SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
14 ta’ Ġunju 2017 ( *1 ) ( 1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) — Rimbors tal-VAT mħallsa indebitament — Dritt għal tnaqqis tal-VAT — Modalitajiet — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ newtralità fiskali — Prinċipju ta’ effettività — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tintroduċi terminu ta’ preskrizzjoni”
Fil-Kawża C‑38/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti tal-prim’istanza (kamra tat-taxxi), ir-Renju Unit], permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Jannar 2016, fil-proċedura
Compass Contract Services Limited
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda, K. Jürimäe u C. Lycourgos (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2016,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Compass Contract Services Limited, minn D. Scorey, QC, kif ukoll minn O. Jarratt, u D. Stephens, konsulenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn D. Robertson u M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn A. Macnab, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany‑Hornung u M. Wasmeier, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Marzu 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn Compass Contract Services Limited (iktar ’il quddiem “Compass”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dawn tal-aħħar li jirrimborsaw it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) indebitament imħallsa minn Compass. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Taħt it-titolu “Oriġini u skop [portata] tad-dritt li tnaqqas [għal tnaqqis]”, l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vo. 1, p. 23), iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jipprevedi: “1. Id-dritt li tnaqqas [għal tnaqqis] għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli. 2. Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
[…]” |
4 |
L-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li tnaqqas [għal tnaqqis]”, kien jipprovdi: “1. Biex teżerċita d-dritt għal tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:
2. Il-persuna taxxabbli għandha teffetwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovut għall-perjodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali fir-rigward ta’ li, matul l-istess perjodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u jista’ jkun eserċitat taħt id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1. […] 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijet u l-proċeduri fejn persuna taxxabbli tista’ tkun awtorizzata biex tagħmel it-tnaqqis li hu m’għamilx b’mod konformi mad-disposizzjonijiet ta’ paragrafi 1 u 2. 4. Fejn għal perjodu partikolari ta’ taxxa l-ammont ta’ tnaqqis awtorizzati jeċċedu l-ammont tat-taxxa dovuta, l-Istati Membri jistgħu jew jagħmlu ħlas lura jew imexxu l-eċċess ’l quddiem għall-perjodu li jmiss skond il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw. […]” |
Id-dritt tar-Renju Unit
5 |
L-Artikolu 25 tal-Value Added Tax Act 1994 (liġi tal-1994 dwar il-VAT), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1994”), jipprovdi: “[…] 2. Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, [persuna taxxabbli] hija awtorizzata, fi tmiem kull perijodu finanzjarju, tikkredita l-ammont ta’ VAT li għandu jitnaqqas skont l-Artikolu 26, u sussegwentement tnaqqas dan l-ammont mill-VAT miġbura li huwa dovut minnha. […] 6. Ebda tnaqqis taħt il-paragrafu 2 iktar ’il fuq u ebda ħlas ta’ kreditu ta’ VAT ma jista’ jsir fl-assenza ta’ talba f’dan is-sens li tosserva t-termini u l-forom indikati minn jew skont regolamenti, fejn għandu jiġi speċifikat li, fil-każ ta’ persuna li ma wettqet ebda provvista suġġetta għat-taxxa matul il-perijodu finanzjarju kkonċernat jew preċedentement, il-ħlas ta’ kreditu ta’ VAT għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet (jekk ikun hemm) li l-Commissioners iqisu li jkunu xierqa, inklużi l-kundizzjonijiet relatati mar-rimbors taħt ċirkustanzi partikolari.” |
6 |
L-Artikolu 80 tal-Liġi tal-1994 jipprevedi: “Kreditu jew rimbors li jikkorrispondi għal eċċess ta’ VAT iddikjarata jew imħallsa […] 4. Il-Commissioners ma għandhomx ikunu obbligati, minħabba talba li ssir taħt dan l-artikolu,
jekk it-talba ssir iktar minn tliet snin wara d-data rilevanti.” |
7 |
L-Artikolu 29 tal-Value Added Tax Regulations 1995 (regolamenti tal-1995 dwar il-VAT tal-1995), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-1995”), implementa l-imsemmi Artikolu 25 tal-Liġi tal-1994. Il-paragrafi 1 u 1A ta’ dan l-Artikolu 29 kienu fformulati kif ġej: “1. Suġġett għall-paragrafu 1A […] iktar ’il fuq, u suġġett għal awtorizzazzjoni jew struzzjoni ġenerali jew speċjali kuntrarja maħruġa mill-Commissioners, persuna li titlob tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa bis-saħħa tal-Artikolu 25(2) tal-Liġi [tal-1994], għandha tagħmel dan permezz ta’ dikjarazzjoni li hija tkun irrediġiet għall-perijodu finanzjarju li matulu l-VAT tkun saret dovuta. 1A. Il-Commissioners ma jistgħux jawtorizzaw u lanqas jobbligaw lil persuna tressaq talba għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa f’ċirkustanzi tali li t-tnaqqis ikollu jintalab iktar minn tliet snin wara d-data li fiha għandha tiġi prodotta d-dikjarazzjoni għall-perijodu finanzjarju li matulu l-VAT tkun saret dovuta.” |
8 |
L-Artikolu 121 tal-Finance Act 2008 (liġi dwar il-Finanzi tal-2008, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2008”) jipprovdi: “Talbiet qodma ta’ TVA: Termini addizzjonali
[…]
|
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
Compass, li hija kumpannija li tipprovdi, b’mod partikolari, servizzi ta’ ristorazzjoni, titlob ir-rimbors tas-somom tal-VAT relatati li hija ħallset indebitament, b’mod partikolari, f’żewġ perijodi finanzjarji (trimestri) magħluqa fix-xhur ta’ Jannar u ta’ April 1997. |
10 |
Matul is-sena 1996, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ħabbar l-intenzjoni tiegħu li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu fil-qasam tar-rimbors tal-eċċess ta’ VAT miġbura u li jnaqqas, minn sitt snin għal tliet snin, it-terminu ta’ preskrizzjoni tat-talbiet relatati ma’ tali rimborsi. Din l-emenda daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 1996. Permezz tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipji ta’ effettività u ta’ aspettattivi leġittimi ma kinux favur din il-leġiżlazzjoni nazzjonali peress li hija kienet tnaqqas, b’effett retroattiv u mingħajr perijodu ta’ tranżizzjoni, it-terminu li fih seta’ jintalab ir-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament. |
11 |
Il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) [(qorti tal-appell) (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili), ir-Renju Unit] applikat din il-ġurisprudenza fil-qasam tat-talbiet għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, fejn ir-Renju Unit naqqset ukoll, minn sitt snin għal tliet snin, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ talbiet bħal dawn, mill-1 ta’ Mejju 1997. Fil-kawża Michael Fleming (t/a Bodycraft) vs Commissioners [(2006) EWCA Civ 70], l-imsemmija qorti ddeċidiet li, peress li dan it-tnaqqis fit-terminu ta’ preskrizzjoni kien seħħ mingħajr perijodu ta’ tranżizzjoni, il-persuni li d-dritt tagħhom għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa kien beda fl-1 ta’ Mejju 1997 kellhom jiġu aċċettati jressqu talba f’dan is-sens u l-applikazzjoni ta’ dan it-terminu l-ġdid kellha, fir-rigward tagħhom, tiġi eskluża. Din is-sentenza tal-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) [(qorti tal-appell) (Ingilterra u Wales) (diviżjoni ċivili)] ġiet ikkonfermata, fit-23 ta’ Jannar 2008, mill-House of Lords, fis-sentenza tagħha Fleming u Condé Nast vs Commissioners [(2008) UKHL 2]. |
12 |
Wara l-imsemmija sentenza tal-House of Lords, il-Commissioners ippubblikaw duttrina amministrattiva [Business Brief 07/08, (2008) STI 311 (Issue 8)], li permezz tagħha huma ddikjaraw li t-talbiet relatati mal-VAT imressqa wara l-iskadenza tat-terminu l-ġdid ta’ tliet snin setgħu jirrigwardaw “eċċess ta’ VAT miġbura li tħallset jew ġiet iddikjarata għall-perijodi finanzjarji qabel l-4 ta’ Diċembru 1996” kif ukoll “fuq il-VAT tal-input imħallsa li d-dritt għal tnaqqis tagħha ngħata lok matul il-perijodi finanzjarji magħluqa qabel l-1 ta’ Mejju 1997.” B’hekk, dawn iż-żewġ dati kienu jikkorrispondu għad-dħul fis-seħħ tat-terminu ta’ preskrizzjoni l-ġdid imnaqqas bi tliet snin biex jiġu ppreżentati, minn naħa, it-talbiet għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament, jiġifieri, l-4 ta’ Diċembru 1996, u, min-naħa l-oħra, it-talbiet għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, jiġifieri, l-1 ta’ Mejju 1997. Dawn it-talbiet relatati mal-VAT eventwalment ħadu l-isem ta’ “talbiet Fleming”. L-Artikolu 121 tal-Liġi tal-2008 ikkodifika dawn it-termini ta’ preskrizzjoni għal dawn iż-żewġ tipi ta’ talbiet. |
13 |
Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li, fix-xahar ta’ Ġunju 2006, il-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) [(qorti tal-appell) (Ingilterra u Wales) (Diviżjoni Ċivili), ir-Renju Unit] iddeċidiet li ċerti servizzi pprovduti minn Compass fil-preparazzjoni ta’ ikliet kesħin, li fuqhom kienet tiġbor u tiddikjara l-VAT, ma kinux suġġetti għall-VAT. Din il-qorti qieset li dawn is-servizzi kienu suġġetti għal rata zero ta’ VAT skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, konformement mal-eċċezzjoni permessa fl-Artikolu 28(2) tas-Sitt Direttiva. |
14 |
Għalhekk, il-Commissioners irrikonoxxew li Compass kienet ħallset eċċess ta’ VAT. Fix-xahar ta’ Jannar 2008, Compass ressqet talbiet ta’ rimbors relatati mal-eċċess ta’ VAT miġbura għall-perijodi bejn l-1 ta’ April 1973 u t-2 ta’ Frar 2002 inkluż. |
15 |
Il-Commissioners ipproċedew bir-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament minn Compass għall-perijodi bejn l-1 ta’ April 1973 u l-31 ta’ Ottubru 1996 inkluż. Min-naħa l-oħra, huma ċaħdu t-talbiet ta’ rimbors tal-VAT imħallsa indebitament minn din il-kumpannija għall-kumplament tal-perijodi, għar-raġuni li dawn it-talbiet kienu preskritti. Fil-fatt huma qiesu li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin kien beda jiddekorri fl-4 ta’ Diċembru 1996 għall-perijodi finanzjarja magħluqa minn din id-data u li kien skada meta Compass ressqet l-imsemmija talbiet. Kif ġie indikat mill-qorti tar-rinviju, il-perijodi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jillimitaw lilhom infushom, f’dan ir-rigward, għaż-żewġ perijodi finanzjarji ta’ Compass magħluqa wara l-4 ta’ Diċembru 1996 u qabel l-1 ta’ Mejju 1997, fejn din il-kumpannija ma kkontestatx il-fatt li l-preskrizzjoni ddekorriet b’mod validu wara din l-aħħar data. |
16 |
Għalhekk Compass ippreżentat rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti ta’ prim’istanza (kamra tat-taxxa), ir-Renju Unit] kontra r-rifjut tal-Commissioners li jirrimborsawlha l-VAT imħallsa indebitament għal dawn iż-żewġ perijodi finanzjarji. Insostenn ta’ dan ir-rikors, hija ssostni li d-differenza fit-trattament bejn talba għar-rimbors tal-VAT miġbura, bħal ma hi dik li tressqet, u talba għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, skont Compass, ma huwiex ġustifikat li, għal dawn l-istess perijodi finanzjarji, persuna taxxabbli tista’ tressaq talba għat-tnaqqis tal-VAT, iżda mhux talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament. Id-diskordanza ratione temporis prevista mil-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tad-data li minnha jidħol fis-seħħ it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, li b’hekk tistabbilixxi differenza fit-trattament bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ talbiet u li hija l-frott tax-xorti marbuta mal-anteċedenti li taw lok għall-adozzjoni tal-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni, ma hijiex oġġettivament iġġustifikata. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) [qorti ta’ prim’istanza (kamra tat-taxxa)] iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
18 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest tat-tnaqqis tat-terminu ta’ preskrizzjoni, minn naħa, tat-talbiet għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament u, min-naħa l-oħra, tat-talbiet għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, tipprevedi perijodi tranżitorji differenti, b’tali mod li t-talbiet relatati ma’ żewġ perijodi finanzjarji ta’ tliet xhur huma suġġetti għal termini ta’ preskrizzjoni differenti, skont jekk ikunux intiżi għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament jew it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa. |
19 |
Kif jirriżulta fid-deċiżjoni tar-rinviju, konformement mal-Artikolu 80(4) u mal-Artikolu 25(6) tal-Liġi tal-1994, li ġie implementat permezz tal-Artikolu 29(1A) tar-Regolamenti tal-1995dwar il-VAT, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għalihom jagħmel riferiment l-Artikolu 121 tal-Liġi tal-2008, it-talbiet għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament u t-talbiet relatati mat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa huma suġġetti għall-istess terminu ta’ preskrizzjoni mnaqqas ta’ tliet snin. Min-naħa l-oħra, id-data li minnha dan it-terminu jsir applikabbli, hekk kif jirriżulta mill-perijodi tranżitorji stabbiliti mill-Artikolu 121 tal-Liġi tal-2008, li kkodifika l-prassi tal-Commissioners, liema perijodi huma intiżi li jikkonformaw ruħhom mad-dritt tal-Unjoni, kif ġie espost fil-punti 10 sa 12 ta’ din is-sentenza, hija differenti għal dawn iż-żewġ tipi ta’ talbiet. Minn naħa, skont l-Artikolu 121(1) tal-Liġi tal-2008, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin ma japplikax għal talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament li tirrigwarda ammont meħud inkunsiderazzjoni jew imħallas għal perijodu finanzjarju magħluq qabel l-4 ta’ Diċembru 1996 jekk it-talba tkun tressqet qabel l-1 ta’ April 2009. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 121(2) jipprovdi li l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni ma japplikax għal talba għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, li tkun saret dovuta taħt perijodu finanzjarju magħluq qabel l-1 ta’ Mejju 1997, jekk din it-talba tkun tressqet qabel l-1 ta’ April 2009. |
20 |
Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li t-talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament, imressqa minn Compass, ġiet miċħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 121(1) tal-Liġi tal-2008 u tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin applikabbli għall-perijodi finanzjarji magħluqa wara l-4 ta’ Diċembru 1996 previst minn din il-liġi. Kien ikun mod ieħor li kieku kumpannija tkun ressqet talba għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, fen it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin relatat ma’ dan it-tip ta’ talba huwa applikabbli biss għall-perijodi finanzjarji magħluqa wara l-1 ta’ Mejju 1997. |
21 |
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi b’mod partikolari li oġġetti jew provvisti ta’ servizzi simili, li għaldaqstant jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (sentenzi tat-3 ta’ Mejju 2001, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑481/98, EU:C:2001:237, punt 22, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C‑259/10 u C‑260/10, EU:C:2011:719, punt 32). |
22 |
Issa, ebda element mill-proċess trażmess lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li, mill-perspettiva tal-VAT, is-servizzi pprovduti min Compass ġew sottomessi għal trattament differenti minn dak li ġie applikat fir-rigward ta’ servizzi simili ta’ operatur ekonomiku kompetitur. |
23 |
Fil-fatt, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Commissioners applikaw għall-persuni kollha li ressqu talbiet, inkluż għal Compass, ir-regoli dwar it-termini ta’ preskrizzjoni, skont in-natura tat-talbiet tagħhom, skont jekk kinux jirrigwardaw talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament jew talba għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa. |
24 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, filwaqt li l-ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li, fil-qasam tal-VAT, huwa mislut mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, jista’ jseħħ biss bejn operaturi ekonomiċi kompetituri, il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jkun ikkaratterizzat, fil-qasam fiskali, minn tipi oħra ta’ diskriminazzjoni, li jaffettwaw lil operaturi ekonomiċi li ma humiex ta’ bilfors kompetituri, iżda li xorta waħda jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli taħt aspetti oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C‑309/06, EU:C:2008:211, punt 49). |
25 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba trattament iddifferenzjat jippreżupponi li s-sitwazzjonijiet imsemmija huma paragunabbli fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 25). L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u apprezzati fid-dawl tal-iskop tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni u tal-għan imfittex minnhom, fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, f’dan is-sens, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique et Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26, kif ukoll is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 42). |
26 |
B’hekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk, fir-rigward tat-termini ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 121 tal-Liġi tal-2008, is-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku, bħal Compass, li tixtieq tikseb ir-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament lill-awtoritajiet fiskali, hijiex paragunabbli ma’ dik ta’ operatur ekonomiku ieħor, li jitlob it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa lil dawn l-istess awtoritajiet. |
27 |
F’dan ir-rigward, Compass tqis li s-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku li jitlob ir-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament hija paragunabbli għal dik ta’ operatur ekonomiku li jitlob it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, għar-raġuni li, b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C‑309/06, EU:C:2008:211), dawn iż-żewġ operaturi għandhom kreditu ta’ VAT fil-konfront tal-awtoritajiet fiskali. Min-naħa l-oħra, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li dawn is-sitwazzjonijiet ma jippreżentawx natura paragunabbli fid-dawl tan-natura ġuridika differenti tad-drittijiet li fuqhom huma bbażati dawn iż-żewġ tipi ta’ talbiet. |
28 |
Sabiex jiġi vverifikat jekk l-imsemmija sitwazzjonijiet humiex paragunabbli jew le, hemm lok, minn naħa, li jiġu ddeterminati l-elementi li jikkaratterizzaw talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament, bħal dik ta’ Compass. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li s-Sitt Direttiva ma tipprevedi ebda dispożizzjoni dwar l-aġġustament, minn min joħroġ il-fattura, tal-VAT iffatturata indebitament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala prinċipju huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom il-VAT iffatturata indebitament tista’ tiġi aġġustata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2000, Schmeink & Cofreth u Strobel, C‑454/98, EU:C:2000:469, punti 48 u 49, kif ukoll is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Rusedespred, C‑138/12, EU:C:2013:233, punt 25). |
29 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-kisba ta’ rimbors ta’ taxxi miġbura fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni huwa l-konsegwenza u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hekk kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, EU:C:1983:318, punt 12; tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgesellschaft et, C‑397/98 u C‑410/98, EU:C:2001:134, punt 84, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 24). Għaldaqstant, l-Istat Membru huwa obbligat, bħala prinċipju, li jirrimborsa t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C‑192/95 sa C‑218/95, EU:C:1997:12, punt 20, kif ukoll tad-19 ta’ Lulju 2012, Littlewoods Retail et, C‑591/10, EU:C:2012:478, punt 24). |
30 |
It-talba għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament taqa’ taħt id-dritt għar-ripetizzjoni tal-indebitu, li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija intiża li tirrimedja għall-konsegwenzi tal-inkompatibbiltà tat-taxxa mad-dritt tal-Unjoni billi jiġi nnewtralizzat l-oneru ekonomiku li jaqa’ indebitament fuq l-operatur li, finalment, sostniha effettivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, Danfoss u Sauer‑Danfoss, C‑94/10, EU:C:2011:674, punt 23). |
31 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġi osservat li l-element li jikkaratterizza tali dritt għar-rimbors, u li minnu joriġina, huwa l-eżistenza ta’ ħlas indebitu lill-awtoritajiet fiskali minn persuna taxxabbli ta’ somma li tirrigwarda l-VAT bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Hija preċiżament in-natura indebita ta’ din il-VAT li fuqha huwa bbażat id-dritt għar-ripetizzjoni u tiżgura, konformement mal-kundizzjonijiet iffissati mid-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, li l-oneru ekonomiku li jirriżulta minn dan il-ħlas jiġi nnewtralizzat fir-rigward ta’ din il-persuna taxxabbli. |
32 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-elementi li jikkaratterizzaw talba għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, jeħtieġ li jiġi osservat li, filwaqt li d-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament jirriżulta mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa huwa previst fl-Artikolu 17 et seq. tas-Sitt Direttiva. |
33 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu mill-VAT dovuta minnhom il-VAT dovuta jew imħallsa għal oġġetti miksuba u s-servizzi rċevuti minnhom bil-quddiem jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għalhekk jagħmel parti sħiħa mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, bħala prinċipju, jiġi limitat (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C‑285/11, EU:C:2012:774, punti 25 u 26, kif ukoll is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Gemeente Woerden, C‑267/15, EU:C:2016:466, punti 30 u 31). |
34 |
L-iskema ta’ tnaqqis hija intiża sabiex ittaffi għal kollox lill-persuna taxxabbli mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tagħha. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, għaldaqstant, in-newtralità fir-rigward tal-oneru fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, indipendentement mill-għanijiet jew ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma nfushom suġġetti għall-VAT (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1985,Rompelman, 268/83, EU:C:1985:74, punt 19; tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C‑439/04 u C‑440/04, EU:C:2006:446, punt 48, kif ukoll tas-26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 43). |
35 |
B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT huwa limitat għas-sempliċi taxxi dovuti u ma jistax jiġi estiż għall-VAT iffatturata u mħallsa indebitament lill-awtorità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C‑35/05, EU:C:2007:167, punti 23 u 27, kif ukoll tas-26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 47). |
36 |
Għalhekk, b’differenza tal-element li jikkaratterizza d-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, li jikkostitwixxi dritt inerenti għall-mekkaniżmu tal-VAT, stabbilit bis-sistema komuni ta’ VAT, huwa bbażat fuq l-eżistenza ta’ taxxa dovuta. |
37 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li, filwaqt li d-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament huwa intiż li jirrimedja sitwazzjoni li tipproċedi minn ksur tad-dritt tal-Unjoni, billi jippermetti lill-benefiċjarju ta’ dan id-dritt jinnewtralizza oneru ekonomiku sostnut b’mod indebitu, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jirriżulta mill-applikazzjoni nnifisha tas-sistema komuni tal-VAT, sabiex il-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu suġġetti għall-VAT, li tiggarantixxi b’hekk in-newtralità fir-rigward tal-oneru fiskali ta’ dawn l-attivitajiet. |
38 |
Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, differenza tali fir-rigward tan-natura tad-drittijiet inkwistjoni u tal-għanijiet segwiti minnhom tiġġustifika l-fatt li jistgħu jeżistu sistemi ġuridiċi speċifiċi għal kull wieħed minn dawn iż-żewġ drittijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontenut tagħhom kif ukoll tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom, bħat-terminu ta’ preskrizzjoni tal-azzjonijiet intiżi sabiex jiġu invokati l-imsemmija drittijiet u, b’mod iktar partikolari, id-data li minnha tali terminu jsir applikabbli. |
39 |
Għalhekk, il-fatt li jista’ jitqies, kif tindika Compass fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-persuna li għandha dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament u dik li għandha dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa huma persuni li għandhom kreditu ta’ VAT lejn l-awtoritajiet fiskali ma jistax, waħdu, iwassal għall-konklużjoni li s-sitwazzjoni tagħhom hija paragunabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-qasam fiskali, fid-dawl tad-differenzi fundamentali kemm fir-rigward tal-għanijiet segwiti mis-sistemi ġuridiċi speċifiċi għal dawn id-drittijiet kif ukoll tal-elementi li jikkaratterizzawhom. Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, l-awtoritajiet fiskali nazzjonali ma għandhomx obbligu li jittrattaw il-persuni li għandhom l-imsemmija drittijiet bl-istess mod fir-rigward tas-sistema tat-termini ta’ preskrizzjoni tat-talbiet relatati ma’ dawn l-istess drittijiet, u lanqas, b’mod partikolari, ma għandhom jipprevedu data identika għad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ġdid. |
40 |
Barra minn hekk, fir-rigward tas-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C-309/06, EU:C:2008:211), invokata minn Compass fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kif ġie mfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li jiġi osservat li, ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa intiż li japplika f’sitwazzjoni fejn operaturi ekonomiċi għandhom kollha kemm huma kreditu ta’ VAT, jippruvaw jiksbu r-rimbors ta’ dan il-kreditu mingħand l-awtoritajiet fiskali u t-talba tagħhom għal rimbors tiġi ttrattata b’mod differenti. Madankollu, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, kienet tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-operaturi ekonomiċi kollha kienu jixtiequ jiksbu r-rimbors tal-VAT li huma kienu ħallsu indebitament lill-awtoritajiet fiskali u raw it-talba tagħhom għar-rimbors tiġi ttrattata b’mod differenti. B’hekk, fid-dawl tad-differenzi bejn il-fatti inkwistjoni f’din is-sentenza u dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza ma tistax tqiegħed inkwistjoni l-interpretazzjoni li d-dritt għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament u d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa huma ta’ natura differenti. |
41 |
Mill-punti preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tal-perijodi tranżitorji fil-qasam tal-preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 121 tal-Liġi tal-2008, introdotti, kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għar-rimbors u sabiex il-liġi tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, is-sitwazzjoni ta’ operatur ekonomiku, bħal Compass, li jixtieq jikseb ir-rimbors tal-VAT li huwa jkun ħallas indebitament lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali, ma hijiex paragunabbli għal din ta’ operatur ekonomiku ieħor li jitlob it-tnaqqis tal-VAT tal-input li huwa jkun ħallas lil dawn l-istess awtoritajiet. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jipprekludix, għaldaqstant, it-trattament b’mod differenti ta’ dawn iż-żewġ sitwazzjonijiet fir-rigward tat-termini li jirriżultaw minn dawn il-perijodi tranżitorji. |
42 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-eżami tal-ewwel domanda fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, hemm lok li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ rikors suġġetti għal dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali, li jipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernati. Fil-fatt, tali termini ma humiex tali li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, anki jekk, bħala tali, id-dekorriment ta’ dawn it-termini jagħti lok għaċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-azzjoni ppreżentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Haahr Petroleum, C‑90/94, EU:C:1997:368, punt 48, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Q‑Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 36). F’dan ir-rigward, terminu nazzjonali ta’ dekadenza tliet snin jidher raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C‑62/00, EU:C:2002:435, punt 35, kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 28). |
43 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-punt 38 tas-sentenza tagħha tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435), li l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tnaqqas it-terminu li matulu jista’ jintalab ir-rimbors ta’ somom imħallsa bi ksur tad-dritt tal-Unjoni suġġett mhux biss għall-kundizzjoni li t-terminu l-ġdid stabbilit ikun ta’ natura raġonevoli, iżda wkoll li din il-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi regoli tranżitorji li jippermettu lill-individwi jkollhom terminu suffiċjenti, wara l-adozzjoni tagħha, sabiex ikunu jistgħu jressqu t-talbiet għal rimbors li kellhom id-dritt iressqu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti. |
44 |
Issa, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, kif jindika r-Renju Unit fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, dispożizzjoni bħall-Artikolu 121 tal-Liġi tal-2008, li tipprevedi perijodi tranżitorji għall-applikazzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni ridotti għat-talbiet ta’ rimbors tal-VAT imħallsa indebitament u t-talbiet relatati mat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, tosserva l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer (C‑62/00, EU:C:2002:435). |
45 |
Iċ-ċirkustanza li l-perijodi tranżitorji relatati mad-data li minnha jsiru applikabbli termini ġodda ta’ preskrizzjoni huma differenti skont jekk jirrigwardawx wieħed mit-termini li japplikaw għal dawn iż-żewġ tiġi ta’ talbiet, ma jistax ikollha effett kwalunkwe fuq tali konstatazzjoni, sa fejn, fl-implementazzjoni tagħhom, l-imsemmija termini ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli r-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament kif ukoll it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa. Ġaladarba, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tnaqqis tat-terminu ta’ preskrizzjoni taż-żewġ tipi ta’ talbiet japplika mill-4 ta’ Diċembru 1996 fir-rigward tal-ewwel tip ta’ talbiet u mill-1 ta’ Mejju 1997 għat-tieni tip talbiet, kif inhu mfakkar fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, tali tnaqqis, li ma kellux effett retroattiv minħabba l-perijodi tranżitorji, ippermetta lill-individwi, bħal Compass, li jkollhom, sabiex iressqu t-talbiet tagħhom għall-perijodi ta’ wara, rispettivament, l-4 ta’ Diċembru 1996 għal tal-ewwel u l-1 ta’ Mejju 1997 għal tat-tieni, terminu effettiv ta’ tliet snin. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-termini inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ta’ natura raġonevoli, b’tali mod li l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip. |
46 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest tat-tnaqqis tat-terminu ta’ preskrizzjoni, minn naħa, tat-talbiet għar-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament u, min-naħa l-oħra, tat-talbiet għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, tipprevedi perijodi tranżitorji differenti, b’tali mod li t-talbiet relatati maż-żewġ perijodi finanzjarji ta’ tliet xhur huma suġġetti għal termini ta’ preskrizzjoni differenti, skont jekk ikollhomx bħala għan ir-rimbors tal-VAT imħallsa indebitament jew it-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa. |
Fuq it-tieni domanda
47 |
Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
48 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ effettività ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest tat-tnaqqis tat-terminu ta’ preskrizzjoni, minn naħa, tat-talbiet għar-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa indebitament u, min-naħa l-oħra, tat-talbiet għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa, tipprevedi perijodi tranżitorji differenti, b’tali mod li t-talbiet relatati maż-żewġ perijodi finanzjarji ta’ tliet xhur huma suġġetti għal termini ta’ preskrizzjoni differenti, skont jekk ikollhomx bħala għan ir-rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa indebitament jew it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Fil-punti 30, 46 u fid-Dispożittiv saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.