.

Skont il-Gvern Taljan, il-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq “difett sistemiku” ipotetiku li ma jirriżulta la mill-proċedura ta’ ażil u lanqas mill-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil, iżda minn stadju ulterjuri, jiġifieri dak tar-residenza tal-applikanti għall-ażil li ngħataw protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istat Membru. Ir-riskju allegat jidher għalhekk ipotetiku, peress li s-sitwazzjoni ta’ A. Jawo hija dik ta’ applikant għall-ażil li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiegħu għadha ma hijiex is-suġġett la ta’ eżami u lanqas ta’ deċiżjoni.

93.

Skont il-Gvern Ġermaniż, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, għandhom jiġu interpretati u applikati b’osservanza tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

94.

Fuq din il-bażi, il-Gvern Ġermaniż iqis li għandhom jiġu eżaminati, fid-dawl tad-Direttiva 2011/95, il-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ persuna li ngħatat id-dritt li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali. Huwa jirrileva li għalkemm id-Direttiva 2013/33 timponi standards minimi uniformi għall-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, id-Direttiva 2011/95 kif ukoll il-Konvenzjoni ta’ Genéve jipprovdu t-trattament nazzjonali jew l-ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istati terzi fl-Istat Membru responsabbli. Skont il-Gvern Ġermaniż “[d]in il-partikolarità għandha […] tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ persuni li ngħataw id-dritt li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali meta għandu jiġi evalwat jekk dawn il-kundizzjonijiet tal-ħajja humiex aċċettabbli fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Karta. L-għażla ta’ din it-teknika leġiżlattiva derogatorja ( 45 ) għandha effett ukoll fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni japplikaw [biss] fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, il-miżuri li ma humiex inklużi fid-Direttiva [2011/95] u li fil-kuntest tagħhom l-Istati Membri jaġixxu skont il-kompetenzi tagħhom, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta [u] l-kriterju tad-dritt primarju (f’dan il-każ l-Artikolu 4 tal-Karta) japplika biss sa fejn id-dritt sekondarju tal-Unjoni jimponi rekwiżiti fuq l-Istati Membri”.

95.

Il-Gvern Ġermaniż iżid li l-qorti tar-rinviju bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni billi ssuġġeriet li, waqt l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħajja ta’ persuni li ngħataw id-dritt li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, qorti nazzjonali tista’, minbarra l-osservanza tal-livell bażiku impost mid-dritt tal-Unjoni fid-Direttiva 2011/95, teżamina l-kwistjoni ta’ eventwali ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta. Barra minn hekk, skont il-Gvern Ġermaniż, l-eżami sostantiv tal-applikazzjoni għall-ażil għandu jsir mill-Istat Membru responsabbli u ma narax abbażi ta’ liema bażi fattwali l-Istat Membru li jipproċedi bit-trasferiment jista’ jwettaq dan l-eżami minn qabel sabiex jasal b’ċertezza għar-riżultat dwar jekk huwiex ser jingħata rikonoxximent fl-Istat Membru responsabbli.

96.

Skont il-Gvern Olandiż, l-Istat Membru rikjedenti ma jistax jinżamm responsabbli għal trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta li jista’ jkun applikat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-perijodu ta’ wara l-proċedura ta’ ażil, għaliex ma huwiex it-trasferiment li jesponi direttament lill-applikant għal dan it-trattament. Ir-responsabbiltà tas-sitwazzjoni li fiha l-applikant għal protezzjoni internazzjonali “ser isib ruħu wara l-proċedura ta’ ażil hija esklużivament tal-Istat Membru li r-Regolament Dublin jindika sabiex jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil u sabiex jassumi l-obbligi marbuta magħha”.

97.

Skont il-Gvern tar-Renju Unit, huwa ċar li l-possibbiltà mogħtija lil applikant għall-ażil li jikkontesta deċiżjoni ta’ trasferiment billi jinvoka l-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-Istat Membru responsabbli wara l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali tmur ferm lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ Dublin. L-ewwel nett, it-test tar-Regolament Dublin III ma jikkonfermax din l-interpretazzjoni wiesgħa. It-tieni nett, is-sistema ta’ Dublin hija intiża sabiex tiddetermina l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil u ma tirrigwardax l-eżitu ta’ applikazzjoni għall-ażil jew is-sitwazzjoni tal-applikanti għall-ażil wara li jingħataw protezzjoni internazzjonali f’każ ta’ risposta favorevoli għall-applikazzjoni. It-tielet nett, l-eżitu ta’ applikazzjoni għall-ażil ladarba l-applikant għall-ażil ikun jinsab fl-Istat Membru responsabbli hija inċerta. Ir-raba’ nett, il-Gvern tar-Renju Unit iqis li l-invokazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ħajja wara l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni hija prematura. Huwa jirrileva li jista’ jgħaddi ħafna żmien qabel ma jseħħ it-trasferiment u għalhekk sakemm tiġi eżaminata l-applikazzjoni għall-ażil, u li l-kundizzjonijiet tal-ħajja jistgħu wkoll jinbidlu kunsiderevolment matul dan il-perijodu. Skont il-Gvern tar-Renju Unit, jekk il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali jkun affaċjat minn riskju li jsoffri trattament li jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta wara l-għoti din il-protezzjoni, huwa jkun jista’, bil-kundizzjoni li jkun japplika d-dritt tal-Unjoni, jitlob protezzjoni ġudizzjarja fl-Istat Membru ospitanti.

98.

Il-Gvern Ungeriż iqis li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Dublin III ikopri l-perijodu li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u mill-banda l-oħra ma jinkludix regoli li jirrigwardaw il-perijodu sussegwenti. Skont l-imsemmi gvern, iċ-ċirkustanzi ta’ wara t-trasferiment u l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bl-ebda mod ma jaqgħu taħt iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu eżaminati fil-kuntest tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III. Huwa jirrileva li l-kundizzjonijiet tal-ħajja, wara l-eżami tal-applikazzjoni, ma jistgħux jiġu eżaminati b’mod oġġettiv, għaliex is-sistemi soċjali tal-Istati Membri ma humiex komparabbli u ma teżisti ebda soluzzjoni nazzjonali li n-natura xierqa tagħha ma tistax tiġi kkontestata. Għalhekk, skont dan il-gvern, għandha titqajjem il-kwistjoni fundamentali dwar kif awtorità jew qorti nazzjonali tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha dwar ir-rifjut ta’ trasferiment fil-kuntest tal-proċedura Dublin ladarba hija għandha teżamina minn qabel jekk l-applikant, fl-ewwel lok, huwiex ser jingħata l-istatus ta’ refuġjat fl-Istat Membru responsabbli, u fit-tieni lok jekk fil-każ konkret jeżistix riskju reali li eventwalment il-kundizzjonijiet tal-ħajja ma jkunux issodisfatti.

99.

Il-Kummissjoni tqis li r-Regolament Dublin III, anki jekk jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta, ma jeħtieġx li l-Istati Membri, minn naħa, jiffokaw fuq il-kwistjoni dwar jekk il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhomx riskju reali li, wara l-proċedura ta’ ażil tagħhom, jaqgħu fil-miżerja u għalhekkk isofru trattament li jmur kontra d-dinjità umana fil-kuntest tal-proċeduri ta’ trasferiment skont l-imsemmi regolament, u min-naħa l-oħra, li jissospendu trasferimenti individwali minħabba dawn ir-raġunijiet. Għall-kuntrarju, hija tqis li ladarba l-Istat Membru responsabbli jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni skont il-Konvenzjoni ta’ Genéve u d-Direttiva 2011/95, jiġifieri b’mod partikolari, li effettivament jagħtihom aċċess b’mod ugwali għall-edukazzjoni, għall-impjiegi, għall-assistenza soċjali, għall-akkomodazzjoni u għall-kura medika, l-Istati Membri l-oħra jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li dan l-Istat u s-soċjetà tiegħu kollha jagħmlu sforzi suffiċjenti sabiex anki l-persuni fqar ma jiġux trattati b’mod inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

b)   Analiżi

100.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-eżami mill-Istat Membru rikjedenti, qabel ma jipproċedi bit-trasferiment, tal-eżistenza ta’ riskji reali u kkonfermati ta’ trattamenti inumani jew degradanti għall-persuna kkonċernata fl-Istat Membru mitlub li jistgħu jseħħu wara l-eventwali għoti tal-protezzjoni internazzjonali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jew għall-kuntrarju jistax jitqies li l-imsemmija riskji huma wisq remoti u għalhekk l-eżami u t-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom huma prematuri ( 46 ).

101.

L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-osservanza tal-Artikolu 4 tal-Karta, dwar il-projbizzjoni ta’ pieni u trattamenti inumani jew degradanti, hija imposta fuq l-Istati Membri meta dawn jittrasferixxu applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli b’applikazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III ( 47 ).

102.

Issa, meta Stat Membru jipproċedi bit-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali, huwa jimplimenta l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III u mhux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95. Għalhekk, l-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż li jgħidu li l-Karta ma tapplikax f’dan il-każ peress li d-Direttiva 2011/95 ma timponix rekwiżiti fuq l-Istati Membri, ma humiex rilevanti.

103.

Fir-rigward tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Taljan dwar l-Artikoli 34 u 35 tal-Karta, għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju ma qajmitx kwistjonijiet dwar dawn id-dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, inqis li l-eventwali applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma twassalx sabiex tiskarta r-rilevanza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta.

104.

Barra minn hekk, minbarra n-natura ġenerali u assoluta tal-projbizzjoni kontenuta fl-Artikolu 4 tal-Karta li timmilita favur applikazzjoni estensiva ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-sistema Ewropea komuni ta’ ażil hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka u preżunzjoni ta’ osservanza, mill-Istati Membri l-oħra, tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentli u għalhekk bħala prinċipju tippermetti t-trasferiment tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru kompetenti b’applikazzjoni tas-sistema ta’ Dublin.

105.

F’dan ir-rigward, mill-punti 84 sa 85 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) jirriżulta li fl-analiżi tagħha tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazjoni mhux biss id-Direttiva 2003/9 iżda wkoll id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija ( 48 ), kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat ( 49 ).

106.

Għandu jiġi enfasizzat li bħad-Direttiva 2011/95 li ssostitwietha, id-Direttiva 2004/83 tinkludi regoli dwar it-trattament tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali ( 50 ) u tipprovdi b’mod partikolari standards minimi dwar l-aċċess tal-persuni kkonċernati għall-edukazzjoni, għall-protezzjoni soċjali, għall-kura tas-saħħa u għall-akkomodazzjoni. Issa, huwa ġustament l-aċċess għal dawn id-drittijiet soċjali fl-Italja li huwa inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

107.

Barra minn hekk, l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u l-eventwali għoti ta’ din il-protezzjoni huma b’mod ċar konsekuttivi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin III.

108.

Għalkemm kull stadju huwa kkaratterizzat minn regoli u termini speċifiċi, naħseb li d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u l-eventwali għoti ta’ din il-protezzjoni jifformaw flimkien is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil. Fil-fatt, dawn l-istadji separati kollha huma konsekuttivi u intrinsikament marbuta. Fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huwa allegat riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru responsabbli, ikun artifiċjali li jiġu diviżi l-istadji relattivi għat-trasferiment tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali, għall-akkoljenza tiegħu u għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu mill-istadju relattiv għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali b’mod partikolari fid-dawl tal-prossimità fiż-żmien ta’ dawn l-istadji kollha ( 51 ). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, li tiġi invokata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta wara l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment ma jagħtix lok għal eżami prematur.

109.

Barra minn hekk, peress li l-Istati Membri, qabel ma jipproċedu għat-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, huma obbligati jivverifikaw il-proċedura ta’ ażil u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza fl-Istat Membru responsabbli fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta meta jkun hemm allegazzjoni ta’ eżistenza ta’ difetti sistemiċi f’dan ir-rigward f’dan l-aħħar Stat Membru ( 52 ), l-argument tal-Gvern Ungeriż u dak Ġermaniż li l-Istati Membri ma jistgħux jivverifikaw il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membri oħra, għandu jiġi miċħud. Barra minn hekk, tali rifjut ta’ responsabbiltà bbażat fuq nuqqas ta’ mezzi prattiċi huwa manifestament kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li timponi fuq il-qrati nazzjonali obbligu ta’ “stħarriġ iddettaljat” ( 53 ).

110.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni l-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, huwiex illegali meta l-imsemmi applikant, fil-każ tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat, ikollu fl-imsemmi Stat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli tiegħu, riskju reali u kkonfermat li jsoffri trattament kif previst mill-Artikolu 4 tal-Karta.

3.   Fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari

111.

Fil-fehma tiegħi, mir-risposta tiegħi għat-tieni parti tat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju u b’mod partikolari min-natura ġenerali u assoluta tal-projbizzjoni tat-trattamenti inumani u degradanti previsti fl-Artikolu 4 tal-Karta, jirriżulta li r-risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari għandha tkun li t-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III huwa illegali meta, fil-każ tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat, l-imsemmi applikant ikollu, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli tiegħu, riskju serju ta’ trattament bħal dak previst fl-Artikolu 4 tal-Karta. Konsegwentement, it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tar-Regolament Dubin III jista’ jitwettaq biss f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat li, wara l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, il-persuna kkonċernata ssofri trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

4.   It-tielet parti tat-tielet domanda preliminari

112.

Permezz tat-tielet parti tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji tad-dritt tal-Unjoni li permezz tagħhom għandhom jiġu evalwati l-kundizzjonijiet tal-ħajja fi Stat Membru ta’ persuna li ngħatat id-dritt li tibbenefika minn protezzjoni internazzjonali.

113.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Direttiva 2011/95 “għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni, twiegħed biss bħala regola ġenerali t-trattament nazzjonali [bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/95 dwar l-aċċess għall-akkomodazzjoni, li ma jeħtieġx ugwaljanza fit-trattament meta mqabbla maċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi oħra] u li fid-dritt tal-Unjoni, ebda standard (minimu) partikolari ma huwa indikat fil-kuntest tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil. Madankollu, it-trattament nazzjonali jista’ jirriżulta insuffiċjenti, anki meta l-minimu jkun, għaċ-ċittadini, konformi mad-dinjità umana. Fil-fatt l-Unjoni għandha dejjem ikollha spirtu li l-persuni kkonċernati jkunu ġeneralment persuni vulnerabbli u deprivati, u fi kwalunkwe każ persuni li għandhom diversi żvantaġġi u li, abbandunati waħedhom, ikunu diffiċilment f’pożizzjoni, jew f’ebda pożizzjoni, li jużaw b’mod effettiv id-drittijiet mogħtija lilhom fit-teorija. Għalhekk qabelxejn dawn għandhom jitpoġġew, materjalment, fuq livell identiku jew komparabbli ma’ dak li tinsab fih il-popolazzjoni lokali jekk dawn iridu jitolbu l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom. Din il-kwistjoni tal-pjan soċjali hija neċessarja minn qabel sabiex il-prinċipju ta’ trattament nazzjonali jkun iġġustifikat u realistiku. Huwa għalhekk li l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 ġustament jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-aċċess effettiv għall-programmi ta’ integrazzjoni li għandhom funzjoni kumpensatorja speċifika, u dan mingħajr ebda kundizzjoni jew riżerva” ( 54 ).

114.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija għandha, fost oħrajn, rapport ta’ tfittxija ddettaljat tal-Organizzazzjoni Svizzera tal-Għajnuna għar-Refuġjati intitolat “Kundizzjonijiet ta’ akkoljenza fl-Italja”, tax-xahar ta’ Awwissu 2016 (ara p. 32 et seq.) ( 55 ) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tal-Organizzazzjoni Svizzera tal-Għajnuna għar-Refuġjati”), “li jinkludi elementi konkreti li jippermettu tħassib li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom riskju li jgħixu fil-marġni tas-soċjetà u mingħajr domiċilju stabbilit, u li jispiċċaw fil-miżerja” f’dak l-Istat Membru. “L-Organizzazzjoni Svizzera tal-Għajnuna għar-Refuġjati tenfasizza diversi drabi li l-iżvilupp totalment insuffiċjenti tas-sistema soċjali hija dovuta fil-parti l-kbira għall-użu tas-solidarjetà familjari, jew fi kliem ieħor, huwa biss grazzi għal din is-solidarjetà familjari fi ħdan il-popolazzjoni Taljana li l-miżerja ma hijiex fenomenu ġġeneralizzat. Madankollu, din is-solidarjetà hija totalment nieqsa għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali”.

a)   Osservazzjonijiet tal-partijiet

115.

A. Jawo jqis li ma hemm “ebda sens, għall-persuna kkonċernata, li titneħħa lejn pajjiż li fih ċertament il-kundizzjonijiet għall-applikanti għall-ażil huma korretti, iżda fejn il-kundizzjonijiet għall-persuni li għandhom dritt jibbenefikaw minn protezzjoni jkunu mill-banda l-oħra kontestabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, riżultat favorevoli tal-proċedura għall-ażil ikollu għalhekk bħala konsegwenza deterjorament tas-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata. Dan huwa assurd. [D]an juri wkoll li d-dikjarazzjoni li l-applikanti għall-ażil fl-Italja ma għandhom ebda riskju li jsoffru trattament ipprojbit mill-Artikolu 4 tal-Karta ma hijiex eżatta”.

116.

Il-Gvern Taljan iqis li l-qorti tar-rinviju tqiegħed inkwistjoni n-natura adegwata tas-sistema statali ta’ integrazzjoni soċjali, li l-lakuni ipotetiċi tagħha fihom innifishom ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Huwa jqis li ma hijiex kwistjoni ta’ trattament inuman jew degradanti, meta teżisti sistema ta’ protezzjoni soċjali li abbażi tagħha Stat jiżgura lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali l-istess drittijiet u garanziji bħal dawk offruti liċ-ċittadini tiegħu stess, minħabba l-fatt biss li l-miżuri kumpensatorji ta’ integrazzjoni implimentati minħabba l-pożizzjoni dgħajfa u vulnerabbli partikolari tal-imsemmija benefiċjarji ma humiex l-istess bħal dawk adottati f’pajjiż ieħor jew jippreżentaw ċerti lukani. Skont il-Gvern Taljan, id-difetti għandhom ikollhom natura li tipprekludi (jew tirriskja li tipprekludi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti), b’mod konkret, lill-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali milli jeżerċita, permezz tal-benefiċċji soċjali essenzjali, id-drittijiet mogħtija lilu. Huwa jqis li sabiex ikun hemm riskju serju ta’ trattament inuman, id-difetti għandhom joħolqu ostakolu konkret għall-implimentazzjoni tal-imsemmija benefiċċji soċjali minimi u essenzjali b’tali mod li jeżisti grad ta’ probabbiltà għoli li l-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jaqa’ fi stat ta’ marġinazzjoni u faqar.

117.

Il-Gvern Taljan jirrileva li r-rapport ta’ organizzazzjoni mhux governattiva (waħdu) meħud inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju ( 56 ) huwa kontradett minn rapport ieħor indipendenti ( 57 ) u barra minn hekk ma jidhirx li jinkludi elementi suffiċjentement preċiżi u xierqa sabiex jipprova difetti sistemiċi li jistgħu jagħtu lok għal deroga mir-regoli tar-Regolament Dubin III ( 58 ).

118.

Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li d-Direttiva 2011/95 kienet ifformalata b’tali mod li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ma jkunux ittrattati aħjar miċ-ċittadini tal-Istati Membru li tahom din il-protezzjoni.

119.

Il-Gvern Ungeriż iqis li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jaġixxu b’osservanza tal-fiduċja reċiproka li jagħtu l-Istati Membri.

120.

Il-Gvern Olandiż jiddubita li l-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-Italja, deskritti mill-qorti tar-rinviju, jistgħu jikklassifikaw bħala trattament li jmur kontra l-Artikolu 4 tal-Karta. Skont dan l-istess gvern, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex komparabbli għas-sitwazzjoni li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) u s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011 M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609).

121.

Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 huwa fformulat b’diversi riżervi. Skont il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw biss l-aċċess għall-programmi ta’ integrazzjoni “li huma jikkunsidraw adegwati b’mod li jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja” jew joħolqu l-kundizzjonijiet preliminari li jiżguraw lill-benefiċjarji protezzjoni tal-aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni mhux statali. Hija tqis li nuqqasijiet fil-preparazzjoni ta’ programmi ta’ integrazzjoni ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex tiġi żviluppata l-ipoteżi invokata fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni li għadhom ma integrawx fis-soċjetà għax pereżempju ma jafux il-lingwa, jistgħu jitqiesu abbandunati, min-naħa tas-soċjetà u ta’ Stat billi jibqgħu indifferenti għal tali miżerja li twassal għal ksur tad-dinjità umana tagħhom.

122.

Il-Konfederazzjoni Svizzera ma għamlitx osservazzjonijiet dwar it-tielet domanda preliminari.

b)   Analiżi

123.

B’konformità mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka għandu jiġi preżunt li t-trattament irriżervat għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Genéve kif ukoll tal-KEDB ( 59 ). Din il-preżunzjoni ta’ konformità tiġi msaħħa jekk l-Istat Membru jittrasponi de jure ( 60 ) iżda wkoll de facto d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 (“Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”) li jipprovdi livell ta’ protezzjoni soċjali lill-benefiċjarju inkwistjoni li huwa ekwivalenti, jew anki superjuri, għal dak previst mill-Konvenzjoni ta’ Genéve.

124.

Madankollu, kif diġà indikajt fil-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-preżunzjoni ta’ konformità (b’mod partikolari l-Artikolu 4 tal-Karta) ma hijiex inkonfutabbli.

125.

Inqis li mill-punti 253 u 254 tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011 M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609), li r-rilevanza tagħhom f’kuntest analogu għal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet kkonfermata mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 88), jirriżulta b’analoġija li Stat Membru jikser l-Artikolu 4 tal-Karta jekk benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, totalment dipendenti fuq l-għajnuna pubblika, ikunu affaċċjati bl-indifferenza tal-awtoritajiet b’tali mod li jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni jew nuqqas sa punt gravi li tkun inkompatibbli mad-dinjità umana.

126.

Fi kliem ieħor, sabiex jitqies li jeżistu motivi serji u kkonfermati ta’ tħassib li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom riskju reali li jkunu suġġetti għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom fl-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin III, dawn għandhom ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ gravità partikolari ( 61 ) li tirriżulta minn difetti sistemiċi fil-konfront tagħhom f’dak l-Istat Membru.

127.

Il-verifika tal-eżistenza jew le ta’ tali sitwazzjoni fl-Istat Membru responsabbli hija bbażata biss fuq evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi. Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-provi pprovduti mill-persuna kkonċernata fuq il-fatti kollha rilevanti dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru responsabbli, inkluż il-liġijiet u r-regoli u l-mod kif din il-leġiżlazzjoni hija implimentata effettivament.

128.

Barra minn hekk, ir-rapporti u d-dokumenti maħruġa mill-istituzzjonijiet u mill-aġenziji Ewropej, mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa (iktar ’il quddiem il-“Kummissarju”) u mill-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR) kif ukoll ir-rapporti u d-dokumenti maħruġa mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi ( 62 ), jippermettu wkoll lill-qorti tar-rinviju tevalwa l-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċijarji ta’ protezzjoni internazzjonali, u għalhekk li tevalwa r-riskji reali li l-persuni kkonċernati jkollhom fil-każ ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli ( 63 ).

129.

Jekk fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, id-dokumenti maħruġa mill-Kummissjoni, mill-HCR u mill-Kummissarju jkunu ta’ rilevanza partikolari ( 64 ), il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa r-rilevanza u l-piż li għandhom jingħataw lill-informazzjoni u l-evalwazzjonijiet kontenuti f’rapporti u dokumenti maħruġa minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, b’mod partikolari fir-rigward tal-metodoloġija użata fil-preparazzjoni tagħhom kif ukoll tal-imparzjalità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet.

130.

Il-fatt li Stat Membru ma josservax l-obbligi previsti mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 jikkostitwixxi fatt rilevanti. Madankollu, għandu jitfakkar li peress li ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta marbut mal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fl-Istat Membru responsabbli, jeħtieġ li dawn għandhom ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ gravità partikolari ( 65 ), il-ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 ma huwiex neċessarjament prova suffiċjenti.

131.

Waqt is-seduta, diversi gvernijiet (f’dan il-każ dak Ġermaniż, Belġjan u Olandiż) insistew dwar dan il-kunċett ta’ sitwazzjoni ta’ gravità partikolari sabiex jevitaw li jinkoraġġixxu “immigrazzjoni sekondarja” u li joħolqu “piż unilaterali” fuq l-Istati li jagħtu l-aħjar benefiċċji, billi rrilevaw li d-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali ma jmorrux kontra d-dritt tal-Unjoni.

132.

Il-Gvern Olandiż enfasizza li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka ma jistax jiġi skartat ħlief għal raġunijiet serji ħafna, u ksur minuri tad-Direttiva 2011/95 jista’ jiġi ssanzjonat biss permezz ta’ rikors quddiem il-qrati nazzjonali jew rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi ppreżentat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

c)   Applikazzjoni għal dan il-każ

133.

Nirrileva li l-qorti tar-rinviju ssemmi biss difetti sistemiċi u mhux każijiet iżolati.

134.

Barra minn hekk, ma hemm ebda indizju fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li A. Jawo jinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà partikolari li tindividwalizzah jew tiddistingwih mill-benefiċjarji l-oħra ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Italja ( 66 ) u li tpoġġih mal-persuni vulnerabbli fis-sens tal-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2011/95.

135.

Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari A. Jawo huwa maġġorenni, mhux miżżewweġ u f’saħħtu.

136.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari donnu jirriżulta li, de jure, jiġifieri fuq il-livell formali, il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-Italja għandhom b’mod partikolari aċċess għall-impjiegi, għall-edukazzjoni, għall-protezzjoni soċjali u għall-kura tas-saħħa taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Taljani ( 67 ). Għal dak li jirrigwarda l-aċċess għall-akkomodazzjoni, issir distinzjoni bejn iċ-ċittadini nazzjonali u l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali.

137.

Minkejja li nqis li din id-distinzjoni hija ta’ dispjaċir fuq pjan uman, għandu jiġi enfasizzat li bħala prinċipju, din hija konformi mad-dritt tal-Unjoni u mad-dritt internazzjonali pubbliku. Fil-fatt, għall-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet dwar l-impjiegi ( 68 ), l-edukazzjoni ( 69 ), il-protezzjoni soċjali ( 70 ), u l-kura tas-saħħa ( 71 ) li jimponu trattament identiku għal dak mogħti liċ-ċittadini tal-Istat Membru ( 72 ), din id-distinzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ Stat Membru u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fl-aċċess għall-akkomodazzjoni hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2011/95 u fl-Artikolu 21 tal-Konvenzjoni ta’ Genéve.

138.

Barra minn hekk, f’dan ir-rigward nirrileva li fil-punt 249 tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609), din iddeċidiet li “l-Artikolu 3 [tal-KEDB] ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga lill-Pajjiżi Kontraenti Għolja jiżguraw dritt għall-akkomodazzjoni lil kull persuna li taqa’ fil-ġurisdizzjoni tagħhom […]. Mill-Artikolu 3 [tal-KEDB] lanqas jista’ jiġi dedott dmir ġenerali li jipprovdu assistenza finanzjarja lir-refuġjati sabiex dawn ikunu jistgħu jżommu ċertu livell ta’ għajxien” ( 73 ).

139.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li għalkemm l-Istati Membri ma humiex obbligati, bħala prinċipju, jagħtu trattament nazzjonali lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għall-akkomodazzjoni, dawn għandhom jiżguraw li dawn il-benefiċjarji jkollhom b’mod partikolari aċċess għall-impjiegi, għall-edukazzjoni, għall-protezzjoni soċjali u għall-kura tas-saħħa taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali, u b’hekk jiżguraw li r-riżultati previsti mid-Direttiva 2011/95 jiġu effettivament milħuqa. Huwa possibbli li fl-Istat Membru responsabbli, l-uniku mezz sabiex jintlaħqu dawn ir-riżultati jkun permezz tal-għoti ta’ trattament nazzjonali ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali. Din il-konklużjoni tista’ tirriżulta biss minn analiżi ddettaljata u motivata. F’dan ir-rigward, irrid insemmi li waqt is-seduta komuni tat‑8 ta’ Mejju 2018, il-Gvern Taljan ddikjara li fl-Italja l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom dritt għal trattament nazzjonali.

140.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-qorti tar-rinviju, abbażi tar-Rapport tal-Organizzazzjoni Svizzera tal-Għajnuna għar-Refuġjati, esprimiet dubji dwar l-osservanza mir-Repubblika Taljana tal-obbligi imposti fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 dwar l-aċċess għall-faċilitajiet ta’ integrazzjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal diffikultajiet lingwistiċi li jiltaqgħu magħhom il-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jirrendu diffiċli l-aċċess effettiv għall-protezzjoni soċjali b’mod ugwali maċ-ċittadini nazzjonali.

141.

Huwa minnu li jekk tiġi stabbilita mill-qorti tar-rinviju l-assenza ta’ programmi ta’ integrazzjoni intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet partikolari tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali ( 74 ) u tad-diffikultajiet tagħhom, b’mod partikolari lingwistiċi, dan ikun jikkostitwixxi fatt rilevanti.

142.

Fil-fatt, mill-punt 261 tas-sentenza tal-Qorti EDB tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609), jirriżulta b’mod ċar li l-fatt li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom diffikultajiet minħabba li ma jkunux jafu l-lingwa u l-assenza ta’ kwalunkwe netwerk ta’ sostenn huma fatti rilevanti waqt evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ trattament li jmur kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB (u konsegwentement tal-Artikolu 4 tal-Karta).

143.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li minħabba l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, għandu jiġi preżunt li t-trattament mogħti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, tal-Konvenzjoni ta’ Genéve kif ukoll tal-KEDB. Din il-preżunzjoni ta’ konformità hija msaħħa meta Stat Membru jittrasponi de jure u de facto d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95 intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, li jipprovdi livell ta’ protezzjoni soċjali tal-benefiċjarji inkwistjoni li huwa ekwivalenti jew superjuri għal dak previst mill-Konvenzjoni ta’ Genéve. Madankollu, din il-preżunzjoni ta’ konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 4 tal-Karta, ma hijiex inkonfutabbli. Sabiex jitqies li jeżistu motivi serji u kkonfermati ta’ tħassib li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom riskju reali li jkunu suġġetti għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom fl-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Dublin III, l-imsemmija benefiċjarji għandhom ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ gravità partikolari li tirriżulta minn difetti sistemiċi fir-rigward tagħhom f’dak l-Istat Membru.

144.

Il-verifika tal-eżistenza jew le ta’ tali sitwazzjoni fl-Istat Membru responsabbli tista’ tkun ibbażata biss fuq evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi. Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti mill-persuna kkonċernata dwar il-fatti kollha rilevanti li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru responsabbli, inklużi l-liġijiet u r-regoli u l-mod kif dawn jiġu effettivament implimentati. Inqis li l-eżistenza ta’ rapport wieħed ta’ organizzazzjoni mhux governattiva dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-Istat Membru responsabbli jista’ ma jkollux saħħa probatorja suffiċjenti. F’dak il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq provi oħra, u jekk ikun il-każ, taħtar espert.

145.

Ċertament, hija biss l-adozzjoni ta’ politika effettiva dwar il-protezzjoni internazzjonali fi ħdan l-Unjoni, bil-baġit speċifiku tagħha, li tiżgura kundizzjonijiet ta’ ħajja minimi u uniformi lill-benefiċjarji ta’ din il-protezzjoni, u tippermetti li tnaqqas, jew telimina, l-okkorrenza ta’ kawżi bħall-kawża prinċipali, billi tiżgura li l-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ qsim xieraq tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri stabbilit mill-Artikolu 80 TFUE jkunu realtà għall-benefiċċju mhux biss tal-Istati Membri, iżda fuq kollox tal-persuni inkwistjoni. Madankollu, fil-frattemp (probabbilment twil!) huma l-Istati Membri, inklużi l-qrati nazzjonali, li għandhom jiżguraw l-effettività sħiħa tal-istandards attwalment fis-seħħ kif spjegat iktar ’il fuq.

VI. Konklużjonijiet

146.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgerichtshof Baden-Württemberg (il-Qorti Amministrattiva Superjuri ta’ Bade-Würtemberg, il-Ġermanja):

1)

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida kif ukoll l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur, kif stabbilit fl-Artikolu 29(1) u (2) tal-imsemmi regolament, li tkun seħħet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment billi jinvoka, jekk ikun il-każ, il-fatt li huwa ma ħarabx u li konsegwentement dan it-terminu ma jistax jiġi estiż.

2)

L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn applikant għal protezzjoni internazzjonali jkun ġie informat bil-limitazzjonijiet tad-dritt ta’ moviment liberu tiegħu jew bl-obbligi tiegħu li jippreżenta ruħu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, il-fatt li huwa ma baqax jirrisjedi, għal perijodu relattivament twil, fl-akkomodazzjoni mogħtija lilu b’tali mod li dawn l-awtoritajiet ma kinux informati dwar fejn jinsab u li, konsegwentement, trasferiment ippjanat ma setax jiġi eżegwit, huwa suffiċjenti, fil-fehma tiegħi, sabiex it-terminu ta’ trasferiment jiġi estiż għal tmintax-il xahar.

3)

L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013 u l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat‑30 ta’ Jannar 2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata ħarbet, it-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013 jista’ jiġi estiż unilateralment mill-Istat Membru rikjedenti sa massimu ta’ tmintax-il xahar bil-kundizzjoni li huwa jinforma immedjatament lill-Istat Membru l-ieħor bil-posponiment tat-trasferiment billi jikkonforma ruħu mal-modalitajiet previsti fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1560/2003. Skont l-Artikolu 9(2) tal-imsemmi regolament, l-Istat Membru rikjedenti għandu jagħmel dan qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur stabbilit mill-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Nru 604/2013. Il-persuna kkonċernata għandha tkun maħruba fid-data tat-tentattiv tat-trasferiment kif ukoll fid-data li fiha l-Istat Membru rikjedenti jinforma lill-Istat Membru responsabbli.

4)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 604/2013 u l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li l-Istat Membru rikjedenti, qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur, jinforma lill-Istat Membru responsabbli li l-persuna kkonċernata ħarbet u, fl-istess ħin, jindika terminu konkret, li ma jistax jaqbeż it-tmintax-il xahar, li qabel l-iskadenza tiegħu huwa ser iwettaq it-trasferiment, huwa suffiċjenti sabiex jagħti lok għall-estensjoni tat-terminu ta’ trasferiment.

5)

Il-kwistjoni dwar jekk it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru responsabbli, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013, huwiex illegali meta l-imsemmi applikant, fil-każ tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat, ikollu fl-imsemmi Stat, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli tiegħu, riskju reali u kkonfermat li jsoffri trattament, kif previst mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

6)

Trasferiment ta’ applikant għall-ażil lejn l-Istat Membru responsabbli skont l-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 604/2013 huwa illegali meta, fil-każ tal-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat, l-imsemmi applikant ikollu, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-ħajja prevedibbli tiegħu, riskju serju ta’ trattament bħal dak previst fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Konsegwentement, it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali fil-kuntest tar-Regolament Nru 604/2013 jista’ jitwettaq biss f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat li, wara l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, il-persuna kkonċernata ssofri trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

7)

Minħabba l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, għandu jiġi preżunt li t-trattament mogħti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, li daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 kif ikkompletata mill-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967, kif ukoll tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Din il-preżunzjoni ta’ konformità hija msaħħa meta Stat Membru jittrasponi de jure u de facto d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, intitolat “Kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”, li jipprovdi livell ta’ protezzjoni soċjali tal-benefiċjarji inkwistjoni li huwa ekwivalenti jew superjuri għal dak previst mill-Konvenzjoni ta’ Genéve. Madankollu, din il-preżunzjoni ta’ konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma hijiex inkonfutabbli. Sabiex jitqies li jeżistu motivi serji u kkonfermati ta’ tħassib li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom riskju reali li jkunu suġġetti għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minħabba l-kundizzjonijiet tal-ħajja tagħhom fl-Istat Membru responsabbli skont ir-Regolament Nru 604/2013, huma għandhom ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ gravità partikolari li tirriżulta minn difetti sistemiċi fir-rigward tagħhom f’dak l-Istat Membru.

8)

Il-verifika tal-eżistenza jew le ta’ tali sitwazzjoni fl-Istat Membru responsabbli tista’ tkun ibbażata biss fuq evalwazzjoni konkreta tal-fatti u taċ-ċirkustanzi. Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti mill-persuna kkonċernata dwar il-fatti kollha rilevanti li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru responsabbli, inklużi l-liġijiet u r-regoli u l-mod kif dawn jiġu effettivament implimentati. L-eżistenza ta’ rapport wieħed ta’ organizzazzjoni mhux governattiva dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja fl-Istat Membru responsabbli jista’ ma jkollux saħħa probatorja suffiċjenti. F’dak il-każ, il-qorti tar-rinviju għandha tibbaża ruħha fuq provi oħra, u jekk ikun il-każ, taħtar espert.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.

( 3 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954).

( 4 ) Ir-Regolament Dublin III ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-iStat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200.

( 6 ) ĠU 2014, L 39, p. 1.

( 7 ) ĠU 2011, L 337, p. 9.

( 8 ) Ara r-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”).

( 9 ) Ara l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III.

( 10 ) Ara l-punt 9 tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 11 ) Il-portata tar-rimedju li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu hija ppreċiżata fil-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, li tindika li sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, ir-rimedju effettiv stabbilit mill-imsemmi regolament kontra deċiżjonijiet ta’ trasferiment għandu jkopri, minn naħa, l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u min-naħa l-oħra, l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li lejh jiġi ttrasferit l-applikant.

( 12 ) Il-qorti tar-rinviju “ma tara xejn li jindika li d-dispożizzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament [Dublin III] hija intiża sabiex tissanzjona aġir oġġezzjonabbli taċ-ċittadin barrani. Fil-fehma [tagħha], l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiżgura l-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ Dublin. Dan il-funzjonament jista’ jkun iddisturbat b’mod kunsiderevoli jekk it-trasferimenti ma jistgħux iseħħu f’termini qosra għaliex ikunu preklużi, minħabba raġunijiet esterni għall-isfera ta’ responsabbiltà tal-Istat Membru li jipproċedi bit-trasferiment. Barra minn hekk, mill-perspettiva prattika, ħafna drabi jkun hemm diffikultajiet kunsiderevoli fil-qasam tat-tfittxija tal-fatti u tal-provi sabiex jiġi stabbilit li l-persuni kkonċernati ħarbu mill-akkomodazzjoni tagħhom jew staħbew preċiżament bl-iskop li jipprevjenu jew jimpedixxu t-trasferiment tagħhom”.

( 13 ) Għall-kuntrarju, l-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III jitkellem dwar “riskju ta’ ħarba” li jfisser “l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali, li huma bbażati fuq kriterji objettivi ddefiniti mil-liġi, biex wieħed jaħseb li applikant jew ċittadin ta’ pajjiż terż jew ta’ persuna mingħajr Stat li huwa soġġett għal proċedura ta’ trasferiment jista’ jaħrab”. Dan il-kunċett donnu jipprevedi ċ-ċirkustanzi li fihom applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jitqiegħed f’detenzjoni għall-finijiet ta’ trasferiment (Artikolu 28 tal-imsemmi regolament). Konsegwentement, l-Artikolu 2(n) tar-Regolament Dublin III ma jipprevedix iċ-ċirkustanzi li fihom applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jitqies li ħarab fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III.

( 14 ) “wenn die betreffende Person flüchtig ist”.

( 15 ) F’dan ir-rigward nirrileva li l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 1560/2003 lanqas ma jinkludu preċiżjonijiet.

( 16 ) Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2006, Lidl Italia (C‑315/05, EU:C:2006:736, punt 42). Għandu jiġi enfasizzat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III ma tagħmel ebda riferiment għad-dritt nazzjonali. Ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Kásler u Káslerné Rábai (C‑26/13, EU:C:2014:282, punt 37): “Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni.”

( 17 ) ĠU 2013, L 180, p. 60.

( 18 ) ĠU 2013, L 180, p. 96.

( 19 ) Dwar il-modalitajiet ta’ trasferiment, ara l-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

( 20 ) Fil-fatt, jekk it-terminu ta’ sitt xhur jiskadi, bħala prinċipju huwa l-Istat Membru rikjedenti li huwa responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

( 21 ) Barra minn hekk, ladarba l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkun aċċessibbli u informat bl-iżvolġiment tal-proċedura, l-assenza tiegħu mir-residenza abitwali tiegħu tista’ tkun faċilment innotata, iktar u iktar jekk tkun fit-tul.

( 22 ) Skont il-Gvern Ġermaniż, “ħafna drabi ser niltaqgħu ma diffikultajiet kbar fil-qasam tat-tfittxija tal-fatti u tal-provi jekk ikollu jiġi pprovat li l-persuni kkonċernati telqu mill-akkomodazzjoni tagħhom jew inħbew preċiżament bil-għan li jipprevjenu jew jimpedixxu t-trasferiment tagħhom. Tali interpretazzjoni tista’ tinkoraġġixxi lill-applikanti għall-ażil joħolqu stejjer bil-għan li jipproteġu lilhom infushom. L-applikanti għall-ażil “jaħarbu” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III meta, għal raġunijiet imputabbli lilhom, huma ma jinstabux mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jipproċedu bit-trasferiment tagħhom. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta l-applikanti għall-ażil ma jibqgħux jirrisjedu, għal perijodu relattivament twil, fl-akkomodazzjoni li ngħatat lilhom u meta l-awtoritajiet ma jkollhomx informazzjoni dwar fejn jinsabu u konsegwentement it-trasferiment ippjanat ma jkunx jista’ jseħħ” (punti 67 u 68 tal-osservazzjonijiet tiegħu). Il-Gvern Ungeriż iqis li “[b]arra l-fatt li l-intenzjonijiet tal-applikant jikkostitwixxu element suġġettiv nieqes minn kull rilevanza fid-dawl tal-għan tar-Regolament [Dublin III], il-fatt li t-trasferiment ikun jiddependi fuq din iċ-ċirkustanza jikkomprometti l-funzjonament effettiv tar-Regolament” (punt 10 tal-osservazzjonijiet tiegħu). Il-Gvern Olandiż jargumenta li “interpretazzjoni adegwata tal-kunċett ta’ “ħarba” fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 29(2) tar-Regolament [Dublin III], hija dik li tirrigwarda essenzjalment in-nuqqas ta’ […] disponibbiltà. Din l-interpretazzjoni ma timplikax li sabiex jiġi kkonstatat li l-applikant għall-ażil “ħarab”, in-nuqqas ta’ disponibbiltà tiegħu hija ta’ natura intenzjonali. Ir-raġuni preċiża jew il-motiv preċiż tan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-applikant għall-ażil ma huwiex ta’ interess fid-dawl tas-sistema u tal-għan li tiżgura li t-trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli jkun jista’ jseħħ malajr kemm jista’ jkun” (punti 15 u 16 tal-osservazzjonijiet tiegħu). Skont il-Konfederazzjoni Svizzera, “l-applikant għall-ażil għandu l-obbligu li jibqa’ għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet u li jinformahom b’eventwali assenzi. Dan għandu jkun il-każ a fortiori meta t-trasferiment lejn l-Istat [Membru] responsabbli huwa imminenti u l-persuna kkonċernata tkun taf. Għalhekk ħarba għandha tfisser sitwazzjonijiet li jirrendu t-trasferiment impossibbli minħabba l-assenza tal-persuna kkonċernata u li huma imputabbli lilha” (punt 11 tal-osservazzjonijiet tagħha). Enfasi miżjuda minni.

( 23 ) Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2013/33. Enfasi miżjuda minni.

( 24 ) Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2013/33. L-Artikolu 7(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-possibbiltà li jagħtu lill-applikanti permess temporanju li jħallu l-post ta’ residenza msemmi fil-paragrafi 2 u 3 u/jew iż-żona assenjata msemmija fil-paragrafu 1. Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fuq livell individwali, oġġettivament u imparzjalment u jingħataw raġunijiet jekk dawn ikunu negattivi”.

( 25 ) Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2013/33.

( 26 ) Jekk ikun il-każ, din l-informazzjoni tista’ tingħata wkoll bil-fomm. F’dan ir-rigward, il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza jinkludu d-dritt ta’ moviment liberu.

( 27 ) Il-Gvern tar-Renju Unit osserva li fir-“Renju Unit, l-applikanti għall-ażil li ma jkunux f’detenzjoni huma suġġetti għal numru ta’ obbligi, fosthom dak li jippreżentaw ruħhom regolarment fil-Ministeru tal-Intern. Il-parti l-kbira tal-applikanti għall-ażil huma marbuta jippreżentaw ruħhom darba fil-ġimgħa. Dawk li huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III għandhom jippreżentaw ruħhom kull ġimgħatejn, sakemm il-persuna kkonċernata ma tkunx involuta f’kawża dwar il-kontestazzjoni tat-tneħħija tagħha, f’liema każ hija għandha tippreżenta ruħha darba f’xahar. Din il-proċedura għandha l-għan li tiżgura li l-applikant għall-ażil jibqa’ f’kuntatt mal-awtoritajiet kompetenti u li dawn ikunu informati bil-preżenza tiegħu u fejn jinsab. Finalment, hija tiżgura l-applikazzjoni tajba tar-Regolament peress li tippermetti li t-trasferimenti jseħħu. Barra minn hekk, ir-Renju Unit japplika politika li l-applikant għall-ażil li għal tliet darbiet jonqos milli jippreżenta ruħu lill-awtoritajiet huwa meqjus li ħarab. Ir-Renju Unit iqis li tali approċċ joffri l-grad ta’ ċertezza neċessarju lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lill-applikant għall-ażil u ċerta flessibbiltà fil-każ fejn l-applikant għall-ażil jonqos milli jippreżenta ruħu għal raġunijiet tajba (pereżempju minħabba mard)” (punti 51 u 52 ta’ dawn l-osservazzjonijiet).

( 28 ) Waqt is-seduta, l-Uffiċċju wieġeb għall-mistoqsija dwar jekk din l-informazzjoni ngħatatx. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan il-punt.

( 29 ) Ara, għall-kuntrarju, l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III li jipprovdi espressament konsultazzjoni bejn l-Istati Membri inkwistjoni.

( 30 ) L-estensjoni tat-terminu ta’ sitt xhur ma hijiex awtomatika.

( 31 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, id-drittijiet mogħtija lill-applikanti għall-ażil kienu msaħħa permezz tar-Regolament Dublin III. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 34). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-projbizzjoni ta’ trattamenti inumani jew degradanti prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta tikkorrispondi ma’ dik stabbilita fl-Artikolu 3 tal-KEDB u li, f’dan is-sens, is-sinjifikat u l-portata tagħha huma, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, l-istess bħal dawk li tagħtiha din il-konvenzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 67). Barra minn hekk, mill-Artikolu 15(2) tal-KEDB jirriżulta li ebda deroga mill-Artikolu 3 tal-KEDB ma hija possibbli u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 68).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80).

( 33 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 81).

( 34 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) CE:ECHR:2011:0121JUD003069609.

( 36 ) Għandu jiġi nnotat li waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali fil-Greċja, il-Qorti EDB ħadet inkunsiderazzjoni l-obbligi li kellhom l-awtoritajiet Griegi skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 16, Vol. 9, p. 101). (Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il-Belġju u Il-Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 263).

( 37 ) Fis-sentenza tagħha, il-Qorti EDB iddeċidiet li sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema tista’ tqajjem problema fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB. Għalhekk hija kkonstatat li s-sitwazzjoni li fiha kien jinsab ir-rikorrent inkwistjoni kienet ta’ gravità partikolari. Il-Qorti EDB irrilevat li “[ir-rikorrent kien spjega] li kien għix għal xhur f’deprivazzjoni l-iktar totali u li ma setax jipprovdi għall-iktar bżonnijiet bażiċi tiegħu: l-ikel, il-ħasil u l-akkomodazzjoni. Ma’ dan huwa żied l-ansjetà permanenti li jiġi attakkat jew misruq kif ukoll l-assenza totali ta’ perspettiva li s-sitwazzjoni titjieb” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 252 sa 254). Fil-punt 263 ta’ din is-sentenza, il-Qorti EDB iddeċidiet li l-awtoritajiet Griegi “ma ħadux debitament inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà tar-rikorrent bħala applikant għall-ażil u għandhom jinżammu responsabbli, minħabba l-passività tagħhom, għall-kundizzjonijiet li fihom sab ruħu għal xhur sħaħ, jgħix fit-triq, mingħajr riżorsi, mingħajr aċċess għas-servizzi sanitarji, u mingħajr ebda mezz li jipprovdi għall-bżonnijiet essenzjali tiegħu. Il-Qorti tqis li r-rikorrent kien vittma ta’ trattament umiljanti li juri nuqqas ta’ rispett tad-dinjità tiegħu u din is-sitwazzjoni ċertament nislet fih sentimenti ta’ biża’, ta’ ansjetà jew ta’ inferjorità li jwasslu għad-disperazzjoni. Hija tqis li dawn il-kundizzjonijiet ta’ eżistenza, flimkien mal-inċertezza estiża li fiha huwa baqa’ u l-assenza totali ta’ perspettiva ta’ titjib tas-sitwazzjoni, laħqu l-livell ta’ gravità meħtieġ mill-Artikolu 3 tal-[KEDB]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 38 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 82).

( 39 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 84).

( 40 ) Sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punti 717396). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma jistax jiġi eskluż li t-trasferiment innifsu ta’ applikant għall-ażil li l-istat ta’ saħħa tiegħu huwa partikolarment gravi jista’, waħdu, iwassal, għall-persuna kkonċernata, għal riskju reali ta’ trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, u dan indipendentement mill-kwalità tal-akkoljenza u tal-kura disponibbli fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’ċirkustanzi fejn it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, dan it-trasferiment jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens tal-imsemmi artikolu. Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li għandhom jipproċedu bit-trasferiment u, jekk ikun il-każ, il-qrati tiegħu, li għandhom jeliminaw kwalunkwe dubju serju dwar l-impatt tat-trasferiment fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex it-trasferiment tagħha jseħħ f’kundizzjonijiet li jippermettu li jitħares b’mod xieraq u suffiċjenti l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna. Fl-ipoteżi fejn, fid-dawl tal-gravità partikolari tal-kundizzjoni tal-applikant għall-ażil ikkonċernat, it-teħid ta’ dawn il-prekawzjonijiet ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment tiegħu ma jwassalx għal riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata, u dan għal tant żmien li l-istat tagħha ma jkunx jippermetti tali trasferiment.

( 41 ) Nirrileva li fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD002921712), il-Qorti EDB iddeċidiet li sabiex jiġi vverifikat jekk it-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali b’applikazzjoni tas-sistema ta’ Dublin jikkostitwixxix trattament inuman jew degradanti, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġenerali tal-arranġamenti ta’ akkoljenza tal-applikanti għall-ażil fl-Istat Membru responsabbli u tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti, kinux jeżistu raġunijiet serji sabiex jitwemmen li fil-każ ta’ rinvju lejn l-Italja r-rikorrenti jirriskjaw li jsoffru trattamenti li jmorru kontra l-Artikolu 3 tal-KEDB. Il-Qorti EDB iddeċidiet li fiż-żmien rilevanti, is-sitwazzjoni fl-Italja bl-ebda mod ma setgħet tiġi pparagunata ma’ dik fil-Greċja fiż-żmien tas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609), u li l-approċċ f’din il-kawża ma jistax ikun l-istess bħal dak li ta lok għall-imsemmija sentenza. Mandakollu, il-Qorti EDB iddeċidiet li jekk ir-rikorrenti (koppja b’sitt itfal minuri li dawn tal-aħħar kienu jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali fid-dawl tal-bżonnijiet partikolari tagħhom u l-vulnerabbiltà estrema tagħhom), kellhom jintbagħtu lura lejn l-Italja mingħajr ma l-awtoritajiet Svizzeri jiksbu minn qabel mingħand l-awtoritajiet Taljani garanzija individwali fir-rigward, minn naħa, ta’ teħid inkarigu addattat għall-età tat-tfal u, min-naħa l-oħra, għaż-żamma tal-unità tal-familja, kien ikun hemm ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB.

( 42 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 93).

( 43 ) Enfasi miżjuda minni.

( 44 ) Kif iddikjarajt fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel ser neżamina t-tieni parti tat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

( 45 ) Jiġifieri, it-trattament nazzjonali skont standards minimi uniformi.

( 46 ) Il-qorti tar-rinviju tqis li s-sistema Ewropea komuni ta’ ażil ma tirregolax biss il-fażi ta’ akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u l-proċedura tal-għoti ta’ din il-protezzjoni. Din is-sistema għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-persuni li ngħataw protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru responsabbli fi tmiem il-proċedura. Din il-qorti tqis li l-eżami tal-punt dwar jekk jeżistux fi Stat Membru difetti sistemiċi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III ma jistax jirrispondi biss għall-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, matul il-proċedura nnifisha, humiex eżenti minn dawn id-difetti, iżda għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni sussegwenti. “[…], il-konsegwenza neċessarja ta’ dan hija li l-preżenza, anki jekk fi stadju wieħed, ta’ difetti sistemiċi, mhux konformi mad-dinjità umana, timplika li huwa globalment impossibbli li l-persuni kkonċernati jintbagħtu lejn l-proċedura fl-Istat Membru li bħala prinċipju huwa responsabbli peress li dawn għandhom riskju reali li jsoffru trattament ħażin fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta]”.

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 64 sa 69).

( 48 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 7, p. 96. Id-Direttiva 2004/83 ġiet imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2011/95.

( 49 ) ĠU 2005, L 326, p. 13. Id-Direttiva 2005/85 ġiet imħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2013/32.

( 50 ) Jew tal-protezzjoni sussidjarja.

( 51 ) Fil-fatt, skont l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni”. Skont din l-istess dispożizzjoni, it-terminu ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità mar-Regolament Dublin III u meta l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet inkarigu tal-applikant.

( 52 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III.

( 53 ) Ara l-punt 126 tas-sentenza tal-4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD002921712).

( 54 ) Il-qorti tar-rinviju żżid li “[b’]mod konkret, dan ifissser ukoll li din is-sistema Ewropea komuni ta’ ażil għandha tiżgura għall-inqas programm ta’ integrazzjoni xieraq li jieħu inkunsiderazzjoni l-iżvantaġġi tal-grupp ta’ popolazzjoni kkunsidrat, sa fejn huwa neċessarju sabiex fi kwalunkwe każ jiġi ggarantit u żgurat t-trattament nazzjonali fil-prattika u mhux biss fuq pjan teoretiku, li jista’ jinkludi rekwiżiti differenti minn Stat Membru għal ieħor. Fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, din ir-regola tirrappreżenta rekwiżit minimu skont id-dritt għall-ażil u d-drittijiet tal-bniedem” (punt 25 tal-osservazzjonijiet tagħha).

( 55 ) Disponibbli fuq l-internet fl-indirizz segwenti: http://www.asylumineurope.org/sites/default/files/resources/160908-sfh-bericht-italien-f.pdf.

( 56 ) Jiġifieri, ir-Rapport tal-Organizzazzjoni Svizzera tal-Għajnuna għar-Refuġjati.

( 57 ) Jiġiefieri, ir-rapport ta’ organizzazzjoni oħra mhux governattiva, l-AIDA [Asylum Information Database, Country report: Italy (Frar 2017)] (iktar ’il quddiem ir- “Rapport tal-AIDA”). Disponibbli fuq l-internet fl-indirizz segwenti: http://www.asylumineurope.org/reports/country/italy.

( 58 ) Skont il-Gvern Taljan “[e]bda sitwazzjoni kritika ta’ natura li twassal għal trattament inuman u degradanti ma tqajmet fir-rigward tas-sistema ta’ integrazzjoni jew assistenza wara l-għoti tal-protezzjoni internazzjonali fl-imsemmi Rapport tal-AIDA” (punt 88 tal-osservazzjonijiet tiegħu).

( 59 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 78 sa 80).

( 60 ) Fil-fatt, skont l-Artikolu 288 TFUE, l-Istat Membru huwa marbut bir-riżultat li jrid jilħaq.

( 61 ) Ara l-Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 254.

( 62 ) Bħar-Rapport tal-Organizzazzjoni Svizzera tal-Għajnuna għar-Refuġjati u r-Rapport tal-AIDA ċċitati mill-qorti tar-rinviju.

( 63 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 44) u l-Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 255.

( 64 ) F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment speċifiku għar-rwol mogħti lil HCR mill-Konvenzjoni ta’ Genève li fid-dawl tiegħu għandhom jiġu interpretati r-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-ażil (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 44).

( 65 ) Ara l-Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja, CE:ECHR:2011:0121JUD0003069609, punt 254.

( 66 ) Fir-rigward tal-protezzjoni mogħtija lil persuni vulnerabbli, ara l-Artikolu 20(3) tad-Direttiva 2011/95 li jipprovdi li “[f]l-implimentazzjoni [tal-Kapitolu VIII dwar il-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali], l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħal ma huma minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b’diżabilità, persuni anzjani, nisa tqal, ġenituri li jrabbu waħedhom bi tfal minuri, vittimi ta’ traffikar tal-bniedem, persuni b’mard mentali u persuni li jkunu ġew suġġetti għal tortura, stupru, jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali”. Nirrileva li fil-punt 94 tas-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD002921712), il-Qorti EDB iddeċidiet li “sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 3 [tal-KEDB], it-trattament għandu jippreżenta gravità minima. L-evalwazzjoni ta’ dan il-minimu huwa relattiv: jiddependi fuq l-informazzjoni kollha tal-kawża, b’mod partikolari t-tul tat-trattament u tal-effetti fiżiċi u mentali tiegħu, kif ukoll, kultant, mis-sess, l-età u l-istat ta’ saħħa tal-vittma” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 67 ) Skont il-Kummissjoni, “[h]uwa importanti li jiġi nnotat li d-digriet tar-rinviju ma jsemmi ebda element li jindika li fl-Italja, ir-refuġjati jew il-benefiċjarji minn protezzjoni sussidjarja huma mċaħħda, b’mod diskriminatorju, mill-benefiċċji soċjali ġeneralment applikabbli” (punt 43 tal-osservazzjonijiet tagħha).

( 68 ) Ara l-Artikolu 26 tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll, l-Artikoli 17 sa 19 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

( 69 ) Ara l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2011/95 u l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

( 70 ) Ara l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95. Skont l-Artikolu 29(2) tad-Direttiva 2011/95 “[b]’deroga mir-regola ġenerali stipulata fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali”. Ara wkoll l-Artikoli 23 u 24 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

( 71 ) Ara l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2011/95. Ara wkoll, l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

( 72 ) Il-premessa 41 tad-Diretttiva 2011/95 tipprovdi li “[s]abiex jiġi mtejjeb l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti f’din id-Direttiva mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, hu neċċessarju li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u l-isfidi partikolari tal-integrazzjoni li magħhom jħabbtu wiċċhom. Tali kunsiderazzjoni normalment ma għandhiex tirriżulta fi trattament aktar favorevoli milli dak pprovdut lil ċittadini nazzjonali tagħhom stess mingħajr preġudizzju għall-possibilità għall-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu standards aktar favorevoli”. Enfasi miżjuda minni.

( 73 ) Madankollu, għandu jitfakkar li, skont din l-istess sentenza, sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema tista’ toħloq problema fir-rigward tal-Artikolu 3 tal-KEDB, u konsegwentement tal-Artikolu 4 tal-Karta.

( 74 ) Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-veraċità ta’ din l-allegazzjoni.