KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WATHELET
ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2018 ( 1 )
Kawża C‑564/16 P
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
vs
Puma SE
“Appell – Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 207/2009 – Artikolu 8(5) – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Raġunijiet relattivi għal rifjut – Regolament (KE) Nru 2868/95 – Regoli 19 u 50(1) – Kunċett ta’ ‘reputazzjoni’ – Valur probatorju tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO li jirrikonoxxu r-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti – Kunċett ta’ ‘prassi deċiżjonali preċedenti’ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Obbligi proċedurali tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO”
I. Introduzzjoni
|
1. |
Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Settembru 2016, Puma vs EUIPO – Gemma Group (Rappreżentazzjoni ta’ felin jaqbeż) (T‑159/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:457), li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO tad‑19 ta’ Diċembru 2014 (Każ R 1207/2014-5), relatata ma’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Puma SE ( 2 ) u Gemma Group Srl ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
|
2. |
Il-kwistjoni li tinsab fil-qalba tal-appell jista’ jkollha importanza prattika fl-applikazzjoni tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni ppreżentati fuq il-bażi tar-raġuni ddikjarata fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ( 4 ). Fil-fatt, din tirrigwarda d-determinazzjoni ta’ jekk il-proprjetarju ta’ trade mark li jressaq oppożizzjoni f’dan ir-rigward kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ġdida jistax jiġġustifika t-talba tiegħu bis-sempliċi riferiment għall-fatt li r-reputazzjoni tat-trade mark tiegħu kienet diġà ġiet stabbilita f’deċiżjonijiet tal-EUIPO li ma kinux jinvolvu lill-istess partijiet. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Ir-Regolament Nru 207/2009
|
3. |
Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, “[b]arra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skont it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea] preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni [fl-Unjoni] u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.” |
|
4. |
Fost id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VII tar-Regolament Nru 207/2009, intitolat “Appelli”, l-Artikolu 63(2) huwa fformulat kif ġej: “Waqt l-eżaminazzjoni tal-appell, il-Bord tal-Appell għandu jistieden lill-partijiet, kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn jew maħruġin minnu stess.” |
|
5. |
Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, “[i]d-deċiżjonijiet tal-[EUIPO] għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xiehda fir-rigward ta’ liem il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom”. |
|
6. |
L-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 jippreċiża li: “1. Fi proċedimenti quddiemu l-[EUIPO] għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizzjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba. 2. L-[EUIPO] jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.” |
|
7. |
Finalment, skont l-Artikolu 78(1) tar-Regolament Nru 207/2009: “1. F’kull proċedimenti quddiem l-[EUIPO], il-miżati [il-miżuri] ta’ kif għandha tingħata jew tinkiseb ix-xiehda għandhom jinkludu dan li ġej: […]
[…]” |
B. Ir-Regolament (KE) Nru 2868/95
|
8. |
Skont ir-Regola 19(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità ( 5 ): “Fi żmien il-perjodu msemmi f’paragrafu 1, il-parti li qed topponi għandha wkoll tiffajlja prova ta’ eżistenza, validit[à] u skop tal-protezzjoni tal-marka preċedenti jew dritt preċedenti, kif ukoll evidenza li turi d-dritt li għandha biex tiffajlja oppożizzjoni. B’mod partikolari, il-parti li qed topponi għandha tipprovdi l-evidenza li ġejja:
[…]” |
|
9. |
Skont ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95: “Sakemm ma jkunx provdut xorta oħra, id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedimenti quddiem id-dipartiment li ħa d-deċiżjoni li kontra tagħha sar l-appell għandu japplika għal proċedimenti ta’ appell mutatis mutandis. B’mod partikolari meta l-appell isir kontra deċiżjoni meħuda fi proċedimenti t’oppożizzjoni, l-Artikolu 78a tar-Regolament m’għandux ikun applikabbli għal limiti ta’ żmien iffissati skond l-Artikolu 61(2) tar-Regolament. Fejn l-appell isir kontra deċiżjoni ta’ Divizjoni ta’ Oppożizzjoni, il-Bord għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni skond ir-Regolament u dawn ir-Regoli, sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu [76](2) tar-Regolament [Nru 207/2009].” |
III. Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
10. |
Fl‑14 ta’ Frar 2013, Gemma Group ippreżentat applikazzjoni lill-EUIPO għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, skont ir-Regolament Nru 207/2009. |
|
11. |
It-trade mark li għaliha ntalbet ir-reġistrazzjoni kienet is-sinjal figurattiv ta’ kulur blu segwenti: |
|
12. |
Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassi 7 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u kienu jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: “magni biex jinħadem l-injam; magni għall-ipproċessar tal-aluminju; magni għall-ħidma tal-PVC”. |
|
13. |
L-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 66/2013, tat‑8 ta’ April 2013. |
|
14. |
Fit‑8 ta’ Lulju 2013, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, Puma, ressqet oppożizzjoni, skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 207/2009, għar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għall-prodotti kollha msemmija fil-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ir-raġuni għall-oppożizzjoni kienet dik imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
15. |
L-oppożizzjoni saret, b’mod partikolari, fuq il-bażi tat-trade marks preċedenti segwenti:
|
|
16. |
Insostenn tal-oppożizzjoni tagħha bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, Puma għamlet użu mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fl-Istati Membri kollha u għall-prodotti kollha elenkati fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
17. |
Fl‑10 ta’ Marzu 2014, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni kollha kemm hi. Filwaqt li rrikonoxxiet ċertu grad ta’ xebh tas-sinjali f’kunflitt, hija qieset, fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti Nru 593987, li, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, ma kienx hemm lok li jiġu eżaminati l-provi prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza sabiex turi l-użu estensiv u r-reputazzjoni tagħha u li l-eżami ser isir fuq il-bażi tal-ipoteżi li t-trade mark preċedenti kellha “karattru distintiv imsaħħaħ”. Hija kkonkludiet, fuq il-bażi ta’ din il-premessa, li r-rabta meħtieġa mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 ma kinitx stabbilita f’dan il-każ. |
|
18. |
Fis‑7 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza appellat din id-deċiżjoni quddiem l-EUIPO, skont l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
19. |
Fi tmiem id-deċiżjoni kontenzjuża, il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO ċaħad l-appell. |
|
20. |
L-ewwel nett huwa qies li t-trade marks preċedenti u t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienu jippreżentaw ċertu grad ta’ xebh viżiv u li jagħti l-istess kunċett ta’ “felin jaqbeż li jixbah puma”. |
|
21. |
It-tieni nett, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argument tar-rikorrenti fl-ewwel istanza li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet ikkonfermat l-eżistenza tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, għar-raġuni li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kienet fil-fatt kuntenta li tafferma, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li ma kienx neċessarju, f’dan il-każ, li jiġu evalwati l-provi tar-reputazzjoni prodotti mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u li l-eżami jitwettaq billi wieħed jitlaq mill-ipoteżi li t-trade mark preċedenti Nru 593987 kienet mogħnija b’“karattru distintiv msaħħaħ”. Il-Bord tal-Appell sussegwentement eżamina u ċaħad il-provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti fir-rigward tal-prodotti msemmija fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
|
22. |
It-tielet nett, il-Bord tal-Appell qies li, anki li kieku wieħed kellu jassumi li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kellha jmissha tqieset bħala stabbilita, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 kellha tiġi miċħuda, peress li l-kundizzjonijiet l-oħra, jiġifieri l-eżistenza ta’ vantaġġ indebitu miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti jew ta’ dannu mwettaq fuq dawn, lanqas ma ġew issodisfatti. |
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
|
23. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ April 2015, Puma ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
|
24. |
Insostenn tar-rikors tagħha, Puma qajmet essenzjalment tliet motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba peress li l-Bord tal-Appell kien ċaħad il-provi dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti u kkonkluda li r-reputazzjoni tagħhom ma kinitx intweriet, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-Artikoli 75 u 76 tar-Regolament Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell kien eżamina l-provi dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti filwaqt li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ma kinitx wettqet tali eżami, u t-tielet wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament. |
|
25. |
Permezz tal-ewwel motiv tagħha, Puma ssostni, essenzjalment, li billi ċaħad il-provi tar-rikorrenti fl-ewwel istanza dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, u billi mar kontra l-prassi deċiżjonali tiegħu fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-Bord tal-Appell kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba. Insostenn ta’ dan il-motiv, Puma sostniet żewġ argumenti quddiem il-Qorti Ġenerali: l-ewwel kien jirrigwarda r-rifjut tal-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni l-provi li ma kinux ġew tradotti fil-lingwa tal-kawża, it-tieni kien jirrigwarda ċ-ċirkustanza li l-Bord tal-Appell mar kontra l-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu. |
|
26. |
Wara li ddikjarat ċerti stampi prodotti minn Puma bħala inammissibbli minħabba li tressqu għall-ewwel darba quddiemha, il-Qorti Ġenerali analizzat iż-żewġ argumenti ta’ Puma invokati fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha. Hija fakkret il-kontenut tad-dritt għal amministrazzjoni tajba li jinkludi b’mod partikolari l-obbligu li għandha l-amministrazzjoni li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha, fejn dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jkun utli b’mod partikolari, minn naħa, sabiex jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jiġu difiżi d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, sabiex il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità tad-deċiżjoni. |
|
27. |
Il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-EUIPO kellu, fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet li diġà ttieħdu fuq applikazzjonijiet simili u jqis b’attenzjoni partikolari l-kwistjoni dwar jekk kienx hemm lok jew le li jiddeċiedi bl-istess mod, fejn il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amministrazzjoni tajba madankollu jkollhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità. Il-Qorti Ġenerali kompliet billi fakkret li, għaldaqstant, il-persuna li tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor bil-għan li tikseb deċiżjoni identika. Barra minn hekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod speċifiku, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni jkollu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod indebitu. Dan l-eżami jkollu jitwettaq f’kull każ konkret, peress li r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tiddependi minn kriterji speċifiċi, applikabbli fil-kuntest taċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni, maħsuba sabiex jiġi vverifikat jekk is-sinjal inkwistjoni jaqax taħt raġuni għal rifjut. |
|
28. |
Fir-rigward tal-ewwel argument ta’ Puma, insostenn tal-ewwel motiv tagħha, il-Qorti Ġenerali ċaħditu filwaqt li spjegat li, konformement mar-Regola 19 tar-Regolament Nru 2868/95, il-Bord tal-Appell ġustament kien qies li l-provi, li ma kinux prodotti fil-lingwa tal-kawża, ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
|
29. |
Fir-rigward tat-tieni argument ta’ Puma, li skontu din tal-aħħar sostniet li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ liġi billi mar kontra l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali qabel kollox fakkret il-kontenut tat-tliet deċiżjonijiet reċenti tal-EUIPO li skonthom huwa kkonkluda favur l-eżistenza tal-imsemmija reputazzjoni, fejn il-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest irreferiet ukoll għall-provi prodotti insostenn tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti tagħha minn Puma f’dawn il-proċedimenti. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, li dawn id-deċiżjonijiet kienu ġew debitament invokati minn Puma matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, mingħajr ma dan tal-aħħar eżaminahom, jew saħansitra semmihom, fid-deċiżjoni kontenzjuża, fejn dan il-Bord tal-Appell sempliċement fakkar li l-EUIPO ma kienx marbut mill-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-konklużjonijiet tal-EUIPO f’dawn it-tliet deċiżjonijiet kienu kkorroborati minn diversi deċiżjonijiet ta’ uffiċċji nazzjonali pprovduti minn Puma. |
|
30. |
Għalhekk il-Qorti Ġenerali qieset, minn naħa, li r-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kienet ġiet ikkonstatata mill-EUIPO fi tliet deċiżjonijiet reċenti, u, min-naħa l-oħra, li l-konstatazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark kienet konstatazzjoni tat-tip fattwali li ma tiddependix mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. |
|
31. |
Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, li “fir-rigward tal-ġurisprudenza […], li skontha l-EUIPO għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fuq applikazzjonijiet simili u jistaqsi b’attenzjoni partikolari dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens, u fid-dawl tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell ma setax imur kontra l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO mingħajr ma jipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijiet li wassluh sabiex iqis li l-konstatazzjonijiet fattwali dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, magħmula f’dawn id-deċiżjonijiet, ma jkunux rilevanti jew iktar rilevanti. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ma jsemmi l-ebda tnaqqis ta’ din ir-reputazzjoni wara d-deċiżjonijiet reċenti msemmija hawn fuq, u lanqas ma jsemmi illegalità possibbli tal-prassi deċiżjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
32. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali eskludiet l-argument tal-EUIPO li dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li l-ebda waħda minnhom ma kienet akkumpanjata minn provi tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti prodotti fil-kuntest ta’ dawn il-proċedimenti, filwaqt li ppreċiżat li, waqt l-eżami ta’ appell minn deċiżjoni, il-Bord tal-Appell għandu setgħa diskrezzjonali konformement mat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatti u provi addizzjonali jew supplimentari li ma ġewx prodotti fit-termini stabbiliti jew speċifikati mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. |
|
33. |
Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 37 u 38 tas-sentenza appellata, ippreċiżat li “fid-dawl tal-prassi deċiżjonali preċedenti reċenti tiegħu, ikkorroborata minn numru relattivament kbir ta’ deċiżjonijiet nazzjonali u b’sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Bord tal-Appell kellu, konformement mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba […] jitlob lir-rikorrenti sabiex tissottometti provi addizzjonali dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti – jekk biss biex jiċħadhomlha –, kif jippermettilu t-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 jew jipprovdi raġunijiet għalfejn huwa qies li l-konstatazzjonijiet magħmula f’dawn id-deċiżjonijiet preċedenti dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti kellhom jiġu injorati f’dan il-każ. Dan kien wisq iktar neċessarju peress li xi wħud minn dawn id-deċiżjonijiet semmew f’ħafna dettall il-provi dwar l-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, li jmissha ġibdet l-attenzjoni tiegħu għall-eżistenza tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Il-Qorti Ġenerali għalhekk laqgħet l-ewwel motiv ta’ Puma filwaqt li ddeċidiet li l-EUIPO kien kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari l-obbligu tiegħu li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu. |
|
34. |
Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll li, minħabba l-fatt li l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti hija meqjusa fl-evalwazzjoni globali tal-eżistenza ta’ dannu fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, li dwaru l-Bord tal-Appell iddeċieda b’mod superfluwu fid-deċiżjoni kontenzjuża, l‑iżball ta’ liġi mwettaq minn dan il-Bord tal-Appell seta’ jkollu influwenza determinanti fuq l-eżitu tal-oppożizzjoni. Madankollu, peress li l-imsemmi Bord tal-Appell ma wettaqx reviżjoni kompleta tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, il-Qorti Ġenerali qieset li hija ma setgħetx tiddeċiedi dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
35. |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, laqgħet l-ewwel motiv ta’ Puma u annullat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din ċaħdet l-oppożizzjoni tar-rikorrenti fl-ewwel istanza, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra mqajma minnha. |
V. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
36. |
Permezz tal-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata u tikkundanna lil Puma għall-ispejjeż. Puma titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż. |
|
37. |
Il-partijiet esponew l-argumenti tagħhom bil-miktub u oralment matul is-seduta tal‑14 ta’ Diċembru 2017. |
VI. Fuq l-appell
|
38. |
Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jinvoka żewġ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, moqri flimkien mar-Regola 19(2)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq ksur tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 u tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
39. |
Huwa jiżviluppa dawn iż-żewġ aggravji madwar erba’ argumenti li jagħti fid-dettall fi tliet punti. Għalkemm dan il-mod ta’ proċediment ma huwiex l-iktar wieħed leġġibbli, il-punti kkontestati, madankollu, huma indikati bi preċiżjoni. Dawn l-ilmenti jippermettu li jiġu identifikati tliet partijiet fi ħdan l-ewwel aggravju. |
|
40. |
L-ewwel nett, fil-punt 31 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni u l-obbligi proċedurali tal-EUIPO fil-proċedimenti inter partes inkwantu kkonstatat li Puma “debitament invokat” it-tliet deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO sabiex turi r-reputazzjoni tat-trade marks ta’ Puma bħalma tirrikjedi r-Regola 19(2)(c) tar-Regolament Nru 2868/95. |
|
41. |
It-tieni nett, fil-punt 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat in-natura kontradittorja tal-proċedimenti inter partes u l-kunċett ta’ “reputazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 billi kkwalifikat id-deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO bħala “prassi deċiżjonali”. Hija wettqet żball ta’ liġi billi obbligat lill-Bord tal-Appell tal-EUIPO jispjega għalfejn ma kienx ħa inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet li huwa kien għamel fid-deċiżjonijiet preċedenti relatati mar-reputazzjoni tat-trade marks ta’ Puma. |
|
42. |
It-tielet nett, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonstata li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO kellu l-obbligu sussidjarju li jistieden, ex officio, lil Puma tipproduċi provi addizzjonali tar-reputazzjoni li hija kienet qiegħda ssostni. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-kontradittorju li jirregola l-proċedimenti inter partes konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Din it-tielet parti tiġbor l-ilment ifformulat fil-kuntest tat-tieni aggravju fuq il-bażi tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, applikabbli skont ir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95. Dawn l-aspetti tal-appell għalhekk ser jiġu eżaminati flimkien fil-kuntest tat-tieni aggravju. |
A. Fuq l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, moqrija flimkien mar-Regola 19(2)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009
|
43. |
Jiena ser neżamina l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju flimkien peress li t-tnejn li huma jirrigwardaw, essenzjalment, l-effett ta’ prassi deċiżjonali tal-EUIPO fuq il-prova tar-reputazzjoni ta’ trade mark. |
|
44. |
Huwa importanti li jiġi osservat, preliminarjament, li l-EUIPO ma jikkontestax il-possibbiltà għall-persuna li tagħmel l-oppożizzjoni li tirreferi għall-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu iżda l-fatt li deċiżjoni preċedenti tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mingħajr ma l-persuna li tagħmel l-oppożizzjoni takkumpanja dan ir-riferiment b’referenzi preċiżi u korretti għad-dokumenti li kienu tressqu fil-proċedimenti li wasslu għal din id-deċiżjoni, u dan, fil-lingwa tal-kawża l-ġdida ( 6 ). |
|
45. |
Li kieku dan l-argument jiġi segwit, dan iwassal sabiex jiġi miċħud il-valur probatorju tal-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni preċedenti u, konsegwentement, sabiex mill-ġurisprudenza relatata mal-prassi deċiżjonali preċedenti titneħħa parti kbira mill-interess tagħha peress li l-persuna li tagħmel l-oppożizzjoni ma tkunx tista’ żżomm lura mill-identifikazzjoni tal-provi prodotti preċedentement u mit-turija tar-rilevanza tagħhom għall-proċedimenti l-ġodda ta’ oppożizzjoni. |
|
46. |
Madankollu, in-natura tar-“reputazzjoni” ta’ trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 hija perfettament kompatibbli mal-obbligu għall-EUIPO li jieħu inkunsiderazzjoni l-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu bħalma ġiet stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ raġunijiet oħra għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, kemm jekk ikunu assoluti ( 7 ) jew relattivi ( 8 ). |
|
47. |
Fil-fatt, jiena ma narax għalfejn il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li huma fil-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-obbligu tal-EUIPO li “jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u [li] jistħarreġ b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens” ( 9 ), ma japplikax fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. |
1. Fuq in-natura tar-“reputazzjoni”
|
48. |
Qabel kollox, trade mark tgawdi minn reputazzjoni fis-sens tad-dritt tal-Unjoni meta din tkun magħrufa minn parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi koperti minnha, f’parti sostanzjali tat-territorju tal-Unjoni Ewropea ( 10 ). |
|
49. |
Din għalhekk tirrigwarda konstatazzjoni fattwali: ir-“reputazzjoni” hija realtà ( 11 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja inċidentalment diġà rrikonoxxietha b’mod impliċitu iżda ċert billi ddeċidiet, fil-kuntest ta’ appell, li l-konstatazzjoni tal-kisba ta’ reputazzjoni minn trade mark preċedenti kienet taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-fatti mill-Qorti Ġenerali ( 12 ). |
|
50. |
Jiena nikkondividi għalhekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tas-sentenza appellata li l-konstatazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti invokata minn Puma hija konstatazzjoni tat-tip fattwali li ma tiddependix mit-trade mark mitluba fil-proċediment ta’ reġistrazzjoni kontenzjuż. |
|
51. |
Għalkemm jidher li l-EUIPO diġà kellu l-okkażjoni, matul il-proċedimenti preċedenti, li jirrikonoxxi li trade mark partikolari kellha reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, hemm lok li tiġi eżaminata l-konstatazzjoni ta’ fatt. Madankollu, l-elementi probatorji li l-EUIPO qies bħala bażi tal-imsemmija konstatazzjoni għandhom, bħala prinċipju, jidhru fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni preċedenti. Fil-fatt, “l-obbligu, għall-EUIPO, li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu [296] TFUE li jeżiġi li l-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha […]” ( 13 ). Biex jiġi ssodisfatt dan ir-rekwiżit, l-elementi probatorji li jiġġustifikaw it-tgawdija ta’ “reputazzjoni” għall-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti ser ikollhom, neċessarjament, b’mod xi ftit jew wisq espliċitu, jidhru fid-deċiżjoni tal-EUIPO li tirrikonoxxi din ir-realtà. Dawn l-elementi minn issa ’l quddiem ma għadhomx indispensabbli fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni ulterjuri peress li d-deċiżjoni preċedenti tal-EUIPO ssemmihom insostenn tal-konstatazzjoni tiegħu. Dan waħdu huwa biżżejjed. |
|
52. |
Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet taċċetta, fil-punti 30 u 31 tas-sentenza appellata, ir-riferiment magħmul minn Puma fl-att ta’ oppożizzjoni tagħha għal tliet deċiżjonijiet preċedenti tal-EUIPO bħala riferimenti validi mhux biss għall-konstatazzjoni tar-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti magħmula fi tmiem dawn il-proċedimenti iżda wkoll għall-provi prodotti minn Puma fil-kuntest tagħhom. |
2. Fuq l-effett tal-proċedura inter partes fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi deċiżjonali preċedenti
|
53. |
Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostni l-EUIPO insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ prassi deċiżjonali preċedenti relatata mar-reputazzjoni ta’ trade mark ma jmurx kontra n-natura kontradittorja tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni; dan lanqas ma jipprekludi l-ispeċifiċità tal-konstatazzjoni magħmula f’kull proċediment ta’ oppożizzjoni ( 14 ). |
|
54. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ħsieb li tirregola l-obbligu tal-EUIPO li jieħu inkunsiderazzjoni l-prassi deċiżjonali preċedenti tiegħu b’żewġ preċiżazzjonijiet. Minn naħa, “il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ amminstrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikkonċiljati mal-osservanza tal-legalità” ( 15 ). Min-naħa l-oħra, “għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u, b’mod preċiż, ta’ amministrazzjoni tajba, l-eżami ta’ kull applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandu jkun strett u komplet bil-għan li jiġi evitat li trade marks jiġu rreġistrati b’mod illeġittimu […]. Dak l-eżami għandu jsir f’kull każ konkret” ( 16 ). |
|
55. |
Konformement ma’ dawn il-prinċipji, bl-istess mod bħalma l-persuna li tressaq applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret favur ħaddieħor, bil-għan li tikseb deċiżjoni identika ( 17 ), il-persuna li topponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tistax tinvoka favuriha illegalità li setgħet saret preċedentement bil-għan li tikseb deċiżjoni identika. |
|
56. |
Konsegwentement, għalkemm prassi deċiżjonali tal-EUIPO relatata mar-reputazzjoni ta’ trade mark tista’ tiġi invokata mill-proprjetarju ta’ din it-trade mark insostenn tal-oppożizzjoni tiegħu, l-applikant jista’, min-naħa tiegħu, jikkontestaha u jikkritika r-rilevanza tagħha għall-każ inkwistjoni. Fil-fatt, l-invokabbiltà ta’ prassi deċiżjonali preċedenti ma tneħħix lill-applikant id-dritt li jikkontesta l-provi prodotti insostenn tal-oppożizzjoni. |
|
57. |
Fi kwalunkwe każ, kemm jekk ikun hemm dibattitu bejn il-partijiet kif ukoll jekk le, l-EUIPO jrid jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni invokata (jew id-deċiżjonijiet invokati) u jistaqsi b’attenzjoni partikolari dwar jekk ikunx hemm lok jew le li jiddeċiedi fl-istess sens u jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu kif xieraq, xejn iktar u xejn inqas. |
|
58. |
Fir-realtà, dan jinvolvi biss applikazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq l-EUIPO skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009. Madankollu, għalkemm l-EUIPO għalhekk ma għandux jispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, il-motivazzjoni tiegħu għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’mod li l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 18 ). Għalhekk, għalkemm il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-ekonomija ġenerali tad-deċiżjoni kontenzjuża ġew spjegati b’mod suffiċjenti, l-EUIPO ma huwiex marbut jadotta motivazzjoni speċifika sabiex jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu fil-konfront tad-deċiżjonijiet preċedenti invokati minn waħda mill-partijiet għall-proċedimenti ( 19 ). |
|
59. |
Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 34 tas-sentenza appellata li l-Bord tal-Appell ma setax imur kontra l-prassi deċiżjonali tal-EUIPO mingħajr ma jipprovdi ebda spjegazzjoni dwar ir-raġunijet li wassluh sabiex iqis li l-konstatazzjonijiet fattwali dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti, magħmula f’dawn id-deċiżjonijiet, ma jkunux rilevanti jew iktar rilevanti. |
|
60. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jitqies li l-argumenti invokati fil-kuntest tal-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju huma infondati. |
B. Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll fuq it-tieni aggravju bbażat fuq ksur tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 flimkien mal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009
|
61. |
It-tielet parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju mqajma mill-EUIPO insostenn tal-appell tiegħu huma intiżi t-tnejn li huma għall-punt 37 tas-sentenza appellata li skontu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li, jekk il-Bord tal-Appell tal-EUIPO ma kienx ipprovda r-raġunijiet għalfejn huwa qies li l-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjonijiet preċedenti tiegħu kellhom jiġu injorati, “[huwa] kellu, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba […], jitlob [lil Puma] sabiex tissottometti provi addizzjonali dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks preċedenti”. |
|
62. |
Skont l-EUIPO, billi stabbilixxiet dan l-obbligu “sussidjarju” l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju tal-kontradittorju li jirregola l-proċedimenti inter partes konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Hija kisret ukoll “b’mod inċidentali l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, applikabbli f’dan il-każ bis-saħħa tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95” ( 20 ). |
|
63. |
Huwa minnu li d-distinzjoni magħmula fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 ma tistax tiġi injorata. Għalkemm din id-dispożizzjoni tindika li l-EUIPO għandu jipproċedi ex officio għall-eżami tal-fatti, din tippreċiża madankollu li fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009, l-eżami għandu jkun limitat għall-motivi invokati u għat-talbiet imressqa mill-partijiet. L-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jżid li l-EUIPO “jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati” ( 21 ). |
|
64. |
Fuq il-bażi tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 jistipula li fil-kuntest ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, il-Bord tal-Appell “għandu jillimita l-eżami ta’ l-appell għall-fatti u evidenza ppreżentata fi ħdan il-limiti ta’ żmien stipulati jew speċifikati mid-Divizjoni ta’ Oppożizzjoni […], sakemm il-Bord ma jikkunsidrax li fatti u evidenza supplimentari jew addizzjonali għandu jittieħed kont tagħhom skond l-Artikolu [76](2) tar-Regolament [Nru 207/2009]”. |
|
65. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-preżentata ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ [għalhekk] possibbli wara l-iskadenza tat-termini li għalihom hija suġġetta tali preżentata skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament [Nru 207/2009] u l-[EUIPO] mhuwa bl-ebda mod ipprojbit milli jqis fatti u provi invokati jew prodotti hekk tard” ( 22 ). Fi kliem ieħor, dawn id-dispożizzjonijiet differenti jħallu lill-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO s-setgħa li jiddeċiedu jekk ikunx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi addizzjonali jew supplimentari li ma ġewx prodotti fit-termini stabbiliti jew speċifikati mid-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ( 23 ), bil-kundizzjoni li l-provi jkunu, madankollu, ġew diġà prodotti fit-terminu stabbilit mill-EUIPO ( 24 ). |
|
66. |
Dan għalhekk jirrigwarda possibbiltà tal-EUIPO u mhux obbligu: il-partijiet “m’għandh[omx] dritt inkundizzjonat li [l-fatti u l-provi invokati u prodotti barra mit-termini stabbiliti] jitqiesu mill-Bord ta’ l-Appell [tal-EUIPO] peress li dan ta’ l-aħħar, għall-kuntrarju, għandu marġni diskrezzjonali wiesa’ sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jieħux tali fatti jew provi in kunsiderazzjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni li ġie mitlub jagħti” ( 25 ). |
|
67. |
Għall-kuntrarju tal-interpretazzjoni tas-sentenza appellata ssuġġerita mill-EUIPO, jiena ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali ttrasformat il-possibbiltà, mogħtija lill-EUIPO mill-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 207/2009 u mir-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi li l-partijiet ma pproduċewx fil-ħin f’obbligu li jitlob tali provi. Fil-fatt, l-obbligu fformulat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata ma huwiex ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq iżda fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u, b’mod iktar preċiż, fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni li jinsab fih ( 26 ). |
|
68. |
Għalkemm il-Qorti Ġenerali tirreferi għat-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, dan isir biss sa fejn dan “jippermetti” t-talba għal provi addizzjonali. Madankollu, jiena ma naħsibx li l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, f’dan ir-rigward, hija vvizzjata minn żball ta’ liġi. |
|
69. |
Fil-fatt, it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, jawtorizza espressament lill-Bord tal-Appell tal-EUIPO jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi ġodda jew supplimentari li ma kinux ġew prodotti fil-ħin. Madankollu, l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009 jippermetti lill-Bord tal-Appell tal-EUIPO jistieden lill-partijiet “kemm jista’ jkun spiss skont il-ħtieġa, sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet, fi żmien perjodu iffissat mill-Bord tal-Appell, dwar il-komunikazzjonijiet […] maħruġin minnu stess” ( 27 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 78(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi wkoll il-possibbiltà li tintalab il-preżentata ta’ dokumenti u prodotti oħra ta’ xhieda f’“kull proċedimenti quddiem l-[EUIPO]”. |
|
70. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq l-EUIPO skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u li huwa indikat espressament fl-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li l-Bord tal-Appell tal-EUIPO “kellu, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba”, jitlob lill-proprjetarju tat-trade marks preċedenti jipproduċi provi supplimentari tar-reputazzjoni tagħhom jekk dan kien meħtieġ sabiex iwarrab il-konstatazzjonijiet magħmula f’deċiżjonijiet preċedenti u jimmotiva b’mod adegwat id-deċiżjoni tiegħu. Dan jinvolvi biss l-użu tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
71. |
Barra minn hekk, ir-regola stabbilita mill-Qorti Ġenerali tiżgura wkoll l-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju, peress li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprojbixxi lill-EUIPO jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq raġunijiet li l-partijiet ma setgħux jieħdu pożizzjoni dwarhom. Meta jitlob lill-persuna li tagħmel l-oppożizzjoni tipproduċi provi supplimentari, l-EUIPO għandu jagħti lill-appellant il-possibbiltà li jesprimi ruħu fir-rigward tagħhom. |
|
72. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jitqies li l-argumenti invokati fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju huma infondati. Għaldaqstant, hemm lok li ż-żewġ aggravji jiġu miċħuda kollha kemm huma. |
|
73. |
Sussidjarjament, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tara żball ta’ liġi fl-affermazzjoni fformulata fil-punt 37 tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, moqri flimkien mal-Artikolu 63(2) u l-Artikolu 78(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, jidhirli, fi kwalunkwe każ, li jiġġustifika b’mod suffiċjenti d-dispożittiv tas-sentenza appellata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball tal-Qorti Ġenerali ma jkunx biżżejjed biex tiġi annullata s-sentenza appellata ( 28 ). |
|
74. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel aggravju invokati mill-EUIPO insostenn tal-appell tiegħu ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata, ikun hemm ukoll lok li l-appell jiġi miċħud kollu kemm hu. |
VII. Fuq l-ispejjeż
|
75. |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-EUIPO tilef fir-rigward tal-aggravji tiegħu, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub minn Puma. |
VIII. Konklużjoni
|
76. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod li ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Iktar ’il quddiem “Puma”.
( 3 ) Iktar ’il quddiem “Gemma Group”.
( 4 ) ĠU 2009, L 78, p. 1.
( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1041/2005, tad‑29 ta’ Ġunju 2005 (ĠU 2006, L 287M, p. 12).
( 6 ) Ara l-punt 29 tal-appell.
( 7 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 73 sa 77).
( 8 ) Ara, pereżempju, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru serju tal-użu ta’ trade mark preċedenti, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Reber Holding vs UASI (C‑141/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2089, punti 45 u 46).
( 9 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punti 73 u 74). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Reber Holding vs UASI (C‑141/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2089, punt 45), kif ukoll id-digrieti tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Getty Images (US) vs UASI (C‑70/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:875, punti 41 u 42) u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Think Schuhwerk vs UASI (C‑521/13 P, EU:C:2014:2222, punt 57).
( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith (C‑125/14, EU:C:2015:539, punt 17). Ara, ukoll, is-sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 1999, General Motors (C‑375/97, EU:C:1999:408), kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International (C‑301/07, EU:C:2009:611, punt 30). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet b’mod espliċitu fil-punt 16 tas-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith (C‑125/14, EU:C:2015:539) li l-frażi “ikollha reputazzjoni [fl-Unjoni]” kellha l-istess tifsira fir-regolament dwar it-trade marks tal-Unjoni Ewropea (irrispettivament minn jekk huwiex ir-Regolament Nru 207/2009 jew ir-Regolament Nru 40/94) u fid-direttiva biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks [f’dan il-każ id-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25)]. Fid-duttrina, Azéma, J., “Marques renommées et marques notoires en droit européen et en droit français”, f’Marques notoires et de haute renommée – Well-know and Famous Trademarks, L.G.D.J.-Schulthess, 2011, p. 23 sa 36, b’mod speċjali p. 27.
( 11 ) Ara Sancho Gargallo, I., “Alcance de la protección de la marca notoria en la jurisprudencia comunitaria”, f’Morral Soldevila, R. (dir.), Problemas actuales de derecho de la propriedad industrial, Thomson Reuters-Civitas, 2011, p. 141 sa 155, b’mod speċjali p. 141.
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Hesse vs UASI (C‑50/15 P, EU:C:2016:34, punt 29).
( 13 ) Digriet tal‑14 ta’ April 2016, KS Sports vs EUIPO (C‑480/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:266, punt 32). F’dan id-digriet, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti fil-qosor f’punt wieħed dak li kienet diġà ddeċidiet fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet simili tar-Regolament Nru 40/94 u tat-Trattat KE fis-sentenza tagħha tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI (C‑447/02 P, EU:C:2004:649, punti 63 sa 65).
( 14 ) Ara l-punti 22, 51 sa 53 tal-appell.
( 15 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 75). Ara, ukoll, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Reber Holding vs UASI (C‑141/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2089, punt 45), kif ukoll id-digrieti tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Getty Images (US) vs UASI (C‑70/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:875, punt 43) u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Think Schuhwerk vs UASI (C‑521/13 P, EU:C:2014:2222, punt 57).
( 16 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 77); enfasi miżjuda minni. Ara, ukoll, id-digrieti tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Getty Images (US) vs UASI (C‑70/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:875, punt 44); tal‑11 ta’ Settembru 2014, Think Schuhwerk vs UASI (C‑521/13 P, EU:C:2014:2222, punt 57) u tal‑14 ta’ April 2016, KS Sports vs EUIPO (C‑480/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:266, punt 37).
( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI (C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 76), u d-digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Getty Images (US) vs UASI (C‑70/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:875, punt 43).
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Naazneen Investments vs UASI (C‑252/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:178, punti 28 u 29), kif ukoll id-digriet tal‑14 ta’ April 2016, KS Sports vs EUIPO (C‑480/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:266, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑14 ta’ April 2016, KS Sports vs EUIPO (C‑480/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:266, punt 38).
( 20 ) Punt 65 tal-appell.
( 21 ) Enfasi miżjuda minni.
( 22 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 42); enfasi miżjuda minni.
( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI (C‑120/12 P, EU:C:2013:638, punt 32).
( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer (C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punti 25 sa 27).
( 25 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C‑29/05 P, EU:C:2007:162, punt 63). Ara, ukoll, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Les éditions Albert René (C‑16/06 P, EU:C:2008:739, punt 142).
( 26 ) Il-Qorti Ġenerali tirreferi għall-punti 18 u 20 tas-sentenza appellata, li jsemmu espressament l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-obbligu ta’ motivazzjoni li dan jistabbilixxi.
( 27 ) Enfasi miżjuda minni.
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer (C‑597/14 P, EU:C:2016:579, punt 29).