KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fit‑3 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )

Kawża C‑466/16 P

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

vs

Marquis Energy LLC

“Appell – Dumping – Importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika – Dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 157/2013 – Regolament (KE) Nru 1225/2009 – Locus standi ta’ produttur mhux esportatur – Inċidenza diretta”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz ta’ dan l-appell, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Marquis Energy vs Il‑Kunsill (T‑277/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:343), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, aċċettat l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Marquis Energy LLC kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 157/2013 tat‑18 ta’ Frar 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika ( 2 ), u, min-naħa l-oħra, annullat l-imsemmi regolament sa fejn kien jikkonċerna lil Marquis Energy.

2.

Kif ser nesponi fl-analiżi tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell tal-Kunsill, inqis li huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-Regolament kontenzjuż kellu inċidenza diretta fuq Marquis Energy. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata u r-rikors fl-ewwel istanza miċħud.

3.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mal-analiżi tiegħi, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-aggravji fuq il-mertu mqajma mill-Kunsill intiżi sabiex, bħal fil-kawża parallella C‑465/16 P (Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association), li fiha ser nippreżenta wkoll konklużjonijiet fl-istess ġurnata, jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 3 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fuq l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT) ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Antidumping tal-WTO”). Konsegwentement, ser nirreferi biss għall-argumenti ddedikati għal dawn l-aggravji, sussidjarjament, fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fil-Kawża C‑465/16 P (Il‑Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association).

II. Sommarju tal-fatti li wasslu għall-kawża u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali

4.

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 14 tas-sentenza appellata. Huma biss l-elementi indispensabbli sabiex jinftehmu l-argumenti mressqa mill-partijiet fil-kuntest tal-appell li ser ikunu riprodotti fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin.

5.

Wara lment, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat, fil‑25 ta’ Novembru 2011, Avviż ta’ inizjazzjoni ta’ proċedura kontra s-sussidju [antidumping] fir-rigward tal-importazzjonijiet [fl-Unjoni Ewropea] tal-bijoetanol li joriġina[w] mill-Istati Uniti tal-Amerika ( 5 ), li fih ħabbret l-intenzjoni tagħha li tuża l-metodu ta’ teħid ta’ kampjuni sabiex tagħżel il-produtturi-esportaturi tal-Istati Uniti tal-Amerika koperti mill-investigazzjoni.

6.

Fis‑16 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni nnotifikat ħames kumpanniji membri ta’ Growth Energy u ta’ Renewable Fuels Association, jiġifieri Marquis Energy LLC, Patriot Renewable Fuels LLC, Plymouth Energy Company LLC, POET LLC u Platinum Ethanol LLC, li kienu ntgħażlu fil-kampjun tal-produtturi-esportaturi ( 6 ).

7.

Fl‑24 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lil Marquis Energy id-dokument ta’ informazzjoni provviżorju li ħabbar it-tkomplija tal-investigazzjoni, mingħajr adozzjoni ta’ miżuri provviżorji, u l-estensjoni tagħha għall-operaturi tas-suq/blenders. Dan id-dokument kien jindika li f’dak l-istadju ma kienx possibbli li jiġi evalwat jekk l-esportazzjonijiet tal-bijoetanol li joriġinaw mill-Istati Uniti kinux saru bi prezzijiet ta’ dumping, għar-raġuni li l-produtturi fil-kampjun ma kinux jagħmlu distinzjoni bejn il-bejgħ intern u l-bejgħ għall-esportazzjoni u peress li kienu jwettqu l-bejgħ kollu tagħhom lill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti stabbiliti fl-Istati Uniti, li kienu sussegwentement iħalltu l-bijoetanol mal-fjuwil u kienu jbigħuh mill-ġdid.

8.

Fis‑6 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni kkomunikat id-dokument ta’ informazzjoni definittiv lil Marquis Energy li fih hija eżaminat, abbażi tal-informazzjoni tal-operaturi tas-suq/blenders indipendenti, l-eżistenza ta’ dumping li jikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni Ewropea, u pprevediet l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi bir-rata ta’ 9.6 % fuq skala nazzjonali, għal perijodu ta’ tliet snin.

9.

Fit‑18 ta’ Frar 2013, il-Kunsill adotta, abbażi tar-Regolament bażiku, ir-Regolament kontenzjuż li impona dazju antidumping fuq il-bijoetanol, imsejjaħ “karburant etanol”, b’rata ta’ 9.5 % fuq skala nazzjonali għal perijodu ta’ ħames snin.

10.

Il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll, minn naħa, li fil-premessi 12 sa 16 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kunsill kkonstata li l-investigazzjoni kienet uriet li ebda produttur fil-kampjun ma kien esporta l-bijoetanol fis-suq tal-Unjoni u li ma kinux il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol iżda l-operaturi tas-suq/blenders li kienu l-esportaturi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni, b’tali mod li, sabiex iwettaq investigazzjoni tajba dwar id-dumping, huwa bbaża ruħu fuq l-informazzjoni ta’ żewġ operaturi tas-suq/blenders li kienu aċċettaw li jikkooperaw (punt 16 tas-sentenza appellata). Min-naħa l-oħra, hija rrilevat li, fil-premessi 62 sa 64 tar-Regolament kontenzjuż, il-Kunsill spjega li huwa jqis opportun li jistabbilixxi marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali, peress li l-istruttura tal-industrija tal-bijoetanol u l-mod kif il-prodott ikkonċernat kien prodott u mibjugħ fis-suq tal-Istati Uniti u esportat lejn l-Unjoni kienu jirrendu imprattikabbli li jiġu stabbiliti marġni ta’ dumping individwali għall-produtturi tal-Istati Uniti (punt 17 tas-sentenza appellata).

11.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn Marquis Energy bħala produttur tal-bijoetanol.

12.

Fil-punti 55 sa 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, l-ewwel nett, li Marquis Energy kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż, filwaqt li, fil-punti 69 sa 80 tas-sentenza appellata, hija ċaħdet barra minn hekk varji argumenti kuntrarji esposti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni Ewropea.

13.

Fil-punti 81 sa 92 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li Marquis Energy kienet individwalment ikkonċernanta mir-Regolament kontenzjuż u, fil-punti 93 sa 106 tal-imsemmija sentenza, ċaħdet l-argumenti kuntrarji mressqa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni kif ukoll l-oġġezzjonijiet l-oħra ta’ dawn l-istituzzjonijiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors eżaminati fil-punti 107 sa 118 tas-sentenza appellata.

14.

Dwar il-mertu, wara r-raġunament żviluppat fil-punti 121 sa 168 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Marquis Energy, li jallega li r-Regolament kontenzjuż kien jikser l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, u, għalhekk, annullat ir-Regolament kontenzjuż sa fejn kien jikkonċerna lil Marquis Energy, mingħajr ma eżaminat la l-partijiet l-oħra tal-imsemmi motiv u lanqas id-disa’ motivi l-oħra invokati minn Marquis Energy fl-ewwel istanza.

15.

Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kunsill żbalja meta qies li skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, huwa kien awtorizzat li jistabbilixxi marġni ta’ dumping fuq skala nazzjonali u ma kienx obbligat jikkalkula marġni ta’ dumping individwali għal kull produttur Amerikan inkluż fil-kampjun tar-Regolament kontenzjuż.

16.

Sabiex tikkonkludi f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-ewwel lok, li permezz tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeżegwixxi obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-ftehimiet tal-WTO, li jinsab f’dan il-każ fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO; u għalhekk l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku kellu jiġi interpretat b’konformità mal-imsemmija artikoli (ara l-punti 129 sa 139 tas-sentenza appellata).

17.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset li, peress li l-Kummissjoni kienet żammet lil Marquis Energy fil-kampjun tal-produtturi u esportaturi Amerikani, hija kienet irrikonoxxiet li din kienet “fornitur” ta’ prodott li kien is-suġġett ta’ dumping, b’tali mod li skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill kellu, bħala prinċipju, jikkalkula marġni ta’ dumping individwali u dazju ta’ dumping individwali (ara l-punti 140 sa 168 tas-sentenza appellata).

18.

Finalment, il-Qorti Ġenerali qieset li, għalkemm teżisti, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku, eċċezzjoni għal kalkolu individwali tal-ammont tad-dazju impost meta “dan mhux prattikabbli”, li jawtorizza għalhekk li jiġi indikat sempliċement l-isem tal-pajjiż fornitur, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping fuq skala nazzjonali, it-terminu “mhux prattikabbli” għandu jiġi interpretat b’konformità mat-terminu analogu użat fl-Artikoli 6.10 u 9.2 tal-Ftehim Antidumping tal-WTO (ara, f’dan is-sens, il-punt 188 tas-sentenza appellata). Issa, fid-dawl ta’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku ma jippermetti ebda eċċezzjoni għall-obbligu li jiġi stabbilit dazju antidumping individwali għal produttur fil-kampjun li jkun ikkoopera fl-investigazzjoni, meta l-istituzzjonijiet iqisu li ma humiex f’pożizzjoni li jistabbilixxu fil-konfront tiegħu prezz għall-esportazzjoni individwali (ara l-aħħar sentenza tal-punt 188 tas-sentenza appellata). Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-istitutazzjonijiet, il-Kunsill qies b’mod żbaljat li l-istabbiliment ta’ dazji antidumping individwali għall-membri tal-kampjun tal-esportaturi Amerikani kien “mhux prattikabbli”, fis-sens tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (punt 197 tas-sentenza appellata), u l-fatt li l-istituzzjonijiet qiesu li kien hemm diffikultajiet sabiex jirrikostitwixxu l-perkors tal-bejgħ individwali jew sabiex jipparagunaw il-valuri normali mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, għall-produtturi fil-kampjun, ma kienx suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-użu ta’ din l-eċċezzjoni (ara, f’dan is-sens, il-punti 198 sa 200 tas-sentenza appellata). Il-Qorti Ġenerali annullat għalhekk ir-Regolament kontenzjuż minħabba ksur tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku u sa fejn dan kien jikkonċerna lill-erba’ produtturi Amerikani fil-kampjun irrappreżentati minn Marquis Energy.

III. It-talbiet tal-partijiet

19.

Il-Kunsill jitlob prinċipalment li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza minn Marquis Energy;

tikkundanna lil Marquis Energy għall-ispejjeż relatati mal-proċedura kollha.

20.

Il-Kunsill jitlob sussidjarjament li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-proċedura kollha.

21.

Prinċipalment, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli;

tikkundanna lil Marquis Energy għall-ispejjeż relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

22.

Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad it-tieni parti tal-ewwel motiv imqajjem minn Marquis Energy fl-ewwel istanza u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali għall-kumplament;

tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

23.

Marquis Energy titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell fl-intier tiegħu;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċedura kollha.

IV. Analiżi

24.

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jinvoka tliet aggravji. L-ewwel aggravju jirrigwarda l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza u huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kif ukoll fuq nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Iż-żewġ aggravji l-oħra jirrigwardaw l-evalwazzjonijiet fuq il-mertu magħmula mill-Qorti Ġenerali u t-tnejn huma bbażati fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Kif ippreċiżajt fil-kummenti introduttivi tiegħi, ser neżamina biss l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell tal-Kunsill, peress li nqis li hemm lok li din tintlaqa’ u konsegwentement is-sentenza appellata tiġi annullata.

25.

Madankollu, qabel nindirizza l-appell tal-Kunsill, irrid inwieġeb għall-argument imqajjem mill-Kummissjoni fil-kontroreplika tagħha li jgħid li r-risposta ppreżentata minn Marquis Energy hija inammissibbli.

A.   Fuq l-ammissibbiltà tar-risposta ppreżentata minn Marquis Energy

1. L-argumenti tal-Kummissjoni

26.

Il-Kummissjoni ssostni li r-risposta ppreżentata minn Marquis Energy kienet iffirmata b’mezz elettroniku minn persuna li la l-istatus tagħha ta’ avukat u lanqas l-mandat tagħha ma’ ġew prodotti. Dawn iċ-ċirkustanzi għandhom iwasslu, fin-nuqqas ta’ rettifika, sabiex ir-risposta tiġi ddikjarata inammissibbli.

2. Evalwazzjoni

27.

Fl-opinjoni tiegħi, l-argument tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala infondat fil-fatt.

28.

Infakkar li, skont l-Artikolu 119(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għar-risposta fil-kuntest ta’ appell skont l-Artikolu 173(2) ta’ dawn ir-regoli, l-avukati għandhom jippreżentaw fir-Reġistru dokument uffiċjali jew mandat maħruġ mill-parti li huma jirrappreżentaw.

29.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex jibbenefikaw mill-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 43 tal-imsemmija regoli, l-avukati għandhom jiġġustifikaw minn qabel il-kwalità tagħhom permezz ta’ mandat maħruġ mill-parti li huma jirrappreżentaw, meta din tal-aħħar tkun persuna morali rregolata mid-dritt privat.

30.

Għalhekk, sabiex jirrappreżenta b’mod validu persuna morali rregolata mid-dritt privat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż fil-kuntest ta’ appell, avukat għandu jkollu dokument uffiċjali jew mandat mogħti minn din il-parti.

31.

F’dan il-każ, indipendentement mill-istatus tal-persuna li ppreżentat b’mezz elettroniku r-risposta ta’ Marquis Energy fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi użat kont li jagħtiha aċċess għall-applikazzjoni informatika msejħa “e-Curia” ( 7 ), għandu jiġi rrilevat li kienet P. Vander Schueren, li la l-istatus tagħha ta’ avukat u lanqas il-mandat tagħha ma ġew ikkontestati mill-Kummissjoni, li ffirmat l-oriġinal tal-imsemmija risposta.

32.

Għaldaqstant, l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni hija infondata fil-fatt. Ir-risposta ppreżentata minn Marquis Energy hija għalhekk perfettament ammissibbli.

B.   Fuq l-ewwel aggravju tal-appell, ibbażat fuq ksur tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni

33.

Essenzjalment, dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kunsill isostni li billi kkonkludiet li Marquis Energy kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-interpretazzjoni ta’ din il-kundizzjoni stabbilita fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fit-tieni parti, il-Kunsill jallega li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kundizzjoni ta’ inċidenza individwali, prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mingħajr ma spjegat jew uriet għaliex Marquis Energy kellha kwalitajiet li jiddistingwuha minn produtturi Amerikani tal-bijoetanol oħra.

34.

Kif diġà indikajt, inqis li l-ewwel parti invokata mill-Kunsill għandha tiġi milqugħa, u fid-dawl tan-natura kumulattiva taż-żewġ rekwiżiti ta’ ammissibbiltà stabbiliti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-eżami tat-tieni parti jsir superfluwu.

1. Sinteżi tal-argumenti tal-partijiet dwar l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-konklużjoni li Marquis Energy kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż

35.

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jallega li l-Qorti Ġenerali kienet kisret il-kundizzjoni dwar l-inċidenza diretta prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, mhux billi kkonstatat li r-Regolament kontenzjuż kien jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Marquis Energy, iżda billi enfasizzat, l-iktar l-iktar, effett indirett fuq is-sitwazzjoni ekonomika ta’ din il-kumpannija li ma tesportax il-prodotti tagħha fis-suq tal-Unjoni. Issa, skont dawn l-istituzzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ċaħdet, b’mod partikolari fis-sentenza tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284), it-teżi li tgħid li, sabiex tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, huwa suffiċjenti li jintwera li l-miżura kkontestata għandha konsegwenzi purament ekonomiċi jew twassal għal żvantaġġ kompetittiv. F’dan il-każ, l-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali jirriżultaw b’mod partikolari mill-punti 72, 73, 76, 78 u 79 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni żżid li fl-applikazzjoni tal-ġurisprudenza dwar il-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 56 sa 67 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat li, sabiex tiġi stabbilita din l-inċidenza, huwa suffiċjenta li Marquis Energy tkun immanifatturat prodott li, fil-każ ta’ esportazzjoni minn terz lejn l-Unjoni, kien suġġett għal dazju antidumping. Tali perċezzjoni tħawwad dak li huwa dirett ma’ dak li huwa indirett u dak li huwa legali ma’ dak li huwa ekonomiku. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, it-tentattiv ta’ Marquis Energy li taħbi, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-kontenut fattwali tas-sentenza appellata ma jbiddel xejn minn din l-analiżi.

36.

Marquis Energy twieġeb fl-ewwel lok li l-Kunsill jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, ħaġa li ma taqax fil-kompetenza ta’ qorti tal-appell. Din il-kritika, li tirrigwarda l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 66 u 76 tas-sentenza appellata, hija għalhekk inammissibbli. Fit-tieni lok, Marquis Energy tqis li l-fatt li kwantitajiet kbar ta’ bijoetanol li hija pproduċiet kienu ġew esportati lejn l-Unjoni u li hija kienet identifikata bħala produttur/esportatur fir-Regolament kontenzjuż kien suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li hija kienet direttament ikkonċernata mill-imsemmi regolament. Il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li Marquis Energy kienet produttur Amerikan tal-bijoetanol li tesporta l-produzzjoni tagħha lejn l-Unjoni u li, ladarba d-dazji antidumping kienu imposti fuq din il-produzzjoni, dawn affettwaw il-pożizzjoni legali ta’ din il-kumpannija. Fi kwalunkwe każ, sa fejn il-produtturi fil-kampjun kienu jafu li l-bejgħ tagħhom kien intiż għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni u kellhom għalhekk prezz għall-esportazzjoni, l-assenza ta’ bejgħ dirett ma hijiex rilevanti. Skont Marquis Energy, l-inċidenza kienet diretta wkoll fis-sitwazzjoni ta’ esportatur potenzjali tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata mill-istituzzjonijiet insostenn tat-teżi tagħhom ma hijiex rilevanti għaliex ma tirrigwardax il-kriterju ta’ inċidenza diretta jew tirrigwarda sitwazzjonijiet fattwali mhux komparabbli.

2. Evalwazzjoni

37.

Kif ġustament fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tas-sentenza appellata, liema punt huwa barra minn hekk stabbilit f’dan il-każ, il-kunċett ta’ inċidenza diretta previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jeħtieġ li jiġi ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi. Minn naħa, l-att ikkontestat għandu joħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-persuna li titlob l-annullament tiegħu. Min-naħa l-oħra, dan l-att ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu li għandhom jimplimentawh, peress li dan huwa ta’ natura purament awtomatika u jirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji ( 8 ).

38.

F’dan il-każ, hija biss l-applikazzjoni tal-ewwel kriterju, jiġifieri l-effetti diretti tar-Regolament kontenzjuż fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Marquis Energy, li hija s-suġġett tal-kritika magħmula mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fir-rigward tas-sentenza appellata.

39.

F’dan ir-rigward, hemm lok li qabelxejn jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet ta’ Marquis Energy li jgħidu li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kunsill hija intiża sabiex jiġu kkontestati, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali.

40.

Fil-fatt, kif ser nispjega f’iktar dettall, jidhirli li l-Kunsill qiegħed jaqra b’mod korrett il-premessi ta’ natura fattwali li fuqhom il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni legali tagħha li Marquis Energy kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż, konklużjoni li hija kkontestata mill-istituzzjonijiet. Għall-kuntrarju, hija pjuttost Marquis Energy li, f’diversi okkażjonijiet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, tipprova tbiddel il-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

41.

Ħalli nispjega ruħi.

42.

Il-partijiet fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali ddiskutew fit-tul dwar jekk matul l-investigazzjoni l-ħames produtturi Amerikani tal-bijoetanol, fosthom Marquis Energy, esportawx il-produzzjoni tagħhom tal-bijoetanol lejn l-Unjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, dawn l-esportazzjonijiet twettqux mill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti.

43.

Kif tfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata, ir-Regolament kontenzjuż jippreċiża li, peress li ebda wieħed mill-ħames produtturi fil-kampjun ma esporta huwa stess bijoetanol fis-suq tal-Unjoni, il-bejgħ tagħhom sar fis-suq intern (Amerikan) lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti li sussegwentement ħalltu l-bijoetanol u l-fjuwil sabiex jbigħuh mill-ġdid fis-suq intern u fis-suq tal-esportazzjoni, b’mod partikolari lejn l-Unjoni.

44.

Wara d-diversi konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 58 sa 65 tas-sentenza appellata, li ma humiex ikkontestati f’dan l-appell, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 66 tal-imsemmija sentenza, li “ġie stabbilit b’mod suffiċjenti li l-volumi kunsiderevoli ħafna ta’ bijoetanol li nxtraw matul il-perijodu tal-investigazzjoni mit-tmien operaturi tas-suq/blenders investigati mingħand ħames produtturi Amerikani ta’ bijoetanol fil-kampjun, fosthom [Marquis Energy], ġew fil-parti l-kbira esportati lejn l-Unjoni […]”.

45.

Billi użat forma mhux personali u indiretta, li barra minn hekk diġà kienet preżenti fil-punt 60 tas-sentenza appellata (“[…] volum għoli ta’ bijoetanol provenjenti minn [Marquis Energy] kien ġie esportat b’mod regolari lejn l-Unjoni matul il-perijodu tal-investigazzjoni”), il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx, lanqas b’mod impliċitu, u għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn Marquis Energy quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li din il-kumpannija kienet tesporta hija stess il-produzzjoni tagħha lejn l-Unjoni.

46.

Fil-fatt, mill-punt 66 tas-sentenza appellata jirriżulta neċessarjament li l-Qorti Ġenerali aċċettat li l-bijoetanol prodott mill-erba’ produtturi fil-kampjun kien “nxtara” mill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti investigati qabel ma ġie esportat, minn dawn tal-aħħar, fil-parti l-kbira lejn l-Unjoni. Għalhekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonstatat biss li l-bijoetanol prodott minn Marquis Energy kien indirettament mibgħut lejn is-suq tal-Unjoni, jiġifieri permezz tal-intervent ta’ operaturi tas-suq/blenders indipendenti, wara li dawn iħalltuh mal-fjuwil.

47.

Ebda parti tas-sentenza appellata ma tissuġġerixxi li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet lill-produtturi Amerikani tal-bijoetanol l-istatus ta’ esportatur. L-assenza ta’ rikonoxximent ta’ tali kwalità tirriżulta espressament mill-punt 72 tas-sentenza appellata li permezz tiegħu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li produttur jista’ jinsab “sostanzjalment milqut” mill-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq il-prodott importat fl-Unjoni, “anki jekk ma għandux il-kwalità ta’ esportatur tal-imsemmija prodotti”. Permezz tal-punt 73 tal-imsemmija sentenza hija kkonfermat ukoll li Marquis Energy “kienet tipproduċu l-bijoetanol fl-istat pur tiegħu matul il-perijodu tal-investigazzjoni u li huma l-prodotti tagħha li l-operaturi tas-suq/blenders kienu jħalltu mal-fjuwil u kienu jesportaw lejn l-Unjoni”.

48.

Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn Marquis Energy, il-Kunsill, u wisq inqas il-Kummissjoni, imkien ma jistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa mill-ġdid il-fatti. Dawn l-istituzzjonijiet iwettqu, għall-kuntrarju, qari leali tal-punti rilevanti tas-sentenza appllata.

49.

Il-kritika tal-Kunsill, bħal dik tal-Kummissjoni, hija limitata sabiex tikkontesta d-deduzzjoni legali magħmula mill-Qorti Ġenerali li essenzjalment l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping previst fir-Regolament kontenzjuż wasslet għal effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Marquis Energy minħabba l-istatus tagħha ta’ produttur Amerikan tal-bijoetanol fil-kampjun, li parti mill-produzzjoni tiegħu kienet esportata lejn l-Unjoni.

50.

Issa, inqis li din il-kritika hija fondata għaliex il-motivi mqajma mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li r-Regolament kontenzjuż joħloq effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Marquis Energy huma, fl-opinjoni tiegħi, insuffiċjenti u żbaljati.

51.

Qabelxejn, infakkar li fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tiddeduċi mill-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 60 sa 66 tal-imsemmija sentenza li Marquis Energy kienet direttament ikkonċernata, b’mod partikolari fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 44 tal-imsemmija sentenza, filwaqt li, fil-punti 69 sa 79 ta’ din l-istess sentenza, hija ċaħdet waħda waħda l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għal din il-konklużjoni.

52.

Il-punti 60 sa 65 tas-sentenza appellata jinkludu biss kunsiderazzjonijiet dwar id-destinazzjoni, il-volum u l-karatteristiċi tal-produzzjoni tal-bijoetanol tal-produtturi Amerikani fil-kampjun, fosthom Marquis Energy. Kif diġà semmejt, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li kienet stabbilixxiet b’mod suffiċjenti li volumi kunsiderevoli ħafna ta’ bijoetanol mixtri mingħand il-produtturi fil-kampjun mill-operaturi tas-suq/blenders indipendenti kienu fil-parti l-kbira esportati lejn l-Unjoni.

53.

Għalkemm dawn l-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika ma humiex ineżatti u fi kwalunkwe każ ma humiex ikkontestati mill-Kunsill, madankollu dawn huma insuffiċjenti sabiex juru, kif essenzjalment qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, li d-dazji antidumping stabbiliti mir-Regolament kontenzjuż jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali ta’ Marquis Energy.

54.

Fil-fatt, il-konstatazzjoni li qabel l-introduzzjoni tad-dazji antidumping, il-produzzjoni tal-bijoetanol tal-produtturi fil-kampjun, fosthom Marquis Energy, kienet tispiċċa fis-suq tal-Unjoni bl-intervent ta’ operaturi tas-suq/blenders indipendenti, wara li titħallat mal-fjuwil, xorta ma tfissirx li ġie pprovat li s-sitwazzjoni legali ta’ Marquis Energy inbidlet bl-impożizzjoni ta’ dawn id-dazji.

55.

Deċiżjoni bħal din tippermetti li jiġi preżunt li kull produttur ta’ pajjiż terz li l-prodotti tiegħu jispiċċaw fis-suq tal-Unjoni huwa direttament affettwat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-istabbiliment ta’ dazji antidumping imposti fuq l-imsemmija prodotti.

56.

Issa, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regolamenti li jistabbilixxu dazju antidumping għandhom, min-natura u mill-portata tagħhom, natura normattiva, peress li japplikaw għall-operaturi ekonomiċi kollha u għalhekk huwa biss minħabba ċerti ċirkostanzi partikolari li d-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti jistgħu jikkonċernaw direttament (u individwalment) lill-produtturi u lill-esportaturi tal-prodott inkwistjoni li lilhom huma imputati l-prattiki ta’ dumping billi tintuża data li toriġina mill-attività kummerċjali tagħhom ( 9 ).

57.

Is-sempliċi fatt li prodott jispiċċa fis-suq tal-Unjoni, anki f’volum kunsiderevoli, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi meqjus li, ladarba dan il-prodott jiġi affettwat mill-impożizzjoni ta’ dazju antidumping, il-produttur tiegħu huwa direttament affettwat fis-sitwazzjoni legali tiegħu mill-imsemmi dazju.

58.

Kieku dan kien il-każ, in-natura normattiva tar-regolamenti antidumping tkun nieqsa minn kull bażi. Fi kliem ieħor, kull produttur ta’ prodott li jkun s-suġġett ta’ dazju antidumping jitqies awtomatikament, minħabba l-kwalità oġġettiva tiegħu ta’ produttur tal-imsemmi prodott, bħala direttament affettwat mir-regolament li jistabbilixxi dan id-dazju.

59.

Il-fatt li dan il-produttur kien ipparteċipa fl-investigazzjoni billi kien inkluż fil-kampjun użat fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament kontenzjuż ma jbiddilx din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, l-inklużjoni ta’ impriża f’kampjun rappreżentattiv fil-kuntest tal-investigazzjoni magħmula mill-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi l-iktar l-iktar indizju tal-inċidenza individwali tal-operatur ( 10 ). Dan ma jfissirx li s-sitwazzjoni legali ta’ dan il-produttur hija direttament affettwata bl-impożizzjoni ta’ dazji antidumping definittivi fl-aħħar ta’ din l-investigazzjoni.

60.

Il-konklużjoni li wasslet għaliha l-Qorti Ġenerali b’mod prematur fil-punt 67 tas-sentenza appellata jidhirli li hija iktar u iktar suġġetta għall-kritika peress li, fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali qatt ma kkontradixxiet il-konstatazzjoni magħmula fir-Regolament kontenzjuż, u mfakkra fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li tgħid li l-produtturi inkwistjoni kienu jwettqu l-bejgħ tagħhom fis-suq intern (Amerikan) lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti għall-finijiet tal-bejgħ mill-ġdid minn dawn tal-aħħar, kemm fis-suq intern Amerikan kif ukoll fis-suq tal-esportazzjoni, imfakkra wkoll fil-punt 65 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li ma huwiex possibbli li l-valuri normali jiġu pparagunati mal-prezzijiet għall-esportazzjoni korrispondenti, konstatazzjonijiet li jikkorroboraw it-teżi tal-istituzzjonijiet li Marquis Energy kienet tbigħ l-produzzjoni tagħha fis-suq intern Amerikan lill-imsemmija operaturi tas-suq/blenders u ma kellha ebda influwenza la fuq id-destinazzjoni u lanqas fuq it-tarifikazzjoni tal-bejgħ għall-esportazzjoni.

61.

L-evalwazzjonijiet magħmula fil-punti 70 sa 74 u 76 sa 79 tas-sentenza appellata, fil-forma ta’ ċaħda tal-argumenti mqajma mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar il-konklużjoni li għaliha waslet il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tal-imsemmija sentenza, ma humiex iktar konvinċenti.

62.

L-ewwel nett, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, esposti fil-punti 70 sa 72 tas-sentenza appellata, li jipprovdu essenzjalment li l-inċidenza diretta ta’ operatur skont regolament li jimponi dazji antidumping ma tiddependix fuq l-istatus tiegħu ta’ produttur jew esportatur, peress li produttur li għandu l-kwalità ta’ esportatur tal-prodotti esportati li fuqhom huwa impost dazju antidumping, jista’ jkun “sostanzjalment milqut” mill-impożizzjoni ta’ tali dazju fuq il-prodott ikkonċernat, ma jwiġbux, b’mod definittiv, għall-kwistjoni tal-inċidenza diretta tas-sitwazzjoni legali ta’ Marquis Energy mill-impożizzjoni ta’ dazji antidumping permezz tar-Regolament kontenzjuż.

63.

Ċertament, naqbel li s-sempliċi status bħala produttur ta’ operatur ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi eskluż ipso jure li tkun issodisfatta l-kundizzjoni tal-inċidenza diretta ta’ dan l-operatur, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

64.

Madankollu, il-Qorti Ġenerali naqset milli tispjega għaliex produttur ta’ pajjiż terz li jbigħ il-prodotti tiegħu biss fis-suq intern tal-imsemmi pajjiż lil operaturi oħra li, wara li jżidu sustanza oħra, ibiegħu mill-ġdid il-prodott, f’dan is-suq intern kif ukoll fis-suq tal-esportazzjoni, jista’ jkollu s-sitwazzjoni legali tiegħu direttament mibdula bl-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq dan il-prodott, applikabbli fis-suq tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-fatt li fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wżat it-termini “sostanzjalment milquta”, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, jista’ juri mhux biss approssimazzjoni ta’ ordinament terminoloġiku iżda ukoll fundamentalment in-nuqqas ta’ eżami reali tal-effett tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq is-sitwazzjoni legali tal-produtturi Amerikani tal-bijoetanol fil-kampjun, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif ukoll tal-argument tal-istituzzjonijiet li r-Regolament kontenzjuż għandu biss effett indirett, ta’ natura ekonomika, fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn il-produtturi, fosthom Marquis Energy.

65.

Kunsiderazzjonijiet fuq l-istess linja japplikaw għall-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 76 sa 78 tas-sentenza appellata.

66.

Fl-ewwel lok, fil-punt 76 ta’ din is-sentenza, li jimmerita li jiġi riprodott kollu, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li “[…] anki jekk jitqies li l-operaturi tas-suq/blenders ibatu d-dazju antidumping u jseħħ li l-katina kummerċjali tal-bijoetanol tiġi interrotta b’mod li dawn ma jkunux f’pożizzjoni li jpoġġu l-oneru tad-dazju antidumping fuq il-produtturi, għandu madankollu jitfakkar li l-istabbiliment ta’ dazju antidumping ibiddel il-konsegwenzi legali li taħthom il-kummerċjalizzazzjoni tal-bijoetanol prodott mill-produtturi fil-kampjun isseħħ fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, il-pożizzjoni legali tal-produtturi inkwistjoni fis-suq tal-Unjoni hija, f’kull każ, direttament u sostanzjalment milquta”. Barra minn hekk, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument, imressaq mill-Kummissjoni, tal-effett indirett biss tal-impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq is-sitwazzjoni ta’ Marquis Energy billi rrilevat li l-Kummissjoni tiżbalja meta “tikkontesta l-fatt li impriża tal-katina kummerċjali differenti minn l-aħħar esportatur, li ġie kkonstatat li jwettaq id-dumping, tista’ tikkontesta dazju antidumping […]”.

67.

Jidhirli li dawn il-punti tas-sentenza appellata jinkludu żewġ żbalji ta’ liġi.

68.

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali tonqos milli tispjega b’liema mod produttur ta’ pajjiż terz, bħal Marquis Energy, li jbigħ il-prodott tiegħu fis-suq intern tal-imsemmi pajjiż lil operaturi indipendenti biss, fejn ikun ġie kkonstatat li dawn tal-aħħar iwettqu dumping, jista’ jkun direttament milqut fil-pożizzjoni legali tiegħu mill-impożizzjoni ta’ dazji antidumping li jolqtu l-prodott esportat minn dawn l-operaturi indipendenti, anki jekk dawn tal-aħħar ma jistgħux jgħaddu d-dazji antidumping fuq dan il-produttur.

69.

Fi kliem ieħor, jekk, fl-ipoteżi eżaminata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, l-operaturi tas-suq/blenders iwettqu dumping u jbatu d-dazji antidumping kollha imposti mir-Regolament kontenzjuż fis-suq tal-Unjoni, ma nifhimx kif is-sitwazzjoni legali tal-produtturi tal-prodott inkwistjoni, li jbigħu dan il-prodott esklużivament fis-suq intern Amerikan, tista’ tkun direttament milquta bil-ġbir ta’ dawn id-dazji.

70.

F’tali ipoteżi, ċertament huwa possibbli, kif issostni l-Kummissjoni, li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping ikollha konsegwenzi fuq il-volum tal-bejgħ imwettaq mill-produtturi tal-bijoetanol fis-suq intern Amerikan lil operaturi tas-suq/blenders indipendenti; fil-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jnaqqsu x-xiri tagħhom intiż għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, mingħajr ma jkunu f’pożizzjoni li jikkumpensaw dan it-tnaqqis biż-żieda tal-provvisti tagħhom intiżi għas-suq intern Amerikan jew għal swieq oħra tal-esportazzjoni, li ma jkunux tal-Unjoni. Madankollu, dawn il-konsegwenzi huma ta’ natura ekonomika u għalhekk, fil-fehma tiegħi, huma insuffiċjenti sabiex juru li l-impożizzjoni ta’ dazji antidumping tbiddel direttament is-sitwazzjoni legali tal-produtturi inkwistjoni fis-suq tal-Unjoni. Fir-realtà, f’dan il-każ, u għall-kuntrarju ta’ dak li indikat il-Qorti Ġenerali fit-tieni sentenza tal-punt 76 tas-sentenza appellata, il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol ma għandhomx “pożizzjoni legali” fis-suq tal-Unjoni.

71.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali donnha, tal-inqas b’mod impliċitu, tagħti importanza lill-fatt li l-produtturi inkwistjoni pparteċipaw fl-investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Issa, kif diġà semmejt fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali parteċipazzjoni tista’, l-iktar l-iktar, tkun rilevanti fil-kuntest tal-verifika ta’ jekk hijiex issodisfatta l-kundizzjoni tal-inċidenza individwali ta’ operatur, iżda mhux fl-eżami tal-kundizzjoni tal-inċidenza diretta, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

72.

Fit-tieni lok, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata lanqas ma jwasslu sabiex ixejjnu dak li ngħad u sabiex jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li Marquis Energy kienet direttament ikkonċernata mir-Regolament kontenzjuż.

73.

Minn naħa, fl-opinjoni tiegħi, huwa żbaljat li jiġi pretiż li “l-istruttura tal-arranġamenti kuntrattwali bejn operaturi ekonomiċi fi ħdan il-katina kummerċjali tal-bijoetanol ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni jekk produttur tal-bijoetanol huwiex direttament ikkonċernat mir-regolament [kontenzjuż]” u li jiġi sostnut il-kuntrarju iwassal sabiex “jitqies li huwa biss produttur li jbigħ direttament il-prodott tiegħu lill-importatur fl-Unjoni li jista’ jkun direttament ikkonċernat […] liema ħaġa b’ebda mod ma’ taqa’ taħt ir-regolament bażiku”.

74.

Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li barra minn hekk hija ċċitata b’mod korrett mill-Qorti Ġenerali fil-punti 47 u 48 tas-sentenza appellata, turi li s-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati minn operaturi ekonomiċi kontra regolamenti li jistabbilixxu dazji antidumping huma bbażati b’mod partikolari fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ operaturi oħra, b’mod partikolari għall-finijiet tal-kostruzzjoni tal-prezz għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

75.

Għalhekk, ma nifhimx għal liema raġuni l-partikolaritajiet tal-istruttura tal-arranġamenti kuntrattwali bejn il-produtturi Amerikani tal-bijoetanol u l-operaturi tas-suq/blenders indipendenti għandhom jaħarbu din il-loġika, anki meta dan it-teħid inkunsiderazzjoni iwassal sabiex jeskludi l-inċidenza diretta tal-imsemmija produtturi.

76.

Barra minn hekk, ma nistax naqbel mad-dikjarazzjoni li din il-konklużjoni twassal sabiex l-inċidenza diretta ta’ produttur tiġi aċċettata biss jekk dan tal-aħħar ibiegħ il-produzzjoni tiegħu direttament fis-suq tal-Unjoni. Fil-fatt huma prevedibbli ipoteżijiet oħra, preċiżament skont l-arranġamenti kummerċjali, bħall-bejgħ lil intermedjarji/esportaturi marbuta mal-produttur inkwistjoni. Fi kwalunkwe każ, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, il-fatt li r-Regolament bażiku huwa silenżjuz dwar din il-kwistjoni ma għandux effett, peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, huma rregolati mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

77.

Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjarat il-Qorti Ġenerali fl-aħħar sentenza tal-punt 78 tas-sentenza appellata, l-approċċ tal-istituzzjonijiet, li miegħu naqbel, ma għandux “l-effett li jirrestrinġi l-protezzjoni legali tal-produtturi tal-prodotti milquta minn dazji antidumping sempliċement skont l-istruttura kummerċjali tal-esportazzjonijiet”.

78.

Kif diġà għidt, dan l-approċċ huwa bbażat fuq l-eżami tal-kundizzjonijiet dwar l-inċidenza diretta ta’ dawn il-produtturi, li huma rregolati mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

79.

Barra minn hekk, jekk jiġi kkonstatat, kif qiegħed nipproponi, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi rrikonoxxiet l-inċidenza diretta ta’ Marquis Energy permezz tar-Regolament kontenzjuż, dan ma jfissirx li dan il-produttur ikun imċaħħad minn protezzjoni legali.

80.

Fil-fatt, operatur, li fir-rigward tiegħu jkun ġie kkonstatat mingħajr ebda dubju li huwa ma jkunx direttament u individwalment ikkonċernat mir-regolament li jistabbilixxi dazji antidumping, ma jistax jiġi pprojbit, inkluż, fl-opinjoni tiegħi, fil-kuntest ta’ intervent volontarju, milli jeċċepixxi l-invalidità ta’ tali regolament quddiem qorti ta’ Stat Membru adita b’tilwima marbuta mad-dazji li għandhom jitħallsu lill-awtoritajiet doganali jew fiskali kompetenti ( 11 ).

81.

Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata b’diversi żbalji ta’ liġi billi kkonludiet li Marquis Energy kienet direttament affettwata mir-Regolament kontenzjuż.

82.

Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-Kunsill u tannulla s-sentenza appellata.

83.

Għalhekk, huwa biss sussidjarjament li hemm lok li jiġu eżaminati l-aggravji fuq il-mertu mqajma mill-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, ibbażati fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku.

84.

Kif għidt fil-kummenti introduttivi tiegħi, peress li dawn l-aggravji huma identiċi għal dawk imqajma fil-Kawża C‑465/16 P, nirreferi għall-argumenti ddedikati għalihom, sussidjarjament, fil-konklużjonijiet preżentati fl-istess ġurnata fl-imsemmija kawża.

V. Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

85.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

86.

Inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab fi stat li tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors fl-ewwel istanza, ikkontestata mill-Kunsill. Fl-opinjoni tiegħi, f’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikors ta’ Marquis Energy huwa inammissibbli, peress li dan l-operatur ma weriex li kien direttament affettwat, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mid-dazji antidumping imposti mir-Regolament kontenzjuż.

VI. Fuq l-ispejjeż

87.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138 tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li kull parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fir-rigward tal-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, dan jipprovdi li l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u l-Artikolu 140(3) jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li intervenjenti differenti minn dik imsemmija fil-paragrafi preċedenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

88.

Peress li, fl-opinjoni tiegħi, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell tal-Kunsill għandha tiġi milqugħa u r-rikors fl-ewwel istanza għandu jiġi miċħud, nipproponi li Marquis Energy tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell, skont it-talbiet ta’ dan tal-aħħar.

89.

Barra minn hekk, nipproponi li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha sostnuti kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-proċeduri preżenti.

VII. Konklużjoni

90.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Marquis Energy vs Il-Kunsill (T‑277/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:343), hija annullata.

2)

Ir-rikors fl-ewwel istanza huwa miċħud bħala inammissibbli.

3)

Marquis Energy hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

4)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess taż-żewġ istanzi.


( 1 ) Lingwa Oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2013, L 49, p. 10, iktar ’il quddiem ir-“Regolament kontenzjuż”.

( 3 ) ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 21, Vol. 11, p. 189.

( 5 ) ĠU 2011, C 345, p. 7.

( 6 ) Għall-kuntrarju ta’ Marquis Energy, l-erba’ produtturi l-oħra fuq imsemmija ma ppreżentawx rikors għal annullament tagħhom proprju kontra r-Regolament kontenzjuż iżda kienu rrappreżentati quddiem l-Qorti Ġenerali mill-assoċjazzjonijiet professjonali Growth Energy u Renewable Fuels Association. Permezz tas-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Growth Energy u Renewable Fuels Association vs Il‑Kunsill (T‑276/13, EU:T:2016:340), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors ippreżentat minn dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet. Din is-sentenza hija s-suġġett tal-appell eżaminat fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑465/16 P (Il-Kunsill vs Growth Energy u Renewable Fuels Association).

( 7 ) B’mod partikolari, skont id-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Settembru 2011 dwar il-preżentata u r-riċezzjoni ta’ atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ĠU 2011 C 289, p. 7).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66) u d-digriet tal‑10 ta’ Marzu 2016, SolarWorld vs Il‑Kummissjoni (C‑142/15 P, mhux ippubblikat, EU:C:2016:163, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑156/87, EU:C:1990:116, punt 17) u tas‑16 ta’ April 2015, TMK Europe (C‑143/14, EU:C:2015:236, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2002, BSC Footwear Supplies et vs Il‑Kunsill (T‑598/97, EU:T:2002:52, punt 61) u d-digiret tas‑7 ta’ Marzu 2014, FFESI vs Il‑Kunsill (T‑134/10, mhux ippubblikat, EU:T:2014:143, punt 58).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Portmeirion Group (C‑232/14, EU:C:2016:180, punti 23 sa 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Infakkar li, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja biss għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddikjara l-invalidità ta’ att tal-Unjoni u li qorti li d-deċiżjonijiet tagħha ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors ġudizzjarju tad-dritt intern għandha tissospendi l-proċedura quddiemha u tressaq talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz tar-rinviju preliminari għall-evalwazzjoni tal-validità, jekk din il-qorti tqis li motiv jew motivi ta’ invalidità mressqa quddiemha huma fondati: ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C-344/04, EU:C:2006:10, punti 27 sa 32) u tat‑28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il‑Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 44 sa 48).