KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-22 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )

Kawża C‑163/16

Christian Louboutin,

Christian Louboutin SAS

vs

Van Haren Schoenen BV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Raġunijiet assoluti għal rifjut jew għal invalidità – Raġunijiet applikabbli għas-sinjali li jikkonsistu mill-forma tal‑prodott – Artikolu 3(1)(e)(iii) – Sinjal li jikkonsisti esklużivament mill-forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodott – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘forma’ tal-prodott – Trade mark li tikkonsisti fil-kulur aħmar applikat fil-pett ta’ żarbun bit-takkuna għolja”

Introduzzjoni

1.

Din il-kawża għal deċiżjoni preliminari toffri lill-Qorti tal‑Ġustizzja l‑opportunità li tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni tar‑raġunijiet assoluti għal rifjut jew ta’ invalidità fir-rigward tas-sinjali msejħa “funzjonali”, previsti fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95/KE ( 2 ).

2.

L-applikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet hija limitata għal sinjali li jikkonsistu esklużivament mill-“forma tal-prodott”. Għalhekk dan il-kunċett għandu jiġi spjegat fir-rigward tat-trade mark Benelux li tappartjeni lill-kreatur tal-moda Franċiż Christian Louboutin, li tikkonsisti fil-kulur aħmar fuq il-pett ta’ żarbun bit-takkuna għolja.

3.

It-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni bejn C. Louboutin u Société Christian Louboutin SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Louboutin”) u Van Haren Schoenen BV (iktar ’il quddiem “Van Haren”) fir-rigward tal‑kummerċjalizzazzjoni minn din tal-aħħar ta’ żraben bil-pettijiet ħomor li jippreġudikaw it-trade mark ta’ Louboutin.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/95 intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità” jipprovdi:

“1.   Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità:

[…]

(e)

sinjali li jikkonsistu esklussivament minn:

(i)

l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija stess,

(ii)

l-għamla tal-merkanzija li tkun meħtieġa sabiex jiġi ottenut riżultat tekniku,

(iii)

l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;

[…]”

5.

Id-Direttiva 2008/95 ser tiġi ssostitwita bid‑Direttiva (UE) 2015/2436 ( 3 ), li d-data limitu ta’ traspożizzjoni tagħha hija prevista għall-14 ta’ Jannar 2019. L-Artikolu 4(1)(e)(iii) ta’ din id‑direttiva jirreferi għas-sinjali li jikkonsistu esklużivament fl-“l-għamla, jew karatteristika oħra [tal-prodott] li tagħti valur sostanzjali lill‑prodott” ( 4 ).

Il-Konvenzjoni Benelux

6.

Id-dritt dwar it-trade marks fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa rregolat mill‑Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade marks u Disinni), iffirmata f’Den Haag fil-25 ta’ Frar 2005, mir-Renju tal‑Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Benelux”).

7.

L-Artikolu 2.1 tal-Konvenzjoni Benelux, intitolat “Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark Benelux”, jipprovdi b’mod partikolari li “[…] [m]adankollu, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala trade marks is-sinjali kkostitwiti esklużivament mill-forma li hija imposta min-natura stess tal-prodott, li tagħti valur sostanzjali lill-prodott jew li hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija konvenzjoni għadha ma ġietx emendata sabiex tittrasponi d-Direttiva 2015/2436.

Il-kawża prinċipali

9.

C. Louboutin huwa stilista li joħloq b’mod partikolari żraben bit-takkuna għolja għan-nisa. Dawn iż-żraben għandhom partikolarità li għandhom il-pett estern sistematikament miksi bil-kulur aħmar.

10.

Fit-28 ta’ Diċembru 2009, Louboutin ippreżenta trade mark li fis‑6 ta’ Jannar 2010 tat lok għal reġistrazzjoni, għall-prodotti fil‑klassi 25, jiġifieri “żraben (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi)”, tat-trade mark Benelux Nru 0874489 (iktar ’il quddiem it-“trade mark inkwistjoni”). Fl-10 ta’ April 2013, ir-reġistrazzjoni kienet is-suġġett ta’ adattament, li jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-prodotti previsti għal “żraben bit-takkuna għolja (bl-eċċezzjoni ta’ żraben ortopediċi)”.

11.

Din it-trade mark hija deskritta kif ġej: “fil-kulur aħmar (Pantone 18 1663TP) applikat fuq il-pett ta’ żarbun kif muri (il-forma taż-żarbun ma hijiex parti mit-trade mark iżda għandha l-għan li turi l-post fejn tinsab it-trade mark)”. Din hija murija hawn taħt:

Image

12.

Van Haren jopera negozju bl-imnut ta’ żraben fil‑Pajjiżi l-Baxxi. Matul is-sena 2012, Van Haren biegħ żraben tan-nisa bit-takkuna għolja li l-qiegħ tagħhom kien miksi bil-kulur aħmar.

13.

Louboutin talab lir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) sabiex tikkonstata t-twettiq ta’ vjolazzjoni minn Van Haren, u t-talba tiegħu ntlaqgħet.

14.

Kontra din is-sentenza mogħtija fil-kontumaċja, Van Haren appellat abbażi tal-Artikolu 2.1(2) tal-Konvenzjoni Benelux, billi invokat l-invalidità tat-trade mark inkwistjoni.

15.

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, ir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) ippreċiżat li l-linja ta’ difiża ta’ Van Haren tikkonsisti li jiġi ddikjarat li t-trade mark inkwistjoni hija fir-realtà trade mark bidimensjonali, f’dan il-każ il-kulur aħmar, li, applikat mal-pettijiet taż‑żraben, jikkorrispondi mal-forma tal-imsemmija żraben u jagħtihom valur sostanzjali.

16.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li t-trade mark inkwistjoni ma hijiex sempliċi trade mark bidimensjonali, sa fejn hija indissoċjabbilment marbuta ma’ pett ta’ żarbun. Hija tosserva li, anki jekk jiġi stabbilit li t‑trade mark inkwistjoni tikkorrispondi ma’ element tal-prodott, xorta jibqa’ l-fatt li ma huwiex evidenti li l-kunċett ta’ “forma”, fis-sens tal‑Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, huwa limitat għal karatteristiċi tridimensjonali biss ta’ prodott, bħal kontorni, il-kejl u l‑volum ta’ prodott, bl-esklużjoni tal-kuluri.

17.

F’dan ir-rigward, skont din il-qorti, jekk jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “forma” ma jkoprix il-kuluri ta’ prodott, ir-raġunijiet għal rifjut previsti fl-imsemmi Artikolu 3(1)(e) ikunu inapplikabbli, b’tali mod li persuna tista’ tikseb il-protezzjoni perpetwa għal trade marks li jinkludu kulur li jirriżulta minn funzjonalità tal-prodott, pereżempju ħwejjeġ tas-sigurtà riflessivi jew anki fliexken miksija b’insulazzjoni kundizzjonata.

Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d‑domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ “għamla” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva [2008/95] huwa limitat għall-karatteristiċi tridimensjonali tal‑prodotti, bħall-kontorni, il-kejl u l-volumi tagħhom (espressi tridimensjonalment) jew jinkludi karatteristiċi (mhux tridimensjonali) oħrajn tal-prodotti, bħall-kulur tagħhom?”

19.

Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2016. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Portugiż u mill-Gvern Finlandiż, kif ukoll mill‑Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta, li nżammet fis-6 ta’ April 2017.

Analiżi

Osservazzjonijiet preliminari

20.

Is-sistema ta’ protezzjoni ta’ trade marks tikkostitwixxi, minn naħa, element indispensabbli tas-sistema ta’ kompetizzjoni li d-dritt tal‑Unjoni ried jistabbilixxi u jżomm. Min-naħa l-oħra, it-trade mark irreġistrata tagħti lill-proprjetarju tagħha, għal prodotti jew għal servizzi partikolari, dritt esklużiv li jippermettilu jimmonopolizza s‑sinjal irreġistrat bħala trade mark mingħajr limitazzjoni ratione temporis ( 5 ).

21.

Għalkemm, b’mod ġenerali, dawn iż-żewġ kunsiderazzjonijiet ma humiex kontradittorji, mhux l-istess jgħodd fil-każ ta’ sinjali li joħolqu konfużjoni mal-aspett tal-prodott. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni ta’ tali sinjal bħala trade mark tista’ tirrestrinġi l-possibbiltà li jiġu introdotti prodotti kompetittivi fis-suq ( 6 ).

22.

Din il-premessa hija l-bażi tal-leġiżlazzjoni speċifika, li tinsab fl‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95, applikabbli għas-sinjali li jikkonsistu mill-forma tal-prodott.

23.

Nosserva li dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll, mutatis mutandis, fir-rigward ta’ sinjali oħra li jirrappreżentaw aspett tal-prodott li għalih qed issir applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

24.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-sinjali li jikkonsistu minn kuluri fihom innifishom iqajmu, fil-prinċipju, l-istess oġġezzjonijiet fir‑rigward tar-riskju ta’ monopolizzazzjoni tal-karatteristiċi funzjonali tal-prodott. F’dan ir-rigward, in-neċessità ta’ approċċ speċifiku hija rrikonoxxuta fis‑sentenza Libertel ( 7 ).

25.

Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ sinjali, jiġifieri, minn naħa, dawk li jikkonsistu mill-forma tal-prodott, u min-naħa l-oħra, dawk li jikkonsistu minn kulur fih innifsu, huma suġġetti għal sistemi speċifiċi fis-sistema tad-Direttiva 2008/95, kif interpretata mill-Qorti tal‑Ġustizzja. Ir-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tippreżumi għalhekk il-klassifikazzjoni minn qabel tat-trade mark inkwistjoni fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ kategoriji.

26.

B’mod iktar ġenerali, din il-kawża turi li l-kunsiderazzjonijiet relatati mar-riskju ta’ monopolizzazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat jistgħu japplikaw għal tipi oħra ta’ trade marks – bħal pereżempju, it-trade marks ta’ pożizzjoni ( 8 ) jew ta’ moviment ( 9 ) kif ukoll, potenzjalment, it-trade marks tal-ħsejjes, tal-irwejjaħ jew tat‑togħma – li jistgħu, huma wkoll, joħolqu konfużjoni ma’ aspett tal‑prodott ikkonċernat. Irrispettivament mill-klassifikazzjoni ta’ tali trade marks, huwa importanti li l-interess għaż-żamma ta’ ċerti sinjali fil‑qasam pubbliku jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-eżami tagħhom fid-dawl tar-reġistrazzjoni.

27.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ssegwi diversi interpretazzjonijiet. Minn naħa, l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 jista’ jiġi interpretat b’mod iktar estensiv, kif ser nipproponi iktar tard f’dawn il-konklużjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taċċetta l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess għaż-żamma ta’ ċerti sinjali fil-qasam pubbliku, fil-kuntest tal-eżami tal-karattru distintiv ta’ sinjal fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva, għas-sinjali kollha li joħolqu konfużjoni ma’ aspett tal-prodott ikkonċernat, jew anki għal kategoriji oħra ta’ sinjali li d-disponibbiltà tagħhom hija limitata ( 10 ).

Fuq il-klassifikazzjoni tat-trade mark inkwistjoni

28.

Jiena nikkunsidra li l-punt ta’ tluq sabiex tiġi analizzata t-talba għal deċiżjoni preliminari huwa l-klassifikazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fir-rigward, minn naħa, tal-kategorija ta’ sinjali prevista fl‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 u, min-naħa l-oħra, ta’ dik prevista mis-sentenza Libertel ( 11 ).

29.

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li t-trade mark inkwistjoni, li tikkonsisti mill-kulur aħmar tal-pett ta’ żarbun, toħloq konfużjoni ma’ aspett tal-prodott ikkonċernat, iżda tonqos milli tikklassifika dan l-aspett bħala li jaqa’ taħt il-“forma” tal-prodott.

30.

Il-pożizzjonijiet tal-partijiet fil-kawża prinċipali u ta’ erba’ Stati Membri intervenjenti f’dan il-każ dwar dan l-aspett ma humiex l-istess. Louboutin isostni b’mod partikolari li l-kunċett ta’ sinjal li jikkonsisti “esklużivament” mill-forma ta’ prodott ma jinkludix it-trade marks ta’ pożizzjoni, bħat-trade mark tiegħu bil-pett aħmar, li ma jikkonsistux minn mudell partikolari ta’ prodott, iżda jistgħu jitqiegħdu fuq mudelli differenti tal-prodott. Van Haren isostni, min-naħa l-oħra, li l‑kulur jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti integrali mill-forma tal-prodott, bħal fil-każ tat-trade mark inkwistjoni. Il-Kummissjoni tosserva li ma huwiex eskluż li sinjal li jikkonsisti mill-forma tal-prodott jista’ jkollu wkoll kulur, iżda li, fil-kuntest ikkonċernat, il-kulur fih innifsu huwa pperċepit bħala fattur awtonomu meta mqabbel mal‑prodott, u għalhekk huwa indipendenti mill-forma tal-prodott. Konsegwentement, hija tindika li l-osservazzjonijiet tagħha jirrigwardaw kulur fih innifsu.

31.

F’dan ir-rigward, nosserva li l-klassifikazzjoni tat-trade mark ikkontestata hija evalwazzjoni fattwali li f’dan il-każ għandha ssir mill‑qorti tar-rinviju. Din il-kunsiderazzjoni ma tipprekludix lill-Qorti tal‑Ġustizzja milli tagħti indikazzjonijiet li jistgħu jiggwidaw lil din il‑qorti fl-evalwazzjoni tagħha.

32.

Minkejja li diversi partijiet iddeskrivew it-trade mark inkwistjoni bħala “trade mark ta’ pożizzjoni”, nosserva li d-Direttiva 2008/95 u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jorbtux konsegwenzi legali ma’ tali klassifikazzjoni. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni bħala “trade mark ta’ pożizzjoni” ma tipprekludix fiha nnifisha li l-istess trade mark tiġi kkunsidrata bħala li tikkonsisti mill-forma ta’ prodott, peress li din l‑aħħar kategorija tinkludi wkoll is-sinjali li jirrappreżentaw parti jew element tal-prodott ikkonċernat.

33.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan il-każ jirrigwardax trade mark ta’ kulur fih innifsu jew trade mark li tikkonsisti mill-forma tal-prodott, iżda li tinvoka wkoll il‑protezzjoni għal kulur.

34.

Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, il-qorti tar-rinviju għandha twettaq evalwazzjoni globali, billi tieħu inkunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni grafika u eventwali deskrizzjonijiet magħmula waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, kif ukoll, eventwalment, elementi oħra utli għall-identifikazzjoni ta’ karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata ( 12 ).

35.

Qabelxejn, il-fatt li t-trade mark ikkontestata kienet irreġistrata bħala trade mark figurattiva ma jipprekludix li tiġi kklassifikata bħala “trade mark li tikkonsisti mill-forma tal-prodott” ( 13 ).

36.

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi eżaminat, jekk it-trade mark inkwistjoni tinvokax il-protezzjoni għal kulur partikolari inkwantu tali, mingħajr ebda limitazzjoni ta’ spazju ( 14 ), jew jekk, għall-kuntrarju, din il‑protezzjoni hijiex invokata flimkien ma’ karatteristiċi oħra marbuta mal‑forma tal-prodott.

37.

F’dan ir-rigward, għalkemm l-applikazzjoni tal-kulur tkopri parti ddefinita sew ta’ prodott, ma jidhirlix eskluż li jiġi kkunsidrat li t-trade mark hija limitata fl-ispazju, b’tali mod li l-kulur joħloq konfużjoni ma’ element preċiż tal-prodott.

38.

Il-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark ma jinvokax il-protezzjoni għall‑kontorni ta’ prodott, iżda jżomm il-libertà li jvarja dawn il-kontorni skont il‑mudell, ma huwiex neċessarjament deċiżiv. B’mod partikolari jista’ jkun li l-kontorni ma jikkostitwixxux, fi kwalunkwe każ, karatteristika essenzjali tas-sinjal. Pjuttost għandu jiġi ddeterminat jekk is-sinjal jieħu l-karattru distintiv tiegħu fuq il-kulur invokat fih innifsu jew anki fuq il-pożizzjoni preċiża ta’ dan il-kulur fir-rigward ta’ elementi oħra tal-forma tal-prodott.

39.

Minkejja li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet taqa’ b’mod definittiv f’idejn il-qorti tar-rinviju, nosserva li diversi elementi fattwali li jirriżultaw mid-deċiżjoni tar-rinviju jimmilitaw favur il-konklużjoni li, għall-finijiet tal-analiżi tal-aspetti funzjonali eventwali tagħha, it-trade mark inkwistjoni taqa’ iktar taħt il-kunċett ta’ “trade mark li tikkonsisti mill-forma tal-prodott” u li tinvoka l-protezzjoni għal kulur partikolari fir-rigward ta’ din il-forma.

40.

Fil-fatt, għalkemm it-trade mark ikkontestata hija intiża għall‑protezzjoni ta’ kulur partikolari, din il-protezzjoni ma hijiex invokata fl‑astratt, iżda għall-applikazzjoni ta’ dan il-kulur f’pett ta’ żarbun bit‑takkuna għolja, kif irrappreżentat. Il-forma ta’ żarbun fiha nnifisha ma hijiex prevista mit-trade mark, madankollu, ċerti aspetti ta’ din il-forma, jiġifieri dawk li jippermettulna nkunu nafu jekk huwiex żarbun bit‑takkuna għolja tan-nisa, donnhom jagħmlu parti mit-trade mark. Mir‑rappreżentazzjoni tat-trade mark jirriżulta li l-kulur huwa applikat mal-pett kollu, ikunu xi jkunu l-kontorni preċiżi. Il-kontorni tal-pett jidhru fi kwalunkwe każ li huma element negliġibbli tat-trade mark, li tibbaża l-karattru distintiv tagħha fuq il-pożizzjoni mhux tas-soltu tal‑element ikkulurit, kif ukoll eventwalment, fuq il-kuntrast kromatiku bejn il-partijiet differenti ta’ żarbun.

41.

Sabiex nikkonkludi, nikkunsidra li l-eżami tal-karatteristiċi essenzjali tat-trade mark ikkontestata jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni kemm tal-kulur kif ukoll ta’ aspetti oħra tal-prodott ikkonċernat. Din it‑trade mark għandha għalhekk tiġi assimilata ma’ trade mark li tikkonsisti mill-forma tal-prodott u li tinvoka l-protezzjoni għal kulur fir‑rigward ta’ din il-forma – pjuttost milli ma’ trade mark li tikkonsisti minn kulur fih innifsu.

42.

Madankollu, sabiex tingħata risposta kompleta għad-domanda preliminari, ser neżamina ż-żewġ ipoteżijiet.

Applikabbiltà tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 għat-trade marks li jikkonsisti minn kulur fih innifsu

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-partikolarità tat-trade marks ta’ kulur fil-ġurisprudenza tagħha mogħtija fis-sentenza Libertel ( 15 ).

44.

Skont din il-ġurisprudenza, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari, rigward swieq partikolari ħafna, il-kuluri fihom innifishom ma għandhomx karattru distintiv ab initio, iżda jistgħu eventwalment jiksbuha wara użu fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi invokati ( 16 ).

45.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-analiżi tal-karattru distintiv ta’ sinjal li jikkonsisti minn kulur fih innifsu, għandu jiġi evalwat jekk ir‑reġistrazzjoni tiegħu tmurx kontra l-interess ġenerali li ma tiġix indebitament ristretta d-disponibbiltà ta’ kuluri għall-operaturi l-oħra li joffru prodotti jew servizzi tal-istess tip ( 17 ).

46.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, minn naħa, is-sinjali li jikkonsistu f’kulur fih innifsu ma jaqgħux taħt l-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva 2008/95, u għalhekk jistgħu jiksbu karattru distintiv permezz tal-użu li jsir minnhom, iżda li, min-naħa l-oħra, meta dawn ikunu sinjali li joħolqu konfużjoni mal-aspett tal-prodott, ir-reġistrazzjoni tagħhom għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk li huma l-bażi ta’ dan l-Artikolu 3(1)(e) ( 18 ).

47.

B’hekk, billi stabbilixxiet din il-kundizzjoni għat-trade marks ta’ kulur fih innifsu, is-sentenza Libertel ( 19 ) ħadet inkunsiderazzjoni essenzjalment l-istess għan li huwa l-bażi tal-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva 2008/95.

48.

Xorta jibqa’ l-fatt li għalkemm it-trade mark ikkontestata kellha tiġi kklassifikata bħala “trade mark li tikkonsisti f’kulur fih innifsu”, għandu jiġi kkonstatat li din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95.

Applikabbiltà tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 għas-sinjali li jikkonsistu mill-forma tal-prodott u minn kulur partikolari

49.

Sussegwentement għandu jiġi mistoqsi jekk l-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva 2008/95 japplikax għas-sinjali li jikkonsistu mill-forma ta’ prodott u jinvokaw il-protezzjoni għal kulur fir-rigward ta’ din il-forma.

50.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali huma maqsuma dwar din il‑kwistjoni ( 20 ), bl-istess mod tal-erba’ Stati Membri intervenjenti ( 21 ). Il-Kummissjoni donnha titlaq mill-premessa li, f’dan il-każ, il-kulur għandu jitqies bħala aspett awtonomu meta mqabbel mal-forma tal‑prodott.

51.

Il-qorti tar-rinviju tindika li r-risposta ma tistax tirriżulta mill‑formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li l-esklużjoni ta’ sinjali tridimensjonali ta’ kulur mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha tmur kontra l-għan li huwa l-bażi tagħha, għaliex ċerti sinjali jistgħu jinkludu karatteristiċi funzjonali marbuta kemm mal-għamla kif ukoll mal-kulur, bħal sinjal li jirrappreżenta sidrija ta’ sigurtà, estintur tan-nar jew prodott termoriflessiv. Għalhekk hija tistaqsi jekk, waqt li tanalizza dan it-tip ta’ sinjali mill-perspettiva tal-projbizzjoni ta’ sinjali funzjonali, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kulur.

52.

Nosserva li r-risposta li tingħata għal din id-domanda għandha tieħu inkunsiderazzjoni s-sistema u l-istruttura tal‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95.

53.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan li għandu jintlaħaq minn din id‑dispożizzjoni jikkonsisti li jiġi evitat li l-protezzjoni tad-dritt tat-trade marks twassal sabiex lill-proprjetarju tagħha jingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi funzjonali ta’ prodott, li jistgħu jkunu mfittxija mill-utent fil-prodotti tal-kompetituri ( 22 ). Din id-dispożizzjoni tippermetti li jinżammu pubbliċi l-karatteristiċi essenzjali tal‑prodott ikkonċernat li huma riflessi fil-forma tiegħu.

54.

Nikkunsidra li l-preżenza ta’ kulur applikat fuq parti mill‑wiċċ tal-prodott tista’ titqies bħala karatteristika riflessa fil-forma tal-prodott. Barra minn hekk, hekk kif juru l-eżempji ċċitati mill-qorti tar-rinviju, il-kulur jista’ jikkostitwixxi karatteristika funzjonali essenzjali tal‑prodott partikolari, b’mod li l-monopolizzazzjoni tal-kulur, fir‑rigward ta’ parti tal-forma tal-prodott, tipprekludi lill-kompetituri milli joffru liberament prodotti li jinkludu l-istess funzjonalità.

55.

Għalhekk, għalkemm is-sinjali li jikkonsistu kemm mill-forma kif ukoll mill‑kulur tal-prodott ma setgħux jiġu eżaminati mill-perspettiva tal-funzjonalità tagħhom, l-interess ġenerali li huwa l-bażi tal-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva 2008/95 ma jistax jiġi żgurat b’mod sħiħ.

56.

Fil-fatt, is-sentenza Libertel ( 23 ) tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-interess ġenerali unikament fir-rigward tas-sinjali li jikkonsistu minn kulur fih innifsu ( 24 ), u mhux fir-rigward tas-sinjali li jgħaqqdu l-kulur mal-aspetti tal-forma.

57.

Fil-kuntest tat-trade marks ta’ kulur biss, ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, il-kulur jikkostitwixxi aspett indipendenti mill-forma tal-prodott. Mhux l-istess japplika fil-każ ta’ sinjali li fihom il-kulur jiġi applikat fuq parti preċiża tal-prodott. Fil‑kuntest tal-analiżi ta’ tali sinjali, il-funzjonalità tal-kulur tista’ tirriżulta mill-pożizzjoni tiegħu fil-prodott, b’tali mod li ż-żewġ aspetti – il-forma u l-kulur – għandhom jiġu eżaminati flimkien.

58.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, is-sinjali li fihom il-kuluri jingħaqdu fil-forma tal-prodott għandhom ikunu suġġetti għall-analiżi ta’ funzjonalità skont l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95.

59.

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni taqa’ fil-linja tal-prinċipju li l-evalwazzjoni ta’ sinjal għandha tkun ibbażata fuq impressjoni sħiħa, peress li trade mark għandha tinftiehem bħala ħaġa waħda. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, applikazzjoni korretta tal-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva 2008/95 timplika li l-karatteristiċi essenzjali kollha tas-sinjal ikkonċernat għandhom jiġu debitament identifikati, filwaqt li tibbaża ruħha direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija minn dan is‑sinjal ( 25 ).

60.

F’dan ir-rigward għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-raġunijiet għal rifjut previsti fl‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 ma jipprekludux ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal li, minkejja li jikkonsisti minn forma ta’ prodott, jinkludi element mhux funzjonali importanti ieħor ( 26 ). Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, il‑kwistjoni dwar jekk, fi trade mark ta’ forma u ta’ kulur, il-kulur jikkostitwixxix element funzjonali għandha tiġi eżaminata fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tas-sinjal, mill-perspettiva tal‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95. Barra minn hekk, minn din il‑ġurisprudenza jirriżulta a contrario li d-dispożizzjoni kkonċernata tapplika għal forma ta’ prodott li tinkorpora element ieħor meta dan l‑element huwa funzjonali.

61.

Fl-aħħar nett, b’mod kuntestwali, dan l-approċċ jidhirli li huwa kkorroborat mill-kundizzjonijiet tal-adozzjoni tad-Direttiva 2015/2436, li l-Artikolu 4(1)(e) tagħha jirriferi għal “l-għamla, jew karatteristika oħra, ta’ oġġetti”.

62.

Dan ir-riferiment għal “karatteristika oħra, ta’ oġġetti” jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-Direttiva 2015/2436, billi taċċetta r-rappreżentazzjoni ta’ trade mark fi kwalunkwe forma xierqa bl‑użu ta’ teknoloġija ġeneralment disponibbli ( 27 ), tiftaħ it-triq għar-reġistrazzjoni ta’ tipi ta’ trade marks ġodda li jistgħu wkoll iqajmu mistoqsijiet dwar in-natura funzjonali tagħhom, bħat-trade marks tal‑ħsejjes, u potenzjalment, tal-irwejjaħ jew tat-togħma.

63.

Madankollu, għal dak li jirrigwarda s-sinjali li jikkonsistu mill‑forma u mill-kulur tal-prodott, li jistgħu jiġu rreġistrati kemm taħt is-sistema l-antika kif ukoll dik ġdida, iż-żieda tar-riferiment għal “karatteristika oħra, ta’ oġġetti” tista’ tingħata żewġ interpretazzjonijiet: din iż-żieda tista’ tinftiehem li temenda s-sistema legali applikabbli għal dawn is-sinjali jew bħala sempliċi kjarifika.

64.

Jekk tali sinjali għandhom ikunu kkunsidrati bħala li ma humiex koperti mill-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95, iżda bħala li huma koperti mid-dispożizzjonijiet analogi tad-Direttiva 2015/2436 il-ġdida, tali interpretazzjoni teħtieġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji, għall‑protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-proprjetarji ta’ trade marks irreġistrati taħt il-leġiżlazzjoni attwali ( 28 ). Issa, il-fatt li l-leġiżlatur ma kkunsidrax neċessarju li jipprevedi tali dispożizzjonijiet tranżitorji jista’ jindika li huwa jikkunsidra li s-sistema legali għal dawn is-sinjali hija l-istess fil-kuntest taż-żewġ direttivi suċċessivi.

65.

Fir-rigward ta’ dawn l-osservazzjonijiet kollha, għalhekk nikkunsidra li l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95 japplika potenzjalment għas‑sinjali li jikkonsistu mill-forma tal-prodott li jinvokaw il-protezzjoni għal kulur partikolari.

66.

Jekk il-qorti tar-rinviju tikkunsidra – kif issuġġerixxejt f’dawn il-konklużjonijiet ( 29 ) - li t-trade mark inkwistjoni għandha tiġi assimilata ma’ tali sinjali, li jgħaqqdu l-kulur u l-forma, din it-trade mark tista’ tiġi affettwata mill‑projbizzjoni prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95.

Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija”

67.

Sussidjarjament – għaliex dan l-aspett ma huwiex espliċitament previst mit-talba għal deċiżjoni preliminari –, infakkar ir-rekwiżiti ta’ applikazzjoni tar-raġuni assoluta prevista fl-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95, li tirrigwarda “għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija”.

68.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà spjegat li din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata għall-forma ta’ prodott li għandu esklużivament valur artistiku jew ornamentali, iżda tapplika wkoll għas-sinjali li jirrigwardaw prodotti li, minbarra l-funzjoni estetika tagħhom, jiżguraw ukoll funzjonijiet essenzjali oħra ( 30 ).

69.

L-applikazzjoni tar-raġuni kkonċernata hija bbażata fuq analiżi oġġettiva, intiża sabiex turi li l-karatteristiċi estetiċi tal-forma inkwistjoni jeżerċitaw fuq l-element attraenti tal-prodott influwenza tant importanti li l-fatt li l‑benefiċċju tagħha jkun irriżervat għal impriża waħda joħloq distorsjoni fil‑kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. Il-mod li bih il‑konsumatur jipperċepixxi l-forma inkwistjoni ma huwiex kriterju deċiżiv ta’ din l-analiżi, li potenzjalment tinkludi sensiela ta’ elementi fattwali ( 31 ).

70.

Barra minn hekk, din l-analiżi tirrigwarda esklużivament il-valur intrinsiku tal-forma u ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-element ta’ attrazzjoni eżerċitat mill-prodott li jirriżulta mir-reputazzjoni ta’ din it‑trade mark jew tal-proprjetarju tagħha ( 32 ).

71.

Għandu jitfakkar li d-dispożizzjoni kkonċernata hija intiża sabiex teskludi l-għoti ta’ monopolju fuq il-karatteristiċi esterni tal-prodott li huma essenzjali għas-suċċess tiegħu fis-suq u, għalhekk, li jiġi evitat li l‑protezzjoni tat-trade mark tintuża sabiex jinkiseb vantaġġ żleali, jiġifieri vantaġġ li ma jirriżultax minn kompetizzjoni bbażata fuq il-prezz u fuq il-kwalità ( 33 ).

72.

Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex iġġustifikata meta l-imsemmi vantaġġ ma jirriżultax minn karatteristiċi intrinsiċi tal-forma, iżda mir-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha. Fil-fatt, il-possibbiltà li tinkiseb tali reputazzjoni tikkostitwixxi aspett importanti tal-kompetizzjoni li s‑sistema ta’ trade marks tikkontribwixxi li jinżamm.

Konklużjoni

73.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mir-Rechtbank Den Haag (qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi):

L-Artikolu 3(1)(e)(iii) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jiġi applikat għal sinjal li jikkonsisti mill-forma tal‑prodott u li jinvoka l-protezzjoni għal kulur partikolari. Il-kunċett ta’ forma li “tagħti valur sostanzjali” lill-prodott, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirrigwarda esklużivament il-valur intrinsiku tal-forma u ma jippermettix li tittieħed inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark jew tal-proprjetarju tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1).

( 4 ) Dispożizzjoni identika tinsab fl-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009 L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21).

( 5 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 4849).

( 6 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:322, punti 31 sa 33).

( 7 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 60 sa 65).

( 8 ) L-eżempju klassiku huwa ħjata dekorattiva fuq il-but ta’ wara ta’ jeans. Ara d‑dokument SCT 16/2 tas-16 Sezzjoni tal-Kumitat Permanenti tad-drittijiet tat-trade marks, ta’ disinni u mudelli industrijali u ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, dwar it-tipi ta’ trade marks ġodda (aċċessibbli fuq l-indirizz internet http://www.wipo.int/policy/fr/sct/).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), tat‑23 ta’ Settembru 2003 (R 772/2001‑1), dwar ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal‑Unjoni Ewropea kkostitwita mill-moviment tal-bibien ta’ karozza.

( 10 ) Ara l-proposta ta’ tali approċċ fit-duttrina Kur, A., Senftleben, M., European Trade Mark Law, Oxford 2017, p. 115, u Tischner, A., Kumulatywna ochrona wzornictwa przemysłowego w prawie własności intelektualnej (Il-kumulu tal-protezzjoni ta’ disinni fid-dritt tal-proprjetà intellettwali), Varsavja, 2015, p. 346.

( 11 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2014, Pi-Design et vs Yoshida Metal Industry (C‑337/12 P sa C‑340/12 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:129, punt 54) u tal-10 ta’ Novembru 2016, Simba Toys vs UASI (C‑30/15 P, EU:C:2016:849, punt 49).

( 13 ) Dan il-kunċett jinkludi s-sinjali li jikkonsistu mill-forom tri- jew bidimensjonali, kif ukoll mis-sinjali figurattivi li jirrappreżentaw il-forma tal-prodott; ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, EU:C:2002:377, punt 76).

( 14 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C-104/01, EU:C:2003:244, punt 68).

( 15 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244).

( 16 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 6667); tal-24 ta’ Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie (C‑49/02, EU:C:2004:384, punt 39), u tal-21 ta’ Ottubru 2004, KWS Saat vs UASI (C‑447/02 P, EU:C:2004:649, punt 79).

( 17 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 55).

( 18 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244, punti 5354).

( 19 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, (C‑104/01, EU:C:2003:244).

( 20 ) Louboutin isostni li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tapplikax għat-trade marks ta’ pożizzjoni. Van Haren jindika li din tapplika, fir-rigward ta’ trade mark li tikkonsisti kemm mill-kulur kif ukoll mill-forma.

( 21 ) Il-Gvern Ġermaniż u dak Finlandiż jikkunsidraw li sinjal li jinvoka l-protezzjoni għal kulur jew għal pożizzjoni spazjali ta’ kulur ma jistax ikun ikkunsidrat bħala li jikkonsisti “esklussivament” mill-forma kif jeħtieġ l-Artikolu 3(1)(e) tad‑Direttiva 2008/95, għaliex dan is-sinjal ma jikkonsistix minn karatteristiċi tridimensjonali tal-forma. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ungeriż u l-Gvern Portugiż jikkunsidraw li t-trade mark inkwistjoni hija qrib trade mark tridimensjonali li tinkludi kulur, u li dan it-tip ta’ trade mark għandu jkun suġġett għall‑Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2008/95.

( 22 ) Sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233, punti 1820).

( 23 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel (C‑104/01, EU:C:2003:244).

( 24 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 68 sa 70), u tat-18 ta’ Settembru 2014, u Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233, punt 21).

( 26 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Lego Juris vs UASI (C‑48/09 P, EU:C:2010:516, punti 5272, kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara l-Artikolu 3 u l-premessa 13 tad-Direttiva 2015/2436.

( 28 ) Il‑problema marbuta ma’ din l-assenza tad-dispożizzjonijiet tranżitorji ġiet osservata mid-duttrina, bl-osservazzjoni li l-annullament ta’ trade mark minħabba bidla leġiżlattiva jista’ jkun ekwivalenti għal esproprijazzjoni. Ara Kur, A., Senftleben, M., European Trade Mark Law, Oxford 2017, p. 161.

( 29 ) Ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 30 ) Sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233, punti 3132).

( 31 ) B’mod partikolari in-natura tal-kategorija kkonċernata tal-prodotti, il-valur artistiku tal‑forma inkwistjoni, il‑partikolarità ta’ din il-forma meta mqabbla ma’ forom oħra ġeneralment ippreżentati fis-suq ikkonċernat, id-differenza notevoli tal-prezz meta mqabbel ma’ prodotti mmanifatturati kompetituri mal-karatteristiċi simili, jew l‑implementazzjoni ta’ strateġija promozzjonali mill-produttur li tenfasizza prinċipalment il-karatteristiċi estetiċi tal‑prodott inkwistjoni. Ara s-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2014, Hauck (C‑205/13, EU:C:2014:2233, punti 3435).

( 32 ) Ara Botis, D., Maniatis, S., von Mühlendahl, A., Wiseman, I., Trade Mark Law in Europe (3e éd.), Oxford, Oxford University Press 2016, p. 239. Ara wkoll, f’dan il-kuntest, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Benetton Group (C‑371/06, EU:C:2007:542, punti 25 sa 27).

( 33 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hauck (C-205/13, EU:C:2014:322, punti 7980).