SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 92/85/KEE – Miżuri intiżi biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu – Artikolu 2(a) – Il-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 10 – Projbizzjoni ta’ tkeċċija ta’ ħaddiema matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħha sat-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha – Kamp ta’ applikazzjoni – Każijiet eċċezzjonali li ma humiex konnessi mal-kundizzjoni tal-ħaddiema kkonċernata – Direttiva 98/59/KE – Tkeċċijiet kollettivi – Artikolu 1(1)(a) – Raġunijiet mhux relatati mal-ħaddiema individwali – Ħaddiema tqila li tkeċċiet fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva – Raġunijiet għat-tkeċċija – Prijorità tal-ħaddiema għaż-żamma tal-pożizzjoni – Prijorità għal klassifikazzjoni mill-ġdid”

Fil-Kawża C‑103/16:

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Jessica Porras Guisado

vs

Bankia SA,

Sección Sindical de Bankia de CCOO,

Sección Sindical de Bankia de UGT,

Sección Sindical de Bankia de ACCAM,

Sección Sindical de Bankia de SATE,

Sección Sindical de Bankia de CSICA,

Fondo de Garantía Salarial (Fogasa),

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur), D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Jannar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Bankia SA, minn C. Rodríguez Elias u V. García González, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero, A. Szmytkowska u S. Pardo Quintillán, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Settembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110), kif ukoll tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5,Vol. 3, p. 327).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Jessica Porras Guisado u Bankia SA, taqsimiet sindikali differenti u l-Fondo de Garantía Salarial (Fogasa) (il-Fond ta’ Garanzija tas-Salarji, Spanja), dwar il-legalità tat-tkeċċija li ġiet suġġetta għaliha S. Porras Guisado, fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, waqt li kienet tqila.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 92/85

3

Skont l-ewwel, is-seba’, it-tmien u l-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 92/85:

“Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat [KEE] jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi bl-iskop li jiġi inkoraġġit it-titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

[…]

Billi l-Artikolu 15 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurta’ u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 349)] jipprovdi li gruppi partikolarment sensittivi għar-riskju għandhom ikunu protetti mill-perikli li jaffettwawhom b’mod speċifiku;

Billi ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu għandhom jiġu kkunsidrati bħala grupp ta’ riskju speċifiku taħt ħafna aspetti, u jridu jittieħdu miżuri fir-rigward tas-sigurtà u s-saħħa tagħhom;

[…]

Billi r-riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema tqal, ħaddiema li welldu reċentament jew li qed ireddgħu; billi għandha ssir dispożizzjoni biex tiġi pprojbita din it-tkeċċija”.

4

Fil-paragrafu 1 tiegħu, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Skop”, jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva, li hija l-għaxar Direttiva individwali fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE, huwa li jimplementa miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ta’ ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qegħdin ireddgħu.”

5

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/85, intitolat “Tifisiriet”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

ħaddiema tqila għandha tfisser ħaddiema tqila li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha, skond il-liġi u/jew prattika nazzjonali;

(b)

ħaddiema li welldet reċentement għandha tfisser ħaddiema li welldet reċentement fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha dwar il-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika;

(ċ)

ħaddiema li qiegħda tredda’tfisser ħaddiema li qiegħda tredda’ fis-sens tal-leġislazzjoni u/jew prattika nazzjonali u li tinforma lil min iħaddimha bil-kundizzjoni tagħha skond dik il-liġi u/jew prattika”

6

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ Tkeċċija”, jipprevedi:

“Sabiex jiġi ggarantit għall-ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, l-eserċizzju tad-drittijet tagħhom tal-protezzjoni tas-saħħa [u s-sigurtà] kif rikonoxxuti f’ dan l-Artikolu, għandu jiġi provdut illi:

1.

l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, matul iż-żmien mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità msemmi fl-Artikolu 8(1), barra minn każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali u, meta applikabbli, sakemm l-awtorita’ kompetenti tkun tat il-kunsens tagħha;

2.

jekk ħaddiema, fis-sens ta’ l-Artikolu 2, tiġi mkeċċa waqt iż-żmien imsemmi fil-punt 1, min iħaddimha jrid jiddikjara motivi ġġustifikati għat-tkeċċija tagħha, bil-miktub;

3.

l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 2, minn konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija llegali skond il-punt 1.”

Id-Direttiva 98/59

7

Skont il-premessi 2 sa 4, u 7 tad-Direttiva 98/59:

“(2)

Billi huwa importanti li jkun hemm iżjed protezzjoni għall-ħaddiema fil-każ ta’ redundancies kollettivi waqt li jittieħed kont tal-bżonn ta’ żvilupp ibbilancjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità;

(3)

Billi, minkejja ż-żieda ta’ konverġenza, jibqgħu differenzi bejn id-disposizzjonijiet fl-Istati Membri dwar l-arranġamenti prattiċi u l-proċeduri għal din ir-redundancy u l-miżuri intenzjonati biex iserrħu mill-konsegwenzi tar-redundancy tal-ħaddiema;

(4)

Billi dawn id-differeni jistgħu jkollom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern;

[…]

(7)

Billi din l-approssimazzjoni għandha għalhekk tiġi promossa filwaqt li t-titjib qed jinżamm fit-tifsira ta’ l-Artikolu 117 tat-Trattat [KEE]”.

8

Fil-paragrafu 1(a) tiegħu, l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “It-tifsiriet u l-iskop”, jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

redundancies kollettivi’ ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta’ l-Istati Membri, in-numru tar-redundancies huwa:

(i)

jew, fuq perijodu ta’ 30 ġurnata:

mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

mill-inqas 10 % tan-numru ta’ ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

ii)

jew, fuq perijodu ta’ 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta’ impjegati li [normalment] jaħdmu fl-istabbilimenti inkwistjoni”.

9

Fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu, l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “L-informazzjoni u l-konsultazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim.

2.   Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom, mill-inqas, ikopru mezzi u miżuri li jevitaw redundancies kollettivi jew tnaqqis ta’ numri ta’ impjegati affettwati, u biex jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali magħhom immirati, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jużaw is-servizzi ta’ esperti skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

3.   Sabiex jgħinu r-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jagħmlu proposti kostruttivi, min iħaddem għandu fi żmien tajjeb matul il-konsultazzjonijiet:

(a)

jfornihom bl-informazzjoni rilevanti kollha u

(b)

f’kull każ jagħtihom notifka bil-miktub:

(i)

tar-raġunijiet għar-redundancies ipproġettati;

(ii)

tan-numri tal-kategoriji [tan-numri u l-kategoriji] ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;

(iii)

tan-numri u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;

(iv)

tal-perijodu meta r-redundancies ipproġettati għandhom jiġu effettwati;

(v)

tal-kriterji proposti għas-selezzjoni tal-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol sakemm u safejn il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali jagħtu l-poter għal dan lil min iħaddem;

(vi)

tal-metodu għall-kalkolu ta’ xi pagamenti tar-redundancy ta’ xort’oħra minn dawk ikkawżati mill-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali.

Min iħaddem għandu jgħaddi lill-awtorità pubblika kompetenti kopja ta’, mill-inqas, l-elementi tal-kommunikazzjoni bil-miktub li hemm previsti fl-ewwel subparagrafu, l-punt (b), is-subpunti (i) sa (v).”

Id-dritt Spanjol

10

L-Artikolu 51 tat-texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores, aprobado por el Real Decreto Legislativo 1/1995 (test imfassal mill-ġdid tal-Istatut tal-Ħaddiema, li jirriżulta mid-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), dwar it-tkeċċija kollettiva, jipprovdi:

“1.   Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet [tal-Istatut tal-Ħaddiema], tkeċċija kollettiva tfisser it-terminazzjoni ta’ kuntratti tax-xogħol minħabba raġunijiet ekonomiċi, tekniċi, jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni, sakemm, matul perijodu ta’ 90 jum, din it-terminazzjoni tirrigwarda tal-inqas:

(a)

10 ħaddiema fl-impriżi li jimpjegaw inqas minn 100 ħaddiem;

(b)

10 % tan-numru ta’ ħaddiema fl-impriżi li jimpjegaw bejn 100 u 300 ħaddiem;

(c)

30 ħaddiem fl-impriżi li jimpjegaw iktar minn 300 ħaddiem.

Ir-raġunijiet għandhom jitqiesu li huma ekonomiċi meta r-riżultati tal-impriża juru sitwazzjoni ekonomika negattiva, f’każijiet li jkunu kkaratterizzati mill-eżistenza ta’ telf attwali jew previst jew mit-tnaqqis persistenti tal-livell ta’ dħul ordinarju jew tal-bejgħ. Fi kwalunkwe każ, it-tnaqqis għandu jitqies li jkun persistenti jekk, għal tliet trimestri konsekuttivi, il-livell tad-dħul ordinarju jew tal-bejgħ f’kull trimestru jkun iktar baxx minn dak irreġistrat matul l-istess trimestru tas-sena preċedenti.

[…]

2.   It-tkeċċija kollettiva għandha tiġi ppreċeduta minn perijodu ta’ konsultazzjonijiet tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għal tul massimu ta’ 30 ġurnata tal-kalendarju jew ta’ 15-il ġurnata għall-impriżi b’inqas minn 50 ħaddiem. Il-konsultazzjoni tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għandha tirrigwarda, mill-inqas, il-possibbiltajiet li jiġu evitati jew imnaqqsa t-tkeċċijiet kollettivi u li jittaffu l-konsegwenzi tagħhom permezz ta’ miżuri soċjali li jmorru magħhom, bħal miżuri ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid jew azzjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ taħriġ mill-ġdid sabiex titjieb il-possibbiltà ta’ impjieg mill-ġdid. Il-konsultazzjoni għandha titwettaq fi ħdan grupp speċjali ta’ negozjati uniku filwaqt li, fejn hemm diversi postijiet ta’ ħidma, dan il-grupp ikun ristrett għal-lokalitajiet affettwati mill-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva. […]

[…]

L-imprenditur għandu jikkomunika l-ftuħ tal-perijodu ta’ konsultazzjoni lir-rappreżentanti legali tal-ħaddiema bil-miktub, b’kopja lill-awtorità tal-ħarsien tal-impjieg. Din il-komunikazzjoni bil-miktub għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

a)

l-indikazzjoni tal-kawżi tat-tkeċċija kollettiva skont il-paragrafu 1;

b)

in-numru ta’ ħaddiema affettwati mit-tkeċċija u l-kategoriji professjonali tagħhom;

c)

in-numru ta’ ħaddiema impjegati b’mod regolari matul l-aħħar sena u l-kategoriji professjonali tagħhom;

d)

il-perijodu li għalih huwa previst li t-tkeċċijiet għandhom jidħlu fis-seħħ;

e)

il-kriterji meqjusa biex jingħażlu l-ħaddiema mkeċċija;

f)

kopja tan-notifika tal-intenzjoni li jingħata bidu għal proċedura ta’ tkeċċija kollettiva indirizzata mill-maniġment tal-impriża lill-ħaddiema jew lir-rappreżentanti tagħhom;

g)

l-identità tar-rappreżentanti tal-ħaddiema li jagħmlu parti mill-grupp speċjali ta’ negozjati jew, jekk ikun il-każ, it-tismija tal-fatt li dan il-grupp speċjali ta’ negozjati ma ġiex ifformat fil-limiti ta’ żmien legali;

[…]

5.   Iż-żamma fl-impriża tal-pożizzjonijiet tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema hija prijorità fil-każijiet li għalihom jirreferi dan l-artikolu. Huwa possibbli li, permezz ta’ ftehim kollettiv jew ftehim konkluż matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni, jiġu stabbiliti prijoritajiet għaż-żamma tal-pożizzjonijiet għal gruppi oħrajn, bħalma huma ħaddiema li għandhom ir-responsabbiltà ta’ familja, l-impjegati li jkunu laħqu ċerta età u l-persuni b’diżabbiltà.

[…]”

11

L-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, dwar it-terminazzjoni tal-kuntratt għal raġunijiet oġġettivi, jipprevedi:

“Il-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi tterminat:

[…]

c)

meta sseħħ xi waħda mill-kawżi msemmija fl-Artikolu 51(1) [tal-Istatut tal-Ħaddiema] u t-terminazzjoni tkun taffettwa numru ta’ ħaddiema taħt il-limitu previst minn din id-dispożizzjoni.

[…]”

12

L-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Ħaddiema, dwar l-għamla u l-effetti tat-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol għal raġunijiet oġġettivi, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-adozzjoni tal-ftehim ta’ terminazzjoni skont l-artikolu preċedenti hija suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

ir-raġuni għandha tiġi kkommunikata lill-ħaddiem bil-miktub;

b)

il-ħaddiem għandu jingħata, fil-mument tal-komunikazzjoni bil-miktub, kumpens li l-ammont tiegħu għandu jikkorrispondi għal 20 jum salarju għal kull sena ta’ anzjanità, bil-perijodi ta’ inqas minn sena jiġu kkalkolati pro rata għax-xhur maħduma, u li l-ammont totali tiegħu ma jistax jeċċedi t-12‑il pagament mensili.

Jekk id-deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq l-Artikolu 52(c) [tal-Istatut tal-Ħaddiema] tkun ibbażata fuq raġunijiet ekonomiċi u din is-sitwazzjoni ekonomika tostakola milli l-ħaddiem jitħallas il-kumpens imsemmi fil-paragrafu preċedenti, il-persuna li timpjega tista’ ma tagħmilx dan il-ħlas, u dan billi ssemmi l-impossibbiltà li tagħmel dan fil-komunikazzjoni bil-miktub, bla ħsara għad-dritt tal-ħaddiem li jeżiġi l-ħlas tiegħu meta t-tkeċċija tagħti l-effetti tagħha;

c)

għandu jingħata perijodu ta’ preavviż ta’ 15-il jum, meħud inkunsiderazzjoni minn meta l-komunikazzjoni personali tingħata lill-ħaddiem sat-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol. Fl-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 52(c), kopja ta’ preavviż bil-miktub għandha tingħata għall-informazzjoni lir-rappreżentanti legali tal-persunal;

[…]

3.   Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tista’ tiġi appellata daqslikieku kienet tkeċċija għal raġunijiet dixxiplinari.

4.   Meta d-deċiżjoni tal-persuna li timpjega li ttemm il-kuntratt ta’ xogħol tkun motivata minn waħda mir-raġunijiet li l-Kostituzzjoni jew il-liġi tikkwalifika bħala diskriminatorji u pprojbiti f’dan ir-rigward, jew inkella meta t-tkeċċija tkun twettqet bi ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi tal-impjegat, id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun nulla, u din in-nullità għandha titqajjem ex officio mill-qorti.

Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun nulla wkoll fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta din tittieħed matul perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol marbuta mal-maternità, ma’ riskju waqt it-tqala, ma’ riskju waqt it-treddigħ naturali, ma’ marda kkawżata mit-tqala, mit-twelid jew mit-treddigħ naturali, mal-adozzjoni jew mal-fostering jew mal-paternità msemmija fl-Artikolu 45(1)(d) [tal-Istatut tal-Ħaddiema] jew meta tiġi nnotifikata f’data tali b’mod li t-terminu ta’ preavviż ikun jiskadi matul dan il-perijodu ta’ sospensjoni;

b)

meta din tkun tikkonċerna ħaddiema tqila, sa mill-bidu tat-tqala sal-bidu tal-perijodu ta’ sospensjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti, jew ħaddiem li jkun talab jew li jibbenefika minn wieħed mit-tipi ta’ leave previsti fl-Artikolu 37(4), (4bis) u (5) [tal-Istatut tal-Ħaddiema], jew li jkun talab jew li jibbenefika minn status mhux attiv skont l-Artikolu 46(3) ta’ din il-liġi; meta din tkun tikkonċerna ħaddiema vittma ta’ vjolenza fi ħdan il-koppja minħabba l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha għal tnaqqis jew riorganizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħha, għal mobbiltà ġeografika, għal bidla fil-post tax-xogħol jew għal sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol, fit-termini u kundizzjonijiet rikonoxxuti permezz tal-[Istatut tal-Ħaddiema];

c)

meta din tkun tirrigwarda ħaddiem wara li jidħol lura għax-xogħol wara perijodi ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol minħabba maternità, adozzjoni jew fostering jew paternità, sakemm inqas minn disa’ xhur ikunu għaddew mit-twelid, mill-adozzjoni jew mill-fostering tal-wild.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti japplikaw ħlief jekk, f’dawn il-każijiet, il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun iddikjarata li tibbaża ruħha fuq raġunijiet mhux relatati mat-tqala jew mal-eżerċizzju tad-dritt għal-leave u għall-istatus mhux attiv imsemmija hawn fuq.

Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija għandha titqies fondata jekk ir-raġuni li fuqha tkun ibbażata tkun ipprovata u jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jkunu ssodisfatti. Fil-każijiet l-oħra, din għandha tiġi ddikjarata infondata.

L-assenza ta’ avviż jew l-iżball skużabbli fil-kalkolu tal-kumpens madankollu ma jwasslux għall-assenza ta’ fondatezza tat-tkeċċija, bla ħsara għall-obbligu tal-persuna li timpjega li tħallas is-salarji korrispondenti għal dak il-perijodu jew l-ammont korrett tal-kumpens, u dan indipendentement mill-effetti l-oħra li jirriżultaw minnha.

5.   Id-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja li tiddikjara n-nullità, il-fondatezza jew l-assenza ta’ fondatezza tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tipproduċi l-istess effetti bħal dawk previsti għal tkeċċija għal raġunijiet dixxiplinari, suġġett għall-modifiki li ġejjin:

a)

fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi ddikjarata fondata, il-ħaddiem għandu dritt għall-kumpens previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, li jibqa’ validu fil-konfront tiegħu jekk ikun diġà rċevieh, u għandu jitqies li jinsab f’sitwazzjoni ta’ qgħad minħabba raġunijiet lil hinn mir-rieda tiegħu;

b)

fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi ddikjarata infondata u l-persuna li timpjega terġa’ ddaħħal lill-ħaddiem, dan tal-aħħar ikun obbligat jirrimborsa l-kumpens riċevut. Jekk l-integrazzjoni mill-ġdid tiġi ssostitwita minn kumpens ekonomiku, dan għandu jitnaqqas mill-ammont ta’ dan il-kumpens.”

13

L-Artikolu 55 tal-Istatut tal-Ħaddiema, dwar il-forma u l-effetti tat-tkeċċija għal raġunijiet dixxiplinari, jipprovdi, fil-paragrafi 5 u 6 tiegħu:

“5.   It-tkeċċija motivata minn waħda mir-raġunijiet li l-Kostituzzjoni jew il-liġi tikkwalifika bħala diskriminatorji u pprojbiti f’dan ir-rigward, jew li twettqet bi ksur tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet pubbliċi tal-ħaddiem, hija nulla.

It-tkeċċija hija wkoll nulla fil-każijiet li ġejjin:

a)

meta din isseħħ matul perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol marbuta mal-maternità, ma’ riskju waqt it-tqala, ma’ riskju waqt it-treddigħ naturali, ma’ marda kkawżata mit-tqala, mit-twelid jew mit-treddigħ naturali, mal-adozzjoni jew mal-fostering jew mal-paternità msemmija fl-Artikolu 45(1)(d) [tal-Istatut tal-Ħaddiema] jew meta tiġi nnotifikata f’data tali b’mod li t-terminu ta’ preavviż ikun jiskadi matul dan il-perijodu ta’ sospensjoni;

b)

meta din tkun tikkonċerna ħaddiema tqila, sa mill-bidu tat-tqala sal-bidu tal-perijodu ta’ sospensjoni msemmi fil-paragrafu preċedenti, jew ħaddiem li jkun talab jew jibbenefika minn wieħed mit-tipi ta’ leave previsti fl-Artikolu 37(4), (4a) u (5) [tal-Istatut tal-Ħaddiema], jew li jkun talab jew li jibbenefika minn status mhux attiv skont l-Artikolu 46(3) ta’ din il-liġi; meta din tkun tikkonċerna ħaddiema vittma ta’ vjolenza fi ħdan il-koppja minħabba l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha għal tnaqqis jew riorganizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħha, għal mobbiltà ġeografika, għal bidla fil-post tax-xogħol jew għal sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol, fit-termini u kundizzjonijiet rikonoxxuti permezz tal-[Istatut tal-Ħaddiema];

c)

meta din tirrigwarda ħaddiem wara li jidħol lura għax-xogħol wara perijodi ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol minħabba maternità, adozzjoni jew fostering jew paternità, sakemm inqas minn disa’ xhur ikunu għaddew mit-twelid, mill-adozzjoni jew mill-fostering tal-wild.

Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi preċedenti japplikaw ħlief jekk, f’dawn il-każijiet, il-fondatezza tat-tkeċċija tiegħu tiġi ddikjarata li hija bbażata fuq raġunijiet mhux relatati mat-tqala jew mal-eżerċizzju ta’ dritt għal-leave u għall-istatus mhux attiv imsemmija hawn fuq.

6.   It-tkeċċija ddikjarata nulla twassal għar-reintegrazzjoni immedjata tal-ħaddiem u għall-ħlas tas-salarji mhux imħallsa.”

14

L-Artikolu 13 tar-Real Decreto 1483/2012, or el que se aprueba el Reglamento de los procedimientos de despido colectivo y de suspensión de contratos y reducción de jornada (id-Digriet Irjali 1483/2012, li jadotta r-Regolament dwar il-Proċeduri ta’ Tkeċċija Kollettiva, ta’ Sospensjoni ta’ Kuntratti u t-Tnaqqis fil-Ħin tax-Xogħol), tad-29 ta’ Ottubru 2012 (BOE Nru 261, tat-30 ta’ Ottubru 2012, p. 76292), jipprovdi:

“1.   Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(5) u tal-Artikolu 68(b) tal-[Istatut tal-Ħaddiema] u tal-Artikolu 10(3) tal-Ley Orgánica 11/1985 de Libertad Sindical [(Liġi Organika 11/1985 dwar il-Libertà ta’ Sħubija f’Sindakat)], tat-2 ta’ Awwissu 1985, il-pożizzjonijiet tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għandhom jinżammu fil-kumpanija bi prijorità meta mqabbla ma’ dawk tal-ħaddiema l-oħra affettwati mill-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva.

2.   Il-ħaddiema membri ta’ gruppi oħra jibbenefikaw ukoll minn prijorità għaż-żamma tal-pożizzjonijiet tagħhom fejn ikun miftiehem hekk permezz ta’ ftehim kollettiv jew fil-ftehim konkluż matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni, bħall-ħaddiema li għandhom ir-responsabbiltà ta’ familja, il-ħaddiema li jkunu laħqu ċerta età u l-persuni b’diżabbiltà.

3.   It-tkeċċija ta’ ħaddiema li jibbenefikaw minn prijorità għaż-żamma tal-pożizzjonijiet tagħhom fl-impriża għandha tkun motivata fid-deċiżjoni finali tat-tkeċċija kollettiva li jirreferi għaliha l-Artikolu 12.”

15

L-Artikolu 122(2) tal-Ley 36/2011, reguladora de la jurisdicción social (il-Liġi 36/2011, dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Qrati Soċjali), tal-10 ta’ Ottubru 2011 (BOE Nru 245, tal-11 ta’ Ottubru 2011, p. 106584), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Id-deċiżjoni ta’ tkeċċija hija nulla:

[…]

b)

meta tkun ittieħdet b’evitar tal-liġi, billi jiġu evitati d-dispożizzjonijiet rigward it-tkeċċijiet kollettivi, fil-każijiet imsemmija fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 51(1) tal-[Istatut tal-Ħaddiema];

c)

meta din tittieħed matul perijodu ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol marbuta mal-maternità, ma’ riskju waqt it-tqala, ma’ riskju waqt it-treddigħ naturali, ma’ marda kkawżata mit-tqala, mit-twelid jew mit-treddigħ naturali, mal-adozzjoni jew mal-fostering jew mal-paternità msemmija fl-Artikolu 45(1)(d) [tal-Istatut tal-Ħaddiema] jew meta tiġi nnotifikata f’data tali b’mod li t-terminu ta’ preavviż ikun jiskadi matul dan il-perijodu ta’ sospensjoni;

d)

meta din tkun tikkonċerna ħaddiema tqila, sa mill-bidu tat-tqala sal-bidu tal-perijodu ta’ sospensjoni msemmi fil-paragrafu (c) hawn fuq, jew ħaddiem li jkun talab jew li jibbenefika minn wieħed mit-tipi ta’ leave previsti fl-Artikolu 37(4), (4a) u (5) [tal-Istatut tal-Ħaddiema], jew li jkun talab jew li jibbenefika minn status mhux attiv skont l-Artikolu 46(3) ta’ dan l-istess kodiċi; meta din tkun tikkonċerna ħaddiema vittma ta’ vjolenza fi ħdan il-koppja minħabba l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħha għal tnaqqis jew għal riorganizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tagħha, għal mobbiltà ġeografika, għal bidla fil-post tax-xogħol jew għal sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol, fit-termini u kundizzjonijiet rikonoxxuti permezz tal-[Istatut tal-Ħaddiema];

e)

meta din tirrigwarda ħaddiem wara li jidħol lura għax-xogħol wara perijodi ta’ sospensjoni tal-kuntratt tax-xogħol minħabba maternità, adozzjoni jew fostering jew paternità, sakemm inqas minn disa’ xhur ikunu għaddew mit-twelid, mill-adozzjoni jew mill-fostering tal-wild.

Id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq taħt (c), (d) u (e) għandhom japplikaw ħlief jekk, f’dawn il-każijiet, il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tiġi ddikjarata li tibbaża ruħha fuq raġunijiet mhux relatati mat-tqala jew mal-eżerċizzju tad-dritt għal-leave u għall-istatus mhux attiv imsemmija hawn fuq.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fit-18 ta’ April 2006, J. Porras Guisado ġiet impjegata minn Bankia.

17

Fid-9 ta’ Jannar 2013, Bankia tat bidu għal perjodu ta’ konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, jiġifieri s-sezzjonijiet sindakali taċ-CCOO, tal-UGT, tal-ACCAM, tas-SATE u taċ-CSICA, bl-għan li tipproċedi għal tkeċċija kollettiva.

18

Fit-8 ta’ Frar 2013, il-grupp speċjali ta’ negozjati, kif previst fl-Artikolu 51(2) tal-Istatut tal-Ħaddiema, wassal għal ftehim li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-tkeċċija kollettiva li għandha titwettaq, il-modifika tal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll il-mobbiltà funzjonali u ġeografika (iktar ’il quddiem il-“ftehim tat-8 ta’ Frar 2013”).

19

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-minuti dwar dan il-ftehim, il-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-persuni kkonċernati mid-deċiżjoni ta’ tkeċċija meħuda direttament mill-impriża huma dawn li ġejjin:

“1)

Il-kamp ta’ applikazzjoni se jkun il-provinċja jew il-gruppi jew l-unitajiet funzjonali tas-servizzi ċentrali fejn il-ħaddiema huma impjegati.

2)

F’dan is-sens, ladarba jitnaqqsu [l-]pożizzjonijiet li l-impriża tiddeċiedi li tneħħi bħala konsegwenza tal-proċedura ta’ adeżjoni [mal-programm ta’ tluq ikkumpensat] u jitnaqqsu l-persuni kkonċernati mill-proċeduri ta’ mobbiltà ġeografika u ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid sabiex jiġu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu minn tluq volontarju tal-impjegati […], l-impriża għandha tindika l-persuni kkonċernati mit-tkeċċija kollettiva fil-kamp ta’ applikazzjoni korrispondenti, filwaqt li jitqies il-punteġġ li jirriżulta mill-proċeduri ta’ evalwazzjoni tal-ħiliet u tal-indikaturi ta’ potenzjal imwettqa mill-impriża.”

20

Dawn l-istess minuti jipprovdu kriterji li jistabbilixxu l-prijoritizzazzjoni għaż-żamma tal-pożizzjoniijiet, jiġifieri:

“1)

F’każ ta’ żwieġ jew ta’ unjoni bejn żewġ persuni, waħda minnhom biss tkun tista’ tiġi kkonċernata, skont l-għażla tagħhom, skont il-ħtiġijiet funzjonali u l-profili mitluba, u għall-issodisfar ta’ din il-kundizzjoni jista’ jkun neċessarju trasferiment ġeografiku.

2)

F’dak li jirrigwarda l-impjegati b’rata ta’ inkapaċità ta’ iktar minn 33 %, irrikonoxxut u kkonfermat mill-korpi kompetenti ta’ kull komunità awtonoma, jekk il-pożizzjoni tagħhom tkun abolita, il-kumpannija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħhom, dment li l-pożizzjoni l-ġdida tkun tikkorrispondi għall-profil tagħhom.”

21

Fit-13 ta’ Novembru 2013, Bankia nnotifikat lil J. Porras Guisado bl-ittra ta’ tkeċċija tagħha, fejn jingħad dan li ġej:

“Fil-każ speċifiku tal-provinċja ta’ Barcelona [Spanja], fejn inti taħdem, wara t-twettiq tal-proċedura ta’ adeżjoni mal-programm ta’ tluq ikkumpensat, wara t-tnaqqis ta’ persuni involuti mill-proċedimenti ta’ mobbiltà ġeografika u ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, huwa meħtieġ li jkompli jitnaqqas il-persunal, u l-impriża hija obbligata tittermina ċerti kuntratti tax-xogħol b’mod dirett, skont id-dispożizzjonijiet tal-[ftehim tat-8 ta’ Frar 2013].

Għal dan l-għan, mill-proċedura ta’ evalwazzjoni mwettqa fi ħdan l-impriża matul il-perijodu ta’ konsultazzjoni, u dan bl-għan tal-adozzjoni tal-ftehim tat-8 ta’ Frar 2013, li din tagħmel parti integrali minnu, jirriżulta li inti ksibt il-punteġġ ta’ 6 punti, li jfisser li l-punteġġ tiegħek huwa fost l-iktar punteġġi baxxi tal-Provinċja ta’ Barcelona, fejn taħdem int.

Għal dawn ir-raġunijiet, b’applikazzjoni tal-kriterji tal-għażla msemmija u bħala riżultat tar-raġunijiet esposti, ninfurmak li ddeċidejna li nitterminaw il-kuntratt ta’ xogħol tiegħek mill-10 ta’ Diċembru 2013.”

22

Fl-istess jum tan-notifika ta’ din l-ittra ta’ tkeċċija, J. Porras Guisado rċeviet somma ta’ flus mingħand Bankia bħala kumpens.

23

Fil-mument tat-tkeċċija tagħha, J. Porras Guisado kienet tqila.

24

Fit-9 ta’ Jannar 2014, il-persuna kkonċernata ressqet talba għal konċiljazzjoni li ma ntlaqgħetx.

25

Fit-3 ta’ Frar 2014, J. Porras Guisado kkontestat it-tkeċċija tagħha quddiem il-Juzgado de lo Social no 1 de Mataró (il-Qorti tax-Xogħol Nru 1 ta’ Mataró, Spanja), li ċaħdet dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2015.

26

J. Porras Guisado appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri t-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja).

27

Din il-qorti tenfasizza li t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari ma tkoprix il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni stabbilita permezz tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23). L-imsemmija talba hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni Spanjola tikkostitwixxix traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, li jipprojbixxi, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni, it-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Galicia (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva [92/85] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza ta’ ‘każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali’, bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ ħaddiema tqal, li welldu jew li qed ireddgħu, hija ċirkustanza li ma hijiex ekwivalenti għal dik ta’ ‘raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati’ li għaliha jirreferi l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva [98/59], inkwantu hija iktar ristretta?

2)

Fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ każijiet eċċezzjonali, li jiġġustifikaw it-tkeċċija ta’ ħaddiema tqal, li welldu jew li qed ireddgħu konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, għandu jkun impost li l-ħaddiema affetwata ma tistax tiġi ttrasferita mill-ġdid f’post tax-xogħol ieħor [f’pożizzjoni tax-xogħol oħra], jew huwa suffiċjenti li jintużaw bħala ġustifikazzjoni raġunijiet ekonomiċi, tekniċi u produttivi li jaffettwaw il-post tax-xogħol tagħha?

3)

Hija konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva [92/85] li tipprojbixxi t-tkeċċija tal-ħaddiema tqal, li welldu jew li qed ireddgħu, leġiżlazzjoni, bħal dik Spanjola, li tittrasponi l-imsemmija projbizzjoni billi tistabbilixxi garanzija li skontha jekk ikun hemm nuqqas ta’ prova tar-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija tagħha din it-tkeċċija tiġi ddikjarata nulla (protezzjoni riparattiva) mingħajr ma tistabbilixxi projbizzjoni mit-tkeċċija (protezzjoni preventiva)?

4)

Hija konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva [92/85], leġiżlazzjoni, bħal dik Spanjola, li fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva ma tikkontemplax prijorità għaż-żamma fl-impriża tal-ħaddiema tqal, li welldu jew li qed ireddgħu?

5)

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, hija konformi leġiżlazzjoni nazzjonali li tqis bħala suffiċjenti ittra ta’ tkeċċija bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża li ma tagħmel ebda riferiment għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, minbarra għall-dawk li jimmotivaw it-tkeċċija kollettiva, sabiex il-ħaddiema tiġi affettwata bid-deċiżjoni ta’ terminazzjoni kollettiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

Fuq l-osservanza tar-regoli proċedurali nazzjonali

29

Bankia ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli peress li l-qorti tar-rinviju ma osservatx ir-regoli proċedurali nazzjonali. Fil-fatt, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, J. Porras Guisado invokat il-ksur tad-Direttiva 92/85 biss fl-appell. Issa, skont ir-regoli proċedurali nazzjonali, suġġett tal-kawża ġdid, distint minn dawk ifformulati fl-att promotur, ma jistax jintlaqa’.

30

Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza tal-qrati Spanjoli, fil-kuntest ta’ rikors individwali kontra t-tkeċċija tagħha J. Porras Guisado ma għandhiex locus standi sabiex tikkontesta l-kriterji li jistabbilixxu prijoritizzazzjoni għaż-żamma tal-pożizzjonijiet, miftiehma bejn Bankia u r-rappreżentanti tal-ħaddiema u mniżżla fil-ftehim tas-8 ta’ Frar 2013.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tippronunzja ruħha la fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari nazzjonali u lanqas fuq il-konformità ta’ tali dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju ttiħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u proċedurali legali (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Genentech, C‑567/14, EU:C:2016:526, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Għaldaqstant, l-argument ibbażat fuq nuqqas ta’ osservanza tar-regoli proċedurali nazzjonali ma jistax iwassal, f’dan il-każ, għaċ-ċaħda, bħala inammissibbli, tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq in-natura ipotetika tad-domandi preliminari

33

Bankia tenfasizza li, fid-data tat-tkeċċija tagħha, J. Porras Guisado ma kinitx informatha bit-tqala tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħaddiema tqila” msemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 92/85, l-imsemmija direttiva ma tkunx applikabbli għall-kawża prinċipali. Konsegwentement, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ta’ natura ipotetika.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-istrument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti rigward il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari li jinsabu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiġux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft, C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju, kif huwa indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, ippreċiżat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk il-leġiżlazzjoni Spanjola tikkostitwixxix traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, li jipprojbixxi, ħlief f’każ ta’ eċċezzjoni, it-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa tqal.

36

Huwa paċifiku li J. Porras Guisado kienet tqila fil-mument tat-tkeċċija tagħha. Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hija sostniet, fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali, li, fl-istess żmien, hija kienet informat lill-kollegi tagħha u lis-superjuri tagħha bit-tqala tagħha.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe element kuntrarju mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li din qiegħda tassumi li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu japplika għal J. Porras Guisado.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li d-domandi magħmula huma ipotetiċi jew ma għandhom ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

Fuq l-ewwel domanda

40

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ipoteżi ta’ “każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali” bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta’ tkeċċija tal-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu ma hijiex ekwivalenti għal dik ta’ “raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali” li għalih jirreferi l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, iżda li din hija ipoteżi aktar ristretta.

41

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jipprekludu t-tkeċċija ta’ ħaddiema nisa matul il-perijodu li jibda mill-bidu tat-tqala tagħhom sat-tmiem tal-leave ta’ maternità, ħlief fil-każijiet ta’ eċċezzjoni li ma jkunux marbuta mal-kundizzjoni, aċċettati mil-leġiżlazzjonijiet u/jew mill-prattiki nazzjonali u, fejn applikabbli, sa fejn l-awtorità kompetenti tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

42

Fir-rigward tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-kunċett ta’ “tkeċċijiet kollettivi” tfisser tkeċċijiet imwettqa minn persuna li timpjega għal raġuni waħda jew iktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati sakemm ċerti kundizzjonijiet ta’ natura kwantitattiva u temporali huma ssodisfatti (ara s-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2009, Rodríguez Mayor et, C‑323/08, EU:C:2009:770, punt 35).

43

Meta ħaddiema tqila, li qed tredda’ jew li welldet reċentement titkeċċa fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva, din tappartjeni kemm għall-grupp ta’ ħaddiema protetti skont id-Direttiva 92/85 kif ukoll għal dak tal-ħaddiema protetti skont id-Direttiva 98/59. F’dan ir-rigward, hija għandha għaldaqstant tibbenefika simultanjament mid-drittijiet previsti minn dawn id-direttivi, li huma komplementari, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tagħha.

44

Fir-rigward tal-każ tal-applikazzjoni magħquda ta’ dawn id-direttivi, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila minħabba tkeċċija kollettiva fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59.

45

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li l-projbizzjoni ta’ tkeċċija stabbilita fil-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 hija intiża, kif jirriżulta mill-ħmistax-il premessa ta’ din id-direttiva, li jiġu evitati l-effetti li jagħmlu ħsara fuq l-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu li jistgħu jiġu kkawżati mir-riskju ta’ tkeċċija għal raġunijiet assoċjati mal-kundizzjoni tagħhom.

46

Huwa preċiżament fid-dawl tar-riskju li tkeċċija eventwali jkollha fuq l-istat fiżiku u psikoloġiku tal-ħaddiema tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu, inkluż ir-riskju partikolarment serju li jħeġġeġ lill-ħaddiema tqila tinterrompi volontarjament it-tqala tagħha, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, ippreveda protezzjoni partikolari għall-mara billi stabbilixxa l-projbizzjoni ta’ tkeċċija matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala sat-tmiem tal-leave tal-maternità, ħlief f’każijiet eċċezzjonali mhux marbuta mal-kundizzjoni tagħhom u bil-kundizzjoni li l-persuna li timpjega tiġġustifika bil-miktub ir-raġunijiet ta’ tkeċċija bħal din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punti 6061).

47

B’hekk, peress li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ttieħdet minħabba raġunijiet essenzjalment marbuta mal-kundizzjoni ta’ tqala tal-persuna kkonċernata, hija inkompatibbli mal-projbizzjoni ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 62).

48

Għall-kuntrarju, deċiżjoni ta’ tkeċċija matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala sa tmiem il-leave tal-maternità, għal raġunijiet mhux relatati mal-istat ta’ tqala tar-ħaddiema, ma hijiex kuntrarja għall-imsemmi Artikolu 10, bil-kundizzjoni, madankollu, illi l-persuna li timpjega tagħti raġunijiet bil-miktub li jiġġustifikaw it-tkeċċija u li t-tkeċċija tal-persuna kkonċernata tkun permissibbli mil-leġiżlazzjoni u/jew mill-prattika nazzjonali kkonċernati, skont id-dispożizzjonijiet tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 63).

49

Minn dan isegwi li r-raġuni jew ir-raġunijiet mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati, li għalihom jitwettqu t-tkeċċijiet kollettivi, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/59, jaqgħu fil-każijiet ta’ eċċezzjoni mhux konnessi mal-kundizzjoni tal-ħaddiema nisa, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila minħabba tkeċċija kollettiva, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59.

Fuq il-ħames domanda

51

Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna li timpjega li tkeċċi ħaddiema tqila fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, mingħajr ma tipprovdilha raġunijiet differenti minn li jiġġustifikaw dik it-tkeċċija kollettiva u mingħajr ma tavżaha b’ċirkustanzi eċċezzjonali.

52

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, fejn ħaddiema titkeċċa matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħha sat-tmiem tal-leave tal-maternità, il-persuna li timpjegaha għandha tagħti raġunijiet iġġustifikati għat-tkeċċija, bil-miktub.

53

B’hekk, il-persuna li timpjega għandha tesponi bil-miktub lil ħaddiema tqila li beħsiebha tkeċċi jew li diġà keċċiet mix-xogħol ir-raġunijiet mhux relatati mal-persuna ta’ din tal-aħħar li għalihom hija qiegħda twettaq tkeċċija kollettiva, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59. Dawk ir-raġunijiet jistgħu jkunu, b’mod partikolari, ekonomiċi, tekniċi jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni tal-impriża.

54

Barra minn hekk, huwa d-dmir tal-persuna li timpjega li tindika lill-ħaddiema tqila l-kriterji oġġettivi li ġew użati biex tindika l-ħaddiema li se jitkeċċew.

55

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna li timpjega li tkeċċi ħaddiema tqila fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, mingħajr ma tipprovdilha raġunijiet differenti minn dawk li jiġġustifikaw din it-tkeċċija kollettiva, dment li jiġu indikati l-kriterji oġġettivi li ġew użati biex tindika l-ħaddiema li se jitkeċċew.

Fuq it-tielet domanda

56

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprojbixxix, bħala prinċipju, it-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’ b’mod preventiv, u li tipprevedi n-nullità ta’ din it-tkeċċija biss meta din tkun illegali, bħala kumpens.

57

Preliminarjament, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 288 TFUE jirriżulta li waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jiżguraw l-effett sħiħ ta’ din, waqt li jiddisponu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-mezzi u tal-metodi sabiex jiżguraw l-implementazzjoni tagħha. Din il-libertà għaldaqstant tħalli l-obbligu sħiħ, għal kull wieħed mill-Istati Membri destinatarji, li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw l-effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, skont l-għan li din trid tilħaq (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2010, Base et, C‑389/08, EU:C:2010:584, punti 2425, u tad-19 ta’ Ottubru 2016, Ormaetxea Garai u Lorenzo Almendros, C‑424/15, EU:C:2016:780, punt 29).

58

Fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, minn naħa, skont il-punt 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu, fil-prinċipju, it-tkeċċija ta’ dawn il-ħaddiema nisa. Min-naħa l-oħra, il-punt 3 tal-imsemmi artikolu jistipula li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu l-ħaddiema nisa mill-konsegwenzi ta’ tkeċċija li hija illegali skont il-punt 1 tal-istess artikolu.

59

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għaldaqstant jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, il-protezzjoni kontra t-tkeċċija stess, bħala miżura preventiva, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni kontra l-konsegwenzi tat-tkeċċija, bħala kumpens. Għaldaqstant, traspożizzjoni korretta ta’ dan l-artikolu tobbliga lill-Istati Membri jistabbilixxu din il-protezzjoni doppja.

60

Fir-rigward tal-protezzjoni preventiva tal-ħaddiema nisa tqal, li jkunu welldu reċentement u li jkunu qed ireddgħu, kontra t-tkeċċija, għandu jiġi rrilevat li din hija ta’ importanza partikolari fil-kuntest tad-Direttiva 92/85.

61

Fil-fatt, skont il-ħmistax-il premessa ta’ din id-direttiva, ir-riskju ta’ tkeċċijiet għal raġunijiet marbuta mal-kundizzjoni tagħhom jista’ jkollu effetti li jagħmlu ħsara għall-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu u għandu jkun hemm dispożizzjoni biex tiġi pprojbita t-tkeċċija ta’ dawn tal-aħħar.

62

Huwa b’teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju li tkeċċija eventwali taffettwa l-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, inkluż ir-riskju partikolarment serju li jista’ jwassal sabiex il-ħaddiema tqila tinterrompi volontarjament it-tqala tagħha, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, ipprovda protezzjoni partikolari għall-mara billi stipula l-projbizzjoni ta’ tkeċċija matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala sat-tmiem tal-leave tal-maternità (sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1994, Webb, C‑32/93, EU:C:1994:300, punt 21, u tal-11 ta’ Novembru 2010, Danosa, C‑232/09, EU:C:2010:674, punt 60).

63

B’hekk, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 92/85 u, b’mod iktar partikolari, mill-Artikolu 10 tagħha, il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni lill-ħaddiema nisa tqal, li welldu reċentement jew li qed ireddgħu teskludi kemm it-teħid ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija kif ukoll l-adozzjoni ta’ miżuri preparatorji għat-tkeċċija, bħar-riċerka u l-previżjoni ta’ sostitut definittiv tal-impjegata kkonċernata, minħabba t-tqala u/jew it-twelid ta’ tarbija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Paquay, C‑460/06, EU:C:2007:601, punt 33).

64

B’teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju fuq l-istat fiżiku u mentali tal-ħaddiema nisa tqal, li jkunu welldu reċentement u li jkunu qed ireddgħu li jġib miegħu r-riskju ta’ tkeċċija, il-protezzjoni bħala kumpens, anki fl-ipoteżi fejn twassal għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema mara mkeċċija u għall-ħlas tas-salarji mhux imħallsa minħabba t-tkeċċija, ma tistax tissostitwixxi protezzjoni fuq bażi preventiva.

65

Għalhekk, sabiex tiġi żgurata traspożizzjoni fidila tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 kif ukoll il-protezzjoni tal-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu mir-riskju ta’ tkeċċija, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw ruħhom li jipprovdu biss, bħala kumpens, in-nullità ta’ din it-tkeċċija meta din ma tkunx iġġustifikata.

66

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprojbixxix, bħala prinċipju, it-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’, b’mod preventiv, u li tipprevedi biss in-nullità ta’ din it-tkeċċija meta din tkun illegali, bħala kumpens.

Fuq it-tieni u r-raba’ domanda

67

Permezz tat-tieni u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, fis-sens tad-Direttiva 98/59, la tipprevedi prijorità għaż-żamma tal-pożizzjonijiet u lanqas prijorità għal klassifikazzjoni mill-ġdid, applikabbli qabel dik it-tkeċċija, għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu.

68

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, l-Istati Membri għandhom “jieħdu l-passi neċessarji” sabiex, bħala prinċipju, jipprojbixxu t-tkeċċija tal-ħaddiema nisa matul il-perijodu mill-bidu tat-tqala tagħhom sa tmiem il-leave tal-maternità.

69

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ prijorità għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ ħaddiema tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’, fid-deċiżjoni tagħha l-qorti tar-rinviju tindika li, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, il-pożizzjonijiet tar-rappreżentanti legali tal-ħaddiema għandhom jinżammu fil-kumpannija bi prijorità meta mqabbla ma’ dawk tal-ħaddiema l-oħra affettwati mill-proċedura ta’ tkeċċija kollettiva u li l-ħaddiema li jagħmlu parti minn gruppi oħra wkoll għandhom jibbenefikaw minn prijorità għaż-żamma tal-pożizzjonijiet tagħhom meta dan ikun miftiehem permezz ta’ negozjar, bħall-gruppi ta’ ħaddiema li għandhom ir-responsabbiltà ta’ familja, ta’ ħaddiema li jkunu laħqu ċerta età jew ta’ persuni b’diżabbiltà.

70

Minn dan ir-regolament il-qorti tar-rinviju tiddeduċi li l-ħaddiema nisa tqal għandhom jibbenefikaw minn prijorità għaż-żamma ta’ pożizzjonijiet fl-impriża biss meta din il-prijorità tkun ir-riżultat ta’ negozjar kollettiv. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-ħaddiema li jibbenefikaw minn prijorità għaż-żamma tal-pożizzjoni tagħhom jistgħu jitkeċċew, iżda li, f’dan il-każ, il-persuna li timpjega għandha tiġġustifika raġunijiet eċċezzjonali li huma differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata t-tkeċċija kollettiva.

71

F’dan il-każ, b’mod konformi mar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila, minħabba tkeċċija kollettiva, fit-tifsira tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59.

72

F’dan ir-rigward, huwa minnu li, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttiva 92/85, b’mod partikolari l-punt 1 tal-Artikolu 10 tagħha, ma jimponix fuq l-Istati Membri li jipprevedu prijorità għaż-żamma tal-pożizzjonijiet kif ukoll prijorità għal klassifikazzjoni mill-ġdid applikabbli qabel it-tkeċċija kollettiva, għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu.

73

Madankollu, din id-direttiva, li fiha biss rekwiżiti minimi, bl-ebda mod ma teskludi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni ogħla għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Jiménez Melgar, C‑438/99, EU:C:2001:509, punt 37).

74

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni u r-raba’ domanda għandha tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, fis-sens tad-Direttiva 98/59, la tipprevedi prijorità għaż-żamma tal-pożizzjonijiet u lanqas prijorità għal klassifikazzjoni mill-ġdid, applikabbli qabel dik it-tkeċċija, għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, mingħajr madankollu ma tiġi eskluża l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni ogħla għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens ta’ l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE), għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti t-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila minħabba tkeċċija kollettiva fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi.

 

2)

Il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-persuna li timpjega li tkeċċi ħaddiema tqila fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, mingħajr ma tipprovdilha raġunijiet differenti minn dawk li jiġġustifikaw din it-tkeċċija kollettiva, dment li jiġu indikati l-kriterji oġġettivi li ġew użati biex tindika l-ħaddiema li se jitkeċċew.

 

3)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprojbixxix, bħala prinċipju, it-tkeċċija ta’ ħaddiema tqila, li welldet reċentement jew li qed tredda’, b’mod preventiv, u li tipprevedi n-nullità ta’ din it-tkeċċija biss meta din tkun illegali, bħala kumpens.

 

4)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest ta’ tkeċċija kollettiva, fis-sens tad-Direttiva 98/59, la tipprevedi prijorità għaż-żamma tal-pożizzjonijiet u lanqas prijorità għal klassifikazzjoni mill-ġdid, applikabbli qabel dik it-tkeċċija, għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu, mingħajr madankollu ma tiġi eskluża l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni ogħla għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement jew li qed ireddgħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.