KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid-19 ta’ Ottubru2017 ( 1 )

Kawża C-470/16

North East Pylon Pressure Campaign Limited

Maura Sheehy

vs

An Bord Pleanála

Minister for Communications, Climate Action and Environment, Ireland

Attorney General, Ireland

u

fil-preżenza ta’

EirGrid Plc

[talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court (L-Irlanda)]

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 11(2) u 11(4) tad-Direttiva 2011/92/UE — Deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet — Proċedura ġudizzjarja li “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” — Talba miċħuda minħabba li kienet prematura — Elementi tad-dritt tal-Unjoni u mhux tad-dritt tal-Unjoni ta’ proċedura ġudizzjarja — Applikabbiltà diretta tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus)

I. Introduzzjoni

1.

EirGrid Plc (iktar ’il quddiem “EirGrid”) li hija proprjetà tal-Istat Irlandiż topera fis-settur tat-trażmissjonijiet ta’ enerġija elettrika. Hija qed tippjana li tibni żvilupp ta’ interkonnessjoni elettrika bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Repubblika tal-Irlanda. North East Pylon Pressure Campaign Ltd (iktar ’il quddiem l-“NEPPC”) u is-sinjura Maura Sheehy (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) iqisu li l-proċedura ta’ permess għal żvilupp hija difettuża. Huma ppreżentaw rikors biex jingħataw permess iressqu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, li huwa l-ewwel stadju fi proċess ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’żewġ stadji. Wara diversi jiem ta’ seduti, il-High Court Irlandiża ddeċidiet li r-rikors kien ġie ppreżentat prematurament u ma tatx permess biex jitressqu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

2.

F’rikorsi dwar l-ispejjeż magħmula skont dik id-deċiżjoni, il-partijiet rebbieħa (An Bord Pleanála, the Minister for Communications, Climate Action and Environment [il-ministru għall-kommunikazzjoni, l-azzjoni Klimatika u l-ambjent], u l-Attorney General [l-Avukat Ġenerali]) issottomettew li huma kellhom jiġu rrimborsati l-ispejjeż tagħhom. Il-partijiet telliefa, ir-rikorrenti, issottomettaw l-istess. Ir-rikorrenti ssottomettew li r-regola tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92/EU ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva”) hija applikabbli u li din tipprevedi li spejjeż magħmula biex jinġiebu ċerti proċeduri ta’ stħarriġ ma għandhomx ikunu jiswew tant li jkunu projbittivi.

3.

Il-High Court Irlandiża għandha dubji dwar jekk ir-regola li proċedura “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” tapplikax għal proċeduri ta’ permess tat-tip li għandha quddiemha, li l-għoti tagħhom huwa ddeterminati każ b’każ. Hija titlob kjarifika dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva fejn tinstab dik ir-regola. Titlob ukoll kjarifika dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni”).

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

1.   Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

4.

Skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni:

“ […]

2.   Kull Parti għandha tiżgura li, fil-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

[…]

(b) […] ikunu jistgħu jaġixxu quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fir-rigward tal-mertu kif ukoll tal-proċedura, ta’ kull deċiżjoni, kull att jew kull ommissjoni koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u mingħajr ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’il quddiem, dispożizzjonijiet oħra rilevanti ta’ din il-konvenzjoni. […]

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu 2 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà li titressaq proċedura preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jitqiesu li jeludu l-obbligu li jiġu eżawriti r-rimedji amministrattivi qabel ma jingħata bidu għal proċedura ġudizzjarja, meta dan l-obbligu jkun previst fid-dritt nazzjonali..

3.   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-proċeduri preliminari msemmija fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwali previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jipproċedu bi proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritàjiet pubbliċi li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent.

4   Barra minn hekk, u bla ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji xierqa u effettivi, inklużi konformità permezz ta’ ordni fejn ikun xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u mingħajr dewmien u ma għandhomx ikunux jiswew tant li jkunu projbittivi […]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B. Id-dritt tal-Unjoni

1.   Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus

5.

Permezz tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 2005/370/KE il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 4 ).

2.   Id-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent

6.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 jirregola l-aċċess għal proċeduri ta’ stħarriġ:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

[…]

ikollhom aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet.

[…]

4.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ stħarriġ preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri ta’ stħarriġ amministrattiv qabel ir-rikors għall-proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju, meta jeżisti tali rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali.

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.”

3.   Ir-Regolament (UE) Nru 347/2013

7.

Skont l-Artikolu 1 tiegħu r-Regolament (UE) Nru 347/2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament PCI”) ( 5 ) jistabbilixxi “l-linji gwida għall-iżvilupp fil-ħin u l-interoperabbiltà tal-kurituri u l-oqsma prijoritarji tal-infrastruttura”.

8.

L-Artikolu 8, bit-titolu “Organizzazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi” jitlob li l-Istati Membri jaħtru “awtorità kompetenti nazzjonali waħda li għandha tkun responsabbli għall-iffaċilitar u l-koordinazzjoni tal-proċess tal-għoti tal-permessi għall-proġetti ta’ interess komuni’.

C. Id-dritt Irlandiż

1.   Planning and Development Act, 2000

9.

It-Taqsima 50B tal-Planning and Development Act 2000 (l-att tal-2000 dwar l-ippjanar u l-iżvilupp), kif emendat ( 6 ) (iktar ’il quddiem il-“PDA”) tgħid:

“(1)   Din it-taqsima tapplika għal proċeduri tax-xorta li ġejjin:

(a)

proċeduri fil-High Court permezz ta’ stħarriġ ġudizzjarju, jew biex jintalab permess biex jiġi ppreżentat rikors għal stħarriġ ġudizzjarju, ta’-

(i)

kull deċiżjoni jew allegata deċiżjoni meħuda jew allegatament meħuda,

(ii)

kull azzjoni meħuda jew allegatament meħuda, jew

(iii)

kull nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni, skont liġi tal-Istat li jimplementa

[inter alia] dispożizzjoni tad-Direttiva [85/337/KEE ( 7 )] li għaliha japplika […] l-Artikolu 10a […]”

10.

It-Taqsima 50B(3) tipprevedi:

“Il-Qorti tista’ tikkundanna lil parti għall-ispejjeż fi proċeduri li għalihom tapplika din it-taqsima jekk il-Qorti tqis li jkun xieraq li tagħmel hekk-

(a)

minħabba li l-Qorti tqis li talba jew kontrotalba ta’ parti tkun fiergħa jew vessatorja,

(b)

minħabba l-mod li bih il-parti tkun mexxiet il-proċeduri, jew

(c)

meta l-parti tinstab ħatja ta’ disprezz tal-Qorti.”

11.

It-Taqsima 50B(4) tal-PDA tgħid:

“Is-sottotaqsima (2) ma taffettwax lill-Qorti li hija intitolata tagħti l-ispejjeż favur parti fi kwistjoni ta’ importanza pubblika eċċezzjonali u meta fiċ-ċirkostanzi speċjali tal-każ ikun fl-interess tal-ġustizzja li tagħmel hekk.”

2.   Environment (Miscellaneous Provisions) Act 2011

12.

It-Taqsima 3 tal-Environment (Miscellaneous Provisions) Act 2011 [l-att tal-2011 dwar l-ambjent (dispożizzjonijiet mixxellanji)] (iktar ’il quddiem l-“Att tal-2011 dwar l-ambjent”) ( 8 ) tipprovdi li:

“(3)   Qorti tista’ tikkundanna parti għall-ispejjeż fi proċeduri li għalihom tapplika din it-taqsima jekk il-qorti tqis xieraq li tagħmel hekk-

(a)

meta l-qorti tqis li talba jew kontrotalba ta’ parti tkun fiergħa jew vessatorja,

(b)

minħabba l-mod li bih il-parti tkun mexxiet il-proċeduri, jew

(c)

meta l-parti tinstab ħatja ta’ disprezz tal-Qorti.

(4)   Is-sottotaqsima (1) ma taffettwax lill-Qorti li hija intitolata tagħti l-ispejjeż favur parti fi kwistjoni ta’ importanza pubblika eċċezzjonali u meta fiċ-ċirkostanzi speċjali tal-każ ikun fl-interess tal-ġustizzja li tagħmel hekk.”

13.

It-taqsima 4 tal-Att tal-2011 dwar l-ambjent tipprovdi:

“(1)   It-Taqsima 3 tapplika għal proċeduri ċivili, minbarra proċeduri msemmija fis-sottotaqsima (3), istitwiti minn persuna-

(a)

bl-għan li tkun żgurata l-konformità ma’, jew l-infurzar ta’ rekwiżit statutorju jew kundizzjoni jew rekwiżit ieħor mehmuż ma’ liċenzja, permess, awtorizzazzjoni, kiri jew permess ieħor speċifikat fis-sottotaqsima (4), jew

(b)

fir-rigward ta’ kontravenzjoni dwar jew nuqqas ta’ konformità ma’ tali liċenzja, permess, awtorizzazzjoni, kiri jew għoti ta’ kunsens,

u meta n-nuqqas li tkun żgurata tali konformità ma’, jew infurzar ta’ tali rekwiżit statutorju, kundizzjoni jew rekwiżit ieħor imsemmi fil-paragrafu (a), jew tali kontravenzjoni dwar jew nuqqas ta’ konformità msemmija fil-paragrafu (b), ikunu kkawżaw, qed jikkawżaw jew aktarx jikkawżaw ħsara lill-ambjent

[…]”

14.

It-Taqsima 8 tal-Att tal-2011 dwar l-ambjent titlob li l-qrati jieħdu “Konjizzjoni Ġudizzjarja” tal-Konvenzjoni.

III. Il-fatti, il-proċeduri u d-domandi preliminari

15.

Fl-2014 EirGrid ipproponiet proġett biex jgħaqqad il-gradilji tal-elettriku tal-Irlanda u tal-Irlanda ta’ Fuq (iktar ’il quddiem il-“Proġett ta’ Interkonnessjoni”). Il-Proġett ta’ Interkonnessjoni huwa “Proġett ta’ Interess Komuni” skont ir-Regolament PCI.

16.

Fl-Irlanda l-korp li kien inħatar skont l-Artikolu 8 tar-Regolament PCI huwa An Bord Pleanála, il-bord Irlandiz tal-appelli dwar l-ippjanar (iktar ’il quddiem il-“Bord”). Bħala tali l-Bord huwa responsabbli biex jiffaċilita u jikkoordina l-proċess għall-għoti tal-permess għall-Proġett ta’ Interkonnessjoni.

17.

Fil-kapaċità tiegħu bħala l-Bord Irlandiż tal-appelli dwar l-ippjanar, dan huwa wkoll il-korp responsabbli biex japprova l-permess għal żvilupp għal dak il-proġett. Wara l-applikazzjoni formali ta’ EirGrid għall-permess għal żvilupp u s-sottomissjoni ta’ stima tal-impatt ambjentali, il-Bord laqqa’ seduta orali fis-7 ta’ Marzu 2016.

A. Rikors għal “permess”: l-ewwel stadju fi proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’żewġ stadji

18.

NEPPC hija organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-protezzjoni tal-ambjent. Tirrappreżenta għadd kbir ta’ partijiet interessati u sidien ta’ proprjetà lokali, li waħda minnhom hija M. Sheehy.

19.

Ftit qabel is-seduta orali, fl-4 ta’ Marzu 2016, NEPPC u M. Sheehy (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti’) talbu li jikkontestaw il-proċedura għal permess għal żvilupp b’mod partikolari billi talbu biex is-seduta orali ma ssirx. Dan sar permezz ta’ rikors għal permess biex tinstema’ talba għal stħarriġ ġudizzjarju u għal ordni interlokutorja. Intalbu sittax-il rimedju għal 46 mottiv u kienu jinkludu l-invalidità ta’ partijiet tal-proċess ta’ kunsens għal żvilupp, l-iktar l-applikazzjoni għal approvazzjoni ppreżentata skont il-PDA, u dikjarazzjoni li l-ħatra tal-Bord bħala awtorità kompetenti kienet irregolari.

20.

Ir-rikors għal ordni interlokutorja ġie miċħud. Is-seduta orali quddiem il-Bord saret fis-7 ta’ Marzu 2016 kif kienet skedata. Ir-rikors għal permess tkompla u nstema’ mill-qorti tar-rinviju.

21.

L-imħallef li kien qed jisma’ t-talba ppermetta lir-rikorrenti jinkludu lill- Minister for Communications, Energy and Natural Resources (il-ministru għall-komunikazzjonijiet, enerġija u riżorsi nazzjonali li issa sar il-Minister for Communications, Climate Action and Environment) (li kien ħatar il-Bord bħala l-awtorità kompetenti skont ir-Regolament PCI) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”), u lill-Attorney General bħala konvenuti. Dawn tħallew ukoll jirfinaw u jemendaw il-kontestazzjoni tagħhom għall-ħatra tal-Bord bħala l-awtorità kompetenti. EirGrid interveniet fil-proċeduri bħala “notice party” [Nota tat-traduttur: parti simili għal intervenjenti].

22.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-konvenuti argumentaw li r-rikors kien prematur, iżda wkoll wara li kien tardiv.

23.

Fit-12 ta’ Mejju 2016, wara erbat ijiem ta’ seduti dwar ir-rikors għal permess, il-qorti tar-rinviju rrifjutat tagħti permess biex isir rikors għal stħarriġ ġudizzjarju minħabba li r-rikors kien prematur.

B. Rikorsi dwar l-ispejjeż

24.

Kien hemm jumejn oħra ta’ seduti li kienu jinvolvu erba’ gruppi legali separati relatati mal-ispejjeż ta’ EUR 513000. Il-partijiet kollha rebbieħa qed jitolbu li r-rikorrenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. Ir-rikorrenti, min-naħa tagħhom, qed jitolbu li l-ispejjeż tagħhom mingħand il-partijiet l-oħra u jissottomettu li l-ispejjeż għandhom isegwu r-regola ta’ proċedura li “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva (iktar ’il quddiem ir-“regola SMP”).

25.

Fil-kuntest tar-rikors dwar l-ispejjeż il-High Court Irlandiża ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel, b’digriet tad-29 ta’ Lulju 2016, is-seba’ domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“i.

Fil-kuntest ta’ ordinament ġuridiku nazzjonali li fih il-leġiżlatur ma jkunx stabbilixxa b’mod espress u definittiv f’liema stadju tal-proċedura tista’ tiġi kkontestata deċiżjoni u li fih tali kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti fil-kuntest ta’ kull rikors speċifiku fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont regoli tad-dritt komuni, id-dritt naxxenti mill-Artikolu 11(4) tad-[Direttiva 2011/92] għal proċedura li “ma tiswiex tant li tkun projbittiva […]” japplika għal proċedura quddiem qorti nazzjonali li permezz tagħha jiġi ddeterminat jekk ir-rikors partikolari inkwistjoni ġiex ippreżentat fl-istadju korrett?

ii.

Ir-rekwiżit li l-proċedura “ma tiswiex tant li tkun projbittiva […]” skont l-Artikolu 11(4) tad-[Direttiva 2011/92] japplika għall-elementi kollha ta’ proċedura ġudizzjarja li permezz tagħha tiġi kkontestata l-legalità (skont id-dritt nazzjonali jew tal-UE) ta’ deċiżjoni, att jew omissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-parteċipazzjoni pubblika, jew unikament għall-elementi tad-dritt tal-Unjoni ta’ tali kontestazzjoni (jew b’mod partikolari, unikament għall-elementi tal-kontestazzjoni marbuta ma’ kwistjonijiet li jikkonċernaw dispożizzjonijiet tad-direttiva dwar il-parteċipazzjoni pubblika)?

iii.

Il-frażi “[i]d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet” fl-Artikolu 11(1) tad-[Direttiva 2011/92] tinkludi deċiżjonijiet amministrattivi adottati waqt li tkun qiegħda tiġi ddeterminata applikazzjoni għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp, indipendentement minn jekk dawn id-deċiżjonijiet amministrattivi jiddeterminawx id-drittijiet legali tal-partijiet b’mod irriversibbli u finali?

iv.

Qorti nazzjonali, bil-għan li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ambjentali tal-Unjoni, għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha b’mod kemm jista’ jkun konsistenti mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(3) tal-[Konvenzjoni] (a) fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp marbuta ma’ proġett ta’ interess komuni magħżul skont ir-]Regolament Nru 347/2013], u/jew (b) fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp fejn l-iżvilupp ikun jaffettwa sit Ewropew magħżul skont id-Direttiva tal-Kunsill Nru 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa?

v.

Fil-każ li r-risposta għad-domandi (4)(a) u/jew (b) tkun fl-affermattiv, id-dikjarazzjoni li r-rikorrenti għandhom “jissodisfaw kull rekwiżit stabbilit fid-dritt nazzjonali” tipprekludi lill-Konvenzjoni milli titqies li għandha effett dirett, f’ċirkustanzi fejn ir-rikorrenti ma jkunux naqsu milli jissodisfaw kriterju tad-dritt nazzjonali għall-preżentata ta’ rikors u/jew ikunu manifestament intitolati li jippreżentaw tali rikors (a) fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp marbut ma’ proġett ta’ interess komuni magħżul skont ir-[Regolament Nru 347/2013], u/jew (b) fi proċedura li tikkontesta l-validità ta’ proċedura għall-kisba ta’ permess għall-iżvilupp fejn l-iżvilupp ikun jaffettwa sit Ewropew magħżul skont id-[Direttiva KEE Nru 92/43]?

vi.

Stat Membru huwa ħieles li jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, eċċezzjonijiet għar-regola li l-proċeduri ambjentali ma għandhomx ikunu eċċessivament onerużi, meta d-[Direttiva 2011/92] jew il-[Konvenzjoni]? u

vii.

B’mod partikolari, rekwiżit tad-dritt nazzjonali li jirrikjedi rabta kawżali bejn l-allegat att jew deċiżjoni illegali u d-dannu ambjentali bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa l-Artikolu 9(4) tal-[Konvenzjoni] bil-għan li jiġi żgurat li proċeduri ambjentali ma jkunux eċċessivament onerużi huwa kompatibbli mal-konvenzjoni?”

26.

Ir-rikorrenti, il-Bord, il-Ministru, l-Attorney General, EirGrid u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja u għamlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tad-29 ta’ Ġunju 2017.

IV. Analiżi

27.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej: ser nibda billi nagħmel xi osservazzjonijiet ġenerali dwar ir-Regola SMP (Taqsima A.1) biex nuri kif u għaliex hija ma tapplikax għat-tip ta’ proċeduri quddiem il-High Court Irlandiża. Imbagħad nindirizza, waħda wara l-oħra, id-domandi 1, 2, 3, 6 u 7 magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar il-mod kif taħdem din ir-regola skont id-Direttiva 2011/92 (Taqsimiet A.2 sa A.6). Nikkonkludi b’osservazzjonijiet dwar ir-rilevanza tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni għall-analiżi, ukoll fir-rigward tad-domandi 4 u 5 (Taqsima B).

A. Applikabbiltà u kamp ta’ applikazzjoni tar-regola SMP – id-domandi 1 sa 3 u d-domandi 6 u 7

1.   Osservazzjonijiet ġenerali dwar ir-regola SMP

28.

Id-domandi 1, 2, 3, 6 u 7 tal-qorti tar-rinviju huma kollha marbuta mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola SMP u l-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tagħha. Għalhekk, ser nibda billi nagħmel xi osservazzjonijiet dwar ir-regola SMP, li jikkonċernaw (i) in-natura tar-regola SMP; (ii) l-għan ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja f’materji ambjentali; u (iii) il-prevedibbiltà tal-applikazzjoni tar-regola.

i)  In-natura tar-regola SMP

29.

Strutturalment, fid-Direttiva 2011/92, ir-regola SMP tinstab pjuttost b’mod stramb f’linja separata, mingħajr numru, fl-aħħar tal-Artikolu 11(4). Mad-daqqa t’għajn, mill-mod kif qiegħda ma huwiex ċar jekk ir-regola SMP tapplikax għall-proċeduri kollha msemmija fl-Artikolu 11 jew biss għall-proċeduri amministrattivi tal-Artikolu 11(4).

30.

Madankollu, huwa ċar mill-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-regola hija applikabbli għall-proċeduri kollha msemmija fl-Artikolu 11, inkluż stħarriġ minn qorti tal-ġustizzja jew korp indipendenti u imparzjali stabbilit b’liġi [kif imsemmi fl-Artikolu 11(1) ( 9 )]. Barra minn hekk, dan huwa kkonfermat mid-dispożizzjoni ekwivalenti tal-Konvenzjoni (Artikolu 9(4)), li għandha numru separat u manifestament tagħmel parti mill-“proċeduri msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq”, jiġifieri, jekk humiex amministrattivi jew quddiem qorti.

31.

L-istorja ta’ din id-dispożizzjoni tkompli ssostni dik l-interpretazzjoni. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 oriġinarjament kien l-Artikolu 10a tad-Direttiva 85/337 ( 10 ). B’kuntrast għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92, l-Artikolu 10a ma kienx maqsum f’subparagrafi enumerati. Kien għalhekk ċar li r-regola SMP kienet tapplika għall-artikolu kollu. Minħabba li d-Direttiva 2011/92 kienet intiża biss bħala kodifikazzjoni tad-Direttiva 85/337, inqis li meta ddaħħlu subparagrafi enumerati ma kienx hemm il-ħsieb li jiġi mmodifikat l-kamp ta’ applikazzjoni għar-regola SMP.

32.

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, bis-saħħa tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92, il-kamp ta’applikazzjoni tar-regola SMP, għalhekk, jinkludi b’mod partikolari proċeduri ta’ stħarriġ quddiem qrati “sabiex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku”, jiġifieri “proċeduri ġudizzjarji” f’dan il-qasam tad-dritt dwar l-ambjent.

33.

Wara dan, wieħed għandu jiftakar li r-regola SMP hija espressjoni speċifika fid-Direttiva 2011/92 ta’ prinċipju iktar ġenerali ta’ aċċess għall-ġustizzja fid-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent kif jidher ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 11 ), u mill-Konvenzjoni (bħala wieħed mit-tliet pilastri tagħha).

34.

Fl-aħħar nett, ir-regola SMP tirifletti wkoll ir-rekwiżit usa’ tad-dritt tal-Unjoni li l-proċeduri nazzjonali kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jitħallewx ikunu “[jiswew] tant li [jkunu] projbittiv[i]” fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li tistabbilixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Ġustizzja li tkun tiswa tant li tkun projbittiva ma hijiex ġustizzja ( 12 ).

35.

Ir-regola SMP tikkonferma l-protezzjoni offruta mill-Karta, iżda hija iktar estensiva: b’mod partikolari titlob li jitqies ukoll l-interess pubbliku biex ikun żgurat kontroll ġudizzjarja effettiv ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-ambjent, filwaqt li l-Artikolu 47 jikkonċentra fuq id-drittijiet tal-persuna ( 13 ). Ir-regola, għalhekk, tipprovdi protezzjoni supplimentari.

36.

Inqis li huwa importanti li niddeskrivi fil-qosor u mill-bidu nett dan il-kuntest usa’ ta’ kif oriġinat u kif taħdem ir-regola SMP. Tabilħaqq, wieħed għandu jżomm f’moħħu n-natura supplimentari u relattiva tar-regola SMP meta jiddiskuti (limiti fuq) il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li mbagħad issir, bla dubju, wisq inqas “binarja” ( 14 ).

ii)  Aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali

37.

L-għan li jingħata aċċess wiesa’ għall-ġustizzja jirrifletti “r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea li jippriserva, jipproteġi u jtejjeb il-kwalità tal-ambjent u li jagħti lill-pubbliku rwol attiv għal dan il-għan” ( 15 ).

38.

“Aċċess wiesa’” għall-ġustizzja tfisser preċiżament li: aċċess għall-ġustizzja għandu jkun estensiv, komprensiv u b’firxa wiesgħa. L-għan innifsu tal-Artikolu 11 huwa, tabilħaqq, li speċifikament ikun żgurat l-usa’ aċċess possibbli għal stħarriġ ġudizzjarju ( 16 ). Ikopri l-elementi kollha tagħha, bħal locus standi, iżda wkoll l-ispejjeż. Jingħad li japplika kull meta l-Istat Membru jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu meta jistabbilixxi regoli proċedurali ddettaljati. Fil-fatt, jissejjaħ limitazzjoni għal dik id-diskrezzjoni ( 17 ).

39.

Spejjeż għolja tal-proċeduri jistgħu fil-prattika faċilment jikkostitwixxu ostaklu għal aċċess minn litiganti mingħajr il-mezzi neċessarji. Bla dubju jirrappreżentaw ukoll wieħed mid-diżinċentivi l-iktar qawwija biex tinbeda litigazzjoni anki minn dawk li fil-fatt ikollhom il-mezzi. Għalhekk, spejjeż għolja ta’ litigazzjoni jmorru kontra l-għan ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja.

iii)  Prevedibbiltà tal-applikazzjoni tar-regola SMP

40.

Il-prevedibbiltà tikkostitwixxi parti integrali tal-evalwazzjoni ta’ jekk spejjeż ikunux projbittivi. Dan diġà ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja speċifikament b’rabta mar-regola SMP skont id-Direttiva ( 18 ). L-importanza tal-prevedibbiltà kienet irrikonoxxuta wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod iktar ġenerali b’rabta mal-ispejjeż ta’ proċeduri legali (mhux dwar l-ambjent) ( 19 ).

41.

Il-prevedibbiltà hija rilevanti b’mod partikolari għal żewġ aspetti ta’ din il-kawża: il-prevedibbiltà ta’ “xiex” u ta’ “meta”.

42.

Waħda mill-kwistjonijiet li jinqalgħu b’rabta mal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola SMP hija liema kontestazzjonijiet huma koperti minnha: jistgħu jinqasmu fi gruppi biex ikunu identifikati partijiet speċifiċi li huma “soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku” u dawk li ma humiex? Ser niddiskuti l-vijabbiltà ta’ tali qsim fir-rigward tad-domanda 2 (Taqsima A.3). F’dan l-istadju huwa biżżejjed li jingħad li, jekk l-eżitu jkun ifisser id-differenza bejn spejjeż modesti u l-probabbiltà ta’ falliment, huwa ċar li l-imprevedibbiltà fiha nnifisha f’dan ir-rigward aktarx li tikkostitwixxi diżinċentiv qawwi għal kontestazzjoni ( 20 ). Dan il-fatt jenfasizza l-importanza tan-natura relattiva tar-regola SMP kif ġie diskuss diġà iktar ’il fuq fil-punt 36.

43.

Din il-kawża tqajjem ukoll kwistjonijiet dwar il-prevedibbiltà b’rabta mal-istadju li fih ikunu jistgħu jinġiebu kontestazzjonijiet.

44.

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva jeżiġi li l-Istati Membri “għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet”.

45.

Fl-Irlanda, ma ġiet stabbilita ebda regola statutorja espliċita għat-traspożizzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. Minflok, il-partijiet huma suġġetti għal regoli ġenerali tal-liġi komuni tad-dritt amministrattiv. Il-kwistjoni ta’ jekk kontestazzjoni ta’ deċiżjoni, ta’ att jew ta’ ommissjoni tkunx prematura jew tardiva tiġi deċiża fuq bażi każ b’każ.

46.

Irrid nisħaq li fuq livell ġenerali, ma hemmx oġġezzjoni fuq il-prinċipju għat-traspożizzjoni tal-obbligi tad-dritt tal-Unjoni permezz tal-ġurisprudenza fuq il-livell nazzjonali. Il-flessibbiltà inerenti fil-ġurisprudenza fiha nnifisha ma hijiex problematika ( 21 ). Madankollu, huwa ċar ukoll li irrispettivament mill-mezzi ta’ traspożizzjoni magħżula, l-għan globali tal-Istat Membru jibqa’ l-istess: li tkun żgurata l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva b’mod li tkun tipprovdi ċarezza, preċiżjoni u prevedibbiltà biżżejjed ( 22 ). Għandu jkun hemm linja ta’ ġurisprudenza li tinftiehem u li tkun ċara, li tippermetti li r-regoli jkunu deduċibbli b’mod ċar, u li tkun tissodisfa r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali permezz ta’ riżultat li jkollu qawwa vinkolanti indisputibbli ( 23 ). Il-prevedibbiltà hija fattur ewlieni ( 24 ).

47.

Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-qorti tar-rinviju enfasizzat inċertezzi fil-ġurisprudenza relatati mal-kwistjoni ta’ meta (f’liema stadju) għandha tinġieb kontestazzjoni. Fid-domandi tagħha magħmula lil din il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ma qajmitx direttament kwistjoni dwar kemm kienet suffiċjenti t-traspożizzjoni tal-Irlanda tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ddikjarat b’mod ċar fid-digriet tar-rinviju tagħha li r-regoli ma kinux ċari għalkollox u li kienu problematiċi għal rikorrenti fir-rigward taċ-ċertezza legali.

48.

Din il-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta bl-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali mogħtija mill-qorti tar-rinviju. Filwaqt li tirrikonoxxi li l-grad ta’ inċertezza tar-regoli Irlandiżi kien ikkontestat mill-partijiet quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, ser ngħaddi għall-evalwazzjoni tal-effetti tad-dritt nazzjonali kif mogħtija mill-qorti tar-rinviju bħala l-punt tat-tluq. Bħala riżultat il-kwistjoni tal-prevedibbiltà tal-ispejjeż hija rilevanti ħafna.

49.

Filwaqt li nżomm f’moħħi l-punti msemmija iktar ’il fuq, issa ser ngħaddi għad-domandi konkreti tal-qorti tar-rinviju.

2.   Fuq l-ewwel domanda

50.

Għall-finijiet ta’ analiżi, id-domanda tista’ tinqasam f’żewġ kwistjonijiet. L-ewwel, ir-regola SMP tapplika bl-istess mod għal rikorsi għal pemess biex jinġiebu kontestazzjonijiet ta’ stħarriġ ġudizzjarju kif tapplika għal kontestazzjonijiet innifishom ta’ stħarriġ ġudizzjarju? It-tieni, risposta pożittiva għall-ewwel domanda tinbidel jekk ir-rikors għal permess jiġi miċħud minħabba li jkun ġie ppreżentat kmieni żżejjed?

51.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għall-ewwel kwistjoni hija bla tlaqliq: iva, ir-regola SMP tapplika bl-istess mod għal rikorsi għal permess.

52.

Fejn l-istħarriġ ġudizzjarju jinqasam f’żewġ stadji, l-ewwel stadju jikkostitwixxi wkoll “proċeduri ġudizzjarji” u fil-fatt jista’ jiġi ddefinit bħala “stħarriġ quddiem qorti”. Meta jiġi ppreżentat rikors għal permess għal stħarriġ ġudizzjarju għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, anki jekk mhux fil-fond, il-mertu, it-talbiet bil-miktub u s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet. Fil-każ preżenti, dan it-teħid inkunsiderazzjoni kien sar f’erbat ijiem ta’ seduti. Minbarra dan, nifhem li hemm xi raġunijiet li għalihom rikorsi għal permesss jiġu ttrattati bħala rikorsi għal stħarriġ ġudizzjarju, biex b’hekk iż-żewġ stadji tar-rikors għal stħarriġ ġudizzjarju jitqiesu “b’teleskopju” f’seduta waħda.

53.

Barra minn dan, jekk il-proċedura kellha tgħaddi għal stħarriġ ġudizzjarju sħiħ, allura r-regola ċertament tkun tapplika wkoll għall-istadju tal-permess. Dwar dan il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li għandu jitqies “l-assjem tal-ispejjeż finanzjarji kkawżati mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ġudizzjarja”, jiġifieri li hija għandha tiġi “evalwata globalment” ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qalet ukoll espliċitament li ma għandu jkun hemm ebda distinzjoni bejn l-istadji tal-proċeduri – l-ewwel istanza, l-appell jew appell ulterjuri – meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-ispejjeż ikunux projbittivi peress li: “din id-distinzjoni ma hijiex prevista fid-Direttivi 85/337 u 96/61, [u peress li] interpretazzjoni bħal din ma tkunx ta’ natura li tirrispetta b’mod sħiħ l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni, li huwa dak li jiżgura aċċess wiesa’ għall-ġustizzja u li jikkontribwixxi għat-titjib tal-ħarsien tal-ambjent” ( 26 ).

54.

L-istruttura tas-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju f’dan il-qasam għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru, iżda jekk fil-proċeduri jiżdied livell addizzjonali u mandatorju biex jintlaħaq l-istadju għas-smiegħ tal-kontestazzjoni sħiħa tad-deċiżjoni, tal-att jew tal-ommissjoni f’dan il-qasam, allura l-ewwel stadju, kif ukoll stadji sussegwenti għandhom ikunu koperti mir-regola SMP.

55.

B’mod metaforiku, huwa għalija li niddeċiedi kif wieħed jista’ jkollu aċċess għad-dar tiegħi. Jista’ jkun hemm biss bieb wieħed ta’ quddiem. Jista’ jkun hemm ukoll bieb ta’ wara, bieb b’xibka għan-nemus, loġġa jew foyer. Iżda, madankollu, ikun kif ikun strutturat id-dħul, ikun dejjem parti mid-dar tiegħi u r-regoli tad-dħul ikunu japplikaw għall-istruttura kollha.

56.

Dan iġibni għat-tieni kwistjoni. Ir-risposta iktar ’il fuq tinbidel jekk ir-rikors għal permess jiġi miċħud minħabba li jkun ġie ppreżentat kmieni wisq?

57.

F’din il-kawża r-risposta għal din id-domanda hija, fil-fehma tiegħi, b’mod ċar “le”; dan ma jbiddilx il-fatt li r-regola SMP tapplika.

58.

L-Artikolu 11(2) tad-Direttiva jitlob li l-Istati Membri jispeċifikaw l-istadju li fih jistgħu jinġiebu kontestazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1). F’każijiet fejn l-Istat Membru jkun ittraspona l-Artikolu 11(2) b’mod ċar u preċiż, tant li jkun manifestament ovvju li l-azzjoni mressqa minn rikorrent hija prematura, dan imbagħad ikun jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni ( 27 ). Infakkar li meta tkun qed tiddetermina x’jammonta għal proċeduri li “[jiswew] tant li [jkunu] projbittiv[i]” f’dan il-kuntest, il-qorti nazzjonali tista’ ċertament tqis fatturi, inkluż il-prospett ta’ suċċess tar-rikorrent u n-natura potenzjalment fiergħa tar-rikors tiegħu ( 28 ).

59.

Madankollu, minħabba l-inċertezzi msemmija fil-qosor iktar ’il fuq fil-punt 47 b’rabta mal-istadju li fih għandhom jinġiebu kontestazzjonijiet, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

60.

Naqbel mas-sottomissjoni tal-Kummissjoni li l-għan fundamentali tal-Artikolu 11 jiġi mminat jekk rikorrent isir jaf biss jekk l-azzjoni tkunx ittieħdet jew le fi stadju korrett, u jekk huwa jew hija humiex ser jiġu esposti għal spejjeż projbittivi, wara li tkun ġiet istitwita l-kawża u jkunu saru l-ispejjeż, bħala riżultat ta’ xi nuqqas mill-Istat Membru li jiddetermina, minn qabel, b’mod ċar u mhux ambigwu l-istadju li fih tkun tista’ tinbeda proċedura. Kull nuqqas li jista’ jkun hemm fit-traspożizzjoni tal-Artikolu 11 ma għandux jintuża għad-detriment tar-rikorrenti.

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tkun is-segwenti:

Fil-kuntest ta’ sistema legali nazzjonali fejn il-leġiżlatura ma tkunx qalet b’mod espress u definittiv f’liema stadju tal-proċess għandha tkun ikkontestata deċiżjoni u fejn dan għandu jiġi ddeterminat mill-qrati fil-kuntest ta’ kull rikors speċifiku fuq bażi ta’ każ b’każ skont regoli tad-dritt komuni, id-dritt li wieħed ikun intitolat skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92/UE għal proċedura li “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” japplika għall-proċess quddiem qorti nazzjonali li bih jiġi ddeterminat jekk ir-rikors partikolari inkwistjoni jkunx inġieb fl-istadju korrett.

3.   Fuq it-tieni domanda

62.

It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju ssaqsi jekk ir-regola SMP tapplikax:

(1)

għall-“elementi”kollha ta’ proċedura ġudizzjarja li biha l-legalità ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni tkun ġiet ikkontestata; jew

(2)

għall-elementi biss tad-dritt tal-Unjoni ta’ proċedura ġudizzjarja; jew

(3)

għall-kwistjonijiet biss fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

63.

Nifhem li r-riferiment għal “elementi” ta’ “kontestazzjoni” fid-domanda tal-qorti nazzjonali huma l-motivi, it-talbiet jew l-argumenti varji individwali miġjuba f’rikors li jikkontesta deċiżjoni, att jew ommissjoni skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 ( 29 ).

64.

Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il quddiem, fil-fehma tiegħi r-regola SMP tapplika għall-motivi, it-talbiet u l-argumenti (elementi) kollha bbażati fuq ksur fil-mertu jew fil-proċedura tad-Direttiva 2011/92 jew ta’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni u li jinqalgħu fil-kuntest ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Fejn tali kontestazzjoni tkun tinvolvi motivi, talbiet jew argumenti li jallegaw ksur kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali, ir-regola SMP ġeneralment tkun tapplika għall-kontestazzjoni u għar-riżultat tal-kawża kollu kemm hu.

i)  Kontestazzjonijiet skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92

65.

L-Artikolu 11(1) jirreferi għal kontestazzjonijiet tal-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet “soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku”.

66.

L-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2011/92 b’mod partikolari ( 30 ) għandhom rekwiżiti li joħolqu drittijiet u obbligi speċifikament biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni tal-pubbliku b’mod strett [l-iktar biex ikun żgurat li l-pubbliku jkun mgħarraf (informazzjoni) u jkollu l-possibbiltà li effettivament jesprimi kummenti u opinjonijiet (kontribuzzjoni) u li dawk il-kummenti jitqiesu (kunsiderazzjoni)].

67.

L-Artikolu 11(1), għalhekk, ċertament japplika għal kontestazzjonijiet miġjuba kontra deċiżjonijiet, pereżempju, li jirifjutaw aċċess għal informazzjoni jew li ma jippermettux is-sottomissjoni ta’ kummenti (is-sitwazzjoni (3) imsemmija iktar ’il fuq fil-punt 62).

68.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) (u tar-regola SMP) huwa b’mod ċar usa’ mis-sitwazzjoni (3). Tali interpretazzjoni stretta tabilħaqq tagħmel ftit sens prattiku u manifestament ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza eżistenti ( 31 ). Pereżempju, wieħed faċilment jista’ jsemmi sitwazzjonijiet fejn il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fi proċedura tkun tidher li qed tiġi rrispettata iżda fejn, madankollu, hemm defiċjenzi f’dik il-proċedura u fl-istima tal-impatt ambjentali.

69.

Minbarra dan, qari iktar dettaljata tat-test tal-Artikolu 11(1) jikkonferma li l-interpretazzjoni korretta ma hijiex tant stretta daqs is-sitwazzjoni (3) iktar ’il fuq.

70.

Il-kliem “soġġetti [għal]” tal-Artikolu 11(1) huma tradotti f’diversi modi iżda ġeneralment iwasslu l-idea li l-kontestazzjonijiet rilevanti ma jeħtiġux bilfors li jkollhom l-għan li jipproteġu dritt speċifiku ta’ parteċipazzjoni fil-proċess iżda pjuttost għandhom ikunu jikkonċernaw il-proċess li b’rabta miegħu l-parteċipazzjoni tkun iggarantita. Għalhekk, bħala eżempju, verżjonijit ta’ lingwi oħra jittraduċu “soġġetti [għal]” bħala “relevant de” (koperti minn); “dentro del ámbito” (fil-kuntest tad-); “vallend onder” u “podléhající” (li jaqgħu taħt id-); “gelten” (li jappartjenu għad-) lid-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

71.

Id-dispożizzjoni ewlenija dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, jiġifieri l-Artikolu 6(2) u (3), innifisha titlob li l-parteċipazzjoni tkun iggarantita b’rabta ma’ “proċeduri […] imsemmija fl-Artikolu 2(2)”. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2(2) jirreferi (a) għall-istima tal-impatt ambjentali, u (b) għall-proċedura nazzjonali li fiha tkun integrata (permess għal żvilupp jew xi ħaġa oħra).

72.

Abbażi ta’ din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2011/92, l-Artikolu 11(1), għalhekk, joħloq dritt biex jiġu kkontestati deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet li jkunu parti mill-istima tal-impatt ambjentali u tal-proċedura nazzjonali li fiha dik l-istima tkun integrata.

73.

Barra minn dan, din l-interpretazzjoni tirrifletti t-test tal-Konvenzjoni nnifisha. L-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni jitlob li jkun hemm aċċess għal proċeduri ta’ stħarriġ biex tkun ikkontestata “kull deċiżjoni, kull att jew kull ommissjoni koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 [dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku] […]”. L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni jitlob li l-partijiet japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 “fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar jekk jitħallewx isiru attivitajiet proposti […]” (attivitajiet proposti essenzjalment ikunu dawk elenkati espliċitament jew dawk li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-ambjent). Qari flimkien ta’ dawk id-dispożizzjonijiet jitlob li jkun hemm aċċess għal qrati biex jiġu kkontestati deċiżjonijiet li jħallu jsiru attivitajiet proposti li sostanzjalment jaffettwaw l-ambjent. Id-dritt għal kontestazzjoni huwa, għalhekk, marbut mal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li jkunu jistgħu jħallu impatt fuq l-ambjent, iktar milli speċifikament ma’ allegat ksur tad-dritt għal parteċipazzjoni biss.

ii)  Distinzjoni bejn talbiet differenti

74.

Skont il-loġika esposta iktar ’il fuq, dak li huwa deċiżiv biex jiġi ddeterminat jekk ir-regola SMP tapplikax huwa s-suġġett tal-proċedura individwali li twassal għad-deċiżjoni, l-att jew l-ommissjoni li jkunu qed jiġu kkontestati. Jekk in-natura ta’ dak is-suġġett tagħti lok għad-drittijiet u l-obbligi tal-parteċipazzjoni tal-pubbliku taħt id-Direttiva, allura l-kontestazzjoni kollha kemm hi tkun koperta mir-regola SMP. Ir-regola SMP ġeneralment tapplika għal “proċeduri ta’ stħarriġ” imsemmija fl-Artikolu 11, mhux għal motivi speċifiċi mqajma fil-kuntest ta’ dawk il-proċeduri.

75.

Ma ssirx distinzjoni bejn motivi bbażati fuq ksur tad-dritt għal parteċipazzjoni tal-pubbliku u dawk li jallegaw illegalitajiet oħra li jaffettwaw l-istima tal-impatt ambjentali jew, tabilħaqq, li jallegaw illegalitajiet oħra li jolqtu l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li fih tkun ġiet integrata l-istima tal-impatt ambjentali (pereżempju, permess għal żvilupp). Lanqas ma ssir xi distinzjoni bejn motivi bbażati fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali. Minbarra dan, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet preċedentement, l-Artikolu 11 “bl-ebda mod ma jillimita l-motivi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ azzjoni ġudizzjarja prevista mill-imsemmija dispożizzjoni” ( 32 ).

76.

Madankollu, il-Ministru u l-Attorney General, il-Bord u EirGrid issottomettew li l-Artikolu 11(1), u, għalhekk, ir-regola SMP, ma jistgħux jiġu interpretati bħala li japplikaw b’mod wiesa’ għall-elementi kollha ta’ kontestazzjoni tkun xi tkun il-bażi tagħhom. B’mod partikolari, dawn il-partijiet kollha jikkonċentraw fuq u jaqblu dwar il-fatt li r-regola SMP ma tistax tkun relatata ma’ elementi ta’ kontestazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt nazzjonali biss.

77.

Il-Bord espliċitament jirrikonoxxi li l-kontestazzjonijiet u l-motivi individwali kollha bbażati fuq ksur tad-Direttiva 2011/92 huma koperti, anki jekk ma jkunux speċifikament dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Dan ir-raġunament huwa bbażat fuq l-għan tal-Artikolu 11 tad-Direttiva biex tkun żgurata l-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ stima tal-impatt ambjentali. Madankollu, il-Bord jinsisti li l-istima tal-impatt ambjentali hija parti biss mill-proċss ta’ żvilupp u ma jaċċettax l-idea li r-regola SMP tista’ testendi għal kontestazzjonijiet ibbażati fuq tħassib dwar aspetti oħra ta’ dak il-proċess.

78.

Naqbel li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva prospettata iktar ’il fuq fil-punt 64 tista’ b’mod intuwittiv titqies bħala li tqajjem xi diffikultajiet kunċettwali. Dik l-interpretazzjoni tista’ tidher wisq wiesgħa u inklussiva żżejjed. B’mod partikolari din timplika li r-regola SMP tista’ tapplika meta l-legalità ta’ deċiżjonijiet ta’ ppjanar (li f’xi stadju jeħtieġu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku) tista’ teoretikament tiġi kkontestata għal raġunijiet ta’ (a) allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni dwar l-ambjent minbarra ksur tad-Direttiva; (b) allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni “mhux relatat” mal-ambjent; u/jew (ċ); allegat ksur tad-dritt nazzjonali biss, ikunx ambjentali jew mhux ambjentali.

79.

Madankollu, għall-inqas fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, inqis li r-regola SMP għandha tapplika għall-azzjoni kollha kemm hi. Hemm erba’ raġunijiet ewlenin għal din il-pożizzjoni.

80.

L-ewwel, għas-saħħa tal-argument, ejjew naċċettaw għal mument il-propożizzjoni li kontestazzjoni ta’ deċiżjoni (att jew ommissjoni) tista’ tiġi analizzata billi tinqasam f’motivi, talbiet jew argumenti differenti, fejn ir-regola SMP tkun tapplika għal xi wħud minnhom iżda mhux għal oħrajn. B’rabta ma’ dawk il-motivi koperti mir-regola SMP, l-ispejjeż għandhom jibqgħu modesti. B’rabta ma’ oħrajn dawn jistgħu jkunu sinjifikattivi ( 33 ). Kull imprevedibbiltà dwar f’liema naħa tal-linja jkun jinsab mottiv inevitabbilment taġixxi bħala diżinċentiv li wieħed jallega dak il-mottiv. Kif diġà ssemma iktar ’il fuq ( 34 ), tali diżinċentiv huwa fih innifsu f’kunflitt mar-regola SMP.

81.

It-tieni, dwar id-distinzjoni bejn id-Direttiva u motivi oħra bbażati fuq allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni, ġurisprudenza eżistenti diġà tikkonferma li leġiżlazzjoni ambjentali oħra tal-Unjoni u regoli dwar aċċess għall-ġustizzja f’livell nazzjonali għall-kontestazzjoni tal-konformità ta’ azzjonijiet ta’ Stat Membru ma’ tali leġiżlazzjoni għandhom ikunu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni (li jinkludi r-regola SMP) ( 35 ). Barra minn hekk, dan l-approċċ huwa skont l-għan ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali kif espress fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 36 ).

82.

It-tielet, fir-rigward ta’ iktar distinzjonijiet bejn elementi bbażati fuq allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ) u fuq oħrajn ibbażati fuq id-dritt nazzjonali biss – li huwa t-tħassib ewlieni tal-Ministru, tal-Attorney General, ta’ EirGrid u tal-Bord – hemm iktar kwistjonijiet sinjifikattivi ta’ prattitiċità u, fuq kollox, ta’ prevedibbiltà.

83.

Minn perspettiva prattika: il-kalkolu tal-ispejjeż għal proċeduri fid-dritt pubbliku diġà jieħu inkunsiderazzjoni għadd ta’ fatturi, inklużi: l-ammont ta’ ħin (meħud biex jiġu kkalkolati l-ispejjeż) iddedikat għax-xogħol A, B jew C; il-grad tal-avukat li jkun iddedika dak il-ħin fuq il-kawża u wkoll, barra minn hekk, abbażi tas-sena li huwa jew hija jkunu kkwalifikaw; jekk ix-xogħol magħmul minn dak l-avukat kienx ta’ materja legali amministrattiva jew sostantiva; kemm kien raġonevoli li wieħed jiddedika ħin fuq xogħol wieħed jew l-ieħor, il-mod li bih il-partijiet mexxew il-proċeduri; jekk l-ispejjeż setgħux jiġu rkuprati skont x’tip ta’ spiża huma involuti; u kull rata speċjali stabbilita skont politika għal avukati fid-dritt pubbliku. Ma’ dan għandu jingħad ukoll li separazzjoni skont jekk il-motivi kinux ibbażati fuq “elementi” nazzjonali jew “elementi” tal-Unjoni ċertament ma hijiex eżerċizzju impossibbli, iżda aktarx wieħed li jista’ jkun artifiċjali u estremament kumpless biex isir.

84.

Dak li fil-fehma tiegħi huwa deċiżiv huwa l-fatt li, anki li kieku tali separazzjoni tkun tista’ ssir b’xi mod, hija tintroduċi grad sinjifikattiv ta’ imprevedibbiltà għal rikorrenti. Din l-imprevedibbiltà issir agħar minħabba l-possibbiltà li l-imħallef li jkun irid jiddeċiedi l-kawża jista’ jkollu diskrezzjoni dwar liema elementi partikolari jintużaw biex tinqata’ l-kawża u jekk oħrajn jistgħux ma jitqisux.

85.

Pereżempju, fil-każ ta’ “talbiet imħallta” (taħlita ta’ talbiet ibbażata fuq id-dritt nazzjonali u fuq id-dritt tal-Unjoni), jiena nista’ nargumenta li proġett propost ikun ser inaqqas il-valur tal-art tiegħi u li l-istima ambjentali ma tkunx saret sewwa. Fir-risposta, il-parti l-oħra tikkontesta l-fatt innifsu li jiena nkun sid l-art, li aktarx tkun kwistjoni purament ta’ dritt nazzjonali. L-imħallef jista’: (i) jikkonċentra fuq il-mottiv purament nazzjonali; (ii) jikkonċentra fuq il-mottiv tad-dritt tal-Unjoni; (iii) jiddeċiedi li t-tilwima dwar min huwa l-proprjetarju u l-proċess ta’ stima jiġu ttrattati separatament; (iv) idejjaq jew jiċħad xi wħud mit-talbiet; jew (v) jikkonkludi li sempliċement ma huwiex possibbli (fattwalment jew minħabba kumplessità) li jissepara l-kwistjoni ta’ proprjetà u ta’ stima.

86.

Issa ejjew nassumu li l-imħallef inkwistjoni ma jimxi mal-ebda wieħed mill-modi elenkati minn (iii) sa (v), li minnu nnifsu huwa naturalment diffiċli wieħed jipprevedi, u minflok jeżamina t-talba tiegħi u ż-żewġ motivi tagħha: wieħed minnhom jiġi kklassifikat bħala li jkollu elementi tad-dritt tal-Unjoni (in-nuqqas ta’ twettiq ta’ stima tal-impatt ambjentali), u l-ieħor jiġi kklassifikat bħala li jkollu elementi tad-dritt nazzjonali (proprjetà tal-art). Ejja ngħidu li l-imħallef nazzjonali jiċħad it-talba abbażi tal-mottiv “nazzjonali” minħabba li huwa tant ovvju, jiġifieri li r-rikorrent sempliċement ma jkunx il-proprjetarju tal-art li hija presumibbilment affettwata. Bħala riżultat l-imħallef lanqas biss jeżamina xi wieħed mill-motivi l-oħra.

87.

Barra minn dan, f’għadd ta’ sistemi legali, jista’ jkun ukoll li anki jekk ir-rikorrent ma jkunx issottometta espliċitament “elementi” bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni jew li tali “elementi” ma jkunux ġew identifikati minn xi waħda mill-partijiet fil-proċeduri, l-imħallef li jkun qed jisma’ l-kawża jista’, pereżempju, iqis li fil-fatt tkun qed titqajjem kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni jew iqajjimha hu ex officio.

88.

Dawn u sitwazzjonijiet oħra juru l-livell ta’ imprevedibbiltà li jimplika t-tqassim tal-ispejjeż bil-mod propost ( 38 ). Għal dawn ir-raġunijiet għandi diffikultà kbira nifhem kif tali prattika tista’ tkun kompatibbli mar-rekwiżiti ta’ prevedibbiltà imposti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 39 ).

89.

Ir-raba’, jista’ jkun il-każ li l-proċedura kollha timxi ’il quddiem u NEPPC tispiċċa ġġib tliet, erba’ jew iktar azzjonijiet separati kontra deċiżjonijiet separati, li xi wħud minnhom ikunu koperti mir-regola SMP u xi oħra jew oħrajn ma tkunx jew ma jkunux. Kieku l-Irlanda kienet iktar ċara fl-implementazzjoni tagħha tal-Artikolu 11(2), il-motivi setgħu naturalment jiġu sseparati f’kontestazzjonijiet distinti, jiġifieri bħala talba skont id-dritt amministrattiv, id-dritt tal-proprjetà jew dritt ieħor mhux dwar l-ambjent li tista’ tkun ukoll suġġetta għal rekwiżiti sostantivi jew proċedurali differenti. Dan il-punt jeħodni lura għall-problema oriġinali li hija mifruxa ma’ din il-kawża kollha: jekk anki l-qorti tar-rinviju tikkwalifika s-sistema tagħha stess bħala imprevedibbli f’dan ir-rigward, dan il-fatt biss ma jistax jintuża għad-detriment tar-rikorrenti ( 40 ).

90.

Bħala konklużjoni, it-tqassim jew id-diviżjoni li qed jiġu proposti huma fil-fehma tiegħi kunċettwalment strambi. Dan mhux biss talli jkun jinvolvi ħafna xogħol addizzjonali għal-imħallfin nazzjonali biex jittrattaw rikorsi dwar spejjeż, iżda, fuq kollox, tiġġenera imprevedibbiltà għal litiganti, u b’hekk tista’ tiskoraġġihom milli wara kollox iressqu xi talba dwar l-ambjent. Tabilħaqq hemm il-qawl (naħseb li oriġinarjament bil-Ġermaniż) li “fil-qrati u fl-ibħra miftuħa wieħed jinsab f’idejn Alla” ( 41 ). Iżda nassumi li l-isforz ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja, bħal, f’kull każ, ta’ kull qorti oħra, huwa li jintwera li dan il-qawl huwa żbaljat, mhux li jiġi kkonfermat.

91.

Fl-aħħar nett, kulħadd jirrikonoxxi li s-soluzzjoni proposta hawnhekk, jiġifieri l-irbit tal-applikabbiltà tar-regola SMP mal-kontestazzjoni kollha kemm hi u mar-riżultat tagħha u mhux is-separazzjoni ta’ motivi individwali invokati, jista’ jkollha r-riżultat li tiddaħħal iżżejjed protezzjoni li tkun ġejja mid-dritt tal-Unjoni b’rabta ma’ spejjeż ta’ litigazzjoni f’materji fejn id-dritt tal-Unjoni ma jkunx strettament rilevanti. Madankollu, meqjus kollox, bħala materja ta’ politika, ma narax liema perikli kbar ikun hemm billi “aċċidentalment” xi elementi ta’ kontestazzjoni ambjentali ma jkunux ta’ spiża projbittiva. Nifhem, madankollu, li hemm problemi ġenwini fis-sitwazzjoni inversa, jiġifieri, l-evitar jew it-tidjif ta’ kif taħdem ir-regola SMP bil-modi deskritti f’din it-taqsima, meta wieħed jerġa’ jżomm quddiem għajnejgħ għal darb’oħra l-kuntest globali ta’ din ir-regola: il-litigazzjoni f’materji ambjentali bħala tali għandha tkun aċċessibbli u ma tkunx ta’ spiża kbira, b’mod konformi mal-għan ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja f’dan il-qasam ( 42 ).

iii)  Eċċezzjonijiet għall-applikazzjoni wiesgħa tar-regola SMP

92.

Il-fatt li r-regola SMP u l-applikazzjoni tagħha huma wiesgħa naturalment ma jfissirx li huma mingħajr limiti. Issemmew żewġ limiti potenzjali għall-applikazzjoni tagħha fil-kuntest ta’ din il-kawża: abbuż ipotetiku tal-benefiċċju tar-regola u l-pretensjonijiet tagħha fir-rigward tal-partijiet li kontrihom jistgħu jinġiebu elementi tad-dritt tal-Unjoni fit-talba.

– Abbużi potenzjali

93.

Fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom il-Ministru u l-Attorney General wrew tħassib li applikazzjoni wiesgħa tar-regola SMP għal kontestazzjonijiet mingħajr distinzjoni bejn diversi motivi tista’ twassal għal abbuż. Għalhekk, rikorrent jista’ jkun jixtieq jikkontesta deċiżjoni abbażi ta’ allegat ksur tad-dritt nazzjonali biss, iżda “jdaħħal bil-moħbi” talba bbażata (presumibbilment b’mod falz) fuq id-dritt tal-Unjoni biex jibbenefika mir-regola SMP.

94.

Dwar dan irrid nisħaq fuq kollox li tali sitwazzjoni tidher ipotetika minħabba sa fejn ma jidhirx li hemm allegazzjoni ta’ tali “abbuż” f’dan il-każ. Madankollu, anki kieku kellu jseħħ każ bħal dan, ċertament kien jiġi ttrattat, pereżempju, b’applikazzjoni tal-prinċipju tal-Unjoni ta’ abbuż tad-dritt li b’mod partikolari jkun jeħtieġ li jintwera li t-talba bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni ma kinitx fil-verità tressqet biex ikun infurzat dritt skont id-dritt tal-Unjoni iżda pjuttost artifiċjalment biex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex wieħed jibbenefika mir-regola SMP.

95.

Subordinatament, kif is-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju timplika, huwa ġġustifikat li jiġi preżunt li r-regoli nazzjonali tal-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li l-qrati nazzjonali meta jiddeċiedu dwar spejjeż iqisu l-imġiba tal-partijiet individwali u l-għan u l-mod li bih dawk il-partijiet ikunu ħadu sehem fil-proċeduri. Għalhekk, elementi vessatorji, fiergħa jew foloz ta’ talba ċertament jista’ jkollhom funzjoni f’deċiżjoni globali dwar spejjeż ( 43 ).

– Separazzjoni ta’ “elementi” bbażati fuq l-istatus tal-partijiet

96.

Fis-seduta orali kien issuġġerit ukoll li kontestazzjonijiet ta’ deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet setgħu “jinqasmu” biex tiġi applikata r-regola SMP mill-konvenut minflok abbażi tal-motivi speċifiċi. Għalhekk, meta jkun hemm diversi konvenuti u, skont id-definizzjoni, kontra wieħed minnhom ikunu jistgħu jinġiebu biss talbiet li jkunu bbażati purament fuq id-dritt nazzjonali, allura r-regola SMP ma għandhiex tapplika għal spejjeż magħmula sa fejn l-azzjoni tkun tressqet kontra dak il-konvenut.

97.

Din il-propożizzjoni fl-opinjoni tiegħi tqajjem kwistjonijiet dwar l-istruttura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u l-iskop relatat ta’ stħarriġ. Nifhem li f’din il-kawża l-kontestazzjoni tal-ħatra tal-Bord setgħet tressqet fi proċedura separata jew, kif kienet, tkun “mehmuża” mar-rikors (għal permess) biex jinġiebu proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Jekk dan huwa korrett, allura wieħed seta’ jikkonċepixxi li seta’ kien hemm żewġ rikorsi separati, wieħed kontra l-Bord u l-ieħor kontra l-Ministru u l-Attorney General.

98.

Jekk dan tal-aħħar kellu jkun ibbażat purament fuq id-dritt nazzjonali, nista’ nifhem għaliex bħala prinċipju jista’ ma jkunx kopert mir-regola SMP u l-esklużjoni tagħha kienet tkun iġġustifikata. Madankollu, dan ma huwiex sempliċement l-istat tal-kawża rrinvjata quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja. F’din il-kawża, hemm kontestazzjoni waħda biss quddiem il-qorti nazzjonali ( 44 ). F’tali ċirkustanzi ma narax raġuni għaliex il-kontestazzjoni għandha tinqasam mill-konvenut għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola SMP.

99.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tkun is-segwenti

Ir-rekwiżit li proċedura “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 japplika għall-motivi, talbiet jew argumenti kollha bbażati fuq ksur sostantiv jew proċedurali ta’ din id-direttiva jew ta’ strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni u mqajjem fil-kuntest ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Meta tali kontestazzjoni tkun tinvolvi motivi, talbiet jew argumenti li jkunu jallegaw ksur kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali, ir-rekwiżit li proċedura “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” skont l-Artikolu 11(4) tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq ġeneralment għandu japplika għall-kontestazzjoni kollha kemm hi.

4.   Fuq it-tielet domanda

100.

L-azzjoni li hija s-suġġett ta’ proċeduri dwar spejjeż quddiem il-qorti tar-rinviju tressqet qabel ma ttieħdet deċiżjoni finali dwar il-proċedura għal permess għal żvilupp. Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti nazzjonali essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet” tal-Artikolu 11(1) ikoprix atti “interim” jew “provviżorji” kif ukoll “finali”.

101.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva jitlob li l-Istati Membri jagħtu aċċess għal proċeduri ta’ stħarriġ. Madankollu, il-mod ta’ kif dak ir-riżultat jinkiseb proċeduralment jitħalla ġeneralment għall-Istati Membri.

102.

Fil-prattika, hemm diversità sinjifikattiva ta’ proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ( 45 ) bejn l-Istati Membri u anki fi ħdan Stati Membri individwali ( 46 ). Proċeduri ta’ stħarriġ huma wkoll differenti konsiderevolment ( 47 ).

103.

Pereżempju, il-proċessi għal permess għal żvilupp u stima ambjentali jistgħu jingħaqdu, b’riżultat li jkun hemm deċiżjoni waħda, jew ikunu sseparati, bir-riżultat li jkun hemm żewg deċiżjonijiet separati jew iktar ( 48 ). Jista’ jkun hemm distinzjonijiet proċedurali f’teħid ta’ deċiżjonijiet relatati ma proġetti iżgħar, sempliċi u limitati meta mqabbla ma’ proġetti ikbar u iktar kumplessi li jista’ jkollhom impatt ikbar fuq l-ambjent.

104.

Differenzi fl-istrutturi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u fir-riżultati mbagħad għandhom naturalment iħallu impatt fuq mekkaniżmi ta’ stħarriġ. Jeżistu wkoll differenzi oħra fundamentali bejn proċeduri ta’ stħarriġ. Pereżempju, qabel ma tkun tista’ tiġi introdotta azzjoni quddiem qrati nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jitolbu (jew ma jitolbux) li tinġieb kontestazzjoni amministrattiva. Jeżistu wkoll differenzi istituzzjonali b’rabta ma’ tali kontestazzjonijiet (appell lil ministeru, awtorità kompetenti jew bord ta’ appelli speċifiku u l-bqija).

105.

Id-Direttiva ġeneralment ma titlobx jew ma tipprojbixxix kontestazzjonijiet milli jinġiebu kontra deċiżjonijiet “mhux finali”. Din il-flessibbiltà għandha tkun għalkollox mistennija fid-dawl tal-firxa potenzjalment kbira ta’ strutturi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ stħarriġ differenti li jeżistu ( 49 ).

106.

Madankollu, kif spjegat iktar ’il fuq ( 50 ), l-Istati Membri għandhom jiddikjaraw b’mod ċar l-istadju li fih tkun tista’ tinġieb kontestazzjoni. Dan fih innifsu jimplika li d-dritt nazzjonali jagħmilha ċara għal rikorrenti potenzjali meta att partikolari jkun jikkostitwixxi deċiżjoni li tkun tista’ tiġi kkontestata u jekk rikorrent ikunx jista u/jew għandux iġib azzjoni kontra deċiżjoni jew att “mhux finali”.

107.

Fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni, huwa għad-dritt nazzjonali li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar meta jkun jista’ jiġi ppreżentat rikors għal permess għal kontestazzjoni, iżda għandu jkun possibbli li d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet rilevanti kollha jkunu jistgħu jiġu mistħarrġa f’dak iż-żmien partikolari ( 51 ).

108.

Minbarra dan, l-istess regola tad-deheb jew leitmotif li diġà ġew identifikati ( 52 ) reġgħu jinsabu fir-risposta għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju: il-fatt li Stat Membru mid-dehra ma jkunx stabbilixxi b’mod ċar mument bħal dak ma jistax jinbidel u jintuża kontra l-konvenuti potenzjali bħala għodda biex jiġi eskluż stħarriġ ġudizzjarju bħala riżultat ta’ spejjeż projbittivi jew ir-riskju gravi tagħhom.

109.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tielet domanda tal-qorti tar-rinviju tkun is-segwenti:

Il-kliem “deċiżjonijiet, atti jew ommissjonijiet” tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 jista’ jinkludi deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess għal żvilupp li huma stess ma jiddeterminawx b’mod irriversibbli u finali d-drittijiet legali tal-partijiet.

5.   Fuq is-sitt domanda

110.

Permezz tas-sitt domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Istati Membri jistgħux jipprevedu eċċezzjonijiet għar-regola SMP, fejn dawn ma jkunux ipprovduti fid-Direttiva jew fil-Konvenzjoni.

111.

Mid-digriet tar-rinviju nifhem li l-eċċezzjoni msemmija hija għal litigazzjoni fiergħa u vessatorja. Dwar dan ma huwiex kompletament ċar għaliex din id-domanda hija rilevanti fid-dawl tal-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju ma tgħidx li t-talba hija jew fiergħa jew vessatorja. Skont il-qorti tar-rinviju l-possibbiltà tqajmet min-notice party [Nota tat-traduttur: parti simili għal intervenjenti], EirGrid, fil-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Bord bħala konvenut, ikkonferma fis-seduta orali quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja li huwa ma kienx allega xi abbuż min-naħa tar-rikorrenti.

112.

Madankollu, fi spirtu ta’ kooperazzjoni li jirregola l-proċeduri għal deċiżjonijiet preliminari, sa fejn dan jista’ jkun ta’ għajnuna għall-qorti nazzjonali, ninnota dan li ġej.

113.

Kif il-qorti nazzjonali tinnota, la d-Direttiva u lanqas il-Konvenzjoni ma għandhom bażi speċifika għal eċċezzjoni għar-regola SMP f’każijiet ta’ azzjonijiet fiergħa jew vessatorji.

114.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat li r-regola SMP ma titlobx li qrati nazzjonali ma japplikawx għalkollox regoli nazzjonali dwar spejjeż. Minbarra dan, in-natura “fieragħ” (u a fortiori vessatorju) ta’ litigazzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni meta jkunu qed jiġu ddeterminati spejjeż suġġetti għar-regola SMP ( 53 ). Għalhekk, bħala tali bdil fl-applikazzjoni tar-regola SMP biex jitqiesu talbiet abbużivi jew manifestament infondati ma jikkostitwixxix eċċezzjoni.

115.

Għalhekk, minflok ma npoġġiha f’termini ta’ eċċeżżjonijiet jew anki neċessità għal nuqqas ta’ applikazzjoni, nippreferi nqis kif taħdem ir-regola SMP f’termini iktar armonjużi: taħt l-umbrella globali tar-regola SMP, ir-regoli supplettivi normali nazzjonali dwar spejjeż xorta waħda jibqgħu japplikaw, bl-imħallef iqis kemm kull parti tkun jew ma tkunx irnexxiet fil-kontestazzjoni tagħha, u kull element rilevanti ieħor tal-proċedura previst fid-dritt nazzjonali.

116.

Filwaqt li teoretikament huwa korrett li jistgħu ma japplikawx anki regoli bażiċi dwar aċċess għall-ġustizzja f’każijiet ta’ litigazzjoni vessatorja ( 54 ), liema sitwazzjoni tkun tista’ testendi għar-regola SMP li għal raġunijiet prattiċi tista’ twassal għal “nuqqas ta’ applikazzjoni”, tali sitwazzjonijiet huwa verament eċċezzjonali. Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, it-tip ta’ azzjoni f’din il-kawża hija wisq ’il bogħod milli tkun ta’ din il-kategorija verament eċċezzjonali.

117.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju tkun is-segwenti:

Meta tapplika r-regola prevista tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 li l-ispejjeż ma għandhomx ikunu projbittivi, din id-direttiva ma tipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni minn qrati nazzjonali tan-natura fiergħa jew vessatorja tal-kontestazzjoni li għaliha tkun qiegħda tiġi applika r-regola.

6.   Fuq is-seba’ domanda

118.

Permezz tas-seba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk rekwiżit previst fid-dritt nazzjonali għal rabta kawżali bejn l-allegat att jew deċiżjoni illegali u l-ħsara lill-ambjent bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel ir-regola SMP effettiva huwiex kompatibbli mal-Konvenzjoni.

119.

Nifhem li r-rekwiżit ta’ rabta kawżali jidher f’leġiżlazzjoni nazzjonali relatat ma’ spejjeż ta’ kontestazzjonijiet li, bħala prinċipju, ma jkunux fil-kamp ta’ appliokazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (Taqsimiet 3 u 4 tal-Att tal-2011 dwar l-ambjent). Minbarra dan, il-qorti tar-rinviju qieset li dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma japplikawx f’din il-kawża.

120.

Bħala riżultat insibha diffiċli nifhem kif id-domanda magħmula mill-qorti nazzjonali hija rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Jiena, għalhekk, tal-opinjoni li s-seba’ domanda tal-qorti tar-rinviju għandha titqies bħala jew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew purament ipotetika u, b’riżultat ta’ dan, hija għandha tiġi rrifjutata bħala inammissibbli.

121.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad is-seba’ domanda tal-qorti tar-rinviju għaliex inammissibbli.

B. Rilevanza tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus– Domandi 4 u 5

122.

Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-impatt potenzjali tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, kemm jekk b’mod dirett (effett dirett ta’ dik id-dispożizzjoni) jew b’mod indirett (permezz ta’ interpretazzjoni ta’ konformità).

123.

Fis-seduta kien hemm diskussjoni estensiva iżda inkonklużiva dwar jekk, fir-rigward tal-fatti ta’ din il-kawża u minħabba l-leġiżlazzjoni Irlandiża applikabbli, kienx fil-fatt l-Artikolu 9(2) li kien japplika iktar milli l-Artikolu 9(3).

124.

Nifhem li, mill-aspett tad-dritt nazzjonali, il-kwistjoni ta’ liema waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tapplika tagħmel differenza f’dak li għandu x’jaqsam mar-regoli nazzjonali speċifiċi dwar spejjeż li japplikaw għall-kawża. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tinterpreta u tevalwa d-dritt nazzjonali u l-fatti li mbagħad iwasslu għall-klassifikazzjoni tagħhom skont id-dispożizzjoni rilevanti tal-Konvenzjoni.

125.

Anki jekk nibdew billi nassumu li tabilħaqq huwa l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni li japplika għall-kawża quddiem il-qorti nazzjonali, mill-aspett tad-dritt tal-Unjoni diġà ngħataw ir-risposti għad-domandi tal-qorti tar-rinviju abbażi tad-Direttiva li implementat id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus fid-dritt tal-Unjoni. L-applikazzjoni addizzjonali (waħedha jew le) tal-Artikolu 9(3) tibdel ftit li xejn, jekk tibdel wara kollox, f’dak ir-rigward.

126.

Nirrikonoxxi li wieħed jista’ jiddibatti fit-tul sa fejn id-dritt tal-Unjoni jittrasponi l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni, meta jitqies li d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni kienet tgħid li l-Artikolu 9(3) ma kienx ser ikun implementat għalkollox mill-Unjoni ( 55 ), u n-nuqqas ta’ kliem ekwivalenti għall-implementazzjoni tal-Artikolu 9(3) fl-Artikolu 11 tad-Direttiva ( 56 ).

127.

Madankollu, kien x’kien ir-riżultat ta’ dik id-diskussjoni, sakemm kontestazzjoni tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva, din tkun f’kull każ suġġetta għar-regola SMP tal-Artikolu 11(4) tagħha.

128.

Għar-raġunijiet imsemmija b’risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, ma nqisx li kontestazzjoni tista’ tinqasam f’elementi differenti bil-mod propost. Il-kontestazzjoni jew tkun skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva u tkun suġġetta għar-regola SMP fl-intier tagħha, jew ma tkunx. Fil-kawża prinċipali, kollox fit-talba għal deċiżjoni preliminari jindika li hekk hija.

129.

Għaldaqstant ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi tal-qorti tar-rinviju.

V. Konklużjoni

130.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi tal-High Court (l-Irlanda) tkun is-segwenti:

(1)

Fil-kuntest ta’ sistema legali nazzjonali fejn il-leġiżlatura ma tkunx qalet f’liema stadju tal-proċess għandha tkun ikkontestata deċiżjoni u fejn dan għandu jiġi ddeterminat mill-qrati fil-kuntest ta’ kull rikors speċifiku fuq bażi ta’ każ b’każ skont regoli tad-dritt komuni, id-dritt li wieħed ikun intitolat skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għal proċedura li “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” japplika għall-proċess quddiem qorti nazzjonali li bih jiġi ddeterminat jekk ir-rikors partikolari inkwistjoni jkunx inġieb fl-istadju korrett.

(2)

Ir-rekwiżit li proċedura “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 japplika għall-motivi, talbiet jew argumenti kollha bbażati fuq ksur sostantiv jew proċedurali ta’ din id-direttiva jew ta’ strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni mqajjem fil-kuntest ta’ kontestazzjoni ta’ deċiżjoni, att jew ommissjoni suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku. Meta tali kontestazzjoni tkun tinvolvi motivi, talbiet jew argumenti li jkunu jallegaw ksur kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali, ir-rekwiżit li proċedura “ma tiswiex tant li tkun projbittiva” skont l-Artikolu 11(4) tad-direttiva msemmija iktar ’il fuq ġeneralment għandu japplika għall-kontestazzjoni kollha kemm hi.

(3)

Il-kliem “deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet” tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2011/92 jista’ jinkludi deċiżjonijiet amministrattivi meħuda fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess għal żvilupp li huma stess ma jiddeterminawx b’mod irriversibbli u finali d-drittijiet legali tal-partijiet.

(4)

Fid-dawl tar-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

(5)

Fid-dawl tar-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, ma hemmx ħtieġa li tingħata risposta għall-ħames domanda.

(6)

Fl-applikazzjoni tar-regola prevista fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2011/92 li l-ispejjeż ma għandhom ikunu jiswew tant li jkunu projbittivi, din id-direttiva ma tipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jieħdu inkunsiderazzjoni n-natura fiergħa u vessatorja tal-kontestazzjoni li għaliha r-regola tkun applikata.

(7)

Is-seba’ domanda tal-qorti tar-rinviju hija inammissibbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1).

( 3 ) Konvenzjoni NU/KEE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali magħmula f’Aarhus fil-25 ta’ Ġunju 1998.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-17 ta’ Frar 2005, dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 17).

( 5 ) Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ April 2013, dwar Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013 L 115, p. 39).

( 6 ) Planning and Development Act, 2000, att biex jirrevedi u jikkonsolida l-liġi relatata mal-ippjanar u l-iżvilupp billi jħassar u jġib fis-seħħ mill-ġdid b’emendi l-Local Government (Planning and Development) Acts, 1963 sa 1999; biex jipprovdi, fl-interess tal-ġid komuni, għal ippjanar xieraq u żvilupp sostenibbli inkluż l-għoti ta’ akkomodazzjoni; biex jipprovdi għal-liċenzjar ta’ avvenimenti u l-kontroll ta’ fieri; biex jemenda l-Environmental Protection Agency Act, 1992, ir-Roads Act, 1993, u l-Waste Management Act, 1996, u ċerti liġijiet oħra; u biex jipprovdi għal materji anċillari, 28 ta’ Awwissu 2000, Nru 30 tal-2000.

( 7 ) Id-Direttiva tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248)

( 8 ) Environment (Miscellaneous Provisions) Act 2011: Att biex jemenda u jestendi l-Att tal-1987 dwar it-tniġġis tal-arja; l-Att tal-1992 dwar l-Aġenzija għall-Protezzjoni tal-Ambjent; l-Att tal-1996 dwar l-Immaniġġar tal-Iskart u l-Att tal-1997 dwar il-Libertà għall-Informazzjoni; biex jipprovdi għall-ispejjeż ta’ ċerti proċeduri: biex iġib fis-seħħ ċerti artikoli tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, magħmula f’Aarhus, id-Danimarka fil-25 ta’ Ġunju 1998 u biex tittieħed konjizzjoni ġudizzjarju tal-Konvenzjoni; biex jemenda l-Att tal-2000 dwar l-ippjanar u l-iżvilupp; l-Att tal-1998 dwar il-gvern lokali; l-Att tal-2001 dwar il-gvern lokali u l-Att tal-2003 dwar il-lingwi uffiċjali; u biex jipprovdi għal materji relatati.

( 9 ) Fis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-530/11, EU:C:2014:67), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat it-traspożizzjoni tar-regola ta’ proċedura li “ma tiswiex tant li tkun projbittiva”, li kienet deskritta bħala l-Artikolu 11(4), f’kawża dwar spejjeż fi proċeduri ġudizzjarji – b’mod partikolari l-punti 64 u 66. Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C-260/11, EU:C:2013:221, punt 27) fejn jintqal li r-regola tikkonċerna l-ispejjeż kollha relatati ma parteċipazzjoni fil-proċedura.

( 10 ) Introdott mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466).

( 11 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, (C-260/11, EU:C:2013:221, punt 33) bħala eżempju speċifiku.

( 12 ) Ġustizzja li tkun tiswa tant li tkun projbittiva hija wkoll f’kunflitt mal-prinċipju ta’ effettività – sa fejn tista’ ssir distinzjoni bejnu u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta – minħabba li, mid-definizzjoni stess, hija tagħmel “impossibbli jew eċċessivament difiċli” l-eżerċizzju tad-drittijiet derivanti mid-dritt tal-Unjoni [sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, (C-260/11, EU:C:2013:221, punt 33)].

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Edwards u Pallikaropoulos (C-260/11, EU:C:2012:645).

( 14 ) “Binarja” fis-sens jew li (i) ir-regola SMP tapplika, jew (ii) ma hemmx limitu għal kemm jistgħu jammontaw l-ispejjeż

( 15 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, (C-260/11, EU:C:2013:221, punti 32).

( 16 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, (C-137/14, EU:C:2015:683, punt 80).

( 17 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C-243/15, EU:C:2016:838, punt 58). Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ April 2015, Gruber (C-570/13, EU:C:2015:231, punt 39).

( 18 ) Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-530/11, EU:C:2014:67, punt 58).

( 19 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2003, AMOK Verlags (C-289/02, EU:C:2003:669, punt 30). Ara wkoll De Baere, G., u Nowak, J. T., “The right to ‘not prohibitively expensive’ judicial proceedings under the Aarhus Convention and the ECJ as an international (environmental) law court: Edwards and Pallikaropoulos”, Common Market Law Review, Vol. 53, 2016, p. 1735 u 1736.

( 20 ) Il-Kummissjoni enfasizzat ukoll li l-ispejjeż għal stħarriġ ġudizzjarju jistgħu jkunu ta’ deterrent kbir għal aċċess, l-iktar f’kawżi dwar il-liġi ambjentali, u li diskrezzjoni wiesgħa b’mod manifest tista’ timmina l-prevedibbiltà dwar l-ispejjeż li hija partikolarment importanti fejn jitħallsu drittijiet għolja tal-avukati: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali tat-28 ta’ April 2017, C(2017) 2616 finali, p. 51 u 55.

( 21 ) Sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-530/11, EU:C:2014:67, punt 36).

( 22 ) Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs l-Irlanda (C‑427/07, EU:C:2009:457, punt 54) u tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-530/11, EU:C:2014:67, punt 33).

( 23 ) Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-427/07, EU:C:2009:457, punt 55); tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-277/13, EU:C:2014:2208, punt 43) u tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-137/14, EU:C:2015:683, punt 51).

( 24 ) Jista’ jingħad ukoll li anki fil-ġurisprudenza standard tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) it-frażi “prevista mil-liġi” hija interpretata bħala li tinkludi ġurisprudenza stabbilita. Ara, mill-eżempji iktar reċenti, is-sentenza tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-11 ta’ April 2013, Firoz Muneer vs Il-Belġju (CE:ECHR:2013:0411JUD005600510, §§ 54, 59 u 60).

( 25 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C-260/11, EU:C:2013:221, punti 27 u 28).

( 26 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C-260/11, EU:C:2013:221, punt 44).

( 27 ) Ara iktar ’il fuq fil-punti 44 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C-260/11, EU:C:2013:221, punt 42).

( 29 ) Kif semma r-rappreżentant tal-Ministru u tal-Attorney General matul is-seduta, jista’ wkoll ikun riferiment għall-identità tal-konvenut u għal jekk ikunx hemm talba dwar ksur tad-drittijiet iggarantiti mid-Direttiva kontra dak il-konvenut individwali. Nittratta dwar din l-interpretazzjoni li hija possibbli iktar ’il quddiem fil-punti 96 sa 98.

( 30 ) Dik hija “id-dispożizzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku” ewlenija tad-Direttiva, għalkemm dispożizzjonijiet speċifikament relatati ma’ parteċipazzjoni tal-pubbliku jidhru wkoll f’għadd ta’ artikoli oħra [pereżempju, l-Artikoli 7(3) u 9(1) u (2)].

( 31 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C-72/12, EU:C:2013:712, punt 37). Ara wkoll, b’analoġija, id-Direttiva dwar il-Ħabitats (Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), u s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C-243/15, EU:C:2016:838, punt 56). Din il-ġurisprudenza tikkonferma li l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni, li huwa inkorporat fid-Direttiva bl-Artikolu 11(1) tagħha, ikopri firxa ta’ kwistjonijiet relatati mal-proċedura ta’ stima tal-impatt ambjentali.

( 32 ) Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-137/14, EU:C:2015:683, punt 47) u l-ġurisprudenza ċċitata għal azzjonijiet miġjuba fl-interess tal-pubbliku. Madankollu, innota li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 32 u 33, tgħid li fejn ikun jikkonċerna talbiet magħmula minn individwi, anki jekk ikun jista’ jiġi ppreżentat kull motiv, jista’ jkun hemm limiti leġiżlattivi imposti fuq dawk il-motivi magħmula mill-Istat Membru.

( 33 ) Madankollu, kif ġie enfasizzat iktar ’il fuq fil-punt 34, l-Artikolu 47 tal-Karta u l-prinċipju ta’ effettività jipprekludu kull azzjoni bbażata fuq id-dritt tal-Unjoni milli tkun tiswa “tant li tkun projbittiva” jiġifieri li tagħmel azzjonijiet impossibbli jew eċċessivament diffiċli minħabba spejjeż.

( 34 ) Ara iktar ’il fuq fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838) fejn il-Konvenzjoni kienet tapplika għad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

( 36 ) Ara iktar ’il fuq fil-punti 37 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Inklużi dawk adottati permezz ta’ regoli nazzjonali u eskluża l-kwistjoni, xi drabi kumplessa, li jiġi deċiż liema regoli nazzjonali speċifiċi fil-fatt ikunu koperti għal dak l-għan.

( 38 ) Billi tikkonċenta għalkollox fuq kif oġġettivament taħdem tali sistema u billi tħalli kompletament fil-ġenb kull sitwazzjoni ipotetika dwar kif jistgħu jintużaw l-istess regoli f’każijiet ta’ nuqqas ta’ rieda tajba, evitar jew abbuż ta’ tali regoli minn kull parti fil-proċeduri.

( 39 ) Iktar ’il fuq fil-punti 40 sa 48.

( 40 ) Iktar ’l fuq fil-punti 44 sa 48 u 58 sa 60.

( 41 ) “Vor Gericht und auf hoher See ist man in Gottes Hand”.

( 42 ) Ara iktar ’il fuq fil-punti 37 sa 39.

( 43 ) Kif diskuss ukoll iktar ’il quddiem fit-Taqsima A.5, punti 110 sa 117 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Wieħed jista’ jerġa’ jfakkar li kieku kien hemm traspożizzjoni iktar espliċita tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva, li kienet tgħid b’mod ċar f’liema stadju kellha tinġieb kontestazzjoni, ir-rikorrenti setgħu jkunu obbligati jġibu azzjonijiet separati (pereżempju, azzjoni bikrija kontra l-Ministru (biex jantiċipaw deċiżjoni minn entità parzjali), u kontestassjoni sussegwenti kontra d-deċiżjoni ta’ ppjanar innifisha – kollox kien ikun jiddependi mill-istruttura ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u proċeduri ta’ stħarriġ u, b’mod iktar gravi, wkoll mit-traspożizzjoni preċiża tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva).

( 45 ) Qabbel ir-rapporti komparattivi mat-20th Colloquium of the Association of the Councils of State and Supreme Administrative Jurisdictions of the European Union ta’ Rüdiger, R., ta’ Silbermann., E. I., Road planning in Europe - A Case Study, Leipzig, 2006, partikolarment p. 23 sa 32 tar-rapport ġenerali.

( 46 ) Pereżempju reġjuni Belġjani għandhom leġiżlazzjoni tagħhom stess dwar l-ippjanar. Ara, għal ħarsa iktar dettaljata tal-liġi Belġjana dwar l-ambjent, Delnoy, M., ‘Implementation of the Aarhus Convention in Belgium: Some Elements’ u Macrory, R., u Westaway, N., ‘Access to Environmental Justice – A United Kingdom Perspective’ in Pallemaerts, M., (ed) The Aarhus Convention at Ten, Interactions and Tensions between Conventional International Law and EU Environmental Law, Europa Law Publishing, 2011, p. 341 et seq.

( 47 ) Ara r-rapporti komparattivi li ġejjin: Rüdiger, R., Silbermann. E.I., op cit supra nota ta’ qiegħ il-paġna 45, p. 34 u 35; ir-Rapport Sommarju dwar l-inventarju tal-miżuri tal-Istati Membri tal-Unjoni dwar l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali ta’ Milieu Ltd għad-DĠ għall-Ambjent tal-Kummissjoni, Settembru 2007, p. 4 sa 6; Darpö, J., Effective Justice? Synthesis report of the study on the Implementation of Articleas 9.3 and 9.4 of the Aarhus Convention in the Member States of the European Union (European Commission), 2013.10.11/Final, p. 11 u 12. Ara wkoll Pallemaerts, M., (ed) The Aarhus Convention at Ten, Interactions and Tensions between Conventional International Law and EU Environmental Law, Europa Law Publishing, 2011, p. 322, 343 u 349.

( 48 ) Ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Solvay et (C-182/10, EU:C:2012:82, punt 38).

( 49 ) Dwar kwistjonijiet simili li jqumu f’qasam differenti tal-liġi – kuntratti pubbliċi, ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et (C-391/15, EU:C:2017:268, punti 2627).

( 50 ) Ara l-punti 44 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Ara, ukoll b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Marina del Mediterráneo et (C-391/15, EU:C:2017:268, punti 26 sa 32).

( 52 ) Ara iktar ’il fuq fil-punti 44 sa 48, 58 sa 60, u 89.

( 53 ) Kif diġà sar riferiment fil-punt 58, ara is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos (C-260/11, EU:C:2013:221, punt 42).

( 54 ) Sentenza tas-17 ta’ Lulju 1998, ITT Promedia vs Il-Kummissjoni (T-111/96, EU:T:1998:183).

( 55 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Dikjarazzjonijiet u Riservi tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali – dikjarazzjonijiet ifformolati mill-Unjoni Ewropea wara approvazzjoni (ara https://treaties.un.org/Pages/ViewDetails.aspx?src=IND&mtdsg_no=XXVII-13&chapter=27&clang=_en#EndDec).

( 56 ) Li potenzjalment tista’ tikxef saff ieħor ta’ kumplessità, affaxxinanti iżda għal darb’oħra xorta waħda lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-kawża: jekk tabilħaqq kellu jiġi ppreżentat rikors li jkun skont l-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni u ’il barra minn dak li l-Unjoni setgħet timplementa fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni billi tadotta d-Direttiva, allura l-applikabbiltà potenzjali tal-Konvenzjoni għal dawk id-domandi skont l-ordinament ġuridiku Irlandiż ma kinitx tkun irregolata mid-dritt tal-Unjoni, iżda mir-regoli kostituzzjonali Irlandiżi dwar l-effetti legali ta’ trattati internazzjonali f’dak l-ordinament ġuridiku nazzjonali. Kieku dak kien il-każ, allura l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx f’kull każ ikollha ġurisdizzjoni biex tagħti risposta għaż-żewġ domandi preliminari.