EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0089

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tat-8 ta' Settembru 2011.
Q-Beef NV (C-89/10) vs Belgische Staat u Frans Bosschaert (C-96/10) vs Belgische Staat, Vleesgroothandel Georges Goossens en Zonen NV u Slachthuizen Goossens NV.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari: Rechtbank van eerste aanleg te Brussel - il-Belġju.
Taxxi inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni - Taxxi mħallsa skont sistema ta’ appoġġ finanzjarju u ta’ ġbir iddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni - Sistema sostitwita minn sistema ġdida meqjusa kompatibbli - Ħlas lura ta’ taxxi indebitament miġbura - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività - Tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni - Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni - Dies a quo - Djun li għandhom jiġu rkuprati mingħand l-Istat u mingħand individwi - Termini differenti.
Każijiet Magħquda C-89/10 u C-96/10.

European Court Reports 2011 I-07819

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:555

Kawżi magħquda C-89/10 u C-96/10

Q-Beef NV

vs

Belgische Staat

u

Frans Bosschaert

vs

Belgische Staat et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel)

“Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Taxxi mħallsa skont skema ta’ appoġġ finanzjarju u ta’ ġbir iddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni — Skema ssostitwita b’sistema ġdida meqjusa kompatibbli — Ħlas lura ta’ taxxi indebitament miġbura — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni — Dies a quo — Djun li għandhom jiġu rkuprati mingħand l-Istat u mingħand individwi — Termini differenti”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Ħlas lura — Modalitajiet — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Previżjoni, minnu, ta’ termini ta’ preskrizzjoni jew ta’ dekadenza

2.        Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Ħlas lura — Modalitajiet — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Previżjoni, minnu, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal sabiex jinkiseb il-ħlas lura ta’ taxxi mingħand individwu intermedjarju minn dak applikabbli għall-Istat – Ammissibbiltà — Kundizzjoni

3.        Domandi preliminari — Interpretazzjoni — Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta' interpretazzjoni — Effett retroattiv — Sentenza li tikkonstata l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tan-natura retroattiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali

(Artikolu 267 TFUE)

1.        Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst fl-ordinament ġuridiku intern ta’ Stat Membru għad-djun dovuti mill-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu bi ksur tal-imsemmi dritt skont “sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi”.

Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati li jirregolaw ir-rimbors ta’ taxxi imposti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt japplikaw il-modalitajiet proċedurali previsti mill-ordinament ġuridiku intern tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam ta’ termini ta’ dekadenza, suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Issa, ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, peress li terminu ta’ ħames snin japplika għad-djun kollha dovuti mill-Istat Membru inkwistjoni u l-applikabbiltà tiegħu ma tiddependix fuq il-kwistjoni dwar jekk dan id-djun jirriżultax minn ksur tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qrati nazzjonali. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, l-iffissar ta’ termini raġjonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata, hija kompatibbili mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, anki jekk, bħala regola, l-iskadenza ta’ dawn it-termini tirriżulta fiċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-azzjoni mressqa.

(ara l-punti 34-36, 38, id-dispożittiv 1)

2.        Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil individu terminu itwal sabiex jikseb l-irkupru ta’ taxxi mingħand individwu ieħor li aġixxa bħala intermedjarju, li ħallashom indebitament lilu u li sussegwentement ħallashom f’isem l-ewwel individwu għall-benefiċċju tal-Istat, filwaqt li, jekk dan l-individwu kien iħallas dawn it-taxxi direttament lil dan tal-aħħar, l-azzjoni ta’ dan l-individwu kienet tkun suġġetta għal terminu ta’ irkupru iqsar, li jidderoga mis-sistema ta’ dritt komuni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ pagament indebitu, peress li l-individwi li jaġixxu bħala intermedjarji jistgħu effettivament jitolbu lill-Istat Membru l-ammonti eventwalment imħallsa għall-benefiċċju ta’ individwi oħrajn.

(ara l-punt 45, id-dispożittiv 2)

3.        Il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenza mogħtija wara rinviju għal deċiżjoni preliminari, tal-inkompatibbiltà tan-natura retroattiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ordinament ġuridiku intern għad-djun dovuti mill-Istat membru inkwistjoni.

Fil-fatt, minn naħa, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taqa’ fil-prinċipju taħt id-dritt nazzjonali. Min-naħa l-oħra, sentenza mogħtija minn rinviju għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv iżda sempliċement dikjaratorju bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata. Konsegwentement, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li awtorità nazzjonali tinvoka l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli ħlief jekk l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali flimkien mal-eżistenza ta’ terminu ta’ dekadenza jwasslu sabiex iċaħħdu totalment persuna mill-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali.

(ara l-punti 47, 48, 51, 53, id-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Settembru 2011 (*)

”Taxxi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Taxxi mħallsa skont skema ta’ appoġġ finanzjarju u ta’ ġbir iddikjarata kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Skema ssostitwita bi skema ġdida meqjusa kompatibbli ‑ Ħlas lura ta’ taxxi indebitament miġbura – Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività – Tul tat-terminu ta’ preskrizzjoni – Dies a quo – Djun li għandhom jiġu rkuprati mingħand l-Istat u mingħand individwi ‑ Termini differenti”

Fil-Kawżi magħquda C‑89/10 u C‑96/10,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet, tad-29 u tat-12 ta’ Jannar 2010, rispettivament, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 u fit-22 ta’ Frar 2010, fil-proċeduri,

Q-Beef NV (C‑89/10)

vs

Belgische Staat,

u

Frans Bosschaert (C‑96/10)

vs

Belgische Staat,

Slachthuizen Georges Goossens en Zonen NV,

Slachthuizen Goossens NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President ta’ Awla, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Q-Beef NV u F. Bosschaert, minn J. Arnauts-Smeets, avukat,

–        għal Slachthuizen Georges Goossens en Zonen NV u Slachthuizen Goossens NV, minn A. D’Halluin u F. van Remoortel, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent, assistit minn Y. Vastersavendts u E. Jacubowitz, avukati,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Thomas u H. van Vliet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Mejju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-konformita, mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, ta’ terminu speċjali ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst mid-dritt nazzjonali tar-Renju tal-Belġju, kif ukoll id-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu.

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, Q-Beef NV (iktar ’il quddiem “Q-Beef”) u l-Istat Belġjan (C‑89/10) u, min-naħa l-oħra, F. Bosschaert u l-Istat Belġjan kif ukoll Slachthuizen Georges Goossens en Zonen NV u Slachthuizen Goossens NV (iktar ’il quddiem il-“kumpanniji Goossens”) (C‑96/10) dwar il-possibbiltà li jiġi applikat terminu ta’ ħames snin għal rikorsi ppreżentati kontra l-Istat Belġjan bil-għan li jinkiseb ir-rimbors ta’ kontribuzzjonijiet miġbura sabiex jiġi ffinanzjat il-Fond tas-Saħħa u tal-Produzzjoni tal-Annimali (iktar ’il quddiem il-“Fond”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-Fond

 Il-Leġiżlazzjoni tal-1987

3        Il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali, tal-24 ta’ Marzu 1987 (Moniteur belge tas-17 ta’ April 1987, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1987”), stabbilixxiet skema ta’ finanzjament għas-servizzi li jirrigwardaw il-ġlieda kontra l-mard tal-annimali u t-titjib tal-iġjene, tas-saħħa u tal-kwalità tal-annimali u tal-prodotti magħmula mill-annimali (iktar ’il quddiem l-“Iskema tal-1987”). Skont l-Artikolu 2 tagħha, l-għan ta’ din il-liġi kien li “tiġġieled kontra l-mard tal-annimali bl-iskop li tippromwovi s-saħħa pubblika u l-prosperità ekonomika ta’ dawk li jżommu l-annimali”.

4        L-Artikolu 32(2) tal-Liġi tal-1987 kien jipprovdi li:

“Il-[Fond] huwa stabbilit mill-Ministeru tal-Agrikoltura [...]. L-għan ta’ dan il-Fond huwa li jikkontribwixxi fil-finanzjament tal-kumpensi, tas-sussidji u ta’ benefiċċji oħrajn għal dak li jirrigwarda l-ġlieda kontra l-mard tal-annimali u li t-titjib tal-iġjene, tas-saħħa u tal-kwalità tal-annimali u tal-prodotti magħmula mill-annimali. Il-Fond huwa ffinanzjat:

1°      Mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jipproduċu, jipproċessaw, jitrasportaw, jinnegozjaw, ibigħu jew jikkummerċjalizzaw l-annimali;

[...]

Jekk il-kontribuzzjoni obbligatorja tinġabar minn persuni li jipproċessaw, jitrasportaw, jinnegozjaw, ibigħu jew jikkumerċjalizzaw l-annimali jew prodotti magħmula mill-annimali, din għandha, għal kull tranżazzjoni tiġi ttrasferita sal-istadju tal-produttur”.

5        Il-Liġi tal-1987 kienet tawtorizza lir-Re jiddetermina b’digriet l-ammont ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet obbligatorji kif ukoll il-modalitajiet tal-ġbir tagħhom. B’Digriet Irjali tal-11 ta’ Diċembru 1987, dwar il-kontribuzzjonijiet obbligatorji għall-Fond tas-Saħħa u tal-Produzzjoni tal-Annimali (Moniteur belge tat-23 ta’ Diċembru 1987, p. 19317, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-1987”, kontribuzzjoni obbligatorja għal kull annimali tal-ifrat, għoġol jew ħanżir maqtul jew esportat ħaj kienet imposta fuq il-biċċeriji u l-esportaturi, mill-1 ta’ Jannar 1988. Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti fuq il-biċċeriji u l-esportaturi kellhom jiġu ttrasferiti minnhom lill-fornituri tal-annimali, li, skont il-każ, jitrasferixxuhom lill-bejjiegħ, sabiex b’dan il-mod jaslu sal-produttur. Il-Liġi u d-Digriet tal-1987 ġew, sussegwentement, emendati diversi drabi. L-ebda wieħed minn dawn l-atti ma ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE, li huwa stess sar l-Artikolu 88(3) KE).

 Il-Liġi tal-1988

6        Wara d-Deċiżjoni 91/538/KEE tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Mejju 1991, dwar il-Fond tas-Saħħa u tal-Produzzjoni tal-Annimali fil-Belġu (ĠU L 294, p. 43), li tiddikjara l-Iskema tal-1987 inkompatibbli mas-suq komuni u skont il-liġi dwar il-ħolqien ta’ Fond Baġitarju għas-saħħa u l-kwalita tal-annimali u tal-prodotti magħmula mill-annimali, tat-23 ta’ Marzu 1998 (Moniteur belge tat-30 ta’ April 1998, p. 13469, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1998”), din l-iskema tħassret u ġiet issostitwita minn skema ġdida (iktar ’il quddiem l-“Iskema tal-1998”), li tinkludi skema ġdida ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji, applikabbli retroattivament mill-1 ta’ Jannar 1988, kif ukoll Fond ġdid, il-Fond Baġitarju għas-saħħa u l-kwalità tal-annimali u tal-prodotti magħmula mill-annimali (iktar ’il quddiem, flimkien mal-Fond tal-Iskema tal-1987, il-“Fond”). L-Iskema tal-1998 hija essenzjalment differenti minn dik tal-1987 peress li ma tipprovdix kontribuzzjonijiet għall-annimali importati u l-kontribuzzjonijiet għall-annimali esportati ma għadhomx jitħallsu mill-1 ta’ Jannar 1997.

7        L-Artikolu 5 tal-Liġi tal-1998 jipprovdi li l-Fond ikun iffinanzjat, b’mod partikolari, bil-kontribuzzjonijiet imposti mir-Re fuq persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jipproduċu, jipproċessaw, jittrasportaw, jinnegozjaw, ibigħu jew jikkummerċjalizzaw annimali jew prodotti magħmula mill-annimali.

8        L-Artikolu 14 tal-Liġi tal-1998 jimponi kontribuzzjonijiet fuq il-biċċeriji u l-esportaturi. L-ammonti ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet ivarjaw skont il-perijodu li għalih huma dovuti. Skont dan l-artikolu:

“Il-kontribuzzjonijiet obbligatorji li ġejjin għall-Fond għandhom jitħallsu mill-biċċeriji u l-esportaturi:

[…].

Dawn il-kontribuzzjonijiet obbligatorji huma ttrasferiti lill-produttur.

Dawn il-kontribuzzjonijiet obbligatorji huma dovuti biss għall-annimali nazzjonali. Ma humiex dovuti għall-annimali importati. Lanqas ma huma dovuti għall-annimali esportati mill-1 ta’ Jannar 1997.

Għal dak li jirrigwarda l-annimali importati, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji li, mill-1 ta’ Jannar 1988, tħallsu skont id-[Digriet tal-1987], emendat bid-Digriet Irjali tat-8 ta’ April 1989, tat-23 ta’ Novembru 1990, tad-19 ta’ April 1993, tal-15 ta’ Mejju 1995, tal-25 ta’ Frar 1996 u tat-13 ta’ Marzu 1997, huma rimborsati lill-kredituri li jipproduċu l-prova li l-kontribuzzjonijiet obbligatorji ma ġewx ittrasferiti minnhom lill-prodottur jew li t-trasferiment tagħhom ġie annullat u li huma ħallsu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji kollha għall-annimali nazzjonali, inklużi l-annimali għall-qatla esportati u tal-annimali għat-trobbija u għal produzzjoni esportati”.

9        L-Artikoli 15 u 16 tal-Liġi tal-1998 jimponu kontribuzzjonijiet fuq il-persuni responsabbli mill-azjendi agrikoli fejn jinżammu l-majjali, kif ukoll fuq stabbilimenti tal-ħalib u t-titolari ta’ liċenziji għal bejgħ ta’ prodotti tal-ħalib.

10      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 17(2) tal-Liġi tat-23 ta’ Marzu 1998 jipprevedi tpaċija ex lege bejn id-djun fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet imħallsa abbażi tal-Iskema tal-1987 u l-kontribuzzjonijiet dovuti abbażi tal-Iskema tal-1998.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-irkupru ta’ pagament mhux dovut u dwar il-preskrizzjoni

11      L-Artikolu 1376 tal-Kodiċi Ċivili Belġjan huwa fformulat kif ġej:

“Min jirċievi bi żball jew xjentement dak li mhux dovut lilu huwa obbligat iħallas lura lil min għamel il-ħlas dak li rċieva indebitament.”

12      L‑Artikolu 2262 a(1) tal‑Kodiċi Ċivili, kif emendat bil-Liġi tal-10 ta’ Ġunju 1998, li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Lulju 1998 jipprovdi li:

“L‑azzjonijiet personali kollha jaqgħu bil‑preskrizzjoni wara għaxar snin.”

13      L-Artikolu 2244 tal-Kodiċi Ċivili, li jistabbilixxi l-kawżi prinċipali ta’ interruzzjoni tal-preskrizzjoni, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“Taħrika, ordni jew sekwestru nnotifikati lill-persuna li ma għandux jitħalla jagħmel użu minn preskrizzjoni, huma interruzzjoni ċivili.

Taħrika tinterrompi l-preskrizzjoni sakemm tingħata deċiżjoni definittiva.”

14      L-Artikolu 100 tal-Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà tal-Istat tas-17 ta’ Lulju 1991, (Moniteur belge tal-21 ta’ Awwissu 1991, p. 17960, iktar ’il quddiem il-“Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà”), jipprovdi li:

“Huma preskritti u definittivament estinti favur l-Istat, mingħajr preġudizzju għar-revoki stabbiliti minn dispożizzjonijiet legali, regolamentari jew kuntrattwali oħrajn dwar il-kwistjoni:

1°      id-djun li, filwaqt li kellhom jitressqu skont il-modalitajiet stabbiliti bil-liġi jew bir-regolament, ma tressqux f’terminu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar tas-sena baġitarja li nħolqu matulha;

[...]”

15      L-Artikolu 101 tal-Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà jipprovdi li:

“[…] Il-bidu ta’ azzjoni legali jissospendi l-preskrizzjoni sakemm tingħata deċiżjoni definittiva.”

16      Għal dak li jirrigwarda l-preskrizzjoni ta’ azzjoni għall-infurzar ta’ garanzija, l-Artikolu 2257 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li:

“Il-preskrizzjoni ma tiddekorriex:

[…]

Fir-rigward ta’ azzjoni għall-infurzat ta’ garanzija, sakemm ma jseħħx l-iżgumbrament;

[…]”

 Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni

17      Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 93 tat-Trattat, il-Kummissjoni kkonstatat, bid-Deċiżjoni 91/538 tagħha, li l-Iskema tal-1987 kienet inkompatibbli mas-suq komuni fis-sens tal-Artikolu 92 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 92 tat-Trattat KE, li huwa stess sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE) u, konsegwentement, li ma setgħetx tiġi iktar implementata, sa fejn il-kontribuzzjonijiet obbligatorji kienu imposti wkoll, fl-istadju tal-qatla, fuq annimali u prodotti minn Stati Membri oħrajn.

18      B’ittri tas-7 ta’ Diċembru 1995 u tal-20 ta’ Mejju 1996, ir-Renju tal-Belġju nnotifika, skont l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, abbozz ta’ miżuri leġiżlattivi għat-tħassir tal-Iskema tal-1987 u għas-sostituzzjoni tagħha permezz ta’ skema ġdida.

19      Dan l-abbozz ta’ liġi, li kellu jsir il-Liġi tal-1998, kien jipprovdi b’mod partikolari soluzzjoni għall-problema tal-impożizzjoni ta’ taxxa għall-annimali importati li kienet wasslet lill-Kummissjoni, fid-Deċiżjoni 1991/538 tagħha, sabiex tiddikjara l-Iskema tal-1987 inkompatibbli mas-suq komuni.

20      L-imsemmi abbozz ta’ liġi kien iddikjarat kompatibbli mas-suq komuni bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Lulju 1996 li tirrigwarda awtorizzazzjoni għal għajnuna mill-Istat fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli [87] u [88] tat-Trattat KE (ĠU 1997, C 1, p. 2).

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C-89/10

21      Q-Beef hija impriża Belġjana li hija involuta fil-kummerċ tal-annimali u li, b’mod partikolari, tesporta annimali. Fil-kuntest ta’ dawn l-esportazzjonijiet, hija ħallset diversi kontribuzzjonijiet lill-Istat Belġjan abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-Fond. Għaldaqstant, hija tikkonferma li ħallset, bejn ix-xahar ta’ Jannar 1993 u dak ta’ April 1998, ammont totali ta’ EUR 137 164 li hija titlob ir-rimbors tiegħu lill-Istat Belġjan.

22      Wara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et (C‑261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I‑12249), peress li ġie stabbilit li ebda effett retroattiv ma seta’ jingħata lill-Liġi tal-1998 għall-perijodu preċedenti għad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni kienet iddikjarat l-abbozz ta’ liġi li ta lok għal din il-liġi kompatibbli mas-suq komuni, fit-2 ta’ April 2007, Q-Beef bdiet proċeduri kontra l-Istat Belġjan quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet ikkonċernati.

23      Skont il-qorti tar-rinviju, bis-saħħa tal-Artikolu 100(1) tal-Liġijiet ikkoordinati dwar il-kontabbiltà, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin beda jiddekorri, għad-dejn ta’ Q-Beef dovut mill-Istat Belġjan, mill-1 ta’ Jannar tas-sena baġitarja li matulha nħoloq, f’dan il-każ is-sena tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-1998, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1998, minħabba t-tpaċija stabbilita minn dan it-test bejn id-djun dovuti skont l-iskema l-ġdida u dik dwar il-kontribuzzjonijiet imħallsa skont l-Iskema tal-1987, u li skada fil-31 ta’ Diċembru 2002 f’nofsillejl. Peress li fit-2 ta’ April 2007 inbdew proċeduri kontra l-Istat Belġjan, id-dejn ta’ Q-Beef dovut mill-Istat Belġjan kien preskritt fid-dawl tad-dritt intern Belġjan. Skont din il-qorti u kuntrarjament għal dak sostnut minn Q-Beef, is-sentenza van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, kellha biss effett dikjaratorju fir-rigward tad-dritt nazzjonali u ma tagħtix lok għall-bidu tad-dekorrenza tal-preskrizzjoni.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dritt Komunitarju jipprekludi lil qorti nazzjonali milli tapplika terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fis-sistema legali [ordinament ġuridiku] nazzjonali għad-dejn dovut mill-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu lil Stat Membru skont sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxa u li mhux biss irriżulta li kienet parzjalment illegali, iżda wkoll parzjalment inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, u li tħallsu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ sistema ġdida ta’ għajnuna u ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji li tissostitwixxi l-ewwel sistema u li, permezz ta’ deċiżjoni finali tagħha, il-Kummissjoni ddikjarata kompatibbli mad-dritt Komunitarju, iżda mhux sa fejn dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu imposti retroattivament għal perijodu qabel id-data ta’ din id-deċiżjoni?

2)      Id-dritt Komunitarju jipprekludi lil Stat Membru milli jkun jista’ jinvoka, b’suċċess, termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali li huma partikolarment favorih meta mqabbla mad-dritt komuni nazzjonali, sabiex jiddefendi ruħu fil-proċeduri mressqa kontrih minn individwu, bl-għan li jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet li dan tal-aħħar għandu taħt it-Trattat KE, bħal fil-każ deskritt mill-qorti nazzjonali, fejn dawn it-termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali partikolarment favorevoli għandhom il-konsegwenza li jirrendu impossibbli l-irkupru ta’ taxxi li tħallsu lil Stat Membru skont sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxa li mhux biss irriżulta li kienet parzjalment illegali, iżda wkoll parzjalment inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, u li l-inkompatibbiltà tiegħu mad-dritt Komunitarju ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej biss wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini ta’ preskrizzjoni nazzjonali partikolarment favorevoli, anki jekk l-illegalità kienet teżisti preċedentement?”

 Il-Kawża C-96/10

25      F. Bosschaert huwa bidwi li, matul il-perijodu ta’ bejn l-1989 u l-1996, ħallas lill-kumpanniji Goossens il-kontribuzzjonijiet intiżi għall-Fond għall-annimali maqtula f’ismu. Huwa ħallas il-kontribuzzjonijiet lil Slachthuizen Georges Goossens en Zonen NV li, min-naħa tagħha, ittrażmettihom lil Slachthuizen Goossens NV, li ttrasferithom fil-Fond. F. Bosschaert jitlob ir-rimbors ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, jiġifieri t-total ta’ EUR 38 842.46, minħabba li dawn kienu ġew imposti fuqu illegalment, il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

26      Fil-31 ta’ Lulju 2007, wara s-sentenza van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, F. Bosschaert beda proċeduri quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussell, kontra l-Istat Belġjan, prinċipalment, sabiex jikseb ir-rimbors tal-kontribuzzjonijiet imħallsa indebitament minnu u, sussidjarjament, kontra l-kumpanniji Goossens fil-każ li r-rikors dirett tiegħu kontra l-Istat Belġjan ma jintlaqax.

27      Bin-noti tagħhom ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2007, fil-kuntest tal-imsemmija proċedura, il-kumpanniji Goossens ressqu żewġ talbiet inċidentali kontra l-Istat Belġjan, jiġifieri, minn naħa, azzjoni għall-infurzar ta’ garanzija fil-każ li huma jiġu kkundannati jirrimborsaw il-kontribuzzjonijiet miġbura mingħand F. Bosschaert u, min-naħa l-oħra, azzjoni għar-rimbors tal-kontribuzzjonijiet li huma stess ħallsu għall-Fond.

28      Bħal fil-Kawża C‑89/10, il-qorti tar-rinviju tirreleva li, fir-rigward tad-dritt intern Belġjan, l-azzjonijiet għar-rimbors ta’ F. Bosschaert u tal-kumpanniji Goossens kontra l-Istat Belġjan huma preskritti. Hija tikkunsidra wkoll li, kuntrarjament għal dak li sostnew F. Bosschaert u l-kumpanniji Goossens, is-sentenza van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq għandha natura sempliċement dikjaratorja, peress li hija ma tikkostitwix in-natura indebita tal-pagamenti li saru, peress li kulma tagħmel huwa li tikkonstata li t-taxxi kienu illegali sa fejn huma kienu imposti b’effett retroattiv.

29      Min-naħa l-oħra, minħabba li r-rikorsi ppreżentati minn F. Bosschaert kontra l-kumpanniji Goossens huma kkwalifikati bħala ”azzjonijiet personali”, huma jaqgħu bil-preskrizzjoni wara għaxar snin. Dan it-terminu ġie introdott, għall-kawżi bejn l-individwi, bil-Liġi tal-10 ta’ Ġunju 1998, li emendat il-Kodiċi Ċivili, beda jiddekorri biss fis-27 ta’ Lulju 1998, id-data meta daħlet fis-seħħ din il-liġi. Konsegwentement, il-31 ta’ Lulju 2007, id-data ta’ dawn ir-rikorsi, il-preskrizzjoni kienet għadha ma bdietx tiddekorri. Għal dak li jirrigwarda r-rikorsi għall-infurzar ta’ garanzija kontra l-Istat Belġjan ippreżentati fil-21 ta’ Novembru 2007 mill-kumpanniji Goossens, dawn ma kinux preskritti a fortiori, għaliex huma saru wara r-rikorsi ppreżentati minn F. Bosschaert matul ix-xahar ta’ Lulju 2007.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Brussel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi preliminari, fejn l-ewwel u t-tielet waħda huma identiċi għall-ewwel u għat-tieni domandi tal-Kawża C‑89/10 rispettivament, kif riprodotti fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, u li t-tieni waħda minnhom hija fformulata kif ġej:

“Id-dritt Komunitarju jipprekludi li, meta Stat Membru jimponi taxxi fuq individwu li, min-naħa tiegħu, għandu jgħaddi [jitrasferixxi] dawn it-taxxi lil individwi oħra li magħhom jeżerċita attività kummerċjali f’settur fejn l-Istat Membru impona sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi, iżda li din is-sistema sussegwentement irriżultat mhux biss parzjalment illegali iżda wkoll parzjalment inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, dawn l-individwi jkunu, skont dispożizzjonijiet nazzjonali, suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni iqsar għal dak li jikkonċerna l-irkupru, fir-rigward tal-Istat Membru, ta’ kontribuzzjonijiet li jmorru kontra d-dritt Komunitarju, filwaqt li għandhom terminu ta’ preskrizzjoni itwal għall-irkupru tal-istess kontribuzzjonijiet fir-rigward ta’ individwu li jintervjeni bħala intermedjarju, bir-riżultat li dan l-intermedjarju eventwalment isib ruħu f’sitwazzjoni fejn azzjoni mibdija kontrih ma tkunx preskritta, bil-kontra ta’ dik mibdija kontra l-Istat Membru u li għaldaqstant dan l-intermedjarju jista’ jkollu azzjoni mibdija kontrih minn operaturi oħra u li, skont il-każ, ikollu jsejjaħ lill-Istat Membru bħala garanti, iżda ma jistax jirkupra fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru l-imposti [il-kontribuzzjonijiet] li hu stess ħallas direttament lil dan tal-aħħar?”

31      Permezz ta’ digriet tal‑President tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, tas-6 ta’ April 2010, il‑Kawżi C‑89/10 u C‑96/10 ġew magħquda flimkien għall‑finijiet tal‑proċedura bil‑miktub u orali kif ukoll tas‑sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjoni preliminari

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta f’qasam partikolari jkun jeżisti nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-kompitu tal-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li jaħtar il-qrati kompetenti u li jistabbilixxi regoli proċedurali għal azzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li l‑individwi jinvokaw taħt id-dritt tal-Unjoni, sakemm, minn naħa waħda, tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Mejju 2011, Iaia et, C‑452/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑89/10 u C‑96/10

33      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċpali, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst fl-ordinament ġuridiku intern għad-djun dovuti mill-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni skont “sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi”.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati li jirregolaw ir-rimbors ta’ taxxi imposti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom id-dritt li japplikaw il-modalitajiet proċedurali previsti mill-ordinament ġuridiku intern tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam ta’ termini ta’ dekandenza, suġġett għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

35      F’dan il-każ, jidher li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma huwiex miksur, peress li t-terminu ta’ ħames snin japplika għad-djun kollha dovuti mill-Istat Belġjan u l-applikabbiltà tiegħu ma tiddependix fuq il-kwistjoni dwar jekk dan id-djun jirriżultax minn ksur tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifikah.

36      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il‑kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġjonevoli għall-preżentata ta’ rikorsi taħt piena ta’ dekadenza fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuna taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, tali termini ma humiex ta’ natura li jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, anki jekk, bħala regola, l-iskadenza ta’ dawn it-termini tirriżulta fiċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-azzjoni mressqa (ara s-sentenza Iaia et, iċċitata iktar ’il quddiem, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, bħala eżempju, terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin tqis bħala raġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29).

37      Fil-kawża prinċipali, u kif ukoll jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, ma huwiex ikkontestat li t-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli huwa terminu ta’ ħames snin, li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi partikolari miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi kkunsidrat li jmur kontra l-prinċipju ta’ effettività.

38      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑89/10 u C‑96/10 għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst fl-ordinament ġuridiku intern għad-djun dovuti mill-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni skont ”sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi”.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑96/10

39      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tagħti lil individu terminu itwal sabiex jikseb l-irkupru ta’ taxxi mingħand individwu ieħor li aġixxa bħala intermedjarju, li ħallashom lilu u li sussegwentement ħallashom f’isem l-ewwel individwu għall-benefiċċju tal-Istat, filwaqt li, jekk dan l-individwu kien iħallas dawn it-taxxi direttament lil dan tal-aħħar, l-azzjoni tal-ewwel individwu kienet tkun suġġetta għal terminu iqsar.

40      F’dan il-każ, skont il-qorti tar-rinviju, l-azzjonijiet għar-rimbors ta’ F. Bosschaert u tal-kumpanniji Goossens kontra l-Istat, huma preskritti minħabba l-fatt li t-terminu ta’ preskrizzjoni speċifiku ta’ ħames snin previst għad-djun dovuti mill-Istat, filwaqt li l-azzjoni ta’ F. Bosschaert kontra dawn il-kumpanniji ma hijiex preskritta peresss li hija kienet ġiet ippreżentata fit-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin applikabbli għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut bejn individwi.

41      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni ma jipprojbixxix lil Stat Membru li jipprekludi terminu nazzjonali ta’ dekadenza ta’ tliet snin, għal azzjonijiet għar-rimbors ta’ taxxi miġbura bi ksur tad-dritt Komunitarju, li jidderoga mill-iskema komuni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut bejn l-individwi, suġġetta għal terminu iktar favorevoli, sakemm dan it-terminu ta’ dekadenza japplika bl-istess mod għall-azzjonijiet għar-rimbors ta’ dawn it-taxxi li huma bbażati fuq id-dritt Komunitarju u għal dawk li huma bbażati fuq id-dritt nazzjonali (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Settembru 1998, Edis, C-231/96, Ġabra p. I‑4951, punt 39, u Spac, C‑260/96, Ġabra p. I-4997, punt 23, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2002, Prisco u CASER, C‑216/99 u C‑222/99, Ġabra p. I‑6761, punt 70).

42      Barra minn hekk, it-termini ta’ preskrizzjoni jaqdu, b’mod ġenerali, l-funzjoni li tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali, li tipproteġi min-naħa tagħha lill-persuna taxxabbli u l-amministrazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Edis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, u tat-28 ta’ Ottubru 2010, SGS Belgium et, C-367/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68). Il-Qorti tal-Ġustizzjoni ddeċidiet ukoll li l-prinċipju ta’ effettività ma jinkisirx fil-każ ta’ terminu nazzjonali ta’ preskrizzjoni allegatament iktar vantaġġuż għall-amministrazzjoni fiskali mit-terminu ta’ preskrizzjoni fis-seħħ għall-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade, C-95/07 u C-96/07, Ġabra p. I-3457, punti 49 sa 54).

43      Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ effettività jinkiser fl-ipoteżi li fiha l-kumpanniji Goossens la kellhom id-dritt li jiksbu r-rimbors tat-taxxa kkonċernata matul it-terminu ta’ ħames snin u lanqas, wara azzjoni għall-irkupru tal-pagament mhux dovut mibdija wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu minn F. Bosschaert kontra l-imsemmija kumpanniji, il-possibbiltà li jdur kontra l-Istat, b’tali mod li l-konsegwenzi tal-pagamenti mhux dovuti ta’ taxxi imputabbli lill-Istat ikunu sostnuti biss minn dawn il-kumpanniji intermedjarji.

44      Madankollu, fil-kawża prinċipali, skont il-qorti tar-rinviju u kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jekk il-kumpanniji Goossens kienu kkundannati jirrimborsaw il-kontribuzzjonijiet li huma indebitament ġabru, huma setgħu jirkupraw dawn is-somom mingħand l-Istat, billi jibdew minflok azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut, li tali azzjoni taqa’ bil-preskrizzjoni wara ħames snin, azzjoni għall-infurzar ta’ garanzija fir-rigward ta’ obbligu personali. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikorsi għall-infurzar ta’ garanzija ppreżentati mill-kumpanniji Goossens fil-21 ta’ Novembru 2007 kontra l-Istat Belġjan ma humiex preskritti.

45      Konsegwentement ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑96/10 għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tagħti lil individwu terminu itwal sabiex jikseb l-irkupru ta’ taxxi mingħand individwu ieħor li aġixxa bħala intermedjarju, li ħallashom indebitament lilu u li sussegwentement ħallashom f’isem l-ewwel individwu għall-benefiċċju tal-Istat, filwaqt li, jekk dan l-individwu kien iħallas dawn it-taxxi direttament lil dan tal-aħħar, l-azzjoni ta’ dan l-individwu kienet tkun suġġetta għal terminu ta’ rkupru iqsar, li jidderoga mill-iskema ta’ dritt komuni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut, peress li l-individwi li jaġixxu bħala intermedjarji jibbenefikaw jistgħu effettivament jitolbu lill-Istat Membru l-ammonti eventwalment mħallsa għall-benefiċċju ta’ individwi oħrajn.

 Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑89/10 u fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑96/10

46      B’din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenza mogħtija wara rinviju għal deċiżjoni preliminari, tal-inkompatibbiltà tan-natura retroattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni għandhiex effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ordinament ġuridiku intern għad-djun dovuti mill-Istat.

47      Fl-ewwel lok, għandu jiġi ppreċiżat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni taqa’ bħala prinċipju taħt id-dritt nazzjonali. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-konstatazzjoni sussegwenti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħala prinċipju, ma jkollhiex impatt fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni (ara s-sentenza Iaia et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrentii fil-kawża prinċipali u skont ġurisprudenza stabbilita sew, sentenza mogħtija minn rinviju għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv iżda sempliċement dikjaratorju bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, Kempter, C‑2/06, Ġabra p. I‑411, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fir-rigward tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sad-data tat-traspożizzjoni korretta ta’ direttiva, l‑Istat Membru li jkun naqas ma jistax jeċċepixxi t-tressiq tardiv ta’ azzjoni ġudizzjarja ppreżentata kontrih minn individwu sabiex jipproteġi d-drittijiet irrikonoxxuti lilu mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li terminu għall-preżentata ta’ rikors taħt id-dritt nazzjonali jista’ jibda jiddekorri biss minn din id-data (ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott, C‑208/90, Ġabra p. I‑4269, punt 23).

50      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita wara s-sentenza Emmot, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-Istat Membru li jkun naqas jista’ jipprekludi d-dekadenza ta’ azzjonijiet ġudizzjarji, anki jekk fid-data tal-preżentata tar-rikorsi jkun għadu ma ttrasponiex b’mod korrett id-direttiva inkwistjoni, billi ddeċidiet li s-soluzzjoni stabbilita fis-sentenza Emmott kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi li kienu partikolari għall-kawża li tat lok għal din is-sentenza, fis-sens li d-dekadenza kienet wasslet biex iċaħħad totalment lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-possibbiltà li tinvoka d-dritt tagħha taħt direttiva (ara s-sentenza Iaia et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li awtorità nazzjonali teċċepixxi mill-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli ħlief jekk l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali flimkien mal-eżistenza ta’ terminu ta’ dekadenza jwasslu biex iċaħħdu totalment persuna mill-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Barth, punt 33, kif ukoll Iaia et, punt 21).

52      Fil-kawżi prinċipali, skont il-qorti tar-rinviju, it-terminu ta’ preskrizzjoni beda jiddekorri mill-1 ta’ Jannar 1998, sabiex jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2002, filwaqt li s-sentenza van Calster et, iċċitati iktar ’il fuq, ġiet deċiża biss fil-21 ta’ Ottubru 2003, jiġifieri sew wara l-iskadenza tat-terminu speċifiku ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. Madankollu, l-iffissar tal-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmi terminu fl-1 ta’ Jannar 1998 ma kienx ta’ natura li jċaħħad totalment lill-persuni kkonċernati mill-possibbiltà li jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali d-drittijiet li huma jibbenefikaw minnhom skont id-dritt tal-Unjoni, kif dan intwera mir-rikors ġudizzjarji ppreżentati quddiem il-qrati Belġjani fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza van Calster et.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C‑89/10 u għat-tielet domanda fil-Kawża C‑96/10 għandha tkun li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċpali, il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenza mogħtija wara rinviju għal deċiżjoni preliminari, tal-inkompatibbiltà tan-natura retroattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ordinament ġuridiku intern għad-djun dovuti mill-Istat.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin, previst fl-ordinament ġuridiku intern għad-djun dovuti mill-Istat, fir-rigward ta’ azzjonijiet għall-irkupru ta’ taxxi li tħallsu bi ksur tad-dritt tal-Unjoni skont ”sistema mħallta ta’ għajnuna u ta’ taxxi”.

2)      Id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tagħti lil indiviwdu terminu itwal sabiex jikseb l-irkupru ta’ taxxi mingħand individwu ieħor li aġixxa bħala intermedjarju, li ħallashom indebitament lilu u li sussegwentement ħallashom f’isem l-ewwel individwu għall-benefiċċju tal-Istat, filwaqt li, jekk dan l-individwu kien iħallas dawn it-taxxi direttament lil dan tal-aħħar, l-azzjoni ta’ dan l-individwu kienet tkun suġġetta għal terminu ta’ rkupru iqsar, li jidderoga mis-sistema ta’ dritt komuni tal-azzjoni għall-irkupru ta’ pagament mhux dovut, peress li l-individwi li jaġixxu bħala intermedjarji jibbenefikaw jistgħu effettivmanet jitolbu lill-Istat Membru l-ammonti eventwalment mħallsa għall-benefiċċju ta’ individwi oħrajn.

3)      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’sentenza mogħtija wara rinviju għal deċiżjoni preliminari, tal-inkompatibbiltà tan-natura retroattiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex effett fuq il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-ordinament ġuridiku intern għad-djun dovuti mill-Istat.

Firem


*Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top