KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-23 ta’ Novembru 2017 ( 1 )

Kawża C‑482/16

Georg Stollwitzer

vs

ÖBB Personenverkehr AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (qorti reġjonali superjuri ta Innsbruck, l-Awstrija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78 – Trattament ugwali fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Esklużjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel għeluq l-età ta’ tmintax-il sena – Riforma tas-sistema ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-ferroviji federali Awstrijaċi – Sistema tranżitorja – Tkomplija tad-differenza fit-trattament”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht Innsbruck (qorti reġjonali superjuri ta’ Innsbruck, l-Awstrija) saret fil-kuntest ta’ sensiela ta’ rinviji preliminari minn qrati amministrattivi Awstrijaċi intiżi li jqajmu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tar-rikonoxximent tal-esperjenza professjonali preċedenti għall-iskopijiet tal-klassifikazzjoni professjonali u tal-pożizzjonament fl-iskali tas-salarji tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ma’ organi pubbliċi ( 2 ).

2.

Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberster Gerichtsof (qorti suprema, l-Awstrija) fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 3 ) fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol konklużi bejn entitajiet universitarji u l-ħaddiema tagħhom. Din il-leġiżlazzjoni kienet tipprovdi li d-data ta’ riferiment għall-iskopijiet tat-tlugħ fl-iskala ta’ remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-pożizzjoni professjonali ta’ kull impjegat, li tiġi stabbilita fl-att tar-reklutaġġ tiegħu ( 4 ), kellha tiġi ddeterminata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali tal-persuna kkonċernata, bl-esklużjoni madankollu ta’ dik l-esperjenza miksuba minnhom qabel it-tmintax-il sena. Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent, impjegat minn entità universitarja wara perijodu ta’ apprendistat ta’ tliet snin u nofs imwettaq f’parti żgħira minnu biss wara l-għeluq tal-età ta’ tmintax-il sena, talab lil persuna li timpjega l-ħlas ta’ kumpens ekwivalenti għad-differenza bejn is-salarju rċevut għaż-żmien tal-kuntratt tiegħu u dak li għalih kien ikollu dritt li kieku l-perijodu ta’ apprendistat li huwa wettaq kellu jittieħed inkunsiderazzjoni kollu kemm hu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li għaliha wasslet il-leġiżlazzjoni inkwistjoni kienet diskriminatorja minħabba li, minkejja li kellha għanijiet meqjusa leġittimi, il-mezzi biex jintlaħqu dawn l-għanijiet ma setgħux jitqiesu approprjati fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 5 ).

3.

Wara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), il-leġiżlatur Awstrijak beda sensiela ta’ emendi leġiżlattivi intiżi li jrendi s-sistemi applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratti ma’ organi pubbliċi kompatibbli mad-Direttiva 2000/78. Il-Bundesbahngesetz ( 6 ), (liġi fuq il-ferroviji federali, l-Awstrija, iktar ’il quddiem l-“ÖBB-G”) kienet emendata bil-liġi tal-2011 (iktar ’il quddiem l-“ÖBB-G 2011”) ( 7 ). L-Artikolu 53(1) tal-ÖBB-G, kif emendat, kien jipprovdi, fir-rigward tal-membri tal-persunal u tal-pensjonanti li daħlu jaħdmu mal-ferroviji federali Awstrijaċi (Österreichische Bundesbahnen, iktar ’il quddiem l-“ÖBB”) sal-31 ta’ Diċembru 2004 u li d-data individwali tagħhom ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-avvanz fil-karriera kienet iffissata abbażi tal-Bundesbahn-Besoldungsordnung 1963 ( 8 ) (Regolament tal-1963 dwar ir-remunerazzjoni tal-persunal tal-ÖBB, iktar ’il quddiem il-“BO 1963”), li tali data kienet reġgħet ġiet stabbilita skont kriterju ta’ kalkolu li ma kienx jagħmel distinzjoni skont jekk tali perijodi kinux twettqu qabel jew wara l-għeluq tal-età ta’ tmintax-il sena ( 9 ). Il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 53 kien jipprovdi li, f’każ ta’ ffissar ġdid tad-data individwali ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-avvanz fil-karriera skont il-paragrafu 1, kull perijodu neċessarju għat-tlugħ f’kull wieħed mill-ewwel tliet skali ta’ ħlas jiġi mtawwal b’sena ( 10 ). Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 intiżi, essenzjalment biex jippermettu lill-qorti tar-rinviju li tevalwa l-kompatibbiltà tal-“ÖBB-G 2011” mal-imsemmija direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dik l-okkażjoni, iddeċidiet li d-Direttiva 2000/78 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mill-“ÖBB-G 2011” li “sabiex telimina diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, takkredita l-perijodi ta’ servizz ta’ qabel l-għeluq tal-età ta’ 18-il sena, iżda li, fl-istess ħin, tinkludi regola, li hija intiża fir-realtà sabiex tapplika biss għall-membri tal-persunal vittmi minn din id-diskriminazzjoni, li ttawwal b’sena l-perijodu meħtieġ għall-avvanz f’kull wieħed mill-ewwel tliet livelli ta’ remunerazzjoni u li, b’dan il-mod, iżżomm definittivament differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età” ( 11 ).

4.

Wara dik is-sentenza, il-leġiżlatur Awstrijak reġa’ intervjena fuq il-leġiżlazzjoni li tirrigwarda r-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal tal-ÖBB b’liġi tal-2015. Hija proprju r-riforma li saret b’dik il-liġi li hija inkwistjoni fil-proċeduri nazzjonali li wasslu għat-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet. Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima, li hija pendenti fl-appell quddiem il-qorti tar-rinviju, bejn G. Stollwitzer u l-ÖBB Personenverkehr AG (iktar ’il quddiem l-“ÖBB PV”), kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak, li l-azzjonista unika tagħha hija l- Österreichische Bundesbahnen-Holding AG, li min-naħa tagħha hija proprjetà 100 % tal-Istat Awstrijak ( 12 ).

5.

Nirrileva li, wara tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura fil-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, tressqu żewġ talbiet oħra għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw problemi simili għal dawk imqajma f’dik il-kawża, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) ( 13 ) u mill-Bundesverwaltungsgericht (qorti amministrattiva federali, l-Awstrija) ( 14 ). Dawn id-domandi, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u, għal dak li jirrigwarda l-ewwel waħda, tal-Artikolu 45 TFUE, saru fil-kuntest ta’ tilwimiet li jirrigwardaw s-sistema ta’ riklassifikazzjoni użata – rispettivament għall-membri tal-persunal bil-kuntratt mal-organi pubbliċi u għall-membri tal-persunal pubbliċi – għall-iskopijiet tal-mogħdija għal sistema ta’ remunerazzjoni ġdida, introdotta fl-2015 ( 15 ) bil-ħsieb li jingħata rimedju għad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li kienu joħolqu s-sistemi preċedenti fid-dawl tas-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381) ( 16 ), tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359) ( 17 ) u tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38).

6.

Nosserva, fl-aħħar nett, li anki s-sistema ta’ remunerazzjoni applikata fil-Ġermanja għall-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku federali u ta’ xi Land kienet is-suġġett, f’diversi okkażjonijiet, ta’ rinviji preliminari, dejjem mill-aspett tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ( 18 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

Id-Dritt tal-Unjoni

7.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, din għandha l-għan li tistabbilixxi parametru ġenerali biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni bbażata fuq sensiela ta’ motivi, fosthom l-età, f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, bi skop li timplementa fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

8.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, jiddefinixxi l-kunċett ta’ diskriminazzjoni. Dan jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, dan li ġej:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, (…)”.

9.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 huwa intitolat “Il-ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tad-dritt nazzjonali, hija oġġettivament u raġonevolment ġustifikata b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ oġġettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji. Skont l-inċiż (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1), tali differenza fit-trattament tista’ tinkludi b’mod partikolari l-“iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg”.

10.

Skont l-Artikolu 16(a) u (b) tal-istess direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw, minn naħa, li “kwalunkwe liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament huma aboliti” u min-naħa l-oħra, li “kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija inkluża fil-kuntratti ta’ ftehim kollettiv, ir-regoli interni ta’ impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħlijiet indipendenti u l-professjonijiet u organizzazzjonijiet ta’ ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu huma, jew jistgħu jiġu, ddikjarati nulli u bla effett jew jiġu emendati”.

Id-dritt nazzjonali

11.

Kif diġà ntqal fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet, wara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-determinazzjoni tad-data ta’ riferiment għall-iskopijiet tat-tlugħ fl-iskali applikati għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-ÖBB ġew emendati mill-ġdid mil-leġiżlatur Awstrijak f’Ġunju tal-2015.

12.

L-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G, fil-verżjoni emendata li tinsab fil-BGBl I 64/2015 (iktar ’il quddiem l-“ÖBB-G 2015”), jipprovdi li huma biss perijodi speċifiċi ta’ servizz u/jew taħriġ, li jkunu twettqu qabel jew wara l-għeluq tal-età ta’ tmintax-il sena, li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskop tad-determinazzjoni tad-data ta’ riferiment għall-iskopijiet ta’ tlugħ fl-iskala. Dawn il-perijodi huma dawk li jkunu saru mal-ÖBB ( 19 ) jew inkella ma’ impriżi li joperaw fis-settur tal-infrastruttura u tat-trasporti ferrovjarji ta’ Stat Membru fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u, taħt ċerti kundizzjonijiet, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera.

13.

Għaldaqstant, l-ÖBB-G 2015 eskludiet mill-komputazzjoni għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ riferiment il-perijodi ta’ attività kollha li ma jkunux saru fis-settur speċifiku tat-trasport u tal-infrastrutturi ferrovjarji (barra mill-perijodi ta’ studju), perijodi li, b’applikazzjoni tal-BO 1963 kienu kkalkolati bin-nofs ( 20 ).

14.

Is-sistema l-ġdida ta’ komputazzjoni tapplika retroattivament. L-Artikolu 56(18) tal-ÖBB-G 2015 jistabbilixxi li l-Artikolu 53(a) ta’ dik il-liġi japplika għall-membri tal-persunal li daħlu jaħdmu mas-servizzi tal-ferroviji federali Awstrijaċi qabel il-31 ta’ Diċembru 2004. Skont l-Artikolu 56(19), l-Artikolu 53a(2) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 1963 għall-membri tal-persunal li d-data ta’ riferiment tagħhom, għall-iskopijiet tat-tlugħ fl-iskala, kienet iddeterminata abbażi tal-BO 1963.

15.

L-Artikolu 53a(5) tal-ÖBB-G 2015 jiddetta r-regoli għar-riklassifikazzjoni tal-membri tal-persunal fil-livelli tar-remunerazzjoni. Ir-riklassifikazzjoni ssir billi terġa’ tiġi kkalkolata d-data ta’ riferiment abbażi tar-regoli stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, wara li l-persuna kkonċernata tkun ipproduċiet il-provi dwar il-perijodi ta’ attività preċedenti li tkun għamlet.

16.

Skont l-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015 ir-riklassifikazzjoni tal-membri tal-persunal li ssir abbażi tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu ma tistabbilixxi ebda tnaqqis tas-salarju li jirċievi l-impjegat fl-aħħar xahar li jippreċedi l-pubblikazzjoni tal-ÖBB-G 2015. F’każ li r-rikomputazzjoni tad-data ta’ riferiment twassal għal tnaqqis ta’ dak is-salarju, il-livell ta’ dan tal-aħħar jinżamm sakemm ir-remunerazzjoni riżultanti mir-riklassifikazzjoni ma tilħaqx l-imsemmi livell. Fil-każ, min-naħa l-oħra, fejn ir-rikomputazzjoni twassal għall-klassifikazzjoni fi skala ogħla, l-impjegat ikollu d-dritt għar-remunerazzjoni korrispondenti u, għall-perijodi mhux koperti mill-preskrizzjoni, għad-differenza bejn din tal-aħħar u s-salarju realment irċevut.

17.

Il-paragrafru 7 tal-istess Artikolu 53a jipprevedi l-introduzzjoni, fit-tabelli tas-salarji, fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni fl-ÖBB-G 2015, ta’ skala supplimentari qabel l-aħħar skala ta’ remunerazzjoni.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

G. Stollwitzer daħal fis-servizz mal-ÖBB PV fis-17 ta’ Jannar 1983. Id-data ta’ riferiment tiegħu għall-iskopijiet tat-tlugħ fl-iskala, ikkalkolata abbażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu, kienet stabbilita għat-2 ta’ Lulju 1980. Mill-proċess jirriżulta li, biex tiġi stabbilita dik id-data, ġew ikkalkolati, flimkien, il-perijodu li fih G. Stollwitzer għamel mas-servizz militari u, għal nofsu, il-perijodu ta’ bejn għeluq l-età ta’ tmintax-il sena u d-data tar-reklutaġġ, li fih G. Stollwitzer eżerċita l-attività ta’ installatur ta’ oġġetti sanitarji u, għal perijodu qasir ta’ żmien, irċieva allowance tal-qgħad.

19.

Fl-4 ta’ Marzu 2016, G. Stollwitzer adixxa lil Landesgericht Innsbruck (qorti reġjonali ta’ Innsbruck, l-Awstrija) fejn ikkontesta l-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskala tas-salarju u talab il-ħlas tal-arretrati tas-salarju mhux preskritti, li jirrigwardaw it-tieni semestru tal-2009, fl-ammont ta’ EUR 837.13. Quddiem dik il-qorti, huwa sostna li, għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ riferiment tiegħu, anki l-perijodi ta’ attività li huwa wettaq qabel għeluq l-età ta’ tmintax-il sena (total ta’ sena, ħames xhur u dsatax-il jum) kellhom jiġu kkalkolati, skont is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381) u tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38). Min-naħa tiegħu, l-ÖBB PV talbet li r-rikors jiġi miċħud u sostniet li l-perijodi inkwistjoni ma humiex komputabbli abbażi tal-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G kif emendata fl 2015 u li, peress li tali emenda daħlet fis-seħħ retroattivament, G. Stollwitzer ma għadx għandu dritt li tali perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tad-data ta’ riferiment tiegħu.

20.

Il-Landesgericht Innsbruck (qorti reġjonali ta’ Innsbruck) tat raġun lill-ÖBB PV u ċaħdet ir-rikors b’sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016. G. Stollwitzer appella minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

21.

Din tal-aħħar għandha dubji dwar jekk is-sistema ta’ komputazzjoni introdotta mill-ÖBB-G 2015 hija eżentata minn kull forma ta’ diskriminazzjoni. Fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni l-ġdida fiha elementi ta’ inkoerenza inkwantu ma tikkalkolax perijodi ta’ attività preċedenti li, għalkemm ma jidħlux ma’ dawk komputabbli abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015, jippermettu lill-impjegat li jikseb esperjenza fis-settur speċifiku, u jpoġġuh f’pożizzjoni li jwettaq xogħlu aħjar, bħal pereżempju, il-perijodi ta’ attività ma’ impriżi tat-trasport pubbliċi jew privati jew impriżi li joperaw fil-produzzjoni jew fl-amministrazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja. Dan iwassal għal diskriminazzjoni fil-konfront tal-membri tal-persunal li wettqu attività professjonali daqstant sinjifikattiva, imma mhux ma’ kumpanniji li jagħmlu parti mill-grupp ÖBB jew minn dawk indikati fl-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija membri tal-persunal huma fil-parti l-kbira tagħhom dawk li kienu diġà ddiskriminati mis-sistema ta’ komputazzjoni prevista mill-BO 1963 (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ komputazzjoni preċedenti”), peress li l-perijodi komputabbli skont l-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015, normalment jitwettqu wara li persuna tagħlaq it-tmintax-il sena fl-età. Bl-istess mod, it-telf fir-remunerazzjoni li jista’ jseħħ wara r-riklassifikazzjoni, minħabba l-iffriżar tas-salarji previst fl-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015, jolqot b’mod iktar rilevanti proprju l-grupp tal-membri tal-persunal iddiskriminati abbażi tal-imsemmija sistema. Dawn id-differenzi fit-trattament ma humiex iġġustifikati abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, peress li l-leġiżlatur Awstrijak kien iggwidat biss minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura finanzjarja jew amministrattiva.

22.

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li mija u għoxrin rikors ta’ membri tal-persunal tal-ferroviji federali li għandhom l-istess bażi bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali jinsabu attwalment pendenti fil-fażi tal-appell quddiemha, li parti kbira minnhom kienu ġew ippreżentati fl-ewwel istanza fl-2012, wara li, b’sentenza tat-13 ta’ April 2011, ikkonfermata mill-qorti tar-rinviju fil-21 ta’ Settembru 2011, il-Landesgericht Innsbruck (qorti reġjonali ta’ Innsbruck) irrikonoxxiet id-dritt ta’ xi membri tal-persunal tal-ÖBB PV għall-komputazzjoni tal-perijodi ta’ servizz preċedenti mwettqa qabel l-għeluq tal-età ta’ tmintax-il sena, skont is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08,EU:C:2009:381) ( 21 ). Diversi rikorsi simili jinsabu sospiżi quddiem il-Landesgericht Innsbruck (qorti reġjonali ta’ Innsbruck), filwaqt li, fit-territorju Awstrijak kollu, hemm madwar elf il-kawża tal-istess tip li huma attwalment pendenti.

23.

Mill-proċess jirriżulta li, b’sentenza mogħtija fit-2 ta’ Lulju 2016, il-Verfassungsgerichtshof (qorti kostituzzjonali, l-Awstrija) iddikjarat li l-Artikolu 53a tal-ÖBB-G 2015 huwa konformi mal-kostituzzjoni Awstrijaka ( 22 ).

24.

Huwa f’dan il-kuntest li, b’deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2016, l-Oberlandesgericht Innsbruck (qorti reġjonali superjuri ta’ Innsbruck) issospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Id-dritt tal-Unjoni fis-seħħ, b’mod partikolari l-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea […], il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-moviment liberu tal-ħaddiema prevista fl-Artikolu 45 TFUE u fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol […], għandu jiġi interpretat b’mod li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38 […]) [jiġifieri l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena għall-membri tal-persunal tas-servizz tal-ferrovija Awstrijaka (Österreichische Bundesbahnen, […])], tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena ta’ parti żgħira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB iddiskriminati mil-leġiżlazzjoni preċedenti (minkejja li unikament il-perijodi mwettqa fi ħdan l-ÖBB jew impriżi pubbliċi simili ta’ infrastrutturi ferrovjarji u/jew trasport bil-ferrovija fl-Unjoni Ewropea permezz ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u/jew moviment liberu), iżda madankollu ma tiħux inkunsiderazzjoni l-perijodi kollha l-oħra ta’ servizz mwettqa qabel l-età ta’ 18-il sena li jikkonċernaw il-parti l-kbira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB iddiskriminati inizjalment, b’mod partikolari l-perijodi li jippermettu lill-membri tal-persunal tal-ÖBB ikkonċernati jwettqu aħjar ix-xogħol tagħhom, bħal pereżempju l-perijodi ta’ servizz imwettqa fi ħdan impriżi oħra pubbliċi jew privati ta’ trasport u/jew ta’ infrastrutturi, li jimmanifatturaw, iħaddmu jew imantnu l-infrastruttura użata mill-persuna li timpjega [ÖBB] (materjal fuq ir-roti, kostruzzjoni ta’ binarji ferrovjarji, kostruzzjoni ta’ linji, sistemi elettriċi u elettroniċi, devjatur, kostruzzjoni ta’ stazzjonijiet, eċċ), jew impriżi simili għal dawn, u li b’hekk fil-fatt tkompli effettivament u definittivament diskriminazzjoni bbażata fuq l-età għad-detriment tal-parti l-kbira tal-membri tal-persunal tal-ÖBB affettwati mil-leġiżlazzjoni diskriminatorja preċedenti?

L-aġir ta’ Stat Membru, proprjetarju ta’ 100 % ta’ impriża ta’ trasport bil-ferrovija u li huwa, fil-fatt, il-persuna li timpjega membri tal-persunal li jaħdmu għal din il-impriża, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza sabiex dan l-Istat jitqies responsabbli abbażi tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-kundizzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, bħal pereżempju tal-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78/KE, interpretati minn diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja [tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter, C‑88/08, EU:C:2009:381 […]; tas-16 ta’ Jannar 2014, Pohl, C‑429/12, EU:C:2014:12 […]; Starjakob] meta għal raġunijiet purament fiskali, dan l-Istat Membru pprova jevita fl-2011 u l-2015, permezz ta’ emendi leġiżlattivi applikabbli retroattivament, id-dritt ta’ dawn il-membri tal-persunal, ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, għal ħlas addizzjonali ta’ remunerazzjoni minħabba d-diskriminazzjoni, b’mod partikolari bbażata fuq l-età, ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi sentenzi (Hütter, Pohl, Starjakob) u rrikonoxxut ukoll f’diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji nazzjonali fosthom deċiżjoni tal-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) (bir-referenza 8 ObA 11/15 y)?”

25.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika tal-Awstrija u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet fil-5 ta’ Lulju 2016.

IV. L-analiżi

Fuq l-ewwel domanda preliminari

26.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 45 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-komputazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti għall-iskopijiet tal-klassifikazzjoni fl-iskala tas-salarju tal-membri tal-persunal bil-kuntratt mas-servizz pubbliku, adottata bl-iskop li tirrimedja diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’żewġ sentenzi suċċessivi.

27.

Għandu jiġi vverifikat qabelxejn jekk ir-regoli l-ġodda ta’ komputazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015 jinvolvux minnhom innifishom, jiġifieri indipendentement mill-previżjoni tal-applikazzjoni retroattiva tagħhom u mill-kriterji ddettati għar-riklassifikazzjoni tal-persunal diġà fis-servizz, diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. Dan l-artikolu jipprovdi, kif intwera, li huma biss ċerti perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ qabel id-dħul fis-servizz li jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tad-data ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-avvanz fil-karriera tal-membri tal-persunal tal-ÖBB. Essenzjalment, is-sistema l-ġdida tirrikonoxxi biss, indipendentement mill-età li fiha tkun ġiet miksuba, l-esperjenza professjonali li tkun miksuba fis-servizz tal-grupp ta’ kumpanniji li minnhom tagħmel parti l-entità li tirrekluta l-impjegat (barra milli, fil-każijiet indikati iktar ’il fuq, l-esperjenza professjonali simili miksuba barra mit-territorju Awstrijak).

28.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm ir-rikors, fil-kuntest ta’ sistema ta’ remunerazzjoni, għandu kriterju bbażat fuq l-anzjanità fis-servizz jew, bħal fil-każ ineżami, fuq l-esperjenza professjonali miksuba qabel, billi jagħti importanza lil fattur marbut maż-żmien, dan jista’, min-natura tiegħu stess, iwassal għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età ( 23 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat madankollu li l-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba, li tippermetti lill-ħaddiem jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar huwa, bħala regola ġenerali, meqjus bħala għan leġittimu li l-persuna li timpjega hija libera li tapplika ( 24 ).

29.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-Istati Membri, l-istess bħal, eventwalment, l-imsieħba soċjali f’livell nazzjonali, għandhom diskrezzjoni pjuttost wiesgħa, mhux biss dwar jekk jiġix segwit għan partikolari fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizjoni tal-miżuri li jistgħu jilħqu dan ( 25 ).

30.

Sistema ta’ remunerazzjoni bħal dik prevista mill-ÖBB-G 2015, li għall-iskopijiet tal-klassifikazzjoni tal-ħaddiema fl-iskali tas-salarji, tieħu inkunsiderazzjoni biss l-esperjenza professjonali miksuba minnhom fis-settur speċifiku li fih topera l-persuna li timpjega ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġi kkunsidrata inkompatibbli mal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età minħabba l-fatt biss li hija ma tagħti ebda importanza lill-esperjenza professjonali paragunabbli miksuba f’setturi simili, minkejja li tali esperjenza tippermetti oġġettivament, l-istess bħal dik meqjusa rilevanti, li tpoġġi lill-ħaddiem fil-kundizzjoni li jaqdi dmirijietu aħjar. Huwa minnu li tali sistema ta’ remunerazzjoni tirriżerva għall-ħaddiema trattament differenti fis-salarju skont is-snin ta’ esperjenza professjonali miksuba qabel ir-reklutaġġ. Madankollu tali differenza fit-trattament hija bbażata fuq it-tip ta’ esperjenza invokata, b’mod iktar preċiż fuq il-kwalità tal-persuna li timpjega li magħha tkun twettqet l-attività inkwistjoni, u hija indipendenti, kif ġustament isostni l-Gvern Awstrijak, mill-kriterji marbutin, tal-inqas direttament, mal-età, bħal pereżempju l-mument li fih inkisbet l-imsemmija esperjenza ( 26 ).

31.

Ċertament, ma huwiex eskluż li anki l-imsemmija sistema ta’ remunerazzjoni tista’ tinvolvi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età, meta jirriżulta li d-differenza fil-valur mogħti lill-esperjenza professjonali preċedenti effettivament hija sfavorevoli għal grupp ta’ ħaddiema magħmul fil-parti l-kbira tiegħu minn persuni identifikabbli skont l-età tagħhom jew skont l-età li fiha akkwistaw l-esperjenza professjonali li qed jinvokaw. Il-qorti tar-rinviju tidher li ssemmi tali ipoteżi b’riferiment għall-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015, fejn tafferma li l-perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ qabel id-dħul fis-servizz imwettqa qabel l-età ta’ tmintax-il sena ma jidħlux, bħala regola ġenerali, fost dawk li jittieħdu inkunsiderazzjoni fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex quddiemha madankollu l-elementi li jippermettu li tevalwa jekk is-sistema l-ġdida ta’ komputazzjoni tisfavorixxi b’mod esklużiv jew sostanzjali l-membri tal-persunal tal-ÖBB PV diġà ddiskriminati mis-sistema preċedenti, jiġifieri l-membri tal-persunal li kisbu l-esperjenza professjonali preċedenti tagħhom kollha jew parti minnha qabel l-għeluq tal-età ta’ tmintax-il sena u, f’kull każ, tali verifika hija finalment l-obbligu tal-qorti nazzjonali.

32.

Fir-rigward tal-eventwali inkompatibbiltà tar-regoli ta’ komputazzjoni previsti mill-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015 mal-Artikolu 45 TFUE, li l-qorti tar-rinviju ssemmi, mingħajr elaborazzjoni ulterjuri, fl-ewwel domanda preliminari, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra, li, inkwantu l-esperjenza professjonali miksuba fi Stat Membru ieħor hija, skont l-Artikolu 53°(2) tal-ÖBB-G 2015, meħuda inkunsiderazzjoni eżattament taħt l-istess kundizzjonijiet u bl-istess effetti bħal dik miksuba fit-territorju Awstrijak, ma jidhirx, tal-inqas prima facie, li l-leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni tikser, minn dan l-aspett, id-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema ( 27 ).

33.

B’dan iċċarat, jeħtieġ f’dan l-istadju li jiġu kkunsidrati l-effetti tal-applikazzjoni retroattiva tas-sistema ta’ komputazzjoni prevista fl-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015 u tar-regoli ddettati għar-riklassifikazzjoni tal-membri tal-persunal fis-servizz, sabiex jiġi vverifikat jekk xi waħda jew l-oħrajn jintroduċux forma ġdida ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jew ikomplux dik ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381).

34.

F’dan ir-rigward, nirrileva li, minnha nnifisha, il-previżjoni tal-applikazzjoni retroattiva tad-dispożizzjonijiet intiżi li jissostitwixxu leġiżlazzjoni li diġà kienet teżisti ta’ natura diskriminatorja, li jneħħu d-differenza fit-trattament illegali, hija pjuttost element li jimmilita favur li terġa’ tiġi stabbilita sitwazzjoni ta’ legalità, anki mill-aspett tal-eliminazzjoni tal-effetti passati tad-diskriminazzjoni. Dak li hu rilevanti hija għalhekk il-modalità li biha d-diskriminazzjoni titneħħa retroattivament.

35.

F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha okkażjoni tiċċara, fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 44), li l-artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, li bih l-Istati Membri huma obbligati jħassru l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha li jiksru l-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, ma jimponix li tiġi adottata miżura partikolari fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda tħallihom fil-libertà li jagħżlu minn fost soluzzjonijiet differenti adattati sabiex jintlaħaq l-għan previst minnu, skont is-sitwazzjonijiet differenti li jistgħu jinqalgħu.

36.

Sabiex jelimina d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li ġiet ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), il-leġiżlatur Awstrijak kien għaldaqstant liberu li jiddeċiedi, kif għamel, li jemenda retroattivament is-sistema kollha tal-komputazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti. It-tneħħija pura u sempliċi tal-projbizzjoni tal-komputazzjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-għeluq tal-età ta’ tmintax-il sena kienet biss waħda mill-possibbiltajiet li kienu possibbli għal dak il-leġiżlatur biex jikkonforma ruħu mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78.

37.

Għaldaqstant, la l-fatt li s-sistema l-ġdida ta’ komputazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni iktar uħud mill-perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ preċedenti li qabel kienu kkomputati (għalkemm b’mod diskriminatorju), u lanqas il-previżjoni ta’ determinazzjoni mill-ġdid tal-pożizzjoni remunerattiva tal-membri tal-persunal kollha fis-servizz ta’ ÖBB abbażi ta’ applikazzjoni retroattiva tar-regoli l-ġodda, ma jiksru, minnhom innifishom, l-obbligu stabbilit fl-imsemmi Artikolu 16 li jitneħħew d-dispożizzjonijiet interni diskriminatorji, bil-kundizzjoni evidenti li jiġi milħuq b’mod konkret l-għan tal-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni.

38.

Is-suespost jirreferi għall-effetti tal-applikazzjoni retroattiva tar-regoli l-ġodda ta’ komputazzjoni. Jeħtieġ issa jiġu kkunsidrati l-modalitajiet ta’ klassifikazzjoni fl-iskali tas-salarji tal-membri tal-persunal li d-data ta’ riferiment tagħhom għall-iskopijiet tal-avvanz fil-karriera ġiet iddeterminata mill-ġdid abbażi tar-regoli previsti mill-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015.

39.

Kif intwera qabel, fil-każ fejn, wara tali determinazzjoni mill-ġdid, l-impjegat jiġi kklassifikat fi skala li tikkorrispondi għal salarju iktar baxx meta mqabbel ma’ dak irċevuti qabel id-dħul fis-seħħ tal-ÖBB-G 2015, tali salarju jinżamm bis-saħħa tal-Artikolu 53a(6) tal-imsemmija liġi. Il-qorti tar-rinviju ssostni li tali previżjoni, li tapplika mingħajr distinzjoni għall-membri tal-persunal kollha kklassifikati mill-ġdid, iżżomm, effettivament, id-diskriminazzjoni li kien hemm fis-sistema preċedenti.

40.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-ÖBB-G 2015 telimina l-effetti kollha tad-diskriminazzjoni tal-passat f’dak li jirrigwarda l-membri tal-persunal li l-esperjenza professjonali preċedenti tagħhom qabel għeluq it-tmintax-il sena ġiet miksuba esklużivament ma’ kumpanniji li jappartjenu lill-ÖBB jew is-suġġetti l-oħra indikati fl-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015. Tali membri tal-persunal, fil-fatt, għandhom dritt, minbarra għall-klasifikazzjoni li għaliha kien ikollhom dritt sa mill-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-ÖBB PV li kieku s-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti kienet applikata b’mod mhux diskriminatorju, anki għall-arretrati fis-salarji korrispondenti għal dik il-klassifikazzjoni li għadhom ma humiex preskritti.

41.

B’dan iċċarat, ma hemmx dubju li, sakemm is-“salarju rċevut” li għalih jirreferi l-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015 jirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli diskriminatorji tas-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti, il-previżjoni li tali salarju jinżamm għall-iskopijiet tal-mogħdija għas-sistema l-ġdida, għalkemm tapplika mingħajr distinzjoni għall-membri tal-persunal kollha tal-ÖBB, tista’ tibqa’ żżomm differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq l-età bejn grupp ta’ membri tal-persunal li jappartjenu għall-kategorija ta’ dawk żvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti u grupp ta’ membri tal-persunal li jappartjenu għall-kategorija ta’ dawk ivvantaġġati b’dik is-sistema.

42.

B’mod konkret, dan iseħħ fir-rigward tal-membri tal-persunal li jinvokaw perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ li ma jidħlux fost dawk li jittieħdu inkunsiderazzjoni abbażi tar-regoli l-ġodda ta’ komputazzjoni. Il-membri tal-persunal li jkunu ħadmu dawk il-perijodu qabel għeluq l-età ta’ tmintax-il sena jkomplu, bħal fil-passat, jiġu mċaħħda mill-komputazzjoni tagħhom – anki jekk għal xi raġuni differenti mill-età li fiha jkunu wettquhom – u dan kemm għall-iskopijiet tad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni rċevuta qabel il-pubblikazzjoni tal-ÖBB 2015, li ż-żamma tagħha hija ggarantita skont dik il-liġi, kif ukoll għall-iskopijiet tal-ħlas tal-arretrati tas-salarju li jkunu għadhom mhux preskritti. Min-naħa l-oħra, il-membri tal-persunal li jkunu għamlu perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ simili u tal-istess tul, iżda wara għeluq l-età ta’ tmintax-il sena, barra milli rċevew, bis-saħħa tas-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti, salarju ogħla minn tal-kollegi tagħhom, bl-istess esperjenza professjonali invokata, iżommu, anki wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida, u minkejja li l-perijodi inkwistjoni ma humiex iktar komputabbli, il-livell ta’ salarju li għalih l-imsemmija perijodi kienu jagħtu dritt skont ir-regoli ta’ komputazzjoni li diġà kienu jeżistu.

43.

Għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament, ibbażata indirettament fuq l-età, tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

44.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk l-iffriżar tas-salarji previst mill-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015 jikkostitwixxix miżura li għandha għan leġittimu u, f’każ ta’ eżitu favorevoli, jekk din hijiex adegwata u neċessarja biex tilħaq dak l-għan ( 28 ). Mid-deċiżjoni ta’ rinviju u mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Awstrijak quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali miżura għandha l-għan li tħares id-drittijiet kweżiti.

45.

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-tħaris tad-drittijiet kweżiti ta’ kategorija ta’ persuni tikkostitwixxi motiv imperattiva ta’ interess ġenerali ( 29 ). Fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tafferma li r-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema preċedenti f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni tagħhom jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li jistgħu jiġġustifikaw, matul perijodu tranżitorju, iż-żamma tar-remunerazzjonijiet preċedenti u, konsegwentement, iż-żamma ta’ sistema diskriminatorja bbażata fuq l-età ( 30 ).

46.

L-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015, li bis-saħħa tiegħu s-salarju rċevut qabel il-pubblikazzjoni ta’ dik il-liġi jinżamm fil-każ li d-determinazzjoni mill-ġdid tad-data ta’ riferiment u r-riklassifikazzjoni li tirriżulta tal-membri tal-persunal tal-ÖBB fl-iskali tas-salarji twassal għal tnaqqis fir-remunerazzjoni, fiha miżura bla ebda dubju adegwata biex tħares id-drittijiet kweżiti tal-membri tal-persunal tal-ÖBB ivvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti.

47.

Jibqa’ għaldaqstant li jiġi vverifikat jekk tali miżura taqbiżx dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan li hija għandha. Tali eżami jrid jieħu inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal żvantaġġati minn dik is-sistema.

48.

Kif intwera, il-miżura ta’ ffriżar tas-salarju rċevut prevista fl-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015 tapplika mingħajr differenza għall-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti u għal dawk żvantaġġati minn dik is-sistema. Hija tapplika wkoll għaldaqstant favur dawn tal-aħħar, inkwantu, b’effett tal-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda għad-determinazzjoni tad-data ta’ riferiment, dawn isofru tnaqqis fir-remunerazzjoni li qabel kienu jirċievu. Madankollu, kif kien hemm l-okkażjoni li jiġi rilevat iktar ’il fuq, f’każ ta’ membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti, il-perijodi ta’ attività u/jew taħriġ kollha mwettqa minnhom jikkontribwixxu biex jiġi stabbilit is-salarju rċevut, u għaldaqstant, miżmum, fis-sens tal-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015, fil-waqt li, fil-każ ta’ membri tal-persunal żvantaġġati minn dik is-sistema, parti minn dawk il-perijodi, jiġifieri dawk imwettqa qabel għeluq l-età ta’ tmintax-il sena u mhux kompriżi fost dawk komputabbli abbażi tal-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015, ma jidħlux fil-komputazzjoni għal dan il-għan.

49.

Huwa ċar li tali differenza fit-trattament ma tibqax jekk il-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema tal-komputazzjoni preċedenti, li, b’applikazzjoni tas-sistema l-ġdida, huma kklassifikati fi skala tas-salarju iktar baxxa meta mqabbla ma’ dik milħuqa fil-mument tal-pubblikazzjoni tal-ÖBB-G 2015 ( 31 ), jiġu rrikonoxxuti lilhom il-perijodi kollha ta’ attività u/jew taħriġ imwettqa qabel it-tmintax-il sena, l-istess bħall-kollegi tagħhom li jkunu wettqu perijodi simili, kemm fit-tipoloġija tagħhom kif ukoll fit-tul tagħhom, iżda wara għeluq l-età ta’ tmintax-il sena. F’dan il-każ, fil-fatt, l-imsemmija perijodi jikkostitwixxu, l-istess bħal għall-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti, komponent tas-salarju suġġett għall-iffriżar abbażi tal-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015.

50.

Għaldaqstant hija l-applikazzjoni ta’ kriterji differenti (u diskriminatorji) għal dak li jikkonċerna l-komputazzjoni tal-perijodi meħuda ikunsiderazzjoni għall-iskopijiet li jiġi ddeterminat is-salarju ta’ riferiment li għaliha tapplika l-miżura ta’ ffriżar prevista fl-imsemmi artikolu li taċċerta li tibqa’, anki wara r-riklassifikazzjoni, differenza fit-trattament bejn parti mill-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti u parti minn dawk żvantaġġati minn dik is-sistema.

51.

Issa, jekk l-għan li jitħarsu d-drittijiet kweżiti tal-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti li jsofru tnaqqis fis-salarju minħabba d-dħul fis-seħħ tal-ÖBB-G 2015 jeżiġi li jibqgħu jiġu applikati fil-konfront tagħhom ir-regoli ta’ komputazzjoni ta’ dik is-sistema, dak l-għan ma jimponix, min-naħa l-oħra, li jkomplu jiġu applikati l-istess regoli b’mod diskriminatorju fil-konfront tal-membri tal-persunal żvantaġġati mill-imsemmija sistema li għalihom, l-ÖBB-G 2015 tinvolvi wkoll telf fir-remunerazzjoni. Fi kliem ieħor, id-differenza fit-trattament li toħroġ mill-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015 ma hijiex neċessarja għat-twettiq tal-għan li din għandha.

52.

Huwa minnu li s-sitwazzjoni taż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal inkwistjoni hija differenti. Ma hemmx dubju, fil-fatt, li l-membri tal-persunal ivvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti jistgħu jinvokaw drittijiet kweżiti veri u proprji, filwaqt li ma jistax jingħad l-istess għal dak li jirrigwarda l-membri tal-persunal żvantaġġati minn dik is-sistema. Madankollu, din id-differenza toriġina mill-applikazzjoni ta’ sistema tas-salarji diskriminatorja u ma tistax, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi l-uniku argument favur iż-żamma ta’ differenza fit-trattament mhux ġustifikata li żżomm id-diskriminazzjoni mwettqa minn dik is-sistema.

53.

Min-naħa l-oħra, fis-sentenza ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi mal-ġurisprudenza preċedenti tagħha ( 32 ), irrepetiet li, meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, sistema li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, tibqa’ l-unika sistema ta’ referenza valida ( 33 ).

54.

Minn dan isegwi li l-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti setgħu jinvokaw, wara l-konstatazzjoni tan-natura diskriminatorja ta’ dik is-sistema b’effett mis-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), mhux biss aspettattiva leġittima iżda dritt veru u proprju li fil-konfront tagħhom, minn tal-inqas medio tempore, ser jintuża l-istess trattament irriżervat għall-membri tal-persunal ivvantaġġati b’dik is-sistema ( 34 ). Kieku tali trattament ġie rrikonoxxut lilhom ukoll fis-sitt snin li ħadet ir-riforma tar-regoli ta’ komputazzjoni magħmula bl-ÖBB-G 2015, l-applikazzjoni tal-Artikolu 53a(6) ta’ dik il-liġi ma kienet tistabbilixxi ebda differenza fit-trattament.

55.

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li biż-żamma, de facto, tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti diskriminatorja u billi ma pprevediex, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015, l-allinjament tas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal żvantaġġati minn dik is-sistema ma’ dik tal-membri tal-persunal vantaġġati, il-leġiżlatur Awstrijak żamm differenza fit-trattament bejn kategoriji ta’ membri tal-persunal tal-ÖBB li ma hijiex ġustifikabbli skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

56.

Fil-fehma tiegħi tali konklużjoni ma hija kkonfutata la minn kunsiderazzjonijiet ta’ bilanċ u lanqas minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura amministrattiva. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, la tal-ewwel u lanqas l-oħrajn ma jistgħu, waħidhom, jikkostitwixxu għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 35 ). F’dan ir-rigward, inżid ngħid li peress li l-ÖBB-G 2015 diġà tipprovdi li s-sitwazzjoni ta’ kull membru tal-persunal tiġi kkunsidrata mill-ġdid individwalment biex tiġi stabbilita d-data ta’ riferiment il-ġdida għall-iskopijiet tal-avvanz fil-karriera, is-soluzzjoni proposta iktar ’il fuq, jiġifieri d-determinazzjoni tas-salarju ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 53a(6) ta’ dik il-liġi abbażi ta’ applikazzjoni mhux diskriminatorja tas-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti, ma għandhiex, bħala prinċipju, tinvolvi żieda ta’ xogħol eċċessiv għall-amministrazzjoni.

57.

Il-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punt 55 lanqas ma hija kkonfutata la mis-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), u lanqas mis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560). Meta mqabbla mal-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi, fil-kawża prinċipali l-kategorija tas-suġġetti vvantaġġati u dik tas-suġġetti żvantaġġati mil-leġiżlazzjoni diskriminatorja huma identifikabbli b’mod ċar. Fi kliem ieħor teżisti, biex nuża kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, sistema ta’ referenza valida ( 36 ) li tagħmel possibbli l-operazzjoni ta’ allinjament tas-sitwazzjoni ta’ dawk tat-tieni ma’ dik tal-ewwel. Konsegwentement, b’kuntrast mas-sitwazzjoni li kienet tikkaratterizza l-kawża li wasslet għas-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 94), it-traspożizzjoni pura u sempliċi tas-salarji rċevuti abbażi tas-sistema diskriminatorja li diġà kienet teżisti ma tirrappreżentax, fil-kawża ta’ quddiemna, “l-uniku mod li jippermetti li jiġi evitat tnaqqis tar-remunerazzjoni” tal-membri tal-persunal suġġetti għal klassifikazzjoni mill-ġdid. Nirrileva, barra minn hekk, li fir-rigward tal-kawża li wasslet għas-sentenza Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), l-iffissar tar-remunerazzjoni rċevuta għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015, qabel id-determinazzjoni mill-ġdid tad-data ta’ riferiment abbażi ta’ applikazzjoni mhux diskriminatorja tar-regoli preċedenti ta’ komputazzjoni, ma jippreżentax id-diffikultajiet ta’ vijabbiltà tas-sistema identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik is-sentenza ( 37 ).

58.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha ma taqbilx mal-konklużjoni li wasalt għaliha fil-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u tikkunsidra għaldaqstant li d-differenza fit-trattament miżmuma bl-Artikolu 53a(6) tal-ÖBB-G 2015 ma teċċedix dak li hu neċessarju biex jitħarsu d-drittijiet kweżiti tal-membri tal-persunal tal-ÖBB żvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni, għandu jiġi vverifikat li tali differenza fit-trattament tkun ta’ natura sempliċement tranżitorja u li ma tinżammx għal żmien eċċessivament twil. Infakkar fil-fatt li, fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-għan tal-ħarsien tad-drittijiet kweżiti u tal-aspettattiva leġittima tal-membri tal-persunal vvantaġġati minn sistema diskriminatorja ma jistax jiġġustifika miżura li żżomm b’mod definittiv, anki jekk għal ċerti persuni biss, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li r-riforma ta’ sistema diskriminatorja, li din il-miżura tagħmel parti minnha, hija intiża li telimina. Tali miżura, minkejja li tista’ tiżgura l-imsemmija protezzjoni ma hijiex idonea sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-membri tal-persunal żvantaġġati ( 38 ).

59.

Fid-dawl tal-konklużjoni li wasalt għaliha iktar ’il fuq, ser nillimita ruħi għal żewġ osservazzjonijiet biss. Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-membri tal-persunal li l-esperjenza professjonali preċedenti tagħhom ma għadhiex tittieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015, iżda li, qabel il-pubblikazzjoni ta’ dik il-liġi, kienu diġà laħqu l-aħħar skala ta’ remunerazzjoni tagħhom, l-effetti, vantaġġjużi jew żvantaġġjużi, tad-diskriminazzjoni fil-passat huma definittivi. Għallinqas minn dan l-aspett, wieħed ma jistax jitkellem fuq sistema sempliċement tranżitorja. Fit-tieni lok, il-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti li, qabel il-pubblikazzjoni tal-ÖBB-G 2015, kienu jilħqu l-aħħar skala ta’ remunerazzjoni kieku l-perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ imwettqa qabel l-età ta’ tmintax-il sena, li ma għadhomx jiġu kkalkolati abbażi ta’ dik il-liġi, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-iskopijiet tal-iffriżar tas-salarju – u li għalihom għaldaqstant ir-riforma tas-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti kienet tkun newtrali –, isofru, barra mit-telf tal-komponenti tas-salarju li minnhom ġew imċaħħda illegalment abbażi ta’ dik is-sistema, waqfa fl-avvanz fil-karriera tagħhom, jekk ikunu wettqu, fl-istess ħin, perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ li ma għadhomx kalkolabbli wara għeluq it-tmintax-il sena ( 39 ). Huwa leċitu li wieħed jistaqsi jekk, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra, tali effetti humiex aċċettabbli.

60.

Qabel ma nikkonkludi fuq l-ewwel domanda preliminari, għandu jiġi ppreċiżat li dak li ġie diskuss sa issa jirreferi biss għad-dritt, tal-membri tal-persunal żvantaġġati mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti, li jaraw li jingħataw, fil-mument u għall-iskopijiet tal-mogħdija għas-sistema prevista mill-ÖBB-G 2015, l-iskala, u għaldaqstant il-livell ta’ salarju, li għaliha kien ikollhom dritt li kieku tali sistema ġiet applikata għalihom b’mod mhux diskriminatorju. Tali dritt irid jiġi aċċettat, minkejja li l-ÖBB-G 2015 emendat radikalment ir-regoli ta’ komputazzjoni li diġà kienu jeżistu, biex tevita li l-liġi l-ġdida tiddetermina t-tkomplija ta’ differenza fit-trattament mhux neċessarja u għaldaqstant mhux ġustifikabbli fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

61.

Id-diskors huwa differenti għal dak li jirrigwarda d-dritt għall-ħlas tas-salarji mhux irċevuti minħabba l-applikazzjoni diskriminatorja tas-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti. Kif intwera, abbażi tal-ÖBB-G 2015, it-telf fis-salarju sofrut minn parti mill-membri tal-persunal żvantaġġati minn dik is-sistema ( 40 ) ma jiġix ikkumpensat ( 41 ). B’effett tal-applikazzjoni retroattiva tal-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015, dan it-telf jibqa’ marbut esklużivament mad-diskriminazzjoni tal-passat ( 42 ). Ir-regoli ta’ komputazzjoni tas-sistema preċedenti kienu fil-fatt emendati retroattivament, b’mod li l-qrati nazzjonali ġew imċaħħda mill-possibbiltà li jinterpretawhom b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78 jew li ma japplikawhomx ( 43 ), bil-għan li l-membri tal-persunal żvantaġġat minn tali sistema, u li ma ġewx ikkumpensati abbażi tal-ÖBB-G 2015, jingħataw il-komponenti tas-salarju li minnhom ġew imċaħħda b’mod illegali.

62.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li teskludi, anki f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, jiġifieri meta teżisti sistema ta’ riferiment valida, li r-riforma ta’ sistema ta’ remunerazzjoni diskriminatorja trid bilfors telimina, minbarra d-diskriminazzjoni, anki l-effetti tal-imsemmija diskriminazzjoni, u tagħti f’kull każ, lill-membri tal-persunal żvantaġġati minn dik is-sistema d-differenza bejn is-salarju li għalih kienu jkunu intitolati fl-assenza ta’ tali diskriminazzjoni u dik li effettivament kisbu ( 44 ). Għalkemm tali soluzzjoni tista’ tqajjem mistoqsijiet dwar il-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju ta’ effettività ( 45 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li xxaqleb għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, biex tirrikonoxxi lill-membru tal-persunal li kien is-suġġett ta’ diskriminazzjoni biss it-triq tal-azzjoni għall-kumpens għad-danni kontra l-Istat.

63.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-iskopijiet li telimina d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’żewġ sentenzi suċċessivi, tipprovdi għar-riklassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt mas-servizz pubbliku li jkunu fis-servizz f’kuntest ta’ sistema ta’ remunerazzjoni ġdida bbażata fuq kriterji mhux diskriminatorji ta’ komputazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti, imma li, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni intiża li tħares id-drittijiet kweżiti tal-membri tal-persunal riklassifikati permezz tal-iffriżar tas-salarju li dawn jirċievu f’data speċifika qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni, tissuġġetta l-livell ta’ dak is-salarju għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ komputazzjoni diskriminatorji tas-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti.

Fuq it-tieni domanda preliminari

64.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet li jistgħu jwasslu għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat Awstrijak fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni.

65.

Ngħid mill-ewwel li għandi dubji serji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari. Dan mhux taħt l-aspett, kif imressaq mill-Gvern Awstrijak, tal-kompetenza tal-qorti tar-rinviju li tippresjedi kawża għall-kumpens għad-danni kontra l-Istat, azzjoni li, fid-dritt Awstrijak, trid issir quddiem il-Verfassungsgerichtshof (qorti kostituzzjonali). Taħt dan l-aspett, fil-fatt, l-Oberlandesgericht Innsbruck (qorti reġjonali superjuri ta’ Innsbruck), issemmi ġurisprudenza nazzjonali li tagħti lill-qorti ċivili, f’ċerti ċirkustanzi – li, fil-fehma tagħha, jissussistu fil-kawża prinċipali -, kompetenza kondiviża ma’ dik tal-Verfassungsgerichtshof (qorti kostituzzjonali). Issa, minkejja l-kontestazzjoni tal-gvern Awstrijak, jidhirli li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tanalizza l-affermazzjoni li l-qorti tar-rinviju tagħmel fir-rigward tal-kompetenza tagħha stess skont id-dritt intern.

66.

Min-naħa l-oħra, mill-istess deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domanda li fuqha hija bbażata l-kwistjoni prinċipali tirrigwarda biss il-ħlas tal-komponenti ta’ remunerazzjoni li minnhom G. Stollwitzer isostni li ġie mċaħħad b’mod illegali u li tali domanda hija diretta kontra l-ÖBB PV fil-kwalità tagħha ta’ persuna li tħaddem lil G. Stollwitzer. Dan tal-aħħar, barra minn hekk, ikkonferma, fis-seduta, li ma ppreżenta ebda talba għall-kumpens għad-danni kontra l-Istat Awstrijak u konsegwentement irrinunzja milli jippreżenta osservazzjonijiet fuq it-tieni domanda preliminari, li fil-fehma tiegħu, hija sempliċiment “teoretika”. Fl-aħħar nett, huwa paċifiku li l-Istat Awstrijak ma huwiex parti mill-kawża prinċipali. Peress li n-natura ipotetika tat-tieni domanda preliminari tirriżulta, fil-fehma tiegħi, b’mod manifest miċ-ċirkustanzi li għadni kif semmejt, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjaraha inammissibbli.

67.

F’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix tali suġġeriment, ser nillimita ruħi biex nirrileva li, fil-punti 98 sa 107 tas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 e C‑541/12, EU:C:2014:2005) il-Qorti tal-Ġustizzja tat ħafna indikazzjonijiet fuq il-kriterji li l-qorti nazzjonali għandha tapplika biex tistabbilixxi jekk, f’ċirkustanzi simili għal dawk tal-kawża prinċipali, l-Istat Membru jkunx responsabbli għall-ksur tad-Direttiva 2000/78.

68.

B’mod parikolari, għal dak li jikkonċerna l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet li għaliha hija suġġetta dik ir-responsabbiltà, jiġifieri li r-regola ġuridika tal-Unjoni miksura tkun intiża li tagħti drittijiet lill-individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, minn naħa, li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78, moqri flimkien mal-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, jipprojbixxi b’mod ġenerali u inekwivokabbli kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta, li ma hijiex oġġettivament iġġustifikata, għal dak li jikkonċerna x-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u li hija bbażata b’mod partikolari fuq l-età tal-ħaddiem u, min-naħa l-oħra, li tali dispożizzjonijiet huma intiżi li jagħtu lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw fil-konfront tal-Istati Membri ( 46 ).

69.

Għal dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn il-ksur inkwistjoni u d-dannu subit mill-individwi, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk tissussistix, fil-proċeduri nazzjonali taħt eżami, tali rabta ( 47 ).

70.

Għal dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, it-tieni kundizzjoni, li tirrigwarda l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, fil-punti 102 sa 105 tal-istess sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005) li s-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru tikkostitwixxi kriterju importanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, hija ppreċiżat li, anki jekk l-interpretazzjoni ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, tiċċara u tippreċiża, meta jkun meħtieġ, is-sinjifikat u l-portata ta’ dik ir-regola, li għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tevalwa jekk, madankollu, in-natura u l-portata tal-obbligi li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/78 fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005) setgħu jitqiesu ċari u preċiżi biss b’effett mis-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennings u Mai (C‑297/10, EU:C:2011:560), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat l-inkompatibbiltà ta’ dik il-leġiżlazzjoni mal-imsemmija direttiva. Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali f’din il-kawża, dawn il-kjarifiki tal-ġurisprudenza seħħew fit-18 ta’ Ġunju 2009 bis-sentenza Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat sistema ta’ komputazzjoni ta’ perijodi ta’ attività ta’ qabel id-dħul fis-servizz identika għal dik tal-BO 1963.

71.

Mis-suespost, jidhirli li huwa ċar li, ħlief għall-eżami tal-eżistenza tar-rabta kawżali mad-dannu invokat mill-membru tal-persunal individwali, mill-applikazzjoni tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, mill-inqas b’effett mit-18 ta’ Ġunju 2009, kienu jissussistu l-kundizzjonijiet biex l-Istat Awstrijak jinżamm responsabbli għad-danni sofruti mill-membri tal-persunal tal-ÖBB PV minħabba l-applikazzjoni tas-sistema ta’ komputazzjoni diskriminatorja.

V. Konklużjoni

72.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġusizzja sabiex tiddikjara inammissibbli t-tieni domanda preliminari u li tirrispondi għall-ewwel waħda fis-sens li l-Artikoli 2 u 6(1) tad-Direttiva 2008/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li, għall-iskopijiet li telimina d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’żewġ sentenzi suċċessivi, tipprovdi għar-riklassifikazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt mas-servizz pubbliku li jkunu fis-servizz f’kuntest ta’ sistema ta’ remunerazzjoni ġdida bbażata fuq kriterji mhux diskriminatorji ta’ komputazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti, imma li, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni intiża li tħares id-drittijiet kweżiti tal-membri tal-persunal riklassifikati permezz tal-iffriżar tas-salarju li dawn jirċievu f’data speċifika qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija leġiżlazzjoni, tissuġġetta l-livell ta’ dak is-salarju għall-applikazzjoni tal-kriterji ta’ komputazzjoni diskriminatorji tas-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Nirrileva, għall-kompletezza, li l-ewwel darba fejn tali leġiżlazzjoni nġiebet għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja minn qorti Awstrijaka, id-domandi preliminari magħmula kienu jirrigwardaw l-interpertazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, ara s-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑195/98, EU:C:2000:655), fejn ġiet diskussa s-sistema applikabbli għall-klassifikazzjoni tal-għalliema u assistenti bil-kuntratt, li biha l-komputazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti kienet issir b’modi iktar rigorużi meta l-imsemmija perijodi kienu twettqu fi Stat Membru ieħor.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79.

( 4 ) Sar-riformi implementati fl-2015, li fuqhom ser nitkellem iktar fid-dettall iktar ’il quddiem, id-data ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-avvanza fil-karriera kienet tikkostitwixxi l-kriterju ċentrali biex tiġi stabbilita l-klassifikazzjoni fl-iskali tas-salarji tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku (bil-kuntratt u mhux). Din id-data kienet stabbilita bit-teħid tad-data tar-reklutaġġ bħala l-punt tat-tluq. Xi perijodi ta’ attività mwettqa mill-membru tal-persunal qabel id-dħul fis-servizz tiegħu kienu meqjusa li jippreċedu r-reklutaġġ u kienu jirretroċedu d-data ta’ din tal-aħħar. Id-data ta’ riferiment għall-iskopijiet tal-avvanz kienet għaldaqstant data fittizja li, f’xenarju mudell, kienet tikkorrispondi għal-jum tal-għlueq l-età ta’ tmintax-il sena.

( 5 ) Ara l-punti 38 sa 51 u d-dispożittiv tas-sentenza.

( 6 ) Bundesbahngesetz, BGBl. Nru 852/1992.

( 7 ) BGBl I. Nru 129/2011.

( 8 ) BGBl. Nru 170/1963.

( 9 ) Il-kriterju applikat kien jipprovdi li jitqiesu bħala li jippreċedu d-data tar-reklutaġġ il-perijodi ta’ wara t-30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha disa’ snin skolastiċi kienu jew kellhom jiġu tterminati wara d-dħul fl-ewwel grad ta’ tagħlim skolastiku. Il-perijodi li kellhom jiġu kkalkolati baqgħu jiġu ddeterminati mill-BO 1963, li kienet tipprovdi li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ il-perijodi mwettqa fis-servizz tal-ferroviji Awstrijaċi u, ħlief għall-każijiet partikolari, għal nofs il-perijodi l-oħra ta’ attività jew studju.

( 10 ) L-Artikolu 34 tal-Allgemeine Vertragsbedingungen für Dienstverträge bei den Österreichischen Bundesbahnen (kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti ta’ xogħol mas-servizz tal-ferroviji Awstrijaċi, iktar ’il quddiem l-“AVB”), li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1996, kienu jistabbilixxu li l-impjegat tal-ferroviji Awstrijaċi jitla’ fl-iskala ogħla tal-livell tas-salarju kull tliet snin u fl-aħħar skala tal-livell tiegħu wara sitt snin u jippreċiża li l-avvanz jiġi stabbilit skont id-data ta’ riferiment. Din tal-aħħar, qabel il-liġi li għamlet l-emendi fl-2011, kienet ikkalkolata, fis-sens tal-Artikolu 35 tal-AVB, abbażi tal-istess kriterji stabbiliti mill-BO 1963 u għaldaqstant billi teskludi kull riferiment għall-esperjenza professjonali ta’ qabel l-għeluq l-età ta’ tmintax-il sena. Mill-proċess tal-kawża li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-AVB ma baqgħux jiġu applikati b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005 u li r-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal irreklutati wara tali data tiġi stabbilita skont ftehimiet kollettiv.

( 11 ) F’sentenza preċedenti, li kellha bħala suġġett rinviju preliminari tal-Oberlandesgericht Innsbruck (qorti reġjonali superjuri ta’ Innsbruck, l-Awstrija), li wkoll kienet tirrigwarda, fost l-oħrajn, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tas-sistema l-ġdida applikabbli għall-membri tal-persunal tal-ÖBB, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tirrispondi għad-domanda dwar il-konformità mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tletin sena previst mid-dritt Awstrijak għall-azzjonijiet intiżi li jikkontestaw il-klassifikazzjoni tar-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal fis-servizz pubbliku, u ma ħaditx konjizzjoni tad-domani preliminari l-oħra li sarulha minħabba li l-azzjoni fil-kawża prinċipali kienet preskritta, ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2014, Pohl (C‑429/12, EU:C:2014:12).

( 12 ) Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, minkejja kemm l-ÖBB kif ukoll l-Österreichische Bundesbahnen-Holding huma kkontrollati mill-Istat, il-kuntratti tal-membri tal-persunal ta’ din tal-ewwel huma rregolati b’mod esklużiv mid-dritt privat.

( 13 ) Kawża pendenti C‑24/17, Österreichischer Gewerkschaftsbund, Gewerkschaft öffentlicher Dienst (ĠU 2017, C 112, p. 20).

( 14 ) Kawża pendenti C‑396/17, Martin Leitner.

( 15 ) Fl-2015 daħlet liġi federali ta’ riforma tas-salarji (Bundesbesoldungsreform 2015, BGBl I 32/2015). Din il-liġi ġiet emendata fl-2016 permezz tal-Besoldungsrechtsanpassungsgesetz, (BGB1 I 104/2016), adottata wara sentenza tal-Verwaltungsgerichtshof (qorti amministrattiva) tad-9 ta’ Settembru 2016 (Ro 2015/12/0025-3). Fil-kawża pendenti C‑24/17, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija l-VBG (Vertragsbedienstetengesetz, liġi fuq il-membri tal-persunal bil-kuntratt), li fiha dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt mis-sistema antika għas-sistema l-ġdida tal-klassifikazzjoni tas-salarji.

( 16 ) Din tal-aħħar, kif intwera, kienet tikkonċerna s-sistema ta’ komputazzjoni applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt mas-servizz pubbliku.

( 17 ) F’dik is-sentenza, l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja kkritikat, sostanzjalment fl-istess termini użati xi xhur wara fis-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38), l-estensjoni tal-perijodu meħtieġ għall-iskopijiet tal-avvanz fl-ewwel tliet skali tas-salarju li kienet akkumpanjat ir-riforma tas-sistema ta’ komputazzjoni tal-perijodi ta’ attività preċedenti applikabbli għall-membri tal-persunal mas-servizz pubbliku li kienet iddaħħlet fl-2010.

( 18 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), u tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561). Il-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi kienu jirrigwardaw, min-naħa, is-sistema tas-salarji applikabbli, fuq livell kemm federali kif ukoll reġjonali, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-settur pubbliku jew għall-membru tal-persunal mas-servizz pubbliku u bbażata b’mod prevalenti fuq kriterji ta’ anzjanità anagrafika u, min-naħa l-oħra, fuq il-modi ta’ mogħdija minn din is-sistema ta’ remunerazzjoni għal sistema mhux ibbażata fuq kriterji diskriminatorji.

( 19 ) L-Artikolu 53a(2) tal-ÖBB-G 2015 jirreferi, barra milli għall-ÖBB, għall-predeċessuri tagħha u, b’mod iktar ġenerali, għall-impriżi li rriżultaw mir-ristrutturazzjoni tas-settur ferrovjarju.

( 20 ) Ara n-nota 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Fost dawk ir-rikorsi hemm dawk li wasslu għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-kawżi Pohl (C‑429/12, EU:C:2014:12) u ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38).

( 22 ) ECLI:AT:VFGH:2016:G450.2015.

( 23 ) Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Cadman (C‑17/05, EU:C:2006:333) l-Avukat Ġenerali Poiares Maduro jirreferi, bħala eżempju, għal sistema ta’ remunerazzjoni li tqiegħed lill-ħaddiema iktar żgħażagħ f’pożizzjoni żvantaġġata billi tikkumpensa b’mod sproporzjonat l-anzjanità fis-servizz jew inkella għal sistema ta’ remunerazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni l-esperjenza tal-ħaddiema u tirriżulta għaldaqstant li hija ta’ żvantaġġ għall-ħaddiema iktar xjuħ.

( 24 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman (C‑17/05, EU:C:2006:633, punti 34 sa 36), u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 47).

( 25 ) Ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 63), u tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604).

( 26 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2012, Tyrolean Airways Tiroler Luftfahrt Gesellschaft (C‑132/11, EU:C:2012:329, punt 29).

( 27 ) Nirrileva li l-kwistjoni tal-kompatibbiltà mar-regoli tat-trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema tar-regoli, simili u dawk ikkunsidrati fit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, iddettati għall-mogħdija għas-sistema ta’ remunerazzjoni ġdida tal-membri tal-persunal mas-servizz pubbliku tqajmet, f’termini iktar elaborati, mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) fil-kawża pendenti C‑24/17, imsemmija fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet (ara t-tieni domanda preliminari).

( 28 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 62).

( 29 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑456/05, EU:C:2007:755, punt 63), tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560, punt 90) u tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 64).

( 30 ) Ara l-punt 37. Fl-istess sens, ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 42).

( 31 ) Dawn huma l-membri tal-persunal li wettqu perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni la mis-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti (inkwantu ppreċedew l-għeluq tal-età ta’ tmintax-il sena) u lanqas mis-sistema l-ġdida (inkwantu mhux rilevanti).

( 32 ) Ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et, (minnC‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 39), u tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová, (C‑399/09 EU:C:2011:415, punt 51).

( 33 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 46).

( 34 ) Il-possibbli eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi fis-sens indikat iktar ’il fuq tidher li ġiet eskluża mill-Verfassungsgerichtshof (qorti kostituzzjonali) fis-sentenza msemmija fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, jimmilita favur tali possibbiltà, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra, il-fatt li fl-ÖBB-G 2011 kien hemm previst, għall-membri tal-persunal sfavoriti mis-sistema preċedenti, l-istess trattament irriżervat għall-membri tal-persunal iffavoriti minn tali sistema, għalkemm biż-żamma, kif rajna, tad-diskriminazzjoni bejn iż-żewġ gruppi ta’ membri tal-persunal minn perspettiva differenti.

( 35 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 36).

( 36 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 47). Min-naħa l-oħra, ma kinitx teżisti sistema ta’ riferiment valida fil-kawżi li wasslu għas-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, b’mod partikolari l-punt 96), u tat-8 ta’ Settembru 2011, Hennigs (C‑297/10 u C‑298/10, EU:C:2011:560), ara wkoll is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 47).

( 37 ) Ara s-sentenza Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 78).

( 38 ) Ara l-punt 39. Fl-istess sens, ara s-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 39 ) F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, ma huwiex ċar kif iż-żieda ta’ skala addizzjonali qabel l-aħħar skala ta’ salarju, prevista mill-Artikolu 53a(7) tal-ÖBB-G 2015, tista’ tikkumpensa b’mod konkret għal tali telf.

( 40 ) Dawn huma l-membri tal-persunal li, qabel għeluq l-età ta’ tmintax-il sena, wettqu perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ li ma għadhomx kalkolabbli abbażi tal-ÖBB-G 2015.

( 41 ) Kif ingħad, tali kumpens huwa previst biss favur il-membri tal-persunal li, qabel l-għeluq l-età ta’ tmintax-il sena, wettqu perijodi ta’ attività u/jew ta’ taħriġ kalkolabbli abbażi tar-regoli ta’ komputazzjoni l-ġodda.

( 42 ) Jiġifieri d-differenza bejn is-salarju li għalih kien ikollhom dritt tali membri tal-persunal kieku s-sistema ta’ komputazzjoni preċedenti ġiet applikata għalihom b’mod mhux diskriminatorju u s-salarju li rċevew realment mid-dħul tagħhom fis-servizz, sar-riklassifikazzjoni skont l-ÖBB-G.

( 43 ) Ara s-sentenza Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punti 8889).

( 44 ) Ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr (C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 45).

( 45 ) Skont dan il-prinċipju kull miżura meħuda minn Stat Membru biex jikkonforma ruħu mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni trid tkun effettiva (ara, fir-rigward tal-ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (minnC‑231/06 sa C‑233/06, EU:C:2007:373, punt 28). Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jekk, wara li tingħata sentenza fuq talba għal deċiżjoni preliminari li minnha jirriżulta nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw l-osservanza tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju tagħhom, l-awtoritajiet imsemmija, filwaqt li jibqgħalhom setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, għandhom b’mod partikolari jiżguraw li, fl-inqas żmien possibbli, id-dritt nazzjonali jsir konformi mad-dritt tal-Unjoni u li d-drittijiet tal-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni jiġu attwati b’mod sħiħ (punt 38).

( 46 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 101).

( 47 ) Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (minnC‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 98).