SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 7(1) – Eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark – Trade marks paralleli – Ċessjoni ta’ trade marks għal parti mit-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Strateġija kummerċjali li ssaħħaħ b’mod intenzjonat l-immaġini ta’ trade mark globali u unika wara ċ-ċessjoni – Proprjetarji indipendenti iżda li għandhom relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mill-qrib”

Fil-Kawża C‑291/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 8 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 8 ta’ Barċellona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Mejju 2016, fil-proċedura

Schweppes SA

vs

Red Paralela SL,

Red Paralela BCN SL, li kienet Carbòniques Montaner SL,

fil-preżenza ta’:

Orangina Schweppes Holding BV,

Schweppes International Ltd,

Exclusivas Ramírez SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta’ Mejju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Schweppes SA, minn I. López Chocarro, procurador u D. Gómez Sánchez, abogado,

għal Red Paralela SL u Red Paralela BCN SL, li kienet Carbòniques Montaner SL, minn D. Pellisé Urquiza u J. C. Quero Navarro, abogados,

għal Orangina Schweppes Holding BV, minn Á. Joaniquet Tamburini, procurador u B. González Navarro, abogado,

għal Schweppes International Ltd, minn Á. Quemada Cuatrecasas, procurador u J. M. Otero Lastres, abogado,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Alexaki, bħala aġent,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn L. Noort u K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier, T. Scharf, F. Castillo de la Torre u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), kif ukoll tal-Artikolu 36 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Schweppes SA, kumpannija Spanjola, u, min-naħa l-oħra, Red Paralela SL u Red Paralela BCN SL, li kienet Carbòniques Montaner SL (iktar ’il quddiem, flimkien, “Red Paralela”), dwar l-importazzjoni fi Spanja, minn dawn tal-aħħar, ta’ fliexken tal-ilma toniku bit-trade mark SCHWEPPES provenjenti mir-Renju Unit.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark” jipprovdi:

“1.   It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi l-użu tagħha relattivament għal merkanzija li tqiegħdet fis-suq fil-Komunità taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn jeżistu raġunijiet leġittimi għall-proprjetarju sabiex jopponi aktar kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija, speċjalment fejn il-kondizzjoni tal-merkanzija tkun mibdula jew danneġġata wara li tqiegħdet fis-suq.”

4

Id-Direttiva 2008/95 hija mħassra b’effett mill-15 ta’ Jannar 2019 permezz tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1), li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2016, u li l-Artikolu 15 tagħha jikkorrispondi, fis-sustanza, għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/95.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5

Is-sinjal “Schweppes” għandu reputazzjoni fuq livell dinji, b’mod partikolari għax-xarba “ilma toniku”, disponibbli f’diversi varjetajiet. Dan is-sinjal ma huwiex is-suġġett ta’ reġistrazzjoni waħda bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, iżda minn żmien ilu huwa rreġistrat bħala trade mark nazzjonali, verbali u figurattiva, f’kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Dawn it-trade marks nazzjonali huma essenzjalment identiċi.

6

Inizjalment, it-trade marks Schweppes kollha rreġistrati fiż-ŻEE (iktar ’il quddiem it-“trade marks paralleli”) kienu jappartjenu lil Cadbury Schweppes.

7

Matul is-sena 1999, Cadbury Schweppes ċediet lil Coca-Cola/Atlantic Industries (iktar ’il quddiem “Coca-Cola”) parti minn dawn it-trade marks paralleli, fosthom dawk irreġistrati fir-Renju Unit. Cadbury Schweppes baqgħet il-proprjetarja tal-parti l-oħra ta’ dawn it-trade marks paralleli, fosthom dawk irreġistrati fi Spanja.

8

Il-mappa hawn taħt tindika, b’kulur skur, l-Istati Membri taż-ŻEE u tal-viċinanzi tagħha li fihom Coca-Cola hija l-proprjetarja tat-trade marks Schweppes.

Image

9

Wara diversi akkwisti u ristrutturazzjonijiet, it-trade marks paralleli miżuma minn Cadbury Schweppes illum il-ġurnata jappartjenu lil Schweppes International, kumpannija tar-Renju Unit.

10

Din il-kumpannija tal-aħħar tat lil Schweppes liċenzja esklużiva fuq it-trade marks paralleli Spanjoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

11

Schweppes u Schweppes International huma t-tnejn li huma kkontrollati minn Orangina Schweppes Holding BV, kumpannija tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tikkontrolla lill-grupp Orangina Schweppes

12

Fid-29 ta’ Mejju 2014, Schweppes bdiet proċedimenti ta’ ksur kontra Red Paralela fir-rigward tat-trade marks paralleli Spanjoli, minħabba li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu importaw u ddistribwew fi Spanja fliexken tal-ilma toniku bit-trade mark SCHWEPPES provenjenti mir-Renju Unit. Schweppes tqis, fil-fatt, li din il-kummerċjalizzazzjoni fi Spanja hija illegali, peress li dawn il-fliexken tal-ilma toniku ġew immanifatturati u mqiegħda fis-suq mhux minnha stess jew bil-kunsens tagħha, imma minn Coca-Cola, li, skont Schweppes, ma għandha ebda rabta ekonomika jew ġuridika mal-grupp Orangina Schweppes. Hija ssostni f’dan il-kuntest li, fid-dawl tal-identiċità tas-sinjali u tal-prodotti inkwistjoni, il-konsumatur ma huwiex f’pożizzjoni li jiddistingwi l-oriġini kummerċjali ta’ dawn il-fliexken.

13

Bħala difiża, Red Paralela tinvoka l-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark li jirriżulta, għal dak li jirrigwarda l-prodotti SCHWEPPES provenjenti minn Stati Membri tal-Unjoni fejn Coca-Cola hija proprjetarja tat-trade marks paralleli, minn kunsens taċitu. Red Paralela tqis, barra minn hekk, li jeżistu bla ebda dubju rabtiet ġuridiċi u ekonomiċi bejn Coca-Cola u Schweppes International fl-isfruttament konġunt tas-sinjal “Schweppes” bħala trade mark universali.

14

Skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, il-fatti rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża huma s-segwenti:

Schweppes International ippreferiet, minkejja l-fatt li hija l-proprjetarja tat-trade marks paralleli f’parti biss mill-Istati Membri taż-ŻEE, immaġni globali tat-trade mark SCHWEPPES;

Coca-Cola, proprjetarja tat-trade marks paralleli rreġistrati fl-Istati Membri l-oħra taż-ŻEE, ikkontribwixxiet għaż-żamma ta’ din l-immaġni ta’ trade mark globali;

din l-immaġni globali hija sors ta’ konfużjoni għall-pubbliku rilevanti Spanjol fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti “SCHWEPPES”;

Schweppes International hija responsabbli mis-sit internet Ewropew iddedikat speċifikament għat-trade mark SCHWEPPES (www.schweppes.eu), li jinkludi mhux biss informazzjoni ġenerali fuq il-prodotti ta’ din it-trade mark, imma wkoll links lejn diversi siti internet lokali u b’mod partikolari lejn is-sit tar-Renju Unit li huwa amministrat minn Coca-Cola;

Schweppes International, li ma hija d-detentriċi ta’ ebda dritt fuq it-trade mark SCHWEPPES fir-Renju Unit (fejn it-trade mark hija miżmuma minn Coca-Cola), issemmi fuq is-sit internet tagħha l-oriġini Brittanika tat-trade mark;

Schweppes u Schweppes International jużaw l-immaġni tal-prodotti “Schweppes” ta’ oriġini Brittanika fir-reklamar tagħhom

fir-Renju Unit, Schweppes International tippromwovi u tagħti informazzjoni lill-klijenti għal dak li jirrigwarda l-prodotti “SCHWEPPES” fuq in-netwerks soċjali;

il-preżentazzjoni tal-prodotti “SCHWEPPES” ikkummerċjalizzati minn Schweppes International hija simili ħafna – u, f’ċerti Stati Membri, bħal fid-Danimarka u fil-Pajjiżi l-Baxxi, identika – għal dik tal-prodotti “SCHWEPPES” ta’ oriġini Brittanika;

Schweppes International, li s-sede tagħha tinsab fir-Renju Unit, u Coca-Cola jikkoeżistu paċifikament fit-territorju tar-Renju Unit;

wara ċ-ċessjoni, li seħħet matul is-sena 1999, ta’ parti mit-trade marks paralleli lil Coca-Cola, iż-żewġ proprjetarji tat-trade marks paralleli fiż-ŻEE talbu, fit-territorji rispettivi tagħhom, ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks ġodda SCHWEPPES identiċi jew simili għall-istess prodotti (bħal, pereżempju, it-trade mark SCHWEPPES ZERO);

għalkemm Schweppes International hija l-proprjetarja tat-trade marks paralleli fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-isfruttament tat-trade mark f’dak il-pajjiż (jiġifieri l-preparazzjoni, l-ibbottiljar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott) isir minn Coca-Cola fil-kwalità tagħha ta’ detentriċi tal-liċenzja;

Schweppes International ma toġġezzjonax li prodotti “SCHWEPPES” ta’ oriġini Brittanika jiġu kkummerċjalizzati online f’diversi Stati Membri taż-ŻEE, li fihom hija l-proprjetarja tat-trade marks paralleli, bħal fil-Ġermanja u fi Franza; prodotti “SCHWEPPES” huma, barra minn hekk, mibjugħa fit-territorju kollu taż-ŻEE permezz ta’ siti internet, mingħajr distinzjoni fir-rigward tal-oriġini;

Coca-Cola ma oġġezzjonatx, abbażi tad-drittijiet li hija għandha fuq it-trade marks paralleli, għat-talba għal reġistrazzjoni, minn Schweppes International, ta’ trade mark Komunitarja li tinkludi l-element verbali “Schweppes”;

15

Il-qorti tar-rinviju tqis li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma nettament differenti minn dawk tal-kawżi li taw lok għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ eżawriment tad-dritt ta’ trade mark u li dawn jistgħu jirrendu neċessarja riflessjoni ġdida dwar il-bilanċ bejn il-protezzjoni ta’ dan id-dritt u l-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-Unjoni.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 8 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 8 ta’ Barċellona, Spanja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 36 [TFUE], mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2008/95] u mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2015/2436] il-fatt li l-proprjetarju ta’ trade mark fi Stat Membru wieħed jew iktar jimpedixxi l-importazzjoni parallela jew it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mgħammra bi trade mark identika jew prattikament identika, li tkun proprjetà ta’ terz, li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, f’sitwazzjoni fejn l-imsemmi proprjetarju jkun saħħaħ immaġni ta’ trade mark globali assoċjata mal-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodotti li jkollu l-intenzjoni jipprojbixxi?

2)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 36 [TFUE], mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2008/95] u mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2015/2436] il-bejgħ ta’ prodott, mgħammar bi trade mark magħrufa, fi ħdan l-Unjoni f’sitwazzjoni fejn il-proprjetarji tat-trade mark irreġistrata jżommu immaġni globali tat-trade mark fiż-ŻEE kollha ta’ natura tali li toħloq konfużjoni għall-konsumatur medju fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodott?

3)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 36 [TFUE], mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2008/95] u mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2015/2436] il-fatt li l-proprjetarju ta’ trade marks nazzjonali identiċi jew li jixxiebhu f’diversi Stati Membru joġġezzjona għall-importazzjoni fi Stat Membru, fejn ikun il-proprjetarju tat-trade mark, ta’ prodotti identifikati bi trade mark identika għal dik tiegħu, jew li tixbaha, u li joriġinaw minn Stat Membru fejn ma jkunx il-proprjetarju tagħha, f’sitwazzjoni fejn f’minn tal-inqas Stat Membru ieħor fejn huwa l-proprjetarju tat-trade mark, huwa jkun aċċetta, b’mod espliċitu jew impliċitu, l-importazzjoni ta’ dawn l-istess prodotti?

4)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [2008/95], mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2015/2436] u mal-Artikolu 36 [TFUE] l-fatt li l-proprjetarju A ta’ trade mark X fi Stat Membru joġġezzjona għall-importazzjoni ta’ prodotti identifikati bl-imsemmija trade mark, f’sitwazzjoni fejn tali prodotti joriġinaw minn Stat Membru ieħor fejn tkun ġiet irreġistrata trade mark identifika għal X (Y) min-naħa ta’ proprjetarju ieħor (B), li jikkummerċjalizzaha u:

iż-żewġ proprjetarji, A u B, ikollhom relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mill-qrib, għalkemm mhux relazzjoni diretta ta’ dipendenza, fir-rigward tal-isfruttament konġunt tat-trade mark X;

iż-żewġ proprjetarji, A u B, isegwu strateġija kkoordinata fir-rigward tat-trade mark li ssaħħaħ b’mod intenzjonat fil-konfront tal-pubbliku rilevanti apparenza jew immaġni ta’ trade mark unika u globali; jew

iż-żewġ proprjetarji, A u B, ikollhom relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mill-qrib, għalkemm mhux relazzjoni diretta ta’ dipendenza, fir-rigward tal-isfruttament konġunt tat-trade mark X, u barra minn hekk isegwu strateġija kkoordinata fir-rigward tat-trade mark li ssaħħaħ b’mod intenzjonat fil-konfront tal-pubbliku rilevanti apparenza jew immaġni ta’ trade mark unika u globali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

17

Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding isostnu, primarjament, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa inammissibbli.

18

F’dan ir-rigward, huma jallegaw, qabel kollox, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa infondat. Fil-fatt, il-konstatazzjonijiet fattwali, li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u miġburin fil-qosor fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, li fuqhom dan ir-rinviju huwa bbażat, huma vvizzjati bi żbalji manifesti. Din id-deċiżjoni tar-rinviju hija, barra minn hekk inkompleta, peress li, b’mod partikolari, din tonqos b’mod intenzjonali milli tippreżenta l-pożizzjoni ta’ Schweppes u ta’ Schweppes International, intiża li tikkontesta dawn l-evalwazzjonijiet fattwali, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

19

Sussegwentement, Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding isostnu li d-domandi preliminari magħmula huma astratti u jistrieħu fuq affermazzjonijiet ġenerali u ipotetiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant ma tistax tevalwa n-neċessità u r-rilevanza tagħhom.

20

Fl-aħħar nett, Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding isostnu li d-dubji tal-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda biss il-kwistjoni dwar jekk ċertu sitwazzjonijiet fattwali, li għadhom ma ġewx ittrattati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trade mark, jistgħux jaqgħu taħtha. Peress li din il-ġurisprudenza hija perfettament iddefinita u stabbilità, l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju ma tqajjem iktar ebda dubju, b’mod li ma kienx neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita.

21

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa biss tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni fattwali u ġuridika kif deskritta mill-qorti tal-rinviju, sabiex tagħti lil din tal-aħħar l-elementi utli għas-soluzzjoni tal-kawża li tkun tressqet quddiemha (sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Kratzer, C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 27, u tas-27 ta’ April 2017, A‑Rosa Flussschiff, C‑620/15, EU:C:2017:309, punt 35).

22

Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tqiegħed f’dubju l-evalwazzjonijiet fattwali li fuqhom it-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata.

23

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li hija wkoll il-qorti nazzjonali biss, adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstnat, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, marbuta tagħti deċiżjoni (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 29, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 19).

24

Għaldaqstant, iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 26, kif ukoll tas-26 ta’ Jannar 2017, Banco Primus, C‑421/14, EU:C:2017:60, punt 30).

25

Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-domandi magħmula għandhom rabta diretta mat-tilwima fil-kawża prinċipali u huma rilevanti sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tiddeċiedi din it-tilwima. Barra minn hekk, din it-talba tinkludi biżżejjed elementi sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-portata ta’ dawn id-domandi u tkun tista’ tingħata risposta utli għalihom.

26

Fl-aħħar nett, hemm lok li jitfakkar li l-qrati nazzjonali għandhom il-libertà assoluta jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li dan ikun opportun, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jċaħħadx lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 32, kif ukoll tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 21).

27

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

28

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-domandi preliminari jirrigwardaw kemm id-dritt sekondarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 7(1) tad-Diretiva 2008/95 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2015/2436, li jissostitwixxih, kif ukoll id-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 36 TFUE.

29

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju, it-tilwima fil-kawża prinċipali hija rregolata, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data tal-fatti, mill-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet. Huwa għalhekk biss fir-rigward tagħha li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

30

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/95, ifformulat b’mod ġenerali, jirregola b’mod komplet il-kwistjoni tal-eżawriment tad-dritt ta’ trade mark għal dak li jirrigwarda l-prodotti kkumerċjalizzati fl-Unjoni u li, meta direttivi tal-Unjoni jipprevdu l-armonizzazzjoni ta’ miżuri meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi msemmija fl-Artikolu 36 TFUE, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u mhux tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE. Madankollu, din id-direttiva għandha, bħal kull leġiżlazzjoni ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, tiġi interpretata fid-dawl tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u b’mod partikolari tal-Artikolu 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol‑Myers Squibb et, C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282, punti 25 sa 27 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International, C‑352/95, EU:C:1997:170, punti 1718).

31

Għaldaqstant, permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinvju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jopponi għall-importazzjoni ta’ prodotti identiċi mogħnija bl-istess trade mark provenjenti minn Stat Membru ieħor, li fih din it-trade mark, li inizjalment kienet il-proprjetà tal-istess proprjetarju, hija issa miżmuma minn terz li kiseb id-drittijiet fir-rigward tagħha permezz ta’ ċessjoni, meta waħda jew iktar mill-elementi sussegwenti huma preżenti:

il-proprjetarju saħħaħ immaġini ta’ trade mark globali u assoċjata mal-Istat Membru ta’ oriġini tal-prodotti li tagħhom huwa għandu l-intenzjoni jipprojbixxi l-importazzjoni;

il-proprjetarju u t-terz jikkoordinaw l-istrateġija ta’ trade mark tagħhom sabiex isaħħu b’mod intenzjonat, fiż-ŻEE kollha, l-apparenza jew l-immaġini ta’ trade mark unika u globali;

l-immaġini ta’ trade mark unika u globali hekk mogħtija toħloq konfużjoni f’għajnejn il-konsumatur medju fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti mogħnija b’din it-trade mark;

il-proprjetarju u t-terz għandhom relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mill-qrib għalkemm, fir-realtà, ma jiddependux fuq xulxin għall-isfruttar konġunt tat-trade mark;

il-proprjetarju espressament jew impliċitament ta l-kunsens tiegħu sabiex l-istess prodotti bħal dawk li tagħhom huwa għandu l-intenzjoni jipprojbixxi l-importazzjoni jiġu importati f’Stat Membru wieħed jew iktar li fihom huwa għad għandu d-drittijiet ta’ trade mark.

32

Red Paralela, il-Gvern Grieg u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jipproponu, b’enfasi differenti, li tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda, filwaqt li Schweppes, Schweppes International u Orangina Schweppes Holding iqisu li din għandha tingħata risposta negattiva.

33

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95, id-dritt mogħti mit-trade mark ma jippermettix lill-proprjetarju tagħha jipprojbixxi l-użu tagħha għal prodotti li ġew ikkumerċjalizzati fl-Unjoni taħt din it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu.

34

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95 huwa redatt fi kliem li jikkorrispondu għal dawk użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li, filwaqt li jinterpretaw l-Artikoli 30 u 36 tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 28 u 30 KE, li huma stess saru l-Artikoli 34 u 36 TFUE), irrikonoxxew fid-dritt tal-Unjoni l-prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt ta’ trade mark. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tirriproduċi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li l-proprjetarju ta’ dritt ta’ trade mark protett mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma jistax jinvoka din il-leġiżlazzjoni sabiex jopponi għall-importazzjoni jew għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott imqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor minnu jew bil-kunsens tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol‑Myers Squibb et, C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282, punt 31, kif ukoll tal-20 ta’ Marzu 1997, Phytheron International, C‑352/95, EU:C:1997:170, punt 20).

35

Din il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ eżawriment tad-dritt ta’ trade mark, ibbażat fuq l-Artikolu 36 TFUE, hija intiża, bħall-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95, li tirrikonċilja l-interessi fundamentali tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ trade mark, minn naħa, u dawk tal-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol‑Myers Squibb et, C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282, punt 40).

36

Fir-rigward tad-dritt ta’ trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li dan id-dritt jikkostitwixxi element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mhux distorta li d-dritt tal-Unjoni jrid jistabbilixxi u jżomm. F’tali sistema, l-impriżi għandhom ikunu f’qagħda li jżommu lill-klijentela minħabba l-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi tagħhom, u dan ikun possibbli biss jekk ikun hemm sinjali distintivi li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti u dawn is-servizzi. Sabiex it-trade mark tkun tista’ tissodisfa dan ir-rwol, din għandha toffri l-garanzija li l-prodotti kollha mogħnija biha ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża unika li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF, C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 13, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol‑Myers Squibb et, C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għaldaqstant, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet diversi drabi, l-iskop speċifiku tad-dritt ta’ trade mark huwa, b’mod partikolari, dak li jiġi żgurat lill-proprjetarju d-dritt li juża t-trade mark għall-ewwel tqegħid ta’ prodott fis-suq u li b’dan il-mod ikun protett kontra l-kompetituri li jkunu jixtiequ jabbużaw mill-pożizzjoni u mir-reputazzjoni tat-trade mark billi jbigħu prodotti mogħnija indebitament b’din it-trade mark. Bil-għan li tiġi ddeterminata l-portata eżatta ta’ dan id-dritt esklużiv irrikonoxxut lill-proprjetarju tat-trade mark, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija li tiggarantixxi lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini tal-prodott bit-trade mark, billi jkun jista’ jiddistingwi mingħajr konfużjoni possibbli dan il-prodott minn dawk li għandhom oriġini oħra (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF, C‑10/89, EU:C:1990:359, punt 14, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 1996, Bristol‑Myers Squibb et, C‑427/93, C‑429/93 u C‑436/93, EU:C:1996:282, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Issa, il-funzjoni essenzjali tat-trade mark tkun kompromessa jekk, fl-assenza ta’ kull element ta’ kunsens min-naħa tal-proprjetarju, dan ma jkunx jista’ jopponi għall-importazzjoni ta’ prodott identiku jew simili mogħni b’trade mark identika jew li tagħti lok għal konfużjoni, li ġie mmanifatturat u mqiegħed fis-suq fi Stat Membru ieħor minn terz li ma għandu ebda rabta ekonomika ma’ dan il-proprjetarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF, C‑10/89, EU:C:1990:359, punti 15 u 16, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, EU:C:1994:261, punti 33 sa 37).

39

Din l-analiżi ma tistax tinbidel mis-sempliċi fatt li t-trade mark tal-proprjetarju u dik imqiegħda fuq il-prodott li dan il-proprjetarju jrid jipprojbixxi l-importazzjoni tiegħu inizjalment kienu l-proprjetà tal-istess proprjetarju, u dan irrispettivament minn jekk it-tqassim ta’ dawn it-trade marks huwiex dovut għal esproprjazzjoni, u għalhekk għal att ta’ setgħa pubblika, jew għal ċessjoni kuntrattwali volontarja, bil-kundizzjoni, madankollu, li, minkejja l-oriġini komuni tagħhom, kull waħda minn dawn it-trade marks issodisfat, mid-data tal-esproprjazzjoni jew taċ-ċessjoni, b’mod indipendenti, fil-kuntest territorjali tagħha stess, il-funzjoni li tiggarantixxi li l-prodotti bit-trade marks joriġinaw minn sors wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1990, HAG GF, C‑10/89, EU:C:1990:359, punti 17 u 18, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, EU:C:1994:261, punti 46 sa 48).

40

B’mod ċar, din l-aħħar kundizzjoni ma hijiex issodisfatta meta, wara ċ-ċessjoni ta’ parti mit-trade marks paralleli nazzjonali lil terz, il-proprjetarju, waħdu jew billi jikkoordina l-istrateġija tiegħu ta’ trade mark ma’ dan it-terz, kompla jsaħħaħ b’mod attiv u intenzjonat l-apparenza jew l-immaġini ta’ trade mark unika u globali, u b’hekk joħloq jew isaħħaħ konfużjoni f’għajnejn il-pubbliku kkonċernat fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti mogħnija b’din it-trade mark. Permezz ta’ tali aġir, li għandu bħala effett li t-trade mark tal-proprjetarju ma tissodisfax iktar il-funzjoni essenzjali tagħha b’mod indipendenti fil-kuntest territorjali tagħha stess, il-proprjetarju stess ippreġudika din il-funzjoni, jew żnaturaha. Għaldaqstant, huwa ma jistax jinvoka l-ħtieġa li tiġi protetta din il-funzjoni sabiex jopponi għall-importazzjoni ta’ prodotti identiċi mogħnija bl-istess trade mark provenjenti minn Stat Membru ieħor li fiha din it-trade mark hija issa miżuma minn dan it-terz.

41

Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk dan kienx il-każ, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni individwali inkwistjoni.

42

F’dan il-kuntest, għandu madankollu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li dan il-proprjetarju jkompli, wara ċ-ċessjoni, jinvoka l-oriġini ġeografika storika tat-trade marks paralleli nazzjonali ma jistax ikun biżżejjed f’dan ir-rigward, u dan anki jekk ma jżommx iktar id-drittijiet għat-territorju inkwistjoni u jrid jipprojbixxi l-importazzjoni tal-prodotti mogħnija b’dawn it-trade marks provenjenti minnu.

43

Fil-każ fejn dawn il-qrati jikkonstataw li l-kundizzjoni stabbilita fil-punt 39 ta’ din is-sentenza hija ssodisfatta, għandu jitfakkar ukoll li l-funzjoni essenzjali tat-trade mark bl-ebda mod ma hija kkontestata mil-libertà tal-importazzjonijiet meta l-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ importazzjoni u l-proprjetarju tat-trade mark fl-Istat ta’ esportazzjoni huma identiċi u meta, anki jekk dawn huma persuni distinti, dawn huma marbuta ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, EU:C:1994:261, punti 34 u 37).

44

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, tali rabta ekonomika teżisti, b’mod partikolari, meta l-prodotti inkwistjoni tqiegħdu fis-suq minn persuna liċenzjata jew minn kumpannija omm jew minn sussidjarja tal-istess grupp jew ukoll minn konċessjonarju esklużiv. Fil-fatt, f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha, il-proprjetarju jew l-entità li minnha dan jifforma parti għandha l-possibbiltà tikkontrolla l-kwalità tal-prodotti li fuqhom it-trade mark hija mqiegħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, EU:C:1994:261, punti 34 u 37).

45

Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk enfasizzat li l-element determinanti huwa l-possibbiltà ta’ kontroll tal-kwalità tal-prodotti u mhux l-eżerċizzju effettiv ta’ dan il-kontroll. F’dan il-kuntest, hija rrilevat bħala eżempju li, jekk il-persuna li tagħti l-liċenzja tittolera l-manifattura ta’ prodotti ta’ kwalità ħażina mill-persuna liċenzjata minkejja li hija għandha l-possibbiltà timpedixxi dan, hija għandha tassumi r-responsabbiltà għal dan. Bl-istess mod, jekk il-manifattura tal-prodotti hija ddiċentralizzata fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji u s-sussidjarji stabbiliti f’kull wieħed mill-Istati Membri jimmanifatturaw prodotti li l-kwalità tagħhom hija adattata għall-partikolaritajiet ta’ kull suq nazzjonali, dawn id-differenzi fil-kwalità ma jistgħux jiġu invokati sabiex tiġi opposta l-importazzjoni ta’ prodotti mmanifatturati minn kumpannija oħt, peress li l-grupp għandu jsofri l-konsegwenzi tal-għażla tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, EU:C:1994:261, punt 38).

46

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din il-ġurisprudenza tirriżulta li l-kunċett ta’ “rabta ekonomika”, fis-sens tagħha, ma jirreferix għal kriterju formali, iżda għal kriterju sostanzjali, li bl-ebda mod ma huwa limitat għas-sitwazzjonijiet elenkati fil-punt 44 ta’ din is-sentenza u li, b’mod partikolari, huwa ssodisfatt ukoll meta, wara t-tqassim ta’ trade marks paralleli nazzjonali dovut għal ċessjoni territorjalment limitata, il-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks jikkoordinaw il-politika kummerċjali tagħhom jew jaqblu bejniethom sabiex jikkontrollaw flimkien l-użu ta’ dawn it-trade marks, b’tali mod li huma għandhom il-possibbiltà jiddeterminaw direttament jew indirettament il-prodotti li fuqhom it-trade mark hija mqiegħda jew jikkontrollaw il-kwalità tagħhom.

47

Fil-fatt, il-fatt li dawn il-proprjetarji jiġu permessi jipproteġu t-territorji rispettivi tagħhom kontra l-importazzjoni parallela ta’ dawn il-prodotti jwassal għal kompartimentalizzazzjoni tas-swieq nazzjonali li ma hijiex iġġustifikata mill-għan tad-dritt ta’ trade mark u li, b’mod partikolari, ma hijiex neċessarja sabiex tinżamm il-funzjoni essenzjali tat-trade marks ikkonċernati.

48

Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jitqies li l-prodott ġie kkumerċjalizzat fl-Istat Membru ta’ esportazzjoni bil-kunsens tal-proprjetarju tad-dritt ta’ trade mark protett mill-Istat Membru ta’ importazzjoni fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95, moqri fid-dawl tal-Aritkolu 36 TFUE.

49

F’dan ir-rigward għandu jiġi ppreċiżat li l-konstatazzjoni li jeżitu, wara t-tqassim ta’ trade marks paralleli nazzjonali dovut għal ċessjoni territorjalment limitata, rabtiet ekonomiċi bejn il-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks la hija suġġett għall-kundizzjoni li dawn il-proprjetarji jippependu formalment fuq xulxin għall-isfruttar konġunt ta’ dawn it-trade marks u lanqas għal dik li huma jeżerċitaw effettivament il-possibbiltà ta’ kontroll tal-kwalità tal-prodotti kkonċernati.

50

Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, minnu nnifsu, jiġifieri fl-assenza ta’ kull rabta ekonomika, il-kuntratt ta’ ċessjoni ma jagħtix liċ-ċedent il-mezzi sabiex jikkontrolla l-kwalità tal-prodotti kkumerċjalizzati u bit-trade mark miċ-ċessjonarju, minn din il-konstatazzjoni jirriżulta preċiżament li dan ma huwiex il-każ meta tali rabtiet ekonomiċi jeżistu bejn iċ-ċedent u ċ-ċessjonarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 1994, IHT Internationale Heiztechnik u Danzinger, C‑9/93, EU:C:1994:261, punti 41 u 43).

51

Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw l-eżistenza ta’ tali rabtiet ekonomiċi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha rilevanti tal-każ.

52

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, għalkemm bħala prinċipju huwa l-opertur li jinvoka l-eżawriment li għandu jipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95 huma ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C‑414/99 sa C‑416/99, EU:C:2001:617, punt 54), din ir-regola għandha tiġi aġġustata meta tkun ta’ natura li tippermetti lill-proprjetarju jikkompartimentalizza s-swieq nazzjonali, b’mod li jiffavorixxi ż-żamma tad-differenzi fil-prezz bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ April 2003, Van Doren + Q, C‑244/00, EU:C:2003:204, punti 3738).

53

Tali aġġustament tal-oneru tal-prova huwa meħtieġ fil-każ ta’ tqassim volontarju ta’ trade marks paralleli nazzjonali, peress li huwa diffiċli, saħansitra impossibbli, għal tali operatur li juri l-eżistenza ta’ rabtiet ekonomiċi bejn il-proprjetarji ta’ dawn it-trade marks, peress li dawn ir-rabtiet normalment jirriżultaw minn ftehimiet kummerċjali jew minn arranġamenti informali bejn dawn il-proprjetarji li għalihom l-operatur ma għandux aċċess.

54

Madankollu, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa l-operatur li għandu jipproduċi numru ta’ indizji preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi inferita l-eżistenza ta’ tali rabtiet ekonomiċi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-fatti miġbura fil-qosor fil-punt 14 ta’ din is-sentenza jikkostitwixxux tali indizji.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95, moqri fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jopponi għall-importazzjoni ta’ prodotti identiċi mogħnija bl-istess trade mark provenjenti minn Stat Membru ieħor, li fih din it-trade mark, li inizjalment kienet il-proprjetà tal-istess proprjetarju, hija issa miżmuma minn terz li kiseb id-drittijiet fir-rigward tagħha permezz ta’ ċessjoni, meta, wara din iċ-ċessjoni:

il-proprjetarju, waħdu jew billi jikkoordina l-istrateġija tiegħu ta’ trade mark ma’ dan it-terz, kompla jsaħħaħ b’mod attiv u intenzjonat l-apparenza jew l-immaġini ta’ trade mark unika u globali, u b’hekk joħloq jew isaħħaħ konfużjoni f’għajnejn il-pubbliku kkonċernat fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti mogħnija b’din it-trade mark,

jew

jeżistu rabtiet ekonomiċi bejn il-proprjetarju u dan it-terz, fis-sens li huma jikkoordinaw il-politika kummerċjali tagħhom jew jaqblu bejniethom sabiex jikkontrollaw flimkien l-użu tat-trade mark, b’tali mod li huma għandhom il-possibbiltà jiddeterminaw direttament jew indirettament il-prodotti li fuqhom din it-trade mark hija mqiegħda jew jikkontrollaw il-kwalità tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, moqri fid-dawl tal-Artikolu 36 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-proprjetarju ta’ trade mark nazzjonali jopponi għall-importazzjoni ta’ prodotti identiċi mogħnija bl-istess trade mark provenjenti minn Stat Membru ieħor, li fih din it-trade mark, li inizjalment kienet il-proprjetà tal-istess proprjetarju, hija issa miżmuma minn terz li kiseb id-drittijiet fir-rigward tagħha permezz ta’ ċessjoni, meta, wara din iċ-ċessjoni:

 

il-proprjetarju, waħdu jew billi jikkoordina l-istrateġija tiegħu ta’ trade mark ma’ dan it-terz, kompla jsaħħaħ b’mod attiv u intenzjonat l-apparenza jew l-immaġini ta’ trade mark unika u globali, u b’hekk joħloq jew isaħħaħ konfużjoni f’għajnejn il-pubbliku kkonċernat fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti mogħnija b’din it-trade mark,

jew

 

jeżistu rabtiet ekonomiċi bejn il-proprjetarju u dan it-terz, fis-sens li huma jikkoordinaw il-politika kummerċjali tagħhom jew jaqblu bejniethom sabiex jikkontrollaw flimkien l-użu tat-trade mark, b’tali mod li huma għandhom il-possibbiltà jiddeterminaw direttament jew indirettament il-prodotti li fuqhom din it-trade mark hija mqiegħda jew jikkontrollaw il-kwalità tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.