KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fis-6 ta’ April 2017 ( 1 )

Kawża C-177/16

Biedrība “Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība”

vs

Konkurences padome

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja)]

(Artikolu 102 TFUE — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri — Soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva — Prezzijiet inġusti — Dħul mill-bejgħ rilevanti għall-impożizzjoni ta’ multa)

1. 

Jeżistu prezzijiet inġusti?

2. 

Fil-qasam tal-dritt tal-kompetizzjoni, ġurisdizzjonijiet differenti għamlu għażliet differenti dwar din il-mistoqsija. Pereżempju, f’għadd minnhom, fosthom l-Istati Uniti, l-imġiba ta’ impriżi li jkollhom is-saħħa fis-suq li sempliċement jisfruttaw il-klijenti ġeneralment ma titqiesx li tikser dan id-dritt. Madankollu, l-għażla li għamlu dawk li abbozzaw it-Trattati tal-Unjoni tidher biċ-ċar li hija differenti: il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE jinkludi, bħala tip ta’ abbuż ipprojbit minn pożizzjoni dominanti, imġiba li tikkonsisti “[f]l-impożizzjoni diretta jew indiretta ta’ prezzijiet inġusti ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew kondizzjonijiet oħra inġusti ta’ kummerċ”.

3. 

Madankollu, fil-prattika tagħha l-Kummissjoni ssibha bi tqila ħafna tuża din id-dispożizzjoni kontra (allegatament) prezzijiet għolja mitluba minn impriżi dominanti. U bir-raġun, fil-fehma tiegħi. B’mod partikolari għaliex sempliċement ma hemmx ħtieġa li tiġi applikata din id-dispożizzjoni f’suq ħieles u kompetittiv: meta ma jkunx hemm ostakolu għad-dħul fis-suq, prezzijiet għola għandhom normalment jattiraw parteċipanti ġodda. Is-suq għandu, għal din ir-raġuni, jikkoreġi lilu nnifsu.

4. 

Madankollu, dan jista’ jkun differenti fi swieq b’ostakoli legali biex wieħed jidħol fihom u jespandi u, b’mod partikolari, f’dawk is-swieq li fihom ikun hemm monopolju legali. Tabilħaqq, jista’ jkun hemm swieq li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, ma jitmexxewx b’mod effiċjenti meta jinfetħu għall-kompetizzjoni. Bl-istess mod, gvern jista’ jkollu raġunijiet ta’ politika leġittimi biex jillimita l-kompetizzjoni f’suq speċifiku, u b’dan il-mod jissagrifika l-effiċjenza ekonomika sabiex isegwi għanijiet pubbliċi oħra.

5. 

Dan huwa preċiżament il-każ fil-kawża prinċipali.

6. 

Dan il-każ joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità li tikkjarifika l-kundizzjonijiet li taħthom l-impożizzjoni ta’ prezzijiet għolja minn impriża dominanti jistgħu jiksru l-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE. Fi kliem ieħor, dan il-każ huwa dwar prezzijiet iffissati minn impriżi dominanti li jistgħu jkunu abbużivi għar-raġuni li, minħabba li jkunu eċċessivament għolja, huma jisfruttaw lill-klijenti. Għal kuntrarju, din il-kawża ma hijiex dwar prezzijiet li jistgħu jkunu abbużivi minħabba l-effetti preklużivi fuq il-kompetituri.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.  Il-liġi Latvjana

7.

L-Artikolu 13(4) tal-Konkurences likums (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-kompetizzjoni”) għandu l-istess kliem tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

8.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra – Latvijas Autoru apvienība (iktar ’il quddiem l-“AKKA/LAA”), fil-kapaċità tagħha ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, toħroġ liċenzji għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet mużikali fil-pubbliku f’postijiet kummerċjali u f’ċentri ta’ servizzi. Ir-rati applikati għal tali liċenzji huma bbażati fuq id-daqs tal-postijiet. L-AKKA/LAA għandha monopolju legali fil-Latvja.

9.

Fl-2008 il-Konkurences padome (iktar ’il quddiem il-“Kunsill tal-Kompetizzjoni”, il-Latvja) impona multa fuq l-AKKA/LAA għal abbuż minn pożizzjoni dominanti, minħabba li din tal-aħħar kienet applikat rati eċċessivament għolja fir-rigward tar-remunerazzjoni għal awturi. L-ammont tal-multa imposta kien ikkalkolat b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, wara li tnaqqas dak li kien ġie ttrasferit lil awturi bħala remunerazzjoni.

10.

Sussegwentement, fl-2011, l-AKKA/LAA adottat rati ġodda għar-remunerazzjoni ta’ awturi, li fir-rigward tagħhom il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kien beda proċeduri fl-2012. Biex tevalwa jekk ir-rati kinux iġġustifikati din l-awtorità qabblithom kemm mar-rati applikabbli fil-pajjiżi ġirien, il-Litwanja u l-Estonja, li tqiesu relattivament simili għal-Latvja dwar xejriet ta’ konsum, ekonomija u prodott domestiku gross, u — bħala eżempju — mar-rati fi Stati Membri oħra, billi qieset indiċi tal-parità tal-kapaċità tal-akkwist ibbażat fuq il-prodott domestiku gross (iktar ’il quddiem l-“indiċi PPP”). Din l-awtorità aċċertat li r-rati tar-rikorrenti kienu kunsiderevolment ogħla (f’ċerti taqsimiet anki d-doppju) mir-rati fis-seħħ fiż-żewġ pajjiżi ġirien u fost l-ogħla fl-Unjoni, u kienu jaqbżu b’bejn 50 % u 100 % l-livell medju ta’ rati fl-Unjoni. Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni qies li dawk ir-rati, sa fejn kienu jeċċedu kunsiderevolment dawk stabbiliti fil-pajjiżi ġirien, ma kinux iġġustifikati u, barra minn dan, l-AKKA/LAA ma setgħetx tiġġustifikahom b’mod oġġettiv.

11.

Għaldaqstant, b’deċiżjoni tat-2 ta’ April 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kunsill tal-Kompetizzjoni ddikjara li l-imġiba tal-AKKA/LAA kienet tikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(4) tal-Liġi tal-kompetizzjoni u fil-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, u imponielha multa. Għall-kalkolu tal-multa huwa qies id-dħul mill-bejgħ tal-AKKA/LAA, iżda din id-darba inklużi s-somom miġbura fir-rigward tar-remunerazzjoni ta’ awturi li kienu tħallsu lil awturi. Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni indika li d-dħul mill-bejgħ ta’ entitajiet bħal soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandu, għall-finijiet tal-dritt tal-kompetizzjoni, ikun ikkalkolat skont l-istess prinċipji applikati għal kumpanniji b’kapital azzjonarju, biex jiġi ggarantit li d-determinazzjoni tal-multa ma tkunx differenti skont il-forma legali tal-operatur ekonomiku.

12.

B’sentenza tad-9 ta’ Frar 2015, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali, il-Latvja) parzjalment laqgħet it-talba: hija ddikjarat li l-konklużjoni li kienu ġew applikati rati għolja mingħajr ġustifikazzjoni kienet korretta, iżda annullat id-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-multa imposta u, abbażi tal-prinċipji ta’ legalità u ugwaljanza, ordnat lill-Kunsill tal-Kompetizzjoni jikkalkola mill-ġdid il-multa li kellha tkun imposta fuq l-AKKA/LAA, mingħajr ma jiġu inklużi mad-dħul mill-bejgħ is-somom miġbura fir-rigward tar-remunerazzjoni lil awturi. Kull parti appellat minn dik is-sentenza quddiem l-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja).

13.

Minħabba li kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

[Il-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE huwa applikabbli f’tilwima li tirrigwarda tariffi stabbiliti minn soċjetà nazzjonali għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur meta din is-soċjetà tiġbor ukoll ir-remunerazzjoni għal xogħlijiet ta’ awturi barranin u fejn it-tariffi li hija stabbiliet jistgħu jiskoraġġixxu l-użu tal-imsemmija xogħlijiet fl-Istat Membru kkonċernat?

(2)

Il-kunċett ta’ prezzijiet inġusti użat [fil-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi speċifikat fil-kuntest tal-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati permezz ta’ pparagunar tal-prezzijiet (tariffi) mal-prezzijiet (tariffi) applikabbli fis-swieq ġirien tas-suq ikkonċernat; dan l-ipparagunar huwa suffiċjenti u f’liema każijiet?

(3)

Il-kunċett ta’ prezzijiet inġusti użat [fil-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi speċifikat fil-kuntest tal-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati permezz tal-indiċi [PPP], li jirriżulta mill-prodott gross domestiku, u dan l-ipparagunar huwa suffiċjenti?

(4)

L-ipparagunar tat-tariffi għandu jsir fir-rigward ta’ kull taqsima tariffarja jew inkella fir-rigward tal-livell medju tat-tariffi?

(5)

Meta għandu jitqies li d-differenza bejn it-tariffi eżaminati għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ prezzijiet (tariffi) inġusti użat [fil-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE hija kunsiderevoli b’tali mod li l-operatur ekonomiku li jkollu pożizzjoni dominanti għandu juri li t-tariffi tiegħu huma ġusti?

(6)

Fil-kuntest tal-applikazzjoni [tal-punt] (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, liema informazzjoni tista’ tiġi raġonevolment mistennija mingħand l-operatur ekonomiku sabiex juri n-natura ġusta tat-tariffi tax-xogħol protett jekk il-prezz tal-kost tal-imsemmi xogħol ma jistax jiġi ddeterminat kif isir fil-każ ta’ prodotti materjali? Dawn huma biss l-ispejjeż amministrattivi tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur?

(7)

Fil-kuntest ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, mid-dħul mill-bejgħ tas-soċjetà għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandhom jiġu esklużi r-remunerazzjonijiet imħallsa lill-awturi mill-imsemmija soċjetà?”

14.

Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mill-AKKA/LAA, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Spanja, tal-Latvja u tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni. L-AKKA/LAA, il-Gvernijiet ta’ Spanja u tal-Latvja, kif ukoll il-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-8 ta’ Frar 2017.

III. L-analiżi

A.  Introduzzjoni

15.

Dan il-każ huwa bbażat fuq allegat abbuż li jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ prezzijiet inġusti skont il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE. Jidher, għalhekk, li jkun utli nfakkar fil-qosor il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni.

16.

Fil-kawża United Brands ( 2 ), kif ukoll f’diversi deċiżjonijiet li ġew wara ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li kienet kuntrarja għal dak li llum huwa l-Artikolu 102 TFUE l-applikazzjoni ta’ prezz li kien eċċessiv minħabba li ma kellu ebda rabta raġonevoli mal-valur ekonomiku tal-prodott ipprovdut. Għaldaqstant, prezzijiet “sproporzjonati” jew “eżorbitanti” biss jistgħu jiksru din id-dispożizzjoni ( 4 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet analiżi f’żewġ stadji għal dan l-għan.

17.

L-ewwel stadju tal-analiżi huwa li jiġi ddeterminat jekk ikunx hemm eċċess — jiġifieri differenza sinjifikattiva — bejn il-prezz attwalment mitlub mill-impriża dominanti fis-suq rilevanti u l-prezz li dik l-impriża kienet ipotetikament titlob kieku kien hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq (iktar ’il quddiem il-“prezz ta’ riferiment”) ( 5 ).

18.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li jista’ jkun hemm metodi differenti biex jiġi ddeterminat jekk il-prezz ikunx eċċessiv ( 6 ). Pereżempju, meta jkun possibbli u xieraq, jista’ jsir paragun bejn il-prezz tal-bejgħ u l-ispiża tal-produzzjoni ( 7 ). Dan il-metodu jidher li huwa bbażat fuq il-ħsieb li jkun hemm prezz massimu li jiggarantixxi marġni sodisfaċenti ( 8 ) fir-rigward ta’ spejjeż u li, lil hinn minn dan il-limitu, il-prezz mitlub minn impriża dominanti jkun eċċessiv ( 9 ). L-analiżi hija ffokata, għalhekk, fuq il-marġni (jew fuq il-livell ta’ profitt) tal-impriża dominanti fil-bejgħ tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni.

19.

F’każijiet oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet paragun bejn, minn naħa, il-prezz mitlub għall-prodott inkwistjoni mill-impriża dominanti u, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet mitluba fl-istess suq minn impriżi mhux dominanti (paragun bejn kompetituri) ( 10 ) jew mill-istess impriża dominanti fi stadji differenti matul iż-żmien (paragun ratione temporis) ( 11 ), jew il-prezzijiet mitluba fi swieq ġeografiċi oħra mill-istess impriża dominanti ( 12 ) jew minn impriżi oħra (paragun ġeografiku) ( 13 ). Il-ħsieb sottostanti huwa li jekk il-prodotti jew is-swieq ġeografiċi magħżula jkunu suffiċjentement omoġenji, paragun tal-prezzijiet jista’ jkun sinjifikattiv ( 14 ). Bl-istess mod, ix-xejriet tal-prezzijiet ta’ impriża tul iż-żmien jistgħu wkoll jagħtu ħjiel utli.

20.

Malli jkun aċċertat, permezz ta’ wieħed jew iktar minn dawn il-metodi, li tkun teżisti differenza sinjifikattiva bejn il-prezz attwalment mitlub mill-impriża dominanti u l-prezz ta’ riferiment, għandu jiġi ddeterminat sa fejn dak il-prezz attwali ma jkunx ġust, jew minnu nnifsu jew meta mqabbel ma’ prodotti kompetituri ( 15 ).

21.

It-tieni stadju tal-analiżi huwa li jiġi investigat jekk id-differenza fil-prezz tkunx biss ir-riżultat ta’ użu abbużiv ta’ saħħa fis-suq mill-impriża dominanti jew il-konsegwenza ta’ raġunijiet oħra leġittimi.

22.

Ikun biss jekk ma jkunx hemm ġustifikazzjoni valida għad-differenza bejn il-prezz ta’ riferiment u l-prezz attwali impost mill-impriża dominanti fuq il-klijenti tagħha, li prezz jista’ jitqies “inġust” skont it-tifsira tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

23.

Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat dan it-test ta’ żewġ stadji biex tiddetermina meta prezz ikun eċċessiv, u għalhekk inġust għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE, anki f’każijiet li kienu jirrigwardaw — bħal fil-kawża prinċipali — l-imġiba ta’ soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva. F’dawk il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “meta impriża li jkollha pożizzjoni dominanti timponi skali ta’ ħlasijiet għas-servizzi tagħha li jkunu kunsiderevolment ogħla minn dawk mitluba fi Stati Membri oħra u meta jkun sar paragun fuq bażi konsistenti dwar il-livelli tal-ħlasijiet, dik id-differenza għandha titqies li tkun qiegħda turi abbuż minn pożizzjoni dominanti. F’każ bħal dan hija l-impriża inkwistjoni li għandha tiġġustifika d-differenza b’riferiment għal dissimilaritajiet oġġettivi bejn is-sitwazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat u s-sitwazzjoni l-iktar komuni li teżisti fl-Istati Membri l-oħra.” ( 16 )

24.

Huwa f’dan il-kuntest li ser nanalizza l-kwistjonijiet legali mqanqla mill-qorti tar-rinviju.

B.  Fuq l-ewwel domanda

25.

Permezz tal-ewwel domanda l-Qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-imġiba ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li titqabbad tagħmel xogħol ta’ ġbir ta’ remunerazzjoni wkoll fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ awturi barranin tistax taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

26.

Mill-bidu nett, irrid infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni relatata ma’ effetti fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri li hemm fl-Artikoli 101 u 102 TFUE għandha tkun ibbażata fuq l-għan ta’ dik il-kundizzjoni, li huwa li jiġi ddefinit, fil-kuntest tal-liġi li tirregola l-kompetizzjoni, il-limitu bejn l-oqsma koperti rispettivament mid-dritt tal-Unjoni u mid-dritt tal-Istati Membri. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni jkopri kull ftehim jew kull prattika li tkun tista’ tikkostitwixxi theddida għal-libertà tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li tista’ tkun ta’ ħsara għall-kisba tal-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tintlaqat l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Sabiex ftehim, deċiżjoni jew prattika tkun tista’ titqies li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jkun possibbli jiġi previst bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, abbażi ta’ sett ta’ punti oġġettivi ta’ liġi jew ta’ fatt, li huma jkunu jistgħu jkollhom influwenza, diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq ix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jinħoloq tħassib li jista’ jfixkel il-kisba ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri ( 17 ).

27.

Dan espost, il-fatt biss li l-imġiba ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jkollha rabta biss mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti jew servizzi fi Stat Membru wieħed ma huwiex biżżejjed biex jeskludi l-possibbiltà li jiġi affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Tabilħaqq, tali mġiba jista’ jkollha l-effett li ssaħħaħ id-diviżjoni tas-swieq fuq bażi nazzjonali, u b’dan il-mod tostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika li t-Trattat huwa intiż li jwettaq ( 18 ).

28.

F’dan il-każ, kif il-qorti tar-rinviju nfisha tinnota, il-politika tal-iffissar tal-prezzijiet imwettqa mill-AKKA/LAA tirrigwarda wkoll xogħlijiet ta’ awturi barranin u, għalhekk, taffettwa t-tixrid ta’ dawn ix-xogħlijiet fil-Latvja. Minħabba li dan il-korp għandu monopolju legali, l-għażliet tiegħu dwar jekk, kif u b’liema prezz huwa jippermetti r-riproduzzjoni ta’ xogħlijiet protetti għandhom impatt inevitabbli kemm fuq ix-xejriet ta’ mġiba tal-konsumaturi fil-Latvja, kif ukoll fuq deċiżjonijiet ta’ proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur fir-rigward tas-suq ta’ dan il-pajjiż.

29.

Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement ikkonstatat li r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni japplikaw għall-attivitajiet ta’ soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva li jkunu jikkonsistu fl-għoti ta’ liċenzji għal xogħlijiet mużikali, minkejja l-fatt li dawk l-attivitajiet ikunu limitati għal Stat Membru wieħed biss ( 19 ).

30.

Il-fatt, imsemmi fid-digriet tar-rinviju, li fl-2013 il-Qorti Ġenerali ( 20 ) annullat parzjalment deċiżjoni tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni CISAC’) ( 21 ), adottata fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, li kienet indirizzata lil 24 soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva (inkluża l-AKKA/LAA), ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. Il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni CISAC minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ġabet provi, skont l-istandard legali meħtieġ, dwar l-eżistenza ta’ prattika miftehma bejn is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva. Ma hemm xejn fis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li jirrigwarda l-kwistjoni jekk l-imġiba tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva setgħetx taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

31.

Għandu, għalhekk, jiġi konkluż li l-imġiba ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li titqabbad tagħmel ix-xogħol ta’ ġbir ta’ remunerazzjoni anki fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ awturi barranin tista’, minkejja li tkun fi Stat Membru wieħed biss, taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

C.  Fuq it-tieni domanda

32.

Permezz tat-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fis-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, kienx xieraq u suffiċjenti li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tislet paragun bejn ir-rati fis-suq nazzjonali inkwistjoni u r-rati fis-swieq ġirien.

33.

It-tieni domanda tirrigwarda — l-istess bħat-tielet, ir-raba’ u l-ħames domanda — l-ewwel stadju tal-analiżi msemmija fil-punti 17 sa 19 iktar ’il fuq: l-evalwazzjoni ta’ jekk ikunx hemm eċċess bejn il-prezz attwalment mitlub mill-impriża dominanti fis-suq rilevanti u l-prezz ta’ riferiment. Infakkar li dan tal-aħħar huwa l-prezz li dik l-impriża kienet ipotetikament titlob li kieku kien hemm kompetizzjoni fis-suq.

34.

Evidentement, din it-tieni domanda hija l-qofol tal-kwistjonijiet imqajma f’dawn il-proċeduri minħabba li teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika liema metodi u kriterji għandhom ikunu applikati mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ riferiment. Qabel ma neżamina dan l-aspett fid-dettall, nerġa’ nfakkar li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-allegat iffissar inġust ta’ prezzijiet f’sitwazzjoni li tinvolvi monopolju legali.

1. Osservazzjonijiet preliminari

35.

Kif spjegajt fil-punti 18 u 19 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tħalli lill-awtoritajiet tal-Unjoni u nazzjonali tal-kompetizzjoni ċertu marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tiġi segwita biex jiġi ddeterminat prezz eċċessiv. Għar-raġunijiet li ġejjin, dan huwa, fil-fehma tiegħi, approċċ raġonevoli ħafna.

a) Ebda metodu jew test wieħed

36.

Jista’ jingħad kważi b’ċertezza, li fl-istadju attwali tal-ħsieb legali u ekonomiku, ma hemmx metodu, test jew sett ta’ kriterji wieħed li huwa ġeneralment aċċettat f’kitbiet dwar l-ekonomija jew fil-ġurisdizzjonijiet kollha għal dan l-għan. Awtoritajiet differenti, kif ukoll avukati u ekonomisti ssuġġerew għadd ta’ metodi ta’ analiżi (kif ukoll varjetà ta’ kriterji, testijiet jew “screens”) għal dan l-għan. Madankollu, bħala stat ta’ fatt, kull wieħed minn dawn il-metodi jikxef xi dgħjufija inerenti.

37.

L-ewwel nett, l-ebda wieħed minn dawn il-metodi ma jista’ jintuża fiċ-ċirkustanzi kollha, minħabba li l-fatt ta’ jekk humiex adatti (u, xi drabi, jekk jistgħux verament jiġu applikati) jiddependi ħafna mill-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull każ. Biex nagħti eżempju wieħed biss, paragun bejn spiża u prezz ma tantx għandu tifsira fir-rigward tal-provvista ta’ ċerti prodotti intanġibbli bħal — bħal fit-tilwima fil-kawża prinċipali — xogħlijiet mużikali protetti bid-drittijiet tal-awtur.

38.

It-tieni nett, l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettqu l-operazzjonijiet meħtieġa biex jiġi kkalkolat il-prezz ta’ riferiment tista’ tkun assenti jew inkompleta, jew ma jkunx hemm qbil dwar il-valur tagħha. Pereżempju, l-identifikazzjoni tal-ispejjeż u r-rabta tagħhom ma’ prodott partikolari hija kumplessa ħafna fit-tipi kważi kollha ta’ negozji u għal ħafna impriżi ( 22 ). Il-kalkolu ta’ marġnijiet ta’ profitti huwa, għalhekk, eżerċizzju daqsxejn inċert. Ma għandux jintesa li standards ta’ kontabbiltà u rati jistgħu jvarjaw minn industrija għal oħra u minn pajjiż għal ieħor, minħabba dispożizzjonijiet legali jew konvenzjonijiet ta’ kontabbiltà differenti, u, barra minn dan, huma mhux dejjem jirriflettu l-kunċetti ekonomiċi rilevanti ( 23 ).

39.

It-tielet nett, it-tqabbil ta’ prezzijiet bejn swieq ġeografiċi, kompetituri u perijodi ta’ żmien differenti wkoll jippreżenta riskji. Is-swieq rari huma tant omoġenji li jippermettu t-twettiq minnufih u awtomatikament ta’ paragun sinjifikattiv. Jista’ jkun meħtieġ għadd ta’ “aġġustamenti” fid-data li tirriżulta mis-suq/swieq użata bħala punt ta’ paragun qabel ma dik id-data tkun tista’ tintuża biex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ riferiment.

40.

Qabelxejn, sa issa f’dak li jirrigwarda l-paraguni ġeografiċi, elementi bħal — biex insemmi ftit — taxxi domestiċi, il-karatteristiċi partikolari tas-suq nazzjonali tax-xogħol u l-preferenzi tal-konsumaturi lokali jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet finali tal-prodott jew tas-servizz rilevanti ( 24 ). Fir-rigward ta’ paraguni bejn kompetituri, ma għandux jintesa li differenzi fil-prezzijiet jistgħu sempliċement jirriflettu kwalitajiet differenti: prodott li jkun jiswa iktar jista’ oġġettivament ikun (jew jista’ sempliċement jitqies li jkun) ta’ kwalità superjuri.

41.

Fl-aħħar nett, dwar paraguni tul iż-żmien, wieħed għandu jiftakar il-fatt li bidliet fil-fatturi li jistgħu jaffettwaw il-prezz aħħari ta’ prodott jew servizz jistgħu jseħħu pjuttost malajr fis-suq. Dawn il-fatturi jistgħu jkunu dwar strateġiji leġittimi fin-negozju (pereżempju, impriża tista’ tiddeċiedi li tipprova tippenetra suq ġdid u, għal xi żmien, titlob prezz baxx ħafna, u b’dan il-mod taċċetta marġni minimi); żieda fl-ispejjeż (minħabba fatturi esterni bħal bidliet f’tassazzjoni lokali jew fi spejjeż ta’ self, jew minħabba deċiżjonijiet fin-negozju tal-impriża nfisha bħal għażliet dwar kampanji ta’ reklamar jew riċerka u żvilupp); jew anki l-preferenzi tal-konsumaturi (pereżempju, tibdiliet fil-mod kif jitqies prodott mill-klijenti bi tweġiba għal strateġija ġdida ta’ kummerċjalizzazzjoni). Dawn il-fatturi kollha jistgħu jwasslu (is-soltu b’mod leġittimu) għal bidliet f’daqqa u sinjifikattivi fil-prezzijiet.

42.

Minħabba dawn il-limitazzjonijiet, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-ekonomisti ġeneralment jaqblu li l-eżerċizzju li jikkonsisti fl-iffissar tal-prezz ta’ riferiment f’każ fejn possibbilment qed jintalbu prezzijiet eċċessivi jimplika riskju għoli li jirriżulta kemm fl-iżbalji tat-tip I (jiġifieri pożittivi foloz: prezz jitqies b’mod żbaljat li jkun ogħla mill-prezz kompetittiv), kif ukoll fl-iżbalji tat-tip II (jiġifieri negattivi foloz: prezz jitqies b’mod żbaljat li ma jkunx ogħla mill-prezz kompetittiv) ( 25 ).

b) Taħlita ta’ metodi differenti

43.

Għalhekk, fl-assenza ta’ test komprensiv u minħabba l-limitazzjonijiet inerenti fil-metodi kollha eżistenti, fil-fehma tiegħi, huwa kruċjali li biex jiġi evitat (jew, b’mod iktar korrett, ikun imminimizzat) ir-riskju ta’ żbalji, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jagħmlu li jistgħu biex jeżaminaw każ billi jgħaqqdu flimkien diversi metodi fost dawk li huma aċċettati fil-ħsieb ekonomiku standard u li jidhru adatti u disponibbli fis-sitwazzjoni speċifika. Jidhirli li dawk il-metodi li hemm fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (u li ġew esposti fil-punti 18 u 19 iktar ’il fuq) jistgħu jaqdu dan l-għan ( 26 ).

44.

L-għażla li jingħaqqdu diversi metodi huwa, fil-fatt, l-approċċ segwit minn għadd ta’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni mad-dinja kollha: pereżempju, l-Office of Fair Trading (OFT) tar-Renju Unit għamel hekk fil-każ Napp ( 27 ). Hija wkoll konsistenti ma’ suġġerimenti magħmula f’fora ta’ diskussjoni internazzjonali ta’ dawk l-awtoritajiet ( 28 ), kif ukoll f’kitbiet kontemporanji dwar l-ekonomija ( 29 ).

45.

Huwa minnu li tali approċċ ġie kkritikat minħabba li l-applikazzjoni flimkien ta’ diversi metodoloġiji impreċiżi, anki meta jipproduċu riżultati konsistenti reċiprokament, tista’ ma twassalx għal konklużjoni iktar affidabbli ( 30 ). Bla dubju, id-dgħjufijiet ta’ metodu wieħed ma jissewwewx neċessarjament billi jiġi applikat metodu li jkun daqstant dgħajjef. Madankollu, jekk il-metodi jiġu applikati b’mod indipendenti minn xulxin, limitazzjoni partikolari inerenti għal wieħed minnhom ma taffettwax ir-riżultati miksuba bl-użu ta’ metodi oħra. Għaldaqstant, sakemm il-metodoloġiji użati ma jkunux, minnhom infushom, difettużi, u jkunu kollha applikati b’rigorożità u oġġettività, il-konverġenza ta’ riżultati tista’ titqies bħala indikatur ta’ eventwali prezz ta’ riferiment f’każ partikolari.

c) Indikaturi addizzjonali

46.

Dan espost, jista’ jkun hemm każijiet li fihom wieħed biss minn dawk il-metodi gad-determinazzjoni tal-prezz ta’ riferiment jista’ jkun disponibbli jew adatt. F’dawk il-każijiet, naħseb li jkun tal-ikbar importanza li l-awtorità tqis indikaturi oħra li jkunu jistgħu jikkorroboraw jew, għall-kuntrarju, jixħtu dubju fuq ir-riżultat ta’ dak il-metodu.

47.

Dawn li ġejjin jidhirli li huma indikaturi rilevanti.

48.

L-ewwel nett, prezz ma jistax b’faċilità jiġi ffissat f’livell sinjifikattivament ogħla mil-livell kompetittiv fejn is-suq ma jkunx protett b’ostakoli għad-dħul u għall-espansjoni kunsiderevoli. Xorta oħra, kif imsemmi iktar ’il fuq, is-suq għandu, bħala prinċipju, ikun jista’ jikkoreġi lilu nnifsu fi żmien qasir u medju: prezzijiet għolja għandhom normalment jattiraw kompetituri ġodda fis-suq jew jinkoraġġixxu kompetituri li jkunu diġà fih biex jespandu. Din hija r-raġuni għaliex — kif għidt fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet — jiena konvint li prezzijiet inġusti skont l-Artikolu 102 TFUE jistgħu jeżistu biss fi swieq irregolati, fejn l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw xi għamla ta’ kontroll fuq il-forzi ta’ provvista u, konsegwentement, il-kamp ta’ kompetizzjoni ħielsa u miftuħa jiċkien. Ovvjament, iktar ma l-ostakoli maħluqa mil-leġiżlatura jkunu għolja u twal, iktar ikun possibbli li impriża dominanti teżerċita s-saħħa tagħha fis-suq.

49.

It-tieni nett, huwa inqas probabbli li jkun hemm prezz li b’mod sinjifikattiv ikun eċċessivament ogħla minn prezz kompetittiv fi swieq fejn ikun hemm regolatur settorjali li l-kompitu tiegħu jkun, inter alia, li jiffissa jew jikkontrolla l-prezzijiet mitluba mill-impriżi attivi f’dak is-settur. Awtoritajiet settorjali huma evidentement mgħammra aħjar minn awtoritajiet tal-kompetizzjoni biex jissorveljaw prezzijiet u, jekk ikun meħtieġ, jaġixxu biex jirrimedjaw abbużi li jista’ jkun hemm ( 31 ). Għalhekk jidher li ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni f’dawk is-sitwazzjonijiet għandu jkun limitat prinċipalment għal każijiet ta’ żbalji jew, b’mod iktar ġenerali, għal każijiet ta’ nuqqasijiet regolatorji każijiet fejn l-awtorità settorjali kien missha intervjeniet u bi żball naqset milli tagħmel hekk.

50.

It-tielet nett, huwa evidenti li impriża li jkollha s-saħħa fis-suq tkun inqas kapaċi tuża b’mod vantaġġuż il-pożizzjoni tagħha meta tkun qiegħda tinnegozja ma’ xerrejja b’saħħithom. Biex nagħti eżempju, fir-rigward tal-liċenzji għall-użu ta’ xogħlijiet mużikali protetti bid-drittijiet tal-awtur, il-pożizzjoni f’negozjati ta’ ħwienet żgħar aktarx li tkun differenti minn dik ta’ bażijiet internazzjonali (bħal Spotify) jew ta’ gruppi ta’ impriżi kbar u sofistikati (bħal dawk ewlenin ta’ Hollywood). Id-daqs u s-saħħa finanzjarja ta’ impriża (jew ta’ grupp ta’ impriżi) jistgħu, tabilħaqq, ikollhom piż sinjifikattiv fin-negozjati. Madankollu, kemm il-prodotti liċenzjati jikkostitwixxu kontribut importanti (jew anki indispensabbli) għan-negozju tal-klijenti jista’ wkoll ikun ta’ importanza kbira f’dan il-kuntest.

51.

Ovvjament, jista’ jkun hemm fatturi oħra li jistgħu jkunu rilevanti, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

d) Caveat

52.

Biex nikkonkludi dwar dan il-punt, jidher li huwa importanti li nagħmel iż-żewġ osservazzjonijiet li ġejjin. L-ewwel, infakkar li hija l-awtorità tal-kompetizzjoni li għandha tipprova ksur ta’ regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 32 ). It-tieni, hija ġurisprudenza stabbilita li prinċipju bħall-preżunzjoni ta’ innoċenza japplika għal impriżi investigati għal eventwali ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 33 ).

53.

Minn dan joħroġ, fil-fehma tiegħi, li nuqqas ta’ data ta’ min joqgħod fuqha jew il-kumplessità tal-operazzjonijiet involuti biex ikun ikkalkolat il-prezz ta’ riferiment (jew biex ikun ikkorroborat) ma tistax tiġġustifika analiżi inkompleta, superfiċjali u dubjuża minn awtorità tal-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, diffikultajiet li awtorità tista’ tiltaqa’ magħhom meta tkun qiegħda twettaq evalwazzjoni ma jistgħux ikunu ta’ ħsara għall-impriża li tkun qiegħda tiġi investigata.

54.

Irrispettivament mis-sitwazzjoni speċifika f’każ partikolari, il-metodu/i applikati u l-indikatur/i l-oħra eżaminati għandhom jagħtu lill-awtorità sett ta’ elementi sħiħ u affidabbli biżżejjed li jindika l-istess direzzjoni waħda: l-eżistenza ta’ differenza ( 34 ) bejn il-prezz ta’ riferiment (ipotetiku) u l-prezz (attwali) applikat mill-impriża dominanti inkwistjoni.

55.

Huwa f’dan il-kuntest li ser neżamina l-aspetti speċifiċi tal-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2. Dan il-każ

56.

Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni ddeċieda li jqabbel ir-rati applikati mill-AKKA/LAA ma’ dawk applikati minn korpi simili fi swieq ġeografiċi oħra. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dak il-metodu kienx, f’dan il-każ, xieraq u suffiċjenti.

a)  L-adegwatezza tal-metodu

57.

Kif imsemmi fil-punti 19 u 23 iktar ’il fuq, il-metodu tal-paragun ġeografiku ġie — bħala prinċipju — irrikonoxxut bħala validu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn dan, kien approvat f’każijiet li kienu preċiżament dwar l-imġiba ta’ soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva.

58.

Għalhekk, naqbel mal-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Spanja, tal-Latvja u tal-Pajjiżi l-Baxxi u mal-Kummissjoni li paragun ġeografiku bejn il-prezzijiet mitluba għall-istess servizz minn korpi differenti fi Stati Membri differenti jista’, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ( 35 ), ikun metodu xieraq biex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ riferiment għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE.

59.

Ovvjament, dan huwa minnu biss jekk l-awtorità tkun applikat il-metodu b’mod korrett.

b) Il-korrettezza tal-metodu

60.

Il-kwistjoni ta’ jekk metodu partikolari jkunx ġie applikat b’mod korrett f’każ speċifiku evidentement hija waħda li, bħala prinċipju, għandha tiġi deċiża mill-qorti kompetenti nazzjonali. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, meta jkun possibbli, tagħti gwida lil dawn il-qrati biex huma jkunu jistgħu jinterpretaw u japplikaw l-Artikolu 102 TFUE sewwa u b’mod konsistenti.

61.

Dwar dan jiena tal-fehma li awtorità għandha, l-ewwel nett, tagħżel l-Istati Membri ta’ riferiment skont kriterji oġġettivi, xierqa u verifikabbli.

62.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni għażel il-pajjiżi ġirien tal-Litwanja u tal-Estonja minħabba li huma relattivament simili għal-Latvja dwar xejriet ta’ konsum, ekonomija u l-ġid taċ-ċittadini (prodott domestiku gross) u huma jaqsmu wkoll l-istess wirt storiku u kulturali.

63.

Kuntrarjament għal dak li esprimiet l-AKKA/LAA, insib li dawn il-kriterji huma oġġettivi u verifikabbli. Barra minn dan, jidhru rilevanti sa fejn huma intiżi li jiżguraw li s-swieq ikunu omoġenji kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll minn dik tal-provvista. Huwa tabilħaqq kruċjali, f’dan il-kuntest, li jitqiesu ż-żewġ fatturi li ġejjin li, fl-opinjoni tiegħi, jistgħu jaffettwaw il-valur ekonomiku tas-servizz mogħti mill-AKKA/LAA: (i) il-kapaċità u r-rieda tal-klijenti tal-AKKA/LAA li jħallsu għas-servizz li jkunu rċevew; u (ii) il-benefiċċju ekonomiku li l-klijenti tal-AKKA/LAA jistgħu jieħdu minn dak is-servizz meta, imbagħad, huma jipprovdu prodotti jew servizzi lill-klijenti tagħhom stess.

64.

Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-allegati similaritajiet bejn il-Latvja minn naħa, u Litwanja u l-Estonja min-naħa l-oħra, huma reali u tassew rilevanti għall-analiżi magħmula mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni.

65.

Huwa importanti li dik il-qorti tiżgura wkoll li ebda Stat Membru ieħor, minkejja li ma jkunx pajjiż ġar ( 36 ), ma jkun jissodisfa l-kriterji adottati mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, kif sottomess mill-Gvern Ġermaniż, l-Augstākā tiesa (qorti suprema) għandha wkoll tivverifika li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma jkunx eskluda pajjiżi b’mod arbitrarju jew, saħansitra agħar, minħabba li huma jkunu pproduċew data li ma kinitx “tajba” għall-każ tiegħu.

66.

Dwar dan, il-qorti tar-rinviju tindika li, fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkunsidra wkoll, bħala eżempju, ir-rati applikati fi Stati Membri oħra (kemm individwalment kif ukoll biex jikkalkola l-medja tal-Unjoni), billi qies l-indiċi PPP ibbażat fuq il-prodott domestiku gross. Ir-riżultati ta’ dik l-analiżi jidhru li jikkonfermaw il-konklużjonijiet milħuqa wara li kienu eżaminati s-swieq tal-Litwanja u tal-Estonja.

67.

Dak “it-tkabbir” tal-grupp ta’ pajjiżi li magħhom ġie pparagunat is-suq Latvjan huwa tal-ikbar importanza. Paragun limitat għal żewġ pajjiżi biss — ikunu kemm ikunu omoġenji mal-Latvja — jista’ ma jipprovdix riżultati affidabbli. Tabilħaqq, kif l-AKKA/LAA tinnota, kull fattur atipiku li jista’ jkun hemm f’xi wieħed jew ieħor minn dawn iż-żewġt iswieq ikollu effett partikolarment sinjifikattiv fuq il-kalkoli magħmula mill-awtorità tal-kompetizzjoni. Fil-fehma tiegħi, il-kampjun ta’ pajjiżi għal paragun għandu jkun wiesa’ kemm jista’ jkun ( 37 ).

68.

Dan espost, għandha titqies kull differenza sinjifikattiva bejn l-Istat Membru rilevanti u l-Istati Membri l-oħra magħżula għall-paragun. Kif imsemmi iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq għamlitha ċara li paragun bejn pajjiżi jkun possibbli jekk isir fuq bażi konsistenti. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk tivverifika li jkunu saru l-aġġustamenti meħtieġa, biex tittieħed inkunsiderazzjoni d-differenzi li jkun hemm bejn il-pajjiżi differenti.

c) Is-suffiċjenza tal-metodu

69.

L-aħħar kwistjoni li għandha tiġi eżaminata sabiex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju hija jekk il-metodu tal-paragun ġeografiku li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni mexa fuqu kienx suffiċjenti għall-finijiet li jkun stabbilit il-prezz ta’ riferiment.

70.

Għal darba oħra, din hija kwistjoni li, bħala prinċipju, għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali. Madankollu, biex il-qorti tar-rinviju tingħata gwida, irrid ninnota dan li ġej.

71.

Il-qorti tar-rinviju għandha, l-ewwel nett, tivverifika jekk setgħux ukoll jintużaw metodi alternattivi biex jiġi stabbilit il-prezz ta’ riferiment, flimkien mal-paragun ġeografiku. Bla ħsara għal verifika mill-qorti nazzjonali, l-impressjoni tiegħi hija li, probabbilment, ċerti metodi oħra setgħu ma kinux disponibbli jew adatti.

72.

L-ewwel nett, fis-sitwazzjoni li kienet is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata jidher li huwa impossibbli li ssir analiżi ta’ spiża u prezz (kemm hija l-ispiża ta’ kompożizzjoni ta’ xogħol mużikali?) ( 38 ).

73.

F’dan il-kuntest, madankollu, nosserva li l-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi jissuġġerixxi tip differenti ta’ analiżi li tiffoka minflok fuq ir-remunerazzjoni li, bis-saħħa tat-tariffi applikati mill-AKKA/LAA, l-awturi tax-xogħlijiet liċenzjati attwalment jirċievu. Fil-fatt, hemm dispożizzjonijiet f’għadd ta’ direttivi tal-Unjoni preċiżament dwar ir-remunerazzjoni li detenturi tad-drittijiet tal-awtur għandhom jirċievu għall-isfruttament tax-xogħlijiet tagħhom.

74.

L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 92/100/KEE ( 39 ), pereżempju, jgħid li l-utenti għandhom iħallsu lid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur “ħlas ekwu” jekk jużaw fonogramm ippubblikat għal għanijiet kummerċjali, jew riproduzzjoni ta’ tali fonogramm, għal xandir b’mezzi mingħajr fili jew għal kull komunikazzjoni lill-pubbliku. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kunċett ta’ “ħlas ekwu” bħala wieħed li bih “ikun jista’ jinkiseb bilanċ xieraq bejn l-interessi ta’ artisti tal-ispettaklu u ta’ produtturi li jiksbu remunerazzjoni għax-xandir ta’ fonogramm partikolari, u l-interessi ta’ partijiet terzi li jkunu jistgħu jxandru l-fonogramm b’termini li jkunu raġonevoli”. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li l-kwistjoni ta’ jekk il-ħlas ikunx ekwu “għandha tkun evalwata, b’mod partikolari, fid-dawl tal-valur ta’ dak l-użu fil-kummerċ.” ( 40 )

75.

Barra minn dan, l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2014/26/UE ( 41 ) li huwa dwar ħruġ ta’ liċenzji minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv, jipprevedi li “id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom” ( 42 ). Għalkemm id-Direttiva 2014/26 ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali ratione temporis, hija tista’, madankollu, tkun rilevanti minħabba li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni xierqa” jidher li huwa simili għal dak ta’ “ħlas ekwu” li hemm fid-Direttiva 92/100. Fil-fehma tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tariffi li jwasslu għal remunerazzjoni li tkun ekwa jew xierqa ma jistgħux jitqiesu abbużivi skont l-Artikolu 102 TFUE.

76.

L-approċċ tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi effettivament jidher attraenti: jekk prezzijiet inġusti huma dawk li eċċessivament jisfruttaw klijenti għall-benefiċċju tal-impriżi dominanti, jista’ jkun loġiku li jitqies li tariffi li ma jiksbux bilanċ ġust bejn l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u dawk tal-klijenti jistgħu jkunu jmorru kontra l-Artikolu 102 TFUE. L-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Kanal 5 jidher, tabilħaqq, li jsostni xi ftit din il-pożizzjoni ( 43 ).

77.

Dan espost, għandi dubji dwar jekk l-oqfsa legali stabbiliti mid-Direttivi 92/100 u 2014/26, minn naħa, u mill-Artikolu 102 TFUE min-naħa l-oħra, jikkoinċidux kompletament: dawn għandhom għanijiet differenti u huma relatati ma’ loġika differenti. Id-direttivi, inter alia, ifittxu li jiżguraw li awturi u artisti tal-ispettaklu jirċievu dħul finanzjarju adegwat għal iktar xogħol kreattiv u artistiku ( 44 ). Għall-kuntrarju, l-Artikolu 102 TFUE jfittex li jiżgura li impriżi f’pożizzjoni dominanti (inklużi soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva) ma jabbużawx mis-saħħa tagħhom fis-suq.

78.

F’kull każ, mhux ċert jekk kunċetti bħal remunerazzjoni “ekwa” jew “xierqa” jistgħux ikunu ta’ għajnuna kbira għal awtorità tal-kompetizzjoni. Jidhirli li dawn huma daqstant vagi daqs il-kunċetti ta’ prezzijiet “eċċessivi” jew “inġusti”.

79.

It-tieni nett, minħabba li l-AKKA/LAA għandha monopolju legali, ma hemmx servizzi simili offruti minn impriżi kompetituri fil-Latvja li jistgħu jintużaw bħala paragun. Barra minn dan, l-AKKA/LAA ma toperax barra mil-Latvja. Fir-rigward ta’ paraguni ta’ tariffi applikati mill-AKKA/LAA tul perijodi differenti, ma huwiex ċar jekk dawn setgħux jagħtu punti utli ta’ riferiment minħabba li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni kien diġà sab li kien hemm tariffi eċċessivament għolja fl-imgħoddi.

80.

Dan espost, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk kienx hemm metodi oħra disponibbli u adatti, biex jiġi stabbilit il-prezz ta’ riferiment, li teoretikament setgħu jintużaw flimkien mal-paragun bejn Stati Membri differenti. Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk ir-riżultati li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni kien wasal għalihom dwar ir-rati ta’ riferiment kinux ikkorroborati minn indikaturi addizzjonali.

3. Risposta għat-tieni domanda

81.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda tkun kif ġej: f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun jixraq, bħala prinċipju, li jinsilet paragun bejn ir-rati fis-suq inkwistjoni u r-rati fi swieq oħra. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk dak il-paragun ikunx twettaq b’mod korrett, minn naħa, u b’mod suffiċjenti, min-naħa l-oħra.

D.  Fuq it-tielet domanda

82.

Permezz tat-tielet domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex xieraq u suffiċjenti li jintuża l-indiċi PPP meta jitqabblu r-rati mitluba minn soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva differenti.

83.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li meta qabbel ir-rati applikati mill-AKKA/LAA fil-Latvja ma’ dawk applikati fi dsatax-il Stat Membru ieħor (jiġifieri l-Istati Membri minbarra l-pajjiżi ġirien), il-Kunsill tal-Kompetizzjoni uża l-indiċi PPP biex “jikkoreġi” dawk ir-rati.

84.

Mill-bidu nett irrid nerġa’ nfakkar li, fil-kawża Tournier u Lucazeau, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li paragun ġeografiku tar-rati jista’ jkun possibbli sakemm isir “fuq bażi konsistenti” ( 45 ). Fil-fehma tiegħi, il-konsistenza ta’ paragun teħtieġ mhux biss li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni jkunu l-istess jew simili ħafna, iżda wkoll li l-kuntest ekonomiku li fih dawk il-prodotti u s-servizzi jingħataw għandu jkun b’mod ġenerali simili.

85.

Madankollu, ma hemmx dubju li, fl-Unjoni, jeżistu differenzi sinjifikattivi fil-livelli tal-prezzijiet, jiġifieri li għall-istess prodotti jew servizz iċ-ċittadini jħallsu prezzijiet differenti f’diversi pajjiżi. Anki meta pajjiżi jużaw l-istess munita, il-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi tista’ tvarja.

86.

Din hija r-raġuni għaliex, f’konformità mas-sottomissjonijiet magħmula mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, ta’ Spanja, tal-Latvja u tal-Pajjiżi l-Baxxi, jiena wkoll jidhirli li l-indiċi PPP jista’ jkun strument utli biex jiġi żgurat li l-paragun tar-rati applikati għall-istess servizz f’pajjiżi differenti jsir fuq bażi omoġenja.

87.

Fil-fatt, indiċi PPP jintuża komunement fi studji ekonomiċi — inkluż minn korpi bħall-Eurostat, l-OECD jew il-Bank Dinji — meta jkollu jsir paragun bejn diversi pajjiżi dwar, pereżempju, standards ta’ għajxien. Għal dan l-għan, rati PPP ta’ kambju ta’ valuta jiġu applikati biex indikaturi ekonomiċi jinqalbu minn valuta nazzjonali f’valuta komuni artifiċjali msejħa Standard tal-Kapaċità tal-Akkwist (SKA), u dan ixejjen id-differenzi fil-kapaċità tal-akkwist ta’ valuti nazzjonali differenti u jippermetti li jsiru paraguni sinjifikattivi bejn pajjiżi. Dawn l-operazzjonijiet, għalhekk, jippermettu l-aġġustament ta’ data li għandha tiġi pparagunata, skont il-livelli differenti ta’ prezzijiet li jkun hemm fid-diversi pajjiżi.

88.

L-AKKA/LAA u l-Kummissjoni, madankollu, joġġezzjonaw li tali strument jista’ jkun utli biss għal dik il-parti tar-rati li tinżamm mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva, u mhux għall-parti tar-rati li tikkostitwixxi r-remunerazzjoni tas-sidien tad-drittijiet tal-awtur.

89.

Jiena ma naqbilx.

90.

Ma humiex biss l-ispejjeż tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li huma affettwati mis-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż fejn hija topera. Il-kapaċità u, sa ċertu punt, ir-rieda murija mill-klijenti tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva (f’dan il-każ tal-ħwienet) li jħallsu u, imbagħad, mill-klijenti ta’ dawn tal-aħħar (f’dan il-każ il-klijenti tal-ħwienet) huma influwenzati wkoll mill-istandard ta’ għajxien taċ-ċittadini u mill-kapaċità tal-akkwist tagħhom. Fi kliem sempliċi ħafna, jekk EUR 1 f’pajjiż ma jkunx ugwali għal EUR 1 f’pajjiż ieħor, dan japplika irrispettivament minn jekk dawn il-flus imorrux biex jiffinanzjaw l-ispejjeż tas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva jew biex jingħataw bħala remunerazzjoni lil awturi. Wara kollox, jekk l-għan ewlieni tal-analiżi jkun li jiġi identifikat il-valur ekonomiku ta’ tranżazzjoni partikolari, din l-analiżi ma tistax issir in abstracto, iżda għandha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ekonomiku u finanzjarju li fih isseħħ it-tranżazzjoni.

91.

L-użu tal-indiċi PPP jista’, għalhekk, ikun strument utli biex jiġu analizzati, kollha kemm huma, ir-rati applikati minn soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva. Ma huwiex meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-komponenti differenti ta’ dawn ir-rati.

92.

Għaldaqstant, nikkonkludi li, sa fejn awtorità tidħol biex tagħmel paragun ġeografiku tar-rati applikati minn diversi soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika differenti tal-pajjiżi li fihom dawk is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva joperaw. Fil-fehma tiegħi, l-użu ta’ indiċi PPP huwa strument adatt għal dan l-għan.

93.

Il-kwistjoni ta’ jekk dak l-istrument huwiex suffiċjenti tiddependi, madankollu, fuq jekk ikunux ittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatturi l-oħra li jistgħu jaffettwaw il-prezz finali ta’ prodott jew servizz f’pajjiż partikolari. Tabilħaqq, jista’ jkun hemm fatturi oħra — uħud li ma jkunux makroekonomiċi — li jistgħu jaffettwaw l-istruttura tad-domanda f’pajjiż. B’mod partikolari, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jidhirli li l-kwistjoni ta’ jekk u sa fejn klijenti tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva (pereżempju, il-ħwienet) f’pajjiż partikolari jkunu kapaċi jżidu l-attivitajiet tan-negozju tagħhom permezz tar-riproduzzjoni pubblika ta’ mużika fil-bini tagħhom, hija importanti f’dan ir-rigward.

94.

F’kull każ, dawn huma fatturi li jistgħu jiġu eżaminati wkoll fit-tieni stadju tal-analiżi legali stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, ser nindirizza din il-kwistjoni meta niġi biex neżamina s-sitt domanda preliminari.

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-użu ta’ indiċi PPP jista’ jkun xieraq meta jiġu pparagunati r-rati mitluba minn soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva differenti. Il-kwistjoni ta’ jekk dan l-istrument huwiex suffiċjenti tiddependi fuq jekk jittiħdux inkunsiderazzjoni wkoll il-fatturi l-oħra li jistgħu jaffettwaw il-prezz finali ta’ prodott jew servizz f’pajjiż partikolari.

E.  Fuq ir-raba’ domanda

96.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-paragun tar-rati mitluba minn soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva differenti għandux isir għal kull taqsima separata tas-suq, jew b’rabta mal-livell medju tar-rati.

97.

Ir-risposta għal din id-domanda hija, fil-fehma tiegħi, pjuttost sempliċi.

98.

Il-kwistjoni ta’ jekk imġiba ta’ impriża waħda jew iktar tiksirx l-Artikoli 101 jew 102 TFUE għandha tiġi ddeterminata billi jkun eżaminat is-suq rilevanti.

99.

Għalhekk, jekk nassumu li kull taqsima separata tas-suq (jiġifieri kategorija ta’ utenti stabbilita abbażi tas-superfiċi użata kummerċjalment) tkun suq rilevanti ta’ prodott għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE — hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan — għandu jsir paragun tar-rati mitluba minn soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva differenti għal kull taqsima separata tas-suq.

F.  Fuq il-ħames domanda

100.

Permezz tal-ħames domanda tagħha l-Qorti tar-rinviju titlob gwida dwar iċ-ċirkustanzi li fihom differenza fil-prezz tkun tista’ titqies eċċessiva skont il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

101.

Mill-bidu nett ejjew nibdew billi niftakru fir-raġuni ekonomika għall-abbuż permezz ta’ prezzijiet inġusti: meta impriża dominanti tapplika prezzijiet ogħla mil-livelli kompetittivi, ikun hemm allokazzjoni ineffiċjenti ta’ riżorsi u l-ġid tal-konsumatur jonqos (parti mill-ġid jgħaddi għal għand il-kumpannija dominanti, filwaqt li parti sempliċement tintilef). Għaldaqstant, mill-aspett teoretiku, kull devjazzjoni mill-prezz kompetittiv f’suq regolat tista’ tiġġustifika intervent mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. Tabilħaqq, kull differenza bejn il-prezz ta’ riferiment u l-prezz attwali timplika ċertu telf għall-ġid tal-konsumatur li ma kienx iseħħ kieku s-suq kien kompetittiv.

102.

Madankollu, għal awtorità tal-kompetizzjoni, tali approċċ la jkun realistiku u lanqas rakkomandabbli.

103.

L-ewwel nett, kif kien spjegat fil-punti 36 sa 42 iktar ’il fuq, il-kalkolu ta’ prezz ta’ riferiment huwa eżerċizzju pjuttost kumpless u inċert. Kieku awtorità tal-kompetizzjoni kellha tintervjeni fir-rigward ta’ kull differenza — tkun kemm tkun żgħira — bejn dawn iż-żewġ prezzijiet, ir-riskju li jkun hemm pożittivi foloz sempliċement ikun għoli wisq. Dan huwa problematiku mhux biss minħabba li tista’ tiġi imposta multa kbira fuq l-impriża responsabbli, iżda wkoll minħabba li mġiba newtrali — jew possibbilment favur il-kompetizzjoni — tista’ tiġi pprojbita. F’dan ir-rigward, ġie sottomess korrettament li żbalji tat-tip I f’deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni li jikkonċernaw imġiba unilaterali jinvolvu spiża ħafna ikbar għas-soċjetà minn żbalji tat-tip II: “is-sistema ekonomika tikkoreġi monopolji b’mod iktar faċli milli tikkoreġi żbalji ġudizzjarji […]. Prattika ladarba kkundannata aktarx li tibqa’ kkundannata, ikunu xi jkunu l-benefiċċji tagħha. Iżda prattika monopolistika skużata ħażin xi darba ċċedi għall-kompetizzjoni, minħabba li l-prezzijiet ogħla ta’ min ikollu monopolju jattiraw rivalità.” ( 46 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]

104.

It-tieni nett, minħabba dawn id-diffikultajiet u inċertezzi, għandu jkun irrikonoxxut ukoll li ta’ sikwit jista’ jkun diffiċli li impriża dominanti tistma minn qabel, bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà, fejn tista’ tinġibed il-linja bejn prezz kompetittiv leġittimu u prezz eċċessiv ipprojbit. Għalhekk, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dan il-limitu ma jistax jiġi ffissat qrib wisq il-prezz ta’ riferiment.

105.

It-tielet nett, approċċ strett ikun jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni essenzjalment isiru regolaturi tal-prezzijiet li għandhom kontinwament jimmonitorjaw, u jintervjenu fi swieq (potenzjalment kollha) regolati. Evidentement, b’kuntrast għal awtoritajiet settorjali, awtoritajiet tal-kompetizzjoni la għandhom ir-riżorsi u lanqas il-kompetenza biex jagħmlu dan ( 47 ). Barra minn dan, it-telf għall-ġid tal-konsumatur jista’ xi drabi jkun żgħir u ma jkunx jiġġustifika intervent kumpless, li jieħu ż-żmien u ta’ spiża mill-awtoritajiet pubbliċi. Tabilħaqq, il-mod kif il-konsumaturi jirreaġixxu għal żieda fil-prezzijiet ivarja ħafna minn suq għal suq, u lanqas min ikollu monopolju ma jista’ jiffissa prezzijiet indipendentement mill-klijenti tiegħu ( 48 ). Għalhekk, il-livell ta’ ħsara li ssir għall-ġid tal-konsumatur bi prezzijiet għolja jista’ jvarja.

106.

Huwa għal din ir-raġuni — skont l-approċċ adottat mill-awtoritajiet rilevanti u mill-qrati, kemm fil-livell tal-Unjoni, kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, u kif issuġġerit f’kitbiet dwar l-ekonomija — li jiena tal-fehma li prezz jista’ jiġi kkwalifikat bħala eċċessiv skont l-Artikolu 102 TFUE biss jekk jitħarsu żewġ kundizzjonijiet: għandu jkunu ogħla b’mod sinjifikattiv u persistenti mill-prezz ta’ riferiment.

107.

Dwar l-ewwel aspett, irrid nenfasizza li skont l-Artikolu 102 TFUE huma biss devjazzjonijiet importanti li għandhom jitqiesu rilevanti u mhux kull differenza fil-prezz. Dan l-approċċ kien approvat espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja: pereżempju, fil-kawżi Tournier u Lucazeau, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għal skali ta’ ħlasijiet “notevolment ogħla” minn dawk li magħhom ġew ipparagunati. Din l-opinjoni hija sostnuta b’mod ġenerali f’kitbiet dwar l-ekonomija ( 49 ).

108.

Dwar it-tieni aspett, il-fatt li l-prezz ta’ prodott jew servizz partikolari kull tant żmien ikun ogħla mill-prezz ta’ riferiment huwa, fil-fehma tiegħi, ta’ ftit rilevanza. L-eżistenza ta’ perijodi ta’ prezzijiet għolja flimkien ma’ perijodi ta’ prezzijiet baxxi, hija meqjusa, f’kitbiet dwar l-ekonomija, “konsistenti ma’ suq kompetittiv li qed jaħdem sewwa” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 50 ). Għalhekk, prezz li jvarja kontinwament u li jkun biss minn żmien għal ieħor ogħla mil-livelli kompetittivi, ma huwiex probabbli, fil-fehma tiegħi, li jqanqal tħassib serju dwar il-kompetizzjoni. Ikun biss meta prezz jibqa’ (jew ikun ripetutament) ogħla mill-prezz ta’ riferiment għal perijodu sustanzjali ta’ żmien li dak il-prezz jista’ jkun abbużiv skont l-Artikolu 102 TFUE. Dan l-approċċ huwa sostnut fil-kawża General Motors ( 51 ).

109.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha iktar ’il fuq iqanqlu l-mistoqsija: kemm għandha tkun sinjifikattiva u persistenti din id-differenza biex tiġġustifika intervent skont l-Artikolu 102 TFUE?

110.

Din bl-ebda mod ma hija mistoqsija ħafifa biex titwieġeb. Il-ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tagħtix gwida preċiża ħafna dwar din il-kwistjoni. Lanqas ma jistgħu jinstabu xejriet ċari fil-prattika ta’ awtoritajiet nazzjonali jew fil-letteratura dwar l-ekonomija ( 52 ).

111.

Dan assolutament ma huwa ta’ ebda sorpriża. Tabilħaqq, kif il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jissottomettu, huwa impossibbli li jiġu stabbiliti, a priori u in abstracto, limiti preċiżi li jistgħu jkunu applikati għaċ-ċirkustanzi kollha. Differenza partikolari fil-prezz tista’ ftit jew wisq tkun sinjifikattiva, skont l-Artikolu 102 TFUE, u dan ikun jiddependi mill-prodott jew mis-servizz inkwistjoni u mill-karatteristiċi tas-suq.

112.

Dwar dan il-punt, inżid biss iż-żewġ kunsiderazzjonijiet li ġejjin. Minn naħa, awtorità għandha tintervjeni, skont l-Artikolu 102 TFUE, biss meta tħossha ċerta li, irrispettivament mil-limitazzjonijiet u l-inċertezzi b’rabta mal-kalkolu tal-prezz ta’ riferiment, id-differenza bejn dan il-prezz u l-prezz attwali tant tkun kbira li kważi ma jibqa’ ebda dubju dwar in-natura abbużiva ta’ dan tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, iktar ma tkun sinjifikattiva d-differenza bejn il-prezz ta’ riferiment u l-prezz attwali, u iktar ma jkun twil il-perijodu li fih dak il-prezz għoli jkun applikat, għandu jkun iktar faċli għal awtorità li terfa’ l-oneru tal-prova ( 53 ).

113.

Ir-risposta għall-ħames domanda għandha, għalhekk, tkun kif ġej: huma biss il-prezzijiet li jkunu ogħla b’mod sinjifikattiv u persistenti mill-prezz ta’ riferiment li jistgħu jitqiesu li jiksru l-Artikolu 102 TFUE.

G.  Fuq is-sitt domanda

114.

Permezz tas-sitt domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi kif soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tista’ tipprova n-natura ġusta tar-rati mitluba.

115.

Essenzjalment din id-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti iktar spjegazzjonijiet dwar it-tieni stadju tal-analiżi legali meħtieġa skont il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE.

116.

Kif intqal iktar ’il fuq, il-fatt li hemm eċċess — anki wieħed sustanzjali — bejn il-prezz ta’ riferiment u l-prezz attwali ma huwiex biżżejjed biex dak il-prezz jitqies awtomatikament inġust skont l-Artikolu 102 TFUE, jew f’kull każ li jiġġustifika intervent skont din id-dispożizzjoni.

117.

Prezzijiet għolja normalment ma humiex abbużivi per se. Għall-kuntrarju, huma jaqdu funzjoni importanti fil-proċess kompetittiv. Kif il-qorti suprema tal-Istati Uniti qalet fil-kawża Trinko: “sempliċement […] li jkollhom jitħallsu prezzijiet ta’ monopolju mhux biss ma huwiex illegali; iżda talli huwa element importanti tas-sistema ta’ suq ħieles. L-opportunità li jinżammu prezzijiet ta’ monopolju — għall-inqas għal perijodu qasir — hija dik li, fl-ewwel lok, tattira “dehen fin-negozju”; tqanqal biex jittieħdu riskji li jipproduċu innovazzjoni u tkabbir ekonomiku. Biex jitħares l-inċentiv għall-innovazzjoni, il-pussess ta’ setgħa ta’ monopolju ma jirriżultax li huwa illegali sakemm ma jkollux miegħu element ta’ mġiba kontra l-kompetizzjoni” ( 54 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

118.

Il-fokus ta’ dan it-tieni stadju tal-analiżi għandu, għalhekk, ikun fuq l-imġiba tal-impriża dominanti u l-motivi ekonomiċi tagħha. B’mod partikolari, ir-raġunijiet oġġettivi tal-politika tagħha ta’ ffissar ta’ prezzijiet huma rilevanti ħafna.

119.

Fil-kawża United Brands u f’ġurisprudenza sussegwenti l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li prezz jista’ ma jkunx ġust jew “minnu nnifsu jew meta mqabbel ma’ prodotti kompetituri” ( 55 ).

120.

Liema huma r-raġunijiet għal dawk il-kundizzjonijiet alternattivi? ( 56 )

1. Prezz inġust minnu nnifsu

121.

L-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet (prezz inġust minnu nnifsu) hija intiża tkopri dawk id-drabi li fihom il-kwistjoni ta’ jekk prezz huwiex inġust tista’ tiġi ddeterminata mingħajr il-ħtieġa li jsir xi paragun ma’ prodotti simili jew ma’ prodotti kompetituri. Il-prezz partikolarment għoli minnu nnifsu juri l-abbuż.

122.

Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ prezzijiet li jintalbu mingħand klijenti li, madankollu, ma jirċievu ebda prodott jew servizz għalihom. Pereżempju, fil-kawża Merci Convenzionali Porto di Genova, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset bħala inkompatibbli ma’ (dak li llum huwa) l-Artikolu 102 TFUE leġiżlazzjoni nazzjonali li tqanqal lil impriża li kienet ingħatat drittijiet speċjali biex, inter alia, teżiġi ħlas għal servizzi li ma kinux intalbu ( 57 ). Bl-istess mod, fil-kawża Grüne Punkt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet ikkonstatat li s-setgħa ta’ impriża dominanti li titlob ħlasijiet mingħand l-imsieħba kuntrattwali tagħha għal servizzi li hija ma kinitx ipprovdiet kienet kisret dak li llum huwa l-Artikolu 102 TFUE ( 58 ).

123.

Jista’ wkoll ikun il-każ ta’ sitwazzjoni li fiha impriża dominanti tiffissa prezz partikolarment għoli minħabba li, fir-realtà, hija ma tkunx interessata tbigħ il-prodott jew is-servizz inkwistjoni iżda jkun fi ħsiebha ssegwi għan differenti, antikompetittiv. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġi nnotata fil-kawżi General Motors u British Leyland ( 59 ). F’dawk il-kawżi l-impriżi f’pożizzjoni dominanti (manifatturi ta’ vetturi) kienu ffissaw prezzijiet għolja ħafna biex jagħmlu spezzjonijiet tekniċi u joħorġu ċertifikati ta’ konformità. Ir-raġuni kienet — kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha — li l-manifatturi tal-vetturi xtaqu jrażżnu l-importazzjonijiet paralleli għar-Renju Unit billi jinnewtralizzaw il-livell iktar favorevoli ta’ prezzijiet li kienu japplikaw f’oqsma oħra ta’ dik li qabel kienet il-Komunità. Evidentement ma kienx hemm rabta raġonevoli bejn il-prezzijiet mitluba mill-manifatturi tal-vetturi u l-kwantità u l-kwalità tas-servizzi pprovduti lil importaturi.

2. Prezz inġust meta mqabbel ma’ prodotti kompetituri

124.

It-tieni waħda minn dawk il-kundizzjonijiet (prezz inġust meta mqabbel ma’ prodotti kompetituri) sikwit hija “kontroll razzjonali” tal-evalwazzjoni magħmula fir-rigward tal-prezz ta’ riferiment: seta’ kien hemm fatturi rilevanti li jew ma ttiħdux inkunsiderazzjoni f’dak il-kuntest, jew li ma kinux tqiesu apposta minħabba li ma setgħux jiġu kkwantifikati faċilment f’termini finanzjarji.

125.

Tabilħaqq, jista’ jkun hemm varjetà ta’ raġunijiet — possibbilment leġittimi — għaliex impriża titlob prezz għal prodott jew servizz partikolari li jkun ogħla mill-prezz li jkun ġie kkalkolat mill-awtorità bħala li jkun il-prezz kompetittiv (ipotetiku). Dan ifisser li, anki jekk is-suq kellu jkun kompetittiv, il-prezz applikat mill-impriża dominanti jista’ possibbilment jkun għadu ma jaqbilx mal-prezz ta’ riferiment, peress li l-prodotti jew is-servizzi tagħha jkollhom valur ekonomiku ogħla.

126.

Dawn ir-raġunijiet għal prezz ogħla jistgħu jkunu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tas-servizz inkwistjoni, iżda jistgħu jirrigwardaw ukoll id-domanda ta’ klijenti għal dak il-prodott jew servizz.

127.

Dwar l-ewwel aspett, irrid nenfasizza li l-ispejjeż ta’ impriża dominanti biex tipproduċi u tikkummerċjalizza l-prodott jew is-servizz tagħha inkwistjoni jistgħu jkunu ogħla minn dawk ta’ impriżi oħra, li ma jkunux dominanti jew li joperaw fi swieq ta’ prodotti jew ġeografiċi oħra. Awtorità għandha tqis mhux biss spejjeż diretti u indiretti ta’ produzzjoni għall-prodott jew għas-servizz inkwistjoni u l-ispiża kapitali, iżda wkoll kull tip ta’ spiża ġenerali (inklużi, pereżempju, reklamar, riċerka u żvilupp, u affarijiet oħra) ( 60 ). Anki jekk impriża dominanti sempliċement ma tkunx tista’ tiġġustifika l-prezzijiet ogħla tagħha possibbilment minħabba struttura ta’ nfiq ineffiċjenti jew mhux ekonomika ( 61 ), l-ispejjeż attwali li jkunu saru minn dik l-impriża ovvjament ikunu ta’ importanza kruċjali f’dan ir-rigward. Ċerti tipi ta’ spejjeż li impriża partikolari tkun għamlet jistgħu ma jkunux evidenti mill-ewwel jew li faċilment ikunu saru għal provvista ta’ prodott jew servizz partikolari (pereżempju, riċerka jew żvilupp abortivi) ( 62 ), iżda li, madankollu, ma jkunux jistgħu ma jitqisux. Approċċ differenti jkun jinvolvi riskju serju li l-investiment u l-iżvilupp jiġu skoraġġuti.

128.

F’dak li jirrigwarda t-tieni aspett, irrid ninnota li l-valur ekonomiku tal-prodotti jew tas-servizz mogħti minn impriża dominanti jista’, f’għajn il-klijenti, jidher li jkun ogħla mill-prezz ta’ riferiment. Hawn ukoll, jista’ jkun hemm varjetà ta’ raġunijiet għal dan, pereżempju, il-prodotti jew is-servizz inkwistjoni jista’ jkun (jew jidher biss li jkun, forsi minħabba raġunijiet relatati ma’ spejjeż ta’ reklamar jew investiment għal marka) ta’ kwalità superjuri. Xi karatteristiċi tal-prodott jew tas-servizz jistgħu jitqiesu bħala partikolarment ta’ siwi mill-klijenti (jew minn ċerti gruppi ta’ klijenti), minkejja l-fatt li ma jkunux riflessi min-naħa ta’ spiża. F’dawn il-każijiet, il-benefiċċji jew il-vantaġġi addizzjonali mogħtija lil klijenti jkunu jiġġustifikaw evalwazzjoni pożittiva dwar l-ispejjeż ( 63 ). F’dan il-kuntest, ninnota li l-prattika tal-Kummissjoni tidher li ssegwi dan l-approċċ ( 64 ).

129.

Dan espost, irrid inżid li, f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni ewlenija jidher li hija kif ġej: id-domanda għal liċenzji minn klijenti tal-AKKA/LAA bħalma huma l-ħwienet jew impriżi oħra simili hija funzjoni diretta tal-benefiċċji ekonomiċi li huma jistgħu jieħdu minn dawn il-liċenzji. Għaldaqstant, rati ogħla fil-Latvja jistgħu jkunu ġġustifikati jekk jiġi ppruvat li l-benefiċċji li l-klijenti tal-AKKA/LAA jieħdu minn riproduzzjoni mużikali jkunu ikbar minn dawk li jieħdu l-istess tip ta’ klijenti f’pajjiżi oħra. Pereżempju, ma jistax jiġi eskluż li, minħabba xejriet differenti fix-xiri u fi tradizzjonijiet kulturali, ħwienet u attivitajiet kummerċjali oħra f’xi pajjiżi jistgħu jżidu n-negozju tagħhom iktar minn f’pajjiżi oħra minħabba l-eżekuzzjoni fil-pubbliku ta’ mużika fil-bini tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-valur ekonomiku tal-liċenzji mogħtija mis-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva naturalment ikun ogħla fil-pajjiżi tal-ewwel milli f’dawk tat-tieni.

130.

Nirrikonoxxi li aspett bħal dan ma jistax jiġi investigat faċilment. Din hija r-raġuni għaliex indikaturi oħra (bħall-kapaċità tal-akkwist taċ-ċittadini u l-prodott domestiku gross tal-pajjiżi) ta’ sikwit jintużaw biex jiġi stabbilit jekk u sa fejn żewġ pajjiżi jew iktar huma paragunabbli mill-aspett tas-sitwazzjoni ekonomika.

131.

Bħala konklużjoni, ikun biss meta ma tkun tista’ tinstab ebda spjegazzjoni ekonomika razzjonali —– għajr il-kapaċità u r-rieda biss li tintuża s-setgħa tas-suq anki meta tkun abbużiva — għall-prezz għoli mitlub minn impriża dominanti li dak il-prezz ikun jista’ jiġi kkwalifikat bħala abbużiv skont l-Artikolu 102 TFUE.

3. L-oneru tal-prova

132.

Qabel ma nikkonkludi dwar din il-materja, hemm punt aħħari li jixraqlu xi ftit tal-attenzjoni. L-analiżi f’żewġ stadji stabbilita fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ksur tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE wkoll għandu aspett proċedurali.

133.

Tabilħaqq, kif imsemmi fil-punt 23 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament qalet li, ladarba prezz jinsab li jkun ogħla mill-prezz ta’ riferiment, hija l-impriża inkwistjoni li jkollha tiġġustifika d-differenza b’riferiment għal dissimilaritajiet oġġettivi bejn il-prodotti jew is-servizzi pparagunati ( 65 ).

134.

Din id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-fehma tiegħi, tinqara fil-kuntest ta’ linja stabbilita sewwa ta’ ġurisprudenza li tgħid li, għalkemm hija l-awtorità li għandha l-oneru li tipprova li kienu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa biex jinstab ksur tal-Artikolu 102 TFUE ( 66 ), l-impriżi dominanti għandu jkollhom il-possibbiltà li juru ġustifikazzjoni oġġettiva għall-imġiba tagħhom ( 67 ).

135.

Għalhekk, ladarba awtorità tkun irreġistrat eċċess bejn il-prezz attwali u l-prezz ta’ riferiment, hija l-impriża dominanti inkwistjoni li għandha tipprovdi lill-awtorità b’ġustifikazzjonijiet li jista’ jkollha għall-prezz ogħla (reali jew apparenti).

136.

Dan huwa raġonevoli: l-awtorità investigattiva ta’ sikwit ma jkollhiex l-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa biex jiġi evalwat jekk prezz li jkun jidher ogħla mill-prezz kompetittiv ma jkunx realment jirrifletti biss il-valur ogħla tat-tranżazzjoni sottostanti. Tali informazzjoni tista’ tikkonċerna, inter alia, l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriża dominanti, il-politika tagħha dwar l-iffissar ta’ prezzijiet, l-istruttura tad-domanda fis-suq rilevanti, u affarijiet oħra.

137.

L-awtorità għandha b’attenzjoni u b’mod imparzjali tinvestiga l-fatturi indikati mill-impriża inkwistjoni, qabel ma tiddeċiedi jekk il-prezz setax ikun inġust.

138.

F’dan il-każ, ifisser li, l-ewwel nett, kien il-Kunsill tal-Kompetizzjoni li kellu juri, sal-istandard legali meħtieġ, li r-rati applikati mill-AKKA/LAA kienu b’mod sinjifikattiv ogħla mill-prezz kompetittiv. Għal dan l-għan dik l-awtorità kien jeħtiġilha tqis, matul investigazzjoni oġġettiva u bir-reqqa, il-fatti rilevanti kollha biex tiddetermina l-prezz ta’ riferiment korrett.

139.

Kien imbagħad għall-AKKA/LAA li turi n-natura ġusta tar-rati applikati, minkejja l-fatt li kienu ogħla mill-prezz ta’ riferiment stabbiliti mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni. AKKA/LAA setgħet, pereżempju, tindika fatturi rilevanti li bi żball il-Kunsill tal-Kompetizzjoni ma kienx ħa inkunsiderazzjoni meta kkalkola l-prezz ta’ riferiment; jew f’kull każ turi li l-valur ekonomiku tas-servizz mogħti lill-klijenti tagħha kien ogħla minn dak mogħti minn korpi simili fi Stati Membri oħra.

140.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għas-sitt domanda tkun fis-sens li impriża dominanti tista’ tipprova n-natura ġusta tal-prezzijiet mitluba abbażi, b’mod partikolari, ta’ spejjeż ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ogħla, jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ valur ekonomiku ogħla tal-prodott jew tas-servizz ipprovdut.

H.  Fuq is-seba’ domanda

141.

Permezz tas-seba’ domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-multa li għandha tiġi imposta fuq soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva ghal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ir-remunerazzjoni mħallsa lil awturi għandhiex tkun eskluża mid-dħul mill-bejgħ ta’ dan il-korp.

142.

Dwar dan il-punt naqbel mal-Gvern Spanjol u mal-Kummissjoni: ma nara ebda raġuni għaliex ir-remunerazzjoni mħallsa lil awturi għandha tkun eskluża mid-dħul mill-bejgħ li jittieħed bħala bażi għall-kalkolu tal-multa imposta fuq soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

143.

F’għadd ta’ sentenzi, u wkoll reċentement fil-kawża OSA ( 68 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom jitqiesu bħala impriżi għall-finijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għal dawn l-impriżi it-“total ta’ valur tal-bejgħ” — li jissemma, inter alia, fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fil-Linji gwida tal-Kummissjoni ( 69 ) — jinkludi l-parti tar-rati li tikkorrispondi għar-remunerazzjoni ta’ awturi. Huwa irrilevanti li din il-parti mbagħad titħallas lil awturi. F’dan is-sens, ir-remunerazzjoni mħallsa lil awturi tista’ titqies bħala kap ta’ “spiża” għas-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva.

144.

Wara kollox, jekk id-dħul mill-bejgħ rilevanti kellu jitqies li huwa limitat biss għall-parti tal-introjti li s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva tista’ żżomm, il-multa tkun ta’ ammont relattivament baxx. Dan jista’ jqanqal dubji dwar jekk din il-multa tkunx ta’ deterrent biżżejjed, proporzjonat fid-dawl tal-ħsara magħmula lill-konsumaturi, u jekk tkunx ġusta meta mqabbla mal-multi imposti fuq impriżi oħra li jkunu kisru regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

IV. Konklużjoni

145.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi rrinvjati għal deċiżjoni preliminari mill-Augstākā tiesa (qorti suprema, il-Latvja) tkun kif ġej:

l-imġiba ta’ soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li titqabbad tagħmel xogħol ta’ ġbir ta’ remunerazzjoni ukoll fir-rigward ta’ xogħlijiet ta’ awturi barranin tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 102 TFUE;

f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkun xieraq, bħala prinċipju, li jinsilet paragun bejn ir-rati fis-suq inkwistjoni u r-rati fi swieq oħra. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk dak il-paragun ikunx twettaq b’mod korrett, minn naħa, u b’mod suffiċjenti, min-naħa l-oħra;

meta jitqabblu rati mitluba minn soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva differenti, jista’ jkun xieraq li jintuża indiċi ta’ parità tal-kapaċità tal-akkwist ibbażat fuq il-prodott domestiku gross; il-kwistjoni ta’ jekk dan l-istrument huwiex suffiċjenti tiddependi fuq jekk jittiħdux inkunsiderazzjoni wkoll il-fatturi l-oħra li jistgħu jaffettwaw il-prezz finali ta’ prodott jew servizz f’pajjiż partikolari;

paragun tar-rati mitluba minn soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva differenti għandu jsir għal kull suq rilevanti;

huma biss il-prezzijiet li jkunu ogħla b’mod sinjifikattiv u persistenti mill-prezz ta’ riferiment li jistgħu jitqiesu eċċessivi;

impriża dominanti tista’ tipprova n-natura ġusta tal-prezzijiet mitluba abbażi, b’mod partikolari, ta’ spejjeż ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni ogħla, jew, b’mod iktar ġenerali, ta’ valur ekonomiku ogħla tal-prodott jew tas-servizz ipprovdut;

għall-finijiet tal-istabbiliment tal-multa li għandha tiġi imposta fuq soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ir-remunerazzjoni mħallsa lil awturi ma għandhiex tkun eskluża mid-dħul mill-bejgħ ta’ dan il-korp.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22 (iktar ’il quddiem “United Brands”).

( 3 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, GT-Link, C‑242/95, EU:C:1997:376, punt 39.

( 4 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Centre d’insémination de la Crespelle, C‑323/93, EU:C:1994:368, punti 1921.

( 5 ) Ara, dwar dan, United Brands, punt 249.

( 6 ) United Brands, punt 253.

( 7 ) Ara, b’mod partikolari United Brands, punt 251.

( 8 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, EU:C:1989:140, punt 43.

( 9 ) Ara, pereżempju, Motta, M., de Streel, A., “Excessive Pricing in Competition Law: Never say Never?”, The Pros and Cons of High Prices, Konkurrensverket (Swedish Competition Authority), Kalmar, 2007, p. 33.

( 10 ) Ara, inter alia, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co., 24/67, EU:C:1968:11; u tal-5 ta’ Ottubru 1988, CIRCA u Maxicar, 53/87, EU:C:1988:472.

( 11 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1975, General Motors Continental vs Il‑Kummissjoni, 26/75, EU:C:1975:150; u tal-11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il-Kummissjoni, 226/84, EU:C:1986:421.

( 12 ) Ibid.

( 13 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 1971, Deutsche Grammophon Gesellschaft, 78/70, EU:C:1971:59; u tal-4 ta’ Mejju 1988, Bodson, 30/87, EU:C:1988:225.

( 14 ) Ara, dwar dan, Organisation for Economic Co-operation and Development, Roundtables on Competition Policy, ‘Excessive Prices’, 2012, (DAF/COMP(2011)18) (iktar ’il quddiem ir-“Rapport OECD”), p. 70.

( 15 ) United Brands, punti 249 sa 253. Ara wkoll id-digriet tal-25 ta’ Marzu 2009, Scippacercola u Terezakis vs Il-Kummissjoni, C‑159/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:188, punt 47.

( 16 ) Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1989, Tournier, 395/87, EU:C:1989:319 (iktar ’il quddiem “Tournier”), punt 38; u tat-13 ta’ Lulju 1989, Lucazeau et, 110/88, 241/88 u 242/88, EU:C:1989:326 (iktar ’il quddiem “Lucazeau”), punt 25.

( 17 ) Ara s-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni, C‑407/04 P, EU:C:2007:53, punti 8990 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 18 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C‑49/07, EU:C:2008:376, punt 42.

( 19 ) Ara, pereżempju, Tournier u Lucazeau. Ara wkoll is-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 1979, Greenwich film production, 22/79, EU:C:1979:245, punti 11 sa 13; u tat-2 ta’ Marzu 1983, GVL vs Il-Kummissjoni, 7/82, EU:C:1983:52, punti 37 sa 39.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ April 2013, Autortiesību un komunicēšanās konsultāciju aģentūra/Latvijas Autoru apvienība vs Il-Kummissjoni, T‑414/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:174.

( 21 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3435 finali, tas-16 ta’ Lulju 2008, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (Kawża COMP/C2/38.698– CISAC).

( 22 ) Iddeskrivejt fil-qosor ftit minn dawn il-kwistjonijiet li jsemmi Wahl, N., “Exploitative high prices and European competition law — a personal reflection”, Konkurrensverket, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 71 u 72.

( 23 ) Ara Edwards, J., Kay, J., Mayer, C., The Economic Analysis of Accounting Profitability, Clarendon Press, 1987.

( 24 ) Ara, pereżempju, O’Donoghue, R., Padilla, A.J., The Law and Economics of Article 82 EC, 2nd ed., Hart Publishing, 2013, p. 617.

( 25 ) Ara r-Rapport OECD, p. 10 u 26 sa 28.

( 26 ) Ovvjament, jista’ jkun hemm oħrajn, iżda ma kinux diskussi f’dawn il-proċeduri u, għalhekk, mhux ser neżaminahom f’dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Fl-appell, dan l-approċċ kien ukoll approvat mill-Competition Appeal Tribunal tar-Renju Unit; ara s-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2002 fil-kawża Napp Pharmaceutical Holdings Limited and Subsidiaries vs Director General of Fair Trading [2002] CAT 1, punti 56 sa 69 u 390 sa 405.

( 28 ) Ara r-Rapport OECD, p. 12.

( 29 ) Ara Röller, L.H., “Exploitative Abuses”, f’Ehlermann, Marquis (eds), European Competition Law Annual 2007: A Reformed approach to Article 82, Hart Publishing, Oxford, 2008, p. 525 sa 532; u Motta, de Streel, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 367 et seq.

( 30 ) Ara, pereżempju, Evans, D.S., Padilla, J.A., “Excessive Prices: Using Economics to Define Administrable Legal Rules”, Journal of Competition Law and Economics, 2005, p. 109.

( 31 ) Ara, pereżempju, Geradin, D., Layne-Farrar, A., Petit, N., EU Competition Law and Economics, Oxford University Press, Oxford, 2012, p. 270 u referenzi oħra.

( 32 ) Ara l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) u United Brands, punt 264. Nerġa’ niġi għal din il-kwistjoni iktar ’il quddiem fil-punti 132 sa 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et, C-74/14, EU:C:2016:42, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 34 ) Biex inkun preċiż, l-eżistenza ta’ differenza sinjifikattiva u persistenti, kif ser jiġi spjegat fl-analiżi tal-ħames domanda preliminari magħmula (punti 101 sa 113).

( 35 ) Nassumi li r-repertorji li persuni liċenzjati fil-pajjiżi differenti jingħataw aċċess għalihom ikunu simili. Dan huwa fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

( 36 ) Kemm pajjiż ikun qrib ġeografikament ma jidhirlix li huwa ta’ valur partikolari minnu nnifsu. Dan il-fattur ikun ta’ valur biss sa fejn jaffettwa elementi li huma rilevanti għall-analiżi, bħal, pereżempju, ix-xejriet jew il-preferenzi tal-konsumaturi jew l-istruttura tas-swieq.

( 37 ) Jekk qiegħed nifhem sewwa, fil-pajjiżi kollha (jew kważi kollha) magħżula għall-paragun fid-deċiżjoni kkontestata, hemm monopolju legali simili għal dak tal-Latvja. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li, anki f’dawn il-pajjiżi, ir-rati applikati mis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jistgħu jkunu ogħla mill-prezz kompetittiv. Ovvjament, dan ikollu effett fuq il-prezz ta’ riferiment ikkalkolat mill-awtorità. Madankollu, jekk xejn, din l-imperfezzjoni tad-data użata mill-awtorità tiffavorixxi l-impriża li tkun qiegħda tiġi investigata: il-prezz ta’ riferiment ikun ogħla mill-prezz kompetittiv.

( 38 ) Ara iktar ’il fuq il-punt 37. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Tournier, 395/87, EU:C:1989:215, punt 53.

( 39 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 1992, dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 120).

( 40 ) Sentenza tas-6 ta’ Frar 2003, SENA, C‑245/00, EU:C:2003:68, punti 3637.

( 41 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2014, dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014 L 84, p. 72).

( 42 ) Din id-dispożizzjoni tirrifletti wkoll il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 102 TFUE meta żżid li “Tariffi għal drittijiet esklussivi u għal drittijiet ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward ta’, inter alia, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz provdut mill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawk it-tariffi’ (enfasi miżjuda).

( 43 ) Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Kanal 5 u TV 4, C‑52/07, EU:C:2008:703.

( 44 ) Ara l-premessa 7 tad-Direttiva 92/100 u l-premessi 1 u 31 tad-Direttiva 2014/26.

( 45 ) Ara Tournier, punt 38; u Lucazeau, punt 25.

( 46 ) Easterbrook, F.H., “The limits of antitrust”, Texas Law Review, 1984, p. 15.

( 47 ) Tabilħaqq, sikwit jiġi argumentat li t-twaqqif ta’ awtorità settorjali jew l-adozzjoni ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet jistgħu jkunu modi iktar effettivi biex ikunu evitati prezzijiet eċċessivi f’suq. B’mod iktar ġenerali, huwa meqjus li l-iktar rimedju effettiv kontra l-iffissar ta’ prezzijiet eċċessivi jista’ jkun li l-leġiżlatura tintervjeni ex ante biex jitneħħew l-ostakli legali li jostakolaw il-kompetizzjoni normali, milli li tittieħed azzjoni ex post biex tiġi infurzata l-konformità.

( 48 ) Ara, Fletcher A., Jardine, A., “Toward an Appropriate Policy for Excessive Pricing”, f’Ehlermann, C.D., Marquis, M. (eds.), European Competition Law Annual 2007: A Reformed Approach to Article 82, Hart Publishing, 2007, p. 536.

( 49 ) Ara, pereżempju, Paulis, E., “Article 82 EC and Exploitative Conduct”, f’Ehlermann, C.D., Marquis, M. (eds.), iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 48.

( 50 ) Ara, Lyons B., “The Paradox of the Exclusion of Exploitative Abuse”, f’Konkurrensverket, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 74.

( 51 ) Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1975, General Motors Continental vs Il‑Kummissjoni, 26/75, EU:C:1975:150, punti 16 sa 20.

( 52 ) Għal riferimenti għall-kawżi fl-Istati Membri tal-Unjoni, ara Williams, M., “Excessive Pricing”, f’Konkurrensverket, iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, p. 152 u 153; u O’Donoghue, R., Padilla, A.J. iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, p. 619-621.

( 53 ) Ara Paulis, E., iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 49.

( 54 ) Sentenza tal-qorti suprema tal-Istati Uniti fil-kawża Verizon Communications Inc. vs Law Offices of Curtis V. Trinko, LLP (02-682) 540 U.S. 398 (2004) (enfasi fl-oriġinal). Għalkemm il-kuntest li fih kienu saru dawn id-dikjarazzjonijiet huwa differenti minn dak tal-kawża prinċipali, il-valur tagħhom jibqa’, fil-fehma tiegħi, ġeneralment validu.

( 55 ) Iktar ’il fuq punt 20.

( 56 ) Fir-rigward tan-natura alternattiva ta’ dawk il-kundizzjonijiet, ara d-digriet tal-25 ta’ Marzu 2009, Scippacercola u Terezakis vs Il-Kummissjoni, C‑159/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:188, punt 47.

( 57 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali Porto di Genova, C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 19.

( 58 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C‑385/07 P, EU:C:2009:456, punti 141 sa 147.

( 59 ) Sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1975, General Motors Continental vs Il‑Kummissjoni, 26/75, EU:C:1975:150; u tal-11 ta’ Novembru 1986, British Leyland vs Il-Kummissjoni, 226/84, EU:C:1986:421.

( 60 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, 66/86, EU:C:1989:140, punt 43, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża CIRCA u Maxicar, 53/87, EU:C:1988:330, punt 62.

( 61 ) Ara, dwar dan, Lucazeau, punti 28 u 29.

( 62 ) Ara, Korah, V., An Introductory Guide to EC Competition Law and Practice, 6th ed., Hart Publishing, 1999, p. 114; u Bishop, S., Walker, M., The Economics of EC Competition Law, 3rd ed., Sweet & Maxwell, 2010, p. 238.

( 63 ) Ara r-Rapport OECD, p. 57.

( 64 ) Ara, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża COMP/A.36.568/D3, Scandlines Sverige AB vs Port of Helsingborg.

( 65 ) Iktar ’il fuq punt 23.

( 66 ) Iktar ’il fuq punt 52.

( 67 ) Ara, inter alia, United Brands, punt 184; sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 1985, CBEM, 311/84, EU:C:1985:394, punt 27; u tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punti 6986.

( 68 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 69 ) Linji gwida dwar il-metodu kif jiġu stabbiliti multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).