SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
28 ta’ Frar 2018 ( *1 )
“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 15(1) – Artikolu 57(2) u (3) – Artikolu 64 – Artikolu 76(2) – Regolament (KE) Nru 2868/95 – Regola 22(2) – Regola 40(6) – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq trade mark nazzjonali preċedenti – Użu ġenwin tat-trade mark preċedenti – Prova – Ċaħda tat-talbiet – Teħid inkunsiderazzjoni mill-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) ta’ provi ġodda – Annullament tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO – Każ mibgħut lura – Konsegwenzi”
Fil-Kawża C‑418/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2016,
mobile.de GmbH, li kienet mobile.international GmbH, stabbilita fi Kleinmachnow (il-Ġermanja), irrappreżentata minn T. Lührig, Rechtsanwalt,
appellanti,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn M. Fischer, bħala aġent,
konvenut fl-ewwel istanza,
Rezon OOD, stabbilita f’Sofija (il-Bulgarija), irrappreżentata minn P. Kanchev, advokat,
intervenjenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Arabadjiev, S. Rodin u E. Regan (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-23 ta’ Novembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tal-appell tagħha, mobile.de GmbH, li kienet mobile.international GmbH, qiegħda titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-12 ta’ Mejju 2016, mobile.international vs EUIPO – Rezon (mobile.de) (T‑322/14 u T‑325/14, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:297), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ rikorsi tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tad-9 ta’ Jannar (Każ R 922/2013-1) u tat-13 ta’ Frar 2014 (Każ R 951/2013-1) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), dwar żewġ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn mobile.international u Rezon OOD. |
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament (KE) Nru 207/2009
2 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”), jipprovdi: “1. Jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa […]
2. Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, ‘Trade marks preċedenti’ tfisser:
[…]” |
3 |
L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi: “1. Jekk, fi żmien ħames snin wara r-reġistrazzjoni, il-proprjetarju ma jkunx għamel użu ġenwin mit-trademark tal-UE fl-Unjoni f’konnessjoni mal-prodotti jew mas-servizzi li għalihom tkun reġistrata, jew jekk dan l-użu jkun ġie sospiż għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin, it- trademark tal-UE għandha tkun soġġetta għas-sanzjonijiet li jipprovdi dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet xierqa għal dan in-nuqqas ta’ użu. Dan li ġej għandu wkoll jikkostitwixxi użu fit-tifsira tal-ewwel subparagrafu:
[…]” |
4 |
L-Artikolu 53(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi dan li ġej: “Trademark tal-UE għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-[EUIPO] […]:
[…]” |
5 |
L-Artikolu 54 tal-imsemmi regolament jikkonċerna d-dekadenza bħala konsegwenza ta’ kunsens. |
6 |
Skont l-Artikolu 57 ta’ dan l-istess regolament: “1. Fl-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, l-[EUIPO] għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien li għandu jiġi iffissat mill-Uffiċċju, dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġa minnu stess. 2. Jekk issir talba mill-proprjetarju ta’ trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ trademark tal-UE preċedenti, li jkun parti għall-proċedimenti ta’ invalidità, għandu jġib provi li, matul il-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, it-trademark tal-UE preċedenti intużat b’mod ġenwin fl-Unjoni f’konnessjoni mal-oġġetti jew servizzi li għalihom hija rreġistrata u li l-proprjetarju ta’ dik it-trademark preċedenti jsemmi bħala ġustifikazzjoni għall-applikazzjoni tiegħu, jew li hemm raġunijiet validi għalfejn m’għandhiex tintuża [ma ntużatx], sakemm sa dik id-data t-trademark tal-UE preċedenti tkun ilha rreġistrata għal mhux inqas minn ħames snin. […] F’nuqqas ta’ provi f’dan ir-rigward l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi rrifjutata. Jekk it-trademark tal-UE preċedenti tkun intużat biss fir-rigward ta’ parti mill-oġġetti jew servizzi li għalihom hija rreġistrata, din għandha titqies, għall-finijiet tal-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, bħala rreġistrata biss fir-rigward ta’ dik il-parti tal-oġġetti jew servizzi. 3. Il-paragrafu 2 għandu japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), billi jiġi sostitwit l-użu fi Stat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta b’użu fl-Unjoni. […] 5. Jekk l-eżaminazzjoni tal-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità turi li t-trade mark ma kellhiex tiġi reġistrata fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom hija reġistrata jew xi wħud minnhom, id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trademark tal-UE għandhom jiġu revokati jew inkella għandha tiġi iddikjarata bħala invalida fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi. F’kull każ ieħor, l-applikazzjoni għal revoka ta’ drittijiet jew għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda. […]” |
7 |
L-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprovdi: “Waqt l-eżaminazzjoni tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.” |
8 |
L-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “1. Wara li ssir l-eżaminazzjoni tal-permissibilità [tal-mertu] tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi l-appell. Il-Bord tal-Appell jista’ jew jeżerċita kull poter fil-kompetenza tad-dipartiment li kien responsabbli għad-deċiżjoni appellata jew jirrinvija l-każ lill-dak id-dipartiment għal prosekuzzjoni ulterjuri. 2. Jekk il-Bord tal-Appell jirrinvija l-każ għal prosekuzzjoni ulterjuri lid-dipartiment li d-deċiżjoni tiegħu ġiet appellata, dak id-dipartiment huwa marbut bir-ratio decidendi tal-Bord tal-Appell, sa fejn il-fatti jkunu l-istess. […]” |
9 |
L-Artikolu 76(2) tal-imsemmi regolament jipprovdi dan li ġej: “L-[EUIPO] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.” |
Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni
10 |
Ir-Regola 22(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005 tad-29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU 2006, L 287M, p. 12) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ implimentazzjoni”), tipprevedi: “Fejn il-parti li qed topponi trid tipprovdi l-prova ta’ l-użu jew turi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu, l-[EUIPO] għandu jistiednu biex jipprovdi l-provi meħtieġa fi żmien perjodu speċifikat minnu. Jekk il-parti li qed topponi ma tipprovdix tali provi qabel jiskadi l-limitu ta’ żmien, l-[EUIPO] għandu jirrifjuta l-oppożizzjoni.” |
11 |
Ir-Regola 22(3) u (4) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tikkonċerna l-indikazzjonijiet u l-provi li għandhom jiġu prodotti sabiex jiġi pprovat l-użu tat-trade mark. |
12 |
Ir-Regola 40(6) ta’ dan ir-regolament tipprovdi: “Jekk l-applikant ikollu jġib provi ta’ l-użu jew provi li hemm raġunijiet tajba għal non-użu skond l-Artikolu [57](2) jew (3) tar-Regolament [Nru 207/2009], l-[EUIPO] għandu jitlob lill-applikant iġib provi ta’ l-użu ġenwin tal-marka, fi żmien perjodu speċifikat. Jekk il-prova ma tinġiebx fi żmien il-perjodu stipulat, l-applikazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ invalidit tiġi rrevokata. Regola 22(2) […] għandha tapplika mutatis mutandis.” |
13 |
Ir-Regola 50(1) tal-imsemmi regolament tipprovdi: “Sakemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandu japplika għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis. […] Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord [tal-Appell] għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament [Nru 207/2009] u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu[76](2) tar-Regolament [Nru 207/2009].” |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
14 |
Fis-17 ta’ Novembru 2008, l-appellanti ppreżentat żewġ applikazzjonijiet għal trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO li kienu jikkonċernaw, rispettivament, is-sinjal verbali “mobile.de” (iktar ’il quddiem it-“trade mark verbali”) u s-sinjal figurattiv (iktar ’il quddiem it-“trade mark figurattiva”) riprodott hawnhekk: |
15 |
Il-prodotti u s-servizzi li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għar- reġistrazzjoni ta’ dawn it-trade marks jaqgħu fil-klassijiet 9, 16, 35, 38 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade Marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrevedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”). |
16 |
It-trade mark figurattiva u t-trade mark verbali ġew irreġistrati, rispettivament, fis-26 ta’ Jannar u fid-29 ta’ Settembru 2010. |
17 |
Fit-18 ta’ Jannar 2011, Rezon ippreżentat quddiem l-EUIPO żewġ talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, rispettivament, tat-trade mark verbali u tat-trade mark figurattiva, skont l-Artikolu 53(1) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tal-istess regolament. Insostenn ta’ dawn it-talbiet, Rezon invokat it-trade mark Bulgara figurattiva rreġistrata fl-20 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem it-“trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni”) u riprodotta hawnhekk: |
18 |
It-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni kienet ġiet irreġistrata għal servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35, 39 u 42 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:
|
19 |
Madankollu, it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu bbażati biss fuq is-servizzi li jaqgħu fil-klassijiet 35 u 42 tal-Ftehim ta’ Nice. |
20 |
Quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO (iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni”), l-appellanti talbet li Rezon tressaq prova tal-użu tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni, konformement mal-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt dawn iż-żewġ klassijiet. |
21 |
Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet mogħtija fit-28 ta’ Marzu 2013, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ċaħdet it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għar-raġuni li Rezon ma kinitx ressqet tali prova. |
22 |
Il-Bord tal-Appell, li quddiemu Rezon ippreżentat appelli minn dawn id-deċiżjonijiet, wara li ħa inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, sensiela ta’ provi addizzjonali prodotti għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ dawn l-appelli, qies, fil-punt 61 ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li Rezon kienet stabbilixxiet l-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ reklamar ta’ vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-klassi 35 tal-Ftehim ta’ Nice. Għaldaqstant, fil-punt 62 ta’ dawn id-deċiżjonijiet, huwa annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Peress li l-partijiet ma kienu ppreżentaw ebda argument dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u peress li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma kinitx eżaminat il-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Bord tal-Appell, fl-istess punt 62 tal-imsemmija deċiżjonijiet, bagħat il-każijiet lura quddiem din id-diviżjoni sabiex teżamina t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fuq il-mertu tagħhom, konformement mal-Artikolu 64 ta’ dan ir-regolament. |
Ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
23 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fil-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Mejju (Kawża T‑325/14) u fis-7 ta’ Mejju 2014 (Kawża T‑322/14), l-appellanti ppreżentat żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi. |
24 |
Wara li, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2016, għaqqdet il-Kawżi T‑322/14 u T‑325/14 għall-finijiet tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, permezz tas-sentenza appellata, dawn ir-rikorsi fl-intier tagħhom. |
It-talbiet tal-partijiet
25 |
Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
26 |
L-EUIPU u Rezon jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż. |
Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
27 |
Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, l-appellanti, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2018, talbet li tinfetaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, l-appellanti sostniet li mill-Artikolu 10(7) u mill-Artikolu 19(2) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430 tat-18 ta’ Mejju 2017 li jissupplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trademark [tal-Unjoni] u li jirrevoka r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1), applikabbli, ħlief għal numru ta’ eċċezzjonijiet, mill-1 ta’ Ottubru 2017, jirriżulta li huma biss “raġunijiet validi” li jistgħu jiġġustifikaw li l-EUIPO jieħu inkunsiderazzjoni, taħt l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, provi addizzjonali tal-użu ta’ trade mark preċedenti ppreżentati mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità wara t-termini mogħtija. Skont l-appellanti, minn dan jirriżulta li t-tieni aggravju huwa fondat. Barra minn hekk, meta espremiet, fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fehma li s-sitt aggravju ma huwiex fondat, minħabba s-setgħa diskrezzjonali li għandu l-EUIPO sabiex jieħu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali, l-Avukat Ġenerali ma indirizzatx il-kwistjoni ta’ jekk din is-setgħa diskrezzjonali kinitx ġiet eżerċitata mingħajr żball ta’ liġi. |
28 |
Għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet ikkonċernati, li jippreżentaw osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, ir-rwol tal-Avukat Ġenerali huwa li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalita u b’indipendenza sħiha, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mir-raġunament li permezz tiegħu jkun wasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentneza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 25). |
30 |
Għaldaqstant, il-fatt li parti ma taqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, irrispettivament mill-kwistjonijiet li dan jeżamina fil-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C-33/14 P, EU:C:2015:609, punt 26). |
31 |
B’dan premess, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx ġie diskuss bejn il-partijiet jew il-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nordzucker, C-148/14, EU:C:2015:287, punt 24). |
32 |
Dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, bħalma għamlu l-EUIPO u Rezon, l-appellanti setgħet tesponi, matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura, l-argumenti ta’ fatt u ta’ liġi tagħha kollha insostenn tat-talbiet tagħha, inklużi dawk li jikkonċernaw il-possibbiltà li jiġu ppreżentati, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, provi addizzjonali tal-użu ta’ trade mark preċedenti, taħt l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li għandha l-elementi meħtieġa kollha sabiex tiddeċiedi u li dawn l-elementi kienu ġew diskussi quddiemha. |
33 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. |
Fuq l-appell
Fuq l-ammissibbiltà tal-appell
34 |
Rezon issostni li l-appell ma fihx indikazzjoni ċara fir-rigward tar-raġunijiet li jeħtieġu eżami mill-ġdid tas-sentenza appellata. Barra minn hekk, hija ssostni li l-appellanti la turi li għandha interess legali li tippreżenta dan l-appell u lanqas li għandha interess ġuridiku. Fil-fatt, il-mandat ad litem mehmuż mal-imsemmi appell ma jinkludi l-ebda espressjoni ta’ rieda fir-rigward ta’ eventwali setgħa ta’ rappreżentanza quddiem il-qorti tal-Unjoni. Dan il-mandat jikkonċerna proċeduri preċedenti u t-termini tiegħu ma humiex preċiżi biżżejjed sabiex iservu ta’ bażi għal tali setgħa. |
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li l-annullament tagħha jkun qiegħed jintalab kif ukoll l-argumenti ta’ liġi li jissostanzjaw b’mod speċifiku din it-talba. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 169(2) ta’ dawn ir-Regoli jeħtieġ li l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2016, Mallis et vs Il-Kummissjoni u BĊE, C‑105/15 P sa C‑109/15 P, EU:C:2016:702, punti 33 u 34). |
36 |
F’dan il-każ, dawn ir-rekwiżiti huma manifestament issodisfatti. Fil-fatt, l-appell ineżami jindika biċ-ċarezza meħtieġa kollha l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata kif ukoll l-aggravji u l-argumenti mressqa sabiex jinkiseb l-annullament ta’ dik is-sentenza. |
37 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell jista’ jiġi ppreżentat minn kull parti li tkun tilfet parzjalment jew totalment fit-talbiet tagħha, filwaqt li l-partijiet intervenjenti li ma jkunux l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux madankollu jippreżentaw tali appell ħlief meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tkun taffettwahom direttament. |
38 |
F’dan il-każ, mobile.de kellha, fl-ewwel istanza, il-kwalità ta’ rikorrenti, u mhux dik ta’ intervenjenti, u tilfet totalment fit-talbiet tagħha, b’tali mod li fuq il-bażi ta’ dan il-fatt biss hija għandha locus standi u interess ġuridiku fil-kuntest ta’ dan l-appell, mingħajr ma hija meħtieġa turi li s-sentenza appellata taffettwaha direttament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, EUIPO vs Szajner, C‑598/14 P, EU:C:2017:265, punt 24). |
39 |
Fl-aħħar nett, l-avukat li qiegħed jirrappreżenta lill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell iġġustifika, konformement mal-Artikolu 44(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwalità tiegħu permezz ta’ mandat mogħti minn din il-kumpannija sabiex jirrappreżentaha fil-kuntest ta’ kull tilwima fil-qasam tad-dritt tat-trade marks. |
40 |
Minn dan isegwi li l-appell in eżami ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli fl-intier tiegħu. |
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel u t-tieni aggravji
– L-argumenti tal-partijiet
41 |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll ir-Regola 22(2) u r-Regola 40(6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, meta ddeċidiet li l-Bord tal-Appell seta’ jieħu inkunsiderazzjoni, b’mod validu, il-provi tal-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni prodotti għall-ewwel darba quddiemu. F’dan ir-rigward, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat, fil-punti 27 u 28 tas-sentenza appellata, li, meta ċerti elementi maħsuba sabiex jintwera dan l-użu jkunu ġew prodotti fit-terminu mogħti mill-EUIPO, il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom, bħala prinċipju, ikomplu bl-iżvolġiment tagħhom. |
42 |
Skont l-appellanti, dan ir-raġunament imur kontra kemm il-formulazzjoni u kemm is-sistema ġenerali ta’ dawn id-diversi dispożizzjonijiet. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “prova”, fis-sens tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, jeżiġi li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jipprova effettivament l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kkonċernata. Fl-assenza ta’ tali prova, it-talba għandha tiġi miċħuda. Bl-istess mod, ir-Regola 22(2) u r-Regola 40(6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jispeċifikaw li l-oppożizzjoni u t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandhom jiġu miċħuda meta l-“prova tal-użu” ma tkunx ġiet prodotta fit-terminu mogħti. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 207/2009, bħala dispożizzjoni proċedurali ġenerali, huwa ssostitwit bid-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi previsti fl-Artikolu 57(2) ta’ dan ir-regolament kif ukoll bl-imsemmija regoli. |
43 |
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, applikat din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tapplika biss “bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja”. Issa, ir-Regola 22(2) u r-Regola 40(6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jikkostitwixxu preċiżament tali “dispożizzjonijiet kuntrarji”. Barra minn hekk, filwaqt li t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi regola speċjali li tagħti lill-Bord tal-Appell il-possibbiltà jieħu inkunsiderazzjoni fatti ġodda fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, tali regola speċjali ma teżistix għall-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn hekk, huwa konformi mal-għan ta’ dawn ir-regoli li l-Bordijiet tal-Appell ma jkollhomx tali setgħa ħlief fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni għaliex, b’differenza mill-parti li tressaq l-oppożizzjoni, li hija meħtieġa tosserva terminu qasir ħafna, il-proprjetarju ta’ dritt preċedenti jista’ jiddetermina huwa stess il-mument li fih jiftaħ il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, fl-assenza ta’ oppożizzjoni, il-proprjetarju ta’ trade mark jista’ leġittimament ikollu fiduċja fl-eżistenza ta’ din it-trade mark. |
44 |
Fit-tieni lok, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 40 sa 44 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha esklużivament fuq il-fatt li l-provi prodotti tard kienu verament rilevanti, mingħajr ma eżaminat l-istadju tal-proċedimenti li fih ġew prodotti u lanqas il-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċirkustanzi tal-produzzjoni tagħhom kinux jipprekludu dan it-teħid inkunsiderazzjoni. Issa, f’dan il-każ, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kellu l-provi inkwistjoni sa mill-istadju tal-ftuħ tal-proċedimenti u kellu diversi opportunitajiet sabiex jieħu pożizzjoni dwar il-kritiki tal-appellanti fir-rigward tal-valur probatorju ta’ dawn il-provi. |
45 |
Fit-tielet lok, l-appellanti ssostni li, għall-kuntrarju ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza appellata, il-fatturi prodotti quddiem il-Bord tal-Appell ma jikkostitwixxux konferma jew kjarifika tal-listi ta’ fatturi prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. F’dan ir-rigward, fil-punt 43 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-provi. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq argumenti kontradittorji meta kkunsidrat kemm, minn naħa, li dawn il-listi kellhom diġà valur probatorju kunsiderevoli quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u, min-naħa l-oħra, li kienu biss dawn il-fatturi li kienu jippermettu li jinftiehem li l-imsemmija listi kienu listi ta’ fatturi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti meta sostniet li l-appellanti kienet irrikonoxxiet li kienet f’pożizzjoni li tifhem ir-riferiment “reklamar fuq mobile.bg” bil-lingwa Bulgara, sa fejn hija ma kinitx f’pożizzjoni li tidentifika, fuq il-bażi tal-listi, xi riferiment kwalunkwe għall-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar. |
46 |
L-EUIPO, sostnut minn Rezon, iqis li dawn iż-żewġ aggravji ma humiex fondati. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
47 |
Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-EUIPO jista’ ma jieħux inkunsiderazzjoni fatti li ma jkunux ġew invokati mill-partijiet jew provi li ma jkunux ipproduċew fit-termini mogħtija. |
48 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra mill-Qorti Ġenerali fil-punt 25 tas-sentenza appellata, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, bħala regola ġenerali u bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja, il-preżentazzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali preżentazzjoni b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 207/2009 u li l-EUIPO bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti u provi invokati jew prodotti wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 42, u tal-4 ta’ Mejju 2017, Comercializadora Eloro vs EUIPO, C‑71/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:345, punt 55). |
49 |
Meta tispeċifika li l-EUIPO “jista’”, f’tali każ, jiddeċiedi li ma jieħux inkunsiderazzjoni tali provi, l-imsemmija dispożizzjoni fil-fatt tagħti lil dan tal-aħħar marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jiddeċiedi, filwaqt li jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu dwar dan il-punt, jekk hemmx lok jew le li jeħodhom inkunsiderazzjoni (sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punti 43, 63 u 68, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2017, Comercializadora Eloro vs EUIPO, C‑71/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:345, punt 56). |
50 |
Sa fejn l-ewwel u t-tieni aggravji mqajma mill-appellanti jikkonċernaw is-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx “dispożizzjoni kuntrarja” għall-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 li tista’ ċċaħħad lill-EUIPO minn tali setgħa diskrezzjonali, għandu jsir riferiment għar-regoli li jirregolaw il-proċedimenti ta’ appell. |
51 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi li, bla ħsara għal dispożizzjoni kuntrarja, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem l-istanza li tkun tat id-deċiżjoni appellata għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċedimenti tal-appell. |
52 |
Issa, fir-rigward tal-produzzjoni tal-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti taħt l-Artikolu 57(2) jew (3) tar-Regolament Nru 207/2009, fil-kuntest, bħal f’dan il-każ, ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa fuq il-bażi tal-Artikolu 53(1)(a) ta’ dan ir-regolament, ir-Regola 40(6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni tipprevedi li l-EUIPO għandu jistieden lill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti sabiex jipprova l-użu tagħha matul perijodu speċifikat minnu. |
53 |
Għalkemm mill-formulazzjoni tal-imsemmija regola jirriżulta li, meta ebda prova tal-użu tat-trade mark ikkonċernata ma tkun prodotta fit-terminu mogħti mill-EUIPO, it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tiġi miċħuda ex officio minn dan tal-aħħar, tali konklużjoni ma għandhiex tintlaħaq, għall-kuntrarju, meta, kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 27 tas-sentenza appellata, ċerti elementi maħsuba sabiex jintwera dan l-użu jkunu ġew prodotti fl-imsemmi terminu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 86, kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2017, Comercializadora Eloro vs EUIPO, C‑71/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:345, punt 58). |
54 |
F’tali każ, fil-fatt, u sakemm ma jidhirx li l-imsemmija elementi jkunu kompletament irrilevanti sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kkonċernata, il-proċedimenti għandhom ikomplu bl-iżvolġiment tagħhom. B’hekk, kif jipprevedi l-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 207/2009, l-EUIPO għandu, b’mod partikolari, jistieden lill-partijiet, kull meta jkun meħtieġ, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-notifiki li jkun għamlilhom jew dwar il-komunikazzjonijiet li joriġinaw minn partijiet oħra. F’tali kuntest, jekk it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tiġi miċħuda minħabba li t-trade mark preċedenti kkonċernata ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin, din iċ-ċaħda ma tirriżultax minn applikazzjoni tar-Regola 40(6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, dispożizzjoni ta’ natura essenzjalment proċedurali, iżda tirriżulta esklużivament mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi li jinsabu fl-Artikolu 57(2) jew (3) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 87). |
55 |
Minn dan jirriżulta li, kif il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament fil-punt 29 tas-sentenza appellata, il-preżentazzjoni ta’ provi tal-użu tat-trade mark preċedenti kkonċernata li żżid mal-provi prodotti fit-terminu mogħti mill-EUIPO, skont ir-Regola 40(6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu u l-EUIPO bl-ebda mod ma huwa pprojbit milli jieħu inkunsiderazzjoni provi supplimentari prodotti tard b’dan il-mod billi juża s-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilu mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 88, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Ġunju 2016, L’Oréal vs EUIPO, C‑611/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:463, punt 25). |
56 |
Minn dan isegwi li r-Regola 40(6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni ma tikkostitwixxix, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, dispożizzjoni kuntrarja għall-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, bil-konsegwenza li l-Bord tal-Appell ma kienx ikun jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-provi supplimentari tal-użu tat-trade mark preċedenti kkonċernata prodotti mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità insostenn tal-appell tiegħu quddiemu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C‑610/11 P, EU:C:2013:593, punt 88). |
57 |
Fir-rigward tal-proċedimenti ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, diġà ddeċidiet li mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 76(2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li, għall-finijiet tal-eżami tal-mertu tal-appell ippreżentat quddiemu, il-Bord tal-Appell għandu mhux biss jistieden lill-partijiet, kull meta jkun meħtieġ, sabiex jippreżentaw, fit-terminu li jagħtihom, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-notifiki li jagħmlilhom, iżda jista’ jiddeċiedi wkoll li jieħu miżuri ta’ istruttorja, li jinkludu l-produzzjoni ta’ fatti jew ta’ provi. Tali dispożizzjonijiet, min-naħa tagħhom, huma xhieda tal-possibbiltà li l-kuntest fattwali jiġi arrikkit matul id-diversi stadji tal-proċedimenti li jiżvolġu quddiem l-EUIPO (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 58). |
58 |
L-appellanti lanqas ma tista’ ssostni li t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni jikkostitwixxi dispożizzjoni kuntrarja għall-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-imsemmi tielet subparagrafu tar-Regola 50(1), meta l-appell ikun ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell għandu jillimita l-eżami tal-appell għall-fatti u għall-provi ppreżentati fit-termini ffissati jew speċifikati mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sakemm ma jqisx li fatti u provi ġodda jew supplimentari għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni konformement mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
60 |
B’hekk, ir-Regolament ta’ implimentazzjoni jipprevedi espliċitament li l-Bord tal-Appell għandu, fl-eżami ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, is-setgħa diskrezzjonali li tirriżulta mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni u mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk hemmx lok jew le li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti u provi ġodda jew supplimentari li ma kinux ġew ippreżentati fit-termini ffissati jew speċifikati mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, C‑122/12 P, EU:C:2013:628, punt 33). |
61 |
Madankollu, a contrario, minn dan ma jistax jiġi dedott li, fl-eżami ta’ appell minn deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Bord tal-Appell ma għandux tali setgħa diskrezzjonali. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni huwa biss l-espressjoni, fir-rigward tal-eżami ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, tal-prinċipju li jirriżulta mill-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa l-bażi legali tal-imsemmija Regola 50 u li jinkludi dispożizzjoni li għandha rwol orizzontali fis-sistema tal-imsemmi regolament, li, għaldaqstant, tapplika irrispettivament min-natura tal-proċedimenti kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer, C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punti 25 u 27). |
62 |
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 24 sa 29 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell jista’, fl-eżami ta’ appell ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, jieħu inkunsiderazzjoni provi supplimentari tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti kkonċernata li ma kinux ġew prodotti fit-termini mogħtija minn din tal-aħħar. |
63 |
Mill-bqija, sa fejn l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni inkompleta tal-kriterji li jiġġustifikaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali provi, għandu jitfakkar li t-teħid inkunsiderazzjoni mill-EUIPO ta’ fatti u ta’ provi prodotti tard, meta jkollu jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jista’, b’mod partikolari, ikun iġġustifikat meta dan iqis, minn naħa, li l-fatti u l-provi prodotti tard jistgħu qabel kollox ikunu verament rilevanti fir-rigward tal-eżitu tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-istadju tal-proċedimenti li fih issir din il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi li ssir fihom ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul, C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 44, u tal-4 ta’ Mejju 2017, Comercializadora Eloro vs EUIPO, C‑71/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:345, punt 59). |
64 |
Issa, f’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-punti 39 sa 44 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx biss jekk il-provi li tressqu tard kinux verament rilevanti iżda eżaminat ukoll jekk l-istadju tal-proċedimenti li fiha saret din il-produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi li saret fihom kinux jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-provi. |
65 |
Fl-aħħar nett, sa fejn l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali evalwat b’mod żbaljat il-valur probatorju u żnaturat il-kontenut ta’ ċerti provi, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 256 TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell huwa limitat għal punti ta’ liġi. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha kompetenza esklużiva sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi ma hijiex, bla ħsara għall-każ tal-iżnaturament tagħhom, punt ta’ liġi li, bħala tali, huwa suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI, C‑252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punt 59). |
66 |
Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ lment ibbażat fuq l-iżnaturament tal-fatti u tal-provi, dawn l-istess dispożizzjonijiet u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġu, b’mod partikolari, li appellant jindika b’mod preċiż il-fatti u l-provi li allegatament kienu ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tal-appellant, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Tali żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-elementi fil-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Pensa Pharma vs EUIPO, C‑442/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:720, punti 21 u 60). |
67 |
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li qiegħda takkuża lill-Qorti Ġenerali bi żnaturament tal-provi, l-appellanti fil-verità tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk il-fatturi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell kinux maħsuba, kif qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 42 tas-sentenza appellata, sabiex isaħħu u jikkjarifikaw il-kontenut tal-provi prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Għall-kuntrarju, l-appellanti bl-ebda mod ma qiegħda tipprova tistabbilixxi, billi tidentifika preċiżament l-elementi allegatament żnaturati, li l-Qorti Ġenerali għamlet, f’dan ir-rigward, konstatazzjonijiet li jmorru b’mod manifest kontra l-kontenut tal-elementi fil-proċess jew li attribwixxitilhom portata li manifestament ma għandhomx. |
68 |
Minn dan isegwi li l-argumenti tal-appellanti għandhom, f’dan ir-rigward, jiġu miċħuda bħala inammissibbli. |
69 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel u t-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondati. |
Fuq it-tielet aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
70 |
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenzi, parzjalment fonetiċi u parzjalment kunċettwali, bejn is-sinjali inkwistjoni. |
71 |
L-ewwel nett, skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq, fil-punti 51 sa 61 tas-sentenza appellata, analiżi fonetika tat-trade marks inkwistjoni. Issa, minn perspettiva fonetika, il-karattru distintiv tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni huwa mibdul b’mod kunsiderevoli minħabba ż-żieda tal-elementi verbali “.bg”. |
72 |
It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-karattru distintiv ma huwiex mibdul biż-żieda ta’ elementi figurattivi u verbali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss, fil-punt 56 tal-imsemmija sentenza, fuq id-diversi elementi tat-trade marks inkwistjoni u mhux fuq l-impressjoni globali prodotta minnhom. Issa, minn naħa, minħabba l-karattru distintiv dgħajjef tal-kelma “mobile”, fil-kuntest tal-impressjoni globali, l-assenza ta’ element figurattiv tagħmel differenza tali fil-forom tal-użu “mobile.bg” u “mobile bg” li l-karattru distintiv huwa limitat. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-impressjoni globali tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni, iż-żieda tal-element verbali “.bg”, meta dan kien jillimita l-karattru distintiv ta’ dan is-sinjal globali. |
73 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina t-tifsira kunċettwali tas-sinjal “mobilen.bg”. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ “mobile”, “mobilen” hija kelma Bulgara użata fil-lingwa komuni li tfisser “mobbli, li tista’ tiċċaqlaq”. Issa, tifsira kunċettwali diverġenti timplika neċessarjament restrizzjoni tal-karattru distintiv. |
74 |
L-EUIPO jqis li dan l-aggravju ma huwiex fondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
75 |
Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, meta tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx ix-xebh fonetiku u kunċettwali bejn it-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni kif irreġistrata u d-diversi sinjali verbali kif ukoll figurattivi invokati sabiex jintwera l-użu ġenwin ta’ din it-trade mark, l-appellanti qiegħda twettaq qari żbaljat tas-sentenza appellata. |
76 |
Fil-fatt, mill-punti 56 sa 58 tas-sentenza appellata, li għalihom jirreferu, parzjalment, il-punti 59 u 60 tal-istess sentenza, jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali, meta eżaminat jekk id-differenzi bejn it-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni u dawn is-sinjali bidlux il-karattru distintiv tal-imsemmija trade mark, evalwat kemm ix-xebh fonetiku tagħhom, filwaqt li enfasizzat b’mod partikolari li kollha kellhom il-kelma “mobile” u li ż-żieda ta’ ċerti termini, bħal “.bg”, “bg” jew “n”, fl-imsemmija sinjali tirrifletti differenzi negliġibbli, u kemm ix-xebh kunċettwali tagħhom, filwaqt li enfasizzat il-messaġġ imwassal minn kull wieħed minnhom u l-perċezzjoni tagħhom mill-pubbliku. |
77 |
Bl-istess mod, l-appellanti tibbaża ruħha fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata meta tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-impressjoni globali prodotta minn dawn id-diversi sinjali. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet espliċitament tali eżami fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, għall-kuntrarju ta’ dak li tissuġġerixxi l-appellanti, il-Qorti Ġenerali osservat, f’dan il-punt tal-aħħar, li s-sinjali verbali invokati, fid-dawl tal-assenza ta’ element figurattiv u taż-żieda ta’ ċerti elementi, huma globalment ekwivalenti għat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni. |
78 |
Mill-bqija, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti, permezz tal-argumenti li hija ressqet fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, qiegħda tipprova tikkontesta l-eżami tal-fatti mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 56 sa 60 tas-sentenza appellata, bil-għan li tikseb evalwazzjoni ġdida f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, evalwazzjoni li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
79 |
Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u bħala parzjalment infondat. |
Fuq ir-raba’ aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
80 |
Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-Regola 22(3) u (4) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, sa fejn, fil-punti 66 sa 69 tas-sentenza appellata, qieset li l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-post, iż-żmien, il-portata u n-natura tal-użu tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni ma humiex ivvizzjati bi żbalji. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ħadet inkunsiderazzjoni provi mingħajr dati li ma jikkonċernawx il-perijodu rilevanti. |
81 |
L-EUIPO jqis li dan l-aggravju huwa kompletament infondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
82 |
Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-aggravju, l-appellanti, mingħajr ma lanqas tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet xi tip ta’ żnaturament, qiegħda tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula minn din tal-aħħar fil-punti 66 sa 69 tas-sentenza appellata fir-rigward tar-rilevanza tal-elementi probatorji prodotti minn Rezon sabiex turi l-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni. Meta tagħmel hekk, l-appellanti qiegħda tipprova tikseb evalwazzjoni ġdida ta’ dawn l-elementi li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell. |
83 |
Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. |
Fuq il-ħames aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
84 |
Permezz tal-ħames aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 54(2), l-Artikolu 56(1)(a) u l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 meta ddeċidiet, fil-punti 75 sa 77 tas-sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ma kienx obbligat jiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-eventwali mala fide tal-proprjetarju tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni. |
85 |
Fil-fatt, din il-kwistjoni tikkonċerna, skont l-appellanti, l-ammissibbiltà tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u, għalhekk, għandha tiġi vverifikata dejjem peress li l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandu jkollu interess ġuridiku. Issa, ma jkunx hemm dan l-interess meta dan l-applikant ikun kiseb id-dritt tiegħu fuq it-trade mark nazzjonali preċedenti b’mod abbużiv u jinvokah daqstant ieħor b’mod abbużiv. Il-Qorti Ġenerali kien imissha, għalhekk, eżerċitat il-kompetenzi tal-istanza li adottat id-deċiżjonijiet kontenzjużi. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma eżaminat l-oġġezzjoni bbażata fuq id-dekadenza u, b’hekk, kisret l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
86 |
L-EUIPO jqis li dan l-aggravju ma huwiex fondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
87 |
Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 57(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, meta l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali preċedenti li jkun fetaħ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni jibqa’ ma jipproduċix, fuq it-talba tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark tal-aħħar, il-prova tal-użu ġenwin tal-imsemmija trade mark nazzjonali preċedenti fl-Istat Membru fejn hija protetta matul il-ħames snin li jippreċedu d-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija rreġistrata u li fuqhom tkun ibbażata din it-talba, l-imsemmija talba għandha tiġi miċħuda. |
88 |
Peress li l-assenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark preċedenti, meta titqajjem mill-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni kkontestata fil-kuntest ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, tikkostitwixxi, għalhekk, skont il-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni, raġuni li tiġġustifika, waħedha, iċ-ċaħda ta’ din it-talba, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni dwar il-prova ta’ dan l-użu kellha tiġi deċiża qabel ma tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fil-veru sens tal-kelma u, għalhekk, kienet tikkostitwixxi, f’dan is-sens, “kwistjoni preliminari”. |
89 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-Bord tal-Appell qies, f’dan il-każ, li l-prova tal-użu ġenwin kienet ġiet prodotta mill-proprjetarju tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni fir-rigward ta’ wħud mis-servizzi li fuqhom kienu bbażati t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, u peress li annulla, għal din ir-raġuni biss, id-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li l-imsemmi bord tal-appell seta’, konformement mal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, jgħaddi l-eżami tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità lill-imsemmija diviżjoni sabiex din tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar l-argumenti tal-appellanti bbażati fuq l-inammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet, skont l-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament, minħabba l-allegata mala fide tal-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
90 |
Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess tal-imsemmi Artikolu 64(1) jirriżulta li l-Bord tal-Appell, meta jiddeċiedi dwar appell, bl-ebda mod ma huwa obbligat jeżerċita l-kompetenzi tal-istanza li tkun ħadet id-deċiżjoni appellata, u għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward. |
91 |
Barra minn hekk, l-appellanti ma tistax tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-argumenti tagħha bbażati fuq l-inammissibbiltà tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba d-dekadenza, peress li mir-rikors promotur jirriżulta li dawn l-argumenti kienu marbuta mill-qrib ma’ dawk dwar il-mala fide tal-applikant. |
92 |
Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tar-raġunament magħmul fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, impliċitament iżda neċessarjament, ċaħdet l-argumenti kollha tal-appellanti bbażati, fl-aħħar mill-aħħar, fuq il-mala fide tal-applikant. |
93 |
Għaldaqstant, il-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
Fuq is-sitt aggravju
– L-argumenti tal-partijiet
94 |
Permezz tas-sitt aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, bi ksur tal-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009, injorat, fil-punti 79 sa 87 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-Bord tal-Appell żbalja meta annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fl-intier tagħhom. |
95 |
Peress li l-Bord tal-Appell qies li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni kienet tressqet biss fir-rigward tas-servizzi ta’ reklamar ta’ vetturi bil-mutur, huwa kien imissu annulla l-imsemmija deċiżjonijiet fir-rigward ta’ dawn is-servizzi biss. Fir-rigward tas-servizzi l-oħra li fir-rigward tagħhom ma tressqitx il-prova tal-użu, il-Bord tal-Appell kien imissu, konformement mal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 kif ukoll mar-Regola 22(2) u mar-Regola 40(6) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni, iddeċieda b’mod definittiv u kien imissu indika ċ-ċaħda parzjali tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’dispożittiv li seta’ jakkwista s-saħħa ta’ res judicata. |
96 |
Fil-fatt, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-assenza ta’ użu ġenwin ma tikkostitwixxix, b’differenza minn dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 82 tas-sentenza appellata, kwistjoni preliminari, iżda għandha tiġi eżaminata bl-istess mod bħalma jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà jew l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kien imissu annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u kien imissu bagħat il-każ lura quddiem din tal-aħħar filwaqt li jispeċifika li l-eżami tal-probabbiltà ta’ konfużjoni seta’ jitwettaq biss fir-rigward tas-servizzi ta’ reklamar ta’ vetturi bil-mutur. |
97 |
F’dan ir-rigward, meta ddeċidiet, fil-punt 85 tal-imsemmija sentenza, li, fil-kuntest ta’ każ mibgħut lura, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni hija marbuta mill-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, konformement mal-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009, din id-diviżjoni hija marbuta mir-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell biss “sa fejn il-fatti tal-każ ikunu l-istess”. Issa, jekk, wara li l-każ jintbagħat lura, l-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jipproduċi provi ġodda tal-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni u jekk id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tqis li dawn il-provi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, il-fatti tal-każ ma jibqgħux identiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, provi tal-użu prodotti a posteriori jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għal servizzi differenti minn dawk ta’ reklamar ta’ vetturi bil-mutur. |
98 |
L-EUIPO jqis li dan l-aggravju ma huwiex fondat. |
– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
99 |
L-ewwel nett, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 87 u 88 ta’ din is-sentenza, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud sa fejn, permezz tiegħu, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li l-prova tal-użu ġenwin ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, fis-sens tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, tikkostitwixxi kwistjoni preliminari li għandha tiġi deċiża qabel ma tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
100 |
Mill-bqija, sa fejn l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Bord tal-Appell annulla b’mod żbaljat id-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni fl-intier tagħhom, għandu jitfakkar li, kif il-Qorti Ġenerali osservat ukoll fil-punt 83 tas-sentenza appellata, id-dispożittiv ta’ att għandu jinqara fid-dawl tar-raġunijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Lulju 2001, Irish Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑497/99 P, EU:C:2001:393, punt 15, u s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑95/12, EU:C:2013:676, punt 40). |
101 |
B’hekk, l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi espliċitament li, meta l-Bord tal-Appell jiddeċiedi li jibgħat il-każ lura, sabiex jitkomplew il-proċedimenti, quddiem l-istanza li tkun ħadet id-deċiżjoni appellata, din l-istanza hija marbuta mir-raġunijiet u mid-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, sakemm il-fatti tal-każ ikunu l-istess. |
102 |
Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-Bord tal-Appell, kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet kontenzjużi, annulla d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għar-raġuni li, għall-kuntrarju ta’ dak li dawn tal-aħħar kienu kkonkludew, il-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni kienet tressqet mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark fir-rigward biss tas-servizzi ta’ reklamar ta’ vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-klassi 35 tal-Ftehim ta’ Nice. |
103 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni hija marbuta, kif osservat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata, minn din ir-raġuni fil-kuntest tal-każ mibgħut lura mill-Bord tal-Appell bis-saħħa tal-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009, l-annullament minn dan tal-aħħar, skont il-punt 62 tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għandu neċessarjament jinftiehem fis-sens li jkopri biss dawn id-deċiżjonijiet, sa fejn ċaħdu t-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba l-assenza ta’ prova tal-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti fir-rigward tal-imsemmija servizzi ta’ reklamar ta’ vetturi bil-mutur. |
104 |
Għall-kuntrarju, peress li l-Bord tal-Appell qies li l-prova tal-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti ma kinitx tressqet mill-proprjetarju tagħha għas-servizzi l-oħra li kienu s-suġġett tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jiġifieri s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 35 tal-Ftehim ta’ Nice għajr is-servizzi ta’ reklamar ta’ vetturi bil-mutur u s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 42 ta’ dan il-ftehim, id-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għandhom jitqiesu, fid-dawl tal-assenza ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt, bħala li ċaħdu b’mod definittiv it-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward ta’ dawn is-servizzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punti 82 sa 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
105 |
Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, fil-kuntest ta’ każ mibgħut lura skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009, tista’, sabiex tevalwa l-mertu tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fid-dawl tar-raġuni relattiva għal rifjut prevista fl-Artikolu 8(1)(b) ta’ dan ir-regolament, tieħu inkunsiderazzjoni biss is-servizzi ta’ reklamar ta’ vetturi bil-mutur li jaqgħu fil-klassi 35 tal-Ftehim ta’ Nice. |
106 |
Huwa minnu li, kif tosserva ġustament l-appellanti, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, skont l-Artikolu 64(2) tar-Regolament Nru 207/2009, hija marbuta biss mir-raġunijiet tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell “sa fejn il-fatti tal-każ ikunu l-istess”. |
107 |
Madankollu, kif osservat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 46 tal-konklużjonijiet tagħha, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma tistax, mingħajr ma ddaħħal inkwistjoni n-natura definittiva tad-deċiżjonijiet tagħha stess u mingħajr ma tippreġudika ċ-ċertezza legali, teżamina, taħt l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, provi ġodda tal-użu ġenwin tat-trade mark nazzjonali preċedenti inkwistjoni fir-rigward tas-servizzi li fir-rigward tagħhom il-Bord tal-Appell qies, mingħajr ma ġie kkontestat mill-applikant għal dikjarazzjoni ta’ invalidità permezz tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, li din il-prova ma kinitx tressqet. |
108 |
Għaldaqstant, is-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għalhekk, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
109 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
110 |
Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-EUIPO u minn Rezon. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.